RAPPORT Lejn Trasport fl-Ilmijiet Navigabbli Interni (IWT) adegwat għall-eżiġenzi futuri fl-Ewropa

6.7.2021 - (2021/2015(INI))

Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu
Rapporteur: Caroline Nagtegaal

Proċedura : 2021/2015(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A9-0231/2021
Testi mressqa :
A9-0231/2021
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

Lejn Trasport fl-Ilmijiet Navigabbli Interni (IWT) adegwat għall-eżiġenzi futuri fl-Ewropa

(2021/2015(INI))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-25 ta' Frar 2021 intitolat "Evalwazzjoni tad-Direttiva 2005/44/KE dwar Servizzi Armonizzati ta' Informazzjoni tax-Xmajjar (RIS)" (SWD(2021)0050),

 wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-24 ta' Frar 2021 intitolat "Evaluation of the 2013 Urban Mobility Package" (Evalwazzjoni tal-Pakkett dwar il-Mobilità Urbana tal-2013) (SWD(2021)0047),

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Diċembru 2020 intitolata "Strateġija għal Mobilità Sostenibbli u Intelliġenti – inqiegħdu t-trasport Ewropew fit-triq it-tajba għall-futur" (COM(2020)0789) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal li jakkumpanjaha (SWD(2020)0331),

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019)0640),

 wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-18 ta' Settembru 2018 intitolat "Rapport ta' progress ta' nofs it-terminu dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta' azzjoni NAIADES II għall-promozzjoni tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni (li jkopri l-perjodu 2014-2017)" (SWD(2018)0428),

 wara li kkunsidra l-white paper tal-Kummissjoni tat-28 ta' Marzu 2011 intitolata "Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti" (COM(2011)0144),

 wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2017/2397 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2017 dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali fin-navigazzjoni interna[1],

 wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/1629 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Settembru 2016 li tistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni[2],

 wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar l-installazzjoni ta' infrastruttura tal-karburanti alternattivi[3], u r-reviżjoni futura tagħha,

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-network trans-Ewropew tat-trasport[4] (ir-Regolament TEN-T), u r-reviżjoni futura tiegħu,

 wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 92/106/KEE tas-7 ta' Diċembru 1992 dwar l-istabbiliment ta' regoli komuni għal ċerti tipi ta' trasport ikkombinat ta' prodotti bejn Stati Membri[5], u r-reviżjoni futura tagħha,

 wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar is-servizzi armonizzati ta' informazzjoni tax-xmajjar (RIS) f'passaġġi fuq l-ilma interni fil-Komunità[6],

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2020 dwar konsiderazzjonijiet ta' politika għal pjan ta' kontinġenza għal pandemiji u kriżijiet kbar oħra għas-settur tat-trasport tal-merkanzija Ewropew,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2020 dwar is-Settur tat-Trasport fuq l-Ilma tal-UE – Prospettiva futura: lejn settur tat-trasport fuq l-ilma tal-UE b'livell newtrali f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju, l-ebda aċċident, awtomatizzat u kompetittiv,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2018 dwar it-trasport bin-navigazzjoni interna – "Naraw il-potenzjal tiegħu u nippromwovuh",

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' April 2021 dwar miżuri tekniċi u operattivi għal trasport marittimu aktar effiċjenti u aktar nadif[7],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew[8],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2019 dwar NAIADES II – Programm ta' azzjoni biex jappoġġja t-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni[9],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Novembru 2016 dwar l-isfruttament tal-potenzjal tat-trasport tal-passiġġieri fuq l-ilma[10],

 wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A9-0231/2021),

A. billi s-settur tat-trasport fuq l-ilma tal-UE, inkluż it-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni, huwa ta' interess strateġiku għall-integrità tal-provvista tagħha u għall-kompetittività tal-portijiet tagħha; billi 75 % tan-navigazzjoni fl-ilmijiet interni sseħħ bejn pajjiż u ieħor u għaldaqstant il-koordinazzjoni hija essenzjali għas-suq uniku;

B. billi l-pajjiżi Ewropej għandhom varjetà ta' ilmijiet navigabbli kbar u żgħar u flotot differenti ta' bastimenti interni, li jagħmlu t-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni konvenjenti ħafna u utli għat-trasport ta' tipi differenti u kwantitajiet kbar ta' merkanzija lejn destinazzjonijiet differenti fuq l-ilma;

C. billi t-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni huwa pilastru essenzjali fil-bidla lejn trasport multimodali sostenibbli, iżda fl-istess waqt qiegħed jiffaċċja sfidi konsiderevoli; billi l-ilmijiet navigabbli interni attwalment jirrappreżentaw sehem żgħir ħafna mit-trasport tal-merkanzija fl-UE (6,1 %), filwaqt li t-toroq għandhom sehem ta' 76,3 % u l-ferroviji għandhom 17,6 %; billi s-sehem modali attwali tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni huwa żgħir wisq u hija meħtieġa żieda qawwija biex titnaqqas il-konġestjoni fit-toroq, tissaħħaħ is-sikurezza, jitnaqqsu l-emissjonijiet u tiġi żgurata sistema tat-trasport aktar sostenibbli b'mod ġenerali; billi hija meħtieġa azzjoni ulterjuri b'mod urġenti biex jinkiseb l-objettiv li parti sostanzjali mis-76,3 % tal-merkanzija interna li llum tinġarr bit-triq, tiġi trasferita għal fuq il-ferroviji u fl-ilmijiet navigabbli interni; billi huwa kruċjali f'dan ir-rigward li jkun hemm rabta bejn swieq ċirkolari u tal-enerġija sostenibbli ġodda u t-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni;

D.  billi l-iżvilupp ulterjuri tas-settur tal-ilmijiet navigabbli interni huwa ġebla tax-xewka għall-bini ta' network tat-trasport Ewropew intelliġenti, sostenibbli u kompetittiv; billi n-navigabilità attwali tal-ilmijiet navigabbli tal-Ewropa hija frammentata u l-bidla modali hija mxekkla minn konġestjonijiet, konnessjonijiet neqsin u nuqqas ta' affidabilità tal-ilmijiet navigabbli interni li jiċċirkolaw b'mod liberu; billi l-ilmijiet navigabbli interni, bħala wieħed mill-aktar modi ta' trasport favur l-ambjent b'potenzjal ulterjuri li fil-biċċa l-kbira ma ġiex sfruttat biex jiġu ttrasportati ammonti sostanzjali ta' merkanzija madwar l-Unjoni Ewropea, jista' jkollhom rwol fundamentali biex jintlaħqu l-objettivi klimatiċi tal-UE;

E. billi s-sehem totali tal-merkanzija transfruntiera trasportata fl-ilmijiet navigabbli interni tagħna huwa 54 % fuq il-kuritur tar-Renu-Alpin, 35 % fuq il-kuritur tal-Baħar tat-Tramuntana-il-Mediterran u 38 % fuq il-kuritur tal-Baħar tat-Tramuntana-il-Baltiku; billi huwa importanti li tiġi avvanzata t-tlestija tan-network ewlieni tal-ilmijiet navigabbli interni tat-TEN-T kif ukoll il-konnessjonijiet man-network komprensiv;

F. billi t-traffiku fuq l-ilmijiet navigabbli Ewropej jiddependi fuq konnessjonijiet transfruntiera bla xkiel, u dan jagħmel it-tlestija tan-networks ewlenin tat-TEN-T sal-2030 kwistjoni tal-akbar importanza;

G. billi l-white paper tal-Kummissjoni dwar it-trasport, li ilha ppubblikata mill-2011, enfasizzat il-fatt li s-sehem modali tal-ilmijiet navigabbli interni fl-Ewropa jeħtieġ li jiżdied u billi minn dak iż-żmien 'l hawn ma nkisibx biżżejjed progress;

H. billi l-fehma prevalenti fis-settur tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni hija li l-ekoloġizzazzjoni hija kruċjali biex tiġi żgurata l-kompetittività fit-tul tas-settur u tippermetti li jkollu rwol sinifikanti, affidabbli u kredibbli fil-bidla multimodali; billi bħalissa għaddejja riflessjoni vasta dwar kif għandha tiġi ffinanzjata din it-tranżizzjoni ekoloġika fis-settur; billi wasal iż-żmien biex aktar miżuri, għodod u mezzi konkreti jgħinu t-tqegħid fil-prattika ta' din l-ambizzjoni;

I. billi investimenti infrastrutturali insuffiċjenti wasslu biex ix-xogħol waqa' lura; billi l-infrastruttura kwalitattiva hija l-bażi u s-sinsla ta' settur tal-ilmijiet navigabbli interni li jirnexxi; billi ż-żieda fil-kapaċità għandha l-limiti tagħha u l-enfasi għandha tkun ukoll fuq iż-żieda fil-prestazzjoni u l-iżgurar ta' affidabilità tas-settur f'kull mument;

J. billi sehem sostanzjali mit-trasport tal-merkanzija fl-ilmijiet navigabbli interni tal-UE huwa relatat mal-portijiet marittimi; billi kemm il-portijiet tal-baħar kif ukoll dawk interni għandhom rwol importanti bħala ċentri multimodali, u jipprovdu konnessjonijiet ma' modi oħra ta' trasport li jistgħu wkoll jieħdu tagħbijiet tal-merkanzija; billi għaldaqstant huwa importanti u rikjest mil-linji gwida tat-TEN-T li l-portijiet tal-baħar u dawk interni għandhom ikunu konnessi sew flimkien u għandu jkollhom konnessjonijiet tajbin maż-żoni interni tal-pajjiż; jinnota li l-portijiet interni għandhom isiru ċentri tal-enerġija għal fjuwils alternattivi sostenibbli;

K. billi n-nixfa u t-tibdil fil-klima huma tnejn mill-problemi maġġuri li t-trasport Ewropew fl-ilmijiet navigabbli interni qiegħed jiffaċċja; billi f'diversi reġjuni Ewropej, it-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni ntlaqat ħażin ħafna mill-perjodu twil ta' nixfa fl-2018 minħabba l-livelli estremament baxxi tal-ilma; billi l-konsegwenzi kienu devastanti għar-Renu u t-tributarji tagħha, id-Danubju ta' Fuq u tan-Nofs u l-Elbe ta' Fuq u tan-Nofs; billi fil-Ġermanja dan wassal għal tnaqqis ta' EUR 5 biljun fil-produzzjoni industrijali; billi, barra minn hekk, iż-żoni tal-ilmijiet navigabbli interni fit-Tramuntana tal-Ewropa għandhom it-tendenza li jiffriżaw matul ix-xhur tax-xitwa li jkunu l-aktar severi, u dan ifixkel it-traffiku;

L. billi l-bidla modali mit-triq għall-ilmijiet navigabbli interni ma tikkonċernax biss it-trasport tal-merkanzija iżda wkoll dak tal-passiġġieri, speċjalment f'żoni urbani; billi 50 % tal-popolazzjoni tal-UE tgħix qrib il-baħar u tul ix-xmajjar, it-trasport tal-passiġġieri fl-ilmijiet navigabbli interni joffri alternattiva favur l-ambjent f'termini kemm tal-konsum tal-enerġija kif ukoll tal-emissjonijiet tal-istorbju; billi dan jgħin ukoll biex titnaqqas il-konġestjoni tan-networks tat-toroq mgħobbija żżejjed u jipprovdi alternattiva għall-espansjoni tal-infrastruttura tat-toroq f'żoni b'densità għolja tal-popolazzjoni;

M. billi l-kruċieri tax-xmajjar, il-bastiment ta' vjaġġi ta' ġurnata, il-laneċ, it-taxis tal-ilma u x-shuttles tal-ilma għandhom rwol importanti fit-turiżmu Ewropew u għandhom isiru għażla aktar nadifa għat-turiżmu u t-trasport pubbliku fir-reġjuni u l-bliet bi xmajjar, kanali u lagi aċċessibbli u navigabbli, li jagħmel ukoll il-mobilità urbana aktar sostenibbli u effettiva; billi dan għandu jiġi kkunsidrat fl-Istrateġija għal Mobilità Sostenibbli u Intelliġenti;

N. billi, flimkien mal-ferroviji, it-trasport tal-merkanzija fl-ilmijiet navigabbli interni ser ikollu rwol kruċjali biex jintlaħqu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku f'termini tal-bidla modali fit-trasport tal-merkanzija; billi ż-żewġ modi fil-ktajjen tal-provvista għandhom jiġu integrati u jsiru aktar aċċessibbli;

O. billi t-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni jista' jkollu rwol importanti għat-trasport marittimu f'termini tat-tisħiħ tad-diġitalizzazzjoni u l-ħolqien ta' skala fir-rigward ta' soluzzjonijiet ta' propulsjoni b'emissjonijiet żero, bħall-elettrifikazzjoni u l-idroġenu;

P. billi l-proċeduri biex jinkiseb ċertifikat għal bastiment li jaħdem bl-idroġenu għadhom twal ħafna; billi għal serje ta' bastimenti li jaħdmu bl-idroġenu bl-istess karatteristiċi tekniċi eżatti, iridu jiġu ppreżentati applikazzjonijiet għal kull bastiment; billi dan it-tip ta' piż amministrattiv jiskoraġġixxi l-investiment privat u b'hekk joħnoq il-progress teknoloġiku u t-titjib tal-kosteffiċjenza;

Q. billi t-tranżizzjoni tal-enerġija hija wkoll sfida għas-settur tan-navigazzjoni interna minkejja li l-ilmijiet navigabbli huma wieħed mill-aktar modi ta' trasport favur l-ambjent; billi huwa importanti li jitqies ir-rwol tal-kuntratturi fil-katina tal-provvista kollha biex jittejjeb l-argument kummerċjali favur investimenti sostenibbli fis-settur tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni;

R. billi l-flotta fl-ilmijiet navigabbli interni jeħtieġ li tiġi modernizzata u adattata biex tirrifletti l-progress tekniku biex tkompli tittejjeb il-prestazzjoni ambjentali tal-bastimenti; billi t-teknoloġiji b'emissjonijiet żero għadhom mhumiex vijabbli fuq skala kbira fis-settur tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni minħabba maturità teknika baxxa, nuqqas ta' infrastruttura u prezzijiet mhux kompetittivi;

S. billi s-settur tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni żgura d-distribuzzjoni kontinwa ta' oġġetti essenzjali matul il-pandemija tal-COVID-19, u ċerti partijiet tiegħu saħansitra esperjenzaw l-ogħla livelli fit-traffiku, li b'hekk wera l-flessibilità u r-reżiljenza tiegħu;

Bidla modali fil-merkanzija: mit-toroq għall-ilmijiet navigabbli interni

1. Jappella lill-Kummissjoni tieħu l-inizjattiva dwar it-tmexxija ekoloġika, effiċjenti u diġitali u tibni fuq programmi eżistenti bħal NAIADES, li għandhom jappoġġjaw u jinċentivaw lill-partijiet ikkonċernati kollha fis-settur tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli kif ukoll modi oħra tat-trasport, b'mod partikolari l-ferroviji, biex jaħdmu flimkien lejn futur sostenibbli u soċjali, filwaqt li jappoġġjaw l-intraprenditorija, il-protezzjoni tal-ħaddiema u l-kompetittività tas-settur fl-intier tiegħu; jenfasizza li l-ilmijiet navigabbli interni huma mod ta' trasport eċċellenti għall-prodotti bażiċi li joriġinaw minn swieq ġodda tal-ekonomija ċirkolari u li l-koordinazzjoni tal-politiki tat-trasport, ambjentali u industrijali hija kruċjali biex jinħatfu dawn l-opportunitajiet;

2. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu aħjar il-fatt li dawk li joperaw fis-settur tal-ilmijiet navigabbli interni spiss huma familji bit-tfal abbord u jinvestu f'faċilitajiet adegwati u regolari tul ir-rotot tal-ilmijiet navigabbli biex jipprovdu kundizzjonijiet ta' għajxien deċenti matul il-vjaġġ;

3. Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposti għal qafas regolatorju u ta' governanza f'konformità mal-programm ta' azzjoni NAIADES li jmiss, li jiżgura armonizzazzjoni u standardizzazzjoni fil-livell tal-UE għall-kwalità tan-navigabilità, il-bastimenti u l-kwalifiki tal-ekwipaġġi; jindika li dan il-qafas għandu jiffaċilita l-koordinazzjoni tal-investimenti, il-programmi ta' azzjoni u d-diversi korpi involuti fl-iżvilupp tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni, inklużi l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri, l-aġenziji tal-UE, il-koordinaturi tat-TEN-T, il-kummissjonijiet tax-xmajjar u l-kumitati tal-istandardizzazzjoni; jenfasizza l-opportunità li tiġi mfassla bidla modali potenzjali fit-trasport ta' merkanzija lejn l-ilmijiet navigabbli interni permezz tal-programm ta' azzjoni NAIADES III; jenfasizza li din il-bidla modali u koordinazzjoni aħjar bejn il-politiki industrijali u tat-trasport jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku, li jirrikjedi li kważi s-setturi industrijali kollha jgħaddu minn trasformazzjoni sostenibbli u ċirkolari;

4. Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni espressa fl-Istrateġija għal Mobilità Sostenibbli u Intelliġenti li tittrasferixxi aktar merkanzija mit-toroq għall-ilmijiet navigabbli interni u t-trasport marittimu fuq distanzi qosra, inkluż it-trasport tal-merkanzija reġjonali, urban u interurban; jisħaq, madankollu, fuq il-potenzjal konsiderevoli mhux sfruttat u l-ambitu għall-espansjoni tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni; jitlob lill-Kummissjoni, għaldaqstant, biex regolarment tevalwa u żżid l-ambizzjonijiet tagħha għall-għanijiet tal-bidla modali tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni u biex tikseb il-benefiċċji tas-settur; jitlob lill-Kummissjoni, barra minn hekk, biex tappoġġja l-użu tal-aħjar prattiki fl-integrazzjoni tas-servizzi tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni f'katini ta' loġistika multimodali; jisħaq li huma meħtieġa investimenti f'disinji ta' vapuri aktar flessibbli u innovattivi u fl-ekoloġizzazzjoni tal-flotta eżistenti tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni, fl-iżvilupp inter alia ta' vapuri adattati għax-xmajjar u soluzzjonijiet oħra maturi u sostenibbli biex tiġi pprovduta alternattiva aktar kompetittiva u sostenibbli għat-trasport bit-triq;

5. Jisħaq li aktar investiment u investiment regolari fl-espansjoni, l-aġġornament u t-titjib tal-infrastruttura fiżika u diġitali tal-ilmijiet navigabbli interni, bħal imgħalaq, pontijiet u l-introduzzjoni interoperabbli ta' teknoloġiji diġitali bejn il-fruntieri, huwa essenzjali biex tingħata spinta lill-kompetittività tas-settur, biex jiġi evitat it-tnaqqis fl-importanza tiegħu, biex jitjiebu l-prestazzjoni, l-affidabilità u l-prevedibilità fit-tul tiegħu bejn il-fruntieri, biex tkun possibbli navigabilità ta' kwalità u biex tiġi ffaċilitata l-bidla modali, filwaqt li jiġu rrispettati l-kwistjonijiet relatati mal-bijodiversità u l-liġi ambjentali applikabbli, bħad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma[11] u d-Direttivi dwar in-Natura[12]; jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri, b'attenzjoni partikolari li jitqiesu l-ħtiġijiet tal-fawna u l-flora fi proġetti ta' infrastruttura;

6. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jirrispettaw bis-sħiħ l-obbligu tagħhom li jlestu n-network ewlieni tat-TEN-T tal-ilmijiet navigabbli interni sal-2030 u jistieden lill-Kummissjoni u lill-koordinaturi tat-TEN-T biex isaħħu s-sorveljanza tagħhom f'dan ir-rigward; jistieden lill-Istati Membri jeliminaw il-konnessjonijiet neqsin, jindirizzaw il-konġestjonijiet u jippromwovu infrastruttura fiżika u diġitali ta' kwalità; jenfasizza, b'mod partikolari, il-ħtieġa li jiżdiedu l-investimenti f'infrastruttura multimodali adegwata fil-portijiet u l-konnessjonijiet maż-żoni interni tal-portijiet interni, bħal konnessjonijiet ferrovjarji u terminals mingħajr xkiel, u li tiżdied il-kapaċità tal-ħżin tagħhom biex jiġi ffaċilitat it-trasport multimodali kompetittiv fl-Ewropa flimkien mat-titjib tal-prestazzjoni tal-katina tal-provvista tagħhom;

7. Iqis li huwa meħtieġ li jiġi introdott approċċ ta' network fuq żewġ livelli, billi n-network ewlieni eżistenti tal-ilmijiet navigabbli interni jiġu kkomplementati b'network komprensiv ta' ilmijiet navigabbli interni, biex jingħata spinta t-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni; jirrimarka li l-ilmijiet navigabbli interni li huma konnessi ma' portijiet tal-baħar u li m'għandhomx status ta' klassi IV iżda għandhom il-potenzjal li jnaqqsu l-esternalitajiet ambjentali negattivi, inkluż il-konġestjoni tat-toroq, għandhom jiġu kkunsidrati għan-network komprensiv; jisħaq fuq il-ħtieġa, għaldaqstant, li n-network TEN-T jiġi estiż biex jinkorpora sezzjonijiet ġodda ta' ilmijiet navigabbli interni fin-networks ewlenin u komprensivi biex jiġu stabbiliti ċentri tat-trasport multimodali ġodda;

8. Iqis li huwa importanti li jiġi rikonoxxut il-potenzjal mhux sfruttat tal-ilmijiet navigabbli iżgħar biex tissaħħaħ il-kompetizzjoni diretta mat-trasport bit-triq, billi jiġi żgurat network dettaljat, komprensiv u kumpless li jinżamm aġġornat u navigabbli; jistieden lill-Kummissjoni biex fit-tranżizzjoni diġitali tagħti prijorità kemm lill-ilmijiet navigabbli kbar kif ukoll lill-ilmijiet navigabbli iżgħar;

9. Jissottolinja l-potenzjal sinifikanti tar-riabilitazzjoni tal-ilmijiet navigabbli u l-kanali ta' konnessjoni, speċjalment f'reġjuni li għal għexieren ta' snin sofrew minn investiment insuffiċjenti fl-infrastruttura tal-ilmijiet navigabbli interni;

10. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha jkunu impenjati fil-proċess tal-ippjanar multidixxiplinari għal proġetti ta' navigazzjoni u miżuri ta' manutenzjoni biex jitfasslu soluzzjonijiet aċċettati b'mod komuni skont il-leġiżlazzjoni tal-UE;

11. Jinnota li t-trasport fl-ilmijiet navigabbli jeħtieġ network ta' infrastruttura aktar effettiva, affidabbli, sikura u reżiljenti għat-tibdil fil-klima biex tiġi indirizzata aħjar il-problema tal-għargħar u l-livelli baxxi tal-ilma, li se tiggrava minħabba l-effetti tat-tibdil fil-klima; jiddeplora l-fatt li l-problemi li jaffettwaw is-settur tal-ilmijiet navigabbli interni, ikkawżati mill-għargħar u l-livelli baxxi tal-ilma, ma tqisux kif dovut u li huwa kruċjali li tiġi żgurata n-navigabilità; jisħaq fuq il-ħtieġa, għaldaqstant, li tittieħed azzjoni koerenti, bħall-adattament tal-flotot, inkluż it-tip ta' bastimenti, il-kwantità tal-flotta u l-kapaċità ta' riżerva, l-ottimizzazzjoni tad-disinn tal-bastimenti, filwaqt li titqies il-versatilità tal-bastimenti tal-ilmijiet navigabbli interni, jiġu żgurati ġestjoni u żvilupp aħjar tal-infrastruttura, tiġi pprovduta informazzjoni aktar preċiża dwar il-livelli tal-ilma u t-tbassir, ikun hemm kooperazzjoni mal-ferroviji waqt perjodi ta' ilma baxx, jiġu mfassla kuntratti ta' kiri għal perjodu ta' żmien speċifiku għal bastimenti li jistgħu joperaw matul perjodi tal-marea baxxa, jiġu implimentati għodod diġitali u tiżdied l-kapaċità ta' ħżin fil-portijiet; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jfasslu pjanijiet ta' azzjoni għall-ġlieda kontra l-livelli baxxi tal-ilma u jisħaq fuq il-bżonn ta' koordinazzjoni għal dan il-għan;

12. Jisħaq fuq l-importanza tal-użu ta' data u servizzi spazjali għas-servizzi tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni biex jiġi żgurat settur aktar sikur, sostenibbli, effiċjenti u kompetittiv; iqis, b'mod partikolari, li servizzi ġodda fil-programmi Galileo u Copernicus u s-Sistema Ewropea ta' Navigazzjoni b'Kopertura Ġeostazzjonarja (EGNOS) għandhom jiġu inklużi fir-rieżami tad-Direttiva ITS[13] u inizjattivi leġiżlattivi oħra dwar il-mobilità intelliġenti;

Ekoloġizzazzjoni tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni

13. Jenfasizza l-importanza li tiġi indirizzata t-tranżizzjoni tal-enerġija b'mod kosteffiċjenti u aċċessibbli, filwaqt li tiġi rikonoxxuta l-firxa diversa fit-tipi ta' bastimenti, billi jiżdiedu malajr id-disponibilità u l-introduzzjoni ta' taħlita eteroġena ta' fjuwils alternattivi nodfa, infrastruttura ta' fjuwils alternattivi u metodi ta' propulsjoni għat-trasport marittimu b'approċċ ta' network u f'konformità mal-prinċipju tan-newtralità teknoloġika; jirrikonoxxi, barra minn hekk, l-użu tal-għażliet kollha li jistgħu jintużaw faċilment biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tan-navigazzjoni interna, inkluż it-tranżizzjoni bejn il-fjuwils u s-sistemi tranżizzjonali; jenfasizza, għal darb'oħra, li tranżizzjoni enerġetika fin-navigazzjoni interna hija essenzjali biex tinkiseb l-aġenda newtrali għall-klima sal-2050;

14. Jindika li hemm nuqqas ta' soluzzjonijiet newtrali għall-klima li huma lesti għas-suq u li l-awtoritajiet għandhom għaldaqstant ikunu intitolati għal finanzjament għall-bini tal-kapaċitajiet biex jgħinu lis-settur jikseb aċċess għall-finanzjament u jappoġġawh fi triqtu lejn in-newtralità klimatika; jenfasizza l-importanza li jingħata aktar inċentiv għall-proġetti ta' riċerka u żvilupp għall-fjuwils u t-teknoloġiji li jnaqqsu b'mod konsiderevoli l-impatt fuq il-klima u l-ambjent biex il-flotot jiżdiedu malajr u jinbnew ktajjen ta' provvista u ekonomiji ta' skala; jirrikonoxxi l-potenzjal li s-settur tal-ilmijiet navigabbli interni jaġixxi bħala riżorsa tal-ittestjar u katalizzatur għal effetti konsegwenzjali pożittivi fis-settur tat-trasport marittimu; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tiżviluppa pjan direzzjonali realistiku biex is-sustanzi niġġiesa u l-emissjonijiet ta' gassijiet serra jkomplu jitnaqqsu b'tali mod li s-settur li jopera fl-ilmijiet navigabbli interni jkun dekarbonizzat, filwaqt li jitħarsu l-kompetittività, l-affidabilità u s-sikurezza;

15. Jissottolinja r-rwol partikolari li l-ilmijiet navigabbli interni għandu jkollhom fl-Istrateġija tal-UE dwar l-Idroġenu, kemm f'termini ta' alimentazzjoni nadifa tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni kif ukoll għall-importanza kruċjali tal-ilmijiet navigabbli interni u l-portijiet tagħhom għad-distribuzzjoni nadifa u effiċjenti tal-idroġenu tul in-networks tat-trasport u r-raggruppamenti tal-industrija tal-UE;

16. Jenfasizza li alternattivi li jnaqqsu b'mod konsiderevoli l-impatt fuq il-klima u l-ambjent għandhom isiru disponibbli b'mod mifrux, aktar ekonomikament aċċessibbli u finanzjarjament attraenti fil-konfront ta' propulsjonijiet konvenzjonali; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi aċċelerat l-użu ta' dawn l-alternattivi billi, pereżempju, jiġi żgurat perċentwal realistiku ta' taħlit ibbażat fuq valutazzjoni tal-impatt li tkopri analiżi taċ-ċiklu tal-ħajja tal-fjuwils u skont il-kriterji ta' sostenibilità tal-UE, kif ukoll permezz ta' stabilità regolatorja u appoġġ finanzjarju, inkluż l-għoti ta' inċentivi fiskali mill-Istati Membri; iqis, barra minn hekk, li l-Istati Membri għandu jkollhom l-opportunità li jistabbilixxu rata ta' taxxa dekrexxenti jew rata ta' taxxa żero għall-użu ta' elettriku minn fuq l-art u soluzzjonijiet sostenibbli oħra; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tappoġġja u tinċentiva b'mod sostanzjali l-użu tal-istrumenti finanzjarji rilevanti għall-adozzjoni ta' fjuwils u teknoloġiji alternattivi sostenibbli;

17. Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-possibilità li tfassal skema tal-UE ta' tikkettar tal-emissjonijiet għat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni, li tipprovdi informazzjoni faċilment disponibbli dwar il-prestazzjoni enerġetika tal-bastimenti, tippromwovi l-effiċjenza enerġetika u toħloq ambjent stabbli għad-deċiżjonijiet ta' investiment u li għandha twassal għal argument kummerċjali vijabbli u redditu fuq l-investiment għall-ispedituri; jenfasizza li l-mira ta' din l-iskema trid tkun li l-emissjonijiet jitnaqqsu b'mod effettiv u li s-settur jingħata għajnuna permezz ta' aċċess aħjar għal finanzjament, self u garanziji bbażati fuq il-prestazzjoni tal-emissjonijiet tiegħu, jitjieb il-monitoraġġ tal-emissjonijiet, jinħolqu benefiċċji bl-għoti ta' inċentivi lill-awtoritajiet portwarji biex jagħmlu distinzjoni bejn in-nollijiet tal-infrastruttura tal-portijiet, u b'hekk fl-aħħar mill-aħħar is-settur kollu kemm hu jsir aktar attraenti; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi gwida prattika u sett ta' għodod dwar il-fjuwils sostenibbli u l-possibilitajiet teknoloġiċi għall-bastimenti tal-ilmijiet navigabbli interni u tal-baħar fuq distanzi qosra b'appoġġ għas-sidien tal-bastimenti fit-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom; jenfasizza li l-enfasi għandha tkun fuq it-tipi ta' bastimenti tal-ilmijiet navigabbli interni u dawk tal-baħar fuq distanzi qosra minħabba l-karatteristiċi tekniċi simili tagħhom;

18. Jindika li l-kostruzzjoni modulari tal-bastimenti tipprovdi flessibilità, prevedibilità u ffrankar tal-ispejjeż; jisħaq, f'dan ir-rigward, li komponenti, disinn u żvilupp standardizzati tal-bastimenti joħolqu bażi tajba li tista' tintuża b'modi differenti (intermodalità), u barra minn hekk jiffaċilitaw il-modifika retroattiva ta' sistemi ta' propulsjoni aktar sostenibbli hekk kif jidħlu fis-suq; jaċċentwa li minbarra l-benefiċċji ambjentali, il-kostruzzjoni modulari tista' twassal għal iffrankar fl-ispejjeż u tgħin biex jitnaqqsu r-riskji bis-saħħa ta' proċess prevedibbli tal-produzzjoni u tal-kostruzzjoni, u għaldaqstant għandha tiġi inċentivata u promossa;

19. Jemmen li, fid-dawl tal-għanijiet klimatiċi tagħna, is-settur tat-tbaħħir jista' joffri trasport aktar sostenibbli u li jibqa' validu fil-futur; jenfasizza li l-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali għandu jkollhom rwol ta' kollegament u koordinazzjoni f'din il-fażi ta' żvilupp u jikkomunikaw mal-partijiet ikkonċernati kollha, inklużi l-utenti tal-ilmijiet navigabbli interni u l-industrija tal-bini tal-bastimenti; iħeġġeġ lill-Istati Membri jvaraw proġetti pilota b'soluzzjonijiet innovattivi bħal kontenituri tal-batteriji skambjabbli; jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-bżonn urġenti ta' appoġġ għall-innovazzjoni, pjan ta' finanzjament tal-UE, faċilitazzjoni taċ-ċertifikazzjoni u permessi ta' tbaħħir 20.  Jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza tat-tranżizzjoni enerġetika tal-portijiet u t-tarzni speċjalizzati tagħhom, fejn isiru l-bini, il-konverżjoni u l-modifika retroattiva tal-bastimenti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, għaldaqstant, jallokaw finanzjament u investiment adegwat għall-iżgurar ta' kapaċità suffiċjenti u infrastruttura adegwata fil-portijiet sabiex jiġi ffaċilitat it-tiġdid tal-flotta u t-tranżizzjoni enerġetika tas-settur marittimu; jenfasizza, barra minn hekk, li l-iżvilupp ta' sorsi alternattivi ta' enerġija għall-bastimenti jirrikjedi provvista tal-enerġija u infrastruttura ta' riforniment xierqa fuq l-art;

21. Jenfasizza li l-ekoloġizzazzjoni tal-flotta m'għandhiex tiffoka biss fuq l-indirizzar tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra, iżda timmira wkoll li tnaqqas it-tniġġis tax-xmajjar; jenfasizza l-importanza, għaldaqstant, li jiġu offruti faċilitajiet għar-rimi tal-iskart fil-portijiet u li jiġi promoss l-użu ta' żebgħa antifouling innovattiva u teknoloġiji avvanzati tal-manutenzjoni tal-buq, bħal pereżempju droni taħt l-ilma; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi qafas ta' governanza għall-monitoraġġ tat-tniġġis tal-baċiri tax-xmajjar, li jiffaċilita l-koordinazzjoni tal-miżuri, l-investimenti u l-programmi ta' azzjoni nazzjonali u tal-UE;

22. Jenfasizza l-importanza li tiġi żgurata ġestjoni korretta u trażversali tar-riżorsi tal-ilma, li tinvolvi l-amministrazzjoni tas-sistemi idrawliċi, it-trawwim tal-iżvilupp tal-idroelettriku, il-garanzija tal-użi differenti tal-ilma u l-preservazzjoni tal-bijodiversità; jenfasizza, għalhekk, li l-ġestjoni tal-ilma għandha tinvolvi l-partijiet ikkonċernati tat-trasport, l-enerġija, l-agrikoltura, l-industrija u l-ambjent;

Id-diġitalizzazzjoni u n-navigazzjoni awtonoma

23. Jinnota li d-diġitalizzazzjoni u l-ġbir ta' data estensivi jistgħu jikkontribwixxu għal ambjent aktar nadif u sikurezza mtejba abbord u jwasslu għal rotot aktar effiċjenti, inqas konġestjoni fil-portijiet u komunikazzjoni u skambju ta' informazzjoni aħjar bejn il-bastimenti, il-portijiet u l-infrastruttura; jindika li d-diġitalizzazzjoni tista' toffri benefiċċji sinifikanti f'termini ta' sikurezza u effiċjenza enerġetika għall-ġbir u l-analiżi ta' data dwar is-settur tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni, filwaqt li tikkontribwixxi għal aktar tnaqqis fl-emissjonijiet; jitlob li jkun hemm strateġija biex jiġu żviluppati u implimentati teknoloġiji diġitali u awtomatizzati fis-settur tal-ilmijiet navigabbli interni, li għandha tiddeskrivi kemm l-istandards interoperabbli bejn il-modi u l-fruntieri kif ukoll l-azzjonijiet u l-finanzjament tar-riċerka meħtieġa, inkluż permezz ta' sejħiet apposta fil-qafas ta' Orizzont Ewropa; jisħaq fuq il-ħtieġa, f'dan ir-rigward, li jiġu aġġornati l-istandards tekniċi fil-Kumitat Ewropew għat-Tfassil ta' Standards fin-Navigazzjoni Interna (CESNI) u li jkomplu jiġu armonizzati s-servizzi tal-informazzjoni tax-xmajjar (RIS), għax jekk dan isir, jiġu ssimplifikati l-proċeduri fil-qasam tar-regolamentazzjoni tan-navigazzjoni interna, jitnaqqsu l-problemi li jirriżultaw minn interpretazzjonijiet differenti tal-istandards tekniċi u min-nuqqas ta' data komparabbli, u jingħata lok għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni rapidi ta' soluzzjonijiet innovattivi; jissottolinja l-ħtieġa għat-tħejjija ta' qafas komuni għall-iskambju interoperabbli tad-data bejn il-modi tat-trasport;

24. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura użu diġitali armonizzat u aċċettazzjoni tad-dokumenti elettroniċi tal-ekwipaġġ u l-bastimenti fl-UE kollha malajr kemm jista' jkun, li jsaħħu l-monitoraġġ tal-kundizzjonijiet soċjali u tal-impjiegi, itejbu l-effiċjenza u l-attraenza tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni u l-interazzjoni u l-integrazzjoni bla xkiel tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni ma' modi oħra ta' trasport, u jagħtu spinta lill-interoperabilità tas-sistemi ta' skambju ta' data tul il-katina loġistika kollha; jenfasizza li n-nuqqas ta' mistrieħ xieraq għall-ħaddiema abbord jista' joħloq riskji konsiderevoli għas-sikurezza; jenfasizza, għalhekk, li kapaċità ta' kontroll diġitali affidabbli u f'ħin reali għall-qari, il-ħżin u l-ġenerazzjoni ta' data dwar il-ħinijiet tax-xogħol u tal-mistrieħ tal-ħaddiema abbord hija kruċjali;

25. Jisħaq fuq il-ħtieġa tal-implimentazzjoni rapida tar-Regolament dwar l-Informazzjoni Elettronika dwar it-Trasport tal-Merkanzija (eFTI)[14], biex l-operaturi tat-trasport ikunu jistgħu jikkondividu l-informazzjoni mal-awtoritajiet tal-infurzar b'mod rapidu, faċli u b'format diġitali;

26. Jinnota li l-integrazzjoni u l-armonizzazzjoni tad-data huma għodda kruċjali tal-ġestjoni tar-riżorsi sabiex tissaħħaħ l-affidabilità tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni u jiżdied l-użu tiegħu fil-ktajjen tal-loġistika; jinnota li d-data jeħtieġ tkun interkonnessa ma' infrastruttura intelliġenti biex tippermetti ppjanar effiċjenti u komunikazzjoni ma' mezzi oħra ta' trasport b'tali mod li jiġu ffaċilitati l-multimodalità u s-sistemi sinkromodali; jinnota l-potenzjal tal-pjattaformi tad-data integrati biex tiżdied it-trasparenza, bħal pereżempju fir-rigward tat-traċċar u tal-kontroll, u l-effiċjenza, bħal pereżempju fir-rigward tal-ippjanar tar-rotot u l-ġestjoni tal-assi;

27. Jenfasizza l-importanza li tinġabar data dwar is-sistema loġistika Ewropea f'koordinazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti bi tħejjija għall-proposta ta' Direttiva dwar it-Trasport Ikkombinat[15] riveduta u miżuri oħra li jiżguraw aktar effiċjenza fl-ippjanar loġistiku u fl-użu tal-infrastruttura fiżika; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tħejji ħarsa ġenerali intermodali tal-fluss ta' merkanzija u kontejners li jidħlu fl-Ewropa u r-rotot segwiti mill-merkanzija sad-destinazzjoni finali tagħha, billi dan jista' jkun ta' benefiċċju għat-tfassil ta' politika effettiva dwar bidla modali; iqis li l-għoti ta' spinta lill-bidla modali għandu jitqies bħala prijorità peress li bħalissa l-kontejners marittimi mhux dejjem jiġu ttrasportati b'mod effiċjenti mill-portijiet marittimi għaż-żoni interni, u dan iwassal għal spejjeż ogħla u ħin itwal tal-ivvjaġġar; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-valur miżjud tal-algoritmi u l-intelliġenza artifiċjali fit-trasport tal-kontejners lejn iż-żoni interni sabiex jittejjeb l-ippjanar u l-ipproċessar f'dan ir-rigward;

28. Jisħaq fuq l-importanza li jiġu konnessi l-oqfsa diġitali eżistenti tal-politika tat-trasport u li jiġi żgurat li d-data dwar it-trasport multimodali tkun disponibbli permezz ta' punt uniku ta' aċċess biex titjieb l-effiċjenza fit-trasport tal-merkanzija fuq l-ilma u tiġi żgurata l-interoperabilità tad-data ma' modi oħra ta' trasport; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, toħloq pjan ta' azzjoni tal-UE għall-infrastruttura diġitali tat-trasport multimodali li tippermetti l-kondiviżjoni u l-interoperabilità tad-data, bl-għan li tinkiseb sistema tat-trasport sinkromodali, konnessa u awtomatizzata sa mhux aktar tard mill-2035; iqis li hemm bżonn struttura ta' governanza speċifika għal monitoraġġ, evalwazzjoni u titjib kontinwu u regolari sabiex jintużaw l-aktar teknoloġiji u innovazzjonijiet aġġornati;

29. Jindika l-ħtieġa ta' inċentivi għall-iżvilupp ta' pjattaformi diġitali multimodali fil-portijiet; jitlob, f'dan ir-rigward, il-ħolqien ta' proġett ta' valur miżjud Ewropew għan-navigabilità u l-konnessjoni multimodali tal-kurituri tal-ilmijiet navigabbli interni tat-TEN-T;

30. Jenfasizza l-potenzjal kbir tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni għall-ivvjaġġar awtonomu fuq l-ilma u jenfasizza li aktar awtomatizzazzjoni tqarreb ir-realtà tat-trasport sinkromodali fl-Ewropa; jistieden lill-Kummissjoni biex, abbażi ta' valutazzjoni tal-impatt u konsultazzjoni miftuħa mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, tikkunsidra r-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni kollha relatata sabiex tiffaċilita l-adozzjoni tat-tbaħħir awtonomu, partikolarment fir-rigward tar-responsabilitajiet tal-ekwipaġġ f'emerġenzi jew f'każ ta' falliment tas-sistema, kjarifika tal-kwistjonijiet ta' responsabilità f'każ ta' danni u, b'mod aktar ġenerali, fir-rigward tal-aspetti tas-sikurezza tal-bastimenti awtonomi, sabiex jintlaħaq ċertu livell ta' armonizzazzjoni u tiżdied l-adozzjoni tat-teknoloġija fil-livell tal-UE; jinsisti, għaldaqstant, fuq il-ħolqien ta' pjan direzzjonali Ewropew għal sistemi ta' trasport intelliġenti u awtonomi fl-ilmijiet navigabbli interni li għandu jappoġġja l-leġiżlazzjoni orjentata lejn il-futur, ir-riċerka, l-iżvilupp, il-proġetti pilota, il-laboratorji fil-post u l-implimentazzjoni b'suċċess ta' vapuri awtonomi, portijiet intelliġenti u interoperabilità diġitali abbażi ta' sistemi ta' trasport intelliġenti, kif ukoll jiżgura l-adozzjoni ta' kontroll mill-bogħod tal-bastimenti u ġestjoni mill-bogħod tal-imgħalaq; jisħaq fuq il-ħtieġa, f'dan ir-rigward, ta' infrastruttura intelliġenti u taħriġ, titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid meħtieġa għall-ekwipaġġ, li jistgħu jiġu appoġġjati fl-ambitu tat-taqsima tal-investimenti soċjali u l-ħiliet tal-programm InvestEU; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-kontribut siewi tal-istandards tas-CESNI għall-ekwipaġġ, il-bastimenti u t-teknoloġija tal-informazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tipprijoritizza d-diġitalizzazzjoni, l-armonizzazzjoni u l-benefiċċji rapidi (l-iskambju mingħajr karti) tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni, filwaqt li tqiegħed is-sisien għal settur awtonomu;

31. Jenfasizza li navigazzjoni awtonoma sikura u sigura tirrikjedi kondiviżjoni standardizzata tal-informazzjoni li tmur lil hinn mill-pożizzjoni tal-antenna tal-bastimenti, bħall-attitudni tal-bastimenti, il-kontorn tal-buq u modifiki fl-ilmijiet navigabbli sabiex jiġu ġestiti l-operazzjonijiet awtonomi, jiġu prevenuti l-kolliżjonijiet potenzjali bejn bastimenti li jużaw l-istess kanal navigabbli, u biex il-kaptani jingħataw l-aktar informazzjoni aġġornata dwar il-kanal navigabbli; jenfasizza l-potenzjal tas-soluzzjonijiet spazjali bħala faċilitaturi għat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni u l-kontribut siewi tal-assi spazjali tal-UE Galileo, EGNOS u Copernicus f'dan ir-rigward;

Portijiet li jibqgħu validi fil-futur: ċentri enerġetiċi u ċirkolari

32. Jisħaq fuq ir-rwol tal-portijiet interni bħala nodi strateġiċi u multimodali fis-sistema loġistika; jenfasizza, għaldaqstant, li l-portijiet interni u l-portijiet tal-baħar għandu jkollhom konnessjonijiet effiċjenti maż-żoni interni, partikolarment mal-infrastrutturi ferrovjarji, u dawn għandhom jinkludu faċilitajiet tat-trażbord, b'enfasi fuq konnessjoni man-networks ewlenin u komprensivi tat-TEN-T fejn ikun possibbli; jappoġġja raggruppament u kooperazzjoni akbar bejn il-portijiet tal-baħar u dawk interni;

33. Jenfasizza l-importanza tal-portijiet marittimi biex tkun tista' ssir bidla modali lejn it-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni; jinnota li t-titjib tar-raggruppar tal-merkanzija fl-ilmijiet navigabbli interni jiffaċilita żieda fl-effiċjenza tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni lejn il-portijiet marittimi u mill-portijiet marittimi; jenfasizza li kooperazzjoni mill-qrib bejn id-diversi portijiet interni u tal-baħar u l-partijiet ikkonċernati kollha fil-katina loġistika, bħal fil-qasam tas-sostenibilità, toħloq aktar possibilitajiet għal titjib f'termini ta' kosteffiċjenza u effiċjenza operattiva u tibbenefika l-iżvilupp reġjonali u l-impjiegi;

34. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-portijiet interni jżommu l-konnessjonijiet ferrovjarji eżistenti u li l-Istati Membri jagħtu prijorità lit-titjib tan-network tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija tagħhom sabiex jiżguraw il-flussi tat-trasport intermodali bejn l-ilmijiet navigabbli interni u l-ferroviji;

35. Jenfasizza li l-ħolqien ta' infrastruttura tal-fjuwils alternattivi għandha tqis id-domanda potenzjali u l-karatteristiċi tas-suq tal-portijiet meta jiġu mfassla l-mogħdijiet potenzjali lejn settur tal-ilmijiet navigabbli interni newtrali għall-klima; jisħaq, għaldaqstant, fuq il-fatt li strateġija Ewropea tal-introduzzjoni ta' fjuwils alternattivi għall-użu multimodali u industrijali permezz tar-reviżjoni tat-TEN-T u d-Direttiva 2014/94/UE dwar l-installazzjoni ta' infrastruttura tal-karburanti alternattivi għandha ssegwi approċċ ta' network li joffri infrastruttura ppjanata b'mod effiċjenti, ibbażata fuq il-karatteristiċi potenzjali tad-domanda tas-suq ta' port u ż-żoni interni tiegħu, tul ir-rotot tal-ilma, skont il-prinċipju ta' newtralità teknoloġika; jisħaq, barra minn hekk, fuq il-potenzjal ta' sistema ta' infrastruttura, flessibbli bħall-użu ta' ġeneraturi mobbli tal-enerġija, u jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta soluzzjonijiet flessibbli għad-distribuzzjoni u l-provvista tal-fjuwil, pereżempju skemi ta' kiri għal bastimenti;

36. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu s-sinerġiji bejn l-infrastruttura tal-ilmijiet navigabbli interni u n-Networks Trans-Ewropej tal-Enerġija, u dan jiffaċilita it-tranżizzjoni enerġetika tan-navigazzjoni interna u jappoġġja l-iżvilupp tal-portijiet bħala hubs tal-enerġija; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa ta' integrazzjoni aħjar tal-infrastruttura tal-ilmijiet navigabbli interni fil-grilja tal-enerġija Ewropea biex jiġi ffaċilitat l-użu tal-provvista tal-enerġija fuq l-art; jenfasizza, barra minn hekk, il-potenzjal tal-ilmijiet navigabbli interni għat-trasport ta' fjuwils alternattivi; jenfasizza l-ħtieġa li tinbena infrastruttura elettrika fil-portijiet interni Ewropej sabiex jiġu akkomodati bastimenti b'sorsi ta' enerġija elettrika fil-futur u li jiżdiedu u jittejbu l-faċilitajiet u t-tagħmir ipprovduti fl-irmiġġ u jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra u t-tniġġis tal-arja fil-portijiet u ż-żoni ta' madwarhom, f'konformità mal-objettiv ta' tniġġis żero fl-irmiġġ;

37. Jisħaq fuq l-importanza li tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-fluwidità fil-portijiet billi tiġi żgurata biżżejjed kapaċità ta' rmiġġ u żoni ta' stennija għall-bastimenti interni;

38. Jenfasizza l-potenzjal tal-ilmijiet navigabbli interni għat-trasport ta' oġġetti u skart perikolużi, li jirrikjedi investimenti f'infrastruttura u bastimenti adegwati u sikuri u forza tax-xogħol b'ħiliet speċjalizzati; jenfasizza r-rwol promettenti tal-portijiet fl-ekonomija ċirkolari u l-potenzjal speċjali tal-ilmijiet navigabbli interni għat-trasport ta' prodotti bażiċi li joriġinaw minn swieq ċirkolari ġodda; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tistabbilixxi rabta aktar soda bejn il-politika tagħha dwar l-ekonomija ċirkolari u l-politika dwar it-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, biex tiżviluppa miżuri li jappoġġjaw l-attivitajiet tal-ekonomija ċirkolari fil-portijiet u biex tippromwovi l-kunċett ta' valutazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja bil-għan li jingħata bidu għal djalogu u biex il-portijiet interni jiġu mħeġġa jfasslu sistemi ta' ġestjoni integrati, fost l-oħrajn għall-ilma, l-enerġija, l-iskart, is-siti ta' kostruzzjoni, l-ippjanar tal-ispazju u ż-żoni ekoloġiċi urbani sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal tagħhom li jsiru ċentri tal-enerġija ċirkolari u tal-enerġija nadifa;

L-edukazzjoni u t-taħriġ, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, u r-riċerka u l-innovazzjoni

39. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu mmodernizzati l-edukazzjoni u t-taħriġ fin-navigazzjoni interna, b'enfasi fuq l-iżvilupp ta' ħiliet ekoloġiċi u diġitali u li jiġu megħluba l-ostakli lingwistiċi, biex b'hekk jinħolqu impjiegi attraenti għaż-żgħażagħ u għan-nisa, b'attenzjoni kif jixraq fuq livelli għoljin u armonizzati ta' kwalifiki u standards soċjali u tas-sikurezza; jappoġġja, f'dan ir-rigward, l-iżvilupp ulterjuri tal-istandards tas-CESNI biex jiġu żgurati l-ħiliet meħtieġa għall-membri tal-ekwipaġġ ta' bastimenti tan-navigazzjoni interna; jenfasizza l-bżonn ta' skemi ta' taħriġ obbligatorji, kontinwi u regolari għall-membri kollha tal-ekwipaġġ, inklużi korsijiet ta' skambju internazzjonali, sabiex jiġi promoss it-titjib tal-ħiliet, it-taħriġ mill-ġdid, il-mobilità ottimali tal-ħaddiema u s-sikurezza fis-settur kollu; jenfasizza l-ħtieġa ta' standards ta' saħħa u sikurezza f'konformità mal-prinċipju li ma jkunx hemm aċċident; jistieden lill-Istati Membri, barra minn hekk, biex jimplimentaw kif jixraq id-Direttiva (UE) 2017/2397 dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali fin-navigazzjoni interna sas-17 ta' Jannar 2022;

40. Jissottolinja l-importanza li jiġu ggarantiti kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin u salarji deċenti fit-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni; jitlob kopertura tas-sigurtà soċjali adegwata għall-ħaddiema kollha abbord biex jiġi indirizzat kwalunkwe tidwir mal-leġiżlazzjoni soċjali tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa ta' liġi tax-xogħol u tas-sigurtà soċjali ċara fis-settur tat-trasport bl-ilmijiet navigabbli interni; jenfasizza l-bżonn li jiġu salvagwardjati l-protezzjoni soċjali u d-drittijiet tal-membri tal-ekwipaġġi Ewropej u minn pajjiżi terzi;

41. Jindika l-importanza ta' aktar kooperazzjoni u sinerġiji bejn l-inizjattivi u l-istituti differenti ta' riċerka u innovazzjoni billi jiġu kondiviżi l-għarfien, id-data, l-għarfien espert u l-aħjar prattiki u billi fuq pjattaforma pubblika titqiegħed għad-dispożizzjoni ħarsa ġenerali tal-proġetti li għaddejjin;

42. Jenfasizza l-bżonn li jiġi mħeġġeġ l-iżvilupp ta' proġetti ta' bastimenti innovattivi għall-ilmijiet navigabbli interni u l-infrastruttura portwarja korrispondenti fl-ambitu tas-sħubija Orizzont Ewropa dwar it-trasport fuq l-ilma mingħajr emissjonijiet;

Pjan ta' finanzjament tal-UE

I. Possibilitajiet ta' finanzjament permezz ta' strumenti ta' finanzjament eżistenti tal-UE

43. Jenfasizza l-possibilità ta' strumenti ta' finanzjament eżistenti tal-UE għall-ekoloġizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni tas-settur Ewropew tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni, bħall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE), Orizzont Ewropa u l-Fondi Strutturali u ta' Koeżjoni, u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF); jenfasizza l-ħtieġa li dawn l-istrumenti jiġu mmobilizzati biex jitlestew in-networks ewlenin u komprensivi tat-TEN-T, jiġu ffinanzjati l-investimenti fl-iżvilupp u l-adozzjoni ta' fjuwils alternattivi sostenibbli u sistemi ta' propulsjoni alternattivi għall-bastimenti u l-infrastruttura meħtieġa, biex ikunu possibbli sinerġiji intelliġenti bejn it-trasport, l-enerġija, il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih, u d-diġitalizzazzjoni, u biex jiġu żgurati l-modernizzazzjoni u r-reżiljenza tal-ilmijiet navigabbli interni; jenfasizza, madankollu, li dawn l-istrumenti ta' finanzjament mhux dejjem ikunu adatti għall-SMEs, negozji tal-familja u intrapriżi mikro oħra, għax proġetti iżgħar jissograw li ma jkunux eliġibbli għall-finanzjament; jenfasizza l-ħtieġa, barra minn hekk, li tingħata ċarezza dwar il-finanzjament sostenibbli u l-investimenti privati fit-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni; 

44. Ifakkar li t-tranżizzjoni enerġetika lejn in-newtralità klimatika hija sfida teknoloġika u finanzjarja għas-settur tan-navigazzjoni interna, li tirrikjedi l-appoġġ xieraq; jemmen, f'dan ir-rigward, li l-Istati Membri jeħtiġilhom jaħtfu l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza bħala opportunità ta' finanzjament unika għall-ilmijiet navigabbli interni, li tgħaqqad l-effetti ta' rkupru ekonomiku b'terminu qasir mal-benefiċċji fit-tul ta' investimenti mmirati fl-infrastruttura u t-trasport marittimu;

45.  Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ ir-riżorsi interni tagħha għat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni u l-implimentazzjoni tal-programm ta' azzjoni NAIADES, inklużi r-riżorsi umani, u ġġibhom konformi mal-ambizzjonijiet għas-settur fl-ambitu tal-Patt Ekoloġiku, il-bidla modali u l-Istrateġija għal Mobilità Sostenibbli u Intelliġenti;

46. Jissottolinja, barra minn hekk, li l-investimenti fl-infrastruttura tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni fil-portijiet marittimi u madwar il-portijiet marittimi huma ta' importanza kbira ħafna; iqis il-bżonn ta' kooperazzjoni mill-qrib bejn il-partijiet ikkonċernati kollha tal-katina tal-valur tal-loġistika;

II. Il-ħtieġa ta' fond tal-UE għall-ilmijiet navigabbli interni

47. Jenfasizza li t-triq lejn settur tal-ilmijiet navigabbli interni newtrali għall-klima u t-tranżizzjoni enerġetika mixtieqa se toħloq diskrepanza ta' kważi EUR 10 biljun[16] fil-finanzjament, li ma tistax tiġi ffinanzjata biss mis-settur; jenfasizza, barra minn hekk, in-nuqqas ta' argument kummerċjali għas-sidien ta' bastimenti privati biex jinvestu f'teknoloġiji ta' propulsjoni li jnaqqsu b'mod konsiderevoli l-impatt fuq il-klima u l-ambjent; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu mobilizzati l-appoġġ pubbliku u investimenti privati għal dan il-għan;

48. Jenfasizza li s-settur tal-ilmijiet navigabbli interni jikkonsisti l-aktar f'SMEs, negozji tal-familja u portijiet iżgħar, li jagħmilha diffiċli għalihom li jagħmlu investimenti kbar biex jikkonformaw mal-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku; iqis, għaldaqstant, li l-iskalabilità tal-investimenti meħtieġa għandha tittejjeb, il-piżijiet amministrattivi għandhom jitnaqqsu, u l-aċċess għall-finanzjament għandu jissaħħaħ;

49. Jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tistabbilixxi fond tal-UE tal-ilmijiet navigabbli interni speċifiku għat-tranżizzjoni sostenibbli, inkluża sistema ta' punt uniku ta' servizz li tkun faċilment aċċessibbli għall-għajnuna u l-assistenza u li jkollha l-possibilità li tikkombina l-proġetti f'applikazzjoni waħda, u b'hekk iżżid il-possibilitajiet għal finanzjament; jenfasizza li l-fond għandu jikkomplementa l-fondi ta' riżerva eżistenti maħluqa fl-ambitu tar-Regolament (UE) 546/2014[17] b'kontribuzzjonijiet finanzjarji addizzjonali sinifikanti minn strumenti ta' finanzjament nazzjonali u tal-UE kif ukoll minn investimenti privati u pubbliċi, sabiex isir l-aħjar użu mill-investimenti ulterjuri mill-industrija u tiġi indirizzata d-diskrepanza attwali fl-investiment fil-finanzjament tat-tranżizzjoni sostenibbli; jenfasizza li dan il-fond għandu wkoll jipprevedi l-possibilità ta' taħlit mal-FNE, u l-Fondi Strutturali u ta' Investiment, inkluż il-Fond ta' Koeżjoni, u strumenti ta' finanzjament mill-Bank Ewropew tal-Investiment;

50. Jenfasizza li dan il-Fond apposta għandu jiffoka fuq il-modifika retroattiva u t-tiġdid tal-bastimenti bil-għan li tittejjeb l-effiċjenza enerġetika tal-bastimenti u jiġu appoġġjati l-investimenti f'teknoloġiji innovattivi u li jiffrankaw l-enerġija kif ukoll fl-infrastruttura tal-portijiet, partikolarment l-użu ta' fjuwils alternattivi, u b'hekk jiġu megħjuna l-kisba tal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku, irkupru sostenibbli u sistema tat-trasport aktar sostenibbli b'mod ġenerali;

51. Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-vijabilità tal-inklużjoni ta' skema Ewropea ġdida tal-iskrappjar u t-tiġdid tal-flotta bħala parti mill-fond, filwaqt li jitqiesu kif jixraq l-emissjonijiet tul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-bastimenti kkonċernati, sabiex tiġi ffaċilitata bidla rapida lejn in-newtralità klimatika; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-kundizzjonijiet li fihom iseħħ l-iskrappjar u jenfasizza li ċ-ċirkolarità hija kruċjali;

III. Finanzjament mill-Bank Ewropew tal-Investiment

52. Ifakkar li l-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) jipprovdi finanzjament għal self kapitali attraenti, inkluż għall-industrija tal-bini tal-vapuri; iqis, madankollu, li t-twettiq u l-effikaċja tal-finanzjament tal-BEI jiddependu fuq l-aċċessibilità tiegħu, għaldaqstant jinsisti fuq:

i) l-iżgurar li l-Programm ta' Garanzija għal Trasport Marittimu Ekoloġiku tal-BEI ikun japplika wkoll għal tranżazzjonijiet iżgħar, inklużi kundizzjonijiet ta' self aktar flessibbli billi, pereżempju, titqies il-ħajja tas-servizz medja tal-operazzjonijiet ta' bastiment matul il-perjodu ta' ħlas lura;

ii) l-iżgurar li l-BEI jipprovdi finanzjament kemm qabel kif ukoll wara l-konsenja għal min jibni l-vapuri, sabiex l-implimentazzjoni u l-vijabilità ta' proġetti ta' bini ta' bastimenti innovattivi jkunu garantiti;

iii) l-għoti ta' prijorità lill-finanzjament ta' programmi ta' riċerka u innovazzjoni għall-bini ekoloġiku tal-bastimenti;

53. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimmonitorjaw bir-reqqa l-investimenti minn pajjiżi terzi fil-portijiet Ewropej, minħabba r-rwol tagħhom fl-infrastruttura strateġika tal-Ewropa bħala ċentri multimodali, nodi ewlenin tal-enerġija u raggruppamenti tal-industrija;

Trasport tal-passiġġieri, mobilità urbana, loġistika urbana u turiżmu fuq l-ilma

54. Jilqa' l-evalwazzjoni reċenti tal-Kummissjoni tal-Pakkett dwar il-Mobilità Urbana tal-2013[18]; jaċċentwa, f'dan ir-rigward, li r-riżultati mistennija tal-Pakkett dwar il-Mobilità Urbana, jiġifieri tnaqqis fl-emissjonijiet ta' CO2 u ta' sustanzi li jniġġsu fl-arja, inqas konġestjoni u inqas korrimenti fit-toroq f'żoni urbani, ma twettqux b'mod konsistenti fl-UE kollha; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-bliet biex jinkludu, fejn ikun possibbli, it-trasport pubbliku, il-loġistika urbana u d-distribuzzjoni tal-merkanzija fil-livell lokali fuq l-ilma bħala mezz ta' trasport sikur, sostenibbli u effettiv fl-ippjanar tal-mobilità urbana sostenibbli tagħhom u biex itejbu l-ġbir tad-data dwar il-mobilità urbana tagħhom; jisħaq fuq il-ħtieġa, barra minn hekk, li fi pjattaformi tal-mobilità diġitali, bħall-mobilità bħala servizz, jiġu inklużi mezzi tat-trasport pubbliku fuq l-ilma, u anke f'applikazzjonijiet tal-konsenja tal-merkanzija;

55. Jenfasizza l-potenzjal mhux sfruttat tal-ilmijiet navigabbli interni fiż-żoni urbani, kif jidher fl-Istrateġija Komprensiva għal Mobilità Sostenibbli u Intelliġenti; jenfasizza li ż-żoni urbani qed isiru dejjem aktar fgati bit-traffiku u li l-bini ta' infrastruttura tat-toroq ġdid mhux dejjem ikun kosteffiċjenti; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi t-trasport fuq l-ilma fl-għan tal-Istrateġija Komprensiva għal Mobilità Sostenibbli u Intelliġenti li jsir użu aħjar mill-ilmijiet navigabbli interni fil-bliet u biex toħroġ bi proposti konkreti li għandhom l-għan li jagħtu spinta lil-loġistika fl-ilmijiet navigabbli interni tagħna u jqisu l-konsenja finali permezz ta' roti tal-merkanzija, u b'hekk tingħata spinta lill-bidla modali; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, ittejjeb il-ġbir tagħha ta' data dwar il-mobilità urbana għat-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija fuq l-ilma, u jenfasizza l-potenzjal tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni għall-aħħar mil fil-loġistika urbana sostenibbli;

56. Jenfasizza l-fatt li ċ-ċifri tal-2019 għad-domanda tat-trasport tal-passiġġieri wrew li s-settur Ewropew tal-kruċieri fuq ix-xmajjar, inklużi l-bastimenti għal vjaġġi ta' ġurnata u s-servizzi ta' laneċ, kien fi stat b'saħħtu qabel il-pandemija tal-COVID-19; jinnota, madankollu, li s-settur waqaf kważi għalkollox fl-ewwel nofs tal-2020 minħabba s-sitwazzjoni sanitarja li għaddejja bħalissa, u dan kellu impatt ekonomiku negattiv u kkawża diffikultajiet finanzjarji għall-kumpaniji, u li għadu inċert jekk it-traffiku tal-passiġġieri hux se jerġa' lura għan-normal fl-2021[19]; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tinkludi t-turiżmu fl-ilmijiet navigabbli interni fl-Aġenda Ewropea għat-Turiżmu 2050 sabiex tippromwovi argumenti kummerċjali favur irkupru sostenibbli, innovattiv u reżiljenti tat-turiżmu tax-xmajjar, filwaqt li jitqiesu l-benefiċċji ekonomiċi tat-turiżmu tax-xmajjar fir-reġjuni portwarji f'termini ta' valur miżjud, ħolqien ta' impjiegi u introjtu tal-portijiet;

57. Jenfasizza l-ħtieġa li jkompli jiġi esplorat il-potenzjal tal-ilmijiet navigabbli interni għan-navigazzjoni rikreattiva u attivitajiet oħra max-xtut, għax jekk dan jitwettaq, tingħata spinta lit-tkabbir, jinħolqu opportunitajiet ġodda ta' xogħol u jissaħħaħ it-turiżmu fir-reġjuni kkonċernati;

58. Jistieden lill-Istati Membri japprovaw iċ-Ċertifikat Internazzjonali għall-Operaturi ta' Opri tal-Baħar għar-Rikreazzjoni billi jadottaw ir-riżoluzzjoni Nru 40 tal-Kumitat għat-Trasport Intern tal-Kummissjoni Ekonomika tal-Ewropea fi ħdan in-NU sabiex ikun possibbli r-rikonoxximent transfruntier tal-liċenzji u tiġi faċilitata n-navigazzjoni rikreattiva fl-Ewropa;

°

° °

59. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

28.6.2021

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

44

0

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Magdalena Adamowicz, Andris Ameriks, José Ramón Bauzá Díaz, Izaskun Bilbao Barandica, Paolo Borchia, Marco Campomenosi, Ciarán Cuffe, Johan Danielsson, Karima Delli, Gheorghe Falcă, Giuseppe Ferrandino, Mario Furore, Søren Gade, Isabel García Muñoz, Jens Gieseke, Elsi Katainen, Kateřina Konečná, Elena Kountoura, Julie Lechanteux, Benoît Lutgen, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Marian-Jean Marinescu, Tilly Metz, Cláudia Monteiro de Aguiar, Caroline Nagtegaal, Jan-Christoph Oetjen, Philippe Olivier, Rovana Plumb, Tomasz Piotr Poręba, Dominique Riquet, Dorien Rookmaker, Massimiliano Salini, Sven Schulze, Barbara Thaler, István Ujhelyi, Henna Virkkunen, Petar Vitanov, Elissavet Vozemberg-Vrionidi, Roberts Zīle, Kosma Złotowski

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Pablo Arias Echeverría, Angel Dzhambazki, Maria Grapini, Roman Haider, Jutta Paulus, Kathleen Van Brempt, Marianne Vind

 


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

44

+

ECR

Angel Dzhambazki, Tomasz Piotr Poręba, Roberts Zīle, Kosma Złotowski

ID

Paolo Borchia, Marco Campomenosi

NI

Mario Furore, Dorien Rookmaker

PPE

Magdalena Adamowicz, Pablo Arias Echeverría, Gheorghe Falcă, Jens Gieseke, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Benoît Lutgen, Marian-Jean Marinescu, Cláudia Monteiro de Aguiar, Massimiliano Salini, Sven Schulze, Barbara Thaler, Henna Virkkunen, Elissavet Vozemberg-Vrionidi

Renew

José Ramón Bauzá Díaz, Izaskun Bilbao Barandica, Søren Gade, Elsi Katainen, Caroline Nagtegaal, Jan-Christoph Oetjen, Dominique Riquet

S&D

Andris Ameriks, Johan Danielsson, Giuseppe Ferrandino, Isabel García Muñoz, Maria Grapini, Rovana Plumb, István Ujhelyi, Kathleen Van Brempt, Marianne Vind, Petar Vitanov

The Left

Kateřina Konečná, Elena Kountoura

Verts/ALE

Ciarán Cuffe, Karima Delli, Tilly Metz, Jutta Paulus

 

0

-

 

 

 

3

0

ID

Roman Haider, Julie Lechanteux, Philippe Olivier

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

 

 

b'fjuwils alternattivi;

 

Aġġornata l-aħħar: 1 ta' Settembru 2021
Avviż legali - Politika tal-privatezza