RAPPORT dwar abbozz ta' regolament tal-Parlament Ewropew li jistabbilixxi r-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman (Statut tal-Ombudsman Ewropew) u li jħassar id-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom

27.5.2021 - (2021/2053(INL)2019/0900(APP))

Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali
Rapporteur: Paulo Rangel

Proċedura : 2019/0900(APP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A9-0174/2021
Testi mressqa :
A9-0174/2021
Votazzjonijiet :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar abbozz ta' regolament tal-Parlament Ewropew li jistabbilixxi r-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman (Statut tal-Ombudsman Ewropew) u li jħassar id-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom

(2021/2053(INL)2019/0900(APP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 228(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 106a(1) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

 wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni (COM[(2021)XXX]),

 wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Kunsill ([XXXX/2021])

 wara li kkunsidra l-Artikoli 46 u 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A9-0174/2021),

1. Jadotta l-abbozz ta' regolament li jinsab fl-Anness;

2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma r-Regolament, skont l-Artikolu 297(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

3. Jagħti istruzzjonijiet lis-Segretarju Ġenerali tiegħu biex jipproċedi għall-pubblikazzjoni tar-Regolament f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

 


 

ANNESS GĦALL-MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

Abbozz ta' regolament tal-Parlament Ewropew li jistabbilixxi r-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tad-dmirijiet tal-Ombudsman (Statut tal-Ombudsman Ewropew) u li jħassar id-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom (2021/2080(INL)2019/0900(APP))

IL-PARLAMENT EWROPEW,

 

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 228(4) tiegħu,

 

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari l-Artikolu 106(a)(1) tiegħu,

 

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

 

Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea,

 

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

 

Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali[1],

 

Billi:

 

(1) Ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tad-dmirijiet tal-Ombudsman jenħtieġ li jiġu stabbiliti f'konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b'mod partikolari il-punt (d) tal-Artikolu 20(2) u l-Artikolu 228 tiegħu, it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”).

 

(2) Id-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom tal-Parlament Ewropew[2] ġiet emendata l-aħħar fl-2008. Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona fl-1 ta' Diċembru 2009, id-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom jenħtieġ li titħassar u tiġi sostitwita b'regolament adottat abbażi tal-Artikolu 228(4) tat-TFUE.

 

(3) L-Artikolu 41 tal-Karta jirrikonoxxi d-dritt għal amministrazzjoni tajba bħala dritt fundamentali taċ-ċittadini tal-Unjoni. L-Artikolu 43 tal-Karta jirrikonoxxi d-dritt li wieħed jirreferi lill-Ombudsman Ewropew każijiet ta' amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet, tal-korpi, tal-uffiċċji jew tal-aġenziji tal-Unjoni. Sabiex ikun żgurat li dawk id-drittijiet huma effettivi u sabiex tissaħħaħ il-kapaċità tal-Ombudsman biex iwettaq inkjesti bir-reqqa u b'mod imparzjali, u b’hekk tiġi sostnuta l-indipendenza tal-Ombudsman li fuqha jiddependu t-tnejn li huma, jenħtieġ li l-Ombudsman jingħata l-għodod kollha meħtieġa biex iwettaq b'suċċess id-dmirijiet tal-Ombudsman imsemmija fit-Trattati u f'dan ir-Regolament.

 

(4) L-istabbiliment tal-kundizzjonijiet skont liema jista' jitressaq ilment lill-Ombudsman jenħtieġ li jikkonforma mal-prinċipju ta' aċċess sħiħ, liberu u faċli, b'kunsiderazzjoni xierqa tingħata lir-restrizzjonijiet speċifiċi li jirriżultaw minn proċedimenti ġudizzjarji u amministrattivi.

 

(5) L-Ombudsman jenħtieġ li jaġixxi b'kunsiderazzjoni xierqa għall-kompetenzi tal-istituzzjonijiet, tal-korpi, tal-uffiċċji jew tal-aġenziji tal-Unjoni li huma s-soġġetti tal-inkjesti tiegħu.

 

(6) Huwa meħtieġ li fejn l-inkjesti tal-Ombudsman jiżvelaw każijiet ta' amministrazzjoni ħażina jiġu stabbiliti l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti. -Jenħtieġ li l-Ombudsman jissottometti rapport komprensiv lill-Parlament Ewropew fl-aħħar ta' kull sessjoni annwali. L-Ombudsman jenħtieġ li jkun intitolat ukoll li f’dak ir-rapport annwali, jinkludi valutazzjoni tal-konformità mar-rakkomandazzjonijiet magħmula.

 

(7) Sabiex jissaħħaħ ir-rwol tal-Ombudsman u jiġu promossi l-aħjar prattiki amministrattivi fl-istituzzjonijiet, fil-korpi, fl-uffiċċji u fl-aġenziji tal-Unjoni, ikun tajjeb li l-Ombudsman, mingħajr preġudizzju għad-dmir primarju tiegħu, li huwa li jittratta l-ilmenti, iwettaq inkjesti fuq inizjattiva proprja kull meta jsib raġunijiet, u b'mod partikolari f'każijiet ripetuti, sistemiċi jew partikolarment serji ta' amministrazzjoni ħażina.

 

(8) Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[3], kif ikkomplementat mir-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[4] jenħtieġ li japplika għal talbiet għal aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Ombudsman, bl-eċċezzjoni ta' dawk miksuba matul inkjesta, li f’liema każ it-talbiet jenħtieġ li jiġu ttrattati mill-istituzzjoni, mill-korp, mill-uffiċċju jew mill-aġenzija tal-Unjoni tal-oriġini.

 

(9) L-Ombudsman jenħtieġ li jingħata aċċess għall-elementi kollha meħtieġa għat-twettiq ta' dmirijietu. Għal dak il-għan, l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni jenħtieġ li jipprovdu lill-Ombudsman bi kwalunkwe informazzjoni li huwa jitlob għall-finijiet ta' inkjesta. Meta l-eżerċitar tad-dmirijiet tal-Ombudsman ikun jirrikjedi li l-Ombudsman jingħata informazzjoni kklassifikata miżmuma mill-istituzzjonijiet, mill-korpi, mill-uffiċċji u mill-aġenziji tal-Unjoni jew mill-awtoritajiet tal-Istati Membri, l-Ombudsman jenħtieġ li jkun jista’ jaċċessa tali informazzjoni, soġġett għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli għall-protezzjoni tagħha.

 

(10) Jenħtieġ li l-Ombudsman u l-persunal tiegħu jkunu fid-dmir li jittrattaw b'kunfidenzjalità kwalunkwe informazzjoni li jkunu kisbu fil-qadi ta' dmirijiethom; mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-Ombudsman li jinforma lill-awtoritajiet tal-Istati Membri dwar il-fatti li jista' jkollhom x'jaqsmu ma' reati kriminali u li jkun sar jaf bihom waqt inkjesta. Barra minn hekk, l-Ombudsman jenħtieġ li jkun jista' jinforma lill-istituzzjoni, lill-korp, lill-uffiċċju jew lill-aġenzija tal-Unjoni kkonċernati dwar il-fatti li jqajmu dubju dwar l-imġiba ta' membru tal-persunal tagħhom. L-obbligu tal-Ombudsman li jittratta b'mod kunfidenzjali kwalunkwe informazzjoni miksuba fil-qadi ta' dmirijietu jenħtieġ li tkun mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-Ombudsman li jwettaq xogħlu b'mod kemm jista' jkun miftuħ skont l-Artikolu 15(1) tat-TFUE. B'mod partikolari, sabiex iwettaq dmirijietu kif xieraq u sabiex jappoġġja s-sejbiet tiegħu, l-Ombudsman jenħtieġ li jkun jista' jirreferi fir-rapporti tiegħu għal kwalunkwe informazzjoni aċċessibbli għall-pubbliku.

 

(11) Fejn ikun meħtieġ għat-twettiq effettiv ta' dmirijietu, l-Ombudsman jenħtieġ li jingħata l-possibbiltà li jikkoopera u jiskambja informazzjoni mal-awtoritajiet tal-Istati Membri, f'konformità mad-dritt nazzjonali u tal-Unjoni applikabbli, u ma' istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji oħra tal-Unjoni, f'konformità mad-dritt tal-Unjoni applikabbli.

 

(12) L-Ombudsman jenħtieġ li jinħatar mill-Parlament Ewropew fil-bidu tal-leġiżlatura u għat-tul ta' żmien tagħha, magħżul minn fost il-persuni li huma ċittadini tal-Unjoni u li joffru l-garanziji meħtieġa kollha ta' indipendenza u kompetenza. Jenħtieġ ukoll li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ġenerali fost l-oħrajn dwar il-waqfien tad-dmirijiet tal-Ombudsman, is-sostituzzjoni tal-Ombudsman, għall-inkompatibbiltajiet, ir-remunerazzjoni tal-Ombudsman u l-privileġġi u l-immunitajiet tal-Ombudsman.

 

(13) Jenħtieġ li jiġi speċifikat li s-sede tal-Ombudsman jenħtieġ li tkun dik tal-Parlament Ewropew kif iddeterminat bil-punt (a) tal-Protokoll Nru 6 dwar il-post tas-sede tal-istituzzjonijiet u ta' ċerti korpi, uffiċċji, aġenziji u dipartimenti tal-Unjoni Ewropea, anness għat-Trattat tal-Unjoni Ewropea, għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika (il-“Protokoll Nru 6”).

 

(14) L-Ombudsman jenħtieġ li jikseb parità bejn il-ġeneri fil-kompożizzjoni tas-segretarjat tiegħu, billi jagħti kunsiderazzjoni xierqa lill-Artikolu 1d(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni, stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68[5] (ir-“Regolamenti tal-Persunal”).

 

(15) Huwa f'idejn l-Ombudsman li jadotta d-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni għal dan ir-Regolament wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, mal-Kunsill u mal-Kummissjoni Ewropea. Fin-nuqqas ta' opinjoni minn dawn l-istituzzjonijiet fil-perjodu ta' żmien stabbilit b'mod raġonevoli mill-Ombudsman minn qabel, huwa jista' jadotta d-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni kkonċernati. Sabiex tiġi garantita ċ-ċertezza legali u l-ogħla standards fil-qadi tad-dmirijiet tal-Ombudsman, jenħtieġ li l-kontenut minimu tad-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni li għandhom jiġu adottati jiġi stabbilit f'dan ir-Regolament.

 

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT

 

 

Artikolu 1

 

Suġġett u prinċipji

 

1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tad-dmirijiet tal-Ombudsman (Statut tal-Ombudsman Ewropew).

 

2. L-Ombudsman għandu jkun kompletament indipendenti fil-qadi ta' dmirijietu u għandu jaġixxi mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel.

 

3. L-Ombudsman għandu jgħin biex jiżvela amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet, tal-korpi, tal-uffiċċji u tal-aġenziji tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li taġixxi fir-rwol ġudizzjarju tagħha, b'kunsiderazzjoni xierqa għall-punt (d) tal-Artikolu 20(2), u l-Artikolu 228 tat-TFUE u l-Artikolu 41 tal-Karta dwar id-dritt għal amministrazzjoni tajba.

 

L-ebda azzjoni minn xi awtorità jew persuna oħra ma tista' tkun is-suġġett ta' lment lill-Ombudsman.

 

4. Fejn xieraq, l-Ombudsman għandu jagħmel rakkomandazzjonijiet, proposti għal soluzzjonijiet u suġġerimenti għal titjib biex tiġi indirizzata l-kwistjoni.

 

5. Fil-qadi ta' dmirijietu, l-Ombudsman ma jistax jikkontesta l-korrettezza ta' deċiżjoni ta' qorti jew il-kompetenza ta' qorti li toħroġ deċiżjoni.

 

Artikolu 2

 

Ilmenti

 

1. Kull ċittadin tal-Unjoni jew persuna ġuridika jew naturali li tirrisjedi jew li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru tista', direttament jew permezz ta' membru tal-Parlament Ewropew, tressaq ilment lill-Ombudsman rigward amministrazzjoni ħażina.

 

2. Ilment għandu jagħmel referenza ċara għas-suġġett tiegħu u għall-identità tal-ilmentatur. Ilmentatur jista' jitlob li l-ilment, jew partijiet minnu, jibqgħu kunfidenzjali.

 

3. Ilment għandu jitressaq fi żmien sentejn mid-data meta l-ilmentatur ikun sar jaf bil-fatti li fuqhom huwa bbażat l-ilment. Qabel ma jitressaq l-ilment, l-ilmentatur għandu jagħmel il-passi amministrattivi xierqa fir-rigward tal-istituzzjoni, tal-korp, tal-uffiċċju jew tal-aġenzija kkonċernata.

 

4. L-Ombudsman għandu jirrifjuta lment bħala inammissibbli jekk ma jkunx fl-ambitu tal-mandat tal-Ombudsman jew jekk ir-rekwiżiti proċedurali stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3 ma jkunux issodisfati. Meta lment ma jkunx fl-ambitu tal-mandat tal-Ombudsman, huwa jista' jagħti parir lill-ilmentatur biex jindirizzah lil awtorità oħra.

 

5. Jekk l-Ombudsman isib li l-ilment huwa manifestament infondat, huwa għandu jagħlaq il-fajl u jinforma lill-ilmentatur dwar dik is-sejba. F'każijiet fejn l-ilmentatur ikun informa lill-istituzzjoni, lill-korp, lill-uffiċċju jew lill-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata dwar l-ilment, l-Ombudsman għandu jinforma wkoll lill-awtorità kkonċernata.

 

6. L-ilmenti li jikkonċernaw ir-relazzjonijiet industrijali bejn l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji tal-Unjoni u l-persunal tagħhom għandhom ikunu ammissibbli biss jekk il-persuna kkonċernata tkun eżawriet il-proċeduri amministrattivi interni kollha, b'mod partikolari dawk imsemmija fl-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal, u l-awtorità kompetenti tal-istituzzjoni, tal-korp, tal-uffiċċju jew tal-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata tkun ħadet deċiżjoni jew il-limiti ta' żmien għat-tweġiba tagħha jkunu skadew. L-Ombudsman għandu jkun intitolat ukoll li jivverifika l-miżuri adottati mill-awtorità kompetenti tal-istituzzjoni, tal-korp, tal-uffiċċju jew tal-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata biex tiżgura l-protezzjoni tal-allegati vittmi ta' fastidju u biex jerġa' jkun hemm ambjent tax-xogħol tajjeb għas-saħħa u sikur li jirrispetta d-dinjità tal-persuni kkonċernati waqt li tkun għaddejja inkjesta amministrattiva, dment li l-persuni kkonċernati jkunu eżawrew il-proċeduri amministrattivi interni fir-rigward ta' dawn il-miżuri.

 

7. L-Ombudsman għandu jinforma lill-istituzzjoni, lill-korp, lill-uffiċċju jew lill-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata dwar ilment, malli dak l-ilment ikun ġie ddikjarat ammissibbli u tkun ittieħdet id-deċiżjoni li tinfetaħ inkjesta.

 

8. L-ilmenti mressqa lill-Ombudsman ma għandhomx jaffettwaw il-limiti ta' żmien sabiex jiġu ppreżentati appelli fi proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji.

 

9. Fejn, minħabba proċeduri ġudizzjarji li jkunu għaddejjin jew ikunu ġew konklużi rigward il-fatti ppreżentati, l-Ombudsman jiddikjara li lment ikun inammissibbli jew jiddeċiedi li jieqaf jikkunsidrah, l-eżitu ta' kwalunkwe inkjesta li l-Ombudsman ikun għamel sa dak iż-żmien għandu jiddaħħal f’fajl u dak il-fajl għandu jingħalaq.

 

10. L-Ombudsman għandu malajr kemm jista’ jkun jinforma lill-ilmentatur dwar l-azzjoni meħuda rigward l-ilment u, sa fejn ikun possibbli, ifittex soluzzjoni mal-istituzzjoni, mal-korp, mal-uffiċċju jew mal-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata biex tiġi eliminata l-amministrazzjoni ħażina. L-Ombudsman għandu jinforma lill-ilmentatur dwar is-soluzzjoni proposta flimkien mal-kummenti, jekk ikun hemm, tal-istituzzjoni, tal-korp, tal-uffiċċju jew tal-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata. L-ilmentatur jista' jissottometti kummenti jew jipprovdi, fi kwalunkwe stadju, informazzjoni addizzjonali li ma kinitx magħrufa fil-mument tas-sottomissjoni tal-ilment.

 

Meta tinstab soluzzjoni aċċettata mill-ilmentatur u mill-istituzzjoni, mill-korp, mill-uffiċċju jew mill-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata, l-Ombudsman jista' jagħlaq il-fajl mingħajr ma jsegwi l-proċedura prevista fl-Artikolu 4.

 

 

Artikolu 3

 

Inkjesti

 

1. F'konformità ma' dmirijietu, l-Ombudsman għandu jwettaq inkjesti li għalihom isib raġunijiet, fuq inizjattiva tiegħu stess jew wara lment.

 

2. L-Ombudsman għandu jinforma lill-istituzzjoni, lill-korp, lill-uffiċċju jew lill-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata minn tali inkjesti mingħajr dewmien żejjed. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5, l-istituzzjoni, il-korp, l-uffiċċju jew l-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata tista', fuq inizjattiva proprja jew fuq talba tal-Ombudsman, tippreżenta kwalunkwe kumment jew evidenza utli.

 

3. L-Ombudsman jista' jwettaq inkjesti fuq inizjattiva proprja kull meta jsib raġunijiet, u b'mod partikolari f'każijiet ta' amministrazzjoni ħażina ripetuta, sistemika jew partikolarment serja sabiex jiġu indirizzati dawk il-każijiet bħala kwistjoni ta' interess pubbliku. Fil-kuntest ta' inkjesti bħal dawn, huwa jista' wkoll jagħmel proposti u inizjattivi biex jippromwovi l-aħjar prattiki amministrattivi fl-istituzzjonijiet, fil-korpi, fl-uffiċċji u fl-aġenziji tal-Unjoni.

 

 

Artikolu 4

 

Interazzjoni bejn l-Ombudsman u l-istituzzjonijiet

 

1. Meta, wara inkjesta, jinstabu każijiet ta' amministrazzjoni ħażina, l-Ombudsman għandu jinforma, mingħajr dewmien żejjed, lill-istituzzjoni, lill-korp, lill-uffiċċju jew lill-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata bis-sejbiet tal-inkjesta u, fejn xieraq, għandu jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet.

 

2. L-istituzzjoni, il-korp, l-uffiċċju jew l-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata għandha tibgħat opinjoni dettaljata lill-Ombudsman fi żmien tliet xhur. L-Ombudsman jista', fuq talba motivata tal-istituzzjoni, tal-korp, tal-uffiċċju jew tal-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata, jagħti estensjoni ta' dik l-iskadenza. Dik l-iskadenza  ma għandhiex tkun itwal minn xahrejn. Fejn ma tingħata l-ebda opinjoni mill-istituzzjoni, mill-korp, mill-uffiċċju jew mill-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata sal-iskadenza oriġinali ta' tliet xhur jew sal-iskadenza estiża, l-Ombudsman jista' jagħlaq l-inkjesta mingħajr tali opinjoni.

 

3. Meta tingħalaq inkjesta, l-Ombudsman għandu jibgħat rapport lill-istituzzjoni, lill-korp, lill-uffiċċju jew lill-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata u, meta n-natura jew id-daqs tal-każ ta' amministrazzjoni ħażina li jkun skopra jirrikjedi dan, lill-Parlament Ewropew. L-Ombudsman jista' jagħmel rakkomandazzjonijiet fir-rapport. L-Ombudsman għandu jinforma lill-ilmentatur dwar l-eżitu tal-inkjesta, l-opinjoni mogħtija mill-istituzzjoni, mill-korp, mill-uffiċċju jew mill-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata u kwalunkwe rakkomandazzjoni magħmula fir-rapport.

 

4. Fejn ikun xieraq fir-rigward ta' inkjesta dwar l-attivitajiet ta' istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija tal-Unjoni, l-Ombudsman jista' jinstema' quddiem il-Parlament Ewropew, fil-livell xieraq, fuq l-inizjattiva tiegħu stess jew fuq talba tal-Parlament Ewropew.

 

5. Fi tmiem kull sessjoni annwali, l-Ombudsman għandu jippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew dwar l-eżitu tal-inkjesti mwettqa minnu. Ir-rapport għandu jinkludi valutazzjoni tal-konformità mar-rakkomandazzjonijiet, mal-proposti għal soluzzjonijiet u mas-suġġerimenti tal-Ombudsman għal titjib. Ir-rapport għandu jinkludi wkoll, fejn rilevanti, l-eżitu tal-inkjesti tal-Ombudsman relatati ma' fastidju, żvelar ta' informazzjoni protetta u kunflitti ta' interess fl-istituzzjonijiet, fil-korpi, fl-uffiċċji jew fl-aġenziji tal-Unjoni.

 

 

Artikolu 5

 

Għoti ta' informazzjoni lill-Ombudsman

 

1. Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, "l-għoti ta' informazzjoni" jinkludi l-mezzi fiżiċi u elettroniċi kollha li bihom l-Ombudsman u s-segretarjat tiegħu jingħataw aċċess għall-informazzjoni, inklużi dokumenti, indipendentement mill-forma tagħha.

 

2. "Informazzjoni klassifikata tal-UE" tfisser kwalunkwe informazzjoni jew materjal magħżul mill-klassifikazzjoni ta' sigurtà tal-UE, li d-divulgazzjoni mhux awtorizzata tiegħu tista' tikkawża gradi differenti ta' preġudizzju għall-interessi tal-Unjoni jew għal dawk ta’ Stat Membru wieħed jew aktar.

 

3. Soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu, l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom, fuq talba tal-Ombudsman jew fuq inizjattiva tagħhom stess, u mingħajr dewmien żejjed, jipprovdu lill-Ombudsman kwalunkwe informazzjoni li jkun talab għall-finijiet ta' inkjesta.

 

4. L-Ombudsman għandu jingħata informazzjoni klassifikata tal-UE għall-prinċipji u l-kundizzjonijiet li ġejjin:

 

(a) l-istituzzjoni, il-korp, l-uffiċċju jew l-aġenzija tal-Unjoni li tipprovdi l-informazzjoni klassifikata tal-UE trid tkun lestiet il-proċeduri interni rilevanti tagħha u, meta l-oriġinatur ikun parti terza, din tal-aħħar trid tkun tat l-approvazzjoni tagħha bil-miktub minn qabel;

 

(b) il-ħtieġa tal-għarfien tal-Ombudsman trid tkun ġiet stabbilita;

 

(c) irid jkun żgurat li l-aċċess għal informazzjoni klassifikata CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL jew ogħla jingħata biss lil persuni li jkollhom approvazzjoni tas-sigurtà għal-livell ta' sigurtà rilevanti f'konformità mad-dritt nazzjonali u awtorizzati mill-awtorità ta' sigurtà kompetenti.

 

5. Għall-għoti ta' informazzjoni klassifikata tal-UE, l-istituzzjoni, il-korp, l-uffiċċju jew l-aġenzija kkonċernata tal-Unjoni għandha tivvaluta jekk l-Ombudsman ikunx effettivament stabbilixxa regoli ta' sigurtà interna kif ukoll miżuri fiżiċi u proċedurali biex tiġi protetta informazzjoni klassifikata tal-UE. Għal dan il-għan, l-Ombudsman u istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija tal-Unjoni jistgħu jidħlu wkoll f'arranġament li jistabbilixxi qafas ġenerali li jirregola l-għoti ta' informazzjoni klassifikata tal-UE.

 

6. F'konformità mal-paragrafi 4 u 5, l-aċċess għal informazzjoni klassifikata tal-UE għandu jiġi pprovdut fil-bini tal-istituzzjoni, tal-korp, tal-uffiċċju jew tal-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor mal-Ombudsman.

 

7. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw li jipprovdu lill-Ombudsman b’informazzjoni koperta mil-liġi nazzjonali dwar il-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata jew mid-dispożizzjonijiet li jipprevjenu l-komunikazzjoni tagħha. Madankollu, l-Istat Membru kkonċernat jista' jipprovdi taliinformazzjoni lill-Ombudsman soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti mill-awtorità kompetenti tiegħu.

 

8. Fejn l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji tal-Unjoni u l-awtoritajiet tal-Istati Membri jkunu beħsiebhom jipprovdu lill-Ombudsman b’informazzjoni klassifikata tal-UE jew kwalunkwe informazzjoni oħra li ma tkunx aċċessibbli għall-pubbliku, huma għandhom jagħtu lill-Ombudsman notifika minn qabel.

 

L-Ombudsman għandu jiżgura li tali informazzjoni tkun protetta b’mod adegwat u b’mod partikolari ma għandux jiżvela din l-informazzjoni lill-ilmentatur jew lill-pubbliku mingħajr l-approvazzjoni minn qabel tal-istituzzjoni, tal-korp, tal-uffiċċju jew tal-aġenzija tal-Unjoni jew tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat. Fir-rigward tal-informazzjoni klassifikata tal-UE, l-approvazzjoni għandha tingħata bil-miktub.

 

9. L-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji tal-Unjoni li jiċħdu l-aċċess għal informazzjoni klassifikata tal-UE għandhom jipprovdu lill-Ombudsman ġustifikazzjoni bil-miktub, li tindika, bħala minimu, ir-raġunijiet għar-rifjut.

 

10. L-Ombudsman għandu jżomm fil-pussess tiegħu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 8 biss sakemm l-inkjesta tingħalaq b'mod definittiv.

 

L-Ombudsman jista' jitlob lil istituzzjoni, lil korp, lil uffiċċju jew lil aġenzija, jew lil Stat Membru biex iżomm tali informazzjoni għal perjodu ta' mill-inqas ħames snin.

 

11. Jekk l-assistenza mitluba ma tkunx disponibbli meta tkun meħtieġa, l-Ombudsman għandu jinforma lill-Parlament Ewropew, li għandu jaġixxi kif xieraq.

 

 

 

Artikolu 6

 

Aċċess pubbliku għad-dokumenti miżmuma mill-Ombudsman

 

L-Ombudsman għandu jittratta t-talbiet għal aċċess pubbliku għad-dokumenti, bl-eċċezzjoni ta' dawk miksuba matul inkjesta u miżmuma mill-Ombudsman għad-durata ta’ dik l-inkjesta jew wara l-għeluq tagħha, f'konformità mal-kundizzjonijiet u l-limiti previsti fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001, kif ikkomplementat mir-Regolament (KE) Nru 1367/2006.

 

 

Artikolu 7

 

Smigħ ta' uffiċjali u aġenti oħra

 

1. L-uffiċjali u aġenti oħra tal-istituzzjonijiet, tal-korpi, tal-uffiċċji u tal-aġenziji tal-Unjoni għandhom, fuq talba tal-Ombudsman, jinstemgħu, rigward il-fatti li jkollhom x'jaqsmu ma' inkjesta li jkun qed jagħmel l-Ombudsman.

 

2. Dawk l-uffiċjali u aġenti oħra għandhom jitkellmu f'isem l-istituzzjoni, il-korp, l-uffiċċju jew l-aġenzija tagħhom. Huma għandhom jibqgħu marbuta mal-obbligi li jirriżultaw mir-regoli li jkunu soġġetti għalihom.

 

 

Artikolu 8

 

Inkjesti fil-kuntest tal-iżvelar ta' informazzjoni protetta

 

1. L-Ombudsman jista' jwettaq inkjesta biex jiżvela każijiet ta’ amministrazzjoni ħażina fit-trattament ta' informazzjoni kif definit fl-Artikolu 22a tar-Regolamenti tal-Persunal li jkunu ġew divulgati lilu minn uffiċjal jew minn aġent ieħor f'konformità mar-regoli rilevanti stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal.

 

2. F'każijiet bħal dawn, l-uffiċjal jew aġent ieħor għandu jibbenefika mill-protezzjoni offruta mir-Regolamenti tal-Persunal kontra kwalunkwe effett ta' preġudizzju min-naħa tal-istituzzjoni, tal-korp, tal-uffiċċju jew tal-aġenzija tal-Unjoni bħala riżultat tal-komunikazzjoni tal-informazzjoni.

 

3. L-Ombudsman jista' jinvestiga wkoll jekk kienx hemm każ ta’ amministrazzjoni ħażina fit-trattament ta' tali każ mill-istituzzjoni, mill-korp, mill-uffiċċju jew mill-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata, inkluż fir-rigward tal-protezzjoni tal-uffiċjal jew ta' aġent ieħor ikkonċernat. 

 

Artikolu 9

 

Segretezza professjonali

 

1. L-Ombudsman u l-persunal tiegħu ma għandhomx jiddivulgaw informazzjoni jew dokumenti li jiksbu matul l-inkjesta. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, huma ma għandhom, b'mod partikolari, jiddivulgaw l-ebda informazzjoni klassifikata tal-UE jew dokument intern tal-istituzzjonijiet, tal-korpi, tal-uffiċċji jew tal-aġenziji tal-Unjoni pprovduti lill-Ombudsman jew dokumenti li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali. Huma ma għandhomx jiddivulgaw lanqas kwalunkwe informazzjoni li tista' tagħmel ħsara lid-drittijiet tal-ilmentatur jew ta' kwalunkwe persuna oħra involuta.

 

2. Mingħajr preġudizzju għall-obbligu ġenerali ta' rapportar tal-istituzzjonijiet, tal-korpi, tal-uffiċċji u tal-aġenziji kollha tal-Unjoni lill-OLAF, f'konformità mal-Artikolu 8 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[6], jekk il-fatti li jiġu magħrufa waqt inkjesta tal-Ombudsman jistgħu jikkostitwixxu jew ikunu relatati ma’ reat kriminali, l-Ombudsman għandu jirrapporta lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u, sa fejn il-każ jaqa’ fil-kompetenzi rispettivi tagħhom lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, skont l-Artikolu 24 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939[7] u l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF).

 

3. Jekk ikun il-każ, u bil-ftehim tal-OLAF jew mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, l-Ombudsman għandu jinnotifika wkoll lill-istituzzjoni, lill-korp, lill-uffiċċju jew lill-aġenzija tal-Unjoni b'awtorità fuq l-uffiċjal jew fuq aġent ieħor ikkonċernat, li tista' tibda l-proċeduri xierqa.

 

 

Artikolu 10

 

Il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet tal-Istati Membri u mal-istituzzjonijiet,

mal-korpi, mal-uffiċċji u mal-aġenziji tal-Unjoni

 

1. Fejn ikun meħtieġ għall-qadi ta' dmirijietu, l-Ombudsman jista' jikkoopera mal-awtoritajiet tal-Istati Membri, f'konformità mad-dritt nazzjonali u tal-Unjoni applikabbli.

 

2. Fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dmirijietu, l-Ombudsman jista' jikkoopera wkoll ma' istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji oħra tal-Unjoni, b'mod partikolari ma' dawk inkarigati mill-promozzjoni u mill-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. L-Ombudsman għandu jevita kwalunkwe duplikazzjoni jew sovrapożizzjoni mal-attivitajiet ta' dawk l-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji tal-Unjoni.

 

3. Il-komunikazzjoni indirizzata lill-awtoritajiet tal-Istati Membri għall-finijiet tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għandha ssir permezz tar-rappreżentanzi permanenti tagħhom għall-Unjoni, ħlief meta r-rappreżentanza permanenti kkonċernata taqbel li s-segretarjat tal-Ombudsman jista' jikkuntattja direttament lill-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat.

 

Artikolu 11

 

Ħatra tal-Ombudsman

 

1. L-Ombudsman għandu jiġi elett, u eliġibbli għall-ħatra mill-ġdid, f'konformità mal-Artikolu 228(2) tat-TFUE minn kandidati magħżula wara proċedura trasparenti.

 

2. Wara l-pubblikazzjoni tas-sejħa għal nomini f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, l-Ombudsman għandu jintgħażel minn persuni li:

 

 huma ċittadini tal-Unjoni,

 

 igawdu minn drittijiet ċivili u politiċi sħaħ,

 

 joffru kull garanzija ta' indipendenza,

 

 jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa biex f'pajjiżhom iwettqu l-ogħla funzjonijiet ġuridiċi jew ikollhom il-kompetenza u l-kwalifiki meħtieġa biex jissodisfaw l-obbligi mistennija mill-Ombudsman, u

 

 ma kinux membri ta' gvernijiet nazzjonali jew membri tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill Ewropew, jew tal-Kummissjoni Ewropea fi żmien sentejn qabel id-data tal-pubblikazzjoni tas-sejħa għan-nomini.

 

 

Artikolu 12

 

Waqfien tad-dmirijiet tal-Ombudsman

 

1. L-Ombudsman għandu jieqaf jeżerċita d-dmirijiet jew fl-aħħar tal-mandat tiegħu jew meta jirriżenja jew jitkeċċa.

 

2. Ħlief fil-każ ta' tkeċċija, l-Ombudsman għandu jibqa' fil-kariga sakemm jinħatar Ombudsman ġdid.

 

3. F'każ ta' terminazzjoni qabel il-waqt, l-Ombudsman il-ġdid għandu fi żmien tliet xhur minn meta l-kariga ssir vakanti, jinħatar għall-bqija ta' dak il-mandat tal-Parlament Ewropew. Sakemm jinħatar Ombudsman ġdid, l-uffiċjal prinċipali msemmi fl-Artikolu 16(2) għandu jkun responsabbli għall-kwistjonijiet urġenti li jaqgħu taħt id-dmirijiet tal-Ombudsman.

 

 

 

 

Artikolu 13

 

It-tneħħija

 

Meta l-Parlament Ewropew ikollu l-intenzjoni li jitlob it-tkeċċija tal-Ombudsman f'konformità mal-Artikolu 228(2) tat-TFUE, huwa għandu jisma' lill-Ombudsman qabel ma jagħmel talba bħal din.

 

 

Artikolu 14

 

L-eżerċitar tad-dmirijiet tal-Ombudsman

 

1. Fit-twettiq tad-dmirijiet, l-Ombudsman għandu jaġixxi f'konformità mal-Artikolu 228(3) tat-TFUE. L-Ombudsman ma għandux jagħmel atti li jkunu inkompatibbli man-natura ta’ dawk id-dmirijiet.

 

2. Meta jieħu l-kariga, l-Ombudsman għandu jagħmel impenn solenni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li se jwettaq id-dmirijiet imsemmija fit-Trattati u f'dan ir-Regolament b'indipendenza u imparzjalità kompluta u li se jirrispetta l-obbligi li jirriżultaw matul u wara l-mandat tiegħu. L-impenn solenni għandu b'mod partikolari jinkludi d-dmir li jġib ruħu b'integrità u diskrezzjoni fir-rigward tal-aċċettazzjoni ta' ċerti ħatriet jew benefiċċji wara t-tmiem tal-mandat.

 

3. Tul iż-żmien tal-Ombudsman fil-kariga, l-Ombudsman ma jista' jeżerċita l-ebda funzjoni politika jew amministrattiva oħra, jew kwalunkwe kariga oħra, la bi ħlas u lanqas mingħajru.

 

 

Artikolu 15

 

Remunerazzjoni, privileġġi u immunitajiet

 

1. L-Ombudsman għandu jkollu l-istess remunerazzjoni, allowances u pensjoni bħal dawk tal-imħallfin tal-Qorti tal-Ġustizzja.

 

2. L-Artikoli 11 sa 14 u l-Artikolu 17 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika għandhom japplikaw għall-Ombudsman u għall-uffiċjali u aġenti oħra tas-segretarjat tiegħu.

 

 

Artikolu 16

 

Is-Segretarjat tal-Ombudsman

 

1. L-Ombudsman għandu jingħata baġit adegwat, biżżejjed biex jiżgura l-indipendenza tal-Ombudsman u t-twettiq tad-dmirijiet tiegħu.

 

2. L-Ombudsman għandu jiġi assistit minn segretarjat. L-Ombudsman għandu jaħtar l-uffiċjal prinċipali tas-segretarjat.

 

3. L-uffiċjali u aġenti oħra tas-segretarjat tal-Ombudsman għandhom ikunu soġġetti għar-Regolamenti tal-Persunal. In-numru tal-membri tal-persunal tas-segretarjat  għandu jiġi adottat kull sena bħala parti mill-proċedura baġitarja.

 

4. Meta l-uffiċjali tal-Unjoni jiġu ssekondati mas-segretarjat tal-Ombudsman, dak is-sekondar għandu jitqies bħala sekondar fl-interessi tas-servizz f'konformità mal-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 37 u l-Artikolu 38 tar-Regolamenti tal-Persunal.

 

 

Artikolu 17

 

Is-sede tal-Ombudsman

 

Is-sede tal-Ombudsman għandha tkun dik tal-Parlament Ewropew kif iddeterminata bil-punt (a) tal-Protokoll Nru 6 .

 

 

Artikolu 18

 

Dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni

 

L-Ombudsman għandu jadotta d-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni għal dan ir-Regolament, wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, mal-Kunsill u mal-Kummissjoni Ewropea. Dawk għandhom ikunu f'konformità ma' dan ir-Regolament u għandhom, bħala minimu, jinkludu tal-inqas dispożizzjonijiet dwar:

 

(a) id-drittijiet proċedurali tal-ilmentatur u tal-istituzzjoni, tal-korp, tal-uffiċċju jew tal-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata;

 

(b) il-wasla, l-ipproċessar u l-għeluq ta' lmenti;

 

(c) l-inkjesti fuq inizjattiva proprja; u

 

(d) l-inkjesti ta' segwitu.

 

 

Artikolu 19

 

Dispożizzjonijiet finali

 

1. Id-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom hija mħassra. 

 

2. Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

 

3. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

 

NOTA SPJEGATTIVA

I. Ratio essendi

 

L-ewwel Ombudsman Ewropew ħa l-kariga fl-1995, wara li t-Trattat ta' Maastricht kien stabbilixxa dan il-korp fl-1992. Wara aktar minn 20 sena ta' attività, l-Ombudsman stabbilixxa reputazzjoni u metodi ta' ħidma li kkontribwew għall-prestiġju li qed jikber, kif ukoll għar-rikonoxximent morali u soċjali tar-rwol ta' dan il-korp.

 

L-Istatut ma ġiex aġġornat matul l-aħħar għaxar snin. Fil-fatt, id-Deċiżjoni li se titħassar tippreċedi d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona. Għalhekk huwa ta' importanza kbira li d-dispożizzjonijiet tagħha jiġu adatti għat-Trattati applikabbli, filwaqt li jiġi garantit li dan il-korp jibqa' jaqdi rwol speċifiku u deċiżiv fil-qafas kostituzzjonali tal-Unjoni Ewropea.

 

II. Modifiki u aġġustamenti previsti mill-Istatut il-ġdid

 

Fir-rigward tal-bidliet sostantivi previsti mir-rapporteur meta bdiet din il-proċedura, vide n-nota spjegattiva fir-rapport T8-0080/2019.

 

III. Proċedura leġiżlattiva speċjali unika

 

Il-proċedura leġiżlattiva għall-adozzjoni tal-Istatut tal-Ombudsman Ewropew hija ta' natura kostituzzjonali u istituzzjonali speċjali. Minn naħa, il-Parlament għandu dritt awtentiku ta' inizjattiva leġiżlattiva, l-hekk imsejjaħ dritt dirett ta' inizjattiva. Min-naħa l-oħra, l-approvazzjoni tal-Kunsill hija meħtieġa u l-Kummissjoni għandha tagħti l-opinjoni tagħha.

 

Il-fatt li t-trattati jistabbilixxu tali proċedura leġiżlattiva, waħda ta' dinjità kostituzzjonali ogħla, jirriżulta mir-rabta - anki speċjali - bejn il-Parlament u l-Ombudsman Ewropew.  Il-Parlament jaħtar l-Ombudsman, jipprovdi assistenza u huwa r-riċevitur ewlieni tar-rapporti tiegħu/tagħha peress li l-Parlament huwa r-rappreżentant aħħari taċ-ċittadini li l-Ombudsman għandu jiddefendi kontra l-azzjonijiet imprevedibbli tal-amministrazzjoni Ewropea.  

 

Ir-rapporteur, bl-approvazzjoni tax-shadow rapporteurs, ikkunsidra li l-fehmiet tal-Kunsill dwar l-għażliet leġiżlattivi tal-Parlament f'dan ir-rigward għandhom jinstemgħu b'tali mod li jiġi evitat rifjut leġittimu li tingħata approvazzjoni jew sempliċi "pocket veto". Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tipparteċipa wkoll, biex tkun f'pożizzjoni aħjar ħalli toħroġ l-opinjoni tagħha u jkollha rwol ta' sensar onest, tabilħaqq biex tgħin ħalli jinstabu kompromessi.

 

Għalhekk, ġie deċiż li jkun hemm konsultazzjonijiet informali, maż-żewġ istituzzjonijiet. Dawn taw il-frott, filwaqt li ma fixklux id-dritt dirett ta' inizjattiva u l-kompetenza leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew. Dan ippermetta lill-Kunsill jantiċipa l-għażliet leġiżlattivi ewlenin tal-Parlament u, neċessarjament, jinfluwenza d-deċiżjonijiet tagħna.

 

L-istabbiliment ta' din il-proċedura ta' konsultazzjonijiet informali mhuwiex kwistjoni ta' pragmatiżmu. Għall-kuntrarju, dan jirriżulta mill-fehim tagħna tan-natura u tar-rwol kostituzzjonali tas-setgħa ta' approvazzjoni tal-Kunsill. Tabilħaqq, l-approvazzjoni tal-Kunsill tfisser aktar minn sempliċi awtorizzazzjoni jew firma. Bl-istess mod bħall-kunsens irjali oriġinali fir-Renju Unit, l-approvazzjoni tal-Kunsill hija wkoll parti mill-funzjoni leġiżlattiva. Jiġifieri, l-approvazzjoni tal-Kunsill tfisser ukoll adeżjoni mal-kontenut tar-Regolament, aderenza mal-kontenut tad-deċiżjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew.

 

Fid-dawl ta' tali fehim, il-konsultazzjonijiet informali preliminari huma l-aktar xierqa u saħansitra meħtieġa. Jekk permezz tal-approvazzjoni tiegħu, il-Kunsill ikun qed jaderixxi b'mod sostantiv mal-għażliet leġiżlattivi ta' dan il-Parlament, allura hija ħaġa naturali li din il-kamra tisma' lill-Kunsill qabel ma tieħu deċiżjonijiet definittivi. 

 

Dan il-modus operandi jikkostitwixxi preċedent prattiku għal oqsma oħra fejn il-Parlament għandu dritt dirett ta' inizjattiva u hija meħtieġa l-approvazzjoni tal-Kunsill. Iżda dan jirrifletti wkoll, fil-fehma tagħna, l-aktar qari xieraq tal-intenzjoni tat-trattati meta jistabbilixxu proċedura leġiżlattiva speċjali bħal din.

 

IV.  Eżitu

 

Dan ir-rapport għandu l-għan li jirrifletti l-fehmiet tal-Parlament wara li jkun wettaq konsultazzjonijiet informali mal-Kunsill u mal-Kummissjoni.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

25.5.2021

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

24

0

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Gerolf Annemans, Gabriele Bischoff, Damian Boeselager, Fabio Massimo Castaldo, Włodzimierz Cimoszewicz, Gwendoline Delbos-Corfield, Pascal Durand, Daniel Freund, Charles Goerens, Sandro Gozi, Laura Huhtasaari, Giuliano Pisapia, Paulo Rangel, Antonio Maria Rinaldi, Domènec Ruiz Devesa, Jacek Saryusz-Wolski, Helmut Scholz, Pedro Silva Pereira, Sven Simon, Antonio Tajani, Mihai Tudose, Loránt Vincze, Rainer Wieland

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Jorge Buxadé Villalba, Othmar Karas, Maite Pagazaurtundúa

 


 

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

24

+

ID

Gerolf Annemans, Laura Huhtasaari, Antonio Maria Rinaldi

NI

Fabio Massimo Castaldo

PPE

Othmar Karas, Paulo Rangel, Sven Simon, Antonio Tajani, Loránt Vincze, Rainer Wieland

Renew

Pascal Durand, Charles Goerens, Sandro Gozi, Maite Pagazaurtundúa

S&D

Gabriele Bischoff, Włodzimierz Cimoszewicz, Giuliano Pisapia, Domènec Ruiz Devesa, Pedro Silva Pereira, Mihai Tudose

The Left

Helmut Scholz

Verts/ALE

Damian Boeselager, Gwendoline Delbos Corfield, Daniel Freund

 

 

0

-

 

 

 

 

2

0

ECR

Jorge Buxadé Villalba, Jacek Saryusz-Wolski

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

 

Aġġornata l-aħħar: 3 ta' Ġunju 2021
Avviż legali - Politika tal-privatezza