RAPPORT dwar il-politika tal-kompetizzjoni – rapport annwali 2020
18.5.2021 - (2020/2223(INI))
Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
Rapporteur: Johan Van Overtveldt
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-politika tal-kompetizzjoni – rapport annwali 2020
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b'mod partikolari l-Artikoli 101 sa 109 tiegħu,
– wara li kkunsidra r-regoli, il-linji gwida, ir-riżoluzzjonijiet, il-konsultazzjonijiet pubbliċi, il-komunikazzjonijiet u d-dokumenti rilevanti tal-Kummissjoni dwar is-suġġett tal-kompetizzjoni,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tad-9 ta' Lulju 2020 dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni 2019 (COM(2019)0302) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni ppubblikat bħala dokument ta' sostenn fl-istess data,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar ir-Rapport Annwali dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni tal-UE[1],
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Marzu 2020 intitolata "Strateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa" (COM(2020)0102),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni tad-19 ta' Marzu 2020, tal-4 ta' April 2020, tat-13 ta' Mejju 2020, u tat-2 ta' Lulju 2020 dwar Qafas Temporanju għal miżuri ta' għajnuna mill-Istat biex jingħata sostenn lill-ekonomija matul it-tifqigħa preżenti tal-COVID-19, u l-emendi sussegwenti għalihom[2],
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Settembru 2020 dwar Linji Gwida dwar ċerti miżuri ta' għajnuna mill-Istat fil-kuntest tas-sistema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra wara l-2021 (C(2020)6400),
– wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni tas-17 ta'Ġunju 2020 dwar il-kisba ta' kundizzjonijiet ekwi fir-rigward tas-sussidji barranin[3],
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Diċembru 2020 biex jiġi approvat l-akkwist ta' Fitbit minn Google, soġġett għal kundizzjonijiet,
– wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 24/2020 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) intitolat "Il-kontroll tal-fużjonijiet fl-UE u l-proċedimenti tal-antitrust tal-Kummissjoni: jeħtieġ li tiżdied is-sorveljanza tas-swieq"[4],
– wara li kkunsidra d-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni mogħti mill-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen fis-16 ta' Settembru 2020,
– wara li kkunsidra t-tweġibiet orali u bil-miktub,mogħtija minn Margrethe Vestager, li dak iż-żmien kienet Kummissarju nnominat, waqt is-seduta ta' smigħ quddiem il-Parlament Ewropew fit-8 ta' Ottubru 2019,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tan-Network Ewropew għall-Kompetizzjoni (NEK) tat-23 ta' Marzu 2020 dwar l-applikazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni tul il-kriżi tal-Coronavirus[5],
– wara li kkunsidra r-rapport tal-4 ta' April 2019 minn esperti ta' livell għoli tal-Kummissjoni bit-titolu "Competition policy for the digital era" (Il-politika tal-kompetizzjoni għall-era diġitali)[6],
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta' Marzu 2019 dwar l-impjiegi, it-tkabbir u l-kompetittività,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew tal-1 u t-2 ta' Ottubru 2020,
– wara li kkunsidra l-avviż tal-Kummissjoni lill-partijiet ikkonċernati tat-2 ta' Diċembru 2020 dwar il-ħruġ tar-Renju Unit u r-regoli tal-UE fil-qasam tal-kompetizzjoni, u dak tat-18 ta' Jannar 2021 dwar il-ħruġ tar-Renju Unit u r-regoli tal-UE fil-qasam u l-għajnuna mill-Istat,
– wara li kkunsidra l-istudju ta' Diċembru 2020 mid-Dipartiment Tematiku għall-Politiki Ekonomiċi, Xjentifiċi u tal-Kwalità tal-Ħajja fil-Parlament Ewropew bit-titolu "L-impatt tal-għajnuna mill-Istat fuq il-kompetizzjoni u l-kompetittività matul il-pandemija tal-COVID-19: valutazzjoni bikrija",
– wara li kkunsidra r-rapport tas-Sottokumitat Antitrust tal-Kumitat tal-Ġudikatura tal-Kamra tad-Deputati tal-Istati Uniti tas-6 ta' Ottubru 2020 intitolat "Investigation of Competition in the Digital Marketplace: Majority Staff Report and Recommendations" (Investigazzjoni tal-Kompetizzjoni fis-Suq Diġitali: Rapport Maġġoritarju u Rakkomandazzjonijiet tal-Istaff)[7],
– wara li kkunsidra d-dokument ta' riċerka tal-Awtorità għall-Kompetizzjoni u s-Swieq tar-Renju Unit tad-19 ta' Jannar 2021 bit-titolu "Algorithms: How they can reduce competition and harm consumers" (L-algoritmi: Kif jistgħu jnaqqsu l-kompetizzjoni u jagħmlu ħsara lill-konsumaturi),
– wara li kkunsidra l-mira tal-UE tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra għall-2030, kif approvata mill-mexxejja tal-UE f'Diċembru 2020,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019)0640),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Mejju 2020 intitolata "Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 – Inreġġgħu n-natura lura f'ħajjitna" (COM(2020)0380),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2020 dwar Pjan ta' Azzjoni ġdid dwar l-Ekonomija Ċirkolari għal Ewropa aktar nadifa u kompetittiva (COM(2020)0098),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A9-0168/2021),
A. billi l-konsumaturi jibbenefikaw minn swieq kompetittivi, speċjalment meta dawn jirriżultaw fi prezzijiet ġusti u għażliet usa' ta' prodotti ta' kwalità; billi l-politika tal-kompetizzjoni tal-UE hija mfassla biex iżżomm ekonomija tas-suq miftuħa b'kompetizzjoni ħielsa, ġusta u effettiva li tiffavorixxi allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi u li tippromwovi l-innovazzjoni, u b'hekk tagħti attenzjoni partikolari lill-ħtiġijiet tal-SMEs u l-ħolqien ta' kundizzjonijiet ekwi, għall-benefiċċju taċ-ċittadini kollha tal-UE; billi dan l-objettiv fundamentali għadu rilevanti anki f'kundizzjonijiet ta' kriżi;
B. billi l-Kummissjoni rreaġixxiet minnufih għat-tifqigħa tal-kriżi tal-COVID-19 billi adottat regoli tal-kompetizzjoni speċjali u temporanji biex tiġi rimedjata sitwazzjoni ta' taqlib serju fl-ekonomija Ewropea;
C. billi l-miżuri eċċezzjonali u temporanji b'reazzjoni għall-pandemija m'għandhomx jiġu applikati fil-forma ta' mġiba antikompetittiva, u lanqas m'għandhom jiġu sfruttati minn kumpaniji li mhumiex finanzjarjament b'saħħithom biex jirċievu għajnuna addizzjonali mingħajr ma jkollhom il-pjanijiet ta' ristrutturar neċessarji u effettivi;
D. billi l-għajnuna kollha mill-Istat għandha titfassal u tingħata b'mod ekonomikament, soċjalment u ambjentalment responsabbli; billi fuq żmien fit-tul, il-politika tal-kompetizzjoni għandha tindirizza b'mod effiċjenti l-isfidi soċjali, diġitali u ambjentali, u għandha tkun konformi bis-sħiħ mal-prijoritajiet deskritti fil-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi;
E. billi r-rikonċiljazzjoni intelliġenti tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni mal-politiki industrijali, diġitali, ambjentali, soċjali u ta' kummerċjali internazzjonali tagħha hija essenzjali biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi fis-setturi kollha, jissaħħu l-ktajjen tal-valur reżiljenti u tingħata spinta lill-ħolqien tal-impjiegi, u b'hekk jingħata kontribut għal ambjent ta' kummerċ li jiffavorixxi lill-SMEs;
F. billi l-kompetizzjoni inġusta bejn l-Istati Membri xxekkel il-funzjonament xieraq tas-suq intern;
G. billi l-Kummissjoni bħalissa qed twettaq rieżami ġenerali tal-effikaċja tal-infurzar tal-politika tal-kompetizzjoni, inklużi r-regolamenti dwar l-antitrust, għadd ta' regoli u gwida dwar l-għajnuna mill-Istat, l-evalwazzjoni tar-regoli dwar il-kontroll tal-fużjonijiet u r-rieżami tal-Avviż dwar id-Definizzjoni tas-Suq;
H. billi l-bojkotts ekonomiċi kontra prodotti minn żoni ġeografiċi speċifiċi fl-UE jikkostitwixxu ksur serju tar-regoli tal-kompetizzjoni u għandhom jiġu indirizzati b'mod effettiv;
I. billi l-isfidi dejjem jiżdiedu ta' kompetizzjoni ma' ekonomija maġġuri u ferm issussidjata bħal dik taċ-Ċina jirrikjedu miżuri biex jissaħħu l-kumpaniji tal-UE meta ffaċċjati minn kompetituri mhux tal-UE;
J. billi arkitettura ta' suq miftuħ fil-kummerċ u l-ikklirjar li tippermetti kompetizzjoni ġenwina fost l-infrastrutturi tas-suq hija kruċjali għall-preservazzjoni u t-tisħiħ tar-reżiljenza tas-swieq kapitali tal-UE, l-inċentivar ta' innovazzjonijiet immexxija mis-suq, u għaldaqstant tikseb eżiti aħjar għall-pensjonanti, in-negozji u l-investituri;
K. billi ħafna mill-gateways tal-konsumaturi għall-Internet huma ristretti għal għadd estremament żgħir ta' ekosistemi diġitali u pjattaformi kbar; billi l-pandemija tal-COVID-19 ħaffet il-pass tad-diġitalizzazzjoni, u ħolqot sfidi ġodda għall-effikaċja tal-politika tal-kompetizzjoni, b'mod speċjali fil-qasam tar-regoli dwar l-antitrust, fejn sa llum, mhumiex permessi interventi ex ante;
L. billi l-iskandli tad-data, l-investigazzjonijiet u l-evidenza wrew kif id-data personali qed tinġabar u tinħażen, ħafna drabi b'manjiera eċċessiva, kif ukoll tintuża u tinbiegħ lil partijiet terzi minn pjattaformi, u wrew kif l-atturi u l-pjattaformi tat-teknoloġija dominanti kienu qed jittraċċaw b'mod sistematiku lill-konsumaturi online;
M. billi xi impriżi, li jibbenefikaw minn status doppju kemm bħala pjattaformi kif ukoll bħala fornituri, jabbużaw mill-pożizzjoni tagħhom biex jimponu termini u kundizzjonijiet inġusti fuq il-kompetituri;
N. billi l-analisti jipprevedu[8] li Amazon, Facebook u Alphabet Inc. (Google) se jkollhom b'mod kollettiv sehem ta' 61 % tar-reklamar diġitali kollu fl-2021, li jirrappreżenta rduppjar tas-sehem tagħhom tas-suq mill-2015; billi Facebook u Alphabet Inc. (Google) jaqilgħu 98.53 % u 83.3 % tad-dħul rispettiv tagħhom mir-reklamar diġitali[9];
O. billi l-multi maħruġa mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ħafna drabi naqsu milli jkollhom effett ta' deterrent fuq il-kumpaniji tat-teknoloġija kbar peress li jitqiesu sempliċement bħala spejjeż biex isir in-negozju;
P. billi l-għodod tal-antitrust għandhom ikunu adegwati biex jiffaċċjaw ir-realtajiet il-ġodda tas-swieq diġitali u tat-teknoloġija li qed jinbidlu b'rata mgħaġġla;
Q. billi jinħtieġu kundizzjonijiet ekwi bejn id-ditti tas-servizzi finanzjarji u d-ditti tat-teknoloġija biex tiġi żgurata kompetizzjoni fuq l-istess livell, filwaqt li jiġi segwit il-prinċipju ta' "l-istess riskju, l-istess attività, l-istess regolamentazzjoni";
R. billi l-algoritmi jistgħu jsaħħu ferm l-effiċjenza u jippermettu lid-ditti jipprovdu prodotti u servizzi aħjar lill-konsumaturi; billi, madankollu, użu ħażin intenzjonat jew mhux intenzjonat tal-algoritmi jista' jikkawża ħsara lill-kompetituri u lill-kompetizzjoni;
S. billi r-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni u l-għajnuna mill-Istat għandhom ikunu koerenti mal-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-istrateġija diġitali tal-UE, il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU u jistgħu jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għalihom; billi l-każijiet ta' għajnuna mill-Istat tal-UE bilkemm jirreferu għal tali objettivi ġenerali tal-politika tal-UE;
Kunsiderazzjonijiet ġenerali
1. Jenfasizza li politika tal-kompetizzjoni li għandha l-għan li tiżgura kundizzjonijiet ekwi fis-setturi kollha, tixpruna l-innovazzjoni u tagħti lill-konsumaturi aktar għażliet u għażliet ta' kwalità ogħla, hija kruċjali biex tiggarantixxi l-funzjonament xieraq tas-suq uniku;
2. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar iż-żieda fil-konċentrazzjoni tal-industrija fl-Ewropa; josserva f'dan ir-rigward li bejn l-2001 u l-2012 l-industrija medja f'10 ekonomiji Ewropej rat żieda ta' 2-3 punti perċentwali fis-sehem tal-bejgħ tal-akbar 10 % tal-kumpaniji; iwissi li din iż-żieda hija osservata kemm għas-servizzi tal-manifattura kif ukoll għal dawk mhux finanzjarji u li din mhijiex xprunata minn setturi diġitalment intensivi; jinnota li ż-żidiet fil-konċentrazzjonijiet tal-industrija twassal għal mark-ups pożittivi ogħla assoċjati ma' profitti ogħla a skapitu tal-konsumatur Ewropew;
3. Jemmen li infurzar strett u imparzjali tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE minn awtoritajiet tal-kompetizzjoni indipendenti huwa kruċjali għall-kumpaniji Ewropej attivi fis-suq intern u fil-livell internazzjonali, speċjalment għall-SMEs, u jista' jagħti kontribut sinifikanti għall-prijoritajiet politiċi ewlenin bħal suq intern aktar profond u ġust, suq uniku diġitali konness, il-kompetittività globali tal-Unjoni, il-ġlieda kontra l-inugwaljanzi soċjali u l-kriżi klimatika, kif ukoll għall-valuri Ewropej rigward l-istandards ambjentali, l-affarijiet soċjali, il-politika dwar il-klima u l-protezzjoni tal-konsumatur; jenfasizza madankollu l-importanza ta' doża xierqa ta' flessibbiltà f'kundizzjonijiet ta' kriżi;
4. Jilqa' l-konsultazzjoni dwar il-liġi tal-kompetizzjoni u l-Patt Ekoloġiku Ewropew bħala pass lejn koerenza politika akbar; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta pjan ta' azzjoni komprensiv u li jħares 'il quddiem dwar kif għandhom jiġu riveduti r-regoli tal-kompetizzjoni u dawk dwar l-għajnuna mill-Istat;
5. Iqis li l-iżgurar ta' kundizzjonijiet ekwi għall-kumpaniji fis-suq intern u fis-swieq internazzjonali, li huwa kruċjali speċjalment għall-SMEs u għall-ħolqien ta' impjiegi diċenti u sostenibbli fl-UE u barra minnha, jiddependi wkoll fuq li jiġi miġġieled b'mod deċiżiv u effettiv id-dumping soċjali, ambjentali u fiskali; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, iżżid l-isforzi tagħha biex tistabbilixxi qafas legali għal strument obbligatorju ta' diliġenza dovuta dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-ambjent;
6. Jenfasizza li l-prattiki aggressivi tat-taxxa minn kumpaniji multinazzjonali, prattiki tat-taxxa ta' ħsara u benefiċċji fuq it-taxxa mmirati lejn il-kumpaniji kbar jistgħu joħonqu l-innovazzjoni u jipperikolaw il-kontestabbiltà tas-swieq, speċjalment għall-SMEs, li huma s-sinsla tal-ekonomija Ewropea;
7. Jissottolinja l-importanza tan-Network Ewropew għall-Kompetizzjoni (NEK) fl-appoġġ tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u l-Kummissjoni bil-ħsieb li tiġi promossa kompetizzjoni ġusta fi ħdan is-suq uniku permezz ta' infurzar imsaħħaħ u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki;
8. Iħeġġeġ id-djalogi strutturati mal-Viċi President Eżekuttiv tal-Kummissjoni għall-Kompetizzjoni u l-isforzi tal-Kummissjoni biex iżżomm kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tal-kumitat kompetenti tal-Parlament; iqis ir-rapport annwali dwar il-politika tal-kompetizzjoni tal-Kummissjoni bħala eżerċizzju indispensabbli f'termini ta' skrutinju demokratiku; ifakkar li fi snin riċenti l-Parlament kien involut permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja fit-tfassil tal-qafas għar-regoli dwar il-kompetizzjoni; jinsisti dwar is-setgħat ta' kodeċiżjoni tal-Parlament biex ifassal il-qafas għar-regoli tal-kompetizzjoni;
9. Jitlob lill-Kummissjoni tuża s-setgħat ta' promozzjoni tagħha biex tenfasizza r-riskji ta' miżuri ta' kontroll tal-prezzijiet implimentati mill-gvernijiet, inklużi dawk relatati mad-distorsjoni tas-sinjali ta' prezzijiet li jistgħu jinkoraġġixxu l-produzzjoni u jimminaw l-inċentivi għal parteċipanti ġodda biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet;
10. Jinnota bi tħassib li, abbażi ta' valutazzjoni tal-Kummissjoni, xi Stati Membri ma implimentawx b'mod effettiv id-Direttiva 93/13/KEE dwar klawżoli inġusti f'kuntratti mal-konsumatur[10], u dan kellu effett negattiv ħafna fuq il-konsumaturi u l-kompetizzjoni ġusta; jistieden lill-Kummissjoni tiskrutinizza l-klawżoli u l-prattiki inġusti mħaddma, b'mod speċjali mis-settur bankarju, fil-kuntratti mal-konsumatur u tiżgura l-implimentazzjoni effettiva u mgħaġġla ta' din id-direttiva bl-użu ta' kull mezz disponibbli;
11. Jirrikonoxxi li r-riżorsi għad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni (DĠ COMP) tal-Kummissjoni għandhom ikunu adegwati u jaqblu mal-ammont ta' xogħol u l-firxa ta' kompiti tiegħu; iqis il-ħtieġa li jiġi żgurat għarfien espert speċifiku dwar il-kwistjonijiet diġitali u l-prattiki tal-pjattaformi online b'ekonomisti komportamentali, speċjalisti tal-algoritmi, inġiniera u xjenzati tad-data; jistieden lill-Kummissjoni tinforma lill-Parlament dwar l-allokazzjoni tar-riżorsi bejn il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat, il-kontroll tal-fużjonijiet u l-antitrust;
Ir-reazzjonijiet ta' politika għall-COVID-19
12. Jilqa' b'sodisfazzjon l-adozzjoni ta' Qafas Temporanju għal miżuri ta' għajnuna mill-Istat, stabbilit b'reazzjoni għall-kriżi tal-COVID-19 sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jappoġġjaw lil kumpaniji matul il-pandemija, u l-emendi biex dan jittawwal fiż-żmien u jitkabbar; jappoġġja ż-żamma ta' miżuri eċċezzjonali sakemm l-irkupru jibqa' għaddej, iżda jenfasizza li l-Qafas huwa strument temporanju; jisħaq li r-restawr ta' kompetizzjoni effettiva fuq terminu medju u twil huwa kruċjali biex jiġi żgurat li l-irkupru jkun rapidu u konsistenti; jinnota d-differenzi sostanzjali bejn l-Istati Membri rigward l-ispazju fiskali disponibbli tagħhom għall-għoti ta' għajnuna mill-Istat;
13. Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Qafas Temporanju għall-valutazzjoni ta' kwistjonijiet tal-antitrust relatati mal-kooperazzjoni kummerċjali b'reazzjoni għal sitwazzjonijiet ta' urġenza li jirriżultaw mit-tifqigħa attwali tal-COVID-19; iqis li l-gwida u l-appoġġ dwar ir-regoli tal-antitrust jiffaċilitaw il-kooperazzjoni meħtieġa biex tingħeleb il-kriżi tal-COVID-19, u b'hekk ikunu ta' benefiċċju għall-konsumaturi;
14. Jinnota li l-Qafas Temporanju jinkludi ċerti kundizzjonijiet għal ċerti tipi ta' miżuri ta' għajnuna mill-Istat bħar-rikapitalizzazzjoni; jilqa' f'dan ir-rigward il-kundizzjonijiet bħal projbizzjoni fuq id-distribuzzjoni ta' dividendi, pagamenti ta' bonuses u xiri lura ta' ishma; jesprimi dispjaċir, madankollu, li dawn il-kundizzjonijiet ma ġewx imposti fuq miżuri ta' għajnuna mill-Istat oħrajn; jistieden lill-Kummissjoni timponi tali kundizzjonijiet fuq il-miżuri kollha ta' għajnuna mill-Istat fil-Qafas Temporanju, inklużi, b'mod partikolari, il-miżuri ta' rikapitalizzazzjoni, li għandhom jitqiesu biss bħala soluzzjoni tal-aħħar istanza mill-Istati Membri, minħabba l-impatt distorsiv kbir li jista' jkollhom fuq is-suq intern;
15. Jistieden lill-Kummissjoni tadotta proposta leġiżlattiva rigward il-projbizzjoni tal-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali ta' invenzjonijiet jew skoperti li jinvolvu vaċċini li għandhom l-għan li jittrattaw mard infettiv endemiku jew pandemiku fil-popolazzjoni dinjija;
16. Jissottolinja li l-azzjonijiet tal-Kummissjoni mmirati sabiex jeliminaw il-kundizzjonijiet li jwasslu għal monopolji u pożizzjonijiet dominanti u lejn il-limitazzjoni tal-finanzjament pubbliku lil kumpaniji li jistgħu jwasslu għal tali kundizzjonijiet ma jipprovdu l-ebda soluzzjoni għall-kwistjoni tal-iżvantaġġi sistemiċi u strutturali li taffettwa l-kompetittività tan-negozji bbażati u li joperaw f'territorji insulari u reġjuni ultraperiferiċi Ewropej;
17. Jenfasizza l-importanza tal-koerenza politika u li kwalunkwe għajnuna mogħtija tingħata biss lil kumpaniji li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi finanzjarji diretti tal-pandemija; iħeġġeġ, barra minn hekk, li l-kumpaniji li jużaw rifuġji fiskali barra mill-UE għall-evitar tat-taxxa jiġu pprojbiti milli jaċċessaw l-għajnuna mill-Istat jew l-appoġġ finanzjarju jekk ma jimpenjawx ruħhom li jbiddlu l-imġiba tagħhom;
18. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jniedu pjan direzzjonali wara l-COVID-19 biex l-għajnuna mill-Istat tkun immirata aħjar biex tiġi promossa l-kompetittività u jiġu ssalvagwardjati l-impjiegi; jissuġġerixxi li pjan direzzjonali bħal dan jista' jinkludi miżuri biex jiġu indirizzati l-frammentazzjoni u d-distorsjonijiet tas-suq minħabba kundizzjonijiet mhux ekwi, analiżi tal-impatt tal-għajnuna mill-Istat fuq is-suq intern, u gwida ċara dwar kif l-aħjar jintużaw l-għodod tal-politika tal-kompetizzjoni biex jitrawwem l-irkupru; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tintegra l-istrateġiji industrijali, diġitali u ekoloġiċi fl-iffissar tal-kundizzjonijiet futuri għall-għajnuna mill-Istat;
19. Itenni l-prijorità li jiġi żgurat li r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u ir-regolamentazzjoni bankarja Ewropea jkunu strettament u imparzjalment infurzati, inkluż meta jiġu indirizzati kriżijiet bankarji fil-futur; jistieden lill-Kummissjoni teżamina malajr id-diskrepanzi bejn ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat fil-qasam tal-għajnuna għal-likwidazzjoni u r-reġim ta' riżoluzzjoni skont id-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek[11] ("id-Diretttiva BRR"), u tirrevedi l-Komunikazzjoni Bankarja tagħha tat-30 ta' Lulju 2013[12] fil-kuntest tar-rieżami tal-qafas tal-ġestjoni tal-kriżijiet, inkluż fid-dawl tal-każijiet riċenti, filwaqt li tqis il-ħtieġa li l-kontribwenti u dawk li jfaddlu jkunu protetti mill-piż tas-salvataġġ tal-banek;
20. Jinnota li r-regoli dwar il-kompetizzjoni tal-UE u l-għajnuna mill-Istat m'għandhomx jitqiesu b'mod separat mill-politiki monetarji, kummerċjali u fiskali; jappella għal riflessjoni fir-rigward ta' distorsjonijiet possibbli tal-kompetizzjoni li jirriżultaw mix-xiri tal-bonds korporattivi mill-Bank Ċentrali Ewropew; jenfasizza f'dan ir-rigward il-kunċett tas-selettività fl-għajnuna mill-Istat u l-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) li fih l-hekk imsejjaħ prinċipju ta' lealtà;
21. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura u timmonitorja l-użu u d-distribuzzjoni xierqa tad-diversi miżuri ta' finanzjament tal-UE b'reazzjoni għall-kriżi tal-COVID-19, inkluż permezz tal-Pjanijiet Nazzjonali ta' Rkupru u Reżiljenza (NRRPs) tal-Istati Membri fil-qafas tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, li għandhom ikunu konformi mar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni u l-għajnuna mill-Istat, ma għandhomx iwasslu għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, u għandhom jiġu applikati b'mod ugwali għall-kumpaniji kollha, b'mod partikolari f'setturi kritiċi bħat-telekomunikazzjoni, l-enerġija u t-trasport; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tissorvelja kwalunkwe distorsjoni potenzjali tal-kompetizzjoni bħal din; jisħaq li l-għajnuna mill-Istat m'għandhiex tingħata lil kumpaniji li kienu ineffiċjenti u li kienu strutturalment qed jagħmlu telf qabel il-kriżi tal-COVID-19, u lanqas m'għandha tinkoraġġixxi l-formazzjoni ta' strutturi monopolistiċi;
Id-dimensjoni globali
22. Jenfasizza l-importanza ta' djalogu u kooperazzjoni dejjem aktar intensi u strutturati fuq livell globali rigward l-infurzar tal-politika tal-kompetizzjoni, kif ukoll approċċ komuni lejn kompetizzjoni ġusta;
23. Jappoġġja l-parteċipazzjoni attiva tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni fin-Network Internazzjonali tal-Kompetizzjoni (ICN) u jħeġġeġ lill-Parlament jinvolvi ruħu aktar mill-qrib fl-attività tal-gruppi ta' ħidma u l-gruppi ta' esperti rilevanti tal-ICN u tal-OECD;
24. Jappoġġja l-istrateġija tal-Kummissjoni biex telimina l-effetti negattivi kkawżati mill-applikazzjoni extraterritorjali illegali ta' sanzjonijiet unilaterali minn pajjiżi mhux tal-UE kontra operaturi tal-UE; jilqa', f'dan ir-rigward, il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Jannar 2021 bit-titolu "Is-sistema ekonomika u finanzjarja Ewropea: it-trawwim tal-ftuħ, tas-saħħa u tar-reżiljenza"(COM(2021)0032);
25. Jisħaq li ftehimiet ta' kooperazzjoni ddedikati ma' pajjiżi mhux tal-UE fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni jistgħu jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għall-effikaċja tal-politika tal-kompetizzjoni u jistieden lill-Kummissjoni ssegwi aktar minn tali ftehimiet ta' kompetizzjoni ddedikati, sabiex ikun jista' jsir skambju ta' informazzjoni aktar effettiv bejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni; ifakkar, barra minn hekk, li l-UE jeħtiġilha tiżgura kundizzjonijiet ekwi u reċiproċità mas-sħab internazzjonali tagħha f'termini ta' għajnuna mill-Istat, akkwist pubbliku u politika ta' investiment; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-kapitoli dwar l-għajnuna mill-Istat fil-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment futuri;
26. Jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni lir-rwol tal-intrapriżi statali li huma bbażati barra l-Unjoni u li jiġu appoġġjati u ssussidjati mill-gvernijiet rispettivi tagħhom b'modi li r-regoli tas-suq uniku tal-UE jipprojbixxu għall-entitajiet tal-UE; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar kompetizzjoni distorsiva ffinanzjata mill-istat minn impriżi barranin li jakkwistaw impriżi Ewropej, speċjalment dawk attivi f'setturi u teknoloġiji innovattivi jew strateġiċi, dawk li jikkonformaw mal-Patt Ekoloġiku Ewropew, u dawk imdgħajfa mill-pandemija tal-COVID-19;
27. Jilqa' b'sodisfazzjon bħala pass preliminari d-dħul fis-seħħ tar-Regolament 2019/452 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Marzu 2019 li jistabbilixxi qafas għall-iskrinjar tal-investimenti diretti barranin fl-Unjoni[13] kif ukoll il-White Paper tal-Kummissjoni dwar il-kisba ta' kundizzjonijiet ekwi fir-rigward ta' sussidji barranin; josserva l-pressjoni kontinwa ta' akkwiżizzjoni barranija fuq kumpaniji Ewropej u jwissi li hemm bżonn ta' azzjoni urġenti; jistenna bil-ħerqa, għalhekk, il-proposta leġiżlattiva li jmiss tal-Kummissjoni li għandha l-għan li tindirizza l-effetti distorsivi tas-sussidji barranin fuq is-suq intern;
28. Huwa tal-fehma li l-kumpaniji tal-UE għandhom ikunu jistgħu jikkompetu fis-swieq globali fuq l-istess livell; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tadatta l-politika tagħha dwar il-kompetizzjoni u l-għajnuna mill-Istat sabiex tippromwovi żvilupp industrijali serju; jenfasizza li politika industrijali intelliġenti tista' tgħin biex jiġu allokati mill-ġdid riżorsi lil ċerti setturi ewlenin mingħajr ma jkun hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni, u b'hekk twitti t-triq għal ekonomija reżiljenti u sostenibbli fit-tul; huwa tal-fehma li l-Unjoni u l-Istati Membri jeħtieġ li jsaħħu s-sinerġiji bejn il-politiki, l-investimenti u l-politika tal-kompetizzjoni mmirati tal-UE biex irawmu impjiegi u ktajjen tal-valur reżiljenti sabiex l-UE tikseb awtonomija f'ċerti industriji strateġiċi filwaqt li tippreserva ekonomija miftuħa;
29. Jappella għal investiment qawwi fir-riċerka u l-iżvilupp mill-industrija Ewropea, bil-ħsieb li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi bejn il-produtturi ġewwa u barra l-UE, il-kisba tal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, inkluża t-tranżizzjoni lejn modi ta' produzzjoni b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju, u l-appoġġ għall-kompetittività tal-impriżi tal-UE fil-konfront ta' kompetituri mhux tal-UE li l-proċessi ta' produzzjoni tagħhom mhumiex soġġetti għall-istess kriterji bħal dawk determinati fil-livell tal-UE; jistieden ukoll lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tikkunsidra li żżid l-għajnuna għar-riċerka u l-innovazzjoni kif ukoll għal teknoloġiji li jiġġeneraw esternalitajiet pożittivi għall-ambjent jew għas-sistema ġenerali tal-enerġija;
30. Jistieden lill-Kummissjoni tidentifika dipendenzi strateġiċi, b'mod partikolari f'ekosistemi industrijali sensittivi, u tipproponi miżuri biex dawn jitnaqqsu, inkluż billi tiddiversifika l-ktajjen tal-produzzjoni u tal-provvista, trawwem il-produzzjoni u l-investiment fl-Ewropa, u tiżgura kumulazzjoni strateġika ta' riservi; jenfasizza f'dan ir-rigward l-importanza ta' Proġetti Importanti ta' Interess Ewropew Komuni (IPCEI) għall-investimenti f'teknoloġiji fixkiela; jistieden lill-Kummissjoni, fir-rigward tar-reviżjoni li jmiss tal-komunikazzjoni tal-IPCEI, tippromwovi aktar l-IPCEIs, tiċċara r-regoli tal-għażla għall-IPCEIs, tirrevedi u tissimplifika xi kriterji u rekwiżiti ta' implimentazzjoni, u tikkunsidra li tippermetti kofinanzjament aktar faċli mill-UE, sabiex tiffaċilita l-parteċipazzjoni ta' sħab minn Stati Membri iżgħar u tiżgura li proġetti ta' riċerka industrijali iżgħar ikunu jistgħu jibbenefikaw aktar faċilment mill-appoġġ;
31. Jappoġġja l-inklużjoni fir-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE ta' kontroll bir-reqqa tal-għajnuna mill-Istat fuq impriżi minn pajjiżi mhux tal-UE, filwaqt li jenfasizza li l-Unjoni għandha tibqa' miftuħa għal investimenti diretti barranin li jikkonformaw mal-qafas legali tagħha, jirrispettaw l-istandards soċjali u ambjentali Ewropej u ma jikkawżawx distorsjoni tal-kompetizzjoni; itenni f'dan ir-rigward l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, sakemm tiġi kkunsidrata l-proposta dwar il-mekkaniżmu ta' aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri, biex jadottaw strumenti ta' difiża kummerċjali msaħħa biex jiġġieldu l-prattiki kummerċjali inġusti u jipproteġu b'mod partikolari l-kompetittività tas-setturi industrijali; jenfasizza fl-istess waqt li d-deċiżjonijiet dwar il-politika tal-kompetizzjoni m'għandhomx jintużaw bħala miżura protezzjonista u jitlob f'dan ir-rigward analiżi tar-riperkussjonijiet tar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat fuq il-kompetittività ta' pajjiżi bi dħul baxx u medju;
32. Jinnota bi tħassib li, meta mqabbel ma' ftehimiet kummerċjali oħra, bħal dak mal-Iżvizzera, il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit huwa aktar dgħajjef; jiddispjaċih li l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit ma jipprevedix kundizzjonijiet ekwi bis-sħiħ fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat u l-kompetizzjoni; jitlob lill-UE u lir-Renju Unit isibu bażi komuni biex jikkooperaw b'mod kontinwu u jħabirku favur kompetizzjoni ġusta u kundizzjonijiet ekwi;
Il-politika tal-kompetizzjoni fl-era diġitali
33. Jilqa' b'sodisfazzjon id-determinazzjoni tal-Kummissjoni li tindirizza termini u prattiki inġusti ta' pjattaformi li jaġixxu bħala gwardjani, li taġixxi b'mod deċiżiv, u li telimina ostakli illeġittimi għall-kompetizzjoni online fis-suq uniku diġitali Ewropew; jesprimi dispjaċir għall-pass kajman tal-investigazzjonijiet tal-antitrust meta mqabbel ma' swieq diġitali li jinbidlu malajr; jissottolinja f'dan ir-rigward li 10 snin wara l-ftuħ ta' investigazzjoni dwar il-prattiki ta' preġudizzju fit-tiftix ta' Google, il-Kummissjoni għadha ma lestietx l-investigazzjoni tagħha; iqis li fl-ekonomija diġitali, il-konċentrazzjoni tad-data f'idejn għadd żgħir ta' kumpaniji twassal għal fallimenti tas-suq, estrazzjoni eċċessiva tar-redditu u mblukkar ta' parteċipanti ġodda;
34. Iqis, filwaqt li jirrikonoxxi l-isforzi li saru, li l-problemi marbuta mad-dominanza eċċessiva tas-suq tal-impriżi l-kbar tat-teknoloġija s'issa ma ġewx indirizzati biżżejjed u jeħtieġ li jiġu solvuti b'mod urġenti;
35. Jirrikonoxxi l-isfidi li hemm ġejjin għat-tfassil tal-politika tal-kompetizzjoni u l-infurzar relatat, fost l-oħrajn, mal-effetti tan-network, il-konċentrazzjoni, l-aggregazzjoni u l-użu tad-data fi swieq bi prezz żero, l-algoritmi tal-ipprezzar, l-istrutturar tal-pjattaformi l-kbar u l-interventi tas-suq;
36. Jistieden lill-Kummissjoni tagħti l-attenzjoni dovuta u kunsiderazzjoni bir-reqqa għall-problemi tal-kompetizzjoni strutturali relatati mal-pożizzjonijiet ta' gwardjani tan-networks ta' pagamenti eżistenti, problemi li kibru biss matul il-pandemija tal-COVID-19;
37. Jilqa' l-appell tal-Kummissjoni għad-deċiżjoni dwar Apple[14]; huwa tal-opinjoni li l-każ ta' Apple juri għal darb'oħra l-ħtieġa ta' regoli dwar l-għajnuna mill-Istat sodi, filwaqt li jitqiesu r-reġimi favorevoli tat-taxxa;
38. Jinnota li l-istrumenti tradizzjonali użati mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni bħal investigazzjonijiet dwar l-abbuż possibbli ta' pożizzjoni tas-suq dominanti jieħdu żmien twil ħafna, u dan wera li huwa problema fis-swieq diġitali li jinbidlu malajr; jilqa' għalhekk, il-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa ta' għodod tal-kompetizzjoni ġodda li jistgħu jinħtieġu biex jiġu indirizzati l-problemi tal-kompetizzjoni strutturali fi swieq differenti li r-regoli attwali ma jistgħux jindirizzaw bl-aktar mod effettiv, u jitlob li l-Kummissjoni tissorvelja bir-reqqa lil dawn is-swieq sabiex tkun tista' tidentifika malajr u b'mod effiċjenti l-kwistjonijiet ewlenin u l-lakuni legali u tintervjeni dwarhom; jinnota li l-multi maħruġa mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ħafna drabi naqsu milli jkollhom effett ta' deterrent għal kumpaniji tat-teknoloġija kbar billi dawn jitqiesu sempliċement bħala spejjeż biex isir in-negozju;
39. Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal Att dwar is-Swieq Diġitali li tipprojbixxi lill-pjattaformi milli jinvolvu ruħhom fi prattiki ta' negozju fejn jipprivileġġaw lilhom infushom (inklużi ggruppar obbligatorju/installazzjoni minn qabel), jew li joperaw f'linji ta' negozju li jiddependu mill-pjattaforma jew li jinteroperaw magħha, kif ukoll li jirrikjedu li l-pjattaformi jagħmlu s-servizzi tagħhom kompatibbli ma' networks kompetituri biex jippermettu l-interoperabbiltà, inkluż tas-servizzi ta' qofol, il-portabbiltà tad-data, u l-integrazzjoni ta' ħafna bejjiegħa; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-każijiet fejn kien evidenti li r-rimedji offruti kienu ineffettivi biex tiġi restawrata l-kompetizzjoni għas-suq tat-tqabbil tal-prezzijiet;
40. Ifakkar li l-vantaġġi xprunati mid-data marbuta mal-kondiviżjoni tad-data u l-bejgħ tad-data, iżda anki s-servizzi stabbiliti bħala settings prestabbiliti, joħolqu r-riskju li jagħtu lil xi kumpaniji l-pożizzjoni ta' "gwardjan" fis-swieq diġitali u li dan jeħtieġ li jiġi indirizzat b'mod effettiv mill-Att dwar is-Swieq Diġitali; huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandu jkollha l-kapaċità li timponi fuq pjattaforma li taqdi rwol ta' gwardjan li tissostitwixxi ċerti settings prestabbiliti b'arkitettura ta' għażla tal-konsumatur effettiva u oġġettiva;
41. Iqis li s-separazzjoni strutturali tal-monopolji tal-kumpaniji tat-Teknoloġija Kbira tista' tkun mixtieqa biex terġa' tinkiseb il-kompetizzjoni fis-swieq diġitali fid-dawl tal-limiti tal-multi u n-nuqqas ta' rimedji komportamentali tal-passat f'ċerti każijiet ta' antitrust; jisħaq li r-rimedji komportamentali mmirati u effettivi joffru soluzzjoni b'effiċjenza temporali; jissuġġerixxi l-implimentazzjoni ta' qafas ta' antitrust parteċipattiv sabiex jitrawwem djalogu kontinwu mal-impriżi kollha, jiżdiedu ċ-ċertezza tad-dritt, it-trasparenza u l-protezzjoni tal-konsumatur, u jiġu żgurati rimedji effettivi;
42. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tħaffef il-proċeduri, b'mod partikolari fir-rigward tal-antitrust u fis-swieq diġitali li qed jikbru b'rata mgħaġġla; u jitlob kooperazzjoni f'dan ir-rigward anke mill-kumpaniji li qed jiġu investigati; jikkundanna l-prattiki minn ċerti kumpaniji li qed jiġu investigati li jtawlu b'mod artifiċjali l-investigazzjonijiet billi jitolbu b'mod sistematiku estensjonijiet tal-iskadenzi u billi jwieġbu għal talbiet għal informazzjoni biss b'dewmien sostanzjali jew billi jippreżentaw proposti ineffettivi għall-impenji li jieħdu;
43. Jinnota, barra minn hekk, li filwaqt li huwa importanti li jiġu żgurati proċess ġust u d-dritt tad-difiża tal-impriżi li jkunu qed jiġu investigati, hemm il-ħtieġa li l-proċeduri amministrattivi jsiru aktar rapidi u aktar effiċjenti; jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi studjata l-possibbiltà li jsir użu aktar sistematiku minn miżuri speċifiċi bħal miżuri interim, kif ukoll rimedji strutturali u komportamentali oħra, sabiex jiġu evitati distorsjonijiet irriversibbli tal-kompetizzjoni; ifakkar, f'dan ir-rigward, li fl-anness tad-Direttiva NEK+[15], il-Kummissjoni identifikat il-"miżuri interim" bħala "għodda ewlenija għall-awtoritajiet tal-kompetizzjoni biex jiġi żgurat li l-kompetizzjoni ma tiġix ippreġudikata filwaqt li tkun għaddejja investigazzjoni"; jiddispjaċih u jinsab imħasseb għall-fatt li l-miżuri interim intużaw darba biss f'20 sena; jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-Avviż dwar ir-Rimedji[16] billi tqis l-iżviluppi u l-evoluzzjoni tas-settur diġitali matul dawn l-aħħar snin:
44. Jilqa' l-fatt li il-proposti tal-Kummissjoni għal Att dwar is-Servizzi Diġitali u għal Att dwar is-Swieq Diġitali jieħdu approċċ distintiv fir-rigward tas-servizzi diġitali kollha, is-servizzi diġitali kbar ħafna, u l-gwardjani; jinnota b'mod partikolari li l-għan tal-proposta għal Att dwar is-Swieq Diġitali huwa li jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tas-suq intern billi tiġi promossa kompetizzjoni effettiva, kundizzjonijiet ekwi fis-swieq diġitali u ambjent ta' pjattaforma online ekwu u kontestabbli; jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' miżuri adegwati kontra l-intermedjarji tar-reklamar fl-abbozz tal-proposti; jinnota li l-ewwel azzjoni ta' infurzar fl-ambitu tar-regolament il-ġdid dwar Att dwar is-Swieq Diġitali se tkun possibbli biss fi żmien ħames snin; iħeġġeġ, għalhekk, lill-Kummissjoni ssegwi l-infurzar tal-antitrust tagħha f'każijiet ġodda u pendenti li jinvolvu lil gwardjani fl-ambjent diġitali;
45. Jenfasizza l-importanza ta' qafas ta' infurzar adegwat fl-Att dwar is-Swieq Diġitali futur; iqis li l-funzjoni superviżorja tal-Kummissjoni għandu jkollha riżorsi suffiċjenti u li l-proċess superviżorju għandu jippermetti l-parteċipazzjoni tal-atturi kollha, inklużi l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, ir-regolaturi settorjali nazzjonali, il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur; jisħaq li t-tfassil tar-rimedji m'għandux jitħalla għall-apprezzament uniku tal-kumpanija akkużata iżda minflok għandu jkun soġġett għal mekkaniżmu ta' konformità strett;
46. Iqis li l-proposta għal Att dwar is-Swieq Diġitali hija għodda komplementari għar-regoli tal-kompetizzjoni li għandha l-għan li tiżgura swieq online ekwi u kontestabbli; jisħaq li din m'għandhiex tipperikola l-infurzar xieraq tal-leġiżlazzjoni dwar il-kompetizzjoni diġà fis-seħħ, inklużi l-liġijiet nazzjonali eżistenti, u lanqas m'għandha tipprevjeni lill-Kummissjoni milli tagħmel użu sħiħ mill-għodod eżistenti tagħha fl-infurzar tal-kompetizzjoni; jirreferi f'dan ir-rigward għal tħassib pendenti relatat mad-deċiżjoni Android[17] u l-kompetizzjoni insuffiċjenti fit-tiftix online;
47. Jinnota li r-rimedji proposti minn Google ġew irrifjutati bħala insuffiċjenti mill-atturi tas-suq u l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi fl-Ewropa kollha; jistieden lill-Kummissjoni tressaq akkużi ta' antitrust kontra Google għal abbuż ta' pożizzjoni dominanti f'servizzi ta' tiftix speċjalizzati oħrajn, inkluż it-tiftix lokali;
48. Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu sħiħ mill-istrumenti tal-politika tal-kompetizzjoni tagħha biex tiggarantixxi kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni u tindirizza l-effetti ta' gwardjani potenzjali fir-rigward tal-aċċess għal teknoloġiji abilitanti ewlenin għall-intelliġenza artifiċjali u d-data;
49. Iqis li l-Parlament għandu jkollu rwol attiv fid-dibattitu politiku dwar il-politika tal-kompetizzjoni, inkluż permezz tal-organizzazzjoni ta' smigħ pubbliku mas-CEOs ta' GAFA (Google, Amazon, Facebook, Apple) dwar l-istrateġiji korporattivi tagħhom fil-qasam tal-kompetizzjoni u l-prattiki ta' tassazzjoni;
50. Jissottolinja l-importanza ta' reġistru tat-trasparenza biex jiġi żgurat skrutinju pubbliku tal-isforzi ta' lobbjar bil-għan li tiġi prevenuta distorsjoni tal-kompetizzjoni; jitlob reġistru tat-trasparenza tal-UE msaħħaħ b'informazzjoni relatata mal-finanzjament ta' kumpaniji jew assoċjazzjonijiet sabiex il-partijiet ikkonċernati ma jitħallewx jaġixxu f'isem kumpaniji oħra mingħajr ma jispeċifikaw li qed jagħmlu dan;
51. Jisħaq fuq l-importanza li l-konsumaturi u l-utenti jiġu megħjuna jiksbu kontroll akbar fuq id-data u l-identità tagħhom stess u jieħdu responsabbiltà għalihom, u jappella għal livell għoli ta' protezzjoni tad-data personali filwaqt li jiżdiedu l-livelli ta' trasparenza u ta' responsabbiltà tas-servizzi diġitali; ifakkar li l-konsumaturi m'għandhom l-ebda għażla oħra għajr li jagħtu l-kunsens tagħhom jekk ma jixtiqux jitilfu l-aċċess għal xi servizzi offruti mill-pjattaformi online; jitlob, f'dan ir-rigward, qafas obbligatorju ta' kondiviżjoni tad-data li jipprovdi lill-konsumaturi għodod biex jiksbu bi dritt is-sjieda u jimmaniġġjaw id-data tagħhom stess b'mod aktar sempliċi u aktar effettiv;
52. Jistieden lill-Kummissjoni teżamina mill-ġdid ir-regoli dwar il-fużjonijiet u l-akkwist f'dak li jirrigwarda l-valutazzjoni tad-data personali; jistieden lill-Kummissjoni tqis u tivvaluta bis-sħiħ l-assi ta' data personali bl-istess mod bħall-assi fiżiċi tradizzjonali l-oħra kollha meta tiddeċiedi dwar il-fużjonijiet u l-akkwisti diġitali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu perspettiva usa' meta tevalwa l-fużjonijiet diġitali u tivvaluta wkoll l-impatt tal-konsolidazzjoni tad-data, inkluż tat-teknoloġija tar-reklamar fil-qalba tal-mudelli kummerċjali tal-kumpaniji tat-teknoloġija l-kbar;
53. Jinnota li l-akkwist ta' entitajiet fil-mira b'riżorsi speċifiċi tad-data jista' jwassal għal konċentrazzjoni fil-kontroll fuq ir-riżorsi tad-data ta' valur u mhux replikabbli u jirriżulta f'aċċess għad-data aħjar għall-partijiet tal-fużjoni milli għall-kompetituri tagħhom; jisħaq li l-konsolidazzjoni tad-data permezz ta' fużjonijiet tista' ssaħħaħ pożizzjoni dominanti jew tippermetti lill-entità akkwirenti tisfrutta s-saħħa fis-suq tagħha, u xi kultant tqajjem tħassib dwar esklużjoni; jesprimi, għalhekk, dispjaċir għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova l-akkwiżizzjoni minn Google tal-kumpanija tal-apparat tal-fitness li jintlibes Fitbit; huwa inkwetat dwar l-ipproċessar futur tad-data personali mill-utenti ta' FitBit, inkluża data li tikkonċerna s-saħħa, li tista' tintuża għall-finijiet ta' reklamar diġitali; jistipula li d-data li tikkonċerna s-saħħa għandha titqies bħala kategorija speċjali ta' data personali, kif stabbilit fl-Artikolu 9 tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data[18] (GDPR); jinnota li r-rimedji proposti minn Google u approvati mill-Kummissjoni mhumiex suffiċjenti biex jiżguraw kompetizzjoni effettiva f'oġġetti li jintlibsu u s-saħħa diġitali, li qed isiru dejjem aktar importanti f'ħajjiet il-konsumaturi;
54. Jinnota li f'diversi swieq speċifiċi għal data finanzjarja, hemm bejjiegħa multipli u, għalkemm l-ebda minnhom m'għandu sehem mis-suq dominanti, il-kompetizzjoni għadha baxxa ħafna; jinnota wkoll li xi bejjiegħa tad-data tas-suq finanzjarju pożizzjonati bħala aggregaturi tad-data, jistgħu jaġixxu bħala gwardjani u bħala tali jikkontrollaw l-aċċess għad-data u jillimitaw l-użu għall-konsumaturi; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta tali sitwazzjonijiet fejn kumpaniji jakkwistaw il-pożizzjoni ta' gwardjani jew oligopolji u tiżviluppa miżuri biex terġa' tiġi restawrata l-kompetizzjoni, filwaqt li tiġi appoġġjata t-trasparenza tal-prezzijiet u jiġu evitati prattiki kummerċjali inġusti u mhux raġonevoli;
55. Jiddispjaċih u jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-akkwist fl-2014 ta' WhatsApp minn Facebook; ifakkar li, matul il-proċess ta' valutazzjoni tal-akkwiżizzjoni, Facebook gideb lill-Kummissjoni dwar il-kapaċità teknika tiegħu li juża d-data ta' WhatsApp għall-finijiet ta' reklamar diġitali; jistipula li fl-2016 Facebook beda juża metadata minn konverżazzjonijiet ta' WhatsApp għal finijiet ta' reklamar; ifakkar li l-Kummissjoni mmultat lil Facebook fl-2017 talli gideb matul il-proċess ta' valutazzjoni tiegħu; itenni li l-Artikolu 105 tat-TFUE jobbliga lill-Kummissjoni tipproponi miżuri xierqa biex ittemm il-ksur tal-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE; jistieden lill-Kummissjoni tressaq miżuri xierqa biex ittemm l-użu tad-data tal-utenti ta' WhatsApp għal finijiet ta' reklamar ta' Facebook;
56. Jitlob tisħiħ tal-kapaċità ta' reżiljenza operattiva u tal-infrastruttura tal-Unjoni f'setturi diġitali kritiċi, inkluż billi titħeġġeġ kompetizzjoni ekwa u jiġu promossi prinċipji ta' liċenzjar tas-software ekwi fis-swieq tal-cloud Ewropej; iqis il-kompetizzjoni sostenibbli u l-evitar ta' strutturi monopolistiċi fis-swieq bħala vitali għat-tranżizzjoni diġitali, l-irkupru ekonomiku u l-kompetittività tal-Ewropa;
57. Jistieden lill-Kummissjoni teżamina mill-ġdid u tadatta l-metodoloġija użata għall-valutazzjoni ta' abbuż minn pożizzjoni dominanti u tiżgura li l-kunċett ta' "faċilitajiet essenzjali" jibqa' adegwat għall-iskop tiegħu fl-era diġitali; jistieden lill-Kummissjoni tqis li tikkomplementa l-kunċett ta' "dominanza" b'kunċetti bħal "dipendenza" u "saħħa fis-suq relattiva";
58. Jinnota li xi strutturi oligopolistiċi żviluppaw fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, u wkoll li xi impriżi teknoloġiċi kbar saru atturi importanti fis-suq tas-servizzi finanzjarji; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja u tinvestiga kif il-vantaġġi kompetittivi inerenti għal dawn l-operaturi jistgħu jgħawġu l-kompetizzjoni fis-suq u jagħmlu ħsara lill-interessi tal-konsumaturi u l-innovazzjoni;
59. Iqis li l-protezzjoni tal-privatezza u d-data personali, il-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni, kif ukoll il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, jeħtieġ li jkollhom l-għeruq tagħhom fil-qalba ta' politika tal-UE li tirnexxi u fit-tul dwar is-servizzi diġitali;
Il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat
60. Jinnota li l-politika dwar l-għajnuna mill-Istat hija parti integrali mill-politika tal-kompetizzjoni u li l-kontroll tal-għajnuna mill-Istat jirrifletti l-ħtieġa li jinżammu kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għall-impriżi kollha li jkunu qed iwettqu attivitajiet fis-suq uniku;
61. Itenni li s-Servizzi ta' Interess Ekonomiku Ġenerali għadhom essenzjali għas-sopravivenza ta' għadd ta' komunitajiet madwar l-Ewropa, speċjalment f'reġjuni iżolati, remoti jew periferiċi fl-Unjoni; jilqa' l-konsultazzjoni miftuħa tal-Kummissjoni rigward is-sussidji tal-gvern għal servizzi essenzjali; jilqa' l-Linji Gwida l-ġodda adottati riċentement dwar l-għajnuna reġjonali mill-Istat; ifakkar fil-ħtieġa ta' pjan direzzjonali għal għajnuna mill-Istat immirata aħjar, speċjalment għat-twassil tas-Servizzi ta' Interess Ekonomiku Ġenerali;
62. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jniedu valutazzjoni territorjali tal-impatt soċjoekonomiku tal-kriżi tal-COVID-19 fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u l-proċess ta' reviżjoni attwali rilevanti; jinnota li, f'dan ir-rigward, għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-analiżi tal-impatti fuq l-impriżi bbażati fil-gżejjer u r-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 174 u 349 tat-TFUE;
63. Jistieden lill-Kummissjoni tqis bir-reqqa s-setturi li huma l-bażi ta' ħafna industriji oħra, kif ukoll il-katina tal-valur soċjali u ekonomiku sostenibbli tal-Unjoni; itenni l-ħtieġa li jiġu promossi teknoloġiji u prattiki ta' produzzjoni li jwasslu għal tnaqqis sinifikanti tal-impatti ambjentali;
64. Jitlob l-allinjament tar-regoli kollha tal-UE dwar il-kompetizzjoni u l-għajnuna mill-Istat ma' objettivi soċjetali fit-tul, b'mod partikolari l-Patt Ekoloġiku Ewropew, filwaqt li jitqiesu l-impenji klimatiċi tal-UE; jiddispjaċih li, filwaqt li d-definizzjoni tat-taħlita tal-enerġija għadha kompetenza nazzjonali, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ma jagħmlux l-għajnuna mill-Istat kundizzjonali għal tali objettivi;
65. Jilqa' l-konsultazzjoni mnedija dwar kif il-politika tal-kompetizzjoni tista' tkun ta' appoġġ għall-Patt Ekoloġiku u tqis aħjar l-effiċjenzi ekoloġiċi u sostenibbli fl-indirizzar tal-għajnuna mill-Istat, il-kontroll tal-fużjonijiet u r-regoli dwar l-antitrust; jistieden lill-Kummissjoni, bħala parti mir-reviżjoni li jmiss tagħha tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija u dwar ftehimiet ta' kooperazzjoni orizzontali, biex tistabbilixxi kundizzjonijiet u inċentivi konkreti biex jitkompla l-proċess ta' dekarbonizzazzjoni; jitlob, b'mod partikolari, gwida dwar ir-repowering, il-proġetti ibridi u l-ħżin tal-elettriku u dwar l-investimenti fl-effiċjenza enerġetika u r-rinnovazzjoni tal-bini; itenni, barra minn hekk, li t-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima tirrikjedi miżuri biex jiġi indirizzat it-tibdil strutturali, inkluża l-identifikazzjoni tar-reġjuni tal-faħam bħala żoni megħjuna skont l-Artikolu 107(3) tat-TFUE;
66. Jinnota bi tħassib li l-irkupru tal-għajnuna illegali mill-Istati għadu proċess twil u kumpless; jenfasizza, barra minn hekk, li t-trasparenza u t-traċċabbiltà tal-proċess ta' evalwazzjoni tal-każijiet ta' għajnuna mill-Istat għandhom jissaħħu, filwaqt li jitqies riskju mhux negliġibbli ta' interkonnettività bejn il-każijiet;
Kontroll ta' fużjonijiet, antitrust u kartelli
67. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tibqa' viġilanti u tinforza strettament l-Artikolu 102 tat-TFUE li jipprojbixxi l-abbuż minn pożizzjoni dominanti kif ukoll il-proċeduri ta' kontroll tal-fużjonijiet tagħha, minquxa fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn impriżi[19] (Ir-Regolament dwar l-Għaqdiet);
68. Jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn tal-Kummissjoni li teżamina mill-ġdid l-Avviż tagħha tal-1997[20] dwar id-definizzjoni ta' suq rilevanti fl-infurzar tal-Kummissjoni rigward il-fużjonijiet u l-antitrust; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, fuq bażi ta' każ b'każ, tqis viżjoni aktar fit-tul li tinkludi d-dimensjoni globali u l-kompetizzjoni futura potenzjali fil-valutazzjonijiet kompetittivi tagħha; jenfasizza li fil-passat, id-definizzjoni tal-Kummissjoni ta' suq rilevanti setgħet kienet ristretta wisq biex tqis b'mod suffiċjenti l-kompetizzjoni dinamika fis-swieq globali; jistieden lill-Kummissjoni tadotta approċċ aktar dinamiku, u tagħmel il-kriterji tal-innovazzjoni element ewlieni tal-analiżi tas-suq rilevanti f'dak li għandu x'jaqsam mal-kontroll Ewropew tal-fużjonijiet;
69. Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-linji gwida dwar il-fużjonijiet biex tqis it-titjib fl-effiċjenza marbut mal-fużjonijiet, inkluża l-isfida tal-kompetittività industrijali tal-UE; jilqa' f'dan ir-rigward il-fatt li l-Unità tal-Prijoritajiet u l-Koordinazzjoni Strateġika ta' DĠ COMP għandha l-kapaċità li tuża l-għarfien espert tad-Direttorati Ġenerali kollha tal-Kummissjoni fir-rigward tal-investigazzjonijiet ta' DĠ COMP; jemmen li l-għarfien espert tal-istrateġija industrijali u settorjali tal-Kummissjoni jista' jissaħħaħ b'appoġġ għat-timijiet tal-investigazzjoni ta' DĠ COMP sabiex jiġu identifikati l-fattibbiltà u l-konsegwenzi tar-rimedji fir-rigward tal-prijoritajiet tal-Kummissjoni;
70. Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex twettaq evalwazzjoni tad-Direttiva dwar id-Danni[21], ladarba tkun akkumulat esperjenza suffiċjenti mill-applikazzjoni tar-regoli l-ġodda fl-Istat Membri kollha sabiex tivvaluta l-ħtieġa potenzjali li jsir xi tibdil favur infurzar aktar effettiv u armonizzat ta' azzjonijiet għad-danni fl-UE kollha;
71. Jilqa' l-introduzzjoni tal-għodda "eLeniency" (strument ta' klemenza elettronika) mill-Kummissjoni; ifakkar li bl-iżvilupp rapidu tas-swieq diġitali, jinħolqu sfidi ġodda għall-implimentazzjoni tal-politika tal-kompetizzjoni; jirrakkomanda, f'dan ir-rigward, li l-Kummissjoni teżamina l-possibbiltajiet ta' intervent ex ante, b'mod speċjali fis-swieq diġitali, u li l-UE u l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji u tal-kompetizzjoni jingħataw il-mezzi neċessarji biex jiġbru d-data b'mod anonimu sabiex ikunu jistgħu jidentifikaw aħjar il-fallimenti tas-suq fiż-żmien debitu;
72. Jirrimarka li l-abbuż tas-saħħa fis-suq u l-imġiba inġusta relatata, bħad-degradazzjoni fil-kwalità jew il-prattiki ta' estorsjoni, jistgħu jseħħu anke meta l-prodotti jew is-servizzi jiġu fornuti bla ħlas; jisħaq li l-interessi tal-konsumaturi tal-UE jmorru lil hinn mill-prezzijiet baxxi u, f'konformità mal-prinċipji tat-TFUE, jinkludu wkoll il-kwalità, l-innovazzjoni, il-produttività, is-sostenibbiltà, il-protezzjoni ambjentali u l-proliferazzjoni ta' relazzjonijiet kummerċjali ġusti; iqis li l-politika tal-kompetizzjoni għandha tintegra aħjar il-valur tal-esternalitajiet u l-beni pubbliċi assoċjati ma' ċerti tipi ta' produzzjoni;
73. Ifakkar li l-interpretazzjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tal-Artikolu 101 tat-TFUE tieħu inkunsiderazzjoni l-għanijiet differenti tat-Tratatti; jinnota b'mod partikolari l-kawża Wouters[22] li fiha l-interess ġenerali kien predominanti u għalhekk il-limitazzjonijiet tal-kompetizzjoni tqiesu bħala ġustifikati; jistieden lill-Kummissjoni tifformula "teorija tal-preġudizzju", li għandha tmur lil hinn mill-approċċi ċċentrati fuq il-prezzijiet u tqis kunsiderazzjonijiet usa', filwaqt li tiġi enfasizzata l-importanza tal-prinċipju tal-proporzjonalità, li jfisser li l-limitazzjonijiet tal-kompetizzjoni ma jistgħux imorru lil hinn minn dak li jkun meħtieġ għall-interess ġenerali; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, toħroġ gwida f'dan ir-rigward dwar l-interpretazzjoni ta' "impediment sinifikanti għal kompetizzjoni effettiva" skont ir-Regolament dwar l-Għaqdiet;
74. Jaqbel mal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) li, b'mod ġenerali, il-Kummissjoni tagħmel użu tajjeb mis-setgħat ta' infurzar tagħha fil-proċeduri ta' kontroll tal-fużjonijiet u l-antitrust, għalkemm huwa meħtieġ titjib f'għadd ta' oqsma; jinnota b'mod partikolari li l-limiti ta' fatturat jistgħu ma jkunux xierqa biex jiġu identifikati l-każijiet kollha li għandhom jiġu eżaminati mill-ġdid mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tikkunsidra li tirrevedi l-limiti stabbiliti sabiex jiġu inklużi fatturi bħall-għadd ta' konsumaturi milquta u l-valur tat-tranżazzjonijiet relatati bħala parti mill-evalwazzjoni attwali tagħha tar-Regolament dwar l-Għaqdiet; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tivvaluta wkoll livelli ogħla ta' konċentrazzjoni dovuti għal sjieda orizzontali minn kumpaniji kbar tal-ġestjoni tal-assi fl-evalwazzjoni attwali tagħha tar-Regolament dwar l-Għaqdiet u tqis li tipprovdi linji gwida dwar l-użu tal-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE f'dan ir-rigward;
75. Jinnota li filwaqt li l-QEA tirrimarka ġustament li l-ammont ta' multi ma jagħtix lok biex jinsiltu konklużjonijiet dwar jekk humiex deterrenti effettivi, il-QEA tissottolinja wkoll li, fih innifsu, il-limitu massimu ta' multi possibbli jista' jillimita l-effett ta' deterrent f'"każijiet serji"; jirrimarka, f'dan ir-rigward, li filwaqt li l-livell ta' multi imposti mill-Kummissjoni huwa fost l-ogħla fid-dinja, kważi żewġ terzi tal-multi imposti mill-Kummissjoni fil-każijiet ta' kartell mill-2006 baqgħu taħt iż-0.99 % tal-fatturat annwali globali, għaldaqstant ferm taħt il-limitu massimu permess ta' 10 % tal-fatturat annwali dinji ta' kumpanija[23]; jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-effett ta' deterrent tal-multi tagħha u tikkunsidra li timponi multi ta' massimu ta' 40 % tal-fatturat annwali dinji ta' kumpaniji f'każijiet ta' kartell serji;
76. Ifakkar li l-kartelli jirrappreżentaw wieħed mill-aktar ksur serju tal-liġi tal-kompetizzjoni u li l-monopolji huma l-aktar forma ta' konċentrazzjoni tas-suq ta' tħassib; jisħaq fuq l-importanza li tiġi traċċata l-imġiba illegali tal-kartelli, peress li tali ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni jmur kontra l-interessi taċ-ċittadini tal-UE, u jwassal għal spejjeż ogħla b'mod sinifikanti għall-konsumaturi u riskju li jinħonqu l-innovazzjoni u l-kwalità;
77. Jenfasizza li quddiem kriżi, xi ditti jista' jkollhom it-tentazzjoni li jorganizzaw mill-ġdid l-istruttura ta' industrija billi jidħlu fl-hekk imsejħa "kartelli ta' kriżi", jiġifieri ftehimiet bejn il-maġġoranza tal-kompetituri jew il-kompetituri kollha biex jillimitaw l-output u/jew inaqqsu l-kapaċità sabiex iżidu l-profittabbiltà u jipprevjenu l-ħruġ mis-suq fi żminijiet ta' kriżi;
78. Jissuġġerixxi li jiġu studjati l-prattiki ta' "akkwist predatorju" li jistgħu jipperikolaw l-innovazzjoni u l-prosperità tan-negozji l-ġodda u l-impriżi żgħar Ewropej; jilqa', f'dan ir-rigward, l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tinkoraġġixxi użu akbar tal-"klawżola Netherlandiża" tal-Artikolu 22 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet u li tibda taċċetta riferimenti mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni ta' fużjonijiet li ta' min jiġu eżaminati mill-ġdid fil-livell tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni teżamina mill-ġdid u toħroġ linji gwida dwar il-prattika ta' riferiment tagħha abbażi tal-Artikolu msemmi hawn fuq, b'mod parallel mal-obbligu ta' informazzjoni dwar il-konċentrazzjonijiet previst fl-Att dwar is-Swieq Diġitali;
Żviluppi settorjali
79. Itenni li jinsab imħasseb ħafna dwar il-konċentrazzjoni estensiva tal-katina tal-provvista agrikola u alimentari Ewropea għad-detriment tal-konsumaturi, il-bdiewa b'azjenda agrikola żgħira, l-ambjent u l-bijodiversità; jenfasizza li s-setgħa eċċessiva tal-proċessur jew tax-xerrej downstream fil-katina tal-provvista twassal għal pressjoni 'l isfel insostenibbli fuq il-prezzijiet tal-azjendi agrikoli;
80. Jilqa', f'dan ir-rigward, id-Direttiva (UE) 2019/633 tas-17 ta' April 2019 dwar prattiki kummerċjali inġusti fir-relazzjonijiet bejn in-negozji fil-katina tal-provvista agrikola u alimentari[24] bħala pass importanti fl-iżgurar tal-ġustizzja bejn l-operaturi, fil-ġlieda kontra l-istandards doppji fil-prattiki agroalimentari u fl-indirizzar tal-iżbilanċ tas-setgħa ta' negozjar; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja l-progress fit-traspożizzjoni tagħha u tippromwovi l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri;
81. Jistieden ukoll lill-Kummissjoni tkompli l-analiżi fil-fond tagħha tal-firxa u l-effett tal-alleanzi tax-xiri, u b'hekk tiddedika attenzjoni speċjali biex tiggarantixxi kompetizzjoni ekwa u trasparenza akbar fil-prattiki kummerċjali tal-ktajjen tal-hypermarkets u tas-supermarkets, b'mod partikolari meta tali prattiki jaffettwaw il-valur tad-ditta u l-għażla tal-prodott jew jillimitaw l-innovazzjoni jew il-komparabbiltà tal-prezzijiet, sabiex jiġi żgurat li l-bdiewa jirċievu prezzijiet u kundizzjonijiet ekwi għall-prodotti tagħhom; jiddispjaċih għall-fatt li l-bejgħ b'telf mhuwiex ipprojbit fil-livell tal-UE;
82. Jiġbed l-attenzjoni għall-ammont dejjem akbar ta' protesti tal-bdiewa u jinnota li l-impatt kumulattiv tal-ftehimiet ta' kummerċ ħieles fuq is-settur agroalimentari tal-UE hu waħda mill-preokkupazzjonijiet ta' min jipparteċipa fihom; jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-Kummissjoni qed tkompli tinnegozja ftehimiet ta' kummerċ ħieles akkost ta' kollox; jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lil kwalunkwe prattika antikompetittiva minn pajjiżi mhux tal-UE li taf tippenalizza lill-bdiewa u s-settur agrikolu tal-UE, minħabba d-differenzi fl-istandards soċjali, tas-saħħa, tax-xogħol, ambjentali u tal-benessri tal-annimali barra mill-UE; jitlob l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' reċiproċità u l-konformità għall-prodotti agrikoli fin-negozjati kummerċjali attwali u futuri;
83. Jinnota li t-tassazzjoni hija b'mod predominanti kompetenza nazzjonali, li tiddependi mill-fehmiet politiċi u l-azzjonijiet tal-gvernijiet u l-parlamenti, u hija bbażata fuq politiki fiskali u aspirazzjonijiet politiċi fir-rigward tal-finanzi pubbliċi; jilqa' l-viġilanza tal-Kummissjoni fl-infurzar tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat fil-qasam tat-tassazzjoni; itenni li l-għajnuna fiskali selettiva mill-Istat tista' toħloq kundizzjonijiet mhux ekwi fis-suq intern u li l-ippjanar aggressiv tat-taxxa ma jagħmilx ħsara biss lill-kompetizzjoni ekwa iżda jdgħajjef ukoll il-funzjonament xieraq tas-sistemi soċjali b'mod ġenerali; jenfasizza l-importanza tar-riforma tas-sistema ta' tassazzjoni attwali sabiex jiġi żgurat li t-taxxi jitħallsu fejn jinħoloq il-valur; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, teżamina mill-ġdid il-linji gwida tagħha dwar l-għajnuna mill-Istat bil-għan li tivvaluta liema miżuri ta' għajnuna fiskali mill-Istat ifixklu l-kompetizzjoni;
84. Jinnota bi tħassib il-frammentazzjoni u d-diverġenza fit-telekomunikazzjonijiet u l-konnessjonijiet tal-internet b'veloċità għolja kemm fost l-Istati Membri kif ukoll bejn iż-żoni rurali u urbani madwar l-Ewropa kollha; ifakkar li hemm bżonn ta' kompetizzjoni b'saħħitha sabiex jingħalaq id-distakk;
85. Jenfasizza l-mument kritiku għall-industrija tal-ospitalità tal-Unjoni li, minn perspettiva ekonomika u finanzjarja, kienet l-aktar milquta matul il-kriżi attwali; jilqa' l-għajnuna mill-Istat diretta lejn is-settur f'dan il-kuntest;
86. Jistieden lill-Kummissjoni biex, fir-rieżami tagħha tad-Direttiva dwar il-Kreditu għall-Konsumatur[25], tiżgura protezzjoni xierqa tal-konsumatur fil-qasam tal-kreditu għall-konsumatur, inkluż billi tippromwovi kundizzjonijiet effettivi ta' kompetizzjoni bejn l-operaturi, kif ukoll faċilità ta' aċċess; jitlob, f'dan ir-rigward, li l-konsumaturi jkunu jistgħu jqabblu aħjar l-offerti permezz ta' żieda fit-trasparenza, inkluż billi ssir distinzjoni bejn l-ispejjeż diretti relatati mal-ħlas lura tal-kreditu u l-ispejjeż indiretti bħal tariffi għal servizzi u taxxi ta' partijiet terzi, li mhumiex rimborżabbli;
87. Jinsab imħasseb dwar ix-xiri minn kumpanija taż-żejt mmexxija mill-Istat ta' grupp tal-istampa ewlieni, li huwa sid ta' 20 gazzetta reġjonali ewlenija, 120 rivista ta' kull ġimgħa u 500 portal online[26] fl-Istat Membru kkonċernat; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex twettaq studju dwar il-konċentrazzjoni tas-sjieda tal-media fl-Ewropa, b'mod partikolari fil-kuntest tal-korporazzjonijiet multinazzjonali li jixtru fornituri tal-media Ewropej;
°
° °
88. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri u lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali u, fejn applikabbli, reġjonali tal-Istati Membri.
OPINJONI TAL-KUMITAT GĦAS-SUQ INTERN U L-ĦARSIEN TAL-KONSUMATUR (24.2.2021)
għall-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
dwar il-politika tal-kompetizzjoni – rapport annwali 2020
Rapporteur għal opinjoni: Andrus Ansip
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur jistieden lill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
Is-suq uniku
1. Ifakkar li l-politika tal-kompetizzjoni hija vitali għat-tisħiħ tas-suq uniku, billi tippromwovi l-kompetizzjoni u tipprovdi kundizzjonijiet ekwi u ġusti għall-parteċipanti kollha fis-suq, inklużi l-intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju (SMEs), tippermetti t-tkabbir ta' negozji innovattivi, tiżgura l-kompetittività tal-kumpaniji tal-UE fuq livell globali u tiggarantixxi livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur, prezzijiet aktar baxxi, kwalità aħjar u għażla akbar;
2. Ifakkar li 73 % tal-PDG tal-Unjoni Ewropea huwa ġġenerat mis-servizzi u li s-suq uniku għas-servizzi huwa anqas żviluppat mis-suq uniku għall-prodotti; iqis li l-mekkaniżmi tal-liġi tal-kompetizzjoni u r-regolamentazzjoni ex ante jistgħu jgħinu jsaħħu s-suq uniku għas-servizzi diġitali;
Protezzjoni tal-konsumatur
3. Jenfasizza b'mod partikolari li l-politiki tal-kompetizzjoni u dawk dwar il-konsumaturi jikkomplementaw lil xulxin peress li t-tnejn li huma għandhom l-għan li jipproteġu lill-konsumaturi, jiżguraw l-integrità tas-suq uniku u jgħinu biex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi għan-negozji;
4. Ifakkar li l-benesseri tal-konsumatur u l-prevenzjoni tal-ħsara lill-konsumatur – kemm online kif ukoll offline – iridu jibqgħu aspetti essenzjali tal-politika tal-kompetizzjoni, tal-prattiki ta' infurzar u ta' kwalunkwe leġiżlazzjoni settorjali futura biex jinkiseb livell dejjem akbar ta' protezzjoni tal-konsumatur u tal-benesseri tal-konsumatur;
5. Jenfasizza li l-Aġenda l-Ġdida tal-Konsumatur ippreżentata mill-Kummissjoni bħala wieħed mill-objettivi tagħha, tipprevedi l-kontinwazzjoni tal-ġlieda kontra l-iscams fil-konfront tal-konsumaturi, il-prattiki kummerċjali inġusti u l-frodi;
6. Ifakkar li l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tiddikjara li l-politiki tal-Unjoni jridu jiżguraw livell għoli ta' protezzjoni għall-konsumatur;
7. Jenfasizza li r-regoli tal-kompetizzjoni, il-benesseri tal-konsumatur u l-kwistjonijiet ta' sostenibilità huma interkonnessi mill-qrib u li l-esternalitajiet negattivi assoċjati ma' ċerti tipi ta' produzzjoni ma jridux jiġu injorati; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tivvaluta kif il-politika tal-kompetizzjoni tista' tikkontribwixxi aktar għall-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli, il-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima u l-Patt Ekoloġiku Ewropew;
It-trasformazzjoni diġitali
8. Jinnota l-bidliet li qed jiffaċċjaw kemm in-negozji kif ukoll il-konsumaturi minħabba t-trasformazzjoni diġitali u jilqa' l-enfasi tal-Kummissjoni fuq l-immodernizzar tal-politika tal-kompetizzjoni tagħha biex tindirizza b'mod adegwat il-problemi serji u l-fallimenti tas-suq fis-settur diġitali;
9. Jinnota li l-Kummissjoni ddeċidiet li ma tippreżentax proposta għal Għodda Ġdida tal-Kompetizzjoni, u jenfasizza, f'dan il-kuntest, li r-regoli attwali dwar il-kontroll tal-fużjonijiet mhumiex adattati biex jittrattaw l-hekk imsejħa akkwisti predatorji minn atturi dominanti fis-swieq diġitali;
10. Jissottolinja li l-politika tal-kompetizzjoni għandha wkoll rwol sinifikanti fil-politika industrijali moderna tal-Unjoni, bil-għan li l-kumpaniji Ewropej isiru aktar innovattivi u, għalhekk, ikunu kompetittivi fis-suq uniku, kif ukoll fuq livell internazzjonali;
Ir-regolamentazzjoni ex ante tal-gwardjani tal-aċċess
11. Ifakkar li l-iżgurar tar-regolamentazzjoni effiċjenti tas-swieq diġitali jikkostitwixxi responsabbiltà ewlenija tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur; f'dan il-kuntest, jenfasizza l-adozzjoni tar-Regolament P2B (Regolament (UE) Nru 2019/1150[27]) u jinnota li l-interventi regolatorji ex ante għandhom l-għan li jindirizzaw il-lakuni fl-infurzar ex post tal-liġi tal-kompetizzjoni;
12. Jenfasizza l-importanza tal-operaturi online ewlenin li jaġixxu bħala gwardjani tal-aċċess għall-ekonomija diġitali, inkluż l-aċċess għas-swieq tal-kummerċ elettroniku, kif ukoll ir-riskji u l-opportunitajiet f'termini tal-libertà tal-għażla għall-konsumaturi u ta' aċċess għas-swieq għall-kumpaniji;
13. Jinnota li, mill-10 000 pjattaforma tal-internet li jipparteċipaw fis-suq diġitali tal-UE, l-akbar seba' pjattaformi jiġġeneraw saħansitra 69 % tad-dħul totali tas-settur;
14. Jisħaq li r-regoli tal-kompetizzjoni eżistenti ma jissodisfawx kif jixraq il-ħtiġijiet ta' suq uniku li jiffunzjona u għalhekk jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tikkoreġi l-irregolaritajiet fis-suq diġitali, fost l-oħrajn permezz tal-adozzjoni tal-proposta tagħha għal Att dwar is-Swieq Diġitali; jenfasizza r-rwol importanti tar-regolamentazzjoni ex ante biex tikkomplementa u ssaħħaħ l-infurzar ex post tad-dritt tal-kompetizzjoni;
15. Jenfasizza li l-obbligi regolatorji jridu jkunu proporzjonati u bl-ebda mod ma jrid ikollhom l-għan li joħolqu ostakoli amministrattivi mhux iġġustifikati li jipprevjenu t-tisħiħ ulterjuri tas-suq uniku u tal-kompetizzjoni ġusta;
16. Jinnota li r-regoli u s-sorveljanza aħjar proposti għandhom jiżguraw li s-swieq ikkaratterizzati minn pjattaformi kbar li jaġixxu bħala gwardjani tal-aċċess għas-suq diġitali jibqgħu ġusti u kompetittivi għall-innovaturi, in-negozji u l-parteċipanti ġodda fis-suq;
17. Jinnota li l-istrateġiji ta' tkabbir li jirnexxu m'għandhomx awtomatikament jattivaw interventi korrettivi, peress li jistgħu jiġġeneraw tkabbir ekonomiku u benefiċċji għall-konsumatur;
18. Iqis li l-atturi tas-suq li jaġixxu b'mod ġust, inklużi l-SMEs, jibbenefikaw mill-applikazzjoni rigoruża tar-regoli tal-kompetizzjoni; jitlob lill-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, teżamina aktar l-abbuż tal-pożizzjoni dominanti ta' ċerti pjattaformi online sabiex tiżgura l-kompetizzjoni ġusta, u tagħti spinta lill-impjiegi, lill-innovazzjoni u lit-tkabbir sostenibbli;
Aċċess għad-data
19. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura u tippromwovi aċċess ġust u sigur għad-data għall-parteċipanti kollha fis-suq, kemm fl-Att dwar is-Swieq Diġitali kif ukoll fil-prattiki tal-infurzar tal-liġi tal-kompetizzjoni tagħha, filwaqt li tqis il-kwistjonijiet tal-kunfidenzjalità u tal-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali, kif ukoll il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data; jinnota li dan għandu jagħti s-setgħa lill-konsumaturi biex jikkontrollaw id-data tagħhom u jagħtihom drittijiet addizzjonali f'termini tal-portabbiltà u tal-interoperabbiltà tad-data, kif stabbilit fid-dritt tal-Unjoni, sabiex jiġi żgurat li s-suq uniku għad-data jkun ibbażat fuq il-valuri ta' qofol Ewropej, kif ukoll fuq il-kompetizzjoni ekwa; jitlob lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tqis l-effetti tal-aċċess għad-data personali u finanzjarja meta tivvaluta s-setgħa fis-suq, peress li d-data hija sors ta' saħħa u ta' influwenza ekonomika konsiderevoli;
Ir-Regolament ta' Eżenzjoni ta' Kategorija Vertikali
20. Jinnota li r-Regolament ta' Eżenzjoni ta' Kategorija Vertikali ma ġiex adattat b'mod adegwat għall-iżviluppi riċenti tas-suq, b'mod partikolari t-tkabbir tal-bejgħ online u l-pjattaformi online; jilqa' l-valutazzjoni tal-impatt li tnediet dan l-aħħar mill-Kummissjoni u jitlob li jittieħdu passi ulterjuri biex tiġi indirizzata l-kwistjoni; jissottolinja li l-ftehimiet ta' distribuzzjoni u l-klawżoli kuntrattwali selettivi ma għandhomx iwasslu għall-frammentazzjoni tas-suq uniku billi joħolqu ostakoli għall-kummerċ u d-distribuzzjoni transfruntiera; jemmen li s-segmentazzjoni tas-suq nazzjonali ma tħallix li jkun hemm kompetizzjoni sħiħa u ġusta fl-Unjoni;
21. Jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-eżistenza tal-effett antikompetittiv ta' restrizzjonijiet territorjali tal-provvista li jkunu persistenti u li jistgħu jseħħu minħabba diversi prattiki bħar-rifjut li jingħata forniment jew it-theddida li jitwaqqaf il-forniment ta' distributur partikolari, il-limitazzjoni tal-kwantitajiet disponibbli għall-bejgħ, differenzi inspjegabbli fil-firxa u l-prezzijiet ta' prodotti bejn l-Istati Membri, jew il-limitazzjoni tal-għażliet tal-lingwa għall-imballaġġ tal-prodotti; jissottolinja li r-restrizzjonijiet territorjali tal-provvista qed ixekklu l-iżvilupp tas-suq uniku u l-benefiċċju potenzjali tiegħu għall-konsumaturi; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-effett antikompetittiv tar-restrizzjonijiet territorjali tal-provvista bil-ħsieb li jinkiseb suq uniku li jiffunzjona bis-sħiħ;
Ir-Regolament dwar l-Imblukkar Ġeografiku
22. Jinnota l-ewwel rieżami fuq terminu qasir tal-Kummissjoni tar-Regolament dwar l-Imblukkar Ġeografiku u jistieden lill-Kummissjoni tkompli timmonitorja u tneħħi b'mod attiv – b'approċċ favur il-konsumatur li jippermetti lill-konsumaturi jixtru bla xkiel madwar l-UE – l-imblukkar ġeografiku mhux iġġustifikat u restrizzjonijiet persistenti oħrajn fuq il-bejgħ online transfruntier kif identifikati fir-rieżami; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tqis li tipproponi miżuri xierqa ta' segwitu;
Infurzar u superviżjoni
23. Jenfasizza l-importanza ta' qafas tal-UE li jkun ċar, prevedibbli, li jibqa' validu fil-futur u li jkun komprensiv, biex jiġu żgurati l-infurzar u s-superviżjoni effettivi tal-liġi tal-kompetizzjoni fil-livell tal-UE, speċjalment fil-kuntest tas-swieq li jevolvu malajr; jissottolinja li l-konformità tad-dispożizzjonijiet trid tissaħħaħ b'penali effettivi, proporzjonati u dissważivi, u li d-dritt tal-UE għandu jiġi infurzat b'mod ugwali fl-Istati Membri kollha; iħeġġeġ, għalhekk, lill-Kummissjoni tkompli ssaħħaħ ir-rwol tan-Networks taċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi (ECC-Net) u twettaq studju dwar jekk hemmx il-ħtieġa ta' awtorità tal-konsumatur tal-UE;
24. Jitlob lill-Kummissjoni tistabbilixxi gwida ċara u l-aħjar prattiki dwar l-infurzar sabiex tevita li jkun hemm inċertezza tad-dritt u deċiżjonijiet arbitrarji, u tipprevjeni li jkun hemm diskrepanzi bejn l-Istati Membri f'termini tas-sorveljanza tal-leġiżlazzjoni eżistenti u futura rilevanti;
25. Jinnota li xi pjattaformi diġitali, minkejja li ġarrbu penali, ripetutament kisru r-regoli tal-kompetizzjoni; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni teżamina jekk is-sanzjonijiet imposti bħalissa humiex qed jaqdu l-iskop tagħhom;
Għajnuna mill-Istat
26. Jinnota li l-Kummissjoni wieġbet għat-tifqigħa tal-kriżi tal-COVID-19 billi adottat Qafas Temporanju għall-Għajnuna mill-Istat b'miżuri li jappoġġaw l-ekonomija, u jenfasizza li dawn il-miżuri għandhom jibqgħu temporanji;
27. Jistieden lill-Kummissjoni twettaq fil-ħin opportun evalwazzjoni ddettaljata tal-impatt tal-qafas fuq is-suq uniku, u tressaq miżuri fuq terminu medju u fit-tul bil-għan li tnaqqas id-diskrepanzi u tappoġġja lill-kumpaniji Ewropej, b'enfasi partikolari fuq l-SMEs;
28. Ifakkar, f'dan il-kuntest, li l-għajnuna mill-Istat iggarantita fl-ambitu taċ-ċirkostanzi straordinarji tal-pandemija lill-kumpaniji tat-trasport bl-ajru tgħin biex jiġu protetti l-impjegati, iżda jirrimarka li dan irid jitwettaq mingħajr ma ssir ħsara lid-drittijiet tal-konsumaturi fis-suq uniku;
29. Ifakkar li jekk iseħħu fallimenti tas-suq, ir-regoli tal-UE dwar l-għanjuna mill-Istat jappoġġjaw l-objettiv tal-politika tal-kompetizzjoni li l-kumpaniji Ewropej isiru aktar innovattivi u kompetittivi fuq livell internazzjonali;
30. Jinnota li l-għajnuna mill-Istat fil-forma ta' injezzjonijiet finanzjarji f'negozji selettivi tista' tfixkel il-kundizzjonijiet ekwi fis-suq intern u tkun ta' detriment għall-benesseri tal-konsumaturi sakemm ma tkunx strettament konformi mar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat; ifakkar li dawn l-objettivi jistgħu jinkisbu wkoll b'mezzi oħrajn;
Id-dimensjoni globali
31. Jenfasizza li f'ekonomija globali, id-distorsjonijiet potenzjali tal-kompetizzjoni fis-suq intern jirriżultaw minn kumpaniji stabbiliti barra mill-UE, b'mod partikolari minn kumpaniji li jibbenefikaw minn għajnuna mill-Istat jew sussidji oħra; jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri xierqa u ttejjeb il-kooperazzjoni globali dwar il-kompetizzjoni biex tipprovdi kundizzjonijiet ekwi ma' pajjiżi terzi, b'mod partikolari fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat, u tiżgura aċċess ġust għas-suq f'kull settur ikkonċernat, bħal pereżempju fis-settur tal-avjazzjoni;
32. Jinnota bi tħassib l-interess dejjem akbar tal-atturi esterni biex isaħħu u jikkonsolidaw l-influwenza tagħhom fil-kumpaniji Ewropej fil-kuntest tal-kriżi kkawżata mill-pandemija; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib tali xejriet u, b'mod partikolari, l-investimenti diretti barranin, sabiex tiġi żgurata u ppreservata l-integrità tas-suq uniku;
33. Jinnota l-White Paper tal-Kummissjoni dwar il-kisba ta' kundizzjonijiet ekwi fir-rigward ta' sussidji barranin; jinsab imħasseb li l-ftuħ kummerċjali tal-UE bbażat fuq kundizzjonijiet ekwi qed jiġi dejjem aktar ikkontestat fil-livell globali; jappoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tevita miżuri ta' ritaljazzjoni fuq il-livell globali;
It-trasparenza
34. Jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi ggarantita kompetizzjoni ġusta f'setturi li huma essenzjali għall-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini, bħas-setturi tal-ikel u s-saħħa, għall-benefiċċju tal-konsumaturi; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta bir-reqqa l-firxa u l-effett tal-pjanijiet tagħha biex tikkjarifika r-regoli tal-kompetizzjoni fl-Istrateġija "mill-Għalqa sal-Platt" fuq il-funzjonament ekonomiku tal-katina tal-provvista agrikola u alimentari, filwaqt li tqis b'mod partikolari l-effetti fuq il-fornituri u l-bdiewa fuq skala żgħira, biex lill-operaturi tagħmilhom aktar sostenibbli u kompetittivi biex ikunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mis-suq uniku;
35. Jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament Ewropew dwar l-effettività tal-applikazzjoni tar-rimedji strutturali fil-każijiet tal-antitrust fl-ambitu tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE, u dwar l-isfidi għal tali miżuri;
36. Jistieden lill-Kummissjoni tqis bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, inkluż li ttejjeb ir-rapportar tal-prestazzjoni tad-deċiżjonijiet ta' infurzar tagħha, sabiex jittejbu t-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont fil-konfront tal-Parlament Ewropew u ċ-ċittadini;
37. Jitlob lill-Kummissjoni tinkludi s-sommarji tal-każijiet tal-antitrust li nfetħu u ngħalqu fl-Istati Membri, u l-istatistika dwarhom, inklużi, fejn rilevanti, l-aħjar prattiki identifikati u l-ammont totali ta' multi imposti u mħallsa għall-kartelli fir-Rapport Annwali dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni tal-Kummissjoni;
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
Data tal-adozzjoni |
22.2.2021 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
41 0 4 |
||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Andrus Ansip, Alessandra Basso, Brando Benifei, Adam Bielan, Biljana Borzan, Vlad-Marius Botoş, Markus Buchheit, Anna Cavazzini, Dita Charanzová, Deirdre Clune, David Cormand, Carlo Fidanza, Evelyne Gebhardt, Alexandra Geese, Sandro Gozi, Maria Grapini, Svenja Hahn, Virginie Joron, Eugen Jurzyca, Arba Kokalari, Marcel Kolaja, Kateřina Konečná, Andrey Kovatchev, Jean-Lin Lacapelle, Morten Løkkegaard, Adriana Maldonado López, Antonius Manders, Beata Mazurek, Leszek Miller, Dan-Ştefan Motreanu, Anne-Sophie Pelletier, Miroslav Radačovský, Christel Schaldemose, Andreas Schwab, Tomislav Sokol, Tom Vandenkendelaere, Kim Van Sparrentak, Marco Zullo |
|||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Marco Campomenosi, Maria da Graça Carvalho, Krzysztof Hetman, Sven Mikser, Tsvetelina Penkova, Barbara Thaler, Edina Tóth |
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
41 |
+ |
ECR |
Adam Bielan, Carlo Fidanza, Eugen Jurzyca, Beata Mazurek |
ID |
Alessandra Basso, Markus Buchheit, Marco Campomenosi |
NI |
Miroslav Radačovský, Marco Zullo |
PPE |
Maria da Graça Carvalho, Deirdre Clune, Krzysztof Hetman, Arba Kokalari, Andrey Kovatchev, Antonius Manders, Dan-Ştefan Motreanu, Andreas Schwab, Tomislav Sokol, Barbara Thaler, Edina Tóth, Tom Vandenkendelaere |
RENEW |
Andrus Ansip, Vlad-Marius Botoş, Dita Charanzová, Sandro Gozi, Svenja Hahn, Morten Løkkegaard |
S&D |
Brando Benifei, Biljana Borzan, Evelyne Gebhardt, Maria Grapini, Adriana Maldonado López, Sven Mikser, Leszek Miller, Tsvetelina Penkova, Christel Schaldemose |
Verts/ALE |
Anna Cavazzini, David Cormand, Alexandra Geese, Marcel Kolaja, Kim Van Sparrentak |
0 |
- |
|
|
4 |
0 |
ID |
Virginie Joron, Jean-Lin Lacapelle |
The Left |
Kateřina Konečná, Anne-Sophie Pelletier |
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni |
10.5.2021 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
46 6 6 |
||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Gunnar Beck, Marek Belka, Isabel Benjumea Benjumea, Stefan Berger, Francesca Donato, Engin Eroglu, Markus Ferber, Jonás Fernández, Raffaele Fitto, Frances Fitzgerald, Luis Garicano, Sven Giegold, Valentino Grant, Claude Gruffat, José Gusmão, Eero Heinäluoma, Michiel Hoogeveen, Danuta Maria Hübner, Stasys Jakeliūnas, France Jamet, Othmar Karas, Billy Kelleher, Ondřej Kovařík, Georgios Kyrtsos, Aurore Lalucq, Aušra Maldeikienė, Pedro Marques, Fulvio Martusciello, Costas Mavrides, Jörg Meuthen, Csaba Molnár, Siegfried Mureşan, Caroline Nagtegaal, Luděk Niedermayer, Lefteris Nikolaou-Alavanos, Piernicola Pedicini, Kira Marie Peter-Hansen, Sirpa Pietikäinen, Dragoș Pîslaru, Evelyn Regner, Antonio Maria Rinaldi, Alfred Sant, Joachim Schuster, Ralf Seekatz, Pedro Silva Pereira, Paul Tang, Irene Tinagli, Ernest Urtasun, Inese Vaidere, Johan Van Overtveldt, Stéphanie Yon-Courtin, Marco Zanni, Roberts Zīle |
|||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Herbert Dorfmann, Christophe Hansen, Eugen Jurzyca, Stéphane Séjourné, Mick Wallace |
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
46 |
+ |
ECR |
Raffaele Fitto, Michiel Hoogeveen, Eugen Jurzyca, Johan Van Overtveldt, Roberts Zīle |
PPE |
Isabel Benjumea Benjumea, Stefan Berger, Herbert Dorfmann, Markus Ferber, Frances Fitzgerald, Christophe Hansen, Danuta Maria Hübner, Othmar Karas, Georgios Kyrtsos, Aušra Maldeikienė, Fulvio Martusciello, Siegfried Mureşan, Luděk Niedermayer, Sirpa Pietikäinen, Ralf Seekatz, Inese Vaidere |
Renew |
Luis Garicano, Ondřej Kovařík, Caroline Nagtegaal, Dragoș Pîslaru, Stéphane Séjourné, Stéphanie Yon-Courtin |
S&D |
Marek Belka, Jonás Fernández, Eero Heinäluoma, Aurore Lalucq, Pedro Marques, Costas Mavrides, Csaba Molnár, Evelyn Regner, Alfred Sant, Joachim Schuster, Pedro Silva Pereira, Paul Tang, Irene Tinagli |
Verts/ALE |
Sven Giegold, Claude Gruffat, Stasys Jakeliūnas, Piernicola Pedicini, Kira Marie Peter-Hansen, Ernest Urtasun |
6 |
- |
ID |
Gunnar Beck, France Jamet, Jörg Meuthen |
NI |
Lefteris Nikolaou-Alavanos |
The Left |
José Gusmão, Mick Wallace |
6 |
0 |
ID |
Francesca Donato, Valentino Grant, Antonio Maria Rinaldi, Marco Zanni |
Renew |
Engin Eroglu, Billy Kelleher |
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni
- [1] Testi adottati, P9_TA(2020)0158.
- [2]https://ec.europa.eu/competition/state_aid/what_is_new/TF_consolidated_version_amended_3_april_8_may_29_june_and_13_oct_2020_mt.pdf
- [3] https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/ALL/?uri=COM:2020:253:FIN
- [4] https://www.eca.europa.eu/Lists/ECADocuments/SR20_24/SR_Competition_policy_MT.pdf
- [5] https://ec.europa.eu/competition/ecn/202003_joint-statement_ecn_corona-crisis.pdf
- [6] https://ec.europa.eu/competition/publications/reports/kd0419345enn.pdfl
- [7] https://int.nyt.com/data/documenttools/house-antitrust-report-on-big-tech/b2ec22cf340e1af1/full.pdf
- [8] GroupMWorldwide, Inc., This Year Next Year: The End-Of-Year Forecasts December 2020. https://www.groupm.com/this-year-next-year-global-end-of-year-forecast-2020/
- [9] "Statista dossier on Google, Amazon, Facebook, Apple, and Microsoft (GAFAM)", Statista (2020), https://www.statista.com/study/47704/google-apple-facebook-amazon-microsoft-gafam/
- [10] Id-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta' April 1993 dwar klawżoli inġusti f'kuntratti mal-konsumatur, ĠU L 95, 21.4.1993, p. 29.
- [11] Id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti ta' investiment, ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190.
- [12] Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni, mill-1 ta' Awwissu 2013, tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal miżuri ta' appoġġ favur il-banek fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja, ĠU C 216, 30.7.2013, p. 1.
- [13] ĠU L 79I, 21.3.2019, p. 1.
- [14] Is-sentenza tal-15 ta' Lulju 2020, l-Irlanda u Oħrajn v. il-Kummissjoni, T-778/16 P u T-892/16, EU:T:2013:338.
- [15] Id-Direttiva (UE) 2019/1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 sabiex l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jingħataw setgħat biex ikunu inforzaturi aktar effettivi, u biex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, ĠU L 11, 14.1.2019, p. 3.
- [16] Avviż tal-Kummissjoni dwar ir-rimedji aċċettabbli taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 u taħt ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 802/2004 ĠU C 267, 22.10.2008, p. 1.
- [17] Sentenza tat-23 ta' Settembru 2019, Google v. Il-Kummissjoni, T‑604/18, EU:T:2019:743.
- [18] Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE. ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.
- [19] ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.
- [20] ĠU C 372, 9.12.1997, p. 5.
- [21] Id-Direttiva 2014/104/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Novembru 2014 dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea. ĠU L 349, 5.12.2014, p. 1.
- [22] Sentenza tad-19 ta' Frar 2002, J. C. J. Wouters, J. W. Savelbergh u Price Waterhouse Belastingadviseurs BV v. Algemene Raad van de Nederlandse Orde van Advocaten, C-309/99, EU:C:2002:98.
- [23] https://www.eca.europa.eu/Lists/ECADocuments/SR20_24/SR_Competition_policy_MT.pdf
- [24] ĠU L 111, 25.4.2019, p. 59.
- [25] Id-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2008 dwar ftehim ta' kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE ĠU L 133, 22.5.2008, p. 66.
- [26] https://www.dw.com/en/poland-state-run-oil-company-buys-leading-media-group/a-55859592
- [27] ĠU L 186, 11.7.2019, p. 57.