RAPPORT dwar l-effetti tat-tibdil fil-klima fuq id-drittijiet tal-bniedem u r-rwol tad-difensuri tal-ambjent f'din il-kwistjoni

10.3.2021 - (2020/2134(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteur: María Soraya Rodríguez Ramos


Proċedura : 2020/2134(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A9-0039/2021
Testi mressqa :
A9-0039/2021
Testi adottati :

PR_INI

WERREJ

Paġna

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-AMBJENT, IS-SAĦĦA PUBBLIKA U S-SIKUREZZA TAL-IKEL

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦAL-LIBERTAJIET ĊIVILI, IL-ĠUSTIZZJA U L-INTERN

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

 



 

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-effetti tat-tibdil fil-klima fuq id-drittijiet tal-bniedem u r-rwol tad-difensuri tal-ambjent f'din il-kwistjoni

(2020/2134(INI))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (UDHR), it-trattati, il-konvenzjonijiet u l-istrumenti rilevanti tan-Nazzjonijiet Uniti (NU), b'mod partikolari d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni (UNDRIP), adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fit-13 ta' Settembru 2007, u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta), li jispeċifikaw li l-bnedmin kollha huma intitolati għat-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali tagħhom mingħajr diskriminazzjoni,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1998,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni A/RES/53/144 tat-8 ta' Marzu 1999 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, li tadotta d-Dikjarazzjoni dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (KDB) adottata f'Rio fl-1992 u ffirmata minn 168 pajjiż, u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2020 dwar il-15-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet (COP15) għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika[1],

 wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, kif adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fil-25 ta' Settembru 2015, kif ukoll l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs),

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC), li daħlet fis-seħħ fil-21 ta' Marzu 1994, il-Protokoll ta' Kjoto tal-11 ta' Diċembru 1997 u l-Ftehim ta' Pariġi tat-22 ta' April 2016,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 40/11 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tal-21 ta' Marzu 2019 dwar ir-rikonoxximent tal-kontribut tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-qasam ambjentali għat-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem, il-protezzjoni ambjentali u l-iżvilupp sostenibbli,

 wara li kkunsidra r-rapporti 31/52 tal-1 ta' Frar 2016 u A/74/161 tal-2019 tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-kwistjoni tal-obbligi tad-drittijiet tal-bniedem relatati mat-tgawdija ta' ambjent sikur, nadif, san u sostenibbli,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 41/21 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tat-12 ta' Lulju 2019 dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Klima,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Programm Ambjentali tan-NU (UNEP) tal-10 ta' Diċembru 2015 dwar it-tibdil fil-klima u d-drittijiet tal-bniedem, u d-definizzjoni tal-UNEP ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-qasam ambjentali, "min huma d-difensuri tal-ambjent",

 wara li kkunsidra r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-Faqar Estrem u d-Drittijiet tal-Bniedem tas-17 ta' Lulju 2019 dwar it-tibdil fil-klima u l-faqar,

 wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali tal-2019 tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) dwar it-tibdil fil-klima, id-deżertifikazzjoni, id-degradazzjoni tal-art, il-ġestjoni sostenibbli tal-art, is-sigurtà tal-ikel u l-flussi ta' gassijiet serra fl-ekosistemi terrestri,

 wara li kkunsidra r-rapport tan-NU ta' Ġunju 2020 bit-titolu "Gender, Climate & Security: Sustaining Inclusive Peace on the Frontlines of Climate Change" (Il-Ġeneru, il-Klima u s-Sigurtà: Iż-Żamma tal-Paċi Inklużiva fil-Postijiet l-Aktar Milquta mit-Tibdil fil-Klima), miktub b'mod konġunt mill-UNEP, NU Nisa, il-Programm ta' Żvilupp tan-NU (UNDP) u d-Dipartiment tan-NU għall-Affarijiet Politiċi u l-Konsolidament tal-Paċi (UNDPPA),

 wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 37 tal-Karta, li jorbot lill-UE biex tintegra livell għoli ta' ħarsien ambjentali u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent fil-politiki tagħha,

 wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b'mod partikolari l-Ħames Parti tiegħu, bit-titolu "L-Azzjoni Esterna tal-Unjoni", u t-Titoli I, II, III, IV u V tagħha,

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni tal-25 ta' Marzu 2020 bit-titolu "Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2020-2024" (JOIN(2020)0005),

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2017 dwar il-Popli Indiġeni u d-dokument ta' ħidma konġunt tal-persunal tas-17 ta' Ottubru 2016 intitolat "L-Implimentazzjoni tal-Politika Esterna tal-UE dwar il-Popli Indiġeni" (SWD(2016)0340), il-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2018 dwar id-diplomazija fil-qasam tal-ilma, tas-17 ta' Ġunju 2019 dwar azzjoni tal-UE biex jissaħħaħ il-multilateraliżmu bbażat fuq ir-regoli, u tal-20 ta' Jannar 2020 dwar id-diplomazija dwar il-klima,

 wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem b'rabta mal-ilma tax-xorb sikur u s-sanità, adottati mill-Kunsill fis-17 ta' Ġunju 2019, u l-linji gwida tiegħu dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar każi ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2017 dwar il-korruzzjoni u d-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi[2],

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) bit-titolu "The European environment – state and outlook 2020: knowledge for transition to a sustainable Europe" (L-ambjent Ewropew – l-istat u l-prospettivi għall-2020: għarfien għal tranżizzjoni lejn Ewropa sostenibbli),

 wara li kkunsidra l-Prinċipju ta' Implimentazzjoni 10 tad-Dikjarazzjoni ta' Rio dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp tal-1992, li għandha l-għan li tiżgura li kull individwu jkollu aċċess għal informazzjoni, ikollu l-opportunità li jipparteċipa fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u jkun jista' jaċċedi għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, bil-għan li jitħares id-dritt għal ambjent san u sostenibbli għall-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri,

 wara li kkunsidra l-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni tal-20 ta' Ġunju 2020 bit-titolu "Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 – Inreġġgħu n-natura lura f'ħajjitna" (COM(2020)0380), tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019)0640), u tat-23 ta' Lulju 2019 bit-titolu "It-Tisħiħ tal-Azzjoni tal-UE għall-Protezzjoni u għar-Restawr tal-Foresti tad-Dinja" (COM(2019)0352),

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew[3],

 wara li kkunsidra r-rapport tal-2019 maħruġ mill-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-NU intitolat "The State of the World's Biodiversity for Food and Agriculture" (L-Istat tal-Bijodiversità tad-Dinja għall-Ikel u l-Agrikoltura),

 wara li kkunsidra t-theddida qawwija ta' telf ta' bijodiversità kif deskritta fir-Rapport ta' Valutazzjoni Globali dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi tal-Ekosistema tal-Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-servizzi Ekosistemiċi (IPBES) tal-31 ta' Mejju 2019,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Lulju 2018 dwar il-ksur tad-drittijiet tal-popli indiġeni fid-dinja, inkluż il-ħtif tal-art[4],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2020 dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha[5],

 wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp, tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0039/2021),

A. billi l-persuni, il-komunitajiet lokali u l-popolazzjonijiet kollha għandhom id-dritt għat-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom, kif stipulat fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem;

B. billi l-impatti tat-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali kontinwa tar-riżorsi tal-ilma ħelu, tal-ekosistemi u tal-għajxien ta' komunitajiet diġà qegħdin jaffettwaw b'mod negattiv it-tgawdija effettiva tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet għall-ħajja, għas-sigurtà tal-ikel, għal ilma tajjeb għax-xorb u għas-sanità, għas-saħħa, għall-akkomodazzjoni, għall-awtodeterminazzjoni, għax-xogħol u l-iżvilupp, kif deskritt fir-riżoluzzjoni 41/21 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU; billi, anke jekk jintlaħaq l-objettiv internazzjonali li t-tisħin globali jiġi limitat għal żieda ta' 2°C ogħla mil-livelli preindustrijali, dawn l-impatti ser jintensifikaw b'mod drammatiku fid-deċennji li ġejjin; billi l-pajjiżi jagħmlu kontributi differenti għat-tibdil fil-klima u għandhom responsabbiltajiet komuni iżda differenzjati; billi t-tibdil fil-klima joħloq theddida immedjata u estensiva għall-popli tad-dinja, prinċipalment għall-foqra tad-dinja, li huma partikolarment vulnerabbli, kif spjegat fir-riżoluzzjoni 7/23 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU;

C. billi n-NU, flimkien ma' organizzazzjonijiet u esperti internazzjonali oħra, qegħdin jappellaw għar-rikonoxximent globali tad-dritt għal ambjent san u sikur bħala dritt universali;

D. billi l-indirizzar tat-tibdil fil-klima jqajjem kwistjonijiet ta' ġustizzja u ekwità, kemm fil-livell internazzjonali u l-livell nazzjonali bejn il-ġenerazzjonijiet; billi l-aċċess għall-ġustizzja fil-kwistjonijiet ambjentali, l-aċċess għall-informazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-teħid tad-deċiżjonijiet huma stabbiliti fil-Prinċipju ta' Implimentazzjoni 10 tad-Dikjarazzjoni ta' Rio dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp, il-Konvenzjoni ta' Aarhus[6] tal-25 ta' Ġunju 1998 u l-Ftehim ta' Escazu[7] tal-4 ta' Marzu 2018;

E. billi d-degradazzjoni ambjentali, it-tibdil fil-klima u l-iżvilupp mhux sostenibbli jikkostitwixxu wħud mill-aktar theddidiet urġenti u serji għall-kapaċità tal-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri li jgawdu diversi drittijiet tal-bniedem; billi l-partijiet għall-UNFCCC għandhom obbligu li jieħdu miżuri effettivi biex jimmitigaw it-tibdil fil-klima, itejbu l-kapaċità ta' adattament tal-popolazzjonijiet vulnerabbli u jipprevjenu t-telf prevedibbli ta' ħajjiet;

F. billi l-partijiet għall-UNFCCC għandhom obbligi li jiġbru u jxerrdu informazzjoni dwar l-impatti ambjentali u jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-teħid ta' deċiżjonijiet ambjentali;

G. billi l-approċċ lejn it-tibdil fil-klima minn perspettiva tad-drittijiet tal-bniedem jaċċentwa l-prinċipji tal-universalità u n-nondiskriminazzjoni, filwaqt li jenfasizza li d-drittijiet ikunu garantiti għall-persuni kollha fid-dinja, inklużi l-gruppi vulnerabbli, mingħajr distinzjoni ta' kwalunkwe tip, bħar-razza, il-kulur, is-sess, il-lingwa, ir-reliġjon, l-opinjoni politika jew opinjoni oħra, l-oriġini nazzjonali jew soċjali, il-proprjetà, it-twelid jew status ieħor;

H. billi l-gvernijiet, is-soċjetajiet u l-individwi għandhom responsabbiltà etika u interġenerazzjonali li jkunu dejjem aktar proattivi f'termini ta' politika u kooperazzjoni bil-għan li jintlaħaq qbil dwar standards internazzjonali li jipproteġu u jippreservaw il-pjaneta għall-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri, bil-ħsieb li jiggarantulhom tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem u jtaffu l-impatti negattivi tat-tibdil fil-klima;

I. billi huwa rikonoxxut b'mod mifrux li l-obbligi u r-responsabbiltajiet tal-Istati u tas-settur privat għandhom implikazzjonijiet speċifiċi fir-rigward tat-tibdil fil-klima; billi n-nuqqas ta' ħarsien tal-ambjent u ta' dawk li jiddefenduh imur kontra l-obbligi ġuridikament vinkolanti tal-Istati u jista' jikkostitwixxi ksur ta' ċerti drittijiet, bħad-dritt għal ambjent san jew id-dritt għall-ħajja; billi għadd dejjem akbar ta' attivitajiet u operazzjonijiet kummerċjali f'pajjiżi terzi jirriżultaw f'impatti serji fuq id-drittijiet tal-bniedem u fuq l-ambjent;

J. billi l-Ftehim ta' Pariġi huwa l-ewwel trattat internazzjonali li jirrikonoxxi b'mod espliċitu r-rabta bejn l-azzjoni klimatika u d-drittijiet tal-bniedem, u b'hekk jippermetti l-użu ta' strumenti ġuridiċi eżistenti relatati mad-drittijiet tal-bniedem biex iħeġġu lill-Istati u lill-kumpaniji privati jnaqqsu l-emissjonijiet; billi ma hemm ebda strument konkret fi ħdan il-Ftehim ta' Pariġi biex l-atturi statali u korporattivi jinżammu responsabbli għall-impatt tagħhom fuq it-tibdil fil-klima u l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-bniedem;

K. billi l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem stabbiliet b'mod ċar li diversi tipi ta' degradazzjoni ambjentali jistgħu jirriżultaw fi ksur tad-drittijiet tal-bniedem sostantivi, bħad-drittijiet għall-ħajja, għall-ħajja privata u għall-ħajja tal-familja, u t-tgawdija fil-paċi tad-dar, u l-projbizzjoni ta' trattament inuman u degradanti;

L. billi l-ġustizzja klimatika għandha l-għan li tindirizza l-kriżi klimatika bl-użu tad-dritt dwar id-drittijiet tal-bniedem biex tnaqqas id-distakk fir-responsabbiltà fil-governanza klimatika, billi tuża l-litigazzjoni dwar it-tibdil fil-klima biex iżżomm lill-istati u lill-atturi korporattivi responsabbli u tiżgura li dawn jinżammu responsabbli għall-azzjonijiet tagħhom f'termini tal-preservazzjoni tan-natura għall-ġid tagħha stess u biex tippermetti ħajja dinjituża u b'saħħitha għall-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri;

M. billi diversi kawżi pendenti stabbilew ksur tad-drittijiet tal-bniedem u wittew it-triq lejn l-obbligu ta' rendikont minħabba nuqqasijiet jew inazzjoni ta' individwi, stati u kumpaniji fl-indirizzar tal-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima;

N. billi l-kompetizzjoni intensifikata għar-riżorsi naturali mmexxija minn kumpaniji privati, xi drabi b'kompliċità tal-gvern, poġġiet lid-difensuri tal-ambjent u lill-komunitajiet indiġeni li qegħdin ifittxu li jipproteġu l-artijiet tradizzjonali tagħhom fuq quddiem nett tal-azzjoni ambjentali u għamlithom mira tal-persekuzzjoni;

O. billi l-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima fuq id-drittijiet tal-bniedem ser jinħassu mhux biss mill-aktar nies vulnerabbli, iżda mill-popolazzjoni kollha tad-dinja; billi l-komunitajiet u l-pajjiżi l-aktar vulnerabbli li jikkawżaw l-inqas tniġġis u qerda ambjentali jsofru l-aktar mill-konsegwenzi diretti tat-tibdil fil-klima; billi ċ-ċifri dwar il-mard u l-mewt prematur li jirriżultaw mit-tniġġis ambjentali huma diġà tliet darbiet akbar minn dawk għall-AIDS, it-tuberkolożi u l-malarja flimkien, u b'hekk joħolqu theddida għad-dritt għall-ħajja, għal ambjent san u għall-arja nadifa; billi diżastri naturali bħall-għargħar, il-maltempati tropikali u l-perjodi twal ta' nixfa qegħdin isiru dejjem aktar frekwenti u qegħdin ikollhom konsegwenzi dannużi għas-sigurtà tal-ikel fil-pajjiżi tan-Nofsinhar tad-dinja u għat-tgawdija ta' ħafna mid-drittijiet tal-bniedem;

P. billi l-ġustizzja ambjentali tagħmel parti mill-ġustizzja soċjali u billi l-impatti tat-tibdil fil-klima huma asimmetriċi u l-effetti negattivi tagħhom huma distruttivi għall-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri, speċjalment fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw; billi t-tibdil fil-klima jaffettwa b'mod intensiv lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u jaggrava l-inugwaljanzi soċjali u ekonomiċi eżistenti, u jwassal biex gruppi vulnerabbli jsofru b'mod sproporzjonat mill-effetti negattivi tiegħu;

Q. billi t-tibdil fil-klima huwa kontributur dejjem aktar importanti għall-ispostament u l-migrazzjoni, kemm fi ħdan in-nazzjonijiet kif ukoll bejn il-fruntieri internazzjonali; billi l-ispostament huwa prospett imminenti għal xi komunitajiet, bħal dawk li jgħixu f'żoni mhedda mid-deżertifikazzjoni, dawk li jinsabu fl-Artiku li qiegħed idub malajr, iż-żoni kostali baxxi, u gżejjer żgħar jew f'ekosistemi delikati oħra u f'territorji li jinsabu f'riskju; billi mill-2008, medja ta' 24 miljun persuna ġew spostati kull sena minħabba diżastri klimatiċi katastrofiċi, l-aktar fi tlieta mill-aktar reġjuni vulnerabbli – l-Afrika sub-Saħarjana, l-Asja t'Isfel u l-Amerka Latina; billi skont il-UNDP 80 % tan-nies spostati minħabba t-tibdil fil-klima huma nisa; billi l-fenomenu dejjem akbar ta' spostament ikkawżat mill-klima jista' jkun ta' theddida diretta għad-drittijiet tal-bniedem, il-kultura u l-għarfien tradizzjonali għall-popolazzjoni kkonċernata u jista' jkollu impatt sinifikanti fuq il-komunitajiet lokali fil-pajjiżi u t-territorji fejn dawn jistabbilixxu ruħhom;

R. billi r-restrizzjonijiet u l-lockdowns minħabba l-COVID-19 naqqsu t-trasparenza u l-monitoraġġ tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, u intensifikaw l-intimidazzjoni politika u s-sorveljanza diġitali, filwaqt li llimitaw l-aċċess għall-ġustizzja u l-kapaċitajiet tad-difensuri tal-ambjent, l-atturi lokali, il-komunitajiet indiġeni u oħrajn biex jipparteċipaw b'mod effettiv fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet; billi l-lockdowns tal-komunitajiet indiġeni u l-miżuri sanitarji llimitaw il-kapaċità tagħhom li jgħassu u jipproteġu t-territorji tagħhom; billi dawn ir-restrizzjonijiet għandhom ikunu sostnuti minn leġiżlazzjoni leġittima u demokratika; billi l-kapaċità tal-komunità internazzjonali li tosserva u tinvestiga l-ksur allegat tnaqqset b'mod konsiderevoli minħabba l-pandemija;

S. billi l-kapaċità tan-nies li jadattaw għat-tibdil fil-klima hija marbuta fil-parti l-kbira mal-aċċess tagħhom għad-drittijiet bażiċi tal-bniedem u mas-saħħa tal-ekosistemi li jiddependu minnhom għall-għajxien u l-benesseri tagħhom; billi l-miżuri ta' mitigazzjoni u adattament, bħall-aċċess għar-riżorsi naturali u l-użu tagħhom, bħall-art, l-ilma u l-foresti, u r-risistemazzjoni tal-persuni, jista' jkollhom ukoll effett negattiv fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-pajjiżi u r-reġjuni li qegħdin jiżviluppaw ser iġarrbu madwar 75-80 % tal-ispiża tat-tibdil fil-klima, skont ir-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-Faqar Estrem u d-Drittijiet tal-Bniedem tas-17 ta' Lulju 2019 dwar it-tibdil fil-klima u l-faqar;

T. billi t-tibdil fil-klima jista' jreġġa' lura l-iżvilupp tal-bniedem permezz ta' tnaqqis fil-produttività agrikola, żieda fl-insigurtà tal-ikel u tal-ilma, esponiment akbar għad-diżastri naturali estremi, li jikkawżaw il-kollass tal-ekosistemi u jwasslu għal riskji akbar għas-saħħa;

U. billi skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), mill-2030, it-tibdil fil-klima huwa mistenni jikkontribwixxi għal żieda ta' madwar 250 000 mewta fis-sena kawża ta' malnutrizzjoni, malarja, dijarea u stress mis-sħana; billi x-xokkijiet klimatiċi, skont il-Programm Dinji tal-Ikel, huma wieħed mit-tliet fatturi ewlenin tan-nuqqas tal-insigurtà tal-ikel fid-dinja kollha; billi fl-2019, kważi 750 miljun persuna, bejn wieħed u ieħor persuna minn kull għaxra fid-dinja, kienu esposti għal livelli serji ta' nuqqas ta' sigurtà tal-ikel;

V. billi l-kriżi klimatika tkabbar l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri, minħabba li l-fenomeni meteoroloġiċi estremi, id-diżastri naturali u d-degradazzjoni ambjentali fit-tul jheddu d-djar, l-għajxien u n-networks soċjali u l-infrastruttura tal-komunità b'impatti sproporzjonati fuq in-nisa u l-bniet, li jinkludu żieda fil-kura mhux imħallsa u x-xogħol domestiku tan-nisa, prevalenza ogħla tal-vjolenza abbażi ta' sess u l-marġinalizzazzjoni tal-edukazzjoni, il-parteċipazzjoni u t-tmexxija tan-nisa;

W. billi l-vjolenza kontra attivisti ambjentali, b'mod partikolari n-nisa, u d-difensuri tad-drittijiet ambjentali u l-avukati tagħhom saret xejra ddokumentata sew, inkluż permezz ta' kopertura fil-midja tal-massa u fil-midja soċjali; billi l-attivisti nisa jsofru minn forom ta' vjolenza u intimidazzjoni speċifiċi għas-sessi, li huma sors ta' tħassib serju;

X. billi d-difensuri tal-ambjent huma fuq quddiem nett tal-azzjoni klimatika u l-obbligu ta' rendikont; billi l-korpi tad-drittijiet tal-bniedem qegħdin dejjem aktar jiġbdu l-attenzjoni lejn il-ħtieġa li jiġu protetti b'mod speċifiku d-difensuri tal-ambjent; billi l-ispazju dejjem jiċkien għas-soċjetà ċivili huwa fenomenu globali li qed jaffettwa b'mod sproporzjonat lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li qegħdin jaħdmu fuq kwistjonijiet ambjentali u tal-art u li ta' spiss jinsabu f'żoni rurali u iżolati b'aċċess imnaqqas għall-mekkaniżmi ta' protezzjoni; billi l-maġġoranza vasta ta' abbużi tad-drittijiet tal-bniedem kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u dawk ambjentali jitwettqu f'ambjent ta' impunità kważi totali; billi l-appoġġ u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tad-difensuri ambjentali huma fost il-prijoritajiet iddikjarati tal-azzjoni esterna tal-UE madwar id-dinja u fil-viċinat tagħha; billi l-Unjoni għandha tuża l-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tagħha f'dan ir-rigward;

Y. billi f'dawn l-aħħar snin, id-difensuri ambjentali ġew soġġetti għal inċidenzi dejjem akbar ta' qtil, ħtif, tortura, vjolenza abbażi tal-ġeneru, theddid, fastidju, intimidazzjoni, kampanji ta' malafama, kriminalizzazzjoni, fastidju ġudizzjarju, evizzjoni u spostament furzati;

Z. billi r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-Sitwazzjoni tad-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem esprimiet it-tħassib tagħha għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi kollha, peress li huma esposti għal restrizzjonijiet fuq il-libertà ta' moviment, għaqda, espressjoni u assoċjazzjoni, u jkunu fil-mira ta' akkużi foloz, proċessi inġusti, arresti u detenzjonijiet arbitrarji, tortura u eżekuzzjoni;

AA. billi r-rapport tal-2020 ta' Global Witness juri li fl-2019, inqatlu 212-il attivist għad-dritt għall-art u ambjentali, żieda ta' 30 % meta mqabbla mal-2018; billi madwar 40 % ta' dawn il-vittmi kienu popli indiġeni u sidien tradizzjonali tal-art u aktar minn żewġ terzi tan-nies inqatlu fl-Amerka Latina;

AB. billi l-popli indiġeni jgawdu minn drittijiet speċifiċi fir-rigward tal-protezzjoni tal-ambjent, l-artijiet u r-riżorsi kif minqux fl-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar il-Popli Indiġeni u Tribali tal-1989; billi l-Artikolu 29 tal-UNDRIP tal-2007 jafferma li l-popli indiġeni għandhom id-drittijiet għall-konservazzjoni u l-protezzjoni tal-ambjent u l-kapaċità produttiva tal-artijiet jew it-territorji u r-riżorsi tagħhom;

AC. billi l-Ftehim ta' Escazu huwa l-ewwel ftehim reġjonali dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku u l-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali fl-Amerka t'Isfel u l-Karibew; billi l-Ftehim ta' Escazu, li ilu miftuħ għar-ratifika mill-1 ta' Settembru 2019, huwa l-ewwel trattat li jistabbilixxi d-dritt għal ambjent san (l-Artikolu 4); billi l-Ftehim ta' Escazu, li jtenni l-importanza tal-kooperazzjoni reġjonali, jista' jservi ta' ispirazzjoni għal reġjuni oħra li qegħdin jiffaċċjaw sfidi simili; billi l-Konvenzjoni ta' Aarhus tistabbilixxi għadd ta' drittijiet ta' organizzazzjonijiet individwali u tas-soċjetà ċivili fir-rigward tal-ambjent inkluż l-aċċess għal informazzjoni ambjentali, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-teħid ta' deċiżjonijiet ambjentali u l-aċċess għall-ġustizzja; billi l-firmatarji tal-Konvenzjoni huma mitluba li jwettqu d-dispożizzjonijiet meħtieġa biex jiżguraw li l-awtoritajiet pubbliċi (fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali) jikkontribwixxu biex dawn id-drittijiet ikunu effettivi;

L-impatt tat-tibdil fil-klima fuq id-drittijiet tal-bniedem

1. Jisħaq fuq il-fatt li t-tgawdija, il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem imsejsa fuq id-dinjità tal-bniedem, u pjaneta b'saħħitha u sostenibbli huma interdipendenti; jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jaġixxu bħala sħab kredibbli u affidabbli fix-xena globali permezz tal-adozzjoni, it-tisħiħ u l-implimentazzjoni ta' leġiżlazzjoni allinjata ma' approċċ komprensiv ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem għall-azzjoni klimatika (HRBA), biex jiggwidaw il-politiki u l-miżuri tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih, u jsostnu li huma adegwati, ambizzjużi biżżejjed, nondiskriminatorji u konformi mal-obbligi tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem; jinnota li l-prinċipji u l-istandards li ġejjin mil-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem għandhom jiggwidaw il-politiki u l-ipprogrammar kollha relatati mat-tibdil fil-klima, u fl-istadji kollha tal-proċess; jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jinkoraġġixxu lill-istati, lill-kumpaniji u lill-awtoritajiet tal-gvern lokali li mhumiex fl-UE biex jimplimentaw u jadottaw soluzzjonijiet u miżuri li jikkontribwixxu għall-ħarsien tal-ambjent u jindirizzaw il-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima;

2. Jappella lill-Unjoni u lill-Istati Membri tagħha jsaħħu r-rabta bejn id-drittijiet tal-bniedem u l-ambjent fl-azzjoni esterna tagħhom kif ukoll jassistu u jappoġġjaw mekkaniżmi internazzjonali, reġjonali u lokali tad-drittijiet tal-bniedem fl-indirizzar tal-isfidi ambjentali, b'mod partikolari l-impatt tat-tibdil fil-klima fuq it-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem; jappella lill-Kummissjoni tiżgura l-integrazzjoni tal-kwistjonijiet tat-tibdil fil-klima u tad-drittijiet tal-bniedem fil-politiki rilevanti kollha tal-UE u tiżgura l-koerenza ta' dawn il-politiki; jinnota l-importanza li jiġu appoġġjati attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni dwar il-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima, tad-degradazzjoni ambjentali u tat-telf tal-bijodiversità fuq id-drittijiet tal-bniedem; jappella lill-Unjoni, barra minn hekk, biex tappoġġja u ssaħħaħ il-kollaborazzjoni ma' pajjiżi terzi biex tintegra approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem fil-liġijiet u l-politiki ambjentali;

3. Jenfasizza l-indispensabbiltà tal-opportunitajiet tal-iżvilupp tal-bniedem għal kulħadd; jisħaq fuq ir-riskji ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-ktajjen tal-provvista internazzjonali ta' prodotti bażiċi għal enerġija kemm konvenzjonali kif ukoll tat-teknoloġija ekoloġika u rinnovabbli, bħat-tħaddim tat-tfal fil-minjieri tal-kobalt li jfornu l-katina globali tal-batteriji tal-joni tal-litju; jappella lill-Kummissjoni tqis l-implikazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem meta tivvaluta l-perkorsi ta' teknoloġija tal-enerġija u t-trasport tal-Unjoni;

4. Jisħaq fuq il-fatt li l-iskarsezza tal-ilma hija waħda mill-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima li qiegħda taffettwa bosta nies madwar id-dinja; jappella biex l-UE u l-Istati Membri tagħha jindirizzaw l-iskarsezza tal-ilma bħala prijorità ewlenija tal-aġenda leġiżlattiva u politika tagħhom; jinnota li l-ġestjoni ħażina tal-art u tar-riżorsi naturali qiegħda tikkontribwixxi għal kunflitti ġodda u tostakola r-riżoluzzjoni paċifika ta' dawk eżistenti; ifakkar li qiegħda tiżdied il-kompetizzjoni għal riżorsi li qegħdin jonqsu u li din hija aggravata aktar mid-degradazzjoni ambjentali, it-tkabbir tal-popolazzjoni u t-tibdil fil-klima;

5. Ifakkar fl-obbligu legali li jiġi rrispettat id-dritt għal ambjent sikur, nadif, san u sostenibbli li huwa, fost affarijiet oħra, kundizzjoni għal attivitajiet ekonomiċi sostenibbli li jikkontribwixxu għall-benesseri u l-għajxien tal-individwi u tal-komunitajiet; ifakkar li d-dritt internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem joffri rimedji legali biex tiġi rrimedjata l-ħsara kkawżata mit-tibdil fil-klima lill-individwi, lill-komunitajiet indiġeni u lil dawk li jiddefendu d-drittijiet ambjentali tal-bniedem, biex timplimenta miżuri ħalli jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima u żżomm lill-Istati, lin-negozji u lill-individwi responsabbli għall-azzjonijiet tagħhom li jħallu impatt fuq it-tibdil fil-klima u d-drittijiet tal-bniedem; f'dan ir-rigward, jappella lill-UE biex il-ġlieda kontra l-impunità tagħmilha waħda mill-prijoritajiet ewlenin tagħha billi toħloq strumenti li jippermettu l-implimentazzjoni sħiħa, effettiva u sostnuta tad-drittijiet tal-bniedem u l-liġijiet ambjentali u l-infurzar tagħhom;

6. Jappella lill-Kummissjoni tiżgura li l-impenji konkreti dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-ambjent u t-tibdil fil-klima li diġà huma stabbiliti fil-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2020-2024 jiġu implimentati u mmonitorjati b'mod effettiv, u li tiġi inkluża l-perspettiva tal-ġeneri fl-implimentazzjoni tal-pjan;

7. Jappoġġja l-mandat tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ambjent biex jinsisti għar-rikonoxximent globali tad-dritt ta' għajxien f'ambjent sikur, nadif, san u sostenibbli bħala dritt tal-bniedem; jappella lill-Unjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw, waqt l-Assemblea Ġenerali li jmiss tan-NU, ir-rikonoxximent globali ta' dan id-dritt; iqis li dan ir-rikonoxximent għandu jservi ta' katalizzatur għal politiki ambjentali aktar b'saħħithom, infurzar aħjar tal-liġi, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-teħid tad-deċiżjonijiet fil-qasam ambjentali, l-aċċess għall-informazzjoni u l-ġustizzja u eżiti aħjar għan-nies u l-pjaneta;

8. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli tosserva s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u t-tibdil fil-klima u tivvaluta l-progress fl-integrazzjoni u s-semplifikazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-aspetti kollha tal-azzjoni klimatika fil-livell nazzjonali u internazzjonali f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU / Kummissarju Għoli tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; jappella biex l-Unjoni, f'dan ir-rigward, tieħu azzjoni biex tintroduċi d-dritt għal ambjent sikur u san fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u biex tkun konformi mal-Artikolu 37 tiegħu; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq l-importanza ta' kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati u mal-atturi istituzzjonali rilevanti kollha involuti fl-iżgurar tal-implimentazzjoni xierqa tad-dispożizzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u dawk ambjentali;

9. Jisħaq li n-nies kollha għandhom jingħataw id-dritt fundamentali għal ambjent sikur, nadif, san u sostenibbli u għal klima stabbli, mingħajr diskriminazzjoni, u li dan id-dritt irid jingħata permezz ta' politiki ambizzjużi u jrid ikun kompletament infurzabbli permezz tas-sistema ġudizzjarja fil-livelli kollha;

10. Jemmen li l-integrazzjoni tad-dritt tal-bniedem għal ambjent b'saħħtu fi ftehimiet u proċessi ambjentali ewlenin, hija ta' importanza kritika għal rispons olistiku għall-COVID-19 li jinkludi rekunċettwalizzazzjoni tar-relazzjoni bejn il-persuni u n-natura li tnaqqas ir-riskji u tipprevjeni l-ħsara futura minn degradazzjoni ambjentali;

11. Jinkoraġġixxi lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jieħdu inizjattiva kuraġġuża bl-appoġġ attiv tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem biex tiġi miġġielda l-impunità għal dawk li jwettqu reati ambjentali fil-livell globali u biex titwitta t-triq fi ħdan il-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) għal negozjati ġodda bejn il-partijiet bil-ħsieb li l-"ekoċidju" jiġi rrikonoxxut bħala reat internazzjonali fi ħdan l-Istatut ta' Ruma; jappella lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) biex jistabbilixxu programm għall-bini tal-kapaċitajiet tal-ġurisdizzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri f'dawn l-oqsma;

12. Jappella biex l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha regolarment jivvalutaw il-mod kif id-dimensjoni esterna tal-Patt Ekoloġiku Ewropew tista' tikkontribwixxi bl-aħjar mod għal approċċ olistiku u bbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem fir-rigward tal-azzjoni klimatika u t-telfien tal-bijodiversità; jappella lill-UE timmobilizza l-firxa vasta ta' politiki, għodod u strumenti politiċi u finanzjarji esterni għad-dispożizzjoni tagħha biex timplimenta l-Patt Ekoloġiku Ewropew; jappella biex l-UE tirrieżamina l-mekkaniżmi tagħha għall-finanzjament tal-klima u tipproponi li temendahom kif dovut, biex tiżgura rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u tistabbilixxi salvagwardji b'saħħithom għal dan il-għan; jappella għall-istabbiliment ta' punti fokali klimatiċi fi ħdan is-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni u tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), li l-kompiti tagħhom jinkludu l-protezzjoni kontra t-tibdil fil-klima tat-trattazzjonijiet esterni kollha tal-UE; jappella għal komunikazzjoni trasparenti u informattiva dwar dawn il-kwistjonijiet fil-programmi ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE ma' pajjiżi terzi;

13. Jappella biex il-perspettiva tal-ġeneru tiġi integrata fil-politiki u l-programmi dwar l-iżvilupp sostenibbli biex jiġi żgurat li d-drittijiet tan-nisa u l-bniet – inkluż is-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati (SRHR) u s-servizzi ta' kura tas-saħħa meħtieġa –, il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-ġustizzja klimatika jiġu integrati permezz ta' programmi strateġiċi;

14. Jappella lill-Kummissjoni żżid l-assistenza finanzjarja u teknika u l-attivitajiet ta' bini tal-kapaċità biex tappoġġja pajjiżi terzi fl-integrazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-azzjonijiet u l-programmi nazzjonali tagħhom dwar il-klima u biex jikkonformaw mar-regolamenti ambjentali internazzjonali biex jiġi żgurat li l-objettivi tat-tibdil fil-klima ma jinterferixxux mal-eżerċizzju tad-drittijiet tal-bniedem f'dawk il-pajjiżi; jinnota l-ftehim interistituzzjonali li ntlaħaq dwar l-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI), li skontu 30 % tal-finanzjament ser jappoġġja l-objettivi klimatiċi u ambjentali; jinsisti li l-attivitajiet kollha tal-Istituzzjonijiet Finanzjarji Ewropej f'pajjiżi terzi, b'mod partikolari l-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp, huma konsistenti mal-impenji klimatiċi tal-UE u jsegwu l-HRBA; jappella għat-tisħiħ u l-approfondiment tal-mekkaniżmi tal-ilmenti rispettivi tagħhom[8] għal individwi jew gruppi li jemmnu li d-drittijiet tagħhom ġew miksura minn tali attivitajiet u li dawn jistgħu jkunu eliġibbli għal rimedju;

15. Jappoġġja bis-saħħa l-integrazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Qafas Globali tal-Bijodiversità għal wara l-2020 f'konformità mal-komunikazzjoni reċenti tal-Kummissjoni bit-titolu "Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 – Inreġġgħu n-natura lura f'ħajjitna"; jemmen li biex id-drittijiet tal-bniedem jiġu inkorporati fil-Qafas Globali tal-Bijodiversità għal wara l-2020, l-objettivi l-ġodda għandhom jindirizzaw ir-rikonoxximent u l-implimentazzjoni, fil-livell nazzjonali u globali, tad-dritt għal ambjent nadif, san, sikur u sostenibbli;

16. Itenni l-importanza li l-Artiku jiġi protett mit-tibdil fil-klima u l-ħtieġa tal-politika tal-UE dwar l-Artiku;

17. Jirrikonoxxi l-impatt tar-rabta bejn it-tibdil fil-klima, id-degradazzjoni ambjentali u d-diżastri naturali bħala xprun tal-migrazzjoni u l-ispostament ikkawżat mill-klima u jiddispjaċih għan-nuqqas ta' protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-livell internazzjonali għal individwi li qegħdin isofru bħala riżultat ta' dan; iqis li tali spostament għandu jiġi indirizzat fil-livell internazzjonali; jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkooperaw dwar l-iżvilupp ta' qafas internazzjonali biex jiġu indirizzati l-ispostament u l-migrazzjoni kkawżati mill-klima kemm fil-fora internazzjonali kif ukoll fl-azzjoni esterna tal-UE; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu flimkien biex iżidu l-appoġġ tagħhom għal miżuri ta' reżiljenza f'reġjuni suxxettibbli għall-effetti detrimentali tat-tibdil fil-klima u biex jappoġġjaw lill-persuni li ġew spostati minħabba t-tibdil fil-klima u li m'għadhomx jistgħu jgħixu fil-postijiet ta' residenza tagħhom; jissottolinja li l-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU ddeċieda li l-istati għandhom iqisu l-impatti tal-kriżi klimatika fuq id-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż ta' oriġini meta jikkunsidraw id-deportazzjoni ta' applikanti għall-ażil; jilqa' l-inklużjoni tal-migrazzjoni u l-ispostamenti kkawżati mill-klima fil-Qafas ta' Adattament ta' Cancun;

18. Jappoġġja approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem għall-governanza tal-migrazzjoni f'pajjiżi terzi li jqis il-lakuni fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tal-migrazzjoni; ifakkar, f'dan il-kuntest, fl-għodod eżistenti għal perkorsi legali u jqis li għandhom jiġu stabbiliti aktar għodod ta' dan it-tip għall-persuni fil-bżonn ta' protezzjoni; jappoġġja l-identifikazzjoni u l-promozzjoni ta' prattiki tajbin, fil-qasam tal-obbligi u l-impenji relatati mad-drittijiet tal-bniedem, li jappoġġjaw u jsaħħu t-tfassil tal-politika dwar il-protezzjoni tal-ambjent fil-livell tal-UE u dak internazzjonali;

19. Jinsisti fuq l-issodisfar tad-drittijiet tal-individwi kollha mingħajr ebda diskriminazzjoni abbażi tal-post fejn jgħixu jew il-kundizzjoni soċjali tagħhom, b'mod partikolari ta' dawk l-aktar vulnerabbli għall-impatti negattivi tat-tibdil fil-klima; jisħaq fuq l-importanza li tiġi żgurata u ffaċilitata l-parteċipazzjoni pubblika ta' dawn il-gruppi vulnerabbli f'deċiżjonijiet li jaffettwaw l-għajxien tagħhom;

20. Ifakkar il-fatt li l-inugwaljanza, il-vjolenza u d-diskriminazzjoni li jgħaddu minnhom in-nisa huma amplifikati mit-tibdil fil-klima; jappella biex l-UE u l-Istati Membri tagħha jfasslu u jimplimentaw politiki b'perspettiva trasversali tal-ġeneri fl-oqsma tal-kummerċ, il-kooperazzjoni, l-azzjoni klimatika u esterna, il-promozzjoni tal-emanċipazzjoni u l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u r-rikonoxximent tar-restrizzjonijiet speċifiċi li jiffaċċjaw il-bniet u n-nisa;

21. Jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu r-rwol u l-kapaċità tal-korpi reġjonali tad-drittijiet tal-bniedem u mekkaniżmi oħra fl-indirizzar tar-rabta tat-tibdil fil-klima u d-drittijiet tal-bniedem, il-promozzjoni tad-drittijiet ambjentali u l-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet ambjentali; jappella lill-Kummissjoni, b'mod partikolari, biex tniedi programm b'appoġġ għall-Ftehim ta' Escazu, bil-għan, inter alia, li jassisti lill-istati partijiet fir-ratifika u l-implimentazzjoni tal-Ftehim, jgħin lis-soċjetà ċivili tinvolvi ruħha fil-Ftehim u jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tiegħu, u jipprovdi appoġġ għall-fond volontarju stabbilit fi ħdan il-Ftehim;

Rispons għall-COVID-19

22. Jisħaq li l-pandemija globali tal-COVID-19 turi perfettament l-impatt tad-degradazzjoni ambjentali fil-ħolqien tal-kundizzjonijiet għal żieda ta' żoonożi b'konsegwenzi gravi għas-saħħa, soċjali, ekonomiċi u politiċi; jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom li jinkludu d-drittijiet ambjentali, u d-difiża ta' dawk li jipproteġuhom, fi kwalunkwe rispons għall-pandemija tal-COVID-19; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lil partijiet ikkonċernati oħra jqisu l-Osservatorju Globali tal-Kummissjoni tal-Impatt tal-COVID-19 fuq id-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem;

23. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu li reċessjoni globali kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19 tista' tbaxxi, tittardja jew tibdel l-impenji tal-Istati f'termini ta' objettivi internazzjonali dwar il-klima u standards tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiżguraw li l-politiki previsti għall-irkupru ekonomiku jkunu konformi bis-sħiħ mal-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem kif stabbilit fl-Artikolu 21 tat-Trattat ta' Lisbona kif ukoll mal-protezzjoni ambjentali u l-iżvilupp sostenibbli;

24. Iħeġġeġ lill-VP/RGħ, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu rispons effettiv għall-kriżi tal-COVID-19 li jqis bis-sħiħ l-importanza tar-rispett, il-protezzjoni u s-sodisfazzjon tad-dritt għal ambjent sikur, nadif, san u sostenibbli, bħala tarka għall-prevenzjoni ta' kriżijiet ambjentali u tas-saħħa futuri li għandhom il-potenzjal li jqiegħdu f'riskju d-drittijiet bażiċi tal-bniedem; jappella lill-Kummissjoni u lis-SEAE jżidu l-ambizzjoni tagħhom rigward il-klima u l-ambjent fid-dawl tal-kriżi tal-COVID-19 u jfasslu approċċ strateġiku ambizzjuż għad-diplomazija dwar il-klima;

25. Jesprimi t-tħassib tiegħu li l-miżuri ta' emerġenza u ta' lockdown li ttieħdu bħala rispons għall-COVID-19 setgħu ntużaw ħażin f'diversi partijiet tad-dinja mill-awtoritajiet politiċi, mill-forzi tas-sigurtà, u mill-gruppi armati mhux statali biex jillimitaw, jintimidaw u joqtlu lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem inklużi d-difensuri tal-ambjent u tal-art; ifakkar, f'dan ir-rigward, kif id-difensuri indiġeni kienu wkoll vulnerabbli b'mod sproporzjonat għall-COVID-19 bħala riżultat ta' infrastruttura tas-saħħa dgħajfa f'żoni remoti u negliġenza mill-gvern;

26. Jinnota li l-pandemija tal-COVID-19 thedded is-sigurtà tal-ikel u n-nutrizzjoni ta' miljuni ta' persuni madwar id-dinja, peress li l-ktajjen tal-provvista tal-ikel globali ġew affettwati, fi żmien meta s-sigurtà tal-ikel u s-sistemi tal-ikel diġà jinsabu taħt pressjoni minħabba t-tibdil fil-klima u d-diżastri naturali; jaċċentwa li l-kriżi pandemika jaf isservi bħala punt ta' bidla għall-ibbilanċjar mill-ġdid u t-trasformazzjoni tas-sistemi tal-ikel, li tagħmilhom aktar inklużivi, sostenibbli u reżiljenti;

Id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-qasam ambjentali u r-rwol tal-popolazzjonijiet indiġeni

27. Ifakkar fl-obbligu tal-Istati li jipproteġu lid-difensuri tal-ambjent u l-familji tagħhom mill-fastidju, l-intimidazzjoni u l-vjolenza, kif stabbilit fil-leġiżlazzjoni fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll li jiggarantixxu l-libertajiet fundamentali tagħhom, u l-obbligu tagħhom li jirrikonoxxu d-drittijiet tal-popolazzjonijiet indiġeni u tal-komunitajiet lokali, u li jirrikonoxxu l-kontribut tal-esperjenza tagħhom u l-għarfien tagħhom għall-ġlieda kontra t-telfien tal-bijodiversità u d-degradazzjoni ambjentali; jissottolinja r-rwol speċifiku u l-għarfien espert tagħhom fil-ġestjoni u l-preservazzjoni tal-art u jappella għal aktar kooperazzjoni mal-popli indiġeni u l-inklużjoni tagħhom kif ukoll għal sforzi biex tissaħħaħ il-parteċipazzjoni demokratika tagħhom fil-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet rilevanti, inklużi dawk relatati mad-diplomazija internazzjonali dwar il-klima; jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni biex tappoġġja l-parteċipazzjoni tal-popli indiġeni permezz tal-appoġġ speċifiku tagħha għal diversi proġetti bħaċ-Ċentru għad-Dokumentazzjoni, ir-Riċerka u l-Informazzjoni tal-Popli Indiġeni (DOCIP); jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tkompli tippromwovi d-djalogu u l-kollaborazzjoni bejn il-popli indiġeni u l-Unjoni Ewropea, kif ukoll mal-fora internazzjonali, b'mod partikolari fir-rigward tat-tibdil fil-klima;

28. Jaċċentwa l-fatt li filwaqt li l-attakki u t-theddid iseħħu kullimkien fid-dinja, ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-Sitwazzjoni tad-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem jispjega li s-sitwazzjoni hija partikolarment drammatika fl-Amerka Latina u l-Asja, fejn xi investituri internazzjonali, kumpaniji u gvernijiet lokali jinjoraw it-tħassib leġittimu tal-popolazzjonijiet; jinnota li f'ħafna mill-każijiet, il-kunflitti u l-ksur iseħħu f'kuntest ta' inugwaljanza ekonomika u esklużjoni soċjali; jikkundanna l-persekuzzjoni ġudizzjarja u l-kriminalizzazzjoni ta' attivisti ambjentali fir-reġjun tal-Amażonja, fejn l-attakki, il-qtil u l-persekuzzjoni ta' attivisti ambjentali qegħdin jiżdiedu; jikkundanna ż-żieda fl-għadd ta' attakki kontra attivisti ambjentali u l-persekuzzjoni tagħhom fil-Honduras u l-qtil reċenti ta' attivisti ambjentali ta' Guapinol; jinnota li matul l-aħħar tliet snin, ġew irreġistrati 578 qatla ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem ambjentali, tal-art u indiġeni; jisħaq li l-Filippini huma konsistentement fil-quċċata tal-lista ta' pajjiżi fejn huwa l-aktar perikoluż li wieħed ikun difensur tad-drittijiet ambjentali; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni, minħabba l-gravità tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż u fin-nuqqas ta' kwalunkwe titjib jew rieda sostanzjali ta' kooperazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet Filippini, biex tibda l-proċedura li tista' twassal għall-irtirar temporanju tal-preferenzi skont l-Iskema Ġeneralizzata ta' Preferenzi Plus (GSP+);

29. Jirrakkomanda li l-Istati Membri tal-UE li għadhom ma għamlux dan, jirratifikaw il-Konvenzjoni 169 tal-ILO dwar Popli Indiġeni u Tribali;

30. Jappella lill-Kummissjoni tiżgura li l-UE ma tappoġġjax inizjattivi u proġetti li jwasslu għall-ħtif illegali tal-art, il-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam u d-deforestazzjoni, jew effetti dannużi oħra fuq l-ambjent; jikkundanna kwalunkwe tentattiv ta' deregolamentazzjoni tal-ħarsien tal-ambjent u tad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 u kriżijiet oħra;

31. Jikkundanna bil-qawwa ż-żieda fin-numru ta' omiċidji, attakki ta' malafama, atti ta' persekuzzjoni, kriminalizzazzjoni, priġunerija, vessazzjonijiet u intimidazzjoni kontra popli indiġeni u attivisti tad-drittijiet tal-bniedem fil-qasam ambjentali u difensuri tal-art fid-dinja kollha u jitlob li dawk responsabbli jagħtu kont ta' għemilhom;

32. Jisħaq fuq il-fatt li d-difensuri nisa tad-drittijiet tal-bniedem ambjentali jiffaċċjaw sfidi addizzjonali fil-ħidma, fil-komunitajiet u fid-djar tagħhom peress li jinsabu fil-mira ta' theddid speċifiku għall-ġeneru u vjolenza speċifika għall-ġeneru jew huma esposti għalih; jinnota li d-difensuri nisa huma aktar f'riskju li jiġu soġġetti għal ċerti forom ta' vjolenza u ksur ieħor, preġudizzju, esklużjoni u rifjut minn dak li jesperjenzaw il-kontropartijiet irġiel tagħhom;

33. Jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jappoġġjaw lid-difensuri kollha tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari d-difensuri tad-drittijiet ambjentali u r-rappreżentanti legali tagħhom, u biex jiġbdu l-attenzjoni għall-każijiet tagħhom meta jkun meħtieġ; jinsab konvint li l-appoġġ għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-qasam tal-ambjent għandu jiżdied u li kwalunkwe rappreżalja jew attakk kontrihom minn atturi korporattivi jew statali għandhom jiġu kkundannati mill-UE permezz ta' stqarrijiet pubbliċi u azzjonijiet lokali meta jkun xieraq; itenni l-pożizzjoni tiegħu dwar il-ħtieġa li s-SEAE, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jinvestu u jsaħħu mekkaniżmi u programmi ta' protezzjoni aċċessibbli speċifiċi u sensittivi għal kwistjonijiet relatati mas-sessi għad-difensuri tad-drittijiet ambjentali, inkluż id-difensuri lokali u indiġeni u li jinvolvuhom fi kwalunkwe investigazzjoni ta' ksur;

34. Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar il-fatt li s-sitwazzjoni tad-difensuri tal-ambjent, l-informaturi, il-ġurnalisti u l-ġuristi speċjalizzati fil-qasam ambjentali qiegħda tiddeterjora b'mod kostanti madwar id-dinja kollha; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jipproteġu l-libertà ta' espressjoni, il-libertà tal-midja u l-pluraliżmu u d-dritt ta' għaqda, u jiżguraw is-sikurezza u l-protezzjoni tal-ġurnalisti u l-informaturi kemm fl-UE kif ukoll permezz tar-relazzjonijiet esterni tagħha; jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar l-abbużi, ir-reati u l-attakki fatali li għadhom isiru fil-konfront tal-ġurnalisti u tal-ħaddiema tal-midja minħabba l-attivitajiet tagħhom; jirrimarka li l-iżvelar ta' informazzjoni protetta huwa forma tal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni u dan jiżvolġi rwol ewlieni fl-esponiment u l-prevenzjoni ta' ksur tal-liġi tal-Unjoni, u fit-tisħiħ tar-responsabbiltà demokratika u tat-trasparenza; jappella lill-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, tissorvelja t-traspożizzjoni u tiżgura l-applikazzjoni sħiħa, mill-Istati Membri tad-Direttiva (UE) 2019/1937 dwar il-protezzjoni ta' persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni[9]; iqis il-libertà tal-informazzjoni bħala strument importanti għal persuni li jistgħu jkunu affettwati mill-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima biex ikunu jafu b'mod xieraq u fi stadju bikri dwar l-effetti dannużi tat-tibdil fil-klima u l-miżuri ta' adattament; jappella għar-rispett għal-libertà tal-informazzjoni;

35. Jirrikonoxxi li l-azzjonijiet meħuda mid-difensuri ambjentali huma essenzjali peress li jfittxu, ifasslu u jxerrdu soluzzjonijiet u mekkaniżmi vijabbli għall-prevenzjoni, ir-reżiljenza u l-adattament għat-tibdil fil-klima għan-nies li jgħixu fit-territorji affettwati;

36. Jappella lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni speċifika lill-ħtiġijiet differenzjati ta' protezzjoni tad-difensuri nisa tad-drittijiet tal-bniedem, filwaqt li tirrikonoxxi r-rwol tagħhom bħala aġenti tal-bidla b'saħħithom, b'mod partikolari għall-azzjoni dwar il-klima; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq il-ħtieġa li jiġu appoġġjati t-tisħiħ tal-kapaċitajiet u r-rwol tan-nisa bħala edukaturi u promoturi tal-bidla, filwaqt li jiġi żgurat finanzjament adegwat għal dawn l-organizzazzjonijiet; ifakkar li kemm-il darba nisa mexxejja tal-komunità u attivisti ambjentali jkunu vittmi ta' ripressjoni u saħansitra qtil, bħal fil-każ tal-attivisti kuraġġużi nominati u magħżula għall-Premju Sakharov tal-Parlament Ewropew għal-Libertà tal-Ħsieb, bħal Marielle Franco mill-Brażil, li nqatlet fl-2018, u Berta Cáceres mill-Honduras, li nqatlet fl-2016;

37. Jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jitolbu u jiżguraw li d-dritt għal approvazzjoni ħielsa, antiċipata u informata tal-popli indiġeni jiġi rrispettat, mingħajr koerċizzjoni, fi kwalunkwe ftehim jew proġett ta' żvilupp li jista' jaffettwa l-artijiet, it-territorji jew ir-riżorsi naturali tal-popli indiġeni; jisħaq fuq il-fatt li l-promozzjoni tad-drittijiet tal-popli indiġeni u l-prattiki tradizzjonali tagħhom huma importanti għall-ksib ta' żvilupp sostenibbli, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-preservazzjoni u r-restawr tal-bijodiversità, filwaqt li jiġu żgurati salvagwardji adegwati;

38. Jappella lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jużaw l-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tagħhom, flimkien mad-dispożizzjonijiet dwar l-implimentazzjoni u l-infurzar tad-drittijiet tal-bniedem fil-qafas tal-politika barranija tal-Unjoni u l-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni, biex jappoġġjaw u jipproteġu b'mod effettiv lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ambjent fil-viċinat tal-UE, kif ukoll biex jinkoraġġixxu lill-pajjiżi kandidati tal-UE biex jikkonverġu b'mod effettiv mal-valuri u l-istandards Ewropej;

39. Jappella għall-adozzjoni ta' anness għal-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem iddedikat għall-isfidi u l-ħtiġijiet speċifiċi tad-difensuri ambjentali u l-politika tal-UE f'dan ir-rigward; jisħaq fuq l-importanza li tiġi żgurata l-kontinwazzjoni tal-proġett ProtectDefenders.eu b'livelli ogħla ta' finanzjament kif ukoll b'għodod eżistenti oħra tal-UE għall-appoġġ tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

40. Jappella għall-adozzjoni ta' lista tal-UE b'pajjiżi ta' prijorità fejn is-SEAE, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jżidu l-azzjoni tagħhom b'appoġġ tad-difensuri ta' drittijiet fil-qasam tal-ambjent u jinvolvu ruħhom ma' awtoritajiet lokali fl-introduzzjoni jew it-titjib ta' mekkaniżmi ta' protezzjoni u leġiżlazzjoni speċifika li tiddefinixxi d-difensuri ambjentali, tirrikonoxxi l-ħidma tagħhom u tiggarantixxi l-protezzjoni tagħhom; jinsisti li din il-lista ta' prijorità għandha titħejja mis-SEAE, f'konsultazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati u mal-Parlament, u tiġi aġġornata fuq bażi annwali; jappella wkoll lill-VP/RGħ jipprovdi rapport annwali pubbliku dwar l-azzjonijiet imwettqa fil-pajjiżi ta' prijorità, kif ukoll dwar il-protezzjoni tad-difensuri ambjentali madwar id-dinja;

41. Iħeġġeġ lin-NU jassumu rwol akbar fil-protezzjoni tal-ekosistemi globali u d-difensuri ambjentali, b'mod partikolari fejn it-tibdil fil-klima għandu impatt sever fuq il-komunitajiet indiġeni u lokali; jappella, għaldaqstant, biex l-UE tippromwovi inizjattiva fil-livell tan-NU għall-osservaturi internazzjonali biex dawn jimmonitorjaw ħsara ambjentali serja, kriżijiet ambjentali severi jew sitwazzjonijiet fejn id-difensuri tad-drittijiet ambjentali huma l-aktar f'riskju u biex jinvolvu ruħhom mal-awtoritajiet u jgħinuhom jistabbilixxu ambjent protettiv għal dawn id-difensuri;

42. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu, permezz ta' djalogu politiku, l-adozzjoni ta' pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali li jiggarantixxu ambjent sikur u liberu għad-difensuri tal-ambjent billi jintegraw perspettiva usa' ta' protezzjoni kollettiva, inklużi miżuri politiċi biex jilleġittimaw komunitajiet u gruppi involuti fil-ħarsien tal-ambjent; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza b'mod espliċitu d-drittijiet tal-bniedem tal-popli indiġeni u tal-komunitajiet lokali skont il-liġi tal-foresti, il-governanza u l-ftehimiet ta' sħubija volontarja fil-kummerċ (FLEGT VPAs);

43. Ifakkar li, f'konformità mad-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-Istati għandhom l-obbligu li jipproteġu lid-difensuri tal-bijodiversità bħala difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu għat-tfassil ta' trattati internazzjonali bħall-Ftehim ta' Escazu, li huwa strument fundamentali għall-Amerka Latina u l-Karibew – ir-reġjun bl-akbar ammont irreġistrat ta' qtil ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-qasam ambjentali;

UNFCCC, ġustizzja u obbligu ta' rendikont

44. Jiddispjaċih għall-fatt li, anke jekk jiġu implimentati bis-sħiħ mill-Istati kollha, il-kontributi attwali stabbiliti fil-livell nazzjonali (NDCs) jistgħu jwasslu għal żieda diżastruża fit-temperatura globali ta' 3 °C ogħla mil-livelli preindustrijali, li tmur kontra l-Ftehim ta' Pariġi; iwissi li xenarju bħal dan iwassal għal impatti klimatiċi u ambjentali estremi u effetti negattivi mifruxa fuq id-drittijiet tal-bniedem;

45. Jilqa' b'sodisfazzjon l-inklużjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Preambolu tal-Ftehim ta' Pariġi u jitlob miżuri effettivi biex jiġu rispettati u promossi l-obbligi tad-drittijiet tal-bniedem fl-implimentazzjoni tal-Ftehim u fit-teħid ta' azzjoni klimatika; jiddispjaċih, madankollu, li ma hemm l-ebda dispożizzjoni konkreta biex l-atturi statali u korporattivi jinżammu responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem marbut mat-tibdil fil-klima;

46. Iħeġġeġ lill-partijiet għall-UNFCCC ikomplu jżidu l-ambizzjoni tagħhom f'termini ta' mitigazzjoni u adattament skont l-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi u jintegraw id-dimensjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-NDCs tagħhom u fil-komunikazzjoni tagħhom dwar l-adattament; jappella lis-segretarjat tal-UNFCCC jiżviluppa linji gwida dwar il-mod kif il-protezzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem għandhom jiġu integrati fl-NDCs u fil-komunikazzjoni dwar l-adattament f'kollaborazzjoni mal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem; jinkoraġġixxi lill-partijiet jirrevedu l-kontributi maħsuba determinati fil-livell nazzjonali (INDCs) u l-NDCs u jiżviluppaw mekkaniżmi ta' monitoraġġ għall-NDCs, bil-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tal-popli indiġeni;

47. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jissaħħu s-sinerġiji fost l-obbligi ta' rapportar dwar il-klima u d-drittijiet tal-bniedem; iqis li l-linji gwida dwar il-qafas ta' trasparenza tal-Ftehim ta' Pariġi (Artikolu 13) għandhom jitolbu lill-partijiet jipprovdu informazzjoni mhux biss dwar l-emissjonijiet ta' gassijiet serra iżda wkoll dwar jekk il-politiki dwar il-klima humiex implimentati skont objettivi soċjetali oħra u oqfsa legali eżistenti, u għaldaqstant biex jinkludu informazzjoni dwar prattiki tajba, inkluż approċċi bbażati fuq id-drittijiet għal miżuri ta' mitigazzjoni u adattament, kif ukoll appoġġ;

48. Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jikkooperaw b'mod attiv biex jiżvolġu rwol attiv u ambizzjuż fil-promozzjoni ta' approċċ dwar id-drittijiet tal-bniedem fin-negozjati internazzjonali dwar il-klima li għaddejjin bħalissa, b'mod partikolari fil-Mekkaniżmu għall-Iżvilupp Sostenibbli (SDM) u linji gwida oħra għal mekkaniżmi skont l-Artikolu 6(4) tal-Ftehim ta' Pariġi, li jiżguraw il-parteċipazzjoni sinifikanti u infurmata tad-detenturi tad-drittijiet, salvagwardji ambjentali u soċjali adegwati u mekkaniżmi ta' rimedju indipendenti; jisħaq fuq il-fatt li l-SDM għandu jkollu l-għan li jiffinanzja proġetti li huma ta' benefiċċju għal dawk l-aktar vulnerabbli għall-impatti tat-tibdil fil-klima u li l-proġetti ffinanzjati taħt l-SDM għandhom jiġu soġġetti għal valutazzjoni tal-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem, fejn ikunu biss eliġibbli għar-reġistrazzjoni l-proġetti li għandhom impatti pożittivi;

49. Jappella lill-Kummissjoni tabbozza kriterji ta' eliġibilità għal għotjiet tal-UE li jippermettu lill-NGOs ambjentali, li altrimenti ma jkunux eliġibbli għal finanzjament minħabba d-daqs tagħhom, jiksbu aċċess aktar inklużiv għall-fondi;

50. Jisħaq fuq il-fatt li biex jiġi żgurat l-obbligu ta' rendikont għall-atturi kollha, il-mekkaniżmi l-ġodda bħall-SDM iridu jintegraw politiki istituzzjonali ta' salvagwardja u mekkaniżmi ta' lmenti biex jiggarantixxu l-protezzjoni effettiva tad-drittijiet;

51. Jistieden lis-Segretarjat tal-UNFCCC jiżviluppa, flimkien mal-partijiet għall-Konvenzjoni, qafas ġuridiku komuni għall-ġustizzja klimatika;

52. Jisħaq fuq il-fatt li r-rendikont globali msemmi fl-Artikolu 14 tal-Ftehim ta' Pariġi għandu jintuża biex jiġi rieżaminat il-progress lejn l-integrazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u prinċipji oħra fl-azzjoni klimatika; jinnota li dan għandu jinkludi opportunitajiet għas-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet intergovernattivi biex jipprovdu l-kontribut tagħhom; iqis li l-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi għandha tgħin tidentifika prattiki tajbin u ostakli għall-implimentazzjoni tiegħu, kif ukoll biex tinforma NDCs futuri u kooperazzjoni internazzjonali;

53. Jisħaq fuq il-fatt li l-azzjonijiet klimatiċi effettivi kollha bbażati fuq id-drittijiet għandhom jiggarantixxu parteċipazzjoni libera, attiva, sinifikanti u informata; jirrakkomanda li l-pjanijiet ta' mitigazzjoni u adattament għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku, iffinanzjati b'mod trasparenti u żviluppati ma' gruppi affettwati u/jew potenzjalment affettwati, speċjalment dawk l-aktar vulnerabbli;

54. Jenfasizza l-fatt li l-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw ma jistgħux jittrattaw l-effetti tat-tibdil fil-klima waħedhom u li ħafna drabi jiddependu mill-assistenza internazzjonali fir-rigward tal-kapaċità tagħhom ta' ġestjoni tal-kriżijiet u l-kapaċità tagħhom li jadattaw u jantiċipaw l-effetti tat-tibdil fil-klima;

55. Jissottolinja l-fehma tiegħu li l-liġijiet u l-istituzzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem li jintużaw b'mod komuni biex jitnaqqas id-distakk fl-obbligu ta' rendikont f'termini ta' governanza ma jistgħu bl-ebda mod jissostitwixxu miżuri effettivi għall-prevenzjoni u r-rimedju tal-ħsara kkawżata mit-tibdil fil-klima; iqis li l-Istituzzjonijiet Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem (NHRIs) u s-soċjetà ċivili jistgħu jiżvolġu rwol effettiv fil-mekkaniżmi nazzjonali ta' obbligu ta' rendikont u ta' sorveljanza mfassla biex jiżguraw aċċess għal rimedju għal dawk li jsofru danni għad-drittijiet tal-bniedem b'riżultat tat-tibdil fil-klima;

56. Jemmen li l-UE għandha tiżvolġi rwol ta' tmexxija attiv, b'saħħtu u ambizzjuż fit-tħejjijiet għas-26 konferenza tan-NU dwar it-tibdil fil-klima (COP26), li jpoġġi l-inklużjoni tal-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem fil-qalba tat-tfassil tal-politika internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima biex tiġi evitata ħsara irreversibbli għall-iżvilupp tal-bniedem u l-ġenerazzjonijiet attwali u futuri;

57. Jirrikonoxxi r-rwol attiv u l-involviment tas-soċjetà ċivili, inkluż l-organizzazzjonijiet nongovernattivi u d-difensuri tal-ambjent fil-promozzjoni ta' approċċi bbażati fuq id-drittijiet tal-bniedem għall-azzjoni klimatika u jappella biex l-UE tappoġġja dawn l-attivitajiet; jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi ggarantita l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-qafas ta' trasparenza stabbilit fl-Artikolu 13 tal-Ftehim ta' Pariġi;

58. Jinnota l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament dwar l-emendar tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 (l-hekk imsejjaħ Regolament ta' Aarhus), li għandu jtejjeb l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Aarhus fil-livell tal-UE; iħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri jiżguraw traspożizzjoni adegwata tal-atti leġiżlattivi rilevanti tal-UE (eż. id-Direttiva 2011/92/UE) u d-dispożizzjonijiet internazzjonali legalment vinkolanti (il-Konvenzjoni ta' Aarhus) fl-ordnijiet ġuridiċi tagħhom biex jiggarantixxu aċċess inklużiv għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta' deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali;

59. Jisħaq li l-azzjonijiet tal-attivisti ambjentali huma assolutament konformi mal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli u li l-implimentazzjoni sistemika ta' dawn l-għanijiet għandha tiġi segwita lokalment, nazzjonalment u internazzjonalment;

60. Ifakkar li l-Istati Membri huma meħtieġa jirregolaw il-kumpaniji biex jiżguraw li ma jikkawżawx abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u li l-atturi privati u korporattivi għandhom l-obbligu li jindirizzaw l-implikazzjonijiet tat-tibdil fil-klima fuq id-drittijiet tal-bniedem, f'konformità mal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem;

61. Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkunu atturi attivi fit-tfassil, l-istabbiliment u l-promozzjoni ta' salvagwardji u proċessi ta' responsabbiltà fi ħdan il-korpi rikonoxxuti internazzjonalment biex jiżguraw li l-bidliet strutturali li saru biex jinkiseb it-tnaqqis drastiku fl-emissjonijiet sal-2030, kif previst mill-politiki dwar il-klima, jitfasslu, jiġu implimentati u mmonitorjati b'mod li jipproteġi d-drittijiet tal-persuni u tal-komunitajiet affettwati, inkluż id-dritt għax-xogħol u għall-promozzjoni ta' kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u ekwi; jenfasizza li t-tranżizzjoni ekoloġika għandha tkun ġusta u ma tħalli lil ħadd barra;

62. Jisħaq fuq l-importanza ta' diliġenza dovuta korporattiva u responsabbiltà korporattiva sostenibbli u responsabbli bħala mezzi sinifikanti u indispensabbli għall-prevenzjoni u l-protezzjoni kontra ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ambjent; jappella lill-UE tappoġġja obbligu ta' rendikont korporattiv sostenibbli u responsabbli bħala element ewlieni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew; jappella lill-Istati Membri jimplimentaw miżuri regolatorji effettivi biex jidentifikaw, jivvalutaw, jipprevjenu, iwaqqfu, jimmitigaw, jimmonitorjaw, jikkomunikaw, jagħtu rendikont, jindirizzaw u jirrimedjaw abbużi potenzjali u/jew reali tad-drittijiet tal-bniedem, u jżommu lin-negozji responsabbli fir-rigward tal-iżgurar li jissodisfaw l-obbligi ta' diliġenza dovuta tagħhom fir-rigward tal-impatt tat-tibdil fil-klima fuq id-drittijiet tal-bniedem, skont il-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem;

63. Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tiżviluppa proposta leġiżlattiva dwar id-diliġenza dovuta obbligatorja għall-kumpaniji dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-ambjent fil-ktajjen tal-provvista tagħhom; jirrakkomanda li din il-proposta leġiżlattiva għandha tappoġġja u tiffaċilita l-iżvilupp ta' metodoloġiji komuni ta' kejl tal-impatt għall-impatti ambjentali u tat-tibdil fil-klima; jisħaq fuq l-importanza ta' konsultazzjoni u komunikazzjoni effettivi, sinifikanti u informati mal-partijiet ikkonċernati kollha affettwati jew potenzjalment affettwati, inkluż id-difensuri ambjentali; iħeġġeġ lill-UE tappoġġja u timpenja ruħha b'mod effettiv fin-negozjati li għaddejjin bħalissa għal trattat vinkolanti tan-NU dwar il-kummerċ u d-drittijiet tal-bniedem biex jirregola l-attivitajiet tal-kumpaniji transnazzjonali u impriżi oħra tan-negozju; iqis li kwalunkwe strument bħal dan irid jinkoraġġixxi lill-atturi korporattivi u l-investituri jassumu r-responsabbiltajiet tagħhom fir-rigward tad-dritt tal-bniedem għal ambjent san; iqis li kwalunkwe strument bħal dan għandu jinkludi dispożizzjonijiet sodi għall-protezzjoni ambjentali u jħeġġeġ lill-atturi korporattivi kif ukoll lill-istituzzjonijiet finanzjarji, iżda wkoll lill-investiment reġjonali jew lill-istituzzjonijiet tal-iżvilupp, biex jassumu r-responsabbiltajiet tagħhom fir-rigward tad-dritt tal-bniedem għal ambjent san;

64. Jissottolinja l-importanza tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-livell globali peress li din hija ta' ħsara għat-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem u għandha riperkussjonijiet negattivi speċifiċi u taffettwa b'mod sproporzjonat il-gruppi l-aktar żvantaġġati, emarġinati u vulnerabbli tas-soċjetà, bħan-nisa, it-tfal, il-persuni b'diżabilità, l-anzjani, il-foqra, il-popli indiġeni jew il-persuni li jagħmlu parti minn minoranzi, fost oħrajn billi dawn jiġu esklużi mill-aċċess ugwali għar-riżorsi naturali, inkluża l-art;

65. Jappella lill-Kunsill u lis-SEAE jinkludu reati relatati mal-korruzzjoni fost l-atti punibbli fi ħdan ir-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem, l-hekk imsejjaħ Att Magnitsky Ewropew, u jiżguraw l-adozzjoni u l-implimentazzjoni rapida tiegħu;

66. Jemmen li r-reviżjoni attwali tal-politika kummerċjali tal-UE għandha tkun opportunità biex tiddefinixxi mill-ġdid, tippromwovi u ssaħħaħ il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem fil-politika kummerċjali; jisħaq fuq il-fatt li l-kapitoli dwar l-iżvilupp sostenibbli ta' ftehimiet kummerċjali futuri jridu jkunu koperti mill-mekkaniżmi ta' soluzzjoni ta' tilwim ta' dawn il-ftehimiet;

°

° °

67. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President tal-74 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, lill-President tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-UE.


 

 

 

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP (14.1.2021)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin

dwar l-effetti tat-tibdil fil-klima fuq id-drittijiet tal-bniedem u r-rwol tal-difensuri ambjentali dwar din il-kwistjoni

(2020/2134(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Miguel Urbán Crespo

 

 

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A. billi f'dawn l-aħħar snin, id-difensuri ambjentali ġew soġġetti għal inċidenzi dejjem akbar ta' qtil, ħtif, tortura, vjolenza abbażi tal-ġeneru, theddid, fastidju, intimidazzjoni, kampanji ta' malafama, kriminalizzazzjoni, fastidju ġudizzjarju, evizzjoni u spostament sfurzati;

B. billi l-kriminalizzazzjoni tad-difensuri ambjentali hija n-norma f'ħafna pajjiżi u l-kawżi strateġiċi kontrihom mill-amministrazzjonijiet pubbliċi jiggwidaw ir-riżorsi, l-enerġija u l-fokus 'il bogħod mill-ħidma tad-difensuri biex jegħlbu l-proċeduri fit-tul u ta' spiss infondati tal-qorti;

C. billi l-kriżi ekonomika li mistennija tirriżulta mill-pandemija tal-COVID-19 tista' timbotta lill-Istati biex jiddevjaw il-fondi lil hinn mill-protezzjoni ambjentali sabiex jistimulaw tkabbir ekonomiku fuq terminu qasir, li jirriżulta f'użu akbar tal-vjolenza biex il-komunitajiet jiġu mġiegħla jitilqu minn arthom u jippermettu l-isfruttament tagħha;

1. Jisħaq li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw, inklużi l-Istati Gżejjer Żgħar li qed Jiżviluppaw (SIDS), huma l-aktar esposti għat-tibdil fil-klima, u li l-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u d-difensuri ambjentali tagħhom, li huma spiss membri ta' komunitajiet indiġeni jew tradizzjonali, ikollhom jittrattaw diversi forom ta' vjolenza, li jvarjaw minn theddid psikoloġiku u fiżiku għal restrizzjonijiet fuq il-libertà tagħhom, persekuzzjoni ġudizzjarja u saħansitra qtil għad-difiża tal-art, il-wirt u l-ambjent tagħhom mill-konsegwenzi tal-isfruttament tar-riżorsi naturali; jirrikonoxxi li l-azzjonijiet meħuda mid-difensuri ambjentali huma essenzjali peress li jfittxu, ifasslu u jxerrdu soluzzjonijiet u mekkaniżmi vijabbli għall-prevenzjoni, ir-reżiljenza u l-adattament għat-tibdil fil-klima għan-nies li jgħixu fit-territorji affettwati;

2. Ifakkar li l-qerda u d-degradazzjoni kontinwa tal-bijodiversità se jimminaw it-tgawdija ta' firxa wiesgħa ta' drittijiet tal-bniedem; jiddeplora l-fatt li l-Istati naqsu kompletament milli jilħqu l-għan li jnaqqsu r-rata tat-telf tal-bijodiversità; ifakkar li l-effetti dannużi tad-degradazzjoni tal-ekosistemi qed jinġarru sproporzjonalment mill-foqra u xi drabi huma l-fattur ewlieni li qed jikkawża faqar u kunflitti soċjali; itenni d-dmir tal-Istati li jindirizzaw b'mod effettiv il-fatturi li jwasslu għat-telf tal-bijodiversità, inkluż l-integrazzjoni tal-obbligi għall-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tar-riżorsi fil-politiki usa' tal-iżvilupp; jenfasizza, b'mod aktar ġenerali, li l-Istati għandhom obbligi mhux biss li jipproteġu d-difensuri ambjentali, iżda wkoll li jipproteġu l-ekosistemi li fuqhom jiddependu d-drittijiet tal-bniedem ta' ħafna nies;

3. Jisħaq li l-popolazzjonijiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw jiddependu direttament mill-bijodiversità għas-sigurtà tal-ikel, is-sigurtà tas-saħħa u s-sigurtà ekonomika tagħhom; jiddeplora l-fatt li d-degradazzjoni tal-bijodiversità kkawżata mit-tibdil fil-klima, u t-telf tar-riżorsi li jirriżulta, qed iżżid il-vulnerabbiltà ta' dawk il-popolazzjonijiet u hija ta' ħsara għad-drittijiet fundamentali tagħhom u għad-dinjità tagħhom;

4. Jenfasizza l-fatt li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw ma jistgħux jittrattaw l-effetti tat-tibdil fil-klima waħedhom u li ħafna drabi jiddependu mill-assistenza internazzjonali fir-rigward tal-kapaċità tagħhom ta' ġestjoni tal-kriżijiet u l-kapaċità tagħhom li jadattaw u jantiċipaw l-effetti tat-tibdil fil-klima; ifakkar, f'dan ir-rigward, fl-impenn tal-pajjiżi firmatarji għall-Ftehimiet ta' Pariġi biex jimmobilizzaw mill-inqas USD 100 biljun fis-sena biex iwettqu attivitajiet ta' mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex tissaħħaħ ir-reżiljenza tar-residenti milquta;

5. Jistieden lill-Unjoni u lill-Istati Membri tagħha biex, waqt l-Assemblea Ġenerali tan-NU li jmiss, jappoġġjaw ir-rikonoxximent dinji tad-dritt għal ambjent sikur, nadif, b'saħħtu u sostenibbli;

6. Jisħaq fuq l-importanza tar-rwol ewlieni tal-attivisti ambjentali fil-ħarsien tad-drittijiet fundamentali u d-dinjità ta' dawk milquta mill-effetti tat-tibdil fil-klima; jenfasizza li dawn huma vitali biex nenfasizzaw u nipproteġu l-beni pubbliċi tagħna, u b'mod partikolari ż-żoni ta' wirt indiġeni u komunitarji;

7. Jinnota li l-attivisti ambjentali spiss jaħdmu f'ambjenti perikolużi, fejn il-ġlied bl-armi, l-isfruttament żejjed u l-kaċċa illegali huma komuni, filwaqt li d-degradazzjoni ambjentali u t-tnaqqis tar-riżorsi sempliċiment iżidu dawn it-tensjonijiet;

8. Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar iż-żieda fil-kriminalizzazzjoni u l-persekuzzjoni ta' attivisti ambjentali f'pajjiżi li qed jiżviluppaw, li jisfaw vittmi ta' attakki mwettqa minn diversi awturi, bħal gruppi armati u milizzji jew individwi privati, u intimidazzjoni minn xi gvernijiet u kumpaniji multinazzjonali li, f'ċerti postijiet, qed jinvestu fi proġetti li jikkontribwixxu għall-isfruttament ta' riżorsi naturali u mhux rinnovabbli, u b'hekk qed jikkawżaw id-deforestazzjoni, it-telf tal-bijodiversità u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, li jolqtu l-aktar lin-nisa, lill-komunitajiet lokali u lill-popli indiġeni; ifakkar, f'dan ir-rigward, li l-popli indiġeni għandhom rwol vitali għall-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali u l-konservazzjoni tal-bijodiversità; jistieden lill-UE biex ma tiffinanzjax proġetti li jistgħu jikkontribwixxu għat-tkeċċija ta' popli indiġeni mill-artijiet tagħhom; jirrakkomanda li l-Istati Membri tal-UE li għadhom ma għamlux dan, jirratifikaw il-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) 169 dwar Popli Indiġeni u Tribali; b'mod partikolari, jistieden lill-UE u lill-pajjiżi sħab tagħha jirrikonoxxu u jipproteġu d-drittijiet tal-popli indiġeni għas-sjieda u l-kontroll konswetudinarji tal-artijiet u r-riżorsi naturali tagħhom, kif stabbilit fid-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni u l-Konvenzjoni 169 tal-ILO, u biex jikkonformaw mal-prinċipju ta' kunsens liberu, minn qabel u infurmat billi tkun tista' ssir reġistrazzjoni kollettiva tal-art; jikkundanna kwalunkwe tentattiv ta' deregolamentazzjoni tal-ħarsien tal-ambjent u tad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 u kriżijiet oħra; jesprimi t-tħassib tiegħu fir-rigward tas-sitwazzjoni tad-difensuri ambjentali u tal-informaturi madwar id-dinja; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja difensuri ambjentali madwar id-dinja u tiżgura pjan ta' azzjoni kontra ż-żieda fil-vjolenza li tintuża biex iġġiegħel lill-komunitajiet jitilqu minn arthom fid-dawl tal-pandemija tal-COVID-19;

9. Jenfasizza li filwaqt li l-attakki u t-theddid iseħħu kullimkien fid-dinja, ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem jispjega li s-sitwazzjoni hija partikolarment drammatika fl-Amerika Latina u l-Asja, fejn xi investituri internazzjonali, kumpaniji u gvernijiet lokali jinjoraw it-tħassib leġittimu tal-popolazzjonijiet; jinnota li f'ħafna mill-każijiet, il-kunflitti u l-ksur iseħħu f'kuntest ta' inugwaljanza ekonomika u esklużjoni soċjali; jikkundanna l-persekuzzjoni ġudizzjarja u l-kriminalizzazzjoni ta' attivisti ambjentali fir-reġjun tal-Amażonja, fejn l-attakki, il-qtil u l-persekuzzjoni ta' attivisti ambjentali qed jiżdiedu; jikkundanna ż-żieda fl-għadd ta' attakki kontra attivisti ambjentali u l-persekuzzjoni tagħhom fil-Honduras u l-qtil reċenti ta' attivisti ambjentali ta' Guapinol; jinnota li matul l-aħħar tliet snin, ġew irreġistrati 578 qatla ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem ambjentali, tal-art u indiġeni; jisħaq li l-Filippini huma konsistentement fil-quċċata tal-lista ta' pajjiżi fejn huwa l-aktar perikoluż li wieħed ikun difensur tad-drittijiet ambjentali; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni, minħabba l-gravità tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż u fin-nuqqas ta' kwalunkwe titjib jew rieda sostanzjali ta' kooperazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet Filippini, biex tibda l-proċedura li tista' twassal għall-irtirar temporanju tal-preferenzi skont l-Iskema Ġeneralizzata ta' Preferenzi Plus (GSP+);

10. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-indipendenza tal-istudji ta' valutazzjoni tal-impatt qabel il-konklużjoni ta' ftehimiet kummerċjali u ta' kooperazzjoni u qabel l-implimentazzjoni ta' proġetti ta' żvilupp, b'enfasi speċifika fuq il-kejl u l-prevenzjoni tal-effetti tagħhom fuq id-drittijiet tal-popolazzjonijiet lokali; jinsisti li l-valutazzjonijiet tal-impatt jitwettqu bil-parteċipazzjoni sinifikanti tas-soċjetà ċivili u tal-komunitajiet lokali u li s-sejbiet jitqiesu kif xieraq fi ftehimiet ekonomiċi u fi proġetti ta' żvilupp; jistieden lill-Kummissjoni terġa' tivvaluta l-eżekuzzjoni ta' proġetti f'każ ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

11. Jisħaq li d-difensuri ambjentali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom rwol vitali fil-protezzjoni tal-foresti u l-ekosistemi u li l-artijiet ġestiti mill-indiġeni għandhom rati ta' deforestazzjoni aktar baxxi u riżultati ta' konservazzjoni aħjar miż-żoni ta' protezzjoni li jeskludu l-popli indiġeni;

12. Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu li t-tibdil fil-klima se jwassal għall-qerda ta' art abitabbli, id-deterjorament tal-ekosistemi u d-deżertifikazzjoni akbar f'ċerti territorji, speċjalment f'pajjiżi li qed jiżviluppaw; jemmen li fil-ftit snin li ġejjin l-impatt tat-tibdil fil-klima se jġiegħel lil ħafna biex jiċċaqalqu peress li l-art tagħhom ma tibqax abitabbli, u bħala tali, se joħloq aktar migranti ambjentali minn pajjiżi li qed jiżviluppaw u minn pajjiżi żviluppati; jenfasizza li, għal dak il-għan u biex ikun żgurat li d-drittijiet tal-bniedem u d-dinjità jitħarsu, jeħtieġ li jitqies ir-rikonoxximent internazzjonali tal-istatus ta' rifuġjat ambjentali; jinnota, b'rabta ma' dan, li l-Konvenzjoni tar-Refuġjati tal-1951 ma tkoprix il-protezzjoni ta' persuni spustati għal raġunijiet ambjentali; jitlob li tiġi ċċarata t-terminoloġija komuni, kemm fuq livell internazzjonali kif ukoll fuq livell Ewropew, rigward il-kundizzjonijiet applikabbli għall-persuni li jiċċaqalqu minħabba t-tibdil fil-klima; jiġbed l-attenzjoni, f'dan ir-rigward, għad-deċiżjoni storika tal-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bnieden tan-NU fil-kawża Teitiota vs New Zealand, li rrikonoxxiet li l-persuni li jaħarbu minn diżastri naturali u dawk relatati mal-klima għandhom pretensjoni valida għal protezzjoni internazzjonali skont il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu din id-deċiżjoni bħala inċentiv biex tiġi ċċarata terminoloġija komuni fil-livell internazzjonali u Ewropew dwar il-kundizzjonijiet tal-migrazzjoni kkawżata mill-klima u jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw protezzjoni sħiħa tal-persuni spostati minħabba l-klima skont il-liġi tal-Unjoni u jipprovdu sistema xierqa ta' ażil, kif ukoll joħolqu mezzi għal migrazzjoni sikura u regolari; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiżviluppaw u jadottaw, bħala parti mir-riforma tal-politika tal-Unjoni dwar il-migrazzjoni u l-ażil, miżuri xierqa bħal skemi ta' mobilità, taħriġ fil-ħiliet u taħriġ mill-ġdid għall-ħaddiema minn pajjiżi terzi li jkunu ġejjin minn pajjiżi partikolarment affettwati mill-impatti negattivi tat-tibdil fil-klima; jitlob li jintużaw viżi umanitarji u protezzjoni temporanja għal persuni spostati minħabba diżastri li jseħħu f'daqqa u għall-ammissjoni fit-tul ta' persuni li jkunu ġejjin minn pajjiżi li qed isiru jew li saru inabitabbli minħabba t-tibdil fil-klima;

13. Iqis li l-introduzzjoni ta' leġiżlazzjoni tal-UE dwar diliġenza dovuta kummerċjali vinkolanti, armonizzata u obbligatorja tista' tgħin biex ittejjeb id-difiża tad-drittijiet tal-bniedem u l-konformità mal-istandards ambjentali fil-ġlieda kontra l-impunità u t-tibdil fil-klima fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU, il-Ftehim ta' Pariġi u l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku tal-UE; jisħaq li l-leġiżlazzjoni futura għandha tqis il-ħtiġijiet u d-drittijiet speċifiċi tan-nisa u tal-gruppi vulnerabbli bħat-tfal u l-popli indiġeni; jistieden lill-Kummissjoni tkompli taħdem favur l-approvazzjoni tat-trattat vinkolanti tan-NU għall-korporazzjonijiet transnazzjonali fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem; f'dan ir-rigward, jilqa' l-pjan tal-Kummissjoni li tfassal proposta leġiżlattiva dwar dan is-suġġett li tiżgura aċċess għall-ġustizzja għall-vittmi ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tipprovdi mekkaniżmi għal rimedju u responsabbiltà għall-komunitajiet milquta; jenfasizza r-rwol importanti tas-settur privat u l-investimenti fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; jisħaq fuq il-benefiċċji ppruvati għall-kumpaniji li jkollhom fis-seħħ prattiki effettivi ta' mġiba responsabbli fin-negozju; itenni li l-ftehimiet ta' investiment u kummerċ tal-UE għandhom jinkludu dispożizzjonijiet vinkolanti u infurzabbli biex jindirizzaw it-tibdil fil-klima, id-deforestazzjoni, it-telf tal-bijodiversità u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-popli indiġeni u tal-komunitajiet lokali, permezz ta' mekkaniżmu effettiv ta' monitoraġġ u infurzar; jemmen, minn perspettiva ta' żvilupp, li r-rieżami tal-politika kummerċjali tal-UE għandu jiddefinixxi mill-ġdid, jippromwovi u jsaħħaħ il-protezzjoni tal-ambjent u d-drittijiet tal-bniedem; jisħaq li d-dmirijiet ta' diliġenza dovuta soċjali, ambjentali u tad-drittijiet tal-bniedem għandhom jiġu infurzati fi ħdan il-mekkaniżmi kummerċjali ġodda bħal ftehimiet ta' kummerċ ħieles, Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika, Skemi Ġeneralizzati ta' Preferenzi u Ftehimiet ta' Investiment;

14. Ifakkar li l-konsegwenzi negattivi tat-tibdil fil-klima jimminaw il-prospetti ta' żvilupp ta' pajjiż, filwaqt li jaggravaw inugwaljanzi diġà eżistenti bħad-disparitjiet bejn il-ġeneri; jissottolinja li l-impatt tat-tibdil fil-klima huwa agħar għall-persuni l-aktar vulnerabbli bħalma huma n-nisa u l-bniet, u li 80 % tal-persuni spostati mit-tibdil fil-klima huma nisa; jilqa' l-impenji meħuda mill-Viċi President tal-Kummissjoni Frans Timmermans biex jindirizza l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri li jiġu aggravati bit-tibdil fil-klima; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tintegra l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-ġustizzja klimatika fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki kollha li għandhom impatt fuq is-sitwazzjoni tan-nisa u l-bniet, u tippromwovi l-parteċipazzjoni tan-nisa indiġeni, id-difensuri tad-drittijiet tan-nisa u l-komunitajiet ta' ġeneri emarġinati kollha fil-qafas tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima;

15. Jistieden lill-Kummissjoni tivverifika bir-reqqa li l-proġetti fil-qasam tal-infrastruttura u tal-enerġija ffinanzjati permezz tad-diversi strumenti ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp u ta' politika esterna, inkluż permezz tal-Bank Ewropew tal-Investiment, ma jipperikolawx id-drittijiet tal-bniedem, l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli, l-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima jew il-Patt Ekoloġiku Ewropew; jisħaq li l-attivitajiet iffinanzjati permezz tal-istituzzjonijiet tal-finanzi għall-iżvilupp mingħajr il-kunsens jew il-konsultazzjoni sinifikanti tal-komunitajiet lokali u l-gruppi emarġinati jistgħu jikkawżaw theddid għad-drittijiet tal-bniedem u d-difensuri ambjentali; jitlob li, f'dan ir-rigward, jiġi evalwat bir-reqqa jekk il-proġetti proposti ġewx ifformulati b 'konsultazzjoni mal-komunitajiet indiġeni u mal-popolazzjonijiet lokali u jekk inkludewx l-esperjenza u l-għarfien tagħhom tal-ekoloġija lokali, id-drittijiet tal-bniedem u l-ħtiġijiet tal-iżvilupp; jisħaq li għadd ta' kunflitti ambjentali jistgħu jiġu evitati permezz ta' konsultazzjoni minn qabel mal-komunitajiet lokali, il-popli indiġeni u l-attivisti ambjentali u bil-parteċipazzjoni attiva tagħhom; ifakkar, b'mod aktar ġenerali, li approċċ ibbażat fuq id-drittijiet għandu jkun operazzjonalizzat u applikat b'mod strett u rrispettat fil-proġetti uffiċjali kollha ffinanzjati mill-għajnuna għall-iżvilupp, b'mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet ta' pastoralisti u popli indiġeni, li jimplika l-għoti ta' mekkaniżmi effettivi ta' lmenti u rimedju, skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/396/UE tal-11 ta' Ġunju 2013, b'mod partikolari f'każ li l-azzjonijiet klimatiċi jiksru d-drittijiet tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-appoġġ tagħhom lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex jinkisbu soluzzjonijiet dejjiema għall-persuni li ġew spostati minħabba l-ambjent, inklużi popli indiġeni, rgħajja u popolazzjonijiet rurali oħra li l-għajxien tradizzjonali tagħhom inqered mill-impatti negattivi tat-tibdil fil-klima, u biex isibu mezzi ġodda ta' għajxien li huma adattati aħjar għal klima li qed tinbidel;

16. Jisħaq li l-azzjonijiet tal-attivisti ambjentali huma assolutament konformi mal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli u li l-implimentazzjoni sistemika ta' dawn l-għanijiet għandha tiġi segwita lokalment, nazzjonalment u internazzjonalment;

17. Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb il-qafas għall-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-attivisti ambjentali billi tippermettilhom li jkollhom għarfien aħjar tad-drittijiet tagħhom u tal-miżuri protettivi li minnhom jistgħu jibbenefikaw, kif ukoll issaħħaħ in-network u ttejjeb il-konnettività bejn l-organizzazzjonijiet involuti fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u madwar id-dinja; iħeġġeġ lill-Istati jirrikonoxxu li d-difensuri tal-bijodiversità, li jikkontribwixxu għal żvilupp sikur, nadif, tajjeb għas-saħħa u sostenibbli, huma wkoll difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; għal dan il-għan, jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jeżaminaw il-każ biex tingħata personalità legali lin-natura, u b'hekk tissaħħaħ il-protezzjoni legali tal-ambjent; jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni speċifika lill-ħtiġijiet differenzjati ta' protezzjoni tad-difensuri nisa tad-drittijiet tal-bniedem, filwaqt li tirrikonoxxi r-rwol tagħhom bħala aġenti tal-bidla b'saħħithom, b'mod partikolari għall-azzjoni dwar il-klima; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq il-ħtieġa li jiġu appoġġjati t-tisħiħ tal-kapaċitajiet u r-rwol tan-nisa bħala edukaturi u promoturi tal-bidla, filwaqt li jiġi żgurat finanzjament adegwat għal dawn l-organizzazzjonijiet; ifakkar kemm-il darba nisa mexxejja tal-komunità u attivisti ambjentali huma vittmi ta' ripressjoni u saħansitra qtil, bħal fil-każ tal-attivisti kuraġġużi nominati u magħżula għall-Premju Sakharov tal-Parlament Ewropew għal-Libertà tal-Ħsieb, bħal Marielle Franco mill-Brażil, li nqatlet fl-2018, u Berta Cáceres mill-Honduras, li nqatlet fl-2016; jistieden lill-Kummissjoni titlob li jsiru investigazzjonijiet effettivi u biex issir ġustizzja ma' dawk responsabbli għall-qtil ta' attivisti ambjentali; jiġbed l-attenzjoni għad-dispożizzjonijiet tal-ftehim ta' Escazú dwar il-liġi ambjentali internazzjonali, b'mod partikolari fir-rigward tal-interdipendenza bejn l-ambjent u d-drittijiet tal-bniedem u l-ħtieġa li jkunu protetti attivisti ambjentali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkonkludu ftehimiet simili ma' makroreġjuni oħra madwar id-dinja;

18. Jistieden lill-Kummissjoni tipprevedi appoġġ adegwat għal networks lokali, reġjonali u internazzjonali għad-difensuri ambjentali sabiex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni tagħhom u tippermettilhom iżidu l-attivitajiet u l-kontribut tagħhom għall-protezzjoni tal-ekosistemi naturali; jinkoraġġixxi l-mobilizzazzjoni tar-riżorsi finanzjarji għad-difensuri ambjentali sabiex ikunu jistgħu jinvestu f'tagħmir aħjar għal osservazzjoni aktar effiċjenti tat-territorji li huma fil-periklu minħabba t-tibdil fil-klima, kif ukoll l-għoti ta' appoġġ għall-ġbir ta' data xjentifika u l-aħjar prattiki, l-iżvilupp ta’ programmi edukattivi ambjentali għall-adattament għat-tibdil ambjentali, u proġetti ta' żvilupp għat-titjib tal-kundizzjonijiet ambjentali u l-kwalità tal-ħajja; iħeġġeġ lill-pajjiżi sħab jadottaw miżuri biex jinvolvu b'mod effettiv lill-popli indiġeni fil-miżuri ta' adattament għat-tibdil fil-klima u l-mitigazzjoni tiegħu u jipprovdu, għal dan il-għan, għajnuna teknika u finanzjarja li tilħaq direttament lill-popli indiġeni biex tappoġġja l-awtogovernanza, il-kontroll u l-ġestjoni territorjali;

19. Jitlob lill-Unjoni Ewropea tappoġġja approċċ reġjonali b'reazzjoni għall-effetti tat-tibdil fil-klima fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex l-awtoritajiet lokali deċentralizzati, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lokali u l-attivisti ambjentali jingħataw rwol akbar fl-indirizzar tal-effetti ambjentali, soċjali u ekonomiċi tat-tibdil fil-klima;

20. Jistieden lill-Kunsill u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) isaħħu l-applikazzjoni tal-linji gwida tagħhom dwar l-appoġġ għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, biex sistematikament iqisu l-miżuri għall-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u, minbarra li jirreaġixxu għal sitwazzjonijiet speċifiċi, jiżviluppaw strateġija fit-tul għall-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem bl-aktar mod effettiv possibbli;

21. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi appoġġ lill-Istati biex jintroduċu mekkaniżmi ta' protezzjoni u leġiżlazzjoni li jiddefinixxu d-difensuri ambjentali, jirrikonoxxu l-ħidma tagħhom u jiggarantixxu l-protezzjoni tagħhom;

22. Iqis li l-Kunsill u s-SEAE għandhom jippreżentaw rapport annwali lill-Parlament Ewropew dwar l-azzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

23. Jitlob li jingħata aktar appoġġ politiku u finanzjarju għad-difensuri tad-drittijiet ambjentali u jikkundanna sistematikament ir-ritaljazzjonijiet kontrihom;

24. Jitlob lill-UE biex, skont ir-riżoluzzjoni 40/11 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tal-21 ta' Marzu 2019, tiffaċilita l-għarfien pubbliku u l-parteċipazzjoni tiegħu fit-teħid ta' deċiżjonijiet ambjentali, inkluż mas-soċjetà ċivili, in-nisa, it-tfal, iż-żgħażagħ, il-popli indiġeni, il-komunitajiet rurali u lokali, mhux limitati għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw iżda globalment.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

14.1.2021

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

12

3

8

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Anna-Michelle Asimakopoulou, Hildegard Bentele, Dominique Bilde, Udo Bullmann, Catherine Chabaud, Ryszard Czarnecki, Gianna Gancia, Charles Goerens, Mónica Silvana González, Pierrette Herzberger-Fofana, György Hölvényi, Rasa Juknevičienė, Pierfrancesco Majorino, Erik Marquardt, Norbert Neuser, Janina Ochojska, Jan-Christoph Oetjen, Michèle Rivasi, Christian Sagartz, Tomas Tobé, Miguel Urbán Crespo, Bernhard Zimniok

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Barry Andrews

 


 

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

12

+

S&D

Udo Bullmann, Mónica Silvana González, Pierfrancesco Majorino, Norbert Neuser

Renew

Barry Andrews, Catherine Chabaud, Charles Goerens, Jan‑Christoph Oetjen

Verts/ALE

Pierrette Herzberger‑Fofana, Erik Marquardt, Michèle Rivasi

The Left

Miguel Urbán Crespo

 

3

-

ECR

Ryszard Czarnecki

ID

Gianna Gancia, Bernhard Zimniok

 

8

0

PPE

Anna‑Michelle Asimakopoulou, Hildegard Bentele, György Hölvényi, Rasa Juknevičienė, Janina Ochojska, Christian Sagartz, Tomas Tobé

ID

Dominique Bilde

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni


 

 

 

 

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-AMBJENT, IS-SAĦĦA PUBBLIKA U S-SIKUREZZA TAL-IKEL (17.12.2020)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin

dwar l-effetti tal-tibdil fil-klima fuq id-drittijiet tal-bniedem u r-rwol tad-difensuri ambjentali dwar din il-kwistjoni

(2020/2134(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Pascal Canfin

 

 

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

- wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

A. billi l-bnedmin kollha huma intitolati għat-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali tagħhom mingħajr diskriminazzjoni, kif stipulat fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

B. billi t-tibdil fil-klima qed iseħħ madwar id-dinja kollha, iżda għandu impatt akbar fuq il-pajjiżi u l-komunitajiet li l-inqas li huma responsabbli għat-tisħin globali; billi l-impatti huma akbar fuq il-popolazzjonijiet li huma l-aktar dipendenti fuq ir-riżorsi naturali għall-għajxien tagħhom u/jew li għandhom l-inqas kapaċità biex jirrispondu għal perikli naturali, bħal nixfiet, l-uqigħ tal-art, l-għargħar u l-uragani; billi dawk b'inqas riżorsi finanzjarji biex jadattaw għal dan it-tibdil ikunu dawk li jintlaqtu l-aktar u li jsofru l-aktar mill-impatti tat-tibdil fil-klima;

C. billi s-sensibilizzazzjoni u t-tħassib dejjem jikbru dwar l-impatti tat-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali fost il-popolazzjoni ġenerali globalment jipprovdu, b'mod ġenerali, momentum għal attiviżmu ambjentali u, b'mod partikolari, l-involviment proattiv tad-difensuri ambjentali;

D. billi, l-komunità internazzjonali, fl-ewwel konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-ambjent fl-1972, approvat l-aspett interdipendenti u reċiproku bejn id-drittijiet tal-bniedem u l-ambjent, u b'hekk ambjent b'saħħtu huwa integrali għat-tgawdija bis-sħiħ ta' firxa wiesgħa ta' drittijiet tal-bniedem; billi l-emerġenza klimatika u ambjentali, iddikjarata mill-Parlament Ewropew f'Novembru tas-sena l-oħra, tippreżenta sfida addizzjonali f'dan ir-rigward;

E. billi d-drittijiet tal-bniedem huma marbuta mill-qrib mat-tibdil fil-klima peress li l-effetti devastanti tiegħu fuq l-ambjent għandhom impatt konsegwenti fuq it-tgawdija sħiħa tad-drittijiet għall-ħajja, is-saħħa, l-ilma, l-akkomodazzjoni, l-ikel u l-mezzi tal-għajxien; billi l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ukoll stabbiliet b'mod ċar li diversi tipi ta' degradazzjoni ambjentali jistgħu jirriżultaw fi ksur tad-drittijiet tal-bniedem sostantivi, bħad-dritt għall-ħajja, għall-ħajja privata u għall-ħajja tal-familja, il-projbizzjoni ta' trattament inuman u degradanti, u t-tgawdija fil-paċi tad-dar;

F. billi l-Ftehim ta' Pariġi, fil-preambolu tiegħu, jirrikonoxxi li t-tibdil fil-klima huwa tħassib komuni tal-bnedmin kollha u li l-Partijiet għall-Ftehim għandhom, meta jieħdu azzjoni biex jindirizzaw it-tibdil fil-klima, jirrispettaw, jippromwovu u jikkunsidraw l-obbligi rispettivi tagħhom dwar id-drittijiet tal-bniedem;

G. billi d-domanda globali dejjem tiżdied għall-aċċess għar-riżorsi naturali sikwit tirriżulta fi sfruttament mhux sostenibbli tal-ambjent naturali u tal-bniedem u tpoġġi lil persuni ordinarji fuq quddiem fil-protezzjoni tal-ekosistemi, l-art, l-ikel, il-patrimonju kulturali, u komunitajiet u individwi kontra l-impatti tat-tibdil fil-klima, u kontra l-estrazzjoni insostenibbli tal-materja prima, inklużi l-fjuwils fossili, id-deforestazzjoni, il-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam u l-ħtif tal-art;

H. billi ġiet irrapportata okkorrenza dejjem akbar ta' qtil ta' difensuri ambjentali madwar id-dinja; billi, b'mod partikolari, l-għadd ta' difensuri ambjentali li nqatlu żdied b'erba' darbiet f'dawn l-aħħar għaxar snin[10], u r-rata ta' mwiet żdiedet bħala medja għal aktar minn erba' attivisti maqtula kull ġimgħa fl-2019[11]; billi s-sehem predominanti (90 %) tal-qtil ġie rrappurtat fl-Amerika Ċentrali u t'Isfel, u fix-Xlokk tal-Asja; billi wħud mill-postijiet bl-aktar bijodiversità fid-dinja jinstabu f'dawk ir-reġjuni;

I. billi skont l-istudju tal-każ tal-European Environmental Bureau[12], il-fastidju kontra d-difensuri ambjentali huwa preżenti wkoll fl-UE u fl-2018 ġew irrappurtati 13-il inċident u, skont ir-rapport, hemm Stati Membri li ma għandhom l-ebda leġiżlazzjoni dwar il-fastidju tad-difensuri ambjentali u ħafna Stati Membri kkunsidraw lilhom infushom bħala li ma jafu xejn rigward is-sanzjonar tal-fastidji;

J. billi f'Marzu 2019 il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti adottat ir-Riżoluzzjoni A/HRC/40/L.22/Rev.1, li rrikonoxxiet il-kontribut tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-qasam ambjentali għat-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem, il-protezzjoni ambjentali u l-iżvilupp sostenibbli;

K. billi l-vulnerabbiltà tad-difensuri ambjentali tkompli tiġi aggravata bin-nuqqas ta' mekkaniżmi ta' stat tad-dritt effiċjenti li jwassal għal impunità tat-trasgressuri;

L. billi l-impatti tat-tibdil fil-klima jiġu esperjenzati b'mod differenti min-nisa u l-irġiel; billi n-nisa mhumiex irrappreżentati biżżejjed fl-istituzzjonijiet tat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-ambjent u t-tibdil fil-klima; billi hemm differenzi bejn il-ġeneri fl-effetti tat-tibdil fil-klima kif ukoll fl-istrateġiji ta' adattament u mitigazzjoni; billi n-nisa huma aktar vulnerabbli u jiffaċċjaw riskji u piżijiet akbar minħabba diversi raġunijiet, li jvarjaw minn aċċess mhux ugwali għar-riżorsi, l-edukazzjoni, l-opportunitajiet ta' impjieg u d-drittijiet għal art, sa normi u rwoli soċjali u kulturali u l-esperjenzi intersezzjonali varjati tagħhom;

M. billi l-konsegwenzi negattivi tat-tibdil fil-klima jimminaw il-prospetti ta' żvilupp tal-pajjiżi, u japprofondixxu d-disparitajiet li diġà jeżistu bejn il-ġeneri li jirriżultaw minn għadd kbir ta' determinanti soċjoekonomiċi, istituzzjonali, kulturali u politiċi;

N. billi l-Konvenzjoni ta' Aarhus tobbliga lill-Istati jipproteġu lil dawk li jeżerċitaw id-drittijiet ambjentali tagħhom minn kwalunkwe fastidju, penalizzazzjoni jew persekuzzjoni;

O. billi ċ-ċittadini ta' pajjiżi industrijalizzati jistgħu jarmu aktar minn mitt darba aktar emissjonijiet tas-CO2 meta mqabbla maċ-ċittadini tal-pajjiżi l-anqas żviluppati; billi dan jirrikjedi l-ibbaġitjar tal-karbonju biex ikun iggarantit qsim ġust tal-bqija tal-baġit tal-karbonju;

P. billi t-tibdil fil-klima jista' jwassal għal kunflitti u jista' jhedded is-sigurtà globali tagħna, b'mod speċjali f'reġjuni fejn l-Istati huma fraġli u mhux immexxija b'mod demokratiku; billi t-tibdil ambjentali jista' jixpruna wkoll kunflitti fir-rigward tal-art jew ir-riżorsi, li mbagħad jista' jwassal għall-ispostament ta' persuni; billi s-sitwazzjoni għan-nies li ġew spostati f'pajjiżhom stess minħabba raġunijiet ambjentali u għar-refuġjati minħabba l-klima hija agħar għall-gruppi aktar vulnerabbli bħan-nisa u l-bniet, li huma esposti għal ksur tad-drittijiet bażiċi tagħhom u sikwit ikunu vittmi ta' traffikar tal-bnedmin u ta' sfruttament sesswali;

Q. billi l-ebda emerġenza ma għandha qatt tintuża biex tnawwar l-istituzzjonijiet demokratiċi jew biex timmina d-drittijiet fundamentali; billi l-miżuri kollha dejjem għandhom jiġu adottati permezz ta' proċess demokratiku;

1. Iqis li t-tibdil fil-klima jhedded it-tgawdija ta' firxa ta' drittijiet tal-bniedem, inklużi dawk għall-ħajja, l-ilma u s-sanità, l-ikel, is-saħħa, l-akkomodazzjoni, l-awtodeterminazzjoni, il-kultura u l-iżvilupp; jisħaq li t-tibdil fil-klima għandu konsegwenzi drammatiċi għad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jenfasizza li d-demokrazija, li tipproteġi d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, hija l-unika forma ta' gvern kompatibbli mal-iżvilupp sostenibbli u l-protezzjoni effettiva tal-ambjent u tal-klima; jirrimarka li l-korruzzjoni u n-nuqqas ta' trasparenza joħolqu r-riskju li jiġu mminati l-protezzjoni ambjentali u l-azzjoni klimatika; jenfasizza l-ħtieġa ta' kooperazzjoni tajba u strutturata mal-awtoritajiet lokali, is-settur privat u s-soċjetà ċivili;

2. Jissottolinja li hemm provi qawwija li l-impatt fuq is-saħħa, bħan-nutrizzjoni ħażina, ta' kundizzjonijiet li huma sensittivi għall-klima, u l-inċidenza ta' mard infettiv ivarjaw skont is-sess; jinnota bi tħassib ir-rata għolja ta' mwiet fost in-nisa f'sitwazzjonijiet ta' diżastri; jappella sabiex il-perspettiva tal-ġeneru tiġi integrata fil-politiki u l-programmi dwar l-iżvilupp sostenibbli biex jiġi żgurat li d-drittijiet tan-nisa u l-bniet – inklużi s-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati (SRHR) u s-servizzi ta' kura tas-saħħa meħtieġa –, il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-ġustizzja klimatika jiġu integrati permezz ta' programmi strateġiċi;

3. Jesprimi tħassib dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem ta' komunitajiet lokali li jirriżulta mill-fenomenu tal-"ħtif tal-art" xprunat, fost l-oħrajn, mill-interessi spekulattivi privati, inklużi dawk relatati ma' kumpaniji bbażati fl-UE, u min-nuqqas ta' azzjoni ta' awtoritajiet tal-Istat u atturi internazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lil korporazzjonijiet f'dan ir-rigward biex josservaw u jippromwovu l-Prinċipji Gwida dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta għal Imġiba Responsabbli fin-Negozju, sabiex jipprevjenu, inaqqsu u jirrimedjaw il-ħsara lill-ambjent u lill-bijodiversità, billi jwettqu konsultazzjonijiet sinifikanti u inklużivi mal-komunitajiet lokali, mad-difensuri ambjentali u mal-partijiet ikkonċernati kollha milquta fir-rigward tal-attivitajiet ta' negozju tagħhom; jilqa' l-pjanijiet tal-Kummissjoni li tipproponi leġiżlazzjoni dwar id-diliġenza dovuta u l-kontabilità korporattiva fil-livell tal-UE, filwaqt li jinnota li diversi pajjiżi diġà għandhom leġiżlazzjoni bħal din fis-seħħ; jitlob appoġġ internazzjonali akbar għad-drittijiet tal-artijiet indiġeni, li jikkontribwixxi biex jiġi limitat it-tisħin globali;

4. Jinsisti fuq approċċ konġunt għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi u l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli fil-politiki interni u esterni u bl-akbar kunsiderazzjoni għad-drittijiet tal-bniedem;

5. Jenfasizza l-indispensabbiltà tal-opportunitajiet tal-iżvilupp tal-bniedem għal kulħadd; jisħaq fuq ir-riskji ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-ktajjen tal-provvista internazzjonali ta' prodotti bażiċi għal enerġija kemm konvenzjonali kif ukoll tat-teknoloġija ekoloġika u rinnovabbli, bħat-tħaddim tat-tfal fil-minjieri tal-kobalt li jfornu l-katina globali tal-batteriji tal-joni tal-litju; jistieden lill-Kummissjoni tqis l-implikazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem meta tivvaluta l-perkorsi ta' teknoloġija tal-enerġija u t-trasport tal-Unjoni;

6. Jisħaq fuq l-importanza tal-kunċett tal-"ġustizzja klimatika" meta tittieħed azzjoni biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima; jappella għal diplomazija dwar il-klima attiva tal-UE li tinkorpora approċċ ibbażat fuq id-drittijiet; jemmen li n-nisa u l-bniet huma affettwati b'mod sproporzjonat mit-tibdil fil-klima, u dan jirrifletti l-fatt li huwa aktar probabbli li jkunu marġinalizzati u żvantaġġjati f'ħafna pajjiżi; jisħaq fuq l-importanza tal-parteċipazzjoni tan-nisa u tar-rwol tan-nisa bħala salvagwardji tal-ambjent fin-Nofsinhar fid-dinja u huwa partikolarment imħasseb dwar il-vjolenza sessista u abbażi tal-ġeneru kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem nisa;

7. Ifakkar fil-prinċipju "la tagħmilx ħsara" fil-qfas tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura b'mod rapidu li l-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment eżistenti u futuri huma konsistenti bis-sħiħ mad-dispożizzjonijiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u mal-għanijiet ambjentali u klimatiċi internazzjonali, b'mod partikolari l-Ftehim ta' Pariġi u l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli;

8. Jisħaq li huwa importanti li l-adattament għat-tibdil fil-klima u l-mitigazzjoni tiegħu jiġu integrati aktar fil-fond fl-istrateġiji nazzjonali ta' żvilupp sostenibbli, u li jiġu konnessi flimkien l-istrateġiji għat-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri, għall-ġestjoni tar-riskju ta' diżastri u tal-adattament għat-tibdil fil-klima, u li jiġi kkunsidrat li fl-għodod eżistenti jiġu inklużi d-dimensjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem;

9. Iqis il-prinċipju tan-newtralità klimatika miftiehem fil-Ftehim ta' Pariġi bħala opportunità eċċellenti għall-iżvilupp kwalitattiv kemm tal-pajjiżi industrijalizzati kif ukoll tal-pajjiżi fin-Nofsinhar tad-dinja fis-sens ta' approssimazzjoni tal-kundizzjonijiet ta' għajxien globali;

10. Iħeġġeġ lill-Istati Membri ma jnaqqsux il-livelli nazzjonali ta' standards ta' protezzjoni ambjentali tagħhom bħala rispons bil-ħsieb tal-irkupru ekonomiku għall-kriżi attwali tal-COVID-19 jew għal kriżijiet futuri oħrajn; itenni f'dan ir-rigward li s-sostenibbiltà bħala kundizzjoni fundamentali għat-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem kollha mingħajr ebda forma ta' diskriminazzjoni għandha tkun l-approċċ essenzjali fit-tfassil ta' politika sabiex ikun żgurat li jiġu salvagwardjati l-interess pubbliku kif ukoll il-benessri soċjali, ambjentali u ekonomiku tal-komunitajiet lokali affettwati;

11. Jisħaq li l-UE jeħtiġilha tkun lesta għall-ispostament ikkawżat mill-klima u tirrikonoxxi l-ħtieġa li jittieħdu miżuri adegwati sabiex jiġu protetti d-drittijiet tal-bniedem ta' popolazzjonijiet mhedda mill-effetti tat-tibdil fil-klima;

12. Jissottolinja li t-teħid ta' deċiżjonijiet ambjentali jrid ikun ibbażat fuq, u jippermetti bis-sħiħ, l-involviment ċiviku bbażat fuq it-tliet pilastri ta' aċċess għal informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika, u l-aċċess għall-ġustizzja; jitlob f'dan ir-rigward l-adozzjoni ta' strumenti internazzjonali biex jissaħħu dawn il-prinċipji fundamentali;

13. Jenfasizza li l-UE għandha tippromwovi l-involviment ta' diversi partijiet ikkonċernati, b'mod partikolari l-organizzazzjonijiet soċjali, l-awtoritajiet lokali u s-settur privat, sabiex tindirizza l-isfida tal-migrazzjoni kkawżata mill-ambjent b'mod komprensiv u sostenibbli li jipproteġi d-drittijiet tal-bniedem;

14. Ifakkar li l-umanità kollha u l-Unjoni Ewropea qabżu erba' mid-disa' limiti tal-pjaneta, li jpoġġi responsabbiltà partikolari fuq l-Unjoni u l-Istati Membri biex tnaqqas l-impatt ekoloġiku tagħha sabiex terġa' lura għar-rispett ta' dawk il-limiti;

15. Jinsab allarmat mill-qerda massiva kkawżata mill-bniedem tal-foresta pluvjali tal-Amażonja; jenfasizza r-rwol tad-difensuri ambjentali fil-protezzjoni tal-foresta pluvjali tal-Amażonja u jikkundanna bil-qawwa l-vjolenza dejjem tiżdied kontra l-protetturi tal-foresta tal-Amażonja u l-komunitajiet indiġeni; huwa allarmat li l-fastidju u l-attakki fuq id-difensuri ambjentali qed jiżdiedu anke fl-Ewropa; jiddeplora l-qtil fl-2019 ta' żewġ gwardjani tal-foresti li kienu qed jiġġieldu kontra l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam fir-Rumanija u attakki oħra fuq ħaddiema fil-foresti fir-Rumanija fi snin reċenti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaġixxu b'mod deċiż biex jiġġieldu lil din iż-żieda u jiżguraw li investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet kriminali rigward reati mwettqa kontra difensuri ambjentali jitwettqu b'mod li jkun legalment sigur;

16. Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi standards ambjentali obbligatorji u legalment infurzabbli fi ftehimiet kummerċjali internazzjonali futuri li jwaqqfu d-deforestazzjoni u jiżguraw ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem;

17. Ifakkar li r-Rapport dwar l-Istat tad-Dritt Ambjentali tal-Programm Ambjentali tan-Nazzjonijiet Uniti sab li minkejja żieda ta' 38 darba fl-ammont ta' liġijiet ambjentali li ddaħħlu fis-seħħ mill-1972, in-nuqqas ta' implimentazzjoni u infurzar bis-sħiħ ta' dawn il-liġijiet hija waħda mill-akbar sfidi għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, għat-tnaqqis tat-tniġġis u għall-prevenzjoni ta' telf mifrux ta' speċijiet u ħabitat; jissottolinja li tisħiħ tal-istat tad-dritt ambjentali kemm fl-UE kif ukoll fil-bqija tad-dinja jrid ikun prijorità; jinnota l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament dwar l-emendar tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 (l-hekk imsejjaħ Regolament ta' Aarhus), li għandu jtejjeb l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Aarhus fil-livell tal-UE; iħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri jiżguraw traspożizzjoni adegwata tal-atti leġiżlattivi rilevanti tal-UE (eż. id-Direttiva 2011/92/UE) u d-dispożizzjonijiet internazzjonali legalment vinkolanti (il-Konvenzjoni ta' Aarhus) fl-ordnijiet ġuridiċi tagħhom sabiex jiggarantixxu aċċess inklużiv għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta' deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali;

18. Jirrikonoxxi li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huma atturi essenzjali fil-qasam tal-promozzjoni, is-sensibilizzazzjoni, u l-edukazzjoni li jikkonċernaw l-impatti tat-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali; jirrikonoxxi, barra minn hekk, ir-rwol tagħhom bħala aġenti informali ta' valur tal-azzjoni klimatika esterna tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-iżvilupp ta' networks lokali f'kooperazzjoni mal-NGOs lokali jew globali, sabiex tgħin lil dawk f'periklu immedjat, u biex tirċievi informazzjoni dwar is-sitwazzjoni fuq il-post; jistieden lill-Kummissjoni tabbozza kriterji ta' eliġibbiltà għall-għotjiet tal-UE li jippermettu lill-NGOs ambjentali, li altrimenti ma jkunux eliġibbli għal finanzjament minħabba d-daqs tagħhom, jiksbu aċċess aktar inklużiv għall-fondi; iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkundannaw kwalunkwe forma ta' stigmatizzazzjoni relatata mal-ħidma tal-NGOs ambjentali u l-persuni attivi fl-appoġġ klimatiku u ambjentali; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi strateġija tal-UE biex tappoġġja lid-difensuri ambjentali fil-livell tal-UE u madwar id-dinja, filwaqt li tqis, fost l-oħrajn, il-possibbiltà li tistabbilixxi mekkaniżmu ta' rispons rapidu;

19. Jistieden lill-Unjoni u lill-Istati Membri biex, waqt l-Assemblea Ġenerali tan-NU li jmiss, jappoġġjaw ir-rikonoxximent globali tad-dritt għal ambjent b'saħħtu; iħeġġeġ, barra minn hekk, lill-Istati Partijiet fis-COP26 biex jintegraw bis-sħiħ id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji soċjali u ambjentali affermati mill-ġdid fil-preambolu tal-Ftehim ta' Pariġi, bħala parti mill-hekk imsejħa Ġabra ta' Regoli għall-Ftehim ta' Pariġi;

20. Jilqa' d-deċiżjoni storika tal-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bnieden tan-Nazzjonijiet Uniti fil-kawża Teitiota vs. New Zealand, li tirrikonoxxi li l-persuni li jaħarbu minn diżastri naturali u dawk relatati mal-klima għandhom pretensjoni valida għal protezzjoni internazzjonali skont il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi;

21. Jemmen li l-integrazzjoni tad-dritt tal-bniedem għal ambjent b'saħħtu fi ftehimiet u proċessi ambjentali ewlenin, hija ta' importanza kritika għal rispons olistiku għall-COVID-19 li jinkludi rekunċettwalizzazzjoni tar-relazzjoni bejn il-persuni u n-natura li tnaqqas ir-riskji u tipprevjeni l-ħsara futura minn degradazzjoni ambjentali;

22. Jesprimi t-tħassib tiegħu li l-popli indiġeni, inklużi t-tfal, il-persuni li jappartjenu għal minoranzi u komunitajiet rurali u marġinalizzati, huma soġġetti għal diskriminazzjoni u persekuzzjoni estensivi u sistematiċi madwar id-dinja, b'arresti arbitrarji, spostamenti furzati, atti ta' ħtif tal-art u ksur ta' drittijiet indiġeni minn korporazzjonijiet kbar, b'mod speċjali minn negozji agrikoli u korporazzjonijiet taż-żejt, il-gass u l-estrazzjoni minerarja;

23. Itenni li l-ġurnalisti u l-avukati ambjentali huma taħt theddida wkoll; jissottolinja li għaxar ġurnalisti ambjentali nqatlu f'dawn l-aħħar ħames snin filwaqt li ġew irreġistrati 53 każ ta' ksur tad-drittijiet tal-istampa, u jinsab allarmat mis-sitwazzjoni ta' Steven Donziger, l-avukat tal-atturi ta' Lago Agrio mill-Ekwador;

24. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw id-drittijiet, il-protezzjoni u s-sikurezza tal-persuni kollha, inklużi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-qasam tal-ambjent, li jeżerċitaw, fost l-oħrajn, id-drittijiet għal-libertà tal-opinjoni, tal-espressjoni, tal-għaqda u tal-assoċjazzjoni paċifika, kemm online kif ukoll offline, li huma essenzjali għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni u l-konservazzjoni tal-ambjent;

 


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

15.12.2020

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

38

36

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nikos Androulakis, Bartosz Arłukowicz, Margrete Auken, Simona Baldassarre, Marek Paweł Balt, Traian Băsescu, Aurelia Beigneux, Monika Beňová, Sergio Berlato, Alexander Bernhuber, Simona Bonafè, Delara Burkhardt, Pascal Canfin, Sara Cerdas, Mohammed Chahim, Tudor Ciuhodaru, Nathalie Colin-Oesterlé, Esther de Lange, Christian Doleschal, Marco Dreosto, Bas Eickhout, Cyrus Engerer, Eleonora Evi, Agnès Evren, Pietro Fiocchi, Catherine Griset, Jytte Guteland, Teuvo Hakkarainen, Anja Hazekamp, Martin Hojsík, Pär Holmgren, Jan Huitema, Yannick Jadot, Adam Jarubas, Petros Kokkalis, Ewa Kopacz, Joanna Kopcińska, Ryszard Antoni Legutko, Javi López, César Luena, Fulvio Martusciello, Liudas Mažylis, Joëlle Mélin, Tilly Metz, Silvia Modig, Dolors Montserrat, Alessandra Moretti, Dan-Ştefan Motreanu, Ville Niinistö, Ljudmila Novak, Grace O’Sullivan, Jutta Paulus, Stanislav Polčák, Jessica Polfjärd, Luisa Regimenti, Frédérique Ries, María Soraya Rodríguez Ramos, Sándor Rónai, Rob Rooken, Silvia Sardone, Christine Schneider, Günther Sidl, Linea Søgaard-Lidell, Nicolae Ştefănuță, Nils Torvalds, Edina Tóth, Véronique Trillet-Lenoir, Petar Vitanov, Alexandr Vondra, Mick Wallace, Pernille Weiss, Michal Wiezik, Tiemo Wölken, Anna Zalewska

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Manuel Bompard, Catherine Chabaud, Karin Karlsbro, Ondřej Knotek

 


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

38

+

S&D

Nikos Androulakis, Marek Paweł Balt, Monika Beňová, Simona Bonafè, Sara Cerdas, Mohammed Chahim, Tudor Ciuhodaru, Cyrus Engerer, Jytte Guteland, Javi López, César Luena, Alessandra Moretti, Sándor Rónai, Günther Sidl, Petar Vitanov, Tiemo Wölken

RENEW

Martin Hojsík, Jan Huitema, Karin Karlsbro, Frédérique Ries, María Soraya Rodríguez Ramos, Nicolae Ştefănuță, Linea Søgaard-Lidell, Nils Torvalds

VERTS/ALE

Margrete Auken, Bas Eickhout, Eleonora Evi, Pär Holmgren, Yannick Jadot, Tilly Metz, Ville Niinistö, Grace O’Sullivan, Jutta Paulus

GUE/NGL

Manuel Bompard, Anja Hazekamp, Petros Kokkalis, Silvia Modig, Mick Wallace

 

36

-

PPE

Bartosz Arłukowicz, Traian Băsescu, Alexander Bernhuber, Nathalie Colin-Oesterlé, Christian Doleschal, Agnès Evren, Adam Jarubas, Ewa Kopacz, Esther de Lange, Fulvio Martusciello, Liudas Mažylis, Dolors Montserrat, Dan-Ştefan Motreanu, Ljudmila Novak, Stanislav Polčák, Jessica Polfjärd, Christine Schneider, Edina Tóth, Pernille Weiss, Michal Wiezik

RENEW

Catherine Chabaud

ID

Simona Baldassarre, Aurelia Beigneux, Marco Dreosto, Catherine Griset, Teuvo Hakkarainen, Joëlle Mélin, Luisa Regimenti, Silvia Sardone

ECR

Sergio Berlato, Pietro Fiocchi, Joanna Kopcińska, Ryszard Antoni Legutko, Rob Rooken, Alexandr Vondra, Anna Zalewska

 

2

0

RENEW

Pascal Canfin, Ondřej Knotek

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjonijiet

 

 

 


 

 

 

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦAL-LIBERTAJIET ĊIVILI, IL-ĠUSTIZZJA U L-INTERN (2.12.2020)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin

dwar l-effetti tat-tibdil fil-klima fuq id-drittijiet tal-bniedem u r-rwol tad-difensuri ambjentali dwar din il-kwistjoni

(2020/2134(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Lena Düpont

 

 

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A. billi l-Unjoni hija msejsa fuq il-valuri tar-rispett għal-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi; billi dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f'soċjetà fejn jipprevalu l-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel; billi dawn il-valuri għandhom jiggwidaw ukoll l-azzjoni esterna tal-UE;

B. billi l-istudji wrew li t-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali se jheddu dejjem aktar id-drittijiet bażiċi tal-bniedem ta' persuni vulnerabbli, bħad-dritt għall-ħajja, għall-ilma, għall-ikel, għas-sanità, għall-kura tas-saħħa, għall-ħajja privata u dik tal-familja u għall-edukazzjoni u d-dritt li wieħed ma jgħaddix minn trattament inuman u degradanti; billi ambjent nadif u tajjeb għas-saħħa huwa fundamentali għall-ħajja tal-bniedem; billi l-għadd ta' persuni spostati minħabba l-impatt tal-kriżi klimatika qed jiżdied; billi l-UE jeħtiġilha tkompli tintensifika l-ġlieda tagħha kontra t-tibdil fil-klima u l-protezzjoni tagħha tal-ambjent skont l-obbligi li jirriżultaw mit-Trattati u mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali permezz ta' politiki ambizzjużi u komprensivi bbażati fuq id-drittijiet tal-bniedem internament u f'kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab internazzjonali, u tippromwovi aktar koordinazzjoni u skambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri; billi r-Rapport Speċjali tal-2018 tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) żvela xi sejbiet allarmanti u rrakkomanda li jsiru bidliet;

C. billi f'dawn l-aħħar snin, id-difensuri ambjentali ġew soġġetti għal inċidenzi dejjem akbar ta' qtil, ħtif, tortura, vjolenza abbażi tal-ġeneru, theddid, fastidju, intimidazzjoni, kampanji ta' malafama, kriminalizzazzjoni, fastidju ġudizzjarji, żgumbrament sfurzat u spostament; billi fl-2019 biss[13], aktar minn 300 difensur ambjentali u tad-drittijiet madwar id-dinja nqatlu għall-ħidma tagħhom, li 40 % minnhom kienu qed jaħdmu favur id-drittijiet tal-art, id-drittijiet tal-popli indiġeni u d-drittijiet ambjentali; billi d-drittijiet tal-art, ambjentali u tal-popli indiġeni baqgħu l-aktar settur perikoluż fid-difiża tad-drittijiet tal-bniedem minħabba l-isfruttament tar-riżorsi naturali flimkien mal-korruzzjoni, il-governanza dgħajfa u l-faqar sistemiku; billi d-difensuri nisa, li ħafna drabi ma jistgħux ikunu proprjetarji ta' artijiet jew jipparteċipaw fi proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet, jiffaċċjaw diskriminazzjoni u vjolenza sistematiċi u strutturali u huma f'riskju partikolari; billi skont id-dritt internazzjonali u tal-UE, kwalunkwe persuna li qed taħrab mill-persekuzzjoni hija intitolata għall-protezzjoni internazzjonali, inklużi d-difensuri ambjentali tad-drittijiet tal-bniedem;

D. billi l-Assemblea Ġenerali tan-NU adottat dikjarazzjoni dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fl-1999; billi din id-dikjarazzjoni tafferma li l-istati għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw il-protezzjoni mill-awtoritajiet kompetenti ta' kulħadd, individwalment u f'assoċjazzjoni ma' oħrajn, kontra kull vjolenza, theddid, ritaljazzjoni, diskriminazzjoni avversa de facto jew de jure, pressjoni jew kwalunkwe azzjoni arbitrarja oħra bħala konsegwenza tal-eżerċitar leġittimu tiegħu jew tagħha tad-drittijiet[14] imsemmija f'dik id-dikjarazzjoni;

E. billi skont il-Prinċipji Qafas dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ambjent tal-2018 tar-Rapporteur Speċjali tan-NU għall-Ambjent fir-rigward tal-obbligi tal-istati skont id-dritt dwar id-drittijiet tal-bniedem rigward it-tgawdija ta' ambjent sikur, nadif, tajjeb għas-saħħa u sostenibbli, l-istati jeħtiġilhom "...jissorveljaw u jinfurzaw b'mod effettiv il-konformità mal-istandards billi jipprevjenu, jinvestigaw, jikkastigaw u jirrimedjaw il-ksur tal-istandards mill-atturi privati​kif ukoll mill-awtoritajiet governattivi" (Prinċipju Qafas 12)[15];

F. billi l-Kunsill dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU rrikonoxxa, f'riżoluzzjoni fl-2019, ir-rwol pożittiv, importanti u leġittimu li għandhom id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, u esprima tħassib serju li d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jaħdmu fuq kwistjonijiet ambjentali huma fost id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem l-aktar esposti u f'riskju[16];

G. billi l-impatti negattivi tat-tibdil fil-klima jiġġarrbu b'mod sproporzjonat minn persuni u komunitajiet li diġà jinsabu f'sitwazzjonijiet żvantaġġużi minħabba l-ġeografija, il-faqar, l-età, id-diżabilità jew l-isfond kulturali jew etniku, li storikament ikkontribwew l-inqas għall-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra; billi n-natura speċifika tal-popli indiġeni u tal-komunitajiet lokali tagħhom tista' tagħmilhom partikolarment vulnerabbli, peress li jistgħu jinsabu f'żoni inkredibbilment iżolati;

H. billi l-intrapriżi kummerċjali għandhom jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem skont il-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem[17];

I. billi l-kriżi ekonomika prevista insegwitu għall-pandemija tista' twassal lill-Istati biex ma jibqgħux jiffokaw fuq l-ambjent ħalli jistimulaw it-tkabbir ekonomiku fuq żmien qasir;

1. Jirrikonoxxi r-rabta inseparabbli bejn it-tibdil ambjentali u d-drittijiet tal-bniedem; jirrikonoxxi r-rwol essenzjali tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tar-rappreżentanti legali tagħhom; jiddeplora l-għadd dejjem akbar ta' qtil u atti vjolenti fil-konfront tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-qasam ambjentali, inklużi l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, it-theddid, il-fastidju, l-intimidazzjoni, il-kampanji ta' malafama, il-kriminalizzazzjoni, il-fastidju ġudizzjarju, it-tkeċċija sfurzata u l-ispostament; jenfasizza, b'mod partikolari, il-ħidma mwettqa minn nisa li huma difensuri tal-ambjent u jikkundanna r-riskji li jiffaċċjaw;

2. Itenni li l-obbligu tal-Istati li jipproteġu d-drittijiet taċ-ċittadini huwa stabbilit b'mod ċar fil-liġi internazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipproteġu d-drittijiet tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-qasam ambjentali fl-UE u madwar id-dinja, jieħdu miżuri speċifiċi intiżi sabiex jipproteġu l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-midja u l-pluraliżmu fil-kuntest tad-drittijiet ambjentali, u jiżguraw is-sikurezza u l-protezzjoni tal-ġurnalisti;

3. Jitlob li tittieħed azzjoni immedjata kontra l-fastidju, l-intimidazzjoni, l-attakki vjolenti fil-konfront ta' difensuri tal-ambjent u l-priġunerija tagħhom, inkluża l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, u jappella għal rispons rapidu biex id-difensuri tal-ambjent jiġu protetti minn kwalunkwe tip ta' fastidju, persekuzzjoni jew vjolenza; iħeġġeġ, għalhekk, lill-pajjiżi jiggarantixxu l-protezzjoni tad-difensuri tal-ambjent billi jadottaw liġijiet u miżuri ta' protezzjoni olistiċi, anki billi jniedu investigazzjonijiet fuq kull attakk u theddida magħmula fil-konfront tagħhom u jiżguraw li tiġi attribwita r-responsabbiltà għal dawn l-atti; jitlob aktar appoġġ finanzjarju għad-difensuri tad-drittijiet ambjentali; jirrikonoxxi l-forom multipli u trasversali tal-vjolenza u d-diskriminazzjoni li jħabbtu wiċċhom magħhom in-nisa li huma difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-qasam tal-ambjent, inkluża l-vjolenza sesswali u dik abbażi tal-ġeneru; iħeġġeġ lill-pajjiżi jadottaw miżuri effettivi biex jipproteġu d-difensuri nisa u jqisu l-integrazzjoni ta' perspettiva tal-ġeneru fl-isforzi tagħhom biex jinvestigaw theddid u attakki fil-konfront tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

4. Jitlob lill-UE tieħu miżuri, b'mod konformi mar-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, biex tiffaċilita l-għarfien pubbliku u l-parteċipazzjoni fil-proċess deċiżjonali fil-qasam ambjentali, inkluż tas-soċjetà ċivili, in-nisa, it-tfal, iż-żgħażagħ, il-popli indiġeni u l-komunitajiet rurali u lokali, mhux biss fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw iżda fid-dinja kollha;

5. Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar il-fatt li s-sitwazzjoni tad-difensuri tal-ambjent, l-informaturi, il-ġurnalisti u l-ġuristi speċjalizzati fil-qasam ambjentali qiegħda tiddeterjora b'mod kostanti madwar id-dinja kollha; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jipproteġu l-libertà ta' espressjoni, il-libertà tal-midja u l-pluraliżmu u d-dritt ta' għaqda, u jiżguraw is-sikurezza u l-protezzjoni tal-ġurnalisti u l-informaturi kemm fl-UE kif ukoll permezz tar-relazzjonijiet esterni tagħha; jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar l-abbużi, ir-reati u l-attakki fatali li għadhom isiru fil-konfront tal-ġurnalisti u tal-ħaddiema tal-midja minħabba l-attivitajiet tagħhom; jirrimarka li l-iżvelar ta' informazzjoni protetta huwa forma tal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni u dan jiżvolġi rwol ewlieni fl-esponiment u l-prevenzjoni ta' ksur tal-liġi tal-Unjoni, u fit-tisħiħ tar-responsabbiltà demokratika u tat-trasparenza; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tissorvelja t-traspożizzjoni u tiżgura l-applikazzjoni sħiħa, mill-Istati Membri tad-Direttiva (UE) 2019/1937 dwar il-protezzjoni ta' persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni[18]; iqis il-libertà tal-informazzjoni bħala strument importanti għal persuni li jistgħu jkunu affettwati mill-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima biex ikunu jafu b'mod xieraq u fi stadju bikri dwar l-effetti dannużi tat-tibdil fil-klima u l-miżuri ta' adattament; jappella għar-rispett għal-libertà tal-informazzjoni;

6. Jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni biex issaħħaħ id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem fl-azzjoni esterna tagħha, b'mod partikolari fir-rigward tal-klima, fid-dawl tal-ħtieġa li l-UE jkollha rwol ewlieni fil-promozzjoni tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u li tfassal u tagħti spinta lill-inizjattivi intiżi biex jiġġieldu l-kriminalità organizzata, il-ħtif illegali tal-art u d-deforestazzjoni, peress li dawn huma fatturi essenzjali għall-iżgurar tal-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-qasam tal-ambjent; jappoġġja bil-qawwa l-ħidma fuq l-iżvilupp ta' istituzzjonijiet stabbli, ġustizzja infurzabbli, aċċess aħjar għar-rimedji legali għall-vittmi tal-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem minħabba t-tibdil fil-klima u għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-qasam tal-ambjent, kif ukoll dik fuq il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-governanza tajba;

7. Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar iż-żieda fil-kriminalizzazzjoni u l-persekuzzjoni tal-attivisti impenjati favur l-ambjent fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw minħabba l-isfruttament ta' riżorsi naturali li qed jikkontribwixxi għad-deforestazzjoni, it-telfien tal-bijodiversità[19] u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, li jaffettwaw l-aktar lill-popli indiġeni; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-UE ma tappoġġjax inizjattivi u proġetti li jwasslu għall-ħtif illegali tal-art, il-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam u d-deforestazzjoni, jew effetti dannużi oħra fuq l-ambjent; jikkundanna kwalunkwe tentattiv ta' deregolamentazzjoni tal-ħarsien tal-ambjent u tad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 u kriżijiet oħra; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja lid-difensuri tal-ambjent fid-dinja kollha; jenfasizza li s-sigurtà tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-qasam tal-ambjent hija marbuta b'mod inerenti mas-sigurtà tal-komunitajiet li huma jiddefendu; jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-kontribut tal-komunitajiet indiġeni għall-proġetti proposti u kif l-esperjenza u l-għarfien tagħhom tal-ekoloġija lokali ġew ikkunsidrati;

8. Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tadotta proposta leġiżlattiva dwar rekwiżiti ta' diliġenza dovuta fl-UE kollha għan-negozji u jenfasizza l-ħtiġijiet u d-drittijiet speċifiċi tan-nisa u tal-gruppi vulnerabbli bħat-tfal u l-popli indiġeni; jenfasizza li dan għandu jinkludi l-ħolqien ta' soluzzjonijiet għall-obbligu ta' rendikont u r-rimedji ġudizzjarji; jenfasizza l-importanza li jiġi rivedut u msaħħaħ il-qafas leġiżlattiv tal-UE dwar ir-responsabbiltà ambjentali u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, wara valutazzjoni tal-impatt bir-reqqa;

9. Itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-politiki, l-istrumenti u l-għodod rilevanti kollha tal-UE, inklużi l-ftehimiet kummerċjali kif ukoll l-għajnuna għall-iżvilupp u l-politiki dwar il-viżi, iridu dejjem ikunu bbażati fuq l-ogħla standards internazzjonali fil-qasam tal-ambjent u d-drittijiet tal-bniedem u għandhom ikunu msejsa fuq ir-rispett għad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali, id-dinjità tal-bniedem, kif ukoll l-ugwaljanza u s-solidarjetà u l-prinċipji ta' governanza tajba; jemmen li din il-kooperazzjoni fl-isforzi intiżi sabiex jiġu eliminati l-intimidazzjoni, ir-repressjoni u l-vjolenza fil-konfront ta' popli indiġeni u difensuri tal-ambjent għandha twassal għal tnaqqis jew sospensjoni tal-għajnuna u l-appoġġ esterni, mingħajr ma tiġi affettwata l-għajnuna umanitarja u mingħajr ħsara għall-benefiċċjarji finali; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza tal-obbligu ta' rendikont biex jigi ggarantit li l-fondi ma jintużawx għal proġetti li jagħmlu ħsara lill-ambjent jew lid-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ lid-delegazzjonijiet tal-UE f'pajjiżi terzi biex jikkollaboraw mar-rappreżentanti tal-popli indiġeni u d-difensuri tal-ambjent u jappoġġjawhom permezz ta' miżuri xierqa; jappoġġja d-dritt għal ambjent sikur, nadif, tajjeb għas-saħħa u sostenibbli u l-ħidma tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-protezzjoni tagħhom u l-iżvilupp ta' ambjent li jippermettilhom iwettqu l-attivitajiet tagħhom;

10. Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jqisu d-drittijiet tal-popli indiġeni fil-politiki dwar il-klima u jipprovdu assistenza finanzjarja u teknika speċjali biex jimplimentaw programmi ta' appoġġ għal dawk l-aktar vulnerabbli minħabba l-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima jew minħabba l-ispostament ikkawżat mill-klima, bħall-popli indiġeni, ir-refuġjati u l-persuni spostati f'komunitajiet ospitanti kif ukoll id-difensuri tal-ambjent; jieħu nota tad-deċiżjoni tal-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fil-Kawża Teitiota vs New Zealand[20];

11. Jappoġġja approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem għall-governanza tal-migrazzjoni f'pajjiżi terzi li jqis il-lakuni fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tal-migrazzjoni; ifakkar, f'dan il-kuntest, fl-għodod eżistenti għal perkorsi legali u jqis li għandhom jiġu stabbiliti aktar għodod ta' dan it-tip għall-persuni fil-bżonn ta' protezzjoni; jenfasizza l-ħtieġa, sabiex jiġi implimentat dan l-approċċ, li jissaħħu l-kapaċità tal-Istati u l-kooperazzjoni u d-djalogu permanenti mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inklużi dawk li jirrappreżentaw il-popli indiġeni u persuni oħra f'sitwazzjonijiet vulnerabbli, u mas-sħab tan-NU; jappoġġja l-identifikazzjoni u l-promozzjoni ta' prattiki tajbin, fil-qasam tal-obbligi u l-impenji relatati mad-drittijiet tal-bniedem, li jappoġġjaw u jsaħħu t-tfassil tal-politika dwar il-protezzjoni tal-ambjent fil-livell tal-UE u dak internazzjonali;

12. Jemmen li t-tibdil fil-klima se jġiegħel aktar u aktar nies jemigraw; ifakkar li l-konsegwenzi negattivi tat-tibdil fil-klima jimminaw il-prospetti nazzjonali ta' żvilupp, filwaqt li jaggravaw inugwaljanzi eżistenti bħad-disparitjiet bejn il-ġeneri; jissottolinja li l-impatt tat-tibdil fil-klima huwa agħar għall-persuni l-aktar vulnerabbli bħalma huma n-nisa u l-bniet; jilqa' l-impenji li saru mill-Viċi President Timmermans biex jirrimedja l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri aggravati mit-tibdil fil-klima; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jqisu s-sitwazzjoni partikolari tan-nisa u l-bniet u jidentifikaw d-diskriminazzjoni u l-vulnerabbiltajiet speċifiċi għall-ġeneru, billi jindirizzaw prattiki tajbin fejn in-nisa jaġixxu bħala aġenti għall-bidla fis-salvagwardja tal-ambjent għal finijiet sostenibbli; jappella għal kollaborazzjoni ulterjuri mas-sħab internazzjonali sabiex jintegraw il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem ikkawżat mid-degradazzjoni ambjentali fil-politiki dwar l-ambjent u jieħdu azzjonijiet dwar il-klima bbażati fuq id-drittijiet tal-bniedem; jirrikonoxxi l-ħidma imprezzabbli mwettqa mid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-valuri fundamentali; jitlob lill-UE tindirizza l-kriżi klimatika bħala kriżi tad-drittijiet tal-bniedem u timplimenta miżuri effettivi biex tiġġieled it-tibdil fil-klima u jkollha rwol ta' mexxej fit-triq għas-salvagwardja tad-drittijiet tal-ġenerazzjonijiet futuri.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

1.12.2020

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

51

13

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Magdalena Adamowicz, Katarina Barley, Pietro Bartolo, Nicolas Bay, Vladimír Bilčík, Vasile Blaga, Ioan-Rareş Bogdan, Patrick Breyer, Saskia Bricmont, Jorge Buxadé Villalba, Damien Carême, Caterina Chinnici, Marcel de Graaff, Anna Júlia Donáth, Lena Düpont, Cornelia Ernst, Laura Ferrara, Nicolaus Fest, Jean-Paul Garraud, Maria Grapini, Sylvie Guillaume, Andrzej Halicki, Balázs Hidvéghi, Evin Incir, Sophia in ‘t Veld, Patryk Jaki, Lívia Járóka, Marina Kaljurand, Assita Kanko, Fabienne Keller, Peter Kofod, Łukasz Kohut, Moritz Körner, Alice Kuhnke, Jeroen Lenaers, Juan Fernando López Aguilar, Nuno Melo, Nadine Morano, Javier Moreno Sánchez, Maite Pagazaurtundúa, Nicola Procaccini, Emil Radev, Paulo Rangel, Terry Reintke, Diana Riba i Giner, Ralf Seekatz, Michal Šimečka, Birgit Sippel, Martin Sonneborn, Tineke Strik, Ramona Strugariu, Annalisa Tardino, Tomas Tobé, Dragoş Tudorache, Milan Uhrík, Tom Vandendriessche, Bettina Vollath, Jadwiga Wiśniewska, Elena Yoncheva, Javier Zarzalejos

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Beata Kempa, Leopoldo López Gil, Kris Peeters, Anne-Sophie Pelletier, Sira Rego, Franco Roberti, Miguel Urbán Crespo, Hilde Vautmans

 


 

 

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

51

+

PPE

Magdalena Adamowicz, Vladimír Bilčík, Vasile Blaga, Ioan-Rareş Bogdan, Lena Düpont, Andrzej Halicki, Jeroen Lenaers, Leopoldo López Gil, Nuno Melo, Kris Peeters, Emil Radev, Paulo Rangel, Ralf Seekatz, Tomas Tobé, Javier Zarzalejos

S&D

Katarina Barley, Pietro Bartolo, Caterina Chinnici, Maria Grapini, Sylvie Guillaume, Evin Incir, Marina Kaljurand, Łukasz Kohut, Juan Fernando López Aguilar, Javier Moreno Sánchez, Franco Roberti, Birgit Sippel, Bettina Vollath, Elena Yoncheva

RENEW

Anna Júlia Donáth, Sophia In ‘T Veld, Fabienne Keller, Moritz Körner, Maite Pagazaurtundúa, Michal Šimečka, Ramona Strugariu, Dragoş Tudorache, Hilde Vautmans

VERTS/ALE

Patrick Breyer, Saskia Bricmont, Damien Carême, Alice Kuhnke, Terry Reintke, Diana Riba I Giner, Tineke Strik

EUL/NGL

Cornelia Ernst, Anne-Sophie Pelletier, Sira Rego, Miguel Urbán Crespo

NI

Laura Ferrara, Martin Sonneborn

 

13

-

ID

Nicolas Bay, Nicolaus Fest, Jean-Paul Garraud, Marcel De Graaff, Peter Kofod, Tom Vandendriessche

ECR

Jorge Buxadé Villalba, Patryk Jaki, Assita Kanko, Beata Kempa, Nicola Procaccini, Jadwiga Wiśniewska

NI

Milan Uhrík

 

4

0

EPP

Balázs Hidvéghi, Lívia Járóka, Nadine Morano

ID

Annalisa Tardino

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

 

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

4.3.2021

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

53

10

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Alviina Alametsä, Alexander Alexandrov Yordanov, Maria Arena, Petras Auštrevičius, Traian Băsescu, Anna Bonfrisco, Reinhard Bütikofer, Fabio Massimo Castaldo, Włodzimierz Cimoszewicz, Katalin Cseh, Tanja Fajon, Anna Fotyga, Michael Gahler, Kinga Gál, Giorgos Georgiou, Sunčana Glavak, Raphaël Glucksmann, Klemen Grošelj, Bernard Guetta, Sandra Kalniete, Karol Karski, Dietmar Köster, Andrius Kubilius, Ilhan Kyuchyuk, David Lega, Miriam Lexmann, Nathalie Loiseau, Antonio López-Istúriz White, Claudiu Manda, Lukas Mandl, Thierry Mariani, David McAllister, Vangelis Meimarakis, Sven Mikser, Francisco José Millán Mon, Javier Nart, Gheorghe-Vlad Nistor, Urmas Paet, Demetris Papadakis, Kostas Papadakis, Tonino Picula, Manu Pineda, Kati Piri, Giuliano Pisapia, Jérôme Rivière, María Soraya Rodríguez Ramos, Nacho Sánchez Amor, Isabel Santos, Jacek Saryusz-Wolski, Andreas Schieder, Radosław Sikorski, Jordi Solé, Sergei Stanishev, Tineke Strik, Hermann Tertsch, Hilde Vautmans, Harald Vilimsky, Idoia Villanueva Ruiz, Viola Von Cramon-Taubadel, Thomas Waitz, Isabel Wiseler-Lima, Salima Yenbou, Željana Zovko

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Angel Dzhambazki, Raffaele Fitto, Marisa Matias

Sostituti (skont l-Artikolu 209(7)) preżenti għall-votazzjoni finali

Janina Ochojska

 


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

53

+

The Left

Giorgos Georgiou, Marisa Matias, Manu Pineda, Idoia Villanueva Ruiz

NI

Fabio Massimo Castaldo

PPE

Alexander Alexandrov Yordanov, Traian Băsescu, Michael Gahler, Sunčana Glavak, Sandra Kalniete, Andrius Kubilius, Antonio López‑Istúriz White, Lukas Mandl, David McAllister, Vangelis Meimarakis, Francisco José Millán Mon, Gheorghe‑Vlad Nistor, Janina Ochojska, Radosław Sikorski, Isabel Wiseler‑Lima, Željana Zovko

Renew

Petras Auštrevičius, Katalin Cseh, Klemen Grošelj, Bernard Guetta, Ilhan Kyuchyuk, Nathalie Loiseau, Javier Nart, Urmas Paet, María Soraya Rodríguez Ramos, Hilde Vautmans

S&D

Maria Arena, Włodzimierz Cimoszewicz, Tanja Fajon, Raphaël Glucksmann, Dietmar Köster, Claudiu Manda, Sven Mikser, Demetris Papadakis, Tonino Picula, Kati Piri, Giuliano Pisapia, Nacho Sánchez Amor, Isabel Santos, Andreas Schieder, Sergei Stanishev

Verts/ALE

Alviina Alametsä, Reinhard Bütikofer, Jordi Solé, Tineke Strik, Viola Von Cramon‑Taubadel, Thomas Waitz, Salima Yenbou

 

10

-

ECR

Angel Dzhambazki, Raffaele Fitto, Anna Fotyga, Karol Karski, Jacek Saryusz‑Wolski, Hermann Tertsch

ID

Thierry Mariani, Jérôme Rivière, Harald Vilimsky

NI

Kostas Papadakis

 

4

0

ID

Anna Bonfrisco

PPE

Kinga Gál, David Lega, Miriam Lexmann

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

 

Aġġornata l-aħħar: 14 ta' April 2021
Avviż legali - Politika tal-privatezza