RAPPORT dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni - rapport annwali 2020

15.12.2020 - (2020/2207(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteur: Sven Mikser


Proċedura : 2020/2207(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A9-0265/2020
Testi mressqa :
A9-0265/2020
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni – rapport annwali 2020

(2020/2207(INI))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra t-Trattat ta' Lisbona,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-20 ta' Diċembru 2013, tas-26 ta' Ġunju 2015, tal-15 ta' Diċembru 2016, tat-22 ta' Ġunju 2017, tat-28 ta' Ġunju 2018, tal-14 ta' Diċembru 2018, tal-20 ta' Ġunju 2019, tat-12 ta' Diċembru 2019 u tal-21 ta' Lulju 2020,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni tal-25 ta' Novembru 2013, tat-18 ta' Novembru 2014, tat-18 ta' Mejju 2015, tas-27 ta' Ġunju 2016, tal-14 ta' Novembru 2016, tat-18 ta' Mejju 2017, tas-17 ta' Lulju 2017, tal-25 ta' Ġunju 2018, tas-17 ta' Ġunju 2019 u tas-17 ta' Ġunju 2020,

 wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar l-istabbiliment ta' Patt dwar id-Dimensjoni Ċivili tal-PSDK,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà tal-10 ta' Diċembru 2018,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-qafas għal rispons diplomatiku konġunt tal-UE għal attivitajiet ċibernetiċi malizzjużi tad-19 ta' Ġunju 2017,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar iż-żgħażagħ, il-paċi u s-sigurtà tas-7 ta' Ġunju 2018 u dwar iż-żgħażagħ fl-azzjoni esterna tal-5 ta' Ġunju 2020,

 wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/797 tas-17 ta' Mejju 2019 dwar miżuri restrittivi kontra attakki ċibernetiċi li jheddu l-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha[1],

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-isforzi komplementari għat-tisħiħ tar-reżiljenza u l-ġlieda kontra t-theddid ibridu tal-10 ta' Diċembru 2019,

 wara li kkunsidra d-dokument bit-titolu "Shared Vision, Common Action: A Stronger Europe – A Global Strategy for the European Union's Foreign and Security Policy (Viżjoni Kondiviża, Azzjoni Komuni: Ewropa aktar b'saħħitha – Strateġija Globali għall-Politika Estera u s-Sigurtà ral-Unjoni Ewropea)" ippreżentat mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika Soċjali (VP/RGħ) fit-28 ta' Ġunju 2016,

 wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Mobbiltà Militari tat-28 ta' Marzu 2018 (JOIN(2018)0005),

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet konġunti tat-8 ta' Lulju 2016 u tat-12 ta' Lulju 2018 tal-Presidenti tal-Kunsill Ewropew u tal-Kummissjoni u tas-Segretarju Ġenerali tan-NATO,

 wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

 wara li kkunsidra l-Att Finali ta' Helsinki tal-1975 tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa,

 wara li kkunsidra s-sett komuni ta' 42 proposta approvati mill-Kunsilli tal-UE u tan-NATO fis-6 ta' Diċembru 2016 u r-rapporti ta' progress tal-14 ta' Ġunju 2017 u l-5 ta' Diċembru 2017 dwar l-implimentazzjoni tagħhom, u s-sett il-ġdid ta' 32 proposta approvati miż-żewġ Kunsilli fil-5 ta' Diċembru 2017,

 wara li kkunsidra l-Ħames rapport ta' progress tas-16 ta' Ġunju 2020 dwar l-implimentazzjoni tas-sett komuni ta' proposti approvati mill-Kunsilli tal-UE u tan-NATO fis-6 ta' Diċembru 2016 u l-5 ta' Diċembru 2017,

 wara li kkunsidra l-impatt enormi li l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE se jkollu fuq il-kapaċitajiet ta' difiża potenzjali tal-UE, peress li huwa wieħed mill-aktar poteri militari Ewropej effettivi,

 wara li kkunsidra l-invażjoni u l-annessjoni illegali tal-Krimea min-naħa tar-Russja,

 wara li kkunsidra l-ksur tar-Russja tal-ispazju tal-ajru u tal-fruntieri marittimi tal-Istati Membri,

 wara li kkunsidra ż-żieda fil-preżenza ekonomika u militari taċ-Ċina fil-pajjiżi Mediterranji u Afrikani,

 wara li kkunsidra t-theddida tat-terroriżmu domestiku u barrani, primarjament minn gruppi bħall-ISIS,

 wara li kkunsidra t-teknoloġiji l-ġodda bħall-intelliġenza artifiċjali, il-kapaċitajiet spazjali u l-informatika kwantistika, li joffru opportunitajiet ġodda għall-umanità, iżda joħolqu wkoll sfidi ġodda fl-ambitu tal-politika estera u ta' difiża li għalihom hemm bżonn strateġija ċara u kunsens bejn l-alleati,

 wara li kkunsidra t-Tieni Rapport ta' Progress dwar il-prijoritajiet tal-UE u tan-NU 2019-2021 dwar l-operazzjonijiet ta' paċi u l-immaniġġjar tal-kriżijiet,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti 3212(1974), 32/15(1977), 33/15(1978), 34/30(1979), 37/253(1983),

 wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSCR) 353(1974), 361(1975), 367(1975), 458(1979), 541(1983), 550(1984), 649(1990), 716(1991), 750(1992), 774(1992), 789(1992), 889 (1993), 939(1994), 1032(1995), 1062(1996), 1250(1999), 2009(2011), 2095(2013) u 2174(2014),

 wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti, b'attenzjoni speċjali lill-SDG 16, li għandu l-għan li jippromwovi soċjetajiet paċifiċi u inklużivi għall-iżvilupp sostenibbli,

 wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni tan-NU ta' Ġunju 2018 bit-titolu "Securing Our Common Future: An Agenda for Disarmament" (Nassiguraw il-Futur Komuni Tagħna: Aġenda għad-Diżarm),

 wara li kkunsidra r-Rapport Analitiku Nru 09/2019 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) dwar id-Difiża Ewropea,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2016[2], tat-13 ta' Diċembru 2017[3], tat-12 ta' Diċembru 2018[4] u tal-15 ta' Jannar 2020[5] dwar l-implimentazzjoni tal-politika estera u ta' sigurtà komuni,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2018 dwar ir-relazzjonijiet UE-NATO[6],

 wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar it-tħejjija tal-proċess ta' rieżami 2020 tat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (TNP), tal-kontroll tal-armi nukleari u tal-opzjonijiet ta' diżarm nukleari,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Settembru 2020 dwar l-esportazzjoni tal-armi: implimentazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK[7],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2019 dwar il-futur tat-Trattat INF u l-impatt fuq l-Unjoni Ewropea[8],

 wara li kkunsidra r-rapport tiegħu dwar il-Fond Ewropew għad-Difiża 2021-2027 (A8-0412/2018),

 wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill dwar id-deċiżjoni li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi[9],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2018 dwar sistemi ta' armi awtonomi[10],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Lulju 2020 dwar il-konklużjonijiet tal-laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew tas-17-21 ta' Lulju 2020[11],

 wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0265/2020),

1. Ifakkar fl-ambizzjoni tal-UE li tkun attur globali għall-paċi u s-sigurtà, u jitlob li l-azzjonijiet u l-politiki tagħha jaħdmu lejn iż-żamma tal-paċi internazzjonali, is-sigurtà, il-multilateraliżmu effettiv, il-kooperazzjoni, l-istabbiltà globali u l-appoġġ attiv għall-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli, id-dritt internazzjonali, id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, f'konformità mal-prinċipji u l-valuri tal-Karta tan-NU u l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE);

2. Jisħaq li, minħabba t-theddid multidimensjonali attwali li qed jiżdied għas-sigurtà u l-istabbiltà globali, reġjonali u nazzjonali li qed tiffaċċja l-UE f'ambjent multipolari ħafna u imprevedibbli b'setgħat globali u reġjonali aktar assertivi u kompetittivi u b'tibdil fl-alleanzi, huwa biss permezz tal-isforz konġunt ta' Unjoni Ewropea b'saħħitha u magħquda u tal-Istati Membri tagħha, f'kooperazzjoni mill-qrib ma' demokraziji tal-istess fehma, li l-atturi Ewropej se jkollhom il-potenzjal li jiżviluppaw Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) aktar robusta sabiex ikollhom rwol aktar b'saħħtu u rilevanti fix-xena internazzjonali fl-ambjent ġeopolitiku l-ġdid u biex jikkontribwixxu għall-paċi, is-sigurtà tal-bniedem, l-iżvilupp sostenibbli, il-prosperità, il-libertà, ir-rispett għad-drittijiet u l-valuri fundamentali u d-demokrazija;

 Jinnota li d-deterjorament dejjiemi fl-ambjent strateġiku tal-Unjoni qiegħed jaffettwa direttament jew indirettament is-sigurtà tal-Istati Membri u ċ-ċittadini tagħha; jissottolinja li, f'dan l-ambjent instabbli u imprevedibbli, l-Unjoni u l-Istati Membri flimkien għandhom rwol akbar x'jaqdu biex jiżguraw is-sigurtà tal-Istati Membri, iċ-ċittadini u l-valuri tal-Unjoni kontra t-theddid multilaterali, ir-riskji u l-isfidi;

4. Jinnota l-objettiv tal-Unjoni Ewropea li tiżviluppa awtonomija strateġika Ewropea, li hija ambizzjoni bbażata fuq il-kapaċità tal-Unjoni li tivvaluta b'mod indipendenti sitwazzjoni ta' kriżi u tieħu deċiżjonijiet awtonomi, u fuq il-kapaċità tagħha li taġixxi b'mod awtonomu, fejn iċ-ċirkostanzi jirrikjedu dan, sabiex tiddefendi l-interessi u l-valuri tagħha, b'rispett sħiħ tal-alleanzi u tas-sħab strateġiċi tagħha, filwaqt li tirrispetta l-prinċipju ta' komplementarjetà man-NATO;

5. Jistieden lill-VP/RGħ u lill-Kunsill jipprovdu definizzjoni formali komuni tal-awtonomija strateġika u jiddefinixxu l-objettivi, il-mezzi u r-riżorsi tagħha għall-implimentazzjoni b'mod ċar ħafna; iqis il-kapaċità li taġixxi b'mod awtonomu bħala mezz importanti għall-UE biex issaħħaħ l-azzjoni multilaterali tagħha, issir inqas vulnerabbli għal theddid estern u tkun sieħeb aktar affidabbli f'ordni multilaterali bbażat fuq ir-regoli;

6. Jemmen li l-pandemija tal-COVID-19 uriet il-vulnerabbiltà tal-UE u d-dipendenza tagħha fuq pajjiżi terzi; jissottolinja, għalhekk, il-ħtieġa saħansitra aktar importanti li jiġu intensifikati l-isforzi tal-UE lejn awtonomija strateġika f'dan il-kuntest;

7. Jinnota li sar xi progress fl-implimentazzjoni tal-PSDK; jilqa' l-fatt li l-UE tibqa' impenjata li żżid il-preżenza globali tagħha u l-kapaċità tagħha li taġixxi bħala promotur u fornitur tas-sigurtà globali, inkluż permezz tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK tagħha, bl-għan li tikseb paċi, stabbiltà, sigurtà u prosperità sostenibbli u tikkontribwixxi b'mod attiv biex jiġu eliminati u riżolti l-kunflitti madwar id-dinja, b'mod partikolari fil-viċinat tal-UE;

8. Jilqa' t-tħabbira tal-VP/RGħ li, sa tmiem l-2020, se tiġi ppreżentata analiżi tat-theddid u l-isfidi komuni, li se tipprovdi l-bażi għad-diskussjonijiet dwar il-politika mal-Istati Membri u għall-iżvilupp ta' Boxxla Strateġika; jinnota li l-Boxxla Strateġika se ttejjeb u tiggwida l-implimentazzjoni tal-livell ta' ambizzjoni tal-UE, kif stipulat fl-2016, u se tiddefinixxi approċċ strateġiku, għanijiet u objettivi speċifiċi fl-erba' oqsma ewlenin:  il-maniġġar ta' kriżijiet, ir-reżiljenza, il-kapaċitajiet u s-sħubiji, sa mhux aktar tard mill-2022; jisħaq li dan huwa meħtieġ minħabba li l-UE jeħtieġ li tiżviluppa xenarji illustrattivi għall-interventi militari u ċivili u biex tipprepara sew fil-livelli operazzjonali u politiċi; jittama li l-Boxxla Strateġika, bħala l-ewwel pass lejn l-iżvilupp ta' kapaċità operattiva indipendenti tal-UE, se twitti t-triq għal kultura strateġika aktar armonizzata u b'hekk tiffaċilita t-teħid ta' deċiżjonijiet tal-Unjoni;

9. Qed iqis li jressaq ir-rapporti u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu stess dwar l-oqsma ewlenin tal-Boxxla Strateġika sabiex jipprovdi input u gwida parlamentari, f'konformità mal-prinċipji istituzzjonali demokratiċi tagħna;

10. Jissottolinja l-importanza ġeopolitika primarja għall-Unjoni ta' stabbiltà, sigurtà u prosperità reġjonali sostenibbli u tal-prevenzjoni ta' proċessi destabbilizzanti fil-viċinat tagħha, kemm fil-Lvant kif ukoll fin-Nofsinhar u fl-Artiku; jisħaq fuq ir-rwol ewlieni li għandhom l-operazzjonijiet EUFOR Althea u EULEX Kosovo fil-promozzjoni tal-istabbiltà u s-sigurtà billi tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-pajjiżi u jiġi promoss it-tisħiħ tal-kapaċitajiet f'reġjun ta' importanza strateġika għall-UE; jilqa' l-estensjoni tal-mandati ta' EULEX Kosovo u EUAM Ukraine u jtenni l-importanza tal-involviment tal-PSDK fil-Balkani tal-Punent u l-Viċinat tal-Lvant; jinkoraġġixxi rieżami tal-missjoni tal-PSDK attwali EUAM Ukraine biex jiġi ddeterminat kif tista' tappoġġja aktar is-sigurtà tal-Ukrajna;

11. Jinnota l-fatt li l-instabbiltà fil-Viċinat tan-Nofsinhar tal-Ewropa, b'mod partikolari fir-reġjuni tas-Saħel, tal-Afrika tal-Punent u tal-Qarn tal-Afrika fl-aħħar mill-aħħar għandha effett kollaterali negattiv b'mod partikolari fuq il-Viċinat tan-Nofsinhar tal-UE, u għalhekk toħloq sfida diretta għall-ġestjoni tal-fruntieri esterni Ewropej tagħna;

12. Itenni l-impenn tiegħu favur l-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna u tal-pajjiżi l-oħra kollha tas-Sħubija tal-Lvant; jesprimi tħassib serju dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja u jtenni l-appoġġ tiegħu għall-għażla sovrana u demokratika tal-poplu;

13. Huwa mħasseb li l-forzi militari tal-Federazzjoni Russa għadhom qed jokkupaw partijiet kbar mill-Ukrajna u l-Georgia bi ksur tad-dritt internazzjonali, li għadhom preżenti fir-Repubblika tal-Moldova, u li r-Russja għadha tiddestabilizza l-paċi u s-sigurtà fir-reġjun; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-iskala bla preċedent ta' kampanji ta' diżinformazzjoni sponsorjati mill-Istat fil-Viċinat tal-Lvant; ikompli jikkundanna l-intervent militari tar-Russja u l-annessjoni illegali tal-peniżola tal-Krimea u ż-żamma tal-kunflitt iffriżat fil-Moldova; jisħaq fuq il-ħtieġa li nitkellmu b'vuċi waħda dwar il-politika tal-UE f'dak il-kuntest;

14. Jilqa' l-waqfien tal-ostilitajiet fin-Nagorno-Karabakh u madwaru; jissottolinja bi tħassib l-involviment militari ta' pajjiżi terzi fil-kunflitt u b'mod partikolari r-rwol destabbilizzanti u l-interferenza tat-Turkija; jitlob li ssir investigazzjoni internazzjonali dwar l-allegata preżenza ta' ġellieda barranin u l-użu ta' munizzjonijiet dispersivi u bombi tal-fosfru; jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-korpi internazzjonali jiżguraw li ma jkunx hemm impunità għal delitti tal-gwerra fin-Nagorno-Karabakh u għall-użu ta' armi pprojbiti fil-kunflitt fin-Nagorno-Karabakh; jinsisti fuq il-ħtieġa li l-għajnuna umanitarja titħalla tidħol, li l-iskambju ta' priġunieri u ta' persuni maqtula jsir mingħajr dewmien, u fuq il-ħtieġa li jiġi ppreservat il-wirt kulturali tan-Nagorno-Karabakh;

15. Jesprimi tħassib serju dwar iż-żieda reċenti fit-tensjonijiet dwar xi punti ta' tħassib potenzjali fir-reġjun tal-Indo-Paċifiku, bħall-fruntiera kkontestata bejn l-Indja u ċ-Ċina, il-Baħar taċ-Ċina tal-Lvant u tan-Nofsinhar u l-Istrett tat-Tajwan, inklużi l-manuvri militari dejjem aktar provokattivi taċ-Ċina mmirati lejn it-Tajwan; jitlob lill-partijiet ikkonċernati kollha jsolvu d-differenzi tagħhom permezz ta' mezzi paċifiċi biex jitnaqqsu t-tensjonijiet u joqogħdu lura milli jieħdu azzjoni unilaterali biex jibdlu l-istatus quo; jissottolinja l-importanza tal-iżvilupp paċifiku tul l-Istrett tat-Tajwan biex jinżammu l-paċi, l-istabbiltà u l-prosperità għaċ-Ċina u t-Tajwan, u fir-reġjun Asja-Paċifiku, li jibqa' ta' importanza kritika għall-interessi tal-UE; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jirrevedu l-politika ta' involviment tagħhom mat-Tajwan u jaħdmu ma' sħab internazzjonali tal-istess fehma biex jipproteġu lit-Tajwan demokratiku ħieles minn theddid barrani;  jesprimi tħassib dwar il-kampanja ta' diżinformazzjoni mnedija minn pajjiżi terzi malizzjużi biex ifixklu l-isforzi fil-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19 kontra demokraziji fir-reġjun Indo-Paċifiku, inkluż it-Tajwan; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġjaw il-parteċipazzjoni sinifikanti u prammatika tat-Tajwan bħala osservatur fil-laqgħat, il-mekkaniżmi u l-attivitajiet tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), sabiex flimkien jiġġieldu kontra l-kriżi globali tas-saħħa pubblika;

16. Huwa mħasseb ħafna dwar l-attivitajiet illegali u t-theddid ta' azzjoni militari kontra l-Istati Membri min-naħa tat-Turkija fil-Mediterran tal-Lvant, u jikkundanna dan bil-qawwa; jinnota bi tħassib li l-azzjonijiet unilaterali mmexxija mit-Turkija, minkejja l-isforzi ta' dieskalazzjoni, qed jiksru d-dritt internazzjonali u qed jaffettwaw direttament is-sovranità ta' xi Stati Membri; itenni r-rieda tal-Unjoni li tuża l-istrumenti u l-għażliet kollha li għandha għad-dispożizzjoni tagħha, inkluż f'konformità mal-Artikolu 29 tat-TUE u l-Artikolu 215 tat-TFUE, sabiex tiddefendi l-interessi tagħha u dawk tal-Istati Membri tagħha; ifakkar fil-konklużjonijiet reċenti tal-Kunsill dwar il-Lvant tal-Mediterran u jitlob strateġija komprensiva ġdida bejn l-UE u t-Turkija;

17. Jisħaq li l-aċċess għal ilma tax-xorb sikur jista' jwassal għal kunflitti serji; jisħaq li l-Unjoni Ewropea trid tistabbilixxi strateġija politika biex tiffaċilita s-soluzzjonijiet f'dawn iż-żoni ta' potenzjal destabbilizzanti għoli filwaqt li tinkoraġġixxi lill-pajjiżi li jinsabu fl-aktar żoni importanti ta' kunflitt relatat mal-ilma biex jiffirmaw il-Konvenzjoni ta' Ħelsinki dwar l-Ilma tal-1992 li tlestiet fi New York fl-1997 dwar il-protezzjoni u l-użu ta' passaġġi fuq l-ilma transfruntiera u lagi internazzjonali;

Il-konsolidazzjoni tal-ambizzjonijiet tal-Unjoni Ewropea: it-tisħiħ tal-effettività tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK f'ambjent imprevedibbli u destabbilizzat

18. Iqis li l-PSDK hija primarjament ibbażata fuq il-kapaċità tal-Unjoni li twettaq missjonijiet u operazzjonijiet ċivili u militari f'sitwazzjonijiet ta' kriżi li jaffettwaw is-sigurtà tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha jew li jeħtieġu intervent internazzjonali skont id-dritt internazzjonali u l-karta u r-riżoluzzjonijiet tan-NU; jinnota li l-Unjoni bħalissa qed twettaq 11-il missjoni u operazzjoni ċivili u sitta militari, li minnhom, fil-każ ta' dawn tal-aħħar, tlieta huma missjonijiet eżekuttivi (ATALANTA, EUNAVFOR MED IRINI, EUFOR ALTHEA) u tlieta mhumiex eżekuttivi (EUTM Mali, EUTM Somalia, EUTM RCA); ifakkar li l-mandati tal-missjonijiet tal-PSDK għandhom l-għan, fost oħrajn, li jrawmu r-riforma tas-settur tas-sigurtà, imexxu 'l quddiem ir-riforma tal-ġustizzja, u jsaħħu t-taħriġ militari u tal-pulizija; jirrakkomanda evalwazzjoni xierqa tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet fuq bażi regolari sabiex jiġi identifikat fejn tista' tissaħħaħ aktar l-effettività tagħhom; jisħaq fuq l-importanza li l-missjonijiet jitwettqu b'mod aktar rapidu, flessibbli u konsistenti;

19. Jinnota, sfortunatament, li għad hemm nuqqas ta' rieda politika minn xi Stati Membri biex jipparteċipaw fil-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK b'mod sinifikanti u kredibbli; jissottolinja l-importanza li l-missjonijiet u l-operazzjonijiet isiru aktar robusti, kemm f'termini ta' riżorsi umani kif ukoll ta' mandati; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-kontribut tal-forzi u l-assi għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet kollha tal-PSDK, filwaqt li jindirizzaw b'mod partikolari n-nuqqasijiet eżistenti, peress li l-kwistjoni tal-finanzjament għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK hija kruċjali għas-sostenibbiltà tagħhom, speċjalment fi żminijiet ta' kriżi, u l-kwistjoni ta' tensjonijiet u kunflitti potenzjali li qed jiżdiedu; jisħaq li l-baġit tal-PSDK ma għandux jidgħajjef;

20. Jenfasizza li l-parteċipazzjoni tan-nisa f'missjonijiet tal-PSDK tikkontribwixxi għall-effettività tal-missjoni u hija mutur tal-kredibbiltà tal-UE bħala promotur tad-drittijiet ugwali għall-irġiel u n-nisa madwar id-dinja; jitlob integrazzjoni sinifikanti tal-perspettiva tal-ġeneri fil-formulazzjoni tal-PSDK, b'mod partikolari permezz ta' bilanċ aħjar bejn il-ġeneri fil-persunal u t-tmexxija tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK u t-taħriġ speċifiku tal-persunal skjerat; jilqa' l-fatt li l-missjonijiet ċivili kollha tal-PSDK issa ħatru konsulent tal-ġeneru u jistieden lill-missjonijiet militari tal-PSDK jagħmlu l-istess; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jippreżentaw kandidati nisa għall-pożizzjonijiet vakanti eżistenti; jitlob li l-persunal militari u ċivili kollu skjerat mill-UE jiġi mħarreġ biżżejjed dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-implimentazzjoni tal-UNSCR 1325 dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà, u speċifikament dwar kif jintegraw il-perspettiva tal-ġeneri fil-kompiti tagħhom; jesprimi d-dispjaċir tiegħu dwar il-fatt li l-għadd ta' nisa li jaħdmu fil-missjonijiet tal-PSDK u speċjalment f'operazzjonijiet militari għadu baxx ħafna; iħeġġeġ lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jippromwovi l-ħtieġa ta' mira konkreta u impenn politiku biex jiżdied l-għadd ta' nisa fil-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-UE għall-maniġġar ta' kriżijiet; iħeġġeġ lill-Istati Membri jħarsu lejn modi kif isaħħu l-politiki ta' reklutaġġ u taż-żamma tal-persunal u jippromwovu l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-missjonijiet tal-konsolidazzjoni tal-paċi u taż-żamma tal-paċi; jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi inkluża linja baġitarja ġdida tal-UE li tiffinanzja l-pożizzjoni tal-konsulenti tal-ġeneru fil-missjonijiet militari tal-PSDK;

21. Jissottolinja l-impenn globali tal-Unjoni fis-Saħel u fil-Qarn tal-Afrika permezz ta' sitt missjonijiet ċivili (EUCAP Mali, EUCAP Niger, EUCAP Somalia) u militari (EUTM Mali, EUTM Somalia, EUNAVFOR ATALANTA, EUNAVFOR MED Irini);

22. Jinnota li l-operazzjonijiet militari tal-PSDK qed ikollhom tendenza dejjem akbar li jiffukaw fuq it-taħriġ tal-forzi armati (jiġifieri missjonijiet ta' taħriġ tal-UE) mingħajr dimensjoni eżekuttiva; iqis li, mingħajr ma tiġi affettwata d-dimensjoni mhux eżekuttiva ta' dawn il-missjonijiet, il-mandat għandu jsir aktar robust sabiex il-konsulenti Ewropej ikunu jistgħu jivverifikaw, mill-aktar qrib possibbli, ir-raġuni għall-iskjerament, jekk il-programmi ta' formazzjoni ġewx implimentati sew u humiex konformi b'mod sħiħ mal-ħtiġijiet operattivi attwali tal-forzi armati lokali; jinnota li dan jippermetti wkoll prevenzjoni aħjar ta' ġestjoni ħażina u ta' każijiet ta' abbuż ladarba l-forzi mħarrġa jiġu skjerati fil-post; jisħaq li dan huwa speċjalment il-każ f'EUTM Mali, fejn il-forzi armati tal-Mali jiġu skjerati f'żoni ferm differenti u diffiċli, u b'hekk jirrikjedu sorveljanza tal-mod kif il-formazzjonijiet Ewropej qed jiġu implimentati attwalment;

23. Jisħaq li ftit biss mill-missjonijiet tal-PSDK jipprovdu taħriġ dwar il-fastidju sesswali u sessist, u jistieden lis-SEAE u lill-Istati Membri jipprovdu taħriġ obbligatorju biex dan it-tip ta' fastidju jiġi miġġieled fil-missjonijiet u fl-operazzjonijiet kollha u jiżguraw li l-vittmi u l-informaturi jiġu protetti b'mod effettiv; jitlob li l-Istandards Ġeneriċi Mtejba tal-Imġiba għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK jiġu aġġornati biex jinkludu l-prinċipju ta' tolleranza żero ta' nuqqas ta' azzjoni min-naħa tat-tmexxija u l-maniġment tal-UE fir-rigward tal-vjolenza sesswali u sessista;

24. Jilqa' l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Ottubru 2020 dwar l-Operazzjoni EUFOR Althea u r-rieda li jitkompla l-mandat tal-Operazzjoni biex jiġu appoġġjati l-awtoritajiet tal-Bożnija-Ħerzegovina biex jinżamm l-ambjent sikur u sigur taħt awtorizzazzjoni mġedda tan-NU; jirrikonoxxi l-isfidi li qed jirriżultaw mill-pandemija tal-COVID-19 u jfaħħar lill-persunal tal-missjonijiet talli baqa' kompletament operattiv matul dan iż-żmien;

25. Jinnota li s-sitwazzjoni tas-sigurtà fis-Somalja hija inkwetanti ħafna u hija fattur destabbilizzanti fil-Qarn tal-Afrika u anke lil hinn; jemmen, f'dan ir-rigward, li t-tisħiħ tal-EUTM Somalia b'kapaċità konsultattiva fi strutturi ta' kmand jippermetti li tiġi eżerċitata influwenza sinifikanti fuq kif jitwettqu l-operazzjonijiet fil-qafas multilaterali tal-assistenza militari;

26. Jinkoraġġixxi l-isforzi li saru fir-rigward tal-proċess ta' reġjonalizzazzjoni, li tnieda permezz taċ-Ċellula ta' Konsulenza u Koordinazzjoni Reġjonali (RACC) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2019 biex dan jidħol fit-tieni fażi tiegħu, u b'hekk jissaħħaħ l-approċċ reġjonali tal-UE fis-Saħel, b'mod partikolari f'EUTM Mali billi jiġi estiż il-kamp ta' applikazzjoni tiegħu għall-pajjiżi tal-G5 tas-Saħel, bil-għan li l-azzjoni tal-UE ssir aktar effettiva u operazzjonali bejn il-fruntieri tal-pajjiżi tal-G5 tas-Saħel, u tiġi appoġġjata l-kooperazzjoni transfruntiera, biex b'hekk il-ħidma ta' EUCAP Sahel Mali, EUCAP Sahel Niger u EUTM Mali ssir aktar effettiva; jitlob li l-isem tagħha jinbidel għal EUTM Sahel; jinnota li l-konsistenza u l-kooperazzjoni fis-sigurtà mal-pajjiżi Afrikani huma kruċjali biex jinkisbu l-istabbiltà u l-iżvilupp fit-tul tal-kontinent; huwa tal-fehma li r-reġjonalizzazzjoni tal-approċċ tal-PSDK fis-Saħel hija rilevanti iżda tirrikjedi organizzazzjoni aktar ċara bejn il-missjonijiet ċivili u militari diġà eżistenti tal-PSDK, l-atturi lokali u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra (jiġifieri l-missjoni taż-żamma tal-paċi tan-Nazzjonijiet Uniti MINUSMA u l-Operazzjoni Barkhane mmexxija mill-militar Franċiż) biex jiġu żgurati s-sinerġija operazzjonali u l-isforzi kkoordinati fil-livell tal-Unjoni;

27. Jinsab imħasseb dwar il-kampanja ta' diżinformazzjoni li għaddejja bħalissa fir-rigward tal-UE fir-Repubblika Ċentru-Afrikana; jistieden lill-VP/RGħ jieħu azzjoni sabiex jidentifika b'mod effiċjenti l-oriġini tal-kampanja ta' diżinformazzjoni u jiġġieled dawn l-attakki; jilqa' t-tnedija ta' EUAM RCA bil-ħsieb li jiġu appoġġjati r-riforma tas-settur tas-sigurtà tar-Repubblika Ċentru-Afrikana u l-estensjoni tal-mandat ta' EUTM RCA; iqis li l-Unjoni jeħtieġ li ttejjeb malajr u b'mod effettiv il-kapaċitajiet tagħha li tforni tagħmir minbarra t-taħriġ ipprovdut mill-missjonijiet EUCAP u EUTM; jinnota li t-twaqqif tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi se jiżgura approċċ komprensiv għall-bini tal-kapaċitajiet tal-forzi tas-sħab tagħna; jissottolinja li l-atturi barranin assertivi, preżenti u attivi, li mhux neċessarjament ikollhom l-istess prinċipji etiċi bħall-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, jimlew id-distakk fil-kapaċitajiet u huma involuti fil-provvista ta' tagħmir lil dawn il-forzi, mingħajr ebda rispett għall-istat tad-dritt u l-istandards internazzjonali;

28. Jinsab imħasseb ħafna dwar id-deterjorament tas-sitwazzjoni tas-sigurtà u umanitarja fir-reġjun tas-Saħel, fejn it-terroriżmu qed jagħmel pressjoni kbira fuq il-pajjiżi tal-G5 tas-Saħel u l-viċinat tagħhom, u dan qed jaggrava t-tensjonijiet politiċi, etniċi u reliġjużi lokali; jisħaq fuq l-importanza tal-appoġġ li jġibu l-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-UE fis-Saħel f'dan ir-rigward; ifakkar li huwa essenzjali li jinżamm l-investiment fit-tul li sar mill-komunità internazzjonali biex taħdem lejn is-sigurtà u l-istabbiltà fil-Mali u fis-Saħel; jistieden lill-VP/RGħ jimplimenta malajr id-deċiżjoni li jerġgħu jinbdew l-attivitajiet tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-UE fil-Mali wara d-deċiżjoni tal-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punent (ECOWAS) li tneħħi s-sanzjonijiet kontra Mali;

29. Jitlob approċċ ġdid fil-livell operazzjonali tar-riforma tas-settur tas-sigurtà, l-assistenza tas-sigurtà u l-bini tal-kapaċità militari, li jinkorpora t-tagħlimiet meħuda, b'mod partikolari fil-Mali, u li jenfasizza (a) il-kontroll demokratiku tal-forzi tas-sigurtà kollha inklużi l-forzi armati, (b) il-governanza demokratika u trasparenti tas-settur, (c) il-monitoraġġ sistematiku tal-konformità sħiħa u stretta tal-atturi kollha mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali, u (d) mekkaniżmi ċari għas-sospensjoni, jew l-irtirar f'każ ta' impunità, u ksur kontinwu;

30. Jinnota l-livell imtejjeb ta' koordinazzjoni bejn il-missjonijiet ċivili u militari fi tliet pajjiżi: il-Mali, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana u s-Somalja; jilqa' l-isforzi kkoordinati tal-missjoni tal-UE tal-bini tal-kapaċità fis-Somalja (EUCAP Somalia) u ta' EUTM Somalia li jakkumpanjaw it-tqarrib operazzjonali bejn il-pulizija tas-Somalja u l-armata tas-Somalja fiż-żoni liberati mill-influwenza ta' Al Shabaab; jisħaq li l-approċċ integrat tal-għodod, l-istrumenti baġitarji u l-atturi f'EUAM CAR u EUTM CAR għandu jiġi ddupplikat meta jkun rilevanti f'missjonijiet u operazzjonijiet oħra tal-PSDK;

31. Jilqa' t-tnedija tal-Operazzjoni EUNAVFOR MED Irini, li għandha l-għan li tikkontribwixxi għall-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà sostenibbli billi tappoġġja l-implimentazzjoni tal-embargo tal-armi fuq il-Libja skont il-UNSCR 2526 (2020), it-taħriġ tal-gwardja tal-kosta Libjana u t-tfixkil tat-traffikar tal-bnedmin; iħeġġeġ b'mod speċifiku lill-Istati Membri biex jassenjaw b'mod urġenti l-assi tal-intelligence, tas-sorveljanza, ta' rikonjizzjoni mill-pulizija u dawk navali meħtieġa biex jiżdiedu l-kapaċitajiet tal-Operazzjoni Irini li sa issa kienu limitati u jinkoraġġixxi kooperazzjoni aktar b'saħħitha mal-operazzjoni marittima tan-NATO li għaddejja bħalissa Sea Guardian, kif ukoll kooperazzjoni mas-sħab reġjonali; ifakkar fl-obbligi internazzjonali rigward it-tiftix u s-salvataġġ fil-baħar; jistieden lill-VP/RGħ jagħmel użu sħiħ mill-assi tal-UE f'dan il-qasam, b'mod partikolari ċ-ċentru satellitari tal-UE u ċ-ċentru tal-intelligence tal-UE; jilqa' l-progress li qed isir lejn l-istabbilizzazzjoni tas-sitwazzjoni fil-Libja, jistieden lill-UE tassumi rwol attiv fil-proċess ta' medjazzjoni sabiex tikkontribwixxi għat-twaqqif tal-pedamenti meħtieġa għal Libja paċifika, stabbli u demokratika;

32. Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2020 li jestendi l-mandati ta' tlieta mill-missjonijiet ċivili tiegħu tal-PSDK: il-Missjoni Ewropea ta' Assistenza fil-Fruntieri fil-Libja (EUBAM Libya), il-Missjoni Ewropea ta' Assistenza fil-Fruntieri għall-Punt ta' Qsim ta' Rafah (EUBAM Rafah), u l-Missjoni tal-Pulizija Ewropea għat-Territorji Palestinjani (EUPOL COPPS);

33. Jitlob żvilupp u tisħiħ ulterjuri tal-istrutturi tat-teħid tad-deċiżjonijiet ċivili u militari tal-UE u tal-istrutturi ta' kmand u ta' kontroll;

34. Jinnota li r-rieżami strateġiku tal-Kapaċità Militari tal-Ippjanar u t-Tmexxija (MPCC) għandu jinbeda fl-2020; jistieden, fid-dawl tal-impatt ta' dan ir-rieżami fuq l-ippjanar, il-kmand u l-kontroll tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet militari, lill-VP/HR iżomm lill-Parlament infurmat fil-ħin dwar l-għażliet disponibbli u magħżula; itenni li l-UE tirrikjedi struttura ta' kmand militari permanenti u sħiħa sabiex tkun tista' taġixxi b'mod awtonomu u għalhekk jistieden lill-Kunsill jimplimenta struttura bħal din;

35. Jieħu nota tal-progress u l-isforzi ġenerali li saru fl-implimentazzjoni tal-Patt dwar id-Dimensjoni Ċivili tal-PSDK, li għandu l-għan li jagħmel lill-PSDK ċivili aktar kapaċi, aktar effettiva, flessibbli u risponsiva kemm fil-livell nazzjonali billi jiġu żviluppati u implimentati l-Pjanijiet ta' Implimentazzjoni Nazzjonali biex jiżdiedu l-kontributi nazzjonali għall-PSDK ċivili, kif ukoll fil-livell tal-UE bl-iżvilupp ta' Pjan ta' Azzjoni Konġunt; jitlob l-implimentazzjoni sħiħa tal-Patt dwar id-Dimensjoni Ċivili tal-PSDK sal-bidu tas-sajf 2023; jinnota l-isfidi marbuta mal-kapaċità li qed tiffaċċja l-PSDK ċivili fir-rigward tad-disponibbiltà ta' għadd suffiċjenti ta' pulizija, imħallfin, prosekuturi, u esperti oħra fis-settur tal-ġustizzja u tas-sigurtà ċivili; huwa tal-fehma li l-UE trid issegwi l-evalwazzjoni komprensiva tagħha tal-missjonijiet ċivili EUCAP Sahel Mali, EUCAP Sahel Niger, EUCAP Somalia u EUAM RCA f'termini tal-mandati, il-baġits u r-riżorsi umani tagħhom, sabiex tagħmilhom kompletament operattivi u effettivi; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu rieżami annwali dettaljat li jqis il-progress fl-implimentazzjoni tal-Patt dwar id-Dimensjoni Ċivili tal-PSDK; jistieden lill-atturi rilevanti kollha jintensifikaw il-kooperazzjoni u jsaħħu s-sinerġiji bejn il-missjonijiet ċivili u militari skjerati fl-istess żona, speċjalment fir-rilevanza għall-mobbiltà u infrastrutturi diġitali siguri; jilqa' l-ħolqien taċ-Ċentru ta' Eċċellenza għall-Maniġġar Ċivili ta' Kriżijiet li nfetaħ f'Settembru 2020 u jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jipparteċipaw b'mod attiv fil-ħidma tiegħu;

36. Ifaħħar il-kontinwità u l-preżenza sostnuta tal-missjonijiet u tal-operazzjonijiet tal-PSDK minkejja l-ambjent mimli sfidi u l-impatt negattiv kkawżat mill-pandemija tal-COVID-19; iħeġġeġ li l-baġit, ir-riżorsi, l-ippjanar u t-tagħmir tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK jiġu vvalutati u aġġustati fid-dawl tat-tagħlimiet meħuda mill-COVID-19 sabiex jiġi żgurat li tinżamm l-effettività operazzjonali; jissottolinja l-importanza li l-UE tqis x'jista' jsir aktar biex jitnaqqas u jiġi ġestit ir-riskju li l-persunal jiġi infettat; jesprimi tħassib serju dwar l-impatt amplifikat negattiv tal-COVID-19 fuq il-kriżijiet eżistenti u jemmen li huwa imperattiv għall-UE li tipprevjeni l-COVID-19 milli jisfida ħafna snin ta' progress fil-konsolidazzjoni tal-paċi; jinsab allarmat dwar il-mewġa ta' diżinformazzjoni, b'mod partikolari kontra l-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK fiż-żmien tal-pandemija tal-COVID; jissottolinja l-ħtieġa li l-UE ssaħħaħ l-għodod strateġiċi ta' komunikazzjoni u d-diplomazija pubblika tagħha, b'mod partikolari f'pajjiżi fejn jitwettqu missjonijiet u operazzjonijiet tal-PSDK;

37. Jirrikonoxxi l-kontribut magħmul mill-missjonijiet ċivili u militari tal-PSDK għaż-żamma tal-paċi, l-istabbiltà u t-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali u l-appoġġ għal pajjiżi terzi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu; iħeġġeġ lill-UE ttejjeb il-kapaċitajiet istituzzjonali tagħha għall-prevenzjoni u l-medjazzjoni tal-kunflitti; jitlob approċċ aktar proattiv fir-riżoluzzjoni ta' kunflitti mtawla fil-viċinat immedjat tal-UE; jitlob approċċi sensittivi għall-kunflitti u ffukati fuq in-nies li jpoġġu s-sigurtà u d-drittijiet tal-bniedem fil-qalba tal-impenn tal-UE;

38. Huwa tal-fehma li l-Unjoni għandha tikkonċentra l-isforzi tagħha fuq il-missjonijiet u l-operazzjonijiet li fihom tiġġenera l-akbar valur miżjud; jiddubita r-rilevanza taż-żamma ta' ċerti missjonijiet;

39. Jitlob l-adozzjoni u l-implimentazzjoni rapidi tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi, li għandha l-għan li żżid l-effettività tal-missjonijiet tal-UE, tappoġġja s-sħab tagħha, u tikkontribwixxi għal operazzjonijiet ta' paċi; jissottolinja li dan l-istrument se jiffinanzja parti mill-ispejjeż tal-attivitajiet ta' difiża tal-UE, inklużi l-ispejjeż konġunti tal-operazzjonijiet militari tal-PSDK u dawk relatati mal-bini tal-kapaċità militari għas-sħab f'pajjiżi li fihom qed tintervjeni l-UE u għalhekk għandhom jingħataw baġit kbir biżżejjed biex jindirizzaw b'mod effiċjenti l-isfidi attwali relatati mat-taħriġ, l-operazzjonijiet, il-missjonijiet, il-proġetti u tagħmir militari inklużi armi, munizzjonijiet u trasport, f'konformità sħiħa mat-tmien kriterji tal-Pożizzjoni Komuni, mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u dak umanitarju internazzjonali, u b'dispożizzjonijiet effettivi ta' trasparenza, kif elenkati fir-rakkomandazzjoni tiegħu tat-28 ta' Marzu 2019 dwar l-istabbiliment tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi; ifakkar fil-ħtieġa li jsiru valutazzjonijiet komprensivi ex ante tar-riskju u li jsir monitoraġġ mill-qrib tal-użu mill-pajjiżi riċevituri, b'mod partikolari f'reġjuni milquta minn volatilità għolja tal-pajsaġġ politiku u permeabbiltà kbira tal-fruntieri nazzjonali, u li jiġu stabbiliti s-salvagwardji meħtieġa fil-livell tal-UE li jipprevjenu l-akkwist ta' dawn l-armi minn gruppi terroristiċi u atturi malizzjużi oħra;

40. Jilqa' t-tħabbira fl-ittra ta' intenzjoni tal-Istat tal-Unjoni tal-2020 ta' Komunikazzjoni konġunta dwar approċċ strateġiku li jappoġġja d-diżarm, id-demobilizzazzjoni u r-reintegrazzjoni tal-eks kumbattenti fl-2021, bħala reviżjoni f'waqtha tal-Kunċett tal-UE tal-2006 għall-Appoġġ tad-Diżarm, id-Demobilizzazzjoni u r-Reintegrazzjoni (DDR); jissottolinja l-importanza tar-riforma tas-settur tas-sigurtà bħala prijorità speċjalment għall-missjonijiet ċivili tagħna tal-PSDK, li għandu jkollhom bħala l-objettiv ewlieni tagħhom l-implimentazzjoni tal-approċċ tas-sigurtà tal-bniedem; jisħaq li l-approċċ strateġiku l-ġdid tad-DDR jeħtieġ li jiżgura l-konsistenza bejn l-istrumenti tal-PSDK u l-għajnuna għall-iżvilupp tal-UE;

L-iżvilupp ta' kapaċitajiet effettivi tal-PSDK

41. Jilqa' l-inizjattivi tal-UE għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet, bħall-CARD, il-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO) u l-Fond Ewropew għad-Difiża (EDF) futur u l-programmi prekursuri tiegħu l-PADR u l-EDIDP, peress li jistgħu jikkontribwixxu għal aktar koerenza, koordinazzjoni, u interoperabbiltà fl-implimentazzjoni tal-PSDK u jwittu t-triq lejn it-twettiq tal-Kompiti ta' Petersburg u l-konsolidazzjoni tas-solidarjetà, il-koeżjoni, u r-reżiljenza u l-awtonomija strateġika tal-Unjoni;

42. Jirrikonoxxi li l-integrazzjoni fl-inizjattivi tal-UE għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet u l-parteċipazzjoni sinifikanti ta' aktar Stati Membri fi proġetti kbar Ewropej tad-difiża li bħalissa huma mmexxija fuq bażi kważi esklużivament bilaterali (jiġifieri l-FCAS u l-MGCS) huma ta' importanza kritika għas-suċċess tal-proċess Ewropew ta' integrazzjoni fil-qasam tad-difiża u jirrappreżentaw valur miżjud ċar għall-isforzi Ewropej lejn kooperazzjoni, integrazzjoni fid-difiża, u interoperabbiltà msaħħa għall-benefiċċju tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK;

43. Jinnota li huwa kruċjali li jittejbu l-koerenza, l-inklużività, il-koordinazzjoni u l-konsistenza tal-istrumenti kollha tal-UE tal-ippjanar tad-difiża u l-għodod u l-inizjattivi għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet, sabiex joħolqu sinerġiji sinifikanti u tisħiħ reċiproku, jevitaw duplikazzjoni, jiżguraw użu effiċjenti u strateġiku tar-riżorsi, jiżguraw l-interoperabbiltà u jiffaċilitaw l-iskjerament rapidu;

44. Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-infiq tagħhom fuq id-difiża u jimmiraw għal 2 % tal-PDG;

45. Jitlob l-adozzjoni u l-istabbiliment rapidi tal-EDF, li se jindirizza u jħaffef il-prijoritajiet tal-iżvilupp tal-kapaċitajiet tad-difiża komuni maqbula fl-oqsma tal-ajru, tal-art, tal-baħar, u taċ-ċibernetika u b'hekk irawwem il-kapaċità tal-UE li topera bħala attur globali u kontributur u fornitur tas-sigurtà internazzjonali; jistieden lill-Istati Membri, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jipprovdu finanzjament adegwat lill-EDF u jiffukaw fuq proġetti strutturali b'valur miżjud għoli, biex b'hekk jiffaċilitaw il-kooperazzjoni industrijali bejn l-Istati Membri u l-konsolidazzjoni ta' Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea (EDTIB) b'saħħitha, li ssaħħaħ il-kapaċitajiet tekniċi, industrijali u strateġiċi sabiex tiżdied il-kapaċità tal-UE li tipproduċi u tiddisponi minn kapaċitajiet militari b'mod awtonomu u li żżomm l-awtonomija teknoloġika tal-Ewropa fuq medda twila ta' żmien; jinkoraġġixxi inizjattivi ta' kapaċitajiet tad-difiża biex jiffaċilitaw l-involviment ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju;

46. Jiġbed l-attenzjoni għan-natura sensittiva ħafna u strateġika tar-riċerka dwar id-difiża u l-ħtieġa li jiġi rregolat l-aċċess għal entitajiet ikkontrollati minn partijiet terzi mhux tal-UE għal proġetti ffinanzjati mill-EDF sabiex ikunu konsistenti mal-ambizzjoni tal-UE ta' awtonomija strateġika; jissottolinja li l-parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi fl-EDF, f'xi każijiet adattati speċifiċi u eċċezzjonali meta din iġġib magħha valur miżjud teknoloġiku u operattiv ippruvat għal ċerti proġetti, għandha titwettaq fuq il-bażi ta' reċiproċità effettiva, ma għandhiex iddgħajjef l-interessi strateġiċi tas-sigurtà tal-UE, ma għandhiex timmina l-objettivi tal-EDF u trid tkun f'konformità strettament sorveljata mar-regoli stabbiliti fil-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għad-Difiża (COM(2018)0476), bħaż-żamma tal-proprjetà intellettwali fl-UE;

47. Jilqa' r-Rieżami Strateġiku tal-ewwel fażi tal-PESCO sal-aħħar tal-2020, li jinkludi għarfien dwar il-progress tal-programm u l-identifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet meħtieġa biex il-PESCO ssir aktar effiċjenti u orjentata lejn l-objettivi; iqis li l-PESCO hija strument li jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni sostenibbli u effiċjenti tal-UE fil-qasam tad-difiża u l-integrazzjoni tad-difiża billi jtejjeb il-kapaċitajiet u l-interoperabbiltà tad-difiża tal-Istati Membri parteċipanti, speċjalment f'termini tad-disponibbiltà, il-flessibbiltà u l-iskjerabbiltà tal-forzi; ifakkar li l-proġetti tal-PESCO għandhom jgħinu biex tiġi mmassimizzata l-effettività tal-infiq fuq id-difiża; iqis li l-PESCO għandha tintuża bħala għodda komplementari fl-ilħuq tal-għanijiet tal-UE u tagħti kontribut lil dawk tan-NATO; jilqa' l-adozzjoni reċenti tad-deċiżjoni dwar il-parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi fil-PESCO, għalkemm jinnota li kwalunkwe parteċipazzjoni eċċezzjonali bħal din fi proġetti individwali tal-PESCO trid tipprovdi valur miżjud għall-Istati Membri tal-UE u għall-proġetti, u tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-PESCO u l-PSDK u biex jiġu ssodisfati impenji aktar eżiġenti, tkun soġġetta għal kundizzjonijiet politiċi, sostantivi u legali stretti ħafna, u titwettaq abbażi ta' reċiproċità stabbilita u effettiva;

48. Jistieden lill-Istati Membri parteċipanti (pMS) biex juru impenn politiku sħiħ, jagħmlu sforzi u jkollhom ambizzjoni strateġika, biex jipprovdu r-riżorsi meħtieġa u biex jissodisfaw l-impenji komuni ambizzjużi u vinkolanti li jkunu qablu dwarhom filwaqt li jiġi żgurat progress tanġibbli fl-implimentazzjoni rapida u effettiva tal-proġetti attwali tal-PESCO; jisħaq li l-proġetti fl-ewwel fażi huma prinċipalment proġetti ta' bini tal-kapaċitajiet li jinvolvu kemm jista' jkun Stati Membri u li n-natura inklużiva tal-proġetti PESCO ma għandhiex twassal biex l-Istati Membri parteċipanti jnaqqsu l-ambizzjonijiet tagħhom; huwa mħasseb li l-lakuni fil-kapaċitajiet u n-nuqqasijiet kritiċi, kif identifikati mill-Proċess tal-Objettivi Ewlenin permezz tal-Pjan ta' Żvilupp tal-Kapaċitajiet (CDP) u r-Rieżami Annwali Koordinat dwar id-Difiża (CARD), mhux se jimtlew u jiġu indirizzati b'mod adegwat jew sħiħ biex jitwettqu operazzjonijiet militari b'suċċess; jagħti parir li jitwettaq rieżami tas-47 proġett attwali tal-PESCO sabiex jiġi vverifikat il-progress li sar, u biex jiġu identifikati dawk il-proġetti li jistgħu jinġabru flimkien, fid-diskrezzjoni tal-pMS; iħeġġeġ lill-pMS jiffukaw fuq proġetti tal-PESCO li jagħtu valur miżjud ġenwin b'fokus aktar operazzjonali, gwadann ta' benefiċċju reċiproku u fatturi abilitanti strateġiċi għall-Unjoni, u fuq dawk b'dimensjoni strateġika li tindirizza t-theddid futur għas-sigurtà; iħeġġeġ ħafna lill-Istati Membri biex, bħala parti mir-riforma tas-sistema tal-Grupp Tattiku tal-UE (EU BG), jistudjaw l-għażliet kif iġibuha taħt il-PESCO sabiex jiżdiedu l-kapaċità operazzjonali, il-modularità u l-aġilità tagħha, billi jiġu stabbiliti unitajiet multinazzjonali permanenti ddedikati għat-twettiq ta' kompiti militari kif speċifikat fl-Artikolu 43 tat-TUE u għat-titjib tal-kapaċità tal-UE li twettaq operazzjonijiet robusti ta' maniġġar tal-kriżijiet;

It-tisħiħ tal-kooperazzjoni mas-Sħab Strateġiċi

49. Jilqa' l-progress li sar fil-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO mid-Dikjarazzjoni Konġunta f'Varsavja fl-2016; ifaħħar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tas-sett komuni ta' proposti tal-2016 u l-2017, b'mod partikolari l-intensifikazzjoni tad-djalogu politiku bejn l-UE u n-NATO fil-livelli kollha, kif ukoll id-djalogu strutturat dwar il-mobbiltà militari, l-isforzi biex tiġi żgurata koerenza akbar bejn il-proċessi ta' ppjanar rispettivi fil-qasam tad-difiża, u kooperazzjoni aktar mill-qrib fil-qasam taċ-ċibersigurtà u d-difiża, u fil-ġlieda kontra t-theddid ibridu u l-kampanji ta' diżinformazzjoni; jinnota l-livell ta' kooperazzjoni bejn in-NATO u l-UE fl-għajnuna lill-awtoritajiet ċivili biex irażżnu u jwaqqfu t-tixrid tal-pandemija tal-COVID-19; jistieden lill-UE u lin-NATO jkomplu jtejbu l-kooperazzjoni ta' tisħiħ reċiproku inkluż bejn il-missjonijiet u l-operazzjonijiet, u japprofondixxu s-Sħubija Strateġika tagħhom; jisħaq fuq l-importanza li tissaħħaħ aktar is-sħubija bejn l-UE u n-NATO fil-qasam tal-mobbiltà militari; jenfasizza l-importanza li jiġu organizzati u mwettqa taħriġ u eżerċizzji konġunti bejn il-forzi armati Ewropej, kif ukoll eżerċizzji paralleli u kkoordinati bejn l-UE u n-NATO;

50. Jilqa', f'dan ir-rigward, l-Operazzjoni Atlantic Resolve u l-Preżenza Avvanzata Msaħħa tan-NATO fil-kontinent Ewropew u jirrikonoxxi wkoll l-importanza tat-truppi tan-NATO għall-isforzi mmirati biex jiddiżinċentivaw aggressjoni ulterjuri min-naħa tar-Russja u biex jingħata sostenn kruċjali f'każ ta' kunflitt;

51. Ifakkar li n-NATO tibqa' l-pedament tad-difiża kollettiva għal dawk l-Istati Membri li huma wkoll membri tal-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana, kif huwa rikonoxxut b'mod espliċitu fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea; jemmen li l-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO għandha tkun komplementari u tqis bis-sħiħ il-karatteristiċi u r-rwoli speċifiċi ta' kull waħda miż-żewġ istituzzjonijiet, u ma għandhiex tirriproduċi u tissostitwixxi strutturi bla bżonn; ifakkar li l-kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża hija waħda mill-pilastri tal-kooperazzjoni transatlantika u tibqa' fundamentali għas-sigurtà reċiproka tal-pajjiżi alleati u sħab, u għalhekk itenni l-ħtieġa ta' relazzjonijiet aktar b'saħħithom; ifakkar li, skont il-prinċipju ta' "ġabra waħda ta' forzi", l-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta' difiża tal-UE ma joħloqx theddida kompetittiva għall-Alleanza u huwa ta' benefiċċju għall-pajjiżi li huma partijiet kemm tal-PSDK kif ukoll tan-NATO; u li kooperazzjoni aktar effettiva tal-UE dwar is-sigurtà u d-difiża għandha titqies bħala fattur li jsaħħaħ il-pilastru Ewropew tan-NATO u bħala li l-UE qed tieħu sehem akbar fl-iżgurar tas-sigurtà tagħha stess; huwa tal-fehma li l-inizjattivi ta' kapaċitajiet għandhom jiżguraw l-interoperabbiltà mal-alleati u jiffaċilitaw l-iskjerament rapidu; jinnota bi tħassib li xi diverġenzi dgħajfu s-solidarjetà tal-Alleanza wara azzjoni mwettqa mit-Turkija fil-Lvant tal-Mediterran;

52. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jissaħħu l-istatus tal-UE bħala fornitur tas-sigurtà marittima, ir-reżiljenza tal-UE u tal-Istati Membri għal sitwazzjonijiet ta' kriżi fl-ibħra territorjali tagħhom u l-importanza ta' strateġija marittima koerenti biex jiġu miġġielda l-atturi marittimi mhux Statali illegali; iqis li huwa meħtieġ li jiġu armonizzati r-regoli ta' intervent, l-istandards tat-tagħmir u li jissaħħaħ it-taħriġ tal-persunal sabiex jitwettqu azzjonijiet ikkoordinati u unitarji fl-operazzjonijiet Ewropej u internazzjonali jew fil-każ ta' kriżijiet, avvenimenti u inċidenti marittimi; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO bil-għan li jinkiseb approċċ komuni u effettiv għat-theddid għas-sigurtà marittima, bħall-kriminalità transfruntiera u organizzata, inklużi n-networks tal-kriminalità organizzata li jiffaċilitaw it-traffikar tal-bnedmin, tal-armi u tad-drogi, il-kuntrabandu u l-piraterija marittima;

53. Jappoġġja bil-qawwa s-Sħubija Strateġika bejn l-UE u n-NU fil-maniġġar tal-kriżijiet u ż-żamma tal-paċi minn komponenti ċivili, tal-pulizija u militari; jilqa' l-progress li sar fl-implimentazzjoni tat-tmien prijoritajiet identifikati u maqbula b'mod konġunt mill-UE u n-NU bejn l-2019 u l-2021 dwar l-operazzjonijiet ta' paċi u l-maniġġar tal-kriżijiet; iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkontribwixxu aktar għall-attivitajiet taż-żamma tal-paċi tan-NU u jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jagħtu assistenza f'dan ir-rigward; jinnota li nkiseb xi progress fir-rigward tat-titjib tal-kooperazzjoni bejn il-missjonijiet u l-operazzjonijiet fuq il-post – b'mod partikolari permezz tal-iffirmar fid-29 ta' Settembru 2020 tal-Ftehim Qafas bejn l-UE u n-NU dwar l-għoti ta' appoġġ reċiproku fil-kuntest tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet rispettivi tagħhom fuq il-post, bl-aġenda dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà (WPS) tagħti kontribut għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà, il-prevenzjoni tal-kunflitti, kif ukoll il-progress fil-livelli politiċi u strateġiċi; jitlob lill-UE u lin-NU jkomplu jesploraw l-opportunitajiet għal kooperazzjoni aktar mill-qrib, speċjalment f'żoni ta' operazzjonijiet konġunti, f'oqsma li jinkludu ppjanar għat-tranżizzjoni ta' missjoni, arranġamenti ta' appoġġ fuq il-post, skambji ta' informazzjoni barra miż-żoni ta' missjoni u ppjanar ta' kontinġenza fid-dawl tal-COVID-19, kif ukoll fil-qasam tal-klima u d-difiża;

54. Jafferma mill-ġdid li, minkejja l-Brexit, ir-Renju Unit jibqa' sieħeb strateġiku qrib tal-UE u l-Istati Membri tagħha u li huwa essenzjali li tinżamm kooperazzjoni b'saħħitha u mill-qrib fid-difiża u s-sigurtà bejn l-UE u r-Renju Unit, billi kemm l-UE kif ukoll ir-Renju Unit jaqsmu l-istess ambjent strateġiku u l-istess theddid għall-paċi u s-sigurtà tagħhom; iħeġġeġ lir-Renju Unit jipparteċipa fil-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK, fl-operazzjonijiet ta' maniġġar tal-kriżijiet, fl-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta' difiża, fl-aġenziji rilevanti tal-Unjoni, kif ukoll fi proġetti taħt il-PESCO, filwaqt li jirrispetta l-awtonomija tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE, is-sovranità tar-Renju Unit, il-prinċipju ta' drittijiet u obbligi bbilanċjati, fuq il-bażi ta' reċiproċità effettiva u li tinkludi kontribuzzjoni finanzjarja ġusta u xierqa; jinnota li r-Renju Unit se jirtira mill-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK sa tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni fil-31 ta' Diċembru 2020; jitlob li jiġu stabbiliti proċeduri ta' sostituzzjoni rapida sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK fejn il-persunal Brittaniku skjerat għandu rwol sinifikanti;

55. Jitlob lill-UE żżomm kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-forzi reġjonali eżistenti bħall-Unjoni Afrikana, l-ECOWAS, l-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN) u l-Kunsill tal-Artiku u ma' pajjiżi li mhumiex fin-NATO tal-istess fehma;

56. Jitlob implimentazzjoni aktar sistematika tal-UNSCR 1325 dwar id-WPS peress li għaddew 20 sena mill-adozzjoni tagħha, u t-tisħiħ tal-aġenda tal-UE dwar id-WPS; jitlob integrazzjoni sinifikanti tal-perspettiva tal-ġeneri fil-formulazzjoni tal-PSDK, b'mod partikolari permezz ta' bilanċ aħjar bejn il-ġeneri fil-persunal u t-tmexxija tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK u t-taħriġ speċifiku tal-persunal skjerat;

57. Jitlob l-implimentazzjoni tal-UNSCR 2250 dwar iż-Żgħażagħ, il-Paċi u s-Sigurtà (YPS) u l-integrazzjoni sinifikanti taż-żgħażagħ u l-perspettivi tagħhom fl-analiżijiet tal-kunflitti, li huma l-bażi tal-appoġġ ipprovdut mill-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK; jitlob li l-miżuri tal-UE jtejbu l-opportunitajiet għall-parteċipazzjoni sinifikanti taż-żgħażagħ fiż-żamma u l-promozzjoni tal-paċi u s-sigurtà;

58. Jirrikonoxxi l-valur politiku, ekonomiku, ambjentali, tas-sigurtà u strateġiku dejjem akbar taċ-Ċirku Artiku; iħeġġeġ lill-Istati Membri jkomplu jikkooperaw mal-Kunsill tal-Artiku fil-kwistjonijiet kollha ta' interess għall-UE u jiffurmaw strateġija komprensiva għar-reġjun;

59. Jitlob li l-UE tindirizza t-theddid konsistenti u li qed jikber għall-protezzjoni u l-preservazzjoni tal-wirt kulturali u trażżan il-kuntrabandu ta' artefatti kulturali, speċjalment f'żoni ta' kunflitt; jinnota li ċ-ċaħda tas-soċjetajiet mill-wirt kulturali u l-għeruq storiċi tagħhom tagħmilhom iżjed vulnerabbli għar-radikalizzazzjoni u aktar suxxettibbli għal ideoloġiji ġiħadisti globali; jistieden lill-UE tiżviluppa strateġija wiesgħa biex tiġġieled tali theddid;

Żieda fir-reżiljenza u t-tħejjija tal-Unjoni

60. Huwa mħasseb li xi atturi globali u għadd dejjem akbar ta' atturi reġjonali li qegħdin deliberatament jevitaw jew jippruvaw ikissru l-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli, il-multilateraliżmu u l-valuri tal-paċi, il-prosperità u l-libertà sostenibbli, li jikkorrispondu għall-pedamenti li fuqhom hija mibnija l-Unjoni Ewropea, qed jiffaċċjaw sfidi; jinnota li l-pandemija tal-COVID-19 żvelat fraġilitajiet u tensjonijiet globali ġodda u amplifikat dawk eżistenti; jisħaq li l-pandemija saħħet l-appoġġ pubbliku għal Unjoni li hija inqas dipendenti mill-bqija tad-dinja, li hija protetta aħjar u li tista' taġixxi b'mod indipendenti; jitlob rwol aktar b'saħħtu għall-Unjoni Ewropea fix-xena internazzjonali, li jkun hemm aktar unità, solidarjetà u reżistenza Ewropej, u politika barranija aktar koeżiva b'multilateraliżmu effettiv bħala element ċentrali; jilqa' l-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Ġunju 2020 favur Unjoni Ewropea b'saħħitha li tippromwovi l-paċi u s-sigurtà u li tipproteġi liċ-ċittadini tagħha;

61. Jissottolinja r-rwol importanti tal-forzi armati matul il-pandemija tal-COVID-19 u jilqa' l-assistenza militari għall-awtoritajiet ċivili, b'mod partikolari fl-istabbiliment ta' sptarijiet fuq il-post, trasport tal-pazjenti, u l-konsenja u d-distribuzzjoni tat-tagħmir; iqis li dan il-kontribut siewi wera l-ħtieġa li jitqiesu l-lezzjonijiet meħuda sabiex jissaħħu l-assi u l-kapaċitajiet militari tal-Istati Membri b'appoġġ għall-Mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili tal-Unjoni, għodda primarja għall-indirizzar tal-emerġenzi, kif ukoll għall-finijiet ta' assistenza umanitarja; iqis ukoll li, sabiex jiġu ttrattati b'mod effettiv il-kriżijiet tas-saħħa, huwa essenzjali li l-persunal mediku militari tal-Istati Membri jiġi ppreparat biex jipparteċipa b'mod rapidu; itenni l-importanza ta' assistenza u solidarjetà reċiproċi, f'konformità mal-Artikolu 42(7) tat-TUE u l-Artikolu 222 tat-TFUE;

62. Jissottolinja l-importanza tal-mobbiltà militari; iqis li huwa neċessarju li titmexxa 'l quddiem u tiġi ffaċilitata mobbiltà militari sħiħa madwar l-Ewropa u jitlob għalhekk is-simplifikazzjoni u l-armonizzazzjoni tal-proċeduri biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jaġixxu aktar malajr, peress li l-mobbiltà militari hija ta' benefiċċju fil-ġestjoni tal-kriżijiet ċivili; jinsisti fuq l-importanza li jkun hemm baġit xieraq disponibbli għal proġetti ta' mobbiltà militari; jilqa' l-fatt li l-proġett ta' mobbiltà militari huwa parti mill-PESCO; jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġu stabbiliti mekkaniżmi Ewropej li għandhom l-għan li jiffaċilitaw l-użu transfruntier ta' kapaċitajiet loġistiċi militari biex jiġu indirizzati tali emerġenzi, sabiex ikunu permessi koordinazzjoni, sinerġiji, solidarjetà u appoġġ akbar; jinsisti li assistenza u solidarjetà simili fi żminijiet ta' pandemiji u kriżijiet simili jistgħu jiġu estiżi għal, fost oħrajn, il-pajjiżi sħab fil-viċinat immedjat tal-UE; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiżdiedu t-tħejjija tal-UE fil-qasam kimiku, bijoloġiku, radjoloġiku u nukleari (CBRN) u l-kapaċitajiet neċessarji tagħha; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu intensifikati l-monitoraġġ u l-protezzjoni tal-infrastruttura vitali u kritika, speċjalment fuq kejbils tal-internet tal-fibra ottika taħt il-baħar;

63. Iqis li huwa importanti li tiġi żgurata rabta aħjar bejn l-aspetti interni u esterni tal-politiki tal-UE biex jiġi żgurat li l-politiki tal-UE jaġixxu għall-ilħuq tal-għanijiet tal-politika estera u ta' sigurtà komuni, inkluża l-politika tal-UE dwar l-enerġija;

64. Iqis li huwa essenzjali li jiġu protetti l-punti dgħajfa kollha tal-Unjoni Ewropea sabiex tiġi żgurata d-difiża komuni effettiva taċ-ċittadini Ewropej; jinnota bi tħassib il-militarizzazzjoni dejjem akbar tal-peniżola tal-Krimea u t-tentattivi mill-Federazzjoni Russa biex tiddestabbilizza r-reġjun tal-Baħar l-Iswed, fejn din is-sitwazzjoni wasslet għar-rikonoxximent, fis-Summit tan-NATO f'Wales fl-2014, tal-vulnerabbiltà tat-tarf tal-Lvant tal-Alleanza tal-Atlantiku tat-Tramuntana; jitlob lill-UE tirrikonoxxi l-vulnerabbiltà tal-Istati Membri tal-Ewropa tal-Lvant bħala mezz biex tissaħħaħ id-difiża Ewropea, u tiżviluppa, flimkien man-NATO, strateġija komprensiva għas-sigurtà u d-difiża tat-tarf tal-Lvant;

Il-ġlieda u l-prevenzjoni b'mod proattiv tat-theddid ibridu

65. Jilqa' s-sett ta' prijoritajiet u linji gwida adottati għall-kooperazzjoni tal-UE fil-qasam tal-ġlieda kontra t-theddid ibridu u t-titjib tar-reżiljenza fir-rigward ta' dan it-theddid, inklużi l-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni, il-gwerra ibdrida, l-ispjunaġġ, l-aħbarijiet foloz u l-propaganda, u l-istabbiliment ta' Sistema ta' Twissija Bikrija biex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni mal-G7 u n-NATO; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiżviluppaw u jsaħħu s-sigurtà tas-sistemi ta' informazzjoni u komunikazzjoni tagħhom, inklużi mezzi ta' komunikazzjoni sikuri; jissottolinja l-importanza u l-urġenza li l-UE ssaħħaħ u tinvesti aktar fil-komunikazzjoni strateġika tagħha, u li l-kapaċitajiet tagħha jsiru aktar reżiljenti biex tindirizza u tiskoraġġixxi l-interferenza barranija kollha li thedded is-sistema demokratika, is-sovranità u ċ-ċittadini tagħha; jissottolinja r-rwol importanti tat-Task Force EastStratCom u jirrikonoxxi l-ħidma importanti mwettqa taħt il-proġett EU vs Disinfo u jitlob appoġġ baġitarju u politiku addizzjonali biex tittejjeb aktar il-kapaċità tagħha li tiġġieled kontra d-diżinformazzjoni u tinforma dwar l-azzjonijiet u l-politiki tal-UE;

66. Jissottolinja l-ħtieġa urġenti li l-UE tintroduċi strateġija aktar robusta biex tidentifika u tiġġieled b'mod proattiv kampanji aggressivi u malizzjużi ta' diżinformazzjoni minn pajjiżi terzi u minn atturi mhux Statali; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi rivedut il-mandat tat-tim tal-Komunikazzjoni Strateġika tas-SEAE biex tiġi indirizzata l-interferenza barranija u jiġu involuti l-verifikaturi tal-fatti, ir-riċerkaturi, in-negozji ġodda u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġu pprovduti biżżejjed persunal u finanzjament lis-servizzi kollha tal-UE li jittrattaw l-interferenza barranija u d-diżinformazzjoni sabiex jiġu identifikati, investigati u miġġielda aħjar it-tentattivi ta' interferenza fil-proċessi demokratiċi tal-UE jew fl-azzjonijiet tal-UE f'pajjiżi oħra; jissottolinja l-importanza tal-kooperazzjoni u l-assistenza lill-pajjiżi sħab, b'mod partikolari fil-viċinat immedjat tal-UE, fl-isforzi tagħhom biex jindirizzaw u jiġġieldu l-interferenza barranija malizzjuża, b'mod partikolari d-diżinformazzjoni u l-propaganda, billi f'ħafna każijiet dawn l-atti jippruvaw jiddevjaw lil dawn il-pajjiżi mit-triq tar-riformi favur id-demokrazija u jattakkaw il-valuri u l-ideali Ewropej;

 67. Jilqa' l-adozzjoni mill-Kunsill ta' deċiżjoni li, għall-ewwel darba, tippermetti lill-UE timponi miżuri restrittivi li għandhom l-għan li jiskoraġġixxu u jirrispondu għall-attakki ċibernetiċi li jikkostitwixxu theddida esterna għall-UE jew l-Istati Membri tagħha, inklużi attakki ċibernetiċi kontra pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali, u li timponi sanzjonijiet fuq persuni jew entitajiet responsabbli għall-attakki ċibernetiċi; jisħaq fuq il-ħtieġa li tittejjeb is-sistema ta' restrizzjoni tal-viża bħala parti mill-mekkaniżmu għas-sanzjonijiet tal-UE, billi jsir użu mill-proċeduri tal-viża bijometrika sabiex l-entitajiet involuti fil-gwerra ibrida jiġu ristretti biex jivvjaġġaw lejn l-UE taħt identità falza; jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jiġu integrati aktar l-aspetti ċibernetiċi fis-sistemi ta' maniġġar tal-kriżijiet tal-UE; jissottolinja li kooperazzjoni aktar mill-qrib fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-attakki ċibernetiċi hija essenzjali f'dawn iż-żminijiet ta' vulnerabbiltà partikolari sabiex jiġu avvanzati s-sigurtà u l-istabbiltà internazzjonali fiċ-ċiberspazju; jilqa' l-progress tajjeb miksub mill-proġett tat-Tim ta' Rispons Rapidu Ċibernetiku tal-PESCO f'dan ir-rigward; jitlob it-tisħiħ tal-appoġġ għall-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà (ENISA) u koordinazzjoni b'saħħitha maċ-Ċentru ta' Eċċellenza għaċ-Ċiberdifiża Kooperattiva tan-NATO f'dan ir-rigward; jitlob aktar koordinazzjoni tal-UE fir-rigward tal-istabbiliment ta' attribuzzjoni kollettiva għal inċidenti ċibernetiċi malizzjużi, kif ukoll kooperazzjoni aktar mill-qrib ma' organizzazzjonijiet u pajjiżi internazzjonali tal-istess fehma; jinsab partikolarment imħasseb bl-iskoperta kontinwa ta' attakki ċibernetiċi jew intrużjonijiet fuq skala żgħira f'sistemi infrastrutturali kritiċi li jibqgħu inattivi iżda li jista' jkollhom impatt kbir; iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw ir-ridondanzi fis-sistemi infrastrutturali kritiċi tagħhom, bħall-ġenerazzjoni tal-elettriku u l-komunikazzjonijiet strateġiċi, fil-livelli kollha;

68. Jirrikonoxxi l-importanza dejjem akbar tal-kapaċitajiet ta' intelligence ċibernetika u awtomatizzata, u jisħaq li dawn huma ta' theddida għall-Istati Membri u l-istituzzjonijiet kollha tal-UE; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet u l-Istati Membri kollha tal-UE jkomplu jtejbu t-teknoloġiji ċibernetiċi u awtomatizzati tagħhom, u jħeġġeġ aktar il-kooperazzjoni dwar dawn l-avvanzi teknoloġiċi;

69. Jissottolinja l-importanza li jinkisbu l-kapaċitajiet tal-computing kwantistiku u jisħaq fuq il-ħtieġa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti f'dan il-qasam sabiex jiġi żgurat li l-computing kwantistiku jiġi realizzat l-ewwel fost sħab li għandhom relazzjonijiet ta' ħbiberija u jappoġġjaw l-istess objettivi;

70. Josserva l-importanza dejjem akbar tas-sigurtà fl-ispazju u tas-satelliti; jisħaq fuq l-importanza taċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea u jikkummissjona lill-aġenzija biex tanalizza u tipprovdi rapport dwar is-sigurtà u/jew il-vulnerabbiltajiet tas-satelliti tal-UE u tal-Istati Membri għall-iskart spazjali, għall-attakki ċibernetiċi u għall-attakki missili diretti;

L-Unjoni tingħata l-mezzi biex timplimenta l-PSDK

71. Jissottolinja li livelli xierqa ta' riżorsi finanzjarji, persunal u assi huma essenzjali sabiex jiġi żgurat li l-Unjoni jkollha s-saħħa u l-kapaċità li tippromwovi l-paċi u s-sigurtà fil-fruntieri tagħha u fid-dinja; jistieden lill-Istati Membri juru r-rieda politika li jilħqu l-ambizzjonijiet Ewropej fil-qasam tad-difiża u jissodisfaw l-impenji tagħhom;

 72. Jesprimi dispjaċir dwar in-nuqqas ta' ambizzjoni attwali tal-Kunsill Ewropew fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) għall-inizjattivi fil-qasam tas-sigurtà u tad-difiża; iħeġġeġ lill-Kunsill jerġa' jintroduċi baġit ambizzjuż għall-EDF (kemm għar-riċerka kif ukoll mhux għar-riċerka) li jkun imfassal biex isaħħaħ l-azzjonijiet kollaborattivi u l-kooperazzjoni transfruntiera madwar l-Unjoni u għall-mobbiltà militari sabiex jgħin lill-Istati Membri jaġixxu b'mod aktar rapidu u effettiv fil-kuntest ta' kunflitt possibbli fil-futur, inkluż billi jiffinanzja infrastruttura tat-trasport b'użu doppju u jissimplifika l-awtorizzazzjonijiet diplomatiċi u r-regoli doganali, fil-livell inizjalment propost mill-Kummissjoni u adottat mill-Parlament fl-ewwel qari; jitlob lill-UE tibni s-sistema ta' difiża tagħha stess kontra l-missili ballistiċi, kif ukoll sistema ta' difiża tal-ajru strateġika, integrata u b'livelli differenti, li tkun iddisinjata wkoll biex tiġġieled kontra missili ipersoniċi; ifakkar li ċ-ċittadini Ewropej talbu b'mod ċar u konsistenti lill-Unjoni biex issaħħaħ ir-rwol tagħha fit-twassil ta' stabbiltà u sigurtà sostenibbli, u dan jista' jinkiseb biss bil-mezzi finanzjarji meħtieġa u b'QFP ambizzjuż fil-qasam tal-azzjoni esterna u d-difiża; jistieden lill-Kunsill jadotta l-pożizzjoni tal-Parlament dwar l-Artikolu 5 tar-regolament futur dwar l-EDF; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-EDF jiġi ffinalizzat mingħajr dewmien; jisħaq fuq l-importanza li tinżamm il-pożizzjoni tal-Parlament rigward l-ammont tal-EDF;

73. Iwissi dwar il-periklu ta' nuqqas ta' ambizzjoni biex jiġu ffinanzjati inizjattivi tad-difiża Ewropea fil-QFP, flimkien ma' tnaqqis sinifikanti u mhux ikkoordinat fil-baġits nazzjonali fil-qasam tad-difiża b'riżultat tal-kriżi tal-COVID-19; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Istati Membri jallokaw ir-riżorsi finanzjarji meħtieġa fil-livell nazzjonali sabiex l-Unjoni tingħata l-kapaċità li topera bħala attur globali għall-paċi; f'dan ir-rigward, jaqbel mal-valutazzjoni tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri li "l-Istati Membri tal-UE għadhom 'il bogħod milli jkollhom il-kapaċitajiet militari li jeħtieġu biex jilħqu l-livell militari ta' ambizzjoni tal-UE";

74. Ifakkar li filwaqt li l-proġetti u l-inizjattivi Ewropej komuni fil-qasam tad-difiża huma strumentali fl-indirizzar tan-nuqqasijiet fl-oqsma tar-R&Ż relatati mad-difiża, il-ġbir ta' riżorsi u l-koordinazzjoni tal-isforzi, il-parti l-kbira tal-assi tad-difiża li jintużaw għall-missjonijiet tal-PSDK għadhom jiġu prodotti mill-Istati Membri u mħallsa mill-baġits nazzjonali fil-qasam tad-difiża;

75. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jsegwu l-impenn formali tagħhom fil-livell tal-Kunsill u jieħdu r-responsabbiltà għad-deċiżjonijiet tagħhom fil-Kunsill biex jiskjeraw missjonijiet ċivili u militari billi jipprovdu lill-Unjoni bil-persunal u l-kapaċitajiet meħtieġa biex jilħqu l-għanijiet li qablu dwarhom b'mod unanimu, u b'hekk iwettqu l-impenn tagħhom lejn Unjoni Ewropea aktar sigura;

76. Jenfasizza l-valur tal-parteċipazzjoni internazzjonali fil-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK bħala tisħiħ tal-kapaċitajiet Ewropej u jitlob l-implimentazzjoni msaħħa tal-ftehimiet qafas eżistenti dwar il-parteċipazzjoni li jinkoraġġixxu n-natura kollettiva tal-kontribuzzjonijiet għall-paċi u s-sigurtà;

77. Jinnota l-ħidma importanti mwettqa mis-SatCen tal-UE u jissottolinja li l-Unjoni jrid ikollha riżorsi adegwati fl-oqsma tal-immaġni tal-ispazju u l-ġbir ta' intelligence; jisħaq li s-SatCen tal-UE għandu jibbenefika minn finanzjament strutturali tal-Unjoni biex ikun jista' jżomm il-kontribuzzjonijiet tiegħu għall-azzjonijiet tal-Unjoni, b'mod partikolari sabiex jipprovdi immaġni bis-satellita ta' riżoluzzjoni għolja b'appoġġ għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK;

L-istabbiliment ta' aġenda ambizzjuża tal-UE għall-kontroll globali tal-armi, in-nonproliferazzjoni u d-diżarm

78. Jinsab allarmat bit-theddid attwali għall-valuri internazzjonali u l-istat tad-dritt u l-erożjoni potenzjali futura tal-arkitettura globali tan-nonproliferazzjoni u d-diżarm; jibża' li n-nuqqas ta' konformità ma', l-irtirar minn, jew in-nuqqas ta' estensjoni ta' trattati ewlenin dwar il-kontroll tal-armi jkunu ta' ħsara serja għar-reġimi internazzjonali tal-kontroll tal-armi li pprovdew għexieren ta' snin ta' stabbiltà, idgħajfu r-relazzjonijiet bejn l-Istati b'armi nukleari, jistgħu jkunu ta' theddida diretta għas-sigurtà Ewropea, b'mod partikolari fir-rigward tan-nuqqas ta' normi li jirregolaw u jnaqqsu l-armi nukleari tattiċi u ta' medda qasira u medja u jistgħu jwasslu għal tlielaq ġodda tal-armi nukleari; jissottolinja l-ħtieġa urġenti li tiġi stabbilita mill-ġdid il-fiduċja transfruntiera;

79. Jinnota bi tħassib in-normalizzazzjoni ta' retorika perikoluża li tikkonċerna l-utilità tal-armi nukleari; jafferma mill-ġdid li l-paċi u s-sigurtà internazzjonali jiġu msaħħa f'dinja ħielsa mill-eżistenza jew il-proliferazzjoni ta' armi nukleari u li d-diżarm ifisser mhux biss tnaqqis fin-numru ta' testati attivi, iżda wkoll tnaqqis fir-rwol militari u politiku assenjat lil dan it-tip ta' armi;

80. Jafferma mill-ġdid l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-impenn tal-UE u l-Istati Membri tagħha fir-rigward tat-TNP bħala l-pedament tar-reġim ta' nonproliferazzjoni u diżarm nukleari; itenni t-talba tiegħu ta' pożizzjoni komuni b'saħħitha tal-UE qabel il-konferenza, li titlob l-adozzjoni ta' miżuri konkreti u effettivi matul l-għaxar Konferenza ta' Reviżjoni tat-TNP, li jkunu element essenzjali biex tiġi ppreservata l-istabbiltà strateġika u tiġi evitata tellieqa ġdida tal-armi;

81. Itenni d-dispjaċir kbir tiegħu dwar l-irtirar mit-Trattat għall-Eliminazzjoni tal-Missili b'Medda Medja (INF) mill-Istati Uniti u l-Federazzjoni Russa; jinnota r-responsabbiltà tar-Russja għat-tmiem tat-Trattat, minħabba li b'mod persistenti naqset milli tikkonforma miegħu; jiddeplora l-fatt li l-kollass tat-Trattat jista' jwassal biex jeskalaw it-tensjonijiet u jiżdiedu t-theddid u r-riskji nukleari u militari, filwaqt li jiġi pperikolat il-futur tar-reġimi tal-kontroll tal-armi; jissottolinja li huwa ferm kontra tellieqa ġdida tal-armi bejn l-Istati Uniti u l-Federazzjoni Russa u l-konsegwenzi potenzjali tagħha għall-Ewropa u l-militarizzazzjoni mill-ġdid fit-territorju Ewropew; iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-VP/RGħ iniedu inizjattiva mmexxija mill-UE bil-għan li tiġi appoġġjata l-konverżjoni tat-Trattat INF fi trattat multilaterali;

82. Ifakkar li reġimi internazzjonali effettivi ta' kontroll tal-armi, ta' diżarm u ta' nonproliferazzjoni huma pedament tas-sigurtà u l-istabbiltà globali u Ewropej;

83. Iħeġġeġ lill-Istati Uniti u lill-Federazzjoni Russa jagħmlu aktar progress fin-negozjati dwar l-estensjoni tat-trattat START Ġdid, li se jiskadi fi Frar 2021; jemmen li estensjoni tat-trattat tagħti liż-żewġ firmatarji żmien addizzjonali biex isegwu negozjati bil-għan li jaqblu dwar strument ġdid għall-kontroll tal-armi; jitlob l-involviment immedjat ta' Stati oħra, speċjalment iċ-Ċina, fi kwalunkwe trattat eżistenti (bħal START ĠDID, l-INF u s-Sema Miftuħ) jew f'negozjati futuri dwar strumenti għall-kontroll tal-armi nukleari;

84. Jiddeplora l-implimentazzjoni selettiva tar-Russja tal-obbligi tagħha skont it-Trattat dwar is-Sema Miftuħ; jesprimi d-dispjaċir kbir tiegħu għad-deċiżjoni li ttieħdet mill-Istati Uniti li jirtiraw mit-trattat dwar is-Sema Miftuħ, strument ewlieni għall-kontroll tal-armi li kkontribwixxa għall-bini tal-fiduċja u pprovda lil Stati iżgħar bil-kapaċità siewja li jimmonitorjaw u jivverifikaw l-attivitajiet militari tal-ġirien tagħhom; jistieden lill-firmatarji li jifdal biex ikomplu jimplimentaw it-trattat, filwaqt li jiżguraw li dan jibqa' jiffunzjona u jibqa' jkun utli; jistieden lill-Istati Uniti jirrevokaw id-deċiżjoni tagħhom li jirtiraw mit-trattat dwar is-Sema Miftuħ;

85. Jilqa' l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-UE għall-proġetti u l-attivitajiet tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi (OPCW); jilqa' l-adozzjoni mill-Kunsill ta' reġim ta' sanzjonijiet orizzontali biex jiġu indirizzati l-użu u l-proliferazzjoni dejjem akbar ta' armi kimiċi; jikkundanna l-użu reċenti ta' armi kimiċi u huwa tal-fehma li n-nuqqas ta' obbligu ta' rendikont għal inċidenti bħal dawn idgħajjef in-norma internazzjonali kontra l-armi kimiċi; jitlob lill-UE tieħu l-inizjattiva biex tindirizza l-kwistjoni tal-impunità għall-użu tal-armi kimiċi u tqis kif tista' ssaħħaħ l-OPCW biex jiġu żgurati mekkaniżmi rapidi u preċiżi ta' attribuzzjoni u rispons effettiv; jitlob lill-UE tkompli bl-isforzi tagħha biex tiġġieled il-proliferazzjoni u l-użu ta' armi kimiċi, biex tappoġġja l-projbizzjoni globali tal-armi kimiċi kif stabbilit mill-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi (CWC);

86. Jesprimi tħassib serju dwar l-attentat ta' qtil tal-mexxej tal-oppożizzjoni prominenti Russu Alexei Navalny permezz ta' aġent nervin ipprojbit li, skont is-CWC, jitqies bħala użu ta' arma kimika u, bħala tali, huwa ksur serju tan-normi internazzjonali; jitlob li ssir investigazzjoni internazzjonali indipendenti dwar l-avvenimenti; jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill li jimponi sanzjonijiet biex iżomm responsabbli lil dawk kollha responsabbli għall-avvelenament;

87. Jitlob lill-VP/RGħ jressaq proposti biex jissaħħaħ l-għarfien disponibbli fl-UE dwar in-nonproliferazzjoni u l-kontroll tal-armi, u jiżgura li l-UE tieħu rwol qawwi u kostruttiv fl-iżvilupp u t-tisħiħ tal-isforzi globali ta' nonproliferazzjoni u tal-kontroll tal-armi u l-arkitettura ta' diżarm ibbażati fuq ir-regoli; jilqa' l-ħatra ta' Mibgħut Speċjali ġdid għad-Diżarm u n-Nonproliferazzjoni f'dan ir-rigward; jirrealizza li hemm ħtieġa urġenti ta' ftehimiet internazzjonali ġodda fil-qasam tal-kontroll tal-armi; jiddikjara li fil-kuntest tad-deterrenza nukleari, l-iżvilupp ta' missili ipersoniċi jista' jdgħajjef il-prinċipji tal-qerda ċerta għal kull naħa u jitlob, għalhekk, li jkun hemm trattat dinji dwar il-kontroll tal-armi dwar l-użu, il-medda, il-veloċità, il-prinċipju, l-ispezzjoni ta' tagħbijiet utli nukleari, u t-tqegħid qrib il-kosti ta' sistemi ta' armi ipersoniċi, mibdi mill-UE;

88. Itenni l-impenn sħiħ tiegħu favur il-preservazzjoni ta' reġimi internazzjonali effettivi għall-kontroll tal-armi, għad-diżarm u għan-nonproliferazzjoni, bħala pedament tas-sigurtà dinjija u Ewropea; jisħaq fuq l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-ħidma tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Affarijiet ta' Diżarm u għall-Aġenda tan-NU għad-Diżarm; ifakkar fl-impenn tiegħu favur politiki mfassla biex isir progress fit-tnaqqis tal-ħażniet nukleari kollha;

89. Jilqa' l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-rieżami tal-Pożizzjoni Komuni tiegħu 2008/944/PESK tat-8 ta' Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta' esportazzjonijiet ta' teknoloġija u tagħmir militari[12]; jemmen bis-sħiħ li, peress li l-UE qed issir dejjem aktar ambizzjuża fil-qasam tad-difiża, hemm il-ħtieġa ta' konverġenza, trasparenza u konsistenza akbar fil-politiki tal-Istati Membri dwar l-esportazzjoni tal-armi, kif ukoll ta' tisħiħ tas-sorveljanza pubblika; jistieden lill-Istati Membri biex jgħaqqdu l-interpretazzjoni differenti tagħhom tal-Pożizzjoni Komuni u biex jikkonformaw bis-sħiħ mat-tmien kriterji tagħha, u b'mod partikolari biex jimplimentaw b'mod strett il-kriterju 4 dwar l-istabbiltà reġjonali u jwaqqfu kull esportazzjoni ta' tagħmir militari li jista' jintuża kontra Stati Membri oħra; jilqa' l-isforzi li saru biex jiżdiedu t-trasparenza u l-iskrutinju pubbliku u parlamentari tal-esportazzjonijiet tal-armi; jitlob sforz konġunt biex jittejbu l-valutazzjoni tar-riskju, il-kontrolli tal-utenti aħħarin u l-verifiki ta' wara l-konsenji;

90. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jirrispettaw il-Kodiċi ta' Kondotta tal-Unjoni Ewropea dwar l-Esportazzjoni ta' Armi; itenni l-ħtieġa li l-Istati Membri kollha japplikaw strettament ir-regoli stabbiliti fil-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK; ifakkar li l-Istati Membri ħadu impenn favur pożizzjonijiet nazzjonali qawwija rigward il-politika tagħhom għall-esportazzjoni ta' armi lejn it-Turkija abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK, inkluża l-applikazzjoni stretta tal-kriterju 4 dwar l-istabbiltà reġjonali; itenni t-talbiet tiegħu lill-VP/RGħ biex, sakemm it-Turkija tkompli bl-azzjonijiet illegali u unilaterali attwali tagħha fil-Lvant tal-Mediterran li jmorru kontra s-sovranità ta' kwalunkwe Stat Membru (b'mod partikolari l-Greċja u Ċipru) u d-dritt internazzjonali, u ma tipparteċipax fi djalogu bbażat fuq id-dritt internazzjonali, tintroduċi inizjattiva fil-Kunsill biex l-Istati Membri kollha jwaqqfu l-esportazzjoni tal-armi għat-tipi kollha ta' tagħmir militari, inklużi armi, armi għal oġġetti b'użu doppju u għarfien, lejn it-Turkija f'konformità mal-Pożizzjoni Komuni;

91. Jilqa' l-attivitajiet tal-UE li għandhom l-għan li jappoġġjaw l-universalizzazzjoni tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi, u jistieden lill-pajjiżi kollha ewlenin tal-esportazzjoni tal-armi biex jiffirmawh u jirratifikawh malajr kemm jista' jkun;

92. Jinnota li l-iżviluppi teknoloġiċi fil-qasam tal-IA joħolqu sfidi etiċi ġodda; jitlob lill-UE tieħu rwol ta' tmexxija fl-isforzi globali biex jiġi stabbilit qafas regolatorju komprensiv biex jiġi żgurat kontroll uman sinifikanti fuq il-funzjonijiet kritiċi tal-għażla ta' miri u l-attakk fuqhom fl-iżvilupp u l-użu ta' armi li jaħdmu bl-IA; jistieden lill-VP/RGħ, lill-Istati Membri u lill-Kunsill Ewropew jadottaw pożizzjoni konġunta dwar sistemi ta' armi awtonomi li tiżgura kontroll uman sinifikanti fuq il-funzjonijiet kritiċi tas-sistemi tal-armi; jinsisti fuq il-bidu ta' negozjati internazzjonali dwar definizzjoni komuni u qafas dwar l-użu ta' armi b'ċertu grad ta' awtonomija, u jitlob l-adozzjoni ta' strument legalment vinkolanti li jipprojbixxi armi letali awtonomi mingħajr kontroll uman sinifikanti;

93. Jitlob lill-UE tieħu rwol ta' tmexxija fl-isforzi globali biex tiġi stabbilita sistema globali ta' kontroll tal-armi komprensiva u effettiva għall-proliferazzjoni tat-teknoloġija ta' missili u ta' vetturi tal-ġlied mingħajr bdot abbord;

L-iżgurar tas-sorveljanza demokratika, tal-leġittimità u tal-impenn inklużiv

94. Jissottolinja l-ħtieġa li l-Parlament jindirizza l-kwistjonijiet kollha relatati mad-difiża b'mod konsistenti; jitlob li l-mandat tas-Sottokumitat għas-Sigurtà u d-Difiża jiġi vvalutat mill-ġdid u estiż fid-dawl tal-għadd dejjem akbar ta' inizjattivi fil-qasam tad-difiża fil-livell tal-UE, u tal-ħolqien tad-DĠ DEFIS tal-Kummissjoni;

95. Jilqa' l-iskambji regolari ta' fehmiet mal-VP/RGħ dwar kwistjonijiet relatati mal-PSDK u jistieden lill-VP/RGħ jiżgura li l-fehmiet tal-Parlament jitqiesu kif xieraq; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu żgurati briefings regolari mir-Rappreżentanti Speċjali tal-UE, il-Mibgħuta Speċjali, u l-kmandanti tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet; iqis li l-Parlament għandu jiġi kkonsultat minn qabel dwar l-ippjanar strateġiku għall-missjonijiet tal-PSDK, il-bidliet fil-mandati tagħhom u l-pjanijiet biex dawn jintemmu; jitlob implimentazzjoni komprensiva tal-Artikolu 36 tat-TUE;

96. Jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi żviluppata kooperazzjoni dejjem aktar mill-qrib dwar kwistjonijiet relatati mal-PSDK mal-parlamenti nazzjonali sabiex jiġu żgurati obbligu ta' rendikont, trasparenza u skrutinju msaħħa;

97. Itenni l-importanza li jittejbu l-għodod disponibbli għas-soċjetà ċivili sabiex jiġi żgurat l-involviment sinifikanti u sostanzjali tagħha fil-formulazzjoni ta' politika relatata mad-difiża u s-sorveljanza effettiva tagħha;

°

° °

98. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO, lill-aġenziji tal-UE fl-oqsma tas-sigurtà u tad-difiża, u lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri.


 

 

3.12.2020

 

 

OPINJONI TA' MINORANZA

 

 

skont l-Artikolu 55(4) tar-Regoli ta' Proċedura

Özlem Demirel, Clare Daly, Mick Wallace, Manu Pineda

 

 

Ir-rapport jagħżel aktar militarizzazzjoni, filwaqt li jitlob li jkun hemm aktar missjonijiet u operazzjonijiet tal-PSDK. Il-pandemija tal-COVID qed tintuża bħala skuża biex issir pressjoni għall-awtonomija, għal interessi ġeostrateġiċi u ekonomiċi tal-kapital tal-UE b'mod aktar offensiv u, jekk ikun meħtieġ, b'mod militari. Huwa jikkundanna r-rwol destabbilizzanti tal-pajjiżi filwaqt li dan ma jirriflettix ir-rwol destabbilizzanti tal-UE fid-dinja. Ifaħħar il-missjoni EULEX Kosovo għalkemm l-EULEX hija miżgħuda bil-korruzzjoni, il-kriminalità organizzata, u ma ġabet l-ebda stabbiltà fir-reġjun.

 

 

Aħna kontra r-rapport peress li:

 

 jippromwovi aktar interventi militari

 jirrifletti ħażin il-missjonijiet militari u "ċivili", filwaqt li jiċħad ir-rwol destabbilizzanti ta' dawn il-missjonijiet; jgħatti l-għan reali, ġeostrateġiku u egoist ta' dawn il-missjonijiet, li jamplifika l-kunflitti minflok isolvihom

 jilqa' t-taħriġ tal-hekk imsejħa Gwardja tal-Kosta Libjana, filwaqt li jaf li huma rreklutati minn milizji li jwettqu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi "pull backs" illegali

 jilqa' l-Faċilità għall-Paċi li se tiffinanzja missjonijiet, taħriġ u armi militari li se joħolqu kunflitti u hija f'kontradizzjoni totali mal-Pożizzjoni Komuni tal-UE dwar l-esportazzjoni tal-armi

 jiddefendi l-PESCO, il-Fond għad-Difiża u l-"awtonomija strateġika" b'fokus fuq il-militar, il-gwerra u l-produzzjoni tal-armamenti

 jassigura kooperazzjoni sħiħa man-NATO

  ma jappoġġjax projbizzjoni totali fuq armi awtonomi letali

 

 

Neżiġu:

 

 PESK mhux militari li tiddependi mid-diplomazija u żżomm il-paċi

 interpretazzjoni stretta tal-Artikolu 41(2) tat-TUE li jipprojbixxi l-użu tal-baġit tal-UE għal operazzjonijiet militari jew ta' difiża;

 projbizzjoni totali fuq armi awtonomi; mekkaniżmu għas-sanzjonijiet fil-Pożizzjoni Komuni dwar l-esportazzjoni tal-armi


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI

FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

3.12.2020

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

46

17

6

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Alviina Alametsä, Alexander Alexandrov Yordanov, Maria Arena, Petras Auštrevičius, Traian Băsescu, Lars Patrick Berg, Anna Bonfrisco, Reinhard Bütikofer, Fabio Massimo Castaldo, Susanna Ceccardi, Włodzimierz Cimoszewicz, Katalin Cseh, Tanja Fajon, Anna Fotyga, Michael Gahler, Kinga Gál, Sunčana Glavak, Raphaël Glucksmann, Klemen Grošelj, Bernard Guetta, Márton Gyöngyösi, Sandra Kalniete, Karol Karski, Dietmar Köster, Andrius Kubilius, Ilhan Kyuchyuk, David Lega, Miriam Lexmann, Nathalie Loiseau, Antonio López-Istúriz White, Claudiu Manda, Lukas Mandl, Thierry Mariani, David McAllister, Vangelis Meimarakis, Sven Mikser, Francisco José Millán Mon, Gheorghe-Vlad Nistor, Urmas Paet, Demetris Papadakis, Kostas Papadakis, Tonino Picula, Manu Pineda, Kati Piri, Giuliano Pisapia, Jérôme Rivière, María Soraya Rodríguez Ramos, Nacho Sánchez Amor, Isabel Santos, Jacek Saryusz-Wolski, Andreas Schieder, Radosław Sikorski, Jordi Solé, Sergei Stanishev, Tineke Strik, Hermann Tertsch, Hilde Vautmans, Harald Vilimsky, Idoia Villanueva Ruiz, Viola Von Cramon-Taubadel, Witold Jan Waszczykowski, Charlie Weimers, Isabel Wiseler-Lima, Salima Yenbou, Željana Zovko

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Arnaud Danjean, Özlem Demirel, Markéta Gregorová, Bart Groothuis

 


 

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET

FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

46

+

PPE

Alexander Alexandrov Yordanov, Traian Băsescu, Arnaud Danjean, Michael Gahler, Kinga Gál, Sunčana Glavak, Sandra Kalniete, Andrius Kubilius, David Lega, Miriam Lexmann, Antonio López‑Istúriz White, Lukas Mandl, David McAllister, Vangelis Meimarakis, Francisco José Millán Mon, Gheorghe‑Vlad Nistor, Radosław Sikorski, Isabel Wiseler‑Lima, Željana Zovko

S&D

Maria Arena, Włodzimierz Cimoszewicz, Tanja Fajon, Raphaël Glucksmann, Claudiu Manda, Sven Mikser, Demetris Papakadis, Tonino Picula, Kati Piri, Giuliano Pisapia, Nacho Sánchez Amor, Isabel Santos, Andreas Schieder, Sergei Stanishev

RENEW

Petras Auštrevičius, Katalin Cseh, Klemen Grošelj, Bart Groorhuis, Bernard Guetta, Ilhan Kyuchyuk, Nathalie Loiseau, Urmas Paet, María Soraya Rodríguez Ramos, Hilde Vautmans

VERTS

Viola Von Cramon-Taubadel

NI

Fabio Massimo Castaldo, Márton Gyöngyösi

 

17

-

S&D

Dietmar Köster

ID

Lars Patrick Berg, Thierry Mariani, Jérôme Rivière, Harald Vilimsky

VERTS

Alviina Alametsä, Reinhard Bütikofer, Markéta Gregorová, Jordi Solé, Tineke Strik, Salima Yenbou

ECR

Hermann Tertsch, Charlie Weimers

GUE

Özlem Demirel, Manu Pineda, Idoia Villanueva Ruiz

NI

Kostas Papadakis

 

6

0

ID

Anna Bonfrisco, Susanna Ceccardi

ECR

Anna Fotyga, Karol Karski, Jacek Saryusz-Wolski, Witold Jan Waszczykowski

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 11 ta' Jannar 2021
Avviż legali - Politika tal-privatezza