RAPPORT dwar id-djalogi taċ-ċittadini u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-proċess deċiżjonali tal-UE

24.6.2021 - (2020/2201(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali
Rapporteur: Helmut Scholz
Committee on Petitions (*)
Rapporteur: Dolors Montserrat
(*) Associated committee – Rule 57 of the Rules of Procedure


Proċedura : 2020/2201(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A9-0213/2021
Testi mressqa :
A9-0213/2021
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar id-djalogi taċ-ċittadini u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-proċess deċiżjonali tal-UE

(2020/2201(INI))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 10(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

 wara li kkunsidra l-Artikolu 11 tat-TUE,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew rigward il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa[1],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew rigward il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa[2],

 wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra l-pożizzjoni fil-forma ta' emendi tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet,

 wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali,

A. billi r-riżultati tal-elezzjonijiet Ewropej tal-2019 bagħtu sinjal pożittiv li ċ-ċittadini Ewropej qed jieħdu interess dejjem akbar fl-iżviluppi fil-livell tal-UE u li jemmnu li l-leġiżlazzjoni tal-UE għandha impatt fuq il-ħajja tagħhom ta' kuljum; billi l-parteċipazzjoni ġenerali fl-2019 kienet ta' 50.6 %, l-ogħla mill-1994 u żieda notevoli mill-2014, meta l-parteċipazzjoni kienet ta' 42.6 %; billi, għalkemm il-parteċipazzjoni fl-2019 kienet ogħla fost il-gruppi kollha tal-popolazzjoni, iż-żieda kienet immexxija mill-ġenerazzjoni żagħżugħa, b'żidiet kbar fost il-persuni ta' taħt il-25 sena u dawk ta' bejn il-25 u d-39 sena; billi minkejja ż-żieda ġenerali fil-parteċipazzjoni, għad hemm differenzi kbar bejn l-Istati Membri individwali;

B. billi skont l-Ewrobarometru dwar l-Involviment Ċiviku ta' Ġunju 2020[3], il-votazzjoni fl-elezzjonijiet Ewropej tqieset minn 55 % tar-rispondenti bħala l-aktar mod effettiv biex jiġi żgurat li l-ilħna jinstemgħu minn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livell tal-UE; billi, għalkemm l-għan huwa li l-mod kif taħdem id-demokrazija fl-UE jittejjeb kontinwament, bosta stħarriġ tal-Ewrobarometru juru li ċ-ċittadini mhumiex sodisfatti bil-mod kif taħdem id-demokrazija; billi din il-perċezzjoni ma titkejjilx fil-livell tal-UE biss, iżda wkoll fil-livell nazzjonali; billi proporzjon konsiderevoli taċ-ċittadini tal-UE ma jħossuhomx mismugħa u jqisu lill-UE bħala entità mbiegħda minnhom;

C. billi l-Artikoli 10 u 11 tat-TUE u l-Artikoli 20, 21, 24, 227 u 228 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jiffurmaw il-bażi biex iċ-ċittadini jipparteċipaw fit-tfassil tal-politiki u l-leġiżlazzjoni tal-UE;

D. billi l-Artikolu 10(3) tat-TUE jiddikjara li kull ċittadin għandu jkollu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni u li d-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu b'mod kemm jista' jkun miftuħ u qrib iċ-ċittadin;

E. billi l-Artikolu 11(1) u (2) tat-TUE jirrikjedi li l-istituzzjonijiet, permezz ta' mezzi xierqa, jagħtu liċ-ċittadini u lill-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi l-opportunità li jgħarrfu u jiskambjaw pubblikament l-opinjonijiet tagħhom fl-oqsma ta' azzjoni kollha tal-Unjoni u jżommu djalogu miftuħ, trasparenti u regolari mal-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi u s-soċjetà ċivili,

F. billi l-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, fil-paragrafu 19 tiegħu, jissottolinja li l-konsultazzjoni pubblika u mal-partijiet ikkonċernati hija integrali għal proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet infurmat tajjeb u għat-titjib tal-kwalità tat-tfassil tal-liġijiet;

G. billi l-Artikolu 165(2) tat-TUE jagħti mandat lill-UE biex tħeġġeġ l-iżvilupp ta' skambji fost iż-żgħażagħ u skambji ta' edukaturi soċjoedukattivi, u tħeġġeġ il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika tal-Ewropa.

H. billi ċ-ċittadini tal-UE jistgħu biss taħt ċerti kundizzjonijiet jibdew proċedimenti direttament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE), sabiex jinfurzaw id-drittijiet tagħhom skont it-Trattati, inkluża l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali; billi l-elezzjonijiet demokratiċi għall-Parlament Ewropew jikkostitwixxu l-istrument ewlieni minn isfel għal fuq għaċ-ċittadini fl-UE, filwaqt li mezzi oħrajn, jiġifieri l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (IĊE), l-ilmenti lill-Ombudsman Ewropew u l-petizzjonijiet lill-Parlament, li huma supplimenti importanti għall-Parlamentariżmu, iridu jiġu msaħħa;

 

I. billi sal-lum kien hemm sitt IĊE ta' suċċess, l-aktar reċentement l-inizjattiva "Minority Safepack" u l-inizjattiva "End the Cage Age"; billi r-Regolament (UE) 2019/788[4] dwar l-IĊE, li daħal fis-seħħ f'Jannar 2020, għandu l-ħsieb li jagħmilha aktar faċli għaċ-ċittadini li jitolbu lill-Kummissjoni tipproponi atti leġiżlattivi fl-oqssma ta' kompetenza tagħha li fihom l-Unjoni għandha s-setgħa li taġixxi; billi l-inizjattiva "Minority Safepack" kienet l-ewwel IĊE li kellha tiġi diskussa fil-Parlament abbażi tar-regolament rivedut dwar l-IĊE, u kienet appoġġjata b'mod qawwi mill-Parlament f'Diċembru 2020 b'76 % tal-voti mitfugħa; billi, madankollu, l-impatt tal-IĊE huwa baxx, parzjalment minħabba n-nuqqas ta' segwitu tal-Kummissjoni;

J. billi r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman Ewropew mhumiex legalment vinkolanti iżda r-rata ta' konformità mas-sejbiet hija konsistentement għolja;

K. billi ċ-ċittadini tal-UE u kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tkun residenti fi Stat Membru jew li jkollha uffiċċju reġistrat fi Stat Membru għandhom id-dritt li jippreżentaw petizzjonijiet lill-Parlament Ewropew skont l-Artikoli 24 u 227 tat-TFUE kull meta l-kwistjoni tolqothom direttament u taqa' fi ħdan l-oqsma ta' attività tal-UE;

L. billi l-konsultazzjonijiet pubbliċi online li tagħmel il-Kummissjoni huma mmirati l-aktar lejn gruppi fil-mira partikolari, mhumiex jinxterdu b'mod wiesa' u kultant ikunu wisq fil-qosor, li jfisser li proporzjon sinifikanti tal-popolazzjoni ma jintlaħaqx minnhom; billi l-Qorti Ewropea tal-Awdituri, f'rieżami komprensiv tal-politika ta' konsultazzjoni tal-Kummissjoni fl-2019, irrakkomandat li l-Kummissjoni għandha ttejjeb il-mod kif tilħaq liċ-ċittadini sabiex tippromwovi parteċipazzjoni akbar;

M. billi d-Djalogi maċ-Ċittadini organizzati mill-Kummissjoni huma mod ta' kif tiġi pprovduta informazzjoni liċ-ċittadini aktar milli mod ta' kif tinvolvihom f'dibattitu dwar il-viżjoni tagħhom u dwar dak li jixtiequ jaraw li jinbidel fl-UE u ma jipprovdux mekkaniżmu ta' feedack biex jinfurmaw liċ-ċittadini dwar l-eżiti tal-parteċipazzjoni tagħhom;

N. billi l-funzjonament attwali tal-istrumenti parteċipattivi eżistenti, bħall-IĊE, il-konsultazzjonijiet pubbliċi u d-Djalogi maċ-Ċittadini, ma jipprovdix biżżejjed mezzi għaċ-ċittadini biex jinfluwenzaw it-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE; billi dan huwa dovut l-aktar għan-nuqqas ta' segwitu effettiv fil-proċess deċiżjonali fil-livell istituzzjonali;

O. billi l-biċċa l-kbira tal-forom ta' parteċipazzjoni rarament jintużaw minn ċittadini individwali; billi ċ-ċittadini individwali fil-biċċa l-kbira tagħhom mhumiex konxji tal-istrumenti parteċipattivi eżistenti u għalhekk mhumiex irrappreżentati biżżejjed fil-fehmiet u fid-data miġbura permezz tal-istrumenti eżistenti; billi l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini ma tissostitwixxix is-soċjetà ċivili organizzata;

P. billi l-istrumenti parteċipattivi attwali ma jimmassimizzawx il-potenzjal tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u għalhekk ma jikkontribwixxux biżżejjed għat-tisħiħ tal-leġittimità demokratika tal-UE u ż-żieda tas-sens ta' sjieda taċ-ċittadini lejn UE li tirrifletti l-ħtiġijiet u l-viżjonijiet tagħhom;

Q. billi r-riforma tal-istrumenti parteċipattivi eżistenti, filwaqt li tagħti attenzjoni partikolari lill-aktar gruppi sottorappreżentati fis-soċjetà, speċjalment iż-żgħażagħ, u l-iżvilupp ulterjuri ta' sfera pubblika Ewropea jistgħu jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-leġittimità demokratika tal-UE;

R. billi t-titjib tal-parteċipazzjoni u tat-trasparenza taċ-ċittadini fil-livell tal-UE huwa kruċjali biex l-Unjoni tinġieb eqreb taċ-ċittadini u tiżdied il-fiduċja u l-kunfidenza taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet tal-UE, kif ukoll biex tinkiseb demokrazija reali f'diversi livelli; billi nuqqas ta' trasparenza jipprevjeni dibattitu pubbliku dwar kwalunkwe biċċa leġiżlazzjoni; billi mhux il-partijiet ikkonċernati kollha għandhom aċċess ugwali għall-istituzzjonijiet tal-UE jew għal informazzjoni dwar xogħolhom; billi l-Kummissjoni għandha twettaq djalogi miftuħa, trasparenti u regolari maċ-ċittadini u mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; billi l-UE għandha tiżgura li s-soċjetà ċivili tkun tista' tipparteċipa b'mod attiv fid-dibattitu pubbliku u jkollha l-kapaċità li tinfluwenza l-proċessi ta' politika u tat-teħid tad-deċiżjonijiet;

S. billi hemm bżonn li tissaħħaħ id-dimensjoni Ewropea tal-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza, billi jittejjeb il-fehim taċ-ċittadini dwar l-UE, sabiex dawn ikunu jistgħu jipparteċipaw;

T. billi hemm ħtieġa dejjem akbar ta' klassijiet tal-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza Ewropea madwar l-Istati Membri; billi f'dan il-kuntest, għandha tiġi rikonoxxuta l-ħidma tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-edukazzjoni u t-tagħlim ċiviku, u għandu jiġi mħeġġeġ approċċ olistiku għall-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza, inklużi kemm l-edukazzjoni u t-tagħlim formali kif ukoll dawk mhux formali;

U. billi l-proġetti eżistenti dwar il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini li rnexxew, bħal European HomeParliaments u d-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ, urew li ċ-ċittadini jixtiequ jiġu inklużi fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE fuq bażi regolari;

V. billi l-Kunsill jibqa' istituzzjoni bil-bibien magħluqa kif ikkonfermat mill-inkjesta tal-Ombudsman Ewropew OI/2/2017/TE fin-nuqqas ta' trasparenza tal-Kunsill rigward l-aċċess pubbliku għad-dokumenti leġiżlattivi tiegħu u l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu;

W. billi l-OECD tiddefinixxi gvern miftuħ bħala "kultura ta' governanza bbażata fuq politiki u prattiki pubbliċi innovattivi u sostenibbli ispirati mill-prinċipji tat-trasparenza, ir-responsabbiltà, u l-parteċipazzjoni li trawwem id-demokrazija u t-tkabbir inklużiv";

X. billi l-Konsultazzjonijiet taċ-Ċittadini Ewropej tal-2018 imwettqa mill-Istati Membri dwar il-Futur tal-Ewropa wrew li huma għodda effettiva biex jinvolvu ruħhom maċ-ċittadini dwar kwistjonijiet tal-UE; billi n-nuqqas ta' segwitu u ta' kontinwità konkreti fil-proċess wassal għal riżultati mħallta minn dan l-isforz parteċipattiv;

Y. billi l-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa għandha tinvolvi kemm jista' jkun parteċipazzjoni pubblika u tista' potenzjalment tkun esperjenza siewja ta' involviment maċ-ċittadini sabiex jifhmu x'verament jistennew mill-UE u mill-ħidma tal-istituzzjonijiet;

1. Jisħaq fuq il-ħtieġa li ssir riflessjoni dwar kif l-Unjoni tista' ssir aktar effettiva fl-involviment taċ-ċittadini skont il-prinċipji ewlenin tal-Unjoni tad-demokrazija rappreżentattiva; jemmen li ċ-ċittadini għandu jkollhom vuċi akbar fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE biex jagħmlu lill-Unjoni aktar tirrifletti l-fehmiet taċ-ċittadini u aktar reżiljenti, demokratika u effettiva;  jemmen f'dan ir-rigward li l-bidla fit-Trattat ma għandhiex tiġi prekluża, għalkemm ma għandhiex tkun għan fiha nnifisha, u li l-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa għandha tipprovdi opportunità biex jinħoloq djalogu kostruttiv maċ-ċittadini dwar dawn is-suġġetti ewlenin;

2. Jemmen li kwalunkwe riforma tal-Unjoni, sabiex issir aktar soċjali, ekwa, koeżiva, magħquda, iffukata, kapaċi u sovrana u obbligata tagħti rendikont, tissaħħaħ bl-involviment dirett taċ-ċittadini permezz ta' mekkaniżmi parteċipattivi;

3. Jissottolinja li hemm tensjoni sottostanti bejn il-viżjoni ta' UE ċċentrata madwar l-Istati Membri u UE ċċentrata madwar l-istituzzjonijiet tal-UE li tista' tingħeleb billi jiġi żviluppat approċċ u strumenti għal Unjoni Ewropea taċ-ċittadini;

4. Jindika li l-istrumenti parteċipattivi eżistenti għandhom diversi nuqqasijiet u għalhekk għandhom jittejbu u jiġu żviluppati oħrajn ġodda biex il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini ssir aktar aċċessibbli, inklużiva, sinifikanti u effettiva; isostni li, biex tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni pubblika f'dibattiti politiċi usa' u ċ-ċittadini jiġu mgħammra bl-opportunità li jinfluwenzaw l-eżiti politiċi, b'sinerġiji fil-mekkaniżmi eżistenti, huwa imperattiv li l-involviment taċ-ċittadini jkun strutturat b'mod li jwieġeb għall-aspettattivi taċ-ċittadini; jemmen li din l-aġenda parteċipattiva minn isfel għal fuq għandha tikkomplementa d-demokrazija rappreżentattiva fl-UE;

5. Jenfasizza l-importanza tal-IĊE bħala l-unika għodda parteċipattiva fil-livell tal-UE li għandha l-kapaċità li potenzjalment tiskatta l-leġiżlazzjoni; jitlob li r-rispons li jingħata lilha jissaħħaħ permezz tal-adozzjoni ta' riżoluzzjoni parlamentari għal kull IĊE ta' suċċess; jinnota li l-Kummissjoni jeħtiġilha tikkonforma bis-sħiħ mal-obbligu legali tagħha li tiddikjara raġunijiet suffiċjenti għaliex ħadet jew ma ħaditx azzjoni fuq IĊE, u jemmen li dan jeħtieġ li jkun aktar komprensiv biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini jingħataw stampa preċiża ta' x'għandu jkun mistenni mill-involviment ma' IĊE jew mit-tnedija tagħha; juri dispjaċir għan-nuqqas ta' segwitu tal-IĊE ta' suċċess mill-Kummissjoni permezz ta' miżuri leġiżlattivi; jemmen li, f'konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2019/788 dwar l-IĊE, fil-każ li l-Kummissjoni, fi ħdan l-iskadenzi mogħtija, tkun naqset milli tippubblika l-intenzjonijiet tagħha, jew tkun stabbiliet f'komunikazzjoni li ma għandhiex l-intenzjoni li tieħu azzjoni fuq IĊE li tkun issodisfat ir-rekwiżiti proċedurali u li hija konformi mat-Trattati, b'mod partikolari il-valuri fundamentali tal-Unjoni, imnaqqxa fl-Artikolu 2 tat-TUE, il-Parlament, f'konformità mal-Artikolu 222 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, jista' jiddeċiedi li jsegwi l-IĊE b'rapport fuq inizjattiva proprja leġiżlattiv (INL); iħeġġeġ lill-Kummissjoni timpenja ruħha li tippreżenta proposta leġiżlattiva wara l-adozzjoni mill-Parlament ta' tali INL; jipproponi f'dak ir-rigward li jiġi mmodifikat il-ftehim qafas attwali bejn il-Parlament u l-Kummissjoni; jitlob li r-regolament dwar l-IĊE jiġi emendat biex jinċentiva lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva fejn l-IĊE sottomessa tissodisfa r-rekwiżiti rilevanti;

6. Jindika li, wara r-rapport tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri[5], li rrikonoxxa l-effettività tal-konsultazzjonijiet pubbliċi tal-Kummissjoni, u minħabba l-perċezzjoni sodisfaċenti taċ-ċittadini, il-Kummissjoni għandha ttejjeb il-proċess ta' konsultazzjoni pubblika tagħha sabiex tippromwovi parteċipazzjoni akbar taċ-ċittadini u biex timmonitorja u tivvaluta aħjar il-kontributi tagħhom;

7. Jindika li l-kunċett u l-prattika attwali tad-Djalogi taċ-Ċittadini għandhom jissaħħu u jiġu aġġornati;

8. Jissottolinja l-benefiċċji tal-involviment maċ-ċittadini u mas-soċjetà ċivili fl-iżvilupp ta' sfera pubblika Ewropea u fil-komplementarjetà tal-leġittimità demokratika tal-UE pprovduta mill-istituzzjonijiet rappreżentattivi u l-proċeduri demokratiċi tagħha;

9. Jissottolinja li mhux il-partijiet ikkonċernati kollha, b'mod partikolari ċ-ċittadini u l-gruppi tas-soċjetà ċivili, huma attivi politikament, influwenti jew isemmgħu leħinhom indaqs; jemmen għalhekk li d-demokrazija parteċipattiva tal-UE tirrikjedi l-appoġġ ta' ċittadini mhux organizzati u l-promozzjoni tal-aċċess tagħhom għal opportunitajiet elettorali u parteċipattivi fi ħdan il-kanali tal-UE u barra minnhom;

10. Iqis li l-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet tal-UE hija fundamentali għad-demokrazija, għall-governanza t-tajba u għat-tfassil effikaċi tal-politika; jemmen li l-istituzzjonijiet tal-UE jeħtiġilhom jagħmlu ħilithom biex jiksbu l-ogħla standards possibbli fil-qasam tat-trasparenza, l-obbligu ta' rendikont u l-integrità; jisħaq li l-aċċess taċ-ċittadini għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet Ewropej huwa fundamentali għal demokrazija parteċipattiva; jitlob b'mod partikolari lill-Kunsill iżid it-trasparenza fir-rigward tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu u l-aċċess għad-dokumenti;

11. Jissottolinja l-potenzjal ta' teknoloġiji ġodda li jistgħu jipprovdu mezzi ġodda biex ikunu involuti ċ-ċittadini, biex jiġi żgurat approċċ effettiv minn isfel għal fuq u tittejjeb il-kapaċità taċ-ċittadini li jobbligaw lill-istituzzjonijiet jagħtu rendikont;

12. Jisħaq li gvern miftuħ, li jgħaqqad miżuri akbar ta' trasparenza u ta' obbligu ta' rendikont u għodod parteċipattivi, huwa rispons tajjeb għad-defiċit demokratiku li jirriżulta minn nuqqas ipperċepit ta' aġenzija fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE miċ-ċittadini tal-UE;

13. Jilqa' l-istabbiliment ta' korp ta' etika bħala awtorità indipendenti biex titrawwem it-trasparenza fl-istituzzjonijiet tal-UE;

14. Jiġbed l-attenzjoni għall-Programm il-ġdid dwar iċ-Ċittadinanza, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri, li huwa mistenni li jagħti aktar viżibbiltà u impatt lill-attivitajiet li jikkontribwixxu għad-djalogi maċ-ċittadini u l-impenn tagħhom f'demokraziji parteċipattivi; jisħaq fuq l-importanza li jiġu żgurati l-kontinwità u aktar riżorsi għall-fergħa taċ-"ċittadini" ta' dan il-programm, inklużi attivitajiet ta' ġemellaġġ tal-ibliet u ta' kommemorazzjoni; jilqa' l-introduzzjoni ta' attivitajiet immirati lejn it-trawwim ulterjuri tal-valuri Ewropej fil-qafas ta' dan il-programm, bħas-sensibilizzazzjoni dwar storja Ewropea komuni; jitlob li l-"Grupp ta' Djalogu Ċivili" jiġi stabbilit malajr fil-programm il-ġdid;

15. Jemmen li huwa importanti li jiġu promossi l-iskambji bejn iċ-ċittadini ta' pajjiżi differenti fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali, b'mod partikolari permezz ta' networks ta' bliet u reġjuni, u billi jiġi ffaċilitat djalogu interreġjonali; jitlob lill-Kummissjoni tiżgura biżżejjed finanzjament għal dak il-għan permezz tal-fergħa "Involviment u parteċipazzjoni taċ-ċittadini" tal-programm dwar iċ-Ċittadinanza, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri;

16. Jenfasizza li informazzjoni mtejba dwar it-tħassib taċ-ċittadini se tgħin lill-istituzzjonijiet tal-UE fl-isforzi tagħhom biex ikunu attenti u jwieġbu għal dan it-tħassib billi jiġu żgurati mezzi adegwati biex jilħqu liċ-ċittadini u jiġbru l-kontributi u billi jipprovdu segwitu xieraq fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet li jirriżulta; jitlob li jittejbu l-mekkaniżmi parteċipattivi biex jippermettu li l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini jkollha impatt sinifikattiv fuq il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE;

17. Jissottolinja l-ħtieġa li ż-żgħażagħ jiġu involuti b'mod partikolari f'dibattitu politiku dwar il-futur tal-Ewropa u li jiġu involuti b'mod konsistenti f'mekkaniżmu parteċipattivi u djalogi taċ-ċittadini li jsiru regolarment, peress li d-deċiżjonijiet tal-lum se jiddeterminaw il-futur tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu identifikati mezzi ġodda ta' komunikazzjoni u interazzjoni adattati għall-interessi taż-żgħażagħ;

18. Ifaħħar il-konsultazzjonijiet speċifiċi għat-tfal imwettqa mill-Kummissjoni u jappoġġja l-istabbiliment ta' pjattaforma tal-UE għall-parteċipazzjoni tat-tfal fil-futur; jilqa' l-inklużjoni taż-żgħażagħ fil-Pjattaforma Diġitali u l-Bordijiet taċ-Ċittadini tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE joħolqu modi biex jiżguraw involviment simili mat-tfal u ż-żgħażagħ fil-futur fuq bażi strutturali u b'mekkaniżmi ta' feedback adegwati;

19. Jitlob involviment ġenwin taż-żgħażagħ u tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ fl-ippjanar, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni ta' avvenimenti u programmi; ifaħħar l-isforzi li saru mid-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ biex iż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ jiġu inklużi fil-ħolqien tal-politika u fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet; jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE jimpenjaw ruħhom li jieħdu azzjoni tanġibbli bbażata fuq l-eżiti tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ;

20. Jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm involviment ma' istituzzjonijiet edukattivi u organizzazzjonijiet tal-edukazzjoni ċivika biex jiġi żgurat li ċ-ċittadinanza Ewropea attiva ssir parti mill-kurrikulu madwar l-UE; jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi appoġġ sabiex tikkomplementa l-programmi edukattivi fl-Istati Membri kollha, b'mod partikolari billi tappoġġja l-iżvilupp ta' kurrikulu komuni dwar l-edukazzjoni Ewropea u l-edukazzjoni ċivika globali, trawwem fehim aħjar tal-istituzzjonijiet eżistenti tal-UE u tal-istorja u l-kulturi tal-Istati Membri, u tħeġġeġ il-ħsieb oġġettiv u kritiku dwar il-benefiċċji tal-Unjoni Ewropea; jissuġġerixxi l-inklużjoni ta' moduli dwar il-funzjonament u l-istorja tal-UE fil-kurrikuli edukattivi u jistieden lill-Kummissjoni tipproponi linji gwida għal tali moduli;

21. Ifakkar fid-Dikjarazzjoni dwar il-promozzjoni taċ-ċittadinanza u l-valuri komuni tal-libertà, it-tolleranza u n-nondiskriminazzjoni permezz tal-edukazzjoni adottata mill-ministri għall-edukazzjoni tal-UE fis-17 ta' Marzu 2015, li fiha talbu azzjonijiet imsaħħa fil-qasam tal-edukazzjoni fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali sabiex tiġi ssalvagwardjata s-soċjetà pluralistika tagħna;

22. Jitlob lill-Kummissjoni tniedi kompetizzjoni Olimpjadi tal-Unjoni Ewropea dwar il-funzjonament u l-istorja tal-UE għaż-żgħażagħ fl-iskejjel sekondarji, fit-taħriġ vokazzjonali u fi strutturi edukattivi oħra, sabiex tagħti spinta lill-interess, lill-parteċipazzjoni u lid-dibattitu dwar l-affarijiet tal-UE; jenfasizza li l-programm Erasmus+ għandu jintuża wkoll biex tissaħħaħ l-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza Ewropea, speċjalment fost l-istudenti u ż-żgħażagħ; itenni l-ħtieġa li l-Kummissjoni tappoġġja aħjar il-programmi tal-affarijiet u tal-istudju tal-UE li jeżistu madwar l-Ewropa u lil hinn minnha, filwaqt li tibni fuq il-programm Erasmus+ ta' suċċess;

 

23. Jemmen li l-iżgurar tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ se jkun parti essenzjali mill-impatt fit-tul tal-inizjattivi ta' djalogu maċ-ċittadini; jisħaq, għalhekk, fuq l-importanza li ssir enfasi fuq iż-żgħażagħ fi kwalunkwe attività ta' tagħlim tal-UE u jissuġġerixxi li jiġu promossi għodod ta' impenn taż-żgħażagħ b'enfasi speċjali fuq il-media soċjali, l-applikazzjonijiet mobbli, il-logħob mobbli, il-kwiżżijiet u formati oħra adatti għaż-żgħażagħ; jilqa' l-programmi edukattivi bejn il-pari bħall-Parlament Ewropew taż-Żgħażagħ u d-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ bħala eżempji ta' prattiki tajba;

24. Jissottolinja l-importanza tal-akkademja, tar-riċerkaturi u tal-universitajiet fit-titjib tal-livell ta' għarfien espert taċ-ċittadini dwar il-mekkaniżmi parteċipattivi fl-UE sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE;

25. Jenfasizza li d-djalogi effettivi taċ-ċittadini u l-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini huma marbuta b'mod qawwi mad-dimensjoni Ewropea tal-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza; jisħaq għalhekk fuq il-ħtieġa li tissaħħaħ id-dimensjoni Ewropea tal-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza sabiex tippermetti l-parteċipazzjoni u l-kapaċità taċ-ċittadini li jaġixxu bħala ċittadini infurmati u jipparteċipaw bis-sħiħ fil-ħajja ċivika u soċjali kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f'dak tal-Istati Membri, abbażi tal-fehim ta' kunċetti u strutturi politiċi, legali, soċjali u ekonomiċi, kif ukoll żviluppi globali u s-sostenibbiltà; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija Ewropea komprensiva biex ittejjeb il-kompetenzi taċ-ċittadinanza fl-UE u tiżviluppa miżuri ta' appoġġ bil-għan li jipprovdu aċċess ugwali għall-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza lill-persuni kollha li jirrisjedu fl-UE sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet politiċi tagħhom;

26. Jipproponi li jiġi stabbilit network Ewropew għall-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza biex jipprovdi pjattaforma għall-iskambju tal-aħjar prattiki u għarfien dwar metodi għat-tisħiħ tad-dimensjoni Ewropea tal-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' mudelli u strumenti ġodda tal-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza bħall-istabbiliment ta' aġenzija Ewropea għall-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza;

27. Jenfasizza r-rwol tal-media fit-tfassil tal-opinjonijiet taċ-ċittadini dwar il-politika tal-UE u l-UE nnifisha; jisħaq fuq il-ħtieġa li jinżamm xenarju tal-media indipendenti u divers madwar l-Ewropa, iżda jemmen li għandu jsir sforz akbar biex jiġu indirizzati d-diżinformazzjoni u r-rappurtar ħażin fil-media dwar kwistjonijiet tal-UE, b'mod partikolari permezz ta' appoġġ akbar għal proġetti tal-media pan-Ewropej ibbażati fuq il-fatti;

28. Jissottolinja d-dritt taċ-ċittadini li jkollhom aċċess għal informazzjoni affidabbli, indipendenti u fattwali dwar l-Unjoni Ewropea u dwar il-politiki u l-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tagħha; jirrikonoxxi l-ħtieġa li jiġi stabbilit aċċess diversifikat għal ċentru tal-aħbarijiet Ewropew komuni li jkun newtrali, indipendenti u informattiv, aċċessibbli bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE, u li tiġi żviluppata komunikazzjoni proattiva maċ-ċittadini tal-UE; ifakkar ukoll fil-valur tal-mezzi tal-media eżistenti; iqis li huwa neċessarju li jiġi indirizzat b'mod konkret it-tixrid ta' miżinformazzjoni u diżinformazzjoni, speċjalment fi żminijiet ta' kriżi meta tkun l-aktar meħtieġa informazzjoni valida, affidabbli u f'waqtha; jisħaq li l-indipendenza tal-media hija kruċjali għal dawn il-proċessi; jitlob, b'rabta mal-miżinformazzjoni u d-diżinformazzjoni, l-introduzzjoni ta' feedback, verifika tal-fatti u moderazzjoni downstream fil-funzjonament tal-pjattaformi online, li jkunu jirrispettaw id-drittijiet ċivili u l-libertà tal-espressjoni; iqis, għalhekk, li huwa essenzjali li jissaħħaħ it-taħriġ tal-ġurnalisti sabiex jitrawwem ħsieb indipendenti u kritiku;

29. Jilqa' l-objettiv tal-Pjan ta' Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea (EDAP) li jtejjeb il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fis-sistemi demokratiċi permezz ta' proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet infurmat; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żgurati l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u l-impenn taċ-ċittadini minn sfondi żvantaġġjati fil-qafas ta' Erasmus+ u l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà; jilqa' l-miżuri mħabbra fil-qafas tal-EDAP biex jissaħħu l-libertà tal-media, il-libertà tal-espressjoni u l-ġurnaliżmu ta' kwalità; jistenna b'interess il-proposti tal-Kummissjoni għal għodod prattiċi u effiċjenti biex tiġi żgurata aħjar is-sikurezza tal-ġurnalisti, li spiss wisq huma soġġetti għal theddid u intimidazzjoni bla bżonn, u b'hekk jiġi limitat id-dritt taċ-ċittadini għall-informazzjoni; jinnota bi tħassib in-nuqqas ta' proposti speċifiċi biex tiġi żgurata l-libertà artistika u tingħata protezzjoni lill-artisti sottoposti għal ċensura u għal proċedimenti ġudizzjarji u jistieden lill-Kummissjoni tkompli tiżviluppa dan il-qasam fil-qafas tal-EDAP;

30. Jirrikonoxxi d-dritt taċ-ċittadini kollha tal-UE li jitolbu u jirċievu informazzjoni mill-istituzzjonijiet tal-UE b'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-UE; jindika li djalogu ġenwin u l-parteċipazzjoni attiva u infurmata taċ-ċittadini tal-UE fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE huma possibbli biss jekk ma jkun hemm l-ebda ostaklu lingwistiku, u jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tagħmel sforzi ferm akbar biex tikkomunika maċ-ċittadini bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE; jinnota li, sabiex jissaħħu l-inklużività, is-sensibilizzazzjoni u l-viżibbiltà, hemm bżonn li tittejjeb l-aċċessibbiltà tal-kontenut online; jissuġġerixxi li s-siti web kollha tal-UE għandhom ikunu faċli għall-utent u disponibbli bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE;

31. Ifakkar li l-politiki u l-leġiżlazzjoni Ewropej huma l-aktar drabi implimentati mill-amministrazzjonijiet lokali u reġjonali u li għandhom il-kapaċità li jilħqu ċ-ċitttadini b'mod aktar faċli u li jaqdu rwol ċentrali fl-edukazzjoni taċ-ċittadini dwar l-UE, peress li huma l-livell ta' gvern l-eqreb taċ-ċittadini; jisħaq li l-ewwel pass jista' jkun li jiżdiedu r-riżorsi allokati lill-uffiċċji ta' kollegament tal-istituzzjonijiet Ewropej u li jiġi żviluppat in-network territorjali tagħhom madwar l-Ewropa;

32. Jilqa' l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-14 ta' Ottubru 2020 bit-titolu "L-awtoritajiet lokali u reġjonali fid-djalogu permanenti maċ-ċittadini"; jitlob, minbarra l-għodod madwar l-UE kollha għall-parteċipazzjoni taċ-ċittadini, l-istabbiliment ta' network ta' gvernijiet f'diversi livelli li għandu jservi bħala katina ta' trażmissjoni bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u ċ-ċittadini;

33. Itenni l-ħtieġa li ċ-ċittadini jiġu involuti bis-sħiħ fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE sabiex tissaħħaħ il-leġittimità tal-UE u tiżdied il-fiduċja pubblika fil-ħidma tal-istituzzjonijiet; jisħaq, għalhekk, fuq l-importanza ta' mekkaniżmi parteċipattivi permanenti biex tiġi ffaċilitata u mħeġġa aktar il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE lil hinn mill-att ta' votazzjoni u kanali u strumenti eżistenti oħra; jappoġġja attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni ta' dawn il-mekkaniżmi biex jiġu mmassimizzati l-impatt u l-effettività tagħhom; jissottolinja l-ħtieġa ta' tali mekkaniżmi fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali u ta' koordinazzjoni orizzontali u vertikali adegwata fost l-istituzzjonijiet f'livelli differenti;

34. Jenfasizza l-fatt li proċessi parteċipattivi regolari maċ-ċittadini jistgħu jservu għanijiet differenti, bħall-influwenza fuq il-prijoritajiet politiċi jew leġiżlattivi annwali, l-iżvilupp ta' proposti speċifiċi fir-rigward ta' kwistjonijiet speċifiċi, id-diskussjoni ta' kwistjonijiet istituzzjonali jew it-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-infiq ta' ċerti riżorsi pubbliċi; jissottolinja, madankollu, li filwaqt li l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini se tkun ta' benefiċċju f'xi oqsma, huwa importanti li ċ-ċittadini jkollhom fehim ċar tal-eżiti tal-involviment, inklużi l-limitazzjonijiet inerenti, bi proċeduri ta' segwitu xierqa u trasparenti;

35. Jinnota li l-mekkaniżmi ta' parteċipazzjoni taċ-ċittadini jinkludu firxa wiesgħa ta' għodod li huma komplementari, bħall-assemblei taċ-ċittadini, l-inizjattivi taċ-ċittadini, il-konsultazzjonijiet pubbliċi, id-djalogi maċ-ċittadini, l-ibbaġitjar parteċipattiv, ir-referenda, eċċ.;

36. Ifakkar li l-mekkaniżmi parteċipattivi għaċ-ċittadini għandu jipprovdu mezz għall-individwi biex jesprimu l-ideat u t-tħassib tagħhom; jissottolinja l-fatt li dawn għandhom ikunu parteċipattivi, inklużivi, miftuħa, deliberati, transnazzjonali, mhux partiġġjani, obbligati jagħtu rendikont, effettivi, viżibbli u attraenti;

37. Jenfasizza li, sabiex jintlaħaq l-akbar għadd possibbli ta' ċittadini, irid jittieħed approċċ inklużiv; jissottolinja l-fatt li l-għażla tal-parteċipanti għandha tiżgura rappreżentanza bbilanċjata sew tal-popolazzjoni, permezz tal-użu ta' mekkaniżmi adegwati ta' komunikazzjoni biex jintlaħaq pubbliku divers, biex id-diversità tas-soċjetà u dik territorjali tkun riflessa għalkollox; jisħaq li ċ-ċittadini kollha għandu jkollhom aċċess ugwali għall-mekkaniżmi parteċipattivi, inklużi dawk li jgħixu f'żoni żvantaġġjati jew dawk li għandhom esponiment aktar baxx għall-informazzjoni tal-UE; jitlob li l-mekkaniżmi parteċipattivi jiġu estiżi għal kulħadd, inklużi ċittadini mhux tal-UE li jirrisjedu fl-UE kif ukoll ċittadini tal-UE li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor jew f'pajjiż mhux tal-UE, li għandhom jiġu offruti mekkaniżmi alternattivi adattati għall-ħtiġijiet tagħhom;

38. Jisħaq fuq il-ħtieġa li ċ-ċittadini jkollhom aċċess għal mekkaniżmi ta' parteċipazzjoni fil-lingwa nattiva tagħhom; ifakkar li l-ostakli lingwistiċi ibiegħdu l-istituzzjonijiet Ewropej miċ-ċittadini u jipprevjenu l-iżvilupp ta' demokrazija Ewropea verament inklużiva;

39. Jissottolinja l-importanza li jingħata aċċess sħiħ lill-persuni b'diżabbiltà għall-istrumenti differenti kollha li l-UE tipprovdi liċ-ċittadini, b'mod partikolari permezz tal-interpretazzjoni u t-traduzzjoni sistematiċi għal-lingwa tas-sinjali u għal lingwa faċli li tinqara;

40. Jenfasizza li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati oħra għandhom jaqdu rwol ewlieni fl-istrumenti parteċipattivi kollha; iqis li metodoloġiji xierqa li jappoġġjaw il-parteċipazzjoni tagħhom huma kruċjali; jissottolinja l-fatt li, sabiex dawn l-istrumenti jirnexxu, il-Kumitat tar-Reġjuni (KtR) u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) iridu jiġu involuti;

41. Jisħaq li l-għan, ir-regoli u l-perjodi ta' żmien ta' kwalunkwe proċess parteċipattiv iridu jiġu kkomunikati mill-bidu nett sabiex dawn ikunu effettivi; jissottolinja li l-komunikazzjoni dwar l-involviment taċ-ċittadini jeħtieġ li tenfasizza r-rwol prattiku ta' kwalunkwe mekkaniżmu, inkella n-nuqqas li jiġu ssodisfati l-aspettattivi se jnaqqas il-parteċipazzjoni, u konsegwentement il-leġittimità;

42. Jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm bilanċ tajjeb bejn format komuni u prattiki nazzjonali diversi għad-djalogi taċ-ċittadini li jsiru regolarment sabiex iċ-ċittadini jingħataw qafas Ewropew li jakkomoda diversi tradizzjonijiet ta' deliberazzjoni fil-livell nazzjonali;

43. Jisħaq li t-teknoloġiji diġitali għandhom ikunu komplement għall-istrumenti ta' parteċipazzjoni wiċċ imb wiċċ u għandhom jintużaw b'mod speċjali biex tiġi mħeġġa l-parteċipazzjoni fost il-popolazzjonijiet li għandhom diffikultajiet biex jipparteċipaw fi strumenti parteċipattivi tradizzjonali;

44. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw għodod aċċessibbli, innovattivi u inklużivi għall-parteċipazzjoni u d-djalogi maċ-ċittadini, filwaqt li jagħmlu użu aħjar mit-teknoloġiji diġitali biex iċ-ċittadini kollha (iż-żgħażagħ u l-persuni akbar fl-età, il-persuni b'diżabbiltà, iċ-ċittadini mobbli tal-UE, il-persuni li jgħixu f'żoni rurali jew inqas popolati) ikun jista' jkollhom sehem effettiv fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE, filwaqt li tibni fuq it-tagħlimiet miksuba mill-mod kif il-pandemija tal-COVID-19 aġixxiet bħala aċċeleratur għall-użu tal-għodod diġitali; jirrimarka l-valur miżjud ta' sit web mhux burokratiku u komprensiv li jipprovdi liċ-ċittadini b'informazzjoni dwar l-inizjattivi parteċipattivi Ewropej kollha; jissottolinja r-rwol kruċjali tal-media soċjali, speċjalment għat-tfal; jisħaq li l-għan ta' għodod innovattivi bħal dawn għandu jkun li jappoġġjaw id-demokrazija rappreżentattiva u li għandha tiġi żgurata t-trasparenza f'kull livell;

45. Jitlob verifika tal-fatti u moderazzjoni fir-rigward tad-diżinformazzjoni fil-funzjonament tal-pjattaformi online li jintużaw biex jinvolvu liċ-ċittadini;

46. Ifakkar li, qabel it-tnedija ta' kwalunkwe proċess parteċipattiv, l-istituzzjonijiet tal-UE jridu jimpenjaw ruħhom li jsegwu l-eżitu tagħhom fid-dawl tal-kompetenzi u l-proċeduri leġiżlattivi tagħhom, peress li d-diżappunt taċ-ċittadini ta' spiss jirriżulta minn nuqqas ta' segwitu; jisħaq li ċ-ċittadini għandu jkollhom fehim ċar tal-involviment taċ-ċittadini u tal-istrutturi ta' djalogu sabiex l-aspettattiva tissodisfa r-realtà, inkella jkun hemm riskju ta' tneħħija tad-drittijiet tal-vot taċ-ċittadini; jenfasizza li kwalunkwe strument parteċipattiv ġdid għandu jkun akkumpanjat minn kampanja ta' komunikazzjoni sinifikanti, b'impenn politiku ta' livell għoli fil-livell tal-UE u dak nazzjonali, simili għall-kampanja elettorali ta' suċċess għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2019;

47. Jisħaq li l-istituzzjonijiet tal-UE jeħtiġilhom jipprovdu gwida b'mod attiv lill-parteċipanti matul il-proċess parteċipattiv kollu; jissottolinja li lejn l-aħħar ta' dan il-proċess, l-eżitu tiegħu jrid ikun iddefinit b'mod ċar, sabiex ikun jista' jiġi soġġett għal rispons obbligatorju; jipproponi li l-parteċipanti għandhom jiġu pprovduti b'feedback bil-miktub dwar kull proposta jew rakkomandazzjoni b'lingwaġġ ċar fi tmiem tali eżerċizzji, li fihom l-istituzzjonijiet tal-UE jiċċaraw l-intenzjoni tagħhom li jimplimentaw dik il-proposta jew rakkomandazzjoni jew jiġġustifikaw id-deċiżjoni tagħhom li ma jagħmlux dan; jirrikonoxxi li hemm diffikultajiet u sfidi x'jingħelbu biex il-mekkaniżmi parteċipattivi jikkontribwixxu b'mod aktar sinifikanti għall-kwalità demokratika, u konsegwentement għal sens ta' sjieda u identità Ewropea;

48. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi stabbilit qafas għas-segwitu għad-djalogi maċ-ċittadini sabiex il-kontribut taċ-ċittadini jitqies b'mod effettiv; jipproponi li parti mis-segwitu tista' tkun it-traduzzjoni tal-eżitu f'rapporti ta' inizjattiva u seduti pubbliċi u l-involviment taċ-ċittadini, inklużi l-aktar gruppi sottorappreżentati fis-soċjeta, b'mod partikolari iż-żgħażagħ, matul dawn il-passi;

49. Jemmen li l-proċessi parteċipattivi taċ-ċittadini jridu jaderixxu mal-ogħla livell possibbli ta' trasparenza; jinnota li t-trasparenza u d-data miftuħa jsaħħu l-fiduċja fl-istituzzjonijiet pubbliċi u għalhekk il-leġittimità tagħhom; jenfasizza li l-promozzjoni tal-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-UE permezz tal-involviment pubbliku tirrikjedi fehim akbar tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE; jitlob li jinħoloq standard għal gvern miftuħ fil-livell tal-UE li jista' jservi bħala bażi għal livelli oħra ta' gvern;

50. Jipproponi li s-sit web tal-Kummissjoni, "Semma' leħnek", isir riżorsa unika li tagħti aċċess għall-istrumenti parteċipattivi kollha fil-livell tal-UE; jinnota li l-pandemija tal-COVID-19 ħeġġet l-użu ta' sistemi tal-media diġitali u tal-konferenzi online, u għalhekk tara aktar opportunitajiet li toffri d-diġitalizzazzjoni għall-parteċipazzjoni taċ-ċittadini; jindika li dan għen liċ-ċittadini jipparteċipaw b'mod aktar rapidu, wiesa' u inklużiv fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet; jemmen li l-UE għandha tippromwovi modi ġodda u innovattivi għall-parteċipazzjoni taċ-ċittadini, li jippermettu l-użu ta' għodod tat-teknoloġija diġitali li jiffaċilitaw id-djalogu multilingwi maċ-ċittadini; jistieden lill-Kummissjoni tħaddan aktar possibbiltajiet diġitali għall-parteċipazzjoni taċ-ċittadini, fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE, inklużi tutorials, eżempji mill-passat u informazzjoni dwar leġiżlazzjoni rilevanti; jemmen li għandhom isiru dispożizzjonijiet għal persuni għomja, b'vista batuta jew li b'xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat;

51. Jipproponi li jiġi stabbilit forum indipendenti tas-soċjetà ċivili, akkademiku u tas-sħab soċjali sabiex il-proċess u s-segwitu tiegħu jiġu mmonitorjati mill-istituzzjonijiet tal-UE;

52. Iħeġġeġ li jiġi ffaċilitat l-istabbiliment ta' network indipendenti ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, ibbażat fuq il-parteċipazzjoni volontarja, biex jinġabru flimkien inizjattivi differenti tad-demokrazija, inkluż bejn ir-reġjuni differenti, sabiex jiġu ffaċilitati l-kondiviżjoni tal-informazzjoni u t-trasferiment tal-għarfien kif ukoll biex jiġi żgurat li jintużaw metodi tal-aħjar prattika; jemmen li dan se jżid is-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini dwar il-proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE, kif ukoll jiżgura aktar opportunitajiet għaċ-ċittadini biex jinfluwenzaw it-tfassil tal-politika;

53. Jilqa' l-proposta tal-Presidenti tal-KESE u tal-KtR biex jiġi stabbilit grupp ta' ħidma interistituzzjonali dwar il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE;

54. Jimpenja ruħu li jinvolvi ruħu mal-istituzzjonijiet u mal-partijiet ikkonċernati l-oħra tal-UE biex isaħħaħ mezzi addizzjonali ta' kontribut taċ-ċittadini, inkluża l-espansjoni tad-djalogi maċ-ċittadini u l-istabbiliment ta' mekkaniżmu permanenti għall-parteċipazzjoni taċ-ċittadini bi proċess ta' segwitu formalment vinkolanti;

55. Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta għal ftehim interistituzzjonali dwar id-djalogu ċivili abbażi tal-Artikolu 11(2) tat-TUE, li jiddikjara li l-istituzzjonijiet iridu jżommu djalogu miftuħ, trasparenti u regolari mal-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi u mas-soċjetà ċivili;

56. Jissottolinja l-importanza li jitrawmu l-impenn ċiviku u l-parteċipazzjoni attiva b'mod ikkoordinat u koerenti fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali u fil-livell tal-UE; jemmen, f'dan il-kuntest, li r-rwol, l-attivitajiet u l-indipendenza tar-Rappreżentanzi tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Uffiċċji ta' Kollegament tal-Parlament Ewropew (EPLOs) fl-Istati Membri għandhom jissaħħu, sabiex jiġu ffaċilitati l-impenn ċiviku u d-djalogu dirett maċ-ċittadini, jiġu pprovduti aċċess għall-informazzjoni u t-tixrid tagħha u titqajjem sensibilizzazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea u l-politiki tagħha permezz ta' użu wiesa' u kkoordinat tajjeb tal-għodod ta' komunikazzjoni għall-parteċipazzjoni diġitali u fiżika taċ-ċittadini;

57. Jindika l-inizjattiva l-ġdida Ewropea ta' Bahaus bħala innovazzjoni reċenti biex tiġi mħeġġa u ffaċilitata l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini; jenfasizza li l-inizjattiva tlaqqa' liċ-ċittadini, lill-esperti, lin-negozji u lill-istituzzjonijiet flimkien u tiffaċilita l-konverżazzjonijiet dwar kif l-ispazji tal-għajxien ta' għada jistgħu jsiru aktar affordabbli u aċċessibbli;

58. Jipproponi l-introduzzjoni ta' mekkaniżmi ta' parteċipazzjoni taċ-ċittadini għal proġetti pilota, inkluż "ibbaġitjar parteċipatorju" biex jippermetti t-tfassil tan-naħa tan-infiq tal-baġit tal-Unjoni u l-crowdsourcing biex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jiġu involuti fil-ħolqien konġunt ta' politiki ma' dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet tal-UE;

59. Jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini, b'biżżejjed involviment mill-istituzzjonijiet tal-UE, fir-riformi strutturali tal-UE billi jiġi riformat il-metodu tal-Konvenzjoni kif previst fl-Artikolu 48 tat-TUE; jipproponi li dan jiġi diskuss fil-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa;

60. Jilqa' l-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa u jemmen li din hija opportunità kbira biex isir involviment dirett maċ-ċittadini fi djalogu sinifikattiv dwar il-futur tal-Ewropa u biex jiġu pprovduti tweġibiet għat-talbiet tagħhom;

61. Jissottolinja l-importanza tal-parteċipazzjoni bbilanċjata tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili flimkien ma' rappreżentanti istituzzjonali fil-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa; jisħaq fuq il-ħtieġa li jsir segwitu sod dwar l-eżitu tal-Konferenza, li ċ-ċittadini jinżammu informati dwar il-passi differenti fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet li jirriżulta, li jiġi żgurat li d-djalogu maċ-ċittadini jkun sinifikattiv u li dan ikompli wara t-tmiem formali tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa;

 

62. Jisħaq li l-agoras taċ-ċittadini organizzati fil-qafas tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa għandhom iservu bħala proġett pilota għall-istituzzjonalizzazzjoni futura tagħhom bħala mekkaniżmu permanenti għall-parteċipazzjoni taċ-ċittadini f'dibattiti ewlenin;

63. Jistenna li l-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa se ġġib kontribut importanti fl-iżvilupp ulterjuri tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-proċess tat-tfassil tal-politika tal-UE u twitti t-triq għall-istabbiliment ta' mekkaniżmi permanenti ġodda għall-parteċipazzjoni taċ-ċittadini;

 

64. Iqis li l-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa tipprovdi opportunità biex jiġu diskussi mekkaniżmi possibbli għall-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini fil-proċess ta' konsultazzjoni sabiex jiġi influwenzat il-Programm ta' Ħidma annwali tal-Kummissjoni u d-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni; jinnota li tali mekkaniżmu jista' jaħdem fuq bażi annwali, fejn jibda fl-ewwel xhur ta' kull sena b'agoras taċ-ċittadini nazzjonali u reġjonali li għandhom iħejju l-prijoritajiet li għandhom jiġu diskussi f'agora taċ-ċittadini Ewropej transnazzjonali, li tista' tiġi konkluża f'Jum l-Ewropa; jindika li l-prijoritajiet li jirriżultaw mill-agora taċ-ċittadini Ewropej għandhom jiġu ppreżentati lill-istituzzjonijiet tal-UE sabiex jikkontribwixxu għall-mekkaniżmu ta' konsultazzjoni li jwassal għall-istabbiliment tal-Programm ta' Ħidma annwali tal-Kummissjoni;

65. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


NOTA SPJEGATTIVA

Raġunijiet għall-involviment maċ-ċittadini

 

Skont diversi stħarriġ tal-Ewrobarometru[6], parti importanti mill-popolazzjoni Ewropea mhijiex sodisfatta bil-mod ta' kif taħdem id-demokrazija fl-UE u għandha t-tendenza li ma tafdax lill-istituzzjonijiet tal-UE. Minkejja parteċipazzjoni ogħla fl-elezzjonijiet Ewropej tal-2019, speċjalment fost iż-żgħażagħ, il-livell ta' parteċipazzjoni għadu baxx. Proporzjon konsiderevoli taċ-ċittadini ma jħossuhomx mismugħa u jqisu li l-UE hija 'l bogħod ħafna minnhom. Sabiex tiġi indirizzata din il-perċezzjoni ta' distanza, huwa kruċjali li jkun hemm involviment maċ-ċittadini f'dibattiti dwar il-politiki tal-UE. Dawn id-diskussjonijiet transnazzjonali huma essenzjali għall-iżvilupp ta' sfera pubblika Ewropea u għat-tisħiħ tal-leġittimità demokratika tal-UE. Bħalissa, l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (IĊE), l-ilmenti lill-Ombudsman Ewropew u l-petizzjonijiet lill-Parlament Ewropew huma l-uniċi strumenti minn isfel għal fuq, li permezz tagħhom iċ-ċittadini jistgħu jikkontestaw il-politiki jew l-istituzzjonijiet fl-UE. Konsegwentement, permezz ta' djalogi kontinwi maċ-ċittadini għandu jiġi stabbilit forum pubbliku ġdid biex tiżdied l-influwenza tagħhom fuq it-tfassil tal-politika tal-UE.

 

Objettivi fl-involviment maċ-ċittadini

 

L-għan tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini huwa li jiżdied is-sens ta' sjieda fost iċ-ċittadini lejn UE li tirrifletti l-ħtiġijiet u l-viżjonijiet tagħhom. L-objettivi speċifiċi huma:

 li jinħolqu strumenti parteċipattivi li joffru lil persuni individwali l-possibbiltà li jesprimu l-ideat u t-tħassib tagħhom u li jikkontribwixxu b'mod sinifikattiv għat-tiswir tal-futur tal-UE;

 li jingħataw opportunitajiet għal diskussjonijiet u deliberazzjonijiet fost iċ-ċittadini kif ukoll bejn iċ-ċittadini, il-politiċi, il-partijiet ikkonċernati u l-esperti, filwaqt li tkun possibbli pluralità ta' opinjonijiet u perspettivi kif ukoll parteċipazzjoni bbilanċjata u diversa taċ-ċittadini;

 li jiġi żgurat li l-istrumenti parteċipattivi kollha jiffukaw fuq il-politiki tal-UE u jinkludu skambji ta' fehmiet transnazzjonali bejn ċittadini minn Stati Membri differenti;

 li jiġu żviluppati mekkaniżmi parteċipattivi permanenti li jsiru eżerċizzji regolari u frekwenti u parti integrali mill-proċess deċiżjonali tal-UE.

 

Esperjenza b'inizjattivi parteċipattivi

 

F'dawn l-aħħar snin, l-istituzzjonijiet tal-UE ħadu diversi inizjattivi biex jinvolvu ruħhom maċ-ċittadini, bħall-konsultazzjoni online dwar il-Futur tal-Ewropa mwettqa mill-Kummissjoni u l-Avveniment Ewropew taż-Żgħażagħ ta' kull sentejn ospitat mill-Parlament. Il-korpi tal-UE organizzaw ukoll konsultazzjonijiet maċ-ċittadini, bħall-inizjattiva ta' konsultazzjoni "Nirriflettu dwar l-Ewropa" mwettqa mill-KtR u konsultazzjonijiet nazzjonali msejħa "Konsultazzjonijiet tal-KESE dwar il-futur tal-Ewropa" organizzata mill-KESE. Fil-livell nazzjonali, l-Istati Membri wettqu "Konsultazzjonijiet taċ-Ċittadini Ewropej" b'mod simultanju fil-pajjiżi rispettivi tagħhom. Inizjattivi parteċipattivi oħra mmexxija f'livelli differenti tal-amministrazzjoni huma analizzati fi studju tal-EPRS li ġie ppubblikat dan l-aħħar[7]. Hemm ukoll proġetti organizzati mill-movimenti taċ-ċittadini, bħal "European HomeParliaments"[8], introdotti minn "Pulse of Europe".

 

L-akbar sforz fil-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-livell tal-UE għandu jsir bil-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, li għandha ssir opportunità biex iċ-ċittadini jiġu involuti mill-qrib f'eżerċizzju minn isfel għal fuq, peress li din hija kundizzjoni importanti għas-suċċess tagħha. Din se tipprovdi esperjenza prezzjuża ta' involviment maċ-ċittadini fuq skala kbira, li minnha għandhom jinsiltu lezzjonijiet fil-ġejjieni.

 

Nuqqasijiet tal-istrumenti parteċipattivi eżistenti

 

L-IĊE hi strument importanti tad-demokrazija parteċipattiva. Madankollu, valutazzjonijiet indipendenti dwar l-IĊE jikkonkludu li l-impatt legali u politiku tagħha kien minimu[9]. Filwaqt li mill-2012 ġew irreġistrati 76 IĊE, sitta biss laħqu l-limitu ta' miljun firma biex setgħu jiġu eżaminati mill-Kummissjoni. In-nuqqas ta' obbligu ta' segwitu għal IĊE ta' suċċess huwa waħda mir-raġunijiet għalfejn l-effett ta' dan l-istrument huwa limitat.

 

L-Ombudsman Ewropew, li r-rwol tiegħu huwa li jtejjeb il-protezzjoni taċ-ċittadini b'rabta ma' każijiet ta' amministrazzjoni ħażina fil-livell tal-UE, jikkontribwixxi għat-titjib tat-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont demokratiku fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u fl-amministrazzjoni tal-UE. Madankollu, il-mandat tiegħu mhuwiex it-tisħiħ tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE. Barra minn hekk, ir-rwol tal-Ombudsman Ewropew sikwit ma jinftehimx jew ma jkunx magħruf fil-livell lokali u nazzjonali.

 

Il-petizzjonijiet lill-Parlament Ewropew huma strument dejjem aktar popolari għall-kontestazzjoni tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, l-impatt ta' dan l-istrument fuq it-tfassil tal-politika fl-UE huwa pjuttost limitat, peress li l-għan tiegħu mhuwiex il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-proċessi leġiżlattivi tal-UE.

 

L-Artikolu 11(3) tat-TUE jobbliga lill-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet wiesgħa mal-partijiet ikkonċernati sabiex tiżgura li l-azzjonijiet tal-Unjoni jkunu koerenti u trasparenti. Għaldaqstant, il-Kummissjoni torganizza konsultazzjonijiet pubbliċi online sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jagħtu l-feedback tagħhom dwar il-politiki u l-liġijiet tal-UE, li suppost għandu jitqies fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Għalkemm il-parteċipazzjoni hija miftuħa għal kwalunkwe ċittadin individwali, il-Kummissjoni normalment tidentifika grupp fil-mira skont il-politika kkonċernata, u l-parteċipanti jkunu fil-biċċa l-kbira gruppi ta' interess organizzati. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tagħżel hi stess is-suġġetti tagħha għall-konsultazzjonijiet pubbliċi.

 

Skont l-Artikolu 11(2) tat-TUE, il-Kummissjoni tmexxi Djalogi maċ-Ċittadini, li jlaqqgħu liċ-ċittadini flimkien ma' rappreżentanti mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE kif ukoll ma' persuni involuti fil-politika fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali. Minkejja li kwalunkwe persuna tista' tipparteċipa, dawn l-avvenimenti għandhom it-tendenza li jattiraw ċittadini li diġà huma interessati fil-politika tal-UE. Peress li l-laqgħat jikkonsistu prinċipalment f'mistoqsijiet u tweġibiet, dawn ma jwasslux għal skambju reali ta' fehmiet. Barra minn hekk, il-kontribut taċ-ċittadini ma jiġix inkluż fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE. Għalhekk, id-Djalogi maċ-Ċittadini pjuttost iservu biex jinfurmaw liċ-ċittadini aktar milli biex jinvolvuhom f'dibattitu veru li se jkollu impatt fuq l-aġenda politika tal-UE.

 

Żvilupp ta' mekkaniżmi parteċipattivi permanenti

 

L-istrumenti parteċipattivi eżistenti ma jipprovdux mezzi effettivi ħafna biex iċ-ċittadini jinfluwenzaw il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE u ma jisfruttawx il-potenzjal sħiħ tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini għat-tisħiħ tal-leġittimità demokratika tal-UE. Sabiex jiġu żviluppati mekkaniżmi permanenti għall-parteċipazzjoni taċ-ċittadini, għandu jinħoloq grupp ta' ħidma interistituzzjonali, kif issuġġerit mill-Presidenti tal-KtR u tal-KESE. Id-djalogi maċ-ċittadini organizzati b'mod regolari jistgħu jservu għanijiet differenti, bħad-determinazzjoni tal-prijoritajiet politiċi jew leġiżlattivi annwali, l-iżvilupp ta' proposti konkreti fir-rigward ta' kwistjonijiet speċifiċi, id-diskussjoni ta' kwistjonijiet istituzzjonali fuq bażi kontinwa, bħas-sistema ta' kandidati ewlenin u l-listi transnazzjonali, jew it-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-infiq ta' ċerti riżorsi pubbliċi.

 

Kull wieħed minn dawn l-eżerċizzji jkun jeħtieġ disinn speċjali li jrid jiġi adattat għall-iskop tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini. L-għażla tad-disinn hija partikolarment rilevanti fil-livell tal-UE minħabba l-kumplessità tal-kwistjonijiet tal-UE u n-nuqqas ġenerali ta' għarfien dwar il-funzjonament u l-proċess deċiżjonali tal-istituzzjonijiet tal-UE. Hemm ukoll ħtieġa li tissaħħaħ id-dimensjoni Ewropea tal-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza sabiex jingħata lok għall-parteċipazzjoni taċ-ċittadini.

 

Fażijiet ta' mekkaniżmi parteċipattivi permanenti

 

Fażi ta' tħejjija

 

Jeħtieġ li jittieħed approċċ inklużiv sabiex jiġi involut l-akbar għadd possibbli ta' ċittadini. Il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini għandha tinkludi mhux biss liċ-ċittadini tal-UE, iżda wkoll lir-residenti tal-UE. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-involviment taż-żgħażagħ. L-għażla tal-parteċipanti għandha tiżgura rappreżentanza bbilanċjata sew ta' persuni minn etajiet, ġeneri, sfondi soċjoekonomiċi u edukattivi differenti, inklużi l-minoranzi, sabiex id-diversità tas-soċjetajiet tkun riflessa għalkollox. Il-parteċipanti jeħtieġ li jiġu minn pajjiżi ta' residenza differenti, fosthom minn reġjuni rurali u remoti kif ukoll minn pajjiżi kandidati tal-UE. Barra minn hekk, persuni b'fehmiet differenti dwar l-UE għandhom ikunu involuti f'dawn l-eżerċizzji.

 

L-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili (OSĊ) għandhom jaqdu rwol ewlieni fl-istrumenti parteċipattivi, peress li dawn jistgħu jilħqu lil kull tip ta' ċittadin, inklużi l-gruppi marġinalizzati. Għas-suċċess ta' dawn l-istrumenti, huwa essenzjali wkoll li jiġu involuti l-KtR u l-KESE. Barra minn hekk, in-networks u l-aġenziji eżistenti tal-UE għandhom jiġu inklużi biex titqajjem sensibilizzazzjoni dwar il-parteċipazzjoni f'tali eżerċizzji u biex din il-parteċipazzjoni tiġi ffaċilitata, b'mod partikolari permezz ta' Konvenzjoni tas-Soċjetà Ċivili, magħmula minn Pjattaformi Ewropej ta' assoċjazzjonijiet li jinkludu pjattaformi u networks nazzjonali.

 

Jista' jkun utli li ċ-ċittadini jiġu involuti mill-bidu fit-tfassil ta' tali mekkaniżmi. Huma jista' jkollhom vuċi dwar il-kamp ta' applikazzjoni u l-istruttura tal-proċess kif ukoll dwar is-segwitu tiegħu. Fuq kollox, għandhom ikunu jistgħu jistabbilixxu l-aġenda u jipprijoritizzaw il-kwistjonijiet li għandhom jiġu diskussi. L-involviment bikri taċ-ċittadini jżid il-leġittimità tal-eżerċizzju. Jista' jtejjeb ukoll il-fehim u s-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar l-istrumenti.

 

Sabiex jiġu involuti tipi differenti ta' parteċipanti, hija meħtieġa taħlita ta' metodi online u offline. Għandu jsir rikors għal għodod online diġà eżistenti tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini. Is-sit web "Semma' leħnek" tal-Kummissjoni jista' jsir riżorsa unika li toffri aċċess għall-istrumenti kollha tad-demokrazija parteċipattiva. Avvenimenti bil-preżenza tal-persuni għandhom jiġu organizzati madwar l-UE kollha, inkluż f'żoni rurali u remoti.

 

Għall-effettività tad-djalogi maċ-ċittadini, huwa importanti li l-għan tagħhom jiġi kkomunikat mill-bidu nett. Qabel il-bidu tagħhom, l-istituzzjonijiet tal-UE jridu jimpenjaw ruħhom li jsegwu l-eżitu tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini sabiex jiġi evitat sens ta' diżappunt u frustrazzjoni fi tmiem il-proċess.

 

Fażi tal-implimentazzjoni

 

Is-suġġetti għad-diskussjoni ma għandhomx ikunu vagi, iżda pjuttost għandhom jiffukaw fuq kwistjonijiet ta' politika speċifiċi. Dawn għandhom ikunu koperti mill-kompetenzi tal-UE, filwaqt li jirrispettaw għalkollox il-valuri tal-UE. Id-diskussjonijiet għandhom ikunu strutturati b'mod ċar skont is-suġġetti li jkunu se jiġu diskussi. Il-parteċipanti għandhom ikunu appoġġjati minn esperti, li jistgħu jipprovdu gwida u assistenza billi jippreżentaw is-suġġetti jew jevalwaw il-proposti. Id-dibattiti għandhom jiġu mmoderati b'mod newtrali, mingħajr ma jiġu antiċipati d-diskussjonijiet. Jista' jkun hemm ukoll sessjonijiet ta' diskussjoni bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili miż-żewġ perspettivi tas-suġġett, qabel ma ċ-ċittadini jiddeliberaw u jikkonkludu.

 

Il-proċessi parteċipattivi taċ-ċittadini jridu jirrispettaw l-ogħla livell possibbli ta' trasparenza. L-avvenimenti għandhom jixxandru live, jiġu rreġistrati u jkunu magħmula disponibbli għall-pubbliku. Id-dokumenti relatati għandhom jiġu ppubblikati fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE. Id-djalogi maċ-ċittadini jeħtieġ li jiġu ppubbliċizzati fil-livell lokali, nazzjonali u tal-UE, bl-użu tal-mezzi kollha disponibbli, analoġiċi u diġitali. Barra minn hekk, id-djalogi maċ-ċittadini għandu jkollhom l-identità viżiva tagħhom stess, u jużaw pjattaforma online multilingwi unika.

 

Il-fażi ta' segwitu

 

L-eżitu tal-mekkaniżmi parteċipattivi jeħtieġ li jiġi definit b'mod preċiż, sabiex ikun jista' jiġi soġġett għal segwitu legalment vinkolanti. Il-parteċipanti għandhom jingħataw feedback bil-miktub fi tmiem il-proċess. L-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jispjegaw fid-dettall liema proposti taċ-ċittadini se jiġu adottati u liema se jiġu rrifjutati, u jagħtu r-raġunijiet tagħhom għal dawn id-deċiżjonijiet. Dan il-feedback jiżgura l-obbligu ta' rendikont tal-istituzzjonijiet u l-kredibbiltà tal-proċess.

 

Barra minn hekk, l-eżitu jista' jiġi ppreżentat liċ-ċittadini f'kuntest simili għall-festivals tad-demokrazija, bil-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-istituzzjonijiet tal-UE u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Parti mis-segwitu jista' jkun li l-eżitu tal-proċess jissarraf f'rapporti ta' inizjattiva jew seduti ta' smigħ pubbliċi.

 

Għandu jiġi stabbilit Forum tas-Soċjetà Ċivili indipendenti sabiex jimmonitorja l-proċess u s-segwitu tiegħu mill-istituzzjonijiet tal-UE. Dan il-Forum għandu jikkonsisti minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-Istati Membri kollha u għandu jiġi mistieden regolarment biex jagħti kontribut matul il-proċess, iffinalizzat b'rapport. Barra minn hekk, għandhom ikunu magħmula disponibbli biżżejjed fondi tal-UE għal dawn id-djalogi.

 

Konsultazzjonijiet maċ-ċittadini dwar proposti għal Proġetti Pilota

 

Sabiex tingħata idea ta' baġit parteċipattiv fil-livell tal-UE, jista' jiġi introdott mekkaniżmu ta' konsultazzjonijiet maċ-ċittadini dwar Proġetti Pilota (PPs). Il-PPs jippermettu lill-Parlament, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jipproponu linji baġitarji ġodda għall-baġit annwali tal-Unjoni sabiex jiġu ffinanzjati ideat u proġetti ġodda, li għalihom m'hemm l-ebda bażi leġiżlattiva (sakemm l-azzjonijiet jaqgħu taħt il-kompetenzi tal-Unjoni). Il-proċess ta' konsultazzjoni għandu jiżgura li ċ-ċittadini jew is-soċjetà ċivili jkunu jistgħu jżidu proposti għal PPs ma' dawk diġà ddikjarati mill-istituzzjonijiet tal-UE.

 

 


ANNESS: LISTA TA' ENTITAJIET JEW PERSUNI LI R-RELATUR IRĊIEVA KONTRIBUT MINGĦANDHOM

Il-lista li ġejja hija mfassla fuq bażi purament volontarja taħt ir-responsabbiltà esklussiva tar-relatur. Ir-relatur irċeviet kontribut mingħand dawn l-entitajiet jew persuni li ġejjin fit-tħejjija tal-abbozz ta' rapport:

 

Entità u/jew persuna

Citizens Take Over Europe

 

Civil Society Europe

 

Democracy International

 

European Citizens’ Initiative e.V.

 

 

European Committee of the Regions (CIVEX Commission)

European Democracy Lab

 

European Economic and Social Committee

 

 

European House, Hungary

 

 

European Ombudsman

 

 

Europe’s People’s Forum

 

 

Pulse of Europe

 

 

RegioParl

 

 

Values Unite

 

 

Young European Federalists

 

 

 


 

 

POŻIZZJONI FIL-FORMA TA' EMENDI TAL-KUMITAT GĦALL-PETIZZJONIJIET (19.4.2021)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali

dwar id-djalogi taċ-Ċittadini u l-parteċipazzjoni taċ-Ċittadini fil-proċess deċiżjonali tal-UE

(2020/2201(INI))

F'isem il-Kumitat għall-Petizzjonijiet: Dolors Montserrat (rapporteur)

 

 

EMENDA

Il-Kumitat għall-Petizzjonijiet jippeżenta lill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, l-emenda li ġejja:

Emenda  1

Mozzjoni għal riżoluzzjoni

Premessa D

 

Mozzjoni għal riżoluzzjoni

Emenda

D. billi l-impatt ġuridiku u politiku tal-uniċi strumenti minn isfel għal fuq għaċ-ċittadini fl-UE, jiġifieri l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (IĊE), l-ilmenti lill-Ombudsman Ewropew u l-petizzjonijiet lill-Parlament, huwa pjuttost minimu;

D. billi l-impatt ġuridiku u politiku tal-uniċi strumenti minn isfel għal fuq għaċ-ċittadini fl-UE, jiġifieri l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (IĊE), l-ilmenti lill-Ombudsman Ewropew u l-petizzjonijiet lill-Parlament, irid jissaħħaħ;

 

 

 

 


 

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-KULTURA U L-EDUKAZZJONI (26.4.2021)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali

dwar id-djalogi maċ-ċittadini u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-proċess deċiżjonali tal-UE

(2020/2201(INI))

Relatur għal opinjoni: Irena Joveva

 

 


 

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1. Jissottolinja li l-fatt li ċ-ċittadini jifhmu l-istituzzjonijiet tal-UE u li jkollhom fiduċja fihom huwa fundamentali għad-demokrazija, il-governanza tajba u t-tfassil effikaċi tal-politika u huwa fattur ewlieni fil-bini tal-fiduċja taċ-ċittadini fl-UE u l-ġejjieni tagħha, u li għal din ir-raġuni l-istituzzjonijiet kollha tal-UE jridu jistinkaw għall-ogħla standards possibbli ta' trasparenza, obbligu ta' rendikont u integrità billi jieħdu miżuri speċifiċi u dedikati fl-aspetti kollha tal-ħidma tagħhom, b'enfasi partikolari fuq il-proċess deċiżjonali tal-UE;

2. Ifakkar fid-"Dikjarazzjoni dwar il-promozzjoni taċ-ċittadinanza u l-valuri komuni tal-libertà, it-tolleranza u n-nondiskriminazzjoni permezz tal-edukazzjoni" adottata mill-ministri għall-edukazzjoni tal-UE fis-17 ta' Marzu 2015, li fiha talbu azzjonijiet imsaħħa fil-qasam tal-edukazzjoni fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali sabiex tiġi ssalvagwardjata s-soċjetà pluralistika tagħna;

3. Jisħaq fuq l-importanza li jiġu rieżaminati u identifikati l-lakuni attwali fil-mezzi demokratiċi ta' parteċipazzjoni għaċ-ċittadini, għall-partijiet ikkonċernati u għas-soċjetà ċivili organizzata sabiex it-tali mezzi jinvolvu proċess miftuħ u trasparenti li jieħu approċċ inklużiv, parteċipattiv u bbilanċjat tajjeb; jinnota li approċċ miftuħ jeħtieġ aġġustamenti rilevanti biex jiġi ffaċilitat l-aċċess taċ-ċittadini għall-proċess deċiżjonali tal-UE orizzontalment; jemmen li d-djalogu bejn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u s-soċjetà ċivili għandu jkun organizzat b'tali mod li d-diversità tas-soċjetajiet tagħna tkun riflessa bis-sħiħ fl-Istati Membri kollha; jenfasizza li ċ-ċittadini kollha għandu jkollhom aċċess u possibbiltajiet indaqs biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom u jitlob miżuri speċifiċi ta' inklużjoni fid-djalogi maċ-ċittadini għall-persuni b'inqas opportunitajiet, kif ukoll għall-gruppi vulnerabbli u emarġinati;

4. Jilqa' l-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa u jittama li 'l quddiem ikollha rwol kruċjali biex tiżviluppa ulterjorment il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-proċess tat-tfassil tal-politika tal-UE u twitti t-triq għall-istabbiliment ta' mekkaniżmu permanenti ġdid għall-parteċipazzjoni taċ-ċittadini, filwaqt li tirriforma l-approċċ attwali minn fuq għal isfel u tittrasformah f'approċċ minn isfel għal fuq; jitlob, għalhekk, lill-Kummissjoni tiżviluppa metodoloġiji ta' parteċipazzjoni sinifikattivi u għodod imfassla apposta li jippermettu impenn u fehim profondi tas-suġġetti diskussi; jitlob lill-Kummissjoni tesplora l-potenzjal tal-kultura, l-arti u l-kreattività bħala għodod għal soluzzjonijiet innovattivi għall-espressjoni ta' opinjonijiet dwar il-futur tal-Ewropa u tagħmel użu minn dan il-potenzjal fil-kuntest tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, kif ukoll fil-forma ta' metodu kontinwu ta' parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-governanza interna u esterna tal-UE; jemmen li l-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa għandha tiddiskuti kif tista' tissaħħaħ l-azzjoni Ewropea fl-oqsma tal-edukazzjoni, il-kultura, iż-żgħażagħ u l-isport; ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu dwar il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa u jtenni l-ħtieġa li jinħolqu strutturi ta' involviment għaż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ; ifakkar li d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa tipprevedi li s-soċjetà ċivili tkun rappreżentata fil-plenarja tal-Konferenza; jinsisti li l-fehmiet taż-żgħażagħ, taċ-ċittadini u tas-soċjetà ċivili huma essenzjali matul id-diskussjonijiet fost il-korpi kollha tal-Konferenza fil-livelli kollha;

5. Jilqa' l-istabbiliment ta' korp ta' etika bħala awtorità indipendenti biex titrawwem it-trasparenza fl-istituzzjonijiet tal-UE;

6. Itenni d-definizzjoni tal-ugwaljanza stabbilita fil-Kapitolu 3 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE bħala ugwaljanza quddiem il-liġi, in-nondiskriminazzjoni, id-diversità, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-drittijiet tat-tfal, l-anzjani u l-persuni b'diżabbiltà;

7. Jinnota li l-mezzi stabbiliti għaċ-ċittadini biex jagħtu l-kontribut tagħhom dwar il-proċess deċiżjonali tal-UE, bħall-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (IĊE), id-dritt għal petizzjoni lill-Parlament Ewropew, ir-rikors għall-Ombudsman Ewropew u l-konsultazzjonijiet u d-djalogi pubbliċi, huma nieqsa mill-viżibbiltà, l-aċċessibbiltà u s-segwitu u għalhekk jostakolaw il-parteċipazzjoni adegwata taċ-ċittadini; jappoġġja bil-qawwa l-attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni u informazzjoni, u l-evalwazzjoni u s-simplifikazzjoni ta' dawn il-mekkaniżmi biex jiġu massimizzati l-impatt u l-effikaċja tagħhom u titjieb l-aċċessibbiltà tagħhom għaċ-ċittadini; jemmen li n-nuqqas ta' azzjoni mill-Kummissjoni wara inizjattivi taċ-ċittadini Ewropej li kienu ta' suċċess jimmina l-għan li l-leġittimità demokratika tal-Unjoni tissaħħaħ permezz tal-parteċipazzjoni msaħħa taċ-ċittadini fil-ħajja demokratika u politika tagħha;

8. Jemmen li l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini timplika l-iżvilupp ta' firxa ta' għodod li jvarjaw minn konsultazzjoni għal deliberazzjoni, kif ukoll l-iżvilupp ta' djalogu permanenti strutturat dwar kwistjonijiet tal-UE maċ-ċittadini u mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jirrappreżentaw liċ-ċittadini, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak nazzjonali;

9. Jissottolinja l-importanza li jitrawmu l-impenn ċiviku u l-parteċipazzjoni attiva b'mod koordinat u koerenti fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali u fil-livell tal-UE; jemmen, f'dan il-kuntest, li r-rwol, l-attivitajiet u l-indipendenza tar-Rappreżentanzi tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Uffiċċji ta' Kollegament tal-Parlament Ewropew (EPLOs) fl-Istati Membri għandhom jissaħħu, sabiex jiġu ffaċilitati l-impenn ċiviku u d-djalogu dirett maċ-ċittadini, jiġu pprovduti aċċess għall-informazzjoni u t-tixrid tagħha u ssir sensibilizzazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea u l-politiki tagħha permezz ta' użu wiesa' u kkoordinat tajjeb tal-għodod ta' komunikazzjoni għall-parteċipazzjoni diġitali u fiżika taċ-ċittadini;

10. Jisħaq li l-edukazzjoni ċivika u t-tagħlim dwar l-UE huma essenzjali għat-titjib tad-demokrazija Ewropea u l-ġejjieni tal-Unjoni, u b'hekk jippermettu liċ-ċittadini tal-UE jagħmlu għażliet infurmati u jkunu parti integrali minn soċjetà demokratika bbażata fuq il-valuri komuni Ewropej tad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem; jinnota li ċ-ċittadinanza Ewropea hija valur li għandu jitrawwem fiż-żgħażagħ u għalhekk jilqa' l-inizjattivi u l-programmi ta' mobilità, bħal Erasmus+ u l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, li jippermettu liż-żgħażagħ, lill-istudenti, lill-ħarrieġa, lill-għalliema u lir-riċerkaturi jistudjaw, jaħdmu u jgħixu flimkien filwaqt li jesperjenzaw u jżidu l-fehim tagħhom tal-kultura u l-valuri tal-Ewropa; jilqa' l-inizjattivi "Back to school" u "Europe at school" bħala eżempji tal-aħjar prattika għall-promozzjoni tal-proġett Ewropew fost iż-żgħażagħ; jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi appoġġ sabiex tikkomplementa l-programmi u t-taħriġ edukattivi fl-Istati Membri kollha, b'mod partikolari billi tappoġġja l-iżvilupp ta' kurrikulu komuni għall-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza Ewropea, ittejjeb it-tagħlim dwar l-UE, trawwem, fost l-oħrajn, fehim aħjar tal-funzjonament tagħha, tal-mekkaniżmi parteċipattivi eżistenti tal-UE u tal-istorja u l-kulturi tal-Istati Membri, u tħeġġeġ il-ħsieb oġġettiv u kritiku rigward il-benefiċċji tal-Unjoni Ewropea, bil-għan li żżid il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-proċess deċiżjonali tal-UE;

11. Jemmen li l-iżgurar tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ se jkun parti essenzjali mill-impatt fit-tul tal-inizjattivi ta' djalogu maċ-ċittadini; jisħaq, għalhekk, fuq l-importanza li ssir enfasi fuq iż-żgħażagħ fi kwalunkwe attività ta' tagħlim tal-UE u jissuġġerixxi li jiġu promossi għodod ta' impenn taż-żgħażagħ b'enfasi speċjali fuq il-media soċjali, l-applikazzjonijiet mobbli, il-logħob mobbli, il-kwiżżijiet u formati oħra adatti għaż-żgħażagħ; jilqa' l-programmi edukattivi bejn il-pari bħall-Parlament Ewropew taż-Żgħażagħ u d-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ bħala eżempji ta' prattiki tajba;

12. Jisħaq li l-kriżi attwali tal-COVID-19 u t-tranżizzjoni diġitali introduċew modi ġodda ta' ħidma fl-istituzzjonijiet tal-UE; jitlob, għalhekk, l-użu sistematiku ta' diversi pjattaformi u għodod online għad-djalogu bejn l-istituzzjonijiet u ċ-ċittadini tal-UE, kif ukoll dawk li jipprovdu opportunitajiet għall-kontribut u l-kummenti tas-soċjetà ċivili dwar proposti speċifiċi ta' leġiżlazzjoni;

13. Jissottolinja li, biex iċ-ċittadini jkunu involuti b'mod attiv, huwa tal-akbar importanza li l-informazzjoni tkun disponibbli u aċċessibbli bil-lingwa nattiva tagħhom; iwissi li l-ostakli lingwistiċi jillimitaw l-involviment u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-proċess politiku; iqis li t-teknoloġija, speċjalment it-teknoloġija tal-lingwa, tista' tgħin biex dawn l-ostakli lingwistiċi jingħelbu, u jitlob li l-istituzzjonijiet tal-UE jagħmlu użu minnhom sabiex l-ebda ċittadin ma jitħalla lura;

14. Jissottolinja d-dritt taċ-ċittadini li jkollhom aċċess għal informazzjoni affidabbli, indipendenti u fattwali dwar l-Unjoni Ewropea u dwar il-politiki u l-proċessi deċiżjonali tagħha; jirrikonoxxi l-ħtieġa li jiġi stabbilit aċċess diversifikat għal ċentru tal-aħbarijiet Ewropew komuni li jkun newtrali, indipendenti u informattiv kif ukoll aċċessibbli bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE, u li tiġi żviluppata komunikazzjoni proattiva maċ-ċittadini tal-UE; ifakkar ukoll fil-valur tal-mezzi tal-media eżistenti; iqis li huwa neċessarju li jiġi indirizzat b'mod konkret it-tixrid ta' miżinformazzjoni u diżinformazzjoni, speċjalment fi żminijiet ta' kriżi meta tkun l-aktar meħtieġa informazzjoni valida, affidabbli u f'waqtha; jisħaq li l-indipendenza tal-media hija kruċjali għal dawn il-proċessi; jitlob, b'rabta mal-miżinformazzjoni u d-diżinformazzjoni, l-introduzzjoni ta' feedback, verifika tal-fatti u moderazzjoni downstream fil-funzjonament tal-pjattaformi online, li jkunu jirrispettaw id-drittijiet ċivili u l-libertà tal-espressjoni; iqis, għalhekk, li huwa essenzjali li jissaħħaħ it-taħriġ tal-ġurnalisti sabiex jitrawwem ħsieb indipendenti u kritiku;

15. Jilqa' l-objettiv tal-Pjan ta' Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea (EDAP) li jtejjeb il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fis-sistemi demokratiċi permezz ta' proċess deċiżjonali infurmat; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żgurati l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u l-impenn taċ-ċittadini minn sfondi żvantaġġjati fil-qafas ta' Erasmus+ u l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà; jilqa' l-miżuri mħabbra fil-qafas tal-EDAP biex jissaħħu l-libertà tal-media, il-libertà tal-espressjoni u l-ġurnaliżmu ta' kwalità; jistenna b'interess il-proposti tal-Kummissjoni għal għodod prattiċi u effiċjenti biex tiġi żgurata aħjar is-sikurezza tal-ġurnalisti, li spiss wisq huma soġġetti għal theddid u intimidazzjoni bla bżonn, u b'hekk jiġi limitat id-dritt taċ-ċittadini għall-informazzjoni; jinnota bi tħassib in-nuqqas ta' proposti speċifiċi biex tiġi żgurata l-libertà artistika u tingħata protezzjoni lill-artisti sottoposti għal ċensura u għal proċedimenti ġudizzjarji u jistieden lill-Kummissjoni tkompli tiżviluppa dan il-qasam fil-qafas tal-EDAP;

16. Jirrikonoxxi d-dritt taċ-ċittadini kollha tal-UE li jitolbu u jirċievu informazzjoni mill-istituzzjonijiet tal-UE b'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-UE; jirrimarka li djalogu ġenwin u l-parteċipazzjoni attiva u infurmata taċ-ċittadini tal-UE fil-proċess deċiżjonali tal-UE huma possibbli biss jekk ma jkun hemm l-ebda ostaklu lingwistiku, u jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tagħmel sforzi ferm akbar biex tikkomunika maċ-ċittadini bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE; jinnota li, sabiex jissaħħu l-inklużività, is-sensibilizzazzjoni u l-viżibbiltà, hemm bżonn li tittejjeb l-aċċessibbiltà tal-kontenut online; jissuġġerixxi li s-siti web kollha tal-UE għandhom ikunu faċli għall-utent u disponibbli bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE;

17. Jissottolinja l-importanza tal-kultura u l-edukazzjoni bħala s-sinsla tas-soċjetà tagħna u jisħaq fuq ir-rwol kruċjali tagħhom fit-tiswir tal-kuxjenza storika, politika u soċjetali taċ-ċittadini tagħna; jafferma li d-dritt għal edukazzjoni ta' kwalità, u b'mod partikolari l-edukazzjoni ċivika u l-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza, huwa wieħed mill-prerekwiżiti tad-demokrazija; ifakkar li d-dritt għall-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja huwa l-ewwel prinċipju tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, u huwa essenzjali biex jippermetti l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-proċessi politiċi u fil-ħajja tas-soċjetà; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġija Ewropea komprensiva dwar l-edukazzjoni ċivika u l-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza, kif ukoll pjattaformi ta' appoġġ biex jippromwovu l-implimentazzjoni tagħha, b'enfasi partikolari fuq il-prinċipji u l-valuri demokratiċi komuni tal-UE; jemmen li din l-istrateġija għandha tgħin liċ-ċittadini jifhmu aħjar il-proċess deċiżjonali kumpless tal-UE u l-politiki tal-UE u għandha tkun sors ta' sensibilizzazzjoni dwar il-benefiċċji, id-drittijiet u l-obbligi taċ-ċittadinanza tal-UE; jitlob lill-UE u lill-gvernijiet nazzjonali jżidu l-investiment tagħhom fl-edukazzjoni ċivika formali, mhux formali u informali, iċ-ċittadinanza attiva u l-kompetenzi demokratiċi, kif ukoll fil-programmi ta' taħriġ u ta' bini tal-kapaċitajiet għall-edukaturi;

18. Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta proposta għal ftehim interistituzzjonali dwar id-djalogu ċivili abbażi tal-Artikolu 11(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li jiddikjara li l-istituzzjonijiet iridu jżommu djalogu miftuħ, trasparenti u regolari mal-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi u mas-soċjetà ċivili;

19. Jiġbed l-attenzjoni għall-Programm il-ġdid dwar iċ-Ċittadinanza, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri, li huwa mistenni li jagħti aktar viżibbiltà u impatt lill-attivitajiet li jikkontribwixxu għad-djalogi maċ-ċittadini u l-impenn tagħhom f'demokraziji parteċipattivi; jisħaq fuq l-importanza li jiġu żgurati l-kontinwità u aktar riżorsi għall-fergħa taċ-"ċittadini" ta' dan il-programm, inklużi attivitajiet ta' ġemellaġġ tal-ibliet u ta' kommemorazzjoni; jilqa' l-introduzzjoni ta' attivitajiet immirati lejn it-trawwim ulterjuri tal-valuri Ewropej fil-qafas ta' dan il-programm, bħas-sensibilizzazzjoni dwar storja Ewropea komuni; jitlob li l-"Grupp ta' Djalogu Ċivili" jiġi stabbilit malajr fil-qafas tal-programm il-ġdid;


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

19.4.2021

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

26

1

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Asim Ademov, Ilana Cicurel, Gilbert Collard, Gianantonio Da Re, Laurence Farreng, Tomasz Frankowski, Alexis Georgoulis, Hannes Heide, Irena Joveva, Petra Kammerevert, Niyazi Kizilyürek, Ryszard Antoni Legutko, Predrag Fred Matić, Dace Melbārde, Victor Negrescu, Niklas Nienaß, Peter Pollák, Marcos Ros Sempere, Domènec Ruiz Devesa, Monica Semedo, Andrey Slabakov, Massimiliano Smeriglio, Michaela Šojdrová, Sabine Verheyen, Maria Walsh, Milan Zver

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Diana Riba i Giner, Iuliu Winkler

 


 

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

26

+

ECR

Ryszard Antoni Legutko, Dace Melbārde, Andrey Slabakov

PPE

Asim Ademov, Tomasz Frankowski, Peter Pollák, Michaela Šojdrová, Sabine Verheyen, Maria Walsh, Iuliu Winkler, Milan Zver

Renew

Ilana Cicurel, Laurence Farreng, Irena Joveva, Monica Semedo

S&D

Hannes Heide, Petra Kammerevert, Predrag Fred Matić, Victor Negrescu, Marcos Ros Sempere, Domènec Ruiz Devesa, Massimiliano Smeriglio

The Left

Alexis Georgoulis, Niyazi Kizilyürek

Verts/ALE

Niklas Nienaß, Diana Riba i Giner

 

1

-

ID

Gilbert Collard

 

1

0

ID

Gianantonio Da Re

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 


 

 

 

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦAL-LIBERTAJIET ĊIVILI, IL-ĠUSTIZZJA U L-INTERN (27.5.2021)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali

dwar id-djalogi maċ-ċittadini u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-proċess deċiżjonali tal-UE

(2020/2201(INI))

Relatur għal opinjoni: Loránt Vincze

 

 

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A. billi l-Artikoli 10 u 11 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikoli 20, 21, 24, 227 u 228 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jiffurmaw il-bażi biex iċ-ċittadini jipparteċipaw fit-tfassil tal-politiki u l-leġiżlazzjoni tal-UE;

B. billi l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-ħajja demokratika tal-Unjoni hija dritt fundamentali ewlieni kif rikonoxxut fit-Trattati u wieħed mill-prerekwiżiti għal Unjoni demokratika li tiffunzjona tajjeb u għat-trawwim tal-iskrutinju demokratiku; billi demokrazija effikaċi tiddependi mill-fatt li ċ-ċittadini jsemmgħu leħinhom u jinstemgħu; billi l-parteċipazzjoni sinifikattiva taċ-ċittadini għandha tiġi żgurata fit-teorija u fil-prattika; billi skont stħarriġ tal-Ewrobarometru dwar ix-xejriet soċjodemografiċi (2007-2020)[10], 45 % biss taċ-ċittadini jqisu li l-vuċi tagħhom tgħodd fl-UE;

C. billi t-titjib tal-parteċipazzjoni u tat-trasparenza taċ-ċittadini fil-livell tal-UE huwa kruċjali biex l-Unjoni tinġieb eqreb taċ-ċittadini u tiżdied il-fiduċja u l-kunfidenza taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet tal-UE, kif ukoll biex tinkiseb demokrazija reali f'diversi livelli; billi nuqqas ta' trasparenza ma jippermetti dibattitu pubbliku dwar ebda biċċa leġiżlazzjoni; billi mhux il-partijiet ikkonċernati kollha għandhom aċċess ugwali għall-istituzzjonijiet tal-UE jew għal informazzjoni dwar xogħolhom; billi l-Kummissjoni għandha twettaq djalogi miftuħa, trasparenti u regolari maċ-ċittadini u mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; billi l-UE għandha tiżgura li s-soċjetà ċivili tkun tista' tipparteċipa b'mod attiv fid-dibattitu pubbliku u jkollha l-kapaċità li tinfluwenza l-proċess ta' politika u dak deċiżjonali;

D. billi l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri għandhom jiżguraw il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini mingħajr diskriminazzjoni għal kwalunkwe raġuni bħal sess, razza, kulur, oriġini etnika jew soċjali, karatteristiċi ġenetiċi, ilsien, reliġjon jew twemmin, opinjoni politika jew opinjoni oħra, sħubija f'minoranza nazzjonali, proprjetà, twelid, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali, f'konformità mal-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali; billi d-djalogi u l-mekkaniżmi ta' parteċipazzjoni taċ-ċittadini għandhom jirriflettu bis-sħiħ id-diversità tas-soċjetà tagħna bħala l-pedament għal politiki aħjar u governanza tajba msaħħa; billi jeħtieġ li tingħata attenzjoni speċifika biex jiġi garantit li l-ilħna kollha jinstemgħu u li l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini kollha fil-proċess deċiżjonali tal-UE tiġi żgurata b'mod sinifikattiv, inklużiv, trasparenti u aċċessibbli;

E. billi l-vuċi taż-żgħażagħ hija eċċezzjonalment importanti u l-ġejjieni tal-Ewropa huwa tagħhom; billi l-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal jistabbilixxi d-dritt tat-tfal kollha li jinstemgħu u li l-fehmiet tagħhom jittieħdu bis-serjetà f'konformità mal-età u l-maturità tagħhom, filwaqt li tiġi żgurata l-parteċipazzjoni effettiva tat-tfal fil-proċessi deċiżjonali pubbliċi; billi l-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE jippreskrivi li t-tfal jistgħu jesprimu l-fehmiet tagħhom liberament u li tali fehmiet għandhom jiġu kkunsidrati fir-rigward ta' kwistjonijiet li jikkonċernawhom f'konformità mal-età u l-maturità tagħhom;

F. billi l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jagħtu attenzjoni speċjali lill-gruppi tal-popolazzjoni soċjalment u ekonomikament żvantaġġjati, emarġinati u esklużi li għandhom ftit opportunitajiet biex jipparteċipaw fil-proċessi deċiżjonali tal-UE u għandhom jiggarantixxu l-involviment tagħhom fil-ħajja pubblika u fil-proċess deċiżjonali, inkluż billi jneħħu l-ostakli istituzzjonali u strutturali għall-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni u jippromwovu r-rwol tagħhom; billi l-elezzjonijiet tal-2019 għall-Parlament Ewropew urew li għad irid isir progress biex tiżdied il-parteċipazzjoni tal-persuni li ġejjin minn kuntest ta' minoranza razzjali jew etnika fl-elezzjonijiet Ewropej u r-rappreżentanza tagħhom bħala membri eletti tal-Parlament Ewropew; billi l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom joħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-parteċipazzjoni effettiva ta' persuni li jappartjenu għal minoranzi fil-proċess deċiżjonali u fl-affarijiet pubbliċi; billi l-fatt li l-migranti jingħataw vuċi fil-formulazzjoni ta' politiki li jaffettwawhom direttament jista' jirriżulta f'politiki li jaqdu aħjar lill-migranti u li jtejbu s-sens ta' appartenenza tagħhom; billi l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li jżidu l-parteċipazzjoni tagħhom fil-konsultazzjonijiet pubbliċi rilevanti; billi d-drittijiet politiċi – inkluż l-akkwist taċ-ċittadinanza – huma xprun kbir għall-inklużjoni tal-migranti[11]; billi l-Istati Membri għandhom awtorità esklużiva biex jistabbilixxu r-regoli dwar l-aċċess għaċ-ċittadinanza;

1. Jissottolinja l-ħtieġa li ssir distinzjoni bejn l-għodod taċ-ċittadini biex jobbligaw lir-rappreżentanti eletti jagħtu rendikont, il-parteċipazzjoni, id-djalogu u l-konsultazzjoni u jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE jsaħħu u jiżviluppaw għodod għal dawn l-oqsma rispettivi kollha; jisħaq fuq il-ħtieġa li ċ-ċittadini Ewropej jingħataw aċċess effettiv għall-proċeduri u l-proċessi leġiżlattivi tal-UE u jkunu jistgħu jsemmgħu leħinhom permezz ta' konsultazzjonijiet u azzjonijiet parteċipattivi;

2. Jenfasizza li l-għodod ewlenin taċ-ċittadini biex jinfluwenzaw huma l-vot universali u d-demokrazija rappreżentattiva; jindika li strumenti parteċipattivi trasparenti u aċċessibbli b'mod wiesa' jikkomplementaw id-demokrazija rappreżentattiva fl-UE; huwa tal-fehma li fil-proċessi ta' konsultazzjoni, irid jiġi żgurat bilanċ bejn il-parteċipazzjoni tal-gruppi ta' interess organizzati u taċ-ċittadini; jindika l-importanza li jsiru konsultazzjonijiet b'mod sistematiku mal-NGOs biex jittejbu d-djalogi maċ-ċittadini u d-demokrazija parteċipattiva;

3.  Jissottolinja li l-livell ta' involviment taċ-ċittadini tal-UE fil-proċess tad-demokrazija parteċipattiva tal-UE u l-użu sussegwenti tal-għodod huwa proporzjonat għal-livell ta' għarfien tal-azzjonijiet u l-politiki tal-UE u għall-istrumenti ta' parteċipazzjoni disponibbli fis-sistema ta' governanza f'diversi livelli tal-Unjoni; jinnota li ċ-ċittadini Ewropej mhumiex konxji biżżejjed tad-drittijiet tagħhom bħala ċittadini tal-UE, inkluż id-dritt li jivvutaw fl-elezzjonijiet Ewropej u lokali meta jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta' mobbiltà; jemmen li l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jiżviluppaw strateġija ta' sensibilizzazzjoni dwar il-funzjonament u proċessi deċiżjonali tal-Unjoni li għandha tiġi promossa fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali, sabiex jingħeleb in-nuqqas ta' għarfien f'dan il-qasam; jitlob lill-Kummissjoni żżid il-finanzjament għal proġetti li jippromwovu l-fehim tal-funzjonament tal-UE u l-valuri fundamentali tagħha; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat l-aċċess għall-finanzjament għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inkluż permezz ta' għotjiet mikro u proċessi ta' applikazzjoni simplifikati u adattati; jirrakkomanda t-tisħiħ tar-rwol tal-media fit-titjib tal-għarfien taċ-ċittadini dwar il-funzjonament tal-istituzzjonijiet tal-UE;

4. Jenfasizza li l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini hija strumentali biex jinkisbu deċiżjonijiet aktar demokratiċi u rappreżentattivi, li hija element tal-għoti tas-setgħa u, għalhekk, komponent ta' governanza tajba flimkien ma' obbligu ta' rendikont politiku; jisħaq li demokrazija li tiffunzjona tirrikjedi wkoll li n-nies ikunu liberi li jindikaw nuqqasijiet fis-sistema u jissuġġerixxu titjib; jissottolinja li d-djalogi u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini huma meħtieġa għall-iskrutinju demokratiku;

5. Jinnota li l-aċċess għall-informazzjoni, il-konsultazzjoni u l-involviment attiv fil-proċess deċiżjonali kollu tal-UE huma elementi essenzjali biex tinkiseb parteċipazzjoni sinifikattiva; jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE joqogħdu lura minn forom simboliċi ta' involviment; jisħaq fuq l-importanza li jiġi żgurat l-involviment fil-proċess deċiżjonali tal-UE ta' dawk affettwati minn deċiżjoni, b'attenzjoni partikolari biex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni ta' persuni li huma sottorappreżentati f'sitwazzjonijiet vulnerabbli kif ukoll biex jiġi pprovdut feedback adegwat;

6. Jisħaq fuq il-ħtieġa li tinbena u tissaħħaħ l-inklużività fis-soċjetajiet tagħna, sabiex b'hekk iċ-ċittadini kollha jingħataw is-setgħa biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom u jkollhom sehem attiv fil-ħajja demokratika; jitlob lill-Kummissjoni tippromwovi d-diversità u l-pluraliżmu, u tiżgura li ċ-ċittadini kollha ġejjin minn liema kuntest ġejjin ikunu involuti fil-proċess deċiżjonali tal-UE; iqis li l-pluraliżmu politiku huwa parti fundamentali mid-demokrazija, li jikkontribwixxi b'mod pożittiv għar-reżiljenza ta' soċjetajiet miftuħa u ħielsa; jitlob evalwazzjoni tal-għodod u l-mekkaniżmi eżistenti u mibdija fir-rigward tad-diversità fir-rappreżentanza taċ-ċittadini, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-gruppi ta' interess organizzati; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw b'mod proattiv is-sottorappreżentanza tal-minoranzi fl-istituzzjonijiet pubbliċi u fil-ħajja pubblika u politika, u jappoġġjaw il-parteċipazzjoni akbar tagħhom;

7. Jenfasizza li ċ-ċittadini kollha għandu jkollhom aċċess u opportunitajiet indaqs biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom u jitlob miżuri speċifiċi ta' inklużjoni fid-djalogi maċ-ċittadini għall-persuni b'inqas opportunitajiet kif ukoll tal-gruppi vulnerabbli u emarġinati; jenfasizza l-importanza tal-komunikazzjoni ma' persuni li jgħixu f'inħawi żvantaġġjati;

8. Jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata rappreżentanza usa' ta' organizzazzjonijiet ta' minoranzi, diżabbiltà, tfal u żgħażagħ fil-korpi konsultattivi għall-UE, bħall-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE);

9. Jenfasizza li filwaqt li l-għadd ta' nies li ħarġu jivvutaw naqas b'mod konsistenti fl-elezzjonijiet tal-UE mill-1979 sal-2014, l-elezzjonijiet tal-2019 irreżistew din ix-xejra, u rreġistraw l-ogħla għadd ta' nies li ħarġu jivvutaw fi kwalunkwe elezzjoni għall-Parlament Ewropew f'dawn l-aħħar 20 sena, b'50.66 %, (żieda ta' tmien punti perċentwali meta mqabbla mal-2014); iqis li l-interazzjoni bejn iċ-ċittadini tal-UE u r-rappreżentanti eletti tagħhom fil-Parlament għandha tissaħħaħ sabiex tittejjeb il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini;

10. Jindika li l-pandemija tal-COVID-19 ġiegħlet lill-awtoritajiet nazzjonali jippromulgaw restrizzjonijiet bla preċedent fuq id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini; jenfasizza l-isfidi speċifiċi li jiffaċċjaw persuni bi sfond razzjali jew etniku minoritarju fil-kriżi tal-COVID-19, b'mod partikolari r-riskju ta' razziżmu u ksenofobija akbar, b'konsegwenzi negattivi għall-parteċipazzjoni soċjetali, demokratika u politika tagħhom;

11. Jinnota bi tħassib li l-kuntratti ffirmati mill-Kummissjoni ma' kumpaniji farmaċewtiċi li qed jiżviluppaw il-vaċċini kontra l-COVID-19 għandhom taqsimiet u dispożizzjonijiet li għadhom ma sarux pubbliċi; jenfasizza li l-atti jew il-kuntratti uffiċjali kollha adottati jew iffirmati mill-entitajiet jew l-istituzzjonijiet Ewropej, jew mill-Istati Membri li jikkonċernaw id-drittijiet, il-libertajiet u/jew is-saħħa taċ-ċittadini Ewropej iridu jkunu pubbliċi fl-intier tagħhom;

12. Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' miżuri ta' appoġġ bl-għan li jiżdied il-litteriżmu ċiviku permezz ta' edukazzjoni formali u mhux formali dwar iċ-ċittadinanza u li tissaħħaħ il-kapaċità ċivika biex jitħeġġeġ il-fehim taċ-ċittadini tal-proċess tat-tfassil tal-politika u jiġi promoss l-involviment ċiviku fl-azzjonijiet tal-Unjoni; iqis, għal dak il-għan, li hija meħtieġa azzjoni aktar b'saħħitha mill-Istati Membri u l-Kummissjoni fit-trawwim tal-edukazzjoni ċivika u dwar iċ-ċittadinanza tal-UE, inkluż dwar il-valuri tal-UE; jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi appoġġ biex tikkomplementa l-programmi edukattivi u t-taħriġ fl-Istati Membri kollha, b'mod partikolari billi tappoġġja l-iżvilupp ta' kurrikulu komuni dwar l-edukazzjoni ċivika u dwar iċ-ċittadinanza Ewropea, tippromwovi ċittadinanza Ewropea attiva u parteċipattiva; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġija Ewropea komprensiva dwar l-edukazzjoni ċivika u dwar iċ-ċittadinanza akkumpanjata minn pjattaformi ta' appoġġ biex jippromwovu l-implimentazzjoni tagħha;

13. Iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jinkludu d-drittijiet tat-tfal fil-kurrikuli tagħhom tal-edukazzjoni ċivika u dwar iċ-ċittadinanza u jippromwovu l-involviment taż-żgħażagħ fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE;

14. Iqis li l-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet tal-UE hija fundamentali għad-demokrazija, għall-governanza t-tajba u għat-tfassil effikaċi tal-politika; jemmen li l-istituzzjonijiet tal-UE iridu jagħmlu ħilithom biex jiksbu l-ogħla standards possibbli fil-qasam tat-trasparenza, l-obbligu ta' rendikont u l-integrità; jisħaq li l-aċċess taċ-ċittadini għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet Ewropej huwa fundamentali għal demokrazija parteċipattiva; jitlob b'mod partikolari lill-Kunsill iżid it-trasparenza fir-rigward tal-proċess deċiżjonali tiegħu u l-aċċess għad-dokumenti;

15. Jilqa' l-inklużjoni, fil-Programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri, ta' fergħa dwar l-involviment u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini mfassla biex tippromwovi l-involviment u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-ħajja demokratika tal-Unjoni; jisħaq fuq l-importanza li jiġu żgurati l-kontinwità u ż-żieda fir-riżorsi għal din il-fergħa fil-perjodi ta' programmazzjoni ġejjienii wkoll; jitlob li jiġi stabbilit malajr il-Grupp ta' Djalogu Ċivili inkluż f'dan il-programm;

16. Jitlob lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-istrumenti eżistenti ta' involviment maċ-ċittadini, b'mod partikolari dawk imsemmija fit-Trattati; jemmen li huma meħtieġa miżuri adegwati għas-sensibilizzazzjoni dwar id-dritt taċ-ċittadini li jużaw l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (IĊE), jippreżentaw ilmenti quddiem l-Ombudsman Ewropew u jressqu petizzjoni quddiem il-Parlament Ewropew;

17. Jinnota li l-IĊE ma laħqitx il-potenzjal tagħha bħala strument ewlieni għaċ-ċittadinanza attiva u għall-parteċipazzjoni tal-pubbliku u jqis li din l-għodda importanti hija nieqsa mill-viżibbiltà, mill-aċċessibbiltà u mis-segwitu; jemmen li n-nuqqas ta' segwitu mill-Kummissjoni dwar kważi l-IĊE kollha li kellhom suċċess jimpedixxi lil din l-għodda milli ġenwinament tilħaq l-għan tagħha li ttejjeb il-funzjonament demokratiku tal-Unjoni permezz tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-ħajja demokratika u politika tagħha; jindika li dan in-nuqqas ta' segwitu jista' eventwalment jipperikola l-użu potenzjali ta' din l-għodda parteċipattiva miċ-ċittadini Ewropej u jwassal għal telf ta' fiduċja fil-proċess deċiżjonali tal-UE; jesprimi dispjaċir kbir għall-fatt li l-Kummissjoni warrbet l-IĊE "Minority SafePack", li tindirizza l-valuri u l-objettivi bażiċi minquxa fit-Trattati; jissottolinja, f'dan ir-rigward, li permezz ta' riżoluzzjoni adottata fil-plenarja, il-Parlament talab lill-Kummissjoni tiżgura segwitu legali għall-IĊE "Minority Safepack";

18. Jemmen li l-IĊE għandha tiġi evalwata bil-ħsieb li jiġi identifikat kif l-impatt u l-effikaċja tagħha jistgħu jittejbu; jindika li l-kunċett tal-IĊE għadu fil-biċċa l-kbira mhux magħruf fl-UE[12]; jissottolinja l-ħtieġa li tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar l-IĊE u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimmassimizzaw l-isforzi ta' komunikazzjoni tagħhom sabiex iġibu l-istrument għall-attenzjoni tal-akbar għadd possibbli ta' ċittadini u jħeġġu l-parteċipazzjoni attiva fih; jindika li filwaqt li IĊE ta' suċċess tista' ma twassalx awtomatikament għall-introduzzjoni ta' leġiżlazzjoni ġdida, il-Kummissjoni hija dejjem obbligata li tagħtiha kunsiderazzjoni xierqa u tipprovdi motivazzjoni suffiċjenti għad-deċiżjonijiet tagħha dwarha;

19. Jisħaq fuq l-importanza tad-dritt ta' petizzjoni mogħti mit-Trattati liċ-ċittadini u r-residenti tal-UE, li jikkomplementa b'mod importanti d-demokrazija rappreżentattiva u li jippermettilhom iressqu petizzjoni quddiem il-Parlament Ewropew dwar kwistjoni li taqa' fl-oqsma ta' attività tal-UE; jindika li d-dritt ta' petizzjoni jippermetti liċ-ċittadini jwasslu informazzjoni lill-istituzzjonijiet fir-rigward tal-problemi ta' implimentazzjoni fil-prattika u n-nuqqasijiet ta' każijiet individwali; iqis, madankollu, li d-dritt ta' petizzjoni għandu jissaħħaħ; iqis li ta' min ifakkar li l-UE ħafna drabi tiġi akkużata b'kumplessità u indifferenza miċ-ċittadini tagħha; ifakkar li l-aspettattivi tal-biċċa l-kbira tal-petizzjonanti fir-rigward tad-drittijiet mogħtija lilhom mill-Karta huma għoljin u jmorru ferm lil hinn mill-kamp ta' applikazzjoni attwali tagħhom; jitlob involviment imsaħħaħ tal-Kummissjoni fil-proċess tal-għoti ta' tweġibiet għall-petizzjonijiet sabiex jiġi żgurat li ċ-ċittadini jirċievu tweġibiet f'waqthom u preċiżi għat-talbiet u l-ilmenti tagħhom;

20.  Ifakkar li ċ-ċittadini tal-UE għandhom id-dritt jirrikorru għand l-Ombudsman Ewropew, li huwa wieħed mid-drittijiet ewlenin mogħtija miċ-ċittadinanza Ewropea, u li l-Ombudsman għandha rwol importanti fl-iżgurar tal-amministrazzjoni tajba, l-obbligu ta' rendikont u t-trasparenza fl-istituzzjonijiet tal-UE; jisħaq li fir-rapport annwali tagħha tal-2019, l-Ombudsman iddikjarat li tirċievi regolarment ilmenti dwar id-drittijiet fundamentali bħall-ugwaljanza, in-nondiskriminazzjoni u d-dritt li wieħed jinstema'; ifakkar, barra minn hekk, li skont l-Ombudsman, sabiex iċ-ċittadini jeżerċitaw id-dritt demokratiku tagħhom li jipparteċipaw fil-proċess deċiżjonali tal-UE u jagħmlu lil dawk involuti responsabbli jagħtu rendikont, id-deliberazzjonijiet leġiżlattivi jridu jkunu trasparenti; jilqa', f'dan ir-rigward, is-sensiela ta' rakkomandazzjonijiet li l-Ombudsman Ewropew għamlet lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea biex itejjeb it-trasparenza tal-proċess leġiżlattiv tiegħu; jinsisti li l-Kunsill irid ikun obbligat li jagħti rendikont trasparenti daqs l-istituzzjonijiet l-oħra;

21. Jenfasizza l-importanza tal-korpi tal-ugwaljanza, tal-istituzzjonijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u tal-Ombudspersons fl-indirizzar tat-tħassib taċ-ċittadini dwar id-drittijiet tagħhom; jisħaq li l-indipendenza ta' strutturi bħal dawn mill-awtoritajiet governattivi hija prerekwiżit biex jiġi permess u protett l-involviment sinifikattiv taċ-ċittadini;

22. Jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi indirizzata l-interazzjoni bejn id-diġitalizzazzjoni u d-demokrazija u li jiġu kkombinati metodi tradizzjonali ta' involviment mal-pjattaformi diġitali bħala strument ta' parteċipazzjoni biex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jifhmu u jesploraw aħjar il-proċess demokratiku u kif jikkontribwixxu aħjar bħala membri attivi tas-soċjetà;

23. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw għodod aċċessibbli, innovattivi u inklużivi għall-parteċipazzjoni u d-djalogi maċ-ċittadini, filwaqt li jagħmlu użu aħjar mit-teknoloġiji diġitali biex iċ-ċittadini kollha (iż-żgħażagħ u l-persuni akbar fl-età, il-persuni b'diżabbiltà, iċ-ċittadini mobbli tal-UE, il-persuni li jgħixu f'żoni rurali jew inqas popolati) ikun jista' jkollhom sehem effettiv fil-proċess deċiżjonali tal-UE, filwaqt li tibni fuq il-lezzjonijiet mill-mod kif il-pandemija tal-COVID-19 aġixxiet bħala aċċeleratur għall-użu tal-għodod diġitali; jirrimarka l-valur miżjud ta' sit web mhux burokratiku u komprensiv li jipprovdi liċ-ċittadini b'informazzjoni dwar l-inizjattivi parteċipattivi Ewropej kollha; jissottolinja r-rwol kruċjali tal-media soċjali, speċjalment għat-tfal; jisħaq li l-għan ta' għodod innovattivi bħal dawn għandu jkun li jappoġġjaw id-demokrazija rappreżentattiva u li għandha tiġi żgurata t-trasparenza f'kull livell;

24. Jitlob lill-istituzzjonijiet u lill-Istati Membri tal-UE jiżguraw il-parteċipazzjoni minn firxa varjata ta' nies u jintroduċu l-miżuri meħtieġa biex inaqqsu d-diskriminazzjoni jew l-esklużjoni; jemmen li l-parteċipazzjoni tista' tissaħħaħ billi jiġu żgurati proċessi u għodod ta' konsultazzjoni prevedibbli, flessibbli, adattati u multilingwi; iqis li huwa importanti li titrawwem il-parteċipazzjoni ta' persuni li jappartjenu għal minoranzi fil-konsultazzjonijiet pubbliċi kollha sabiex ikunu jistgħu jikkondividu l-esperjenzi tagħhom u tiġi promossa aktar id-diversità fil-politiki kollha; jissottolinja li d-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà tal-informazzjoni fil-lingwa nattiva taċ-ċittadini huma ta' importanza jekk għandhom jiġu involuti b'mod attiv; huwa mħasseb li l-involviment u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-proċess politiku jistgħu jkunu limitati minn ostakli lingwistiċi; iħeġġeġ, għalhekk, l-użu ta' lingwi minoritarji fi proċessi parteċipattivi;

25. Jissottolinja l-importanza li jingħata aċċess sħiħ lill-persuni b'diżabbiltà għall-istrumenti differenti kollha li l-UE tipprovdi liċ-ċittadini, b'mod partikolari permezz tal-interpretazzjoni u t-traduzzjoni sistematiċi għal-lingwa tas-sinjali u għal lingwa faċli li tinqara;

26. Jappoġġja l-istabbiliment ta' djalogu strutturat maċ-ċittadini biex jiġi żgurat li l-fehmiet tagħhom jinformaw direttament il-proċess deċiżjonali u l-politika pubblika tal-UE kif propost f'Diċembru 2018 mill-Kumitat tar-Reġjuni u l-KESE;

27. Jitlob lill-Kummissjoni taħdem mal-partiti politiċi Ewropej, in-Network Ewropew ta' Kooperazzjoni dwar l-Elezzjonijiet u s-soċjetà ċivili biex tittejjeb il-parteċipazzjoni politika; jitlob lill-Kummissjoni timpenja ruħha favur din il-ħidma fi ħdan il-pjan ta' azzjoni Ewropew għad-demokrazija u r-rapport li jmiss tagħha dwar iċ-ċittadinanza tal-UE;

28. Jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jħeġġu l-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini tal-UE fi kwistjonijiet tal-UE, b'mod partikolari ż-żgħażagħ, sabiex jappoġġjaw l-involviment tagħhom fit-tiswir tas-soċjetà u l-politika; iqis il-Konferenza li jmiss dwar il-Futur tal-Ewropa bħala opportunità f'waqtha biex tittejjeb il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini; jitlob li jiġu ggarantiti t-trasparenza u l-inklużività fit-tħejjija tal-Konferenza u għall-pluraliżmu u d-dibattitu miftuħ tal-ideat kollha espressi, f'konformità mal-Karta tal-Konferenza; jitlob lill-Kummissjoni tiddedika biżżejjed riżorsi biex tippromwovi l-parteċipazzjoni wiesgħa taż-żgħażagħ permezz ta' għodod xierqa;

29. Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi mekkaniżmi għad-djalogu u l-parteċipazzjoni dwar kwistjonijiet rilevanti għaż-żgħażagħ; jistieden lill-Kummissjoni, għal dan il-għan, timpenja ruħha flimkien mal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ fil-bini tal-kapaċitajiet, inkluż li d-dokumenti jsiru aktar faċli u aċċessibbli għaż-żgħażagħ, sabiex tiġi żgurata parteċipazzjoni sinifikattiva u infurmata;

30. Jitlob involviment ġenwin taż-żgħażagħ u tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ fl-ippjanar, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni ta' avvenimenti u programmi; ifaħħar l-isforzi li saru mid-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ biex iż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ jiġu inklużi fil-ħolqien tal-politika u fil-proċess deċiżjonali; jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE jimpenjaw ruħhom li jieħdu azzjoni tanġibbli bbażata fuq l-eżiti tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ;

31. Ifaħħar l-impenn kontinwu fl-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa biex jiġi istituzzjonalizzat siġġu konsultattiv permanenti għar-rappreżentanti taż-żgħażagħ[13];

32. Jitlob lill-istituzzjonijiet u lill-Istati Membri tal-UE jiggarantixxu d-drittijiet tat-tfal li jipparteċipaw fil-kwistjonijiet kollha li jaffettwawhom, inklużi l-proċessi deċiżjonali pubbliċi f'konformità mal-età u l-maturità tagħhom; jisħaq li għandhom ikunu disponibbli biżżejjed riżorsi finanzjarji u riżorsi oħra biex jiġi żgurat li jiġu introdotti u miżmuma mekkaniżmi sostenibbli u effettivi;

33. Jitlob lill-istituzzjonijiet u lill-Istati Membri tal-UE jiffaċilitaw il-kuntatt dirett bejn it-tfal u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u jipprovdu taħriġ u appoġġ adegwati lill-adulti li jinvolvu ruħhom mat-tfal; jinnota li l-benefiċċji tal-parteċipazzjoni tat-tfal għandhom jiġu kondiviżi mal-komunità usa' sabiex tiġi ġġenerata aċċettazzjoni mifruxa tal-prattika; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet u lill-Istati Membri tal-UE jipprovdu spazji ddedikati għat-tfal biex jingħaqdu flimkien biex jipparteċipaw fil-proċessi deċiżjonali; ifakkar li l-proċessi kollha għandhom ikunu kompletament trasparenti u spjegati b'mod ċar lil dawk kollha involuti u li l-proċessi u l-ispazji għandhom ikunu adatti għat-tfal u sikuri;

34. Ifaħħar il-konsultazzjonijiet speċifiċi għat-tfal imwettqa mill-Kummissjoni u jappoġġja t-twaqqif ta' pjattaforma tal-UE għall-parteċipazzjoni tat-tfal fil-ġejjieni; jilqa' l-inklużjoni taż-żgħażagħ fil-Pjattaforma Diġitali u l-Bordijiet taċ-Ċittadini tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE joħolqu modi biex jiżguraw involviment simili mat-tfal u ż-żgħażagħ fil-ġejjieni fuq bażi strutturali u b'mekkaniżmi ta' feedback adegwati;

35. Jistieden lill-Istati Membri jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet taċ-ċittadini mobbli tal-UE u jiżguraw li jkunu jistgħu jeżerċitaw bis-sħiħ id-dritt tagħhom li jipparteċipaw fl-elezzjonijiet Ewropej u lokali, mingħajr ma jkunu f'riskju ta' telf tad-drittijiet tal-vot fil-pajjiżi ta' oriġini tagħhom, u li jiġi ssalvagwardjat id-dritt taċ-ċittadini kollha tal-UE li jagħżlu li jivvutaw jew fl-Istat Membru tal-oriġini tagħhom jew fl-Istat Membru ospitanti tagħhom fl-elezzjonijiet Ewropej.

 


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

26.5.2021

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

53

13

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Magdalena Adamowicz, Malik Azmani, Katarina Barley, Pernando Barrena Arza, Nicolas Bay, Vladimír Bilčík, Vasile Blaga, Ioan-Rareş Bogdan, Patrick Breyer, Saskia Bricmont, Joachim Stanisław Brudziński, Jorge Buxadé Villalba, Damien Carême, Caterina Chinnici, Clare Daly, Marcel de Graaff, Anna Júlia Donáth, Lena Düpont, Cornelia Ernst, Laura Ferrara, Nicolaus Fest, Jean-Paul Garraud, Maria Grapini, Sylvie Guillaume, Evin Incir, Sophia in ‘t Veld, Patryk Jaki, Marina Kaljurand, Assita Kanko, Fabienne Keller, Peter Kofod, Łukasz Kohut, Alice Kuhnke, Jeroen Lenaers, Juan Fernando López Aguilar, Lukas Mandl, Nuno Melo, Roberta Metsola, Nadine Morano, Javier Moreno Sánchez, Maite Pagazaurtundúa, Nicola Procaccini, Emil Radev, Paulo Rangel, Terry Reintke, Diana Riba i Giner, Ralf Seekatz, Michal Šimečka, Birgit Sippel, Sara Skyttedal, Martin Sonneborn, Tineke Strik, Ramona Strugariu, Annalisa Tardino, Tomas Tobé, Dragoş Tudorache, Milan Uhrík, Tom Vandendriessche, Bettina Vollath, Elissavet Vozemberg-Vrionidi, Jadwiga Wiśniewska, Elena Yoncheva, Javier Zarzalejos

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Tanja Fajon, Miguel Urbán Crespo, Hilde Vautmans, Loránt Vincze, Petar Vitanov

 

 


 

 

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

53

+

NI

Laura Ferrara, Martin Sonneborn

PPE

Magdalena Adamowicz, Vladimír Bilčík, Vasile Blaga, Ioan-Rareş Bogdan, Lena Düpont, Jeroen Lenaers, Lukas Mandl, Nuno Melo, Roberta Metsola, Emil Radev, Paulo Rangel, Ralf Seekatz, Sara Skyttedal, Tomas Tobé, Loránt Vincze, Elissavet Vozemberg-Vrionidi, Javier Zarzalejos

Renew

Malik Azmani, Anna Júlia Donáth, Sophia in ‘t Veld, Fabienne Keller, Maite Pagazaurtundúa, Michal Šimečka, Ramona Strugariu, Dragoş Tudorache, Hilde Vautmans

S&D

Katarina Barley, Caterina Chinnici, Tanja Fajon, Maria Grapini, Sylvie Guillaume, Evin Incir, Marina Kaljurand, Łukasz Kohut, Juan Fernando López Aguilar, Javier Moreno Sánchez, Birgit Sippel, Petar Vitanov, Bettina Vollath, Elena Yoncheva

The Left

Pernando Barrena Arza, Clare Daly, Cornelia Ernst, Miguel Urbán Crespo

Verts/ALE

Patrick Breyer, Saskia Bricmont, Damien Carême, Alice Kuhnke, Terry Reintke, Diana Riba i Giner, Tineke Strik

 

13

-

ECR

Joachim Stanisław Brudziński, Jorge Buxadé Villalba, Patryk Jaki, Nicola Procaccini, Jadwiga Wiśniewska

ID

Nicolas Bay, Nicolaus Fest, Jean-Paul Garraud, Marcel de Graaff, Peter Kofod, Annalisa Tardino, Tom Vandendriessche

NI

Milan Uhrík

 

2

0

ECR

Assita Kanko

PPE

Nadine Morano

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

15.6.2021

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

23

4

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Gabriele Bischoff, Damian Boeselager, Geert Bourgeois, Fabio Massimo Castaldo, Włodzimierz Cimoszewicz, Gwendoline Delbos-Corfield, Pascal Durand, Daniel Freund, Charles Goerens, Esteban González Pons, Sandro Gozi, Brice Hortefeux, Laura Huhtasaari, Giuliano Pisapia, Paulo Rangel, Antonio Maria Rinaldi, Domènec Ruiz Devesa, Jacek Saryusz-Wolski, Helmut Scholz, Pedro Silva Pereira, Sven Simon, Antonio Tajani, Mihai Tudose, Guy Verhofstadt, Loránt Vincze, Rainer Wieland

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Gunnar Beck

Sostituti skont l-Artikolu 209(7) preżenti għall-votazzjoni finali

Anne-Sophie Pelletier

 


 

 

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

23

+

NI

Fabio Massimo Castaldo

PPE

Esteban González Pons, Brice Hortefeux, Paulo Rangel, Sven Simon, Antonio Tajani, Loránt Vincze, Rainer Wieland

Renew

Pascal Durand, Charles Goerens, Sandro Gozi, Guy Verhofstadt

S&D

Gabriele Bischoff, Włodzimierz Cimoszewicz, Giuliano Pisapia, Domènec Ruiz Devesa, Pedro Silva Pereira, Mihai Tudose

The Left

Anne Sophie Pelletier, Helmut Scholz

Verts/ALE

Damian Boeselager, Gwendoline Delbos Corfield, Daniel Freund

 

 

4

-

ECR

Geert Bourgeois, Jacek Saryusz Wolski

ID

Gunnar Beck, Laura Huhtasaari

 

 

1

0

ID

Antonio Maria Rinaldi

 

Aġġornata l-aħħar: 5 ta' Lulju 2021
Avviż legali - Politika tal-privatezza