RAPPORT dwar il-Qafas ta' Politika tal-UE dwar is-Sikurezza fit-Toroq 2021-2030 – Rakkomandazzjonijiet dwar il-passi li jmiss lejn "Viżjoni Żero"
22.6.2021 - (2021/2014(INI))
Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu
Rapporteur: Elena Kountoura
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-Qafas ta' Politika tal-UE dwar is-Sikurezza fit-Toroq 2021-2030 – Rakkomandazzjonijiet dwar il-passi li jmiss lejn "Viżjoni Żero"
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tad-19 ta' Ġunju 2019 bit-titolu "Qafas ta' Politika tal-UE dwar is-Sikurezza fit-Toroq 2021-2030 – Il-passi li jmiss lejn "Viżjoni Żero" (SWD(2019)0283),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Diċembru 2020 bit-titolu "Strateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti – inqiegħdu t-trasport Ewropew fit-triq it-tajba għall-futur" (COM(2020)0789),
– wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2015/413 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2015 li tiffaċilita l-iskambju transkonfinali ta' informazzjoni dwar reati tat-traffiku relatati mas-sikurezza fit-toroq[1] (Direttiva dwar l-Infurzar Transkonfinali),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar il-liċenzji tas-sewqan[2] (Direttiva dwar il-Liċenzji tas-Sewqan),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2019/2144 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2019 dwar rekwiżiti tal-approvazzjoni tat-tip għall-vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, kif ukoll għas-sistemi, għall-komponenti u għall-unitajiet tekniċi separati maħsubin għat-tali vetturi, fir-rigward tas-sikurezza ġenerali tagħhom u tal-protezzjoni tal-okkupanti tal-vetturi u l-utenti vulnerabbli tat-triq[3] (Regolament dwar is-Sikurezza Ġenerali)
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu dwar ir-rapport ta' implimentazzjoni dwar l-aspetti tas-sikurezza fit-toroq tal-Pakkett dwar l-Affidabbiltà Stradali[4].
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2017 dwar is-sigurtà fit-toroq - li japprovaw id-Dikjarazzjoni tal-Belt Valletta ta' Marzu 2017,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Stokkolma tad-19-20 ta' Frar 2020 li saret matul it-Tielet Konferenza Ministerjali Globali dwar is-Sikurezza fit-Toroq,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Kunsill tas-7 ta' Ottubru 2015 dwar iċ-ċikliżmu bħala mod tat-Trasport li ma jagħmilx ħsara lill-klima, iffirmata mill-Ministri għat-Trasport tal-UE f'laqgħa informali fil-Lussemburgu;
– wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċeduri tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A9-0211/2021),
billi kull sena madwar 22 700 persuna għadhom jitilfu ħajjithom fit-toroq tal-UE u madwar 120 000 ikorru serjament; billi aktar minn 11 800 tifel u tifla u żagħżugħ u żagħżugħa sal-età ta' 17-il sena mietu f'ħabtiet tat-traffiku fit-toroq fl-UE matul dawn l-aħħar 10 snin; billi l-progress fit-tnaqqis tar-rati ta' mwiet fl-UE staġna f'dawn l-aħħar snin u, b'riżultat ta' dan, il-mira li jitnaqqas bin-nofs l-għadd ta' mwiet fit-toroq bejn l-2010 u l-2020 ma ntlaħqitx; billi ċ-ċifri msemmija hawn fuq jirrappreżentaw prezz uman u soċjali inaċċettabbli għaċ-ċittadini tal-UE u l-ispiża esterna tal-ħabtiet fit-toroq fl-UE jirrappreżentaw madwar 2 % tal-PDG annwali tagħha;
B. billi l-UE qed tiffaċċja xejriet u sfidi ġodda fl-awtomatizzazzjoni li jista' jkollhom impatt enormi fuq is-sikurezza fit-toroq; billi l-fenomenu li qed jikber tad-distrazzjoni minn apparati mobbli jeħtieġ li jiġi indirizzat; billi fil-futur qrib, il-preżenza kemm tal-vetturi b'firxa wiesgħa ta' karatteristiċi awtomatizzati/konnessi u kif ukoll tal-vetturi tradizzjonali fi traffiku mħallat se toħloq riskju ġdid, speċjalment għall-utenti vulnerabbli tat-triq bħall-motoċiklisti, iċ-ċiklisti u l-persuni miexja;
C. billi l-avvanzi teknoloġiċi, il-konnettività, l-awtomatizzazzjoni u l-ekonomija ta' kondiviżjoni jipprovdu opportunitajiet ġodda għas-sikurezza fit-toroq u biex tiġi indirizzata l-konġestjoni, speċjalment f'żoni urbani; billi l-iżvilupp tas-sinerġiji bejn il-miżuri ta' sikurezza u ta' sostenibbiltà u l-insegwiment tal-bidla modali lejn modi ta' trasport pubbliku u mobilità attiva jistgħu jwasslu għal emissjonijiet tas-CO2 aktar baxxi, itejbu l-kwalità tal-arja u jgħinu fl-iżvilupp ta' stili ta' ħajja aktar attivi u tajbin għas-saħħa;
D. billi l-passiġġieri fil-karozzi li ġew ikklassifikati b'ħames stilel fl-aħħar testijiet għall-European New Car Assessment Programme (Programm Ewropew ta' Ttestjar tal-Karozzi Ġodda, il-Euro NCAP) kellhom riskju ta' korriment fatali ta' 68 % inqas u riskju ta' korriment serju ta' 23 % inqas mill-passiġġieri f'karozzi kklassifikati b'żewġ stilel;
E. billi s-sehem ta' mwiet fit-toroq tal-utenti vulnerabbli tat-triq qed jiżdied, filwaqt li l-utenti tal-karozzi kienu l-benefiċjarji ewlenin tas-sikurezza mtejba tal-vetturi u ta' miżuri oħra ta' sikurezza fit-toroq; billi l-piż, il-qawwa u l-ogħla veloċità tal-karozzi ġodda mibjugħa fl-UE qed jiżdiedu u dan iżid iktar ir-riskji għas-sikurezza fit-toroq; billi s-sikurezza tal-motoċiklisti, taċ-ċiklisti u tal-persuni miexja trid tiġi indirizzata b'mod urġenti;
F. billi, għalkemm jirrappreżentaw biss 2 % tal-għadd totali ta' kilometri vvjaġġati, il-vetturi motorizzati b'żewġ roti jirrappreżentaw 17 % tal-għadd totali ta' mwiet fit-toroq; billi hemm disparitajiet sinifikanti bejn il-pajjiżi; billi l-UE għandha tagħti prijorità lit-teħid ta' azzjoni ulterjuri biex ittejjeb is-sikurezza ta' dawn il-vetturi fl-għaxar snin li ġejjin;
G. billi skont studju tal-Kummissjoni, 8 % biss tal-imwiet iseħħu fuq l-awtostradi, filwaqt li 37 % jseħħu f'żoni urbani u 54 % f'toroq rurali; billi investiment ġdid u manutenzjoni xierqa tal-infrastruttura eżistenti matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħha huma essenzjali għas-sikurezza fit-toroq;
H. billi mhux il-vittmi kollha ta' inċidenti jiġu rrappurtati, u dan jgħawweġ l-istatistika disponibbli; billi jeħtieġ li jiġu żviluppati metodi ta' ttestjar effettivi biex jiġi ddeterminat in-numru reali tal-vittmi ta' inċidenti tat-triq;
billi l-iżgurar u l-infurzar tal-imġiba sikura tal-utenti tat-triq, bħal meta persuna tivvjaġġa bil-veloċità t-tajba, tuża tagħmir protettiv bħaċ-ċinturini tas-sikurezza u l-elmi ta' protezzjoni, ma ssuqx meta tkun taħt l-influwenza tal-alkoħol jew tad-drogi, u ssuq, tirkeb jew timxi mingħajr distrazzjonijiet, huma kruċjali għall-prevenzjoni u l-mitigazzjoni tal-ħabtiet fatali fit-toroq;
J. billi hemm inugwaljanzi bejn il-ġeneri u l-etajiet u inugwaljanzi soċjali fil-mobilità u s-sikurezza fit-toroq;
K. billi l-kisba tal-miri l-ġodda tal-UE għas-sikurezza fit-toroq teħtieġ sforzi kooperattivi aktar intensivi biex jiġu żviluppati politiki Ewropej b'saħħithom dwar is-sikurezza fit-toroq mal-partijiet ikkonċernati, appoġġ għar-riċerka u l-innovazzjoni, sabiex jitħejjew soluzzjonijiet ibbażati fuq politiki abbażi ta' data solida u analiżi tal-impatt, kif ukoll aktar miżuri ta' infurzar u mmirati aħjar fil-livell nazzjonali u kooperazzjoni transkonfinali effettiva dwar l-infurzar tal-penali;
L. billi 40 sa 60 % tal-fatalitajiet kollha relatati max-xogħol huma inċidenti tat-triq li jseħħu matul ix-xogħol jew waqt l-ivvjaġġar għax-xogħol; billi l-għeja tas-sewwieqa hija komuni fit-toroq tal-UE;
M. billi l-implimentazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali għas-sikurezza fit-toroq u tal-qafas il-ġdid ta' politika tal-UE dwar is-sikurezza fit-toroq teħtieġ riżorsi finanzjarji stabbli u suffiċjenti kemm mill-Istati Membri kif ukoll mill-baġit tal-UE;
Qafas ta' politika tal-UE dwar is-sikurezza fit-toroq 2021-2030 – il-passi li jmiss lejn "Viżjoni Żero"
1. Jilqa' l-fatt li l-UE, fil-qafas ta' politika tal-UE dwar is-sikurezza fit-toroq 2021-2030, affermat mill-ġdid l-għan strateġiku fit-tul tagħha li sal-2050 tersaq lejn l-objettiv ta' kważi żero mwiet u żero korrimenti serji fit-toroq tal-UE (Viżjoni Żero), u l-għan tagħha fuq perjodu medju ta' żmien li tnaqqas l-imwiet u l-korrimenti serji b'50 % sal-2030 f'konformità mad-Dikjarazzjoni tal-Belt Valletta; jenfasizza li dawn l-għanijiet u l-miri tal-UE relatati mas-sikurezza fit-toroq għandhom ikunu sostnuti minn approċċ ikkoordinat, ippjanat tajjeb, sistematiku u ffinanzjat tajjeb għas-sikurezza fit-toroq fil-livell tal-UE, fil-livell reġjonali, nazzjonali u lokali;
2. Jilqa' f'dan ir-rigward l-adozzjoni tal-approċċ ta' sistema sikura fil-livell tal-UE, abbażi ta' qafas ta' prestazzjoni u miri f'waqthom għat-tnaqqis tal-għadd ta' vittmi u ta' korrimenti serji; jilqa' l-istabbiliment ta' indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs) stabbiliti b'kooperazzjoni mal-Istati Membri biex jippermettu analiżi aktar iffukata u mmirata tal-prestazzjonijiet tal-Istati Membri u biex jidentifikaw in-nuqqasijiet; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi miri ta' eżitu sal-2023; jissottolinja l-importanza tal-kooperazzjoni kontinwa bejn l-UE u l-Istati Membri f'dan ir-rigward u jħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ għal dan l-eżerċizzju u jaqblu dwar metodoloġija armonizzata għall-KPIs li se tippermetti lill-Istati Membri jqabblu d-data; jappella għal pjan direzzjonali dettaljat għal azzjoni tal-UE li abbażi tiegħu l-prestazzjoni tkun tista' titkejjel, u l-obbligu ta' rendikont għall-kisba tar-riżultati jkun ir-responsabbiltà ta' korpi speċifiċi;
3. Jemmen, madankollu, li hemm lok għal titjib fil-KPIs imsemmija hawn fuq u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkunsidra li testendi dawn l-indikaturi u taġġornahom fil-pjan ta' azzjoni strateġiku tal-UE dwar is-sikurezza fit-toroq; jemmen li l-KPI għat-tagħmir protettiv għandu jiġi kkomplementat minn KPI li jiġbor id-data dwar l-esponiment skont id-distanza u l-ħin tal-ivvjaġġar għall-utenti kollha tat-triq, imqassma skont is-sehem modali u t-tipi ta' toroq, sabiex jinftiehmu aħjar il-proporzjonijiet tar-riskju u l-perikli differenti involuti; jistieden lill-Kummissjoni tkompli taħdem mill-qrib mal-Istati Membri biex tiddefinixxi KPI għall-infrastruttura tat-toroq, filwaqt li tindika l-kwalità tas-sikurezza ta' network tat-toroq indipendentement mill-imġiba tal-utenti tat-triq jew mit-teknoloġija tal-vetturi, abbażi ta' metodoloġija komuni ta' klassifikazzjoni miftiehma; jiddispjaċih għall-fatt li l-KPIs għas-sikurezza tal-vetturi jinjoraw is-sikurezza tal-vetturi motorizzati b'żewġ roti; jistieden lill-Kummissjoni tfassal indiċi tas-sikurezza tal-vetturi għall-vetturi tal-kategorija L u jissottolinja l-ħtieġa li jiġu inklużi fih il-KPIs kollha għall-vetturi tal-kategorija L;
4. Jenfasizza li l-finanzjament tal-UE huwa kruċjali għall-investiment f'soluzzjonijiet sostenibbli u intelliġenti b'rabta mas-sikurezza fit-toroq u biex tiġi aċċelerata l-kisba ta' riżultati fir-rigward tas-sikurezza fit-toroq madwar l-UE; jistieden lill-Kummissjoni tissalvagwardja u żżid l-investiment tal-UE fis-sikurezza fit-toroq fil-programmi ta' finanzjament rilevanti kollha tal-UE, inkluż fir-riċerka u l-innovazzjoni; jistieden, barra minn hekk, lill-Istati Membri kollha biex jallokaw ammont adegwat mill-baġit nazzjonali tagħhom, li, flimkien mal-finanzjament tal-UE, għandhom jagħmluha possibbli li jiġu implimentati l-programmi nazzjonali tagħhom dwar is-sikurezza fit-toroq u l-qafas il-ġdid ta' politika tal-UE dwar is-sikurezza fit-toroq 2021-2030; jistieden lill-Istati Membri joħolqu fondi nazzjonali għas-sikurezza fit-toroq bħala mekkaniżmi għall-ġbir tal-multi abbażi tal-kodiċijiet tat-traffiku tagħhom u għar-ridistribuzzjoni tal-flus miġbura għas-sikurezza fit-toroq; jistieden lill-Kummissjoni testendi għall-Istati Membri kollha l-programm ta' Skambju tas-Sikurezza tat-Toroq tal-UE, li huwa mfassal biex itejjeb il-prestazzjoni tas-sikurezza fit-toroq iżda attwalment jiffoka fuq sitt Stati Membri biss;
5. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu osservatorji nazzjonali għas-sikurezza fit-toroq biex jiġbru, jipproċessaw u jżommu bażi tad-data nazzjonali dwar is-sikurezza fit-toroq; jitlob lill-Istati Membri jallinjaw l-istrateġiji nazzjonali tagħhom għas-sikurezza fit-toroq mal-objettivi tal-qafas ta' politika tal-UE dwar is-sikurezza fit-toroq 2021-2030 u biex jindirizzaw, malajr kemm jista' jkun, dan in-nuqqas;
Infrastruttura sikura
6. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jagħtu prijorità lill-investimenti li jipproduċu l-akbar benefiċċji f'termini ta' sikurezza fit-toroq, billi jiffokaw b'mod partikolari fuq iż-żoni bl-ogħla għadd ta' inċidenti, inklużi investimenti fiż-żamma tal-infrastruttura eżistenti bħala prijorità u fil-kostruzzjoni ta' infrastruttura ġdida, fejn meħtieġ; jilqa' l-fatt li l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa 2021-2027 tipprevedi finanzjament fi proġetti ta' infrastruttura u mobilità sikuri u siguri, inkluża s-sikurezza fit-toroq; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tippromwovi l-opportunitajiet ta' finanzjament tal-UE permezz tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, il-fondi reġjonali u ta' koeżjoni, InvestEU u l-Pjattaforma għal Trasport Aktar Sikur imnedija mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), speċjalment fl-Istati Membri bi prestazzjoni relattivament fqira tas-sikurezza fit-toroq; jisħaq fuq l-importanza li l-kriterji ta' eliġibbiltà għal dawk l-istrumenti jiġu magħmula aktar ċari għall-azzjonijiet tas-sikurezza fit-toroq; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja u tħeġġeġ lill-Istati Membri jinvestu f'network tat-trasport aktar sikur, aktar sostenibbli, reżiljenti u multimodali permezz tal-pjanijiet nazzjonali tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza; jistieden lill-Kummissjoni biex fir-reviżjoni tar-Regolament dwar in-Network Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T)[5] tistabbilixxi l-bażijiet għal deċiżjonijiet futuri dwar l-investiment fis-sikurezza fit-toroq, inkluża l-implimentazzjoni ta' pjan ta' monitoraġġ tan-network ewlieni dwar il-manutenzjoni fil-livell tal-UE;
7. Jenfasizza li valutazzjoni proattiva tan-network tat-toroq tal-UE se tkun għodda utli għall-valutazzjoni tas-sikurezza integrata tat-toroq u biex l-investiment jitpoġġa fil-mira; jilqa', f'dan ir-rigward, l-immappjar tar-riskju u l-klassifikazzjoni tas-sikurezza tal-awtostradi u t-toroq primarji introdotti fir-regoli tal-UE dwar is-sikurezza tal-infrastruttura[6] li ġew riveduti dan l-aħħar u jistieden lill-Istati Membri jiddeżinjaw kemm jista' jkun toroq primarji fit-territorju tagħhom biex iżidu l-potenzjal ta' sikurezza fit-toroq tad-direttiva l-ġdida; jistieden lill-Istati Membri biex, f'konformità mad-direttiva, jistabbilixxu sistemi nazzjonali għar-rappurtar volontarju, li għandhom ikunu aċċessibbli online u disponibbli għall-utenti kollha tat-toroq, sabiex jiġi ffaċilitat il-ġbir tad-data tal-okkorrenzi trażmessi mill-utenti tat-toroq u l-vetturi u kwalunkwe informazzjoni oħra relatata mas-sikurezza meqjusa mill-awtur tar-rapport bħala periklu effettiv jew potenzjali għas-sikurezza tal-infrastruttura tat-toroq, bil-ħsieb li jiġi żgurat li ċ-ċittadini tal-UE jagħtu kontribut trasparenti, immedjat u dirett għas-sikurezza; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaqblu malajr kemm jista' jkun dwar metodoloġija biex jitwettqu valutazzjonijiet sistematiċi tat-toroq fin-network kollu kif rikjest mir-reviżjoni tal-att imsemmi hawn fuq, inkluż kwalunkwe aspett li huwa importanti għas-sikurezza tal-utenti attivi tat-triq;
8. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħaffu l-ħidma fuq l-ispeċifikazzjonijiet tal-UE għall-prestazzjoni tas-sinjali u l-immarkar tat-toroq sabiex iħejju l-bażi għal awtomatizzazzjoni akbar tal-vetturi; ifakkar fl-importanza tal-prestazzjoni tas-sinjali u l-immarkar tat-toroq, inklużi t-tqegħid, il-viżibbiltà u r-retroriflettività tagħhom, b'mod partikolari għall-effikaċja tas-sistemi ta' assistenza għas-sewwieqa, bħall-assistenza intelliġenti tal-veloċità u s-sistemi għaż-żamma tal-korsija; jenfasizza l-importanza li l-infrastruttura tintuża biex jinbnew toroq awtoevidenti, li jgħinu lis-sewwieq awtomatikament fis-sikurezza, u "li jaħfru" għas-sikurezza tal-parteċipanti kollha tat-traffiku fit-toroq, b'mod partikolari f'żoni perikolużi jew f'żoni b'għadd sinifikanti ta' utenti vulnerabbli tat-triq;
9. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jfasslu rekwiżiti tal-kwalità għall-infrastruttura tal-mixi u taċ-ċikliżmu sabiex jiġi indirizzat il-livell insuffiċjenti tas-sikurezza għall-utenti attivi tat-triq; jistieden lill-Kummissjoni tfassal kurrikuli komuni tal-UE għall-awdituri u l-ispetturi tal-infrastruttura tat-toroq, inkluż taħriġ speċifiku dwar il-ħtiġijiet tal-utenti vulnerabbli tat-triq, bħala parti mill-forum il-ġdid tagħha ta' awdituri Ewropej tas-sikurezza fit-toroq;
10. Jinnota li l-utenti tat-triq b'mobilità mnaqqsa u b'diżabilitajiet oħra għandhom bżonnijiet speċjali li għandhom jitqiesu fl-ippjanar u fil-bini ta' infrastruttura ġdida tat-toroq; jistieden lill-Istati Membri jsostnu l-investimenti fi proġetti li għandhom l-għan li jagħmlu l-infrastruttura tat-toroq inklużiva u aċċessibbli għal kulħadd;
11. Jinnota li, f'konformità mal-aħħar reviżjoni tar-regoli tal-UE dwar is-sikurezza tal-infrastruttura, il-Kummissjoni hija marbuta li tikkunsidra li tirrevedi d-Direttiva 2004/54/KE dwar il-ħtiġiet minimi tas-sigurtà għall-mini[7] sal-2021 u li tikkunsidra l-adozzjoni ta' proposta leġiżlattiva ġdida dwar ir-rekwiżiti minimi tas-sikurezza għall-pontijiet; jistieden lill-Kummissjoni tkompli ttejjeb l-użu sikur tal-mini billi, fost l-oħrajn, torganizza kampanji ta' sensibilizzazzjoni u billi twettaq studji rilevanti;
12. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu grupp ta' esperti biex ifasslu qafas għall-klassifikazzjoni tat-toroq li jqabbel aħjar il-limitu tal-veloċità mad-disinn u t-tqassim tat-toroq f'konformità mal-approċċ tas-sistema sikura;
13. Jappella għal miżuri biex tissaħħaħ aktar is-sikurezza fit-toroq fin-nodi urbani u suburbani u fiż-żoni rurali u biex tittejjeb is-sikurezza operazzjonali tul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-infrastruttura kritika bħall-mini u l-pontijiet, filwaqt li jiġi kkunsidrat ukoll l-użu ta' teknoloġiji ta' monitoraġġ ġodda għal infrastruttura vulnerabbli, u biex jiġu definiti objettivi ta' sikurezza speċifiċi u rekwiżiti ta' kwalità fir reviżjoni li jmiss tar-Regolament TEN-T;
14. Jistieden lill-Istati Membri jirrikonoxxu l-importanza ta' bidla modali lejn modi attivi bħall-mixi u ċ-ċikliżmu u ta' mezzi tat-trasport pubbliku sostenibbli bħala għodod importanti biex jitnaqqas il-periklu fit-toroq, u biex jiġu allokati investimenti adegwati għal dan il-għan; jilqa', f'dan ir-rigward, it-tnedija tal-inizjattiva Pjattaforma għal Trasport Aktar Sikur, li titlob b'mod espliċitu faċilitajiet aħjar għal trasport sostenibbli, inkluż għaċ-ċiklisti u għall-persuni miexja, u għal proġetti ta' mitigazzjoni tal-inċidenti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-BEI jniedu kampanji ta' sensibilizzazzjoni u ta' informazzjoni sabiex jiġi żgurat li l-partijiet ikkonċernati kollha jkunu infurmati tajjeb dwar il-kundizzjonijiet tal-użu tagħha;
15. Jappella għal aktar sinerġiji bejn in-network ta' itinerarji ċiklabbli Ewropej EuroVelo u t-TEN-T biex l-infrastruttura taċ-ċikliżmu ssir aktar sikura u tkun konnessa aħjar; jisħaq fuq l-importanza li jiġu żgurati mogħdijiet kontinwi għall-mixi u għaċ-ċikliżmu fil-proġetti TEN-T, fejn ikun fattibbli; jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi r-rikonverżjoni ta' linji ferrovjarji li m'għadhomx jintużaw u tappoġġja attivament il-proġetti li jipprevedu l-użu tar-roti u l-ferroviji, u l-intermodalità; jinnota li forom ġodda ta' infrastruttura, bħal linji ta' waqfien avvanzati, "bike boxes", toroq għar-roti jew awtostradi għar-roti joffru possibbiltajiet ġodda għal mobilità attiva sikura; jenfasizza l-ħtieġa li ssir ħidma biex jiġu armonizzati u infurzati r-regoli dwar is-sinjali u l-immarkar tat-toroq sabiex tiġi evitata l-konfużjoni u jiżdiedu s-sikurezza u l-faċilità tal-użu;
16. Jemmen li l-Kummissjoni għandha tagħmel l-almu tagħha biex tiżgura li l-infrastruttura taċ-ċikliżmu u l-mixi introdotta mill-Istati Membri b'rispons għall-pandemija tal-COVID-19 tibqa' teżisti u tiġi estiża sabiex jippromwovu aktar l-ivvjaġġar attiv sikur;
17. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu mill-qrib mar-reġjuni u l-bliet biex jikkompletaw kwalunkwe infrastruttura taċ-ċirkwit lokali li jonqos u l-konnessjonijiet intermodali u transkonfinali mat-TEN-T kollu, biex b'hekk tiżgura użu aktar effiċjenti u mingħajr xkiel tal-infrastruttura u s-servizzi u ttejjeb is-sikurezza fit-toroq;
Vetturi sikuri
18. Jilqa' r-reviżjoni reċenti tar-Regolament dwar is-Sikurezza Ġenerali, li se tagħmel obbligatorji fl-UE, mill-2022, karatteristiċi tas-sikurezza avvanzati ġodda fil-vetturi bħall-assistenza intelliġenti tal-veloċità u s-sistemi ta' emerġenza għaż-żamma tal-korsija, bil-potenzjal li jiġu salvati madwar 7 300 ħajja u jiġu evitati 38 900 korriment serju sal-2030; jistieden lill-Kummissjoni tadotta leġiżlazzjoni sekondarja ambizzjuża u f'waqtha, li għandha tirrikjedi wkoll li sistemi tal-assistenza intelliġenti tal-veloċità bi prestazzjoni għolja jiġu installati fil-vetturi l-ġodda kollha; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tikkunsidra l-applikazzjoni prattika li tagħmilha obbligatorja li l-muturi jiġu mgħammra b'dawn is-sistemi u l-fattibbiltà, l-aċċettabbiltà u l-implikazzjonijiet possibbli għas-sikurezza fit-toroq ta' assistenza intelliġenti tal-veloċità tal-ġenerazzjoni li jmiss għall-karozzi, il-vannijiet, it-trakkijiet u x-xarabanks;
19. Ifakkar fl-importanza tal-innovazzjoni fit-teknoloġija tal-vetturi, li tista' tgħin kemm biex ittaffi s-severità tal-ħabtiet kif ukoll biex tnaqqas il-probabbiltà ta' ħabtiet permezz ta' karatteristiċi ta' sikurezza attivi u passivi; jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-istandards futuri tal-vetturi tal-passiġġieri fid-dawl ta' żviluppi teknoloġiċi ġodda u tqis il-fatturi li jistgħu jaffettwaw is-sikurezza fit-toroq bħall-massa, il-qawwa, il-veloċità u d-daqs taż-żona frontali;
20. Jistieden lill-Kummissjoni tagħmilha obbligatorja li l-muturi jiġu mgħammra b'sistemi antilokk tal-ibbrejkjar fir-reviżjoni li jmiss tal-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi tal-kategorija L; jistieden lill-Kummissjoni testendi l-kategoriji ta' vetturi li għalihom l-installazzjoni tal-eCall hija obbligatorja, b'mod partikolari fir-rigward ta' vetturi motorizzati b'żewġ roti;
21. Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tiżviluppa r-rekwiżiti tal-approvazzjoni tat-tip tal-vetturi rigward ir-reżistenza għall-ħbit u tinkludihom fir-reviżjonijiet leġiżlattivi futuri; dawn għandhom jinkorporaw ukoll l-aħħar kriterji tat-testijiet tal-ħbit tal-Euro NCAP li jimmonitorjaw l-impatt ta' kolliżjoni ma' vetturi oħra u utenti vulnerabbli tat-triq, bil-għan li tinkiseb armonizzazzjoni tal-istandards minimi u tas-sikurezza tal-passiġġieri;
22. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw lill-bliet fl-istabbiliment ta' bażijiet tad-data dwar il-limitu ta' veloċità sabiex jippromwovu l-introduzzjoni tat-teknoloġija tal-assistenza intelliġenti tal-veloċità, kif meħtieġ skont ir-Regolament dwar is-Sikurezza Ġenerali;
23. Jisħaq li l-periklu u l-frekwenza ta' inċidenti bejn trakkijiet u utenti vulnerabbli tat-triq jistgħu jitnaqqsu b'mod sinifikanti permezz tal-użu mifrux ta' assistenti tat-tidwir; jenfasizza li l-assistenti tat-tidwir se jsiru obbligatorji għal tipi ġodda ta' trakkijiet fl-2022 u għat-trakkijiet il-ġodda kollha fl-2024; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi programm ta' azzjoni Ewropew dwar l-assistenti tat-tidwir biex tippromwovi l-benefiċċji ta' din it-teknoloġija u tħeġġeġ lill-partijiet ikkonċernati biex volontarjament jgħammru vetturi ġodda u dawk eżistenti b'assistenti tat-tidwir malajr kemm jista' jkun; ifaħħar l-inizjattivi li jappoġġjaw l-introduzzjoni volontarja ta' assistenti tat-tidwir obbligatorji; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu appoġġ finanzjarju għall-installazzjoni ta' assistenti tat-tidwir fil-vetturi l-ġodda u f'dawk eżistenti;
24. Jissottolinja li l-manipulazzjoni u l-frodi fil-karatteristiċi tas-sikurezza elettronika, bħas-sistemi avvanzati ta' assistenza fis-sewqan, jirrappreżentaw riskju kunsiderevoli għas-sikurezza u għalhekk għandhom jiġu indirizzati permezz ta' taħriġ speċifiku għall-ispetturi li jikkontrollaw l-integrità tas-software;
25. Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa standards għall-manikini tat-testijiet tal-ħbit li jkunu aktar rappreżentattivi ta' varjetà ta' aspetti bħall-età, il-ġeneru, id-daqs u l-istatura għall-utenti kemm ġewwa kif ukoll barra l-vettura;
26. Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu inċentivi fiskali u jistieden lill-assiguraturi privati joffru skemi attraenti ta' assigurazzjoni tal-vetturi għax-xiri u l-użu ta' vetturi bl-ogħla standards ta' sikurezza; jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-leġiżlazzjoni dwar is-sistemi ta' stikers tal-karozzi sabiex tinkludi informazzjoni addizzjonali fil-punt tal-bejgħ u b'mod diġitali dwar il-klassifikazzjoni tas-sikurezza ta' vetturi ġodda;
27. Jilqa' r-rekwiżit li t-tfakkiriet taċ-ċinturin tas-sikurezza għas-seats kollha jsiru obbligatorji skont ir-Regolament rivedut dwar is-Sikurezza Ġenerali u jistieden lill-Kummissjoni tfassal standards għar-rekwiżiti ta' informazzjoni dwar il-parametri tas-sikurezza tas-sistemi tal-irbit tat-tfal; jistieden lill-Istati Membri jniedu kampanji ta' sensibilizzazzjoni għall-ġenituri u l-kustodji dwar is-sikurezza tat-tfal fit-trasport bit-triq sabiex ikomplu jippromwovu s-sensibilizzazzjoni dwar il-ħtieġa li jintużaw iċ-ċintorini tas-sikurezza, inkluż fis-seats ta' wara, fid-dawl tar-riski għas-sikurezza għall-okkupanti tal-vetturi fil-ħafna vetturi li qed jintużaw bħalissa – u li se jibqgħu jintużaw fis-snin li ġejjin – li ma għandhomx tali teknoloġija ta' tfakkira għaċ-ċinturini tas-sikurezza;
28. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, f'konformità mar-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-27 ta' April 2021 dwar ir-rapport ta' implimentazzjoni dwar l-aspetti tas-sikurezza fit-toroq tal-Pakkett dwar l-Affidabbiltà Stradali, biex tqis kif xieraq il-progress tekniku fil-karatteristiċi tas-sikurezza tal-vetturi previsti fir-Regolament il-ġdid dwar is-Sikurezza Ġenerali u biex tinkludi sistemi avvanzati tas-sikurezza fl-ambitu tar-reviżjoni li jmiss tal-Pakkett dwar l-Affidabbiltà Stradali biex tiżgura li dawn jiġu ċċekkjati matul l-ispezzjonijiet tekniċi perjodiċi; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti biex, f'dan ir-rigward, jiżguraw taħriġ addizzjonali, titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid għall-ispetturi li jwettqu l-ispezzjonijiet tekniċi perjodiċi; jappella għal rekwiżiti aktar stretti ta' awtodijanjożi tal-vetturi għall-prevenzjoni ta' funzjonament ħażin tas-sistemi avvanzati ta' assistenza fis-sewqan, meta dawn huma mfassla biex itejbu s-sikurezza, u minflok eventwalment isiru ta' periklu;
29. Jiddispjaċih dwar il-fatt li d-dispożizzjonijiet fil-Pakkett dwar l-Affidabilità Stradali relatati mal-ispezzjoni tal-irbit tal-merkanzija mhumiex obbligatorji; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi t-tisħiħ ta' dawn id-dispożizzjonijiet matul ir-reviżjoni tal-pakkett li jmiss;
30. Jisħaq li huma meħtieġa aktar sforzi għall-prevenzjoni tal-frodi tal-odometri u b'hekk jiġu żgurati l-kwalità u s-sikurezza tal-vetturi użati; jistieden lill-Istati Membri, għalhekk, biex jagħmlu użu mis-sistema ta' skambju tal-qari tal-odometru żviluppata mid-Direttorat Ġenerali għall-Mobilità u t-Trasport (DĠ MOVE) tal-Kummissjoni, il-pjattaforma MOVEHUB tal-UE u l-modulu ODOCAR tagħha b'riżultat tal-proġett pilota propost mill-Parlament dwar sistema Ewropea għal-limitazzjoni tal-frodi tal-odometru (OREL);
31. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi qafas regolatorju armonizzat ġdid għall-karozzi awtomatizzati sabiex tiżgura, permezz ta' testijiet komprensivi, inklużi kundizzjonijiet reali tas-sewqan, li l-karozzi awtomatizzati jkunu joperaw b'mod assolutament sikur għas-sewwieqa tagħhom u għall-utenti l-oħra tat-triq, b'mod partikolari fir-rigward tal-interazzjoni tagħhom ma' vetturi konvenzjonali u utenti vulnerabbli tat-triq;
32. Jesiġi li l-Kummissjoni tivvaluta, sadanittant, ir-riskji għas-sikurezza fit-toroq tas-sistemi ta' sewqan assistiti attwalment disponibbli, bħad-dipendenza żejda u d-distrazzjoni min-naħa tas-sewwieqa; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-introduzzjoni ta' rekwiżit biex it-tagħmir mobbli u elettroniku tas-sewwieqa jiġi mgħammar b'"modalità ta' sewqan sikur" u l-installazzjoni standard ta' għodod teknoloġiċi oħra biex jitnaqqsu d-distrazzjonijiet waqt is-sewqan;
33. Jenfasizza l-fatt li, kif jindika l-pjan ta' azzjoni strateġika tal-UE dwar is-sikurezza fit-toroq tal-Kummissjoni, l-akkwist pubbliku jippreżenta opportunità interessanti biex tiġi influwenzata b'mod pożittiv is-sikurezza fit-toroq; jistieden lill-Kummissjoni tqis b'mod espliċitu l-fatt li l-aktar offerti ekonomikament vantaġġużi fl-akkwist pubbliku tas-servizzi tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri bit-triq għandhom jiġu vvalutati abbażi tal-aħjar proporzjon bejn il-prezz u l-kwalità, u li dan għandu jinkludi wkoll is-sikurezza tal-vetturi, l-innovazzjoni, il-kwalità, is-sostenibbiltà u kwistjonijiet soċjali; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet kontraenti jikkunsidraw l-aspetti tas-sikurezza bħala wieħed mill-kriterji ewlenin meta jingħataw kuntratti pubbliċi għas-servizzi tat-trasport bit-triq;
34. Jinnota li apparati ta' mobilità personali ġodda wkoll iqajmu tħassib serju relatat mhux biss mas-sikurezza tal-apparati nnifishom, iżda wkoll mal-użu sikur tagħhom fit-traffiku; jiddispjaċih li huma biss ftit l-Istati Membri li introduċew leġiżlazzjoni dwar din il-kwistjoni u li n-nuqqas ta' armonizzazzjoni fl-UE jista' joħloq konfużjoni u jagħmilha diffiċli għall-viżitaturi li jirrispettaw ir-regoli lokali; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra qafas ta' approvazzjoni tat-tip għal dawn l-apparati ta' mobilità ġodda u toħroġ linji gwida għall-Istati Membri dwar il-ġestjoni ta' aspetti tas-sikurezza, inklużi regoli tat-traffiku għall-użu sikur ta' tali apparati; ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri dwar il-ħtieġa li jiġu implimentati kampanji tal-UE u nazzjonali ta' sensibilizzazzjoni u ta' edukazzjoni dwar l-użu sikur ta' apparati ta' mikromobilità, b'enfasi partikolari fuq l-utenti vulnerabbli tat-triq, bħat-tfal, l-anzjani jew il-persuni b'mobilità mnaqqsa; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiskambjaw l-aħjar prattiki dwar kif jista' jittejjeb l-użu sikur ta' apparati ta' mikromobilità;
35. Jistieden lill-Kummissjoni taġġorna r-rekwiżiti tal-bażi tad-data tal-UE dwar inċidenti tat-triq (CARE) u tinkorpora l-identifikazzjoni ta' kolliżjonijiet ta' apparati ta' mikromobilità, bħal e-scooters u mezzi oħra assistiti bl-elettriku; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw miżuri preventivi konkreti ta' sikurezza fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali abbażi tal-informazzjoni fil-bażi tad-data CARE;
Użu sikur tat-toroq
36. Jinnota li skont studju tal-Kummissjoni, huwa stmat li l-alkoħol huwa involut f'madwar 25 % tal-imwiet kollha fit-toroq, filwaqt li d-drogi huma involuti fi 15 % tal-imwiet fit-toroq[8]; jinnota li r-rakkomandazzjoni tal-UE dwar il-kontenut permess ta' alkoħol fid-demm tmur lura għall-2001; jistieden lill-Kummissjoni taġġorna r-rakkomandazzjonijiet tagħha u tinkludi fihom limitu ta' tolleranza żero għas-sewqan taħt l-influwenza tax-xorb, u tintroduċi rakkomandazzjoni tal-UE għal tolleranza żero fir-rigward ta' drogi psikoattivi illeċiti u standards dwar l-infurzar tal-liġi fit-toroq rigward is-sewqan taħt l-influwenza tax-xorb; jirrimarka li l-armonizzazzjoni tal-livell tal-alkoħol fid-demm permess fl-UE għall-kategoriji kollha tal-vetturi se jiffaċilita l-paraguni skont il-KPIs fir-rigward tas-sobrjetà fit-toroq; jistieden lill-Kummissjoni tfassal linji gwida dwar it-tikkettar tal-mediċini li jaffettwaw il-kapaċità tan-nies li jsuqu vettura u tniedi kampanji ta' informazzjoni biex jissensibilizzaw is-servizzi mediċi, inklużi t-tobba tal-familja, f'dan il-qasam; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi wkoll fir-rakkomandazzjonijiet riveduti gwida dwar l-installazzjoni ta' tagħmir li jidentifika l-użu tal-alkoħol, b'enfasi speċjali fuq it-trasgressuri reċidivi, it-trasgressuri tal-ewwel darba misjuba b' livell għoli u s-sewwieqa professjonali kollha;
37. Jinnota li l-veloċità eċċessiva hija fattur ewlieni f'madwar 30 % tal-ħabtiet fatali fit-toroq u fattur aggravanti fil-biċċa l-kbira tal-ħabtiet; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi rakkomandazzjoni biex jiġu applikati limiti ta' veloċità sikuri, f'konformità mal-approċċ ta' sistema sikura għat-tipi kollha ta' toroq, bħal veloċitajiet uniformi massimi ta' 30 km/h f'żoni residenzjali u f'żoni fejn hemm għadd kbir ta' ċiklisti u persuni miexja, bil-possibbiltà ta' limiti ogħla f'toroq arterjali ewlenin bi protezzjoni xierqa għall-utent vulnerabbli tat-triq; jistieden lill-Istati Membri jagħtu prijorità lill-investiment fl-infurzar tal-veloċità u fil-komunikazzjoni ta' kwalità għolja dwar iċ-ċentralità tal-veloċità u l-ġestjoni tal-veloċità; jistieden lill-Istati Membri japplikaw penali li jiskoraġġixxu l-veloċità eċċessiva, inklużi sistemi ta' punti penali, u jikkunsidraw l-introduzzjoni ta' korsijiet ta' sensibilizzazzjoni dwar il-veloċità għar-riabilitazzjoni tat-trasgressuri reċidivi;
38. Jinnota li skont l-istimi tal-Kummissjoni[9], kull sena jiġu individwati 10 miljun reat tat-traffiku maġġuri fl-UE relatati mal-veloċità eċċessiva, is-sewqan fuq dawl aħmar u sewqan taħt l-influwenza tax-xorb imwettqa minn persuni mhux residenti; jirrikonoxxi l-progress li sar fl-istabbiliment ta' qafas għall-infurzar transkonfinali ta' reati tat-traffiku sa mill-2015, iżda jiddispjaċih li l-qafas eżistenti dwar l-infurzar transkonfinali ta' reati tat-traffiku stabbilit fid-Direttiva dwar l-Infurzar Transkonfinali ma jiżgurax b'mod adegwat l-investigazzjoni sabiex jiġu infurzati l-penali jew jiġu rikonoxxuti deċiżjonijiet dwar il-penali; jemmen li infurzar transkonfinali aħjar tar-regoli tat-traffiku fit-toroq iżid il-konformità ma' tali regoli u jservi ta' deterrent, u b'hekk inaqqas l-imġiba perikoluża u jtejjeb is-sikurezza fit-toroq; jistieden lill-Kummissjoni biex, f'dan ir-rigward, tindirizza l-kwistjonijiet imsemmija hawn fuq fir-rieżami li jmiss tad-direttiva, biex tivvaluta l-kwistjoni tar-rikonoxximent reċiproku tal-iskwalifiki mis-sewqan u l-punti penali, u tirrevedi l-kamp ta' applikazzjoni tad-direttiva biex tinkludi l-infurzar tal-pedaġġi għall-prevenzjoni tas-sewqan perikoluż u ż-żamma tal-kwalità tal-infrastruttura;
39. Ifakkar li d-Direttiva dwar il-Liċenzji tas-Sewqan stabbiliet mudell ta' liċenzja armonizzat tal-UE u introduċiet rekwiżiti minimi għall-kisba ta' liċenzji; jinnota li d-direttiva jeħtieġ li tinżamm aġġornata fir-rigward tal-iżviluppi teknoloġiċi ġodda fit-teknoloġija tal-vetturi u tal-infrastruttura u fl-awtomatizzazzjoni tal-vetturi u fil-kurrikuli tat-taħriġ, speċjalment għas-sewwieqa professjonali; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa standards minimi għat-taħriġ tas-sewwieqa u l-edukazzjoni dwar is-sikurezza tat-traffiku, filwaqt li tallinja gradwalment il-forma, il-kontenut u l-eżiti tal-korsijiet tas-sewqan madwar l-UE, u tikkunsidra li tinkludi, fir-reviżjoni li jmiss tad-direttiva, il-matriċi tal-Għanijiet għall-Edukazzjoni tas-Sewwieq (GDE) li għandha tliet kategoriji: l-għarfien u l-ħiliet, l-aspetti li jżidu r-riskji u l-awtovalutazzjoni; jappella, barra minn hekk, għall-introduzzjoni ta' sistema ta' liċenzjar gradwata li tħeġġeġ lis-sewwieqa l-ġodda jiksbu aktar esperjenza f'ħiliet aktar kumplessi bħat-traffiku viżibbli, l-awtovalutazzjoni u l-perċezzjoni tal-periklu u biex jiġu limitati ċerti attivitajiet ta' riskju għoli bħas-sewqan billejl u bil-passiġġieri, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet ta' mobilità tal-persuni li jgħixu f'żoni remoti u b'aċċess limitat għat-trasport pubbliku; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tarmonizza aktar l-istandards minimi għall-ħarrieġa tas-sewqan ta' vetturi varji, inkluż taħriġ perjodiku, taħriġ dwar il-perċezzjoni tal-perikli, edukazzjoni minima aktar stretta u ħiliet ta' komunikazzjoni; jinnota bi tħassib li każijiet ta' ħruġ irregolari ta' liċenzji tas-sewqan ġew irrappurtati f'diversi Stati Membri u jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja din il-kwistjoni;
40. Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-possibbiltà li t-taħriġ u t-testijiet teoretiċi u prattiċi jsiru obbligatorji biex tinkiseb liċenzja tas-sewqan għall-kategoriji kollha ta' vetturi motorizzati b'żewġ roti;
41. Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa KPIs dwar l-għoti ta' edukazzjoni dwar is-sikurezza tat-traffiku u l-mobilità fl-Istati Membri, u tiżviluppa għodod tal-UE għat-tfassil, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-edukazzjoni dwar is-sikurezza tat-traffiku u l-mobilità. iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jiżguraw l-għoti ta' edukazzjoni ta' kwalità għolja dwar is-sikurezza fit-toroq, li għandha tibda mill-iskola u tkun parti mit-tagħlim kontinwu tul il-ħajja;
42. Jinnota li l-pandemija tal-COVID-19 wasslet għall-espansjoni tas-settur tal-konsenja fid-djar u speċifikament tal-użu tal-vannijiet, tal-vetturi motorizzati b'żewġ roti, bħall-mopeds, u tar-roti, filwaqt li tat spinta lit-tipi ġodda ta' xogħol fuq pjattaforma diġitali u mudelli ġodda ta' negozju; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li s-sewwieqa professjonali tal-vannijiet jgħaddu minn taħriġ xieraq u tindirizza l-kwistjoni tal-għeja u ta' veloċità eċċessiva tas-sewwieqa tal-vannijiet, b'mod partikolari b'riżultat taż-żieda kbira fl-għadd ta' konsenji fid-djar; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tikkunsidra li tirrestrinġi s-sistema tal-ittestjar tal-affidabilità stradali u tintroduċi l-obbligu ta' kontrolli addizzjonali għall-vannijiet użati mill-fornituri tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti ladarba jkun intlaħaq kilometraġġ speċifiku, u tikkunsidra li testendi dan l-obbligu għal vetturi oħra f'dawn il-kategoriji użati għal skopijiet kummerċjali ulterjuri bħala parti mir-reviżjoni tal-Pakkett dwar l-Affidabbiltà Stradali; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi l-introduzzjoni ta' rakkomandazzjoni dwar is-sikurezza tal-persunal tal-konsenja, inklużi rekwiżiti għal min iħaddem u għall-kumpaniji biex jiġu żgurati l-forniment u l-użu ta' tagħmir ta' sikurezza u vetturi sikuri, kif ukoll taħriġ fl-għodod diġitali li jaf ikollhom jużaw, bħal applikazzjonijiet u pjattaformi interattivi;
43. Jesprimi tħassib serju dwar l-għeja tas-sewwieqa fit-trasport kummerċjali tal-merkanzija u tal-passiġġieri bħala kawża ta' inċidenti tat-triq; jistieden lill-Kummissjoni biex, f'dan ir-rigward, tiżgura li d-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE dwar is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema[10] tiġi implimentata kif xieraq fir-rigward tal-aspetti tas-sikurezza fit-toroq; jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi KPI għall-għeja tas-sewwieqa fit-trasport kummerċjali tal-merkanzija u tal-passiġġieri; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-għadd ta' żoni ta' parkeġġ siguri fit-TEN-T u jiżguraw li jiġu adattati għall-ħtiġijiet tas-sewwieqa, u jipprovdu informazzjoni dwar id-disponibbiltà tagħhom permezz ta' sit web aġġornat u faċli għall-utent; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta jekk l-installazzjoni ta' kundizzjonaturi tal-arja jew sistemi ta' kkundizzjonar tal-arja ekwivalenti għall-kabini f'vetturi tqal tal-merkanzija jistax ikollha impatt pożittiv fuq l-għeja tas-sewwieqa u fuq is-sikurezza fit-toroq, meta jitqies li dawn is-sistemi jistgħu jaħdmu indipendentement mill-magna prinċipali;
44. Jenfasizza li r-rispons ta' wara l-ħabta effettiv u komplet jinkludi, minbarra l-kura medika u r-riabilitazzjoni, l-għoti ta' appoġġ mentali u soċjali, ir-rikonoxximent għall-vittmi, u investigazzjoni bir-reqqa biex jiġu identifikati l-kawżi tal-ħabtiet u miżuri għall-prevenzjoni tagħhom fil-futur, kif ukoll proċedimenti kriminali u ċivili fejn xieraq; jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu kollaborazzjoni aktar mill-qrib bejn l-awtoritajiet tagħhom tas-sikurezza fit-toroq u s-settur tas-saħħa biex jinfurzaw l-użu korrett ta' kurituri ta' emerġenza biex jitħaffu l-operazzjonijiet ta' salvataġġ; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, barra minn hekk, jipprovdu finanzjament suffiċjenti għal infrastruttura ta' emerġenza effiċjenti, inklużi servizzi mediċi tal-ajru, b'mod partikolari f'reġjuni remoti, muntanjużi u insulari; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel it-taħriġ tal-ewwel għajnuna obbligatorju fir-reviżjoni futura tad-Direttiva dwar il-Liċenzji tas-Sewqan; jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu l-kunċett ta' kurituri ta' emerġenza fil-kodiċijiet tal-awtostrada nazzjonali tagħhom u jniedu aktar kampanji ta' sensibilizzazzjoni; ifakkar fl-importanza ta' appoġġ ta' segwitu effettiv għall-vittmi;
45. Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw in-networks ta' trawma prinċipali tagħhom u jadottaw linji gwida għall-kooperazzjoni reċiproka sabiex jippermettu lis-servizzi ta' kura ta' emerġenza jittrasportaw lill-pazjenti malajr, inkluż lil hinn mill-fruntieri;
46. Jisħaq li l-infurzar inadegwat tar-regoli tat-traffiku tat-triq jimmina l-isforzi biex tinkiseb Viżjoni Żero; iħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu miri annwali għall-infurzar u l-konformità fil-pjanijiet tagħhom għas-sikurezza fit-toroq u biex jiżguraw il-finanzjament adegwat tagħhom, kif ukoll iwettqu u jippubblikaw segwitu annwali li janalizza l-miri milħuqa u r-riżultati miksuba; jissottolinja li huma biss attivitajiet ta' infurzar spjegati tajjeb, pubbliċizzati sew u konsistenti u l-edukazzjoni bl-infurzar li jista' jkollhom effett dejjiemi fuq l-imġiba fis-sewqan; jinnota li l-effiċjenza tissaħħaħ aktar jekk l-ipproċessar tal-multi għal ksur identifikat ikun fil-biċċa l-kbira awtomatizzat;
47. Jinnota li l-użu ta' mowbajls jew apparat elettroniku ieħor waqt is-sewqan ifixkel il-kapaċità tas-sewqan b'mod sinifikanti u huwa involut f'10 sa 30 % tal-kolliżjonijiet fit-toroq; jistieden lill-Istati Membri jintroduċu penali effettivi, proporzjonati u dissważivi, għall-użu tal-mowbajl, inklużi penali mhux finanzjarji, biex iqajmu kuxjenza dwar ir-riskji involuti u jtejbu l-infurzar;
Qafas adattat għall-futur
48. Jenfasizza li l-fatturi esterni u x-xejriet emerġenti tas-soċjetà jippreżentaw sfidi bla preċedent għas-sikurezza fit-toroq fil-qafas tal-istrateġija tal-UE sal-2030 u lil hinn; jinnota li l-UE għandha twitti t-triq biex vetturi konnessi u awtomatizzati jiġu introdotti fi żmien debitu u għandha tivvaluta r-riskji possibbli li dawn il-vetturi jiġu kkombinati ma' vetturi tradizzjonali fi traffiku mħallat u utenti vulnerabbli tat-triq; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta bis-sħiħ l-impatt fuq it-traffiku fiż-żoni urbani u fuq l-ambjent tal-għadd akbar ta' vetturi awtomatizzati; jenfasizza li jista' jkun meħtieġ li tiġi mmodernizzata l-infrastruttura biex jigi ggarantit li l-vetturi awtomatizzati u semiawtomatizzati joperaw b'mod sikur, filwaqt li tittejjeb ukoll is-sikurezza għall-vetturi konvenzjonali, u b'hekk dan ikun ta' benefiċċju għall-utenti kollha tat-triq;
49. Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu skemi ta' skrappjar tal-vetturi b'kundizzjonijiet ekoloġiċi sabiex jinċentivaw ix-xiri u l-użu ta' vetturi aktar sikuri, nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija u t-tiġdid tal-flotot tal-vetturi pubbliċi u privati; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jwettqu ħidma mal-BEI biex jistudjaw skemi ġodda ta' finanzjament biex jiffaċilitaw l-investiment f'servizzi tat-trasport sikuri u sostenibbli u fi flotot ta' vetturi sikuri u sostenibbli;
50. Jirrimarka li d-data se jkollha rwol ewlieni fit-titjib tas-sikurezza fit-toroq; ifakkar li d-data ta' ġol-vettura hija estremament siewja għall-ġestjoni tat-traffiku, għat-testijiet tal-affidabbiltà stradali u għall-analiżi tal-ħabtiet; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi qafas għall-aċċess tad-data ta' ġol-vetturi lil hinn mis-suq tat-tiswija f'konformità mar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data[11], unikament għall-fini ta' riċerka dwar l-inċidenti u testijiet tal-affidabbiltà stradali; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza tad-data diġitali maħżuna fir-reġistraturi tad-data f'każ ta' avveniment (EDR) għat-twettiq ta' analiżijiet bir-reqqa tal-ħabtiet biex titjieb is-sikurezza fit-toroq; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-elementi kollha tad-data rilevanti għall-analiżi fil-fond tal-ħabtiet u r-riċerka dwar is-sikurezza fit-toroq (inkluż il-post, id-data u l-ħin) ikunu meħtieġa li jiġu rreġistrati u maħżuna mill-EDR;
51. Ifakkar li, għalkemm is-sikurezza fit-toroq hija responsabbiltà kondiviża fost l-atturi u l-awtoritajiet kollha rilevanti fil-livell tal-UE, fil-livell nazzjonali u lokali, l-UE għandha teżerċita tmexxija b'saħħitha biex tiżgura li s-sikurezza fit-toroq tibqa' prijorità fit-trasport bit-triq, biex tgħin sabiex jitnaqqsu d-differenzi fis-sikurezza fit-toroq fost l-Istati Membri u tiżgura li l-UE tibqa' mexxejja globali f'dan il-qasam; jenfasizza r-responsabilità tal-UE li tippromwovi l-kooperazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki ma' pajjiżi terzi, bħar-Renju Unit, sabiex tiġi implimentata d-Dikjarazzjoni ta' Stokkolma dwar is-Sikurezza fit-Toroq; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-objettivi tal-politika tal-UE dwar is-sikurezza fit-toroq japplikaw għall-programmazzjoni esterna rilevanti kollha u jiżviluppaw sistema effikaċi għall-iskambju ta' informazzjoni dwar reati tat-traffiku ma' pajjiżi ġirien li mhumiex fl-UE biex jitjieb l-infurzar, filwaqt li jiġi żgurat li kwalunkwe kondiviżjoni ta' informazzjoni tkun soġġetta għal kundizzjonijiet stretti ta' salvagwardja, awditi u sorveljanza, f'konformità sħiħa mar-regoli applikabbli tal-UE;
52. Jistieden lill-Kummissjoni, fid-dawl tar-reviżjoni li jmiss tal-Pakkett dwar il-Mobilità Urbana, biex tippromwovi sinerġiji bejn il-miżuri ta' sikurezza u ta' sostenibbiltà fiż-żoni urbani; jitlob, f'dan ir-rigward, li tingħata prijorità mill-ġdid lill-infrastruttura tat-trasport f'żoni urbani, inkluż l-għoti ta' skop ġdid lill-ispazji pubbliċi, lil hinn mit-trasport motorizzat individwali u favur it-trasport pubbliku u l-modi tat-trasport sostenibbli, aktar sikuri u aktar tajbin għas-saħħa bħat-trasport pubbliku, il-mixi u ċ-ċikliżmu, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet speċjali tal-utenti vulnerabbli tat-triq, bħat-tfal, il-persuni b'diżabilità u l-persuni anzjani; jinkoraġġixxi investimenti u kofinanzjament akbar permezz tal-istrumenti ta' finanzjament tal-UE għall-parkeġġi u żoni oħra ta' konnettività tal-mobilità fid-dħul ta' żoni urbani, li jipprovdu aċċess faċli għal modi differenti ta' trasport pubbliku, bil-ħsieb tal-ħtieġa li jitnaqqsu l-konġestjoni urbana u l-emissjonijiet tas-CO2; jilqa' l-intenzjoni tal-BEI li jappoġġja programmi ta' investiment ambizzjużi biex jgħin lill-awtoritajiet pubbliċi jrawmu l-mobilità sostenibbli fil-livell lokali u reġjonali, bħal pjanijiet ta' mobilità urbana sostenibbli u proġetti ta' trasport pubbliku; jistieden lill-Kummissjoni tintegra aħjar il-miri u l-azzjonijiet tal-UE dwar is-sikurezza fit-toroq fil-linji gwida dwar il-pjanijiet ta' mobilità urbana sostenibbli permezz tal-monitoraġġ u l-promozzjoni tal-aħjar prattiki, inkluż billi tistabbilixxi indikatur dwar l-użu tal-fondi tal-UE għat-titjib tas-sikurezza tat-toroq urbani b'mod effettiv;
53. Jinnota li ż-żoni rurali jirrappreżentaw madwar 83 % tat-territorju tal-UE u jospitaw 30,6 % tal-popolazzjoni tagħha; jirrimarka li ż-żoni rurali u ż-żoni b'popolazzjoni baxxa b'mod partikolari għandhom nuqqas ta' infrastruttura tat-trasport ta' kwalità u servizzi kollettivi regolari tat-trasport pubbliku, b'impatt dirett fuq is-sikurezza fit-toroq; jinnota wkoll li 54 % tal-imwiet fit-toroq fl-UE jseħħu fit-toroq rurali; jenfasizza li t-titjib fl-aċċessibilità, il-konnettività u s-sikurezza fit-toroq għaż-żoni rurali għandu jkun parti mill-Istrateġija għal Mobilità Sostenibbli u Intelliġenti; jistieden lill-Kummissjoni tqis dan tal-aħħar fil-komunikazzjoni futura tagħha dwar viżjoni fit-tul għaż-żoni rurali;
54. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi promoss approċċ integrat biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Viżjoni Żero u biex titrawwem il-kollaborazzjoni intersettorjali, inkluż l-involviment mal-NGOs, is-soċjetà ċivili, u n-negozji u l-industrija fil-livell reġjonali, nazzjonali u tal-UE; jistieden lill-kumpaniji u lill-SMEs, f'konformità mad-Dikjarazzjoni ta' Stokkolma, iwettqu ħidma għall-kisba tas-sikurezza fit-toroq billi japplikaw prinċipji ta' sistemi sikuri tul il-katini tal-valur kollha tagħhom, inklużi prattiki interni fil-proċessi tal-akkwist, tal-produzzjoni u tad-distribuzzjoni, u jinkludu rappurtar dwar il-prestazzjoni tas-sikurezza fir-rapporti tagħhom dwar is-sostenibbiltà u fis-siti web uffiċjali tagħhom; jistieden ukoll lill-kumpaniji u lill-SMEs, fejn ikun applikabbli, biex joffru taħriġ dedikat dwar is-sikurezza fit-toroq lis-sewwieqa tagħhom, u biex jikkunsidraw li jinkorporaw ir-rwol ta' "maniġer tal-mobilità" biex jikkoordinaw u jottimizzaw il-ħtiġijiet ta' mobilità tal-kumpanija tagħhom għat-trasport tal-prodotti u tal-ħaddiema tul il-katina loġistika kollha;
55. Jistieden lill-Kummissjoni tikkoopera mal-Istati Membri, mas-soċjetà ċivili u ma' partijiet ikkonċernati ewlenin oħrajn dwar l-iżvilupp ta' kultura ta' sikurezza fit-toroq fl-Ewropa kollha; jilqa' t-tnedija tal-Premju tal-UE għas-Sikurezza fit-Toroq Urbani, bħala parti mill-Ġimgħa Ewropea tal-Mobilità u r-rinnovament tal-Karta Ewropea dwar is-Sikurezza fit-Toroq – l-akbar pjattaforma tas-soċjetà ċivili dwar is-sikurezza fit-toroq; jistieden lill-Kummissjoni biex fis-snin li ġejjin torganizza inizjattiva tas-Sena Ewropea tas-Sikurezza fit-Toroq, bħala parti mill-qafas ta' politika tal-UE dwar is-sikurezza fit-toroq 2021-2030; barra minn hekk, fil-kuntest tas-Sena Ewropea tal-Bliet Aktar Ekoloġiċi fl-2022, huwa favur it-twaqqif, il-finanzjament u l-monitoraġġ ta' tikketta ta' "belt aktar sikura", li għandha tkun ibbażata fuq kriterji tal-ogħla standards ta' sikurezza fit-toroq għall-utenti kollha u spazji pubbliċi aktar abitabbli, inklużi kwalità tal-arja aħjar u tnaqqis fl-emissjonijiet tas-CO2;
56. Jirrikonoxxi l-Jum Dinji ta' Tifkira għall-Vittmi tat-Traffiku fit-Toroq, li jsir kull tielet Ħadd ta' Novembru kull sena biex jitfakkru l-ħafna miljuni li nqatlu u ndarbu serjament fit-toroq tad-dinja, bħala ringrazzjament lis-servizzi ta' emerġenza għall-ħidma tagħhom, u biex issir riflessjoni dwar il-piż u l-kost enormi ta' dan id-diżastru kontinwu ta' kuljum għall-familji, il-komunitajiet u l-pajjiżi; jirrikonoxxi formalment dan il-jum u jistieden lill-Kunsill Ewropew u lill-Kummissjoni jagħmlu l-istess billi jorganizzaw attività annwali appoġġjata mit-tliet istituzzjonijiet;
57. Huwa tal-fehma li sabiex jiġu implimentati b'mod xieraq il-passi li jmiss fil-politika tal-UE dwar is-sikurezza fit-toroq taħt l-Istrateġija ta' Mobilità Sostenibbli u Intelliġenti globali, jinħtieġu xi kapaċitajiet ġodda fil-qasam tas-sikurezza fit-toroq, b'mod partikolari fir-rigward tal-funzjonijiet ta' koordinazzjoni, monitoraġġ u evalwazzjoni u appoġġ tekniku għall-istrateġija ġenerali; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tikkunsidra li tistabbilixxi aġenzija Ewropea tat-trasport bit-triq biex tappoġġja trasport bit-triq sostenibbli, sikur u intelliġenti jew – jekk dan ma jkunx fattibbli – biex tgħaddi dan il-kompitu lil xi aġenzija eżistenti;
°
° °
58. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.
NOTA SPJEGATTIVA
1. Kuntest u kunsiderazzjonijiet ġenerali
Kull sena jseħħu kważi miljun ħabta fl-UE. Fl-2019 biss, l-imwiet kienu jammontaw għal 23 000 u kien hemm 120 000 korriment serju. L-għadd ta' mwiet fit-toroq kull ġimgħa fl-UE huwa ekwivalenti għat-tiġrif ta' ajruplan jumbo li jħalli lil kulħadd abbord – madwar 500 persuna – mejjet. Għalkemm l-UE u l-Istati Membri tagħha kisbu progress sostanzjali fis-sikurezza fit-toroq matul dawn l-aħħar deċennji, ir-Rapporteur tirrikonoxxi li dawn in-numri huma xokkanti u jenfasizzaw, bl-aktar mod drammatiku, li s-sikurezza fit-toroq trid tkun prijorità fil-livell politiku, soċjali u personali. Barra minn hekk, dawn iċ-ċifri jirrappreżentaw traġedji li mmissu magħhom u jġibu magħhom prezz għoli għas-soċjetà. Din hija r-raġuni għaliex il-viżjoni fit-tul tal-UE hija li tersaq qrib kemm jista' jkun tal-objettiv ta' żero fatalitajiet fit-trasport bit-triq sal-2050 (Viżjoni Żero).
Ir-rapporteur temmen bis-sħiħ li s-soċjetà tagħna m'għandhiex tibqa' taċċetta l-imwiet u l-korrimenti serji fit-toroq. Id-dritt fundamentali tagħna għall-mobilità m'għandux ikun akkumpanjat minn għadd ta' mwiet fit-toroq, u dan il-prinċipju jeħtieġ li jkun integrat fit-teħid kollu ta' deċiżjonijiet dwar is-sikurezza fit-toroq. F'dan ir-rigward, ir-Rapporteur jiddispjaċiha ħafna għall-istaġnar sinifikanti fl-għadd ta' mwiet u korrimenti serji fit-toroq tal-UE u mill-2013 'l hawn, u li l-mira strateġika tal-"Orjentazzjonijiet ta' Politika dwar is-Sikurezza tat-Triq 2011-2020" biex jitnaqqsu l-imwiet fit-toroq b'50 % bejn l-2010 u l-2020 ma ntlaħqitx. Agħar minn hekk, id-differenzi fil-prestazzjoni tas-sikurezza fit-toroq bejn l-Istati Membri għadhom notevoli u jeħtieġ li jiġu indirizzati b'mod urġenti xejriet u sfidi ġodda fil-mod kif ngħixu u niċċaqalqu, immexxija wkoll mill-progress teknoloġiku.
Minn dan kollu ta' hawn fuq joħroġ ċar il-fatt li għandna triq twila quddiemna u li għad hemm bżonn ta' sforz kbir qabel ma nersqu eqreb lejn l-objettiv ta' Viżjoni Żero. B'mod parallel, huma enfasizzaw ukoll li tinħtieġ bidla fundamentali fil-mod kif nindirizzaw is-sikurezza fit-toroq.
Il-Kunsill Ewropew diġà għamel pass 'il quddiem lejn din id-direzzjoni billi approva d-dikjarazzjoni tal-Belt Valletta f'Marzu 2017, fejn afferma mill-ġdid l-impenji u l-miri fil-qasam tas-sikurezza fit-toroq. Wara l-konklużjonijiet tal-Kunsill, il-Kummissjoni Ewropea adottat approċċ ġdid għas-sikurezza fit-toroq tal-UE għas-snin 2021-2030, filwaqt li affermat mill-ġdid il-viżjoni ambizzjuża fit-tul tagħha u stabbiliet il-miri li tnaqqas b'50 % l-imwiet u – għall-ewwel darba – il-korrimenti serji sal-2030.
Din il-politika kienet inizjalment introdotta mill-Kummissjoni fil-pakkett "L-Ewropa Attiva" u l-Pjan ta' Azzjoni Strateġika dwar is-Sikurezza fit-Toroq li akkumpanjah, f'Mejju 2018. Kważi sena wara, bl-adozzjoni tal-Qafas ta' Politika tal-UE dwar is-Sikurezza fit-Toroq 2021-2030 – Il-passi li jmiss lejn "Viżjoni Żero", il-Kummissjoni stabbiliet kif din il-politika setgħet tissarraf f'azzjoni.
In-novità tal-qafas ta' politika l-ġdid hija l-adozzjoni tal-hekk imsejjaħ approċċ tas"Sistema Sikura", li għandu l-għan li jfassal mill-ġdid il-politika dwar is-sikurezza fit-toroq billi jiffoka fuq il-prevenzjoni tal-imwiet u l-korrimenti serji f'erba' elementi ċentrali: vetturi sikuri, infrastruttura sikura, użu sikur tat-toroq u kura aħjar wara ħabta, u jirrikjedi governanza msaħħa fil-livell tal-UE. Skont l-approċċ tas-"Sistema Sikura", l-imwiet u l-korrimenti serji huma fil-biċċa l-kbira evitabbli anke jekk il-kolliżjonijiet se jkomplu jseħħu.
Għalhekk, wasal iż-żmien li l-Parlament Ewropew iressaq riżoluzzjoni politika dwar is-sikurezza fit-toroq. Dan ir-rapport iservi bħala r-rispons formali tal-Parlament għall-approċċ il-ġdid tal-Kummissjoni msemmi hawn fuq u għall-Qafas ta' Politika tagħha dwar is-Sikurezza fit-Toroq 2021-2030.
F'dan ir-rigward, ir-Rapporteur tilqa' l-Qafas ta' Politika l-ġdid, il-miri ġodda stabbiliti u l-adozzjoni tal-approċċ tas-"Sistema Sikura". Skont ir-Rapporteur, dan il-Qafas ta' Politika akkumpanjat b'rieda politika u b'miżuri kkoordinati fil-livell tal-UE, nazzjonali, reġjonali u lokali, għandu l-potenzjal li jaġixxi bħala għodda prezzjuża fit-treġġigħ lura tal-istaġnar tal-indiċijiet u fil-bini ta' toroq aktar sikuri għal kulħadd, u b'hekk itejjeb il-benesseri soċjali.
Ir-rapport jagħmel analiżi tal-aspetti kollha tal-politika l-ġdida u jipprovdi valutazzjoni dwar kif l-UE beħsiebha timplimenta l-azzjonijiet proposti, filwaqt li jistabbilixxi prijoritajiet politiċi u jissuġġerixxi aktar inizjattivi fil-livell tal-UE u fil-livell nazzjonali.
Fid-dawl ta' ċerti inizjattivi leġiżlattivi tal-Kummissjoni li ġejjin, ir-Rapporteur tappella għall-adozzjoni ta' proposti speċifiċi biex tissaħħaħ is-sikurezza fit-toroq fir-rigward tar-Regolament TEN-T, ir-rieżami tal-Mobilità Urbana, id-Direttiva dwar il-Liċenzji tas-Sewqan, id-Direttiva dwar l-Infurzar Transkonfinali dwar ir-reati relatati mas-sikurezza fit-toroq u l-Pakkett dwar l-Affidabbiltà Stradali.
Barra minn hekk, peress li s-sikurezza fit-toroq hija kompetenza kondiviża, aktar proposti huma ta' inkoraġġiment għall-Kummissjoni biex tadotta rakkomandazzjonijiet intenzjonati għall-Istati Membri. Ta' min jissottolinja li r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar is-sikurezza fit-toroq taw prova tal-fatt li huma għodda siewja biex tingħata spinta lill-bidla fil-politika fl-Istati Membri.
2. Kwistjonijiet ewlenin u pożizzjoni tar-Rapporteur
2.1. Qafas ta' politika tal-UE dwar is-sikurezza fit-toroq 2021-2030 – Il-passi li jmiss lejn "Viżjoni Żero"
Kif intqal hawn fuq, ir-Rapport iħaddan il-Qafas ta' Politika tal-UE dwar is-Sikurezza fit-Toroq 2021-2030, il-miri l-ġodda stabbiliti u l-adozzjoni tal-approċċ tas-"Sistema Sikura".
L-introduzzjoni tal-ewwel sett ta' tmien indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs) se tippermetti analiżi aktar immirata tal-prestazzjonijiet tal-Istati Membri u tidentifika n-nuqqasijiet. Ir-Rapporteur tappella għal miri ta' eżitu marbuta mal-KPI sal-2023 u tħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tagħhom jinvolvu ruħhom bis-sħiħ fil-ġbir ta' din id-data.
L-implimentazzjoni tal-politika tal-UE dwar is-sikurezza fit-toroq tista' tinkiseb biss permezz tal-impenn politiku xieraq u l-allokazzjoni ta' riżorsi finanzjarji adegwati. Abbażi ta' dan, ir-Rapporteur titlob lill-Istati Membri jiddeżinjaw parti mill-baġit nazzjonali tagħhom għas-sikurezza fit-toroq u biex jikkombinawha ma' fondi tal-UE, sabiex jinkisbu riżultati aħjar.
2.2 Infrastruttura sikura
Il-kwalità tal-infrastrutturi kollha relatati mat-toroq u l-livell ta' sikurezza intrinsika tagħhom huwa fattur ewlieni għall-protezzjoni tal-utenti tat-triq. Ir-Rapporteur hija tal-fehma li l-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea għandhom jagħtu prijorità lil dawk l-investimenti li jiġġeneraw l-ogħla benefiċċju f'termini tas-sikurezza fit-toroq meta jipproġettaw jew meta jibnu infrastrutturi ġodda.
Barra minn hekk, l-utent tat-triq għandu jkun konxju tal-kwalità u l-livell ta' sikurezza tagħha. L-ewwel pass importanti ttieħed bl-immappjar tar-riskji u l-klassifikazzjoni tas-sikurezza għall-awtostradi u t-toroq primarji introdotti fir-reviżjoni reċenti tar-regoli tas-sikurezza tal-infrastruttura tal-UE. Madankollu, ir-Rapporteur tisħaq li, abbażi ta' kriterji miftiehma b'mod komuni, it-toroq Ewropej kollha jridu jiġu vvalutati u kklassifikati b'mod sistematiku.
Minbarra dan, ir-reviżjoni li jmiss tar-Regolament TEN-T se tinkludi miżuri biex tkompli tissaħħaħ is-sikurezza fit-toroq fin-nodi urbani u tittejjeb is-sikurezza operattiva tul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-infrastruttura kritika.
2.3 Vetturi sikuri
Li jkun hemm vetturi aktar sikuri fit-toroq huwa element ċentrali ieħor tal-approċċ tas-"Sistema Sikura".
Il-karatteristiċi tekniċi avvanzati fil-vetturi, l-awtomatizzazzjoni u l-mikromobilità huma fost l-isfidi li l-politika tal-UE dwar is-Sikurezza fit-Toroq hija mistennija li tindirizza.
Bir-reviżjoni reċenti tar-Regolament dwar is-Sikurezza Ġenerali, il-karatteristiċi avvanzati tas-sikurezza fil-vetturi, bħall-Assistenza Intelliġenti tal-Veloċità u s-Sistema ta' Żamma tal-Korsija ta' Emerġenza, se jkunu obbligatorji fil-futur qrib ħafna. Ir-Rapporteur tilqa' din ir-reviżjoni, tappella għal leġiżlazzjoni sekondarja ambizzjuża sabiex jinżamm il-pass mal-iżviluppi tekniċi u tappoġġja l-inklużjoni ta' dawn il-karatteristiċi avvanzati tas-sikurezza fil-kamp ta' applikazzjoni tar-reviżjoni li jmiss tal-pakkett dwar l-Affidabbiltà Stradali. Barra minn hekk, ir-Rapporteur tisħaq fuq il-ħtieġa ta' qafas regolatorju armonizzat ġdid għall-karozzi awtomatizzati sabiex jiġi ssalvagwardjat il-fatt li dawn joperaw b'mod sikur.
Fir-rigward tal-apparati ta' mobilità personali, il-Kummissjoni hija mitluba tipprovdi qafas ta' approvazzjoni tat-tip għall-apparati ta' mobilità ġodda u toħroġ linji gwida dwar ir-regoli tat-traffiku u dwar l-użu tagħhom għall-Istati Membri.
2.4 Użu sikur tat-toroq u kura mtejba wara l-ħabta
L-alkoħol huwa involut f'madwar 25 % tal-imwiet fit-toroq kollha u flimkien mal-veloċità eċċessiva huwa wieħed miż-żewġ qattiela ewlenin fit-toroq. Għalhekk, ir-Rapporteur tieħu pożizzjoni ċara favur tolleranza żero fir-rigward tas-sewqan taħt l-influwenza tax-xorb għas-sewwieqa kollha. L-istess prinċipju se japplika wkoll għal drogi psikoattivi illeċiti. B'mod korrispondenti, ir-rapport jappella għal standards dwar l-infurzar ta' kontrolli fit-triq fir-rigward tas-sewqan taħt l-influwenza tad-droga.
Fir-rigward tal-veloċità eċċessiva, ir-Rapporteur hija tal-fehma li l-limiti tal-veloċità sikuri, f'konformità mal-approċċ tas-Sistema Sikura, iridu japplikaw għat-tipi differenti kollha tat-toroq. Eżempju tajjeb ħafna huwa l-veloċitajiet massimi ta' 30 km/h fiż-żoni residenzjali u f'żoni fejn hemm livelli għoljin ta' ċiklisti u persuni miexja. Ħafna bliet Ewropej adottaw din il-prattika tajba, u kisbu riżultati konsiderevoli f'termini tas-sikurezza fit-toroq u tat-titjib fil-kwalità tal-ħajja.
Ir-Rapporteur tissottolinja l-ammont għoli inkwetanti ta' reati tat-traffiku mwettqa minn persuni mhux residenti u tindika l-ħtieġa li tissaħħaħ aktar l-effiċjenza tal-qafas eżistenti għall-infurzar transkonfinali tar-reati tat-traffiku fit-toroq, fir-reviżjoni li jmiss tad-Direttiva.
Ir-Rapporteur tqis ukoll li l-introduzzjoni ta' miżuri biex is-sewwieqa l-ġodda jitħeġġu jiksbu aktar esperjenza, bħala parti mid-Direttiva dwar il-Liċenzji tas-Sewqan, u l-aġġornament kontinwu tagħha mal-iżviluppi teknoloġiċi fil-vetturi u fl-infrastruttura, se jwasslu għal użu aktar sikur tat-toroq.
Il-vannijiet tal-konsenja, il-vetturi motorizzati b'żewġ roti, u r-roti kollha ssibhom madwar it-toroq urbani, peress li s-settur tal-konsenja fid-djar żdied b'mod sostanzjali, anke minħabba l-pandemija tal-COVID-19. Perċentwal kbir tal-ħabtiet fit-toroq huwa marbut direttament mal-kwalità tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tas-sewwieqa professjonali. Għalhekk, ir-Rapporteur tissuġġerixxi li jittieħdu miżuri biex tiġi indirizzata l-għeja tax-xufiera u biex titjieb is-sikurezza tal-persunal tal-konsenja.
Il-kura rapida u effettiva ta' wara l-ħabtiet uriet li hija fattur ewlieni fit-tnaqqis tas-severità tal-korrimenti, f'ħafna każijiet. F'dan ir-rigward, ir-Rapporteur tappella għal kollaborazzjoni aktar mill-qrib bejn l-awtoritajiet tas-sikurezza fit-toroq u s-settur tas-saħħa u għal taħriġ obbligatorju tal-ewwel għajnuna għas-sewwieqa kollha bħala parti mid-Direttiva dwar il-Liċenzji tas-Sewqan.
L-infurzar tar-regoli tat-traffiku fit-toroq huwa element essenzjali għal użu aktar sikur tat-toroq. Skont ir-Rapporteur, bidla dejjiema fl-imġiba tas-sewqan tista' tinkiseb biss permezz ta' finanzjament adegwat, miri annwali u miżuri ta' infurzar spjegati tajjeb u ppubbliċizzati.
2.5 Qafas adattat għall-futur
Il-kapaċità li nsegwu mill-qrib u nadottaw il-bidliet soċjetali ġodda u l-avvanzi teknoloġiċi kontinwi għandha tkun karatteristika intrinsika tal-politika tal-UE dwar is-sikurezza fit-toroq. Pereżempju, matul is-snin li ġejjin, il-karozzi awtomatizzati se jkunu qed joperaw fit-toroq flimkien ma' vetturi konvenzjonali u utenti vulnerabbli tat-toroq. Ir-Rapporteur tirrikonoxxi bis-sħiħ ir-riskji li jistgħu jirriżultaw mid-diversi sfidi li ġejjin għas-sikurezza fit-toroq u titlob lill-UE twitti t-triq biex tindirizzahom.
Fid-dawl tal-evoluzzjonijiet futuri, ir-Rapporteur, li għandha l-għan li s-sikurezza fit-toroq tkompli tittejjeb, qed titlob ukoll qafas għall-aċċess tad-data ta' ġol-vettura lil hinn mis-suq tat-tiswija f'konformità sħiħa mar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data. Hija tqis li l-aċċess għad-data ta' ġol-vettura għandu jkun biss għall-finijiet ta' riċerka dwar l-inċidenti u ta' affidabbiltà stradali.
Barra minn hekk, ir-rapport jagħti kunsiderazzjoni speċjali lill-utenti vulnerabbli tat-triq. S'issa, il-benfiċjarji ewlenin tat-titjib fis-sikurezza tal-vetturi u ta' miżuri oħra ta' sikurezza fit-toroq kienu l-utenti tal-karozzi. Ir-Rapporteur tisħaq li s-sikurezza tal-persuni miexja u taċ-ċiklisti u ta' ċerti gruppi demografiċi oħra (eż. l-utenti anzjani tat-toroq, l-utenti b'mobilità mnaqqsa) m'għandhiex tiġi kompromessa. Barra minn hekk, il-fatt li jkun hemm aktar nies mixjin, jew bir-rota jew li jużaw it-trasport pubbliku mhux biss se jżid il-livelli tas-sikurezza fit-toroq tagħna iżda se jgħin ukoll biex nilħqu l-miri klimatiċi tagħna. Din hija r-raġuni għaliex ir-Rapporteur tiffavorixxi sinerġiji bejn il-miżuri ta' sikurezza u ta' sostenibbiltà u titlob li tingħata prijorità mill-ġdid lill-infrastruttura tat-trasport f'żoni urbani b'densità għolja.
Ir-Rapporteur tenfasizza l-involviment attiv tas-soċjetà ċivili u tas-sħab soċjali bħala prerekwiżit fil-kisba tal-objettiv ta' "Viżjoni Żero". Il-politika tal-UE dwar is-sikurezza fit-toroq trid tinkludi skema komprensiva ta' sensibilizzazzjoni u inċentivi għall-partijiet ikkonċernati kollha biex titjieb is-sikurezza fit-toroq. Ir-Rapporteur tirrikonoxxi l-importanza f'dan il-kuntest tal-premju tal-UE għas-Sikurezza fit-Toroq Urbani kif ukoll l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tagħti ħajja ġdida lill-Karta Ewropea dwar is-Sikurezza fit-Toroq u tagħmel pass ulterjuri billi titlob li titwaqqaf "Sena Ewropea tas-Sikurezza fit-Toroq" fi żmien debitu.
Fl-aħħar nett, ir-Rapporteur hija tal-fehma li struttura ta' governanza msaħħa hija ta' importanza estrema għall-implimentazzjoni xierqa tal-politika dwar is-sikurezza fit-toroq, fil-qafas tal-istrateġija globali tal-Mobilità Sostenibbli u Intelliġenti. Filwaqt li jispira ruħu mill-kontribut għall-avvanzi fis-sikurezza li taw l-aġenziji Ewropej f'modi oħra ta' trasport, ir-Rapport jistieden lill-Kummissjoni tkompli tappoġġja t-trasport sikur bit-triq billi tesplora l-fattibbiltà tal-ħolqien ta' aġenzija ġdida.
ANNESS: LISTA TA' ENTITAJIET JEW PERSUNI LI MINGĦANDHOM IR-RAPPORTEUR IRĊIEVIET KONTRIBUT
Il-lista li ġejja hija mfassla fuq bażi purament volontarja taħt ir-responsabbiltà esklussiva tar-rapporteur. Fit-tħejjija għall-abbozz ta' rapport tal-UE dwar is-Sikurezza fit-Toroq 2021-2030 – Rakkomandazzjonijiet dwar il-passi li jmiss lejn "Viżjoni Żero" (2021/2014(INI)), ir-Rapporteur irċeviet kontributi mill-entitajiet u mill-persuni li ġejjin;
Entità u/jew persuna |
Kumissjoni Ewropea - DĠ MOVE |
Il-Kunsill Ewropew għas-Sikurezza tat-Trasport (ETSC) |
Il-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) |
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni |
17.6.2021 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
44 1 3 |
||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Magdalena Adamowicz, Andris Ameriks, José Ramón Bauzá Díaz, Izaskun Bilbao Barandica, Paolo Borchia, Marco Campomenosi, Ciarán Cuffe, Jakop G. Dalunde, Johan Danielsson, Karima Delli, Anna Deparnay-Grunenberg, Ismail Ertug, Gheorghe Falcă, Giuseppe Ferrandino, João Ferreira, Mario Furore, Søren Gade, Isabel García Muñoz, Jens Gieseke, Elsi Katainen, Elena Kountoura, Julie Lechanteux, Bogusław Liberadzki, Peter Lundgren, Benoît Lutgen, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Marian-Jean Marinescu, Giuseppe Milazzo, Cláudia Monteiro de Aguiar, Caroline Nagtegaal, Jan-Christoph Oetjen, Philippe Olivier, Rovana Plumb, Tomasz Piotr Poręba, Dominique Riquet, Dorien Rookmaker, Massimiliano Salini, Sven Schulze, Vera Tax, Barbara Thaler, István Ujhelyi, Henna Virkkunen, Petar Vitanov, Elissavet Vozemberg-Vrionidi, Roberts Zīle, Kosma Złotowski |
|||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Ignazio Corrao, Clare Daly |
|||
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
44 |
+ |
ECR |
Tomasz Piotr Poręba, Roberts Zīle, Kosma Złotowski |
ID |
Paolo Borchia, Marco Campomenosi |
NI |
Mario Furore |
PPE |
Magdalena Adamowicz, Gheorghe Falcă, Jens Gieseke, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Benoît Lutgen, Marian-Jean Marinescu, Giuseppe Milazzo, Cláudia Monteiro de Aguiar, Massimiliano Salini, Sven Schulze, Barbara Thaler, Henna Virkkunen, Elissavet Vozemberg-Vrionidi |
Renew |
José Ramón Bauzá Díaz, Izaskun Bilbao Barandica, Søren Gade, Elsi Katainen, Caroline Nagtegaal, Jan-Christoph Oetjen, Dominique Riquet |
S&D |
Andris Ameriks, Johan Danielsson, Ismail Ertug, Giuseppe Ferrandino, Isabel García Muñoz, Bogusław Liberadzki, Rovana Plumb, Vera Tax, István Ujhelyi, Petar Vitanov |
The Left |
Clare Daly, João Ferreira, Elena Kountoura |
Verts/ALE |
Ignazio Corrao, Ciarán Cuffe, Jakop G. Dalunde, Karima Delli, Anna Deparnay-Grunenberg |
1 |
- |
NI |
Dorien Rookmaker |
3 |
0 |
ECR |
Peter Lundgren |
ID |
Julie Lechanteux, Philippe Olivier |
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni
- [1] ĠU L 68, 13.3.2015, p. 9.
- [2] ĠU L 403 30.12.2006, p. 18.
- [3] ĠU L 325, 16.12.2019, p. 1.
- [4] Testi adottati, P9_TA(2021)0122.
- [5] ĠU L 348 20.12.2013, p. 1.
- [6] Id-Direttiva (UE) 2019/1936 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2019 li temenda d-Direttiva 2008/96/KE dwar il-ġestjoni tas-sikurezza tal-infrastruttura tat-toroq, ĠU L 305, 26.11.2019, p. 1.
- [7] ĠU L 167 30.4.2004, p. 39.
- [8] Studju tal-Kummissjoni tat-18 ta' Frar 2014 dwar il-prevenzjoni tas-sewqan taħt l-influwenza tax-xorb bl-użu ta' tagħmir li jidentifika l-użu tal-alkoħol.
- [9] Il-Valutazzjoni tal-Impatt tal-Bidu tal-Kummissjoni tal-15 ta' Marzu 2019 dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Infurzar Transkonfinali.
- [10] ĠU L 183 29.6.1989, p. 1.
- [11] ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.