RAPPORT dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew – rapport annwali 2019

3.2.2021 - (2020/2125(INI))

Kumitat għall-Petizzjonijiet
Rapporteur: Sylvie Guillaume


Proċedura : 2020/2125(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A9-0013/2021
Testi mressqa :
A9-0013/2021
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-rapport annwali rigward l-attivitajiet tal-Ombudsman fis-sena 2019

(2020/2125(INI))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-rapport annwali rigward l-attivitajiet tal-Ombudsman fis-sena 2019,

 wara li kkunsidra l-Artikoli 15, 24(3), 228 u 298(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

 wara li kkunsidra l-Artikolu 10(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

 wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Marzu 1994 rigward ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman[1],

 wara li kkunsidra l-Artikoli 11, 41, 42 u 43 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman,

 wara li kkunsidra l-Artikoli 54, 142(2) u 232(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Jannar 2019 dwar l-inkjesta strateġika OI/2/2017 tal-Ombudsman dwar it-trasparenza tad-diskussjonijiet leġiżlattivi fil-korpi preparatorji tal-Kunsill tal-UE[2],

 wara li kkunsidra l-Kodiċi Ewropew ta' Mġiba Amministrattiva Tajba adottat mill-Parlament fis-6 ta' Settembru 2001,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A9‑0013/2021),

A. billi r-rapport annwali rigward l-attivitajiet tal-Ombudsman fis-sena 2019 ġie ppreżentat uffiċjalment lill-President tal-Parlament Ewropew fil-5 ta' Mejju 2020 u billi l-Ombudsman, Emily O'Reilly, ippreżentat ir-rapport tagħha lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet fit-3 ta' Settembru 2020 fi Brussell;

B. billi Emily O'Reilly ġiet eletta mill-ġdid Ombudsman mill-Parlament Ewropew fis-sessjoni plenarja tiegħu tat-18 ta' Diċembru 2019 fi Strasburgu;

C. billi l-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta) jistabbilixxi li "[k]ull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b'mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni";

D. billi l-Artikolu 43 tal-Karta jistabbilixxi li "[k]ull ċittadin tal-Unjoni, u kull persuna fiżika jew ġuridika li tirrisjedi jew li jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru għandhom id-dritt li jirrikorru għand l-Ombudsman f'każijiet ta' amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet, tal-korpi jew tal-aġenziji tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea meta tkun qed taġixxi fir-rwol ġudizzjarju tagħha";

E. billi huwa essenzjali li ċ-ċittadini tal-UE jkollhom biżżejjed informazzjoni biex ikunu jistgħu jsegwu t-tfassil tal-politiki u tal-liġijiet tal-UE, u jipparteċipaw b'mod sinifikanti fil-proċessi demokratiċi Ewropej; billi l-fiduċja tan-nies fl-amministrazzjonijiet pubbliċi tissaħħaħ meta jkunu jistgħu jaraw li l-istituzzjonijiet qed jaħdmu għall-ġid pubbliku u qed iżommu standards etiċi għoljin;

F. billi l-prijorità ewlenija tal-Ombudsman hija li tiżgura li d-drittijiet taċ-ċittadini huma rrispettati bis-sħiħ, skont it-Trattati u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u li d-dritt għal amministrazzjoni tajba jirrifletti l-ogħla standards mistenni mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-attivitajiet imwettqa mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea meta tkun qed taġixxi fir-rwol ġudizzjarju tagħha; billi rwol fundamentali tal-Ombudsman huwa li tgħin lill-istituzzjonijiet Ewropej isiru aktar miftuħa, effikaċi u qrib iċ-ċittadini bil-għan li tissaħħaħ il-fiduċja taċ-ċittadini fl-Unjoni;

G. billi l-Ombudsman nediet inizjattiva strateġika dwar id-drittijiet tal-liv ta' ċerti membri tal-persunal tal-UE u l-aħjar interessi tat-tfal (SI/1/2019/AMF)[3], li wasslet għall-armonizzazzjoni tar-regoli bejn il-Kummissjoni u l-Kunsill fir-rigward tad-drittijiet tal-liv tal-membri tal-persunal li jsiru ġenituri permezz ta' maternità surrogata; billi ma ġie prodott l-ebda riżultat kumparabbli fil-Parlament Ewropew minħabba nuqqas ta' rieda li jadatta r-regoli tiegħu dwar il-liv;

H. billi s-sena 2020 tikkommemora l-25 anniversarju mill-istabbiliment tal-Ombudsman; billi minn mindu nfetaħ, l-uffiċċju tal-Ombudsman ittratta 57 000 ilment li wasslu għal 7 300 inkjesta; billi l-isforzi kontinwi tal-uffiċċju u l-persunal tiegħu favur ir-rispett u l-ħarsien tat-trasparenza, l-etika u l-akkontabbiltà fl-amministrazzjoni tal-UE għandhom jiġu rikonoxxuti u mfaħħra debitament;

I. billi skont l-istħarriġ tal-Ewrobarometru li sar f'Ġunju 2019, 44 % taċ-ċittadini għandhom fiduċja fl-Unjoni Ewropea u 46 % m'għandhomx; billi huwa essenzjali li l-istituzzjonijiet jinżammu responsabbli sabiex jiżdied il-livell ta' sodisfazzjon taċ-ċittadini tal-UE;

J. billi l-Artikolu 10(3) tat-TUE jiddikjara li "[k]ull ċittadin għandu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni" u li "[i]d-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu b'mod kemm jista' jkun miftuħ u qrib iċ-ċittadin";

K. billi l-Artikolu 24 tat-TFUE jistipula li "[k]ull ċittadin tal-Unjoni jista' jressaq rikors quddiem l-Ombudsman stabbilit skont l-Artikolu 228";

L. billi l-Artikolu 228 tat-TFUE jagħti s-setgħa lill-Ombudsman biex tmexxi inkjesti dwar amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea meta tkun qed taġixxi fir-rwol ġudizzjarju tagħha;

M. billi fl-2019 kien hemm 19 619-il ċittadin li talbu assistenza mill-Ombudsman, u 16 045 li ngħataw konsulenza permezz tal-gwida interattiva li tinsab fis-sit web tal-Ombudsman; billi fl-2019 l-Ombudsman irreġistrat 2 201 ilment u rċeviet 1 373 talba għal informazzjoni;

N. billi mill-2 201 ilment ipproċessati mill-Ombudsman, 879 kienu jaqgħu taħt il-mandat tagħha u 1 330 ma kinux;

O. billi mill-2 201 ilment, fi 862 każ l-Ombudsman tat parir lill-ilmentatur jew għaddiet il-kwistjoni, fi 883 każ l-ilmentatur ġie infurmat li ma setax jingħata pariri ulterjuri, u 456 ilment wasslu għal inkjesta;

P. billi, fost l-inkjesti magħluqa mill-Ombudsman, 26,9 % kienu jikkonċernaw talbiet għal informazzjoni u aċċess għal dokumenti, 22 % il-kultura tas-servizz, pereżempju l-benevolenza lejn iċ-ċittadini, il-kwistjonijiet relatati mal-lingwa u l-iskadenzi, 19,8 % l-użu xieraq tas-setgħat diskrezzjonali, inkluż fil-proċedimenti ta' ksur, 13,2 % ir-rispett tad-drittijiet proċedurali, inkluż id-dritt li wieħed jinstema', 13 % il-ġestjoni tajba ta' kwistjonijiet ta' amministrazzjoni u persunal, 12,3 % ir-reklutaġġ u 8,4 % ir-rispett tad-drittijiet fundamentali;

Q. billi t-tul ta' żmien tal-biċċa l-kbira tal-inkjesti magħluqa mill-Ombudsman fl-2019 kien ta' bejn tliet xhur (43,4 %) u tmintax-il xahar (10,2 %); billi ż-żmien medju meħtieġ biex tingħalaq inkjesta kien ta' anqas minn seba' xhur;

R. billi, bħala parti mill-inkjesti tagħha, l-Ombudsman għandha d-dritt li tressaq proposti lill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE dwar kif jindirizzaw problema jew itejbu l-prattiki amministrattivi tagħhom; billi dawn il-proposti jieħdu l-forma ta' soluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u suġġerimenti;

S. billi, skont ir-rapport annwali "Putting it Right?" (Nirranġaw is-sitwazzjoni?), ippubblikat f'Diċembru 2019, li janalizza r-reazzjonijiet tal-istituzzjonijiet għall-proposti tal-Ombudsman fil-kuntest tal-inkjesti magħluqa fl-2018, ir-rata ta' implimentazzjoni miksuba mill-istituzzjonijiet tal-UE b'reazzjoni għall-proposti tal-Ombudsman hija ta' 77 %; billi 11-il istituzzjoni kisbu rata ta' implimentazzjoni ta' 100 %, filwaqt li l-Kummissjoni, l-istituzzjoni li kontriha tressqu l-maġġoranza tal-ilmenti, kisbet rata ta' 70,9 %;

T. billi, fil-kuntest tax-xogħol strateġiku tagħha fl-2019, l-Ombudsman fetħet erba' inkjesti strateġiċi ġodda: dwar it-trasparenza fil-korpi preparatorji tal-Grupp tal-Euro, dwar ir-"revolving doors" fil-Kummissjoni, dwar it-trattament ta' persuni b'diżabilità fil-qafas tar-reġim komuni tal-assigurazzjoni tal-mard tal-UE, dwar l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) u l-attivitajiet ta' qabel is-sottomissjoni ta' mediċini għall-awtorizzazzjoni;

U. billi fl-2019, l-Ombudsman fetħet disa' inizjattivi strateġiċi, inkluż dwar l-effikaċja tal-mekkaniżmi stabbiliti mill-Istati Membri biex jiġu indirizzati l-ilmenti relatati mal-Fondi Strutturali, dwar it-trasparenza tan-negozjati tal-Brexit, dwar it-trasparenza tal-lobbjar tal-UE u r-Reġistru ta' Trasparenza tal-UE, dwar il-proċedura tal-UE għall-valutazzjoni tar-riskju alimentari, dwar it-trasparenza tal-laqgħat bejn il-President tal-Kunsill Ewropew u r-rappreżentanti ta' gruppi ta' interess, dwar it-titjib tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej, dwar l-integrazzjoni tat-tfal b'diżabilità fl-Iskejjel Ewropej, u dwar id-dritt għal-liv għall-membri tal-persunal tal-UE li jsiru ġenituri permezz tal-maternità surrogata;

V. billi r-rwol tal-Ombudsman bħala membru tal-Qafas tal-UE għall-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (is-CRPD tan-NU) huwa li tipproteġi, tippromwovi u tissorvelja l-implimentazzjoni tagħha fil-livell tal-istituzzjonijiet tal-UE; billi l-Ombudsman ippresidiet il-Qafas tal-UE fl-2019;

W. billi l-Artikolu 19 tas-CRPD tan-NU jipprevedi li l-partijiet għandhom "jagħrfu d-dritt ugwali li kull persuna b'diżabilità tgħix fil-komunità, b'għażliet ugwali daqs l-oħrajn, u għandhom jieħdu miżuri effettivi u xierqa biex jiffaċilitaw it-tgawdija sħiħa minn persuni b'diżabilità ta' dan id-dritt u l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni sħiħa tagħhom fil-komunità";

X. billi fit-12 ta' Frar 2019 il-Parlament approva l-abbozz ta' regolament tiegħu li jistabbilixxi r-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tad-dmirijiet tal-Ombudsman (l-Istatut tal-Ombudsman)[4]; billi dan ir-regolament il-ġdid qed jistenna l-approvazzjoni mill-Kunsill;

Y. billi fl-2019 l-Ombudsman fetħet 458 inkjesta, li minnhom tnejn infetħu fuq inizjattiva proprja, filwaqt li għalqet 560 inkjesta (552 ibbażati fuq ilmenti u tmienja fuq inizjattiva proprja); billi l-biċċa l-kbira tal-inkjesti għal darb'oħra kienu jikkonċernaw lill-Kummissjoni (274 inkjesta jew 59,7 %), it-tieni l-akbar numru lill-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) (44 inkjesta jew 9,6 %) u l-aġenziji tal-UE (33 inkjesta jew 7,2 %), u l-bqija kienu mqassmin kif ġej: il-Parlament (21 inkjesta jew 4,6 %), is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) (17-il inkjesta jew 3,7 %), il-Bank Ewropew tal-Investiment (7 inkjesti jew 1,5 %), u istituzzjonijiet oħra (54 inkjesta jew 11,8 %);

Z. billi l-applikazzjoni xierqa tad-dritt tal-UE u t-twettiq tal-obbligi li jirriżultaw minnu huma r-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE, f'konformità mal-obbligi li jirriżultaw mit-Trattati u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

AA. billi l-Ombudsman nediet inkjesta dwar id-deċiżjoni tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA), imħabbra pubblikament fis-17 ta' Settembru 2019, li tippermetti lid-Direttur Eżekuttiv tagħha jsir l-Uffiċjal Kap Eżekuttiv (CEO) tal-Assoċjazzjoni tas-Swieq Finanzjarji fl-Ewropa (AFME), organizzazzjoni ta' lobbjar għall-industrija finanzjarja; billi l-Ombudsman sabet każijiet ta' amministrazzjoni ħażina mill-EBA peress li naqset milli timmitiga r-riskji ta' kunflitti ta' interess minħabba li approvat tali ċaqliq fl-impjieg u baqgħet tagħti aċċess għal informazzjoni kunfidenzjali lid-Direttur Eżekuttiv tagħha li kien se jitlaq;

AB. billi l-Ombudsman nediet inkjesta b'segwitu għal ilment dwar l-isponsorizzar korporattiv tal-Presidenza tal-Kunsill tal-UE; billi l-Ombudsman innutat li l-użu tal-isponsorizzar mill-Presidenza jinvolvi riskji reputazzjonali għall-UE kollha kemm hi u rrakkomandat lill-Kunsill joħroġ gwida lill-Istati Membri dwar il-kwistjoni tal-isponsorizzar tal-Presidenza sabiex jiġu mmitigati dawn ir-riskji reputazzjonali;

1. Jilqa' r-rapport annwali għall-2019 ippreżentat mill-Ombudsman;

2. Jifraħ lil Emily O'Reilly għall-ħatra mill-ġdid tagħha bħala Ombudsman u għall-ħidma eċċellenti tagħha; jappoġġja l-impenn tagħha li tkompli bl-isforzi biex tiżgura "li l-UE żżomm l-ogħla standards fl-amministrazzjoni, fit-trasparenza u fl-etika", u tiggarantixxi l-aċċessibbiltà u l-kwalità tas-servizzi li l-UE tipprovdi liċ-ċittadini tal-UE; itenni li t-trasparenza hija prinċipju li jikkomplementa l-istat tad-dritt u d-demokrazija u l-implimentazzjoni tiegħu għandha tkun immirata sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jipparteċipaw fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet;

Trasparenza u Etika

3. Jilqa' b'sodisfazzjon ir-relazzjoni produttiva tiegħu mal-Ombudsman, sieħeb ewlieni u indispensabbli tal-Parlament Ewropew, li reġa' eleġġa lill-Ombudsman uxxenti, Emily O'Reilly, għat-tieni mandat u appoġġja l-proposta tagħha għal rapport speċjali dwar it-trasparenza fil-Kunsill billi adotta riżoluzzjoni approvata b'maġġoranza f'sessjoni plenarja f'Jannar 2019,

4. Jilqa' l-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Ombudsman u t-tim tagħha u l-Kumitat għall-Petizzjonijiet, peress li dan jippermetti titjib kemm tal-kwalità tal-amministrazzjoni Ewropea kif ukoll tal-aċċessibbiltà u l-kwalità tas-servizzi li toffri liċ-ċittadini tal-UE;

5. Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-istituzzjonijiet tal-UE jżommu l-livell massimu ta' trasparenza u oġġettività, sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jsegwu u jieħdu sehem attiv fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet sabiex isaħħu s-sens ta' prossimità u l-fiduċja tagħhom fl-istituzzjonijiet, filwaqt li jiġi garantit aċċess għall-informazzjoni rilevanti kollha sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw bis-sħiħ id-drittijiet demokratiċi tagħhom u tiġi żgurata kapaċità ġenwina li l-istituzzjonijiet jinżammu responsabbli;

6. Jenfasizza li n-nuqqas ta' trasparenza tal-proċess leġiżlattiv tal-UE jżid in-nuqqas ta' fiduċja taċ-ċittadini u jdgħajjef il-leġittimità tal-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet b'mod ġenerali;

7. Jilqa' l-ambizzjoni tal-Ombudsman li f'kull ċirkostanza tibqa' viġilanti fiż-żamma tal-ogħla standards possibbli ta' trasparenza u etika, inkluż waqt kriżi tas-saħħa;

8. Iħeġġeġ lill-Ombudsman tkompli tippromwovi aktar trasparenza fid-diskussjonijiet leġiżlattivi fil-korpi preparatorji tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, kemm fir-rigward tal-aċċess pubbliku għad-dokumenti leġiżlattivi tiegħu kif ukoll fir-rigward tal-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet tiegħu, sabiex id-deliberazzjonijiet tiegħu jkunu jistgħu jinftiehmu aktar faċilment;

9. Iħeġġeġ lill-Kunsill jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman, u jirrevedi l-politika ta' kunfidenzjalità tiegħu biex jiżgura l-ogħla livell ta' trasparenza fil-ħidma tiegħu sabiex l-aċċess pubbliku f'waqtu għad-dokumenti leġiżlattivi jkun disponibbli faċilment; jitlob l-identifikazzjoni trasparenti u sistematika tal-gvernijiet tal-Istati Membri meta jistabbilixxu l-pożizzjonijiet tagħhom, peress li bħala koleġiżlatur il-Kunsill irid jinżamm responsabbli għall-azzjonijiet tiegħu quddiem il-pubbliku; ifakkar fis-suġġerimenti magħmula fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Jannar 2019 dwar l-inkjesta strateġika OI/2/2017 tal-Ombudsman dwar it-trasparenza tad-diskussjonijiet leġiżlattivi fil-korpi preparatorji tal-Kunsill tal-UE;

10. Jesprimi dispjaċir dwar il-prattika tal-Istati Membri li jkollhom il-Presidenza tal-Kunsill li jaċċettaw sponsorizzar korporattiv; jemmen li tali prattika trid tiġi evitata sabiex jiġu ppreservati r-reputazzjoni u l-integrità tal-Kunsill u tal-UE kollha kemm hi;

11. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jkunu aktar diliġenti fl-issodisfar tal-obbligu tagħhom li jikkooperaw mal-Ombudsman;

12. Jinnota li, bi qbil mar-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman, il-Kummissjoni u l-Kunsill żammew livell għoli ta' trasparenza fil-proċess leġiżlattiv matul in-negozjati kollha dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Renju Unit, billi ppubblikaw aktar minn 100 dokument ta' negozjar u għamlu l-iskeda tal-kap negozjatur disponibbli għaċ-ċittadini, u jħeġġiġhom jagħmlu l-istess fit-tfassil tal-ftehim ta' kummerċ ħieles futur; jistieden b'mod aktar wiesa' lill-Kummissjoni tissodisfa l-obbligi tagħha rigward il-valutazzjonijiet tal-impatt tas-sostenibbiltà tal-ftehimiet kummerċjali kollha tal-UE;

13. Ifakkar li d-drittijiet fundamentali ta' għadd kbir ta' ċittadini tar-Repubblika ta' Ċipru qed jiġu miksura mill-okkupazzjoni militari u r-reġim razzist imposti mill-armata Torka ta' okkupazzjoni fit-territorji tar-Repubblika ta' Ċipru;

14. Ifakkar li t-trasparenza, u b'mod partikolari l-aċċess għad-dokumenti, ilha għal bosta snin is-suġġett ewlieni tal-ilmenti, u jilqa' l-fatt li fir-rigward ta' għadd ta' inkjesti l-Ombudsman talbet li jingħata aċċess pubbliku; jiddeplora, madankollu, il-fatt li r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman mhux dejjem jiġu implimentati u li r-rapport tal-OLAF dwar l-użu ta' self mogħti lill-manifattur Ġermaniż tal-karozzi Volkswagen għadu ma ġiex ippubblikat; jitlob l-aġġornament tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-aċċess għad-dokumenti (ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001[5]) sabiex tiġi ffaċilitata l-ħidma tal-Ombudsman; iħeġġeġ lill-Kunsill jerġa' jiftaħ id-diskussjonijiet tiegħu dwar il-bażi tal-pożizzjoni adottata mill-Parlament fit-12 ta' Ġunju 2013;

15. Jilqa' l-approċċ aktar ambizzjuż għal-livell ta' trasparenza tal-korpi li jħejju l-laqgħat tal-Grupp tal-Euro, li aċċettaw, wara talba mill-Ombudsman, li jippubblikaw id-dati u l-abbozzi ta' aġenda tal-laqgħat tal-Grupp tal-Euro aktar kmieni minn qabel, li jipprovdu aktar dettalji fl-ittri li jiġbru fil-qosor il-laqgħat, u li s-sit web tal-Grupp tal-Euro jinkludi aktar informazzjoni dwar l-attivitajiet tiegħu;

16. Jilqa' l-isforzi ripetuti tal-Ombudsman fil-ġlieda kontra l-kunflitti ta' interess; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' aktar trasparenza fil-Kunsill; jappoġġja bil-qawwa r-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-Ombudsman fir-rigward tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill b'rabta mal-każ 1946/2018/KR; jilqa' l-pubblikazzjoni, b'segwitu għal din l-inkjesta, tal-minuti tal-laqgħat li saru bejn il-lobbisti, il-President tal-Kunsill Ewropew u l-membri tal-kabinett tiegħu, u jenfasizza l-ħtieġa li jiġi adottat att legali ġust u ambizzjuż dwar ir-Reġistru ta' Trasparenza sabiex dan isir kompletament obbligatorju u legalment vinkolanti għall-istituzzjonijiet u l-aġenziji kollha tal-UE u li jinħolqu obbligi għal partijiet terzi u rappreżentanti ta' gruppi ta' interess, biex b'hekk tiġi żgurata t-trasparenza sħiħa tal-lobbjar; jinnota d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma ssegwix ir-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman fil-każ 1302/2017/MH u li ma tagħtix aċċess għad-dokumenti relatati mal-opinjonijiet tas-Servizz Legali tagħha li jikkonċernaw ir-Reġistru ta' Trasparenza;

17. Jilqa' l-fatt li, b'segwitu għal ilment imressaq fl-2019 rigward l-użu tal-isponsorizzar waqt il-Presidenza Rumena, l-Ombudsman ħadet pożizzjoni ċara dwar din il-kwistjoni tal-isponsorizzar tal-Presidenza[6], peress li l-perċezzjoni ta' influwenza barranija tista' timmina l-integrità tal-UE kollha kemm hi; jieħu nota tal-passi meħuda mill-Kunsill b'reazzjoni għar-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman li għandha tiġi pprovduta gwida lill-Istati Membri dwar il-kwistjoni tal-isponsorizzar tal-Presidenza; jinkoraġġixxi lill-Kunsill jagħti segwitu għall-kwistjoni mingħajr dewmien; jilqa' d-deċiżjoni tal-Presidenza Ġermaniża li toqgħod lura minn kwalunkwe sponsorizzar u jinkoraġġixxi lill-Istati Membri l-oħrajn jagħmlu l-istess;

18. Jinnota li l-Kummissjoni impenjat ruħha, b'segwitu għal inkjesta mill-Ombudsman, li tippubblika l-aġenda u l-minuti tal-laqgħat tal-"korpi konsultattivi" li jinfluwenzaw it-tfassil tal-politika tal-UE kif ukoll l-osservazzjonijiet magħmula mill-parteċipanti fi gruppi preċedenti, u, għal kwalunkwe grupp futur ta' dan it-tip, li tapplika l-istess standards ta' trasparenza bħal dawk adottati mill-gruppi ta' esperti;

19. Jenfasizza l-importanza tal-aċċess pubbliku għad-dokumenti li jinkludu l-pożizzjonijiet meħuda mill-Istati Membri fil-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet; jappoġġja s-sejbiet tal-Ombudsman fir-rigward tal-każ 2142/2018/EWM u jiddeplora r-rifjut kontinwu tal-Kummissjoni li tagħti aċċess għad-dokumenti mitluba li jindirizzaw il-valutazzjoni tar-riskju tal-pestiċidi fuq in-naħal;

20. Jinnota li l-Kummissjoni impenjat ruħha li timplimenta ħafna mill-proposti tal-Ombudsman, bħal pereżempju li titlob lill-persuni li jaqilbu għas-settur privat jipprovdu informazzjoni addizzjonali dwar l-organizzazzjoni li jkunu se jingħaqdu magħha u aktar dettalji dwar it-tip ta' attività professjonali li jkunu se jibdew; jenfasizza li tali trasferimenti ma jistgħux ma jittiħdux bis-serjetà, peress li jistgħu jwasslu għal kunflitti ta' interess meta ex uffiċjali pubbliċi jiġu impjegati minn ditta biex iwettqu lobbjar dwar politiki li fil-passat illeġiżlaw dwarhom jew ħadmu fuqhom; jinnota li skont rapport reċenti[7] 99 % tat-talbiet għal trasferiment fis-settur privat ġew approvati mill-Kummissjoni, b'rata ta' rifjut ta' 0,62 % biss, u dan jindika l-ħtieġa li tissaħħaħ is-sorveljanza; ifakkar li r-regoli dwar l-etika mhumiex sempliċiment formalità u għandhom jiġu osservati mill-istituzzjonijiet kollha; iħeġġeġ lill-Kummissjoni timplimenta r-rakkomandazzjonijiet kollha magħmula mill-Ombudsman, tieħu approċċ aktar robust għall-kwistjoni tar-"revolving doors" u tmexxi bil-miżuri proposti, inkluż il-projbizzjoni ta' attività ġdida meta jkun hemm evidenza li din l-attività twassal għal kunflitt mal-interessi leġittimi tal-Kummissjoni u tippubblika, direttament u b'tempestività fuq is-sit web tagħha dwar l-etika, l-informazzjoni kollha relatata dwar kull każ ta' ex membri anzjani tal-persunal ivvalutata bil-ħsieb li tiġi implimentata l-projbizzjoni ta' sena fuq il-lobbjar u l-promozzjoni;

21. Jirrimarka li l-amministrazzjoni pubblika tal-UE jeħtiġilha ttejjeb dawk ir-regoli u l-istandards tagħha mfassla biex jiġu evitati l-kunflitti ta' interess u tiggarantixxi r-rispett tad-dmir ta' diskrezzjoni u integrità; jistieden lill-Ombudsman tippromwovi l-ogħla regoli u standards etiċi fl-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi tal-UE kollha u tiżgura li dawn jiġu implimentati b'mod sħiħ u konsistenti; jitlob li l-evalwazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tal-interessi tal-Kummissarji nnominati titwettaq b'mod indipendenti bil-mezzi xierqa; jissottolinja l-ħtieġa li jiġu riveduti r-regoli u l-prattiki attwali sabiex jissaħħu r-rekwiżiti tal-integrità għall-Kummissarji kemm waqt il-mandati tagħhom kif ukoll wara, u jisħaq li l-perjodi ta' notifika wara li jintemm il-mandat ta' Kummissarju jridu jittawlu;

22. Jissottolinja l-ħtieġa urġenti biex il-Kodiċi ta' Mġiba Amministrattiva Tajba eżistenti jiġi mtejjeb u aġġornat billi jiġi adottat regolament vinkolanti dwar il-kwistjoni;

23. Ifaħħar l-attivitajiet tal-Ombudsman dwar ir-revolving doors li wasslu, fost oħrajn, biex l-EBA tirrevedi l-politika tagħha dwar il-valutazzjoni tar-restrizzjonijiet u l-projbizzjonijiet wara l-impjieg għall-persunal, u ttejjeb ukoll il-proċeduri tagħha għas-sospensjoni immedjata tal-aċċess għal informazzjoni kunfidenzjali għal membri tal-persunal magħrufa li se jiċċaqilqu għal impjieg ieħor; jistieden lill-Ombudsman tkompli bl-isforzi tagħha biex tiżgura li l-istituzzjonijiet u l-aġenziji kollha tal-UE jintroduċu regoli effettivi mmirati lejn il-prevenzjoni ta' każijiet ta' revolving doors u ta' kwalunkwe kunflitt ta' interess possibbli;

24. Jappoġġja bis-sħiħ il-fatt li l-Ombudsman ikkonfermat il-konklużjoni tagħha li erba' każijiet ta' amministrazzjoni ħażina tebbgħu l-proċess tal-ħatra tal-ogħla uffiċjal tal-Kummissjoni, u jilqa' l-introduzzjoni mill-Kummissjoni l-ġdida fl-2019 ta' proċedura ta' ħatra speċifika għas-Segretarju Ġenerali tagħha li tinkludi l-pubblikazzjoni ta' avviż ta' post vakanti u l-inklużjoni tal-ħatra fuq l-aġenda tal-laqgħa ta' kull ġimgħa tal-Kummissarji, u dan fi żmien suffiċjenti biex titqies kif suppost;

25. Jinnota li, wara l-inkjesta fuq inizjattiva proprja mill-Ombudsman, l-EMA introduċiet miżuri bil-għan li ttejjeb l-indipendenza u l-oġġettività tal-proċess ta' applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti mediċinali u biex iżżid it-trasparenza f'oqsma bħall-provi kliniċi; jistieden lill-EMA timplimenta r-rakkomandazzjonijiet il-ġodda tal-Ombudsman sabiex tiggarantixxi l-indipendenza u l-imparzjalità tagħha u b'hekk jiġi evitat kwalunkwe kunflitt ta' interess;

26. Jilqa' l-importanza dejjem akbar u meħtieġa li l-Ombudsman tagħti lill-problemi li jinvolvu proċeduri ta' akkwist;

27. Jilqa' l-konsolidazzjoni tal-Premju għal Amministrazzjoni Tajba, li għandu l-għan li jippremja l-inizjattivi u l-proġetti tal-amministrazzjoni tal-UE li għandhom impatt pożittiv fuq ħajjet iċ-ċittadini tal-UE; jifraħ lill-Kummissjoni li ngħatat dan il-premju b'rikonoxximent għall-istrateġija tagħha biex tnaqqas it-tniġġis tal-plastik; iqis li kopertura akbar ta' dan il-premju mill-midja turi liċ-ċittadini tal-UE li l-istituzzjonijiet tal-UE qed jaħdmu biex jipprovdu soluzzjonijiet tanġibbli;

28. Jilqa' ż-żieda fl-attenzjoni mogħtija mill-Ombudsman għall-każijiet rigward il-ġestjoni mill-Kummissjoni ta' proġetti ffinanzjati mill-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiggarantixxi d-distribuzzjoni u l-ġestjoni trasparenti tal-fondi; jistieden, b'mod partikolari, lill-Kummissjoni tiżgura li r-riżorsi magħmula disponibbli permezz tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej jintefqu mill-Istati Membri skont ir-rekwiżiti stabbiliti fis-CRPD tan-NU dwar l-għajxien indipendenti għall-persuni b'diżabilità;

29. Jistieden lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet jeżamina l-każijiet fejn ma tteħditx azzjoni dwar il-proposti tal-Ombudsman għall-istituzzjonijiet tal-UE;

Diżabilità

30. Jilqa' r-rwol tal-Ombudsman fil-protezzjoni, il-promozzjoni u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tas-CRPD tan-NU mill-amministrazzjoni tal-UE, u fit-tisħiħ tal-aġenda tal-UE għad-drittijiet tal-persuni b'diżabilità; jistieden lill-Ombudsman timmonitorja mill-qrib il-proposti magħmula mill-Kummissjoni dwar l-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità għall-perjodu ta' wara l-2020; iqis li huwa urġenti li jiġi indirizzat in-nuqqas ta' bażi ġuridika xierqa biex jiġi żgurat li l-infiq tal-fondi tal-UE jikkonforma bis-sħiħ mas-CRPD tan-NU;

31. Jifraħ lill-Ombudsman għall-inkjesta strateġika tagħha dwar l-aċċessibbiltà tas-siti web tal-Kummissjoni għal persuni b'diżabilità, u jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni biex twettaq l-ideat tagħha billi tipprovdi aktar informazzjoni f'formati faċli li jinqraw; jinnota, madankollu, li huwa meħtieġ approċċ kumpless sabiex il-paġni ewlenin tal-istituzzjonijiet tal-UE jsiru aċċessibbli għal persuni b'kull xorta ta' diżabilità, inklużi l-lingwi tas-sinjali nazzjonali; jissuġġerixxi li l-organizzazzjonijiet tal-persuni b'diżabilità għandhom jiġu involuti f'dan il-proċess;

32. Jifraħ lill-Ombudsman talli fetħet inkjesta meħtieġa dwar l-aċċessibbiltà tal-għodod online użati mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF), wara lment imressaq minn persuna b'vista batuta;

33. Jistieden lill-Kummissjoni toħroġ bi Strateġija Ewropea dwar id-Diżabilità komprensiva, ambizzjuża u fit-tul għal wara l-2020 sabiex issir possibbli, fost oħrajn, l-implimentazzjoni sħiħa u konsistenti tas-CRPD tan-NU;

34. Jirrikonoxxi ż-żieda fl-għadd ta' persuni megħjuna mill-uffiċċju tal-Ombudsman fl-2019 meta mqabbel mal-2018 (żieda għal 19 619 minn 17 996), kif ukoll l-isforzi tiegħu biex jinstabu soluzzjonijiet prattiċi għall-problemi taċ-ċittadini, kemm jekk b'pariri mogħtija permezz tal-gwida interattiva fuq is-sit web u bit-tewġibiet għat-talbiet għal informazzjoni u kemm bl-indirizzar tal-ilmenti ġodda (2 201 tali lment fl-2019); jirrimarka l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-Uffiċċju jkollu r-riżorsi baġitarji u tal-persunal meħtieġa biex ikompli jgħin liċ-ċittadini tal-UE b'mod adegwat u effiċjenti;

Ilmenti

35. Jinnota li fl-2019, l-Ombudsman irċeviet numru konsiderevoli ta' lmenti minn ċittadini tal-UE li jirrisjedu fi Stat Membru li ma jkunx l-Istat Membru tagħhom u li sabu diffikultajiet meta ppruvaw jirreġistraw u/jew jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2019, u jirrimarka li d-dritt tal-vot fl-elezzjonijiet huwa dritt fundamentali rikonoxxut fit-Trattati tal-UE;

36. Jifraħ lill-Ombudsman għall-inkjesti li nfetħu fl-2019, li koprew it-temi ewlenin li ġejjin: it-trasparenza fl-istituzzjonijiet tal-UE, it-trasparenza tal-attivitajiet ta' lobbjar, il-kultura tas-servizz, id-drittijiet fundamentali, il-kwistjonijiet etiċi, il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE, il-ġestjoni tajba ta' kwistjonijiet relatati mal-persunal u r-reklutaġġ u l-ġestjoni finanzjarja tajba;

37. Josserva li fl-2019, l-Ombudsman ittrattat 1 300 ilment li ma kinux jaqgħu taħt il-mandat tagħha, prinċipalment minħabba li ma kinux jikkonċernaw l-attivitajiet ta' istituzzjoni jew korp tal-UE; japprova l-approċċ tal-Ombudsman li twieġeb lil kull min jitlob l-assistenza tagħha, billi tispjegalhom il-mandat tagħha u tagħtihom pariri, u tirridirezzjonahom, kemm jista' jkun, lejn korpi oħra li jistgħu jkunu kapaċi jgħinuhom, u jħeġġiġha tkompli b'dan il-mod;

38. Iħeġġeġ lill-Ombudsman tibqa' viġilanti u determinata fit-trattament tal-ilmenti dwar id-drittijiet fundamentali, fosthom l-ugwaljanza, in-nondiskriminazzjoni u d-dritt li wieħed jinstema'; jilqa' l-inkjesta tagħha dwar l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Ażil u l-intervisti tagħha mal-applikanti għall-ażil, kif ukoll l-inkjesta tagħha dwar it-trattament ta' lment mill-Kummissjoni dwar id-diskriminazzjoni kontra r-Rom fl-Italja;

39. Jinnota li n-numru ta' inkjesti dwar l-EPSO żdied minn 23 fl-2018 għal 44 fl-2019; iħeġġeġ lill-Ombudsman tissorvelja mill-qrib l-implimentazzjoni xierqa tal-miżuri kontra d-diskriminazzjoni li japplikaw għall-proċeduri kollha ta' reklutaġġ; jissuġġerixxi inkjesta strateġika dwar il-metodi użati mill-EPSO u minn aġenziji oħra sabiex jiġi aċċertat li l-prinċipji tal-ġustizzja u l-aċċess miftuħ ikunu stabbiliti b'mod sħiħ fil-proċeduri kollha ta' reklutaġġ;

40. Jinnota li l-għadd ta' lmenti li ma jaqgħux taħt ir-responsabbiltà tal-mandat tal-Ombudsman baqa' relattivament stabbli (1 330 każ fl-2019 imqabbla ma' 1 300 każ fl-2018); huwa tal-fehma li komunikazzjoni aħjar u koordinata fil-livell tal-istituzzjonijiet kollha tal-UE dwar il-kompetenzi tal-Ombudsman tista' tgħin biex jitnaqqas l-għadd ta' lmenti li ma jaqgħux taħt ir-responsabbiltà tal-mandat tal-Ombudsman u jiġi ssimplifikat ir-rispons għall-problemi taċ-ċittadini;

41. Jilqa' l-impenn tal-Ombudsman għad-dritt taċ-ċittadini li jkunu involuti fil-proċess demokratiku tal-UE, kif jidher bil-parteċipazzjoni tagħha fil-konferenza annwali tan-Network Ewropew tal-Ombudsmen f'April 2019 dwar il-ħtieġa li tissaħħaħ il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-proċess demokratiku; japprova d-deċiżjoni tagħha li twieġeb lil dawk kollha li jitolbu assistenza bil-lingwa tal-ilment tagħhom, u jitlob lill-amministrazzjoni pubblika tal-UE tagħmel ħilitha kollha sabiex tiżgura li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jikkomunikaw b'mod effettiv magħha, bl-24 lingwa uffiċjali tal-UE u bil-lingwi tas-sinjali nazzjonali; jilqa' l-abbozz ta' linji gwida tal-Ombudsman dwar l-użu tal-lingwi fuq is-siti web tal-istituzzjonijiet tal-UE; jissottolinja li tali linji gwida huma tal-akbar importanza fil-protezzjoni tad-diversità lingwistika rikka tal-Ewropa; jinnota li s-siti web tal-istituzzjonijiet tal-UE għandhom ikunu eżempju aħjar tal-ugwaljanza tal-24 lingwa uffiċjali tal-UE;

42. Japprova l-isforzi tal-istituzzjonijiet tal-UE biex isegwu r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman (77 %) u jħeġġiġhom ikomplu f'din id-direzzjoni; għadu mħasseb dwar ir-rata persistenti ta' nonkonformità (23 %); huwa konxju li s-suġġerimenti tal-Ombudsman mhumiex legalment vinkolanti; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji jirreaġixxu fil-pront, b'mod effettiv u responsabbli għar-rakkomandazzjonijiet u l-kummenti kritiċi tal-Ombudsman;

43. Jilqa' l-fatt li, bħala medja, it-tul tal-inkjesti ta' każijiet magħluqa mill-Ombudsman fl-2019 kien ta' inqas minn seba' xhur; jinnota, madankollu, li l-għeluq ta' xi każijiet jista' jieħu sa 18-il xahar; jistieden lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE jtejbu l-kooperazzjoni tagħhom mal-uffiċċju tal-Ombudsman fl-interess taċ-ċittadini tal-UE, li jistennew tweġibiet malajr għall-problemi tagħhom;

44. Jilqa' t-tfassil mill-ġdid tas-sit web tal-Ombudsman, peress li dan jagħmlu strument aktar aċċessibbli u funzjonali għaċ-ċittadini tal-UE; iħeġġeġ lill-Ombudsman tiżviluppa aktar it-traduzzjoni tal-pubblikazzjonijiet tagħha fil-lingwi differenti tal-UE;

45. Jirrikonoxxi l-kontribut importanti tan-Network Ewropew tal-Ombudsmen fl-iskambju tal-aħjar prattiki u fl-għoti ta' informazzjoni dwar il-mandat u l-kompetenzi tal-membri tiegħu kif ukoll l-implimentazzjoni xierqa tad-dritt Ewropew; jissuġġerixxi li dan in-network jista' jkun involut aktar mill-qrib fl-iżgurar tal-użu xieraq tal-fondi tal-UE; jissuġġerixxi li jista' wkoll joffri appoġġ lill-ombudsmen nazzjonali jew reġjonali li jiffaċċjaw pressjonijiet qawwija mill-gvernijiet tagħhom, partikolarment b'rabta mal-ksur tad-drittijiet garantiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali; jistieden lil dan in-network jikkunsidra r-rwol li l-ombudsmen nazzjonali u reġjonali jista' jkollhom biex jinvolvu aktar liċ-ċittadini tal-UE fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE; jisħaq li n-network jista' jikkontribwixxi wkoll għall-promozzjoni ta' kultura ta' amministrazzjoni tajba fil-livell tal-Istati Membri billi jsaħħaħ il-kooperazzjoni u jżid is-sensibilizzazzjoni fost l-ombudsmen nazzjonali dwar l-importanza li jiddefendu d-drittijiet taċ-ċittadini; jirrimarka li għandhom jissaħħu r-riżorsi allokati lin-network; jistieden lill-Ombudsman torganizza, fis-sede tagħha, laqgħa regolari tan-Network Ewropew tal-Ombudsmen, li l-missjoni ċentrali tagħha tkun li tiżgura r-rispett għad-drittijiet fundamentali;

46. Jilqa' bil-qawwa l-inizjattiva strateġika tal-Ombudsman dwar id-drittijiet tal-liv ta' ċerti membri tal-persunal tal-UE u l-aħjar interessi tat-tfal; huwa tal-fehma li l-inkonsistenza tar-regoli tal-Parlament Ewropew ma' dawk tal-istituzzjonijiet l-oħra[8] fir-rigward tad-drittijiet tal-liv tal-membri tal-persunal li jsiru ġenituri permezz ta' maternità surrogata, bħal ġenituri infertili, tal-istess sess u waħedhom, tinjora s-supremazija tal-aħjar interessi prevalenti tat-tfal u tqiegħed lil dawn il-membri tal-persunal f'riskju sinifikanti ta' diskriminazzjoni; ifakkar fil-konklużjonijiet tal-Ombudsman rigward l-importanza li jiġu mħarsa l-aħjar interessi tat-tfal; jitlob lill-Parlament jipparteċipa fi djalogu interistituzzjonali u jadotta deċiżjoni li tarmonizza dawn ir-regoli ma' dawk tal-Kunsill u tal-Kummissjoni;

Statut u setgħat

47. Jistieden lill-Kunsill japprova l-Istatut rivedut tal-Ombudsman sabiex l-uffiċċju tal-Ombudsman ikun kapaċi jippromwovi aħjar l-ogħla standards ta' mġiba etika fi ħdan l-istituzzjonijiet u jingħata mandat xieraq biex iwettaq il-kompiti tiegħu b'mod effettiv;

48. Jitlob lill-Parlament jibdel b'mod radikali l-proċess tal-ħatra għall-elezzjoni tal-Ombudsman sabiex l-elezzjoni fil-bidu tal-leġiżlatura tkun tista' ssir b'mod aktar infurmat, uniformi, trasparenti u ordnat; jitlob speċifikament deskrizzjoni aktar dettaljata tal-limiti taż-żmien għall-ġbir tal-firem u tal-kampanji tal-persuni nominati;

49. Jifraħ lill-Ombudsman għall-istrateġija preċedenti tagħha ta' ħames snin "Lejn l-2019", li introduċiet approċċ aktar strateġiku għall-promozzjoni tal-amministrazzjoni tajba; jistenna l-pubblikazzjoni tal-istrateġija futura li trid tqis is-sitwazzjoni bla preċedent li qed tiffaċċja l-Ewropa;

50. Ifakkar li s-sede tal-Ombudsman hija dik tal-Parlament Ewropew; iħeġġeġ, għalhekk, lill-Ombudsman tipprijoritizza l-użu tal-bini disponibbli fi Strasburgu;

51. Jistieden lill-Ombudsman, fl-interess tat-trasparenza, tippubblika l-avvenimenti li qed tippjana li tospita, filwaqt li tindika fejn se jsir kull avveniment;

°

° °

52. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Ombudsman, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri kif ukoll lill-ombudsmen tagħhom jew lill-entitajiet kompetenti simili.

NOTA SPJEGATTIVA

Ir-rapport annwali rigward l-attivitajiet tal-Ombudsman fl-2019 ġie ppreżentat uffiċjalment fil-5 ta' Mejju 2020 – b'mod elettroniku minħabba ċ-ċirkostanzi speċjali tal-pandemija tal-COVID 19 – lil David Sassoli, il-President tal-Parlament Ewropew. Dan ir-rapport ġie ppreżentat f'laqgħa tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, responsabbli għar-relazzjonijiet mal-Uffiċċju tal-Ombudsman, fit-3 ta' Settembru 2020, minn Emily O'Reilly, eletta mill-ġdid Ombudsman mill-Parlament waqt is-sessjoni plenarja tiegħu fit-18 ta' Diċembru 2019 fi Strasburgu.

L-Uffiċċju tal-Ombudsman jiċċelebra l-25 anniversarju tiegħu din il-ħarifa f'kuntest partikolari kkaratterizzat minn kriżi tas-saħħa bla preċedent minn mindu twaqqfet l-Unjoni Ewropea. Ir-rwol tal-Ombudsman huwa li tiżgura li d-drittijiet taċ-ċittadini jiġu rispettati bis-sħiħ u li d-dritt għal amministrazzjoni tajba jirrifletti l-ogħla standards kif mistenni mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni fiċ-ċirkostanzi kollha. L-Ombudsman għandha wkoll rwol fundamentali li tgħin lill-istituzzjonijiet Ewropej isiru aktar miftuħa, effikaċi u eqreb taċ-ċittadini, bil-għan li tissaħħaħ il-fiduċja taċ-ċittadini fl-UE u b'hekk tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja ċivika.

L-Ombudsman, li l-ħatra tagħha hija approvata mill-Parlament Ewropew u mill-Kummissjoni, issib li hemm amministrazzjoni ħażina "meta korp pubbliku jonqos milli jaġixxi skont regola jew prinċipju li jorbtuh".  Fil-każ tal-istituzzjonijiet, dawn ir-regoli u l-prinċipji jinkludu r-rispett għall-istat tad-dritt, għall-prinċipji tal-amministrazzjoni tajba u għad-drittijiet fundamentali. L-Ombudsman għandha s-setgħa li tirċievi lmenti dwar każijiet ta' amministrazzjoni ħażina fl-attività tal-istituzzjonijiet tal-UE[9] – il-bażi ġuridika tal-mandat tagħha hija l-Artikolu 228 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Id-dritt li wieħed jilmenta lill-Ombudsman huwa previst fl-Artikolu 24 tat-TFUE u fl-Artikolu 43 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jistabbilixxi d-dritt għal amministrazzjoni tajba bħala dritt fundamentali. Dan l-Artikolu huwa vinkolanti għall-amministrazzjoni tal-istituzzjonijiet Ewropej u jistipula li ''[k]ull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b'mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni".

 

Fl-2019, l-Ombudsman ittrattat 2 201 ilment u fetħet 456 inkjesta abbażi tal-ilmenti u żewġ inkjesti fuq inizjattiva proprja. Hija għalqet 552 inkjesta miftuħa abbażi tal-ilmenti u tmien inkjesti fuq inizjattiva proprja.

 

Mill-458 inkjesta miftuħa, 274 (59,7 %) kienu jikkonċernaw lill-Kummissjoni, 33 (7,2 %) lill-aġenziji tal-UE, 54 (11,8 %) lil korpi oħra, 44 (9,8 %) lill-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO), 21 (4,6 %) lill-Parlament Ewropew, 17 (3,7 %) lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u 9 (2 %) lill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi. Peress li l-Kummissjoni hija l-istituzzjoni ewlenija tal-UE li d-deċiżjonijiet tagħha għandhom impatt dirett fuq iċ-ċittadini, huwa loġiku li tkun hi s-suġġett prinċipali tal-ilmenti tagħhom.

 

Il-maġġoranza tal-inkjesti magħluqa fl-2019 kienu jikkonċernaw it-trasparenza u responsabbiltà, kif ukoll l-aċċess għal informazzjoni u dokumenti (151), segwiti mill-kultura tas-servizz (123), l-użu xieraq tas-setgħat diskrezzjonali (111), ir-rispett għad-drittijiet proċedurali (74), il-ġestjoni tajba tal-kwistjonijiet relatati mal-persunal (73), ir-reklutaġġ (69), ir-rispett tad-drittijiet fundamentali (47), il-ġestjoni finanzjarja tajba (36), l-etika (15) u l-parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE (12).

 

Ir-rapporteur tinnota li, sa fejn ikun possibbli, l-Ombudsman għandha tipprova tikseb eżitu pożittiv billi taħdem għal soluzzjoni amikevoli li tkun sodisfaċenti kemm għall-ilmentatur kif ukoll għall-istituzzjoni kkonċernata. Fl-2019, ma nstabet l-ebda amministrazzjoni ħażina fit-316-il każ li ngħalqu, 187 każ ġew solvuti b'mod amikevoli u, fi 30 minn dawn, l-Ombudsman qieset li ma kienx hemm raġunijiet biżżejjed biex tiġi ġġustifikata t-tkomplija tal-inkjesta.

 

29 każ ingħalqu b'kummenti kritiċi indirizzati lill-istituzzjonijiet ikkonċernati minħabba li nstabet amministrazzjoni ħażina u s-suġġerimenti ġew (parzjalment) aċċettati. L-Ombudsman tista' wkoll tagħmel kummenti addizzjonali, maħsuba mhux biex jikkritikaw lill-istituzzjoni kkonċernata, iżda biex jiggwidawha u jagħtuha pariri ta' kif tista' ttejjeb il-kwalità tas-servizz tagħha. Fil-każ ta' abbozz ta' rakkomandazzjoni, l-istituzzjoni kkonċernata hija obbligata skont it-Trattati li tibgħat opinjoni dettaljata lill-Ombudsman fi żmien tliet xhur.

Jekk istituzzjoni tal-UE ma tweġibx b'mod sodisfaċenti għal abbozz ta' rakkomandazzjoni, l-Ombudsman tista' tikteb u tibgħat rapport speċjali lill-Parlament Ewropew. Ir-rapport jikkostitwixxi l-aħħar pass li l-Ombudsman tista' tieħu meta jkun qed jiġi indirizzat każ. Minn hawn 'il quddiem huwa l-Parlament li jrid jiddeċiedi fuq kwalunkwe pass ulterjuri, bħal, ngħidu aħna, it-tfassil ta' riżoluzzjoni. Ir-rapporti speċjali jiġu ppreżentati lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet, li huwa responsabbli għar-relazzjonijiet mal-Ombudsman.

 

F'Jannar 2019, il-Parlament appoġġja l-proposta tagħha għal rapport speċjali dwar it-trasparenza fil-Kunsill billi adotta riżoluzzjoni approvata mill-maġġoranza f'sessjoni plenarja (Inkjesta Strateġika OI/2/2017 tal-Ombudsman dwar it-trasparenza tad-diskussjonijiet leġiżlattivi fil-korpi preparatorji tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea).  Dawn l-inkjesti mill-Ombudsman huma siewja għaliex, minn naħa, jipprovdu soluzzjoni għall-problemi identifikati u jsibu mezzi kif itejbu b'mod kostanti l-governanza tal-istituzzjonijiet Ewropej u, min-naħa l-oħra, jiżguraw ir-responsabbiltà lejn iċ-ċittadini Ewropej u jżommu jew isaħħu l-fiduċja taċ-ċittadini fl-UE u fl-istituzzjonijiet li jmexxuha.

 

Ir-rapporteur għalhekk tilqa' l-inizjattivi tal-Ombudsman biex tinforma lill-pubbliku ġenerali u tiżgura li l-istituzzjonijiet jitgħallmu mill-iżbalji tagħhom, u tirrimarka li kull sena l-Ombudsman tippubblika fuq is-sit web tagħha studju dwar is-segwitu mill-istituzzjonijiet, bil-kummenti kritiċi tagħha u tistieden lill-istituzzjonijiet jirreaġixxu.

 

Ir-rapporteur tfaħħar ukoll lill-Uffiċju tal-Ombudsman għall-isforzi msaħħa tiegħu fl-2019 biex itejjeb il-komunikazzjoni online billi, pereżempju, enfasizza l-inkjesti konklużi b'suċċess fuq il-paġna ewlenija tas-sit web tiegħu li tiġi aġġornata regolarment. Dan jagħti lill-pubbliku informazzjoni li tinftiehem faċilment dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman. Il-komunikazzjoni dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman permezz tan-networks soċjali (Twitter, LinkedIn u Instagram) tikkontribwixxi wkoll biex titjieb il-viżibbiltà u l-fehim tal-ħidma tal-Ombudsman.

 

Dawn l-approċċi f'termini ta' komunikazzjoni jrawmu l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-proġett Ewropew. F'dan ir-rigward, ir-rapporteur tenfasizza l-mod kif l-Ombudsman irriflettiet dwar il-kwistjoni tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-proċess demokratiku jew biex titjieb l-inklużjoni fi ħdan l-istituzzjonijiet.

 

Fl-2019, sena li fiha saru l-elezzjonijiet Ewropej, l-Ombudsman ipparteċipat bħala membru tan-Network Ewropew tal-Ombudsmen, fil-konferenza annwali tiegħu li saret f'April 2019 fi Brussell u li ġabret flimkien il-membri tan-Network u r-rappreżentanti tal-istituzzjonijiet tal-UE kif ukoll ta' organizzazzjonijiet oħra. Il-parteċipanti fittxew modi biex isaħħu l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-proċess demokratiku. Huma ddiskutew inizjattivi ġodda dwar il-mobilizzazzjoni tal-pubbliku u l-parteċipazzjoni fil-ħajja ċivika, u kif l-istrutturi u l-istituzzjonijiet eżistenti jeħtiġilhom jadattaw għalihom, inkluż ir-rwol li għandu jkollhom l-ombudsmen.

 

Fl-aħħar nett, fl-2019, l-Ombudsman ippresediet ukoll il-Qafas tal-UE għall-Protezzjoni, il-Promozzjoni u l-Monitoraġġ tal-Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità, li tagħha huma wkoll membri l-Kumitat għall-Petizzjonijiet u l-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali tal-Parlament Ewropew, l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali, il-Kummissjoni Ewropea u l-Forum Ewropew tal-Anzjani. Bħala membru ta' dan il-qafas, hija tiddefendi, tinkoraġġixxi u tissorvelja l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti mill-amministrazzjoni tal-UE.

 

Bl-appoġġ tal-Forum Ewropew dwar id-Diżabilità, il-Parlament Ewropew u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, l-Ombudsman ħadmet fuq ideat li għandhom jitressqu lill-Kummissjoni għal Strateġija Ewropea tad-Diżabilità wara l-2020 aktar ambizzjuża u komprensiva. L-Ombudsman segwiet is-suġġerimenti għat-titjib li sar fil-kuntest tal-inkjesta strateġika tagħha dwar l-aċċessibbiltà tas-siti web tal-Kummissjoni u l-għodod online għall-persuni b'diżabilità.

 

Rigward l-elezzjoni tal-Ombudsman, ir-rapporteur tistieden lill-Parlament Ewropew iqis modi kif jissaħħaħ il-proċess tal-ħatra sabiex l-elezzjoni tal-Ombudsman fil-bidu tal-leġiżlatura tkun tista' ssir b'mod aktar trasparenti, uniformi u ordnat.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

26.1.2021

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

27

0

7

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Alex Agius Saliba, Andris Ameriks, Marc Angel, Andrus Ansip, Margrete Auken, Jordan Bardella, Alexander Bernhuber, Markus Buchheit, Ryszard Czarnecki, Eleonora Evi, Agnès Evren, Gheorghe Falcă, Mario Furore, Gianna Gancia, Ibán García Del Blanco, Alexis Georgoulis, Peter Jahr, Cristina Maestre Martín De Almagro, Dolors Montserrat, Ulrike Müller, Emil Radev, Sira Rego, Frédérique Ries, Massimiliano Smeriglio, Yana Toom, Loránt Vincze, Thomas Waitz, Stefania Zambelli, Tatjana Ždanoka, Kosma Złotowski

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Sylvie Guillaume, Ádám Kósa, Andrey Slabakov, Ramona Strugariu

 


 

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

27

+

NI

Mario Furore

PPE

Alexander Bernhuber, Agnès Evren, Gheorghe Falcă, Peter Jahr, Radan Kanev, Ádám Kósa, Dolors Montserrat, Loránt Vincze

Renew

Andrus Ansip, Ulrike Müller, Frédérique Ries, Ramona Strugariu, Yana Toom

S&D

Alex Agius Saliba, Andris Ameriks, Marc Angel, Ibán García Del Blanco, Sylvie Guillaume, Cristina Maestre Martín De Almagro, Massimiliano Smeriglio

The Left

Alexis Georgoulis, Sira Rego

Verts/ALE

Margrete Auken, Eleonora Evi, Thomas Waitz, Tatjana Ždanoka

 

0

-

 

 

 

7

0

ECR

Ryszard Czarnecki, Andrey Slabakov, Kosma Złotowski

ID

Jordan Bardella, Markus Buchheit, Gianna Gancia, Stefania Zambelli

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

 

Aġġornata l-aħħar: 26 ta' Frar 2021
Avviż legali - Politika tal-privatezza