RAPPORT dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Filip De Man

    21.4.2021 - (2020/2271(IMM))

    Kumitat għall-Affarijiet Legali
    Rapporteur: Stéphane Séjourné

    Proċedura : 2020/2271(IMM)
    Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
    Ċiklu relatat mad-dokument :  
    A9-0134/2021
    Testi mressqa :
    A9-0134/2021
    Dibattiti :
    Votazzjonijiet :
    Testi adottati :

    PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

    dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Filip De Man

    (2020/2271(IMM))

    Il-Parlament Ewropew,

     wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Filip De Man, ikkomunikata f'ittra datata t-30 ta' Ottubru 2020 mill-Uffiċju tal-Prosekutur Ġenerali tal-Qorti tal-Appell ta' Brussell b'rabta ma' proċediment kriminali, u mħabbra fis-seduta plenarja fl-14 ta' Diċembru 2019,

     wara li kkunsidra r-rinunzja ta' Filip De Man għad-dritt li jinstema' tiegħu, skont l-Artikolu 9(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

     wara li kkunsidra l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att tal-20 ta' Settembru 1976 dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett,

     wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tal-kostituzzjoni tar-Renju tal-Belġju,

     wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-21 ta' Ottubru 2008, fid-19 ta' Marzu 2010, fis-6 ta' Settembru 2011, fis-17 ta' Jannar 2013 u fid-19 ta' Diċembru 2019[1],

     wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2) u 6(1) u 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

     wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A9-0134/2021),

    A. billi l-Prosekutur Ġenerali fil-Qorti tal-Appell ta' Brussell bagħat talba għat-tneħħija tal-immunità parlamentari ta' Filip De Man, Membru tal-Parlament Ewropew elett għar-Renju tal-Belġju, fir-rigward ta' inċident tat-traffiku, li allegatament ikkawża fl-1 ta' Mejju 2019 fejn iġġarrbu danni materjali, biċ-ċirkostanza aggravanti tat-tluq minn fuq il-post tal-inċident;

    B. billi Filip De Man ġie akkużat li ħabat ma' traffic island fl-1 ta' Mejju 2019 f'Vilvorde, u mhux talli ma waqafx iżda talli baqa' sejjer lejn daru; billi l-pulizija kkonstatat li kien hemm residwu mill-vettura tal-Membru mxerred mat-triq kollha u traċċi viżibbli mill-post tal-inċident sa daru; billi wara bosta taħrikiet, fl-aħħar Filip De Man mar għand il-pulizija ġudizzjarja fejn ġie intervistat u, infurmahom li kien hu li effettivament kisser il-pilastru tal-konkrit u li ma setax jieqaf minħabba l-folla li nġabret mat-triq;

    C. billi l-allegat reat jaqa' taħt l-Artikolu 33 tal-Liġi Belġjana dwar il-Pulizija tat-Traffiku tas-16 ta' Marzu 1968 u billi dan ir-reat huwa punibbli bi priġunerija ta' bejn ħmistax-il jum sa sitt xhur u b'multa ta' bejn EUR 200 u EUR 2 000;

    D. billi, minn naħa, il-Parlament ma jistax jiġi assimilat ma' qorti u, min-naħa l-oħra, il-Membru tal-Parlament, fil-kuntest ta' proċedura għat-tneħħija tal-immunità, ma jistax jitqies li huwa "akkużat"[2];

    E. billi, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, il-Membri tal-Parlament Ewropew igawdu, fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lill-membri tal-parlament ta' pajjiżhom u, fit-territorju ta' kull Stat Membru ieħor, l-immunità minn kull tip ta' detenzjoni u prosekuzzjoni;

    F. billi l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 59 tal-Kostituzzjoni tar-Renju tal-Belġju jipprevedi li "[g]ħajr għall-każijiet ta' flagrante delicto, l-ebda membru ta' kwalunkwe awla ma jista', matul is-seduta, jiġi mressaq jew imħarrek direttament quddiem qorti jew tribunal, jew jiġi arrestat, ħlief bl-awtorizzazzjoni tal-Kamra li tagħha huwa membru";

    G. billi huwa l-Parlament biss li jista' jiddeċiedi li jneħħi jew ma jneħħix l-immunità f'każ partikolari; billi l-Parlament jista' raġonevolment jikkunsidra l-pożizzjoni tal-Membru biex jieħu d-deċiżjoni dwar jekk ineħħix l-immunità tiegħu[3];

    H. billi r-reat allegat la għandu rabta diretta jew evidenti mal-qadi minn Filip De Man tal-funzjonijiet tiegħu ta' Membru tal-Parlament Ewropew, u lanqas ma jikkostitwixxi opinjoni espressa jew vot mixħut fil-qadi tal-funzjonijiet ta' Membru tal-Parlament Ewropew, fis-sens tal-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea;

    I. billi fil-każ preżenti, il-Parlament ma setax jikkonstata l-eżistenza ta' fumus persecutionis, jiġifieri suspett fondat u preċiż biżżejjed li l-kawża tressqet bl-intenzjoni li ssir ħsara politika lill-Membru;

    1. Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Filip De Man;

    2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtorità kompetenti tar-Renju tal-Belġju u lil Filip De Man.


    INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

    Data tal-adozzjoni

    13.4.2021

     

     

     

    Riżultat tal-votazzjoni finali

    +:

    –:

    0:

    22

    0

    0

    Membri preżenti għall-votazzjoni finali

    Pascal Arimont, Gunnar Beck, Geoffroy Didier, Pascal Durand, Angel Dzhambazki, Ibán García Del Blanco, Esteban González Pons, Gilles Lebreton, Karen Melchior, Jiří Pospíšil, Franco Roberti, Marcos Ros Sempere, Stéphane Séjourné, Raffaele Stancanelli, Adrián Vázquez Lázara, Axel Voss, Marion Walsmann, Tiemo Wölken, Lara Wolters, Javier Zarzalejos

    Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

    Patrick Breyer, Daniel Buda, Caterina Chinnici, Heidi Hautala, Ilhan Kyuchyuk, Emmanuel Maurel, Sabrina Pignedoli, Luisa Regimenti, Yana Toom

     

     

    Aġġornata l-aħħar: 22 ta' April 2021
    Avviż legali - Politika tal-privatezza