RAPPORT dwar ir-Rapporti tal-Kummissjoni 2019-2020 dwar il-Montenegro

20.4.2021 - (2019/2173(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteur: Tonino Picula


Proċedura : 2019/2173(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A9-0131/2021
Testi mressqa :
A9-0131/2021
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-Rapporti tal-Kummissjoni 2019-2020 dwar il-Montenegro

(2019/2173(INI))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Montenegro, min-naħa l-oħra[1], li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Mejju 2010,

 wara li kkunsidra l-applikazzjoni tal-Montenegro għall-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea tal-15 ta' Diċembru 2008,

 wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Novembru 2010 dwar l-applikazzjoni tal-Montenegro biex jissieħeb fl-Unjoni Ewropea (COM(2010)0670), id-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tas-16 u s-17 ta' Diċembru 2010 biex jingħata status ta' pajjiż kandidat lill-Montenegro u d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tad-29 ta' Ġunju 2012 biex jinfetħu n-negozjati ta' adeżjoni mal-Montenegro,

 wara li kkunsidra l-adeżjoni tal-Montenegro man-NATO fil-5 ta' Ġunju 2017,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew f'Salonka fid-19 u l-20 ta' Ġunju 2003,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Sofija tas-summit UE-Balkani tal-Punent tas-17 ta' Mejju 2018 u l-aġenda ta' prijoritajiet ta' Sofija annessa magħha,

 wara li kkunsidra l-Proċess ta' Berlin varat fit-28 ta' Awwissu 2014,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Novembru 2018 dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni tal-2018 dwar il-Montenegro[2],

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet adottati fit-18-il laqgħa tal-Kumitat Parlamentari ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni UE-Montenegro li saret f'Podgorica fil-25 u s-26 ta' Frar 2020,

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Frar 2020 bit-titolu "It-titjib tal-proċess tal-adeżjoni – Perspettiva kredibbli tal-UE għall-Balkani tal-Punent" (COM(2020)0057),

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Mejju 2019 bit-titolu "Komunikazzjoni dwar il-Politika tat-Tkabbir tal-UE 2019" (COM(2019)0260), akkumpanjata mid-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni bit-titolu "Montenegro 2019 Report" (Rapport 2019 dwar il-Montenegro) (SWD(2019)0217),

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ottubru 2020 bit-titolu "Komunikazzjoni tal-2020 dwar il-politika tat-tkabbir tal-UE" (COM(2020)0660), akkumpanjata mid-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni bit-titolu "Montenegro 2020 Report" (Rapport 2020 dwar il-Montenegro) (SWD(2019)0353),

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ottubru 2020 bit-titolu "Pjan Ekonomiku u ta' Investiment għall-Balkani tal-Punent" (COM(2020)0641),

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta mill-Kummissjoni u mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, tat-8 ta' April 2020, bit-titolu "Komunikazzjoni dwar ir-rispons globali tal-UE għall-COVID-19" (JOIN(2020)0011),

 wara li kkunsidra l-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' April 2020 dwar il-Programm ta' Riforma Ekonomika tal-Montenegro 2020-2022 (SWD(2020)0066) u l-konklużjonijiet konġunti tad-Djalogu Ekonomiku u Finanzjarju bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent u t-Turkija, adottati mill-Kunsill fid-19 ta' Mejju 2020,

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' April 2020 bit-titolu "Appoġġ lill-Balkani tal-Punent fil-ġlieda kontra l-COVID-19 u l-irkupru wara l-pandemija" (COM(2020)0315),

 wara li kkunsidra l-ħames laqgħa tal-Konferenza mal-Montenegro dwar l-Adeżjoni fil-livell tad-deputati tat-30 ta' Ġunju 2020 fi Brussell, li fiha nfetħu n-negozjati dwar l-aħħar kapitolu taħt eżami analitiku, il-Kapitolu 8 "politika tal-kompetizzjoni",

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-pajjiż,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-konstatazzjonijiet preliminari u tal-konklużjonijiet, maħruġa fit-30 ta' Awwissu 2020, tal-missjoni internazzjonali ta' osservazzjoni elettorali tal-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) tal-OSKE, dwar l-elezzjonijiet parlamentari tal-11 ta' Diċembru 2020 fil-Montenegro,

 wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2020 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà fil-Balkani tal-Punent, wara s-Summit 2020[3],

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew – is-Summit tal-Presidenti tal-Parlamenti tal-Balkani tal-Punent tat-28 ta' Jannar 2020, konvokat mill-President tal-Parlament Ewropew mal-mexxejja tal-parlamenti tal-Balkani tal-Punent,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Zagreb miftiehma waqt is-summit UE-Balkani tal-Punent li sar permezz ta' vidjokonferenza fis-6 ta' Mejju 2020,

 wara li kkunsidra s-summits UE-Balkani tal-Punent fil-qafas tal-Proċess ta' Berlin tal-5 ta' Lulju 2019 f'Poznań u tal-10 ta' Novembru 2020 f'Sofija,

 wara li kkunsidra t-tieni rapport ta' monitoraġġ għal kull pajjiż tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Montenegro (il-ħames ċiklu ta' monitoraġġ) kontra r-Razziżmu u l-Intolleranza, ippubblikat f'Settembru 2017, u l-konklużjonijiet dwar il-Montenegro fir-rigward tal-istat tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-2017, ippubblikati f'Ġunju 2020,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tas-Sħab tal-Balkani tal-Punent dwar l-Integrazzjoni tar-Rom fil-Proċess tat-Tkabbir tal-UE tal-5 ta' Lulju 2019 u l-Istrateġija għall-Inklużjoni Soċjali tar-Rom u tal-Eġizzjani fil-Montenegro 2016-2020;

 wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tagħha,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0131/2021),

A. billi kull pajjiż tat-tkabbir huwa valutat individwalment fuq il-merti tiegħu stess, u huma r-rapidità u l-kwalità tar-riformi li jiddeterminaw il-kalendarju tal-adeżjoni;

B. billi, skont l-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, kwalunkwe pajjiż Ewropew jista' japplika biex isir membru tal-Unjoni, dment li jaderixxi mal-kriterji ta' Copenhagen kollha, inkluż ir-rispett u l-protezzjoni tal-minoranzi;

C. billi d-demokrazija u l-istat tad-dritt huma valuri fundamentali li fuqhom hija msejsa l-UE u jinsabu fil-qalba tal-proċess tat-tkabbir u tal-proċess ta' stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni; billi r-riformi huma meħtieġa biex jiġu indirizzati l-isfidi li jibqgħu f'dawn l-oqsma;

D. billi attwalment il-Montenegro huwa dak li għamel l-aktar progress fil-proċess tan-negozjati tiegħu, billi fetaħ it-33 kapitolu kollha taħt eżami analitiku tal-acquis tal-UE u għalaq proviżorjament in-negozjati dwar tlieta;

E. billi l-Montenegro baqa' jikseb riżultati tajbin f'termini ta' implimentazzjoni tal-obbligi tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni;

F. billi l-elezzjonijiet parlamentari tat-30 ta' Awwissu 2020 wasslu għall-ewwel tranżizzjoni ta' poter f'kuntest demokratiku fil-pajjiż minn mindu ddaħħlet is-sistema pluripartitika; billi din it-tranżizzjoni ta' poter saret b'mod ordnat;

G. billi l-gvern preċedenti rrikonoxxa r-riżultati tal-elezzjoni u t-tranżizzjoni ta' poter, b'hekk ikkonferma l-livell ta' maturità demokratika u l-progress li laħaq il-Montenegro;

H billi l-Unjoni Ewropea hija l-akbar sieħeb kummerċjali tal-Montenegro, peress li tirrappreżenta 37 % tal-esportazzjonijiet totali u 47 % tal-importazzjonijiet totali ta' merkanzija, b'volum tan-negozju li ammonta għal EUR 1,38 biljun fl-2019;

I. billi l-UE hija l-akbar fornitur ta' assistenza finanzjarja lill-Montenegro u billi l-Montenegro bbenefika minn assistenza ta' qabel l-adeżjoni għal total ta' EUR 504,9 miljun fl-ambitu tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA) bejn l-2007 u l-2020;

J. billi l-UE mobilizzat EUR 38 miljun f'appoġġ immedjat favur il-Balkani tal-Punent biex jindirizzaw l-emerġenza tas-saħħa kkawżata mill-COVID-19;

K. billi l-UE qablet dwar ir-riallokazzjoni ta' EUR 374 miljun mill-IPA biex tgħin ittaffi l-impatt soċjoekonomiku tal-COVID-19 fir-reġjun tal-Balkani tal-Punent; billi l-Kummissjoni u l-Montenegro qablu dwar ammont ta' EUR 53 miljun;

L. billi l-pakkett ta' miżuri ta' assistenza makrofinanzjarja b'valur ta' EUR 60 miljun ġie offrut ukoll lill-Montenegro u billi EUR 804 miljun ġew fornuti permezz ta' self tal-Bank Ewropew tal-Investiment mill-1999;

M. billi l-Kummissjoni adottat pakkett ta' EUR 70 miljun fl-ambitu tal-IPA II biex tgħin fil-finanzjament tal-aċċess tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent għall-vaċċini kontra l-COVID-19 akkwistati mill-Istati Membri tal-UE; billi f'Ottubru 2020 il-Montenegro ffirma ftehim fl-ambitu tal-inizjattiva COVAX biex jirċievi 248 800 doża ta' dawn il-vaċċini;

N. billi r-Rom u l-Eġizzjani kienu dawk li b'mod partikolari ntlaqtu mill-pandemija tal-COVID-19, peress li għadhom vittmi ta' preġudizzji radikati fil-fond fil-kuntest kemm soċjali kif ukoll professjonali;

Impenn favur it-tkabbir

1. Jilqa' pożittivament l-impenn kontinwu min-naħa tal-Montenegro fil-proċess ta' integrazzjoni fl-UE u fil-progress ġenerali tiegħu;

2. Jisħaq fuq l-importanza tal-implimentazzjoni rapida tal-metodoloġija tat-tkabbir riveduta, abbażi ta' raggruppamenti tematiċi tal-kapitoli għan-negozjati u tal-introduzzjoni gradwali tal-politiki u tal-programmi individwali tal-UE, bil-għan li jitħaffef il-proċess tan-negozjati ġenerali u jiġu offruti inċentivi ċari u tanġibbli li jinteressaw direttament liċ-ċittadini tal-Montenegro;

3. Jilqa' b'sodisfazzjon il-ftuħ tal-Kapitolu 8 (politika tal-kompetizzjoni) kif ukoll id-deċiżjoni tal-Montenegro li jaċċetta l-prinċipji tal-metodoloġija tat-tkabbir riveduta; jistieden b'mod partikolari lill-Montenegro jirrispetta l-parametri ta' riferiment proviżorji għall-Kapitoli 23 u 24, li jikkostitwixxu l-objettiv intermedju li jmiss, u jsostni bil-qawwa l-għeluq tal-kapitolu dwar l-adeżjoni peress li l-Montenegro jwettaq u jimplimenta riformi dwar il-parametri ta' riferiment meħtieġa; ifakkar li huma tlieta l-kapitoli li ngħalqu proviżorjament minn mindu nfetaħ l-ewwel kapitolu f'Diċembru 2012, u jinkoraġġixxi lill-Montenegro jagħmel enfasi ċara fuq il-ħidma biex jiġu indirizzati l-parametri ta' riferiment għall-għeluq fil-kapitoli kollha l-oħra;

4. Jilqa' pożittivament il-fatt li l-elezzjonijiet tat-30 ta' Awwissu 2020 wasslu għall-ewwel tranżizzjoni ta' poter minn mindu ddaħħlet is-sistema pluripartitika, fir-rispett sħiħ tal-istandards demokratiċi u tal-kostituzzjoni tal-Montenegro, kif ukoll il-fatt li, skont l-OSKE/ODIHR, l-elezzjonijiet tmexxew b'mod effiċjenti, kompetittiv u trasparenti; josserva pożittivament li r-riżultati tal-elezzjoni ma ġewx ikkontestati u li l-parlamentari eletti kollha ssuktaw effettivament xogħolhom; jesprimi tħassib dwar ir-rapporti dwar influwenza esterna fil-proċess elettorali;

5. Japprezza l-fatt li fl-ewwel ġurnata ta' xogħol tiegħu, il-Gvern Montenegrin li kien għadu kemm ġie ffurmat kellu skambju ta' fehmiet mal-Membri tal-Parlament Ewropew u ma' uffiċjali tal-UE kif ukoll l-impenn espliċitu tal-gvern biex ikompli jimmira lejn l-integrazzjoni mal-UE, jissodisfa l-istandards neċessarji għall-progress tal-pajjiż fi triqtu lejn l-UE u jsaħħaħ l-alleanza trans-Atlantika;

6. Jenfasizza li huwa essenzjali li ma jitħassrux ir-riżultati li nkisbu qabel fil-proċess ta' riforma u jinkoraġġixxi lill-gvern il-ġdid juża l-mandat tiegħu biex jaċċelera r-riformi relatati mal-UE kif ukoll in-negozjati ta' adeżjoni; josserva li, biex il-Montenegro jagħmel progress fi triqtu lejn l-UE, huma neċessarji djalogu miftuħ u kostruttiv bejn il-partijiet politiċi u soċjali kollha kkonċernati u ftehim dwar il-kwistjonijiet ewlenin rigward il-progress ġenerali tal-pajjiż;

7. Jisħaq fuq il-bżonn ta' koabitazzjoni kostruttiva u ta' kooperazzjoni bejn il-president, il-gvern il-ġdid u l-parlament (Skupština) il-ġdid, bil-għan li jitqawwa l-progress tal-Montenegro fi triqtu lejn l-UE u jissaħħaħ aktar il-progress demokratiku tal-pajjiż; jistieden lill-partiti kollha jirrispettaw il-prinċipji demokratiċi u kostituzzjonali;

8. Jilqa' b'sodisfazzjon l-istħarriġiet reċenti tal-opinjoni pubblika, li juru li numru dejjem akbar ta' ċittadini Montenegrini (76,6%) hu favur l-adeżjoni futura tal-pajjiż mal-UE, u dan jirrappreżenta messaġġ ċar lill-gvern il-ġdid li n-nies iridu riformi abbażi tal-valuri Ewropej; josserva li din hija fost l-ogħla rati ta' appoġġ pubbliku għall-UE fir-reġjun; jilqa' pożittivament, f'dan il-kuntest, il-fatt li l-Kummissjoni tat impuls ġdid lit-tkabbir fl-2020 bi strateġija ġdida għall-Balkani tal-Punent u l-Pjan Ekonomiku u ta' Investiment;

9. Ifaħħar il-progress li għamel il-Montenegro f'diversi setturi tan-negozjati ta' adeżjoni, fosthom il-kooperazzjoni internazzjonali tal-pulizija u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata (inklużi t-traffikar tal-bnedmin u tad-drogi; jistieden lill-awtoritajiet jaċċeleraw ir-riformi politiċi u ekonomiċi, b'mod partikolari dawk marbuta mal-istat tad-dritt u mad-drittijiet fundamentali, mal-ġudikatura, mal-libertà tal-mezzi ta' informazzjoni u mal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, li fihom għandu jsir progress sinifikanti ulterjuri;

10. Jappella għall-parteċipazzjoni attiva u għall-inklużjoni xierqa tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, inklużi s-soċjetà ċivili u ż-żgħażagħ, fil-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa u biex jitqies il-kontribut tagħhom, peress li impenjaw ruħhom li jsiru fil-futur Stati Membri tal-Unjoni;

11. Jitlob li jinħolqu opportunitajiet ġodda ta' djalogu politiku u strateġiku ta' livell għoli mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, permezz ta' summits regolari UE-Balkani tal-Punent u kuntatti ministerjali u parlamentari intensifikati, sabiex tissaħħaħ il-kredibbiltà politika tal-proċess tat-tkabbir u jiġu żgurati tmexxija aktar b'saħħitha u impenn ta' livell għoli, kif mitlub ukoll mill-metodoloġija tat-tkabbir riveduta;

12. Ifakkar li huwa fl-interess tal-gvern li jiżguraw rappreżentanza adegwata barra mill-pajjiż; jirreferi, f'dan ir-rigward, għall-ħatra pendenti tal-Kap tal-Missjoni tal-Montenegro għall-UE;

Demokrazija u stat tad-dritt

13. Jieħu nota tal-konstatazzjonijiet u tal-konklużjonijiet tal-osservaturi internazzjonali tal-ODIHR tal-OSKE, u jistieden lill-awtoritajiet jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet tagħhom bis-sħiħ u fi żmien debitu qabel l-elezzjonijiet nazzjonali li jmiss; jilqa' pożittivament l-adozzjoni, min-naħa tal-gvern, ta' deċiżjoni dwar il-ħolqien tal-Kunsill għall-Kontroll tar-Reġistru Elettorali; josserva li f'Diċembru 2020 il-Parlament Montenegrin (Skupština) adotta deċiżjoni dwar il-ħolqien ta' Kumitat għar-Riforma Elettorali Komprensiva u jistenna li dan jibda jopera mill-aktar fis possibbli;

14. Jinkoraġġixxi lill-Montenegro jorganizza simultanjament l-elezzjonijiet lokali fil-pajjiż kollu biex tinġieb aktar stabbiltà lid-demokrazija, tiġi evitata l-propaganda kontinwa u tittaffa t-tensjoni fil-klima politika; jesprimi d-diżappunt tiegħu għall-fatt li, minkejja qbil bejn il-partiti biex jiġu organizzati l-elezzjonijiet lokali fl-istess ġurnata, il-qafas ġuridiku għadu ma jindirizzax biżżejjed din il-kwistjoni; ifakkar li hija meħtieġa maġġoranza ta' żewġ terzi biex tiġi emendata l-Liġi dwar l-Elezzjoni tal-Kunsillieri u tal-Parlamentari, li tirrikjedi kunsens wiesa' tal-partiti parlamentari;

15. Jitlob lill-forzi politiċi fil-Parlament tal-Montenegro (Skupština) li għadu kemm ġie elett jidħlu fi djalogu kostruttiv, sinifikattiv u inklużiv fil-parlament, inkwantu dan huwa ċ-ċavetta għal demokrazija parlamentari ta' suċċess; jilqa' pożittivament id-deċiżjoni tal-oppożizzjoni biex ma tibbojkottjax ix-xogħlijiet tal-Parlament Montenegrin (Skupština) u jtenni l-fatt li demokrazija parlamentari funzjonanti tissejjes fuq il-parteċipazzjoni kemm tal-gvern kif ukoll tal-oppożizzjoni fil-proċess deċiżjonali parlamentari; jissottolinja l-fatt li huwa fundamentali li jkun hemm kunsens wiesa' kemm tal-maġġoranza fil-gvern kif ukoll tal-oppożizzjoni biex isir progress fit-triq tal-adeżjoni mal-UE u fir-riformi; jitlob li jittieħdu miżuri mmirati biex itejbu d-djalogu u l-fiduċja fl-ispettru politiku kollu;

16. Jilqa' favorevolment il-ħatriet ta' dan l-aħħar fid-Delegazzjoni tal-Montenegro fil-Kumitat Parlamentari ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni UE-Montenegro u l-kompletament tad-delegazzjoni tal-Montenegro f'dan il-Kumitat; jitlob li jissuktaw ix-xogħlijiet tal-Kumitat Parlamentari ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni mill-aktar fis possibbli;

17. Jilqa' b'sodisfazzjon il-miżuri mmirati biex itejbu r-rwol ta' superviżjoni tal-Parlament Montenegrin (Skupština) u t-trasparenza u l-ftuħ tiegħu fil-konfront taċ-ċittadini u tas-soċjetà ċivili; jistieden lill-Parlament Montenegrin (Skupština) li għadu kemm ġie elett jiżgura djalogu politiku inklużiv fi ħdan il-parlament kif ukoll jitlob li s-soċjetà ċivili jkollha rwol aktar b'saħħtu;

18. Itenni l-importanza li titħaffef il-ħidma dwar l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta' azzjoni għall-Kapitoli 23 u 24 u ta' dokumenti strateġiċi oħra relatati mal-istat tad-dritt u mad-drittijiet fundamentali, b'mod partikolari permezz ta' djalogu effikaċi bejn il-partiti mmirat biex jiżgura l-maġġoranza kwalifikata meħtieġa għall-ħatriet importanti fil-ġudikatura u fl-awtorità ta' prosekuzzjoni, kif ukoll isiru konsultazzjonijiet pubbliċi u ta' esperti fir-rigward tal-bidliet fil-leġiżlazzjoni ewlenija; jesprimi tħassib għall-fatt li l-grupp ta' ħidma dwar il-Kapitolu 24 ma ltaqax is-sena l-oħra;

19. Jinsab imħasseb dwar l-iżviluppi reċenti fir-rigward tal-Prosekutur Speċjali għall-Kriminalità Organizzata u l-Korruzzjoni kif ukoll tal-modifiki li huma ppjanati fil-kompożizzjoni tal-Kunsill ta' Prosekuzzjoni; jistieden lill-Gvern Montenegrin jemenda l-atti leġiżlattivi kruċjali, inklużi l-emendi proposti għal-Liġi dwar l-Uffiċċju tal-Prosekutur u għal-Liġi dwar l-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjali, bi qbil man-normi demokratiċi u mal-prassi Ewropea konsolidata, u jagħti segwitu lill-opinjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja f'dan ir-rigward; jenfasizza li l-funzjonament indipendenti u l-integrità tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjali huma fundamentali għall-progress tal-Montenegro fil-qasam tal-istat tad-dritt;

20. Jiddispjaċih bil-progress limitat fil-ġudikatura, u jistieden lill-awtoritajiet Montenegrini jindirizzaw b'urġenza l-isfidi li fadal fir-rigward tal-indipendenza, tal-professjonalità, tal-effiċjenza u tar-responsabbiltà tal-ġudikatura permezz tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ u bi qbil mar-rakkomandazzjonijiet ifformulati mill-Grupp ta' Stati kontra l-Korruzzjoni (GRECO) u mill-Kummissjoni ta' Venezja; jisħaq fuq il-fatt li l-Montenegro jeħtieġ jagħmel aktar progress fir-riformi dwar l-istat tad-dritt, anki biex imexxi 'l quddiem u mhux lura l-implimentazzjoni tar-riforma ġudizzjarja bi qbil man-normi u mal-prassi demokratiċi tajba; itenni li, fid-dawl tar-riżultat tar-riformi li diġà għamel, il-Montenegro għandu l-organi u l-mekkaniżmi stabbiliti biex jiżgura l-indipendenza u r-responsabbiltà tal-ġudikatura u tal-awtorità ta' prosekuzzjoni; jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet jużaw regolarment dawn il-mekkaniżmi u jibbażaw ruħhom fuq il-ħidma li saret biex jipproduċu riżultati ulterjuri u jtejbu r-riżultati li nkisbu fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata;

21. Jesprimi tħassib kbir dwar l-interpretazzjoni tal-kostituzzjoni li ta l-Kunsill Ġudizzjarju, li tiġġustifika l-ħatra illeġittima mill-ġdid tal-presidenti tal-qrati għal aktar minn żewġ mandati; Jieħu nota li l-President tal-Qorti Suprema u l-presidenti tal-qrati ta' bażi ta' Bar, Kotor u Plav irriżenjaw wara l-appelli li saru biex l-imħallfin b'aktar minn mandat wieħed jirriżenjaw, u dan huwa konformi mal-istandards demokratiċi u mal-prattiki tajba Ewropej;

22. Jilqa' pożittivament il-fatt li sar xi progress fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, b'mod partikolari fir-rigward tal-kapaċità aħjar u tal-professjonalità tal-pulizija; jinkoraġġixxi lill-Montenegro jkompli l-isforzi tiegħu f'dan il-qasam, b'mod partikolari billi jiġġieled kontra x-xbieki kriminali li joperaw fil-livell internazzjonali, b'enfasi partikolari fuq il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, it-traffikar ta' bnedmin, drogi u armi, kif ukoll kontra l-logħob tal-azzard illegali u l-kuntrabandu ta' sigaretti, u jimmonitorja r-rabtiet tagħhom mal-politiċi u mal-uffiċjali tal-pulizija fil-livell lokali;

23. Jissottolinja l-fatt li għad hemm nuqqasijiet sistemiċi fis-sistema tal-ġustizzja kriminali u jeħtieġ li jiġu indirizzati bi prijorità; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jieħdu miżuri konkreti biex jillimitaw l-użu tal-patteġġjament għal każijiet eċċezzjonali biex jiżdiedu it-trasparenza u l-kredibbiltà tar-risposta ġudizzjarja għall-kriminalità organizzata;

24. Jinsab imħasseb bis-serjetà dwar il-progress limitat li sar fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u jistieden lill-istituzzjonijiet responsabbli jtejbu konsiderevolment ir-riżultati tal-pajjiż fil-konfiska tal-assi kriminali, fil-prosekuzzjonijiet u fil-kundanni finali, b'mod partikolari fil-każijiet ta' profil għoli, billi jtejbu sostanzjalment il-kwalità u l-indipendenza tal-investigazzjoni kriminali u tal-infurzar tal-liġi;

25. Josserva li kien hemm xi żviluppi pożittivi fl-operazzjonijiet tal-Aġenzija għall-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni; jissottolinja iżda li għad għandha sfidi quddiemha relatati mal-indipendenza u mad-definizzjoni ta' prijoritajiet tagħha u jistieden lill-aġenzija taġixxi b'mod indipendenti u timplimenta b'mod konsistenti l-Liġi dwar il-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni;

26. Itenni l-bżonn ta' risposta soda mill-ġustizzja kriminali lill-korruzzjoni fil-livelli għoljin; ifakkar fil-bżonn ta' risposta effikaċi lill-allegat abbuż tar-riżorsi tal-Istat għall-partiti politiċi u lill-finanzjament illegali tal-partiti politiċi;

27. Jilqa' pożittivament l-isforzi biex tiġi implimentata r-riforma tal-amministrazzjoni pubblika kif ukoll ir-riżultati li diġà nkisbu; jinsab imħasseb bil-konstatazzjonijiet skont liema t-tesserament f'partit għadu jinfluwenza bil-kbir l-impjieg fis-settur pubbliku Montenegrin u jistieden lill-gvern il-ġdid jevita li jkeċċi jew li jimpjega lill-professjonisti fis-settur pubbliku minħabba raġunijiet politiċi; jistieden lill-awtoritajiet Montenegrini jkomplu l-isforzi tagħhom biex joħolqu amministrazzjoni pubblika effiċjenti u jżommu għarfien espert, b'mod partikolari dwar il-proċess ta' adeżjoni mal-UE u, f'dan ir-rigward, jilqa' pożittivament il-proċeduri ta' ħatra trasparenti; jiddispjaċih li għadhom dgħajfa l-kapaċitajiet tal-aġenzija għall-kompetizzjoni u dik dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

28. Jesprimi tħassib dwar l-emendi tal-Liġi dwar l-Uffiċjali Pubbliċi u l-Impjegati Statali adottati fil-Parlament Montenegrin (Skupština), li jbaxxu l-kriterji għax-xogħol fl-amministrazzjoni pubblika u jistgħu jikkompromettu l-progress li sar fir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika maħsuba biex timplimenta okkupazzjoni meritokratika;

29. Jilqa' b'sodisfazzjon il-wegħdiet tal-gvern il-ġdid biex iżid b'mod sinifikanti t-trasparenza fl-oqsma kollha, anki fil-finanzi pubbliċi, u jinkoraġġih jiżviluppa u jadotta b'urġenza liġi mtejba dwar l-aċċess liberu għall-informazzjoni;

30. Jinnota ċ-ċensiment tal-popolazzjoni u tal-abitazzjonijiet imminenti, u jistieden lill-istituzzjonijiet responsabbli minnu jagħmluh skont l-istandards Ewropej u r-rakkomandazzjonijiet internazzjonali; iħeġġeġ li tiġi evitata kwalunkwe politiċizzazzjoni tal-proċess u jitlob li ssir investigazzjoni tal-akkużi kollha relatati mal-indħil barrani fil-proċedura taċ-ċensiment;

31. Jistieden lill-awtoritajiet Montenegrini jiddedikaw attenzjoni speċjali lill-ħasil tal-flus, lill-evażjoni tat-taxxa u lil kwalunkwe attività kriminali oħra fil-qafas tal-programm taċ-ċittadinanza b'investiment, u jikkunsidraw fl-istess ħin li jneħħuh gradwalment;

Rispett tal-libertajiet fundamentali u tad-drittijiet tal-bniedem

32. Jiddeplora l-istat tal-libertà ta' espressjoni u tal-libertà tal-mezzi ta' informazzjoni, settur li fih ħames rapporti konsekuttivi tal-Kummissjoni osservaw li ma sar "l-ebda progress", speċjalment fir-rigward tal-ħidma tas-servizz tax-xandir pubbliku, RTCG; jikkundanna bil-qawwa t-tipi kollha ta' attakki fuq l-mezzi ta' informazzjoni u l-intimidazzjoni fil-konfront tal-ġurnalisti, u jitlob li ssir investigazzjoni urġenti u effikaċi ta' dawn il-każijiet u ta' dawk tal-imgħoddi, biex tieqaf l-impunità tar-reati kontra l-ġurnalisti; jiddispjaċih li ċerti każijiet ta' vjolenza fil-konfront ta' ġurnalisti għadhom mhux solvuti; jitlob li jittieħdu miżuri ulterjuri biex tkun żgurata l-indipendenza tal-mezzi ta' informazzjoni u tal-ġurnalisti; iħeġġeġ lill-Montenegro joffri kundizzjonijiet favorevoli għall-eżerċizzju effettiv tal-libertà ta' espressjoni, li hija wieħed mill-valuri fundamentali tal-UE kif ukoll element kruċjali tal-proċess ta' adeżjoni tal-Montenegro mal-UE;

33. Huwa mħasseb bil-polarizzazzjoni qawwija tal-panorama medjatiku, b'mod partikolari għall-volum dejjem akbar ta' diżinformazzjoni, li t-tir tagħha, fost oħrajn, huwa li tħarrax it-tensjonijiet etniċi, tgħawweġ il-proċessi elettorali u tnaqqas l-appoġġ tal-popolazzjoni favur l-integrazzjoni Ewro-Atlantika; jissottolinja li l-litteriżmu medjatiku, il-libertà tal-mezzi ta' informazzjoni u l-indipendenza huma fundamentali għall-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni; jisħaq fuq il-bżonn ta' koordinament aħjar sabiex jiġu miġġielda l-kampanji ta' diżinformazzjoni fir-reġjun;

34. Jitlob li tissaħħaħ il-kooperazzjoni Ewropea mal-Montenegro fl-indirizzar tad-diżinformazzjoni kif ukoll tat-theddid informatiku u ibridu li jippruvaw jikkompromettu l-prospettiva Ewropea tar-reġjun; jinsab imħasseb bil-vulnerabbiltà dejjem akbar tal-Montenegro kaġun taż-żieda tad-dejn pubbliku tiegħu, partikolarment fil-konfront taċ-Ċina;

35. Jistieden lill-Montenegro u lill-Istati Membri tal-UE u lid-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-Montenegro jkomplu jsegwu politika ta' komunikazzjoni aktar attiva u effikaċi dwar il-prospettiva Ewropea, immirata kemm lejn iċ-ċittadini lokali kif ukoll lejn iċ-ċittadini tal-UE u jkomplu l-isforzi kkoordinati tagħhom biex iżidu l-viżibbiltà tal-proġetti ffinanzjati mill-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jsostnu l-ħolqien ta' ċentru ta' eċċellenza ffukat fuq il-Balkani biex jiġġieled kontra d-diżinformazzjoni;

36. Jistieden lill-awtoritajiet Montenegrini jieħdu passi konkreti fil-bini tar-reżiljenza u taċ-ċibersigurtà, f'mument meta l-pajjiż qiegħed iħabbat wiċċu ma' pressjoni dejjem akbar minħabba l-indħil barrani li jipprova jikkomprometti s-sovranità statali u l-orjentament pro-Punent tal-Montenegro, u jsaħħaħ s-sorveljanza tal-panorama medjatiku biex jindirizzaw l-aħbarijiet foloz u l-attivitajiet ta' diżinformazzjoni l-oħrajn, b'mod partikolari dawk orkestrati minn influwenzi barranin dannużi, u jiżguraw l-indipendenza operattiva tal-entitajiet ta' regolamentazzjoni tal-mezzi ta' informazzjoni tal-Montenegro u tax-xandar ta' servizz pubbliku, filwaqt li jsibu bilanċ bejn il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni u r-restrizzjonijiet sproporzjonati fuq il-libertà ta' espressjoni online;

37. Jikkundanna bil-qawwa l-attakki verbali u fiżiċi u l-intimidazzjonijiet fil-konfront tal-minoranzi nazzjonali, speċjalment fi Pljevlja wara l-elezzjonijiet parlamentari ta' Awwissu 2020, u dan l-aħħar f'Berane u f'Nikšić; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Montenegrini jinvestigaw bir-reqqa dawk il-każijiet kollha u jtellgħu lil dawk responsabbli quddiem il-ġustizzja;

38. Jenfasizza l-bżonn ta' protezzjoni tad-drittijiet tal-minoranzi nazzjonali kollha, b'mod partikolari ta' dawk minnhom li ma għadx għandhom partiti li jirrappreżentaw il-minoranzi fil-Parlament Montenegrin (Skupština); iħeġġeġ lill-awtoritajiet Montenegrini jagħtu attenzjoni partikolari lill-kwistjonijiet relatati mal-affiljazzjoni nazzjonali u etnika taċ-ċittadini Montenegrini; jitlob rispett għal-identità multietnika tal-pajjiż, inklużi l-lingwi użati, il-patrimonju kulturali tal-post u t-tradizzjonijiet tal-komunitajiet lokali; jisħaq fuq il-bżonn li jsir aktar progress għall-inklużjoni soċjali tar-Rom u tal-Eġizzjani fis-suq tax-xogħol, fl-edukazzjoni u fil-ħajja pubblika fil-Montenegro, u jistieden lill-awtoritajiet jiżguraw l-aċċess tagħhom għad-dokumenti personali, jiggarantixxu l-istatus ġuridiku tagħhom u jieħdu miżuri effikaċi kontra d-diskors ta' mibegħda;

39. Jieħu nota tal-Liġi dwar il-Protezzjoni kontra l-Vjolenza Domestika u l-modifiki li bħalissa qegħdin isirulha, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Montenegrini jimplimentawha b'mod sħiħ, anki billi jallokaw biżżejjed riżorsi, peress li l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, dik domestika u dik fuq it-tfal għadhom kwistjoni li tqajjem tħassib serju; jitlob li jkun hemm aktar viġilanza u li jiġu stabbiliti sistemi ta' appoġġ għall-vittmi tal-abbuż domestiku matul il-pandemija tal-COVID-19;

40. Jistieden lill-awtoritajiet jiżguraw implimentazzjoni bir-reqqa tal-istandards li jinsabu fil-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (Konvenzjoni ta' Istanbul), b'mod partikolari billi jżidu n-numru ta' uffiċjali inkarigati mill-infurzar tal-liġi u ta' mħallfin imħarrġin sewwa u sensittivi għall-kwistjonijiet tal-ġeneru, bil-għan li jiżguraw l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni adegwati tar-reati ta' vjolenza domestika, u jintroduċu miżuri effikaċi kontra l-fastidju sesswali, anki fuq il-post tax-xogħol;

41. Jinsab imħasseb dwar ir-riżultati limitati tal-politiki u tal-proġetti eżistenti mmirati biex jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, fit-tfassil tal-politiki u fil-politika, kif ukoll biex jindirizzaw il-vulnerabbiltajiet fl-impjiegi u fil-politiki soċjali; jiddispjaċih, f'dan ir-rigward, bit-tnaqqis tan-numru ta' parlamentari nisa, bin-nuqqas ta' rappreżentanza politika bbilanċjata f'termini ta' ġeneru fl-elezzjonijiet kif ukoll fil-Parlament Montenegrin (Skupština) il-ġdid u fil-gvern il-ġdid; jitlob li jittieħdu l-miżuri ġuridiċi u politiċi neċessarji biex tkun promossa l-parteċipazzjoni politika tan-nisa;

42. Ifakkar li filwaqt li l-Gvern Montenegrin approva l-pjan ta' azzjoni annwali tal-istrateġija għall-protezzjoni tal-persuni b'diżabbiltà mid-diskriminazzjoni u għall-promozzjoni tal-ugwaljanza, l-implimentazzjoni tiegħu tibqa' l-għan kruċjali; jiddispjaċih li l-persuni b'diżabbiltà għadhom iħabbtu wiċċhom ma' diskriminazzjoni u diffikultajiet fl-aċċess għall-ġustizzja; jisħaq fuq il-fatt li l-aċċess għas-servizzi tal-assistenza tas-saħħa jeħtieġ li jitjieb għall-persuni b'diżabbiltà, għall-persuni spostati internament u għall-gruppi vulnerabbli l-oħra;

43. Jilqa' b'sodisfazzjon il-progress li sar fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuni LGBTI u l-fatt li l-Montenegro huwa l-ewwel pajjiż fir-reġjun li adotta liġi dwar l-unjoni omosesswali; jistieden lill-awtoritajiet jiżguraw l-kundizzjonijiet neċessarji kollha għall-implimentazzjoni adegwata tagħha; jisħaq fuq il-fatt li teħtieġ li titjieb is-sitwazzjoni tal-persuni transġeneru u tal-persuni mhux binarji; jilqa' favorevolment il-fatt li l-parata tal-Gay Pride fl-2019 saret b'mod paċifiku; jistieden lill-awtoritajiet Montenegrini jkomplu jtejbu l-klima ta' inklużjoni soċjetali u tolleranza u jiġbru data diżaggregata relatat mad-diskors ta' mibegħda u mar-reati bbażati fuq l-orjentament sesswali u fuq l-identità tal-ġeneru;

44. Jistieden lill-awtoritajiet Montenegrini jkomplu djalogu veru u proprju dwar il-libertà ta' reliġjon mar-rappreżentanti tar-reliġjonijiet u mal-partijiet ikkonċernati rilevanti l-oħra, bi qbil mal-opinjoni tal-24 ta' Ġunju 2019 tal-Kummissjoni ta' Venezja; jistieden lill-pajjiżi ġirien kollha jastjenu milli jindaħlu f'din il-kwistjoni u fl-affarijiet intern l-oħra tal-Montenegro;

45. Jinsab imħasseb bil-fatt li l-gvern il-ġdid adotta emendi għal-Liġi dwar il-Libertà ta' Reliġjon jew Twemmin u l-Istatus Ġuridiku tal-Komunitajiet Reliġjużi bi proċedura urġenti mingħajr dibattitu pubbliku u mingħajr djalogu mal-ebda komunità reliġjuża; jieħu nota li l-President iffirma l-liġi;

Rikonċiljazzjoni, relazzjonijiet ta' bon viċinat u kooperazzjoni internazzjonali

 

46. Ifaħħar lill-Montenegro għall-impenn tiegħu favur il-kooperazzjoni reġjonali inklużiva, u għar-rwol kostruttiv li żvolġa fir-reġjun tal-Balkani tal-Punent, u jilqa' pożittivament il-parteċipazzjoni attiva tiegħu f'bosta inizjattivi reġjonali; jissottolinja li l-kooperazzjoni reġjonali u r-relazzjonijiet ta' bon viċinat huma marbuta mal-perspettiva ta' adeżjoni mal-UE tal-Montenegro;

47.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-iffirmar tal-Protokoll dwar id-Determinazzjoni tal-Linja tal-Fruntiera bejn il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Montenegro u r-Repubblika tas-Serbja f'Mejju 2019 u jinkoraġġixxi lill-Montenegro jkompli, fi spirtu kostruttiv malajr kemm jista' jkun, jindirizza kwistjonijiet bilaterali pendenti mal-ġirien tiegħu, inklużi l-kwistjonijiet mhux riżolti dwar id-demarkazzjoni tal-konfini mas-Serbja u mal-Kroazja; josserva li r-relazzjonijiet bilaterali mas-Serbja kienu kkaratterizzati minn tensjonijiet u jinsisti li t-tilwim bilaterali kollu jiġi riżolt bi djalogu inklużiv u mhux kunflittwali, filwaqt li tiġi evitata kull forma ta' ndħil barrani fil-kwistjonijiet interni;

48. Jilqa' favorevolment il-ħolqien tas-Suq Komuni Reġjonali, li se jiftaħ it-triq għall-adeżjoni sħiħa tal-pajjiż mas-Suq Uniku tal-UE; jemmen b'konvinzjoni li tali inizjattivi jistgħu jkunu strument importanti biex jiżdiedu l-potenzjal, l-attrattività u l-kompetittività tar-reġjun u, b'mod partikolari, jistgħu jgħinu lill-ekonomiji reġjonali fil-proċess ta' rkupru postpandemiku tagħhom;

49. Jilqa' b'sodisfazzjon l-iffirmar ta' protokoll dwar il-kooperazzjoni fit-tiftix tal-persuni nieqsa bejn il-gvernijiet tal-Bożnija-Ħerzegovina u tal-Montenegro bħala eżempju tajjeb ta' kooperazzjoni fl-investigazzjonijiet ta' każijiet ta' persuni nieqsa; jinsab imħasseb bin-nuqqas ta' progress fil-mod kif jiġu ttrattati d-delitti tal-gwerra fil-Montenegro u jistieden lill-awtoritajiet jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jagħtu pieni għad-delitti tal-gwerra u jaċċertaw x'kienet ix-xorti li missithom il-persuni nieqsa kif ukoll isostnu u jiżviluppaw iċ-Ċentru ta' Dokumentazzjoni u Informazzjoni li ġie stabbilit;

50. Itenni l-appoġġ tiegħu għall-inizjattiva biex tinħoloq Kummissjoni Reġjonali inkarigata bl-aċċertament tal-fatti rigward il-vittmi kollha tad-delitti tal-gwerra u ta' ksur gravi ieħor tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa fl-ex Jugoslavja (RECOM); ifaħħar lill-Gvernijiet tal-Montenegro għall-impenn tagħhom fir-rigward tal-obbligi fil-qafas tal-adeżjoni mal-Uffiċċju Reġjonali għall-Kooperazzjoni bejn iż-Żgħażagħ (RYCO) tagħhom, u talli onoraw tali obbligi, fatt li jissottolinja l-importanza tal-presidenza b'rotazzjoni attwali ta' din l-organizzazzjoni f'idejn il-Montenegro;

51. Jistieden lill-awtoritajiet Montenegrini jikkonformaw bis-sħiħ mad-dispożizzjonijiet dwar is-suċċessjoni tal-ex Repubblika Soċjalista Federali tal-Jugoslavja, speċjalment fir-rigward tat-tagħmir militari;

52. Ifaħħar l-allinjament totali tal-Montenegro mal-politika estera u ta' sigurtà komuni tal-UE u l-parteċipazzjoni attiva tiegħu fil-missjonijiet tal-UE fl-ambitu tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni, partikolari l-"Forza Navali tal-UE fis-Somalja – Operazzjoni ATALANTA" u l-Missjoni ta' Taħriġ tal-UE fil-Mali, kif ukoll f'missjonijiet internazzjonali oħrajn, partikolarment il-Missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Referendum fis-Saħara tal-Punent, il-Forza tan-Nazzjonijiet Uniti għaż-Żamma tal-Paċi f'Ċipru, il-Missjoni "Sostenn Riżolut" fl-Afganistan immexxija min-NATO u l-missjoni NATO fil-Kosovo (KFOR);

53. Jesprimi tħassib dwar il-ħatriet governattivi fis-settur tal-intelligence militari u ta' sigurtà u dwar il-periklu li jaf jitqajmu oġġezzjonijiet għall-alleanza strateġika tal-Montenegro mal-UE u man-NATO; Jissottolinja l-importanza strateġika tal-adeżjoni tal-Montenegro man-NATO u jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet Montenegrini jikkooperaw fil-qasam tar-reżiljenza għall-indħil barrani u taċ-ċibersigurtà kemm mal-UE kif ukoll man-NATO;

54. Jissottolinja li jinħtieġ li l-UE u l-Istati Uniti jsaħħu s-sħubija u l-koordinament tagħhom fil-Balkani tal-Punent sabiex imexxu 'l quddiem riformi fundamentali, itejbu l-governanza u jilħqu rikonċiljazzjoni;

55. Jilqa' b'sodisfazzjon il-progress li għamel il-Montenegro fil-qasam tal-kooperazzjoni internazzjonali tal-pulizija u l-impenn imġedded f'tali qasam, u jinkoraġġih ikompli l-isforzi tiegħu biex ilaħħaq mal-migrazzjoni irregolari, billi jkompli jiżviluppa l-kooperazzjoni internazzjonali tiegħu dwar il-protezzjoni tal-fruntieri, ir-riammissjoni u jżid il-kapaċità tiegħu biex jieħu azzjoni legali kontra x-xbieki tal-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' migranti;

56. Jieħu nota tad-dħul fis-seħħ tal-ftehim dwar il-kooperazzjoni fil-ġestjoni tal-fruntieri bejn il-Montenegro u l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) li se jippermetti lil Frontex tgħin lill-Montenegro fil-ġestjoni tal-fruntieri, billi jwettqu operazzjonijiet konġunti u jindirizzaw il-kriminalità transfruntiera fil-fruntieri marittimi tal-pajjiż, inklużi l-kuntrabandu ta' drogi u armi, it-traffikar tal-bnedmin u t-terroriżmu;

57. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Montenegrini jżommu r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tal-libertajiet fundamentali u tad-dritt internazzjonali fil-qalba tal-politika migratorja u dik tal-fruntieri tagħhom, jitlob lill-operazzjonijiet ta' Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) fit-territorju Montenegrin joperaw skont l-istess standards;

L-ekonomija u l-pandemija tal-COVID-19

 

58. Jilqa' pożittivament il-progress li għamel il-Montenegro biex iżid l-istabbiltà tas-settur finanzjarju tiegħu kif ukoll fl-implimentazzjoni ta' miżuri konkreti ta' titjib tal-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol; josserva, madankollu, li r-rata tal-qgħad għadha għolja, b'mod partikolari fost in-nisa, iż-żgħażagħ, ir-Rom u l-persuni b'livell baxx ta' ħiliet; jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet itejbu l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u jindirizzaw kwistjonijiet bħad-disparità bejn il-ġeneri fl-impjiegi u fil-pagi u servizzi ta' indukrar tat-tfal ekonomikament aċċessibbli;

59. Jesprimi tħassib dwar il-fatt li l-Liġi tal-Baġit għall-2021 ġiet proposta biss fi tmiem l-2020 u jitlob proċess baġitarju nazzjonali aktar trasparenti u puntwali;

60. Jilqa' favorevolment l-implimentazzjoni min-naħa tal-Montenegro tar-riformi neċessarji biex jirrispetta l-prinċipji tal-UE ta' governanza tajba fil-qasam tat-taxxa u t-tneħħija tal-pajjiż, min-naħa tal-Kunsill fit-18 ta' Frar 2020, mil-lista ta' ġuriżdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal skopijiet ta' taxxa;

61. Jinkoraġġixxi lill-Montenegro jintensifika l-ħidma f'dak li hu l-allinjament aħjar bejn is-sistema edukattiva u s-suq tax-xogħol biex jindirizza b'mod aktar effikaċi l-fenomeni tal-ispariġġ fil-ħiliet u tal-eżodu tal-imħuħ fost iż-żgħażagħ; jistieden lill-awtoritajiet Montenegrini jħabirku favur politika tar-riżorsi umani miftuħa u trasparenti fl-amministrazzjoni pubblika kif ukoll favur żieda fl-investimenti pubbliċi għall-iżvilupp soċjoekonomiku sostenibbli;

62. Josserva bi tħassib l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq l-ekonomija tal-Montenegro, inkwantu fl-2020 il-prodott domestiku gross tiegħu niżel b'14,3 %; jistieden lill-gvern jattwa politika makroekonomika responsabbli u politika fiskali bid-dawl tad-dejn pubbliku għoli; jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet jisfruttaw bl-aħjar mod l-assistenza tal-UE biex itaffu l-impatt tal-kriżi, anki billi jiżviluppaw u jimplimentaw miżuri mmirati biex itaffu l-impatt tal-pandemija fuq il-komunitajiet emarġinati u l-persuni vulnerabbli; jissottolinja l-importanza li fost iż-żgħażagħ jiġu żviluppati ħiliet imprenditorjali;

63. Jistieden lill-Kummissjoni ssostni l-isforzi tal-Montenegro biex inaqqas il-qgħad, li l-pandemija tal-COVID-19 aggravat serjament, partikolarment fis-settur tat-turiżmu, li jirrappreżenta aktar minn 20 % tal-prodott domestiku gross tal-Montenegro, fid-dawl tal-fatt li n-numru ta' turisti niżel drastikament;

64. Itenni l-fatt li l-Unjoni Ewropea mobilizzat f'qasir żmien appoġġ finanzjarju u materjali immedjat favur il-Balkani tal-Punent biex jindirizzaw l-emerġenza sanitarja dovuta għall-pandemija tal-COVID-19 u biex ir-reġjun jirpilja malajr f'termini soċjoekonomiċi; ifakkar li lill-Montenegro ngħataw EUR 53 miljun għall-akkwist ta' apparat mediku urġenti u biex jgħin lil dawk is-setturi li ntlaqtu l-aktar mill-kriżi tal-COVID-19; ifakkar ukoll fid-deċiżjoni li tiġi fornuta assistenza makrofinanzjarja sas-somma ta' EUR 60 miljun biex il-Montenegro jingħata l-għajnuna ħalli jillimita l-konsegwenzi soċjoekonomiċi negattivi tal-pandemija;

65. Jisħaq fuq il-fatt li l-pandemija tal-COVID-19 kellha impatt negattiv fuq is-soċjetà fl-intier tagħha, b'mod partikolari n-nisa, il-familji b'ġenitur wieħed u l-gruppi vulnerabbli, pereżempju r-Rom, l-Eġizzjani, il-persuni LGBTIQ+ u l-persuni b'diżabbiltà kif ukoll minoranzi oħrajn, peress li żiedet l-inugwaljanzi u ħarrxet il-problemi eżistenti; jistieden lill-awtoritajiet Montenegrini jqisu l-bżonnijiet ta' dawn il-gruppi meta joħolqu u jimplimentaw il-miżuri ta' sostenn soċjoekonomiku minħabba l-COVID-19;

66. Ifaħħar ir-rwol tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili li ggarantixxa s-sostenn li tant kien hemm bżonnu fil-forma ta' apparat mediku u ta' tagħmir protettiv personali fil-ġlieda kontra l-COVID-19 fil-Montenegro;

67. Jesprimi tħassib dwar il-proċess li għaddej ta' tkeċċija ta' diriġenti fl-istituzzjonijiet tas-saħħa pubblika f'mument meta l-Montenegro huwa milqut b'mod gravi mill-pandemija tal-COVID-19 kif ukoll dwar is-EUR 750 miljun li ssellef il-gvern, mingħajr ma jikkonsulta lill-Parlament Montenegrin (Skupština);

68. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill juru s-solidarjetà tagħhom mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent billi jgħinuhom jirċievu l-vaċċini kontra l-COVID-19 u jinkludu lill-Montenegro fl-akkwist konġunt tal-UE tal-vaċċini; jilqa' pożittivament l-azzjonijiet meħuda mill-Kummissjoni u mill-Kunsill biex jgħinu lill-Montenegro jakkwista vaċċini kontra l-COVID-19 bis-saħħa ta' COVAX u ta' mezzi oħra, pereżempju l-koordinament tad-donazzjonijiet mill-Istati Membri tal-UE; jitlob aktar assistenza biex jiġi żgurat li ammont suffiċjenti ta' vaċċini kontra l-COVID-19 ikun disponibbli mill-aktar fis possibbli għan-nies fil-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent, fid-dawl tas-sitwazzjoni pandemika ta' kull pajjiż; jemmen b'konvinzjoni li l-politika tal-vaċċini għandha tkun, fuq livell ġenerali, waħda ta' natura umanitarja u ma għandha taqdi interessi ġeopolitiċi tal-ebda tip;

69. Jinkoraġġixxi lill-Montenegro jisfrutta bl-aħjar mod il-Pjan Ekonomiku u ta' Investiment għall-Balkani tal-Punent tal-Kummissjoni; jirrikonoxxi l-importanza fl-appoġġ favur il-konnettività sostenibbli fit-trasport u fl-infrastrutturi, il-kapital uman, il-kompetittività u t-tkabbir inklużiv fir-reġjun, filwaqt li jenfasizza li kwalunkwe investiment irid jirrispetta l-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi u l-objettivi ta' dekarbonizzazzjoni tal-UE;

70. Josserva l-importanza ndaqs tal-objettivi ta' investiment tal-IPA III; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tikkonċentra perċentwal adegwat tal-IPA III fuq it-tranżizzjoni demokratika li għaddejja fil-Montenegro, speċjalment fid-dawl tal-problemi persistenti bil-klima tal-investimenti, bil-kapaċità ta' assorbiment u bl-istandards ambjentali fil-pajjiż;

Ambjent, enerġija u trasport

71. Jilqa' pożittivament il-progress tal-Montenegro fid-diversifikazzjoni tal-produzzjoni tal-elettriku tiegħu favur sorsi rinnovabbli u fil-qbiż tal-objettiv ġenerali tiegħu relatat mas-sorsi rinnovabbli u tal-objettivi settorjali għall-elettriku, it-tisħin u t-tkessiħ tal-2020, kif ukoll il-parteċipazzjoni attiva tiegħu fl-Aġenda tal-Konnettività tal-Balkani tal-Punent; jistieden lill-Montenegro jintroduċi regoli razzjonalizzati u semplifikati biex jaġevolaw id-diffużjoni ulterjuri tal-proġetti relatati mas-sorsi rinnovabbli; jisħaq fuq l-importanza tal-appoġġ tal-UE favur bidla lejn enerġija aktar nadifa u rinnovabbli;

72. Ifaħħar id-deċiżjoni tal-Montenegro li ma tkomplix l-appoġġ finanzjarju lill-impjanti idroelettriċi ż-żgħar li ma jsegwux standards ambjentali adegwati; josserva l-progress bil-mod u d-dewmien fit-tifi tal-impjant termoelettriku ta' Pljevlja u jistieden lill-Montenegro jirrispetta mingħajr dewmien ir-regoli tad-Direttiva dwar l-Impjanti tal-Kombustjoni l-Kbar[4];

73. Jirrikonoxxi l-azzjonijiet li ħa l-Montenegro biex jistabbilixxi sistema elettronika għall-garanziji tal-oriġini bil-għan li jiżgura l-kompatibbiltà mas-Sistema Ewropea ta' Ċertifikazzjoni tal-Enerġija (European Energy Certificate System) standardizzata; jieħu nota tal-istadju avvanzat tal-implimentazzjoni tar-riformi fis-settur tal-elettriku u jistieden lill-Montenegro jittrasponi mingħajr dewmien ir-Regolament REMIT[5] u jittrasponi l-kodiċijiet tan-network fil-kodiċijiet tal-grilja nazzjonali; jistieden lill-Montenegro jgħolli l-livell baxx ta' bħalissa tal-kapaċitajiet transżonali disponibbli għall-parteċipanti tas-suq tal-elettriku bi qbil mal-aħjar prattika tal-UE; ifaħħar lill-Montenegro talli huwa prekursur fil-ħolqien ta' mekkaniżmu ta' pprezzar tal-karbonju u ta' negozjar tal-emissjonijiet fir-reġjun; jilqa' b'sodisfazzjon il-konformità sħiħa milħuqa fir-rigward tad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Karburanti[6], u jitlob li jsir aktar progress biex jinżammu ħażniet taż-żejt ta' emerġenza;

74. Jilqa' b'sodisfazzjon l-iżviluppi pożittivi fl-allinjament ulterjuri mal-acquis tal-UE tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Montenegro fil-qasam ambjentali u tat-tibdil fil-klima u tal-pjan nazzjonali għall-enerġija u l-klima u jitlob li jsiru aktar sforzi għall-finalizzazzjoni tad-dokument mill-aktar fis possibbli, bi qbil mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija; ifaħħar lill-Montenegro għall-ħarsien tax-xmara Zeta bħala park naturali; jistieden lill-awtoritajiet jieħdu miżuri urġenti biex jissalvagwardjaw aħjar iż-żoni protetti u s-siti potenzjali ta' Natura 2000, fosthom is-salina ta' Ulcinj, il-lag ta' Skadar, ix-xmara Tara u oħrajn; jitlob lill-Montenegro jtejjeb il-ġestjoni tal-iskart u jindirizza l-kwistjoni tar-rimi illegali tal-iskart; jistieden lill-awtoritajiet jinkludu lill-komunitajiet lokali u lis-soċjetà ċivili fl-implimentazzjoni tal-politiki u fil-proġetti ambjentali, klimatiċi u enerġetiċi fil-pajjiż;

75. Ifakkar b'sodisfazzjon li, skont l-Artikolu 1 tal-Kostituzzjoni tiegħu, il-Montenegro huwa stat ekoloġiku; ifakkar li l-ħolqien, fis-Sinjajevina, ta' żoni ta' taħriġ militari u ta' sperimentazzjoni tal-armi fiż-żoni protetti tal-UNESCO għandu jsegwi l-prinċipji tas-sostenibbiltà soċjokulturali u ekoloġika stabbiliti mill-UNESCO; josserva li l-iżvilupp tal-kapaċitajiet addizzjonali fil-qasam tal-enerġija idroelettrika u tat-turiżmu, partikolarment dawk iż-żoni protetti, għandu jqis l-istandards tal-UE relatati mal-ħarsien tal-ambjent; jistieden lill-awtoritajiet jivvalutaw l-effetti ambjentali tal-bini tal-awtostrada fuq tul ix-xmara Tara u jħarsu aħjar l-inħawi b'valur għoli; itenni l-appell tiegħu biex isiru valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali u soċjali ex ante b'mod komprensiv u bir-reqqa tal-proġetti infrastrutturali bi qbil mal-istandards Ewropej;

76. Jilqa' b'sodisfazzjon il-varar tal-Aġenda Ekoloġika fil-Balkani tal-Punent li għandha l-potenzjal li torjenta t-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju u sostenibbli; jistieden lill-Montenegro jkompli jintroduċi u jimplimenta l-leġiżlazzjoni neċessarja biex jintlaħqu l-għanijiet komuni relatati mat-trasformazzjoni diġitali u ekoloġika;

77. Jistieden lill-Montenegro, ir-raba' pajjiż Ewropew f'termini ta' kopertura forestali, itejjeb il-ġestjoni tal-foresti tiegħu, partikolarment billi jiddedikalhom aktar riżorsi u jiġġieled b'mod attiv kontra l-qtugħ illegali tas-siġar; jieħu nota ta' studju reċenti li jissottolinja li madwar mitt elf metru kubu ta' skart tal-injam, li jista' faċilment jerġa' jintuża, jiġi prodott fil-Montenegro kull sena; jistieden lill-awtoritajiet jirriflettu dwar il-modi kif jiġu promossi l-mudelli ta' ekonomija ċirkolari f'dan is-settur u f'setturi oħra tal-ekonomija;

78. Jistieden lill-awtoritajiet Montenegrini jiżguraw id-dritt ta' aċċess għall-informazzjoni ambjentali fir-rigward tal-proġetti infrastrutturali, bi qbil mal-kostituzzjoni tiegħu u mal-Konvenzjoni ta' Aarhus li l-Montenegro rratifika fl-2009;

°

° °

79. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Montenegro.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

13.4.2021

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

58

4

9

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Alviina Alametsä, Alexander Alexandrov Yordanov, Maria Arena, Petras Auštrevičius, Traian Băsescu, Lars Patrick Berg, Anna Bonfrisco, Reinhard Bütikofer, Fabio Massimo Castaldo, Susanna Ceccardi, Włodzimierz Cimoszewicz, Katalin Cseh, Tanja Fajon, Anna Fotyga, Michael Gahler, Giorgos Georgiou, Sunčana Glavak, Raphaël Glucksmann, Klemen Grošelj, Bernard Guetta, Márton Gyöngyösi, Andrzej Halicki, Sandra Kalniete, Karol Karski, Dietmar Köster, Stelios Kouloglou, Andrius Kubilius, Ilhan Kyuchyuk, David Lega, Miriam Lexmann, Nathalie Loiseau, Antonio López-Istúriz White, Jaak Madison, Claudiu Manda, Thierry Mariani, David McAllister, Vangelis Meimarakis, Sven Mikser, Francisco José Millán Mon, Gheorghe-Vlad Nistor, Urmas Paet, Demetris Papadakis, Kostas Papadakis, Tonino Picula, Manu Pineda, Giuliano Pisapia, Jérôme Rivière, María Soraya Rodríguez Ramos, Nacho Sánchez Amor, Isabel Santos, Jacek Saryusz-Wolski, Andreas Schieder, Radosław Sikorski, Jordi Solé, Sergei Stanishev, Tineke Strik, Hermann Tertsch, Hilde Vautmans, Harald Vilimsky, Viola Von Cramon-Taubadel, Thomas Waitz, Witold Jan Waszczykowski, Isabel Wiseler-Lima, Salima Yenbou

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Malik Azmani, Katarina Barley, Vladimír Bilčík, Andrey Kovatchev, Bert-Jan Ruissen, Christian Sagartz, Mick Wallace

 


 

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

58

+

ECR

Anna Fotyga, Karol Karski, Jacek Saryusz-Wolski, Hermann Tertsch, Witold Jan Waszczykowski

PPE

Alexander Alexandrov Yordanov, Vladimír Bilčík, Traian Băsescu, Michael Gahler, Sunčana Glavak, Andrzej Halicki, Sandra Kalniete, Andrey Kovatchev, Andrius Kubilius, David Lega, Miriam Lexmann, Antonio López-Istúriz White, David McAllister, Vangelis Meimarakis, Francisco José Millán Mon, Gheorghe-Vlad Nistor, Christian Sagartz, Radosław Sikorski, Isabel Wiseler-Lima

Renew

Petras Auštrevičius, Malik Azmani, Katalin Cseh, Klemen Grošelj, Bernard Guetta, Ilhan Kyuchyuk, Nathalie Loiseau, Urmas Paet, María Soraya Rodríguez Ramos, Hilde Vautmans

S&D

Maria Arena, Barley Katarina, Włodzimierz Cimoszewicz, Tanja Fajon, Raphaël Glucksmann, Dietmar Köster, Claudiu Manda, Sven Mikser, Demetris Papadakis, Tonino Picula, Giuliano Pisapia, Isabel Santos, Andreas Schieder, Sergei Stanishev, Nacho Sánchez Amor

VERTS/ALE

Alviina Alametsä, Reinhard Bütikofer, Jordi Solé, Tineke Strik, Viola Von Cramon-Taubadel, Thomas Waitz Salima Yenbou

NI

Fabio Massimo Castaldo, Márton Gyöngyösi

 

4

-

ID

Lars Patrick Berg, Thierry Mariani, Jérôme Rivière

NI

Kostas Papadakis

 

9

0

ECR

Bert-Jan Ruissen

ID

Anna Bonfrisco, Susanna Ceccardi, Jaak Madison, Harald Vilimsky

The Left

Giorgos Georgiou, Stelios Kouloglou, Manu Pineda, Mick Wallace

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

 

Aġġornata l-aħħar: 6 ta' Mejju 2021
Avviż legali - Politika tal-privatezza