RAPPORT dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Valter Flego

24.2.2021 - (2020/2054(IMM))

Kumitat għall-Affarijiet Legali
Rapporteur: Andrzej Halicki

Proċedura : 2020/2054(IMM)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A9-0023/2021
Testi mressqa :
A9-0023/2021
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Valter Flego

(2020/2054(IMM))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Valter Flego, imressqa fid-19 ta' Frar 2020 mill-President tal-Kunsill tal-Qorti tal-Kontea ta' Rijeka fir-Repubblika tal-Kroazja b'rabta mal-proċedimenti kriminali pendenti quddiem il-Qorti Kriminali tal-Kontea ta' Rijeka, u mħabbra fis-seduta plenarja fis-26 ta' Marzu 2020,

 wara li kkunsidra r-rinunzja ta' Valter Flego għad-dritt tiegħu li jinstema' skont l-Artikolu 9(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att tal-20 ta' Settembru 1976 dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett,

 wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-21 ta' Ottubru 2008, fid-19 ta' Marzu 2010, fis-6 ta' Settembru 2011, fis-17 ta' Jannar 2013 u fid-19 ta' Diċembru 2019[1],

 wara li kkunsidra l-Artikolu 75 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Kroazja u l-Artikoli 23 sa 28 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Kroat,

 wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2), 6(1) u 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A9-0023/2021),

A. billi l-President tal-Qorti Kriminali tal-Kontea ta' Rijeka ressaq talba għat-tneħħija tal-immunità parlamentari ta' Valter Flego b'rabta mal-proċedimenti pendenti mressqa kontrih għar-reat kriminali ta' abbuż tal-uffiċċju fis-sens tal-Artikolu 291(1) u (2) tal-Kodiċi Kriminali[2];

B. billi fil-kapaċità tiegħu ta' Sindku tal-Belt ta' Buzet, il-Kroazja, mill-1 ta' April 2010 sat-30 ta' Mejju 2013, huwa allegatament iffaċilita l-pagamenti illegali ta' supplimenti ta' salarju lilu nnifsu, bħala Sindku, lill-Viċi Sindku tiegħu, lid-Direttur tal-Uffiċċju tas-Sindku u lil tliet diretturi oħra;

C. billi Valter Flego ġie elett fil-Parlament Ewropew insegwitu tal-elezzjonijiet ta' Mejju 2019;

D. billi l-allegat reat ma jikkonċernax opinjonijiet espressi jew voti mitfugħa minn Valter Flego fil-qadi ta' dmirijietu fis-sens tal-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea;

E. billi l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea jiddisponi li l-Membri tal-Parlament Ewropew għandhom igawdu, fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-parlament tagħhom;

F. wara skont l-Artikolu 75(2) u (3) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Kroazja:

"Ebda deputat ma għandu jittella' l-qorti, jiġi detenut jew ikkastigat għal opinjoni espressa jew għal vot mitfugħ fil-Parlament Kroat.

Ebda rappreżentant ma għandu jiġi detenut, u lanqas ma għandhom jinbdew proċedimenti kriminali kontrih, mingħajr il-kunsens tal-Parlament Kroat";

G. billi l-allegat reat ma għandu ebda effett ċar jew dirett fuq il-qadi, mis-Sur Flego, ta' dmirijietu bħala Membru tal-Parlament Ewropew;

H. billi huwa l-Parlament waħdu li jiddeċiedi, f'każ partikolari, jekk ineħħix l-immunità jew le; billi l-Parlament jista' b'mod raġonevoli jqis il-pożizzjoni tal-Membru meta jiddeċiedi jekk ineħħix l-immunità tiegħu jew le[3];

I.  billi l-għan tal-immunità parlamentari huwa li tipproteġi lill-Parlament u lill-Membri tiegħu minn proċedimenti ġudizzjarji relatati ma' attivitajiet imwettqa fil-qadi tad-dmirijiet parlamentari u li huma inseparabbli minn dawn l-attivitajiet;

J. billi r-reati li bihom huwa akkużat Valter Flego seħħew qabel l-elezzjoni tiegħu fil-Parlament Ewropew;

K. billi, f'dan il-każ, il-Parlament ma sab ebda evidenza ta' fumus persecutionis, jiġifieri fatti li jindikaw li l-proċedimenti ġudizzjarji inkwistjoni nbdew bl-intenzjoni li ssir ħsara lill-attività politika tal-Membru, inkluża l-attività tiegħu bħala Membru tal-Parlament Ewropew;

L. billi, minn naħa, il-Parlament ma jistax jitqies bħala qorti u, min-naħa l-oħra, il-Membru ma jistax, fil-kuntest ta' proċedura għat-tneħħija tal-immunità, jitqies bħala "akkużat"[4];

1. Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Valter Flego;

2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtoritajiet Kroati u lil Valter Flego.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

23.2.2021

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

24

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Manon Aubry, Gunnar Beck, Geoffroy Didier, Pascal Durand, Ibán García Del Blanco, Jean-Paul Garraud, Esteban González Pons, Mislav Kolakušić, Sergey Lagodinsky, Gilles Lebreton, Karen Melchior, Franco Roberti, Marcos Ros Sempere, Ernő Schaller-Baross, Stéphane Séjourné, Raffaele Stancanelli, Marie Toussaint, Adrián Vázquez Lázara, Axel Voss, Marion Walsmann, Tiemo Wölken, Lara Wolters, Javier Zarzalejos

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Daniel Buda, Andrzej Halicki, Emil Radev, Kosma Złotowski

 

 

Aġġornata l-aħħar: 4 ta' Marzu 2021
Avviż legali - Politika tal-privatezza