RAPPORT dwar l-istat tal-kapaċitajiet ta' difiża ċibernetika tal-UE
16.7.2021 - (2020/2256(INI))
Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteur: Urmas Paet
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-istat tal-kapaċitajiet ta' difiża ċibernetika tal-UE
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra d-dokument bit-titolu "Viżjoni Kondiviża, Azzjoni Komuni: Ewropa Aktar b'Saħħitha – Strateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea", ippreżentat mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika Soċjali (VP/RGħ) fit-28 ta' Ġunju 2016,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-20 ta' Diċembru 2013, tas-26 ta' Ġunju 2015, tal-15 ta' Diċembru 2016, tad-9 ta' Marzu 2017, tat-22 ta' Ġunju 2017, tal-20 ta' Novembru 2017 u tal-15 ta' Diċembru 2017,
– wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2016 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta' sigurtà tan-networks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni[1],
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Ġunju 2017 dwar qafas għal rispons diplomatiku konġunt tal-UE għal attivitajiet ċibernetiċi malizzjużi ("għodda tad-diplomazija diġitali"),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni Ewropea u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-13 ta' Settembru 2017 bit-titolu "Reżiljenza, Deterrenza u Difiża: Il-Bini ta' ċibersigurtà b'saħħitha għall-UE" (JOIN(2017)0450),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO ffirmata f'Lulju 2018,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/797 tas-17 ta' Mejju 2019 dwar miżuri restrittivi kontra attakki ċibernetiċi li jheddu l-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-isforzi komplementari għat-tisħiħ tar-reżiljenza u l-ġlieda kontra t-theddid ibridu tal-10 ta' Diċembru 2019,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2019/881 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 dwar l-ENISA (l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà) u dwar iċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà)[2],
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Ġunju 2020 dwar Azzjoni Esterna tal-UE dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra t-Terroriżmu u l-Estremiżmu Vjolenti,
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar l-istabbiliment ta' Patt dwar id-Dimensjoni Ċivili tal-PSDK,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/1127 tat-30 ta' Lulju 2020 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2019/797 dwar miżuri restrittivi kontra attakki ċibernetiċi li jheddu lill-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/1537 tat-22 ta' Ottubru 2020 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2019/797 dwar miżuri restrittivi kontra attakki ċibernetiċi li jheddu l-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Lulju 2020 dwar l-Istrateġija tal-UE dwar l-Unjoni tas-Sigurtà (COM(2020)0605),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tas-16 ta' Diċembru 2020 bit-titolu "L-istrateġija tal-UE dwar iċ-Ċibersigurtà għad-Deċennju Diġitali" (JOIN(2020)0018),
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri għal livell għoli komuni ta' ċibersigurtà madwar l-Unjoni kollha, li tħassar id-Direttiva (UE) 2016/1148 tas-16 ta' Diċembru 2020 (COM(2020)0823),
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2020 dwar ir-reżiljenza tal-entitajiet kritiċi (COM(2020)0829),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2021 dwar l-Istrateġija tal-UE dwar iċ-Ċibersigurtà għad-Deċennju Diġitali,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill Ewropew tal-25 ta' Marzu 2021,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp ta' Ħidma Miftuħ (OEWG) tal-10 ta' Marzu 2021,
– wara li kkunsidra l-Aġenda tan-NU dwar id-Diżarm – "Niżguraw il-Futur Komuni tagħna",
– wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU, u b'mod partikolari l-SDG 16 bil-għan li jippromwovi soċjetajiet paċifiċi u inklużivi għall-iżvilupp sostenibbli,
– wara li kkunsidra r-Rapport Analitiku Nru 09/2019 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar id-Difiża Ewropea,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2018 dwar iċ-ċiberdifiża[3],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0234/2021),
A. billi l-UE u l-Istati Membri tagħha jeħtiġilhom ikomplu jiżviluppaw strateġija dwar iċ-ċibersigurtà li tistabbilixxi objettivi realistiċi, preċiżi u ambizzjużi u tiddefinixxi politiki b'mod ċar kemm fil-qasam militari kif ukoll f'dak ċivili, u anki fejn iż-żewġ setturi jikkoinċidu; billi l-istituzzjonijiet kollha tal-UE u l-Istati Membri tal-UE għandhom jaħdmu b'kooperazzjoni akbar fil-livelli kollha biex jibnu dik l-istrateġija, li l-objettiv ewlieni tagħha għandu jkun li tkompli ssaħħaħ ir-reżiljenza, u b'konsegwenza ta' dan, li tiżviluppa kapaċitajiet u kooperazzjoni ċibernetiċi nazzjonali u sodi li jkunu komuni, iżda wkoll aħjar, fil-qasam ċivili u militari sabiex jiġu indirizzati l-isfidi dejjiema tas-sigurtà;
B. billi l-UE hija impenjata li tapplika d-dritt internazzjonali eżistenti fiċ-ċiberspazju, b'mod partikolari l-Karta tan-NU li tistieden lill-Istati jsolvu t-tilwim internazzjonali b'mezzi paċifiċi u joqogħdu lura fir-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom mit-theddida jew l-użu tal-forza kontra l-integrità territorjali jew l-indipendenza politika ta' kwalunkwe Stat, jew bi kwalunkwe mod ieħor inkonsistenti mal-finijiet tan-Nazzjonijiet Uniti;
C. billi f'dawn l-aħħar snin, rajna tkabbir kontinwu f'operazzjonijiet ċibernetiċi malizzjużi kontra l-UE u l-Istati Membri tagħha, imwettqa minn atturi statali u mhux statali, li żvelaw vulnerabbiltajiet f'networks essenzjali għas-sigurtà Ewropea; billi l-atturi ċibernetiċi offensivi qed jikbru fid-diversità, fis-sofistikazzjoni u fin-numru; billi dawn l-attakki jagħmlu t-tisħiħ tal-kapaċità tad-difiża u l-iżvilupp tal-kapaċitajiet ċibernetiċi Ewropej kwistjoni ta' prijorità; billi attakki ċibernetiċi dannużi jistgħu jseħħu fi kwalunkwe mument u l-atturi kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak nazzjonali għandhom jiġu mħeġġa jieħdu l-miżuri meħtieġa biex iżommu kapaċitajiet effettivi ta' ċiberdifiża b'mod kostanti matul iż-żmien tal-paċi;
D. billi l-pandemija tal-COVID-19 u ż-żieda fl-insigurtà ċibernetika wrew li huma meħtieġa ftehimiet internazzjonali; billi ċ-ċiberattakki żdiedu b'mod sinifikanti matul il-pandemija tal-COVID-19 u billi l-UE u l-Istati Membri tagħha osservaw theddid ċibernetiku u attivitajiet ċibernetiċi malizzjużi mmirati lejn operaturi essenzjali, inklużi attakki biex ixekklu l-infrastruttura kritika bħall-enerġija, it-trasport u l-kura tas-saħħa, kif ukoll interferenza barranija konsiderevoli ffaċilitata miċ-ċibernetika, li għamlu d-distinzjoni bejn il-paċi u l-ostilità inqas ċara; billi l-Pjan ta' Rkupru għall-Ewropa jipprevedi investimenti addizzjonali fiċ-ċibersigurtà;
E. billi ċ-ċiberspazju issa huwa rikonoxxut bħala qasam ta' operat; billi t-theddid ċibernetiku huwa kapaċi jikkomprometti l-oqsma militari tradizzjonali kollha u billi l-oqsma tradizzjonali jiddependu mill-funzjonalità taċ-ċiberspazju u mhux viċi versa; billi l-kunflitti jistgħu jseħħu fl-oqsma fiżiċi (art, ajru, baħar u spazju) u virtwali (ċibernetiċi) kollha, u jistgħu jiġu amplifikati permezz ta' elementi ta' gwerra ibrida, bħal kampanji ta' diżinformazzjoni ffaċilitati miċ-ċibernetika, gwerer bi prokura, użu offensiv u difensiv ta' kapaċitajiet ċibernetiċi u attakki strateġiċi fuq il-fornituri tas-servizzi diġitali biex tiġi mfixkla l-infrastruttura kritika, kif ukoll l-istituzzjonijiet demokratiċi tagħna, u jikkawżaw telf finanzjarju konsiderevoli;
F. billi s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), il-Kummissjoni Ewropea u l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) għandhom jappoġġjaw lill-Istati Membri biex jikkoordinaw u jżidu l-isforzi tagħhom sabiex joffru kapaċitajiet u teknoloġiji taċ-ċiberdifiża, filwaqt li jindirizzaw l-aspetti kollha tal-iżvilupp tal-kapaċitajiet, inklużi d-duttrina, it-tmexxija, l-organizzazzjoni, il-persunal, it-taħriġ, l-industrija, it-teknoloġija, l-infrastruttura, il-loġistika, l-interoperabilità u r-riżorsi;
G. billi matul l-iżvilupp tal-Katalgu tar-Rekwiżiti tal-2017, li jintuża biex tiġi identifikata l-firxa sħiħa ta' rekwiżiti militari tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK) f'għadd ta' xenarji illustrattivi, il-ħtieġa ta' kapaċitajiet taċ-ċiberdifiża ħarġet bħala prijorità għolja;
H. billi l-eżekuzzjoni b'suċċess tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-UE qed tiddependi dejjem aktar minn aċċess mingħajr interruzzjoni għal ċiberspazju sigur, u b'hekk tirrikjedi kapaċitajiet operazzjonali ċibernetiċi reżiljenti;
I. billi l-Qafas ta' Politika tal-UE dwar iċ-Ċiberdifiża (CDPF), aġġornat fl-2018, identifika prijoritajiet bħall-iżvilupp ta' kapaċitajiet ta' ċiberdifiża, u l-protezzjoni tan-networks ta' komunikazzjoni u informazzjoni tal-PSDK;
J. billi ż-żieda fl-integrazzjoni tal-intelliġenza artifiċjali (IA) fil-kapaċitajiet ċibernetiċi tal-forzi tad-difiża (sistemi ċiberfiżiċi, inklużi l-komunikazzjoni u l-konnessjonijiet tad-data bejn vetturi f'sistema f'network) tista' twassal għal vulnerabbiltajiet għal attakki ta' gwerra elettronika bħal disturbazzjoni, spoofing jew hacking;
K. billi ż-żieda fil-livell tal-UE taċ-ċibersigurtà u ċ-ċiberdifiża hija konsegwenza meħtieġa għas-suċċess tal-ambizzjonijiet diġitali u ġeopolitiċi tal-Ewropa u toħloq reżiljenza akbar, iżżomm il-pass mas-sofistikazzjoni u t-theddida dejjem akbar ta' attakki ċibernetiċi; billi UE b'kultura taċ-ċibersigurtà b'saħħitha u b'teknoloġija taċ-ċibersigurtà b'saħħitha, inkluża l-kapaċità li tidentifika u tattribwixxi azzjonijiet malizzjużi fil-ħin u b'mod effettiv u li twieġeb b'mod adegwat, tkun tista' tipproteġi liċ-ċittadini tagħha, kif ukoll is-sigurtà tal-Istati Membri tagħha;
L. billi l-organizzazzjonijiet terroristiċi internazzjonali żiedu l-għarfien espert tagħhom fil-gwerra ċibernetika u fl-użu tagħha, u dawk li jwettqu attakki ċibernetiċi qed jużaw teknoloġija tal-ogħla livell ta' żvilupp tekniku biex jinvestigaw vulnerabbiltajiet f'sistemi u f'apparati u jinvolvu ruħhom f'attakki ċibernetiċi fuq skala kbira u kbira ħafna;
M. billi l-industriji tad-difiża u tal-ispazju qed jiffaċċjaw kompetizzjoni globali mingħajr preċedent u bidliet teknoloġiċi kbar bil-ħolqien ta' teknoloġiji ċibernetiċi avvanzati; billi l-Qorti Ewropea tal-Awdituri indikat diskrepanzi fil-kapaċità fl-oqsma tat-teknoloġiji tal-ICT, tal-gwerra ċibernetika u tal-IA; billi l-UE hija importatur nett ta' prodotti u servizzi taċ-ċibersigurtà, li jżid ir-riskju ta' dipendenza teknoloġika minn operaturi mhux tal-UE u l-vulnerabbiltà għalihom; billi sett ta' kapaċitajiet komuni għall-IA tal-UE għandu jelimina d-diskrepanzi tekniċi u jiżgura li l-Istati Membri li ma għandhomx l-għarfien espert rilevanti fl-industrija tat-teknoloġija jew il-kapaċità li jimplimentaw sistemi tal-IA fil-ministeri tad-difiża tagħhom ma jitħallewx jibqgħu lura;
N. billi diversi atturi statali bħar-Russja, iċ-Ċina u l-Korea ta' Fuq kienu involuti f'attivitajiet ċibernetiċi malizzjużi sabiex jintlaħqu objettivi politiċi, ekonomiċi u ta' sigurtà li jinkludu attakki fuq infrastruttura kritika, spjunaġġ ċibernetiku u sorveljanza tal-massa taċ-ċittadini tal-UE, kampanji ta' għajnuna għad-diżinformazzjoni, distribuzzjoni tal-malware, u l-limitazzjoni tal-aċċess għall-internet u l-funzjonament tas-sistemi tal-IT; billi attivitajiet bħal dawn jinjoraw u jiksru d-dritt internazzjonali, id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet fundamentali tal-UE filwaqt li jipperikolaw id-demokrazija, is-sigurtà, l-ordni pubbliku u l-awtonomija strateġika tal-UE, u għalhekk jeħtieġu rispons konġunt tal-UE, bħal permezz tal-qafas għal rispons diplomatiku konġunt tal-UE, inkluż l-użu ta' miżuri restrittivi previsti għas-sett ta' għodod taċ-ċiberdiplomazija tal-UE;
O. billi fit-30 ta' Lulju 2020 il-Kunsill iddeċieda għall-ewwel darba li jimponi miżuri restrittivi kontra individwi, entitajiet u korpi responsabbli għal diversi attakki ċibernetiċi jew involuti fihom, biex jevita, jiskoraġġixxi, ifixkel u jirreaġixxi aħjar għal imġiba malizzjuża fiċ-ċiberspazju; billi l-qafas legali għar-reġim tas-sanzjonijiet ċibernetiċi tal-UE ġie adottat f'Mejju 2019;
P. billi l-forom ta' attribuzzjoni huma komponent ċentrali fl-istrateġiji taċ-ċiberdiplomazija u tad-deterrenza;
Q. billi f'dawn l-aħħar snin, il-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO żdiedet f'diversi oqsma, inklużi ċ-ċibersigurtà u ċ-ċiberdifiża, f'konformità mad-Dikjarazzjoni Konġunta UE-NATO tal-2016;
R. billi r-rapporti ta' approvazzjoni tal-2010, l-2013 u l-2015 tal-Grupp ta' Esperti Governattivi tan-NU (GEG tan-NU), approvati mill-Assemblea Ġenerali tan-NU, jikkostitwixxu qafas normattiv universali għall-istabbiltà ċibernetika, filwaqt li huma msejsa fuq ir-rikonoxximent li d-dritt internazzjonali eżistenti, inkluża l-Karta tan-NU fl-intier tagħha, japplika fiċ-ċiberspazju, hekk kif japplikaw ukoll 11-il norma volontarja mhux vinkolanti ta' mġiba statali responsabbli, kif ukoll miżuri għat-tisħiħ tal-fiduċja u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet;
L-istat tal-kapaċitajiet taċ-ċiberdifiża tal-UE
1. Jissottolinja li politika komuni dwar iċ-ċiberdifiża u kooperazzjoni sostanzjali fil-livell tal-UE dwar il-ġenerazzjoni ta' kapaċitajiet taċ-ċiberdifiża komuni, kif ukoll aħjar, huma elementi ewlenin għall-iżvilupp ta' Unjoni Ewropea tad-Difiża approfondita u mtejba u jirrikjedu taħlita kumplessa ta' kapaċitajiet tekniċi, strateġiċi u operazzjonali; jiddikjara li ċ-ċiberdifiża tirreferi għal azzjonijiet, strumenti u proċessi li huma proporzjonati u f'konformità mad-dritt internazzjonali, li jinkludu kemm elementi militari kif ukoll ċivili, u li għandhom l-għan li jipproteġu, fost l-oħrajn, in-networks ta' komunikazzjoni u informazzjoni tal-PSDK, u l-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK, u li jassistu lill-Istati Membri; jisħaq fuq il-ħtieġa urġenti li jiġu żviluppati u jissaħħu kemm il-kapaċitajiet militari komuni kif ukoll dawk tal-Istati Membri fil-qasam taċ-ċiberdifiża;
2. Ifakkar li n-natura mingħajr fruntieri taċ-ċiberspazju, kif ukoll l-għadd sostanzjali u l-kumplessità dejjem akbar tal-attakki ċibernetiċi, jirrikjedu rispons ikkoordinat fil-livell tal-Unjoni, inklużi l-kapaċitajiet ta' appoġġ komuni tal-Istati Membri u l-appoġġ tal-Istati Membri għal miżuri fis-sett ta' għodod taċ-ċiberdiplomazija tal-UE, kif ukoll kooperazzjoni intensifikata bejn l-UE u n-NATO bbażata fuq il-kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn it-timijiet ta' rispons għall-kriżijiet ċibernetiċi, l-iskambju tal-aħjar prattiki, it-taħriġ imtejjeb, ir-riċerka u l-eżerċizzji;
3. Jilqa' s-CDPF bħala għodda biex jiġi appoġġjat l-iżvilupp tal-kapaċitajiet tal-Istati Membri fil-qasam taċ-ċiberdifiża; jisħaq li r-rieżami tas-CDPF għandu qabelxejn jenfasizza d-diskrepanzi u l-vulnerabbiltajiet eżistenti fir-rigward tal-istrutturi militari tal-UE u nazzjonali; jisħaq fuq il-ħtieġa li tissaħħaħ il-koordinazzjoni bejn l-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi tal-UE, mal-Istati Membri u bejniethom, u mal-Parlament Ewropew, sabiex jiġi żgurat li s-CDPF aġġornat jilħaq l-objettivi tal-UE fil-qasam taċ-ċiberdifiża;
4. Jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni jiżviluppaw aktar, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, sett komprensiv ta' miżuri u politika koerenti għas-sigurtà tal-IT biex tissaħħaħ ir-reżiljenza, iżda wkoll il-koordinazzjoni militari fil-qasam taċ-ċiberdifiża; iħeġġeġ li tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-Iskwadra ċivili ta' Rispons f'Emerġenza relatata mal-Kompjuters tal-UE (CERT-UE) biex jiġu protetti n-networks li jintużaw mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji kollha tal-UE, f'kooperazzjoni mill-qrib mas-CIOs fl-entitajiet rispettivi, u tal-komunikazzjoni tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-aġenziji tal-UE mal-Istati Membri; jappella biex il-Parlament Ewropew jiżgura l-parteċipazzjoni tiegħu fir-riżultati tas-CERT-UE biex jiġi żgurat livell ta' sigurtà tal-IT li jippermettilu jirċievi l-informazzjoni klassifikata u mhux klassifikata kollha meħtieġa biex iwettaq ir-responsabbiltajiet tiegħu skont it-Trattati, inkluż bħala riżultat tal-proċess attwali biex jiġi ssostitwit il-Ftehim Interistituzzjonali 2002 dwar l-aċċess għall-informazzjoni fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża; jistieden lis-SEAE jiżgura livelli adegwati ta' ċibersigurtà għall-assi, il-bini u l-attivitajiet tiegħu, inklużi l-kwartieri ġenerali tiegħu, id-delegazzjonijiet tal-UE u l-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK;
5. Jinnota l-objettiv tas-CDPF tal-2018 biex jiġi stabbilit Network CERT Militari tal-UE; jistieden lill-Istati Membri jżidu b'mod sinifikanti l-kapaċitajiet ta' kondiviżjoni tal-informazzjoni klassifikata sabiex jiffaċilitaw il-kondiviżjoni tal-informazzjoni fejn ikun meħtieġ u utli, u jiżviluppaw network Ewropew rapidu u sigur biex jiġu identifikati, ivvalutati u miġġielda ċ-ċiberattakki;
6. Ifakkar li l-Prijoritajiet tal-UE għall-Iżvilupp tal-Kapaċitajiet tal-2018 stabbiliti fil-qafas tal-Pjan tal-Iżvilupp tal-Kapaċitajiet (CDP) irriflettew fuq il-ħtieġa li jiġu żviluppati kapaċitajiet ta' spettru sħiħ u għamlu ċ-ċiberdifiża prijorità ewlenija; ifakkar li s-CDP issottolinja li t-teknoloġiji li jiġġeneraw għarfien tas-sitwazzjoni ċibernetika u t-teknoloġiji ċibernetiċi difensivi huma essenzjali biex jiġi miġġieled it-theddid għas-sigurtà; jilqa' l-appoġġ tal-EDA għall-Istati Membri fl-iżvilupp tal-kapaċitajiet tagħhom biex itejbu r-reżiljenza ċibernetika, bħall-kapaċità li jidentifikaw, jifilħu u jirkupraw minn kwalunkwe ċiberattakk; jieħu nota tal-attivitajiet differenti mwettqa mill-Istati Membri fil-qafas tal-EDA, inkluż il-proġett "It-Tfassil tar-Rekwiżiti għaċ-Ċiberdifiża" (CyDRE) tal-EDA, li għandu jiżviluppa arkitettura tal-intrapriża għal operazzjonijiet fiċ-ċiberspazju, inklużi l-kamp ta' applikazzjoni, il-funzjonalitajiet u r-rekwiżiti, abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE;
7. Jistieden lill-Istati Membri jiddefinixxu standard komuni ta' komunikazzjoni li jista' jintuża għal informazzjoni klassifikata u mhux klassifikata, sabiex tissaħħaħ l-azzjoni rapida u jiġi żgurat network sigur għall-ġlieda kontra ċ-ċiberattakki;
8. Jilqa' r-Rieżami Annwali Koordinat dwar id-Difiża (CARD) – l-ewwel rieżami tad-difiża komplut fil-livell tal-UE – li huwa wieħed mill-għodod ewlenin li jappoġġjaw il-koerenza ġenerali fl-infiq fid-difiża, fl-ippjanar tad-difiża u fil-kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża tal-Istati Membri, u għandu jikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-investiment fl-iżvilupp tal-kapaċitajiet taċ-ċiberdifiża;
9. Jilqa' l-progress li diġà sar fl-ambitu tal-Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża fil-forma ta' diversi proġetti rilevanti dwar l-intelligence, il-komunikazzjoni sigura u ċ-ċiberdifiża; jilqa', b'mod partikolari, it-talba li jiġi żviluppat sett ta' għodod ċibernetiku għad-difiża li jkun jista' jiġi implimentat faċilment u jkun interkonness u l-fatt li l-EDF se jgħin ukoll biex tissaħħaħ ir-reżiljenza u jittejbu t-tħejjija, ir-rispons u l-kooperazzjoni fil-qasam ċibernetiku, dment li tali prijorità tiġi deċiża meta jiġu nnegozjati l-programmi ta' ħidma rilevanti tal-EDF; jisħaq li l-kapaċità tal-UE li tiżviluppa proġetti taċ-ċiberdifiża tiddependi mill-kontroll tat-teknoloġiji, tat-tagħmir, tas-servizzi, tad-data u tal-ipproċessar tad-data u tiddependi minn bażi ta' fiduċja tal-partijiet ikkonċernati settorjali, filwaqt li jitlob l-implimentazzjoni u l-infurzar sħaħ tad-Direttiva dwar l-Akkwist fil-Qasam tad-Difiża[4]; jistieden lill-Istati Membri jieħdu vantaġġ mill-EDF biex jiżviluppaw b'mod konġunt kapaċitajiet taċ-ċiberdifiża;
10. Jilqa' ż-żieda fil-kooperazzjoni fost l-Istati Membri fl-oqsma taċ-ċiberdifiża u l-Kmand, il-Kontroll, il-Komunikazzjonijiet, il-Kompjuters, l-Intelligence, is-Sorveljanza u r-Rikonjizzjoni (C4ISR) u l-progress li nkiseb fil-qafas tal-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO), inkluż permezz tal-implimentazzjoni ta' proġetti konkreti bħall-proġett Timijiet ta' Rispons Rapidu Ċibernetiku u Assistenza Reċiproka fis-Sigurtà Ċibernetika; ifakkar li l-EDF u l-PESCO joffru modi eċċellenti biex jiġu żviluppati kapaċitajiet taċ-ċiberdifiża u jitħaffu l-inizjattivi taċ-ċibersigurtà, bħal permezz tal-Pjattaforma għall-Kondiviżjoni tal-Informazzjoni dwar it-Theddid Ċibernetiku u r-Rispons għall-Inċidenti u ċ-Ċentru ta' Koordinazzjoni tal-Qasam Ċibernetiku u tal-Informazzjoni; jistieden lill-Istati Membri kollha jiżguraw koerenza u enfasi fuq il-kapaċità ċibernetika, filwaqt li jiżviluppaw approċċ strateġiku komuni għall-prijoritajiet; jitlob li jitrawmu r-riċerka u l-innovazzjoni u li jiġi skambjat l-għarfien espert sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tal-PESCO u tal-EDF; jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-5 ta' Novembru 2020 li tippermetti lil pajjiżi terzi jingħaqdu fi proġetti individwali tal-PESCO f'xi każijiet speċifiċi, minħabba li dawn jistgħu jżidu l-valur u jipprovdu għarfien espert tekniku u kapaċitajiet addizzjonali u dment li jissodisfaw sett miftiehem ta' kundizzjonijiet politiċi, sostantivi u legali; jissottolinja li jista' jkun fl-interess strateġiku tal-UE fuq bażi eċċezzjonali ta' każ b'każ li l-Istati Membri u l-Istati mhux Membri jipparteċipaw fi proġetti PESCO relatati maċ-ċibersigurtà sabiex jissodisfaw impenji aktar ambizzjużi, abbażi ta' reċiproċità effettiva;
11. Jisħaq li ċ-ċiberdifiża titqies bħala kompitu operazzjonali għall-missjonijiet kollha tal-PSDK, u li r-reżiljenza ċibernetika u l-kapaċitajiet relatati jridu jiġu stabbiliti, ittestjati u implimentati qabel ma jibdew il-proċessi ta' ppjanar tal-PSDK; ifakkar li l-eżekuzzjoni b'suċċess tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-UE qed tiddependi dejjem aktar mill-aċċess mingħajr interruzzjoni għal ċiberspazju sigur, u għalhekk tirrikjedi kapaċitajiet operazzjonali ċibernetiċi sodi u reżiljenti, kif ukoll risponsi adegwati għal attakki kontra installazzjonijiet, missjonijiet u operazzjonijiet militari; jenfasizza li skont il-Patt dwar id-Dimensjoni Ċivili tal-PSDK, il-missjonijiet ċivili tal-PSDK iridu jkunu reżiljenti mil-lat ċibernetiku u jappoġġjaw lill-pajjiżi ospitanti fejn ikun xieraq, inkluż permezz ta' monitoraġġ, mentoraġġ u konsulenza; jirrakkomanda li jiġu esplorati għażliet biex jitrawwem it-tisħiħ tal-kapaċitajiet ċibernetiċi tas-sħab tagħna, bħall-estensjoni tal-mandat tal-missjonijiet ta' taħriġ tal-UE biex ikopru aspetti taċ-ċiberdifiża jew it-tnedija ta' missjonijiet ċibernetiċi ċivili;
12. Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta' Mejju 2019 li tikkonċerna miżuri restrittivi kontra ċiberattakki li jheddu lill-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha, li tippermetti miżuri restrittivi mmirati biex jiskoraġġixxu u jirreaġixxu għal ċiberattakki li huma theddida għall-UE jew l-Istati Membri tagħha, inklużi ċiberattakki kontra pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali; jilqa' l-impożizzjoni ta' tali miżuri restrittivi f'Lulju 2020 u Ottubru 2020 bħala pass kredibbli fl-implimentazzjoni tas-sett ta' għodod taċ-ċiberdiplomazija tal-UE, inklużi miżuri restrittivi, u fit-tisħiħ tal-qagħda ta' deterrenza ċibernetika tal-UE; jitlob aktar żvilupp u infurzar strett ta' sistema ta' miżuri restrittivi proporzjonati biex jiġu kkontrollati ċ-ċiberattakki, filwaqt li tiġi rrispettata l-viżjoni Ewropea għall-internet, li hija waħda ta' network uniku, miftuħ, newtrali, liberu, sigur u mhux frammentat;
13. Ifakkar li minħabba n-natura doppja tat-teknoloġiji ċibernetiċi, prodotti u servizzi ċivili siguri huma kruċjali għall-forzi militari u b'hekk jikkontribwixxu għal ċiberdifiża aħjar; jilqa' għalhekk il-ħidma mmexxija mill-ENISA li tinvolvi lill-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati interessati biex tipprovdi lill-UE bi skemi ta' ċertifikazzjoni għal prodotti, servizzi u proċessi tal-ICT biex jiżdied il-livell ġenerali taċ-ċibersigurtà fi ħdan is-suq uniku diġitali; jisħaq fuq ir-rwol ċentrali tal-UE bħala pijunier fl-iżvilupp ta' standards li jsawru x-xenarju taċ-ċibersigurtà, jikkontribwixxu għal kompetizzjoni ġusta kemm fi ħdan l-UE kif ukoll fix-xena globali u jirreaġixxu għal miżuri extraterritorjali u riskji għas-sigurtà minn pajjiżi terzi; jirrikonoxxi wkoll ir-rwol importanti tal-ENISA fl-appoġġ ta' inizjattivi ta' riċerka u forom oħra ta' kooperazzjoni li għandhom l-għan li jsaħħu ċ-ċibersigurtà; jissottolinja l-importanza ta' investimenti fil-kapaċitajiet taċ-ċiberdifiża u taċ-ċibersigurtà bil-għan li jittejbu r-reżiljenza u l-kapaċitajiet strateġiċi tal-UE u tal-Istati Membri; jenfasizza f'dan ir-rigward l-importanza tal-Programm Ewropa Diġitali u Orizzont Ewropa, speċjalment ir-raggruppament tiegħu "Sigurtà ċivili għas-soċjetà"; jinnota s-sinifikat tal-istrumenti finanzjarji rilevanti disponibbli fl-ambitu tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) tal-2021-2027, kif ukoll il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF);
14. Jilqa' l-progress li sar minn xi Stati Membri fl-istabbiliment ta' dipartimenti ċibernetiċi ta' kmand fil-forzi militari tagħhom;
Viżjoni strateġika – il-kisba tar-reżiljenza taċ-ċiberdifiża
15. Jinnota li l-Boxxla Strateġika se ssaħħaħ u tiggwida l-implimentazzjoni tal-livell ta' ambizzjoni tal-UE fis-sigurtà u d-difiża filwaqt li tibdel din l-ambizzjoni fi ħtiġijiet ta' kapaċità, inkluż fiċ-ċiberdifiża bħala prijorità, u b'hekk iżżid il-kapaċità tal-UE u tal-Istati Membri li jidentifikaw, jattribwixxu, jipprevjenu, jiskoraġġixxu, ifixklu, jirreaġixxu u jirkupraw minn attivitajiet ċibernetiċi malizzjużi billi jsaħħu l-qagħda, l-għarfien tas-sitwazzjoni, il-qafas legali u etiku, l-għodod, il-proċeduri u s-sħubijiet tagħhom;
16. Jinsisti li l-Boxxla Strateġika għandha tapprofondixxi l-kultura strateġika fil-qasam ċibernetiku u tneħħi kwalunkwe duplikazzjoni ta' kapaċitajiet u mandati; jisħaq li huwa essenzjali li jingħelbu l-frammentazzjoni u l-kumplessità attwali tal-arkitettura ċibernetika ġenerali fi ħdan l-UE u li tiġi żviluppata viżjoni komuni ta' kif għandhom jinkisbu s-sigurtà u l-istabbiltà fiċ-ċiberspazju;
17. Jisħaq li l-frammentazzjoni hija akkumpanjata minn tħassib serju dwar in-nuqqas ta' riżorsi u ta' persunal fil-livell tal-UE, li jfixkel l-ambizzjoni li jinħoloq l-aktar ambjent diġitali sigur, u jisħaq għalhekk fuq l-ħtieġa li jiżdiedu t-tnejn li huma; iħeġġeġ lill-VP/RGħ u/jew lill-Istati Membri jżidu r-riżorsi finanzjarji u tal-persunal fil-qasam taċ-ċiberdifiża, b'mod partikolari l-analisti tal-intelligence cibernetika u l-esperti fil-forensika ċibernetika, u t-taħriġ tagħhom fl-oqsma tat-teħid ta' deċiżjonijiet u t-tfassil ta' politika, l-implimentazzjoni tal-politika, ir-rispons għal inċidenti ċibernetiċi u l-investigazzjonijiet tagħhom, inkluż l-iżvilupp ta' ħiliet ċibernetiċi biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-UE li tikkaratterizza u tattribwixxi ċ-ċiberattakki u b'hekk tipprovdi rispons politiku, ċivili u militari adegwat fi żmien qasir; jitlob aktar finanzjament għas-CERT-UE u għaċ-Ċentru tal-Intelligence u tas-Sitwazzjonijiet tal-UE (INTCEN) u appoġġ għall-Istati Membri biex jistabbilixxu u jsaħħu ċ-ċentri tal-operat tas-sigurtà (SOCs) sabiex jinbena network ta' SOCs madwar l-UE li jista' jtejjeb il-kooperazzjoni ċivili-militari sabiex jipprovdi twissijiet f'waqthom dwar inċidenti taċ-ċibersigurtà;
18. Jinnota li t-taħriġ u l-edukazzjoni militari ssimplifikati tal-UE fil-qasam ċibernetiku jtejbu b'mod sinifikanti l-livell ta' fiduċja fost l-Istati Membri, iżidu l-proċeduri operattivi standard, jistabbilixxu regoli aktar ċari, u jtejbu l-infurzar; jinnota f'dan ir-rigward il-ħidma importanti ta' taħriġ imwettqa mill-Kulleġġ Ewropew ta' Sigurtà u ta' Difiża (KESD) fil-qasam taċ-ċiberdifiża, u jilqa' f'dan ir-rigward l-istabbiliment tal-Pjattaforma għall-Edukazzjoni, it-Taħriġ, l-Evalwazzjoni u l-Eżerċizzju fil-qasam taċ-Ċibersigurtà (ETEE), li għandha l-għan li tindirizza t-taħriġ fl-oqsma taċ-ċibersigurtà u taċ-ċiberdifiża fost il-persunal ċivili u militari, kif ukoll li tistabbilixxi l-armonizzazzjoni u l-istandardizzazzjoni meħtieġa fit-taħriġ relatat maċ-ċibersigurtà; jisħaq li l-KESD għandu jibbenefika aktar mill-finanzjament strutturali tal-Unjoni sabiex ikun jista' jsaħħaħ il-kontribut tiegħu għat-trawwim tal-ħiliet tal-UE fil-qasam taċ-ċiberdifiża, speċjalment minħabba l-ħtieġa akbar ta' esperti ċibernetiċi tal-ogħla livell; jistieden lill-Istati Membri jippromwovu sħubijiet mal-akkademiċi li jkollhom l-għan li jrawmu programmi ta' riċerka u żvilupp fiċ-ċibersigurtà sabiex jiġu żviluppati teknoloġiji, għodod u ħiliet komuni ġodda applikabbli kemm fis-settur ċivili kif ukoll f'dak tad-difiża; jisħaq fuq l-importanza tal-edukazzjoni biex titqajjem sensibilizzazzjoni pubblika u jittejbu l-ħiliet taċ-ċittadini sabiex ikunu jistgħu jiddefendu lilhom infushom miċ-ċiberattakki;
19. Jissottolinja l-ħtieġa li l-politiki tal-UE dwar iċ-ċiberdifiża jinkorporaw kunsiderazzjonijiet tal-ġeneru u li jkunu ambizzjużi biex inaqqsu d-distakk bejn il-ġeneri fost il-professjonisti fil-qasam taċ-ċiberdifiża, b'mod partikolari permezz ta' politiki attivi li jinkludu l-perspettiva tal-ġeneru u programmi ta' taħriġ imfassla apposta għan-nisa;
20. Ifakkar li ċ-ċiberdifiża għandha kemm dimensjonijiet militari kif ukoll ċivili u għalhekk tirrikjedi kooperazzjoni, sinerġiji u koerenza aktar b'saħħithom fost l-istrumenti; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-ewwel jiġu analizzati u diskussi l-problemi ta' kooperazzjoni u koordinazzjoni, iżda mbagħad ukoll tad-diskrepanzi fir-rigward tar-riżorsi umani u tekniċi kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak tal-UE; jinnota li l-integrazzjoni b'suċċess kemm tar-riżorsi militari kif ukoll dawk ċivili tista' tiġi żgurata biss permezz ta' taħriġ u eżerċizzji mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha; jenfasizza f'dan ir-rigward l-eżerċizzju ta' "Locked Shields" tan-NATO bħala wieħed mill-aħjar eżempji ta' ttestjar u titjib tal-kapaċitajiet taċ-ċiberdifiża, kemm ċivili kif ukoll militari; jistieden lill-VP/RGħ u lill-Kummissjoni, għalhekk, biex jiżviluppaw approċċ ta' politika integrat u jippromwovu sinerġiji u kooperazzjoni mill-qrib bejn in-Network CERT Militari, is-CERT-UE u n-Network CSIRT;
21. Jilqa' l-komunikazzjoni konġunta tal-VP/RGħ u tal-Kummissjoni bit-titolu "L-istrateġija tal-UE dwar iċ-Ċibersigurtà għad-Deċennju Diġitali" li għandha l-għan li ssaħħaħ is-sinerġiji u l-kooperazzjoni bejn iċ-ċiberħidma ċivili, tad-difiża u tal-ispazju; iqis li l-istrateġija hija pass importanti għat-tisħiħ tar-reżiljenza ċibernetika tal-UE u tal-Istati Membri, u b'hekk għat-tisħiħ tat-tmexxija diġitali tal-UE u l-kapaċitajiet strateġiċi tagħha;
22. Jirrakkomanda li tiġi stabbilita Ċiberunità Konġunta biex iżżid il-kooperazzjoni bil-għan li twieġeb għan-nuqqas ta' kondiviżjoni tal-informazzjoni fost l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE, u b'hekk tiggarantixxi network ta' informazzjoni sigur u rapidu, u biex tippermetti l-użu sħiħ tal-istrutturi, ir-riżorsi u l-kapaċitajiet eżistenti; jinnota r-rwol importanti li jista' jkollha ċ-Ċiberunità Konġunta fil-protezzjoni tal-UE minn ċiberattakki transfruntiera serji, abbażi tal-kunċett ta' kondiviżjoni tal-informazzjoni transsettorjali; jissottolinja l-importanza tal-koordinazzjoni sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-istrutturi u tar-responsabbiltajiet matul l-iżvilupp tagħha; jilqa' f'dan ir-rigward ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Ġunju 2021, li tipprevedi li għandhom jinbnew interfaċċi speċifiċi maċ-Ċiberunità Konġunta biex jippermettu l-kondiviżjoni tal-informazzjoni mal-komunità taċ-ċiberdifiża, b'mod partikolari permezz tar-rappreżentanza tas-SEAE; jisħaq ukoll li r-rappreżentanti tal-proġetti PESCO rilevanti għandhom jappoġġjaw iċ-Ċiberunità Konġunta, speċjalment rigward l-għarfien u t-tħejjija tas-sitwazzjoni;
23. Ifakkar li, minħabba n-natura tagħhom li ta' spiss tkun b'użu doppju, it-titjib tal-kapaċitajiet taċ-ċiberdifiża jirrikjedi wkoll għarfien espert dwar is-sigurtà tan-networks ċivili u l-informazzjoni; jisħaq li l-proliferazzjoni ta' sistemi b'użu doppju u kummerċjalment disponibbli tista' tippreżenta sfidi f'termini ta' sistemi li jiġu sfruttati minn għadd dejjem akbar ta' atturi ostili statali u mhux statali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jattivaw diversi lievi ewlenin, bħaċ-ċertifikazzjoni u s-superviżjoni tar-responsabbiltà tal-atturi privati; jissottolinja li l-innovazzjoni teknoloġika hija prinċipalment xprunata minn kumpaniji privati, u għalhekk li l-kooperazzjoni mas-settur privat u mal-partijiet ikkonċernati ċivili, inklużi l-industriji u l-entitajiet involuti fil-ġestjoni ta' infrastrutturi kritiċi, kif ukoll l-SMEs, is-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet u l-akkademja, hija kruċjali u għandha tissaħħaħ; jieħu nota tar-reviżjoni proposta tad-Direttiva dwar is-Sigurtà tan-Networks u tas-Sistemi tal-Informazzjoni (NIS) u tal-proposta għal direttiva dwar ir-reżiljenza ta' entitajiet kritiċi, li tfittex li tipproteġi l-infrastrutturi kritiċi u ttejjeb is-sigurtà tal-katina tal-provvista u l-inklużjoni ta' atturi regolati fl-ekosistema diġitali; ifakkar li kull Stat Membru għandu jkollu politika ddedikata għall-ġestjoni tar-riskju tal-katina tal-provvista taċ-ċibersigurtà li tindirizza, b'mod partikolari, il-kwistjoni ta' bejjiegħa fdati; ifakkar ukoll li d-Direttiva NIS għandha tirrispetta l-kompetenzi tal-Istati Membri u tirreferi għall-opinjonijiet rilevanti tas-Sottokumitat dwar is-Sigurtà u d-Difiża dwar iż-żewġ proposti;
24. Jilqa' t-tnedija tan-Network ta' Organizzazzjoni ta' Kollegament f'każ ta' Ċiberkriżijiet (CyCLONe) fid-29 ta' Settembru 2020, li tejjeb aktar il-kondiviżjoni f'waqtha tal-informazzjoni u l-għarfien tas-sitwazzjoni billi elimina d-diskrepanza bejn il-livelli tekniċi u politiċi tal-UE; jinnota li kapaċità effettiva taċ-ċiberdifiża tirrikjedi bidla minn kultura ta' "ħtieġa ta' għarfien" għal "ħtieġa ta' kondiviżjoni" fir-rigward tal-kondiviżjoni tal-informazzjoni;
25. Jilqa' l-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni dwar Sinerġiji bejn l-industriji ċivili, tad-difiża u tal-ispazju, u jfakkar fl-interdipendenza mill-qrib ta' dawn it-tliet setturi fiċ-ċiberdifiża; jinnota li, b'mod differenti minn oqsma militari oħra, l-infrastruttura li tintuża biex "jinħoloq" ċiberspazju hija prinċipalment operata minn entitajiet kummerċjali bbażati l-aktar barra mill-UE, li dan iwassal għal dipendenzi industrijali u teknoloġiċi minn partijiet terzi; jemmen bis-sħiħ li l-UE teħtieġ iżżid is-sovranità teknoloġika tagħha u tagħti spinta lill-innovazzjoni, filwaqt li tinvesti fl-użu etiku ta' teknoloġiji ġodda fis-sigurtà u d-difiża bħall-IA u l-quantum computing; iħeġġeġ bil-qawwa l-iżvilupp ta' aġenda ffukata fuq l-IA għar-riċerka u l-iżvilupp fl-Istati Membri; jisħaq, madankollu, li l-użu militari tal-IA jrid jirrispetta d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali, u li l-UE jeħtiġilha tmexxi l-promozzjoni ta' qafas regolatorju globali tal-IA msejjes fuq il-valuri demokratiċi u approċċ human-in-the-loop;
26. Jinnota l-ħidma importanti mwettqa mis-SatCen tal-UE u jissottolinja li l-Unjoni jeħtiġilha jkollha riżorsi adegwati fl-oqsma tal-immaġni tal-ispazju u l-ġbir ta' intelligence; jitlob lill-aġenzija tanalizza u tipprovdi rapport dwar is-sikurezza u/jew il-vulnerabbiltà tas-satelliti tal-UE u tal-Istati Membri għall-fdalijiet spazjali u ċ-ċiberattakk; jisħaq li s-SatCen tal-UE għandu jibbenefika minn aktar finanzjament strutturali tal-Unjoni biex ikun jista' jżomm il-kontributi tiegħu għall-azzjonijiet tal-Unjoni; jisħaq li l-kapaċitajiet taċ-ċiberdifiża huma kruċjali biex jiġi żgurat skambju ta' informazzjoni sigur u reżiljenti mas-SatCen kemm fis-sigurtà mill-ispazju kif ukoll fl-ispazju, sabiex tiġi ppreservata u tittejjeb l-awtonomija strateġika tal-UE fir-rigward tal-għarfien tas-sitwazzjoni; jissottolinja l-ħtieġa li l-UE tagħmel ħilitha biex tipprevjeni li l-ispazju jimtela bl-armamenti;
27. Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-istabbiliment taċ-Ċentru Ewropew ta' Kompetenza Industrijali, Teknoloġika u tar-Riċerka fil-qasam taċ-Ċibersigurtà f'Bucharest, li se jalloka finanzjament relatat maċ-ċibersigurtà minn Orizzont Ewropa u l-Programm Ewropa Diġitali, u jinkoraġġixxi kooperazzjoni bla xkiel man-network tiegħu ta' ċentri nazzjonali ta' koordinazzjoni; jisħaq fuq l-importanza taċ-ċentru fl-implimentazzjoni ta' proġetti u inizjattivi rilevanti taċ-ċibersigurtà li se jgħinu biex jinħolqu l-kapaċitajiet il-ġodda essenzjali biex tiġi sostnuta r-reżiljenza tal-Unjoni u tiżdied il-koordinazzjoni bejn is-setturi ċivili u tad-difiża fil-qasam taċ-ċibersigurtà; jissottolinja li ċ-Ċentru ta' Kompetenza fil-qasam taċ-Ċibersigurtà jeħtieġlu jgħaqqad flimkien il-partijiet ikkonċernati Ewropej ewlenin, inklużi l-industrija, l-organizzazzjonijiet akkademiċi u tar-riċerka u assoċjazzjonijiet rilevanti oħra tas-soċjetà ċivili, biex itejjeb u jxerred l-għarfien espert fil-qasam taċ-ċibersigurtà madwar l-UE;
28. Jissottolinja l-importanza tal-kriptaġġ u tal-aċċess legali għad-data kriptata; ifakkar li l-kriptaġġ tad-data u t-titjib u l-aktar użu wiesa' possibbli ta' tali kapaċitajiet jistgħu jagħtu kontribut sinifikanti għaċ-ċibersigurtà tal-Istati, tas-soċjetajiet u tal-industrija; jinkoraġġixxi programm "Sovranità diġitali Ewropea" sabiex irawwem u jtejjeb il-kapaċitajiet attwali f'termini ta' għodod ċibernetiċi u ta' kriptaġġ ispirati mid-drittijiet u mill-valuri fundamentali Ewropej bħall-privatezza, il-libertà tal-espressjoni u d-demokrazija, bil-għan li tissaħħaħ il-kompetittività Ewropea fis-suq taċ-ċibersigurtà u tingħata spinta lid-domanda interna;
29. Jilqa' l-"Viżjoni Militari u l-Istrateġija dwar iċ-Ċiberspazju bħala Qasam ta' Operazzjonijiet" mistennija li se tiddefinixxi ċ-ċiberspazju bħala qasam ta' operazzjonijiet għall-PSDK tal-UE; jitlob li ssir valutazzjoni kontinwa tal-vulnerabbiltajiet tal-infrastrutturi ta' informazzjoni tal-missjonijiet tal-PSDK u għall-implimentazzjoni ta' standards armonizzati komuni fl-edukazzjoni, it-taħriġ u l-eżerċizzji fil-qasam taċ-ċiberdifiża (ETE) bħala appoġġ għall-missjonijiet tal-PSDK;
30. Jiddeplora l-fatt li l-limitazzjonijiet attwali fis-sistemi klassifikati tal-Kapaċità Militari tal-Ippjanar u t-Tmexxija (MPCC) tal-UE qed ixekklu l-kapaċitajiet tagħha; jistieden lis-SEAE, għalhekk, jipprovdi malajr lill-MPCC b'Sistema ta' Komunikazzjoni u Informazzjoni (SKI) awtonoma u sigura tal-ogħla livell ta' żvilupp tekniku li tkun kapaċi tittratta data klassifikata tal-UE għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet tagħha tal-PSDK, b'livell adegwat ta' protezzjoni u reżiljenza u Kwartieri Ġenerali tal-Forza skjerati;
31. Jitlob l-integrazzjoni ulterjuri taċ-ċibersigurtà fil-mekkaniżmi ta' rispons għall-kriżijiet tal-UE u li jiġu konnessi l-inizjattivi, l-istrutturi u l-proċeduri eżistenti f'diversi komunitajiet ċibernetiċi bil-ħsieb ta' assistenza reċiproka u kooperazzjoni operazzjonali mtejba bejn l-Istati Membri, b'mod partikolari fil-każ ta' ċiberattakki kbar, sabiex tiżdied l-interoperabbiltà u jiġi żviluppat fehim komuni taċ-ċiberdifiża; jenfasizza bis-sħiħ l-importanza ta' eżerċizzji ulterjuri, iżda bi frekwenza ogħla, u diskussjonijiet ta' politika bbażati fuq xenarji dwar il-ġestjoni tal-kriżijiet, inkluż dwar il-klawżola ta' assistenza reċiproka (l-Artikolu 42(7) tat-TUE) f'xenarju ipotetiku ta' ċiberattakk serju, li potenzjalment jitqies bħala attakk armat; jitlob li tali inizjattivi jsaħħu l-fehim komuni dwar il-proċeduri ta' implimentazzjoni għal assistenza reċiproka u/jew solidarjetà skont l-Artikolu 42(7) tat-TUE u l-Artikolu 222 tat-TFUE, inkluż b'objettiv speċifiku ta' operazzjonalizzazzjoni ta' dawn il-proċeduri għal ċiberattakki fuq l-Istati Membri; jilqa' l-Komunikat tas-Summit ta' Brussell tan-NATO tal-14 ta' Ġunju 2021, li jafferma mill-ġdid l-impenn tan-NATO li timplimenta l-firxa sħiħa ta' kapaċitajiet f'kull ħin biex tiskoraġġixxi, tiddefendi kontra, u tiġġieled l-ispettru sħiħ tat-theddid ċibernetiku, inkluża d-deċiżjoni li jiġi invokat l-Artikolu 5 "fuq bażi ta' każ b'każ"; jilqa' aktar diskussjonijiet dwar l-artikolazzjoni bejn il-qafas tal-UE għall-ġestjoni tal-kriżijiet taċ-ċibersigurtà u sett ta' għodod taċ-ċiberdiplomazija;
32. Jinnota li l-UE qed issir dejjem aktar involuta f'kunflitti ibridi ma' opponenti ġeopolitiċi; jissottolinja li dawn l-atti huma ta' natura partikolarment destabbilizzanti u perikoluża peress li jagħmlu d-distinzjoni bejn il-gwerra u l-paċi inqas ċara, jiddestabbilizzaw id-demokraziji u joħolqu dubju fl-imħuħ tal-popolazzjonijiet fil-mira; ifakkar li dawn l-attakki fihom infushom ta' spiss ma jkunux serji biżżejjed biex jiskattaw l-Artikolu 5 tat-Trattat tan-NATO jew l-Artikolu 42(7) tat-TUE, għalkemm b'mod kumulattiv għandhom effett strateġiku u ma jistgħux jiġu indirizzati b'mod effettiv permezz ta' ritorsjonijiet mill-Istat Membru li jkun sofra dannu; jemmen li l-UE għandha għalhekk tagħmel ħilitha biex issib soluzzjoni sabiex telimina dan il-vojt ġuridiku billi tinterpreta mill-ġdid l-Artikolu 42(7) tat-TUE u l-Artikolu 222 tat-TFUE b'tali mod li jirriżerva d-dritt għal difiża kollettiva taħt il-limitu tad-difiża kollettiva u jippermetti li l-Istati Membri tal-UE jieħdu kontromiżuri kollettivi fuq bażi volontarja, u għandha taħdem fuq livell internazzjonali mal-alleati tagħha biex tinstab soluzzjoni simili fuq livell internazzjonali; jissottolinja li dan huwa l-uniku mezz effettiv biex tiġi miġġielda l-paraliżi fir-reazzjoni għat-theddid ibridu u huwa strument biex jiżdiedu l-ispejjeż għall-opponenti tagħna;
33. Itenni li l-kapaċitajiet ta' attribuzzjoni qawwija komuni huma waħda mill-għodod ewlenin għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-UE u tal-Istati Membri u huma komponent essenzjali ta' ċiberdifiża u ta' deterrenza ċibernetika effettivi; jisħaq li t-titjib tal-kondiviżjoni tal-informazzjoni fir-rigward tal-informazzjoni teknika, l-analiżi u l-intelligence dwar it-theddid bejn l-Istati Membri fil-livell tal-UE jista' jippermetti attribuzzjoni kollettiva fil-livell tal-UE; jirrikonoxxi li, sa ċertu punt, iċ-ċiberdifiża tkun aktar effettiva jekk ikun fiha wkoll xi mezzi u miżuri offensivi, dment li l-użu tagħhom ikun konformi mad-dritt internazzjonali; jissottolinja li l-attribuzzjoni espliċita ta' ċiberattakki hija strument utli ta' deterrenza; jistieden li tiġi kkunsidrata l-attribuzzjoni pubblika konġunta ta' attivitajiet ċibernetiċi malizzjużi, inkluża l-għażla li jinħolqu rapporti dwar l-imġiba ċibernetika taħt l-awspiċji tas-SEAE għal atturi speċifiċi biex jiġbru fil-qosor attivitajiet ċibernetiċi malizzjużi sponsorjati mill-Istat kontra l-Istati Membri fil-livell tal-UE;
34. Iqis li l-kooperazzjoni ċibernetika bejn l-UE u n-NATO hija kruċjali, peress li tista' tippermetti u ssaħħaħ attribuzzjoni formali b'saħħitha ta' inċidenti ċibernetiċi malizzjużi u b'hekk l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet u miżuri restrittivi; jinnota li reżiljenza li tiffunzjona u deterrenza effettiva jinkisbu jekk l-awturi jkunu konxji mill-katalgu ta' kontromiżuri possibbli, il-proporzjonalità u l-adegwatezza tagħhom, u l-konformità tagħhom mad-dritt internazzjonali, b'mod partikolari l-Karta tan-NU (ibbażata fuq il-gravità, l-iskala u l-mira taċ-ċiberattakki;
35. Jilqa' l-proposta tal-VP/RGħ li tħeġġeġ u tiffaċilita l-istabbiliment ta' grupp ta' ħidma tal-UE dwar l-intelligence ċibernetika tal-Istati Membri li jkun jirrisjedi fl-INTCEN biex javvanza l-kooperazzjoni strateġika tal-intelligence dwar it-theddid u l-attivitajiet ċibernetiċi, sabiex jiġu appoġġjati aktar l-għarfien tas-sitwazzjoni u t-teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE fir-rigward ta' rispons diplomatiku konġunt; jinkoraġġixxi aktar progress fis-sett komuni ta' proposti, b'mod partikolari l-interazzjoni kontinwa maċ-Ċellola ta' Fużjoni tal-UE u ċ-Ċellola ta' Analiżi Ibrida tan-NATO fil-kondiviżjoni tal-għarfien u l-analiżi tas-sitwazzjoni, u fil-kooperazzjoni tattika u operazzjonali;
It-tisħiħ tas-sħubijiet u rwol akbar tal-UE fil-kuntest internazzjonali
36. Iqis li l-kooperazzjoni fil-qasam taċ-ċiberdifiża man-NATO għandha rwol importanti fil-prevenzjoni, l-iskoraġġiment u r-rispons għaċ-ċiberattakki li jaffettwaw is-sigurtà kollettiva tal-Istati Membri; jistieden lill-Istati Membri jaqsmu bis-sħiħ l-evidenza u l-intelligence sabiex jikkontribwixxu għall-istabbiliment ta' listi ta' sanzjonijiet ċibernetiċi; jitlob koordinazzjoni akbar man-NATO f'din il-kwistjoni permezz tal-parteċipazzjoni f'eżerċizzji ċibernetiċi u f'taħriġ konġunt, bħall-eżerċizzji paralleli u kkoordinati (PACE);
37. Jirrikonoxxi li l-UE u n-NATO għandhom jikkoordinaw fuq kwistjonijiet fejn atturi ostili jkunu qed jheddu l-interessi tas-sigurtà Ewro-Atlantika; jesprimi tħassib dwar l-imġiba aggressiva sistemika murija b'mod partikolari miċ-Ċina, mir-Russja u mill-Korea ta' Fuq fiċ-ċiberspazju, inklużi bosta attakki ċibernetiċi kontra istituzzjonijiet tal-gvern u kumpaniji privati; jemmen li l-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO għandha tiffoka fuq l-isfidi fl-oqsma tat-teknoloġiji ċibernetiċi, ibridi, emerġenti u fixkiela (EDT), tal-ispazju, tal-kontroll tal-armi u n-nonproliferazzjoni; iħeġġeġ kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO li tiżgura networks reżiljenti, bi prezz raġonevoli u siguri ta' veloċità għolja li jikkonformaw mal-istandards tas-sigurtà tal-UE u dawk nazzjonali li jiżguraw networks ta' informazzjoni nazzjonali u internazzjonali li jkunu jistgħu jaqilbu data u komunikazzjonijiet sensittivi f'kowd;
38. Jilqa' l-arranġament bejn is-CERT-UE u l-Kapaċità ta' Rispons tan-NATO għal Inċidenti relatati mal-Kompjuters (NCIRC) biex tiġi żgurata l-kapaċità ta' rispons għat-theddid f'ħin reali billi jittejbu l-prevenzjoni, id-detezzjoni tal-inċidenti ċibernetiċi u r-rispons għalihom kemm fl-UE kif ukoll fin-NATO; jisħaq ukoll fuq l-importanza li jiżdiedu l-kapaċitajiet ta' taħriġ dwar iċ-ċiberdifiża fis-sistemi tal-IT u dawk ċibernetiċi f'kooperazzjoni maċ-Ċentru ta' Eċċellenza tan-NATO għaċ-Ċiberdifiża Kooperattiva (CCD COE) u l-Akkademja tan-NATO għall-Komunikazzjoni u l-Informazzjoni (NCI);
39. Jitlob kooperazzjoni akbar bejn l-UE u n-NATO, b'mod partikolari dwar ir-rekwiżiti tal-interoperabbiltà taċ-ċiberdifiża, billi jiġu mfittxija komplementarjetajiet possibbli u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' benefiċċju reċiproku, filwaqt li tiġi segwita l-affiljazzjoni tal-istrutturi rilevanti tal-PSDK man-Networking tal-Missjonijiet Federali tan-NATO, tiġi evitata d-duplikazzjoni u jiġu rikonoxxuti r-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom; iħeġġeġ li jissaħħu l-PESCO tal-UE, kif ukoll l-Inizjattiva Difiża Intelliġenti, Forzi Konnessi tan-NATO u l-Wegħda ta' Investiment fid-Difiża, u l-promozzjoni tal-akkomunament u l-kondiviżjoni, li jfittxu li joħolqu sinerġiji u effiċjenzi aħjar fir-relazzjoni bejn il-fornituri u l-utenti finali; jilqa' l-progress li sar fil-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO fil-qasam taċ-ċiberdifiża, b'mod partikolari fl-iskambju ta' kunċetti u duttrini, il-parteċipazzjoni trażversali f'eżerċizzji ċibernetiċi u aġġornamenti trażversali, b'mod partikolari dwar id-dimensjoni ċibernetika tal-ġestjoni tal-kriżijiet; jissuġġerixxi li jinħoloq ċentru konġunt għall-informazzjoni dwar it-theddid ċibernetiku bejn l-UE u n-NATO, kif ukoll task force konġunta għaċ-ċibersigurtà;
40. Jitlob koordinazzjoni aktar mill-qrib dwar iċ-ċiberdifiża bejn l-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-UE, l-Alleati tan-NATO, in-NU u l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE); jinkoraġġixxi, f'dan ir-rigward, il-promozzjoni ulterjuri tal-miżuri għat-tisħiħ tal-fiduċja tal-OSKE għaċ-ċiberspazju u jissottolinja l-ħtieġa li jiġu żviluppati għodod effettivi ta' kooperazzjoni internazzjonali biex jappoġġjaw it-tisħiħ tal-kapaċitajiet ċibernetiċi tas-sħab, kif ukoll li jiġu żviluppati u promossi miżuri għat-tisħiħ tal-fiduċja u kooperazzjoni inklużiva mas-soċjetà ċivili u mal-partijiet ikkonċernati; jilqa' l-importanza attribwita għal ċiberspazju globali, miftuħ, liberu, stabbli u sigur mill-Istrateġija tal-UE għall-Kooperazzjoni fl-Indo-Paċifiku tal-19 ta' April 2021; jitlob li jiġu żviluppati b'mod attiv rabtiet aktar mill-qrib ma' demokraziji simili fir-reġjun tal-Indo-Paċifiku, bħall-Istati Uniti, il-Korea t'Isfel, il-Ġappun, l-Indja, l-Awstralja u t-Tajwan, sabiex jiġu kondiviżi l-għarfien u l-esperjenza u tiġi skambjata informazzjoni dwar il-ġlieda kontra t-theddid ċibernetiku; jissottolinja wkoll l-importanza tal-kooperazzjoni ma' pajjiżi oħra, b'mod partikolari fil-viċinat immedjat tal-UE, biex tgħin fil-bini tal-kapaċitajiet tagħhom li jiddefendu ruħhom kontra t-theddid taċ-ċibersigurtà; ifaħħar l-appoġġ tal-Kummissjoni għall-programmi taċ-ċibersigurtà fil-Balkani tal-Punent u fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant; jisħaq fuq il-ħtieġa urġenti li jiġi rrispettat id-dritt internazzjonali, inkluża l-Karta tan-NU fl-intier tagħha, u li jiġi rrispettat il-qafas normattiv internazzjonali rikonoxxut b'mod wiesa' għall-imġiba responsabbli tal-Istat, u li jingħata kontribut għad-diskussjoni li għaddejja dwar il-modalitajiet tal-applikazzjoni tad-dritt internazzjonali fiċ-ċiberspazju fil-kuntest tan-NU;
41. Jissottolinja l-importanza li jkun hemm sħubija b'saħħitha fil-qasam ċibernetiku mar-Renju Unit, li huwa nazzjon ewlieni f'termini tal-ħażna taċ-ċiberdifiża tiegħu; jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga l-possibbiltà li tniedi mill-ġdid proċess li għandu l-għan li jikkonkludi qafas formali u strutturat għall-kooperazzjoni f'dan il-qasam fil-futur;
42. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żgurati l-paċi u l-istabbiltà fiċ-ċiberspazju; jistieden lill-Istati Membri kollha u lill-UE juru tmexxija matul id-diskussjonijiet u l-inizjattivi taħt l-awspiċji tan-NU, inkluż billi jipproponu programm ta' azzjoni, biex jieħdu approċċ proattiv għall-istabbiliment ta' qafas regolatorju kondiviż fuq livell internazzjonali u jgħinu javvanzaw tassew l-obbligu ta' rendikont, l-aderenza man-normi emerġenti u l-prevenzjoni tal-użu ħażin tat-teknoloġiji diġitali u l-promozzjoni ta' mġiba responsabbli mill-Istat fiċ-ċiberspazju, filwaqt li jibnu fuq ir-rapporti ta' kunsens tal-GEG tan-NU approvati mill-Assemblea Ġenerali tan-NU; jilqa' r-rakkomandazzjonijiet tar-rapport finali tal-OEWG, b'mod partikolari dwar l-istabbiliment ta' programm ta' azzjoni; iħeġġeġ lin-NU jrawmu djalogu fost l-Istati, ir-riċerkaturi, l-akkademiċi, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-atturi umanitarji u s-settur privat sabiex jiġu żgurati proċessi ta' tfassil ta' politika inklużivi għal dispożizzjonijiet internazzjonali ġodda; jitlob li jiġu aċċelerati l-isforzi multilaterali eżistenti kollha sabiex l-oqfsa normattivi u regolatorji ma jibqgħux lura meta mqabbla mal-iżviluppi teknoloġiċi u mal-metodi ġodda ta' gwerra; jitlob li tiġi mmodernizzata l-arkitettura għall-kontroll tal-armi, sabiex jiġi evitat il-ħolqien ta' żona griża diġitali; jappella biex il-missjonijiet tan-NU għaż-żamma tal-paċi jissaħħu b'kapaċitajiet ta' ċiberdifiża skont l-implimentazzjoni effettiva tal-mandati tagħhom;
43. Ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu dwar projbizzjoni tal-iżvilupp, il-produzzjoni u l-użu ta' armi kompletament awtonomi li jippermettu li jsiru attakki mingħajr intervent uman sinifikanti; jistieden lill-VP/RGħ, lill-Istati Membri u lill-Kunsill Ewropew jadottaw pożizzjoni komuni dwar sistemi ta' armi awtonomi li tiżgura kontroll uman sinifikattiv fuq il-funzjonijiet kritiċi ta' tali sistemi tal-armi; jeżiġi li jinbdew negozjati internazzjonali għal strument legalment vinkolanti li jipprojbixxi l-armi kompletament awtonomi;
44. Jissottolinja l-importanza tal-kooperazzjoni mal-parlamenti nazzjonali sabiex jiġu skambjati l-aħjar prattiki fil-qasam taċ-ċiberdifiża;
°
° °
45. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika Soċjali, lill-aġenziji tal-UE involuti fid-difiża u ċ-ċibersigurtà, lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni |
1.7.2021 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
58 7 3 |
||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Alviina Alametsä, Alexander Alexandrov Yordanov, Maria Arena, Petras Auštrevičius, Traian Băsescu, Anna Bonfrisco, Fabio Massimo Castaldo, Susanna Ceccardi, Włodzimierz Cimoszewicz, Tanja Fajon, Anna Fotyga, Michael Gahler, Sunčana Glavak, Raphaël Glucksmann, Klemen Grošelj, Bernard Guetta, Márton Gyöngyösi, Sandra Kalniete, Dietmar Köster, Stelios Kouloglou, Maximilian Krah, Andrius Kubilius, Ilhan Kyuchyuk, David Lega, Miriam Lexmann, Nathalie Loiseau, Antonio López-Istúriz White, Claudiu Manda, Lukas Mandl, Thierry Mariani, David McAllister, Vangelis Meimarakis, Sven Mikser, Francisco José Millán Mon, Javier Nart, Urmas Paet, Demetris Papadakis, Kostas Papadakis, Tonino Picula, Manu Pineda, Giuliano Pisapia, Thijs Reuten, Jérôme Rivière, María Soraya Rodríguez Ramos, Nacho Sánchez Amor, Isabel Santos, Jacek Saryusz-Wolski, Andreas Schieder, Radosław Sikorski, Jordi Solé, Sergei Stanishev, Tineke Strik, Hermann Tertsch, Hilde Vautmans, Harald Vilimsky, Idoia Villanueva Ruiz, Viola Von Cramon-Taubadel, Witold Jan Waszczykowski, Charlie Weimers, Isabel Wiseler-Lima, Salima Yenbou, Željana Zovko |
|||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Ioan-Rareş Bogdan, Markéta Gregorová, Rasa Juknevičienė, Arba Kokalari, Hannah Neumann, Mick Wallace |
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
58 |
+ |
PPE |
Alexander Alexandrov Yordanov, Traian Băsescu, Ioan-Rareş Bogdan, Michael Gahler, Sunčana Glavak, Rasa Juknevičienė, Sandra Kalniete, Arba Kokalari, Andrius Kubilius, David Lega, Miriam Lexmann, Antonio López-Istúriz White, David McAllister, Lukas Mandl, Vangelis Meimarakis, Francisco José Millán Mon, Radosław Sikorski, Isabel Wiseler-Lima, Željana Zovko |
S&D |
Maria Arena, Włodzimierz Cimoszewicz, Tanja Fajon, Raphaël Glucksmann, Dietmar Köster, Claudiu Manda, Sven Mikser, Demetris Papadakis, Tonino Picula, Giuliano Pisapia, Thijs Reuten, Nacho Sánchez Amor, Isabel Santos, Andreas Schieder, Sergei Stanishev |
RENEW |
Petras Auštrevičius, Klemen Grošelj, Bernard Guetta, Ilhan Kyuchyuk, Nathalie Loiseau, Javier Nart, Urmas Paet, María Soraya Rodríguez Ramos, Hilde Vautmans |
VERTS |
Alviina Alametsä, Markéta Gregorová, Hannah Neumann, Jordi Solé, Tineke Strik, Viola Von Cramon-Taubadel, Salima Yenbou |
ID |
Anna Bonfrisco, Susanna Ceccardi |
ECR |
Anna Fotyga, Jacek Saryusz-Wolski, Hermann Tertsch, Witold Jan Waszczykowski |
NI |
Fabio Massimo Castaldo, Márton Gyöngyösi |
7 |
- |
ID |
Maximilian Krah, Thierry Mariani, Jérôme Rivière |
The Left |
Manu Pineda, Idoia Villanueva Ruiz, Mick Wallace |
NI |
Kostas Papadakis |
3 |
0 |
ID |
Harald Vilimsky |
ECR |
Charlie Weimers |
The Left |
Stelios Kouloglou |
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni
- [1] ĠU L 194, 19.7.2016, p. 1.
- [2] ĠU L 151, 7.6.2019, p. 15.
- [3] ĠU C 28, 27.1.2020, p. 57.
- [4] Id-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta' ċerti kuntratti ta' xogħlijiet, provvisti u servizzi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà (ĠU L 216, 20.8.2009, p. 76.).