RAPPORT dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1011 fir-rigward tal-eżenzjoni ta' ċerti parametri referenzjarji tal-kambju ta' pajjiżi terzi u l-iffissar ta' parametri referenzjarji ta' sostituzzjoni minflok ċerti parametri referenzjarji li jkunu se jitwaqqfu

19.11.2020 - (COM(2020)0337 – C9-0209/2020 – 2020/0154(COD)) - ***I

Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
Rapporteur: Caroline Nagtegaal


Proċedura : 2020/0154(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A9-0227/2020
Testi mressqa :
A9-0227/2020
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1011 fir-rigward tal-eżenzjoni ta' ċerti parametri referenzjarji tal-kambju ta' pajjiżi terzi u l-iffissar ta' parametri referenzjarji ta' sostituzzjoni minflok ċerti parametri referenzjarji li jkunu se jitwaqqfu

(COM(2020)0337 – C9-0209/2020 – 2020/0154(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2020)0337),

 wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C9-0209/2020),

 wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew ta' ...,

 wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tad-29 ta' Ottubru 2020[1],

 wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A9-0227/2020),

1. Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sostanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sostanzjali;

3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.


 

Emenda  1

EMENDI TAL-PARLAMENT EWROPEW[*]

għall-proposta tal-Kummissjoni

---------------------------------------------------------

2020/0154 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1011 fir-rigward tal-eżenzjoni ta' ċerti parametri referenzjarji tal-kambju ta' pajjiżi terzi u l-iffissar ta' parametri referenzjarji ta' sostituzzjoni minflok ċerti parametri referenzjarji li jkunu se jitwaqqfu u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012

(Test b'relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[2],

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1) Sabiex ikun hemm iħħeġġjar kontra l-iskopertura għall-volatilità tar-rata tal-kambju ta' muniti li ma jkunux konvertibbli faċilment jew li jkunu soġġetti għal kontrolli tal-kambju, il-kumpaniji fl-Unjoni jidħlu f'forwards u swaps mhux konsenjabbli tal-munita. Dawn l-istrumenti jippermettu lill-utenti li jipproteġu kontra l-volatilità ta' muniti barranin li ma jkunux konvertibbli faċilment f'munita bażi, bħad-dollaru jew l-euro. L-indisponibbiltà ta' rati tal-kambju spot biex isir il-kalkolu tar-rimborżi dovuti skont forwards u swaps tal-munita tħalli effett negattiv fuq il-kumpaniji fl-Unjoni li jesportaw lejn swieq emerġenti jew li jkollhom assijiet f'dawk is-swieq, bi skopertura konsegwenti għall-fluttwazzjonijiet ta' muniti tas-swieq emerġenti. Wara li jiskadi l-perjodu ta' tranżizzjoni stipulat fil-paragrafi 5 tal-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[3], mhux se jibqa' possibbli li jintużaw ir-rati tal-kambju spot ipprovduti minn amministratur ta' pajjiż terz li mhuwiex bank ċentrali.

(2) Sabiex il-kumpaniji fl-Unjoni jkunu jistgħu jissuktaw l-attivitajiet kummerċjali tagħhom filwaqt li jimmitigaw ir-rata tal-kambju, ir-rati tal-kambju spot imsemmija f'forwards u swaps mhux konsenjabbli għall-ikkalkolar tal-iżborżi kuntrattwali jenħtieġ li jiġu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/1011.

(3) Sabiex tidentifika li ċerti rati tal-kambju spot ikunu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE 2016/1011, il-Kummissjoni jenħtieġ li tiġi ddelegata s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-eżenzjoni tar-rati tal-kambju spot għal muniti mhux konvertibbli meta r-rata tal-kambju spot tintuża għall-ikkalkolar ta' rimborżi ġġenerati minn forwards jew swaps mhux konsenjabbli ta' muniti. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta' tħejjija, ukoll fil-livell ta' esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu f'konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet. B'mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta' atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta' atti delegati.

(3a) Ir-Regolament (UE) 2016/1011 jipprevedi li, sal-31 ta' Diċembru 2021, il-parteċipanti fis-suq tal-Unjoni jistgħu jużaw parametri referenzjarji amministrati f'pajjiż barra mill-Unjoni irrispettivament minn jekk ikunx hemm deċiżjoni ta' ekwivalenza fis-seħħ jew jekk l-indiċi jkunx ġie rikonoxxut jew approvat għall-użu fl-Unjoni. L-aspettattiva tal-leġiżlaturi kienet li sal-aħħar tal-2021 pajjiżi terzi jadattaw ir-reġim tal-parametri referenzjarji tagħhom għar-regoli mressqa minn dan ir-Regolament u li l-użu mill-parteċipanti fis-suq tal-Unjoni ta' parametri referenzjarji amministrati f'pajjiż barra mill-Unjoni jiġi żgurat permezz ta' deċiżjonijiet ta' ekwivalenza jew ta' approvazzjoni meħuda mill-Kummissjoni, u b'hekk tiġi salvagwardjata ċ-ċertezza tad-dritt. Madankollu, ftit li xejn sar progress f'dak ir-rigward. Meta wieħed iqis id-disparità u l-intensità li jeżistu bejn ir-regolament tal-parametri referenzjarji finanzjarji għall-użu fl-Unjoni u f'pajjiżi terzi, u biex jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-suq u d-disponibbiltà tal-parametri referenzjarji ta' pajjiżi terzi għall-użu fl-Unjoni wara l-aħħar ta' Diċembru 2021, il-Kummissjoni jenħtieġ li tirrevedi, sat-30 ta' Ġunju 2021, id-dispożizzjonijiet attwali dwar ir-reġim ta' pajjiż terz tar-Regolament (UE) 2016/1011 permezz ta' att delegat biex jingħelbu l-ostakli attwali u tingħata, jekk xieraq, setgħat addizzjonali dwar l-approvazzjoni ta' parametri referenzjarji jew familja ta' parametri referenzjarji ta' pajjiżi terzi.

(4) Wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, il-London InterBank Offered Rate (LIBOR) se tieqaf tikkwalifika bħala parametru referenzjarju ta' importanza kritika malli jintemm il-perjodu ta' tranżizzjoni fil-31 ta' Diċembru 2020. Barra minn hekk, il-Financial Conduct Authority (FCA) tar-Renju Unit ħabbret li mhux se tibqa' tinkoraġġixxi jew tobbliga lil banek jikkontribwixxu għal-LIBOR u b'hekk se toħloq riskju sostanzjali ta' waqfien ta' wieħed mill-aktar parametri referenzjarji importanti tar-rati tal-imgħax, sa tmiem l-2021. Madankollu l-waqfien tal-LIBOR jista' jirriżulta f'konsegwenzi negattivi li jipproduċu tfixkil sinifikanti fil-funzjonament tas-swieq finanzjarji fl-Unjoni. Fl-Unjoni hemm stokk ta' kuntratti fl-oqsma tad-dejn, tas-self, tad-depożiti b'terminu u tad-derivattivi li jagħmlu referenza għal-LIBOR, li jimmaturaw wara l-31 ta' Diċembru 2021 u li ma għandhomx dispożizzjonijiet kuntrattwali ta' riżerva robusti li jkopru l-waqfien tal-LIBOR. Bosta minn dawk il-kuntratti ma jistgħux jiġu nnegozjati mill-ġdid biex jinkorporaw dispożizzjoni kuntrattwali ta' riżerva qabel il-31 ta' Diċembru 2021. Il-waqfien tal-Libor għalhekk jista' jirriżulta fi tfixkil sinifikanti fil-funzjonament tas-swieq finanzjarji fl-Unjoni.

(5) L-Artikolu 28(2) tar-Regolament 2016/1011 jirrikjedi lill-entitajiet taħt superviżjoni li mhumiex amministraturi ta' parametru referenzjarju li jkollhom fis-seħħ pjanijiet ta' kontinġenza f'każ li parametru referenzjarju jinbidel materjalment jew ma jibqax jiġi pprovdut. Jekk ikun possibbli, dawk il-pjanijiet ta' kontinġenza jenħtieġ li jidentifikaw parametru referenzjarju ta' sostituzzjoni wieħed jew aktar. Dak il-metodu deċentralizzat u mhux leġiżlattiv jenħtieġ li jibqa' l-metodu awtomatiku għall-provvista fil-każ ta' waqfien ta' parametru referenzjarju, iżda l-każ tal-LIBOR wera li, fil-prattika, dak il-metodu jaf mhux dejjem ikun biżżejjed. Għalhekk, biex jiġi żgurat l-istralċ tal-kuntratti li jagħmlu referenza għall-parametru referenzjarju użat b'mod mifrux u li t-twaqqif tiegħu jirriżulta f'konsegwenzi negattivi li joħolqu tfixkil sinifikanti fil-funzjonament tas-swieq finanzjarji fl-Unjoni u fejn tali kuntratti ma jkunux jistgħu jiġu nnegozjati mill-ġdid b'mod li jinkludu rata ta' riżerva kuntrattwali sa meta jitwaqqaf il-parametru referenzjarju, jenħtieġ li jkun hemm metodu ta' riżerva li jipprevedi d-deżinjazzjoni pubblika obbligatorja ta' parametru referenzjarju ta' sostituzzjoni. Dak il-metodu jenħtieġ li jinkludi mekkaniżmu bil-għan li ssir it-tranżizzjoni ta' tali kuntratti lejn parametri referenzjarji ta' sostituzzjoni xierqa. Il-parametri referenzjarji jenħtieġ li jiżguraw li tiġi evitata l-frustrazzjoni ta' kuntratti li tirriżulta f'konsegwenzi negattivi li jipproduċu tfixkil sinifikanti fil-funzjonament tas-swieq finanzjarji fl-Unjoni.

(6) Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata s-setgħat ta' implimentazzjoni li tindika parametru referenzjarju ta' sostituzzjoni biex jintuża għall-istralċ ta' kuntratti li ma jkunux ġew innegozjati mill-ġdid sad-data li l-parametru referenzjarju ma jibqax jiġi ppubblikat. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[4]. Iċ-ċertezza tad-dritt tirrikjedi li l-Kummissjoni teżerċita dawk is-setgħat ta' implimentazzjoni biss f'ċirkostanzi tal-iskattar definiti bir-reqqa u li juru biċ-ċar li l-amministrazzjoni u l-pubblikazzjoni tal-parametru referenzjarju li jkun se jiġi ssostitwit se jitwaqqfu b'mod permanenti.

(7) Fejn meħtieġ u fil-mument ix-xieraq, il-Kummissjoni jenħtieġ li tadotta rakkomandazzjoni li tħeġġeġ lill-Istati Membri jiffissaw, bis-saħħa ta' liġijiet nazzjonali, rata ta' sostituzzjoni għall-parametru referenzjarju li jkun se jitwaqqaf fir-rigward tal-kuntratti fejn parti kontraenti tkun entità li ma tkunx entità taħt superviżjoni soġġetta għar-Regolament (UE) 2016/1011. Sabiex titqies l-interkonnettività tal-kuntratti, il-Kummissjoni jenħtieġ li jkollha l-possibbiltà li tirrakkomanda lir-rati ta' sostituzzjoni nazzjonali jenħtieġ li jkunu identiċi għar-rata ta' sostituzzjoni li tiffissa għall-kuntratti li tidħol fihom entità taħt superviżjoni.

(8) Il-Kummissjoni jenħtieġ li teżerċita s-setgħat ta' implimentazzjoni tagħha biss f'sitwazzjonijiet fejn tivvaluta li l-waqfien ta' parametru referenzjarju jkun jista' jirriżulta f'konsegwenzi negattivi li jirriżultaw fi tfixkil sinifikanti fil-funzjonament tas-swieq finanzjarji u fl-ekonomija reali fl-Unjoni. Il-Kummissjoni jenħtieġ li teżerċita s-setgħat ta' implimentazzjoni tagħha biss fejn joħroġ biċ-ċar li r-rappreżentattività tal-parametru referenzjarju kkonċernat ma tkunx tista' titreġġa' lura jew li l-parametru referenzjarju ma jkunx se jibqa' jiġi ppubblikat fuq bażi permanenti.

(9) L-użu ta' parametru referenzjarju ta' sostituzzjoni jenħtieġ li jkun japplika biss għal dawk il-kuntratti li ma jkunux ġew innegozjati mill-ġdid qabel id-data tal-waqfien tal-parametru referenzjarju kkonċernat. Għaldaqstant l-użu tal-parametru referenzjarju ffissat mill-Kummissjoni jenħtieġ li jintuża biss għal dawk il-kuntratti li l-entitajiet taħt superviżjoni diġà jkunu partijiet kontraenti fih fil-mument meta jidħol fis-seħħ l-att ta' implimentazzjoni li jiffissa l-parametru referenzjarju ta' sostituzzjoni. Barra minn hekk, meta jitqies li tali att ta' implimentazzjoni jkollu l-għan li jiżgura l-kontinwità tal-kuntratti, l-iffissar tal-parametru referenzjarju ta' sostituzzjoni jenħtieġ li ma jaffettwax il-kuntratti li jkunu diġà jipprovdu dispożizzjoni kuntrattwali ta' riżerva xierqa.

(10) Fl-eżerċitar tas-setgħat ta' implimentazzjoni tagħha li tiffissa parametru referenzjarju ta' sostituzzjoni, il-Kummissjoni jenħtieġ li tqis ir-rakkomandazzjonijiet mill-gruppi ta' ħidma tas-settur privat li joperaw taħt l-awspiċji tal-awtoritajiet pubbliċi tal-munita tad-denominazzjoni tar-rati tal-imgħax tal-parametru referenzjarju ta' sostituzzjoni fir-rigward tar-rati ta' sostituzzjoni li jkunu se jintużaw għal strumenti finanzjarji eżistenti u f'kuntratti li jagħmlu referenza għall-parametru referenzjarju li jkun se jitwaqqaf. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tqis ukoll ir-rakkomandazzjonijiet tal-awtorità superviżorja rilevanti tal-amministratur tal-parametru referenzjarju kif ukoll tal-ESMA. Dawk ir-rakkomandazzjonijiet jenħtieġ li jkunu bbażati fuq konsultazzjonijiet pubbliċi u għarfien espert estensivi, u jirriflettu l-ftehim tal-parametri referenzjarji tal-utenti dwar l-aktar rata ta' sostituzzjoni xierqa fir-rigward tar-rata referenzjarja tal-imgħax li tkun se titwaqqaf. Barra minn hekk, dawn huma r-rakkomandazzjonijiet esklużivi ta' dawn il-gruppi ta' ħidma tas-settur privat, u l-awtoritajiet pubbliċi li taħt l-awspiċju tagħhom joperaw dawn il-gruppi ta' ħidma ma jaċċettaw l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tar-rakkomandazzjonijiet jew mhux neċessarjament jikkondividu xi waħda mill-fehmiet espressi fihom.

(11) Billi l-għan ewlieni ta' dawk is-setgħat ta' implimentazzjoni huwa li jiżguraw ċertezza tad-dritt għall-entità taħt superviżjoni b'kuntratti eżistenti li jagħmlu referenza għal parametru referenzjarju li jkun se jitwaqqaf, l-awtoritajiet kompetenti ta' entità taħt superviżjoni li tkun qed tuża l-parametru referenzjarju li jkun se jitwaqqaf jenħtieġ li jimmonitorjaw l-evoluzzjoni tal-istokk akkumulat bejn il-kontropartijiet f'tali kuntratti u jirrapportaw is-sejbiet tagħhom kull sena lill-Kummissjoni u lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq ("ESMA").

(12) Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2016/1011 jiġi emendat skont dan.

(12a) Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[5] attwalment qed jiġi emendat sabiex tiġi pprovduta ċarezza lill-parteċipanti tas-suq li t-tranżazzjonijiet li jsiru jew li jiġu innovati qabel ma jibdew japplikaw ir-rekwiżiti tal-ikklerjar jew tal-marġni għal tranżazzjonijiet ta' derivati OTC li jagħmlu referenza għall-parametru referenzjarju ta' rata tal-imgħax (''tranżazzjonijiet miruta'') mhux se jkunu soġġetti għal dawn ir-rekwiżiti meta jiġu innovati għall-iskop uniku ta' implimentazzjoni jew tħejjija għall-implimentazzjoni tar-riforma tal-parametru referenzjarju tar-rata tal-imgħax. Ir-Regolament (UE) 2016/1011 jirrikjedi li l-entitajiet taħt superviżjoni jipproduċu u jżommu pjanijiet robusti bil-miktub li jistabbilixxu l-azzjonijiet li jieħdu f'każ li kwalunkwe parametru referenzjarju jinbidel materjalment jew ma jibqax jiġi pprovdut u li jirriflettu dawk il-pjanijiet fir-relazzjoni kuntrattwali mal-klijenti. Sabiex tiġi ffaċilitata l-konformità mill-parteċipanti fis-suq ma' dawk l-obbligi u l-azzjoni biex tissaħħaħ ir-robustezza tal-kuntratti tad-derivattivi OTC li jirreferenzjaw parametri referenzjarji ta' kwalunkwe tip, ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 jenħtieġ li jiġi emendat biex jagħmilha ċara li t-tranżazzjonijiet miruti mhux se jkunu soġġetti għal dawk ir-rekwiżiti tal-ikklerjar u tal-marġni meta dawk it-tranżazzjonijiet jiġu sostitwiti, emendati jew innovati, kemm individwalment kif ukoll bħala parti minn bidliet relatati ma' portafoll ta' tranżazzjonijiet, għall-iskop uniku li jissostitwixxu l-parametru referenzjarju tar-rata tal-imgħax li jirreferu għalih sabiex jimplimentaw jew iħejju għall-implimentazzjoni tar-riforma tal-parametru referenzjarju jew l-introduzzjoni ta' dispożizzjonijiet ta' riżerva fir-rigward ta' kwalunkwe parametru referenzjarju tal-imgħax li jirreferu għalih sabiex jimplimentaw jew iħejju għall-implimentazzjoni ta' dik ir-riforma jew inkella sabiex isaħħu r-robustezza tal-kuntratti tagħhom. Dawk l-emendi huma meħtieġa biex jipprovdu ċarezza lill-parteċipanti fis-suq u jenħtieġ li ma jaffettwawx il-kamp ta' applikazzjoni tal-obbligi tal-ikklerjar u tal-marġni fir-rigward tas-sostituzzjoni, l-emenda jew innovazzjoni ta' kuntratt tad-derivattivi OTC għal skopijiet oħra.

(13) Fid-dawl tal-fatt li l-LIBOR mhijiex se tibqa' parametru referenzjarju kritiku fit-tifsira tar-Regolament (UE) 2016/1011 mill-1 ta' Jannar 2021, huwa xieraq li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ mingħajr dewmien,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (UE) 2016/1011

(1) L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(-a) jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

 "1a. L-Artikolu 28a japplika għal:

(a) kwalunkwe kuntratt jew strument finanzjarju kif definit fid-Direttiva 2014/65/UE li huwa rregolat mil-liġijiet ta' wieħed mill-Istati Membri u li jagħmel referenza għal parametru referenzjarju; kif ukoll

(b) kwalunkwe kuntratt li huwa soġġett għal-liġi ta' pajjiż terz iżda li l-partijiet tiegħu huma kollha stabbiliti fl-Unjoni u meta l-liġi tal-pajjiż terz ma tipprevedix stralċ ordnat ta' parametru referenzjarju."

(a) fil-paragrafu 2, jiżdied il-punt (i) li ġej:

"(i) parametru referenzjarju tal-kambju li jkun ġie ffissat mill-Kummissjoni f'konformità mal-paragrafu 3.";

(b) jiżdiedu l-paragrafi 3 u 4 li ġejjin:

"3. Il-Kummissjoni tista' tiffissa l-parametri referenzjarji tal-kambju li huma amministrati minn amministraturi li jinsabu barra mill-Unjoni meta jiġu ssodisfati l-kriterji kollha li ġejjin:

(a) il-parametru referenzjarju tal-kambju jirreferi għar-rata tal-kambju spot ta' munita ta' pajjiż terz li ma tkunx konvertibbli faċilment;

(b) l-entitajiet taħt superviżjoni jużaw il-parametru referenzjarju tal-kambju fuq bażi frekwenti, sistematika u regolari f'kuntratti tad-derivattivi għall-iħħeġġjar kontra l-volatilità tal-munita ta' pajjiż terz;

(c) il-parametru referenzjarju jintuża għar-rata tas-saldu għall-ikkalkolar tar-rimborż tal-kuntratt tad-derivattivi msemmija fil-punt (b) f'munita li ma tkunx il-munita b'konvertibbiltà limitata msemmija fil-punt (a).

4. Sal-31 ta' Diċembru 2022, il-Kummissjoni għandha twettaq konsultazzjonijiet pubbliċi biex tidentifika l-parametri referenzjarji tal-kambju li jissodisfaw il-kriterji tal-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu. Sal-31 ta' Diċembru 2023, il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati skont l-Artikolu 49 biex toħloq il-lista ta' parametri referenzjarji tal-kambju spot għall-iħħeġġjar kontra l-volatilità tal-munita ta' pajjiż terz u għandha taġġorna dik il-lista fuq bażi regolari. L-awtoritajiet kompetenti tal-entitajiet taħt superviżjoni li jużaw parametri referenzjarji tal-kambju ta' pajjiż terz iffissati mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 3 għandhom jirrapportaw minn tal-anqas kull sentejn lill-Kummissjoni ▌dwar l-għadd ta' kuntratti tad-derivattivi li jużaw parametru referenzjarju tal-kambju biex jiħħeġġjaw kontra l-volatilità tal-munita ta' pajjiż terz.";

(1a) L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)  fil-paragrafu 1, jiddaħħal il-punt li ġej:

"(22a) "parametru referenzjarju tar-rata tal-kambju" tfisser parametru referenzjarju li l-valur tiegħu jiġi determinat f'relazzjoni mal-prezz, espress f'munita waħda, ta' munita oħra jew ta' basket ta' muniti oħra;"

(b) il-punt i tal-punt 24(a) huwa emendat kif ġej:

"(i) ċentru tan-negozjar kif definit fil-punt (24) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE jew ċentru tan-negozjar f'pajjiż terz li għalih il-Kummissjoni tkun adottat deċiżjoni ta' implimentazzjoni li l-qafas legali u superviżorju ta' dak il-pajjiż huwa kkunsidrat li għandu effett ekwivalenti fis-sens tal-Artikolu 28(4) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(22) jew l-Artikolu 25(4) tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, jew suq regolat ikkunsidrat ekwivalenti skont l-Artikolu 2a tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, iżda f'kull każ biss b'referenza għal data ta' tranżazzjoni li tikkonċerna strumenti finanzjarji;"

(1b) L-Artikolu 28(2) huwa sostitwit b'dan li ġej:

"2. L-entitajiet taħt superviżjoni, li mhumiex amministraturi kif imsemmi fil-paragrafu 1, li jużaw parametru referenzjarju għandhom jipproduċu u jżommu pjanijiet robusti bil-miktub li jistipulaw l-azzjonijiet li jieħdu f'każ li parametru referenzjarju jinbidel materjalment jew ma jibqax jiġi pprovdut. Meta jkun fattibbli u xieraq, tali pjanijiet għandhom jinnominaw parametru referenzjarju alternattiv wieħed jew aktar li jista' jiġi referenzjat biex jissostitwixxi l-parametri referenzjarji li ma jibqgħux jiġu pprovduti, filwaqt li jiġi indikat għaliex tali parametri referenzjarji jkunu alternattivi xierqa. L-entitajiet taħt superviżjoni għandhom jibagħtu dawk il-pjanijiet u kwalunkwe aġġornament għalihom lill-awtorità kompetenti rilevanti mingħajr dewmien żejjed u għandhom jirriflettuhom fir-relazzjoni kuntrattwali mal-klijenti. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jivvalutaw ir-robustezza ta' dawn il-pjanijiet."

(2) jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

"Artikolu 28a
Sostituzzjoni obbligatorja ta' parametru referenzjarju

(1) Il-Kummissjoni tista' tiffissa parametru referenzjarju ta' sostituzzjoni wieħed jew aktar, għal parametru referenzjarju li ma jkunx se jibqa' jiġi ppubblikat meta l-waqfien tal-pubblikazzjoni ta' dak il-parametru referenzjarju tkun tista' tirriżulta f'impatti sinifikanti u negattivi fuq l-integrità tas-suq, l-istabbiltà finanzjarja u l-ekonomija reali fi Stat Membru wieħed jew aktar u sakemm ma tkunx seħħet waħda minn dawn iċ-ċirkostanzi:

(a) l-awtorità kompetenti tal-amministratur ta' dak il-parametru referenzjarju tkun iddikjarat pubblikament, jew ħarġet dikjarazzjoni pubblika, jew tkun ippubblikat informazzjoni, fejn jitħabbar li l-kapaċità ta' dak il-parametru referenzjarju li jkejjel is-suq sottostanti u r-realtà ekonomika ma tkunx tista' titreġġa' lura▌; qabel tagħmel dikjarazzjoni bħal din, l-awtorità kompetenti nazzjonali għandha tkun applikat is-setgħat rimedjali tal-Artikolu 23 u ddeterminat li s-setgħat fl-Artikolu 23 mhumiex biżżejjed biex jitreġġa' lura l-parametru referenzjarju.

(b) ▌l-amministratur ta' parametru referenzjarju ,jew xi ħadd li jaġixxi f'isem l-amministratur, ikun iddikjara pubblikament, billi jagħmel dikjarazzjoni pubblika jew jippubblika informazzjoni fejn jitħabbar li l-amministratur ikun waqaf, jew ikun se jieqaf, jipprovdi l-parametru referenzjarju b'mod permanenti jew indefinit, sakemm meta ssir id-dikjarazzjoni jew il-pubblikazzjoni tal-informazzjoni, ma jkun hemm ebda amministratur suċċessur li jibqa' jipprovdi dak il-parametru referenzjarju.

(c) l-awtoritajiet kompetenti tal-amministratur ta' parametru referenzjarju jew kwalunkwe entità li jkollha awtorità ta' insolvenza jew ta' riżoluzzjoni fuq l-awtorità ta' dak il-parametru referenzjarju ikunu ddikjaraw pubblikament jew ħarġu dikjarazzjoni pubblika jew ippubblikaw informazzjoni, ▌li l-amministratur ta' dak il-parametru referenzjarju jkun waqaf, jew ikun se jieqaf, jipprovdi l-parametru referenzjarju b'mod permanenti jew indefinit, sakemm meta ssir id-dikjarazzjoni jew il-pubblikazzjoni tal-informazzjoni, ma jkun hemm ebda amministratur suċċessur li jibqa' jipprovdi dak il-parametru referenzjarju.

(ca) l-awtorità kompetenti tirtira jew tissospendi l-awtorizzazzjoni jew ir-reġistrazzjoni tal-amministratur tal-parametru referenzjarju, sakemm meta jsir l-irtirar jew is-sospensjoni, ma jkun hemm ebda amministratur suċċessur li jibqa' jipprovdi dak il-parametru referenzjarju.

(2) Il-parametru referenzjarju ta' sostituzzjoni għandu jissostitwixxi, permezz tat-tħaddim tal-liġi, ir-referenzi kollha għall-parametru referenzjarju f'kuntratti suġġett għall-Artikolu 2(1a) meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a) dawk il-kuntratti jagħmlu referenza għall-parametru referenzjarju li ma jkunx se jibqa' jiġi ppubblikat fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-att ta' implimentazzjoni li jiffissa l-parametru referenzjarju ta' sostituzzjoni;

(b) dawk l-istrumenti, il-kuntratti jew il-miżuri ta' prestazzjoni finanzjarji ma jkollhom ebda dispożizzjoni ta' riżerva xierqa;

(ba) dispożizzjoni ta' riżerva ma għandhiex titqies xierqa meta tkun issodisfata waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

a) ma tkoprix il-waqfien permanenti ta' parametru referenzjarju;

b) kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin tkun issodisfata:

(i) ma jkun hemm l-ebda rata ta' riżerva;

(ii) l-applikazzjoni tar-rata ta' riżerva tirrikjedi kunsens ulterjuri minn partijiet terzi;

(iii) ir-rata ta' riżerva tiġi kkalkulata permezz ta' kwotazzjonijiet ipprovduti minn partijiet terzi jew tiffissa l-aħħar pubblikazzjoni tal-parametru referenzjarju affettwat;

c) l-awtorità rilevanti tkun stabbiliet li l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni ta' riżerva maqbula b'kuntratt ġeneralment m'għadhiex, u b'differenza sinifikanti, tirrifletti s-suq sottostanti jew ir-realtà ekonomika li l-parametru referenzjarju li se jitwaqqaf ikun maħsub li jkejjel, u jista' jkollha impatt avvers fuq l-istabbiltà finanzjarja;

Għall-finijiet tal-punt (c) tal-punt (ba), l-awtorità rilevanti għandha tinforma lill-Kummissjoni u lill-ESMA bil-valutazzjoni tagħha mingħajr dewmien żejjed. Fejn jistgħu jiġu affettwati entitajiet f'aktar minn Stat Membru wieħed mill-valutazzjoni, l-awtoritajiet rilevanti ta' dawk l-Istati Membri kollha għandhom iwettqu l-valutazzjoni b'mod konġunt.

L-Istati Membri għandhom jiffissaw awtorità rilevanti waħda jew aktar minn waħda, li jkunu f'pożizzjoni li jwettqu l-valutazzjoni f'konformità mal-punt (c). L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-ESMA bil-ħatra tal-awtoritajiet kompetenti skont dan il-paragrafu sa ... [6 xhur wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament].

(3) Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jiffissaw parametru referenzjarju ta' sostituzzjoni wieħed jew aktar skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 50(2) meta tiġi ssodisfata waħda mill-kundizzjonijiet tal-paragrafu 1. Meta tadotta l-att ta' implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tqis, fejn ikun disponibbli, ir-rakkomandazzjoni minn grupp ta' ħidma alternattiv tar-rata ta' referenza li jkun jopera taħt l-awspiċi tal-awtoritajiet pubbliċi tal-munita tad-denominazzjoni tar-rati tal-imgħax tal-parametru referenzjarju ta' sostituzzjoni. Qabel tistabbilixxi parametru referenzjarju ta' sostituzzjoni ġdid, il-Kummissjoni għandha twettaq konsultazzjoni pubblika u tikkonsulta lill-ESMA kif ukoll lill-awtorità kompetenti nazzjonali tal-amministratur tal-parametru referenzjarju.

(3a) L-att ta' implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 3 għandu jinkludi dan li ġej:

(i) is-sostituzzjoni ta' parametru referenzjarju jew ta' parametri referenzjarji;

(ii) l-aġġustament tal-firxa, inkluż il-metodu għad-determinazzjoni ta' tali aġġustament tal-firxa, li għandu jiġi applikat għas-sostituzzjoni ta' parametru referenzjarju li jkun se jitwaqqaf fid-data tas-sostituzzjoni għal kull terminu partikolari sabiex jitqiesu l-effetti tat-tranżizzjoni jew tal-bidla mill-parametru referenzjarju li se jiġi stralċjat għall-parametru referenzjarju ta' sostituzzjoni;

(iii) il-bidliet konformi essenzjali korrispondenti li huma assoċjati mal-użu jew raġonevolment meħtieġa għall-applikazzjoni ta' parametru referenzjarju ta' sostituzzjoni;

(iv) id-data rilevanti li minnha għandu japplika l-parametru referenzjarju jew il-parametri referenzjarji ta' sostituzzjoni;

(4) L-awtoritajiet kompetenti tal-entitajiet taħt superviżjoni li jużaw il-parametru referenzjarju ffissat mill-Kummissjoni għandhom jimmonitorjaw jekk l-atti ta' implimentazzjoni li jiġu adottati skont il-paragrafu 1 ikunux naqqsu l-frustrazzjoni tal-kuntratti jew kwalunkwe effett negattiv ieħor fuq it-tkabbir ekonomiku u l-investimenti fl-Unjoni. Dawn għandhom jirrapportaw dan l-effett lill-Kummissjoni u lill-ESMA kull sena.

(4a) Dan l-Artikolu għandu japplika għal parametri referenzjarji ta' importanza kritika. Għandu japplika wkoll għall-parametri referenzjarji li mhumiex ta' importanza kritika u għall-parametri referenzjarji ta' pajjiżi terzi jekk il-waqfien tagħhom jirriżulta f'impatti sinifikanti u negattivi fuq l-integrità tas-suq, l-istabbiltà finanzjarja u l-ekonomija reali fl-Unjoni."

(2a) Fl-Artikolu 29, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

"1a. Entità taħt superviżjoni tista' wkoll tuża għal parametru referenzjarju ta' sostituzzjoni fl-Unjoni jekk dan ikun iffissat mill-Kummissjoni f'konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 23a."

Artikolu 1a

Emenda għar-Regolament (UE) Nru 648/2012

L-Artikolu 13a tar-Regolament (KE) Nru 648/2012 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"Artikolu 13a

Sostituzzjoni ta' parametri referenzjarji tar-rati tal-imgħax u inkorporazzjoni ta' riżerva kuntrattwali fi tranżazzjonijiet miruti

1. Il-kontropartijiet imsemmija fl-Artikolu 11(3) jistgħu jkomplu japplikaw il-proċeduri ta' ġestjoni tar-riskju li jkollhom fis-seħħ fid-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament fir-rigward tal-kuntratti tad-derivattivi OTC ikklerjati mhux ċentralment li jkunu daħlu fihom jew li jkunu innovati qabel id-data li fiha l-obbligu li jkun hemm proċeduri ta' ġestjoni tar-riskju skont l-Artikolu 11(3) jidħol fis-seħħ meta, wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, dawk il-kuntratti jiġu sostitwiti, emendati jew innovati għall-iskop uniku li jiġi sostitwit il-parametru referenzjarju tar-rata tal-imgħax li jkunu qed jirreferu għalih jew li jiġu introdotti dispożizzjonijiet ta' riżerva fir-rigward ta' kwalunkwe parametru referenzjarju msemmi fit-tranżazzjoni.

2. It-tranżazzjonijiet li jsiru jew li jiġu innovati qabel id-data li fiha jidħol fis-seħħ l-obbligu tal-ikklerjar skont l-Artikolu 4 u li, wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, ikunu sussegwentement sostitwiti, emendati jew innovati għall-iskop uniku li jiġi sostitwit il-parametru referenzjarju tal-imgħax li jirreferu għalih jew li jiġu introdotti dispożizzjonijiet ta' riżerva fir-rigward ta' kwalunkwe parametru referenzjarju msemmi fit-tranżazzjoni, m'għandhomx, għal dik ir-raġuni, isiru soġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar imsemmi fl-Artikolu 4."

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum li jiġi wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

 


PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI

Titolu

Emenda tar-Regolament (UE) 2016/1011 fir-rigward tal-eżenzjoni ta' ċerti parametri referenzjarji tal-kambju ta' pajjiżi terzi u l-iffissar ta' parametri referenzjarji ta' sostituzzjoni minflok ċerti parametri referenzjarji li jkunu se jitwaqqfu

Referenzi

COM(2020)0337 – C9-0209/2020 – 2020/0154(COD)

Data meta ġiet ippreżentata lill-PE

27.7.2020

 

 

 

Kumitat responsabbli

 Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

ECON

14.9.2020

 

 

 

Kumitati mitluba jagħtu opinjoni

 Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

ITRE

14.9.2020

 

 

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija

 Data tad-deċiżjoni

ITRE

10.9.2020

 

 

 

Rapporteurs

 Data tal-ħatra

Caroline Nagtegaal

7.9.2020

 

 

 

Data tal-adozzjoni

19.11.2020

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

49

0

10

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Gunnar Beck, Marek Belka, Isabel Benjumea Benjumea, Stefan Berger, Gilles Boyer, Francesca Donato, Derk Jan Eppink, Engin Eroglu, Markus Ferber, Jonás Fernández, Frances Fitzgerald, José Manuel García-Margallo y Marfil, Luis Garicano, Sven Giegold, Valentino Grant, Claude Gruffat, José Gusmão, Enikő Győri, Eero Heinäluoma, Danuta Maria Hübner, Stasys Jakeliūnas, Othmar Karas, Billy Kelleher, Ondřej Kovařík, Georgios Kyrtsos, Aurore Lalucq, Philippe Lamberts, Aušra Maldeikienė, Pedro Marques, Costas Mavrides, Jörg Meuthen, Csaba Molnár, Siegfried Mureşan, Caroline Nagtegaal, Luděk Niedermayer, Piernicola Pedicini, Lídia Pereira, Sirpa Pietikäinen, Dragoș Pîslaru, Evelyn Regner, Antonio Maria Rinaldi, Alfred Sant, Joachim Schuster, Ralf Seekatz, Pedro Silva Pereira, Paul Tang, Irene Tinagli, Ernest Urtasun, Inese Vaidere, Johan Van Overtveldt, Stéphanie Yon-Courtin, Marco Zanni, Roberts Zīle

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Manon Aubry, Patryk Jaki, Eugen Jurzyca, Maximilian Krah, Ville Niinistö, Mick Wallace

Data tat-tressiq

19.11.2020

 


 

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

49

+

ECR

Derk Jan Eppink, Patryk Jaki, Eugen Jurzyca, Johan Van Overtveldt, Roberts Zīle

NI

Piernicola Pedicini

PPE

Isabel Benjumea Benjumea, Stefan Berger, Markus Ferber, Frances Fitzgerald, José Manuel García-Margallo y Marfil, Enikő Győri, Danuta Maria Hübner, Othmar Karas, Georgios Kyrtsos, Aušra Maldeikienė, Siegfried Mureşan, Luděk Niedermayer, Lídia Pereira, Sirpa Pietikäinen, Ralf Seekatz, Inese Vaidere

Renew

Gilles Boyer, Engin Eroglu, Luis Garicano, Billy Kelleher, Ondřej Kovařík, Caroline Nagtegaal, Dragoș Pîslaru, Stéphanie Yon Courtin

S&D

Marek Belka, Jonás Fernández, Eero Heinäluoma, Dietmar Köster, Aurore Lalucq, Pedro Marques, Costas Mavrides, Csaba Molnár, Evelyn Regner, Alfred Sant, Pedro Silva Pereira, Paul Tang, Irene Tinagli

Verts/ALE

Sven Giegold, Claude Gruffat, Stasys Jakeliūnas, Philippe Lamberts, Ville Niinistö, Ernest Urtasun

 

0

-

 

10

0

GUE/NGL

Manon Aubry, José Gusmão, Mick Wallace

ID

Gunnar Beck, Francesca Donato, Valentino Grant, Maximilian Krah, Jörg Meuthen, Antonio Maria Rinaldi, Marco Zanni

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

 

Aġġornata l-aħħar: 4 ta' Diċembru 2020
Avviż legali - Politika tal-privatezza