RAPPORT dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Antoni Comín i Oliveres
24.2.2021 - (2020/2025(IMM))
Kumitat għall-Affarijiet Legali
Rapporteur: Angel Dzhambazki
PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Antoni Comín i Oliveres
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità, imressqa fit-13 ta' Jannar 2020 u trażmessa mill-President tat-Tribunal Supremo Spanjol, (il-Qorti Suprema) u fformulata mill-President tat-Tieni Awla tat-Tribunal Supremo Spanjol b'rabta mal-proċedimenti speċjali Nru 3/20907/2017 fl-10 ta' Jannar 2020; wara li kkunsidra t-tħabbira tat-talba msemmija għat-tneħħija tal-immunità fis-seduta plenarja fis-16 ta' Jannar 2020,
– wara li sema' lil Antoni Comín i Oliveres, skont l-Artikolu 9(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att tal-20 ta' Settembru 1976 dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett,
– wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-21 ta' Ottubru 2008, fid-19 ta' Marzu 2010, fis-6 ta' Settembru 2011, fis-17 ta' Jannar 2013 u fid-19 ta' Diċembru 2019[1],
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Junta Electoral Central ta' Spanja (Bord Elettorali Ċentrali) tat-13 ta' Ġunju 2019[2],
– wara li kkunsidra t-tħabbira li saret fil-plenarja fit-13 ta' Jannar 2020 li skontha, insegwitu tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tad-19 ta' Diċembru 2019, il-Parlament ħa att tal-elezzjoni ta' Antoni Comín i Oliveres bħala Membru tal-Parlament Ewropew b'effett mit-2 ta' Lulju 2019,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 71(1) u (2) tal-Kostituzzjoni Spanjola,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2) u 6(1) u l-Artikolu 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A9-0021/2021),
A. billi l-President tat-Tieni Awla tat-Tribunal Supremo Spanjol talab it-tneħħija tal-immunità ta' Antoni Comín i Oliveres, Membru tal-Parlament Ewropew, fir-rigward tal-Artikolu 9(1)(b) tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea b'rabta mal-proċediment speċjali Nru 3/20907/2017 – il-proċedimenti kriminali għal allegat reat ta' sedizzjoni, kif stabbilit fl-Artikoli 544 u 545 tal-Kodiċi Kriminali Spanjol, u għal reat ta' miżapproprjazzjoni ta' fondi pubbliċi previst fl-Artikolu 432 tal-Kodiċi Kriminali Spanjol moqri flimkien mal-Artikolu 252 tiegħu;
B. billi l-atti soġġetti għal prosekuzzjoni allegatament twettqu fl-2017; billi d-digriet ta' prosekuzzjoni f'dan il-każ inħareġ fil-21 ta' Marzu 2018 u ġie ikkonfermat b'digrieti sussegwenti li ċaħdu l-appelli; billi l-investigazzjoni ngħalqet b'digriet tad-9 ta' Lulju 2018 li ġie kkonfermat bħala finali fil-25 ta' Ottubru 2018; billi b'digriet tad-9 ta' Lulju 2018, Antoni Comín i Oliveres, fost l-oħrajn, ġie ddikjarat ħati ta' disprezz lejn l-awtorità tal-qorti u ġie deċiż li l-proċediment fil-konfront tiegħu u ta' persuni oħra jiġi sospiż sakemm dawn ikunu nstabu;
C. billi insegwitu tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tad-19 ta' Diċembru 2019, il-Parlament ħa att tal-elezzjoni ta' Antoni Comín i Oliveres bħala Membru tal-Parlament Ewropew b'effett mit-2 ta' Lulju 2019;
D. billi l-istatus ta' Membru tal-Parlament Ewropew inkiseb b'effett mit-13 ta' Ġunju 2019; billi t-talba għat-tneħħija tal-immunità għalhekk tikkonċerna fatti u prosekuzzjoni li jippreċedu l-kisba tal-istatus u, konsegwentement, l-immunità bħala Membru tal-Parlament Ewropew;
E. billi l-Kumitat għall-Affarijiet Legali ħa att tad-dokumenti ppreżentati lill-Membri tal-Kumitat minn Antoni Comín i Oliveres fis-sens tal-Artikolu 9 (6) tar-Regoli ta' Proċedura u kkunsidrati minnu bħala rilevanti għall-proċedura;
F. billi l-awtoritajiet tal-Istati Membri jiddeċiedu dwar l-adegwatezza tal-proċedimenti ġudizzjarji;
G. billi mhijiex fil-kompetenza tal-Parlament Ewropew li jeżamina l-merti tas-sistemi ġuridiċi u ġudizzjarji nazzjonali;
H. billi l-Parlament Ewropew ma għandu l-ebda kompetenza biex jivvaluta jew jeżamina l-ġuriżdizzjoni tal-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali inkarigati mill-proċedimenti kriminali inkwistjoni;
I. billi skont il-liġi Spanjola kif interpretata mill-qrati nazzjonali u kif ikkomunikata lill-Parlament mill-Istat Membru inkwistjoni, it-Tieni Awla Kriminali tat-Tribunal Supremo Spanjol hija l-awtorità kompetenti biex titlob it-tneħħija tal-immunità ta' Membru tal-Parlament Ewropew;
J. billi l-proċedimenti ma trattaw ebda opinjoni espressa jew vot mitfugħ fil-qadi tad-dmirijiet ta' Membru tal-Parlament Ewropew għall-finijiet tal-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea;
K. billi l-Artikolu 9(1)(a) tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea jiddikjara li l-Membri tal-Parlament Ewropew, igawdu fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lill-membri tal-parlament ta' dak l-istat;
L. billi l-Artikolu 71(1) u (2) tal-Kostituzzjoni Spanjola jipprevedi li:
‘1. Id-Deputati u s-Senaturi jgawdu minn immunità assoluta fir-rigward tal-opinjonijiet espressi fil-qadi ta' dmirijiethom.
2. Matul il-mandat tagħhom, id-deputati u s-senaturi għandhom igawdu wkoll mill-immunità u ma jistgħux jiġu arrestati għajr f'każ li jinqabdu jwettqu reat. Huma ma jistgħux jiġu suġġetti għal investigazzjoni jew prosekuzzjoni kriminali mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-assemblea rispettiva tagħhom";
M. billi t-talba għat-tneħħija tal-immunità tindika, f'dak li jikkonċerna l-applikazzjoni tal-Artikolu 71 tal-Kostituzzjoni Spanjola u b'mod speċifiku l-istadju tal-proċedimenti ġudizzjarji li għalihom mhuwiex obbligatorju li tinkiseb awtorizzazzjoni parlamentari biex jinfetħu proċedimenti kriminali fil-konfront ta' persuna akkużata li tikseb l-istatus ta' membru parlamentari, li d-domanda għat-tneħħija tal-immunità mhijiex meħtieġa f'każijiet fejn l-istatus ta' membru parlamentari jinkiseb waqt li jkun għaddej proċess miftuħ preċedentement jew f'każijiet fejn membru tal-parlament jassumi l-kariga wara li jkun ġie formalment imħarrek; billi għalhekk mhuwiex meħtieġ li tintalab it-tneħħija tal-immunità fis-sens tal-Artikolu 9(1)(a) tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea sabiex jittieħdu miżuri fit-territorju ta' Spanja;
N. billi mhuwiex il-kompitu tal-Parlament Ewropew li jinterpreta d-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Membri tal-Parlament;
O. billi l-Artikolu 9(1)(b) tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea jiddikjara li l-Membri tal-Parlament Ewropew, igawdu fit-territorju ta' kull Stat Membru ieħor, l-immunità minn kull tip ta' detenzjoni u minn proċedimenti legali;
P. billi fl-4 ta' Novembru 2019 it-Tieni Awla tat-Tribunal Supremo Spanjol ordnat li toħroġ "għall-iskop tal-iżvolġiment xieraq tal-proċedimenti kriminali [...]: mandat(i) ta' arrest nazzjonali, mandat(i) ta' arrest Ewropew jew mandat(i) ta' arrest internazzjonali għall-finijiet tal-estradizzjoni fir-rigward ta', fost l-oħrajn, Antoni Comín i Oliveres, li ġie ddikjarat ħati ta' disprezz lejn l-awtorità tal-qorti; billi, kif spjegat fit-talba għat-tneħħija tal-immunità, fl-10 ta' Jannar 2020, l-appell kontra din id-deċiżjoni ġie miċħud fir-rigward tar-revoka tal-"mandati nazzjonali rilevanti ta' tiftix, arrest u detenzjoni, kif ukoll tal-mandati ta' arrest internazzjonali u Ewropej" u ġie aċċettat l-appell "kontra l-ordni tal-4 ta' Novembru 2019, skont l-interpretazzjoni mogħtija mill-QĠUE fis-sentenza tagħha tad-19 ta' Diċembru 2019 li tirrikonoxxi l-privileġġi u l-immunitajiet tal-appellant(i) fis-sens tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, fil-kapaċità tiegħu/tagħhom bħala Membru/i tal-Parlament Ewropew", u ġie deċiż ukoll li tintalab mill-Parlament Ewropew it-tneħħija tal-immunità ta' Antoni Comín i Oliveres "sabiex tipproċedi għall-eżekuzzjoni tal-mandat(i) ta' arrest Ewropew li nħarġu" u li l-awtorità ta' eżekuzzjoni fil-Belġju tiġi informata b'dan;
Q. billi skont l-Artikolu 9(8) tar-Regoli ta' Proċedura, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali fl-ebda ċirkustanza ma għandu jippronunzja ruħu dwar il-ħtija jew l-innoċenza tal-Membru, u lanqas dwar jekk l-opinjonijiet u l-atti attribwiti lill-Membru jiġġustifikawx jew le l-prosekuzzjoni tiegħu, anke jekk, waqt li jkun qed jeżamina t-talba, il-Kumitat jikseb tagħrif dettaljat tal-fatti tal-każ;
R. billi skont l-Artikolu 5(2) tar-Regoli ta' Proċedura, l-immunità parlamentari mhix privileġġ personali ta' Membru iżda hija garanzija tal-indipendenza tal-Parlament kollu kemm hu u tal-Membri tiegħu;
S. billi l-iskop tal-immunità parlamentari huwa li l-Parlament u l-Membri tiegħu jiġu protetti minn proċedimenti legali fir-rigward tal-attivitajiet imwettqa fil-qadi tad-dmirijiet parlamentari u li ma tistgħax tiġi separata minn dawk id-dmirijiet;
T. billi jidher ċar li l-akkuża ma għandha l-ebda relazzjoni mal-pożizzjoni ta' Antoni Comín i Oliveres bħala Membru tal-Parlament Ewropew iżda hija relatata mal-pożizzjoni preċedenti tiegħu bħala Ministru Reġjonali għas-Saħħa tal-Govern (gvern reġjonali Katalan);
U. billi Antoni Comín i Oliveres huwa wieħed mill-individwi fost grupp ta' individwi li huma f'sitwazzjoni simili fejn qed jiġu mħarrka u akkużati bir-reati inkwistjoni, u l-unika differenza hija li huwa attwalment igawdi minn immunità bħala Membru tal-Parlament Ewropew; billi għalhekk wieħed għandu jżomm f'moħħu li Antoni Comín i Oliveres mhuwiex l-unika persuna mħarrka fil-kawża inkwistjoni;
V. billi l-fatti inkriminati twettqu fl-2017 u l-proċedimenti kriminali inkwistjoni fil-konfront ta' Antoni Comín i Oliveres bdew fl-2018; billi abbażi ta' dan, ma jistax jingħad li l-proċedimenti ġudizzjarji tnehdew bl-intenzjoni li jxekklu l-attività politika futura ta' Antoni Comín i Oliveres bħala Membru tal-Parlament Ewropew, meta dak iż-żmien l-istatus tiegħu bħala Membru tal-Parlament Ewropew kien għadu ipotetiku u futur;
W. billi f'dan il-każ, il-Parlament għalhekk ma sab l-ebda evidenza ta' fumus persecutionis, jiġifieri elementi fattwali li jindikaw li l-intenzjoni sottostanti tal-proċediment legali tista' tkun li ssir ħsara lill-attività politika ta' Membru, u b'hekk lill-Parlament Ewropew;
1. Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Antoni Comín i Oliveres fis-sens tal-Artikolu 9(1)(b) tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtoritajiet Spanjoli u lil Antoni Comín i Oliveres.
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni |
23.2.2021 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
15 8 2 |
||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Manon Aubry, Gunnar Beck, Geoffroy Didier, Pascal Durand, Ibán García Del Blanco, Jean-Paul Garraud, Esteban González Pons, Mislav Kolakušić, Sergey Lagodinsky, Gilles Lebreton, Karen Melchior, Franco Roberti, Marcos Ros Sempere, Ernő Schaller-Baross, Stéphane Séjourné, Raffaele Stancanelli, Marie Toussaint, Adrián Vázquez Lázara, Axel Voss, Marion Walsmann, Tiemo Wölken, Lara Wolters, Javier Zarzalejos |
|||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Daniel Buda, Andrzej Halicki, Emil Radev, Kosma Złotowski |
- [1] Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio u Clemente, C-200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs Parliament, T-42/06, ECLI:EU:T:2010:102; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C-163/10, ECLI: EU:C:2011:543; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs Parliament, T-346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta' Diċembru 2019, Junqueras Vies, C-502/19, ECLI:EU:C:2019:1115.
- [2] Boletín Oficial del Estado, Nru 142, tal-14 ta' Ġunju 2019, p. 62477-62478.