RAPPORT li fih mozzjoni għal riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, ta' Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u l-Gvern ta' Greenland u l-Gvern tad-Danimarka, min-naħa l-oħra u l-Protokoll ta' Implimentazzjoni tiegħu

15.7.2021 - (06566/2021 – C9-0154/2021 – 2021/0037M(NLE))

Kumitat għas-Sajd
Rapporteur: Pierre Karleskind

Proċedura : 2021/0037M(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A9-0235/2021
Testi mressqa :
A9-0235/2021
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI MHUX LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, ta' Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u l-Gvern ta' Greenland u l-Gvern tad-Danimarka, min-naħa l-oħra u l-Protokoll ta' Implimentazzjoni tiegħu

(06566/2021 – C9-0154/2021 – 2021/0037M(NLE))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (06566/2021),

 wara li kkunsidra l-abbozz ta' Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli (SFPA) bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u l-Gvern ta' Greenland u l-Gvern tad-Danimarka, min-naħa l-oħra, u l-Protokoll ta' Implimentazzjoni tiegħu (06380/2021),

 wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 43(2) u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a)(v), u l-paragrafu (7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C9-0073/2020),

 wara li kkunsidra t-Titolu II tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd (PKS)[1],

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2017 dwar il-ġestjoni sostenibbli ta' flotot tas-sajd esterni[2],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' ...[3] dwar l-abbozz ta' deċiżjoni,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 62 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Kummissjoni tas-Sajd tal-Atlantiku tal-Grigal (NEAFC),

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral (NAFO),

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Ambjent Marin tal-Atlantiku tal-Grigal (OSPAR),

 wara li kkunsidra l-abbozz tal-Ftehim għall-Prevenzjoni tas-Sajd mhux Regolat fl-Ibħra Miftuħa fl-Oċean Artiku Ċentrali,

 wara li kkunsidra l-Protokoll (Nru 34) dwar arranġamenti speċjali għal Greenland,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Ottawa dwar il-ħolqien tal-Kunsill tal-Artiku,

 wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tal-31 ta' Jannar 2019 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-Assoċjazzjoni tal-Pajjiżi u Territorji extra-Ewropej mal-Unjoni Ewropea, inklużi r-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea fuq naħa, u Greenland u r-Renju tad-Danimarka min-naħa l-oħra ("Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Barranija")[4],

 wara li kkunsidra r-rapport intitolat "Ex ante and ex post evaluation study of the Fisheries Partnership Agreement between the European Union and Greenland" (Studju ta' evalwazzjoni ex ante u ex post tal-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u Greenland") tad-9 ta' Awwissu 2019,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 105(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd (A9-0235/2021),

A. billi l-UE stabbiliet objettivi ta' sostenibbiltà bħala parti mill-Patt Ekoloġiku Ewropew u mill-istrateġiji tagħha għall-bijodiversità għall-2030 u "mill-Għalqa sal-Platt", kif ukoll b'riżultat ta' impenji internazzjonali speċifiċi, inkluża l-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs), b'mod partikolari l-SDG 14 dwar il-konservazzjoni tar-riżorsi u l-ambjent tal-baħar;

B. billi t-tibdil fil-klima qed jaffettwa l-ekosistemi u r-riżorsi tal-baħar;

C. billi l-Artikolu 62 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar jipprevedi li, permezz ta' ftehimiet jew arranġamenti oħra, stat kostali għandu jagħti aċċess lil stati oħra għal dak li jibqa' żejjed minn qabda permissibbli;

D. billi l-Ftehim għall-Prevenzjoni tas-Sajd mhux Regolat fl-Ibħra Miftuħa fl-Oċean Artiku Ċentrali impona projbizzjoni ta' 16-il sena fuq is-sajd kummerċjali f'dik iż-żona;

E. billi l-Unjoni u Greenland, permezz tad-Danimarka, huma membri tal-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd (RFMOs) NEAFC u NAFO;

F. billi l-UE għandha relazzjoni mill-qrib ma' Greenland; billi Greenland tagħmel parti mill-pajjiżi u t-territorji ekstra-Ewropej assoċjati mal-UE u billi l-UE u Greenland ilhom mill-1984 li għandhom sħubija dwar is-sajd;

G. billi l-Protokoll (Nru 34) dwar arranġamenti speċjali għal Greenland jorbot it-tariffi preferenzjali fuq is-suq Ewropew għall-prodotti tas-sajd minn Greenland mal-aċċess tal-bastimenti Ewropej għaż-żoni tas-sajd tagħha;

H. billi n-natura speċjali ta' dan il-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli (SFPA) tfisser li l-opportunitajiet tas-sajd jiġu nnegozjati kull sena u li dan jippermetti trasferimenti ta' kwoti man-Norveġja u l-Gżejjer Faeroe;

I. billi l-evalwazzjoni ex post tal-protokoll preċedenti u l-evalwazzjoni ex ante wasslu għan-negozjar ta' ftehim u protokoll ġodda li huma aktar konformi mal-opportunitajiet tas-sajd u l-pariri xjentifiċi, jipprovdu flessibbiltà akbar fuq il-qabdiet u għandhom kwota aktar baxxa ta' qabdiet inċidentali, kif ukoll għan-negozjar ta' perjodu ta' validità ta' sitt snin għall-protokoll;

J. billi SFPA ma' Greenland huwa importanti għall-bastimenti Ewropej li jistadu fl-ibħra tagħha u għall-flotot tal-Istati Membri li jibbenefikaw direttament jew indirettament mill-ftehim u mit-trasferimenti tal-kwoti li jipprevedi;

K. billi l-ftehim u l-protokoll il-ġodda jippermettu lil 12-il bastiment Ewropew jisfruttaw opportunitajiet tas-sajd fl-ibħra ta' Greenland għal tmien speċijiet (bakkaljaw, dott pelaġiku, dott tal-qiegħ, ħalibatt ta' Greenland, gamblu tat-Tramuntana, grenadier, kapelin u kavall tal-Atlantiku) għal perjodu ta' erba' snin li jista' jiġġedded għal sentejn, b'kumpens finanzjarju annwali ta' EUR 16 521 754 mill-UE, li EUR 2 931 000 minnhom huma allokati għal finijiet ta' appoġġ u żvilupp tas-settur tas-sajd fi Greenland;

Il-ftehim u l-protokoll preċedenti

1. Jinnota l-benefiċċji soċjoekonomiċi f'termini ta' impjiegi diretti u indiretti u l-valur miżjud gross iġġenerat mis-sajd tal-flotta Ewropea fl-ibħra ta' Greenland, kemm għas-settur tas-sajd ta' Greenland kif ukoll għal dak tal-UE;

2. Jesprimi tħassib dwar il-fatt li l-qabdiet totali permissibbli stabbiliti minn Greenland għal diversi stokkijiet fil-protokoll preċedenti kienu jaqbżu l-livelli rakkomandati xjentifikament; jissottolinja li s-sehem tal-UE f'dawn l-opportunitajiet tas-sajd huwa relattivament żgħir;

3. Jilqa' l-fatt li l-kontribuzzjoni finanzjarja settorjali mogħtija lil Greenland qed tintuża mill-awtoritajiet tagħha għal finijiet ta' amministrazzjoni, kontroll u riċerka xjentifika;

4. Jesprimi tħassib, madankollu, dwar in-nuqqas ta' data xjentifika meħtieġa biex jitfasslu stimi preċiżi tal-livelli tal-istokkijiet;

Il-ftehim u l-protokoll il-ġodda

5. Jinnota n-natura kumplessa tan-negozjati u l-kuntest li saru fih, peress li fl-istess żmien kienu qed isiru negozjati dwar il-ftehim mar-Renju Unit – fatt li ħoloq inċertezza – u Greenland kienet qed tiffaċċja kwistjonijiet ta' politika interna; ifakkar li l-pożizzjoni ta' tluq ta' Greenland f'dawn in-negozjati kienet li tnaqqas il-kwoti tal-bastimenti Ewropej bi 30 %; jinnota li din il-proposta għal tnaqqis fl-opportunitajiet tas-sajd kienet motivata mix-xewqa ta' Greenland li tkompli tiżviluppa s-settur tas-sajd tagħha;

6. Jinnota li l-kwoti tnaqqsu b'medja ta' 5 % meta mqabbla mal-protokoll preċedenti;

7. Jesprimi dispjaċir li l-operaturi Ewropej ma setgħux jistadu fl-ibħra ta' Greenland għal kważi erba' xhur qabel l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim, li ma ġiex iffirmat qabel it-22 ta' April 2021 minħabba l-elezzjonijiet fi Greenland u l-bżonn li jiġi ffurmat gvern;

8. Jinnota li l-opportunitajiet tas-sajd għall-kavall tal-Atlantiku jiddependu mill-parteċipazzjoni tal-istati kostali bħala firmatarji tal-ftehim tal-istati kostali dwar il-ġestjoni tal-kavall tal-Atlantiku u li l-opportunitajiet tas-sajd għad-dott iridu jkunu konformi mal-ftehim ta' ġestjoni u mad-deċiżjonijiet meħuda fil-livell tan-NEAFC;

9. Jinnota li l-protokoll jipprevedi 600 tunnellata ta' qabdiet inċidentali, li jirrappreżenta tnaqqis sinifikanti mill-protokoll preċedenti; jissottolinja li l-qabdiet kollha, inklużi l-qabdiet inċidentali u l-qbid skartat, iridu jiġu rreġistrati u rrappurtati skont l-ispeċi f'konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli ta' Greenland;

10. Ifaħħar l-objettivi ta' sostenibbiltà tal-ftehim u l-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat;

11. Jesprimi tħassib dwar l-arranġament ta' "erba' snin u sentejn" rigward it-tul tal-ftehim u l-inċertezza dwar it-tiġdid tal-protokoll wara l-ewwel erba' snin, li jista' jirrappreżenta nuqqas ta' ċarezza għall-bastimenti Ewropej;

12. Jinnota li l-kumpens finanzjarju tal-UE huwa ogħla minn kif kien fil-protokoll preċedenti, filwaqt li l-kontribuzzjoni għall-appoġġ settorjali baqgħet l-istess u l-prezzijiet ta' referenza għall-awtorizzazzjonijiet tas-sajd għas-sidien tal-bastimenti żdiedu;

Greenland bħala attur strateġiku fl-Atlantiku tat-Tramuntana u fl-Artiku

13. Jinnota li l-Brexit iddestabbilizza r-relazzjonijiet bejn il-pajjiżi tal-Atlantiku tat-Tramuntana;

14. Isostni li l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE u l-konsegwenzi li jirriżultaw għas-sajd fil-Baħar tat-Tramuntana u fil-Grigal tal-Atlantiku m'għandhomx jintużaw ħażin biex tiġi mmanipulata d-distribuzzjoni tal-kwoti fil-Ftehimiet tat-Tramuntana, iżda minflok għandhom jirrispettaw id-distribuzzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd kif evolviet storikament, dejjem abbażi tal-aqwa data u pariri xjentifiċi disponibbli;

15. Ifakkar fis-sitwazzjoni ġeostrateġika ta' Greenland fir-reġjun tal-Artiku; jenfasizza l-importanza tar-relazzjonijiet ma' Greenland bħala parti minn strateġija tal-UE dwar l-Artiku u bil-ħsieb li jiġi evitat is-sajd mhux regolat fl-ibħra miftuħa fl-Artiku Ċentrali;

Rakkomandazzjonijiet u talbiet lill-Kummissjoni Ewropea

16. Jirrakkomanda u jitlob lill-Kummissjoni Ewropea:

(a) tinforma lill-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tal-ftehim u l-protokoll;

(b) tiżgura li l-implimentazzjoni tal-ftehim u l-protokoll tiegħu tikkontribwixxi għall-mitigazzjoni tat-tisħin globali u tippermetti l-adattament għall-effetti dejjem akbar tiegħu, għall-preservazzjoni u r-restawr tal-bijodiversità u għall-objettivi ta' sostenibbiltà tal-Patt Ekoloġiku, u tkun allinjata mal-objettivi tal-PKS;

(c) tiżgura l-applikazzjoni tal-approċċ prekawzjonarju għall-istokkijiet sfruttati u mmirati fil-preżent, bħall-bakkaljaw, id-dott u l-ħalibatt ta' Greenland;

(d) ittejjeb l-arranġamenti għall-ġbir u l-analiżi tad-data u l-aġġornament tas-sorveljanza tal-użu tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-UE għall-appoġġ settorjali, bil-ħsieb li tiġi żgurata ġestjoni sostenibbli tal-ħut maqbud mill-Ewropej u li l-kwoti mogħtija lill-bastimenti Ewropej huma fil-fatt għal stokkijiet żejda;

(e) tiżgura titjib fid-data disponibbli dwar id-daqs tal-flotta u l-isforz tas-sajd tal-flotot ta' sussistenza u tas-sajd fuq skala żgħira ta' Greenland;

(f) tiżgura li wara erba' snin il-protokoll jiġġedded għal sentejn oħra u tagħmel kull sforz biex tara li l-bastimenti Ewropej ikunu jistgħu jkomplu joperaw fl-ibħra ta' Greenland fuq bażi permanenti;

(g) tagħmel li tista' biex tara li ma jkunx hemm tnaqqis fl-opportunitajiet tas-sajd previsti fil-protokoll kull sena, sakemm ix-xjenza ma tiddettax dan il-bżonn;

(h) tittrasferixxi għall-2022 il-kwoti kollha mhux użati jew parti minnhom minħabba d-dewmien fl-applikazzjoni provviżorja tal-ftehim, skont l-aqwa pariri xjentifiċi;

(i) tħeġġeġ lil Greenland tiffirma l-ftehim tal-istati kostali dwar il-ġestjoni tal-kavall tal-Atlantiku;

(j) tiżġura li tingħata attenzjoni speċjali lix-xbieki tas-sajd mitlufa, il-ġbir tal-iskart fil-baħar, l-ekosistemi tal-baħar u l-ispeċijiet vulnerabbli, l-identifikazzjoni tal-ħabitats u l-qabdiet inċidentali tal-għasafar, partikolarment fil-kuntest tal-appoġġ settorjali;

(k) ittejjeb il-konnessjoni bejn l-SFPA UE-Greenland u d-Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Barranija;

(l) ittejjeb il-viżibilità u t-trasparenza fir-rigward tal-istrumenti internazzjonali għall-ġestjoni tal-istokkijiet fir-reġjun, bħall-RFMOs u l-ftehimiet tal-istati kostali għall-ġestjoni ta' ċerti stokkijiet; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza li jiġu segwiti r-rakkomandazzjonijiet xjentifiċi, inklużi l-effetti tat-tibdil fil-klima, kif ukoll li jittejbu l-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet fl-RFMOs, inklużi r-regoli tal-qbid;

(m) tidħol fi proċess ta' riflessjoni fit-tul dwar kif jistgħu jiġu fformalizzati r-relazzjonijiet mas-sħab tagħna fir-reġjun u titnaqqas l-instabbiltà li nħolqot bil-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, partikolarment fis-settur tas-sajd;

(n) tibda diskussjoni fit-tul dwar ir-rabta bejn l-SFPA ma' Greenland u l-ftehimiet dwar is-sajd man-Norveġja, inkluża l-interdipendenza tagħhom;

(o) tikkunsidra l-SFPA bis-sħiħ meta l-UE tkun qed tistabbilixxi l-pożizzjoni ġeostrateġika tagħha dwar l-Oċean Artiku;

 

°

° °

17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, ta' Greenland u tad-Danimarka.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

12.7.2021

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

24

0

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Clara Aguilera, Pietro Bartolo, François-Xavier Bellamy, Izaskun Bilbao Barandica, Isabel Carvalhais, Maria da Graça Carvalho, Rosanna Conte, Rosa D’Amato, Giuseppe Ferrandino, Søren Gade, Francisco Guerreiro, Anja Hazekamp, Niclas Herbst, Ladislav Ilčić, France Jamet, Pierre Karleskind, Predrag Fred Matić, Francisco José Millán Mon, Grace O’Sullivan, João Pimenta Lopes, Manuel Pizarro, Caroline Roose, Bert-Jan Ruissen, Annie Schreijer-Pierik, Peter van Dalen, Emma Wiesner, Theodoros Zagorakis

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Valentino Grant, Ska Keller, Gabriel Mato, Cláudia Monteiro de Aguiar, Elżbieta Rafalska

 


 

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

24

+

ECR

Ladislav Ilčić, Bert-Jan Ruissen

ID

France Jamet

PPE

François-Xavier Bellamy, Maria da Graça Carvalho, Peter van Dalen, Niclas Herbst, Francisco José Millán Mon, Annie Schreijer-Pierik, Theodoros Zagorakis

Renew

Izaskun Bilbao Barandica, Søren Gade, Pierre Karleskind, Emma Wiesner

S&D

Clara Aguilera, Pietro Bartolo, Isabel Carvalhais, Giuseppe Ferrandino, Predrag Fred Matić, Manuel Pizarro

The Left

João Pimenta Lopes

Verts/ALE

Rosa D'Amato, Grace O'Sullivan, Caroline Roose

 

0

-

 

 

 

4

0

ID

Rosanna Conte, Valentino Grant

The Left

Anja Hazekamp

Verts/ALE

Francisco Guerreiro

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

 

Aġġornata l-aħħar: 3 ta' Settembru 2021
Avviż legali - Politika tal-privatezza