RAPPORT dwar il-kisba ta' eredità politika effettiva għas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali

4.11.2020 - (2019/2194(INI))

Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni
Rapporteur: Dace Melbārde


Proċedura : 2019/2194(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A9-0210/2020
Testi mressqa :
A9-0210/2020
Votazzjonijiet :
Testi adottati :


PR_INI

WERREJ

Paġna

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

NOTA SPJEGATTIVA

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kisba ta' eredità politika effettiva għas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali

(2019/2194(INI))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Preambolu tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), li jiddikjara li l-firmatarji jieħdu ispirazzjoni "mill-wirt kulturali, religjuż u umanista tal-Ewropa" u għandhom ix-xewqa "li jsaħħu s-solidarjetà bejn il-popli tagħhom filwaqt li jirrispettaw l-istorja, il-kultura u t-tradizzjonijiet tagħhom", kif ukoll l-Artikolu 3(3) tat-TUE[1],

 wara li kkunsidra l-Artikolu 167 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE)[2],

 wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 22 tagħha,[3]

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali, adottata mill-Konferenza Ġenerali tal-UNESCO fit-33 sessjoni tagħha fl-20 ta' Ottubru 2005[4],

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Patrimonju Dinji Kulturali u Naturali, adottata mill-Konferenza Ġenerali tal-UNESCO fis-17-il sessjoni tagħha fis-16 ta' Novembru 1972 (il-Konvenzjoni dwar il-Patrimonju Dinji)[5],

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Ħarsien tal-Patrimonju Kulturali Intanġibbli, adottata mill-Konferenza Ġenerali tal-UNESCO fit-32 sessjoni tagħha fis-17 ta' Ottubru 2003[6],

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Wirt Kulturali ta' Taħt l-Ilma, adottata mill-Konferenza Ġenerali tal-UNESCO fil-31 sessjoni tagħha fit-2 ta' Novembru 2001[7],

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' The Hague tal-1954 għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Kulturali fil-Każ ta' Kunflitt Armat[8],

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Mezzi ta' Projbizzjoni u ta' Prevenzjoni tal-Importazzjoni, tal-Esportazzjoni u tat-Trasferiment Illeċiti tas-Sjieda tal-Proprjetà Kulturali, adottata mill-Assemblea Ġenerali tal-UNESCO fis-16-il sessjoni tagħha tal-14 ta' Novembru 1970[9],

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Pjan ta' Ħidma għall-Kultura 2019-2022[10],

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tat-22 ta' Mejju 2018 tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar "Aġenda Ġdida Ewropea għall-Kultura" (COM(2018)0267)[11],

 wara li kkunsidra r-rapport tat-28 ta' Ottubru 2019 tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-implimentazzjoni, ir-riżultati u l-valutazzjoni ġenerali tas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali 2018 (COM(2019)0548)[12],

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019)0640)[13],

 wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/60/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar ir-ritorn ta' oġġetti kulturali mneħħija illegalment mit-territorju ta' Stat Membru u li temenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012[14],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Settembru 2015 bit-titolu "Lejn approċċ integrat għall-wirt kulturali għall-Ewropa"[15],

 wara li kkunsidra r-rapport tiegħu tat-23 ta' Novembru 2018 dwar Aġenda Ġdida Ewropea għall-Kultura,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Settembru 2019 dwar l-importanza tat-tifkira tal-istorja Ewropea għall-ġejjieni tal-Ewropa[16],

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2014 dwar il-governanza partiċipatorja tal-patrimonju kulturali[17],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2000 dwar il-konservazzjoni u t-titjib tal-patrimonju ċinematografiku Ewropew[18],

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2014 dwar il-wirt kulturali bħala riżorsa strateġika għal Ewropa sostenibbli[19],

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2018 dwar il-ħtieġa li l-wirt kulturali jitpoġġa fuq quddiem fil-politiki kollha tal-UE[20],

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Valur tal-Wirt Kulturali għas-Soċjetà (il-Konvenzjoni ta' Faro) tat-13 ta' Ottubru 2005[21],

 wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-5 ta' Diċembru 2018 dwar il-Qafas Ewropew għall-Azzjoni dwar il-Wirt Kulturali (SWD(2018)0491)[22],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tat-22 ta' Novembru 2019 tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill dwar id-dimensjoni kulturali tal-iżvilupp sostenibbli (13956/19)[23],

 wara li kkunsidra l-Istħarriġ tal-Ewrobarometru dwar il-Wirt Kulturali (Ewrobarometru Speċjali 466)[24],

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Lulju 2014 bit-titolu "Lejn approċċ integrat għall-Ewropa lejn il-wirt kulturali" (COM(2014)0477)[25],

 wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni ta' Novembru 2014 dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Approċċ integrat għall-wirt kulturali tal-Ewropa" (2015/C 195/04)[26],

 wara li kkunsidra d-Deċiżjoni (UE) 2017/864 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta Mejju 2017 dwar Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali (2018)[27],

 wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Ottubru 2011 dwar id-diġitizzazzjoni u l-aċċessibbiltà fuq l-internet ta' materjal kulturali u l-konservazzjoni diġitali (2011/711/UE)[28],

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' kooperazzjoni għall-avvanz tad-diġitalizzazzjoni tal-wirt kulturali tad-9 ta' April 2019[29],

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2020 – Unjoni li tirsisti għal aktar (COM(2020)0037)[30],

 wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-kontribut taż-żoni rurali tal-Ewropa għas-Sena tal-Wirt Kulturali 2018 sabiex jiġu żgurati s-sostenibbiltà u l-koeżjoni rurali/urbana (NAT/738-EESC-2018-01641)[31],

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Davos 2018 dwar il-promozzjoni ta' Baukultur ta' kwalità għolja fl-Ewropa[32],

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Leeuwarden tat-23 ta' Novembru 2018 dwar l-Użu mill-ġdid Adattiv tal-Wirt Mibni[33],

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni adottata fil-laqgħa informali tal-ministri tal-Istati Membri responsabbli għall-affarijiet kulturali u Ewropej tat-3 ta' Mejju 2019 wara n-nirien fil-Katidral ta' Notre Dame f'Pariġi[34],

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Kulturali Ewropea tal-Kunsill tal-Ewropa tad-19 ta' Diċembru 1954[35],

 wara li kkunsidra s-Sejħa għal Azzjoni ta' Berlin ta' Europa Nostra ("Cultural Heritage for the Future of Europe" [Wirt Kulturali għall-Futur tal-Ewropa]) tat-22 ta' Ġunju 2018[36], u l-Manifest ta' Pariġi tagħha ("Relançons l'Europe par la culture et le patrimoine culturel!" [Ir-rilanċ tal-Ewropa bis-saħħa tal-kultura u l-wirt kulturali"]) tat-30 ta' Ottubru 2019[37],

 wara li kkunsidra l-istudju tal-2015 bit-titolu "Cultural Heritage Counts for Europe" (Il-Wirt Kulturali Jgħodd għall-Ewropa)[38],

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Barċellona dwar it-Turiżmu u l-Wirt Kulturali ("Better Places to Live, Better Places to Visit" [Postijiet Aħjar Fejn Tgħix, Postijiet Aħjar Biex Iżżur]) tal-11 ta' Ottubru 2018[39],

 wara li kkunsidra l-istudju tal-2018 bit-titolu "Safeguarding cultural heritage from natural and man-made disasters" (Inħarsu l-wirt kulturali minn diżastri naturali u kkawżati mill-bniedem)[40],

 wara li kkunsidra d-dokument tal-2019 tal-Kunsill Internazzjonali dwar il-Monumenti u s-Siti (ICOMOS) bit-titolu "European quality principles for EU-funded interventions with potential impact upon cultural heritage" (Il-prinċipji ta' kwalità Ewropej għal interventi ffinanzjati mill-UE b'impatt potenzjali fuq il-wirt kulturali)[41],

 wara li kkunsidra l-Karta Internazzjonali għall-Konservazzjoni u r-Restawr tal-Monumenti u s-Siti (il-Karta ta' Venezja tal-1964)[42],

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Granada tal-1985 għall-Protezzjoni tal-Wirt Arkitettoniku tal-Ewropa[43],

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-1992 tal-Belt Valletta dwar il-Protezzjoni tal-Wirt Arkeoloġiku tal-Ewropa[44],

 wara li kkunsidra l-Premjijiet Ewropej għall-Wirt Kulturali / Il-Premjijiet Europa Nostra,

 wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU, b'mod speċjali l-għanijiet 4, 11 u 13,

 wara li kkunsidra r-raggruppament tat-Tieni Pilastru ta' Orizzont Ewropa "Kultura, kreattività u soċjetà inklużiva"[45],

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1295/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Kreattiva (2014 sa 2020) u li jirrevoka d-Deċiżjonijiet Nru 1718/2006/KE, Nru 1855/2006/KE u Nru 1041/2009/KE[46],

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006[47],

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006[48],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Settembru 2018 dwar l-ugwaljanza tal-lingwi fl-era diġitali[49],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Novemrbu 2018 dwar standards minimi għall-minoranzi fl-UE[50],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Settembru 2013 dwar il-lingwi Ewropej fil-periklu ta' estinzjoni u d-diversità lingwistika fl-Unjoni Ewropea[51],

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE[52],

 wara li kkunsidra l-impenji li ħadet il-Kummissarju nnominat ta' dak iż-żmien għall-innovazzjoni, ir-riċerka, l-edukazzjoni, il-kultura u ż-żgħażagħ fis-smigħ tagħha tat-30 ta' Settembru 2019 quddiem il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A9-0210/2020),

A. billi l-wirt kulturali tanġibbli, intanġibbli, naturali u diġitali tal-Ewropa huwa sors ta' ġid li ntiret mill-passat, li jagħti xhieda tal-istorja, il-kultura u t-tradizzjonijiet Ewropej fid-diversità kollha tagħhom u li għandu jissaħħaħ b'mod kostanti matul iż-żmien, li jrid jiġi ppreservat sabiex jiġi trażmess lill-ġenerazzjonijiet futuri;

B. billi l-wirt kulturali Ewropew huwa sors għat-tifkira, il-memorija kollettiva u l-għarfien li jsaħħaħ is-sens komuni ta' appartenenza tagħna;

C. billi l-kultura u l-wirt kulturali jgħinu biex isaħħu l-identità tal-individwi u jippromwovu l-koeżjoni soċjali, l-istabbiltà u l-fehim fis-soċjetà;

D. billi l-wirt kulturali huwa valur fih innifsu, huwa diversifikat, u għandu diversi saffi (lokali, reġjonali, nazzjonali, Ewropew u globali) u forom (tanġibbli, intanġibbli, naturali, diġitali u diġitalizzati) li huma interkonnessi;

E. billi l-wirt kulturali jipprovdi kontribut kbir għas-setturi kulturali u kreattivi fl-Ewropa u lil hinn minnha;

F. billi 'l fuq minn 300 000 ruħ fl-Ewropa huma impjegati fis-settur tal-wirt kulturali, filwaqt li 7.8 miljun impjieg fl-Ewropa huma marbuta b'mod indirett mas-settur;

G. billi matul is-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali (EYCH) fl-2018 ġew organizzati aktar minn 23 000 avveniment, u dawn laħqu aktar minn 12.8-il miljun persuna (2.5 % tal-popolazzjoni tal-EU-28)[53] fl-Istati Membri[54];

H. billi l-viżjoni strateġika tal-EYCH, artikolata fil-motto tagħha "Wirtna: fejn il-passat jiltaqa' mal-futur", tibqa' valida bħala prinċipju ta' gwida għall-eredità tagħha bil-għan li jiġu żviluppati rabtiet bejn il-wirt kulturali Ewropew u l-produzzjoni kulturali preżenti, kif ukoll li titrawwem il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini Ewropej;

I. billi l-attivitajiet tal-EYCH kienu ffokati fuq il-ġenerazzjoni żagħżugħa u fuq proġetti interattivi u kreattivi;

J. billi l-EYCH 2018 saret f'sena b'anniversarji storiċi importanti; billi matul dik is-sena saru ħafna ċelebrazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali u avvenimenti kommemorattivi, u dawn ħallew impronta sinifikanti fuq il-mappa kulturali Ewropea;

K. billi waħda mill-kisbiet tal-EYCH kienet l-istabbiliment ta' network ta' partijiet ikkonċernati Ewropej b'rabtiet dejjiema; billi dan in-network għandu jkun sostenibbli u durabbli;

L.  billi l-organizzazzjonijiet nongovernattivi (NGOs) lokali u pan-Ewropej u s-soċjetà ċivili organizzata kkontribwew ħafna għas-suċċess tal-EYCH;

M. billi, skont l-istħarriġ tal-Ewrobarometru dwar il-wirt kulturali, 84 % tar-rispondenti fl-Istati Membri huma tal-fehma li l-wirt kulturali huwa importanti għalihom personalment u għall-komunità lokali tagħhom, filwaqt li tmienja minn kull għaxra (80 %) jaħsbu li huwa importanti għall-Unjoni Ewropea kollha kemm hi;

N billi kważi terz tas-siti fuq il-lista tal-Patrimonju Dinji tal-UNESCO jinsabu fl-EU-27, inklużi 326 sit kulturali, 26 sit naturali u ħames siti mħallta; billi l-Ewropa kollha hija responsabbli għal kważi nofs il-lista tal-Patrimonju Dinji tal-UNESCO;

O. billi l-Lista Rappreżentattiva tal-Wirt Kulturali Intanġibbli tal-Umanità tal-UNESCO tinkludi mill-inqas 131 iskrizzjoni li huma attribwiti lill-pajjiżi tal-EU-27;

P. billi l-Ewropa u l-Amerika ta' Fuq jirrappreżentaw 52 % tal-iskrizzjonijiet fir-Reġistru Internazzjonali tal-Memorja tad-Dinja tal-UNESCO;

Q. billi s'issa 48 sit Ewropew ingħataw iċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew;

R. billi kważi disgħa minn kull għaxar Ewropej mistħarrġa (88 %) jemmnu li l-wirt kulturali tal-Ewropa għandu jiġi mgħallem fl-iskejjel[55];

S. billi l-EYCH 2018 uriet li l-wirt kulturali jista' jipprovdi bażi għal proġetti internazzjonali li jinvolvu liċ-ċittadini tal-kategoriji tal-età kollha u jippermettilhom jaħdmu flimkien ma' esperti; billi dawn il-proġetti wrew li huma għodda tajba biex titqajjem kuxjenza dwar l-istorja kulturali komuni Ewropea;

T. billi ż-żieda fid-diġitalizzazzjoni toħloq possibbiltajiet u sfidi ġodda għas-setturi kulturali u kreattivi tal-Ewropa;

U. billi l-Pjan ta' Ħidma għall-Kultura 2019-2022 adottat mill-Kunsill fil-21 ta' Diċembru 2018 jinkludi s-sostenibbiltà fil-wirt kulturali bħala l-ewwel waħda mill-ħames prijoritajiet għall-kooperazzjoni Ewropea fit-tfassil tal-politika kulturali;

V. billi t-tifqigħa tal-COVID-19 sfrattat il-parti l-kbira tal--avvenimenti kulturali u fixklet b'mod serju l-kapaċità tan-nies li jżuru, igawdu u jistudjaw parti kbira mill-wirt kulturali Ewropew, bil-mezzi diġitali ta' spiss ikunu l-uniku mod possibbli biex jiksbu aċċess għalih; billi r-restrizzjonijiet fuq laqgħat u avvenimenti pubbliċi jew il-projbizzjoni tagħhom, l-għeluq ta' mużewijiet u r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar kellhom konsegwenzi dannużi ħafna għall-artisti u l-operaturi kulturali;

W. billi fin-negozjati li għaddejjin bħalissa dwar il-QFP 2021-2027 hemm opportunità biex jiġu stabbiliti termini ġodda u favorevoli għall-investiment fil-wirt kulturali mill-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej;

Rikonoxximent tal-valur tal-wirt kulturali

1. Iqis li l-wirt kulturali huwa riżorsa imprezzabbli, jippermettilna nirriflettu fuq l-istorja u ninvolvu ruħna magħha b'mod kritiku, jgħinna nidentifikaw mhux biss memorji differenti, iżda anke l-elementi komuni li jorbtuna lkoll, u b'hekk jippromwovi d-diversità, id-djalogu, il-koeżjoni, is-solidarjetà u l-fehim reċiproku kif ukoll itejjeb l-għarfien dwar il-beni tanġibbli, intanġibbli, naturali u diġitali tagħna;

2. Jirrikonoxxi r-rwol tal-wirt kulturali fil-promozzjoni tal-kreattività, l-innovazzjoni u s-sostenibbiltà u biex jiġu żviluppati l-kapaċitajiet intellettwali; iqis li l-wirt kulturali jista' jkun ukoll sors ta' ispirazzjoni u ta' tgawdija u jista' jikkontribwixxi għal attivitajiet ta' rikreazzjoni;

3. Jisħaq li l-lingwi jippermettu u jippromwovu r-rikkezza u d-diversità tal-wirt kulturali Ewropew, peress li l-lingwi materni huma mezzi li jittrażmettu valuri u għarfien li ta' spiss jintużaw biex jittrażmettu l-wirt kulturali intanġibbli; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu azzjoni akbar biex jipproteġu, jiżviluppaw, u jippromwovu d-diversità lingwistika fl-era diġitali, anke billi jallokaw baġit suffiċjenti għal politiki li jittrattaw lingwi kklassifikati bħala mhedda u jiżviluppaw kuxjenza fost iċ-ċittadini tal-UE dwar ir-rikkezza lingwistika u kulturali li jirrappreżentaw il-komunitajiet ikkonċernati;

4. Ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri dwar il-ħtieġa li jinkludu bis-sħiħ il-wirt kulturali tal-minoranzi preżenti fl-Ewropa fi kwalunkwe riflessjoni dwar il-wirt Ewropew, billi jimpenjaw ruħhom li jirrikonoxxu u jippromwovu l-kontribut tagħhom għall-ġid kulturali, lingwistiku u artistiku u d-diversità tal-Unjoni u jagħmlu ħilithom biex jistabbilixxu u jimplimentaw miżuri miftiehma u kkoordinati għall-ġestjoni u l-promozzjoni sostenibbli ta' dawn il-kulturi;

5. Jenfasizza r-rwol tal-avvenimenti kulturali Ewropej u pan-Ewropej u tal-festivals kulturali tradizzjonali biex titqajjem kuxjenza dwar ir-rikkezza u d-diversità kulturali tal-Ewropa; iħeġġeġ lill-Istati Membri jippromwovu u jappoġġjaw tali attivitajiet u jipproteġu t-tradizzjonijiet tagħhom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkunsidra li tiffinanzja tali inizjattivi;

Edukazzjoni u ħiliet

6. Jisħaq fuq l-importanza tat-tipi kollha ta' edukazzjoni – formali, mhux formali u informali – relatati mal-wirt kulturali u l-istudji umanistiċi, inklużi l-istorja u l-filosofija, fl-etajiet kollha; jemmen li għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-istudenti b'diżabilità u lil dawk li ġejjin minn ambjenti żvantaġġati; itenni l-importanza li jiġu inklużi forom artistiċi varji bħall-mużika, il-films, it-teatru, il-letteratura, id-disinn u l-arkitettura fil-kurrikuli tal-iskejjel jew f'attivitajiet ta' appoġġ fil-kurrikulu; jemmen li diversi materjali eżistenti prodotti fl-okkażjoni tal-EYCH, bħas-sett rilevanti tal-eTwinning, għandhom jiġu promossi b'mod aktar attiv; jistieden lill-Kummissjoni tintegra b'mod aktar komprensiv il-wirt kulturali fl-istrateġija tagħha għal Żona Ewropea tal-Edukazzjoni, sabiex tgħin lill-istudenti jiżviluppaw sens qawwi ta' ċittadinanza Ewropea;

7. Iqis, f'dan ir-rigward, li Dar l-Istorja Ewropea trid tingħata finanzjament adegwat sabiex tkun tista' ssir hub ta' għarfien u kollaborazzjoni għar-riċerkaturi żgħażagħ, l-għalliema u l-istudenti minn madwar l-UE u tista' sservi wkoll bħala strument għall-promozzjoni tal-wirt kulturali Ewropew; iqis li huwa meħtieġ li jiġu żviluppati modi addizzjonali biex jiġi promoss l-aċċess għad-Dar, fost l-oħrajn permezz ta' żjarat diġitali sabiex tkun tista' taqdi bis-sħiħ ir-rwol tagħha bħala portal għas-sezzjonijiet kollha tal-pubbliku biex jitgħallmu dwar esperjenzi kondiviżi Ewropej u l-interpretazzjonijiet differenti tagħhom; iħeġġeġ, f'dan ir-rigward, l-istabbiliment gradwali, soġġett għal kapaċitajiet finanzjarji, ta' network pan-Ewropew ta' kollaborazzjoni ta' ċentri fil-qafas tad-Dar;

8. Jenfasizza r-rwol dejjem akbar li l-edukazzjoni diġitali jista' jkollha biex tippermetti t-tagħlim dwar il-wirt kulturali u permezz tal-wirt kulturali; jinnota l-ħtieġa li jiġu żviluppati inizjattivi ta' tagħlim elettroniku ta' kwalità għolja, inklużi korsijiet online miftuħa massivi (MOOCs) sabiex it-tagħlim dwar il-wirt kulturali jsir aktar aċċessibbli u jittejbu l-ħiliet marbuta mal-patrimonju fl-Ewropa kollha; iqis f'dan ir-rigward li l-Pjan ta' Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali jista' jikkontribwixxi b'mod sinifikanti għall-kawża, u jitlob li l-aġġornament propost ta' dan il-pjan jinkludi appoġġ għall-edukazzjoni dwar il-wirt kulturali;

9. Jesprimi t-tħassib tiegħu għan-nuqqas dejjem akbar ta' nies tas-sengħa, professjonisti fil-qasam tar-restawr u esperti tal-patrimonju u d-diffikultajiet biex jattiraw liż-żgħażagħ biex jitgħallmu dawn it-tipi ta' ħiliet; jisħaq fuq in-nuqqas ta' approċċ sistemiku u mekkaniżmi effiċjenti bħal korsijiet ta' taħriġ fit-tekniki tal-antenati biex jiġu trażmessi l-ħiliet u l-għarfien rilevanti, u li dan qed ipoġġi l-wirt Ewropew f'riskju; jemmen li fil-ġejjieni l-konservazzjoni tal-kwalità tal-wirt kulturali se tkun possibbli biss jekk il-ħiliet u l-għarfien rilevanti jiġu kkonservati b'mod komprensiv, inkluż permezz ta' mezzi diġitali, u jingħaddew; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tiżgura li l-inizjattivi futuri dwar il-konservazzjoni tal-wirt kulturali jinkludu l-konservazzjoni tal-prattiki u l-għarfien meħtieġa; ifakkar fil-valur tal-iskambji, u jenfasizza f'dan ir-rigward l-importanza tal-programm Erasmus+, li jippermetti wkoll il-mobilità tal-apprendisti;

10. Itenni l-ħtieġa li jittejbu l-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi u tax-xogħol u l-bilanċ bejn il-ġeneri u li jiġu promossi opportunitajiet ta' mobilità għall-operaturi u l-ħaddiema impjegati fis-settur tal-wirt kulturali, inkluż għall-persuni b'diżabilità; jinnota f'dan ir-rigward l-importanza li jiġu rikonoxxuti l-kwalifiki professjonali;

11. Jissottolinja l-ħtieġa li jkomplu jissaħħu l-isforzi biex titqajjem sensibilizzazzjoni dwar il-valur tal-wirt kulturali għall-Ewropa u li jintlaħqu ċ-ċittadini u l-partijiet ikkonċernati fil-livell lokali; jenfasizza l-importanza ta' għarfien aħjar tal-wirt kulturali Ewropew biex tiġi promossa l-koeżjoni soċjali, u jinnota li l-aċċess għal tali għarfien, b'mod partikolari, jiffavorixxi l-inklużjoni soċjali u kulturali taċ-ċittadini bi sfond ta' migranti u l-familji tagħhom;

12. Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li tiġi stabbilita Komunità ta' Konoxxenza u Innovazzjoni (KKI) ġdida dwar l-industriji kulturali u kreattivi (CCI) fl-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT), li tirrifletti d-diversità soċjali u li fiha l-wirt kulturali għandu jitqies ukoll bħala sors ta' ispirazzjoni għal kreazzjonijiet u soluzzjonijiet kontemporanji;

Il-wirt kulturali diġitali

13. Jirrikonoxxi l-importanza tal-wirt kulturali diġitali, b'għadd dejjem akbar ta' persuni, inklużi dawk minn sfondi żvantaġġati u persuni b'diżabilità, li jkollhom opportunitajiet mingħajr paragun u aċċess ekwu biex jinvolvu ruħhom ma' materjal kulturali; jirrikonoxxi r-rilevanza dejjem akbar tal-wirt kulturali diġitali, speċjalment matul il-pandemiji u l-konfinamenti assoċjati, fejn żjarat u wirjiet virtwali tal-mużewijiet, libreriji diġitali, enċiklopediji online u soluzzjonijiet diġitali simili u għodod ta' komunikazzjoni virtwali jikkonfortawhom u jkunu l-uniċi mezzi biex in-nies ikollhom aċċess għall-wirt kulturali u l-kultura u jinvolvu ruħhom magħhom b'mod aktar wiesa'; jisħaq fuq l-importanza li l-materjal kulturali jiġi ddiġitalizzat ħalli mhux biss jiġi kkonservat għall-ġenerazzjonijiet futuri (il-funzjoni tal-ħżin), iżda jsir ukoll aċċessibbli aktar faċilment għal udjenzi akbar billi l-wirt kulturali jkun disponibbli online;

14. Jenfasizza li l-avvanzi teknoloġiċi rilevanti bħall-istħarriġ diġitali, l-immudellar u l-istampar 3D, ir-Realtà Awmentata (AR) u r-Realtà Virtwali (VR), kif ukoll ir-rwol tal-intelliġenza artifiċjali (IA) u l-Big Data, qed jiftħu possibbiltajiet ġodda mhux biss għall-ġbir, il-konservazzjoni u l-viżwalizzazzjoni tal-wirt kulturali, iżda wkoll għall-ipproċessar, l-analiżi, ir-rikostruzzjoni u l-iżvilupp tal-applikazzjonijiet għalih;

15. Jenfasizza l-importanza tal-proġett Europeana, li jservi ta' pjattaforma edukattiva, mużew, arkivju u librerija diġitali tal-Ewropa; jitlob sforzi akbar biex il-pjattaforma tiġi żviluppata aktar, inkluż billi jiġi allokat finanzjament adegwat għaliha, u billi tiġi promossa aktar lill-pubbliku ġenerali u lill-għalliema;

16. Huwa tal-fehma li l-materjal li għandu jiġi ddiġitalizzat irid jintgħażel b'mod imparzjali biex tiġi żgurata l-kredibbiltà tal-arkivji u tal-kollezzjonijiet diġitali;

17. Jissottolinja l-ħtieġa li tiġi promossa wkoll l-eżistenza u l-valur tal-arkivji diġitalizzati, kif ukoll li jittejbu l-ħiliet diġitali tal-pubbliku sabiex jiżdied l-użu tal-kontenut diġitali;

18. Jemmen li l-enċiklopediji online huma riżorsa imprezzabbli ta' informazzjoni vverifikata u affidabbli li jippermettu l-aċċess għall-wirt kulturali u li għandhom rwol fil-konservazzjoni u l-promozzjoni tiegħu, u huma wkoll għodda vitali biex il-wirt kulturali b'oriġini diġitali jiġi kklassifikat u jingħata aċċess sostnut għalih; huwa tal-fehma li għandhom jiġu ddedikati aktar riżorsi għall-promozzjoni, l-iżvilupp u l-avvanz tal-enċiklopediji online;

19. Jenfasizza li l-interoperabbiltà hija essenzjali biex jiġi żgurat li l-kontenut diġitali jkun jista' jintuża jew jerġa' jintuża fit-tul; jenfasizza f'dan ir-rigward ir-rwol tal-istandards u l-oqfsa;

20. Jitlob li jkun hemm kooperazzjoni akbar bejn l-Istati Membri, kif ukoll bejn is-setturi rilevanti sabiex jiġi promoss b'mod komprensiv il-wirt kulturali diġitalizzat; jilqa' d-Dikjarazzjoni ta' kooperazzjoni dwar l-avvanz fid-diġitalizzazzjoni tal-wirt kulturali, li issa ġiet iffirmata minn kważi l-Istati Membri kollha;

21. Jissottolinja l-ħtieġa li jiġi żviluppat qafas komprensiv tal-UE b'finanzjament adegwat għall-protezzjoni u l-promozzjoni ta' wirt kulturali diġitalizzat u b'oriġini diġitali; jinnota l-ħtieġa ta' politiki nazzjonali għall-konservazzjoni b'deċiżjonijiet dwar l-għażla li jkunu bbażati fuq prinċipji ddefiniti b'mod ċar u li jitwettqu b'mod responsabbli; jinnota l-kontribut imprezzabbli li l-kuraturi diġitali jistgħu jagħtu biex jiżguraw li l-wirt kulturali diġitali jkun protett u jkun disponibbli għall-udjenzi Ewropej u globali f'diversi lingwi; jinnota b'interess il-bosta proġetti ta' diġitalizzazzjoni li diġà twettqu permezz tal-FEŻR, u jitlob li l-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss jippermetti li jkompli dan it-tip ta' finanzjament;

22. Jitlob li jsir aġġornament komprensiv tar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Ottubru 2011 dwar id-diġitizzazzjoni u l-aċċessibbiltà fuq l-Internet ta' materjal kulturali u l-konservazzjoni diġitali, sabiex jiġu riflessi l-progress teknoloġiku u l-isfidi u l-opportunitajiet ta' dawn l-aħħar għaxar snin; iqis, madankollu, li l-enfasi fuq il-wirt diġitali ma għandhiex issir għad-detriment tal-ħarsien tal-wirt kulturali tanġibbli u intanġibbli eżistenti u tal-impjiegi relatati;

Potenzjal ekonomiku u sostenibbiltà

23. Jenfasizza li s-settur tal-wirt kulturali jikkontribwixxi għall-iżvilupp ekonomiku b'effetti konsegwenzjali notevoli f'setturi ekonomiċi oħra; itenni l-korrelazzjoni b'saħħitha bejn il-wirt kulturali u l-iżvilupp sostenibbli;

24. Jirrikonoxxi li t-turiżmu kulturali sostenibbli għandu potenzjal sinifikanti biex jiġġenera t-tkabbir u l-impjiegi fl-UE, peress li erbgħa minn kull għaxar turisti diġà jagħżlu d-destinazzjoni tagħhom abbażi tal-offerta kulturali tagħha; jisħaq, madankollu, li l-promozzjoni tat-turiżmu kulturali jeħtieġ li ssir b'mod inklużiv fir-rigward tal-komunitajiet u l-ekonomiji lokali u l-istili ta' ħajja u t-tradizzjonijiet, u jeħtieġ li tikseb bilanċ bejn ir-rekwiżiti ekonomiċi, soċjali, kulturali u ambjentali; jinnota li l-offerti tal-wirt kulturali jirkupraw biss sehem minimu tal-valur ekonomiku li jiġġeneraw, li jirrikjedu sorsi ġodda, alternattivi u stabbli ta' finanzjament sabiex ikomplu jaġixxu bħala katalizzaturi għat-turiżmu sostenibbli;

25. Jirrimarka li l-eżistenza ta' siti ta' wirt kulturali tħeġġeġ lin-nies jivvjaġġaw u jitgħallmu dwar soċjetajiet u kulturi differenti; ifakkar li 72 % tal-parteċipanti ta' età bejn 15 u 24 sena, fi stħarriġ li kellhom, jaqblu li l-preżenza tal-wirt kulturali jista' jkollha influwenza fuq id-destinazzjoni għall-vaganza tagħhom; jenfasizza f'dan ir-rigward ir-rwol li jista' jkollha l-inizjattiva DiscoverEU; jinnota, madankollu, li l-inizjattiva ma kinitx ta' benefiċċju ugwali għaż-żgħażagħ; jistieden lill-Kummissjoni ssib modi biex tinvolvi aħjar liż-żgħażagħ minn ambjenti soċjalment żvantaġġati u dawk minn żoni rurali u remoti tal-Istati Membri, kif ukoll minn Stati Membri mingħajr rabtiet ferrovjarji tajbin ma' pajjiżi oħra tal-UE;

26. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu mekkaniżmi b'saħħithom biex jipprevjenu l-isfruttament żejjed tal-wirt kulturali, inkluż permezz ta' flussi ta' turisti ġestiti b'mod ħażin; iwissi kontra l-influwenza tal-interessi kummerċjali fuq terminu qasir li jirriskjaw li jimminaw l-awtentiċità tas-siti u l-prattiki kulturali u li jbaxxu l-kwalità tagħhom; jilqa' f'dan ir-rigward it-tnedija tal-programm Il-Wirt Kulturali fl-Azzjoni, li bis-saħħa tat-tagħlim bejn il-pari jgħin biex il-politiki dwar il-wirt kulturali fil-livell lokali u reġjonali jissaħħu; jisħaq fuq il-kapaċità tiegħu li jissorvelja u jappoġġja l-programm jekk dan ikun ta' suċċess;

27. Jirrikonoxxi l-importanza tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura biex jiġu promossi l-bliet u r-reġjuni, peress li bl-iżvilupp ta' qafas ekonomiku madwar il-proġetti kulturali, artistiċi u soċjali tagħhom, jintegraw il-kunċett ta' turiżmu sostenibbli u jtejbu l-patrimonju, it-tradizzjonijiet u l-innovazzjonijiet tanġibbli u intanġibbli tagħhom, għall-benefiċċju u l-apprezzament taċ-ċittadini Ewropej kollha u taċ-ċittadini lil hinn mill-fruntieri tal-Ewropa;

28. Jirrakkomanda li jsiru aktar sforzi biex jiġu mħeġġa l-ivvjaġġar lejn destinazzjonijiet inqas magħrufa u popolari u lejn żoni rurali, kif ukoll l-ivvjaġġar matul l-istaġun b'domanda baxxa, sabiex jiġu promossi s-sostenibbiltà u l-aċċessibbiltà fit-turiżmu, speċjalment għall-persuni b'diżabilità u l-anzjani; jisħaq fuq ir-rwol li jista' jkollu l-FAEŻR fl-appoġġ tal-inizjattivi tat-turiżmu lokali, speċjalment permezz tal-programm LEADER; jitlob li dan il-programm ikun iffinanzjat b'mod adegwat għall-perjodu ta' programmazzjoni 2021-2027;

29. Jinsab mħasseb dwar l-impatt tat-tniġġis, il-vandaliżmu, is-serq, it-turiżmu ġestit b'mod ħażin u l-iżvilupp bla rażan, kif ukoll tat-tisħin globali u t-tibdil fil-klima fuq il-wirt kulturali, b'mod partikolari minħabba żieda fl-okkorrenzi ta' avvenimenti estremi tat-temp, inklużi xita torrenzjali, mewġiet ta' sħana, għargħar, nirien u riskju ta' riħ; jisħaq fuq il-ħtieġa li tittieħed azzjoni, inkluż permezz tal-kondiviżjoni tal-għarfien bejn l-Istati Membri, u jistieden lill-Kummissjoni tipproponi azzjonijiet konkreti biex jiġi kkonservat u protett il-wirt kulturali fid-dawl ta' dawn il-perikli naturali u kkawżati mill-bniedem;

30. Jissottolinja r-rwol tas-soċjetà ċivili u l-importanza u l-valur tal-volontarjat għall-protezzjoni u anke l-iskoperta tal-wirt kulturali u jenfasizza l-importanza tiegħu, kif ukoll l-għarfien, l-għarfien espert u l-enerġija li l-voluntiera jġibu magħhom għall-kawża; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jappoġġjaw azzjonijiet f'dan ir-rigward; jinnota r-rwol li l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jista' jkollu biex jippermetti liż-żgħażagħ jinvolvu ruħhom fil-konservazzjoni u r-rinnovazzjoni tal-wirt Ewropew u biex titqajjem sensibilizzazzjoni; jilqa' t-talba speċifika għall-wirt kulturali fl-ambitu ta' dik l-inizjattiva;

31. Huwa mħasseb ukoll dwar it-theddid għall-wirt kulturali minħabba t-terroriżmu kemm fl-Ewropa kif ukoll lil hinn minnha; jikkundanna l-qerda tas-siti tal-wirt kulturali; jemmen li l-UE għandu jkollha rwol aktar attiv fil-promozzjoni tar-restawr, il-konservazzjoni u l-protezzjoni tal-wirt kulturali madwar id-dinja;

32. Huwa tal-fehma li l-UE għandha tinkludi l-protezzjoni tal-wirt kulturali bħala waħda mill-kundizzjonijiet għall-pajjiżi kandidati għall-adeżjoni;

33. Itenni li t-traffikar illeċitu u l-kummerċ ta' artefatti kulturali, inkluż permezz ta' mezzi diġitali, huwa kwistjoni serja b'dimensjoni globali li tirrikjedi azzjoni kkoordinata mhux biss fost l-Istati Membri, iżda wkoll fuq livell internazzjonali; jirrimarka li kwalunkwe riflessjoni dwar il-wirt Ewropew trid tagħti ħarsa ġdida lejn xogħlijiet u oġġetti kulturali li ġew issakkeġġjati, misruqa jew miksuba illegalment matul il-gwerer; itenni l-appoġġ tiegħu għall-promozzjoni attiva tar-riċerka tal-provenjenza fil-kuntest tal-EYCH;

Lejn approċċ strateġiku għall-wirt kulturali

34. Jistieden lill-Kummissjoni tadotta approċċ aktar integrat fir-rigward tal-wirt kulturali, filwaqt li tagħti trattament ugwali għall-patrimonju tanġibbli, intanġibbli, naturali u diġitali u tittratta dawn id-dimensjonijiet bħala interkonnessi u inseparabbli;

35. Jirrikonoxxi l-Qafas Ewropew għall-Azzjoni dwar il-Wirt Kulturali; jisħaq li l-azzjonijiet inklużi fil-Qafas jeħtieġ li jiġu ssodisfati u appoġġjati b'riżorsi adegwati;

36. Huwa tal-fehma li s-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-istudji rilevanti kkummissjonati mill-Kummissjoni għandhom ikunu riflessi fl-azzjonijiet tagħha għall-konservazzjoni tal-wirt kulturali;

37. Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni dwar it-twaqqif ta' portal uniku tal-UE li għandu jingħata l-isem "Sir af l-Ewropa", li jiġbor flimkien informazzjoni mill-programmi kollha tal-UE li jiffinanzjaw il-wirt kulturali, flimkien mal-istabbiliment ta' approċċ komuni fil-Kummissjoni permezz ta' kooperazzjoni mtejba fl-oqsma ta' politika differenti relatati mal-wirt kulturali;

38. Jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-ħidma ta' komunikazzjoni dwar iċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew mhijiex żviluppata biżżejjed u jitlob li jingħata appoġġ biex jiġi stabbilit network tas-siti kkonċernati; jemmen li l-postijiet li diġà ngħataw dan iċ-ċertifikat jeħtieġ jiġu promossi u offruti appoġġ loġistiku;

39. Jitlob li jkun hemm kooperazzjoni strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra, b'mod partikulari l-UNESCO u l-Kunsill tal-Ewropa, sabiex jiġu kkoordinati aħjar l-isforzi u l-istandards komuni biex jiġi kkonservat u promoss il-wirt kulturali u jsir skambju tal-aħjar prattiki;

40. Jinnota li kważi tliet kwarti tal-Ewropej mistħarrġa jaħsbu li l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jallokaw aktar riżorsi għall-wirt kulturali; jenfasizza l-ħtieġa li jiżdied il-finanzjament tal-UE għall-attivitajiet marbuta mal-wirt kulturali;

41. Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' aktar finanzjament għall-wirt kulturali u l-kultura b'mod aktar wiesa' fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) ta' wara l-2020; itenni t-talba tiegħu biex il-baġit għall-programm Ewropa Kreattiva jiġi rdoppjat u biex il-baġit għall-programm Erasmus+ fil-QFP li jmiss jiżdied bit-triplu; jenfasizza l-potenzjal ta' Ewropa Kreattiva biex jibni rabtiet bejn l-arti ħajja u l-wirt kulturali tanġibbli u intanġibbli; jitlob li tissaħħaħ l-allokazzjoni tal-baġit għar-riċerka dwar il-wirt f'Orizzont Ewropa; jinnota l-ħtieġa ta' sinerġiji bejn politiki settorjali oħra kif ukoll il-fondi strutturali, id-diversi programmi tal-Unjoni, inklużi Orizzont Ewropa, Ewropa Kreattiva u LIFE, u l-iskemi ta' finanzjament, sabiex il-wirt kulturali jingħata tassew prominenza; jinnota l-importanza li jiżdied il-potenzjal tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej fir-rigward tal-konservazzjoni tal-wirt kulturali; itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-investiment fl-infrastruttura tat-turiżmu kulturali u sostenibbli għandu jitqies bħala investiment fuq skala żgħira u eliġibbli għall-appoġġ fejn il-kofinanzjament tal-FEŻR ma jaqbiżx l-EUR 10 miljun, u li fejn l-infrastruttura titqies bħala wirt kulturali dinji, il-limitu massimu għandu jiżdied għal EUR 20 miljun;

42. Jemmen li l-Patt Ekoloġiku Ewropew għandu jinkludi azzjonijiet biex jiġi mitigat l-impatt tat-tibdil fil-klima fuq il-wirt kulturali u jirrikonoxxi li l-wirt kulturali jista' jkollu rwol importanti fl-ilħuq tal-miri tas-sostenibbiltà fil-klima permezz tal-edukazzjoni, ir-riċerka u l-adattament mill-ġdid tal-prattiki tradizzjoni sostenibbli Ewropej;

43. Jilqa' r-rispons rapidu u l-espressjoni ta' solidarjetà mis-setturi kulturali u kreattivi matul il-kriżi tal-COVID-19 billi għamlu l-wirt kulturali disponibbli online b'mod wiesa' u liberu għall-pubbliku; jinsab imħasseb dwar l-impatt kbir ħafna li l-konsegwenzi tal-COVID-19 se jkollhom fuq il-wirt kulturali u s-setturi kulturali u kreattivi; jistieden lill-Kummissjoni twettaq analiżi komprensiva tal-impatt tal-pandemija fuq is-setturi rilevanti u b'mod partikolari s-settur tal-wirt kulturali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri joffru appoġġ finanzjarju adegwat u mmirat biex tittaffa l-kriżi f'dawn is-setturi u biex jgħinu lill-persuni impjegati fihom, inkluż l-aċċess għall-benefiċċji soċjali għal dawk f'forom ta' impjieg mhux standard;

44. Jitlob li jsiru sforzi akbar biex jinbena fuq il-momentum tal-EYCH bil-għan li din tiġi żviluppata f'eredità politika dejjiema fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew, peress li dan min-naħa tiegħu jagħti kontribut ekonomiku, kulturali u soċjali pożittiv u jgħin biex jiżviluppa s-sens ta' appartenenza għall-ispazju kulturali Ewropew għall-Ewropej kollha, kif ukoll dak ta' responsabbiltà kondiviża għall-konservazzjoni, l-arrikkiment u l-promozzjoni tal-wirt kulturali; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li torganizza Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali oħra fil-futur;

45. Jitlob li d-dimensjoni kulturali tal-integrazzjoni Ewropea, inkluż il-wirt, tiġi inkluża fis-suġġetti strateġiċi biex jiġu diskussi fil-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa li jmiss;

46. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

NOTA SPJEGATTIVA

Il-wirt kulturali huwa s-sors komuni tagħna ta' ġid li writna mill-passat, li ngħożżu u nużaw fil-preżent u li se ngħaddu lill-ġenerazzjonijiet tal-futur. Il-wirt kulturali jgħinna niddefinixxu min aħna u minn fejn ġejjin. Filwaqt li jenfasizza wkoll id-differenzi fit-tradizzjonijiet, il-lingwi u l-istili ta' ħajja tagħna, il-wirt kulturali jgħinna nidentifikaw element ewlieni li jgħaqqadna lkoll. Ir-rwol tiegħu fit-tħaddin u l-promozzjoni tad-diversità, il-koeżjoni, is-solidarjetà u l-fehim huwa imprezzabbli.

L-Ewropej jaqblu dwar l-importanza tal-wirt kulturali. Skont l-istħarriġ tal-Ewrobarometru, 84 % tar-rispondenti fl-Istati Membri huma tal-fehma li l-wirt kulturali huwa importanti għalihom personalment u għall-komunità lokali tagħhom, filwaqt li 87 % jaħsbu li huwa importanti għar-reġjun tagħhom u 91 % huma tal-fehma li l-wirt kulturali huwa importanti għal pajjiżhom. Barra minn hekk, tmienja minn kull għaxar rispondenti (80 %) jaħsbu li l-wirt kulturali huwa importanti għall-Unjoni Ewropea kollha kemm hi. Dawn in-numri ma jvarjawx ħafna bejn l-Istati Membri.

Il-kisba ta' eredità politika effettiva għall-EYCH

Biex niċċelebraw id-diversità u dak kollu li hemm komuni bejnietna, l-2018 intgħażlet bħala s-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali (EYCH) fl-UE li matulha ġew organizzati aktar minn 23 000 avveniment (iċ-ċertifikat tal-EYCH ingħata lil aktar minn 13 000 avveniment), li laħqu aktar minn 12.8 miljun persuna minn madwar l-Istati Membri kollha. B'hekk, l-avvenimenti relatati mal-EYCH laħqu lil madwar 2.5 % tal-popolazzjoni tal-UE-28[56].

L-EYCH kienet inizjattiva minn isfel għal fuq, peress li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kienu favur l-istabbiliment tagħha u żvolġew rwol ewlieni fit-tħejjija u l-implimentazzjoni tagħha. Fost l-akbar kisbiet tagħha, l-EYCH irnexxielha toħloq il-momentum meħtieġ u tlaqqa' flimkien il-partijiet ikkonċernati pubbliċi u privati, b'mod partikolari l-organizzazzjonijiet nongovernattivi (NGOs) li jippromwovu l-wirt kulturali fil-livell lokali, reġjonali jew nazzjonali, b'mod li jiġi stabbilit moviment tassew pan-Ewropew. Huwa vitali li titkompla l-ħidma fuq dan il-momentum sabiex tinkiseb eredità politikaeffettiva għall-EYCH. Bl-istess mod, huwa essenzjali li titkompla l-kooperazzjoni mad-diversi partijiet ikkonċernati stabbilita matul l-EYCH. Ir-rapport jenfasizza l-ħtieġa li tiġi stabbilita pjattaforma permanenti, bis-soċjetà ċivili organizzata fil-qalba tagħha, għall-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni dwar il-politiki ta' wirt kulturali fil-livell tal-UE.

Għad fadal ħafna xi jsir. Filwaqt li l-importanza li jiġi promoss u protett il-wirt kulturali hija rikonoxxuta kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak tal-UE, il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fost l-Istati Membri fil-livelli kollha ta' governanza tista' tittejjeb kunsiderevolment. Fi ħdan l-istituzzjonijiet Ewropej, is-sitwazzjoni hija simili. Rigward il-Kummissjoni Ewropea, ir-rapporteur tesprimi dispjaċir li la l-wirt kulturali u lanqas il-kultura b'mod usa' mhuma msemmija fit-test ewlieni tal-Programm ta' Ħidma tagħha għall-2020[57]. U filwaqt li l-Kummissjoni tagħmel ħidma importanti fuq il-wirt kulturali, il-kompiti u l-attivitajiet huma mferrxa madwar diversi Direttorati Ġenerali (DĠ). Dan ir-rapport itenni t-talba tal-Parlament biex jittieħed approċċ komuni fil-Kummissjoni permezz ta' kooperazzjoni mtejba bejn l-oqsma ta' politika differenti li jittrattaw il-wirt kulturali.

Ir-rapporteur tistieden lill-Kummissjoni tuża approċċ aktar integrat fil-konfront tal-wirt kulturali, li jittratta l-patrimonju tanġibbli, intanġibbli, naturali u diġitali bħala interkonness u inseparabbli. Il-Kummissjoni għandha tibni l-Qafas Ewropew għall-Azzjoni dwar il-Wirt Kulturali, permezz ta' kooperazzjoni mtejba bejn l-oqsma ta' politika differenti li jittrattaw il-wirt kulturali.

Barra minn hekk, il-finanzjament mill-UE għall-wirt kulturali jibqa' mxerred ukoll, fis-sens li huwa disponibbli permezz tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, ta' diversi programmi, inklużi Ewropa Kreattiva, Orizzont Ewropa, Erasmus+ u l-Programm Ewropa Diġitali li jmiss. Ir-rapport itenni t-talbiet tal-Parlament lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi portal uniku tal-UE, li jiġbor flimkien l-informazzjoni mill-programmi kollha tal-UE li jiffinanzjaw il-wirt kulturali. Barra minn hekk, ir-rapporteur titlob sinerġiji bejn politiki settorjali oħra, kif ukoll id-diversi programmi u skemi ta' finanzjament tal-UE biex il-wirt kulturali jingħata tassew prominenza.

F'dan il-kuntest, ir-rapporteur taħseb li huwa importanti immens li jiġi żgurat baġit adegwat għall-programmi Erasmus+ u Ewropa Kreattiva li jinsabu f'riskju li jkollhom tnaqqis sinifikanti. B'mod aktar ġenerali, il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) għandu jiġi ffinanzjat biżżejjed, b'mod speċjali fid-dawl tal-inizjattivi l-ġodda, b'mod partikolari l-Patt Ekoloġiku Ewropew. Il-konċentrazzjoni fl-livell limitu ta' 1 % tal-INĠ tal-UE waqt in-negozjati dwar il-QFP mhijiex utli jekk irridu nimxu 'l quddiem bl-ambizzjonijiet akbar tal-UE.

Edukazzjoni u ħiliet

Ir-rapporteur tisħaq fuq l-importanza tal-edukazzjoni dwar l-istorja u l-wirt kulturali u tindika li r-rabta bejn is-setturi tal-wirt kulturali u l-edukazzjoni trid tissaħħaħ. L-edukazzjoni diġitali u b'mod speċjali l-Korsijiet Online Miftuħa Massivi (MOOCs) u inizjattivi oħra ta' tagħlim elettroniku dwar il-wirt kulturali jistgħu jiżvolġu rwol sinifikanti peress li jistgħu jilħqu udjenza ferm usa', b'mod speċjali f'reġjuni aktar remoti.

Fl-istess ħin, ir-rapporteur tenfasizza n-nuqqas dejjem akbar ta' professjonisti fir-restawr li l-ħiliet tagħhom huma imprezzabbli għall-konservazzjoni, il-protezzjoni u ż-żamma tas-siti ta' wirt kulturali. Sadanittant, in-nuqqas ta' esperti fil-patrimonju u l-artiġjani tas-sengħa, problema li hija mistennija li tiggrava fid-deċennji li ġejjin minħabba t-tixjiħ tal-popolazzjonijiet, jista' jirriżulta fi tnaqqis fl-attività relatata mal-wirt kulturali, inkluż fir-rigward tal-konservazzjoni, ir-riċerka u l-promozzjoni insuffiċjenti tal-kawża tal-wirt kulturali. Huwa importanti li jiġi żgurat finanzjament akbar għall-edukazzjoni dwar il-wirt kulturali b'enfasi fuq il-ħsieb li jiġu attirati professjonisti ġodda lejn il-qasam.

Il-wirt kulturali diġitali

Ir-rapporteur riedet tenfasizza b'mod speċjali l-wirt kulturali diġitali, fid-dawl tal-importanza dejjem akbar tiegħu. Ir-rapport jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żviluppat qafas komprensiv tal-UE b'finanzjament adegwat għall-promozzjoni u l-ħarsien tal-patrimonju diġitali peress li l-isforzi kienu frammentati u insuffiċjenti. Barra minn hekk, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-diġitalizzazzjoni u l-aċċessibbiltà fuq l-internet ta' materjal kulturali u l-konservazzjoni diġitali tas-27 ta' Ottubru 2011 hija antikwata u jeħtieġ li tiġi riveduta biex tirrifletti aħjar l-opportunitajiet il-ġodda kif ukoll l-isfidi li l-progress teknoloġiku ġab miegħu.

Ir-rapport ipprova jagħmel differenza bejn patrimonju diġitalizzat u patrimonju b'oriġini diġitali peress li prijoritajiet differenti huma applikabbli għal kull wieħed minnhom. Fir-rigward tal-ewwel wieħed, ir-rapport jinnota l-importanza li l-kontenut diġitalizzat jinġieb online biex b'hekk ikun aċċessibbli b'mod aktar wiesa'. Fost affarijiet oħra, ir-rapporteur tisħaq ukoll fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-materjal li għandu jiġi diġitalizzat jintgħażel b'mod imparzjali biex tiġi żgurata l-kredibbiltà tal-arkivji u l-kollezzjonijiet diġitali. Barra minn hekk, ir-rapporteur titlob kooperazzjoni akbar bejn l-Istati Membri, kif ukoll bejn is-setturi rilevanti sabiex jiġi promoss b'mod komprensiv il-wirt kulturali diġitalizzat, filwaqt li, fost l-oħrajn, jiġi żgurat li tali arkivji jkunu interoperabbli u jibqgħu fid-dominju pubbliku. F'dan ir-rigward, ta' min jinnota li d-Dikjarazzjoni ta' Kooperazzjoni dwar l-Avvanz tad-Diġitalizzazzjoni tal-Wirt Kulturali sal-lum ġiet iffirmata mill-maġġoranza tal-Istati Membri iżda mhux kollha.

Fir-rigward tal-patrimonju b'oriġini diġitali, huwa vitali li jibda jiġi protett b'mod komprensiv. Fil-kuntest, hemm bżonn ta' politiki ta' konservazzjoni nazzjonali sodi b'deċiżjonijiet dwar l-għażla li jkunu bbażati fuq prinċipji ddefiniti b'mod ċar u li jitwettqu b'mod responsabbli. Barra minn hekk, titjib tal-ħiliet diġitali tal-pubbliku huwa prerekwiżit biex jiġi żgurat li jiżdied l-użu tal-kontenut diġitali. Ir-rapporteur tenfasizza l-importanza tal-proġett Europeana, li jservi ta' pjattaforma edukattiva, mużew, arkivju u librerija diġitali tal-Ewropa.

Potenzjal ekonomiku u sostenibbiltà

Is-settur tal-wirt kulturali huwa xprunatur importanti tat-tkabbir u l-impjiegi peress li madwar 300 000 persuna fl-Ewropa huma impjegati fih, filwaqt li 7.8 miljun impjieg fl-Ewropa huma marbuta miegħu b'mod indirett[58]. Il-multiplikatur stmat tal-impjiegi tas-settur huwa partikolarment għoli, peress li jilħaq 26.7 u b'hekk jaqbeż għadd ta' industriji oħra[59] It-turiżmu kulturali b'mod partikolari huwa ġeneratur tat-tkabbir sinifikanti fl-UE peress li erbgħa minn kull għaxar turisti jagħżlu d-destinazzjoni tagħhom abbażi tal-offerta kulturali tagħha.

Madankollu, ir-rapporteur tisħaq li l-potenzjal ekonomiku tas-settur tal-wirt kulturali ma jridx jinstilet għad-detriment tas-sostenibbiltà tiegħu u twissi kontra l-influwenza tal-interessi kummerċjali fuq terminu qasir li jirriskjaw li jimminaw l-awtentiċità tas-siti kulturali u li jbaxxu l-kwalità tagħhom. Ir-rapport iwissi dwar l-impatt tat-tniġġis, il-vandaliżmu, is-serq, it-turiżmu tal-massa ġestit b'mod ħażin kif ukoll it-tisħin globali u t-tibdil fil-klima fuq il-wirt kulturali. Huwa jistieden lill-Kummissjoni tfassal u tippreżenta azzjonijiet konkreti għall-konservazzjoni u l-protezzjoni tal-wirt kulturali fid-dawl ta' dawn il-perikli naturali u kkawżati mill-bniedem.

Biex tiġi promossa s-sostenibbiltà, huwa rrakkomandat li jsiru aktar sforzi biex jitħeġġeġ l-ivvjaġġar lejn destinazzjonijiet inqas magħrufa u popolari u lejn żoni rurali u l-ivvjaġġar matul l-istaġun b'domanda baxxa. Ir-rapporteur tinnota b'apprezzament ir-rwol tar-Rotot Kulturali Ewropej, id-Destinazzjonijiet Ewropej ta' Eċċellenza (EDEN) u l-inizjattiva Kapitali Ewropea għat-Turiżmu Intelliġenti[60] bħala eżempji tajbin li jippromwovu s-sostenibbiltà u l-aċċessibbiltà fit-turiżmu. Ir-rapporteur tistieden lill-Kummissjoni tuża d-Dikjarazzjoni ta' Barċellona "Postijiet Aħjar Fejn Tgħix, Postijiet Aħjar Biex Iżżur" bħala ispirazzjoni għal azzjoni u politiki fil-qasam tat-turiżmu kulturali sostenibbli.

Ir-rapport itenni li t-traffikar illeċitu ta' artefatti kulturali huwa kwistjoni serja b'dimensjoni globali li tirrikjedi azzjoni kkoordinata mhux biss fost l-Istati Membri, iżda anke fuq livell internazzjonali. Ir-rapporteur hija mħassba dwar it-theddid għall-wirt kulturali minħabba t-terroriżmu kemm fl-Ewropa kif ukoll lil hinn minnha. Huwa essenzjali li l-UE jkollha rwol aktar attiv fil-promozzjoni tar-restawr, il-konservazzjoni u l-protezzjoni tal-wirt kulturali mhux biss fl-Unjoni, iżda anke madwar id-dinja.

Konklużjoni

Il-wirt kulturali huwa valur fih innifsu u huwa wieħed mit-temi li dan ir-rapport ipprova jenfasizza. Għalhekk, id-diskussjonijiet dwar il-wirt kulturali ma għandhomx jiffokaw fuq il-kontribut tiegħu lil setturi oħra, li huma mingħajr dubju notevoli ħafna, iżda wkoll fuq dak li aħna, bħala soċjetajiet u l-UE kollha kemm hi, nistgħu nagħmlu biex nippromwovu u nipproteġu l-wirt kulturali. Is-soluzzjoni l-aktar ovvja hija li jkun hemm aktar finanzjament. Fil-fatt kważi tliet kwarti tal-Ewropej mistħarrġa jaħsbu li l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jallokaw aktar riżorsi għall-wirt kulturali. Madankollu, huwa daqstant importanti, jekk mhux aktar importanti, li jkun hemm strateġija tal-UE integrata fir-rigward tal-wirt kulturali biex jiġi żgurat li jingħata r-rikonoxximent meħtieġ li s'issa għad ma kienx hemm.

Eredità politika effettiva għall-EYCH tirrappreżenta l-konsolidazzjoni tal-isforzi eżistenti, koordinazzjoni aktar b'saħħitha tal-attivitajiet, mhux biss fil-livell tal-istituzzjonijiet tal-Istati Membri u tal-UE, iżda anke fil-livell tas-soċjetà ċivili organizzata, kif ukoll l-istabbiliment tas-sinerġiji meħtieġa bejn id-diversi partijiet ikkonċernati, il-politiki, il-proġetti u l-programmi ta' finanzjament. B'dan il-mod, l-Unjoni Ewropea se tkun f'pożizzjoni ferm aħjar biex tipproteġi u tippromwovi b'suċċess il-wirt kulturali fl-Ewropa u lil hinn minnha u biex tisfrutta bis-sħiħ il-benefiċċji soċjali, ekonomiċi u ambjentali tiegħu bħala għodda għall-kisba tal-prijoritajiet u l-għanijiet ta' politika ewlenin tagħha.

 


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

27.10.2020

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

26

0

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Isabella Adinolfi, Christine Anderson, Andrea Bocskor, Vlad-Marius Botoş, Ilana Cicurel, Gilbert Collard, Gianantonio Da Re, Laurence Farreng, Tomasz Frankowski, Romeo Franz, Hannes Heide, Irena Joveva, Petra Kammerevert, Niyazi Kizilyürek, Predrag Fred Matić, Dace Melbārde, Victor Negrescu, Niklas Nienaß, Peter Pollák, Marcos Ros Sempere, Domènec Ruiz Devesa, Andrey Slabakov, Massimiliano Smeriglio, Michaela Šojdrová, Sabine Verheyen, Salima Yenbou, Theodoros Zagorakis, Milan Zver

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Pernando Barrena Arza

 


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

 

 

26

+

PPE

Andrea Bocskor, Tomasz Frankowski, Peter Pollák, Michaela Šojdrová, Sabine Verheyen, Theodoros Zagorakis, Milan Zver

S&D

Hannes Heide, Petra Kammerevert, Predrag Fred Matić, Victor Negrescu, Marcos Ros Sempere, Domènec Ruiz Devesa, Massimiliano Smeriglio

RENEW

Vlad-Marius Botoş, Ilana Cicurel, Laurence Farreng, Irena Joveva

VERTS/ALE

Romeo Franz, Niklas Nienaß, Salima Yenbou

ECR

Dace Melbārde, Andrey Slabakov

GUE/NGL

Pernando Barrena Arza, Niyazi Kizilyürek

NI

Isabella Adinolfi

 

0

-

 

 

 

3

0

ID

Christine Anderson, Gilbert Collard, Gianantonio Da Re

 

It-tifsira tas-simboli:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

 

Aġġornata l-aħħar: 6 ta' Jannar 2021
Avviż legali - Politika tal-privatezza