RAPPORT dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni mill-Belġju – EGF/2020/005 BE/Swissport Belgium
2.6.2021 - (COM(2021)0212 – C9-0159/2021 – 2021/0109(BUD))
Kumitat għall-Baġits
Rapporteur: Olivier Chastel
- MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
- ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
- NOTA SPJEGATTIVA
- ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI
- ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP REĠJONALI
- INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
- VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni mill-Belġju – EGF/2020/005 BE/Swissport Belgium
(COM(2021)0212 – C9-0159/2021 – 2021/0109(BUD))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2021)0212 – C9-0159/2021),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006[1] ("ir-Regolament tal-FEG"),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 2020/2093 tas-17 ta' Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027[2], u b'mod partikolari l-Artikolu 8 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta' Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda[3], ("il-FII tas-16 ta' Diċembru 2020"), u b'mod partikolari l-punt 9 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9-0188/2021),
A. billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tagħti appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, u biex tgħinhom fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol; billi din l-għajnuna hija fornuta permezz ta' appoġġ finanzjarju li jingħata lill-ħaddiema u lill-kumpaniji li għalihom ikunu ħadmu;
B. billi l-Belġju ressaq l-applikazzjoni EGF/2020/005 BE/Swissport għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG), wara 1 468 sensja[4] fil-kumpanija Swissport Belgium, f'perjodu ta' referenza għall-applikazzjoni mid-9 ta' Ġunju 2020 sad-9 ta' Ottubru 2020;
C. billi fis-27 ta' April 2021, il-Kummissjoni adottat proposta għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG favur il-Belġju biex tappoġġja l-integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol ta' 1 468 benefiċjarju fil-mira;
D. billi l-applikazzjoni hija relatata ma' 1 468 ħaddiem li ngħataw is-sensja fil-kumpanija Swissport Belgium;
E. billi l-applikazzjoni hija bbażata fuq il-kriterju ta' intervent tal-Artikolu 4(1), punt (a), tar-Regolament tal-FEG, li jirrikjedi li jrid ikun hemm mill-inqas 500 ħaddiem li ngħataw is-sensja matul perjodu ta' referenza ta' erba' xhur f'impriża fi Stat Membru, inklużi ħaddiema li ngħataw is-sensja minn fornituri u produtturi downstream u/jew persuni li jaħdmu għal rashom li ntemmet l-attività tagħhom;
F. billi l-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-kriżi tas-saħħa tal-COVID-19 irriżultat fi kriżi ekonomika u insistiet għal pjan ta' rkupru Next Generation EU li jissottolinja r-rwol ewlieni tal-FEG fl-assistenza tal-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja;
G. billi l-pandemija tal-COVID-19 u l-kriżi ekonomika globali li ġiet warajha kkawżaw xokk enormi għall-industrija tal-ivvjaġġar fil-Belġju, speċjalment għall-operaturi tal-ajru u l-intrapriżi li joperaw fl-Ajruport ta' Brussell, fejn fl-ewwel ġimgħa tal-lockdown (16-22 ta' Marzu 2020), l-għadd ta' titjiriet naqas bi 58 % meta mqabbel ma' Jannar 2020, u l-movimenti tal-ajruplani tal-passiġġieri fl-ajruport waqfu kważi kompletament matul il-ġimgħat ta' wara;
H. billi fl-2020, it-traffiku internazzjonali tal-passiġġieri naqas b'mod kumplessiv b'60 % meta mqabbel mal-2019 (minn 4,5 biljun passiġġier għal 1,8 biljun) u 50 % ta' inġenji tal-ajru globali tqiegħdu għall-ħżin; billi Swissport Belgium, wieħed miż-żewġ ground handlers tal-Ajruport ta' Brussell, kien responsabbli għal 60 % tas-servizzi fuq l-art u ta' tindif fl-ajruport;
I. billi fid-9 ta' Ġunju 2020, wara ġimgħat sħaħ fejn is-servizzi fuq l-art kienu kważi ineżistenti fl-Ajruport ta' Brussell, Swissport Belgium ġiet iddikjarata falluta minħabba nuqqas ta' likwidità u bħala riżultat tal-inċertezza kbira dwar l-irkupru fuq perjodu qasir tas-settur tat-trasport tal-passiġġieri bl-ajru, l-ebda intrapriża ma wriet interess li tieħu f'idejha l-attivitajiet ta' ġestjoni ta' Swissport Belgium, li rriżulta fis-sensji kkonċernati. billi l-Kummissjoni rrikonoxxiet li hemm riskju reali li jista' jkun hemm aktar fallimenti fost il-fornituri tas-servizzi ta' ground handling matul l-2021;
J. billi Swissport Belgium kienet qed timplimenta b'suċċess pjan ta' rkupru qabel ma faqqgħet il-pandemija, kienet qed tipprevedi tnaqqis ta' 37 % fit-telf għall-2020 meta mqabbel mal-2019, u ġiet iddikjarata falluta fid-9 ta' Ġunju 2020 mill-Qorti ta' Brussell;
K. billi minħabba l-inċertezza kbira dwar l-irkupru fuq terminu qasir tas-settur tat-trasport tal-passiġġieri bl-ajru, l-ebda intrapriża ma wriet interess li tieħu f'idejha l-attivitajiet ta' handling ta' Swissport Belgium;
L. billi hemm riskju reali li jista' jkun hemm aktar fallimenti fost il-fornituri tal-ground handling matul l-2021;
M. billi din hija waħda mill-ewwel mobilizzazzjonijiet tal-FEG marbuta mal-kriżi tal-COVID-19, wara l-adozzjoni mill-Parlament Ewropew tar-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF/2020/000 TA 2020 - Assistenza teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni)[5], li tiddikjara li l-FEG jista' jiġi mobilizzat biex jappoġġja lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja b'mod permanenti u lill-persuni li jaħdmu għal rashom fil-kuntest tal-kriżi globali kkawżata mill-COVID-19 mingħajr ma jiġi emendat ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013;
N. billi l-Kummissjoni ddikjarat li l-kriżi tas-saħħa rriżultat fi kriżi ekonomika, stabbiliet pjan ta' rkupru għall-ekonomija, u ssottolinjat ir-rwol tal-FEG bħala għodda ta' emerġenza[6];
1. Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1), punt (a), tar-Regolament tal-FEG huma ssodisfati u li l-Belġju huwa intitolat għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 3 719 224 skont dak ir-Regolament, somma li tirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 6 198 708, liema spiża tinkludi n-nefqa għal servizzi personalizzati ta' EUR 5 977 108 u n-nefqa għall-attivitajiet ta' tħejjija, ġestjoni, informazzjoni u pubbliċità, kontroll u rapportar ta' EUR 221 600;
2. Jinnota li l-awtoritajiet Belġjani ressqu l-applikazzjoni fit-22 ta' Diċembru 2020 u wara li l-Belġju ta informazzjoni addizzjonali, il-Kummissjoni ffinalizzat il-valutazzjoni tagħha fis-27 ta' April 2021 u nnotifikatha lill-Parlament fl-istess ġurnata;
3. Jinnota li r-rekwiżiti proċedurali kollha ġew sodisfatti;
4. Jinnota li l-applikazzjoni hija relatata b'kollox ma' 1 468 ħaddiem li ngħataw is-sensja fil-kumpanija Swissport Belgium li minnhom 1 086 huma rġiel u 382 huma nisa; jilqa' l-fatt li l-ħaddiema kollha li ngħataw is-sensja huma mistennija jipparteċipaw fil-miżuri;
5. Ifakkar li l-għeluq f'daqqa ta' ċerti setturi ewlenin fil-Belġju (il-forniment tal-ikel, it-turiżmu, il-kultura, eċċ.) wassal biex il-qgħad fi Brussell laħaq il-15 % fit-tielet trimestru tal-2020[7], u li proporzjon kbir tal-forza tax-xogħol preċedenti ta' Swissport Belgium huwa magħmul minn gruppi żvantaġġjati, peress li dawn fil-biċċa l-kbira huma ħaddiema b'livell baxx ta' ħiliet u b'ħiliet medji u madwar terz (32,5 %) għandhom aktar minn 50 sena;
6. Jissottolinja l-ħtieġa li l-impjegati kollha, mingħajr diskriminazzjoni u indipendentement min-nazzjonalità tagħhom, jiġu integrati u appoġġjati mill-miżuri inklużi f'din il-mobilizzazzjoni tal-FEG;
7. Jinnota li l-Belġju beda joffri servizzi personalizzati lill-benefiċjarji fil-mira fid-9 ta' Ġunju 2020, u għaldaqstant il-perjodu ta' eleġibbiltà għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se jkun mid-9 ta' Ġunju 2020 sat-22 ta' Diċembru 2022;
8. Ifakkar li s-servizzi personalizzati li għandhom jiġu pprovduti lill-ħaddiema u l-persuni li jaħdmu għal rashom jikkonsistu mill-azzjonijiet li ġejjin: informazzjoni, għajnuna għat-tfittix ta' impjieg u gwida vokazzjonali, taħriġ, appoġġ u kontribuzzjoni għall-ħolqien ta' negozju, kif ukoll inċentivi u allowances, u jilqa' l-fatt li l-ħaddiema tal-ġeneru li huwa sottorappreżentat jagħżlu taħriġ vokazzjonali għal impjiegi li l-ġeneri tagħhom huma żbilanċjati[8] b'mod sinifikanti se jirċievu bonus addizzjonali ta' EUR 700; itenni l-integrazzjoni tal-perspettivi tal-ġeneru bħala karatteristika importanti tal-baġit tal-Unjoni, u jqis li din għandha tiġi promossa fl-istadji kollha tal-implimentazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG;
9. Jinnota li l-Belġju beda jġġarrab in-nefqa amministrattiva sabiex jimplimenta l-FEG fl-10 ta' Ġunju 2020 u li għaldaqstant, in-nefqa fuq attivitajiet ta' tħejjija, ġestjoni, informazzjoni u pubbliċità, kontroll u rapportar se tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mill-10 ta' Ġunju 2020 sat-22 ta' Ġunju 2023;
10. Jilqa' l-fatt li l-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati tfassal mill-Belġju f'konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-ħaddiema u s-sħab soċjali kif ukoll ma' ċentru tal-impjiegi speċjalizzat fis-settur tal-avjazzjoni;
11. Jisħaq li l-awtoritajiet Belġjani kkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jirċevux għajnuna minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni, u li l-prinċipji tat-trattament ugwali u n-nondiskriminazzjoni se jiġu rrispettati fl-aċċess għall-azzjonijiet proposti u fl-implimentazzjoni tagħhom;
12. Ifakkar li l-appoġġ finanzjarju permezz tal-FEG għandu jingħata malajr u b'mod effettiv kemm jista' jkun possibbli; jenfasizza l-ħtieġa li l-perjodu ta' valutazzjoni tal-applikazzjonijiet min-naħa tal-Kummissjoni jitqassar kemm jista' jkun;
13. Itenni li l-assistenza mill-FEG ma tridx tissostitwixxi azzjonijiet li huma r-responsabbiltà ta' kumpaniji, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi;
14. Jinnota ż-żieda reċenti fl-għadd ta' applikazzjonijiet għal assistenza finanzjarja permezz tal-FEG; jesprimi tħassib dwar l-impatt persistenti tal-kriżi ekonomika globali kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19 fuq l-impjiegi u s-suffiċjenza tal-FEG biex iwieġeb għall-ħtiġijiet futuri kollha;
15. Jappoġġja bil-qawwa l-fatt li l-FEG qed ikompli juri solidarjetà fil-perjodu 2021-2027 filwaqt li jċaqlaq l-attenzjoni mill-kawża tar-ristrutturar għall-impatt tiegħu; jilqa' l-fatt li skont ir-regoli l-ġodda, id-dekarbonizzazzjoni se tkun ukoll raġuni biex l-applikanti jkunu eliġibbli għall-appoġġ;
16. Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;
17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
18. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni mill-Belġju – EGF/2020/005 BE/Belgium Swissport
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006[9], u b'mod partikolari l-Artikolu 15(4) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta' Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda[10], u b'mod partikolari l-punt 9 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għandu l-għan li jagħti appoġġ lil ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja u lil persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom tkun waqfet minħabba bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji bħala riżultat tal-globalizzazzjoni, bħala riżultat tal-kontinwazzjoni tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, jew bħala riżultat ta' kriżi finanzjarja u ekonomika globali ġdida, u li jgħinhom fl-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol.
(2) Il-FEG ma għandux jaqbeż l-ammont massimu annwali ta' EUR 186 miljun (prezzijiet tal-2018), kif stabbilit fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093[11].
(3) Fit-22 ta' Diċembru 2020, il-Belġju ressaq applikazzjoni biex jimmobilizza l-FEG, fir-rigward tas-sensji fi Swissport fil-Belġju. Din ġiet issupplimentata b'informazzjoni addizzjonali mogħtija f'konformità mal-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013. Dik l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti għad-determinazzjoni ta' kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, kif stabbilit fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013.
(4) Għalhekk, il-FEG jenħtieġ li jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 3 719 224 fir-rigward tal-applikazzjoni mressqa mill-Belġju.
(5) Sabiex jiġi mminimizzat iż-żmien għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, din id-deċiżjoni jenħtieġ li tibda tapplika mid-data tal-adozzjoni tagħha,
ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2021, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi l-ammont ta' EUR 3 719 224 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għandha tapplika mill-[id-data tal-adozzjoni tagħha].
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill
Il-President Il-President
NOTA SPJEGATTIVA
I. Kuntest
Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni nħoloq sabiex jipprovdi għajnuna addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji.
Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu (8)(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 2020/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2021-2027[12] u tal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013[13], il-Fond ma jistax jaqbeż ammont annwali massimu ta' EUR 186 miljun (prezzijiet tal-2018).
Fir-rigward tal-proċedura, skont il-punt 9 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta' Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda[14], sabiex jiġi attivat il-Fond, il-Kummissjoni, f'każ ta' valutazzjoni pożittiva ta' applikazzjoni, tippreżenta lill-awtorità baġitarja proposta għall-mobilizzazzjoni tal-Fond u, fl-istess waqt, talba korrispondenti għat-trasferiment.
II. L-applikazzjoni tal-Belġju u l-proposta tal-Kummissjoni
Fit-22 ta' Diċembru 2020, il-Belġju ressaq applikazzjoni EGF/2020/005 BE/Swissport għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara li ngħataw 1 468 sensja[15] fil-kumpanija Swissport Belgium.
Wara l-valutazzjoni tagħha ta' din l-applikazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet, f'konformità mad-dispożizzjonijiet applikabbli kollha tar-Regolament dwar il-FEG, li l-kundizzjonijiet għall-għoti ta' kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG huma ssodisfati.
Fis-27 ta' April 2021, il-Kummissjoni adottat proposta għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG favur il-Belġju biex tappoġġja l-integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol ta' 1 468 benefiċjarju fil-mira, jiġifieri ħaddiema li ngħataw is-sensja fi Swissport Belgium.
Il-Kummissjoni qieset l-applikazzjoni ammissibbli skont il-kriterji ta' intervent tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament tal-FEG, li jirrikjedi li jrid ikun hemm mill-inqas 500 ħaddiem li jkunu ngħataw is-sensja matul perjodu ta' referenza ta' erba' xhur f'intrapriża fi Stat Membru, inklużi l-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja minn fornituri u produtturi downstream u/jew minn persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom tkun waqfet.
Din hija t-tielet applikazzjoni tal-2020 u t-tieni waħda li għandha tiġi eżaminata fl-ambitu tal-baġit tal-2021, inkluż il-QFP il-ġdid għar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 2020/2093 tas-17 ta' Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2021 sal-2027[16] u l-FII tas-16 ta' Diċembru 2020. Il-Baġit tal-2021 għandu linji baġitarji ta' riżerva għall-pagamenti tal-FEG (qabel l-2021) li se jintużaw għall-pagamenti mmobilizzati fl-ambitu tar-regolament tal-FEG tal-2014-2020. Ir-regolament suċċessur tal-FEG għall-2021-2027 (2018/0202(COD)) ġie adottat fis-seduta plenarja tal-Parlament Ewropew li saret fit-28 ta' April 2021, iżda la se jkollu impatt fuq din il-proċedura u lanqas fuq kwalunkwe proċedura li ġejja għall-mobilizzazzjonijiet fl-ambitu tal-programm l-antik għall-2014-2020.
L-għadd ta' 1 468 ħaddiem totali li ngħataw is-sensja ġie kkalkulat mid-data tan-notifika individwali tal-impjegatur biex jagħti s-sensja jew itemm il-kuntratt tal-impjieg tal-ħaddiem.
L-applikazzjoni tikkonċerna 1 468 ħaddiem li ngħataw is-sensja u tirreferi għall-mobilizzazzjoni ta' ammont totali ta' EUR 3 719 224 mill-FEG lejn il-Belġju li jirrappreżenta 60 % tal-ispejjeż totali tal-azzjonijiet proposti.
Sabiex tiġi stabbilita r-rabta bejn is-sensji u l-bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni, il-Belġju jibbaża l-applikazzjoni fuq id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li l-kriżi tas-saħħa globali rriżultat fi kriżi ekonomika globali, li ġiet indirizzata bil-pjan ta' rkupru tal-Kummissjoni u li jsemmi b'mod ċar lill-FEG bħala wieħed mill-għodod tiegħu[17].
Sabiex irażżan il-pandemija tal-COVID-19, il-Belġju daħal f'lockdown fit-18 ta' Marzu 2020. L-impatt kien wieħed immedjat għall-operaturi tal-ajru u għall-intrapriżi li joperaw fl-Ajruport ta' Brussell. Fl-ewwel ġimgħa tal-lockdown (16-22 ta' Marzu), l-għadd ta' titjiriet f'dan l-ajruport naqas għal 578 biss, tnaqqis ta' 58 % minn Jannar 2020. Matul il-ġimgħat ta' wara, il-movimenti tal-ajruplani tal-passiġġieri fl-ajruport waqfu kważi għalkollox, għajr għal għadd limitat ta' titjiriet ta' ripatrijazzjoni, ta' emerġenza medika jew diplomatiċi. Swissport Belgium, waħda miż-żewġ ground handlers tal-ajruport, kienet responsabbli għal 60 % tas-servizzi ta' handling u ta' tindif fl-ajruport. Meta faqqgħet il-pandemija, Swissport Belgium kienet qed timplimenta b'suċċess pjan ta' rkupru: fir-raba' trimestru tal-2019, id-dħul totali żdied b'5,8 % meta mqabbel mar-raba' trimestru tal-2018. Fil-laqgħa tal-bord tagħha fl-20 ta' Frar 2020, Swissport ippreżentat tbassir ta' dħul ta' EUR 4,5 miljun ta' telf għall-2020, li jirrappreżenta tnaqqis ta' 37 % f'telf meta mqabbel mal-2019. Fin-nuqqas ta' likwidità wara tliet xhur ta' inattività, Swissport iddikjarat falliment. Il-Qorti ta' Brussell iddikjarat l-intrapriża falluta fid-9 ta' Ġunju 2020. Minħabba l-inċertezza kbira dwar l-irkupru fuq terminu qasir tas-settur tat-trasport tal-passiġġieri bl-ajru, l-ebda intrapriża ma wriet interess li tieħu f'idejha l-attivitajiet ta' handling ta' Swissport Belgium[18].
Is-sitt tipi ta' azzjonijiet li għandhom jiġu pprovduti lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja u li għalihom qed jintalab il-kofinanzjament mill-FEG jikkonsistu fi:
a. Informazzjoni, għajnuna għat-tfittix ta' impjieg u gwida vokazzjonali. Flimkien ma' informazzjoni ġenerali u individwali dwar il-miżuri, dan se jinkludi t-tfassil ta' profil tal-ħaddiema, l-għajnuna għar-rikollokament, gwida orjentata lejn impjiegi attivi u medjazzjoni tal-impjiegi. Se jiġu organizzati wkoll fieri tal-impjiegi.
b. Taħriġ. Se jiġi offrut taħriġ speċifiku biex jaqdi l-ħtiġijiet tal-ħaddiema. Dan se jinkludi taħriġ orizzontali bħal-lingwa barranija u l-ICT, u taħriġ vokazzjonali fil-ħiliet meħtieġa fis-servizzi tal-ajruport jew fis-setturi b'nuqqas ta' ħiliet.
c. Taħriġ fuq il-post tax-xogħol. Dan se jiġi offrut għall-postijiet vakanti li ma jkollhomx biżżejjed kandidati xierqa. Wara li jlesti t-taħriġ b'suċċess, il-ħaddiem inkwistjoni jiġi offrut kuntratt.
d. Appoġġ għall-ħolqien ta' negozju. Bil-għan li jiġu żviluppati negozji vijabbli jew proġetti ta' impjiegi independenti, il-ħaddiema interessati li jibdew jaħdmu għal rashom se jirċievu l-appoġġ ta' organizzazzjonijiet reġjonali. Dan jista' jkopri l-ippjanar, it-twettiq ta' studji ta' fattibbiltà, it-tħejjija ta' pjanijiet ta' negozju, l-għajnuna fl-identifikazzjoni ta' possibbiltajiet ta' finanzjament, eċċ. Jiġu offruti benefiċċji ta' taħriġ u benefiċċji oħra lill-benefiċjarji biex jappoġġjaw il-parteċipazzjoni tagħhom fil-miżuri attivi.
e. Kontribuzzjoni għall-bidu ta' negozju. Il-ħaddiema li jibdew negozju jew attività bħala persuni li jaħdmu għal rashom se jirċievu kontribuzzjoni sa EUR 15 000.
f. Inċentivi u benefiċċji. (1) Benefiċċji għat-tfittix ta' impjieg u għat-taħriġ. Il-ħaddiema se jirċievu EUR 1 għal kull siegħa ta' parteċipazzjoni effettiva f'attivitajiet ta' taħriġ jew ta' tfittix ta' impjieg. (2) Kontribuzzjoni għall-ispejjeż ta' vjaġġar lejn ix-xogħol u lura. Sabiex titħeġġeġ il-mobilità reġjonali u interreġjonali, il-ħaddiema li jsibu impjieg li jkun aktar minn 60 km 'il bogħod minn darhom, jew li jkun f'distanza li tinvolvi aktar minn erba' sigħat ta' ħin ta' vvjaġġar lejn il-post tax-xogħol u lura, se jirċievu somma sħiħa ta' EUR 500 jekk jivvjaġġaw lejn ix-xogħol u lura bit-trasport privat u EUR 750 jekk jivvjaġġaw lejn ix-xogħol u lura bit-trasport pubbliku. (3) Bonus għall-eliminazzjoni tal-istereotipi marbuta mal-ġeneru. Il-ħaddiema tal-ġeneru li huwa l-inqas irrappreżentat li jagħżlu taħriġ vokazzjonali għal impjiegi li l-ġeneri tagħhom huma żbilanċjati b'mod sinifikanti se jirċievu bonus ta' EUR 700 mħallsa f'żewġ pagamenti parzjali, wieħed fil-bidu u l-ieħor fl-aħħar tat-taħriġ. (4) Benefiċċju għall-ħolqien ta' negozju. Il-ħaddiema se jirċievu kontribuzzjoni fix-xahar ta' EUR 350, għal massimu ta' 12-il xahar, filwaqt li jkunu qed iħejju biex jibdew in-negozju tagħhom stess. Biex jiġi appoġġjat il-ħaddiem li jaħdem għal rasu ġdid fl-ewwel ftit xhur tal-attività, se tkun disponibbli wkoll kontribuzzjoni ta' EUR 200, għal massimu ta' ħames xhur. (5) Benefiċċju għar-ritorn lejn l-iskola. Se jingħata benefiċċju ta' EUR 350 fix-xahar lil ħaddiema li jibdew studji terzjarji full-time għal mill-inqas sena, jew taħriġ ta' kwalifika għal mill-inqas tliet xhur biex jiksbu l-ħiliet meħtieġa għall-impjiegi li jkun hemm domanda għalihom u li għalihom huwa diffiċli li jinstabu persuni, marbuta ma' funzjonijiet kritiċi, eċċ.
Minħabba li sehem kbir mill-benefiċjarji huma ħaddiema b'livell baxx ta' ħiliet u b'ħiliet medji u madwar terz (32,5 %) għandhom aktar minn 50 sena, il-gwida u l-appoġġ addizzjonali għat-tfittix ta' impjieg, flimkien mat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid imfassla apposta għall-ħtiġijiet tagħhom, huma meqjusa importanti għall-impjieg futur tagħhom.
Skont il-Kummissjoni, il-miżuri deskritti jikkostitwixxu miżuri attivi fis-suq tax-xogħol fl-azzjonijiet eliġibbli stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG u ma jissostitwux miżuri passivi ta' protezzjoni soċjali.
Il-Belġju pprovda l-informazzjoni meħtieġa dwar azzjonijiet li huma obbligatorji għall-intrapriża kkonċernata permezz tal-liġi nazzjonali jew skont ftehimiet kollettivi. Huma kkonfermaw li kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mhijiex se tissostitwixxi tali azzjonijiet.
Proċedura
Sabiex timmobilizza l-Fond, il-Kummissjoni ressqet talba lill-Awtorità Baġitarja għal trasferiment ta' ammont globali ta' EUR 3 719 224 mir-riżerva tal-FEG (30 04 02) lejn il-linja baġitarja (16 02 99 01) tal-FEG (qabel l-2021). F'każ ta' nuqqas ta' qbil għandha tinbeda l-proċedura ta' trilogu, kif previst fl-Artikolu 15(4) tar-Regolament dwar il-FEG.
Skont ftehim intern, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali għandu jiġi assoċjat fil-proċess sabiex joffri appoġġ kostruttiv u jagħti kontribut għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet mill-Fond.
ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI
Is-Sur Johan Van Overtveldt
President
Kumitat għall-Baġits
BRUSSELL
Suġġett: Opinjoni dwar mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni – EGF/2020/005 BE/Swissport – il-Belġju (2021/0109(BUD))
Sur President,
Skont il-proċedura msemmija hawn fuq, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali ntalab jippreżenta opinjoni lill-Kumitat tiegħek. Fil-laqgħa tiegħu tat-18 ta' Mejju 2021, iddeċieda li jibgħat din l-opinjoni fil-forma ta' ittra.
Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali eżamina l-kwistjoni matul il-laqgħa tiegħu tas-27 ta' Mejju 2021. Matul din il-laqgħa, iddeċieda li jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu ta' hawn taħt.
Dejjem tiegħek,
Lucia Ďuriš Nicholsonová
SUĠĠERIMENTI
Id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat EMPL huma msejsa fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:
A. Billi fit-22 ta' Diċembru 2020, il-Belġju ressaq applikazzjoni EGF/2020/005 BE/Swissport għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara li ngħataw 1 468 sensja fil-kumpanija Swissport Belgium;
B. Billi l-applikazzjoni hija bbażata fuq l-intervent tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament tal-FEG, li jirrekjedi li jrid ikun hemm mill-inqas 500 ħaddiem li ngħataw is-sensja matul perjodu ta' referenza ta' erba' xhur f'impriża fi Stat Membru, inklużi ħaddiema li ngħataw is-sensja minn fornituri u produtturi downstream u/jew persuni li jaħdmu għal rashom li ntemmet l-attività tagħhom;
C. Billi fis-27 ta' April 2021, il-Kummissjoni adottat proposta għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG favur il-Belġju biex tappoġġja l-integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol ta' 1 468 benefiċjarju fil-mira, jiġifieri ħaddiema li ngħataw is-sensja fi Swissport Belgium;
D. Billi l-pandemija tal-COVID-19 u l-kriżi ekonomika globali li segwiet ikkawżaw xokk enormi lill-industrija tal-ivvjaġġar fil-Belġju, speċjalment it-trasportaturi tal-ajru u l-intrapriżi li joperaw fl-Ajruport ta' Brussell;
E. Billi fl-2020, it-traffiku internazzjonali tal-passiġġieri naqas b'mod kumplessiv b'60 % meta mqabbel mal-2019 (minn 4,5 biljun passiġġier għal 1,8 biljun) u 50 % ta' inġenji tal-ajru globali tqiegħdu għall-ħżin. Billi Swissport Belgium, wieħed miż-żewġ ground handlers tal-ajruport, kien responsabbli għal 60 % tas-servizzi fuq l-art u ta' tindif fl-ajruport;
F. Billi fid-9 ta' Ġunju 2020, wara ġimgħat sħaħ fejn is-servizzi fuq l-art kienu kważi ineżistenti fl-ajruport, Swissport Belgium ġiet iddikjarata falluta minħabba nuqqas ta' likwidità u bħala riżultat tal-inċertezza kbira dwar l-irkupru fuq perjodu qasir tas-settur tat-trasport tal-passiġġieri bl-ajru, l-ebda intrapriża ma wriet interess li tieħu f'idejha l-attivitajiet ta' ġestjoni ta' Swissport Belgium li rriżultaw fis-sensji kkonċernati. Billi l-Kummissjoni rrikonoxxiet li hemm riskju reali li jista' jkun hemm aktar fallimenti fost il-fornituri tas-servizzi ta' ground handling matul l-2021;
G. Billi l-Kummissjoni ddikjarat li l-kriżi tas-saħħa rriżultat fi kriżi ekonomika, stabbiliet pjan ta' rkupru għall-ekonomija, u ssottolinjat ir-rwol tal-FEG bħala għodda ta' emerġenza;
Għalhekk, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jintegra s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament tal-FEG huma ssodisfati u li l-Belġju huwa intitolat għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 3 719 224 skont dak ir-Regolament, somma li tirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 6 198 708, liema spiża tinkludi n-nefqa għal servizzi personalizzati ta' EUR 5 977 108 u n-nefqa għall-attivitajiet ta' tħejjija, ġestjoni, informazzjoni u pubbliċità, kontroll u rapportar ta' EUR 221 600;
2. Jinnota li r-rekwiżiti proċedurali kollha ġew sodisfatti;
3. Jaqbel mal-valutazzjoni tal-Belġju li l-kriżi tas-saħħa globali rriżultat fi kriżi ekonomika globali, li ġiet indirizzata mill-pjan ta' rkupru tal-Kummissjoni u li ssemmi b'mod espliċitu l-FEG bħala waħda mill-għodod tiegħu;
4. Jilqa' s-sitt tipi ta' azzjonijiet previsti taħt il-pakkett ta' servizzi personalizzati (informazzjoni, assistenza għat-tfittix ta' impjieg u gwida vokazzjonali; taħriġ; taħriġ fuq il-post tax-xogħol; appoġġ għall-ħolqien ta' negozju; kontribuzzjoni għall-bidu ta' negozju; inċentivi u allowances) li jiġu pprovduti lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja, li għalihom qed jintalab il-kofinanzjament mill-FEG;
5. Jirrikonoxxi li sehem kbir mill-benefiċjarji huma ħaddiema b'livell baxx ta' ħiliet u b'ħiliet medji u madwar terz għandhom aktar minn 50 sena u li, għalhekk, il-gwida u l-appoġġ addizzjonali għat-tfittix ta' impjieg, flimkien mat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid imfassla apposta għall-ħtiġijiet tagħhom, huma meqjusa importanti għall-impjieg futur tagħhom;
6. Ifakkar li l-għajnuna mill-FEG u fondi oħra tal-Unjoni ma tridx tissostitwixxi azzjonijiet li huma r-responsabbiltà tal-impjegaturi, kemm jekk skont id-dritt nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi;
7. Jappoġġja bil-qawwa l-fatt li fl-2021-2027 il-FEG se jkompli juri solidarjetà filwaqt li jċaqlaq il-fokus mill-kawża tar-ristrutturar għall-impatt tiegħu; jilqa' l-fatt li skont ir-regoli l-ġodda, id-dekarbonizzazzjoni se tkun ukoll raġuni biex l-applikaturi jkunu eliġibbli għall-appoġġ.
ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP REĠJONALI
L-Onor. Johan VAN OVERTVELDT
President tal-Kumitat għall-Baġits
WIE 05U012
Suġġett: Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni mill-Belġju – EGF/2020/005 BE/Swissport
Onor. Van Overtveldt,
Il-Kummissjoni Ewropea bagħtet lill-Parlament Ewropew il-proposta tagħha għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni mill-Belġju (COM(2021)0212), b'segwitu għal sensji fi Swissport Belgium.
Nifhem li hemm il-ħsieb li dalwaqt jiġi adottat rapport dwar din il-proposta fil-Kumitat għall-Baġits.
L-applikazzjoni tirrigwarda 1 468 ħaddiem li ngħataw is-sensja fi Swissport Belgium, li kollha huma mistennija jipparteċipaw fil-miżuri. Is-sensji ta' Swissport Belgium jaffettwaw lill-ħaddiema li jgħixu fil-pajjiż kollu: Brussell (29 %), Flanders (52 %) u Wallonia (19 %). L-avvenimenti li wasslu għal dawn is-sensji huma riżultat tal-kriżi ekonomika globali mhux mistennija kkawżata mill-kriżi tal-COVID-19.
Is-servizzi personalizzati li għandhom ikunu pprovduti lill-ħaddiema ssensjati jikkonsistu minn dawn l-azzjonijiet li ġejjin li jikkostitwixxu miżuri attivi fis-suq tax-xogħol fl-azzjonijiet eliġibbli stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament tal-FEG: Informazzjoni, għajnuna għat-tfittix ta' impjieg u gwida vokazzjonali, Taħriġ, Taħriġ fuq il-post tax-xogħol, Appoġġ għall-ħolqien ta' negozju, Kontribuzzjoni għall-bidu ta' negozju u Inċentivi u allowances.
L-ispejjeż totali stmati huma ta' EUR 6 198 708, li huma magħmula min-nefqa għal servizzi personalizzati ta' EUR 5 977 108 u n-nefqa għal attivitajiet ta' tħejjija, ġestjoni, informazzjoni u pubbliċità, kontroll u rapportar ta' EUR 221 600. Il-kontribuzzjoni finanzjarja totali mitluba mill-FEG hija ta' EUR 3 719 224 (60 % tal-ispejjeż totali).
Din it-tieni mobilizzazzjoni tar-riżerva tal-FEG tirrappreżenta 2 % tal-approprjazzjonijiet disponibbli għall-2021 u tħalli disponibbli EUR 189 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn.
Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (il-FEG) huma stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 (ir-"Regolament tal-FEG").
Il-koordinaturi tal-kumitat ivvalutaw din il-proposta u talbuni niktiblek biex ninfurmak li l-maġġoranza ta' dan il-kumitat m'għandha l-ebda oġġezzjoni għal din il-mobilizzazzjoni tal-FEG biex jiġi allokat l-ammont imsemmi hawn fuq kif propost mill-Kummissjoni.
Dejjem tiegħek,
Younous OMARJEE
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni |
31.5.2021 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
39 2 0 |
||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Rasmus Andresen, Robert Biedroń, Anna Bonfrisco, Olivier Chastel, Lefteris Christoforou, David Cormand, Paolo De Castro, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Vlad Gheorghe, Valentino Grant, Elisabetta Gualmini, Francisco Guerreiro, Valérie Hayer, Eero Heinäluoma, Niclas Herbst, Monika Hohlmeier, Moritz Körner, Joachim Kuhs, Zbigniew Kuźmiuk, Ioannis Lagos, Hélène Laporte, Pierre Larrouturou, Janusz Lewandowski, Silvia Modig, Siegfried Mureşan, Victor Negrescu, Andrey Novakov, Jan Olbrycht, Dimitrios Papadimoulis, Karlo Ressler, Bogdan Rzońca, Nicolae Ştefănuță, Nils Torvalds, Nils Ušakovs, Johan Van Overtveldt, Rainer Wieland, Angelika Winzig |
|||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Mario Furore, Jens Geier, Henrike Hahn |
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
39 |
+ |
ECR |
Zbigniew Kuźmiuk, Bogdan Rzońca, Johan Van Overtveldt |
ID |
Anna Bonfrisco, Valentino Grant, Hélène Laporte |
NI |
Mario Furore |
PPE |
Lefteris Christoforou, José Manuel Fernandes, Niclas Herbst, Monika Hohlmeier, Janusz Lewandowski, Siegfried Mureşan, Andrey Novakov, Jan Olbrycht, Karlo Ressler, Rainer Wieland, Angelika Winzig |
Renew |
Olivier Chastel, Vlad Gheorghe, Valérie Hayer, Moritz Körner, Nicolae Ştefănuță, Nils Torvalds |
S&D |
Robert Biedroń, Paolo De Castro, Eider Gardiazabal Rubial, Jens Geier, Elisabetta Gualmini, Eero Heinäluoma, Pierre Larrouturou, Victor Negrescu, Nils Ušakovs |
The Left |
Silvia Modig, Dimitrios Papadimoulis |
Verts/ALE |
Rasmus Andresen, David Cormand, Francisco Guerreiro, Henrike Hahn |
2 |
- |
ID |
Joachim Kuhs |
NI |
Ioannis Lagos |
0 |
0 |
|
|
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni
- [1] ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
- [2] ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 11.
- [3] ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 28.
- [4] Skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tar-Regolament dwar il-FEG.
- [5] Testi adottati, P9_TA(2020)0141.
- [6] COM(2020) 442 final
- [7] https://statbel.fgov.be/fr/themes/emploi-formation/marche-du-travail/emploi-et-chomage
- [8] Impjiegi b'mill-inqas 75 % tal-ħaddiema li jappartjenu għall-istess ġeneru.
- [9] ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
- [10] ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 28.
- [11] Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta' Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 11).
- Id-data għandha tiddaħħal mill-Parlament qabel il-pubblikazzjoni fil-ĠU.
- [12] ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 15.
- [13] ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
- [14] ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 28.
- [15] Skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tar-Regolament dwar il-FEG.
- [16] ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 11.
- [17] COM(2020) 442 final
- [18] https://www.beci.be/assurer-lavenir-de-laeroport-de-bruxelles-comme-moteur-international-de-notre-economie/