RAPPORT dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni – rapport annwali 2020

15.12.2020 - (2020/2206(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteur: David McAllister


Proċedura : 2020/2206(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A9-0266/2020
Testi mressqa :
A9-0266/2020
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni – rapport annwali 2020

(2020/2206(INI))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar il-politika estera u ta' sigurtà komuni,

 wara li kkunsidra t-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

 wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Att Finali ta' Helsinki tal-1975 tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE),

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar ir-responsabbiltà politika[1],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti bit-titolu "Transforming our world: the 2030 Agenda for Sustainable Development" (Nittrasformaw id-dinja tagħna: l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli), tal-25 ta' Settembru 2015,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-approċċ integrat għal kunflitti u kriżijiet esterni tat-22 ta' Jannar 2018,

 wara li kkunsidra t-tielet rapport tal-Grupp ta' Esperti Eminenti Internazzjonali u Reġjonali tan-NU dwar il-Jemen, bit-titolu "Yemen: A Pandemic of Impunity in a Tortured Land" (Il-Jemen: Pandemija ta' Impunità f'Art Ittorturata), li jkopri l-perjodu minn Lulju 2019 sa Ġunju 2020,

 wara li kkunsidra l-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea tat-28 ta' Ġunju 2016,

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta mill-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-8 ta' April 2020 dwar ir-rispons globali tal-UE għall-COVID-19 (JOIN(2020)0011),

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2020 dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri fil-politika estera u ta' sigurtà tal-UE[2],

 wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Marzu 2019 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar il-kompetenzi u l-mandat tar-Rappreżentanti Speċjali tal-UE[3],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 1325(2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà (WPS),

 wara li kkunsidra l-aġenda Ewropea dwar is-sigurtà 2015-2020,

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta mill-Kummissjoni u mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-10 ta' Ġunju 2020 bit-titolu "Nindirizzaw id-diżinformazzjoni dwar il-COVID-19 – X'inhuma l-fatti" (JOIN(2020)0008),

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2020 dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha[4],

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-Sigurtà u d-Difiża tas-17 ta' Ġunju 2020,

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Settembru 2020 bit-titolu "Rapport ta' Prospettiva Strateġika 2020 – Inwittu t-triq lejn Ewropa aktar reżiljenti",

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2019, tal-15 ta' Lulju 2019, tal-14 ta' Ottubru 2019 u tat-12 ta' Diċembru 2019, id-dikjarazzjoni tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-UE tal-15 ta' Mejju 2020 u l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-20 ta' Ġunju 2019 tas-17 ta' Ottubru 2019 u tal-1 ta' Ottubru 2020 dwar l-attivitajiet illegali tat-Turkija fil-Lvant tal-Mediterran u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Ottubru 2019 dwar il-Grigal tas-Sirja,

 wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Appoġġ lill-Balkani tal-Punent fil-ġlieda kontra l-COVID-19 u l-irkupru wara l-pandemija, il-kontribuzzjoni tal-Kummissjoni qabel il-laqgħa tal-mexxejja UE-Balkani tal-Punent fis-6 ta' Mejju 2020" (COM(2020)0315),

 wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0266/2020),

A. billi l-Parlament għandu d-dmir u r-responsabbiltà li jeżerċita s-sorveljanza demokratika tiegħu fuq il-politika estera u ta' sigurtà komuni (PESK) u tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK) u għandu jingħata l-informazzjoni neċessarja b'mod trasparenti u f'waqtha kif ukoll il-mezzi neċessarji u effikaċi biex jiżvolġi dan ir-rwol bis-sħiħ, inkluż fir-rigward tal-programmi industrijali tad-difiża kollha;

B. billi l-PESK tal-UE timmira li tiżgura s-sigurtà u l-istabbiltà filwaqt li tippromwovi l-valuri Ewropej tal-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem;

C. billi d-dinja quddiemha għandha sitwazzjoni ta' kompetizzjoni ġeopolitika aggressiva li tirrikjedi mekkaniżmi ta' rispons u kapaċitajiet rapidi u xierqa f'termini ta' politika estera;

D. billi l-ħtieġa ta' politika estera komuni aktar b'saħħitha, aktar ambizzjuża, kredibbli u magħquda saret kruċjali, minħabba li l-UE qiegħda tħabbat wiċċha ma' diversi sfidi ġeopolitiċi fir-reġjun usa' li jaffettwaw direttament jew indirettament lill-Istati Membri kollha tagħha u liċ-ċittadini tagħha;

E. billi l-UE mhijiex qed tivvalorizza l-potenzjal tagħha fil-qasam tal-politika estera u ta' sigurtà minħabba nuqqas ta' għaqda fost l-Istati Membri tagħha;

F. billi l-ebda Stat Membru tal-UE mhuwa kapaċi jindirizza waħdu kwalunkwe waħda mill-isfidi globali li l-Ewropa għandha quddiemha llum; billi PESK ambizzjuża u effikaċi trid tkun mirfuda b'riżorsi finanzjarji adegwati u b'mekkaniżmi mtejba għat-teħid tad-deċiżjonijiet;

G. billi fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19, id-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali marru għall-agħar f'ħafna nħawi tad-dinja, filwaqt li żdiedu l-kampanji ta' diżinformazzjoni u l-attakki ċibernetiċi minn pajjiżi mhux tal-UE; billi t-tendenzi iżolazzjonisti, unilaterali u antiglobalizzazzjoni u r-rivalitajiet sistemiċi saru aktar prominenti mill-kooperazzjoni multilaterali skont l-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli;

H. billi sfidi bħat-tfaċċar mill-ġdid tal-populiżmu u tal-awtoritariżmu, iż-żieda fir-riluttanza biex jiġu rispettati d-dritt internazzjonali, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt u l-attakki fuq id-demokrazija liberali u l-multilateraliżmu, flimkien mal-kompetizzjoni bejn il-potenzi l-kbar, li nbidlet f'rivalitajiet, speċjalment bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina, joħolqu sfida reali għas-sigurtà internazzjonali u għall-valuri, l-interessi u l-influwenza tal-UE, bir-riskju li l-UE titħalla barra mill-isferi deċiżjonali u tkun żvantaġġata ħafna minn din il-kompetizzjoni; 

I. billi l-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) hija strument fundamentali fir-rigward tal-ġirien tal-Lvant u tan-Nofsinhar tal-UE;

J. billi l-instabbiltà u l-imprevedibbiltà fil-fruntieri tal-Unjoni u fil-viċinat immedjat tagħha jirrappreżentaw theddida diretta għas-sigurtà tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha; billi l-pandemija tal-COVID-19 tista' twassal għal deterjorament tal-klima tas-sigurtà internazzjonali; billi l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali gravi ta' din il-pandemija se jkollhom impatt sever fuq il-livelli attwali ta' faqar u inugwaljanza fid-dinja, u billi, għalhekk, jistgħu jwasslu għal diżordni soċjali akut u protesti serji, u jsiru kawża ġdida ta' instabbiltà f'ħafna pajjiżi f'sitwazzjonijiet fraġli; billi ħafna mit-theddid li tfaċċa fis-snin preċedenti, inkluż it-theddid ċibernetiku, it-tibdil fil-klima u l-pandemiji, issa saru realtajiet li qed ikollhom impatti dejjem aktar severi fuq diversi aspetti tal-ħajja tal-bniedem, kif ukoll fuq l-opportunitajiet ta' żvilupp, l-ordni ġeopolitiku u l-istabbiltà dinjija;

K. billi l-użu ta' informazzjoni marittima globali huwa vitali biex jiġi żgurat monitoraġġ strateġiku, biex l-analiżi tar-riskji u t-twissija bikrija lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jsiru possibbli u biex jissaħħaħ l-għoti ta' informazzjoni biex jiġu appoġġjati operazzjonijiet ċivili u militari ta' sigurtà marittima;

L. billi l-ġlieda kontra t-terroriżmu hija prijorità assoluta fl-aġenda Ewropea dwar is-sigurtà 2015-2020;

M. billi l-pandemija tal-COVID-19 enfasizzat il-vulnerabbiltà tal-UE fil-konfront ta' reġimi awtoritarji, il-fraġilità tal-alleanzi esterni tradizzjonali tal-UE u l-ħtieġa li l-Unjoni tiżgura politika estera li tkun konsistenti mal-valuri fundamentali tagħha; billi dan jitlob li l-UE terġa' tikkunsidra r-relazzjonijiet esterni tagħha u tibbażahom fuq il-prinċipji ta' solidarjetà u multilateraliżmu; billi l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi estensivi tagħha qegħdin jolqtu lil dawk l-aktar vulnerabbli b'mod partikolarment iebes, l-aktar fir-reġjuni b'sistema soċjali u b'sistema ta' assistenza tas-saħħa aktar dgħajfa;

N. billi f'dawn l-aħħar snin tfaċċaw sfidi multidimensjonali ġodda, bħall-proliferazzjoni tal-armi tal-qerda tal-massa, id-dubitar fir-rigward tal-ftehimiet dwar in-nonproliferazzjoni tal-armi, il-kunflitti reġjonali li qed imorru għall-agħar li wasslu għall-ispostament tal-popolazzjonijiet, il-kompetizzjoni għar-riżorsi naturali, id-dipendenza mill-enerġija, it-tibdil fil-klima, il-konsolidament ta' Stati falluti, it-terroriżmu, il-kriminalità transnazzjonali organizzata, iċ-ċiberattakki u l-kampanji ta' diżinformazzjoni;

O. billi fid-dawl tal-kollass ta' ftehimiet importanti dwar il-kontroll tal-armi u d-diżarm u tal-iżviluppi mgħaġġla ta' teknoloġiji ġodda tal-armi, id-diżarm, il-kontroll tal-armi u n-nonproliferazzjoni għandhom jirċievu l-akbar attenzjoni fl-ambitu tal-PESK sabiex jiġu protetti ċ-ċittadini tal-UE kif ukoll l-istabbiltà u s-sigurtà internazzjonali; billi l-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK trid tiġi aġġornata biex il-kriterji jiġu applikati u implimentati b'mod strett;

L-UE ssir "sieħba ta' fiduċja" f'ordni ġeopolitiku li qed jinbidel

1. Jenfasizza li l-pandemija tal-COVID-19 ġiegħlet lill-UE tirrealizza li għandha bżonn politika estera u ta' sigurtà aktar b'saħħitha, aktar awtonoma, aktar magħquda u assertiva biex jikber ir-rwol prominenti ta' tmexxija tal-Unjoni fix-xena internazzjonali sabiex tiddefendi u tiżviluppa ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli li jiżgura l-multilateraliżmu, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, u tippromwovi l-valuri u l-interessi tagħha b'mod aktar deċiżiv madwar id-dinja; jissottolinja li sabiex jinkiseb dan, l-UE l-ewwel trid tassisti b'suċċess lis-sħab tagħha fil-viċinat immedjat;

2. Jippromwovi u jiddefendi r-rwol tal-UE bħala sieħba affidabbli mad-dinja kollha, "sieħba ta' fiduċja " privileġġjata għall-partijiet terzi, intermedjarju onest ibbażat fuq prinċipji iżda mhux dogmatiku, attur ta' riferiment għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti u għall-medjazzjoni, li tippromwovi d-diplomazija u d-djalogu bħala l-mod preferut biex taqdi rwol kostruttiv fil-kunflitti globali, bħala promotur ewlieni tal-iżvilupp sostenibbli u kontributur ewlieni għall-qafas multilaterali, iżda wkoll bħala attur globali li huwa lest jaġixxi b'mod awtonomu u deċiżiv meta jkun meħtieġ biex tiddefendi l-valuri u l-interessi tal-UE stess, li tassumi r-responsabbiltà billi tiżgura s-sigurtà tagħha stess u tippromwovi l-paċi u l-istabbiltà internazzjonali, abbażi tal-prinċipji u l-valuri tal-Karta tan-NU u kif minqux fid-dritt internazzjonali, fir-rispett tal-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli; huwa tal-fehma li l-kreattività, attitudni aktar proattiva u aktar magħquda u solidarjetà fost l-Istati Membri, kif ukoll l-impenn u r-riżorsi mill-Istati Membri, huma meħtieġa biex tiżdied l-influwenza tal-UE fuq livell globali u biex jiġi promoss il-mudell tal-poter pożittiv tagħha u r-rwol responsabbli tagħha fil-governanza globali, u sabiex tkun tista' tassumi r-responsabbiltà strateġika tagħha fil-viċinat immedjat tagħha;

3. Jisħaq li l-instabbiltà dejjem tikber tad-dinja, l-ambjent dejjem aktar kunflittwali, l-erożjoni tal-multilateraliżmu u ż-żieda tal-awtoritariżmu, kif ukoll sfidi globali multidimensjonali, speċjalment il-klima dejjem tiżdied tal-kunflitt li tissarraf fit-tkomplija u xi kultant fl-issuktar tal-kunflitti armati inkluż fil-fruntieri tal-Lvant u tan-Nofsinhar tal-kontinent Ewropew, it-terroriżmu, it-tibdil fil-klima u t-theddid li qed jiżdied għar-riżorsi naturali, il-flussi migratorji mhux ikkontrollati, ir-riskji relatati mas-saħħa, it-theddid ibridu bħal kampanji ta' diżinformazzjoni, miżuri attivi u ċiberattakki, fost l-oħrajn, għandhom iwasslu lill-UE sabiex tiżviluppa l-awtonomija strateġika tagħha filwaqt li ssaħħaħ il-kooperazzjoni mal-alleati tagħha; jissottolinja l-importanza għall-Unjoni, f'dan ir-rigward, li tistabbilixxi kooperazzjoni aktar strateġika ma' pajjiżi terzi bbażata fuq il-fiduċja u l-benefiċċju reċiproku, u li tibni alleanzi ma' demokraziji tal-istess fehma, inkluż mill-emisfera tan-Nofsinhar, kif ukoll koalizzjonijiet ad hoc ma' sħab oħra tal-istess fehma fejn meħtieġ;

4. Jissottolinja, f'dak ir-rigward, l-ħtieġa li l-Unjoni tikkoopera mill-qrib ma' sħab ewlenin fuq livell globali u li jkollha rwol attiv fid-difiża tal-istituzzjonijiet ewlenin għad-dritt internazzjonali u s-sistema multilaterali; jinsisti fuq l-importanza li tissaħħaħ is-sħubija tal-UE man-NU u man-NATO, kif ukoll li tiġi approfondita l-kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet bħall-Kunsill tal-Ewropa, l-OSKE, l-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN), l-Unjoni Afrikana, l-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS), il-Lega Għarbija, il-Komunità ta' Stati tal-Amerka Latina u tal-Karibew (CELAC) u l-Mercosur; jitlob kooperazzjoni u koordinament msaħħa bejn l-UE u n-NATO, l-akkomunament tal-għarfien u tar-riżorsi u l-evitar tad-duplikazzjoni, sabiex jinbena approċċ komplementari komuni għall-isfidi attwali u futuri tas-sigurtà reġjonali u globali kif ukoll għas-sitwazzjonijiet ta' kunflitt, il-kriżijiet tas-saħħa, it-theddid asimmetriku u ibridu, iċ-ċiberattakki u d-diżinformazzjoni; jisħaq fuq l-importanza tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) fl-investigazzjoni tad-delitti kontra l-umanità u fid-difiża tal-vittmi tagħhom u jilqa' l-appoġġ qawwi li esprimiet l-Unjoni għall-Qorti, li dan l-aħħar kienet fil-mira ta' pressjoni u attakki;

5. Jesprimi tħassib dwar l-kobor bla preċedent tal-kampanji ta' diżinformazzjoni u tal-propaganda sponsorizzati mill-Istat u mhux mill-Istat, li għandhom effetti devastanti fuq is-soċjetajiet, inkluż fil-viċinat Ewropew u b'mod partikolari fil-Balkani tal-Punent; jikkundanna l-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-użu tagħha bħala arma, inkluż minn atturi statali, sottostatali u mhux statali b'intenzjonijiet ħżiena, u pjattaformi u organizzazzjonijiet użati minn pajjiżi terzi awtoritarji biex jiffinanzjaw u jinfluwenzaw direttament u indirettament il-partiti u l-atturi politiċi Ewropej; jilqa' r-rispons tant meħtieġ mill-istituzzjonijiet tal-UE għal din l-isfida l-ġdida, bħall-istabbiliment ta' kumitat speċjali ġdid fil-Parlament li jiffoka fuq l-indħil barrani fil-proċessi demokratiċi fl-UE, inkluża d-diżinformazzjoni, u l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar miżuri restrittivi kontra attakki ċibernetiċi li jheddu lill-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha[5]; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' rispons li ma jillimitax id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali; jinnota l-importanza ta' komunikazzjoni strateġika effettiva tal-UE u jfaħħar it-tisħiħ ta' Stratcom fi ħdan is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u l-isforzi tiegħu biex jidentifika u jrażżan il-kampanji ta' diżinformazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li l-UE ssaħħaħ aktar il-kapaċitajiet tagħha biex tiġġieled b'mod proattiv l-aħbarijiet foloz u d-diżinformazzjoni bħala theddida għad-demokrazija, u biex ittejjeb il-kultura tas-sigurtà tagħha sabiex tipproteġi aħjar in-networks tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni tagħha; jistieden lill-UE tkun minn ta' quddiem nett fil-promozzjoni ta' qafas kollettiv ta' awtodifiża u ta' kooperazzjoni kontra theddid ibridu u l-influwenza malinja ta' reġimi awtoritarji b'mod partikolari fuq il-governanza demokratika u l-impriżi privati fuq livell globali; jisħaq, għalhekk, fuq il-ħtieġa li l-UE ssaħħaħ l-alleanzi tagħha ma' atturi demokratiċi globali oħra biex taffronta tali theddid fuq livell globali, inkluż permezz ta' istituzzjonijiet multilaterali riformati u aktar reżiljenti;

6. Jinsisti li l-politika estera u ta' sigurtà tal-UE trid tkun iggwidata mill-promozzjoni tal-objettivi msemmija fl-Artikolu 21 tat-TUE, bħad-demokrazija, id-dinjità tal-bniedem, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, inkluż il-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin, il-protezzjoni tal-minoranzi kollha u tal-komunitajiet reliġjużi, inklużi l-Insara, il-Lhud, il-Musulmani, dawk li ma jemmnux u oħrajn, u l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jilqa' f'dan ir-rigward id-deċiżjoni reċenti tal-Kummissjoni li ġġedded il-mandat tal-Mibgħut Speċjali għall-promozzjoni tal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin barra mill-UE, iżda jħeġġeġ biex issir il-ħatra mill-aktar fis possibbli; jistieden lid-delegazzjonijiet tal-UE jissorveljaw mill-qrib is-sitwazzjoni globali tad-drittijiet tal-bniedem, jidentifikaw it-tendenzi u jappoġġjaw liċ-ċittadini u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-isforzi tagħhom biex ireġġgħu lura t-tendenzi negattivi tad-drittijiet tal-bniedem fid-dinja kollha; jisħaq li l-politika estera u ta' sigurtà tal-UE għandha ssir aktar effikaċi permezz tal-użu tal-kundizzjonalità fl-inċentivi ekonomiċi u politiċi tagħha; ifakkar f'dan ir-rigward li l-Kummissjoni għandha timmonitorja u tirrapporta regolarment lill-Parlament dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi terzi li huma benefiċjarji tal-eżenzjoni mill-viża u għandha tissospendi din l-eżenzjoni f'każ ta' ksur fil-pajjiż ikkonċernat; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill isaħħu l-programmi ta' appoġġ għad-demokrazija tal-Unjoni fuq livell globali billi jrawmu proċessi minn isfel għal fuq li huma favur id-demokrazija u jibnu reżiljenza istituzzjonali, u billi jappoġġjaw il-ħidma tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej fit-tisħiħ tal-proċessi demokratiċi; itenni l-appell tiegħu, li sar fir-rakkomandazzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2019, għal riforma u rieżami tar-Rappreżentanti Speċjali u tal-Mibgħuta Speċjali tal-UE;

7. Jissottolinja li l-UE għandha tindirizza l-kawżi profondi tal-migrazzjoni, bħall-faqar, in-nuqqas ta' sigurtà tal-ikel u tan-nutrizzjoni, il-qgħad, l-instabbiltà u n-nuqqas ta' sigurtà fil-pajjiżi terzi fejn toriġina l-immigrazzjoni illegali tal-massa; jisħaq li l-enfasi għandha tkun ukoll fuq l-għajnuna għall-iżvilupp ta' istituzzjonijiet stabbli biex jippromwovu l-iżvilupp sostenibbli tas-soċjetà f'dawn l-Istati;

Livell ġdid ta' ambizzjoni għall-PESK: approċċi reġjonali strateġiċi bbażati fuq rieda politika aktar b'saħħitha

8. Ifakkar li l-ebda Stat Membru tal-UE waħdu ma għandu biżżejjed kapaċità u riżorsi biex jindirizza b'mod effikaċi l-isfidi internazzjonali ta' bħalissa; iqis li, f'dan il-kuntest, l-UE teħtieġ l-ewwel u qabel kollox rieda politika aktar b'saħħitha u ġenwina min-naħa tal-Istati Membri tal-UE biex jaqblu bejniethom u flimkien jagħtu spinta lill-għanijiet tal-politika estera tal-UE bħall-prevenzjoni ta' kunflitti u ftehimiet ta' paċi u jiġġieldu kontra t-tentattivi min-naħa tal-pajjiżi terzi biex idgħajfu u jifirdu lill-UE, inkluż billi jimminaw il-valuri Ewropej; jisħaq li hija biss Unjoni Ewropea b'saħħitha u magħquda b'politiki esteri, ta' sigurtà u ta' difiża stabbiliti, u bl-Istati Membri tal-UE li jappoġġjaw lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli fl-implimentazzjoni tal-objettivi miftiehma, li se jkollha rwol b'saħħtu fl-ambjent ġeopolitiku l-ġdid; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jikkoordinaw kwalunkwe azzjoni bħala risposta lill-kriżi tal-COVID-19 bejniethom u ma' sħab internazzjonali sabiex tkun promossa risposta globali koerenti u inklużiva għall-pandemija u jilqa' f'dan ir-rigward l-approċċ "Tim Ewropa";

9. Itenni l-appell tiegħu għal reviżjoni tal-Istrateġija Globali tal-UE sabiex jinstiltu t-tagħlimiet mid-dinamika ġeopolitika l-ġdida, it-theddid attwali inkluża l-pandemija tal-COVID-19 u l-isfidi futuri mistennija, u jiġu vvalutati mill-ġdid l-għanijiet u l-mezzi tal-PESK; jenfasizza li filwaqt li tkompli tiżviluppa l-kooperazzjoni tagħha mas-sħab u l-alleati internazzjonali l-UE trid tħaffef il-proċess deċiżjonali fl-affarijiet barranin u l-kapaċità tagħha li taħdem ma' sħab bl-istess fehma filwaqt li ssaħħaħ il-multilateraliżmu, u ssaħħaħ il-kapaċitajiet strateġiċi tagħha li taġixxi, anke b'mod awtonomu jekk ikun meħtieġ; jisħaq li l-UE għandha r-responsabbiltà li ssawwar l-awtonomija strateġika tagħha dwar id-diplomazija, is-sigurtà u kwistjonijiet ta' difiża komuni kif ukoll dwar kwistjonijiet ekonomiċi, tas-saħħa u kummerċjali, bil-għan li tindirizza l-bosta sfidi komuni biex tiddefendi l-interessi, in-normi u l-valuri tagħha fid-dinja ta' wara l-pandemija; jisħaq, għalhekk, fuq il-ħtieġa li l-pajjiżi Ewropej iżommu l-kapaċità li jieħdu deċiżjonijiet u azzjoni waħedhom; iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw u japplikaw malajr ir-regolament il-ġdid biex jistabbilixxu mekkaniżmi biex jiġu eżaminati l-investimenti barranin f'setturi kritiċi; iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE joħolqu forum ġdid għall-kooperazzjoni multilaterali, billi jitgħallmu mill-wirt tal-Kumitat ta' Koordinament għall-Kontrolli Strateġiċi Multilaterali tal-Esportazzjonijiet, biex jissorveljaw u jikkontrollaw l-esportazzjoni ta' teknoloġiji, flussi ta' kummerċ u investimenti sensittivi lejn pajjiżi li jqajmu tħassib;

10. Huwa tal-fehma li għad hemm potenzjal kbir mhux sfruttat fil-kombinazzjoni u l-integrazzjoni tal-aspetti kollha tas-setgħa ta' koerċizzjoni (hard power) kif ukoll tas-setgħa ta' persważjoni (soft power) tal-azzjoni esterna tal-UE biex jintlaħqu l-għanijiet tal-PESK; ifakkar, f'dan ir-rigward, li d-diplomazija tal-Parlament Ewropew tikkostitwixxi pilastru importanti tal-politika estera tal-UE, bl-istrumenti u l-kanali distinti u komplementari tiegħu stess; jemmen li l-Parlament Ewropew għandu għalhekk jiġi rikonoxxut bħala parti integrali mill-approċċ "Tim Ewropa" promoss mill-Kummissjoni u mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE); jenfasizza f'dan ir-rigward l-importanza tar-rwol tal-Parlament fil-medjazzjoni u l-appoġġ għad-demokrazija, kif ukoll il-kontribut siewi tal-assemblej parlamentari għall-azzjoni esterna tal-Ewropa, anke fir-rigward tas-sigurtà u d-difiża, u l-ħtieġa li jiġu promossi l-attivitajiet tagħhom u li jiġi żgurat li il-ħidma tagħhom issir kif suppost; jistieden lill-VP/RGħ u lill-presidenti tal-Kummissjoni u tal-Kunsill jinfurmaw kontinwament lill-Parlament u jinvolvuh fl-azzjoni esterna tal-UE;

11. Iqis li l-ambizzjoni li jkun hemm politika estera u ta' sigurtà tal-UE li tkun robusta, indipendenti u żviluppata bis-sħiħ tinvolvi wkoll l-eżistenza ta' korp diplomatiku bl-istess karatteristiċi, stabbilit mill-bidu nett bħala korp speċifikament Ewropew; jappoġġja, f'dan ir-rigward, il-progress lejn il-ħolqien ta' akkademja diplomatika Ewropea fdata bil-mandat li tistabbilixxi sistema indipendenti ta' selezzjoni u taħriġ għad-diplomatiċi futuri tal-UE, fil-qafas ta' karriera diplomatika Ewropea reali;

12. Jenfasizza li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat tal-UE dwar il-konsultazzjoni u l-għoti ta' informazzjoni lill-Parlament fil-qasam tal-PESK għandhom jissarrfu f'regoli ċari dwar il-kondiviżjoni trasparenti u f'waqtha tad-dokumenti rilevanti, inklużi abbozzi ta' strateġiji; jindika l-ħtieġa li jittejjeb b'mod sinifikanti l-mod li bih il-Kummissjoni u s-SEAE attwalment jgħaddu informazzjoni sensittiva jew kunfidenzjali lill-Parlament; jitlob li jiġi eżaminat, barra minn hekk, kif jistgħu jittejbu l-kwalità, il-kamp ta' applikazzjoni u l-format tal-laqgħat tal-kumitati u l-iskambji mas-SEAE u l-Kummissjoni; iqis li d-"dikjarazzjoni dwar ir-responsabbiltà politika" tal-2010 ma għadhiex bażi xierqa għar-relazzjonijiet bejn il-Parlament u l-VP/RGħ u għandha tiġi sostitwita bi ftehim interistituzzjonali biex jissaħħu d-drittijiet ta' skrutinju tal-Parlament, skont it-Trattati; ifakkar, barra minn hekk, li talab rieżami tad-deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi s-SEAE;

13. Jesprimi dispjaċir għan-nuqqas ta' progress fit-titjib tal-proċess deċiżjonali dwar kwistjonijiet tal-PESK, li għandu impatt fuq l-effiċjenza, il-ħeffa u l-kredibbiltà tal-azzjoni tal-UE u l-proċess deċiżjonali fix-xena internazzjonali; jistieden lill-Istati Membri biex b'mod urġenti jiftħu dibattitu dwar il-possibbiltà li minn vot bl-unanimità jgħaddu għal vot b'maġġoranza kwalifikata tal-inqas fl-oqsma magħżula tal-PESK, bħal deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet ta' drittijiet tal-bniedem u sanzjonijiet, bħala mezz konkret biex tissaħħaħ l-influwenza tal-UE fix-xena globali;

14. Jinsisti li jiġi adottat u implimentat malajr mekkaniżmu b'saħħtu ta' sanzjonijiet immirati tal-UE għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem (att tal-UE bħal dak ta' Magnitsky) li jinvolvi projbizzjonijiet ta' ħruġ ta' viża u ffriżar ta' assi; jenfasizza li mekkaniżmu ta' sanzjonijiet bħal dan għandu jimmira wkoll lejn l-atti ta' korruzzjoni kif ukoll it-traffikar ta' bnedmin u vjolenza sesswali u bbażata fuq il-ġeneru; jissottolinja li r-reġim tas-sanzjonijiet irid jinkludi mekkaniżmu ta' implimentazzjoni effikaċi li jiżgura l-konformità mill-Istati Membri kollha;

15. Jitlob li ssir reviżjoni tal-listi ta' tagħmir li l-esportazzjoni tiegħu lejn pajjiżi terzi hija pprojbita, biex jiġu evitati sitwazzjonijiet li fihom l-Istati Membri jipprovdu strumenti, bl-appoġġ finanzjarju tal-UE, li eventwalment jintużaw għall-oppressjoni taċ-ċittadini;

16. Jappoġġja dibattitu fil-livell tal-UE biex jiġu kkunsidrati formati ġodda ta' kooperazzjoni bħal Kunsill Ewropew tas-Sigurtà, peress li wasal iż-żmien li jiġu stabbiliti formalment il-formati u l-istituzzjonijiet effikaċi biex jittejbu l-koerenza u l-influwenza tal-politika estera u ta' sigurtà tal-UE; jemmen li din l-idea għandha tiġi diskussa fil-qafas tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, u jtenni wkoll it-talba tiegħu li jitwaqqaf Kunsill tal-Ministri tad-Difiża;

17. Jenfasizza l-fatt li l-UE impenjat ruħha li ssaħħaħ ir-rwol tan-NU fix-xena internazzjonali u jisħaq, għalhekk, fuq il-ħtieġa li tiġi riformata s-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti, li tissaħħaħ il-koerenza tal-azzjonijiet tal-aġenziji, l-organizzazzjonijiet u l-programmi kollha tagħha sabiex jiġi żgurat li jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tal-Aġenda 2030; jitlob, għal darb'oħra, lill-Istati Membri jappoġġjaw riformi tal-kompożizzjoni u tal-funzjonament tal-Kunsill tas-Sigurtà biex jagħmluh aktar effikaċi u operattiv, vitali fl-iżgurar tal-paċi dinjija, b'aġenda li tmur lil hinn mis-sigurtà militari u tinkludi l-movimenti tar-rifuġjati u l-persuni spustati, is-sigurtà tal-ikel, it-tibdil fil-klima u l-ġlieda kontra l-pandemiji;

18. Jenfasizza l-importanza vitali tal-UE fl-appoġġ tal-proċessi demokratiċi u elettorali li qed iseħħu u fis-salvagwardja tat-trasparenza u l-leġittimità tagħhom;

19. Jirrikonoxxi li l-istabbiltà, is-sigurtà, il-paċi u l-prosperità tal-Balkani tal-Punent u l-pajjiżi tal-Viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar jaffettwaw direttament l-istabbiltà u s-sigurtà tal-Unjoni stess u dik tal-Istati Membri tagħha, kif ukoll ir-reputazzjoni tagħha bħala attur globali; jissottolinja l-fatt li l-Unjoni Ewropea hija l-akbar sieħba kummerċjali u investitur fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u tas-Sħubija tal-Lvant; jitlob lill-UE tassumi r-responsabbiltà strateġika tagħha fil-viċinat tal-UE u tiżvolġi rwol aktar f'waqtu, attiv, unifikat u effikaċi fil-medjazzjoni u fir-riżoluzzjoni paċifika tat-tensjonijiet u l-kunflitti li għaddejjin bħalissa, u fil-prevenzjoni ta' kwalunkwe kunflitt fil-viċinat; jemmen li dan jista' jinkiseb billi jiġu definiti fi prijoritajiet l-isforzi fil-konsolidament preventiv tal-paċi, inklużi d-diplomazija preventiva u l-mekkaniżmi ta' twissija bikrija, billi tissaħħaħ il-kooperazzjoni bilaterali u jiġu appoġġjati l-forzi demokratiċi u l-istat tad-dritt, billi jinħolqu inċentivi pożittivi għall-istabbilizzazzjoni u l-iżvilupp soċjoekonomiċi, u billi tinbena r-reżiljenza tas-soċjetajiet, sostnuta minn riżorsi baġitarji adegwati; jafferma mill-ġdid l-appoġġ qawwi tiegħu għall-Format tan-Normandija, għall-Konferenza ta' Berlin dwar il-Libja u għall-Grupp ta' Minsk;

20. Itenni l-impenn tiegħu għat-tkabbir bħala politika trasformattiva ewlenija tal-UE u jilqa' l-metodoloġija riveduta mill-Kummissjoni u l-enfasi aktar qawwija tagħha fuq in-natura politika tal-proċess tat-tkabbir; jappoġġja l-perspettiva Ewropea għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u jilqa' l-affermazzjoni mill-ġdid tal-appoġġ inekwivoku tal-Istati Membri tal-UE għal din il-perspettiva, kif iddikjarat fid-Dikjarazzjoni ta' Zagreb tas-6 ta' Mejju 2020 kif ukoll id-deċiżjoni li jinfetħu t-taħditiet ta' adeżjoni mal-Albanija u l-Maċedonja ta' Fuq; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jniedu l-konferenzi intergovernattivi ma' dawn iż-żewġ pajjiżi mingħajr dewmien u, b'mod aktar ġenerali, iħaffu l-proċess ta' adeżjoni, peress li l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent huma ġeografikament, storikament u kulturalment parti mill-Ewropa; jissottolinja li l-integrazzjoni ta' dawn il-pajjiżi fl-UE hija ta' importanza ewlenija għall-istabbiltà u s-sigurtà tal-kontinent kollu kemm hu, kif ukoll għall-influwenza tal-UE fir-reġjun u lil hinn minnu; jisħaq li l-proċess ta' adeżjoni għandu jġib trasformazzjoni demokratika, ekonomika u ekoloġika sostenibbli u konverġenza soċjali, u jiżgura relazzjonijiet ta' bon viċinat u kooperazzjoni reġjonali; ifakkar li l-proċess ta' tkabbir huwa wieħed meritokratiku u għandu għeruqu f'kundizzjonalità stretta u ġusta skont il-kriterji ta' Copenhagen; itenni li l-adozzjoni tar-riformi trid tkun tanġibbli fil-post u jisħaq fuq il-ħtieġa li jingħataw punti ta' riferiment ċari, trasparenti u konsistenti għall-adeżjoni kif ukoll appoġġ politiku, finanzjarju (IPA III) u tekniku kontinwu tul il-proċess, b'kejl ċar tal-progress; jisħaq li l-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi potenzjalment kandidati għandhom jallinjaw ruħhom mad-dikjarazzjonijiet rilevanti tal-PESK li joħroġ il-VP/RGħ f'isem l-UE, u mad-deċiżjonijiet tal-Kunsill;

21. Jilqa' r-riżultati tas-summit tal-UE mal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant (SL) u jittama li s-sitt pajjiżi jimpenjaw ruħhom b'mod ġenwin favur il-proċessi ta' riforma meħtieġa għall-bini ta' soċjetajiet li huma aktar demokratiċi, aktar għanja, aktar ġusti, aktar stabbli u eqreb lejn il-valuri u l-prinċipji fundamentali; jissottolinja li l-kooperazzjoni mal-pajjiżi tas-SL u mal-pajjiżi ġirien l-oħra tal-UE għandha tkun prijorità għall-PESK minħabba l-interess vitali tal-UE fl-iżvilupp u d-demokratizzazzjoni ta' dawn il-pajjiżi; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jkomplu jsaħħu r-rabtiet ekonomiċi u ta' konnettività, bl-użu ta' ftehimiet kummerċjali u ta' assoċjazzjoni, l-aċċess għas-suq uniku u kuntatti aktar profondi bejn il-persuni, fosthom permezz tal-faċilitazzjoni u l-liberalizzazzjoni tal-viżi meta r-rekwiżiti kollha jkunu sodisfatti; jenfasizza li dawn ta' hawn fuq jistgħu jservu bħala inċentivi biex jitrawmu r-riformi demokratiċi u l-adozzjoni ta' regoli u tal-istandards tal-UE; jistieden lill-UE żżomm differenzjazzjoni mfassla apposta fis-SL ibbażata fuq il-prinċipju ta' "aktar għal aktar" u "anqas għal anqas"; jirrikonoxxi l-esperjenza unika u l-għarfien espert tal-pajjiżi tas-SL, inkluż il-kontribut tagħhom għall-missjonijiet tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK), il-gruppi tattiċi u l-operazzjonijiet tal-UE, u jitlob l-approfondiment tal-kooperazzjoni bejn l-UE u s-SL fil-politiki ta' difiża relatati mal-UE;

22. Jappoġġja t-talbiet tal-poplu tal-Belarussja biex ikun hemm libertà, demokrazija u dinjità, u biex isiru elezzjonijiet presidenzjali ġodda, liberi u ġusti; jirrikonoxxi r-rwol importanti tal-Kunsill ta' Koordinament bħala rappreżentant tal-poplu Belarussu li qed jipprotesta; jikkundanna bil-qawwa r-repressjoni vjolenti fuq id-dimostranti paċifiċi u jilqa' l-adozzjoni ta' sanzjonijiet fil-konfront tar-reġim ta' Lukashenka, inkluż Aliaksandr Lukashenka nnifsu, u jtenni l-pożizzjoni tiegħu li ma jirrikonoxxix ir-riżultati tal-elezzjonijiet presidenzjali ffalsifikati tad-9 ta' Awwissu 2020; jitlob lill-UE tirrevedi bir-reqqa r-relazzjonijiet tagħha mal-Belarussja fid-dawl tan-nuqqas ta' konformità tar-reġim mal-impenji tiegħu stess skont id-dritt internazzjonali u l-ftehimiet tiegħu mal-UE, kif ukoll toħloq inċentivi għall-istabbilizzazzjoni soċjoekonomika, l-iżvilupp tal-forzi demokratiċi u l-appoġġ għalihom;

23. Jisħaq fuq l-importanza tal-impenn tal-UE li tappoġġja s-sovranità, l-indipendenza u l-integrità territorjali tas-sħab tagħha fil-fruntieri tagħhom rikonoxxuti fil-livell internazzjonali; jinsab imħasseb dwar il-proliferazzjoni ta' żoni ta' kunflitt jaħraq fl-eqreb viċinat tal-UE, kif ukoll kunflitti ffriżati u l-okkupazzjoni de facto li għaddejja min-naħa tal-Federazzjoni Russa ta' territorji li jappartjenu għal Stati sovrani; itenni l-kundanna tiegħu tal-politiki aggressivi tar-Russja fil-konfront tal-Ukrajna, ir-rwol negattiv tagħha f'diversi kunflitti ffriżati u l-pressjoni tagħha kontra wħud mill-ġirien immedjati tagħha tal-UE, minbarra l-ksur tagħha tad-drittijiet tat-Tatari tal-Krimea, l-imblokk tagħha tal-Baħar ta' Azov, is-sekwestru kontinwu tagħha tad-depożiti tal-gass tal-Ukrajna fil-Baħar l-Iswed, u l-ksur min-naħa tagħha tal-integrità territorjali tal-Georgia u l-Moldova; jibqa' impenjat bis-sħiħ favur il-politika ta' nonrikonoxximent tal-annessjoni illegali tal-Krimea; jistieden lir-Russja terfa' r-responsabbiltà tagħha, tuża l-influwenza tagħha fuq is-separatisti appoġġjati mir-Russja u timplimenta bis-sħiħ l-impenji tagħha skont il-ftehimiet ta' Minsk; jissottolinja l-ħtieġa li l-UE żżid l-azzjoni tagħha fir-riżoluzzjoni paċifika tal-hekk imsejħa kunflitti ffriżati, anke fi djalogu mal-pajjiżi terzi involuti, tippromwovi b'mod attiv soluzzjonijiet ibbażati fuq in-normi u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali, il-Karta tan-NU u l-Att Finali ta' Helsinki tal-OSKE tal-1975, u żżid l-appoġġ liċ-ċivili milquta mill-kunflitti, lill-persuni spostati internament (IDPs) u lir-rifuġjati;

24. Jieħu nota adegwata tal-ftehim ta' waqfien mill-ġlied totali fin-Nagorno-Karabakh iffirmat mill-Armenja, l-Ażerbajġan u r-Russja fid-9 ta' Novembru 2020; jittama li dan il-ftehim isalva l-ħajja kemm tal-popolazzjoni ċivili kif ukoll tal-persunal militari u jiftaħ perspettivi aktar pożittivi għal soluzzjoni paċifika ta' dan il-kunflitt mortali; jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-bidliet fl-istatus quo saru bl-użu tal-forza militari, aktar milli permezz ta' negozjati paċifiċi; jikkundanna bil-qawwa l-qtil ta' ċivili u l-qerda ta' faċilitajiet ċivili u postijiet ta' qima, jikkundanna l-użu rrappurtat ta' munizzjonijiet dispersivi fil-kunflitt; iħeġġeġ kemm lill-Armenja kif ukoll lill-Ażerbajġan jirratifikaw mingħajr aktar dewmien il-Konvenzjoni dwar il-Munizzjonijiet Dispersivi, li b'mod komprensiv tipprojbixxi l-użu tagħhom; jisħaq li għad irid jinstab ftehim dejjiemi u li l-proċess tal-ksib tal-paċi u d-determinazzjoni tal-istatus ġuridiku futur tar-reġjun għandu jitmexxa mill-kopresidenti tal-Grupp ta' Minsk u għandu jkun ibbażat fuq il-Prinċipji Bażiċi tal-grupp; jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jiġi żgurat li l-għajnuna umanitarja tista' tilħaq lil dawk fil-bżonn, li s-sigurtà tal-popolazzjoni Armena u l-wirt kulturali tagħha fin-Nagorno-Karabakh tiġi żgurata, u li l-persuni spustati internament u r-rifuġjati jitħallew jirritornaw fil-postijiet ta' residenza preċedenti tagħhom; jitlob li l-allegazzjonijiet kollha ta' delitti tal-gwerra jiġu investigati kif xieraq u li dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja; jistieden lill-UE tkun involuta b'mod aktar sinifikattiv fir-riżoluzzjoni tal-kunflitt u ma tħallix id-destin tar-reġjun f'idejn setgħat oħra;

25. Jitlob lill-UE tirrikonoxxi l-ispeċifiċitajiet ta' kull wieħed mill-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran fil-politiki tagħha fir-rigward tar-reġjun; jitlob lill-UE ssaħħaħ il-kooperazzjoni ma' atturi reġjonali bħal-Lega Għarbija, l-Unjoni Afrikana u l-Unjoni għall-Mediterran u tappoġġja b'mod attiv il-kooperazzjoni intrareġjonali fost il-pajjiżi tal-Viċinat tan-Nofsinhar, bħala strument indispensabbli għas-sigurtà u l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli; jissottolinja l-ħtieġa li jissaħħu r-relazzjonijiet tal-Unjoni mal-pajjiżi tal-Afrika ta' fuq; jesprimi dispjaċir għall-fatt li, 25 sena wara t-tnedija tal-hekk imsejjaħ Proċess ta' Barċellona, il-bini taż-żona ta' prosperità, stabbiltà u libertà kondiviżi mal-pajjiżi Mediterranji tal-Viċinat tan-Nofsinhar għadu ma tlestiex; jappoġġja bis-sħiħ il-proċess ta' Berlin u l-inizjattivi kollha tan-NU li għandhom l-għan li jsibu soluzzjoni politika komprensiva għall-kriżi fil-Libja;

26. Huwa tal-fehma li l-UE għandha tkompli taqdi rwol proattiv fir-rigward tal-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani u l-konklużjoni ta' ftehim bejn il-partijiet, inkluż dwar kwistjonijiet ta' qbil dwar status finali, billi tiffoka, b'mod partikolari, fuq il-ħtieġa li jiġu ppreservati l-kundizzjonijiet fuq il-post għal soluzzjoni paċifika ta' żewġ stati, ibbażata fuq il-fruntieri tal-1967, b'Ġerusalemm bħala l-kapitali taż-żewġ Stati, bl-Istat sigur ta' Iżrael u Stat Palestinjan indipendenti, demokratiku, kontigwu u fattibbli jikkoeżistu fil-paċi u s-sigurtà, abbażi tad-dritt għall-awtodeterminazzjoni u fir-rispett sħiħ tad-dritt internazzjonali;

27. Jieħu nota tal-Ftehimiet ta' Abram, li nnormalizzaw ir-relazzjonijiet diplomatiċi bejn Iżrael u l-Emirati Għarab Magħquda u l-Bahrain; ifaħħar, f'dan ir-rigward, ir-rwol tal-Istati Uniti fl-iffaċilitar tal-Ftehimiet ta' Abram; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-Istati Għarab bħall-Eġittu jew il-Ġordan, li għal snin sħaħ żammew relazzjonijiet diplomatiċi ma' Iżrael, kellhom rwol sinifikattiv fil-promozzjoni tad-djalogu dwar il-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani, inkluż dwar is-sigurtà u l-istabbiltà; jissottolinja r-rilevanza kontinwa tal-investiment f'negozjati sinifikanti bejn Iżrael u l-Palestina; jilqa' l-fatt li waħda mill-premessi tal-Ftehimiet ta' Abram kienet il-waqfien tal-pjanijiet ta' annessjoni fix-Xatt tal-Punent u jistieden lill-partijiet kollha jirrispettaw dan;

28. Jilqa' l-ftehim reċenti tas-setgħat politiċi Palestinjani li l-elezzjonijiet leġiżlattivi u presidenzjali se jsiru fis-sitt xhur li ġejjin u jenfasizza li l-elezzjonijiet demokratiċi jibqgħu prijorità assoluta għall-Unjoni; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi appoġġjat il-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani u li jiġu żgurati riżorsi finanzjarji adegwati għall-ħidma tal-Aġenzija ta' Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib (UNRWA) f'kooperazzjoni mill-qrib mal-komunità ta' donaturi internazzjonali;

29. Jilqa' l-impenn tal-UE biex tippreserva l-Pjan ta' Azzjoni Komprensiv Konġunt (PAKK) u tiżgura li jiġi implimentat bis-sħiħ mill-partijiet kollha; jisħaq li dan il-ftehim multilaterali huwa kisba kruċjali tad-diplomazija Ewropea u li jibqa' pilastru ewlieni tal-arkitettura globali tan-nonproliferazzjoni, li jaġixxi bħala l-pedament tal-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà reġjonali, u li huwa fl-interess tal-UE li tiżgura l-preservazzjoni u l-implimentazzjoni sħiħa tiegħu; jistieden lill-Istati Uniti jastjenu milli jieħdu azzjonijiet unilaterali, biex b'hekk jikkontribwixxu għall-paċi u s-sigurtà reġjonali u globali, u għal ordni globali bbażat fuq ir-regoli; iħeġġeġ lill-VP/RGħ juża l-mezzi politiċi u diplomatiċi kollha disponibbli biex jissalvagwardja l-PAKK; jistieden lill-VP/RGħ, fid-dawl tar-rivalitajiet eżistenti fir-reġjun tal-Golf, jintensifika d-djalogu politiku mal-pajjiżi tar-reġjun bil-għan li jippromwovi t-taffija tat-tensjonijiet u arkitettura ta' sigurtà reġjonali inklużiva, f'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-10 ta' Jannar 2020; jistieden lill-VP/RGħ, f'dan ir-rigward, jikkunsidra li jaħtar Mibgħut Speċjali għar-reġjun tal-Golf biex jiffaċilita dan il-kompitu;

30. Jistieden lil Franza, lill-Ġermanja u lir-Renju Unit, bħala firmatarji tal-PAKK, lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jibnu l-unità, l-iskoraġġiment u r-reżiljenza tagħhom kontra sanzjonijiet sekondarji minn pajjiżi terzi, u biex jimplimentaw miżuri biex jissalvagwardjaw l-interessi leġittimi tal-UE, inkluż permezz tat-tħaddim sħiħ tal-Istrument b'Appoġġ għall-Iskambji Kummerċjali (INSTEX); jirrifjuta l-impożizzjoni mill-ġdid ekstraterritorjali unilaterali tas-sanzjonijiet mill-Istati Uniti wara l-irtirar tagħhom mill-PAKK, minħabba li din timmina l-interessi leġittimi tal-politika ekonomika u estera tal-UE, b'mod partikolari billi tfixkel il-kummerċ umanitarju mal-Iran fiż-żmien tal-COVID-19; jistieden lill-Istati Uniti jerġgħu jingħaqdu mingħajr kundizzjonijiet mal-PAKK, filwaqt li fl-istess ħin l-Iran jiġi mħeġġeġ jerġa' jirrispetta bis-sħiħ l-impenji tiegħu skont il-ftehim;

31. Jieħu nota tar-rapport tal-Grupp ta' Esperti Eminenti Internazzjonali u Reġjonali tan-NU dwar il-Jemen li stabbilixxa li l-Gvern tal-Jemen, il-Houthis, il-Kunsill ta' Tranżizzjoni tan-Nofsinhar u l-membri tal-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija u l-Emirati Għarab Magħquda kkommettew ksur gravi tad-drittijiet internazzjonali tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali, bħal attakki mingħajr distinzjoni fuq ċivili u strutturi ċivili, li jikkwalifikaw bħala delitti tal-gwerra; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiżguraw li ma jkunx hemm impunità għall-aktar delitti serji billi, fost l-oħrajn, jappoġġjaw ir-rinviju tas-sitwazzjoni fil-Jemen lill-Qorti Kriminali Internazzjonali; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jintroduċu sanzjonijiet immirati kontra uffiċjali fl-Arabja Sawdija u fl-Emirati Għarab Magħquda li kienu involuti f'allegati delitti tal-gwerra; itenni, għal darb'oħra, it-talba tiegħu lill-Istati Membri biex iwaqqfu l-bejgħ tal-armi lill-Arabja Sawdija u lill-Emirati Għarab Magħquda, li jagħmilhom biss kompliċi fil-perpetwazzjoni tal-kunflitt u fit-titwil tat-tbatija tal-poplu Jemenit;

32. Huwa tal-fehma li l-UE jeħtieġ li tiddefinixxi b'mod urġenti strateġija ġeopolitika u globali aħjar għar-relazzjonijiet tagħha fit-terminu qasir, medju u twil mat-Turkija, b'mod partikolari fid-dawl tar-rigress demokratiku kontinwu u l-assertività dejjem akbar tal-politika estera tat-Turkija, li qed jikkontribwixxu għaż-żieda fit-tensjonijiet u li għandhom impatt destabbilizzanti li jhedded il-paċi u l-istabbiltà reġjonali fil-Lvant tal-Mediterran, fil-Lvant Nofsani u fil-Kawkasu tan-Nofsinhar, u r-rwol tagħha fil-kunflitti fis-Sirja, fl-Iraq, fil-Libja u fin-Nagorno-Karabakh;

33. Jitlob li l-UE tiżvolġi rwol sinifikanti fil-Mediterran, ladarba saret attur bil-kapaċità li jiggarantixxi l-istabbiltà tar-reġjun, inkluż fir-rigward tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, it-terroriżmu u l-migrazzjoni irregolari; jenfasizza li l-ħidma leġiżlattiva li għaddejja dwar il-Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil tippreżenta opportunità ewlenija għall-koleġiżlaturi tal-UE biex itejbu l-politika tal-UE dwar l-ażil u l-migrazzjoni sabiex issir tiddependi inqas mit-Turkija;

34. Itenni li n-negozjati tal-adeżjoni mat-Turkija huma formalment iffriżati, fid-dawl tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, ir-rigress demokratiku u l-isfidi għall-istat tad-dritt fit-Turkija; iqis li r-relazzjonijiet mat-Turkija ma għandhomx ikunu bbażati fuq proċess ta' adeżjoni illużorju u antikwat; jisħaq li huwa ta' interess strateġiku komuni għall-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u t-Turkija li jiġi stabbilit ambjent stabbli u sigur fil-Lvant tal-Mediterran; ifakkar, madankollu, li d-djalogu essenzjali li jrid jipprevali fil-ħolqien ta' dan l-ambjent stabbli u sikur jista' jeżisti biss billi tiġi evitata kwalunkwe provokazzjoni unilaterali, a fortiori permezz ta' azzjonijiet militari, navali jew mill-ajru; ifakkar f'dan ir-rigward fis-solidarjetà sħiħa tal-UE mal-Istati Membri tagħha, jiġifieri l-Greċja u Ċipru;

35. Itenni li l-Unjoni hija lesta li tuża l-istrumenti u l-għażliet kollha għad-dispożizzjoni tagħha, inklużi dawk previsti fl-Artikolu 29 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 215 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għad-difiża tal-interessi tagħha u dawk tal-Istati Membri tagħha; ifakkar fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Ottubru 2019 li jistiednu lill-Istati Membri jieħdu pożizzjonijiet nazzjonali b'saħħithom rigward il-politika tagħhom dwar l-esportazzjoni tal-armi lejn it-Turkija abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK, inkluża l-applikazzjoni stretta tal-kriterju 4 dwar l-istabbiltà reġjonali u jistieden lill-VP/RGħ u lill-Kunsill jikkunsidraw l-introduzzjoni ta' inizjattiva li tobbliga lill-Istati Membri kollha jwaqqfu l-ħruġ ta' liċenzji għall-esportazzjoni tal-armi lejn it-Turkija skont din il-Pożizzjoni Komuni; ifakkar fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-1 ta' Ottubru 2020 li jenfasizzaw li l-UE se tuża l-istrumenti u l-għażliet kollha għad-dispożizzjoni tagħha, inkluż l-impożizzjoni ta' reġim ta' sanzjonijiet fuq it-Turkija sabiex tiddefendi l-interessi tagħha u dawk tal-Istati Membri tagħha; itenni t-talba tiegħu lill-VP/RGħ sakemm it-Turkija tkompli bl-azzjonijiet illegali u unilaterali attwali tagħha fil-Lvant tal-Mediterran li jmorru kontra s-sovranità ta' kwalunkwe Stat Membru tal-UE u d-dritt internazzjonali, u ma tinvolvix ruħha fi djalogu bbażat fuq id-dritt internazzjonali; jistieden lill-mexxejja tan-NATO jikkomunikaw bl-aktar mod qawwi lit-Turkija li mhumiex se jittolleraw l-atti ta' aggressjoni tal-pajjiż fil-konfront ta' membri sħabha tan-NATO;

36. Jikkundanna bil-qawwa l-iffirmar taż-żewġ Memoranda ta' Qbil bejn it-Turkija u l-Libja dwar id-delimitazzjoni taż-żoni marittimi u dwar is-sigurtà komprensiva u l-kooperazzjoni militari, li huma interkonnessi u li jiksru biċ-ċar kemm id-dritt internazzjonali kif ukoll ir-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li timponi embargo fuq l-armi fuq il-Libja;

37. Jikkundanna bil-qawwa r-rwol destabbilizzanti tat-Turkija li jkompli jdgħajjef l-istabbiltà fraġli fir-reġjun kollu tal-Kawkasu tan-Nofsinhar; jistieden lit-Turkija ma tindaħalx fil-kunflitt fin-Nagorno-Karabakh, inkluż billi toffri appoġġ militari lill-Ażerbajġan, u biex tieqaf tieħu azzjonijiet destabbilizzantiu tippromwovi l-paċi b'mod attiv; jikkundanna, barra minn hekk, it-trasferiment mit-Turkija ta' ġellieda terroristi barranin mis-Sirja u minn postijiet oħra lejn in-Nagorno-Karabakh, kif ikkonfermat minn atturi internazzjonali, inklużi l-pajjiżi kopresidenti tal-Grupp ta' Minsk tal-OSKE; jesprimi d-dispjaċir tiegħu għar-rieda tagħha li tiddestabilizza l-Grupp ta' Minsk tal-OSKE billi ssegwi l-ambizzjoni tagħha li tiżvolġi rwol aktar deċiżiv fil-kunflitt;

38. Jissottolinja li huwa essenzjali u fl-interess reċiproku tal-UE u tar-Renju Unit, amplifikat mill-prinċipji komuni u l-valuri kondiviżi tagħhom, kif ukoll mill-prossimità ġeografika tagħhom u l-kooperazzjoni strateġika konġunta li ilha teżisti, li jaqblu dwar risposta komuni biex jindirizzaw l-isfidi tal-politika estera, ta' sigurtà u ta' difiża bbażat fuq il-prinċipji tal-multilateraliżmu, ir-riżoluzzjoni tal-kunflitti permezz tad-djalogu u d-diplomazija, u d-dritt internazzjonali, filwaqt li jqisu li l-biċċa l-kbira tat-theddid internazzjonali jaffettwa liż-żewġ naħat bl-istess intensità; jissottolinja l-importanza li jintlaħaq ftehim tajjeb dwar ir-relazzjonijiet futuri bejn l-UE u r-Renju Unit li jipproteġi l-interessi tal-UE;

39.  Jisħaq li l-kooperazzjoni trans-Atlantika tibqa' kruċjali u hija ta' importanza kbira fil-politika estera u ta' sigurtà komuni tal-UE; jitlob aktar sforzi lejn sħubija trans-Atlantika b'saħħitha u mġedda u djalogu kostanti, ibbażati fuq ir-rispett reċiproku u azzjonijiet konkreti għall-promozzjoni tal-multilateraliżmu, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem, is-sigurtà trans-Atlantika u l-kooperazzjoni ekonomika u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, u biex tinżamm sistema internazzjonali bbażata fuq ir-regoli sabiex jiġu indirizzati l-isfidi u l-kriżijiet barranin, tas-sigurtà u tal-kummerċ attwali u futuri, b'enfasi partikolari fuq l-emerġenza tas-saħħa attwali u l-isfidi ekonomiċi, soċjali, tas-sigurtà u politiċi li ġġib magħha;

40. Jinsisti li s-sħubija trans-Atlantika għandha tingħata nifs ġdid sabiex tindirizza b'mod aktar effikaċi l-pandemija u l-isfidi internazzjonali ewlenin l-oħra bħat-tibdil fil-klima; jirrikonoxxi l-ħtieġa li tinstab bażi ġdida għall-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti kontra ambizzjonijiet nazzjonalistiċi, awtoritarji u eġemoniċi, it-tensjonijiet espansjonistiċi fil-Lvant Nofsani u fil-Golf, il-multipolarità tal-partijiet ekonomiċi kkonċernati li qed jikbru fid-dominanza u l-kriżi ekonomika attwali fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku; jilqa' l-inizjattiva tal-UE biex tistabbilixxi djalogu trans-Atlantiku dwar iċ-Ċina;

41. Jemmen li din is-sħubija tista' tirnexxi biss jekk tkun ibbażata fuq ir-relazzjonijiet ta' valuri u interessi komuni u r-rispett tad-dritt internazzjonali u tal-istituzzjonijiet multilaterali, iżda wkoll fuq il-fiduċja li, sfortunatament, f'dawn l-aħħar snin intlaqtet ħażin minn azzjonijiet unilaterali eċċessivi li dgħajfu wkoll l-oqfsa multilaterali li l-UE u l-Istati Membri tagħha huma parti minnhom; jiddeplora, f'dan ir-rigward, it-tendenzi unilateralistiċi tal-amministrazzjoni tal-President tal-Istati Uniti Donald Trump; jenfasizza li rabtiet aktar dgħajfa fil-Punent jippermettu lill-Istati illiberali jimlew il-vojt tat-tmexxija fix-xena internazzjonali; jesprimi t-tama tiegħu li l-Istati Uniti jerġgħu lura fil-passi li ħadu f'dawn l-aħħar snin meta rtiraw mill-ordni multilaterali bbażat fuq ir-regoli globali, u b'hekk tkun tista' tissokta l-unità mill-qrib f'azzjoni trans-Atlantika li tkun allinjata bis-sħiħ mal-valuri u l-prinċipji komuni tal-UE u l-Istati Uniti; itenni l-ħtieġa li l-pajjiżi membri Ewropej tan-NATO jieħdu aktar responsabbiltajiet ta' qsim tal-piż fil-ħarsien tal-ispazju trans-Atlantiku u jirreaġixxu għal theddid ibridu ġdid; jissottolinja li jekk jingħaqdu mal-Istati Uniti fl-isforzi għall-konsolidament tal-paċi fil-futur ikun hemm aktar sinerġija u jkun hemm risposta aqwa għall-isfidi globali;

42. Jitlob li tinżamm pożizzjoni b'saħħitha u magħquda fil-konfront tal-Federazzjoni Russa, inkluż permezz tar-reviżjoni tal-ħames prinċipji politiċi bażiċi tal-UE; jitlob li tiġi elaborata strateġija ġdida bejn l-UE u r-Russja, li tibgħat sinjal ċar lill-fazzjoni favur id-demokrazija fis-soċjetà Russa tar-rieda kontinwa tal-UE li timpenja ruħha u tikkoopera; jitlob li jissaħħaħ ir-reġim tas-sanzjonijiet, speċjalment fid-dawl tal-iżviluppi li għaddejjin bħalissa relatati mal-tentattiv ta' qtil ta' Alexei Navalny fit-territorju Russu permezz ta' aġent nervin militari tal-familja "Novichok" li ġie żviluppat fir-Russja; jilqa' l-adozzjoni min-naħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin ta' miżuri ristretti marbuta mal-użu ta' armi kimiċi fit-tentattiv ta' qtil ta' Alexei Navalny; itenni t-talba tiegħu li ssir investigazzjoni internazzjonali indipendenti dwar l-avvelenament tiegħu;

43. Itenni li r-rispett tal-ftehimiet ta' Minsk huwa kundizzjoni fundamentali għal kwalunkwe bidla sostanzjali fir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja; jiddeplora r-rwol negattiv tar-Russja fil-kampanji ta' diżinformazzjoni u forom oħra ta' gwerer ibridi mibdija kontra l-UE u l-Punent, li jimmiraw li jdgħajfu l-koeżjoni interna tagħna u b'hekk il-kapaċità tagħna li naġixxu b'mod effikaċi fix-xena globali; jiddeplora, barra minn hekk, il-qtil immirat fit-territorju tal-UE u l-użu ta' armi kimiċi, kif ukoll is-sitwazzjoni interna diffiċli fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali; jissottolinja l-ħtieġa li titpoġġa pressjoni fuq il-Federazzjoni Russa biex tikkonforma mad-dritt u t-trattati internazzjonali; huwa mħasseb dwar il-ksur ripetut min-naħa tar-Russja tal-ftehimiet u l-istandards dwar il-kontroll tal-armi, li wasslu għall-falliment tat-Trattat dwar il-Forzi Nukleari ta' Medda Intermedja (INF), kif ukoll il-ksur tagħha tal-konvenzjoni dwar l-armi kimiċi, bl-użu ta' aġenti nervini ta' tip militari kemm fit-territorju tagħha stess kif ukoll fit-territorju tal-UE;

44. Jissottolinja li l-Afrika hija sieħba strateġika importanti fis-sistema multilaterali; jilqa' l-isforzi attwali biex titfassal mill-ġdid u tiġi aġġornata b'mod sinifikanti l-istrateġija UE-Afrika, bl-użu ta' mudell li mhuwiex ibbażat fuq relazzjonijiet bejn id-donatur u r-riċevitur iżda fuq sħubija konġunta u kkoordinata bejn il-pari u l-istabbiliment ta' relazzjonijiet ta' benefiċċju reċiproku b'fehim ċar tal-interessi u r-responsabbiltajiet rispettivi u reċiproċi, bil-ħsieb li tiġi żviluppata sħubija ġusta, iċċentrata fuq il-persuni u sostenibbli, inkluż f'termini ta' drittijiet tal-bniedem, sigurtà u kooperazzjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu; jenfasizza f'dan ir-rigward il-ħtieġa li tingħata attenzjoni partikolari lis-sitwazzjoni fis-Saħel, minħabba l-instabbiltà li qed tiżdied u l-effetti diretti u indiretti sinifikanti għall-UE tal-avvenimenti f'dan ir-reġjun; jinsisti fuq viżjoni Ewropea għas-solidarjetà quddiem l-iżvilupp tas-sitwazzjoni fil-Libja, iżda wkoll għad-drittijiet tal-bniedem, fil-politika ta' għajnuna għall-iżvilupp u l-konsolidament ta' ftehimiet ta' sħubija ekonomika; jitlob approċċ komuni tal-UE biex jissaħħu l-konnettività tal-UE mal-Afrika, l-għarfien dwarha u l-impenn lejha; ifakkar li l-preżenza u l-impenn kredibbli tal-Ewropa huma kruċjali fil-mitigazzjoni tal-isfidi umanitarji u soċjoekonomiċi;

45. Jinnota l-importanza tal-bini tal-kapaċitaijiet Ewropej u l-missjonijiet ta' taħriġ fit-trawwim tal-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà fl-Afrika; itenni l-importanza tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet ta' stabbilizzazzjoni tal-UE li jsiru fl-Afrika, b'mod partikolari fir-reġjuni fin-Nofsinhar tas-Saħara u tas-Saħel, u jistieden lis-SEAE u lill-Kunsill jiżguraw li l-mandat u l-mezzi tal-missjonijiet tal-PSDK fl-Afrika jissaħħu, billi jingħataw il-mezzi biex ikomplu joperaw b'mod effikaċi biex iwieġbu għall-isfidi gravi li għandhom quddiemhom; jenfasizza r-rwol ewlieni tal-UE fir-riżoluzzjoni diplomatika u paċifika tal-kunflitti, fosthom permezz ta' inizjattivi ta' medjazzjoni u programmi ta' diżarm, demobilizzazzjoni u reintegrazzjoni;

46. Jemmen li relazzjoni msaħħa mal-Amerka Latina u l-Karibew (ALK) hija ċentrali għall-istrateġija ġeopolitika tal-UE fid-dinja; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Unjoni ssaħħaħ ir-rabtiet li jgħaqqdu l-UE mal-pajjiżi ALK, li flimkien jirrappreżentaw terz tal-membri tan-NU, ibbażati fuq valuri u prinċipji komuni, b'mod partikolari fid-difiża tal-ordni multilaterali bbażat fuq ir-regoli, il-promozzjoni ta' aġenda ekoloġika u l-ġlieda kontra l-faqar u l-inugwaljanzi; iħeġġeġ lill-Unjoni żżomm il-pożizzjoni tagħha bħala s-sieħba privileġġjata tal-pajjiżi tal-Amerka Latina fid-dawl tal-prospettiva li atturi ġeopolitiċi oħrajn jokkupaw spazju dejjem akbar fir-reġjun;

47. Jitlob, f'dan ir-rigward, impenn immirat u multidimensjonali mar-reġjun, appoġġjat minn narrattiva komuni tal-UE li tippromwovi strateġiji li jgħinu biex jiġu indirizzati flimkien sfidi komuni bħall-promozzjoni tal-paċi, is-sigurtà u l-prosperità filwaqt li jiġi żgurat front komuni fid-dawl tat-theddid li ġej mit-tibdil fil-klima; jenfasizza l-importanza tal-Amerka Latina għall-UE u jitlob li dan ir-reġjun ikompli jitqies bħala ta' interess ġeostrateġiku ewlieni għall-PESK, permezz tal-parteċipazzjoni fil-promozzjoni tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem fir-reġjun u l-għajnuna fl-iżvilupp ekonomiku tiegħu; jenfasizza li r-rispett tal-istat tad-dritt u qafas politiku u ġuridiku stabbli, inkluża l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-impunità, kif ukoll il-progress lejn id-demokrazija u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-promozzjoni tal-libertajiet fundamentali, huma l-pedamenti għal integrazzjoni u kooperazzjoni aktar fil-fond mal-pajjiżi ALK; jisħaq fuq l-importanza li tissokta u titlesta r-reviżjoni tal-ftehimiet globali maċ-Ċilì u l-Messiku, kif ukoll il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Mercosur, u jenfasizza li dawn huma alleati u sħab ewlenin tal-UE; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar in-nuqqas ta' rispett għad-demokrazija u l-istat tad-dritt, u dwar l-attakki fuq il-mexxejja tal-oppożizzjoni eletti demokratikament, ġurnalisti, studenti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari dawk li jaħdmu fuq kwistjonijiet ambjentali, u l-avukati tagħhom;

48. Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-proċess ta' paċi fil-Kolombja u għall-implimentazzjoni tiegħu, li huwa pass deċiżiv għall-futur tal-Kolombjani u għall-istabbilizzazzjoni tar-reġjun; jitlob li tinżamm pożizzjoni konġunta b'saħħitha fir-rigward tar-reġim fil-Venezwela, u fir-rigward tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem mir-reġim tal-President Nicolás Maduro, kif ukoll fir-rigward tas-sistema ta' sanzjonijiet, speċjalment fid-dawl ta' dak li ġara dan l-aħħar, u tal-ilmenti reċenti li saru minn diversi korpi, inklużi n-Nazzjonijiet Uniti;

49. Jissottolinja l-importanza għall-UE li ssegwi strateġija unifikata, realistika, effikaċi, soda u aktar assertiva li tgħaqqad l-Istati Membri kollha u ssawwar relazzjonijiet mar-Repubblika Popolari taċ-Ċina (RPĊ), fl-interessi tal-UE kollha kemm hi, fejn għandha tfittex b'mod proattiv u assertiv relazzjonijiet ekonomiċi aktar bilanċjati u reċiproċi, ibbażati fuq valuri u interessi Ewropej, b'attenzjoni speċjali u qawwija ħafna fuq ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin; jenfasizza l-importanza tal-għan li jintlaħaq approċċ komuni mal-Istati Uniti u ma' sħab oħra li jaħsbuha b'mod simili dwar iċ-Ċina;

50. Jitlob li politika tal-UE rigward iċ-Ċina tkun ibbażata fuq il-prinċipji li ġejjin: kooperazzjoni fejn ikun possibbli; kompetizzjoni fejn meħtieġ; konfrontazzjoni fejn tkun neċessarja; ifakkar li d-diplomazija pubblika assertiva taċ-Ċina għamlet għadd ta' pajjiżi kodipendenti mill-investiment u s-self tagħha; jisħaq li l-UE għandha żżid b'mod attiv il-preżenza u l-viżibbiltà tagħha fl-istati sħab fid-dinja kollha bħala investitur u donatur ewlieni tal-għajnuna għall-iżvilupp;

51. Iħeġġeġ lir-RPĊ terfa' responsabbiltà akbar fit-trattament tal-isfidi globali, filwaqt li tippreserva l-kooperazzjoni f'oqfsa multilaterali kull meta jkun possibbli, inkluż, b'mod partikolari, li tieħu azzjonijiet aktar ambizzjużi u impenji vinkolanti dwar il-klima, f'konformità mal-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi, u dwar il-bijodiversità, u tappoġġja reazzjonijiet multilaterali għall-pandemija tal-COVID-19, inkluż billi tippermetti investigazzjoni internazzjonali dwar l-oriġini tal-marda; jiddeplora d-diżinformazzjoni Ċiniża dwar l-oriġini tal-pandemija tal-COVID-19, il-manipulazzjoni tagħha tas-sistema multilaterali, it-tixrid tal-influwenza malinja Ċiniża, l-attakki ċibernetiċi u proġetti ta' investiment korrotti; ifaħħar l-isforzi effikaċi tat-Tajwan biex irażżan it-tixrid tal-coronavirus u s-solidarjetà tiegħu mal-UE, kif wera bid-donazzjoni ta' aktar minn seba' miljun maskra lil ħafna Stati Membri matul il-pandemija;

52. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-VP/RGħ ikomplu jikkomunikaw lir-RPĊ li l-UE mhux se tittollera l-ksur kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem f'Hong Kong, fit-Tibet u fix-Xinjang, u lanqas it-trattament tagħha ta' persuni li jappartjenu għal minoranzi, u biex tassumi rwol deċiżiv fix-xena internazzjonali biex tiżgura l-awtonomija ta' Hong Kong; jikkundanna l-ksur tal-mudell ta' "pajjiż wieħed, żewġ sistemi" bl-adozzjoni tal-Liġi dwar is-Sigurtà Nazzjonali fiċ-Ċina, li timmina serjament il-livell għoli ta' awtonomija ta' Hong Kong u għandha impatt detrimentali fuq l-indipendenza tal-ġudikatura u fuq il-libertà tal-espressjoni f'Hong Kong; jesprimi tħassib dwar l-impatt tal-impożizzjoni tal-Liġi dwar is-Sigurtà Nazzjonali f'Hong Kong fuq ir-relazzjoni bejn iċ-Ċina u t-Tajwan; jissottolinja li l-imminar kontinwu tal-awtonomija ta' Hong Kong minn Beijing mhux biss imur kontra l-obbligi taċ-Ċina skont it-trattati bilaterali u d-dritt internazzjonali, iżda jqajjem ukoll dubji dwar ir-rwol ta' Beijing bħala sieħeb kredibbli; jinnota li l-Parlament se jqis l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina kontinentali u f'Hong Kong meta jintalab japprova ftehim komprensiv dwar l-investiment u kwalunkwe ftehim kummerċjali futur maċ-Ċina; iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw il-pakkett ta' miżuri miftiehem mill-Kunsill Affarijiet Barranin fit-28 ta' Lulju 2020, kif ukoll ir-riżoluzzjoni tal-Parlament tad-19 ta' Ġunju 2020[6]; jitlob li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jaħdmu b'mod attiv kontra l-persekuzzjoni brutali tal-Ujguri fix-Xinjang, kif ukoll ta' gruppi ta' minoranza etniċi u reliġjużi oħra, b'mod partikolari l-Insara u t-Tibetani;

53. Jafferma mill-ġdid li l-Unjoni se tibqa' għassa tas-sitwazzjoni fit-Tajwan u tat-titjib tar-relazzjonijiet politiċi u kummerċjali bejn l-UE u r-Repubblika taċ-Ċina (it-Tajwan); jistieden lir-RPĊ tilħaq riżoluzzjoni paċifika tat-tilwim kollu dwar il-fruntieri tal-art u tal-baħar bi qbil mad-dritt internazzjonali u tevita kwalunkwe mossa militari provokatorja mmirata biex jiddestabbilizza l-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar; jissottolinja li l-preservazzjoni tal-paċi, l-istabbiltà u l-libertà tan-navigazzjoni fir-reġjun Indo-Paċifiku tibqa' ta' importanza kritika għall-interessi tal-UE u tal-Istati Membri tagħha; jinnota bi tħassib serju ż-żieda reċenti fit-tensjonijiet fuq il-fruntiera bejn l-Indja u ċ-Ċina, kif ukoll fil-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar u fl-Istrett tat-Tajwan, inklużi l-manuvri militari dejjem aktar provokatorji taċ-Ċina kontra t-Tajwan; jistieden lill-partijiet kkonċernati kollha jsolvu d-differenzi tagħhom b'mod paċifiku permezz ta' djalogu kostruttiv u jastjenu milli jieħdu azzjoni unilaterali biex ibiddlu l-istatus quo; huwa tal-fehma li r-relazzjonijiet bejn l-Istrett għandhom jiġu żviluppati b'mod kostruttiv, mingħajr inizjattivi ta' destabilizzazzjoni jew koerċizzjoni minn naħa jew oħra, u li kwalunkwe bidla fir-relazzjonijiet bejn l-Istrett ma tridx issir kontra r-rieda taċ-ċittadini tat-Tajwan; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jirrevedu l-politika tagħhom ta' impenn mat-Tajwan u jikkooperaw mas-sħab internazzjonali biex jgħinu ħalli jappoġġjaw demokrazija fit-Tajwan mingħajr theddid barrani; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jippromwovu l-adeżjoni tat-Tajwan bħala osservatur tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa, u ta' organizzazzjonijiet, mekkaniżmi u attivitajiet internazzjonali oħra, kif ukoll tan-network globali għall-prevenzjoni tal-mard;

54. Jissottolinja l-ħtieġa li l-UE tagħti aktar attenzjoni lir-reġjuni strateġiċi li qed jiksbu dejjem aktar attenzjoni internazzjonali, bħal, fost l-oħrajn, l-Afrika u l-Artiku, kif ukoll ir-reġjun Indo-Paċifiku, fejn iċ-Ċina qed issegwi politika ta' espansjoni li għaliha l-UE trid tiżviluppa rispons koerenti; jinnota l-ħtieġa li tiġi estiża aktar il-kooperazzjoni ma' sħab importanti bl-istess fehma fir-reġjun Indo-Paċifiku, bħall-Ġappun, l-Indja, il-Korea t'Isfel, l-Awstralja u New Zealand; jilqa', f'dan ir-rigward, l-isforzi favur l-iżvilupp ta' strateġija Ewropea għall-Indo-Paċifiku bbażata fuq il-prinċipji u l-valuri tal-UE, li tista' tinkludi eżerċizzji militari konġunti bejn l-Awstralja u n-NATO fil-Paċifiku; huwa tal-fehma li, bħala parti minn strateġija koerenti għaċ-Ċina li fiha l-UE u l-Istati Membri jirreżistu flimkien meta jkun meħtieġ, l-UE għandha tfittex kollaborazzjoni aktar mill-qrib mal-pajjiżi fir-reġjun u ma' demokraziji oħra, li għaliha għandha tintuża bl-aktar mod sħiħ l-istrateġija tal-konnettività tal-UE; iwissi kontra l-isforzi taċ-Ċina biex tipproġetta b'aktar saħħa s-setgħa tagħha fir-reġjun, b'mod partikolari fit-Tajwan, li jwassal għal tilwim fil-fruntieri ma' ħafna mill-ġirien tagħha;

55. Jissottolinja l-ħtieġa li jintuża l-potenzjal għal aktar titjib fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Indja, filwaqt li jitqiesu l-iżviluppi fir-reġjun u r-rwol importanti tal-Indja kemm fir-reġjun kif ukoll fuq livell globali;

56. Jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-Kummissjoni ma inkludietx l-Artiku fil-programm ta' ħidma tagħha għall-2020; jirrikonoxxi, madankollu, li fetħet konsultazzjoni pubblika li tfittex kontribut dwar il-punti b'saħħithom u l-lakuni tal-politika eżistenti, bil-ħsieb li possibbilment tħejji approċċ aġġornat; iqis li jeħtieġ li l-UE jkollha strateġija għall-Artiku;

It-tisħiħ tal-kapaċitajiet u l-mezzi tal-UE fil-PESK

57. Jisħaq fuq l-appoġġ tiegħu għad-definizzjoni u l-promozzjoni gradwali ta' politika ta' difiża komuni mmirata lejn it-tisħiħ tal-PSDK u l-objettivi u l-kompiti tagħha kif stabbilit fit-Trattati, lejn unjoni ta' difiża żviluppata bis-sħiħ li tirrikonoxxi s-sitwazzjoni kostituzzjonali speċifika tal-pajjiżi newtrali, ibbażata fuq objettivi strateġiċi ċari u orjentati lejn is-sigurtà tal-bniedem u paċi sostenibbli; jilqa' f'dan ir-rigward l-inizjattiva tal-adozzjoni ta' Boxxla Strateġika fl-2022; jisħaq fuq il-ħtieġa li jissaħħu aktar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u n-NATO, filwaqt li jissottolinja l-kompatibbiltà u r-rilevanza strateġika tagħhom għal xulxin; jistieden lill-pajjiżi Ewropej jinvestu aktar fil-kapaċitajiet tad-difiża tagħhom, biex jibbilanċjaw mill-ġdid ir-responsabbiltajiet fi ħdan in-NATO u biex isiru sħab aktar ugwali għall-Istati Uniti; jirrikonoxxi l-kontribut tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK għall-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà internazzjonali; ifaħħar il-progress lejn l-istabbiliment tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi; jinsisti fuq il-ħtieġa li mmorru lil hinn mid-dikjarazzjonijiet u li tittieħed azzjoni, b'mod partikolari billi l-UE tingħata bażi industrijali tad-difiża verament Ewropea permezz ta' fond Ewropew tad-difiża bil-baġit meħtieġ, u li tiġi żgurata implimentazzjoni aktar rapida u koerenti tal-kooperazzjoni strutturata permanenti li taħdem lejn l-awtonomija strateġika tal-UE, li tippermetti lill-UE tippromwovi suq intern aktar integrat għat-tagħmir tad-difiża; jissottolinja l-importanza li jsiru konsultazzjonijiet inklużivi bejn diversi partijiet ikkonċernati bil-għan li titrawwem kultura strateġika komuni fis-sigurtà u d-difiża;

58. Ifakkar li l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-proċessi tal-paċi u s-sigurtà jista' jkollha rwol sinifikanti fid-determinazzjoni tas-suċċess u s-sostenibbiltà tal-ftehimiet ta' paċi, kif ukoll it-tul ta' żmien u l-kwalità tal-paċi; jisħaq li l-impenji u d-dikjarazzjonijiet dwar il-promozzjoni tal-Aġenda dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà (WPS) u r-rappreżentanza ugwali tan-nisa fil-politika estera u ta' sigurtà spiss jibqgħu retorika minflok jimmiraw u jiżguraw li tiġi effettivament implimentata, u dan iwassal għal progress limitat fl-għanijiet tal-aġenda madwar id-dinja; ifakkar fis-suċċess akbar tar-riżoluzzjoni tal-kunflitti meta l-parità u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri jiġu rrispettati tul il-proċess u jitlob li jkun hemm żieda fil-parteċipazzjoni, b'mod partikolari fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet, u fil-pożizzjonijiet maniġerjali għan-nisa fil-missjonijiet tal-PSDK; jitlob, barra minn hekk, li jkun hemm integrazzjoni aktar sistematika ta' perspettiva tal-ġeneru f'missjonijiet bħal dawn, għal garanziji ta' taħriġ dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u WPS għall-persunal militari u ċivili kollu stazzjonat mill-UE, inkluż il-maniġment medju u superjuri tas-SEAE u l-kapijiet u l-kmandanti tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK, u għal kontributi attivi għall-implimentazzjoni tar-riżoluzzjoni 1325 tal-KSNU dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà; jitlob li jkun hemm objettivi speċifiċi u li jistgħu jitkejlu fir-rigward tad-diversità u l-preżenza tan-nisa f'pożizzjonijiet maniġerjali fis-SEAE, inkluż l-objettiv li jintlaħqu 50 % tan-nisa f'pożizzjonijiet maniġerjali bħala kapijiet tad-delegazzjoni, Rappreżentanti Speċjali tal-UE u kapijiet ta' missjonijiet u operazzjonijiet tal-PSDK; jitlob li l-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi III (GAP III) u l-Pjan ta' Azzjoni WPS li jmiss jissarrfu fi pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali, inkluża evalwazzjoni ta' nofs it-terminu, u li l-Pjan ta' Azzjoni WPS jiġi anness mal-GAP III;

59. Jisħaq li l-UE trid tassumi rwol ta' tmexxija globali fl-indirizzar tal-konsegwenzi tal-pandemija, rwol li jirrikjedi riżorsi finanzjarji suffiċjenti; jenfasizza l-ħtieġa ta' qafas finanzjarju pluriennali (QFP) aktar ambizzjuż fil-qasam tal-azzjoni esterna u d-difiża, inklużi aktar allokazzjonijiet għall-PESK, għall-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI), għall-Fond Ewropew għad-Difiża, u għall-mobbiltà militari u jistieden lill-Kunsill jiżgura l-approvazzjoni bikrija tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi; jesprimi dispjaċir għat-tnaqqis propost mill-Kunsill dwar l-istrumenti finanzjarji esterni fil-QFP il-ġdid u n-nuqqas ta' finanzjament permezz tal-pakkett ta' rkupru ta' Next Generation EU; jissottolinja li dan it-tnaqqis jista' jostakola r-rwol tal-UE fix-xena globali u jagħti daqqa ta' ħarta lill-kapaċità tagħha li tistabbilizza u tittrasforma l-pajjiżi ta' adeżjoni; jenfasizza li l-Parlament jeħtieġ li jkun involut b'mod sinifikattiv fit-tmexxija strateġika tal-programmi ta' ħidma annwali u pluriennali u l-kontroll tal-istrumenti finanzjarji esterni; ifakkar fil-ħtieġa li jissaħħu b'mod sinifikanti r-riżorsi tal-baġit tal-UE għall-prevenzjoni tal-kunflitti ċivili għall-QFP li jmiss u li jiżdied il-finanzjament għall-konsolidament tal-paċi, id-djalogu, il-medjazzjoni u r-rikonċiljazzjoni;

60. Jitlob li jissaħħu l-kapaċitajiet ta' difiża filwaqt li jingħataw prijorità d-distakki fil-kapaċità identifikati fl-ambitu tal-Pjan ta' Żvilupp tal-Kapaċitajiet (CDP) u r-Rieżami Annwali Koordinat dwar id-Difiża (CARD), b'mod partikolari permezz ta' attivitajiet ta' kooperazzjoni fil-fond bħall-akkomunament u l-kondiviżjoni u l-finanzjament suffiċjenti ta' proġetti sinifikattivi u Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO) aktar ambizzjuża, il-FEŻ, il-mobbiltà militari u l-programm spazjali Ewropew; jinnota li dawn il-passi għandhom ikunu ta' benefiċċju wkoll għan-NATO u għar-relazzjonijiet trans-Atlantiċi; jissottolinja l-ħtieġa ta' aktar koerenza tal-istrumenti u l-mekkaniżmi tal-UE fil-kooperazzjoni tad-difiża tal-UE u jitlob f'dan ir-rigward li r-riżorsi jiġu ottimizzati biex tiġi evitata duplikazzjoni mhux meħtieġa tal-ispejjeż u l-istrumenti; jitlob aktar appoġġ u persunal, u riżorsi baġitarji adegwati u permanenti għat-Taqsima tal-Komunikazzjoni Strateġika tas-SEAE, bil-kundizzjoni li ssir valutazzjoni indipendenti fil-fond tal-attivitajiet attwali u preċedenti tagħha; jitlob rieżami tal-mandat tat-Taqsima tal-Komunikazzjoni Strateġika tas-SEAE biex tinkludi l-indħil barrani minn atturi emerġenti bħaċ-Ċina;

61. Itenni t-talba tiegħu ta' appoġġ aktar b'saħħtu għall-istrateġija tal-UE għas-sigurtà marittima, billi l-libertà tan-navigazzjoni hija sfida li qed tikber kemm fuq livell globali kif ukoll fil-viċinat; jissottolinja li l-libertà tan-navigazzjoni għandha tiġi rrispettata dejjem; jirrakkomanda, sabiex tinkiseb ġestjoni effikaċi tal-informazzjoni marittima globali, li l-koordinament strutturali bejn l-istituzzjonijiet, l-organizzazzjonijiet u l-awtoritajiet nazzjonali tissaħħaħ u tiġi appoġġjata, b'mod partikolari billi tkun permessa l-konverġenza taż-żewġ komponenti ċivili u militari ewlenin li jipprovdu l-bażi għall-għarfien tas-sitwazzjoni marittima;

62. Jenfasizza l-importanza tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK; jenfasizza l-eżistenza ta' ftehimiet qafas ma' pajjiżi mhux tal-UE għall-parteċipazzjoni tagħhom f'operazzjonijiet tal-UE għall-immaniġġjar ta' kriżijiet; jirrimarka li dawn il-ftehimiet jenfasizzaw l-approċċ kollettiv li jirregola t-tfittxija tal-paċi u s-sigurtà;

63. Jiġbed l-attenzjoni għat-theddid fuq żmien medju u fit-tul li jeħtieġ li jiġi indirizzat mill-PESK fil-futur, inklużi r-riskji għas-sigurtà kkawżati minn reġimi awtoritarji, atturi mhux statali, mit-tibdil fil-klima, it-theddid ċibernetiku, attakki CBRN, it-theddid ibridu inkluż l-użu usa' tal-intelliġenza artifiċjali, il-kampanji ta' diżinformazzjoni, it-tellieqa spazjali u l-militarizzazzjoni tagħha, u minn teknoloġiji emerġenti, it-terroriżmu u l-flussi migratorji mhux ikkontrollati, flimkien ma' sfidi ġeopolitiċi diġà stabbiliti; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-UE tagħmel progress fid-definizzjoni u r-rikonoxximent ta' theddid ibridu; jitlob lill-UE ttejjeb l-għarfien ta' dan it-theddid u tibni kapaċità komuni ta' reżiljenza; jisħaq li dan it-theddid jista' jiġi miġġieled biss permezz ta' azzjoni koordinata u investiment f'waqtu u adegwat fir-riċerka u l-innovazzjoni Ewropej; jilqa' l-ħolqien min-naħa tal-Parlament tal-Kumitat Speċjali dwar l-Intelligenza Artifiċjali fl-Era Diġitali bħala forum li fih jiġu indirizzati kwistjonijiet strateġiċi relatati mal-intelliġenza artifiċjali; iqis li huwa importanti li tiġi żgurata rabta aħjar bejn l-aspetti interni u esterni tal-politiki tal-UE sabiex jiġi żgurat li l-politiki tal-UE jaġixxu favur l-għanijiet tal-PESK, inkluża l-politika tal-enerġija tal-UE;

64. Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żviluppata dimensjoni koerenti tal-PESK relatata mal-politika dwar il-klima, peress li r-rwol tat-tibdil fil-klima ta' destabilizzatur ekonomiku, soċjali u politiku u multiplikatur tar-riskju qiegħed dejjem jiżdied;

65. Jilqa' l-analiżi tat-theddid immexxija mill-intelligence li bħalissa qed titwettaq mill-VP/RGħ bħala punt tat-tluq għall-Boxxla Strateġika futura, u jitlob dibattitu fil-Parlament dwar l-eżitu ta' din l-analiżi; jilqa' l-approċċ il-ġdid tal-Kummissjoni biex tinkorpora l-previżjoni strateġika fit-tfassil tal-politika tal-UE, inkluż dwar kwistjonijiet barranin u ta' sigurtà;

°

° °

66. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, u lill-Istati Membri.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

3.12.2020

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

48

10

11

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Alviina Alametsä, Alexander Alexandrov Yordanov, Maria Arena, Petras Auštrevičius, Traian Băsescu, Lars Patrick Berg, Anna Bonfrisco, Reinhard Bütikofer, Fabio Massimo Castaldo, Susanna Ceccardi, Włodzimierz Cimoszewicz, Katalin Cseh, Tanja Fajon, Anna Fotyga, Michael Gahler, Kinga Gál, Sunčana Glavak, Raphaël Glucksmann, Klemen Grošelj, Bernard Guetta, Márton Gyöngyösi, Sandra Kalniete, Karol Karski, Dietmar Köster, Andrius Kubilius, Ilhan Kyuchyuk, David Lega, Miriam Lexmann, Nathalie Loiseau, Antonio López-Istúriz White, Claudiu Manda, Lukas Mandl, Thierry Mariani, David McAllister, Vangelis Meimarakis, Sven Mikser, Francisco José Millán Mon, Gheorghe-Vlad Nistor, Urmas Paet, Demetris Papadakis, Kostas Papadakis, Tonino Picula, Manu Pineda, Kati Piri, Giuliano Pisapia, Jérôme Rivière, María Soraya Rodríguez Ramos, Nacho Sánchez Amor, Isabel Santos, Jacek Saryusz-Wolski, Andreas Schieder, Radosław Sikorski, Jordi Solé, Sergei Stanishev, Tineke Strik, Hermann Tertsch, Hilde Vautmans, Harald Vilimsky, Idoia Villanueva Ruiz, Viola Von Cramon-Taubadel, Witold Jan Waszczykowski, Charlie Weimers, Isabel Wiseler-Lima, Salima Yenbou, Željana Zovko

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Arnaud Danjean, Özlem Demirel, Markéta Gregorová, Bart Groothuis

 


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

48

+

NI

Fabio Massimo Castaldo, Márton Gyöngyösi

PPE

Alexander Alexandrov Yordanov, Traian Băsescu, Arnaud Danjean, Michael Gahler, Kinga Gál, Sunčana Glavak, Sandra Kalniete, Andrius Kubilius, David Lega, Miriam Lexmann, Antonio López-Istúriz White, Lukas Mandl, David McAllister, Vangelis Meimarakis, Francisco José Millán Mon, Gheorghe-Vlad Nistor, Radosław Sikorski, Isabel Wiseler-Lima, Željana Zovko

RENEW

Petras Auštrevičius, Katalin Cseh, Klemen Grošelj, Bernard Guetta, Ilhan Kyuchyuk, Nathalie Loiseau, Urmas Paet, María Soraya Rodríguez Ramos, Hilde Vautmans, Bart Groothuis

S&D

Maria Arena, Włodzimierz Cimoszewicz, Tanja Fajon, Raphaël Glucksmann, Dietmar Köster, Claudiu Manda, Sven Mikser, Demetris Papadakis, Tonino Picula, Kati Piri, Giuliano Pisapia, Nacho Sánchez Amor, Isabel Santos, Andreas Schieder

Verts/ALE

Reinhard Bütikofer, Markéta Gregorová, Viola Von Cramon-Taubadel

 

10

-

ECR

Hermann Tertsch, Charlie Weimers

GUE/NGL

Özlem Demirel, Manu Pineda, Idoia Villanueva Ruiz

ID

Lars Patrick Berg, Thierry Mariani, Jérôme Rivière, Harald Vilimsky

NI

Kostas Papadakis

 

11

0

ECR

Anna Fotyga, Karol Karski, Jacek Saryusz-Wolski, Witold Jan Waszczykowski

ID

Anna Bonfrisco, Susanna Ceccardi

S&D

Sergei Stanishev

Verts/ALE

Alviina Alametsä, Jordi Solé, Tineke Strik, Salima Yenbou

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 11 ta' Jannar 2021
Avviż legali - Politika tal-privatezza