RAPPORT dwar il-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO fil-kuntest tar-relazzjonijiet transatlantiċi
2.6.2021 - (2020/2257(INI))
Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteur: Antonio López-Istúriz White
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO fil-kuntest tar-relazzjonijiet transatlantiċi
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra t-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana,
– wara li kkunsidra t-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), u b'mod partikolari l-Artikoli 21 u 42 tiegħu,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2018 dwar ir-relazzjonijiet UE-NATO[1],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-mobbiltà militari[2],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2019 dwar il-futur tat-Trattat INF u l-impatt fuq l-Unjoni Ewropea[3],
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NATO) tat-2 ta' Awwissu 2019 dwar it-Trattat dwar il-Forzi Nukleari ta' Medda Intermedja ,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tas-26 ta' Novembru 2019 dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud u d-Direttiva 2008/118/KE dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa fir-rigward ta' sforz ta' difiża fi ħdan il-qafas tal-Unjoni[4],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar l-implimentazzjoni tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni – rapport annwali[5],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar l-implimentazzjoni tal-politika estera u ta' sigurtà komuni – rapport annwali[6],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Marzu 2021 dwar l-implementazzjoni tad-Direttiva 2009/81/KE, rigward l-akkwist pubbliku fl-oqsma tad-difiża u tas-sigurtà, u tad-Direttiva 2009/43/KE, rigward it-trasferiment ta' prodotti relatati mad-difiża[7],
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Novembru 2016 dwar l-Istrateġija Globali tal-UE għall-politika estera u ta' sigurtà tal-Unjoni, bit-titolu "Viżjoni kondiviża, azzjoni komuni: Ewropa aktar b'saħħitha",
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/971 tat-8 ta' Ġunju 2017 li tiddetermina l-arranġamenti għall-ippjanar u t-tmexxija tal-missjonijiet militari mhux eżekuttivi tal-UE fil-qafas tal-PSDK u li temenda d-Deċiżjonijiet 2010/96/PESK dwar missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-forzi tas-sigurtà tas-Somalja, 2013/34/PESK dwar missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-forzi armati tal-Mali (EUTM Mali) u (PESK) 2016/601 dwar missjoni ta' taħriġ militari tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUTM RCA)[8], li tistabbilixxi l-Kapaċità Militari tal-Ippjanar u t-Tmexxija (MPCC),
– wara li kkunsidra l-pakkett ta' difiża ppreżentat mill-Kummissjoni fis-7 ta' Ġunju 2017 fid-"Dokument ta' Riflessjoni dwar il-Futur tad-Difiża Ewropea" (COM(2017)0315),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-13 u tal-14 ta' Diċembru 2018 dwar is-sigurtà u d-difiża,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2020 dwar is-sigurtà u d-difiża,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK)2020/1639 tal-5 ta' Novembru 2020 li tistabbilixxi kondizzjonijiet ġenerali li skonthom Stati terzi jkunu jistgħu b'mod eċċezzjonali jiġu mistiedna biex jipparteċipaw fi proġetti individwali tal-PESCO[9],
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2020 bit-titolu "Irkupru li javvanza t-tranżizzjoni lejn industrija tal-UE aktar dinamika, reżiljenti u kompetittiva",
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2020 dwar ir-Rieżami Strateġiku tal-PESCO għall-2020,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2021 li tapprova l-parteċipazzjoni tal-Istati Uniti, tal-Kanada u tan-Norveġja fil-proġett PESCO dwar il-mobbiltà militari,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' April 2021 dwar Strateġija tal-UE għall-kooperazzjoni fl-Indo-Paċifiku,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Istati Uniti li terġa' tingħaqad mal-Ftehim ta' Pariġi,
– wara li kkunsidra l-Pjan Direzzjonali għat-Tibdil fil-Klima u d-Difiża propost mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna fis-6 ta' Novembru 2020,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-2 ta' Diċembru 2020 bit-titolu "Aġenda ġdida għal bidla globali bejn l-UE u l-Istati Uniti" (JOIN(2020)0022),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-10 u l-11 ta' Diċembru 2020 dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Marzu 2021 li tistabbilixxi l-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tas-16 ta' Diċembru 2020 bit-titolu "L-istrateġija tal-UE dwar iċ-Ċibersigurtà għad-Deċennju Diġitali" (JOIN(2020)0018),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tas-7 ta' Ġunju 2017 bit-titolu "Approċċ Strateġiku għar-Reżiljenza fl-azzjoni esterna tal-UE" (JOIN(2017)0021),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-membri tal-Kunsill Ewropew tas-26 ta' Frar 2021 dwar is-sigurtà u d-difiża,
– wara li kkunsidra l-ftehim bejn in-negozjaturi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Diċembru 2020 dwar il-Fond Ewropew għad-Difiża (EDF),
– wara li kkunsidra l-ftehim politiku bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2020 dwar l-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI) għall-perjodu li jmiss tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) (2021-2027),
– wara li kkunsidra l-Ftehim dwar is-Sigurtà tal-Informazzjoni tal-14 ta' Marzu 2003 bejn l-UE u n-NATO,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-Kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO, iffirmata f'Varsavja fit-8 ta' Lulju 2016 mill-Presidenti tal-Kunsill Ewropew u tal-Kummissjoni Ewropea, u mis-Segretarju Ġenerali tan-NATO,
– wara li kkunsidra s-sett komuni ta' 74 proposta għall-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni Konġunta ta' Varsavja approvata mill-Kunsilli tal-UE u tan-NATO fis-6 ta' Diċembru 2016 u fil-5 ta' Diċembru 2017,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO, iffirmata fi Brussell mill-Presidenti tal-Kunsill Ewropew u tal-Kummissjoni Ewropea, u mis-Segretarju Ġenerali tan-NATO fl-10 ta' Lulju 2018, u d-Dikjarazzjoni tas-Summit ta' Brussell maħruġa mill-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern li pparteċipaw fil-laqgħa tal-Kunsill tal-Atlantiku tat-Tramuntana li saret fi Brussell fil-11 u fit-12 ta' Lulju 2018,
– wara li kkunsidra l-ħames rapporti ta' progress mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/HR) u s-Segretarju Ġenerali tan-NATO dwar l-implimentazzjoni tas-sett komuni ta' proposti ppreżentat b'mod konġunt f'Ġunju u f'Diċembru 2017, u f'Ġunju 2018, 2019 u 2020,
– wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU, b'mod partikolari l-SDG 16 bil-għan li jippromwovi soċjetajiet paċifiċi u inklużivi għall-iżvilupp sostenibbli,
– wara li kkunsidra l-obbligu tad-diżarm nukleari għall-Istati Partijiet b'armi nukleari stabbilit fl-Artikolu VI tat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (NPT),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tas-Summit ta' Wales, maħruġa fil-5 ta' Settembru 2014 mill-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern li pparteċipaw fil-laqgħa tal-Kunsill tal-Atlantiku tat-Tramuntana f'Wales,
– wara li kkunsidra l-Aġenda tan-NU għad-Diżarm bit-titolu "Niżguraw il-Futur Komuni Tagħna",
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp ta' Riflessjoni Maħtur mis-Segretarju Ġenerali tan-NATO tal-25 ta' Novembru 2020 bit-titolu "NATO 2030: United for a New Era" (NATO 2030: Magħquda għal Era Ġdida), kopresedut minn Thomas de Mazière u Wess Mitchell,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp ta' Mexxejja Żgħażagħ tan-NATO 2030 tal-4 ta' Frar 2021 bit-titolu "NATO 2030: Embrace the change, guard the values" (NATO 2030: Inħaddnu l-bidla, nissalvagwardjaw il-valuri),
– wara li kkunsidra ż-żjara tas-Segretarju Ġenerali tan-NATO fil-Kulleġġ tal-Kummissarji tal-15 ta' Diċembru 2020,
– wara li kkunsidra l-parteċipazzjoni tal-VP/HR fil-laqgħa tal-Ministri tad-Difiża tan-NATO tas-17 u tat-18 ta' Frar 2021, u fil-laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tan-NATO tat-23 u tal-24 ta' Marzu 2021,
– wara li kkunsidra d-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tal-14 ta' Settembru 2016 mill-President tal-Kummissjoni Juncker,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tad-19 ta' Frar 2021 mill-mexxejja politiċi tan-NATO u tal-EU fil-Konferenza Speċjali ta' Munich dwar is-Sigurtà "Beyond Westlessness",
– wara li kkunsidra l-iskambju ta' fehmiet matul is-sessjoni tat-3 ta' Marzu 2021 tal-Konferenza Interparlamentari għall-politika estera u ta' sigurtà komuni (PESK) u l-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK),
– wara li kkunsidra r-Rieżami Nru 09/2019 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) tat-12 ta' Settembru 2019 dwar id-difiża Ewropea,
– wara li kkunsidra l-iskambju ta' fehmiet mas-Segretarju Ġenerali tan-NATO matul il-laqgħa konġunta tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, is-Sottokumitat għas-Sigurtà u d-Difiża, u d-Delegazzjoni għar-relazzjonijiet mal-Assemblea Parlamentari tan-NATO li saret fil-15 ta' Marzu 2021,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0192/2021),
A. billi s-solidarjetà u s-sħubija Ewropea u trans-Atlantika jiffurmaw il-bażi għas-sigurtà tal-passat, attwali u futura tas-sħubija trans-Atlantika; billi kemm in-NATO kif ukoll l-UE huma differenti fin-natura tagħhom iżda qed jevolvu fl-istess kuntest ġeopolitiku volatili;
B. billi kemm l-UE kif ukoll in-NATO bdew proċessi ta' riflessjoni sabiex jaġġustaw b'mod xieraq għall-bidliet globali bla preċedent fis-sigurtà; billi f'Ġunju 2020, il-mexxejja tal-UE qablu li jniedu proċess bil-għan li tiġi ddefinita "Boxxla Strateġika"; billi l-mexxejja tan-NATO huma mistennija jniedu proċess biex jiġi aġġornat il-Kunċett Strateġiku tan-NATO fis-Summit li jmiss tagħhom;
C. billi f'Novembru 2020, l-ewwel analiżi klassifikata komprensiva, ta' 360 grad, tal-UE dwar il-firxa sħiħa ta' theddid u sfidi li l-UE tiffaċċja, jew li tista' tiffaċċja fil-futur qrib, ġiet ippreparata b'mod kooperattiv mis-servizzi tal-intelligence tal-Istati Membri tal-UE; billi f'Novembru 2021, il-VP/HR huwa skedat li jippreżenta abbozz tal-Boxxla Strateġika, li l-Istati Membri mbagħad se jiddiskutu u huma skedati li jadottaw f'Marzu 2022; billi l-Boxxla Strateġika għandha l-għan li tiffaċilita l-formazzjoni ta' "kultura Ewropea komuni rigward is-sigurtà u d-difiża";
D. billi l-UE tirrikonoxxi b'mod espliċitu r-rwol tan-NATO għall-membri tagħha fid-difiża tal-Ewropa u taċ-ċittadini tagħha (l-Artikolu 42(7) tat-TUE); billi n-NATO għandha r-responsabbiltà primarja ta' difiża kollettiva (l-Artikolu 5 tat-Trattat ta' Washington); billi n-NATO tibqa' garanti kruċjali fil-qasam tal-kapaċitajiet, billi tiżgura l-interoperabbiltà teknika u umana tal-forzi alleati u l-konsistenza tal-politiki tat-tagħmir tagħhom; billi l-impenn għall-awtodifiża kollettiva, inkorporat fl-Artikolu 5 tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana u fl-Artikolu 42(7) tat-TUE, huwa l-garanzija ta' solidarjetà bejn l-alleati u bejn l-Istati Membri;
E. billi l-valuri komuni, l-istorja komuni u r-relazzjoni speċjali kondiviża mill-UE, il-membri Ewropej tan-NATO, l-Istati Uniti u l-Kanada tikkostitwixxi l-pedament tal-Alleanza Trans-Atlantika; billi l-UE u n-NATO jikkondividu l-istess sfidi ta' sigurtà komuni, interessi ta' difiża komuni u l-istess ambjent ta' sigurtà li jsir dejjem aktar ta' sfida;
F. billi wara d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-2016, inbeda proċess ta' kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO, iċċentrat madwar 74 proposta komuni għal azzjoni fl-oqsma tal-ġlieda kontra t-theddid ibridu, il-kooperazzjoni operattiva, inkluż fuq il-baħar u dwar il-migrazzjoni, iċ-ċibersigurtà u d-difiża, il-kapaċitajiet ta' difiża, l-industrija tad-difiża u r-riċerka, eżerċizzji, u appoġġ għall-isforzi għal bini tal-kapaċitajiet tas-sħab tal-Lvant u tan-Nofsinhar;
G. billi s-sigurtà u d-difiża tal-Ewropa jiddependu mir-rieda politika u l-kapaċità ċivili u militari tal-Ewropej li jassumu r-responsabiltajiet tagħhom f'ambjent strateġiku li ddeterjora b'mod konsiderevoli f'dawn l-aħħar snin; billi n-NATO ma għandhiex titqies biss bħala kontinwazzjoni ta' proġett mill-passat, iżda bħala viżjoni għall-futur tas-sigurtà u l-istabbiltà tad-dinja, li teħtieġ li tkompli tadatta l-istrateġija politika tagħha għal sfidi ġodda, iżżomm is-solidarjetà u l-koeżjoni politika, u tibqa' organizzazzjoni kredibbli u teknikament innovattiva;
H. billi l-uniku qafas legali għar-relazzjonijiet bejn l-UE u n-NATO għadu l-Qafas Miftiehem tal-2003, li huwa limitat għall-kondiviżjoni tal-istrutturi tal-ippjanar, l-assi u l-kapaċitajiet kollettivi tan-NATO mal-UE fir-rigward tal-ippjanar u t-twettiq ta' operazzjonijiet militari tal-PSDK tal-UE f'konformità mal-arranġamenti "Berlin Plus";
I. billi fl-10 ta' Novembru 2020, is-Segretarju Ġenerali tan-NATO Jens Stoltenberg iddikjara li "għandna bżonn insegwu l-kontroll u d-diżarm tal-armi nukleari bħala kwistjoni ta' urġenza" u fil-15 ta' Diċembru 2020, l-alleati tan-NATO affermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom għall-preservazzjoni u t-tisħiħ tal-kontroll tal-armi, id-diżarm u n-nonproliferazzjoni;
J. billi l-UE u l-Istati Membri tagħha, b'mod partikolari mill-pubblikazzjoni tal-Istrateġija Globali tal-UE tal-2016, segwew politiki li jippermettulhom ikunu atturi globali aktar attivi u influwenti għall-paċi u s-sigurtà, u konsegwentement intensifikaw il-kooperazzjoni tagħhom fil-qasam tas-sigurtà u tad-difiża; billi l-istadji ewlenin jinkludu l-istabbiliment tal-Fond Ewropew għad-Difiża (EDF) u l-programmi prekursuri tiegħu, it-tnedija tal-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO) u r-Rieżami Annwali Koordinat dwar id-Difiża (CARD), kif ukoll il-ftehim dwar il-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF);
K. billi CARD jipprovdi lill-UE bi strument biex ikomplu jiġu armonizzati l-isforzi tal-Istati Membri fl-iżvilupp tal-kapaċitajiet tad-difiża u biex jiġu identifikati oqsma addizzjonali għall-kooperazzjoni;
L. billi fil-qafas tal-PSDK, 5 000 membru tal-persunal militari u ċivili tal-UE huma attwalment skjerati f'sitt missjonijiet u operazzjonijiet militari u 11-il missjoni u operazzjoni ċivili fi tliet kontinenti; billi dawn il-missjonijiet ipprovdew b'suċċess appoġġ, bini tal-kapaċitajiet u taħriġ bil-għan li jiġu żgurati l-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà f'żoni ta' kunflitt u ta' wara l-kunflitt; billi l-kapaċità tal-Ewropa tiddependi ħafna fuq il-ħila tal-Unjoni li tintervjeni b'mod kredibbli f'teatri ta' operazzjonijiet esterni;
M. billi l-aħħar xhur raw livelli bla preċedent ta' interazzjoni ta' livell għoli bejn l-UE u n-NATO, bħall-ewwel diskussjoni bejn Segretarju Ġenerali tan-NATO u l-Kulleġġ tal-Kummissarji tal-UE f'Diċembru 2020, u l-parteċipazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-NATO fil-Kunsill Ewropew fi Frar 2021;
N. billi n-NATO, permezz tal-Proċess tal-Ippjanar tad-Difiża (NDPP) tagħha, tistabbilixxi l-"Livell ta' Ambizzjoni" tagħha kull erba' snin billi tidentifika f'termini kwalitattivi u kwantitattivi l-ġabra ta' forzi, tagħmir u kapaċitajiet li l-alleati għandu jkollhom fl-inventarji tagħhom biex jappoġġjaw l-ispettru sħiħ tal-missjonijiet tan-NATO u jkunu jistgħu jwieġbu għal theddid u sfidi possibbli;
O. billi l-Istati Uniti ilha li stiednet lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex iżidu l-isforzi tagħhom f'termini ta' investimenti fis-sigurtà u fid-difiża tagħhom, bħala kontribut importanti għall-qsim tal-piżijiet fi ħdan l-alleanza;
P. billi l-pandemija tal-COVID-19 qed ikollha impatt sinifikanti fuq ir-relazzjonijiet internazzjonali u l-baġits nazzjonali u kompliet taggrava t-tensjonijiet globali u l-isfidi tas-sigurtà eżistenti bħall-iskjerament irresponsabbli u aggressiv tal-forzi; billi ċ-Ċina u r-Russja b'mod partikolari ppruvaw jużaw il-pandemija biex javvanzaw l-interessi strateġiċi tagħhom; billi l-UE u n-NATO kkooperaw mill-qrib sa mill-bidu tal-pandemija, billi indirizzaw kwistjonijiet bħad-distribuzzjoni tat-tagħmir u l-persunal mediku, ir-ripatrijazzjoni taċ-ċittadini, it-theddid ċibernetiku u ibridu, u l-ġlieda kontra l-attivitajiet ta' diżinformazzjoni u l-propaganda ostili;
Q. billi l-Kummissjoni, meta ppreżentat il-Pjan ta' Azzjoni għad-Difiża, issottolinjat li l-kapaċità industrijali żejda, il-frammentazzjoni u l-ineffiċjenza fil-produzzjoni tal-kapaċità militari Ewropea għandha spejjeż annwali ta' EUR 25 sa 100 biljun, li huma mġarrba mill-baġits nazzjonali għad-difiża tal-Istati Membri;
R. billi jeħtieġ li d-demokraziji jirrispondu b'mod adegwat għall-isfidi tal-lum; billi numru ta' membri tan-NATO u tal-UE jiffaċċjaw sfidi interni għad-demokrazija; billi, globalment, reġimi awtoritarji, bħar-Russja u ċ-Ċina, jidhru li kkonsolidaw l-influwenza tagħhom u qed isegwu aġenda aggressiva;
S. billi l-Preżenza Avvanzata Msaħħa (EfP) tan-NATO fin-naħa tal-Lvant tal-alleanza, b'erba' gruppi tattiċi multinazzjonali fl-Estonja, fil-Latvja, fil-Litwanja u fil-Polonja, hija mmexxija mill-Istati Uniti, mir-Renju Unit, mill-Kanada u mill-Ġermanja rispettivament;
T. billi n-NATO ttestjat b'suċċess l-inizjattiva tagħha ta' Mobbiltà tal-Ajru Rapida biex tippermetti t-trasport urġenti ta' provvisti mediċi matul il-pandemija tal-COVID-19;
70 sena ta' rabta trans-Atlantika permezz tan-NATO
1. Huwa konvint li l-Unjoni Ewropea u n-NATO għandhom interessi ta' sigurtà u difiża konverġenti; jilqa' l-kooperazzjoni intensifikata bejn l-UE u n-NATO li ilha fis-seħħ mill-iffirmar tad-Dikjarazzjoni Konġunta ta' Varsavja tal-2016 u li ssaħħet bid-Dikjarazzjoni Konġunta ta' Brussell tal-2018, u jenfasizza li sħubija strateġika msaħħa bejn l-UE u n-NATO hija essenzjali biex jiġu indirizzati l-isfidi tas-sigurtà li qed jiffaċċjaw l-Ewropa u l-viċinat tagħha; ifaħħar il-kisbiet tal-alleanza u jissottolinja r-rilevanza kontinwa tagħha; jissottolinja li n-NATO teħtieġ li żżid l-isforzi tagħha biex tadatta għan-natura li qed tinbidel u għal-livell miżjud ta' theddid, sabiex tibqa' attur globali kredibbli u sostenibbli għas-sigurtà kollettiva u għall-paċi fid-dinja; ifakkar fil-fatt li għall-Istati Membri li huma wkoll alleati tan-NATO, in-NATO hija l-pedament tad-difiża kollettiva; jitlob lill-UE biex tkompli tapprofondixxi r-rabta trans-Atlantika u s-sħubija importanti tagħha man-NATO;
2. Jafferma mill-ġdid l-impenn preċedenti tiegħu għall-ambizzjonijiet tal-UE fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża, u jtenni l-ambizzjoni tal-UE li tkun attur globali għall-paċi u s-sigurtà; jissottolinja l-fatt li n-NATO tibqa' l-pedament tas-sigurtà u tad-difiża kollettiva tal-membri tagħha u tal-komunità trans-Atlantika kollha, kif ukoll forum indispensabbli għall-konsultazzjonijiet u d-deċiżjonijiet dwar is-sigurtà bejn l-alleati; jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għall-kooperazzjoni, is-sħubija u l-ħbiberija trans-Atlantika, li kkontribwew għas-suċċess tal-Ewropa matul l-aħħar 70 sena u li kienu l-bażi għall-istabbiltà u s-sigurtà tagħha sa mit-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija;
3. Jenfasizza li s-sħubija bejn l-UE u n-NATO u l-kooperazzjoni trans-Atlantika kollha huma mibnija fuq storja komuni u appoġġ għall-valuri ewlenin tad-demokrazija, tal-libertà, tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, tal-istat tad-dritt, tal-promozzjoni tal-paċi u l-kooperazzjoni internazzjonali, u ta' ordni internazzjoni bbażat fuq ir-regoli; jisħaq li n-NATO hija aktar minn alleanza militari u tirrappreżenta simbolu ta' valuri demokratiċi komuni;
4. Jissottolinja li n-NATO hija sieħba siewja anke għall-Istati Membri tal-UE li mhumiex membri tal-alleanza; jirrikonoxxi li n-NATO tikkoopera ma' xi wħud mill-Istati Membri tal-UE li mhumiex membri tan-NATO, fost l-oħrajn permezz tal-programm tagħha ta' Sħubija għall-Paċi (PfP) u Inizjattiva ta' Sħubija għall-Interoperabbiltà (PII); ifakkar fil-fatt li l-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO trid tkun mingħajr preġudizzju għall-politika ta' sigurtà u ta' difiża tal-Istati Membri tal-UE li mhumiex membri tan-NATO; ifakkar fil-fatt li l-kooperazzjoni tan-NATO mal-Istati Membri tal-UE li mhumiex membri tan-NATO hija parti integrali tal-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO; jilqa' l-involviment tal-Istati Membri tal-UE li mhumiex membri tan-NATO fl-inizjattivi tal-alleanza, filwaqt li jiġu rrispettati l-politiki ta' newtralità, l-oqfsa kostituzzjonali rispettivi, l-involviment ta' pajjiżi terzi u l-ambizzjonijiet tal-UE; jisħaq li ż-żewġ organizzazzjonijiet għandhom karatteristiċi distinti evidenti u li kull waħda minnhom għandha tikkoopera b'rispett sħiħ għall-awtonomija u l-proċeduri tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-oħra fuq il-bażi tal-prinċipji tar-reċiproċità u l-inklużività, mingħajr preġudizzju għall-karattru speċifiku tal-politika ta' sigurtà u difiża ta' kwalunkwe Stat Membru; ifakkar fin-natura u r-rwoli differenti taż-żewġ organizzazzjonijiet, li l-UE hija organizzazzjoni ċivili b'fergħa militari għal operazzjonijiet barra miż-żona skont l-Artikolu 43(1) tat-TUE (il-Kompiti ta' Petersberg), u n-NATO hija alleanza militari u politika inkarigata mill-organizzazzjoni tad-difiża territorjali kollettiva tal-membri tagħha;
5. Jenfasizza li l-komunità trans-Atlantika qed tiffaċċja firxa wiesgħa ta' theddid emerġenti, kompetizzjoni sistemika u sfidi komuni bla preċedent għas-soċjetajiet demokratiċi tagħna, l-istat tad-dritt u r-rispett għal-libertajiet fundamentali li jaffettwaw is-sigurtà tal-Istati Membri u taċ-ċittadini tagħhom, kemm direttament kif ukoll indirettament, li jvarjaw minn theddid konvenzjonali, kontroll tal-armi ineffettiv u l-proliferazzjoni ta' armi ta' qerda massiva (AQM), l-assenza ta' tnaqqis tar-riskju tal-armi nukleari, instabbiltà fil-viċinati tan-Nofsinhar u tal-Lvant, tibdil fil-klima, pandemiji u terroriżmu, għal theddid ibridu, diżinformazzjoni, attakki ċibernetiċi, użu malizzjuż ta' teknoloġiji emerġenti u fixkiela (EDTs), migrazzjoni mhux sikura u bilanċ tal-poter globali li qed jinbidel; jisħaq li, fid-dawl tal-isfida li tirriżulta għall-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli, kooperazzjoni aktar b'saħħitha bejn l-UE u n-NATO tikkontribwixxi għal governanza globali u multilateraliżmu effettivi;
6. Jenfasizza li l-komunità trans-Atlantika tista' biss timmaniġġja dawn l-isfidi b'suċċess billi tkompli tapprofondixxi l-kooperazzjoni u tieħu s-sħubija f'livell ġdid; jissottolinja l-fatt li kemm l-UE kif ukoll in-NATO għandhom kapaċitajiet u punti pożittivi uniċi; iqis għalhekk li l-komplementarjetà tal-isforzi u l-kooperazzjoni avvanzata huma tal-akbar importanza għaż-żamma tas-sigurtà trans-Atlantika; jissottolinja li ż-żamma tal-koeżjoni u l-unità politika, kif ukoll it-tisħiħ tal-konsultazzjoni politika, iridu jkunu prijoritajiet għas-sħubija bejn l-UE u n-NATO sabiex jiġu indirizzati aħjar l-isfidi komuni;
7. Huwa fiduċjuż li l-komunità trans-Atlantika hija kapaċi mhux biss tadatta għall-isfidi l-ġodda iżda wkoll taffrontahom; jesprimi l-gratitudni tiegħu għall-ħidma eċċellenti mwettqa mill-għadd kbir ta' membri tal-persunal tal-UE, tan-NATO u nazzjonali li jaħdmu bis-sħiħ biex jipproteġu liċ-ċittadini tagħna;
8. Ifaħħar u jirrispetta lill-membri kollha tas-servizz tal-alleanza trans-Atlantika li mietu jew ġew midruba waqt li kienu qed jagħtu servizz, kif ukoll lil dawk li qed iservu bħalissa;
It-tisħiħ kemm tal-kooperazzjoni trans-Atlantika kif ukoll dik ta' bejn l-UE u n-NATO
9. Jilqa' l-ħatra tas-Segretarju Ġenerali tan-NATO tal-grupp indipendenti ta' esperti, u jfaħħar b'mod partikolari r-rakkomandazzjonijiet tagħhom għal kooperazzjoni aktar b'saħħitha bejn l-UE u n-NATO, li jindikaw b'mod ċar li hemm lok għal titjib; japprova l-proposti ta' Diċembru 2020 mill-President tal-Kummissjoni u l-VP/HR għal Djalogu ta' Sigurtà u ta' Difiża bejn l-UE u l-Istati Uniti; jilqa' l-impenn iddikjarat b'mod ċar tal-amministrazzjoni Biden biex tinvolvi ruħha mas-sħab tal-UE u tan-NATO fl-oqsma kollha; jissottolinja kemm ir-rilevanza ewlenija tal-preżenza tas-sigurtà tal-Istati Uniti fl-Ewropa għas-sigurtà tal-Ewropa kif ukoll l-impenn sħiħ tagħha għall-kooperazzjoni fis-sigurtà trans-Atlantika; jenfasizza li sħubija b'saħħitha bejn l-UE u l-Istati Uniti hija element ewlieni ta' kooperazzjoni b'suċċess bejn l-UE u n-NATO; jissottolinja li s-sħubija trans-Atlantika tibbenefika mit-tfassil prevedibbli tal-politika barranija u mill-involviment multilaterali; iqis il-bidla tal-amministrazzjoni tal-Istati Uniti bħala opportunità biex jiġu affermati mill-ġdid valuri komuni, bħad-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-multilateraliżmu, il-paċi u l-prosperità, u biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali fl-indirizzar tat-theddid komuni, fost affarijiet oħra bil-ħruġ ta' sanzjonijiet konġunti fejn possibbli;
10. Iqis li l-ħidma kontinwa u futura li qed titwettaq b'mod parallel kemm fuq il-Boxxla Strateġika tal-UE kif ukoll fuq l-aġġornament mistenni tal-Kunċett Strateġiku tan-NATO tirrappreżenta opportunità unika biex jiġu stabbiliti prijoritajiet ċari u jiġu identifikati sinerġiji addizzjonali sabiex tissaħħaħ ir-rabta trans-Atlantika u tkompli l-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO; jistieden lill-atturi kollha involuti biex jużaw din l-opportunità biex jorbtu dawn il-proċessi kemm fil-livell politiku kif ukoll f'dak tekniku; jissottolinja l-fatt li ż-żewġ proċessi għandhom jiżguraw il-koerenza u jidentifikaw theddid reġjonali u globali komuni, u l-passi meħtieġa li jmiss biex jiġi indirizzat dak it-theddid; jesprimi l-viżjoni tiegħu li l-Boxxla Strateġika tal-UE tista' tistabbilixxi s-sisien għal kontribut tal-UE għall-aġġornament tal-Kunċett Strateġiku tan-NATO; jemmen li dawn il-proċessi distinti għandhom jenfasizzaw b'mod separat il-valur miżjud ta' kull organizzazzjoni, jgħinu biex jiddefinixxu, fejn rilevanti, diviżjoni aħjar tal-kompiti u, permezz ta' djalogu kostanti u koordinazzjoni mill-qrib, jindikaw jekk l-UE jew in-NATO għandhomx imexxu qasam partikolari b'mod ta' rinforzar reċiproku;
11. Jistenna li t-tlestija tal-Boxxla Strateġika se tapprofondixxi s-solidarjetà tal-UE u tikkontribwixxi għall-progress lejn kultura strateġika komuni fost l-Istati Membri; jilqa' l-ewwel analiżi ta' theddid komuni ta' Novembru 2020 u jitlob li jittieħdu passi 'l quddiem lejn valutazzjoni ta' theddid komuni miftiehma; iqis li l-approċċ integrat tal-UE jista' jiġi aġġornat biex iqis is-sejbiet tal-analiżi tat-theddid imwettqa fil-proċess tal-Boxxla Strateġika; jemmen li d-dimensjoni tas-sigurtà tal-pajjiżi fil-viċinat immedjat tal-UE, b'mod partikolari s-Sħubija tal-Lvant (SL) u l-Balkani tal-Punent, għandha titqies kif xieraq fl-abbozzar tal-Boxxla Strateġika, peress li l-ambjent Ewropew tas-sigurtà u r-reżiljenza Ewropea ma jistgħux jinkisbu mingħajr is-sigurtà u r-reżiljenza fit-tul tal-ġirien kollha tal-UE;
12. Jenfasizza li l-Artikolu 5 tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana kif ukoll l-Artikolu 42(7) tat-TUE u l-Artikolu 222 tat-TFUE huma strumenti importanti biex tiġi ggarantita s-solidarjetà fi kriżi lejn membri tal-organizzazzjonijiet rispettivi; ifakkar fl-Artikolu 5 tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana ġie invokat wara l-attakki terroristiċi ta' Settembru 2001 fi New York u f'Washington biex jesprimi solidarjetà mal-Istati Uniti u li l-Artikolu 42(7) tat-TUE ġie invokat wara l-attakki terroristiċi ta' Novembru 2015 f'Pariġi biex jesprimi solidarjetà ma' Franza; iħeġġeġ diskussjoni dwar ir-relazzjoni bejn l-Artikolu 42(7) tat-TUE u l-Artikolu 5 tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana, li jistabbilixxu rispettivament l-impenn inekwivoku tal-UE u tan-NATO għas-solidarjetà u s-sigurtà, matul ir-rieżami tal-Kunċett Strateġiku u l-abbozzar tal-Boxxla Strateġika, filwaqt li jqisu li t-teħid awtonomu ta' deċiżjonijiet taż-żewġ organizzazzjonijiet għandu jiġi rrispettat bis-sħiħ;
13. Jemmen li s-Summit tan-NATO li għandu jsir fl-14 ta' Ġunju 2021 huwa opportunità importanti biex jiġi rieżaminat u avvanzat l-istat attwali tal-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO u biex tiġi affermata mill-ġdid ir-rabta trans-Atlantika; jissottolinja li l-UE hija sieħba tan-NATO u li l-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO għandha funzjoni ta' rinforzar reċiproku u hija bbażata fuq il-prinċipji ta' gwida maqbula ta' trasparenza, reċiproċità, inklużività, u fuq l-awtonomija tat-teħid ta' deċiżjonijiet taż-żewġ organizzazzjonijiet; jisħaq li l-iżvilupp ta' kapaċitajiet ta' difiża koerenti, komplimentari u interoperabbli huwa essenzjali biex tiżdied is-sigurtà taż-żona Ewro-Atlantika f'konformità mal-prinċipju ta' ġabra waħda ta' forzi; itenni li kapaċità Ewropea li taġixxi, kemm fi sħubija kif ukoll b'mod awtonomu, hija essenzjali għall-komplementarjetà u biex tikkontribwixxi għat-twettiq tal-kompiti ewlenin tan-NATO, kif ukoll biex ittejjeb il-prevenzjoni ta' kunflitti, u għalhekk għas-sigurtà tal-kontinent Ewropew kollu kemm hu;
14. Huwa tal-opinjoni li l-kooperazzjoni futura bejn l-UE u n-NATO għandha tibni fuq l-esperjenza u t-tagħlimiet meħuda kemm mill-għarfien espert uniku tal-UE fil-ġestjoni tal-kriżijiet ċivili u kif ukoll fil-bini tal-kapaċitajiet, b'mod partikolari l-"Kapaċità Ċivili tal-Ippjanar u t-Tmexxija" (CPCC), u l-għarfien espert tagħha fil-ġestjoni tal-kriżijiet militari, partikolarment il-"Kapaċità Militari tal-Ippjanar u t-Tmexxija" (MPCC), flimkien mal-esperjenza miksuba mill-iskjerament ta' 37 operazzjoni militari fil-qasam mill-2003 u l-għoti ta' assistenza lill-atturi militari fil-pajjiżi sħab permezz tal-inizjattiva "Tisħiħ tal-Kapaċitajiet għas-Sigurtà u l-Iżvilupp" (CBSD) u l-istrument Faċilità għall-Paċi fl-Afrika, li ġie integrat fil-Faċilità Ewropea għall-Paċi;
15. Jisħaq li kemm l-UE kif ukoll in-NATO għandhom isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom u jikkoordinawha b'mod aktar effettiv fil-qasam ewlieni tar-reżiljenza, u jenfasizza l-ambizzjoni tal-UE li tiżviluppa approċċ sinifikanti lejn it-tisħiħ tad-diversi aspetti ċivili u militari tar-reżiljenza, fost l-oħrajn fil-qasam tal-protezzjoni tal-infrastruttura kritika, bħal fis-setturi tat-trasport, tal-enerġija u tal-IT, kif ukoll ir-rwol tal-UE bħala attur ewlieni fil-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni u l-aħbarijiet foloz;
16. Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2021 li japprova t-talbiet mill-Istati Uniti, mill-Kanada, u min-Norveġja biex jipparteċipaw fil-proġett PESCO dwar il-mobbiltà militari; jissottolinja li tali parteċipazzjoni tirrappreżenta pass importanti lejn żieda fil-koerenza bejn l-isforzi rispettivi għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet tal-UE u tan-NATO, u tikkostitwixxi eżempju konkret ta' sħubija trans-Atlantika msaħħa; ifakkar fil-parteċipazzjoni eċċezzjonali tal-pajjiżi terzi fi proġetti PESCO li, sakemm ma tfixkilx l-objettiv tat-trawwim tal-PSDK tal-UE u sakemm jissodisfaw sett miftiehem ta' kundizzjonijiet politiċi, sostantivi u legali, tista' tkun fl-interess strateġiku tal-Unjoni, speċjalment jekk jipprovdu għarfien espert tekniku jew kapaċitajiet addizzjonali; iqis li dan huwa partikolarment minnu għal sħab strateġiċi bħall-alleati tan-NATO, pajjiżi fil-Balkani tal-Punent u sħab tas-SL; ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu li l-parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi tista' tkun biss waħda eċċezzjonali, deċiża skont il-każ u fuq l-istedina tal-Istati Membri tal-UE, u jissottolinja li tali parteċipazzjoni għandha tipprovdi valur miżjud u tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-PSDK; ifakkar ukoll fil-parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi li trid tirrispetta r-regoli rilevanti stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/1639;
17. Jissottolinja l-importanza tal-kooperazzjoni trans-Atlantika fuq firxa ta' kwistjonijiet internazzjonali, bħat-tibdil fil-klima, ir-rispons għall-pandemiji, it-teknoloġiji emerġenti fixkiela, l-intelliġenza artifiċjali, iċ-ċibersigurtà, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, inklużi t-terroriżmu ġiħadista u sponsorizzat mill-istat, l-enerġija, is-sigurtà u r-reżiljenza marittima, u fil-qasam tal-ispazju extratmosferiku;
18. Jirrikonoxxi l-kooperazzjoni importanti bejn l-UE u n-NATO fil-Balkani tal-Punent, bħal dik bejn il-Missjoni tal-UE għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo (EULEX) u l-Forza tal-Kosovo (KFOR); ifaħħar l-Operazzjoni EUFOR Althea, li l-kwartieri ġenerali operazzjonali tagħha jinsabu fil-Kwartieri Ġenerali Supremi tal-Potenzi Alleati fl-Ewropa (SHAPE) abbażi tal-arranġamenti "Berlin Plus" man-NATO, li qed tikkontribwixxi taħt dawn l-arranġamenti favur ambjent sikur u sigur fil-Bożnija-Ħerzegovina minn meta ħadet f'idejha l-Forza ta' Stabbilizzazzjoni tan-NATO (SFOR) fl-2004; jinnota li l-esperjenzi ta' dawn il-missjonijiet u l-operazzjonijiet u t-tagħlimiet minnhom huma strumentali biex jiġi żgurat li l-kooperazzjoni attwali u futura kollha bejn l-UE u n-NATO tipprovdi l-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà fir-reġjuni milquta, jingħata appoġġ u taħriġ lis-sħab lokali u biex jinbnew il-kapaċitajiet; jinnota r-rwol importanti li kellha l-integrazzjoni tan-NATO fil-Balkani tal-Punent billi ġabet stabilità f'dawn il-pajjiżi, li kienet importanti għall-perspettiva tal-UE tagħhom u għall-integrazzjoni gradwali fl-UE; jemmen li l-UE u n-NATO għandhom jipprovdu aktar appoġġ lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent biex jiġġieldu l-interferenza barranija malizzjuża minn pajjiżi bħar-Russja, iċ-Ċina, it-Turkija u l-Arabja Sawdija, kif ukoll minn gruppi radikali u atturi mhux statali; jilqa' l-fatt li tliet pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fil-proċess ta' adeżjoni mal-UE, l-Albanija, il-Montenegro u l-Maċedonja ta' Fuq, saru alleati tan-NATO;
19. Jistieden lill-Istati Membri u lill-alleati tan-NATO biex jużaw kull mezz possibbli biex jappoġġjaw it-tisħiħ tal-kooperazzjoni tas-sigurtà militari ma' pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali tal-UE u ma' sħab tal-viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar, peress li mingħajr dan, ma jistgħux jiġu assigurati is-sigurtà u l-istabbiltà tar-reġjun; ifakkar fir-rwol importanti li l-UE jista' jkollha fl-appoġġ tal-politika ta' bieb miftuħ tan-NATO billi żżomm sinerġiji politiċi u operattivi mill-qrib mal-pajjiżi aspiranti tagħha, b'mod partikolari l-Bożnija-Ħerzegovina, l-Ukrajna u l-Georgia; jisħaq fuq is-sinifikat tal-kontribuzzjonijiet li saru mid-diversi pajjiżi sħab tan-NATO għas-sigurtà Ewro-Atlantika; iħeġġeġ koordinazzjoni aktar b'saħħitha u d-diviżjoni effettiva tax-xogħol bejn l-UE u n-NATO fil-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi, b'enfasi partikolari fuq il-pajjiżi tas-Sħubija għall-Opportunitajiet Imsaħħa (EoP) tan-NATO; itenni l-appoġġ tiegħu kemm għat-Tkabbir tal-UE kif ukoll tan-NATO;
It-theddid u l-isfidi li qed jiffaċċjaw l-UE u n-NATO
20. Jesprimi l-akbar tħassib tiegħu dwar il-politiki kontinwi reviżjonisti, militari u aggressivi segwiti mir-Russja taħt il-President Putin; jenfasizza l-ħtieġa li kemm in-NATO, kif ukoll l-UE jkollhom strateġija konsistenti u proattiva u li jirrispondu legalment, malajr u b'għaqda għal atti ta' aggressjoni u provokazzjoni tradizzjonali u ibridi mir-Russja; itenni l-kundanna preċedenti tiegħu tal-annessjoni illeġittima u illegali tal-Krimea mir-Russja fl-2014; jikkundanna l-użu kontinwu ta' attakki ċibernetiċi, kampanji ta' diżinformazzjoni, aħbarijiet foloz, attentati ta' qtil u attakki bl-użu ta' velenu mir-Russja kontra figuri tal-oppożizzjoni; jitlob lill-UE u lin-NATO biex jingranaw u jespandu l-impenji attwali biex jiġġieldu l-aggressjonijiet u l-attivitajiet diretti u indiretti tar-Russja kontra l-Ukrajna, il-Georgia u l-Moldova, kif ukoll l-attivitajiet assertivi persistenti tagħha fir-reġjuni tal-Baħar Baltiku u tal-Baħar l-Iswed, fil-Baħar ta' Azov, fil-Lvant tal-Mediterran u fit-Tramuntana Estrema; ifakkar fl-importanza li jiġu rrispettati l-fruntieri internazzjonali u l-integrità territorjali tal-ġirien tar-Russja; ifakkar li s-sħab trans-Atlantiċi jridu jikkoordinaw l-approċċ fuq żewġ binarji tagħhom ta' deterrenza u djalogu mar-Russja, filwaqt li jżommu kuntatt regolari fl-oqsma tal-kontroll tal-armi, it-trasparenza militari u dwar kwalunkwe kwistjoni oħra relatata mas-sigurtà;
21. Jikkundanna s-sanzjonijiet Russi reċenti kontra l-ogħla uffiċjali Ewropej u ċittadini oħra tal-UE, inkluż il-President tal-Parlament Ewropew, u jesprimi dispjaċir għar-rifjut evidenti ta' djalogu mill-President Putin, kif ukoll il-ksur ta' għadd ta' impenji internazzjonali ewlenin u l-ksur persistenti tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, u jqis l-azzjonijiet aggressivi kontinwi tar-Russja u ż-żieda fl-assertività militari bħala theddida għas-sigurtà u l-istabbiltà internazzjonali; jesprimi tħassib dwar l-attivitajiet militari reċenti fuq skala kbira tar-Russja fl-Ukrajna u madwarha; jesprimi, f'dan il-kuntest, l-appoġġ sod tiegħu għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna u jitlob li jissaħħu l-kapaċitajiet militari u r-reżiljenza tagħha;
22. Jirrikonoxxi li l-influwenza dejjem tikber taċ-Ċina, l-assertività, u t-tkabbir militari, teknoloġika u politika tagħha jeħtieġ jiġu ffaċċjati permezz ta' strateġija trans-Atlantika koordinata; jesprimi tħassib serju dwar il-politiki segwiti mill-Partit Komunista Ċiniż (CCP) fir-rigward, fost affarijiet oħra, tas-soppressjoni tad-demokrazija f'Hong Kong, it-trattament diskriminatorju tal-minoranzi reliġjużi u kulturali, speċjalment l-Ujgur f'Xinjiang, it-theddid fil-konfront tat-Tajwan, jew il-politiki u l-azzjonijiet aggressivi fil-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar; jirrimarka wkoll ir-rilevanza tal-fatt li ċ-Ċina, bħala reġim awtoritarju, daħlet f'kompetizzjoni sistemika mas-sħubija trans-Atlantika billi mminat l-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli, li nbena matul bosta għexieren ta' snin, u min-naħa tagħha qed tipprova ssawru mill-ġdid skont il-valuri, id-duttrina u l-interessi tas-CCP nnifsu; ifakkar fiż-żieda fil-preżenza taċ-Ċina fix-xena internazzjonali kif ukoll fl-Ewropa permezz tal-Inizjattiva tagħha "Belt and Road", l-investimenti tagħha fl-infrastruttura kritika fl-Ewropa, l-attivitajiet tagħha fiċ-ċiberspazju, fir-reġjuni Artiċi u fl-Afrika, u s-serq dokumentati tagħha ta' proprjetà intellettwali u l-ħażna ta' missili ballistiċi; jitlob li jkun hemm osservazzjoni mill-qrib tal-attivitajiet taċ-Ċina fil-qasam tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT), speċjalment fir-rigward tal-inizjattiva tagħha "Digital Silk Road", sabiex jiġu evitati d-dipendenzi fuq infrastruttura li tkun taħt il-kontroll tal-kumpaniji Ċiniżi, li jirrappreżenta riskju ta' influwenza unilaterali Ċiniża fuq l-iżvilupp internazzjonali tan-normi fl-ICT; jitlob lill-UE u lin-NATO biex iżidu l-koordinazzjoni dwar l-iżgurar ta' infrastruttura diġitali kritika u networks tat-telekomunikazzjoni kontra t-tbagħbis minn pajjiżi barranin, billi jitneħħa gradwalment it-tagħmir li jiġi prodott minn entitajiet minn pajjiżi mhux demokratiċi bħaċ-Ċina;
23. Iħeġġeġ lill-UE u lin-NATO jibdew djalogu strateġiku biex jiżviluppaw approċċ komuni u koordinat lejn iċ-Ċina, ibbażat fuq il-punti pożittivi u l-kapaċitajiet ta' kull organizzazzjoni bil-għan li jiġi ġġenerat l-aktar valur miżjud possibbli bbażat fuq għanijiet strateġiċi miftiehma b'mod komuni;
24. Jesprimi tħassib serju dwar il-fatt li l-avversarji awtoritarji u l-kompetituri tas-sħubija trans-Atlantika mhux biss qed jużaw għodod militari iżda wkoll politiċi, ekonomiċi, teknoloġiċi u soċjali biex jimminaw is-soċjetajiet u d-demokraziji tagħna; jirrimarka l-isfidi sinifikanti marbuta mas-sigurtà u l-ekonomija kkawżati minn theddid ibridu, attakki ċibernetiċi, indħil barranin, indħil fl-elezzjonijiet u kampanji ta' diżinformazzjoni, li jikkostitwixxu attakk kontra n-natura stess tad-demokraziji tagħna; jikkundanna ż-żieda reċenti ta' każijiet ta' attakki ċibernetiċi u spjunaġġ minn atturi statali u mhux statali kontra l-Istati Membri tal-UE u l-alleati tan-NATO fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19, inkluż l-immirar fuq is-settur tal-kura tas-saħħa; jissottolinja l-fatt li kwalunkwe sforz Ewropew fil-qasam tar-reżiljenza jrid jinkludi wkoll, bħala l-bażi biex jiġi żgurat l-appoġġ għall-attivitajiet ta' difiża tagħna, strateġija ta' komunikazzjoni pubblika ċara biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar l-isfidi tas-sigurtà trans-Atlantika; iqis li l-UE u n-NATO għandhom ifittxu li jaqblu dwar u jimplimentaw approċċ kumplessiv għal risponsi aktar kuraġġużi, koordinati, proporzjonati u għal prevenzjoni adegwata ta' kunflitti, kif ukoll mekkaniżmi għall-ġestjoni tal-kriżijiet biex jiġġieldu kontra theddid ġdid komuni;
25. Jenfasizza li n-NATO tibqa' forum uniku għall-kooperazzjoni fid-difiża bejn l-UE u l-eks Stat Membru tagħha, ir-Renju Unit; jitlob li jkun hemm sħubija komprensiva, inklużiva u strateġika għas-sigurtà u d-difiża bejn l-UE u r-Renju Unit; jitlob li n-NATO u l-UE jżidu l-azzjoni komuni fix-xena internazzjonali biex jipproteġu d-demokrazija, inkluż billi jsaħħu organizzazzjonijiet multilaterali sabiex jiddefendu l-ordni multilaterali bbażat fuq ir-regoli kontra ż-żieda ta' potenzi awtoritarji; jitlob li jkun hemm żvilupp attiv ta' rabtiet aktar mill-qrib ma' demokraziji tal-istess fehma madwar id-dinja; jemmen li sħubiji msaħħa ma' pajjiżi bħall-Ġappun, l-Awstralja u l-Indja, li flimkien mal-Istati Uniti jiffurmaw id-Djalogu Kwadrilaterali dwar is-Sigurtà, kif ukoll il-Korea t'Isfel u New Zealand, flimkien ma' kooperazzjoni intensifikata mat-Tajwan, mhux biss iżidu s-sigurtà ġenerali tagħna iżda jistgħu jgħinu biex tiġi żgurata implimentazzjoni aktar effettiva tan-normi u r-regoli globali, kif stabbilit minn fora multilaterali bħan-NU; iħeġġeġ ukoll, f'dan il-kuntest, il-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO mal-membri tal-ASEAN;
26. Iħeġġeġ lill-UE, lin-NATO u lin-NU biex jesploraw aktar l-opportunitajiet għal kooperazzjoni aktar mill-qrib fil-ġestjoni tal-kriżijiet, fl-azzjonijiet umanitarji, fiż-żamma tal-paċi u fil-bini tal-kapaċitajiet tas-sħab, speċjalment f'żoni tal-operazzjonijiet konġunti; jitlob il-ħolqien ta' ambjent aktar inklużiv billi tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fit-tliet kompiti ewlenin u fl-istrutturi politiċi u militari tagħhom; iħeġġeġ lill-UE u lin-NATO biex jaħdmu flimkien għal implimentazzjoni aktar sistematika tar-Riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà (WPS) u biex jiżviluppaw attivitajiet konġunti ta' edukazzjoni u taħriġ;
27. Jissottolinja l-ħtieġa għal approċċ konsistenti, ċar, koerenti u koordinat bejn l-UE u n-NATO għall-viċinat tan-Nofsinhar, li jindirizza kemm it-theddid tradizzjonali bħat-terroriżmu kif ukoll il-preżenza dejjem akbar u aggressiva tar-Russja u taċ-Ċina; jirrimarka l-kooperazzjoni li saret fil-passat bejn l-Operazzjoni Ocean Shield tan-NATO u l-Forza Navali Atalanta tal-UE fil-ġlieda kontra l-piraterija u biex jipprovdu passaġġ sikur fil-Golf ta' Aden;
28. Jitlob li jkun hemm kooperazzjoni u koordinazzjoni fil-Mediterran bejn l-operazzjoni EUNAVFOR MED IRINI tal-UE u l-Operazzjoni Sea Guardian tan-NATO; jenfasizza li ż-żewġ operazzjonijiet jikkontribwixxu għas-sigurtà u l-istabbiltà fil-Mediterran;
29. Huwa mħasseb dwar it-tensjonijiet dejjem jiżdiedu fir-reġjun Indo-Paċifiku, li jirrappreżentaw theddida għall-istabbiltà reġjonali u globali, u jitlob li tiġi intensifikata l-kooperazzjoni ma' sħab tal-istess fehma fir-reġjun, li għandha tinkludi djalogu u konsultazzjoni politiċi regolari, skambju ta' informazzjoni, u l-koordinazzjoni ta' taħriġ u eżerċizzji;
30. Jitlob li jkun hemm impenn u koordinazzjoni qawwija bejn l-UE u n-NATO biex jiġi sostnut l-progress li sar fl-aħħar għoxrin sena fl-Afganistan fid-dawl tal-irtirar tal-Missjoni ta' Appoġġ Determinat fl-Afganistan, li għandu jseħħ b'mod ordnat u koordinat; iħeġġeġ aktar appoġġ għat-taħditiet ta' paċi Intra-Afgani, bl-insistenza li l-proċess jippreserva u jibni fuq il-kisbiet politiċi, ekonomiċi u soċjali tal-poplu Afgan mill-2001, b'mod partikolari l-protezzjoni tad-drittijiet tan-nisa, tat-tfal u tal-minoranzi;
31. Jappoġġja l-koordinazzjoni msaħħa bejn l-UE, in-NU u n-NATO fl-Iraq, fost l-oħrajn permezz tal-Missjoni Konsulattiva tal-UE (EUAM) fl-Iraq u l-Missjoni tan-NATO għall-Iraq (NMI), li t-tnejn jgħinu biex il-pajjiż jiġi stabbilizzat;
32. Iħeġġeġ id-djalogu u l-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO mal-pajjiżi sħab fl-Amerika Latina u l-Karibew; jinnota li l-Kolombja huwa l-uniku pajjiż sieħeb tan-NATO fl-Amerika Latina u jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu kkonsolidati aktar sħubiji fir-reġjun;
33. Jirrikonoxxi li l-attakki ibridi u ċibernetiċi minn stati ostili u minn atturi mhux statali jikkontestaw id-definizzjoni tradizzjonali ta' kunflitt, spjunaġġ u sabotaġġ interstatali; jitlob lill-UE biex tkompli tiżviluppa s-sett ta' għodod tagħha għall-protezzjoni tal-infrastruttura kritika kontra attakki ibridi; jilqa' l-ħidma li saret fil-qafas tal-Forum ta' Konsultazzjoni tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) għall-Enerġija Sostenibbli fis-Settur tad-Difiża u s-Sigurtà (CF SEDSS) biex titjieb il-protezzjoni tal-infrastruttura kritika fl-UE; jenfasizza li kemm l-UE kif ukoll in-NATO għandhom ikomplu jsaħħu l-kapaċitajiet tagħhom biex jipprevjenu, jiskoraġġixxu u jirrispondu għal attakki ibridi u ċibernetiċi, inkluż kontra l-istituzzjonijiet tagħhom stess; jitlob li jkun hemm aktar kooperazzjoni u taħriġ dwar id-difiża ċibernetika; jipproponi l-ħolqien ta' ċentru komuni għall-informazzjoni dwar it-theddid ċibernetiku, kif ukoll ta' task force konġunta bejn l-UE u n-NATO għaċ-ċibersigurtà, sabiex jiġu definiti u maqbula r-reazzjonijiet kollettivi għat-theddid ċibernetiku; jitlob, f'dan ir-rigward, għal koordinazzjoni b'saħħitha bejn l-Aġenzija tal-UE għaċ-Ċibersigurtà (ENISA) u ċ-Ċentru ta' Eċċellenza għad-Difiża Ċibernetika Kooperattiva tan-NATO; jitlob koordinazzjoni akbar bejn l-UE u n-NATO fir-rigward tal-istabbiliment ta' attribuzzjoni kollettiva għal inċidenti ċibernetiċi malizzjużi;
34. Jilqa' l-ħidma taċ-Ċentru Ewropew ta' Eċċellenza għall-Ġlieda Kontra t-Theddid Ibridu (COE Ibridu), l-Iskwadra ta' Rispons f'Emerġenza relatata mal-Kompjuters għall-Istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE (CERT-UE) u l-Kapaċità ta' Rispons f'Inċidenti relatati mal-Kompjuters tan-NATO (NCIRC) u jqis dan bħala eżempju tajjeb ta' kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO; jemmen li rispons komuni għat-theddid ċibernetiku jista' jiġi żviluppat aktar permezz tas-COE Ibridu, inkluż permezz ta' korsijiet u taħriġ konġunti; huwa konvint li huma meħtieġa aktar passi, bħal sforzi biex jinħolqu aktar sinerġiji bejn il-komponenti ċivili u militari, biex tiġi avvanzata r-reżiljenza komuni u b'hekk jiġi evitat theddid ibridu futur; jirrimarka barra minn hekk il-potenzjal UE-NATO fit-tiswir tan-normi ċibernetiċi globali, ibbażati fuq il-valuri komuni tagħna; iqis li l-UE u n-NATO għandhom jikkoordinaw il-pożizzjonijiet tagħhom fl-iżvilupp ta' aġenda għall-kontroll internazzjonali tal-armi f'oqsma ewlenin tal-EDTs b'applikazzjoni militari;
35. Jitlob lill-UE u lin-NATO biex iżidu l-isforzi konġunti biex tinkiseb u tinżamm it-tmexxija teknoloġika globali fil-kapaċitajiet militari, inkluż permezz tal-finanzjament kollaborattiv ta' proġetti ta' riċerka bbażati fuq fruntieri teknoloġiċi, computing kwantistiku u intelliġenza artifiċjali, biex b'hekk jitrawwem l-iżvilupp ta' kapaċitajiet militari mill-aktar avvanzati bbażati fuq il-valuri demokratiċi; jenfasizza r-rwol li għandhom in-negozji ġodda u l-SMEs b'vokazzjoni ċivili fl-innovazzjoni tal-lum fil-qasam tat-teknoloġiji emerġenti; jisħaq li t-teknoloġiji emerġenti joffru wkoll opportunitajiet biex jissaħħu l-pożizzjonijiet ta' difiża tagħna; jisħaq ukoll li l-interoperabilità, l-istandards teknoloġiċi komuni u l-investiment konġunt fit-teknoloġija, ir-riċerka u l-innovazzjoni mill-aktar avvanzati huma kruċjali għall-UE u n-NATO biex ikomplu bl-ambizzjoni tagħhom li jipproteġu liċ-ċittadini tagħna bl-aħjar mod possibbli; jenfasizza li l-iżvilupp ta' intelliġenza artifiċjali (IA) li tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tappoġġja l-interess pubbliku jirrikjedi t-tisħiħ ta' qafas tal-IA tal-UE li jinvolvi partijiet ikkonċernati pubbliċi, privati u tas-soċjetà ċivili; jirrakkomanda li inizjattivi bħall-EDIDP, il-PESCO u l-EDF jiffaċilitaw l-involviment ta' negozji żgħar u ta' daqs medju (SMEs) billi javvanzaw l-isforzi li jappoġġjaw l-inkubazzjoni u l-investiment kapitali; jinkoraġġixxi l-iżvilupp ta' sett ta' kapaċitajiet komuni għall-IA tal-UE biex jitnaqqsu d-deskrepanzi tekniċi sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri li ma għandhomx l-għarfien espert relevanti fl-industrija tat-teknoloġija jew il-ħila li jimplimentaw sistemi tal-IA fil-ministeri tad-difiża tagħhom ma jitħallewx lura;
36. Jinnota r-rapidità tal-iżviluppi teknoloġiċi, inklużi d-diġitalizzazzjoni u l-potenzjal akbar tal-IA, u jistieden lill-Istati Membri tal-UE u lill-alleati tan-NATO biex ifittxu kooperazzjoni aktar mill-qrib sabiex iżommu l-vantaġġ teknoloġiku fir-rigward ta' dawn il-megatendenzi, jiżguraw l-interoperabilità tas-sistemi tal-IT tagħhom, u jaħdmu flimkien biex jiżviluppaw standards etiċi komuni għal dawn it-teknoloġiji l-ġodda u jippromwovuhom globalment; jitlob lill-UE u n-NATO biex jieħdu rwol mexxej fl-isforzi globali biex jiġi stabbilit qafas regolatorju komprensiv għall-iżvilupp u l-użu ta' armi b'ċertu grad ta' awtonomija; iħeġġeġ lill-UE u lill-alleati tan-NATO biex jieħdu sehem attiv fin-negozjati internazzjonali dwar strument legalment vinkolanti li jipprojbixxi sistemi ta' armi letali awtonomi mingħajr kontroll sinifikanti mill-bniedem; jenfasizza li l-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO hija fundamentali biex tiġi miġġielda l-ambizzjoni ta' avversarji bħaċ-Ċina u r-Russja tad-dominanza teknoloġika u l-użu malinn tat-teknoloġija;
37. Jirrikonoxxi l-isfida bla preċedent għall-paċi, il-prosperità u s-sigurtà globali, inkluża s-sigurtà tal-bniedem, u l-istabbiltà globali kkawżata mit-tibdil fil-klima bħala "multiplikatur tat-theddid u l-kriżi"; jitlob titjib fid-djalogu bejn l-UE u n-NATO u sett ta' azzjonijiet biex jiġġieldu t-tibdil fil-klima u l-konsegwenzi multidimensjonali tiegħu għas-sigurtà internazzjonali; ifakkar fil-fatt li l-UE għandha firxa usa' ta' kompetenzi u strumenti li jippermettulha tipprovdi rispons komprensiv għall-isfidi kkawżati mit-tibdil fil-klima u l-kollass tal-bijodiversità; jissottolinja li kemm l-UE kif ukoll in-NATO għandhom iżidu l-investimenti fit-teknoloġiji ekoloġiċi bil-għan li jtejbu l-effikaċja militari filwaqt li jimminimizzaw l-impronta ambjentali u jevitaw aktar ħsarat lill-ekosistemi;
38. Jirrikonoxxi li l-ispazju huwa qasam kritiku u li t-teknoloġiji l-ġodda qed jippermettu l-użu tiegħu malajr bħala wieħed mill-oqsma tad-difiża; jirrikonoxxi li dan joħloq kemm opportunitajiet ta' kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO kif ukoll sfidi għas-sigurtà trans-Atlantika; jirrikonoxxi li l-operabbiltà spazjali tan-NATO tiddependi mill-assi bbażati fuq l-ispazju tal-membri tagħha, filwaqt li jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bbażata fuq programmi eżistenti tal-UE bħal Galileo u Copernicus; jemmen li l-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO dwar l-ispazju tista' tgħin biex jiġu promossi standards ta' sikurezza spazjali u l-aħjar prattiki fost il-komunità internazzjonali, filwaqt li jiġu żgurati benefiċċji reċiproċi fl-oqsma tal-komunikazzjoni, in-navigazzjoni u l-intelligence; jissottolinja l-ħtieġa li l-UE u n-NATO jistinkaw biex jipprevjenu li l-ispazju jimtela bl-armamenti; jinnota l-importanza dejjem tikber tas-sigurtà fl-ispazju u tas-satelliti, jisħaq fuq l-importanza taċ-Ċentru Satellitari tal-UE u jitlob lill-aġenzija tanalizza u tipprovdi rapport dwar is-sikurezza u/jew il-vulnerabbiltajiet tas-satelliti tal-UE u tal-Istati Membri għall-iskart spazjali, l-attakk ċibernetiku u l-attakk dirett bil-missili;
39. Jirrikonoxxi l-importanza strateġika dejjem tikber tar-reġjuni tat-Tramuntana Estrema u tal-Artiku u d-dimensjonijiet politiċi, ekonomiċi, ambjentali u ta' sigurtà tagħhom, u jirrikonoxxi l-importanza tal-koordinazzjoni bejn l-UE u n-NATO fl-Artiku; jisħaq li l-Artiku jrid jibqa' żona ta' kooperazzjoni paċifika u jitlob miżuri ta' bini tal-fiduċja biex jiġu evitati passi li jwasslu għal żieda fil-preżenza militari fir-reġjun; jinnota li l-Kunsill tal-Artiku għandu l-mandat li jtejjeb id-djalogu kostruttiv u l-iżvilupp sostenibbli; ifakkar fl-applikazzjoni tal-UE għal status ta' osservatur fil-Kunsill tal-Artiku, ifakkar fil-fatt li l-UE bħalissa qed taġġorna l-politika tagħha dwar l-Artiku, u jtenni l-appell tiegħu għal kooperazzjoni msaħħa mas-sħab kollha tal-Artiku, kemm b'mod bilaterali kif ukoll reġjonali, inkluż fi ħdan il-Kunsill tal-Artiku, il-Kunsill Ewro-Artiku ta' Barents u s-sħubijiet tad-Dimensjoni tat-Tramuntana, dwar il-kwistjonijiet kollha ta' interess komuni; jissottolinja l-importanza li tiġi żgurata l-libertà tan-navigazzjoni fit-Tramuntana Estrema; ifakkar fid-dimensjoni parlamentari ta' kooperazzjoni fl-Artiku, fost l-oħrajn permezz tal-Kumitat Permanenti tal-Membri Parlamentari tar-Reġjun tal-Artiku (SCPAR), li fih jipparteċipa l-Parlament Ewropew;
40. Ifaħħar il-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-UE u n-NATO matul il-pandemija tal-COVID-19; jissottolinja r-rwol importanti tal-alleati tan-NATO u tal-forzi armati tal-Istati Membri tal-UE matul il-pandemija tal-COVID-19 u jilqa' l-għajnuna militari għall-operazzjonijiet ta' appoġġ ċivili, b'mod partikolari għall-istabbiliment ta' sptarijiet fuq il-post, it-trasport tal-pazjenti, u l-konsenja u d-distribuzzjoni tat-tagħmir; iħeġġeġ inizjattivi bejn l-EU u n-NATO mmirati biex jiffaċilitaw l-użu transfruntier ta' kapaċitajiet loġistiċi militari biex jiġu indirizzati tali emerġenzi, sabiex jippermettu koordinazzjoni, sinerġiji, solidarjetà u appoġġ akbar; jisħaq fuq il-ħtieġa li tiżdied it-tħejjija tal-UE u tan-NATO għad-difiża kimika, bijoloġika, radjoloġika u nukleari (CBRN); huwa konvint li l-isforzi komuni tal-UE u tan-NATO biex tiġi indirizzata l-kriżi tal-COVID-19 jikkontribwixxu direttament għal reżiljenza msaħħa għas-soċjetajiet tagħna; jissottolinja li l-pandemija tal-COVID-19 uriet l-isfidi li joħolqu l-emerġenzi fixkiela, speċjalment dawk ta' natura mhux tradizzjonali bħal pandemiji u diżastri naturali, għar-reżiljenza attwali tagħna; jinnota bi tħassib li l-kriżi tal-COVID-19 kellha impatt negattiv mhux biss fuq is-saħħa pubblika u l-ekonomija, iżda wkoll fuq is-sigurtà, billi aċċellerat ir-rivatitajiet ġeopolitiċi u saħħet l-inċertezzi bħall-kontinwità tal-katini tal-provvista, b'konsegwenzi dejjiema għas-sigurtà u l-istabbiltà Ewropej u internazzjonali; jitlob it-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO fir-rigward tal-indirizzar aħjar tal-emerġenzi mhux tradizzjonali, li għandha tinkludi eżerċizzji dwar it-tagħlimiet meħuda mill-pandemija tal-COVID-19, eżerċizzji ta' taħriġ regolari bl-għan li l-Istati Membri u l-alleati jitħejjew aħjar biex jantiċipaw u jimmaniġġjaw aħjar id-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem, u l-iżvilupp ta' ħażniet ta' tagħmir ta' emerġenza u tal-assi meħtieġa;
Wasal iż-żmien li nwettqu l-ambizzjonijiet tal-UE għad-difiża
41. Huwa konvint li l-Istati Membri jridu jżidu l-isforzi tagħhom biex jilħqu l-livell ta' ambizzjoni tal-EU u jtejbu l-kapaċità tal-UE li taġixxi b'sett ta' kapaċitajiet u forzi militari u ċivili li jkun aktar kapaċi, skjerabbli, interoperabbli u sostenibbli, li jagħti lill-UE l-kapaċità li tikkontribwixxi b'mod aktar ekwu u deċiż għas-sigurtà trans-Atlantika, filwaqt li jippermettilha timxi 'l quddiem lejn awtonomija strateġika u tkompli twitti t-triq biex progressivament tfassal Unjoni Ewropea tad-Difiża (EDU) f'konformità mal-Artikolu 42 tat-TUE, jekk il-Kunsill Ewropew, li jaġixxi b'mod unanimu, jiddeċiedi hekk; jisħaq li l-awtonomija strateġika ssaħħaħ is-sigurtà trans-Atlantika, u bl-ebda mod ma għandha l-għan li tirdoppja l-miżuri u r-riżorsi jew li tissepara min-NATO jew li ddgħajjifha, iżda fil-fatt għandha l-għan li tkun komplimentari għal u interoperabbli mal-isforzi u l-kapaċitajiet tan-NATO; jissottolinja fl-istess ħin li l-awtonomija strateġika tal-UE ma tinvolvix biss l-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta' difiża, imsejsa fuq Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea (EDTIB) b'saħħitha u indipendenti, iżda wkoll il-kapaċità istituzzjonali li tippermetti lill-UE taġixxi, fejn ikun possibbli mas-sħab, partikolarment man-NATO, u b'mod indipendenti jekk ikun meħtieġ; jemmen li dawn l-isforzi miżjuda għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet Ewropea se jippermettu lill-UE tieħu responsabbiltà akbar għas-sigurtà Ewropea, inkluż fil-viċinat Ewropew, u l-istabbiltà globali, u għal promozzjoni aħjar tal-interessi u l-valuri komuni bejn l-UE u n-NATO; jenfasizza li Unjoni Ewropea b'awtonomija strateġika se taġixxi bħala l-pedament għall-Alleanza Trans-Atlantika u se tiffaċilita approċċ aktar effiċjenti u effettiv għal għadd tal-isfidi globali li qed jitfaċċaw illum u fil-futur immedjat;
42. Jemmen bis-sħiħ li, minħabba l-livell ta' sfidi bla preċedent, l-ambizzjonijiet tal-UE għall-PESCO u l-iżvilupp tal-kapaċitajiet jridu jkopru pakkett ta' forzi li jkopri l-ispettru sħiħ ta' operazzjonijiet; ifakkar li l-investimenti tal-UE fid-difiża huma investimenti fis-sigurtà tal-komunità trans-Atlantika kollha kemm hi, li se jirriżultaw fi qsim aktar ġust tal-piżijiet bejn is-sħab trans-Atlantiċi tan-NATO; jenfasizza l-ħtieġa li jitmexxa 'l quddiem l-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta' difiża sabiex ikun hemm reazzjoni adegwata għat-theddid komuni; jemmen li l-Istati Membri tal-UE, speċjalment il-21 membru komuni tal-UE u tan-NATO, jeħtieġ li jaġixxu b'mod koerenti u għandhom jikkunsidraw li jidentifikaw "ambizzjoni Ewropea" ċara rigward l-iżvilupp tal-kapaċitajiet, b'mod partikolari billi jżidu l-investiment tagħhom fir-riċerka u fl-innovazzjoni u mingħajr ma jinjoraw is-sħubija trans-Atlantika; jistieden lill-21 membru komuni tal-UE u tan-NATO biex japplikaw il-prinċipju ta' "ġabra waħda ta' forzi" billi jiddikjaraw l-istess ġabra ta' kapaċitajiet potenzjalment disponibbli għal skopijiet ta' ppjanar fi ħdan l-UE u n-NATO; jinkoraġġixxi sforzi aktar b'saħħithom mill-membri taż-żewġ organizzazzjonijiet biex jiksbu koerenza akbar fir-riżultati bejn l-inizjattivi tal-NDPP u tal-UE dwar l-iżvilupp tal-kapaċitajiet, b'mod partikolari l-Għanijiet ta' Kapaċità ta' Impatt Għoli (HICG), il-Pjan tal-Iżvilupp tal-Kapaċitajiet (CDP) tal-UE u l-CARD tal-UE fejn jikkoinċidu r-rekwiżiti, biex jiġu evitati duplikazzjonijiet mhux meħtieġa u biex ikun hemm rispons aħjar għal theddid ġdid; jenfasizza r-rwol importanti tal-EDA fil-produzzjoni tas-CDP tal-UE; jenfasizza li kwalunkwe rieżami tal-objettivi tal-UE jrid jirrifletti wkoll fuq l-Għanijiet Ewlenin tagħha u l-HICG; jissottolinja li tali rieżami huwa fundamentali sabiex jinkisbu l-benefiċċji sħaħ ta' inizjattivi bħall-PESCO; huwa konvint, barra minn hekk, li l-UE trid ittejjeb ir-rabta bejn l-ippjanar, ir-riċerka u l-iżvilupp tal-kapaċitajiet;
43. Jemmen li l-alleati Ewropej fin-NATO, appoġġjati fejn possibbli minn sħab Ewropej mhux tan-NATO, kif xieraq, għandhom jimmiraw li jiżguraw qsim adegwat tal-piżijiet u tar-responsabbiltà bl-objettiv li jikkontribwixxu sehem adegwat tal-NDPP, b'kunsiderazzjoni tal-importanza u r-rwol tal-Ewropej fi ħdan l-alleanza; jemmen li dan ikollu l-effett miżjud simultanju li jsaħħaħ il-kapaċità tal-Ewropa li tiddefendi lilha nnifisha u konsegwentement iżid ukoll il-kapaċitajiet operattivi tagħha;
44. Jissottolinja li s-sħubija trans-Atlantika tista' tirnexxi biss jekk l-Istati Membri kollha jissodisfaw l-impenji tagħhom, inklużi l-wegħdiet ta' investiment fid-difiża, u jimpenjaw ruħhom f'appoġġ reċiproku; jissottolinja l-għan ta' 2 % tan-NATO, li ġie kkonfermat mill-ġdid fis-Summit tan-NATO ta' Settembru 2014 f'Wales u ssodisfatt minn xi alleati Ewropej tan-NATO, u jisħaq li l-kisba ta' dan l-objettiv hija wkoll investiment fis-sigurtà u fl-istabbiltà Ewropej, u b'hekk tiġi żgurata tħejjija għal sfidi globali ġodda; ifakkar, bl-istess mod, fl-impenn għall-infiq ta' 20 % tal-baġit annwali għad-difiża fil-qasam kruċjali tar-riċerka u l-iżvilupp; jissottolinja li theddid ġdid, bħal theddid ċibernetiku u ibridu, huwa supplementari għall-isfidi eżistenti tas-sigurtà u għalhekk jirrikjedi riżorsi addizzjonali; jissottolinja l-fatt li, kif uriet il-pandemija, is-sigurtà ma tistax titkejjel biss f'termini ta' perċentwal tal-PDG minfuq, u li bosta elementi oħra għandhom jitqiesu wkoll meta jiġu ġġudikati l-isforzi ta' kontribut biex tissaħħaħ id-difiża komuni tal-alleanza; jitlob li l-infiq fuq id-difiża f'ċifri assoluti ma jitnaqqasx minħabba l-isfidi ekonomiċi li qed jiffaċċjaw il-membri tal-UE u tan-NATO minħabba l-pandemija tal-COVID-19;
45. Jenfasizza li l-Ewropa, kemm jista' jkun, għandha tħares lejn dawn l-isfidi strateġiċi b'mod komprensiv u koerenti permezz tal-"approċċ integrat" tal-UE, li għandu jittejjeb kontinwament permezz ta' mekkaniżmi ta' koordinazzjoni u strutturi ta' kmand aħjar, kif ukoll billi jitqiesu theddidiet u sfidi ġodda, u mbagħad għandha tikkunsidra liema kapaċitajiet tista' tiżviluppa flimkien li finalment jgħin il-kontribut kemm tal-Istati Membri kif ukoll tal-UE għad-difiża kollettiva tan-NATO, filwaqt li jtejbu l-interoperabbiltà tal-kapaċitajiet tagħhom;
46. Itenni l-appoġġ tiegħu għal implimentazzjoni effettiva tad-direttivi dwar il-Pakkett tad-Difiża li jikkonċernaw, rispettivament, l-akkwist fl-oqsma tad-difiża u tas-sigurtà u t-trasferimenti ta' prodotti relatati mad-difiża; jisħaq li l-implimentazzjoni sħiħa ta' dawn id-direttivi tikkostitwixxi pass importanti lejn Unjoni Ewropea tad-Difiża billi tagħmel il-politika tal-UE dwar id-difiża aktar koerenti u trawwem l-iżvilupp tal-industrija tad-difiża Ewropea; huwa konvint li l-implimentazzjoni tagħhom hija mod effettiv biex tiġi miġġielda l-frammentazzjoni kontinwa tas-suq intern tal-UE għall-prodotti tad-difiża, li għadha qed twassal għal duplikazzjoni bla bżonn u l-multiplikazzjoni tal-ineffiċjenzi fl-infiq għad-difiża mill-Istati Membri; jenfasizza l-importanza ta' Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea (EDTIB) b'saħħitha, kompetittiva u innovattiva, flimkien mal-ħolqien ta' suq tal-UE tat-tagħmir għad-difiża li jirrispetta bis-sħiħ ir-regoli tas-suq intern, u l-Pożizzjoni Komuni tal-UE dwar l-esportazzjoni tal-armi; iqis li dan iżid is-sigurtà Ewropea u jgħammar aħjar lill-membri taż-żewġ organizzazzjonijiet; jitlob li jsiru aktar sforzi biex jiġi żgurat suq komuni tad-difiża li jiffunzjona bis-sħiħ; jenfasizza l-importanza tal-EDF fil-ġbir flimkien ta' riżorsi nazzjonali għar-riċerka, għall-iżvilupp, għall-akkwist, għall-manutenzjoni u għat-taħriġ konġunti, u jitlob li jkun hemm orjentazzjoni strateġika fit-tul għall-finanzjament tal-proġetti tiegħu; jitlob li jkun hemm sinerġiji akbar bejn l-EDTIB u l-atturi ewlenin tas-settur privat fl-iżvilupp ta' teknoloġiji emerġenti b'użu doppju bħall-IA, filwaqt li jiġu żgurati sinerġiji ma' atturi oħra (membri tas-soċjetà ċivili, riċerkaturi, eċċ.); jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni bejn l-EDA u n-NATO u jirrikonoxxi l-valur tal-kooperazzjoni industrijali tad-difiża tal-UE fi ħdan il-Kooperazzjoni Teknoloġika u Industrijali tad-Difiża Trans-Atlantika (TADIC); ifakkar fl-ambizzjoni fit-tul li tinbena kooperazzjoni trans-Atlantika b'saħħitha fis-settur tad-difiża u dak industrijali sabiex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp teknoloġiku u industrijali trans-Atlantiku, filwaqt li jiġu indirizzati fost l-oħrajn kwistjonijiet relatati mas-sigurtà tal-provvista, approċċ komuni għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, investimenti barranin diretti u aċċess reċiproku għas-swieq tad-difiża; jistieden lill-Kummissjoni tikkollabora b'mod attiv man-NATO sabiex tiffaċilita l-iżvilupp teknoloġiku u industrijali trans-Atlantiku; jirrimarka li l-inizjattivi Ewropej għad-difiża huma komplimentari għal dawk tan-NATO u huma mfassla biex iħeġġu lill-Istati Membri biex jinvolvu ruħhom fil-qasam tad-difiża; jinkoraġġixxi kooperazzjoni mill-qrib bejn l-EDA u l-Persunal Internazzjonali tan-NATO;
47. Jenfasizza l-importanza ta' proġetti Ewropej konġunti, bħas-Sistema tal-Ajru Futura Ewropea tal-Kumbattiment (FCAS), il-Eurodrone, b'rispett sħiħ għad-dritt internazzjonali, u s-Sistema Ewlenija ta' Kumbattiment Fuq l-Art (MGCS), u jitlob aktar proġetti ambizzjużi u tanġibbli;
48. Jitlob il-konklużjoni ta' arranġament amministrattiv bejn l-EDA u l-Istati Uniti, kif ukoll alleati oħra tan-NATO li mhumiex fl-UE, speċjalment dawk li magħhom bdew in-negozjati ta' adeżjoni mal-UE, kif xieraq, filwaqt li jiġu rrispettati s-salvagwardji kollha meħtieġa biex jipproteġu l-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-UE u l-Istati Membri tagħha, sabiex japprofondixxu l-kooperazzjoni trans-Atlantika tad-difiża billi jiżguraw li t-teknoloġija militari użata tkun interoperabbli bis-sħiħ fil-livell tekniku;
49. Jilqa' l-estensjoni tat-Trattat START Ġdid, li jagħti liż-żewġ firmatarji żmien addizzjonali biex isegwu negozjati bil-għan li jaqblu dwar strument ġdid għall-kontroll tal-armi; jitlob lill-UE u lin-NATO biex jaħdmu għall-involviment ta' stati oħra, b'mod partikolari ċ-Ċina; ifakkar fil-ħtieġa li jiżdiedu l-kooperazzjoni u l-investiment fil-qasam ewlieni tad-difiża tal-ajru u tal-missili; jesprimi tħassib serju dwar l-iskadenza tat-Trattat INF, li ħoloq riskju ġdid għas-sigurtà, b'mod partikolari għall-pajjiżi Ewropej; jitlob li t-tħassib dwar is-sigurtà tal-Ewropa jiġi rikonoxxut u indirizzat kif xieraq; jesprimi dispjaċir għall-irtirar reċenti mit-Trattat dwar is-Sema Miftuħ;
50. Jafferma mill-ġdid l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-impenn tal-UE u l-Istati Membri tagħha fir-rigward tat-TNP bħala l-pedament tar-reġim ta' nonproliferazzjoni u diżarm nukleari; jissottolinja l-ħtieġa li jittieħdu miżuri effettivi orjentati lejn id-diżarm nukleari; itenni d-dikjarazzjoni preċedenti tiegħu li l-paċi u s-sigurtà internazzjonali huma msaħħa f'dinja ħielsa mill-eżistenza u l-proliferazzjoni tal-armi nukleari; iħeġġeġ lill-UE u lin-NATO biex jaħdmu lejn aġenda ambizzjuża għall-preservazzjoni u t-tisħiħ ta' sistemi internazzjonali effettivi ta' kontroll tal-armi, ta' diżarm u ta' nonproliferazzjoni bħala l-pedament tas-sigurtà globali, trans-Atlantika u Ewropea, u jfakkar fil-ħtieġa li jiġu segwiti politiki mfassla biex nimxu aktar 'il quddiem fit-tnaqqis tal-arsenali nukleari u biex jiġu stabbiliti limiti fuq l-iskjerament ta' missili iperspsoniċi; jesprimi tħassib dwar l-iżviluppi u l-inizjattivi attwali fl-Iran fir-rigward tal-programm tiegħu ta' arrikkiment tal-uranju; itenni l-appoġġ kontinwu tiegħu għall-Pjan ta' Azzjoni Komprensiv Konġunt (PAKK) bħala l-aħjar mezz possibbli biex jinkisbu assigurazzjonijiet ta' użu esklużivament paċifiku tal-enerġija nukleari mill-Iran; jilqa' t-tkomplija tat-taħditiet u jistieden lill-partijiet kollha biex jerġgħu lura għal konformità sħiħa;
51. Jitlob lill-UE u lill-istituzzjonijiet tagħha, filwaqt li jibnu fuq il-pedament stabbilit mill-"approċċ integrat", jiżviluppaw kemm kultura ta' sigurtà u ta' difiża komuni, li tirrispetta l-karattru speċifiku tal-politiki ta' sigurtà u difiża tal-Istati Membri, kif ukoll approċċ strateġiku, matul it-tfassil tal-politika tagħhom, li għandu japplika b'mod partikolari għad-deċiżjonijiet fl-oqsma tal-kummerċ, tal-ġestjoni tal-katina tal-provvista, tal-iskrinjar tal-investiment, tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, tal-infrastruttura, tal-mobbiltà u tat-teknoloġiji diġitali; jissottolinja f'dan ir-rigward ir-rwol ewlieni tal-Boxxla Strateġika; jissottolinja li f'oqsma bħat-theddid ibridu u ċibernetiku, kif ukoll fil-ġlieda kontra l-kampanji ta' diżinformazzjoni, l-istituzzjonijiet tal-UE jinsabu f'pożizzjoni tajba biex jiżviluppaw reazzjonijiet konġunti; jilqa', f'dan ir-rigward, il-Pakkett tal-Unjoni tas-Sigurtà ta' Diċembru 2020 u jemmen li dan huwa l-ewwel pass tajjeb li jeħtieġ li jiġi segwit malajr minn azzjonijiet ulterjuri; jinnota l-proposta għal Direttiva NIS 2;
52. Jisħaq fuq is-sinifikat tal-mobbiltà militari fl-iżgurar tal-moviment mgħaġġel tal-forzi fi ħdan l-UE u lil hinn minnha, li huwa importanti għal difiża effettiva u preventiva; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jżidu l-isforzi tagħhom biex ikomplu jnaqqsu l-ostakli proċedurali għall-mobbiltà militari; jilqa' r-rwol indispensabbli tal-UE fit-tisħiħ tal-mobbiltà militari, u jitlob żieda sinifikanti fl-isforzi magħmula biex jiġi implimentat dan il-proġett, b'mod partikolari permezz tal-PESCO, iżda wkoll billi l-Istati Membri jiġu mħeġġa jistimulaw il-bażijiet industrijali tagħhom biex jipproponu proġetti kompetittivi eliġibbli għall-kofinanzjament tal-UE; jitlob li jiżdiedu s-sinerġiji min-naħa tal-UE bejn id-diversi atturi involuti; jenfasizza li approċċ ta' gvern sħiħ li jinvolvi l-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri u n-NATO huwa meħtieġ biex il-mobbiltà militari tirnexxi; jitlob li jiġi kkunsidrat pjan ta' azzjoni li jiffoka fuq interessi komuni bejn l-UE u n-NATO fil-mobbiltà militari billi tiżdied l-ambizzjoni f'oqsma bħad-diġitalizzazzjoni, ir-reżiljenza ċibernetika tal-infrastruttura u s-sistemi tat-trasport, u l-possibbiltà li jintużaw soluzzjonijiet ta' intelliġenza artifiċjali għall-benefiċċju tal-mobbiltà militari; jemmen li dan il-proġett juri kemm il-valur miżjud tal-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO kif ukoll jagħti prova ta' kif l-istrumenti u l-kompetenzi tal-UE jistgħu jikkontribwixxu għad-difiża kollettiva tan-NATO; jilqa' l-fatt li ammonti sinifikanti ta' fondi tal-UE ġew allokati għal proġetti ta' difiża kollaborattiva, minkejja li ma jaqblux mal-ambizzjonijiet inizjali; ifakkar fil-fatt li 38 mis-46 proġett attwali tal-PESCO jirriflettu l-prijoritajiet tal-ippjanar tad-difiża tan-NATO u jilqa' l-parteċipazzjoni potenzjali ta' pajjiżi terzi f'tali proġetti, f'konformità mad-dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni rilevanti tal-Kunsill;
Lejn sħubija ambizzjuża
53. Jesprimi t-twemmin sod tiegħu li r-relazzjonijiet bejn l-UE u n-NATO jeħtieġ li jiġu aġġornati għal livell tassew strateġiku sabiex jintlaħaq il-potenzjal sħiħ tas-sħubija, billi jibnu fuq il-progress bla preċedent li diġà nkiseb u bl-objettiv ġenerali li tinbena relazzjoni ġenwina bejn l-organizzazzjonijiet; jitlob li jsiru summits speċjali regolari bil-parteċipazzjoni tal-kapijiet ta' stat u ta' gvern kollha tan-NATO u tal-UE sabiex tinżamm il-fiduċja u l-fehim fl-ogħla livelli, u jesprimi l-viżjoni tiegħu fit-tul għal Kunsill ta' Sħubija bejn l-UE u n-NATO; iħeġġeġ, barra minn hekk, diskussjoni dwar il-ħolqien ta' Kunsill permanenti tal-Ministri tad-Difiża tal-UE, li għandu jikkollabora mill-qrib mal-laqgħat tal-ministri tad-difiża tan-NATO; jissottolinja l-prinċipju tal-inklużività f'dan ir-rigward;
54. Itenni l-prinċipju tal-inklużività, u jħeġġeġ numru akbar ta' laqgħat informali konġunti, kif ukoll dikjarazzjonijiet u komunikazzjonijiet konġunti mill-kapijiet tal-istituzzjonijiet tal-UE u tan-NATO; itenni t-talbiet preċedenti tiegħu lill-UE u lin-NATO biex jorganizzaw eżerċizzji konġunti regolari, u aktar ambizzjużi, li jibnu fuq il-prattika eżistenti ta' Eżerċizzji Paralleli u Kkoordinati (PACE), filwaqt li jiżguraw l-involviment tal-Istati Membri u l-alleati kollha, li jservu biex itejbu l-fehim reċiproku bejn l-UE u n-NATO u jsaħħu aktar il-kooperazzjoni bejn il-persunal; jinkoraġġixxi skambju msaħħaħ ta' informazzjoni mhux klassifikata u klassifikata f'eżerċizzji futuri, b'mod inklużiv u mhux diskriminatorju, bħala l-ewwel pass fl-iskambju ta' informazzjoni f'sitwazzjonijiet ta' kriżi reali;
55. Jistieden lill-membri kollha jaħdmu għall-konklużjoni ta' ftehim ta' sigurtà bejn Ċipru u n-NATO;
56. Jilqa' l-progress li sar fl-74 proposta komuni għal azzjoni; jemmen, madankollu, li hemm bżonn ta' aktar appoġġ politiku biex tiġi żgurata implimentazzjoni sħiħa; jitlob ukoll li jitressqu proġetti ewlenin, pereżempju fil-qasam tal-EDTs u r-riforniment ta' fjuwil fl-ajru, immudellati fuq proġetti bħal fil-qasam tal-mobbiltà militari sabiex tiżdied is-sjieda u l-kooperazzjoni ssir aktar tanġibbli u orjentata lejn ir-riżultati;
57. Jissottolinja li l-UE u n-NATO jridu jikkoordinaw l-isforzi tagħhom biex jiġġieldu t-terroriżmu billi jtejbu l-prattiki attwali tal-kondiviżjoni tal-intelligence fost l-Istati Membri u l-alleati tan-NATO, b'enfażi partikolari fuq il-kisba ta' għarfien tas-sitwazzjoni komuni aħjar f'oqsma ewlenin, inklużi żoni sikuri emerġenti, l-użu tal-EDTs mit-terroristi u tattiċi ibridi;
58. Jirrikonoxxi li fid-dawl tal-limitazzjonijiet istituzzjonali, il-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO sseħħ fil-biċċa l-kbira fuq livell informali u tekniku bejn il-persunal, li xi drabi tillimita l-involviment attiv tal-Istati Membri u l-alleati kollha; iqis dawn il-limitazzjonijiet bħala vulnerabbiltà għas-sigurtà trans-Atlantika, kif ukoll dik Ewropea, dovuta fost l-oħrajn għall-imblukkar potenzjali tal-aċċess għall-istrutturi tan-NATO għall-operazzjonijiet tal-PSDK tal-UE; jemmen li din is-sitwazzjoni mhijiex sostenibbli u jħeġġeġ għalhekk bis-sħiħ lill-partijiet ikkonċernati kollha biex jaħdmu flimkien b'rieda tajba biex ifittxu soluzzjoni li tifformalizza l-kooperazzjoni u l-prevedibbiltà tagħha fil-livelli kollha, bil-għan li tinbena relazzjoni ġenwina u soda bejn l-organizzazzjonijiet; jilqa' d-diskussjoni dwar il-kapaċitajiet ta' kmand militari futuri tal-UE, li jridu jkunu interoperabbli u kompatibbli man-NATO sabiex tiġi żgurata l-aktar kapaċità operattiva effettiva tal-ġabra waħda ta' forzi;
59. Jissottolinja l-ħtieġa li jissaħħu l-unità, is-solidarjetà u l-koeżjoni tal-alleati; jirrikonoxxi t-tilwim serju bejn l-alleati fil-Lvant tal-Mediterran; jilqa' l-istabbiliment tal-mekkaniżmu ta' de-eskalazzjoni tan-NATO; ifakkar fit-tħassib tiegħu dwar l-akkwist tas-sistema tal-missili Russa S-400 mit-Turkija ; jisħaq fuq l-importanza ta' aktar miżuri ta' bini ta' fiduċja bbażati fuq id-djalogu u r-rispett reċiproku; jinsab imħasseb ħafna dwar l-imġiba tat-Turkija, ġar strateġikament importanti u alleat tan-NATO; jistieden lit-Turkija biex tevita aktar azzjonijiet provokattivi u destabbilizzanti, u jħeġġiġha ssegwi politika barranija, ta' sigurtà u domestika allinjata mal-obbligi u l-aspettattivi ta' pajjiż kandidat tal-UE u alleat tan-NATO;
60. Ifakkar li kemm l-UE kif ukoll in-NATO huma mibnija fuq prinċipji demokratiċi komuni; ifakkar li t-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana huwa marbut direttament mal-Karta tan-NU; jistieden lin-NATO titlob mill-membri tagħha konformità sħiħa mal-Artikoli kollha tal-Karta tan-NU; jissottolinja li s-sħubija trans-Atlantika mhux biss teħtieġ forzi militari b'saħħithom iżda wkoll soċjetajiet b'saħħithom u reżiljenti; jenfasizza r-rabta ta' rinforzar reċiproku bejn fondazzjonijiet demokratiċi b'saħħithom, ibbażati fuq ir-rispett għall-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli, u sħubija trans-Atlantika b'saħħitha, li flimkien biss jistgħu jiżguraw l-eżistenza fit-tul tad-demokraziji tagħna; jappoġġja l-idea mressqa mill-amministrazzjoni Biden għal summit globali tad-demokraziji; jitlob aktar sforzi biex jitqiesu l-aspirazzjonijiet għoljin tal-ġenerazzjonijiet żgħażagħ u biex iż-żgħażagħ jitħallew jipparteċipaw b'mod effettiv fil-proċessi demokratiċi tagħna, u biex jiġu ppreżentati b'mod ċar liż-żgħażagħ l-isfidi strateġiċi li jiffaċċjaw is-soċjetajiet tagħna, sabiex jiġi żgurat li jinvolvu ruħhom f'dawn il-kwistjonijiet kritiċi u jappoġġjaw b'mod attiv l-isforzi komuni tagħna;
61. Ifakkar fi rwol aktar b'saħħtu għall-UE fis-sigurtà u fid-difiża li ġie deskritt bħala prijorità għaċ-ċittadini tal-UE fl-istħarriġ tal-Ewrobarometru; jissuġġerixxi li l-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO u l-kwistjonijiet ta' sigurtà u difiża b'mod ġenerali għandhom jiġu indirizzati matul il-Konferenza li jmiss dwar il-Futur tal-Ewropa sabiex jiġi żgurat li l-ilħna tan-nies jinstemgħu;
62. Jissottolinja l-importanza ta' komunikazzjoni proattiva, effettiva u trasparenti, kemm fl-UE kif ukoll esternament, u jitlob kooperazzjoni saħansitra aktar mill-qrib bejn il-persunal rispettiv kemm fin-NATO kif ukoll fl-UE dwar il-komunikazzjoni strateġika, speċjalment fir-rigward tal-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni, l-interferenza barranija u l-attakki ċibernetiċi, f'oqsma strateġikament importanti bħall-Balkani tal-Punent u l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant; jitlob li jkun hemm kondiviżjoni aħjar tal-informazzjoni fl-identifikazzjoni ta' attakki ibridi sabiex tiżdied ir-reazzjoni; jinsisti, madankollu, fuq il-fatt li kemm l-UE kif ukoll in-NATO jridu jżommu l-kapaċitajiet indipendenti rispettivi tagħhom; jappoġġja l-idea li jitnedew ċentri ta' eċċellenza indipendenti għall-istudju ta' lingwi barranin mitkellma f'reġjuni strateġikament importanti;
63. Jissottolinja l-importanza tad-diplomazija parlamentari u jtenni t-talbiet preċedenti tiegħu biex jissaħħaħ ir-rwol tal-Assemblea Parlamentari (PA) tan-NATO; jirrakkomanda li l-istatus tad-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew fl-Assemblea Parlamentari tan-NATO jiġi aġġornat għal status sħiħ mill-Kumitat Permanenti tal-Assemblea Parlamentari tan-NATO, bħala rikonoxximent tal-importanza tal-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO; jitlob li ssir laqgħa konġunta bejn il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tal-Parlament u l-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tal-Kamra tad-Deputati tal-Istati Uniti sabiex jiġi diskuss it-theddid komuni għas-sigurtà għas-sħubija trans-Atlantika u kif il-kooperazzjoni msaħħa bejn l-UE u n-NATO tista' tgħin biex dawn jiġu indirizzati;
64. Jilqa' l-ewwel parteċipazzjoni li qatt saret ta' Segretarju Ġenerali tan-NATO f'laqgħa tal-Kulleġġ tal-Kummissarji fil-15 ta' Diċembru 2020, li bagħtet messaġġ b'saħħtu ta' impenn reċiproku sabiex tissaħħaħ is-sħubija bejn in-NATO u l-UE; ifaħħar lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO Jens Stoltenberg għat-tmexxija u d-determinazzjoni tiegħu li javvanza r-relazzjonijiet bejn l-UE u n-NATO, li jirrifletti l-ambizzjonijiet u l-prijoritajiet stipulati mit-tmexxija tal-UE;
°
° °
65. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO, lill-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, lill-gvernijiet u lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri tal-UE u tan-NATO u lill-Assemblea Parlamentari tan-NATO.
27.05.2021
OPINJONI TAL-MINORANZA
skont l-Artikolu 55(4) tar-Regoli ta' Proċedura
Mick Wallace, Manu Pineda, Özlem Demirel, Clare Daly
Ir-rapport jisħaq li s-sħubija bejn l-UE u n-NATO tħaddan il-valuri tad-demokrazija, il-libertà, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-paċi u l-kooperazzjoni internazzjonali. Sfortunatament ir-rekord storiku ma jappoġġjax din il-fehma, hemm ukoll messaġġ ta' konfrontazzjoni li jidher kemm-il darba f'dan ir-rapport, li jmur kontra l-kunċett ta' kooperazzjoni internazzjonali ġenwina, u tabilħaqq id-dritt internazzjonali.
Aħna kontra r-rapport peress li dan:
- jitlob li jkun hemm kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-UE u n-NATO.
- jagħmel referenza għall-"ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli" li huwa kunċett imperjalista mingħajr ebda valur fid-dritt internazzjonali.
- jitkellem dwar approċċ koordinat bejn l-UE u n-NATO għall-Viċinat tan-Nofsinhar bil-għan li jiġu kkuntrastati r-Russja u ċ-Ċina.
Aħna neżiġu:
- li l-UE twaqqaf kwalunkwe sħubija strateġika ma' amministrazzjoni li tikkunsidra politika tal-ewwel strajk nukleari peress li dan mhuwiex fl-interess tas-sigurtà ta' kwalunkwe bniedem jew speċi fid-dinja.
- interpretazzjoni rigoruża tal-Artikolu 41(2) tat-TUE li jipprojbixxi l-użu tal-baġit tal-UE għal operazzjonijiet militari jew ta' difiża;
- li l-UE tabbanduna d-delużjonijiet tagħha ta' kobor imperjali u timpenja ruħha ma' pajjiżi u blokok ta' pajjiżi oħra bħala ugwali u mhux bħala superjuri, f'konformità mal-Karta tan-NU u d-dritt internazzjonali.
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni |
27.5.2021 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
51 9 10 |
||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Alviina Alametsä, Alexander Alexandrov Yordanov, Maria Arena, Petras Auštrevičius, Traian Băsescu, Anna Bonfrisco, Reinhard Bütikofer, Fabio Massimo Castaldo, Susanna Ceccardi, Włodzimierz Cimoszewicz, Katalin Cseh, Tanja Fajon, Anna Fotyga, Michael Gahler, Sunčana Glavak, Raphaël Glucksmann, Klemen Grošelj, Bernard Guetta, Márton Gyöngyösi, Andrzej Halicki, Sandra Kalniete, Karol Karski, Dietmar Köster, Stelios Kouloglou, Maximilian Krah, Andrius Kubilius, Ilhan Kyuchyuk, David Lega, Miriam Lexmann, Nathalie Loiseau, Antonio López-Istúriz White, Claudiu Manda, Lukas Mandl, Thierry Mariani, Vangelis Meimarakis, Sven Mikser, Francisco José Millán Mon, Javier Nart, Gheorghe-Vlad Nistor, Urmas Paet, Demetris Papadakis, Kostas Papadakis, Tonino Picula, Manu Pineda, Giuliano Pisapia, Thijs Reuten, Jérôme Rivière, María Soraya Rodríguez Ramos, Nacho Sánchez Amor, Isabel Santos, Jacek Saryusz-Wolski, Andreas Schieder, Radosław Sikorski, Jordi Solé, Sergei Stanishev, Tineke Strik, Hilde Vautmans, Harald Vilimsky, Idoia Villanueva Ruiz, Viola Von Cramon-Taubadel, Thomas Waitz, Witold Jan Waszczykowski, Charlie Weimers, Isabel Wiseler-Lima, Salima Yenbou, Željana Zovko |
|||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Assita Kanko, Andrey Kovatchev, Paulo Rangel, Mick Wallace |
|||
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
51 |
+ |
ECR |
Anna Fotyga, Assita Kanko, Karol Karski, Jacek Saryusz‑Wolski, Witold Jan Waszczykowski |
ID |
Anna Bonfrisco, Susanna Ceccardi |
NI |
Fabio Massimo Castaldo, Márton Gyöngyösi |
PPE |
Alexander Alexandrov Yordanov, Traian Băsescu, Michael Gahler, Sunčana Glavak, Andrzej Halicki, Sandra Kalniete, Andrey Kovatchev, Andrius Kubilius, David Lega, Miriam Lexmann, Antonio López‑Istúriz White, Lukas Mandl, Vangelis Meimarakis, Francisco José Millán Mon, Gheorghe‑Vlad Nistor, Paulo Rangel, Radosław Sikorski, Isabel Wiseler‑Lima, Željana Zovko |
Renew |
Petras Auštrevičius, Katalin Cseh, Klemen Grošelj, Bernard Guetta, Ilhan Kyuchyuk, Nathalie Loiseau, Javier Nart, Urmas Paet, María Soraya Rodríguez Ramos, Hilde Vautmans |
S&D |
Maria Arena, Włodzimierz Cimoszewicz, Tanja Fajon, Raphaël Glucksmann, Claudiu Manda, Sven Mikser, Demetris Papadakis, Tonino Picula, Giuliano Pisapia, Thijs Reuten, Isabel Santos, Andreas Schieder, Nacho Sánchez Amor |
9 |
- |
ID |
Maximilian Krah, Thierry Mariani, Jérôme Rivière, Harald Vilimsky |
NI |
Kostas Papadakis |
S&D |
Dietmar Köster |
The Left |
Manu Pineda, Idoia Villanueva Ruiz, Mick Wallace |
10 |
0 |
ECR |
Charlie Weimers |
S&D |
Sergei Stanishev |
The Left |
Stelios Kouloglou |
Verts/ALE |
Alviina Alametsä, Reinhard Bütikofer, Jordi Solé, Tineke Strik, Viola Von Cramon‑Taubadel, Thomas Waitz, Salima Yenbou |
It-tifsira tas-simboli:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni
- [1] ĠU C 28, 27.1.2020, p. 49.
- [2] ĠU C 388, 13.11.2020, p. 22.
- [3] ĠU C 449, 23.12.2020, p. 149.
- [4] Testi adottati, P9_TA(2019)0060.
- [5] Testi adottati, P9_TA(2020)0009.
- [6] Testi adottati, P9_TA(2020)0008.
- [7] Testi adottati, P9_TA(2021)0102.
- [8] ĠU L 146, 9.6.2017, p. 133.
- [9] ĠU L 371, 6.11.2020, p. 3.