Proċedura : 2020/2146(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0055/2021

Testi mressqa :

A9-0055/2021

Dibattiti :

PV 27/04/2021 - 8
CRE 27/04/2021 - 8

Votazzjonijiet :

PV 28/04/2021 - 2
PV 29/04/2021 - 4
PV 29/04/2021 - 19
CRE 29/04/2021 - 4

Testi adottati :

P9_TA(2021)0170

<Date>{25/03/2021}25.3.2021</Date>
<NoDocSe>A9-0055/2021</NoDocSe>
PDF 227kWORD 68k

<TitreType>RAPPORT</TitreType>

<Titre>dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2019, Taqsima VII – Il-Kumitat tar-Reġjuni</Titre>

<DocRef>(2020/2146(DEC))</DocRef>


<Commission>{CONT}Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit</Commission>

Rapporteur: <Depute>Alin Mituta</Depute>

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 2. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2019, Taqsima VII – Il-Kumitat tar-Reġjuni

(2020/2146(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2019[1],

 wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2019 (COM(2020)0288 – C9-0226/2020)[2],

 wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Kumitat tar-Reġjuni lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-awditi interni mwettqa fl-2019,

 wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2019, flimkien mar-risposti tal-istituzzjonijiet[3],

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni[4] dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2019 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012[5], u b'mod partikolari l-Artikoli 59, 118, 260, 261 u 262 tiegħu,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0055/2021),

1. Jagħti l-kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat tar-Reġjuni għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kumitat tar-Reġjuni għas-sena finanzjarja 2019 ;

2. Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

 


2. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2019, Taqsima VII – Il-Kumitat tar-Reġjuni

(2020/2146(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2019, Taqsima VII – Il-Kumitat tar-Reġjuni,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0055/2021),

A. billi fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità ta' kwittanza tixtieq tisħaq fuq l-importanza partikolari li tissaħħaħ ulterjorment il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni billi jittejbu t-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont, u billi jiġi implimentat il-kunċett ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u tal-governanza tajba tar-riżorsi umani;

1. Jinnota b'sodisfazzjon li l-Qorti tal-Awdituri (il-"Qorti"), fir-rapport annwali tagħha għall-2019 (ir-"rapport tal-Qorti"), osservat li ma ġiet identifikata l-ebda dgħufija sinifikanti fir-rigward tat-temi awditjati relatati mar-riżorsi umani u mal-akkwist għall-Kumitat tar-Reġjuni (il-"Kumitat");

2. Jilqa' pożittivament il-fatt li, abbażi tal-ħidma ta' awditjar tiegħu, il-Qorti kkonkludiet li l-pagamenti kollha għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2019, inklużi l-infiq amministrattiv u ta' tip ieħor tal-Kumitat, ma kellux żbalji materjali u li s-sistemi ta' sorveljanza u kontroll eżaminati kienu effettivi;

3. Jiddispjaċih, bħala osservazzjoni ġenerali, li l-Kapitolu 9, "Amministrazzjoni", tar-rapport tal-Qorti għandu kamp ta' applikazzjoni u konklużjonijiet pjuttost limitati, minkejja l-fatt li l-Intestatura 5, "Amministrazzjoni", tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali titqies li għandha riskju baxx; jitlob li x-xogħol ta' awditjar għal tali kapitolu jkun aktar ikkonċentrat fuq il-kwistjonijiet ta' rilevanza għolja jew saħansitra ta' importanza kritika għall-Kumitat;

4. Ifakkar li l-baġit tal-Kumitat, fil-biċċa l-kbira tiegħu, huwa amministrattiv, b'ammont kbir minnu użat għall-ispejjeż li jikkonċernaw persuni li jaħdmu fl-istituzzjoni (Titolu 1) u l-bini, il-proprjetà mobbli, it-tagħmir u l-ispejjeż operatorji mixxellanji;

5. Jinnota li fl-2019 il-Kumitat kellu baġit approvat ta' EUR 98 751 000 (meta mqabbel ma' EUR 96 101 000 fl-2018 u EUR 93 295 000 fl-2017); jinnota li r-rata ta' eżekuzzjoni għall-impenji fl-2019 kienet 99,6 % (meta mqabbla ma' 99,3 % fl-2018 u 98,1 % fl-2017) u li r-rata ta' eżekuzzjoni għall-pagamenti fl-2019 ta' 88,8 % kienet anqas mir-rati ta' eżekuzzjoni għall-pagamenti ta' 91,0 % fl-2018 u ta' 89,9 % fl-2017; jinnota, madankollu, li r-rata finali ta' eżekuzzjoni għall-pagamenti għall-2019 se tkun ogħla fl-aħħar taċ-ċiklu tal-baġit (wara l-ħlas tar-riporti);

6. Jissottolinja li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-impenji għat-Titolu 1 kienet 99,6 % u għat-Titolu 2 kienet 99,7 %; jinnota b'sodisfazzjon li madwar EUR 400 000 (0,4 %) baqgħu mhux impenjati fl-aħħar tas-sena u għalhekk ġew irritornati fil-baġit tal-Unjoni, li rrappreżenta tnaqqis meta mqabbel mal-2018 fejn madwar EUR 700 000 (0,7 %) tħallew mhux impenjati;

Riżorsi umani

7. Jinnota li l-għadd totali ta' membri tal-persunal fl-2019 kien 576 (meta mqabbel ma' 538 fl-2018 u 533 fl-2017); jinnota li l-għadd ta' postijiet tax-xogħol fit-tabella tal-persunal jammonta għal 491, li l-Kumitat iqisu bħala insuffiċjenti; jirrikonoxxi r-riżultati ta' valutazzjoni tal-ammont ta' xogħol iffinalizzata fl-2019 għal riorganizzazzjoni potenzjali bl-għan li jsir aktar titjib fl-effiċjenza u jinħolqu sinerġiji; huwa infurmat li l-Kumitat jixtieq li l-awtoritajiet baġitarji tal-Unjoni jindirizzaw il-kwistjoni u jibbilanċjaw is-sitwazzjoni attwali tal-persunal b'mod progressiv; jinkoraġġixxi lill-Kumitat japprofondixxi l-kooperazzjoni amministrattiva tiegħu mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) permezz ta' ftehim għas-servizzi konġunti biex jakkomuna l-persunal bil-għan li jiġu żviluppati aktar sinerġiji; 

8. Jirrikonoxxi l-isforzi kontinwi tal-Kumitat biex isaħħaħ ir-rwol politiku tiegħu u biex jiffaċċja ż-żieda fil-ħtieġa ta' għarfien espert permanenti fl-oqsma politiċi u amministrattivi; jinnota r-riżerva ta' talent maħluqa biex timmotiva u żżomm persunal ta' esperjenza fil-Kumitat; jinnota li l-ewwel konkors intern ġenerali fl-istorja tal-Kumitat ġie ffinalizzat fl-ewwel semestru tal-2019 b'total ta' 40 kandidat li għaddew mill-konkors minn fost 113-il membru tal-persunal kandidat; jitlob lill-Kumitat jispjega l-prospettivi professjonali konkreti offruti lill-kandidati li għaddew mill-konkors;

9. Jinnota li, skont stimi, it-trasferiment ta' 24 post fit-traduzzjoni mill-Kumitat għall-Parlament kellu jwassal għall-iffrankar annwali ta' bejn wieħed u ieħor EUR 2,9 miljun; jistieden lill-Kumitat jippreżenta rapport dwar l-impatt ta' tali trasferiment;

10. Jiddispjaċih li s-sitwazzjoni f'termini ta' bilanċ bejn il-ġeneri f'pożizzjonijiet ta' maniġment medju u għoli ma marritx għall-aħjar anzi baqgħet relattivament stabbli mill-2018 u 35 % ta' dawn il-pożizzjonijiet jimtlew min-nisa; jirrikonoxxi li ġiet adottata strateġija ġdida ta' opportunitajiet indaqs li tinkludi objettivi konkreti li għandhom jintlaħqu sal-2025; jistieden lill-Kumitat jippreżenta pjan direzzjonali għall-adozzjoni tal-istrateġija l-ġdida ta' opportunitajiet indaqs u relatat mal-impatt previst tagħha, u jirrapporta, fuq bażi annwali, lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-implimentazzjoni tagħha u dwar ir-riżultati preliminari tagħha;

11. Jilqa' pożittivament il-ħatra ta' uffiċjal responsabbli mill-opportunitajiet indaqs li jkun jaħdem ċentralment fid-Direttorat tar-Riżorsi Umani, u l-"wirjiet dwar l-opportunitajiet indaqs"; jitlob lill-Kumitat jirrapporta dwar ir-riżultati konkreti li kisbet l-istrateġija l-ġdida, ir-riżultati tal-azzjonijiet meħuda fir-rigward tat-titjib tad-diversità u dawk meħuda biex il-Kumitat isir post tax-xogħol aktar inklużiv għall-persuni b'diżabbiltà;

12. Josserva li ċ-ċittadinanzi kollha tal-Unjoni kienu rrappreżentati fl-2019, bl-eċċezzjoni ta' dik Lussemburgiża; jistieden lill-Kumitat ikompli jsaħħaħ il-bilanċ ġeografiku tal-membri tal-persunal tiegħu bil-għan li jistabbilixxi rappreżentanza adegwata taċ-ċittadini tal-Istati Membri kollha, anki fil-livell maniġerjali; jinkoraġġixxi lill-Kumitat iżid l-isforzi ta' komunikazzjoni tiegħu f'dawk il-pajjiżi li mhumiex irrappreżentati biżżejjed;

13. Iħeġġeġ lill-Kumitat ikompli bl-isforzi tiegħu biex jikseb bilanċ bejn il-ġeneri fil-livelli ġerarkiċi kollha u jilqa' azzjonijiet bħall-preżenza obbligatorja taż-żewġ ġeneri f'bordijiet ta' selezzjoni, l-inkoraġġiment attiv ta' applikanti nisa għall-pożizzjonijiet maniġerjali kollha, sessjonijiet speċifiċi ta' taħriġ għall-persunal femminili li jixtieq jipprepara għal karriera maniġerjali u arranġamenti tax-xogħol aktar flessibbli, inkluża l-possibbiltà ta' xogħol part-time u telexogħol; jinnota l-firxa ta' inizjattivi li ħa l-Kumitat, pereżempju r-rikonoxximent formali tar-responsabbiltajiet maniġerjali taħt il-livell tal-kap tal-unità u l-ħolqien ta' network informali għall-bilanċ bejn il-ġeneri fil-maniġment varat bis-sostenn tal-amministrazzjoni;

14. Jieħu nota tal-fatt li l-istrateġija l-ġdida ta' opportunitajiet indaqs tagħmel ukoll enfasi fuq id-diżabbiltà u d-diversità; josserva t-taħriġ dwar il-preġudizzju inkonsapevoli offrut lill-maniġers u lill-persunal fir-riżorsi umani involuti fil-proċeduri ta' selezzjoni; jitlob lill-Kumitat jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-objettivi, l-azzjonijiet u l-indikaturi speċifiċi fl-ambitu tal-istrateġija;

15. Japprezza l-enfasi tal-Kumitat fuq l-iżvilupp u ż-żamma ta' servizzi ta' kwalità għolja ta' saħħa u benesseri bbażati fuq il-prevenzjoni u l-intervent bikri permezz ta' kooperazzjoni mill-qrib bejn is-servizzi tar-riżorsi umani kkonċernati, u fuq programmi ta' sensibilizzazzjoni kemm għall-persunal maniġerjali kif ukoll għal dak ta' tip ieħor; jilqa' pożittivament is-sessjonijiet ta' taħriġ li saru mal-maniġers fil-livell ta' grad baxx, medju u għoli dwar is-suġġett tal-ġestjoni tal-assenza u l-integrazzjoni b'suċċess tal-kollegi wara assenza fit-tul; jinnota li fl-2019 ġew irreġistrati għaxar każijiet ta' eżawriment minħabba x-xogħol (burnout); jinnota li s-servizz soċjali tal-Kumitat joffri assistenza waqt iż-żmien ta' mard u meta l-membru tal-persunal jerġa' jidħol fis-servizz; jitlob lill-Kumitat jinkludi l-identifikazzjoni tal-eżawriment minħabba x-xogħol fis-servizzi tas-saħħa u tal-benesseri tiegħu; jilqa' b'sodisfazzjon iż-żieda fl-arranġamenti tal-flexitime u tat-telexogħol biex jitjieb il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata tal-membri tal-persunal, kif ukoll it-tkomplija tal-programm ta' prevenzjoni tal-istress u tal-eżawriment minħabba x-xogħol;

16. Jissottolinja li l-Kumitat juża prinċipalment persunal kuntrattwali biex joffri appoġġ xieraq fil-forma ta' sostituzzjonijiet għal assenzi ta' terminu medju sa twil u għal proġetti speċifiċi f'direttorati differenti bil-għan li jagħti appoġġ addizzjonali lill-membri tal-Kumitat; ifakkar, madankollu, li l-użu tal-aġenti kuntrattwali jikkawża wkoll telfien konsiderevoli ta' għarfien u ta' kompetenzi tekniċi għall-Kumitat meta jagħalqilhom il-kuntratt u għaldaqstant jinkoraġġixxi lill-Kumitat ikompli bin-negozjati biex ikabbar it-tabella tal-persunal tiegħu; jinnota li, fl-2019, bħala konsegwenza tal-kooperazzjoni bejn il-Kumitat u l-Parlament, in-numru ta' aġenti b'kuntratt fit-tul naqas fid-direttorat għat-traduzzjoni tal-Kumitat u tal-KESE meta mqabbel mas-snin 2013-2017;

17. Jinnota li l-Kumitat jeħtieġ li jtejjeb is-sistemi ta' kontroll tas-sigurtà tiegħu u jiżgura post tax-xogħol sikur għall-membri u għall-persunal tiegħu, fatt li jirrikjedi riżorsi speċjalizzati addizzjonali u li l-proporzjon tar-riżorsi ddedikati kemm għas-sigurtà fiżika kif ukoll għall-appoġġ tal-IT għal kull membru tal-persunal huwa baxx ħafna meta mqabbel ma' dak ta' istituzzjonijiet Ewropej oħra; jinkoraġġixxi lill-Kumitat ikompli jħejji proġetti ġodda biex iqawwi ċ-ċibersigurtà;

18. Jinnota li l-Kumitat identifika proġetti addizzjonali fil-qasam tal-modernizzazzjoni tal-amministrazzjoni u tal-komunikazzjoni, bħall-appoġġ għat-tfassil aħjar tal-liġijiet permezz ta' monitoraġġ ex ante u ex post tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fuq il-post kif ukoll attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni biex jinvolvu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali kollha fil-proċess, u li dawn il-proġetti addizzjonali jeħtieġu riżorsi adegwati.

Komunikazzjoni

19. Jissottolinja li twettqet evalwazzjoni esterna tal-istrateġija ta' komunikazzjoni tal-Kumitat skont l-istandards applikati mill-istituzzjonijiet l-oħra kollha tal-Unjoni bl-użu ta' kuntratt qafas kondiviż; jinnota li l-kwalità tal-komunikazzjoni tal-Kumitat mhux dejjem issodisfat il-ħtiġijiet tal-udjenza iżda hija effettiva f'sens ġenerali peress li l-partijiet ikkonċernati ewlenin għandhom perċezzjoni pożittiva tal-Kumitat; jistieden lill-Kumitat itejjeb il-komunikazzjoni diġitali mal-pubbliku u jżid il-viżibbiltà tal-istudji tiegħu għall-partijiet ikkonċernati u għaċ-ċittadini tal-Unjoni; jinkoraġġixxi lill-Kumitat jagħmel kuntatt mal-Parlament biex iżid il-kooperazzjoni, pereżempju permezz tal-organizzazzjoni ta' laqgħat u avvenimenti konġunti;

20. Jitlob lill-Kumitat jirrapporta dwar kif se jimplimenta b'mod effiċjenti r-rakkomandazzjonijiet tar-rapport ta' evalwazzjoni; jinnota li l-akbar suċċessi ta' komunikazzjoni tal-Kumitat huma d-djalogi maċ-ċittadini li jsiru mal-Kummissjoni u d-djalogi lokali tal-Kumitat stess, l-avvenimenti ewlenin "EuroPCom" (konferenza Ewropea dwar il-komunikazzjoni pubblika) u l-"Ġimgħa Ewropea tar-reġjuni u l-bliet";

Diġitalizzazzjoni u ċibersigurtà

21. Jilqa' pożittivament il-fatt li l-bureau tal-Kumitat adotta strateġija diġitali fil-bidu tal-2019, abbażi tad-Dikjarazzjoni ta' Tallinn dwar il-gvern elettroniku u l-prinċipju fundamentali "diġitali b'mod awtomatiku" tagħha, u li l-implimentazzjoni bdiet wara l-adozzjoni; jinnota li r-riżultati tanġibbli ewlenin tal-istrateġija huma sistemi ta' informazzjoni orjentati lejn il-membri biex jappoġġaw il-ħidma politika tal-Kumitat, sistemi ta' informazzjoni biex jappoġġaw proċessi amministrattivi "mingħajr karti" u programm diġitali fuq il-post tax-xogħol; jistieden lill-Kumitat iżid id-diġitalizzazzjoni anki permezz tal-kooperazzjoni interistituzzjonali;

22. Jilqa' favorevolment il-kooperazzjoni ċibernetika interistituzzjonali li għaliha l-Kumitat irċieva l-assistenza tal-Iskwadra ta' Rispons f'Emerġenza relatata mal-Kompjuters għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji Ewropej, bħal taħriġ fuq il-post tax-xogħol dwar is-sigurtà tal-cloud u informazzjoni ta' intelligence dwar it-theddid ċibernetiku għal attakki mmirati kontra l-korpi tal-Unjoni; jinnota li ħafna mill-proġetti tad-diġitalizzazzjoni jikkonċernaw id-diġitalizzazzjoni tar-riżorsi umani u l-proċessi finanzjarji, fejn il-Kumitat juża s-sistemi SYSPER u ABAC ipprovduti mill-Kummissjoni; jitlob lill-Kumitat jeżamina l-possibbiltà li jinnegozja kundizzjonijiet aħjar mal-Kummissjoni biex itejjeb u jagħmel il-proċess tal-kondiviżjoni tal-applikazzjoni finanzjarjament attraenti;

23. Josserva li l-baġit tal-IT huwa kondiviż mal-KESE; jenfasizza l-fatt li dan il-baġit tal-IT żdied fl-2019, abbażi ta' trasferimenti baġitarji, minn EUR 7 963 825 fl-2018 għal EUR 9 082 838,76 fl-2019; jilqa' pożittivament il-fatt li l-unità tal-IT ħadmet biex tipprovdi sistemi tal-informazzjoni li jappoġġaw erba' oqsma operattivi, jiġifieri x-xogħol politiku, il-ġestjoni tad-dokumenti, il-komunikazzjoni u r-riżorsi umani/finanzi, u li, fir-rigward tal-post tax-xogħol diġitali, sar progress fl-aspetti kollha tal-programm;  

24. Jilqa' pożittivament il-politika attiva tal-Kumitat dwar it-teknoloġija b'sors miftuħ; jinkoraġġixxi lill-Kumitat jagħti prijorità lit-teknoloġija b'sors miftuħ bil-għan li jkun evitat l-"intrappolament tal-klijentela", jinżamm il-kontroll fuq is-sistemi tekniċi tiegħu, jiggarantixxi salvagwardji aktar b'saħħithom fir-rigward tal-privatezza u tal-protezzjoni tad-data tal-utenti kif ukoll tiżdied is-sigurtà u t-trasparenza għall-pubbliku; jinnota li, fl-2019, 39 applikazzjoni b'software b'sors miftuħ ġew inklużi fl-inventarju tal-pakketti tas-software u li attwalment qed isiru proġetti attivi għall-implimentazzjoni ta' portal ġdid tal-firma diġitali u konsol tal-ġestjoni bbażat fuq teknoloġija b'sors miftuħ;

25. Jinkoraġġixxi lill-Kumitat isegwi r-rakkomandazzjonijiet tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPS) biex jerġa' jinnegozja l-ftehim interistituzzjonali dwar il-liċenzji u l-kuntratt ta' implimentazzjoni, iffirmati bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u Microsoft fl-2018, bl-objettiv li tintlaħaq is-sovranità diġitali, jiġu evitati l-intrappolament tal-klijentela u n-nuqqas ta' kontroll kif ukoll tiġi żgurata l-protezzjoni tad-data personali;

Bini u sigurtà

26. Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li ġiet implimentata sensiela ta' miżuri biex jiġu żgurati standards adegwati ta' sigurtà tal-bini, bħall-installazzjoni ta' tagħmir ġdid għall-kontroll tal-aċċess u l-installazzjoni ta' sistema ġdida ta' televiżjoni b'ċirkwit magħluq (CCTV); jinnota li l-istandards tas-sigurtà relatati laħqu livell pariġġ dawk tal-Parlament u tal-Kummissjoni u li, barra minn hekk, beda l-proċess ta' akkwist għas-sistema l-ġdida ta' ġestjoni għall-viżitaturi, li l-installazzjoni tagħha kienet ippjanata għall-2020;

27. Jinnota l-prinċipji gwida tal-istrateġija tal-bini tal-Kumitat li jinkludu l-konċentrazzjoni ġeografika tal-bini, il-preferenza għas-sjieda minflok il-kiri, il-ġestjoni sostenibbli tal-bini u l-ippjanar pluriennali; jinnota li l-grupp ta' ħidma stabbilit b'mod konġunt mal-KESE stabbilixxa linji gwida għall-użu u għat-tqassim tal-ispazju fl-uffiċċji, filwaqt li qies is-sitwazzjoni f'korpi oħra tal-Unjoni; japprezza l-fatt li dawn il-parametri ġew ippreżentati u diskussi mar-rappreżentanti tal-persunal; jirrikonoxxi l-approċċ trasparenti u kooperattiv tal-Kumitat fil-konfront tar-rappreżentanti tal-persunal; jinnota li total ta' 241 stazzjon tax-xogħol mhumiex qegħdin jintużaw u jitlob lill-Kumitat jispjega l-pjanijiet tiegħu għal tali stazzjonijiet tax-xogħol fi ħdan l-istrateġija immobiljari attwali; 

28. Jirrikonoxxi li l-Kumitat, flimkien mal-KESE, ta istruzzjonijiet biex jitneħħa l-asbestos fil-ħarifa tal-2020 fir-rispett sħiħ tal-miżuri ta' protezzjoni meħtieġa matul ix-xogħlijiet kif mitlub fir-riżoluzzjoni ta' kwittanza tal-2018; jilqa' pożittivament il-fatt li l-biċċa l-kbira tal-binjiet kemm tal-Kumitat kif ukoll tal-KESE huma ħielsa mill-asbestos; jesprimi tħassib fil-konfront tas-saħħa tal-ħaddiema u tal-preżenza ta' asbestos fil-binja VMA;  jirrikonoxxi iżda li l-Kumitat irċieva ċertifikat ta' sikurezza rigward l-asbestos;

Ġestjoni interna, kontroll intern u finanzi

29. Jissottolinja l-fatt li l-Kumitat jifformula indikaturi ewlenin ta' prestazzjoni ċari għall-oqsma amministrattivi differenti tiegħu billi jifformula objettivi u riżultati kif ukoll jiddefinixxi n-numru relatat ta' riżorsi umani; jitlob lill-Kumitat iforni fir-rapport annwali tal-attività li jmiss, flimkien ma' dik l-informazzjoni dettaljata ħafna, verżjoni konsolidata tal-objettivi ewlenin u tar-riżultati miksuba, u janalizza opzjonijiet ta' viżwalizzazzjoni tad-data għal tabelli tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni aktar faċli li jinqraw; 

30. Jinnota li fl-2019 tnieda eżerċizzju ta' konformità u effikaċja biex jiġi vvalutat sa liema punt il-Kumitat jikkonforma mas-16-il standard ta' kontroll intern; jinnota li l-eżerċizzju ta' konformità tal-2019 wera li l-istat ġenerali tal-implimentazzjoni u tal-effikaċja tar-rekwiżiti baqa' sodisfaċenti u stabbli meta mqabbel mal-2018; jinnota, madankollu, li ġew identifikati oqsma li fihom jista' jkun lok għal aktar titjib, inkluż l-allinjament tal-missjoni u tal-istruttura organizzattiva tal-Kumitat ma' prijoritajiet ġodda, kooperazzjoni amministrattiva bejn il-Parlament u l-Kumitat, aktar diġitalizzazzjoni tal-ħżin tad-data u s-semplifikazzjoni tal-proċessi amministrattivi kif ukoll tiġdid fil-fond tal-pjan eżistenti għall-kontinwità tal-attivitajiet li jirriżulta mill-esperjenzi miksuba matul is-sitwazzjoni attwali tal-COVID-19; jistieden lill-Kumitat jirrapporta dwar l-implimentazzjoni ta' dan it-titjib tant meħtieġ f'azzjoni li tagħti segwitu lill-kwittanza 2019; 

31. Jinnota li l-monitoraġġ tal-kapaċità tal-awditjar intern isir minn kumitat tal-awditjar magħmul minn membru wieħed għal kull grupp politiku tal-Kummissjoni għall-Affarijiet Finanzjarji u Amministrattivi tal-Kumitat u konsulent estern ta' livell għoli; josserva li fl-2019 il-kumitat tal-awditjar kellu żewġ laqgħat li fihom ġew ippreżentati r-rapport annwali intern tal-2018 u l-programm ta' ħidma tal-2020 u l-membri ġew infurmati dwar il-progress miksub fir-rigward tal-awditi li kienu għaddejjin u r-rakkomandazzjonijiet miftuħa kif ukoll ir-riskji relatati; josserva li 57 % tar-rakkomandazzjonijiet importanti ħafna ngħalaq wara sitt xhur (l-objettiv għall-2019-2020 kien 75 %) u 100 % tar-rakkomandazzjonijiet importanti ħafna ngħalaq wara 12-il xahar (l-objettiv għall-2019-2020 kien 100 %); jagħti parir li l-Kumitat jinkludi sinteżi tar-rakkomandazzjonijiet tal-awditjar fir-rapport annwali tal-attività tiegħu; 

32. Josserva li r-regoli finanzjarji interni għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kumitat ġew aġġornati fl-1 ta' Jannar 2019 bid-deċiżjoni tiegħu Nru 0014/2018 u ġew implimentati matul l-2019; jinnota b'sodisfazzjon l-inklużjoni ta' aġenti operattivi bħala atturi formali fil-fluss tax-xogħol tal-approvazzjoni finanzjarja u l-ħatra ta' maniġers responsabbli għall-ġestjoni operattiva bħala uffiċjali awtorizzanti b'sottodelega;

33. Jilqa' pożittivament il-fatt li għall-eżerċizzju tal-2019 l-uffiċjali awtorizzanti kollha b'sottodelega ffirmaw id-dikjarazzjonijiet ta' assigurazzjoni individwali tagħhom, li r-rapporti kollha dwar l-eċċezzjonijiet issemmew fid-dikjarazzjonijiet ta' assigurazzjoni rilevanti u li qed jiġu implimentati u mmonitorjati miżuri korrettivi biex jiġi evitat li dawn l-eċċezzjonijiet jerġgħu jseħħu;

34. Jistieden lill-Kumitat isaħħaħ l-isforzi tiegħu biex janalizza s-sitwazzjoni bil-ħsieb li jikseb ambjent ta' sejħiet għall-offerti kompletament mingħajr dokumenti għall-proċeduri kollha ta' akkwist; jinnota li dan ikun jeħtieġ li tinkiseb l-għodda ta' ġestjoni tal-akkwist pubbliku żviluppata miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni, flimkien mal-iżvilupp jew l-akkwist ta' sistema mtejba ta' ġestjoni tad-dokumenti tal-back office; jinnota li l-proċedura attwali ta' "fluss tax-xogħol mingħajr karti, mill-fatturazzjoni sal-pagament" ġiet estiża għal numru ta' unitajiet u direttorati oħra matul l-2019 u li l-objettiv tal-Kumitat għas-snin li ġejjin huwa li jestendi aktar il-kamp tal-flussi tax-xogħol mingħajr karti għal tipi ta' tranżazzjonijiet oħra, b'kont meħud tar-riżorsi informatiċi disponibbli; 

Multilingwiżmu

35. Japprezza l-fatt li abbażi tar-rakkomandazzjonijiet prattiċi tal-Ombudsman Ewropew għall-amministrazzjoni tal-UE dwar l-użu tal-lingwi uffiċjali tal-UE fil-komunikazzjoni mal-pubbliku (każ SI/98/2018/DJJ), il-Kumitat qassam dawn ir-rakkomandazzjonijiet prattiċi lill-membri kollha tal-persunal; jinnota li fl-2019 il-Kumitat ħa wkoll l-inizjattiva li joħroġ gwida dwar l-ilmenti tal-persunal lill-Ombudsman Ewropew sabiex jiżgura li jingħata segwitu preċiż;

36. Josserva li l-ispiża totali tat-traduzzjoni esternalizzata għall-Kumitat u għall-KESE kienet EUR 6 043 592 fl-2019 u l-parti tal-Kumitat tammonta għal EUR 2 492 830 u li l-ispiża totali tat-traduzzjoni interna kienet tkun EUR 8 781 075 u l-parti tal-Kumitat tammonta għal EUR 3 621 974;

37. Jitlob lill-Kumitat jagħti informazzjoni dwar il-proċess kontinwu ta' razzjonalizzazzjoni fil-qasam tat-traduzzjoni li jikkonsisti prinċipalment fil-fużjoni bejn unitajiet differenti tat-traduzzjoni; jitlob lill-Kummissjoni tirrapporta dwar kwalunkwe titjib fl-effiċjenza miksub minħabba r-razzjonalizzazzjoni u kwalunkwe riskju relatat;

Kooperazzjoni interistituzzjonali

38. Jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni interistituzzjonali u jinnota li l-Kummissjoni ħallset madwar EUR 6 miljun skont ftehimiet fil-livell tas-servizzi li saru ma' korpi oħra tal-Unjoni fl-2019; jinnota li din il-kooperazzjoni tiżgura sinerġiji u hija addizzjonali għall-ftehim dwar is-servizzi konġunti bejn il-Kumitat u l-KESE; jinnota li l-Kumitat jorganizza s-sessjonijiet plenarji tiegħu fil-bini tal-Parlament u tal-Kummissjoni, li jixtri servizzi ta' interpretazzjoni mill-Parlament u mill-Kummissjoni u li jikkoopera ma' diversi entitajiet tal-Unjoni fir-rigward tar-riżorsi umani, tal-IT u ta' oqsma amministrattivi oħra; 

39. Japprezza l-ftehim ta' kooperazzjoni tat-5 ta' Frar 2012 li għadu stabbilit bejn il-Kumitat u l-Parlament u li jkopri l-kooperazzjoni politika bejn il-Parlament u l-Kumitat u l-kooperazzjoni amministrattiva bejn il-Parlament, il-Kumitat u l-KESE; jitlob lill-Kumitat jiġi infurmat dwar ir-riżultat tar-reviżjoni ta' dan il-ftehim; 

40. Jistieden lill-Kumitat jirrapporta dwar kwalunkwe riżultat li jinkiseb b'rabta man-negozjar ta' ftehim ta' kooperazzjoni ġdid mal-Kummissjoni peress li l-ftehim ta' kooperazzjoni attwali mal-Kummissjoni (mill-2005 b'addendum mill-2007) intemm fil-31 ta' Diċembru 2019, iżda ġie prorogat għal sena;

41. Jitlob lill-Kumitat jirrapporta dwar kwalunkwe mekkaniżmu ta' kontroll biex jiżgura ġestjoni effiċjenti tas-servizzi konġunti mal-KESE; japprezza l-importanza tal-kooperazzjoni amministrattiva bejn il-Kumitat u l-KESE permezz tas-servizzi konġunti, li fiha l-Kumitat u l-KESE jakkomunaw madwar 470 membru tal-persunal (li minnhom madwar 170 membru tal-persunal jagħmlu parti mill-Kumitat) u aktar minn EUR 50 miljun fis-sena (li minnhom madwar EUR 22 miljun jiġu mill-Kumitat), eskluża n-nefqa relatata mas-salarji; jinnota li flimkien man-nefqa relatata mas-salarji kkonċernati, il-valur monetarju annwali tal-arranġament dwar is-servizzi konġunti jaqbeż il-EUR 100 miljun; jinnota li n-negozjati għal ftehim ġdid għall-kooperazzjoni amministrattiva mal-KESE (il-ftehim eżistenti daħal fis-seħħ għall-perjodu ta' bejn l-2016 u l-2020) ġew posposti minħabba l-kriżi tal-COVID-19, u dan żdied mal-kumplessità tal-bidliet fil-mandat tal-Kumitat kmieni fl-2020 u l-KESE fil-ħarifa tal-2020; jinnota li l-Kumitat u l-KESE għalhekk qablu li jipprorogaw it-terminu tal-ftehim attwali sat-30 ta' Ġunju 2021; 

42. Jilqa' pożittivament il-ftehimiet ta' kooperazzjoni eżistenti bejn il-Parlament, il-Kumitat u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew; jistieden lill-Kumitat jidentifika potenzjal ulterjuri f'termini ta' sinerġiji u ffrankar, inklużi oqsma oħra li fihom jistgħu jiġu kondiviżi l-funzjonijiet ta' back office;

43. Jappoġġja lill-Kumitat u lill-KESE fil-fehma li, fil-każ ta' proroga tal-ftehim attwali jew ta' ftehim ġdid mal-Parlament, iridu jiġu solvuti l-kwistjonijiet pendenti kollha bħas-sitwazzjoni żbilanċjata tal-Kumitat u tal-KESE, li ttrasferixxa total ta' 60 traduttur lill-Parlament (fosthom 24 mill-Kumitat) u bi skambju kiseb biss l-użu tas-servizzi tas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew; jinnota bi tħassib li, bħala konsegwenza, il-Kumitat u l-KESE kellhom jimpjegaw persunal kuntrattwali u esternalizzaw is-servizzi tat-traduzzjoni tagħhom li rriżulta fi tnaqqis effettiv tal-baġit; jaf bit-talbiet espressi kemm mill-Kumitat kif ukoll mill-KESE fil-qafas tal-proċedura ta' kwittanza għall-ftehim ta' kooperazzjoni li għaddej li għandu jiġi rispettat sabiex il-Kumitat u l-KESE jiġu kkumpensati għall-postijiet ittrasferiti lejn il-Parlament; jitlob lit-tliet partijiet involuti jirrapportaw flimkien lill-Kumitat tal-Parlament għall-Kontroll tal-Baġit fir-rigward tar-rieżami li għaddej minnu l-ftehim; 

44. Jissottolinja li, fir-risposti bil-miktub tiegħu lill-Parlament, il-Kumitat irrikonoxxa li l-kooperazzjoni mal-Parlament fl-2019 kompliet tibni fuq ir-riżultati miksuba fis-snin preċedenti u wriet progress sodisfaċenti fuq diversi livelli, bħar-relazzjonijiet bejn il-kummissjonijiet tal-Kumitat u l-kumitati tal-Parlament, il-modi ta' kooperazzjoni l-ġodda, fosthom il-kontributi fir-rapporti ta' implimentazzjoni u fil-missjonijiet ta' ġbir ta' informazzjoni, kif ukoll il-kooperazzjoni produttiva u effikaċi permezz tal-Intergrupp tal-Parlament dwar it-Tibdil fil-Klima, il-Bijodiversità u l-Iżvilupp Sostenibbli; jissottolinja li l-Kumitat talab li l-kooperazzjoni politika tkompli tiġi żviluppata aktar filwaqt li tirrispetta l-awtonomija u l-approċċi speċifiċi ta' kull kumitat parlamentari u kummissjoni tal-Kumitat; josserva li bis-saħħa tal-kooperazzjoni mal-Parlament, il-Kumitat tefa' s-sisien għal relazzjoni ta' xogħol sostenibbli mal-Parlament, intensifika l-kooperazzjoni mal-kumitati parlamentari u ggarantixxa l-involviment fix-xogħlijiet tas-Semestru Ewropew, post irriżervat waqt il-laqgħat tal-kumitati parlamentari, l-użu tas-servizzi tas-Servizz ta' Riċerka Parlamentari Ewropew, proġetti konġunti u sinerġiji fil-qasam tat-traduzzjoni, il-ftuħ ta' mogħdijiet bejn il-binjiet tal-Parlament u tal-Kumitat u tal-KESE, ftehim dwar il-livell ta' servizz li jinkludi dispożizzjonijiet ta' servizzi ta' interpretazzjoni u appoġġ tekniku mill-Parlament, użu regolari tal-binjiet tal-Parlament fi Brussell kif ukoll tal-Uffiċċji ta' Kollegament tal-Parlament fl-Istati Membri għal avvenimenti u attivitajiet, kooperazzjoni intensifikata fil-qasam informatiku, aċċess reċiproku għall-kantins, bosta mekkaniżmi ta' kooperazzjoni biex jiġi żgurat approċċ koerenti u jinħolqu sinerġiji fil-qasam tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u, jekk ikun meħtieġ, konsulenza legali f'materja teknika jew amministrattiva mis-Servizz Legali tal-Parlament;

45. Jinnota li rnexxiet il-kooperazzjoni mal-Parlament fil-livell amministrattiv; jaqbel mal-ħtieġa li tissaħħaħ aktar il-kooperazzjoni politika fir-rigward tal-programmazzjoni annwali u pluriennali, tad-dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar il-prijoritajiet leġiżlattivi u tal-monitoraġġ tal-programm ta' ħidma annwali; isostni r-rakkomandazzjonijiet konkreti fformulati mill-Kumitat biex jiġi żviluppat approċċ aktar sistematiku għall-kooperazzjoni politika fid-dawl tal-importanza tal-Kumitat bħala rappreżentant tar-reġjun u tal-bliet fl-Unjoni; japprezza l-parteċipazzjoni tal-Kumitat fil-Kumitat Konġunt għall-Opportunitajiet Indaqs;

46. Jisħaq fuq l-importanza li jiġi promoss l-involviment tal-awtoritajiet reġjonali u lokali fid-definizzjoni tal-politiki tal-Unjoni permezz ta' kooperazzjoni msaħħa mal-Kummissjoni u mal-koleġiżlaturi;

47. Jitlob lill-Kumitat jinżamm infurmat dwar kwalunkwe titjib li sar fir-rigward tal-effiċjenza tal-proċessi amministrattivi, li jidher li huwa riżultat inevitabbli ta' ammont ta' xogħol dejjem jiżdied u ta' dinja li qed tinbidel b'rata mgħaġġla; itenni l-ħtieġa ta' riformi kontinwi biex jiġi żgurat li l-Kumitat ikun mgħammar sew biex jirrispondi għall-isfidi futuri;

48. Jirrikonoxxi u jilqa' pożittivament l-involviment tal-Kumitat fil-kampanja elettorali tal-Parlament fl-2019 billi ggarantixxa l-mobilizzazzjoni tan-networks interni u esterni kollha tiegħu għall-promozzjoni kemm tal-isforz ta' mobilizzazzjoni fuq il-post bil-kampanja "Did-darba se nivvota", tal-filmat online "Agħżel int il-futur tiegħek", kif ukoll fuq il-midja soċjali tal-Kumitat; jinkoraġġixxi aktar attivitajiet ta' kooperazzjoni biex jinħolqu sinerġiji fil-qasam tal-komunikazzjoni;

Dimensjoni ambjentali

49. Josserva l-isforzi tal-Kumitat fil-kuntest tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali fir-rigward tat-tnaqqis tal-impronta tal-karbonju kif ukoll tal-iskart tal-plastik, tal-ikel u tal-karta; jaqbel li t-tnaqqis tal-impronta tal-karbonju huwa fost l-aktar objettivi importanti għas-snin li ġejjin; jistieden lill-Kumitat jagħti l-attenzjoni dovuta lit-taħlita enerġetika tas-sorsi tal-elettriku tiegħu u jinkoraġġixxi l-akkwist ta' elettriku ġġenerat mill-impjanti eoliċi, solari, tal-bijomassa u idroelettriċi; iħeġġeġ lill-Kumitat jipparteċipa fi proġetti f'oqsma li huma relatati mal-korpi l-oħra tal-Unjoni u jfassal pjan komprensiv għall-Kumitat biex jimplimenta l-prinċipji u r-rakkomandazzjonijiet ippreżentati fil-Patt Ekoloġiku Ewropew, bl-objettiv ġenerali li sal-2030 isir klimatikament newtrali;

Etika u politika dwar l-integrità

50. Jissottolinja l-fatt li fil-5 ta' Diċembru 2019, il-Kumitat adotta kodiċi ta' kondotta għall-membri tiegħu li jistabbilixxi proċedura dettaljata f'każ ta' allegat fastidju minn membru tal-persunal tal-Kumitat, li hija bbażata l-aktar fuq id-Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament tat-2 ta' Lulju 2018 dwar ilmenti dwar fastidju; jilqa' favorevolment il-fatt li l-kodiċi ta' kondotta jinkludi numru ta' sanzjonijiet sabiex jiżgura l-osservanza tiegħu u li l-Kumitat waqqaf bord konsultattiv dwar il-fastidju; jitlob lill-Kumitat jippreżenta rapport dwar l-implimentazzjoni tal-kodiċi ta' kondotta;

51. Josserva li l-kodiċi ta' kondotta jissemma fil-paġna tal-membri tas-sit web tal-Kumitat b'link għal paġna ddedikata; jinnota li l-kodiċi ta' kondotta jinkludi dispożizzjonijiet li għandhom l-għan speċifiku li jevitaw każijiet ta' kunflitti ta' interess, inkluż l-obbligu li tiġi ppreżentata dikjarazzjoni ta' interessi finanzjarji;

52. Jilqa' l-ftuħ ta' djalogu ma' partijiet ikkonċernati differenti sabiex tiġi riveduta d-deċiżjoni interna attwali Nru 362/2010 tad-29 ta' Novembru 2010 dwar fastidju psikoloġiku u sesswali fuq il-post tax-xogħol abbażi ta' proposta għal qafas mibdul biex jiġi miġġieled il-fastidju bil-għan li jitwessa' l-kamp ta' applikazzjoni tal-kwistjoni bl-inklużjoni ta' miżuri ta' prevenzjoni u mezzi ta' riżoluzzjoni tal-kunflitti, kif ukoll it-tisħiħ tal-prinċipju ta' tolleranza żero għall-fastidju, inklużi korsijiet dwar il-prevenzjoni tal-fastidju; jistieden lill-Kumitat jistabbilixxi mill-aktar fis possibbli qafas ġdid dwar il-fastidju u jirrapporta dwar l-azzjonijiet ta' segwitu meħuda lill-Parlament;

53. Jinnota li fl-2019 ma ġie ppreżentat l-ebda każ ġdid ta' żvelar ta' informazzjoni protetta; jilqa' l-fatt li, fi tmiem l-2019, il-Kumitat nieda stħarriġ dwar l-għarfien tal-etika tal-persunal, li fih b'mod partikolari numru ta' mistoqsijiet dwar l-għarfien tal-persunal dwar il-proċeduri ta' żvelar ta' informazzjoni protetta, u li l-eżitu ngħata segwitu fl-2020; jinnota li d-Deċiżjoni Nru 508/2015 tiddefinixxi l-mezzi sikuri għad-dispożizzjoni tal-membri tal-persunal biex jindirizzaw ir-rapporti ta' żvelar ta' informazzjoni protetta internament lil kwalunkwe maniġer tal-Kumitat li jagħżlu huma jew direttament lill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF); jinnota li qabel ma tinbeda proċedura bħal din, tista' tintalab gwida mill-persuni responsabbli għal kwistjonijiet etiċi u statutarji; 

54. Jitlob lill-Kumitat isegwi l-eżempju tajjeb ta' korpi oħra fil-pubblikazzjoni fuq is-sit web tiegħu ta' kapitolu dwar l-etika, li jikkonsisti f'regoli għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-evitar ta' kunflitti potenzjali ta' interess u li huma applikabbli għall-membri u għall-persunal kollu tal-Kumitat; jesprimi l-interess tiegħu li jirċievi aġġornamenti dwar il-qafas etiku u korsijiet ta' taħriġ relatati dwar l-etika pubblika, inkluż għall-persunal li jidħol;

55. Jitlob lill-Kumitat jagħti bidu għall-proċedura biex jingħaqad fil-ftehim interistituzzjonali dwar ir-reġistru ta' trasparenza obbligatorju, konkluż dan l-aħħar bejn il-Parlament, il-Kummissjoni u l-Kunsill; ifakkar fl-importanza li jkun żgurat livell għoli ta' trasparenza fir-rigward tal-organizzazzjoni ta' laqgħat mal-lobbisti li jaf jinfluwenzaw lill-membri u lill-persunal fir-rwol konsultattiv tagħhom lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni;

56. Itenni dak li ddikjarat il-Qorti tal-Awdituri fir-"Rapport Speċjali 13/2019 tagħha, l-oqfsa etiċi tal-istituzzjonijiet tal-UE li ġew awditjati: hemm lok għal titjib", li l-imġiba etika fl-affarijiet pubbliċi tikkontribwixxi għal ġestjoni finanzjarja aktar soda u żieda fil-fiduċja pubblika, u li l-imġiba mhux etika min-naħa tal-persunal u tal-membri tal-istituzzjonijiet u tal-korpi tal-Unjoni Ewropea tattira livelli għoljin ta' interess pubbliku u tnaqqas il-fiduċja fl-istituzzjonijiet tal-UE;

57. Japprezza l-progress li sar fil-każ tas-Sur McCoy, f'risposta għall-kwittanza 2018; jieħu nota tax-xogħol li għamlu diversi rapporteurs u shadow rapporteurs għall-istituzzjonijiet l-oħra li reġa' fetaħ djalogu li ilu mblukkat; ifakkar li t-tielet kumitat tal-invalidità kkonferma bl-unanimità li għall-ex awditur intern ġiet iddikjarata invalidità għal raġunijiet professjonali u li, sussegwentement, fis-26 ta' Ġunju 2019, il-Kumitat formalment approva din il-konklużjoni; jinnota li skont l-Artikolu 78(5) tar-regolamenti tal-persunal f'Lulju 2019 is-Sur McCoy ġie rrimborżat fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet kollha tiegħu għall-iskema tal-pensjoni mid-data li fiha beda jirċievi l-allowance tal-invalidità (l-1 ta' Lulju 2007) sal-jum ta' qabel ma beda jirċievi l-pensjoni tal-irtirar (il-31 ta' Lulju 2010); 

58. Ifakkar li, abbażi tar-riżoluzzjoni ta' kwittanza tal-2017, saret il-ħatra ta' membru tal-Parlament bħala medjatur u li l-partijiet kollha daħlu fi proċess ta' medjazzjoni biex jintemm it-tilwim bejn il-Kumitat u l-ex awditur intern, is-Sur McCoy, bl-għan li tintlaħaq soluzzjoni amikevoli; jirrikonoxxi li l-Kumitat segwa l-laqgħat ta' medjazzjoni skedati mas-Sur McCoy li finalment irriżultaw fil-proposta tal-Kumitat tal-20 ta' Diċembru 2020;

59. Japprezza l-iskambju li sar fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza tal-2019 fl-10 ta' Novembru 2020 mal-medjatur, is-Sur McCoy u rappreżentant tal-Kumitat; ifakkar li s-Sur McCoy u l-Kumitat kienu ġew mistiedna għal laqgħa mal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament fuq il-bażi ta' suġġeriment tar-rapporteur tal-2018 għall-istituzzjonijiet l-oħra u approvat mill-koordinaturi tal-gruppi politiċi; jissottolinja l-importanza li titnaqqas it-tensjoni tas-sitwazzjoni u l-pożizzjoni tas-Sur McCoy u dik tal-Kumitat ikunu rikonċiljati; jilqa' pożittivament is-suġġeriment tal-medjatur għal laqgħa bejn il-President tal-Kumitat u s-Sur McCoy bħala punt tat-tluq għar-rikonċiljazzjoni qabel ma jibdew in-negozjati;

60. Jilqa' l-ittra ddatata l-10 ta' Novembru 2020 mibgħuta lill-president tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament mill-president tal-Kumitat għall-affarijiet finanzjarji u amministrattivi li tikkonferma li l-President tal-Kumitat jinsab lest biex jiltaqa' mas-Sur McCoy; jilqa' l-laqgħat ta' segwitu bejn il-medjatur, ir-rapporteur għall-kwittanza tal-2019, l-ex awditur intern u r-rappreżentanti tal-Kumitat; jilqa' bi pjaċir l-ittra tal-4 ta' Diċembru 2020 li tħabbar li l-ewwel fażi tal-proċedura għal ftehim ġiet konkluża b'dikjarazzjoni konġunta ffirmata mir-rappreżentanti tal-Kumitat u mis-Sur McCoy; jinkoraġġixxi lill-partijiet isibu ftehim biex isolvu l-parti finanzjarja u jfakkar fid-disponibbiltà tiegħu li jsostni n-negozjati; japprezza l-isforzi li saru mill-partijiet kollha, jirrikonoxxi li sar l-ewwel pass importanti u jemmen li għandu jintlaħaq ftehim dalwaqt;

61. Jifraħ bil-fatt li l-President u s-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat kienu lesti jimpenjaw ruħhom b'mod sod biex jilħqu soluzzjoni amikevoli u b'hekk jikkonkludu l-każ; jinnota li fl-4 ta' Diċembru 2020, bis-saħħa tal-kontribut tal-medjatur tal-Parlament, il-Kumitat tal-Parlament għall-Kontroll tal-Baġit, is-Sur McCoy, il-President u s-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat ikkonkludew dikjarazzjoni konġunta dwar il-prinċipji li jirregolaw ir-riżoluzzjoni tal-każ, konformement mar-rikjesti tal-Parlament li ilu jirrepeti mill-2004, u li l-Kumitat tar-Reġjuni, bil-kunsens tas-Sur McCoy, ippubblika d-dikjarazzjoni konġunta fis-sit web tal-Kumitat;

62. Jikkonstata li fid-dikjarazzjoni konġunta, il-Kumitat b'mod partikolari jaċċetta mingħajr riżervi r-rapport tal-OLAF u l-konklużjonijiet tiegħu u jirrikonoxxi l-iżbalji u n-nuqqasijiet tiegħu tal-imgħoddi; jammetti, bħall-Parlament, li s-Sur McCoy kellu raġun li jgħarraf direttament il-Parlament bit-tħassib tiegħu, li aktar sforzi kellhom isiru biex ikun konformi mar-rikjesti tal-Parlament tal-2004 u li s-Sur McCoy ma għandu jsofri l-ebda konsegwenza negattiva minħabba l-fatt li rrapporta għemil ħażin; jirrikonoxxi li s-Sur McCoy aġixxa in bona fide bħala informatur ta' irregolaritajiet, fil-qafas previst mill-Parlament fl-2004, u jiddispjaċih li s-Sur McCoy ma ġiex protett minkejja li fl-2003 ġie offrut protezzjoni bħala informatur; jiddispjaċih sinċerament għall-ħsara konsiderevoli li kkawża l-Kumitat lis-Sur McCoy, għall-mod li bih ġie ttrattat u għall-osservanza insuffiċjenti tad-dmir ta' diliġenza min-naħa tal-Kumitat; u jirrikonoxxi li l-każ qatt ma kellu jitħalla irriżolt għal aktar minn sbatax-il sena;

63. Josserva b'sodisfazzjon li l-President u s-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat talbu skuża b'mod formali lis-Sur McCoy abbażi ta' dawn ir-raġunijiet u tat-trattament ħażin tal-każ tiegħu min-naħa tal-Kumitat, li l-Kumitat u s-Sur McCoy impenjaw ruħhom li jsolvu l-aspetti finanzjarji tal-likwidazzjoni bl-appoġġ tas-Servizz Legali tal-Parlament u taħt it-tmexxija politika tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament u li l-Kumitat tenna l-impenn totali tiegħu favur ir-regoli u l-prinċipji ta' protezzjoni tal-informaturi ta' irregolaritajiet u, b'mod aktar partikolari, il-prinċipji inaljenabbli ta' ekwità u ta' ġustizzja, silet konklużjonijiet mill-każ tas-Sur McCoy u ħa l-miżuri neċessarji kollha f'dak li għandu x'jaqsam mal-governanza interna tiegħu sabiex sitwazzjoni bħal din ma terġa' sseħħ qatt iktar; iħeġġeġ lill-partijiet kollha jaslu għal ftehim finanzjarju malajr kemm jista' jkun;

64. Jirrikonoxxi l-isforzi li għamlu t-timijiet tan-negozjati għar-rikonċiljazzjoni taż-żewġ partijiet u jfaħħarhom talli nnegozjaw bażi potenzjali għal riżoluzzjoni ekwa, ġusta u onorevoli ta' din it-tilwima;

 65. Iħeġġeġ lill-partijiet kollha jikkonkludu mingħajr dewmien ftehim dwar likwidazzjoni finanzjarja ekwa bħala segwitu mogħti lid-dikjarazzjoni konġunta; jieħu nota tas-sinċerità tat-talba min-naħa tal-Kumitat għall-assistenza tas-Servizz Legali tal-Parlament in vista tal-konklużjoni ta' likwidazzjoni finanzjarja;

66. Josserva li l-Kumitat inħoloq oriġinarjament biex jittratta kwistjonijiet importanti, inkwantu madwar tliet kwarti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni hija implimentata fil-livell lokali jew reġjonali, u għal din ir-raġuni kien neċessarju li r-rappreżentanti lokali u reġjonali jgħidu tagħhom fl-iżvilupp ta' liġijiet ġodda tal-Unjoni; josserva wkoll li l-missjoni inizjali tiegħu kienet li jagħlaq id-distakk dejjem usa' bejn iċ-ċittadini u l-proċess ta' integrazzjoni Ewropea bl-involviment tar-rappreżentanza reġjonali;

67. Jikkonstata li l-baġit tal-Kumitat żdied f'dawn l-aħħar snin (EUR 96 100 540 fl-2018, EUR 98 751 065 fl-2019 u EUR 101 508 480 previsti għall-2020); jinnota bi tħassib li dawn ir-riżorsi mhumiex qegħdin jintużaw b'mod effikaċi u li l-iskop inizjali ma għadux jintlaħaq; jissottolinja li, bil-maqlub tal-baġit, in-numru ta' opinjonijiet li ħareġ il-Kumitat niżel (71 fl-2017, 78 fl-2018 u 49 opinjoni biss fl-2019), fatt li huwa allarmanti;

68. Jinkoraġġixxi lill-Kumitat jikkunsidra jħejji pjan ta' riorganizzazzjoni u razzjonalizzazzjoni, billi dawn il-proċessi jistgħu jwasslu għal kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-Parlament u li, bis-saħħa ta' riformi fil-Kumitat, għall-applikazzjoni tal-għarfien espert tiegħu b'mod aktar effikaċi;

69. Jistieden lill-Kumitat jippreżenta l-valutazzjonijiet tal-impatt fir-rigward tal-opinjonijiet tiegħu; jistieden lill-Kumitat jiddefinixxi barra minn hekk indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni ċari u li jistgħu jitkejlu għas-snin li ġejjin bil-għan li l-funzjonament tiegħu jkun ottimizzat.

 


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

1.3.2021

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

27

3

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Matteo Adinolfi, Olivier Chastel, Caterina Chinnici, Lefteris Christoforou, Corina Crețu, Martina Dlabajová, José Manuel Fernandes, Raffaele Fitto, Luke Ming Flanagan, Daniel Freund, Isabel García Muñoz, Monika Hohlmeier, Jean-François Jalkh, Ádám Kósa, Joachim Kuhs, Ryszard Antoni Legutko, Claudiu Manda, Alin Mituța, Younous Omarjee, Tsvetelina Penkova, Markus Pieper, Sabrina Pignedoli, Michèle Rivasi, Petri Sarvamaa, Angelika Winzig, Lara Wolters, Tomáš Zdechovský

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Gilles Boyer, Mikuláš Peksa

 


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

26

+

ECR

Raffaele Fitto, Ryszard Antoni Legutko

NI

Sabrina Pignedoli

PPE

Lefteris Christoforou, José Manuel Fernandes, Monika Hohlmeier, Ádám Kósa, Markus Pieper, Petri Sarvamaa, Angelika Winzig, Tomáš Zdechovský

Renew

Gilles Boyer, Olivier Chastel, Martina Dlabajová, Alin Mituța

S&D

Caterina Chinnici, Corina Crețu, Isabel García Muñoz, Claudiu Manda, Tsvetelina Penkova, Lara Wolters

The Left

Luke Ming Flanagan, Younous Omarjee

Verts/ALE

Daniel Freund, Mikuláš Peksa, Michèle Rivasi

 

2

-

ID

Jean-François Jalkh, Joachim Kuhs

 

1

0

ID

Matteo Adinolfi

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

 

[1] ĠU L 67, 7.3.2019.

[2] ĠU C 384,13.11.2020, p. 1.

[3] ĠU C 377, 9.11.2020, p. 13.

[4] ĠU C 384,13.11.2020, p. 180.

[5] ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.

Aġġornata l-aħħar: 20 ta' April 2021Avviż legali - Politika tal-privatezza