RAPPORT dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2017/2402 li jistabbilixxi qafas ġenerali għat-titolizzazzjoni u li joħloq qafas speċifiku għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata biex jgħin l-irkupru mill-pandemija tal-COVID-19
10.11.2020 - (COM(2020)0282 – C9-0207(2020) – 2020/0151(COD)) - ***I
Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
Rapporteur: Paul Tang
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2017/2402 li jistabbilixxi qafas ġenerali għat-titolizzazzjoni u li joħloq qafas speċifiku għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata biex jgħin l-irkupru mill-pandemija tal-COVID-19
(COM(2020)0282 – C9-0207(2020) – 2020/0151(COD))
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2020)0282),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2), u l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C9-0207/2020),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-23 ta' Settembru 2020[1],
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tad-29 ta' Ottubru 2020[2],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A9-0215/2020),
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;
2. Jitlob lill-Kummissjoni terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Emenda 1
EMENDI TAL-PARLAMENT EWROPEW[*]
għall-proposta tal-Kummissjoni
---------------------------------------------------------
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolament (UE) 2017/2402 li jistabbilixxi qafas ġenerali għat-titolizzazzjoni u li joħloq qafas speċifiku għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata biex jgħin l-irkupru mill-pandemija tal-COVID-19
(Test b'relevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz ta' att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1) Il-pandemija tal-COVID-19 qed taffettwa lin-nies, lill-kumpaniji, lis-sistemi tas-saħħa u lill-ekonomiji tal-Istati Membri b'mod sever. Il-Kummissjoni, fil-Komunikazzjoni tagħha lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat u lill-Kumitat tar-Reġjuni tas-27 ta' Marzu 2020 bit-titlu "Il-mument tal-Ewropa: Tiswija u Tħejjija għall-Ġenerazzjoni li Jmiss"[[1]], enfasizzat li l-likwidità u l-aċċess għal finanzjament se jibqgħu diffiċli fix-xhur li ġejjin. Huwa kruċjali, għalhekk, li jiġi appoġġat l-irkupru mix-xokk ekonomiku sever ikkawżat mill-pandemija tal-COVID-19 bl-introduzzjoni ta' emendi mmirati għal biċċiet eżistenti ta' leġiżlazzjoni finanzjarja. Dan il-pakkett ta' miżuri huwa adottat taħt it-tikketta "Pakkett għall-Irkupru tas-Swieq Kapitali".
(2) Ix-xokk ekonomiku qawwi kkawżat mill-pandemija tal-COVID-19 u l-miżuri ta' konteniment eċċezzjonali għandhom impatt wiesa' fuq l-ekonomija. In-negozji qed jiffaċċjaw tfixkil fil-ktajjen tal-provvista, għeluq temporanju u tnaqqis fid-domanda, filwaqt li l-unitajiet domestiċi qed iħabbtu wiċċhom ma' qgħad u tnaqqis fid-dħul. L-awtoritajiet pubbliċi fil-livell tal-Unjoni u fil-livell tal-Istati Membri ħadu azzjonijiet deċiżivi biex jappoġġaw lill-familji u lill-impriżi solventi biex jifilħu għat-tnaqqis sever iżda temporanju fl-attività ekonomika u n-nuqqasijiet ta' likwidità li rriżultaw.
(3) Huwa importanti li l-istituzzjonijiet tal-kreditu u d-ditti tal-investiment ("istituzzjonijiet") jużaw il-kapital tagħhom fejn huwa l-aktar meħtieġ u l-qafas regolatorju tal-Unjoni jiffaċilita dan filwaqt li jiżgura li l-istituzzjonijiet jaġixxu b'mod prudenti. Minbarra l-flessibbiltà pprovduta fir-regoli eżistenti, jenħtieġ li l-bidliet immirati tar-Regolament (UE) 2017/2402 jiżguraw li l-qafas tat-titolizzazzjoni tal-Unjoni jipprevedi għodda addizzjonali biex jitrawwem l-irkupru ekonomiku wara li tgħaddi l-pandemija tal-COVID-19.
(4) Iċ-ċirkustanzi straordinarji tal-kriżi tal-COVID-19 u d-dimensjoni bla preċedent tal-isfidi marbuta magħha wasslu għas-sejħa għal azzjoni immedjata biex jiġi żgurat li l-istituzzjonijiet ikollhom l-abbiltà li jipprovdu fondi suffiċjenti lin-negozji biex jgħinu biex jassorbu x-xokk ekonomiku kkawżat mill-pandemija tal-COVID-19.
(4a) B'mod partikolari, il-kriżi tal-COVID-19 taf iżżid l-għadd ta' skoperturi improduttivi (NPEs), u żżid il-ħtieġa li dawn jiġu nnegozjati fis-suq. Barra minn hekk, fil-kuntest ta' kriżi, huwa vitali li r-riskji jitbiegħdu mill-partijiet sistemikament importanti tas-sistema finanzjarja u li l-mutwanti jsaħħu l-pożizzjoni kapitali tagħhom. Filwaqt li t-titolizzazzjoni sintetika hija mod kif dan jista' jinkiseb, il-banek jenħtieġ li b'mod parallel jippruvaw isaħħu l-pożizzjoni kapitali tagħhom billi jiġġeneraw kapital proprju ġdid.
(4b) L-entitajiet bi skop speċjali tat-titolizzazzjoni (SSPEs) jenħtieġ li jkunu stabbiliti biss f'pajjiżi terzi li mhumiex elenkati mill-Unjoni Ewropea bħala pajjiżi terzi b'riskju għoli li għandhom nuqqasijiet strateġiċi fir-reġim tagħhom dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu jew bħala ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta' taxxa.
(5) Kif indikat mill-Awtorità Bankarja Ewropea ("ABE") fl-Opinjoni tagħha dwar it-trattament regolatorju tat-titolizzazzjoni tal-iskoperturi improduttivi[3], ir-riskji assoċjati mal-assi li jsostnu titolizzazzjonijiet ta' assi improduttiv (NPE) huma ekonomikament distinti minn dawk ta' titolizzazzjonijiet ta' assi produttivi. L-NPEs huma titolizzati bi skont fuq il-valur nominali jew pendenti tagħhom u jirriflettu, fost l-oħrajn, il-valutazzjoni tas-suq tal-probabbiltà li l-proċess ta' ristrutturar tad-dejn se jiġġenera biżżejjed flussi ta' flus u rkupri tal-assi. Ir-riskju għall-investituri huwa, għalhekk, li r-ristrutturar tad-dejn tal-assi jiġġenera rkupri mhux suffiċjenti biex ikopru l-valur nett tax-xiri ta' dawk l-NPEs. It-telf reali tar-riskju għall-investituri, għalhekk, ma jirrappreżentax il-valur nominali tal-portafoll, iżda l-valur skontat, nett tal-iskont fuq il-prezz li bih jiġu ttrasferiti l-assi sottostanti. Huwa għalhekk xieraq, fil-każ ta' titolizzazzjonijiet NPE, li jiġi kkalkolat l-ammont ta' ritenzjoni tar-riskju fuq il-bażi ta' dak il-valur skontat.
(6) Ir-rekwiżit tar-ritenzjoni tar-riskju jallinja l-interessi tal-emittenti u tal-investituri fil-prestazzjoni tal-assi sottostanti. Tipikament, f'titolizzazzjonijiet ta' assi produttivi, l-interess prevalenti fuq in-naħa tal-bejgħ ikun dak tal-oriġinatur, li ta' spiss ikun ukoll il-mutwanti oriġinali. F'titolizzazzjonijiet NPE, madankollu, l-oriġinaturi jippruvaw jeħilsu mill-assi inadempjenti fil-karti tal-bilanċ tagħhom, minħabba li jistgħu ma jkunux jixtiequ jibqgħu assoċjati b'xi mod ma' dawk l-assi inadempjenti. F'dawk il-każijiet, is-servizzjant speċjali tal-assi jkollu aktar interess fir-ristrutturar tal-assi u fl-irkupru tal-valur.
(7) Qabel il-kriżi finanzjarja tal-2008, xi attivitajiet ta' titolizzazzjoni segwew mudell ta' "oriġina u ddistribwixxi". F'dak il-mudell, assi ta' kwalità inferjuri ġew magħżula għal titolizzazzjoni għad-detriment tal-investituri, li spiċċaw b'riskju akbar minn dak li kellhom il-ħsieb li jieħdu. Ir-rekwiżit li jiġu vverifikati l-istandards tal-għoti tal-kreditu użati fil-ħolqien tal-assi titolizzati ġie introdott biex jiġu evitati prattiki bħal dawn fil-futur. Għal titolizzazzjonijiet NPE, madankollu, jenħtieġ li din il-verifika tal-istandards tal-għoti tal-kreditu tqis iċ-ċirkostanzi speċifiċi inkluż ix-xiri ta' dawk l-NPEs u t-tip ta' titolizzazzjoni. Jeħtieġ, għalhekk, li tiġi emendata l-verifika tal-istandards tal-għoti tal-kreditu sabiex l-investitur ikun jista' jwettaq id-diliġenza dovuta fuq il-kwalità u l-prestazzjoni tal-NPEs sabiex jieħu deċiżjoni ta' investiment raġonevoli u infurmata tajjeb, filwaqt li jiġi żgurat li ma jseħħx abbuż mill-eżenzjoni. Minħabba li jistgħu jinqalgħu riskji speċifiċi ta' arbitraġġ regolatorju marbuta mat-Titolizzazzjonijiet NPE, jenħtieġ li tiġi pprovduta informazzjoni speċifika lill-awtoritajiet kompetenti u jiġi introdott obbligu speċifiku ta' monitoraġġ tal-konformità.
(8) It-titolizzazzjoni sintetika fil-karta tal-bilanċ tinvolvi t-trasferiment tar-riskju tal-kreditu ta' sett ta' self, tipikament self korporattiv kbir jew self lill-SMEs, bi ftehim ta' protezzjoni tal-kreditu fejn l-oriġinatur jixtri l-protezzjoni tal-kreditu mingħand l-investitur. Il-protezzjoni tal-kreditu tinkiseb bl-użu ta' garanziji finanzjarji jew ta' derivattivi ta' kreditu filwaqt li s-sjieda tal-assi tibqa' mal-oriġinatur u ma tiġix ittrasferita lil entità bi skop speċjali ta' titolizzazzjoni, kif huwa l-każ f'titolizzazzjonijiet tradizzjonali. L-oriġinatur bħala xerrej tal-protezzjoni jimpenja ruħu li jħallas primjum tal-protezzjoni tal-kreditu, li jiġġenera l-qligħ għall-investituri. Min-naħa tiegħu, l-investitur bħala bejjiegħ ta' protezzjoni jimpenja ruħu li jħallas pagament ta' protezzjoni tal-kreditu speċifikat fl-okkorrenza ta' avveniment ta' kreditu stabbilit minn qabel.
(9) Jenħtieġ li jiġi żgurat li l-kumplessità ġenerali tal-istrutturi tat-titolizzazzjonijiet u r-riskji assoċjati jiġu mitigati b'mod xieraq u li ma jingħatawx inċentivi regolatorji lill-oriġinaturi biex jippreferu titolizzazzjonijiet sintetiċi fuq titolizzazzjonijiet tradizzjonali. Għalhekk, jenħtieġ li r-rekwiżiti għal titolizzazzjonijiet sintetiċi sempliċi, trasparenti u standardizzati (STS) ikunu konsistenti ħafna mal-kriterji STS għat-titolizzazzjonijiet tradizzjonali ta' bejgħ veru.
(10) Madankollu, hemm ċerti rekwiżiti għal titolizzazzjonijiet tradizzjonali STS li ma jaħdmux għal tranżazzjonijiet ta' titolizzazzjonijiet sintetiċi STS minħabba differenzi inerenti bejn dawk iż-żewġ tipi ta' titolizzazzjoni, b'mod partikolari minħabba l-fatt li f'titolizzazzjonijiet sintetiċi t-trasferiment tar-riskju jinkiseb permezz ta' ftehim ta' protezzjoni tal-kreditu minflok bejgħ tal-assi sottostanti. Għalhekk, jenħtieġ li l-kriterji STS jiġu adattati fejn meħtieġ sabiex jitqiesu dawn id-differenzi. Barra minn hekk, huwa meħtieġ li jiġi introdott sett ta' rekwiżiti ġodda, speċifiċi għal titolizzazzjonijiet sintetiċi, biex jiġi żgurat li l-qafas STS ikun immirat biss lejn titolizzazzjonijiet sintetiċi fil-karta tal-bilanċ u li l-ftehim ta' protezzjoni tal-kreditu jkun strutturat biex jipproteġi b'mod adegwat il-pożizzjoni kemm tal-oriġinatur kif ukoll tal-investitur. Jenħtieġ li dan is-sett ġdid ta' rekwiżiti jfittex li jindirizza r-riskju ta' kreditu tal-kontroparti kemm għall-oriġinatur kif ukoll għall-investitur.
(11) Jenħtieġ li l-oġġett tat-trasferiment tar-riskju tal-kreditu jkun skoperturi oriġinati jew mixtrija minn istituzzjoni rregolata tal-Unjoni fi ħdan l-attività tan-negozju ewlenija tagħha ta' self u miżmuma fil-karta tal-bilanċ tagħha jew, fil-każ ta' struttura ta' grupp, fil-karta tal-bilanċ konsolidata tagħha fid-data tal-għeluq. Jenħtieġ li dan ir-rekwiżit li l-oriġinatur ikollu l-iskoperturi titolizzati fil-karta tal-bilanċ jeskludi titolizzazzjonijiet ta' arbitraġġ mill-kamp ta' applikazzjoni tat-tikketta STS.
(11a) Huwa importanti li l-interessi tal-oriġinaturi, l-isponsors, u l-mutwanti oriġinali involuti f'titolizzazzjoni jkunu allinjati. Ir-rekwiżit tar-ritenzjoni tar-riskju skont dan ir-Regolament, li japplika għat-tipi kollha ta' titolizzazzjonijiet, jaħdem biex jallinja dawn l-interessi. Bħala minimu, l-oriġinatur, l-isponsor jew il-mutwanti oriġinali jenħtieġ li jżomm fuq bażi kontinwa interess materjali ekonomiku nett fit-titolizzazzjoni ta' mhux inqas minn 5 % għat-tipi kollha ta' titolizzazzjonijiet, inklużi t-titolizzazzjonijiet sintetiċi fil-karta tal-bilanċ. Madankollu, jistgħu jiġu ġustifikati proporzjonijiet ogħla ta' ritenzjoni tar-riskju, u jenħtieġ li jiġi nnutat li xi parteċipanti fis-suq jużaw rati ta' ritenzjoni tar-riskju ta' 10 % jew sa 20 %.
(12) Jenħtieġ li l-oriġinatur jiżgura li ma jiħħeġġjax l-istess riskju ta' kreditu aktar minn darba billi jikseb protezzjoni tal-kreditu minbarra l-protezzjoni tal-kreditu pprovduta mit-titolizzazzjoni sintetika. Sabiex tiġi żgurata r-robustezza tiegħu, jenħtieġ li l-ftehim ta' protezzjoni tal-kreditu jissodisfa r-rekwiżiti ta' mitigazzjoni tar-riskju tal-kreditu stabbiliti fl-Artikolu 249 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[4] li jridu jiġu ssodisfati minn istituzzjonijiet li jfittxu trasferiment tar-riskju sinifikanti permezz ta' titolizzazzjoni sintetika.
(12a) Il-fatt li tranżazzjoni taqa' fi ħdan il-qafas STS jista' jfisser, iżda mhux neċessarjament, li din tinvolvi trasferiment tar-riskju sinifikanti. Għalhekk, il-prodotti tat-titolizzazzjoni sintetika STS mhux neċessarjament jikkwalifikaw għal trasferiment tar-riskju sinifikanti u l-awtoritajiet rilevanti jenħtieġ li jivvalutaw dawn iż-żewġ kwistjonijiet b'mod separat.
(12b) It-tranżazzjonijiet għal titolizzazzjoni sintetika fil-karta tal-bilanċ jistgħu jinkludu ammortizzament mhux sekwenzjali sabiex jiġu evitati spejjeż sproporzjonati ta' protezzjoni tal-iskoperturi sottostanti u l-evoluzzjoni tal-portafoll. Madankollu, biex jiġi żgurat li t-trasferiment tar-riskju sinifikanti ma jiġix imminat, jenħtieġ li ċerti skattaturi relatati mal-prestazzjoni jiddeterminaw l-applikazzjoni tal-ammortizzament sekwenzjali.
(13) Sabiex jiġu evitati kunflitti bejn l-oriġinatur u l-investitur u biex tiġi żgurata ċertezza legali f'termini tal-kamp ta' applikazzjoni tal-protezzjoni tal-kreditu mixtrija għal skoperturi sottostanti, tali protezzjoni tal-kreditu jenħtieġ li tirreferi għal obbligi referenzjarji identifikati b'mod ċar, li jagħtu lok għall-iskoperturi sottostanti, ta' entitajiet jew obbliganti identifikati b'mod ċar. Għalhekk, jenħtieġ li l-obbligi referenzjarji li fuqhom tinxtara l-protezzjoni jiġu identifikati b'mod ċar f'kull ħin, permezz ta' reġistru ta' referenza, u jinżammu aġġornati. Jenħtieġ li dan ir-rekwiżit ikun ukoll indirettament parti mill-kriterju li jiddefinixxi t-titolizzazzjoni fil-karta tal-bilanċ u li jeskludi titolizzazzjoni ta' arbitraġġ mill-qafas STS.
(14) L-avvenimenti tal-kreditu li jiskattaw pagamenti skont il-ftehim ta' protezzjoni tal-kreditu jenħtieġ li jinkludu mill-inqas dawk imsemmija fl-Artikolu 178 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013. Dawk l-avvenimenti huma magħrufa sew u rikonoxxibbli mill-perspettiva tas-suq u jenħtieġ li jservu biex tiġi żgurata l-konsistenza mal-qafas prudenzjali. Il-miżuri ta' trażżin, li jikkonsistu f'konċessjonijiet lejn debitur li jkun qed jesperjenza jew wasal biex jesperjenza diffikultajiet biex jissodisfa l-impenji finanzjarji tiegħu, jenħtieġ li ma jipprekludux l-iskattar tal-avveniment ta' protezzjoni tal-kreditu. Jenħtieġ li r-ristrutturar jiġi eskluż bħala avveniment ta' kreditu fil-każ ta' garanziji finanzjarji sabiex jiġi evitat li l-garanziji finanzjarji jkunu jistgħu jiġu ttrattati bħala derivattiv skont l-istandards tal-kontabbiltà rilevanti.
(15) Id-dritt tal-oriġinatur bħala xerrej tal-protezzjoni li jirċievi pagamenti fil-ħin fuq telf reali jenħtieġ li jkun protett b'mod adegwat. Għaldaqstant, jenħtieġ li d-dokumentazzjoni tat-tranżazzjoni tipprevedi proċess ta' saldu sod u trasparenti għad-determinazzjoni tat-telf reali fil-portafoll ta' referenza biex jiġi evitat li l-ammont imħallas lill-oriġinatur ikun insuffiċjenti. Billi r-ristrutturar tat-telf jista' jkun proċess twil u biex jiġu żgurati pagamenti f'waqthom lill-oriġinatur, jenħtieġ li l-pagamenti interim isiru mhux aktar tard minn sitt xhur wara li jkun seħħ tali avveniment ta' kreditu. Barra minn hekk, jenħtieġ li jkun hemm mekkaniżmu ta' aġġustament finali biex jiġi żgurat li l-pagamenti interim ikopru t-telf reali u biex jiġu evitati pagamenti eċċessivi għad-detriment tal-investituri. Jenħtieġ li l-mekkaniżmu tas-saldu tat-telf jispeċifika wkoll b'mod ċar il-perjodu ta' estensjoni massimu li jenħtieġ li japplika għall-proċess ta' ristrutturar għal dawk l-iskoperturi u jenħtieġ li tali perjodu ta' estensjoni ma jkunx itwal minn sentejn. Jenħtieġ, għalhekk, li dak il-mekkaniżmu tas-saldu tat-telf jiżgura l-effettività tal-arranġament tal-protezzjoni tal-kreditu mill-perspettiva tal-oriġinatur, u jagħti lill-investituri ċertezza tad-dritt fid-data tat-terminazzjoni dwar l-obbligu tagħhom li jagħmlu pagamenti, biex b'hekk jikkontribwixxi għal suq li jiffunzjona tajjeb.
(16) Il-fatt li jkun hemm aġent ta' verifika ta' parti terza huwa prattika tas-suq mifruxa li ssaħħaħ iċ-ċertezza tad-dritt fit-tranżazzjoni għall-partijiet kollha involuti, u b'hekk tnaqqas il-probabbiltà ta' tilwim u litigazzjonijiet li jistgħu jinqalgħu b'rabta mal-proċess ta' allokazzjoni tat-telf. Sabiex tissaħħaħ is-solidità tal-mekkaniżmu tas-saldu tat-telf tat-tranżazzjoni, jenħtieġ li jinħatar aġent ta' verifika ta' parti terza biex iwettaq rieżami fattwali tal-korrettezza u l-preċiżjoni ta' ċerti aspetti tal-protezzjoni tal-kreditu f'każ ta' attivazzjoni ta' avveniment ta' kreditu.
(17) Il-primjums tal-protezzjoni tal-kreditu jenħtieġ li jiddependu biss fuq id-daqs u r-riskju ta' kreditu pendenti tas-segment protett. Jenħtieġ li l-primjums mhux kontinġenti ma jkunux permessi f'titolizzazzjonijiet STS fil-karta tal-bilanċ peress li dawn jistgħu jintużaw biex jimminaw it-trasferiment tar-riskju effettiv mill-oriġinatur bħala xerrej tal-protezzjoni lill-bejjiegħa tal-protezzjoni. Jenħtieġ li arranġamenti oħra, bħal pagamenti ta' primjum bil-quddiem, mekkaniżmi ta' ribass jew strutturi ta' primjum kumplessi żżejjed, jiġu pprojbiti wkoll għal titolizzazzjonijiet STS fil-karta tal-bilanċ.
(18) Sabiex jiġu żgurati l-istabbiltà u l-kontinwità tal-protezzjoni tal-kreditu, jenħtieġ li t-terminazzjoni bikrija ta' titolizzazzjoni sintetika STS fil-karta tal-bilanċ mill-oriġinatur tkun possibbli biss f'ċerti ċirkostanzi limitati u definiti sew. Filwaqt li jenħtieġ li l-oriġinatur ikun intitolat li jagħlaq il-protezzjoni tal-kreditu minn kmieni meta jseħħu ċerti avvenimenti regolatorji speċifiċi, jenħtieġ li dawn l-avvenimenti jikkostitwixxu bidliet attwali fil-leġiżlazzjoni jew fit-tassazzjoni b'effett negattiv materjali fuq ir-rekwiżiti ta' kapital tal-oriġinatur jew fuq l-aspetti ekonomiċi tat-tranżazzjoni fir-rigward tal-aspettattivi tal-partijiet fil-mument tal-konklużjoni tat-tranżazzjoni u sakemm dawn il-bidliet ma setgħux jiġu raġonevolment antiċipati f'dak iż-żmien. Jenħtieġ li t-titolizzazzjonijiet sintetiċi STS fil-karta tal-bilanċ ma jkunux jinkludu klawżoli ta' opzjoni call kumplessi għall-oriġinatur, b'mod partikolari time calls qosra ħafna bil-għan li tinbidel temporanjament ir-rappreżentazzjoni tal-pożizzjoni kapitali tagħhom fuq bażi ta' każ b'każ.
(19) Il-marġni pożittiv sintetiku huwa preżenti b'mod wiesa' f'ċerti tipi ta' tranżazzjonijiet, u huwa mekkaniżmu utli kemm għall-investituri kif ukoll għall-oriġinaturi, sabiex jitnaqqsu l-kostijiet tal-protezzjoni tal-kreditu u l-iskopertura għar-riskju rispettivament. F'dan ir-rigward, il-marġni pożittiv sintetiku huwa essenzjali għal xi klassijiet speċifiċi ta' assi mhux professjonali, bħal intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SME) u self lill-konsumaturi, li jwasslu għal rendiment kif ukoll telf ta' kreditu superjuri apparagun ta' klassijiet ta' assi oħra, u li għalihom l-iskoperturi titolizzati jiġġeneraw marġni pożittiv li jkopri dak it-telf. Madankollu, jekk l-ammont ta' marġni pożittiv sintetiku subordinat għall-pożizzjoni ta' investitur ikun għoli wisq, huwa possibbli li l-investitur fil-pożizzjonijiet ta' titolizzazzjoni ma jesperjenza telf fl-ebda xenarju realistiku, u dan iwassal għal ebda trasferiment ta' riskju effettiv. Sabiex jittaffa t-tħassib superviżorju u din il-karatteristika strutturali tiġi standardizzata aktar, huwa importanti li jiġu speċifikati kriterji stretti rigward titolizzazzjonijiet sintetiċi STS fil-karta tal-bilanċ u li tiġi żgurata divulgazzjoni totali dwar l-użu ta' marġni pożittiv sintetiku.
(20) Jenħtieġ li l-arranġamenti tal-protezzjoni tal-kreditu ta' kwalità għolja biss ikunu eliġibbli għal titolizzazzjonijiet sintetiċi STS fil-karta tal-bilanċ. Fil-każ ta' protezzjoni ta' kreditu mhux iffinanzjata, din jenħtieġ li tiġi żgurata billi jiġi ristrett il-kamp ta' applikazzjoni tal-fornituri tal-protezzjoni eliġibbli għal dawk l-entitajiet li huma fornituri eliġibbli skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 u rikonoxxuti bħala kontropartijiet b'piż tar-riskju ta' 0 % skont it-Titolu II, Parti Tlieta, Kapitolu 2 ta' dak ir-Regolament. Fil-każ ta' protezzjoni ffinanzjata tal-kreditu, jenħtieġ li l-oriġinatur bħala xerrej ta' protezzjoni u l-investituri bħala bejjiegħa ta' protezzjoni jkollhom rikors għal kollateral ta' kwalità għolja, li jenħtieġ li jirreferi għal kollateral ta' kwalunkwe forma li jista' jiġi assenjat piż tar-riskju ta' 0 % skont it-Titolu II, Parti Tlieta, Kapitolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, soġġett għal arranġamenti xierqa ta' depożitu jew ta' kustodja. Meta l-kollateral ipprovdut ikun fil-forma ta' flus kontanti, jenħtieġ li dan jinżamm jew ma' istituzzjoni ta' kreditu terza jew b'depożitu max-xerrej ta' protezzjoni, soġġett fiż-żewġ każijiet għal livell minimu ta' kwalità tal-kreditu.
(21) Jenħtieġ li l-Istati Membri jaħtru l-awtoritajiet kompetenti li jkunu responsabbli biex jissorveljaw ir-rekwiżiti li jkollha tissodisfa titolizzazzjoni sintetika fil-karta tal-bilanċ sabiex tikkwalifika għad-deżinjazzjoni STS. L-awtorità kompetenti tista' tkun l-istess bħal dik magħżula biex tissorvelja l-konformità tal-oriġinaturi, l-isponsors u l-SSPEs mar-rekwiżiti li t-titolizzazzjonijiet tradizzjonali jridu jissodisfaw sabiex jiksbu d-deżinjazzjoni STS. Bħal fil-każ ta' titolizzazzjonijiet tradizzjonali, tali awtorità kompetenti tista' tkun differenti mill-awtorità kompetenti responsabbli li tissorvelja l-konformità tal-oriġinaturi, il-mutwanti oriġinali, l-SSPEs, l-isponsors u l-investituri mal-obbligi prudenzjali imposti skont l-Artikoli 5 sa 9 tar-Regolament (UE) 2017/2402, u li l-konformità tagħhom, minħabba d-dimensjoni prudenzjali ta' dawk l-obbligi, ġiet speċifikament fdata lill-awtoritajiet kompetenti responsabbli mis-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet finanzjarji rilevanti.
(21a) L-EBA twissi li l-introduzzjoni ta' qafas STS speċifiku għat-titolizzazzjoni sintetika fil-karta tal-bilanċ (BSSS) jeħtieġ tkun akkumpanjata b'mod diliġenti minn superviżjoni biex jiġu evitati konsegwenzi negattivi. B'mod speċifiku, il-BERS jenħtieġ li jimmonitorja r-riskji makroprudenzjali assoċjati mat-titolizzazzjoni sintetika u jivvaluta jekk ir-riskji humiex esklużi biżżejjed mill-parti sistemika tas-sistema finanzjarja tagħna.
(21b) Għall-fini tal-integrazzjoni ta' rekwiżiti ta' trasparenza relatati mas-sostenibbiltà f'dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-EBA, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) (ESMA) u l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol) (EIOPA), tingħata l-mandat li tippubblika rapport dwar l-iżvilupp ta' qafas speċifiku ta' "titolizzazzjoni sostenibbli". Jenħtieġ li dak ir-rapport jivvaluta kif xieraq b'mod partikolari l-introduzzjoni ta' fatturi ta' sostenibbiltà, l-implimentazzjoni ta' rekwiżiti proporzjonati ta' divulgazzjoni u diliġenza dovuta, il-kontenut, il-metodoloġiji u l-preżentazzjoni ta' informazzjoni b'rabta mal-impatti negattivi ambjentali, soċjali u relatati mal-governanza, u kwalunkwe effett potenzjali fuq l-istabbiltà finanzjarja, l-iskalar tas-suq tat-titolizzazzjoni tal-Unjoni u l-kapaċità ta' self mill-banek. Abbażi tar-rapport tal-EBA, il-Kummissjoni jenħtieġ li tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-ħolqien ta' qafas speċifiku ta' titolizzazzjoni sostenibbli, flimkien ma' proposta leġiżlattiva, jekk dan ikun xieraq.
(22) Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2017/2402 jiġi emendat skont dan.
(23) Peress li l-għanijiet ta' dan ir-Regolament, jiġifieri li l-qafas speċifiku għal titolizzazzjoni STS jiġi estiż għat-titolizzazzjoni sintetika fil-karta tal-bilanċ u jitneħħew l-ostakli regolatorji għat-titolizzazzjoni tal-NPEs biex ikomplu jiżdiedu l-kapaċitajiet ta' self mingħajr ma jitbaxxew l-istandards prudenzjali għas-self mill-banek, ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda, minħabba l-iskala u l-effetti tagħhom, jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet.
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Emenda għar-Regolament (UE) 2017/2402
Ir-Regolament (UE) 2017/2402 huwa emendat kif ġej:
(1) fl-Artikolu 2, jiżdiedu l-punti (24), (25), (26), (27), (28) u (28a):
"(24) "titolizzazzjoni ta' skopertura improduttiva (NPE)" tfisser titolizzazzjoni appoġġata minn aggregazzjoni ta' skoperturi improduttivi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 47a(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u li l-valur tagħhom jammonta għal mhux inqas minn 90 % tal-valur nominali tal-aggregazzjoni fiż-żmien tal-oriġinazzjoni u fi kwalunkwe data sussegwenti li fiha jkun hemm żieda ta' assi mal-aggregazzjoni sottostanti jew tnaqqis ta' assi mill-aggregazzjoni sottostanti minħabba riforniment tal-aggregazzjoni jew ristrutturar tat-titolizzazzjoni;
(25) "ftehim ta' protezzjoni ta' kreditu" tfisser ftehim konkluż bejn l-oriġinatur u l-investitur biex jiġi ttrasferit ir-riskju ta' kreditu ta' skoperturi titolizzati mill-oriġinatur għall-investitur bl-użu ta' derivattivi ta' kreditu jew garanziji finanzjarji, fejn l-oriġinatur jimpenja ruħu li jħallas primjum għall-protezzjoni ta' kreditu lill-investitur u l-investitur jimpenja ruħu li jħallas pagament ta' protezzjoni ta' kreditu lill-oriġinatur f'każ li jseħħ wieħed mill-avvenimenti definiti b'mod kuntrattwali;
(26) "primjum tal-protezzjoni ta' kreditu" tfisser l-ammont li l-oriġinatur ikun ikkommetta li jħallas lill-investitur skont il-ftehim ta' protezzjoni ta' kreditu għall-protezzjoni ta' kreditu mwiegħda mill-investitur;
(27) "pagament ta' protezzjoni ta' kreditu" huwa l-ammont li l-investitur impenja ruħu, skont il-ftehim ta' protezzjoni ta' kreditu, li jħallas lill-oriġinatur f'każ li jkun seħħ avveniment ta' kreditu definit fi ftehim ta' protezzjoni ta' kreditu;
(28) "marġni pożittiv sintetiku" tfisser l-ammont li, skont id-dokumentazzjoni ta' titolizzazzjoni sintetika, ikun kuntrattwalment allokat mill-oriġinatur biex ikopri t-telf tal-iskoperturi titolizzati li jista' jseħħ matul il-ħajja tat-tranżazzjoni.;"
(28a) "fatturi ta' sostenibbiltà" tfisser fatturi ta' sostenibbiltà kif definit fil-punt (24) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[5];"
(1a) l-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:
(a) il-punt (a) huwa sostitwit b'dan li ġej:
"(a) il-pajjiż terz huwa elenkat bħala pajjiż terz b'riskju għoli li għandu defiċjenzi strateġiċi fir-reġim tiegħu kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, f'konformità mal-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2015/849;"
(b) jiddaħħal il-paragrafu (aa) li ġej:
"(aa) il-pajjiż terz huwa elenkat fl-Anness I jew l-Anness II tal-lista tal-UE ta' ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta' taxxa;"
(2) l-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:
(a) fil-paragrafu 1, jiżdied is-subparagrafu li ġej:
"Fil-każ ta' titolizzazzjonijiet NPE tradizzjonali, ir-rekwiżit ta' dan il-paragrafu jista' jiġi ssodisfat ukoll mis-servizzjant li jiġġestixxi l-aggregazzjoni ta' riċevibbli mixtrija jew l-iskoperturi ta' kreditu sottostanti ta' kuljum. Is-servizzjant ta' titolizzazzjonijiet NPE għandu jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti mill-Artikolu 21(8).";
(b) jiddaħħal il-paragrafu [3a] li ġej:
"3a. B'deroga mill-punti (b) sa (e) tal-paragrafu 3, fil-każ ta' titolizzazzjonijiet NPE, iż-żamma ta' interess materjali ekonomiku nett għall-finijiet ta' dawk il-punti ma għandhiex tkun inqas minn 5 % tal-valur nett tal-iskoperturi titolizzati li jikkwalifikaw bħala skoperturi improduttivi kif imsemmi fl-Artikolu 47a(3) tar-Regolament 575/2013.
Fil-kalkolu tar-rata ta' ritenzjoni ta' 5 %, it-tariffi li fil-prattika jistgħu jintużaw biex jitnaqqas l-interess materjali ekonomiku nett effettiv għandhom jiġu kkunsidrati kif xieraq.
Il-valur nett ta' skopertura improduttiva għandu jirriżulta mit-tnaqqis tal-iskont tal-prezz ta' xiri li ma jitħallasx lura maqbul fiż-żmien tal-oriġinazzjoni mill-valur nominali tal-iskopertura jew, fejn applikabbli, il-valur pendenti tagħha fl-istess ħin.";
(2a) fl-Artikolu 7(1), l-ewwel subparagrafu huwa emendat kif ġej:
(a) fil-punt (e), il-punt (iii) huwa sostitwit b'dan li ġej:
"(iii) informazzjoni dwar ir-riskju miżmum, inkluż informazzjoni dwar liema mill-modalitajiet previsti fl-Artikolu 6(3) ġiet applikata, f'konformità mal-Artikolu 6; fil-każ ta' titolizzazzjonijiet NPE, informazzjoni dwar kif ir-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 6(3a) subparagrafu (1a) huwa ssodisfat;
(b) fl-ewwel subparagrafu, jiddaħħal il-punt (ea) li ġej:
"(ea) fil-każ ta' titolizzazzjonijiet NPE, informazzjoni dwar kif ir-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 9(1) huwa ssodisfat;"
(3) fl-Artikolu 9(1), jiddaħħal is-subparagrafu li ġej:
"Ir-rekwiżit stabbilit f'dan il-paragrafu ma għandux japplika għal skoperturi sottostanti li jkunu skoperturi improduttivi kif imsemmi fl-Artikolu 47a(3) tar-Regolament 575/2013 fiż-żmien li fih l-oriġinatur akkwistahom mingħand il-parti terza rilevanti sakemm l-oriġinatur ma jkunx jista' jkun raġonevolment mistenni li jikkonferma li dan ir-rekwiżit ġie ssodisfat."
(4) fl-Artikolu 18(1), il-punt (a) huwa sostitwit b'dan li ġej:
"(a) it-titolizzazzjoni tissodisfa r-rekwiżiti kollha tat-Taqsima 1, it-Taqsima 2 jew it-Taqsima 2a ta' dan il-Kapitolu, u l-ESMA tkun ġiet innotifikata skont l-Artikolu 27(1).;"
(5) l-Artikolu 19 huwa emendat kif ġej:
(a) it-titlu tal-artikolu huwa sostitwit b'dan li ġej:
"Titolizzazzjoni tradizzjonali sempliċi, trasparenti u standardizzata";
(b) il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:
"(1) It-titolizzazzjonijiet, ħlief il-programmi ABCP u t-tranżazzjonijiet ABCP, u titolizzazzjonijiet fil-karta tal-bilanċ li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 20, 21 u 22 għandhom jitqiesu STS.";
(5a) l-Artikolu 22 huwa emendat kif ġej:
(a) fil-paragrafu 4, jiżdied is-subparagrafu li ġej:
"B'deroga mill-ewwel subparagrafu, l-oriġinaturi jistgħu, mill-1 ta' Ġunju 2021 'il quddiem, jiddeċiedu li jippubblikaw l-informazzjoni disponibbli relatata mal-impatti negattivi prinċipali fuq il-fatturi ta' sostenibbiltà tal-assi ffinanzjati mill-iskoperturi sottostanti."
(b) jiżdied il-paragrafu li ġej:
"5a. Sal-31 ta' Marzu 2021, l-ASE għandhom jiżviluppaw, permezz tal-Kumitat Konġunt, abbozz ta' standards tekniċi regolatorji f'konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 1094/2010 u (UE) Nru 1095/2010 dwar il-kontenut, il-metodoloġiji u l-preżentazzjoni tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu (4) ta' dan l-Artikolu fir-rigward tal-indikaturi tas-sostenibbiltà b'rabta mal-impatti negattivi fuq il-klima u impatti ambjentali, soċjali u relatati mal-governanza negattivi oħra.
Meta rilevanti, dawk l-istandards tekniċi regolatorji għandhom jirriflettu jew jibnu fuq l-istandards tekniċi regolatorji elaborati f'konformità mal-mandat mogħti lill-ASE fir-Regolament (UE) 2019/2088, b'mod partikolari kif stipulat fl-Artikolu 2a u l-Artikolu 4(6) u (7) tiegħu.
Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 1094/2010 u (UE) Nru 1095/2010."
(6) tiddaħħal it-Taqsima 2a li ġejja:
"Taqsima 2a Rekwiżiti għal titolizzazzjonijiet sempliċi, trasparenti u standardizzati fil-karta tal-bilanċ
Artikolu 26a
Titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata fil-karta tal-bilanċ
1. Titolizzazzjonijiet STS fil-karta tal-bilanċ huma titolizzazzjonijiet sintetiċi li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 26b sa 26e.
2. L-ABE, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-ESMA u mal-EIOPA, tista' tadotta, skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, linji gwida u rakkomandazzjonijiet dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni armonizzata tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 26b sa 26e.
Artikolu 26b
Rekwiżiti relatati mas-sempliċità
1. L-oriġinatur għandu jkun entità li hija awtorizzata jew li għandha liċenzja fl-Unjoni. Għandu jkun l-oriġinatur fir-rigward tal-iskoperturi sottostanti.
Oriġinatur li jixtri l-iskoperturi ta' parti terza f'ismu stess u mbagħad jittitolizzahom għandu japplika politiki għall-iskoperturi ta' parti terza mixtrija, fir-rigward tal-kreditu, il-ġbir, ir-ristrutturar tad-dejn u s-servizzjar, li ma jkunux inqas strinġenti minn dawk li l-oriġinatur japplika għal skoperturi komparabbli li ma jkunux inxtraw.
2. L-iskoperturi sottostanti għandhom jiġu oriġinati bħala parti mill-attività ewlenija tal-oriġinatur.
3. Fid-data tal-għeluq, l-iskoperturi sottostanti għandhom jinżammu fil-karta tal-bilanċ tal-oriġinatur jew ta' entità tal-istess grupp li l-oriġinatur jappartjeni fih.
Għall-finijiet ta' dan il-paragrafu, il-grupp għandu jkun wieħed minn dawn li ġejjin:
(a) grupp ta' entitajiet ġuridiċi soġġetti għal konsolidazzjoni prudenzjali skont l-Ewwel Parti, it-Titlu II, Kapitolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;
(b) grupp kif definit fil-punt (c) tal-Artikolu 212(1) tad-Direttiva 2009/138/KE.
4. L-oriġinatur ma għandux jiħħeġġja darbtejn ir-riskju tal-kreditu tal-iskoperturi sottostanti tat-tranżazzjoni.
5. Il-ftehim dwar il-protezzjoni ta' kreditu għandu jikkonforma mar-regoli ta' mitigazzjoni tar-riskju tal-kreditu stabbiliti fl-Artikolu 249 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, jew jekk l-Artikolu mhuwiex applikabbli, mar-rekwiżiti li mhumiex inqas stretti mir-rekwiżiti ta' dak l-Artikolu.
6. L-oriġinatur għandu jipprovdi rappreżentazzjonijiet u garanziji li ntlaħqu r-rekwiżiti li ġejjin:
(a) l-oriġinatur jew entità tal-grupp li l-oriġinatur jappartjeni fih għandhom titolu legali u validu sħiħ għall-iskoperturi sottostanti u d-drittijiet anċillari assoċjati tagħhom;
(b) meta l-oriġinatur ikun istituzzjoni ta' kreditu kif definit fil-punt (1) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, jew impriża tal-assigurazzjoni kif definit fil-punt (1) tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/138/KE, l-oriġinatur jew entità li tkun inkluża fl-ambitu tas-superviżjoni fuq bażi konsolidata jżommu r-riskju tal-kreditu tal-iskoperturi sottostanti fil-karta tal-bilanċ tagħhom;
(c) kull skopertura sottostanti tikkonforma, fid-data li tkun inkluża fil-portafoll titolizzat, mal-kriterji ta' eliġibbiltà u mal-kundizzjonijiet kollha, minbarra l-okkorrenza ta' avveniment ta' kreditu kif imsemmi fl-Artikolu 26e, għal pagament ta' protezzjoni ta' kreditu;
(d) sa fejn jaf l-oriġinatur, il-kuntratt għal kull skopertura sottostanti fih obbligu legali, validu, vinkolanti u infurzabbli għall-obbligant biex iħallas is-somom ta' flus speċifikati f'dak il-kuntratt;
(e) l-iskoperturi sottostanti jikkonformaw mal-kriterji ta' sottoskrizzjoni li mhumiex anqas stretti minn dawk li l-oriġinatur japplika għal skoperturi simili li mhumiex titolizzati;
(f) sa fejn jaf l-oriġinatur, l-ebda obbligant ma huwa fi ksur materjali jew f'nuqqas ta' kwalunkwe mill-obbligi tiegħu fir-rigward ta' skopertura sottostanti fid-data li fiha l-iskopertura sottostanti tkun inkluża fil-portafoll titolizzat;
(g) sa fejn jaf l-oriġinatur, id-dokumentazzjoni tat-tranżazzjonijiet ma tinkludix informazzjoni falza dwar id-dettalji tal-iskoperturi sottostanti;
(h) fid-data tal-għeluq tat-tranżazzjoni jew meta l-iskopertura sottostanti tkun inkluża fil-portafoll titolizzat, il-kuntratt bejn l-obbligant u l-mutwanti oriġinali fir-rigward ta' dik l-iskopertura sottostanti ma jkunx ġie emendat b'tali mod li jkunu ġew affettwati l-infurzabbiltà jew il-possibbiltà li dik l-iskopertura sottostanti tinġabar.
7. L-iskoperturi sottostanti għandhom jissodisfaw kriterji ta' eliġibbiltà predeterminati, ċari u dokumentati li ma jippermettux immaniġġar tal-portafoll attiv ta' dawk l-iskoperturi fuq bażi diskrezzjonali.
Għall-finijiet ta' dan il-paragrafu, is-sostituzzjoni tal-iskoperturi sottostanti li jiksru r-rappreżentazzjonijiet jew il-garanziji jew, jekk it-titolizzazzjoni tkun tinkludi perjodu ta' rikostituzzjoni, iż-żieda ta' skoperturi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta' rikostituzzjoni definiti ma għandhiex titqies bħala mmaniġġar tal-portafoll attiv.
Kwalunkwe skopertura miżjuda wara d-data tal-għeluq tat-tranżazzjoni għandha tissodisfa l-kriterji tal-eliġibbiltà li ma jkunux inqas stretti minn dawk applikati fl-għażla inizjali tal-iskoperturi sottostanti.
Skopertura sottostanti tista' titneħħa mit-tranżazzjoni jekk l-iskopertura sottostanti:
(a) tkun ġiet imħallsa lura jew immaturat mod ieħor;
(b) tkun tneħħiet matul il-kors ordinarju tan-negozju tal-oriġinatur, sakemm tali disponiment ma jkunx jikkostitwixxi appoġġ impliċitu kif imsemmi fl-Artikolu 250 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;
(c) tkun soġġetta għal emenda li mhijiex immexxija mill-kreditu, bħar-rifinanzjament jew ir-ristrutturar tad-dejn, u li tokkorri matul il-kors ordinarju tal-ġestjoni ta' dik l-iskopertura sottostanti;
(d) ma ssodisfatx il-kriterji ta' eliġibbiltà meta ġiet inkluża fit-tranżazzjoni.
8. It-titolizzazzjoni għandha tkun appoġġata minn aggregazzjoni ta' skoperturi sottostanti li jkunu omoġenji f'termini tat-tip ta' assi, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi relatati mal-flussi tal-flus tat-tip ta' assi inklużi l-karatteristiċi kuntrattwali, tar-riskju ta' kreditu u ta' prepagament tagħhom. Aggregazzjoni ta' assi għandha tikkonsisti biss minn tip wieħed ta' assi.
L-iskoperturi sottostanti għandu jkun fihom obbligi li jkunu kuntrattwalment vinkolanti u eżegwibbli, b'rikors sħiħ għad-debituri u, jekk japplika, il-garanti.
L-iskoperturi sottostanti għandu jkollhom flussi ta' pagament perjodiċi definiti, li l-ħlasijiet parzjali tagħhom jistgħu jvarjaw fl-ammonti, relatati mal-kiri, il-kapital jew il-pagamenti tal-imgħax, jew ma' kwalunkwe dritt ieħor li jirċievu introjtu mill-assi li jappoġġaw dawn il-pagamenti. L-iskoperturi sottostanti jistgħu jiġġeneraw ukoll rikavati mill-bejgħ ta' kwalunkwe assi finanzjati jew mikrija.
L-iskoperturi sottostanti ma għandhomx jinkludu titoli trasferibbli kif definit fil-punt (44) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE ħlief bonds maħruġa minn kumpanija li ma jkunux elenkati f'ċentru tan-negozjar.
9. L-iskoperturi sottostanti ma għandhom jinkludu l-ebda pożizzjoni ta' titolizzazzjoni.
10. L-istandards ta' sottoskrizzjoni li skonthom huma oriġinati l-iskoperturi sottostanti u kwalunkwe bidla materjali minn standards ta' sottoskrizzjoni preċedenti għandhom jiġu divulgati b'mod sħiħ mingħajr dewmien bla bżonn lill-investituri potenzjali. L-iskoperturi sottostanti għandhom jiġu sottoskritti b'rikors sħiħ għal obbligant li mhuwiex SSPE. L-ebda parti terza ma għandha tkun involuta fid-deċiżjonijiet ta' kreditu jew sottoskrizzjoni dwar l-iskoperturi sottostanti.
Fil-każ ta' titolizzazzjonijiet li l-iskoperturi sottostanti tagħhom ikunu self residenzjali, l-aggregazzjoni tas-self ma tinkludi l-ebda self li tqiegħed fis-suq u li jkun ġie sottoskritt fuq il-bażi li l-applikant għas-self jew, fejn applikabbli, l-intermedjarji kienu jafu li l-informazzjoni pprovduta jaf ma tkunx ġiet verifikata mill-mutwanti.
Il-valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja tal-mutwatarju għandha tissodisfa r-rekwiżiti mogħtija fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/48/KE jew fil-paragrafi 1 sa 4, fil-punt (a) tal-paragrafu 5, u fil-paragrafu 6 tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2014/17/UE jew, fejn applikabbli, rekwiżiti ekwivalenti f'pajjiżi terzi.
L-oriġinatur jew il-mutwanti oriġinali għandu jkollu għarfien espert fl-oriġinazzjoni ta' skoperturi ta' xorta simili għal dawk titolizzati.
11. L-iskoperturi sottostanti ma għandhomx jinkludu, fil-mument tal-għażla ta' dawk l-iskoperturi, skoperturi f'inadempjenza skont it-tifsira tal-Artikolu 178(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, jew skoperturi għal debitur jew garanti bi kreditu indebolit li, sa fejn jaf l-oriġinatur jew il-mutwanti oriġinali:
(a) ikun ġie ddikjarat insolventi, jew qorti tkun tat lill-kredituri tiegħu dritt finali mhux appellabbli ta' infurzar jew ta' danni materjali bħala riżultat ta' pagament maqbuż fi żmien tliet snin qabel id-data tal-oriġinazzjoni, jew ikun għadda minn proċess ta' ristrutturar tad-dejn fir-rigward tal-iskoperturi improduttivi tiegħu fi żmien tliet snin qabel id-data tal-għażla tal-iskoperturi sottostanti, ħlief jekk:
(i) skopertura sottostanti ristrutturata ma tkunx ippreżentat arretrati ġodda mid-data tar-ristrutturar li kellu jseħħ għall-anqas sena qabel id-data tal-għażla tal-iskoperturi sottostanti;
(ii) l-informazzjoni pprovduta mill-oriġinatur skont il-punt (a) u l-punt (e)(i) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(1), b'mod espliċitu tistabbilixxi il-proporzjon tal-iskoperturi sottostanti ristrutturati, il-ħin u d-dettalji tar-ristrutturar u l-prestazzjoni tagħhom mid-data tar-ristrutturar;
(b) kien, fiż-żmien tal-oriġinazzjoni tal-iskopertura sottostanti, fejn applikabbli, fuq reġistru ta' kreditu pubbliku ta' persuni b'każijiet ta' kreditu negattivi jew, fejn ma jkunx hemm tali reġistru ta' kreditu pubbliku, reġistru ta' kreditu ieħor li jkun disponibbli għall-oriġinatur jew għall-mutwanti oriġinali;
(c) għandu klassifikazzjoni tal-kreditu jew evalwazzjoni tal-kreditu li tindika li r-riskju li ma jsirux il-pagamenti kuntrattwalment maqbulin huwa ferm ogħla minn dak ta' skoperturi komparabbli miżmuma mill-oriġinatur li mhumiex titolizzati.
12. Id-debituri għandhom, fil-mument tal-inklużjoni tal-iskoperturi fit-tranżazzjoni, ikunu għamlu tal-inqas pagament wieħed, minbarra jekk:
(a) it-titolizzazzjoni tkun titolizzazzjoni rotanti, garantita bi skoperturi pagabbli f'pagament wieħed jew li għandha maturità ta' inqas minn sena, inklużi, mingħajr limitazzjoni, il-pagamenti fix-xahar għal krediti rotanti;
(b) l-iskopertura li tirrappreżenta r-rifinanzjament ta' skopertura li diġà tkun inkluża fit-tranżazzjoni.
13. L-ABE, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-ESMA u mal-EIOPA, għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika aktar liema skoperturi sottostanti msemmija fil-paragrafu 8 huma meqjusa omoġenji.
L-ABE għandha tippreżenta dan l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni fi żmien [6 xhur wara d-data ta' dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament].
Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tissupplimenta dan ir-Regolament bl-adozzjoni tal-istandards tekniċi regolatorji msemmija f'dan il-paragrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.
Artikolu 26 c
Rekwiżiti relatati mat-titolizzazzjoni
1. L-oriġinatur jew il-mutwanti oriġinali għandu jissodisfa r-rekwiżiti tar-ritenzjoni tar-riskju skont l-Artikolu 6.
2. Ir-riskji tar-rata tal-imgħax u tal-munita li jirriżultaw mit-titolizzazzjoni u l-effetti possibbli tagħhom fuq il-pagamenti lill-oriġinatur u lill-investituri għandhom jiġu deskritti fid-dokumentazzjoni tat-tranżazzjoni. Dawk ir-riskji għandhom jiġu mitigati kif xieraq u kwalunkwe miżura meħuda f'dan ir-rigward għandha tiġi ddivulgata. Kwalunkwe kollateral li jiggarantixxi l-obbligi tal-investitur skont il-ftehim ta' protezzjoni ta' kreditu għandu jkun denominat fl-istess munita li fih huwa denominat il-pagament tal-protezzjoni ta' kreditu.
F'każ ta' titolizzazzjoni bl-użu ta' SSPE, l-ammont ta' obbligazzjonijiet tal-SSPE dwar il-pagamenti tal-imgħax lill-investituri għandu fi kwalunkwe ħin ikun daqs jew ikun inqas mill-ammont ta' introjtu tal-SSPE mill-oriġinatur u kwalunkwe arranġament kollaterali.
Ħlief għall-iskop tal-iħħeġġjar tar-riskju tal-imgħax jew tar-riskju taċ-ċaqliq fir-rata tal-munita, il-portafoll tal-iskoperturi sottostanti ma għandux jinkludi derivattivi. Dawk id-derivattivi għandhom jiġu sottoskritti u dokumentati skont l-istandards komuni fl-isfera tal-finanzi internazzjonali.
3. Kwalunkwe pagament ta' tal-imgħax b'rata ta' referenza b'rabta mat-tranżazzjoni għandu jkun ibbażat fuq xi waħda minn dawn li ġejjin:
(a) rati tal-imgħax ġeneralment użati fis-suq, jew rati settorjali ġeneralment użati li jirriflettu l-ispejjeż ta' fondi, u ma għandux jirreferi għal formuli jew derivattivi kumplessi;
(b) introjtu ġġenerat mill-kollateral li jiggarantixxi l-obbligazzjonijiet tal-investitur skont il-ftehim ta' protezzjoni.
Kwalunkwe pagament tal-imgħax b'rata ta' referenza dovut fil-kuntest tal-iskoperturi sottostanti għandu jkun ibbażat fuq rati tal-imgħax ġeneralment użati fis-suq, jew rati settorjali ġeneralment użati li jirriflettu l-ispiża tal-fondi, u ma għandux jirreferi għal formuli jew derivattivi kumplessi.
4. Wara l-okkorrenza ta' avveniment ta' infurzar fir-rigward tal-oriġinatur, l-investitur għandu jkun permess li jieħu azzjoni ta' infurzar, itemm il-ftehim tal-protezzjoni tal-kreditu jew jagħmel it-tnejn.
F'każ ta' titolizzazzjoni bl-użu ta' SSPE, meta jinħareġ avviż ta' eżekuzzjoni jew ta' terminazzjoni tal-ftehim ta' protezzjoni tal-kreditu, l-ebda ammont ta' flus kontanti ma għandu jinqabad fl-SSPE lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jiġi żgurat il-funzjonament operattiv tal-SSPE, il-ħlas tal-pagamenti ta' protezzjoni għal skoperturi sottostanti inadempjenti li għadhom qed jiġu ristrutturati fil-mument tat-terminazzjoni, jew ir-ripagament ordnat lil investituri f'konformità mat-termini kuntrattwali tat-titolizzazzjoni.
5. It-telf għandu jiġi allokat lid-detenturi ta' pożizzjoni ta' titolizzazzjoni fl-ordni tas-superjorità tas-segmenti, bl-aktar segment subordinat jiġi l-ewwel.
L-ammortizzament sekwenzjali għandu jiġi applikat għas-segmenti kollha biex jiġi ddeterminat l-ammont pendenti tas-segmenti f'kull data ta' pagament, bl-aktar segment superjuri jiġi l-ewwel.
It-tranżazzjonijiet li jinkludu ammortizzament mhux sekwenzjali għandu jkollhom skattaturi kuntrattwali speċifikati b'mod ċar relatati mal-prestazzjoni tat-titolizzazzjoni u l-iskoperturi sottostanti, li bis-saħħa tagħhom il-profil tal-ammortizzament tat-titolizzazzjoni jinbidel għal ammortizzament sekwenzjali fl-ordni tas-superjorità. Tali skattaturi relatati mal-prestazzjoni għandhom jinkludu mill-inqas:
(i) livell limitu ta' telf ta' kreditu kumulattiv bħala perċentwal tat-telf mistenni tul il-ħajja;
(ii) livell limitu ta' inadempjenzi kumulattivi mhux maturi bħala perċentwal tal-ammont nominali pendenti tat-titolizzazzjoni;
(iii) livell minimu għall-medja ponderata tal-kwalità tal-kreditu tal-portafoll;
(iv) livell massimu ta' konċentrazzjoni f'buckets b'riskju ta' kreditu għoli;
(v) livell minimu ta' granularità tal-portafoll.
L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jippermettu lill-oriġinaturi jinjoraw l-iskattaturi elenkati fit-tielet subparagrafu meta jkun debitament ġustifikat li tali skattaturi ma jkunux xierqa għall-istruttura ta' titolizzazzjoni jew il-klassi ta' skoperturi titolizzati. L-EBA għandha toħroġ linji gwida li jistipulaw il-kundizzjonijiet li skonthom l-iskattaturi jistgħu jiġu injorati.
L-EBA għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji dwar l-ispeċifikazzjoni u fejn rilevanti l-kalibrazzjoni tal-iskattaturi relatati mal-prestazzjoni. L-EBA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-30 ta' Ġunju 2021. Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.
Hekk kif is-segmenti jammortizzaw, l-ammont tal-kollateral daqs l-ammont tal-ammortizzament ta' dawk is-segmenti għandu jingħata lura lill-investituri, dment li l-investituri jkunu kollateralizzaw dawk is-segmenti.
Meta avveniment ta' kreditu kif imsemmi fl-Artikolu 26e jkun seħħ fir-rigward ta' skoperturi sottostanti u l-proċess ta' ristrutturar tad-dejn għal dawk l-iskoperturi ma jkunx tlesta, l-ammont ta' protezzjoni tal-kreditu li jifdal fi kwalunkwe data ta' pagament għandu jkun mill-inqas ekwivalenti għall-ammont nozzjonali pendenti ta' dawk l-iskoperturi sottostanti, li minnu jitnaqqas l-ammont ta' kwalunkwe pagament interim magħmul fir-rigward ta' dawk l-iskoperturi sottostanti.
6. Id-dokumentazzjoni tat-tranżazzjoni għandha tinkludi l-iskattaturi xierqa ta' ammortizzament antiċipat għat-terminazzjoni tal-perjodu rotanti meta t-titolizzazzjoni tkun titolizzazzjoni rotanti, inklużi tal-inqas dawn li ġejjin:
(a) deterjorament fil-kwalità kreditizja tal-iskoperturi sottostanti għal jew f'livell inqas minn limitu predefinit;
(b) żieda fit-telf li tkun ogħla mil-limitu stabbilit minn qabel;
(c) nuqqas li jiġu ġġenerati biżżejjed skoperturi sottostanti ġodda li jissodisfaw il-kriterji tal-eliġibbiltà predeterminati matul perjodu speċifikat.
7. Id-dokumentazzjoni tat-tranżazzjoni għandha tispeċifika b'mod ċar:
(a) l-obbligi, id-dmirijiet u r-responsabbiltajiet kuntrattwali tas-servizzjant, il-fiduċjarju, il-fornituri oħra ta' servizz anċillari jew l-aġent ta' verifika ta' parti terza msemmija fl-Artikolu 26e(4), kif applikabbli;
(b) id-dispożizzjonijiet li jiżguraw is-sostituzzjoni tas-servizzjant, il-fiduċjarju, fornituri oħra ta' servizzi anċillari jew l-aġent ta' verifika ta' parti terza msemmija fl-Artikolu 26e(4) fil-każ ta' inadempjenza jew insolvenza ta' kwalunkwe wieħed minn dawk il-fornituri ta' servizzi, meta dawk il-fornituri ta' servizzi jkunu differenti mill-oriġinatur, b'mod li ma jirriżultax fit-tmiem tal-forniment ta' dawk is-servizzi;
(c) il-proċeduri ta' ġestjoni li japplikaw għall-iskoperturi sottostanti fid-data tal-għeluq u wara u ċ-ċirkostanzi li fihom dawk il-proċeduri jistgħu jiġu mmodifikati;
(d) l-istandards tal-ġestjoni li s-servizzjant ikun obbligat li jaderixxi magħhom fil-ġestjoni tal-iskoperturi sottostanti fil-maturità kollha tat-titolizzazzjoni.
8. Is-servizzjant għandu jkollu għarfien espert fil-ġestjoni ta' skoperturi ta' natura simili għal dawk titolizzati u għandu jkollu politiki, proċeduri u kontrolli tal-immaniġġar tar-riskju dokumentati sew u adegwati relatati mal-ġestjoni tal-iskoperturi.
Is-servizzjant għandu japplika proċeduri ta' ġestjoni għall-iskoperturi sottostanti li jkunu tal-anqas stretti daqs dawk applikati mill-oriġinatur għal skoperturi simili li mhumiex titolizzati.
9. L-oriġinatur għandu jżomm reġistru ta' referenza aġġornat biex jidentifika l-iskoperturi sottostanti f'kull ħin. Dak ir-reġistru għandu jidentifika l-obbliganti ta' referenza, l-obbligi ta' referenza li minnhom joriġinaw l-iskoperturi sottostanti u, għal kull skopertura sottostanti, l-ammont nozzjonali li huwa protett u li huwa pendenti.
10. Id-dokumentazzjoni tat-tranżazzjoni għandha tinkludi dispożizzjonijiet ċari li jiffaċilitaw ir-riżoluzzjoni f'waqtha ta' kunflitti bejn klassijiet differenti ta' investituri. Fil-każ ta' titolizzazzjoni bl-użu ta' SSPE, id-drittijiet tal-vot għandhom ikunu ddefiniti b'mod ċar u jiġu allokati lid-detenturi tal-bonds u r-responsabbiltajiet tal-fiduċjarju u tal-entitajiet oħrajn bi dmirijiet fiduċjarji lejn l-investituri għandhom jiġu identifikati b'mod ċar.
Artikolu 26d
Rekwiżiti relatati mat-trasparenza
1. L-oriġinatur għandu jagħmel disponibbli data storika dwar il-prestazzjoni statika u dinamika fir-rigward ta' inadempjenzi u telf, bħad-data dwar id-delinkwenza u l-inadempjenza, għal skoperturi sostanzjalment simili għal dawk titolizzati, u s-sorsi ta' dik id-data u l-bażi għad-dikjarazzjoni ta' similarità, lil investituri potenzjali qabel l-ipprezzar. Dik id-data għandha tkopri perjodu ta' mill-anqas ħames snin.
2. Kampjun tal-iskoperturi sottostanti għandu jkun soġġett għal verifika esterna qabel l-għeluq tat-tranżazzjoni minn parti xierqa u indipendenti, inkluża verifika li l-iskoperturi sottostanti huma eliġibbli għall-protezzjoni tal-kreditu skont il-ftehim tal-protezzjoni tal-kreditu.
3. L-oriġinatur għandu, qabel l-ipprezzar tat-titolizzazzjoni, iqiegħed għad-dispożizzjoni tal-investituri potenzjali mudell tal-fluss tal-flus tal-obbligi li jirrappreżenta b'mod preċiż ir-relazzjoni kuntrattwali bejn l-iskoperturi sottostanti u l-pagamenti fi flussi bejn l-oriġinatur, l-investituri, partijiet terzi oħra u, jekk applikabbli, l-SSPE, u wara l-ipprezzar għandu jagħmel il-mudell disponibbli għall-investituri fuq bażi kontinwa u għall-investituri potenzjali fuq talba.
4. F'każ ta' titolizzazzjoni fejn l-iskoperturi sottostanti huma self residenzjali jew self jew kirjiet għal karozzi, l-oriġinatur għandu jippubblika l-informazzjoni disponibbli relatata mal-prestazzjoni ambjentali tal-assi ffinanzjati b'tali self residenzjali, self jew kirjiet għal karozzi, bħala parti mill-informazzjoni ddivulgata skont il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(1).
B'deroga mill-ewwel subparagrafu, l-oriġinaturi jistgħu, mill-1 ta' Ġunju 2021'il quddiem, jiddeċiedu li jippubblikaw l-informazzjoni disponibbli relatata mal-impatti negattivi prinċipali fuq il-fatturi ta' sostenibbiltà tal-assi ffinanzjati mill-iskoperturi sottostanti.
5. L-oriġinatur għandu jkun responsabbli għall-konformità mal-Artikolu 7. L-informazzjoni meħtieġa skont il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(1) għandha tkun disponibbli għal investituri potenzjali qabel l-ipprezzar fuq talba tagħhom. L-informazzjoni meħtieġa skont il-punti (b) u (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(1) għandha tkun disponibbli qabel l-ipprezzar mill-anqas f'forma abbozzata jew inizjali. Id-dokumentazzjoni finali tat-tranżazzjoni għandha tkun disponibbli għall-investituri mhux iktar tard minn 15-il jum wara l-għeluq tat-tranżazzjoni.
5a. Sal-31 ta' Marzu 2021, l-ASE għandhom jiżviluppaw, permezz tal-Kumitat Konġunt, abbozz ta' standards tekniċi regolatorji f'konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 1094/2010 u (UE) Nru 1095/2010 dwar il-kontenut, il-metodoloġiji u l-preżentazzjoni tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu fir-rigward tal-indikaturi tas-sostenibbiltà fir-rigward ta' impatti negattivi fuq il-klima u impatti ambjentali, soċjali u relatati mal-governanza negattivi oħra.
Meta rilevanti, dawk l-istandards tekniċi regolatorji għandhom jirriflettu jew jibnu fuq l-istandards tekniċi regolatorji elaborati f'konformità mal-mandat mogħti lill-ASE fir-Regolament (UE) 2019/2088, b'mod partikolari kif stipulat fl-Artikolu 2a u l-Artikolu 4(6) u (7) tiegħu.
Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 1094/2010 u (UE) Nru 1095/2010.
Artikolu 26e
Rekwiżiti li jikkonċernaw il-ftehim ta' protezzjoni tal-kreditu, l-aġent ta' verifika ta' parti terza u l-marġni pożittiv sintetiku
1. Il-ftehim ta' protezzjoni tal-kreditu għandu jipprovdi għall-avvenimenti tal-kreditu li ġejjin:
(a) nuqqas ta' ħlas mill-obbligant sottostanti, li jinkludi l-inadempjenza msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 178(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;
(b) il-falliment tal-obbligant sottostanti, li jinkludi l-elementi msemmija fil-punti (e) u (f) tal-Artikolu 178(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;
(c) għal ftehim ta' protezzjoni tal-kreditu li ma jsirx b'garanzija finanzjarja, ir-ristrutturar tal-iskopertura sottostanti, inklużi l-elementi msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 178(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.
L-avvenimenti ta' kreditu kollha għandhom jiġu dokumentati.
Il-miżuri ta' trażżin, kif imsemmi fl-Anness V, it-Taqsima 30, il-paragrafi 163 sa 183, tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/227* li jiġu applikati għall-iskoperturi sottostanti ma għandhomx jipprekludu l-iskattar tal-avvenimenti ta' kreditu eliġibbli.
2. Il-pagament ta' protezzjoni tal-kreditu wara li jseħħ avveniment ta' kreditu għandu jiġi kkalkulat abbażi tat-telf effettiv imġarrab mill-oriġinatur jew mill-mutwanti, kif maħdum skont il-politiki u l-proċeduri standard ta' rkupru għat-tipi ta' skoperturi rilevanti u rreġistrat fir-rapporti finanzjarji fiż-żmien meta jsir il-pagament. Il-pagament finali tal-protezzjoni tal-kreditu għandu jkun pagabbli f'perjodu speċifikat wara t-tmiem tal-proċess tar-ristrutturar tad-dejn għall-iskopertura sottostanti rilevanti jekk it-tmiem tal-proċess tar-ristrutturar tad-dejn jokkorri qabel il-maturità legali skedata jew it-terminazzjoni bikrija tal-ftehim ta' protezzjoni tal-kreditu.
Pagament interim ta' protezzjoni tal-kreditu għandu jsir mhux aktar tard minn sitt xhur wara li jseħħ avveniment ta' kreditu kif imsemmi fil-paragrafu 1 f'każ li r-ristrutturar tad-dejn għat-telf għall-iskopertura sottostanti rilevanti ma jkunx tlesta sa tmiem dak il-perjodu ta' sitt xhur. Il-pagament interim ta' protezzjoni tal-kreditu għandu jkun mill-inqas l-ogħla wieħed minn dawn li ġejjin:
(a) l-indeboliment irreġistrat mill-oriġinatur fir-rapporti finanzjarji tiegħu f'konformità mal-qafas tal-kontabbiltà applikabbli fiż-żmien meta jsir il-pagament interim;
(b) jekk applikabbli, it-Telf fil-Każ ta' Inadempjenza kif iddeterminat skont il-Parti Tlieta, it-Titolu II, il-Kapitolu 3, tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.
Meta jsir pagament interim ta' protezzjoni tal-kreditu, il-pagament finali ta' protezzjoni tal-kreditu msemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jsir sabiex jiġi aġġustat is-saldu interim tat-telf mat-telf effettiv imġarrab.
Il-metodu għall-kalkolu tal-pagamenti interim u finali ta' protezzjoni tal-kreditu għandu jiġi speċifikat fil-ftehim ta' protezzjoni tal-kreditu.
Il-pagament ta' protezzjoni tal-kreditu għandu jkun proporzjonali għas-sehem tal-ammont nozzjonali pendenti tal-iskopertura sottostanti korrispondenti li tkun koperta mill-ftehim ta' protezzjoni tal-kreditu.
Id-dritt tal-oriġinatur li jirċievi l-pagament tal-protezzjoni tal-kreditu għandu jkun infurzabbli. L-ammonti pagabbli mill-investituri taħt it-titolizzazzjoni għandhom jiġu stabbiliti b'mod ċar fil-ftehim ta' protezzjoni tal-kreditu u għandhom jiġu limitati. Għandu jkun possibbli li dawk l-ammonti jiġu kkalkulati f'kull ċirkostanza. Il-ftehim ta' protezzjoni tal-kreditu għandu jistabbilixxi b'mod ċar iċ-ċirkostanzi li fihom l-investituri għandhom ikunu meħtieġa jagħmlu l-pagamenti. L-aġent ta' verifika ta' parti terza msemmi fil-paragrafu 4 għandu jivvaluta jekk seħħewx ċirkostanzi bħal dawn.
L-ammont ta' pagament ta' protezzjoni tal-kreditu għandu jiġi kkalkulat f'kull livell tal-iskopertura sottostanti individwali li għaliha jkun seħħ avveniment ta' kreditu.
3. Il-ftehim ta' protezzjoni tal-kreditu għandu jispeċifika l-perjodu ta' estensjoni massimu li għandu japplika għall-proċess tar-ristrutturar tad-dejn għal skoperturi sottostanti li fir-rigward tagħhom seħħ avveniment ta' kreditu kif imsemmi fil-paragrafu 1, iżda fejn il-proċess tar-ristrutturar tad-dejn ma jkunx ġie kkompletat sal-maturità legali skedata jew sat-terminazzjoni bikrija tal-ftehim ta' protezzjoni tal-kreditu. Tali perjodu ta' estensjoni ma għandux ikun itwal minn sentejn. Il-ftehim ta' protezzjoni tal-kreditu għandu jipprevedi li sa tmiem dak il-perjodu ta' estensjoni, għandu jsir pagament finali ta' protezzjoni tal-kreditu fuq il-bażi tal-istima finali tat-telf tal-oriġinatur kif irreġistrata mill-oriġinatur fir-rapporti finanzjarji tiegħu f'dak iż-żmien.
F'każ ta' terminazzjoni tal-ftehim ta' protezzjoni tal-kreditu, il-proċess tar-ristrutturar tad-dejn għandu jkompli fir-rigward ta' kwalunkwe avveniment ta' kreditu pendenti li seħħ qabel dik it-terminazzjoni bl-istess mod bħal dak deskritt fl-ewwel subparagrafu.
Il-primjums tal-protezzjoni tal-kreditu li għandhom jitħallsu skont il-ftehim ta' protezzjoni tal-kreditu għandhom ikunu strutturati bħala kontinġenti fuq il-prestazzjoni tal-iskoperturi sottostanti u għandhom jirriflettu r-riskju tas-segment protett. Għal dawk il-finijiet, il-ftehim ta' protezzjoni tal-kreditu ma għandux jistipula primjums garantiti, pagamenti bil-quddiem tal-primjum, mekkaniżmi ta' ribass jew mekkaniżmi oħra li jistgħu jevitaw jew inaqqsu l-allokazzjoni attwali tat-telf għall-investituri jew għar-ritorn ta' parti mill-primjums imħallsin lill-oriġinatur wara l-maturità tat-tranżazzjoni.
B'deroga mis-subparagrafu preċedenti, il-pagamenti ta' primjum bil-quddiem għandhom ikunu permessi, dment li jkun hemm konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, meta l-iskema ta' garanzija tkun prevista b'mod speċifiku fid-dritt nazzjonali ta' Stat Membru u tibbenefika minn kontrogaranzija ta' kwalunkwe waħda mill-entitajiet elenkati fil-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 214(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.
Id-dokumentazzjoni tat-tranżazzjoni għandha tiddeskrivi kif il-primjum tal-protezzjoni tal-kreditu u kwalunkwe kupun, jekk ikun hemm, jiġu kkalkolati fir-rigward ta' kull data ta' pagament tul il-ħajja tat-titolizzazzjoni.
Id-drittijiet tal-investituri li jirċievu primjums tal-protezzjoni tal-kreditu għandhom ikunu infurzabbli.
4. L-oriġinatur għandu jaħtar aġent ta' verifika ta' parti terza qabel id-data tal-għeluq tat-tranżazzjoni. L-aġent ta' verifika ta' parti terza għandu jivverifika dan kollu li ġej għal kull waħda mill-iskoperturi sottostanti li jingħata avviż ta' avveniment ta' kreditu għaliha:
(a) li l-avveniment ta' kreditu msemmi fl-avviż ta' avveniment ta' kreditu huwa avveniment ta' kreditu kif speċifikat fit-termini tal-ftehim ta' protezzjoni tal-kreditu;
(b) li l-iskopertura sottostanti kienet inkluża fil-portafoll ta' referenza fiż-żmien tal-okkorrenza tal-avveniment ta' kreditu kkonċernat;
(c) li l-iskopertura sottostanti ssodisfat il-kriterji ta' eliġibbiltà fil-mument tal-inklużjoni tagħha fil-portafoll ta' referenza;
(d) meta skopertura sottostanti tkun ġiet miżjuda mat-titolizzazzjoni bħala riżultat ta' rikostituzzjoni, li tali rikostituzzjoni kienet konformi mal-kundizzjonijiet tar-rikostituzzjoni;
(e) li l-ammont ta' telf finali jkun konsistenti mat-telf irreġistrat mill-oriġinatur fir-rapport tal-introjtu tiegħu;
(f) li, fil-mument li jsir il-pagament finali għall-protezzjoni tal-kreditu, it-telf fir-rigward tal-iskoperturi sottostanti jkun ġie korrettament allokat lill-investituri.
L-aġent ta' verifika ta' parti terza għandu jkun indipendenti mill-oriġinatur u mill-investituri, u, fejn applikabbli, mill-SSPE u għandu jkun aċċetta l-ħatra bħala aġent ta' verifika ta' parti terza sad-data tal-għeluq.
L-aġent ta' verifika ta' parti terza jista' jwettaq il-verifika fuq bażi ta' kampjun minflok fuq il-bażi ta' kull skopertura sottostanti individwali li għaliha jintalab pagament ta' protezzjoni tal-kreditu. Madankollu, l-investituri jistgħu jitolbu l-verifika tal-eliġibbiltà ta' kwalunkwe skopertura sottostanti partikolari meta ma jkunux issodisfati bil-verifika abbażi ta' kampjun.
L-oriġinatur għandu jinkludi impenn fid-dokumentazzjoni tat-tranżazzjoni li jipprovdi lill-aġent ta' verifika ta' parti terza l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jivverifika r-rekwiżiti stabbiliti fl-ewwel subparagrafu.
5. L-oriġinatur ma jistax itemm tranżazzjoni qabel il-maturità skedata għal kwalunkwe raġuni oħra għajr xi waħda mill-avvenimenti li ġejjin:
(a) l-insolvenza tal-investitur;
(b) in-nuqqasijiet tal-investituri li jħallsu kwalunkwe ammont dovut skont il-ftehim ta' protezzjoni tal-kreditu jew ksur mill-investitur ta' kwalunkwe obbligu materjali stabbilit fid-dokumenti ta' tranżazzjoni;
(c) avvenimenti regolatorji rilevanti, inklużi:
(i) bidliet rilevanti fild-dritt tal-Unjoni jew dak nazzjonali, bidliet rilevanti mill-awtoritajiet kompetenti għal interpretazzjonijiet ippubblikati uffiċjalment ta' dawn il-liġijiet, jew bidliet rilevanti fit-tassazzjoni jew trattament kontabilistiku tat-tranżazzjoni li jkollhom effett negattiv materjali fuq l-ammont ta' kapital li l-oriġinatur huwa meħtieġ li jkollu b'rabta mat-titolizzazzjoni jew mal-iskoperturi sottostanti tagħha, f'kull każ imqabbla ma' dawk antiċipati fiż-żmien tad-dħul fit-tranżazzjoni u li ma setgħux ikunu raġonevolment mistennija dak iż-żmien;
(ii) determinazzjoni minn awtorità kompetenti li l-oriġinatur jew kwalunkwe affiljat tal-oriġinatur ma jkollux il-permess jew ma jibqax ikollu l-permess li jirrikonoxxi trasferiment tar-riskju sinifikanti skont l-Artikolu 245(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 fir-rigward tat-titolizzazzjoni;
(d) l-eżerċitar ta' opzjoni ta' xiri tat-tranżazzjoni f'mument speċifiku ("time call"), meta l-perjodu ta' żmien imkejjel mid-data tal-għeluq ikun daqs jew akbar mill-ħajja medja ponderata tal-portafoll ta' referenza inizjali fid-data tal-għeluq;
(e) l-eżerċitar ta' għażla eżerċitabbli eżawrjenti kif definita fil-punt (1) tal-Artikolu 242 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.
Id-dokumentazzjoni tat-tranżazzjoni għandha tispeċifika jekk xi wieħed mid-drittijiet ta' call imsemmija fil-punti (d) u (e) humiex inklużi fit-tranżazzjoni kkonċernata.
Għall-finijiet tal-punt (d), it-time call ma għandhiex tkun strutturata biex jiġi evitat li t-telf jiġi allokat għal pożizzjonijiet ta' titjib fil-kreditu jew pożizzjonijiet oħra li jkollhom l-investituri u ma għandhiex tkun strutturata b'mod ieħor biex tipprovdi titjib fil-kreditu. L-oriġinaturi għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti dwar kif dan ir-rekwiżit huwa ssodisfat, inkluża ġustifikazzjoni tal-użu tat-time call u rendikont plawżibbli li juri li l-kwalità tal-assi sottostanti mhijiex qed tiddeterjora.
6. L-oriġinatur jista' jimpenja marġni pożittiv sintetiku, li għandu jkun disponibbli bħala titjib fil-kreditu għall-investituri, meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
(a) l-ammont tal-marġni pożittiv sintetiku li l-oriġinatur jieħu l-impenn li juża bħala titjib fil-kreditu f'kull perjodu ta' pagament huwa speċifikat fid-dokumentazzjoni tat-tranżazzjoni u espress bħala perċentwal fiss tal-bilanċ totali pendenti tal-portafoll fil-bidu tal-perjodu ta' pagament rilevanti (marġni pożittiv sintetiku fiss);
(b) il-marġni pożittiv sintetiku li ma jintużax biex ikopri t-telf ta' kreditu li jimmaterjalizza waqt il-perjodu ta' pagament għandu jiġi rritornat lill-oriġinatur;
(c) għal oriġinaturi li jużaw l-Approċċ IRB imsemmi fl-Artikolu 143 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-ammont totali impenjat kull sena ma għandux ikun ogħla mill-ammonti regolatorji ta' telf mistennija ta' sena fuq il-portafoll sottostanti tal-iskoperturi sottostanti, ikkalkulati skont l-Artikolu 158 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;
(d) għal oriġinaturi li ma jużaw l-Approċċ IRB imsemmi fl-Artikolu 143 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, il-kalkolu tat-telf mistenni ta' sena tal-portafoll sottostanti għandu jiġi determinat b'mod ċar fid-dokumentazzjoni tat-tranżazzjoni;
(e) id-dokumentazzjoni tat-tranżazzjoni tispeċifika l-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan il-paragrafu.
7. Il-ftehimiet ta' protezzjoni tal-kreditu għandhom jissodisfaw waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a) garanzija li tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-Kapitolu 4 tal-Parti Tlieta, it-Titolu II tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, li biha r-riskju ta' kreditu jiġi trasferit lil kwalunkwe waħda mill-entitajiet elenkati fil-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 214(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, sakemm l-iskoperturi għall-investitur jikkwalifikaw għal piż tar-riskju ta' 0 % skont il-Kapitolu 2 tal-Parti Tlieta, Titolu II, ta' dak ir-Regolament;
(b) garanzija li tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-Kapitolu 4 tal-Parti Tlieta, it-Titolu II tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, li tibbenefika minn kontrogaranzija ta' kwalunkwe waħda mill-entitajiet imsemmija fil-punt (a) ta' dan il-paragrafu;
(c) protezzjoni ta' kreditu oħra mhux imsemmija fil-punti (a) u (b) ta' dan il-paragrafu fil-forma ta' garanziji, derivattivi ta' kreditu jew noti marbuta ma' kreditu li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 249 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, dment li l-obbligi tal-investitur ikunu żgurati minn kollateral li jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 9 u 10 ta' dan l-Artikolu.
8. Il-protezzjoni l-oħra tal-kreditu msemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 7 għandha tissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:
(a) id-dritt tal-oriġinatur li juża l-kollateral sabiex jissodisfa l-obbligi tal-ħlas ta' protezzjoni tal-investituri huwa infurzabbli u l-infurzabbiltà ta' dak id-dritt hija żgurata permezz ta' arranġamenti kollaterali xierqa;
(b) meta t-titolizzazzjoni tiġi xolta jew meta s-segmenti jiġu ammortizzati, id-dritt tal-investituri li jirritornaw kwalunkwe kollateral li ma ntużax biex jissodisfaw il-pagamenti ta' protezzjoni jkun infurzabbli;
(c) meta l-kollateral jiġi investit f'titoli, id-dokumentazzjoni tat-tranżazzjoni tistabbilixxi l-kriterji ta' eliġibbiltà u l-arranġament ta' kustodja għal tali titoli.
Id-dokumentazzjoni tat-tranżazzjoni għandha tispeċifika jekk l-investituri jibqgħux esposti għar-riskju tal-kreditu tal-oriġinatur.
L-oriġinatur għandu jikseb opinjoni minn konsulent legali kkwalifikat li tikkonferma l-infurzabbiltà tal-protezzjoni tal-kreditu fil-ġurisdizzjonijiet rilevanti kollha.
9. Meta tiġi pprovduta protezzjoni ta' kreditu oħra skont il-punt (c) tal-paragrafu (7) ta' dan l-Artikolu, l-oriġinatur għandu jirrikorri għal kollateral ta' kwalità għolja, li għandu jkun wieħed minn dawn li ġejjin:
(a) kollateral f'forma ta' titoli ta' dejn b'ponderazzjoni għar-riskju ta' 0 % fis-sens tal-Kapitolu 2, tal-Parti Tlieta, Titolu II, tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 li jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
(i) dawk it-titoli tad-dejn għandhom maturità massima li jifdal ta' tliet xhur li ma tkunx aktar tard mid-data ta' pagament li jmiss;
(ii) dawk it-titoli tad-dejn jistgħu jinfdew fi flus f'ammont ugwali għall-bilanċ pendenti tas-segment protett;
(iii) dawk it-titoli tad-dejn jinżammu minn kustodju indipendenti mill-oriġinatur u l-investituri;
(b) kollateral f'forma ta' flus kontanti miżmuma ma' istituzzjoni ta' kreditu terza b'livell tal-kwalità tal-kreditu 2 jew ogħla fiż-żmien tal-oriġinazzjoni u sussegwentement b'livell tal-kwalità tal-kreditu 3 jew ogħla, kif imsemmi fl-Artikolu 136 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;
(ba) kollateral fil-forma ta' flus kontanti fuq depożitu mal-oriġinatur, jew wieħed mill-affiljati tiegħu, f'kull każ fejn l-oriġinatur jew l-affiljat ikun ipprovda lil bejjiegħ ta' protezzjoni r-rikors għal kollateral li jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
(i) ikun fil-forma ta' titoli tad-dejn b'ponderazzjoni għar-riskju ta' 0 % imsemmija fil-Kapitolu 2, it-Tielet Parti, Titolu II tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, jew assi msemmija fl-Artikolu 10 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/61, jew b'livell minimu tal-kwalità tal-kreditu 2 kif imsemmi fl-Artikolu 136 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;
(ii) ikollu valur tas-suq prinċipali fl-aħħar data tal-pagament li ma jkunx inqas 100 % tal-valur tal-bilanċ pendenti tas-segment protett;
B'deroga mill-punt (ii), jekk il-kollateral ikun fil-forma ta' assi b'livell minimu tal-kwalità tal-kreditu 2, għandu jkollu valur tas-suq fl-aħħar data tal-pagament li ma jkunx inqas minn 105 % tal-valur tas-segment protett;
(iii) ikun miżmum minn kustodju indipendenti mill-oriġinatur u mill-investituri; u
(iv) ikollu maturità massima li jifdal li ma tkunx aktar tard mid-data tal-pagament li jmiss jew ikun ipprovdut fl-ambitu ta' arranġament li jipprevedi l-marġinazzjoni fuq bażi ta' kull tliet xhur jew kull data tal-pagament (skont liema tkun l-aktar frekwenti) bi flus kontanti jew kollateral addizzjonali li jissodisfa r-rekwiżiti tal-punti (i) u (iii).
Għall-finijiet tal-punt (b), jekk l-istituzzjoni ta' kreditu terza ma tibqax tissodisfa l-livell minimu tal-kwalità tal-kreditu 3, il-kollateral għandu jiġi ttrasferit minnufih lil istituzzjoni ta' kreditu terza b'livell tal-kwalità tal-kreditu 2 jew ogħla, jew il-kollateral għandu jiġi investit f'titoli li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fil-punt (a) ta' dan il-paragrafu. ▌
________________________________________
* Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/227 tad-9 ta' Jannar 2015 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 680/2014 li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni fir-rigward tar-rappurtar superviżorju ta' istituzzjonijiet skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 48, 20.2.2015, p. 1).";
(7) l-Artikolu 27 huwa emendat kif ġej:
(a) il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:
(i) fl-ewwel subparagrafu:
- l-ewwel sentenza hija sostitwita b'dan li ġej:
"L-oriġinaturi u l-isponsors għandhom jinnotifikaw b'mod konġunt lill-ESMA permezz tal-mudell imsemmi fil-paragrafu 7 ta' dan l-Artikolu fejn titolizzazzjoni tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikoli 19 sa 22 jew l-Artikoli 23 sa 26 jew l-Artikoli 26b sa 26e ("notifika STS").";
- tiżdied is-sentenza li ġejja:
"F'każ ta' titolizzazzjoni sintetika fil-karta tal-bilanċ, l-oriġinatur biss għandu jkun responsabbli għan-notifika.";
(ii) it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:
"In-notifika STS għandha tinkludi spjegazzjoni mill-oriġinatur u l-isponsor ta' kif kull wieħed mill-kriterji STS stabbiliti fl-Artikoli 20 sa 22 jew l-Artikoli 24 sa 26 jew l-Artikoli 26b sa 26e ġew rispettati.";
(b) il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:
(i) fl-ewwel subparagrafu, l-ewwel sentenza hija sostitwita b'dan li ġej:
"L-oriġinatur, l-isponsor jew l-SSPE jistgħu jużaw is-servizz ta' parti terza awtorizzata skont l-Artikolu 28 biex jikkontrollaw jekk titolizzazzjoni tikkonformax mal-Artikoli 19 sa 22 jew l-Artikoli 23 sa 26 jew l-Artikoli 26b sa 26e.";
(ii) fit-tieni subparagrafu, l-ewwel sentenza hija sostitwita b'dan li ġej:
"Meta l-oriġinatur, l-isponsor jew l-SSPE jużaw is-servizz ta' parti terza awtorizzata skont l-Artikolu 28 biex jivverifika jekk titolizzazzjoni tikkonformax mal-Artikoli 19 sa 22 jew l-Artikoli 23 sa 26 jew l-Artikoli 26b sa 26e, in-notifika STS għandha tinkludi dikjarazzjoni li l-konformità mal-kriterji STS kienet ikkonfermata minn dik il-parti terza awtorizzata.";
(c) il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:
"4. L-oriġinatur u, fejn applikabbli, l-isponsor għandhom jinnotifikaw lill-ESMA u jinformaw lill-awtorità kompetenti tagħhom minnufih meta titolizzazzjoni ma tibqax tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikoli 19 sa 22, l-Artikoli 23 sa 26 jew tal-Artikoli 26b sa 26e.";
(d) fil-paragrafu 5, l-ewwel sentenza hija sostitwita b'dan li ġej:
"L-ESMA għandha taġġorna fuq is-sit web uffiċjali tagħha lista tat-titolizzazzjonijiet kollha li fir-rigward tagħhom l-oriġinaturi u l-isponsors ikunu nnotifikawha li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikoli 19 sa 22, l-Artikoli 23 sa 26, jew l-Artikoli 26b sa 26e.".
(e) fil-paragrafu 6, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:
"L-ESMA għandha tippreżenta dawn l-abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sa [sitt xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament emendatorju].";
(f) fil-paragrafu 7, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:
"L-ESMA għandha tippreżenta dawn l-abbozzi ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni sa [sitt xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament emendatorju].";
(8) fl-Artikolu 28(1) l-ewwel sentenza hija sostitwita b'dan li ġej:
"1. Parti terza kif imsemmi fl-Artikolu 27(2) għandha tkun awtorizzata mill-awtorità kompetenti biex tivvaluta l-konformità tat-titolizzazzjonijiet mal-kriterji STS previsti fl-Artikoli 19 sa 22, l-Artikoli 23 sa 26, jew l-Artikoli 26b sa 26e.";
(9) fl-Artikolu 29(5), it-tieni sentenza hija sostitwita b'dan li ġej:
"L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-ESMA bil-ħatra tal-awtoritajiet kompetenti skont dan il-paragrafu sa […].";
(10) fl-Artikolu 30(2), jiżdiedu l-punti (-d) u (d) li ġejjin:
"(-d) għat-titolizzazzjonijiet NPE b'mod partikolari, il-proċessi u l-mekkaniżmi biex jiġi żgurat li ma jseħħ l-ebda każ ta' arbitraġġ regolatorju jew abbuż mill-eżenzjoni biex jiġi ssodisfat ir-rekwiżit skont l-Artikolu 9(1);";
(d) għal titolizzazzjonijiet STS fil-karta tal-bilanċ, il-proċess u l-mekkaniżmu biex tiġi żgurata l-konformità mal-Artikoli 26(b) sa 26(e).";
(10a) fl-Artikolu 31, jiżdied il-paragrafu li ġej:
"2a. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2 u r-rapport imsemmi fl-Artikolu 44, il-BERS għandu, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-ESMA, l-EBA u l-EIOPA, jippubblika rapport li janalizza l-impatt ta' kwalunkwe riskju sistemiku għall-istabbiltà finanzjarja li jirriżulta mill-introduzzjoni, permezz ta' dan ir-Regolament, ta' klassi ta' titolizzazzjonijiet STS fil-karta tal-bilanċ, bħar-riskji potenzjali li jinħolqu mill-konċentrazzjoni u l-interkonnettività bejn bejjiegħa ta' protezzjonijiet ta' kreditu mhux pubbliċi.
Ir-rapport għandu jiġi ppubblikat sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2022 u għandu jqis il-karatteristiċi speċifiċi tat-titolizzazzjoni fil-karta tal-bilanċ, jiġifieri l-karattru speċifiku u privat tipiku tagħha fis-swieq finanzjarji, u jeżamina jekk il-qafas attwali jwassalx verament għal tnaqqis fir-riskju globali fis-sistema finanzjarja u għal finanzjament aħjar tal-ekonomija reali.
Il-BERS għandu juża varjetà ta' sorsi tad-data rilevanti, bħal:
a) data miġbura mill-awtoritajiet kompetenti f'konformità mal-Artikolu 7(1),
b) l-eżitu ta' rieżamijiet imwettqa mill-awtoritajiet kompetenti f'konformità mal-Artikolu 30(2), u
c) data miżmuma f'repożitorji tat-titolizzazzjoni f'konformità mal-Artikolu 10.
Jekk ikun xieraq, il-BERS għandu joħroġ twissijiet u rakkomandazzjonijiet għal azzjoni ta' rimedju skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010, inkluż dwar l-adegwatezza tal-modifika tal-livelli ta' ritenzjoni tar-riskju jew miżuri makroprudenzjali oħra, lill-Kummissjoni, lill-ASE u lill-Istati Membri.
Il-Kummissjoni, l-ASE u l-Istati Membri għandhom, skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010, jikkomunikaw lill-BERS, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill l-azzjonijiet meħuda b'rispons għar-rakkomandazzjoni u għandhom jipprovdu ġustifikazzjoni adegwata għal kwalunkwe nuqqas ta' azzjoni fi żmien tliet xhur mid-data ta' trażmissjoni tar-rakkomandazzjoni lid-destinatarji."
(11) fl-Artikolu 32(1), il-punt (e) huwa sostitwit b'dan li ġej:
"(e) titolizzazzjoni tiġi deżinjata bħala STS u oriġinatur, sponsor, jew SSPE ta' dik it-titolizzazzjoni jkun naqas milli jissodisfa r-rekwiżiti previsti fl-Artikoli 19 sa 22 jew l-Artikoli 23 sa 26 jew l-Artikoli 26b sa 26e;";
(12) jiddaħħal l-Artikolu 43a li ġej:
"Artikolu 43a
Dispożizzjoni tranżizzjonali għal titolizzazzjonijiet sintetiċi fil-karta tal-bilanċ
1. Fir-rigward tat-titolizzazzjonijiet sintetiċi fil-karta tal-bilanċ li l-ftehim tal-protezzjoni tal-kreditu tagħhom sar effettiv qabel [id-data tad-dħul fis-seħħ], l-oriġinaturi u l-SSPEs jistgħu jużaw id-deżinjazzjoni "STS" jew "sempliċi, trasparenti u standardizzata", jew deżinjazzjoni li tirreferi direttament jew indirettament għal dawn it-termini fil-każ biss li r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 18 u l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu jkunu ssodisfati fiż-żmien tan-notifika msemmija fl-Artikolu 27(1).
2. Sad-data tal-applikazzjoni tal-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-Artikolu 27(6) u l-oriġinaturi għandhom, għall-finijiet tal-obbligu stabbilit fil-punt (a) tal-Artikolu 27(1), jagħmlu l-informazzjoni meħtieġa disponibbli għall-ESMA bil-miktub.";
(12a) fl-Artikolu 44, jiżdied il-punt li ġej:
"(da) il-post ġeografiku tal-SSPEs, flimkien ma' valutazzjoni tar-raġunijiet għall-għażla tal-post, inkluż sa liema punt l-eżistenza ta' sistema tat-taxxa u regolatorja favorevoli għandha rwol kritiku f'dan ir-rigward."
(13) l-Artikolu 45 huwa mħassar.
(13a) jiddaħħal l-Artikolu 45a li ġej:
"Artikolu 45a
Żvilupp ta' qafas ta' titolizzazzjoni sostenibbli
1. Sal-1 ta' Novembru 2021, l-EBA, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-ESMA u l-EIOPA, għandha tippubblika rapport dwar l-iżvilupp ta' qafas speċifiku ta' titolizzazzjoni sostenibbli għall-fini tal-integrazzjoni ta' rekwiżiti ta' trasparenza relatati mas-sostenibbiltà f'dan ir-Regolament.
Dak ir-rapport għandu jivvaluta debitament b'mod partikolari:
(a) l-implimentazzjoni ta' rekwiżiti proporzjonati ta' divulgazzjoni u diliġenza dovuta relatati mal-impatti pożittivi u negattivi potenzjali tal-assi ffinanzjati minn skoperturi sottostanti fuq il-fatturi ta' sostenibbiltà;
(b) il-kontenut, il-metodoloġiji u l-preżentazzjoni ta' informazzjoni fir-rigward ta' fatturi ta' sostenibbiltà fir-rigward ta' impatti pożittivi u negattivi fuq kwistjonijiet ambjentali, soċjali u relatati mal-governanza;
(c) kif jista' jissawwar qafas speċifiku ta' titolizzazzjoni sostenibbli li jirrifletti jew jibbaża fuq prodotti koperti skont l-Artikoli 8 u 9 tar-Regolament (UE) 2019/2088 u jqis fejn xieraq ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[6];
(d) l-effetti possibbli ta' qafas ta' titolizzazzjoni sostenibbli fuq l-istabbiltà finanzjarja, l-iskalar tas-suq tat-titolizzazzjoni tal-Unjoni u l-kapaċità ta' self mill-banek.
2. Fl-abbozzar tar-rapport, l-EBA għandha fejn rilevanti, tirrifletti jew tibbaża fuq ir-rekwiżiti ta' trasparenza fl-Artikoli 3, 4, 7, 8 u 9 tar-Regolament (UE) 2019/2088 u tfittex kontribut mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u ċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea.
3. Flimkien mar-rapport ta' rieżami skont l-Artikolu 46, il-Kummissjoni għandha, abbażi tar-rapport tal-EBA msemmi fil-paragrafu 1, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-ħolqien ta' qafas speċifiku ta' titolizzazzjoni sostenibbli, flimkien ma' proposta leġiżlattiva, jekk ikun xieraq."
(13b) fl-Artikolu 46, it-tieni subparagrafu huwa emendat kif ġej:
(a) Il-punt (f) huwa sostitwit b'dan li ġej:
"(f) l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti previsti fl-Artikoli 22(4) u 26d(4) u jekk jistgħux jiġu estiżi għal titolizzazzjoni meta l-iskoperturi sottostanti ma jkunux self residenzjali jew self jew kirjiet għal karozzi, bil-ħsieb tal-integrazzjoni tad-divulgazzjoni ambjentali, soċjali u ta' governanza;"
(b) jiżdied il-punt (ha) li ġej:
"(ha) il-possibbiltajiet ta' rekwiżiti ulterjuri ta' standardizzazzjoni u żvelar, jiġifieri permezz tal-użu ta' formoli, għall-użu tad-deżinjazzjoni STS kemm għat-titolizzazzjonijiet tradizzjonali kif ukoll għal dawk fil-karta tal-bilanċ, inkluż għal titolizzazzjonijiet privati personalizzati meta ma jkun irid jitfassal l-ebda prospett f'konformità mar-Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[7]."
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill
Il-President Il-President
PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI
Titolu |
Emenda tar-Regolament (UE) 2017/2402 li jistabbilixxi qafas ġenerali għat-titolizzazzjoni u li joħloq qafas speċifiku għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata biex jgħin l-irkupru mill-pandemija tal-COVID-19 |
|||
Referenzi |
COM(2020)0282 – C9-0207/2020 – 2020/0151(COD) |
|||
Data meta ġiet ippreżentata lill-PE |
27.7.2020 |
|
|
|
Kumitat responsabbli Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja |
ECON 14.9.2020 |
|
|
|
Rapporteurs Data tal-ħatra |
Paul Tang 7.9.2020 |
|
|
|
Eżami fil-kumitat |
9.11.2020 |
|
|
|
Data tal-adozzjoni |
10.11.2020 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
36 23 0 |
||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Gunnar Beck, Marek Belka, Isabel Benjumea Benjumea, Stefan Berger, Gilles Boyer, Francesca Donato, Derk Jan Eppink, Engin Eroglu, Markus Ferber, Jonás Fernández, Frances Fitzgerald, José Manuel García-Margallo y Marfil, Luis Garicano, Sven Giegold, Valentino Grant, Claude Gruffat, José Gusmão, Enikő Győri, Eero Heinäluoma, Danuta Maria Hübner, Stasys Jakeliūnas, Othmar Karas, Billy Kelleher, Ondřej Kovařík, Georgios Kyrtsos, Aurore Lalucq, Philippe Lamberts, Aušra Maldeikienė, Pedro Marques, Costas Mavrides, Jörg Meuthen, Csaba Molnár, Siegfried Mureşan, Caroline Nagtegaal, Luděk Niedermayer, Lefteris Nikolaou-Alavanos, Piernicola Pedicini, Lídia Pereira, Kira Marie Peter-Hansen, Sirpa Pietikäinen, Dragoș Pîslaru, Evelyn Regner, Antonio Maria Rinaldi, Alfred Sant, Ralf Seekatz, Pedro Silva Pereira, Paul Tang, Cristian Terheş, Irene Tinagli, Ernest Urtasun, Inese Vaidere, Johan Van Overtveldt, Stéphanie Yon-Courtin, Marco Zanni, Roberts Zīle |
|||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Gerolf Annemans, Chris MacManus, Mick Wallace |
|||
Sostituti (skont l-Artikolu 209(7)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Dietmar Köster |
|||
Data tat-tressiq |
10.11.2020 |
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
36 |
+ |
PPE |
Isabel Benjumea Benjumea, Stefan Berger, Markus Ferber, Frances Fitzgerald, José Manuel García-Margallo y Marfil, Enikő Győri, Danuta Maria Hübner, Othmar Karas, Georgios Kyrtsos, Aušra Maldeikienė, Siegfried Mureşan, Luděk Niedermayer, Lídia Pereira, Sirpa Pietikäinen, Ralf Seekatz, Inese Vaidere |
Renew |
Gilles Boyer, Engin Eroglu, Luis Garicano, Billy Kelleher, Ondřej Kovařík, Caroline Nagtegaal, Dragoș Pîslaru, Stéphanie Yon-Courtin |
S&D |
Marek Belka, Jonás Fernández, Eero Heinäluoma, Dietmar Köster, Pedro Marques, Costas Mavrides, Csaba Molnár, Evelyn Regner, Alfred Sant, Pedro Silva Pereira, Paul Tang, Irene Tinagli |
23 |
- |
ECR |
Derk Jan Eppink, Cristian Terheş, Johan Van Overtveldt, Roberts Zīle |
GUE/NGL |
José Gusmão, Chris MacManus, Mick Wallace |
ID |
Gerolf Annemans, Gunnar Beck, Francesca Donato, Valentino Grant, Jörg Meuthen, Antonio Maria Rinaldi, Marco Zanni |
NI |
Lefteris Nikolaou-Alavanos, Piernicola Pedicini |
S&D |
Aurore Lalucq |
Verts/ALE |
Sven Giegold, Claude Gruffat, Stasys Jakeliūnas, Philippe Lamberts, Kira Marie Peter-Hansen, Ernest Urtasun |
0 |
0 |
|
|
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni
- [1] Għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.
- [2] Għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.
- [*] Emendi: it-test ġdid jew modifikat huwa indikat permezz tat-tipa korsiva u grassa; it-tħassir huwa indikat permezz tas-simbolu ▌.
- [[1]] COM/2020/456 final tas-27.5.2020.
- [3] Opinion of the European Banking Authority to the European Commission on the Regulatory Treatment of Non-Performing Exposure Securitisations (Opinjoni tal-Awtorità Bankarja Ewropea għall-Kummissjoni Ewropea dwar it-Titolizzazzjonijiet ta' Skopertura Improduttiva), EBA-OP-2019-13, ippubblikata fit-23 ta' Ottubru 2019.
- [4] Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012, Test b'rilevanza għaż-ŻEE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).
- [5] Ir-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2019 dwar divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà fis-settur tas-servizzi finanzjarji (ĠU L 317, 9.12.2019, p. 1).
- [6] Ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta' qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13).
- [7] Ir-Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2017 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ f'suq regolat, u li jħassar id-Direttiva 2003/71/KE (ĠU L 168, 30.6.2017, p. 12).