22.3.2021RAPPORT dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Jean-François Jalkh
22.3.2021RAPPORT - (2020/2110(IMM))
Kumitat għall-Affarijiet Legali
Rapporteur: Ibán García Del Blanco
PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Jean-François Jalkh
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Jean-François Jalkh, imressqa fis-16 ta' Ġunju 2020, mill-Prosekutur Pubbliku fil-Qorti tal-Appell ta' Pariġi b'rabta ma' kawża pendenti quddiem il-Maġistrati Istrutturi rigward inkjesta ġudizzjarja fuq il-bażi tal-allegati reati ta' ksur ta' fiduċja, frodi organizzata, falsifikazzjoni u l-użu ta' dokumenti ffalsifikati, impjieg illeċitu li jinvolvi nuqqas ta' dikjarazzjoni ta' impjegat, miżapproprjazzjoni ta' fondi pubbliċi u l-ħabi intenzjonali ta' fondi pubbliċi miżapproprjati, u mħabbra fis-seduta plenarja fit-8 ta' Lulju 2020,
– wara li sema' lil Thierry Mariani, li kien qed jissostitwixxi lil Jean-François Jalkh, skont l-Artikolu 9(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att tal-20 ta' Settembru 1976 dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett,
– wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-21 ta' Ottubru 2008, fid-19 ta' Marzu 2010, fis-6 ta' Settembru 2011, fis-17 ta' Jannar 2013 u fid-19 ta' Diċembru 2019[1],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 26 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Franċiża,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2), 6(1) u 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A9-0051/2021),
Α. billi l-Maġistrati Istrutturi talbu t-tneħħija tal-immunità parlamentari ta' Jean-François Jalkh sabiex jisimgħuh b'rabta mar-reati kriminali allegati;
Β. billi t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Jean-François Jalkh tirrigwarda allegati reati ta' ksur ta' fiduċja, falsifikazzjoni u l-użu ta' dokumenti ffalsifikati, frodi organizzata, impjieg illeċitu li jinvolvi nuqqas ta' dikjarazzjoni ta' impjegat, miżapproprjazzjoni ta' fondi pubbliċi u l-ħabi intenzjonali ta' fondi pubbliċi miżapproprjati, reati stabbiliti u kkastigati skont l-Artikoli 314–1, 314–10, 321–2, 321–3, 321–4, 321–9, 321–10, 441–l, 441–10, 441–11, 313–1, 313–2, 313–3, 313–7, 313–8, 313–9, 432–15 u 432–17 tal-Kodiċi Kriminali Franċiż, u L8221–1, L8221–5, L8224–1, L8224–3, L8224–4 u L8224–5 tal-Kodiċi tal-Impjiegi Franċiż;
C. billi fil-5 ta' Diċembru 2016 tnediet investigazzjoni ġudizzjarja b'segwitu għal investigazzjoni preliminari li tnediet wara denunzja mill-President tal-Parlament Ewropew ta' dak iż-żmien fid-9 ta' Marzu 2015 dwar ċertu għadd ta' assistenti parlamentari tal-Membri tal-Parlament Ewropew affiljati mal-Front National;
D. billi t-tabella tal-persunal tal-Front National, ippubblikata fi Frar 2015 elenkat biss 15-il Membru tal-PE (minn total ta' 23), 21 assistent parlamentari lokali u 5 assistenti parlamentari akkreditati (minn total ta' 54 assistent); billi għadd ta' assistenti parlamentari ddikjaraw il-kwartieri ġenerali tal-Front National f'Nanterre bħala l-post tal-impjieg tagħhom, u f'xi każijiet indikaw li kienu impjegati hemmhekk fuq bażi full-time, minkejja li kienu jirrisjedu bejn 120 km u 945 km 'il bogħod mill-post tal-impjieg iddikjarat tagħhom; billi f'dan l-istadju tal-investigazzjoni, irriżulta li 8 assistenti parlamentari prattikament ma wettqu l-ebda xogħol ta' assistenza parlamentari jew li wettquh biss bħala parti żgħira ħafna mid-dmirijiet globali tagħhom:
E. billi l-investigazzjonijiet żvelaw ukoll ċirkostanzi li wasslu għal dubji dwar kemm l-assistenti parlamentari kkonċernati kienu ġenwinament qed iwettqu dmirijiet marbuta mal-Parlament Ewropew, b'mod partikolari:
– kuntratti ta' impjieg tal-assistenti parlamentari tal-UE li ddaħħlu bejn żewġ kuntratti tal-impjieg mal-Front National,
– kuntratti ta' impjieg simultanji ta' assistenti parlamentari Ewropej kemm għall-Parlament Ewropew kif ukoll għall-Front National;
– kuntratti ta' impjieg mal-Front National konklużi għal perjodi eżatt wara perjodi koperti minn kuntratti ta' impjieg tal-assistenti parlamentari tal-UE;
F. billi l-investigazzjoni żvelat li Jean-François Jalkh kien impjegat bħala assistent parlamentari lokali ma' Jean-Marie Le Pen minn Lulju 2009 sa April 2014 fuq bażi full-time, b'salarju gross fix-xahar ta' EUR 3 011,14; billi fl-istess ħin huwa kellu diversi karigi maniġerjali fi ħdan il-Front National, kemm wara xulxin jew fl-istess ħin, u rċieva remunerazzjoni minn żewġ kumpaniji differenti għall-awditjar tal-kontijiet tal-kampanja; billi fid-29 ta' Jannar 2016, is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew iddeċieda li jirkupra mingħand Jean-Marie Le Pen is-somma ta' EUR 320 026,23 imħallsa mill-Parlament b'rabta mal-kuntratt ta' Jean-François Jalkh; billi d-diversi appelli ppreżentati kontra din id-deċiżjoni ġew miċħuda, b'mod partikolari permezz tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-7 ta' Marzu 2018[2] u bid-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-28 ta' Novembru 2018[3];
G. billi l-investigazzjoni żvelat ukoll li, fil-kapaċità tiegħu ta' Membru tal-Parlament Ewropew, Jean-François Jalkh impjega assistent parlamentari lokali full-time mill-1 ta' Lulju 2014 sal-4 ta' Jannar 2016, bl-eċċezzjoni tal-perjodu mill-24 ta' Awwissu 2015 sal-14 ta' Diċembru 2015, b'salarju gross fix-xahar ta' EUR 2 950; billi ma nstabu la emails u lanqas evidenza oħra li turi x-xogħol tagħha bħala assistent parlamentari; billi l-assistent parlamentari inkwistjoni ġiet inkluża fit-tabella tal-persunal tal-Front National ippubblikata fi Frar 2015 bħala assistenta tal-Viċi President responsabbli għall-affarijiet legali, Jean-François Jalkh; billi matul il-perjodu tal-kampanja għall-elezzjonijiet Franċiżi tal-2015, u għall-elezzjonijiet muniċipali tal-2014, instabu emails li jġorru l-firma tal-assistenta u li kienu jgħidu "Assistenta ta' Jean-François Jalkh – Servizz għall-elezzjonijiet"; billi, għall-perjodu minn Ġunju 2015 sal-21 ta' Diċembru 2015, instabu wkoll emails li żvelaw il-ħidma tagħha għall-kampanja elettorali ta' Wallerand de Saint-Just, li kien il-kandidat ewlieni tal-Front National għall-elezzjonijiet reġjonali fl-Île de France, minkejja l-fatt li l-kuntratt tagħha bħala assistent parlamentari kien ġie sospiż minħabba din ir-raġuni biss, għall-perjodu bejn l-24 ta' Awwissu sal-14 ta' Diċembru 2015; billi fil-11 ta' Diċembru 2019 hija ġiet imputata bl-akkuża ta' ħabi intenzjonali ta' fondi pubbliċi miżapproprjati;
H. billi l-Maġistrati Istrutturi jqisu li jeħtieġ jisimgħu lil Jean-François Jalkh;
I. billi wara li fit-18 ta' Diċembru 2018 ġie mħarrek mill-investigaturi, u wara li indika d-disponibbiltà tiegħu, Jean-François Jalkh ma deherx, b'segwitu għal talba għal differiment ippreżentata mill-avukat tiegħu erbat ijiem qabel id-data tad-dehra miftiehma, filwaqt li ddikjara li Jean-François Jalkh xtaq juża d-dritt tiegħu li jibqa' sieket; billi minkejja ittra tad-19 ta' Frar 2019 mill-avukat tiegħu li tikkonferma li kien lest li jinstema' volontarjament, Jean-François Jalkh għal darb'oħra naqas milli jidher meta tħarrek mill-investigaturi fil-25 ta' Ġunju 2019, u ma pprovda l-ebda ġustifikazzjoni talli naqas milli jidher; billi huwa mbagħad irrifjuta li jidher quddiem l-imħallfin istrutturi, li kienu ħarrkuh biex jidher fil-15 ta' Novembru 2019 filwaqt li invokaw l-immunità parlamentari tiegħu;
J. billi bil-ħsieb li Jean-François Jalkh jiġi interrogat b'rabta mal-akkużi miġjuba kontrih, l-awtorità kompetenti ressqet talba għat-tneħħija tal-immunità tiegħu;
K. billi, il-Parlament ma jistax jitqies bħala qorti u, billi fil-kuntest ta' proċedura għat-tneħħija tal-immunità, il-Membru ma jistax jitqies bħala akkużat[4];
L. billi, skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, il-Membri tal-Parlament Ewropew igawdu, fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lill-membri tal-parlament nazzjonali tagħhom;
M. billi l-Artikolu 26 tal-Kostituzzjoni Franċiża jiddikjara li "L-ebda Membru tal-Parlament ma għandu jiġi arrestat jew soġġett għal kwalunkwe miżura oħra li ċċaħħadlu l-libertà jew tirristrinġilu dik il-libertà għal delitt kriminali serju jew reat serju ieħor mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Assemblea li tagħha jkun membru. Din l-awtorizzazzjoni ma għandhiex tkun meħtieġa fil-każ ta' delitt serju jew reat serju ieħor imwettaq in flagrante delicto jew meta kundanna tkun saret definittiva";
N. billi l-iskop tal-immunità parlamentari huwa li l-Parlament u l-Membri tiegħu jiġu protetti minn proċedimenti legali fir-rigward tal-attivitajiet imwettqa fil-qadi tad-dmirijiet parlamentari u li ma jistgħux jiġu separati minn dawk id-dmirijiet;
O. billi, f'dan il-każ, il-Parlament ma sab ebda evidenza ta' fumus persecutionis, jiġifieri fatti li jindikaw li l-proċedimenti ġudizzjarji inkwistjoni nbdew bl-intenzjoni li ssir ħsara lill-attività politika tal-Membru bħala Membru tal-Parlament Ewropew;
1. Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Jean-François Jalkh;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtoritajiet Franċiżi u lil Jean-François Jalkh.
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni |
18.3.2021 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
21 4 0 |
||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Manon Aubry, Gunnar Beck, Geoffroy Didier, Pascal Durand, Angel Dzhambazki, Ibán García Del Blanco, Esteban González Pons, Mislav Kolakušić, Gilles Lebreton, Karen Melchior, Jiří Pospíšil, Franco Roberti, Marcos Ros Sempere, Stéphane Séjourné, Raffaele Stancanelli, Marie Toussaint, Adrián Vázquez Lázara, Axel Voss, Marion Walsmann, Tiemo Wölken, Lara Wolters, Javier Zarzalejos |
|||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Patrick Breyer, Andrzej Halicki, Heidi Hautala, Ilhan Kyuchyuk, Antonius Manders, Sabrina Pignedoli, Jérôme Rivière, Nacho Sánchez Amor |
- [1] Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio u Clemente, C-200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs il-Parlament, T-42/05, ECLI:EU:T:2010:102; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C-163/10, ECLI: EU:C:2011:543; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs il-Parlament, T-346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23. is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta' Diċembru 2019, Junqueras Vies, C-502/19, ECLI:EU:C:2019:1115.
- [2] Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali (is-Sitt Awla) tas-7 ta' Marzu 2018, Jean-Marie Le Pen vs il-Parlament Ewropew, Kawża T-140/16, ECLI:EU:T:2018:122;
- [3] Id-digriet tal-Qorti (ir-Raba' Awla) tat-28 ta' Novembru 2018, Jean-Marie Le Pen vs il-Parlament Ewropew, Kawża C-303/18 P, ECLI:EU:C:2018:962.
- [4] Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta' April 2019, Briois vs il-Parlament, Kawża T-214/18, ECLI:EU:T:2019:266.