RAPPORT dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2019

30.3.2021 - (2020/2154(DEC))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit
Rapporteur: Ryszard Czarnecki


Proċedura : 2020/2154(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A9-0080/2021

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2019

(2020/2154(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2019,

 wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-aġenziji tal-UE għas-sena finanzjarja 2019, flimkien mar-risposti tal-aġenziji[1],

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni[2] dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2019 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-1 ta' Marzu 2021 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Aġenzija fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2019 (05793/2021 – C9-0051/2021),

 wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012[3], u b'mod partikolari l-Artikolu 70 tiegħu,

 wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 401/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u n-Network Ewropew ta' Informazzjoni u Osservazzjoni tal-Ambjent[4], u b'mod partikolari l-Artikolu 13 tiegħu,

 wara li kkunsidra r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/715 tat-18 ta' Diċembru 2018 dwar ir-regolament finanzjarju qafas għall-korpi mwaqqfin skont it-TFUE u t-Trattat Euratom u msemmija fl-Artikolu 70 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[5], u b'mod partikolari l-Artikolu 105 tiegħu,

 wara li kkunsidra l-Artikoli 32 u 47 tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[6],

 wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0080/2021),

1. Jagħti l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2019;

2. Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

 


 

2. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2019

(2020/2154(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2019,

 wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-aġenziji tal-UE għas-sena finanzjarja 2019, flimkien mar-risposti tal-aġenziji[7],

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni[8] dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2019 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-1 ta' Marzu 2021 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Aġenzija fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2019 (05793/2021 – C9-0051/2021),

 wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012[9], u b'mod partikolari l-Artikolu 70 tiegħu,

 wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 401/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u n-Network Ewropew ta' Informazzjoni u Osservazzjoni tal-Ambjent[10], u b'mod partikolari l-Artikolu 13 tiegħu,

 wara li kkunsidra r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/715 tat-18 ta' Diċembru 2018 dwar ir-regolament finanzjarju qafas għall-korpi mwaqqfin skont it-TFUE u t-Trattat Euratom u msemmija fl-Artikolu 70 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[11], u b'mod partikolari Artikolu 105 tiegħu,

 wara li kkunsidra l-Artikoli 32 u 47 tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[12],

 wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0080/2021),

1. Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2019;

2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

 


3. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2019

(2020/2154(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2019,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0080/2021),

A. billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u l-infiq tagħha[13], il-baġit finali tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (l-"Aġenzija") għas-sena finanzjarja 2019 kien jammonta għal EUR 75 663 812, u dan jirrappreżenta żieda ta' 14,99 % meta mqabbel ma' dak għall-2018; billi l-baġit tal-Aġenzija huwa prinċipalment derivat mill-baġit tal-Unjoni (86,85 %) u l-kontribuzzjonijiet fl-ambitu ta' ftehimiet speċifiċi, jiġifieri l-programm Copernicus (13,15 %);

B. billi l-Qorti tal-Awdituri (il-"Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2019 (ir-"rapport tal-Qorti"), iddikjarat li kisbet aċċertament raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja 

1. Jinnota b'apprezzament li l-isforzi ta' monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2019 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni tal-baġit ta' 99,99 %, jiġifieri żieda ta' 0,04 % meta mqabbla mal-2018; jinnota bi tħassib, li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 89,83 %, jiġifieri tnaqqis ta' 1,23 % meta mqabbla mas-sena preċedenti;

Prestazzjoni

2. Jinnota li l-Aġenzija tuża ċertu kejl bħala indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs) biex tivvaluta l-valur miżjud ipprovdut mill-attivitajiet tagħha u kejl ieħor biex ittejjeb il-ġestjoni tal-baġit tagħha, bħal pereżempju r-riżorsi tal-persunal imwettqa fit-tabella tal-persunal annwali, ir-rata tal-impenji baġitarji annwali u n-numru ta' sessjonijiet irreġistrati fuq is-sit web tal-Aġenzija;

3. Jinnota li għat-tielet sena konsekuttiva, it-taqsima "data u mapep" kienet l-aktar waħda popolari tas-sit web tal-Aġenzija, b'aktar minn 2,75 miljun viżwalizzazzjoni tal-paġna u s-servers għall-mapep tal-web tal-Aġenzija rċevew 375 miljun talba biex jiġu viżwalizzati mapep prodotti mill-Aġenzija (u dan jirrappreżenta żieda ta' 25 % meta mqabbel mal-2018); jemmen li t-tixrid ta' informazzjoni ambjentali huwa ta' importanza ewlenija, speċjalment fid-dawl tal-Patt Ekoloġiku Ewropew;

4. Jisħaq fuq il-fatt li l-Aġenzija tipprovdi informazzjoni tajba u indipendenti dwar l-ambjent; ifaħħar il-kwalità tal-pubblikazzjonijiet tagħha fl-2019, bħar-rapporti dwar it-tranżizzjoni lejn is-sostenibbiltà fl-Ewropa, l-adattament għat-tibdil fil-klima fis-settur agrikolu, il-prevenzjoni tal-iskart tal-plastik, l-intensità tal-gassijiet b'effett ta' serra tal-fjuwils tat-trasport u r-Rapport dwar l-Istat tal-Ambjent;

5. Jinnota li rieżami intern tal-funzjonament tal-Bord ta' Mmaniġġjar u tal-bureau wassal għal rwol akbar għall-bureau, użu akbar ta' vidjokonferenzi u vjaġġar imnaqqas lejn Copenhagen għall-membri tal-bureau;

6. Jinnota li, skont l-Aġenzija, hija tikkoopera fuq bażi kontinwa mal-Kummissjoni biex tidentifika u tilħaq ftehim dwar it-tqassim tal-kompiti mas-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni, biex b'hekk jiġu evitati kompiti li jikkoinċidu; jinnota li l-Aġenzija ma identifikat l-ebda kompitu li jikkoinċidi ma' aġenziji oħra fin-Network tal-Aġenziji tal-UE;

7. Jinnota li l-Aġenzija laħqet l-objettivi tagħha għall-2019, kif stabbiliti fil-programm ta' ħidma annwali tal-Aġenzija, li tipprovdi lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u ċ-ċittadini Ewropej aċċess għal informazzjoni u għarfien tempestivi u rilevanti biex tiġi pprovduta bażi soda għall-politiki ambjentali;

8. Jinnota li l-Aġenzija bdiet tiżviluppa l-istrateġija tal-Aġenzija u tan-Network Ewropew ta' Informazzjoni u Osservazzjoni tal-Ambjent (Eionet) għall-2021-2030 fl-2019 u li din l-istrateġija ġiet adottata f'Diċembru 2020;

9. Ifakkar li, fl-2019, l-Aġenzija implimentat flussi ġodda ta' data għall-monitoraġġ tas-CO2 minn vetturi tqal ġodda, appoġġjat l-implimentazzjoni tal-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u kompliet tissimplifika r-rappurtar ambjentali;

10. Jinnota li l-Aġenzija ċċelebrat il-25 anniversarju tagħha b'diversi attivitajiet u pubblikazzjonijiet li jirrikonoxxu l-ħidma mwettqa mill-Aġenzija u jagħtu ħarsa lejn l-għanijiet tal-Aġenzija fil-futur;

11. Iħeġġeġ lill-Aġenzija taħdem mal-aġenziji rilevanti l-oħra tal-Unjoni sabiex jiġu vvalutati aħjar l-impatti ambjentali tal-attività tal-bniedem; jinnota l-eżempji tal-Aġenzija ta' attivitajiet konġunti ma' aġenziji oħra, bħall-pubblikazzjoni tar-Rapport Ambjentali tal-Avjazzjoni Ewropea 2019 mal-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea u l-ippjanar maċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard u l-Kummissjoni ta' osservatorju virtwali u innovattiv tal-UE dwar it-tibdil fil-klima u s-saħħa; jistieden lill-Aġenzija tkompli tespandi l-kooperazzjoni ma' aġenziji oħra;

12. Jisħaq fuq il-fatt li l-għanijiet tal-Aġenzija huma pan-Ewropej u, għal din ir-raġuni, jeħtieġ li hija tikkoopera mill-qrib ma' pajjiżi terzi fl-Ewropa; jinnota li skont il-kumment tal-Aġenzija, l-Istrateġija l-ġdida tal-EEA-Eionet 2021-2030 tistabbilixxi l-prijoritajiet politiċi tal-Kummissjoni fir-rigward tal-aġenda tal-Patt Ekoloġiku Ewropew għaż-żona pan-Ewropea aktar wiesgħa, kif ukoll l-istrumenti finanzjarji l-ġodda tal-Unjoni li kienu qed jiġu ffurmati fl-2019, sabiex dawn jiddaħħlu fis-seħħ fil-bidu tal-2021;

13. Jesprimi dispjaċir dwar il-fatt li xi attivitajiet ma setgħux jitwettqu bis-sħiħ fl-2019 minħabba diversi ċirkostanzi; jinnota bi tħassib li l-Bord ta' Mmaniġġjar saħaq li l-kapaċità tal-Aġenzija li tkompli tirrispondi b'mod xieraq għall-iżviluppi tal-politika se tiddependi minn żieda fir-riżorsi ewlenin allokati jew il-prijoritizzazzjoni ulterjuri u/jew il-waqfien ta' kompiti ċentrali attwali; jinnota li l-Aġenzija tivvaluta fejn ir-riżorsi allokati jagħtu l-aħjar valur u bħala parti mis-sottomissjoni tal-abbozz tal-baġit 2021 żiedet ir-riżorsi b'konkordanza mal-kompiti l-ġodda skont l-iżviluppi tal-politika;

14. Jistieden lill-Aġenzija tkompli tiżviluppa s-sinerġiji tagħha u żżid l-iskambju tal-prattiki tajba u l-kooperazzjoni tagħha ma' aġenziji oħra tal-Unjoni bil-għan li ttejjeb l-effiċjenza (ir-riżorsi umani, il-ġestjoni tal-bini, is-servizzi tal-IT u s-sigurtà);

15. Jisħaq fuq l-importanza li tiżdied id-diġitalizzazzjoni tal-Aġenzija f'termini ta' proċeduri ta' ġestjoni u operazzjonijiet interni; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Aġenzija tibqa' proattiva f'dan ir-rigward sabiex jiġi evitat distakk diġitali bejn l-aġenziji akkost ta' kollox; jiġbed l-attenzjoni, madankollu, għall-ħtieġa li jittieħdu l-miżuri ta' sigurtà kollha meħtieġa biex jiġi evitat kwalunkwe riskju għas-sigurtà online tal-informazzjoni pproċessata;

16. Ifaħħar l-involviment proattiv tal-Aġenzija mal-media biex tiżviluppa viżibbiltà akbar fil-media, fuq l-internet u fuq il-media soċjali sabiex jinfirex l-għarfien dwar il-ħidma li twettaq;

Politika dwar il-persunal

17. Jinnota li, fil-31 ta' Diċembru 2019, it-tabella tal-persunal kellha rata ta' implimentazzjoni ta' 96,77 %, bi 3 uffiċjali u 117-il aġent temporanju maħtura mit-total ta' 124 post tax-xogħol awtorizzati fl-ambitu tal-baġit tal-Unjoni (meta mqabbla ma' 124 post awtorizzati fl-2018); jinnota li, barra minn hekk, fl-2019 kienu qed jaħdmu għall-Aġenzija 61 aġent kuntrattwali u 19-il espert nazzjonali sekondat;

18. Jinnota n-nuqqas ta' bilanċ bejn il-ġeneri rrappurtat għall-2019 fir-rigward tal-karigi maniġerjali superjuri (seba' rġiel u żewġ nisa) u tal-Bord ta' Mmaniġġjar (18-il raġel u 14-il mara); jitlob lill-Aġenzija tiżgura li fil-futur ikun hemm bilanċ bejn il-ġeneri fil-livell maniġerjali; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu l-importanza li jiġi żgurat bilanċ bejn il-ġeneri meta jinnominaw lill-membri tagħhom fil-Bord ta' Mmaniġġjar tal-Aġenzija;

19. Jinnota li l-Aġenzija adottat politika dwar il-ħarsien tad-dinjità tal-persuna u l-prevenzjoni tal-fastidju; jieħu nota tal-fatt li ġie rrappurtat każ wieħed ta' allegat fastidju fl-2019 li wassal għal inkjesta amministrattiva u proċedimenti dixxiplinari;

20. Jinnota li l-EEA mistennija taqdi rwol ewlieni (monitoraġġ, rappurtar, validazzjoni) fl-appoġġ tal-azzjonijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u t-8 Programm Ġenerali ta' Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni[14]; jinsisti għalhekk li l-baġit tal-persunal għall-Aġenzija għandu jiżdied biex jiġu ssodisfati dawn l-obbligi; jinnota li kwalunkwe tnaqqis futur se jkollu impatt negattiv fuq il-funzjonament tal-Aġenzija u fuq it-twettiq tal-Patt Ekoloġiku Ewropew;

21. Jinnota bi tħassib, fir-rigward tas-segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti minn snin preċedenti, li l-Aġenzija m'għandhiex politika aġġornata li tkopri postijiet sensittivi; jinnota mir-risposta tal-Aġenzija li l-Aġenzija għamlet inventarju tal-postijiet sensittivi tagħha mill-2009 u li l-linji gwida tagħha dwar l-identifikazzjoni u l-ġestjoni ta' funzjonijiet sensittivi ġew rieżaminati fid-dawl tar-riorganizzazzjoni implimentata u ġew iffinalizzati; jistieden lill-Aġenzija tadotta u timplimenta bla dewmien il-politika dwar il-postijiet sensittivi;

22. Jinnota li, skont ir-Rapport Speċjali tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-Futur tal-Aġenziji, l-Aġenzija jaf ikollha tħabbat wiċċha ma' riżorsi limitati; jistieden lill-Kummissjoni biex flimkien mal-Aġenzija tfassal pjan sostenibbli biex l-Aġenzija tiġi pprovduta bir-riżorsi skont il-ħtiġijiet u l-kompiti tagħha; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija jirrapportaw lura lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-iżviluppi f'dan ir-rigward;

23. Jinsab imħasseb dwar id-daqs kbir tal-Bord ta' Mmaniġġjar tal-Aġenzija peress li dan jagħmel it-teħid ta' deċiżjonijiet wieħed diffiċli u jiġġenera spejjeż amministrattivi konsiderevoli;

24. Iħeġġeġ lill-Aġenzija taħdem fuq l-iżvilupp ta' qafas ta' politika fit-tul dwar ir-riżorsi umani li jindirizza l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, il-gwida tul il-ħajja u l-iżvilupp tal-karriera, il-bilanċ bejn il-ġeneri, it-telexogħol, il-bilanċ ġeografiku kif ukoll ir-reklutaġġ u l-integrazzjoni tal-persuni b'diżabbiltà;

25. Jissottolinja li sitwazzjonijiet ta' kunflitt ta' interess wara impjieg pubbliku u f'sitwazzjoni ta' "revolving doors" huma problema komuni għal ħafna korpi u aġenziji madwar l-Unjoni;

Akkwist pubbliku

26. Jinnota mir-rapport tal-Qorti, fir-rigward tar-rakkomandazzjonijiet magħmula għas-sena 2019 u s-segwitu mis-sejbiet tas-snin preċedenti, li l-Aġenzija daħlet f'kuntratt għal servizzi għal ammont ogħla mil-limitu tal-kuntratt qafas regolatorju iżda ma fformalizzatx dan permezz ta' emenda fil-kuntratt u ma mmonitorjatx b'mod korrett il-konsum akkumulattiv tal-kuntratt qabel ma għamlet ordni ġdida; jinnota mir-risposta tal-Aġenzija li għall-ġejjieni l-Aġenzija żgurat li kwalunkwe modifika f'kuntratt, inkluż il-limitu massimu tal-baġit tagħha, tiġi formalizzata permezz ta' emenda fil-kuntratt, u li l-uffiċjali tal-finanzi, tar-riżorsi u tal-awtorizzazzjoni jiġu mfakkra biex dejjem jivverifikaw il-baġit disponibbli tal-kuntratt fil-limiti massimi qabel ma jibdew kuntratti speċifiċi u biex jiżguraw aġġornament f'waqtu tal-għodda ta' kontroll tas-sistemi; madankollu, jitlob lill-Aġenzija tifformalizza l-modifiki ta' kuntratt skont id-dispożizzjonijiet tal-akkwist pubbliku;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u trasparenza

27. Jirrikonoxxi l-miżuri eżistenti tal-Aġenzija u l-isforzi kontinwi tagħha biex tiżgura t-trasparenza, tipprevjeni u tiġġestixxi l-kunflitti ta' interess, u tipprovdi l-protezzjoni lill-informaturi;

28. Ifakkar li l-pubblikazzjoni tas-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta' interess tal-membri tal-Bord ta' Mmaniġġjar għandha tkun obbligatorja peress li attwalment mhux is-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta' interess kollha tal-membri tal-Bord ta' Mmaniġġjar huma ppubblikati fuq is-sit web tal-Aġenzija; jistieden lill-Aġenzija tippubblika s-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta' interess tal-membri kollha tal-Bord ta' Mmaniġġjar u tinforma lill-awtorità ta' kwittanza bil-miżuri meħuda f'dan ir-rigward;

29. Jerġa' jqajjem tħassib dwar il-fatt li l-Aġenzija ma tipprevedix dikjarazzjonijiet ta' kunflitt ta' interess għall-esperti interni;

30. Jissottolinja l-fatt li l-qafas ta' etika attwali li japplika għall-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-Unjoni jbati minn nuqqasijiet konsiderevoli minħabba l-frammentazzjoni tiegħu u n-nuqqas ta' konsistenza bejn id-dispożizzjonijiet eżistenti; jisħaq fuq il-fatt li dawn il-kwistjonijiet għandhom jiġu indirizzati billi jiġi stabbilit qafas ta' etika komuni, li jiżgura l-applikazzjoni ta' standards ta' etika għoljin għall-istituzzjonijiet u l-aġenziji kollha tal-UE;

Kontrolli interni

31. Jinnota li fl-2019 is-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS) tal-Kummissjoni ħareġ rapport ta' awditjar dwar l-akkwist pubbliku, li jidentifika dgħufija importanti ħafna relatata mal-monitoraġġ tal-proċeduri ta' akkwist pubbliku u l-ġestjoni tal-kuntratti; jinnota li tfassal pjan ta' azzjoni biex jiġu indirizzati dawn is-sejbiet u li dan il-pjan ġie aċċettat mill-IAS;

Sostenibbiltà

32. Jilqa' l-isforzi tal-Aġenzija biex tipprovdi post tax-xogħol kosteffettiv u ekoloġiku kif ukoll il-miżuri kollha meħuda mill-Aġenzija biex tnaqqas l-impronta tal-karbonju tagħha u l-konsum tal-enerġija tagħha u tiżviluppa fluss tax-xogħol mingħajr karti; u biex preferibbilment tnaqqas u tikkumpensa l-emissjonijiet ta' CO2 tagħha fl-oqsma tal-bini u l-ivvjaġġar; jiddispjaċih madankollu dwar l-effiċjenza baxxa fl-użu tal-enerġija tal-kwartieri ġenerali tal-Aġenzija;Kummenti oħra33.  Jinnota li l-Aġenzija kienet involuta fil-proċess ta' tħejjija għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, b'mod partikolari, it-tħejjija relatata tas-sistemi tal-IT korrispondenti matul l-2019;

34. Jinnota l-isforzi tal-Aġenzija biex tipprovdi post tax-xogħol kosteffettiv u ekoloġiku u biex preferibbilment tnaqqas u tikkumpensa l-emissjonijiet ta' CO2 tagħha fl-oqsma tal-bini u l-ivvjaġġar;

35. Jilqa' l-isforzi tal-Aġenzija biex tibni ambjent u kultura tax-xogħol aktar diversifikati u inklużivi billi tieħu azzjonijiet favur il-persuni b'diżabbiltà; jitlob lill-Aġenzija tivvaluta l-possibbiltà li tkompli ssaħħaħ u tintegra l-prinċipji ta' opportunitajiet indaqs fir-reklutaġġ, it-taħriġ, l-iżvilupp tal-karriera u l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tqajjem sensibilizzazzjoni fost il-persunal dwar dawn l-aspetti, u tivvaluta t-titjib u l-modifiki raġonevoli possibbli tal-bini tal-Aġenzija (aċċess, tagħmir tal-uffiċċju adegwat) għall-persuni b'mobbiltà mnaqqsa jew diżabbiltajiet oħra;

36. Jirrimarka li huwa meħtieġ approċċ kumpless sabiex il-paġni ewlenin tas-siti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jsiru aċċessibbli għal persuni b'kull xorta ta' diżabbiltà, kif stipulat fid-Direttiva (UE) 2016/2102[15], inkluża d-disponibbiltà ta' lingwi tas-sinjali nazzjonali; jissuġġerixxi li l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-persuni b'diżabbiltà jkunu involuti f'dan il-proċess;

37. Iħeġġeġ lill-Aġenzija tieħu aktar inizjattivi fir-rigward tat-tixrid tar-riżultati tar-riċerka tagħha mal-pubbliku, u tikkomunika mal-pubbliku permezz tal-media soċjali u permezz ta' strumenti oħra tal-media;

o

o  o

38. Jirreferi, rigward kummenti oħrajn ta' natura orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu ta' ...2021[16] dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.


 

 

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-AMBJENT, IS-SAĦĦA PUBBLIKA U S-SIKUREZZA TAL-IKEL (01.02.2020)

għall-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) għas-sena finanzjarja 2019

(2020/2154(DEC))

Rapporteur għal opinjoni: Pascal Canfin

 

 

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel jistieden lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1. Jenfasizza li l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) tipprovdi informazzjoni soda u indipendenti dwar l-ambjent; ifaħħar il-kwalità tal-outputs tagħha maħruġa fl-2019, bħar-rapporti dwar it-tranżizzjonijiet ta' sostenibbiltà fl-Ewropa, l-adattament għat-tibdil fil-klima fis-settur agrikolu, il-prevenzjoni tal-iskart tal-plastik, l-intensità tal-gassijiet b'effett ta' serra tal-fjuwils tat-trasport u r-Rapport dwar l-Istat tal-Ambjent;

2. Jinnota r-rwol ewlieni tal-EEA fit-twassil ta' data ta' kwalità dwar l-istat tal-ambjent, fatt li għandu rilevanza dejjem akbar fid-dawl tal-isfidi enormi li l-Unjoni qed tiffaċċja biex tiġġieled il-kriżi tal-klima u l-bijodiversità u biex issib ir-risposti permezz tal-Patt Ekoloġiku Ewropew; jilqa' l-fatt li l-fehma tal-EEA qed tingħata widen fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni u jirrakkomanda li l-kumitat xjentifiku tal-EEA jaqdi rwol ewlieni fl-għoti ta' konsulenza lill-Kummissjoni;

3. Jinnota li fl-2019, il-baġit totali tal-EEA kien EUR 52 059 228 (tnaqqis ta' 20,9 % meta mqabbel mal-2018), li minnhom EUR 39 733 971 (li jirrappreżentaw żieda ta' 5,3 % meta mqabbel mal-2018) ġew mill-baġit ġenerali tal-Unjoni; jinnota li l-EEA hija mistennija li taqdi rwol ewlieni (monitoraġġ, rappurtar, validazzjoni) fl-appoġġ tal-azzjonijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u t-8 Programm Ġenerali ta' Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni[17]; jinsisti għalhekk li l-baġit tal-persunal għall-EEA għandu jiżdied biex jissodisfa dawn l-obbligi; jinnota li kwalunkwe tnaqqis futur se jkollu impatt negattiv fuq il-funzjonament tal-EEA u fuq it-twettiq tal-Patt Ekoloġiku Ewropew;

4. Jinnota b'sodisfazzjon li l-isforzi ta' monitoraġġ baġitarju min-naħa tal-EEA rriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni tal-baġit ta' 100 % tal-approprjazzjonijiet disponibbli tal-baġit prinċipali (sussidju tal-Unjoni u kontribuzzjonijiet minn pajjiżi membri oħra);

5. Ifakkar li, fl-2019, l-EEA implimentat flussi ġodda ta' data għall-monitoraġġ tas-CO2 minn vetturi tqal ġodda, appoġġat l-implimentazzjoni tal-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u kompliet tissimplifika r-rappurtar ambjentali;

6. Jistieden lill-EEA tkompli tippromwovi l-kooperazzjoni ma' aġenziji oħra tal-Unjoni u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, u trawwem djalogu mal-partijiet ikkonċernati u maċ-ċittadini;

7. Iħeġġeġ lill-EEA biex flimkien ma' aġenziji oħrajn tal-Unjoni taħdem lejn valutazzjoni aħjar tal-impatti ambjentali kaġun tal-attività tal-bniedem;

8. Jiddispjaċih li l-Qorti tal-Awdituri (il-"Qorti"), fir-rapport annwali tagħha dwar l-aġenziji tal-UE għas-sena finanzjarja 2019, identifikat nuqqas ta' kontroll li wassal biex jinqabeż limitu kuntrattwali; jinnota li l-EEA se tfakkar lill-membri tal-persunal biex jiċċekkjaw il-baġits disponibbli qabel ma jagħmlu kuntratti speċifiċi;

9. Jinnota li rieżami intern tal-funzjonament tal-Bord u tal-Bureau wassal għal rwol akbar għall-Bureau, użu akbar ta' vidjokonferenzi u vjaġġar imnaqqas lejn Kopenħagen għall-membri tal-Bureau;

10. Jilqa' l-fatt li l-Qorti stqarret li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-EEA għas-sena finanzjarja 2019 huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet sottostanti huma legali u regolari;

11. Jirrakkomanda, abbażi tal-fatti disponibbli, li tingħata kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2019.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

26.1.2021

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

70

9

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nikos Androulakis, Bartosz Arłukowicz, Margrete Auken, Simona Baldassarre, Marek Paweł Balt, Traian Băsescu, Aurelia Beigneux, Monika Beňová, Sergio Berlato, Malin Björk, Simona Bonafè, Delara Burkhardt, Pascal Canfin, Sara Cerdas, Mohammed Chahim, Tudor Ciuhodaru, Nathalie Colin-Oesterlé, Esther de Lange, Christian Doleschal, Marco Dreosto, Bas Eickhout, Cyrus Engerer, Eleonora Evi, Agnès Evren, Pietro Fiocchi, Andreas Glück, Catherine Griset, Jytte Guteland, Teuvo Hakkarainen, Martin Hojsík, Pär Holmgren, Jan Huitema, Yannick Jadot, Adam Jarubas, Karin Karlsbro, Petros Kokkalis, Ewa Kopacz, Joanna Kopcińska, Peter Liese, Sylvia Limmer, Javi López, César Luena, Fulvio Martusciello, Liudas Mažylis, Joëlle Mélin, Tilly Metz, Silvia Modig, Dolors Montserrat, Alessandra Moretti, Dan-Ştefan Motreanu, Ville Niinistö, Ljudmila Novak, Grace O’Sullivan, Jutta Paulus, Stanislav Polčák, Jessica Polfjärd, Luisa Regimenti, Frédérique Ries, María Soraya Rodríguez Ramos, Sándor Rónai, Rob Rooken, Silvia Sardone, Christine Schneider, Günther Sidl, Linea Søgaard-Lidell, Nicolae Ştefănuță, Nils Torvalds, Edina Tóth, Véronique Trillet-Lenoir, Petar Vitanov, Alexandr Vondra, Mick Wallace, Pernille Weiss, Michal Wiezik, Tiemo Wölken, Anna Zalewska

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Hildegard Bentele, Manuel Bompard

Sostituti (skont l-Artikolu 209(7)) preżenti għall-votazzjoni finali

Veronika Vrecionová

 


 

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

70

+

ECR

Sergio Berlato, Pietro Fiocchi, Joanna Kopcińska, Rob Rooken, Alexandr Vondra, Veronika Vrecionová, Anna Zalewska

PPE

Bartosz Arłukowicz, Traian Băsescu, Hildegard Bentele, Nathalie Colin-Oesterlé, Christian Doleschal, Agnès Evren, Adam Jarubas, Ewa Kopacz, Esther de Lange, Peter Liese, Fulvio Martusciello, Liudas Mažylis, Dolors Montserrat, Dan-Ştefan Motreanu, Ljudmila Novak, Stanislav Polčák, Jessica Polfjärd, Christine Schneider, Edina Tóth, Pernille Weiss, Michal Wiezik

Renew

Pascal Canfin, Andreas Glück, Martin Hojsík, Jan Huitema, Karin Karlsbro, Frédérique Ries, María Soraya Rodríguez Ramos, Nicolae Ştefănuță, Linea Søgaard-Lidell, Nils Torvalds, Véronique Trillet-Lenoir

S&D

Nikos Androulakis, Marek Paweł Balt, Monika Beňová, Simona Bonafè, Delara Burkhardt, Sara Cerdas, Mohammed Chahim, Tudor Ciuhodaru, Cyrus Engerer, Jytte Guteland, Javi López, César Luena, Alessandra Moretti, Sándor Rónai, Günther Sidl, Petar Vitanov, Tiemo Wölken

The Left

Malin Björk, Manuel Bompard, Petros Kokkalis, Silvia Modig, Mick Wallace

Verts/ALE

Margrete Auken, Bas Eickhout, Eleonora Evi, Pär Holmgren, Yannick Jadot, Tilly Metz, Ville Niinistö, Grace O'Sullivan, Jutta Paulus

 

9

-

ID

Simona Baldassarre, Aurelia Beigneux, Marco Dreosto, Catherine Griset, Teuvo Hakkarainen, Sylvia Limmer, Joëlle Mélin, Luisa Regimenti, Silvia Sardone

 

0

0

 

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

 


 

 

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

22.3.2021

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

27

3

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Matteo Adinolfi, Olivier Chastel, Caterina Chinnici, Lefteris Christoforou, Corina Crețu, Ryszard Czarnecki, Martina Dlabajová, José Manuel Fernandes, Raffaele Fitto, Luke Ming Flanagan, Daniel Freund, Isabel García Muñoz, Monika Hohlmeier, Jean-François Jalkh, Pierre Karleskind, Joachim Kuhs, Ryszard Antoni Legutko, Claudiu Manda, Alin Mituța, Younous Omarjee, Tsvetelina Penkova, Markus Pieper, Sabrina Pignedoli, Michèle Rivasi, Petri Sarvamaa, Angelika Winzig, Lara Wolters, Tomáš Zdechovský

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Andrey Novakov, Viola Von Cramon-Taubadel

 


 

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

27

+

ECR

Ryszard Czarnecki, Raffaele Fitto, Ryszard Antoni Legutko

NI

Sabrina Pignedoli

PPE

Lefteris Christoforou, José Manuel Fernandes, Monika Hohlmeier, Andrey Novakov, Markus Pieper, Petri Sarvamaa, Angelika Winzig, Tomáš Zdechovský

Renew

Olivier Chastel, Martina Dlabajová, Pierre Karleskind, Alin Mituța

S&D

Caterina Chinnici, Corina Crețu, Isabel García Muñoz, Claudiu Manda, Tsvetelina Penkova, Lara Wolters

The Left

Luke Ming Flanagan, Younous Omarjee

Verts/ALE

Daniel Freund, Michèle Rivasi, Viola Von Cramon-Taubadel

 

3

-

ID

Matteo Adinolfi, Jean-François Jalkh, Joachim Kuhs

 

0

0

 

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

 

Aġġornata l-aħħar: 21 ta' April 2021
Avviż legali - Politika tal-privatezza