RAPPORT dwar ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill fir-rigward tal-ħatra ta' Membru tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew
13.11.2020 - ((N9-0055/2020 – C9-0331/2020 – 2020/0805(NLE))
Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
Rapporteur: Irene Tinagli
PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill fir-rigward tal-ħatra ta' Membru tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew
(N9-0055/2020 – C9-0331/2020 – 2020/0805(NLE))
(Konsultazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2020 (N9-0055/2020)[1],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 283(2), it-tieni inċiż, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill Ewropew (C9-0331-0331/2020),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2019 dwar il-bilanċ bejn is-sessi fin-nomini fis-settur tal-affarijiet ekonomiċi u monetarji tal-UE[2],
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tas-17 ta' Settembru 2019 dwar ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill fir-rigward tal-ħatra tal-President tal-Bank Ċentrali Ewropew[3],
– wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2019 dwar ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill fir-rigward tal-ħatra ta' żewġ Membri tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew[4],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 130 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A9-0218/2020),
A. billi, b'ittra tal-14 ta' Ottubru 2020, il-Kunsill Ewropew ikkonsulta l-Parlament dwar il-ħatra ta' Frank Elderson għall-kariga ta' Membru tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew għal mandat ta' tmien snin, li jibda mill-15 ta' Diċembru 2020;
B. billi l-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tiegħu evalwa l-kwalifiki tal-kandidat propost, b'mod partikolari fir-rigward tal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 283(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, kif jirriżulta mill-Artikolu 130 tat-Trattat, tal-ħtieġa tal-indipendenza totali tal-Bank Ċentrali Ewropew; billi, fil-qafas ta' din l-evalwazzjoni, il-Kumitat irċieva mill-kandidat curriculum vitae kif ukoll it-tweġibiet tiegħu għall-kwestjonarju bil-miktub indirizzat lilu;
C. billi dan il-Kumitat, imbagħad, fid-9 ta' Novembru 2020 ipproċeda b'seduta ta' smigħ tal-kandidat, li matulha dan għamel stqarrija preliminari u wara wieġeb għall-mistoqsijiet li sarulu mill-membri tal-Kumitat;
D. billi l-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew jinkludi l-membri tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew u d-19-il gvernatur tal-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro; billi, sal-lum, dawn tal-aħħar huma kollha rġiel;
E. billi l-Parlament esprima ripetutament in-nuqqas ta' sodisfazzjon tiegħu rigward il-proċedura tal-ħatra għal membri tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew u appella għal proċeduri mtejba f'dan ir-rigward; billi l-Parlament talab li jirċievi, fi żmien debitu, lista ristretta b'bilanċ bejn il-ġeneri ta' mill-inqas żewġ ismijiet;
F. billi fis-17 ta' Settembru 2019, il-Parlament ta opinjoni favorevoli dwar ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill għall-ħatra ta' Christine Lagarde bħala l-ewwel President mara tal-Bank Ċentrali Ewropew;
G. billi fis-17 ta' Diċembru 2019, il-Parlament ta opinjonijiet favorevoli dwar ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill għall-ħatra ta' Fabio Panetta u Isabel Schnabel bħala Membri tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew;
H. billi n-nisa għadhom sottorappreżentati fil-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew; billi l-Parlament jiddeplora l-fatt li l-Istati Membri ma ħadux din it-talba bis-serjetà u billi jitlob lill-istituzzjonijiet nazzjonali u tal-UE jaħdmu b'mod attiv biex jintlaħaq bilanċ bejn il-ġeneri fin-nomini li jmiss;
I. billi l-istituzzjonijiet u l-korpi kollha nazzjonali u tal-UE għandhom jimplimentaw miżuri konkreti biex jiżguraw il-bilanċ bejn il-ġeneri;
1. Jagħti opinjoni favorevoli dwar ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill għall-ħatra ta' Frank Elderson bħala Membru tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill kif ukoll lill-gvernijiet tal-Istati Membri.
ANNESS 1: CURRICULUM VITAE TA' FRANK ELDERSON
PersonaliIsem: Frank Elderson
Imwieled: 18 ta' Mejju 1970
Stat ċivili: Miżżewweġ lil María Pilar Nosti Escanilla (żewġt itfal)
Edukazzjoni
■ Columbia Law School, LL.M. (New York, l-Istati Uniti) (1994-1995)
■ Universidad de Zaragoza (Zaragoza, Spanja) (1993-1994)
■ Università ta' Amsterdam, Liġi Netherlandiża (Amsterdam, in-Netherlands) (1990-1994)
■ Waltrip Senior Highschool (Houston, l-Istati Uniti) (1988-1989)
■ Christelijk Gymnasium (Utrecht, in-Netherlands) (1982-1988)
Esperjenza professjonali■ De Nederlandsche Bank NV
– Membru tal-Bord Eżekuttiv (minn Lulju 2011) u, minn Lulju 2018, Direttur Eżekuttiv tas-Superviżjoni responsabbli għas-superviżjoni tal-banek, il-funzjonijiet orizzontali u s-superviżjoni tal-integrità u l-affarijiet legali
– Konsulent Ġenerali (2008-2011)
– Servizzi Legali, Direttur tad-Diviżjoni (2007-2011)
– Superviżjoni Bankarja, Kap tad-Dipartiment għal ABN AMRO (2006-2007)
– Servizzi Legali, Kap tad-Dipartiment (2004-2006)
– Servizzi Legali, Deputat Direttur tad-Dipartiment (2001-2004)
■ Bank Ċentrali Ewropew
– Unità tad-Dritt Istituzzjonali, Espert legali ta' livell għoli (2003)
■ De Nederlandsche Bank NV
– Servizzi Legali, espert legali (1999-2000) u espert legali ta' livell għoli (2000-2001)
■ Houthoff Advocaten & Notarissen, Amsterdam
– Avukat (1995-1999)
PubblikazzjonijietSerje ta' artikli u kontributi f'diversi kotba
Pożizzjonijiet relatati■ Kopresident tat-Taskforce dwar ir-Riskji Relatati mal-Klima (TFCR) tal-BCBS (2020)
■ Membru tal-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja (BCBS) (2018)
■ Membru tal-Bord Superviżorju tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), Frankfurt (2018)
■ President tan-Network tal-Banek Ċentrali u tas-Superviżuri għall-Ekoloġizzazzjoni tas-Sistema Finanzjarja (NGFS) (2018)
■ President tal-Pjattaforma tal-Finanzi Sostenibbli tan-Netherlands (2016)
■ President tal-Kunsill FEC (2016, Viċi President 2014-2016)
Pożizzjonijiet sekondarji■ Membru tal-Kunsill tas-Swieq Sostenibbli (SMC) (2019)
■ Membru tal-Kunsill ta' Riflessjoni tas-Servizz Pubbliku ta' Prosekuzzjoni tan-Netherlands (2019)
■ Membru tal-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli tal-UE dwar il-Finanzjament tat-Tranżizzjoni lejn is-Sostenibbiltà (2019)
■ Membru tal-Bord Konsultattiv tal-"Pjattaforma tal-Erasmus għall-Ħolqien ta' Valur Sostenibbli", Rotterdam School of Management, Erasmus University Rotterdam (2017)
■ Membru tal-Bord Konsultattiv tal-LL.M. Avvanzat fil-Liġi u l-Finanzi (Hazelhoff Centre for Financial Law, l-Università ta' Leiden) (2016)
■ Membru tal-Bord Superviżorju ta' Vereniging Hendrick de Keyser (2015)
■ President tal-Bord ta' Stichting Nederlands Vioolconcours (2016, Membru tal-Bord mill-2013)
Pożizzjonijiet sekondarji u relatati preċedenti■ Osservatur tal-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli tal-UE dwar il-Finanzi Sostenibbli (2017-2019)
■ Direttur Eżekuttiv tal-Awtorità tar-Riżoluzzjoni Nazzjonali (NRA) (2015-2018)
■ Membru tal-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni (SRB) (2015-2018)
■ Membru tal-Kumitat ta' Riżoluzzjoni (ResCo) tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) (2015-2018)
■ President tal-Forum Nazzjonali dwar is-Sistema ta' Pagament (NFPS) (2011-2014)
■ Membru tal-Kumitat Legali tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ) (2000-2011, minbarra l-2006-2007)
■ Membru tal-Bord tal-Gvernaturi tal-President mogħni bl-Imġiba tal-Qari, Vrije Universiteit Amsterdam (2015-2020)
■ President tal-Bord Superviżorju tal-Fondazzjoni Netherlandiża tal-Qari (2017-2020)
■ President tal-Bord tal-Fondazzjoni Netherlandiża tal-Qari (2015-2017)
■ Membru tal-Istituzzjoni Netherlandiża tal-Investiment (Pjattaforma NLII) (2015-2018)
■ Membru tal-Grupp ta' Studju għall-Politiki Ekonomiċi (SEP) (2016-2018)
■ Membru tal-Bord Konsultattiv tal-LL.M. fil-Liġi u l-Ekonomija, Utrecht University School of Law (2011-2015)
■ Membru tal-Bord Superviżorju tal-President tal-Infrastruttura Finanzjarja u r-Riskju Sistemiku, Università ta' Tilburg (2012-2014)
Membru tal-Bord Superviżorju ta' Stichting Geld- en Bankmuseum (2012-2014)
ANNESS 2: IT-TWEĠIBIET TA' FRANK ELDERSON GĦALL-MISTOQSIJIET
A. Esperjenza personali u professjonali
1. Jekk jogħġbok indika l-aspetti ewlenin tal-ħiliet professjonali tiegħek fl-ambitu monetarju, finanzjarju u kummerċjali u l-aspetti prinċipali tal-esperjenza Ewropea u internazzjonali tiegħek.
Jiena avukat imħarreġ (l-Università ta' Amsterdam, l-Università ta' Zaragoza, u l-Università ta' Columbia), li sseħibt mal-Bank Ċentrali Netherlandiż (De Nederlandsche Bank - DNB) fl-1999, wara erba' snin bħala avukat, fejn speċjalizzajt fid-dritt Ewropew tal-kompetizzjoni. Qabel ma nħtart bħala membru tal-Bord Eżekuttiv ta' DNB fl-2011, okkupajt diversi pożizzjonijiet maniġerjali fis-Superviżjoni Bankarja u l-Affarijiet Legali (inkluż il-Kunsill Ġenerali ta' DNB). Servejt bħala membru tal-Kumitat Legali tal-BĊE għal kważi għaxar snin. Bħala membru tal-Bord Eżekuttiv ta' DNB, ir-responsabbiltajiet tiegħi inkludew ir-riżoluzzjoni bankarja, is-sistemi ta' pagament u l-karti tal-flus, is-superviżjoni tal-fond tal-pensjonijiet, l-ICT u r-riżorsi umani. Bħalissa responsabbli għas-superviżjoni prudenzjali tal-banek, is-superviżjoni AML/CFT u l-affarijiet legali, u nservi bħala l-Membru Netherlandiż tal-Bord Superviżorju tal-BĊE.
Bħala membru (i) tal-Bord Eżekuttiv ta' DNB għal aktar minn disa' snin, (ii) tal-Bord Superviżorju tal-BĊE, (iii) tal-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja, u, preċedentement, (iv) tal-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni, ksibt esperjenza u għarfien f'firxa wiesgħa ta' oqsma kritiċi għall-BĊE. F'dawn ir-rwoli rajt u kkontribwejt għat-tfassil ta' reazzjonijiet ta' politika għal diversi kriżijiet, bħall-kriżi finanzjarja l-kbira, il-kriżi tad-dejn Ewropea u issa, naturalment, il-kriżi tal-COVID-19.
Bħala kofundatur u President tan-Network tal-Banek Ċentrali u tas-Superviżuri għall-Ekoloġizzazzjoni tas-Sistema Finanzjarja (NGFS), għent lill-NGFS jiżviluppa f'inizjattiva tassew globali, bi sħubija ta' 75 bank ċentrali u superviżuri prudenzjali, inkluż il-BĊE, u 13-il osservatur, inklużi l-FMI, il-Bank Dinji u l-BIS. Il-kisbiet riċenti tal-NGFS huma pubblikazzjonijiet dwar l-analiżi tax-xenarju tal-klima għall-banek ċentrali u s-superviżuri, u gwida għas-superviżuri dwar kif ir-riskji relatati mal-klima u dawk ambjentali għandhom jiġu integrati fis-superviżjoni prudenzjali. Jiena wkoll kopresident tat-Task Force dwar ir-Riskji Finanzjarji relatati mal-Klima (TFCR) tal-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja.
2. Għandek xi attività kummerċjali jew holdings finanzjarji jew xi impenji oħrajn li jistgħu jkunu ta' kunflitt mad-dmirijiet prospettivavi tiegħek, u hemm xi fatturi personali jew fatturi rilevanti oħra li jridu jitqiesu mill-Parlament meta jkun qed jikkunsidra l-ħatra tiegħek?
Le, kif issottolinjat mid-Dikjarazzjoni tal-Interessi tiegħi li hija f'konformità mar-rekwiżiti tal-Kodiċi tal-Kondotta Uniku tal-BĊE ppubblikat fuq is-sit web tal-BĊE dwar is-Superviżjoni Bankarja.
3. X'se jkunu l-objettivi ta' gwida li se tipprova tilħaq matul il-mandat tiegħek fil-Bank Ċentrali Ewropew?
Huwa importanti li l-istituzzjonijiet Ewropej kollha inkluż il-BĊE, f'konformità mal-mandat tagħhom stess, jistinkaw biex jipprovdu stabbiltà u prosperità madwar l-Ewropa. Billi jwettaq il-mandat tiegħu, il-BĊE għandu rwol ċentrali biex isaħħaħ is-suċċess tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja fl-Ewropa. L-ewwel objettiv tiegħi jkun li niżgura li l-BĊE jwettaq il-mandat tiegħu, kif stipulat fit-Trattati tal-UE. Fuq medda qasira ta' żmien, l-għan tiegħi jkun li niżgura li l-BĊE jagħmel dak kollu li jista', sakemm ikun meħtieġ, fil-mandat tiegħu li jżomm l-istabbiltà fil-prezzijiet biex tingħeleb il-kriżi attwali tal-COVID-19. It-tieni objettiv tiegħi jkun li niżgura li l-isfidi fit-tul bħat-tibdil fil-klima, id-diġitalizzazzjoni u l-innovazzjoni jiġu indirizzati b'mod adegwat u f'waqtu. It-tielet objettiv tiegħi jkun li nippromwovi b'mod attiv il-benefiċċji tal-euro u li nirsisti għal Unjoni Ekonomika u Monetarja aktar kompluta. Dan jinkludi b'mod partikolari t-tlestija tal-Unjoni Bankarja permezz ta' Skema Ewropea ta' Assigurazzjoni tad-Depożiti u t-trawwim ta' Unjoni ġenwina tas-Swieq Kapitali. L-aħħar objettiv tiegħi jkun li nikkontribwixxi għall-komunikazzjoni ċara tal-għażliet politiċi tal-BĊE, u għal djalogu mal-partijiet ikkonċernati tal-BĊE li jkun kemm jista' jkun miftuħ.
B. Il-politika monetarja tal-BĊE4. Fil-fehma tiegħek, il-BĊE kif għandu jwettaq il-politika monetarja tiegħu fil-kundizzjonijiet makroekonomiċi attwali? X'inhi l-opinjoni tiegħek dwar il-prestazzjoni tal-BĊE rigward l-ilħuq tal-objettiv primarju tiegħu li jżomm l-istabbiltà fil-prezzijiet?
Fit-Trattat l-istabbiltà fil-prezzijiet hija stabbilita b'mod ċar bħala l-mandat ewlieni tal-BĊE. Madankollu, it-Trattat ma jagħtix definizzjoni preċiża ta' xi tfisser l-istabbiltà fil-prezzijiet. Fl-1998, il-Kunsill Governattiv tal-BĊE ddefinixxa l-istabbiltà bħala żieda sena wara sena fl-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) għaż-żona tal-euro ta' anqas minn 2 %. Wara rieżami tal-istrateġija tiegħu fl-2003, il-Kunsill Governattiv iċċara li għandu l-għan li jżomm ir-rati tal-inflazzjoni taħt, iżda qrib, it-2 % fuq perjodu medju.
Il-BĊE rnexxielu jilħaq l-objettiv tiegħu ta' stabbiltà fil-prezzijiet u l-inflazzjoni medja fl-HICP mill-1999 iċċaqalqet b'mod ġenerali f'konformità mal-għan ta' inflazzjoni tal-Kunsill Governattiv. Fl-istess ħin, matul l-aħħar għaxar snin l-inflazzjoni naqset u sussegwentement iċċaqalqet b'mod persistenti taħt l-għan tal-Kunsill Governattiv. F'dan il-kuntest, l-impenn tal-Kunsill Governattiv għas-simetrija fl-għan ta' inflazzjoni tiegħu kien importanti biex jiċċara li inflazzjoni li hija baxxa wisq tista' tkun ta' tħassib għal dawk li jfasslu l-politika monetarja minħabba inflazzjoni li hija għolja wisq. It-tifqigħa tal-kriżi tal-COVID-19 tirrappreżenta sfida addizzjonali u l-BĊE kien deċiżiv ħafna fl-adozzjoni immedjata tiegħu ta' miżuri tal-politika monetarja biex jiġu mmitigati l-konsegwenzi ekonomiċi tal-kriżi u r-riskji tagħha għall-istabbiltà fil-prezzijiet.
Fil-valutazzjoni tiegħi, il-miżuri tal-politika monetarja li huma implimentati bħalissa, b'mod partikolari, il-pakkett ta' miżuri li ttieħdu minn Marzu bħala rispons għall-pandemija tal-COVID-19, kienu effettivi biex jippreservaw kundizzjonijiet ta' finanzjament favorevoli għas-setturi u l-ġurisdizzjonijiet kollha fiż-żona tal-euro, u dan ipprovda appoġġ kruċjali biex jissaħħaħ l-irkupru ekonomiku u biex tiġi salvagwardjata l-istabbiltà fil-prezzijiet fuq perjodu medju ta' żmien. Il-miżuri introdotti minn Marzu kkontribwew għall-istabbilizzazzjoni b'suċċess tas-swieq finanzjarji u għall-iffaċilitar tal-pożizzjoni tal-politika monetarja, li għenu biex jiġi miġġieled it-tnaqqis sostanzjali fil-prospettiva tal-inflazzjoni kkawżata mill-pandemija. Dan jiżgura li s-setturi kollha, inklużi d-ditti, l-unitajiet domestiċi u l-gvernijiet jistgħu jkomplu jibbenefikaw minn kundizzjonijiet finanzjarji akkomodanti f'dawn iċ-ċirkostanzi diffiċli.
Fl-aħħar nett, nixtieq ninnota li r-rieżami tal-istrateġija tal-BĊE għadu għaddej u se jivvaluta, fost ħafna kwistjonijiet oħra, id-definizzjoni tal-istabbiltà fil-prezzijiet u l-għan tal-inflazzjoni tal-Kunsill Governattiv u l-istrumenti li jistgħu jappoġġjawha maż-żmien. Sabiex jiġi żgurat li l-BĊE jaqdi bl-aħjar mod il-mandat tiegħu, huwa kruċjali li ssir analiżi u diskussjoni bir-reqqa tal-istrumenti differenti li l-BĊE uża s'issa. B'mod partikolari dan jinvolvi l-evalwazzjoni tal-effetti tagħhom, kemm intenzjonati kif ukoll mhux intenzjonati.
5. B'mod aktar ġenerali, x'taħseb dwar il-mod kif ittieħdu d-deċiżjonijiet dwar il-politika monetarja fil-passat u taħseb li għandu jinbidel u, jekk iva, kif? Fil-fehma tiegħek, x'inhuma l-aktar riskji u sfidi importanti għall-BĊE?
Id-deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv dwar il-politika monetarja huma bbażati fuq data makroekonomika, monetarja u finanzjarja, u fuq analiżi dettaljata mwettqa mill-BĊE u l-persunal tal-Eurosistema. Ingredjent ewlieni fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet huwa t-tbassir trimestrali mħejji mill-BĊE u l-persunal tal-Eurosistema. Dawn jipprovdu valutazzjoni solida tal-prospettiva tat-tkabbir u tal-inflazzjoni u r-riskji li hemm marbuta ma' din il-prospettiva.
Il-kombinazzjoni ta' analiżi kwantitattiva u l-użu ta' mudelli ekonomiċi huma kruċjali fl-evalwazzjoni ta' għażliet ta' politika differenti. Dan il-proċess immexxi mid-data jippermetti wkoll lill-Kunsill Governattiv jieħu deċiżjonijiet li huma mifhuma sew mill-parteċipanti fis-suq ukoll. Il-Kunsill Governattiv għandu jkompli din il-prattika, filwaqt li jiżgura li s-sett ta' għodod analitiċi tiegħu jibqa' adatt għall-iskop tiegħu f'ambjent makroekonomiku u f'xenarju finanzjarju li qed jevolvu. Fl-istess ħin, huwa importanti li jiġi rikonoxxut li l-isfidi ta' għada x'aktarx li jkunu differenti mill-isfidi li qed niffaċċjaw illum. Għalhekk nappoġġja li r-rieżami tal-istrateġija li għaddej bħalissa jinkludi, fost suġġetti oħra ta' interess, valutazzjoni tan-nuqqasijiet fl-għarfien fil-mudelli ewlenin użati għat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar il-politika monetarja biex jittejjeb il-fehim tal-funzjonament tal-ekonomija b'appoġġ għall-mandat tal-BĊE. Minkejja dan, minħabba l-kumplessitajiet tal-ekonomiji moderni tagħna, il-prospettiva għat-tkabbir u l-inflazzjoni dejjem se tibqa' soġġetta għal inċertezza konsiderevoli u ma tistax tiġi ggwidata b'mod preċiż minn dawk li jfasslu l-politika ekonomika, inklużi l-banek ċentrali.
F'dan il-kuntest, huwa mill-inqas daqstant importanti li l-Kunsill Governattiv jieħu deċiżjonijiet li huma mifhuma sew mill-udjenza usa' taċ-ċittadini Ewropej. Dan għandu jkompli jispjega bir-reqqa kif kunsiderazzjonijiet differenti jikkontribwixxu għad-deċiżjonijiet tiegħu dwar il-politika monetarja u fil-valutazzjoni tal-proporzjonalità tiegħu għall-użu ta' sett speċifiku ta' għodod tal-politika monetarja. Huwa importanti ħafna li l-BĊE jkompli jevalwa b'mod kostanti kif il-miżuri tal-politika monetarja tiegħu jilħqu l-iskop maħsub tagħhom, ikunu proporzjonati mar-riskju għall-objettiv tal-istabbiltà fil-prezzijiet u proporzjonati fl-eżekuzzjoni tagħhom. Fl-aħħar nett, sabiex jarrikkixxi d-deliberazzjonijiet tiegħu dwar il-politika monetarja, il-Kunsill Governattiv għandu jkompli jinkorpora fil-valutazzjoni tiegħu kunsiderazzjonijiet ekonomiċi u tħassib li tqajjem miċ-ċittadini, pereżempju li għandhom jiġu identifikati billi jinstemgħu avvenimenti, bħal dawk li bħalissa qed isiru fil-kuntest tar-rieżami strateġiku.
Il-pandemija attwali tal-COVID-19 u r-riperkussjonijiet makroekonomiċi tagħha jippreżentaw sfida kontinwa għall-BĊE u għall-Unjoni Ewropea kollha kemm hi. Il-BĊE għandu jkompli juża l-istrumenti kollha tiegħu biex jiżgura li l-kundizzjonijiet ta' finanzjament jibqgħu favorevoli biex jappoġġjaw l-irkupru ekonomiku u jiġġieldu l-impatt negattiv tal-pandemija fuq il-perkors tal-inflazzjoni previst.
Fl-istess ħin, il-BĊE qed jiffaċċja wkoll sfidi fuq żmien medju sa twil, li jvarjaw mit-tfassil tal-politika monetarja u munita diġitali tal-bank ċentrali għat-tibdil fil-klima. Dawn huma wħud mis-suġġetti fir-rieżami tal-istrateġija li għaddej bħalissa, u nistenna bil-ħerqa li nieħu sehem f'dawn id-diskussjonijiet.
6. Kif tevalwa l-effetti ta' rati tal-imgħax baxxi?
Ir-rati tal-imgħax baxxi għandhom jiġu evalwati fil-kuntest ta' bidliet demografiċi sostnuti, tfaddil globali addizzjonali u tnaqqis fit-tkabbir tal-produttività. Dawn l-iżviluppi kkontribwew għal tnaqqis fir-rata tal-bilanċ tal-imgħax matul l-aħħar deċennji f'ekonomiji avvanzati. Il-politika monetarja tirrifletti dan l-iżvilupp fir-rata tal-bilanċ tal-imgħax u f'dawn l-aħħar snin ipprovdiet appoġġ politiku sostanzjali lill-ekonomija biex tiżgura li l-inflazzjoni tkun qed taqleb b'mod robust għall-għan tal-BĊE.
L-ambjent tar-rati tal-imgħax baxxi b'mod persistenti flimkien mal-użu ta' għodod tal-politika monetarja mhux standard qajjem ukoll tħassib dwar l-effetti sekondarji negattivi tal-politika monetarja. L-effetti sekondarji msemmija huma relatati mad-diżintermedjazzjoni potenzjali fis-swieq finanzjarji, id-dipendenza eċċessiva mill-finanzjament tal-banek ċentrali, kompressjoni tal-marġnijiet tar-rati tal-imgħax b'implikazzjonijiet potenzjali għall-profittabbiltà tal-banek, it-teħid ta' riskju eċċessiv, l-allokazzjoni ħażina tar-riżorsi u l-effetti distributtivi. Ħafna minn dawn l-effetti sekondarji huma assoċjati wkoll mal-użu fit-tul ta' politika standard u akkomodanti dwar ir-rata tal-imgħax. Madankollu, minħabba l-intervent dirett fis-swieq finanzjarji u l-impatt tal-espansjoni tal-karta tal-bilanċ tal-banek ċentrali, l-effetti sekondarji tal-għodod tal-politika monetarja mhux standard jistgħu fil-prattika jkunu aktar importanti minn dawk assoċjati mal-politika monetarja konvenzjonali.
B'mod ġenerali, hemm evidenza ċara li ċ-ċittadini taż-żona tal-euro qed ikomplu jibbenefikaw minn rati tal-imgħax baxxi. Il-miżuri tal-politika monetarja tal-BĊE mill-2014 kellhom impatt sostanzjali fuq l-attività ekonomika. Dan wassal għal aktar impjiegi u pagi ogħla, u b'hekk qed jagħti spinta lill-introjtu tal-unitajiet domestiċi. Rati tal-imgħax aktar baxxi jistgħu jwasslu għal introjtu mill-imgħax u ġid tal-pensjoni aktar baxxi. Fl-istess ħin, l-unitajiet domestiċi mhumiex biss dawk li jfaddlu, iżda wkoll dawk li jisselfu u l-investituri u f'dik il-kapaċità se jibbenefikaw minn tnaqqis fl-ispejjeż tal-imgħax (fuq il-kreditu tal-konsumatur u s-self ipotekarju) u titjib fil-ġid tal-unitajiet domestiċi minħabba prezzijiet ogħla tal-assi, inklużi l-prezzijiet tad-djar. Hemm evidenza sostanzjali li l-benefiċċji tal-ambjent b'rata tal-imgħax baxxa se jkomplu jisbqu l-effetti sekondarji negattivi. Madankollu, anki meta l-bilanċ aggregat tal-benefiċċji u l-ispejjeż tal-politika monetarja jirriżulta li huwa pożittiv, dan ma jeżentax lill-BĊE mill-obbligu li jkompli jissorvelja mill-qrib l-impatt tal-miżuri tal-politika monetarja tiegħu permezz ta' kanali u setturi speċifiċi ta' trażmissjoni. Il-prinċipju tal-proporzjonalità jirrikjedi li l-BĊE, fit-twettiq tal-mandat tiegħu, jagħżel is-sett ta' strumenti li jippermettilu jwettaq il-mandat tiegħu filwaqt li jipproduċi l-inqas effetti sekondarji. Peress li l-effikaċja u l-effetti sekondarji tal-miżuri jistgħu jinbidlu maż-żmien, dan għandu jiġi evalwat fuq bażi kontinwa.
Id-deċiżjonijiet ta' Settembru 2019 urew li l-Kunsill Governattiv huwa attent għall-effetti sekondarji potenzjali u huwa ppreparat li jirrispondi meta jkun meħtieġ. Sabiex jiġu mmitigati l-effetti sekondarji tal-politika dwar ir-rata tal-imgħax negattiva tal-BĊE fost livelli għolja ta' likwidità eċċessiva, il-Kunsill Governattiv adotta s-sistema b'żewġ livelli biex jappoġġja t-trażmissjoni tal-politika monetarja tiegħu.
7. X'taħseb dwar ir-rispons tal-politika monetarja tal-BĊE għall-kriżi tal-COVID-19? Fil-fehma tiegħek, il-Programm ta' Xiri ta' Emerġenza Pandemika (PEPP) għandu jkollu karattru aktar permanenti?
Filwaqt li l-għodda ewlenija biex jiġi mmitigat l-impatt ekonomiku tal-kriżi tal-COVID-19 hija l-politika fiskali, il-miżuri tal-politika monetarja li ttieħdu mill-BĊE minn Marzu kellhom rwol ewlieni fl-istabbilizzazzjoni tas-swieq, il-protezzjoni tal-provvista tal-kreditu u l-appoġġ għall-irkupru. Dan, min-naħa tiegħu, jissalvagwardja l-istabbiltà fil-prezzijiet fuq perjodu medju ta' żmien, f'konformità mal-mandat tal-BĊE.
L-impatt tal-miżuri tal-BĊE fuq il-kundizzjonijiet ta' finanzjament fl-ekonomija għandu effett stabbilizzanti fuq l-iżviluppi makroekonomiċi: l-investimenti jonqsu b'ammont iżgħar u jinżammu l-impjiegi. Mingħajr dawn il-miżuri biex jikkomplementaw il-miżuri adottati mill-gvernijiet nazzjonali u istituzzjonijiet Ewropej oħra, iż-żona tal-euro tiffaċċja tkabbir u perspettiva tal-inflazzjoni ħafna agħar, bl-inklużjoni ta' riskji ogħla ta' tnaqqis fil-prezzijiet.
Meta fil-bidu tas-sena l-pandemija laqtet l-ekonomija taż-żona tal-euro, il-BĊE nieda l-Programm ta' Xiri ta' Emerġenza Pandemika (PEPP) bil-għan li jiġu stabbilizzati s-swieq u tiġi appoġġjata l-ekonomija taż-żona tal-euro f'dawn iż-żminijiet diffiċli. Il-PEPP huwa strument li huwa temporanju, immirat u proporzjonat li għandu l-għan li jistabbilizza s-swieq u jappoġġja l-ekonomija taż-żona tal-euro f'dawn iż-żminijiet diffiċli. Sabiex jilħaq l-objettivi tiegħu bħala strument ta' emerġenza, il-PEPP tfassal bi flessibbiltà akbar tul iż-żmien, fis-swieq u bejn il-ġurisdizzjonijiet meta mqabbel mal-APP eżistenti tal-BĊE. Il-flessibbiltà tal-PEPP kienet kritika biex jiġu stabbilizzati s-swieq finanzjarji fil-kuntest tal-pandemija.
In-natura temporanja tiegħu hija riflessa fil-perjodu ta' xiri nett ta' assi fl-ambitu tal-PEPP, li skont il-Kunsill Governattiv se jibqa' xorta waħda sakemm iqis li l-fażi tal-kriżi tal-coronavirus tkun spiċċat. Barra minn hekk, il-PEPP tfassal b'mod immirat biex jindirizza x-xokk speċifiku u r-riskji assoċjati li ż-żona tal-euro qed tiffaċċja matul il-pandemija. Għalhekk, il-kalibrazzjoni tal-PEPP hija marbuta direttament mal-evoluzzjoni tal-pandemija u l-konsegwenzi tagħha għat-trażmissjoni tal-politika monetarja u l-perspettiva ekonomika, kif iddikjarat mill-Kunsill Governattiv.
8. Kif taħseb li l-politika monetarja se tevolvi fil-livell inferjuri għaż-żero?
It-tmexxija tal-politika monetarja meta r-rati ewlenin tal-politika jkunu qrib il-livell aktar baxx effettiv ċertament hija sfida akbar. Madankollu, wara li r-rati tal-politika laħqu livelli qrib iż-żero wara l-kriżi finanzjarja, il-BĊE seta' jipprovdi aktar stimolu mill-politiki tal-karta tal-bilanċ, gwida bil-quddiem u politiki dwar ir-rata tal-imgħax negattiva. Dawn l-istrumenti tqiesu bħala mhux konvenzjonali peress li l-banek ċentrali ma kellhomx esperjenza fl-użu tagħhom iżda wrew li huma b'saħħithom biex jipprovdu aktar akkomodazzjoni ta' politika lill-ekonomija.
Filwaqt li l-BĊE kiseb esperjenza sostanzjali b'għodod biex jipprovdi akkomodazzjoni ta' politika qrib il-limitu l-aktar baxx effettiv, dawn jibqgħu soġġetti għal livell ogħla ta' inċertezza mill-politika dwar ir-rata tal-imgħax konvenzjonali. Dan pereżempju huwa relatat mal-osservazzjoni li l-impatt ta' dawn l-għodod jiddependi miċ-ċirkostanzi makroekonomiċi u finanzjarji prevalenti u, għalhekk, jista' jvarja maż-żmien, kemm f'termini tal-effikaċja tagħhom kif ukoll f'termini ta' effetti sekondarji potenzjali. Dan jitlob monitoraġġ bir-reqqa u aġġornament kontinwu ta' kemm l-intervent tal-politika monetarja jibqa' proporzjonat. F'dan il-kuntest, nilqa' b'sodisfazzjon li l-esperjenzi u t-tagħlimiet miksuba b'għodod tal-politika monetarja mhux standard huma element importanti tar-rieżami tal-istrateġija.
9. X'inhuma fil-fehma tiegħek l-impatt u l-effetti sekondarji tax-xiri ta' assi? X'inhuma fil-fehma tiegħek ir-riskji u l-benefiċċji assoċjati mal-Programm ta' Xiri mis-Settur Korporattiv (CSPP)? Kif se tiżgura t-trasparenza fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Programm ta' Xiri ta' Assi (APP)?
Il-programmi ta' xiri ta' assi tal-BĊE, inklużi l-APP u l-PEPP, urew li huma effettivi ħafna biex itaffu l-kundizzjonijiet finanzjarji. Permezz tal-effett tagħhom fuq il-kundizzjonijiet finanzjarji, ix-xiri tal-assi kellu impatt pożittiv sostanzjali fuq l-ekonomija u s-suq tax-xogħol. Barra minn hekk, l-analiżi tal-BĊE tissuġġerixxi li l-inflazzjoni hija ogħla milli kienet tkun fin-nuqqas ta' xiri ta' assi, anki jekk l-inflazzjoni għadha aktar baxxa mill-għan tal-inflazzjoni tal-Kunsill Governattiv.
Il-miżuri tal-politika monetarja jista' jkollhom ukoll effetti sekondarji, b'mod partikolari fuq il-prezzijiet tal-assi finanzjarji, il-banek, istituzzjonijiet finanzjarji oħra, id-dipendenza mill-finanzjament tal-bank ċentrali, l-allokazzjoni tar-riżorsi, is-swieq tad-djar, u l-pożizzjonijiet finanzjarji tal-unitajiet domestiċi. Effetti sekondarji bħal dawn jistgħu jsiru aktar evidenti aktar ma l-miżuri jdumu stabbiliti u aktar ma jiġu amministrati b'mod intensiv. Huwa għalhekk importanti li jitkompla l-monitoraġġ tal-iżvilupp ta' dawn l-effetti sekondarji possibbli u li jiġi żgurat li dawn ma jisbqux l-impatt espansjonarju tal-miżuri tal-BĊE fuq l-ekonomija.
Ġeneralment, politika monetarja akkomodanti tinċentiva lill-investituri finanzjarji u lill-intermedjarji biex jaqilbu għal assi aktar riskjużi, inkluż l-għoti ta' aktar kreditu lill-unitajiet domestiċi u lid-ditti. Dan huwa effett intenzjonat tal-politika monetarja (li ta' spiss jissejjaħ il-kanal ta' riekwilibriju tal-portafolji) peress li jimplika li l-istimulu monetarju qed jingħadda lil setturi li ma għandhomx jew ma joħorġux titoli eliġibbli u għalhekk ma jibbenefikawx direttament minn programmi ta' xiri. Madankollu, jekk it-teħid tar-riskju jsir eċċessiv, dan jista' jikkontribwixxi għall-akkumulazzjoni tar-riskji għall-istabbiltà finanzjarja. Il-politika monetarja, u b'mod partikolari x-xiri tal-assi, jistgħu jaffettwaw ukoll il-funzjonament tas-suq billi jfixklu l-formazzjoni tal-prezzijiet tal-bonds minn elementi fundamentali sottostanti u jaffettwaw il-kundizzjonijiet tal-likwidità f'xi segmenti tas-suq. S'issa, l-analiżijiet jissuġġerixxu li l-formazzjoni tal-prezzijiet fis-swieq tal-bonds sovrani taż-żona tal-euro fil-biċċa l-kbira baqgħet kif inhi u li x-xiri fil-fatt appoġġja l-funzjonament tas-suq fi żminijiet ta' stress qawwi.
Fir-rigward tas-CSPP, benefiċċju ċar huwa l-appoġġ li dan ix-xiri pprovda lill-ispejjeż ta' finanzjament korporattiv u b'hekk l-investiment korporattiv u l-ekonomija reali. Kellu wkoll effetti involontarji pożittivi fuq il-kundizzjonijiet tal-finanzjament għall-kumpaniji kollha taż-żona tal-euro, inklużi dawk li ma jiddependux mis-swieq kapitali għall-finanzjament tagħhom, bħall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs).
Fl-istess ħin, huwa importanti li jiġu mmonitorjati mill-qrib ħafna u kontinwament ir-riskji assoċjati mal-programmi ta' xiri ta' assi. Ir-riskji għandhom jiġu ġestiti biex jinżammu f'livelli li ma jheddux il-karta tal-bilanċ tal-BĊE, u b'hekk tiġi protetta l-kapaċità tiegħu li jwettaq il-mandat tiegħu.
Fl-aħħar nett, it-trasparenza kellha rwol ċentrali fl-APP u l-PEPP billi ppermettiet lill-parteċipanti fis-suq jifhmu aħjar l-implimentazzjoni tal-programmi. Għalhekk, id-divulgazzjoni regolari ta' informazzjoni dwar ix-xiri u l-parteċipazzjonijiet tal-APP u tal-PEPP fuq is-sit web tal-BĊE hija ta' importanza kbira.
10. X'tistenna l-aktar mir-rieżami tal-qafas tal-politika monetarja tal-BĊE? X'inhuma l-isfidi ewlenin għar-rieżami? Il-BĊE għandu jiddefinixxi mill-ġdid id-definizzjoni kwantitattiva tiegħu tal-mira għall-istabbiltà fil-prezzijiet u b'liema mod? X'taħseb dwar id-deċiżjoni tal-Fed ta' Awwissu 2020 f'dak ir-rigward?
Ir-rieżami tal-istrateġija monetarja tal-BĊE, li ġiet ittardjata b'mod mhux mistenni minħabba l-COVID-19, reġgħet bdiet u se tkun punt fokali importanti matul is-sena li ġejja. Nistenna diskussjoni wiesgħa u miftuħa, li tinkorpora wkoll kif kunsiderazzjonijiet bħall-istabbiltà finanzjarja u t-tibdil fil-klima jistgħu jħallu impatt fuq l-istabbiltà fil-prezzijiet fuq perjodu medju.
Il-proċess ta' rieżami huwa maqsum f'serje ta' dibattiti fi ħdan il-Kunsill Governattiv, bl-appoġġ ta' seminars imħejjija mill-persunal tal-Eurosistema, filwaqt li jitqiesu l-fehmiet miġbura minn partijiet ikkonċernati oħra. Dwar dan nemmen li l-kontribut tal-Parlament Ewropew huwa partikolarment rilevanti u nilqa' l-fatt li l-President tal-BĊE qabel li jinteraġixxi aktar mill-qrib fil-kuntest tar-rieżami tal-istrateġija tal-BĊE u jiżgura li d-djalogi regolari bejn il-BĊE u l-Parlament Ewropew għandhom rwol ewlieni.
Is-seminars tal-Kunsill Governattiv se jkunu appoġġjati minn ħidma preparatorja komprensiva mwettqa minn għaxar flussi ta' ħidma dedikati tal-Eurosistema. Il-flussi ta' ħidma jkopru firxa wiesgħa ta' suġġetti: il-kejl tal-inflazzjoni, l-objettiv tal-istabbiltà fil-prezzijiet tal-BĊE, l-immudellar tal-Eurosistema, il-globalizzazzjoni, id-diġitalizzazzjoni, it-tibdil fil-klima, l-istabbiltà finanzjarja u l-politiki makroprudenzjali, l-intermedjazzjoni finanzjarja mhux bankarja, il-komunikazzjoni u l-interazzjoni bejn il-politika monetarja u l-politiki fiskali.
L-għan tar-rieżami tal-istrateġija tal-BĊE huwa li jiżgura li l-istrateġija tal-politika monetarja tal-BĊE tkun robusta u adatta għall-iskop tagħha, kemm fil-preżent kif ukoll fil-futur.
Id-definizzjoni preċiża tal-objettiv primarju tagħna se tidher b'mod prominenti ħafna fl-eżerċizzju tar-rieżami tal-istrateġija. Formulazzjoni ċara ta' dak li l-Kunsill Governattiv qed jipprova jagħmel huwa imperattiv biex tinkiseb l-istabbiltà fil-prezzijiet. Dan jiffaċilita wkoll it-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont għad-deċiżjonijiet dwar il-politika monetarja li ttieħdu.
Fid-dawl tar-rieżami tal-istrateġija li għaddej bħalissa, ikun prematur li wieħed jasal għal konklużjonijiet dwar dan, kif ukoll dwar kwalunkwe wieħed mill-aspetti tiegħu.
Fl-aħħar nett, id-dikjarazzjoni riveduta dan l-aħħar dwar l-Għanijiet Aktar fit-Tul u l-Istrateġija dwar il-Politika Monetarja tal-Fed tiddeskrivi qafas strateġiku ġdid li jinkludi bidliet sinifikanti relatati maż-żewġ naħat tal-mandat doppju tal-Fed, jiġifieri impjieg massimu u stabbiltà fil-prezzijiet. Ħadt nota tar-rieżami tal-Fed b'interess kbir u nistenna bil-ħerqa li ninvolvi ruħi fir-rieżami tal-istrateġija tal-BĊE. Għandi ninnota li fil-mandat tiegħu l-BĊE jwettaq ir-rieżami indipendenti u proprja tiegħu, u r-rieżamijiet tal-istrateġija ta' banek ċentrali oħra (inkluż l-Fed) ma għandhomx jitqiesu li għandhom implikazzjonijiet diretti għall-istrateġija tal-BĊE.
11. Kif tevalwa l-fehim attwali tad-dinamika tal-inflazzjoni u l-fatturi ewlenin li jmexxu l-movimenti tal-inflazzjoni f'dawn l-aħħar snin? Taħseb li l-inflazzjoni hija sottovalutata fiż-żona tal-euro minħabba sehem inadegwat tal-ispejjeż tal-akkomodazzjoni fil-basket tal-HICP? Kieku titlob aġġustament mill-ġdid tal-basket?
Il-fehim tad-dinamika tal-inflazzjoni kif ukoll l-ixpruni ewlenin tal-inflazzjoni u kif jevolvu maż-żmien, huwa kruċjali għall-BĊE. Għal dawk li jfasslu l-politika monetarja, il-kisba ta' fehim sħiħ tad-dinamika tal-inflazzjoni wriet li hija sfida akbar minn qabel peress li ħafna fatturi differenti flimkien mal-politika monetarja qed jinfluwenzaw l-inflazzjoni fl-istess ħin. F'dan ir-rigward, il-BĊE jeħtieġ li jkun miftuħ għal spjegazzjonijiet differenti għal inflazzjoni baxxa li tista' tkun ta' rilevanza kbira fl-istess ħin iżda tista' titlob rispons politiku differenti.
Ippermettuli nirreferi bħala eżempju għar-Rapport dwar l-Inflazzjoni Baxxa li ġie ppubblikat fl-2016. Huwa jenfasizza żewġ tipi ta' forzi li jsawru d-dinamika tal-inflazzjoni. L-ewwel nett, fatturi strutturali li jbiddlu l-mod kif taħdem l-ekonomija tagħna jistgħu jispjegaw xejriet aktar fit-tul fl-inflazzjoni. B'mod partikolari, dawn jinkludu l-globalizzazzjoni, il-poter ta' negozjar dejjem jonqos tal-ħaddiema, il-progress teknoloġiku u t-tendenzi demografiċi. It-tieni, ix-xokkijiet, kemm min-naħa tal-provvista kif ukoll min-naħa tad-domanda, jistgħu jinfluwenzaw id-dinamika tal-inflazzjoni permezz ta' kanali differenti.
Bħalissa, l-isfida biex wieħed jifhem l-inflazzjoni hija li jitkejlu l-impatti fuq żmien iqsar u itwal li l-pandemija għandha fuq l-inflazzjoni u b'mod partikolari fuq l-inflazzjoni bażi.
L-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) ikkompilat mill-Eurostat jiżgura li l-pajjiżi kollha fl-Unjoni Ewropea jsegwu l-istess metodoloġija. L-inflazzjoni HICP tirrappreżenta indiċi tal-prezzijiet ta' kwalità għolja u f'ħafna dimensjonijiet kellha prestazzjoni tajba, iżda mhijiex perfetta. Huwa għalhekk li nilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li matul is-snin ġie introdott ħafna titjib fil-metodoloġija tal-HICP u li r-rieżami tal-istrateġija tal-BĊE se tanalizza wkoll il-kwistjoni tal-kejl tal-inflazzjoni. L-inklużjoni tad-djar okkupati mis-sidien fil-kalkoli tal-HICP biex jiġi kopert l-infiq kollu relatat mad-djar tista' potenzjalment tkun titjib importanti li jikkorrispondi aħjar ukoll għal kif iċ-ċittadini Ewropej jesperjenzaw inflazzjoni fil-ħajja tagħhom ta' kuljum.
Madankollu, jeżistu sfidi tekniċi biex jiġu inkorporati d-djar okkupati mis-sidien, u ma hemm l-ebda soluzzjoni tal-aħjar l-ewwel disponibbli. Nistenna bil-ħerqa li nimpenja ruħi fir-rieżami tal-istrateġija biex niskambja fehmiet dwar kif jistgħu jiġu indirizzati dawn l-isfidi.
Fil-prattika, kif issuġġerit mill-kalkoli preliminari bbażati fuq indikatur sperimentali tad-Djar Okkupati mis-Sidien, l-inkorporazzjoni tiegħu fl-HICP ikollha biss impatt limitat fuq l-inflazzjoni medja.
12. X'inhi l-fehma tiegħek dwar l-eteroġeneità tal-kundizzjonijiet monetarji u tal-aċċess għall-kreditu fiż-żona tal-euro u l-impatt tagħha fuq il-politika monetarja unitarja tal-BĊE, b'mod partikolari wara t-tendenzi ta' diverġenza ekonomika kkawżati mill-COVID-19?
Billi dejjem se jkun hemm xi differenzi fil-kundizzjonijiet ta' finanzjament bejn l-Istati Membri fiż-żona tal-euro, li jirriflettu d-differenzi strutturali u d-differenzi fil-perspettiva ekonomikaa, wara li l-kriżi tal-COVID-19 laqtet l-ekonomija taż-żona tal-euro, kien hemm riskju ċar ta' frammentazzjoni li żżid id-diverġenza tant li ma tkunx aktar konsistenti ma' trażmissjoni bla xkiel tal-politika monetarja akkomodanti tal-BĊE għas-setturi u l-ġurisdizzjonijiet kollha.
Il-miżuri introdotti minn Marzu, u b'mod partikolari l-PEPP u t-TLTRO III tfasslu biex jappoġġjaw it-trażmissjoni lis-setturi u l-ġurisdizzjonijiet kollha tal-ekonomija taż-żona tal-euro. L-istimi jindikaw li l-PEPP, flimkien mal-pakkett addizzjonali ta' EUR 120 biljun tal-APP imħabbar f'Marzu, kellhom impatt sinifikanti fit-tnaqqis tal-primjum ta' terminu fir-rendiment sovran medju taż-żona tal-euro ta' 10 snin, li huwa komponent importanti tar-rati tal-imgħax fit-tul b'mod ġenerali. L-impatt kien differenti minn pajjiż għall-ieħor, bi tnaqqis b'mod distint u qawwi għal dawk il-pajjiżi li ntlaqtu l-aktar mill-pandemija.
L-użu fl-operazzjonijiet tat-TLTRO III ta' Ġunju u Settembru (li flimkien jilħqu qrib EUR 1.5 triljun) kien b'mod mhux mistenni għoli u mifrux. Skont l-istħarriġ dwar is-self bankarju taż-żona tal-euro ta' Ottubru 2020 (BLS), il-banek indikaw li l-likwidità tat-TLTRO III tappoġġja bis-sħiħ is-self tagħhom, b'mod partikolari lid-ditti. Il-banek indikaw ukoll li t-TLTROs għandhom impatt pożittiv fuq il-pożizzjoni tal-likwidità tagħhom u l-kundizzjonijiet tal-finanzjament tas-suq u impatt ta' tnaqqis fuq it-termini u l-kundizzjonijiet offruti lill-mutwatarji. Għalhekk, it-TLTROs ikkontribwew għal trażmissjoni aktar uniformi tal-politika monetarja tal-BĊE.
Irkupru aktar uniformi mill-kriżi jappoġġja l-effikaċja tal-politika monetarja fiż-żona tal-euro. Il-Kunsill Governattiv jadatta d-deċiżjonijiet tiegħu dwar il-politika monetarja għall-iżviluppi tal-ekonomija taż-żona tal-euro kollha kemm hi, iżda jeħtieġ ukoll li jiżgura li l-politika monetarja tiegħu tilħaq il-partijiet kollha tal-ekonomija u l-ġurisdizzjonijiet kollha biex tikseb il-mandat tagħha dwar l-istabbiltà fil-prezzijiet.
Sabiex ikun hemm irkupru aktar uniformi, il-politika fiskali hija essenzjali. Pereżempju, il-pjan ta' rkupru tan-Next Generation EU tal-Kummissjoni Ewropea se jkollu rwol importanti biex jipprova jistabbilixxi mill-ġdid kundizzjonijiet ekwi u jappoġġja lil dawk li ntlaqtu l-agħar mill-pandemija.
Għalhekk nilqa' bis-sħiħ dan il-pjan, li se jsaħħaħ is-Suq Uniku u jibni rkupru dejjiemi u prosperuż, filwaqt li jappoġġja l-prijoritajiet ekoloġiċi u diġitali tal-UE.
13. Fil-fehma tiegħek, il-BĊE kif jista' jikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku, għat-tranżizzjoni ekoloġika u għall-impjieg sħiħ filwaqt li jikkonforma bis-sħiħ mal-objettiv primarju tiegħu li jżomm l-istabbiltà fil-prezzijiet? Fil-fehma tiegħek hemm xi miżuri addizzjonali tal-politika monetarja li jtejbu l-effetti pożittivi fuq l-ekonomija reali?
Kif stabbilit fit-Trattat, l-objettiv primarju tas-SEBĊ huwa li żżomm l-istabbiltà fil-prezzijiet. Madankollu, "mingħajr preġudizzju għall-objettiv ewlieni tal-istabbilità fil-prezzijiet, is-SEBĊ għandha tappoġġja wkoll politiki ekonomiċi ġenerali fil-Komunità bil-ħsieb li tikkontribwixxi għall-ilħuq tal-objettivi tal-Komunità kif stabbiliti fl-Artikolu 2." Għalhekk dan juri biċ-ċar li l-politika monetarja jista' jkollha rwol kruċjali fl-appoġġ għall-ekonomija reali. Fil-fatt, fl-ambjent attwali, fejn id-domanda hija dgħajfa u l-inflazzjoni hija taħt livelli konsistenti mal-għan tal-inflazzjoni tal-Kunsill Governattiv, il-politika monetarja hija essenzjali biex tappoġġja kemm it-tkabbir ekonomiku kif ukoll l-inflazzjoni.
L-appoġġ għall-konsum tal-unitajiet domestiċi u l-investiment sod huwa mekkaniżmu ta' trażmissjoni kruċjali għall-politika monetarja biex jintlaħaq l-objettiv tagħha ta' stabbiltà fil-prezzijiet. Hemm biżżejjed evidenza li l-miżuri tal-politika monetarja li ttieħdu minn nofs l-2014 kellhom impatt sostanzjali fuq l-impjieg, l-introjtu u t-tkabbir.
Barra minn hekk, il-miżuri meħuda minn Marzu 2020 dwar xiri ta' assi u dwar il-parametri tat-TLTRO se jipprovdu appoġġ sinifikanti għall-irkupru ekonomiku u mmitigaw l-agħar riżultati possibbli.
Ir-rieżami tal-istrateġija tal-BĊE li għaddej bħalissa se jipprovdi opportunità biex jinkiseb fehim aħjar ta' kif ix-xejriet fit-tul jistgħu jaffettwaw il-fatturi varjabbli li aħna nimmonitorjaw regolarment u, sa ċertu punt, infittxu li nikkontrollaw. Fost dawn ix-xejriet, it-tranżizzjoni demografika, il-bidla teknoloġika fixkiela u t-tisħin globali huma ċertament prominenti.
14. Sa liema punt taħseb li l-indirizzar tat-tibdil fil-klima u kwistjonijiet oħra ta' sostenibbiltà huma parti mill-mandat tal-BĊE? X'inhuma l-fehmiet tiegħek dwar l-impatt tal-politika tal-BĊE fuq it-tibdil fil-klima? Taħseb li l-BĊE għandu jġib ix-xirjiet tal-assi tiegħu f'konformità mal-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli tan-NU u l-ftehim ta' Pariġi dwar il-klima? Il-programmi ta' xiri ta' assi tal-BĊE għandhom ikunu konformi mal-qafas tat-tassonomija tal-UE? Xi rwol ikollu l-BĊE fin-Network għall-Ekoloġizzazzjoni tas-Sistema Finanzjarja (NGFS)? Kif jistgħu r-rakkomandazzjonijiet ewlenin tar-rapport komprensiv tal-NGFS "A call for action Climate change as a source of financial risk" (Sejħa għal azzjoni It-tibdil fil-klima bħala sors ta' riskju finanzjarju) li huma diretti lejn il-banek ċentrali jitpoġġew fil-prattika mill-BĊE? Sa liema punt il-bonds ekoloġiċi fil-fehma tiegħek jikkontribwixxu għad-dekarbonizzazzjoni, u kif tivvaluta r-riċerka riċenti mill-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali (BĦI) f'dan ir-rigward (https://www.bis.org/publ/qtrpdf/r_qt2009c.pdf )?
Sabiex titħaffef it-tranżizzjoni għal ekonomija newtrali f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju, huwa kruċjali li l-gvernijiet, il-banek ċentrali, l-awtoritajiet superviżorji u l-istituzzjonijiet finanzjarji jieħdu azzjoni soda u deċiżiva. Dawn l-entitajiet kollha għandhom rwol speċifiku x'jaqdu. Minħabba li l-ekonomija għadha tiddependi ħafna mill-karburanti fossili, hemm bżonn ta' orjentazzjoni fundamentali mill-ġdid. Bil-politiki tagħhom dwar il-klima, il-gvernijiet huma l-ixprun ta' din l-orjentazzjoni mill-ġdid. L-Ewropa diġà tinsab fuq quddiem nett f'termini ta' azzjoni klimatika. Bl-iffirmar tal-ftehim ta' Pariġi l-gvernijiet Ewropej impenjaw ruħhom li jintensifikaw il-politiki u l-investimenti meħtieġa għal futur sostenibbli b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju. L-UE nediet il-Patt Ekoloġiku tagħha u għamlet xogħol eċċellenti billi introduċiet it-tassonomija għal attivitajiet sostenibbli li jsaħħu t-tranżizzjoni. Fl-aħħar nett, l-UE wettqet bidliet strutturali kruċjali biex terġa' tistabbilixxi funzjonament effiċjenti tas-suq billi introduċiet l-iskema għan-negozjar ta' emissjonijiet (ETS) u d-direttiva dwar ir-rappurtar mhux finanzjarju (NFRD).
Filwaqt li nfaħħar il-ħidma li saret s'issa mill-UE, nixtieq nenfasizza li għad fadal ħafna xi jsir. Sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta' Pariġi, huwa essenzjali li nimxu lejn ekonomija globali sostenibbli ħafna aktar malajr milli huwa l-każ bħalissa. Żewġ fatturi ewlenin li bħalissa qed inaqqsu l-pass tat-tranżizzjoni huma l-ewwel nett il-fatt li l-kumpaniji għad ma għandhomx biżżejjed inċentivi finanzjarji biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom u t-tieni nett li l-intermedjarji finanzjarji jiffaċċjaw sfidi marbuta mad-data sabiex iqisu t-tibdil fil-klima bl-aħjar mod filwaqt li jieħdu deċiżjonijiet ta' investiment.
Filwaqt li l-ħolqien tal-kundizzjonijiet għat-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju huwa l-ewwel u qabel kollox kompitu tal-gvernijiet eletti demokratikament, u l-ipprezzar tal-karbonju jibqa' l-għodda ewlenija għal dan, il-partijiet ikkonċernati kollha għandhom rwol speċifiku fit-tranżizzjoni enerġetika, inkluż il-BĊE. Il-punt tat-tluq għall-kompiti superviżorji tal-BĊE huwa l-perspettiva tar-riskju. Is-superviżuri diġà rrikonoxxew b'mod wiesa' li kemm it-tranżizzjoni kif ukoll it-tibdil fil-klima huma sorsi ta' riskji finanzjarji, li għandhom jiġu indirizzati u ġestiti. Dan mhux biss minnu għal riskji relatati mat-tranżizzjoni u mal-klima, iżda wkoll għal riskji ambjentali u soċjali usa'.
Il-punt tat-tluq għall-kompitu monetarju tal-BĊE huwa l-objettiv tiegħu ta' stabbiltà fil-prezzijiet. "Mingħajr preġudizzju għall-objettiv ewlieni tal-istabbiltà fil-prezzijiet" il-BĊE għandu jappoġġja l-politiki ekonomiċi ġenerali fl-Unjoni. Dawn il-politiki jinkludu protezzjoni ta' livell għoli u titjib tal-kwalità tal-ambjent u l-prijoritajiet ta' politika ssottolinjati mill-UE, inkluż il-Patt Ekoloġiku. Minħabba l-ambizzjonijiet u l-impenji tal-UE, il-BĊE għandu d-dmir li jappoġġja dawn il-politiki, sakemm dan ikun jista' jagħmel hekk mingħajr preġudizzju għall-objettiv tiegħu ta' stabbiltà fil-prezzijiet. Naturalment, anki f'dan il-kuntest, il-BĊE għandu jaġixxi skont il-prinċipji tal-proporzjonalità u l-bilanċ istituzzjonali. F'dan l-isfond, nemmen li hemm tal-inqas tliet perspettivi li minnhom it-tibdil fil-klima huwa ta' rilevanza għall-politika monetarja.
L-ewwel nett, it-tibdil fil-klima u l-mitigazzjoni tiegħu se jaffettwaw dejjem aktar il-varjabbli makroekonomiċi ewlenin għat-tmexxija tal-politika monetarja. Barra minn hekk, it-tibdil fil-klima jista' jaffettwa l-kanali ta' trażmissjoni tal-politika monetarja. Dan jista' jirrikjedi li l-banek ċentrali, inkluż il-BĊE, jaġġornaw is-sett ta' għodod analitiċi tagħhom billi jżidu r-riskji għall-klima mal-mudelli makroekonomiċi tagħhom, l-għodod ta' tbassir u l-operazzjonijiet tagħhom.
It-tieni nett, minħabba ż-żieda fil-preżenza tal-BĊE fis-swieq finanzjarji, dan għandu jivvaluta bir-reqqa l-impatt tal-miżuri mhux standard tiegħu fuq l-ambizzjoni tal-UE li timxi lejn ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju. It-tfassil tat-TLTROs u l-programmi tax-xiri tal-assi għandhom implikazzjonijiet importanti fuq l-allokazzjoni tal-kapital fl-ekonomija u huwa importanti li dawn il-politiki "jibqgħu validi fil-futur", mingħajr ma jikkompromettu l-effikaċja tal-politika monetarja fil-kisba tal-objettiv ewlieni.
Li wieħed jirrikonoxxi li azzjoni skont il-prinċipju ta' ekonomija ta' suq miftuħ, ma timplikax neċessarjament li l-BĊE għandu taħt kull ċirkostanza jaderixxi strettament man-newtralità tas-suq, b'mod partikolari fil-preżenza ta' fallimenti tas-suq kif ġie enfasizzat dan l-aħħar mill-Membru tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE Isabel Schnabel, ikun pass importanti. Barra minn hekk, il-BĊE jista' jesplora kif fil-mandat tiegħu, l-istrumenti tiegħu jistgħu jitfasslu biex jikkontribwixxu għall-ftuħ ta' investimenti li jappoġġjaw it-tranżizzjoni għal ekonomija newtrali f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju. Il-politiki eżistenti tal-UE, bħall-NFRD u t-tassonomija għal attivitajiet sostenibbli, jistgħu jittieħdu bħala punt tat-tluq f'dan ir-rigward.
It-tielet, il-BĊE għandu jirrifletti b'mod adegwat ir-riskji relatati mal-klima fl-oqfsa tiegħu ta' mitigazzjoni tar-riskju u għandu jkun trasparenti dwar l-iskoperturi tiegħu, kif rakkomandat mill-NGFS. Għall-portafolji monetarji, il-BĊE jiddependi ħafna mill-opinjonijiet tal-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu dwar kif jiġi vvalutat ir-riskju tal-kreditu. Għalhekk, il-BĊE jeħtieġ li jimpenja ruħu magħhom biex jara jekk ir-riskji relatati mat-tibdil fil-klima humiex riflessi sew fil-ġudizzju tagħhom. Sa fejn il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali jagħmlu l-valutazzjoni tal-kreditu tagħhom stess, dawn jeħtieġ li jagħmlu dan huma stess. Minħabba l-attivitajiet wiesgħa tal-BĊE, ninsab konxju sew li d-disponibbiltà tad-data hija kruċjali iżda ta' sfida. Dan jissottolinja wkoll l-importanza tal-NFRD. Sa fejn data rilevanti tkun nieqsa, il-BĊE jista' jesplora jekk jistax ikollu rwol fit-trawwim tal-pubblikazzjoni ta' data relatata mal-klima mill-kontropartijiet tiegħu, pereżempju, billi jagħmel din il-pubblikazzjoni mill-kontropartijiet tiegħu rekwiżit biex ikun hemm involviment f'operazzjonijiet ta' politika monetarja. F'dan ir-rigward, ippermettuli ntenni punt li sar kemm mill-NGFS kif ukoll mill-Eurosistema: tassonomija ekoloġika, jiġifieri tassonomija ta' attivitajiet sostenibbli b'referenza għat-tibdil fil-klima, il-bijodiversità u l-objettivi ambjentali l-oħra, bħal dik adottata reċentement u li qed tiġi żviluppata fl-UE, hija essenzjali għall-prevenzjoni tal-greenwashing u biex jiġi żgurat li prodotti bħall-bonds ekoloġiċi jikkontribwixxu b'mod effettiv għall-objettivi ambjentali. F'dan ir-rigward, il-ħidma li għaddejja mill-Kummissjoni dwar l-iżvilupp ta' Standard għall-Bonds Ekoloġiċi b'referenza għat-tassonomija tal-UE hija fundamentali wkoll. Iżda biex tiġi vvalutat kif xieraq l-iskopertura għar-riskji relatati mal-klima, tassonomija ta' dawk l-attivitajiet l-aktar esposti għat-tranżizzjoni għal ekonomija b'livell baxx ta' karbonju hija forsi ta' rilevanza akbar għall-banek ċentrali u s-superviżuri. F'dan ir-rigward, nixtieq infaħħar ir-riċerka riċenti mill-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali (BĦI) li tintroduċi qafas għar-rati rappreżentattivi.
Bħala konklużjoni, ninsab kuntent ħafna bil-fatt li dan is-suġġett huwa parti integrali mir-rieżami tal-istrateġija li għaddej bħalissa tal-BĊE li qed nistenna li nkun nista' nikkontribwixxi għalih.
15. Xi rwol taħseb li għandu jkollu l-BĊE fl-indirizzar tal-muniti virtwali? Liema opportunitajiet u riskji tara fir-rigward tal-assi virtwali? X'inhi l-fehma tiegħek dwar il-muniti diġitali tal-bank ċentrali, u r-riskji u l-benefiċċji assoċjati? Kif taħseb li għandu jkun strutturat qafas regolatorju xieraq għall-muniti virtwali (u b'mod partikolari l-"istablecoins")? Fil-fehma tiegħek, il-BĊE għandu jniedi euro diġitali? Jekk iva, kif għandu jidher u inti kieku kif tindirizza r-riskji li tista' ġġib magħha munita bħal din, inklużi r-riskji possibbli ta' assalti bankarji u kwistjonijiet relatati mal-privatezza?
Il-kriptoassi[5] li ma jirrappreżentawx pretensjoni fuq kwalunkwe entità huma volatili b'mod inerenti u ma għandhomx il-karatteristiċi ta' flus. Għalkemm dawn il-kriptoassi joħolqu riskji għall-investituri u jistgħu jintużaw għal attivitajiet illeċiti, bħalissa ma joħolqux riskju materjali għas-sistema finanzjarja tal-UE jew għall-istabbiltà monetarja. Il-BĊE għandu jkompli jimmonitorja l-kriptoassi biex iżomm din il-valutazzjoni tar-riskju aġġornata fid-dawl tal-iżviluppi tas-suq.
Il-kriptoassi li huma intenzjonati li jżommu valur stabbli, billi jirreferenzjaw (i) munita ta' kors legali waħda jew (ii) diversi muniti ta' kors legali jew prodott wieħed jew aktar jew kriptoassi wieħed jew aktar, jew taħlita ta' dawn l-assi, magħrufa bħala tokens tal-flus elettroniċi u tokens irreferenzjati ma' assi rispettivament, skont il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal Regolament dwar is-Swieq fil-Kriptoassi, (MiCA), jistgħu teoretikament jintużaw bħala mezz ta' pagament u anki bħala ħażna ta' valur. Barra minn hekk, xi inizjattivi b'tokens bħal dawn jistgħu jħallu impronta globali malajr billi jużaw bażijiet ta' utenti eżistenti.
Il-flus elettroniċi jew it-tokens irreferenzjat ma' assi li jsiru sinifikanti, fl-Unjoni jew f'livell globali, jippreżentaw kemm opportunitajiet kif ukoll sfidi. Dawn jistgħu jgħinu biex jingħelbu n-nuqqasijiet fil-ħeffa u l-ispejjeż tal-pagamenti transfruntiera globali. Fl-istess ħin, dawn jistgħu jheddu l-istabbiltà u s-sovranità monetarja u finanzjarja, jaffettwaw is-sikurezza u l-effiċjenza tas-sistemi ta' pagament, kif ukoll joħolqu għadd ta' kwistjonijiet oħra relatati, fost l-oħrajn, mal-ħasil tal-flus/il-finanzjament tat-terroriżmu, il-kompetizzjoni, il-protezzjoni tad-data u l-protezzjoni tal-konsumatur.
Min-naħa tiegħu, il-BĊE għandu jkollu rwol billi jiżgura li t-tokens sistemiċi ta' flus elettroniċi u rreferenzjati ma' assi ma jdgħajfux l-awtonomija strateġika taż-żona tal-euro u r-reżiljenza tas-sistema ta' pagamenti. Bħala sorveljant tas-sistema ta' pagamenti, il-BĊE għandu, flimkien mal-banek ċentrali taż-żona tal-euro, japplika l-oqfsa ta' sorveljanza rilevanti tal-Eurosistema għas-sistemi ta' pagament, l-iskemi ta' pagament u l-arranġamenti biex jiġu mmitigati r-riskji tal-flus elettroniċi jew ta' tokens irreferenzjati ma' assi. Barra minn hekk, il-BĊE għandu jikkoopera mal-EBA u l-awtoritajiet kompetenti u jipparteċipa fil-kulleġġi ta' tokens sinifikanti ta' flus jew irreferenzjati ma' assi.
Qafas regolatorju xieraq għat-tokens ta' flus elettroniċi u t-tokens irreferenzjati ma' assi għandu jkun ispirat mill-prinċipju "l-istess attività, l-istess riskju, l-istess regoli". Dan għandu jiżgura kundizzjonijiet ekwi billi jagħmel it-tokens ta' flus elettroniċi u rreferenzjati ma' assi b'potenzjal li jintużaw bħala strumenti ta' pagament għal skopijiet ġenerali soġġetti għal rekwiżiti ekwivalenti. Barra minn hekk, qafas għandu jimmitiga, fost l-oħrajn, kwalunkwe riskju għall-istabbiltà finanzjarja, il-politika monetarja u s-sovranità, u l-protezzjoni tal-konsumatur, li jippreżentaw tali tokens. Il-MiCA huwa l-ewwel pass tajjeb fir-regolamentazzjoni tal-kriptoassi, inklużi l-istablecoins, li mhumiex diġà koperti mil-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE, peress li pereżempju ma jikkwalifikawx bħala strument finanzjarju skont il-MiFID II, jew flus elettroniċi skont l-EMD. Dan jgħin ukoll biex jiġi evitat l-arbitraġġ bejn il-ġurisdizzjonijiet tal-UE. Il-BĊE għadu kif ippubblika l-qafas il-ġdid tiegħu għas-sorveljanza tal-istrumenti, l-iskemi u l-arranġamenti elettroniċi ta' pagament, l-hekk imsejjaħ qafas PISA, għall-konsultazzjoni pubblika. Bl-istess mod, il-qafas il-ġdid għandu l-għan li jiżgura l-prinċipju "l-istess attività, l-istess riskju, l-istess regoli" b'mod proporzjonat u jindirizza wkoll it-tokens ta' flus elettroniċi u rreferenzjati ma' assi.
Kif ġie diskuss ukoll fir-rapport riċenti dwar l-euro diġitali mħejji mit-Task Force ta' Livell Għoli tal-Eurosistema dwar il-Muniti Diġitali tal-Bank Ċentrali, dawn tal-aħħar huma għodda b'saħħitha għall-banek ċentrali biex jittrattaw uħud mill-isfidi u l-ħtiġijiet li jirriżultaw fil-kuntest tad-diġitalizzazzjoni tas-soċjetajiet u l-ekonomiji tagħna. B'mod partikolari: i) hekk kif jinħolqu ħtiġijiet ġodda ta' ħlas, euro diġitali jipprovdi assi diġitali mingħajr riskju biex jiġu ssodisfati dawn il-ħtiġijiet; ii) f'każ ta' tnaqqis sinifikanti fl-użu tal-flus kontanti bħala mezz ta' pagament, euro diġitali jipprovdi ekwivalenti diġitali ta' karti tal-flus tal-valuta legali tal-euro, li jikkomplementa r-rwol tal-flus kontanti; iii) fid-dawl taż-żieda possibbli fil-muniti diġitali pubbliċi privati jew barranin, euro diġitali jgħin biex jippreserva l-istabbiltà u s-sovranità monetarja u finanzjarja. Huwa importanti li jiġi enfasizzat li kieku kellu jiġi introdott euro diġitali, dan jiġi introdott flimkien mal-flus kontanti, u mhux jissostitwixxihom. Barra minn hekk, dan ikun jirrikjedi bażi ġuridika soda.
F'termini tar-riskji assoċjati mal-ħruġ possibbli ta' euro diġitali, narahom bħala dipendenti ħafna mit-tfassil attwali tiegħu. Euro diġitali għandu jitfassal b'tali mod li jevita ċaqliq eċċessiv ta' depożiti ta' banek kummerċjali lejn parteċipazzjonijiet diġitali f'euro, kemm bħala fenomenu strutturali kif ukoll waqt kriżijiet finanzjarji. Euro diġitali ma għandux jeskludi inizjattivi privati li jistgħu jkunu ta' benefiċċju għall-innovazzjoni u l-integrazzjoni tas-settur Ewropew tal-pagamenti bl-imnut. Għandhom jitqiesu wkoll l-implikazzjonijiet transmonetarji ta' euro diġitali, inkluż fl-Unjoni.
Fir-rigward tal-privatezza, hemm kompromess ċar bejn id-dritt taċ-ċittadini li jipproteġu d-data personali tagħhom u d-dmir pubbliku li jiġu miġġielda l-attivitajiet illeċiti (bħall-ħasil tal-flus). Se jkun meħtieġ li jinstab bilanċ ġust bejn dawn iż-żewġ valuri fundamentali f'kooperazzjoni mal-koleġiżlaturi.
F'dan l-istadju m'iniex f'pożizzjoni li niġġudika jekk il-BĊE għandux joħroġ euro diġitali. Naħseb li l-kumplessità ta' dan is-suġġett teħtieġ analiżi bir-reqqa u involviment tal-partijiet ikkonċernati kollha. Għalhekk ninsab kuntent li qed nara li l-BĊE qed jersaq lejn l-analiżi ta' euro diġitali bl-attenzjoni mistħoqqa, inkluż billi jinvolvi l-opinjoni pubblika permezz ta' konsultazzjoni miftuħa u billi jibda esperimentazzjoni prattika dwar disinji possibbli flimkien ma' diversi banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema, u speċjalment billi jikkomunika ma' dan il-Parlament u mal-kumitati rilevanti tiegħu.
16. Liema rwol tara għal tranżazzjonijiet ibbażati fuq flus kontanti meta mqabbla ma' tranżazzjonijiet diġitali fil-ġejjieni?
Il-flus għadhom jirrappreżentaw il-maġġoranza tat-tranżazzjonijiet fiż-żona tal-euro, madankollu, is-sehem tagħhom ta' tranżazzjonijiet fil-punti tal-bejgħ u minn persuna għal oħra qiegħed jonqos. F'termini tal-volum tat-tranżazzjonijiet totali, dan naqas minn 79 % fl-2016 għal 73 % fl-2019. L-espansjoni parallela ta' tranżazzjonijiet mingħajr flus kontanti kienet xprunata l-aktar minn pagamenti bil-kards, li żdiedu minn 19 % għal 24 % f'termini ta' volum. Ix-xejra lejn pagamenti mingħajr flus kontanti ġiet aċċellerata mill-pandemija tal-COVID-19 fejn kien hemm żieda qawwija fil-pagamenti online mill-unitajiet domestiċi u bidla lejn pagamenti mingħajr kuntatt fil-ħwienet. Fl-istess ħin, il-flus kontanti jaqdu ħtiġijiet kruċjali għaċ-ċittadini. Pereżempju, il-flus kontanti għadhom l-unika forma ta' flus skritturali ċentrali disponibbli għall-pubbliku (minkejja rwol futur possibbli għall-munita diġitali tal-bank ċentrali), il-flus kontanti jistgħu jiffunzjonaw bħala għażla ta' riżerva f'każ ta' interruzzjoni serja tal-pagamenti elettroniċi, u huma prekundizzjoni għal ħafna nies f'pożizzjonijiet vulnerabbli (bħal ċerti ċittadini anzjani, persuni b'diżabilità, u dawk illitterati) biex ikollhom aċċess għas-servizzi finanzjarji u biex ikunu jistgħu jimmaniġġjaw l-affarijiet finanzjarji tagħhom b'mod indipendenti. L-Eurosistema trid tiżgura li, hekk kif jiżdiedu t-tranżazzjonijiet diġitali, il-konsumaturi jkollhom aċċess għal soluzzjonijiet ta' pagament diġitali pan-Ewropej integrati li jaqdu l-ħtiġijiet tagħhom. Bħalissa dan mhuwiex il-każ, u l-Ewropa qed tesperjenza d-dominanza ta' ftit atturi mhux Ewropej. Din il-konċentrazzjoni tista' tiħrax minħabba l-kapaċità ta' ditti teknoloġiċi globali, l-hekk imsejħa ditti tat-teknoloġija kbira, li joffru wkoll servizzi ta' pagamenti, li jagħmlu dan fuq skala dejjem tikber.
L-Eurosistema rreaġixxiet għal dawn l-isfidi billi ġeddet l-istrateġija tagħha dwar il-pagamenti bl-imnut biex tinkoraġġixxi u tiffaċilita l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet Ewropej ta' ħlas diġitali. Dan l-aħħar il-Kummissjoni ppubblikat ukoll l-Istrateġija tagħha dwar il-Pagamenti bl-Imnut, bil-għan li tkompli tiżviluppa s-settur tal-pagamenti pan-Ewropew. Għalhekk nilqa' l-Inizjattiva Ewropea għall-Pagamenti, li hija stabbilita minn għadd ta' banek Ewropej biex jiżviluppaw prodotti ta' pagament pan-Ewropej, u inizjattivi privati oħra li jfittxu li joffru soluzzjonijiet ta' pagament pan-Ewropej.
Bħala konklużjoni, il-flus kontanti għadhom jirrappreżentaw il-maġġoranza tat-tranżazzjonijiet fiż-żona tal-euro u għandna nkomplu niżguraw li ċ-ċittadini kollha tal-UE jkollhom aċċess għall-flus kontanti f'kull ħin. It-tranżazzjonijiet diġitali jikkomplementaw il-flus kontanti u mhux jissostitwixxuhom. Dawn flimkien jappoġġjaw l-inklużjoni finanzjarja u joffru għażla lill-konsumaturi. Dan huwa konformi mal-politika tal-Eurosistema li tirrispetta l-preferenzi tal-konsumatur fir-rigward tal-mezzi ta' pagament.
17. Diversi Stati Membri tal-UE qed iħejju biex jissieħbu fiż-żona tal-euro u żewġ Stati Membri ssieħbu fl-ERM II f'Lulju 2020. Kif tipprevedi li jiġu evitati diverġenzi ulterjuri bejn l-Istati Membri taż-żona tal-euro matul id-deċennju li ġej fid-dawl tal-kundizzjonijiet ekonomiċi fl-istati kandidati? X'inhu x-xenarju ekonomiku preferut tat-tkabbir taż-żona tal-euro?
Ippermettuli nibda billi ngħid li nara l-euro bħala l-aktar sinjal tanġibbli tal-integrazzjoni Ewropea. Bħalissa hija l-munita uffiċjali għal 19-il Stat Membru tal-UE. Kif stabbilit fit-Trattat, l-Istati Membri kollha tal-UE mingħajr klawsola ta' eżenzjoni jew esklużjoni fakultattiva, b'mod partikolari seba' pajjiżi li mhumiex fiż-żona tal-euro minbarra d-Danimarka, huma mistennija li llum jew għada jadottaw l-euro.
Nemmen li l-istampa tad-disparitajiet ekonomiċi li qed jikbru fl-UEM matul dawn l-aħħar għaxar snin hija aktar sfumata milli tidher prima facie. Pereżempju, il-pajjiżi b'introjtu baxx mil-Lvant Ċentrali tal-Ewropa li adottaw l-euro, speċjalment il-pajjiżi Baltiċi u s-Slovakkja, effettivament qed jilħqu lill-ekonomiji b'livell ogħla ta' introjtu. Aktar importanti minn hekk, diversi studji kkonkludew li, biex verament nifhmu d-disparitajiet dejjem jiżdiedu fl-Ewropa, wieħed għandu jiffoka fuq fatturi oħra minbarra l-UEM – pereżempju, ix-xokkijiet fit-teknoloġija u l-globalizzazzjoni, l-impatt tal-kriżi finanzjarja globali, kif ukoll id-dgħufijiet strutturali speċifiċi għall-pajjiż. Pereżempju, jekk wieħed iħares lejn id-dispersjoni ċiklika fost l-ekonomiji taż-żona tal-euro, din fil-fatt naqset. Dan ippermetta li jinkiseb livell għoli ta' simetrija fiċ-ċikli tan-negozju u finanzjarji tal-membri taż-żona tal-euro, li huwa ingredjent kruċjali għal politika monetarja waħdanija ta' suċċess. Madankollu, l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 li għaddejja bħalissa fuq il-kundizzjonijiet ekonomiċi tal-ekonomiji ġewwa u barra ż-żona tal-euro għad irid jiġi vvalutat.
Fil-fehma tiegħi x-xenarju ekonomiku ppreferut għat-tkabbir taż-żona tal-euro għandu jitfassal għal kull Stat Membru individwali. Kull pajjiż li jixtieq jingħaqad mal-euro għandu jintroduċi l-miżuri u r-riformi meħtieġa flimkien mal-perkors, il-modalitajiet u l-iskeda ta' żmien tiegħu stess. Finalment l-iskeda ta' żmien tiddependi minn tliet fatturi ewlenin: ir-rieda politika kif riflessa wkoll fl-istrateġiji nazzjonali dwar l-adozzjoni tal-euro; is-sens ta' sjieda tal-proġett min-naħa taċ-ċittadini; u l-livell ta' tħejjija ekonomika.
Il-BĊE u l-Kummissjoni Ewropea jivvalutaw regolarment il-progress li jkun sar minn kull Stat Membru li mhux fiż-żona tal-euro lejn l-issodisfar tal-kriterji bbażati fuq it-Trattat meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro, kif artikolat fir-rapporti ta' konverġenza. Skont ir-Rapporti ta' Konverġenza tal-BĊE u tal-Kummissjoni Ewropea tal-2020 li ġew ippubblikati fl-10 ta' Ġunju, l-ebda wieħed mill-pajjiżi taħt rieżami ma ssodisfa l-kriterji kollha ta' Maastricht. B'mod partikolari l-ebda wieħed mis-seba' pajjiżi ma kien konformi mal-kriterju tar-rata tal-kambju, li jirrikjedi l-parteċipazzjoni ta' Stat Membru għal tal-inqas sentejn fil-mekkaniżmu tar-rata tal-kambju, l-ERM II, mingħajr żvalutazzjoni fil-konfront tal-euro.
Wara d-deċiżjoni meħuda bi ftehim reċiproku tal-ministri tal-finanzi tal-pajjiżi taż-żona tal-euro, il-President tal-BĊE u l-ministri tal-finanzi u l-gvernaturi tal-banek ċentrali tad-Danimarka, il-Bulgarija u l-Kroazja, il-lev Bulgaru u l-kuna Kroata ġew inklużi fl-ERM II fl-10 ta' Lulju 2020. Il-parteċipazzjoni fl-ERM II għandha titqies bħala stadju importanti fit-tħejjija għall-adozzjoni tal-euro. Għalhekk, fl-2022 ir-rapporti ta' konverġenza tal-BĊE u tal-Kummissjoni Ewropea se jipprovdu valutazzjoni dwar kemm iż-żewġ Stati Membri huma lesti li jadottaw l-euro.
18. Xi rwol tara għall-Fond għall-Irkupru? Kif jista' jappoġġja bl-aħjar mod ir-reżiljenza taż-żona tal-euro? Taħseb li ż-żona tal-euro teħtieġ Ass Sikur Ewropew mhux biss biex jgħin jistabbilizza s-swieq finanzjarji u jippermetti lill-banek inaqqsu l-iskopertura tagħhom għad-dejn nazzjonali, iżda anki bħala mod biex jiffaċilita t-trażmissjoni korretta tal-politika monetarja?
Il-qawmien mill-ġdid tal-virus żied l-inċertezza u jirrikjedi t-tkomplija tal-appoġġ fiskali biex jiġu evitati "effetti ta' preċipizju" u biex l-ekonomiji tagħna jiġu megħjuna jerġgħu jaqbdu t-triq it-tajba. Għalhekk huwa tal-akbar importanza li l-pakkett tan-Next Generation EU (NGEU) ta' EUR 750 biljun jibda jopera mingħajr dewmien. Dan il-pakkett ta' rkupru għandu l-potenzjal li jappoġġja b'mod sinifikanti l-pajjiżi l-aktar milquta mill-pandemija, isaħħaħ is-Suq Uniku u jibni rkupru dejjiemi u prosperu.
L-impatt tal-NGEU, u l-programm ċentrali tiegħu, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, se jiddependi minn kemm il-fondi jiġu żburżati malajr, u kemm jiġu diretti b'mod effettiv għal użi produttivi. Għalhekk huwa importanti li dawk kollha li jfasslu l-politika jilħqu ftehim dwar id-dettalji pendenti tal-pakkett sal-aħħar tas-sena, u li l-Istati Membri jagħmlu l-arranġamenti xierqa biex jippermettu nfiq sod u effettiv tal-fondi ta' rkupru. Kif saħaq il-Kunsill Governattiv wara l-laqgħa riċenti tiegħu dwar il-politika monetarja, sakemm il-fondi jintużaw għal infiq pubbliku produttiv u jiġu akkumpanjati minn riformi li jsaħħu l-produttività, l-NGEU se jikkontribwixxi għal irkupru aktar mgħaġġel, b'saħħtu u uniformi fiż-żona tal-euro, filwaqt li jappoġġja l-ambizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali tal-UE.
Minkejja li dawn huma żminijiet diffiċli, il-BĊE seta' jittrażmetti b'mod effettiv il-politika monetarja minn mindu faqqgħet il-kriżi tal-COVID-19. Madankollu, il-ħruġ tad-dejn fl-ambitu tal-NGEU se jieħu l-forma ta' bonds fil-livell tal-UE b'dati ta' maturità differenti bejn l-2028 u l-2058 u jista' ċertament jgħin fl-iżvilupp ta' struttura ta' terminu Ewropea. Struttura bħal din tista' sservi bħala punt ta' riferiment għas-swieq kapitali tal-UE u b'hekk tiffaċilita aktar integrazzjoni tas-suq kapitali u b'hekk il-kondiviżjoni tar-riskju. Il-bonds tal-NGEU jistgħu jipprovdu wkoll kontribuzzjoni għad-diversifikazzjoni tal-iskoperturi sovrani tal-banek, u b'hekk inaqqsu r-rabta bejn il-banek u s-sovrani.
19. X'inhi l-fehma tiegħek dwar ir-rabta dejjem tikber bejn il-politika fiskali u monetarja wara l-kriżi tal-COVID-19? X'inhu r-riskju ta' dominanza fiskali li qed iseħħ fiż-żona tal-euro? Kif tiġi salvagwardjata l-indipendenza tal-BĊE f'sitwazzjoni fejn il-konfini bejn il-politiki fiskali u monetarji qed isiru dejjem inqas ċari?
It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jiddikjara b'mod ċar li l-objettiv ewlieni tal-BĊE huwa li jsegwi l-istabbiltà fil-prezzijiet. Dan jipprovdi wkoll salvagwardji b'saħħithom biex tiġi protetta u żgurata l-indipendenza operazzjonali, finanzjarja, istituzzjonali u politika tal-BĊE.
Minkejja dawn is-salvagwardji istituzzjonali b'saħħithom, fost l-ekonomisti kien hemm żieda fl-apprezzament għar-rilevanza tal-interazzjonijiet bejn il-politika monetarja u dik fiskali. Fiċ-ċirkostanzi makroekonomiċi attwali, iż-żewġ oqsma ta' politika jikkomplementaw lil xulxin f'termini tal-għoti ta' appoġġ politiku indispensabbli lill-ekonomija taż-żona tal-euro b'rispons għall-kriżi. Wara l-pandemija jistgħu jitfaċċaw kwistjonijiet oħra, inkluż kif tiġi stabbilita l-politika monetarja f'dinja possibbilment b'livelli dejjem ogħla ta' dejn pubbliku.
Minn meta reġa' beda r-rieżami tal-istrateġija, il-Kunsill Governattiv stabbilixxa fluss ġdid ta' ħidma dwar l-interazzjonijiet fiskali u monetarji li jieħu kont tax-xenarju tal-politika fiskali fiż-żona tal-euro u jivvaluta l-implikazzjonijiet għall-politika monetarja.
20. X'inhuma l-fehmiet tiegħek dwar il-kritika li l-qafas kollaterali tal-BĊE mhuwiex gradwali biżżejjed u jiddependi wisq mill-aġenziji esterni tal-klassifikazzjoni tal-kreditu (CRAs)?X'inhi l-opinjoni tiegħek dwar il-miżuri temporanji li jtaffu l-kollateral kif adottati mill-BĊE fil-kuntest tal-kriżi tal-COVID-19? Fil-futur, il-BĊE kif għandu juża l-awtorità diskrezzjonali tiegħu skont l-Artikolu 18 tal-Istatut fir-rigward tad-definizzjoni tal-eliġibbiltà tal-kollateral?
F'konformità mal-istatut tagħha, l-Eurosistema tipprovdi kreditu biss b'kollateral adegwat. Din taċċetta firxa wiesgħa ta' assi differenti bħala kollateral, bl-applikazzjoni ta' haircuts debitament gradwati skont id-differenzi bejn il-maturitajiet, il-kategoriji ta' likwidità u l-kwalità tal-kreditu. Biex tiġi vvalutata l-kwalità tal-kreditu tal-assi eliġibbli, l-Eurosistema tibbaża ruħha fuq diversi sorsi: Fost dawn insibu l-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu, iżda hemm ukoll is-sistemi ta' valutazzjoni tal-kreditu interni tal-banek ċentrali nazzjonali (ICASs) u s-sistemi bbażati fuq klassifikazzjonijiet interni (IRB) tal-kontropartijiet. Is-sorsi kollha jgħaddu minn monitoraġġ regolari tal-prestazzjoni biex jiġi żgurat li s-sorsi kollha jissodisfaw rekwiżiti regolatorji, operazzjonali u ta' informazzjoni għoljin. Miżuri riċenti li jtaffu l-kollateral urew li l-Eurosistema ma tiddependix mekkanistikament minn aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu esterni, iżda tista' tadatta l-qafas tagħha biex tnaqqas il-proċiklikalità u tevita l-effetti ta' preċipizju.
Il-miżuri ta' kollateral iridu jitqiesu b'rabta mal-miżuri ta' politika l-oħra b'rispons għall-emerġenza tal-coronavirus, inkluż il-Programm ta' Xiri ta' Emerġenza Pandemika (PEPP), l-operazzjonijiet ta' rifinanzjament ta' emerġenza pandemika fuq żmien itwal (PELTOs), u l-iffaċilitar tal-kundizzjonijiet għal operazzjonijiet immirati ta' rifinanzjament fuq żmien itwal (TLTRO III). Il-miżuri li jtaffu l-kollateral huma komponent kruċjali, billi jiżguraw id-disponibbiltà ta' kollateral eliġibbli għall-kontropartijiet eliġibbli kollha tal-Eurosistema biex jipparteċipaw f'dawn l-operazzjonijiet li jipprovdu l-likwidità. B'hekk, dawn il-miżuri ta' kollateral fl-aħħar mill-aħħar jappoġġjaw l-għoti ta' self mill-banek lill-ekonomija reali.
L-Eurosistema għandha tkompli tiddefinixxi l-qafas kollaterali tagħha b'mod li jiżgura aċċess effiċjenti għal-likwidità tal-Eurosistema b'kollateral adegwat. Uħud mill-miżuri riċenti li jtaffu l-kollateral jipprovdu – fuq bażi temporanja – flessibbiltà lill-BĊN individwali biex jaċċettaw tipi addizzjonali ta' kollateral sabiex jiġu indirizzati kundizzjonijiet tas-suq speċifiċi għall-pajjiż, filwaqt li sett komprensiv ta' kriterji ta' eliġibbiltà u miżuri ta' kontroll tar-riskju jibqgħu applikabbli. Fil-futur ukoll, l-aċċettazzjoni ta' kollateral għandha fi kwalunkwe każ tkun ibbażata fuq sett strett ta' regoli trasparenti, li huma konformi mat-tolleranza tar-riskju tal-Eurosistema.
21. Kif tivvaluta l-evoluzzjoni riċenti tar-rata tal-kambju EUR/USD? Sa liema punt il-kunsiderazzjonijiet kummerċjali għandu jkollhom rwol fit-tmexxija tal-politika monetarja u l-gwida tagħha għall-ġejjieni?
It-tixrid tal-pandemija tal-coronavirus wassal għal movimenti qawwija fis-swieq finanzjarji globali, inkluż fis-swieq tal-kambju, bl-euro jiddgħajjef f'fażi bikrija u mbagħad jissaħħaħ drastikament matul is-sajf.
Filwaqt li r-rata tal-kambju tal-euro mhijiex mira ta' politika għall-BĊE, u għalhekk mhux se nikkummenta dwar il-livell tagħha, huwa ċar li l-valur estern tal-euro huwa fattur importanti li jiddetermina l-iffissar tal-prezzijiet fiż-żona tal-euro.
Kwalunkwe bidla sinifikanti fir-rata tal-kambju tal-euro x'aktarx ikollha impatt materjali fuq il-prospettiva tal-inflazzjoni taż-żona tal-euro.
Huwa għalhekk importanti li jiġu vvalutati l-iżviluppi fir-rati tal-kambju mill-perspettiva tal-implikazzjonijiet tagħhom għall-prospettiva tal-inflazzjoni fuq perjodu medju, u b'hekk il-kisba tal-mandat tal-BĊE.
Bl-istess mod, il-kummerċ globali huwa fattur importanti li jiddetermina d-domanda barranija għall-prodotti u s-servizzi taż-żona tal-euro u, għalhekk, għandu rwol ewlieni għat-tkabbir taż-żona tal-euro u l-iżviluppi fl-inflazzjoni. Il-kummerċ globali huwa b'mod ċar parti integrali mill-analiżi ekonomika tal-BĊE, li tifforma l-valutazzjoni tal-Kunsill Governattiv tal-perspettiva ekonomika u l-bilanċ tar-riskji. Għalhekk, sakemm l-iżviluppi fil-kummerċ globali jħallu impatt fuq il-prospettiva għal perjodu medju fuq l-inflazzjoni, dawn jitqiesu wkoll meta jittieħdu deċiżjonijiet dwar il-politika monetarja.
22. Il-BĊE għandu jieħu passi konkreti biex jagħti spinta lill-euro bħala munita internazzjonali? Jekk iva, liema huma l-miżuri li tipprevedi? Kif tevalwa l-interazzjoni tax-xiri tal-assi tas-settur pubbliku tal-BĊE u d-disponibbiltà ta' assi sikuri taż-żona tal-euro għal investituri barranin privati u tas-settur pubbliku?
Rwol internazzjonali akbar għall-euro fl-aħħar mill-aħħar ikun ir-riżultat ta' proċess immexxi mid-domanda u jkun riflessjoni ta' żieda fil-fiduċja fl-Unjoni, li potenzjalment tippermetti aktar awtonomija finanzjarja u ekonomika. Bħala tali, jista' jiġi appoġġjat mill-Unjoni b'diversi modi li jagħmlu l-infrastruttura finanzjarja Ewropea aktar reżiljenti u l-euro aktar attraenti b'riżultat ta' dan, anki lil hinn mill-fruntieri tagħha stess. Il-BĊE jista' jkompli jappoġġja dan il-proċess sakemm dan ikun konsistenti mal-mandat tiegħu u mal-objettivi usa' tal-UE.
L-ewwel u qabel kollox, ir-rwol internazzjonali tal-euro se jkun appoġġjat minn Unjoni Ekonomika u Monetarja aktar profonda u kompluta, inkluża unjoni tas-swieq kapitali kompluta. Bl-istess mod, l-implimentazzjoni b'suċċess tan-Next Generation EU tista' tgħin ukoll biex titrawwem il-fiduċja tal-investituri fl-euro. L-insegwiment ta' politiki ekonomiċi sodi fiż-żona tal-euro huwa mixtieq fih innifsu, iżda huwa wkoll kruċjali għall-attraenza globali tal-euro.
Relattivament, l-attraenza tal-euro tista' tissaħħaħ bl-iżvilupp ulterjuri ta' oqsma finanzjarji fejn l-UE għandha vantaġġ deċiżiv, bħall-finanzjament sostenibbli. L-euro diġà huwa l-munita tal-għażla fis-swieq globali tal-bonds ekoloġiċi: Fl-2019, l-euro kien id-denominazzjoni tal-munita ewlenija għall-ħruġ ta' bonds ekoloġiċi madwar id-dinja.
Fl-aħħar nett, u b'rabta aktar diretta mal-BĊE, ir-rwol internazzjonali tal-euro huwa appoġġjat aktar minn sistemi ta' pagament bla xkiel u effiċjenti u jista' wkoll potenzjalment jissaħħaħ permezz ta' euro diġitali. Billi jiġi ffaċilitat l-użu effiċjenti ta' forma tal-euro fi tranżazzjonijiet transfruntiera, euro diġitali jista' jżid ir-rwol tal-munita unika tagħna fis-sistema monetarja internazzjonali.
23. X'tara bħala l-isfidi u l-opportunitajiet ewlenin għall-komunikazzjoni tal-banek ċentrali fil-perjodu li ġej? Kemm taħseb li huwa importanti li l-membri tal-Kunsill Governattiv jitkellmu b'"vuċi waħda" wara d-deċiżjonijiet dwar il-politika monetarja?
Dibattitu miftuħ huwa essenzjali u differenza fil-fehmiet hija normali u tajba f'kull organizzazzjoni. Il-firxa tal-fehmiet tal-membri tal-Kunsill Governattiv hija riflessa fil-kont tal-laqgħat tal-politika monetarja, li l-BĊE ppubblika mill-2015. Il-BĊE jagħmel ħiltu biex jieħu deċiżjonijiet b'kunsens u l-kolleġġjalità hija importanti. F'dak li għandu x'jaqsam mal-komunikazzjoni tal-eżitu tad-deliberazzjonijiet dwar il-politika, li jispjegaw ir-raġunament b'vuċi waħda, filwaqt li jirrikonoxxu l-firxa wiesgħa tal-kunsiderazzjonijiet u t-tħassib kollha, isaħħu l-messaġġ.
Barra minn hekk, huwa importanti li l-BĊE jkompli jirsisti biex itejjeb il-komunikazzjoni tiegħu u l-kapaċità tiegħu li jilħaq liċ-ċittadini kollha taż-żona tal-euro. Għalhekk nilqa' b'sodisfazzjon enfasi fuq messaġġi ċari u sempliċi dwar il-prospettiva u l-prospetti ekonomiċi usa', li jimmiraw aktar milli pereżempju d-deċiżjonijiet ta' politika u l-aspettattivi dwar l-inflazzjoni. Fid-dawl ta' dan, nilqa' wkoll l-inizjattiva riċenti "ECB listens". Dan l-avveniment virtwali, li laqqa' flimkien firxa ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-livell Ewropew, ta lill-BĊE l-opportunità li jisma' l-fehmiet taċ-ċittadini dwar l-impatt tal-politika monetarja u l-komunikazzjoni, u dwar l-isfidi globali li ġejjin.
Fl-aħħar nett, naħseb li l-Parlament Ewropew jista' jkollu rwol ewlieni fil-komunikazzjoni tal-bank ċentrali. Il-PE jista' jgħin biex il-BĊE jiġi konness aħjar maċ-ċittadini taż-żona tal-euro, filwaqt li jiżgura li l-BĊE jitgħallem x'inhu l-aktar importanti għan-nies u, fl-istess ħin, jiżgura li l-politiki tal-BĊE jinftiehmu aħjar minnhom. Dan, min-naħa tiegħu, se jsaħħaħ il-fiduċja taċ-ċittadini fil-BĊE u l-effikaċja tal-politiki tiegħu.
24. Kif tivvaluta l-effetti kollaterali tal-politika monetarja, b'mod partikolari mill-Istati Uniti, għat-tmexxija tal-politika monetarja fiż-żona tal-euro?
Kull bank ċentrali jmexxi l-politika monetarja skont il-mandat tiegħu u għall-benefiċċji tal-ġurisdizzjoni tiegħu stess.
Il-miżuri tal-politika monetarja meħuda mill-Federal Reserve jaffettwaw id-dinamika tal-inflazzjoni taż-żona tal-euro permezz ta' diversi kanali, pereżempju ekonomija b'saħħitha tal-Istati Uniti trawwem domanda globali li fl-aħħar mill-aħħar hija ta' benefiċċju għall-ekonomija taż-żona tal-euro. Barra minn hekk, il-politika monetarja tal-Istati Uniti taffettwa wkoll il-kundizzjonijiet finanzjarji globali li huma fattur determinanti importanti għall-iffissar tal-prezzijiet fiż-żona tal-euro.
Huwa għalhekk importanti li jiġu mmonitorjati l-iżviluppi fl-ambjent globali fir-rigward tal-implikazzjonijiet possibbli tagħhom għall-prospettiva tal-inflazzjoni taż-żona tal-euro.
C. Stabbiltà u superviżjoni finanzjarja25. X'inhuma l-fehmiet tiegħek dwar il-ħtieġa li tiġi żgurata separazzjoni stretta bejn il-politika monetarja u s-superviżjoni bankarja u x'inhuma, fil-fehma tiegħek, ir-riformi li jistgħu jsaħħu u jiffavorixxu s-separazzjoni? Fejn tara l-potenzjal li żżid l-effiċjenza u l-effikaċja tas-superviżjoni permezz tal-MSU?
Jiena naqbel bis-sħiħ mal-prinċipju ta' separazzjoni bejn il-politika monetarja u l-kompiti ta' superviżjoni bankarja fil-BĊE. Dan qed jaħdem tajjeb fil-prattika f'termini tal-operat tal-MSU. Fl-istess ħin, ovvjament hemm kisbiet importanti għas-superviżuri u l-uffiċjali bankarji ċentrali li huma parti mill-istess organizzazzjoni. F'direzzjoni waħda, l-iskopertura għall-kompetenza makroekonomika tal-persunal tal-banek ċentrali tal-BĊE jgħin lis-superviżuri jivvalutaw ir-riskji tal-kreditu; fid-direzzjoni l-oħra, l-analiżi tad-data bankarja aggregata tgħin lill-uffiċjali tal-politika monetarja jifhmu aħjar il-mezz tat-trażmissjoni finanzjarja.
Inqis li l-bidliet organizzattivi riċenti fis-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE huma ta' valur, peress li għandhom tliet objettivi: (i) issaħħu l-kooperazzjoni bejn timijiet superviżorji speċifiċi għall-banek u tematiċi, (ii) jiżguraw il-konsistenza tal-eżiti superviżorji billi jsaħħu l-istrateġija superviżorja u l-funzjonijiet tar-riskju, u (iii) irawmu t-trasparenza u l-prevedibbiltà tal-azzjonijiet superviżorji. Billi jwettaq dawn l-objettivi, il-MSU jtejjeb aktar il-prestazzjoni tiegħu u jtejjeb l-effikaċja tiegħu.
26. X'inhi l-fehma tiegħek dwar il-qafas istituzzjonali attwali tal-BERS fi ħdan il-BĊE fir-rigward tal-kisbiet konkreti tiegħu fis-sorveljanza makroprudenzjali?
Fil-prinċipju, nappoġġja ż-żamma tal-livell attwali ta' prossimità bejn il-BERS u l-BĊE u ma narax kunflitt ta' interess materjali bejn il-valutazzjoni tal-istabbiltà finanzjarja tal-BERS u l-funzjoni tal-politika monetarja tal-BĊE. Minflok, iż-żewġ funzjonijiet huma komplementari. Il-politiki makroprudenzjali jimmitigaw ir-riskji tal-istabbiltà finanzjarja fil-livelli nazzjonali u fiż-żona kollha, li jippermettu libertà sħiħa lill-politika monetarja biex tilħaq l-objettiv distint tagħha, li huwa li jinżamm l-istabbiltà fil-prezzijiet. Barra minn hekk, minħabba l-għarfien espert tal-persunal tal-BĊE, hemm vantaġġi f'termini ta' spejjeż u effiċjenza għall-kooperazzjoni u l-kollaborazzjoni bejn is-segretarjat tal-BERS u l-BĊE. Fl-istess ħin, il-proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet u l-korpi tal-BERS (Bord Ġenerali) u tal-BĊE (Kunsill Governattiv) huma separati b'mod ċar mid-dritt tal-Unjoni.
Minkejja dan kollu, nirrikonoxxi li l-BERS tqiegħed taħt is-saqaf tal-BĊE qabel ma l-BĊE ġie assenjat ukoll ir-responsabbiltà għas-superviżjoni bankarja mikroprudenzjali. Filwaqt li s'issa r-responsabbiltà għas-superviżjoni mikroprudenzjali u makroprudenzjali ma interferewx ma' xulxin, jiena konxju tal-letteratura li hija favur is-separazzjoni tagħhom.
27. Kif tara l-iżvilupp tal-kwalità tal-assi tal-banek fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19? Kif tista' tiġi indirizzata l-kwistjoni ta' self improduttiv? Kif tivvaluta l-problema tas-self improduttiv fil-karti tal-bilanċ tal-istituzzjonijiet ta' kreditu medji u żgħar? Kif tara r-rwol tal-BĊE/MSU fl-indirizzar ta' din il-kwistjoni? Kif tiġġudika l-livelli ta' qabel il-kriżi tal-proporzjonijiet tal-adegwatezza tal-kapital u l-proporzjonijiet ta' ingranaġġ tal-banek Ewropej?
Il-banek daħlu f'din il-kriżi b'karti tal-bilanċ, proporzjonijiet ta' kapital, likwidità u ingranaġġ ħafna aktar b'saħħithom milli fl-2008, bis-saħħa tal-isforzi ta' riforma ta' wara l-kriżi u t-tisħiħ tal-qafas regolatorju u superviżorju. Għall-ġejjieni, huwa importanti li l-banek jippreparaw għad-deterjorament probabbli tal-kwalità tal-assi tal-banek bħala riżultat tax-xokk ekonomiku kkawżat mill-pandemija tal-COVID-19.
Mill-bidu tal-MSU, il-volum ta' self improduttiv (NPLs) naqas minn aktar minn EUR 1 triljun fl-2014 għal ftit aktar minn EUR 500 biljun fl-2020. Dan huwa wkoll bis-saħħa tal-isforz enormi tal-MSU, li għamel l-indirizzar tal-problema tal-NPLs bħala l-prijorità ewlenija tiegħu. Ir-regolaturi u s-superviżuri żviluppaw sett ta' għodod estensiv matul dawn l-aħħar snin u issa huwa ż-żmien li jintuża, sabiex jiġi żgurat li l-banek jirrikonoxxu u jittrattaw self ħażin kemm jista' jkun malajr. Għalija, din hija waħda mit-tagħlimiet ewlenin miksuba mill-passat.
Huwa saħansitra aktar importanti li l-banek issa jippreparaw b'mod attiv għad-deterjorament probabbli tal-kwalità tal-assi, filwaqt li għadhom japplikaw miżuri ta' appoġġ bħall-moratorji tal-pagamenti u l-garanziji tal-gvern. Il-banek għandhom itejbu l-politiki tagħhom għall-identifikazzjoni u l-kejl tar-riskju tal-kreditu, jibnu kapaċitajiet operazzjonali suffiċjenti biex jiġġestixxu żieda qawwija fl-NPLs, iżda wkoll iżidu l-livelli ta' proviżjonament fejn meħtieġ. Jekk jieħdu azzjoni issa, dawn jistgħu jevitaw effetti ta' preċipizju possibbli aktar tard, meta jiskadu l-miżuri ta' appoġġ pubbliku. Se jkun ir-rwol tal-BĊE bħala superviżur li jimmonitorja mill-qrib il-prattiki tal-banek f'dan ir-rigward, sabiex jiġi żgurat li l-banek ikunu ppreparati b'mod adegwat għal mewġa probabbli ħafna ta' self mhux produttiv.
Fir-rigward tal-impatt fuq mudelli speċifiċi ta' negozju, in-natura ta' din il-kriżi timplika li l-banek esposti għal setturi vulnerabbli bħat-turiżmu, it-trasport jew id-divertiment se jkunu aktar affettwati minn oħrajn. Kif muri mill-analiżi tal-vulnerabbiltà tal-BĊE, l-impatt tat-telf mis-self x'aktarx li jkun l-aktar b'saħħtu għal selliefa diversifikati. Filwaqt li l-G-SIBs u l-banek universali jistgħu jikkumpensaw parzjalment it-telf mis-self tagħhom permezz ta' introjtu operatorju ogħla, selliefa domestiċi u bl-imnut żgħar għandhom it-tendenza li jkollhom imgħax nett taħt il-medja u introjtu nett mill-kummissjoni/tariffi u għalhekk ma jistgħux jikkumpensaw dan it-telf.
28. X'inhi l-fehma tiegħek dwar ir-rwol tal-BĊE/MSU biex jiġu mmitigati l-effetti ekonomiċi tal-pandemija tal-COVID-19? Il-qafas superviżorju attwali jipprovdi strumenti suffiċjenti lill-MSU biex jindirizza kriżi bħal din?
Is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE ppubblikat l-ewwel sett ta' miżuri ta' mitigazzjoni fit-12 ta' Marzu, l-istess jum meta pereżempju n-Netherlands ħabbru miżuri restrittivi għal ġemgħat fil-pubbliku u avvenimenti pubbliċi. Meta wieħed iqis li dawn il-miżuri superviżorji japplikaw għal 19-il Stat Membru differenti, naħseb li din hija kisba eċċezzjonali, li turi kemm imxejna fi żmien sitt snin biss mit-twaqqif tal-unjoni bankarja. Rispons superviżorju Ewropew b'saħħtu u magħqud bħal dan kien ikun inkonċepibbli qabel.
L-għan tal-miżuri superviżorji kien doppju: li jgħinu fiż-żamma tal-fluss tal-kreditu lill-ekonomija reali u li jikkonservaw il-kapital fis-sistema. B'mod partikolari fil-fażi bikrija tal-kriżi, kien importanti li jiġu evitati kriżi ta' kreditu u effetti proċikliċi f'daqqa. Għal din ir-raġuni l-banek kienu appoġġjati minn diversi miżuri ta' salvataġġ. Kieku l-banek f'daqqa waħda waqqfu s-self lil negozji u unitajiet domestiċi vijabbli, dan kien jagħmel ħsara kbira lill-ekonomija Ewropea. Għalhekk, l-ewwel għan kien li l-banek jitpoġġew f'pożizzjoni li tippermettilhom ikomplu jissodisfaw il-funzjoni vitali tagħhom ta' finanzjament tal-ekonomija. It-tieni nett, sabiex jiġi kkonservat il-kapital fis-sistema, il-BĊE talab ukoll lill-banek u lill-azzjonisti tagħhom biex ma jħallsux dividendi jew jixtru lura l-istokks matul il-pandemija u biex juru moderazzjoni estrema meta jiġu biex iħallsu bonusijiet. Fl-aħħar nett, huwa importanti li wieħed jinnota li l-BĊE kontinwament iħeġġeġ lill-banek iżommu prattiki ta' identifikazzjoni, kejl u mmaniġġjar tar-riskju xierqa sabiex jevitaw kemm jista' jkun l-akkumulazzjoni ta' self improduttiv aktar tard.
Naħseb li għadu kmieni wisq biex wieħed jasal għal konklużjonijiet definittivi fir-rigward tat-tagħlimiet għall-qafas superviżorju u regolatorju usa'. Madankollu, l-opinjonijiet preliminari tiegħi huma aktar pożittivi. Is-"Soluzzjoni ta' Malajr" tal-Kummissjoni għamlet xi aġġustamenti li ntlaqgħu tajjeb fis-CRR biex tiżdied il-kapaċità tas-sistema bankarja li tappoġġja l-irkupru, filwaqt li jinżammu l-elementi ewlenin tal-qafas prudenzjali. B'ħarsa 'l quddiem, kwalunkwe aġġustament ulterjuri ma għandux jibdel b'mod fundamentali l-qafas prudenzjali iżda jkompli jirrispetta l-istandards miftiehma ta' Basel u jevita l-frammentazzjoni tal-ġabra Ewropea tar-regoli unika.
29. Kif tivvaluta l-livell għoli ta' assi ta' livell 2 u ta' livell 3 f'ħafna karti tal-bilanċ tal-banek? Dawn l-assi qed jitqiesu kif xieraq mill-qafas superviżorju attwali?
L-assi ta' livell 2 jew 3 huma assi li jitkejlu skont il-valur ġust (jiġifieri l-prezz li xerrej li lest li jixtri jkun teoretikament iħallas) fuq il-karta tal-bilanċ tal-bank iżda fejn ma jeżisti l-ebda prezz kwotat direttament f'suq attiv. Dawn jiġu vvalutati jew billi tintuża data osservabbli minbarra prezzijiet ikkwotati direttament, bħal kurvi ppubblikati tar-rati tal-imgħax użati għal swaps ta' valur (livell 2) jew billi jintużaw mudelli fejn inputs sinifikanti ma jkunux ibbażati fuq data osservabbli (livell 3). B'mod partikolari għall-assi ta' livell 3, in-nuqqas ta' punti ta' data tas-suq iwassal għal inċertezza akbar fil-valutazzjoni u għalhekk ir-riskju li l-assi jiġu vvalutati żżejjed u/jew l-obbligazzjonijiet jiġu sottovalutati fil-karta tal-bilanċ ta' bank.
Skont il-BERS, il-banek Ewropej kellhom madwar EUR 7,279 biljun ta' assi finanzjarji mkejla skont valur ġust f'Diċembru 2018 (li jammontaw għal madwar 25 % tal-assi totali), b'EUR 2,379 biljun f'Livell 1, EUR 4,600 biljun f'Livell 2 u EUR 300 biljun f'assi ta' Livell 3. Jista' jkun hemm diversi raġunijiet għall-banek biex iżommu assi bħal dawn, pereżempju għal skopijiet ta' hedging, li jispjega għaliex ħafna banek involuti f'attivitajiet ta' negozjar iżommu assi bħal dawn. Madankollu, ta' min jinnota li l-volum tal-assi u l-obbligazzjonijiet b'valur ġust naqas b'mod sinifikanti għall-banek taż-żona tal-euro matul l-aħħar snin.
Filwaqt li l-qafas kontabilistiku jipprovdi l-prinċipji għall-klassifikazzjoni tal-kontabilità ta' dawk l-assi għall-kategoriji ta' Livell 2/Livell 3, iħalli wkoll lok għal interpretazzjoni, li tista' tirriżulta f'eżiti differenti fost il-banek. Għalhekk, hemm riskju inerenti li dawn l-assi jiġu vvalutati żżejjed u jiswew inqas milli mistenni, b'mod partikolari, f'kundizzjonijiet tas-suq taħt stress. Fl-2019 u l-2020, ir-riskju tan-negozjar u l-valutazzjoni tal-assi kienu prijorità superviżorja għall-MSU. Dan ifisser li missjonijiet speċifiċi fuq il-post twettqu u se jitwettqu f'banek li huma esposti għal strumenti kumplessi mmarkati b'valur ġust. L-għan ta' dawn il-missjonijiet huwa li jivvalutaw is-solidità u l-effikaċja tal-qafas ta' valutazzjoni tal-bank u l-governanza u l-kontrolli marbuta miegħu, u li jivverifikaw ukoll il-klassifikazzjoni korretta tal-pożizzjonijiet, pereżempju bħala livell 2 jew livell 3, u li jittestjaw dan għal tranżazzjonijiet speċifiċi. Dawn il-missjonijiet fuq il-post huma kkomplementati minn investigazzjonijiet fil-fond u analiżijiet iffukati.
30. Kif tara l-isfidi superviżorji għall-BĊE/MSU mill-innovazzjoni teknoloġika fis-settur finanzjarju? X'inhi l-fehma tiegħek dwar it-trattament prudenzjali tal-kriptoassi? Ir-riskji li qed jirriżultaw mill-kriptoassi qed jitqiesu kif xieraq mill-qafas superviżorju attwali?
L-innovazzjoni teknoloġika ġġib kemm opportunitajiet kif ukoll riskji għal istituzzjonijiet stabbiliti u ġodda, kif ukoll għas-settur finanzjarju kollu kemm hu. Pereżempju, l-innovazzjoni tista' żżid l-effiċjenza u d-diversità billi tagħti spinta lill-kompetizzjoni fis-settur finanzjarju. Min-naħa l-oħra, teknoloġiji ġodda jista' jkollhom sfidi mhux mistennija għall-istabbiltà tas-sistemi tal-IT tal-istituzzjonijiet finanzjarji filwaqt li kompetizzjoni intensifikata tagħmel pressjoni fuq id-dħul. Speċjalment meta l-innovazzjoni timxi id f'id mat-teħid awtomatiku ta' deċiżjonijiet, l-etika u t-trattament ġust tal-klijenti jsiru elementi importanti li s-superviżuri għandhom jivvalutaw. Dawn l-elementi ewlenin jaqgħu taħt il-mandati tal-awtoritajiet superviżorji separati, u għalhekk kooperazzjoni tajba bejn dawn l-awtoritajiet hija essenzjali għal superviżjoni xierqa. Barra minn hekk, hekk kif l-istituzzjonijiet finanzjarji jsiru aktar diġitalizzati, ir-riskji operazzjonali potenzjali li jirriżultaw mis-sistemi tal-IT u d-dipendenzi minn fornituri terzi diġitali jintensifikaw ruħhom. Il-konsegwenzi tal-problemi operazzjonali, speċjalment meta jseħħu f'istituzzjonijiet sistemiċi, jistgħu jkunu enormi. Għalhekk nilqa' l-proposta leġiżlattiva mill-Kummissjoni għal Regolament dwar ir-reżiljenza operazzjonali diġitali fis-settur finanzjarju. Dan ifisser ukoll li l-BĊE/MSU għandu jkollhom biżżejjed kapaċitajiet biex jittrattaw ir-riskji tal-IT fis-settur finanzjarju.
Irrispettivament min-natura tal-impatt, l-innovazzjoni teknoloġika hija waħda mill-aktar żviluppi influwenti li jaffettwaw is-settur finanzjarju fil-futur qrib.
Dan jimplika li l-awtoritajiet superviżorji, inkluż il-BĊE/MSU, jeħtieġ li jtejbu l-prestazzjoni tagħhom u jallinjaw mill-ġdid l-approċċ superviżorju tagħhom kif meħtieġ. Dan pereżempju jsir permezz ta' diskussjonijiet fil-gruppi ta' esperti tal-BĊE/MSU u permezz ta' kooperazzjoni internazzjonali ma' awtoritajiet f'ġurisdizzjonijiet oħrajn. Dan ifisser ukoll li s-superviżuri jeħtieġ li jibdew djalogu bikri mal-istituzzjonijiet taħt superviżjoni, peress li l-iżviluppi teknoloġiċi jistgħu javvanzaw ħafna aktar malajr minn bidla fir-regolamentazzjoni ta' livell għoli. Għalhekk, l-ewwel djalogu dwar l-industrija tat-teknoloġija finanzjarja ġie organizzat mill-BĊE fl-2019. Jeħtieġ li jiżdiedu kemm il-fehim kif ukoll l-użu tat-teknoloġija fost is-superviżuri tal-MSU. Il-BĊE/MSU qed jesploraw b'mod attiv l-użu ta' teknoloġiji biex jaġġornaw il-prattiki superviżorji, l-hekk imsejħa "SupTech". Peress li t-teknoloġija hija newtrali għas-settur, minn dan l-aspett ukoll, hemm ħtieġa akbar ta' kooperazzjoni ma' aġenziji oħra ta' superviżjoni, eż. b'superviżjoni tal-assigurazzjoni biex jittieħdu tagħlimiet minn esperjenzi oħra u jibqa' jkun hemm effikaċja u effiċjenza.
Għandu jitqies ukoll ir-rwol tal-kumpaniji tat-teknoloġija mhux finanzjarja, speċjalment dawk b'bażi ta' klijenti kbira stabbilita (jiġifieri kumpaniji ta' teknoloġija kbira). Matul dawn l-aħħar snin, il-kumpaniji ta' teknoloġija kbira qed jaħdmu dejjem aktar mal-istituzzjonijiet finanzjarji eżistenti, li jvarjaw mill-provvista ta' ċerti servizzi kritiċi tal-IT sal-offerta effettiva ta' servizzi finanzjarji, bħal pagamenti, ibbażati primarjament fuq l-infrastruttura ta' istituzzjoni finanzjarja diġà stabbilita. Kif osservajna f'setturi oħra, dawn il-kumpaniji ta' teknoloġija kbira jistgħu, fi żmien qasir, jikbru u jespandu b'mod esponenzjali anki fis-servizzi finanzjarji. Għas-settur finanzjarju dan jista' jfisser li dawn il-kumpaniji ta' teknoloġija kbira jistgħu jsiru sistemikament kritiċi għall-istabbiltà finanzjarja kif ukoll għas-sikurezza u s-solidità tal-istituzzjonijiet finanzjarji individwali. Il-BĊE/MSU għandhom joqogħdu attenti għar-riskji li jistgħu jinħolqu minn dawn l-iżviluppi, u jinteraġixxu ma' superviżuri u leġiżlaturi oħra meta tkun meħtieġa aktar azzjoni biex jitnaqqsu dawn ir-riskji.
Naqsam il-fehma li l-kriptoassi b'mod ġenerali attwalment ma joħolqux riskju materjali għall-istabbiltà finanzjarja tas-sistema finanzjarja tal-UE. Madankollu, il-BĊE għandu jkompli jimmonitorja r-riskji tal-kriptoassi. Għaddejja wkoll ħidma fuq livell internazzjonali biex jiġi stabbilit trattament prudenzjali rigoruż tal-iskopertura tal-banek għall-kriptoassi. L-hekk imsejħa stablecoins (globali) jista' jkollhom il-potenzjal l-aktar imminenti li jdgħajfu l-istabbiltà finanzjarja, sakemm ma jiġux stabbiliti salvagwardji xierqa. F'dan ir-rigward, il-proposta riċenti tal-Kummissjoni għal Regolament dwar is-Swieq fil-Kriptoassi (MiCA) hija pass importanti peress li għandha l-għan li żżomm lill-fornituri ta' prodotti ġodda konformi mal-istess standards bħal dawk ta' prodotti eżistenti li huma funzjonalment ekwivalenti. Barra minn hekk, qafas armonizzat fil-livell tal-UE huwa kritiku biex tiġi evitata l-frammentazzjoni fis-Suq Uniku.
Billi dawn l-iżviluppi għandhom il-potenzjal li jolqtu ħafna aspetti mill-ħidma tal-BĊE, huwa meħtieġ monitoraġġ mill-qrib tal-iżviluppi u analiżi tal-implikazzjonijiet għall-istabbiltà finanzjarja u l-politika monetarja. It-teknoloġija l-ġdida għandha rwol importanti f'dan ir-rigward, billi tagħmel possibbli l-monitoraġġ u l-analiżi f'"ħin reali" ta' dawn l-iżviluppi. Dan se jippermettilna naġixxu fil-ħin għal kwalunkwe żvilupp negattiv.
31. X'inhuma l-fehmiet tiegħek dwar jekk, u f'każ li iva, kif, il-BĊE/MSU għandhom jintegraw ir-riskju relatat mal-klima u dak ambjentali fis-superviżjoni bankarja? Dawn ir-riskji qed jitqiesu kif xieraq mill-qafas superviżorju attwali?
Riskji relatati mal-klima u mal-ambjent huma sors ta' riskju finanzjarju u għalhekk jaqgħu perfettament taħt il-mandat tal-BĊE li jiżgura li s-sistema finanzjarja hija reżiljenti għal dawn ir-riskji.
Għalkemm il-metodoloġiji biex jiġi stmat il-kobor tar-riskji relatati mal-klima u dawk ambjentali għall-banek għadhom fil-bidu tagħhom, l-istimi disponibbli jissuġġerixxu li l-impatt ta' dawn ir-riskji jista' jkun sinifikanti. Test tal-istress tar-riskju ta' tranżizzjoni fin-Netherlands imwettaq fl-2018 wera li l-proporzjon tal-kapital ta' Grad 1 ta' ekwità komuni (CET1) tas-settur bankarju jista' jonqos b'aktar minn 4 punti perċentwali f'xenarju ta' tranżizzjoni sever iżda plawsibbli. Konklużjonijiet simili ntlaħqu wkoll fir-riċerka preliminari tal-BĊE fir-rapport dwar ir-Rieżami tal-Istabbiltà Finanzjarja ta' Mejju 2020 dwar is-sensittività tal-banek taż-żona tal-euro għad-dekarbonizzazzjoni korporattiva: f'xenarju sever, it-telf tas-sistema bankarja huwa stmat li jiżdied sa 60 %, u dan potenzjalment iwassal għal instabbiltà finanzjarja. In-numru ta' katastrofi kkawżati minn perikli naturali diġà żdied mis-snin 80 'l hawn u l-istess jgħodd għat-telf ekonomiku li jirriżulta.
L-identifikazzjoni u l-valutazzjoni tar-riskji li jiffaċċjaw il-banek sorveljati huma għalhekk kruċjali kemm għas-superviżjoni bankarja kif ukoll għall-monitoraġġ tal-istabbiltà finanzjarja. Kif ġie sostnut fil-pubblikazzjonijiet tal-NGFS, ir-riskji relatati mal-klima u dawk ambjentali għandhom jiġu inkorporati fis-superviżjoni mikroprudenzjali ta' kuljum kif ukoll ivvalutati għas-sistema finanzjarja kollha permezz ta' analiżi tar-riskju kwantitattiv u ttestjar tal-istress.
F'dan ir-rigward, il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali tal-MSU kienu fuq quddiem nett fl-isforzi biex jintegraw ir-riskji għall-klima u l-ambjent fil-prattika tagħhom. Is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE dan l-aħħar ippubblikat għall-konsultazzjoni l-"Gwida dwar ir-riskji relatati mal-klima u dawk ambjentali": din tispjega fid-dettall kif il-BĊE jistenna li l-istituzzjonijiet jikkunsidraw ir-riskji relatati mal-klima u dawk ambjentali fl-istrateġija tan-negozju tagħhom u fl-oqfsa ta' governanza u mmaniġġjar tar-riskju tagħhom. Tispjega wkoll kif il-BĊE jistenna li l-istituzzjonijiet isiru aktar trasparenti billi jtejbu d-divulgazzjonijiet tagħhom relatati mal-klima u dawk ambjentali. Dawn l-aspettattivi kollha diġà joqogħdu fil-qafas superviżorju attwali, is-CRD, is-CRR u l-linji gwida tal-ABE. Nifhem li l-Gwida se tiġi applikata fid-djalogu superviżorju sa mill-2021, u dan jirrikjedi li l-banek jikkonformaw jew jispjegaw kwalunkwe diverġenza possibbli fil-prattiki tal-istituzzjonijiet. Barra minn hekk, kemm jiena kif ukoll il-BĊE konna sostenituri kbar tal-mandati li ngħataw lill-EBA fis-CRD V – CRR II li jippermettu aktar riċerka u analiżi dwar kif ir-riskji ESG għandhom jiġu integrati fil-qafas tar-riskju prudenzjali.
Il-Gwida tal-BĊE hija stadju importanti, iżda għandha tinftiehem bħala l-bidu tal-vjaġġ, aktar milli bħala konklużjoni. Għad fadal ħafna xi jsir biex nifhmu aħjar ir-riskji relatati mal-klima u l-ambjent, l-impatt potenzjali tagħhom fuq l-istabbiltà finanzjarja u l-aktar importanti biex jiġi żgurat li l-istituzzjonijiet finanzjarji jieħdu l-passi t-tajba biex jitħejjew għat-tranżizzjoni inevitabbli għal ekonomija newtrali fir-rigward tal-karbonju u sostenibbli.
32. X'inhuma l-fehmiet tiegħek dwar ir-regolamentazzjoni tal-entitajiet bankarji paralleli? Tara lakuni regolatorji u superviżorji li għandhom jiġu indirizzati mil-leġiżlaturi fuq medda qasira ta' żmien?
Diġà qabel it-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19, kien hemm tħassib dwar ir-riskji dejjem jikbru fis-settur finanzjarju mhux bankarju (li qabel kien magħruf bħala s-settur bankarju parallel) u għodod ta' politika insuffiċjenti biex jiġu indirizzati dawn ir-riskji.
Id-diskrepanzi fil-likwidità, l-użu tal-ingranaġġ u l-interkonnettività fis-settur finanzjarju mhux bankarju, kif ukoll l-interkonnessjonijiet mas-settur bankarju u s-settur tal-immaniġġjar tal-assi b'mod partikolari, huma vulnerabbiltajiet ewlenin li jeħtieġ li jiġu indirizzati. F'dawn l-aħħar snin, ġew żviluppati għodod għall-immaniġġjar tal-likwidità (LMT), u ntużaw mill-maniġers tal-fondi biex ilaħħqu man-nuqqas ta' likwidità f'Marzu. Madankollu, ir-riskji jibqgħu jeżistu.
Fl-esperjenza ta' stress riċenti tal-pandemija tal-COVID-19, għadd minn dawn ir-riskji mmaterjalizzaw, bħal pereżempju, ċerti fondi tas-suq monetarju u fondi oħra ta' investiment li sofrew minn grad għoli ta' ġbid ta' flus kontanti f'nofs il-volatilità tas-suq fil-bidu tal-pandemija. Peress li l-fondi tas-suq monetarju (MMFs) huma kruċjali għall-provvista ta' likwidità fuq perjodu qasir ta' żmien, dan kien żvilupp inkwetanti, li ssottolinja l-importanza li tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-settur finanzjarju mhux bankarju. Barra minn hekk, dan l-aħħar ir-rwol tal-appelli għall-marġni tas-CCPs u l-membri tal-ikklirjar ingħata attenzjoni partikolari f'laqgħat mhux relatati mal-Intermedjazzjoni Finanzjarja Mhux Bankarja, b'enfasi fuq modi biex tiġi indirizzata n-natura proċiklika tar-rekwiżiti tal-marġni globali.
Sabiex jiġu indirizzati r-riskji fis-settur b'mod preventiv, u anki minħabba l-inċertezza għolja dwar żviluppi ulterjuri tal-COVID-19, jeħtieġ li jissaħħaħ il-qafas regolatorju għas-settur finanzjarju mhux bankarju. Dan jirrikjedi l-iżvilupp ta' approċċ makroprudenzjali komprensiv għal dawk li mhumiex banek, li jista' jiżgura li s-settur finanzjarju mhux bankarju jkun kapaċi jassorbi aħjar ix-xokkijiet fil-futur minflok ma jiddependi minn interventi tal-bank ċentrali biex jistabbilizza s-sistema.
Il-lakuni regolatorji jistgħu jingħalqu billi tiġi żgurata aktar koerenza tal-oqfsa regolatorji, pereżempju fir-rigward tar-rekwiżiti tal-fondi proprji għall-attivitajiet tal-MiFID tal-kumpaniji tal-immaniġġjar tal-fondi.
Nemmen li dan huwa partikolarment importanti minħabba r-rwol dejjem jikber tal-istituzzjonijiet finanzjarji mhux bankarji fil-finanzjament tal-ekonomija reali u l-interkonnessjonijiet tagħhom mal-bqija tas-sistema finanzjarja.
33. Il-valutazzjonijiet ta' kompetenza u idoneità huma għodda importanti fis-sett ta' għodod superviżorji. Dan l-istrument kif jista' jiġi żviluppat aktar, u applikat mill-BĊE?
Valutazzjonijiet ta' kompetenza u idoneità huma l-pedament ta' governanza tajba fil-banek. Madankollu, il-qafas superviżorju Ewropew jibbenefika minn aktar armonizzazzjoni. Hemm xi punti ewlenin li nixtieq nagħmel.
L-ewwel nett, attwalment ir-rekwiżiti tas-CRD jippermettu valutazzjonijiet ta' kompetenza u idoneità ex post. Għal valutazzjonijiet ex post, persuna maħtura tieħu pożizzjoni u mbagħad biss tkun soġġetta għal valutazzjoni ta' kompetenza u idoneità. Fil-każ li r-riżultat tal-valutazzjoni jkun negattiv, il-persuna maħtura trid titneħħa mill-pożizzjoni tagħha. Dan huwa differenti għal dawk il-pajjiżi li għandhom sistema ex ante stabbilita u hija meħtieġa approvazzjoni qabel il-bidu tal-funzjonijiet. L-esperjenzi tiegħi bil-valutazzjonijiet ex ante kienu fil-biċċa l-kbira pożittivi, iżda fuq kollox nemmen li l-qafas regolatorju jistħoqqlu aktar armonizzazzjoni biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi reali.
It-tieni nett, nistgħu niżviluppaw aktar valutazzjonijiet ta' kompetenza u idoneità billi ntejbu l-komunikazzjonijiet dwar l-aspettattivi superviżorji. It-titjib fit-trasparenza jgħin biex jiġi żgurat li l-eżitu tal-valutazzjonijiet tal-idoneità jkun aktar prevedibbli għall-banek.
Fl-aħħar nett, nemmen li s-superviżur għandu juża l-valutazzjonijiet ta' kompetenza u idoneità bħala għodda superviżorja biex jiżgura ġestjoni effettiva, governanza soda u teħid ta' deċiżjonijiet bilanċjat mill-membri tal-bord. B'mod speċifiku, il-BĊE jista' jiddedika skrutinju aktar intensiv fir-rigward ta' dawk il-membri tal-bord li kienu jokkupaw il-pożizzjoni meta seħħ avveniment sinifikanti fil-bank – pereżempju jekk il-bank ikun kiser rekwiżit regolatorju. F'dan ir-rigward, kemm l-obbligu ta' rendikont individwali kif ukoll dak kollettiv huma importanti u indispensabbli biex jiġi evitat li jittieħdu deċiżjonijiet mhux xierqa sabiex jiġu indirizzati f'waqthom fallimenti importanti.
34. Kif tivvaluta l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu ta' riżoluzzjoni bankarja fl-UE? X'passi speċifiċi tieħu biex jingħalqu l-lakuni eżistenti? X'inhuma l-fehmiet tiegħek rigward l-istituzzjonijiet "kbar wisq jew interkonnessi wisq biex ifallu", il-banek kooperattivi u tat-tfaddil, u l-kwistjoni ġenerali tal-profittabbiltà tas-settur bankarju fl-UE, u x'inhi l-fehma tiegħek dwar it-triq 'il quddiem għall-arkitettura tiegħu sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-ekonomija reali u tal-finanzjament fit-tul? Jekk il-pandemija tirriżulta fi kriżi bankarja Ewropea, x'jista' fil-fehma tiegħek ikun is-sors ta' kapital għar-rikapitalizzazzjoni u/jew ir-ristrutturar tal-banek? Jista' jitwaqqaf bank tal-assi ħżiena tal-UE, jintuża l-MES jew inkella l-injezzjonijiet jiġu implimentati fuq livell nazzjonali?
Ġie stabbilit qafas ġdid għar-riżoluzzjoni bankarja fl-Ewropa wara l-kriżi finanzjarja globali tal-2008. Kelli l-unur li nkun membru tal-SRB mill-bidu nett tiegħu. Il-qafas tar-riżoluzzjoni msemmi huwa kruċjali biex jiġi żgurat immaniġġjar ordnat tal-kriżijiet bankarji u jiġu evitati l-ispejjeż għall-kontribwenti. L-għoti tal-kompitu lill-MES li jipprovdi garanzija komuni ta' kontinġenza tal-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni se jkompli jsaħħaħ l-effikaċja u l-fiduċja fil-qafas tar-riżoluzzjoni.
Is-sistema l-ġdida wriet li hija titjib sinifikanti. Madankollu, jista' jiġi kkunsidrat aktar titjib fil-qafas tar-riżoluzzjoni. Barra minn hekk, l-awtorità ta' riżoluzzjoni għandu jkollha sett ta' għodod adegwat biex tittratta l-falliment ta' istituzzjonijiet ta' kreditu iżgħar u ta' daqs medju li huma prinċipalment iffinanzjati mid-depożiti, peress li dawn il-banek jiffaċċjaw sfidi biex jgħollu livelli adegwati ta' MREL. Għodda ġdida possibbli tkun li jiġu ffinanzjati azzjonijiet ta' riżoluzzjoni limitati bir-riżorsi nazzjonali tal-SGD sabiex ikun jista' jsir trasferiment tad-depożiti. Dan jista' jinkiseb billi jiġi ċċarat aktar il-qafas eżistenti tal-BRRD u d-DSGD, kif ressqet il-Kummissjoni Ewropea fil-programm ta' ħidma tagħha tal-2021. Barra minn hekk, naħseb li titjib fir-reġimi ta' likwidazzjoni jkun meħtieġ biex jiżgura stralċ effettiv ta' banek li qed ifallu li ma jidħlux f'riżoluzzjoni.
Minbarra l-isfidi ċikliċi li jirriżultaw mill-pandemija tal-COVID-19, il-banek jiffaċċjaw ukoll sfidi strutturali materjali li għandhom impatt negattiv fuq il-profittabbiltà. Filwaqt li hija meħtieġa bidla strutturali b'rispons għal dawn l-isfidi strutturali, ma hemm l-ebda soluzzjoni "waħda tajba għal kulħadd" għall-banek biex jiġi żgurat li dawn ikunu jistgħu jissodisfaw bl-aħjar mod il-ħtiġijiet tal-ekonomija reali. Ħafna banek se jkollhom bżonn jirrevedu l-mudelli tan-negozju tagħhom sabiex isiru profittabbli. Barra minn hekk, il-banek se jkollhom bżonn isibu modi biex inaqqsu l-ispejjeż, pereżempju billi jissimplifikaw il-kanali tad-distribuzzjoni, inaqqsu l-ispejjeż, u jtejbu s-sistemi tal-IT kif ukoll miżuri li għandhom l-għan li jespandu l-flussi tal-introjtu bbażati fuq it-tariffi. Aktar konsolidazzjoni tista' tneħħi impediment strutturali għall-profittabbiltà ta' xi partijiet tas-settur bankarju taż-żona tal-euro, peress li dan isib rimedju għall-kapaċità żejda u l-frammentazzjoni tul il-linji nazzjonali. Iż-żieda fil-provvista transfruntiera ta' servizzi b'fużjonijiet u akkwiżizzjonijiet fil-livell taż-żona tal-euro, akkumpanjata ma' tnaqqis fid-daqs, flimkien ma' tisħiħ ulterjuri tal-unjoni bankarja, huma kundizzjonijiet importanti għall-konsolidazzjoni fis-settur bankarju. Madankollu, il-proposti ta' konsolidazzjoni għandhom jiġu vvalutati skont il-merti individwali tagħhom, filwaqt li jitqiesu wkoll l-iżvantaġġi potenzjali bħal sinerġiji li huma stmati żżejjed, tnaqqis fir-riżolvibbiltà u riskji għall-istabbiltà finanzjarja. Għalhekk huwa importanti li jiġi applikat approċċ ta' "każ b'każ" għal fużjonijiet u akkwiżizzjonijiet potenzjali fis-settur bankarju. F'dan il-kuntest, nilqa' l-gwida ppubblikata dan l-aħħar mill-BĊE dwar il-konsolidazzjoni biex jiġi ċċarat l-approċċ tiegħu.
Sabiex jiġi żgurat rispons effettiv għall-impatt tal-pandemija tal-COVID-19, is-superviżuri għandhom jesploraw għażliet ta' politika differenti. L-ewwel u qabel kollox, huwa f'idejn il-banek infushom li jieħdu miżuri xierqa, u s-superviżuri jista' jkollhom rwol importanti fl-inċentivar tal-banek biex isegwu l-aħjar prattiki f'dan ir-rigward. Pereżempju, il-banek il-kbar żammew lura milli jiddistribwixxu dividendi, f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-BĊE. Barra minn hekk, is-superviżuri għandhom sett ta' miżuri li jippermettu lill-banek jappoġġjaw il-finanzjament tal-ekonomija reali, pereżempju permezz ta' miżuri ta' salvataġġ temporanju fir-reġim kapitali. Madankollu, jekk il-banek ma jkunux jistgħu jilqgħu għal dawn iż-żminijiet ta' inċertezza, għandna l-qafas ta' riżoluzzjoni stabbilit. It-tielet, fir-riżoluzzjoni tal-banek għandna nħarsu lil hinn mill-istrateġija ta' rikapitalizzazzjoni permezz ta' rikapitalizzazzjoni interna. Pereżempju, il-kumpaniji tal-immaniġġjar tal-assi jistgħu jkunu waħda mis-soluzzjonijiet potenzjali. Barra minn hekk, fuq livell nazzjonali, fil-passat f'xi pajjiżi nħolqu kumpaniji tal-immaniġġjar tal-assi li għandhom rekord ippruvat li taw kontribut sinifikanti għall-clean-up tas-setturi bankarji. Naturalment, dawn mhumiex soluzzjoni li tinkludi kollox għall-problemi kollha relatati mal-kwalità tal-assi, u jkunu soluzzjoni xierqa biss jekk jiġu stabbiliti f'konformità mal-aħjar prattika internazzjonali.
35. X'inhi l-fehma tiegħek dwar l-implimentazzjoni tal-Assistenza ta' Likwidità f'Emerġenza (ELA)? X'jista' jittejjeb fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-għoti tal-ELA, b'mod partikolari billi jiġi previst rwol aktar prominenti għall-BĊE?
Ir-responsabbiltà għall-forniment tal-ELA, inklużi l-ispejjeż u r-riskji assoċjati ma' dan il-provvediment, bħalissa taqa' f'idejn il-banek ċentrali nazzjonali li jaġixxu fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti. L-Artikolu 14.4 tal-Istatut tas-SEBĊ jagħti lill-BĊE il-possibbiltà ta' dritt ta' veto sabiex jiġi żgurat li dispożizzjoni tal-ELA ma tinterferixxix mal-kompiti u l-objettivi tas-SEBĊ (l-aktar bl-implimentazzjoni tal-politika monetarja fiż-żona tal-euro).
Meta wieħed jimxi 'l quddiem, nemmen li l-governanza tal-ELA għandha tiżviluppa f'konformità mal-progress fit-tlestija tal-unjoni bankarja, li possibbilment tikkonverġi lejn approċċ aktar unifikat ta' teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-ELA.
36. X'inhuma l-fehmiet tiegħek dwar il-passi lejn it-tlestija tal-Unjoni Bankarja bi Skema Ewropea ta' Garanzija tad-Depożiti u garanzija ta' kontinġenza fiskali, inkluża l-implimentazzjoni meħtieġa tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni Bankarja? Kieku x'miżuri komplementari tieħu biex tnaqqas il-frammentazzjoni tas-suq, tnaqqas l-opportunitajiet ta' arbitraġġ regolatorju u superviżorju, iżżomm kundizzjonijiet ekwi u tindirizza l-iżolament b'mod partikolari fis-settur bankarju?
L-istabbiliment tal-unjoni bankarja kien pass kruċjali għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja tagħna u l-integrità tal-munita unika.
L-importanza tal-proġett għal darb'oħra kienet murija mir-rispons superviżorju rapidu, deċiżiv u kkoordinat għall-kriżi tal-COVID-19 li qiegħda tiżviluppa.
Fl-istess ħin, l-unjoni bankarja għadha mhijiex kompluta u jeħtieġ li jsir progress biex jiġu sfruttati l-benefiċċji minn unjoni bankarja sħiħa.
L-impenn li tiġi stabbilita l-garanzija ta' kontiġenza komuni għall-SRF mhux aktar tard mill-2024 huwa pass fid-direzzjoni t-tajba. Il-ħidma fuq Skema Ewropea komuni ta' Assigurazzjoni tad-Depożiti (EDIS) għandha tibqa' waħda mill-prijoritajiet ewlenin tagħna. L-ewwel nett bl-hekk imsejjaħ "mudell ibridu" għall-EDIS diġà naraw titjib kbir, iżda rridu nżommu f'moħħna l-għan finali. Protezzjoni uniformi tad-depożitanti fl-unjoni bankarja ttejjeb il-fiduċja fis-sistema bankarja. Jekk tkun imfassla tajjeb, din tippreserva l-istabbiltà finanzjarja u tnaqqas aktar ir-rabta bejn il-banek u s-sovrani.
Id-delimitazzjoni tal-kapital u l-likwidità f'sussidjarji ta' gruppi bankarji fi ħdan l-unjoni bankarja tnaqqas il-benefiċċji li nistgħu nieħdu mill-unjoni bankarja f'termini ta' integrazzjoni finanzjarja. Nilqa' l-proposta mill-President tal-Bord Superviżorju biex jiġu esplorati għażliet fil-qafas ġuridiku attwali li jippermettulna nagħmlu progress fir-rigward ta' din il-kwistjoni. Madankollu, għal passi aktar sostanzjali 'l quddiem, ikunu essenzjali miżuri leġiżlattivi biex titnaqqas il-frammentazzjoni, filwaqt li l-Istati Membri jingħataw is-salvagwardji meħtieġa biex jinstab kompromess.
37. X'riskji relatati ma' prodotti ta' titolizzazzjoni u self ingranat tara għall-istabbiltà finanzjarja u kif għandhom jiġu indirizzati mill-BĊE/MSU?
Bħal ħafna klassijiet oħra ta' assi, is-swieq globali ta' self ingranat urew taqlib sinifikanti matul it-taqlib tas-suq relatat mal-COVID-19 ta' Marzu 2020. Riskji sistemiċi li jirriżultaw minn swieq ta' self ingranat huma potenzjalment għoljin, minħabba: l-ammonti pendenti, hekk kif is-suq kiber b'mod konsiderevoli f'dawn l-aħħar snin, speċjalment fl-Ewropa; l-ingranaġġ relattivament għoli u l-kwalità baxxa tal-kreditu tal-kumpaniji emittenti, li jagħmel lil dawn il-kumpaniji vulnerabbli għal xokkijiet negattivi; it-tendenza li titnaqqas l-protezzjoni tal-investitur fil-kuntest tal-popolarità tal-istandard covenant-lite; il-kwalità tal-kreditu li qed tonqos; u l-livell għoli ta' interkonnettività fost l-investituri.
Għalhekk huwa importanti li jiġu mmonitorjati mill-qrib l-iżviluppi fis-swieq tas-self ingranat u li jiġu vvalutati r-riskji potenzjali li jirriżultaw minn skopertura diretta u indiretta f'xenarji differenti. Il-BĊE ppubblika Gwida dwar tranżazzjonijiet ingranati fl-2017, li fiha aspettattivi superviżorji importanti lejn il-banek. Eżerċizzji ta' valutazzjoni komparattiva, kif ukoll superviżjoni barra mis-sit u fuq il-post, żvelaw nuqqasijiet fl-oqfsa ta' mmaniġġjar tar-riskju tal-banek. Dawn in-nuqqasijiet tqiesu fil-Proċess ta' Reviżjoni u Evalwazzjoni Superviżorji (SREP) tal-2019. Huwa importanti li tingħata attenzjoni partikolari lit-tranżazzjonijiet l-aktar ingranati, biex tiġi vvalutata l-konformità tagħhom mal-gwida.
B'mod ġenerali, hemm il-ħtieġa li s-sitwazzjoni tibqa' tiġi vvalutata b'mod attiv, biex jiġi żgurat li l-banek ikollhom qafas adegwat ta' mmaniġġjar tar-riskju stabbilit. Fl-istess ħin, huwa importanti li jingħata kontribut għall-ħidma mwettqa fil-fora internazzjonali biex tiġi żviluppata stampa komprensiva tax-xejriet u r-riskji tas-swieq globali ta' self b'ingranaġġ. Minħabba l-interkonnettività ta' dan is-suq u, għalhekk, ir-riskji indiretti potenzjali għall-banek, fehim aħjar tal-iskoperturi għal self ingranat minn istituzzjonijiet finanzjarji mhux bankarji jikkontribwixxi wkoll għal valutazzjoni komprensiva tar-riskju.
L-iskopertura tal-banek għal titolizzazzjonijiet ta' self ingranat, l-hekk imsejħa obbligi ta' self kollateralizzat (CLOs), hija relattivament żgħira u maħsuba li tkun limitata għal segmenti bi kwalità ta' kreditu ogħla. Madankollu, id-deterjorament tal-kwalità tal-kreditu tas-segmenti tas-self sottostanti jirrikjedi valutazzjoni bir-reqqa tar-riskji. Barra minn hekk, minħabba l-iskopertura akbar ta' entitajiet mhux banek għas-CLOs, jeżistu riskji tal-kontroparti u dawk indiretti għall-banek.
Billi issa jħares lil hinn mis-CLOs u b'mod aktar ġenerali lejn il-forom kollha ta' titolizzazzjoni, ir-regolament il-ġdid tal-UE dwar it-titolizzazzjoni (iffinalizzat fl-2017) ittratta d-dgħufijiet u l-eċċessi li kkontribwew għall-kriżi finanzjarja tal-2008, iżda ma kienx kompletament effettiv biex jerġgħu jitqajmu s-swieq tal-UE. Emendi mmirati għall-qafas ta' titolizzazzjoni tal-UE propost reċentement mill-Kummissjoni jistgħu jappoġġjaw l-irkupru billi jiffaċilitaw is-self lill-ekonomija reali. Madankollu, sa Jannar 2022 għandu jsir rieżami sħiħ biex jiġi esplorat kif ir-regoli eżistenti jistgħu jittejbu, sabiex is-swieq tal-UE jingħataw ġenwinament ħajja mill-ġdid. Fl-istess ħin, kif imsemmi fl-Opinjoni tal-BĊE ppubblikata f'Settembru, għandu jiġi nnutat li l-BĊE huwa responsabbli biex jiżgura li banek sinifikanti jaġġustaw ir-rekwiżiti kapitali tagħhom b'mod li jkun proporzjonat mar-riskju tal-kreditu effettivament trasferit lil investituri terzi.
38. Liema rwol tattribwixxi lid-dixxiplina tas-suq finanzjarju fl-ipprezzar tas-sovrani? Liema sfidi tipprevedi għall-BĊE jekk il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (MES) kellu jiġi ttrasformat f'Fond Monetarju Ewropew (FME)?
Is-swieq finanzjarji kellhom it-tendenza li jġibu ruħhom b'mod proċikliku matul il-perjodu tal-UEM, b'firxiet li kienu estremament baxxi fil-perjodu ta' qabel l-2008, biex jiżdiedu f'daqqa u b'mod li jtellef biss wara l-Kriżi Finanzjarja l-Kbira.
Tressqu diversi spjegazzjonijiet li mhumiex reċiprokament esklussivi għan-nuqqas ta' effett dixxiplinarli tas-swieq finanzjarji: (i) nuqqas ta' kredibbiltà tal-klawsola ta' nuqqas ta' salvataġġ u ta' ambigwità kif ukoll ta' diversi sorpriżi maż-żmien ikkawżati minn avviżi ta' politika dwar l-approċċ taż-żona tal-euro għar-ristrutturar tad-dejn sovran, (ii) ambigwità dwar ir-rwol u l-mandat tal-politika monetarja bħala sellief tal-aħħar istanza, u (iii) preġudizzji inerenti fl-imġiba tal-parteċipanti fis-swieq finanzjarji bħal fenomeni ta' aggregazzjoni.
It-tisħiħ tal-qafas istituzzjonali tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) huwa xi ħaġa li l-BĊE jista' jibbenefika bis-sħiħ minnha. Id-diskussjonijiet dwar ir-riforma tal-MES imxew mill-ħolqien possibbli ta' "Fond Monetarju Ewropew", propost mill-Kummissjoni Ewropea fl-2017, għal riforma tat-Trattat tal-MES iffukata fuq bidliet immirati, miftiehma fi prinċipju fl-2019.
Meta nħares lura lejn il-proposta tal-FME, kont nippreferi kieku l-MES ġie inkluż fl-ambitu tal-qafas tal-Unjoni. Iżda nilqa' bil-ħerqa r-riforma tat-Trattat tal-MES li ġiet miftiehma fi prinċipju s-sena l-oħra u nittama li jkun possibbli li nimxu malajr bl-approvazzjoni politika finali u bil-proċess ta' ratifika.
Nixtieq nisħaq li, fost ħafna titjib importanti ieħor fil-qafas tal-MES, il-bidliet immirati miftiehma fi prinċipju fl-2019 jinkludu dispożizzjoni li kienet ukoll parti mill-proposta tal-FME l-2017: l-assenjament lill-MES tar-rwol ta' garanzija ta' kontinġenza komuni lill-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni. Dan huwa element ewlieni għat-tlestija tal-unjoni bankarja, b'mod partikolari biex jissaħħu l-kredibbiltà u l-fiduċja fil-qafas tar-riżoluzzjoni bankarja.
39. Il-ħasil tal-flus, l-evitar tat-taxxa u l-finanzjament tat-terroriżmu kif jistgħu jiġu indirizzati b'mod aktar effikaċi fl-Unjoni Bankarja? Kif tara r-rwol tal-BĊE/MSU fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus? B'liema mod għandu l-BĊE jikkunsidra r-riskji tal-ħasil tal-flus meta jivvaluta l-istabbiltà finanzjarja tal-banek? X'għandu jkun ir-rwol ta' aġenzija ċentralizzata tal-UE kontra l-ħasil tal-flus (AML)?
L-ewwel nett, ippermettuli ntenni li l-kompiti superviżorji tal-BĊE jeskludu s-superviżjoni AML/CFT tal-banek u li l-BĊE ma għandu l-ebda kompetenza fir-rigward tal-evitar tat-taxxa. Minkejja dan, nilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-BĊE jieħu l-implikazzjonijiet prudenzjali tar-riskji ML/TF b'mod serju ħafna, fl-ambitu tal-mandat superviżorju tiegħu. Dan ifisser li l-BĊE, bħala superviżur prudenzjali, jista' jikkunsidra l-impatt tal-ML/TF fuq il-profil prudenzjali tal-banek. Sabiex il-BĊE jkun jista' jagħmel dan, huwa essenzjali skambju adegwat ta' informazzjoni mas-superviżuri AML/CFT. Il-ftehim bejn il-BĊE u s-superviżuri AML/CFT nazzjonali dwar l-iskambju ta' informazzjoni relatata mal-AML/CFT jipprovdi għal tali skambju ta' informazzjoni. Il-valutazzjoni tal-informazzjoni rċevuta mill-awtoritajiet AML/CFT tista' twassal lill-BĊE biex jimponi miżuri prudenzjali jekk meħtieġ, pereżempju billi juża l-poteri tiegħu tal-Pilastru 2 fil-Proċess ta' Reviżjoni u Evalwazzjoni Superviżorji (SREP) annwali. Il-BĊE jikkontribwixxi għall-iżvilupp kontinwu ta' dokumenti ta' gwida importanti tal-EBA li huma maħsuba biex itejbu aktar il-kooperazzjoni mas-superviżuri AML/CFT u biex jiżguraw kunsiderazzjoni konsistenti tal-aspetti AML/CFT fl-SREP madwar l-Unjoni Bankarja. Barra minn hekk, huwa previst li l-BĊE se jipparteċipa bħala osservatur fil-kulleġġi superviżorji AML/CFT li bħalissa qed jiġu stabbiliti minn superviżuri AML/CFT nazzjonali għall-banek kollha li joperaw b'mod transfruntier fl-UE.
Madankollu, sakemm ir-regolamentazzjoni u s-superviżjoni AML/CFT jibqgħu organizzati b'mod predominanti fil-livell nazzjonali, u b'hekk iwasslu biex in-normi AML/CFT jiġu implimentati u infurzati b'mod differenti madwar l-UE, se jkun hemm limiti serji għal dak li nistgħu nistennew li niksbu permezz ta' kooperazzjoni aħjar biss. Il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu ta' spiss ikunu transfruntiera fin-natura tagħhom, u kwistjonijiet transfruntiera jirrikjedu għodod transfruntiera. Għalhekk, nemmen bis-sħiħ li hemm bżonn ta' approċċ Ewropew aktar b'saħħtu biex jiġu indirizzati r-riskji li dawn ir-reati joħolqu għas-sostenibbiltà u l-istabbiltà tas-settur bankarju tal-UE. Għandha tiġi kkunsidrata armonizzazzjoni ulterjuri tal-qafas regolatorju AML/CFT, kif ukoll li titnaqqas il-frammentazzjoni superviżorja billi jingħataw kompiti superviżorji AML/CFT lil awtorità tal-UE eżistenti jew ġdida. L-ewwel u qabel kollox, li jsiru l-valutazzjonijiet u l-proposti meħtieġa f'dan ir-rigward hija kompetenza tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni dan l-aħħar ippubblikat il-Pjan ta' Azzjoni għal politika komprensiva tal-Unjoni dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, u għandha beħsiebha tressaq proposti leġiżlattivi rilevanti kmieni s-sena d-dieħla.
Huwa partikolarment importanti li superviżur AML/CFT futur fil-livell tal-UE jkun jista' l-ewwel u qabel kollox jikkonċentra r-riżorsi tiegħu fuq is-superviżjoni AML/CFT ta' dawk il-banek partikolari li jesponu lis-settur finanzjarju tal-UE għall-akbar riskji għal abbuż mill-kriminali u ħsara għar-reputazzjoni, u li għalihom l-approċċ superviżorju Ewropew għandu l-aktar valur miżjud (eż. banek li joperaw b'mod transfruntier fl-UE, jittrattaw tranżazzjonijiet għal klijenti li jippreżentaw riskji akbar ta' ML/TF u jinnegozjaw f'pajjiżi terzi bi standards tal-AML/CFT ħżiena). Jekk u meta tiġi stabbilita s-superviżjoni AML/CFT tal-UE fuq il-banek, jistgħu jinħolqu sinerġiji b'saħħithom mal-ħidma tal-BĊE. Fl-istess ħin, il-kooperazzjoni bejn il-BĊE u s-superviżuri AML/CFT nazzjonali se tibqa' kruċjali f'tali arkitettura superviżorja riveduta, peress li mhux il-banek kollha fl-Unjoni Bankarja jkunu mistennija li jaqgħu taħt il-kompetenza ta' awtorità AML/CFT tal-UE. Dan juri r-rilevanza u l-importanza kontinwa tal-inizjattivi li għaddejjin biex tittejjeb din il-kooperazzjoni li semmejt qabel. Barra minn hekk, wieħed għandu jżomm f'moħħu li hemm ħafna tipi differenti ta' negozji u servizzi li jistgħu jintużaw ħażin għal skopijiet ta' ħasil tal-flus u finanzjament tat-terroriżmu. Għalhekk, fuq perjodu ta' żmien itwal, awtorità AML/CFT ċentralizzata tal-UE tkun potenzjalment tkopri sett usa' ta' setturi finanzjarji u mhux finanzjarji mis-settur bankarju biss, setturi li għalihom il-BĊE ma għandu l-ebda mandat u ma għandu l-ebda rwol x'jaqdi. Fl-aħħar nett, fid-dawl tat-tip ta' riskji li huma involuti, huwa importanti li aġenzija AML ċentralizzata tal-UE jkollha għodod adegwati biex tikkoopera mhux biss mas-superviżuri prudenzjali iżda wkoll u b'mod kruċjali ħafna mal-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi.
40. Taħseb li l-BĊE għandu japplika l-istandards tad-direttiva dwar il-protezzjoni ta' persuni li jirrappurtaw dwar ksur tad-dritt tal-Unjoni internament?
Il-BĊE reċentement saħħaħ b'mod sinifikanti l-politika interna tiegħu dwar iż-żvelar ta' informazzjoni protetta; din il-politika l-ġdida tidher li tirrispetta bis-sħiħ il-prinċipji bażiċi tad-Direttiva rilevanti tal-UE. Din tikkomplementa l-mekkaniżmu eżistenti u ttestjat sew għar-rappurtar tal-ksur għal kwistjonijiet superviżorji u tippermetti lil kulħadd jirrapporta b'mod anonimu. Il-politika tistabbilixxi wkoll sett b'saħħtu ta' regoli u proċessi relatati biex il-persunal li jirrapporta ksur jiġi protett b'mod effettiv mir-ritaljazzjoni. Jiena konxju ta' dawn l-iżviluppi minn meta l-Kunsill Governattiv iddeċieda espressament li jestendi l-kamp ta' applikazzjoni tal-politika l-ġdida biex ikopri wkoll il-membri kollha tal-Kunsill Governattiv u tal-Bord Superviżorju.
Inqis li din il-politika l-ġdida hija titjib notevoli, u dan juri biċ-ċar l-impenn tat-tmexxija tal-BĊE għall-aħjar standards etiċi u ta' governanza. Madankollu, politika ta' żvelar ta' informazzjoni protetta li tiffunzjona tajjeb mhijiex biss kwistjoni ta' regoli xierqa; il-politika u l-għodod ta' appoġġ għandhom jiġu kkomplementati u inċentivati permezz tal-etika u l-kultura tal-valur it-tajba – xi ħaġa li ma tistax tiġi preskritta iżda li jeħtieġ li tkun esperjenzata u mibnija maż-żmien biex tkun sostenibbli.
Dawn huma temi li nista' nassoċja ruħi magħhom faċilment għaliex inqis li huma essenzjali biex tinkiseb u tinżamm il-fiduċja tal-partijiet ikkonċernati tagħna. Jiena sostenitur qawwi favur kwistjonijiet ta' kondotta tajba u governanza tajba u, jekk inkun ikkonfermat fir-rwol ta' Membru tal-Bord Eżekuttiv, nipprova ntejjeb aktar il-politiki tal-BĊE jekk u kif meħtieġ.
41. X'inhuma r-riskji relatati mal-Brexit għall-istabbiltà finanzjarja? Kif tara r-rwol tal-BĊE fl-indirizzar ta' dawk ir-riskji?
Ir-riżultat tal-proċess Brexit għadu inċert ħafna. Bidla f'daqqa fir-regoli tan-negozjar tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ għall-kummerċ bejn l-UE u r-Renju Unit wara l-perjodu ta' tranżizzjoni fl-aħħar tas-sena tkun riskju addizzjonali għall-ekonomija taż-żona tal-euro. L-impatt x'aktarx ikun limitat, għalkemm mhux negliġibbli. Barra minn hekk, ir-riskji makrofinanzjarji attwali jistgħu jiġu intensifikati jekk xenarju ta' Brexit ta' ebda ftehim jinteraġixxi max-xokk ekonomiku globali li għaddej bħalissa b'rabta mal-pandemija. Madankollu, l-impatt ikun akbar għar-Renju Unit milli għaż-żona tal-euro. Xenarju ta' ebda ftehim probabbilment iwassal ukoll għal volatilità sostanzjali tas-suq finanzjarju u żieda fil-primjums tar-riskju. Dan jista' jsir sors ta' tħassib qabel tmiem is-sena hekk kif is-swieq finanzjarji jibdew iqisu l-aktar eżitu probabbli tan-negozjati bejn ir-Renju Unit u l-UE fid-deċiżjonijiet tagħhom.
Riskji oħra ta' stabbiltà finanzjarja relatati mal-possibbiltà ta' Brexit ta' ebda ftehim fl-aħħar tas-sena huma fil-biċċa l-kbira kkontrollati u l-awtoritajiet tal-UE u nazzjonali ħejjew għal dan ix-xenarju. Ir-riskji ta' preċipizju fil-qasam tad-derivati kklirjati ċentralment ġew indirizzati permezz tad-deċiżjoni dwar l-ekwivalenza limitata fiż-żmien tal-Kummissjoni Ewropea għall-kontropartijiet ċentrali tar-Renju Unit. Barra minn hekk, is-settur privat għandu mezzi għad-dispożizzjoni tiegħu biex jimmitiga r-riskji pendenti relatati ma' tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni f'għadd ta' oqsma oħra, bħall-kontinwità ta' kuntratti tad-derivati mhux ikklirjati.
Ir-rwol tal-BĊE għandu jkun li jiżgura li l-banek ikunu ppreparati għar-riżultati kollha possibbli li jiżviluppaw fi tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni, kif ukoll li jissorvelja mill-qrib ir-riskji tas-settur makro u finanzjarju bħall-prospetti tal-iskadenzi ta' tmiem is-sena. F'dan ir-rigward, il-MSU reċentement intensifika d-djalogu superviżorju b'rabta mat-tħejjijiet ta' Brexit mal-banek (kemm l-istituzzjonijiet li ħerġin kif ukoll dawk li deħlin). Qiegħda tingħata wkoll attenzjoni superviżorja konsiderevoli biex jiġi żgurat li l-banek sorveljati jiksbu l-Mudelli Operatorji fil-Mira (TOMs) fl-istat finali tagħhom sal-iskadenzi miftiehma qabel.
42. Taħseb li l-Istati Membri mhux fiż-żona tal-euro għandhom jissodisfaw kundizzjonijiet addizzjonali qabel isiru membri taż-żona tal-euro u b'hekk membri tal-Unjoni Bankarja, bħall-kontroll effettiv tar-riskji tal-ħasil tal-flus, juru li għandhom swieq tal-proprjetà komparabbilment stabbli, u li jikkontrollaw il-korruzzjoni b'mod effettiv?
Kull pajjiż li beħsiebu jadotta l-euro għandu jikkonforma mal-erba' kriterji bbażati fuq it-Trattat għall-konverġenza ekonomika (li jinkludu, pereżempju, is-sħubija mal-Mekkaniżmu tar-Rata tal-Kambju II għal perjodu ta' sentejn mingħajr ebda diffikultà) u jallinja l-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu mal-qafas ġuridiku tal-UE. Ma nara l-ebda ħtieġa li formalment jiżdied kriterju ieħor ta' konverġenza mal-erba' kriterji msemmija hawn fuq li jiġu vvalutati regolarment mill-BĊE u mill-Kummissjoni Ewropea. Barra minn hekk, fl-aħħar rapport ta' konverġenza miż-żewġ istituzzjonijiet tal-UE, numru ta' kundizzjonijiet strutturali meħtieġa għal parteċipazzjoni bla xkiel fl-unjoni bankarja huma mmonitorjati taħt "fatturi rilevanti oħra". Filwaqt li l-BĊE u l-Kummissjoni Ewropea janalizzaw b'mod indipendenti, it-tnejn jikkoċentraw fuq il-kwalità istituzzjonali u l-governanza kif ukoll fuq l-eżitu tal-proċedura ta' żbilanċ makroekonomiku li għandha l-għan li tipprevjeni żbilanċi makroekonomiċi u makrofinanzjarji.
Fl-istess ħin, nemmen li l-Istati Membri l-ġodda għandhom jippreparaw għall-adozzjoni tal-euro u għandhom ukoll jippreparaw biex jissieħbu fl-unjoni bankarja, u b'hekk jipparteċipaw fil-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku u l-Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni. F'dan l-isfond, nilqa' l-parteċipazzjoni tal-Bulgarija u l-Kroazja f'kooperazzjoni superviżorja mill-qrib mal-BĊE. Bħala parti mill-proċess lejn kooperazzjoni mill-qrib, is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE wettqet il-valutazzjoni komprensiva meħtieġa tal-banek tal-pajjiżi. Wara deċiżjoni pożittiva mill-Kunsill Governattiv, il-Bulgarija u l-Kroazja daħlu fl-istess ħin fl-Unjoni Bankarja u l-ERM II.
Barra minn hekk, il-Bulgarija u l-Kroazja ħadu għadd ta' impenji speċifiċi għall-pajjiż qabel ma daħlu fl-ERM II, li kienu jinkludu wkoll politiki makroprudenzjali u strutturali, bħal riskji ta' ħasil tal-flus. Barra minn hekk, iż-żewġ pajjiżi wiegħdu li jimplimentaw diversi impenji ta' wara mitluba mill-pajjiżi li huma relatati mal-politiki strutturali li għandhom l-għan li jiżguraw konverġenza ekonomika sostenibbli sa dak iż-żmien li ż-żewġ pajjiżi jadottaw l-euro. Il-BĊE u l-Kummissjoni Ewropea se jimmonitorjaw bir-reqqa l-implimentazzjoni tal-impenji.
43. L-integrazzjoni finanzjarja aktar profonda dejjem hija konsistenti mal-objettiv tal-istabbiltà finanzjarja? Temmen li l-fużjonijiet transfruntiera potenzjali tal-banek jirrinfurzaw il-problema tal-istituzzjonijiet li huma kbar wisq biex ifallu? X'għandha tkun l-istrateġija tal-MSU fir-rigward tal-futur tas-settur bankarju Ewropew f'termini tal-fużjonijiet u akkwiżizzjonijiet, il-konsolidazzjoni u l-"promoturi nazzjonali"? X'għandhom ikunu l-għanijiet tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU)?
It-"trilemma finanzjarja" tgħid li l-istabbiltà finanzjarja, l-integrazzjoni finanzjarja u l-politiki finanzjarji nazzjonali huma inkompatibbli. Jistgħu jintgħażlu biss tnejn minn tliet objettivi filwaqt li terz minnhom iridu jitneħħew.
Dan jimplika li integrazzjoni finanzjarja aktar profonda u l-istabbiltà finanzjarja jimxu id f'id meta jkunu kkombinati ma' qafas regolatorju u superviżorju komuni, u bank ċentrali li jkun kapaċi jaġixxi b'appoġġ għall-istabbiltà finanzjarja matul episodji ta' kriżi.
F'dan ir-rigward, hemm bżonn ta' spinta ġdida lejn l-ambizzjoni fit-tul li jinħoloq suq tal-kapital Ewropew uniku ġenwin li jkun integrat u żviluppat ħafna. Dan se jimmobilizza r-riżorsi meħtieġa biex tingħata ħajja ġdida lill-ekonomija taż-żona tal-euro, jgħin biex jiġu indirizzati l-isfidi bħall-Brexit biex ikun hemm kontribut għar-reżiljenza għax-xokkijiet tal-UEM, u tiġi aċċllerata t-tranżizzjoni lejn ekonomija diġitali u b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju.
Fir-rigward tal-fużjonijiet transfruntiera tal-banek, għandna nżommu f'moħħna li l-istituzzjonijiet kbar wisq biex ifallu fil-livell Ewropew mhumiex l-istess bħall-istituzzjonijiet kbar wisq biex ifallu fil-livell tal-Istati Membri. L-integrazzjoni tas-suq bankarju Ewropew hija mod li permezz tiegħu jista' jittaffa dan it-tħassib, filwaqt li ma jintesiex it-tħassib potenzjali dwar l-istabbiltà finanzjarja.
Fil-fehma tiegħi, is-superviżuri għandhom jivvalutaw il-proġetti ta' konsolidazzjoni fuq bażi prudenzjali biss. Ir-rwol tagħhom la huwa li jagħmlu pressjoni għal konsolidazzjoni partikolari u lanqas li jippreġudikawhom jew jiffavorixxu mudell ta' negozju speċifiku minn ieħor. Huwa proċess li jeħtieġ li jiġi promoss u mibdi mis-suq.
F'dan il-kuntest, nilqa' l-pubblikazzjoni tal-BĊE ta' gwida dwar il-konsolidazzjoni biex jiċċara l-approċċ tiegħu. Trasparenza akbar tagħmel l-azzjonijiet superviżorji aktar prevedibbli u tevita perċezzjonijiet żbaljati tal-aspettattivi superviżorji.
44. Numru ta' bonds sinifikanti tas-settur pubbliku u privat fl-Ewropa huma karatterizzati minn rendimenti negattivi. Dan għandu xi implikazzjonijiet għall-istabbiltà finanzjarja u, jekk iva, kif għandhom jiġu indirizzati?
Minħabba l-portafolji kbar tagħhom ta' bonds korporattivi u sovrani, l-introjtu mill-investiment tal-istituzzjonijiet finanzjarji b'mod ġenerali, u l-fondi ta' investiment kif ukoll tal-korporazzjonijiet tal-assigurazzjoni u l-fondi tal-pensjonijiet b'mod aktar speċifiku, jistgħu jiddeterjoraw aktar fil-każ ta' numru dejjem jikber ta' titoli ta' dejn b'rendiment negattiv.
B'konsegwenza ta' dan, dawn l-istituzzjonijiet finanzjarji mhux bankarji jistgħu "jfittxu r-rendiment" u jkomplu jieħdu aktar riskji ta' kreditu, tul ta' żmien u likwidità fil-karti tal-bilanċ tagħhom.
Eżempju ovvju ta' dan huwa l-akkumulazzjoni ta' skopertura għal prodotti ta' finanzjament ingranati matul dawn l-aħħar snin, bħal self ingranat, CLOs u bonds b'rendiment għoli. Dawn ir-riskji dejjem jikbru jitolbu l-introduzzjoni ta' qafas makroprudenzjali msaħħaħ anki għas-settur finanzjarju mhux bankarju, u l-għażliet għal dan il-qafas bħalissa qed jiġu diskussi fl-istituzzjonijiet globali (FSB) u tal-UE (BERS, BĊE).
45. X'inhuma l-fehmiet tiegħek dwar il-politiki attwali tal-BĊE fir-rigward tal-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interess fil-BĊE? Hemm bżonn isiru xi bidliet?
Il-Qafas tal-Etika tal-BĊE qed ikopri l-immaniġġjar ta' kunflitti ta' interess attwali, potenzjali u perċepiti b'mod effettiv u proporzjonali. Barra minn hekk, dan jistipula mhux biss restrizzjonijiet matul l-impjieg mal-BĊE iżda wkoll għall-fażi ta' qabel l-impjieg u ta' wara l-impjieg. Dawn ir-restrizzjonijiet huma sodi iżda huma ġusti wkoll. Inqis il-prevenzjoni ta' kunflitti ta' interess bħala importanti ħafna minħabba l-obbligu ta' rendikont tal-impjegati tal-BĊE u tal-uffiċjali tal-BĊE ta' livell għoli fil-konfront taċ-ċittadini tal-UE. Pereżempju, perjodi stretti ta' preklużjoni għall-membri tal-persunal li jitilqu għal karigi professjonali relatati jew konfliġġenti ġodda jgħinu biex tiġi evitata l-perċezzjoni ta' kunflitt ta' interess. Il-BĊE jissorvelja mill-qrib l-implimentazzjoni ta' dawn ir-regoli u għandu proċeduri u mekkaniżmi ta' mitigazzjoni xierqa stabbiliti għal segwitu xieraq. Għalhekk, fil-fehma tiegħi m'hemmx bżonn ta' titjib kbir f'dan il-qafas peress li huwa kemm effettiv kif ukoll proporzjonat.
Il-Kodiċi ta' Kondotta uniku tal-BĊE għal uffiċjali ta' livell għoli (2019) huwa applikabbli għall-membri tal-Kunsill Governattiv, tal-Bord Eżekuttiv u tal-Bord Superviżorju. Il-membri kollha huma marbuta bl-istess Kodiċi, u din hija kisba sinifikanti. Il-maniġment għandu funzjoni eżemplari f'din il-kwistjoni. Pereżempju, ir-regoli għall-uffiċjali ta' livell għoli huma aktar stretti f'ċerti oqsma milli għall-impjegati. Dan jikkontribwixxi wkoll għall-bini ta' kultura etika. Nemmen li l-linji gwida u r-regoli ta' konformità attwali dwar din il-kwistjoni huma sodi iżda proporzjonali.
Il-Kodiċi jimmaniġġja l-kunflitti ta' interess billi jintroduċi regoli speċifiċi għal attivitajiet ta' wara l-impjieg (ta' preklużjoni), tranżazzjonijiet finanzjarji privati u relazzjonijiet ma' gruppi ta' interess. Dan jipprevedi wkoll il-pubblikazzjoni ta' Dikjarazzjonijiet ta' Interess u kalendarji ta' kull xahar, u jinkludi miżuri biex jiġu segwiti każijiet ta' nuqqas ta' konformità.
Wara rakkomandazzjonijiet mill-Parlament Ewropew, id-Dikjarazzjonijiet annwali ta' Interess ta' uffiċjali ta' livell għoli tal-BĊE huma ppubblikati fuq is-sit web tal-BĊE. Nemmen li t-trasparenza hija kruċjali biex jiġu evitati kunflitti ta' interess potenzjali jew perċepiti.
L-Artikolu 11 tal-kodiċi jistipula li l-uffiċjali ta' livell għoli jridu jwettqu dmirijiethom billi jevitaw kwalunkwe kunflitt ta' interess. Kif imsemmi fil-Kodiċi, dan ma jinkludix biss iċ-ċirku tal-qraba, iżda huwa aktar estensiv. Kunflitti ta' interess potenzjali jridu jiġu rrappurtati bil-miktub kemm lill-President kif ukoll lill-President tal-Bord Superviżorju u lill-Kumitat tal-Etika indipendenti li jagħti pariri dwar dawn il-kwistjonijiet.
Minbarra t-trasparenza u Kodiċi ta' kondotta, nemmen li huwa importanti li l-maniġment tal-BĊE ikun lest biex jgħin lill-impjegati. Dan jistimula u jikkontribwixxi għal Kultura Etika b'impjegati li ma jibżgħux jitkellmu u għalhekk mhux biss isaħħaħ il-governanza tal-istituzzjoni iżda wkoll ir-reżiljenza u s-sostenibbiltà tagħha.
D. Il-funzjonament tal-BĊE u l-obbligu ta' rendikont demokratiku u t-trasparenza46. Kif taħseb li l-obbligu ta' rendikont demokratiku tal-BĊE fil-konfront tal-Parlament Ewropew jista' jissaħħaħ, b'mod partikolari billi jitqiesu l-kamp ta' applikazzjoni u l-kumplessità akbar tal-politika monetarja wara kriżijiet riċenti?
Ir-rwol akbar tal-banek ċentrali b'mod ġenerali, u l-BĊE b'mod partikolari, matul il-kriżi riċenti rawmet interess pubbliku dejjem akbar fis-settur bankarju ċentrali. Dan irriżulta f'dibattitu pubbliku intensifikat dwar ir-rwol u l-azzjonijiet tal-BĊE, li jiffoka speċjalment fuq il-kumplessità dejjem tikber tal-miżuri tiegħu u t-teħid ta' kompiti addizzjonali mill-BĊE minn mindu bdiet il-kriżi finanzjarja globali.
Huwa għalhekk xi ħaġa tajba li l-arranġamenti ta' obbligu ta' rendikont tal-BĊE fil-konfront tal-Parlament Ewropew żviluppaw b'mod sinifikanti matul is-snin. B'mod importanti, il-frekwenza tal-interazzjonijiet żdiedet (aktar seduti ta' smigħ, aktar mistoqsijiet bil-miktub u tweġibiet) u kien hemm innovazzjonijiet fil-format (pubblikazzjoni tar-rispons bil-miktub tal-BĊE għar-Rapport Annwali tal-BĊE). Barra minn hekk, anki wara t-talbiet tal-Parlament Ewropew, fl-2015, il-BĊE beda jippubblika l-kontijiet tal-laqgħat tal-politika monetarja tal-Kunsill Governattiv.
Il-prattiki ta' obbligu ta' rendikont imorru lil hinn mir-rekwiżiti stipulati fit-Trattat u huma komparabbli ma' dawk ta' banek ċentrali ewlenin oħra, bħall-US Fed jew il-BoE tar-Renju Unit.
Għall-ġejjieni, ikun importanti li jinżamm livell suffiċjenti ta' flessibbiltà fir-relazzjoni ta' obbligu ta' rendikont sabiex it-talbiet għal skrutinju jkunu jistgħu jitwieġbu bl-aħjar mod.
Skambji ad hoc riċenti mal-President tal-BĊE u l-Membri tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE dwar kwistjonijiet topiċi, inkluż dwar is-sitwazzjoni ekonomika li qed tevolvi u r-rispons inizjali tal-BĊE għall-kriżi, kif ukoll ir-rwol internazzjonali tal-euro u l-ħidma tal-BĊE fuq munita diġitali tal-banek ċentrali, huma eżempju tajjeb ta' obbligu ta' rendikont effettiv u għandhom ikomplu jintużaw.
Aspett ieħor fejn l-interazzjonijiet mill-qrib mal-Parlament Ewropew se jkunu importanti huwa r-rieżami tal-istrateġija. Bħala rappreżentanti taċ-ċittadini taż-żona tal-euro, il-Membri tal-Parlament Ewropew għandhom għarfien siewi li jistgħu jwasslu fid-diskussjonijiet. Nilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-President tal-BĊE ħabbar li l-Parlament Ewropew se jkollu rwol ċentrali u qrajt b'interess kbir il-kontributi li l-Parlament Ewropew għamel fir-rieżami s'issa billi għamel ir-rieżami suġġett tas-seduti ta' smigħ tal-ECON u kkummissjona dokumenti ta' esperti dwar dan suġġetti koperti fir-rieżami.
Fl-aħħar nett, nemmen li l-BĊE għandu jkompli fit-triq lejn it-tisħiħ tal-komunikazzjoni tiegħu. Komunikazzjoni aktar ċara u trasparenti hija kruċjali għall-obbligu ta' rendikont effettiv u għat-tisħiħ tal-fiduċja taċ-ċittadini taż-żona tal-euro fil-BĊE u l-politiki tiegħu.
47. Kif tivvaluta l-interazzjoni li qed tevolvi bejn il-BĊE u l-Parlamenti nazzjonali?
It-Trattat jiddefinixxi li l-BĊE primarjament irid jagħti rendikont lill-Parlament Ewropew, bħala r-rappreżentant taċ-ċittadini tal-UE.
Fir-rigward tal-interazzjoni mal-parlamenti nazzjonali, huwa importanti li ssir distinzjoni bejn il-kompiti superviżorji u dawk mhux superviżorji tal-BĊE.
Fir-rigward ta' dawn tal-aħħar, matul is-snin il-BĊE kien involut fi skambji ma' kumitati parlamentari nazzjonali u membri tal-parlamenti nazzjonali. Kif ikkomunikat b'mod kostanti mill-BĊE, dan sar fuq bażi volontarja u fil-forma ta' "skambju ta' opinjonijiet", għalhekk b'rispett sħiħ għall-indipendenza tal-BĊE u r-rwol esklussiv tal-Parlament Ewropew.
Dawn id-dehriet pubbliċi fil-parlamenti nazzjonali għenu biex l-argumenti tal-BĊE jiġu inklużi fid-dibattitu nazzjonali u biex titwassal l-opinjoni politika u pubblika Netherlandiża lill-BĊE. Dan kien ċertament il-każ meta s-Sur Draghi żar il-Kumitat Finanzjarju tal-Parlament Netherlandiż għal skambju ta' fehmiet dwar il-politika monetarja tal-BĊE. Dan wassal għal dibattitu tajjeb, għalkemm ta' sfida, fin-Netherlands dwar l-azzjonijiet tal-BĊE.
Barra minn hekk, il-membri tal-Bord Eżekuttiv ipparteċipaw regolarment fil-Ġimgħa Parlamentari Ewropea (EPW). Dan l-arranġament huwa partikolarment importanti peress li jipprovdi forum transnazzjonali għal skambji dwar il-politika monetarja tal-BĊE u jrawwem fehim komuni dwar id-diversi perspettivi nazzjonali.
Fir-rigward tal-azzjonijiet superviżorji tal-BĊE, ir-Regolament MSU jinkludi dispożizzjoni speċifika dwar ir-relazzjonijiet tal-MSU mal-parlamenti nazzjonali. Filwaqt li huwa ċar li s-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE għandha primarjament tagħti rendikont lill-Parlament Ewropew għat-twettiq tal-kompiti superviżorji tagħha fuq banek sinifikanti, is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE tista' tkun soġġetta wkoll għal rapportar ad hoc lill-Parlamenti Nazzjonali flimkien mas-sottomissjoni tar-Rapport Annwali tagħha lilhom.
L-approċċ segwit mis-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE s'issa jsib bilanċ tajjeb meta jitqies l-impatt potenzjali li l-miżuri superviżorji Ewropej jista' jkollhom fuq il-finanzi pubbliċi, fuq l-istituzzjonijiet ta' kreditu, il-klijenti u l-impjegati tagħhom u s-swieq fl-Istati Membri parteċipanti.
48. X'taħseb dwar is-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali Federali Ġermaniża tal-5 ta' Mejju 2020 dwar il-PSPP, u d-deċiżjoni sussegwenti tal-BĊE li jiddivulga dokumenti mhux pubbliċi relatati mal-programm ta' xiri tas-settur pubbliku (PSPP) lill-Bundestag permezz tal-Bundesbank?
Il-BĊE huwa soġġett esklussivament għall-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (il-Qorti tal-Ġustizzja) u mhux għall-qrati nazzjonali tal-Istati Membri. Barra minn hekk, fil-qasam tal-politika monetarja, il-BĊE jrid jagħti rendikont lill-Parlament Ewropew fil-limiti stabbiliti fit-Trattati u mhux lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri.
F'Diċembru 2018, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b'mod mhux ambigwu u b'mod finali dwar il-legalità tal-programm ta' xiri tas-settur pubbliku (PSPP) tal-BĊE. Hija sabet li l-PSPP jaqa' taħt il-mandat tal-politika monetarja tal-BĊE u jikkonforma kemm mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif ukoll mal-projbizzjoni tal-finanzjament monetarju. B'mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-BĊE kien ipprovda kunsiderazzjonijiet suffiċjenti ta' proporzjonalità.
Peress li joħroġ mhux biss mill-kliem tal-atti legali iżda wkoll minn diversi dokumenti ppubblikati mill-BĊE, speċjalment il-kontijiet ippubblikati tal-laqgħat tal-politika monetarja tal-Kunsill Governattiv, il-BĊE kontinwament jevalwa l-effetti sekondarji potenzjali tal-istrumenti tal-politika monetarja tiegħu, inkluż il-PSPP. Dan huwa eżerċizzju ewlieni u tajjeb.
Filwaqt li jibni fuq il-prerogattivi tiegħu ta' obbligu ta' rendikont, il-Parlament Ewropew jeżamina wkoll lill-BĊE dwar il-valutazzjoni tal-proporzjonalità tiegħu matul is-seduti ta' smigħ trimestrali regolari tiegħu, fil-mistoqsijiet bil-miktub ippreżentati lill-BĊE u fir-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar ir-Rapporti Annwali tal-BĊE. Din hija attività tajba, peress li tagħti lill-BĊE l-opportunità li jispjega aħjar kif titwettaq il-valutazzjoni tal-proporzjonalità.
F'dan il-kuntest, nilqa' l-fatt li s-segwitu għas-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali Federali Ġermaniża ġie segwit b'mod li huwa konsistenti mal-indipendenza tal-BĊE u tad-Deutsche Bundesbank, bil-fatt li d-Deutsche Bundesbank huwa parti integrali mill-Eurosistema, u bil-primat tad-dritt tal-Unjoni u n-natura vinkolanti tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja.
Naħseb li huwa partikolarment importanti li l-BĊE kien trasparenti ħafna mal-Parlament Ewropew, li esklussivament irid jagħti rendikont lilu, u mal-pubbliku inġenerali, dwar id-deċiżjoni tiegħu li jakkomoda t-talba tad-Deutsche Bundesbank li jawtorizza d-divulgazzjoni ta' dokumenti mhux pubbliċi li juru kif il-BĊE wettaq il-valutazzjoni tal-proporzjonalità tiegħu. Dan il-proċess huwa konformi mal-prinċipju ta' kooperazzjoni sinċiera stabbilit fit-Trattati.
49. X'taħseb dwar il-fatt li darba fil-passat il-Kunsill injora l-opinjoni tal-Parlament Ewropew rigward il-ħatra ta' membru tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE? Taċċetta l-ħatra tiegħek bħala membru tal-Bord Eżekuttiv jekk il-Parlament Ewropew jivvota kontriha?
Ir-rwoli u l-kompetenzi rispettivi tal-Kunsill u tal-Parlament fil-proċess tal-ħatra ġew stabbiliti fit-Trattati tal-UE u mhumiex xi ħaġa li nixtieq niddiskuti dwarha. Madankollu, nispera tassew li ż-żewġ istituzzjonijiet isibu ftehim li jkun fl-aħjar interess tal-Unjoni Ewropea u taċ-ċittadini tagħha.
Ir-relazzjoni ta' obbligu ta' rendikont bejn il-Parlament Ewropew u l-BĊE hija ċentrali għal-leġittimità tal-BĊE u l-indipendenza tiegħu. Nagħti importanza kbira lir-rwol tal-Parlament Ewropew u b'mod partikolari lill-Kumitat ECON f'dan il-proċess u nara dan il-kwestjonarju u s-seduta ta' smigħ li jmiss tiegħi bħala elementi ewlenin tal-valutazzjoni tal-Parlament Ewropew dwar jekk nissodisfax ir-rekwiżit tat-Trattat li nkun persuna ta' reputazzjoni rikonoxxuta u b'esperjenza professjonali fi kwistjonijiet monetarji jew bankarji. Nispera tassew li tikkunsidrani fuq il-bażi tal-kwalifiki tiegħi.
50. X'se jagħmel il-BĊE b'mod konkret biex ikollu listi ta' preselezzjoni ekwilibrati mil-lat tal-ġeneri għall-karigi għolja fil-BĊE fil-futur u biex b'mod ġenerali jtejjeb aktar id-diversità tal-ġeneru fil-BĊE, minħabba li, fil-preżent żewġ Membri biss mill-25 Membru tal-kunsill governattiv tal-BĊE huma nisa? Personalment, kif beħsiebek ittejjeb il-bilanċ bejn il-ġeneri fil-BĊE? Meta tistenna l-ewwel riżultati tal-azzjonijiet tiegħek f'dan ir-rigward?
Naqsam bis-sħiħ it-tħassib tiegħek dwar l-iżbilanċ bejn il-ġeneri fil-Kunsill Governattiv tal-BĊE.
Il-BĊE nnifsu għandu biss rwol żgħir ħafna fil-ħatra tal-Membri tal-Bord Eżekuttiv. Dan ir-rwol huwa limitat għall-Kunsill Governattiv li qed jiġi kkonsultat dwar il-kwalifiki professjonali tal-kandidat propost.
Fir-rigward tal-membri l-oħra tal-Kunsill Governattiv, dawn jinħatru mill-gvernijiet nazzjonali rispettivi tagħhom u l-ħatriet tagħhom għalhekk huma barra mill-isfera ta' influwenza tal-BĊE jew tal-Kunsill Governattiv.
Dan l-aħħar il-BĊE tejjeb l-istrateġija tiegħu dwar il-ġeneri u f'dan il-kuntest estenda l-miri tiegħu dwar il-ġeneri għall-persunal mhux maniġerjali. L-objettiv huwa li tal-inqas nofs il-pożizzjonijiet ġodda u miftuħa jimtlew b'nisa fil-livelli kollha, u li jiżdied is-sehem tan-nisa fil-livelli differenti għal bejn 40 % u 51 % sal-2026. L-għan huwa u għandu jkun l-ugwaljanza bejn il-ġeneri.
Personalment, jiena kont impenjat li nippromwovi d-diversità tal-ġeneru f'DNB, pereżempju bħala Sponsor tal-Bord Eżekuttiv tan-network ta' DNB dwar id-diversità, DiverseDNB. Attwalment l-aktar perċentwali rilevanti huma dawn li ġejjin: il-Bord Superviżorju ta' DNB: 57 % nisa fil-Bord Eżekuttiv: 40 % nisa bħala total f'DNB: 40.4 % nisa f'pożizzjonijiet maniġerjali totali: 36.1 % nisa fi programm ta' Talent fil-Ġestjoni: 50 %, Taħriġ: 50 % u l-Programm tat-Talent fid-Data u t-Teknoloġija: 50%. DNB għandu l-għan tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri. Jekk inkun ikkonfermat fir-rwol tal-membru tal-Bord Eżekuttiv, beħsiebni nkompli nappoġġja b'mod attiv il-promozzjoni tat-talent femminili u l-miri ambizzjużi tal-ġeneru fil-BĊE. L-istituzzjonijiet pubbliċi mhux biss għandhom rwol ewlieni iżda għandhom ukoll obbligu li jippromwovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u nirrakkomanda li l-BĊE, u l-Eurosistema għal dan il-għan, għandhom jimmiraw għal bilanċ bejn il-ġeneri fil-faxex kollha tas-salarji.
51. Ir-Rapport tal-EBA (tal-2020) dwar il-valutazzjoni komparattiva tal-prattiki ta' diversità fil-livell tal-UE skont l-Artikolu 91(11) tas-CRD (EBA/REP/2020/05) sab, fost l-oħrajn, li żewġ terzi (66.95 %) tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment li l-EBA ġabret informazzjoni mingħandhom għandhom diretturi eżekuttivi ta' ġeneru wieħed biss. Tara modi kif il-BĊE, permezz tal-fergħa superviżorja tiegħu, jista' jikkontribwixxi għal diversità (tal-ġeneri) akbar fil-korpi maniġerjali tal-banek taħt is-superviżjoni tiegħu?
Id-diversità hija dimensjoni ewlenija ta' governanza effettiva. Bħala parti minn dan, it-trawwim tal-bilanċ bejn il-ġeneri fil-bordijiet tal-banek ilu għal xi żmien fl-aġenda tas-superviżuri.
Il-qafas ġuridiku eżistenti, anki bis-saħħa tal-isforzi tal-Parlament Ewropew, jirrikjedi li l-banek ikollhom politika ta' diversità stabbilita kemm għall-korpi maniġerjali kif ukoll għall-persunal inġenerali.
B'mod aktar speċifiku, fuq il-bażi tal-Artikolu 91(10) tas-CRD u l-Linji Gwida tal-EBA/ESMA dwar il-valutazzjoni tal-idoneità tal-membri tal-istituzzjonijiet tal-korpi maniġerjali taħt is-superviżjoni tal-BĊE huma meħtieġa li jkollhom politika ta' diversità, inkluż fir-rigward tal-ġeneri.
Din il-bażi ġuridika qed tissaħħaħ aktar bħalissa, pereżempju mill-EBA li tintegra d-diversità tal-ġeneru f'għadd ta' Linji Gwida tagħha. Nappoġġja bis-sħiħ ukoll il-prinċipju ta' politiki u prattiki ta' rimunerazzjoni newtrali fir-rigward tal-ġeneru li ġew introdotti mis-CRD V.
Għalkemm il-BĊE diġà jqis il-ġeneru bħala wieħed mill-aspetti tad-diversità fis-superviżjoni tiegħu, ninsab konvint li jistgħu u għandhom jittieħdu passi ulterjuri. Il-BĊE jista' jikkontribwixxi biex itejjeb id-diversità (bejn il-ġeneri) fil-korpi maniġerjali tal-banek taħt is-superviżjoni tiegħu permezz ta' valutazzjonijiet kompetenti u idonei tal-membri tal-bord u tad-detenturi ta' funzjonijiet ewlenin. Attwalment, kull fejn applikabbli, id-deċiżjonijiet ta' idoneità jagħmlu referenza għal kwalunkwe sejba dwar in-nuqqas ta' diversità tal-ġeneru fil-valutazzjonijiet tal-governanza bankarja. Kull meta l-implimentazzjoni legali nazzjonali tar-regoli dwar id-diversità tal-ġeneru tippermetti, il-BĊE jagħmel rakkomandazzjoni jew jindirizza obbligu lill-entitajiet taħt superviżjoni biex jirrispettaw il-kwoti tal-ġeneru stabbiliti għall-membri tal-korpi maniġerjali fil-ħatriet attwali jew futuri. Barra minn hekk, f'koordinazzjoni mal-Iskwadri ta' Sorveljanza Konġunti, l-importanza tad-diversità tal-ġeneru qed tinġieb għall-attenzjoni tal-entitajiet taħt superviżjoni fis-superviżjoni kontinwa.
Madankollu, kif juri r-rapport ta' valutazzjoni komparattiva li ssir referenza għalih fil-mistoqsijiet, minn Settembru 2018, xorta waħda ħafna istituzzjonijiet, 41.61 % minn 834, ma adottawx politika ta' diversità. Ir-rappreżentanza tan-nisa fil-korpi maniġerjali għadha ġeneralment baxxa ħafna u żewġ terzi tal-istituzzjonijiet ma għandhomx bord ta' ġeneru varjanti.
Għalhekk ninsab konvint li jista' u għandu jsir aktar, anki fis-superviżjoni tagħna. Il-BĊE, permezz tal-fergħa superviżorja tiegħu, jista' jikkontribwixxi għal diversità (tal-ġeneru) akbar fil-korpi maniġerjali tal-banek taħt is-superviżjoni tiegħu. Għalhekk, jekk ninħatar, se nfittex li nsegwi l-miżuri li ġejjin:
Nappoġġja t-twettiq ta' rieżami tematiku, bil-għan li tiġi vvalutata l-kwalità tal-politiki dwar id-diversità tal-ġeneru u l-implimentazzjoni effettiva tagħhom. Dan jista' jsir billi wieħed janalizza l-applikazzjoni tal-politika fil-prattika, b'mod partikolari fl-ippjanar tar-reklutaġġ u s-suċċessjoni. L-eżiti ta' dan ir-rieżami tematiku jistgħu jitqajmu mal-istituzzjoni fil-kuntest ta' superviżjoni ta' governanza kontinwa. Dawn jistgħu jikkontribwixxu wkoll għal valutazzjonijiet ta' kompetenza u idoneità, fejn l-idoneità kollettiva hija waħda mill-aspetti li tiġi kkunsidrata. Ir-riżultati ta' dan ir-rieżami jistgħu jiġu ppubblikati bħala parti mill-promozzjoni ta' djalogu soċjali dwar id-diversità tal-ġeneru.
Billi nibbaża parzjalment fuq ir-riżultati tar-rieżami tematiku, se naħdem biex nippubblika aspettattivi superviżorji fir-rigward tad-diversità tal-ġeneru. Dawn jistabbilixxu aspettattivi dwar l-implimentazzjoni mill-istituzzjonijiet tar-rekwiżiti li għandhom jitqiesu, bħall-aspett tad-diversità tal-ġeneru għall-kompożizzjoni tal-korpi maniġerjali, sabiex jiġu stabbiliti politiki u jitwaqqfu u jintlaħqu miri għall-ġeneru sottorappreżentat. Minbarra li juru impenn reali mill-BĊE, tali aspettattivi superviżorji jipprovdu wkoll punt ta' referenza konkret fis-superviżjoni tagħna tal-banek.
F'dawn l-aħħar snin ittieħdu passi inizjali biex id-diversità tal-ġeneru tiġi integrata fil-Proċess ta' Reviżjoni u Evalwazzjoni Superviżorji (SREP). Jiena se nfittex li nibni fuq dan. B'mod aktar speċifiku, it-Taqsima 105 tal-Linji Gwida tal-EBA/ESMA dwar il-valutazzjoni tal-idoneità tal-membri tal-maniġment tirrikjedi li l-istituzzjonijiet ikollhom politika ta' diversità li tinkludi mira kwantitattiva għar-rappreżentazzjoni tal-ġeneru sottorappreżentat fil-korp maniġerjali. Din tirrikjedi wkoll li l-istituzzjonijiet jispeċifikaw perjodu ta' żmien xieraq li fih għandha tintlaħaq il-mira u kif din se tintlaħaq. Għandna napplikaw din il-bażi ġuridika b'mod aktar attiv fis-superviżjoni tagħna. Barra minn hekk, l-enfasi fil-valutazzjoni tal-SREP ma għandhiex tkun biss fuq id-diversità fil-korpi maniġerjali, iżda l-persunal inġenerali.
Parti mill-enfasi tagħna għandha tkun ukoll fuq rimunerazzjoni ugwali fis-settur. Id-data mill-Eurostat turi li l-industrija tas-servizzi finanzjarji għandha l-agħar prestazzjoni f'termini ta' paga ugwali bejn l-irġiel u n-nisa. Il-qafas ġuridiku jipprovdi bażi biex dan jiġi inkorporat ukoll fil-prattika superviżorja tagħna (l-Artikolu 74(1) tas-CRD V).
Fl-istess ħin, il-BĊE għandu jistabbilixxi mira għolja għalih innifsu bħalma jistabbilixxi għall-istituzzjonijiet taħt is-superviżjoni tiegħu. Jiena nħaddan bis-sħiħ il-miri li l-BĊE stabbilixxa biex iżid is-sehem tal-membri tal-persunal femminili. Jekk ninħatar, se naħdem b'mod attiv biex niżgura li dawn il-miri jintlaħqu.
Barra minn hekk, filwaqt li nirrikonoxxi li l-ħatriet fil-Banek Ċentrali u l-Awtoritajiet Nazzjonali jsiru fuq livell domestiku u politiku, nesplora aktar mal-membri l-oħra tal-Bord Eżekuttiv, mal-Kunsill Governattiv u mal-Bord Superviżorju modi li bihom nistgħu kollettivament nippromwovu l-pubblikazzjoni, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-politiki ta' diversità fil-BĊE, fil-Banek Ċentrali nazzjonali u fl-Awtoritajiet Nazzjonali Kompetenti.
Fl-aħħar nett, nixtieq nenfasizza li, filwaqt li huwa importanti ħafna, l-enfasi tiegħi fuq id-diversità mhijiex limitata għad-diversità tal-ġeneru. Nappoġġja bis-sħiħ korpi maniġerjali u organizzazzjonijiet varjati b'mod ġenerali, fis-sens l-aktar wiesa' possibbli tal-kelma.
52. X'titjib possibbli tal-obbligu ta' rendikont tal-BĊE fil-konfront tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) tipprevedi f'termini tal-effiċjenza operazzjonali tiegħu? Fejn taqta' l-linja għall-mandat tal-QEA?
L-effiċjenza operazzjonali tal-maniġment tal-BĊE hija fattur ewlieni biex jiġi żgurat li l-BĊE iwettaq il-mandat tiegħu b'mod effiċjenti. Għalhekk, ir-rwol mogħti mit-Trattati tal-UE lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri biex tivvaluta u tipprovdi pariri b'mod indipendenti f'dan ir-rigward huwa milqugħ tajjeb ħafna.
Nifhem li l-BĊE wasal għal ftehimiet sinifikanti mal-QEA, billi jimpenja ruħu li jipprovdi aċċess għall-informazzjoni kollha meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tagħha kif iddefinit mit-Trattat. Il-BĊE għandu jkompli jagħmel dan u jsegwi t-twettiq ta' awditi li jkopru l-effiċjenza operazzjonali tal-maniġment tal-BĊE, kif xieraq.
Fl-istess ħin, l-indipendenza tal-BĊE stabbilita fit-Trattati għandha tiġi rrispettata wkoll. Dan ifisser li l-QEA tista' tiġġudika jekk l-objettiv stabbilit kienx intlaħaq bl-inqas riżorsi, iżda mhux jekk l-objettiv stabbilit kienx adegwat jew legali.
Fir-rigward tas-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE, nilqa' l-fatt li Memorandum ta' Qbil mal-QEA ġie ffirmat fl-2019. Dan il-Memorandum huwa sinjal importanti tal-avvjament bejn iż-żewġ partijiet. Se jippermetti wkoll li t-tnejn jikkooperaw mingħajr xkiel fil-kuntest tal-awditi tal-QEA tas-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE, bis-saħħa tal-kanali stabbiliti għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni. Din is-sistema l-ġdida ta' kondiviżjoni tal-informazzjoni tirrispetta kemm il-ħtieġa tal-QEA li jkollha aċċess għall-informazzjoni rilevanti għat-twettiq tal-kompiti tagħha kif ukoll il-ħtieġa li tiġi protetta informazzjoni sensittiva speċifika għall-bank.
Fl-aħħar nett, ippermettuli wkoll infakkar li l-Parlament Ewropew, bħala l-istituzzjoni li l-BĊE jrid jagħti rendikont lilu, għandu wkoll rwol importanti x'jaqdi. Is-sejbiet tar-rapporti tal-QEA jistgħu jinfurmaw id-diskussjonijiet bejn il-BĊE u l-PE u b'hekk iwasslu għal titjib fl-operazzjonijiet tal-BĊE.
53. X'se jkun l-approċċ personali tiegħek fir-rigward tad-djalogu soċjali fil-BĊE?
Id-djalogu soċjali huwa element importanti biex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb ta' kull istituzzjoni u speċjalment waħda li tiddependi b'mod kruċjali mill-persunal tagħha bħala bank ċentrali. Nemmen ukoll li l-impenn u d-diskussjoni bir-reqqa mar-rappreżentanti tal-persunal biex jiġi żgurat li l-fehmiet jinstemgħu u jinftiehmu bis-sħiħ huma element importanti fil-bini ta' ambjent tax-xogħol sostenibbli u li joffri sodisfazzjon.
Matul dawn l-aħħar snin, nifhem li l-BĊE għamel progress sinifikanti f'oqsma bħall-ammont ta' xogħol, il-ħin tax-xogħol u l-flessibbiltà, b'mod partikolari bl-introduzzjoni ta' reġim flessibbli tal-ħin tax-xogħol fl-2018. Filwaqt li nibbaża ruħi wkoll fuq l-esperjenza ta' DNB fejn għandna wkoll arranġamenti flessibbli fir-rigward tal-ħin tax-xogħol, inqis dawn il-passi kruċjali biex nattiraw u nżommu t-talent, niżguraw bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja u nappoġġjaw il-benesseri fit-tul tal-persunal.
Il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata huwa wkoll punt importanti fiċ-ċirkostanzi attwali kkawżati mill-pandemija tal-coronavirus. Barra minn hekk, il-pandemija tqajjem diversi sfidi ġodda fir-rigward tal-komunikazzjoni mal-persunal li jeħtieġ li jiġu kkunsidrati, inkluż kif il-persunal jista' jiġi appoġġjat bl-aħjar mod fi żminijiet li jistgħu jkunu diffiċli ħafna mill-aspett psikoloġiku u jiġi żgurat li l-fehmiet tal-persunal ikomplu jiġu mismugħa f'ambjent ta' xogħol virtwali. F'dan ir-rigward, nagħti valur lil komunikazzjoni ċara u miftuħa mal-impjegati. Nemmen li stħarriġiet regolari dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol mill-bogħod, kif nifhem li sar fil-BĊE matul l-aħħar sitt xhur, huma strumentali biex jinkiseb fehim aħjar tas-sitwazzjonijiet tal-impjegati u biex nibqgħu naraw x'inhu t-tħassib tagħhom.
PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI
Titolu |
Ħatra ta’ membru tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew |
|||
Referenzi |
N9-0055/2020 – C9-0331/2020 – 2020/0805(NLE) |
|||
Data tal-konsultazzjoni / talba għal approvazzjoni |
14.10.2020 |
|
|
|
Kumitat responsabbli Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja |
ECON 19.10.2020 |
|
|
|
Rapporteurs Data tal-ħatra |
Irene Tinagli 14.10.2020 |
|
|
|
Eżami fil-kumitat |
9.11.2020 |
|
|
|
Data tal-adozzjoni |
10.11.2020 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
33 21 3 |
||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Gunnar Beck, Marek Belka, Isabel Benjumea Benjumea, Stefan Berger, Gilles Boyer, Francesca Donato, Derk Jan Eppink, Engin Eroglu, Markus Ferber, Jonás Fernández, Raffaele Fitto, Frances Fitzgerald, José Manuel García-Margallo y Marfil, Sven Giegold, Valentino Grant, Claude Gruffat, José Gusmão, Enikő Győri, Eero Heinäluoma, Danuta Maria Hübner, Stasys Jakeliūnas, Othmar Karas, Billy Kelleher, Ondřej Kovařík, Georgios Kyrtsos, Aurore Lalucq, Philippe Lamberts, Aušra Maldeikienė, Pedro Marques, Costas Mavrides, Jörg Meuthen, Csaba Molnár, Siegfried Mureşan, Caroline Nagtegaal, Luděk Niedermayer, Lefteris Nikolaou-Alavanos, Piernicola Pedicini, Lídia Pereira, Kira Marie Peter-Hansen, Sirpa Pietikäinen, Dragoș Pîslaru, Evelyn Regner, Antonio Maria Rinaldi, Alfred Sant, Ralf Seekatz, Pedro Silva Pereira, Paul Tang, Cristian Terheş, Irene Tinagli, Ernest Urtasun, Inese Vaidere, Johan Van Overtveldt, Stéphanie Yon-Courtin, Marco Zanni, Roberts Zīle |
|||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Gerolf Annemans, Mick Wallace |
|||
Data tat-tressiq |
13.11.2020 |
|||
- [1] ĠU C ... /Għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.
- [2] Testi adottati, P8_TA(2019)0211.
- [3] Testi adottati, P9_TA(2019)0008.
- [4] Testi adottati, P9_TA(2019)0093 u Testi adottati, P9_TA(2019)0094.
- [5] Rappreżentazzjoni diġitali tal-valur jew id-drittijiet li jistgħu jiġu trasferiti u maħżuna elettronikament, bl-użu ta' reġistru distribwit jew teknoloġija simili.