RAPPORT fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill dwar il-75 u s-76 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti

26.5.2021 - (2020/2128(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteur: María Soraya Rodríguez Ramos


Proċedura : 2020/2128(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A9-0173/2021
Testi mressqa :
A9-0173/2021
Testi adottati :

ABBOZZ TA' RAKKOMANDAZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

lill-Kunsill dwar il-75 u s-76 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti

(2020/2128(INI))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

 wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari l-Artikoli 21, 34 u 36 tiegħu,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, u b'mod partikolari l-preambolu u l-Artikolu 18 tagħha, kif ukoll il-Konvenzjonijiet tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-protokolli fakultattivi tagħhom,

 wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2018 lill-Kunsill dwar it-73 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti[1],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tat-3 ta' Mejju 2011 dwar il-parteċipazzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-ħidma tan-Nazzjonijiet Uniti, li tagħti d-dritt lill-UE biex tintervjeni fl-Assemblea Ġenerali tan-NU, biex tippreżenta proposti u emendi orali li jistgħu jitressqu għall-votazzjoni fuq talba ta' Stat Membru, u biex teżerċita d-dritt ta' replika,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2019 dwar l-azzjoni tal-UE biex jissaħħaħ il-multilateraliżmu bbażat fuq ir-regoli,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill, tat-13 ta' Lulju 2020, dwar il-prijoritajiet tal-UE fin-Nazzjonijiet Uniti u l-75 Assemblea Ġenerali tan-NU (Settembru 2020-Settembru 2021),

 wara li kkunsidra d-diskors tal-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel tal-25 ta' Settembru 2020 fl-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar "Unjoni Ewropea aktar b'saħħitha u aktar awtonoma li tixpruna dinja aktar ġusta",

 wara li kkunsidra l-artiklu ta' opinjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà ppubblikat fit-22 ta' Settembru 2020 intitolat "L-UE Tappoġġa lin-NU",

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar il-kommemorazzjoni tal-75 anniversarju tan-Nazzjonijiet Uniti, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fis-16 ta' Settembru 2020,

 wara li kkunsidra l-Istrateġija Globali tal-UE għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea ta' Ġunju 2016,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar ir-Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni[2],

 wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti,

 wara li kkunsidra r-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa, li saret f'Beijing f'Settembru 1995, id-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni għat-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa adottati f'Beijing u d-dokumenti ta' eżitu sussegwenti tas-sessjonijiet speċjali tan-NU Beijing +5, +10, +15 u +20 dwar azzjonijiet u inizjattivi ġodda għall-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing, adottati fid-9 ta' Ġunju 2000, fil-11 ta' Marzu 2005, fit-2 ta' Marzu 2010 u fid-9 ta' Marzu 2015, rispettivament,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni dwar il-Patt Globali għal Migrazzjoni Sikura, Ordnata u Regolari, approvata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fid-19 ta' Diċembru 2018,

 wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali tas-17 ta' Lulju 1998,

 wara li kkunsidra l-20 anniversarju tar-Riżoluzzjoni 1325 (2000) tan-NU adottata mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fil-31 ta' Ottubru 2000 dwar ir-rwol importanti tan-nisa fil-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-konflitti, fin-negozjati għall-paċi, fil-konsolidazzjoni tal-paċi, fiż-żamma tal-paċi, fir-rispons umanitarju u fir-rikostruzzjoni wara l-konflitti,

 wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà (WPS) 2019-2024, u jenfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni sħiħa tal-aġenda dwar id-WPS bħala kwistjoni trasversali fil-kwistjonijiet kollha tal-paċi u s-sigurtà,

 wara li kkunsidra r-rapporti tal-Espert Indipendenti tan-NU dwar il-protezzjoni kontra l-vjolenza u d-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 2532 (2020) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-waqfien mill-ġlied fil-kuntest tal-pandemija tal-marda tal-coronavirus (COVID-19) u l-appoġġ għall-appell tas-Segretarju Ġenerali tan-NU António Guterres għal waqfien mill-ġlied globali,

 wara li kkunsidra l-Istrateġija Globali tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra t-Terroriżmu adottata mill-Assemblea Ġenerali f'Settembru 2006, u li dalwaqt se tiġi aġġornata għas-seba' darba,

 wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (TKA),

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2018 dwar Sistemi ta' Armi Awtonomi[3],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar l-Operazzjonijiet ta' Appoġġ għall-Paċi – l-involviment tal-UE man-NU u l-Unjoni Afrikana[4],

 wara li kkunsidra l-Artikolu 118 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0173/2021),

A. billi n-Nazzjonijiet Uniti din is-sena tiċċelebra l-75 anniversarju tagħha; billi n-NU wriet li hija forum universali essenzjali għall-bini ta' kunsens internazzjonali dwar il-paċi u s-sigurtà, l-iżvilupp sostenibbli u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt internazzjonali; billi hija wkoll fornitur ewlieni ta' appoġġ għal stati fraġli u komunitajiet vulnerabbli fil-bini tal-istat u fir-riżoluzzjoni tal-konflitti; billi t-tensjonijiet politiċi li qed jiżdiedu qed ifixklu l-aġenda tan-NU; billi l-kisbiet u r-rwol indispensabbli tan-NU spiss jiġu injorati fi tfittxija minn xi pajjiżi biex javvanzaw deċiżjonijiet unilaterali; billi huwa importanti għall-UE u l-Istati Membri tagħha, li jiżguraw li n-NU tibqa' forum effiċjenti u effikaċi għall-benefiċċju tal-komunità internazzjonali, u li tkun tista' tkompli twettaq l-isfidi globali preżenti u futuri, li jistgħu jinkisbu biss permezz tal-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-NU u tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u tas-soluzzjonijiet multilaterali; billi t-tliet pilastri tan-NU huma (i) il-paċi u s-sigurtà, (ii) l-iżvilupp, id-drittijiet tal-bniedem, u (iii) l-istat tad-dritt, u huma inseparabbli u jsaħħu lil xulxin b'mod reċiproku; billi d-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt qed isibu ruħhom taħt theddida dejjem tikber f'reġjuni differenti tad-dinja, u billi l-ispazju għas-soċjetà ċivili qed jiċkien f'ħafna Stati Membri tan-NU; billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem qed jiffaċċjaw dejjem aktar theddid għall-ħidma leġittima tagħhom f'livell globali f'kuntest fejn ir-restrizzjonijiet u l-lockdowns marbuta mal-COVID-19 naqqsu r-rappurtar u l-monitoraġġ tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-istati għandhom ir-responsabbiltà li jieħdu azzjoni biex jiggarantixxu li l-persuni, il-komunitajiet lokali u l-gruppi tal-popolazzjoni kollha jkollhom id-dritt għat-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom f'konformità mal-objettivi fundamentali u l-prinċipji gwida tan-NU kif minquxa fil-Karta ta' Twaqqif tagħha tal-1945 u fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU; billi s-salvagwardja u l-promozzjoni tal-paċi u s-sigurtà, l-iżvilupp sostenibbli u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem huma fost il-prinċipji ewlenin tan-NU; billi rapporti reċenti tan-NU indikaw li diversi Stati Membri tan-NU qed jiksru u jdgħajfu b'mod sistematiku d-drittijiet tal-bniedem; billi l-iskop oriġinali tan-NU – iż-żamma tal-paċi – ġie kkontestat minn kriżijiet kumplessi u kontinwi;

B. billi l-pandemija tal-COVID-19 kixfet il-ħtieġa urġenti għall-bini ta' kapaċità reżiljenti madwar il-komunità internazzjonali u għall-ħtieġa ta' djalogu u kooperazzjoni multilaterali mill-qrib, b'attenzjoni partikolari għall-aċċess għall-beni pubbliċi; billi r-rwol, l-għarfien espert u l-integrità tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) huma, speċjalment issa, ta' importanza kruċjali għall-koordinazzjoni u l-isforzi globali fil-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19; billi d-WHO trid tkompli tavvanza l-kapaċità tagħha li timmaniġġa l-pandemija attwali u r-riskji futuri tal-pandemija; billi l-Aġenda 2030 u l-SDGs jipprovdu pjan direzzjonali ċentrali għall-irkupru u l-azzjoni, diġà vvalidat mill-komunità internazzjonali; billi l-COVID-19 x'aktarx li se taċċellera x-xejriet negattivi – inkluż it-theddid għad-demokrazija, għall-istat tad-dritt u għad-drittijiet tal-bniedem, speċjalment id-drittijiet tan-nisa u tat-tfal u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri – sakemm ma titteħidx azzjoni politika rapida, sinifikanti u sostanzjali f'livell globali; billi l-iskrutinju parlamentari fuq id-deċiżjonijiet tal-gvern huwa importanti wkoll bil-ħsieb li jiġi żgurat rispett strett għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali taċ-ċittadini; billi l-kooperazzjoni tal-UE u n-NU hija kruċjali fil-ġlieda kontra dawn ix-xejriet; billi l-pandemija enfasizzat il-fatt li l-promozzjoni tas-saħħa universali mhijiex biss imperattiv morali, iżda wkoll prerekwiżit għall-benesseri u l-iżvilupp ekonomiku u soċjali, kif ukoll għall-emanċipazzjoni tal-persuni kollha, b'mod partikolari dawk l-aktar vulnerabbli; billi l-pandemija enfasizzat ukoll l-importanza li jsir investiment akbar u aħjar fl-indirizzar tal-ħtiġijiet kritiċi tas-saħħa fil-livell globali;

C. billi d-WHO, bħala l-awtorità eżekuttiva tan-NU li tikkoordina l-azzjoni tas-saħħa fi ħdan is-sistema tan-NU, tipprovdi tmexxija fi kwistjonijiet dinjija tas-saħħa; billi s-sitt punti fokali tal-aġenda tas-saħħa u l-iżvilupp tad-WHO għas-seklu 21 jinkludu l-użu tajjeb tar-riċerka, l-informazzjoni u l-evidenza, u t-tisħiħ tal-alleanzi permezz ta' appoġġ u kooperazzjoni fost is-sħab, inklużi korpi fi ħdan in-NU u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra, donaturi, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u s-settur privat;

D. billi n-NU tipprovdi forum importanti għal djalogu inklużiv fost id-debituri sovrani, il-kredituri u partijiet ikkonċernati oħra;

E. billi s-Segretarju Ġenerali tan-NU wera tmexxija eċċellenti fil-progress tar-riforma tan-NU; billi huma meħtieġa aktar miżuri kuraġġużi u determinazzjoni politika biex jiġu indirizzati kwistjonijiet pendenti ewlenin, b'mod partikolari r-riforma tal-istruttura tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; billi l-UE u l-Istati Membri tagħha, bħala l-akbar kontributuri finanzjarji tan-NU, meħuda flimkien, urew impenn importanti favur multilateraliżmu effettiv permezz tal-appoġġ politiku, simboliku u finanzjarju tagħhom lin-NU, bl-għan ewlieni tal-qerda tal-faqar, il-promozzjoni tal-paċi u l-istabbiltà fit-tul, id-difiża tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġlieda kontra t-traffikar u l-għoti tal-assistenza umanitarja lill-popolazzjonijiet, lill-pajjiżi u lir-reġjuni li jiffaċċjaw kull tip ta' kriżi, kemm dik naturali kif ukoll dik ikkawżata mill-bniedem; billi l-problema ta' finanzjament adegwat tas-sistema tan-NU għadha sfida; billi l-UE għandha tistieden lin-NU biex tagħmel aktar fit-tfittxija tagħha għal riforma li se tinkludi aktar nisa, żgħażagħ u persuni b'diżabilità fost il-persunal u t-tmexxija tagħha, u tqajjem kuxjenza dwar l-intersezzjonalità fl-istrutturi tan-NU;

1. Jirrakkomanda li l-Kunsill:

(a) ikompli bir-rekord importanti tiegħu ta' appoġġ għal multilateraliżmu effettiv, għal organizzazzjonijiet multilaterali effiċjenti u trasparenti, u f'appoġġ lin-NU b'mod partikolari bħala forum indispensabbli għal soluzzjonijiet multilaterali tal-isfidi globali u għas-sensibilizzazzjoni tal-politika, id-djalogu politiku u l-bini ta' kunsens madwar il-komunità internazzjonali; il-Parlament jilqa' l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2020 dwar il-prijoritajiet tal-UE fin-NU u l-75 Assemblea Ġenerali tan-NU, meqjusa bħala fora effettivi għall-promozzjoni tal-valuri universali li huma wkoll il-valuri ewlenin tal-UE; jafferma mill-ġdid li l-UE u l-Istati Membri tagħha jikkondividu l-valuri u l-prinċipji tal-Karta tan-NU u għandhom rwol essenzjali fil-promozzjoni ta' dawn il-prinċipji u l-objettivi tan-NU fl-azzjoni esterna tal-UE; hu tal-fehma li l-UE teħtieġ sħab globali u reġjonali sabiex tilħaq b'suċċess l-objettivi tal-politika estera tagħha, jiġifieri fl-oqsma tal-paċi u s-sigurtà, il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata, il-konflitti reġjonali u fil-ġlieda kontra Stati falluti u l-proliferazzjoni tal-armi ta' qerda massiva, jemmen li l-UE għandha ssaħħaħ l-attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni tagħha biex tiżviluppa sħubijiet usa' għall-appoġġ tal-multilateraliżmu effettiv u għandha tikkunsidra li tinkludi diskussjonijiet iffukati fuq multilateraliżmu effettiv fid-djalogi strutturati kollha mas-sħab tagħha; jinnota wkoll li l-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, kif stabbilit fl-Artikolu 2 tat-TUE u li l-promozzjoni ta' dawn il-valuri esternament, l-avvanz tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem għandhom ikunu fil-qalba tal-politika estera u ta' sigurtà komuni tal-UE, f'konformità mal-Artikolu 21 tat-TUE u l-interessi strateġiċi tal-Unjoni, u li dan għandu jiġi rifless ukoll, b'mod effettiv u koerenti, fl-oqsma kollha tar-relazzjonijiet tal-Unjoni mal-pajjiżi u l-istituzzjonijiet mhux tal-UE u fl-objettivi segwiti mill-UE fis-Sistema tan-NU, b'attenzjoni partikolari fir-rigward tal-implimentazzjoni tad-Dritt Internazzjonali; hu tal-fehma, għalhekk, li l-Kunsill għandu jappoġġa l-attivitajiet kollha biex il-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem jinżammu fil-quċċata tal-aġenda tan-NU fid-dawl tal-isforzi biex tiġi mminata d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u dispożizzjonijiet rilevanti oħra tan-NU billi jiġu subordinati d-drittijiet tal-bniedem individwali għall-allegat benessri tas-soċjetajiet kollha; jappoġġa azzjonijiet konkreti f'dan ir-rigward biex tissaħħaħ l-arkitettura tan-NU;

(b) ikun tal-fehma li, f'kuntest multipolari fejn xi pajjiżi qed jippromwovu multilateraliżmu selettiv aktar milli multilateraliżmu effettiv minsuġ fil-valuri universali, l-UE għandha tfittex li tippromwovi impenn akbar u mingħajr kundizzjonijiet mill-membri tan-NU għall-valuri universali, sistema bbażata fuq ir-regoli u s-supremazija tad-drittijiet tal-bniedem fl-oqsma kollha ta' politika; il-Parlament jappella għall-promozzjoni tal-integrazzjoni ta' tali valuri fl-oqsma kollha tal-politika u tal-ipprogrammar tan-NU, f'kooperazzjoni mill-qrib ma' pajjiżi tal-istess fehma, bil-ħsieb li jsir progress fid-djalogu politiku u fis-soluzzjonijiet ta' politika, fl-implimentazzjoni u l-integrazzjoni tal-kapaċità, filwaqt li jitqies li n-NU hija organizzazzjoni intergovernattiva, li teħtieġ il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-Istati Membri tan-NU; jistieden lill-Kunsill jaħtaf l-opportunità tal-Amministrazzjoni attwali tal-Istati Uniti u jkompli jikkomunika mal-Istati Uniti dwar kwistjonijiet politiċi u ta' politika ta' interess komuni u jżomm kapaċità ta' djalogu u sħubija biex jerġa' jibni u jippreserva l-potenzjal tas-Sħubija Trans-Atlantika u l-kooperazzjoni fis-Sistema tan-NU għall-futur; ifaħħar, f'dan ir-rigward, is-"Summit dinji għad-Demokrazija biex jiġġedded l-ispirtu u l-iskop komuni tan-nazzjonijiet tad-dinja l-ħielsa" propost mill-President tal-Istati Uniti Joe Biden u jitlob lill-Kunsill jipparteċipa fl-organizzazzjoni ta' dan is-Summit, bil-għan li jlaqqa' flimkien id-demokraziji tad-dinja sabiex jissaħħu l-istituzzjonijiet demokratiċi u jiġu promossi l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Kunsill biex bl-istess mod isegwi aktar ir-rekord tajjeb ta' djalogu mill-qrib u kooperazzjoni mar-Renju Unit bħala membru permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;

(c) ikompli bl-isforzi tiegħu biex jippermetti lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jitkellmu b'vuċi waħda fin-NU u f'fora multilaterali oħra u jagħmel il-politika estera u ta' sigurtà tal-UE aktar effettiva u proattiva billi juża r-regola tal-votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill sabiex issaħħaħ il-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet ta' interess strateġiku ewlieni għall-UE jew f'riflessjoni tal-valuri fundamentali tagħha, peress li dan huwa l-uniku mod li bih l-Unjoni jista' jkollha rwol ewlieni fix-xena internazzjonali u tuża l-influwenza tagħha biex twassal għal bidliet pożittivi u risponsi aħjar għal sfidi globali, b'referenza partikolari għall-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (KSNU) u r-rekord tajjeb ta' kooperazzjoni mal-membru permanenti u b'rotazzjoni tal-KSNU li huma Stati Membri tal-UE, mal-Assemblea Ġenerali tan-NU (AĠNU) u mal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem (HRC); il-Parlament ifaħħar ir-rwol eċċellenti tas-SEAE u tad-delegazzjonijiet tiegħu, kif ukoll tad-delegazzjonijiet tal-Istati Membri tal-UE, fil-faċilitazzjoni ta' tali djalogu u kooperazzjoni; hu tal-fehma li, sabiex tħares l-objettivi u l-interessi tagħha, l-UE għandha tfittex li tasal għal pożizzjonijiet komuni dwar kwistjonijiet quddiem il-Kunsill tas-Sigurtà permezz ta' koordinazzjoni fi ħdan il-Kunsill u fost l-istituzzjonijiet tal-UE; f'konformità mal-Artikolu 34 tat-TUE, sabiex jitjiebu l-koerenza u l-kredibbiltà tal-UE fil-livell tan-NU; ifakkar li l-UE hija rappreżentata fin-NU minn diversi atturi;

(d) ikompli jsaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NU dwar it-tfassil ta' strumenti biex tiġi indirizzata l-problema rikorrenti tal-vjolenza relatata mal-elezzjonijiet, inkluż billi tibni fuq l-esperjenza tal-Missjonijiet ta' Osservazzjoni Elettorali tal-Parlament Ewropew;

(e) ifakkar li d-dewmien fil-ħlas tal-kontribuzzjonijiet ivvalutati minn diversi Stati Membri għandu effetti estremament negattivi fuq il-ħidma tan-NU u għalhekk mhuwiex aċċettabbli;

(f) jappoġġa l-isforzi kollha biex l-aġenda dwar il-kontroll tal-armi u d-diżarm terġa' titqiegħed fuq l-aġenda internazzjonali u jħeġġeġ li t-trasferimenti ta' armi konvenzjonali bejn l-Istati Membri tan-NU jikkonformaw bis-sħiħ mal-kriterji tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (TKA); jikkonvinċi lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jadotta, kif iddikjarat fil-Kodiċi ta' Kondotta tal-UE dwar l-esportazzjoni tal-armi, qafas legali vinkolanti li jipprojbixxi l-esportazzjoni u l-bejgħ ta' armi u teknoloġiji ta' sorveljanza ċibernetika li l-għan tagħhom huwa li jitwettqu delitti tal-gwerra u/jew it-trażżin tad-dissens intern; itenni li multilateraliżmu effettiv u ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli huma prekundizzjoni għall-avvanz tad-diżarm u għall-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-armi ta' qerda massiva; jafferma mill-ġdid l-appoġġ sħiħ tal-UE u l-Istati Membri tagħha għal trattati internazzjonali eżistenti, fost l-oħrajn, it-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (TNP), it-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta' Provi (CTBT), il-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi (CWC), il-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi u Tossiniċi (BTWC), it-TKA, il-Konvenzjonijiet dwar il-Munizzjonijiet Dispersivi u dwar il-Projbizzjoni tal-Mini Kontra l-Persunal u l-promozzjoni ta' sforzi għall-iżvilupp ta' dikjarazzjoni politika dwar Armi Splussivi f'Żoni Popolati (EWIPA), kif ukoll definizzjoni ċara ta' armi awtonomi; il-Parlament iħeġġeġ lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli, lill-Istati Membri u lill-Kunsill biex jaħdmu lejn il-bidu ta' negozjati internazzjonali dwar strument legalment vinkolanti li jipprojbixxi sistemi ta' armi awtonomi letali mingħajr kontroll uman sinifikanti; jirrakkomanda li l-Kunsill iħeġġeġ lill-potenzi nukleari ewlenin biex iwaqqfu l-irtirar tagħhom mir-reġim tal-kontroll tal-armi u biex jiksbu progress fit-taħditiet dwar il-kontroll tal-armi nukleari; jirrakkomanda li l-Kunsill iħeġġeġ lill-Istati Uniti u lir-Russja biex jibdew jibnu fiduċja reċiproka u kunfidenza sabiex jerġa' jibda d-djalogu dwar modi kif tinbena relazzjoni ġdida ta' kontroll tal-armi possibbli; hu tal-fehma li l-UE għandha tappoġġa l-ħidmiet tal-Grupp ta' Ħidma dwar l-Ispazju Extratmosferiku tal-Kummissjoni dwar id-Diżarm tan-NU dwar l-implimentazzjoni prattika ta' miżuri ta' trasparenza u ta' bini ta' fiduċja f'attivitajiet fl-ispazju extratmosferiku; hu tal-fehma li l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU għandu jipprovdi opportunità siewja biex jiġu definiti standards u twissijiet komuni għal teknoloġiji militari ġodda, bħall-intelliġenza artifiċjali, l-armi spazjali, il-bijoteknoloġiji u l-ipersoniċi; jemmen li l-UE għandha tappoġġa u tikkontribwixxi b'mod attiv għas-sejħa tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għal waqfien mill-ġlied globali, inkluż permezz ta' miżuri effettivi kontra l-kummerċ illeċitu tal-armi u t-tisħiħ tat-trasparenza u r-responsabbiltà tal-esportazzjoni tal-armi tal-Istati Membri;

(g) jirrikonoxxi l-potenzjal ta' involviment reġjonali dirett fin-NU billi jappoġġa organizzazzjonijiet oħra, bħall-Unjoni Afrikana (UA), fil-possibbiltà li jitolbu status speċifiku bħala osservatur privileġġat; jirrikonoxxi u juża l-potenzjal tal-UE, bħala l-aktar organizzazzjoni reġjonali sofistikata, li jkollha rwol ta' tmexxija fir-rilanċ u t-tisħiħ tas-sistema tan-NU permezz ta' multilateraliżmu f'diversi livelli;

(h) ikompli jipprovdi appoġġ siewi lis-Segretarju Ġenerali tan-NU fit-tfittxija tiegħu biex javvanza l-programm ta' riformi fin-NU, isaħħaħ il-kapaċità tan-NU għal aktar żvilupp sostenibbli, jippromwovi l-paċi u s-sigurtà, jissimplifika s-sistema ta' ġestjoni interna tagħha bil-ħsieb li tkun NU effettiva, trasparenti, finanzjarjament sostenibbli u responsabbli, li kapaċi terġa' tingħaqad maċ-ċittadini tagħha, inklużi l-komunitajiet lokali u l-atturi lokali oħra u s-soċjetà ċivili, u li tkun aktar allinjata mal-aġenda globali diffiċli; jieħu rwol ta' tmexxija dwar il-kwistjoni tad-differiment arbitrarju tal-applikazzjonijiet minn għadd ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għall-istatus konsultattiv tan-NU; il-Parlament jissottolinja li l-progress kbir miksub fil-proċess ta' riforma tan-NU kien fl-isfera amministrattiva u burokratika, filwaqt li r-riformi politiċi ewlenin għadhom pendenti, u għandu jinkludi r-rivitalizzazzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU u passi konkreti biex jitħaffef l-allinjament tas-sistema ta' żvilupp mal-Aġenda 2030; hu tal-fehma li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom isibu kunsens wiesa' biex jirriformaw il-KSNU fost l-oħrajn siġġu permanenti għall-Unjoni Ewropea, flimkien ma' siġġijiet diġà eżistenti miżmuma mill-Istati Membri, u limitazzjoni tal-użu tad-dritt tal-veto, b'mod partikolari f'każijiet ta' delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità u bidla fil-kompożizzjoni tal-membri tiegħu biex jirriflettu aħjar id-dinja tal-lum; jemmen li l-UE għandha tappoġġa lis-Segretarju Ġenerali u titolbu jintensifika l-isforzi tiegħu fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija tan-NU dwar il-Parità bejn il-Ġeneri biex tiġi żgurata rappreżentanza ugwali tan-nisa fis-sistema tan-NU fil-livelli ġerarkiċi kollha; hu tal-fehma li l-UE għandha tfakkar lin-NU li, mill-ħolqien tan-NU fl-1945, l-ebda mara ma nħatret Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti;

(i) ikompli jfittex sinerġiji akbar bejn il-ħidma tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU (HRC), l-AĠNU u l-KSNU; il-Parlament ifaħħar il-ħidma tal-UE fl-appoġġ tal-ħidma tal-HRC, u l-Proċeduri Speċjali tan-NU, inklużi r-Rapporteurs Speċjali, b'mod partikolari meta jidentifikaw u jimmonitorjaw il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, u mekkaniżmi tematiċi u speċifiċi oħra għall-pajjiż tad-drittijiet tal-bniedem, fil-kuntest tal-ħtieġa li d-drittijiet tal-bniedem jiġu integrati bħala drittijiet indiviżibbli, interdipendenti u interrelatati fl-oqsma kollha tat-teħid ta' deċiżjonijiet u tal-politika tan-NU; hu tal-fehma li l-UE għandha tkompli tappella lill-Istati Membri kollha tan-NU biex jinvolvu ruħhom bis-sħiħ fil-protezzjoni u l-promozzjoni tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt u għandha tfittex li tattiva mekkaniżmi disponibbli tan-NU biex il-persuni responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem jitressqu quddiem il-ġustizzja, b'mod partikolari meta l-pajjiżi kkonċernati ma jkunux jistgħu jinvestigaw reati bħal dawn jew jirrifjutaw li jinvestigawhom u ma jiggarantixxux il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali għaċ-ċittadini kollha; jenfasizza l-ħidma tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-uffiċċju tagħha fid-denunzja tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ li tiġi garantita l-imparzjalità tal-korpi kollha relatati mad-difiża u l-garanzija tad-drittijiet tal-bniedem u, b'mod partikolari, li jiġu protetti minn interferenza possibbli minn dawk l-istati li huma suspettati bi ksur tad-drittijiet tal-bniedem jew nuqqas ta' rispett tagħhom; jiddeplora l-abbuż tal-HRC minn reġimi awtoritarji li jkomplu jabbużawh għall-għanijiet tagħhom, b'mod partikolari, biex jimminaw l-funzjonament tiegħu, u jnaqqru r-reġim tan-normi tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġaw riforma komprensiva tal-HRC; jissottolinja, għalhekk, l-importanza tal-promozzjoni ta' riforma tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU (UNHRC) li tista' tiżgura impenn reali għall-avvanz tad-drittijiet tal-bniedem b'mod effettiv u imparzjali mill-Istati Membri kollha bir-riskju, inkella li l-kredibbiltà tal-HRC tkun imminata; itenni l-ħtieġa li jiġi rieżaminat il-proċess elettorali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, bħal projbizzjoni ta' "listi magħluqa" u l-istabbiliment ta' mekkaniżmu pubbliku ta' "rieżami tal-wegħdiet" biex tittejjeb ir-responsabbiltà tal-membri tal-kunsill u biex jiġi garantit li kull stat b'siġġu fil-kunsill jagħmel l-almu tiegħu biex jippromwovi u jipproteġi d-drittijiet tal-bniedem, f'konformità mar-riżoluzzjoni li waqqfet il-kunsill; jistieden lill-Istati Membri tal-UE jadottaw pożizzjoni koordinata fir-rigward tas-sħubija fl-HRC u jivvotaw kontra l-kandidati kollha tal-UNHRC li jonqsu milli jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fir-riżoluzzjoni 60/251 tal-AĠNU tal-15 ta' Marzu 2006; jistieden lill-Istati Membri tal-UE biex jitolbu rapport annwali mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem iffokat fuq il-kooperazzjoni mill-membri tal-Kunsill mal-mekkaniżmi tan-NU u biex jagħmlu pressjoni fuq il-membri magħżula għall-Kunsill biex joħorġu stediniet permanenti għall-Proċeduri Speċjali kollha tal-HRC; jiddispjaċih dwar l-involviment tal-Venezwela bħala membru sħiħ tal-UNHRC bejn l-2020 u l-2022, meta n-NU nnifisha, fir-rapport tagħha tal-2020, approvat rapporti ta' delitti kontra l-umanità mwettqa mill-Gvern Venezwelan, u jirrimarka li hemm nuqqas ċar ta' konsistenza f'din is-sitwazzjoni; jirrakkomanda li l-Kunsill jirrifjuta u jindirizza l-preġudizzju kontra l-Iżrael fl-HRC;

(j) jemmen li l-UE għandha tappoġġa l-istabbiliment fi ħdan il-UNHRC ta' kummissjoni ta' inkjesta internazzjonali indipendenti biex tinvestiga fatti u ċirkostanzi relatati ma' allegazzjonijiet ta' razziżmu sistematiku, ksur u abbużi; jitlob ir-ratifika universali u l-implimentazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni Razzjali; jirrikonoxxi r-rwol ewlieni tal-edukazzjoni u l-kultura fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġlieda intersezzjonali kontra r-razziżmu, id-diskriminazzjoni razzjali, il-ksenofobija u l-intolleranza relatata;

(k) ikompli jsaħħaħ ir-rwol tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) u s-sistema tal-ġustizzja kriminali internazzjonali sabiex jippromwovi r-responsabbiltà biex tintemm l-impunità u jipprovdi lill-QKI b'riżorsi diplomatiċi, politiċi u finanzjarji xierqa b'saħħithom biex tkun tista' twettaq il-kompiti fi ħdan il-mandat tagħha; jistieden lill-Istati Membri kollha tan-NU jingħaqdu mal-QKI billi jirratifikaw u jimplimentaw l-Istatut ta' Ruma u jinkoraġġixxi r-ratifika tal-emendi ta' Kampala; jistieden lil dawk li jirtiraw mill-QKI biex ireġġgħu lura d-deċiżjonijiet tagħhom; jappoġġa l-QKI bħala istituzzjoni prinċipali biex l-awturi ta' reati jinżammu responsabbli għal għemilhom u l-vittmi jiġu assistiti fil-kisba tal-ġustizzja, u biex iħeġġeġ djalogu u kooperazzjoni qawwija bejn il-QKI, in-NU u l-aġenziji tagħha u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; il-Parlament jiddispjaċih u jikkundanna l-attakki kontra l-QKI u jkompli jopponi bil-qawwa kwalunkwe azzjoni offensiva u pretensjonijiet jew dikjarazzjonijiet mhux sostanzjati li jdgħajfu l-QKI u s-sistema tal-istatut ta' Ruma b'mod ġenerali; jilqa' l-azzjonijiet konkreti biex jitneħħew is-sanzjonijiet kontra l-persunal tal-QKI inkluż il-Kap Prosekutur tal-QKI; hu tal-fehma li l-UE għandha timpenja ruħha fi djalogu msaħħaħ mal-amministrazzjoni attwali tal-Istati Uniti dwar kwistjonijiet relatati mal-QKI u li l-UE għandha tikkontribwixxi għall-ġlieda globali kontra r-reati internazzjonali billi tappoġġa inizjattivi li għandhom l-għan li jippromwovu l-prinċipju ta' ġurisdizzjoni universali u l-bini tal-kapaċità tal-Istati Membri tan-NU biex japplikawh fis-sistemi legali domestiċi tagħhom; jissottolinja r-rwol ewlieni tal-UE fil-ġlieda kontra l-impunità, inkluż l-appoġġ tagħha għall-Qorti Kriminali Internazzjonali, li huwa element fundamentali tal-vuċi tal-UE fin-NU u jissottolinja wkoll li l-QKI hija l-unika istituzzjoni internazzjonali li għandha l-kapaċità li tipproċessa wħud mill-aktar delitti orribbli tad-dinja u li tiddefendi lill-vittmi li ma għandhom l-ebda rikors ieħor;

(l) jafferma mill-ġdid il-ħtieġa għall-aderenza universali u l-implimentazzjoni tal-istat tad-dritt kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak internazzjonali, u jtenni l-appoġġ għalihom, u l-impenn tiegħu għal ordni internazzjonali bbażat fuq l-istat tad-dritt u d-dritt internazzjonali; jilqa' d-djalogu mibdi mill-Grupp għall-Koordinament u r-Riżorsi fil-qasam tal-Istat tad-Dritt u l-Unità tal-Istat tad-Dritt fl-Uffiċċju Eżekuttiv tas-Segretarju Ġenerali mal-Istati Membri dwar is-suġġett "Il-promozzjoni tal-istat tad-dritt fil-livell internazzjonali" u jappella għat-tkomplija ta' dan id-djalogu bil-ħsieb li jitrawwem l-istat tad-dritt fil-livell internazzjonali; il-Parlament jistieden lis-Segretarju Ġenerali u lis-sistema tan-NU jindirizzaw b'mod sistematiku, kif xieraq, l-aspetti tal-istat tad-dritt f'attivitajiet rilevanti, inkluża l-parteċipazzjoni tan-nisa f'attivitajiet relatati mal-istat tad-dritt;

(m) jiġġieled b'mod attiv kontra tentattivi minn xi individwi jew koalizzjonijiet ta' pajjiżi biex jimminaw il-kunsens internazzjonali dwar is-saħħa u d-drittijiet riproduttivi; b'mod partikolari, jiddenunzja d-"Dikjarazzjoni ta' Ġinevra dwar il-Kunsens" reċenti, immexxija mill-amministrazzjoni Trump u ffirmata b'mod konġunt minn 32 gvern fil-biċċa l-kbira illiberali jew awtoritarji; il-Parlament jesprimi l-iskumdità kbira tiegħu li jara żewġ Stati Membri tal-UE, l-Ungerija u l-Polonja, jiffirmaw din id-dikjarazzjoni retrogradata li għandha l-għan li timmina l-libertajiet riproduttivi tan-nisa u d-drittijiet tal-persuni LGBT;

(n) jappoġġa l-ħidma tal-Grupp ta' Ħidma intergovernattiv miftuħ (OEIGWG) stabbilit reċentement għall-iżvilupp ta' trattat legalment vinkolanti dwar il-korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi kummerċjali oħra bil-ħsieb li jiġi stabbilit strument legalment vinkolanti li jiżgura li l-kumpaniji jkunu kompletament responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u r-reati ambjentali;

(o) ikompli jżid l-impenn tal-UE fil-ġlieda kontra l-impunità għal reati kontra ġurnalisti, ħaddiema tal-media u persunal assoċjat, inklużi dawk lokali, u jniedi inizjattivi konkreti f'dan ir-rigward; jappoġġa s-sejħa tar-Rapporteurs Speċjali tan-NU dwar il-Libertà ta' Espressjoni u dwar l-Eżekuzzjonijiet Extraġudizzjarji, Sommarji u Arbitrarji biex jiġi stabbilit mekkaniżmu investigattiv permanenti tan-NU dwar ir-reati kontra l-ġurnalisti u jappoġġa l-ħatra ta' Rappreżentant Speċjali tan-NU għall-Protezzjoni tal-Ġurnalisti madwar id-dinja; jadotta politika biex jiddenunzja, b'mod sistematiku u inekwivoku, il-qtil tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem (DDB), inklużi d-difensuri ambjentali u tal-art tad-drittijiet tal-bniedem u kwalunkwe tentattiv biex dawn jiġu soġġetti għal kwalunkwe forma ta' vjolenza, persekuzzjoni, theddida, fastidju, għajbien, priġunerija jew arrest arbitrarju; jappella lill-Istati Membri tan-NU jadottaw politiki li jipprovdu protezzjoni u appoġġ għad-DDB li jinsabu f'riskju; ikompli jippromwovi, permezz tal-mezzi diplomatiċi kollha u f'kooperazzjoni mill-qrib man-NU, għall-abolizzjoni tal-piena tal-mewt madwar id-dinja u għas-sejħa ta' moratorju fuq l-użu tal-piena tal-mewt;

(p) ikompli jespandi s-sett ta' għodod tiegħu għad-diplomazija u s-sensibilizzazzjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-paċi, is-sigurtà internazzjonali u l-istabbiltà fuq terminu twil, id-diplomazija dwar il-klima, id-diplomazija kulturali, id-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, il-globalizzazzjoni ġusta u l-kapaċità ta' segwitu ta' djalogu politiku u kunsens politiku, mhux biss mal-membri tan-NU iżda wkoll ma' interlokuturi rilevanti bħal bliet, reġjuni, l-akkademja, entitajiet u komunitajiet reliġjużi, is-soċjetà ċivili, komunitajiet lokali u indiġeni u s-settur privat; jagħmel sforzi biex isib soluzzjonijiet għal problemi globali, bħat-tibdil fil-klima, bħala punt ta' dħul għal relazzjonijiet diplomatiċi ma' sħab li magħhom punti oħra tal-aġenda huma kkontestati ħafna, u b'hekk joffri opportunità biex jissaħħu l-istabbiltà u l-paċi; il-Parlament jilqa' l-fatt li l-UE u l-Istati Membri tagħha jikkontribwixxu b'mod attiv għall-ħidma tas-sistema tan-NU b'diversi modi u f'diversi forom;

(q) itenni l-kundanna inekwivoka tiegħu għat-terroriżmu u l-appoġġ sħiħ tiegħu favur azzjonijiet immirati biex jegħlbu u jeqirdu organizzazzjonijiet terroristiċi, b'mod partikolari l-hekk imsejjaħ Daesh/ISIS, li jirrappreżentaw theddida ċara għas-sigurtà reġjonali u internazzjonali; jaħdem mal-AĠNU u l-KSNU fil-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu u fil-bini ta' mekkaniżmi li jiżvelaw terroristi u organizzazzjonijiet terroristiċi u fit-tisħiħ ta' mekkaniżmi ta' ffriżar tal-assi madwar id-dinja; jimpenja ruħu li jsaħħaħ l-isforzi konġunti tal-UE-NU fil-ġlieda kontra l-kawżi bażiċi tat-terroriżmu, partikolarment billi jiġi miġġieled it-theddid ibridu u jiġu żviluppati r-riċerka fiċ-ċiberdifiża u l-bini ta' kapaċità; jappoġġa inizjattivi attwali tas-sħab lokali għat-tfassil, l-implimentazzjoni u l-iżvilupp ta' approċċi maħsuba biex jiġġieldu r-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ f'organizzazzjonijiet terroristiċi; ikompli bl-isforzi tiegħu biex irażżan ir-reklutaġġ, il-ġlieda kontra l-ġellieda barranin, l-estremiżmu vjolenti, u l-propaganda terroristika; jappoġġa azzjonijiet li jsaħħu r-reżiljenza tal-komunitajiet vulnerabbli għar-radikalizzazzjoni, inkluż billi jiżguraw l-inklużjoni soċjali u billi jesploraw inizjattivi li jinvolvu ruħhom ma' mexxejja u ministri reliġjużi moderati; jaħdem biex isaħħaħ l-effikaċja tal-pulizija internazzjonali, u l-kooperazzjoni legali u ġudizzjarja fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transnazzjonali bħala appoġġ għall-politiki kontra r-radikalizzazzjoni u d-deradikalizzazzjoni f'konformità mal-Pjan ta' Azzjoni tan-NU għall-Prevenzjoni tal-Estremiżmu Vjolenti; jippromwovi l-ħidma fin-NU fil-ġlieda kontra t-terroriżmu billi timplimenta u taġġorna l-erba' pilastri tal-Istrateġija Globali tan-NU kontra t-Terroriżmu approvata mill-Assemblea Ġenerali f'Settembru 2006; imexxi r-rieżami li jmiss tal-Istrateġija Globali tan-NU Kontra t-Terroriżmu billi jsaħħaħ id-drittijiet tal-bniedem u l-approċċi ta' prevenzjoni;

(r) jespandi aktar il-kooperazzjoni trilaterali bejn l-UE, l-Unjoni Afrikana (UA) u n-NU; il-Parlament jisħaq fuq l-importanza ta' sforz konġunt lejn il-bini tal-kapaċità mill-UE, in-NU u l-UA biex ikomplu jikkooperaw mal-UA fl-iżvilupp tal-kapaċitajiet tal-UA għall-prevenzjoni tal-kriżijiet, il-ġestjoni tal-kriżijiet u r-riżoluzzjoni tal-konflitti fil-kontinent Afrikan, anke permezz ta' kontinwazzjoni koerenti tal-appoġġ fit-tul tal-UE u tan-NU għall-operazzjonalizzazzjoni sħiħa tal-Arkitettura Afrikana għall-Paċi u s-Sigurtà (APSA), kif ukoll kapaċitajiet f'oqsma oħra ta' politika ta' rilevanza għas-sigurtà u l-istabbiltà tal-Afrika, pereżempju fuq il-bażi ta' indiċi ta' sigurtà tal-bniedem, inkluż f'termini ekonomiċi u ambjentali, u fir-rigward tal-aċċess għall-beni pubbliċi; jisħaq fuq il-ħtieġa f'dan ir-rigward li tingħata attenzjoni partikolari lis-sitwazzjoni fir-reġjun tas-Saħel fid-dawl tal-instabbiltà li qed tiżdied; hu tal-fehma li l-UE jista' jkollha kapaċità attrattiva sostanzjali bil-ħila tagħha li twettaq l-aspirazzjonijiet ta' sħubija tal-kontinent Afrikan u l-istituzzjonijiet tiegħu permezz ta' sħubijiet bejn partijiet ugwali f'konformità mal-istrateġika UE-Afrika l-ġdida; jissottolinja l-importanza ta' djalogu politiku u ta' politika aktar mill-qrib mas-sħab tal-UE fl-Afrika, inkluż appoġġ u djalogu mal-organizzazzjonijiet reġjonali u fi ħdan id-dimensjonijiet parlamentari; jisħaq fuq l-importanza li jiġu intensifikati, fi ħdan il-qafas tan-NU, id-djalogu u l-kooperazzjoni mal-pajjiżi Afrikani tal-viċinat tan-Nofsinhar tal-Mediterran tal-UE biex jiġu indirizzati l-isfidi komuni ta' sigurtà u stabbiltà;

(s) jirrikonoxxi u jibni fuq il-progress sinifikanti li sar mill-UE u n-NU fl-għoti ta' appoġġ u bini ta' kapaċità fir-reġjuni tas-Saħel, l-Afrika tal-Punent u l-Qarn tal-Afrika; il-Parlament ifaħħar ir-rwol u l-kooperazzjoni bejn il-missjonijiet ċivili u militari tal-UE tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) u l-missjonijiet tan-NU, inkluża l-Istrateġija Integrata tan-NU għas-Saħel u l-Pjan ta' Appoġġ tagħha, il-Missjoni Multidimensjonali Integrata tan-NU għall-Istabbilizzazzjoni f'Mali (MINUSMA) u l-Uffiċċju tan-NU għall-Afrika tal-Punent; jilqa' l-iffirmar tal-arranġament tekniku bejn il-G5 tas-Saħel, l-UE u n-NU għall-forniment ta' appoġġ operazzjonali u loġistiku għall-Forza Konġunta fil-ħames pajjiżi tal-G5 tas-Saħel biex ifakkru l-kooperazzjoni eċċellenti bejn it-tliet organizzazzjonijiet; hu tal-fehma li l-UE għandha tappoġġa l-appell lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex il-Forza Konġunta tal-G5 tas-Saħel titqiegħed taħt il-Kapitolu VII tal-Karta tan-NU u biex din tingħata finanzjament fit-tul; ifakkar li l-iżvilupp, is-sigurtà u l-istabbiltà tal-kontinent Afrikan, speċjalment ir-reġjuni tal-Magreb u s-Saħel, jaffettwaw direttament lill-UE u l-fruntieri esterni tagħha; jistieden lill-UE tappoġġa u ssaħħaħ il-kooperazzjoni tagħha man-NU u l-UA fl-appoġġ għall-iżvilupp, l-indirizzar tal-faqar u l-bini tal-kapaċitajiet mas-sħab lokali għall-ġlieda kontra l-estremiżmu u t-traffikar tal-bnedmin;

(t) isawwar kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-pajjiżi tal-Amerika Latina – reġjun li miegħu għandna ħafna rabtiet u valuri, u li ntlaqat ħażin mill-pandemija tal-COVID-19 – sabiex jiġu indirizzati l-isfidi komuni b'mod koordinat fi ħdan il-qafas tan-NU;

(u) ikompli djalogu ulterjuri dwar il-kapaċità tas-sistema tan-NU li twettaq u tespandi l-kapaċità tagħha ta' prevenzjoni tal-konflitti u r-responsabbiltà ta' protezzjoni (R2P), filwaqt li tafferma mill-ġdid l-impenn kondiviż għal ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli, id-dritt internazzjonali, inklużi l-integrità territorjali, l-indipendenza, u s-sovranità, kif iddikjarat ukoll fil-prinċipji tal-Att Finali ta' Ħelsinki u l-Karta ta' Pariġi tal-OSKE (Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa), u tiżgura li d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali tal-individwi kollha jkunu fil-qalba tal-politiki ta' prevenzjoni tal-konflitti u ta' medjazzjoni; il-Parlament jenfasizza l-importanza ta' djalogu u kooperazzjoni man-NU dwar missjonijiet ta' żamma tal-paċi effettivi u kredibbli b'objettivi ċari, b'kapaċità ċara li jagħtu riżultati, u kapaċi jiksbu riżultati tanġibbli u kredibbli; jappella għal mekkaniżmi effettivi, inklużi: (i) l-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, u r-riżoluzzjonijiet sussegwenti kollha dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà f'konformità mal-objettiv tal-parteċipazzjoni u t-tmexxija sħiħa, ugwali u sinifikanti tan-nisa f'missjonijiet għaż-żamma tal-paċi u l-istrutturi tan-NU ddedikati għalihom, (ii) il-perspettiva tat-tfal u ż-żgħażagħ, kif iddikjarat fl-Aġenda għaż-Żgħażagħ, il-Paċi u s-Sigurtà u fil-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, inkluż f'termini ta' appoġġ u tisħiħ tal-isforzi internazzjonali permezz tan-NU biex jintemm l-użu tat-tfal f'konflitt armat, (iii) il-perspettiva tal-persuni b'diżabilità, inklużi, b'mod partikolari, dawk li jħabbtu wiċċhom mad-diskriminazzjoni intersezzjonali u dawk li jinsabu f'riskju skont il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità, kif ukoll, (iv) il-ħtieġa li jiġi żgurat ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili, li jinsabu fil-qalba tal-mandati għaż-żamma tal-paċi; itenni r-rwol kruċjali li għandhom in-nisa fil-medjazzjoni tal-konflitti u l-missjonijiet għaż-żamma tal-paċi; ifakkar fis-sottorappreżentanza tagħhom fil-livelli kollha fi ħdan il-missjonijiet tan-NU u tal-UE, u l-importanza kruċjali tal-protezzjoni tan-nisa u l-bniet f'sitwazzjonijiet ta' konflitt u ta' wara konflitt; jistieden lill-Istati Membri tal-UE jgħinu biex jikkontribwixxu aktar forzi armati Ewropej għaż-żamma tal-paċi tan-NU; jissottolinja l-importanza tal-appoġġ tal-UE għal pajjiżi li ħerġin minn konflitt vjolenti; jappella, għalhekk, għal kooperazzjoni msaħħa fl-indirizzar tal-fraġilità ta' kuntesti ta' tranżizzjoni, inkluż permezz tat-tisħiħ tas-sjieda nazzjonali u l-konsolidazzjoni ta' kisbiet fil-bini tal-paċi u t-tisħiħ tal-interazzjoni mal-komunitajiet lokali, filwaqt li jiġu żgurati l-protezzjoni u l-għajnuna għalihom; jappella għar-riforma tal-istrutturi rilevanti sabiex tintemm l-impunità tal-persunal tan-NU li jservi f'operazzjonijiet militari u missjonijiet ċivili u biex jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta' sorveljanza trasparenti u responsabbiltà sodi li jiffunzjonaw f'każijiet fejn iseħħu abbużi b'mod partikolari atti ta' vjolenza sesswali; ifaħħar il-ħidma u l-kontribut għall-ġlieda kontra l-impunità tas-Sinjura Agnes Callamard, ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji, fit-twettiq ta' investigazzjonijiet f'każijiet suspettati ta' qtil extraġudizzjarju filwaqt li kienet soġġetta għal intimidazzjonijiet u theddid;

(v) ikompli djalogu konsistenti ulterjuri fil-fora tan-NU, b'mod partikolari l-AĠNU, dwar il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet tal-bniedem ta' persuni LGBTI, f'konformità mal-linji gwida tal-UE għall-promozzjoni u l-protezzjoni tat-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem kollha minn persuni LGBTI f'fora multilaterali[5], il-linji gwida tal-UE dwar il-piena tal-mewt[6], u fir-rigward tal-Prinċipji ta' Yogyakarta rikonoxxuti internazzjonalment[7]; iħeġġeġ lill-korpi u lill-Membri tan-NU jinkludu "l-identità u l-espressjoni tal-ġeneru" u "karatteristiċi tas-sess" fil-kamp ta' applikazzjoni tagħhom ta' kunsiderazzjoni tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, u b'hekk jinkludu persuni transġeneri u intersesswali, kif ukoll ksur tad-drittijiet tal-bniedem li huma vittmi tiegħu; juża l-għodod diplomatiċi kollha għad-dispożizzjoni tiegħu biex jippromwovi fil-livell globali d-dekriminalizzazzjoni ta' atti kunsenswali bejn persuni tal-istess sess, l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt bħala sanzjoni għal atti kunsenswali bejn persuni tal-istess sess, l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni li tippermetti r-rikonoxximent legali tal-ġeneru u l-projbizzjoni tal-mutilazzjoni ġenitali intersesswali u l-hekk imsejħa prattiki ta' "terapija ta' konverżjoni" madwar id-dinja;

(w) jippromwovi l-koerenza tar-relazzjonijiet tan-NU lejn sitwazzjonijiet ta' okkupazzjoni jew annessjoni tat-territorju; ifakkar li d-dritt umanitarju internazzjonali għandu jiggwida l-impenn internazzjonali fis-sitwazzjonijiet kollha bħal dawn, inkluż f'każijiet ta' okkupazzjoni mtawla u l-konflitti ffriżati multipli fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant; il-Parlament jappoġġa l-attenzjoni dejjem akbar mogħtija min-NU lill-attivitajiet kummerċjali relatati ma' sitwazzjonijiet ta' tħassib internazzjonali u jistieden lill-Kunsill jimmonitorja mill-qrib il-kumpaniji bbażati fl-UE li huma elenkati f'tali rapporti jew bażijiet tad-data tan-NU;

(x) jiżviluppa aktar il-kapaċitajiet diplomatiċi u ta' medjazzjoni tal-UE għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kriżijiet u r-riżoluzzjoni tal-konflitti, inkluż għal konflitti ffriżati jew ġodda, jew tal-anqas it-tnaqqis tagħhom, f'sinerġija mal-isforzi tan-NU, bil-proċess ta' Berlin dwar il-Libja bħala eżempju tajjeb tal-appoġġ tal-UE għall-isforzi ta' medjazzjoni mmexxija min-NU u s-sinerġija magħhom, filwaqt li tiġi żgurata l-parteċipazzjoni sħiħa u sinifikanti tan-nisa fl-isforzi ta' medjazzjoni, kif ukoll jitkompla l-appoġġ sod tal-UE għall-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali fi ħdan il-fruntieri rikonoxxuti internazzjonalment tas-sħab tagħha affettwati mill-konflitti, bħall-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna; jistieden lin-NU tipprijoritizza l-prevenzjoni, il-medjazzjoni, ir-rikonċiljazzjoni u s-soluzzjonijiet politiċi għall-konflitti filwaqt li tindirizza l-kawżi ewlenin u l-ixprunaturi abbażi tal-kriżijiet; jinsisti għal impenji multilaterali aktar b'saħħithom biex jinstabu soluzzjonijiet politiċi sostenibbli għall-konflitti attwali, u jkompli jappoġġa l-ħidma, l-azzjonijiet u l-inizjattivi tal-mibgħuta speċjali tan-NU li għandhom l-għan li jsolvu dawn il-konflitti; il-Parlament ifaħħar ir-rekord tajjeb ta' kooperazzjoni bejn l-UE u n-NU fil-kisba ta' għanijiet ta' żvilupp komuni u l-prevenzjoni ta' eskalazzjoni ulterjuri tal-konflitti li għaddejjin bħalissa; jemmen, f'dan ir-rigward, li l-UE għandha tkompli tħeġġeġ lill-komunità internazzjonali timplimenta bis-sħiħ il-politika ta' nonrikonoxximent tal-annessjoni illegali tal-Krimea;

(y) iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha tan-NU jirratifikaw u jimplimentaw b'mod effettiv il-konvenzjonijiet kollha ewlenin tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem, inkluża l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u l-Protokoll Fakultattiv tagħha, il-Protokolli Fakultattivi għall-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Patt Internazzjonali tad-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, u jikkonformaw mal-obbligi ta' rappurtar taħt dawn l-istrumenti u mal-impenn li jikkooperaw b'rieda tajba mal-mekkaniżmi tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem;

(z) jibqa' impenjat bħala protagonist ewlieni fil-mobilizzazzjoni tal-mezzi kollha ta' implimentazzjoni effettiva u s-segwitu tal-objettivi tal-Aġenda 2030 fil-politiki interni u esterni kollha tal-UE u fl-istrateġiji u l-prijoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri; il-Parlament jisħaq fuq il-ħtieġa urġenti li tiġi appoġġata u rikonoxxuta b'mod adegwat il-ħidma importanti u indispensabbli tal-aġenziji umanitarji bħall-Programm Dinji tal-Ikel; jilqa' d-deċiżjoni li l-Premju Nobel 2020 jingħata lill-Programm Dinji tal-Ikel għall-isforzi tiegħu biex jiġġieled il-ġuħ, għall-kontribut tiegħu għat-titjib tal-kundizzjonijiet għall-paċi f'żoni milquta minn konflitti u talli aġixxa bħala forza mexxejja fl-isforzi biex jiġi evitat l-użu tal-ġuħ bħala arma tal-gwerra u l-konflitt;

(aa) itenni t-tħassib tiegħu dwar l-impatti negattivi fuq l-ambjent tal-baħar mill-bastimenti, inkluż it-tniġġis, b'mod partikolari permezz tar-rilaxx illegali ta' żejt u sustanzi oħra ta' ħsara u r-rimi ta' skart perikoluż, inklużi materjali radjuattivi, skart nukleari u sustanzi kimiċi perikolużi, kif ukoll l-impatti fiżiċi fuq il-qroll; il-Parlament jistieden lill-Istati Membri tan-NU ikomplu jagħtu prijorità lill-azzjoni dwar it-tniġġis tal-baħar minn sorsi bbażati fuq l-art bħala parti mill-istrateġiji u l-programmi nazzjonali tagħhom għall-iżvilupp sostenibbli, u biex javvanzaw l-implimentazzjoni tal-Programm ta' Azzjoni Globali għall-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar minn Attivitajiet ibbażati fuq l-Art u d-Dikjarazzjoni ta' Montreal dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar minn Attivitajiet ibbażati fuq l-Art; jistieden lill-Istati Membri tan-NU jtejbu l-fehim xjentifiku u l-valutazzjoni tal-ekosistemi tal-baħar u tal-kosta bħala bażi fundamentali għal teħid ta' deċiżjonijiet sod permezz tal-azzjonijiet identifikati fil-Pjan ta' Implimentazzjoni ta' Johannesburg; jistieden lill-Istati Membri tan-NU jiżviluppaw programmi nazzjonali, reġjonali u internazzjonali għall-protezzjoni u l-preservazzjoni tal-ambjent tal-baħar u għall-waqfien tat-telf tal-bijodiversità tal-baħar, b'mod partikolari l-ekosistemi fraġli;

(ab) jappoġġa l-appell tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għal vaċċin għall-COVID-19 affordabbli u aċċessibbli, u biex jitqies bħala ġid pubbliku globali; jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet inklużi fil-Konklużjonijiet reċenti tal-Kunsill dwar ir-rwol tal-UE fit-tisħiħ tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, speċjalment fir-rigward tal-kapaċità għat-tħejjija u r-rispons f'emerġenzi tas-saħħa; jilqa' l-ħidma tad-WHO fil-koordinazzjoni tal-isforzi tal-gvern fil-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19; il-Parlament jappella għal investigazzjoni imparzjali, trasparenti u indipendenti dwar it-tixrid tal-virus u t-trattament tal-pandemija tal-COVID-19, inkluż mid-WHO; jappoġġa riforma tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) sabiex fil-futur tkun tista' tirreaġixxi b'mod aktar effiċjenti għall-emerġenzi u toħloq konsorzju internazzjonali kontra l-virus li jiggarantixxi l-aċċess għal vaċċin kontra l-COVID-19 u d-distribuzzjoni ġusta tiegħu, kif ukoll il-vaċċini futuri, għall-pajjiżi kollha; itenni l-appoġġ tiegħu għall-inklużjoni tat-Tajwan fl-Assemblea Dinjija tas-Saħħa; jikkundanna l-abbuż minn ħafna reġimi awtoritarji tal-miżuri introdotti għall-ġlieda kontra l-COVID-19 sabiex jikkonsolidaw il-poter, ikomplu jdgħajfu d-drittijiet tal-bniedem, irażżnu l-oppożizzjoni u s-soċjetà ċivili, jinċitaw kampanji ta' mibegħda kontra gruppi ta' minoranza, jintroduċu aktar miżuri biex irażżnu d-drittijiet u l-libertajiet taċ-ċittadini tagħhom u jfittxu vantaġġ ġeopolitiku barra mill-pajjiż; jisħaq li d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-wegħda li jintlaħqu l-SDGs sal-2030 għandhom jibqgħu l-pedamenti tat-tweġibiet kollha għall-pandemija; jistieden lill-UE tikkontribwixxi għall-impenn politiku fil-livell tan-NU biex tintemm l-epidemija tal-AIDS sal-2030, peress li din tibqa' theddida għas-saħħa pubblika madwar id-dinja; jirrakkomanda li l-Kunsill għandu jkompli jfittex sinerġiji akbar fost l-Istati Membri tan-NU biex jitneħħew il-liġijiet, il-politiki u l-prattiki li joħolqu ostakli fl-aċċess għas-servizzi tal-HIV u jżidu r-riskju għat-teħid tal-HIV, b'attenzjoni speċjali għall-gruppi emarġinati jew vulnerabbli; jisħaq fuq l-importanza li l-UE tappella għal oqfsa leġiżlattivi u regolatorji msaħħa u l-promozzjoni ta' koerenza politika għall-kisba ta' kopertura universali tas-saħħa, inkluż permezz tal-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni u l-implimentazzjoni ta' politiki li jipprovdu aċċess akbar għas-servizzi tas-saħħa, il-prodotti u l-vaċċini, speċjalment għal dawk l-aktar żvantaġġati;

(ac) jieħu nota tar-rapport tas-Segretarju Ġenerali bit-titolu "Responsabbiltà kondiviża, solidarjetà globali: rispons għall-impatti soċjoekonomiċi tal-COVID-19", u b'hekk jinsisti li r-reazzjonijiet tal-gvernijiet għall-pandemija tal-COVID-19 għandhom ikunu effettivi, inklużivi u f'konformità sħiħa mal-obbligi u l-impenji tagħhom fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Istati Membri tan-NU jieħdu miżuri speċifiċi biex jipproteġu lit-tfal li l-vulnerabbiltà tagħhom tista' tkun partikolarment aggravata mill-pandemija tal-COVID-19; jappoġġa l-Fond Ċentrali ta' Għajnuna f'Emerġenza, il-Programm Dinji tal-Ikel, l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati u istituzzjonijiet u programmi oħra tan-NU, li għandhom rwol ewlieni fir-rispons umanitarju għall-kriżi tal-COVID-19; jappoġġa s-sejħiet għal Summit tan-NU dwar ir-Rikostruzzjoni Ekonomika Internazzjonali u r-Riformi Sistemiċi wara l-COVID-19 fl-2021 bħala forum importanti għal spazju ta' governanza aktar inklużiv u bbażat fuq id-drittijiet;

(ad) isaħħaħ il-viżibbiltà tal-azzjoni u l-assistenza tal-UE fil-fora multilaterali kollha u fuq il-post, b'mod partikolari tal-programm "Tim Ewropa" li ġabar ammont ta' EUR 36 biljun biex jindirizza l-effetti devastanti tal-kriżi tal-COVID-19 f'pajjiżi u reġjuni sħab, b'mod partikolari fl-Afrika;

(ae) ikollu rwol ta' tmexxija attiv, b'saħħtu u ambizzjuż fit-tħejjijiet għas-26 Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima (COP26), inkluż fuq perspettiva tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari billi jippromwovi rikonoxximent globali tad-dritt għal ambjent sikur, nadif, san u sostenibbli, u billi jappoġġa l-mandat tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ambjent; il-Parlament jinnota li t-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità huma fost l-isfidi ewlenin attwali; jappoġġa l-Inizjattiva tan-NU dwar id-Drittijiet Ambjentali, li tirrikonoxxi li l-ksur tad-drittijiet ambjentali għandu impatt profond fuq varjetà wiesgħa ta' drittijiet tal-bniedem; jisħaq li l-bijodiversità u d-drittijiet tal-bniedem huma interkonnessi u interdipendenti; ifakkar fl-obbligi tad-drittijiet tal-bniedem tal-Istati li jipproteġu l-bijodiversità inkluż billi jipprovdu aċċess għal rimedji effettivi f'każijiet ta' telf u degradazzjoni tal-bijodiversità; il-Parlament iħeġġeġ, f'dan ir-rigward, lill-UE u lill-Istati Membri jippromwovu r-rikonoxximent tal-ekoċidju bħala reat internazzjonali skont l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali; huwa tal-fehma li l-UE għandha timplimenta miżuri speċifiċi biex tqiegħed ir-reżiljenza fil-qalba tal-isforzi ta' rkupru u biex tintegra t-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri fil-politiki kollha tal-UE f'kooperazzjoni man-NU, f'konformità mal-miri stabbiliti fil-Qafas ta' Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastri 2015-2030; huwa tal-fehma li l-UE għandha tagħti ħajja ġdida lis-sħubija mal-Amministrazzjoni attwali tal-Istati Uniti li tappoġġa l-ħolqien ta' "koalizzjoni globali b'newtralità karbonika" mal-pajjiżi li diġà impenjaw ruħhom għall-għan li jiksbu emissjonijiet żero sal-2050, f'kooperazzjoni ma' pajjiżi oħra fl-iżvilupp ta' pjanijiet u teknoloġiji ta' tneħħija tal-emissjonijiet tal-karbonju, u jippromwovu strateġija internazzjonali ġdida għall-protezzjoni tal-bijodiversità;

(af) jafferma mill-ġdid il-ħtieġa li tiġi żgurata l-protezzjoni ugwali tal-liġi u l-ugwaljanza quddiem il-qrati, l-għoti tas-setgħa u l-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet u l-parteċipazzjoni sħiħa, ugwali u effettiva fil-ħajja politika, ekonomika, soċjali u kulturali għall-popli indiġeni, inklużi n-nisa u l-bniet; jilqa' l-ħidma tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet tal-popli indiġeni, l-EMRIP u l-UNPFII; jinkoraġġixxi lill-Istati u l-entitajiet tas-sistema tan-NU jsaħħu l-kooperazzjoni internazzjonali biex jindirizzaw l-iżvantaġġi li jħabbtu wiċċhom magħhom il-popli indiġeni, u biex iżidu l-kooperazzjoni teknika u l-assistenza finanzjarja f'dan ir-rigward;

(ag) ikompli jsegwi u jespandi l-kooperazzjoni tal-kapaċità fi ħdan is-sistema tan-NU dwar il-promozzjoni ta' standards komuni effettivi u etiċi f'oqsma ta' politika ġodda bħad-diżaggregazzjoni u l-protezzjoni tad-data, id-diliġenza dovuta, il-ġlieda kontra l-impunità, l-intelliġenza artifiċjali jew iċ-ċiberspazju, filwaqt li jippromwovi appoġġ adegwat lil dawk il-pajjiżi li jixtiequ jespandu l-kapaċità regolatorja tagħhom u l-implimentazzjoni tal-istandards; jappella għal koordinazzjoni aktar mill-qrib dwar iċ-ċiberdifiża fir-rigward tar-regoli, in-normi, il-fehimiet komuni u l-miżuri ta' infurzar fl-ispazju ċibernetiku; jissuġġerixxi li l-pedamenti taċ-ċibersigurtà Ewropea, bħar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR) u d-Direttiva dwar is-Sigurtà tan-Networks u tal-Informazzjoni (NIS) jistgħu jirrappreżentaw bażi eċċellenti li l-pajjiżi li juru r-rieda jistgħu jużaw biex jibnu fuq l-oqfsa regolatorji tagħhom għall-protezzjoni tad-data u ċ-ċibersigurtà permezz ta' approċċ ta' "sigurtà sa mit-tfassil"; jindika li l-aħjar prattiki u t-tagħlimiet meħuda fil-livell tal-UE jistgħu jiġu kondiviżi fi ħdan il-qafas tan-NU mal-aġenziji tan-NU ddedikati għal dawn il-kompiti, kif ukoll bi tweġiba għat-talbiet ta' pajjiżi individwali;

(ah) jindirizza l-isfidi tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-flussi finanzjarji illeċiti u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni internazzjonali u l-prattiki tajba dwar ir-ritorn u l-irkupru tal-assi, inkluż permezz ta' miżuri aktar effettivi għall-implimentazzjoni tal-obbligi eżistenti skont il-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni u l-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali u l-Protokolli tagħhom; jimplimenta miżuri effettivi, inklużivi u sostenibbli għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-qafas tal-Aġenda 2030; jieħu u jappoġġa inizjattivi għall-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa, il-ħasil tal-flus u l-korruzzjoni;

(ai) jikkunsidra miżuri addizzjonali ta' serħan mid-dejn għal pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp b'dejn għoli biex jiġu evitati inadempjenzi u jinħoloq spazju għall-investimenti tal-SDG, u f'dan is-sens, biex tiġi appoġġata s-sejħa tas-Segretarju Ġenerali tan-NU favur l-istabbiliment ta' mekkaniżmu ta' ristrutturar tad-dejn sovran bħala parti mir-rispons iktar fit-tul għall-kriżi tal-COVID-19 u l-impatti ekonomiċi tagħha;

(aj) jindirizza l-migrazzjoni u l-ispostament furzat, inklużi l-kawżi fundamentali tagħhom, u jikkoopera fl-implimentazzjoni kemm tal-Patt Globali għall-Migrazzjoni kif ukoll tal-Patt Globali dwar ir-Refuġjati; ifakkar li d-drittijiet tal-bniedem għandhom jibqgħu fil-qalba tal-Patt Globali b'attenzjoni speċifika għall-migranti f'sitwazzjonijiet ta' vulnerabbiltà, bħat-tfal, il-minorenni u n-nisa; ikompli jibni l-impenn komuni lejn il-preservazzjoni tal-ispazju umanitarju u t-titjib tas-sistema ta' rispons umanitarju u jisħaq fuq l-importanza li jiġi rrispettat id-dritt għall-ażil madwar id-dinja; jappoġġa u jsaħħaħ il-ħidma tal-korpi rilevanti tan-NU bħall-UNHCR u l-Aġenzija ta' Fondi u tax-Xogħol tan-NU (UNRWA); jafferma mill-ġdid ir-rwol ewlieni tal-UNRWA fl-għoti ta' assistenza umanitarja u ta' żvilupp lir-refuġjati Palestinjani; jappella lill-Istati Membri tan-NU għaż-żamma u ż-żieda tal-kontribuzzjonijiet lill-UNRWA, u jappoġġa l-proposta mill-Kummissarju Ġenerali tal-UNRWA għal konferenza li twassal għal fluss ta' finanzjament u sistema ta' nfiq aktar prevedibbli, sostenibbli u responsabbli għall-UNRWA għall-futur u impenn għal dan il-għan minn għadd akbar ta' Stati Membri tan-NU u donaturi internazzjonali;

(ak) ikompli jiddefendi l-libertà ta' reliġjon jew twemmin; iħeġġeġ li jsiru sforzi akbar biex jitħarsu d-drittijiet tal-minoranzi reliġjużi u oħrajn; jitlob protezzjoni akbar tal-minoranzi reliġjużi kontra l-persekuzzjonijiet u l-vjolenza; jappella għar-revoka tal-liġijiet li jikkriminalizzaw il-blasfemija jew l-apostażija li jintużaw bħala pretest għall-persekuzzjoni tal-minoranzi reliġjużi u ta' dawk li ma jemmnux; jappoġġa l-ħidma tar-Rapporteur Speċjali għal-libertà ta' reliġjon jew twemmin;

(al) ikompli jsaħħaħ l-appoġġ integrat għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa, f'konformità mad-Dikjarazzjoni ta' Beijing u l-Pjattaforma għal Azzjoni tagħha; jistieden lill-Istati Membri kollha tan-NU jkomplu jappoġġaw u jimplimentaw ir-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar l-Aġenda dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà, li jqisu l-impatt sproporzjonat tal-konflitti fuq in-nisa u l-bniet u jiggwidaw il-ħidma u l-azzjonijiet għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-parteċipazzjoni, il-protezzjoni u d-drittijiet tan-nisa fiċ-ċiklu kollu tal-konflitt, mill-prevenzjoni tal-konflitti sar-rikostruzzjoni ta' wara l-konflitt; f'dan ir-rigward jagħti attenzjoni speċjali lill-eradikazzjoni tal-vjolenza u d-diskriminazzjoni kontra n-nisa u l-bniet, inkluża l-vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru, il-prattiki dannużi u l-vjolenza domestika u tal-familja, u l-appoġġ għall-parteċipazzjoni attiva sinifikanti u ugwali tan-nisa fl-isferi kollha tal-ħajja pubblika u tat-teħid tad-deċiżjonijiet, u l-promozzjoni tad-drittijiet tan-nisa; jappoġġa u jsaħħaħ l-isforzi internazzjonali permezz tan-NU biex tiġi żgurata analiżi tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, kif ukoll l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u tad-drittijiet tal-bniedem fl-attivitajiet kollha tan-NU; il-Parlament ifakkar li l-vjolenza sesswali bħall-istupru tintuża bħala tattika tal-gwerra u tikkostitwixxi delitt tal-gwerra, u jitlob li tiżdied il-protezzjoni tan-nisa u l-bniet f'sitwazzjonijiet ta' konflitt, speċjalment fir-rigward tal-vjolenza sesswali; huwa tal-fehma li l-UE għandha tiġbor appoġġ usa', inkluż permezz ta' finanzjament adegwat, għall-ħidma tal-UN Women, li għandha rwol importanti fis-Sistema tan-NU għall-avvanz tad-drittijiet tan-nisa u t-tlaqqigħ tal-partijiet interessati rilevanti kollha sabiex tiġi ġġenerata bidla fil-politika u jiġu kkoordinati l-azzjonijiet ta' politika;

(am) jadotta rwol ambizzjuż u kostruttiv fi ħdan il-mekkaniżmu għar-Rieżami tal-Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali u l-Protokoll tagħha għall-Prevenzjoni, is-Soppressjoni u l-Punizzjoni tat-Traffikar ta' Persuni sabiex jissaħħu aktar l-isforzi internazzjonali għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, inklużi l-perspettivi tan-nisa, it-tfal u l-migranti, li jinsabu f'riskju akbar ta' sfruttament;

(an) jikkonsulta mill-qrib lill-Parlament dwar il-proċess ta' implimentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Kunsill, u jinvolvi lill-Parlament f'dawk l-oqsma kollha ta' politika fejn id-diplomazija parlamentari tista' toħloq sinerġiji siewja u ssaħħaħ il-kapaċità ta' sensibilizzazzjoni u l-impatt pożittiv u t-tmexxija tal-UE kollha kemm hi;

(ao) jappella għal azzjonijiet immedjati biex tiġi indirizzata l-kriżi li qed tikber tad-drittijiet tal-bniedem fix-Xinjiang, tal-inqas biex tiġi investigata l-persekuzzjoni etnika u reliġjuża rrappurtata fir-reġjun kollu; f'dan ir-rigward, il-Parlament jitlob l-istabbiliment ta' mekkaniżmu indipendenti ta' monitoraġġ tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina, li jista' jinkludi Rapporteur Speċjali tan-NU, Bord ta' Esperti tal-HRC jew Mibgħut Speċjali; jappoġġa s-sejħiet biex il-UNHRC jorganizza sessjoni speċjali dwar il-kriżi;

2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kummissjoni, u, għal informazzjoni, lill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

10.5.2021

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

50

4

12

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Alviina Alametsä, Alexander Alexandrov Yordanov, Maria Arena, Petras Auštrevičius, Traian Băsescu, Anna Bonfrisco, Reinhard Bütikofer, Fabio Massimo Castaldo, Susanna Ceccardi, Włodzimierz Cimoszewicz, Katalin Cseh, Tanja Fajon, Anna Fotyga, Michael Gahler, Sunčana Glavak, Raphaël Glucksmann, Klemen Grošelj, Bernard Guetta, Márton Gyöngyösi, Andrzej Halicki, Sandra Kalniete, Karol Karski, Stelios Kouloglou, Andrius Kubilius, Ilhan Kyuchyuk, David Lega, Miriam Lexmann, Nathalie Loiseau, Antonio López-Istúriz White, Jaak Madison, Lukas Mandl, Thierry Mariani, David McAllister, Vangelis Meimarakis, Sven Mikser, Javier Nart, Gheorghe-Vlad Nistor, Urmas Paet, Demetris Papadakis, Tonino Picula, Manu Pineda, Giuliano Pisapia, Thijs Reuten, Jérôme Rivière, María Soraya Rodríguez Ramos, Nacho Sánchez Amor, Isabel Santos, Jacek Saryusz-Wolski, Andreas Schieder, Radosław Sikorski, Jordi Solé, Sergei Stanishev, Tineke Strik, Hermann Tertsch, Harald Vilimsky, Idoia Villanueva Ruiz, Viola Von Cramon-Taubadel, Thomas Waitz, Witold Jan Waszczykowski, Isabel Wiseler-Lima, Salima Yenbou, Željana Zovko

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Loucas Fourlas, Assita Kanko, Mick Wallace

 


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

50

+

NI

Fabio Massimo Castaldo, Márton Gyöngyösi

PPE

Alexander Alexandrov Yordanov, Traian Băsescu, Loucas Fourlas, Michael Gahler, Sunčana Glavak, Andrzej Halicki, Sandra Kalniete, Andrius Kubilius, David Lega, Miriam Lexmann, Antonio López-Istúriz White, Lukas Mandl, David McAllister, Vangelis Meimarakis, Francisco José Millán Mon, Gheorghe-Vlad Nistor, Radosław Sikorski, Isabel Wiseler-Lima, Željana Zovko

Renew

Petras Auštrevičius, Katalin Cseh, Klemen Grošelj, Bernard Guetta, Ilhan Kyuchyuk, Nathalie Loiseau, Javier Nart, Urmas Paet, María Soraya Rodríguez Ramos

S&D

Maria Arena, Włodzimierz Cimoszewicz, Tanja Fajon, Raphaël Glucksmann, Sven Mikser, Demetris Papadakis, Tonino Picula, Giuliano Pisapia, Thijs Reuten, Isabel Santos, Andreas Schieder, Sergei Stanishev, Nacho Sánchez Amor

Verts/ALE

Alviina Alametsä, Reinhard Bütikofer, Jordi Solé, Tineke Strik, Viola Von Cramon-Taubadel, Thomas Waitz, Salima Yenbou

 

4

-

ECR

Hermann Tertsch

ID

Thierry Mariani, Jérôme Rivière, Harald Vilimsky

 

12

0

ECR

Anna Fotyga, Assita Kanko, Karol Karski, Jacek Saryusz-Wolski, Witold Jan Waszczykowski

ID

Anna Bonfrisco, Susanna Ceccardi, Jaak Madison

The Left

Stelios Kouloglou, Manu Pineda, Idoia Villanueva Ruiz, Mick Wallace

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

 

 

Aġġornata l-aħħar: 4 ta' Ġunju 2021
Avviż legali - Politika tal-privatezza