RAPPORT dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni ppreżentata min-Netherlands – EGF/2020/004 NL/KLM - Netherlands

2.6.2021 - (COM(2021)0226 – C9-0161/2021 – 2021/0115(BUD))

Kumitat għall-Baġits
Rapporteur: Monika Vana

Proċedura : 2021/0115(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A9-0187/2021
Testi mressqa :
A9-0187/2021
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni ppreżentata min-Netherlands – EGF/2020/004 NL/KLM - Netherlands

(COM(2021)0226 – C9-0161/2021 – 2021/0115(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2021)0226 – C9-0161/2021),

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006[1] ("ir-Regolament tal-FEG"),

 wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 2020/2093 tas-17 ta' Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2021-2027[2], u b'mod partikolari l-Artikolu 8 tiegħu,

 wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta' Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta' riżorsi proprja ġodda[3], ("il-FII tas-16 ta' Diċembru 2020"), u b'mod partikolari l-punt 9 tiegħu,

 wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

 wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9-0187/2021),

A. billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tagħti appoġġ addizzjonali lil ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, u biex tgħin fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol; billi din l-għajnuna hija magħmula permezz ta' appoġġ finanzjarju mogħti lill-ħaddiema u lill-kumpaniji li ħadmu għalihom;

B. billi n-Netherlands ippreżentaw l-applikazzjoni EGF/2020/004 NL/KLM għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG), wara 1 851 sensja[4] fil-kumpanija KLM Royal Dutch Airlines fir-reġjun ta' livell NUTS 2 Noord-Holland (NL32) fin-Netherlands, fi żmien perjodu ta' referenza għall-applikazzjoni mill-15 ta' Awwissu 2020 sal-15 ta' Diċembru 2020;

C. billi l-applikazzjoni tirrigwarda 1 851 ħaddiem li ngħataw is-sensja fil-KLM Royal Dutch Airlines, li minnhom 650 sensja seħħew matul il-perjodu ta' referenza u 1 201 seħħew qabel jew wara l-perjodu ta' referenza u tista' tiġi stabbilita rabta kawżali ċara mal-avveniment li wassal għas-sensji matul il-perjodu ta' referenza;

D. billi l-applikazzjoni hija bbażata fuq il-kriterji ta' intervent tal-Artikolu 4(1), punt (a) tar-Regolament tal-FEG, li jirrikjedi li jrid ikun hemm mill-inqas 500 ħaddiem li ngħataw is-sensja matul perjodu ta' referenza ta' erba' xhur f'intrapriża fi Stat Membru;

E. billi l-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-kriżi tas-saħħa tal-COVID-19 iġġenerat kriżi ekonomika u insistiet għal pjan ta' rkupru Next Generation EU li jissottolinja r-rwol ewlieni tal-FEG fl-għajnuna tal-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja;

F. billi l-pandemija tal-COVID-19 ikkawżat xokk enormi lill-industrija tal-avjazzjoni minħabba restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar, li wasslu għal tnaqqis fit-traffiku tal-ajru internazzjonali bi 98,9 % f'April 2020 meta mqabbel ma' April 2019, filwaqt li 64 % tal-inġenji tal-ajru globali nħażnu;

G. billi d-domanda internazzjonali tal-passiġġieri naqset b'75,6 % fl-2020 meta mqabbla mal-livelli tal-2019, u billi skont it-tbassir globali tal-passiġġieri mill-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasport bl-Ajru, l-industrija tal-avjazzjoni se tieħu bejn 3 u 4 snin biex tirkupra għal-livell tagħha ta' qabel il-kriżi;

H. billi din hija waħda mill-ewwel mobilizzazzjonijiet tal-FEG marbuta mal-kriżi tal-COVID-19, wara l-adozzjoni mill-Parlament Ewropew tar-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF/2020/000 TA 2020 - Assistenza teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni), li tiddikjara li l-FEG jista' jiġi mobilizzat biex jappoġġja lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja b'mod permanenti u lill-persuni li jaħdmu għal rashom fil-kuntest tal-kriżi globali kkawżata mill-COVID-19 mingħajr ma jiġi emendat ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013;

I. billi qabel ma bdiet il-pandemija, il-prestazzjoni finanzjarja tal-KLM kienet qed tiżdied b'mod stabbli bejn l-2015 u l-2019, filwaqt li l-profitt nett tagħha żdied minn EUR 54 miljun fis-sena finanzjarja 2015 għal EUR 449 miljun fis-sena finanzjarja 2019;

J. billi fl-2020 l-għadd ta' passiġġieri ttrasportati minn KLM naqas bi 68 % filwaqt li d-dħul ta' KLM naqas bi 53,8 % meta mqabbel mal-2019, u dan wassal biex KLM takkumula telf operattiv ta' EUR 1 154 miljun fl-2020 meta mqabbel mal-profitt ta' EUR 714-il miljun fl-2019[5], u billi l-ġestjoni tagħha ħabbret pjan ta' ristrutturar li jnaqqas il-forza tax-xogħol b'madwar 5 000 ekwivalenti full-time[6];

K. billi l-Kummissjoni ddikjarat li l-kriżi tas-saħħa rriżultat fi kriżi ekonomika, stabbiliet pjan ta' rkupru għall-ekonomija, u ssottolinjat ir-rwol tal-FEG bħala għodda ta' emerġenza[7];

1. Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1), punt (a) tar-Regolament tal-FEG huma ssodisfati u li n-Netherlands għandhom id-dritt għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 5 019 218 skont dak ir-Regolament, somma li tirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 8 365 364, liema spiża tinkludi n-nefqa għal servizzi personalizzati ta' EUR 8 030 750 u n-nefqa għall-attivitajiet ta' tħejjija, ġestjoni, informazzjoni u pubbliċità, kontroll u rapportar ta' EUR 334 614;

2. Jinnota li l-awtoritajiet tan-Netherlands ressqu l-applikazzjoni fit-22 ta' Diċembru 2020 u wara li n-Netherlands taw informazzjoni addizzjonali, il-Kummissjoni ffinalizzat il-valutazzjoni tagħha fis-6 ta' Mejju 2021 u nnotifikatha lill-Parlament fl-istess ġurnata;

3. Jiddispjaċih dwar il-proċess twil f'dawn iċ-ċirkostanzi diffiċli u jistieden lill-Kummissjoni tħaffef il-proċess ta' valutazzjoni, filwaqt li tiżgura li l-ħaddiema li ngħataw is-sensja jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-appoġġ tal-Unjoni fi żmien xieraq;

4. Jinnota li l-applikazzjoni b'kollox hija relatata ma' 1 851 ħaddiem li ngħataw is-sensja fil-kumpanija KLM Royal Dutch Airlines; jieħu nota tal-fatt li n-Netherlands jipprevedu li 1 201 biss mill-benefiċjarji eliġibbli kollha se jipparteċipaw fil-miżuri ("benefiċjarji fil-mira");

5. Jinnota li n-Netherlands iddeċidew li ma joffrux appoġġ għall-introjtu lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja permezz tal-FEG; jieħu nota tal-fatt li l-gvern Netherlandiż kien vara għotja ġenerika ta' appoġġ għall-pagi għall-kumpaniji kollha li l-fatturat tagħhom ġie affettwat b'aktar minn 20 % bil-kriżi tal-COVID-19 u li l-Grupp KLM applika għall-għotja NOW (Noodmaatregel Overbrugging voorWerkgelegenheid); jieħu nota li l-Grupp KLM applika għall-perjodu kollu kopert mill-għotja NOW u diġà rċieva pagamenti bil-quddiem ta' EUR 683 miljun u għandu jirċievi EUR 488 miljun addizzjonali;

6. Jinnota li huwa f'idejn l-Istat Membru biex jiddeċiedi kemm mill-ħaddiema eliġibbli għandhom ikunu fil-mira għall-benefiċċju tal-appoġġ, u jistieden lin-Netherlands jiggarantixxu l-inklużjoni tal-persuni l-aktar vulnerabbli li x'aktarx jiffaċċjaw l-aktar diffikultajiet fis-suq tax-xogħol, mingħajr ebda forma ta' diskriminazzjoni; jisħaq fuq il-benefiċċju li l-ħaddiema kollha li ngħataw is-sensja, li għalihom din tirrappreżenta l-aħjar għażla tagħhom, jitħallew jiġu integrati u appoġġjati mill-miżuri inklużi f’dan il-proġett tal-FEG;

7. Jissottolinja li l-impatt soċjali tas-sensji huwa mistenni li jkun konsiderevoli peress li KLM hija t-tieni l-akbar impjegatur privat tan-Netherlands b'aktar minn 33 000 impjegat[8] fl-2019; ifakkar li dawn is-sensji saru f'kuntest ta' rati tal-qgħad li qed jiżdiedu f'Noord-Holland, b'żieda ta' 1,5 punt perċentwali biex laħqu 4,8 % fir-raba' trimestru tal-2020 meta mqabbla mal-istess trimestru tal-2019;

8. Jinnota li n-Netherlands bdew joffru servizzi personalizzati lill-benefiċjarji fil-mira fl-1 ta' Frar 2021, u għaldaqstant il-perjodu ta' eleġibbiltà għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se jkun mill-1 ta' Frar 2021 sal-1 ta' Frar 2023;

9. Ifakkar li s-servizzi personalizzati li għandhom jiġu pprovduti lill-ħaddiema jikkonsistu mill-azzjonijiet li ġejjin: orjentazzjoni professjonali, appoġġ biex jinstab xogħol f'setturi ddedikati, taħriġ, coaching u/jew edukazzjoni u pariri finanzjarji; jilqa' l-enfasi tal-awtoritajiet fuq it-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema biex jiffaċilitaw ir-riorjentazzjoni tagħhom lejn setturi b'nuqqas ta' ħaddiema, bħall-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa, il-loġistika, it-teknoloġiji u l-ġestjoni tal-informazzjoni;

10. Jinnota li n-Netherlands bdew iġarrbu n-nefqa amministrattiva biex jimplimentaw il-FEG fl-1 ta' Frar 2021 u li għaldaqstant, in-nefqa fuq attivitajiet ta' tħejjija, ġestjoni, informazzjoni u pubbliċità, kontroll u rapportar se tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mill-1 ta' Frar 2021 sal-1 ta' Awwissu 2023;

11. Jilqa' l-fatt li l-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati tfassal min-Netherlands f'konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati u s-sħab soċjali, inklużi tmien trade unions, u, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kunsilli tax-Xogħol rilevanti, u li ġie stabbilit grupp ta' appoġġ biex jiżgura li dawn is-servizzi jiġu kkoordinati;

12. Jisħaq li l-awtoritajiet tan-Netherlands ikkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli mhux se jirċievu għajnuna minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni[9];

13. Jappella għal tnaqqis kontinwu tal-piż amministrattiv matul il-proċess;

14. Jitlob li jsiru aktar sforzi ta' komunikazzjoni fir-rigward tal-miżuri appoġġjati mill-baġit tal-Unjoni permezz tal-FEG; jissottolinja l-importanza li tinxtered informazzjoni dwar il-valur miżjud tal-Unjoni u l-appoġġ għal setturi u ħaddiema vulnerabbli, speċjalment wara l-konsegwenzi tal-COVID-19;

15. Itenni li l-għajnuna mill-FEG ma tridx tieħu post azzjonijiet li huma r-responsabbiltà ta' kumpaniji, skont il-liġi nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi;

16.  Jinnota li, skont il-Kummissjoni, ir-rekwiżiti proċedurali kollha ġew issodisfati;

17.  Jappoġġja bil-qawwa l-fatt li fl-2021-2027 il-FEG se jkompli juri solidarjetà filwaqt li jċaqlaq l-attenzjoni mill-kawża tar-ristrutturar għall-impatt tiegħu; jilqa' l-fatt li skont ir-regoli l-ġodda, id-dekarbonizzazzjoni se tkun ukoll raġuni biex l-applikaturi jkunu eliġibbli għall-appoġġ.

18. Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

19. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

20. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni min-Netherlands – EGF/2020/004 NL/KLM

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006[10], u b'mod partikolari l-Artikolu 15(4) tiegħu,

 

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta' Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda[11], u b'mod partikolari l-punt 9 tiegħu,

 

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

 

Billi:

 

(1) Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għandu l-għan li jipprovdi appoġġ lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja u lil persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom waqfet b'riżultat ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni, b'riżultat ta' kontinwazzjoni tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, jew b'riżultat ta' kriżi finanzjarja u ekonomika globali ġdida, u biex jgħinhom fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2) Il-FEG ma għandux jaqbeż l-ammont massimu annwali ta' EUR 186 miljun (prezzijiet tal-2018), kif stabbilit fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093[12].

(3) Fit-22 ta' Diċembru 2020, in-Netherlands ippreżentaw applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, fir-rigward tas-sensji f'KLM Royal Dutch Airlines fin-Netherlands. Din l-applikazzjoni ġiet issupplimentata b'informazzjoni addizzjonali mogħtija f'konformità mal-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013. Dik l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti għad-determinazzjoni ta' kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG kif stabbilit fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013.

(4) Għalhekk, jenħtieġ li l-FEG jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 5 019 218 fir-rigward tal-applikazzjoni ppreżentata min-Netherlands.

(5) Sabiex jitnaqqas kemm jista' jkun iż-żmien li jittieħed għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, din id-deċiżjoni jenħtieġ li tapplika mid-data tal-adozzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2021, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi l-ammont ta' EUR 5 019 218 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament.

 

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Hija għandha tapplika minn [id-data tal-adozzjoni tagħha].

 

Magħmul fi Brussell,

 

 

 

 Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

 Il-President Il-President

 


NOTA SPJEGATTIVA

I. Sfond

Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni nħoloq sabiex jipprovdi għajnuna addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu (8)(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 2020/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2021-2027[13] u tal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013[14], il-Fond ma jistax jaqbeż ammont annwali massimu ta' EUR 186 miljun (prezzijiet tal-2018).

Fir-rigward tal-proċedura, skont il-punt 9 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta' Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda[15], sabiex jiġi attivat il-Fond, il-Kummissjoni, f'każ ta' valutazzjoni pożittiva ta' applikazzjoni, tippreżenta lill-awtorità tal-baġit proposta għall-mobilizzazzjoni tal-Fond u, fl-istess waqt, talba korrispondenti għat-trasferiment.

II. L-applikazzjoni tan-Netherlands u l-proposta tal-Kummissjoni

Fit-22 ta' Diċembru 2020, in-Netherlands ippreżentaw applikazzjoni EGF/2020/004 NL/KLM għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara 1 851 sensja[16] fil-kumpaniji KLM Royal Dutch Airlines li tinsab fir-reġjun ta' livell NUTS 2 (NL32) ta' Noord-Holland.

Wara l-valutazzjoni tagħha ta' din l-applikazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet, f'konformità mad-dispożizzjonijiet applikabbli kollha tar-Regolament tal-FEG, li l-kundizzjonijiet għall-għoti ta' kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG huma ssodisfati.

Fis-6 ta' Mejju 2021, il-Kummissjoni adottat proposta għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG favur in-Netherlands bħala appoġġ għar-riintegrazzjoni fis-suq tal-1 201 benefiċjarju fil-mira li ngħataw is-sensja fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt id-Diviżjoni 51 ta' NACE Reviżjoni 2 (Trasport bl-ajru).

Il-Kummissjoni qieset l-applikazzjoni ammissibbli skont il-kriterji ta' intervent tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament tal-FEG, li jirrikjedi li jrid ikun hemm mill-inqas 500 ħaddiem li jkunu ngħataw is-sensja matul perjodu ta' referenza ta' erba' xhur f'intrapriża fi Stat Membru, inklużi l-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja minn fornituri u produtturi downstream u/jew minn persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom tkun waqfet.

Din hija l-ħames applikazzjoni tal-2020 u r-raba' waħda li għandha tiġi eżaminata fl-ambitu tal-baġit tal-2021, inkluż il-QFP il-ġdid (għar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 2020/2093 tas-17 ta' Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2021 sa 2027[17] u l-FII tas-16 ta' Diċembru 2020. Il-Baġit tal-2021 għandu linji baġitarji ta' riżerva għall-pagamenti tal-FEG (qabel l-2021) li se jintużaw għall-pagamenti mobilizzati fl-ambitu tar-regolament tal-FEG tal-2014-2020. Ir-regolament suċċessur tal-FEG għall-2021-2027 (2018/0202(COD)) ġie adottat fis-seduta plenarja tal-Parlament Ewropew li saret fit-28 ta' April 2021, iżda la se jkollu impatt fuq din il-proċedura u lanqas fuq kwalunkwe proċedura li ġejja għall-mobilizzazzjonijiet fl-ambitu tal-programm l-antik għall-2014-2020.

L-għadd ta' 1 851 ħaddiem li ngħataw is-sensja ġie kkalkulat billi żdiedu 650 ħaddiem li ngħataw is-sensja matul il-perjodu ta' referenza ma' 1 201 ħaddiem li ngħataw is-sensja qabel jew wara l-perjodu ta' referenza ta' erba' xhur. Dawn il-ħaddiema kollha ngħataw is-sensja wara t-tħabbira ġenerali dwar is-sensji mbassra li saret fil-21 ta' Mejju 2020. Tista' tiġi stabbilita rabta kawżali ċara mal-avveniment li wassal għas-sensji matul il-perjodu ta' referenza.

L-aplikazzjoni tikkonċerna 1 201 ħaddiem fil-mira li ngħataw is-sensja u tirreferi għall-mobilizzazzjoni ta' ammont totali ta' EUR 5 019 218 mill-FEG lejn in-Netherlands li jirrappreżenta 60 % tal-ispejjeż totali tal-azzjonijiet proposti.

Sabiex tiġi stabbilita r-rabta bejn is-sensji u l-bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni, in-Netherlands jibbażaw l-applikazzjoni fuq id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li l-kriżi tas-saħħa globali rriżultat fi kriżi ekonomika globali, li ġiet indirizzata bil-pjan ta' rkupru tal-Kummissjoni u li jsemmi b'mod ċar lill-FEG bħala wieħed mill-għodod tiegħu[18].

Il-pandemija tal-COVID-19 laqtet ħażin ħafna lill-KLM, u dgħajfet ir-riżultati tajbin tagħha ta' dawn l-aħħar snin. F'nofs Marzu 2020, l-operazzjonijiet ta' KLM fil-biċċa l-kbira waqfu filwaqt li l-ispejjeż operattivi tagħhom baqgħu fl-istess livell[19]. Fl-2020, id-dħul ta' KLM naqas bi 53,8 % għal EUR 5 120 miljun, meta mqabbel ma' sena qabel. Fil-31 ta' Lulju 2020, il-maniġment ta' KLM ħabbar pjan ta' ristrutturar sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż. Dan wassal biex il-forza tax-xogħol titnaqqas b'madwar 5 000 ekwivalenti full-time (minn 33 000 għal 28 000 ekwivalenti full-time)[20].

L-erba' tipi ta' azzjonijiet li għandhom jiġu pprovduti lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja u li għalihom qed jintalab il-kofinanzjament mill-FEG jikkonsistu fi:

a. Orjentazzjoni professjonali: matul din il-fażi, il-parteċipanti jirċievu informazzjoni dwar il-proċess ta' appoġġ, l-orjentazzjoni u l-għajnuna għat-tfittix ta' impjieg. Tinkludi wkoll coaching individwali għall-fiduċja fihom infushom biex jgħin lill-ħaddiema jimxu għal impjiegi ġodda.

b. Appoġġ biex jinstab xogħol f'setturi ddedikati: din il-miżura se tipprovdi għajnuna professjonali għal riorjentazzjoni lejn setturi b'nuqqas ta' ħaddiema, bħall-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa, il-loġistika, it-teknoloġiji u l-ġestjoni tal-informazzjoni. Pereżempju, persuni li ġejjin minn kuntest tekniku (jiġifieri l-inġinerija u l-manutenzjoni ta' KLM) jistgħu jingħataw taħriġ mill-ġdid, u b'hekk ikunu jistgħu jsibu xogħol f'settur relatat mat-teknoloġija.

c. Taħriġ, coaching u/jew edukazzjoni: dan jinkludi miżuri biex jiġu żviluppati l-ħiliet meħtieġa f'qasam ġdid tal-impjiegi.

d. Parir finanzjarju: din il-miżura tipprovdi valutazzjoni individwali u parir finanzjarju biex jiġi żgurat li impjegat affettwat ikollu stampa ċara dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu u l-prospetti biex jieħu d-deċiżjoni t-tajba. F'din il-valutazzjoni, l-espert tas-servizzi finanzjarji jqis iċ-ċirkostanzi personali, kif bidla fl-impjiegi taffettwa l-introjtu, is-sitwazzjoni tal-akkomodazzjoni (jiġifieri l-abbiltà li jiġu ssodisfati l-obbligi ipotekarji, it-tariffi tal-kiri, l-effett ta' rilokazzjoni possibbli), u l-effetti ta' miżuri speċifiċi minn ftehimiet kollettivi tax-xogħol u ta' regolamenti fiskali nazzjonali li qed jinbidlu.

 

Skont il-Kummissjoni, il-miżuri deskritti jikkostitwixxu miżuri attivi fis-suq tax-xogħol fl-azzjonijiet eleġibbli stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament tal-FEG u ma jissostitwixxux miżuri passivi ta' protezzjoni soċjali.

In-Netherlands ipprovdew l-informazzjoni meħtieġa dwar azzjonijiet li huma obbligatorji għall-intrapriżi kkonċernati permezz tal-liġi nazzjonali jew skont ftehimiet kollettivi. Huma kkonfermaw li kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mhijiex se tissostitwixxi tali azzjonijiet.

Proċedura

Sabiex timmobilizza l-Fond, il-Kummissjoni ressqet talba quddiem l-Awtorità Baġitarja għal trasferiment ta' ammont globali ta' EUR 5 019 218 mir-riżerva tal-FEG (30 04 02) għal-linja baġitarja (16 02 99 01) tal-FEG (qabel l-2021). F'każ ta' nuqqas ta' qbil għandha tinbeda l-proċedura ta' trilogu, kif previst fl-Artikolu 15(4) tar-Regolament tal-FEG.

Skont ftehim intern, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali għandu jiġi assoċjat fil-proċess sabiex joffri appoġġ kostruttiv u jagħti kontribut għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet mill-Fond.

 


 

ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARJIET SOĊJALI

L-Onor. Johan Van Overtveldt

President

Kumitat għall-Baġits

BRUSSELL

Suġġett: Opinjoni dwar mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni – EGF/2020/004 NL/KLM – in-Netherlands (2021/0115(BUD))

Sur President,

Skont il-proċedura inkwistjoni, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali ngħata l-istruzzjoni li jippreżenta opinjoni lill-Kumitat tiegħek. Fil-laqgħa tiegħu tat-18 ta' Mejju 2021, iddeċieda li jibgħat din l-opinjoni fil-forma ta' ittra.

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali eżamina l-kwistjoni matul il-laqgħa tiegħu tas-27 ta' Mejju 2021. Matul din il-laqgħa, iddeċieda li jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu ta' hawn taħt.

Dejjem tiegħek,

Lucia Ďuriš Nicholsonová

 


SUĠĠERIMENTI

Id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat EMPL huma msejsa fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

A. Billi fit-22 ta' Diċembru 2020, in-Netherlands ippreżentaw applikazzjoni EGF/2020/004 NL/KLM għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara 1 851 sensja fil-kumpanija KLM Royal Dutch Airlines li tinsab fir-reġjun ta' livell NUTS 2 (NL32) ta' Noord-Holland;

B. Billi l-Kummissjoni qieset l-applikazzjoni ammissibbli skont il-kriterji ta' intervent tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament tal-FEG, li jirrikjedi li tingħata s-sensja lil tal-inqas 500 ħaddiem matul perjodu ta' referenza ta' erba' xhur f'intrapriża fi Stat Membru, inklużi ħaddiema li ngħataw is-sensja minn fornituri u produtturi downstream u/jew persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom intemmet;

C. Billi fis-6 ta' Mejju 2021, il-Kummissjoni adottat proposta għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG favur in-Netherlands bħala appoġġ għar-riintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' 1 201 benefiċjarju fil-mira li ngħataw is-sensja fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt id-Diviżjoni 51 ta' NACE Reviżjoni 2 (Trasport bl-ajru);

D. Billi l-pandemija tal-COVID-19 ikkawżat xokk enormi lill-industrija tal-avjazzjoni minħabba restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar b'domanda internazzjonali tal-passiġġieri li naqset b'75,6 % fl-2020 meta mqabbla mal-livelli tal-2019. Billi skont it-tbassir globali tal-passiġġieri mill-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasport bl-Ajru, l-industrija tal-avjazzjoni se tieħu bejn 3 u 4 snin biex tirkupra għal-livell tagħha ta' qabel il-kriżi;

E. Billi dan kellu impatt negattiv enormi fuq il-KLM, u dgħajjef ir-riżultati tajbin tagħha ta' dawn l-aħħar snin u, għalhekk, fil-31 ta' Lulju 2020, il-maniġment tal-KLM ħabbar pjan ta' ristrutturar sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż. Dan wassal biex il-forza tax-xogħol titnaqqas b'madwar 5 000 ekwivalenti full-time (minn 33 000 għal 28 000 ekwivalenti full-time);

F. Billi l-Kummissjoni ddikjarat li l-kriżi tas-saħħa rriżultat fi kriżi ekonomika, stabbiliet pjan ta' rkupru għall-ekonomija, u ssottolinjat ir-rwol tal-FEG bħala għodda ta' emerġenza.

Għalhekk, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jintegra s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1), punt (a) tar-Regolament tal-FEG huma ssodisfati u li n-Netherlands għandhom id-dritt għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 5 019 218 skont dak ir-Regolament, somma li tirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 8 365 364, liema spiża tinkludi n-nefqa għal servizzi personalizzati ta' EUR 8 030 750 u n-nefqa għal attivitajiet ta' tħejjija, ġestjoni, informazzjoni u pubbliċità, kontroll u rapportar ta' EUR 334 614;

2.  Jinnota li, skont il-Kummissjoni, ir-rekwiżiti proċedurali kollha ġew issodisfati;

3.  Jissottolinja li l-impatt soċjali tas-sensji huwa mistenni li jkun konsiderevoli; ifakkar li l-KLM hija t-tieni l-akbar impjegatur privat tan-Netherlands b'aktar minn 33 000 impjegat fl-2019; ifakkar li dawn is-sensji saru f'kuntest ta' rati tal-qgħad li qed jiżdiedu f'Noord-Holland, b'żieda ta' 1,5 punt perċentwali biex laħqu 4,8 % fir-raba' trimestru tal-2020 meta mqabbla mal-istess trimestru tal-2019;

4.  Jinnota li l-applikazzjoni b'kollox hija relatata ma' 1 851 ħaddiem li ngħataw is-sensja fil-kumpanija KLM Royal Dutch Airlines; jieħu nota tal-fatt li n-Netherlands jipprevedu li 1 201 biss mill-benefiċjarji eliġibbli kollha se jipparteċipaw fil-miżuri (benefiċjarji fil-mira);

5.  Jilqa' l-erba' tipi ta' azzjonijiet previsti fl-ambitu tal-pakkett ta' servizzi personalizzati li għandhom jiġu pprovduti lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja (orjentazzjoni professjonali; appoġġ biex jinstab xogħol f'settur iddedikat; taħriġ, coaching u/jew edukazzjoni; parir finanzjarju), li għalih qed jintalab il-kofinanzjament tal-FEG;

6.  Ifakkar li l-għajnuna mill-FEG u fondi oħra tal-Unjoni ma tridx tissostitwixxi azzjonijiet li huma r-responsabbiltà tal-impjegaturi, kemm jekk skont id-dritt nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi;

7.  Jappoġġja bil-qawwa l-fatt li fil-perjodu 2021-2027 il-FEG se jkompli juri solidarjetà filwaqt li jċaqlaq l-attenzjoni mill-kawża tar-ristrutturar għall-impatt tiegħu; jilqa' l-fatt li skont ir-regoli l-ġodda, id-dekarbonizzazzjoni se tkun ukoll raġuni biex l-applikaturi jkunu eliġibbli għall-appoġġ.


ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP REĠJONALI

L-Onor. Johan VAN OVERTVELDT

President tal-Kumitat għall-Baġits

WIE 05U012

 

 

Suġġett: Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni ppreżentata min-Netherlands – EGF/2020/004 NL/KLM

 

Onor. Van Overtveldt,

 

Il-Kummissjoni Ewropea bagħtet lill-Parlament Ewropew il-proposta tagħha għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni min-Netherlands (COM(2021)0226), b'segwitu għal sensji fil-KLM Royal Dutch Airlines.

Nifhem li hemm il-ħsieb li dalwaqt jiġi adottat rapport dwar din il-proposta fil-Kumitat għall-Baġits.

 

L-applikazzjoni tirrigwarda 1 851 ħaddiem li ngħataw is-sensja fil-KLM Royal Dutch Airlines li minnhom 1 201 huma mistennija jipparteċipaw fil-miżuri tal-FEG. L-avvenimenti li wasslu għal dawn is-sensji huma riżultat tal-kriżi ekonomika globali mhux mistennija kkawżata mill-kriżi tal-COVID-19. Is-sensji fil-KLM għandhom impatt serju fuq l-ekonomija nazzjonali peress li l-KLM hija t-tieni l-akbar impjegatur privat tan-Netherlands.

 

Is-servizzi personalizzati li għandhom ikunu pprovduti lill-ħaddiema ssensjati jikkonsistu minn dawn l-azzjonijiet li ġejjin li jikkostitwixxu miżuri attivi fis-suq tax-xogħol fl-azzjonijiet eliġibbli stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament tal-FEG: orjentazzjoni professjonali, appoġġ biex jinstab xogħol f'setturi ddedikati, taħriġ, coaching u/jew edukazzjoni u pariri finanzjarji.

 

Il-kostijiet totali stmati huma ta' EUR 8 365 364, li huma magħmula min-nefqa għal servizzi personalizzati ta' EUR 8 030 750 u n-nefqa għal attivitajiet ta' tħejjija, ġestjoni, informazzjoni u pubbliċità, kontroll u rapportar ta' EUR 334 614. Il-kontribuzzjoni finanzjarja totali mitluba mill-FEG hija ta' EUR 5 019 218 (60 % tal-kostijiet totali).

 

Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (il-FEG) huma stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/20061 (ir-"Regolament tal-FEG").

 

Il-koordinaturi tal-kumitat ivvalutaw din il-proposta u talbuni niktiblek biex ninfurmak li l-maġġoranza ta' dan il-kumitat m'għandha l-ebda oġġezzjoni għal din il-mobilizzazzjoni tal-FEG biex jiġi allokat l-ammont imsemmi hawn fuq kif propost mill-Kummissjoni.

 

Dejjem tiegħek,

 

 

Younous OMARJEE


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

31.5.2021

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

39

2

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Rasmus Andresen, Robert Biedroń, Anna Bonfrisco, Olivier Chastel, Lefteris Christoforou, David Cormand, Paolo De Castro, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Vlad Gheorghe, Valentino Grant, Elisabetta Gualmini, Francisco Guerreiro, Valérie Hayer, Eero Heinäluoma, Niclas Herbst, Monika Hohlmeier, Moritz Körner, Joachim Kuhs, Zbigniew Kuźmiuk, Ioannis Lagos, Hélène Laporte, Pierre Larrouturou, Janusz Lewandowski, Silvia Modig, Siegfried Mureşan, Victor Negrescu, Andrey Novakov, Jan Olbrycht, Dimitrios Papadimoulis, Karlo Ressler, Bogdan Rzońca, Nicolae Ştefănuță, Nils Torvalds, Nils Ušakovs, Johan Van Overtveldt, Rainer Wieland, Angelika Winzig

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Mario Furore, Jens Geier, Henrike Hahn

 


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

39

+

ECR

Zbigniew Kuźmiuk, Bogdan Rzońca, Johan Van Overtveldt

ID

Anna Bonfrisco, Valentino Grant, Hélène Laporte

NI

Mario Furore

PPE

Lefteris Christoforou, José Manuel Fernandes, Niclas Herbst, Monika Hohlmeier, Janusz Lewandowski, Siegfried Mureşan, Andrey Novakov, Jan Olbrycht, Karlo Ressler, Rainer Wieland, Angelika Winzig

Renew

Olivier Chastel, Vlad Gheorghe, Valérie Hayer, Moritz Körner, Nicolae Ştefănuță, Nils Torvalds

S&D

Robert Biedroń, Paolo De Castro, Eider Gardiazabal Rubial, Jens Geier, Elisabetta Gualmini, Eero Heinäluoma, Pierre Larrouturou, Victor Negrescu, Nils Ušakovs

The Left

Silvia Modig, Dimitrios Papadimoulis

Verts/ALE

Rasmus Andresen, David Cormand, Francisco Guerreiro, Henrike Hahn

 

2

-

ID

Joachim Kuhs

NI

Ioannis Lagos

 

0

0

 

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

 

Aġġornata l-aħħar: 4 ta' Ġunju 2021
Avviż legali - Politika tal-privatezza