RAPPORT dwar il-konnettività u r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Asja
17.12.2020 - (2020/2115(INI))
Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteur: Reinhard Bütikofer
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-konnettività u r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Asja
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea tat-28 ta' Ġunju 2016,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tad-19 ta' Settembru 2018 bit-titolu "Konnessjoni bejn l-Ewropa u l-Asja – Elementi Fundamentali għal Strateġija tal-UE" (JOIN(2018)0031),
– wara li kkunsidra s-Sħubija bejn l-UE u l-Ġappun għall-Konnettività Sostenibbli u Infrastrutturi ta' Kwalità tas-27 ta' Settembru 2019,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-UE u l-Istati Uniti dwar ir-reġjun tal-Asja-Paċifiku tat-12 ta' Lulju 2012,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-28 ta' Mejju 2018 dwar il-kooperazzjoni msaħħa tal-UE fis-sigurtà fl-Asja u mal-Asja,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-15 ta' Mejju 2019 dwar "L-UE u l-Asja Ċentrali: Opportunitajiet Ġodda għal Sħubija Aktar b'Saħħitha" (JOIN(2019)0009),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tad-9 ta' Marzu 2020 bit-titolu "Lejn strateġija komprensiva mal-Afrika" (JOIN(2020)0004),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tas-16 ta' April 2019 dwar l-Unjoni Ewropea, l-Amerka Latina u l-Karibew: nagħqdu l-isforzi tagħna għal futur komuni (JOIN(2019)0006),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tas-27 ta' April 2016 dwar politika integrata tal-Unjoni Ewropea dwar l-Artiku (JOIN(2016)0021),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-18 ta' Marzu 2020 bit-titolu "Il-politika tas-Sħubija tal-Lvant lil hinn mill-2020: It-Tisħiħ tar-Reżiljenza – Sħubija tal-Lvant li tikseb riżultati għal kulħadd" (JOIN(2020)007),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ottubru 2020 dwar Pjan Ekonomiku u ta' Investiment għall-Balkani tal-Punent (COM(2020)0641),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' April 2020 bit-titolu "Appoġġ lill-Balkani tal-Punent fil-ġlieda kontra l-COVID-19 u l-irkupru wara l-pandemija – Il-kontribuzzjoni tal-Kummissjoni qabel il-laqgħa tal-mexxejja UE-Balkani tal-Punent fis-6 ta' Mejju 2020" (COM(2020)0315),
– wara li kkunsidra l-Aġenda tal-Konnettività għall-Balkani tal-Punent adottata fl-2015,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tas-7 ta' Ġunju 2017 dwar "Approċċ Strateġiku għar-Reżiljenza" (JOIN(2017)0021),
– wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli (2015) u l-Aġenda ta' Azzjoni ta' Addis Ababa dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp (2015),
– wara li kkunsidra l-Prinċipji tal-G20 għall-Investiment għall-Infrastruttura ta' Kwalità (2019) u l-Pjan Direzzjonali għall-Infrastruttura bħala Klassi ta' Assi (2018),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Jannar 2020 dwar "Introduzzjoni sigura tal-5G fl-UE – implimentazzjoni tas-sett ta' għodod tal-UE" (COM(2020)0050),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President fit-13-il Laqgħa tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin Asja-Ewropa (ASEM) u l-konklużjonijiet tagħha, li saret fl-20 u l-21 ta' Novembru 2017,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0269/2020),
A. billi Strateġija globali estiża għall-Konnettività għall-UE teħtieġ governanza effikaċi u involviment wiesa' tal-Istati Membri kif ukoll tal-partijiet ikkonċernati ekonomiċi u soċjetali biex tirrappreżenta b'mod effikaċi il-valuri fundamentali u l-interessi komuni tal-UE;
B. billi f'dinja dejjem aktar konnessa u globali, jeħtieġ li l-UE timplimenta u turi strateġiji ta' konnettività sabiex tmexxi 'l quddiem l-interessi, il-valuri u l-pożizzjonijiet tagħha u ssaħħaħ il-kooperazzjoni mas-sħab tagħha fil-qasam diġitali u l-oqsma tas-saħħa, is-sigurtà, it-tranżizzjoni ekoloġika, it-trasport, l-enerġija u, b'mod partikolari, in-networks umani; billi l-potenzjal ekonomiku konsiderevoli bejn l-Ewropa, l-Asja u kontinenti oħra għadu ma ġiex sfruttat minħabba nuqqas ta' infrastruttura fiżika u diġitali;
C. billi l-importanza ta' Strateġija tal-UE għall-Konnettività effikaċi ġiet enfasizzata aktar mill-pandemija tal-COVID-19, li żvelat b'mod ċar kemm id-dgħufijiet kif ukoll il-punti b'saħħithom tan-networks ta' konnettività Ewropej u globali; billi l-istimolu ekonomiku ta' wara l-COVID-19 joffri opportunità ġdida u jista' jintuża bħala punt ta' żvolta biex l-investimenti jsiru aktar sostenibbli, aktar diġitali u ekoloġiċi, filwaqt li tingħata spinta lill-aġendi tal-konnettività tagħna għal aktar reżiljenza;
D. billi Strateġija għall-Konnettività globali trid tuża approċċ sostenibbli u bbażat fuq ir-regoli u għandha taqdi l-għanijiet tal-politiki ewlenin tal-UE bħall-irkupru ekonomiku, il-Patt Ekoloġiku Ewropew, it-trasformazzjoni diġitali u l-promozzjoni globali tad-drittijiet tal-bniedem u ta' multilateraliżmu effikaċi; billi l-oqfsa ta' sigurtà reġjonali u globali għandhom jikkontribwixxu għall-ħolqien ta' ambjent sikur għall-funzjonament tajjeb tar-relazzjonijiet bejn l-Istati; billi dawn l-oqfsa għandhom jibnu fuq il-qawwa tal-Ewropa fil-politika kummerċjali u d-diplomazija, u jindirizzaw sfidi ġodda u urġenti bħas-saħħa u s-sigurtà globali, it-theddid ibridu, it-terroriżmu u l-faqar;
E. billi l-konnettività diġà hija komponent essenzjali ta' għadd kbir ta' strateġiji tal-UE; billi l-koerenza u l-viżibbiltà tal-politiki kollha tal-konnettività għandhom jissaħħu; billi l-konnettività globali għandha impatt fuq il-kompetittività tal-Ewropa u tal-pajjiżi terzi, billi toffri opportunitajiet kummerċjali għall-kumpaniji Ewropej u għall-kumpaniji l-oħra, b'mod partikolari l-SMEs, biex tinkiseb prosperità komuni;
F. billi Strateġija ta' Konnettività sostenibbli għandha sservi biex jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU;
G. billi l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għall-Konnettività se tirrikjedi riżorsi finanzjarji pubbliċi ddedikati fil-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) għall-perjodu 2021-2027, l-allokazzjoni tar-riżorsi umani u sforzi mġedda biex jiġi ffaċilitat l-involviment tas-settur privat, kif iddikjarat espliċitament fil-komunikazzjoni konġunta tal-2018 dwar il-konnessjoni tal-Ewropa mal-Asja; billi ħafna reġjuni f'fażi ta' żvilupp jirrikjedu ammont sostanzjali ta' investiment ibbażat fuq ir-regoli biex jiksbu dinamika ekonomika ġdida, b'mod partikolari wara l-pandemija tal-COVID‑19;
H. billi għall-UE, bħala waħda mill-akbar ekonomiji tad-dinja u pijunier fil-kooperazzjoni reġjonali u biex tlaqqa' lin-nies ma' xulxin, l-Istrateġija għall-Konnettività globali għandha l-potenzjal li ġġib valur miżjud lill-implimentazzjoni u l-promozzjoni tal-aġenda globali tagħha, inkluż l-approċċ tat-Tim Ewropa u l-aġendi reġjonali bħall-ħidma fuq Strateġija Ewropea tal-Indo-Paċifiku u l-kooperazzjoni fl-ASEM permezz ta' sinerġiji fil-politiki ewlenin tal-UE, biex b'hekk jissaħħaħ ir-rwol tal-UE bħala attur globali;
I. billi l-ftehimiet ta' kummerċ ħieles tal-UE mal-Ġappun u l-Korea t'Isfel se jiġġeneraw aktar kummerċ bejn l-Asja u l-Ewropa u jirrikjedu titjib fl-infrastruttura tat-trasport;
J. billi s-sħubija tal-2019 bejn l-UE u l-Ġappun fil-qasam tal-konnettività tat rilevanza addizzjonali lil din l-Istrateġija; billi għandhom jiġu stabbiliti sħubijiet ma' sħab Asjatiċi oħra, inkluża l-Indja, bħala attur globali emerġenti; billi l-Afrika u l-Viċinat Ewropew għandhom jiġu deżinjati bħala reġjuni prijoritarji għall-konnettività;
K. billi l-komunikazzjoni konġunta dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE, l-Amerika Latina u l-Karibew għandha tiġi inkluża wkoll fl-Istrateġija;
L. billi l-Istrateġija għall-Konnettività globali għandha tiġi inkluża fil-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2021;
M. billi huwa essenzjali li tinżamm l-infrastruttura eżistenti għall-mezzi ta' trasport ekokompatibbli fl-Ewropa u lil hinn minnha; billi jeħtieġ li l-Ewropa tinvesti aktar fl-infrastruttura sostenibbli bħal network modern ta' ferroviji b'veloċità għolja, li jista' jissostitwixxi xi rotot tat-trasport bl-ajru fl-Ewropa; billi l-esperjenza wriet li proġetti mhux sostenibbli jiġġeneraw livell għoli ta' dejn u ħela ta' riżorsi, idgħajfu l-benefiċċji tal-investimenti infrastrutturali għall-komunitajiet lokali, iwasslu għal żieda fit-tniġġis u jagħmlu ħsara lill-ambjent;
N. billi fis-snin reċenti l-atturi globali rrikonoxxew il-potenzjal għall-konnettività tat-trasport u kienu minn ta' quddiem biex isegwu l-iżvilupp strateġiku tal-infrastruttura globali; billi qed jinħolqu opportunitajiet ġodda għan-networks tat-trasport bejn l-UE u l-Asja, b'mod partikolari fis-settur ferrovjarju u dak marittimu; billi l-kriżi tal-COVID-19 uriet li l-kontinwità tat-trasport mal-Asja kienet essenzjali biex tiggarantixxi l-katina tal-provvista għat-tipi kollha ta' beni; billi t-trasport bejn l-UE u l-Asja jeċċella fix-xena globali f'termini ta' volumi tal-kummerċ u distanzi tal-vjaġġi; billi huwa meħtieġ li jiġu ggarantiti s-sikurezza, is-sigurtà u s-sostenibbiltà ekoloġika, b'mod partikolari fir-rigward tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra, tal-mezzi kollha ta' trasport użati bejn l-UE u l-Asja;
Prinċipji tal-Istrateġija għall-Konnettività
1. Jenfasizza r-rwol fundamentali li tiżvolġi l-konnettività fir-relazzjonijiet ġeopolitiċi tal-UE u tal-Istati Membri tagħha u jissottolinja l-fatt li l-konnettività, bħala orjentament fundamentali tal-Unjoni Ewropea, hija inkorporata sew fl-approċċ tal-UE għall-isfidi interni u internazzjonali; jirrimarka li l-politiki fil-qasam tal-konnettività ġew implimentati b'suċċess fl-UE u li l-azzjonijiet fil-qasam tal-konnettività ġew inklużi dejjem aktar f'ħafna mir-relazzjonijiet esterni tal-UE;
2. Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) joħolqu Strateġija għall-Konnettività globali tal-UE bħala estensjoni tal-Istrateġija għall-Konnettività attwali bejn l-UE u l-Asja sabiex il-filosofija u l-politiki tagħna fil-qasam tal-konnettività jiġu allinjati mal-għan li jissaħħaħ ir-rwol tal-UE bħala attur ġeopolitiku u ġeoekonomiku reali u indispensabbli b'narrazzjoni unika u bħala faċilitatur interkulturali, u biex jissaħħu s-sħubijiet mad-demokraziji fid-dinja li jikkondividu l-valuri fundamentali tagħna; billi l-prijoritajiet u l-politiki reġjonali speċifiċi bħal dawk tas-Sħubija tal-Lvant, il-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV), il-komunikazzjoni konġunta dwar ir-relazzjonijiet mal-Amerka Latina u l-Karibew u strateġija Indo-Paċifiku futura għandhom jiġu allinjati mal-Istrateġija;
3. Jinsisti li l-isfidi globali se jiġu aggravati jekk id-dinja tinqasam f'fazzjonijiet rivali jew fi frammentazzjoni totali; jemmen, għalhekk, li l-konnettività għandha tiġi promossa bħala prinċipju li jimmira lejn il-kooperazzjoni kull fejn ikun meħtieġ u possibbli;
4. Jenfasizza li l-konnettività għandha sservi bħala prijorità fundamentali tal-ħidma tal-UE bil-għan li tiġi kkonfermata l-ambizzjoni tal-Ewropa, tinkiseb pożizzjoni Ewropea aktar proattiva fil-politika globali u jiġu ffissati l-kundizzjonijiet biex l-Ewropa tikkoopera ma' pajjiżi oħra fil-livell bilaterali u f'fora multilaterali fil-promozzjoni tal-konnettività li tkun fiskalment, ekonomikament, soċjalment u ambjentalment sostenibbli;
5. Jistenna li l-Istrateġija tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-politiki qafas prinċipali tal-UE maħsuba biex jibnu Unjoni b'saħħitha u ġusta, biex isir investiment f'relazzjonijiet internazzjonali paċifiċi u rispettużi, jingħata kontribut lill-progress ekonomiku u soċjali sostenibbli, inkluż abbażi ta' ftehimiet kummerċjali ambizzjużi li jixprunaw il-Patt Ekoloġiku Ewropew u t-trasformazzjoni diġitali, u tiġi promossa l-ġustizzja globali;
6. Iqis li t-trawwim ta' forma sostenibbli ta' globalizzazzjoni se jirrikjedi ħidma flimkien mal-pajjiżi terzi fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli bħala elementi fundamentali tal-Istrateġija;
7. Huwa tal-fehma li l-Istrateġija trid tindirizza b'mod komprensiv spettru wiesa' ta' dimensjonijiet politiċi, ekonomiċi, kulturali, ta' sostenibbiltà u ta' sigurtà bbażati fuq il-valuri fundamentali tal-UE u l-interessi komuni tagħha, trid timplimenta l-proġetti emblematiċi li juru l-valuri tagħna ta' libertà, drittijiet tal-bniedem, stat tad-dritt, demokrazija, solidarjetà kontra d-diskriminazzjoni, sostenibbiltà, inklużività, trasparenza fil-ġustizzja soċjali, kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni, reċiproċità u adeżjoni ma' multilateraliżmu ibbażat fuq ir-regoli, u trid issaħħaħ ir-rwol internazzjonali tal-UE bħala entità li tistabbilixxi n-normi; jifhem li jridu jiġu allokati riżorsi umani u finanzjarji adegwati għall-implimentazzjoni tagħha;
8. Jistieden lill-partijiet ekonomiċi u soċjetali kkonċernati u lill-esperti rilevanti fil-qasam, fil-livell tal-UE u fl-Istati Membri, jipparteċipaw fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija; jistieden lill-Kummissjoni toħloq fora adatti għal involviment bħal dan; jinsisti li l-parlamenti jridu jiżvolġu rwol attiv fid-definizzjoni u fis-sorveljanza tal-politika fil-qasam tal-konnettività;
9. Ifakkar li, sabiex jiġu ġġenerati tkabbir u impjiegi sostenibbli, huma meħtieġa investimenti fil-konnettività; jisħaq li dawn l-investimenti għandhom jirrispettaw il-ġid pubbliku, it-trasparenza, l-effiċjenza tas-suq, kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni, inkluż aċċess ġust għas-swieq tal-akkwist, u l-vijabbiltà fiskali, filwaqt li tiġi evitata in-nassa tad-dejn; jenfasizza li investimenti bħal dawn jeħtieġ li jappoġġjaw ir-reżiljenza ekonomika, dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija kompatibbli mal-Ftehim ta' Pariġi, l-iżvilupp ta' ħiliet ġodda għall-forza tax-xogħol u konformità mal-istandards ambjentali u tal-bijodiversità għoljin; jisħaq, barra minn hekk, li dawn jeħtieġ li jirrispettaw standards stretti tal-UE f'dawk li huma d-drittijiet soċjali u tax-xogħol, it-trasparenza, id-drittijiet tal-bniedem, id-diliġenza dovuta, l-interoperabbiltà u l-governanza tajba, u li tingħata vuċi lill-persuni affettwati mill-proġetti fuq il-bażi ta' konsultazzjonijiet xierqa, inklużivi u pubbliċi mal-partijiet ikkonċernati u aċċess miftuħ, inkluż għall-partijiet ikkonċernati lokali bħall-SMEs;
10. Jistieden lill-pajjiżi Ewropej kollha jingħaqdu mal-Istrateġija għall-Konnettività tal-UE, inklużi l-pajjiżi fl-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA), il-Balkani tal-Punent u l-Viċinat Ewropew, u jintegraw b'mod funzjonali d-diversi reġjuni li qed jiżviluppaw; jinkoraġġixxi lir-Renju Unit jingħaqad mal-UE fil-promozzjoni tal-konnettività internazzjonali strateġika, b'mod partikolari fid-dawl tar-rapport reċenti tal-House of Commons dwar il-futur tal-politika internazzjonali tar-Renju Unit; huwa tal-fehma li l-proġetti ssorveljati minn diversi pajjiżi Ewropej għandhom jingħataw prijorità;
11. Jagħmel enfasi kbira fuq il-ħtieġa ta' kooperazzjoni ġusta mas-sħab tagħna u ma' pajjiżi u reġjuni rispettivi oħra, filwaqt li juża setgħat ta' persważjoni biex jippromwovi l-valuri Ewropej u biex jiżgura sħubijiet b'saħħithom u dejjiema; jemmen li l-Istrateġija għandha toħloq benefiċċji komuni, tiggarantixxi aċċess reċiproku għas-suq, u tevita dipendenzi unilaterali jew nases tad-dejn, li jxekklu l-awtonomija tal-pajjiżi parteċipanti, u għandha titwettaq fir-rispett reċiproku;
12. Jenfasizza l-importanza kruċjali tal-Balkani tal-Punent bħala prijorità għall-Istrateġija; jemmen li l-Istrateġija tista' toħloq sinerġiji pożittivi ma' proċessi politiċi u ekonomiċi oħra fir-reġjun, b'mod partikolari l-integrazzjoni reġjonali; jemmen li l-pjanijiet infrastrutturali eżistenti għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, bħall-Aġenda tal-Konnettività tal-UE għall-Balkani tal-Punent, għandhom jiġu armonizzati mal-Istrateġija; jilqa' b'sodisfazzjon l-ispinta favur l-investimenti fil-konnettività fil-Balkani tal-Punent fil-kuntest tal-Pjan Ekonomiku u ta' Investiment għar-reġjun; jenfasizza, barra minn hekk, l-importanza tas-Sħubija tal-Lvant u l-enfasi fuq il-konnettività kif enfasizzat fil-komunikazzjoni konġunta tat-18 ta' Marzu 2020;
Governanza tal-Istrateġija
13. Jisħaq li l-Istrateġija trid tiġi mmonitorjata u kkoordinata bl-għan li titfittex il-konnettività interna fl-UE u bejn l-UE u l-membri prospettivi tagħha, bħal permezz tan-Network Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) jew l-Inizjattiva tat-Tliet Ibħra, filwaqt li jissaħħu l-valuri, l-istandards u l-interessi komuni, u tiġi pprovduta sjieda kondiviża tal-Istrateġija għall-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri; huwa tal-fehma li mingħajr sjieda attiva mill-Istati Membri, l-Istrateġija se tkun qisha karozza mingħajr roti;
14. Jissottolinja n-natura multidimensjonali tal-Istrateġija, li se tirrikjedi koordinament effikaċi tal-istrateġiji, il-politiki u tal-proġetti eżistenti għall-konnettività u l-interoperabbiltà internazzjonali; jistenna li l-koordinament eżistenti bejn is-SEAE u d-Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni tittejjeb u tiġi semplifikata f'dan ir-rigward;
15. Jissottolinja li l-Istrateġija jeħtieġ li jkollha tmexxija aktar ċara u diviżjoni tal-kompetenzi fil-Kummissjoni f'kull livell rispettiv, inkluż fl-ogħla livell; jipproponi, għalhekk, li l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tiġi diskussa b'mod regolari mill-Grupp tal-Kummissarji għal Ewropa Aktar b'Saħħitha, li għandu jservi bħala organu ta' koordinament għall-konnettività, kopresedut mill-Viċi President / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) u minn koordinatur tal-Kummissjoni għall-konnettività, idealment Viċi President Eżekuttiv;
16. Jirrakkomanda li s-SEAE għandu jforni s-segretarjat tal-organu ta' koordinament għall-konnettività, filwaqt li l-livell ta' ħidma korrispondenti għandu jinkludi d-Diretturi Ġenerali rilevanti kollha u jkun kopresedut mis-Segretarji Ġenerali tal-Kummissjoni u tas-SEAE sabiex jiġu massimizzati s-sinerġiji u l-effiċjenza;
17. Jissottolinja l-importanza li l-Parlament, il-Kunsill, l-Istati Membri u l-parlamenti nazzjonali jiġu involuti fl-Istrateġija; jinsisti li l-Kummissjoni twettaq rapportar regolari li jiddeskrivi l-kisbiet fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija, li għandu jiġi diskuss fid-dettall mill-Parlament u mill-Kunsill; jinkoraġġixxi l-ħatra ta' koordinaturi nazzjonali għall-konnettività fil-gvernijiet tal-Istati Membri; huwa tal-fehma li l-ħolqien ta' grupp ta' ħidma tal-Kunsill iddedikat jista' jsaħħaħ il-koerenza, l-operazzjonalizzazzjoni u s-sjieda tal-konnettività fost l-Istati Membri; jipproponi li l-votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata għandha tintuża għall-konnettività, ħlief f'oqsma rilevanti jew relatati mas-sigurtà nazzjonali;
18. Jemmen li l-iskambju ta' informazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti u l-involviment attiv tagħhom, inklużi l-istituzzjonijiet ta' finanzjament tal-UE, huwa essenzjali għas-suċċess tal-Istrateġija, fid-dawl tad-diskrepanzi eżistenti fl-investimenti f'dan il-qasam; jirrakkomanda l-ħolqien ta' grupp ta' esperti ta' livell għoli dwar il-konnettività internazzjonali bħala organu konsultattiv għall-Kummissjoni, inklużi rappreżentanti tan-negozju, kif previst fil-proposta għal grupp konsultattiv tan-negozju kif deskritt fil-komunikazzjoni konġunta tad-19 ta' Settembru 2018, flimkien mas-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati oħra, inkluż mill-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem, l-ambjent u d-drittijiet tax-xogħol, u istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, b'enfasi partikolari fuq il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) bħala l-bank tal-UE u skont il-kriterju tal-parità bejn il-ġeneri;
19. Jemmen bis-sħiħ li l-banek ta' żvilupp, l-aġenziji tal-investiment u l-aġenziji ta' kreditu għall-esportazzjoni Ewropej u tal-Istati Membri għandhom jiżvolġu rwol ċentrali fil-ġestjoni tal-investimenti fi proġetti ta' konnettività internazzjonali, b'mod partikolari fir-rigward tal-mobilizzazzjoni tal-parteċipazzjoni tas-settur privat fil-finanzjamenti u fl-implimentazzjoni ta' proġetti u l-konsulenza dwar il-bżonnijiet ta' investiment jew oqfsa eżistenti, skont il-livell ta' żvilupp tal-pajjiż; jirrakkomanda t-twaqqif ta' interfaċċa unika għas-settur privat;
20. Jipprevedi rwoli għall-BEI u għall-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) f'dan il-kuntest; jemmen b'konvinzjoni li l-promozzjoni attiva tal-involviment tas-settur privat fi proġetti ta' konnettività internazzjonali li jistgħu jiġu ffinanzjati mill-banek trid tkun il-pedament tal-Istrateġija; jitlob li l-ħidma li għaddejja dwar it-tisħiħ tal-arkitettura Ewropea għall-finanzjament tal-iżvilupp titħaffef bil-għan li potenzjalment jinkiseb bank Ewropew tal-iżvilupp sħiħ; huwa favur il-kooperazzjoni ma' istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħra abbażi tal-valuri u l-interessi strateġiċi Ewropej;
21. Jisħaq li biex l-Istrateġija tkun kredibbli, jeħtieġ li tkun mgħammra bl-istrumenti u bil-mezzi meħtieġa biex tiġi implimentata fuq skala li tikkorrispondi għall-ambizzjoni tagħha; ifaħħar l-ammont sostanzjali ta' finanzjament tal-UE għall-kooperazzjoni internazzjonali, mhux l-inqas id-daqs konsiderevoli ta' għotjiet meta mqabbel ma' setgħat globali ewlenin oħra, li ammontaw għal EUR 345 biljun bejn l-2014 u l-2018;
22. Jikkritika l-fatt li s-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku u l-viżibbiltà tal-kontribuzzjonijiet internazzjonali tal-UE għall-promozzjoni u l-finanzjament tal-politiki tal-konnettività ma kinux żviluppati biżżejjed u jitlob li jsiru bidliet adegwati mingħajr dewmien; jissottolinja l-ħtieġa, barra minn hekk, li tiġi żviluppata politika ta' komunikazzjoni ddedikata għall-Istrateġija u jitlob komunikazzjoni aktar ċara u effikaċi tal-benefiċċji, il-kisbiet u l-għanijiet tal-Istrateġija sabiex jiġi żgurat l-appoġġ meħtieġ għas-suċċess tagħha; jenfasizza l-potenzjal tal-proġetti ewlenin f'dan ir-rigward;
23. Iqis li sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Istrateġija, għandhom jiġu allokati riżorsi pubbliċi adegwati skont il-QFP għall-perjodu 2021-2027; jitlob li l-Istrateġija tkun inkorporata fir-regolamenti futuri dwar l-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI) u l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA) III, sabiex l-UE tkun tista' tilħaq l-objettivi tal-Istrateġija b'mod effiċjenti, bl-użu ta' programmi finanzjarji tal-UE bħall-InvesEU u, b'mod partikolari, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli Plus (EFSD+), il-Garanzija għall-Azzjoni Esterna u l-faċilitajiet ta' investiment ġeografiċi, bħall-Faċilità ta' Investiment tal-Viċinat (FIV), il-Faċilità ta' Investiment għall-Asja Ċentrali (IFCA) u l-Faċilità ta' Investiment għall-Asja (AIF); jenfasizza, barra minn hekk, l-għażla li l-pajjiżi sħab jiġu megħjuna jiżviluppaw mekkaniżmi ta' finanzjament lokali;
24. Jemmen li filwaqt li ssegwi approċċ multidimensjonali, l-Istrateġija għandha tkun iffukata wkoll b'mod ċar fuq sett definittiv ta' prijoritajiet; jilqa' b'sodisfazzjon l-inklużjoni notevoli tal-aġenda tal-konnettività tal-UE fil-Programm ta' 18-il xahar tal-Kunsill tal-presidenzi tal-Kunsill Ewropew tal-Ġermanja, tal-Portugall u tas-Slovenja; jenfasizza l-importanza li jiġu identifikati proġetti emblematiċi għas-setturi rilevanti, li għandu jkollhom valur miżjud Ewropew b'saħħtu, jirrappreżentaw interess pubbliku strateġiku u juru l-approċċ uniku tal-UE bbażat fuq il-valuri; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jipproponu kriterji għall-identifikazzjoni ta' proġetti bħal dawn;
25. Jilqa' pożittivament inizjattivi bħall-Prinċipji tal-G20 għall-Investimenti Infrastrutturali ta' Kwalità u r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ambjentali tan-NU dwar l-infrastruttura sostenibbli; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni, lis-SEAE u lill-Istati Membri jippromwovu l-approċċ strateġiku tal-UE għall-konnettività internazzjonali fil-fora multilaterali u plurilaterali kollha, bħall-Assemblea Ġenerali tan-NU, l-ASEM jew il-G7;
Prijoritajiet tal-Istrateġija
Tranżizzjoni ekoloġika
26. Jenfasizza r-rwol tal-UE fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi permezz tal-promozzjoni ta' ekonomija ċirkolari u investimenti reżiljenti għat-tibdil fil-klima, fost inizjattivi oħra; jemmen li r-rispons għat-tibdil fil-klima, favur id-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomiji u l-preservazzjoni tal-bijodiversità u l-ambjent għandu jkun prijorità assoluta tal-Istrateġija, b'mod partikolari fir-rigward tal-iżvilupp ta' infrastrutturi ta' kwalità; jirrimarka li ż-żamma tal-infrastruttura eżistenti għal mezzi ta' trasport ekokompatibbli fl-Ewropa u lil hinn minnha hija ta' importanza kbira; jitlob ekoloġizzazzjoni sistematika tal-investimenti kollha fil-konnettività; jirrakkomanda, f'dan ir-rigward, li jiġu stabbiliti kriterji trasparenti għas-sejħiet għall-offerti dwar l-ispejjeż taċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti jew tas-servizzi u l-konformità mal-istandards u r-regolamenti tal-UE; iqis li l-ekoloġizzazzjoni soċjalment ġusta u sostenibbli tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, l-investiment fl-infrastruttura b'mod ġenerali u d-dimensjoni tal-enerġija, b'mod partikolari, huma kwistjonijiet bi prijorità għolja; iqis il-kooperazzjoni dwar sorsi alternattivi ta' enerġija u l-effiċjenza fl-enerġija bħala proġetti fanal ewlenin; jipproponi li l-kooperazzjoni dwar l-iżvilupp ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli għandha ssir pilastru tal-konnettività bejn l-UE u l-Afrika; iqis it-tisħiħ tal-kapaċitajiet għas-sostenibbiltà bħala dimensjoni fundamentali; jilqa' favorevolment il-kooperazzjoni xjentifika ambizzjuża biex jitmexxew 'il quddiem l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih, tiġi protetta l-bijodiversità, u jiġu promossi ċ-ċirkolarità ekonomika, it-tkabbir sostenibbli u tranżizzjoni ġusta;
Trasport
27. Jinkoraġġixxi bil-qawwa l-adozzjoni ta' approċċ ikkoordinat globali billi ssir ħidma mill-qrib mal-pajjiżi terzi biex jerġgħu jiġu stabbiliti u jinżammu l-konnettività, infrastruttura u industrija tat-trasport reżiljenti bħala appoġġ għall-ktajjen tal-provvista globali; jilqa' pożittivament il-kollaborazzjoni bejn l-UE u l-Asja dwar inizjattivi bħall-programm tal-Kuritur ta' Trasport Ewropa-Kawkasu-Asja (TRACECA) u l-promozzjoni ta' inizjattivi ġodda ta' trasport sostenibbli ma' sħab Asjatiċi importanti bħall-Indja u l-Asja Ċentrali;
28. Jisħaq li l-UE għandha tgħaqqad il-qafas tat-TEN-T żviluppat sew man-networks fl-Asja, filwaqt li tlesti l-proġetti tat-TEN-T tagħha stess fl-UE bħal Rail Baltica u oħrajn; jilqa' pożittivament l-adozzjoni tal-Pjan Ekonomiku u ta' Investiment tal-UE għall-Balkani tal-Punent u l-estensjoni kontinwa tat-TEN-T fil-Balkani tal-Punent u fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, li għandhom jitqiesu bħala element fundamentali tal-Istrateġija għall-Konnettività, minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħhom; jemmen li għandu jinħatar koordinatur speċjali tat-TEN-T għall-pajjiżi tat-tkabbir u tas-Sħubija tal-Lvant;
29. Jenfasizza l-importanza tal-konnessjonijiet ferrovjarji; jirrimarka l-ħtieġa li jiġi żgurat reġim ġuridiku unifikat għat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija fil-kontinent Ewrasjatiku kollu; jitlob l-estensjoni tal-applikazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-UE, b'mod partikolari l-istandards ta' sikurezza għat-trasport ta' oġġetti perikolużi bil-ferrovija u l-konformità mal-linji gwida korrispondenti tal-OTIF[1] skont l-Anness 2 tal-SMGS[2], u l-ħolqien ta' prospettivi ekonomiċi ġodda billi jinfetħu s-swieq u jiġu promossi opportunitajiet ta' investiment;
30. Jisħaq fuq l-importanza tan-negozjati li għaddejjin bħalissa dwar ftehimiet komprensivi dwar it-trasport bl-ajru ma' pajjiżi sħab fl-Asja, b'mod partikolari l-ftehim bejn l-UE u l-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN), li joħolqu kundizzjonijiet tas-suq ġusti u trasparenti bbażati fuq qafas regolatorju ċar u, b'mod partikolari, fuq ir-rispett tal-istandards għoljin tal-Unjoni Ewropea; jisħaq fuq l-importanza tal-appoġġ tal-UE għall-pajjiżi Asjatiċi biex itaffi l-impatt tal-avjazzjoni ċivili fuq it-tibdil fil-klima;
31. Jistieden lill-Kummissjoni tfittex li tagħmel aktar progress fl-inizjattivi tagħha tat-trasport marittimu biex tiddiġitalizza u tissemplifika l-formalitajiet amministrattivi u ssaħħaħ is-sigurtà marittima fil-portijiet fl-Asja permezz tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali u ta' ftehimiet dwar it-trasport marittimu; jenfasizza l-importanza ta' involviment ulterjuri mal-pajjiżi terzi fl-Asja permezz ta' ftehimiet dwar it-trasport marittimu pertinenti, li jgħinu biex jirregolaw, jiffaċilitaw u jagħmlu t-traffiku marittimu aktar sostenibbli;
32. Jisħaq li l-Istrateġija trid tiżgura li t-trasportaturi mill-Asja jridu jirrispettaw l-istandards tal-UE fis-settur tat-trasport bit-triq; jitlob li jkun hemm kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri fir-rigward tal-infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-UE u dik nazzjonali fis-settur;
Trasformazzjoni diġitali
33. Jagħmel enfasi partikolari fuq il-fatt li d-diġitalizzazzjoni hija dimensjoni fundamentali għas-seklu XXI u jissottolinja l-impatt tagħha fuq il-ħajja ta' kuljum ta' kull persuna fid-dinja kollha; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintensifikaw l-ambizzjonijiet tagħhom għat-trasformazzjoni diġitali; jistenna li l-UE ssir attur globali kompetittiv daqs l-Istati Uniti u ċ-Ċina fid-diġitalizzazzjoni; iqis, f'dan il-kuntest, li l-promozzjoni tal-konnettività diġitali u tal-aċċess diġitali permezz ta' networks b'kapaċità għolja ħafna bbażati fuq il-fibra u l-5G hija kwistjoni prijoritarja kbira għall-UE; jemmen li l-iżvilupp ta' awtonomija strateġika miftuħa f'dan is-settur għandu jinkludi d-diversifikazzjoni tal-katina tal-provvista tal-manifatturi tat-tagħmir permezz tal-promozzjoni ta' arkitetturi tan-networks miftuħa u interoperabbli u sħubijiet għad-diġitalizzazzjoni mal-pajjiżi u reġjuni terzi li jikkondividu l-valuri tagħna u jużaw it-teknoloġija b'konformità sħiħa mad-drittijiet fundamentali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tqiegħed kundizzjonijiet għall-proġetti fil-qasam tal-konnettività mal-pajjiżi terzi dwar l-użu etiku tat-teknoloġija fuq livell kemm intern kif ukoll internazzjonali; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-aspett tas-sigurtà huwa ta' importanza kbira;
34. Jissottolinja l-fatt li l-UE, bħala entità li tistabbilixxi n-normi, għandha tistinka biex ikollha rwol ta' tmexxija konġunta fl-istabbiliment, id-difiża u l-progress ta' normi, standards u prattiki internazzjonali msejsa fuq ambjent tal-ICTs paċifiku, sikur, ibbażat fuq l-istat tad-dritt u miftuħ, u diġitalizzazzjoni sostenibbli u responsabbli, filwaqt li tindirizza t-theddid taċ-ċibersigurtà u tipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet tal-bniedem online, inkluża l-protezzjoni tad-data personali;
35. Jirrakkomanda li l-kooperazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data mal-pajjiżi tal-ASEAN u mal-Indja, il-Ġappun, l-Istati Uniti, l-Awstralja, il-Kanada, il-Korea t'Isfel, New Zealand u oħrajn tissaħħaħ b'mod sinifikanti sabiex jitmexxew 'il quddiem id-deċiżjonijiet ta' adegwatezza għall-flussi tad-data; iqis li d-dispożizzjonijiet dwar il-kummerċ elettroniku u l-kummerċ diġitali fil-ftehimiet kummerċjali għandhom iservu l-objettivi tal-pilastru diġitali tal-Istrateġija; jinnota, fir-rigward tal-flussi tad-data, li l-UE diġà ressqet proposti f'diversi negozjati f'konformità mal-protezzjoni tad-data u mar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR)[3]; jinnota li d-deċiżjoni ta' adegwatezza dwar il-Ġappun tagħti eżempju għal aktar integrazzjoni diġitali; jirrakkomanda r-rabta tal-aġenda tal-konnettività diġitali mal-Istrateġija Globali tal-UE dwar il-Kooperazzjoni Diġitali li jmiss;
36. Jisħaq li l-infrastruttura tal-5G hija element tar-reżiljenza strateġika tal-Ewropa; jistieden lill-Kummissjoni tfassal pjan għall-iżvilupp tat-teknoloġija Ewropea tal-5G u t-tneħħija gradwali tal-5G mibnija minn pajjiżi terzi li ma jikkondividux il-valuri u l-istandards Ewropej; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tqiegħed kundizzjonijiet rigorużi għall-proġetti ta' konnettività mal-pajjiżi terzi dwar l-użu etiku tat-teknoloġija, fil-livell kemm intern kif ukoll internazzjonali; jilqa' d-dispożizzjonijiet għaċ-ċibersigurtà fil-Programm Ewropa Diġitali fir-rigward tal-proċess tas-sejħiet għall-offerti; jirrakkomanda l-inklużjoni tal-approċċ tal-istrumenti tal-5G fil-promozzjoni tal-konnettività diġitali, minħabba l-possibbiltajiet tagħha għal applikazzjoni ekstraterritorjali; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni taħdem biex tirriproduċi l-ftehimiet internazzjonali tal-UE dwar ir-roaming mobbli mas-sħab fil-konnettività; jilqa' pożittivament l-inizjattiva għall-Internet tal-Ġenerazzjoni li Jmiss u l-investiment fi proġetti infrastrutturali diġitali, bħall-kejbil f'baħar fond tal-Building Europe Link to Latin America (BELLA); jirrakkomanda li l-Kummissjoni tidentifika l-bżonnijiet reali ta' Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) diġitali mmirata; jipproponi li l-Kummissjoni tippromwovi l-kooperazzjoni għall-iżvilupp tas-6G ma' pajjiżi tal-istess fehma bħala proġett emblematiku;
Kuntatti interpersonali
37. Jemmen li d-dimensjoni ta' kuntatti interpersonali hija pilastru fundamentali tal-Istrateġija u għandha tingħata aktar prijorità; jitlob, f'dan ir-rigward, li jkun hemm opportunitajiet reċiproċi ta' mobilità bejn l-Ewropa u l-Asja; jenfasizza l-ħtieġa ta' finanzjament adegwat tad-diplomazija pubblika;
38. Jagħmel enfasi kbira fuq il-promozzjoni tal-kuntatti interpersonali fost l-istudenti, it-trainees vokazzjonali, il-professjonisti żgħażagħ, l-akkademiċi, is-soċjetà ċivili, l-NGOs, ir-riċerkaturi u s-setturi kulturali, li hija essenzjali għall-fehim u għar-rispett reċiproċi; huwa favur din il-kooperazzjoni bbażata fuq l-inklużività, ir-reċiproċità u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jitlob, b'mod partikolari, li tissaħħaħ id-dimensjoni taż-żgħażagħ permezz ta' fora taż-żgħażagħ biex jippromwovu b'mod reċiproku l-profiċjenza fil-lingwi barranin, l-iskambji tal-istudenti u tal-persunal akkademiku u r-rikonoxximent reċiproku tad-diplomi; huwa favur, f'dan ir-rigward, il-ftuħ tal-pjattaforma tal-eTwinning għall-pajjiżi sħab tal-konnettività; ifakkar fl-opportunitajiet għal skambji reġjonali, bħal bejn innovaturi u għall-kooperazzjoni bejn belt u oħra; jenfasizza li l-konnettività tiftaħ opportunitajiet biex l-Ewropa tkun fiċ-ċentru tal-intersezzjoni bejn ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-investiment; huwa tal-fehma li għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-kwistjonijiet tal-minoranzi fil-kuntest ta' dan il-pilastru;
39. Ifaħħar l-inizjattivi adottati għall-Balkani tal-Punent li għandhom l-għan li jippromwovu l-kooperazzjoni u l-iskambji taż-żgħażagħ, kif ukoll l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, u jinkoraġġixxi l-offerta ta' programmi simili lil sħab oħra tal-Istrateġija, billi jibdew mill-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant; jinnota li l-konnettività bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent hija integrali għall-Istrateġija peress li l-pajjiżi fir-reġjun huma membri prospettivi tal-UE;
40. Ifaħħar l-organizzazzjoni tal-Forum tal-Mexxejja Żgħażagħ u tal-Forum tal-Ħassieba Strateġiċi UE-ASEAN fi Frar 2018 u s-Summits tal-Mexxejja Żgħażagħ tal-Fondazzjoni Asja-Ewropa (ASEF), kuntestwalment mas-Summits tal-ASEM; jipproponi li dawn il-konvenzjonijiet jiġu organizzati regolarment u li jiġu stabbiliti wkoll fora annwali simili bħala parti mir-relazzjoni bejn l-UE u l-Unjoni Afrikana;
41. Jistieden lill-Kummissjoni tallinja l-Istrateġija mal-Istrateġija li jmiss tal-UE dwar il-Kooperazzjoni fir-Riċerka u l-Investiment; jistieden lill-Kummissjoni ssegwi l-approċċ strateġiku tagħha għall-kooperazzjoni fir-riċerka u l-innovazzjoni (R&I) billi ttejjeb ir-relazzjonijiet mas-sħab tal-istess fehma, inkluż billi tqis l-istatus tas-sħab assoċjati, u billi tibbaża l-kooperazzjoni fuq prinċipji universali bħal-libertà akkademika, l-aċċess miftuħ, il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni, l-integrità tar-riċerka u l-protezzjoni tad-data personali; jinkoraġġixxi l-adozzjoni ta' politiki ta' kooperazzjoni fir-riċerka speċifiċi għall-pajjiż; jenfasizza l-importanza li jiġu stabbiliti kriterji biex jiġu identifikati setturi sensittivi fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni, inkluż fil-qasam tat-teknoloġija b'użu doppju;
Kummerċ, investimenti, kompetittività u standards
42. Jinnota li l-UE għandha ssaħħaħ ir-rabtiet tagħha mal-pajjiżi ospitanti u tippreżentalhom offerta alternattiva kredibbli u sostenibbli għall-finanzjament fil-qasam tal-konnettività;
43. Jemmen li d-dimensjoni ta' kuntatti interpersonali hija essenzjali wkoll biex il-kompetittività tkun ibbażata fuq il-valuri tal-UE u biex id-diplomazija ekonomika Ewropea tkun effikaċi;
44. Jemmen li l-politika kummerċjali għandha tkun strumentali biex jintlaħqu l-objettivi tal-Istrateġija billi jiġu promossi kummerċ u investiment ġusti u sostenibbli; jenfasizza l-importanza tat-tisħiħ tar-reżiljenza ekonomika permezz tad-diversifikazzjoni tal-ktajjen tal-provvista, kif ukoll it-tisħiħ tal-integrazzjoni reġjonali; jisħaq li l-Istrateġija għandha timxi id f'id mal-isforzi biex jiżdied l-aċċess għas-swieq rispettivi, inkluż l-akkwist pubbliku, u tippromwovi ambjent ta' investiment miftuħ u trasparenti, filwaqt li tiftaħ opportunitajiet u tikkontribwixxi għall-kompetittività globali; jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni dwar id-diliġenza dovuta, id-drittijiet ta' proprjetà intellettwali u l-indikazzjonijiet ġeografiċi;
45. Jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq ir-rwol ċentrali tal-istandards ambjentali, ta' sostenibbiltà u soċjali internazzjonali fil-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment; ifakkar fir-rieżami tal-pjan ta' azzjoni ta' 15-il punt tal-Kummissjoni u d-diskussjonijiet fil-Kunsill dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni timplimenta bis-sħiħ l-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ biex tiżgura li n-negozji Ewropej ma jkunux soġġetti għal prattiki kummerċjali żleali, u timplimenta b'mod effikaċi l-kapitoli dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli f'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi, l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli u l-konvenzjonijiet tal-ILO bil-għan li tiġi żviluppata l-Istrateġija u tiġi segwita l-integrazzjoni sostenibbli; huwa tal-fehma li l-Kummissjoni u s-SEAE għandhom jużaw approċċ aktar strateġiku għall-Iskema Ġeneralizzata ta' Preferenzi (SĠP), anki billi jintensifikaw l-azzjoni fl-ogħla livell politiku biex tissaħħaħ l-effikaċja tagħha fir-rigward tal-istandards dwar id-drittijiet tal-bniedem, ix-xogħol internazzjonali, l-ambjent u l-governanza tajba;
46. Jissottolinja l-importanza tar-relazzjoni strateġika u tar-rivalità sistemika tal-UE maċ-Ċina u jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE jindirizzaw liċ-Ċina b'vuċi waħda u jħaddnu approċċ ikkoordinat; itenni l-appell tiegħu liċ-Ċina biex timxi 'l quddiem b'riforma ambizzjuża tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, inklużi regoli komprensivi dwar is-sussidji industrijali, u jirrikonoxxi t-tħassib dwar prattiki li jfixklu s-suq min-naħa ta' impriżi statali Ċiniżi, trasferimenti furzati tat-teknoloġija u lokalizzazzjoni tad-data, kapaċitajiet żejda u l-esportazzjonijiet suġġett għal dumping relatati, u prattiki kummerċjali żleali oħra; jemmen li l-estensjoni tal-kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għal swieq terzi hija ta' importanza kbira għall-opportunitajiet fit-tul tan-negozji Ewropej;
47. Jenfasizza r-rwol tal-ftehimiet kummerċjali internazzjonali nnegozjati mill-UE u l-importanza tal-implimentazzjoni korretta tagħhom; huwa tal-fehma li l-konnettività għandha tiġi inkluża fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-politika kummerċjali; jenfasizza n-normi internazzjonali u l-istandards trasparenti għall-promozzjoni ta' infrastruttura ta' kwalità u l-interoperabbiltà tan-networks; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel il-ftehimiet eżistenti aktar ambizzjużi billi sistematikament tinkludi l-politika tal-istandardizzazzjoni fi sħubijiet bilaterali u ftehimiet kummerċjali sabiex tippromwovi l-iffissar ta' standards multilaterali u l-adozzjoni wiesgħa ta' standards maqbula fuq livell internazzjonali u l-kooperazzjoni regolatorja trasparenti f'konformità sħiħa mad-dritt ta' regolamentazzjoni;
48. Huwa tal-fehma li l-mudell tal-politika ta' standardizzazzjoni tal-UE għandu l-vantaġġ li huwa innovattiv, miftuħ u inklużiv u għandu jkun jista' jkompli jlaħħaq mal-kompetizzjoni globali bejn paradigmi differenti ta' standardizzazzjoni; jistenna li l-Kummissjoni tiżvolġi rwol proattiv fil-promozzjoni tal-politika tal-istandardizzazzjoni; jirrakkomanda, għalhekk, li l-koordinament tar-responsabbiltà għall-politika ta' standardizzazzjoni tal-UE għandha tingħata lil uffiċjal għoli tal-Kummissjoni, idealment lill-Kummissarju għas-suq intern; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jikkoordinaw aktar mill-qrib mas-sħab demokratiċi tal-istess fehma fil-fora internazzjonali li jistabbilixxu l-istandards sabiex jippromwovu l-istandards internazzjonali li jappoġġjaw id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali;
Saħħa
49. Jemmen li l-pandemija tal-COVID-19 uriet l-urġenza li tingħata prijorità lis-settur tas-saħħa bħala settur kruċjali ġdid għall-kooperazzjoni, b'mod partikolari f'dik li hija r-reżiljenza tas-sistemi tas-saħħa, l-aċċess għall-mediċini, l-apparat mediku u l-vaċċini, it-tisħiħ tal-awtonomija strateġika tal-UE fil-qasam tas-saħħa, billi jiġu evitati dipendenzi unilaterali, u jiġu żgurati l-ktajjen tal-provvista industrijali farmaċewtiċi u sanitarji sikuri u diversifikati, l-iskambju tal-aħjar prattiki fil-ġestjoni tal-kriżijiet u fil-politiki ta' prevenzjoni tal-pandemiji, u r-reċiproċità fil-ġestjoni tal-fruntieri tal-ivvjaġġar u miftuħa; jipproponi li l-isforzi tal-unjoni tas-saħħa tal-UE jintrabtu mal-Istrateġija u s-sħubija ma' mekkaniżmi reġjonali oħra bħal Ċentru tal-ASEAN għall-Kontroll tal-Mard Infettiv; jenfasizza li l-UE għandha tuża l-konnettività tas-saħħa biex titgħallem minn eżempji ta' suċċess ta' mmaniġġjar pandemiku minn sħab bl-istess fehma bħan-New Zealand, ir-Repubblika tal-Korea u t-Tajwan;
50. Jenfasizza t-tagħlimiet meħuda mill-pandemija tal-COVID-19 rigward l-importanza tal-miżuri kkoordinati sabiex jiġi żgurat li r-rotot tat-trasport u l-ktajjen tal-provvista globali jibqgħu miftuħa u sikuri;
Sigurtà
51. Huwa konvint li d-dimensjoni tal-Istrateġija fil-qasam tas-sigurtà għandha tiġi żviluppata b'mod urġenti filwaqt li jitqiesu r-riskji li l-konnettività tista' tkun adattata għall-użu fil-gwerra; jenfasizza l-ħtieġa ta' approċċ ġeopolitiku għall-kooperazzjoni globali sabiex l-UE tindirizza b'suċċess l-isfidi l-ġodda tas-sigurtà, inklużi ċ-ċibersigurtà, il-konnettività diġitali, l-infrastruttura kritika u l-użu doppju potenzjali tat-teknoloġija; jissottolinja s-serjetà tat-theddid terroristiku; jenfasizza t-tħassib dejjem jikber dwar is-sigurtà fil-Viċinat Ewropew; iħeġġeġ lis-SEAE u lill-Istati Membri jiżvolġu rwol aktar proattiv f'dawn il-kwistjonijiet;
52. Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żviluppata dimensjoni ta' sigurtà aktar b'saħħitha fis-sħubija tagħna mal-Afrika; ifakkar fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-2018 dwar il-kooperazzjoni msaħħa tal-UE fis-sigurtà fl-Asja u mal-Asja; jieħu nota tar-rilevanza dejjem tikber għall-UE ta' tħassib dwar is-sigurtà fir-reġjun Indo-Paċifiku, kif espress fl-istrateġiji tal-Istati Membri għall-Indo-Paċifiku; jappoġġja l-inizjattiva li tiġi żviluppata strateġija komuni tal-UE għall-Indo-Paċifiku u l-kooperazzjoni mas-sħab fir-reġjun Indo-Paċifiku, inklużi l-iskambji bejn il-forzi militari; jemmen li l-ftuħ, il-prosperità, l-inklużività, is-sostenibbiltà, it-trasparenza, ir-reċiproċità u l-vijabbiltà għandhom ikunu prinċipji gwida fil-kooperazzjoni mar-reġjun Indo-Paċifiku;
Sħubijiet fil-qasam tal-konnettività
53. Jilqa' b'sodisfazzjon kbir l-istabbiliment tas-Sħubija bejn l-UE u l-Ġappun dwar il-Konnettività Sostenibbli u l-Infrastrutturi ta' Kwalità, b'enfasi partikolari fuq il-konnettività sostenibbli mal-Balkani tal-Punent, l-Ewropa tal-Lvant, l-Asja Ċentrali, ir-reġjun Indo-Paċifiku u l-Afrika; jittama li l-UE u l-Ġappun jippromwovu b'mod attiv is-sħubija fil-qasam tal-konnettività fost il-gruppi fil-mira rilevanti u jirnexxielhom jagħtu bidu għall-operazzjonalizzazzjoni tas-sħubija fl-ewwel semestru tal-2021;
54. Jilqa' b'sodisfazzjon il-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-UE u l-Ġappun, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Frar 2019, u ż-żieda fil-koordinament bejn il-BEI, l-Aġenzija Ġappuniża ta' Kooperazzjoni Internazzjonali (JICA) u l-Japan Bank for International Cooperation (JBIC), b'mod partikolari dwar il-finanzjament tal-konnettività ekoloġika; iqis li l-Balkani tal-Punent u x-Xlokk tal-Asja joffru opportunitajiet tajbin ħafna għall-kooperazzjoni tal-konnettività bejn il-Ġappun u l-UE mas-sħab terzi; jara potenzjal kbir għall-involviment tas-settur privat inklużi l-SMEs; huwa favur, barra minn hekk, li jiġu analizzati l-aspetti tas-sigurtà tal-kooperazzjoni tal-konnettività bejn il-Ġappun u l-UE, inkluża s-sigurtà marittima;
55. Jilqa' b'sodisfazzjon kbir in-negozjati li għaddejjin bħalissa għall-ħolqien ta' sħubija fil-qasam tal-konnettività mal-Indja; jittama li l-presidenzi b'rotazzjoni tal-Kunsill Ewropew u l-Presidenzi tal-G20 li ġejjin tal-Indja u tal-Italja se jisfruttaw l-influwenza tagħhom biex jagħmlu progress; jinnota l-Inizjattiva għall-Konnettività tal-Infrastruttura Reġjonali fin-Nofsinhar tal-Asja; jieħu nota tal-parteċipazzjoni tal-Indja fl-Inizjattiva tal-Golf tal-Bengala għall-Kooperazzjoni Teknika u Ekonomika Multisettorjali (BIMSTEC) u l-Kuritur Internazzjonali tat-Trasport bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar (INSTC); iqis, fid-dawl taċ-ċirkostanzi attwali, li l-Indja għandha tiżvolġi rwol akbar u li trid tiġi mfittxija kooperazzjoni aktar profonda bejn l-UE u l-Istati tan-Nofsinhar tal-Asja; jirrakkomanda l-għoti ta' għajnuna għall-koordinament tad-diversi strateġiji ta' konnettività fl-Asja, li l-Bank Dinji kellu total ta' 16;
56. Ifakkar li kemm il-Federazzjoni Russa kif ukoll it-Turkija għandhom interessi wkoll li jsiru partijiet ikkonċernati fil-konnettività bejn l-UE u l-Asja; huwa lest li jsir sieħeb tagħhom meta jkun possibbli; jirrikonoxxi li l-pajjiżi fl-Asja Ċentrali bbenefikaw b'mod sinifikanti minn integrazzjoni akbar fl-ekonomija globali matul l-aħħar għoxrin sena; huwa tal-fehma li l-UE għandha tiżvolġi rwol ħafna akbar u ssir waħda mill-atturi ewlenin fir-reġjun, billi tuża l-kummerċ u l-investiment bħala mutur għall-prosperità kondiviża; jesprimi tħassib għall-fatt li l-proġetti ffinanzjati miċ-Ċina fl-Asja Ċentrali huma nieqsa mit-trasparenza; jinsisti li tingħata prijorità lill-istandards tax-xogħol u ambjentali għoljin u li tiġi żgurata s-sostenibbiltà tad-dejn;
57. Jilqa' pożittivament l-iskambji esplorattivi bejn l-UE u l-Korea dwar sħubija fil-qasam tal-konnettività u jittama li fl-2021 isir progress tajjeb dwar dan; huwa favur l-istabbiliment ta' sħubija fil-qasam tal-konnettività UE-ASEAN sabiex jiġi stabbilit kollegament mal-pjan direttur eżistenti dwar il-konnettività u r-riżerva ta' proġetti, fost objettivi oħra; jirrikonoxxi li peress li r-reġjun tal-ASEAN huwa t-tielet l-akbar sieħeb kummerċjali wara l-Istati Uniti u ċ-Ċina, se jkun hemm benefiċċji sinifikanti għall-esportaturi tal-UE fl-iżgurar ta' aċċess aħjar għas-suq u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni permezz ta' ftehimiet ta' sħubija komprensivi; huwa favur ftehim reġjonali ta' kummerċ ħieles UE-ASEAN; jinkoraġġixxi l-użu ta' investimenti biex titnaqqas id-deforestazzjoni u tiġi ddiversifikata l-agrikoltura sostenibbli;
58. Jieħu nota tal-inizjattivi tal-Awstralja dwar il-politika għall-konnettività reġjonali u l-iskambji tal-UE mal-Awstralja dwar il-konnettività f'żoni ġeografiċi ta' interess; iħeġġeġ kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-Awstralja sabiex tintwera solidarjetà bejn id-demokraziji; jara l-potenzjal għall-kooperazzjoni mas-sħab fil-baċir tax-xmara Mekong;
59. Jenfasizza l-ħtieġa ta' kooperazzjoni fil-qasam tal-konnettività mat-Tajwan bil-għan li wieħed jitgħallem mill-aħjar prattiki tiegħu fl-immaniġġjar tal-pandemija tal-COVID-19, it-titjib tal-kuntatti interpersonali, it-tnaqqis tad-distakk diġitali fir-reġjun tax-Xlokk tal-Asja, u l-esplorazzjoni tal-għażla ta' ftehim ta' investiment bejn l-UE u t-Tajwan;
60. Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-ftehim ta' Sħubija Ekonomika Reġjonali Komprensiva (RCEP) u r-rwol taċ-Ċina fih;
61. Jesprimi l-konvinzjoni soda tiegħu li l-UE għandha ssaħħaħ il-kooperazzjoni mal-Istati Uniti; jilqa' favorevolment li-kunċett tal-Blue Dot Network (BDN) mibdi mill-Istati Uniti; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jikkollaboraw mal-Istati Uniti dwar il-BDN sabiex isaħħu l-kooperazzjoni trans-Atlantika dwar il-konnettività bbażata fuq ir-regoli u sostenibbli, filwaqt li jenfasizzaw ukoll it-tħassib fir-rigward ta' dan tal-aħħar; jittama li jkun hemm kooperazzjoni futura b'mod partikolari fir-rigward tas-sostenn ta' standards ta' kwalità għolja għal proġetti ta' konnettività u t-trawwim tal-involviment tas-settur privat;
62. Japprova l-impenji biex tissaħħaħ is-sħubija bejn l-UE, l-Amerka Latina u l-Karibew kif enfasizzat fil-komunikazzjoni konġunta tal-2019, inkluż dwar l-ekonomija diġitali u l-konnettività; jisħaq fuq l-importanza li tissaħħaħ is-sħubija mal-Amerka Latina u l-Karibew, li jaqsmu bis-sħiħ il-valuri u l-interessi fundamentali Ewropej;
63. Jirrimarka li l-UE ħadmet maċ-Ċina fil-kuntest tal-Pjattaforma ta' Konnettività UE-Ċina, b'riżultati moderati; iqis li l-Inizjattiva "Belt and Road" hija fil-qalba tal-politika barranija assertiva taċ-Ċina; huwa lest li jqis sħubija mal-Inizjattiva "Belt and Road" f'każijiet speċifiċi li fihom din ma tikkompromettix il-prinċipji fundamentali tal-UE, meta l-inizjattiva tissodisfa l-istandards internazzjonali, u meta l-Kummissjoni tgħarbel il-proġetti involuti biex jiġi żgurat li jikkonformaw man-normi u mal-istandards tal-UE bħall-istandards soċjali, ambjentali u fiskali u s-sostenibbiltà, it-trasparenza, l-inklużività, l-istat tad-dritt, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u r-reċiproċità sabiex ma tiżdiedx il-kapaċità tal-pajjiżi terzi li jirrikorru għall-forza u sabiex tiġi żgurata l-integrità tas-suq komuni u l-koeżjoni politika tal-UE; iqis, f'dan il-kuntest, li għandha ssir enfasi fuq it-titjib tal-infrastruttura tat-trasport Ewrasjatiku, b'mod partikolari t-trasport multimodali u sostenibbli;
64. Jenfasizza l-importanza tal-ħidma li għaddejja tal-Pjattaforma ta' Konnettività UE-Ċina fl-isforzi tagħha biex tesplora opportunitajiet għal kooperazzjoni fil-qasam tat-trasport bejn in-network estiż TEN-T tal-UE u l-Inizjattiva "Belt and Road"; jissottolinja l-ħtieġa ta' approċċ globali u komprensiv biex tiġi żgurata kompetizzjoni ħielsa u ġusta għan-negozji fil-qasam tal-iżvilupp tal-infrastruttura tat-trasport maċ-Ċina, inkluża trasparenza sħiħa u kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni; jissottolinja, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li l-klawżoli kuntrattwali f'dan il-qasam isiru trasparenti kemm jista' jkun u jiġu sostnuti l-interessi essenzjali tal-UE;
65. Jinnota li l-politiki tal-konnettività għandhom inaqqsu l-esternalitajiet negattivi, bħall-impatt ambjentali u t-tniġġis; jenfasizza l-importanza tas-sostenibbiltà f'din l-Istrateġija; jinkoraġġixxi lill-UE tinvolvi ruħha mal-pajjiżi sħab Asjatiċi sabiex il-konnettività tat-trasport mal-Asja ssir aktar sikura u aktar protetta, mhux l-inqas fil-qasam tal-flussi tad-data, il-mobilità u l-infrastruttura;
66. Jissottolinja l-importanza tar-reġjuni ultraperiferiċi tal-Ewropa, speċjalment dawk li huma eqreb tal-Asja, u jenfasizza l-potenzjal ekonomiku tagħhom; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tiffaċilita l-investimenti f'dawn it-territorji sabiex issaħħaħ il-konnettività tagħhom u tagħti spinta lill-ekonomiji tagħhom;
67. Jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jiżviluppaw kapaċitajiet ta' monitoraġġ b'saħħithom fl-istrateġiji ta' konnettività ta' pajjiżi u reġjuni oħra, inkluż fir-rigward tar-riżorsi finanzjarji attwalment użati, l-effetti fuq l-istabbiltà finanzjarja, l-iżvilupp sostenibbli, u l-konformità mad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba u l-prinċipji tal-multilateraliżmu; jenfasizza l-potenzjal tat-Tim Ewropa li jsib sinerġiji fl-isforzi tal-konnettività tal-UE u tal-Istati Membri; jirrakkomanda ħidma flimkien mal-pajjiżi sħab biex jiġu mmonitorjati l-effetti fit-tul fuq il-politiki strutturali, it-titjib industrijali u ekonomiku u t-tnaqqis tal-faqar;
Konnettività globali
68. Jenfasizza bil-qawwa l-fatt li l-Istrateġija għandha tagħti attenzjoni partikolari lill-konnettività mal-Viċinat Ewropew u mal-kontinent ġar tal-Afrika, minħabba r-rilevanza ġeopolitika dejjem akbar tagħha għal diversi atturi globali; jistenna li dawn l-isforzi jirriflettu l-esperjenza tal-UE fil-politiki li jippromwovu l-konnettività implimentati fl-Afrika permezz tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp; jitlob li dan l-għan jiġi diskuss f'livell għoli mal-Unjoni Afrikana u li dan jissarraf fi sħubija fil-qasam tal-konnettività bejn l-UE u l-Afrika sa tmiem l-2021;
69. Ifaħħar lill-Kummissjoni u lill-VP/RGħ għar-rieda tagħhom li jippreżentaw strateġija għall-Artiku fl-2021 u jitlob li l-UE tkun impenjata b'mod attiv fl-Artiku; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-impatt tat-tibdil fil-klima fuq dan ir-reġjun fraġli; jinnota b'mod partikolari l-ftuħ potenzjali ta' rotta ġdida ta' trasport marittimu lejn l-Asja minħabba li s-silġ tal-baħar qiegħed idub, li jista' jintuża wkoll għal konnessjonijiet diġitali bħal kejbils fibrottiċi, u jieħu nota tal-inizjattiva taċ-Ċina dwar it-Triq tal-Ħarir Artika; jistenna li l-konnettività sostenibbli tkun fil-qalba ta' dawn l-isforzi;
70. Jinnota s-suċċess tal-ewwel Forum tal-Konnettività Europa fl-2019; jesprimi dispjaċir għall-kanċellazzjoni tal-forum fl-2020 minħabba l-COVID-19; jistenna b'interess il-forum li jmiss fl-2021, jekk il-pandemija tippermetti; huwa tal-fehma li l-fora li ġejjin għandhom jintużaw biex jinvolvu lis-sħab kollha tal-konnettività Ewrasjatiċi, inklużi r-Russja u ċ-Ċina, f'diskussjonijiet multilaterali dwar il-viżjonijiet rispettivi tagħhom għall-ordni ekonomiku, politiku u ta' sigurtà futur fl-Ewroasja;
71. Jistenna li l-Kummissjoni tippreżenta approċċ ġdid ta' komunikazzjoni b'narrazzjoni ċara sabiex tinħoloq viżibbiltà adegwata u obbligu ta' rendikont suffiċjenti għall-politiki tal-UE fil-qasam tal-konnettività u għar-riżultati tagħhom; jitlob bil-qawwa li l-Istrateġija għall-Konnettività tal-UE tingħata bixra ġdida b'lingwaġġ u termini ċari u attraenti li jesprimu l-approċċ Ewropew speċifiku bbażat fuq il-valuri fir-rigward tal-konnettività, u pjan direzzjonali ċar għall-implimentazzjoni u t-twettiq tal-Istrateġija;
°
° °
72. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Istati Membri kif ukoll lis-Sħab tal-UE fil-qasam tal-Konnettività.
OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-KUMMERĊ INTERNAZZJONALI (10.11.2020)
għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin
dwar il-konnettività u r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Asja
Rapporteur għal opinjoni: Seán Kelly
(*) Kumitat assoċjat – l-Artikolu 57 tar-Regoli ta' Proċedura
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jirrikonoxxi li l-Asja tospita l-akbar popolazzjonijiet tad-dinja u l-ekonomiji li qed jikbru bl-aktar ritmu mgħaġġel; jemmen li l-politika kummerċjali għandha tkun strumentali fil-kisba tal-objettivi tal-Istrateġija dwar il-Konnettività bejn l-UE u l-Asja u li l-UE għandha tipprijoritizza ż-żieda tal-konnettività effiċjenti u sostenibbli bejn l-UE u l-Asja, b'sistema kummerċjali multilaterali miftuħa, ġusta u bbażata fuq ir-regoli li tiżgura kundizzjonijiet ekwi, żvilupp sostenibbli, multilateraliżmu, trasparenza, standards internazzjonali u reċiproċità, li jkollhom rwol ewlieni fl-istabbiltà globali, il-prosperità reġjonali u t-tkabbir ekonomiku sostenibbli reċiproku; iqis, barra minn hekk, li integrazzjoni ta' benefiċċju hija fattur importanti fl-irkupru mill-pandemija tal-COVID-19 li għaddejja bħalissa;
2. Jiddispjaċih li bosta pajjiżi fl-Asja għadhom japplikaw politiki ekonomiċi protezzjonistiċi mhux ġustifikati, li joħolqu kundizzjonijiet inġusti għan-negozji Ewropej; jisħaq li l-Istrateġija dwar il-Konnettività għandha timxi id f'id mal-isforzi biex jiżdied l-aċċess għas-swieq rispettivi, inkluż l-akkwist pubbliku, u tippromwovi ambjent ta' investiment miftuħ u trasparenti, filwaqt li tiftaħ opportunitajiet u tikkontribwixxi għall-kompetittività globali; jinnota li l-permess ta' flussi ta' kummerċ ħieles isaħħaħ ir-reżiljenza ekonomika u d-disponibbiltà tal-prodotti permezz tad-diversifikazzjoni tal-ktajjen tal-provvista, kif ukoll it-tisħiħ tal-integrazzjoni reġjonali; jisħaq fuq il-ħtieġa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni dwar id-diliġenza dovuta, id-dispożizzjonijiet dwar il-proprjetà intellettwali u l-indikazzjonijiet ġeografiċi (IĠ); ifakkar li l-UE u l-Asja huma sħab importanti fl-iżvilupp sostenibbli, b'mod partikolari fir-rigward tat-twettiq tal-Aġenda 2030 tan-NU, u li l-promozzjoni ta' konnettività effiċjenti u sostenibbli hija element essenzjali, flimkien mal-kummerċ, ta' sħubija strateġika usa' mas-sħab Asjatiċi; jinnota li l-pajjiżi Ewropej u Asjatiċi għandhom ikomplu bl-isforzi multilaterali u d-djalogu bejn ir-reġjuni fejn possibbli sabiex jitrawmu networks ekonomiċi sostenibbli u bbażati fuq ir-regoli fl-Ewrasja; huwa tal-fehma li l-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) għandhom jużaw approċċ aktar strateġiku għall-Iskema Ġeneralizzata ta' Preferenzi (SĠP), inkluż billi jżidu l-azzjoni fl-ogħla livell politiku biex tissaħħaħ l-effettività tagħha fir-rigward tal-istandards dwar id-drittijiet tal-bniedem, ix-xogħol internazzjonali, l-ambjent u l-governanza tajba;
Jemmen li skont l-istrateġija tal-Kummissjoni ta' awtonomija strateġika miftuħa, ir-reżiljenza tal-katina tal-provvista se tissaħħaħ permezz ta' network kredibbli ta' atturi li jistgħu jkunu sħab affidabbli biex jiżviluppaw mekkaniżmi komuni ta' koordinament tar-riskji, metodi u standards għall-valutazzjoni, jikkondividu l-informazzjoni u l-aspettattivi, u jinvolvu ruħhom fi djalogu attiv mal-gvernijiet, mad-ditti u mal-investituri; huwa tal-fehma li konnessjonijiet u networks effiċjenti u sostenibbli bejn l-Ewropa u l-Asja permezz ta' kurituri tat-trasport prijoritarji, inkluż it-trasport bl-ajru, bil-baħar u bl-art, u network b'kapaċità għolja ta' għodod diġitali, tal-enerġija u interpersonali, kif ukoll proċeduri doganali aktar effiċjenti u affidabbli li jibnu fuq id-diġitalizzazzjoni u s-semplifikazzjoni amministrattiva, se jżidu l-flussi kummerċjali u t-trasferimenti tad-data bejn l-UE u l-Asja b'mod sostenibbli; iqis li d-dispożizzjonijiet dwar il-kummerċ elettroniku u l-kummerċ diġitali fil-ftehimiet kummerċjali għandhom iservu l-objettivi tal-pilastru diġitali tal-Istrateġija dwar il-Konnettività; jinnota, fir-rigward tal-flussi tad-data, li n-naħa tal-UE diġà ressqet proposti fin-negozjati mal-Indoneżja, l-Awstralja, New Zealand u ċ-Ċilì, li għandhom ikunu wkoll elementi kostitwenti għal inizjattivi plurilaterali jew multilaterali oħra f'konformità mal-protezzjoni tad-data u r-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR); jinnota li d-deċiżjoni ta' adegwatezza dwar il-Ġappun tagħti eżempju għal aktar integrazzjoni diġitali; jirrikonoxxi l-eżistenza ta' diskrepanza fl-investiment fil-konnettività u jirrikonoxxi l-ħtieġa li tiġi mobilizzata u msaħħa l-kooperazzjoni ma' investituri privati, istituzzjonijiet nazzjonali u internazzjonali, u ma' banek multilaterali tal-iżvilupp u ma' partijiet ikkonċernati, inkluż bil-ħsieb li jiġu identifikati inizjattivi ewlenin konkreti; jisħaq li l-iffaċilitar tal-kummerċ bejn l-UE u s-sħab Asjatiċi permezz ta' konnettività mtejba għandu jservi wkoll biex isaħħaħ il-prestazzjoni u l-ġestjoni doganali, b'mod partikolari fl-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (IPR) bħala għodda għall-ġlieda kontra l-frodi u għall-prevenzjoni tad-dħul ta' prodotti kontrafatti fis-suq uniku;
4. Lest li jikkunsidra, f'xi każijiet speċifiċi fejn il-prinċipji tal-UE ma jiġux kompromessi, il-kooperazzjoni fil kuntest tal-Inizjattiva "Belt and Road" taċ-Ċina (BRI) sabiex tinbena konnettività tul il-kurituri ekonomiċi, inkluż bl-involviment taċ-Ċina biex jiġi żgurat li l-BRI tissodisfa l-istandards internazzjonali; jenfasizza li huwa vitali li tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta fi swieq terzi billi jiġu rispettati l-prattiki ta' governanza ekonomika multilaterali; huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tanalizza aktar is-sinerġiji potenzjali maċ-Ċina u l-Ġappun fir-rabta tal-isforzi tagħhom mal-istudji tal-kurituri tan-Network Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) biex jiġu evitati l-possibiltajiet ta' konġestjonijiet u restrizzjonijiet tat-trasport; jissottolinja l-importanza tar-relazzjoni strateġika tal-UE maċ-Ċina u jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE jindirizzaw liċ-Ċina b'vuċi waħda u jħaddnu approċċ koordinat; itenni l-appell tiegħu liċ-Ċina biex timxi 'l quddiem b'riforma ambizzjuża tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), inklużi regoli komprensivi dwar is-sussidji industrijali, u jirrikonoxxi t-tħassib dwar prattiki li jfixklu s-suq minn intrapriżi statali Ċiniżi, trasferimenti furzati tat-teknoloġija u lokalizzazzjoni tad-data, kapaċitajiet żejda u esportazzjonijiet suġġett għal dumping relatati, u prattiki kummerċjali żleali oħra; jemmen li l-estensjoni tal-kundizzjonijiet ekwi għal swieq terzi hija ta' importanza kbira għall-opportunitajiet fit-tul tan-negozji Ewropej;
5. Ifakkar fil-potenzjal ta' rotot ġodda ta' trasport marittimu Artiku għat-tnaqqis tal-ħin u d-distanza bejn l-Ewropa u l-Asja b'massimu ta' 40 % u għall-ħolqien ta' ċentri kummerċjali ġodda, li jista' jkollhom impatt sinifikanti fuq il-flussi tal-kummerċ; jissottolinja li permezz ta' Strateġija għall-Artiku komprensiva, l-UE jeħtiġilha tinvolvi ruħha b'mod attiv fir-reġjun Artiku filwaqt li tippromwovi l-iżvilupp sostenibbli u l-objettivi ambjentali, u fl-istess ħin tiżgura li rotot ġodda jkunu konformi mar-regoli u n-normi internazzjonali sabiex tiġi evitata kwalunkwe pressjoni addizzjonali fuq l-ekosistema Artika;
6. Jissottolinja l-importanza tan-network eżistenti ta' ftehimiet kummerċjali bilaterali, reġjonali u multilaterali u l-kooperazzjoni bilaterali bejn l-UE u s-sħab Asjatiċi, b'eżempji ta' suċċess ta' sħubijiet strateġiċi fil-Ġappun, fil-Korea t'Isfel u f'Singapore; jirrikonoxxi li peress li r-reġjun tal-ASEAN huwa t-tielet l-akbar sieħeb kummerċjali tal-UE barra mill-Ewropa wara l-Istati Uniti u ċ-Ċina, se jkun hemm benefiċċji sinifikanti għall-esportaturi tal-UE fl-iżgurar ta' aċċess aħjar għas-suq u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni permezz ta' ftehimiet ta' sħubija komprensivi; jilqa' l-Ftehim il-ġdid dwar l-IĠ u l-possibbiltà li tiġi żviluppata kooperazzjoni aktar b'saħħitha maċ-Ċina, bħal pereżempju permezz tal-Ftehim Komprensiv dwar l-Investimenti; jistieden lill-Kummissjoni tibda l-eżerċizzju dwar l-ambitu u l-valutazzjonijiet tal-impatt tagħha u tiftaħ negozjati għal Ftehim Bilaterali ta' Investiment (BIA) mat-Tajwan; jieħu nota tad-deċiżjoni li l-iskema Kollox ħlief Armi (EBA) tiġi sospiża mal-Kambodja u jissottolinja t-tħassib tiegħu dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż; jistieden lill-Kummissjoni toħroġ bi strateġija ċara f'dan ir-rigward u jħeġġeġ lill-Kambodja timpenja ruħha mal-Kummissjoni u tindirizza oqsma ewlenin ta' tħassib, bil-għan li terġa' ddaħħal il-pajjiż fl-iskema;
7. Jiddispjaċih għall-fatt li l-Istrateġija tal-UE dwar il-Konnessjoni bejn l-Ewropa u l-Asja ma ġibditx l-istess attenzjoni bħall-BRI fl-Asja Ċentrali f'termini ta' konnettività fir-reġjun; jappoġġa l-isforzi tal-Kummissjoni biex iżżarma l-ostakli għall-kummerċ, li huma mirfuda mit-tfittxija ta' konnettività sostenibbli u bbażata fuq ir-regoli u jinkludu l-indirizzar ta' ostakli mhux fiżiċi u regolatorji għall-moviment kif ukoll għall-infrastruttura; jirrikonoxxi li l-pajjiżi fl-Asja Ċentrali bbenefikaw b'mod sinifikanti minn integrazzjoni akbar fl-ekonomija globali matul l-aħħar għoxrin sena; huwa tal-fehma li l-UE għandu jkollha rwol ħafna akbar u ssir waħda mill-atturi ewlenin fir-reġjun, billi tuża l-kummerċ u l-investiment bħala mutur tat-tkabbir u tikkontribwixxi għall-prosperità kondiviża; jesprimi tħassib li l-proġetti ffinanzjati miċ-Ċina fl-Asja Ċentrali huma nieqsa mit-trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam mal-proċessi tal-offerti tagħhom u fil-maġġoranza l-kbira tal-każijiet jitwettqu minn kumpaniji Ċiniżi li huma ferm inqas miftuħa minn kumpaniji lokali jew internazzjonali; jistieden liċ-Ċina żżid ir-reċiproċità, b'mod partikolari fis-settur tal-infrastruttura, u ttejjeb it-trasparenza, tipprijoritizza standards tax-xogħol u ambjentali għoljin u tiżgura s-sostenibbiltà tad-dejn;
8. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-ftehimiet kummerċjali jiġu implimentati kif suppost u tagħmel il-ftehimiet eżistenti aktar ambizzjużi billi ssaħħaħ id-dispożizzjonijiet dwar l-istandardizzazzjoni b'kooperazzjoni regolatorja trasparenti u billi tippromwovi normi sostenibbli tal-UE u standards ambjentali, ta' sostenibbiltà u soċjali internazzjonali fid-dawl tar-rieżami tal-pjan ta' azzjoni ta' 15-il punt[4] tal-Kummissjoni u d-diskussjonijiet fil-Kunsill dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli (TSD); jistieden lill-Kummissjoni timplimenta bis-sħiħ l-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ biex tiżgura li n-negozji Ewropej ma jkunux soġġetti għal prattiki kummerċjali inġusti, tindirizza d-distorsjonijiet fil-prezzijiet u l-ispejjeż li mhumiex riżultat tal-forzi tas-suq ħieles, u timplimenta b'mod effettiv il-kapitoli tat-TSD f'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi, l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU u l-Konvenzjonijiet tal-ILO bil-għan li tiġi żviluppata l-Istrateġija dwar il-Konnettività u tiġi segwita l-integrazzjoni sostenibbli.
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
Data tal-adozzjoni |
10.11.2020 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
39 1 2 |
||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Barry Andrews, Anna-Michelle Asimakopoulou, Tiziana Beghin, Geert Bourgeois, Saskia Bricmont, Udo Bullmann, Jordi Cañas, Daniel Caspary, Miroslav Číž, Arnaud Danjean, Paolo De Castro, Emmanouil Fragkos, Raphaël Glucksmann, Markéta Gregorová, Enikő Győri, Roman Haider, Christophe Hansen, Heidi Hautala, Danuta Maria Hübner, Herve Juvin, Karin Karlsbro, Maximilian Krah, Bernd Lange, Gabriel Mato, Sara Matthieu, Emmanuel Maurel, Carles Puigdemont i Casamajó, Samira Rafaela, Inma Rodríguez-Piñero, Massimiliano Salini, Helmut Scholz, Liesje Schreinemacher, Sven Simon, Dominik Tarczyński, Mihai Tudose, Kathleen Van Brempt, Marie-Pierre Vedrenne, Jörgen Warborn, Iuliu Winkler, Jan Zahradil |
|||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Marek Belka, Jean-Lin Lacapelle |
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
39 |
+ |
PPE |
Anna‑Michelle Asimakopoulou, Daniel Caspary, Arnaud Danjean, Enikő Győri, Christophe Hansen, Danuta Maria Hübner, Gabriel Mato, Massimiliano Salini, Sven Simon, Jörgen Warborn, Iuliu Winkler |
S&D |
Udo Bullmann, Miroslav Číž, Paolo De Castro, Raphaël Glucksmann, Bernd Lange, Marek Belka, Inma Rodríguez‑Piñero, Mihai Tudose, Kathleen Van Brempt, |
RENEW |
Barry Andrews, Jordi Cañas, Karin Karlsbro, Samira Rafaela, Liesje Schreinemacher, Marie‑Pierre Vedrenne |
ID |
Roman Haider , Herve Juvin, Jean‑Lin Lacapelle |
Verts/ALE |
Saskia Bricmont, Markéta Gregorová, Heidi Hautala, Sara Matthieu |
ECR |
Geert Bourgeois, Emmanouil Fragkos, Dominik Tarczyński, Jan Zahradil |
NI |
Tiziana Beghin, Carles Puigdemont i Casamajó |
1 |
- |
ID |
Maximilian Krah |
2 |
0 |
GUE |
Emmanuel Maurel, Helmut Scholz |
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni
OPINJONI TAL-KUMITAT GĦAT-TRASPORT U T-TURIŻMU (2.12.2020)
għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin
dwar il-konnettività u r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Asja
Rapporteur għal opinjoni (*): Angel Dzhambazki
(*) Kumitat assoċjat – l-Artikolu 57 tar-Regoli ta' Proċedura
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
A. billi fis-snin reċenti l-atturi globali rrikonoxxew il-potenzjal għall-konnettività tat-trasport u kienu minn ta' quddiem biex isegwu żvilupp strateġiku tal-infrastruttura globali; billi l-ewwel pass f'dan ir-rigward fil-livell tal-UE ttieħed fil-ħarifa tal-2018 bl-adozzjoni tal-Istrateġija tal-UE dwar il-konnessjoni bejn l-Ewropa u l-Asja;
B. billi t-trasport kontemporanju qed isir dejjem aktar multimodali u qed jinħolqu opportunitajiet ġodda għat-titjib u l-iżvilupp ulterjuri tan-networks tat-trasport bejn l-UE u l-Asja, b'mod partikolari fis-setturi tal-ferrovija u dak marittimu;
C. billi l-kriżi tal-COVID-19 uriet li l-kontinwità tat-trasport mal-Asja kienet essenzjali biex tiggarantixxi l-katina tal-provvista għat-tipi kollha ta' oġġetti matul il-pandemija;
D. billi r-rabtiet bejn l-UE u l-Asja huma bla paragun fid-dinja f'termini ta' volumi ta' merkanzija trasportati u distanzi tal-vjaġġ, il-varjetà ta' territorji maqsuma u l-istabbiltà tagħhom għandhom jitqiesu biex jiggarantixxu s-sikurezza u s-sigurtà ta' kwalunkwe tip ta' trasport użat;
E. billi l-promozzjoni ta' regoli fl-UE kollha, bħall-kontroll tal-għajnuna mill-Istat tal-UE u r-regoli tal-akkwist, għandhom jissaħħu; billi hemm bżonn ta' reċiproċità fl-aċċessibilità tal-akkwist pubbliku fost is-sħab; billi l-UE jenħtieġ li tiżgura li l-proċessi ta' akkwist ikunu miftuħa u trasparenti sabiex il-kumpaniji jkunu jistgħu jgawdu minn kundizzjonijiet ekwi, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom;
F. billi rigward l-objettivi tal-UE tat-tranżizzjoni ekoloġika, għandhom jitqiesu l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra li jirriżultaw mir-rabtiet bejn l-UE u l-Asja; billi l-użu ta' mezzi ta' trasport sostenibbli jista' jkollu impatt konsiderevoli fuq dawn l-emissjonijiet minħabba l-volumi kbar ta' merkanzija; billi sabiex ma tiġix imfixkla l-effiċjenza tal-konnessjonijiet tat-trasport bit-triq, jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lit-tranżizzjoni għal enerġija alternattiva (elettriku jew idroġenu) għal skopijiet ta' trasport;
1. Jistieden lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jiżguraw implimentazzjoni xierqa tal-Istrateġija tal-UE dwar il-konnessjoni bejn l-Ewropa u l-Asja wara proposti ta' politika u inizjattivi konkreti biex itejbu l-konnessjonijiet bejn l-Ewropa u l-Asja u billi jipprovdu mekkaniżmu effettiv ta' governanza politika li jista' jwassal biex l-UE tkun attur li jistabbilixxi r-regoli fir-rigward tal-konnettività tat-trasport, filwaqt li jippromwovi prinċipji tal-UE bħat-trasparenza, il-governanza tajba, is-sostenibilità, ir-reċiproċità u l-kompetizzjoni ġusta b'kundizzjonijiet ekwi, id-demokrazija r-rispett u d-drittijiet tal-bniedem; jinnota li l-Asja hija l-akbar sieħeb kummerċjali tal-UE u li l-konnettività bejn l-UE u l-Asja hija għalhekk ta' importanza ekonomika kif ukoll ġeopolitika; jinnota li ċ-Ċina hija rival sistemiku tal-Unjoni Ewropea u li l-proġetti infrastrutturali għandhom rwol fl-istrateġija politika fit-tul taċ-Ċina; jinnota li l-UE għandha tkompli tippromwovi proċessi ta' akkwist miftuħa u trasparenti fejn il-kumpaniji kollha għandhom igawdu minn kundizzjonijiet ekwi, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom;
2. Jenfasizza l-importanza tat-tagħlimiet meħuda mill-pandemija tal-COVID-19 u jirrikonoxxi għalhekk l-importanza ta' restawr ikkoordinat tal-flussi transfruntiera tal-oġġetti, tal-ħaddiema tat-trasport, tas-servizzi u tal-kapitali sabiex jiġi żgurat li r-rotot tat-trasport u l-ktajjen ta' provvista globali jibqgħu miftuħa u sikuri; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi d-diġitalizzazzjoni u s-semplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi sabiex tippermetti l-interoperabilità tan-networks tat-trasport u l-kummerċ transfruntier;
Jinkoraġġixxi bil-qawwa approċċ ikkoordinat globali billi ssir ħidma mill-qrib mal-pajjiżi terzi biex jerġgħu jiġu stabbiliti u jinżammu l-konnettività, infrastruttura u industrija tat-trasport reżiljenti b'appoġġ għall-katina tal-provvista globali; jenfasizza għalhekk li l-qafas finanzjarju pluriennali għall-2021-2027 għandu jkompli jinkoraġġixxi investimenti b'rabta ma' għodod bħal qafas ta' investiment għal azzjoni esterna jew faċilitajiet ta' investiment ġeografiċi, bħall-Faċilità ta' Investiment tal-Viċinat (FIV), il-Faċilità ta' Investiment għall-Asja Ċentrali (IFCA) u l-Faċilità ta' Investiment għall-Asja (AIF);
4. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiddefinixxu u japplikaw, bħala parti integrali mill-Istrateġija tal-UE dwar il-konnessjoni bejn l-Ewropa u l-Asja, sett minimu ta' standards dwar kwistjonijiet ambjentali, tas-saħħa u relatati mad-drittijiet tal-passiġġieri, sabiex jiġi żgurat li l-Unjoni tistabbilixxi n-norma; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi regoli speċifiċi biex tiżgura li l-prinċipji ta' sostenibilità u konnettività komprensiva u bbażata fuq ir-regoli jiġu kkunsidrati u rrispettati mis-sħab kollha tal-UE; jissottolinja li l-UE u l-Asja jistgħu jaħdmu aħjar flimkien sabiex itejbu l-ambjent regolatorju, il-ġestjoni finanzjarja pubblika u l-mobilizzazzjoni tar-riżorsi domestiċi; jissottolinja l-impenn tal-UE għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima, inkluż permezz tal-promozzjoni ta' ekonomija ċirkolari u investimenti reżiljenti għat-tibdil fil-klima; jilqa' l-kollaborazzjoni bbażata fuq dawn il-prinċipji bejn inizjattivi differenti tal-UE u Asjatiċi, bħall-Kuritur ta' Trasport Ewropa-Kawkasu-Asja (TRACECA), u jilqa' barra minn hekk il-promozzjoni ta' inizjattivi ġodda ta' kollaborazzjoni fil-qasam tat-trasport sostenibbli ma' sħab Asjatiċi importanti bħall-Indja u l-Asja Ċentrali;
5. Jilqa' l-adozzjoni tal-Pjan Ekonomiku u ta' Investiment tal-UE għall-Balkani tal-Punent u l-estensjoni kontinwa tan-Network Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) tal-UE fil-Balkani tal-Punent u l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, li għandu jitqies bħala parti ewlenija mill-Istrateġija tal-UE dwar il-konnessjoni bejn l-Ewropa u l-Asja, minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħha; jistieden lill-Kummissjoni tħaffef il-proċess ta' rieżami tat-TEN-T u d-dimensjoni esterna tiegħu, tikkunsidra l-ħatra ta' koordinatur speċjali tat-TEN-T għall-pajjiżi tat-Tkabbir u tas-Sħubija tal-Lvant, u toħroġ b'inizjattiva komprensiva tat-trasport biex it-TEN-T jiġi konness ma' networks strateġiċi fl-Asja;
6. Jenfasizza l-importanza tal-viġilanza rigward l-użu ta' fondi tal-UE għal proġetti ta' infrastruttura li l-kuntratti tagħhom jistgħu jiġu assenjati lil kumpaniji minn pajjiżi terzi minkejja l-għeluq tas-swieq tal-akkwist pubbliku tagħhom għall-kontropartijiet Ewropej tagħhom, b'enfasi wkoll fuq sostenibilità ambjentali, ekonomika u soċjali u l-ħolqien ta' valur miżjud reali; jistieden lill-Kummissjoni tosserva mill-qrib u tikkoordina l-isforzi tal-pajjiżi biex timplimenta l-pjanijiet ta' estensjoni eżistenti tat-TEN-T;
7. Jenfasizza l-importanza tal-konnessjonijiet bil-ferrovija u r-rwol futur tagħhom f'termini ta' perspettivi ta' investiment; jirrimarka l-ħtieġa li jiġi żgurat reġim ġuridiku unifikat għat-trasport ta' merkanzija bil-ferrovija tul il-kontinent Ewrasjatiku; jitlob l-estensjoni tal-applikazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-UE u l-ħolqien ta' prospetti ekonomiċi ġodda bil-ftuħ tas-swieq u l-promozzjoni ta' opportunitajiet ta' investiment;
8. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi possibbiltajiet ta' kofinanzjament tal-UE għall-installazzjoni u t-titjib ta' terminals għat-trasbord sabiex tiżdied il-kapaċità fuq il-kurituri ferrovjarji trans-Ewrasjatiċi eżistenti; jistieden lill-Kummissjoni tisfrutta r-rekord ta' sikurezza superjuri tat-trasport ta' oġġetti perikolużi bil-ferrovija u tiżgura li l-awtoritajiet Ċiniżi b'mod partikolari jikkonfermaw il-ftuħ tas-servizzi ferrovjarji bejn iċ-Ċina u l-UE għat-trasport ta' oġġetti perikolużi bi qbil mal-miżuri ta' sikurezza meħtieġa u l-linji gwida korrispondenti skont l-Anness 2 tal-SMGS[5] imqassma mill-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (OTIF); jistieden lill-Kummissjoni biex, bl-għajnuna tal-Aġenzija Ewropea tal-Ferroviji (ERA), trawwem it-trasport ferrovjarju bejn l-Ewropa u l-Asja billi tarmonizza d-differenzi eżistenti fir-regoli ġuridiċi għal dan it-trasport;
9. Jenfasizza l-importanza tan-negozjati li għaddejjin dwar ftehimiet komprensivi dwar it-trasport bl-ajru ma' pajjiżi sħab fl-Asja, filwaqt li jiġi żgurat li dawn il-ftehimiet jinkludu t-tħassib dwar kwistjonijiet ambjentali; jitlob b'mod partikolari għal konklużjoni rapida tal-ftehim bejn l-UE u l-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN), li mistenni jgħaqqad lil aktar minn biljun ċittadin; ifakkar li l-ftehim dwar l-ajru previst bejn l-UE u l-ASEAN mhuwiex maħsub biex iwassal għal kompetizzjoni inġusta bejn il-kumpaniji iżda biex ikollu l-effett oppost – biex joħloq kundizzjonijiet tas-suq ġusti u trasparenti bbażati fuq qafas regolatorju ċar u jirrispetta, b'mod partikolari, l-istandards għoljin tal-UE fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema tat-trasport bl-ajru, is-sikurezza, is-sigurtà, il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, u l-protezzjoni soċjali, tal-konsumatur u ambjentali; jinkoraġġixxi bil-qawwa aktar riċerka u innovazzjoni fil-fjuwil sostenibbli għas-settur tal-avjazzjoni;
10. Jinnota li l-allokazzjoni reċiproka tad-drittijiet ta' titjiriet li jgħaddu minn fuq tikkontribwixxi għall-fluwidità tal-kummerċ internazzjonali; jenfasizza l-importanza tal-appoġġ tal-UE lill-pajjiżi Asjatiċi biex itaffi l-impatt tal-avjazzjoni ċivili fuq it-tibdil fil-klima;
11. Jistieden lill-Kummissjoni tfittex li tagħmel aktar progress fl-inizjattivi tagħha tat-trasport marittimu biex tiddiġitalizza u tissemplifika l-formalitajiet amministrattivi u ssaħħaħ is-sigurtà marittima fil-portijiet fl-Asja permezz tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali u permezz ta' ftehimiet dwar it-trasport marittimu; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-użu ta' fjuwils alternattivi fil-portijiet fl-Ewropa u l-Asja; jenfasizza l-importanza ta' involviment ulterjuri ma' pajjiżi terzi fl-Asja permezz ta' ftehimiet tat-trasport marittimu pertinenti, li jgħinu biex jirregolaw u jiffaċilitaw t-traffiku marittimu u jagħmluh aktar sostenibbli;
12. Jissottolinja li l-UE hija impenjata għal-libertà ta' navigazzjoni u governanza sostenibbli tal-oċeani u l-ibħra; jenfasizza l-importanza ta' oċeani sikuri, protetti, nodfa u ġestiti b'mod sostenibbli fid-dinja kollha; jistieden lill-UE tiżgura li s-sħab Asjatiċi tagħha jagħmlu tranżizzjoni lejn ekonomiji blu sostenibbli li jirrispettaw il-bijodiversità u l-ambjent;
13. Jinnota s-sitwazzjoni drammatika tal-baħrin maqbudin matul it-tifqigħa tal-COVID-19; jesprimi dispjaċir dwar it-tensjonijiet politiċi jew il-piraterija f'ċerti żoni marittimi internazzjonali li jipperikolaw il-libertà tan-navigazzjoni tar-rabtiet internazzjonali;
14. Jenfasizza li l-Istrateġija ta' konnettività trid tiżgura li t-trasportaturi mill-Asja jridu jaderixxu mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fis-settur tat-trasport bit-triq; jitlob li jkun hemm kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri fir-rigward tal-infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u dik nazzjonali fis-settur;
15. Jenfasizza l-importanza tal-ħidma li għaddejja tal-Pjattaforma ta' Konnettività bejn l-UE u ċ-Ċina fl-isforzi tagħha biex tesplora opportunitajiet għal kooperazzjoni fil-qasam tat-trasport bejn in-network estiż TEN-T tal-UE u l-Inizjattiva "Belt and Road" taċ-Ċina (BRI); jirrikonoxxi l-importanza tal-ħidma lejn il-kisba ta' trasparenza sħiħa, rispett tar-regoli, reċiproċità fl-aċċess għas-suq u kundizzjonijiet ekwi; jissottolinja l-ħtieġa ta' approċċ globali u komprensiv sabiex jiġi żgurat kummerċ ħieles u ġust għan-negozji fil-qasam tal-iżvilupp tal-infrastruttura tat-trasport maċ-Ċina; jilqa' l-kollaborazzjoni bbażata fuq dawn il-prinċipji bejn l-inizjattivi differenti tal-UE u dawk Asjatiċi; jistenna bil-ħerqa l-implimentazzjoni tal-istudju konġunt li għandu jitnieda mill-Pjattaforma ta' Konnettività dwar Kurituri tat-trasport sostenibbli bbażati fuq ferroviji bejn l-Ewropa u ċ-Ċina;
16. Jirrikonoxxi l-karattru assertiv ġdid tal-politika barranija Ċiniża u r-rwol tal-BRI u l-ispinta lill-konnettività tagħha lejn il-Punent; fid-dawl ta' dan, jissottolinja l-ħtieġa li tiġi segwita politika kkoordinata tal-UE lejn il-BRI; jinnota l-ħtieġa li l-Ewropa tippreserva l-infrastrutturi strateġiċi tagħha minn akkwisti barranin bħala kwistjoni ta' sovranità; jenfasizza f'dan ir-rigward il-ħtieġa li l-klawżoli kuntrattwali f'dan il-qasam ikunu trasparenti kemm jista' jkun u jiżguraw il-protezzjoni tal-interessi essenzjali tal-Unjoni;
17. Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tieħu miżuri biex tiżgura b'mod konkret kompetizzjoni ġusta u trasparenti bejn il-kumpaniji; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-Ewropej dejjem ikollhom aċċess għal għażla kbira ta' operaturi u faċilitajiet; jinnota li l-politiki ta' konnettività għandhom inaqqsu l-esternalitajiet negattivi, bħall-impatt ambjentali u t-tniġġis; jenfasizza l-importanza tas-sostenibilità f'din l-istrateġija;
18. Jenfasizza l-importanza tal-infrastruttura diġitali u tal-linji tan-network b'kapaċità għolja għall-konnettività, u l-importanza tas-sikurezza tad-data peress li l-mobilità tal-persuni u tal-oġġetti tiddependi b'mod estensiv fuq it-trasferiment tad-data; jitlob sigurtà u ċibersigurtà adegwati meta jiġu ġestiti dawn il-flussi; ifakkar li dawn l-isfidi ma jistgħux jiġu indirizzati biss permezz tal-politiki nazzjonali; jistieden għalhekk lill-UE tinvolvi ruħha mal-pajjiżi sħab Asjatiċi sabiex il-konnettività tat-trasport mal-Asja ssir aktar sikura u aktar protetta;
19. Jissottolinja l-importanza tar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE, speċjalment dawk li huma eqreb tal-Asja u jenfasizza l-potenzjal ekonomiku tagħhom; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tiffaċilita l-investimenti f'dawn it-territorji sabiex issaħħaħ il-konnettività tagħhom u tagħti spinta lill-ekonomija tagħhom;
20. Jitlob li jkun hemm trasparenza sħiħa dwar il-kuntratt ta' kostruzzjoni għal-linja ferrovjarja ta' veloċità għolja bejn Budapest u Belgrad; jitlob li d-dettalji tal-kuntratt u t-termini tal-għoti tiegħu jiġu deklassifikati u ppubblikati.
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
Data tal-adozzjoni |
1.12.2020 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
42 1 6 |
||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Magdalena Adamowicz, Andris Ameriks, José Ramón Bauzá Díaz, Izaskun Bilbao Barandica, Marco Campomenosi, Massimo Casanova, Ciarán Cuffe, Jakop G. Dalunde, Johan Danielsson, Andor Deli, Karima Delli, Anna Deparnay-Grunenberg, Ismail Ertug, Gheorghe Falcă, Giuseppe Ferrandino, Mario Furore, Søren Gade, Isabel García Muñoz, Jens Gieseke, Elsi Katainen, Elena Kountoura, Julie Lechanteux, Bogusław Liberadzki, Peter Lundgren, Benoît Lutgen, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Marian-Jean Marinescu, Tilly Metz, Giuseppe Milazzo, Cláudia Monteiro de Aguiar, Caroline Nagtegaal, Jan-Christoph Oetjen, Philippe Olivier, Rovana Plumb, Tomasz Piotr Poręba, Dominique Riquet, Dorien Rookmaker, Massimiliano Salini, Vera Tax, Barbara Thaler, István Ujhelyi, Petar Vitanov, Elissavet Vozemberg-Vrionidi, Lucia Vuolo, Roberts Zīle, Kosma Złotowski |
|||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Leila Chaibi, Anne-Sophie Pelletier, Markus Pieper |
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
42 |
+ |
ECR |
Peter Lundgren, Tomasz Piotr Poręba, Roberts Zīle, Kosma Złotowski |
GUE/NGL |
Leila Chaibi, Anne‑Sophie Pelletier |
NI |
Mario Furore |
PPE |
Magdalena Adamowicz, Andor Deli, Gheorghe Falcă, Jens Gieseke, Benoît Lutgen, Marian‑Jean Marinescu, Giuseppe Milazzo, Cláudia Monteiro de Aguiar, Markus Pieper, Massimiliano Salini, Barbara Thaler, Elissavet Vozemberg‑Vrionidi, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska |
Renew |
José Ramón Bauzá Díaz, Izaskun Bilbao Barandica, Søren Gade, Elsi Katainen, Caroline Nagtegaal, Jan‑Christoph Oetjen, Dominique Riquet |
S&D |
Andris Ameriks, Johan Danielsson, Ismail Ertug, Giuseppe Ferrandino, Isabel García Muñoz, Bogusław Liberadzki, Rovana Plumb, Vera Tax, István Ujhelyi, Petar Vitanov |
Verts/ALE |
Ciarán Cuffe, Jakop G. Dalunde, Karima Delli, Anna Deparnay‑Grunenberg, Tilly Metz |
1 |
- |
NI |
Dorien Rookmaker |
6 |
0 |
GUE/NGL |
Elena Kountoura |
ID |
Marco Campomenosi, Massimo Casanova, Julie Lechanteux, Philippe Olivier, Lucia Vuolo |
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni |
10.12.2020 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
54 2 12 |
||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Alviina Alametsä, Alexander Alexandrov Yordanov, Maria Arena, Petras Auštrevičius, Traian Băsescu, Lars Patrick Berg, Anna Bonfrisco, Reinhard Bütikofer, Fabio Massimo Castaldo, Susanna Ceccardi, Włodzimierz Cimoszewicz, Katalin Cseh, Tanja Fajon, Anna Fotyga, Michael Gahler, Kinga Gál, Sunčana Glavak, Raphaël Glucksmann, Klemen Grošelj, Bernard Guetta, Márton Gyöngyösi, Karol Karski, Dietmar Köster, Andrius Kubilius, Ilhan Kyuchyuk, David Lega, Miriam Lexmann, Nathalie Loiseau, Antonio López-Istúriz White, Jaak Madison, Claudiu Manda, Lukas Mandl, Thierry Mariani, David McAllister, Vangelis Meimarakis, Sven Mikser, Francisco José Millán Mon, Gheorghe-Vlad Nistor, Urmas Paet, Demetris Papadakis, Kostas Papadakis, Tonino Picula, Manu Pineda, Kati Piri, Giuliano Pisapia, Jérôme Rivière, María Soraya Rodríguez Ramos, Nacho Sánchez Amor, Isabel Santos, Jacek Saryusz-Wolski, Andreas Schieder, Radosław Sikorski, Jordi Solé, Sergei Stanishev, Tineke Strik, Hermann Tertsch, Hilde Vautmans, Harald Vilimsky, Idoia Villanueva Ruiz, Thomas Waitz, Witold Jan Waszczykowski, Charlie Weimers, Isabel Wiseler-Lima, Salima Yenbou, Željana Zovko |
|||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Andor Deli, Markéta Gregorová, Bart Groothuis |
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
54 |
+ |
PPE |
Alexander Alexandrov Yordanov, Traian Băsescu, Andor Deli, Michael Gahler, Sunčana Glavak, Kinga Gál, Andrius Kubilius, David Lega, Miriam Lexmann, Antonio López‑Istúriz White, Lukas Mandl, David McAllister, Vangelis Meimarakis, Francisco José Millán Mon, Gheorghe‑Vlad Nistor, Radosław Sikorski, Isabel Wiseler‑Lima, Željana Zovko |
S&D |
Maria Arena, Włodzimierz Cimoszewicz, Tanja Fajon, Raphaël Glucksmann, Dietmar Köster, Claudiu Manda, Sven Mikser, Demetris Papadakis, Tonino Picula, Kati Piri, Giuliano Pisapia, Isabel Santos, Andreas Schieder, Sergei Stanishev, Nacho Sánchez Amor |
Renew |
Petras Auštrevičius, Katalin Cseh, Bart Groothuis, Klemen Grošelj, Bernard Guetta, Ilhan Kyuchyuk, Nathalie Loiseau, Urmas Paet, María Soraya Rodríguez Ramos, Hilde Vautmans |
Verts/ALE |
Alviina Alametsä, Reinhard Bütikofer, Markéta Gregorová, Jordi Solé, Tineke Strik, Thomas Waitz, Salima Yenbou |
GUE |
Manu Pineda, Idoia Villanueva Ruiz |
NI |
Fabio Massimo Castaldo, Márton Gyöngyösi |
2 |
- |
ID |
Lars Patrick Berg |
NI |
Kostas Papadakis |
12 |
0 |
ID |
Anna Bonfrisco, Susanna Ceccardi, Jaak Madison, Thierry Mariani, Jérôme Rivière, Harald Vilimsky |
ECR |
Anna Fotyga, Karol Karski, Jacek Saryusz‑Wolski, Hermann Tertsch, Witold Jan Waszczykowski, Charlie Weimers |
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni
- [1] Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija.
- [2] Ftehim dwar it-Trasport Internazzjonali ta' Merkanzija bil-Ferrovija tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni bejn il-Ferroviji (OSJD).
- [3] ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.
- [4] http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2018/february/tradoc_156618.pdf
- [5] Ftehim dwar it-Trasport Internazzjonali ta' Merkanzija bil-Ferrovija tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni bejn il-Ferroviji (OSJD).