RAPPORT dwar tnaqqis tad-disparità bejn il-ġeneri fil-qasam diġitali: il-parteċipazzjoni tan-nisa fl-ekonomija diġitali
25.11.2020 - (2019/2168(INI))
Rapporteur: Maria da Graça Carvalho
PR_INI
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar tnaqqis tad-disparità bejn il-ġeneri fil-qasam diġitali: il-parteċipazzjoni tan-nisa fl-ekonomija diġitali
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3(3), it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing, adottati fir-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa fl-1995, u b'mod partikolari, il-qasam ta' tħassib "In-Nisa u l-Midja",
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Vjolenza u l-Fastidju (Nru 190) tal-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol u r-Rakkomandazzjoni dwar il-Vjolenza u l-Fastidju (Nru 206) tal-istess organizzazzjoni, it-tnejn tal-2019,
– wara li kkunsidra l-eżitu tad-dokument tas-16 ta' Diċembru 2015 tal-laqgħa ta' livell għoli tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar ir-rieżami ġenerali tal-implimentazzjoni tal-eżiti tas-Summit Dinji dwar is-Soċjetà tal-Informazzjoni,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Mejju 2015 bit-titlu "Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa" (COM(2015)0192), u r-rieżami ta' nofs it-terminu dwar l-implimentazzjoni ta' din il-komunikazzjoni, bit-titlu "Suq Uniku Diġitali Konness għal Kulħadd" (COM(2017)0228),
– wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u, b'mod partikolari, il-prinċipji 1, 2, 3 u 20 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Pilastri II ("Il-ħolqien tal-kundizzjonijiet it-tajba biex in-networks u s-servizzi diġitali jkunu jistgħu jirnexxu") u III ("Il-massimizzazzjoni tal-potenzjal ta' tkabbir tal-ekonomija Ewropea tagħna") tal-istrateġija għal suq uniku diġitali tal-Kummissjoni,
– wara li kkunsidra l-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (ET 2020),
– wara li kkunsidra l-istudji tal-Kummissjoni bit-titlu "ICT for work: Digital skills in the workplace" (L-ICT għax-xogħol: Il-ħiliet diġitali fuq il-post tax-xogħol) u "Women in the Digital Age" (In-Nisa fl-Era Diġitali),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Marzu 2020 bit-titlu "Unjoni ta' Ugwaljanza: Strateġija dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi għall-2020-2025" (COM(2020)0152),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta' Lulju 2020 bit-titolu "Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza" (COM(2020)0274),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-1 ta' Ottubru 2013 bit-titlu "Women active in the ICT sector" (In-nisa attivi fis-settur tal-ICT),
– wara li kkunsidra l-Istudju tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) tas-26 ta' Jannar 2017 bit-titlu "Gender and Digital Agenda" (Il-Ġeneri u l-Aġenda Diġitali),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2016 dwar "L-iżvilupp tal-litteriżmu fil-midja u l-ħsieb kritiku permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ",
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-6 ta' Diċembru 2018 dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri, iż-Żgħażagħ u d-Diġitalizzazzjoni',
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta' Diċembru 2019 dwar Ekonomiji li Jiffavorixxu l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri fl-UE: It-Triq 'il Quddiem",
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv dwar l-Opportunitajiet Ugwali għan-Nisa u għall-Irġiel tad-19 ta' Diċembru 2018 bit-titlu "The future of gender equality strategy after 2019: the battles that we win never stay won" (Il-futur tal-istrateġija dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri wara l-2019: il-battalji li nirbħu qatt ma jibqgħu battalji mirbuħa),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Impenn dwar in-Nisa fl-Era Digitali (WID), iffirmata fl-2019 minn 27 Ministru u rappreżentanti tal-Istati Membri tal-UE flimkien man-Norveġja,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Mejju 2012 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' paga ugwali għall-ħaddiema rġiel u nisa għal xogħol ugwali jew għal xogħol ta' valur ugwali[1],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2013 dwar l-eliminazzjoni tal-istereotipi tas-sessi fl-UE[2],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2013 dwar l-Aġenda Diġitali għat-Tkabbir, il-Mobbiltà u l-Impjieg: wasal iż-żmien li nħaffu l-ħidma tagħna[3], u b'mod partikolari l-Gran Koalizzjoni għall-Impjiegi Diġitali,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ottubru 2015 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol[4],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' April 2016 dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-għoti ta' setgħa lin-nisa fl-era diġitali[5],
– wara li kkunsidra l-Forum 2019 tas-Summit Dinji dwar is-Soċjetà tal-Informazzjoni (WSIS) dwar "It-teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni biex jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli",
– wara li kkunsidra l-Forum 2020 tad-WSIS dwar "It-trawwim tat-trasformazzjoni diġitali u s-sħubijiet globali: Il-Linji ta' Azzjoni tad-WSIS biex jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs)",
– wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar l-għoti tas-setgħa lin-nisa u l-bniet permezz tas-settur diġitali (O-000004/2018 – B8‑0010/2018),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2018 dwar l-għoti tas-setgħa lin-nisa u l-bniet permezz tas-settur diġitali[6],
– wara li kkunsidra l-laqgħa tal-kumitat interparlamentari tiegħu li saret fil-Jum Internazzjonali tan-Nisa fl-2018 dwar it-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u l-bniet fil-midja u l-ICT,
– wara li kkunsidra l-analiżi profonda bit-titlu "Empowering women on the Internet" (It-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa fuq l-Internet), ippubblikata mid-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni tal-Unjoni tiegħu fit-30 ta' Ottubru 2015[7],
– wara li kkunsidra l-istudju bit-titlu "The underlying causes of the digital gender gap and possible solutions for enhanced digital inclusion of women and girls" (Il-kawżi sottostanti tad-disparità bejn il-ġeneri fil-qasam diġitali u s-soluzzjonijiet possibbli għal inklużjoni diġitali mtejba tan-nisa u l-bniet) ippubblikat mid-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni tiegħu fil-15 ta' Frar 2018[8],
– wara li kkunsidra l-istudju bit-titolu "Cyber violence and hate speech online against women" (Il-vjolenza ċibernetika u d-diskors ta' mibegħda online kontra n-nisa), ippubblikat mid-Direttorat Ġenerali tiegħu għall-Politiki Interni fis-16 ta' Awwissu 2018[9],
– wara li kkunsidra l-istudju bit-titlu "Education and employment of women in science, technology and the digital economy, including AI and its influence on gender equality" (L-edukazzjoni u l-impjieg tan-nisa fix-xjenza, it-teknoloġija u l-ekonomija diġitali, inklużi l-IA u l-influwenza tagħha fuq l-ugwaljanza tal-ġeneri) ippubblikat mid-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni tiegħu fil-15 ta' April 2020[10],
– wara li kkunsidra l-istħarriġ tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) bit-titlu "Violence against women: an EU-wide survey" (Il-vjolenza fuq in-nisa: stħarriġ mal-UE kollha), ippubblikat fl-2014,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI[11],
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Ġunju 2012 bit-titlu "L-istrateġija tal-UE lejn il-Qerda tat-Traffikar tal-Bnedmin 2012-2016" (COM(2012)0286) u r-rapport ta' nofs it-terminu tas-17 ta' Ottubru 2014 dwar l-implimentazzjoni tagħha (SWD(2014)0318),
– wara li kkunsidra t-tabella ta' valutazzjoni dwar in-Nisa fl-Era Diġitali[12],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A9-0232/2020),
A. billi, skont l-Artikolu 8 tat-TFUE, fl-attivitajiet kollha tagħha, l-Unjoni jeħtieġ li jkollha l-għan li telimina l-inugwaljanza, u li tippromwovi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel; billi sabiex tinkiseb l-ugwaljanza tal-ġeneri, il-bniet u n-nisa żgħażagħ jeħtieġu aċċess ugwali għat-teknoloġija u t-taħriġ diġitali, u li jkunu sikuri online; billi l-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDG) 5 jirreferi għall-ugwaljanza tal-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa, u dan jinvolvi l-użu tat-teknoloġija u l-internet;
B. billi d-diġitalizzazzjoni biddlet l-biċċa l-kbira tal-aspetti ta' ħajjitna b'mod fundamentali, b'modi li joħolqu għadd bla qies ta' opportunitajiet iżda li jippreżentaw ukoll sfidi ġodda; billi l-kriżi tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha x'aktarx li jirriżultaw f'bidliet permanenti għall-ħajja fl-Ewropa, fejn id-diġitalizzazzjoni se jkollha rwol ewlieni; billi l-impatt tad-diġitalizzazzjoni fuq il-prospetti ta' impjieg tan-nisa u r-ramifikazzjonijiet tat-telexogħol jeħtieġ li jiġu riċerkati u evalwati; billi l-bilanċ bejn it-telexogħol, il-ħajja privata u r-responsabbiltajiet ta' indukrar iżid pressjoni addizzjonali, u n-nisa għalhekk jiffaċċjaw piż emozzjonali, mentali u soċjali akbar; billi, minħabba l-pandemija, is-suq tax-xogħol qed jiffaċċja l-isfida bi trasformazzjoni diġitali ewlenija;
C. billi l-istereotipi tal-ġeneru jikkostitwixxu ostaklu serju għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, jikkontribwixxu għas-segregazzjoni tal-ġeneru fl-edukazzjoni u fl-impjieg, filwaqt li jwessgħu aktar id-disparità bejn il-ġeneri fis-settur diġitali u jipprevjenu l-parteċipazzjoni sħiħa tan-nisa bħala utenti, innovaturi u ħallieqa; billi l-istereotipi komuni jassoċjaw il-kapaċità intellettwali ta' livell għoli aktar mal-irġiel milli man-nisa, u dawn l-istereotipi huma approvati minn, u jinfluwenzaw l-interessi tat-tfal ta' età daqstant żgħira daqs dik ta' sitt snin, speċifikament il-bniet;
D. billi l-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri għall-2019 jiżvela inugwaljanzi persistenti bejn il-ġeneri fis-settur diġitali;
E. billi d-data tal-Eurostat mill-2018 uriet li madwar 1.3 miljun persuna kienu qed jistudjaw it-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (ICTs) fl-Unjoni Ewropea u li l-bniet u n-nisa fil-biċċa l-kbira kienu fil-minoranza, u jammontaw għal 17 % biss tal-istudenti kollha tal-ICT fl-UE;
F. billi 73 % tas-subien li għandhom bejn il-15 u s-16-il sena jħossuhom komdi jużaw apparat diġitali li huma anqas familjari miegħu, meta mqabbla ma' 63 % tal-bniet tal-istess grupp ta' età[13] li jħossuhom inqas kunfidenti, minkejja l-fatt li jipposjedu l-ħiliet biex ikunu aqwa mis-subien fil-litteriżmu diġitali;
G. billi l-istereotipi tal-ġeneru jinfluwenzaw ħafna l-għażliet tas-suġġetti; billi huma ftit it-tfajliet adolexxenti fl-Istati Membri tal-UE (inqas minn 3 %) li jesprimu interess li jkunu jaħdmu bħala professjonisti tal-ICT meta jkollhom 30 sena[14]; billi l-għalliema u l-ġenituri jistgħu japprofondixxu l-istereotipi tal-ġeneru billi jiskoraġġixxu lill-bniet milli jsegwu karriera fl-ICT; billi l-eliminazzjoni tal-aspettattivi speċifiċi għall-ġeneru dwar il-professjonijiet u t-trawwim ta' mudelli femminili fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM) u l-ICT jistgħu jinkoraġġixxu lill-bniet jistudjaw l-ICT;
H. billi n-nisa fis-settur tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni jaqilgħu 19 % inqas mill-irġiel; billi d-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi tikkontribwixxi direttament għad-differenza bejn il-ġeneri fil-pensjonijiet[15]; billi l-livelli tas-salarji tan-nisa u tal-irġiel iridu jkunu konsistenti mal-prinċipju tal-ġustizzja u l-ugwaljanza;
I. billi madwar id-dinja kollha, in-nisa bħala grupp demografiku jużaw l-internet inqas ta' sikwit mill-irġiel, jew biex jinstallaw software jew jużaw servizzi tar-radju u t-televiżjoni online, servizzi bankarji online jew servizzi tal-kummerċ elettroniku;
J. billi f'dawn l-aħħar sentejn kien hemm żieda fl-għadd ta' nisa li jaħdmu fiċ-ċibersigurtà, madankollu ċ-ċifri għadhom baxxi b'mod sinifikanti: in-nisa jirrappreżentaw inqas minn 20 % tal-professjonisti taċ-ċibersigurtà fl-Ewropa;
K. billi fil-futur, aktar minn 90 % tal-impjiegi huma mistennija li se jirrikjedu ċertu grad ta' ħiliet diġitali u kompetenza diġitali;
L. billi hemm ċans akbar li n-nisa jsibuha diffiċli biex isibu posthom fis-settur tax-xogħol tal-ICT minħabba diversi ostakli, bħall-istereotipi tal-ġeneru u postijiet tax-xogħol iddominati mill-irġiel u nieqsa mid-diversità; billi hemm segregazzjoni vertikali u orizzontali konsiderevoli fis-settur tal-ICT u n-nisa sikwit ikunu kkwalifikati żżejjed għall-pożizzjonijiet li jokkupaw; billi n-nisa li jokkupaw pożizzjonijiet għolja fl-inġinerija tas-software huma biss minoranza żgħira;
M. billi l-użu u l-ħolqien tas-software qed isiru assi ewlenin għat-trasformazzjoni diġitali; billi d-differenza bejn il-ġeneri fl-iżviluppaturi u l-inġiniera tas-software hija kwistjoni ta' tħassib f'termini tal-involviment tan-nisa fis-settur, flimkien mal-preġudizzji potenzjali diskriminatorji tal-ġeneru konsapevoli u inkonsapevoli fl-applikazzjonijiet tal-IA, il-videogames u l-ġugarelli, u applikazzjonijiet oħra;
N. billi l-istħarriġ tal-FRA dwar il-vjolenza kontra n-nisa juri li 14 % tan-nisa esperjenzaw fastidju ċibernetiku mill-età ta' 15-il sena[16]; billi ġew rappurtati inċidenzi għolja ta' fastidju sesswali f'siti tal-edukazzjoni STEM, inklużi l-iskejjel, l-universitajiet u l-postijiet tax-xogħol, li jkomplu jeskludu lin-nisa mis-settur; billi ħafna nisa sfaw vittmi ta' forom ġodda ta' fastidju sesswali u psikoloġiku online matul il-perjodu tal-COVID-19, inkluż ibbumbardjar fuq l-internet, stalking jew theddid; billi teżisti l-ħtieġa urġenti ta' miżuri biex jiġu indirizzati dawn il-forom ġodda ta' fastidju sesswali u psikoloġiku; billi l-oġġettifikazzjoni, l-ipersesswalizzazzjoni u l-isfruttament tan-nisa online, b'mod partikolari permezz tal-pornografija bl-internet, għandhom effett devastanti fuq il-bini tas-sesswalità u fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri b'mod aktar ġenerali;
O. billi l-ICT huwa settur bi proporzjon baxx ta' ħaddiema nisa; billi għadd kbir ta' nisa jabbandunaw l-edukazzjoni ta' livell ogħla, l-opportunitajiet akkademiċi u l-karrieri fl-ICT tagħhom (il-fenomenu magħruf bħala "leaky pipeline"), l-aktar minħabba nuqqas ta' bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, restrizzjonijiet organizzattivi u ambjent iddominat mill-irġiel; billi t-telf tal-produttività annwali għall-ekonomija Ewropea minħabba li n-nisa jħallu l-impjiegi diġitali tagħhom biex isiru inattivi huwa ta' EUR 16.1 biljun[17];
P. billi s-settur tat-tekonoloġija tal-informazzjoni ra żieda sinifikanti fil-membri nisa fuq il-bordijiet, iżda huwa wkoll is-settur bl-ogħla perċentwal ta' bordijiet li l-membri tagħhom huma kollha rġiel;
Q. billi l-kompetenza diġitali tfisser il-kapaċità li tinkiseb, tiġi pproċessata u kkomunikata l-informazzjoni diġitali, u hija affettwata mill-isfond soċjokulturali u ekonomiku; billi n-nisa jqattgħu aktar ħin mill-irġiel fl-indukrar bla ħlas u fix-xogħol domestiku; billi dan jirrestrinġi l-ħin liberu tagħhom, il-ħin tax-xogħol imħallas jew l-opportunitajiet biex jiksbu kompetenza diġitali u ħiliet fl-użu tal-internet; billi azzjonijiet immirati lejn il-qawmien ta' kuxjenza, l-isfidar tal-istereotipi u n-normi tal-ġeneru, u lejn il-kisba ta' ridistribuzzjoni aħjar tal-indukrar tat-tfal mingħajr ħlas u x-xogħol tad-dar jippermettu parteċipazzjoni akbar tan-nisa fis-swieq tax-xogħol u fit-taħriġ (diġitali), u jippermettulhom jiksbu kompetenza diġitali aħjar;
R. billi perċentwal marġinali biss tal-kapitalisti ta' riskju, investituri informali u investituri huma nisa; billi peress li l-bniet għandhom it-tendenza li jistudjaw inqas suġġetti tal-ICT u STEM mill-iskola primarja u matul l-iskola sekondarja sal-università, dan iwassal għal għadd ħafna aktar baxx ta' nisa li jaħdmu f'dawn l-oqsma fis-suq tax-xogħol u bħala fundaturi u sidien ta' kumpaniji privati u negozji ġodda; billi l-perċentwal aktar baxx ta' nisa li jipparteċipaw fit-teknoloġija għandu effett dirett fuq l-iżviluppi kollha tas-soċjetà u joħloq preġudizzju fl-innovazzjoni li jolqot it-tipi ta' innovazzjonijiet u teknoloġiji ġodda li jiġu rilaxxati lill-konsumaturi;
S. billi x-xejriet juru tnaqqis fl-għadd ta' nisa li qed isegwu edukazzjoni għolja relatata mal-ICT meta mqabbla mal-2011; billi mit-8 miljun speċjalist tal-ICT fl-UE, 17 % huma nisa; billi, kieku aktar nisa kellhom jidħlu fis-suq tal-impjiegi diġitali, is-settur jibbenefika ħafna minn ġabra ta' talenti mhux sfruttati ta' ħiliet u varjetà ta' perspettivi, li jistgħu jagħtuspinta ta' EUR 16-il biljun kull sena fil-PDG għall-ekonomija Ewropea;
T. billi, skont ir-Rapport Globali dwar id-Distakk bejn il-Ġeneri tal-Forum Ekonomiku Dinji tal-2018, 22 % biss tal-professjonisti tal-IA fid-dinja huma nisa, meta mqabbla ma' 78 % li huma rġiel, li jammontaw għal distakk bejn il-ġeneri ta' 72 % li għad irid jingħalaq; billi fl-2019, USD 92 minn kull USD 100 investiti f'kumpaniji tat-teknoloġija Ewropej marru għand timijiet fundaturi li kienu kollha rġiel[18];
U. billi l-inklużjoni diġitali tfisser il-ħila tal-individwi u l-komunitajiet kollha li jkollhom aċċess għall-ICT u l-użu tagħha; billi n-nuqqas ta' aċċess, affordabbiltà u edukazzjoni, kif ukoll l-aspettattivi u normi soċjokulturali relatati mal-ġeneru, il-parteċipazzjoni edukattiva aktar baxxa fi STEM u ICTs, l-użu limitat ta' għodod diġitali u inqas attività fuq il-pjattaformi soċjali li jirriżultaw mill-vjolenza ċibernetika fil-konfront tal-bniet u n-nisa huma kollha fatturi li jeskludu lil dawn tal-aħħar mill-inklużjoni diġitali; billi d-dimensjoni tal-inklużjoni diġitali tal-ġeneru għandha tkun parti mill-inizjattivi u l-investimenti kollha tal-UE relatati mal-ICT u d-diġitalizzazzjoni;
V. billi l-inklużjoni finanzjarja diġitali tfisser aċċess u użu diġitali ta' servizzi finanzjarji formali adatti għall-ħtiġijiet u mogħtija b'mod responsabbli bi prezz li jintlaħaq; billi l-liġijiet u n-normi li jistgħu jdgħajfu d-dritt tan-nisa li jipparteċipaw fil-forza tax-xogħol, jikkontrollaw l-assi, jistabbilixxu u jaċċessaw il-finanzjament biex ikabbru negozji formali u jieħdu d-deċiżjonijiet ekonomiċi tagħhom stess huma r-raġunijiet ewlenin għall-esklużjoni finanzjarja tan-nisa; billi madwar biljun mara għad m'għandhomx aċċess għal servizzi finanzjarji formali, minħabba n-nuqqas ta' aċċess tagħhom għal dokumenti ta' identifikazzjoni, mobiles, ħiliet diġitali u nuqqas ta' għarfien finanzjarju, kif ukoll minħabba prodotti mhux inadegwati; billi aċċess aħjar għas-servizzi finanzjarji diġitali responsabbli u użu aħjar tagħhom jistgħu jgħinu lin-nisa jibnu l-poter u l-indipendenza ekonomiċi tan-nisa;
W. billi l-kapaċità tan-nisa li jaċċessaw u jużaw it-teknoloġiji diġitali hija milquta minn ħafna fatturi, inklużi l-investimenti, ir-regolamenti u l-kompetizzjoni; billi n-nisa u l-bniet f'reġjuni rurali u li diffiċli jintlaħqu jħabbtu wiċċhom ma' sfidi u ostakli biex jaċċessaw l-internet u t-teknoloġiji u l-infrastruttura diġitali, li jżommuhom milli jkunu kapaċi jħaddnu għalkollox il-potenzjal diġitali tat-teknoloġija moderna; billi, speċjalment fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, in-nisa u l-bniet fiż-żoni rurali ġeneralment jaħdmu fl-agrikoltura u x-xogħol tagħhom spiss ikun mingħajr ħlas u prekarju, u dan iwassal biex huma jgħixu f'ambjenti teknoloġikament foqra u għal diffikultajiet fl-aċċessibilità tat-teknoloġiji diġitali;
Kummenti ġenerali
1. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jallinjaw il-miżuri li jrawmu t-tranżizzjoni diġitali mal-għanijiet tal-Unjoni dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jenfasizza li t-tranżizzjoni diġitali m'għandha tħalli lil ħadd lura; jilqa' l-impenji tal-Kummissjoni biex tagħti spinta lill-parteċipazzjoni tan-nisa fl-ekonomija diġitali u fis-soċjetà tal-informazzjoni inkluża fl-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2020-2025; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tindirizza d-differenza serja bejn il-ġeneri fi ħdan is-settur tal-ICT fl-aġenda diġitali, l-istrateġija diġitali Ewropea u l-politiki u l-inizjattivi l-oħra kollha tal-ħiliet u l-edukazzjoni tad-diġitalizzazzjoni, b'miżuri konkreti mmirati speċifikament li jżidu l-parteċipazzjoni tan-nisa u l-bniet fis-settur; jenfasizza li ż-żieda fil-parteċipazzjoni tan-nisa fis-settur diġitali jista' jkollha impatt importanti fuq il-ġlieda kontra l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri, l-istereotipi u d-diskriminazzjoni, it-titjib tal-aċċess għas-suq tax-xogħol għan-nisa u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom, kif ukoll l-indirizzar tad-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu finanzjament xieraq għal programmi mmirati biex jattiraw għadd akbar ta' bniet u nisa biex jistudjaw u jaħdmu fis-setturi STEM, jistabbilixxu programmi ta' intraprenditorija li jiffinanzjaw lin-nisa u l-bniet li jibdew proġetti teknoloġiċi jew kumpaniji ġodda, jiżviluppaw strateġiji bl-għan li jżidu l-inklużjoni diġitali tal-bniet u n-nisa, u l-inklużjoni finanzjarja diġitali, fl-oqsma relatati mal-iSTEM, l-IA u s-settur tar-riċerka u l-innovazzjoni, u jadottaw approċċ f'diversi livelli biex jindirizzaw id-distakk bejn il-ġeneri fil-livelli kollha tal-edukazzjoni u l-impjiegi fis-settur diġitali;
2. Jistieden lill-Kummissjoni tqis kif jixraq l-opportunitajiet indaqs għan-nisa u l-irġiel u d-disparità bejn il-ġeneri fil-qasam diġitali meta tinnegozja programmi fil-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) li jmiss u fondi u self fl-ambitu tal-Pjan ta' Rkupru, u żżid l-għarfien ta' dawn il-mekkaniżmi fost in-nisa; jenfasizza li l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri u l-ibbaġitjar skont il-ġeneru b'indikaturi li jistgħu jitkejlu għandhom ikunu parti mill-politiki li jappoġġaw l-iżvilupp tal-ICT; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali u tal-proposti futuri kollha relatati mal-qasam diġitali;
3. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tad-Dikjarazzjoni Ministerjali ta' Impenn dwar in-"Nisa fl-Era Digitali"; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja l-implimentazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali transsettorjali tal-Istati Membri dwar in-nisa fil-qasam diġitali;
Edukazzjoni
4. Jissottolinja l-importanza li tiġi żgurata l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fl-edukazzjoni diġitali fil-livelli kollha, inkluża l-edukazzjoni extrakurrikulari, informali u mhux formali, anke għall-għalliema; jitlob li jkun hemm strateġiji speċifiċi għal gruppi ta' etajiet differenti;
5. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, kif ukoll lill-iżviluppaturi, negozji u universitajiet, jindirizzaw id-differenza bejn il-ġeneri fis-settur tal-ICT u jikkooperaw sabiex jinstabu soluzzjonijiet u jkun hemm skambju tal-aħjar prattiki għal inklużjoni aħjar tal-bniet f'suġġetti rilevanti għall-edukazzjoni diġitali minn età żgħira ħafna 'l quddiem; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jiżviluppaw, jappoġġaw u jimplimentaw l-azzjonijiet promossi min-NU u l-korpi tagħha;
6. Jistieden lill-Kummissjoni tindirizza bir-reqqa l-kwistjoni tal-għadd baxx ta' nisa li jipparteċipaw fi studji u karrieri fl-ICT, u tiżgura perspettiva soda tal-ġeneru fil-programm Ewropa Diġitali u l-Pjan ta' Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali aġġornat, inklużi l-aċċessibbiltà u l-affordabbiltà tat-tagħmir diġitali; jistieden lill-entitajiet edukattivi jinkludu komponent tal-ġeneru fil-kurrikuli, fil-materjali edukattivi u fil-prattiki ta' tagħlim relatati mal-iSTEM u mal-ICT minn età bikrija, biex iħeġġu lill-bniet jibdew u jkomplu jistudjaw il-matematika, l-ikkowdjar, il-klassijiet tal-ICT u s-suġġetti tax-xjenza fl-iskejjel; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu mal-istituzzjonijiet edukattivi u mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jivvalutaw u jfasslu mill-ġdid il-formati edukattivi tal-ICT;
7. Jissottolinja l-importanza li n-nisa u l-bniet ikunu awturi wkolltal-ġejjieni tagħhom fl-iSTEM, u li l-ICT issir parti integrali mill-edukazzjoni fl-iskola preprimarja u primarja, filwaqt li jiġu abbandunati l-istereotipi tal-ġeneru dannużi għall-bniet u għas-subien;
8. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu l-perspettiva tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-iżvilupp tal-politiki tal-edukazzjoni diġitali biex jippermettu lill-istudenti kollha, kemm nisa kif ukoll irġiel, jaffrontaw l-isfidi futuri; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu skemi ta' mentoraġġ li jkollhom mudelli femminili fl-ICT fil-livelli kollha tal-edukazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu kampanji ta' qawmien ta' kuxjenza mmirati kemm lejn l-istudenti kif ukoll lejn il-ġenituri tagħhom biex jiġġieldu l-istereotipi tal-ġeneri fil-proġetti skolastiċi u fl-impjiegi; jenfasizza l-importanza li n-nisa jingħataw il-mertu għax-xogħol tagħhom, sabiex il-bniet ma jarawx biss ismijiet maskili fil-kotba tax-xjenza, iżda jkollhom ukoll mudelli femminili;
9. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw it-tagħlim tul il-ħajja sabiex jiffaċilitaw it-tranżizzjoni professjonali tan-nisa għal pożizzjonijiet relatati mal-ICT, kif ukoll taħriġ u skemi sabiex tingħata spinta lill-ħiliet elettroniċi, it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-bniet u tan-nisa; jenfasizza li r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u l-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa jridu jiżguraw perspettiva tal-ġeneru;
10. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw politiki u miżuri biex jiġi indirizzat il-fenomenu ta' "leaky pipeline";
11. Jitlob li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri ssir parti konsistenti u strutturali tal-istrateġija u l-politiki futuri tal-UE għaż-żgħażagħ;
Impjiegi u intraprenditorija
12. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jittrasponu u jimplimentaw għalkollox id-Direttiva dwar il-Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja Privata u jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja b'mod effettiv biex tiżgura li ż-żewġ ġenituri jgawdu mil-liv tal-paternità, tal-ġenituri u tal-indukraturi; iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkunsidraw l-ICT bħala mezz biex jippromwovu l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u biex josservaw ix-xejriet fid-diġitalizzazzjoni tad-dinja tax-xogħol, inkluż is-settur diġitali, sabiex jadattaw il-miżuri eżistenti tagħhom tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, jekk meħtieġ, u biex jippromwovu u jsaħħu s-sistemi tagħhom immirati lejn distribuzzjoni ugwali tar-responsabbiltajiet ta' indukrar; f'dan il-kuntest, iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintroduċu politiki li jindirizzaw is-sitwazzjoni ta' dawk li jaħdmu għal rashom, b'mod partikolari l-intraprendituri nisa fis-setturi tal-ICT u dawk diġitali, u l-ħtieġa tagħhom ta' aċċess għal sistemi ta' protezzjoni soċjali, liv tal-maternità u l-indukrar tat-tfal; jirrimarka li t-telexogħol jippermetti lin-nisa jaħdmu mid-dar u għandu l-potenzjal li jwassal għal bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata; jinnota, madankollu, li dan għandu jiġi mmonitorjat u rregolat kif xieraq mill-Istati Membri;
13. Jisħaq li d-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi għandha impatt negattiv fuq il-benefiċċji tas-sigurtà soċjali u d-diskrepanza fil-pensjonijiet għan-nisa, inkluż fis-settur diġitali; Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tippreżenta miżuri vinkolanti dwar it-trasparenza fil-pagi sa tmiem l-2020, filwaqt li jitqiesu kif jixraq iċ-ċirkostanzi uniċi tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju tal-Ewropa, u d-diversi mudelli tas-suq tax-xogħol li jeżistu fl-UE, sabiex jiġu indirizzati b'mod effettiv id-differenzi bejn il-ġeneri fil-pagi u fil-pensjonijiet u l-faqar fix-xjuħija;
14. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri f'kumpaniji fl-ICT u f'setturi relatati u fl-ekonomija diġitali, u jadottaw politiki orizzontali biex inaqqsu d-differenza bejn il-ġeneri fl-ekonomija diġitali permezz ta' miżuri mmirati, inklużi fondi Ewropej għall-finanzjament ta' proġetti mmexxija min-nisa fis-settur diġitali, il-promozzjoni ta' għadd minimu ta' riċerkaturi nisa parteċipanti fi proġetti tal-ICT, korsijiet ta' taħriġ lid-dipartimenti tar-riżorsi umani dwar "preġudizzji diskriminatorji inkonsapevoli tal-ġeneru" biex ikun promoss ir-reklutaġġ b'bilanċ bejn il-ġeneri, it-tfassil ta' premjijiet u skemi għall-kumpaniji u l-organizzazzjonijiet li b'mod attiv jimplimentaw politiki newtrali fir-rigward tal-ġeneri marbuta ma' miri li jistgħu jitkejlu, il-promozzjoni tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fl-istrateġiji tal-kumpanji fil-produzzjoni, id-disinn u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tal-ICT, rapporti annwali dwar id-diversità d-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi mill-kumpaniji tal-ICT, politiki tal-akkwist pubbliku u/jew linji gwida dwar ix-xiri ta' servizzi tal-ICT mingħand fornituri li japplikaw bilanċ bejn il-ġeneri fil-kompożizzjoni tal-kumpaniji u tal-bordijiet tagħhom, il-faċilitazzjoni tad-distribuzzjoni ta' fondi Ewropej għal kumpaniji li jqisu l-kriterji tal-bilanċ bejn il-ġeneri u t-tħeġġiġ tal-implimentazzjoni ta' pjanijiet u protokolli tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri biex tittejjeb u tiġi monitorjata l-prestazzjoni tal-kumpaniji fir-rigward tal-parteċipazzjoni tan-nisa, inkluż fil-livelli tal-ġestjoni u tat-tmexxija, kif ukoll programmi ta' mentoraġġ;
15. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jivvalutaw għalkollox il-kawżi u l-fatturi li jwasslu għal rata għolja ta' tluq tan-nisa minn karrieri diġitali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri janalizzaw l-effett li għandu n-nuqqas ta' bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata fuq il-ħila tan-nisa li jipparteċipaw fit-taħriġ ta' titjib tal-ħiliet meħtieġ biex jinżamm il-livell ta' ħiliet meħtieġ fis-settur tal-ICT; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw mekkaniżmi u programmi għall-integrazzjoni tan-nisa u l-bniet f'inizjattivi ta' edukazzjoni, taħriġ u impjieg fis-settur diġitali, irrispettivament mill-istatus ta' migrazzjoni legali tagħhom;
16. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jrawmu l-intraprenditorija u l-involviment tan-nisa fl-innovazzjoni u jżidu l-opportunitajiet ta' finanzjament għall-intraprendituri nisa u n-negozji ġodda diġitali mmexxija min-nisa, u jtejbu l-aċċessibbiltà tal-fondi eżistenti sabiex ikollhom opportunitajiet indaqs biex jikkompetu fis-suq uniku diġitali u jinkoraġġixxu kompożizzjoni aktar ibbilanċjata bejn il-ġeneri tal-istituzzjonijiet ta' finanzjament;
17. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-finanzjament għar-riċerka dwar kwistjonijiet relatati mal-ġeneri fl-ICT;
18. Iqis li huwa ta' rilevanza kbira li jkun hemm aktar mudelli femminili u li jiżdied in-numru ta' nisa f'karigi ta' tmexxija fis-settur tal-ICT; jistieden lill-irġiel mudelli biex jitkellmu favur l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-ekonomija diġitali; jenfasizza l-ħtieġa li l-kumpaniji tal-ICT jintroduċu prattiki tar-riżorsi umani li jippromwovu d-diversità, bħall-bilanċ bejn il-ġeneri fil-pożizzjonijiet maniġerjali medji u superjuri, u fuq il-bordijiet tal-kumpaniji; jilqa' l-intenzjoni ddikjarata tal-Kummissjoni li tħeġġeġ l-adozzjoni tal-proposta tal-2012 għal Direttiva dwar il-bilanċ bejn il-ġeneri fost id-diretturi mhux eżekuttivi ta' kumpaniji elenkati fil-borża (l-hekk imsejħa Direttiva dwar in-Nisa fuq il-Bordijiet), u jħeġġeġ lill-Kunsill jiżblokkaha u jadottaha;
Is-setturi tal-kultura, tal-midja u awdjoviżivi
19. Jenfasizza l-impatt tas-setturi kulturali, tal-midja, tar-reklamar u awdjoviżivi fl-iżvilupp u l-intensifikazzjoni tal-istereotipi tal-ġeneri u l-promozzjoni ta' ostakli normattivi u kulturali, replikati permezz tal-lingwa u tal-immaġnijiet imxerrda;
20. Jistieden lill-industriji awdjoviżivi u tal-midja juru dejjem aktar lin-nisa fi professjonijiet relatati mal-iSTEM u mal-ICT, u biex jintroduċu rappreżentazzjonijiet tad-diversità u ta' opportunità fi ħdan l-iSTEM u l-ICT; jistieden lill-industriji tal-midja jinkludu n-nisa fuq panels ta' diskussjoni, f'artikli tal-gazzetti u fi spazji oħra fejn jiġu ffurmati l-opinjoni pubblika u d-diskors dwar suġġetti teknoloġiċi;
21. Ifakkar fl-importanza li jiġu eliminati l-preġudizzji diskriminatorji tal-ġeneru konsapevoli u inkonsapevoli mill-algoritmi, l-applikazzjonijiet tal-IA, il-videogames u l-ġugarelli, li jnaqqsu mill-valur tar-rwol tan-nisa u jwasslu għal tnaqqis fil-parteċipazzjoni tan-nisa fl-oqsma diġitali, tal-IA u tal-ICT; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi indirizzat il-preġudizzju fl-innovazzjoni fi ħdan is-settur tal-ICT, fejn id-disinjaturi u l-iżviluppaturi ta' servizzi, software u applikazzjonijiet tal-utenti huma fil-biċċa l-kbira rġiel u l-utenti huma prinċipalment nisa;
It-tisħiħ tal-pożizzjoni ċivika, politika u ekonomika lin-nisa
22. Jisħaq li l-ICTs jistgħu jżidu ħafna l-kapaċità tan-nisa li jieħdu sehem fil-proċessi elettorali, konsultazzjonijiet pubbliċi, stħarriġ u dibattiti, kif ukoll li jorganizzaw u jiġġieldu favur id-drittijiet tan-nisa; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu d-dimensjoni tal-ġeneru meta jfasslu inizjattivi tal-gvern elettroniku; jissottolinja l-effikaċja tal-użu tal-internet għal kampanji, fora u l-għoti ta' spinta lill-viżibbiltà tal-mudelli femminili;
23. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom b'mod kostruttiv u jappoġġaw lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili diġitali u jħeġġuhom jinvolvu ruħhom fil-governanza tal-internet; jistieden ukoll lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu mill-qrib man-nisa u mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tan-nisa u jinvolvuhom sabiex jirrispondu aħjar u jtaffu t-tħassib li jeżisti fil-ħajja ta' kuljum tan-nisa u l-bniet meta jfasslu u jimplimentaw politiki tat-teknoloġija pubblika, u jippromwovu l-inklużjoni ekonomika u diġitali tan-nisa;
24. Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jorganizzaw kampanji ta' qawmien ta' kuxjenza, ta' taħriġ u ta' integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri biex jenfasizzaw l-impatt tal-profiċjenza fl-ICT fuq it-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika lin-nisa;
25. Iqis li n-nisa jeħtieġ li jiġu mħeġġa jaqdu rwol aktar kritiku fit-tfassil, l-iżvilupp, il-kostruzzjoni u l-manutenzjoni ta' bliet intelliġenti jew irħula intelliġenti;
Ġbir tad-data
26. Jilqa' l-ħolqien tat-tabella ta' valutazzjoni dwar in-Nisa fl-Era Diġitali bħala parti integrali mill-Indiċi tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali (DESI), kif ukoll l-erba' indikaturi ġodda proposti mill-EIGE fir-rapport tiegħu tal-2018 bit-titlu "Gender equality and youth: opportunities and risks of digitalisation" (L-ugwaljanza bejn il-ġeneri u ż-żgħażagħ: l-opportunitajiet u r-riskji tad-diġitalizzazzjoni);
27. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, kif ukoll lill-pjattaformi u lin-negozji, jiġbru data komparabbli diżaggregata skont il-ġeneru u l-età dwar l-użu tal-ICT, u jipproponu inizjattivi, inkluża r-riċerka, biex jifhmu u jindirizzaw il-kawżi ewlenin tad-disparità bejn il-ġeneri fil-qasam diġitali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiġbru u jużaw data eżistenti diżaggregata skont il-ġeneru biex jippromwovu aktar riċerka fl-interazzjoni tal-fatturi differenti li jimpedixxu l-inklużjoni diġitali tan-nisa u l-bniet; jenfasizza li l-ġbir armonizzat tad-data jiffaċilita t-tqabbil u l-kondiviżjoni tad-data u tal-eżempji tal-aħjar prattiki mill-Istati Membri;
Il-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru: Il-vjolenza ċibernetika
28. Jirrikonoxxi bi tħassib kbir iż-żieda fir-reati tal-informatika u fl-atti ta' intimidazzjoni, bullying, doxing, fastidju u vjolenza kontra n-nisa fid-dinja diġitali; jenfasizza l-importanza tal-litteriżmu diġitali u medjatiku, l-iġjene ċibernetika u ċ-ċibersikurezza; jitlob li jkun hemm fondi u kampanji biex titqajjem kuxjenza u jiġu edukati n-nisa dwar kif jiżguraw il-kontijiet u l-komunikazzjonijiet tagħhom biex jipproteġu lilhom infushom online u dwar il-komunikazzjoni soċjali rispettuża fuq l-internet biex iwissu lin-nisa dwar persuni li potenzjalment jagħtu fastidju jew huma aggressuri, kif ukoll biex jinfurmawhom dwar kif ifittxu l-għajnuna f'każ ta' inċident; iqis li tali kampanji għandhom jiġġieldu l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-istereotipi tal-ġeneru, jedukaw lill-irġiel dwar l-imġiba lejn in-nisa online u jiżguraw il-libertà ta' espressjoni kontinwa tan-nisa u l-parteċipazzjoni sinifikanti fid-diskors pubbliku; iqis, barra minn hekk, li l-kumpaniji u l-iżviluppaturi għandhom jindirizzaw il-vjolenza u l-abbuż abbażi tal-ġeneru online fuq l-infrastrutturi tagħhom permezz ta' mekkaniżmi effettivi ta' rappurtar u ta' sospensjoni; jistieden lill-Istati Membri jiffaċilitaw il-mezzi ta' rapportar u jappoġġaw l-iżvilupp ta' għodod tat-taħriġ għall-forza tal-pulizija, is-sistema ġudizzjarja u s-settur tat-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni biex isaħħu l-pożizzjoni tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi biex jinvestigaw u jħarrku b'mod effettiv lill-aggressuri malizzjużi u jappoġġaw lill-vittmi ta' fastidju u vjolenza online;
29. Jitlob lill-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi tal-UE, kif ukoll lill-Istati Membri u l-aġenziji tagħhom tal-infurzar tal-liġi, biex jikkooperaw u jieħdu passi konkreti sabiex jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom kontra l-użu tal-ICT għat-twettiq tar-reati, inkluż il-fastidju sesswali online u t-traffikar tal-bnedmin għall-fini ta' sfruttament sesswali, u biex jiġbru data diżaggregata skont il-ġeneru dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru online; jilqa' t-tħabbira tal-Kummissjoni ta' stħarriġ dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu finanzjament xieraq għall-iżvilupp ta' soluzzjonijiet tal-IA li jipprevjenu u jiġġieldu l-vjolenza ċibernetika, il-fastidju sesswali online, l-isfruttament tan-nisa u l-bniet, u l-fastidju fuq il-post tax-xogħol; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu rieżami tal-liġi kriminali tagħhom biex jiżguraw li forom ġodda ta' vjolenza diġitali jiġu definiti, rikonoxxuti u kriminalizzati, u jirratifikaw il-Konvenzjoni dwar il-Vjolenza u l-Fastidju tal-ILO tal-2019, li tapplika, fost l-oħrajn, għal komunikazzjonijiet relatati max-xogħol;
30. Iqis li huwa essenzjali għall-ksib tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri li tinħoloq edukazzjoni sesswali u dwar ir-relazzjonijiet li tkun komprensiva u adatta għall-età u tinkludi l-ġlieda kontra l-vjolenza ċibernetika u l-fastidju sesswali online, filwaqt li barra minn hekk tiġġieled l-oġġettifikazzjoni online, l-ipersesswalizzazzjoni u l-isfruttament sesswali tan-nisa; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw politiki u miżuri biex jindirizzaw l-okkorrenzi ta' fastidju sesswali f'siti edukattivi u skejjel STEM, kif ukoll fi ħdan is-settur tal-ICT; jistieden lill-impjegaturi jadattaw miżuri tar-riżorsi umani biex jindirizzaw kemm il-forom antiki kif ukoll dawk ġodda ta' fastidju online, b'korsijiet ta' taħriġ obbligatorji u numri ta' emerġenza għall-vittmi;
31. Jitlob aktar miżuri vinkolanti u direttiva biex tiġi prevenuta u miġġielda l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, inkluża l-vjolenza ċibernetika, li sikwit tkun diretta kontra nisa bħal personaġġi pubbliċi, politiċi u attivisti, u d-diskors ta' mibegħda online kontra n-nisa; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-proposta li jmiss għal Att dwar is-Servizzi Diġitali u l-qafas il-ġdid għal kooperazzjoni bejn il-pjattaformi tal-internet jindirizzaw ir-responsabbiltajiet tal-pjattaformi online fir-rigward tad-diskors ta' mibegħda mxerred mill-utenti u kontenut ieħor dannuż, abbużiv u sessist, biex tiġi protetta s-sikurezza tan-nisa online; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa definizzjonijiet legali armonizzati tal-vjolenza ċibernetika u Kodiċi ta' Kondotta ġdid għall-pjattaformi online dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru online;
Oqsma emerġenti
32. Jistieden lill-amministrazzjonijiet pubbliċi nazzjonali u lill-istituzzjonijiet tal-UE jaħdmu mas-settur privat biex joħolqu kampanji ta' mudelli fl-Ewropa kollha, li jħeġġu lill-professjonisti żgħażagħ nisa jagħżlu l-professjonijiet taċ-ċibersigurtà, b'mod li jnaqqas b'mod sinifikanti d-distakk fil-ħiliet, jagħti spinta lill-ekonomija, u jtejjeb ir-reżiljenza ġenerali tal-industrija taċ-ċibersigurtà fl-Ewropa;
33. Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' aktar sforzi regolatorji biex jiġi żgurat li l-IA tirrispetta l-prinċipji u l-valuri tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u n-nondiskriminazzjoni kif minqux fl-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;
34. Jenfasizza li teżisti ħtieġa li jiġi approfondit il-fehim, permezz ta' lenti tal-ġeneru, ta' oqsma emerġenti bħat-teħid ta' deċiżjonijiet algoritmiku, it-teknoloġija tal-blockchain u l-kriptovaluti u s-sorveljanza tad-data, u li jiġu stabbiliti strateġiji biex jindirizzawhom;
L-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-politiki tal-iżvilupp
35. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-possibbiltà ta' żieda fid-disparità bejn il-ġeneri fil-qasam diġitali fil-pajjiżi u fir-reġjuni li qed jiżviluppaw fil-kriżi attwali; jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni tal-profiċjenza diġitali tan-nisa u l-bniet, l-aċċessibilità diġitali u l-affordabilità diġitali bħala strumenti biex tinkiseb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-istrateġiji ta' żvilupp; jenfasizza l-ħtieġa li l-fondi għall-iżvilupp jiġu diretti lejn il-promozzjoni tal-edukazzjoni diġitali tal-bniet u n-nisa, u li jiġu appoġġati proġetti mmexxija min-nisa fis-settur diġitali, speċjalment dawk b'impatt soċjali;
36. Ifakkar li l-persuni b'diżabilità, il-gruppi etniċi u ta' minoranza, in-nisa minn sfondi soċjoekonomiċi differenti, in-nisa akbar fl-età u n-nisa f'żoni rurali, kif ukoll in-nisa rifuġjati u migranti, jistgħu jiffaċċjaw diffikultajiet biex jaċċessaw is-servizzi diġitali u l-infrastruttura relatata; jenfasizza l-importanza ta' approċċ intersezzjonali għall-inizjattivi kollha ta' integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fir-rigward taż-żieda fl-aċċess tan-nisa għas-servizzi diġitali u l-użu tagħhom, u għall-edukazzjoni u l-impjiegi fl-ekonomija u s-soċjetà diġitali; jistieden lill-Istati Membri jindirizzaw l-esklużjoni diġitali tal-gruppi vulnerabbli kollha fis-soċjetà u jagħmlu l-edukazzjoni tal-ICT aċċessibbli għalihom billi jadattaw il-metodi tat-tagħlim u l-iskedi ta' żmien biex iqisu l-fatturi differenti li jiddeterminaw l-aċċess tan-nisa għall-edukazzjoni;
°
° °
37. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
NOTA SPJEGATTIVA
Id-diġitalizzazzjoni biddlet b'mod fundamentali l-ħajja tagħna, billi ħolqot opportunitajiet ġodda iżda wkoll bosta sfidi. L-opportunitajiet ugwali tas-suq tax-xogħol u t-trattament ugwali fuq il-post tax-xogħol, u l-isforz biex ikun hemm bilanċ bejn il-ġeneri fis-settur diġitali, huma importanti ħafna mhux biss għall-ekonomija tal-UE, espressa pereżempju f'termini ta' tkabbir tal-PDG, iżda wkoll bħala kwistjoni ta' ġustizzja sempliċi għan-nisa u l-bniet kollha b'talent li jagħżlu karriera fl-oqsma STEM (Xjenza, Teknoloġija, Inġinerija, Matematika).
Il-kriżi attwali tal-COVID-19, li rrivoluzzjonat il-mod kif in-nies u l-kumpaniji jużaw l-ICT u teknoloġiji diġitali oħra biex jaħdmu u jinteraġixxu, enfasizzat aktar l-urġenza li jiġi promoss il-bilanċ bejn il-ġeneri f'dan is-settur.
L-inugwaljanzi ġew identifikati għexieren ta' snin ilu, u matul is-snin saru sforzi biex dawn jiġu indirizzati. Madankollu, kif jidher minn studju reċenti kkummissjonat mid-Dipartiment Tematiku għad-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali tal-Parlament Ewropew, fuq talba tal-Kumitat FEMM, jippersistu preġudizzji u inugwaljanzi fl-oqsma tal-iSTEM u s-settur diġitali (eż. it-teknoloġiji diġitali, ix-Xjenza tal-Kompjuters, it-Teknoloġija tal-Informazzjoni, it-Teknoloġija tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni, l-Intelliġenza Artifiċjali, iċ-Ċibersigurtà).
Dan ir-rapport jidentifika żewġ fenomeni ewlenin li jikkontribwixxu għal din ir-realtà. Minn naħa, għal għadd ta' raġunijiet kulturali, il-bniet għandhom tendenza li jevitaw dawn l-oqsma, għaliex ma jarawhomx bħala karrieri vijabbli. Min-naħa l-oħra, ħafna minn dawk li fil-fatt jaqbdu din it-triq jispiċċaw f'xi punt jew ieħor jitilqu minnha, jew meta jkunu studenti jew meta jibdew jaħdmu, f'dak li diġà ġie msejjaħ l-effett tal-"leaky pipelines". Id-differenzi bejn in-nisa u l-irġiel isiru evidenti minn kmieni ħafna u huma ta' ħsara tul ħajjithom kollha. Fl-età ta' bejn il-15 u s-16-il sena, 73 % tas-subien jistqarru li jħossuhom komdi jużaw apparat elettroniku, filwaqt li 63 % biss tal-bniet fl-istess grupp ta' età jgħidu dan. Aktar inkwetanti minn hekk, 3 % biss tat-tfajliet adolexxenti juru interess f'karriera bħala professjonisti tal-ICT.
Il-"leaky pipeline" jirreferi għas-sitwazzjoni fejn, aktar ma mara tavvanza fl-istudji akkademiċi u fil-professjoni tagħha, aktar hemm probabbiltà li titlaq. Il-"leaky pipeline" huwa dovut għal għadd ta' kundizzjonijiet, inklużi ambjenti ta' xogħol li ma jiffavorixxux il-familja, in-nuqqas ta' pari u mentors nisa, u nuqqas ta' rikonoxximent professjonali.
Skop u miżuri
Dan ir-Rapport INI għandu l-għan li jindirizza l-kawżi ewlenin tad-disparità eżistenti bejn il-ġeneri fil-qasam diġitali, jirrifletti dwar id-data disponibbli u jipproponi miżuri u azzjonijiet konkreti għall-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tan-nisa u l-bniet fl-ekonomija diġitali.
Il-kawżi tad-disparità bejn il-ġeneri fil-qasam diġitali huma diversi. Ir-rapporteur strutturat ir-rapport fuq bażi ta' trajettorja mill-istadji preċedenti tal-Edukazzjoni sal-livell tal-Impjieg, kif ukoll l-influwenzi soċjali u kulturali, f'tentattiv li jiġu identifikati iċ-ċrieki ta' feedback pożittiv u l-ostakli li jipprevjenu l-integrazzjoni sħiħa tan-nisa u l-bniet fis-settur diġitali.
Dan ir-rapport jinkludi sett ta' rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lis-soċjetà inġenerali.
Ir-rapporteur tisħaq li mhux biss huwa f'idejn l-awtoritajiet u l-korpi pubbliċi li jwieġbu b'mod xieraq għall-ġlieda kontra d-distakk diġitali bejn il-ġeneri. Atturi differenti – personaġġi pubbliċi, atturi privati jew akkademiċi – jistgħu jwettqu azzjonijiet immirati biex itejbu b'mod effiċjenti l-parteċipazzjoni u r-rwol tan-nisa u l-bniet fl-ekonomija diġitali.
Jeħtieġ li titħeġġeġ il-parteċipazzjoni tan-nisa f'impjiegi tekniċi u ta' livell għoli billi jingħelbu l-ostakli edukattivi minn stadju bikri, kif ukoll l-ostakli professjonali, filwaqt li jiġi ggarantit it-tagħlim diġitali tul il-ħajja għan-nisa.
Dan ir-rapport jinkludi wkoll diversi rakkomandazzjonijiet bil-għan li jiġu indirizzati d-disparità bejn il-ġeneri fil-qasam diġitali f'oqsma bħas-settur tal-Midja, il-Kultura u dak Awdjoviżiv, il-parteċipazzjoni Ċivika, politika u ekonomika tan-Nisa.
L-importanza tal-Ġbir tad-Data, iċ-Ċibersigurtà u aktar riċerka dwar kwistjonijiet tal-ġeneru fl-ICT hija indirizzata wkoll.
Hija l-konvinzjoni tar-rapporteur li l-eliminazzjoni tad-differenza bejn il-ġeneri se tagħti spinta lill-prosperità fil-livelli kollha u tiżgura l-ġustizzja soċjali permezz ta' ugwaljanza msaħħa bejn in-nisa u l-irġiel.
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni |
12.11.2020 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
28 3 2 |
||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Christine Anderson, Simona Baldassarre, Robert Biedroń, Vilija Blinkevičiūtė, Annika Bruna, Margarita de la Pisa Carrión, Rosa Estaràs Ferragut, Frances Fitzgerald, Cindy Franssen, Heléne Fritzon, Lina Gálvez Muñoz, Lívia Járóka, Arba Kokalari, Alice Kuhnke, Karen Melchior, Maria Noichl, Sandra Pereira, Pina Picierno, Sirpa Pietikäinen, Samira Rafaela, Evelyn Regner, Diana Riba i Giner, Eugenia Rodríguez Palop, María Soraya Rodríguez Ramos, Sylwia Spurek, Jessica Stegrud, Isabella Tovaglieri, Ernest Urtasun, Hilde Vautmans, Elissavet Vozemberg-Vrionidi, Chrysoula Zacharopoulou |
|||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Maria da Graça Carvalho, Jadwiga Wiśniewska |
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
28 |
+ |
PPE |
Maria da Graça Carvalho, Rosa Estaràs Ferragut, Frances Fitzgerald, Cindy Franssen, Lívia Járóka, Arba Kokalari, Sirpa Pietikäinen, Elissavet Vozemberg‑Vrionidi |
S&D |
Robert Biedroń, Vilija Blinkevičiūtė, Heléne Fritzon, Lina Gálvez Muñoz, Maria Noichl, Pina Picierno, Evelyn Regner |
Renew |
Karen Melchior, Samira Rafaela, María Soraya Rodríguez Ramos, Hilde Vautmans, Chrysoula Zacharopoulou |
ID |
Simona Baldassarre, Isabella Tovaglieri |
Verts/ALE |
Alice Kuhnke, Diana Riba i Giner, Sylwia Spurek, Ernest Urtasun |
GUE/NGL |
Eugenia Rodríguez Palop |
ECR |
Jadwiga Wiśniewska |
3 |
- |
ID |
Christine Anderson |
ECR |
Margarita de la Pisa Carrión, Jessica Stegrud |
2 |
0 |
ID |
Annika Bruna |
GUE/NGL |
Sandra Pereira |
It-tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjonijiet
- [1] ĠU C 264 E, 13.9.2013, p. 75.
- [2] ĠU C 36, 29.1.2016, p. 18.
- [3] ĠU C 93, 9.3.2016, p. 120.
- [4] ĠU C 349, 17.10.2017, p. 56.
- [5] ĠU C 66, 21.2.2018, p. 44.
- [6] ĠU C 390, 18.11.2019, p. 28.
- [7] Analiżi Profonda – "Empowering women on the Internet", il-Parlament Ewropew, id-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni, id-Dipartiment Tematiku C – Id-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali, it-30 ta' Ottubru 2015.
- [8] Studju – "The underlying causes of the digital gender gap and possible solutions for enhanced digital inclusion of women and girls" il-Parlament Ewropew, id-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni, id-Dipartiment Tematiku C – Id-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali, il-15 ta' Frar 2018.
- [9] Studju – "Cyber violence and hate speech online against women", il-Parlament Ewropew, id-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni, id-Dipartiment Tematiku C – Id-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali, is-16 ta' Awwissu 2018.
- [10] Studju – "Education and employment of women in science, technology and the digital economy, including AI and its influence on gender equality", il-Parlament Ewropew, id-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni, id-Dipartiment Tematiku C – Id-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali, il-15 ta April 2020.
- [11] ĠU L 101, 15.4.2011, p 1.
- [12] https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/women-digital-scoreboard
- [13] Indikatur 6 tal-EIGE. Sors: Skeda informattiva tal-EIGE bit-titlu "Gender equality and digitalisation in the European Union" (L-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-diġitilizzazzjoni fl-Unjoni Ewropea), ippubblikata fil-11 ta' Ottubru 2018.
- [14] Skeda informattiva tal-EIGE bit-titolu "Gender equality and digitalisation in the European Union" (L-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-diġitilizzazzjoni fl-Unjoni Ewropea), ippubblikata fil-11 ta' Ottubru 2018.
-
[16] Stħarriġ tal-FRA –
https://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2018/604979/IPOL_STU(2018)604979_EN.pdf - [17] Studju tal-Kummissjoni bit-titolu "Women in the Digital Age" (In-Nisa fl-Era Diġitali) (2018).
- [18] https://2019.stateofeuropeantech.com/chapter/diversity-inclusion/article/state-di-european-tech/