RAPPORT dwar it-tfassil ta' linji gwida għall-applikazzjoni tar-reġim ġenerali ta' kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni
1.7.2021 - (2021/2071(INI))
Kumitat għall-Baġits
Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit
Rapporteurs: Eider Gardiazabal Rubial, Petri Sarvamaa
(Laqgħat konġunti ta' kumitati – Artikolu 58 tar-Regoli ta' Proċedura)
Rapporteur għal opinjoni (*):
Terry Reintke, Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
(*) Proċedura b'kumitati assoċjati – Artikolu 57 tar-Regoli ta' Proċedura
PR_INI
WERREJ
Paġna
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
OPINJONI TAL-KUMITAT GĦAL-LIBERTAJIET ĊIVILI, IL-ĠUSTIZZJA U L-INTERN
ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET KOSTITUZZJONALI
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar it-tfassil ta' linji gwida għall-applikazzjoni tar-reġim ġenerali ta' kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2020 dwar reġim ġenerali ta' kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni[1] ("ir-Regolament"),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 7 tat-Trattat dwar tal-Unjoni Ewropea (TUE),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Ġunju 2021 dwar is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fl-Unjoni Ewropea u l-applikazzjoni tar-Regolament dwar il-Kondizzjonalità (UE, Euratom) 2020/2092[2],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2020 dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021–2027, il-Ftehim Interistituzzjonali, l-Istrument tal-UE għall-Irkupru u r-Regolament dwar l-Istat tad-Dritt[3],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Marzu 2021 dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092, il-mekkaniżmu ta' kondizzjonalità marbut mal-Istat tad-Dritt[4],
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Settembru 2020 dwar ir-Rapport tal-2020 dwar l-Istat tad-Dritt – is-sitwazzjoni tal-Istat tad-Dritt fl-Unjoni Ewropea (COM(2020)0580),
– wara li kkunsidra l-proposta raġunata tal-Kummissjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2017 dwar id-determinazzjoni ta' riskju ċar ta' ksur gravi tal-istat tad-dritt mir-Repubblika tal-Polonja, maħruġa skont l-Artikolu 7(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (COM(2017)0835),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012[5] (ir-"Regolament Finanzjarju"),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regolament ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet konġunti tal-Kumitat għall-Baġits u l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit skont l-Artikolu 58 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits u tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0226/2021),
A. billi l-mekkaniżmu ta' kondizzjonalità stabbilit mir-Regolament kien parti mill-ftehim politiku ġenerali dwar il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) 2021-2027, il-pjan ta' rkupru ta' Next Generation EU (NGEU) u d-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji[6], u ma għandux jiddewwem fl-applikazzjoni tiegħu, b'mod partikolari fir-rigward tal-applikazzjoni tal-istrumenti msemmija hawn fuq;
B. billi l-volum tal-QFP 2021-2027 u tan-Next Generation EU jirrappreżenta baġit mingħajr preċedent għall-UE f'termini storiċi li għandu l-għan li jappoġġja l-irkupru ekonomiku u soċjali tal-UE wara l-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19, u għalhekk jirrikjedi, aktar minn qatt, applikazzjoni qabel f'waqtha u xierqa tal-prinċipji tal-ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE;
C. billi skont ir-Regolament, ir-rispett għall-istat tad-dritt huwa prekundizzjoni essenzjali għall-konformità mal-prinċipji ta' ġestjoni finanzjarja tajba;
D. billi r-Regolament daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2021 u ilu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha minn dik id-data għall-pagamenti kollha magħmula mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament;
E. billi l-Kummissjoni ddeċidiet li tirrispetta l-konklużjonijiet mhux vinkolanti tal-Kunsill Ewropew tal-10 u l-11 ta' Diċembru 2020 u ddikjarat li se tiżviluppa linji gwida għall-applikazzjoni tar-Regolament;
F. billi, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Marzu 2021 dwar l-applikazzjoni tar-Regolament, il-Parlament talab lill-Kummissjoni tadotta l-linji gwida mhux aktar tard mill-1 ta' Ġunju 2021 u wara li tkun ikkonsultat lill-Parlament;
G. billi s-suġġett "Valuri u drittijiet, stat tad-dritt, sigurtà" se jiġi diskuss fil-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, li jippermetti riflessjoni bir-reqqa dwar l-għodod tal-Unjoni għall-monitoraġġ, il-prevenzjoni u l-indirizzar tal-ksur tal-valuri tal-UE inkluż l-istat tad-dritt;
1. Jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-Kummissjoni ddeċidiet li tiżviluppa linji gwida għall-applikazzjoni tar-Regolament; itenni għal darb'oħra l-fehma tiegħu li t-test tar-Regolament huwa ċar u ma jeħtieġx interpretazzjoni addizzjonali sabiex jiġi applikat u li l-koleġiżlaturi ma ddelegawx lill-Kummissjoni kwalunkwe setgħa għal dan l-għan; jieħu nota tal-abbozz tat-test tal-linji gwida li l-Kummissjoni qasmet mal-Parlament u l-Istati Membri;
2. Jenfasizza li l-linji gwida mhumiex legalment vinkolanti; jesprimi d-diżappunt tiegħu li l-Kummissjoni qed tiddevja mill-prattika normali tagħha li tfassal linji gwida għall-applikazzjoni ta' att legali biss f'każijiet fejn l-implimentazzjoni attwali tal-att tul ċertu perjodu ta' żmien turi l-ħtieġa għal gwida; jenfasizza li l-proċess ta’ żvilupp ta’ linji gwida fl-ebda każ ma jrid jikkawża aktar dewmien għall-applikazzjoni tar-Regolament;
3. Ifakkar li l-linji gwida ma jistgħux ibiddlu, jespandu jew jirrestrinġu t-test tar-Regolament; jenfasizza li sabiex iżidu l-valur miżjud, il-linji gwida jridu jiċċaraw kif id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi tar-Regolament se jiġu applikati fil-prattika u għalhekk jiddeskrivu fi żmien xieraq il-proċedura, id-definizzjonijiet u l-metodoloġija li se tapplika l-Kummissjoni;
4. Jiddispjaċih ħafna dwar il-fatt li l-Kummissjoni naqset milli tissodisfa l-iskadenza stabbilita mill-Parlament biex tissodisfa l-obbligi tagħha skont ir-Regolament sal-1 ta' Ġunju 2021, inkluż fir-rigward tal-iżvilupp tal-linji gwida; jilqa' l-fatt li fit-23 ta' Ġunju 2021, il-President tal-Parlament stieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni, abbażi tal-Artikolu 265 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), sabiex tissodisfa l-obbligi tagħha u tiżgura l-applikazzjoni sħiħa u immedjata tar-Regolament;
5. Jemmen li l-Kummissjoni ma użatx iż-żmien mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament b'mod effiċjenti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tevita kwalunkwe dewmien ieħor fl-applikazzjoni tar-Regolament u tinvestiga malajr u bir-reqqa kwalunkwe ksur potenzjali tal-prinċipji tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri li jaffettwa jew li serjament jirriskja li jaffettwa l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni b'mod dirett biżżejjed; itenni li s-sitwazzjoni f'xi Stati Membri diġà teħtieġ azzjoni immedjata skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament billi tintbgħat notifika bil-miktub lil dawk l-Istati Membri u billi l-Parlament jiġi informat dwar dan;
6. Ifakkar li l-linji gwida politiċi tal-Kummissjoni għall-2019-2024 iddikjaraw li "ma jista' jkun hemm ebda kompromess meta niġu biex niddefendu l-valuri prinċipali tagħna" u li jkun żgurat li s-sett ta' għodod kollu tal-Unjoni jintuża fil-livell Ewropew; ifakkar li l-Kummissjoni "għandha tkun kompletament indipendenti", u l-membri tagħha "la għandhom ifittxu u lanqas għandhom jaċċettaw istruzzjonijiet minn xi gvern" f'konformità mal-Artikolu 17(3) tat-TUE u l-Artikolu 245 tat-TFUE; ifakkar, barra minn hekk, li f'konformità mal-Artikolu 17(8) tat-TUE, il-Kummissjoni "għandha tkun responsabbli quddiem il-Parlament Ewropew";
7 Jitlob li l-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament b’mod regolari u proattiv mill-inqas darbtejn fis-sena dwar każijiet ġodda u li għadhom għaddejjin li qed jiġu investigati, billi tibda mill-ewwel każijiet malajr kemm jista' jkun; jistieden lill-Kummissjoni tibda r-rapportar tagħha lill-Parlament dwar l-ewwel każijiet li qed jiġu investigati sa mhux aktar tard minn Ottubru 2021;
8. Jimpenja ruħu għal skrutinju mill-qrib tal-implimentazzjoni tar-Regolament kull meta jinqala' tħassib dwar ksur potenzjali tal-prinċipji tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tiegħu; jagħmel sforz biex jorganizza sessjonijiet regolari għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tar-Regolament fil-kumitati ewlenin, taħt il-gwida tar-rapporteurs; jistieden lill-Kummissjoni twieġeb għall-iskrutinju tal-kumitati ewlenin fil-ħin billi tipprovdi informazzjoni dettaljata;
Ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt
9. Jissottolinja li r-Regolament japplika kemm għal ksur individwali tal-prinċipji tal-istat tad-dritt kif ukoll għal ksur "sistemiku" li huwa mifrux jew li huwa riżultat ta' prattiki rikorrenti jew ommissjonijiet mill-awtoritajiet pubbliċi, jew miżuri ġenerali adottati minn tali awtoritajiet;
10. Jistieden lill-Kummissjoni tiċċara fil-linji gwida li l-ksur tal-istat tad-dritt fi Stat Membru li jirriżulta minn deċiżjonijiet jew avvenimenti li seħħew qabel l-1 ta' Jannar 2021 għadu jaqa' taħt il-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament sakemm l-effett tagħhom jibqa' jippersisti;
11. Jiġbed l-attenzjoni b'mod partikolari għal-lista ta' ksur indikattiv tal-prinċipji tal-istat tad-dritt stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinvestiga okkorrenzi potenzjali tal-ksur inklużi f'dik il-lista fl-Istati Membri, filwaqt li jirrimarka li prattiki jew ommissjonijiet oħra mill-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jkunu rilevanti wkoll; jinnota li r-rapport tal-2020 tal-Kummissjoni dwar l-istat tad-dritt diġà fih indikazzjonijiet ta' ksur f'diversi Stati Membri li jistgħu jkunu rilevanti għall-iskattar tar-Regolament;
12. Jirrimarka li t-tipi ta' kondotta tal-entitajiet tal-Istati Membri rilevanti għall-applikazzjoni tar-reġim ta' kondizzjonalità stabbilit fl-Artikolu 4 tar-Regolament ma jeskludux ir-rilevanza potenzjali ta' sitwazzjonijiet jew ta' kondotti oħra ta' awtoritajiet li huma rilevanti għall-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni;
13. Jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri, l-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE); ifakkar li l-kooperazzjoni mhux effettiva jew mhux f'waqtha mal-UPPE u mal-OLAF tista' tikkostitwixxi raġuni għal azzjoni skont ir-Regolament; jisħaq li fil-każ tal-UPPE, kooperazzjoni effettiva u f'waqtha tinvolvi mhux biss l-obbligu għall-awtoritajiet nazzjonali li jassistu u jappoġġjaw b'mod attiv l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet kriminali tal-UPPE iżda wkoll għall-gvern nazzjonali biex jiżgura li l-Prosekuturi Ewropej u Delegati tiegħu jinħatru b'mod f'waqtu u imparzjali; huwa wkoll tal-opinjoni li n-nuqqas sistematiku ta' segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF jista' jikkostitwixxi ommissjoni skont ir-Regolament;
14. Ifakkar li l-identifikazzjoni ta' ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt teħtieġ valutazzjoni kwalitattiva oġġettiva, imparzjali, ġusta u fid-dettall mill-Kummissjoni, li għandha tqis l-informazzjoni rilevanti minn sorsi disponibbli u istituzzjonijiet rikonoxxuti, inklużi sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u ta' qrati nazzjonali u internazzjonali rilevanti bħall-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, rapporti tal-Qorti tal-Awdituri, ir-rapport annwali tal-Kummissjoni dwar l-istat tad-dritt u t-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE, ir-rapporti tal-OLAF u tal-UPPE kif rilevanti, u konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet ta' organizzazzjonijiet u networks internazzjonali rilevanti, inklużi l-korpi tal-Kunsill tal-Ewropa bħall-Grupp ta' Stati tal-Kunsill tal-Ewropa kontra l-Korruzzjoni (GRECO) u l-Kummissjoni ta' Venezja, b'mod partikolari l-lista ta' verifika tagħha tal-istat tad-dritt, u n-networks Ewropej ta' qrati supremi u kunsilli għall-ġudikatura; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni dwar kif se tiġbor, tanalizza u tevalwa din l-informazzjoni meta tibni l-każijiet;
15. Iqis, b'mod partikolari, li r-rapport annwali tal-Kummissjoni dwar l-istat tad-dritt, bħala valutazzjoni oġġettiva, imparzjali, ġusta u kwalitattiva tal-ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt, huwa sors kruċjali ta' informazzjoni għall-valutazzjoni tal-Kummissjoni skont ir-Regolament; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi fir-rapport annwali tagħha dwar l-istat tad-dritt taqsima ddedikata għal każijiet fejn ksur tal-istat tad-dritt fi Stat Membru jista' jaffettwa jew jirriskja serjament li jaffettwa l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni b'mod suffiċjentement dirett, u tiċċara fil-linji gwida kif ir-rapport annwali se jintuża b'mod sistematiku għall-valutazzjoni tal-Kummissjoni skont ir-Regolament;
16. Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi sistema ċara, preċiża u li tkun faċli għall-utenti għat-tressiq tal-ilmenti, u tistabbilixxi skadenzi għat-tweġibiet tal-Kummissjoni għall-ilmenti; jenfasizza li s-soċjetà ċivili, inklużi l-NGOs indipendenti u ċ-ċittadini, u l-ġurnaliżmu u l-midja investigattivi bbażati fuq il-fatti, jinsabu fuq quddiem nett biex jidentifikaw ksur potenzjali tal-istat tad-dritt fil-livell lokali u nazzjonali, u għalhekk għandhom ikunu involuti meta jiġi rrappurtat; ifakkar fil-ħtieġa li r-Regolament jiġi applikat b'mod li jiżgura l-protezzjoni tal-persuni li jirrapportaw dwar ksur tad-dritt tal-Unjoni, f'konformità mal-prinċipji stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2019/1937[7];
17. Ifakkar li l-miżuri fl-ambitu tar-Regolament jittieħdu meta l-ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt fi Stat Membru jaffettwa jew jirriskja serjament li jaffettwa l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni b'mod suffiċjentement dirett; jissottolinja li dan jimplika approċċ komprensiv, proattiv u bbażat fuq ir-riskju min-naħa tal-Kummissjoni biex tissalvagwardja l-infiq tal-Unjoni anke qabel ma jsiru l-pagamenti reali;
18. Ifakkar li l-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament ikopri l-attivitajiet tal-entitajiet governattivi kollha, inklużi l-organizzazzjonijiet tal-Istati Membri stabbiliti bħala korp tal-liġi pubblika jew bħala korp irregolat mil-liġi privata fdat b'missjoni ta' servizz pubbliku, kif stabbilit fir-Regolament Finanzjarju; jirrimarka li kwalunkwe bidla fit-tip ta' governanza ta' entità li tkun fdata b'missjoni ta' servizz pubbliku fi Stat Membru ma tistax teżenta lil dik l-entità mid-dmir li tikkonforma mar-Regolament;
Protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni
19. Jenfasizza r-rabta ċara bejn ir-rispett tal-istat tad-dritt u l-implimentazzjoni effiċjenti tal-baġit tal-Unjoni f'konformità mal-prinċipji ta' ġestjoni finanzjarja tajba: l-ekonomija, l-effiċjenza u l-effettività, kif stabbilit fir-Regolament Finanzjarju; ifakkar li skont l-Artikolu 5 tar-Regolament, "il-Kummissjoni għandha tivverifika jekk kienx hemm konformità mal-liġi applikabbli u, fejn meħtieġ, tieħu l-miżuri xierqa kollha biex tipproteġi l-baġit tal-Unjoni";
20. Ifakkar li r-Regolament jipprovdi definizzjoni ċara tal-istat tad-dritt, li trid tinftiehem fir-rigward ta' valuri u prinċipji oħra tal-Unjoni, inklużi d-drittijiet fundamentali u n-nondiskriminazzjoni; huwa tal-fehma li l-ksur persistenti tad-demokrazija u tad-drittijiet fundamentali, inkluża d-diskriminazzjoni sponsorjata mill-istat kontra l-minoranzi u l-attakki kontra l-libertà tal-midja u l-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda, għandhom impatt fuq il-proġetti li l-Istati Membri jiddeċiedu li jiffinanzjaw bil-fondi tal-Unjoni, u għalhekk jista' jkollhom effett suffiċjentement dirett fuq il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni tqis dan meta tabbozza l-linji gwida tagħha;
21. Ifakkar li l-miżuri skont ir-Regolament huma meħtieġa b'mod partikolari, iżda mhux esklużivament, f'każijiet fejn proċeduri oħra stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju, ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni u leġiżlazzjoni speċifika għas-settur oħra ma jippermettux li l-baġit tal-Unjoni jiġi protett b'mod aktar effettiv; jenfasizza li dan ma jfissirx li r-Regolament għandu jitqies bħala "l-aħħar għażla", iżda pjuttost li l-Kummissjoni tista' tuża firxa wiesgħa ta' proċeduri biex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, inkluż ir-Regolament, li għandhom jintgħażlu fuq bażi ta' każ b'każ, u jintużaw b'mod parallel jekk meħtieġ, skont l-effiċjenza u l-effikaċja tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi l-modus operandi u l-istandards proċedurali u tekniċi li se tuża biex tagħżel l-istrumenti li se tapplika;
22. Jirrimarka li r-Regolament ikopri l-fondi kollha tal-Unjoni u japplika għal ksur "sistemiku" kif ukoll għal każijiet ta' riskju serju għall-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, li jistgħu jkunu diffiċli biex jiġu indirizzati permezz ta' proċeduri oħra tal-Unjoni li japplikaw biss għal programmi ta' nfiq speċifiċi u li huma relatati mal-effetti fuq il-baġit li diġà seħħew; jissottolinja li r-Regolament huwa l-unika leġiżlazzjoni tal-UE li torbot ir-rispett tal-istat tad-dritt mal-baġit tal-UE; iqis, għalhekk, li d-dispożizzjonijiet uniċi tiegħu għandhom jiġu applikati bis-sħiħ biex tiġi żgurata protezzjoni komplementari tal-istat tad-dritt flimkien mal-finanzi tal-UE;
23. Jissottolinja li ksur "sistemiku", pereżempju dak li jaffettwa l-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja, l-indipendenza tal-imħallfin u tal-ġudikatura jew in-newtralità tal-awtoritajiet pubbliċi, jew il-funzjonament xieraq ta' entitajiet b'mandat għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-frodi, l-evażjoni tat-taxxa u l-kunflitt ta' interess, jew li jikser il-prinċipju tan-nonrigressjoni[8], għandu b'mod ġenerali impatt suffiċjentement dirett fuq il-ġestjoni, l-infiq u l-kontroll xierqa tal-fondi tal-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni tiċċara l-kriterji li bihom tiddetermina l-miżuri f'każijiet ta' ksur sistemiku;
Adozzjoni tal-miżuri
24. Ifakkar li l-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament jistabbilixxu l-passi kollha u skeda ta' żmien preċiża għall-adozzjoni u t-tneħħija ta' miżuri skont ir-Regolament; jissottolinja li l-proċedura għall-adozzjoni u t-tneħħija tal-miżuri tirrispetta l-prinċipji tal-oġġettività, in-nondiskriminazzjoni u t-trattament ugwali tal-Istati Membri u jeħtieġ li titwettaq b'approċċ mhux partiġjan u bbażat fuq l-evidenza.
25. Jinnota li l-Artikolu 6(4) tar-Regolament jipprevedi l-possibbiltà li l-Kummissjoni titlob informazzjoni addizzjonali għall-valutazzjoni tagħha kemm qabel kif ukoll wara li tkun bagħtet in-notifika bil-miktub; jisħaq li tali talbiet qabel in-notifika bil-miktub għandhom jibqgħu, fin-natura tagħhom, eċċezzjonali u ta' darba, sabiex ma jipperikolawx l-iskeda ta' żmien preċiża għall-adozzjoni tal-miżuri previsti fir-Regolament;
26. Ifakkar li l-Kunsill huwa marbut li jaġixxi għal kwalunkwe proposta tal-Kummissjoni għall-adozzjoni ta' miżuri xierqa skont ir-Regolament fi żmien xahar, li jista' jiġi estiż b'massimu ta' xahrejn addizzjonali f'ċirkostanzi eċċezzjonali; iqis li l-Kummissjoni għandha tiżgura li dawn il-limiti ta' żmien jiġu rrispettati bis-sħiħ għal deċiżjoni f'waqtha; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni dwar kif se tiżgura approċċ armonizzat u applikazzjoni konsistenti tal-kondizzjonalità tal-baġit fid-Direttorati Ġenerali kollha tagħha;
27. Jemmen li t-trasparenza hija essenzjali biex titrawwem il-fiduċja tal-Istati Membri u taċ-ċittadini fil-mekkaniżmu ta' kondizzjonalità; jenfasizza li l-valutazzjoni ta' ksur individwali jew sistemiku tal-prinċipji tal-istat tad-dritt tirrikjedi trattament imparzjali, ġust u oġġettiv tal-Istati Membri, inklużi investigazzjonijiet mhux partiġjani u bbażati fuq l-evidenza; jirrimarka li kull pass tal-proċedura stabbilita fir-Regolament għandu għalhekk jittieħed b'mod kompletament trasparenti; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji tat-trasparenza li se japplikaw meta tattiva l-mekkaniżmu ta' kondizzjonalità;
28. Ifakkar li l-miżuri meħuda skont ir-Regolament għandhom ikunu proporzjonati, fid-dawl tal-impatt reali jew potenzjali fuq il-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, filwaqt li jitqiesu n-natura, it-tul ta' żmien, il-gravità u l-kamp ta' applikazzjoni tal-ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt; iqis li, b'mod ġenerali, is-serjetà ta' dak l-impatt se tirrifletti s-serjetà tal-ksur;
Protezzjoni tar-riċevituri finali u l-benefiċjarji
29. Ifakkar li skont ir-Regolament, huwa essenzjali li jiġi ssalvagwardjat kif xieraq l-interess leġittimu tar-riċevituri finali u tal-benefiċjarji;
30. Ifakkar li, sakemm id-deċiżjoni li tadotta l-miżuri ma tiddikjarax mod ieħor, l-impożizzjoni ta' miżuri xierqa skont ir-Regolament ma taffettwax l-obbligi tal-Istati Membri fil-konfront tar-riċevituri finali jew il-benefiċjarji, inkluż l-obbligu li jsiru pagamenti;
31. Jenfasizza li f'każijiet bħal korruzzjoni serja, nepotiżmu, frodi sistemika, rabtiet illeġittimi ma' partiti politiċi u kunflitti ta' interess, u b'mod partikolari f'każijiet identifikati mis-Sistema ta' Identifikazzjoni Bikrija u ta' Esklużjoni (EDES) stabbilita fir-Regolament Finanzjarju, jew li qed jiġu investigati mill-OLAF jew mill-UPPE, il-Kummissjoni għandha tevalwa bir-reqqa fuq bażi ta' każ b'każ jekk il-pagamenti lir-riċevituri finali u lill-benefiċjarji għandhomx jitkomplew jew le;
32. Jistieden lill-Kummissjoni timplimenta l-Artikolu 5(4) tar-Regolament u tistabbilixxi malajr sit web jew portal tal-internet b'informazzjoni u gwida għall-benefiċċju tar-riċevituri finali jew tal-benefiċjarji u b'għodod adegwati għalihom biex jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe ksur tal-obbligu legali biex ikomplu jsiru l-pagamenti wara li jiġu adottati miżuri skont dan ir-Regolament, bħal formola tal-ilmenti li tkun sempliċi, faċli biex tintuża u strutturata; jistieden lill-Kummissjoni tispjega kif se timplimenta mekkaniżmu konformi effiċjenti u effettiv għall-applikanti, għar-riċevituri u għall-benefiċjarji;
33. Jenfasizza li, f'ġestjoni kondiviża, il-miżuri skont ir-Regolament ma jistgħux jitqiesu li jaffettwaw id-disponibbiltà ta' finanzjament għal pagamenti ta' talbiet leġittimi lill-benefiċjarji; ifakkar ukoll li l-Istati Membri kkonċernati minn dawk il-miżuri jeħtiġilhom jirrapportaw regolarment lill-Kummissjoni dwar il-konformità mal-obbligi tagħhom fil-konfront tar-riċevituri finali jew il-benefiċjarji;
34. Jistieden lill-Kummissjoni tanalizza l-informazzjoni kollha għad-dispożizzjoni tagħha, inkluż permezz tal-għodod ta' trekkjar diġitali, u tagħmel l-almu tagħha biex tiżgura li kwalunkwe ammont dovut b'mod leġittimu lill-entitajiet tal-gvern jew l-Istati Membri jkun fil-fatt imħallas lir-riċevituri finali jew lill-benefiċjarji, li jista' jinvolvi li jsiru korrezzjonijiet finanzjarji billi jitnaqqas l-appoġġ tal-Unjoni għal programmi f'konformità mar-regoli speċifiċi għas-settur u dawk finanzjarji applikabbli;
35. Jitlob li l-Kummissjoni tinkludi s-suġġerimenti tal-Parlament fil-verżjoni finali tal-linji gwida;
°
° °
36. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
OPINJONI TAL-KUMITAT GĦAL-LIBERTAJIET ĊIVILI, IL-ĠUSTIZZJA U L-INTERN (29.6.2021)
għall-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit
dwar it-tfassil ta' linji gwida għall-applikazzjoni tar-reġim ġenerali ta' kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni
Rapporteur għal opinjoni (*): Terry Reintke
(*) Kumitat assoċjat – Artikolu 57 tar-Regoli ta' Proċedura
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern jistieden lill-Kumitat għall-Baġits u lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, bħala l-kumitati responsabbli, biex jinkorporaw is-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jiddispjaċih dwar il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-10 u l-11 ta' Diċembru 2020 rigward ir-Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt u jqis li dawn jiksru l-Artikoli 15 u 17 tat-TUE u l-Artikolu 288 tat-TFUE peress li jintroduċu inċertezza legali bla bżonn; jiddispjaċih li l-Kummissjoni impenjat ruħha li ma tipproponi ebda miżura fl-ambitu tar-regolament sakemm tiżviluppa linji gwida, li l-finalizzazzjoni tagħhom hija soġġetta għall-għoti tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rikors għal annullament imressaq mill-Ungerija u l-Polonja; ifakkar li rikorsi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja m'għandux ikollhom effett sospensiv f'konformità mat-Trattati;
2. Jisħaq li l-miżuri fl-ambitu tar-Regolament huma meħtieġa b'mod partikolari f'każijiet fejn proċeduri oħra stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma jippermettux li l-baġit tal-Unjoni jiġi protett b'mod aktar effiċjenti; ifakkar li ksur gravi, permanenti u sistematiku tal-valuri elenkati fl-Artikolu 2 tat-TUE qed iseħħ f'xi Stati Membri, li mhux qed jingħata rispons adegwat, u qed jimmina l-interessi finanzjarji tal-UE; ifakkar li l-Kummissjoni għandha wkoll tagħmel użu sħiħ mill-istrumenti kollha tas-sett ta' għodod tal-Istat tad-Dritt, inklużi l-proċeduri ta' ksur skont l-Artikolu 258 tat-TFUE u l-proċeduri skont l-Artikolu 7 tat-TUE;
3. Itenni li r-Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt, kif adottat mill-koleġiżlaturi, ma jipprevedix l-iżvilupp ta' xi linji gwida u li għalhekk l-effett legali tiegħu, mill-1 ta' Jannar 2021, ma jistax ikun soġġett għall-adozzjoni ta' tali linji gwida; jiddispjaċih għad-dewmien fl-applikazzjoni tar-Regolament minħabba t-tfassil tal-linji gwida mill-Kummissjoni;
4. Jinnota li, wara li l-Kummissjoni ddeċidiet li tħejji l-Linji gwida, il-Parlament, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Marzu 2021 dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092, il-mekkaniżmu ta' kondizzjonalità marbut mal-Istat tad-Dritt, talab lill-Kummissjoni tippreżenta l-linji gwida sa mhux aktar tard mill-1 ta' Ġunju 2021; jiddispjaċih li l-Kummissjoni ppreżentat l-abbozz tal-linji gwida dwar l-applikazzjoni tar-Regolament ġimagħtejn tard; huwa tal-fehma li l-abbozz tal-linji gwida fil-forma attwali tiegħu sempliċiment jirrepeti d-dispożizzjonijiet tar-regolament, ftit li xejn għandu valur miżjud jew ma fih ebda valur miżjud u ma fih ebda informazzjoni addizzjonali, li tista' tikkontribwixxi għall-applikazzjoni xierqa tar-Regolament; jikkonkludi, għalhekk, li l-linji gwida tal-Kummissjoni huma parti mit-tattika tagħha ta' dewmien tal-applikazzjoni tar-Regolament; iqis li bl-iskuża li jiġi evitat annullament potenzjali tal-miżuri adottati skont ir-Regolament mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni la qed tindirizza il-ksur u r-rigress tad-demokrazija, tad-drittijiet fundamentali u tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri u lanqas qed tissodisfa l-aspettattivi fir-rigward tal-operazzjonalizzazzjoni ta' dan l-istrument; jemmen li l-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-kumitati parlamentari kompetenti kollha attivi fil-qasam tal-istat tad-dritt fuq bażi trimestrali rigward każijiet ġodda u li għaddejjin li qed jiġu investigati;
5. Jiddeplora ż-żmien moħli mill-Kummissjoni mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament; iħeġġeġ lill-Kummissjoni taġixxi minnufih u mingħajr aktar dewmien fl-applikazzjoni tar-Regolament u tinvestiga malajr u bir-reqqa kwalunkwe ksur potenzjali individwali jew sistemiku tal-prinċipji tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri li jaffettwa jew li serjament jirriskja li jaffettwa l-ġestjoni finanzjarja soda tal-baġit tal-Unjoni jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni b'mod dirett biżżejjed; itenni li s-sitwazzjoni f'xi Stati Membri diġà tiġġustifika investigazzjoni immedjata skont ir-Regolament u l-attivazzjoni tal-proċedura f'konformità mal-Artikolu 6(1) tar-Regolament;
6. Jilqa' t-talba lill-Kummissjoni biex taġixxi, mibgħuta mill-President tiegħu fit-23 ta' Ġunju 2021; jemmen bis-sħiħ li l-Parlament għandu jkompli bit-tħejjijiet meħtieġa tiegħu skont l-Artikolu 265 tat-TFUE kontra l-Kummissjoni; huwa tal-fehma li nuqqas ta' azzjoni jew azzjoni bil-mod mill-Kummissjoni huma sinjal politiku qawwi mhux biss lill-istituzzjonijiet Ewropej u lill-Istati Membri iżda anki liċ-ċittadini Ewropej;
7. Ifakkar li l-linji gwida ma jridux ibiddlu, jespandu jew jirrestrinġu regolament u li jridu jirrispettaw l-intenzjoni tal-koleġiżlaturi; jisħaq li l-leġiżlaturi ma pprevedewx li l-Kummissjoni tadotta linji gwida, atti ta' implimentazzjoni jew eżekuttivi biex tiċċara l-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni tar-Regolament; jissottolinja li l-għan tal-linji gwida jikkonsisti fid-deskrizzjoni tal-proċedura, id-definizzjonijiet u l-metodoloġija tal-applikazzjoni konkreta mill-Kummissjoni; jitlob lill-Kummissjoni tevita definizzjonijiet stretti jew eżawrjenti tal-kunċetti, peress li dan imur kontra r-Regolament; iqis li l-interpretazzjoni ta' kunċetti astratti hija proċess dinamiku li ma jistax jiġi predefinit f'dokument wieħed; jemmen li l-linji gwida għandhom jirrispettaw bis-sħiħ l-interpretazzjoni tal-kunċetti rilevanti mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u mill-Kummissjoni ta' Venezja; jirrimarka dwar l-obbligu li tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-finanzjament tal-UE għar-riċevituri finali, f'konformità mar-Regolament; jistieden lill-Kummissjoni tikkonferma li l-ksur tal-istat tad-dritt fi Stat Membru li jirriżulta minn deċiżjonijiet jew avvenimenti li seħħew qabel l-1 ta' Jannar 2021 jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament dment li l-effett tiegħu jkun għadu jinħass;
8. Ifakkar li, skont ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tqis l-informazzjoni rilevanti meta tivvaluta l-ksur possibbli tal-istat tad-dritt minn Stat Membru minn sorsi disponibbli u istituzzjonijiet rikonoxxuti, inklużi sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, rapporti tal-Qorti tal-Awdituri, ir-Rapport annwali tal-Kummissjoni dwar l-Istat tad-Dritt u t-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE, rapporti tal-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) kif rilevanti, u konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet ta' organizzazzjonijiet u networks internazzjonali rilevanti, inklużi l-korpi tal-Kunsill tal-Ewropa bħall-Grupp ta' Stati tal-Kunsill tal-Ewropa kontra l-Korruzzjoni (GRECO) u l-Kummissjoni ta' Venezja, b'mod partikolari l-lista ta' verifika tagħha tal-istat tad-dritt, u n-networks Ewropej tal-qrati supremi u tal-kunsilli tal-ġustizzja;
9. Iqis li r-rapport annwali tal-Kummissjoni dwar l-Istat tad-Dritt għandu l-għan li jiżgura valutazzjoni oġġettiva, imparzjali, ġusta u kwalitattiva tal-ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt u huwa sors komplementari importanti għall-finijiet tar-Regolament; jemmen li meta l-konklużjonijiet tar-rapporti annwali jenfasizzaw ksur individwali jew sistemiku tal-istat tad-dritt li jaffettwa jew jirriskja serjament li jaffettwa l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni b'mod dirett biżżejjed, dawn għandhom ikunu marbuta direttament mal-attivazzjoni tal-Mekkaniżmu ta' Kondizzjonalità; jitlob lill-Kummissjoni biex, fir-Rapport annwali tagħha dwar l-Istat tad-Dritt, tinkludi taqsima ddedikata b'analiżi ta' każijiet bħal dawn; jistieden lill-Kummissjoni tiċċara metodoloġija biex toħloq rabta ċara u diretta, meta rilevanti, bejn ir-rapporti annwali u l-Mekkaniżmu ta' Kondizzjonalità;
10. Jenfasizza li s-soċjetà ċivili indipendenti, inklużi l-NGOs, u ċ-ċittadini, huma fl-aħjar pożizzjoni biex jidentifikaw ksur potenzjali tal-istat tad-dritt fil-livell lokali u nazzjonali, u għalhekk għandhom ikunu involuti fir-rapportar tiegħu; jistieden lill-Kummissjoni biex, fil-linji gwida, tistabbilixxi punt uniku ta' servizz online effiċjenti, faċli għall-utent u faċilment aċċessibbli għaċ-ċittadini u s-soċjetà ċivili biex jirrapportaw kemm każijiet ta' frodi kif ukoll każijiet ta' korruzzjoni relatati mal-fondi tal-UE, kif ukoll ksur individwali jew sistemiku fl-Istat Membru tagħhom, filwaqt li jiggarantixxi l-kunfidenzjalità, u li jwassal, fejn jitqies rilevanti mis-servizzi tagħha, għal investigazzjonijiet ulterjuri mill-OLAF, l-UPPE jew il-Kummissjoni, u jkunu konformi mad-Direttiva dwar l-Informaturi;
11. Ifakkar li r-Regolament jipprovdi definizzjoni tal-istat tad-dritt, li tiddikjara b'mod ċar li jrid jinftiehem b'rabta mal-valuri u l-prinċipji l-oħra minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE, inklużi d-drittijiet fundamentali, bħan-nondiskriminazzjoni; huwa tal-fehma li d-diskriminazzjoni sponsorjata mill-istat kontra l-minoranzi għandha impatt dirett fuq il-proġetti li fuqhom l-Istati Membri jiddeċiedu li jonfqu jew ma jonfqux il-flus tal-UE, u għalhekk taffettwa direttament l-interessi finanzjarji tal-Unjoni;
12. Jemmen li t-trasparenza hija essenzjali biex titrawwem il-fiduċja tal-Istati Membri u taċ-ċittadini fil-Mekkaniżmu ta' Kondizzjonalità: jenfasizza li l-valutazzjoni ta' ksur individwali jew sistemiku fir-rigward tal-istat tad-dritt tirrikjedi trattament imparzjali, ġust u oġġettiv tal-Istati Membri, inklużi investigazzjonijiet ġusti u bbażati fuq l-evidenza; jirrimarka li kull pass tal-proċedura tar-Regolament għandu għalhekk jittieħed b'mod kompletament trasparenti; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji tat-trasparenza li se tapplika meta tattiva l-Mekkaniżmu ta' Kondizzjonalità;
13. Jitlob lill-Kummissjoni tinkludi s-suġġerimenti tal-Parlament fil-verżjoni finali tal-linji gwida.
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
Data tal-adozzjoni |
29.6.2021 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
52 12 2 |
||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Magdalena Adamowicz, Konstantinos Arvanitis, Malik Azmani, Katarina Barley, Pernando Barrena Arza, Pietro Bartolo, Nicolas Bay, Vladimír Bilčík, Vasile Blaga, Ioan-Rareş Bogdan, Patrick Breyer, Saskia Bricmont, Joachim Stanisław Brudziński, Jorge Buxadé Villalba, Damien Carême, Caterina Chinnici, Marcel de Graaff, Anna Júlia Donáth, Lena Düpont, Cornelia Ernst, Laura Ferrara, Nicolaus Fest, Jean-Paul Garraud, Maria Grapini, Sylvie Guillaume, Andrzej Halicki, Evin Incir, Sophia in ‘t Veld, Patryk Jaki, Marina Kaljurand, Fabienne Keller, Peter Kofod, Łukasz Kohut, Moritz Körner, Alice Kuhnke, Jeroen Lenaers, Juan Fernando López Aguilar, Lukas Mandl, Roberta Metsola, Nadine Morano, Maite Pagazaurtundúa, Nicola Procaccini, Emil Radev, Terry Reintke, Diana Riba i Giner, Ralf Seekatz, Michal Šimečka, Birgit Sippel, Sara Skyttedal, Martin Sonneborn, Tineke Strik, Ramona Strugariu, Annalisa Tardino, Tomas Tobé, Dragoş Tudorache, Milan Uhrík, Tom Vandendriessche, Bettina Vollath, Elissavet Vozemberg-Vrionidi, Jadwiga Wiśniewska, Elena Yoncheva, Javier Zarzalejos |
|||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Tanja Fajon, Miguel Urbán Crespo |
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
52 |
+ |
NI |
Laura Ferrara, Martin Sonneborn |
PPE |
Magdalena Adamowicz, Vladimír Bilčík, Vasile Blaga, Ioan-Rareş Bogdan, Lena Düpont, Andrzej Halicki, Jeroen Lenaers, Lukas Mandl, Roberta Metsola, Emil Radev, Paulo Rangel, Ralf Seekatz, Sara Skyttedal, Tomas Tobé, Elissavet Vozemberg-Vrionidi, Javier Zarzalejos |
Renew |
Malik Azmani, Anna Júlia Donáth, Sophia in ‘t Veld, Fabienne Keller, Moritz Körner, Maite Pagazaurtundúa, Michal Šimečka, Ramona Strugariu, Dragoş Tudorache |
S&D |
Katarina Barley, Pietro Bartolo, Caterina Chinnici, Tanja Fajon, Maria Grapini, Sylvie Guillaume, Evin Incir, Marina Kaljurand, Łukasz Kohut, Juan Fernando López Aguilar, Javier Moreno Sánchez, Birgit Sippel, Bettina Vollath, Elena Yoncheva |
The Left |
Konstantinos Arvanitis, Pernando Barrena Arza, Cornelia Ernst, Miguel Urbán Crespo |
Verts/ALE |
Patrick Breyer, Saskia Bricmont, Damien Carême, Alice Kuhnke, Terry Reintke, Diana Riba i Giner, Tineke Strik |
12 |
- |
ECR |
Joachim Stanisław Brudziński, Jorge Buxadé Villalba, Patryk Jaki, Nicola Procaccini, Jadwiga Wiśniewska |
ID |
Nicolas Bay, Nicolaus Fest, Jean-Paul Garraud, Marcel de Graaff, Annalisa Tardino, Tom Vandendriessche |
NI |
Milan Uhrík |
2 |
0 |
ID |
Peter Kofod |
PPE |
Nadine Morano |
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni
ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET KOSTITUZZJONALI
L-Onor. Johan Van Overtveldt President Kumitat għall-Baġits BRUSSELL |
Is-Sa Monika Hohlmeier President Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit BRUSSELL |
Suġġett: Opinjoni dwar it-tfassil ta' linji gwida għall-applikazzjoni tar-reġim ġenerali ta' kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni (2021/2071(INI))
Sinjuri Presidenti,
Skont il-proċedura msemmija hawn fuq, il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali qed jippreżenta opinjoni lill-Kumitati tiegħek. Fil-laqgħa tiegħu tal-15 ta' Ġunju 2021, il-kumitat iddeċieda li jibgħat din l-opinjoni fil-forma ta' ittra.
Il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali eżamina l-kwistjoni matul il-laqgħa tiegħu tat-22 ta' Ġunju 2021. Matul din il-laqgħa[9], iddeċieda li jistieden lill-Kumitat għall-Baġits u lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (CJ13), bħala l-kumitati responsabbli, biex jinkorporaw is-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tagħhom ta' hawn taħt.
Dejjem tiegħek,
Antonio Tajani
SUĠĠERIMENTI
1. Jilqa' d-dħul fis-seħħ tar-Regolament dwar il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f'każ ta' nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri (Regolament) mill-1 ta' Jannar 2021 u jfakkar li huwa vinkolanti fl-intier tiegħu għall-approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament fl-Istati Membri kollha u fuq l-istituzzjonijiet tal-UE, inkluż Next Generation EU; iqis, għalhekk, li l-Linji Gwida għall-applikazzjoni tar-reġim ġenerali ta' kundizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni huma żejda, u barra minn hekk jirriskjaw li jnaqqsu l-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament;
2. Jiddispjaċih li l-Kummissjoni għadha m'għamlitx użu minn din l-għodda, minkejja l-ħafna każijiet ta' ksur tal-istat tad-dritt identifikati fl-ewwel Rapport li qatt sar dwar l-Istat tad-Dritt 2020 tal-Kummissjoni, li għandhom impatt fuq il-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit; ifakkar li l-Kummissjoni hija marbuta bit-Trattati li tiżgura l-applikazzjoni xierqa tad-dritt tal-UE; jitlob konsegwentement lill-Kummissjoni tinforza r-Regolament bis-sħiħ u b'mod proattiv, bla dewmien, fir-rigward tal-fondi u l-programmi kollha tal-UE;
3. Ifakkar li skont l-Artikolu 15(1) tat-TUE, il-Kunsill Ewropew m'għandux jeżerċita funzjonijiet leġiżlattivi; iqis, għalhekk, li l-ebda dikjarazzjoni politika tal-Kunsill Ewropew ma tista' titqies li tirrappreżenta interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni peress li hija l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li għandha d-dritt ta' interpretazzjoni;
4. Filwaqt li jfakkar li r-rapport annwali dwar l-istat tad-dritt huwa għodda separata komplementari għar-Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt, jistieden lill-Kummissjoni tuża s-sejbiet tar-rapport annwali fil-valutazzjoni tagħha għall-finijiet tar-regolament;
5. Jilqa' l-fatt li "d-drittijiet u l-valuri Ewropej inkluż l-Istat tad-Dritt" huma wieħed mis-suġġetti għal diskussjoni fil-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa; jistieden lill-Konferenza tipparteċipa f'diskussjoni u riflessjoni bir-reqqa dwar l-effikaċja tal-għodod eżistenti tal-UE għall-monitoraġġ, il-prevenzjoni u l-indirizzar tal-ksur tal-valuri tal-UE u tressaq proposti konkreti biex is-sett ta' għodod tal-UE jissaħħaħ;
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni |
1.7.2021 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
53 11 2 |
||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Matteo Adinolfi, Rasmus Andresen, Anna Bonfrisco, Olivier Chastel, Caterina Chinnici, Lefteris Christoforou, David Cormand, Corina Crețu, Ryszard Czarnecki, Paolo De Castro, José Manuel Fernandes, Luke Ming Flanagan, Daniel Freund, Isabel García Muñoz, Eider Gardiazabal Rubial, Alexandra Geese, Vlad Gheorghe, Valentino Grant, Elisabetta Gualmini, Francisco Guerreiro, Valérie Hayer, Eero Heinäluoma, Niclas Herbst, Monika Hohlmeier, Jean-François Jalkh, Pierre Karleskind, Mislav Kolakušić, Moritz Körner, Joachim Kuhs, Zbigniew Kuźmiuk, Hélène Laporte, Pierre Larrouturou, Janusz Lewandowski, Claudiu Manda, Margarida Marques, Alin Mituța, Silvia Modig, Siegfried Mureşan, Victor Negrescu, Andrey Novakov, Younous Omarjee, Dimitrios Papadimoulis, Tsvetelina Penkova, Sabrina Pignedoli, Karlo Ressler, Bogdan Rzońca, Petri Sarvamaa, Vincenzo Sofo, Nicolae Ştefănuță, Nils Torvalds, Nils Ušakovs, Rainer Wieland, Michal Wiezik, Angelika Winzig, Lara Wolters, Tomáš Zdechovský |
|||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Katalin Cseh, Herbert Dorfmann, Pascal Durand, Adam Jarubas, Georgios Kyrtsos, Marian-Jean Marinescu, Jörg Meuthen, Mikuláš Peksa, Elżbieta Rafalska, Viola Von Cramon-Taubadel |
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
53 |
+ |
NI |
Sabrina Pignedoli |
PPE |
Lefteris Christoforou, Herbert Dorfmann, José Manuel Fernandes, Niclas Herbst, Monika Hohlmeier, Adam Jarubas, Georgios Kyrtsos, Janusz Lewandowski, Marian-Jean Marinescu, Siegfried Mureşan, Andrey Novakov, Karlo Ressler, Petri Sarvamaa, Rainer Wieland, Michal Wiezik, Angelika Winzig, Tomáš Zdechovský |
Renew |
Olivier Chastel, Katalin Cseh, Pascal Durand, Vlad Gheorghe, Valérie Hayer, Pierre Karleskind, Moritz Körner, Alin Mituța, Nicolae Ştefănuță, Nils Torvalds |
S&D |
Caterina Chinnici, Corina Crețu, Paolo De Castro, Isabel García Muñoz, Eider Gardiazabal Rubial, Elisabetta Gualmini, Eero Heinäluoma, Pierre Larrouturou, Claudiu Manda, Margarida Marques, Victor Negrescu, Tsvetelina Penkova, Nils Ušakovs, Lara Wolters |
The Left |
Luke Ming Flanagan, Silvia Modig, Younous Omarjee, Dimitrios Papadimoulis |
Verts/ALE |
Rasmus Andresen, David Cormand, Daniel Freund, Alexandra Geese, Francisco Guerreiro, Mikuláš Peksa, Viola Von Cramon-Taubadel |
11 |
- |
ECR |
Ryszard Czarnecki, Zbigniew Kuźmiuk, Elżbieta Rafalska, Bogdan Rzońca, Vincenzo Sofo |
ID |
Matteo Adinolfi, Valentino Grant, Jean-François Jalkh, Joachim Kuhs, Hélène Laporte, Jörg Meuthen |
2 |
0 |
ID |
Anna Bonfrisco |
NI |
Mislav Kolakušić |
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni
- [1] ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 1.
- [2] Testi adottati, P9_TA(2021)0287.
- [3] Testi adottati, P9_TA(2020)0360.
- [4] Testi adottati, P9_TA(2021)0103.
- [5] ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.
- [6] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 tal-14 ta’ Diċembru 2020 dwar is-sistema ta’ riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom, ĠU L 424, 15.12.2020, p. 1.
- [7] ĠU L 305, 26.11.2019, p. 17.
- [8] Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta' April 2021, Repubblika v Il-Prim Ministru, C-896/19, ECLI:EU:C:2021:311, paragrafi 59-64.
- [9] Ħadu sehem fil-votazzjoni finali: Gabriele Bischoff (l-Ewwel Viċi President), Charles Goerens (it-Tieni Viċi President), Giuliano Pisapia (it-Tielet Viċi President), Loránt Vincze (ir-Raba' Viċi President), Gerolf Annemans, Damian Boeselager, Fabio Massimo Castaldo, Leila Chaibi, Włodzimierz Cimoszewicz, Gwendoline Delbos-Corfield, Pascal Durand, Angel Dzhambazki (għal Geert Bourgeois), Daniel Freund, Esteban González Pons, Sandro Gozi, Brice Hortefeux, Laura Huhtasaari, Seán Kelly (għal Antonio Tajani), Paulo Rangel, Antonio Maria Rinaldi, Domènec Ruiz Devesa, Jacek Saryusz-Wolski, Helmut Scholz, Pedro Silva Pereira, Sven Simon, Mihai Tudose, Guy Verhofstadt, Rainer Wieland.