RAPPORT dwar is-sitwazzjoni tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati fl-UE, fil-kuntest tas-saħħa tan-nisa

21.5.2021 - (2020/2215(INI))

Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi
Rapporteur: Predrag Fred Matić


Proċedura : 2020/2215(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A9-0169/2021


PR_INI

WERREJ

Paġna

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

NOTA SPJEGATTIVA

OPINJONI TAL-MINORANZA

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

 


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar is-sitwazzjoni tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati fl-UE, fil-kuntest tas-saħħa tan-nisa

(2020/2215(INI))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

 wara li kkunsidra l-Artikoli 5, 6 u 168 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra l-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp (ICPD) tal-1994 li saret fil-Kajr, il-Programm ta' Azzjoni tagħha, u l-konklużjonijiet tal-konferenzi ta' rieżami tagħha,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Nairobi tal-1 ta' Novembru 2019 dwar l-ICPD25 bit-titolu "Accelerating the Promise", kif ukoll l-impenji u l-azzjonijiet kollaborattivi nazzjonali u dawk tas-sħab li ġew iddikjarati fis-Summit ta' Nairobi,

 wara li kkunsidra l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing u l-konklużjonijiet tal-konferenzi ta' rieżami tagħha,

 wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli li ġiet adottata fil-25 ta' Settembru 2015 u li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2016, u b'mod partikolari l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) 3, 5 u 16 u l-indikaturi relatati,

 wara li kkunsidra l-Contraception Atlases tal-2017, l-2018, l-2019 u l-2020, li jikklassifikaw l-aċċess għall-kontraċezzjoni fl-Ewropa ġeografika u jenfasizzaw l-inugwaljanzi madwar il-kontinent u li fil-parti l-kbira ma ngħatax każ tal-fatt li l-ħtieġa għall-kontraċezzjoni f'ċerti partijiet tal-Ewropa ma ġietx issodisfata,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) tat-18 ta' Diċembru 1979, u r-Rakkomandazzjonijiet Ġenerali Nru 21 (1994), Nru 24 (1999), Nru 28 (2010), Nru 33 (2015) u Nru 35 (2017) tagħha,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika ("il-Konvenzjoni ta' Istanbul"),

 wara li kkunsidra l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (CRPD) tat-3 ta' Mejju 2008,

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-25 ta' Novembru 2020 bit-titolu "Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar il-Ġeneru (Gender Action Plan, GAP) III: aġenda ambizzjuża għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-għoti tas-setgħa lin-nisa fl-azzjoni esterna tal-UE (JOIN(2020)0017),

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Novembru 2020 dwar il-projbizzjoni de facto tad-dritt tal-abort fil-Polonja[1],

 wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kumitat CEDAW tat-28 ta' Frar 2020 fil-kawża S.F.M. v. Spanja,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-Ugwaljanza u n-Nondiskriminazzjoni tal-25 ta' Settembru 2017 dwar il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni kontra l-persuni intersesswali,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-Ugwaljanza u n-Nondiskriminazzjoni tat-2 ta' April 2015 dwar id-diskriminazzjoni kontra persuni transġeneru fl-Ewropa,

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Marzu 2020 bit-titolu "Unjoni ta' Ugwaljanza: Strateġija dwar l-Ugwaljanza Bejn il-Ġeneri għall-2020-2025" (COM(2020)0152),

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2019 dwar id-drittijiet tal-persuni intersesswali[2],

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/522 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Marzu 2021 li jistabbilixxi Programm għall-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-saħħa (il-"Programm l-UE għas-Saħħa") għall-perjodu 2021-2027, u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 282/2014[3],

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi tat-22 ta' Novembru 2019 bit-titolu "Beijing +25: the fifth review of the implementation of the Beijing Platform for Action in the EU Member States",

 wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-Uffiċċju Reġjonali għall-Ewropa tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) għas-Saħħa Sesswali u Riproduttiva: Lejn it-twettiq tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli fl-Ewropa – ħadd ma jitħalla jibqa' lura, li għandu tliet għanijiet interkonnessi mill-qrib: "Li l-persuni kollha jkunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar is-saħħa sesswali u riproduttiva tagħhom u jiġi żgurat li d-drittijiet tal-bniedem tagħhom jiġu rispettati, protetti u ssodisfati", "Li jiġi żgurat li l-persuni kollha jistgħu jgawdu l-ogħla standard possibbli ta' saħħa u benesseri sesswali u riproduttivi", u "Li jiġi ggarantit aċċess universali għas-saħħa sesswali u riproduttiva u jiġu eliminati l-inugwaljanzi",

 wara li kkunsidra r-rapport tan-Network Ewropew tal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Paternità Ppjanata (IPPF EN) u taċ-Ċentru Federali għall-Edukazzjoni tas-Saħħa (BZgA) bit-titolu "Sexuality Education in Europe and Central Asia: State of the Art and Recent Developments",

 wara li kkunsidra l-Istħarriġ tas-Sħab tal-IPPF EN: Il-Leġiżlazzjoni dwar l-Abort u l-Implimentazzjoni tagħha fl-Ewropa u fl-Asja Ċentrali,

 wara li kkunsidra l-istudju bit-titolu "The gendered impact of the COVID-19 crisis and post-crisis", ippubblikat mid-Direttorat Ġenerali tiegħu għall-Politiki Interni fit-30 ta' Settembru 2020[4],

 wara li kkunsidra l-policy brief ta' UN Women tad-9 ta' April 2020 bit-titolu "The Impact of COVID-19 on Women",

 wara li kkunsidra r-rapport tan-NU tat-23 ta' April 2020 bit-titolu "COVID-19 and Human Rights: We are all in this together",

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Popolazzjoni (UNFPA) tas-27 ta' April 2020 bit-titolu "Impact of the COVID-19 Pandemic on Family Planning and Ending Gender-based Violence, Female Genital Mutilation and Child Marriage",

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-UNFPA tat-28 ta' April 2020 bit-titolu "Millions more cases of violence, child marriage, female genital mutilation, unintended pregnancy expected due to the COVID-19 pandemic",

 wara li kkunsidra l-policy brief tal-Lobby Ewropew tan-Nisa bit-titolu "Women must not pay the price for COVID-19!",

 wara li kkunsidra l-istudju tal-Professoressa Sabine Oertelt-Prigione bit-titolu "The impact of sex and gender in the COVID-19 pandemic", ippubblikat fis-27 ta' Mejju 2020,

 wara li kkunsidra l-gwida tad-WHO bit-titolu "Safe abortion: technical and policy guidance for health systems",

 wara li kkunsidra l-"Global strategy to accelerate the elimination of cervical cancer as a public health problem" tad-WHO,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Novembru 2020 dwar l-impatt tal-miżuri tal-COVID-19 fuq id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali[5],

 wara li kkunsidra r-rapport konġunt tal-Forum Parlamentari Ewropew għad-Drittijiet Sesswali u Riproduttivi (EPF) u tal-IPPF EN tat-22 ta' April 2020 bit-titolu "Sexual and Reproductive Health and Rights during the COVID-19 pandemic",

 wara li kkunsidra l-Artikolu 12 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali,

 wara li kkunsidra l-kumment ġenerali Nru 22 tal-Kumitat għad-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali tan-NU tat-2 ta' Mejju 2016 dwar id-dritt għas-saħħa sesswali u riproduttiva,

 wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 7, 17 u 26 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

 wara li kkunsidra l-kumment ġenerali Nru 36 tal-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tat-30 ta' Ottubru 2018 dwar l-Artikolu 6 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, dwar id-dritt għall-ħajja,

 wara li kkunsidra r-rapport interim tar-Rapporteur Speċjali tan-NU tat-3 ta' Awwissu 2011 dwar id-dritt ta' kulħadd li jgawdi l-ogħla standard possibbli ta' saħħa fiżika u mentali,

 wara li kkunsidra r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU tal-4 ta' April 2016 dwar id-dritt ta' kulħadd li jgawdi l-ogħla standard possibbli ta' saħħa fiżika u mentali,

 wara li kkunsidra r-rapporti tar-Rapporteur Speċjali tan-NU għall-Vjolenza Kontra n-Nisa, il-Kawżi u l-Konsegwenzi tagħha, inkluż ir-rapport tal-11 ta' Lulju 2019 dwar approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem għat-trattament ħażin u l-vjolenza kontra n-nisa fis-servizzi tas-saħħa riproduttiva b'enfasi fuq il-vjolenza waqt il-ħlas u l-vjolenza ostetrika,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-WHO tal-2015 dwar il-prevenzjoni u l-eliminazzjoni tan-nuqqas ta' rispett u tal-abbuż waqt il-ħlas,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ugwaljanza u n-Nondiskriminazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tas-16 ta' Settembru 2019 dwar il-vjolenza ostetrika u ġinekoloġika,

 wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE tat-13 ta' Diċembru 2004 li timplimenta l-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta' merkanzija u servizzi[6],

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp ta' Ħidma tan-NU tat-8 ta' April 2016 dwar il-kwistjoni tad-diskriminazzjoni kontra n-nisa fil-liġi u fil-prattika, ippreżentat fit-32 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem f'Ġunju 2016,

 wara li kkunsidra t-Taqsima II tar-Rapport tal-Grupp ta' Ħidma tan-NU tal-14 ta' Mejju 2018 dwar il-kwistjoni tad-diskriminazzjoni kontra n-nisa fil-liġi u fil-prattika,

 wara li kkunsidra t-Taqsima III tar-Rapport tal-Grupp ta' Ħidma tan-NU tat-8 ta' April 2016 dwar il-kwistjoni tad-diskriminazzjoni kontra n-nisa fil-liġi u fil-prattika,

 wara li kkunsidra r-Rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU tal-10 ta' Jannar 2019 dwar is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem,

 wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2011 dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali[7],

 wara li kkunsidra d-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x'jaqsam ma' prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem[8],

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta mill-Kunsill u r-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, il-Parlament Ewropew, u l-Kummissjoni Ewropea tad-19 ta' Novembru 2018 bit-titolu "Il-Kunsens Ewropew Ġdid għall-Iżvilupp: Id-dinja Tagħna, id-Dinjità Tagħna, il-Futur Tagħna", li fiha l-UE tafferma mill-ġdid l-impenn tagħha għall-promozzjoni, il-protezzjoni u t-twettiq tad-dritt ta' kull individwu li jkollu kontroll sħiħ fuq, u li jiddeċiedi b'mod liberu u responsabbli dwar kwistjonijiet relatati mas-sesswalità u s-saħħa sesswali u riproduttiva tiegħu, mingħajr diskriminazzjoni, koerċizzjoni u vjolenza,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Novembru 2019 dwar il-kriminalizzazzjoni tal-edukazzjoni sesswali fil-Polonja[9],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Frar 2019 dwar ir-rigressjoni attwali tad-drittijiet tan-nisa u tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-UE[10],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2017 dwar il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fir-riċerka dwar is-saħħa mentali u dik klinika[11],

 wara li kkunsidra l-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (2011-2020), adottat mill-Kunsill fis-7 ta' Marzu 2011,

 wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-2 ta' Diċembru 2003 dwar l-iskrinjar għall-kanċer[12],

 wara li kkunsidra l-linji gwida Ewropej għall-assigurazzjoni tal-kwalità fl-iskrinjar tal-kanċer ċervikali tas-7 ta' Mejju 2008 u l-linji gwida Ewropej għall-assigurazzjoni tal-kwalità fl-iskrinjar u d-dijanjożi tal-kanċer tas-sider tat-12 ta' April 2006,

 wara li kkunsidra d-Dokument tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa ta' Diċembru 2017 dwar is-saħħa sesswali u riproduttiva tan-nisa fl-Ewropa,

 wara li kkunsidra l-Istrateġija 2017-2021 tad-WHO dwar is-saħħa u l-benesseri tan-nisa fir-Reġjun Ewropew tad-WHO u l-Pjan ta' Azzjoni tal-2016 dwar is-Saħħa Sesswali u Riproduttiva: lejn it-twettiq tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli fl-Ewropa – ħadd ma jitħalla jibqa' lura,

 wara li kkunsidra l-Istrateġija Globali tad-WHO għas-Saħħa tan-Nisa, tat-Tfal u tal-Adolexxenti 2016-2030,

 wara li kkunsidra l-istandards tal-Uffiċċju Reġjonali tad-WHO għall-Ewropa u l-BZgA għall-edukazzjoni dwar is-sesswalità fl-Ewropa: qafas għal dawk li jfasslu l-politika, l-awtoritajiet edukattivi u tas-saħħa u l-ispeċjalisti, u għall-gwida teknika internazzjonali tal-UNESCO dwar l-edukazzjoni dwar is-sesswalità: approċċ ibbażat fuq l-evidenza,

 wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kumitat Ewropew tad-Drittijiet Soċjali tat-30 ta' Marzu 2009 dwar l-ilment kollettiv Nru 45/2007 miċ-Ċentru Internazzjonali għall-Protezzjoni Legali tad-Drittijiet tal-Bniedem (INTERIGHTS) vs il-Kroazja u l-kumment ġenerali Nru 15 tal-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal tas-17 ta' April 2013 dwar id-dritt tat-tfal għat-tgawdija tal-ogħla standard ta' saħħa li jista' jintlaħaq (l-Artikolu 24), li jenfasizza li l-adolexxenti għandu jkollhom aċċess għal informazzjoni xierqa u oġġettiva dwar kwistjonijiet sesswali u riproduttivi,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Popolazzjoni dwar l-Istat tal-Popolazzjoni Dinjija tal-2019 bit-titolu "Unfinished Business: the pursuit of rights and choices FOR ALL",

 wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A9-0169/2021),

A. billi s-saħħa sesswali u riproduttiva) hija stat ta' benesseri fiżiku, emozzjonali, mentali u soċjali fir-rigward tal-aspetti kollha tas-sesswalità u r-riproduzzjoni, mhux sempliċement in-nuqqas ta' disfunzjoni, in-nuqqas ta' saħħa jew il-mortalità, u billi l-individwi kollha għandhom dritt li jieħdu deċiżjonijiet dwar ġisimhom[13], mingħajr diskriminazzjoni, koerċizzjoni u vjolenza, u li jaċċessaw servizzi SRH li jappoġġaw dak id-dritt u jieħdu approċċ pożittiv għas-sesswalità u r-riproduzzjoni, peress li s-sesswalità hija parti integrali mill-eżistenza tal-bniedem;

B. billi s-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati huma, skont id-WHO, terminu umbrella għal diversi kwistjonijiet li jaffettwaw lill-persuni kollha u jirrappreżentaw erba' oqsma separati: is-saħħa sesswali, id-drittijiet sesswali, is-saħħa riproduttiva u d-drittijiet riproduttivi, u huma bbażati fuq id-drittijiet tal-individwi kollha li l-integrità fiżika, il-privatezza u l-awtonomija personali tagħhom jiġu rispettati; li l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru tagħhom jiġu rispettati bis-sħiħ; li jiddeċiedu jekk, ma' min u meta jkunu attivi sesswalment; li jkollhom esperjenzi sesswali sikuri, li jiddeċiedu jekk, meta u lil min jiżżewġu, jekk u b'liema mezzi jkollhom wild jew ulied, u kemm ikollhom ulied; li jkollhom aċċess matul ħajjithom kollha għall-informazzjoni, ir-riżorsi, is-servizzi u l-appoġġ meħtieġa biex jinkisbu dawn kollha ta' hawn fuq mingħajr diskriminazzjoni, koerċizzjoni, sfruttament u vjolenza;

C. billi d-drittijiet sesswali u riproduttivi huma protetti bħala drittijiet tal-bniedem fid-dritt internazzjonali u Ewropew dwar id-drittijiet tal-bniedem bħal fil-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, CEDAW u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, u jikkostitwixxu element essenzjali tal-għoti komprensiv tal-kura tas-saħħa; billi d-drittijiet tas-saħħa, b'mod partikolari d-drittijiet tas-saħħa sesswali u riproduttiva, huma drittijiet fundamentali tan-nisa li għandhom jissaħħu u ma jistgħu jiddgħajfu jew jiġu rtirati b'ebda mod; billi t-twettiq tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati huwa element essenzjali tad-dinjità tal-bniedem u huwa intrinsikament marbut mal-kisba tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru; billi l-ġisem ta' persuna, l-għażla tagħha, u għaldaqstant l-awtonomija sħiħa tagħha, huma dak li għandu jiġi ggarantit;

D. billi l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza diretta biex taġixxi fl-avvanz tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati fl-azzjoni esterna; billi l-Unjoni Ewropea m'għandhiex kompetenza diretta biex taġixxi fl-avvanz tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati fl-Unjoni iżda l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri sseħħ permezz tal-metodu miftuħ tal-koordinazzjoni; billi l-Unjoni Ewropea tistieden, tħeġġeġ u tappoġġa lill-Istati Membri fl-avvanz tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati għal kulħadd;

E. billi l-vjolenza abbażi tal-ġeneru hija mifruxa u ġiet aggravata mill-pandemija tal-COVID-19; billi huwa stmat li 25 % tan-nisa jesperjenzaw xi forma ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru f'ħajjithom u għadd kbir ta' nisa jesperjenzaw attakk u fastidju sesswali fil-kuntest ta' sħubijiet intimi u tal-ħajja pubblika minħabba l-istereotipi marbuta mal-ġeneru stabbiliti u n-normi soċjali li jirriżultaw;

F. billi l-vjolazzjonijiet tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati jikkostitwixxu ksur tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod speċifiku d-dritt għall-ħajja, l-integrità fiżika u mentali, l-ugwaljanza, in-nondiskriminazzjoni, is-saħħa u l-edukazzjoni, id-dinjità, il-privatezza u l-libertà minn trattament inumani u degradanti; billi l-vjolazzjonijiet tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati huma forma ta' vjolenza kontra n-nisa u l-bniet, u jxekklu l-progress lejn l-ugwaljanza bejn il-ġeneri[14];

G. billi s-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati huma miri fil-qafas tal-SDG 3 tan-NU, u billi l-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-prattiki dannużi huma miri fl-SDG 5;

H. billi għalkemm l-UE għandha wħud mill-ogħla standards tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati fid-dinja u xi Stati Membri implimentaw politiki u programmi li jsostnu d-drittijiet sesswali u riproduttivi, għad hemm sfidi, nuqqas ta' aċċess u affordabbiltà, lakuni, disparitajiet u inugwaljanzi fit-twettiq tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati, kemm fl-UE kif ukoll fl-Istati Membri, abbażi tal-età, is-sess, il-ġeneru, ir-razza, l-etniċità, il-klassi, l-affiljazzjoni reliġjuża jew it-twemmin reliġjuż, l-istat ċivili, l-istatus soċjoekonomiku, id-diżabbiltà, l-istatus fir-rigward tal-HIV (jew l-infezzjonijiet trażmessi sesswalment, STIs), l-oriġini nazzjonali jew soċjali, l-istatus ġuridiku jew tal-migrazzjoni, il-lingwa, l-orjentazzjoni sesswali jew l-identità tal-ġeneru;

I. billi l-isfidi u l-ostakli tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati jistgħu jinkludu, fost affarijiet oħra, ostakli ta' natura legali, finanzjarja, kulturali u relatati mal-informazzjoni, bħal nuqqas ta' aċċess għal servizzi b'rabta mas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati universali, ta' kwalità għolja u aċċessibbli; nuqqas ta' edukazzjoni komprensiva, adatta għall-età u bbażata fuq l-evidenza dwar is-sesswalità, speċjalment fid-dawl tal-fatt li t-tgawdija tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati għall-persuni LGBTI tista' tiġi mfixkla serjament minħabba l-ommissjoni mill-kurrikuli tal-edukazzjoni sesswali tad-diversità tal-orjentazzjoni sesswali; l-identità tal-ġeneru, l-espressjoni tal-ġeneru u l-karatteristiċi tas-sess; nuqqas ta' metodi moderni ta' kontraċezzjoni disponibbli; it-tiċħid tal-kura medika abbażi tat-twemmin personali; ir-restrizzjonijiet legali u l-ostakli prattiċi fl-aċċess għal servizzi ta' abort; it-tiċħid tal-kura f'każ ta' abort; l-abort furzat; il-vjolenza abbażi tal-ġeneru; il-vjolenza ġinekoloġika u ostetrika; l-isterilizzazzjoni furzata, inkluż fil-kuntest tal-proċeduri legali tar-rikonoxximent tal-ġeneru; l-intimidazzjoni, it-trattament krudili u degradanti; id-disparitajiet u l-lakuni fir-rati ta' mortalità materna u l-appoġġ għas-saħħa mentali; iż-żieda fir-rati ta' operazzjonijiet ċesarji; nuqqas ta' aċċess għal trattament tal-kanċer ċervikali; aċċess limitat għar-riproduzzjoni assistita medikament u għat-trattamenti tal-fertilità; diffikultajiet fl-aċċess għall-oġġetti meħtieġa għas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati; rati għoljin ta' STIs u HIV; rati għoljin ta' tqala fost l-adolexxenti; stereotipi u prattiki dannużi marbuta mal-ġeneru bħall-mutilazzjoni ġenitali femminili u intersesswali; żwiġijiet tat-tfal, prekoċi u furzati (CEFM) u qtil għall-unur, u l-hekk imsejħa prattiki ta' "terapija ta' konverżjoni" li jistgħu jieħdu l-forma ta' vjolenza sesswali bħal "stupru korrettiv" imwettaq kontra nisa u bniet leżbjani u bisesswali, kif ukoll persuni transġeneru; u dispożizzjonijiet legali antikwati jew ideoloġikament motivati li jillimitaw is-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati;

J. billi s-servizzi b'rabta mas-saħħa sesswali u riproduttiva huma servizzi essenzjali tal-kura tas-saħħa li għandhom ikunu disponibbli għal kulħadd u jinkludu edukazzjoni komprensiva, ibbażata fuq l-evidenza u adatta għall-età dwar is-sesswalità u r-relazzjonijiet; informazzjoni, counselling kunfidenzjali u bla preġudizzji u servizzi għas-saħħa u l-benesseri sesswali u riproduttivi; informazzjoni u counselling dwar il-kontraċezzjoni moderna, kif ukoll aċċess għal firxa wiesgħa ta' kontraċettivi moderni; kura qabel, matul u wara l-ħlas; servizzi tal-qwiebel; kura ostetrika u neonatali; kura u servizzi għal abort sikur u legali, inkluż trattament tal-kumplikazzjonijiet minħabba abort mhux sikur; il-prevenzjoni u t-trattament tal-HIV u ta' STIs oħra; servizzi mmirati lejn l-identifikazzjoni, il-prevenzjoni u t-trattament ta' vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru; prevenzjoni, identifikazzjoni u trattament tal-kanċers tal-apparat riproduttiv, inkluż il-kanċer ċervikali; u kura u trattament fir-rigward tal-fertilità;

K. billi s-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati huma drittijiet tal-bniedem u jridu jiġu rispettati mill-Istati Membri tal-UE, bi qbil mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem; billi r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem huwa meħtieġ biex demokrazija tiffunzjona; billi d-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt huma kollha interdipendenti; billi dawn il-valuri kollha tal-UE jridu jiġu rispettati bis-sħiħ mill-Istati Membri kollha tal-UE;

L. billi s-saħħa sesswali hija fundamentali għas-saħħa u l-benesseri ġenerali tal-individwi, il-koppji u l-familji, l-istess kif inhi għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku tal-komunitajiet u l-pajjiżi, u billi l-aċċess għas-saħħa, inkluża s-saħħa sesswali u riproduttiva, huwa dritt tal-bniedem; billi l-għoti ta' xi forma ta' edukazzjoni dwar is-sesswalità u s-saħħa diġà huwa mandatarju fil-maġġoranza tal-Istati Membri;

M. billi d-WHO tiddefinixxi l-infertilità bħala "marda tas-sistema riproduttiva definita min-nuqqas li tinkiseb tqala klinika wara 12-il xahar jew aktar ta' kopulazzjoni sesswali regolari mingħajr protezzjoni"; billi din id-definizzjoni ma tinkludix ir-realtà tal-leżbjani u n-nisa bisesswali, kif ukoll tal-persuni transġeneru, f'koppji tal-istess sess, jew nisa waħedhom interessati f'opzjonijiet ta' fertilità, u b'hekk taggrava l-isfidi soċjoġuridiċi li diġà jiffaċċjaw fl-aċċess għat-Teknoloġiji ta' Riproduzzjoni Assistita (ART) bħala riżultat tal-enfasi fuq il-ġlieda kontra l-infertilità; billi l-leżbjani u n-nisa bisesswali jistgħu ma jkunux kapaċi jagħtu prova tal-"infertilità" tagħhom u għalhekk ma jingħatawx aċċess għall-ART[15];

N. billi f'ċerti ċirkostanzi l-irġiel transġeneru u l-persuni mhux binarji jistgħu wkoll jgħaddu minn tqala u, f'każijiet bħal dawn, għandhom jibbenefikaw minn miżuri għat-tqala u l-kura relatata mat-twelid mingħajr diskriminazzjoni abbażi tal-identità tal-ġeneru tagħhom;

O. billi ħadd m'għandu jmut waqt il-ħlas u l-aċċess għall-maternità, it-tqala u l-kura relatata mat-twelid ibbażata fuq l-evidenza, ta' kwalità u aċċessibbli huwa dritt tal-bniedem u jrid jiġi żgurat mingħajr ebda diskriminazzjoni;

P. billi l-persuni tqal jesperjenzaw diversi interventi mediċi furzati u koerċittivi matul il-ħlas, inkluż abbuż fiżiku u verbali, is-suturar ta' feriti tal-ħlas mingħajr mediċini għall-uġigħ, nuqqas ta' kunsiderazzjoni għad-deċiżjonijiet tagħhom u nuqqas ta' rispett għall-kunsens infurmat tagħhom, li jistgħu jammontaw għal vjolenza u trattament krudili u inuman;

Q. billi edukazzjoni sesswali komprensiva, ibbażata fuq l-evidenza, nondiskriminatorja u adatta għall-età bbażata fuq approċċ ibbażat fuq id-drittijiet u ffukat fuq il-ġeneru, kif speċifikat mill-gwida teknika internazzjonali tal-UNESCO, tiffaċilita mġiba sesswali responsabbli u tagħti s-setgħa lit-tfal u liż-żgħażagħ, peress li tipprovdi informazzjoni xjentifikament eżatta u adatta għall-età dwar is-sesswalità, filwaqt li tindirizza kwistjonijiet ta' saħħa sesswali u riproduttiva, inkluż, iżda mhux biss, l-iżvilupp tal-bniedem; l-anatomija u l-fiżjoloġija sesswali u riproduttiva; il-kunsens, il-pubertà u l-mestrwazzjoni; ir-riproduzzjoni, il-kontraċezzjoni moderna, it-tqala u l-ħlas; l-STIs; u l-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, inklużi prattiki dannużi bħas-CEFM u l-mutilazzjoni ġenitali femminili (MĠF); billi edukazzjoni komprensiva u adatta għall-età dwar is-sesswalità hija essenzjali għall-bini tal-ħiliet tat-tfal u taż-żgħażagħ biex jiffurmaw relazzjonijiet b'saħħithom, ugwali u sikuri, b'mod partikolari billi jiġu indirizzati n-normi tal-ġeneru, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, id-dinamika tal-poter fir-relazzjonijiet, il-kunsens u r-rispett għall-konfini, u tikkontribwixxi għall-kisba tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri;

R. billi n-nuqqas ta' disponibbiltà ta' informazzjoni u edukazzjoni xjentifikament eżatti u bbażati fuq l-evidenza jikser id-drittijiet tal-individwi, huwa ta' ħsara għalihom meta jagħmlu għażliet infurmati dwar is-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati tagħhom stess u jimmina approċċi b'saħħithom għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri;

S. billi s-saħħa sesswali u riproduttiva tinkludi l-iġjene u s-sanità mestrwali, kif ukoll fatturi sistemiċi u soċjoekonomiċi ta' stigmatizzazzjoni u diskriminazzjoni marbuta mal-mestrwazzjoni; billi l-faqar fir-rigward tal-mestrwazzjoni, li jirreferi għal aċċess limitat għal prodotti sanitarji, jaffettwa lil madwar mara minn kull 10 fl-Ewropa, u huwa aggravat minn tassazzjoni bi preġudizzju fir-rigward tal-ġeneru ta' prodotti tal-iġjene mestrwali fl-UE; billi l-mistħija, l-uġigħ mestrwali mhux trattat u t-tradizzjonijiet diskriminatorji jwasslu għal tluq bikri mill-iskola u rati ta' attendenza aktar baxxi tal-bniet fl-iskola u tan-nisa fuq il-post tax-xogħol; billi l-attitudnijiet negattivi u l-miti eżistenti rigward il-mestrwazzjoni jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet dwar is-saħħa riproduttiva; billi l-fehim tar-rabtiet bejn l-iġjene mestrwali u l-morbożità, il-mortalità u l-infertilità materna, l-STIs/HIV u l-kanċer ċervikali jista' jappoġġa l-identifikazzjoni bikrija u jsalva l-ħajjiet;

T. billi l-kontraċezzjoni moderna għandha rwol fundamentali fil-kisba tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u fil-prevenzjoni ta' tqala mhux intenzjonata, kif ukoll fit-twettiq tad-dritt tal-individwi li jieħdu deċiżjonijiet dwar l-għażliet tal-familja tagħhom billi jippjanaw b'mod proattiv u responsabbli in-numru ta' tfal, iż-żmien meta jkollhom it-tfal u kemm jgħaddi żmien bejn wild u ieħor; billi ċerti metodi ta' kontraċezzjoni moderna jnaqqsu wkoll l-inċidenza tal-HIV/STIs; billi l-aċċess għall-kontraċezzjoni moderna għadu mxekkel minn ostakli prattiċi, finanzjarji, soċjali u kulturali, inklużi miti rigward il-kontraċezzjoni, attitudnijiet antikwati lejn is-sesswalità u l-kontraċezzjoni femminili, kif ukoll perċezzjoni stereotipika tan-nisa bħala l-uniċi responsabbli għall-kontraċezzjoni;

U. billi l-liġijiet dwar l-abort huma bbażati fuq il-leġiżlazzjoni nazzjonali; billi anke meta l-abort ikun legalment disponibbli, spiss ikun hemm firxa ta' ostakli legali, kważi legali u informali għall-aċċess għalih, inklużi perjodi ta' żmien limitati u r-raġunijiet li għalihom jista' jinkiseb aċċess għall-abort; perjodi ta' stennija mhux ġustifikati mil-lat mediku; nuqqas ta' professjonisti tal-kura tas-saħħa mħarrġa u disposti; u t-tiċħid tal-kura medika abbażi tat-twemmin personali, counselling preġudikat u mandatorju, miżinformazzjoni intenzjonata jew awtorizzazzjoni minn parti terza, testijiet medikament mhux meħtieġa, rekwiżiti ta' diffikultà, l-ispejjeż involuti u n-nuqqas ta' rimborż tagħhom;

V. billi xi Stati Membri għad għandhom liġijiet restrittivi ħafna li jipprojbixxu l-abort ħlief f'ċirkostanzi strettament definiti, li jwasslu biex in-nisa jkollhom ifittxu aborti klandestini, jivvjaġġaw lejn pajjiżi oħra jew jaslu sa tmiem it-tqala kontra r-rieda tagħhom, li huwa ksur tad-drittijiet tal-bniedem u forma ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru[16] li taffettwa d-drittijiet tan-nisa u l-bniet għall-ħajja, l-integrità fiżika u mentali, l-ugwaljanza, in-nondiskriminazzjoni u s-saħħa, u billi xi Stati Membri li llegalizzaw l-abort fuq talba jew fuq bażi soċjali wiesgħa madankollu jkomplu jżommu sanzjonijiet kriminali għal aborti li jsiru barra l-ambitu tad-dispożizzjonijiet legali applikabbli;

W. billi diversi Stati Membri bħalissa qed jippruvaw jillimitaw aktar l-aċċess għas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati permezz ta' liġijiet restrittivi ħafna li jwasslu għal diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru u konsegwenzi negattivi għas-saħħa tan-nisa;

X. billi dawk li jopponu d-drittijiet sesswali u riproduttivi spiss jistrumentalizzaw il-kwistjonijiet, bħall-interess nazzjonali jew it-tibdil demografiku, sabiex jimminaw is-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati, u b'hekk jikkontribwixxu għall-erożjoni tal-libertajiet personali u l-prinċipji tad-demokrazija; billi l-politiki kollha li jindirizzaw it-tibdil demografiku jridu jkunu bbażati fuq id-drittijiet, iffukati fuq il-persuni, imfassla apposta u bbażati fuq l-evidenza, u jridu jirrispettaw id-drittijiet sesswali u riproduttivi;

Y. billi dawk li jopponu d-drittijiet sesswali u riproduttivi u l-awtonomija tan-nisa kellhom influwenza sinifikanti fuq il-liġi u l-politika nazzjonali b'inizjattivi retrogressivi meħuda f'diversi Stati Membri, li jfittxu li jdgħajfu s-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati, kif innutat mill-Parlament fir-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar ir-rigressjoni tad-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-UE u dwar id-drittijiet tal-abort fil-Polonja, u mill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi fir-rapport tiegħu tal-22 ta' Novembru 2019 bit-titolu "Beijing +25: the fifth review of the implementation of the Beijing Platform for Action in the EU Member States" billi dawn l-inizjattivi u din ir-rigressjoni jostakolaw it-twettiq tad-drittijiet tan-nies, l-iżvilupp tal-pajjiżi u jdgħajfu l-valuri u d-drittijiet fundamentali Ewropej;

Z. billi bosta rapporti juru li, matul il-pandemija tal-COVID-19 u l-lockdown, is-servizzi b'rabta mas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati kienu limitati u/jew revokati[17], u kien hemm tfixkil fl-aċċess għal servizzi mediċi essenzjali bħall-kontraċezzjoni u l-kura f'każ ta' abort, l-ittestjar għall-HIV u l-STIs, l-aċċess għaċ-Ċentri ta' Prevenzjoni u Sensibilizzazzjoni tal-MĠF u għall-iskrinjar tal-kanċers tal-apparat riproduttiv, u għal kura tas-saħħa materna rispettuża, li kellhom implikazzjonijiet serji għad-dritt fundamentali tan-nisa għall-awtonomija tal-ġisem; billi l-pandemija tal-COVID-19 uriet li hemm bżonn li tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistemi tas-saħħa għal kriżijiet bħal dawn, biex jiġi żgurat li s-servizzi relatati mas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati ikomplu jkunu kompletament disponibbli u jiġu pprovduti fil-ħin;

AA. billi qed isir sforz persistenti biex tiġi strumentalizzata l-kriżi tas-saħħa tal-COVID-19 bħala pretest biex jiġu adottati aktar miżuri restrittivi fis-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati[18], li jwasslu għar-riallokazzjoni tar-riżorsi; billi dan għandu effett negattiv wiesa' u fit-tul fuq l-eżerċizzju tad-dritt fundamentali għas-saħħa, fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u fuq il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, u qed ipoġġi f'riskju l-benesseri, is-saħħa u l-ħajja tan-nisa u l-bniet;

AB. billi l-persuni u l-gruppi emarġinati, inklużi l-minoranzi razzjali, etniċi u reliġjużi, il-migranti, il-persuni minn kuntesti soċjoekonomiċi żvantaġġati, il-persuni mingħajr assigurazzjoni tas-saħħa, il-persuni li jgħixu f'żoni rurali, il-persuni b'diżabbiltà, il-persuni LGBTIQ u l-vittmi tal-vjolenza, fost oħrajn, spiss jiffaċċjaw ostakli addizzjonali, diskriminazzjoni u vjolenza fl-aċċess għall-kura tas-saħħa, bħala riżultat ta' liġijiet u politiki li jippermettu prattiki koerċittivi tal-kura tas-saħħa sesswali u riproduttiva u nuqqasijiet li tiġi żgurata akkomodazzjoni raġonevoli fl-aċċess għal kura u informazzjoni ta' kwalità; billi hemm nuqqas ta' data sostantiva dwar il-kwistjoni tal-vjolenza ostetrika fil-konfront ta' nisa razzjalizzati fl-Ewropa; billi din id-diskriminazzjoni twassal għal rati ogħla ta' mortalità u morbożità materna (pereżempju fost in-nisa suwed), riskju ogħla ta' abbuż u vjolenza (għan-nisa b'diżabbiltà), nuqqas ta' aċċess għall-informazzjoni u inġustizzja u inugwaljanza ġenerali fl-aċċess għas-servizzi b'rabta mas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati;

AC. billi l-infertilità u s-subfertilità jaffettwaw persuna minn kull sitta fl-Ewropa u huma kwistjoni ta' saħħa pubblika globali; billi hemm il-ħtieġa li jitnaqqsu l-inugwaljanzi fl-aċċess għall-informazzjoni u t-trattamenti tal-fertilità, u li tiġi pprojbita d-diskriminazzjoni abbażi ta' sess, ġeneru, orjentazzjoni sesswali, saħħa jew stat ċivili;

AD. billi, skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, is-saħħa sesswali u riproduttiva tan-nisa hija relatata ma' diversi drittijiet tal-bniedem, inkluż id-dritt għall-ħajja u għad-dinjità, il-libertà minn trattament inuman u degradanti, id-dritt ta' aċċess għall-kura tas-saħħa, id-dritt għall-privatezza, id-dritt għall-edukazzjoni u l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni;

AE. billi l-Parlament Ewropew indirizza s-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati fil-pożizzjoni tiegħu adottata fl-ewwel qari tat-13 ta' Novembru 2020 dwar il-Programm għall-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-saħħa għall-perjodu 2021-2027 ("Programm l-UE għas-Saħħa"), sabiex jiġi żgurat aċċess f'waqtu għall-prodotti li huma meħtieġa għall-għoti sikur ta' servizzi b'rabta mas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati (pereżempju mediċini, kontraċettivi u tagħmir mediku);

AF. billi l-adolexxenti spiss jiffaċċjaw ostakli fir-rigward tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati minħabba n-nuqqas ta' servizzi faċli li jintużaw miż-żgħażagħ;

AG. billi l-Inizjattiva Spotlight tnediet mill-UE u min-NU bil-għan li tiġi miġġielda l-vjolenza, inkluża l-vjolenza sesswali, fuq in-nisa u l-bniet u li din l-inizjattiva għandha l-għan, fost l-oħrajn, li ttejjeb l-aċċess għall-edukazzjoni sesswali u għas-servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva;

AH. billi s-servizzi tal-ilma, tas-sanità u tal-iġjene (WASH) huma essenzjali għas-saħħa sesswali u riproduttiva, iżda ta' spiss jibqgħu inaċċessibbli, speċjalment fiż-żoni remoti;

Il-ħolqien ta' konsensus u l-indirizzar tal-isfidi relatati mas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati bħala sfidi tal-UE

1. F'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u bi qbil mal-kompetenzi nazzjonali, jistieden lill-Istati Membri jissalvagwardjaw id-dritt tal-persuni kollha, irrispettivament mill-età, is-sess, il-ġeneru, ir-razza, l-etniċità, il-klassi, il-kasta, l-affiljazzjoni reliġjuża u t-twemmin reliġjuż, l-istat ċivili jew soċjoekonomiku, id-diżabbiltà, l-istatus rigward l-HIV (jew l-STIs), l-oriġini nazzjonali u soċjali, l-istatus legali jew tal-migrazzjoni, il-lingwa, l-orjentazzjoni sesswali jew l-identità tal-ġeneru, biex jagħmlu l-għażliet infurmati tagħhom stess fir-rigward tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati, biex jiżguraw li kulħadd ikollu id-dritt għall-integrità fiżika u għall-awtonomija personali, l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni, u biex jipprovdu l-mezzi meħtieġa biex kulħadd ikun jista' jgawdi s-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati;

2. Ifakkar fl-impenn tal-UE favur il-promozzjoni, il-protezzjoni u r-rispett tad-dritt ta' kull individwu u ta' kull mara u tfajla li jkollhom kontroll sħiħ fuq kwistjonijiet relatati mas-sesswalità u d-drittijiet sesswali u riproduttivi tagħhom, u li jieħdu deċiżjonijiet b'mod liberu u responsabbli b'rabta magħhom, mingħajr diskriminazzjoni, koerċizzjoni u vjolenza[19];

3. Jitlob lill-UE, lill-korpi u lill-aġenziji tagħha jappoġġaw u jippromwovu l-aċċess universali u sħiħ għas-servizzi b'rabta mas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħhom billi javvanzaw l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, ir-rispett għall-awtonomija personali, l-aċċessibbiltà, l-għażla infurmata, il-kunsens u r-rispett, in-nondiskriminazzjoni u n-nonvjolenza, u jistieden lill-Istati Membri jiżguraw aċċess għal firxa sħiħa ta' saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati ta' kwalità għolja, komprensivi u aċċessibbli, u jneħħu l-ostakli legali, politiċi, finanzjarji u oħrajn kollha li jimpedixxu l-aċċess sħiħ għas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati għall-persuni kollha; jitlob, f'dan il-kuntest, il-faċilitazzjoni ta' skambji regolari u l-promozzjoni ta' prattiki tajbin bejn l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati dwar l-aspetti tal-ġeneru tas-saħħa;

4. Jafferma mill-ġdid li s-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati huma fundamentali għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri, it-tkabbir ekonomiku u l-iżvilupp, il-protezzjoni tat-tfal u l-eliminazzjoni tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru, tat-traffikar tal-bnedmin u tal-faqar;

5. Jistieden lill-Istati Membri jindirizzaw l-isfidi persistenti fl-aċċess jew fl-eżerċizzju tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati u jiżguraw servizzi b'rabta mas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati ta' kwalità għolja u aċċessibbli għal kulħadd, irrispettivament mill-istat soċjoekonomiku, sabiex ebda persuna ma titħalla lura għaliex ma tkunx tista' teżerċita d-dritt tagħha għas-saħħa;

6. Jirrikonoxxi l-importanza tal-informazzjoni pubblika dwar is-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati; ifakkar li l-politiki kollha relatati mas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati għandhom ikunu bbażati fuq evidenza affidabbli u oġġettiva minn organizzazzjonijiet bħad-WHO, aġenziji oħra tan-NU u l-Kunsill tal-Ewropa;

7. Jafferma mill-ġdid li l-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa jistieden lill-Istati Membri tiegħu[20] biex jiggarantixxu dispożizzjoni baġitarja suffiċjenti għas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati u jiżguraw id-disponibbiltà ta' riżorsi umani adegwati u prodotti meħtieġa fil-livelli kollha tas-sistema tas-saħħa, kemm fiż-żoni urbani kif ukoll f'dawk rurali, biex jidentifikaw u jindirizzaw l-ostakli legali, politiċi u finanzjarji li jimpedixxu l-aċċess għal kura b'rabta mas-saħħa sesswali u riproduttiva ta' kwalità tajba u biex jintegraw is-servizzi b'rabta mas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatatifi skemi eżistenti tal-assigurazzjoni tas-saħħa pubblika, is-sussidjar jew ir-rimborż sabiex tinkiseb Kopertura Universali tas-Saħħa;

8. Ifakkar fil-fehmiet approvati mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa, li rrakkomanda li l-kura tas-saħħa transspeċifika bħat-trattament ormonali u l-kirurġija għandha tkun aċċessibbli u rimborżata minn skemi pubbliċi tal-assigurazzjoni tas-saħħa[21];

Is-saħħa sesswali u riproduttiva bħala komponent essenzjali ta' saħħa tajba

9. Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu strateġiji u programmi ta' monitoraġġ effettivi li jiggarantixxu t-tgawdija ta' firxa sħiħa ta' servizzi b'rabta mas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati ta' kwalità għolja u aċċessibbli, u l-aċċess universali għalihom, f'konformità mal-istandards internazzjonali tas-saħħa, irrispettivament mill-ostakli finanzjarji, prattiċi u soċjali, u mingħajr diskriminazzjoni, b'kunsiderazzjoni speċjali għall-gruppi emarġinati, inklużi iżda mhux biss, in-nisa minn minoranzi etniċi, razzjali u reliġjużi, in-nisa migranti, in-nisa minn żoni rurali u reġjuni ultraperiferiċi fejn il-limitazzjonijiet ġeografiċi jipprevjenu l-aċċess dirett u immedjat għal tali servizzi, in-nisa b'diżabbiltà, in-nisa mingħajr assigurazzjoni tas-saħħa, il-persuni LGBTI u l-vittmi tal-vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru;

10. Jisħaq li l-ugwaljanza fl-aċċess, il-kwalità tal-kura u l-obbligu ta' rendikont fir-rigward tal-kura tas-saħħa u s-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati huma fundamentali għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza wkoll li s-servizzi, il-komoditajiet u l-faċilitajiet jeħtieġ li jkunu reattivi għar-rekwiżiti tal-ġeneru u tul il-ħajja kollha u jeħtieġ li jirrispettaw il-kunfidenzjalità u l-kunsens infurmat;

11. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiġbru b'mod sistematiku data robusta dwar l-ugwaljanza diżaggregata skont diversi fatturi inklużi l-ġeneru, l-età, l-oriġini razzjali u etnika u l-orjentazzjoni sesswali, l-isfond kulturali u soċjoekonomiku, kif ukoll statistika dwar is-servizzi b'rabta mas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati kollha, fuq bażi anonima, sabiex jiġu identifikati u indirizzati d-differenzi possibbli fl-eżiti fl-għoti tal-kura b'rabta mas-saħħa sesswali u riproduttiva;

12. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tuża bis-sħiħ il-kompetenza tagħha fil-politika tas-saħħa, u tipprovdi appoġġ lill-Istati Membri biex jiggarantixxu aċċess universali għas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati fil-qafas tal-Programm l-UE għas-Saħħa għall-perjodu 2021-2027; biex jippromwovu l-informazzjoni u l-edukazzjoni dwar is-saħħa; biex isaħħu s-sistemi nazzjonali tas-saħħa u l-konverġenza 'l fuq tal-istandards tal-kura tas-saħħa biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi fis-saħħa fi ħdan u bejn l-Istati Membri; u biex jiffaċilitaw l-iskambju tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri fir-rigward tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati; jistieden lill-Istati Membri jimxu lejn kopertura tas-saħħa universali, li għaliha s-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati huma essenzjali, inkluż bl-użu, fejn xieraq, tal-Programm l-UE għas-Saħħa u l-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+);

13. Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' approċċ pożittiv u proattiv għall-kura tas-saħħa matul iċ-ċiklu tal-ħajja, billi tiġi żgurata kura tas-saħħa universali u ta' kwalità għolja, appoġġata minn riżorsi adegwati; jenfasizza li l-UE tista' tipprovdi appoġġ lill-Istati Membri għal approċċi integrati u intersezzjonali għall-prevenzjoni, id-dijanjożi, it-trattament u l-kura, u tista' tappoġġa wkoll l-azzjonijiet tal-Istati Membri biex jiżguraw l-aċċess għas-servizzi b'rabta mas-saħħa sesswali u riproduttiva u l-prodotti mediċinali relatati, inkluż fis-suq globali; jappella għal użu msaħħaħ ta' teknoloġiji emerġenti għall-provvista ta' trattamenti u metodi dijanjostiċi avvanzati u emerġenti, li jippermettu lill-pazjenti jibbenefikaw bis-sħiħ mir-rivoluzzjoni diġitali; jisħaq fuq il-ħtieġa li Orizzont Ewropa u Ewropa Diġitali jintużaw bis-sħiħ biex dawn il-prijoritajiet jitmexxew 'il quddiem;

14. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jqajmu kuxjenza fost in-nisa dwar l-importanza ta' skrinings regolari, u biex jiżguraw li s-servizzi tas-saħħa pubblika jipprovdu skrinings bħal mammografiji u ultrasonografiji mammarji, testijiet ċitoloġiċi u scans tad-densità tal-għadam;

15. Jenfasizza l-importanza tal-prevenzjoni tal-mard permezz tal-edukazzjoni; jisħaq ukoll fuq l-importanza tal-vaċċini fil-prevenzjoni tal-mard fejn il-vaċċini jeżistu; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jestendu x-xiri tal-UE ta' vaċċini għall-ġlieda kontra l-COVID-19 għax-xiri tal-vaċċin kontra l-virus tal-papilloma uman (HPV), filwaqt li jiżguraw li kull persuna fl-Ewropa jista' jkollha aċċess għal dan il-vaċċin;

16. Ifakkar li l-interventi mediċi kollha relatati mas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati jridu jsiru b'kunsens minn qabel, personali u infurmat bis-sħiħ; jistieden lill-Istati Membri jiġġieldu kontra l-vjolenza ġinekoloġika u ostetrika billi jsaħħu l-proċeduri li jiggarantixxu r-rispett għal kunsens liberu u infurmat minn qabel u protezzjoni minn trattament inuman u degradanti fi strutturi tal-kura tas-saħħa, inkluż permezz tat-taħriġ ta' professjonisti mediċi; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza din il-forma speċifika ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru fl-attivitajiet tagħha;

17. Huwa mħasseb ferm li n-nisa u l-bniet b'diżabbiltà spiss wisq jiġu mċaħħda mill-aċċess għal faċilitajiet fil-qasam tas-saħħa sesswali u riproduttiva, jiġu mċaħħda mill-kunsens infurmat rigward l-użu tal-kontraċettivi u li saħansitra jiffaċċjaw ir-riskju ta' sterilizzazzjoni furzata; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw miżuri leġiżlattivi li jissalvagwardjaw l-integrità fiżika, il-libertà ta' għażla u l-awtodeterminazzjoni fir-rigward tal-ħajja sesswali u riproduttiva tal-persuni b'diżabbiltà;

18. Jistieden lill-Istati Membri jipprojbixxu, u jieħdu miżuri effettivi mingħajr dewmien biex jipprevjenu, kull forma ta' diskriminazzjoni kontra n-nisa razzjalizzati, inkluża s-segregazzjoni etnika fil-faċilitajiet tas-saħħa, u jiggarantixxu aċċess universali għal kura tas-saħħa sesswali u riproduttiva ta' kwalità mingħajr diskriminazzjoni, koerċizzjoni u abbuż, u jindirizzaw, jirrimedjaw u jipprevjenu l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem li jaffettwahom;

19. Jafferma mill-ġdid it-talba tiegħu lill-Istati Membri biex jadottaw leġiżlazzjoni li tiżgura li l-persuni intersesswali ma jiġux soġġetti għal trattament mediku jew kirurġiku mhux vitali matul l-infanzja jew it-tfulija, u li d-dritt tagħhom għall-integrità fiżika, l-awtonomija, l-awtodeterminazzjoni u l-kunsens infurmat jiġi rispettat bis-sħiħ;

20. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jitqiesu l-ħtiġijiet speċifiċi tas-saħħa relatati mas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati bħall-infertilità, il-menopawża u l-kanċers speċifiċi tal-apparat riproduttiv; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu s-servizzi ta' riabilitazzjoni u l-mekkaniżmi ta' appoġġ meħtieġa kollha, inkluża l-kura tas-saħħa mentali u fiżika meħtieġa, lill-vittmi kollha ta' ksur tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni dwar il-kontribut tal-programmi tal-UE għall-avvanz u l-appoġġ tas-saħħa riproduttiva;

21. Ifakkar fid-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-kawża A.P., Garçon u Nicot v. Franza, li fiha rrikonoxxiet li rekwiżit ta' Stat Membru għall-isterilizzazzjoni qabel ma jippermetti proċeduri legali ta' rikonoxximent tal-ġeneru jammonta għal nuqqas li jiġi żgurat id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata tal-applikant; ifakkar fir-rikonoxximent tan-NU li l-isterilizzazzjoni furzata hija ksur tad-dritt li wieħed ikun ħieles mit-tortura u t-trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra[22]; jiddeplora l-fatt li, f'xi Stati Membri tal-UE, l-isterilizzazzjoni għadha kundizzjoni sine qua non għall-aċċess għar-rikonoxximent legali tal-ġeneru; jistieden lill-Istati Membri jabolixxu r-rekwiżit tal-isterilizzazzjoni u jipproteġu d-dritt tal-persuni transġeneru għall-awtodeterminazzjoni[23];

22. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jitqiesu l-impatti tal-bidliet ambjentali fuq is-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati u fuq il-fertilità, inkluż iżda mhux biss, it-tniġġis tal-ilma u tal-arja, u żieda fil-konsum tas-sustanzi kimiċi; jitlob li dan jiġi eżaminat aktar permezz ta' Orizzont Ewropa u jiġi indirizzat permezz tal-Patt Ekoloġiku Ewropew;

23. Jisħaq fuq l-importanza tal-fornituri tas-saħħa sesswali u riproduttiva fil-forniment ta' firxa komprensiva ta' servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttivi, inklużi kemm is-saħħa fiżika kif ukoll dik mentali; iħeġġeġ lill-Istati Membri jqisu ċ-ċirkostanzi uniċi tagħhom meta jippjanaw l-għoti tal-kura tas-saħħa b'mod ġenerali;

a) Aċċess għal prodotti mestrwali sikuri, ġusti u ċirkolari għal kulħadd

24. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jinkoraġġixxu d-disponibbiltà mifruxa ta' prodotti mestrwali mingħajr tossini u li jistgħu jerġgħu jintużaw, b'mod partikolari fi ħwienet kbar u spiżeriji madwar il-pajjiż (li tal-inqas għandhom jaqblu mal-proporzjon ta' oġġetti għall-bejgħ li jintużaw darba biss), akkumpanjati minn miżuri ta' sensibilizzazzjoni dwar il-benefiċċji ta' prodotti mestrwali li jistgħu jerġgħu jintużaw meta mqabbla ma' dawk li jintużaw darba biss;

25. Jenfasizza l-effetti negattivi tal-hekk imsejħa taxxa fuq it-tampon fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jistieden lill-Istati Membri kollha jeliminaw l-hekk imsejħa "taxxa fuq il-kura u t-tampons" billi jużaw il-flessibbiltà introdotta fid-Direttiva tal-VAT u japplikaw eżenzjonijiet jew rati ta' VAT ta' 0 % għal dawn il-prodotti bażiċi essenzjali;

b) Edukazzjoni komprensiva dwar is-sesswalità hija ta' benefiċċju għaż-żgħażagħ

26. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw aċċess universali għal edukazzjoni u informazzjoni dwar is-sesswalità li tkun xjentifikament preċiża, ibbażata fuq l-evidenza, adatta għall-età, li ma tiġġudika lil ħadd u komprensiva għat-tfal kollha tal-iskola primarja u sekondarja, kif ukoll għat-tfal barra mill-iskola, f'konformità mal-istandards tad-WHO għall-Edukazzjoni dwar is-Sesswalità u l-Pjan ta' Azzjoni tagħha dwar is-Saħħa Sesswali u Riproduttiva, mingħajr diskriminazzjoni għal kwalunkwe raġuni; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw edukazzjoni komprensiva dwar il-mestrwazzjoni u r-rabtiet tagħha mas-sesswalità u l-fertilità; jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu servizzi żviluppati tajjeb, iffinanzjati tajjeb u aċċessibbli għaż-żgħażagħ, kif ukoll it-taħriġ tal-għalliema, u l-mezzi għall-funzjonament xieraq tal-uffiċċji ta' appoġġ u taċ-ċentri tal-edukazzjoni dwar is-saħħa;

27. Jenfasizza li l-għoti ta' edukazzjoni u informazzjoni komprensivi dwar is-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati huwa wieħed mill-istrumenti ewlenin biex jitwettqu għalkollox l-impenji tal-25 anniversarju tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp (ICPD25), jiġifieri żero każijiet li fihom ma tkunx ġiet issodisfata l-ħtieġa ta' ppjanar tal-familja, żero mwiet materni prevenibbli, żero vjolenza abbażi tal-ġeneru u żero prattiki dannużi kontra n-nisa, il-bniet u ż-żgħażagħ; jenfasizza li l-edukazzjoni u l-informazzjoni dwar is-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati jistgħu jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għat-tnaqqis tal-vjolenza u l-fastidju sesswali, ikkomplementati minn finanzjament tal-UE u proġetti li jsaħħu l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni tal-politiki tas-saħħa pubblika, u l-iżvilupp u t-tixrid ta' prattiki tajba; jenfasizza l-importanza ta' edukazzjoni sesswali u dwar ir-relazzjonijiet komprensiva u adatta għall-età u informazzjoni dwar is-sesswalità, u l-importanza tagħha għall-ippjanar tal-familja u l-aċċess għas-saħħa riproduttiva, kif ukoll il-konsegwenzi tagħha għal tqala mhux intenzjonata u mard relatat mas-saħħa sesswali u riproduttiva;

28. Ifakkar li l-istereotipi u t-tabujiet li jikkonċernaw il-mestrwazzjoni għadhom mifruxa fis-soċjetajiet tagħna u li dawn jistgħu jdewmu d-dijanjożi ta' mard bħall-endometrijożi li, minkejja li taffettwa lil mara waħda minn kull 10 f'età riproduttiva, li hija l-kawża primarja tal-infertilità tan-nisa u li tikkawża uġigħ pelviku kroniku, tieħu medja ta' tmien snin biex tiġi dijanjostikata, u li għaliha m'hemmx kura; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw edukazzjoni komprensiva u xjentifikament preċiża dwar il-mestrwazzjoni, iqajmu kuxjenza u jniedu kampanji ta' informazzjoni ewlenin dwar l-endometrijożi mmirati lejn il-pubbliku, il-professjonisti tal-kura tas-saħħa u l-leġiżlaturi; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw aċċess għal programmi ta' edukazzjoni dwar il-mestrwazzjoni għat-tfal kollha, sabiex dawk li jimmestrwaw ikunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati dwar il-mestrwazzjonijiet u l-ġisem tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jindirizzaw b'mod urġenti l-faqar mestrwali billi jiżguraw li prodotti  għall-mestrwazzjoni b'xejn ikunu disponibbli għal kull min għandu bżonnhom;

29. Jistieden lill-Istati Membri jiġġieldu kontra t-tixrid ta' miżinformazzjoni diskriminatorja u mhux sikura dwar is-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati, peress li din tipperikola l-persuni kollha, speċjalment in-nisa, il-persuni LGBTI u ż-żgħażagħ; jirrikonoxxi l-parti li l-midja, il-midja soċjali, l-istituzzjonijiet ta' informazzjoni pubblika u partijiet ikkonċernati oħra għandhom fl-iżgurar ta' informazzjoni preċiża u bbażata fuq ix-xjenza, u jistedinhom jirrifjutaw id-diżinformazzjoni u l-miżinformazzjoni dwar is-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati mill-programmi, il-materjali u l-attivitajiet tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw kurrikuli komprensivi ta' edukazzjoni dwar is-sesswalità u r-relazzjonijiet skont l-età, filwaqt li jqisu li l-għoti ta' informazzjoni għandu jirrifletti d-diversità tal-orjentazzjonijiet sesswali, l-identitajiet tal-ġeneru, l-espressjonijiet u l-karatteristiċi sesswali, sabiex tiġi miġġielda l-miżinformazzjoni bbażata fuq stereotipi jew preġudizzji, u biex jissaħħu s-salvagwardji tad-dritt għas-saħħa riproduttiva permezz tas-servizzi tas-saħħa pubblika;

c) Kontraċezzjoni moderna bħala strateġija biex tinkiseb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri

30. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw aċċess universali għal firxa ta' metodi u provvisti ta' kontraċezzjoni moderni ta' kwalità għolja u aċċessibbli, konsulenza dwar l-ippjanar tal-familja u informazzjoni dwar il-kontraċezzjoni għal kulħadd, jindirizzaw l-ostakli kollha li jimpedixxu l-aċċess għall-kontraċezzjoni, bħall-ostakli finanzjarji u soċjali, u jiżguraw li jkunu disponibbli pariri mediċi u konsultazzjonijiet mal-professjonisti tal-kura tas-saħħa, li jippermettu lill-persuni kollha jagħżlu l-metodu ta' kontraċezzjoni li huwa l-aktar adattat għalihom, u b'hekk jissalvagwardjaw id-dritt fundamentali għas-saħħa u d-dritt tal-għażla;

31. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw aċċess għal kontraċezzjoni moderna, effettiva u aċċessibbli, filwaqt li jqisu r-rati ta' suċċess fit-tul; jistieden lill-Istati Membri jirrikonoxxu li din il-kopertura għandha tiġi estiża għall-persuni kollha ta' età riproduttiva; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li s-servizzi tas-saħħa kollha jipprovdu kura medika u psikoloġika regolari xierqa li tippromwovi u tiddefendi s-saħħa sesswali u riproduttiva tan-nisa tul il-ħajja;

 

32. Ifakkar li l-Istati Membri u l-awtoritajiet pubbliċi għandhom ir-responsabbiltà li jipprovdu informazzjoni preċiża u bbażata fuq l-evidenza dwar il-kontraċezzjoni u li jistabbilixxu strateġiji biex jindirizzaw u jneħħu l-ostakli, il-miti, l-istigma u l-ideat żbaljati; jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu programmi u kampanji ta' sensibilizzazzjoni dwar għażliet ta' kontraċettivi moderni u l-firxa sħiħa ta' kontraċettivi, u jipprovdu għoti ta' servizzi ta' kontraċettivi moderni u ta' kwalità għolja u counselling minn professjonisti tal-kura tas-saħħa, inkluża kontraċezzjoni ta' emerġenza mingħajr preskrizzjoni, f'konformità mal-istandards tad-WHO, li spiss f'ċerti pajjiżi tiġi miċħuda mit-tobba għal raġunijiet ta' twemmin personali;

d) Kura f'każ ta' abort sikura u legali bbażata fuq is-saħħa u d-drittijiet tan-nisa

33. Jafferma mill-ġdid li l-abort dejjem irid ikun deċiżjoni volontarja bbażata fuq it-talba ta' dak li jkun, bir-rieda libera tiegħu, skont l-istandards mediċi u d-disponibbiltà, l-aċċessibbiltà, l-affordabbiltà u s-sikurezza bbażati fuq il-linji gwida tad-WHO u jistieden lill-Istati Membri jiżguraw aċċess universali għal abort sikur u legali, u r-rispett għad-dritt għal-libertà, il-privatezza u l-aqwa kura tas-saħħa ottenibbli;

34. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiddekriminalizzaw l-abort, kif ukoll ineħħu u jiġġieldu l-ostakli għall-abort legali, u jfakkar li għandhom ir-responsabbiltà li jiżguraw li n-nisa jkollhom aċċess għad-drittijiet mogħtija lilhom bil-liġi; iħeġġeġ lill-Istati Membri jsaħħu l-metodi eżistenti u jeżaminaw metodi ġodda fl-għoti ta' kura relatata mas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati u modi kif jiġu indirizzati l-lakuni fil-provvista ta' servizzi li ħarġu fid-dieher permezz tal-COVID-19, u biex jagħmlu dan għal kulħadd, b'enfasi partikolari fuq il-gruppi l-aktar emarġinati; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi l-protezzjoni tas-saħħa sesswali u riproduttivi u d-drittijiet relatati permezz tal-Istrateġija tal-UE dwar is-Saħħa li jmiss;

35. Jistieden lill-Istati Membri jeżaminaw mill-ġdid id-dispożizzjonijiet legali nazzjonali tagħhom dwar l-abort u jġibuhom konformi mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem[24] u mal-aħjar prattiki reġjonali billi jiżguraw li l-abort fuq talba jkun legali fit-tqala bikrija u, meta meħtieġ, lil hinn jekk is-saħħa jew il-ħajja tal-mara tkun fil-periklu; ifakkar li projbizzjoni totali fuq il-kura f'każ ta' abort jew iċ-ċaħda tal-kura f'każ ta' abort hija forma ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru[25] u jħeġġeġ lill-Istati Membri jippromwovu l-aħjar prattiki fil-kura tas-saħħa billi jistabbilixxu servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva disponibbli fil-livell tal-kura primarja, b'sistemi ta' riferiment fis-seħħ għall-kura kollha ta' livell ogħla meħtieġa;

36. Jirrikonoxxi li, għal raġunijiet personali, prattikanti mediċi individwali jistgħu jinvokaw klawżola ta' kuxjenza; jenfasizza, madankollu, li l-klawżola ta' kuxjenza ta' individwu ma tistax tinterferixxi mad-dritt ta' pazjent għal aċċess sħiħ għall-kura tas-saħħa u s-servizzi; jistieden lill-Istati Membri u lill-fornituri tal-kura tas-saħħa jqisu dawn iċ-ċirkostanzi fil-forniment ġeografiku tagħhom tas-servizzi tal-kura tas-saħħa;

37. Jiddispjaċih li xi kultant prattika komuni fl-Istati Membri tippermetti lill-prattikanti mediċi, u f'xi okkażjonijiet lil istituzzjonijiet mediċi sħaħ, jirrifjutaw li jipprovdu servizzi tas-saħħa abbażi tal-hekk imsejħa klawżola ta' kuxjenza, li twassal għaċ-ċaħda tal-kura f'każ ta' abort għal raġunijiet ta' reliġjon jew kuxjenza, u li tipperikola l-ħajja u d-drittijiet tan-nisa; jinnota li din il-klawżola spiss tintuża wkoll f'sitwazzjonijiet fejn kwalunkwe dewmien jista' jipperikola l-ħajja jew is-saħħa tal-pazjent;

38. Jinnota li din il-klawżola ta' kuxjenza xxekkel ukoll l-aċċess għal skrinjar ta' qabel it-twelid, li mhux biss huwa ksur tad-dritt tan-nisa għall-informazzjoni dwar il-kundizzjoni tal-fetu iżda wkoll, f'ħafna każijiet, ixekkel it-trattament b'suċċess tat-tarbija matul jew immedjatament wara t-tqala; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw miżuri regolatorji u ta' infurzar effettivi li jiżguraw li l-klawżola ta' "kuxjenza" ma tpoġġix f'riskju l-aċċess f'waqtu tan-nisa għall-kura tas-saħħa sesswali u riproduttiva;

e) Aċċess għal trattamenti tal-fertilità

39. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-persuni kollha f'età riproduttiva jkollhom aċċess għal trattamenti tal-fertilità, irrispettivament mill-istat soċjoekonomiku jew ċivili tagħhom, l-identità tal-ġeneru jew l-orjentazzjoni sesswali tagħhom; jenfasizza l-importanza li tiġi eżaminata mill-qrib il-fertilità fl-UE bħala kwistjoni ta' saħħa pubblika, u l-prevalenza tal-infertilità u s-subfertilità li huma realtà diffiċli u ta' wġigħ għal ħafna familji u persuni; jistieden lill-Istati Membri jieħdu approċċ olistiku, ibbażat fuq id-drittijiet, inklużiv u nondiskriminatorju għall-fertilità, inklużi miżuri għall-prevenzjoni tal-infertilità, u jiżguraw l-ugwaljanza tal-aċċess għas-servizzi għall-persuni kollha f'età riproduttiva, u jagħmlu r-riproduzzjoni assistita medikament disponibbli u aċċessibbli fl-Ewropa;

f) Kura relatata mal-maternità, mat-tqala u mat-twelid għal kulħadd

40. Jistieden lill-Istati Membri jadottaw miżuri biex jiżguraw aċċess mingħajr diskriminazzjoni għal kura relatata mal-maternità, mat-tqala u mat-twelid ta' kwalità għolja, aċċessibbli, ibbażata fuq l-evidenza u rispettuża għal kulħadd, inkluża l-kura mill-qwiebel, qabel it-twelid, waqt it-twelid u wara t-twelid, u l-appoġġ għas-saħħa mentali materna, skont l-istandards u l-evidenza attwali tad-WHO, u konsegwentement jirriformaw il-liġijiet, il-politiki u l-prattiki li jeskludu ċerti gruppi mill-aċċess għall-kura relatat mal-maternità, mat-tqala u mat-twelid, inkluż bit-tneħħija ta' restrizzjonijiet legali u ta' politika diskriminatorji li japplikaw għal raġunijiet ta' orjentazzjoni sesswali jew identità tal-ġeneru, nazzjonalità, oriġini razzjali jew etnika u status ta' migrazzjoni;

41. Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu l-almu tagħhom biex jiżguraw ir-rispett għad-drittijiet tan-nisa u d-dinjità tagħhom fit-twelid, u biex jikkundannaw bil-qawwa u jiġġieldu l-abbuż fiżiku u verbali, inkluża l-vjolenza ġinekoloġika u ostetrika, kif ukoll kwalunkwe vjolenza oħra assoċjata abbażi tal-ġeneru fil-kura qabel it-twelid, waqt it-twelid u wara t-twelid, li tikser id-drittijiet tal-bniedem tan-nisa u tista' tikkostitwixxi forom ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru;

42. Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa standards komuni tal-UE fil-kura relatata mal-maternità, mat-tqala u mat-twelid, u tiffaċilita l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki fost l-esperti fil-qasam; jistieden lill-Istati Membri jinkoraġġixxu u jiżguraw li l-fornituri tal-kura tas-saħħa jkollhom taħriġ dwar id-drittijiet tal-bniedem tan-nisa u l-prinċipji ta' kunsens liberu u infurmat u għażla infurmata dwar il-kura relatata mal-maternità, mat-tqala u mat-twelid;

43. Ifakkar li r-reġjun Ewropew tad-WHO jippreżenta l-iktar rata baxxa ta' treddigħ fid-dinja; jenfasizza l-ħtieġa għal aktar sensibilizzazzjoni u informazzjoni dwar il-benefiċċji tat-treddigħ; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jniedu kampanji ta' profil għoli biex jenfasizzaw il-benefiċċji tat-treddigħ;

Forniment ta' servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati matul il-pandemija tal-COVID-19 u fiċ-ċirkostanzi l-oħra kollha relatati mal-kriżi

44. Jirrimarka li l-UE u l-Istati Membri tagħha qed jesperjenzaw kriżi ekonomika u soċjali, minbarra l-kriżi sanitarja; iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkunsidraw l-impatt fuq is-saħħa tal-COVID-19 permezz ta' lenti tal-ġeneru u jiżguraw il-kontinwazzjoni ta' firxa sħiħa ta' servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva permezz tas-sistemi tas-saħħa f'kull ċirkostanza, f'konformità mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem; jinsisti fuq il-ġlieda kontra kwalunkwe tentattiv ta' restrizzjoni tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati matul il-pandemija u lil hinn minnha; jistieden ukoll lill-Istati Membri jidderieġu sforzi u riżorsi addizzjonali għall-bini mill-ġdid ta' sistema tas-saħħa li tirrikonoxxi li s-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati huma essenzjali għas-saħħa u l-benesseri tal-persuni kollha;

45. Jirrikonoxxi l-effetti li l-pandemija tal-COVID-19 kellha fuq il-provvista tal-kontraċettivi u l-aċċess għalihom, u jtenni l-projezzjonijiet tal-UNFPA minn April 2020, li jiddikjaraw li madwar 47 miljun mara f'114-il pajjiż bi dħul baxx u medju huma mistennija li ma jkunux jistgħu jużaw kontraċettivi moderni jekk il-lockdown jew l-interruzzjonijiet fil-katina tal-provvista jkomplu għal sitt xhur;

46. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw aċċess sħiħ għall-kontraċezzjoni matul il-pandemija tal-COVID-19 u, permezz ta' sforzi konġunti, jipprevjenu t-tfixkil fil-ktajjen tal-produzzjoni u tal-provvista; jenfasizza eżempji ta' prattika tajba bħal kontraċettivi aċċessibbli għan-nisa kollha taħt ċertu grupp ta' età u/jew telekonsultazzjonijiet fl-aċċess għall-kontraċettivi;

47. Jiddispjaċih li l-aċċess għal abort sikur u legali għadu limitat matul il-pandemija tal-COVID-19, b'eżempji ta' sforzi biex jiġi pprojbit kompletament taħt il-pretensjoni li huwa servizz ta' prijorità aktar baxxa[26]; iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw ukoll aċċess sikur, liberu u aġġustat għall-abort matul iċ-ċirkostanzi tal-pandemija tal-COVID-19 u lil hinn minnha, bħall-pillola tal-abort, u jirrikonoxxu l-kura f'każ ta' abort bħala proċedura urġenti u medika, u b'hekk jirrifjutaw ukoll il-limitazzjonijiet kollha fl-aċċess għaliha;

48. Jenfasizza l-konsegwenzi negattivi tal-pandemija għall-kura relatata mal-maternità, mat-tqala u mat-twelid peress li s-sistemi tas-saħħa jiffukaw fuq l-indirizzar tal-COVID-19, u jenfasizza li qed isiru bidliet inaċċettabbli fil-provvediment ta' kura marbuta mat-tqala u mat-twelid, li mhumiex ibbażati fuq evidenza xjentifika, linji gwida tad-WHO jew il-linji gwida tal-organizzazzjonijiet professjonali Ewropej rilevanti, u li dawn il-bidliet mhumiex proporzjonali għar-rispons meħtieġ għall-pandemija tal-COVID-19[27]; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw riżorsi adegwati għal kura ta' kwalità relatata mal-maternità, mat-tqala u mat-twelid;

49. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw aċċess sħiħ għat-trattamenti tal-fertilità u għall-kura tal-fertilità matul il-pandemija tal-COVID-19 u jipprevjenu t-tfixkil fl-offerta ta' trattamenti tal-fertilità, li se jwassal biex inqas tfal jitwieldu minn trattamenti ta' riproduzzjoni megħjuna medikament u, bħala konsegwenza, jistgħu jċaħħdu lil ċerti persuni mid-dritt tagħhom li jippruvaw ikollhom tarbija;

50. Jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-impatt ta' ċirkostanzi ta' emerġenza bħall-COVID-19 fuq kunsiderazzjonijiet tal-kura tas-saħħa speċifiċi għall-ġeneru, bħall-aċċess għas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati fl-UE fir-rispons politiku tagħha relatat mas-saħħa; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tirrikonoxxi li s-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati huma bbażati fuq id-drittijiet fundamentali tal-bniedem u, bħala tali, huma prijorità matul il-kriżi tas-saħħa attwali u lil hinn minnha, u tieħu l-miżuri kollha meħtieġa, inkluż billi tappoġġa azzjonijiet mill-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili marbuta mas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati, biex tiggarantixxi aċċess sħiħ għas-servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati, filwaqt li tqis ir-riżorsi bħall-FSE+ u l-Programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri;

Is-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati bħala l-pilastri tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, id-demokrazija u l-eliminazzjoni tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru

51. Jistieden lill-Istati Membri jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom fis-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati billi jistinkaw biex jipproteġu, jirrispettaw u jissodisfaw bis-sħiħ id-drittijiet tal-bniedem, speċifikament id-dritt għas-saħħa fir-rigward tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati, u jiggarantixxu firxa wiesgħa ta' servizzi tas-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali disponibbli, aċċessibbli, ta' kwalità għolja u nondiskriminatorji għal kulħadd mingħajr diskriminazzjoni, bħal trattamenti għall-fertilità u għal mard ġenetiku bil-preservazzjoni tal-gameti, filwaqt li jiżguraw li l-prinċipju ta' nonretrogressjoni skont id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem jiġi rrispettat, inkluż għal individwi li jkollhom jivvjaġġaw għal trattament, bħar-residenti ultraperiferiċi; jikkundanna kwalunkwe tentattiv biex jiġi limitat l-aċċess għas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati permezz ta' liġijiet restrittivi; jafferma bil-qawwa li ċ-ċaħda tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati hija forma ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru[28];

52. Jistieden lill-Kunsill jistabbilixxi konfigurazzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri li tlaqqa' flimkien lill-ministri u s-segretarji tal-Istat inkarigati mill-ugwaljanza bejn il-ġeneri, sabiex jistabbilixxu miżuri komuni u konkreti biex jiġu indirizzati l-isfidi fil-qasam tad-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, inkluża s-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati, u biex jiġi żgurat li l-kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri jiġu diskussi fl-ogħla livell politiku;

53. Jenfasizza l-konsegwenzi tas-saħħa ta' ħsara kbira u diversi tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru li ntwera li għandhom il-potenzjal li jwasslu għal konsegwenzi gravi għas-saħħa fiżika u mentali, inklużi disturbi ġinekoloġiċi u eżiti avversi tat-tqala; jitlob, għalhekk, li jkun hemm protezzjoni xierqa u riżorsi adegwati għall-vittmi tal-vjolenza domestika, b'żieda fir-riżorsi u azzjoni effettiva għal dak il-għan;

54. Jenfasizza li hemm għadd ta' rabtiet bejn il-prostituzzjoni u t-traffikar, u jirrikonoxxi li l-prostituzzjoni – kemm fl-UE kif ukoll madwar id-dinja – tħeġġeġ it-traffikar ta' nisa u minorenni vulnerabbli;

55. Jistieden lill-Kummissarju għad-Demokrazija u d-Demografija biex tieħu approċċ ibbażat fuq l-evidenza u fuq id-drittijiet tal-bniedem biex tindirizza l-isfidi demografiċi fl-UE, filwaqt li tiżgura li kull resident tal-UE, inklużi dawk fl-iktar żoni remoti, bħal fir-reġjuni ultraperiferiċi, ikun jista' b'mod sħiħ igawdi s-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati, u biex tieħu nota partikolari ta' dawk li jistrumentalizzaw is-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati sabiex jimminaw il-valuri tal-UE u d-demokrazija, u taffrontahom;

56. Jistieden lill-Kummissarju għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari tiffaċilita u tippromwovi l-protezzjoni tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati bħala parti vitali fil-kisba tad-dritt għas-saħħa, is-sikurezza u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; tissorvelja u tippromwovi l-implimentazzjoni sħiħa tal-SDG 3, inkluża l-mira 3.7, fl-UE, bl-użu tal-qafas ta' indikaturi globali tan-NU; fi sħubija mal-Istati Membri, tiġbor data sistematika, komparabbli u diżaggregata u twettaq studji biex jitkejlu aħjar l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri fis-saħħa u l-ħtiġijiet mhux issodisfati fl-aċċess għas-servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva fl-UE b'perspettiva intersezzjonali; tippromwovi l-informazzjoni u l-edukazzjoni dwar is-saħħa sesswali u riproduttiva; tappoġġa l-konverġenza' l fuq tal-istandards u l-politiki tal-kura tas-saħħa sabiex jitnaqqsu l-inugwaljanzi fis-saħħa fi ħdan u bejn l-Istati Membri u, fid-dawl tal-inklużjoni milqugħa tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati fil-Programm l-UE għas-Saħħa, tappoġġa azzjonijiet mill-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili marbuta mas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati biex jinkiseb aċċess għas-servizzi tas-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali permezz tal-programm; jenfasizza l-ħtieġa li tingħata spinta lill-investiment fis-servizzi kollha, b'mod partikolari fil-kura tas-saħħa, sabiex jingħata kontribut għall-indipendenza, l-ugwaljanza u l-emanċipazzjoni tan-nisa;

57. Jistieden lill-Kummissarju għall-Ugwaljanza tiffaċilita u tippromwovi l-protezzjoni tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati u tinkludihom fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri u l-Istrateġija tal-UE dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ; tikkundanna bil-qawwa r-rigressjoni fid-drittijiet tan-nisa u tiżviluppa miżuri konkreti biex tiġġildilha; tirrikonoxxi r-rabtiet intrinsiċi bejn it-twettiq tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati, il-kisba tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, u timmonitorja u tippromwovi l-implimentazzjoni sħiħa tal-SDG 5, inkluża l-mira 5.6, fl-UE; tintegra l-ġeneru  b'suċċess fil-politiki kollha tal-UE; tappoġġa l-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-qasam tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati; tiffaċilita u tippromwovi l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati dwar l-aspetti tal-ġeneru fis-saħħa, inkluż is-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati; u tiffaċilita s-sinerġiji bejn l-Programm l-UE għas-Saħħa u l-Istrateġija tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri; jenfasizza li l-Programm l-UE għas-Saħħa għandu jintegra l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, iqis il-preġudizzju bejn il-ġeneri u jiżviluppa approċċ sensittiv għall-ġeneru għall-għarfien, l-iskrinjar, id-dijanjożi u t-trattament tal-mard; jenfasizza wkoll li kwalunkwe strateġija ta' ugwaljanza għandha tindirizza l-forom kollha ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru, inkluż rigressjoni u ksur tas-saħħa sesswali u riproduttiva tan-nisa;

58. Jistieden lill-Kummissarju għas-Sħubijiet Internazzjonali tirrispetta l-Konsensus Ewropew għall-Iżvilupp u l-SDGs, b'mod partikolari l-miri 3.7, 5.6 u 16, sabiex tiżgura li s-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati jibqgħu prijorità għall-iżvilupp fl-attivitajiet u r-relazzjonijiet esterni kollha tal-UE; jilqa' l-impenn favur il-promozzjoni tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati fil-Pjan ta' Azzjoni l-ġdid dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi III u jistieden lill-Kummissarju għas-Sħubijiet Internazzjonali tipproponi miżuri konkreti biex jintlaħaq dan l-objettiv; jenfasizza l-ħtieġa li tingħata prijorità lit-tneħħija tal-ostakli kollha għall-aċċess għas-servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati fil-politika ta' żvilupp tagħha;

59. Jistieden lill-Kummissarju għall-Promozzjoni tal-Istil ta' Ħajja Ewropew Tagħna jiżgura li l-Mibgħut Speċjali l-ġdid għal-Libertà tar-Reliġjon u t-Twemmin ikun iddedikat għal approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem, u b'hekk jirrispetta s-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati u jkun iddedikat biex jaħdem b'mod konġunt biex jiggarantixxi d-dritt għas-saħħa għal kulħadd, fl-UE u globalment, mingħajr ebda diskriminazzjoni;

60. Jistieden lill-Kummissarju għall-Ġestjoni tal-Kriżijiet jitlob li tkun inkluża perspettiva ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri fir-rispons ta' għajnuna umanitarja tal-UE u tal-Istati Membri, u perspettiva dwar s-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati, peress li l-aċċess għall-kura tas-saħħa sesswali u riproduttiva huwa ħtieġa bażika tal-persuni f'kuntesti umanitarji;

61. Jitlob l-eliminazzjoni immedjata ta' prattiki dannużi bħall-mutilazzjoni ġenitali femminili u s-CEFM (żwieġ tat-tfal prekoċi u furzat); jisħaq fuq il-fatt li s-CEFM jirrappreżenta ksur tad-drittijiet tal-bniedem u spiss iwassal biex il-bniet isiru vulnerabbli għall-vjolenza, għad-diskriminazzjoni u għall-abbuż; jinsab estremament inkwetat bil-fatt li aktar minn 200 miljun mara u tifla fid-dinja kollha kienu mġiegħla jissottoponu ruħhom għall-mutilazzjoni ġenitali femminili u li, minħabba l-pandemija tal-COVID-19, l-ittardjar jew l-interruzzjoni tal-programmi ta' sensibilizzazzjoni u edukazzjoni tal-komunitajiet fir-rigward tal-prattiki dannużi se jwasslu, fil-livell dinji, għal 2 miljun każ aktar ta' mutilazzjoni ġenitali femminili u 13-il miljun aktar ta' żwiġijiet ta' minuri matul id-deċennju li ġej meta mqabbla mal-istimi ta' qabel il-pandemija;

62. Jitlob li jkun hemm aċċess sħiħ għall-assistenza fiżika u psikoloġika minn persunal sensittiv u mħarreġ mil-lat interkulturali; iħeġġeġ lill-pajjiżi kollha tal-UE jirratifikaw il-Konvenzjoni ta' Istanbul; jistieden lill-Kummissjoni teżamina s-sinerġiji bejn il-programmi interni u esterni tal-UE biex tiżgura approċċ koerenti u fit-tul bil-għan li titwaqqaf il-mutilazzjoni ġenitali femminili kemm fl-UE kif ukoll barra minnha; itenni, b'mod partikolari, l-appelli biex il-miżuri għall-prevenzjoni tal-mutilazzjoni ġenitali femminili jiġu integrati fl-oqsma ta' politika kollha, speċjalment fil-qasam tas-saħħa, tal-ażil, tal-edukazzjoni u tal-impjiegi, kif ukoll fil-kooperazzjoni u fid-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-pajjiżi terzi;

63. Ifakkar li xi bniet li jgħixu fit-territorju tal-UE huma suġġetti wkoll għar-riskju li jiġu sottoposti għal mutilazzjoni ġenitali femminili waqt li jkunu qed iżuru l-pajjiżi ta' oriġini tagħhom, prinċipalment matul iż-żjarat tal-familja; iqis li huwa importanti li l-Istati Membri kollha, inklużi l-amministrazzjonijiet reġjonali u lokali, jaqsmu l-aħjar prattiki tagħhom relatati mal-protokolli li jipprevjenu l-mutilazzjoni ġenitali femminili fuq il-bniet li jivvjaġġaw lejn pajjiżi jew reġjuni li fihom il-mutilazzjoni ġenitali femminili hija prattika mifruxa; jistieden lill-Istati Membri kollha li għadhom ma għamlux dan biex jintroduċu leġiżlazzjoni kriminali speċifika dwar il-mutilazzjoni ġenitali femminili sabiex jitħarsu l-vittmi u tkun tista' ssir prosekuzzjoni aktar effikaċi ta' dan ir-reat meta jiġi kommess barra mit-territorji tagħhom;

64. Jistieden lill-Unjoni tappoġġa ċ-ċentri tas-saħħa u tal-ippjanar tal-familja fil-pajjiżi sħab biex ikunu jistgħu jiskambjaw l-informazzjoni u jkissru t-tabujiet rigward il-mestrwazzjoni, is-sesswalità u l-prokreazzjoni bl-involviment sħiħ ukoll tal-ġuvintur fil-ġlieda kontra l-istereotipi u t-tabujiet; jisħaq fuq l-importanza li titjieb id-disponibbiltà ta' metodi kontraċettivi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, speċjalment għat-tfajliet adolexxenti, li huma f'riskju akbar ta' kumplikazzjonijiet matul it-tqala; jafferma li n-nisa u l-bniet kollha għandhom id-dritt jagħmlu l-għażliet liberi u infurmati tagħhom fir-rigward tas-saħħa u tal-ħajja sesswali u riproduttiva tagħhom;

65. Jitlob li l-parteċipazzjoni ta' bniet u nisa fl-edukazzjoni tiġi żgurata, peress li hija għodda indispensabbli għall-emaniċipazzjoni soċjali u ekonomika tan-nisa; jitlob li jiġi miġġieled l-assenteiżmu tal-bniet matul il-mestrwazzjonijiet tagħhom billi jittejbu l-faċilitajiet ta' iġjene mestrwali fl-iskejjel, b'mod partikolari s-servizzi "WASH", u billi tiġi miġġielda l-istigmatizzazzjoni; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat aċċess għal infrastrutturi "WASH" adegwati fl-iskejjel biex tiġi żgurata s-saħħa sesswali u riproduttiva, kemm fir-rigward tal-kontraċezzjoni, tat-tqala, tat-twelid, tal-abort, tal-mard trażmess sesswalment jew tal-iġjene mestrwali;

66. Jitlob li jittieħed vantaġġ sħiħ mill-potenzjal tal-istrumenti ta' komunikazzjoni bħar-radju, it-televiżjoni u t-telefon iżda wkoll tal-istrumenti diġitali, inklużi n-networks soċjali u s-servizzi ta' messaġġi, biex jitjieb l-aċċess taż-żgħażagħ għall-edukazzjoni sesswali b'mod partikolari biex jitjieb l-għarfien tagħhom ta' mard trażmess sesswalment u tar-riskji relatati mat-tqala f'età prematura; iqis li dan se jeħtieġ attenzjoni biex jiġu indirizzati l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri fl-aċċess għas-servizzi diġitali kif ukoll il-fastidju online u l-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet fuq l-internet;

67. Jappella biex il-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (GAP III) jagħti importanza akbar lill-qasam ta' politika tematiku tiegħu relatat mas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati minħabba l-impatt enormi tal-pandemija tal-COVID-19 fuq in-nisa u l-bniet fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jissottolinja l-importanza li tissaħħaħ il-promozzjoni tad-dritt ta' kull individwu li jkollu kontroll sħiħ fuq kwistjonijiet relatati mas-sesswalità u mas-saħħa sesswali u riproduttiva tiegħu, kif ukoll li jiddeċiedi b'mod liberu u responsabbli dwarhom;

68. Jistieden lill-Istati Membri tal-UE jimpenjaw ruħhom għall-għanijiet tal-GAP III, b'mod partikolari dawk fir-rigward tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jħejju "pjanijiet ta' implimentazzjoni fil-livell ta' pajjiż" li jagħtu prijorità lis-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati, bl-applikazzjoni ta' indikaturi li jistgħu jitkejlu u bl-inklużjoni ta' mekkaniżmi ta' monitoraġġ; jitlob lid-delegazzjonijiet tal-UE jagħtu prijorità lill-azzjonijiet relatati mas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati fl-implimentazzjoni tagħhom tal-GAP III;

69. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jiżguraw finanzjament adegwat u mmirat tajjeb favur is-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati fil-politika tagħhom ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp u fl-istrumenti ta' azzjoni esterna tagħhom, bħall-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali; jitlob, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Istati Membri jikkunsidraw is-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati bħala prijorità fil-proċess ta' programmazzjoni tal-UE, inkluż fil-programmazzjoni konġunta;

70. Jenfasizza li huwa essenzjali li jiġi żgurat li l-politika dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp tinvolvi lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li huma direttament involuti fid-difiża tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

71. Jemmen li jeħtieġ li l-UE tiffaċilita l-integrazzjoni tas-servizzi marbuta mas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati fl-istrateġiji u fil-politiki nazzjonali tas-saħħa pubblika tal-pajjiżi sħab; ifakkar bi tħassib li dawk li ma jarawx issodisfati l-bżonnijiet tagħhom f'termini ta' servizzi marbuta mas-saħħa sesswali u riproduttiva huma speċjalment l-adolexxenti, il-persuni mhux miżżewġin, il-persuni LGBTIQ, il-persuni b'diżabbiltà, il-membri tal-minoranzi u tal-gruppi minoritarji etniċi u l-foqra f'kuntesti urbani u rurali; jenfasizza li s-servizzi marbuta mas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati għandhom ikunu reattivi għal kwistjonijiet ta' ġeneru, ibbażati fuq id-drittijiet, ikunu adatti għaż-żgħażagħ u għad-dispożizzjoni ta' kulħadd, indipendentement mill-età, is-sess, l-identità tal-ġeneru, l-orjentament sesswali, ir-razza, il-klassi soċjali, ir-reliġjon, l-istat ċivili, ir-riżorsi ekonomiċi, l-oriġini nazzjonali jew soċjali jew id-diżabbiltajiet, anki fil-kuntest ta' kriżijiet umanitarji u waqt il-kunflitti u d-diżastri;

72. Jistieden lill-Istati Membri jiġġieldu kontra d-diskriminazzjoni fis-servizzi marbuta mas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati u jużaw approċċ intersezzjonali biex jiżguraw li n-nisa u l-bniet (kemm transġeneru kif ukoll ċisġeneru), il-persuni mhux binarji, il-leżbjani u n-nisa bisesswali u intersesswali jgawdu minn aċċess indaqs għas-servizzi u għad-drittijiet relatati mas-saħħa sesswali u riproduttiva;

73. Ifakkar li n-nisa u l-bniet huma partikolarment esposti għar-riskju ta' stupru u vjolenza sesswali fir-reġjuni milquta minn kriżijiet, inkluż fil-kuntest ta' kunflitti, diżastri naturali u l-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima; jistieden lill-UE tintensifika l-ġlieda kontra l-użu tal-istupru bħala arma tal-gwerra u tiggarantixxi lill-vittmi aċċess għas-servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva;

74. Jistieden lill-Kummissjoni tikkundanna bil-qawwa r-rigress tad-drittijiet tan-nisa u tas-saħħa  sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati, u tuża l-kapaċità sħiħa tagħha biex issaħħaħ l-azzjonijiet tagħha biex tiġġieled kontriha; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-appoġġ politiku tagħhom għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-fornituri tal-kura tas-saħħa li jaħdmu biex javvanzaw is-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati, id-drittijiet tan-nisa u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi li huma atturi ewlenin għal soċjetajiet ugwali bejn il-ġeneri u fornituri kruċjali tas-servizzi tas-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali u l-informazzjoni, b'mod partikolari dawk li jaħdmu f'kuntesti diffiċli fl-Ewropa, u biex jimmonitorjaw u jallokaw appoġġ finanzjarju suffiċjenti b'mod kontinwu, permezz tal-programmi li għaddejjin bħall-Programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri;

75. Jistieden lill-Kummissjoni timplimenta l-ibbaġitjar skont il-ġeneru fl-istrumenti kollha tal-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027, inklużi l-Programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri, l-FSE+ u l-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali;

76. Jistieden lill-Kummissjoni tieħu passi konkreti fil-protezzjoni tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati, billi tibda bl-istabbiliment ta' Mibgħut Speċjali tal-UE dwar is-Saħħa Sesswali u Riproduttiva u d-drittijiet relatati u ż-żieda ta' kapitolu deżinjat dwar "Is-sitwazzjoni attwali tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati" fir-Rapport Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija;

 

°

° °

77. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

NOTA SPJEGATTIVA

 

Is-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati huma waħda mill-kwistjonijiet ewlenin fid-diskussjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem u huma inseparabbli mill-kisba tad-dritt fundamentali għas-saħħa, kif ukoll il-kisba tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-eliminazzjoni tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru.

Dan ir-rapport wasal f'mument kruċjali fl-UE, meta r-reazzjoni negattiva u r-rigressjoni fid-drittijiet tan-nisa qed jiżdiedu dejjem aktar u qed jikkontribwixxu għall-erożjoni tad-drittijiet miksuba u jipperikolaw is-saħħa tan-nisa. Il-PE esprima tħassib dwar din il-kwistjoni, l-aktar reċentement fir-riżoluzzjoni dwar ir-rigressjoni tad-drittijiet tan-nisa[29] fejn identifika s-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati bħala wieħed mill-oqsma ewlenin li qed jiġi indirizzat.

Barra minn hekk, minħabba ċ-ċirkostanzi relatati mal-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi devastanti li se jkollha, kif ukoll l-isfidi u l-opportunitajiet fil-bini mill-ġdid tal-Ewropa wara din il-kriżi, l-istituzzjonijiet għandhom responsabbiltà urġenti li jindirizzaw il-kwistjoni tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati fid-djalogu għal Ewropa aktar b'saħħitha, aħjar u aktar konnessa fil-futur. F'dak id-dawl, jeħtiġilna ma ninjorawx il-fatt li matul il-kriżi tas-saħħa, in-nisa u l-bniet madwar id-dinja ġew imċaħħda mill-aċċess għas-servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva, bl-iskuża falza li mhumiex prijorità u urġenti mill-perspettiva medika. Dan ir-rapport se jkollu l-għan li jistieden lill-UE, lill-istituzzjonijiet u lill-Istati Membri biex iżommu lura minn tali azzjonijiet u jirrikonoxxu bis-sħiħ li s-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati huma drittijiet tal-bniedem u bħala tali jrid jintlaħaq l-ogħla standard fiċ-ċirkostanzi kollha – matul il-kriżi tas-saħħa u lil hinn minnha, mingħajr diskriminazzjoni għall-individwi kollha.

Minħabba s-sitwazzjoni attwali fl-UE, hemm responsabbiltà tal-istituzzjonijiet tal-UE li jippromwovu u jappoġġaw is-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati, kif ukoll il-benesseri ġenerali, is-saħħa, is-sikurezza u l-ħajja tan-nisa. Kif hemm iddikjarat fir-riżoluzzjoni tal-PE dwar il-kriminalizzazzjoni tal-edukazzjoni sesswali fil-Polonja[30], u skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, is-saħħa sesswali u riproduttiva tan-nisa hija relatata ma' diversi drittijiet tal-bniedem u hemm responsabbiltà tal-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE li jiggarantixxu saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati ta' kwalità għolja. Il-pożizzjoni konġunta tal-UE trid tkun ibbażata fuq id-drittijiet tal-bniedem u għandha tkun konformi mal-istandards internazzjonali kollha tad-drittijiet tal-bniedem. Ir-rigressjoni tad-drittijiet tan-nisa għandha influwenza diretta fuq il-proċessi ta' tneħħija ta' demokratizzazzjoni fl-UE, peress li huma kkoordinati minn atturi li jużaw is-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati sabiex jiksbu l-hekk imsejħa objettivi demografiċi, u b'hekk jikkontribwixxu għall-erożjoni tad-demokrazija u tal-libertajiet personali. Il-kwistjoni tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati bħala kwistjoni tad-drittijiet tal-bniedem hija inseparabbli mill-kwistjoni tad-demokrazija peress li tikkostitwixxi qafas min-nies għan-nies li ma jistax jitwettaq jekk ma jkunx hemm l-ogħla standard ta' protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem.

Is-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati jaqgħu taħt il-kompetenzi tal-Istati Membri u, bħala tali, dawn huma responsabbli biex jiżguraw l-aċċess għal firxa sħiħa ta' servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati. Id-drittijiet sesswali u riproduttivi huma rikonoxxuti bħala drittijiet tal-bniedem fid-dritt internazzjonali[31] u f'dak Ewropew dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-ksur fil-qasam tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tal-bniedem. L-isfidi kollha relatati mas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati li jiġu ffaċċjati fi ħdan l-Istati Membri jikkostitwixxu sfidi komuni Ewropej. Din mhijiex biss kwistjoni politika u soċjali għall-UE iżda wkoll kwistjoni ta' saħħa li għandha tgħaqqad approċċ unifikat.

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) tirrikonoxxi l-ħtieġa għal aċċess universali għas-saħħa sesswali u riproduttiva bħala komponent tad-dritt għas-saħħa[32] u ttenni l-impenn li sar fil-Programm ta' azzjoni tal-ICPD[33] biex jiġi żgurat aċċess universali għal servizzi ta' saħħa sesswali u riproduttiva. Id-diskussjoni ma tridx tkun dwar jekk għandux jiġi żgurat l-aċċess għas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati iżda b'liema mod għandu jsir dan, biex jiġu żgurati l-universalità, l-aċċessibbiltà u l-affordabbiltà ta' firxa sħiħa ta' servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati, filwaqt li jiġi ssalvagwardjat id-dritt għas-saħħa. Dan ir-rapport se jiffoka fuq ftit oqsma ewlenin fi ħdan is-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati, iżda r-rapporteur jenfasizza li xi suġġetti oħra marbuta mas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati, li mhux se jiġu diskussi fid-dettall, jippreżentaw tħassib li jrid jiġi indirizzat, possibbilment permezz ta' rapporti separati (eż. il-maternità surrogata).

Skont il-Fond tan-NU għall-Popolazzjoni[34], l-edukazzjoni komprensiva dwar is-sesswalità hija approċċ għall-edukazzjoni sesswali bbażat fuq id-drittijiet u ffukat fuq il-ġeneri. Din tinkludi informazzjoni xjentifikament preċiża dwar l-iżvilupp tal-bniedem, l-anatomija u s-saħħa riproduttiva, kif ukoll informazzjoni dwar il-kontraċezzjoni, it-twelid u infezzjonijiet trażmessi sesswalment (STIs), inkluż l-HIV.

Ir-riżoluzzjoni tal-PE dwar il-kriminalizzazzjoni tal-edukazzjoni sesswali fil-Polonja[35] ħeġġet lill-Istati Membri jintroduċu edukazzjoni komprensiva u adatta għall-età dwar is-sesswalità u r-relazzjonijiet għaż-żgħażagħ fl-iskejjel. Dan huwa essenzjali biex jiġu ssodisfati s-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati u biex jiġu indirizzati l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, l-isfruttament sesswali, l-abbuż u x-xejriet ta' mġiba negattivi fir-relazzjonijiet. Il-ħtieġa ta' aċċess sħiħ għall-edukazzjoni komprensiva dwar is-sesswalità fl-iskejjel primarji u sekondarji kollha issa hija aktar urġenti minn qatt qabel minħabba li hemm kwantità dejjem tikber ta' miżinformazzjoni marbuta mas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati. Eżempju ta' dan it-tip ġej minn investigazzjoni mwettqa minn openDemocracy, li żvelat li n-nisa madwar id-dinja, inkluż fl-UE, qed jiġu miżinfurmati apposta sabiex jiġi evitat l-aċċess tagħhom għall-abort.[36] Dan iqiegħed ħajjet in-nisa f'riskju u jostakola d-dritt tagħhom għal għażla infurmata, iżda jidderoga wkoll mill-prinċipji bażiċi tad-demokrazija u d-dritt għal-libertà u għall-informazzjoni. Minbarra li tindirizza l-għadd dejjem jikber ta' kampanji u sforzi ta' miżinformazzjoni intenzjonali, l-edukazzjoni komprensiva dwar is-sesswalità tirrappreżenta wkoll waħda mill-għodod biex tiġi indirizzata l-vjolenza abbażi tal-ġeneru.

Il-kontraċezzjoni tippermetti li n-nies jagħmlu għażliet infurmati dwar is-saħħa sesswali u riproduttiva tagħhom u, skont id-WHO[37], l-użu ta' kontraċettivi moderni fl-2017 impedixxa madwar 308 miljun tqala mhux mixtieqa. Is-sitwazzjoni madwar l-Ewropa turi li għad hemm bżonn ta' titjib, u l-qasam kruċjali huwa l-garanzija ta' aċċess għal kulħadd[38]. Fl-aħħar snin, il-parti l-kbira tal-attenzjoni kienet iffukata fuq l-HIV/AIDS, filwaqt li l-finanzjament kemm għall-ippjanar tal-familja kif ukoll għas-saħħa riproduttiva naqas. Dan huwa perikoluż u jista' jwassal għal konsegwenzi serji[39]. L-aċċess għal metodi moderni ta' kontraċezzjoni huwa parti mid-dritt fundamentali għas-saħħa u bħala tali għandu jkun disponibbli għall-persuni kollha f'età riproduttiva.

 

Skont iċ-Ċentru għad-Drittijiet Riproduttivi[40] 59 % tan-nisa f'età riproduttiva jgħixu f'pajjiżi li b'mod ġenerali jippermettu l-abort, u 41 % tan-nisa jgħixu taħt liġijiet restrittivi. Fl-UE, Stat Membru wieħed biss ma jippermettix l-abort taħt l-ebda ċirkostanza (Malta) u wieħed jippermettih biss taħt ċirkostanzi stretti ħafna b'tendenzi restrittivi ħafna (il-Polonja). Dak li jħasseb lill-UE u jeħtieġ rispons qawwi mingħandha huwa r-rigressjoni evidenti tad-drittijiet tan-nisa, u d-dritt għal abort sikur u legali huwa waħda mill-miri ewlenin f'dawn l-attakki. Ir-restrizzjoni tal-abort għandha konsegwenzi serji. Id-WHO tistma li 25 miljun abort mhux sikur iseħħu kull sena u ħafna drabi jkollhom konsegwenzi fatali. Restrizzjonijiet legali b'rabta mal-abort ma jirriżultawx f'inqas aborti, iżda minflok iġiegħlu lin-nisa jissograw ħajjithom u saħħithom billi jfittxu kura f'każ ta' abort mhux sikura. Skont l-Istitut Guttmacher, ir-rata ta' abort hija ta' 37 għal kull 1 000 persuna f'pajjiżi li jipprojbixxu l-abort kompletament jew jippermettuh biss f'każijiet li jsalvaw il-ħajja ta' mara, u 34 għal kull 1 000 persuna f'pajjiżi li b'mod ġenerali jippermettu l-abort. Din hija differenza li mhijiex statistikament sinifikanti.[41] Fl-UE, dan spiss jirriżulta f'nisa li jivvjaġġaw lejn Stati Membri oħra biex ifittxu l-abort, u b'hekk jipperikolaw saħħithom u ħajjithom.

Anke meta jkun legalment disponibbli, jeżistu ostakli fl-aċċess għall-abort. Dan iwassal għal ksur tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati, iżda wkoll għal inugwaljanzi fil-kisba tad-drittijiet tan-nisa madwar l-UE. Wieħed mill-aktar ostakoli problematiċi huwa ċ-ċaħda ta' kura medika abbażi ta' twemmin personali, fejn il-professjonisti mediċi spiss ma jwettqux aborti, filwaqt li jsemmu bħala raġuni t-twemmin personali tagħhom. Dan mhux biss iċaħħad lin-nisa mid-dritt tagħhom għal proċeduri mediċi u tas-saħħa, iżda jqajjem ukoll il-kwistjoni tas-sistemi ta' riferiment pubbliku. Skont l-Istudju tal-PE dwar l-implikazzjonijiet tal-oġġezzjoni fuq bażi ta' twemmin b'rabta mas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati[42], ħafna drabi l-leġiżlazzjoni nazzjonali tippermetti lill-professjonisti tal-kura tas-saħħa jagħżlu li ma jipprovdux oġġetti u servizzi li jkunu moralment kontra t-twemmin tagħhom, inkluż li jwettqu aborti jew li jippreskrivu, ibigħu jew jagħtu pariri dwar metodi ta' kontraċezzjoni permezz tar-"rifjut ta' parteċipazzjoni f'attività li individwu jqis li ma tkunx kompatibbli mat-twemmin reliġjuż, morali, filosofiku jew etiku tiegħu." Fil-ġejjieni, din għandha tiġi indirizzata bħala ċaħda ta' kura medika minflok l-hekk imsejħa oġġezzjoni tal-kuxjenza. Għadd kbir ta' Stati Membri (20+) jipprevedu d-dritt għall-hekk imsejħa oġġezzjoni tal-kuxjenza, li hija rikonoxxuta wkoll minn strumenti tan-NU u mill-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem. B'mod partikolari, dan mhuwiex dritt assolut u l-QEDB iddeċidiet li m'għandux jintuża biex jiġi mblokkat l-aċċess għal servizzi li wieħed huwa legalment intitolat għalihom. Fil-prattika, dan huwa eżattament x'jiġri kuljum madwar l-UE – in-nisa ma għandhomx aċċess għad-dritt tagħhom mogħti legalment għall-abort peress li l-persunal mediku jirrifjutalhom dik il-kura medika, filwaqt li sptarijiet pubbliċi ma jistabbilixxux sistemi ta' riferiment pubbliku. Dan huwa ksur evidenti u multidimensjonali u ċaħda prattika tal-eżerċizzju ta' dritt legali diġà miksub.

Kura tal-maternità bbażata fuq l-evidenza u ta' kwalità għolja hija waħda mis-suġġetti ewlenin f'dan ir-rapport. Id-WHO ħarġet rakkomandazzjoni għal kura tal-maternità li ġġib rispett, li tfisser kura organizzata għan-nisa kollha u pprovduta lilhom b'mod li jżomm id-dinjità, il-privatezza u l-kunfidenzjalità tagħhom, jiżgura li huma jkunu ħielsa minn ħsara u trattament ħażin, u jippermetti għażla infurmata u appoġġ kontinwu matul il-ħlas u t-twelid. Il-mortalità materna hija problema kontinwa, speċjalment għall-gruppi minoritarji u vulnerabbli, u f'sitwazzjonijiet fejn jinħolqu kumplikazzjonijiet waqt il-ħlas, jiżdied ir-riskju ta' morbożità serja u mewt. Aktar minn terz tal-imwiet materni huma attribwiti għal komplikazzjonijiet li jirriżultaw matul il-ħlas, it-twelid jew il-perjodu immedjat wara t-twelid[43]. Dan jindika l-fatt li b'kura tal-maternità ta' kwalità għal kulħadd, riskji bħal dawn jistgħu jiġu evitati. Huwa dritt tal-bniedem li wieħed ikollu aċċess għas-servizzi tas-saħħa kif ukoll li jkun ħieles minn trattament inuman u degradanti, u t-tnejn li huma jaqgħu taħt l-ambitu l-aktar strett tas-servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati. Hemm ukoll għadd dejjem jikber ta' rapporti dwar il-vjolenza li jesperjenzaw in-nisa matul it-twelid f'faċilità u matul proċeduri mediċi fil-kura ta' qabel, matul u wara t-twelid, kif ukoll l-esperjenza b'mod ġenerali ta' vjolenza ġinekoloġika u ostetrika li jridu jiġu indirizzati.

Dan ir-rapport se jagħti kontribut wiesa' dwar l-istat tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati fl-UE kollha u l-għan huwa li l-impenn tal-UE għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem jiġi riaffermat, b'referenza għad-dritt għas-saħħa, l-integrità fiżika u mentali, l-ugwaljanza, in-nondiskriminazzjoni, is-saħħa u l-edukazzjoni. Huwa jtenni li l-ksur jew iċ-ċaħda ta' aċċess għas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati jikkostitwixxu ksur tad-drittijiet tal-bniedem u vjolenza abbażi tal-ġeneru, u bħala tali, huma sfida Ewropea li għandha tiġi indirizzata, filwaqt li ma jkunx hemm devjazzjoni mill-valuri u l-prinċipji kollha li l-Unjoni Ewropea hija bbażata fuqhom, bħad-demokrazija, l-ugwaljanza u n-nonvjolenza.


 

 


OPINJONI TAL-MINORANZA

11.5.2021

 

imressqa skont l-Artikolu 55(4) tar-Regoli ta' Proċedura

minn Margarita de la Pisa Carrión u Jadwiga Wiśniewska

 

 

Dan ir-rapport ma għandu l-ebda rigorożità legali jew formali.

 

Imur lil hinn mill-indirizzar ta' kwistjonijiet bħas-saħħa, l-edukazzjoni sesswali u r-riproduzzjoni, kif ukoll l-abort u l-edukazzjoni, li huma s-setgħat leġiżlattivi tal-Istati Membri.

 

Huwa jittratta l-abort bħala dritt tal-bniedem allegat li ma jeżistix fid-dritt internazzjonali, u dan imur kontra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (UDHR) innifisha u t-trattati vinkolanti ewlenin, kif ukoll il-ġurisprudenza tal-QEDB u tal-QĠUE.

 

Huwa kontra l-klawżola ta' kuxjenza min-naħa tal-professjonisti tal-kura tas-saħħa.

 

Hemm evidenza tal-manipulazzjoni ideoloġika tad-drittijiet tal-bniedem, universali u immutabbli, minn influwenza internazzjonali li timmina s-sovranità tan-nazzjonijiet, li taffettwa l-liġijiet tagħhom.

 

Dan idgħajjef il-libertà, l-ugwaljanza u d-dinjità tan-nisa billi jikser in-natura tagħhom billi jiddiżassoċja l-identità tagħhom mis-sess bijoloġiku.

 

Permezz tal-programm ideoloġiku dwar il-ġeneri, in-nisa jiġu iżolati u vittimizzati. Huwa jiddiżassoċja s-saħħa mill-ħajja u jagħti prijorità lill-benesseri suġġettiv, li jagħmilha aktar faċli għall-mara li tirrinunzja għall-fertilità u l-maternità tagħha.

 

Il-154 emenda mressqa kontra t-test fittxew li jiddefendu d-dinjità tan-nisa b'rispett assolut għall-ħajja u l-liġi naturali bħala bażi u garanzija għall-eżerċizzju tal-libertà u d-drittijiet tal-bniedem tagħhom stess.


 

 

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP (3.3.2021)

għall-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi

dwar is-sitwazzjoni tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati fl-UE, fil-kuntest tas-saħħa tan-nisa

(2020/2215(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Pierrette Herzberger-Fofana

 

 

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A. billi l-pandemija u l-miżuri ta' konfinament qed ifixklu l-aċċess għall-edukazzjoni u l-assistenza tas-saħħa; billi għalhekk għamlu l-aċċess għall-metodi ta' kontraċezzjoni u għall-edukazzjoni sesswali aktar diffiċli u jpoġġu lin-nisa u t-tfajliet f'riskju ta' tqala mhux mixtieqa u tqala f'età prematura kif ukoll għall-mutilazzjoni ġenitali femminili u għall-vjolenza domestika;

B. billi l-inizjattiva Spotlight tnediet mill-Unjoni Ewropea u min-Nazzjonijiet Uniti bil-għan li tiġi miġġielda l-vjolenza, inkluża l-vjolenza sesswali, fuq in-nisa u l-bniet u li din l-inizjattiva għandha l-għan, fost l-oħrajn, li ttejjeb l-aċċess għall-edukazzjoni sesswali u għas-servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva;

C. billi t-tqala f'età prematura tinvolvi riskji ta' kumplikazzjonijiet serji u hija waħda mill-kawżi ewlenin ta' mewt fost it-tfajliet;

D. billi s-servizzi tal-ilma, tas-sanità u tal-iġjene (WASH) huma essenzjali għas-saħħa sesswali u riproduttiva, iżda ta' spiss jibqgħu inaċċessibbli, speċjalment fiż-żoni remoti;

E. billi s-servizzi marbuta mas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati huma servizzi tal-assistenza tas-saħħa essenzjali li għandhom ikunu disponibbli għal kulħadd u jinkludu fost l-oħrajn: attivitajiet ta' edukazzjoni u informazzjoni komprensiva dwar is-sesswalità, konsulenza kunfidenzjali u imparzjali u servizzi għas-saħħa u l-benesseri sesswali u riproduttivi; servizzi ta' konsulenza u aċċess għal firxa wiesgħa ta' kontraċettivi moderni; assistenza prenatali, postnatali u waqt il-ħlas; servizzi tal-qwiebel; kuri ostetriċi u neonatali; servizzi u assistenza għall-abort sikur u legali u assistenza wara l-abort, inkluż it-trattament ta' kumplikazzjonijiet minħabba abort b'riskju; il-prevenzjoni u t-trattament tal-HIV u infezzjonijiet trażmessi sesswalment (STIs) oħra; servizzi mmirati lejn l-identifikazzjoni, il-prevenzjoni u t-trattament ta' vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru; prevenzjoni, identifikazzjoni u trattament tal-kanċers tal-apparat riproduttiv, b'mod partikolari tal-għonq tal-utru; assistenza u trattamenti għall-fertilità;

1. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar iż-żieda fid-diskorsi estremisti li jheddu ir-rispett tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati kemm fl-UE kif ukoll barra minnha; itenni li s-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati jissejsu fuq id-drittijiet tal-bniedem, huma elementi fundamentali tad-dinjità tal-bniedem, huma kundizzjoni essenzjali biex in-nisa jikkontrollaw ġisimhom u jibqgħu kruċjali biex jinkisbu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-emanċipazzjoni tan-nisa u l-kopertura universali tas-saħħa; jistieden lill-UE tiggarantixxi r-rispett universali tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati, kif ukoll l-aċċess universali għalihom, u l-implimentazzjoni sħiħa u effikaċi tal-Programm ta' Azzjoni tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp, tad-Dikjarazzjoni u tal-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing u tad-dokumenti ta' eżitu tal-konferenzi ta' rieżami relatati, li jirrikonoxxu l-kontribut tagħhom għall-ksib tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) kollha tan-Nazzjonijiet Uniti marbuta mas-saħħa;

2. Jinnota li l-emanċipazzjoni ekonomika u soċjali tan-nisa, inkluż l-aċċess għall-edukazzjoni, għas-saħħa u għall-impjiegi, hija fundamentali għat-tkabbir u għall-iżvilupp sostenibbli;

3. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-pandemija tal-COVID-19 ma taffettwax id-dritt ta' kull individwu juża servizzi marbuta mas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati u jaċċertaw li tali servizzi jingħataw permezz tas-sistema tas-saħħa pubblika, kif ukoll jiġġieldu kontra kull tentattiv biex il-pandemija tiġi sfruttata bħala pretest biex jiġu limitati ulterjorment is-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati;

4. Jitlob l-eliminazzjoni immedjata ta' prattiki dannużi bħall-MĠF u ż-żwieġ prekoċi u furzat tal-minuri; jisħaq fuq il-fatt li ż-żwieġ prekoċi u furzat tal-minuri jirrappreżenta ksur tad-drittijiet tal-bniedem u spiss iwassal biex il-bniet isiru vulnerabbli għall-vjolenza, għad-diskriminazzjoni u għall-abbuż; jinsab estremament inkwetat bil-fatt li aktar minn 200 miljun mara u tifla fid-dinja kollha kienu mġiegħla jissottoponu ruħhom għall-mutilazzjoni ġenitali femminili u li, minħabba l-pandemija tal-COVID-19, l-ittardjar jew l-interruzzjoni tal-programmi ta' sensibilizzazzjoni u edukazzjoni tal-komunitajiet fir-rigward tal-prattiki dannużi se jwasslu, fil-livell dinji, għal 2 miljun każ aktar ta' mutilazzjoni ġenitali femminili u 13-il miljun aktar ta' żwiġijiet ta' minuri matul id-deċennju li ġej meta mqabbla mal-istimi ta' qabel il-pandemija;

5. Ifakkar li l-mutilazzjoni ġenitali femminili hija rikonoxxuta fuq livell internazzjonali bħala ksur tad-drittijiet tal-bniedem, u li l-istimi juru li hemm 125 miljun vittma fid-dinja kollha u 500 000 vittma fl-UE biss; jitlob li jitjieb il-ġbir tad-data u li tingħata assistenza lill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), lill-NGOs u lill-organizzazzjonijiet l-oħra attivi fl-eliminazzjoni tal-mutilazzjoni ġenitali femminili; jitlob li jsiru kampanji edukattivi u informattivi ta' portata wiesgħa u effiċjenti favur l-eliminazzjoni tal-mutilazzjoni ġenitali femminili fl-UE kif ukoll barra minnha;

6. Jitlob li jkun hemm aċċess sħiħ għall-assistenza fiżika u psikoloġika minn persunal sensittiv u mħarreġ mil-lat interkulturali; iħeġġeġ lill-pajjiżi kollha tal-UE jirratifikaw il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika; jistieden lill-Kummissjoni teżamina s-sinerġiji bejn il-programmi interni u esterni tal-UE biex tiżgura approċċ koerenti u fit-tul bil-għan li titwaqqaf il-mutilazzjoni ġenitali femminili kemm fl-UE kif ukoll barra minnha; itenni, b'mod partikolari, l-appelli biex jiġu integrati l-miżuri għall-prevenzjoni tal-mutilazzjoni ġenitali femminili fl-oqsma ta' politika kollha, speċjalment fil-qasam tas-saħħa, tal-ażil, tal-edukazzjoni u tal-impjiegi, kif ukoll fil-kooperazzjoni u fid-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-pajjiżi terzi;

7. Ifakkar li xi bniet li jgħixu fit-territorju tal-UE huma suġġetti wkoll għar-riskju li jiġu sottoposti għal mutilazzjoni ġenitali femminili waqt li jkunu qed iżuru l-pajjiżi ta' oriġini tagħhom, prinċipalment matul iż-żjarat tal-familja; iqis importanti li l-Istati Membri kollha, inklużi l-amministrazzjonijiet reġjonali u lokali, jaqsmu l-aħjar prattiki relatati mal-protokolli li jipprevjenu l-mutilazzjoni ġenitali femminili fuq il-bniet li jivvjaġġaw lejn pajjiżi jew reġjuni li fihom il-mutilazzjoni ġenitali femminili hija prattika mifruxa; jistieden lill-Istati Membri kollha li għadhom ma għamlux dan jintroduċu leġiżlazzjoni kriminali speċifika dwar il-mutilazzjoni ġenitali femminili sabiex jitħarsu l-vittmi u tkun tista' ssir prosekuzzjoni aktar effikaċi ta' dan ir-reat meta jiġi kommess barra mit-territorji tagħhom;

8. Jitlob li ma jkun hemm l-ebda tolleranza għall-vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru, inklużi t-traffikar, il-mutilazzjoni ġenitali femminili, iż-żwieġ prekoċi u furzat tal-minuri, l-abort furzat, l-abort abbażi tas-sess, l-isfruttament sesswali u riproduttiv u t-tjassir sesswali permezz tal-koerċizzjoni reliġjuża;

9. Jikkundanna kwalunkwe ksur tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati, inkluż in-nuqqas ta' forniment u ta' garanzija fil-prattika tal-aċċess għal edukazzjoni komprensiva dwar is-sesswalità, għas-servizzi tal-ippjanar tal-familja, għall-assistenza tas-saħħa materna, għas-servizzi ta' abort sikur u legali u għal informazzjoni preċiża u oġġettiva dwar is-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati; jitlob it-twettiq tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u tal-SDGs tan-Nazzjonijiet Uniti relatati mas-saħħa (għan nru 3), mal-edukazzjoni (għan nru 4) u mal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-emanċipazzjoni tan-nisa (għan nru 5);

10. Jistieden lill-Unjoni tappoġġja ċ-ċentri tas-saħħa u tal-ippjanar tal-familja fil-pajjiżi sħab biex ikunu jistgħu jiskambjaw l-informazzjoni u jkissru t-tabujiet rigward il-mestrwazzjonijiet, is-sesswalità u l-prokreazzjoni bl-involviment sħiħ ukoll tal-ġuvintur fil-ġlieda kontra l-isterjotipi u t-tabujiet; jisħaq fuq l-importanza li titjieb id-disponibbiltà ta' metodi kontraċettivi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, speċjalment għat-tfajliet adolexxenti, li huma f'riskju akbar ta' kumplikazzjonijiet f'każ ta' tqala; jafferma li n-nisa u t-tfajliet kollha għandhom id-dritt jagħmlu l-għażliet liberi u infurmati tagħhom fir-rigward tas-saħħa u tal-ħajja sesswali u riproduttiva tagħhom;

11. Ifakkar li l-kwalità tal-assistenza tas-saħħa materna hija indikazzjoni importanti tal-iżvilupp ta' pajjiż; jemmen li l-kooperazzjoni għall-iżvilupp għandha tgħin lill-pajjiżi sħab jirrispettaw id-dritt għas-saħħa fil-kuntest tat-tqala u tal-ħlas permezz tal-forniment ta' servizzi tas-saħħa materna dinjitużi li jnaqqsu b'mod effikaċi l-mortalità infantili, kif ukoll l-imwiet minħabba kumplikazzjonijiet waqt il-ħlas;

12. Jinsisti li l-programmi tal-edukazzjoni komprensiva dwar is-sesswalità huma importanti peress li jipprovdu informazzjoni xierqa skont l-età dwar il-pubertà, iċ-ċiklu mestrwali, it-tqala u l-ħlas, b'mod partikolari l-kontraċezzjoni, il-prevenzjoni tal-mard trażmess sesswalment; jitlob li l-programmi tal-edukazzjoni komprensiva dwar is-sesswalità jindirizzaw ukoll r-relazzjonijiet interpersonali, l-orjentament sesswali, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, in-normi tal-ġeneri, l-iskwilibriju tad-dinamiki tal-poter fir-relazzjonijiet, il-koerċizzjoni, il-vjolenza, ir-rispett tal-konfini ta' dak li jkun u ta' ħaddieħor, il-kunsens u l-awtostima; jissottolinja li l-programmi tal-edukazzjoni komprensiva dwar is-sesswalità jgħinu fil-prevenzjoni tat-tqala u taż-żwieġ prekoċi, li jwassal biex il-bniet jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien u jiġi esklużi mis-suq tax-xogħol, u jenfasizza li dawn il-programmi għandhom isiru kemm jista' jkun inklużivi; jitlob li jissaħħu l-isforzi biex il-bniet li saru ommijiet ikunu jistgħu jerġgħu lura l-iskola u jlestu l-perkors skolastiku tagħhom; jinsisti fuq il-ħtieġa biex tiġi miġġielda l-istigmatizzazzjoni li tagħha jisfaw vittma dawn il-bniet;

13. Jitlob il-parteċipazzjoni ta' bniet u nisa fl-edukazzjoni, peress li hija għodda indispensabbli għall-emaniċipazzjoni soċjali u ekonomika tan-nisa; jitlob li jiġi miġġieled l-assenteiżmu tal-bniet matul il-mestrwazzjonijiet tagħhom billi jissaħħaħ l-apparat ta' iġjene mestrwali fl-iskejjel, b'mod partikolari s-servizzi "WASH", u billi tiġi miġġielda l-istigmatizzazzjoni; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat aċċess għal infrastrutturi "WASH" adegwati fl-iskejjel biex tiġi żgurata s-saħħa sesswali u riproduttiva, kemm fir-rigward tal-kontraċezzjoni, tat-tqala, tal-ħlas, tal-abort, tal-mard trażmess sesswalment jew tal-iġjene mestrwali;

14. Ifakkar li l-pandemija tal-COVID-19 u l-lockdowns relatati wasslu għall-għeluq tal-iskejjel, għall-iżolament tan-nisa u tal-bniet, għaż-żieda fin-numru ta' relazzjonijiet abbużivi b'mod notevoli, għal każijiet ta' vjolenza fiżika, għat-tqala u għaż-żwieġ prekoċi u għal limitazzjonijiet tal-aċċess għall-appoġġ u għas-servizzi tas-saħħa; jitlob lill-UE trawwem l-edukazzjoni komprensiva dwar is-sesswalità, is-servizzi tal-ippjanar tal-familja u l-assistenza tas-saħħa materna bħala komponent strateġiku tal-appoġġ tagħha għas-sistemi tal-assistenza tas-saħħa u soċjali fil-pajjiżi sħab, bħala parti mir-risposta globali għall-COVID-19; ifakkar fir-rwol tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi, fosthom dawk relatati man-nisa, bħala fornituri tas-servizzi u difensuri tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati, u jisħaq fuq il-fatt li dawn l-organizzazzjonijiet għandhom jiġu appoġġjati mill-UE, kemm finanzjarjament kif ukoll politikament;

15. Jitlob li jiġi sfruttat il-potenzjal tal-istrumenti ta' komunikazzjoni bħar-radju, it-televiżjoni u t-telefon iżda wkoll tal-istrumenti diġitali, inklużi n-networks soċjali u s-servizzi ta' messaġġi, biex jitjieb l-aċċess taż-żgħażagħ għall-edukazzjoni sesswali b'mod partikolari biex jitjieb l-għarfien tagħhom ta' mard trażmess sesswalment u tar-riskji relatati mat-tqala f'età prematura; iqis li dan se jeħtieġ attenzjoni biex jiġu indirizzati l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri fl-aċċess għas-servizzi diġitali kif ukoll il-fastidju online u l-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet fuq l-internet;

16. Ifakkar li l-abort sikur u legali huwa bbażat fuq is-saħħa u d-drittijiet tan-nisa u tat-tfajliet adolexxenti; iwissi dwar ir-regressjoni inkwetanti f'dawk li huma d-drittijiet tal-mara fuq ġisimha kemm fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw kif ukoll fl-UE; ifakkar li, skont id-data rrapportata mid-WHO, madwar 45 % tal-aborti kollha li jsiru fid-dinja bejn l-2010 u l-2014 mhuwiex sikur, il-kważi totalità tagħhom ssir fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, madwar 7 miljun mara huma rikoverati kull sena fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw minħabba abort mhux sikur u kważi l-imwiet u d-diżabbiltajiet kollha kkawżati minn aborti setgħu ġew evitati bis-saħħa tal-edukazzjoni sesswali, l-użu ta' kontraċettivi effikaċi, id-disponibbiltà ta' aborti prokurati sikuri u legali u assistenza puntwali fl-eventwalità ta' kumplikazzjonijiet; jitlob li jitneħħew l-ostakli għall-aċċess għal abort sikur, bħal liġijiet ristrettivi, disponibbiltà skarsa ta' servizzi, spejjeż għoljin u stigmatizzazzjoni; ifakkar li kull pajjiż analizzat mill-Atlas tal-Kontraċezzjoni tal-2019 jeħtieġ li jagħmel aktar biex itejjeb l-aċċess għall-informazzjoni u l-provvisti ta' kontraċettivi sabiex in-nies ikollhom għażla matul il-ħajja riproduttiva tagħhom; jisħaq fuq il-ħtieġa tal-implimentazzjoni sħiħa tal-Protokoll ta' Maputo, speċjalment l-Artikolu 14 tiegħu u d-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing;

17. Jappella biex il-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (GAP III) jagħti aktar importanza lill-qasam ta' politika tematiku tiegħu relatat mas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati minħabba l-impatt enormi tal-pandemija tal-COVID-19 fuq in-nisa u l-bniet fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jissottolinja l-importanza li tissaħħaħ il-promozzjoni tad-dritt ta' kull individwu li jkollu kontroll sħiħ fuq kwistjonijiet relatati mas-sesswalità u mas-saħħa sesswali u riproduttiva tiegħu, kif ukoll li jiddeċiedi b'mod liberu u responsabbli dwarhom;

18. Jistieden lill-Istati Membri tal-UE jimpenjaw ruħhom għall-għanijiet tal-GAP III, b'mod partikolari dawk fir-rigward tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati, fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tagħhom; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jħejju "pjanijiet ta' implimentazzjoni fil-livell ta' pajjiż" li jagħtu prijorità lis-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati, bl-applikazzjoni ta' indikaturi li jistgħu jitkejlu u bl-inklużjoni ta' mekkaniżmi ta' monitoraġġ; jitlob lid-delegazzjonijiet tal-UE jagħtu prijorità lill-azzjonijiet relatati mas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati fl-implimentazzjoni tagħhom tal-GAP III;

19. Jinnota li l-amministrazzjonijiet reġjonali u lokali, bħala l-amministrazzjonijiet l-eqreb tar-residenti u tas-soċjetà ċivili, jistgħu jiżvolġu rwol fundamentali biex jiżguraw li ħadd ma jitħalla lura matul l-implimentazzjoni tal-qasam ta' politika tematiku marbut mas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati tal-GAP III; iqis li, biex jiġi żgurat li ħadd ma jitħalla lura, il-qasam ta' politika tematiku marbut mas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati tal-GAP III għandu jiżgura li l-ebda mara jew tifla tkun iddiskriminata minħabba l-appartenenza tagħha għal ċerta klassi soċjali, etnija, reliġjon, razza jew kategorija ta' diżabilità jew minħabba l-orjentament sesswali tagħha;

20. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jiżguraw finanzjamenti adegwati u mmirati tajjeb favur is-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati fil-politika tagħhom ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp u fl-istrumenti ta' azzjoni esterna tagħhom, bħall-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali; jitlob, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Istati Membri jikkunsidraw is-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati bħala prijorità fil-proċess ta' programmazzjoni tal-UE, inkluż fil-programmazzjoni konġunta;

21. Jisħaq li huwa essenzjali li jiġi żgurat li l-politika dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp tinvolvi lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li huma direttament implikati fid-difiża tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jitlob l-inklużjoni tal-perspettiva tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-azzjonijiet ta' għajnuna umanitarja tal-UE u tal-Istati Membri, kif ukoll perspettiva dwar is-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati, peress li l-aċċess għall-assistenza tas-saħħa sesswali u riproduttiva huwa ħtieġa bażika tal-persuni fis-sitwazzjonijiet ta' kriżi umanitarja;

22. Jemmen li jeħtieġ li l-UE tiffaċilita l-integrazzjoni tas-servizzi marbuta mas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati fl-istrateġiji u fil-politiki nazzjonali tas-saħħa pubblika tal-pajjiżi sħab; ifakkar bi tħassib li dawk li ma jarawx sodisfatti il-bżonnijiet tagħhom f'termini ta' servizzi marbuta mas-saħħa sesswali u riproduttiva huma speċjalment l-adolexxenti, il-persuni mhux miżżewġin, il-persuni LGBTIQ, il-persuni b'diżabbiltà, il-membri tal-minoranzi u tal-gruppi minoritarji etniċi u l-foqra f'kuntesti urbani u rurali; jenfasizza li s-servizzi marbuta mas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati għandhom ikunu reattivi għal kwistjonijiet ta' ġeneru, ibbażati fuq id-drittijiet, ikunu adatti għaż-żgħażagħ u għad-dispożizzjoni ta' kulħadd, indipendentement mill-età, is-sess, l-identità tal-ġeneru, l-orjentament sesswali, ir-razza, il-klassi soċjali, ir-reliġjon, l-istat ċivili, ir-riżorsi ekonomiċi, l-oriġini nazzjonali jew soċjali jew id-diżabbiltajiet, anki fil-kuntest ta' kriżijiet umanitarji u waqt il-kunflitti u d-diżastri;

23. Ifakkar li fl-Afrika sub-Saħarjana n-nisa huma aktar f'riskju li jiġu infettati bl-HIV u li dan jagħmilhom saħansitra aktar vulnerabbli għall-kanċer tal-għonq tal-utru; jinsisti fuq il-ħtieġa li tiġi inkluża dimensjoni tal-ġeneru fil-politiki tas-saħħa pubblika u fil-kampanji ta' sensibilizzazzjoni sabiex jittieħed kont tal-mard li jolqot b'mod partikolari n-nisa u l-bniet;

24. Jistieden lill-Istati Membri jiġġieldu kontra d-diskriminazzjoni fis-servizzi marbuta mas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati u jużaw approċċ intersezzjonali biex jiżguraw li n-nisa u l-bniet (kemm transġeneru kif ukoll ċisġeneru), il-persuni mhux binarji, il-leżbjani u n-nisa bisesswali u intersesswali jgawdu minn aċċess indaqs għas-servizzi u għad-drittijiet relatati mas-saħħa sesswali u riproduttiva;

25. Jistieden lill-Istati Membri jaħdmu favur projbizzjoni fil-livell tal-UE u mad-dinja kollha tal-hekk imsejħa terapija ta' konverżjoni peress li hija prattika dannuża li tikser id-drittijiet fundamentali tan-nisa u tal-bniet LGBTIQ;

26. Ifakkar li n-nisa u l-bniet huma partikolarment esposti għar-riskju ta' stupru u vjolenza sesswali fir-reġjuni milquta minn kriżijiet, kemm jekk marbuta mal-kunflitti, mad-diżastri naturali kif ukoll mal-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima; jistieden lill-Unjoni Ewropea tintensifika l-ġlieda kontra l-użu tal-istupru bħala arma tal-gwerra u tiggarantixxi lill-vittmi aċċess għas-servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva;

27. Itenni l-appell tiegħu liż-żewġ partijiet tal-ftehim il-ġdid bejn l-UE u l-Organizzazzjoni tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (OACPS), kif ukoll liż-żewġ partijiet tal-Istrateġija UE-Afrika u liż-żewġ partijiet tas-Sħubija Strateġika UE-Amerka Latina, jimpenjaw ruħhom favur il-promozzjoni, il-protezzjoni u t-twettiq tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati mingħajr diskriminazzjoni, koerċizzjoni u vjolenza u favur l-implimentazzjoni sħiħa tal-Programm ta' Azzjoni tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp u tal-konklużjonijiet tal-konferenzi ta' rieżami tagħha; jistieden lill-Kummissjoni tqis is-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati meta tinnegozja u tinforza l-klawżoli relatati mad-drittijiet tal-bniedem fil-ftehimiet kummerċjali;

28. Ifakkar li dawk li jfittxu ażil u r-rifuġjati spiss jisfaw vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, tal-vjolenza sesswali u tal-prostituzzjoni furzata; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li dawk li jfittxu ażil u r-rifuġjati jiltaqgħu ma' aktar problemi meta jaċċedu għall-assistenza tas-saħħa materna, għall-metodi kontraċettivi, għall-abort sikur u għas-servizzi ta' prevenzjoni tal-mard trażmess sesswalment; jinsisti li l-aċċess effikaċi għas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati għal dawn il-popolazzjonijiet huwa kruċjali għas-sopravivenza tagħhom;

29. Jitlob li jiġi żgurat li n-nisa jistgħu jemanċipaw ruħhom biex jagħmlu użu sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem u ġuridiċi tagħhom, inkluż l-aċċess għall-istatus ġuridiku pereżempju permezz tar-reġistrazzjoni tat-twelid, tad-drittijiet tas-suċċessjoni għan-nisa u l-bniet relatata mal-proprjetà u tal-aċċess għall-art, għall-kapital u għall-mikrofinanzjamenti; jisħaq li tali emanċipazzjoni ekonomika jista' jkollha riperkussjonijiet pożittivi fuq il-kapaċità tagħhom li jeżerċitaw b'mod sħiħ id-drittijiet tagħhom fl-ambiti kollha.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

25.2.2021

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

20

4

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Anna-Michelle Asimakopoulou, Hildegard Bentele, Dominique Bilde, Catherine Chabaud, Antoni Comín i Oliveres, Ryszard Czarnecki, Charles Goerens, Mónica Silvana González, Pierrette Herzberger-Fofana, György Hölvényi, Rasa Juknevičienė, Beata Kempa, Pierfrancesco Majorino, Erik Marquardt, Norbert Neuser, Janina Ochojska, Jan-Christoph Oetjen, Michèle Rivasi, Christian Sagartz, Marc Tarabella, Tomas Tobé, Miguel Urbán Crespo, Chrysoula Zacharopoulou, Bernhard Zimniok

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Evin Incir

 


 

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

20

+

PPE

Anna-Michelle Asimakopoulou, Hildegard Bentele, Janina Ochojska, Christian Sagartz, Tomas Tobé

S&D

Mónica Silvana González, Evin Incir, Pierfrancesco Majorino, Norbert Neuser, Marc Tarabella

RENEW

Catherine Chabaud, Charles Goerens, Jan-Christoph Oetjen, Chrysoula Zacharopoulou

ID

Dominique Bilde

VERTS/ALE

Pierrette Herzberger-Fofana, Erik Marquardt, Michèle Rivasi

THE LEFT

Miguel Urbán Crespo

NI

Antoni Comín i Oliveres

 

4

-

PPE

György Hölvényi

ID

Bernhard Zimniok

ECR

Ryszard Czarnecki, Beata Kempa

 

1

0

PPE

Rasa Juknevičienė

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

 

 


 

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

11.5.2021

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

27

6

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Isabella Adinolfi, Simona Baldassarre, Robert Biedroń, Vilija Blinkevičiūtė, Annika Bruna, Margarita de la Pisa Carrión, Rosa Estaràs Ferragut, Frances Fitzgerald, Cindy Franssen, Heléne Fritzon, Lina Gálvez Muñoz, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Karen Melchior, Andżelika Anna Możdżanowska, Sandra Pereira, Pina Picierno, Sirpa Pietikäinen, Samira Rafaela, Evelyn Regner, Diana Riba i Giner, Eugenia Rodríguez Palop, María Soraya Rodríguez Ramos, Christine Schneider, Sylwia Spurek, Jessica Stegrud, Isabella Tovaglieri, Ernest Urtasun, Hilde Vautmans, Elissavet Vozemberg-Vrionidi, Chrysoula Zacharopoulou, Marco Zullo

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Maria da Graça Carvalho, Predrag Fred Matić, Kira Marie Peter-Hansen


 


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

27

+

PPE

Isabella Adinolfi, Maria da Graça Carvalho, Frances Fitzgerald, Cindy Franssen, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Sirpa Pietikäinen, Christine Schneider, Elissavet Vozemberg-Vrionidi

RENEW

Karen Melchior, Samira Rafaela, María Soraya Rodríguez Ramos, Hilde Vautmans, Chrysoula Zacharopoulou, Marco Zullo

S&D

Robert Biedroń, Vilija Blinkevičiūtė, Heléne Fritzon, Lina Gálvez Muñoz, Predrag Fred Matić, Pina Picierno, Evelyn Regner

VERTS/ALE

Kira Marie Peter-Hansen, Diana Riba i Giner, Sylwia Spurek, Ernest Urtasun

THE LEFT

Sandra Pereira, Eugenia Rodríguez Palop

 

6

-

PPE

Rosa Estaràs Ferragut

ID

Simona Baldassarre, Annika Bruna, Isabella Tovaglieri

ECR

Andżelika Anna Możdżanowska, Margarita de la Pisa Carrión

 

1

0

ECR

Jessica Stegrud

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

 

Aġġornata l-aħħar: 11 ta' Ġunju 2021
Avviż legali - Politika tal-privatezza