RAPPORT dwar id-dimensjoni tal-ġeneru fil-politika ta' koeżjoni
5.5.2021 - (2020/2040(INI))
Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali
Rapporteur: Monika Vana
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar id-dimensjoni tal-ġeneru fil-politika ta' koeżjoni
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), u l-Artikoli 6 u 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u, b'mod partikolari, il-prinċipji 2, 3 u 9 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) tat-18 ta' Diċembru 1979[1],
– wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, u, b'mod partikolari, l-Għan 5, li huwa intiż li jikseb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-għajxien għan-nisa sal-2030[2],
– wara li kkunsidra l-Karta Ewropea għall-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel fil-Ħajja Lokali[3],
– wara li kkunsidra d-direttivi tal-UE mill-1975 'il quddiem dwar diversi aspetti tat-trattament ugwali għan-nisa u l-irġiel (id-Direttiva 79/7/KEE[4], id-Direttiva 86/613/KEE[5], id-Direttiva 92/85/KEE[6], id-Direttiva 2004/113/KE[7], id-Direttiva 2006/54/KE[8], id-Direttiva 2010/18/UE[9] u d-Direttiva 2010/41/UE[10]),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Mejju 2012 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' paga ugwali għall-ħaddiema rġiel u nisa għal xogħol ugwali jew għal xogħol ta' valur ugwali[11],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2013 dwar l-eliminazzjoni tal-istereotipi tas-sessi fl-UE[12],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Settembru 2015 dwar il-karrieri tan-nisa fix-Xjenza u l-Università u s-soqfa tal-ħġieġ li jiltaqgħu magħhom[13],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 dwar fatturi esterni li jirrappreżentaw ostakoli għall-intraprenditorija femminili Ewropea[14],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' April 2016 dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-għoti ta' setgħa lin-nisa fl-era diġitali[15],
– wara li kkunsidra l-istudju bit-titolu "Gender in regional cohesion policy" (Il-ġeneru fil-politika ta' koeżjoni reġjonali) mill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE), ippubblikat fil-25 ta' Jannar 2017[16],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2017 dwar il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fir-riċerka dwar is-saħħa mentali u dik klinika[17],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2017 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea 2014-2015[18],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' April 2017 dwar in-nisa u r-rwol tagħhom fiż-żoni rurali[19],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Ġunju 2017 dwar il-ħtieġa ta' strateġija tal-UE biex titwaqqaf u tiġi evitata d-differenza bejn il-pensjonijiet tan-nisa u tal-irġiel[20],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Ottubru 2017 dwar it-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika tan-nisa fis-setturi privati u pubbliċi fl-UE[21],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2018 dwar in-nisa, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-ġustizzja klimatika[22],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2018 dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-ftehimiet kummerċjali tal-UE[23],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2018 dwar l-għoti tas-setgħa lin-nisa u l-bniet permezz tas-settur diġitali[24],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2018 dwar is-servizzi tal-kura fl-UE għal ugwaljanza aħjar bejn is-sessi[25],
– wara li kkunsidra l-istudju bit-titolu "Gender budgeting - Mainstreaming gender into the EU budget and macroeconomic policy framework" (Ibbaġitjar skont il-ġeneru - L-integrazzjoni tal-ġeneru fil-baġit u l-qafas ta' politika makroekonomika tal-UE) mill-EIGE, ippubblikat fl-10 ta' April 2019[26],
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv dwar l-Opportunitajiet Ugwali għan-Nisa u għall-Irġiel tad-19 ta' Diċembru 2018 bit-titolu "The future of gender equality strategy after 2019: the battles that we win never stay won" (Il-futur tal-istrateġija dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri wara l-2019: Il-battalji li nirbħu qatt ma jibqgħu mirbuħa)[27],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2019 dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-politiki tat-tassazzjoni fl-UE[28],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Frar 2019 dwar ir-rigressjoni attwali tad-drittijiet tan-nisa u tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-UE[29],
– wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tas-6 ta' Marzu 2019 bit-titolu "2019 Report on equality between women and men in the EU" (Rapport tal-2019 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-UE) (SWD(2019)0101)[30],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Novembru 2019 dwar l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul u l-miżuri l-oħra biex tiġi miġġielda l-vjolenza abbażi tal-ġeneru[31],
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta' Diċembru 2019 dwar "Ekonomiji li Jiffavorixxu l-Ugwaljanza is-Sessi fl-UE: It-Triq 'il Quddiem"[32],
– wara li kkunsidra r-rapport bit-titolu "The Missing Entrepreneurs 2019: Policies for Inclusive Entrepreneurship" (L-Intraprendituri Nieqsa tal-2019: Politiki għal Intraprenditorija Inklużiva), ippubblikat mill-OECD fl-10 ta' Diċembru 2019[33],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Diċembru 2019 dwar id-diskriminazzjoni pubblika u d-diskors ta' mibegħda kontra persuni LGBTI, inklużi żoni mingħajr LGBTI[34],
– wara li kkunsidra l-istudju bit-titolu "Gender Dimension of the EU Cohesion Policy" (Id-Dimensjoni tal-Ġeneru tal-Politika ta' Koeżjoni tal-UE), ippubblikat mid-Direttorat Ġenerali tiegħu għall-Politiki Interni fid-19 ta' Diċembru 2019[35],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta' Jannar 2020 dwar id-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri[36],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Frar 2020 dwar il-prijoritajiet tal-UE għall-64 sessjoni tal-Kummissjoni tan-NU dwar l-Istatus tan-Nisa[37],
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Marzu 2020 bit-titolu "Unjoni ta' Ugwaljanza: Strateġija dwar l-Ugwaljanza Bejn il-Ġeneri għall-2020-2025" (COM(2020)0152),
– wara li kkunsidra l-iskeda informattiva tal-Komunikazzjoni tas-17 ta' Ġunju 2020 bit-titolu "Coronavirus Pandemic – Impact on Gender Equality" (Il-Pandemija tal-Coronavirus – L-Impatt fuq l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri)[38],
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tad-29 ta' Mejju 2020 bit-titolu "National minorities and COVID-19: inequality deepened, vulnerability exacerbated" (Il-minoranzi nazzjonali u l-COVID-19: l-inugwaljanza kompliet tikber, il-vulnerabilità kompliet tiggrava),
– wara li kkunsidra d-Dokument ta' Diskussjoni 129 tal-Kummissjoni tal-24 ta' Lulju 2020 bit-titolu "Gender Smart Financing Investing In & With Women: Opportunities for Europe" (Finanzjament Intelliġenti tal-Ġeneru – Ninvestu fin-Nisa u man-Nisa: Opportunitajiet għall-Ewropa)[39],
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Settembru 2020 bit-titolu "Unjoni ta' Ugwaljanza: Pjan ta' azzjoni tal-UE għall-ġlieda kontra r-razziżmu 2020-2025" (COM(2020)0565),
– wara li kkunsidra l-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri tal-2020 mill-EIGE, ippubblikat fis-16 ta' Ottubru 2020[40],
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Novembru 2020 bit-titolu "Unjoni ta' Ugwaljanza: Strateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ 2020-2025" (COM(2020)0698),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regolament ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A9-0154/2021),
A. billi l-prinċipju tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel huwa valur ewlieni tal-UE, li hu minqux fit-Trattati u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; billi l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri għandha għaldaqstant tiġi implimentata u integrata bħala prinċipju orizzontali fl-attivitajiet, il-miżuri, l-azzjonijiet u l-programmi kollha tal-UE u fil-proġetti kollha ffinanzjati mill-UE u fil-politiki kollha tal-UE, inkluża l-Politika ta' Koeżjoni; billi huma meħtieġa sforzi akbar biex jiġu indirizzati d-diversi forom ta' diskriminazzjoni u inugwaljanza li n-nisa jiffaċċjaw; billi l-Artikolu 7 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni[41] għall-2014-2020 jistabbilixxi li l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u l-integrazzjoni ta' perspettiva tal-ġeneri jridu jitqiesu u jiġu promossi tul it-tħejjija u l-implimentazzjoni kollha tal-programmi, inkluż fir-rigward tal-monitoraġġ, ir-rapportar u l-evalwazzjoni; billi n-nisa u l-irġiel li huma fuq quddiem nett tal-ġlieda għall-ugwaljanza wrew impenn, kuraġġ u tmexxija fil-promozzjoni tal-opportunitajiet indaqs madwar id-dinja, speċjalment fejn jippersistu tali inugwaljanzi, fejn in-nisa jiġu ppersegwitati u d-drittijiet tagħhom jinkisru sempliċement minħabba li huma nisa; billi bħala ċittadini Ewropej, għandna nkunu kburin li ksibna d-drittijiet u l-obbligi, il-libertajiet u l-opportunitajiet għall-irġiel u n-nisa, u billi llum in-nisa jmexxu wħud mill-aktar istituzzjonijiet importanti u għandhom xi wħud mill-aktar karigi politiċi prominenti fl-Ewropa; billi dawn l-eżempji pożittivi jgħinu biex jibdew jiġu indirizzati l-istereotipi eżistenti u biex jiġu promossi mudelli eżemplari;
B. billi l-politika ta' koeżjoni tindirizza d-disparitajiet bejn id-diversi reġjuni u r-ritard tar-reġjuni li huma l-inqas favoriti bil-għan li tippromwovi l-iżvilupp armonjuż tagħha b'mod ġenerali bil-ħsieb li tinkiseb il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, li minnha tifforma parti essenzjali l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; billi l-politika ta' koeżjoni wriet ir-rilevanza tagħha billi kisbet progress sinifikanti lejn l-ugwaljanza bejn iċ-ċittadini u l-bilanċ territorjali;
C. billi l-politika ta' koeżjoni hija għodda importanti mhux biss sabiex tiġi appoġġjata b'mod attiv u effettiv il-kisba tal-ugwaljanza bejn iċ-ċittadini, l-iżvilupp sostenibbli u l-koeżjoni ekonomika u soċjali, iżda wkoll biex jitnaqqsu d-disparitajiet li jaffettwaw lill-gruppi li għadhom qed ibatu minħabba d-diskriminazzjoni, inkluża dik marbuta mal-orjentazzjoni sesswali tagħhom; billi l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija objettiv orizzontali għall-fondi tal-politika ta' koeżjoni kollha; billi l-Fondi Strutturali huma riżorsa importanti ħafna biex jingħata appoġġ lill-Istati Membri biex jagħmlu progress fil-qasam tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri;
D. billi l-kisba tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, ir-reġjuni jew il-ġenerazzjonijiet, fost ħwejjeġ oħra, hija kruċjali biex jitnaqqsu d-disparitajiet lokali u reġjonali, u dawk ekonomiċi u soċjali, kif ukoll biex jiġu żgurati l-kompetittività fit-tul u l-iżvilupp ġust, inklużiv u sostenibbli tal-UE, tal-Istati Membri tagħha u tar-reġjuni tagħha; billi sar progress f'dawn l-aħħar deċennji fil-qasam tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-UE tjiebet orizzontalment f'ħafna dimensjonijiet; billi s-sottorappreżentanza tan-nisa fis-suq tax-xogħol u l-indikaturi disponibbli għadhom juru segmentazzjoni vertikali u orizzontali fis-suq tax-xogħol, u fl-isfera soċjoekonomika u f'dik politika; billi t-Trattat ta' Ruma diġà inkluda l-prinċipju tal-paga ugwali għal xogħol ugwali, u billi l-politika ta' koeżjoni tista' tikkontribwixxi għall-ħolqien ta' kundizzjonijiet li jirfdu l-iżvilupp ekonomiku u dak soċjali, li huma ta' benefiċċju wkoll f'dawk li huma t-tnaqqis ulterjuri ta' din id-differenza u l-inklużjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol; billi skont l-EIGE, il-promozzjoni effettiva tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri jkollha impatt soċjali u ekonomiku qawwi u pożittiv, inklużi żieda fil-PDG per capita tal-UE, miljuni ta' impjiegi addizzjonali u żieda fil-PDG tal-Istati Membri;
E. billi l-Qorti Ewropea tal-Awdituri bħalissa qed tivvaluta l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-baġit Ewropew; billi dan ir-rapport tal-awditjar, li għandu jiġi ppubblikat fl-ewwel kwart tal-2021, se jagħti għarfien utli dwar kif għandha tiġi implimentata d-dimensjoni tal-ġeneru fl-azzjonijiet tal-politika ta' koeżjoni fl-ambitu tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) 2021-2027;
F. billi, matul il-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, l-elementi kritiċi ewlenin biex tiġi promossa l-ugwaljanza bejn il-ġeneri permezz tal-politika ta' koeżjoni kienu, fost ħwejjeg oħra, id-diskrepanza bejn id-dikjarazzjonijiet formali fil-Ftehimiet ta' Sħubija u l-Programmi Operazzjonali (li jiddikjaraw il-promozzjoni tal-prinċipju tal-opportunitajiet indaqs u dak tan-nondiskriminazzjoni) u l-implimentazzjoni effettiva tagħhom, kif ukoll l-impenn politiku kemmxejn dgħajjef f'dan il-qasam; billi l-Ftehimiet ta' Sħubija u l-Programmi Operazzjonali jiddikjaraw li josservaw u jippromwovu l-prinċipju tal-opportunitajiet indaqs u dak tan-nondiskriminazzjoni; billi għad hemm bżonn li jsiru sforzi akbar fir-rigward tal-parteċipazzjoni tan-nisa fl-istadji kollha taċ-ċiklu tal-politika ta' koeżjoni, speċjalment fl-iżvilupp ta' programmi u proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet, kif ukoll fl-implimentazzjoni tal-proġetti magħżula; billi, matul il-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, il-kwistjonijiet relatati mal-ġeneru ġew indirizzati l-aktar permezz tal-Programmi Operazzjonali tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE); billi, matul l-istess perjodu, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) ikkontribwixxa għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri b'mod limitat ħafna;
G. billi data diżaggregata skont il-ġeneru bbażata fuq sorsi affidabbli u vverifikati u fuq indikaturi rilevanti għall-ġeneru hija essenzjali sabiex setturi jew reġjuni partikolari jkunu jistgħu jużaw b'mod effettiv l-appoġġ tal-UE, abbażi tar-realtà lokali tal-inugwaljanzi, sabiex jittejjeb il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u jiġi vvalutat l-eżitu tal-azzjonijiet diretti u indiretti tal-politika ta' koeżjoni mmirati lejn il-promozzjoni tal-identifikazzjoni ta' inugwaljanzi jew inġustizzji possibbli li fuqhom trid tittieħed azzjoni u lejn l-iżvilupp ta' politiki effettivi biex jiġu rispettati d-drittijiet u l-libertajiet ugwali fost iċ-ċittadini;
H. billi l-koerenza politika fil-qasam tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija nieqsa, u billi għad m'hemmx sistema unifikata li tiffaċilita fehim u implimentazzjoni identiċi tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fl-istituzzjonijiet tal-UE;
I. billi l-konsegwenzi sħaħ tal-pandemija fuq l-ekonomija, l-impjiegi u s-soċjetà għadhom mhux magħrufa; billi studji preliminari jissuġġerixxu li l-pandemija tal-COVID-19 aggravat l-inugwaljanzi li diġà jeżistu bejn l-irġiel u n-nisa, speċjalment f'dawk li huma żieda fix-xogħol ta' kura mhux imħallas u l-iżbilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, kif ukoll il-vjolenza domestika, u għandha impatt sproporzjonat fuq il-bniet u n-nisa, speċjalment dawk minn gruppi emarġinati; billi dan huwa wkoll minħabba li n-nisa spiss jiffurmaw il-maġġoranza fis-setturi esposti għall-pandemija, bħall-edukazzjoni u s-saħħa; billi l-politika ta' koeżjoni, u b'mod aktar speċifiku, l-FSE Plus li jmiss, għandhom iqisuh dan;
J. billi l-Fond ta' Rkupru tal-UE jappoġġja setturi li ġew affettwati serjament mill-kriżi; billi l-impatt fuq is-soċjetà Ewropea kollha kemm hi għalhekk se jkollu effetti fit-tul fuq l-edukazzjoni, l-impjegabbiltà u l-futur taċ-ċittadini kollha, u r-reazzjoni rapida tal-istituzzjonijiet Ewropej u r-rieda tagħhom li jappoġġjaw is-soċjetà Ewropea għandhom jiġu mfaħħra; billi l-prijoritajiet ġenerali tal-Fond ta' Rkupru tal-UE jiffokaw fuq setturi b'sehem għoli ta' impjieg tal-irġiel u għalhekk jistgħu potenzjalment jirriskjaw li jżidu l-inugwaljanzi bejn l-irġiel u n-nisa fl-impjiegi;
K. billi n-nisa u l-irġiel m'għandhomx l-istess riżorsi, ħtiġijiet u preferenzi; billi ħafna politiki spiss iqisu prinċipalment il-perspettiva tal-irġiel; billi n-nisa u l-irġiel għalhekk jesperjenzaw is-servizzi u l-infrastrutturi b'mod differenti u l-prijoritajiet tagħhom spiss ma jkunux l-istess f'dawk li huma servizzi bażiċi;
L. billi l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju huma s-sinsla tal-ekonomiji reġjonali; billi l-promozzjoni tal-ugwaljanza, tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, tar-reklutaġġ inklużiv u tal-paga ugwali se tippermetti l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju;
M. billi ħafna investimenti jaffettwaw lin-nisa u lill-irġiel b'mod differenti, u dan joħloq il-ħtieġa li tiġi applikata lill-investimenti perspettiva ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri;
Ir-rwol tal-politika ta' koeżjoni fil-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri għall-benefiċċju tat-tkabbir soċjoekonomiku u l-iżvilupp sostenibbli
1. Jisħaq fuq l-importanza tal-politika ta' koeżjoni fil-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-persuni u bejn ir-reġjuni, inkluża l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, u fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri, inklużi l-prijoritajiet tas-saħħa tagħha relatati mal-ġeneru bħas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati; ifakkar li l-għanijiet ta' politika kollha jeħtieġu riżorsi biżżejjed u sostenibbli ddedikati għall-implimentazzjoni tagħhom; jirrakkomanda li l-Istati Membri jqisu l-miżuri ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri meta jkunu qed jiżviluppaw u japprovaw il-programmi;
2. Jemmen bil-qawwa li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri għadha prinċipalment indirizzata b'mod ġenerali u għadha limitata għall-oqsma tal-politika tal-FSE, kif ukoll fil-fażi ta' analiżi tal-kuntest u programmazzjoni, filwaqt li hemm il-ħtieġa ta' aktar attenzjoni fil-fażijiet ta' implimentazzjoni, monitoraġġ u evalwazzjoni fuq bażi regolari; ifakkar li huwa meħtieġ li kull fażi ta' programmazzjoni tidentifika l-oqsma ta' prijorità li jikkontribwixxu għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri u għall-iżvilupp sostenibbli;
3. Jemmen bis-sħiħ li r-regoli tal-UE għandhom jinkitbu b'mod ċar u espliċitu li jiffaċilita l-applikazzjoni tagħhom għall-benefiċċju taċ-ċittadini, inkluż fir-rigward tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa; jissottolinja li n-nuqqas ta' riżorsi xierqa huwa kawża ewlenija ta' diskriminazzjoni;
4. Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' impenn politiku qawwi biex tiġi difiża l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-liġi għall-popolazzjoni kollha kemm hi u għal tkabbir ekonomiku u żvilupp territorjali ġusti, inklużivi u sostenibbli; jirrimarka li sabiex tinkiseb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, huwa essenzjali li jiġi żgurat bilanċ tajjeb bejn ix-xogħol u l-ħajja privata li jnaqqas il-pressjoni minn fuq in-nisa matul il-liv relatat mal-familja; jisħaq, għalhekk, fuq il-ħtieġa ta' strateġija aktar b'saħħitha għall-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-UE bħala mod kif tiġi promossa l-ugwaljanza bejn il-ġeneri;
5. Jisħaq fuq l-importanza ta' qafas ta' governanza kkoordinat dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, linji gwida nazzjonali u appoġġ tekniku għall-monitoraġġ tal-impatt fuq il-ġeneri, disponibbli fil-lingwi uffiċjali tal-UE, kif ukoll skrutinju aktar b'saħħtu fil-livell tal-UE wara l-adozzjoni ta' programmi; jitlob, bl-istess mod, li l-konnessjoni mal-pjanijiet nazzjonali li jirriżultaw mill-pjan ta' rkupru titqies għall-iżvilupp tal-objettivi ta' żvilupp ekonomiku u soċjali ta' dawn il-programmi;
6. Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' strateġija dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri b'objettivi u miri ċari fil-livell nazzjonali u f'dak reġjonali u fuq il-ħtieġa ta' programmi ta' sensibilizzazzjoni dwar il-benefiċċji li jirriżultaw mill-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u tal-opportunitajiet indaqs għan-nisa u l-irġiel għat-tkabbir soċjoekonomiku u l-iżvilupp sostenibbli fil-livell nazzjonali u f'dak reġjonali;
7. Iqis li huwa meħtieġ li tingħata spinta lill-ħiliet u li jkomplu jiġu żviluppati aktar it-taħriġ u l-bini tal-kapaċitajiet tal-Awtoritajiet Maniġerjali u s-sħab ta' implimentazzjoni fir-rigward tad-dimensjoni tal-ġeneru tal-Fondi Strutturali, kif ukoll li tiġi ssodisfata l-ħtieġa ta' strateġiji ta' monitoraġġ ikkoordinati, sistemi unifikati ta' metodoloġija u evalwazzjoni fir-rigward tal-ġestjoni u d-diżaggregazzjoni tad-data utli immirata lejn l-identifikazzjoni ta' inugwaljanzi possibbli bejn iċ-ċittadini; jisħaq fuq l-importanza li jiġu evalwati r-riżultati tat-taħriġ biex tiġi vvalutata l-effettività tiegħu fit-titjib tal-implimentazzjoni tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri;
8. Jisħaq fuq l-importanza li jiġi rispettat il-prinċipju tas-sħubija fil-programmazzjoni nazzjonali fl-ambitu tal-politika ta' koeżjoni; jistieden lill-Istati Membri jikkoordinaw mill-qrib mal-awtoritajiet lokali u reġjonali, mas-sħab soċjali u ekonomiċi, mas-soċjetà ċivili u mal-akkademja fil-qafas tal-prinċipju tas-sħubija b'mod trasversali u meta jkunu qed jabbozzaw il-ftehim ta' sħubija sabiex iqisu l-isfidi relatati mal-politiki tal-ugwaljanza effettivi fil-livell lokali u f'dak reġjonali, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jwettqu kampanji biex jippromwovu politiki tal-ugwaljanza, b'mod partikolari fl-oqsma tar-rikonċiljazzjoni tax-xogħol u l-ħajja privata, l-eliminazzjoni tal-istereotipi tal-ġeneri fl-għażliet ta' karriera u fit-titjib tal-indipendenza ekonomika tan-nisa;
9. Iqis li l-partijiet ikkonċernati tal-programm u l-kumitati ta' monitoraġġ għandhom ikunu armati b'indikaturi aktar ċari tal-effiċjenza u l-effettività tal-programmi f'dik li hi l-implimentazzjoni ta' perspettiva tal-ġeneri fi proġetti konkreti, speċjalment fl-interventi tal-FEŻR; iqis li l-linji gwida, il-programmi ta' taħriġ u l-eżempji konkreti ta' prattika tajba biex tiġi indirizzata din il-kwistjoni għadhom limitati fl-għadd tagħhom; jissottolinja, f'dan ir-rigward, il-potenzjal tal-FEŻR/Fond ta' Koeżjoni li jeliminaw id-diskrepanza li n-nisa għadhom qed jiffaċċjaw, b'referenza partikolari għall-intraprenditorija femminili u s-settur diġitali, peress li n-nisa jirrappreżentaw biss 34.4 % ta' dawk li jaħdmu għal rashom u 30 % tal-intraprendituri li qed jibdew negozju fl-Unjoni Ewropea; iħeġġeġ lill-Kunsill jilħaq ftehim dwar il-proposta għal direttiva dwar it-titjib tal-bilanċ bejn il-ġeneri fost id-diretturi mhux eżekuttivi tal-kumpaniji elenkati fil-boroż u miżuri relatati (id-Direttiva dwar in-Nisa fuq il-Bordijiet), peress li hija għodda importanti ħafna biex jinkiseb bilanċ akbar bejn il-ġeneri fit-teħid ta' deċiżjonijiet ekonomiċi fl-ogħla livell; jitlob li parti mill-fondi tal-politika ta' koeżjoni jiġu ddedikati biex jappoġġjaw in-nisa fil-faqar, in-nisa f'riskju ta' faqar, l-ommijiet waħedhom, in-nisa b'diżabilità u n-nisa li huma vittmi tal-vjolenza; jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet rispettivi tagħhom jimplimentaw tali programmi;
10. Jisħaq li l-programmi kollha implimentati fil-qafas tal-politika ta' koeżjoni għandhom jiżguraw l-ugwaljanza bejn il-ġeneri matul it-tħejjija, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tagħhom, kif ukoll opportunitajiet indaqs għal kulħadd, inkluż permezz ta' azzjoni pożittiva fejn hu meħtieġ u applikabbli, mingħajr diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru, l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali; jissottolinja li l-azzjonijiet immirati lejn l-eliminazzjoni tad-disparità bejn il-ġeneri fl-ambitu tal-politika ta' koeżjoni wkoll għandhom jadottaw approċċ intersezzjonali; huwa tal-fehma li l-kompożizzjoni ta' gruppi esperti fil-fażijiet differenti taċ-ċiklu ta' politika għandha tkun ibbilanċjata bejn il-ġeneri;
11. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet rispettivi tagħhom isegwu l-prinċipji tal-istat tad-dritt, inkluż il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni, u r-rispett għad-drittijiet fundamentali fir-rigward tad-deċiżjonijiet dwar il-finanzjament ta' programmi jew reġjuni, segwiti minn monitoraġġ, investigazzjoni u azzjonijiet xierqa f'każijiet ta' ksur ta' dawn il-prinċipji, filwaqt li dejjem jiżguraw il-protezzjoni tal-benefiċjarji finali; jemmen li l-benefiċjarji tal-politika ta' koeżjoni ma għandhom jadottaw l-ebda politika diskriminatorja, b'mod partikolari kontra dawk il-gruppi li għadhom ibatu minħabba d-diskriminazzjoni, bħall-komunità LGBTI; iħeġġeġ li jiġu rrifjutati applikazzjonijiet minn benefiċjarji potenzjali, inkluż mill-awtoritajiet reġjonali jew lokali, li adottaw politiki diskriminatorji kontra membri tal-komunità LGBTI bħad-dikjarazzjoni ta' żoni "ħielsa mil-LGBTI";
12. Jindika l-ħtieġa li jittejbu s-sinerġiji bejn il-fond ta' koeżjoni u l-fond għall-irkupru u programmi eżistenti oħra, bħal programmi li għandhom l-għan li jtejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol għan-nisa, inkluż, fost l-oħrajn, billi jiġġieldu d-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri u l-impjieg prekarju, jinvestu fil-faċilitajiet ta' kura, jiġġieldu u jipprevjenu l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u jiżguraw l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati;
13. Jirrikonoxxi l-piż imqiegħed fuq in-nisa bħala indokraturi ewlenin f'ambjenti formali u informali, kif ukoll il-valur soċjali tiegħu, speċjalment matul il-kriżi tal-COVID-19; jirrikonoxxi l-fatt li 80 % tal-kura kollha pprovduta madwar l-UE tingħata minn persuni li jindukraw b'mod informali li spiss ma jitħallsux, li 75 % minnhom huma nisa; jinnota, għalhekk, ir-rwol kruċjali tal-politika ta' koeżjoni biex jiġu żgurati investimenti adegwati fis-servizzi tal-kura; jistieden lill-Istati Membri jipprijoritizzaw il-fondi disponibbli fi ħdan il-politika ta' koeżjoni għall-forniment tal-kura mhux biss biex tiġi ssodisfata d-domanda dejjem akbar għall-infrastruttura tal-kura, iżda wkoll biex jiġu indirizzati b'mod effettiv id-disparitajiet bejn il-ġeneri fl-impjiegi, id-differenzi fil-pagi u fil-pensjonijiet li jirriżultaw, is-segregazzjoni tas-suq tax-xogħol u, b'riżultat ta' dan, biex jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tiġi żgurata l-istess paga għall-istess xogħol, biex jiġu miġġielda l-impjieg informali u l-prekarjetà u biex jinħolqu impjiegi ġodda ta' kwalità għolja f'dan is-settur, kif ukoll biex tiġi appoġġjata tranżizzjoni lejn ekonomija aħjar tal-kura li tkun aċċessibbli għal kulħadd; jitlob li l-Kummissjoni għalhekk tipproponi Patt ta' Kura għall-Ewropa mmirat biex jappoġġja tali tranżizzjoni; jisħaq, barra minn hekk, fuq il-ħtieġa ta' investiment fil-protezzjoni soċjoekonomika tan-nisa, minħabba l-fatt li dawn fil-biċċa l-kbira jassumu r-responsabbiltà għal xogħol ta' indukrar mhux imħallas u spiss ikollhom ftit li xejn protezzjoni soċjali;
14. Jissottolinja li għad hemm bżonn li tiġi indirizzata b'mod determinat lakuna diġitali serja u li hemm bżonn li jsir investiment akbar fid-diġitalizzazzjoni, fl-innovazzjoni diġitali u fil-konnettività diġitali; jisħaq li l-politika ta' koeżjoni jeħtieġ li tappoġġja l-aċċess ugwali għat-taħriġ u l-impjieg għan-nisa u l-irġiel, timplimenta azzjoni pożittiva sabiex tnaqqas id-distakk diġitali bejn il-ġeneri u tappoġġja t-tranżizzjoni ġusta, dik ekoloġika u dik diġitali, filwaqt li tipproteġi lill-ħaddiema li se jiġu affettwati minn dawn it-tranżizzjonijiet, pereżempju billi żżid il-proporzjon ta' gradwati nisa fis-suġġetti STEM, kif ukoll l-involviment tagħhom f'setturi li huma kruċjali għat-tranżizzjoni ambjentali, bħas-settur tal-enerġija; jirrikonoxxi l-fatt li l-innovazzjoni hija element essenzjali tal-iżvilupp sostenibbli u tal-impjiegi ekoloġiċi fl-UE u li l-istrateġiji mfassla apposta jistgħu jippermettu lil kull reġjun jidentifika u jiżviluppa l-vantaġġi kompetittivi tiegħu stess;
15. Jissottolinja r-rwol kruċjali tal-politika ta' koeżjoni biex isir investiment f'servizzi pubbliċi, inkluża l-kura tas-saħħa, u infrastruttura soċjali ta' kwalità għolja, kemm biex jiġu miġġielda d-diversi inugwaljanzi bejn il-ġeneri, speċjalment l-inugwaljana bejn il-ġeneri, kif ukoll biex tinbena r-reżiljenza soċjali u jiġu indirizzati b'suċċess il-kriżijiet ekonomiċi, soċjali u tas-saħħa; ifakkar li l-politika ta' koeżjoni hija mmirata għall-iżvilupp armonjuż tar-reġjuni bis-saħħa tal-objettiv ta' konverġenza soċjali u ekonomika, u b'hekk tikkontribwixxi għall-benesseri taċ-ċittadini; għalhekk jemmen li l-politika ta' koeżjoni għandha tagħti attenzjoni partikolari lin-nisa li jgħixu fiż-żoni milquta minn tranżizzjoni industrijali u fir-reġjuni li jbatu minn żvantaġġi naturali jew demografiċi severi u permanenti, bħar-reġjuni ultraperiferiċi jew iż-żoni b'densità ta' popolazzjoni baxxa ħafna jew iż-żoni skarsament popolati kif ukoll il-gżejjer, ir-reġjuni transfruntiera u r-reġjuni muntanjużi; jisħaq li l-implimentazzjoni effettiva tal-politiki ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri tgħin biex treġġa' lura x-xejriet tad-depopolazzjoni fir-reġjuni konverġenti li huma suxxettibbli għal dak il-fenomenu;
16. Jirrimarka dwar l-opportunità tal-istrateġiji għall-iżvilupp urban u territorjali integrat u sostenibbli mwettqa mill-gvernijiet lokali u reġjonali f'konformità mal-Aġenda 2030, li jiżguraw li d-dimensjonijiet kollha tal-iżvilupp sostenibbli, inkluż l-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDG) 5, jiġu indirizzati meta jkunu qed jitfasslu l-politiki fil-livell lokali u f'dak reġjonali; jisħaq fuq ir-rwol imwettaq mill-bliet u r-reġjuni li ilhom żmien minn ta' quddiem nett fil-ħidma favur l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, kif ukoll l-inizjattivi Ewropej ta' żvilupp urban, bħall-Karta ta' Leipzig; jemmen li l-politika ta' koeżjoni għandha tikkontribwixxi biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi urbani mifruxa ħafna billi tintegra aħjar lin-nisa fl-ippjanar tal-politiki għall-iżvilupp reġjonali u urban sabiex jitfasslu bliet u komunitajiet inklużivi fir-rigward tal-ġeneri, li jkunu jaqblu għal kulħadd; jissottolinja li ppjanar urban sensittiv għall-ġeneru jista' jiżgura aċċess aktar ġust u aktar ugwali għall-beni urbani; jisħaq ukoll li r-reġjuni u l-gvernijiet lokali għandhom rwol ewlieni x'jaqdu fil-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali, u li l-ippjanar territorjali sensittiv għall-ġeneru jista' jikkontribwixxi biex isiru avvanzi f'dan il-proċess;
L-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-politika ta' koeżjoni ta' wara l-2020
17. Jitlob impenn politiku qawwi favur l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-livell tal-UE, f'dak nazzjonali u f'dak reġjonali sabiex tissaħħaħ l-attenzjoni mogħtija mill-partijiet ikkonċernati nazzjonali, reġjonali u lokali lill-ugwaljanza bejn il-ġeneri u lill-aspetti tal-ugwaljanza, kemm mill-perspettiva tad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll bħala fattur kruċjali għall-iżvilupp soċjoekonomiku, u biex jiġi promoss aktar impenn f'dan il-qasam;
18. Jitlob li fil-programmi kollha ta' wara l-2020 jiġu introdotti miri u rekwiżiti ċari u konkreti dwar l-objettivi tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u opportunitajiet u ugwaljanza akbar bejn l-irġiel u n-nisa, b'miżuri speċifiċi u interdixxiplinari li għandhom jiġu tradotti fl-operazzjonijiet kollha;
19. Jappoġġja bil-qawwa r-rekwiżit ex ante li tiġi żviluppata strateġija nazzjonali dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri b'objettivi u miri ċari biex jirfdu l-interventi tal-politika ta' koeżjoni sabiex jittejbu l-effettività u l-valur miżjud tagħha fir-rigward tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jistieden lill-Istati Membri jinfurzaw strateġija bħal din, inkluż, fejn xieraq, permezz ta' miżuri mmirati, obbligi u linji gwida vinkolanti;
20. Jistieden lill-Istati Membri jutilizzaw il-finanzjament tal-politika ta' koeżjoni biex ikomplu jnaqqsu d-disparitajiet ekonomiċi u soċjali reġjonali b'enfasi partikolari fuq il-ġlieda kontra l-femminizzazzjoni tal-faqar, fuq il-qgħad fost in-nisa u l-esklużjoni tagħhom minn ħafna opportunitajiet ekonomiċi, fuq il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta' vjolenza u diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru, fuq il-promozzjoni u l-insegwiment tal-awtonomizzazzjoni tan-nisa permezz tat-titjib tal-aċċess għas-suq tax-xogħol u fuq l-integrazzjoni mill-ġdid fih u fuq l-indirizzar tal-prijoritajiet relatati mas-saħħa kif definiti fl-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2020-2025, b'mod partikolari s-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati bħala dritt fundamentali tal-bniedem u aspett essenzjali tal-benesseri tal-bnedmin, u fuq tal-avvanz tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jitlob, barra minn hekk, li jittejbu s-sinerġiji bejn il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond għall-Irkupru u programmi eżistenti oħra bl-għan li jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol għan-nisa, inkluż billi jiġġieldu d-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri, l-impjieg prekarju u l-impjieg informali, isir investiment fil-faċilitajiet tal-kura, tiġi miġġielda u pprevenuta l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u jiġi żgurat l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati, fost ħwejjeġ oħra;
21. Jisħaq fuq l-importanza tas-sħubiji mal-korpi għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri u jappoġġja bil-qawwa l-involviment ta' dawn l-organizzazzjonijiet fil-fażijiet kollha tal-programmi sabiex jiġi ggarantit allinjament aħjar bejn l-azzjonijiet implimentati u l-ħtiġijiet tan-nisa u l-irġiel billi jiġu kkonsolidati l-oqfsa istituzzjonali u jissaħħu l-koordinazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-korpi ta' appoġġ fl-oqsma ta' politika kollha;
22. Jitlob li tiddaħħal il-valutazzjoni tal-impatt fuq il-ġeneri ex ante u ex post bħala parti mill-evalwazzjonijiet tal-Istati Membri, b'rabta mal-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-mod li bih jintefqu l-fondi u jekk il-konformità mal-miri tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri hijiex irrispettata b'mod effettiv; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li matul ir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-politika ta' koeżjoni ta' wara l-2020, titwettaq evalwazzjoni dwar l-użu tas-sorsi tagħhom sabiex jiġu vvalutati l-effettività, l-effiċjenza, l-impatt u, fejn ikun applikabbli, l-inklużività u n-nondiskriminazzjoni tagħhom, inkluż minn perspettiva tal-ġeneri;
23. Ifakkar fil-ħtieġa li jiġu evalwati l-Fondi abbażi tal-informazzjoni miġbura permezz ta' rekwiżiti ta' monitoraġġ speċifiċi; jisħaq li indikaturi li jistgħu jitkejlu, fejn ikun xieraq, għandhom jippermettu wkoll li l-appoġġ għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri jiġi mmonitorjat;
24. Jilqa' ż-żieda fl-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri bħala waħda mill-prijoritajiet orizzontali tal-QFP il-ġdid u bħala prinċipju orizzontali fir-Regolament il-ġdid dwar Dispożizzjonijiet Komuni; ifakkar li l-ibbaġitjar skont il-ġeneru huwa l-applikazzjoni tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-livelli kollha tal-proċess baġitarju; jisħaq li l-monitoraġġ tal-programmi ma għandux ikollu biss l-għan li jkejjel in-nefqa rilevanti fil-linji baġitarji kollha, iżda, aktar importanti minn hekk, għandu jivvaluta l-eżitu tal-baġit tal-UE fit-titjib tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jisħaq li kull valutazzjoni tal-impatt fuq il-ġeneri għandha tkun disponibbli bil-lingwi uffiċjali tal-UE; jirrakkomanda l-użu ta' kriterji li mhux biss jivvalutaw il-paga medjana nazzjonali u d-dħul gross annwali medjan fil-parità tal-kapaċità tal-akkwist, iżda anke l-indikaturi mhux ekonomiċi, bħal dawk li jkejlu l-benessri soġġettiv, l-eliminazzjoni tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru, l-impenn ċivili, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u r-rabtiet soċjali; jissottolinja li l-valutazzjoni tal-eżitu hija possibbli biss jekk tkun disponibbli data diżaggregata skont il-ġeneru;
25. Jisħaq fuq id-diskrepanza fid-data dwar il-ġeneri fil-qasam tal-politika ta' koeżjoni u l-ippjanar urban, li teżisti f'għadd ta' Stati Membri, u jistieden lill-Istati Membri jintroduċu metodi għall-ġbir tad-data li jikkorrispondu għal data diżaggregata skont il-ġeneru sabiex id-differenzi bejn il-ġeneri jkunu jistgħu jiġu analizzati kif xieraq; jisħaq li sabiex tiġi żgurata l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri, il-Kummissjoni għandha timplimenta valutazzjoni tal-impatt tal-ġeneru għal kull politika u proposta leġiżlattiva fil-qasam tal-politika ta' koeżjoni, tiddefinixxi indikaturi reattivi għal kwistjonijiet ta' ġeneru, tiġbor data diżaggregata skont il-ġeneru u twettaq evalwazzjonijiet reattivi għal kwistjonijiet ta' ġeneru;
26. Jistieden lill-istituzzjonijiet kollha jipprovdu dokumenti ta' gwida u, fuq bażi regolari, taħriġ prattiku fil-livelli kollha tal-amministrazzjoni, sabiex ixerrdu u jintegraw eżempji konkreti ta' prattiki tajba dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri, l-integrazzjoni u l-immaniġġjar tajjeb; jisħaq, barra minn hekk, li fl-istadju tal-għażla tal-proġett il-kriterji għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri għandhom jissaħħu permezz ta' punteġġi ogħla u rekwiżiti għal azzjonijiet aktar prattiċi; jilqa' r-rwol tal-EIGE fil-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru; jissottolinja l-kontribut pożittiv tiegħu għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri, inkluż fil-qasam tal-politika ta' koeżjoni; jappella għall-finanzjament adegwat tal-EIGE u jirrakkomanda li jsir użu mill-għodod eżistenti żviluppati mill-EIGE bħas-sett ta' għodod tiegħu għall-ibbaġitjar skont il-ġeneru fl-istadji kollha tal-evalwazzjoni, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ fil-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej;
27. Jisħaq fuq il-fatt li numru bla għadd ta' nisa qed jiffaċċjaw l-isfidi tal-pandemija tal-COVID-19 li wasslet għal żidiet qawwija fir-rapporti ta' vjolenza domestika; jistieden lill-Kunsill jikkonkludi b'mod urġenti r-ratifika min-naħa tal-UE tal-Konvenzjoni ta' Istanbul dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jallokaw il-finanzjament tal-politika ta' koeżjoni u jwettqu programmi li huma mmirati lejn il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u biex jgħinu lill-vittmi tal-vjolenza; jisħaq fuq id-disparitajiet li hemm fil-kwantità u l-kwalità tas-servizzi pprovduti għan-nisa u t-tfal li jbatu minħabba l-vjolenza sessista, u r-rwol tal-politika ta' koeżjoni fl-eliminazzjoni gradwali ta' tali inugwaljanzi; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-awtoritajiet lokali jinvolvu lill-impjegaturi reġjonali u lill-NGOs fil-ħidma tagħhom;
28. Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi r-rakkomandazzjonijiet meħtieġa dwar il-promozzjoni tad-dimensjoni tal-ġeneru u kwistjonijiet relatati mal-ġeneru fil-komunikazzjoni tagħha dwar it-tnedija tal-politika ta' koeżjoni l-ġdida għall-2021-2027;
°
° °
29. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
NOTA SPJEGATTIVA
Il-prinċipju tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel huwa valur fundamentali tal-UE, applikabbli għall-attivitajiet u l-politiki kollha tal-UE.
Fost l-istrumenti tal-politika tal-UE, il-Politika ta' Koeżjoni hija għodda li tħalli impatt b'mod partikolari, kemm fil-volum kif ukoll fin-natura tal-finanzjament tagħha. Il-kamp għall-applikazzjoni ta' dimensjoni tal-ġeneru jvarja minn miżuri mmirati direttament lejn l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-impjiegi, l-inklużjoni soċjali u l-edukazzjoni fi ħdan il-Fond Soċjali Ewropew (FSE), sa investimenti u servizzi fi ħdan il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), bħall-appoġġ lill-intraprenditorija femminili, l-indirizzar tad-differenza bejn il-ġeneri fir-riċerka u l-innovazzjoni, u t-titjib tal-aċċess għall-infrastruttura fiżika, tal-ICT u soċjali.
Minbarra l-kontribut tagħha għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-adozzjoni ta' perspettiva tal-ġeneri fil-Politika ta' Koeżjoni hija ta' benefiċċju wkoll għas-suċċess u l-effettività tal-politiki ta' żvilupp reġjonali. Din tikkontribwixxi għal tfassil ta' politika aktar inklużiv għaċ-ċittadini kollha, għandha rwol importanti fit-tnaqqis tad-disparitajiet ekonomiċi u soċjali reġjonali u tappoġġja l-iżvilupp sostenibbli fit-tul tar-reġjuni.
Fil-perjodu ta' programmazzjoni tal-2014-2020, ittieħed approċċ doppju għad-dimensjoni tal-ġeneru tal-Politika ta' Koeżjoni, bħala prinċipju orizzontali fil-fondi kollha u bħala prijorità ta' investiment dirett tal-FSE. Dan ir-rapport jinnota li, filwaqt li dan l-approċċ wassal għal suċċess konsiderevoli f'ċerti aspetti tal-Politika ta' Koeżjoni u saru sforzi sostanzjali biex tittejjeb il-kunsiderazzjoni tad-dimensjoni tal-ġeneru f'oqsma oħra, għadu 'l bogħod milli jwettaq il-potenzjal sħiħ tiegħu. Barra minn hekk, żviluppi reċenti jheddu li jwasslu għal tfixkil aktar milli titjib fil-futur immedjat.
Waħda mill-akbar sfidi għal aktar titjib tal-aspetti tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri identifikati f'dan ir-rapport hija n-nuqqas ta' impenn politiku b'saħħtu għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri u nuqqas ta' sensibilizzazzjoni dwar l-importanza tagħha għall-popolazzjoni kollha u l-kontribut tagħha għat-tkabbir ekonomiku u l-iżvilupp territorjali. Għalhekk, dan ir-rapport jisħaq b'mod ċar fuq il-ħtieġa ta' impenn politiku għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-livell tal-UE, nazzjonali u lokali, u ta' apprezzament akbar fost il-partijiet ikkonċernati nazzjonali u lokali tal-benefiċċji b'diversi livelli tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, li jagħmlu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri kwistjoni ekonomika u soċjali.
Sfida oħra fl-applikazzjoni attwali tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri hija l-enfasi mhux ugwali mogħtija lid-dimensjonijiet differenti tal-Politika ta' Koeżjoni. Din l-enfasi hija limitata l-aktar għall-FSE, fejn konnessjoni diretta hija aktar faċli biex tiġi identifikata, filwaqt li sa issa ma tqisitx biżżejjed l-applikazzjoni aktar indiretta tad-dimensjoni tal-ġeneru fi ħdan il-FEŻR. Distinzjoni oħra hija l-enfasi relattivament qawwija mqiegħda fuq aspetti ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-fażi ta' programmazzjoni, meta mqabbla ma' nuqqas relattiv ta' attenzjoni mogħtija lill-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-fażijiet ta' implimentazzjoni, monitoraġġ u evalwazzjoni.
Il-Politika ta' Koeżjoni ta' wara l-2020 għandha għalhekk tindirizza din il-kwistjoni billi tespandi s-sensibilizzazzjoni, kemm f'termini tal-fondi varji kif ukoll tal-passi differenti fiċ-ċiklu tal-politika.
Kwistjoni usa' li xxekkel l-implimentazzjoni b'suċċess tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fit-tfassil tal-politika tal-UE hija n-nuqqas ta' koerenza tal-politiki fil-qasam tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-UE. Għarfien u implimentazzjoni komuni tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fl-istituzzjonijiet tal-UE għadhom ma jeżistux u hemm linji gwida nazzjonali u appoġġ tekniku limitati għal dan il-għan, kif ukoll nuqqas ta' metodoloġija biex jiġi traċċat l-infiq fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri. Għalhekk, dan ir-rapport iħeġġeġ b'mod sħiħ il-ħidma fuq qafas u metodoloġija globali, minbarra l-ħidma fuq dokumenti ta' gwida aktar speċifiċi u sessjonijiet ta' taħriġ, kif ukoll il-kondiviżjoni ta' eżempji konkreti ta' prattiki tajba dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-qasam tal-Politika ta' Koeżjoni.
Dan huwa kruċjali, peress li n-nuqqas ta' għarfien dwar kif għandha tiġi appoġġjata b'mod konkret l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri, speċjalment fl-oqsma ta' intervent tal-FEŻR, huwa wieħed mill-fatturi ewlenin li jwasslu għal tnaqqis fl-effettività tal-Politika ta' Koeżjoni fir-rigward tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri. Fin-nuqqas ta' appoġġ adegwat, il-miri tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri ta' spiss jitqiesu bħala piż amministrattiv addizzjonali jew li jikkompetu ma' objettivi oħra tal-proġett tal-Politika ta' Koeżjoni minflok ma jissupplimentawhom.
Fir-rigward tal-iżviluppi futuri, jeħtieġ li jiġu indirizzati għadd ta' sfidi oħra. Ċentrali fost dawn hemm il-periklu ta' degradazzjoni ulterjuri tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fid-dibattitu pubbliku u fl-aġendi tal-politika fil-livell tal-UE u dak nazzjonali, fil-qasam tal-Politika ta' Koeżjoni ta' wara l-2020.
Barra minn hekk, il-kwistjoni tal-inugwaljanza ġiet aggravata aktar mill-kriżi tal-COVID-19, li toħloq theddida għall-iżviluppi tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri kemm fir-rigward tal-impatt dirett tal-kriżi kif ukoll fil-fażi tal-irkupru.
Studji preliminari jissuġġerixxu li l-pandemija tal-COVID-19 kellha impatt sproporzjonat fuq in-nisa u l-bniet, b'mod partikolari fuq membri ta' gruppi emarġinati. Madankollu, din il-kwistjoni ma ġietx indirizzata b'mod adegwat fl-isforzi attwali fil-livell tal-UE favur l-irkupru soċjali u ekonomiku. Il-qafas tal-Fond għall-Irkupru tal-UE jiffoka primarjament fuq stimuli ekonomiċi għal setturi b'sehem għoli ta' impjiegi tal-irġiel, filwaqt li bosta mis-setturi affettwati l-aktar mill-kriżi tal-COVID-19 għandhom sehem għoli ta' impjiegi tan-nisa. Dan jirriskja li jikkontribwixxi għal żieda fl-inugwaljanzi bejn il-ġeneri fl-impjiegi fl-UE.
Il-kriżi tal-COVID-19 uriet ir-rwol kruċjali tas-servizzi pubbliċi u l-infrastruttura soċjali, kif ukoll is-settur tal-kura, biex tiġi żgurata r-reżiljenza soċjali u ekonomika. Barra minn hekk, din enfasizzat ir-rwol li n-nisa għandhom bħala indokraturi prinċipali f'ambjenti formali u informali, kif ukoll il-valur li dan joħloq għas-soċjetà.
Il-Politika ta' Koeżjoni għalhekk se jkollha rwol importanti x'taqdi fil-ġlieda kontra l-effetti avversi ta' din il-kriżi b'diversi livelli fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, filwaqt li jkollha wkoll rwol ewlieni fl-appoġġ tas-suċċess tal-irkupru ekonomiku u tas-soċjetà.
Fl-aħħar nett, billi l-Unjoni Ewropea hija impenjata li tħaffef it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali permezz tal-miżuri ta' rkupru tagħha, dawn il-miżuri jeħtieġ li jkunu akkumpanjati b'enfasi fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, bħal fl-iżgurar ta' aċċess għat-taħriġ għan-nisa sabiex tiġi eliminata d-differenza diġitali bejn il-ġeneri u l-appoġġ għall-impjieg tan-nisa, filwaqt li tiffoka wkoll fuq il-validazzjoni ta' setturi ta' impjiegi aktar tradizzjonali għan-nisa, sabiex jiġi żgurat li l-benefiċċji tal-irkupru jinħassu b'mod ugwali fost il-ġeneri differenti.
OPINJONI TAL-KUMITAT GĦAD-DRITTIJIET TAN-NISA U L-UGWALJANZA BEJN IS-SESSI (11.11.2020)
għall-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali
Id-dimensjoni tal-ġeneru fil-politika ta' koeżjoni
Rapporteur għal opinjoni: Lena Düpont
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi jistieden lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
A. billi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hija valur ċentrali tal-UE li huwa minqux fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u fl-Artikoli 8 u 19 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea; billi l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri hija għalhekk għodda importanti fl-integrazzjoni orizzontali ta' dan il-prinċipju fil-politiki, il-miżuri u l-azzjonijiet tal-UE, inkluża l-Politika ta' Koeżjoni; billi huma meħtieġa sforzi akbar biex jiġu indirizzati d-diversi forom ta' diskriminazzjoni u inugwaljanza li magħhom iħabbtu wiċċhom in-nisa; billi l-Artikolu 7 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni[42] għall-2014-2020 jistabbilixxi li l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri jridu jitqiesu u jiġu promossi tul it-tħejjija u l-implimentazzjoni kollha tal-programmi;
B. billi l-Politika ta' Koeżjoni tindirizza d-disparitajiet li jeżistu bejn diversi reġjuni u r-ritard ta' dawk ir-reġjuni li huma l-inqas favoriti bil-għan li tinkiseb koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, li tagħha l-kisba tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija komponent essenzjali, permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond Soċjali Ewropew (FSE), il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) u l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF), li huma soġġetti għall-prinċipji tan-nondiskriminazzjoni u tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri; billi dawn il-fondi għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lin-nisa li jgħixu fiż-żoni rurali, liż-żoni milquta minn tranżizzjoni industrijali u lir-reġjuni li jbatu minn żvantaġġi naturali jew demografiċi gravi u permanenti bħal pereżempju r-reġjuni b'densità ta' popolazzjoni baxxa ħafna, kif ukoll il-gżejjer, ir-reġjuni transfruntiera u r-reġjuni muntanjużi;
C. billi l-konsegwenzi sħaħ tal-pandemija fuq l-ekonomija, l-impjiegi u s-soċjetà għadhom mhux magħrufa; billi studji preliminari jissuġġerixxu li l-pandemija tal-COVID-19 aggravat l-inugwaljanzi eżistenti, bħaż-żieda fix-xogħol tal-indukrar u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, li għandhom impatt sproporzjonat fuq in-nisa u l-bniet, li l-Politika ta' Koeżjoni għandha tqis; billi għalkemm l-għan tal-Politika ta' Koeżjoni huwa li tnaqqas id-distakk bejn ir-reġjuni fi ħdan l-UE, din għandha ttejjeb ukoll l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u tindirizza d-disparità bejn il-ġeneri sabiex jiġi infurzat il-prinċipju ta' paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali u opportunitajiet indaqs fis-suq tax-xogħol; billi n-negozjar kollettiv huwa għodda importanti biex jiġu ikkorreġuti u megħluba l-inugwaljanzi bejn l-irġiel u n-nisa; billi l-impatt negattiv tal-kriżi tal-COVID-19 irid jittaffa sabiex tiġi żgurata allokazzjoni suffiċjenti ta' finanzjament għall-implimentazzjoni tal-politiki dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, inklużi proġetti li jindirizzaw id-diskriminazzjoni u l-vjolenza domestika u abbażi tal-ġeneru;
D. billi t-titjib tal-aċċessibilità u l-affordabilità tal-faċilitajiet tal-indukrar ta' kwalità huwa tal-akbar importanza biex in-nisa jkunu jistgħu jibqgħu attivi fis-suq tax-xogħol billi jippromwovu l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u jikkontribwixxu, fost affarijiet oħra, biex titnaqqas id-differenza bejn il-pensjonijiet tan-nisa u tal-irġiel, peress li n-nisa jwettqu sehem sproporzjonatament ogħla ta' xogħol ta' indukrar mhux imħallas meta mqabbel mal-irġiel minħabba stereotipi persistenti tal-ġeneru u strutturi ta' differenza fil-pagi b'implikazzjonijiet profondi f'dawk li huma r-rappreżentanza u l-prestazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol; billi fid-dawl tax-xejriet demografiċi emerġenti, bħas-soċjetajiet li qed jixjieħu, ir-rati aktar baxxi tat-twelid u, konsegwentement, it-tnaqqis fil-popolazzjoni fl-età tax-xogħol, il-ħtieġa ta' servizzi tal-indukrar saret aktar importanti minn qatt qabel; billi l-COVID-19 esponiet problema li ilha teżisti fil-forniment tal-indukrar fl-UE; billi l-indukrar jeħtieġ li jitqies b'mod olistiku tul kontinwità, mill-indukrar tat-tfal sal-indukrar ta' wara l-iskola, sal-indukrar għall-persuni b'diżabilità u sal-indukrar tal-anzjani; billi l-investiment fis-settur tal-indukrar se jipprovdi wkoll opportunitajiet ta' impjieg fl-ekonomija formali għall-indukraturi informali;
E. billi l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija essenzjali biex jintlaħqu l-għanijiet ewlenin tal-Politika ta' Koeżjoni, jiġifieri l-iżvilupp ekonomiku u soċjali reġjonali fit-tul u sostenibbli fl-UE, u billi l-Politika ta' Koeżjoni hija l-istrument xieraq biex jiġu indirizzati b'mod determinat l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri li jeżistu fiż-żoni rurali, peress li n-nisa fiż-żoni rurali għandhom aċċess aktar limitat għall-impjiegi u għas-servizzi soċjali, speċjalment fiż-żoni rurali depopolati jew fiż-żoni li qed jiffaċċjaw żvantaġġi demografiċi; billi l-Politika ta' Koeżjoni tista' tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ta' azzjonijiet speċifiċi ffukati fuq il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza sessista, kif ukoll għall-promozzjoni u t-titjib tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri billi tindirizza b'mod determinat is-segregazzjoni orizzontali u vertikali tas-suq tax-xogħol u d-disparitajiet persistenti bejn il-ġeneri fl-impjiegi, fl-inklużjoni soċjali u fl-edukazzjoni, billi tiffaċilita l-aċċess tan-nisa għar-riċerka u għall-innovazzjoni, kif ukoll billi tqis il-ħtiġijiet tan-nisa fir-rigward tat-trasport u tal-infrastrutturi soċjali;
F. billi l-parteċipazzjoni tan-nisa għadha limitata fl-istadji kollha taċ-ċiklu tal-Politika ta' Koeżjoni, speċjalment fl-iżvilupp tal-Programmi Operazzjonali, fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet u fl-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-implimentazzjoni tal-proġetti magħżula;
1. Jenfasizza r-rwol importanti li l-Fondi ta' Koeżjoni għandu jkollhom fil-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex jippromwovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u n-nondiskriminazzjoni fil-Politika ta' Koeżjoni permezz tal-integrazzjoni effikaċi tal-perspettiva tal-ġeneri fil-fażijiet kollha taċ-ċiklu tal-politika, inklużi għanijiet ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri, miżuri mmirati u sottotemi dedikati, filwaqt li juru impenn politiku qawwi fil-livell tal-UE, f'dak nazzjonali u f'dak reġjonali biex javvanzaw l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; iħeġġeġ il-kooperazzjoni mill-qrib mal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) u mal-korpi nazzjonali tal-ugwaljanza f'dak ir-rigward, filwaqt li jiġu ipprovduti riċerka u data ta' kwalità għolja biex jingħata appoġġ lit-teħid tad-deċiżjonijiet, infurmat aħjar u bbażat fuq l-evidenza, li jsir minn dawk li jfasslu l-politika u minn partijiet ikkonċernati ewlenin oħra li jaħdmu biex itejbu l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel; jisħaq fuq il-fatt li l-kondiviżjoni tal-għarfien mill-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE u l-appoġġ għall-bini tal-kapaċità huma indispensabbli biex jiġu prevenuti l-ispejjeż amministrattivi għolja u ż-żidiet bla bżonn fil-burokrazija; jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni mill-qrib mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fiċ-ċiklu tal-Politika ta' Koeżjoni u jappella għall-implimentazzjoni ta' valutazzjonijiet tal-impatt fuq il-ġeneri f'dan il-qasam u għall-ġbir ta' data diżaggregata skont il-ġeneru u ta' indikaturi sensittivi għall-ġeneru sabiex jitkejlu l-inugwaljanzi soċjali u ekonomiċi, u biex tiġi żgurata l-inklużjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-kriterji ta' evalwazzjoni u fis-sistemi ta' implimentazzjoni u ta' monitoraġġ tal-fondi;
2. Jiddispjaċih għall-fatt li għall-perjodu ta' programmazzjoni l-ġdid, il-Kummissjoni ma ressqitx miżuri ġodda biex ittejjeb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, iżda minflok neħħiet kemm il-kundizzjonalità tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri mir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni kif ukoll is-sottoprogramm "In-nisa fiż-żoni rurali";
3. Jenfasizza li wieħed mill-aspetti essenzjali tal-Politika ta' Koeżjoni huwa li tiġi żgurata l-koeżjoni soċjali, territorjali u ekonomika permezz tal-ġlieda kontra d-disparitajiet bejn in-nisa u l-irġiel, fost miżuri oħra; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri japplikaw il-prinċipji tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri u tal-ibbaġitjar skont il-ġeneru b'miżuri mmirati biex jiġu miġġielda forom multipli ta' diskriminazzjoni, faqar u esklużjoni soċjali, u jinkorporaw perspettiva intersezzjonali, meħtieġa għall-protezzjoni ta' individwi u nisa vulnerabbli minn gruppi emarġinati; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni tipprovdi linji gwida biex tiffaċilita l-implimentazzjoni ta' dan l-approċċ fiċ-ċiklu tal-Politika ta' Koeżjoni; jenfasizza li huwa essenzjali li l-investimenti fil-ħolqien tal-impjiegi jkunu reattivi għall-kwistjonijiet ta' ġeneru u għalhekk itejbu l-impjegabilità tan-nisa; jissottolinja r-rwol kruċjali tal-Politika ta' Koeżjoni fl-investiment f'servizzi ta' kwalità għolja, li għandu effett pożittiv fuq il-ġlieda kontra l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri; jitlob, għalhekk, l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fl-Objettivi tal-Politika stabbiliti fir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni sabiex jittejbu l-aċċess tan-nisa għall-infrastrutturi u s-servizzi, l-opportunitajiet tagħhom fis-suq tax-xogħol u fl-ekonomija, u biex jissaħħaħ il-kontribut tal-Politika ta' Koeżjoni għat-tkabbir soċjoekonomiku;
4. Jirrimarka r-rwol rilevanti tal-Fondi ta' Koeżjoni fl-iżgurar tal-investiment fis-servizzi tal-indukrar; jistieden lill-Istati Membri jipprijoritizzaw il-fondi disponibbli fi ħdan il-Politika ta' Koeżjoni għall-forniment tal-indukrar biex mhux biss tiġi ssodisfata d-domanda dejjem tikber għall-infrastruttura tal-indukrar, iżda wkoll biex jiġu indirizzati b'mod effettiv id-disparitajiet bejn il-ġeneri fl-impjiegi, is-segregazzjoni tas-suq tax-xogħol u, b'riżultat ta' dan, id-differenzi fil-pagi u fil-pensjonijiet; iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkondividu l-aħjar prattiki fil-livell Ewropew dwar l-użu effiċjenti tal-fondi tal-UE biex jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' servizzi tal-indukrar ta' kwalità;
5. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali jqajmu kuxjenza dwar il-ħtieġa tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u jiżviluppaw u jipprovdu għodod u linji gwida speċifiċi, filwaqt li jirrispettaw id-diviżjoni tal-kompetenzi bejn l-Istati Membri u l-UE, biex jgħinu lill-Istati Membri jintegraw perspettiva tal-ġeneru fl-istadji tad-disinn, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ, bl-użu tal-għodod eżistenti żviluppati mill-EIGE bħas-sett ta' għodod tiegħu għall-ibbaġitjar skont il-ġeneru fil-Fondi tal-UE; jenfasizza l-importanza li l-istrateġiji nazzjonali għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri jintrabtu mal-Politika ta' Koeżjoni, peress li l-Fondi SIE huma strument ewlieni għall-promozzjoni ta' bidliet strutturali fis-soċjetà; jenfasizza l-importanza tat-taħriġ fl-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri għall-uffiċjali li jimmaniġġjaw il-fondi tal-Politika ta' Koeżjoni fil-livell Ewropew, f'dak nazzjonali, f'dak reġjonali u f'dak lokali;
6. Jenfasizza r-rwol tal-bliet u r-reġjuni li ilhom żmien minn ta' quddiem nett fil-ħidma favur l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni tirrikonoxxi fl-Istrateġija tagħha dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2020-2025 li l-istereotipi tal-ġeneru huma kawża ewlenija tal-inugwaljanza bejn il-ġeneri u jaffettwaw l-oqsma kollha tas-soċjetà; jenfasizza l-ħtieġa li dawn l-istereotipi tal-ġeneru u d-diskriminazzjoni strutturali kontra n-nisa jiġu indirizzati fl-oqsma kollha tal-Politika ta' Koeżjoni, u li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu involuti fil-ġlieda kontrihom; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet rispettivi tagħhom isegwu l-prinċipji tal-istat tad-dritt, inklużi l-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni u r-rispett għad-drittijiet fundamentali fir-rigward tad-deċiżjonijiet dwar il-finanzjament ta' programmi jew reġjuni, segwiti minn monitoraġġ, investigazzjoni u azzjonijiet xierqa f'każijiet ta' ksur ta' dawn il-prinċipji, filwaqt li dejjem jiżguraw il-protezzjoni tar-riċevituri finali; jemmen li proċeduri ta' ksur jistgħu potenzjalment jiġu varati jekk ikun hemm suspett ta' ksur tad-dritt tal-Unjoni u li f'dan ir-rigward jista' jkun essenzjali mekkaniżmu ta' kundizzjonalità għall-iżborż tal-fondi tal-UE bbażat fuq ir-rapport annwali ta' monitoraġġ tal-Kummissjoni dwar il-valuri tal-Unjoni; jenfasizza li l-hekk imsejħa żoni ħielsa mil-LGBTI jimminaw dawn il-prinċipji u għalhekk jilqa' d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrifjuta sitt applikazzjonijiet ta' ġemellaġġ bejn il-bliet li jinvolvu lill-awtoritajiet Pollakki li kienu adottaw riżoluzzjonijiet dwar "żoni ħielsa mil-LGBTI"; jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga mill-qrib l-ilmenti li għandhom x'jaqsmu mal-użu ħażin tal-fondi tal-UE minn dawn l-awtoritajiet u tkompli tirrifjuta l-applikazzjonijiet għall-finanzjament tal-Unjoni li jsiru minn awtoritajiet li jkunu adottaw riżoluzzjonijiet bħal dawn;
7. Jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet rispettivi tagħhom iwettqu programmi li huma mmirati biex tiġi prevenuta u miġġielda l-vjolenza kontra n-nisa u biex il-vittmi tal-vjolenza jiġu megħjuna, peress li waqt il-kriżi tal-COVID-19 il-vjolenza domestika u abbażi tal-ġeneru żdiedet fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri; jenfasizza l-ħtieġa li l-awtoritajiet lokali jinvolvu lill-impjegaturi u l-NGOs reġjonali fil-ħidma tagħhom sabiex jippromwovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, iqajmu kuxjenza pubblika dwar l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri, kif ukoll tal-vjolenza domestika, u jipproteġu lill-vittmi, filwaqt li jipprovdu appoġġ immirat; jenfasizza r-rwol importanti tal-Konvenzjoni ta' Istanbul dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika; iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha li għadhom ma rratifikawx il-Konvenzjoni ta' Istanbul biex jagħmlu dan; iħeġġeġ lill-Kunsill jikkonkludi r-ratifika tal-Konvenzjoni ta' Istanbul min-naħa tal-UE;
8. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżguraw li l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneru tiġi promossa fl-istadji kollha tal-evalwazzjoni, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-Fondi SIE; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet ta' mmaniġġjar jaqsmu prattiki tajba fl-applikazzjoni tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri permezz tal-kondiviżjoni tal-għarfien, l-assistenza teknika, it-taħriġ u s-sensibilizzazzjoni; jitlob l-involviment tal-esperti tal-kwistjonijiet tal-ġeneru, tal-korpi tal-ugwaljanza, tas-sħab soċjali u tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili fil-proċess tat-tħejjija, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-Programmi Operazzjonali tal-Fondi SIE f'konformità mal-prinċipju tas-sħubija, u jinkoraġġixxi l-użu ta' proġetti mmexxija mill-komunità permezz tal-istrumenti eżistenti bħall-iżviluppi lokali mmexxija mill-komunità (CLLDs) u l-investimenti territorjali integrati (ITIs) biex jiġi żgurat approċċ minn isfel għal fuq fl-iżvilupp tal-proġetti; jitlob rappreżentanza bbilanċjata mil-lat tal-ġeneri fi ħdan il-korpi tal-Politika ta' Koeżjoni biex tittejjeb id-diversità fit-teħid tad-deċiżjonijiet u jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet rispettivi tagħhom jappoġġjaw tali ħatriet ibbilanċjati mil-lat tal-ġeneri fi ħdan il-kumitati tat-teħid tad-deċiżjonijiet;
9. Jistieden lill-Istati Membri jutilizzaw il-finanzjament tal-Politika ta' Koeżjoni biex ikomplu jnaqqsu d-disparitajiet ekonomiċi u soċjali reġjonali b'enfasi partikolari fuq il-ġlieda kontra l-femminizzazzjoni tal-faqar, il-qgħad fost in-nisa u l-esklużjoni minn ħafna opportunitajiet ekonomiċi, fuq il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru u diskriminazzjoni, fuq il-promozzjoni u l-insegwiment tal-awtonomizzazzjoni tan-nisa permezz tat-titjib tal-aċċess għas-suq tax-xogħol u l-integrazzjoni mill-ġdid fih u fuq l-indirizzar tal-prijoritajiet relatati mas-saħħa kif definiti fl-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2020-2025, b'mod partikolari s-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati bħala dritt fundamentali tal-bniedem u aspett essenzjali tal-benesseri tal-bniedem u tal-avvanz tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jitlob, barra minn hekk, it-titjib tas-sinerġiji bejn il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond ta' Rkupru u programmi eżistenti oħra bl-għan li lin-nisa jittejbulhom il-kundizzjonijiet tax-xogħol – inkluż billi jiġu miġġielda d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa, ix-xogħol prekarju u x-xogħol informali – u jsir investiment fil-faċilitajiet tal-indukrar, tiġi miġġielda u prevenuta l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u jiġi żgurat l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati fost ħwejjeġ oħra;
10. Jenfasizza r-rwol tal-finanzjament tal-Politika ta' Koeżjoni, fid-dawl tal-impatt mingħajr preċedent tal-kriżi tal-COVID-19, fl-appoġġ, fl-iffaċilitar u fil-promozzjoni ta' programmi li, permezz tal-kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet speċjali tan-nisa, inklużi n-nisa rurali u dawk li jgħixu fir-reġjuni aktar foqra, muntanjużi u ultraperiferiċi, kif ukoll fiż-żoni remoti u mal-fruntieri, b'miżuri proattivi permezz tal-FAEŻR biex jinkoraġġixxu l-impjieg tan-nisa fiż-żoni rurali u l-intraprenditorija tagħhom, jiffaċilitaw id-dmirijiet tagħhom tal-indukrar tat-tfal, itejbu l-bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol u l-ħajja privata u, b'mod ġenerali, biex isaħħu r-rwol tagħhom, itejbu l-aċċess tagħhom għall-art, għall-kreditu u għall-istrumenti finanzjarji, jagħtu spinta lill-ħiliet u lill-prestazzjoni tagħhom permezz tal-edukazzjoni, it-taħriġ u s-servizzi ta' konsulenza, iżidu l-parteċipazzjoni tagħhom fit-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livell nazzjonali u f'dak reġjonali, fil-gruppi ta' azzjoni lokali u l-iżvilupp tas-sħubijiet lokali, u jindirizzaw in-nuqqasijiet infrastrutturali, inkluż fir-rigward tal-provvediment ta' tipi differenti ta' indukrar; jisħaq fuq il-fatt li l-kooperazzjoni fil-livell Ewropew, flimkien mal-użu effiċjenti tal-fondi tal-UE, tista' tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' servizzi tal-indukrar ta' kwalità għolja, aċċessibbli u għall-but ta' kulħadd li huma ta' importanza vitali biex tiġi sostnuta l-attività tas-suq tax-xogħol tan-nisa;
11. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l-attività tan-nisa fis-suq tax-xogħol u fl-intraprenditorija, b'mod partikolari fl-oqsma tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM), u l-intelliġenza artifiċjali (IA); ifakkar li fl-appoġġ għat-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi, il-Politika ta' Koeżjoni għandha tagħti attenzjoni speċjali lill-iżgurar li n-nisa jkollhom aċċess għat-taħriġ sabiex titnaqqas id-differenza diġitali bejn il-ġeneri; jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu n-networks reġjonali, nazzjonali u Ewropej tan-nisa fl-oqsma tan-negozju, l-intraprenditorija, ix-xjenza u t-teknoloġija, l-edukazzjoni, il-midja u t-tmexxija ċivika u politika, speċjalment fiż-żoni remoti u rurali u fiż-żoni ta' mal-fruntieri; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi miġġielda s-segregazzjoni vertikali u orizzontali bejn in-nisa u l-irġiel fis-suq tax-xogħol, peress li l-aktar impjiegi prekarji u bl-iktar paga baxxa huma ddominati ħafna min-nisa, u dan jaffettwa b'mod partikolari d-differenza fil-pagi u fil-pensjonijiet.
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
Data tal-adozzjoni |
9.11.2020 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
29 4 0 |
||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Simona Baldassarre, Robert Biedroń, Vilija Blinkevičiūtė, Annika Bruna, Margarita de la Pisa Carrión, Rosa Estaràs Ferragut, Frances Fitzgerald, Cindy Franssen, Heléne Fritzon, Lina Gálvez Muñoz, Lívia Járóka, Arba Kokalari, Alice Kuhnke, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Karen Melchior, Maria Noichl, Sandra Pereira, Pina Picierno, Sirpa Pietikäinen, Samira Rafaela, Evelyn Regner, Diana Riba i Giner, Eugenia Rodríguez Palop, María Soraya Rodríguez Ramos, Sylwia Spurek, Jessica Stegrud, Isabella Tovaglieri, Ernest Urtasun, Hilde Vautmans, Elissavet Vozemberg-Vrionidi, Chrysoula Zacharopoulou |
|||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Maria da Graça Carvalho, Jadwiga Wiśniewska |
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
29 |
+ |
PPE |
Maria da Graça Carvalho, Rosa Estaràs Ferragut, Frances Fitzgerald, Cindy Franssen, Lívia Járóka, Arba Kokalari, Sirpa Pietikäinen, Elissavet Vozemberg-Vrionidi, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska |
S&D |
Robert Biedroń, Vilija Blinkevičiūtė, Heléne Fritzon, Lina Gálvez Muñoz, Maria Noichl, Pina Picierno, Evelyn Regner |
Renew |
Karen Melchior, Samira Rafaela, María Soraya Rodríguez Ramos, Hilde Vautmans, Chrysoula Zacharopoulou |
GUE/NGL |
Sandra Pereira, Eugenia Rodríguez Palop |
Verts/ALE |
Alice Kuhnke, Diana Riba i Giner, Sylwia Spurek, Ernest Urtasun |
ID |
Simona Baldassarre, Isabella Tovaglieri |
4 |
- |
ECR |
Jessica Stegrud, Jadwiga Wiśniewska, Margarita de la Pisa Carrión |
ID |
Annika Bruna |
0 |
0 |
|
|
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni |
22.4.2021 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
23 4 14 |
||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
François Alfonsi, Mathilde Androuët, Adrian-Dragoş Benea, Isabel Benjumea Benjumea, Tom Berendsen, Erik Bergkvist, Stéphane Bijoux, Franc Bogovič, Vlad-Marius Botoş, Rosanna Conte, Corina Crețu, Rosa D’Amato, Christian Doleschal, Francesca Donato, Raffaele Fitto, Chiara Gemma, Mircea-Gheorghe Hava, Krzysztof Hetman, Constanze Krehl, Elżbieta Kruk, Pedro Marques, Nora Mebarek, Martina Michels, Dan-Ştefan Motreanu, Andżelika Anna Możdżanowska, Niklas Nienaß, Andrey Novakov, Tsvetelina Penkova, Caroline Roose, André Rougé, Susana Solís Pérez, Irène Tolleret, Yana Toom, Monika Vana |
|||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Daniel Buda, Katalin Cseh, Josianne Cutajar, Lena Düpont, Isabel García Muñoz, Krzysztof Jurgiel, Dimitrios Papadimoulis |
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
23 |
+ |
NI |
Chiara Gemma |
Renew |
Stéphane Bijoux, Vlad-Marius Botoş, Katalin Cseh, Susana Solís Pérez, Irène Tolleret, Yana Toom |
S&D |
Adrian-Dragoş Benea, Erik Bergkvist, Corina Crețu, Josianne Cutajar, Isabel García Muñoz, Constanze Krehl, Pedro Marques, Nora Mebarek, Tsvetelina Penkova |
The Left |
Martina Michels, Dimitrios Papadimoulis |
Verts/ALE |
François Alfonsi, Rosa D'Amato, Niklas Nienaß, Caroline Roose, Monika Vana |
4 |
- |
ECR |
Raffaele Fitto, Krzysztof Jurgiel, Elżbieta Kruk, Andżelika Anna Możdżanowska |
14 |
0 |
ID |
Mathilde Androuët, Rosanna Conte, Francesca Donato, André Rougé |
PPE |
Isabel Benjumea Benjumea, Tom Berendsen, Franc Bogovič, Daniel Buda, Christian Doleschal, Lena Düpont, Mircea-Gheorghe Hava, Krzysztof Hetman, Dan-Ştefan Motreanu, Andrey Novakov |
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni
- [1] https://www.ohchr.org/documents/professionalinterest/cedaw.pdf
- [2] https://sdgs.un.org/goals/goal5
- [3] https://www.ccre.org/docs/charte_egalite_en.pdf
- [4] Id-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE tad-19 ta' Diċembru 1978 dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' sigurtà soċjali, ĠU L 006, 10.1.1979, p. 24.
- [5] Id-Direttiva tal-Kunsill 86/613/KEE tal-11 ta' Diċembru 1986 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa involuti f'attività, inkluża l-agrikoltura, b'kapaċità li fiha jaħdmu għal rashom, u dwar il-protezzjoni ta' nisa li jaħdmu għal rashom waqt it-tqala u waqt li qegħdin irabbu t-tfal, ĠU L 359, 19.12.1986, p. 56).
- [6] Id-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE tad-19 ta' Ottubru 1992 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu, ĠU L 348, 28.11.1992, p. 1.
- [7] Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE tat-13 ta' Diċembru 2004 li timplimenta l-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta' merkanzija u servizzi, ĠU L 373, 21.12.2004, p. 37.
- [8] Id-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali ta' l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol, ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23.
- [9] Id-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE tat-8 ta' Marzu 2010 li timplimenta l-Ftehim Qafas rivedut dwar il-leave tal-ġenituri konkluż minn BUSINESSEUROPE, UEAPME, CEEP u ETUC u li tħassar id-Direttiva 96/34/KE, ĠU L 068, 18.3.2010, p. 13.
- [10] Id-Direttiva 2010/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Lulju 2010 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa li jeżerċitaw attività li fiha jaħdmu għal rashom u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 86/613/KEE, ĠU L 180, 15.7.2010, p. 1.
- [11] ĠU C 264 E, 13.9.2013, p. 75.
- [12] ĠU C 36, 29.1.2016, p. 18.
- [13] ĠU C 316, 22.9.2017, p. 173.
- [14] ĠU C 11, 12.1.2018, p. 35.
- [15] ĠU C 66, 21.2.2018, p. 44.
- [16] https://eige.europa.eu/publications/gender-regional-cohesion-policy
- [17] ĠU C 252, 18.7.2018, p. 99.
- [18] ĠU C 263, 25.7.2018, p. 49.
- [19] ĠU C 298, 23.8.2018, p. 14.
- [20] ĠU C 331, 18.9.2018, p. 60.
- [21] ĠU C 346, 27.9.2018, p. 6.
- [22] ĠU C 458, 19.12.2018, p. 34.
- [23] ĠU C 162, 10.5.2019, p. 9.
- [24] ĠU C 390, 18.11.2019, p. 28.
- [25] ĠU C 363, 28.10.2020, p. 80.
- [26] https://eige.europa.eu/publications/gender-budgeting-mainstreaming-gender-eu-budget-and-macroeconomic-policy-framework
- [27] https://ec.europa.eu/info/sites/default/files/aid_development_cooperation_fundamental_rights/opinion_on_gender_equality_policy_post_2019_2018_en.pdf
- [28] ĠU C 411, 27.11.2020, p. 38.
- [29] ĠU C 449, 23.12.2020, p. 102.
- [30] https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-7263-2019-INIT/en/pdf
- [31] Testi adottati, P9_TA(2019)0080.
- [32] https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-14254-2019-INIT/mt/pdf.
- [33] https://www.oecd.org/industry/the-missing-entrepreneurs-43c2f41c-en.htm
- [34] Testi adottati, P9_TA(2019)0101.
- [35] Studju/Analiżi fil-fond – "Gender Dimension of the EU Cohesion Policy" (Id-Dimensjoni tal-Ġeneru tal-Politika ta' Koeżjoni tal-UE), Parlament Ewropew, Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni, Dipartiment Tematiku B – Politiki Strutturali u ta' Koeżjoni, 19 ta' Frar 2019, disponibbli fuq: https://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2019/629185/IPOL_STU(2019)629185_EN.pdf
- [36] Testi adottati, P9_TA(2020)0025.
- [37] Testi adottati, P9_TA(2020)0039.
- [38] https://ec.europa.eu/info/sites/default/files/research_and_innovation/research_by_area/documents/ec_rtd_covid19-gender-equality_factsheet.pdf
- [39] https://ec.europa.eu/info/publications/gender-smart-financing-investing-and-women-opportunities-europe_en
- [40] https://eige.europa.eu/publications/gender-equality-index-2020-digitalisation-and-future-work
- [41] Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew koperti mill-Qafas Strateġiku Komuni u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1083/2006, ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.
- [42] Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006, ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.