RAPPORT li jinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-identifikazzjoni ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru bħala qasam ġdid ta' kriminalità elenkat fl-Artikolu 83(1) tat-TFUE
22.7.2021 - (2021/2035(INL))
Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi
Rapporteurs: Malin Björk, Diana Riba i Giner
(Inizjattiva – Artikolu 47 tar-Regoli ta' Proċedura)
(Proċedura tal-kumitat konġunt – Artikolu 58 tar-Regoli ta' Proċedura)
(Awturi tal-proposta: Malin Björk, Diana Riba i Giner)
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
li jinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-identifikazzjoni ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru bħala qasam ġdid ta' kriminalità elenkat fl-Artikolu 83(1) tat-TFUE
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 2 u l-Artikolu 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 8,10 u 19, l-Artikolu 83(1) u l-Artikolu 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 1 sa 4, 6 sa 8, 10 sa 12, 21, 23 sa 26, 47 u 49 tagħha,
– wara li kkunsidra r-rapporti ta' monitoraġġ tal-pajjiżi mill-Grupp ta' Esperti dwar l-Azzjoni kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Marzu 2020 bit-titolu "Unjoni ta' Ugwaljanza: Strateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2020-2025",
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Ġunju 2020 bit-titolu "Strateġija tal-UE dwar id-drittijiet tal-vittmi (2020-2025)",
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Novembru 2020 bit-titolu "Unjoni ta' Ugwaljanza: Strateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ 2020-2025",
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Novembru 2020 bit-titolu "Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar il-Ġeneru (Gender Action Plan, GAP) III – Aġenda ambizzjuża għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-għoti tas-setgħa lin-nisa fl-azzjoni esterna tal-UE",
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Marzu 2021 bit-titolu "l-Istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal",
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' April 2021 dwar l-Istrateġija tal-UE dwar il-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Bnedmin 2021-2025,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI[1],
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/99/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar l-Ordni Ewropea ta' Protezzjoni[2],
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI[3],
– wara li kkunsidra l-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti numru 5 "Ugwaljanza bejn il-Ġeneri",
– wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni Ġenerali Nru 33 dwar l-aċċess tan-nisa għall-ġustizzja tat-3 ta' Awwissu 2015 tal-Kumitat dwar l-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni kontra n-Nisa,
– wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni Ġenerali Nru 35 dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru kontra n-nisa, li taġġorna r-rakkomandazzjoni ġenerali Nru 19, tal-14 ta' Lulju 2017 tal-Kumitat għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni kontra n-Nisa,
– wara li kkunsidra l-istħarriġ tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali bit-titolu "Violence against women: an EU-wide survey" (Il-vjolenza kontra n-nisa: stħarriġ madwar l-UE kollha), ippubblikat fl-2014,
– wara li kkunsidra r-rapport mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali bit-titolu "Crime, safety and victims' rights", ippubblikat fl-2021,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Programm ta' Azzjoni ta' Pekin adottati mir-Raba' Konferenza Dinjija tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Nisa fil-15 ta' Settembru 1995 u d-dokumenti finali sussegwenti adottati fis-sessjonijiet speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti Pekin + 5 (2005), Pekin + 15 (2010) u Pekin + 20 (2015),
– wara li kkunsidra l-glossarju tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet miftiehma tal-ħamsa u sittin sessjoni tal-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Istatus tan-Nisa li saret bejn il-15 u s-26 ta' Marzu 2021;
– wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet tal-istrumenti legali tan-Nazzjonijiet Uniti fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw id-drittijiet tan-nisa, u strumenti oħra tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-vjolenza kontra n-nisa, inkluża d-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni tal-Vjolenza kontra n-Nisa tal-20 ta' Diċembru 1993,
- wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' April 2011 dwar prijoritajiet u punti prinċipali ta' qafas politiku ġdid tal-UE rigward il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa[4],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Frar 2014 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-ġlieda kontra l-Vjolenza Fuq in-Nisa[5],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2017 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, mill-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika[6],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Frar 2019 dwar ir-rigressjoni attwali tad-drittijiet tan-nisa u tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-UE[7],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Novembru 2019 dwar l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul u l-miżuri l-oħra biex tiġi miġġielda l-vjolenza abbażi tal-ġeneru[8],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Novembru 2020 dwar il-projbizzjoni de facto tad-dritt tal-abort fil-Polonja[9],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Jannar 2021 dwar il-perspettiva tal-ġeneru fil-kriżi tal-COVID-19 u fil-perjodu ta' wara l-kriżi[10],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Jannar 2021 dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri[11],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-10 ta' Frar 2021 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu[12],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Frar 2021 dwar l-isfidi li ġejjin għad-drittijiet tan-nisa fl-Ewropa: aktar minn 25 sena wara d-Dikjarazzjoni ta' Beijing u l-Pjattaforma ta' Azzjoni[13],
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà, ippubblikati fl-10 ta' Diċembru 2018,
– wara li kkunsidra d-dokument informattiv tan-Nazzjonijiet Uniti "COVID-19 and Ending Violence Against Women and Girls" (Il-COVID-19 u Tmiem tal-Vjolenza Kontra n-Nisa u l-Bniet), ippubblikat fl-2020[14],
– wara li kkunsidra l-opinjoni legali tal-Avukat Ġenerali fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea dwar il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika, li għandha l-għan li tiċċara l-inċertezza tad-dritt jekk u kif l-Unjoni tista' tikkonkludi u tirratifika l-Konvenzjoni, li saret fil-11 ta' Marzu 2021[15],
– wara li kkunsidra l-Artikoli 47 u 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet konġunti tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, kif ukoll tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi skont l-Artikolu 58 tar-Regoli ta' Proċedura,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, kif ukoll tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A9-0249/2021),
A. billi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hija valur ewlieni tal-Unjoni minqux fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u rikonoxxut fl-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-"Karta"); billi d-dritt għat-trattament ugwali u n-nondiskriminazzjoni huwa dritt fundamentali minqux fit-Trattati u fil-Karta; billi t-tmiem tal-vjolenza tal-irġiel kontra n-nisa u l-bniet huwa prerekwiżit għall-kisba ta' ugwaljanza reali bejn in-nisa u l-irġiel;
B. billi l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jirrikjedi li l-Unjoni, fl-attivitajiet kollha tagħha, għandha tfittex li telimina l-inugwaljanzi, u li tippromwovi l-ugwaljanza, bejn in-nisa u l-irġiel;
C. billi l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, kemm online kif ukoll offline, u n-nuqqas ta' aċċess għal protezzjoni adegwata huma l-aktar manifestazzjoni serja ta' diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru u jikkostitwixxu ksur tad-drittijiet fundamentali kif minqux fil-Karta, bħad-dritt għad-dinjità tal-bniedem, id-dritt għall-ħajja, id-dritt għall-integrità fiżika u mentali, il-projbizzjoni tat-tortura u t-trattament jew pieni inumani jew degradanti, il-projbizzjoni tal-jasar u tax-xogħol furzat, id-dritt għal-libertà u għas-sigurtà u d-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u tal-familja;
D. billi, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 83(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), abbażi tal-iżviluppi fil-kriminalità, il-Kunsill jista' jadotta deċiżjoni li tidentifika oqsma oħra ta' kriminalità partikolarment serji b'dimensjoni transfruntiera li tirriżulta min-natura jew l-impatt ta' dawn ir-reati jew minn ħtieġa speċjali li jiġu miġġielda fuq bażi komuni;
E. billi, meta jadotta deċiżjoni bħal din skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 83(1) tat-TFUE, il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu wara li jikseb il-kunsens tal-Parlament Ewropew;
F. billi l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) u l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (il-"Konvenzjoni ta' Istanbul") jiddefinixxu l-vjolenza abbażi tal-ġeneru kontra n-nisa bħala vjolenza diretta kontra mara minħabba li hija mara jew vjolenza li taffettwa lin-nisa b'mod sproporzjonat; billi "vjolenza kontra n-nisa" tfisser kwalunkwe att ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru li jirriżulta fi, jew li x'aktarx jirriżulta fi, ħsara jew tbatija fiżika, sesswali jew psikoloġika għan-nisa, inkluż it-theddid ta' tali atti, il-ġegħil jew it-tiċħid arbitrarju tal-libertà, kemm jekk iseħħu fil-pubbliku kif ukoll fil-ħajja privata;
G. billi l-persuni LGBTIQ+ huma wkoll vittmi ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru minħabba l-ġeneru, l-identità tal-ġeneru, l-espressjoni tal-ġeneru u l-karatteristiċi tas-sess tagħhom;
H. billi l-vjolenza abbażi tal-ġeneru kontra persuni LGBTIQ+ tinkludi vjolenza fiżika, vjolenza psikoloġika, żwiġijiet imġiegħla, vjolenza sesswali, inklużi l-istupru u l-fastidju sesswali "korrettivi", il-mutilazzjonijiet ġenitali ta' nisa u persuni intersesswali, l-isterilizzazzjoni mġiegħla ta' persuni trans u intersesswali, l-hekk imsejħa reati tal-"unur", it-terapija ta' konverżjoni, id-diskors ta' mibegħda kemm online kif ukoll offline, il-bullying u l-fastidju, it-tiċħid soċjoekonomiku u l-vjolenza li jseħħu fi ħdan il-familja u/jew l-unità domestika;
I. billi, skont il-Konvenzjoni ta' Istanbul, il-ġeneru huwa definit bħala "r-rwoli, l-imġibiet, l-attivitajiet u l-attributi mibnija soċjalment li soċjetà partikolari tikkunsidra xierqa għan-nisa u l-irġiel", li jfakkar li ħafna forom ta' vjolenza kontra n-nisa għandhom l-għeruq tagħhom fl-inugwaljanzi fil-poter bejn in-nisa u l-irġiel;
J. billi l-espressjoni "fid-diversità kollha tagħhom" f'dan ir-Rapport tfakkar li l-pożizzjoni li n-nisa, l-irġiel u l-persuni mhux binarji jaqgħu f'kategoriji eteroġeni, inkluż iżda mhux limitat għal dak li għandu x'jaqsam mar-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjonijiet politiċi jew kwalunkwe opinjoni oħra, is-sħubija f'minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età, l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru, l-espressjoni tal-ġeneru jew il-karatteristiċi tas-sess, l-istat ta' saħħa, l-istat ċivili jew l-istatus ta' migrant jew refuġjat; billi dik l-espressjoni tafferma l-impenn li ħadd ma jitħalla lura u li tinkiseb Ewropa ugwali bejn il-ġeneri għal kulħadd; billi ma jista' jsir l-ebda progress reali fl-ugwaljanza bejn il-ġeneri mingħajr approċċ intersezzjonali;
K. billi l-vjolenza abbażi tal-ġeneru għandha l-għeruq tagħha fl-istereotipi marbutin mal-ġeneru, l-istrutturi eteropatrijarkali u l-asimmetriji ta' poter u inugwaljanzi strutturali u istituzzjonali; billi l-vjolenza abbażi tal-ġeneru taffettwa l-oqsma kollha tas-soċjetà;
L. billi l-vjolenza abbażi tal-ġeneru hija mmirata lejn in-nisa u t-tfajliet fid-diversità kollha tagħhom u l-persuni LGBTIQ, xprunata minn xewqa li jiġu kkastigati dawk li jitqiesu li jmorru kontra n-normi soċjali dwar il-ġerarkija tal-ġeneri, l-espressjoni tal-ġeneru, u s-sistemi binarji tal-ġeneru; billi l-vjolenza abbażi tal-ġeneru għandha l-għan li tistabbilixxi, tinforza jew tipperpetwa l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri u ssaħħaħ in-normi u l-istereotipi tal-ġeneri;
M. billi l-EIGE jiddefinixxi l-"femminiċidju" bħala l-qtil tan-nisa u tal-bniet minħabba l-ġeneru tagħhom; billi l-femminiċidju jista' jieħu forom differenti bħall-qtil tan-nisa bħala riżultat ta' vjolenza minn sieħeb intimu, il-qtil tan-nisa u l-bniet minħabba l-ġeneru tagħhom, l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru, l-espressjoni tal-ġeneru jew il-karatteristiċi tas-sess, il-mutilazzjonijiet ġenitali femminili u intersesswali u l-hekk imsejħa "qtil għall-unur"; billi l-femminiċidji huma l-manifestazzjoni estrema ta' forom eżistenti ta' vjolenza kontra n-nisa u jirrappreżentaw l-att aħħari ta' vjolenza, li hija esperjenzata f'kontinwazzjoni ta' vjolenza; billi ħafna tipi ta' femminiċidju ma jingħaddux fiċ-ċifri uffiċjali u jibqgħu inviżibbli;
N. billi l-esponiment għall-vjolenza minn sieħeb intimu, kemm jekk fiżika, sesswali jew psikoloġika, għandu impatt serju fuq it-tfal u jipperpetwa l-abbuż għall-ġenerazzjonijiet futuri peress li t-tfal li jkunu esposti għal vjolenza minn sieħeb intimu kontra ommhom jew wieħed mill-ġenituri tagħhom għandhom aktar ċans li jesperjenzaw tali vjolenza aktar tard fil-ħajja, kemm bħala vittmi kif ukoll bħala awturi ta' reat; billi l-liġijiet li jipproteġu d-dinjità tat-tfal u li tirrikonoxxi t-tfal bħala vittma f'dawn il-każijiet għandha rwol kruċjali fil-protezzjoni kemm tan-nisa kif ukoll tat-tfal vittmi; billi l-liġijiet dwar il-kustodja jridu jkunu mfassla b'mod li ma jagħtux drittijiet ta' kustodja lill-awturi ta' vjolenza kontra s-sieħeb jew sieħba intima tagħhom;
O. billi l-vjolenza abbażi tal-ġeneru tinkludi ħafna tipi ta' vjolenza, inkluża l-vjolenza mingħand sieħeb intimu u l-vjolenza domestika; billi l-EIGE, b'mod simili għall-Konvenzjoni ta' Istanbul, jiddefinixxi l-vjolenza domestika bħala l-atti kollha ta' vjolenza fiżika, sesswali, psikoloġika jew ekonomika li jseħħu fi ħdan il-familja jew l-unità domestika, irrispettivament mir-rabtiet bijoloġiċi jew legali tal-familja, jew bejn il-konjuġi jew is-sħab attwali jew preċedenti, kemm jekk l-awtur ikun qiegħed jikkondividi jew kien jikkondividi l-istess residenza mal-vittma kif ukoll jekk le;
P. billi l-vjolenza abbażi tal-ġeneru fuq l-internet u l-fastidju sesswali fuq l-internet huma ta' natura transfruntiera; billi l-vjolenza fil-forma ta' vjolenza ċibernetika, inkluż il-fastidju online, il-bullying ċibernetiku, is-cyberstalking, id-diskors ta' mibegħda sessista, l-iżvelar mingħajr kunsens ta' ritratti sesswali, l-iżvelar ta' informazzjoni privata (doxing), is-serq tal-identità jew il-hacking, jaffettwaw b'mod sproporzjonat lin-nisa u lill-bniet;
Q. billi l-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet hija waħda mill-aktar forom ta' ksur mifruxa tad-drittijiet tan-nisa fl-Ewropa; billi l-istħarriġiet imwettqa mill-Unjoni juru li waħda minn kull tliet nisa fl-Unjoni, li tirrappreżenta 62 miljun mara, esperjenzat vjolenza fiżika u/jew sesswali sa mill-età ta' 15-il sena u waħda minn kull żewġ nisa (55 %) esperjenzat fastidju sesswali; billi l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) tirrapporta li madwar id-dinja, kważi terz (27 %) tan-nisa ta' bejn il-15 u d-49 sena li kienu f'relazzjoni rrapportaw li kienu soġġetti għal xi forma ta' vjolenza fiżika u/jew sesswali mis-sieħeb intimu tagħhom; billi d-WHO tirrapporta li madwar 38 % tal-qtil kollu tan-nisa jitwettaq minn sħab intimi;
R. billi hemm nuqqas ta' data diżaggregata aġġornata, komprensiva u komparabbli dwar kull forma ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru madwar l-Unjoni; billi n-nuqqas ta' data komparabbli huwa wkoll ir-riżultat ta' nuqqas ta' armonizzazzjoni fid-definizzjonijiet marbuta mal-vjolenza abbażi tal-ġeneru; billi data diżaggregata komprensiva u komparabbli hija essenzjali biex tiġi dokumentata l-vjolenza abbażi tal-ġeneru tal-persuna u l-kawżi ewlenin tagħha; billi l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali ppubblikat l-aħħar stħarriġ tagħha dwar il-vjolenza kontra n-nisa fl-2014, u billi l-aktar ċifri reċenti humiex disponibbli;
S. billi l-vjolenza abbażi tal-ġeneru ġġib magħha kosti importanti għas-soċjetajiet Ewropej tagħna, kemm f'termini ta' produzzjoni ekonomika mitlufa jew il-provvista ta' servizzi, inklużi servizzi tas-saħħa, legali, soċjali u speċjalizzati; billi, madankollu, l-ogħla kosti huma mġarrba mill-vittmi ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru li jkollhom jgħixu b'mod permanenti bil-konsegwenzi emozzjonali ta' dawk l-esperjenzi trawmatiċi; billi l-benesseri tal-vittmi tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru għandu jiggwida l-azzjoni tal-Unjoni;
T. billi l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19 irriżulta f'żieda drammatika fil-vjolenza abbażi tal-ġeneru, b'mod partikolari l-vjolenza minn sieħeb intimu, inklużi l-vjolenza fiżika u psikoloġika, il-kontroll koerċittiv, u l-vjolenza online; billi l-Istati Membri tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tal-Ewropa rrapportaw żieda ta' 60 % f'telefonati ta' emerġenza min-nisa soġġetti għall-vjolenza mis-sieħeb intimu tagħhom; billi l-miżuri ta' lockdown għamluha aktar diffiċli għall-vittmi ta' vjolenza minn sieħeb intimu li jfittxu l-għajnuna peress li ta' spiss huma kkonfinati ma' dawk li jabbużaw minnhom, u għandhom aċċess limitat għas-servizzi ta' appoġġ, u peress li strutturi u riżorsi insuffiċjenti ta' appoġġ aggravaw pandemija "parallela" diġà eżistenti;
U. billi l-edukazzjoni għandha rwol ċentrali x'taqdi sabiex tipprevjeni l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, b'mod partikolari billi tisfida n-normi soċjali negattivi li jmexxu dan il-fenomenu u billi tagħti s-setgħa liż-żgħażagħ biex jirrikonoxxu, jindirizzaw u jipprevjenu dawk l-atti;
V. billi l-vjolenza abbażi tal-ġeneru għadha mhix irrappurtata biżżejjed fl-Unjoni; billi żewġ terzi tal-vittmi ma jirrappurtawx il-vjolenza abbażi tal-ġeneru lill-awtoritajiet[16];
W. billi, skont l-EIGE, il-vittimizzazzjoni sekondarja, magħrufa wkoll bħala vittimizzazzjoni mill-ġdid, "tiġri meta l-vittma tbati aktar ħsara mhux bħala riżultat dirett tal-att kriminali iżda minħabba l-mod kif l-istituzzjonijiet u individwi oħrajn jittrattaw lill-vittma"; billi, skont l-EIGE, "il-vittimizzazzjoni sekondarja tista' tiġi kkawżata, pereżempju, minn esponiment ripetut tal-vittma għall-awtur, interrogazzjoni ripetuta dwar l-istess fatti, l-użu ta' lingwaġġ mhux xieraq jew kummenti insensittivi magħmula minn dawk kollha li jiġu f'kuntatt mal-vittmi";
X. billi l-vjolenza abbażi tal-ġeneru tista' titwettaq minn persuni f'pożizzjonijiet ta' awtorità, waqt li jitqiegħdu f'ambjenti ta' kustodja bħal ħabsijiet, faċilitajiet tas-saħħa mentali, ċentri ta' detenzjoni, faċilitajiet ta' assistenza soċjali u kampijiet tar-refuġjati; billi sitwazzjonijiet ta' affollament eċċessiv, livelli għoljin ta' stress u nuqqas ta' privatezza jistgħu jwasslu wkoll għal vjolenza abbażi tal-ġeneru; billi, bl-iżgurar li l-uffiċjali tal-pulizija jkunu mħarrġa b'mod speċjali biex ikollhom il-ħiliet personali biex jisimgħu, jifhmu u jirrispettaw lin-nisa kollha li esperjenzaw vjolenza abbażi tal-ġeneru, dawn ikunu jistgħu jgħinu biex jindirizzaw in-nuqqas ta' rappurtar, ir-rivittimizzazzjoni u joħolqu ambjent aktar sikur għas-superstiti ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru;
Y. billi l-iżgurar ta' aċċess bi prezz raġonevoli u sikur għal sistema ġudizzjarja indipendenti huwa indispensabbli għall-promozzjoni ta' ambjent aktar sikur għas-superstiti kollha ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru; billi l-ġlieda effettiva kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru timplika l-istabbiliment ta' programmi ta' taħriġ għall-professjonisti involuti bħall-ħaddiema soċjali, il-fornituri tal-kura tas-saħħa, l-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi, il-persuni li jaħdmu fis-sistema ġudizzjarja, sabiex ikunu jistgħu jidentifikaw, jindirizzaw u jirrispondu għall-vjolenza abbażi tal-ġeneru;
Z. billi r-rati ta' kundanna għal dawk li jwettqu l-vjolenza kontra n-nisa, u b'mod partikolari l-vjolenza sesswali li tinkludi l-istupru u l-attakk sesswali, huma baxxi b'mod inaċċettabbli fl-Istati Membri kollha, u dan juri li hemm nuqqasijiet sistematiċi fil-mod kif l-infurzar tal-liġi jindirizza l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, u billi dan jirriżulta f'kultura mifruxa ta' impunità u ta' xkiel serju għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru;
AA. billi l-vjolenza sesswali hija parti minn kontinwazzjoni ta' diskriminazzjoni fuq il-bażi ta' sess u ġeneru u vjolenza marbuta mill-qrib ma' inugwaljanzi persistenti u attakki usa' fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-drittijiet tal-bniedem tan-nisa u l-bniet;
AB. billi l-Konvenzjoni ta' Istanbul hija l-aktar strument komprensiv fl-Ewropa fil-ġlieda kontra forom speċifiċi ta' vjolenza maskili fuq in-nisa u l-bniet, kif ukoll kontra l-vjolenza domestika; billi l-Konvenzjoni ta' Istanbul tistabbilixxi qafas komprensiv ta' miżuri legali u ta' politika għall-prevenzjoni ta' vjolenza bħal din, għall-appoġġ lill-vittmi u għall-ikkastigar tal-awturi;
AC. billi l-kampanji ta' diżinformazzjoni li jimminaw l-ugwaljanza bejn il-ġeneri jimblukkaw ukoll il-progress dwar il-kwistjoni li tiġi eliminata l-vjolenza kontra n-nisa, kif ġie osservat fir-rigward tal-Konvenzjoni ta' Istanbul, u dan iwassal għal oppożizzjoni pubblika u deċiżjonijiet politiċi dannużi f'xi Stati Membri;
AD. billi l-Konvenzjoni ta' Istanbul ġiet iffirmata mill-Istati Membri kollha u rratifikata minn 21; billi l-Bulgarija, iċ-Ċekja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja u s-Slovakkja għadhom ma rratifikawx il-Konvenzjoni ta' Istanbul; billi l-Polonja ħabbret l-intenzjoni tagħha li tirtira mill-Konvenzjoni ta' Istanbul; billi l-irtirar tat-Turkija mill-Konvenzjoni ta' Istanbul jistabbilixxi preċedent ħażin; billi l-Konvenzjoni ta' Istanbul għadha ma ġietx ratifikata mill-Unjoni;
AE. billi l-ksur tad-drittijiet tan-nisa huwa ta' natura internazzjonali, transfruntiera u mal-Ewropa kollha; billi n-nisa u l-bniet fl-Ewropa u vittmi oħra ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru ma jibbenefikawx mill-istess livell ta' protezzjoni kontra l-vjolenza madwar l-Unjoni, minħabba oqfsa leġiżlattivi nazzjonali differenti u l-mekkaniżmi ta' protezzjoni u prevenzjoni;
AF. billi l-azzjoni tal-Unjoni li għandha l-għan li teqred il-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet u forom oħra ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru tesiġi li l-Kummissjoni ssegwi diversi toroq paralleli, kemm leġiżlattivi kif ukoll mhux leġiżlattivi, inkluż li tipproponi l-identifikazzjoni ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru bħala qasam ta' reat li jilħaq il-kriterji speċifikati fl-Artikolu 83(1) tat-TFUE u, fl-istess ħin tipproponi direttiva dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru bl-użu ta' dak l-artikolu bħala bażi legali;
AG. billi l-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru hija prijorità ewlenija tal-Istrateġija tal-Unjoni għall-Ugwaljanza bejn l-Ġeneri u tal-azzjoni esterna tal-Unjoni; billi fil-programm ta' ħidma tagħha għall-2021, il-Kummissjoni ħabbret proposta leġiżlattiva ġdida għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru bbażata fuq l-Artikoli 82, 83 u 84 tat-TFUE, kif ukoll proposta speċifika biex tiġi estiża l-lista tal-oqsma ta' reati partikolarment serji b'dimensjoni transfruntiera stabbilita fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 83(1) tat-TFUE biex tinkludi kull forma ta' reati ta' mibegħda u diskors ta' mibegħda; billi l-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru hija fost il-prijoritajiet tal-President tal-Kummissjoni[17].
Il-kawżi u l-impatt tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-iżgurar ta' approċċ olistiku fil-prevenzjoni tagħha
1. Jikkundanna l-forom kollha ta' vjolenza kontra n-nisa u l-bniet fid-diversità kollha tagħhom u f'forom oħra ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru, bħall-vjolenza kontra l-persuni LGBTIQ+ abbażi tal-ġeneru, tal-identità tal-ġeneru, tal-espressjoni tal-ġeneru jew tal-karatteristiċi tas-sess, li titqies li tirreferi għal atti differenti ta' vjolenza online u offline li jirriżultaw fi, jew x'aktarx li jirriżultaw fi, ħsara jew tbatija fiżika, sesswali, psikoloġika jew ekonomika;
2. Jenfasizza li, minħabba l-lockdown u l-miżuri ta' tbegħid soċjali matul il-pandemija tal-COVID-19, kien hemm żieda inkwetanti fil-vjolenza abbażi tal-ġeneru esperjenzata min-nisa u mill-bniet madwar l-Unjoni, inklużi l-vjolenza mis-sħab intimi, il-vjolenza fiżika, sesswali, ekonomika u psikoloġika, il-kontroll koerċittiv u l-vjolenza ċibernetika, li jirriżultaw fi ħtieġa kbira ta' servizzi ta' appoġġ għal dawk il-vittmi;
3. Jinsisti li meta tiġi indirizzata l-vjolenza kontra n-nisa, id-definizzjoni ta' "nisa" trid tinkludi bniet taħt l-età ta' 18-il sena;
4. Jiddenunzja l-femminiċidju bħala l-forma l-aktar estrema ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru kontra n-nisa u l-bniet; jissottolinja li l-femminiċidju huwa ksur serju ħafna tad-drittijiet tal-bniedem u li l-Unjoni għandha tiżviluppa pjan biex tiġi evitata u miġġielda l-vjolenza, jiġu identifikati s-sitwazzjonijiet ta' riskju, jingħata appoġġ u protezzjoni lill-vittmi;
5. Jisħaq li l-vjolenza kontra n-nisa u forom oħra ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru għadhom mistura fis-silenzju u huma r-riżultat tal-manifestazzjoni kontinwa ta' aċċess u tqassim tal-poter u r-riżorsi storikament mhux ugwali, li wasslu għal dominazzjoni fuq in-nisa u diskriminazzjoni kontrihom mill-irġiel kif ukoll vjolenza diretta fil-konfront tal-persuni LGBTIQ+, b'impatt kbir fuq il-vittmi, il-familji u l-komunitajiet tagħhom;
6. Jilqa' l-moviment #MeToo, li jissimbolizza l-vuċi tan-nisa li jegħlbu s-silenzju marbut mal-fastidju sesswali u l-vjolenza sesswali fuq in-nisa fid-diversità kollha tagħhom fost l-etajiet, is-setturi u l-postijiet kollha; jiddenunzja l-fatt li f'xi pajjiżi l-vittmi tal-fastidju sesswali u l-vjolenza sesswali qegħdin jiġu mixlija dejjem aktar u saħansitra kkundannati għall-malafama, u b'hekk joħolqu effett dissważiv, vittimizzazzjoni mill-ġdid u jsikktu lin-nisa li jazzardaw jitkellmu;
7. Jirrikonoxxi li sar progress lejn l-ugwaljanza bis-saħħa tat-taqbida qalila femminista kontra l-oppressjoni globali tan-nisa u l-bniet;
8. Jissottolinja li din is-sitwazzjoni hija aggravata mill-inugwaljanzi soċjali u ekonomiċi u t-tnaqqis sinifikanti fil-finanzjament disponibbli speċjalment waqt żmien ta' kriżi, bl-effett konsegwenti tad-differenza fil-pagi u l-pensjonijiet, il-femminilizzazzjoni ta' xogħol prekarju u kundizzjonijiet ta' għajxien aktar prekarji għan-nisa; jenfasizza li dawk l-inugwaljanzi u l-iżbilanċi fil-poter huma ta' natura trasversali u globali, komuni għat-territorju kollu tal-Unjoni, u mhux limitati għal Stati Membri speċifiċi;
9. Jissottolinja li n-normi riġidi dwar il-ġeneru bbażati fuq stereotipi patrijarkali jikkontribwixxu għad-diskriminazzjoni u s-sottomissjoni tan-nisa, inklużi l-leżbjani, in-nisa bisesswali, trans u intersesswali, iwasslu għal żieda fl-esponiment għall-vjolenza abbażi tal-ġeneru għal kull min ma jikkonformax magħhom u jikkontribwixxu għall-inviżibbiltà tal-vjolenza mġarrba mill-irġiel omosesswali, bisesswali u intersesswali;
10. Jisħaq fuq l-importanza li, permezz tal-edukazzjoni, jiġu indirizzati u promossi l-istatus ugwali u r-relazzjoni tal-poter bejn l-irġiel u n-nisa u bejn is-subien u l-bniet, u jiġu eliminati l-preġudizzji u l-istereotipi marbuta mal-ġeneru li jwasslu għal normi soċjali dannużi tal-ġeneri; jiddeplora l-għadd għoli ta' każijiet ta' vjolenza mmirati lejn in-nisa fid-diversità kollha tagħhom, inklużi l-leżbjani, in-nisa bisesswali u trans, kif ukoll il-persuni trans, intersesswali u mhux binarji;
11. Jissottolinja l-firxa wiesgħa ta' impatti psikoloġiċi li l-vjolenza abbażi tal-ġeneru għandha fuq il-vittmi, inklużi l-istress, li wieħed iħossu mhux sigur u vulnerabbli, il-problemi ta' konċentrazzjoni, l-ansjetà, l-attakki ta' paniku, l-iżolament soċjali, stima personali baxxa, dipressjoni, disturb minn stress postrawmatiku, nuqqas ta' fiduċja u sens ta' kontroll, kif ukoll biża' jew ħsibijiet suwiċidali; jissottolinja l-importanza tal-forniment ta' servizzi tas-saħħa mentali għall-vittmi ta' dawk ir-reati, li spiss jiġu pprovduti wkoll mill-NGOs u mill-atturi tas-soċjetà ċivili;
12. Ifakkar li l-vjolenza abbażi tal-ġeneru għandha wkoll impatt demokratiku, soċjali u ekonomiku, bħan-nuqqas ta' aċċess għall-impjiegi, l-iżolament, l-irtirar mill-ħajja pubblika jew in-nuqqas ta' riżorsi materjali jew finanzjarji, li jsaħħu l-pożizzjoni żvantaġġata tan-nisa; jisħaq li l-vjolenza abbażi tal-ġeneru hija eżerċitata bħala forma ta' kontroll koerċittiv fuq in-nisa li jipprevjeni l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, il-mobbiltà soċjali, it-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomija u l-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom bħala ċittadini tal-Unjoni, inkluż il-parteċipazzjoni ċivika sħiħa tagħhom u l-iżvilupp liberu ta' ħajjithom mingħajr vjolenza;
13. Jenfasizza l-impatt ekonomiku detrimentali li l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, u l-kwistjonijiet sussegwenti dwar is-saħħa mentali li tikkawża, jista' jkollhom fuq il-vittmi, inkluża l-kapaċità tagħhom li jfittxu impjieg u l-piż finanzjarju impost fuqhom billi jieħdu azzjoni legali u jindika li l-ispejjeż tas-soċjetà annwali stmati tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru (EUR 290 biljun) (bejn EUR 49 biljun u EUR 89.3 biljun għall-fastidju ċibernetiku u l-imblukkar ċibernetiku) jaqbżu l-kostijiet annwali stmati ta' reati partikolarment serji kif elenkati fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 83(1) tat-TFUE[18];
14. Jisħaq li l-Konvenzjoni ta' Istanbul tibqa' l-istandard internazzjonali u għodda ewlenija għall-qerda tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru billi jsegwi approċċ olistiku u kkoordinat li jqiegħed id-drittijiet tal-vittma fiċ-ċentru u jindirizza l-kwistjonijiet minn firxa wiesgħa ta' perspettivi; itenni l-appell tiegħu biex tiġi konkluża r-ratifika mill-Unjoni tal-Konvenzjoni ta' Istanbul abbażi ta' adeżjoni wiesgħa, u jenfasizza l-importanza tar-ratifika tagħha mill-Bulgarija, miċ-Ċekja, mill-Ungerija, mil-Latvja, mil-Litwanja u mis-Slovakkja; jinnota bi tħassib it-tentattivi f'xi Stati Membri biex tixxerred diżinformazzjoni dwar il-Konvenzjoni ta' Istanbul, bħaċ-ċaħda tal-eżistenza ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru; jikkundanna l-fatt li din id-diżinformazzjoni qed taqbad fl-Ewropa u b'hekk qed tikkontribwixxi għad-diffikultà tal-protezzjoni tad-drittijiet tan-nisa;
15. Jindika li l-Konvenzjoni ta' Istanbul għandha tinftiehem bħala l-istandard minimu biex tinqered il-vjolenza abbażi tal-ġeneru u li l-Unjoni għandha ssegwi miżuri leġiżlattivi saħansitra aktar deċiżivi u effettivi f'dan ir-rigward; ifakkar li tali miżuri leġiżlattivi ġodda għandhom fi kwalunkwe każ ikunu konsistenti mad-drittijiet u l-obbligi stabbiliti mill-Konvenzjoni ta' Istanbul u għandhom ikunu komplementari għar-ratifika tagħha; jistieden lill-Istati Membri jqisu r-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Esperti dwar l-Azzjoni kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika u jtejbu l-liġi nazzjonali biex tiġi allinjata aktar mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Istanbul sabiex jiġu żgurati implimentazzjoni u infurzar xierqa;
16. Jiddenunzja l-fatt li l-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru hija affettwata b'mod negattiv mill-attakki fuq id-drittijiet tan-nisa u tal-bniet u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jikkundanna l-azzjonijiet ta' movimenti kontra l-ġeneru u kontra n-nisa fl-Ewropa u madwar id-dinja li sistematikament jattakkaw id-drittijiet tan-nisa u l-LGBTIQ+, inklużi d-drittijiet sesswali u riproduttivi, u għandhom l-għan li jibdlu l-liġijiet eżistenti li jipproteġuhom, u b'hekk ipoġġu f'periklu r-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt; jikkundanna d-diżinformazzjoni kollha li tinxtered b'mod deliberat dwar il-Konvenzjoni ta' Istanbul u għodod u inizjattivi oħra għall-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa fl-Unjoni, li jxekklu l-protezzjoni tan-nisa mill-vjolenza; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jirċievu appoġġ u finanzjament mill-Unjoni ma jippromwovux id-diskriminazzjoni bejn il-ġeneri;
17. Jistieden lill-Kummissjoni żżid u tiżgura finanzjament fit-tul iddedikat għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet u forom oħra ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru permezz tal-Programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri, inkluż l-appoġġ għal organizzazzjonijiet ta' kenn u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili li jaħdmu f'dak il-qasam; itenni l-importanza li jintużaw punti ta' riferiment u indikaturi biex jitkejjel il-progress;
18. Jisħaq li hemm differenzi sostanzjali fid-definizzjoni legali u t-trattament ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru fl-Istati Membri; jindika li dan ifixkel bil-kbir l-azzjonijiet leġiżlattivi tal-Unjoni kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, inklużi d-Direttivi 2012/29/UE, 2011/36/UE u 2011/99/UE;
19. Jenfasizza l-importanza tal-miżuri preventivi fil-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet; jinnota li tali miżuri jeħtieġu attenzjoni aktar ċara kemm fil-ġudikatura kollha kif ukoll fl-iskejjel u fil-kura tas-saħħa biex jiġi evitat u minimizzat ir-riskju tal-vjolenza;
20. Jinsisti fuq azzjonijiet li jindirizzaw l-kawżi sottostanti tal-inugwaljanza bejn il-ġeneri, inkluż il-ġlieda kontra s-sessiżmu, l-istereotipi marbuta man-normi patrijarkali tal-ġeneru u l-valuri; jesprimi dispjaċir għan-nuqqas ta' riċerka u għarfien li jiffurmaw il-pedament għal politika u tfassil tal-liġi effettivi fil-prevenzjoni ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru; jistieden, għalhekk, lill-EIGE u lill-Eurostat jaġixxu bħala hub ta' għarfien dwar il-vjolenza kontra l-bniet fl-Unjoni; jissottolinja l-fatt li l-vjolenza tal-irġiel kontra n-nisa tibda bil-vjolenza tas-subien kontra l-bniet; jikkunsidra, għalhekk, li l-miżuri preventivi jridu jibdew minn età bikrija; jissottolinja l-ħtieġa li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri jkollha post ċentrali fl-edukazzjoni u jappella għal miżuri edukattivi mmirati lejn iż-żgħażagħ u implimentati magħhom, inkluża informazzjoni adatta għall-età, edukazzjoni komprensiva dwar is-sesswalità, l-iżvilupp ta' relazzjonijiet mhux vjolenti, taħriġ ta' awtodifiża femminili fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 12(6) tal-Konvenzjoni ta' Istanbul u l-paragrafu 125(g) tal-objettiv strateġiku D.1. tal-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing, u azzjonijiet aktar ġenerali biex jiġu miġġielda s-segregazzjoni, l-inugwaljanza bejn il-ġeneri u d-diskriminazzjoni;
21. Jisħaq li l-attakk kontra d-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri ħafna drabi huwa dimensjoni waħda ta' deterjorament usa' fis-sitwazzjoni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jikkunsidraw il-ksur tad-drittijiet tan-nisa u l-LGBTI+ fil-kuntest tal-proċedimenti li għaddejjin tal-Artikolu 7 tat-TUE;
22. Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' kampanji ta' sensibilizzazzjoni madwar l-Unjoni kollha li jinkludu informazzjoni mmirata lejn l-edukazzjoni ta' ċittadini iżgħar fl-età tal-Unjoni dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u dwar l-impatt tal-vjolenza online u offline abbażi tal-ġeneru, li jappoġġja l-isforzi biex jiġi żgurat li n-nisa u l-bniet ikunu jistgħu jgħixu ħajjithom b'mod liberu u sikur fl-oqsma kollha;
23. Jistieden lill-Kummissjoni taħdem flimkien mal-Istati Membri biex tiżgura li l-vjolenza abbażi tal-ġeneru tiġi indirizzata b'mod effettiv fil-kurrikuli nazzjonali kollha; jilqa' proposta tal-Kummissjoni għal kampanja madwar l-Ewropa dwar l-istereotipi abbażi tal-ġeneru inklużi fl-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri u l-impenn tagħha fir-rigward ta' "l-edukazzjoni tas-subien u tal-bniet minn età bikrija dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-appoġġ għall-iżvilupp ta' relazzjonijiet mhux vjolenti" bħala essenzjali għal prevenzjoni effettiva;
24. Jisħaq fuq l-importanza tal-promozzjoni tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri dwar il-kwistjoni tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru, li tippermetti wkoll lill-Istati Membri b'politiki ta' suċċess li jaqsmu l-esperjenzi tagħhom permezz tal-iskambju tal-aħjar prattiki;
25. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtejbu d-disponibbiltà u l-komparabbiltà ta' data diżaggregata ta' kwalità dwar kull forma ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru fil-livell tal-Unjoni u nazzjonali u għall-armonizzazzjoni ta' sistemi ta' ġbir ta' data fost l-Istati Membri permezz ta' kooperazzjoni mal-Eurostat, mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali u mal-EIGE; jemmen li data ta' kwalità se tkun essenzjali għal miri ċari u li jistgħu jitkejlu fl-eliminazzjoni ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru; jilqa' t-tħabbira ta' stħarriġ ġdid madwar l-Unjoni kollha mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali dwar il-prevalenza u d-dinamika ta' kull forma ta' vjolenza kontra n-nisa;
26. Jisħaq li sabiex nifhmu aktar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru fi ħdan l-Unjoni, jeħtieġ li jiġi żgurat li tal-inqas il-kategoriji li ġejjin jiġu inklużi fil-ġbir tad-data, fil-livell ta' intervent tal-infurzar tal-liġi: (a) il-ġeneru tal-vittma; (b) il-ġeneru tal-awtur ta' reat; (c) ir-relazzjoni bejn il-vittma u l-awtur ta' reat; (d) l-eżistenza ta' dimensjoni ta' vjolenza sesswali; (e) jekk il-vjolenza għandhiex motivazzjoni abbażi tal-ġeneru, u (f) karatteristiċi soċjodemografiċi oħra rilevanti għal analiżi intersezzjonali; jisħaq li, minbarra dik id-data, huwa neċessarju li jkun hemm data ġenerali dwar in-numru ta' lmenti, in-numru u t-tipi ta' ordnijiet ta' protezzjoni maħruġa, ir-rati ta' tkeċċija u rtirar ta' ilmenti, ir-rati ta' prosekuzzjoni u kundanni, iż-żmien meħud għall-għeluq ta' każijiet, l-informazzjoni dwar is-sentenzi imposti fuq l-awturi u r-riparazzjoni, inkluż kumpens ipprovdut lill-vittmi, inċidenti rrapportati bħala għajnuna jew servizzi tas-saħħa u servizzi soċjali li jittrattaw każijiet ta' vjolenza kontra n-nisa u stħarriġiet kampjunarji;
L-indirizzar ta' kull forma ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru
27. Jenfasizza l-ħtieġa ta' leġiżlazzjoni u politiki mmirati b'approċċ intersezzjonali biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni tal-vittmi ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru li jesperjenzaw forom intersezzjonali ta' diskriminazzjoni bbażati fuq il-ġeneru, l-espressjoni tal-ġeneru jew il-karatteristiċi tas-sess u fuq raġunijiet oħra bħar-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew kwalunkwe opinjoni oħra, is-sħubija f'minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età, l-orjentazzjoni sesswali, l-istat tas-saħħa, l-istat ċivili jew l-istat ta' migrazzjoni jew ta' refuġjat; jenfasizza l-ħtieġa fit-tfassil tal-politika u l-liġijiet li jiżdiedu impriżi speċifiċi u li jistgħu jitkejlu, inkluż dawk relatati ma' gruppi protetti mid-diskriminazzjoni mid-dritt tal-Unjoni u l-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea;
28. Jappella lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni fil-ħidma tagħhom biex jiġġieldu l-vjolenza abbażi tal-ġeneru biex jiżguraw li l-inizjattivi leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi kollha jkunu mmirati li jeqirdu l-forom kollha ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru, speċifikament li jinkludu lin-nisa fid-diversità u l-vjolenza kollha tagħhom kontra l-persuni LGBTIQ+ abbażi tal-identità tal-ġeneru, l-espressjoni tal-ġeneru u l-karatteristiċi tas-sess; ifakkar li l-Parlament preċedentement ħeġġeġ bil-qawwa lill-Istati Membri jadottaw liġijiet u politiki li jipprojbixxu t-terapija ta' konverżjoni, il-mutilazzjoni ġenitali femminili u intersesswali u l-prattiki ta' sterilizzazzjoni furzata;
29. Jisħaq li l-vjolenza abbażi tal-ġeneru hija ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u d-dinjità li tista' tieħu l-forma ta' vjolenza psikoloġika, fiżika, sesswali u ekonomika, u tinkludi, fost l-oħrajn, il-femiċidji, il-vjolenza minn sieħeb intimu, il-fastidju sesswali, il-vjolenza ċibernetika, l-istalking, l-istupru, iż-żwieġ bikri u mġiegħel, il-mutilazzjoni ġenitali femminili, ir-reati mwettqa f'isem l-hekk imsejjaħ "unur", l-abort imġiegħel, l-isterilizzazzjoni mġiegħla, l-isfruttament sesswali u t-traffikar tal-bnedmin, il-vjolenza istituzzjonali, il-vjolenza tat-tieni ordni, il-vjolenza permezz ta' terzi u l-vittimizzazzjoni sekondarja;
30. Ifakkar li t-traffikar ta' bnedmin u l-isfruttament sesswali huma forma ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru kontra n-nisa u l-bniet u jisħaq fuq l-importanza ta' approċċ sensittiv għall-ġeneru lejn it-traffikar tal-bnedmin;
31. Jikkundanna l-fenomeni ta' vjolenza tat-tieni ordni li hija l-vjolenza fiżika jew psikoloġika, tpattija, l-umiljazzjoni u l-persekuzzjoni eżerċitata kontra persuni li jappoġġjaw lill-vittmi ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru; jisħaq li dawk l-atti jfixklu l-prevenzjoni, id-detezzjoni, l-appoġġ u l-irkupru tan-nisa f'sitwazzjonijiet ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru;
32. Huwa mħasseb ħafna dwar in-natura, il-firxa u l-gravità tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-fastidju fuq il-post tax-xogħol; jilqa' f'dak ir-rigward il-Konvenzjoni Nru 190 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar il-vjolenza u l-fastidju fid-dinja tax-xogħol li ġiet adottata reċentement u jistieden lill-Istati Membri biex jirratifikawha u jimplimentawha mingħajr dewmien; jistieden ukoll lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkompletaw b'mod adegwat il-qafas eżistenti għal miżuri effettivi biex jipprojbixxu l-vjolenza u l-fastidju fuq il-post tax-xogħol, kif ukoll miżuri preventivi, aċċess effettiv għal mekkaniżmi ta' rikors u soluzzjoni tat-tilwim li jirrispondu għall-ġeneru, sikuri u effettivi, kampanji ta' taħriġ u sensibilizzazzjoni, servizzi ta' appoġġ u rimedji psikoloġiċi;
33. Jinsisti li l-vjolenza ċibernetika, inkluż il-fastidju sesswali u psikoloġiku fuq l-internet, is-cyberbullying, is-cyberstalking, it-tixrid mingħajr kunsens ta' ritratti sesswali, id-diskors sessist ta' mibegħda fuq l-internet u forom ġodda ta' fastidju online bħaż-zoom bombing jew theddid online, tikkostitwixxi forom ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru;
34. Jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-vjolenza ċibernetika taffettwa b'mod sproporzjonat lin-nisa u lill-bniet u qed issir dejjem aktar komuni; ifakkar li l-vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru hija kontinwazzjoni tal-vjolenza offline, u hija inseparabbli minnha, peress li t-tnejn huma interkonnessi; jisħaq li l-vjolenza ċibernetika thedded il-progress fir-rigward tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u għandha effett ta' trażżin, li huwa ta' detriment għall-prinċipji demokratiċi tal-Unjoni; jesprimi dispjaċir għall-fatt li n-nisa bi profil pubbliku, bħal politiċi, ġurnalisti, artisti u attivisti, ħafna drabi jkunu l-mira ta' vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru bl-intenzjoni li tiġi skoraġġuta l-parteċipazzjoni sħiħa tagħhom fil-ħajja pubblika u fl-isferi fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet;
35. Jisħaq fuq in-natura transfruntiera tal-vjolenza ċibernetika, bl-awturi jużaw pjattaformi jew mowbajls konnessi ma' Stati Membri għajr fejn tinsab il-vittma, jew ospitati minnhom; jenfasizza l-ħtieġa ta' approċċ ikkoordinat tal-Unjoni biex jittejbu għodod ta' rapportar f'waqthom u aċċessibbli, mekkaniżmi effettivi għat-tneħħija tal-kontenut, u kooperazzjoni effettiva bejn il-pjattaformi online u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri għall-ġlieda kontra l-vjolenza online abbażi tal-ġeneru f'konformità sħiħa mad-drittijiet fundamentali;
36. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jadottaw miżuri speċifiċi biex tinqered kull forma ta' vjolenza online, inkluż permezz ta' taħriġ xieraq għall-uffiċċjali tal-infurzar, li jaffettwa b'mod sproporzjonat lin-nisa u lill-bniet, u jindirizzaw b'mod speċifiku ż-żieda f'dawn il-forom ta' vjolenza matul il-pandemija tal-COVID-19;
37. Ifakkar li l-ksur tad-drittijiet sesswali u riproduttivi, inklużi l-vjolenza sesswali, il-vjolenza ġinekoloġika u ostetrika u l-prattiki dannużi, huma forma ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru kontra n-nisa u l-bniet u persuni transġeneru u mhux binarji, kif rifless fl-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ, u huma xkiel għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri;
38. Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tippromwovi skambji regolari ta' prattiki tajba bejn l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati dwar id-drittijiet sesswali u riproduttivi, fil-proposti tagħha għal miżuri addizzjonali għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra forom ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru;
39. Jenfasizza l-fatt li l-isfurzar riproduttiv u ċ-ċaħda ta' kura sikura u legali għall-abort huma wkoll forma ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru; jisħaq li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet f'diversi okkażjonijiet li l-liġijiet restrittivi dwar l-abort u n-nuqqas ta' implimentazzjoni jiksru d-drittijiet tal-bniedem tan-nisa; jisħaq li l-awtonomija tal-bniet u n-nisa u l-kapaċità ta' deċiżjonijiet liberi u indipendenti dwar ġisimhom u ħajjithom huma prerekwiżiti għall-indipendenza ekonomika tagħhom, għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri u għall-eliminazzjoni tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru; jikkundanna bil-qawwa l-attakk kontra d-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-Unjoni, b'mod partikolari l-ostaklu għas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi tan-nisa u l-projbizzjoni de facto tal-abort sikur u legali fil-Polonja;
40. Jiddeplora n-nuqqasijiet viżibbli fis-sistema tal-infurzar tal-liġi, li jirriżultaw f'rati baxxi ta' kundanni f'każijiet ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru kontra n-nisa u l-bniet, u impunità għall-awturi ta' reat; jistieden lill-Istati Membri kollha jemendaw id-definizzjonijiet tal-"vjolenza sesswali" u l-"istupru" fil-liġi nazzjonali tagħhom sabiex ikunu bbażati fuq in-nuqqas ta' kunsens, kif stabbilit fil-Konvenzjoni ta' Istanbul;
41. Huwa mħasseb dwar is-sesswalizzazzjoni tat-tfal, speċjalment is-sesswalizzazzjoni tal-bniet mill-irġiel; jikkunsidra li huwa essenzjali li tissaħħaħ il-protezzjoni pprovduta skont il-liġijiet kriminali dwar ir-reati sesswali kontra t-tfal, b'mod partikolari meta l-awtur juri negliġenza fir-rigward tal-età tat-tfal;
42. Jissottolinja li n-nisa u l-bniet b'diżabilità huma darbtejn sa ħames darbiet aktar probabbli li jesperjenzaw diversi forom ta' vjolenza; jenfasizza li l-Unjoni hija obbligata, bħala parti għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità, tieħu miżuri biex tiżgura r-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali kollha tan-nisa u tal-bniet b'diżabilità; jinnota li l-Unjoni għandha tmexxi 'l quddiem l-isforzi tagħha f'dik id-direzzjoni, fost l-oħrajn, billi tirratifika l-Konvenzjoni ta' Istanbul;
43. Jisħaq li n-nisa minn minoritajiet, u b'mod partikolari, nisa Rom u Musulmani, inklużi dawk li jilbsu lbies reliġjuż, huma affettwati b'mod sproporzjonat minn vjolenza abbażi tal-ġeneru, b'mod partikolari, fl-ispazju pubbliku, fuq il-post tax-xogħol u online; jenfasizza li l-vjolenza abbażi tal-ġeneru kontra n-nisa Rom u Musulmani għandha tiġi indirizzata b'approċċ intersezzjonali li jqis id-diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru flimkien mad-diskriminazzjoni abbażi tar-reliġjon u l-etniċità;
44. Jinnota li l-Kummissjoni jeħtiġilha tindirizza s-sitwazzjoni partikolari tal-protezzjoni tan-nisa migranti kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, b'mod partikolari każijiet ta' vjolenza minn sieħeb intimu fejn l-istatus ta' residenza tal-vittma jiddependi mill-koabitazzjoni jew l-istat ċivili, u jfakkar li skont id-Direttiva 2012/29/UE, l-aċċess għal protezzjoni xierqa, għal servizzi ta' appoġġ u għal rimedji effettivi jrid ikun disponibbli għall-vittmi kollha ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru, inkluż id-dritt li jirċievu informazzjoni u li jkunu jistgħu jipparteċipaw fi proċedimenti kriminali, u li d-drittijiet kollha jridu japplikaw b'mod mhux diskriminatorju, inkluż fir-rigward tal-istatus ta' residenza tagħhom;
45. Jissottolinja li l-biċċa l-kbira tal-liġijiet attwali dwar il-migrazzjoni u r-refuġjati fl-Ewropa ma jindirizzawx il-vulnerabbiltà tan-nisa migranti u refuġjati, li l-konsegwenzi tagħhom jinkludu żieda fl-esponiment għal vjolenza abbażi tal-ġeneru waqt li jkunu għaddejjin, kundizzjonijiet ta' akkoljenza perikolużi, miżuri ta' protezzjoni insuffiċjenti u nuqqas ta' aċċess għall-ġustizzja għall-migranti fl-Unjoni;
46. Jikkunsidra li l-vjolenza minn sieħeb intimu mhijiex biss delitt kontra l-vittma ta' vjolenza iżda għandha titqies bħala delitt kontra kwalunkwe minorenni li jkun xhud tagħha, inkluż minħabba l-effetti negattivi fit-tul fuq il-benesseri u l-iżvilupp tal-minorenni; jiddenunzja l-fatt li t-tfal tal-awturi ta' vjolenza kontra s-sieħeb jew sieħba intima tagħhom ħafna drabi jkunu soġġetti għal trattament ħażin bħala mod kif jeżerċitaw il-poter u l-vjolenza kontra l-omm, fenomenu magħruf bħala vjolenza indiretta u forma ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru;
Il-Protezzjoni, l-Appoġġ u r-Reparazzjoni
47. Jistieden lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jippromwovu u jiżguraw appoġġ u reparazzjonijiet għan-nisa u l-bniet fid-diversità kollha tagħhom u għas-superstiti kollha ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru u jippromwovu u jiżguraw il-protezzjoni tagħhom kontra kull forma ta' vjolenza, ifakkar li tali miżuri għandhom ikunu adegwati, attribwiti b'mod f'waqtu, olistiċi u proporzjonati għall-gravità tal-ħsara mġarrba u b'attenzjoni xierqa għall-ħtiġijiet ta' dawk li jesperjenzaw forom intersezzjonali ta' diskriminazzjoni u vjolenza;
48. Jistieden lill-Istati Membri jikkonformaw mal-Konvenzjoni ta' Istanbul billi jipprovdu miżuri protettivi u ta' appoġġ għan-nisa bbażati fuq fehim bejn il-ġeneri tal-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza intrasieħeb u li jiffukaw fuq id-drittijiet tal-bniedem u s-sikurezza tal-vittma, biex b'hekk tiġi evitata l-vjolenza istituzzjonali kkaġunata lill-vittmi minħabba liġijiet, jew prattiki amministrattivi jew ta' infurzar li mhumiex sensittivi għall-kunsiderazzjonijiet dwar il-ġeneru u/jew nuqqas ta' għarfien u proċeduri xierqa, li jistgħu jwasslu għal impunità għall-awtur kif ukoll għall-vittimizzazzjoni mill-ġdid;
49. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li anki t-tfal jiġu kkunsidrati bħala vittmi ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru f'każijiet ta' vjolenza kontra s-sieħeb jew sieħba intima, u li d-dinjità u s-sikurezza tagħhom ikunu ta' importanza kbira; jilqa', f'dak ir-rigward, il-liġijiet li jikkriminalizzaw tfal għal vjolenza f'relazzjonijiet mill-qrib; jistieden, barra minn hekk, lill-Istati Membri jiżguraw li l-liġijiet dwar il-kustodja jkunu konformi ma' dak il-prinċipju, fis-sens li ma jingħatawx drittijiet ta' kustodja lil ġenitur li jkun l-awtur ta' vjolenza kontra s-sieħeb jew sieħba intima;
50. Jissottolinja l-obbligu fuq l-Istati Membri li jiżguraw li jkun hemm appoġġ u servizzi adegwati għas-superstiti ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru adattati għall-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom, inkluż fi żminijiet ta' kriżi; ifakkar fl-importanza, f'dak il-kuntest, tal-provvista ta' appoġġ għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili indipendenti u għall-organizzazzjonijiet ta' kenn tan-nisa, li huma l-organizzazzjonijiet bl-għarfien meħtieġ biex jiżguraw il-protezzjoni tan-nisa;
51. Jistieden lill-Istati Membri jiggarantixxu aċċess għall-vittmi għal servizzi ta' appoġġ u servizzi essenzjali, inklużi servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva, u li jiggarantixxu dan l-aċċess anki f'żoni rurali; jappoġġja bis-sħiħ id-disponibbiltà tas-servizzi pubbliċi matul l-istadji kollha tal-proċessi ta' reparazzjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-għoti ta' appoġġ psikoloġiku, legali u ta' impjieg essenzjali li jfittex appoġġ;
52. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jqajmu kuxjenza u jiżguraw li l-informazzjoni lill-vittmi u lill-awturi ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru tkun disponibbli fil-lingwi kollha tal-Unjoni, bl-għan li tiżgura li d-drittijiet tal-vittmi jiġu rispettati meta jeżerċitaw id-dritt fundamentali tagħhom għall-moviment liberu fi ħdan l-Unjoni;
53. Jistieden lill-Istati Membri, b'kunsiderazzjoni tal-kuntest strutturali tad-diskriminazzjoni u l-inugwaljanza, jżidu l-ħidma tagħhom sabiex jiżguraw li l-vittmi jkollhom aċċess ugwali għall-ġustizzja u għal sistema ġudizzjarja indipendenti li huma fiżikament, ekonomikament, soċjalment u kulturalment disponibbli għall-vittmi kollha ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru u jiggarantixxu li d-drittijiet tal-vittma jitqiegħdu fuq quddiem nett sabiex tiġi evitata d-diskriminazzjoni, it-trawmatizzazzjoni jew il-vittimizzazzjoni matul proċedimenti ġudizzjarji, mediċi u tal-pulizija permezz tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneru matul il-proċess kollu;
54. Jissottolinja bi tħassib li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri għad għandhom kwistjonijiet bit-traspożizzjoni kompleta jew korretta u/jew applikazzjoni prattika tad-Direttiva 2012/29/UE, kif riflessa fl-Istrateġija tal-Kummissjoni dwar id-Drittijiet tal-Vittmi, u jistieden lill-Istati Membri jittrasponuha b'mod debitu u diliġenti fuq bażi sħiħa u korretta;
55. Jissottolinja li n-nuqqas li jiġi indirizzat in-nuqqas ta' fiduċja u kunfidenza fl-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u fis-sistema ġudizzjarja mis-superstiti ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru huwa kontributur importanti għan-nuqqas ta' rappurtar; jistieden lill-Istati Membri jtejbu r-riżorsi u t-taħriġ tal-prattikanti u tal-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi, inklużi l-ġudikaturi u l-prosekuturi pubbliċi, l-esperti forensiċi u l-professjonisti oħrajn kollha li jittrattaw il-vittmi ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru; jistieden lill-Istati Membri jevalwaw il-possibbiltà li jistabbilixxu qrati speċjalizzati għal dak il-għan; jinsab konvint li l-iżgurar li l-uffiċjali tal-pulizija u l-imħallfin jiġu mgħammra b'aktar għarfien, u ħiliet personali biex jisimgħu, jifhmu u jirrispettaw b'attenzjoni s-superstiti kollha tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru, għandu jikkontribwixxi għall-indirizzar tan-nuqqas ta' rappurtar u l-vittimizzazzjoni mill-ġdid u se joħloq ambjent aktar sikur għas-superstiti tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru;
56. Jistieden lill-Istati Membri kollha jikkonformaw bis-sħiħ mal-Konvenzjoni ta' Istanbul billi jadottaw programmi ta' trattament indirizzati lill-awturi ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru u vjolenza domestika bl-għan li jipprevjenu aktar vjolenza, jipprovdu għarfien dwar in-normi tal-ġeneru distruttivi, ir-relazzjonijiet ta' poter asimetriċi u l-valuri li jirfdu l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u jiżguraw li s-sikurezza u d-drittijiet tal-bniedem tal-vittmi jkunu t-tħassib ewlieni;
57. Jisħaq fuq l-importanza li jiġi żgurat aċċess għall-ġustizzja għas-superstiti kollha tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru, inkluż l-aċċess għal assistenza legali ta' kwalità, u r-responsabbiltà sħiħa għall-awturi kollha ta' reati relatati ma' kunflitti abbażi tal-ġeneru kontra n-nisa u l-bniet, kif ukoll kontra l-irġiel u s-subien, billi jiġu attivati l-proċeduri legali fil-livelli nazzjonali, reġjonali u internazzjonali, b'mod partikolari permezz tal-Istatut ta' Ruma u tal-Qorti Kriminali Internazzjonali;
58. Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ id-Direttivi 2011/99/KE, 2012/29/UE u 2011/36/UE;
59. Jissottolinja li n-nuqqas ta' att legali tal-Unjoni għall-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u d-disparitajiet fil-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri jwasslu għal livelli differenti ta' protezzjoni għas-superstiti;
60. Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li testendi l-oqsma tar-reati elenkati fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 83(1) tat-TFUE biex jinkludu r-reati ta' mibegħda u d-diskors ta' mibegħda; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkludi l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru, l-espressjoni tal-ġeneru u l-karatteristiċi tas-sess bħala bażi ta' diskriminazzjoni koperta b'mod speċifiku minn dak l-Artikolu; jikkunsidra li din il-miżura hija essenzjali biex tiżgura l-protezzjoni tal-persuni LGBTI fl-Unjoni;
61. Jindika l-importanza li jsir użu sħiħ mill-possibbiltajiet ta' taħriġ disponibbli għall-Istati Membri permezz tad-diversi programmi u korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni u jistieden lill-Istati Membri jipprovdu taħriġ rikorrenti u effettiv li jinkludi l-perspettiva tal-ġeneru u tad-drittijiet tal-bniedem u l-istandards internazzjonali; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-vittmi jkollhom id-dritt għal għajnuna legali pubblika ta' kwalità għolja ffinanzjata mill-pubbliku qabel u matul il-proċedimenti ġudizzjarji;
62. Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li toħroġ bi proposta fl-2021 għal direttiva biex tipprevjeni u tiġġieled il-vjolenza abbażi tal-ġeneru sabiex timplimenta l-istandards tal-Konvenzjoni ta' Istanbul; jisħaq li dik id-direttiva l-ġdida trid tkun komplementari għall-miżuri leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi eżistenti u futuri sabiex tinkiseb azzjoni koerenti tal-Unjoni fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, kif ukoll ratifika eventwali tal-Konvenzjoni ta' Istanbul; itenni għalhekk l-appell tiegħu lill-Unjoni biex tirratifika l-Konvenzjoni ta' Istanbul; ifakkar ukoll fl-impenn tal-President tal-Kummissjoni biex jestendi l-oqsma tal-kriminalità biex jinkludi forom speċifiċi ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru f'konformità mal-Artikolu 83(1) tat-TFUE;
Il-passi li jmiss fil-livell tal-Unjoni
63. Jisħaq li l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, kemm online kif ukoll offline, hija reat partikolarment serju u ksur mifrux tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali fl-Unjoni li jeħtieġ li jiġi indirizzat b'effiċjenza u determinazzjoni akbar fuq bażi komuni; jisħaq li l-vjolenza abbażi tal-ġeneru hija r-riżultat ta' differenzi strutturali u sistemiċi bejn il-ġeneri li għandhom dimensjoni transfruntiera; jindika, b'mod partikolari, il-movimenti dejjem jikbru kontra l-ġeneru, kontra l-LGBTIQ+ u kontra n-nisa, li huma organizzati tajjeb u li għandhom natura transfruntiera; jikkunsidra, barra minn hekk, li d-dimensjoni transfruntiera tal-vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru u l-impatt kbir individwali, ekonomiku u soċjetali tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru fl-Istati Membri kollha jirriaffermaw il-ħtieġa li tiġi miġġielda l-vjolenza abbażi tal-ġeneru fid-dimensjonijiet multipli tagħha fuq bażi komuni tal-Unjoni;
64. Jitlob lill-Unjoni biex tindirizza b'urġenza ż-żieda fil-vjolenza abbażi tal-ġeneru matul il-pandemija tal-COVID-19; jistieden, f'dak ir-rigward, lill-Kummissjoni tiżviluppa protokoll tal-Unjoni dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru fi żminijiet ta' kriżi u biex tinkludi servizzi ta' protezzjoni għall-vittmi, bħal linji telefoniċi għall-għajnuna, akkomodazzjoni sikura u servizzi tas-saħħa bħala "servizzi essenzjali" fl-Istati Membri, sabiex tiġi evitata l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u jiġu appoġġjati l-vittmi tal-vjolenza domestika waqt kriżijiet bħall-pandemija tal-COVID-19;
65. Jisħaq li l-adozzjoni ta' strumenti reġjonali u internazzjonali, bħall-Konvenzjoni ta' Istanbul, id-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni tal-Vjolenza kontra n-Nisa u riżoluzzjonijiet oħra tan-Nazzjonijiet Uniti, turi wkoll il-ħtieġa li tiġi miġġielda kull forma ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru fuq bażi komuni;
66. Jisħaq li l-ħtieġa speċjali li tiġi miġġielda l-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet u forom oħra ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru fuq bażi komuni tirriżulta wkoll mill-ħtieġa li jiġu stabbiliti regoli minimi dwar id-definizzjoni ta' reati u sanzjonijiet kriminali, inkluża definizzjoni komuni ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru, kif ukoll regoli minimi li jikkonċernaw il-kwistjonijiet ewlenin ta' prevenzjoni, sottorappurtar, protezzjoni tal-vittmi, appoġġ u reparazzjoni, u l-prosekuzzjoni tal-awturi ta' reat; jissottolinja li l-approċċi u l-livelli ta' impenn tal-Istati Membri għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru jvarjaw b'mod sinifikanti u, għalhekk, li approċċ ta' bażi komuni jikkontribwixxi wkoll għall-infurzar tal-liġi f'operazzjonijiet transfruntiera;
67. Jitlob li l-Kummissjoni tippreżenta, abbażi tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 83(1) tat-TFUE, proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tidentifika l-vjolenza abbażi tal-ġeneru bħala qasam ġdid ta' kriminalità li jissodisfa l-kriterji speċifikati f'dak l-Artikolu, skont ir-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fl-Anness ta' hawn taħt u jitlob lill-Kummissjoni tuża dak il-qasam il-ġdid ta' kriminalità bħala bażi ġuridika għal direttiva olistika tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għall-prevenzjoni u għall-ġlieda kontra kull forma ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru, kemm online kif ukoll offline;
68. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi direttiva komprensiva dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru li timplimenta l-istandards tal-Konvenzjoni ta' Istanbul u standards internazzjonali oħra bħar-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru u tinkludi l-elementi li ġejjin:
il-miżuri ta' prevenzjoni, inkluż permezz ta' programmazzjoni tal-edukazzjoni sensittiva għall-ġeneru u intersezzjonali ta' rispons mmirata kemm lejn il-bniet kif ukoll is-subien, u l-għoti tas-setgħa lin-nisa u lill-bniet;
is-servizzi ta' appoġġ u l-miżuri ta' protezzjoni u reparazzjoni għall-vittmi;
miżuri għall-ġlieda kontra kull forma ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru, inkluża l-vjolenza kontra persuni LGBTIQ+, fost l-oħrajn, abbażi tal-ġeneru, l-identità tal-ġeneru, l-espressjoni tal-ġeneru u l-karatteristiċi tas-sess u l-vjolenza online abbażi tal-ġeneru u l-isfruttament u l-abbuż sesswali;
u standards minimi għall-infurzar tal-liġi;
approċċ iċċentrat fuq il-vittmi u intersezzjonali;
l-obbligi għall-Istati Membri li jiżguraw li d-drittijiet ta' kustodja u għall-aċċess fir-rigward tat-tfal jiġu kkunsidrati b'mod adegwat fejn ikun involut każ ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru, billi d-drittijiet tal-vittma jitqiegħdu fiċ-ċentru tal-liġijiet tagħhom;
miżuri li jiżguraw li l-informazzjoni tkun ipprovduta fil-lingwi rilevanti kollha; and
miżuri biex tiġi żgurata l-kooperazzjoni fost l-Istati Membri u l-iskambju tal-aħjar prattika, informazzjoni u għarfien espert;
69. Jistieden lill-Kummissjoni taħtar koordinatur kontra l-vjolenza fuq in-nisa u forom oħra ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru;
70. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fl-anness lill-Kummissjoni u lill-Kunsill.
ANNESS GĦALL-MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI:
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar l-identifikazzjoni ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru bħala qasam ta' kriminalità li jissodisfa l-kriterji speċifikati fl-Artikolu 83(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 83(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-approvazzjoni ta-Parlament Ewropew,
Whereas:
(1) L-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hija fil-qalba tal-valuri tal-Unjoni u hija prinċipju fundamentali tal-Unjoni minqux fit-Trattati u rikonoxxut fl-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-"Karta"). Id-dritt għat-trattament ugwali u n-nondiskriminazzjoni huwa dritt fundamentali minqux fit-Trattati u fil-Karta. It-tmiem tal-vjolenza tal-irġiel kontra n-nisa u l-bniet huwa prerekwiżit għall-kisba ta' ugwaljanza reali bejn in-nisa u l-irġiel.
(2) L-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jirrikjedi li l-Unjoni, fl-attivitajiet kollha tagħha, għandha tfittex li telimina l-inugwaljanzi, u li tippromwovi l-ugwaljanza, bejn in-nisa u l-irġiel.
(3) Skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 83(1) tat-TFUE, il-Kunsill jista', abbażi tal-iżviluppi fil-kriminalità, jadotta deċiżjoni li tidentifika oqsma oħra ta' kriminalità flimkien ma' dawk speċifikati fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 83(1) tat-TFUE, ta' kriminalità partikolarment serja b'dimensjoni transfruntiera derivata min-natura jew mill-impatt ta' dawn ir-reati jew minn bżonn speċjali li jiġu miġġielda fuq bażi komuni.
(4) Meta jadotta deċiżjoni bħal din skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 83(1) tat-TFUE, il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu wara li jikseb il-kunsens tal-Parlament Ewropew.
(5) L-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) u l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika ("il-Konvenzjoni ta' Istanbul") jiddefinixxu l-vjolenza abbażi tal-ġeneru kontra n-nisa bħala vjolenza diretta kontra mara minħabba li hija mara jew li taffettwa lin-nisa b'mod sproporzjonat. Skont il-Konvenzjoni ta' Istanbul, id-definizzjoni ta' "vjolenza fuq in-nisa" hija l-atti kollha ta' vjolenza fuq in-nisa, u li jikkawżaw jew jistgħu jikkawżaw lin-nisa ħsara jew tbatija fiżika, sesswali jew psikoloġika, inkluż it-theddid ta' atti bħal dawn, l-użu ta' forza jew iċ-ċaħda arbitrarja tal-libertà, kemm jekk dan isir fil-ħajja pubblika kif ukoll fil-ħajja privata.
(6) Il-persuni LGBTIQ+ huma wkoll vittmi ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru minħabba l-ġeneru, l-identità tal-ġeneru, l-espressjoni tal-ġeneru u l-karatteristiċi tas-sess tagħhom.
(7) Il-vjolenza abbażi tal-ġeneru kontra persuni LGBTIQ+ tinkludi vjolenza fiżika, vjolenza psikoloġika, żwiġijiet imġiegħla, vjolenza sesswali, inklużi l-istupru u l-fastidju sesswali "korrettivi", il-mutilazzjonijiet ġenitali ta' nisa u persuni intersesswali, l-isterilizzazzjoni mġiegħla ta' persuni trans u intersesswali, l-hekk imsejħa reati tal-"unur", it-terapija ta' konverżjoni, id-diskors ta' mibegħda kemm online kif ukoll offline, il-bullying u l-fastidju, it-tiċħid soċjoekonomiku u l-vjolenza li jseħħu fi ħdan il-familja u/jew l-unità domestika, minħabba l-identità tal-ġeneru, l-espressjoni tal-ġeneru jew il-karatteristiċi tas-sess tal-vittmi.
(8) Il-vjolenza abbażi tal-ġeneru għandha l-għeruq tagħha fl-istereotipi marbutin mal-ġeneru, l-istrutturi eteropatrijarkali u l-asimmetriji ta' poter u inugwaljanzi strutturali u istituzzjonali. Il-vjolenza abbażi tal-ġeneru taffettwa l-oqsma kollha tas-soċjetà.
(9) Skont il-Konvenzjoni ta' Istanbul, il-ġeneru huwa definit bħala "r-rwoli, l-imġibiet, l-attivitajiet u l-attributi mibnija soċjalment li soċjetà partikolari tikkunsidra xierqa għan-nisa u l-irġiel", li jfakkar li ħafna forom ta' vjolenza kontra n-nisa għandhom l-għeruq tagħhom fl-inugwaljanzi fil-poter bejn in-nisa u l-irġiel.
(10) Il-vjolenza abbażi tal-ġeneru, kemm online kif ukoll offline, u n-nuqqas ta' aċċess għal protezzjoni adegwata huma l-aktar manifestazzjoni serja ta' diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru u jikkostitwixxu ksur tad-drittijiet fundamentali kif minqux fil-Karta, bħad-dritt għad-dinjità tal-bniedem, id-dritt għall-ħajja, u għall-integrità fiżika u mentali, il-projbizzjoni tat-tortura u t-trattament jew pieni inumani jew degradanti, il-projbizzjoni tal-jasar u tax-xogħol furzat, id-dritt għal-libertà u għas-sigurtà u d-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u tal-familja.
(11) Il-vjolenza abbażi tal-ġeneru, kemm online kif ukoll offline, hija reat partikolarment serju u ksur mifrux tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali fl-Unjoni li jeħtieġ li jiġi indirizzat b'effiċjenza akbar u jiġi ddeterminat fuq bażi komuni.
(12) L-adozzjoni ta' strumenti reġjonali u internazzjonali, bħall-Konvenzjoni ta' Istanbul, id-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni tal-Vjolenza kontra n-Nisa u riżoluzzjonijiet oħra tan-Nazzjonijiet Uniti, turi l-ħtieġa li tiġi miġġielda kull forma ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru fuq bażi komuni.
(13) Il-ħtieġa speċjali li tiġi miġġielda l-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet u forom oħra ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru fuq bażi komuni tirriżulta wkoll mill-ħtieġa li jiġu stabbiliti regoli minimi dwar id-definizzjoni ta' reati u sanzjonijiet kriminali, inkluża definizzjoni komuni ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru, kif ukoll regoli minimi li jikkonċernaw il-kwistjonijiet ewlenin ta' prevenzjoni, sottorappurtar, protezzjoni tal-vittmi, appoġġ u reparazzjoni, u l-prosekuzzjoni tal-awturi ta' reat. L-approċċi u l-livelli ta' impenn tal-Istati Membri għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru jvarjaw b'mod sinifikanti u, għalhekk, approċċ ta' bażi komuni jikkontribwixxi wkoll għall-infurzar tal-liġi f'operazzjonijiet transfruntiera.
(14) Il-vjolenza abbażi tal-ġeneru tissodisfa l-kriterji li għandhom jiġu identifikati bħala qasam ġdid ta' kriminalità skont l-Artikolu 83(1) tat-TFUE,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-vjolenza abbażi tal-ġeneru hija b'dan identifikata bħala qasam ta' kriminalità li jissodisfa l-kriterji speċifikati fl-Artikolu 83(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President
NOTA SPJEGATTIVA
Il-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet u forom oħra ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru, bħall-vjolenza kontra l-persuni LGBTI, huma bbażati fuq stereotipi marbuta mal-ġeneru, strutturi patrijarkali u asimmetriji fil-poter u jirrappreżentaw b'mod ċar wieħed mill-akbar abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fl-istorja. Il-vjolenza abbażi tal-ġeneru jeħtieġ li tinqered sabiex tinkiseb ugwaljanza sħiħa bejn il-ġeneri.
L-inugwaljanza u l-vjolenza mġarrba min-nisa u mill-bniet jirriżultaw fi ħsara fiżika, sesswali, psikoloġika u ekonomika li ma tistax tiġi aċċettata f'soċjetà ġusta u demokratika. Sfortunatament, minkejja l-eżistenza ta' aktar informazzjoni u sensibilizzazzjoni, il-prevalenza għolja kontinwa u t-theddid ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru jaffettwaw u jillimitaw il-ħajja tan-nisa kullimkien.
Ħafna nisa jesperjenzaw forom intersezzjonali ta' diskriminazzjoni, li jżidu l-vulnerabbiltà tagħhom, bħal rifuġjati nisa, persuni li jfittxu l-ażil u migranti, nisa indiġeni, nisa ddiskriminati minħabba r-razza, nisa minn minoranzi reliġjużi u etniċi, nisa LBT, nisa anzjani u nisa b'diżabilità. Ma rridux ninsew li għal ħafna nisa, li jippreżentaw ilment kontra r-raġel abbużiv tagħhom, ifisser li jpoġġu lilhom infushom f'riskju li jitilfu l-istatus legali tagħhom u li jiġu deportati. Dan ma għandux ikun il-każ.
Bl-istess mod, il-persuni LGBTI jistgħu bħala konsegwenza diretta tal-ksur tan-normi dwar il-ġeneru patrijarkali, ikunu vittmi ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru minħabba l-ġeneru ta' dik il-persuna, l-identità tal-ġeneru, l-espressjoni tal-ġeneru u l-karatteristiċi tas-sess.
L-aktar stħarriġ komprensiv dwar il-vjolenza kontra n-nisa fil-livell tal-UE sar fl-2014 mill-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali. Ir-riżultati kienu jirriflettu tajjeb ħafna l-kobor u l-krudeltà tal-problema.
Id-data tal-istħarriġ turi li terz tan-nisa fl-UE esperjenzaw vjolenza fiżika u/jew sesswali. Fl-isfera privata, l-istħarriġ ikkonkluda li madwar 50 mara jitilfu ħajjithom konsegwenza ta' vjolenza domestika kull ġimgħa u 75 % tan-nisa f'ambjent professjonali jew dawk fl-ogħla karigi maniġerjali esperjenzaw fastidju sesswali.
Għalkemm dan l-istħarriġ kien ta' valur kbir biex wieħed jifhem is-serjetà, il-firxa u l-kumplessità tal-kwistjoni, hemm nuqqas serju ta' data u nuqqas ta' rapportar. Għal din ir-raġuni, huwa kruċjali li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jintalbu jtejbu d-disponibbiltà u l-komparabbiltà tad-data diżaggregata ta' kwalità dwar kull forma ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru.
Storikament, il-vjolenza abbażi tal-ġeneru hija ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem. Madankollu, il-COVID-19 saħansitra aggravat il-vjolenza mwettqa kontra n-nisa. L-aġenziji tal-gvern, il-gruppi tad-drittijiet tan-nisa u s-sħab tas-soċjetà ċivili f'diversi Stati Membri indikaw żieda fir-rapporti dwar il-vjolenza domestika matul il-pandemija, flimkien ma' żieda fid-domanda għal postijiet ta' kenn ta' emerġenza. In-Nazzjonijiet Uniti sejħulha "pandemija parallela".
Bl-istess mod, l-aċċess għas-Saħħa Sesswali u Riproduttiva u d-Drittijiet Relatati (SRHR) ġie ristrett f'diversi pajjiżi Ewropej minħabba s-sitwazzjoni sanitarja attwali u l-impatt tagħha fuq is-servizzi tal-kura tas-saħħa kif ukoll il-miżuri ta' konfinament meħuda biex tiġi kkontrollata. F'dan is-sens, ir-rispett sħiħ għas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati tan-nisa għandu jkun obbligu essenzjali għall-Unjoni Ewropea irrispettivament minn x'inhu l-kuntest. Għandu jitqies li l-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru mhux se tkun effettiva mingħajr ir-realizzazzjoni sħiħa tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati tan-nisa.
Huwa importanti li jiġi indikat li l-qerda tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru tirrikjedi approċċ fejn il-miżuri tal-liġi kriminali huma biss parti waħda, u fejn l-enfasi ewlenija trid tkun fuq strateġiji differenti biex tiżdied l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-għoti tas-setgħa u l-appoġġ lis-superstiti, u t-tisħiħ tal-awtonomija soċjali u ekonomika għan-nisa. Għal dan il-għan, trid tittieħed ukoll azzjoni politika, legali, soċjali u ekonomika usa' biex jiġu miġġielda s-segregazzjoni, l-inugwaljanza u d-diskriminazzjoni.
Matul it-tmien leġiżlatura, il-Parlament Ewropew sab li d-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi u l-Ordni Ewropea ta' Protezzjoni ma ġewx implimentati bis-sħiħ madwar l-UE, speċjalment fir-rigward tal-aċċess għas-servizzi ta' appoġġ, u li d-differenzi bejn is-sistemi ġudizzjarji qed ifixklu l-użu tal-Ordnijiet Ewropej ta' Protezzjoni (EPOs).
Barra minn hekk, il-Parlament ilu mill-2009 iħeġġeġ lill-Kummissjoni tfassal proposta komprensiva għal Direttiva dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-forom l-oħra kollha ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru biex jiġi żgurat li n-nisa kollha fl-UE jkollhom l-istess livell ta' protezzjoni mill-vjolenza. Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Frar 2014, huwa talab ukoll lill-Kunsill iżid il-vjolenza kontra n-nisa mal-oqsma ta' kriminalità partikolarment serja elenkati fl-Artikolu 83(1) tat-TFUE, u talab lill-Kummissjoni tniedi l-proċedura għall-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni ta' Istanbul tal-Kunsill tal-Ewropa, bħala komplementari għal Direttiva futura tal-UE. Madankollu, sal-lum dan għadu ma sarx.
In-nuqqas ta' strateġija komprensiva tal-UE għall-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-lakuni u d-disparitajiet fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri hija problema reali. Għalhekk, huwa meħtieġ li tiġi elaborata direttiva sabiex l-Istati Membri kollha jintalbu jwaqqfu din il-forma sistematika ta' vjolenza. Barra minn hekk, direttiva, sabiex tkun olistika, inklużiva u effettiva, għandha tkun akkumpanjata mill-introduzzjoni tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru bħala qasam ġdid ta' kriminalità elenkat fl-Artikolu 83(1) tat-TFUE li jservi bħala bażi ġuridika biex jiġu żgurati definizzjonijiet legali komuni u standards minimi komuni fil-qafas leġiżlattiv tal-UE għall-prevenzjoni u għall-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru fil-qasam tal-libertà, tas-sigurtà u tal-ġustizzja.
Finalment, huwa importanti li jiġi rikonoxxut li madwar l-Unjoni Ewropea jeżisti attakk kontra d-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri. Il-movimenti kontra l-ġeneru u kontra n-nisa qed jippruvaw ibiddlu l-liġijiet eżistenti dwar id-drittijiet tan-nisa u d-drittijiet tal-LGBTI. Din is-sitwazzjoni hija relatata wkoll ma' deterjorament usa' tal-istituzzjonijiet demokratiċi, tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet fundamentali. F'dan ir-rigward huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-istat tad-dritt u d-demokrazija jistgħu jeżistu biss meta teżisti l-ugwaljanza bejn il-ġeneri.
OPINJONI TAL-MINORANZA
skont l-Artikolu 55(4) tar-Regoli ta' Proċedura
Cindy Franssen, Maria Walsh, Frances Fitzgerald and Jeroen Lenaers
Il-Grupp tal-PPE jikkondividi l-objettivi ta' dan ir-rapport leġiżlattiv fuq inizjattiva proprja u jikkunsidra l-qerda tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru (GBV) bħala waħda mill-prijoritajiet ewlenin tiegħu. Il-Grupp tal-PPE jappoġġja bis-sħiħ l-azzjonijiet u l-inizjattivi kollha għal dan il-għan, inkluża ż-żieda ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru fost l-oqsma tal-kriminalità kif elenkati fl-Artikolu 83/1 tat-TFUE. Flimkien ma' diversi sejħiet għal dan fil-passat, il-Grupp tal-PPE jappoġġja bis-sħiħ il-proposti li ġejjin dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru (GBV) mill-Kummissjoni Ewropea.
Aħna mħassba li xi partijiet mit-test huma barra mill-kompetenza tal-UE u b'riżultat ta' dan hemm riskju għall-fajl kollu. Minħabba l-importanza ta' dan is-suġġett, aħna nemmnu li r-rapporteurs jieħdu approċċ usa' u potenzjalment riskjuż dwar dawn il-kwistjonijiet. Dan jimmina l-objettiv maħsub li huwa li jintwera li l-vjolenza abbażi tal-ġeneru tista' tiżdied mal-lista ta' reati tal-UE peress li tissodisfa l-kriterji ta' kriminalità partikolarment serja b'dimensjoni transfruntiera li tista' tiġi indirizzata permezz ta' approċċ Ewropew konġunt, sabiex tiġi stabbilita l-bażi ġuridika meħtieġa għal regoli minimi komuni fil-forma ta' direttiva futura dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru. L-aspirazzjonijiet ewlenin ta' dan il-fajl jistħoqqilhom l-akbar appoġġ possibbli fil-Parlament.
OPINJONI TAL-MINORANZA
skont l-Artikolu 55(4) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew
Jadwiga Wiśniewska, Jorge Buxadé u Margarita de la Pisa
Aħna kontra kwalunkwe forma ta' vjolenza kontra l-bnedmin. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali diġà tkopri reati li tista' tikkawża kwalunkwe forma ta' aggressjoni.
Il-protezzjoni mill-vjolenza hija importanti wisq biex issir strument ta' ideoloġija.
L-estensjoni tal-katalgu tar-reati biex tiġi inkluża l-vjolenza abbażi tal-ġeneru la hija ġġustifikata formalment u lanqas b'mod sostantiv. L-allegat reat ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru ma jaqax taħt l-Artikolu 83 tat-TFUE peress li għandu bażi strettament ideoloġika.
L-inklużjoni ta' dan l-allegat reat tmur kontra l-ugwaljanza fid-dinjità bejn l-irġiel u n-nisa pproklamata mil-liġi primarja.
Din tikser il-preżunzjoni ta' innoċenza, li tobbliga lill-persuna akkużata tagħti prova li mhijiex ħatja.
Tivvittimizza minn qabel xi gruppi fuq oħrajn.
Tikser id-drittijiet tat-tfal billi tiffavorixxi l-kustodja tal-omm mingħajr ma tqis l-aħjar interessi tat-tfal.
Tippromwovi sistema oppressiva ta' sorveljanza u ta' fastidju u l-istrumentalizzazzjoni tal-ġustizzja bil-ħolqien ta' qrati speċjali.
Twassal għal manipulazzjoni edukattiva tal-minorenni u tal-professjonisti, u tiġġenera preġudizzji għall-irġiel.
Tikser id-drittijiet tal-bniedem billi tipprova tippromwovi prattiki bħall-SRHR.
Tinkludi ħafna kunċetti bħal "strutturi patrijarkali" u "stereotipi marbuta mal-ġeneru" li jenfasizzaw il-frammentazzjoni soċjali u r-relazzjonijiet problematiċi.
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni |
14.7.2021 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
53 18 24 |
||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Magdalena Adamowicz, Isabella Adinolfi, Christine Anderson, Simona Baldassarre, Katarina Barley, Pernando Barrena Arza, Nicolas Bay, Robert Biedroń, Vladimír Bilčík, Vasile Blaga, Ioan-Rareş Bogdan, Patrick Breyer, Saskia Bricmont, Annika Bruna, Jorge Buxadé Villalba, Damien Carême, Caterina Chinnici, Clare Daly, Marcel de Graaff, Margarita de la Pisa Carrión, Anna Júlia Donáth, Lena Düpont, Rosa Estaràs Ferragut, Laura Ferrara, Nicolaus Fest, Frances Fitzgerald, Cindy Franssen, Heléne Fritzon, Lina Gálvez Muñoz, Jean-Paul Garraud, Maria Grapini, Sylvie Guillaume, Andrzej Halicki, Evin Incir, Sophia in ‘t Veld, Patryk Jaki, Marina Kaljurand, Fabienne Keller, Peter Kofod, Łukasz Kohut, Moritz Körner, Alice Kuhnke, Jeroen Lenaers, Juan Fernando López Aguilar, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Lukas Mandl, Karen Melchior, Nuno Melo, Nadine Morano, Javier Moreno Sánchez, Andżelika Anna Możdżanowska, Maite Pagazaurtundúa, Pina Picierno, Sirpa Pietikäinen, Nicola Procaccini, Samira Rafaela, Paulo Rangel, Evelyn Regner, Diana Riba i Giner, Eugenia Rodríguez Palop, María Soraya Rodríguez Ramos, Christine Schneider, Ralf Seekatz, Michal Šimečka, Birgit Sippel, Sara Skyttedal, Martin Sonneborn, Sylwia Spurek, Jessica Stegrud, Tineke Strik, Ramona Strugariu, Annalisa Tardino, Isabella Tovaglieri, Dragoş Tudorache, Ernest Urtasun, Tom Vandendriessche, Hilde Vautmans, Bettina Vollath, Elissavet Vozemberg-Vrionidi, Jadwiga Wiśniewska, Chrysoula Zacharopoulou, Javier Zarzalejos, Marco Zullo |
|||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Malin Björk, Damian Boeselager, Pierrette Herzberger-Fofana, Brice Hortefeux, Elena Kountoura, Predrag Fred Matić, Sira Rego, Isabel Santos, Yana Toom, Maria Walsh, Isabel Wiseler-Lima, Tatjana Ždanoka |
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
53 |
+ |
PPE |
Sirpa Pietikäinen, Elissavet Vozemberg‑Vrionidi |
S&D |
Katarina Barley, Robert Biedroń, Caterina Chinnici, Heléne Fritzon, Sylvie Guillaume, Lina Gálvez Muñoz, Evin Incir, Marina Kaljurand, Łukasz Kohut, Juan Fernando López Aguilar, Predrag Fred Matić, Javier Moreno Sánchez, Pina Picierno, Evelyn Regner, Isabel Santos, Birgit Sippel, Bettina Vollath |
Renew |
Anna Júlia Donáth, Sophia in 't Veld, Fabienne Keller, Moritz Körner, Karen Melchior, Maite Pagazaurtundúa, Samira Rafaela, María Soraya Rodríguez Ramos, Ramona Strugariu, Yana Toom, Dragoş Tudorache, Hilde Vautmans, Chrysoula Zacharopoulou, Marco Zullo, Michal Šimečka |
Verts/ALE |
Damian Boeselager, Patrick Breyer, Saskia Bricmont, Damien Carême, Pierrette Herzberger‑Fofana, Alice Kuhnke, Diana Riba i Giner, Sylwia Spurek, Tineke Strik, Ernest Urtasun, Tatjana Ždanoka |
The Left |
Pernando Barrena Arza, Malin Björk, Clare Daly, Elena Kountoura, Sira Rego, Eugenia Rodríguez Palop |
NI |
Laura Ferrara, Martin Sonneborn |
18 |
- |
PPE |
Nuno Melo, Paulo Rangel |
ECR |
Jorge Buxadé Villalba, Patryk Jaki, Andżelika Anna Możdżanowska, Margarita de la Pisa Carrión, Nicola Procaccini, Jadwiga Wiśniewska |
ID |
Christine Anderson, Simona Baldassarre, Nicolas Bay, Annika Bruna, Nicolaus Fest, Jean‑Paul Garraud, Marcel de Graaff, Annalisa Tardino, Isabella Tovaglieri, Tom Vandendriessche |
24 |
0 |
PPE |
Magdalena Adamowicz, Isabella Adinolfi, Vladimír Bilčík, Vasile Blaga, Ioan‑Rareş Bogdan, Lena Düpont, Rosa Estaràs Ferragut, Frances Fitzgerald, Cindy Franssen, Andrzej Halicki, Brice Hortefeux, Jeroen Lenaers, Lukas Mandl, Nadine Morano, Christine Schneider, Ralf Seekatz, Sara Skyttedal, Maria Walsh, Isabel Wiseler‑Lima, Javier Zarzalejos, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska |
S&D |
Maria Grapini |
ID |
Peter Kofod |
ECR |
Jessica Stegrud |
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni
- [1] ĠU L 101, 15.4.2011, p. 1.
- [2] ĠU L 338, 21.12.2011, p. 2.
- [3] ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57.
- [4] ĠU C 296E, 2.10.2012, p. 26.
- [5] ĠU C 285, 29.8.2017, p. 2.
- [6] ĠU C 337, 20.9.2018, p. 167.
- [7] ĠU C 449, 23.12.2020, p. 102.
- [8] ĠU C 232, 16.6.2021, p. 48.
- [9] Testi adottati, P9_TA(2020)0336.
- [10] Testi adottati, P9_TA(2021)0024.
- [11] Testi adottati, P9_TA(2021)0025.
- [12] Testi adottati, P9_TA(2021)0041.
- [13] Testi adottati, P9_TA(2021)0058.
- [14] https://www.unwomen.org/-/media/headquarters/attachments/sections/library/publications/2020/issue-brief-covid-19-and-ending-violence-against-women-and-girls-en.pdf?la=en&vs=5006
- [15] https://curia.europa.eu/juris/document/document.jsf?docid=238745&doclang=mt
- [16] https://www.unwomen.org/en/what-we-do/ending-violence-against-women/facts-and-figures
- [17] https://ec.europa.eu/info/sites/default/files/political-guidelines-next-commission_mt_0.pdf
- [18] Valutazzjoni tal-Valuri Miżjuda Ewropej (EAVA) interim tal-EPRS dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru, p.35.