A9-0002/2021

 

 

Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

 

A9-0002/2021(INI)

5.1.2021

RAPPORT

dwar ir-Rapport Annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew għas-sena 2020

(2020/2123(INI))Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

Rapporteur: Sveb Simon

 



Proċedura : 2020/2123(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A9-0002/2021
Testi mressqa :
A9-0002/2021
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-Rapport Annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew għas-sena 2020

(2020/2123(INI))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għas-sena 2019,

 wara li kkunsidra l-feedback tal-BĊE dwar il-kontribut tal-Parlament Ewropew mogħti bħala parti mir-riżoluzzjoni tiegħu dwar ir-Rapport Annwali tal-BĊE għas-sena 2018,

 wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ) u tal-BĊE, b'mod partikolari l-Artikoli 15 u 21 tiegħu,

 wara li kkunsidra l-Artikoli 123, 127(1), (2) u (5), 130, 132 u 284(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

 wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

 wara li kkunsidra l-projezzjonijiet makroekonomiċi tal-persunal tal-Eurosistema għaż-żona tal-euro u l-miżuri adottati mill-Kunsill Governattiv tal-BĊE fl-4 ta' Ġunju 2020,

 wara li kkunsidra l-istħarriġ tal-BĊE dwar l-aċċess tal-intrapriżi għall-finanzjament fiż-żona tal-euro għall-perjodu minn Ottubru 2019 sa Marzu 2020, ippubblikat f'Mejju 2020,

 wara li kkunsidra l-projezzjonijiet makroekonomiċi tal-persunal tal-BĊE għaż-żona tal-euro ppubblikati fl-10 ta' Settembru 2020,

 wara li kkunsidra d-djalogi monetarji mal-President tal-Bank Ċentrali Ewropew, Christine Lagarde, tas-6 ta' Frar u t-8 ta' Ġunju 2020 u tat-28 ta' Settembru 2020,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tat-28 ta' Marzu 2019 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-twaqqif ta' qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli[1],

 wara li kkunsidra d-dokument okkażjonali Nru 247 tat-Task Force tal-BĊE dwar il-Kriptoassi ta' Settembru 2020 bit-titolu "Stablecoins: Implications for monetary policy, financial stability, market infrastructure and payments, and banking supervision in the euro area" (Stablecoins: Implikazzjonijiet għall-politika monetarja, l-istabbiltà finanzjarja, l-infrastruttura tas-suq u l-pagamenti, u s-superviżjoni bankarja fiż-żona tal-euro),

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2019 dwar il-bilanċ bejn is-sessi fin-nomini fis-settur tal-affarijiet ekonomiċi u monetarji tal-UE[2],

 wara li kkunsidra r-rapport tal-BĊE ta' Ottubru 2020 dwar euro diġitali,

 wara li kkunsidra d-dokument okkażjonali Nru 201 tal-BĊE ta' Novembru 2017 bit-titolu "The use of cash by households in the euro area" (L-użu tal-flus kontanti mill-unitajiet domestiċi fiż-żona tal-euro),

 wara li kkunsidra l-aġġornament tal-2020 tad-Dikjarazzjoni Ambjentali tal-BĊE,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 142(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A9-0002/2021),

A. billi t-Tbassir Ekonomiku għas-Sajf 2020 tal-Kummissjoni, filwaqt li jqis ix-xokkijiet ekonomiċi kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19, jipprevedi li l-ekonomija taż-żona tal-euro se tonqos bi 8,7 % fl-2020 u se tikber b'6,1 % fl-2021, u li l-ekonomija tal-UE-27 se tonqos bi 8,3 % fl-2020 u se tikber b'5,8 % fl-2021;

B. billi, skont il-projezzjonijiet makroekonomiċi tal-persunal tal-BĊE ta' Settembru 2020, l-inflazzjoni annwali għaż-żona tal-euro fl-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) mistennija tkun, bħala medja, 0,3 % fl-2020, 1,0 % fl-2021 u 1,3 % fl-2022, filwaqt li l-projezzjonijiet tal-inflazzjoni juru varjanza sostanzjali fiż-żona tal-euro;

C. billi, skont l-Eurostat, ir-rata tal-qgħad f'Awwissu 2020 kienet 7,4 % fl-UE u 8,1 % fiż-żona tal-euro; billi r-rata tal-qgħad mistennija tiżdied; billi r-rata tal-qgħad mhijiex uniformi madwar l-Unjoni; billi l-inugwaljanzi reġjonali straordinarji fil-qgħad għadhom jippersistu kemm fi ħdan l-Istati Membri kif ukoll bejniethom; billi r-rata għolja ta' qgħad fost iż-żgħażagħ għadha kwistjoni serja li trid tiġi indirizzata fl-UE;

D. billi d-data tal-BĊE dwar l-HICP għall-2020 turi impatt deflazzjonarju minħabba l-kriżi tal-COVID-19 f'bosta Stati Membri;

E. billi l-projezzjonijiet ta' Settembru tal-BĊE għall-PDG globali reali (eskluża ż-żona tal-euro) huma tnaqqis ta' 3,7 % fl-2020, segwit minn irkupru ta' 6,2 % fl-2021 u ta' 3,8 % fl-2022;

F. billi, minkejja t-talbiet ripetuti tal-Parlament Ewropew biex jirċievi lista ristretta b'bilanċ bejn il-ġeneri ta' mill-inqas żewġ ismijiet għall-karigi fuq il-Bord Eżekuttiv tal-BĊE, il-lista ristretta għall-ħatra ta' membru ġdid tal-Bord Eżekuttiv biex jieħu post Yves Mersch kienet magħmula minn irġiel biss; billi n-nisa għadhom sottorappreżentati ħafna fil-Kunsill Governattiv tal-BĊE;

G. billi fl-2019 il-profitt nett tal-BĊE ammonta għal EUR2 366 biljun meta mqabbel ma' EUR 575 biljun fl-2018; billi din iż-żieda tista' tiġi attribwita prinċipalment għaż-żieda fl-introjtu mill-imgħax nett fl-ambitu tal-portafoll tad-dollaru Amerikan u tal-portafoll tal-programm ta' xiri ta' assi (APP);

H. billi, fi tmiem l-2019, id-daqs tal-karta tal-bilanċ tal-Eurosistema kien laħaq massimu ta' EUR 4,671,425 miljun, it-tieni l-ogħla livell bla preċedent wara dak tal-2018;

I. billi l-SMEs, li għadhom is-sinsla tal-ekonomija u tas-soċjetajiet tal-UE, u li jsaħħu l-koeżjoni ekonomika u soċjali, jeħtieġu aktar appoġġ;

J. billi l-SMEs intlaqtu b'mod sever mill-kriżi tal-COVID-19; billi żviluppi fil-perspettiva ekonomika ġenerali affettwaw b'mod ħażin l-aċċess tagħhom għall-finanzi;

K. billi t-TFUE jiddefinixxi l-mandat tal-BĊE bħala mandat biex iżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet u jappoġġja l-politiki ekonomiċi ġenerali tal-Unjoni, bil-ħsieb li jikkontribwixxi għall-ilħuq tal-objettivi tal-Unjoni;

L. billi, skont l-istħarriġ ta' Novembru 2019 tal-Ewrobarometru, l-appoġġ pubbliku għall-unjoni ekonomika u monetarja Ewropea b'munita unika waħda, jiġifieri l-euro, kien ta' 62 % fl-2019;

M. billi fit-18 ta' Marzu 2020, il-BĊE ħabbar Programm ta' Xiri ta' Emerġenza fil-każ ta' Pandemija (PEPP) bħala programm temporanju u ġdid għax-xiri ta' assi tas-settur pubbliku u privat b'pakkett ta' EUR 750 biljun, sabiex jiġu indirizzati r-riskji għat-trażmissjoni tal-politika monetarja fiż-żona tal-euro kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19;

N. billi fl-4 ta' Ġunju, il-Kunsill Governattiv tal-BĊE ddeċieda li jżid il-pakkett tal-PEPP għal EUR 1,35 triljun, sabiex jestendi l-perjodu ta' xiri nett tal-PEPP tal-inqas sal-aħħar ta' Ġunju 2021, u li l-pagamenti tal-kapital li jimmaturaw fl-ambitu tal-PEPP se jiġu investiti mill-ġdid tal-inqas sal-aħħar tal-2022; jinnota, barra minn hekk, li x-xiri nett fl-ambitu tal-APP se jkompli b'rata ta' EUR 20 biljun fix-xahar, flimkien max-xiri fl-ambitu tal-pakkett temporanju addizzjonali ta' EUR 120 biljun sal-aħħar tal-2020;

O. billi ttieħdu miżuri ta' politika oħra sabiex tiġi pprovduta l-likwidità, bħall-operazzjonijiet immirati ta' rifinanzjament fuq żmien itwal (TLTRO III) u PELTRO, faċilità ta' likwidità speċifika għall-pandemija;

Ħarsa ġenerali

1. Jilqa' r-rwol tal-BĊE fis-salvagwardja tal-istabbiltà tal-euro; jenfasizza li l-indipendenza statutorja tal-BĊE, kif stabbilit fit-Trattati, hija prerekwiżit kemm għat-twettiq tal-mandat tiegħu kif ukoll għas-salvagwardja tal-leġittimità demokratika tiegħu; jinnota li l-indipendenza tirrikjedi li l-BĊE ma jridx ifittex jew jieħu struzzjonijiet mill-istituzzjonijiet jew il-korpi tal-Unjoni, minn kwalunkwe gvern ta' Stat Membru jew minn kwalunkwe korp ieħor; jenfasizza li din l-indipendenza ma tridx tiġi miksura, u jissottolinja, barra minn hekk, li l-indipendenza tal-bank ċentrali għandha dejjem tkun ikkomplementata minn livell korrispondenti ta' akkontabbiltà; jisħaq li t-TFUE jiddikjara li, minbarra l-mandat primarju tiegħu li jżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet, il-BĊE jrid jappoġġja wkoll il-politiki ekonomiċi ġenerali tal-Unjoni bil-ħsieb li jikkontribwixxi għall-ilħuq tal-objettivi tal-Unjoni, dment li dawn ma jkunux f'kunflitt mal-mandat primarju; jissottolinja li, skont kif definit fl-Artikolu 3 tat-TFUE, l-iżvilupp sostenibbli, il-konverġenza, l-okkupazzjoni sħiħa u l-progress soċjali huma objettivi ġenerali tal-Unjoni;

2. Jisħaq fuq in-natura irriversibbli tal-munita unika; jenfasizza li l-euro mhuwiex biss proġett monetarju iżda huwa wkoll wieħed politiku;

3. Huwa mħasseb dwar il-kriżi soċjali, ekonomika u tal-kura tas-saħħa bla preċedent ikkawżata mill-pandemija tal-COVID-19, li kkawżat kontrazzjoni qawwija tal-ekonomija taż-żona tal-euro u kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol li qed jiddeterjoraw b'mod rapidu, inkluża ż-żieda fil-qgħad; jinnota li l-attività taż-żona tal-euro mistennija tirkupra, iżda l-veloċità u l-iskala tal-irkupru għadhom inċerti ħafna u mhumiex uniformi madwar l-Istati Membri;

4. Huwa mħasseb, barra minn hekk, li l-bilanċ tar-riskji għall-prospettiva tat-tkabbir għadu negattiv f'kuntest ta' inċertezza eċċezzjonali fejn il-livell tal-kontrazzjoni u dak tal-irkupru se jiddependu mit-tul u l-effettività tal-miżuri ta' konteniment, is-suċċess tal-politiki fiskali u monetarji għall-mitigazzjoni tal-impatt negattiv fuq id-dħul u l-impjiegi, u l-punt sa fejn il-kapaċità tal-provvista, id-domanda domestika u l-ktajjen tal-provvista internazzjonali huma affettwati b'mod permanenti;

5. Jitlob evalwazzjoni mill-ġdid urġenti tar-riskju sistemiku fis-settur finanzjarju b'segwitu għall-pandemija; jilqa', f'dan ir-rigward, l-istabbiliment ta' bord ta' ħidma relatat mal-pandemija fil-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku; jagħti l-parir li tiġi inkluża valutazzjoni kwalitattiva tar-riskju idjosinkratiku fit-testijiet tal-istress futuri;

6. Jilqa' l-isforzi tal-BĊE favur iż-żamma tal-istabbiltà tal-prezzijiet; jinnota li l-mira għall-inflazzjoni ma nkisbitx b'mod sistematiku u li hija meħtieġa viġilanza ulterjuri; jenfasizza li ż-żona tal-euro rreġistrat deflazzjoni f'dawn l-aħħar xhur; jenfasizza li d-deflazzjoni toħloq riskji sinifikanti għall-ekonomiji taż-żona tal-euro, u dan jaf jirrikjedi intervent b'saħħtu min-naħa tal-BĊE;7.  Jilqa' l-fatt li l-BĊE qed jiddiskuti l-adattament tal-kejl tal-inflazzjoni tiegħu; jinnota li l-HICP huwa kunċett ristrett ħafna tal-kejl tal-inflazzjoni li jissottovaluta l-inflazzjoni fiż-żona tal-euro minħabba sehem inadegwat tal-kost tal-abitazzjoni fil-basket tal-HICP[3]; jitlob aġġustament mill-ġdid tal-basket biex jiġi rifless il-fatt li l-unitajiet domestiċi Ewropej jonfqu 24 % tad-dħul tagħhom fuq infiq relatat mal-abitazzjoni; iħeġġeġ lill-BĊE jqis ukoll l-inflazzjoni tal-prezzijiet tal-assi kkawżata inter alia minn rati tal-imgħax baxxi; jirrikonoxxi l-isfidi għat-trażmissjoni tal-politika monetarja;

8. Jirrikonoxxi s-sejħa qawwija tal-President Lagarde għall-allinjament sħiħ tal-politiki fiskali u monetarji kif ukoll l-impenn li jintużaw l-għodod kollha li jipproduċu l-aktar eżitu effettiv, effiċjenti u proporzjonat biex jiġi appoġġjat l-irkupru ekonomika taż-żona tal-euro; jenfasizza li hemm komplementarjetajiet qawwija bejn il-politiki fiskali u monetarji; jilqa' l-Programm ta' Xiri ta' Emerġenza fil-każ ta' Pandemija tal-BĊE biex jiġi appoġġjat l-irkupru ekonomiku taż-żona tal-euro;

Politika monetarja

9. Jilqa' r-rispons rapidu u sostanzjali tal-politika monetarja tal-BĊE għall-kriżi tal-COVID-19 f'kuntest ta' emerġenza; jirrikonoxxi l-impatt pożittiv ta' dan ir-rispons fuq is-sitwazzjoni ekonomika taż-żona tal-euro; jistenna li l-BĊE jżomm l-appoġġ tiegħu sakemm dan ikun meħtieġ; jieħu nota tad-dikjarazzjoni tal-membru tal-Bord Superviżorju tal-BĊE Yves Mersch li tali flessibbiltà mhux se tiġi estiża għal operazzjonijiet oħra;

10. Jenfasizza li l-politika monetarja waħedha mhux se tkun biżżejjed biex jinkiseb irkupru ekonomiku sostenibbli; jenfasizza li huma neċessarji riformi li jsaħħu l-kompetittività u l-koeżjoni soċjali biex jiġi rrestawrat u msaħħaħ it-tkabbir ekonomiku madwar l-Unjoni; jemmen li l-potenzjal tal-politika monetarja waħedha li tiffaċilita l-irkupru huwa limitat u, filwaqt li jirrispetta l-indipendenza tal-BĊE, jistieden lill-BĊE jistudja l-possibbiltà li jsir rikors għal miżuri ta' politika oħra bil-potenzjal li jistimolaw l-ekonomija, fil-limiti tal-mandat tiegħu; jenfasizza l-effetti konsegwenzjali ta' politika monetarja akkomodanti ħafna, bħall-impatt fuq min ifaddal jew ir-riskju ta' inflazzjoni tal-prezzijiet tal-assi; iwissi lill-Istati Membri biex ma jqisux l-ambjent ta' rati tal-imgħax baxxi bħala xi ħaġa li mhux se tinbidel, għax żieda fir-rati tal-imgħax jista' jkollha impatt negattiv fuq is-servizzjar tad-dejn pubbliku;

11. Iwissi, madankollu, kontra r-riskju ta' valutazzjonijiet eċċessivi fuq is-swieq tal-bonds, li jaf ikun diffiċli biex jiġu ġestiti jekk ir-rati tal-imgħax jerġgħu jibdew jogħlew, b'mod partikolari għall-pajjiżi involuti fi proċedura ta' żbilanċ eċċessiv jew dawk b'livelli għoljin ta' dejn;

12. Jinnota l-importanza ta' politika monetarja attiva biex tittaffa l-pressjoni tar-restrizzjonijiet finanzjarji fuq l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju; jirrikonoxxi li l-perċentwal ta' SMEs li jiffaċċjaw restrizzjonijiet finanzjarji naqas minn 18 % fl-2009–12 għal 8 % fl-2016–19; jissottolinja li l-kriżi tal-COVID-19 qed ikollha impatt qawwi fuq l-SMEs; jirrikonoxxi l-importanza tal-intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju fl-UE; jirrimarka, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li jiġu mħeġġa r-riformi kif ukoll l-investimenti privati u pubbliċi, u jitlob, għalhekk, aktar sforzi biex jiġi żgurat il-finanzjament tal-ekonomija reali;

13. Jitlob lill-BĊE jimmonitorja l-proporzjonalità tat-taffija kwantitattiva għar-riskji fil-karti tal-bilanċ tiegħu, l-inflazzjoni tal-prezzijiet tal-assi u l-allokazzjoni ħażina potenzjali tar-riżorsi;

14. Jinnota l-impatt tar-rati tal-imgħax baxxi fit-tul; jissottolinja li, minn naħa, ir-rati tal-imgħax baxxi joffru opportunitajiet lill-konsumaturi, lill-kumpaniji, inklużi l-SMEs, lill-ħaddiema u lill-mutwatarji, li jistgħu jibbenefikaw minn momentum ekonomiku aktar b'saħħtu, livelli aktar baxxi ta' qgħad u kostijiet tas-self aktar baxxi; jirrikonoxxi l-konsegwenzi distributtivi diverġenti tal-politiki tal-BĊE; jistieden lill-BĊE jeżamina l-impatt tal-politiki tiegħu fuq l-inugwaljanza fil-ġid; jiddispjaċih, min-naħa l-oħra, għaż-żieda ta' negozji mhux vijabbli u b'dejn għoli, it-tnaqqis fl-inċentiv għall-gvernijiet biex isegwu riformi li jsaħħu t-tkabbir u s-sostenibbiltà, kif ukoll l-effetti detrimentali fuq l-assiguraturi u l-fondi tal-pensjonijiet, u jenfasizza l-piż finanzjarju li dan iqiegħed fuq ħafna ċittadini madwar l-Unjoni;

15. Jinnota r-rabta bejn il-politika monetarja u ż-żieda fil-prezzijiet tad-djar fiż-żona tal-euro; jenfasizza li r-rata tal-piż eċċessiv tal-kost tal-abitazzjoni persistentement għolja ta' 9,6 % fl-2018 mistennija tiżdied minħabba l-pandemija, u jitlob lill-BĊE jevalwa l-impatt reġjonali u settorjali kif ukoll l-ekwità interġenerazzjonali tal-programm ta' taffija kwantitattiva tiegħu fuq l-għoli tal-ħajja madwar l-Unjoni;

16. Jifhem li s-severità tal-kriżi ġiegħlet lill-BĊE jċaqlaq l-attenzjoni lil hinn mir-rieżami tal-istrateġija qafas tal-politika monetarja tiegħu; jieħu nota tal-impenn meħud mill-President Lagarde matul id-djalogu monetarju tat-28 ta' Settembru 2020 li tinteraġixxi mill-qrib mal-Parlament u li tiżgura djalogi regolari;

17. Jisħaq li kwalunkwe rieżami tal-istrateġija qafas tal-politika monetarja għandu jqis fil-fond in-natura tal-ekonomija Ewropea, li qed issir dejjem aktar marbuta mas-servizzi u diġitalizzata, u għandu jivvaluta sa liema punt dan ixekkel it-trażmissjoni tal-politiki monetarji fl-ekonomija reali;

Azzjonijiet kontra t-tibdil fil-klima

18. Jinnota, filwaqt li jirrispetta l-indipendenza tal-BĊE, l-impatt tat-tibdil fil-klima fuq id-dinamika tal-inflazzjoni u r-riskji tat-trażmissjoni fil-politika monetarja; ifakkar fir-rwol tal-BĊE fiż-żamma tal-istabbiltà tal-prezzijiet; ifakkar li l-BĊE, bħala istituzzjoni Ewropea, huwa marbut bil-Ftehim ta' Pariġi;

19. Jieħu nota tal-impenn meħud mill-President Lagarde li teżamina bidliet li ma jagħmlux ħsara lill-klima fl-operazzjonijiet tal-BĊE u li tesplora kull perkors disponibbli sabiex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima; jistieden lill-BĊE jallinja l-qafas kollaterali tiegħu mar-riskji relatati mat-tibdil fil-klima u jiżvela l-livell ta' allinjament tiegħu mal-Ftehim ta' Pariġi, u jeżamina wkoll dan l-allinjament fis-settur bankarju;

20. Jilqa' l-fatt li x-xiri ta' bonds ekoloġiċi u s-sehem tagħhom fil-portafoll tal-BĊE qed ikomplu jiżdiedu;

21. Jinkoraġġixxi l-isforzi biex jiżdiedu l-kapaċitajiet ta' riċerka rigward l-impatt tat-tibdil fil-klima fuq l-istabbiltà finanzjarja u ż-żona tal-euro;

Aspetti oħra

22. Jistieden lill-BĊE jkompli bl-isforzi tiegħu biex jiżgura l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji għal kull kontinġenza possibbli b'rabta mal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE;

23. Jesprimi tħassib dwar id-diverġenza li qed tiżdied b'mod kostanti tal-bilanċi TARGET2 fl-ambitu tas-SEBĊ; jinnota li l-interpretazzjoni ta' dawn id-diverġenzi hija kkontestata;

24. Jieħu nota tal-eżiti tal-analiżi tat-Task Force tal-BĊE dwar il-Kriptoassi; jistieden lill-BĊE jindirizza r-riskji ta' ħasil tal-flus, finanzjament tat-terroriżmu u attivitajiet kriminali oħra relatati mal-anonimità pprovduta mill-kriptoassi; jistieden lill-BĊE jżid il-monitoraġġ tiegħu tal-iżvilupp tal-kriptoassi, inklużi l-istablecoins, u r-riskji akbar għaċ-ċibersigurtà;

25. Jilqa' l-analiżi u l-ħidma preparatorja tal-BĊE b'rabta mal-introduzzjoni ta' euro diġitali; jinnota li euro diġitali ma jikkostitwix kriptoassi; jissottolinja li euro diġitali jkollu jissodisfa firxa ta' rekwiżiti minimi fosthom ir-robustezza, is-sikurezza, l-effiċjenza u l-protezzjoni tal-privatezza; jisħaq li euro diġitali ma jridx jipperikola l-flus kontanti bħala mezz ta' pagament; jappoġġja r-rakkomandazzjoni tal-BĊE li l-ħruġ ta' euro diġitali għandu jkun aċċessibbli barra ż-żona tal-euro, b'tali mod li jkun konsistenti mal-objettivi tal-Eurosistema, sabiex tiġi stimolata d-domanda għall-euro fost l-investituri barranin, u b'hekk jitrawwem rwol aktar b'saħħtu għall-euro fuq livell internazzjonali; jistieden lill-BĊE jiżgura bilanċ adegwat bejn li jingħata lok għal innovazzjoni finanzjarja regolatorja fil-qasam tal-FinTech u l-iżgurar tal-istabbiltà finanzjarja;

26. Jikkondividi t-tħassib tal-BĊE rigward it-tkabbir rapidu tas-settur finanzjarju mhux bankarju, magħruf ukoll bħala attività kreditizja mhux bankarja; jenfasizza l-ħtieġa ta' regolamentazzjoni adegwata f'dan il-qasam; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-BĊE jnaqqas ir-riskju sistemiku li jinħoloq minħabba l-għadd dejjem jiżdied ta' entitajiet regolati mhux bankarji raggruppati madwar il-banek għall-aċċess għas-sistema ta' pagamenti tagħhom;

27. Jilqa' l-isforzi kontinwi tal-BĊE biex ikompli jsaħħaħ ir-rispons u l-kapaċitajiet ta' rkupru tiegħu fil-każ ta' attakk ċibernetiku fuq l-organizzazzjoni tiegħu stess; jinnota bi tħassib il-problemi tekniċi reċenti tas-sistema ta' saldu TARGET2 f'Ottubru u Novembru 2020; jilqa' l-investigazzjoni sussegwenti ta' dawn il-problemi mill-BĊE u jitlob id-divulgazzjoni tar-riżultati lill-Parlament;

28. Jirrikonoxxi s-suċċess tal-BĊE fil-ġlieda kontra l-iffalsifikar, kif evidenzjat mis-sehem kontinwament baxx ta' karti tal-flus foloz fiċ-ċirkolazzjoni totali; jilqa' l-introduzzjoni ta' karti modernizzati tal-EUR 100 u tal-EUR 200 b'karatteristiċi ta' sigurtà mtejba fl-2019; jirrimarka l-importanza tal-flus kontanti bħala mezz ta' pagament għaċ-ċittadini tal-UE; jistieden lill-BĊE ma jkomplix inaqqas l-ammont ta' karti tal-flus differenti fiċ-ċirkolazzjoni;

29. Jistieden lill-BĊE jesplora modi kif jissaħħaħ ir-rwol internazzjonali tal-euro, peress li dan iżid il-kapaċità tal-UE li tfassal il-pożizzjoni politika tagħha b'mod indipendenti vis-à-vis potenzi globali oħra u huwa element ewlieni fis-salvagwardja tas-sovranità ekonomika Ewropea; jinnota li jekk l-euro jsir aktar attraenti bħala munita ta' riżerva dan ikompli jsaħħaħ l-użu internazzjonali tiegħu; jissottolinja li t-tisħiħ tar-rwol tal-euro jirrikjedi l-approfondiment tal-unjoni ekonomika u monetarja Ewropea; jilqa' t-talbiet ripetuti tal-BĊE għall-ikkompletar tal-unjoni bankarja; jenfasizza li l-ħolqien ta' assi Ewropew sikur imfassal tajjeb jista' jiffaċilita l-integrazzjoni finanzjarja u jgħin biex jittaffew iċ-ċrieki vizzjużi bejn is-sovrani u s-setturi bankarji domestiċi;

30. Jilqa' d-dħul tal-Bulgarija u tal-Kroazja fl-ERM II f'Lulju 2020; jappoġġja terminu ta' żmien rapidu għall-adozzjoni tal-euro fiż-żewġ pajjiżi; jilqa' l-iskrinjar komprensiv tal-banek Kroati u Bulgari mill-BĊE f'Lulju u Awwissu 2019; jiġbed l-attenzjoni għar-rekwiżit, stabbilit fit-Trattati, li kull Stat Membru, ħlief id-Danimarka, jadotta l-munita unika ladarba jkun issodisfa l-kriterji ta' konverġenza ta' Maastricht;

31. Jistieden lill-BĊE jkompli l-kooperazzjoni produttiva tiegħu mal-Istati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro;

Akkontabbiltà

32. Jingħaqad mal-President Lagarde fl-appell tagħha għal djalogu akbar u jenfasizza l-ħtieġa tat-tisħiħ ulterjuri tal-arranġamenti ta' akkontabbiltà u trasparenza tal-BĊE; jenfasizza l-ħtieġa li ssir riflessjoni dwar kif jista' jissaħħaħ l-iskrutinju tal-BĊE permezz tal-Parlament Ewropew kif ukoll permezz tad-djalogu mal-parlamenti nazzjonali; jitlob li jiġi nnegozjat ftehim interistituzzjonali formali biex il-prattiki ta' akkontabbiltà eżistenti rigward funzjonijiet monetarji jiġu formalizzati u mtejba;

33. Jesprimi tħassib kbir li 2 biss mill-25 Membru tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE huma nisa, minkejja talbiet ripetuti mill-Parlament u minn persuni li jokkupaw kariga għolja fil-BĊE, fosthom il-President tiegħu Christine Lagarde, biex jittejjeb il-bilanċ bejn il-ġeneri fin-nomini fis-settur tal-affarijiet ekonomiċi u monetarji tal-UE; jenfasizza li n-nomini tal-Membri tal-Bord Eżekuttiv għandhom jitħejjew bir-reqqa, bi trasparenza sħiħa u mal-Parlament, f'konformità mat-Trattati; jistieden lill-Kunsill ifassal lista ristretta b'bilanċ bejn il-ġeneri għal kwalunkwe post vakanti futur u jikkondividiha mal-Parlament, biex b'hekk il-Parlament ikun jista' jaqdi rwol konsultattiv aktar sinifikanti fil-proċess tal-ħatra; jiddispjaċih li s'issa ma sar l-ebda progress sodisfaċenti; ifakkar li t-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa huwa prinċipju kostituzzjonali li jrid jiġi rrispettat b'mod strett;

34. Jilqa' l-feedback dettaljat, taqsima b'taqsima u sostanzjali mogħti mill-BĊE għar-riżoluzzjoni tal-Parlament dwar ir-Rapport Annwali tal-BĊE għas-sena 2018; jistieden lill-BĊE jkompli dan l-impenn favur l-akkontabbiltà u jibqa' jippubblika l-feedback bil-miktub tiegħu għar-riżoluzzjonijiet tal-Parlament dwar ir-Rapport Annwali tal-BĊE kull sena;

35. Jieħu nota tad-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali Federali Ġermaniża tal-5 ta' Mejju 2020 dwar il-BĊE, kif ukoll id-dikjarazzjoni tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE tal-istess ġurnata; jirrikonoxxi l-valutazzjoni kontinwa tal-proporzjonalità tal-programmi kollha min-naħa tal-BĊE; jinnota d-deċiżjoni sussegwenti tal-BĊE li jiżvela dokumenti mhux pubbliċi relatati mal-programm ta' xiri ta' assi tas-settur pubbliku (PSPP) lill-Parlament Ewropew, lill-Gvern Federali Ġermaniż, lill-Bundestag u lill-Bundesbank;

36. Jirrikonoxxi, u jifraħ lill-BĊE u lill-President Lagarde għall-isforzi kontinwi favur it-tisħiħ tal-komunikazzjoni u t-trasparenza mal-Parlament; Jaqbel, barra minn hekk, mal-President Lagarde li l-BĊE għandu jtejjeb il-komunikazzjoni tiegħu maċ-ċittadini dwar l-impatt tal-politiki tiegħu; jissuġġerixxi, min-naħa l-oħra, djalogu regolari bil-magħluq bejn il-membri tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tal-Parlament u r-rappreżentanti rilevanti tal-BĊE b'segwitu għall-pubblikazzjoni tal-aħħar rapport disponibbli tal-proċedimenti tal-Kunsill Governattiv biex jiġu vvalutati d-deċiżjonijiet tal-BĊE qabel id-djalogi monetarji u b'mod parallel magħhom;

37. Jilqa' l-pubblikazzjoni tal-opinjonijiet tal-Kumitat tal-Etika tal-BĊE għal każijiet ta' kunflitti ta' interess u impjieg bi ħlas wara l-mandat minn membri tal-Bord Eżekuttiv, tal-Kunsill Governattiv u tal-Bord Superviżorju tal-BĊE; jistieden lill-BĊE jirreplika din it-trasparenza fir-rigward tal-kunflitti ta' interess potenzjali u l-impjieg bi ħlas wara l-mandat;

38. Jirrinforza l-appell tiegħu għall-adozzjoni ta' politika msaħħa dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta u reviżjoni tar-Regoli tal-Persunal tal-BĊE allinjata, bħala minimu, mal-istandards u l-għanijiet stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2019/1937 dwar il-protezzjoni tal-informaturi[4], sabiex l-informaturi jiġu kemm protetti kif ukoll megħjuna jqajmu t-tħassib tagħhom b'mod kunfidenti mingħajr biża' ta' ritaljazzjoni, inkluż billi tiġi pprovduta l-anonimità fejn ikun meħtieġ;

39. Jitlob divulgazzjoni aktar dettaljata kemm tal-kwistjonijiet soċjali u tal-impjegati kif ukoll tal-affarijiet ta' governanza f'konformità mad-Direttiva 2014/95/UE dwar ir-rapportar mhux finanzjarju[5];

°

° °

40. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-Bank Ċentrali Ewropew.


POŻIZZJONI TA' MINORANZA (ARTIKOLU 55(4)

Pożizzjoni ta' Minoranza (Artikolu 55(4) tar-Regoli ta' Proċedura) dwar ir-rapport annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew għas-sena 2020 mill-Membru tal-PE Gunnar BECK, ID

 

Niddeplora r-rwol tal-BĊE fl-inflazzjoni massiva tal-provvista tal-flus u l-espansjoni tal-karta tal-bilanċ tiegħu sa kważi 70 % tal-PDG taż-żona tal-euro. Il-banek fiż-żona tal-euro tan-naħa ta' fuq għandhom ammont sproporzjonalment għoli ta' depożiti mal-BĊE, u jħallsu mgħax penali sproporzjonalment għoli lill-BĊE. B'kuntrast ma' dan, il-banek fiż-żona tal-euro tan-naħa t'isfel jibbenefikaw b'mod sproporzjonat mir-rati tal-imgħax negattivi fuq is-self TLTRO. Dan jissuġġerixxi li l-banek dgħajfa fiż-żona tal-euro tan-naħa t'isfel jistgħu jsiru piż għall-banek fit-Tramuntana. Barra minn hekk, ċerti Stati Membri bbenefikaw b'mod sproporzjonat mill-PSPP, peress li l-banek ċentrali nazzjonali u l-BĊE m'għadhomx jirrispettaw il-kjavi għas-sottoskrizzjoni fil-kapital għad-distribuzzjoni tax-xiri tal-bonds u akkwistaw b'mod sproporzjonat ħafna bonds minn Stati Membri b'dejn akbar meta mqabbla ma' dawk li l-finanzi pubbliċi tagħhom għadhom relattivament sodi. Il-fatt li l-BĊE ma baqax jirrispetta l-kjavi għas-sottoskrizzjoni fil-kapital isaħħaħ is-suspetti li l-għan ewlieni tal-PSPP huwa l-istabbilizzazzjoni fiskali tal-Istati Membri b'dejn eċċessiv, u dan jaqa' barra mill-kamp ta' applikazzjoni tal-mandat tal-BĊE. Jiddispjaċini li l-BĊE qed juri inqas intenzjoni minn qatt qabel li jinnormalizza r-rati tal-imgħax u saħansitra jirrifjuta, u nitlob lill-BĊE jinnormalizza r-rati tal-imgħax mill-aktar fis possibbli.


 

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

10.12.2020

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

40

6

8

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Gunnar Beck, Marek Belka, Isabel Benjumea Benjumea, Stefan Berger, Gilles Boyer, Francesca Donato, Derk Jan Eppink, Engin Eroglu, Jonás Fernández, Raffaele Fitto, Frances Fitzgerald, José Manuel García-Margallo y Marfil, Sven Giegold, Valentino Grant, Claude Gruffat, José Gusmão, Enikő Győri, Danuta Maria Hübner, Othmar Karas, Billy Kelleher, Aurore Lalucq, Philippe Lamberts, Aušra Maldeikienė, Pedro Marques, Jörg Meuthen, Csaba Molnár, Siegfried Mureşan, Caroline Nagtegaal, Luděk Niedermayer, Lefteris Nikolaou-Alavanos, Lídia Pereira, Kira Marie Peter-Hansen, Sirpa Pietikäinen, Dragoș Pîslaru, Antonio Maria Rinaldi, Joachim Schuster, Ralf Seekatz, Pedro Silva Pereira, Paul Tang, Irene Tinagli, Ernest Urtasun, Inese Vaidere, Johan Van Overtveldt, Stéphanie Yon-Courtin, Marco Zanni, Roberts Zīle

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Marc Angel, Manon Aubry, Gabriele Bischoff, Damien Carême, Chris MacManus, Margarida Marques, Andreas Schwab

 


 

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

40

+

EPP

Isabel Benjumea Benjumea, Stefan Berger, Frances Fitzgerald, José Manuel García-Margallo Y Marfil, Enikő Győri, Danuta Maria Hübner, Othmar Karas, Aušra Maldeikienė, Siegfried Mureşan, Luděk Niedermayer, Lídia Pereira, Sirpa Pietikäinen, Andreas Schwab, Ralf Seekatz, Inese Vaidere

S&D

Marc Angel, Marek Belka, Gabriele Bischoff, Jonás Fernández, Margarida Marques, Pedro Marques, Csaba Molnár, Joachim Schuster, Pedro Silva Pereira, Paul Tang, Irene Tinagli

RENEW

Gilles Boyer, Engin Eroglu, Billy Kelleher, Caroline Nagtegaal, Dragoș Pîslaru, Stéphanie Yon-Courtin

GREENS/EFA

Damien Carême, Sven Giegold, Claude Gruffat, Philippe Lamberts, Kira Marie Peter-Hansen, Ernest Urtasun

ECR

Johan Van Overtveldt, Roberts Zīle

6

-

ID

Gunnar Beck, Jörg Meuthen

EUL/NGL

Manon Aubry, José Gusmão, Chris Macmanus

NI

Lefteris Nikolaou-Alavanos

8

0

S&D

Aurore Lalucq

ID

Francesca Donato, Valentino Grant, Antonio Maria Rinaldi, Marco Zanni

ECR

Derk Jan Eppink, Raffaele Fitto, Eugen Jurzyca

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

 

Aġġornata l-aħħar: 27 ta' Jannar 2021
Avviż legali - Politika tal-privatezza