RAPPORT dwar rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà rigward ir-relazzjonijiet UE-Indja

16.4.2021 - (2021/0000(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteur: Alviina Alametsä


Proċedura : 2021/2023(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A9-0124/2021

ABBOZZ TA' RAKKOMANDAZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà rigward ir-relazzjonijiet UE-Indja

(2021/0000(INI))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Laqgħa tal-Mexxejja UE-Indja li jmiss imħabbra għat-8 ta' Mejju 2021 f'Porto, il-Portugall,

 wara li kkunsidra s-Sħubija Strateġika UE-Indja stabbilita fl-2004,

 wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni UE-Indja tal-1994,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta u s-Sħubija Strateġika UE-Indja: Pjan Direzzjonali għall-2025[1] adottati fis-summit virtwali UE-Indja fil-15 ta' Lulju 2020, kif ukoll għad-dikjarazzjonijiet konġunti l-oħra ffirmati reċentement, inkluż fl-oqsma tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-klima u l-enerġija, l-urbanizzazzjoni, il-migrazzjoni u l-mobilità u s-sħubija dwar l-ilma,

 wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) u l-Kummissjoni tal-20 ta' Novembru 2018 intitolata "Elementi għal strateġija tal-UE dwar l-Indja" (JOIN(2018)0028), u l-konklużjonijiet relatati tal-Kunsill dwar l-Istrateġija tal-UE dwar l-Indja tal-10 ta' Diċembru 2018 (14634/18),

 wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tal-VP/RGħ u tal-Kummissjoni tad-19 ta' Settembru 2018 intitolata "Konnessjoni bejn l-Ewropa u l-Asja - Elementi fundamentali għal Strateġija tal-UE" (JOIN(2018)0031) u l-konklużjonijiet relatati tal-Kunsill tal-15 ta' Ottubru 2018 (13097/18),

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Kooperazzjoni Msaħħa tal-UE fis-Sigurtà fl-Asja u mal-Asja tat-28 ta' Mejju 2018 (9265/1/18 REV 1),

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' Settembru 2001 intitolata "L-Ewropa u l-Asja: Qafas Strateġiku għal Sħubijiet Imsaħħa" (COM(2001)0469),

 wara li kkunsidra r-Regolament futur li jistabbilixxi l-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali 2021-2027 (2018/0243(COD)),

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-20 ta' Jannar 2021 dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni - rapport annwali 2020[2], tal-21 ta' Jannar 2021 dwar il-konnettività u r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Asja[3] u tat-13 ta' Settembru 2017 dwar ir-relazzjonijiet politiċi tal-UE mal-Indja[4], kif ukoll ir-riżoluzzjonijiet preċedenti l-oħra tiegħu dwar l-Indja, inklużi dawk dwar każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt, 

 wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tat-28 ta' Ottubru 2004 lill-Kunsill dwar ir-relazzjonijiet UE-Indja[5],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Settembru 2005 dwar ir-relazzjonijiet UE-Indja: Sħubija Strateġika[6],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' April 2016 dwar l-UE f'ambjent globali jinbidel - dinja iktar konnessa, kontestata u kumplessa[7],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Mejju 2012 dwar il-piraterija marittima[8],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Ottubru 2016 dwar is-sigurtà nukleari u n-nonproliferazzjoni[9],

 wara li kkunsidra l-10 Laqgħa ta' Sħubija Parlamentari Asja-Ewropa (ASEP10) li saret fi Brussell fis-27 u t-28 ta' Settembru 2018, u d-dikjarazzjoni rispettiva adottata, u l-11-il Laqgħa ta' Sħubija Parlamentari Asja-Ewropa (ASEP11) li saret fi Phnom Penh, il-Kambodja fis-26 u s-27 ta' Mejju 2021,

 wara li kkunsidra d-Djalogu UE-Indja ta' Livell Għoli dwar il-kummerċ u l-investiment, li l-ewwel laqgħa tiegħu saret fil-5 ta' Frar 2021,

 wara li kkunsidra l-missjoni li l-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tiegħu għamel fl-Indja fil-21 u t-22 ta' Frar 2017,

 wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2020-2024,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta' Frar 2021 dwar il-prijoritajiet tal-UE fil-fora tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem fl-2021,

 wara li kkunsidra l-linji gwida tematiċi tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem, inklużi dawk dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u dwar il-protezzjoni u l-promozzjoni tal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 118 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, u wara li kkunsidra l-kompetenzi tiegħu skont l-Anness VI tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0124/2021),

A. billi l-UE u l-Indja se jsejħu laqgħa tal-mexxejja fit-8 ta' Mejju 2021 f'Porto, il-Portugall, wara l-impenn tagħhom li jiltaqgħu regolarment fl-ogħla livell u li jsaħħu s-sħubija strateġika stabbilita fl-2004, bil-ħsieb li tittejjeb il-kooperazzjoni ekonomika u politika;

B. billi s-sħubija strateġika UE-Indja kisbet momentum f'dawn l-aħħar snin, u dan jirrifletti rieda politika mġedda biex tissaħħaħ id-dimensjoni strateġika tagħha u, wara li evolviet minn sħubija ekonomika għal relazzjoni li tespandi f'għadd ta' setturi, li tirrifletti l-poter ġeopolitiku tal-Indja li qed jiżdied u l-valuri demokratiċi kondiviżi;

C. billi l-UE u l-Indja, bħala l-akbar żewġ demokraziji fid-dinja, jikkondividu rabtiet politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali b'saħħithom; billi, madankollu, ir-relazzjonijiet bilaterali għadhom ma laħqux il-potenzjal sħiħ tagħhom u jeħtieġu impenn politiku akbar; billi l-mexxejja tal-UE u tal-Indja affermaw id-determinazzjoni tagħhom li jippreservaw u jippromwovu multilateraliżmu effettiv u ordni multilaterali bbażat fuq ir-regoli bin-NU u l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) fil-qalba tagħhom;

D. billi l-importanza reġjonali u globali tal-Indja qed tikber, u saħħet dejjem aktar il-pożizzjoni tagħha bħala donatur kif ukoll potenza ekonomika u militari; billi l-Presidenza tal-Indja tal-G20 fl-2023 u s-sħubija tagħha fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fl-2021-2022 u fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fl-2019-2021 saħħew mill-ġdid il-ħtieġa li tissaħħaħ il-koordinazzjoni dwar il-governanza globali u li tiġi promossa aktar viżjoni kondiviża ta' multilateraliżmu bbażat fuq ir-regoli;

E. billi l-qafas strateġiku tal-UE mogħti fl-Istrateġija Globali tagħha, l-Istrateġija tagħha dwar l-Indja, l-Istrateġija tagħha għall-Konnettività UE-Asja u l-Istrateġija Indo-Paċifika emerġenti enfasizzaw l-importanza vitali tal-kooperazzjoni mal-Indja fuq l-aġenda globali tal-UE; billi l-kooperazzjoni bilaterali u multilaterali fil-kuntest attwali ta' riskji globali akbar u ż-żieda fil-kompetizzjoni tal-poter kbir għandu jinkludu t-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali, it-tisħiħ tal-istat ta' tħejjija u r-reazzjonijiet għal emerġenzi tas-saħħa globali, bħall-pandemija attwali tal-COVID-19, it-tisħiħ tal-istabilità ekonomika globali u t-tkabbir inklużiv, u l-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU;

F. billi l-Indja tgawdi minn ekonomija b'saħħitha u li qed tikber; billi l-UE hija s-sieħeb kummerċjali ewlieni tal-Indja, filwaqt li l-Indja hija d-9 l-akbar sieħeb kummerċjali tal-UE; billi l-Oċean Indjan huwa żona ta' importanza strateġika għall-kummerċ globali u ta' interess ekonomiku u strateġiku vitali kemm għall-UE kif ukoll għall-Indja; billi l-UE u l-Indja għandhom interessi reċiproċi qawwija fl-Indo-Paċifiku, li jiffukaw fuq is-sostenn tiegħu bħala żona ta' kompetizzjoni ġusta, linji marittimi ta' komunikazzjoni (SLOC) bla xkiel, stabilità u sigurtà;

G. billi l-konnettività għandha tikkostitwixxi element importanti ta' aġenda strateġika reċiproka bejn l-UE u l-Indja f'konformità mal-Istrateġija dwar il-Konnessjoni UE-Asja; billi fl-aħħar summit UE-Indja kien hemm qbil dwar prinċipji ta' konnettività sostenibbli, u li jiġu esplorati modi biex tittejjeb il-konnettività UE-Indja u l-konnettività konsegwenti ma' pajjiżi terzi, inkluż fir-reġjun Indo-Paċifiku; billi l-komprensività tal-konnettività hija limitata mhux biss għall-infrastruttura fiżika bħat-toroq u l-ferroviji, iżda wkoll għar-rotot marittimi, l-infrastruttura diġitali u l-aspetti ambjentali, b'enfasi partikolari fuq il-Patt Ekoloġiku tal-UE; billi l-konnettività għandha rwol ġeopolitiku u trasformattiv, kif ukoll taġixxi bħala mezz sostenibbli ta' tkabbir u impjiegi;

H. billi hija meħtieġa tmexxija UE-Indja biex tippromwovi diplomazija klimatika effettiva, impenn globali għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi u l-protezzjoni globali tal-klima u tal-ambjent;

I. billi osservaturi tad-drittijiet tal-bniedem lokali u internazzjonali jirrapportaw li d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġurnalisti fl-Indja ma għandhomx ambjent tax-xogħol sikur; billi, f'Ottubru 2020, il-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Michelle Bachelet, appellat lill-Gvern tal-Indja biex jissalvagwardja d-drittijiet tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-NGOs, filwaqt li qajjmet tħassib dwar l-ispazju li qed jiċkien għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, id-detenzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-akkużi miġjuba kontra persuni talli sempliċement eżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà ta' espressjoni u ta' għaqda paċifika, kif ukoll dwar l-użu ta' liġijiet biex joħonqu d-dissens, bħall-Att dwar ir-Regolamentazzjoni tal-Kontributi Barranin (FCRA) u l-Att dwar il-Prevenzjoni ta' Attivitajiet Illegali;

J. billi Amnesty International kienet imġiegħla tagħlaq l-uffiċċji tagħha fl-Indja wara li l-kontijiet bankarji tagħha ġew iffriżati fuq allegat ksur tal-FCRA, u tliet rapporteurs speċjali tan-NU talbu li l-liġi tiġi emendata f'konformità mal-obbligi tad-drittijiet tal-Indja skont id-dritt internazzjonali;

K. billi l-gruppi tas-soċjetà ċivili jirrapportaw li n-nisa fl-Indja jiffaċċjaw għadd ta' sfidi u ksur serji tad-drittijiet tagħhom, inklużi dawk relatati ma' prattiki kulturali, tribali u tradizzjonali, il-vjolenza u l-fastidju sesswali, u t-traffikar tal-bnedmin; billi n-nisa li ġejjin minn minoranzi reliġjużi jiffaċċjaw vulnerabilità doppja, li hija aggravata aktar fil-każ ta' nisa minn kasta b'livell iktar baxx;

L. billi, minkejja li hija pprojbita, id-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasti għadha problema sistemika fl-Indja, inkluż fis-sistema tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali, li tipprevjeni lid-Daliti milli jkollhom aċċess għall-impjiegi, l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u l-allokazzjonijiet baġitarji għall-iżvilupp tad-Dalit;

M. billi l-Indja hija wieħed mill-pajjiżi l-aktar milquta mill-pandemija l-ġdida tal-COVID-19, b'aktar minn 11-il miljun każ ikkonfermat u aktar minn 150 000 mewta, u billi l-Gvern Indjan ħa inizjattiva biex jagħti miljuni ta' vaċċini lil pajjiżi fil-viċinat immedjat tiegħu u nazzjonijiet sħab ewlenin fl-Oċean Indjan;

1. Jirrakkomanda li l-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà:

Ir-relazzjonijiet ġenerali UE-Indja

a) ikomplu t-titjib u l-approfondiment tar-relazzjonijiet UE-Indja bħala sħab strateġiċi, u jsostnu l-impenn għal djalogi regolari f'diversi livelli, inklużi summits;

b) jikkonsolidaw il-progress li sar fis-Sħubija Strateġika wara s-summit tas-sena li għaddiet u jagħmlu progress tanġibbli fuq kwistjonijiet ta' prijorità, b'mod partikolari s-saħħa globali reżiljenti, it-tibdil fil-klima u t-tkabbir ekoloġiku, id-diġitalizzazzjoni u t-teknoloġiji l-ġodda, il-konnettività, il-kummerċ u l-investiment, il-politika barranija, ta' sigurtà u ta' difiża, u d-drittijiet tal-bniedem;

c) jibqgħu impenjati lejn l-Istrateġija tal-UE dwar l-Indja tal-2018 u l-Pjan Direzzjonali UE-Indja sal-2025 u jimplimentawhom bis-sħiħ f'koordinazzjoni mal-impenn tal-Istati Membri stess mal-Indja; jistabbilixxu kriterji ċari u pubbliċi għall-kejl tal-progress fil-pjan direzzjonali; jiżguraw is-sorveljanza parlamentari tal-politika tal-UE dwar l-Indja permezz ta' skambji regolari mal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tiegħu;

d) jisfruttaw il-potenzjal sħiħ tar-relazzjoni bilaterali bejn l-akbar żewġ demokraziji fid-dinja; itennu l-ħtieġa għal sħubija aktar profonda bbażata fuq il-valuri kondiviżi tal-libertà, id-demokrazija, il-pluraliżmu, l-istat tad-dritt, l-ugwaljanza, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, l-impenn għall-promozzjoni ta' ordni globali inklużiv, koerenti u bbażat fuq ir-regoli, il-multilateraliżmu effettiv u l-iżvilupp sostenibbli, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, u l-promozzjoni tal-paċi u l-istabilità dinjija;

e) jenfasizzaw l-importanza tal-Indja bħala sieħeb fil-ġlieda globali kontra t-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni tal-bijodiversità u fit-tranżizzjoni ekoloġika lejn l-enerġija rinnovabbli u n-newtralità klimatika; jikkonsolidaw pjanijiet kondiviżi għall-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim ta' Pariġi u l-kontributi determinati fil-livell nazzjonali tiegħu, u għad-diplomazija konġunta dwar il-klima;

f) jirrilanċjaw it-talba tal-Kunsill tal-2018 għall-modernizzazzjoni tal-arkitettura istituzzjonali tal-ftehim ta' kooperazzjoni UE-Indja tal-1994 f'konformità mal-aspirazzjonijiet u l-isfidi globali komuni l-ġodda. isaħħu mill-ġdid l-idea tan-negozjar ta' Ftehim ta' Sħubija Strateġika b'dimensjoni parlamentari b'saħħitha li tippromwovi l-kuntatti u l-kooperazzjoni fil-livell tal-istat fejn xieraq;

g) jippromwovu djalogu interparlamentari strutturat, inkluż billi tiġi mħeġġa n-naħa Indjana biex tistabbilixxi kontroparti permanenti fil-Lok Sabha u fir-Rajya Sabha għad-Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għar-Relazzjonijiet mar-Repubblika tal-Indja u billi jiġu promossi l-kuntatti bejn il-kumitati;

h) jiżguraw il-konsultazzjoni attiva u regolari u l-involviment tas-soċjetà ċivili tal-UE u dik Indjana, inklużi trade unions, organizzazzjonijiet ibbażati fuq it-twemmin, organizzazzjonijiet femministi u LGBTQI, organizzazzjonijiet ambjentalisti, kmamar tal-kummerċ u partijiet ikkonċernati oħra fl-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tar-relazzjonijiet UE-Indja; ifittxu l-istabbiliment ta' Pjattaforma tas-Soċjetà Ċivili UE-Indja għal dak il-għan u ta' Summit taż-Żgħażagħ UE-Indja bħala avveniment parallel f'summits futuri bejn l-UE u l-Indja, sabiex jissaħħu r-relazzjonijiet bejn il-ġenerazzjonijiet iż-żgħar;

i) jikkonsolidaw l-isforzi diplomatiċi pubbliċi tal-UE biex jittejjeb il-fehim reċiproku fost l-UE, l-Istati Membri tagħha u l-Indja u biex tingħata għajnuna għat-tisħiħ tal-għarfien fuq iż-żewġ naħat, bl-involviment tal-akkademiċi, il-gruppi ta' riflessjoni u r-rappreżentanti minn madwar l-UE u l-Indja;

Il-kooperazzjoni fil-politika estera u ta' sigurtà

j) jippromwovu sinerġija akbar fil-politika estera u ta' sigurtà permezz tal-mekkaniżmi ta' djalogu rilevanti eżistenti u fil-fora stabbiliti fil-Pjan Direzzjonali UE-Indja sal-2025, u fid-dawl tal-enfasi strateġika reċenti tal-UE fuq kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tas-sigurtà fl-Asja u magħha, fejn l-Indja għandha rwol dejjem iktar importanti u strateġiku;

k) jenfasizzaw li impenn akbar UE-Indja fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża m'għandux jitqies bħala li jikkontribwixxi għall-polarizzazzjoni fiż-żona Indo-Paċifika, iżda pjuttost bħala li jippromwovi s-sigurtà, l-istabilità u l-iżvilupp paċifiku kondiviżi;

l) jenfasizzaw il-ħtieġa għal koordinazzjoni tematika aktar mill-qrib tal-politiki ta' sigurtà internazzjonali u għal azzjoni f'oqsma bħas-sigurtà nukleari u n-nonproliferazzjoni u l-kontroll tal-armi ta' qerda massiva, il-mitigazzjoni ta' armi kimiċi, bijoloġiċi u radjoloġiċi, il-promozzjoni tal-prevenzjoni tal-kunflitti reġjonali u l-bini tal-paċi, il-ġlieda kontra l-piraterija, is-sigurtà marittima, il-ġlieda kontra t-terroriżmu (inkluża l-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni, il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu), l-estremiżmu vjolenti, il-kampanji ta' diżinformazzjoni, iċ-ċibersigurtà, it-theddid ibridu u l-ispazju extratmosferiku; jenfasizzaw l-importanza tad-Djalogu UE-Indja dwar il-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu; isaħħu r-relazzjonijiet u l-iskambji bejn il-militar sabiex tissaħħaħ is-sħubija strateġika UE-Indja;

m) jirrimarkaw li l-UE u l-Indja huma tnejn mill-akbar kontributuri għaż-żamma tal-paċi tan-NU u huma impenjati favur paċi sostenibbli; jinkoraġġixxu diskussjoni u inizjattivi lejn it-twessigħ tal-kooperazzjoni fiż-żamma tal-paċi;

n) jieħdu nota pożittiva tas-sitt konsultazzjonijiet UE-Indja regolari dwar id-diżarm u n-nonproliferazzjoni li saru, u jinkoraġġixxu lill-Indja ssaħħaħ il-kooperazzjoni reġjonali u tieħu passi konkreti f'dan ir-rigward; jirrikonoxxu li l-Indja ngħaqdet ma' tliet reġimi multilaterali ta' kontroll tal-esportazzjoni relatati mal-proliferazzjoni ewlenin u jinkoraġġixxu sħubija UE-Indja aktar mill-qrib f'dawn il-fora;

o) jikkoordinaw pożizzjonijiet u inizjattivi f'fora multilaterali, b'mod partikolari n-NU, id-WTO u l-G20, billi jinsistu għal objettivi konġunti f'konformità mal-valuri u l-istandards internazzjonali kondiviżi, iżidu d-djalogu u jallinjaw b'mod effettiv il-pożizzjonijiet fid-difiża tal-multilateraliżmu u ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli; jimpenjaw ruħhom f'diskussjonijiet dwar riforma tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u l-metodi ta' ħidma u jappoġġaw it-talba tal-Indja għal sħubija permanenti f'Kunsill tas-Sigurtà tan-NU riformat;

p) jippromwovu l-prevenzjoni tal-kunflitti u l-kooperazzjoni ekonomika billi jappoġġaw inizjattivi ta' integrazzjoni reġjonali fl-Asja tan-Nofsinhar, inkluż fi ħdan l-Assoċjazzjoni tal-Asja tan-Nofsinhar għall-Kooperazzjoni Reġjonali (SAARC);

q) jużaw l-esperjenza reġjonali estensiva tal-Indja u l-approċċi eżistenti tal-Istati Membri tal-UE għar-reġjun Indo-Paċifiku sabiex jiżviluppaw strateġija Ewropea Indo-Paċifika proattiva, komprensiva u realistika bbażata fuq il-prinċipji, il-valuri u l-interessi kondiviżi, inkluż id-dritt ekonomiku u internazzjonali; ifittxu l-koordinazzjoni, fejn xieraq, tal-politiki tal-UE u dawk Indjani dwar ir-reġjun Indo-Paċifiku u jestendu l-kooperazzjoni biex tkopri l-oqsma kollha ta' interess komuni; iqisu kif xieraq l-għażliet ta' politika sovrana ta' pajjiżi oħra fir-reġjun u r-relazzjonijiet bilaterali tal-UE magħhom;

r) jippromwovu azzjoni konġunta ambizzjuża, b'miżuri speċifiċi, fil-koordinazzjoni tal-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja, inkluż fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika, kif ukoll fit-tisħiħ tal-proċessi demokratiċi u l-ġlieda kontra x-xejriet awtoritarji u kull tip ta' estremiżmu, inkluż l-estremiżmu nazzjonalist u l-estremiżmu reliġjuż;

s) jippromwovu azzjoni konġunta fil-koordinazzjoni tas-sigurtà alimentari u l-operazzjonijiet ta' għajnuna f'każ ta' diżastru, f'konformità mal-prinċipji umanitarji kif minquxa fid-dritt umanitarju internazzjonali, inklużi l-imparzjalità, in-newtralità u n-nondiskriminazzjoni fl-għoti tal-għajnuna;

t) jinnotaw li l-UE qed issegwi mill-qrib is-sitwazzjoni fil-Kashmir; itennu l-appoġġ tal-UE għall-istabilità u t-tnaqqis tat-tensjoni bejn l-Indja u l-Pakistan, li t-tnejn li huma huma stati ta' armi nukleari, u jibqgħu impenjati li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali; jippromwovu l-implimentazzjoni tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u r-rapporti tal-UNHCR dwar il-Kashmir; jistiednu lill-Indja u lill-Pakistan jikkunsidraw il-benefiċċji umani, ekonomiċi u politiċi enormi li ġġib magħha s-soluzzjoni ta' dan il-kunflitt;

u) iġeddu l-isforzi tal-UE għat-tqarrib u r-restawr ta' relazzjonijiet tajba ta' viċinat bejn l-Indja u l-Pakistan, abbażi tal-prinċipji tad-dritt internazzjonali, permezz ta' djalogu komprensiv u approċċ pass pass, li jibda b'miżuri għall-bini tal-fiduċja; jilqgħu, fid-dawl ta' dan, id-Dikjarazzjoni Konġunta bejn l-Indja u l-Pakistan dwar il-Waqfien mill-Ġlied tal-25 ta' Frar 2021 bħala pass importanti fl-istabbiliment tal-paċi u l-istabilità reġjonali; jissottolinjaw l-importanza tad-dimensjoni bilaterali fil-ħidma biex jiġu stabbiliti paċi u kooperazzjoni dejjiema bejn l-Indja u l-Pakistan, li jikkontribwixxu b'mod pożittiv għas-sigurtà u l-iżvilupp ekonomiku tar-reġjun; jissottolinjaw ir-responsabilità għall-bini tal-paċi li hija d-dmir taż-żewġ stati bħala potenzi nukleari;

v) jirrikonoxxu l-appoġġ fit-tul tal-Indja lill-Afganistan u l-impenn tagħha għall-isforzi ta' bini tal-paċi ċċentrati fuq in-nies u mmexxija lokalment; jaħdmu flimkien mal-Indja u ma' stati reġjonali oħra biex jippromwovu l-istabbilizzazzjoni, is-sigurtà, ir-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti u l-valuri demokratiċi, inklużi d-drittijiet tan-nisa, fil-pajjiż; itennu li Afganistan paċifiku u prosperu jkun ta' benefiċċju għar-reġjun usa';

w) jissottolinjaw li l-preservazzjoni tal-paċi, l-istabilità u l-libertà tan-navigazzjoni fir-reġjun Asja-Paċifiku tibqa' ta' importanza kritika għall-interessi tal-UE u tal-Istati Membri tagħha; iżidu l-impenn reċiproku biex jiġi żgurat li l-kummerċ fir-reġjun Indo-Paċifiku ma jiġix ostakolat; jinkoraġġixxu aktar qari komuni tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Dritt Marittimu, inkluż fir-rigward tal-libertà tan-navigazzjoni, u jintensifikaw il-kooperazzjoni fis-sigurtà marittima u missjonijiet konġunti ta' taħriġ fir-reġjun Indo-Paċifiku, sabiex jiġu ppreservati s-sigurtà u l-libertà tan-navigazzjoni tul il-linji marittimi ta' komunikazzjoni (SLOC); ifakkru li, b'mod partikolari f'kuntest ta' rivalità tal-poter reġjonali dejjem tikber, il-kooperazzjoni mal-pajjiżi tar-reġjun Indo-Paċifiku għandha ssegwi l-prinċipji ta' ftuħ, prosperità, inklużività, sostenibilità, trasparenza, reċiproċità u vijabilità; iniedu djalogu UE-Indja ta' livell għoli dwar il-kooperazzjoni marittima bil-għan li jitwessa' l-ambitu tal-konsultazzjonijiet attwali dwar il-ġlieda kontra l-piraterija u tiżdied l-interoperabilità u l-koordinazzjoni bejn l-Operazzjoni Atalanta tal-EUNAVFOR, iċ-Ċentru ta' Informazzjoni dwar il-Fużjoni tal-Indja għar-Reġjun tal-Oċean Indjan (IFC-IOR) u l-flotta navali Indjana fil-qasam tas-sorveljanza marittima, l-għajnuna f'każ ta' diżastru u t-taħriġ u l-eżerċizzji konġunti;

x) jinkoraġġixxu b'mod konġunt aktar djalogu bil-ħsieb tal-konklużjoni bikrija ta' kodiċi ta' kondotta fil-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar li ma jippreġudikax id-drittijiet leġittimi ta' kwalunkwe nazzjon f'konformità mad-dritt internazzjonali;

y) jieħdu nota bi tħassib tad-deterjorament tar-relazzjonijiet bejn l-Indja u r-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, inkluż minħabba l-politika espansiva tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u l-akkumulazzjoni militari sostanzjali; jappoġġaw ir-riżoluzzjoni paċifika tat-tilwim, djalogu kostruttiv u komprensiv u r-rispett għad-dritt internazzjonali fil-fruntiera bejn l-Indja u r-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina;

z) jirrikonoxxu l-impenn tal-Indja għall-aġenda dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà (WPS) permezz tal-kontribut tagħha għall-missjonijiet għaż-żamma tal-paċi; isaħħu l-impenn reċiproku tagħhom għall-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, inkluż l-iżvilupp ta' Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali b'allokazzjonijiet baġitarji adatti għal implimentazzjoni effettiva;

aa) jinkoraġġixxu impenn komuni għall-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjonijiet 2250, 2419 u 2535 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar iż-Żgħażagħ, il-Paċi u s-Sigurtà (YPS), inkluż permezz tal-iżvilupp ta' strateġiji u pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali tal-YPS b'allokazzjonijiet baġitarji xierqa u enfasi fuq il-prevenzjoni tal-konflitti; jinkoraġġixxu lill-Indja biex, flimkien mal-Istati Membri tal-UE, tinvesti fil-kapaċitajiet taż-żgħażagħ u biex tissieħeb ma' organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ fil-promozzjoni tad-djalogu u r-responsabilità; jesploraw modi ġodda biex iż-żgħażagħ jiġu inklużi fil-bini ta' paċi u sigurtà pożittivi;

Il-promozzjoni tal-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-governanza tajba

ab) iqiegħdu d-drittijiet tal-bniedem u l-valuri demokratiċi fil-qalba tal-impenn tal-UE mal-Indja, u b'hekk jippermettu djalogu kostruttiv u orjentat lejn ir-riżultati u fehim reċiproku iktar profond; jiżviluppaw, f'kollaborazzjoni mal-Indja, strateġija biex jiġu indirizzati kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw in-nisa, it-tfal, il-minoranzi etniċi u reliġjużi u l-libertà ta' reliġjon u twemmin, u biex jiġu indirizzati kwistjonijiet tal-istat tad-dritt bħall-ġlieda kontra l-korruzzjoni, kif ukoll ambjent ħieles u sikur għall-ġurnalisti indipendenti u s-soċjetà ċivili, inklużi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u biex il-kunsiderazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem jiġu integrati fis-sħubija UE-Indja usa';

ac) jesprimu tħassib serju dwar l-Att ta' Emenda dwar iċ-Ċittadinanza (CAA) tal-Indja, li, skont l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem, huwa fundamentalment diskriminatorju fin-natura tiegħu kontra l-Musulmani u joħloq firda b'mod perikoluż; jinkoraġġixxu lill-Indja tiggarantixxi d-dritt li wieħed jipprattika liberament u jxerred ir-reliġjon tal-għażla tiegħu, kif minqux fl-Artikolu 25 tal-Kostituzzjoni tagħha; jaħdmu biex jeliminaw u jiskoraġġixxu d-diskors ta' mibegħda li jinċita d-diskriminazzjoni jew il-vjolenza, li jwassal għal ambjent tossiku fejn l-intolleranza u l-vjolenza kontra minoranzi reliġjużi jistgħu jseħħu b'impunità; jikkondividu l-aħjar prattiki dwar it-taħriġ tal-forzi tal-pulizija fit-tolleranza u l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem; jirrikonoxxu r-rabta bejn il-liġijiet kontra l-konverżjoni u l-vjolenza kontra l-minoranzi reliġjużi, b'mod partikolari l-komunitajiet Insara u Musulmani;

ad) jinkoraġġixxu lill-Indja, bħala membru tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, taġixxi fuq ir-rakkomandazzjonijiet kollha tal-proċess tal-Eżami Perjodiku Universali tagħha, biex taċċetta u tiffaċilita ż-żjarat ta' u tikkoopera mill-qrib mar-rapporteurs speċjali tan-NU, inkluż ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-dritt għal-libertà ta' opinjoni u espressjoni, ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet għal-libertà ta' għaqda paċifika u ta' assoċjazzjoni u r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar l-eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji, fil-monitoraġġ tal-iżviluppi fi spazju ċiviku u d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, bħala parti mill-wiegħda tagħha li tkattar parteċipazzjoni ġenwina u involviment effettiv tas-soċjetà ċivili fil-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

ae) jindirizzaw is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-isfidi li tiffaċċja s-soċjetà ċivili, b'mod partikolari tħassib imqajjem mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u r-rapporteurs speċjali tan-NU, fid-djalogu tagħha mal-awtoritajiet Indjani, inkluż fil-livell ta' summit; jinkoraġġixxu lill-Indja, bħala l-akbar demokrazija fid-dinja, biex turi l-impenn tagħha li tirrispetta, tipproteġi u tinforza bis-sħiħ id-drittijiet garantiti kostituzzjonalment għal-libertà ta' espressjoni għal kulħadd, inkluż online, id-dritt għal għaqda paċifika u assoċjazzjoni, inkluż fir-rigward tal-aħħar protesti tal-bdiewa fuq skala kbira, u l-libertà ta' reliġjon u twemmin; jistiednu lill-Indja tiżgura ambjent sikur għall-ħidma u l-protezzjoni u l-garanzija tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-ambjentalisti, il-ġurnalisti u atturi oħra tas-soċjetà ċivili, ħielsa minn pressjoni politika jew ekonomika, u biex tieqaf tinvoka liġijiet kontra s-sedizzjoni u t-terroriżmu bħala mezz biex jiġu ristretti l-attivitajiet leġittimi tagħhom, inkluż f'Jammu u l-Kashmir, twaqqaf ir-restrizzjonijiet ġenerali tal-aċċess għall-internet, tirrevedi l-liġijiet sabiex jiġi evitat l-użu ħażin possibbli tagħhom biex isikktu d-dissens u temenda l-liġijiet li jrawmu d-diskriminazzjoni, u tiffaċilita l-aċċess għall-ġustizzja u tiżgura l-obbligu ta' rendikont għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jindirizzaw l-effetti dannużi tal-Att dwar ir-Regolamentazzjoni tal-Kontribuzzjonijiet Barranin (FCRA) fuq l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

af) jinkoraġġixxu lill-Indja tieħu passi ulterjuri biex tinvestiga u tipprevjeni l-vjolenza u d-diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru, u tippromwovi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa; jindirizzaw il-kwistjoni taż-żieda fil-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet fl-Indja billi jinkoraġġixxu investigazzjonijiet bir-reqqa ta' reati vjolenti kontra n-nisa u l-bniet, kif ukoll it-taħriġ ta' uffiċjali dwar it-trattament ta' trawmi fix-xogħol tal-pulizija u l-investigazzjonijiet, jinfurzaw mekkaniżmu ta' monitoraġġ effettiv biex jissorvelja l-implimentazzjoni ta' liġijiet li jittrattaw il-vjolenza sesswali kontra n-nisa u l-bniet, u jħaffu l-ipproċessar legali u jtejbu l-protezzjoni għall-vittmi;

ag) jindirizzaw il-kwistjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasti prevalenti u l-kwistjoni importanti tal-għoti tad-drittijiet skont l-Att dwar id-Drittijiet tal-Foresti lill-komunitajiet Adivasi;

ah) ifakkru fir-rifjut ta' prinċipju u fit-tul tal-UE tal-piena tal-mewt u jtennu t-talba tagħhom lill-Indja għal moratorju fuq il-piena tal-mewt bil-ħsieb tal-abolizzjoni permanenti tal-piena kapitali;

ai) jirrikonoxxu l-proċess fl-Indja tal-iżvilupp ta' pjan ta' azzjoni nazzjonali dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem sabiex jimplimentaw bis-sħiħ il-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, filwaqt li jfakkru fir-responsabilitajiet tal-kumpaniji kollha li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem fil-ktajjen tal-valur tagħhom, u jinkoraġġixxu kemm lill-UE kif ukoll lill-Indja biex jipparteċipaw b'mod attiv fin-negozjati li għaddejjin dwar trattat vinkolanti tan-NU għar-responsabilità korporattiva dwar id-drittijiet tal-bniedem;

aj) iħeġġu lill-Indja tirratifika l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura flimkien mal-Protokoll Fakultattiv tagħha, u l-Konvenzjoni tan-NU għall-Ħarsien tal-Persuni Kollha mill-Għajbien Sfurzat;

ak) jinkoraġġixxu lill-Indja tkompli tappoġġa l-isforzi tal-ġustizzja internazzjonali billi tiffirma l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI);

al) jinkoraġġixxu lill-Indja tkompli t-tradizzjoni tagħha li tagħti protezzjoni lill-persuni li qed jaħarbu mill-vjolenza u l-persekuzzjoni sakemm ikunu possibbli l-kundizzjonijiet għal ritorn sikur, dinjituż u volontarju, u biex tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex telimina r-riskji ta' apolidija għall-komunitajiet fl-Indja;

am) jerġgħu jiddikjaraw l-importanza tad-dħul mill-iktar fis possibbli fi Djalogu regolari dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-UE u l-Indja, f'konformità mal-impenn skont il-Pjan Direzzjonali UE-Indja, u f'konformità mal-intenzjoni kondiviża li jerġgħu jibdew il-laqgħat wara tmien snin mingħajr ma jkunu saru tali laqgħat, bħala opportunità importanti għaż-żewġ partijiet biex jiddiskutu u jsolvu l-kwistjonijiet li fadal dwar id-drittijiet tal-bniedem; jaġġornaw id-djalogu għal djalogu ta' livell ta' kwartieri ġenerali u jistinkaw biex jagħmlu dan permezz ta' parteċipazzjoni ta' livell għoli, l-istabbiliment ta' impenji konkreti, kriterji u parametri referenzjarji għall-progress, jiġu indirizzati każijiet individwali u jiġi ffaċilitat djalogu UE-Indja tas-soċjetà ċivili qabel id-djalogu intergovernattiv; jitolbu lis-SEAE jirrapporta regolarment lill-Parlament dwar ir-riżultati miksuba;

Il-kummerċ għas-sostenibilità u l-prosperità

an) ifakkru li l-kummerċ UE-Indja żdied b'aktar minn 70 % bejn l-2009 u l-2019 u li huwa fl-interess komuni li jitrawmu rabtiet ekonomiċi aktar mill-qrib; jirrikonoxxu li l-Indja hija alternattiva solida għal UE li tixtieq tiddiversifika l-ktajjen tal-provvista tagħha, u li l-UE hija l-akbar sieħeb kummerċjali tal-Indja fis-settur agroalimentari;

ao) jaħtfu l-opportunità offruta mil-Laqgħa tal-Mexxejja UE-Indja biex jindirizzaw b'mod miftuħ il-kooperazzjoni bbażata fuq il-valuri fl-ogħla livell fi kwistjonijiet ta' kummerċ u investiment; itennu r-rieda tal-UE li tikkunsidra t-tnedija ta' negozjati dwar ftehim awtonomu dwar il-protezzjoni tal-investiment, li jżid iċ-ċertezza tad-dritt għall-investituri fuq iż-żewġ naħat u jsaħħaħ aktar ir-relazzjonijiet kummerċjali bilaterali; jaħdmu lejn il-kisba ta' objettivi komuni u ta' benefiċċju reċiproku f'dawn l-oqsma li jistgħu jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku u l-innovazzjoni u li jikkonformaw mad-drittijiet tal-bniedem universali u jikkontribwixxu għalihom, inkluż id-drittijiet tax-xogħol, biex jippromwovu l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, u l-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tal-Aġenda 2030;

ap) jagħmlu l-aħjar użu mill-impenn tal-Indja favur il-multilateraliżmu u ordni kummerċjali internazzjonali bbażat fuq ir-regoli; jippromwovu r-rwol deċiżiv tal-Indja fl-isforzi li għaddejjin għar-riforma tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ;

aq) jevalwaw sa liema punt il-mandat ta' negozjar tal-Kummissjoni jeħtieġ li jiġi aġġornat jekk l-għan huwa li jiġi konkluż ftehim dwar il-kummerċ u l-kooperazzjoni li jkun jinkludi dispożizzjonijiet ambizzjużi dwar kapitolu infurzabbli dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli allinjati mal-Ftehim ta' Pariġi, kif ukoll dispożizzjonijiet xierqa rigward id-drittijiet u d-dmirijiet tal-investituri u d-drittijiet tal-bniedem; jiżguraw negozjati kostruttivi filwaqt li jibqgħu konxji dwar il-livelli differenti ta' ambizzjoni bejn iż-żewġ naħat; f'dan ir-rigward jużaw l-evoluzzjoni inkoraġġanti tal-pożizzjoni tal-awtoritajiet Indjani rigward ir-rieda tagħhom li jinkludu dispożizzjonijiet dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli fi ftehim futur;

Ir-reżiljenza permezz ta' sħubijiet settorjali

ar) jiffinalizzaw in-negozjati dwar sħubija ta' konnettività mal-Indja; jappoġġaw din is-sħubija b'mod partikolari permezz tal-għoti ta' self u garanziji għal investiment sostenibbli fi proġetti ta' infrastruttura diġitali u ekoloġika bilaterali u multilaterali fl-Indja, mill-entitajiet pubbliċi u privati tal-UE bħall-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u l-istrument ta' finanzjament estern il-ġdid, f'konformità mal-potenzjal deskritt fl-Istrateġija ta' Konnettività bejn l-UE u l-Asja; jesploraw sinerġiji bejn il-kooperazzjoni UE-Indja u dik mal-pajjiżi tal-Asja tan-Nofsinhar u l-koordinazzjoni ta' diversi strateġiji ta' konnettività;

as) jiżguraw li l-inizjattivi ta' konnettività jkunu bbażati fuq standards soċjali, ambjentali u fiskali u l-valuri tas-sostenibilità, it-trasparenza, l-inklużività, l-istat tad-dritt, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u r-reċiproċità, u jkunu konsistenti bis-sħiħ mal-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u l-istrumenti legali tagħha inkluż il-Ftehim ta' Pariġi;

at) jirrikonoxxu l-għarfien espert tal-Indja fil-ġestjoni tad-diżastri naturali; jintensifikaw il-kooperazzjoni mal-Indja fit-tisħiħ tal-istat ta' tħejjija tar-reġjun għad-diżastri naturali, inkluż permezz tas-sħubija fil-qafas tal-Koalizzjoni għal Infrastruttura Reżiljenti għad-Diżastri, sforz multilaterali biex jespandu r-riċerka u l-kondiviżjoni tal-għarfien fil-qasam tal-ġestjoni tar-riskju tal-infrastruttura;

au) isaħħu l-kooperazzjoni dwar il-mobilità sostenibbli permezz ta' miżuri konkreti bħall-iżvilupp ulterjuri tal-infrastrutturi tat-trasport bl-elettriku u l-investiment fi proġetti ferrovjarji; jenfasizzaw l-importanza vitali tal-ferroviji biex jittaffew il-konġestjoni u t-tniġġis f'żoni urbani kbar, jintlaħqu l-objettivi klimatiċi u tiġi żgurata r-reżiljenza tal-ktajjen tal-provvista vitali inkluż matul il-kriżijiet;

av) jappoġġaw aktar kooperazzjoni dwar l-isfidi maħluqa mill-urbanizzazzjoni rapida inkluż permezz tal-iskambju tal-għarfien u l-aħjar prattiki permezz ta' pjattaformi kondiviżi u kooperazzjoni bejn il-bliet, kooperazzjoni dwar it-teknoloġija tal-bliet intelliġenti, u appoġġ finanzjarju kontinwu għal proġetti fit-trasport urban fl-Indja permezz tal-BEI;

aw) ifakkru fir-rwol tal-Indja bħala manifattur ewlieni ta' farmaċewtiċi, mediċini ġeneriċi u vaċċini, b'mod partikolari fil-kuntest tal-kriżi globali tas-saħħa li għaddejja bħalissa; iħeġġu lill-impriżi konġunti jiżguraw aċċess universali għall-vaċċini kontra l-COVID-19; jitolbu tmexxija UE-Indja fil-promozzjoni tas-saħħa bħala ġid pubbliku globali, b'mod partikolari permezz tal-appoġġ għal inizjattivi multilaterali, inkluż il-COVAX, u jgħinu biex jiġi żgurat aċċess universali għall-vaċċini, b'mod partikolari fost il-pajjiżi bi dħul baxx, b'mod partikolari billi jaħdmu flimkien fil-fora internazzjonali rilevanti;

ax) jgħollu l-livell ta' ambizzjoni tal-kooperazzjoni bilaterali u multilaterali UE-Indja dwar it-tibdil fil-klima, b'mod partikolari billi jaċċelleraw it-tkabbir ekoloġiku u tranżizzjoni ġusta u sikura lejn enerġija nadifa, jilħqu n-newtralità klimatika, u jsaħħu l-ambizzjoni ta' kontributi determinati fil-livell nazzjonali; ikomplu t-tmexxija globali komuni b'appoġġ għall-Ftehim ta' Pariġi u jiffokaw fuq l-implimentazzjoni tal-aġendi dwar l-enerġija nadifa u rinnovabbli u dwar l-ekonomija ċirkolari;

ay) jaffermaw mill-ġdid impenn konġunt, bħala żewġ emittenti globali kbar ta' gassijiet serra, għal sforzi aktar koordinati lejn il-mitigazzjoni tal-effetti tat-tibdil fil-klima; jinnotaw it-tmexxija tal-Indja fl-enerġija rinnovabbli u l-progress li sar permezz tas-Sħubija UE-Indja dwar l-Enerġija Nadifa u l-Klima; jinkoraġġixxu l-investiment u l-kooperazzjoni biex ikomplu javvanzaw il-mobilità elettrika, it-tkessiħ sostenibbli, it-teknoloġija tal-batteriji tal-ġenerazzjoni li jmiss, il-ġenerazzjoni distribwita tal-elettriku, u t-tranżizzjoni ġusta fl-Indja; jibdew diskussjoni dwar u jevalwaw il-kooperazzjoni strateġika fil-qasam tal-elementi tal-materjali tal-art rari; jintensifikaw l-implimentazzjoni tas-sħubija għall-ġestjoni sostenibbli tal-ilma;

az) jippromwovu aġenda komuni ambizzjuża u azzjoni globali dwar il-bijodiversità, inkluż fit-tħejjija għall-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (COP 15) f'Mejju 2021;

ba) jistinkaw għal tmexxija konġunta fl-istabbiliment u l-avvanz ta' standards internazzjonali fl-ekonomija diġitali bbażati fuq diġitalizzazzjoni sostenibbli u responsabbli u ambjent tal-ICT ibbażat fuq l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, filwaqt li jiġi indirizzat it-theddid għaċ-ċibersigurtà u jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, inkluż il-protezzjoni tad-data personali;

bb) iżidu l-ambizzjonijiet tal-UE għall-konnettività diġitali mal-Indja fil-kuntest tal-istrateġija ta' trasformazzjoni diġitali tal-UE; jaħdmu flimkien mal-Indja fl-iżvilupp u l-użu ta' teknoloġiji kritiċi, filwaqt li jżommu f'moħħhom l-implikazzjonijiet strateġiċi u ta' sigurtà kbar li dawn it-teknoloġiji ġodda jġibu magħhom; jinvestu fi sħubija fis-servizzi diġitali u l-iżvilupp ta' intelliġenza artifiċjali responsabbli u bbażata fuq id-drittijiet tal-bniedem; jilqgħu l-isforzi tal-Indja lejn livell għoli ta' protezzjoni tad-data personali simili għall-GDPR u jkomplu jappoġġaw ir-riforma tal-protezzjoni tad-data fl-Indja; jenfasizzaw il-benefiċċji reċiproċi ta' kooperazzjoni intensifikata f'dan il-qasam; jinkoraġġixxu aktar konverġenza bejn l-oqfsa regolatorji biex jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni tad-data personali u l-privatezza, inkluż permezz ta' deċiżjonijiet possibbli dwar l-adegwatezza tad-data, bil-ħsieb li jiġu ffaċilitati flussi transfruntiera sikuri u siguri tad-data, li jippermettu kooperazzjoni aktar mill-qrib, speċjalment fis-settur tal-ICT u tas-servizzi diġitali; jinnotaw li l-allinjament tar-regolamentazzjoni tad-data Indjana u Ewropea jiffaċilita b'mod sinifikanti l-kooperazzjoni reċiproka, il-kummerċ u t-trażmissjoni sikura ta' informazzjoni u għarfien espert; jaħdmu biex jirreplikaw il-ftehimiet internazzjonali tal-UE dwar ir-roaming mobbli mal-Indja;

bc) jemmnu li l-iżvilupp tas-settur diġitali huwa ta' importanza kbira għas-sigurtà u għandu jinkludi d-diversifikazzjoni tal-katina tal-provvista tal-manifatturi tat-tagħmir, permezz tal-promozzjoni ta' arkitetturi tan-networks miftuħa u interoperabbli u sħubijiet għad-diġitalizzazzjoni, ma' sħab li jikkondividu l-valuri tal-UE u jużaw it-teknoloġija b'konformità mad-drittijiet fundamentali;

bd) jieħdu passi effettivi biex jiffaċilitaw il-mobilità UE-Indja, inkluż għall-migranti, l-istudenti, il-ħaddiema b'ħiliet għolja u l-artisti, filwaqt li titqies id-disponibilità tal-ħiliet u l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol fl-UE u fl-Indja; jirrikonoxxu l-ġabra konsiderevoli ta' talenti fl-oqsma tad-diġitalizzazzjoni u l-intelliġenza artifiċjali kemm fl-Indja kif ukoll fl-UE u l-interess komuni fl-iżvilupp ta' għarfien espert u kooperazzjoni ta' livell għoli f'dan il-qasam;

be) jikkunsidraw l-iskambji bejn il-persuni bħala waħda mid-dimensjonijiet ewlenin tas-sħubija strateġika; jappellaw għal sħubija aktar profonda fl-edukazzjoni pubblika, ir-riċerka u l-innovazzjoni, u l-iskambju kulturali; jistiednu lill-Istati Membri tal-UE u lill-Indja jinvestu speċjalment fil-kapaċitajiet u t-tmexxija taż-żgħażagħ u jiżguraw l-inklużjoni sinifikanti tagħhom fil-ħajja politika u ekonomika; jippromwovu l-parteċipazzjoni Indjana, b'mod partikolari dik ta' studenti u prattikanti żgħażagħ Indjani, fi programmi tal-UE bħal Orizzont Ewropa, il-Kunsill Ewropew tar-Riċerka, il-fellowship Marie Skłodowska-Curie u l-iskambji bejn il-persuni fl-edukazzjoni u l-kultura; jippromwovu, f'dan ir-rigward, il-programm Erasmus+ u jiżguraw l-inklużjoni ugwali ta' studenti, xjenzati, riċerkaturi u professjonisti nisa f'dawn il-programmi; ikomplu l-kooperazzjoni mill-qrib fir-riċerka u l-innovazzjoni, inklużi t-teknoloġiji diġitali ċċentrati fuq il-bniedem u bbażati fuq l-etika, filwaqt li jinkoraġġixxu t-tisħiħ tal-litteriżmu u l-ħiliet diġitali;

bf) jesploraw aktar il-possibilitajiet għal kollaborazzjoni komprensiva taħt il-qafas tal-G20 dwar l-impjiegi u l-politiki soċjali, bħall-protezzjoni soċjali, il-paga minima, il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, il-ħolqien ta' impjiegi deċenti, is-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol; jikkooperaw dwar il-qerda tat-tħaddim tat-tfal billi jappoġġaw l-applikazzjoni u l-monitoraġġ tar-rispett tal-Konvenzjonijiet 138 tal-ILO (il-Konvenzjoni dwar l-Età Minima) u 182 (il-Konvenzjoni dwar l-Agħar Forom tax-Xogħol tat-Tfal), ratifikati mill-Indja f'Ġunju 2017;

2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà.


ITTRA MILL-KUMITAT GĦALL-KUMMERĊ INTERNAZZJONALI

 

Is-Sur David McALLISTER

Kumitat għall-Affarijiet Barranin

Il-President

 

Suġġett: Kontribut tal-Kumitat INTA għal rakkomandazzjoni tal-Kumitat AFET skont l-Artikolu 118 dwar is-Summit UE-Indja li jmiss

 

 

Għażiż Sur McAllister,

Il-Kumitat AFET se jabbozza rakkomandazzjoni skont l-Artikolu 118 dwar is-Summit UE-Indja li jmiss, skedat għat-8 ta' Mejju. Kif nafu lkoll, dan is-Summit jirrappreżenta pass 'il quddiem importanti fir-relazzjonijiet tagħna ma' dan il-pajjiż, bħala segwitu għas-Summit ta' Lulju 2020 meta ġie adottat il-Pjan Direzzjonali 2025.

Il-kwistjonijiet kummerċjali jirrappreżentaw parti importanti minn din ir-relazzjoni strateġika, u l-istorja tar-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u l-Indja hija magħmula minn suċċessi u diżappunti. Għalhekk, dan is-Summit li ġej joffri opportunità reali għat-tnedija mill-ġdid, anke fuq skala modesta, tal-kooperazzjoni tagħna dwar l-ordni kummerċjali multilaterali u r-relazzjonijiet kummerċjali bilaterali.

Għal din ir-raġuni, il-koordinaturi tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali qablu dwar l-importanza li jiġi żgurat li d-dimensjoni kummerċjali tkun preżenti fir-rakkomandazzjoni li għandha tiġi adottata matul is-sessjoni plenarja parzjali ta' April. Minħabba l-limitu ta' żmien u d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 118 tar-Regoli ta' Proċedura, il-Koordinaturi qablu dwar proċedura ad hoc biex jingħata kontribut limitat mill-Kumitat INTA għall-abbozz ta' rakkomandazzjoni. Mehmuża għandek issib proposta għal formulazzjoni konkreta, adottata unanimament mill-Koordinaturi u li tista' tiġi inkluża mir-rapporteur tal-Kumitat AFET, is-Sa Alviina Alametsä, fl-abbozz ta' rakkomandazzjoni tagħha.

F'dawn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali u minħabba l-importanza tal-kwistjonijiet kummerċjali fir-relazzjonijiet ġenerali tal-UE ma' dan is-sieħeb strateġiku, nittama li dan il-kontribut jista' jiġi kkunsidrat kif xieraq, f'konformità mar-relazzjonijiet ta' ħidma eċċellenti u l-fiduċja reċiproka bejn il-kumitati tagħna.

 

Dejjem tiegħek,

 

Bernd LANGE

 

Cc:  Alviina ALAMETSÄ, Rapporteur tal-Kumitat AFET

Anness:   Il-kontribut tal-Kumitat INTA f'forma ta' ittra

 

 

Il-proposta tal-Kumitat INTA għal kontribut dwar kwistjonijiet kummerċjali għar-rakkomandazzjoni tal-Kumitat AFET skont l-Artikolu 118 fit-tħejjija għas-Summit UE-Indja ta' Mejju 2021

 

1. Jinħataf il-momentum li jirrappreżenta s-Summit UE-Indja, bħala opportunità ċara biex jiġu indirizzati b'mod miftuħ il-kooperazzjoni bbażata fuq il-valuri fl-ogħla livell inklużi kwistjonijiet ta' kummerċ, investiment u żvilupp sostenibbli, u ssir ħidma lejn il-kisba ta' objettivi komuni mirfuda mir-rispett għad-drittijiet universali tal-bniedem u għall-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli;

 

2. Jitqies il-kuntest ġeopolitiku ġenerali tar-relazzjonijiet UE-Indja, u b'mod partikolari d-dimensjoni kummerċjali tagħhom; isir l-aħjar użu mill-impenn tal-Indja għall-multilateraliżmu u għal ordni ta' kummerċ ibbażat fuq ir-regoli maqbul internazzjonalment, u jiġi promoss ir-rwol deċiżiv tal-Indja fl-isforzi li għaddejjin għar-riforma tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ; tiġi żgurata l-kooperazzjoni mal-Indja bħala sieħeb kruċjali f'dan ir-rigward;

 

3. Jitqies it-tħassib Indjan preċedenti rigward l-arranġamenti tal-UE għall-protezzjoni tal-investiment u għalhekk jitqies it-titjib li sar fl-ambitu tas-Sistema ta' Qorti tal-Investiment tal-UE f'dawn l-aħħar snin bħala pass 'il quddiem lejn Qorti Multilaterali tal-Investiment; jiġi affermat mill-ġdid li ftehim ta' protezzjoni tal-investiment jista' jkun pass 'il quddiem adegwat għat-tisħiħ ulterjuri tar-relazzjonijiet kummerċjali bilaterali, u l-Kummissjoni tiġi mistiedna tevalwa sa liema punt il-mandat ta' negozjar u l-valutazzjoni tal-impatt sostenibbli tagħha jeħtieġ li jiġu aġġornati kif xieraq; jiġi żgurat li kwalunkwe ftehim ikun fih l-inklużjoni ta' kapitolu infurzabbli dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli; titkompla l-ħidma fuq l-ewwel laqgħa tad-Djalogu UE-Indja ta' Livell Għoli dwar l-Investiment Kummerċjali fil-5 ta' Frar 2021; jinżamm bħala wieħed mill-objettivi tal-UE l-aġġornament tal-mandat għal negozjati kostruttivi dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Kummerċ u Kooperazzjoni mal-Indja, filwaqt li tinżamm kawtela dwar il-livelli differenti ta' ambizzjonijiet bejn iż-żewġ naħat; għalhekk isir l-aħjar użu mid-djalogu kostruttiv dwar il-konklużjoni ta' Ftehim ta' Kummerċ Ħieles komprensiv bħala għan aħħari, u titħeġġeġ f'dan ir-rigward il-bidla fil-pożizzjoni tal-awtoritajiet Indjani dwar inizjattivi li jtejbu l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi dwar il-klima u r-rieda tagħhom li jinkludu dispożizzjonijiet dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli fi ftehim futur;


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

13.4.2021

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

61

6

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Alviina Alametsä, Alexander Alexandrov Yordanov, Maria Arena, Petras Auštrevičius, Traian Băsescu, Lars Patrick Berg, Anna Bonfrisco, Reinhard Bütikofer, Fabio Massimo Castaldo, Susanna Ceccardi, Włodzimierz Cimoszewicz, Katalin Cseh, Tanja Fajon, Anna Fotyga, Michael Gahler, Giorgos Georgiou, Sunčana Glavak, Raphaël Glucksmann, Klemen Grošelj, Bernard Guetta, Márton Gyöngyösi, Andrzej Halicki, Sandra Kalniete, Karol Karski, Dietmar Köster, Stelios Kouloglou, Andrius Kubilius, Ilhan Kyuchyuk, David Lega, Miriam Lexmann, Nathalie Loiseau, Antonio López-Istúriz White, Jaak Madison, Claudiu Manda, Thierry Mariani, David McAllister, Vangelis Meimarakis, Sven Mikser, Francisco José Millán Mon, Gheorghe-Vlad Nistor, Urmas Paet, Demetris Papadakis, Kostas Papadakis, Tonino Picula, Manu Pineda, Giuliano Pisapia, Jérôme Rivière, María Soraya Rodríguez Ramos, Nacho Sánchez Amor, Isabel Santos, Jacek Saryusz-Wolski, Andreas Schieder, Radosław Sikorski, Jordi Solé, Sergei Stanishev, Tineke Strik, Hermann Tertsch, Hilde Vautmans, Harald Vilimsky, Viola Von Cramon-Taubadel, Thomas Waitz, Witold Jan Waszczykowski, Isabel Wiseler-Lima, Salima Yenbou

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Malik Azmani, Katarina Barley, Vladimír Bilčík, Andrey Kovatchev, Bert-Jan Ruissen, Christian Sagartz, Mick Wallace

 


 

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

61

+

ECR

Anna Fotyga, Karol Karski, Bert-Jan Ruissen, Jacek Saryusz-Wolski, Hermann Tertsch, Witold Jan Waszczykowski

ID

Anna Bonfrisco, Susanna Ceccardi

NI

Fabio Massimo Castaldo, Márton Gyöngyösi

PPE

Alexander Alexandrov Yordanov, Vladimír Bilčík, Traian Băsescu, Michael Gahler, Sunčana Glavak, Andrzej Halicki, Sandra Kalniete, Andrey Kovatchev, Andrius Kubilius, David Lega, Miriam Lexmann, Antonio López-Istúriz White, David McAllister, Vangelis Meimarakis, Francisco José Millán Mon, Gheorghe-Vlad Nistor, Christian Sagartz, Radosław Sikorski, Isabel Wiseler-Lima

Renew

Petras Auštrevičius, Malik Azmani, Katalin Cseh, Klemen Grošelj, Bernard Guetta, Ilhan Kyuchyuk, Nathalie Loiseau, Urmas Paet, María Soraya Rodríguez Ramos, Hilde Vautmans

S&D

Maria Arena, Katarina Barley, Włodzimierz Cimoszewicz, Tanja Fajon, Raphaël Glucksmann, Dietmar Köster, Claudiu Manda, Sven Mikser, Demetris Papadakis, Tonino Picula, Giuliano Pisapia, Isabel Santos, Andreas Schieder, Sergei Stanishev, Nacho Sánchez Amor

Verts/ALE

Alviina Alametsä, Reinhard Bütikofer, Jordi Solé, Tineke Strik, Viola Von Cramon-Taubadel, Thomas Waitz, Salima Yenbou

 

6

-

ID

Lars Patrick Berg

NI

Kostas Papadakis

The Left

Giorgos Georgiou, Stelios Kouloglou, Manu Pineda, Mick Wallace

 

4

0

ID

Jaak Madison, Thierry Mariani, Jérôme Rivière, Harald Vilimsky

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

 

Aġġornata l-aħħar: 23 ta' April 2021
Avviż legali - Politika tal-privatezza