RAPPORT dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Lívia Járóka
22.3.2021 - (2020/2198(IMM))
Kumitat għall-Affarijiet Legali
Rapporteur: Stéphane Séjourné
PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Lívia Járóka
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Lívia Járóka, imressqa fid-9 ta' Lulju 2020 mill-Prosekutur Ġenerali tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tal-Qorti ta' Appell ta' Brussell, u mħabbra fis-seduta plenarja fl-14 ta' Settembru 2020,
– wara li kkunsidra r-rinunzja ta' Lívia Járóka għad-dritt li tinstema', skont l-Artikolu 9(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att tal-20 ta' Settembru 1976 dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett,
– wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-21 ta' Ottubru 2008, fid-19 ta' Marzu 2010, fis-6 ta' Settembru 2011, fis-17 ta' Jannar 2013 u fid-19 ta' Diċembru 2019[1],
– wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2), 6(1) u 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A9-0050/2021),
A. billi l-Prosekutur Ġenerali tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tal-Qorti tal-Appell ta' Brussell ressaq talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Lívia Járóka, Membru tal-Parlament Ewropew għall-Ungerija, fir-rigward ta' ksur fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tad-Digriet Irjali Belġjan tal-1 ta' Diċembru 1975 li jistabbilixxi regolament ġenerali dwar il-Pulizija tat-Traffiku u l-użu tat-toroq pubbliċi, u l-Artikolu 29(3) tal-Liġi tas-16 ta' Marzu 1968 dwar il-Pulizija tat-Traffiku; billi, b'mod partikolari, il-ksur jikkonċerna eċċess ta' veloċità;
B. billi fis-17 ta' Novembru 2018 fl-10.30, apparat awtomatiku fiss f'Uccle, li jaħdem fin-nuqqas ta' aġent kwalifikat, irreġistra ksur tal-veloċità massima awtorizzata ta' vettura rreġistrata f'isem Lívia Járóka; billi tfassal rapport u kopja tiegħu b'formola ta' tweġiba ntbagħtet lil Lívia Járóka fid-29 ta' Novembru 2018; billi sabiex jiġi determinat jekk is-Sa Járóka kinitx is-sewwieq tal-vettura inkwistjoni, il-Ministeru Pubbliku pprova jinterpellaha diversi drabi, mingħajr suċċess; billi skont is-Servizz tal-Protokoll tas-Servizz Pubbliku Federali għall-Affarijiet Barranin, Lívia Járóka ma kinitx irregolarizzat il-post ta' residenza tagħha fil-Belġju; billi ħmistax-il jum wara li ntbagħtet il-kopja tar-rapport, il-fajl intbagħat lill-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku fi Brussell;
C. billi, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, il-Membri tal-Parlament Ewropew igawdu, fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lill-membri tal-parlament ta' pajjiżhom u, fit-territorju ta' kull Stat Membru ieħor, l-immunità minn kull tip ta' detenzjoni u minn proċeduri legali;
D. billi, minn naħa, il-Parlament ma jistax jitqies bħala qorti u, min-naħa l-oħra, il-Membru ma jistax, fil-kuntest ta' proċedura għat-tneħħija tal-immunità, jitqies bħala "akkużat"[2];
E. billi huwa l-Parlament biss li jista' jiddeċiedi li jneħħi jew ma jneħħix l-immunità f'każ partikolari; billi l-Parlament jista' raġonevolment jikkunsidra l-pożizzjoni tal-Membru biex jieħu d-deċiżjoni dwar jekk ineħħix l-immunità tiegħu[3];
F. billi r-reat allegat la għandu rabta diretta jew evidenti mal-qadi, minn Lívia Járóka, tal-funzjonijiet tagħha ta' Membru tal-Parlament Ewropew, u lanqas ma jikkostitwixxi opinjoni espressa jew vot mixħut fil-qadi tal-funzjonijiet ta' Membru tal-Parlament Ewropew, fis-sens tal-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea;
G. billi fil-każ preżenti, il-Parlament ma setax jikkonstata l-eżistenza ta' fumus persecutionis, jiġifieri suspett fondat u preċiż biżżejjed li l-kawża tressqet bl-intenzjoni li ssir ħsara politika lill-Membru;
1. Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Lívia Járóka;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Belġju u lil Lívia Járóka.
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni |
18.3.2021 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
24 0 1 |
||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Manon Aubry, Gunnar Beck, Geoffroy Didier, Pascal Durand, Angel Dzhambazki, Ibán García Del Blanco, Esteban González Pons, Mislav Kolakušić, Gilles Lebreton, Karen Melchior, Jiří Pospíšil, Franco Roberti, Marcos Ros Sempere, Stéphane Séjourné, Raffaele Stancanelli, Marie Toussaint, Adrián Vázquez Lázara, Axel Voss, Marion Walsmann, Tiemo Wölken, Lara Wolters, Javier Zarzalejos |
|||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Patrick Breyer, Andrzej Halicki, Heidi Hautala, Ilhan Kyuchyuk, Antonius Manders, Sabrina Pignedoli, Jérôme Rivière, Nacho Sánchez Amor |
- [1] Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio u Clemente, C-200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs il-Parlament, T-42/05, ECLI:EU:T:2010:102; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C-163/10, ECLI: EU:C:2011:543; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs il-Parlament, T-346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta' Diċembru 2019, Junqueras Vies, C-502/19, ECLI:EU:C:2019:1115.
- [2] Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta' April 2019, Briois vs il-Parlament, T-214/18, ECLI:EU:T:2019:266.
- [3] Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta' Ottubru 2008, Mote vs il-Parlament, T-345/05, ECLI:EU:T:2008:440, punt 28.