RAPPORT dwar ir-reviżjoni tal-linji gwida għan-Network trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T)

10.12.2020 - (2019/2192(INI))

Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu
Rapporteur: Jens Gieseke


Proċedura : 2019/2192(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A9-0251/2020
Testi mressqa :
A9-0251/2020
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-reviżjoni tal-linji gwida għan-Network trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T)

(2019/2192(INI))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-Network Trans-Ewropew tat-Trasport[1] (ir-Regolament TEN-T),

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tas-17 ta' April 2019 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE)[2],

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2019/2144 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2019 dwar rekwiżiti tal-approvazzjoni tat-tip għall-vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, kif ukoll għas-sistemi, għall-komponenti u għall-unitajiet tekniċi separati maħsubin għat-tali vetturi, fir-rigward tas-sikurezza ġenerali tagħhom u tal-protezzjoni tal-okkupanti tal-vetturi u l-utenti vulnerabbli tat-triq[3],

 wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2019/1936 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2019 li temenda d-Direttiva 2008/96/KE dwar il-ġestjoni tas-sikurezza tal-infrastruttura tat-toroq[4],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar it-trasport u t-turiżmu fl-2020 u lil hinn[5],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar it-titjib fil-konnessjoni u l-aċċessibilità tal-infrastruttura tat-trasport fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant[6],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-mobbiltà militari[7],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew[8],

 wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 10/2020 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri tas-16 ta' Ġunju 2020 bit-titolu ''Infrastrutturi tat-trasport tal-UE: tinħtieġ aktar rapidità fl-implimentazzjoni ta' megaproġetti biex l-effetti tan-network jitwasslu fil-ħin"[9],

 wara li kkunsidra r-Reviżjoni Nru 09/2018 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri tas-6 ta' Diċembru 2018 bit-titolu "Lejn settur tat-trasport ġewwa l-UE li jkollu suċċess: sfidi li jridu jiġu indirizzati"[10],

 wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 13/2017 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri tat-3 ta' Ottubru 2017 bit-titolu "Sistema Ewropea unika tal-ġestjoni tat-traffiku ferrovjarju: l-għażla politika qatt se ssir realtà?" [11],

 wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A9-0251/2020),

A. billi l-infrastruttura tat-trasport multimodali aġġornata, sostenibbli u aċċessibbli u l-loġistika orjentata lejn il-futur huma fundamentali għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u għall-konnessjoni u l-kompetittività tal-UE, u bħala fattur li jagħmel possibbli mobbiltà sostenibbli, affordabbli, intelliġenti, effiċjenti, interoperabbli u sikura;

B. billi n-Network Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) għandu jiżgura koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali kif ukoll aċċessibbiltà madwar l-UE u r-reġjuni tagħha, inklużi dawk rurali, remoti, muntanjużi u skarsament popolati, periferali, insulari u ultraperiferiċi u b'hekk jistimola t-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi u jnaqqas l-inugwaljanzi, filwaqt li jrawwem id-diġitalizzazzjoni u l-innovazzjoni, jindirizza t-tibdil fil-klima u jsaħħaħ l-adattabbiltà u r-reżiljenza;

C. billi t-TEN-t jagħti kontribut vitali biex jintlaħqu l-għanijiet politiċi tal-UE fil-politiki tal-adeżjoni u tal-viċinat, speċjalment permezz ta' proġetti transfruntiera, u billi ż-żamma u t-tisħiħ tar-rabtiet tat-trasport mill-qrib ma' pajjiżi terzi, fi ħdan it-TEN-T, u l-integrazzjoni ulterjuri tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u tas-Sħubija tal-Lvant huma ta' importanza sinifikanti għall-UE;

D. billi t-tlestija tan-Network Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) hija kruċjali biex isir progress lejn modi tat-trasport aktar sostenibbli, bħat-trasport bil-ferrovija u l-passaġġi fuq l-ilma interni, l-użu ta' fjuwils alternattivi f'konformità mal-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra;

E. billi huwa meħtieġ żvilupp ibbilanċjat tal-kurituri tat-trasport madwar l-Ewropa, li jiżgura l-konnettività bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar u l-Lvant u l-Punent fl-Ewropa kollha, sabiex tissaħħaħ aktar il-koeżjoni ekonomika, territorjali u soċjali;

F. billi n-negozjati li għaddejjin dwar il-finanzjament tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE) matul is-snin li ġejjin għandhom iqisu b'mod xieraq l-impenn tal-Istati Membri li jlestu n-network ewlieni tat-TEN-T sal-2030 u n-network komprensiv sal-2050;

G. billi t-tlestija f'waqtha tan-network tat-TEN-T tidher li, bil-pass attwali, ġiet kompromessa, b'mod partikoalri b'dewmien sinifikanti fir-rigward tal-proġetti transfruntiera u l-konnessjonijiet neqsin u l-konnessjonijiet taċ-ċirkwit lokali minħabba d-diffikultajiet finanzjarji, operazzjonali u amministrattivi li ltaqgħu magħhom il-promoturi tal-proġetti; billi r-rapport tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) jindika li n-nuqqasijiet fil-qafas ta' sorveljanza tal-Kummissjoni u fil-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet politiċi fil-livell nazzjonali, u l-impetu dgħajjef ta' xi Stati Membri u l-interess muri minnhom fit-TEN-T huma fatturi ewlenin fid-dewmien;

H. billi r-riżorsi allokati għat-tlestija tat-TEN-T fil-qafas tal-programm tal-FNE huma mhedda li jonqsu b'mod sinifikanti, speċjalment wara l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew kif adottati f'Lulju 2020, b'ammont previst għall-pakkett ġenerali tat-trasport li huwa evidentement insuffiċjenti;

I. billi l-implimentazzjoni tan-network tat-TEN-T għandha tkun iggwidata mill-prinċipju tat-trattament ugwali tal-kurituri ewlenin tan-network, mingħajr ma tiffavorixxi xi wħud għad-detriment ta' oħrajn;

J. billi l-politika tat-TEN-T għandha tippromwovi l-użu madwar l-UE kollha tas-soluzzjonijiet għal trasport innovattiv u aċċessibbli, bidla modali, mobbiltà b'emissjonijiet baxxi jew żero, sistemi ta' trasport intelliġenti (pereżempju ITS, IRS), infrastruttura għall-iċċarġjar u r-riforniment tal-fjuwil u fjuwils alternattivi; billi l-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni tat-TEN-T jirrikjedu investiment addizzjonali;

K. billi l-kriżi tal-COVID-19 li għaddejja bħalissa wriet l-importanza eżistenzjali tas-settur tat-trasport u l-loġistika u tal-ħaddiema tiegħu għall-ekonomija, li jiddependi minn networks li jiffunzjonaw mingħajr xkiel għat-trasport tal-passiġġieri u l-oġġetti bħala l-arterji tiegħu, u huwa essenzjali għall-funzjonament tal-ktajjen tal-provvista; billi l-iżvilupp ta' infrastruttura tat-trasport effiċjenti u reżiljenti għandu jkun fil-qalba tal-pjanijiet u l-isforzi Ewropej u nazzjonali kollha għall-irkupru, b'enfasi partikolari fuq il-konnessjonijiet tat-trasport multimodali bejn il-portijiet, l-ajruporti, il-ferroviji u t-toroq;

L. billi s-Sena Ewropea tal-Ferrovija fl-2021 hija opportunità biex jingħata bidu għal bidla li tagħmel il-ferrovija s-sinsla tat-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija madwar l-Unjoni u biex jiġi stabbilit ir-rwol deċiżiv tan-networks tat-TEN-T fl-avvanz tal-koeżjoni u l-iżvilupp soċjoekonomiċi, filwaqt li jissaħħaħ is-suq intern u jiġu promossi modi tat-trasport sostenibbli aktar kompetittivi u effiċjenti bil-għan li tiżdied il-bidla modali lejn il-ferroviji u titlesta ż-Żona Ferrovjarja Unika Ewropea sal-2030;

TEN-T tajjeb għall-futur

1. Jisħaq fuq il-valur miżjud tal-kurituri multimodali tan-network ewlieni li jkopru l-flussi ewlenin tal-passiġġieri u tal-merkanzija bejn u fl-Istati Membri; iqis li l-valur miżjud Ewropew ta' dawn il-proġetti huwa fattur ewlieni li jiġġenera l-appoġġ pubbliku; huwa tal-fehma li t-tlestija fil-ħin tagħhom sal-2030 hija imperattiva, filwaqt li trid tingħata prijorità lill-eliminazzjoni tal-punti ta' konġestjoni u l-konnessjonijiet neqsin, kif ukoll it-tlestija tas-sezzjonijiet transfruntiera, flimkien mal-modernizzazzjoni u t-titjib tas-sezzjonijiet eżistenti tan-network fil-kurituri;

2. Ifakkar li l-politika tat-TEN-T għandha tippromwovi networks interoperabbli; jinnota li r-reġjuni tal-fruntieri tal-art interni madwar l-UE jirrappreżentaw 40 % tat-territorju tal-UE u fihom jgħixu terz tal-popolazzjoni tagħha; itenni li r-reviżjoni tar-regolament dwar it-TEN-T u l-implimentazzjoni tiegħu għandhom jagħtu attenzjoni partikolari li jiffaċilitaw il-konnessjonijiet transfruntiera, itejbu l-interoperabbiltà u jikkontribwixxu għall-integrazzjoni multimodali tal-infrastruttura tat-trasport madwar l-Unjoni kollha;

3. Jistieden lill-Istati Membri li għadhom ma allinjawx biżżejjed il-pjanijiet u l-programmi nazzjonali tagħhom dwar it-trasport mal-objettivi tat-TEN-T biex jindirizzaw dan in-nuqqas mingħajr dewmien żejjed, bil-għan li japplikaw u jirrispettaw l-iskadenzi, il-miri u l-perjodi ta' żmien stabbiliti fil-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE; ifakkar ukoll li, minħabba l-karattru tan-network tat-TEN-T, in-nuqqas ta' konformità jew in-nuqqas ta' operabbiltà ta' segment żgħir jista' jfixkel l-effiċjenza u l-kompetittività tas-sistema kollha kemm hi; jitlob, għalhekk, li jiġu identifikati u kkompletati b'mod urġenti dawk il-hotspots u s-segmenti strateġiċi;

4. Iqis li r-reviżjoni tar-regolament dwar it-TEN-T hija opportunità importanti biex in-network isir b'tali mod li jibqa' validu fil-futur sabiex jiġu żgurati l-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-UE u t-twettiq ulterjuri taż-Żona Unika Ewropea tat-Trasport, kif ukoll il-kompetittività globali tal-UE għad-deċennji li ġejjin u biex tiġi appoġġjata t-tranżizzjoni tagħha lejn mobbiltà intelliġenti, sostenibbli, effiċjenti u sikura; jissottolinja, f'dan ir-rigward, l-importanza li n-network jiġi aġġornat biex jitqiesu r-realtajiet ġodda tas-suq, il-bidliet fil-klima, fl-ambjent u fis-soċjetà u l-ħtiġijiet diġitali, li tiżdied l-effiċjenza tan-network eżistenti u li jiġi aċċellerat l-użu ta' fjuwils alternattivi għat-trasport;

5. Iqis li huwa importanti li t-TEN-T jiġi żviluppat aktar biex jiffoka fuq l-interkonnettività bejn in-networks ewlenin u dawk komprensivi inkluż fir-reġjuni rurali, periferiċi, skarsament popolati, insulari u ultraperiferiċi u fis-sezzjonijiet bl-akbar potenzjal li jiġġeneraw benefiċċji soċjoekonomiċi; jisħaq li ma għandha ssir l-ebda bidla kbira fil-mapep sakemm jitlesta n-network ewlieni; jissottolinja, madankollu, il-ħtieġa li jsiru aġġustamenti limitati fit-TEN-T sabiex jiġi rifless l-iżvilupp tan-networks tat-trasport u bil-għan li tittejjeb il-konnettività bejn kurituri differenti u reġjuni periferiċi, inkluż li jissaħħu l-konnessjonijiet ferrovjarji transfruntiera lil hinn mill-assi ewlenin, b'mod partikolari l-konnessjonijiet neqsin fuq skala iżgħar b'valur miżjud Ewropew għoli fir-reġjuni transfruntiera u billi tissaħħaħ il-komplementarjetà bejn it-TEN-T u l-politiki reġjonali, u biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ambjentali, ekonomiċi u soċjali li qed jevolvu; jistieden lill-Kummissjoni tieħu f'idejha l-aġġustamenti kollha msemmija fir-reviżjoni tal-FNE[12], kif ukoll ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-proposta tal-Kummissjoni għal regolament dwar miżuri ta' razzjonalizzazzjoni għall-avvanz tat-twettiq tat-TEN-T (COM(2018)0277);

6. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti prijorità fl-ambitu tat-TEN-T lill-użu sħiħ ta' fjuwils alternattivi għall-modi kollha ta' trasport, speċjalment il-fjuwils rinnovabbli, fid-dawl tad-dekarbonizzazzjoni, inkluż l-iżvilupp ta' teknoloġiji rilevanti, infrastruttura għall-iċċarġjar u r-riforniment tal-fjuwil (jiġifieri faċilitajiet ta' ċċarġjar elettroniku u faċilitajiet ta' riforniment tal-LNG u tal-idroġenu), l-istandards ta' interoperabbiltà, sikurezza u sigurtà, u l-qafas regolatorju għall-fjuwils alternattivi sabiex tintlaħaq in-newtralità klimatika sal-2050, filwaqt li jiġi rrispettat il-prinċipju tan-newtralità teknoloġika u tiġi żgurata d-diversità teknoloġika; jitlob li jiġi stabbilit pjan direzzjonali tal-UE għall-infrastruttura tat-toroq li jkun allinjat mal-pjan direzzjonali tal-industrija tal-karozzi sabiex jiġi żgurat li l-investimenti fl-infrastruttura jimxu id f'id mal-produzzjoni tal-vetturi fuq il-perjodu ta' żmien qasir u dak medju;

7. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu promossi aktar il-konnessjonijiet tat-trasport fin-nodi urbani u magħhom, fl-istazzjonijiet u l-hubs ferrovjarji, fil-portijiet interni u marittimi, fl-ajruporti, fil-hubs tal-loġistika u fil-pjattaformi multimodali, inkluż permezz tat-tlestija u t-titjib tal-konnessjonijiet magħhom, kemm fin-networks ċentrali kif ukoll dawk komprensivi, biex tiġi żgurata sistema ta' mobilità bla xkiel, effiċjenti, aċċessibbli, integrata, intelliġenti, sikura, interkonnessa, mgħammra tajjeb u sostenibbli għat-trasport tal-passiġġieri u l-loġistika tal-merkanzija, kif ukoll permezz tal-iżvilupp ta' biljetti globali, biex b'hekk tiġi promossa bidla modali effiċjenti, b'mod partikolari billi jissaħħu s-sistemi tat-trasport pubbliku u tiżdied il-konnettività tan-nodi urbani u ż-żoni rurali;

8. Jisħaq, għalhekk, li r-reviżjoni li jmiss tal-linji gwida tat-TEN-T timxi id f'id mar-reviżjonijiet imħabbra tad-direttiva dwar l-installazzjoni ta' infrastruttura tal-fjuwils alternattivi[13], tar-regolament dwar it-TEN-E[14] u tar-Regolament dwar network ferrovjarju Ewropew għat-trasport tal-merkanzija kompetittiv[15];

9. Jissottolinja li r-riċerka, l-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni għandhom rwol ewlieni fid-dekarbonizzazzjoni ulterjuri tat-trasport waqt li tiġi indirizzata ż-żieda fil-volumi tat-trasport kemm f'termini ta' passiġġieri kif ukoll ta' merkanzija, it-titjib tal-interoperabbiltà multimodali u l-fatt li t-trasport isir aktar sikur, effiċjenti u reżiljenti, f'konformità mal-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew; jisħaq fuq il-ħtieġa li t-TEN-T jagħti spinta lill-applikazzjonijiet diġitali innovattivi fil-modi kollha, inklużi s-sistemi ta' trasport intelliġenti, is-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS), is-sistemi għall-monitoraġġ u l-informazzjoni dwar it-traffiku tal-bastimenti, is-servizzi tal-informazzjoni tax-xmajjar, is-sistemi għall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru tal-Ajru Uniku Ewropew) u s-sistemi ta' monitoraġġ għas-saħħa strutturali tal-infrastruttura; itenni f'dan il-kuntest l-importanza tat-tlestija tal-proġett Galileo; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi fost l-Istati Membri l-finanzjament ta' dawn is-sistemi fl-ambitu tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza;

10. Jirrimarka li s-soluzzjonijiet ta' mobbiltà intelliġenti u awtonoma qed isiru kummerċjalment vijabbli u li l-aġġornament tat-trasport u tal-infrastruttura diġitali rilevanti fit-TEN-T jeħtieġ li jiġi aċċelerat filwaqt li jiġu żgurati l-interoperabbiltà transfruntiera, il-protezzjoni tad-data u ċ-ċibersigurtà, sabiex jiġi ffaċilitat it-tħaddim sikur ta' vetturi awtomatizzati u konnessi konformi mar-Regolament dwar is-Sikurezza Ġenerali li għadu kif jiġi adottat ((EU) 2019/2144);

11. Jenfasizza li l-appoġġ Ewropew għar-riċerka u l-iżvilupp ta' modi innovattivi ta' trasport huwa meħtieġ ħafna, bħal, pereżempju, għall-iżvilupp ta' vetturi tal-ajru bla ekwipaġġ u t-teknoloġija maglev; jisħaq li s-sħubijiet Ewropej fil-modi differenti tat-trasport jista' jkollhom impatt pożittiv ħafna fuq l-użu sikur, effiċjenti u intelliġenti tat-TEN-T;

12. Huwa tal-fehma li standards tal-infrastruttura man-network kollu u armonizzati jippermettu Żona Unika Ewropea tat-Trasport reali; iqis li huwa importanti li tinżamm u tiġi mmodernizzata l-infrastruttura eżistenti, b'mod partikolari fis-sezzjonijiet transfruntiera, fid-dawl tal-progress teknoloġiku, it-tibdil fl-istandards tas-sikurezza, iż-żieda fl-effiċjenza, il-prestazzjoni ta' kwalità għolja, iż-żieda fil-kapaċità, funzjonijiet ġodda, it-titjib fl-affidabbiltà u l-interoperabbiltà transfruntiera u l-ħtieġa li jiġi adottat approċċ ta' ċiklu tal-ħajja u li tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-infrastruttura għall-impatti ta' kriżijiet bħall-pandemiji u t-tibdil fil-klima; jinnota, madankollu, li l-finanzjament tal-FNE mhuwiex biżżejjed biex jintlaħqu dawn l-għanijiet kollha; jirrimarka li l-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri hija kruċjali biex jiġu ġestiti l-kriżijiet u jiġu żgurati l-fluss kontinwu tal-merkanzija u l-forniment tal-oġġetti essenzjali lill-popolazzjoni tal-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi qafas leġiżlattiv biex jittejbu l-ġestjoni tar-riskji, ir-reżiljenza u l-adattament għall-klima tal-infrastruttura tat-trasport fin-network ewlieni, inklużi l-modi kollha;

13. Iqis li manutenzjoni fqira tal-infrastruttura tat-trasport tista' taffettwa l-kontinwità, is-sostenibbiltà, il-prestazzjoni, is-sikurezza u b'hekk ir-reżiljenza tat-TEN-T; jindika l-importanza li ssir manutenzjoni regolari u standardizzata tal-infrastruttura tat-TEN-T, b'mod partikolari l-pontijiet u l-mini, biex tiġi żgurata infrastruttura ta' kwalità għolja dejjiema; jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi punt ta' riferiment ċar għar-rekwiżiti dwar il-kwalità għall-infrastruttura, b'mod partikolari għall-pontijiet u l-mini, u tiżviluppa approċċ Ewropew komuni għall-ispezzjonijiet u l-klassifikazzjonijiet tal-kwalità tal-infrastruttura tat-TEN-T; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi pjan ta' monitoraġġ tan-network ewlieni dwar il-manutenzjoni fil-livell Ewropew; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, flimkien mal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u l-banek u l-istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali (NPBIs), jistudjaw skemi ta' finanzjament ġodda biex jiffaċilitaw investimenti fil-manutenzjoni tan-network; jistieden ukoll lill-Istati Membri jiżviluppaw pjanijiet nazzjonali speċifiċi għall-finanzjament ta' manutenzjoni ordinarja u straordinarja;

Iffinanzjar, governanza u sorveljanza

14. Jisħaq li sabiex jiġi żgurat biżżejjed investiment fl-infrastruttura tat-TEN-T, huwa essenzjali li l-fondi rilevanti kollha tal-UE (l-FNE, InvestEU, il-fondi strutturali u ta' investiment Ewropej, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, Orizzont Ewropa, eċċ.) u s-self mill-BEI jitfasslu skont il-ħtiġijiet speċifiċi tas-settur tat-trasport u li l-Istati Membri jimpenjaw ruħhom għal finanzjament suffiċjenti; jesprimi dispjaċir kbir għad-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li jipproponi tnaqqis fil-baġit għal programmi orjentati lejn il-futur bħall-FNE u l-InvestUE, speċjalment meta jitqies ir-rwol ta' abilitazzjoni ewlieni li għandu l-programm tal-FNE fit-tlestija tan-network TEN-T; jinnota li, sabiex tirnexxi, l-aġenda ta' dekarbonizzazzjoni ambizzjuża ħafna tal-UE jeħtieġ li tkun appoġġjata minn finanzjament u strumenti ta' finanzjament korrispondenti, filwaqt li tinżamm il-kompetittività tas-setturi involuti; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ is-sinerġiji u l-koerenza tal-politiki bejn l-istrumenti rilevanti tal-UE lil hinn mill-FNE (eż. il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali) u, barra minn hekk, biex ittejjeb l-użu tat-taħlit ta' għodod sabiex jiġu attirati investituri privati u jiġi ġġenerat il-finanzjament pubbliku; jindika li strumenti rilevanti orjentati għall-klima u l-ambjent fl-ambitu tal-Patt Ekoloġiku Ewropew għandhom isiru disponibbli għall-investimenti fin-network tat-TEN-T li jistgħu jnaqqsu l-emissjonijiet tas-settur b'mod effikaċi;

15. Jesprimi dispjaċir għall-fatt li fil-proposta l-ġdida tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) u fil-pjan ta' rkupru, l-Istati Membri għad mhumiex qed jagħtu sinjal qawwi lejn l-investimenti fl-infrastruttura u lanqas mhuma qed jagħtu prijorità lit-tlestija tat-TEN-T; jisħaq, għalhekk, li r-riżorsi disponibbli fl-ambitu tal-fond ta' Next Generation EU jipprovdu opportunità unika biex jiġi ggarantit l-iżvilupp tan-networks ewlenin tat-TEN-T sal-2030; jistieden lill-Kummissjoni biex, ta' kull sena, taġġorna lill-Parlament dwar il-progress tal-kostruzzjoni; jistieden lill-Kummissjoni, matul in-negozjati mal-Istati Membri, tirriżerva ammont xieraq mill-għajnuna għall-iżvilupp tal-politiki tat-trasport tal-UE u tippreżenta rapport finali lill-Parlament; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-programmi nazzjonali li jimplimentaw il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza jagħtu rwol prominenti lill-investimenti fl-infrastruttura tat-trasport moderna, diġitali, sostenibbli u sikura;

16. Ifakkar li t-tlestija tal-ERTMS maġenb il-binarji u abbord il-ferroviji hija prerekwiżit fundamentali għall-ħolqien ta' Żona Ferrovjarja Unika Ewropea, u biex is-suq ferrovjarju jkun jista' jiffunzjona tajjeb fil-kurituri tat-TEN-T; jissottolinja, f'dan ir-rigward, li madwar EUR 15-il biljun huma meħtieġa għat-tlestija tal-ERTMS fin-networks ewlenin, u li l-Kummissjoni għandu jkollha rwol prominenti fil-koordinazzjoni tal-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' skjerament;

17. Jisħaq li għandha titqies il-konformità mal-iskadenza mogħtija fid-direttiva proposta dwar ir-razzjonalizzazzjoni tat-TEN-T[16] meta jkunu qed jiġu evalwati l-proġetti f'termini tal-kriterji ta' maturità tal-għażla tal-proġetti stabbiliti mill-FNE; jemmen, barra minn hekk, li kwalunkwe dewmien li jseħħ għandu jiġġustifika investigazzjoni dwar l-istat tal-progress tal-proġett u reviżjoni tal-assistenza finanzjarja mogħtija mill-Unjoni fl-ambitu tal-FNE, kif previst fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE)1316/2013[17], li jistgħu jirriżultaw fit-tnaqqis jew l-irtirar tal-għotja;

18. Jisħaq li għalkemm in-Network tat-TEN-T qed jiġi implimentat fi stadji u t-tlestija tan-network ewlieni hija l-prijorità fuq terminu qasir, peress li dan jikkostitwixxi s-sinsla tal-iżvilupp ta' network tat-trasport multimodali sostenibbli u jistimula l-iżvilupp tan-network komprensiv kollu kemm hu, huwa importanti li jiġi żgurat finanzjament suffiċjenti għan-network komprensiv mhux kopert min-network ewlieni sabiex jiġu evitati disparitajiet dejjem akbar; jenfasizza f'dan ir-rigward li ż-żewġ livelli tat-TEN-T huma kruċjali għall-konnettività u l-integrazzjoni tal-loġistika tal-UE;

19. Iqis li l-fondi tal-UE, b'mod partikolari dawk allokati fl-ambitu tal-FNE, għandhom jikkontribwixxu b'mod flessibbli u effettiv għat-tlestija ta' proġetti transfruntiera u konnessjonijiet neqsin b'mod korrettiv, fejn id-diskrepanzi jew l-iżbilanċi pperċepiti bejn il-piż tal-ispejjeż li għandhom jiġu ffinanzjati fil-livell nazzjonali u l-benefiċċji soċjoekonomiċi mistennija f'kull naħa tal-fruntiera u minn perspettiva Ewropea usa' jpoġġu f'riskju l-progress lejn it-tlestija fil-ħin tal-proġett; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tieħu approċċ aktar immirat billi tapplika rati ogħla ta' kofinanzjament għal proġetti bl-ogħla valur miżjud Ewropew sabiex jiġu żblukkati l-investimenti nazzjonali;

20. Huwa mħasseb ħafna dwar id-dewmien biex jitlestew il-proġetti, b'mod partikolari l-proġetti transfruntiera, li jxekkel l-istabbiliment fil-ħin ta' kurituri kontinwi tan-network ewlieni tat-TEN-T bla xkiel u li jirriżulta fi spejjeż akbar tal-proġetti; jistieden lill-Istati Membri jissodisfaw l-obbligi tagħhom għall-partijiet tagħhom tan-network u jiżguraw proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji effettivi u f'waqthom b'rispett sħiħ għal-liġi Ewropea u dik nazzjonali, u jħeġġiġhom iżidu d-diġitalizzazzjoni tal-proċessi amministrattivi u ġudizzjarji; ifakkar lill-Istati Membri jsaħħu l-kooperazzjoni ma' awtoritajiet ta' Stati Membri oħra fi proġetti transfruntiera, pereżempju billi tiġi stabbilita awtorità konġunta bi ftehim reċiproku, b'mod partikolari bil-għan li jiġu kkoordinati l-iskedi u l-iskadenzi, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw id-direttiva l-ġdida dwar ir-razzjonalizzazzjoni tat-TEN-T mingħajr aktar dewmien; jistieden lill-Kummissjoni tgħin lill-Istati Membri li jixtiequ jintroduċu klawżoli sostantivi ta' preklużjoni – f'konformità mad-dritt tal-Unjoni – li jistgħu jħaffu l-proċedimenti ġudizzjarji nazzjonali b'mod sinifikanti;

21. Jenfasizza li l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tal-miżuri ta' razzjonalizzazzjoni tal-UE fil-proċeduri tal-ħruġ tal-permessi, fil-proċeduri ta' akkwist transfruntier u fi proċeduri amministrattivi oħra hija kruċjali biex jitnaqqsu l-ostakoli tekniċi u l-piż amministrattiv, u b'hekk id-dewmien possibbli u ż-żieda fl-ispejjeż tal-proġetti tal-infrastruttura tat-trasport tat-TEN-T; jinnota li dan huwa ta' importanza partikolari f'dak li jirrigwarda l-għoti ta' aktar ċertezza lill-promuturi tal-proġetti u lill-investituri privati potenzjali[18]; jistieden lill-Kummissjoni żżid kapitolu dwar it-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi mhux iġġustifikati fir-rapport ta' progress tat-TEN-T;

22. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssaħħaħ is-sorveljanza tagħha tal-implimentazzjoni tat-TEN-T billi tuża s-setgħat diġà mogħtija lilha mir-regolament, filwaqt li tirrinforza l-istrumenti rilevanti biex l-Istati Membri jkunu mitluba jissodisfaw l-obbligi tagħhom u ssaħħaħ ir-rwol tal-koordinaturi Ewropej fil-governanza tal-kurituri, b'mod partikolari fir-rigward tal-konnessjonijiet transfruntiera, kif ukoll ir-rwol tal-"punt uniku ta' kuntatt" tal-awtorità maħtura fil-proċedura tal-għoti tal-permessi; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ u tuża d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 56 tar-Regolament (UE) Nru 1315/2013 fir-reviżjoni tagħha tal-linji gwida tat-TEN-T bil-għan li tħeġġeġ lill-Istati Membri jħaffu l-ippjanar u t-tlestija tal-proġetti; jistieden lill-Kummissjoni tiċċara kif ir-regoli u r-rekwiżiti għandhom jiġu interpretati għall-finijiet ta' evalwazzjoni, rappurtar u valutazzjonijiet tal-eliġibbiltà; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-iskambju tal-aħjar prattiki dwar l-involviment tas-soċjetà ċivili u tal-partijiet ikkonċernati u l-konsultazzjoni bejn l-Istati Membri u tippromwovi dawn fil-livelli Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali;

23. Jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-koerenza bejn il-pjanijiet nazzjonali tat-trasport u n-networks tat-TEN-T, sabiex tiżgura l-implimentazzjoni xierqa tar-regolament dwar it-TEN-T;

24. Huwa tal-fehma li l-Aġenzija tal-UE għall-Ferroviji (ERA) għandha tingħata rwol aktar prominenti fl-implimentazzjoni tat-TEN-T, b'mod partikolari fir-rigward tal-interoperabbiltà transfruntiera, it-titjib tas-sikurezza, iż-żieda fil-kompetittività u l-implimentazzjoni tal-ERTMS; jitlob li jkun hemm żieda fil-baġit 2021 tal-ERA, biex din tiġi mgħammra b'mezzi finanzjarji adegwati biex twettaq il-kompiti tagħha, b'mod partikolari peress li l-2021 ġiet iddeżinjata bħala s-sena Ewropea tal-Ferrovija;

Modi ta' trasport

25. Jindika l-importanza li tittejjeb il-kwalità tal-infrastruttura tat-toroq fit-TEN-T madwar l-Unjoni kollha;

26. Jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tieħu aktar miżuri biex iżżid l-introduzzjoni ta' fjuwils alternattivi u l-varar ta' punti tal-iċċarġjar elettriku u ta' pompi tar-riforniment tal-idroġenu, filwaqt li tqis soluzzjonijiet futuri possibbli ta' fjuwils alternattivi u b'rispett sħiħ tal-prinċipju tan-newtralità teknoloġika;

27. Jitlob li jittieħdu miżuri biex tissaħħaħ aktar is-sikurezza fit-toroq u biex tinżamm u tittejjeb is-sikurezza operattiva tul iċ-ċiklu tal-ħajja kollha tal-infrastruttura kritika, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet tal-utenti tat-trasport mhux motorizzat u bil-għan li jiġu protetti l-utenti vulnerabbli tat-triq; ifakkar fl-importanza li jiġu promossi soluzzjonijiet innovattivi u intelliġenti għas-sikurezza fit-toroq sabiex jintlaħaq l-għan strateġiku tal-UE tal-Viżjoni Żero; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti l-ġodda tas-sikurezza tad-Direttiva (UE) 2019/1936 u jirrimarka li, għal dan il-għan, hemm bżonn u għandu jiġi żgurat aktar investiment fl-adattament u l-manutenzjoni tal-infrastruttura; jisħaq li kwalunkwe simplifikazzjoni tar-rekwiżiti regolatorji għall-proċeduri tal-proġetti fir-reviżjoni tal-linji gwida tat-TEN-T ma għandhiex issir għad-detriment tal-ogħla standards tas-sikurezza;

28. Ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri dwar il-ħtieġa li jipprovdu biżżejjed żoni ta' parkeġġ sikuri u siguri għat-trakkijiet tul it-TEN-T biex jiżdiedu kemm is-sikurezza fit-toroq kif ukoll il-benessri tal-utenti tan-network, b'mod partikolari l-ħaddiema tat-trasport;

29. Jenfasizza li sezzjonijiet iċċertifikati speċjali tan-network TEN-T, kif ukoll fin-network tal-awtostradi, għandhom jiġu introdotti u adattati sabiex jissodisfaw l-istandards minimi ta' prestazzjoni għall-vetturi awtomatizzati u semiawtomatizzati u biex jikkonformaw mal-istandards tal-prestazzjoni tal-infrastruttura fir-rigward tal-viżibbiltà, l-istat tas-sinjali tat-traffiku, is-sinjali tat-toroq u l-immarkar tat-toroq;

30. Jirrimarka l-potenzjal ta' modi ġodda u attivi ta' mobbiltà konnessa fit-trasport urban u lokali tal-persuni u l-merkanzija; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu mill-qrib mar-reġjuni u l-bliet, b'mod partikolari fuq iż-żewġ naħat tal-fruntieri, biex isaħħu u jlestu l-infrastruttura taċ-ċirkwit lokali u l-konnessjonijiet intermodali u transfruntiera rilevanti neqsin madwar it-TEN-T kollu, biex b'hekk ikun jista' jsir l-użu aktar effiċjenti u mingħajr xkiel tal-infrastruttura u s-servizzi li min-naħa tiegħu jipprevjeni l-konġestjoni u jnaqqas l-emissjonijiet;

31. Itenni r-rwol kruċjali tat-trasport ferrovjarju fid-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-trasport u jfakkar fl-importanza li jiġi implimentat bis-sħiħ ir-Raba' Pakkett Ferrovjarju, sabiex is-settur ferrovjarju jiżviluppa l-potenzjal sħiħ tiegħu; jitlob li l-iżvilupp tal-infrastruttura ferrovjarja jkun akkumpanjat minn miżuri biex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi mhux ġustifikati; jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta kull sena lill-Parlament dwar il-progress f'dan il-qasam; iqis li l-promozzjoni ta' bidliet modali u trasport effiċjenti bil-ferrovija u trasport ikkombinat, b'mod partikolari f'sitwazzjonijiet transfruntiera u fejn hemm konnessjonijiet nieqsa f'sezzjonijiet li jintużaw b'mod intensiv, trid tkun prijorità għat-TEN-T u għandha titwettaq billi tintuża bis-sħiħ l-ERTMS, filwaqt li jitneħħew l-ostakoli regolatorji, operattivi u tekniċi fin-network u jiġi żgurat aċċess ugwali għall-operaturi ferrovjarji, tiġi aċċellerata l-elettrifikazzjoni, jiġu żgurati l-interkonnessjoni u l-interoperabbiltà, inkluż permezz tal-ottimizzazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura u l-modernizzazzjoni tat-tagħmir tal-vetturi ferrovjarji, jiġu appoġġjati r-riċerka u l-innovazzjoni inkluża l-impriża konġunta Shift2Rail u jiġu ottimizzati l-kurituri tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija f'konformità mad-domanda, b'mod partikolari f'hubs tal-loġistika bħall-portijiet u l-ajruporti; jisħaq, barra minn hekk, fuq il-ħtieġa li jiġu ddefiniti nodi ta' tranżitu u terminali fin-network, filwaqt li n-nodi ewlenin jiġu mgħammra bi pjattaformi għat-tranżitu biex jiġi ffaċilitat il-fluss tal-passiġġieri u tal-merkanzija; jissottolinja l-importanza ta' proġetti li jtejbu l-aċċessibbiltà, speċjalment għall-persuni b'diżabilità u għall-persuni anzjani;

32. Jistieden lill-Kummissjoni tadotta b'mod regolari miri perjodiċi vinkolanti għall-implimentazzjoni tal-ERTMS, sabiex titlesta l-introduzzjoni tagħha fi ħdan in-network ewlieni tat-TEN-T, mistennija sal-2030; iqis li l-ERA għandha taġixxi bħala awtorità effiċjenti u effettiva tas-sistema u tissodisfa r-rwol u r-responsabilitajiet imsaħħa tagħha dwar l-ERTMS skont ir-Raba' Pakkett Ferrovjarju; jitlob li pjan direzzjonali tal-implimentazzjoni tal-ERTMS dwar il-kurituri tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija jiġi ffinanzjat permezz ta' Proġett ta' Interess Komuni fl-ambitu tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza; jirrimarka l-importanza tal-istabbiltà regolatorja fir-rigward tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-interoperabbiltà bħala mezz biex jiġu żblokkati l-investimenti fl-ERTMS u jitlob lill-Kummissjoni tanalizza b'attenzjoni bidliet ulterjuri meta tkun qed taġġorna t-TSI għall-2030 u tiżgura l-kompatibbiltà;

33. Jissottolinja li l-infrastruttura ferrovjarja Ewropea trid tiżgura kapaċità suffiċjenti kemm għall-ferroviji tal-merkanzija kif ukoll għall-ferroviji tal-passiġġieri, filwaqt li tipprevedi użu akbar tal-infrastruttura u tiġġenera redditu akbar fuq l-investimenti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti prijorità lill-konnettività ferrovjarja transfruntiera sabiex issaħħaħ il-bidla modali fit-trasport internazzjonali tal-passiġġieri; jisħaq f'dan ir-rigward fuq il-potenzjal tal-ferroviji ta' billejl għal vjaġġar kompetittiv u li ma jagħmilx ħsara lill-klima; huwa tal-fehma li t-trasport ferrovjarju transfruntier mingħajr interruzzjonijiet fuq in-network tat-TEN-T u tul il-kurituri tat-trasport tal-merkanzija Ewropej jirrikjedi kooperazzjoni transfruntiera mandatarja fost il-maniġers tal-infrastruttura; jistieden lill-Kummissjoni tressaq miżuri vinkolanti għall-maniġers tal-infrastruttura bħala parti mir-rieżami tat-TEN-T;

34. Jissottolinja li l-iżvilupp ta' servizzi ferrovjarji tal-passiġġieri ta' veloċità għolja u ta' kwalità għolja fin-networks ewlenin kollha tat-TEN-T irid jirrappreżenta prijorità kbira fis-snin li ġejjin, bil-għan li jinħoloq network mifrux ta' konnessjonijiet ferrovjarji ta' veloċità għolja bejn il-bliet ewlenin Ewropej li bħalissa ma għandhomx aċċess għal tali servizzi u li tiżdied b'mod sostanzjali l-kompetittività tal-modi tat-trasport sostenibbli fuq l-art;

35. Jisħaq fuq l-importanza tat-trasport fl-ilmiijiet navigabbli interni bħala mod ta' trasport sostenibbli u jissottolinja l-ħtieġa li jiġu żgurati infrastruttura ta' kapaċità għolja valida għall-futur, u l-affidabbiltà, il-kwalità u n-navigabbiltà tajba tal-passaġġi fuq l-ilma, b'mod partikolari fl-isfond tat-tibdil fil-klima; jirrikonoxxi r-rwol importanti tal-portijiet bħala nodi strateġiċi kemm fin-networks ewlenin kif ukoll f'dawk komprensivi; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura konnessjonijiet mingħajr interruzzjoni bejn il-portijiet interni u dawk marittimi u n-networks tal-ferroviji u tat-toroq, kemm ewlenin u kemm komprensivi, sabiex tiġi ffaċilitata l-multimodalità; jitlob li tittieħed azzjoni biex jiġi żgurat il-varar transfruntier armonizzat tas-Sistema ta' Informazzjoni dwar ix-Xmajjar (RIS) u biex tiġi ffaċilitata l-adozzjoni ta' soluzzjonijiet innovattivi, effiċjenti u sostenibbli fis-settur;

36. Jitlob li jiġi ffinanzjat pjan direzzjonali għall-iżvilupp tal-passaġġi fuq l-ilma interni permezz ta' Proġett ta' Interess Komuni fl-ambitu tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza;

37. Jenfasizza r-rwol li l-konnessjonijiet marittimi ta' kwalità għolja għandhom, mhux biss għall-kummerċ internazzjonali tal-UE, iżda wkoll għall-kummerċ fi ħdan l-UE; jissottolinja r-rwol importanti tal-pilastru tal-Awtostradi tal-Baħar tat-TEN-T u t-tbaħħir fuq distanzi qosra bħala modi sostenibbli ta' trasport f'dan il-kuntest; iqis li l-iskop tal-pilastru tal-Awtostradi tal-Baħar huwa li jiffaċilita l-konnessjonijiet u s-servizzi bil-baħar fuq distanzi qosra skont il-ħtiġijiet, li huma integrati bla interruzzjoni mat-trasport fuq l-art u li jikkomplementawh, li jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn il-portijiet marittimi u li jagħti spinta lill-konnessjonijiet tagħhom maż-żoni interni tal-pajjiż tagħhom, u li jippromwovi l-iżvilupp u l-introduzzjoni ta' fjuwils nodfa u alternattivi, soġġetti għal valutazzjoni tal-impatt, u soluzzjonijiet ta' effiċjenza enerġetika għat-trasport marittimu; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tevalwa liema punti aħħarin tal-kuritur ewlieni għandhom ikunu disponibbli bħala konnessjonijiet marittimi għal kurituri ewlenin oħra u fejn il-mapep tat-TEN-T għandhom jiġu aġġornati skont is-sejbiet ta' dik l-evalwazzjoni;

38. Jisħaq fuq ir-rwol vitali tal-portijiet marittimi u interni bħala nodi strateġiċi tan-network tat-trasport, li jgħaqqdu t-trasport marittimu fuq distanzi qosra u t-trasport marittimu fil-baħar miftuħ mal-ferroviji, it-toroq, il-passaġġi fuq l-ilma interni u l-pipelines u li jinsabu f'salib it-toroq tal-ktajjen tal-provvista tal-loġistika; jissottolinja l-importanza li tiġi żgurata l-aċċessibbiltà tal-portijiet tat-TEN-T għall-akbar bastimenti permezz ta' miżuri ta' garanzija tal-kapaċità; jenfasizza d-dimensjoni transfruntiera tal-portijiet marittimi u jisħaq li l-portijiet mhumiex biss komponent tat-trasport marittimu, iżda qed isiru dejjem aktar raggruppamenti tal-modi kollha tat-trasport, kif ukoll huma parti mill-ekonomiji tal-enerġija, tal-industrija u tal-ekonomija blu; jinnota l-importanza u ż-żieda fl-iżvilupp tal-kooperazzjoni u r-raggruppament tal-portijiet; jemmen li t-TEN-T għandu għalhekk jiffaċilita proġetti maħsuba biex iżidu s-sinerġiji fil-portijiet bejn it-trasport, l-enerġija u l-infrastrutturi diġitali u jipprevedi azzjonijiet biex jittejbu l-konnessjonijiet ferrovjarji u tat-toroq mal-portijiet marittimi u tal-passaġġi fuq l-ilma interni, fejn ikun meħtieġ, sabiex tiġi appoġġjata l-bidla modali u tittejjeb il-loġistika sostenibbli;

39. Jenfasizza l-importanza ta' konnessjonijiet bil-baħar fuq distanzi qosra għall-konnettività reġjonali, b'mod partikolari għar-reġjuni periferiċi u l-gżejjer; iqis li r-rekwiżiti tal-Awtostradi tal-Baħar fir-Regolament jeskludu l-konnessjonijiet nazzjonali bil-baħar fuq distanzi qosra; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għalhekk, tissimplifika dawn ir-rekwiżiti fir-regolament dwar it-TEN-T, sabiex il-konnessjonijiet marittimi jitqiegħdu fuq l-istess livell mal-konnessjonijiet ibbażati fuq l-art, filwaqt li tqis, b'mod partikolari, il-konnessjonijiet mal-portijiet fin-network komprensiv;

40. Jenfasizza l-potenzjal li jeżisti biex l-emissjonijiet tal-industrija tat-trasport bil-baħar jitnaqqsu b'mod sinifikanti permezz ta' investimenti fl-infrastruttura tal-portijiet li jappoġġjaw l-użu ta' fjuwils alternattivi u t-tranżizzjoni għall-iċċarġjar tal-batteriji u l-provvista tal-elettriku waqt li l-bastimenti jkunu rmiġġati; jirrimarka li tali investimenti għandhom jingħataw prijorità partikolari bħala mod kif jiġi promoss it-trasport multimodali bbażat fil-portijiet; jitlob lill-Kummissjoni tkompli tiżviluppa l-istrumenti finanzjarji li huma disponibbli biex jagħtu spinta lill-investimenti għal dak il-għan u tkompli tappoġġja l-iżvilupp kontinwu ta' teknoloġiji nodfa differenti billi tistimula r-riċerka;

41. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrikonoxxi r-rwol usa' tal-portijiet, lil hinn mill-funzjonijiet purament tat-trasport, f'dak li għandu x'jaqsam mal-isforzi ta' dekarbonizzazzjoni, b'mod l-aktar partikolari l-potenzjal tagħhom li jikkontribwixxu biex jiġu sfruttati l-opportunitajiet tal-enerġija mir-riħ fuq l-art u lil hinn mill-kosta;

42. Jissottolinja li t-trasport bl-ajru u l-infrastrutturi relatati miegħu, bħall-ajruporti, huma essenzjali biex l-UE tiġi konnessa globalment u internament, inklużi r-reġjuni rurali, skarsament popolati, periferiċi, insulari u ultraperiferiċi tagħha, u biex tiġi żgurata l-multimodalità, pereżempju permezz tal-interoperabbiltà b'mod partikolari mat-trasport ferrovjarju, kif ukoll biex jinħolqu sinerġiji bejn l-aġenziji relatati tal-UE; iqis it-TEN-T bħala għodda importanti biex tiġi aċċellerata l-adozzjoni ta' fjuwils alternattivi fis-settur, kif ukoll tal-infrastruttura tal-iċċarġjar u tar-riforniment tagħhom, billi tiġi pprovduta l-kapaċità meħtieġa fl-ajruporti fin-network ewlieni u komprensiv; iqis li l-iżvilupp ulterjuri tal-inizjattiva Ajru Uniku Ewropew II+ huwa urġenti u kruċjali biex ikun hemm konnettività tal-infrastruttura aktar effiċjenti u sostenibbli; ifakkar li l-kriżi tal-COVID-19 uriet il-valur tat-trasport bl-ajru għall-ekonomija kif ukoll għall-konnettività tal-passiġġieri u tal-merkanzija, u għaldaqstant, il-ħtieġa li tiġi żgurata r-reżiljenza tiegħu fil-konfront ta' riskji u kriżijiet ġodda;

43. Iqis li għandhom jiġu promossi s-sinerġiji u l-komplementaritajiet tat-TEN-T u tat-TEN-E, filwaqt li jiġu żgurati bis-sħiħ l-opportunitajiet ta' finanzjament eżistenti u futuri u l-livelli ta' finanzjament għall-iżvilupp tat-TEN-T; jenfasizza f'dan ir-rigward, li l-pipelines ma jitqisux biss bħala parti mill-infrastruttura tal-enerġija, iżda wkoll bħala faċilitaturi tat-tranżizzjoni lejn trasport aktar sostenibbli; jirrikonoxxi r-rwol tal-pipelines bħala konnessjoni bejn ir-raggruppamenti tal-industrija u l-hubs tat-trasport u bħala mezz ta' trasport għall-komoditajiet, u jissottolinja l-importanza tagħhom għall-implimentazzjoni ta' ċerti teknoloġiji ta' dekarbonizzazzjoni;

44. Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Istati Membri kollha jkollhom network tat-TEN-T żviluppat sew, intelliġenti, sikur u sostenibbli li jiffaċilita l-mobbiltà, il-konnettività u l-aċċessibbiltà territorjali fl-UE kollha, b'mod partikolari fir-reġjuni periferiċi, ir-reġjuni insulari u dawk ultraperiferiċi, sabiex jiġi promoss u msaħħaħ it-turiżmu Ewropew u internazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni tesplora s-sinerġiji possibbli ma' EuroVélo u s-16-il kuritur tagħha, b'mod partikolari billi żżid l-appoġġ finanzjarju, sabiex jiġi promoss iċ-ċikloturiżmu lokali u li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent fl-Ewropa;

Orjentazzjoni strateġika

45. Jenfasizza l-valur strateġiku għall-UE li żżomm fit-TEN-T konnessjonijiet mill-qrib tat-trasport ma' pajjiżi terzi u li tintegra aktar lill-pajjiżi sħab taż-Żona Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) tal-UE, il-Balkani tal-Punent u l-Komunità tat-Trasport tal-Ewropa tax-Xlokk, u l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u li tippromwovi konnettività aħjar maż-żoni periferiċi tal-UE; iqis ukoll li jkun prattiku, fid-dawl tal-investimenti strateġiċi u ż-żieda qawwija fl-influwenza minn pajjiżi terzi f'dan ir-reġjun, li l-konnessjonijiet tat-trasport tat-TEN-T tiegħu jiġu estiżi għall-pajjiżi kandidati, il-pajjiżi tal-Mediterran tan-Nofsinhar u dawk tas-Sħubija tal-Lvant, u għall-Asja, abbażi tal-istandards tal-UE u assigurazzjonijiet ta' reċiproċità; jenfasizza, barra minn hekk, l-importanza strateġika tal-Baħar Mediterran għall-Unjoni u l-ħtieġa li tissaħħaħ l-infrastruttura tal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran u tar-reġjuni insulari tal-UE;

46. Jirrimarka l-importanza li jinżammu l-konnessjonijiet tat-TEN-T mar-Renju Unit, l-ewwel billi dan jiġi rikonoxxut bħala "pajjiż ġar" kif iddefinit fl-Artikolu 3(b) tar-Regolament dwar it-TEN-T, filwaqt li jiġu ssalvagwardjati l-implimentazzjoni u t-tlestija ta' proġetti infrastrutturali tat-TEN-T maqbula b'mod konġunt u jiġi żgurat li r-Renju Unit jipparteċipa fil-finanzjament ta' din il-konnessjoni; jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni speċjali lill-fruntieri esterni tal-UE u tissorvelja l-impatt tal-ħruġ tar-Renju Unit fuq ir-reġjuni tal-fruntieri; ifakkar fir-rwol ewlieni tar-Renju Unit u l-hekk imsejjaħ pont tal-art bħala parti min-network tat-TEN-T u jirrikonoxxi l-impatt negattiv tal-Brexit fuq il-konnettività, l-aċċessibbiltà u l-koeżjoni ekonomika bejn l-Irlanda u l-Ewropa kontinentali, kif ukoll madwar il-gżira kollha tal-Irlanda; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-konnessjoni effettiva tal-Irlanda mal-Ewropa kontinentali, b'attenzjoni partikolari lir-rotot marittimi, permezz tan-network ewlieni u komprensiv, tkun xi tkun il-forma tar-relazzjonijiet futuri bejn l-UE u r-Renju Unit;

47. Jissottolinja li t-TEN-T, bil-hubs ewlenin tiegħu, għandu funzjoni strateġika għall-Unjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa pjanijiet biex tipproteġi l-infrastruttura strateġika u t-TEN-T kollu kemm hu; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-interess strateġiku tal-UE, il-projbizzjoni tad-dumping tal-prezzijiet, ir-rispett sħiħ ta' standards tax-xogħol Ewropej għoljin u l-prinċipju tar-reċiproċità fir-rigward tal-aċċess għall-akkwist pubbliku jiġu applikati bis-sħiħ matul il-proċeduri tal-offerti għall-proġetti tat-TEN-T;

48. Jissottolinja l-importanza li jiżdiedu s-sinerġiji bejn in-networks trans-Ewropej fil-qasam tat-trasport, l-enerġija u t-telekomunikazzjonijiet, u bejn il-kurituri rispettivi tagħhom sabiex jiġi żgurat aċċess għas-suq bla xkiel u d-distribuzzjoni ta' fjuwils alternattivi għat-trasport u biex jitqiesu l-ħtiġijiet diġitali li qed jevolvu tas-settur tat-trasport u tal-utenti tiegħu;

49. Jenfasizza li l-politika tal-infrastruttura tat-trasport toffri opportunità ċara biex jiżdiedu s-sinerġiji bejn il-ħtiġijiet tad-difiża u t-TEN-T, bil-għan ġenerali li tittejjeb il-mobbiltà militari madwar l-Unjoni, filwaqt li jitqies il-bilanċ ġeografiku u jiġu kkunsidrati l-benefiċċji potenzjali għall-protezzjoni ċivili; jinsisti li l-infrastruttura tat-trasport fis-sezzjonijiet tan-network trans-Ewropew li ġew identifikati bħala xierqa għal użu doppju għandhom jiġu adattati b'mod strett skont il-prinċipju tal-użu doppju biex jiġu indirizzati kemm il-ħtiġijiet ċivili kif ukoll dawk tad-difiża; jistieden lill-Kummissjoni żżomm il-proposta oriġinali tagħha għall-finanzjament tal-mobbiltà militari fl-ambitu tal-QFP 2021-2027;

°

° °

50. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.


 

NOTA SPJEGATTIVA

L-għan ewlieni tal-politika komuni tal-UE dwar it-trasport huwa li toħloq żona komuni tat-trasport madwar l-Ewropa. L-istrument ewlieni ta' politika biex jintlaħaq dan il-għan hija l-politika tan-Network Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T). Din tindirizza l-implimentazzjoni u l-iżvilupp ta' network madwar l-Ewropa ta' linji ferrovjarji, toroq, passaġġi fuq l-ilma interni, rotot tat-trasport marittimu, portijiet, ajruporti u terminals tal-ferroviji. Hija tfittex li tidentifika u tindirizza l-lakuni, telimina l-punti ta' konġestjoni u l-ostakoli tekniċi sabiex issaħħaħ b'mod ġenerali l-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali fl-UE.

 

Filwaqt li matul l-aħħar snin sar progress, hija meħtieġa reviżjoni, peress li mill-aħħar reviżjoni seħħew trasformazzjonijiet mhux mistennija li affettwaw is-settur tat-trasport u issa sar ovvju li ċerti kurituri tan-network ewlieni se jiġu ttardjati u huma f'riskju li ma jitlestewx sad-data stabbilita tagħhom.

 

Huwa tal-akbar importanza li l-infrastruttura tat-trasport multimodali Ewropea tiġi aġġornata u tibqa' valida għall-futur sabiex jiġu assigurati l-funzjonament tas-suq intern tal-UE u l-kompetittività tal-UE u sabiex jingħata appoġġ lit-tranżizzjoni lejn mobbiltà intelliġenti, sostenibbli, effiċjenti u sikura.

 

Huwa importanti li jitfakkar li l-leġiżlazzjoni eżistenti ma għandhiex bżonn tiġi revoluzzjonata. B'mod speċjali, id-disinn tan-network ewlieni għandhom isirulu biss tibdiliet żgħar sabiex ma tiġix ipperikolata t-tlestija fil-ħin tagħha sal-2030. Sabiex tissaħħaħ il-koerenza tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE) u t-TEN-T, l-aġġustamenti mniżżla fil-Parti III tal-Anness tar-reviżjoni tal-FNE [19] għandhom jiġu replikati fil-mapep il-ġodda tat-TEN-T. Dawn l-aġġustamenti huma meħtieġa sabiex ir-rotot tal-kurituri attwali jinftiehmu aħjar u jsiru aktar trasparenti sabiex jiġi assigurat li l-konnessjonijiet (transfruntiera) nieqsa u punti ta' konġestjoni jkunu magħrufa u indirizzati fit-TEN-T il-ġdid. It-tlestija fil-ħin u l-eliminazzjoni tal-punti ta' konġestjoni huma imperattivi għas-suċċess tal-politika Ewropea tat-trasport. Fl-istess ħin, huwa importanti wkoll li l-infrastruttura diġà mibnija tiġi mmonitorjata u evalwata sabiex jiġu assigurati l-effiċjenza u l-kapaċità tagħha. Huwa meħtieġ li jiġi assigurat li n-network ewlieni jitlesta sal-2030.

 

Sabiex tiġi assigurata l-effiċjenza tan-networks tat-TEN-T, huwa importanti li s-sistemi ta' mobbiltà għat-trasport tal-passiġġieri u l-loġistika tal-merkanzija jkunu jistgħu jintużaw b'sikurezza, sigurtà, effiċjenza u bla interruzzjonijiet. Għalhekk, għandhom jiġu promossi konnessjonijiet tat-trasport multimodali fin-nodi urbani, il-portijiet, l-ajruporti u l-pjattaformi. L-infrastruttura taċ-ċirkwit lokali hija ta' importanza kbira għall-effiċjenza ġenerali tat-TEN-T. Għalhekk, kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-Istati Membri jeħtieġ li jaħdmu mill-qrib mar-reġjuni u mal-bliet biex isaħħu l-infrastruttura taċ-ċirkwit lokali, u b'hekk tiġi mmultiplikata l-firxa tal-utenti tan-network.

 

Bidla ewlenija fit-TEN-T il-ġdid teħtieġ li tkun l-integrazzjoni ta' infrastruttura ta' fjuwils alternattivi. Permezz tal-inklużjoni tal-infrastruttura ta' fjuwils alternattivi għall-modi kollha ta' trasport, jista' jitrawwem il-varar sħiħ ta' fjuwils alternattivi li jista' jgħin biex isolvi d-dilemma eżistenti tad-domanda/il-provvista. It-TEN-T u r-reviżjoni mħabbra tad-direttiva dwar l-infrastruttura ta' fjuwils alternattivi jeħtieġ li jimxu id f'id.

 

L-appoġġ għad-diġitalizzazzjoni u l-innovazzjoni tal-modi kollha ta' trasport jeħtieġ li jkun fil-qalba tat-TEN-T li jmiss. It-tranżizzjoni diġitali tippermetti li tagħmel it-trasport aktar sikur, sostenibbli u effiċjenti. Fis-snin li għaddew, diġà sar progress bis-Sistemi ta' Trasport Intelliġenti (ITS), is-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERMTS), is-Sistemi għall-Monitoraġġ u l-Informazzjoni dwar it-Traffiku tal-Bastimenti (VTMIS), is-Servizzi tal-Informazzjoni tax-Xmajjar (RIS) u s-sistemi għall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (SESAR). Sabiex ikunu effettivi, l-applikazzjoni u l-varar tas-soluzzjoni diġitali jeħtieġ li jkunu koerenti u koordinati tajjeb madwar l-UE kollha. Ir-reviżjoni tat-TEN-T għandha tqis ukoll il-mobbiltà intelliġenti u awtonoma. It-TEN-T teħtieġ li tassigura li tinbena jew tiġi estiża l-infrastruttura meħtieġa u li tiġi assigurata l-interoperabbiltà transfruntiera.

 

Il-kriżi tal-COVID-19 uriet kemm hija kritika infrastruttura li tiffunzjona u li hija konnessa sew għat-trasport tal-merkanzija u tal-passiġġieri. Uriet ukoll il-valur tat-trasport għall-ekonomija kollha kemm hi. Għalhekk huwa importanti li n-network jissaħħaħ b'tali mod li jsir aktar reżiljenti għal riskji u kriżijiet ġodda. Din iż-żieda meħtieġa fir-reżiljenza jeħtieġ li titqies fil-kuntest tal-awtonomija strateġika ġenerali tal-UE u tal-politiki ta' sigurtà Ewropej.

 

Dimensjoni ġdida tal-politika tat-TEN-T hija l-moviment tal-forzi militari fl-UE u lil hinn minnha, li kienet identifikata fil-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Mobbiltà Militari. Ostakli fiżiċi, legali u regolatorji fosthom infrastruttura inkompatibbli jew proċeduri doganali ineffiċjenti bħalissa jxekklu dan il-moviment. Biex jingħelbu l-ostakli, networks adattati jeħtieġ li jiġu mgħammra skont il-prinċipju ta' użu doppju tal-infrastruttura kemm għal applikazzjonijiet ċivili kif ukoll għal dawk militari għall-partijiet rilevanti tat-TEN-T.

 

Il-modi kollha tat-trasport jeħtieġ li jiġu riflessi bl-istess mod fit-TEN-T il-ġdid. In-newtralità teknoloġika hija importanti biex jitnaqqsu l-emissjonijiet globali tas-settur tat-trasport filwaqt li tiġi assigurata l-mobbiltà taċ-ċittadini bi prezzijiet affordabbli. Jeħtieġ li jiġi evitat approċċ "wieħed tajjeb għal kulħadd" fil-modi ta' trasport u s-sorsi ta' enerġija.

 

Jeħtieġ li tinżamm il-kwalità tal-infrastruttura tat-toroq u jeħtieġ li tiġi appoġġjata l-bidla lejn mobbiltà fit-toroq b'emissjonijiet baxxi. Viżjoni Żero jeħtieġ li tkun prinċipju gwida.

 

It-trasport bil-ferrovija għandu rwol kruċjali fid-dekarbonizzazzjoni tat-trasport. Il-prijoritajiet nazzjonali spiss wasslu għal bidla fit-trasport tal-merkanzija mit-trasport bil-ferrovija għal dak bit-triq. Il-konnessjonijiet bil-ferrovija, b'mod partikolari l-konnessjonijiet transfruntiera u l-konnessjonijiet bejn iċ-ċentri ekonomiċi, jeħtieġ li jissaħħu. Għandha tingħata wkoll attenzjoni speċjali lill-konnessjonijiet bil-ferrovija li jistgħu jtaffu l-piż minn fuq ir-rotot ta-trasport tal-merkanzija u tal-passiġġieri bi frekwenza għolja. Il-kurituri tat-trasport bil-ferrovija jeħtieġ li jiġu ottimizzati, filwaqt li jiġu assigurati l-interkonnettività, l-interoperabbiltà u l-ppjanar ta' kapaċità suffiċjenti.

 

Jeħtieġ li jkun assigurat li jiżdiedu l-kapaċità, il-kwalità u n-navigabbiltà tajba tal-passaġġi fuq l-ilma interni. Il-passaġġi fuq l-ilma interni huma dipendenti ħafna mill-fond tax-xmajjar. Għalhekk, huwa importanti li l-infrastruttura tal-passaġġi fuq l-ilma interni tiġi adattata għall-isfidi tat-tibdil fil-klima. Is-soluzzjonijiet transfruntiera, id-diġitalizzazzjoni u l-innovazzjoni jeħtieġ li jiġu appoġġjati. Ir-rwol transfruntier tal-portijiet interni jeħtieġ li jiġi rikonoxxut u jeħtieġ li jiġi assigurat li tiżdied il-multimodalità fil-portijiet interni ewlenin.

 

It-trasport bl-ajru għandu rwol importanti għall-konnettività madwar l-UE, speċjalment fir-reġjuni periferiċi u insulari. Ir-reviżjoni tat-TEN-T tista' ssir għodda importanti biex titħaffef l-adozzjoni ta' fjuwils alternattivi, soġġett għall-valutazzjoni tal-impatt, fis-settur.

 

Ir-Regolament għandu jinkoraġġixxi wkoll l-isforzi biex l-UE tiġi konnessa lil hinn mill-fruntieri esterni tagħha. Għandu jimmira li jassigura kontinwità massima tan-network bejn l-UE u l-pajjiżi ġirien tagħha. B'mod partikolari, jeħtieġ li jingħata appoġġ lill-integrazzjoni tal-Balkani tal-Punent. L-iżvilupp ta' network tat-trasport skont il-prinċipji tat-TEN-T jista' jintegra aktar il-Balkani tal-Punent fis-Suq Uniku tal-Unjoni. Il-partijiet ikkonċernati tal-pajjiżi kandidati għandhom ikunu involuti fil-proċess ta' reviżjoni, eż. permezz tal-Komunità tat-Trasport WB6. Jeħtieġ li tingħata attenzjoni speċjali wkoll lill-fruntieri l-ġodda maħluqa fl-Unjoni minħabba l-ħruġ tar-Renju Unit. B'mod partikolari, jeħtieġ li jitqiesu l-effetti tal-ħruġ fuq il-Baħar tat-Tramuntana u r-Reġjuni tal-Atlantiku.

 

Diversi studji wrew li t-tlestija tan-networks ewlenin tat-TEN-T tiġi mxekkla meta jkun hemm dewmien fil-proċess nazzjonali tal-ippjanar. Il-Kummissjoni, għalhekk, jeħtieġ li ssaħħaħ is-sorveljanza tagħha fuq l-implimentazzjoni tat-TEN-T. Strumenti li huma diġà disponibbli fil-qafas legali attwali jeħtieġ li jiġu msaħħa aktar u r-rwol u l-kompetenzi tal-koordinaturi Ewropej jeħtieġ li jiġu msaħħa wkoll. L-obbligi skont ir-regolament tat-TEN-T jeħtieġ li jittieħdu bis-serjetà mill-Istati Membri u jeħtieġ li jiġu ssodisfati kif xieraq. Is-simplifikazzjoni tal-proċessi amministrattivi u ġudizzjarji u ż-żieda fid-diġitalizzazzjoni jeħtieġ li jkunu pass importanti li jrid jittieħed mill-Istati Membri sabiex iħaffu l-proċess tat-tlestija tal-infrastruttura tat-trasport.

 

Sabiex jintlaħqu l-miri tat-TEN-T, huwa kruċjali li jsir investiment suffiċjenti. Il-fondi rilevanti kollha tal-UE (l-FNE, InvestEU, l-FSIE, Orizzont Ewropa, eċċ.) u s-self mill-Bank Ewropew tal-Investiment jeħtieġ li jqisu l-ħtiġijiet speċifiċi tas-settur tat-trasport. Jeħtieġ li jiġi evitat tnaqqis fil-baġit. L-appoġġ finanzjarju għall-proġetti tat-trasport jista' jiġi mminat min-nuqqas ta' koordinazzjoni bejn l-istituzzjonijiet, l-inkapaċità li jiġi ppruvat il-valur miżjud tal-proġetti ffinanzjati, id-diffikultajiet tar-reġjuni inqas żviluppati biex jieħdu vantaġġ minn mekkaniżmi finanzjarji kumplessi u n-nuqqas ta' rieda mill-Istati Membri li jippromwovu s-sezzjonijiet transfruntiera. Huwa għalhekk importanti li jiġu ssimplifikati l-proċeduri ta' applikazzjoni u li tiġi pprovduta gwida lir-reġjuni u l-pajjiżi inqas żviluppati biex jimmodernizzaw l-istituzzjonijiet tagħhom. Barra minn hekk, is-sinerġiji bejn it-TEN-T u strumenti rilevanti oħra tal-UE oltre l-FNE (eż. il-FEŻR) jeħtieġ li jissaħħu. L-Istati Membri jeħtieġ li jimpenjaw ruħhom totalment għal finanzjament adattat, b'mod partikolari b'rabta mal-proġetti transfruntiera.

 

Ir-reviżjoni li jmiss tar-regolament tat-TEN-T tista' twassal biex in-network Ewropew jerġa' jaqbad it-triq it-tajba. Iżda dan jista' jsir biss jekk ir-reviżjoni ssir sew. Din jeħtieġ li tkun ambizzjuża, taġġorna t-TEN-T u tagħmlu tajjeb għall-futur. It-tlestija tan-network trans-Ewropew tat-trasport jeħtieġ li tkun prijorità kbira tal-Unjoni.

 


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

1.12.2020

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

47

1

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Magdalena Adamowicz, Andris Ameriks, José Ramón Bauzá Díaz, Izaskun Bilbao Barandica, Marco Campomenosi, Massimo Casanova, Ciarán Cuffe, Jakop G. Dalunde, Johan Danielsson, Andor Deli, Karima Delli, Anna Deparnay-Grunenberg, Ismail Ertug, Gheorghe Falcă, Giuseppe Ferrandino, Mario Furore, Søren Gade, Isabel García Muñoz, Jens Gieseke, Elsi Katainen, Elena Kountoura, Julie Lechanteux, Bogusław Liberadzki, Peter Lundgren, Benoît Lutgen, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Marian-Jean Marinescu, Tilly Metz, Giuseppe Milazzo, Cláudia Monteiro de Aguiar, Caroline Nagtegaal, Jan-Christoph Oetjen, Philippe Olivier, Rovana Plumb, Tomasz Piotr Poręba, Dominique Riquet, Dorien Rookmaker, Massimiliano Salini, Vera Tax, Barbara Thaler, István Ujhelyi, Petar Vitanov, Elissavet Vozemberg-Vrionidi, Lucia Vuolo, Roberts Zīle, Kosma Złotowski

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Leila Chaibi, Anne-Sophie Pelletier, Markus Pieper

 


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

47

+

ECR

Tomasz Piotr Poręba, Roberts Zīle, Kosma Złotowski

GUE/NGL

Leila Chaibi, Elena Kountoura, Anne‑Sophie Pelletier

ID

Marco Campomenosi, Massimo Casanova, Julie Lechanteux, Philippe Olivier, Lucia Vuolo

NI

Dorien Rookmaker

PPE

Magdalena Adamowicz, Andor Deli, Gheorghe Falcă, Jens Gieseke, Benoît Lutgen, Marian‑Jean Marinescu, Giuseppe Milazzo, Cláudia Monteiro de Aguiar, Markus Pieper, Massimiliano Salini, Barbara Thaler, Elissavet Vozemberg‑Vrionidi, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska

Renew

José Ramón Bauzá Díaz, Izaskun Bilbao Barandica, Søren Gade, Elsi Katainen, Caroline Nagtegaal, Jan‑Christoph Oetjen, Dominique Riquet

S&D

Andris Ameriks, Johan Danielsson, Ismail Ertug, Giuseppe Ferrandino, Isabel García Muñoz, Bogusław Liberadzki, Rovana Plumb, Vera Tax, István Ujhelyi, Petar Vitanov

Verts/ALE

Ciarán Cuffe, Jakop G. Dalunde, Karima Delli, Anna Deparnay‑Grunenberg, Tilly Metz

 

1

-

ECR

Peter Lundgren

 

1

0

NI

Mario Furore

 

It-tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

 

Aġġornata l-aħħar: 6 ta' Jannar 2021
Avviż legali - Politika tal-privatezza