RAPPORT dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 fir-rigward ta' aġġustamenti għall-qafas ta' titolizzazzjoni bħala appoġġ għall-irkupru ekonomiku b'reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19
10.11.2020 - (COM(2020)0283 – C9-0208/2020 – 2020/0156(COD)) - ***I
Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
Rapporteur: Othmar Karas
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 fir-rigward ta' aġġustamenti għall-qafas ta' titolizzazzjoni bħala appoġġ għall-irkupru ekonomiku b'reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19
(COM(2020)0283 – C9-0208/2020 – 2020/0156(COD))
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2020)0283),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2), u l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C9-0208/2020),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-23 ta' Settembru 2020[1],
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tad-29 ta' Ottubru 2020[2],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A9-0213/2020),
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;
2. Jitlob lill-Kummissjoni terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Emenda 1
EMENDI TAL-PARLAMENT EWROPEW[*]
għall-proposta tal-Kummissjoni
---------------------------------------------------------
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 fir-rigward ta' aġġustamenti għall-qafas ta' titolizzazzjoni bħala appoġġ għall-irkupru ekonomiku b'reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19.
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz ta' att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-23 ta' Settembru 2020[3],
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tad-29 ta' Ottubru 2020[4],
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1) Il-pandemija tal-COVID-19 qed taffettwa lin-nies, lill-kumpaniji, lis-sistemi tas-saħħa u lill-ekonomiji tal-Istati Membri b'mod sever. Il-Kummissjoni, fil-Komunikazzjoni tagħha lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tas-27 ta' Marzu 2020, intitolata "Il-mument tal-Ewropa: Tiswija u Tħejjija għall-Ġenerazzjoni li Jmiss", saħqet li l-likwidità u l-aċċess għal finanzjament se jkunu sfida kontinwa fix-xhur li ġejjin. Għalhekk huwa kruċjali li jiġi appoġġat l-irkupru mix-xokk ekonomiku sever ikkawżat mill-pandemija tal-COVID-19 bl-introduzzjoni ta' emendi mmirati għal biċċiet eżistenti ta' leġiżlazzjoni finanzjarja. Dan il-pakkett ta' miżuri huwa adottat taħt it-tikketta "Pakkett ta' Rkupru tas-Swieq Kapitali".
(2) L-istituzzjonijiet ta' kreditu u ta' investiment ("istituzzjonijiet") se jkollhom rwol ewlieni biex jikkontribwixxu għall-irkupru. Fl-istess ħin dawn x'aktarx se jiġu affettwati mis-sitwazzjoni ekonomika li sejra għall-agħar. L-awtoritajiet kompetenti pprovdew kapital, likwidità u għajnuna operazzjonali temporanji lill-istituzzjonijiet biex jiżguraw li l-istituzzjonijiet ikunu jistgħu jkomplu jwettqu r-rwol tagħhom fil-finanzjament tal-ekonomija reali f'ambjent aktar diffiċli. Bl-istess objettiv, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill diġà adottaw malajr ċerti aġġustamenti mmirati għar-Regolamenti (UE) Nru 575/2013 u (UE) 2019/876 b'reazzjoni għall-kriżi tal-COVID-19.
(3) It-titolizzazzjonijiet huma komponenti importanti minn swieq finanzjarji li jiffunzjonaw sewwa peress li jikkontribwixxu għad-diversifikazzjoni tas-sorsi ta' finanzjament tal-istituzzjonijiet u l-ħruġ tal-kapital regolatorju, li jistgħu jiġu allokati mill-ġdid sabiex jappoġġaw self ulterjuri. Barra minn hekk, it-titolizzazzjonijiet jipprovdu lill-istituzzjonijiet u lil parteċipanti oħrajn fis-suq b'opportunitajiet ta' investiment addizzjonali, sabiex b'hekk jippermettu d-diversifikazzjoni tal-portafoll u jiffaċilitaw il-fluss ta' finanzjament lil negozji u individwi kemm fl-Istati Membri kif ukoll fuq bażi transfruntiera madwar l-Unjoni kollha.
(4) Huwa importanti li tissaħħaħ il-kapaċità tal-istituzzjonijiet li jipprovdu l-fluss meħtieġ ta' finanzjament lill-ekonomija reali fis-segwitu tal-pandemija tal-COVID-19, filwaqt li jiġi żgurat li jkun hemm fis-seħħ salvagwardji prudenzjali adegwati biex tiġi ppreservata l-istabbiltà finanzjarja. Bidliet immirati għar-Regolament (UE) Nru 575/2013 fir-rigward tal-qafas tat-titolizzazzjoni għandhom jikkontribwixxu għall-kisba ta' dawk l-objettivi u jtejbu l-koerenza u l-komplementarjetà ta' dak il-qafas bil-miżuri varji meħuda fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali biex tiġi indirizzata l-pandemija tal-COVID-19.
(5) L-elementi finali tal-qafas ta' Basel III ippubblikati fis-7 ta' Diċembru 2017 jimponu, fil-każ ta' skoperturi ta' titolizzazzjoni, rekwiżit minimu ta' klassifikazzjoni tal-kreditu fuq sett limitat biss ta' fornituri ta' protezzjoni, jiġifieri għal entitajiet li mhumiex entitajiet sovrani, entitajiet tas-settur pubbliku, istituzzjonijiet jew istituzzjonijiet finanzjarji prudenzjali oħra. Huwa għalhekk meħtieġ li l-Artikolu 249(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jiġi emendat biex jiġi allinjat mal-qafas ta' Basel III sabiex tissaħħaħ l-effikaċja tal-iskemi nazzjonali ta' garanzija pubblika li jgħinu fl-għoti ta' assistenza lill-istrateġiji tal-istituzzjonijiet għat-titolizzazzjoni tal-iskoperturi improduttivi (NPEs) fis-segwitu tal-pandemija tal-COVID-19. Sabiex ikun konsistenti mal-qafas ta' Basel III, fornitur mhux regolat ta' protezzjoni ta' kreditu mhux iffinanzjata meħtieġ ikollu skala 2 tal-kwalità kreditizja fil-bidu u skala 3 tal-kwalità kreditizja minn hemm 'il quddiem.
(6) Il-qafas prudenzjali attwali tal-Unjoni għat-titolizzazzjoni huwa mfassal abbażi tal-aktar karatteristiċi komuni tat-tranżazzjonijiet tipiċi ta' titolizzazzjoni, jiġifieri s-self produttiv. Fl-"Opinjoni dwar it-Trattament Regolatorju tat-Titolizzazzjonijiet tal-Iskoperturi Improduttivi"[5] tat-23 ta' Ottubru 2019, l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) indikat li l-qafas prudenzjali attwali għat-titolizzazzjoni stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 575/2013, meta applikat għal titolizzazzjonijiet ta' NPEs, iwassal għal rekwiżiti ta' kapital sproporzjonati minħabba l-Approċċ Ibbażat fuq Klassifikazzjonijiet Interni (SEC-IRBA) u l-Approċċ Standardizzat tat-titolizzazzjoni (SEC-SA), mhuwiex konsistenti mal-motivaturi tar-riskju speċifiċi tal-NPEs. Għaldaqstant għandu jiġi introdott trattament speċifiku għat-titolizzazzjoni tal-NPEs, li jibni fuq is-sejbiet mill-EBA u jqis kif xieraq l-ispeċifiċitajiet Ewropej tas-suq tat-titolizzazzjonijiet NPE u s-suq għall-NPEs kif ukoll l-iżviluppi fl-istandards internazzjonali għall-iskoperturi għat-titolizzazzjonijiet NPE. Sabiex tkun tista' ssir il-valutazzjoni dovuta tal-istandard ta' Basel rilevanti ladarba jiġi ppubblikat, għandu jiġi introdott mandat lill-Kummissjoni biex teżamina mill-ġdid it-trattament prudenzjali tat-titolizzazzjonijiet NPE.
(6a) Minħabba li huwa probabbli ħafna li s-suq għall-NPEs jikber u jinbidel b'mod pjuttost sostanzjali bħala riżultat tal-kriżi tal-COVID-19, huwa meqjus xieraq li jitkompla l-monitoraġġ mill-qrib tas-suq tat-titolizzazzjonijiet NPE u li jiġi vvalutat mill-ġdid il-qafas fid-dawl ta' ġabra potenzjalment akbar ta' data. Għalhekk, fl-Artikolu 519aa jenħtieġ li jiġi nkluż mandat għall-EBA biex jissorvelja s-suq tat-titolizzazzjonijiet NPE u jippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kummissjoni dwar il-konvenjenza li jiġi rieżaminat it-trattament ta' kapital regolatorju tat-titolizzazzjonijiet NPE, b'kunsiderazzjoni tal-istat tas-suq tat-titolizzazzjoni NPE, b'mod partikolari, u tas-suq għall-NPEs, b'mod ġenerali, wara l-kriżi tal-COVID-19.
(7) Kif indikat mill-EBA fir-"Rapport dwar il-qafas STS għat-titolizzazzjoni sintetika" tas-6 ta' Mejju 2020, huwa meħtieġ li jiġi introdott qafas speċifiku għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata (STS) fil-karta tal-bilanċ. Minħabba l-livell aktar baxx tar-riskju ta' aġenzija u r-riskju ta' mmudellar ta' titolizzazzjoni STS fil-karta tal-bilanċ meta mqabbla ma' titolizzazzjoni mhux STS sintetika fil-karta tal-bilanċ, għandu jiġi introdott kalibrar sensittiv għar-riskju xieraq għal titolizzazzjonijiet STS fil-karta tal-bilanċ kif irrakkomandat mill-EBA fir-rapport tagħha abbażi tat-trattament regolatorju preferenzjali attwali tas-segmenti superjuri tal-portafolli tal-SMEs. Ir-rikors akbar għaltitolizzazzjoni STS fil-karta tal-bilanċ promoss mit-trattament aktar sensittiv għar-riskju tas-segment superjuri ta' tali titolizzazzjonijiet jillibera l-kapital regolatorju u fl-aħħar mill-aħħar ikompli jespandi l-kapaċità ta' self tal-istituzzjonijiet b'mod prudenzjalment sod. Barra minn hekk, għandha tiġi implimentata regola ta' anterjorità għal pożizzjonijiet superjuri pendenti f'titolizzazzjonijiet sintetiċi fil-karta tal-bilanċ li għalihom l-istituzzjonijiet oriġinaturi jkunu applikaw l-Artikolu 270 attwali qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.
(7a) Fil-kuntest tal-irkupru ekonomiku mill-kriżi tal-COVID-19 u għall-fini tal-preservazzjoni tal-istabbiltà finanzjarja, huwa essenzjali li l-utenti finali jkunu jistgħu effettivament jiħħeġġjaw ir-riskji tagħhom biex jipproteġu r-robustezza tal-karti tal-bilanċ tagħhom. Ir-Rapport Finali tal-Forum ta' Livell Għoli dwar l-Unjoni tas-Swieq Kapitali nnota li Approċċ Standardizzat konservattiv iżżejjed għar-Riskju ta' Kreditu tal-Kontroparti (SA-CCR) jista' jkollu impatt ta' ħsara fuq id-disponibbiltà u l-kost ta' ħeġġijiet finanzjarji għall-utenti finali. F'dak ir-rigward, il-Kummissjoni għandha teżamina mill-ġdid sa ... [30 ta' Ġunju 2021] l-applikazzjoni tal-approċċ SA-CCR filwaqt li tikkunsidra b'mod xieraq l-ispeċifiċitajiet tas-settur bankarju u tal-ekonomija Ewropej, il-kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni internazzjonali u kwalunkwe żvilupp fl-istandards u l-fora internazzjonali.
(7b) F'kooperazzjoni mill-qrib mal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS), il-Kummissjoni għandha, bħala parti mill-implimentazzjoni li ġejja tal-qafas ta' Basel III, tipproduċi rapport sa ... [31 ta' Diċembru 2021] biex tivvaluta kif xieraq it-trattament regolatorju preferenzjali ta' skoperturi fil-forma ta' unitajiet jew ishma f'Impriżi ta' Investiment Kollettiv (CIUs) b'portafoll sottostanti li jikkonsisti f'bonds sovrani tal-Istati Membri taż-żona tal-euro, li l-piż relattiv tagħhom għall-bonds ta' kontribuzzjoni kapitali ta' kull Stat Membru jkun daqs il-piż relattiv tal-kontribuzzjoni kapitali ta' kull Stat Membru (iċċekkja naqra li taqbel sew max-xellug) lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) b'kont meħud tal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew rigwad ir-Regolament dwar it-Titoli koperti minn Bonds Sovrani adottat fit-23 ta' Maru 2019.
▌
(9) Ladarba l-għanijiet ta' dan ir-Regolament, jiġifieri li tiġi massimizzata l-kapaċità tal-istituzzjonijiet biex isellfu u jassorbu t-telf marbut mal-pandemija tal-COVID-19, filwaqt li tibqa' tiġi żgurata r-reżiljenza kontinwa tagħhom, ma jkunux jistgħu jintlaħqu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tagħhom, ikunu jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità l-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-istess Artikolu, dan ir-regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-għanijiet.
(10) Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 575/2013 jiġi emendat skont dan.
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Emendi għar-Regolament (UE) Nru 575/2013
Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 huwa emendat kif ġej:
(-1) fl-Artikolu 242, jiddaħħal il-punt li ġej:
"(19a) "marġni pożittiv sintetiku" tfisser marġni pożittiv sintetiku kif definit fil-punt (28) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 2017/2402.";
(-1a) l-Artikolu 248 huwa emendat kif ġej:
(a) fil-paragrafu 1, jiżdied il-punt li ġej:
"(da) Il-valur tal-iskopertura ta' marġni pożittiv sintetiku għandu jinkludi, kif applikabbli, l-entrati li ġejjin:
(i) kwalunkwe introjtu mill-iskoperturi titolizzati diġà rikonoxxuti mill-istituzzjoni oriġinatriċi fid-dikjarazzjoni tad-dħul tagħha fl-ambitu tal-qafas tal-kontabbiltà applikabbli li l-istituzzjoni oriġinatriċi kuntrattwalment allokat għat-tranżazzjoni bħala marġni pożittiv sintetiku;
(ii) kwalunkwe marġni pożittiv sintetiku kuntrattwalment allokat mill-istituzzjoni oriġinatriċi fi kwalunkwe perjodu preċedenti li għadu disponibbli biex jassorbi t-telf;
(iii) kwalunkwe marġni pożittiv sintetiku kuntrattwalment allokat mill-oriġinatur għall-perjodu attwali li għadu disponibbli biex jassorbi t-telf;
(iv) kwalunkwe marġni pożittiv sintetiku kuntrattwalment allokat mill-oriġinatur għal perjodi futuri.
Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, kwalunkwe ammont ipprovdut bħala kollateral jew titjib tal-kreditu fir-rigward tat-titolizzazzjoni sintetika u li huwa diġà soġġett għal rekwiżit ta' fondi proprji skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti f'dan il-Kapitolu ma għandux jiġi inkluż fil-valur tal-iskopertura."
(b) jiżdied il-paragrafu li ġej:
"3a. L-EBA għandha tiżviluppa abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika kif l-istituzzjonijiet oriġinatriċi għandhom jiddeterminaw il-valur tal-iskopertura msemmi fil-punt (da) tal-paragrafu 1.
L-EBA għandha tippreżenta dan l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sa ... [sitt xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament emendatorju].
Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li/sabiex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010."
(1) fl-Artikolu 249(3), l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:
"Permezz ta' deroga mill-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, il-fornituri eliġibbli ta' protezzjoni ta' kreditu mhux iffinanzjata elenkati fil-punt (g) tal-Artikolu 201(1) għandhom ikunu ġew assenjati valutazzjoni tal-kreditu minn ECAI rikonoxxuta li tkun skala 2 jew aktar tal-kwalità kreditizja fiż-żmien meta l-protezzjoni ta' kreditu kienet rikonoxxuta għall-ewwel darba u skala 3 jew aktar tal-kwalità kreditizja minn hemm 'il quddiem.";
(1a) fl-Artikolu 256, jiżdied il-paragrafu li ġej:
"5a. Għall-finijiet tal-kalkolu tal-punti ta' attakkament (A) u l-punti ta' distakkament (D) ta' titolizzazzjoni sintetika, l-istituzzjoni oriġinatriċi tat-titolizzazzjoni għandha tittratta l-valur tal-iskopertura tal-pożizzjoni ta' titolizzazzjoni li tikkorrispondi għall-marġni pożittiv sintetiku msemmi fil-punt (da) tal-Artikolu 248 bħala segment, u taġġusta l-punti ta' attakkament (A) u l-punti ta' distakkament (D) tas-segmenti l-oħra li żżomm billi żżid dak il-valur tal-iskopertura mal-bilanċ pendenti tal-grupp ta' skoperturi sottostanti fit-titolizzazzjoni. Istituzzjonijiet għajr l-istituzzjoni oriġinatriċi ma għandhomx jagħmlu dan l-aġġustament."
(2) jiddaħħal l-Artikolu li ġej:
"Artikolu 269a
Trattament ta' titolizzazzjonijiet ta' skoperturi improduttivi (NPE)
1. Il-piż tar-riskju għal pożizzjoni ta' titolizzazzjoni NPE għandu jiġi kkalkulat skont l-Artikolu 254, soġġett għal limitu minimu ta' 100 %.
2. Permezz ta' deroga mill-paragrafu 1, l-istituzzjonijiet għandhom jassenjaw il-piżijiet tar-riskju li ġejjin lis-segment superjuri ta' titolizzazzjoni NPE tradizzjonali kwalifikanti soġġett għal limitu minimu tal-piż tar-riskju ta' 50 % u limitu massimu tal-piż tar-riskju ta' 100 %:
(a) meta s-SEC-IRBA jew is-SEC-SA jridu jintużaw skont l-Artikolu 254, il-piż tar-riskju li jirriżulta mill-Artikolu 259 jew l-Artikolu 261, rispettivament;
(b) meta s-SEC-ERBA jrid jintuża skont l-Artikolu 254, il-piż tar-riskju li jirriżulta mill-Artikolu 263.
3. L-istituzzjonijiet li skont il-Kapitolu 3 ta' dan it-Titolu mhumiex permessi jużaw l-istimi proprji tal-LGD u tal-fatturi ta' konverżjoni fir-rigward tal-iskoperturi tal-grupp ma għandhomx jitħallew jużaw is-SEC-IRBA għall-kalkolu tal-ammonti ta' skoperturi ponderati għar-riskju għal pożizzjoni f'titolizzazzjoni NPE.
4. Għall-finijiet tal-Artikolu 268(1), it-telf mistenni assoċjat mal-pożizzjonijiet f'titolizzazzjoni NPE tradizzjonali kwalifikanti għandu jiġi inkluż wara t-tnaqqis tal-iskont fil-prezz tax-xiri mhux rimborżabbli ▌ u, fejn applikabbli, kwalunkwe aġġustament speċifiku addizzjonali għar-riskju ta' kreditu.
4a. Għall-finijiet tal-Artikolu 267, meta l-istituzzjoni tuża l-approċċ IRB, il-valuri tat-telf u tal-iskoperturi mistennija assoċjati ma' pożizzjonijiet f'titolizzazzjoni NPE tradizzjonali kwalifikanti għandhom jiġu inklużi wara t-tnaqqis tal-iskont tal-prezz tax-xiri mhux rimborżabbli.
5. Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, l-iskont fil-prezz tax-xiri mhux rimborżabbli għandu jiġi kkalkulat bħala d-differenza bejn l-ammont fil-punt (a) u l-ammont fil-punt (b):
(a) l-ammont pendenti tal-iskoperturi sottostanti tat-titolizzazzjoni NPE;
(b) is-somma tal-prezz tal-bejgħ tas-segmenti jew, fejn applikabbli, ta' partijiet mis-segmenti tat-titolizzazzjoni NPE mibjugħa lil investituri terzi, u l-valur pendenti tas-segmenti jew, fejn applikabbli, ta' partijiet mis-segmenti ta' dik it-titolizzazzjoni miżmuma mill-oriġinatur.
Meta skont ikun strutturat b'tali mod li jkun jista' jiġi rimborżat b'mod sħiħ jew parzjali lill-oriġinatur, tali skont għandu jiġi ttrattat bħala rimborżabbli u ma għandux jgħodd bħala skont fil-prezz tax-xiri mhux rimborżabbli għall-finijiet ta' dan l-Artikolu.
5a. Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu:
(a) "titolizzazzjoni NPE" tfisser titolizzazzjoni NPE kif definit fil-punt (24) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2017/2402;
(b) "titolizzazzjoni NPE tradizzjonali kwalifikanti" tfisser titolizzazzjoni NPE tradizzjonali fejn l-iskoperturi sottostanti jkunu ġew ittrasferiti lill-SSPE bi skont fil-prezz tax-xiri mhux rimborżabbli ta' mill-inqas 50 % fuq il-bilanċ pendenti ta' dawk l-iskoperturi.";
(3) L-Artikolu 270 huwa sostitwit b'dan li ġej:
"Artikolu 270
Pożizzjonijiet superjuri f'titolizzazzjoni STS fil-karta tal-bilanċ
Istituzzjoni oriġinatriċi tista' tikkalkula l-ammonti ta' skoperturi ponderati skont ir-riskju fir-rigward ta' pożizzjoni ta' titolizzazzjoni ta' titolizzazzjoni STS fil-karta tal-bilanċ kif imsemmi fl-Artikolu 26a(1) tar-Regolament (UE) 2017/2402 f'konformità mal-Artikoli 260, 262 jew 264 ta' dan ir-Regolament, kif applikabbli, meta ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin ikunu ssodisfati fir-rigward ta' dik il-pożizzjoni:
(a) it-titolizzazzjoni tissodisfa r-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 243(2);
(b) il-pożizzjoni tikkwalifika bħala l-pożizzjoni ta' titolizzazzjoni superjuri;
(ba) ir-riskju tal-kreditu assoċjat mal-pożizzjonijiet mhux miżmuma mill-istituzzjoni oriġinatriċi jiġi ttrasferit permezz ta' garanzija jew kontrogaranzija li tissodisfa r-rekwiżiti għal protezzjoni ta' kreditu mhux iffinanzjata stabbilita fil-Kapitolu 4 għall-Approċċ Standardizzat għar-riskju tal-kreditu.";
(3a) fl-Artikolu 430, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:
"1a. Għall-finijiet tal-punt (a) tal-paragrafu 1, meta l-istituzzjonijiet jirrapportaw dwar ir-rekwiżiti ta' fondi proprji fuq it-titolizzazzjonijiet, l-informazzjoni li jirrapportaw għandha tinkludi wkoll il-valur tal-iskopertura tat-titolizzazzjonijiet NPE li jibbenefikaw mit-trattament stabbilit fl-Artikolu 269a, il-valur tal-iskopertura tat-titolizzazzjonijiet sintetiċi li joriġinaw, u d-diżaggregazzjoni tal-assi sottostanti għal dawk it-titolizzazzjonijiet sintetiċi skont il-klassi tal-assi."
▌
(4a) jiddaħħal l-Artikolu li ġej:
"Artikolu 494ba
Anterjorità għal pożizzjonijiet ta' titolizzazzjoni
Permezz ta' deroga mill-Artikolu 270, istituzzjoni oriġinatriċi tista' tikkalkula l-ammonti ta' skoperturi ponderati għar-riskju ta' titolizzazzjoni skont l-Artikoli 260, 262 jew 264, meta jiġu ssodisfati dawn iż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:
(a) it-titolizzazzjoni ngħatat qabel ...[id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament emendatorju];
(b) it-titolizzazzjoni ssodisfat fi ...[jum qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament], il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 270 kif applikabbli f'dik id-data;"
(4b) fl-Artikolu 501c, il-parti introduttorja hija sostitwita b'dan li ġej:
"L-EBA, wara li tikkonsulta lill-BERS, għandha tivvaluta, abbażi tad-data disponibbli u s-sejbiet tal-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli tal-Kummissjoni dwar il-Finanzjament Sostenibbli jekk ikunx ġustifikat trattament prudenzjali dedikat tal-iskoperturi relatati ma' assi, inklużi titolizzazzjonijiet, jew attivitajiet assoċjati b'mod sustanzjali ma' objettivi ambjentali u/jew soċjali. B'mod partikolari, l-EBA għandha tivvaluta:"
(4c) fl-Artikolu 519a, jiżdied il-punt li ġej:
"(da) kif il-kriterji tas-sostenibbiltà ambjentali jistgħu jiġu integrati fil-qafas tat-titolizzazzjoni, inkluż għall-iskoperturi għal titolizzazzjonijiet NPE."
(4d) jiddaħħal l-Artikolu li ġej:
"Artikolu 519aa
Titolizzazzjonijiet NPE
1. Sa ... [31 ta' Diċembru 2020], il-Kummissjoni għandha teżamina mill-ġdid it-trattament prudenzjali tat-titolizzazzjonijiet NPE skont l-Artikolu 269a biex jitqiesu l-iżviluppi fl-istandards internazzjonali għall-iskoperturi għal titolizzazzjoni NPE u għandha tippreżenta proposta leġiżlattiva, meta xieraq, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
2. L-EBA għandha timmonitorja l-applikazzjoni tal-Artikolu 269a u għandha tevalwa t-trattament ta' kapital regolatorju tat-titolizzazzjonijiet NPE wara li tqis l-istat tas-suq tat-titolizzazzjonijiet NPE, b'mod partikolari, u s-suq għall-NPEs, b'mod ġenerali, u tippubblika rapport dwar is-sejbiet tagħha lill-Kummissjoni sa ... [12-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament emendatorju].
Il-Kummissjoni għandha, abbażi tar-rapport tal-EBA, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 269a flimkien ma' proposta leġiżlattiva, meta xieraq, sa ... [18-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament emendatorju]."
(4e) jiddaħħal l-Artikolu li ġej:
"Artikolu 519ba
Is-CIUs b'portafoll sottostanti ta' bonds sovrani taż-żona tal-euro
F'kooperazzjoni mill-qrib mal-BERS, il-Kummissjoni għandha, bħala parti mill-implimentazzjoni li ġejja tal-qafas ta' Basel III, tipproduċi rapport sa ... [31 ta' Diċembru 2021] biex jiġi vvalutat kif xieraq trattament regolatorju preferenzjali ta' skoperturi fil-forma ta' unitajiet jew ishma f'Impriżi ta' Investiment Kollettiv (CIUs) b'portafoll sottostanti li jikkonsisti f'bonds sovrani tal-Istati Membri taż-żona tal-euro, li l-piżijiet relattivi tagħhom għall-bonds ta' kull Stat Membru huma daqs il-piż relattiv tal-kontribuzzjoni kapitali ta' kull Stat Membru lill-BĊE b'kont meħud tal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew rigward ir-Regolament dwar it-Titoli Koperti minn Bonds Sovrani adottat fit-23 ta' Marzu 2019."
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi …,
Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill
Il-President Il-President
PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI
Titolu |
Emenda tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 fir-rigward ta’ aġġustamenti għall-qafas ta’ titolizzazzjoni bħala appoġġ għall-irkupru ekonomiku b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19 |
|||
Referenzi |
COM(2020)0283 – C9-0208/2020 – 2020/0156(COD) |
|||
Data meta ġiet ippreżentata lill-PE |
27.7.2020 |
|
|
|
Kumitat responsabbli Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja |
ECON 14.9.2020 |
|
|
|
Rapporteurs Data tal-ħatra |
Othmar Karas 7.9.2020 |
|
|
|
Data tal-adozzjoni |
10.11.2020 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
36 23 0 |
||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Gunnar Beck, Marek Belka, Isabel Benjumea Benjumea, Stefan Berger, Gilles Boyer, Francesca Donato, Derk Jan Eppink, Engin Eroglu, Markus Ferber, Jonás Fernández, Frances Fitzgerald, José Manuel García-Margallo y Marfil, Luis Garicano, Sven Giegold, Valentino Grant, Claude Gruffat, José Gusmão, Enikő Győri, Eero Heinäluoma, Danuta Maria Hübner, Stasys Jakeliūnas, Othmar Karas, Billy Kelleher, Ondřej Kovařík, Georgios Kyrtsos, Aurore Lalucq, Philippe Lamberts, Aušra Maldeikienė, Pedro Marques, Costas Mavrides, Jörg Meuthen, Csaba Molnár, Siegfried Mureşan, Caroline Nagtegaal, Luděk Niedermayer, Lefteris Nikolaou-Alavanos, Piernicola Pedicini, Lídia Pereira, Kira Marie Peter-Hansen, Sirpa Pietikäinen, Dragoș Pîslaru, Evelyn Regner, Antonio Maria Rinaldi, Alfred Sant, Ralf Seekatz, Pedro Silva Pereira, Paul Tang, Cristian Terheş, Irene Tinagli, Ernest Urtasun, Inese Vaidere, Johan Van Overtveldt, Stéphanie Yon-Courtin, Marco Zanni, Roberts Zīle |
|||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Gerolf Annemans, Chris MacManus, Mick Wallace |
|||
Sostituti (skont l-Artikolu 209(7)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Dietmar Köster |
|||
Data tat-tressiq |
10.11.2020 |
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
36 |
+ |
PPE |
Isabel Benjumea Benjumea, Stefan Berger, Markus Ferber, Frances Fitzgerald, José Manuel García-Margallo y Marfil, Enikő Győri, Danuta Maria Hübner, Othmar Karas, Georgios Kyrtsos, Aušra Maldeikienė, Siegfried Mureşan, Luděk Niedermayer, Lídia Pereira, Sirpa Pietikäinen, Ralf Seekatz, Inese Vaidere |
Renew |
Gilles Boyer, Engin Eroglu, Luis Garicano, Billy Kelleher, Ondřej Kovařík, Caroline Nagtegaal, Dragoș Pîslaru, Stéphanie Yon-Courtin |
S&D |
Marek Belka, Jonás Fernández, Eero Heinäluoma, Dietmar Köster, Pedro Marques, Costas Mavrides, Csaba Molnár, Evelyn Regner, Alfred Sant, Pedro Silva Pereira, Paul Tang, Irene Tinagli |
23 |
- |
ECR |
Derk Jan Eppink, Cristian Terheş, Johan Van Overtveldt, Roberts Zīle |
GUE/NGL |
José Gusmão, Chris MacManus, Mick Wallace |
ID |
Gerolf Annemans, Gunnar Beck, Francesca Donato, Valentino Grant, Jörg Meuthen, Antonio Maria Rinaldi, Marco Zanni |
NI |
Lefteris Nikolaou-Alavanos, Piernicola Pedicini |
S&D |
Aurore Lalucq |
Verts/ALE |
Sven Giegold, Claude Gruffat, Stasys Jakeliūnas, Philippe Lamberts, Kira Marie Peter-Hansen, Ernest Urtasun |
0 |
0 |
|
|
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni
- [1] ĠU C ... / Għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.
- [2] ĠU C ... / Għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.
- [*] Emendi: it-test ġdid jew modifikat huwa indikat permezz tat-tipa korsiva u grassa; it-tħassir huwa indikat permezz tas-simbolu ▌.
- [3] Għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.
- [4] Għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.
- [5] https://eba.europa.eu/risk-analysis-and-data/npls