RAPPORT dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Ioannis Lagos
22.4.2021 - (2020/2219(IMM))
Kumitat għall-Affarijiet Legali
Rapporteur: Angel Dzhambazki
PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Ioannis Lagos
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Ioannis Lagos, imressqa fit-2 ta' Ottubru 2020 mill-Prosekutur fil-Qorti Suprema tal-Greċja, b'rabta ma' akkużi kriminali possibbli mill-prosekutur tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' Ateni (proċess tal-kawża: ABM RB2020/65), u mħabbra fil-plenarja fid-19 ta' Ottubru 2020,
– wara li sema' lil Ioannis Lagos, skont l-Artikolu 9(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att tal-20 ta' Settembru 1976 dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett,
– wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-21 ta' Ottubru 2008, fid-19 ta' Marzu 2010, fis-6 ta' Settembru 2011, fis-17 ta' Jannar 2013 u fid-19 ta' Diċembru 2019[1],
– wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2) u 6(1) u l-Artikolu 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A9-0135/2021),
A. billi l-Prosekutur fil-Qorti Suprema tal-Greċja ressaq talba għat-tneħħija tal-immunità parlamentari ta' Ioannis Lagos abbażi ta' ċerti atti mwettqa minn Ioannis Lagos waqt diskors lill-Parlament Ewropew fid-29 ta' Jannar 2020;
B. billi Ioannis Lagos ġie akkużat bl-allegata profanazzjoni tas-simbolu nazzjonali tat-Turkija mwettqa matul id-dibattitu plenarju tad-29 ta' Jannar 2020 dwar is-sitwazzjoni tal-migrazzjoni fil-fruntiera Griega-Torka u r-rispons komuni tal-UE għaliha;
C. billi l-att ta' profanazzjoni ta' simbolu nazzjonali jikkostitwixxi reat skont (1) l-Artikolu 1(1) tal-Liġi 927/1979, kif implimentat mil-Liġi 4284/2014, u (2) l-Artikolu 155, flimkien mal-Artikoli 1, 12, 14, 26, 27, 51, 53, 57 u 79 tal-Kodiċi Kriminali tal-Greċja;
D. billi l-immunità parlamentari mhix privileġġ personali ta' Membru imma garanzija tal-indipendenza tal-Parlament kollu kemm hu u tal-Membri tiegħu.
E. billi, minn naħa, il-Parlament ma jistax jitqies bħala qorti u, min-naħa l-oħra, il-Membru ma jistax, fil-kuntest ta' proċedura għat-tneħħija tal-immunità, jitqies bħala "akkużat"[2];
F. billi l-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, jistipula li l-"Membri tal-Parlament Ewropew m'għandhom ikunu suġġetti għal ebda forma ta' investigazzjoni, detenzjoni jew proċeduri legali, fir-rigward ta' opinjonijiet espressi jew voti mogħtija minnhom fil-qadi ta' dmirijiethom";
G. billi Ioannis Lagos wettaq l-azzjonijiet tiegħu matul sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew, fi ħdan is-sit fejn kienet qed titmexxa s-seduta plenarja nnifisha, fil-qadi ta' dmirijietu bħala Membru tal-Parlament Ewropew;
H. billi l-azzjonijiet ta' Ioannis Lagos saru għalhekk fil-kuntest tad-dmirijiet tiegħu bħala Membru tal-Parlament Ewropew u tax-xogħol tiegħu fil-Parlament Ewropew;
1. Jiddeċiedi li ma jneħħix l-immunità ta' Ioannis Lagos;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtorità kompetenti tar-Repubblika Ellenika u lil Ioannis Lagos.
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni |
22.4.2021 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
23 1 0 |
||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Pascal Arimont, Gunnar Beck, Geoffroy Didier, Pascal Durand, Angel Dzhambazki, Ibán García Del Blanco, Jean-Paul Garraud, Esteban González Pons, Mislav Kolakušić, Sergey Lagodinsky, Gilles Lebreton, Karen Melchior, Jiří Pospíšil, Franco Roberti, Marcos Ros Sempere, Stéphane Séjourné, Raffaele Stancanelli, Adrián Vázquez Lázara, Axel Voss, Marion Walsmann, Tiemo Wölken, Lara Wolters, Javier Zarzalejos |
|||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Heidi Hautala, Emmanuel Maurel, Nacho Sánchez Amor |
-
[1] Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio u Clemente, C-200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs il-Parlament, T-42/05, ECLI:EU:T:2010:102; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C-163/10, ECLI: EU:C:2011:543; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs il-Parlament, T-346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta' Diċembru 2019, Junqueras Vies, C-502/19, ECLI:EU:C:2019:1115.
- [2] Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta' April 2019, Briois vs il-Parlament, T-214/18, ECLI:EU:T:2019:266.