Proċedura : 2019/2170(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0041/2021

Testi mressqa :

A9-0041/2021

Dibattiti :

PV 25/03/2021 - 8
CRE 25/03/2021 - 8

Votazzjonijiet :

PV 25/03/2021 - 10
PV 25/03/2021 - 17
CRE 25/03/2021 - 17

Testi adottati :

P9_TA(2021)0112

<Date>{10/03/2021}10.3.2021</Date>
<NoDocSe>A9-0041/2021</NoDocSe>
PDF 225kWORD 63k

<TitreType>RAPPORT</TitreType>

<Titre>dwar ir-Rapporti tal-Kummissjoni 2019-2020 dwar l-Albanija</Titre>

<DocRef>(2019/2170(INI))</DocRef>


<Commission>{AFET}Kumitat għall-Affarijiet Barranin</Commission>

Rapporteur: <Depute>Isabel Santos</Depute>

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-Rapporti tal-Kummissjoni 2019-2020 dwar l-Albanija

(2019/2170(INI))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Albanija, min-naħa l-oħra[1],

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-28 ta' Ġunju 2018, il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2019 u l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-17 u t-18 ta' Ottubru 2019 li pposponew id-deċiżjonijiet dwar il-ftuħ ta' negozjati tal-adeżjoni mal-Albanija u mal-Maċedonja ta' Fuq,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-membri tal-Kunsill Ewropew tas-26 ta' Marzu 2020 dwar il-ftuħ ta' negozjati tal-adeżjoni mal-Albanija u mal-Maċedonja ta' Fuq, li approvat il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta' Marzu 2020 dwar it-tkabbir u l-proċess ta' stabilizzazzjoni u ta' assoċjazzjoni,

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Frar 2020 intitolata "It-titjib tal-proċess tal-adeżjoni - Perspettiva kredibbli tal-UE għall-Balkani tal-Punent" (COM(2020)0057),

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2003 u l-Aġenda ta' Salonka għall-Balkani tal-Punent,

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Mejju 2019 intitolata ''Komunikazzjoni dwar il-Politika ta' Tkabbir tal-UE 2019'' (COM(2019)0260), akkumpanjata mid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni intitolat "Albania 2019 Report" (Rapport 2019 dwar l-Albanija) (SWD(2019)0215),

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ottubru 2020 intitolata ''Komunikazzjoni tal-2020 dwar il-politika tat-tkabbir tal-UE'' (COM(2020)0660), akkumpanjata mid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni intitolat "Albania 2020 Report" (Rapport 2020 dwar l-Albanija) (SWD(2020)0354),

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Lulju 2020 intitolata "Pjan ta' azzjoni 2020-2025 tal-UE dwar it-traffikar tal-armi tan-nar" (COM(2020)0608),

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' April 2020 intitolata "Appoġġ lill-Balkani tal-Punent fil-ġlieda kontra l-COVID-19 u l-irkupru wara l-pandemija" (COM(2020)0315),

 wara li kkunsidra s-summit UE-Balkani tal-Punent li sar fl-10 ta' Novembru 2020 f'Sofija fil-qafas tal-Proċess ta' Berlin,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-26 u s-27 ta' Ġunju 2014, li fihom hemm inkluża d-deċiżjoni li tagħti lill-Albanija l-istatus ta' pajjiż kandidat għall-adeżjoni mal-UE,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2020 dwar it-tisħiħ tal-libertà tal-media: il-protezzjoni tal-ġurnalisti fl-Ewropa, id-diskors ta' mibegħda, id-diżinformazzjoni u r-rwol tal-pjattaformi[2],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Ottubru 2019 dwar il-ftuħ ta' negozjati tal-adeżjoni mal-Maċedonja ta' Fuq u mal-Albanija[3],

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ottubru 2020 intitolata "Pjan Ekonomiku u ta' Investiment għall-Balkani tal-Punent" (COM(2020)0641),

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' Sofija tas-summit UE-Balkani tal-Punent tas-17 ta' Mejju 2018 u l-aġenda ta' prijoritajiet ta' Sofija annessa magħha,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Zagreb miftiehma waqt is-summit UE-Balkani tal-Punent li sar permezz ta' vidjokonferenza fis-6 ta' Mejju 2020,

 wara li kkunsidra r-rapport finali tal-ODIHR (Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), dwar il-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-5 ta' Settembru 2019 għall-elezzjonijiet lokali tar-Repubblika tal-Albanija tat-30 ta' Ġunju 2019, u l-Opinjoni Konġunta tal-Kummissjoni ta' Venezja u tal-OSKE/ODIHR tal-11 ta' Diċembru 2020 dwar l-emendi tal-Kostituzzjoni Albaniża tat-30 ta' Lulju 2020 u tal-Kodiċi Elettorali,

 wara li kkunsidra l-programm ta' ħidma annwali għall-2021 tal-Grupp għas-Sostenn għad-Demokrazija u Koordinazzjoni tal-Elezzjonijiet tiegħu,

 wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2020 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà fil-Balkani tal-Punent, wara s-Summit 2020[4],

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-8 ta' Diċembru 2020 ta' aktar minn 20 Membru tal-Parlament Ewropew dwar in-negozjati tal-adeżjoni mal-Maċedonja ta' Fuq u l-Albanija,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Albanija,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tagħha,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0041/2021),

A. billi t-tkabbir huwa wieħed mill-aktar strumenti effikaċi tal-politika estera tal-UE, inkwantu jikkontribwixxi biex jestendi l-firxa tal-valuri fundamentali tal-Unjoni, bħar-rispett tad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-konsolidament tal-paċi u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem;

B. billi l-Albanija kompliet taħdem b'impenn kbir fi triqitha lejn l-UE, peress li ssodisfat il-biċċa l-kbira tal-kundizzjonijiet imressqa mill-UE biex torganizza l-ewwel konferenza intergovernattiva;

C. billi l-istat tad-dritt huwa parametru ta' riferiment fundamentali għall-valutazzjoni tal-progress ta' pajjiż lejn l-adeżjoni mal-UE;

D. billi l-Albanija jeħtieġ li tkompli tagħmel progress biex tikkonsolida l-istituzzjonijiet u l-proċeduri demokratiċi, tiżgura l-funzjonament korrett tal-istituzzjonijiet ġudizzjarji tagħha, tiġġieled kontra l-korruzzjoni u tħares il-libertà tal-mezzi ta' informazzjoni u d-drittijiet tal-minoranzi;

E. billi l-isforzi kostanti biex isiru ir-riformi fundamentali fl-Albanija jirrikjedu l-impenn konġunt tal-partijiet ikkonċernati kollha;

F. billi l-prospettiva li l-Albanija ssir Stat Membru abbażi tal-mertu hija fl-interess politiku, ekonomiku u tas-sigurtà tal-Unjoni; billi d-dedikazzjoni tal-pajjiż għar-riformi neċessarji u l-kwalità tagħhom għandhom jiddeterminaw il-kalendarju tal-adeżjoni;

G. billi t-tkabbir tal-UE u l-progress tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt u tal-prosperità fil-Balkani tal-Punent jikkontribwixxu għat-tisħiħ tas-sigurtà u tal-istabbiltà tar-reġjun tal-Balkani tal-Punent, li tiegħu l-Albanija tagħmel parti;

H. billi fil-25 ta' April 2021 se jsiru l-elezzjonijiet ġenerali fl-Albanija u billi r-rakkomandazzjonijiet tal-OSKE/ODIHR ma ġewx implimentati fl-intier tagħhom;

I. billi l-Kummissjoni ppreżentat abbozz ta' qafas ta' negozjar għall-Albanija fl-1 ta' Lulju 2020;

J. billi l-pandemija li għaddejja bħalissa wriet b'mod ċar li l-UE u l-Balkani tal-Punent jeħtiġilhom ikomplu jindirizzaw l-isfidi komuni flimkien;

K. billi l-Albanija għad trid tirkupra mill-ħsarat estiżi kkawżati mit-terremot tas-26 ta' Novembru 2019 u mill-pandemija tal-COVID-19, tqawwi l-mekkaniżmi tagħha ta' protezzjoni ċivili u ta' preparazzjoni għad-diżastri u tmexxi 'l quddiem il-preparamenti biex tagħmel parti mill-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili;

L. billi l-UE mobilizzat għotjiet b'valur ta' EUR 115-il miljun għar-riabilitazzjoni u għar-rikostruzzjoni ta' wara t-terremot fi ħdan l-EUR 400 miljun previsti mill-appoġġ li wiegħdet;

M. billi l-ekonomija tal-Albanija ntlaqtet ħażin ħafna mill-pandemija tal-COVID-19 u l-miżuri għall-prevenzjoni tat-tixrid tal-virus qegħdin ikollhom riperkussjonijiet negattivi fuq il-baġit nazzjonali;

N. billi l-UE mobilizzat EUR 3,3 biljun biex tkun indirizzata l-pandemija tal-COVID-19 fil-Balkani tal-Punent, li minnhom EUR 38 miljun f'appoġġ immedjat għas-settur tas-saħħa, EUR 467 miljun biex tinbena r-reżiljenza tas-sistemi tas-saħħa u biex jittaffa l-impatt soċjoekonomiku tal-pandemija, EUR 750 miljun għall-assistenza makrofinanzjarja, EUR 385 miljun għall-appoġġ favur is-settur privat u għar-riattivazzjoni tiegħu u EUR 1,7 biljun f'self preferenzjali mill-Bank Ewropew tal-Investiment;

O. billi l-UE mobilizzat EUR 51 miljun biex tgħin lill-Albanija tindirizza l-COVID-19 u għamlet għad-dispożizzjoni somma sa EUR 180 miljun f'assistenza makrofinanzjarja;

P. billi l-UE hija l-akbar sieħeb kummerċjali tal-Albanija u l-akbar donatur u billi mill-2007 l-pajjiż ibbenefika minn EUR 1,25 biljun f'fondi ta' qabel l-adeżjoni tal-UE;

Q. billi l-Pjan Ekonomiku u ta' Investiment (PEI) għall-Balkani tal-Punent se jiffaċilita l-irkupru fit-tul tar-reġjun wara l-pandemija tal-COVID-19 u jappoġġa l-iżvilupp ekonomiku u r-riformi;

R. billi ċ-ċittadini Albaniżi ilhom minn Diċembru 2010 jgawdu minn vjaġġar mingħajr viża lejn iż-żona Schengen;

S. billi mill-2015 iċ-ċittadini Albaniżi jistgħu jipparteċipaw fi skambji bejn studenti, skambji akkademiċi u skambji bejn iż-żgħażagħ fl-ambitu ta' Erasmus+;

T. billi l-UE tibqa' impenjata bis-sħiħ li ssostni l-għażla strateġika tal-Albanija lejn l-integrazzjoni fl-UE, ibbażata fuq l-istat tad-dritt u r-relazzjonijiet ta' bon viċinat;

U. billi l-Albanija tibqa' sieħba affidabbli fil-qasam tal-politika estera, bis-saħħa tal-isforzi tagħha li tippromwovi l-kooperazzjoni reġjonali u r-relazzjonijiet ta' bon viċinat;

1. Jilqa' pożittivament l-orjentament strateġiku u l-impenn ċari tal-Albanija għall-integrazzjoni fl-UE, li jidhru fir-relazzjonijiet ta' bon viċinat u fl-implimentazzjoni kontinwa tar-riformi relatati mal-adeżjoni; ifaħħar, f'dan ir-rigward, id-dikjarazzjoni tal-Kunsill tas-26 ta' Marzu 2020 dwar il-ftuħ ta' negozjati tal-adeżjoni mal-Maċedonja ta' Fuq u mal-Albanija; jisħaq fuq l-importanza tal-proċess ta' integrazzjoni bħala mutur tar-riformi u jilqa' favorevolment l-appoġġ li jgawdi minnu fost il-poplu Albaniż;

2. Jemmen li l-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa għandha tinkludi, kif inhu xieraq, u tinvolvi b'mod attiv lir-rappreżentanti tal-Albanija u tal-pajjiżi l-oħra tal-Balkani tal-Punent, kemm fil-livell tal-gvern kif ukoll tas-soċjetà ċivili, bl-inklużjoni taż-żgħażagħ;

3. Jappoġġa l-konvokazzjoni mingħajr aktar dewmien tal-ewwel konferenza intergovernattiva wara li jiġu sodisfatti totalment il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Kunsill Ewropew u jiġi adottat il-qafas ta' negozjar min-naħa tal-Kunsill; ifakkar li l-Albanija ilha pajjiż kandidat sa mill-2014, u li mill-2018 il-Kummissjoni ilha tirrakkomanda li jinbdew it-taħditiet ta' adeżjoni;

4. Ifakkar fin-natura trasformattiva tal-negozjati tal-adeżjoni u josserva li bil-għan li tiġi żgurata l-kredibbiltà tal-proċess ta' adeżjoni, it-twettiq tal-istadji importanti jrid jiġi rifless fil-progress lejn l-adeżjoni mal-UE; ifakkar li l-atturi rivali qegħdin jippruvaw jikkompromettu l-integrazzjoni ulterjuri u l-istabbiltà politika tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent;

5. Iqis li l-ħatra tal-kap negozjatur u tat-tim tan-negozjati, flimkien mal-adozzjoni tal-pjan ta' azzjoni biex jiġu indirizzati l-prijoritajiet stabbiliti mill-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Marzu 2020, huma sinjal ta' impenn politiku ċar biex jitmexxa 'l quddiem il-proċess ta' integrazzjoni tal-UE;

6. Ifakkar li l-progress tal-adeżjoni fl-ambitu tar-reviżjoni tal-metodoloġija tat-tkabbir jiddependi minn riformi dejjiema, approfonditi u irreversibbli f'oqsma fundamentali, ibda mill-istat tad-dritt, mill-funzjonament effettiv tal-istituzzjonijiet demokratiċi u tal-amministrazzjoni pubblika u mill-ekonomija; ifakkar, f'dan ir-rigward, fl-importanza tar-riforma ġudizzjarja u fl-intensifikazzjoni tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, flimkien ma' relazzjonijiet ta' bon viċinat u kooperazzjoni reġjonali;

7. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Albaniżi jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex isaħħu d-djalogu politiku u l-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi tal-pajjiż, u fl-istess ħin itejbu l-klima għall-pluraliżmu medjatiku u għas-soċjetà ċivili;

Funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi

8. Iħeġġeġ lill-mexxejja politiċi fl-Albanija joħolqu klima ta' fiduċja billi jżidu t-trasparenza u jegħlbu n-nuqqas ta' djalogu, u jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar il-klima politika polarizzata u n-nuqqas ta' kooperazzjoni sostenibbli bejn il-partiti li jkomplu jostakolaw il-proċess demokratiku; ifakkar fl-importanza ta' djalogu politiku kostruttiv biex jimxi 'l quddiem il-proċess tar-riformi u jsir aktar progress fil-garanzija tal-funzjonament demokratiku normali tal-istituzzjonijiet tal-Albanija;

9. Ifakkar fir-responsabbiltà konġunta tal-forzi politiċi biex jgħaddu minn klima kkaratterizzata minn akkużi reċiproċi, deċiżjonijiet unilaterali u bojkotts għal waħda bbażata minflok fuq eżempji pożittivi ta' sforzi maħsuba biex jibnu kunsens, bħal dawk li wasslu għall-ftehim tal-5 ta' Ġunju 2020 dwar ir-riforma elettorali;

10. Jistieden lill-istituzzjonijiet pubbliċi tal-Albanija jaġixxu b'mod trasparenti u jimplimentaw prattiki ta' governanza tajba; jisħaq fuq l-importanza ta' miżuri proattivi biex l-informazzjoni ssir disponibbli għas-soċjetà ċivili, għall-mezzi ta' informazzjoni u għall-pubbliku ġenerali b'mod regolari u puntwali, partikolarment meta din tirrigwarda kwistjonijiet ta' interess pubbliku importanti, bħall-emerġenza tas-saħħa li għaddejja bħalissa;

11. Jisħaq fuq il-fatt li l-elezzjonijiet ġenerali tal-25 ta' April 2021 se jkunu kruċjali għall-konsolidament u għat-tiġdid tal-proċeduri u tal-istrutturi demokratiċi tal-pajjiż kif ukoll għall-ksib ta' livell ogħla ta' stabbiltà politika; jissottolinja li elezzjonijiet liberi u ġusti huma fundamentali għall-integrazzjoni fl-UE;

12. Jesprimi tħassib dwar l-allegazzjonijiet ta' xiri ta' voti u jfakkar li l-prosekuzzjoni ta' dan hija fost il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Kunsill fil-25 ta' Marzu 2020; jisħaq fuq l-importanza li jiġi żgurat li l-preparamenti għall-elezzjonijiet parlamentari tal-2021 isiru b'mod trasparenti u inklużiv; jinnota li l-forzi politiċi, l-organi statali, is-soċjetà ċivili u l-mezzi ta' informazzjoni kollha għandhom dmir komuni li jiżguraw li l-kampanja elettorali tkun trasparenti, kredibbli u oġġettiva u ħielsa minn diżinformazzjoni, intimidazzjonijiet u akkużi foloz;

13. Jissottolinja l-importanza li jiġu implimentati l-miżuri ta' riforma elettorali kodifikati f'Lulju 2020, li huma konformi mar-rakkomandazzjonijiet tal-OSKE/ODIHR u tal-Kunsill tal-Ewropa; jisħaq fuq l-importanza li tiġi implimentata l-opinjoni konġunta tal-Kummissjoni ta' Venezja u tal-OSKE/ODIHR ta' Diċembru 2020 b'mod totali u puntwali; jilqa' favorevolment l-eżitu pożittiv tal-ftehim tal-5 ta' Ġunju 2020, li jimplimenta wħud mir-rakkomandazzjonijiet tal-OSKE/ODIHR; josserva li ngħatax segwitu għal dan, minkejja li saru ripetutament appelli internazzjonali biex qabel il-Kummissjoni ta' Venezja toħroġ l-opinjoni tagħha, ittieħdu miżuri ġodda mingħajr il-kunsens wiesa' bejn il-partiti, u dan irriżulta fl-adozzjoni mill-Parlament Albanija f'Ottubru 2020 tal-emendi kontroversjali għall-Kodiċi Elettorali;

14. Jissottolinja l-ħtieġa li jissaħħaħ l-involviment tal-Parlament Albaniż fil-proċess ta' integrazzjoni fl-UE, u jkomplu jitjiebu l-kapaċitajiet leġiżlattivi, ta' sorveljanza u ta' skrutinju tiegħu tal-baġit biex jiġi żgurat l-allinjament ġuridiku mal-acquis tal-UE;

15. Iħeġġeġ lill-Albanija ttejjeb il-koordinament intragovernattiv, tħaffef id-deċentralizzazzjoni fl-ambitu tar-riforma tal-amministrazzjoni territorjali, tippromwovi l-konsultazzjonijiet pubbliċi fil-livell lokali u tipproċedi bir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika;

Stat tad-dritt

16. Ifakkar fl-importanza assoluta li jiġi ssalvagwardjat l-istat tad-dritt permezz ta' reviżjoni ġudizzjarja u ta' prosekuzzjoni kostanti u konsistenti tal-korruzzjoni fil-livelli għoljin; ifaħħar il-progress li sar fl-implimentazzjoni ta' riforma ġudizzjarja komprensiva, li hi mirfuda minn proċess ta' skrutinju mingħajr preċedent u mill-ħolqien ta' istituzzjonijiet u organi speċjalizzati rilevanti, u jitlob li dawn il-proċeduri jitħaffu bil-għan li tinkiseb bidla tanġibbli lejn ġudikatura responsabbli, indipendenti u funzjonali, inkwantu kundizzjoni preliminari għall-ewwel konferenza intergovernattiva;

17. Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Albanija tiżviluppa approċċ aktar strateġiku fil-konfront tar-riforma tas-settur ġudizzjarju li tindirizza l-għadd dejjem jikber ta' każijiet arretrati; jitlob li jiġu żgurati standards għoljin ta' trasparenza fis-settur tal-ġustizzja u li jiġu riattivati strumenti bħal bażijiet tad-data online li fl-imgħoddi diġà kienu operattivi; jilqa' pożittivament il-ħatra tal-membri l-ġodda tal-Qorti Kostituzzjonali, fatt li rripristina l-funzjonalità tagħha, u jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet Albaniżi jikkonkludu rapidament il-proċess ta' ħatra biex b'hekk il-Qorti Kostituzzjonali terġa' tkun tista' taħdem b'mod sħiħ u effiċjenti; jisħaq fuq il-bżonn li jiġi żgurat il-funzjonament kontinwu tal-Qorti tal-Appell u li din tkun mgħammra b'persunal adegwat;

18. Jilqa' pożittivament il-fatt li l-Qorti Għolja reġgħet kisbet parzjalment il-kapaċità tagħha li tiffunzjona u li kienet qed tistħarreġ l-ammissibbiltà ta' aktar minn elf każ, u jinkoraġġiha tagħmel aktar progress fil-ħatra ta' mħallfin addizzjonali biex tkun totalment funzjonali u tnaqqas drastikament l-għadd insostenibbli ta' każijiet pendenti arretrati quddiemha;

19. Jesprimi sodisfazzjon għat-twaqqif tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Investigazzjoni, għall-fatt li d-direttriċi tiegħu qed taqdi dmirijietha u li bħalissa għaddej proċess ta' reklutaġġ ta' persunal investigattiv;

20. Jisħaq li hu neċessarju li l-Albanija tiġġieled kontra l-korruzzjoni fil-livelli kollha tas-soċjetà, tal-gvern u tal-amministrazzjoni; jinsab imħasseb dwar il-prattika attwali li tħalli lill-pulizija tal-Istat tirċievi donazzjonijiet u sponsorizzazzjonijiet privati; jinnota bi tħassib li l-allegazzjonijiet ta' korruzzjoni jkomplu jimminaw il-fiduċja tal-pubbliku fil-gvern u, b'mod aktar ġenerali, fl-istituzzjonijiet demokratiċi;

21. Jisħaq fuq il-bżonn li jiġu żgurati l-funzjonament effikaċi, il-kooperazzjoni u l-indipendenza finanzjarja u operattiva tal-istituzzjonijiet ġudizzjarji u ta' dawk inkarigati mill-infurzar tal-liġi u mill-ġlieda kontra l-korruzzjoni, billi jkunu fornuti riżorsi finanzjarji, tekniċi u umani adegwati; jissottolinja l-importanza li jinkisbu riżultati tanġibbli fil-forma ta' investigazzjonijiet indipendenti u imparzjali li jwasslu għal prosekuzzjoni ta' suċċess tal-kriminalità ta' profil għoli, inkluża l-korruzzjoni;

22. Jilqa' b'sodisfazzjon il-ħolqien ta' organi kontra l-korruzzjoni u jinnota l-progress miksub fil-leġiżlazzjoni kontra l-korruzzjoni; jirrikonoxxi l-fatt li qed isiru investigazzjonijiet fil-fond min-naħa tal-Istruttura Speċjali Kontra l-Korruzzjoni u l-Kriminalità Organizzata (SPAK) li għadha kif ġiet stabbilita, u qed jinħarġu atti ta' akkuża mill-Qrati kontra l-Korruzzjoni u l-Kriminalità Organizzata; jisħaq fuq il-bżonn li tinżamm l-indipendenza tagħhom favur il-ġlieda effikaċi u proattiva kontra l-impunità u l-korruzzjoni fil-livell għoli;

23. Jitlob li jiġu adottati u implimentati malajr pjanijiet ta' integrità konkreti fi ħdan il-ministeri kollha, kif hu ppjanat fl-Istrateġija Intersettorjali kontra l-Korruzzjoni u mill-pjan ta' azzjoni għall-implimentazzjoni tagħha; ifakkar fil-ħtieġa li jitjiebu t-trasparenza u l-monitoraġġ tal-finanzjament tal-partiti politiċi fl-ambitu tal-liġi emendata dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi; jinnota l-importanza li jiġu implimentati b'effikaċja r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri Albaniża;

24. Jieħu nota li qegħdin jiżdiedu l-investigazzjonijiet proattivi, il-prosekuzzjonijiet u l-kundanni definittivi mmirati lejn il-patrimonju illeċitu u l-ħasil tal-flus, li wasslu għall-iffriżar u għas-sekwestru sistematiċi ta' assi kriminali, u jitlob prosekuzzjoni msaħħa u kundanni definittivi mill-qrati ta' dawn il-każijiet, bi qbil mal-prinċipji tal-indipendenza tas-sistema ġudizzjarja, tal-proċess korrett tal-liġi u tal-proċess ġust; jissottolinja l-problemi mifruxa ta' ħasil tal-flus b'mod partikolari fis-settur tal-kostruzzjoni u immobiljari;

25. Jilqa' pożittivament il-miżuri meħuda biex jitjiebu l-leġiżlazzjoni u l-mekkaniżmi bil-għan li jiġu indirizzati l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, u jappella għal aktar miżuri mmirati lejn l-implimentazzjoni rapida tal-pjan ta' azzjoni tat-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja, b'mod partikolari dwar it-tnaqqis tad-daqs tal-ekonomija informali;

26. Jissottolinja l-importanza tal-isforzi kontinwi u tat-titjib sistematiku tal-Albanija fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, tal-armi tan-nar u tal-oġġetti kontrafatti, kif ukoll fil-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità u t-theddid terroristiku;

27. Jistieden lill-Albanija tkompli tintensifika l-isforzi eżawrjenti u rigorużi tagħha biex iżżarma x-xbieki kriminali lokali u internazzjonali u telimina l-produzzjoni u t-traffikar tad-droga, billi tibbaża fuq l-isforzi sinifikanti li għamlet f'dawn l-aħħar snin; jilqa' favorevolment il-kooperazzjoni msaħħa mal-Europol u mal-istituzzjonijiet inkarigati mill-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri tal-UE, li wasslet għal numru ta' operazzjonijiet effikaċi ta' infurzar tal-liġi fuq skala kbira, anki permezz ta' kollaborazzjoni eżemplari bejn l-awtoritajiet Albaniżi u Taljani taħt l-awspiċji tal-Iskwadra ta' Investigazzjoni Konġunta; jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet Albaniżi jikkonkludu malajr il-proċedura ta' ħatra ta' prosekutur ta' kollegament Albaniż fl-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust); jirrakkomanda li l-Albanija tadotta strateġija u pjan ta' azzjoni ġodda dwar id-drogi, biex timla, fost affarijiet oħra, il-vojt leġiżlattiv dwar il-prekursuri tad-droga;

Drittijiet fundamentali

28. Jesprimi l-appoġġ tiegħu għal politiki inklużivi u jitlob li jsir progress fl-adozzjoni ta' miżuri li jipproteġu b'mod effikaċi l-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tal-persuni kollha, b'attenzjoni speċjali fuq in-nisa, it-tfal, il-persuni b'diżabbiltà, il-minoranzi etniċi u l-persuni LGBTQI+;

29. Jilqa' b'sodisfazzjon in-nomina min-naħa tal-Albanija tal-osservatur fi ħdan l-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali (FRA), u jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet jisfruttaw bis-sħiħ l-għarfien espert tal-FRA bil-għan li l-leġiżlazzjoni u l-prattiki tal-Albanija jinġiebu f'konformità mal-acquis u mal-istandards tal-UE;

30. Jilqa' b'sodisfazzjon l-aġġornament tal-leġiżlazzjoni nazzjonali kontra d-diskriminazzjoni u jitlob lill-awtoritajiet jintensifikaw l-isforzi ħalli jistabbilixxu ġuriżprudenza soda fil-qasam tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jiżguraw prevenzjoni u prosekuzzjoni effikaċi tad-diskors ta' mibegħda u tar-reati ta' mibegħda, inkluż l-antisemitiżmu;

31. Josserva li l-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali 2016-2020 tal-Albanija għall-Kwistjonijiet LGBTI skada u jitlob lill-gvern jiżviluppa pjan ta' azzjoni ġdid permezz ta' konsultazzjoni trasparenti u inklużiva mas-soċjetà ċivili, u jiżgura li jiġu assenjati riżorsi adegwati għall-implimentazzjoni tiegħu; jistieden lill-awtoritajiet Albaniżi jrawmu l-aċċettazzjoni soċjali tal-persuni LGBTQI+, li għadhom ikunu regolarment vittma ta' diskriminazzjoni u diskors ta' mibegħda; jilqa' pożittivament id-deċiżjoni li telimina t-"terapija ta' konverżjoni", li hi inaċċettabbli, b'hekk jissaħħaħ id-dritt għall-identità tal-ġeneru u għall-espressjoni tal-ġeneru;

32. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet jiżguraw li jkunu fornuti biżżejjed riżorsi umani, tekniċi u finanzjarji lill-organi rilevanti, bħall-uffiċċji tal-Ombudsperson, tal-Kummissarju għall-Ġlieda kontra d-Diskriminazzjoni, u tal-Kummissarju għad-Dritt ta' Informazzjoni u għall-Protezzjoni tad-Data, u jiżguraw li r-rakkomandazzjonijiet rispettivi tagħhom jiġu implimentati sistematikament; jisħaq fuq il-fatt li għal dawn il-karigi jmisshom jinħatru biss persuni b'indipendenza u bi professjonalità indiskutibbli;

33. Jitlob li jinħoloq mekkaniżmu effikaċi għall-prevenzjoni tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru, inklużi l-fastidju, il-vjolenza domestika u l-vjolenza fuq it-tfal, li ħraxu minħabba l-pandemija tal-COVID-19, u għall-protezzjoni u għas-sostenn tal-vittmi ta' din il-vjolenza, flimkien mal-prosekuzzjoni effikaċi u effiċjenti tal-awturi tagħha;

34. Ifakkar fl-appell li sar lill-Albanija biex tiggarantixxi aċċess mhux diskriminatorju għas-servizzi pubbliċi u tagħmel aktar titjib fl-edukazzjoni, fir-rati ta' impjieg u fil-kundizzjonijiet ta' ħajja u ta' saħħa tal-persuni b'diżabbiltà, tar-Rom, tal-Eġizzjani u tal-minoranzi etniċi l-oħra; jilqa' pożittivament id-Dikjarazzjoni ta' Poznań tal-2019 dwar l-Integrazzjoni tar-Rom fil-Proċess tat-Tkabbir; iħeġġeġ lill-awtoritajiet imexxu 'l quddiem il-politiki ta' integrazzjoni tar-Rom bi qbil mal-qafas strateġiku tal-UE għar-Rom;

35. Iħeġġeġ lill-Albanija tadotta malajr il-ħames bye-laws li fadal biex tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tal-liġi qafas tal-2017 dwar il-protezzjoni tal-minoranzi nazzjonali u tad-drittijiet relatati marbuta mal-awtoidentifikazzjoni, mal-użu tal-lingwi minoritarji, meta jkun neċessarju fil-livell tal-amministrazzjoni lokali, u mal-koedukazzjoni bil-lingwi minoritarji; jistieden lill-Albanija tipproteġi u tippromwovi l-patrimonju kulturali, il-lingwi u t-tradizzjonijiet tal-minoranzi nazzjonali tagħha, u tipprevedi spazju speċifiku għal-lingwi minoritarji fl-organi ta' informazzjoni Statali u lokali;

36. Jilqa' pożittivament, f'dan il-kuntest, l-adozzjoni tal-liġi dwar iċ-ċensiment demografiku li se jsir fil-ħarifa tal-2021 u jistieden lill-Albanija tieħu kull miżura neċessarja biex timplimentaha b'mod effikaċi, anki permezz tat-tħejjija ta' kwestjonarju u tal-manwal b'tali mod li jkopru l-gruppi minoritarji rikonoxxuti kollha;

37. Jitlob lill-Albanija tiżgura li l-gruppi minoritarji jkollhom opportunitajiet indaqs u jkun rrappreżentati adegwatament fil-ħajja politika, fl-amministrazzjoni pubblika u fil-ġudikatura;

38. Jinkoraġġixxi lill-Albanija tagħmel aktar progress fil-miżuri li jikkonsolidaw id-drittijiet ta' reġistrazzjoni, restituzzjoni u kumpens tal-proprjetajiet, jimplimentaw il-liġi dwar il-proċeduri tranżitorji ta' dwar is-sjieda, prinċipalment billi jitmexxa 'l quddiem b'mod trasparenti l-proċess ta' reġistrazzjoni tal-proprjetajiet u tiġi kkompletata r-riforma komprensiva tas-settur tal-artijiet;

39. Jilqa' favorevolment l-isforzi tal-Albanija biex tippromwovi t-tolleranza, l-armonija interreliġjuża u tindirizza l-preġudizzju u d-diskriminazzjoni, inkluż l-antisemitiżmu, kif affermat mill-approvazzjoni parlamentari tad-definizzjoni ta' antisemitiżmu tal-Alleanza Internazzjonali għat-Tifkira tal-Olokawst, u dan jagħmel lill-Albanija l-ewwel pajjiż b'maġġoranza Musulmana li aċċetta l-formulazzjoni; jitlob sforzi kontinwi biex jiġu żgurat ir-rispett tal-libertà ta' espressjoni u tal-libertà ta' twemmin jew ta' reliġjon;

40. Jistieden lill-awtoritajiet jiżguraw il-libertà tal-għaqda bħala dritt fundamentali, fir-rispett tal-prinċipju ta' proporzjonalità, anki fil-perjodi ta' stat ta' emerġenza jew ta' stat ta' diżastru naturali; jisħaq fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman f'dan ir-rigward;

41. Josserva l-importanza li jiġu indirizzati l-allegazzjonijiet ta' kondotta ħażina min-naħa tal-pulizija u li jiġi investigat l-użu sproporzjonat tal-forza u li jittieħdu passi legali kontrih, anki fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19; ifakkar fil-bżonn li jintemm il-maltrattament għad-danni tal-indagati u tal-ħabsin;

42. Ifakkar fl-obbligu tal-awtoritajiet li jiżguraw proċess ġust tal-applikanti għall-ażil f'konformità mal-obbligi internazzjonali tal-Albanija, u li jindirizzaw b'mod adegwat il-bżonnijiet tar-rifuġjati, tal-applikanti għall-ażil u tal-migranti, filwaqt li jitjiebu t-tħejjija għal żidiet potenzjali fil-flussi migratorji u tiżdied il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet tal-Istati Membri; jitlob li jiżdiedu l-kapaċitajiet biex jiġu pproċessati t-talbiet għall-ażil u l-investigazzjonijiet tal-każijiet irrapportati għal ksur tal-proċeduri ta' ritorn, fosthom il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

43. Jisħaq fuq il-fatt li l-protezzjoni tal-fruntieri u l-prevenzjoni tal-kriminalità transfruntiera għandhom ikunu prijorità u għandhom jitwettqu fir-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali minquxa fil-liġijiet u fil-prinċipji internazzjonali u reġjonali applikabbli; jilqa' pożittivament il-varar tal-ewwel operazzjoni konġunta vera u proprja mal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) barra mill-Unjoni Ewropea;

44. Jissottolinja li l-kontribut tal-Albanija għall-protezzjoni tal-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea huwa ta' importanza kruċjali u jistieden lill-UE tintensifika l-appoġġ tagħha għall-protezzjoni tal-fruntieri fir-reġjun u toffri appoġġ għall-bżonnijiet tal-awtoritajiet Albaniżi li jieħdu ħsieb ir-rifuġjati, l-applikanti għall-ażil u l-migranti;

45. Japprezza l-isforzi li qegħdin isiru mill-awtoritajiet Albaniżi u jħeġġiġhom jadottaw approċċ sod fil-konfront tal-prevenzjoni, tal-investigazzjoni, tal-prosekuzzjoni u tal-impożizzjoni ta' pieni għat-traffikar tal-bnedmin u għall-isfruttament tal-vittmi tiegħu, li fosthom hemm tfal u gruppi vulnerabbli oħra, bil-għan li jiżdied in-numru ta' servizzi ta' reintegrazzjoni u tiġi żgurata l-protezzjoni tax-xhieda;

46. Jilqa' pożittivament il-miżuri li hemm bħalissa u jitlob li jsir aktar progress biex jonqsu konsiderevolment il-migrazzjoni irregolari u n-numru ta' talbiet għall-ażil infondati min-naħa ta' ċittadini Albaniżi, inklużi l-wasliet ta' minuri mhux akkumpanjati, fl-Istati Membri tal-UE; josserva li l-Albanija kompliet tissodisfa l-parametri ta' riferiment għal-liberalizzazzjoni tal-viżi;

Soċjetà ċivili u mezzi ta' informazzjoni

47. Jissottolinja l-bżonn li titjieb il-klima għal funzjonament tas-soċjetà ċivili fl-Albanija u jħeġġeġ lill-awtoritajiet jiżguraw konsultazzjonijiet sinifikattivi, puntwali u rappreżentattivi matul il-proċess deċiżjonali kollu fid-diversi livelli ta' governanza kif ukoll jitjieb il-qafas ġuridiku u fiskali, b'hekk tissaħħaħ is-sostenibbiltà finanzjarja tas-settur mhux governattiv;

48. Jisħaq fuq l-importanza tal-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-konsultazzjonijiet regolari dwar il-funzjonament tas-soċjetà, li tippermetti l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fl-affarijiet tal-pajjiż;

49. Jisħaq fuq il-bżonn li jitjiebu l-kundizzjonijiet u jinħoloq ambjent li jrawwem l-obbligu ta' rendikont u l-iskrutinju tal-istituzzjonijiet pubbliċi, partikolarment permezz tal-kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili u mal-ġurnalisti, u billi jiġi żgurat li jkollhom aċċess għall-ġustizza u għaċ-ċertezza tad-dritt; jinsab ferm imħasseb bl-allegazzjonijiet allarmanti fir-rigward tal-użu mifrux tad-diżinformazzjoni kontra l-ġurnalisti investigattivi, l-attivisti tas-soċjetà ċivili u oħrajn li jippruvaw jitolbu lill-atturi potenti jagħtu kont ta' għemilhom;

50. Jinnota bi tħassib in-nuqqas ta' progress f'dik li hija l-libertà ta' espressjoni u l-ostakli għall-funzjonament korrett tal-mezzi ta' informazzjoni indipendenti;

51. Ifakkar fl-importanza li jiġu żgurati ġurnaliżmu ta' kwalità u li jogħlew il-livelli ta' litteriżmu medjatiku biex jiġi żgurat funzjonament tad-demokrazija fl-Albanija u biex jiġu indirizzati d-diżinformazzjoni, id-diskors ta' mibegħda u l-aħbarijiet foloz; jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Kummissjoni jtejbu l-koordinament u jindirizzaw id-diżinformazzjoni u t-theddid ibridu li jippruvaw idgħajfu l-perspettiva tal-UE billi jenfasizzaw b'mod aktar strateġiku r-rilevanza tal-UE għaċ-ċittadini tal-Balkani tal-Punent, u jħeġġiġhom irawmu l-ħolqien ta' ċentru ta' eċċellenza ffukat fuq il-Balkani biex jiġġieled kontra d-diżinformazzjoni;

52. Jitlob li jkun hemm inizjattivi li jrawmu ambjent medjatiku ħieles minn influwenzi esterni u li jikkontribwixxi għal kondotta professjonali min-naħa tal-mezzi ta' informazzjoni, inkluż il-ġurnaliżmu investigattiv;

53. Jissottolinja l-bżonn li jissaħħu l-awtoregolamentazzjoni, l-istandards etiċi, l-indipendenza, l-imparzjalità, is-sostenibbiltà finanzjarja u l-kwalità tar-rappurtar tal-organi ta' informazzjoni pubbliċi u privati, u li tiġi żgurata aktar trasparenza fil-qasam tas-sjieda, tal-finanzjamenti u tar-reklamar pubbliku tal-mezzi ta' informazzjoni; jitlob li jittieħdu miżuri li jiżguraw it-trasparenza tas-sjieda tal-mezzi ta' informazzjoni tal-kumpaniji tax-xandir; josserva l-bżonn li jitjiebu l-kundizzjonijiet soċjali u tax-xogħol tal-professjonisti tal-mezzi ta' informazzjoni bil-għan li jiġi żgurat ġurnaliżmu ta' kwalità;

54. Jikkundanna l-vjolenza, l-intimidazzjonijiet, il-kampanji ta' malafama u l-pressjoni politika u finanzjarja indiretta fil-konfront tal-ġurnalisti, li joħonqu serjament il-libertà tal-mezzi ta' informazzjoni, iwasslu għall-awtoċensura u jimminaw serjament l-isforzi biex jinkixfu l-kriminalità u l-korruzzjoni; jitlob lill-awtoritajiet jiftħu investigazzjoni dwar is-sensiela reċenti ta' vjolenza u detenzjonijiet inġustifikati ta' ġurnalisti u jirrispondu minnufih għall-allegazzjonijiet ta' attakki fuq il-ġurnalisti min-naħa tal-pulizija, inkluż waqt li jkunu f'kustodja;

55. Japprezza l-impenn min-naħa tal-awtoritajiet biex jirtiraw l-abbozzi proposti li jemenda l-liġi dwar il-mezzi ta' informazzjoni, u jimplimentaw bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja tad-19 ta' Ġunju 2020 fil-proposti futuri kollha; itenni t-tħassib tiegħu fir-rigward tal-miżuri proposti inizjalment fl-ambitu tal-hekk imsejjaħ "pakkett kontra l-malafama" u josserva li kwalunkwe reviżjoni tal-liġijiet relatati mal-mezzi ta' informazzjoni u mal-komunikazzjoni għandha ssir b'mod trasparenti u inklużiv, bil-garanzija li leħen is-soċjetà ċivili u l-fehmiet tagħha jinstemgħu, bil-għan li jitjiebu l-libertà tal-mezzi ta' informazzjoni u l-ambjent li fih jaħdmu l-ġurnalisti indipendenti;

Riformi soċjoekonomiċi

56. Jinkoraġġixxi lill-Gvern Albaniż jagħti prijorità lill-miżuri mmirati biex itaffu r-riperkussjonijiet soċjoekonomiċi u fuq is-saħħa tal-pandemija tal-COVID-19, b'kunsiderazzjoni partikolari għall-gruppi emarġinati u vulnerabbli bħar-Rom, l-Eġizzjani, il-komunità LGBTQI+, il-persuni b'diżabbiltà u l-ġenituri waħedhom, filwaqt li jieħu miżuri ulterjuri biex itejbu d-diversifikazzjoni, il-kompetittività u d-diġitalizzazzjoni, isaħħu r-rappreżentattività tad-djalogu soċjali u jaffrontaw l-ekonomija informali mifruxa;

57. Ifakkar li t-tkabbir sostenibbli jiddependi mill-qerda tal-korruzzjoni endemika, mit-titjib tat-trasparenza, miċ-ċertezza u l-effiċjenza tad-dritt, mill-kompetizzjoni ġusta u mis-semplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi;

58. Jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet Albaniżi jikkonsolidaw il-kopertura tal-assistenza soċjali u jtejbu l-aċċess għas-servizzi soċjali u tas-saħħa, speċjalment għall-gruppi vulnerabbli, biex jonqos ir-riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali;

59. Jitlob li jkunu intensifikati l-miżuri konkreti li jindirizzaw id-deklin demografiku u l-eżodu tal-imħuħ permezz ta' politiki attivi tas-suq tax-xogħol, li jindirizzaw id-diskrepanza bejn id-domanda u l-offerta ta' ħiliet u jnaqqsu l-qgħad fit-tul, partikolarment fost iż-żgħażagħ u l-gruppi l-aktar emarġinati; jisħaq fuq l-importanza li jinħolqu opportunitajiet ta' impjieg sostenibbli u fit-tul għaż-żgħażagħ billi tiġi promossa edukazzjoni aċċessibbli, ta' kwalità u inklużiva u jiġu indirizzati l-problemi relatati mal-alloġġi; jistieden lill-Gvern Albaniż itejjeb id-disponibbiltà tal-aċċess għall-internet u jagħmlu aktar aċċessibbli mil-lat ekonomiku, anki għal skopijiet ta' tagħlim;

60. Jilqa' b'sodisfazzjon it-tendenzi pożittivi f'dak li għandu x'jaqsam mal-parteċipazzjoni tan-nisa fil-politika, u jitlob miżuri ulterjuri biex jiġi indirizzati l-iżbilanċi tal-ġeneru, id-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi u d-diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol;

61. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet iżidu l-isforzi tagħhom biex jeliminaw it-tħaddim tat-tfal fis-settur informali kollu u jintensifikaw l-prosekuzzjoni tal-abbuż fuq it-tfal;

62. Jisħaq fuq il-bżonn li titjieb il-komunikazzjoni rigward l-għajnuna tal-UE u l-finanzjamenti li l-Unjoni tagħti lill-Albanija u li tiżguralhom aktar viżibbiltà; ifakkar, f'dan ir-rigward, il-mekkaniżmu li jippremja l-prestazzjoni previst mill-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni ddestinat għall-Maċedonja ta' Fuq u għall-Albanija u, b'mod partikolari, l-appoġġ sostanzjali li l-UE tforni lill-Balkani tal-Punent biex jiġġieldu kontra l-pandemija tal-COVID-19;

63. Jilqa' pożittivament l-isforzi tal-Kummissjoni maħsuba biex isiru investimenti b'mod aktar strateġiku fil-Balkani tal-Punent permezz ta' PEI speċifiku; jisħaq fuq il-fatt li kwalunkwe investiment irid ikun konformi mal-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi u mal-għanijiet tad-dekarbonizzazzjoni tal-UE; jirrikonoxxi l-importanza tal-PEI biex isostni l-konnettività sostenibbli, il-kapital uman, il-kompetittività u t-tkabbir inklużiv, kif ukoll biex isaħħaħ il-kooperazzjoni reġjonali u transfruntiera; jitlob kofinanzjament adegwat u aktar titjib fit-trasparenza u fil-viżibbiltà tal-finanzjamenti tal-UE; jisħaq fuq il-bżonn, fil-kuntest tal-Albanija, li l-finanzjamenti jkunu kkonċentrati fuq it-tranżizzjoni demokratika li għaddejja u fuq il-ġlieda kontra d-deklin demografiku u l-eżodu tal-imħuħ;

Ambjent, enerġija u trasport

64. Ifakkar li għad hemm bżonn sforzi sostanzjali biex jintlaħqu l-għanijiet relatati mal-effiċjenza enerġetika, mas-sigurtà tal-provvista, mat-tnaqqis tal-emissjonijiet u mal-enerġija rinnovabbli u d-diversifikazzjoni tagħha, permezz tat-tranżizzjoni lejn l-enerġija, it-tisħin u t-trasport sostenibbli;

65. Jinkoraġġixxi lill-Albanija tiddiversifika l-produzzjoni tal-enerġija, tiżgura investimenti sikuri f'termini ekonomiċi u ambjentali fl-operazzjonijiet tal-enerġija idroelettrika, u żżid l-investimenti effiċjenti meta mqabbla mal-kostijiet fis-sorsi eoliċi u solari; iħeġġeġ lill-Gvern inaqqas sal-minimu l-impatt fuq il-bijodiversità billi jinterrompi l-iżvilupp tal-enerġija idroelettrika fiż-żoni protetti, b'mod partikolari qrib ix-xmajjar Valbona u Vjosa, u jistabbilixxi mill-aktar fis possibbli l-Park Nazzjonali ta' Vjosa, li jestendi tul ix-xmara kollha, skont kif ħabbar il-Gvern; jissottolinja l-bżonn li jitjiebu l-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali, il-valutazzjonijiet ambjentali strateġiċi u t-trasparenza tal-proċeduri fis-setturi ekosensittivi u li titqawwa l-prosekuzzjoni tar-reati ambjentali; jisħaq fuq l-importanza li titjieb l-istrateġija tal-Albanija dwar is-sikurezza nukleari u l-protezzjoni mir-radjazzjoni; ifakkar li l-Albanija għad trid tallinja ruħha bis-sħiħ mad-Direttiva tal-Kunsill 2013/59/Euratom tal-5 ta' Diċembru 2013 li tistabbilixxi standards bażiċi ta' sikurezza għal protezzjoni kontra l-perikli li jirriżultaw minn esponiment għal radjazzjoni jonizzanti;

66. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet jiżguraw il-konformità sħiħa mat-Trattat dwar il-Komunità Ewropea, anki billi l-kambju tal-enerġija tal-Albanija jsir operattiv, jitkompla l-ftuħ tas-suq, tiġi żgurata s-separazzjoni funzjonali tal-operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni u jiġi żgurat l-akkoppjament tas-swieq tal-elettriku; jissottolinja l-kontribut tal-gassdott trans-Adrijatiku li għadu kif ġie inawgurat, u tal-konnessjoni imminenti tal-impjant termiku rikonvertit ta' Vlora għas-sigurtà enerġetika reġjonali; ifakkar fil-bżonn li titlesta r-riforma tas-suq tal-elettriku u li jiġi varat interkonnettur tal-elettriku Bitola-Elbasan mal-Maċedonja ta' Fuq;

67. Jitlob li jitkompla l-progress fit-tisħiħ tan-netwroks tat-trasport strateġiċi bi qbil mal-qafas regolatorju tan-Network trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T), jitkompla x-xogħol fis-sezzjonijiet Albaniżi tal-"awtostrada blu", jitlestew ir-riformi tas-settur ferrovjarju u jsir aktar progress fil-konnessjoni ferrovjarja Tirana-Podgorica-Durrës;

68. Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu rigward ċerti proġetti ekonomiċi fl-Albanija li wasslu għal ħsara ambjentali f'żoni protetti; jissottolinja l-fatt li l-ippjanar u l-kostruzzjoni ta' proġetti infrastrutturali ekosensittivi fil-qasam tat-turiżmu u tal-enerġija għandhom isiru fil-qafas ta' konsultazzjoni wiesgħa fuq skala nazzjonali mas-soċjetà ċivili u mal-komunitajiet lokali qabel ma tittieħed kwalunkwe deċiżjoni u għandhom jirrispettaw in-normi internazzjonali u tal-UE dwar il-valutazzjonijiet tal-impatt u l-ħarsien tal-ambjent;

69. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Albaniżi jiżviluppaw strateġija enerġetika nazzjonali li tiggarantixxi l-allinjament sħiħ mal-Ftehim ta' Pariġi, mal-politiki rilevanti tal-UE dwar il-klima, mal-għanijiet ta' dekarbonizzazzjoni u mal-istrumenti ta' pprezzar tal-karbonju, kif ukoll l-implimentazzjoni ta' dawn kollha, bi qbil mal-Patt Ekoloġiku Ewropew u mal-impenji politiċi meħuda fid-Dikjarazzjoni ta' Sofija tal-2020; jistieden lill-awtoritajiet Albaniżi jadottaw mingħajr dewmien l-abbozz tal-liġi dwar il-klima kif ukoll il-liġi u d-deċiżjoni dwar mekkaniżmu għall-monitoraġġ u għar-rapportar tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra; jitlob il-finalizzazzjoni mħaffa tal-abbozz tal-Pjan Nazzjonali Integrat għall-Enerġija u l-Klima għal rieżami min-naħa tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija;

70. Jappella għal aktar sforzi fil-qasam tal-agrikoltura u tal-iżvilupp rurali; jemmen li huwa importanti li tiġi stabbilita sistema solida għal konsultazzjonijiet bejn dawk li jfasslu l-politiki u l-varji gruppi ta' interess fiż-żoni rurali; jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi żviluppata agrikoltura moderna, ekoloġika, li ma tagħmilx ħsara lill-klima fuq skala żgħira u medja li tiżgura l-għajxien tal-bdiewa u l-protezzjoni tar-riżorsi naturali tal-Albanija kif ukoll tal-bijodiversità;

71. Ifakkar li l-Albanija teħtieġ tagħti prijorità lill-implimentazzjoni tal-istrateġija nazzjonali għall-ġestjoni tal-iskart il-ġdida tal-perjodu 2020-2035 u lill-ħolqien ta' sistema reġjonali integrata tal-ġestjoni tal-iskart, u tippromwovi r-riċiklaġġ, tagħlaq is-siti fejn jintrema skart perikoluż, tallinja ruħha mal-istandards tal-UE, speċjalment fir-rigward tal-inċinerazzjoni u tipprevjeni d-deforestazzjoni u t-tniġġis marin mill-plastik; jiġbed l-attenzjoni għat-tniġġis tal-Baħar Adrijatiku u r-rimi frekwenti ta' żibel li jinġarr mill-kurrenti tal-baħar; jissottolinja l-bżonn li jitjiebu l-kontroll tal-kwalità tal-ilma u l-kapaċitajiet ta' trattament tal-ilma mormi u jissaħħu l-kapaċitajiet tal-aġenziji responsabbli għall-ambjent u għaż-żoni protetti;

Kooperazzjoni reġjonali u politika estera

72. Jilqa' pożittivament l-isforzi kontinwi tal-Albanija fil-promozzjoni ta' relazzjonijiet ta' bon viċinat u tal-integrazzjoni reġjonali; jissottolinja l-importanza li jittieħdu miżuri ulterjuri biex jiġu promossi r-rikonċiljazzjoni mal-ġirien u l-kooperazzjoni reġjonali, li għandhom ikunu mirfuda mir-rispett tal-valuri fundamentali tal-UE u tal-futur komuni fl-UE;

73. Jitlob li jinħolqu opportunitajiet ġodda ta' djalogu politiku u strateġiku ta' livell għoli mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, permezz ta' summits regolari UE-Balkani tal-Punent u kuntatti ministerjali intensifikati, sabiex tissaħħaħ is-sjieda politika tal-proċess tat-tkabbir u jiġu żgurati tmexxija aktar b'saħħitha u impenn ta' livell għoli, anki skont l-objettivi fl-ambitu tal-metodoloġija riveduta tat-tkabbir;

74. Ifaħħar l-azzjonijiet kostruttivi għar-riżoluzzjoni tal-kwistjonijiet bilaterali pendenti, inkluż impenn konġunt min-naħa tal-Greċja u tal-Albanija li jiddifferixxu l-kwistjoni tad-delimitazzjoni taż-żoni marittimi lill-Qorti tal-Ġustizzja Internazzjonali;

75. Jilqa' pożittivament il-passi inklużivi meħuda biex tkun approfondita l-integrazzjoni reġjonali, ikunu aġevolati l-konnettività u l-moviment liberu ta' persuni, merkanzija, kapital u servizzi u jingħata kontribut lis-suq reġjonali komuni;

76. Jilqa' pożittivament ir-rwol kostruttiv tal-Albanija fl-inizjattivi multilaterali, inkluż taħt il-presidenza tagħha tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles tal-Ewropa Ċentrali (CEFTA) u tal-OSKE;

77. Jilqa' pożittivament il-parteċipazzjoni tal-Albanija fl-inizjattiva mini-Schengen bħala mezz biex jitjiebu r-relazzjonijiet ta' viċinat u jiġu offruti opportunitajiet ġodda għall-persuni u għall-impriżi fl-Albanija;

78. Jistieden lill-mexxejja politiċi kollha jieħdu miżuri urġenti biex jistabbilixxu l-Kummissjoni Reġjonali inkarigata li taċċerta l-fatti dwar id-delitti tal-gwerra u ta' ksur gravi ieħor tad-drittijiet tal-bniedem kommessi fit-territorju f'dik li qabel kienet il-Jugoslavja bejn l-1 ta' Jannar 1991 u l-31 ta' Diċembru 2001 (RECOM), abbażi tal-ħidma sinifikanti li għamlet l-Koalizzjoni RECOM; iħeġġeġ lill-mexxejja politiċi fil-Balkani tal-Punent jippromwovu r-rikonċiljazzjoni reġjonali u jastjenu milli jistrumentalizzaw dawn il-kwistjonijiet fit-taqbidiet politiċi interni;

79. Jilqa' favorevolment l-allinjament sħiħ u kontinwu tal-Albanija mad-deċiżjonijiet u mad-dikjarazzjonijiet tal-politika estera u ta' sigurtà komuni fformulati mill-2012 u jfaħħar il-parteċipazzjoni attiva tagħha fil-missjonijiet u fl-operazzjonijiet tal-UE ta' ġestjoni tal-kriżijiet, kif ukoll il-kontribut tagħha fil-missjonijiet tan-NATO ta' importanza strateġika għall-UE; iħeġġeġ lill-Albanija tikkonforma mal-pożizzjoni tal-UE dwar il-ġuriżdizzjoni tal-Qorti Kriminali Internazzjonali;

80. Jissottolinja l-ħtieġa li l-UE u l-Istati Uniti jsaħħu s-sħubija u l-koordinament tagħhom fil-Balkani tal-Punent sabiex imexxu 'l quddiem riformi fundamentali, u jtejbu l-governanza u r-rikonċiljazzjoni; jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni jżidu s-sostenn lill-Albanija fil-ġlieda kontra l-indħil barrani doluż minn pajjiżi bħar-Russja, iċ-Ċina u l-Iran; iqis li, b'kont meħud tal-allinjament hawn fuq imsemmi u tal-proċess ta' adeżjoni mal-UE tal-Albanija, Tirana għandha tiżviluppa kooperazzjoni dejjem aktar stretta mal-Istati Membri tal-UE u tan-NATO dwar il-kwistjonijiet relatati mas-sigurtà u mad-difiża;

°

° °

81. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tal-Albanija.


 


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

4.3.2021

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

62

4

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Alviina Alametsä, Alexander Alexandrov Yordanov, Maria Arena, Petras Auštrevičius, Traian Băsescu, Anna Bonfrisco, Reinhard Bütikofer, Fabio Massimo Castaldo, Włodzimierz Cimoszewicz, Katalin Cseh, Tanja Fajon, Anna Fotyga, Michael Gahler, Kinga Gál, Giorgos Georgiou, Sunčana Glavak, Raphaël Glucksmann, Klemen Grošelj, Bernard Guetta, Sandra Kalniete, Karol Karski, Dietmar Köster, Andrius Kubilius, Ilhan Kyuchyuk, David Lega, Miriam Lexmann, Nathalie Loiseau, Antonio López-Istúriz White, Claudiu Manda, Lukas Mandl, Thierry Mariani, David McAllister, Vangelis Meimarakis, Sven Mikser, Francisco José Millán Mon, Javier Nart, Gheorghe-Vlad Nistor, Urmas Paet, Demetris Papadakis, Kostas Papadakis, Tonino Picula, Manu Pineda, Kati Piri, Giuliano Pisapia, Jérôme Rivière, María Soraya Rodríguez Ramos, Nacho Sánchez Amor, Isabel Santos, Jacek Saryusz-Wolski, Andreas Schieder, Radosław Sikorski, Jordi Solé, Sergei Stanishev, Tineke Strik, Hermann Tertsch, Hilde Vautmans, Harald Vilimsky, Idoia Villanueva Ruiz, Viola Von Cramon-Taubadel, Thomas Waitz, Isabel Wiseler-Lima, Salima Yenbou, Željana Zovko

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Angel Dzhambazki, Raffaele Fitto, Marisa Matias

Sostituti (skont l-Artikolu 209(7)) preżenti għall-votazzjoni finali

Janina Ochojska

 


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

62

+

ECR

Angel Dzhambazki, Raffaele Fitto, Anna Fotyga, Karol Karski, Jacek Saryusz-Wolski, Hermann Tertsch

ID

Anna Bonfrisco

PPE

Alexander Alexandrov Yordanov, Traian Băsescu, Michael Gahler, Kinga Gál, Sunčana Glavak, Sandra Kalniete, Andrius Kubilius, David Lega, Miriam Lexmann, Antonio López-Istúriz White, Lukas Mandl, David McAllister, Vangelis Meimarakis, Francisco José Millán Mon, Gheorghe-Vlad Nistor, Janina Ochojska, Radosław Sikorski, Isabel Wiseler-Lima, Željana Zovko

Renew

Petras Auštrevičius, Katalin Cseh, Klemen Grošelj, Bernard Guetta, Ilhan Kyuchyuk, Nathalie Loiseau, Javier Nart, Urmas Paet, María Soraya Rodríguez Ramos, Hilde Vautmans

S&D

Maria Arena, Włodzimierz Cimoszewicz, Tanja Fajon, Raphaël Glucksmann, Dietmar Köster, Claudiu Manda, Sven Mikser, Demetris Papadakis, Tonino Picula, Kati Piri, Giuliano Pisapia, Nacho Sánchez Amor, Isabel Santos, Andreas Schieder, Sergei Stanishev

The Left

Marisa Matias, Manu Pineda, Idoia Villanueva Ruiz

VERTS/ALE

Alviina Alametsä, Reinhard Bütikofer, Jordi Solé, Tineke Strik, Viola Von Cramon-Taubadel, Thomas Waitz, Salima Yenbou

NI

Fabio Massimo Castaldo

 

4

-

ID

Thierry Mariani, Jérôme Rivière, Harald Vilimsky

NI

Kostas Papadakis

 

1

0

The Left

Giorgos Georgiou

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

 

[1] ĠU L 107, 28.4.2009, p. 166.

[2] Testi adottati, P9_TA(2020)0320.

[3] Testi adottati, P9_TA(2019)0050.

[4] Testi adottati, P9_TA(2020)0168.

Aġġornata l-aħħar: 19 ta' Marzu 2021Avviż legali - Politika tal-privatezza