RAPPORT dwar ir-Rapport Annwali dwar il-Funzjonament taż-Żona Schengen
1.6.2021 - (2019/2196(INI))
Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
Rapporteur: Tanja Fajon
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar ir-Rapport Annwali dwar il-Funzjonament taż-Żona Schengen
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 77(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jistabbilixxi spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja li għandu jiżgura n-nuqqas ta' kontrolli fuq il-persuni fil-fruntieri interni,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 21(1) tat-TFUE u l-Artikolu 45 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ("Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali"), li jiżguraw id-dritt taċ-ċittadini li jiċċaqalqu u jirrisjedu b'mod liberu fit-territorju tal-Istati Membri,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 18 tat-TFUE u l-Artikolu 21(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li jipprojbixxu kull diskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 18 u 19 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali dwar id-dritt għall-ażil, u għall-protezzjoni f'każ ta' tneħħija, tkeċċija jew estradizzjoni,
– wara li kkunsidra l-acquis dejjem jevolvi ta' Schengen li żviluppa mindu ġie ffirmat il-Ftehim ta' Schengen fl-14 ta' Ġunju 1985, li bħalissa jinkludi diversi atti legali tal-UE fl-oqsma tal-ġestjoni tal-fruntieri interni u esterni, il-politika dwar il-viżi, il-politika ta' ritorn, il-kooperazzjoni bejn il-pulizija u l-protezzjoni tad-data, kif ukoll atti legali li jistabbilixxu u jirregolaw żewġ aġenziji tal-Unjoni (l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (il-Frontex) u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta' Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl- Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA)), programm finanzjarju (l-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża) u erba' sistemi fuq skala kbira tal-IT (is-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen, is-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża, is-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) u s-Sistema ta' Dħul/Ħruġ (EES)), inkluża l-interoperabbiltà bejniethom,
– wara li kkunsidra l-leġiżlazzjoni adottata mindu sar l-aħħar rapport annwali dwar il-funzjonament taż-żona Schengen bil-għan li din tissaħħaħ fid-dawl tal-isfidi persistenti, u b'mod aktar speċifiku r-Regolament (UE) 2018/1860 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Novembru 2018 dwar l-użu tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen għar-ritorn ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi b'soġġorn illegali[1], ir-Regolament (UE) 2018/1861 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Novembru 2018 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS) fil-qasam tal-verifiki fuq il-fruntieri, u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen, u li jemenda u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1987/2006[2] u r-Regolament (UE) 2018/1862 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Novembru 2018 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS) fil-qasam tal-kooperazzjoni bejn il-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali, li jemenda u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI, u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1986/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/261/UE[3], ir-Regolament (UE) 2019/817 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2019 dwar l-istabbiliment ta' qafas għall-interoperabbiltà bejn sistemi ta' informazzjoni tal-UE fil-qasam ta' fruntieri u viża u li jemenda r-Regolamenti (KE) 767/2008, (UE) 2016/399, (UE) 2017/2226, (UE) 2018/1240, (UE) 2018/1726 u (UE) 2018/1861 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2004/512/KE u 2008/633/ĠAI[4], ir-Regolament (UE) 2019/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2019 dwar l-istabbiliment ta' qafas għall-interoperabbiltà bejn sistemi ta' informazzjoni tal-UE fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja, l-ażil u l-migrazzjoni u li jemenda r-Regolamenti (UE) 2018/1726, (UE) 2018/1862 u (UE) 2019/816[5], ir-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Settembru 2018 li jistabbilixxi Sistema Ewropea ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1077/2011, (UE) Nru 515/2014, (UE) 2016/399, (UE) 2016/1624 u (UE) 2017/2226[6], ir-Regolament (UE) 2018/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Settembru 2018 li jemenda r-Regolament (UE) 2016/794 bl-għan li tiġi stabbilita Sistema Ewropea ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS)[7], ir-Regolament (UE) 2020/493 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Marzu 2020 dwar is-sistema tad-Dokumenti Foloz u Awtentiċi Online (FADO) u li jħassar l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 98/700/ĠAI[8], ir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1052/2013 u (UE) 2016/1624[9] u r-Regolament (UE) 2019/1155 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 810/2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi)[10],
– wara li kkunsidra l-ħidma leġiżlattiva li għaddejja dwar ir-reviżjoni tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen fir-rigward tar-regoli applikabbli għall-introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontroll fil-fruntieri interni, dwar ir-riforma tas-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża, dwar it-tlestija tal-qafas leġiżlattiv tal-ETIAS, dwar ir-riformulazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Ritorn, dwar l-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-ġestjoni tal-fruntieri u l-viżi 2021-2027, u l-proposta l-ġdida għal Regolament li jintroduċi skrinjar ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi fil-fruntieri esterni (COM(2020)0612),
– wara li kkunsidra d-diversi konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill u l-komunikazzjonijiet, il-linji gwida u l-pjanijiet direzzjonali tal-Kummissjoni bil-għan li jindirizzaw is-sitwazzjoni fil-fruntieri interni u esterni ta' Schengen b'rispons għall-COVID-19, bħall-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Marzu 2020 bit-titolu "COVID-19: Linji gwida għal miżuri ta' ġestjoni tal-fruntieri biex tiġi protetta s-saħħa u tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-oġġetti u tas-servizzi essenzjali"[11], u l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Marzu 2020 bit-titolu "COVID-19: Gwida dwar l-implimentazzjoni tar-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE, dwar il-faċilitazzjoni tal-arranġamenti ta' tranżitu għar-ripatrijazzjoni taċ-ċittadini tal-UE, u dwar l-effetti fuq il-politika dwar il-viżi" (C(2020)2050), u l-estensjonijiet sussegwenti tagħha, bħal dik tat-8 ta' April 2020 (COM(2020)0148), il-Pjan Direzzjonali Ewropew Konġunt għat-tneħħija tal-miżuri ta' konteniment tal-COVID-19 ippreżentat mill-President tal-Kunsill Ewropew, u r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1475 tat-13 ta' Ottubru 2020 dwar approċċ ikkoordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b'reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19[12],
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Ottubru 2019 dwar il-verifika tal-applikazzjoni sħiħa tal-acquis ta' Schengen min-naħa tal-Kroazja (COM(2019)0497),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Settembru 2020 dwar Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil (COM(2020)0609),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta' Mejju 2018 dwar ir-rapport annwali dwar il-funzjonament taż-żona Schengen[13],
– wara li kkunsidra r-rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tal-25 ta' Novembru 2020 dwar il-Funzjonament tal-Mekkaniżmu ta' Evalwazzjoni u Monitoraġġ ta' Schengen skont l-Artikolu 22 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1053/2013 (COM(2020)0779),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar is-sitwazzjoni fiż-żona Schengen wara t-tifqigħa tal-COVID-19[14],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fil-Bulgarija u r-Rumanija: abolizzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni fuq l-art, tal-baħar u tal-ajru[15],
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) tat-8 ta' Diċembru 2020 intitolat "Migration: fundamental rights issues at land borders" (Migrazzjoni: kwistjonijiet ta' drittijiet fundamentali fil-fruntiera fuq l-art),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2020 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Ritorn[16],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Novembru 2020 dwar l-impatt tal-miżuri tal-COVID-19 fuq id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali[17],
– wara li kkunsidra l-istabbiliment tal-Grupp ta' Ħidma dwar l-Iskrutinju tal-Frontex tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-ħidma għaddejja tiegħu,
– wara li kkunsidra l-ħidma preparatorja għal din ir-riżoluzzjoni li saret mill-Grupp ta' Ħidma tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern dwar l-Iskrutinju ta' Schengen,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A9-0183/2021),
A. billi ż-żona Schengen hija arranġament uniku u waħda mill-akbar kisbiet tal-Unjoni Ewropea, li ilha aktar minn 25 sena tippermetti l-moviment liberu ta' persuni fiż-żona Schengen mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni; billi dan sar possibbli permezz ta' diversi miżuri ta' kumpens bħat-tisħiħ tal-iskambju ta' informazzjoni permezz tal-istabbiliment tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS) u l-ħolqien ta' mekkaniżmu ta' evalwazzjoni biex tiġi vverifikata l-implimentazzjoni tal-acquis ta' Schengen mill-Istati Membri u tiġi promossa l-fiduċja reċiproka fil-funzjonament taż-żona Schengen; billi l-fiduċja reċiproka titlob ukoll is-solidarjetà, is-sigurtà, il-kooperazzjoni ġudizzjarja u bejn il-pulizija fi kwistjonijiet kriminali, il-protezzjoni konġunta tal-fruntieri esterni tal-UE, fehim komuni u politika komuni dwar il-viżi u l-protezzjoni tad-data;
B. billi żona Schengen li tiffunzjona kompletament u t-tkabbir tagħha fil-ġejjieni biex tinkludi l-pajjiżi kandidati ta' Schengen jibqgħu fundamentali għal integrazzjoni politika, ekonomika u soċjali ulterjuri, filwaqt li titrawwem il-koeżjoni u jitnaqqsu d-diskrepanzi bejn il-pajjiżi u r-reġjuni, u prerekwiżit għas-salvagwardja tal-prinċipju ta' libertà ta' moviment billi l-futur ta' Schengen irid ikun wieħed mingħajr frammentazzjoni;
C. billi t-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni hija wieħed mill-elementi essenzjali u prattiċi ta' dak li ċ-ċittadini jidentifikaw bħala l-idea Ewropea u hija kruċjali għall-funzjonament tas-suq intern; billi ż-żona Schengen hija mhedda, mhux l-inqas minħabba l-użu dejjem akbar ta' kontrolli fil-fruntieri interni mill-Istati Membri, b'mod partikolari fis-snin reċenti;
D. billi bħala rispons għall-pandemija tal-COVID-19, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, inklużi l-Istati assoċjati ma' Schengen, introduċew mill-ġdid kontrolli fil-fruntieri interni jew għalqu l-fruntieri tagħhom, jew parzjalment jew totalment, jew għal ċerti tipi ta' vjaġġaturi, inklużi ċittadini tal-UE u l-membri tal-familja tagħhom u ċittadini ta' pajjiżi terzi li jirrisjedu fit-territorju tagħhom jew f'dak ta' Stat Membru ieħor; billi, speċjalment fil-bidu tal-pandemija, l-assenza ta' kull koordinazzjoni effettiva dwar l-introduzzjoni mill-ġdid u t-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni bejn l-Istati Membri u mal-Kummissjoni sfidat il-kunċett innifsu tal-kooperazzjoni ta' Schengen;
E. billi Stati Membri introduċew mill-ġdid kontrolli fil-fruntieri interni għal total ta' 268 darba mill-2015 'l hawn, u dan jirrappreżenta żieda sinifikanti meta mqabbel mal-perjodu bejn l-2006 u l-2014, meta l-kontrolli fil-fruntieri interni ġew introdotti mill-ġdid għal 35 darba biss[18];;
F. billi l-Parlament Ewropew ripetutament esprima tħassib dwar in-neċessità u l-proporzjonalità ta' ħafna minn dawk il-kontrolli fil-fruntieri interni;
G. billi l-fiduċja reċiproka u l-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri huma elementi essenzjali tal-pedament li fuqu hija msejsa ż-żona Schengen;
H. billi fi snin reċenti ġew adottati strumenti leġiżlattivi importanti tal-UE bil-għan li jittejbu l-effikaċja u l-effiċjenza tal-kontrolli fil-fruntieri esterni, u li jingħata kontribut għal livell għoli ta' sigurtà fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja; billi dawn l-istrumenti jinkludu arkitettura ġdida għas-sistemi tal-informazzjoni tal-UE u l-interoperabbiltà tagħhom;
I. billi għadhom qed jiġu rrappurtati allegazzjonijiet ta' vjolenza kontra l-migranti, inklużi dawk li qed ifittxu protezzjoni internazzjonali, u pushbacks fil-fruntieri esterni tal-UE; billi l-Parlament Ewropew, OLAF, il-Frontex u l-Ombudsman Ewropew fetħu inkjesta dwar dawn l-allegazzjonijiet; billi l-Unjoni għad m'għandhiex mekkaniżmu effettiv għall-monitoraġġ tad-drittijiet fundamentali fil-fruntieri esterni tagħha;
J. billi ġew identifikati nuqqasijiet serji fl-evalwazzjoni ta' Schengen tal-2017 tar-Renju Unit dwar l-applikazzjoni tal-acquis ta' Schengen fil-qasam tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen;
K. billi l-ewwel ċiklu ta' evalwazzjoni tal-Mekkaniżmu ta' Evalwazzjoni ta' Schengen wera l-ħtieġa ta' implimentazzjoni aħjar u aktar rapida tar-rakkomandazzjonijiet li joħorġu mill-evalwazzjonijiet, u l-ħtieġa ta' riforma xierqa, b'mod partikolari fir-rigward ta' kif il-mekkaniżmu jivvaluta l-konformità mad-drittijiet fundamentali;
L. billi l-valutazzjonijiet annwali tal-vulnerabbiltà tal-Frontex jeżaminaw il-kapaċitajiet tal-Istati Membri li jiffaċċjaw theddid u sfidi fil-fruntieri esterni u jirrakkomandaw azzjonijiet ta' rimedju speċifiċi biex jiġu mmitigati l-vulnerabbiltajiet, u għalhekk jikkomplementaw l-evalwazzjonijiet fl-ambitu tal-mekkaniżmu ta' evalwazzjoni ta' Schengen;
M. billi l-applikazzjoni sħiħa tal-acquis ta' Schengen fir-rigward tat-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni fir-rigward tal-Bulgarija u r-Rumanija għadha ma ntlaħqitx, minkejja s-sejħa tal-Parlament għal dan fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2011;
N. billi l-Kummissjoni ddikjarat fil-komunikazzjoni tagħha dwar il-verifika tal-applikazzjoni sħiħa tal-acquis ta' Schengen tat-22 ta' Ottubru 2019 li l-Kroazja kienet ħadet il-miżuri meħtieġa biex jiġu żgurati l-kundizzjonijiet neċessarji għall-applikazzjoni sħiħa tar-regoli ta' Schengen;
Funzjonament taż-żona Schengen
1. Jikkunsidra li l-kunċett innifsu ta' kooperazzjoni ta' Schengen, li jiġi żgurat in-nuqqas ta' kontrolli fil-fruntieri interni u li tiġi ggarantita l-libertà ta' moviment, kompla jiġi mhedded mill-pandemija tal-COVID-19; itenni, f'dan il-kuntest, it-tħassib tiegħu dwar is-sitwazzjoni kurrenti fir-rigward tal-kontrolli fil-fruntieri interni f'uħud mill-Istati Membri, u għal dan il-fini jfakkar, filwaqt li jappoġġja l-miżuri tas-saħħa pubblika stabbiliti biex jiġi limitat it-tixrid tal-COVID-19, li kwalunkwe miżura bħal din biex tiġi kkumbattuta l-pandemija u biex jiġu ristretti d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali għandha dejjem tirrispetta kemm l-ispirtu kif ukoll l-ittra tal-liġi;
2. Ifakkar li skont il-liġi kurrenti tal-UE, il-kontrolli fil-fruntieri interni jistgħu jerġgħu jiġu introdotti dment li jkunu meħtieġa, proporzjonati, temporanji fin-natura u miżura estrema; itenni, f'dak ir-rigward, il-fehma tiegħu li ħafna estensjonijiet tal-kontrolli fil-fruntieri interni mill-2015 'l hawn mhumiex sostanzjati biżżejjed u mhumiex f'konformità mar-regoli marbuta mal-estensjoni, in-neċessità jew il-proporzjonalità tagħhom, u għalhekk huma illeċiti;
3. Jirrikonoxxi li l-Kummissjoni ppruvat tikkoordina rispons komuni Ewropew; Jiddeplora, madankollu, il-fatt li l-kontrolli fil-fruntieri interni qed jibqgħu jiġu introdotti mill-Istati Membri, spiss b'mod mhux kkoordinat, qabel ma jkunu taw kunsiderazzjoni suffiċjenti lill-interess komuni Ewropew fiż-żamma ta' Schengen bħala żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni; itenni li l-l-kontrolli introdotti kellhom impatt negattiv fuq il-moviment liberu tal-merkanzija, tal-kapital, tas-servizzi, u tal-persuni fl-Unjoni; jissottolinja, f'dan il-kuntest, is-sitwazzjoni partikolarment diffiċli tal-ħaddiema transfruntiera;
4. Ifakkar li minkejja li identifikat nuqqasijiet sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-acquis ta' Schengen, il-Kummissjoni damet jew ma wriet ebda ħeġġa biex tibda proċedimenti ta' ksur; itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni biex teżerċita skrutinju xieraq fuq l-applikazzjoni tal-acquis ta' Schengen, sabiex tivvaluta jekk il-prinċipji tan-neċessità u l-proporzjonalità ġewx rispettati u sabiex jintużaw proċedimenti ta' ksur jekk meħtieġ; jissottolinja l-ħtieġa urġenti li jissaħħu l-fiduċja reċiproka u l-kooperazzjoni bejn l-istati ta' Schengen u li tiġi żgurata governanza xierqa għaż-żona Schengen;
5. Itenni l-ħtieġa li l-Istati Membri jirrispettaw il-liġi kif minquxa fit-Trattati u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u jimplimentaw il-miżuri fil-fruntieri b'mod leċitu u mhux diskriminatorju; iqis li dibattitu politiku u pubbliku regolari dwar il-funzjonament taż-żona Schengen huwa ta' importanza kritika;
6. Jinnota li s'issa ma sar l-ebda progress matul din il-leġiżlatura dwar ir-reviżjoni tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen (SBC), li n-negozjati interistituzzjonali għalihom għadhom imblukkati mill-Kunsill; jilqa' t-tħabbira tal-Kummissjoni li se tippreżenta proposti ġodda għall-governanza ta' Schengen; jesprimi d-diżappunt tiegħu li l-Kummissjoni qed tkompli tinjora l-obbligu ta' rappurtar tagħha lejn il-Parlament billi ma tippreżentax ir-rapport annwali dwar il-funzjonament taż-żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni (l-Artikolu 33 tal-SBC) u r-rapport komprensiv annwali f'konformità mal-Artikolu 20 tal-Mekkaniżmu ta' Evalwazzjoni ta' Schengen (SEMM), u b'hekk timpedixxi l-iskrutinju u d-dibattitu politiku kostruttiv;
7. B'żieda mad-diversi talbiet tiegħu għall-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fil-Bulgarija u fir-Rumanija, iħeġġeġ lill-Kunsill jirrispetta l-impenn tiegħu u jieħu deċiżjoni immedjata dwar it-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni tal-art, tal-baħar u tal-ajru u b'hekk jippermetti lil dawk l-Istati Membri jingħaqdu bi dritt maż-żona ta' moviment liberu mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni; jinsab lest li, meta jikkonsultah il-Kunsill f'konformità mal-Artikolu 4 tal-Att tal-Adeżjoni, jesprimi l-opinjoni tiegħu dwar l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fil-Kroazja; iqis li s-solidarjetà u r-responsabbiltà huma għal kulħadd, u li l-futur taż-żona Schengen irid ikun wieħed mingħajr frammentazzjoni;
8. Iqis li huwa essenzjali li l-politika tal-UE dwar il-viżi tkun effiċjenti, faċli għall-utent u sigura, u jilqa', f'dak ir-rigward, l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tiddiġitalizza l-proċedura tal-viżi sal-2025; iqis li l-integrazzjoni taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma residenti għal żmien twil fl-Istati Membri hija element ewlieni fil-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika u soċjali, u għalhekk jitlob li tingħata kunsiderazzjoni lill-armonizzazzjoni tar-regoli minimi għall-ħruġ ta' viżi u permessi ta' residenza għal żmien twil;
9. Itenni t-talba tiegħu lill-Istati Membri biex jiżguraw l-implimentazzjoni xierqa tad-Direttiva dwar ir-Ritorn fl-aspetti kollha tagħha u jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja l-implimentazzjoni tagħha;
10. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jsaħħu l-iskambju ta' informazzjoni u jkomplu jiżviluppaw il-kooperazzjoni transfruntiera reċiproka bejn il-pulizija, pereżempju permezz ta' użu akbar ta' skwadri ta' investigazzjoni konġunti;
11. Jilqa' l-fatt li sadanittant għadd ta' azzjonijiet mitluba fir-rapport annwali preċedenti[19] ġew implimentati (ir-reviżjoni tal-qafas leġiżlattiv tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen u r-riforma tal-Eurosur); jinnota, madankollu, li l-biċċa l-kbira tar-rakkomandazzjonijiet ifformulati għadhom validi;
12. Jinnota li fruntieri esterni li jiffunzjonaw b'mod effettiv huma essenzjali għall-vijabbiltà taż-żona ta' Schengen; jinnota bi tħassib li r-rapporti ta' evalwazzjoni ta' Schengen u l-valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltà għadhom jindikaw nuqqasijiet u vulnerabbiltajiet fil-protezzjoni u l-ġestjoni tal-fruntieri esterni; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet indirizzati lilhom mill-Kunsill u l-Frontex, bil-għan li jirrimedjaw in-nuqqasijiet u l-vulnerabbiltajiet, b'mod partikolari dawk relatati mar-rispett tad-drittijiet fundamentali fl-attivitajiet tal-ġestjoni tal-fruntieri; jisħaq fuq l-importanza tal-miżuri leġiżlattivi adottati reċentement;
13. Jinsab imħasseb dwar l-impatt tar-restrizzjonijiet eżistenti fuq l-ivvjaġġar f'dawk li huma drittijiet tar-rifuġjati u l-persuni li qed ifittxu protezzjoni internazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-adozzjoni ta' tali miżuri tkun konsistenti b'mod sħiħ mar-rekwiżiti minquxa fl-Artikoli 3 u 4 tal-SBC u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE;
14. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-allegazzjonijiet ripetuti rigward l-involviment tal-Frontex fil-pushbacks u l-każijiet ta' ksur potenzjali rrappurtati tad-drittijiet fundamentali fil-kuntest tal-attivitajiet tal-Aġenzija, u jqis li l-mekkaniżmi ta' rappurtar interni, kif ukoll l-iskrutinju parlamentari u pubbliku fuq l-attivitajiet tal-Frontex, iridu jissaħħu u jiġu implimentati b'mod effettiv; jenfasizza li l-Artikolu 46 tar-Regolament 2019/1896 jordna lid-Direttur Eżekuttiv tal-Frontex jissospendi, itemm jew ma jnedix attivitajiet jekk il-kundizzjonijiet biex jitwettqu dawk l-attivitajiet, inkluża l-konformità mad-drittijiet fundamentali, jinkisru;
15. Jesprimi, f'dak ir-rigward, l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-istabbiliment tal-Grupp ta' Ħidma dwar l-Iskrutinju tal-Frontex tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-ħidma tiegħu, li l-għan tiegħu huwa li jivvaluta l-aspetti kollha tal-funzjonament tal-attivitajiet u l-organizzazzjoni tal-Frontex, ir-rwol u r-riżorsi msaħħa tagħha għall-ġestjoni integrata tal-fruntieri u l-applikazzjoni korretta tal-acquis tal-UE, inkluż ir-rispett tad-drittijiet fundamentali;
16. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-għadd kbir ta' mwiet fil-Mediterran; ifakkar li l-għoti ta' assistenza lil kwalunkwe persuna li tinsab f'periklu fuq il-baħar huwa obbligu legali kemm skont id-dritt tal-UE kif ukoll dak internazzjonali, u li t-tiftix u s-salvataġġ huma komponent integrali tal-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri fil-qafas tar-Regolament dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta (ir-Regolament dwar l-EBCG); jistieden lill-Frontex itejjeb l-informazzjoni disponibbli b'mod sinifikanti dwar l-attivitajiet operazzjonali tagħha fil-baħar, inkluż permezz ta' rappurtar adegwat lill-Parlament, bħal b'relazzjoni mal-kooperazzjoni tagħha maċ-Ċentru ta' Koordinazzjoni tas-Salvataġġ Marittimu fi Tripli u l-Gwardja tal-Kosta Libjana;
17. Jinsab imħasseb serjament dwar ir-rapporti persistenti u serji dwar il-vjolenza u l-pushbacks fil-fruntieri esterni, inkluż minn Stat Membru għal ieħor u mbagħad lejn pajjiż terz. itenni li l-Istati Membri għandhom obbligu li jipprevjenu qsim mhux awtorizzat tal-fruntieri u jfakkar li dan l-obbligu huwa mingħajr preġudizzju għad-drittijiet ta' persuni li jfittxu protezzjoni internazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu u jwettqu investigazzjonijiet effettivi, indipendenti u fil-pront dwar kwalunkwe allegazzjoni ta' pushbacks u trattament ħażin fil-fruntieri, u biex jiżguraw li n-nuqqasijiet jiġu rimedjati immedjatament;
18. Jinnota n-nuqqas ta' mekkaniżmi ta' monitoraġġ adegwati biex jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt fil-ġestjoni tal-fruntieri esterni, u jqis li l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) jeħtiġilha tingħata rwol operazzjonali aktar b'saħħtu f'dak ir-rigward, inkluż permezz tal-Mekkaniżmu ta' Evalwazzjoni u Monitoraġġ ta' Schengen; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-korpi ta' monitoraġġ nazzjonali tagħhom jiġu stabbiliti b'mod effettiv u li jkunu kapaċi jaqdu r-rwol tagħhom, b'riżorsi suffiċjenti, mandat adegwat u livell għoli ta' indipendenza; iħeġġeġ lill-Istati Membri jinvestu kontinwament fil-kondotta professjonali tal-awtoritajiet tal-fruntiera, inkluż it-taħriġ fil-qasam tal-liġi dwar l-ażil u r-rifuġjati, b'koordinazzjoni mal-Frontex, l-FRA u l-UNHCR u l-organizzazzjonijiet nongovernattivi rilevanti;
19. Jesprimi dispjaċir kbir għall-fatt li kien hemm dewmien fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-drittijiet fundamentali tar-Regolament il-ġdid dwar l-EBCG, bħar-reklutaġġ ta' 40 osservatur tad-drittijiet fundamentali sal-5 ta' Diċembru 2020 kif stipulat fir-Regolament; jilqa' l-pubblikazzjoni ta' avviżi ta' postijiet vakanti u jitlob li r-reklutaġġ li għaddej bħalissa jitwettaq bħala kwistjoni ta' urġenza; jisħaq li l-osservaturi kollha reklutati għandhom ikunu kapaċi jwettqu l-kompiti tagħhom f'konformità mal-Artikolu 110 tar-Regolament dwar l-EBCG, u li għalhekk għandhom jiġu reklutati f'livell ta' amministratur xieraq biex jaqdu dmirijiethom; jitlob, barra minn hekk, li l-indipendenza tal-mekkaniżmu tal-ilmenti tal-Aġenzija tiżdied permezz tal-involviment ta' esperti mill-FRA mill-istituzzjoni nazzjonali għad-drittijiet tal-bniedem;
Mekkaniżmu ta' Evalwazzjoni u Monitoraġġ ta' Schengen (SEMM)
20. Jesprimi l-fehma tiegħu li l-SEMM ġab titjib sinifikanti għall-governanza taż-żona Schengen u kkontribwixxa biex jiżgura l-funzjonament tagħha billi saħħaħ il-fiduċja reċiproka u r-responsabbiltà kollettiva; jenfasizza, madankollu, in-natura sui generis tal-mekkaniżmu ta' evalwazzjoni fid-dritt tal-UE u jfakkar li l-Kummissjoni fl-aħħar mill-aħħar tibqa' responsabbli li tiżgura l-applikazzjoni tat-Trattati u l-miżuri adottati mill-istituzzjonijiet marbuta magħhom;
21. Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tirrevedi l-SEMM; ifakkar fid-diskussjonijiet dwar il-bażi ġuridika tiegħu waqt in-negozjati dwar il-Pakkett ta' Governanza ta' Schengen fl-2012 u jinsisti li jkun involut fir-riforma tal-mekkaniżmu fuq bażi ugwali mal-Kunsill, preferibbilment permezz tal-użu tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, jew permezz tal-użu tal-istess metodu li ntuża għall-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1053/2013 li jistabbilixxi l-SEMM;
22. Jisħaq fuq l-importanza li jiġu introdotti skadenzi ċari għall-passi kollha tal-proċedura fi kwalunkwe riforma, inkluża l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet mill-Istati Membri, il-valutazzjoni tal-proposti tal-Kummissjoni mill-grupp ta' esperti Scheval u l-preżentazzjoni ta' pjanijiet ta' azzjoni; itenni wkoll l-importanza ta' flessibbiltà akbar fl-ippjanar pluriennali u annwali u t-tisħiħ tar-rwol tal-Kummissjoni, b'mod partikolari fil-każ ta' ebda opinjoni mill-Istati Membri u l-ħtieġa ta' żjarat ġenwinament mhux imħabbra; huwa tal-fehma li d-drittijiet fundamentali jridu jiġu evalwati b'mod konsistenti matul l-evalwazzjonijiet ta' Schengen; iqis, fl-aħħar nett, li r-rwol ta' skrutinju tal-Parlament u t-titjib tat-trasparenza tal-proċess għandhom ikunu elementi ewlenin tar-riforma;
23. Jistieden lill-Kummissjoni talloka biżżejjed riżorsi biex tiżgura evalwazzjoni komprensiva tas-sistema ta' Schengen, inkluż billi żżid in-numru ta' żjarat fuq il-post lejn l-Istati Membri; jinnota li, minkejja li l-Kummissjoni adottat 198 rapport ta' evalwazzjoni fil-perjodu 2015-2019, ingħalqu biss 45 evalwazzjoni ta' Schengen; jistieden lill-Istati Membri jżidu r-ritmu tal-implimentazzjoni tas-sejbiet tal-evalwazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill; jinnota li l-ewwel ċiklu ta' evalwazzjoni ta' Schengen dam ħames snin; huwa tal-fehma li l-proċess ta' evalwazzjoni u adozzjoni tar-rakkomandazzjonijiet, li jieħu medja ta' 32 ġimgħa, għandu jiġi aċċelerat, u jistieden, b'mod partikolari, lill-Kunsill iħaffef l-adozzjoni tar-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-Kummissjoni;
24. Jistieden lill-Kunsill jorganizza diskussjonijiet regolari fil-livell ministerjali dwar il-funzjonament xieraq taż-żona Schengen, inklużi diskussjonijiet dwar sitwazzjonijiet fejn ir-rapporti ta' evalwazzjoni jkunu wrew nuqqasijiet serji, u b'hekk jassumi r-rwol politiku mogħti lilu mill-proċess ta' evalwazzjoni ta' Schengen; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jipprevjenu kwalunkwe ħaġa li tikkomprometti l-fini ta' dan il-mekkaniżmu, jiġifieri li jiġi ddeterminat jekk ġewx issodisfati l-prekundizzjonijiet kollha għat-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni ma' pajjiż kandidat u li tiġi żgurata l-konformità mal-acquis ta' Schengen min-naħa ta' dawk l-Istati Membri fejn huwa stabbilit b'mod sħiħ;
25. Iqis li l-mekkaniżmu futur ta' evalwazzjoni ta' Schengen irid jinkludi evalwazzjoni tal-attivitajiet operazzjonali tal-Aġenzija tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, minħabba r-rwol dejjem akbar tagħha f'operazzjonijiet ta' ġestjoni tal-fruntieri esterni u ta' ritorn; iqis ukoll li l-mekkaniżmu għandu jsaħħaħ is-sinerġiji tiegħu mal-valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltà tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta; itenni li d-duplikazzjonijiet iridu jiġu evitati u l-evalwaturi ta' Schengen għandhom jingħataw aċċess għar-riżultati tal-valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltà;
26. Ifakkar, fost affarijiet oħra, li d-drittijiet fundamentali jikkostitwixxu komponent globali fl-implimentazzjoni tal-ġestjoni integrata tal-fruntieri; ifakkar, barra minn hekk, li l-acquis ta' Schengen irid jiġi implimentat f'konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali; jissottolinja, għalhekk, li l-evalwazzjonijiet ta' Schengen iridu jeżaminaw ukoll jekk fil-fruntieri esterni humiex rispettati d-drittijiet fundamentali, inkluża l-projbizzjoni tar-refoulement, id-dritt tar-rispett tad-dinjità tal-bniedem, il-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni u d-dritt li wieħed ifittex protezzjoni internazzjonali; iqis li l-mekkaniżmu futur għandu jipprevedi li l-esperti tal-FRA jkunu membri formali tat-tim responsabbli għal żjarat fuq il-post għal kwalunkwe evalwazzjoni tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni u r-ritorn; iqis li l-aġenziji kollha rilevanti tal-ĠAI għandhom ikunu jistgħu jipparteċipaw;
27. Iqis li meta jiġu skoperti nuqqasijiet serji, dawn ikunu jirrikjedu segwitu ħafna aktar rapidu bil-għan li jiġu rrimedjati mingħajr dewmien; jemmen li definizzjoni ta' "nuqqas serju" u proċedura aċċelerata fil-każ ta' nuqqasijiet bħal dawn jiġu inklużi fil-mekkaniżmu rivedut. iqis li l-katalogi kurrenti tal-aħjar prattiki mhux vinkolanti għandhom jingħataw status formali fid-dritt tal-Unjoni fil-forma ta' manwali, sabiex tiżdied it-trasparenza, u l-evalwazzjonijiet ikunu jistgħu jitqabblu ma' kriterji oġġettivi bħala parametri referenzjarji;
28. Jesprimi d-diżappunt tiegħu li l-Kummissjoni għad trid tippreżenta r-rapport annwali previst fl-Artikolu 20 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1053/2013, minkejja diversi talbiet mill-Parlament u l-Kunsill biex tagħmel dan;
29. Jisħaq li, sabiex tippromwovi governanza tajba u trasparenza, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom iwettqu xogħolhom b'mod kemm jista' jkun miftuħ; iqis li l-Kummissjoni għandha tagħmel pubblikament disponibbli fuq is-sit web tagħha informazzjoni dwar il-proċessi ta' evalwazzjoni f'kull Stat Membru u dwar l-issodisfar min-naħa tal-Istati Membri tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill; iqis, barra minn hekk, li l-Kummissjoni għandha tipprovdi pjattaforma xierqa għal aċċess sigur u kriptat għal informazzjoni klassifikata tad-dokumenti ta' evalwazzjoni ta' Schengen għall-atturi bi drittijiet ta' aċċess, b'mod partikolari għall-Membri tal-Parlament Ewropew, sabiex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju tagħhom tal-kontroll u l-iskrutinju demokratiku;
30. Jinnota li l-Kummissjoni reġgħet żaret il-Kroazja f'Novembru 2020 fir-rigward tal-fruntiera esterna; jistieden lill-Kroazja tkompli timplimenta azzjonijiet li għaddejjin u tirrimedja kull nuqqas identifikat, speċjalment fir-rigward tat-taħriġ tal-persunal, il-livelli tal-persunal u tal-kapaċità tas-sorveljanza tal-fruntieri tal-art; jinsisti dwar valutazzjoni dettaljata tal-konformità mad-drittijiet fundamentali wara r-rapporti ripetuti minn NGOs u l-midja ta' abbużi, vjolenza u pushbacks minn uffiċjali tal-fruntiera; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tivvaluta fl-Istati Membri kollha l-konformità tal-operazzjonijiet ta' ġestjoni tal-fruntieri mar-rekwiżiti tad-drittijiet fundamentali u biex tieħu l-miżuri neċessarji fil-każ ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem;
31. Jenfasizza n-nuqqasijiet rikorrenti u l-oqsma fejn jista' jsir titjib fis-sistema ta' Schengen identifikati mill-Kummissjoni: traspożizzjoni, implimentazzjoni u applikazzjoni inkompleti jew mhux konformi tal-acquis ta' Schengen rilevanti; numru insuffiċjenti ta' persunal u kwalifiki u/jew taħriġ inadegwati; prattiki nazzjonali diverġenti u inkonsistenti minħabba implimentazzjoni inkoerenti tal-acquis ta' Schengen; strutturi amministrattivi frammentati b'koordinazzjoni u integrazzjoni insuffiċjenti tal-awtoritajiet differenti; u ostakli prattiċi, teknoloġiċi u regolatorji għall-kooperazzjoni maż-żona Schengen; ifakkar li dawn il-problemi jikkostitwixxu ostakli fundamentali għall-funzjonament xieraq taż-żona Schengen u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex finalment jagħtuhom attenzjoni xierqa;
Użu ta' sistemi ta' informazzjoni fuq skala kbira fil-qasam tal-ġustizzja u l-affarijiet interni
32. Jinnota l-progress li sar fl-iżvilupp ta' sistemi ġodda tal-IT fuq skala kbira u l-interoperabbiltà bejniethom; jistieden lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-aġenziji involuti jirrispettaw l-iskeda ta żmien prevista għall-implimentazzjoni, ħaġa li tipprevedi l-implimentazzjoni tas-sistemi ġodda tal-IT, it-tlestija tar-riformi tas-sistemi eżistenti u l-interoperabbiltà ta' dawk is-sistemi sa tmiem l-2023; jinnota, barra minn hekk, il-ħtieġa ta' qafas legali għall-implimentazzjoni ta' dawk is-sistemi; ifakkar li l-użu ta' dawk is-sistemi se jaffettwa d-dritt għall-privatezza u d-dritt għall-protezzjoni tad-data tal-persuni li l-informazzjoni tagħhom se tinħażen f'dawn is-sistemi, u jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu segwiti s-salvagwardji fformulati fl-atti legali li jistabbilixxu dawn is-sistemi matul-l-implimentazzjoni;
33. Ifakkar fir-rwol kruċjali tal-eu-LISA fl-istabbiliment tas-sistemi ġodda tal-IT; jisħaq, barra minn hekk, fuq l-importanza tal-komponenti nazzjonali fl-arkitettura globali ta' dawn is-sistemi u jħeġġeġ lill-Istati Membri jallokaw ir-riżorsi finanzjarji u umani xierqa meħtieġa għal implimentazzjoni f'waqtha;
34. Jilqa' l-ftehim politiku milħuq dwar ir-riforma tas-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS), b'mod partikolari l-istabbiliment ta' skadenza ċara u legalment vinkolanti għall-bidu tal-operazzjonijiet;
35. Jenfasizza ż-żieda sostanzjali fl-attività tal-Bureaux tat-Talba għal Informazzjoni Supplimentari fid-Dħul Nazzjonali (SIRENE) u jtenni l-appell tiegħu lill-Istati Membri biex isaħħu l-mezzi għad-dispożizzjoni tal-Bureaux ta' SIRENE, filwaqt li jiżguraw riżorsi finanzjarji u umani adegwati sabiex dawn iwettqu l-funzjonijiet tagħhom;
36. Jirrikonoxxi l-istudji mwettqa miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka għall-użu ta' marki tas-swaba, marki tal-pala tal-id, immaġni tal-wiċċ u DNA fis-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen;
37. Jikkunsidra li l-Kummissjoni u l-Kunsill ittraskuraw serjament l-obbligi tagħhom wara s-sejba ta' nuqqasijiet serji fl-użu tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen min-naħa tar-Renju Unit matul l-evalwazzjoni tal-2017; ifakkar fit-talba tal-Grupp ta' Ħidma dwar l-Iskrutinju ta' Schengen biex ir-Renju Unit jiġi immedjatament skonnettjat, kif espress fl-ittri lill-Kummissjoni u lill-Presidenza tal-Kunsill tal-15 ta' Ġunju 2020; jinnota li r-Renju Unit, bħala pajjiż terz, m'għadx għandu aċċess għas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen; jappella għall-monitoraġġ mill-qrib tal-kooperazzjoni kontinwa fis-sigurtà bejn l-UE u r-Renju Unit matul il-perjodu ta' sitt xhur għat-trasferimenti ta' data miftiehma fil-qafas tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit;
Ċiklu ta' politika pluriennali strateġiku għall-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri
38. Jilqa' l-preżentazzjoni tal-analiżi tar-riskju strateġika għall-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri ippreżentata mill-Frontex bħala l-ewwel pass taċ-ċiklu politiku l-ġdid;
Futur ta' Schengen
39. Jinnota li l-kriżijiet varji tas-snin reċenti, bħall-pandemija kurrenti, u l-azzjonijiet fil-biċċa l-kbira mingħajr ebda koordinazzjoni u kultant unilaterali meħuda mill-Istati Membri naqqru l-fiduċja reċiproka fost l-Istati Membri u poġġew Schengen fir-riskju; huwa konvint li l-isforzi biex jinstabu soluzzjonijiet olistiċi jridu jissaħħu b'mod korrispondenti u li dawn il-miżuri għandhom jiġu armonizzati kif xieraq; jilqa, f'dan il-kuntest, l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tadotta strateġija dwar il-futur ta' Schengen, u jilqa' wkoll l-istabbiliment ta' Forum Schengen, li għandu jippermetti wkoll dibattiti politiċi ta' livell għoli dwar l-istat u l-futur ta' Schengen mal-Parlament u l-Kunsill;
40. Iqis li l-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen, b'mod partikolari fir-rigward tar-regoli dwar il-kontrolli fil-fruntieri interni, m'għadux adatt għall-iskop tiegħu u jirrikjedi riforma urġenti u sinifikattiva sabiex jissaħħu l-fiduċja reċiproka u s-solidarjetà, u biex jiġu ssalvagwardjati l-integrità u r-restawr sħiħ taż-żona Schengen; jinnota, f'dak ir-rigward, li huma meħtieġa regoli aktar ċari dwar l-emerġenzi tas-saħħa pubblika; jisħaq li l-introduzzjoni mill-ġdid ta' kontrolli fil-fruntieri interni tibqa' deċiżjoni għall-Istati Membri individwali, għandha tkun biss miżura estrema, għal perjodu limitat ta' żmien, u sal-punt li l-kontrolli jkunu meħtieġa u proporzjonati għat-theddida serja identifikata, b'attenzjoni partikolari għall-impatt fuq id-dritt għal-libertà ta' moviment u l-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni, u għall-effetti li tali kontrolli jista' jkollhom fuq ir-reġjuni tal-fruntiera, filwaqt li tinżamm distinzjoni bejn bażijiet ġuridiċi differenti; iqis li ma' kull proroga tal-kontrolli fil-fruntieri minn Stat Membru, għandhom japplikaw salvagwardji u miżuri ta' sorveljanza addizzjonali u li, f'kull ċirkostanza, tali miżuri għandhom jitneħħew malli r-raġunijiet sottostanti għalihom ma jibqgħux jeżistu;
41. Iqis li għandu jiġi stabbilit mekkaniżmu ta' konsultazzjoni strutturat u trasparenti fil-każ ta' sitwazzjonijiet ta' kriżi, sabiex jiġu ddeterminati miżuri ta' mitigazzjoni, jew alternattivi, għall-kontrolli fil-fruntieri interni u regoli uniformi vinkolanti u applikabbli fil-fruntieri esterni;
42. Jistieden lill-amministrazzjoni tal-Parlament tistabbilixxi Unità ta' Appoġġ għall-Governanza ta' Schengen iddedikata sabiex il-Parlament ikun jista' jeżerċita kif xieraq il-funzjonijiet tiegħu ta' kontroll u skrutinju demokratiku fir-rigward tal-acquis ta' Schengen;
°
° °
43. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri u lill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta.
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni |
26.5.2021 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
52 14 1 |
||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Magdalena Adamowicz, Malik Azmani, Katarina Barley, Pernando Barrena Arza, Nicolas Bay, Vladimír Bilčík, Vasile Blaga, Ioan-Rareş Bogdan, Patrick Breyer, Saskia Bricmont, Joachim Stanisław Brudziński, Jorge Buxadé Villalba, Damien Carême, Caterina Chinnici, Clare Daly, Marcel de Graaff, Anna Júlia Donáth, Lena Düpont, Cornelia Ernst, Laura Ferrara, Nicolaus Fest, Jean-Paul Garraud, Maria Grapini, Sylvie Guillaume, Evin Incir, Sophia in ‘t Veld, Patryk Jaki, Marina Kaljurand, Assita Kanko, Fabienne Keller, Peter Kofod, Łukasz Kohut, Alice Kuhnke, Jeroen Lenaers, Juan Fernando López Aguilar, Lukas Mandl, Nuno Melo, Roberta Metsola, Nadine Morano, Javier Moreno Sánchez, Maite Pagazaurtundúa, Nicola Procaccini, Emil Radev, Paulo Rangel, Terry Reintke, Diana Riba i Giner, Ralf Seekatz, Michal Šimečka, Birgit Sippel, Sara Skyttedal, Martin Sonneborn, Tineke Strik, Ramona Strugariu, Annalisa Tardino, Tomas Tobé, Dragoş Tudorache, Milan Uhrík, Tom Vandendriessche, Bettina Vollath, Jadwiga Wiśniewska, Elena Yoncheva, Javier Zarzalejos |
|||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Tanja Fajon, Miguel Urbán Crespo, Hilde Vautmans, Loránt Vincze, Petar Vitanov |
|||
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
52 |
+ |
||
NI |
Laura Ferrara, Martin Sonneborn |
||
PPE |
Magdalena Adamowicz, Vladimír Bilčík, Vasile Blaga, Ioan-Rareş Bogdan, Lena Düpont, Jeroen Lenaers, Lukas Mandl, Nuno Melo, Roberta Metsola, Emil Radev, Paulo Rangel, Ralf Seekatz, Sara Skyttedal, Tomas Tobé, Loránt Vincze, Javier Zarzalejos |
||
Renew |
Malik Azmani, Anna Júlia Donáth, Sophia in 't Veld, Fabienne Keller, Maite Pagazaurtundúa, Michal Šimečka, Ramona Strugariu, Dragoş Tudorache, Hilde Vautmans |
||
S&D |
Katarina Barley, Caterina Chinnici, Tanja Fajon, Maria Grapini, Sylvie Guillaume, Evin Incir, Marina Kaljurand, Łukasz Kohut, Juan Fernando López Aguilar, Javier Moreno Sánchez, Birgit Sippel, Petar Vitanov, Bettina Vollath, Elena Yoncheva |
||
The Left |
Pernando Barrena Arza, Clare Daly, Cornelia Ernst, Miguel Urbán Crespo |
||
Verts/ALE |
Patrick Breyer, Saskia Bricmont, Damien Carême, Alice Kuhnke, Terry Reintke, Diana Riba i Giner, Tineke Strik |
||
14 |
- |
||
ECR |
Joachim Stanisław Brudziński, Jorge Buxadé Villalba, Patryk Jaki, Assita Kanko, Nicola Procaccini, Jadwiga Wiśniewska |
||
ID |
Nicolas Bay, Nicolaus Fest, Jean-Paul Garraud, Marcel de Graaff, Peter Kofod, Annalisa Tardino, Tom Vandendriessche |
||
NI |
Milan Uhrík |
||
1 |
0 |
||
PPE |
Nadine Morano |
||
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni
- [1] ĠU L 312, 7.12.2018, p. 1.
- [2] ĠU L 312, 7.12.2018, p. 14.
- [3] ĠU L 312, 7.12.2018, p. 56.
- [4] ĠU L 135, 22.5.2019, p. 27.
- [5] ĠU L 135, 22.5.2019, p. 85.
- [6] ĠU L 236, 19.9.2018, p. 1.
- [7] ĠU L 236, 19.9.2018, p. 72.
- [8] ĠU L 107, 6.4.2020, p. 1.
- [9] ĠU L 295, 14.11.2019, p. 1.
- [10] ĠU L 188, 12.7.2019, p. 25.
- [11] ĠU C 86I, 16.3.2020, p. 1.
- [12] ĠU L 337, 14.10.2020, p. 3.
- [13] ĠU C 76, 9.3.2020, p. 106.
- [14] Testi adottati, P9_TA(2020)0175.
- [15] ĠU C 388, 13.11.2020, p. 18.
- [16] Testi adottati, P9_TA(2020)0362.
- [17] Testi adottati, P9_TA(2020)0307.
- [18] Is-Sitwazzjoni sad-19 ta' Mejju 2021, https://ec.europa.eu/home-affairs/sites/default/files/what-we-do/policies/borders-and-visas/schengen/reintroduction-border-control/docs/ms_notifications_-_reintroduction_of_border_control.pdf
- [19] ĠU C 76, 9.3.2020, p. 106.