RAPPORT dwar il-futur tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti
26.7.2021 - (2021/2038(INI))
Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteur: Tonino Picula
Rapporteur għal opinjoni (*):
Bernd Lange, Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
(*) Kumitati assoċjati – Artikolu 57 tar-Regoli ta' Proċedura
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-futur tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-2 ta' Diċembru 2020 dwar aġenda ġdida għal bidla globali bejn l-UE u l-Istati Uniti (JOIN(2020)0022),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tad-Djalogu Trans-Atlantiku tal-Leġiżlaturi tal-24 ta' Awwissu 2020 dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-7 ta' Diċembru 2020 dwar ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti,
– wara li kkunsidra x-xhieda tas-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti Antony Blinken quddiem il-Kumitat għar-Relazzjonijiet Barranin tas-Senat tal-Istati Uniti fid-19 ta' Jannar 2021,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-membri tal-Kunsill Ewropew tas-26 ta' Frar 2021 dwar is-sigurtà u d-difiża,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta għall-istampa tal-President von der Leyen u s-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti, Blinken, tal-24 ta' Marzu 2021,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tas-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti tal-Amerka u tar-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà / Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea tal-24 ta' Marzu 2021,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti tas-26 ta' April 2021 bit-titolu "L-Impenn tal-Istati Uniti favur il-Balkani tal-Punent",
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Novembru 2016 dwar l-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea, bit-titolu "Viżjoni Kondiviża, Azzjoni Komuni: Ewropa Aktar b'Saħħitha",
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-Kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO, iffirmata f'Varsavja fit-8 ta' Lulju 2016 mill-Presidenti tal-Kunsill Ewropew u tal-Kummissjoni Ewropea, u mis-Segretarju Ġenerali tan-NATO,
– wara li kkunsidra l-iskambju ta' fehmiet mas-Segretarju Ġenerali tan-NATO matul il-laqgħa konġunta tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, is-Sottokumitat għas-Sigurtà u d-Difiża u d-Delegazzjoni għar-relazzjonijiet mal-Assemblea Parlamentari tan-NATO, li saret fil-15 ta' Marzu 2021,
– wara li kkunsidra l-parteċipazzjoni tal-VP/RGħ fil-laqgħa tal-Ministri tad-Difiża tan-NATO tas-17 u t-18 ta' Frar 2021, u fil-laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tan-NATO tat-23 u l-24 ta' Marzu 2021,
– wara li kkunsidra l-Komunikat maħruġ mill-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern li pparteċipaw fil-laqgħa tal-Kunsill tal-Atlantiku tat-Tramuntana fi Brussell tal-14 ta' Ġunju 2021,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tas-Summit UE-Stati Uniti bit-titolu "Lejn Sħubija Trans-Atlantika Mġedda", maħruġa fil-15 ta' Ġunju 2021,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2018 dwar ir-relazzjonijiet UE-NATO[1],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-relazzjonijiet trans-Atlantiċi, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Marzu 2009 dwar l-istat tar-relazzjonijiet trans-Atlantiċi wara l-elezzjonijiet fl-Istati Uniti[2], ir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rwol tal-UE fil-promozzjoni ta' Sħubija Trans-Atlantika usa'[3] u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2018 dwar il-qagħda tar-relazzjonijiet UE-Stati Uniti[4],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Jannar 2021 dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni – rapport annwali 2020[5],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Jannar 2021 dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni – rapport annwali 2020[6],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2021 dwar is-sentenza tal-QĠUE tas-16 ta' Lulju 2020 – Data Protection Commissioner vs Facebook Ireland Limited u Maximillian Schrems ("Schrems II") – Kawża C-311/18[7],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0250/2021),
A. billi għal 75 sena s-sħubija trans-Atlantika appoġġjat il-libertà, id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, il-kummerċ u l-kooperazzjoni ekonomika u s-sigurtà; billi l-Istati Uniti għadhom l-eqreb sieħeb strateġiku tal-UE u s-sieħeb strateġiku l-aktar importanti; billi din is-sħubija hija bbażata fuq rabtiet politiċi, kulturali, ekonomiċi u storiċi b'saħħithom u valuri kondiviżi bħal-libertà, id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, u għandha potenzjal kbir ħafna ta' djalogu, kooperazzjoni u twettiq rigward kwistjonijiet, objettivi u prijoritajiet ta' interess jew tħassib komuni fl-ispettru politiku kollu;
B. billi l-UE u l-Istati Uniti jikkondividu valuri komuni u interess komuni fundamentali fit-tiswir ta' ambjent internazzjonali bbażat fuq ir-regoli li jsaħħaħ il-multilateraliżmu u l-valuri demokratiċi, jiddefendi d-drittijiet tal-bniedem, jirrispetta d-dritt internazzjonali u jippromwovi ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli, u jippromwovi wkoll ir-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti u l-iżvilupp sostenibbli madwar id-dinja;
C. billi l-elezzjoni ta' Joe Biden bħala President tal-Istati Uniti u ta' Kamala Harris bħala Viċi President ħolqot opportunitajiet ġodda biex din is-sħubija trans-Atlantika essenzjali titkompla u tissaħħaħ aktar, biex jerġgħu jinbdew il-ħidma u l-innovazzjoni fil-livelli kollha ta' din il-kooperazzjoni li ilha stabbilita u biex ikun hemm kooperazzjoni aħjar dwar kwistjonijiet multilaterali, bħat-tibdil fil-klima, it-tranżizzjoni diġitali u ekoloġika, id-demokrazija u s-sigurtà internazzjonali; billi kemm l-UE kif ukoll l-Istati Uniti għandhom jieħdu din l-opportunità mġedda għal djalogu u kooperazzjoni mill-qrib biex jissodisfaw l-obbligi permanenti tagħhom fil-konfront tal-organizzazzjonijiet internazzjonali li t-tnejn li huma jappartjenu għalihom u biex jiżguraw aktar koordinazzjoni u kondiviżjoni tal-piżijiet f'firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet ġeopolitiċi li qed jevolvu; billi l-kooperazzjoni mal-Istati Uniti hija objettiv permanenti tal-UE, irrispettivament mill-amministrazzjoni fil-kariga;
D. billi l-amministrazzjoni ta' Biden iddikjarat l-intenzjoni tagħha li ssaħħaħ ir-relazzjonijiet mal-UE u ma' alleati demokratiċi oħra; billi l-ewwel żjara barra l-pajjiż tal-President Biden kienet fl-Ewropa, li matulha ħa sehem fis-Summit tan-NATO u fis-Summit bejn l-UE u l-Istati Uniti fi Brussell fl-14 u l-15 ta' Ġunju; billi dan jikkonferma l-impenn profond tal-Istati Uniti li jsaħħu r-relazzjonijiet tagħhom mal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u fir-rigward tal-futur tas-sigurtà u d-difiża komuni fl-Alleanza tal-Atlantiku tat-Tramuntana u mal-Unjoni Ewropea; billi l-President Biden ippropona li jiġi organizzat Summit għad-Demokrazija, li jfittex impenji konġunti mal-UE u ma' demokraziji oħra fit-tisħiħ tad-demokraziji tagħna u fit-trawwim ta' kooperazzjoni msaħħa bejn l-istati demokratiċi, filwaqt li jiġu miġġielda l-awtoritarjaniżmu u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja;
E. billi huwa meħtieġ djalogu kostanti u kostruttiv ibbażat fuq objettivi kondiviżi biex tinbena aġenda trans-Atlantika b'saħħitha u ambizzjuża u biex jiġi indirizzat kwalunkwe qasam fejn ikun hemm differenzi trans-Atlantiċi, permezz ta' kooperazzjoni aktar profonda, inkluż f'oqsma bħar-relazzjonijiet maċ-Ċina u r-Russja, l-impenji favur id-difiża u l-kapaċitajiet ta' difiża, il-kunflitti fil-Lvant Nofsani u kwistjonijiet oħra ta' sigurtà u stabbiltà, u biex jiġu identifikati approċċi komuni fejn possibbli; billi huwa ċar li l-alleanza trans-Atlantika ma tistax titqies bħala fatta u trid tingħata spinta ġdida u tissaħħaħ b'mod kostanti;
F. billi, fit-tfittxija u l-approfondiment tal-kooperazzjoni trans-Atlantika, l-UE għandha tistinka għal sħubija fit-tmexxija mal-Istati Uniti, b'enfasi fuq it-tfittxija ta' interessi kondiviżi; billi l-UE għandha trawwem ukoll l-awtonomija strateġika tagħha fir-relazzjonijiet ekonomiċi u dwar id-difiża bħala mezz biex issaħħaħ ir-rabta trans-Atlantika u żżid l-influwenza konġunta tal-UE u tal-Istati Uniti fix-xena dinjija, iżda anki bil-ħsieb li żżid il-kapaċità tagħha li tieħu responsabbiltà akbar biex tindirizza l-isfidi globali u reġjonali ewlenin u tiddeċiedi u taġixxi b'mod awtonomu, jekk meħtieġ, fi kwistjonijiet ta' affarijiet barranin u ta' sigurtà u difiża;
G. billi l-UE u l-Istati Uniti għandhom l-akbar relazzjoni bilaterali ta' kummerċ u investiment u jgawdu l-aktar relazzjoni ekonomika integrata fid-dinja;
H. billi kemm l-UE kif ukoll l-Istati Uniti jikkondividu għadd ta' sfidi komuni ġodda bħall-influwenza malinna ta' reġimi awtoritarji, li jdgħajfu l-istituzzjonijiet multilaterali, l-impatt soċjoekonomiku tal-pandemija, il-promozzjoni tas-saħħa globali, it-tibdil fil-klima u l-ħtieġa li jsir progress fuq miżuri ta' mitigazzjoni tal-klima, il-ġlieda kontra mewġa globali ta' awtoritarjaniżmu, il-ġlieda kontra networks kriminali u terroriżmu globali, li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni jsiru realtà, l-indirizzar tad-diviżjoni li qed tiżdied bejn żoni metropolitani u rurali u t-twettiq tat-trasformazzjonijiet diġitali u ekoloġiċi bħala mezz ta' modernizzazzjoni sostenibbli, l-avvanz tat-teknoloġija, bħall-intelliġenza artifiċjali u ċ-ċibersigurtà, l-evitar tat-taxxa, u sfidi usa' li jinħolqu mid-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija;
I. billi impetu mġedded fir-relazzjoni trans-Atlantika joħloq kuntest politiku favorevoli biex l-isfidi komuni jiġu indirizzati b'mod kostruttiv u biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet fejn il-pożizzjonijiet tagħna jvarjaw;
J. billi f'Diċembru 2020, il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) ippreżentaw strateġija ġdida taċ-ċibersigurtà tal-UE, li għandha l-għan li "l-UE tibqa' minn ta' quddiem fl-issettjar tan-normi u tal-istandards internazzjonali fiċ-ċiberspazju, u li ssaħħaħ il-kooperazzjoni mas-sħab madwar id-dinja biex tippromwovi ċiberspazju globali, miftuħ, stabbli u sigur, li jkun imsejjes fuq l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-valuri demokratiċi"[8];
K. billi hemm appoġġ b'saħħtu miż-żewġ partiti fl-Istati Uniti biex issir ħidma mal-alleati demokratiċi biex tiżdied ir-reżiljenza tal-komunità trans-Atlantika għal theddid ibridu minn reġimi awtoritarji;
L. billi l-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli u l-valuri demokratiċi qed jiġu mhedda mill-qawmien tal-awtoritarjaniżmu assertiv u t-tnaqqis tad-demokrazija f'pajjiżi terzi, kif ukoll minn ġewwa l-UE u l-Istati Uniti permezz taż-żieda ta' movimenti antidemokratiċi populisti u tal-lemin estrem;
M. billi l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE jista' jwassal għal frammentazzjoni ulterjuri tax-xenarju strateġiku, mhux biss f'termini tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti iżda anke fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, fil-G7, fil-G20 u f'formati multilaterali oħra;
N. billi l-Amerka Latina hija reġjun li jikkondividi ħafna valuri, interessi, rabtiet storiċi u rabtiet ekonomiċi u umani fundamentali mal-UE u mal-Istati Uniti;
1. Jilqa' l-adozzjoni tal-proposta l-ġdida tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà għal aġenda għal bidla globali bejn l-UE u l-Istati Uniti f'Diċembru 2020 bħala pjan ta' azzjoni għal sħubija trans-Atlantika mġedda u msaħħa;
2. Jikkonferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għall-kooperazzjoni, is-sħubija u l-ħbiberija trans-Atlantika b'saħħithom bejn l-UE u l-Istati Uniti, li matul l-aħħar 70 sena kkontribwew għall-iżvilupp, il-prosperità u l-integrazzjoni b'suċċess tal-Ewropa u li huma l-bażi għall-istabbiltà u s-sigurtà tagħha sa minn tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija; jissottolinja li r-relazzjoni tal-UE mal-Istati Uniti hija mibnija fuq valuri komuni; ifakkar li s-sistemi politiċi kemm tal-Istati Uniti kif ukoll tal-UE huma msejsa fuq prinċipji demokratiċi, l-istat tad-dritt u r-rispett għal-libertajiet fundamentali; huwa konvint li, permezz tal-kooperazzjoni trans-Atlantika, nistgħu nikkontribwixxu bl-aħjar mod għal soluzzjoni paċifika, sostenibbli u kostruttiva għall-isfidi globali u reġjonali eżistenti, inkluż billi ssir enfasi fuq rikostruzzjoni tal-ekonomija li tkun sostenibbli u li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent, inkluża n-newtralità tal-karbonju sal-2050, u billi tingħeleb l-inġustizzja reġjonali, soċjali, tar-razza u tal-ġeneru; jinsisti li s-sħubija trans-Atlantika mġedda għandha tkun ibbażata fuq l-ugwaljanza tas-sħab; jisħaq, fl-istess ħin, li l-awtonomija strateġika tal-UE ma tistax tinkiseb mingħajr titjib kwalitattiv fl-implimentazzjoni tal-prijoritajiet u l-prinċipji tal-politika estera u ta' difiża tal-UE, u sħubija u kooperazzjoni ambizzjużi mal-eqreb alleati tal-Unjoni, bħall-Istati Uniti;
3. Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) biex jaffermaw mill-ġdid ir-rilevanza kontinwa tar-relazzjoni trans-Atlantika strateġika għall-bini mill-ġdid u t-tisħiħ mill-ġdid tal-ordni internazzjonali multilaterali bbażat fuq ir-regoli, bis-sistema tan-NU u d-dritt internazzjonali fiċ-ċentru tagħha, it-tisħiħ globali tad-demokrazija u tal-valuri demokratiċi u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, għall-indirizzar tal-influwenza malinna u d-diżinformazzjoni tar-reġimi awtoritarji, u għat-tiswir tar-regoli tal-futur diġitali u teknoloġiku skont valuri kondiviżi, żvilupp ekonomiku sostenibbli u tkabbir ekonomiku u impjiegi inklużivi fid-dinja kollha, pożizzjoni koordinata vis-à-vis ir-Russja u ċ-Ċina u offerta komuni ta' investiment f'inizjattivi infrastrutturali globali f'konformità mal-istrateġija tal-UE dwar il-konnettività; jissottolinja r-rilevanza tal-istrateġija tal-UE dwar il-konnettività u jappella għal kooperazzjoni msaħħa bejn l-UE u l-Istati Uniti fil-qasam ewlieni tal-konnettività; jappoġġja l-isforzi trans-Atlantiċi biex tiġi evitata d-dipendenza enerġetika permezz tal-promozzjoni tad-diversifikazzjoni tal-enerġija u, b'mod aktar ġenerali, il-konnettività permezz tal-mekkaniżmi kollha possibbli, kif rifless ukoll fil-komunikat tal-G7 bit-titolu "L-aġenda kondiviża tagħna għal azzjoni globali biex nerġgħu nibnu lura aħjar";
4. Jinnota u jappoġġja wkoll id-determinazzjoni trans-Atlantika l-ġdida dwar l-appoġġ għad-demokrazija madwar id-dinja, b'mod partikolari permezz tad-difiża tal-libertà tal-midja, l-appoġġ għas-soċjetà ċivili u l-protezzjoni u d-difiża tal-ġurnalisti; jilqa' l-impenn ċar tal-Istati Uniti biex isaħħu u jespandu aktar l-ambitu tar-relazzjonijiet trans-Atlantiċi bid-deċiżjoni tal-President tal-Istati Uniti li jivvjaġġa lejn l-Ewropa matul l-ewwel vjaġġ tiegħu barra l-pajjiż u li jipparteċipa fis-Summit bejn l-UE u l-Istati Uniti f'Ġunju; jappoġġja l-konklużjonijiet operattivi tas-Summit kif deskritti fid-Dikjarazzjoni tas-Summit bejn l-UE u l-Istati Uniti "Lejn Sħubija Trans-Atlantika Mġedda", maħruġa fil-15 ta' Ġunju 2021 u li jindikaw impenn qawwi miż-żewġ partijiet biex jiksbu sinerġiji u japprofondixxu d-djalogu u l-kooperazzjoni trans-Atlantiċi; jinnota b'mod partikolari d-determinazzjoni trans-Atlantika biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet umanitarji u li jiġi appoġġjat id-dritt umanitarju internazzjonali kif ukoll li tiġi estiża l-bażi tar-riżorsi għall-azzjoni umanitarja; jinnota wkoll u jappoġġja l-intenzjoni li tissaħħaħ il-kooperazzjoni trans-Atlantika dwar l-użu ta' sanzjonijiet biex jintlaħqu objettivi kondiviżi ta' politika estera u ta' sigurtà;
5. Jappella għal aġenda trans-Atlantika ġdida li tfittex interessi komuni u tisfrutta s-saħħa kollettiva, u tippromwovi l-kooperazzjoni multilaterali għal dinja aktar ekwa u aktar b'saħħitha, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u r-riżoluzzjoni paċifika u sostenibbli tal-kunflitti, inklużi l-kunflitti reġjonali, abbażi tal-prinċipji tad-dritt internazzjonali, il-kontroll tal-armi, in-nonproliferazzjoni tal-armi nukleari u d-diżarm; jisħaq li din l-aġenda għandha tqiegħed l-għanijiet strateġiċi kondiviżi tagħna fiċ-ċentru tagħha, bħat-tisħiħ tal-katina tal-provvista tagħna għall-mediċini u r-riforma tad-WHO, l-iżgurar ta' aċċess adegwat għall-vaċċini għal pajjiżi vulnerabbli, it-tnaqqis tad-dipendenza tagħna fuq riżervi tal-enerġija esterni, iż-żieda tal-investiment f'teknoloġiji avvanzati, il-ġlieda kontra l-inugwaljanzi, il-promozzjoni tat-trasformazzjoni ekoloġika, u l-kooperazzjoni flimkien ma' pajjiżi terzi rilevanti, bl-enfasi tkun fuq is-sigurtà u l-istabbiltà tal-viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar tal-UE, il-Balkani tal-Punent u l-kontinent Afrikan;
6. Jissottolinja l-ħtieġa li tiġi approfondita l-kooperazzjoni leġiżlattiva u li jiġu stabbiliti strutturi aktar b'saħħithom għall-kooperazzjoni leġiżlattiva u djalogu trans-Atlantiku inklużiv ibbażat fuq il-fergħat leġiżlattivi kemm tal-UE kif ukoll tal-Istati Uniti, bħal assemblea trans-Atlantika tal-leġiżlaturi; jinnota li ż-żieda fl-għarfien ta' strutturi bħad-Djalogu Trans-Atlantiku tal-Leġiżlaturi u l-organizzazzjoni ta' laqgħat u żjarat aktar regolari tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tal-Parlament mal-kontropartijiet tagħhom tal-Istati Uniti, pereżempju fl-okkażjoni ta' żjarat annwali regolari tal-kumitati rispettivi, jerġgħu jġibu l-fiduċja fil-kooperazzjoni trans-Atlantika u d-durabbiltà u l-effiċjenza tagħha; iħeġġeġ lill-Kungress tal-Istati Uniti jsaħħaħ id-Djalogu Trans-Atlantiku tal-Leġiżlaturi billi jawtorizzah bħala korp formali bi sħubija permanenti ddedikat għall-iżvilupp tar-relazzjonijiet bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea u bħala l-kontroparti naturali tad-delegazzjoni interparlamentari tal-Parlament Ewropew għar-relazzjonijiet mal-Kungress tal-Istati Uniti; jilqa' l-varar mill-ġdid tal-Caucus tal-Unjoni Ewropea fil-Kungress tal-Istati Uniti u jissottolinja l-importanza ta' kooperazzjoni u assoċjazzjoni mill-qrib mal-attivitajiet tad-Djalogu Trans-Atlantiku tal-Leġiżlaturi; jafferma mill-ġdid l-importanza tal-kumitat ta' tmexxija tad-Djalogu Trans-Atlantiku tal-Leġiżlaturi fl-iżgurar tal-koordinazzjoni tal-attivitajiet kollha relatati mal-kooperazzjoni trans-Atlantika dwar l-isforzi leġiżlattivi fil-Parlament Ewropew, bil-għan li tissaħħaħ is-sorveljanza parlamentari;
7. Jilqa' d-djalogu trans-Atlantiku rikk fil-livell tas-soċjetà ċivili u jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti jkomplu jivvalorizzaw tali djalogu u jinvolvu lill-partijiet ikkonċernati soċjali u ekonomiċi kollha fid-dibattitu dwar il-futur tar-relazzjonijiet trans-Atlantiċi; huwa tal-fehma li djalogu trans-Atlantiku regolari tas-soċjetà ċivili jista' jiġi stabbilit għal dan il-għan; jisħaq li l-kuntatti bejn iċ-ċittadini tal-UE u l-Istati Uniti jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' valuri komuni, fiduċja u fehim reċiproku bejn is-sħab trans-Atlantiċi; jitlob, għalhekk, aktar appoġġ għall-promozzjoni u l-faċilitazzjoni ta' programmi ta' mobbiltà u skambju, bħal Erasmus+, u skambji ta' internships bejn il-Kungress u l-Parlament Ewropew; jissottolinja l-importanza li jissaħħu l-kuntatti bejn il-persuni fix-xjenza, ir-riċerka u l-edukazzjoni;
8. Jappella għal kooperazzjoni interparlamentari msaħħa bejn il-Membri tal-Parlament Ewropew, il-Membri tal-Kungress, il-membri tal-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri tal-UE u l-membri tad-diversi leġiżlaturi tal-Istat tal-50 Stat Federali tal-Istati Uniti, f'oqsma tematiċi differenti li jistgħu jippermettu l-iskambju tal-aħjar prattiki, inklużi djalogi sottonazzjonali bħall-"Under2 Coalition", u koordinazzjoni msaħħa dwar sfidi globali iżda anki dwar sfidi nazzjonali kondiviżi, bħall-indirizzar tal-inugwaljanza ekonomika u soċjali, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-istandards demokratiċi fid-dawl ta' theddidiet antidemokratiċi li qed jiżdiedu, kemm interni kif ukoll esterni, id-difiża tad-dritt internazzjonali u s-salvagwardja ta' ftehimiet legalment vinkolanti, il-promozzjoni ta' interessi strateġiċi komuni, il-kopertura tas-saħħa universali, il-konverġenza leġiżlattiva dwar l-IA ċċentrata fuq il-bniedem fil-forom kollha tagħha, l-appoġġ għall-kooperazzjoni bejn kumpaniji tal-Istati Uniti u tal-UE, it-teknoloġiji tal-innovazzjoni u teknoloġiji oħra mill-aktar avvanzati bħall-5G u s-6G u l-bijoteknoloġiji, ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, it-tassazzjoni tal-kumpaniji tat-teknoloġija, ir-responsabbiltà u l-obbligu ta' rendikont tal-pjattaformi online, inkluż permezz tal-għoti tas-sorveljanza meħtieġa biex ikun żgurat li l-politiki tal-pjattaformi online jkunu konformi mal-valuri demokratiċi ewlenin, inkluż bħala theddida għas-sigurtà, u l-objettiv ta' tranżizzjoni ġusta lejn in-newtralità klimatika, il-protezzjoni ta' ambjent medjatiku liberu u indipendenti u l-protezzjoni tal-elezzjonijiet demokratiċi tagħna minn indħil barrani; itenni l-importanza tal-kooperazzjoni spazjali bejn l-UE u l-Istati Uniti u tad-Djalogu Spazjali bejn l-UE u l-Istati Uniti; jilqa' l-impenn imħabbar biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni trans-Atlantika dwar l-ispazju billi jittejjeb il-Ftehim Galileo-GPS; jemmen li l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar l-ispazju tista' tgħin il-promozzjoni tal-istandards tas-sikurezza u l-aħjar prattiki spazjali fil-komunità internazzjonali;
9. Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Uniti jaħdmu flimkien fuq l-isfidi globali tat-taxxa, filwaqt li jibnu fuq il-ħidma tal-OECD, bħal riforma tas-sistema internazzjonali tat-taxxa korporattiva, bil-ħsieb li jeliminaw il-possibbiltà li l-operaturi ekonomiċi jużaw strateġiji ta' erożjoni tal-bażi tat-taxxa u trasferiment tal-profitti (BEPS) biex jevitaw il-ħlas ta' taxxi korporattivi; jappoġġja, f'dan ir-rigward, il-ħidma tal-Qafas Inklużiv tal-OECD/G20 dwar il-BEPS; jissottolinja li l-isforzi favur riforma jridu jinkludu l-eliminazzjoni tar-rifuġji fiskali; jenfasizza li tali miżuri jistgħu jservu biex inaqqsu l-inugwaljanzi ekonomiċi; jafferma l-impenn tal-UE favur tassazzjoni ġusta fl-ekonomija diġitali, kif mitlub fl-aġenda l-ġdida għal bidla globali bejn l-UE u l-Istati Uniti;
10. Jenfasizza l-importanza tar-reċiproċità tal-viża bejn l-UE u l-Istati Uniti u jħeġġeġ liż-żewġ naħat isibu soluzzjoni aċċettabbli b'mod reċiproku permezz ta' ħidma diplomatika attiva li tippermetti sistema mingħajr viża għall-Istati Membri kollha tal-UE; jilqa' l-inklużjoni tal-Polonja fil-Programm għall-Eżenzjoni mill-Viża tal-Istati Uniti u l-konferma li l-Kroazja tissodisfa wkoll ir-rekwiżiti kollha għall-inklużjoni; jistieden lill-Istati Uniti jħaffu l-proċess ta' adeżjoni tal-Bulgarija, ta' Ċipru u tar-Rumanija fil-Programm għall-Eżenzjoni mill-Viża;
L-istabbiliment mill-ġdid tal-multilateraliżmu
11. Jilqa' l-impenn mill-ġdid tal-Istati Uniti favur il-multilateraliżmu bbażat fuq ir-regoli u favur l-alleanzi mas-sħab tagħha, u jenfasizza li dan jipprovdi opportunità importanti biex jerġa' jkun hemm kooperazzjoni mal-Istati Uniti fil-bini mill-ġdid, il-konsolidazzjoni u l-espansjoni ulterjuri tar-relazzjoni trans-Atlantika, inkluż f'oqsma bħall-multilateraliżmu u d-drittijiet tal-bniedem, u t-tisħiħ flimkien, bħala sħab ugwali, tal-ordni globali bbażat fuq ir-regoli fl-ispirtu tal-valuri demokratiċi liberali kondiviżi tagħna; jissottolinja l-importanza ta' kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Uniti u ma' stati oħra tal-istess fehma għall-modernizzazzjoni ta' organizzazzjonijiet multilaterali sabiex ikunu adattati għall-iskop tagħhom u tittejjeb il-promozzjoni tal-paċi u s-sigurtà globali, id-drittijiet fundamentali, il-valuri universali u d-dritt internazzjonali; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li pajjiżi min-Nofsinhar Globali jiġu inklużi f'dawn l-isforzi; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' kooperazzjoni u koordinazzjoni mill-qrib fis-sistema tan-NU, l-aġenziji, l-organizzazzjonijiet u l-missjonijiet tagħha, inkluż fir-rigward tal-persunal f'pożizzjonijiet ta' tmexxija;
12. Itenni l-impenn tiegħu favur il-kooperazzjoni internazzjonali fin-NU bħala forum indispensabbli għal soluzzjonijiet multilaterali għall-isfidi globali u għall-komunikazzjoni tal-politika, id-djalogu politiku u l-bini ta' kunsens fil-komunità internazzjonali kollha;
13. Jappella għal aktar finanzjament konġunt bejn l-UE u l-Istati Uniti ta' proġetti innovattivi bbażati fuq teknoloġiji mill-aktar avvanzati, aktar investimenti konġunti fir-riċerka u l-iżvilupp, żieda fl-iskambji akkademiċi bejn il-persuni fl-iSTEM, u aktar appoġġ konġunt għall-istart-ups u l-SMEs fil-qasam tat-teknoloġija;
14. Jilqa' d-deċiżjoni tal-amministrazzjoni ta' Biden li terġa' tidħol fil-Ftehim ta' Pariġi u l-ħatra ta' Mibgħut Presidenzjali Speċjali għall-Klima, John Kerry; jilqa' t-tħabbira dwar it-twaqqif ta' Grupp ta' Livell Għoli dwar l-Azzjoni Klimatika bejn l-UE u l-Istati Uniti; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Uniti jippreżentaw proposti konkreti biex jindirizzaw it-tibdil fil-klima u l-kummerċ ekoloġiku, u jippromwovu l-operazzjonalizzazzjoni tat-teknoloġija ekoloġika, inklużi l-idroġenu, il-finanzi sostenibbli u l-bijodiversità;
15. Jisħaq fuq l-importanza tal-kooperazzjoni globali dwar l-isfidi transnazzjonali tat-trawwim tal-edukazzjoni, ix-xjenza, iż-żgħażagħ u d-diversità kulturali u d-djalogu; jistieden lill-Istati Uniti jerġgħu jissieħbu fl-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO);
16. Jilqa' d-deċiżjoni tal-Istati Uniti li jerġgħu jissieħbu fl-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa; jappella għal tmexxija trans-Atlantika dwar id-diplomazija fil-qasam tas-saħħa biex tikkoordina l-approċċ biex il-COVID-19 titwaqqaf f'livell globali, kif ukoll kriżijiet tas-saħħa futuri possibbli, u biex issaħħaħ is-sigurtà tas-saħħa globali, b'mod partikolari r-riforma tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u l-isforz trans-Atlantiku konġunt biex jingħata aċċess globali ekwu għall-vaċċini, it-testijiet u t-trattamenti tal-COVID-19, u d-distribuzzjoni tagħhom, b'mod partikolari f'pajjiżi b'introjtu aktar baxx; jinsisti fuq it-trawwim tal-kooperazzjoni biex jiġu stabbiliti proċeduri aħjar għat-tħejjija għal pandemiji futuri, inkluż permezz ta' approċċ kliniku u regolatorju koerenti u konsistenti li jikkomplementa l-ktajjen tal-provvista globali biex jiġu żgurati l-flessibbiltà u r-reżiljenza; jappella għal investigazzjoni indipendenti imparzjali dwar is-sors u t-tixrid tal-pandemija tal-COVID-19, kif ukoll dwar il-ġestjoni tagħha mid-WHO fil-bidu tagħha;
17. Jissottolinja l-ħtieġa ta' diplomazija pubblika mtejba dwar il-vaċċini li fiha l-UE u l-Istati Uniti jista' jkollhom rwol ewlieni, peress li l-vaċċinazzjoni globali hija l-uniku mod biex il-pandemija tintemm; jilqa' l-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-UE u tal-Istati Uniti għall-Faċilità COVAX u l-promozzjoni tal-kooperazzjoni internazzjonali biex tittejjeb l-aċċessibbiltà għall-vaċċini fid-dinja kollha, billi jittieħed approċċ koordinat meta tiġi indirizzata l-proposta biex jittaffew ir-regoli dwar il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali għall-vaċċini; iħeġġeġ, f'dan is-sens, lis-sħab trans-Atlantiċi jaħdmu flimkien biex jippermettu l-produzzjoni u l-kunsinna rapidi tal-vaċċini kull fejn ikunu meħtieġa; jinkoraġġixxi skambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Uniti u l-UE dwar l-organizzazzjoni tad-distribuzzjoni ta' vaċċini biex jiġu żgurati tħejjija u reżiljenza aħjar għall-futur;
18. Jappella għal approċċ konċertat bejn l-UE u l-Istati Uniti fin-NU, inkluż dwar ir-riforma tan-NU biex issaħħaħ l-effikaċja tagħha bħala organizzazzjoni multilaterali, iġġib aktar trasparenza lill-istituzzjoni u ssaħħaħ il-kredibbiltà tagħha; jappella għal sforzi koordinati biex jinkisbu impenji ambizzjużi fis-Summits tan-NU dwar it-tibdil fil-klima u l-bijodiversità fl-2021 (COPs 26); jitlob lill-UE u lill-Istati Uniti jkollhom rwol ewlieni fil-Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u f'fora oħra bħall-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali u l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-kooperazzjoni fl-enerġija nadifa u fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, u fit-teknoloġiji u l-prodotti b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju hija kruċjali, kif ukoll il-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet urġenti oħra bħan-nonproliferazzjoni, ir-riżoluzzjoni tal-kunflitti u l-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni vjolenti u t-terroriżmu; jesprimi tħassib dwar il-fatt li matul l-aħħar tliet deċennji ċ-Ċina ttriplikat l-emissjonijiet tal-karbonju tagħha u issa qed temetti 27 % tal-gassijiet serra tad-dinja, u b'hekk l-isforzi tal-UE u tal-Istati Uniti biex jindirizzaw l-emissjonijiet tal-gassijiet serra ma jibqgħux biżżejjed mingħajr impenn u implimentazzjoni ċari miċ-Ċina;
19. Jitlob li d-dritt internazzjonali tal-baħar jiġi difiż u, f'dan ir-rigward, itenni t-talba tiegħu lill-Istati Uniti biex jirratifikaw il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar; jistieden lill-Istati Uniti jingħaqdu fl-isforzi tal-UE biex jinkoraġġixxu l-adozzjoni ta' trattat internazzjonali dwar l-iskart fil-baħar u t-tniġġis tal-plastik fil-baħar fl-Assemblea tan-NU għall-Ambjent li jmiss; iħeġġeġ lill-Istati Uniti u lill-UE jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat madwar id-dinja;
20. Jinnota li l-President Biden ħabbar mira ġdida ta' dekarbonizzazzjoni ta' bejn 50 % u 52 % sal-2030 meta mqabbla mal-livelli tal-2005; jinnota wkoll li l-President Biden organizza b'mod virtwali Summit tal-Mexxejja dwar il-Klima biex jiġu stimulati l-isforzi ta' ekonomiji ewlenin dwar l-azzjoni klimatika;
21. Jirrikonoxxi t-titjib sinifikanti fil-kwalità tal-arja fl-Istati Uniti matul l-aħħar ftit deċennji, xprunat l-aktar mit-titjib teknoloġiku u l-innovazzjoni fis-settur tal-enerġija;
22. Jemmen li l-UE għandha tafferma mill-ġdid, flimkien mal-Istati Uniti, iċ-ċentralità tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli u l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, bħala qafas għal kooperazzjoni multilaterali effettiva, li tinvolvi wkoll liċ-Ċina kull meta jkun possibbli, dment li jkun hemm impenn ġenwin miċ-Ċina favur id-djalogu u l-kooperazzjoni mingħajr kunflitti u b'aġenda li ssaħħaħ l-istrutturi u l-objettivi ewlenin tal-aġenda 2030;
23. Jappella għal koordinazzjoni msaħħa dwar l-użu ta' miżuri restrittivi, inklużi sanzjonijiet b'rabta mad-drittijiet tal-bniedem, u jħeġġeġ lill-Kunsill jadotta komponent ta' korruzzjoni bħala parti mir-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem; jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti jikkoordinaw il-politiki ta' sanzjonijiet tagħhom kull meta jkun possibbli u utli;
24. Jilqa' l-impenn imħabbar tal-amministrazzjoni ta' Biden li terġa' tibda tiddjaloga mal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, li jindika l-intenzjoni mġedda tal-Istati Uniti li jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem globalment bit-tama li jissaħħu l-isforzi lejn ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem globalment u li tiġi evitata d-definizzjoni mill-ġdid awtoritarja tad-drittijiet tal-bniedem bħala kunċett iċċentrat fuq l-istat; jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti, flimkien ma' alleati tal-istess fehma, jaħdmu biex jirriformaw il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem u b'mod partikolari jistabbilixxu kriterji ċari għas-sħubija fih;
25. Jitlob li jissaħħaħ l-impenn tal-UE u l-Istati Uniti favur il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem globalment, u favur il-ġlieda kontra ż-żieda tal-awtoritarjaniżmu u r-reġimi illiberali; jinkoraġġixxi l-istabbiliment ta' sett ta' għodod konġunt komprensiv bejn l-UE u l-Istati Uniti biex jiġu indirizzati l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jaħdmu mill-qrib ma' demokraziji oħra biex jiddefendu u jippromwovu d-drittijiet fundamentali tal-bniedem u l-valuri demokratiċi f'livell internazzjonali permezz ta' kollaborazzjoni msaħħa mill-qrib ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, bħall-Kunsill tal-Ewropa u l-OSKE; huwa tal-fehma li l-Parlament u l-Kungress jistgħu jikkooperaw flimkien dwar każijiet ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili li qed jiġu ppersegwitati u inkarċerati mingħajr raġuni jew biex irażżnu l-azzjonijiet tagħhom;
26. Jilqa' t-tneħħija tas-sanzjonijiet tal-Istati Uniti fuq uffiċjali għolja tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) mill-amministrazzjoni ta' Biden; iħeġġeġ lill-Istati Uniti jissieħbu fl-Istatut ta' Ruma li jistabbilixxi l-QKI u jikkooperaw b'mod kostruttiv mal-Qorti fl-investigazzjonijiet u l-proċedimenti legali tagħha li għaddejjin;
27. Itenni l-appell tiegħu lill-Istati Uniti biex jabolixxu l-piena tal-mewt u jirriformaw is-sistema tal-ġustizzja kriminali tagħhom;
28. Iħeġġeġ id-djalogu u l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar il-promozzjoni tal-ugwaljanza razzjali u bejn il-ġeneri; jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti jieħdu passi deċiżivi biex jindirizzaw ir-razziżmu sistemiku, kif rifless fil-vjolenza tal-pulizija li hija sproporzjonata fil-konfront ta' minoranzi etniċi u razzjali, u l-inugwaljanzi stabbiliti li jkebbsu protesti paċifiċi leġittimi;
29. Huwa tal-fehma li l-UE u l-Istati Uniti flimkien jistgħu jagħmlu progress fir-rigward tal-ugwaljanza u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u jiżguraw li dawn jiġu riflessi u appoġġjati kif xieraq fit-teħid tad-deċiżjonijiet ta' fora multilaterali; jissuġġerixxi, għalhekk, li tiġi esplorata pjattaforma permanenti għal djalogu bejn l-UE u l-Istati Uniti biex jittieħdu passi konkreti biex jiġu miġġielda r-razziżmu, id-diskors ta' mibegħda u d-diskriminazzjoni, inkluża d-diskriminazzjoni kontra l-persuni LGBTIQ, u jappella għal kooperazzjoni multilaterali aktar mill-qrib f'dan ir-rigward ma' organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-OSKE, in-NU, l-Unjoni Afrikana, l-OAS u l-KtE; jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti biex flimkien jorganizzaw Summit Globali Kontra r-Razziżmu dwar il-ġlieda kontra r-razziżmu u d-diskriminazzjoni globali;
30. Jinsisti li jinħtieġu aktar sforzi biex jittejbu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-drittijiet tan-nisa, inkluż dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru u s-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati, fost oħrajn;
31. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom mal-Istati Uniti fil-promozzjoni tal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin madwar id-dinja; jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti jipproteġu u jippreservaw reċiprokament il-wirt kulturali u storiku tal-Ewropa u tal-Istati Uniti kemm fl-Istati Uniti kif ukoll fl-UE;
32. Iħeġġeġ lill-amministrazzjoni ta' Biden twettaq malajr il-pjanijiet imħabbra tagħha biex tagħlaq il-faċilità ta' detenzjoni ta' Guantanamo; jiddispjaċih għall-fatt li kważi 20 sena wara l-istabbiliment tal-faċilità, 40 priġunier għadhom detenuti, inklużi ħamsa li kien awtorizzat li jinħelsu taħt l-amministrazzjoni Obama; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha joffru l-assistenza tagħhom biex jiffaċilitaw il-proċess;
33. Iħeġġeġ lill-Istati Uniti jiggarantixxu aċċess ekwu u miftuħ għal servizzi essenzjali bħas-sistema tal-kura tas-saħħa u l-iskemi tal-protezzjoni soċjali għal sehem akbar tal-popolazzjoni; iħeġġeġ lill-amministrazzjoni ta' Biden li għadha kif inħatret biex tieħu azzjonijiet konkreti biex tirregola l-pussess tal-armi fost iċ-ċittadini tal-Istati Uniti;
34. Jenfasizza li l-komunità trans-Atlantika qed tħabbat wiċċha ma' firxa wiesgħa ta' sfidi komuni bla preċedent, li jvarjaw mill-ġlieda kontra t-terroriżmu sat-theddid ibridu, it-tibdil fil-klima, id-diżinformazzjoni, l-attakki ċibernetiċi, it-teknoloġiji emerġenti u fixkiela (EDTs), u bidla fil-bilanċ globali tal-poter, kif ukoll l-isfida li tirriżulta għall-ordni internazzjonali bbażata fuq ir-regoli;
Kooperazzjoni msaħħa dwar il-kummerċ u l-investimenti internazzjonali
35. Jisħaq fuq il-ħtieġa li naħdmu flimkien mal-Istati Uniti, billi nisfruttaw momentum pożittiv, dwar it-tisħiħ tas-sistema kummerċjali multilaterali u r-riforma tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ; jilqa' l-eżitu tas-summit bejn l-UE u l-Istati Uniti tal-15 ta' Ġunju 2021 "Lejn Sħubija Trans-Atlantika Mġedda" bħala sinjal ta' impenn imġedded u kostruttiv; jilqa' l-Ftehim dwar Qafas Kooperattiv għal Inġenji tal-Ajru Ċivili Kbar; jieħu nota tar-rikonoxximent fid-dikjarazzjoni tas-summit bejn l-UE u l-Istati Uniti li l-applikazzjoni mill-Istati Uniti tat-tariffi fuq l-importazzjonijiet mill-UE skont it-Taqsima 232 tal-Istati Uniti wasslet għal tensjonijiet fir-relazzjoni trans-Atlantika, u jfaħħar l-impenn espliċitu fl-istess dikjarazzjoni biex id-differenzi eżistenti dwar il-kapaċità żejda tal-azzar u tal-aluminju jiġu solvuti qabel tmiem is-sena; iqis li l-istabbiliment ta' diversi pjattaformi għal diskussjoni permanenti, bħall-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija u d-Djalogu Konġunt bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni fil-qasam tat-Teknoloġija, huwa essenzjali peress li se jkomplu jippermettu l-kummerċ trans-Atlantiku, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni twaqqaf struttura effiċjenti u inklużiva min-naħa tal-UE għall-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija mill-aktar fis possibbli; jilqa' l-istabbiliment ta' Task Force Konġunta bejn l-UE u l-Istati Uniti għall-Manifattura u l-Katina tal-Provvista b'rabta mal-COVID-19;
36. Jissottolinja li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti għandhom l-aktar relazzjoni ekonomika integrata fid-dinja, li hija wkoll l-akbar u l-aktar relazzjoni profonda ta' kummerċ u ta' investiment bilaterali, fejn il-kummerċ fi prodotti u servizzi jammonta għal aktar minn EUR 1 triljun fis-sena; ifakkar li l-ekonomiji tal-UE u tal-Istati Uniti flimkien jammontaw għal aktar minn 40 % tal-PDG globali u għal kważi terz tal-flussi kummerċjali globali;
37. Jenfasizza l-importanza li nsaħħu mill-ġdid ir-relazzjoni kummerċjali trans-Atlantika tagħna bħala alleati storiċi u sħab kummerċjali, anki fid-dawl tal-kriżi attwali tal-COVID-19, bil-għan li jiġi promoss il-multilateraliżmu, titrawwem sistema kummerċjali miftuħa u bbażata fuq ir-regoli u jinstabu soluzzjonijiet komuni għall-isfidi globali urġenti, inkluża s-saħħa globali;
38. Jieħu nota tal-indikazzjonijiet diġà pprovduti mill-kontropartijiet tal-Istati Uniti u d-dikjarazzjonijiet tar-Rappreżentant tal-Kummerċ tal-Istati Uniti Katherine Tai waqt is-seduta ta' smigħ dwar l-aġenda kummerċjali tal-2021 tal-amministrazzjoni ta' Biden;
39. Itenni, f'dan il-kuntest, l-appoġġ tiegħu għall-istrateġija kummerċjali l-ġdida tal-UE, li timmira, anke permezz tal-aġenda trans-Atlantika tal-Unjoni, lejn sinerġiji bejn l-objettivi tal-politika domestika u esterna f'konformità mal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU;
40. Jidentifika l-politika kummerċjali bħala għodda ġeopolitika strateġika għall-aġenda trans-Atlantika; jenfasizza li l-Istati Uniti huma sieħeb kummerċjali kruċjali u għalhekk jilqa' s-sinjali pożittivi mill-amministrazzjoni ta' Biden bil-pjanijiet tagħha li ssaħħaħ ir-relazzjonijiet bilaterali mal-UE, u jappella għal kooperazzjoni mġedda li għandha ġġib riżultati dejjiema u konkreti fis-snin li ġejjin, filwaqt li jitqies li r-relazzjonijiet ekonomiċi tagħna huma affettwati wkoll mill-interessi tas-sigurtà fil-kuntest ta' awtonomija strateġika miftuħa;
41. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu identifikati azzjonijiet konġunti bbażati fuq interessi u valuri kondiviżi kif ukoll fuq riskji u theddidiet kondiviżi bil-għan li jingħata kontribut lill-irkupru ekonomiku globali sostenibbli u inklużiv mill-pandemija tal-COVID-19;
42. Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi rriformata s-sistema kummerċjali globali, sabiex tiżgura kundizzjonijiet ekwi globali u li naħdmu flimkien biex niżviluppaw regoli ġodda, b'mod partikolari fir-rigward ta' prattiki kummerċjali inġusti, peress li l-kompetizzjoni inġusta qed taffettwa b'mod qawwi lill-kumpaniji u lill-ħaddiema tagħna;
43. Jappoġġja l-approċċ ta' sħubija fit-tmexxija mal-Istati Uniti, inkluża pożizzjoni koordinata fil-konfront tar-Russja u ċ-Ċina, b'enfasi fuq il-ksib ta' interessi kondiviżi fit-trasformazzjonijiet ekoloġiċi u diġitali tal-ekonomiji tagħna, kif ukoll ta' inizjattivi komuni fir-rigward tal-provvisti ta' beni pubbliċi globali; jisħaq li "l-ħaddiema u l-pagi", kif ukoll ktajjen tal-provvista aktar reżiljenti, sostenibbli u responsabbli, huma inklużi f'din l-aġenda; f'dan ir-rigward, iħeġġeġ liż-żewġ naħat jikkoordinaw l-approċċ tagħhom dwar ix-xogħol furzat u l-kundizzjonijiet tax-xogħol abbużivi u jikkooperaw biex itejbu r-rispett għad-drittijiet tal-ħaddiema u l-istandards ambjentali fil-ftehimiet kummerċjali, kif ukoll fil-livell multilaterali, inkluż billi jibnu fuq l-esperjenza ta' xulxin ħalli jinfurzaw dawn id-dispożizzjonijiet b'mod aktar effiċjenti;
44. Jissottolinja l-ħtieġa li jintwera li relazzjonijiet kummerċjali mtejba bejn l-UE u l-Istati Uniti jkunu ta' benefiċċju għaċ-ċittadini, speċjalment dawk li tħallew lura bil-globalizzazzjoni, u għan-negozji fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku; f'dak il-kuntest, jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti jaħdmu flimkien u jallinjaw l-istrateġiji tagħhom biex joħolqu sinerġiji ta' investiment, b'mod partikolari biex jiksbu tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi sostenibbli u inklużivi tal-ekonomiji tagħhom;
45. Jinnota li l-isfidi komuni bejn l-UE u l-Istati Uniti huma dejjem iżjed mhux ta' natura militari u jaqgħu fi ħdan is-sħubija ekonomika tagħna; jitlob, għalhekk, li jkun hemm djalogu parlamentari trans-Atlantiku kontinwu u msaħħaħ dwar il-kummerċ bejn il-Parlament Ewropew u l-Kungress tal-Istati Uniti permezz ta' interazzjoni bejn il-kumitati, fi kliem ieħor bejn il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali tal-Parlament Ewropew, min-naħa tal-UE, u l-Kumitat Ways & Means, is-sottokumitat tiegħu għall-kummerċ u l-Kumitat għall-Finanzi tas-Senat, min-naħa tal-Istati Uniti, kif ukoll fil-qafas tad-Djalogu Trans-Atlantiku tal-Leġiżlaturi; jitlob b'mod aktar speċifiku għall-istabbiliment ta' sottokumitat għall-Kummerċ u t-Teknoloġija fid-Djalogu Trans-Atlantiku tal-Leġiżlaturi biex jikkomplementa l-parti eżekuttiva tal-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija u biex jeżerċita l-kontroll demokratiku tiegħu;
46. Jilqa' bil-qawwa l-appoġġ tal-Istati Uniti għad-Direttur Ġenerali l-ġdid tad-WTO, Ngozi Okonjo-Iweala, u sħubija mill-ġdid tal-Istati Uniti fil-Ftehim ta' Pariġi; jilqa' s-sospensjoni temporanja ta' erba' xhur tat-tariffi ta' Airbus u Boeing, li kellhom effett negattiv sproporzjonat fuq il-prodotti agroalimentari tal-UE, bħala pass pożittiv lejn is-sejba ta' soluzzjoni dejjiema għas-sussidji għall-inġenji tal-ajru ċivili; jinnota li s-sospensjoni ta' dawn it-tariffi se tintemm f'Lulju 2021, u jħeġġeġ li tinstab soluzzjoni li twassal għat-tneħħija permanenti ta' dawn it-tariffi;
47. Jilqa' r-rieda tal-Istati Uniti li jiftħu diskussjonijiet biex jindirizzaw il-kapaċità żejda globali tal-azzar u tal-aluminju; jinnota d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tissospendi ż-żieda fit-tariffi għall-importazzjonijiet tal-Istati Uniti li jikkontrobilanċjaw il-miżuri tal-Istati Uniti;
48. Jilqa' wkoll il-konklużjoni rapida tal-ftehim tad-WTO dwar il-kwoti tariffarji, li kien l-ewwel ftehim mal-Istati Uniti taħt l-amministrazzjoni l-ġdida ta' Biden u juri r-rieda ta' din l-amministrazzjoni l-ġdida li tfittex ftehimiet mal-UE fil-qafas tad-WTO;
49. Jirrikonoxxi fl-istess ħin li għad hemm ċerti interessi diverġenti; iħeġġeġ, f'dan ir-rigward, liż-żewġ naħat jirriżolvu t-tilwim bilaterali; iħeġġeġ lill-Istati Uniti jneħħu l-miżuri kummerċjali unilaterali u t-theddidiet ta' miżuri addizzjonali fir-rigward tat-taxxi fuq is-servizzi diġitali, joqogħdu lura milli jieħdu oħrajn, u pjuttost jiffokaw fuq dak li jgħaqqadna; jagħti importanza kbira lis-Summit bejn l-UE u l-Istati Uniti f'Ġunju 2021 bħala pass 'il quddiem biex ir-relazzjoni kummerċjali tagħna tibqa' tissaħħaħ u biex jiġu diskussi oqsma mhux sfruttati għal kooperazzjoni akbar;
50. Iħeġġeġ lill-Istati Uniti biex, minkejja t-taħditiet li għaddejjin bħalissa, ineħħu minnufih it-tariffi tat-Taqsima 232 fuq l-azzar u l-aluminju peress li l-kumpaniji Ewropej ma jistgħux jitqiesu bħala theddida għas-sigurtà nazzjonali mill-Istati Uniti u jenfasizza l-ħtieġa li jiġi indirizzat b'mod konġunt it-tħassib relatat mal-kapaċità żejda tal-azzar u tal-aluminju minn pajjiżi terzi; itenni, fost l-oħrajn, l-ambizzjoni tal-UE li telimina t-tariffi għall-prodotti industrijali bejn l-UE u l-Istati Uniti;
51. Filwaqt li jiddeplora l-konklużjoni tat-300 investigazzjoni u waħda dwar it-taxxi diġitali, jilqa' pożittivament is-sospensjoni tas-sitt xhur ta' ritaljazzjoni kummerċjali fuq setturi ekonomiċi bħal taż-żraben fl-Istati Membri li implimentaw taxxa fuq is-servizzi diġitali filwaqt li għaddejjin negozjati fil-qafas tal-OECD; jesprimi tħassib dwar il-lista preliminari ta' tariffi ta' ritaljazzjoni tar-Rappreżentant tal-Kummerċ tal-Istati Uniti li tirriżulta mit-300 investigazzjoni u waħda dwar it-taxxi differenti tal-UE fuq is-servizzi diġitali, li tinkludi setturi tal-manifattura partikolarment sensittivi bħall-industriji taż-żraben u tal-ġlud, li potenzjalment jistgħu jispiċċaw jiġu esklużi mis-suq tal-Istati Uniti jekk jiġu adottati tariffi addizzjonali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħaffu u jikkonkludu malajr kemm jista' jkun in-negozjati fil-qafas tal-proposta tal-OECD dwar it-tassazzjoni diġitali u jsegwu l-modi kollha possibbli biex jevitaw aktar ħsara ekonomika lill-kumpaniji tal-UE, b'mod partikolari l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, speċjalment fil-kuntest tal-istrateġiji ta' rkupru tal-COVID-19; iqis li minħabba l-kompetenza esklużiva tal-UE fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni u t-theddidiet ta' ritaljazzjoni tal-Istati Uniti fir-rigward tal-liġijiet dwar it-tassazzjoni diġitali, approċċ komuni tal-UE huwa preferibbli minn approċċi individwali fil-livell nazzjonali, b'mod partikolari sabiex tiġi evitata eskalazzjoni trans-Atlantika ulterjuri tat-tariffi;
52. Jirrikonoxxi li għad hemm opportunitajiet mhux sfruttati biex titneħħa burokrazija sinifikanti u tissaħħaħ is-sħubija ekonomika trans-Atlantika; fil-kuntest tat-tellieqa teknoloġika li għaddejja, jisħaq fuq l-importanza ta' spazju regolatorju Trans-Atlantiku ċar għan-negozji tagħna, speċjalment għat-teknoloġiji emerġenti diġitali, tal-enerġija u relatati mal-klima; jistenna li ż-żewġ naħat jindirizzaw fi djalogu t-tħassib tal-UE rigward il-Buy American Act u l-Jones Act tal-Istati Uniti, inklużi l-akkwist pubbliku u l-aċċess għas-swieq għas-servizzi;
53. Jappoġġja approċċ konġunt għall-indirizzar tal-kriżi tal-COVID-19 billi, fost miżuri oħra, jiżdiedu d-disponibbiltà u l-affordabbiltà tal-vaċċini; jappella lill-UE u lill-Istati Uniti biex jaħdmu flimkien u jmexxu l-isforzi biex jindirizzaw il-kwistjoni tan-nuqqas ta' vaċċini u jiżguraw li l-vaċċini jitwasslu madwar id-dinja u lill-aktar nies possibbli malajr kemm jista' jkun; ifakkar li d-dinja qed tiffaċċja skarsezza globali ta' vaċċini; għalhekk, sabiex tinkiseb l-ekwità tal-vaċċini, jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti jaħdmu mal-manifatturi biex iżidu l-kapaċità tal-manifattura globali għall-vaċċini u l-komponenti tagħhom; jappella liż-żewġ naħat joqogħdu lura minn kwalunkwe miżura ta' restrizzjoni fuq l-esportazzjoni, jiżguraw il-funzjonament xieraq tal-ktajjen ta' provvista, jiżguraw it-trasferimenti tat-teknoloġija meħtieġa u jtejbu t-tħejjija għal emerġenzi tas-saħħa globali futuri; iħeġġeġ liż-żewġ naħat iżidu l-kooperazzjoni regolatorja biex jiffaċilitaw l-aċċess essenzjali għall-mediċini;
54. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-amministrazzjoni Biden jappoġġjaw b'mod attiv l-inizjattivi l-ġodda tad-Direttur Ġenerali tad-WTO li jikkonċernaw, b'mod partikolari, is-saħħa; jindika, f'dan il-kuntest, il-pożizzjoni tal-Parlament dwar rinunzja potenzjali fir-rigward tal-Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ (TRIPS) mistqarra fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Ġunju 2021[9];
55. Iqis, filwaqt li jirrikonoxxi l-importanza li jiġu protetti d-drittijiet ta' proprjetà intellettwali Ewropej biex tinżamm il-kapaċità tan-negozji li jinnovaw, li huwa rilevanti li jiġu eżaminati l-flessibbiltajiet applikabbli kollha fi ħdan il-ftehim TRIPS bil-għan li tiżdied il-kapaċità tal-manifattura globali tal-vaċċini u tal-komponenti tagħhom; jisħaq fuq il-fatt li s-sejba ta' soluzzjonijiet dwar id-drittijiet ta' proprjetà intellettwali tista' tkun biss parti waħda mir-rispons globali komuni;
56. Jissottolinja li d-WTO tibqa' l-pedament ta' sistema multilaterali bbażata fuq ir-regoli għall-kummerċ; jappella għal kooperazzjoni msaħħa fir-rigward tar-riforma tad-WTO, inkluża r-riforma tat-tliet funzjonijiet ewlenin tagħha, li tinvolvi r-riforma u r-riintegrazzjoni bħala kwistjoni ta' urġenza tal-korp tal-appell u t-tisħiħ tal-funzjonijiet ta' monitoraġġ u ta' deliberazzjoni tad-WTO, billi, fost mezzi oħra, tippromwovi ftehimiet plurilaterali miftuħa;
57. Iħeġġeġ liż-żewġ naħat jikkooperaw biex jirregolaw il-kummerċ fil-prodotti tas-saħħa, jiżviluppaw regoli għall-kummerċ diġitali u jistabbilixxu aġenda ambizzjuża dwar il-klima u l-ambjent, fost attivitajiet oħra, billi jvaraw mill-ġdid in-negozjati dwar il-Ftehim dwar il-Beni Ambjentali, u jaħdmu fuq proposti komuni, fost l-oħrajn, dixxiplini dwar is-sussidji u l-eliminazzjoni gradwali tas-sussidji fuq il-fjuwils fossili;
58. Jistenna li ż-żewġ naħat jaqblu dwar riżultati konkreti għat-12-il Konferenza Ministerjali tad-WTO (MC12) biex id-WTO tkun lesta għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, inklużi ftehim dwar is-sajd, dikjarazzjoni dwar il-kummerċ u s-saħħa, programm ta' ħidma għar-riforma tas-sistema għas-soluzzjoni tat-tilwim, programm ta' ħidma dwar is-sussidji industrijali u l-intrapriżi tal-istat, u progress sostanzjali fin-negozjati tal-kummerċ elettroniku;
59. Iħeġġeġ liż-żewġ naħat jaħdmu b'mod konġunt biex jaġġornaw ir-regoli tad-WTO dwar l-intrapriżi tal-istat, is-sussidji industrijali, il-kapaċità żejda u t-trasferiment tat-teknoloġija sabiex b'mod effiċjenti l-organizzazzjoni tkun adattata għall-isfidi tas-seklu 21; f'dan ir-rigward jappoġġja wkoll l-espansjoni tal-inizjattiva trilaterali mal-Ġappun u jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti jmexxu koalizzjoni ta' pajjiżi tal-istess fehma fid-WTO bil-ħsieb li jintlaħaq qbil dwar regoli ġodda, filwaqt li jiġi żviluppat ukoll strument awtonomu kontra sussidji barranin inġusti; jistenna li ż-żewġ naħat jippromwovu u jistinkaw għal ftehimiet multilaterali; jistieden lill-Istati Uniti jġeddu l-impenji tagħhom favur il-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi tad-WTO;
60. Jinnota r-riżultat tal-ewwel laqgħa ta' livell għoli tad-djalogu bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar iċ-Ċina, fejn iż-żewġ naħat tennew li r-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom maċ-Ċina huma multidimensjonali u jinkludu elementi ta' kooperazzjoni, kompetizzjoni u rivalità sistemika; jappoġġja, kull fejn ikun possibbli, approċċ strateġiku konġunt fir-rigward taċ-Ċina, kif ukoll kooperazzjoni fi ħdan oqfsa multilaterali dwar sfidi komuni bħat-tibdil fil-klima, il-prattiki kummerċjali inġusti li jwasslu għal distorsjonijiet tas-suq u n-nuqqas ta' kundizzjonijiet ekwi;
61. Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li jkun hemm pożizzjoni koordinata biex jiġu indirizzati s-sussidji industrijali distorsivi – b'mod partikolari fir-rigward tal-intrapriżi tal-istat u l-kapaċità żejda f'setturi kritiċi – it-trasferimenti furzati tat-teknoloġija, is-serq tal-proprjetà intellettwali, l-impriżi konġunti obbligatorji, l-ostakli tas-suq u l-projbizzjoni tax-xogħol furzat billi tiġi inkluża diskussjoni dwar il-ftehim "Phase One" tal-Istati Uniti maċ-Ċina kif ukoll il-Ftehim Komprensiv tal-UE dwar l-Investimenti;
62. Jinnota li kwistjonijiet bħal dawn ma jistgħux jiġu solvuti unilateralment jew bilateralment u jirrikjedu koalizzjoni ta' sħab tal-istess fehma fil-livell internazzjonali fi ħdan il-qafas tad-WTO;
63. Jisħaq fuq l-importanza li fl-istrateġija konġunta bejn l-UE u l-Istati Uniti, u fi ħdan id-WTO, jiġi inkluż ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inkluż fl-operat tan-negozji internazzjonali; jirrimarka f'dan ir-rigward il-ħtieġa ta' leġiżlazzjoni vinkolanti dwar id-diliġenza dovuta u jitlob li l-Istati Uniti jingħaqdu u jappoġġjaw dan l-approċċ tul il-katina ta' provvista;
64. Jemmen li l-UE u l-Istati Uniti għandhom isaħħu l-kooperazzjoni trans-Atlantika dwar konnettività bbażata fuq ir-regoli u sostenibbli bħala reazzjoni għall-Inizjattiva "Belt and Road" taċ-Ċina u jittama li jkun hemm kooperazzjoni futura b'mod partikolari fir-rigward tar-rispett ta' standards ta' kwalità għolja;
65. Jistieden lill-Kummissjoni, filwaqt li tippromwovi d-djalogu u l-azzjoni komuni, tippromwovi b'mod assertiv l-interessi tal-UE u l-awtonomija strateġika miftuħa tagħha u tirreaġixxi għal dazji mhux ġustifikati tal-Istati Uniti, l-applikazzjoni ekstraterritorjali tas-sanzjonijiet, li tmur kontra d-dritt internazzjonali, u l-ostakli tas-suq; jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu l-miżuri kummerċjali awtonomi tal-UE;
66. Jitlob, b'mod partikolari, lill-Istati Uniti biex jiżguraw li l-proċeduri ta' akkwist pubbliku tagħhom jkunu trasparenti, miftuħa u prevedibbli abbażi tal-prinċipju ta' trattament ugwali;
67. Jistieden lill-Kummissjoni tabbozza l-proposta tagħha fuq strument ta' deterrenza u ġlieda kontra azzjonijiet koerċittivi minn pajjiżi terzi u leġiżlazzjoni li tappoġġja kumpaniji Ewropej fil-mira ta' dawn is-sanzjonijiet u li qed joperaw f'konformità mad-dritt internazzjonali;
68. Iħeġġeġ liż-żewġ naħat jimpenjaw ruħhom fi djalogu ambizzjuż u jsibu qafas għal azzjoni konġunta u jfittxu ftehimiet kummerċjali u ta' investiment selettivi permezz tat-tnedija mill-ġdid ta' djalogu strateġiku ta' livell għoli;
69. Jappella għal sħubija regolatorja, ekoloġika, sostenibbli u diġitali aktar b'saħħitha permezz tal-Kunsill għall-Kummerċ u t-Teknoloġija; jappella għal ftehim dwar il-valutazzjoni tal-konformità, li jkun ta' benefiċċju b'mod partikolari għall-SMEs, għal approċċ koordinat biex jiġu stabbiliti standards internazzjonali għat-teknoloġiji kritiċi u emerġenti, bħall-intelliġenza artifiċjali, u għal kooperazzjoni regolatorja għall-kumpaniji tat-teknoloġija kbira kif ukoll għat-taxxi diġitali u globali; jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti jiskambjaw informazzjoni u jikkooperaw dwar l-iskrinjar tal-investiment barrani f'setturi strateġiċi, inkluż fir-rigward ta' akkwiżizzjonijiet ostili potenzjali;
70. Iħeġġeġ liż-żewġ naħat jiskambjaw l-aħjar prattiki regolatorji; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Uniti jkomplu bin-negozjati tagħhom dwar il-valutazzjoni tal-konformità biex ineħħu l-ostakli mhux tariffarji li huma ta' piż finanzjarju; jisħaq fuq l-importanza li ż-żewġ naħat jallinjaw u jmexxu koalizzjoni ta' sħab tal-istess fehma biex itejbu l-użu tal-istandards trans-Atlantiċi minn organizzazzjonijiet ta' standards internazzjonali;
71. Jistieden liż-żewġ naħat jużaw il-kummerċ bħala mezz biex jiġġieldu t-tibdil fil-klima u jiksbu konverġenza 'l fuq; f'dan ir-rigward iħeġġeġ liż-żewġ naħat jikkooperaw dwar l-ipprezzar tal-karbonju u b'mod partikolari jikkoordinaw l-iżvilupp ta' mekkaniżmu ta' aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri, u dwar miżuri effettivi kontra l-kummerċ illeċitu tal-armi u t-tisħiħ tat-trasparenza u r-responsabbiltà tal-kummerċ tal-armi, inklużi l-esportazzjonijiet tal-armi tal-Istati Uniti u tal-Istati Membri tal-UE;
72. Jistieden lill-Istati Uniti u lill-UE jaħdmu flimkien fuq taxxa korporattiva globali fil-qafas tal-OECD, filwaqt li jilqa' b'mod partikolari l-ftehim milħuq mill-pajjiżi tal-G7 dwar ir-riforma tat-taxxa globali u jenfasizza l-ftehim dwar rata tat-taxxa korporattiva globali minima ta' mill-inqas 15 %, u jikkooperaw fil-ġlieda kontra prattiki kummerċjali frodulenti u dannużi;
73. Jissottolinja li sħab kummerċjali u ekonomiċi aktar b'saħħithom iwasslu għal alleanzi aktar b'saħħithom; jilqa' pożittivament l-isforzi li qed isiru miż-żewġ naħat biex il-ktajjen ta' provvista tagħhom isiru aktar reżiljenti, speċjalment fir-rigward tal-materja prima kritika;
74. Jappella għal kooperazzjoni msaħħa bejn l-UE u l-Istati Uniti fir-rigward tal-Artiku, meta jitqiesu l-ftuħ ta' rotot ġodda ta' navigazzjoni u d-disponibbiltà possibbli ta' riżorsi naturali minħabba t-tibdil fil-klima u filwaqt li jitqies l-interess ekonomiku dejjem jikber fl-Artiku minn pajjiżi oħra, bħaċ-Ċina; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza wkoll dawn il-possibbiltajiet u l-isfidi fl-Istrateġija għall-Artiku tagħha li jmiss;
75. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, bħala prattika komuni, tkun trasparenti fil-kooperazzjoni tagħha mal-Istati Uniti billi, inter alia, tippubblika l-proposti kollha mibgħuta lill-Istati Uniti u billi tiggarantixxi l-involviment tal-Parlament u tas-soċjetà ċivili fl-iżvilupp ta' dawn il-proposti sabiex tissaħħaħ il-fiduċja tal-konsumaturi u taċ-ċittadini;
Niffaċċjaw flimkien l-isfidi tas-sigurtà u d-difiża
76. Jissottolinja li l-alleanza trans-Atlantika għadha fundamentali għas-sigurtà u l-istabbiltà tal-kontinent Ewropew, billi n-NATO hija l-pedament tad-difiża kollettiva tal-Ewropa u hija pilastru ewlieni tas-sigurtà Ewropea; jirriafferma wkoll li l-alleati u s-sħab tan-NATO flimkien mal-Unjoni Ewropea kollettivament iridu jagħmlu aktar biex jissodisfaw l-aspettattivi ġusti bħala sħab trans-Atlantiċi kredibbli u ugwali li huma kapaċi u lesti jiddefendu lilhom infushom u jittrattaw kriżijiet fil-viċinati tagħhom, filwaqt li jmexxu meta jkun meħtieġ, iżda f'koordinazzjoni mill-qrib mal-Istati Uniti; jappoġġja ribilanċjar tar-responsabbiltajiet fir-relazzjoni ta' sigurtà trans-Atlantika billi titrawwem awtodipendenza akbar għall-Istati Membri tal-UE fi kwistjonijiet ta' difiża ħalli jitnaqqas il-piż żejjed fuq l-Istati Uniti u b'mod li joħloq sinerġiji bejn is-sħubija tan-NATO u l-kapaċitajiet ta' difiża tal-UE; jisħaq li l-kooperazzjoni UE-NATO hija bbażata fuq 74 azzjoni maqbula b'mod komuni f'oqsma speċifiċi; ifakkar li ż-żewġ organizzazzjonijiet għandhom kompiti u prijoritajiet differenti, fejn in-NATO hija inkarigata mid-difiża territorjali kollettiva tal-membri tagħha, u l-UE taħseb għall-ġestjoni tal-kriżijiet militari esterni, b'potenzjal għal aktar djalogu u kooperazzjoni dwar l-isfidi tas-sigurtà u s-sħubija strateġika msejsa fuq appoġġ komuni għall-valuri ewlenin tad-demokrazija, il-libertà u l-promozzjoni tal-paċi; jisħaq li kooperazzjoni aktar profonda, akkomunament u kondiviżjoni u settur Ewropew tad-difiża effiċjenti u trasparenti jsaħħu wkoll il-kapaċitajiet disponibbli għan-NATO; jissottolinja li l-ħolqien ta' bażi industrijali tal-UE b'saħħitha u kapaċitajiet militari aktar b'saħħithom fil-livell tal-UE u investiment fil-mobbiltà u l-interoperabbiltà militari mhux biss isaħħu l-UE iżda fl-istess waqt isaħħu l-alleanza trans-Atlantika u jkunu f'sinerġija mar-rwol u r-rilevanza tal-UE u l-Istati Membri tagħha fin-NATO; jesprimi, għaldaqstant, l-impenn sħiħ tiegħu għall-inizjattivi Ewropej tad-difiża, b'mod partikolari l-FEŻ, il-PESCO u l-EPF, fost oħrajn; jissottolinja li s-sħubija trans-Atlantika tista' tkun biss ta' suċċess jekk l-Istati Membri kollha jissodisfaw l-impenji tagħhom, inklużi l-wegħdiet ta' investiment fil-qasam tad-difiża, u jipparteċipaw f'appoġġ reċiproku u jfittxu kondiviżjoni tal-piżijiet aktar ibbilanċjata; jissottolinja l-ħtieġa li l-alleati kollha tan-NATO jinvestu finanzjarjament fl-iżvilupp, l-akkwist u ż-żamma tal-kapaċitajiet li n-NATO teħtieġ biex tiddefendi ċ-ċittadini tagħha; jindika wkoll il-proċess ta' abbozzar li għaddej tal-Boxxla Strateġika tal-UE, li ser tkun pass importanti għal kooperazzjoni Ewropea aktar b'saħħitha fil-qasam tad-difiża u s-sigurtà, u jissottolinja li l-Boxxla Strateġika għandha tkun marbuta mill-qrib mal-abbozzar tal-Kunċett Strateġiku tan-NATO, u jesprimi l-konvinzjoni tiegħu li dawn il-proċessi paralleli joffru opportunità unika biex is-sħubija trans-Atlantika politika u ta' sigurtà tiġi avvanzata u aġġornata u ssir adatta biex tindirizza l-isfidi globali attwali li kemm l-UE kif ukoll l-Istati Uniti qegħdin jiffaċċjaw; jisħaq li l-ambizzjoni tal-awtonomija strateġika Ewropea bl-ebda mod ma ddgħajjef lin-NATO iżda hija komplementari għaliha; jitlob li jiġi konkluż arranġament amministrattiv bejn l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża u l-Istati Uniti u jilqa' l-impenn tal-UE u tal-Istati Uniti, kif rifless fid-dikjarazzjoni maħruġa fi tmiem is-summit UE-Stati Uniti fil-15 ta' Ġunju 2021, biex jinbdew diskussjonijiet malajr kemm jista' jkun; jippromwovi l-istabbiliment ta' politika barranija u proċessi ta' koordinazzjoni tal-politiki ta' sigurtà u difiża bejn l-Istati Uniti, l-UE u r-Renju Unit;
77. Jilqa' d-deċiżjoni pożittiva tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2021 li tawtorizza lill-koordinatur tal-proġett tal-Mobbiltà Militari, in-Netherlands, biex jistieden lill-Istati Uniti, lill-Kanada u lin-Norveġja, b'segwitu għat-talbiet rispettivi tagħhom, biex jipparteċipaw fil-proġett PESCO dwar il-mobbiltà militari; jisħaq li din il-parteċipazzjoni ser issaħħaħ il-koerenza tal-kapaċitajiet tal-UE u tan-NATO u l-interoperabbiltà, it-tħejjija u r-reżiljenza tal-forzi trans-Atlantiċi;
78. Jappella għal kooperazzjoni msaħħa bejn l-UE, l-Istati Uniti u n-NATO mal-viċinat tagħna tal-Lvant, b'mod partikolari, il-Georgia, l-Ukrajna u l-Moldova, fi kwistjonijiet relatati mas-sigurtà u d-difiża, inkluż permezz ta' appoġġ għall-integrità territorjali ta' dawn il-pajjiżi, u biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tagħhom kontra t-theddid ċibernetiku kif ukoll it-theddid relatat mal-informazzjoni, mal-ispjunaġġ u theddid ieħor dirett lejhom;
79. Jilqa' d-deċiżjoni tal-Istati Uniti li jtemmu l-irtirar tal-forzi tal-Istati Uniti mill-UE u li jżidu l-preżenza militari tagħhom fl-Istati Membri tal-UE bħala sinjal ta' impenn għall-kooperazzjoni trans-Atlantika fil-qasam tas-sigurtà; jesprimi l-gratitudni tiegħu lejn id-diversi membri tal-persunal tas-servizzi tal-Istati Uniti li għenu fil-protezzjoni tas-sigurtà u s-sikurezza tal-Ewropa u taċ-ċittadini tagħha f'dawn l-aħħar deċennji;
80. Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Uniti jrawmu kooperazzjoni mill-qrib mhux biss dwar it-theddid tradizzjonali għas-sigurtà, iżda wkoll dwar dawk emerġenti bħad-dominanza teknoloġika barranija ostili, it-theddid ibridu, il-kampanji ta' diżinformazzjoni u l-indħil malizzjuż fil-proċessi elettorali; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Uniti jiżviluppaw kooperazzjoni mill-qrib fil-qasam taċ-ċibersigurtà; iħeġġeġ lill-UE tiżviluppa kapaċitajiet ċibernetiċi aktar effiċjenti biex issaħħaħ il-kapaċità tagħha li tiddefendi lilha nnifisha kontra t-theddid ċibernetiku; jilqa' l-Istrateġija l-ġdida tal-Kummissjoni dwar iċ-Ċibersigurtà bħala bażi għall-istabbiliment ta' normi u standards internazzjonali fiċ-ċiberspazju; jitlob li l-kapaċitajiet meħtieġa jiġu żviluppati, miksuba u miżmuma, anke fi ħdan in-NATO, inkluż f'termini ta' kondiviżjoni ta' intelligence u għal koordinazzjoni aktar b'saħħitha bejn l-aġenziji tal-UE, bħall-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà (ENISA), u l-kontropartijiet Amerikani tagħhom; jirrikonoxxi li, sa ċertu punt, iċ-ċiberdifiża tkun aktar effettiva jekk tinkludi xi mezzi u miżuri offensivi wkoll, dejjem jekk l-użu tagħhom ikun konformi mad-dritt internazzjonali; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' approċċ komuni fir-rigward tal-projbizzjoni ta' armi awtonomi letali mingħajr kontroll uman sinifikanti, regolamentazzjoni tal-awtonomija tas-sistemi tal-armi fil-livell globali u restrizzjoni tal-esportazzjoni u l-proliferazzjoni ta' għodod ċibernetiċi u teknoloġija ta' sorveljanza tal-massa; jissottolinja li l-kontroll globali tal-armi jeħtieġ li jiġi aġġornat biex ikun jista' jiffaċċja l-isfidi ċibernetiċi u tal-IA; jistieden lis-sħab trans-Atlantiċi jappoġġjaw u jikkontribwixxu b'mod attiv għas-sejħa tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għal waqfien mill-ġlied globali;
81. Huwa tal-fehma li l-protezzjoni tal-proċessi demokratiċi u elettorali hija kwistjoni ta' sigurtà globali; jissuġġerixxi f'dan ir-rigward l-iżvilupp konġunt ta' qafas strutturat għal rispons għal indħil fil-proċessi elettorali li jkun ibbażat fuq Kodiċi ta' Prattiki trans-Atlantiku għal Proċessi Demokratiċi Ħielsa u Reżiljenti u li jfittex li jkun hemm miżuri strutturali u komprensivi bħala rispons għan-natura ibrida tal-indħil, filwaqt li jikkollabora mill-qrib ma' organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-OSKE; jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti jippromwovu kooperazzjoni internazzjonali aktar mill-qrib u aktar ambizzjuża dwar l-osservazzjoni elettorali, flimkien mas-sħab rilevanti kollha, speċjalment mal-organizzazzjonijiet li japprovaw id-"Dikjarazzjoni ta' Prinċipji għall-Osservazzjoni Internazzjonali tal-Elezzjonijiet", biex jiġi missielet it-theddid dejjem akbar ta' sigurtà pubblika għall-proċessi elettorali; jisħaq il-ħtieġa li jiġi missielet b'mod konġunt il-fenomenu li qiegħed jikber ta' osservazzjoni elettorali domestika falza, li jdgħajjef il-fiduċja tal-pubbliku fl-osservazzjoni elettorali b'mod ġenerali, u li jiġu vvalutati fid-dettall l-opportunitajiet, l-isfidi u r-riskji involuti fl-użu dejjem akbar ta' informazzjoni elettorali ġdida u teknoloġiji ta' komunikazzjoni; jinsisti fuq il-ħtieġa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni meħtieġa mal-organizzazzjonijiet nazzjonali rilevanti ta' osservazzjoni elettorali fil-livelli kollha, kif ukoll il-protezzjoni tagħhom fi ħdan il-qafas tal-attivitajiet tagħhom;
82. Jissottolinja l-importanza li jinkisbu l-kapaċitajiet tal-computing kwantistiku, u jisħaq fuq il-ħtieġa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti f'dan il-qasam biex jiġi żgurat li l-computing kwantistiku jiġi realizzat l-ewwel fost sħab b'relazzjonijiet mill-qrib u li jikkondividu l-istess objettivi;
83. Jisħaq fuq l-importanza strateġika ta' kejbils sottomarini tat-telekomunikazzjoni fl-Atlantiku tat-Tramuntana li jipprovdu aktar minn 95 % tat-telekomunikazzjonijiet internazzjonali; itenni l-importanza ta' kooperazzjoni trans-Atlantika msaħħa għall-protezzjoni u l-iżgurar tar-rispett għall-istrumenti internazzjonali li jirregolaw il-kejbils sottomarini, inkluż l-UNCLOS;
84. Jappoġġja l-ħolqien tad-Djalogu dwar is-Sigurtà u d-Difiża bejn l-UE u l-Istati Uniti u jistieden lill-VP/RGħ jibdih mill-aktar fis possibbli; jindika l-importanza li jiġu inklużi wkoll ir-rappreżentanti tan-NATO f'dan id-djalogu biex jiġu promossi sinerġiji mal-kooperazzjoni kontinwa fil-qafas UE-NATO u tiġi evitata kwalunkwe duplikazzjoni ta' reazzjonijiet tal-politiki; jissottolinja li d-Djalogu dwar is-Sigurtà u d-Difiża UE-Stati Uniti għandu jinkludi kooperazzjoni dwar inizjattivi ta' sigurtà u difiża, ġestjoni ta' kriżijiet, operazzjonijiet militari u kwistjonijiet bilaterali ta' sigurtà, kif innotat fl-aġenda UE-Stati Uniti għal bidla globali; jenfasizza li l-kondiviżjoni tal-informazzjoni għandha tkun tagħmel parti importanti minn dan id-djalogu;
85. Jisħaq fuq il-ħtieġa komuni li s-soċjetajiet tagħna jinvolvu ruħhom fi proċess introspettiv dwar il-valuri demokratiċi komuni tagħna u dwar ir-rispett reċiproku, u għad-diversità tal-opinjonijiet biex insaħħu u niddefendu d-demokrazija globali kontra l-awtoritarjaniżmu li qiegħed jiżdied, kif promoss kemm mir-Russja kif ukoll miċ-Ċina, iżda wkoll fi ħdan il-komunità trans-Atlantika, inter alia billi jissaħħu l-obbligu ta' rendikont u r-reżiljenza tas-sistemi demokratiċi tagħna permezz ta' reżistenza għall-fehmiet estremisti u r-razziżmu li jipprovdu bażi fertili fejn il-movimenti antidemokratiċi jiffjorixxu, permezz ta' reżistenza b'vuċi waħda kontra l-influwenza malizzjuża ta' atturi awtoritarji fuq livell ġeopolitiku u b'parteċipazzjoni fi djalogu trans-Atlantiku, u billi jitrawmu politiki soċjali u ekonomiċi inklużivi li jindirizzaw l-għeruq tal-inugwaljanzi; jissottolinja l-valur tad-djalogu u l-kooperazzjoni trans-Atlantiċi dwar politiki li jappoġġjaw id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni u l-indħil barrani; jissottolinja l-ħtieġa fuq iż-żewġ naħat li jiġu indirizzati l-ixprunaturi tat-tnaqqis fil-fiduċja pubblika fil-politika u fl-istituzzjonijiet; jisħaq li l-isforzi f'din id-direzzjoni għandhom jinkludu l-bini tal-fiduċja fix-xjenza u l-fatti, l-espansjoni ta' xibka ta' sikurezza tal-politiki ta' nondiskriminazzjoni, u r-rifjut u l-indirizzar tad-diskriminazzjoni razzjali u reliġjuża;
86. Jappella wkoll lill-UE u lill-Istati Uniti biex flimkien jipprovdu appoġġ ekonomiku, politiku u operattiv lill-organizzazzjonijiet reġjonali eżistenti bbażati fl-Afrika, bħall-Unjoni Afrikana, il-Forza G5 tas-Saħel u l-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punent (ECOWAS);
87. Jissottolinja li l-UE u l-Istati Uniti għandu jkollhom sinerġiji bejn l-isforzi tagħhom fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u r-radikalizzazzjoni u jiżguraw li l-isforzi li jsiru jkunu appoġġjati mir-riżorsi meħtieġa u li dawn ikunu proporzjonati għal-livell tat-theddid; huwa tal-fehma li ż-żewġ sħab għandhom jagħmlu ħilithom biex itejbu l-prattiki attwali ta' kondiviżjoni tal-intelligence fost l-Istati Membri, b'enfasi partikolari fuq li jinkiseb għarfien aħjar u komuni tas-sitwazzjoni f'oqsma ewlenin, inkluż ir-refuġji sikuri emerġenti u l-użu ta' EDTs mit-terroristi, kif ukoll tattiki ibridi;
88. Jinkoraġġixxi kollaborazzjoni b'saħħitha UE-Stati Uniti fl-isforzi tad-deradikalizzazzjoni u tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, inkluż l-istabbiliment ta' attivitajiet konġunti ta' taħriġ, korsijiet komuni kontra t-terroriżmu, programmi ta' skambju għall-uffiċjali, eżerċizzji tattiċi u inizjattivi edukattivi;
89. Jissottolinja l-importanza fundamentali tal-prinċipji demokratiċi, li huma l-bażi tal-progress soċjali u ekonomiku tagħna u s-soċjetajiet ħielsa tagħna; jappoġġja l-proposta tal-President Biden li jsir Summit għad-Demokrazija biex jiġu promossi l-valuri universali; jistieden lill-Istati Uniti jisiltu mill-esperjenzi tal-Konferenza tal-UE dwar il-Futur tal-Ewropa u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jappoġġjaw l-inizjattiva tas-Summit, kemm politikament kif ukoll fil-prattika; huwa tal-fehma li s-Summit għad-Demokrazija propost għandu jkollu l-għan li jippromwovi multilateraliżmu bbażat fuq il-valuri u solidarjetà bejn id-demokraziji meta jkunu taħt pressjoni, isaħħaħ id-demokrazija internament u globalment, b'mod partikolari jżid il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-governanza demokratika, jesprimi t-tħassib u jfittex soluzzjonijiet paċifiċi għal repressjonijiet kontinwi fuq movimenti demokratiċi u jipproteġi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-difensuri ambjentali, madwar id-dinja, minbarra li jindirizza l-influwenza dejjem akbar ta' reġimi awtoritarji; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li tali sforz jista' jgħin fit-tfassil ta' triq ċara 'l quddiem fil-ġlieda kontra l-populiżmu u l-awtoritarjaniżmu u biex jiġu protetti l-valuri fundamentali demokratiċi u tad-drittijiet tal-bniedem; jipproponi li l-UE għandha tistabbilixxi, flimkien mal-Istati Uniti, alleanza trans-Atlantika biex tiddefendi d-demokrazija fuq livell globali u tfassal ġabra ta' strumenti għad-difiża tad-demokrazija, li għandha tinkludi azzjonijiet konġunti rigward is-sanzjonijiet, politiki dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, regoli marbuta mal-kundizzjonalità tal-assistenza ekonomika u finanzjarja u sostenn favur l-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u d-difensuri tad-demokrazija; jitlob komunikazzjoni aħjar maċ-ċittadini fuq iż-żewġ naħat u bejniethom dwar l-importanza dejjiema tar-rabta trans-Atlantika u r-rilevanza tagħha llum il-ġurnata; jirriafferma f'dan ir-rigward il-valur tal-iskambji bejn il-leġiżlaturi, in-negozji u s-soċjetà ċivili;
Koordinazzjoni aktar mill-qrib tal-politika barranija
90. Jemmen li l-UE għandha timpenja ruħha aktar mal-Istati Uniti u ġġedded is-sħubija strateġika fir-rigward tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u tal-Balkani tal-Punent biex jinbnew soċjetajiet multietniċi reżiljenti, prosperi u demokratiċi hemmhekk, li jkunu kapaċi jirreżistu l-influwenza ta' tfixkil kemm tal-forzi awtoritarji lokali kif ukoll dawk esterni; ifakkar li l-istabbiltà tal-Balkani tal-Punent u tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant hija kwistjoni ta' paċi u sigurtà għar-reġjun, kif ukoll għall-UE; jilqa' ż-żieda akbar fil-koordinazzjoni tal-Istati Uniti mal-UE fl-appoġġ tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fi triqthom lejn l-integrazzjoni Ewropea u s-sħubija fl-UE; huwa tal-fehma li koordinazzjoni regolari u istituzzjonalizzata dwar dan bejn il-Kunsill Affarijiet Barranin u s-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti u dwar kwistjonijiet oħra ta' politika barranija jsaħħu d-djalogu u l-kooperazzjoni trans-Atlantiċi dwar kwistjonijiet ta' politika barranija ta' interess komuni u jrawmu konverġenza ulterjuri tal-pożizzjonijiet politiċi fil-livell trans-Atlantiku; jappella għal tmexxija b'saħħitha tal-UE u koordinazzjoni effettiva mal-Istati Uniti għal reazzjoni kontra inizjattivi maħsuba għat-tfassil mill-ġdid tal-fruntieri u inizjattivi subnazzjonali simili li japprofondixxu d-diviżjoni etnika u s-segregazzjoni, kif ukoll il-kwistjoni tal-investiment u l-finanzjament Ċiniżi fir-reġjun kollu u l-impatt tagħhom fuq il-governanza demokratika u l-ambjent; jisħaq fuq l-importanza ta' kooperazzjoni u koordinazzjoni mill-qrib bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar il-ġlieda kontra l-manipulazzjoni tal-istat, il-korruzzjoni, il-kriminalità organizzata, l-indħil barrani flimkien ma' attakki fuq il-libertà tal-midja u l-promozzjoni tal-istat tad-dritt, ir-riformi profondi, ir-relazzjonijiet tajba ta' viċinat u r-rikonċiljazzjoni, u l-objettiv ta' integrazzjoni Ewro-Atlantika; jissottolinja r-rwol mexxej tal-UE fil-proċess ta' normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn is-Serbja u l-Kosovo;
91. Jisħaq fuq l-interess komuni fl-appoġġ għall-paċi sostenibbli fit-tul, l-istabbiltà, is-sigurtà, ir-reżiljenza, id-demokrazija u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fin-Nofsinhar tal-Kawkasu; jilqa' l-impenn tal-Istati Uniti fir-reġjun, f'kooperazzjoni mal-UE, inkluż permezz ta' mekkaniżmi bħall-Grupp ta' Minsk tal-OSKE;
92. Jistieden lill-UE u l-Istati Uniti jindirizzaw b'mod kollaborattiv it-theddid konsistenti u li qiegħed jikber għall-protezzjoni u l-preservazzjoni tal-wirt kulturali, inkluż il-kuntrabandu ta' oġġetti kulturali, speċjalment f'żoni ta' kunflitt; iħeġġeġ it-tħaddin ta' strateġija li tinkludi kampanji robusti ta' sensibilizzazzjoni pubblika, kundanna universali tat-traffikar f'antikitajiet li l-provenjenza tagħhom mhijiex magħrufa, l-istabbiliment ta' kodiċi uniku ta' kondotta dwar il-protezzjoni ta' siti kulturali, it-trawwim ta' kooperazzjoni akbar fost aġenziji differenti tal-infurzar tal-liġi li tinkludi l-kondiviżjoni immedjata tal-informazzjoni fost l-aġenziji tal-intelligence nazzjonali, u aktar kooperazzjoni bejn l-infurzar tal-liġi u l-komunitajiet tal-arti u tal-arkeoloġija;
93. Jinnota li l-influwenza ekonomika taċ-Ċina, il-poter ġeopolitiku u d-diversi forom ta' projezzjoni tal-poter Ċiniż, kif ukoll is-saħħa militari, wasslu għal kunflitt bejn is-sistema tagħha ta' governanza awtoritarja mas-sistemi ta' governanza tal-Punent li huma bbażati fuq valuri demokratiċi liberali; ifakkar fil-preżenza akbar taċ-Ċina fix-xena internazzjonali u fl-Ewropa permezz tal-Inizjattiva "Belt and Road" tagħha, u l-attivitajiet tagħha fiċ-ċiberspazju, fir-reġjuni tal-Artiku u fl-Afrika; jisħaq f'dan ir-rigward li ċ-Ċina saret rivali u kompetitriċi sistemika, iżda li għandha tkun ukoll sieħeb importanti fl-indirizzar ta' bosta problemi globali; jinsab konvint li approċċ trans-Atlantiku konġunt ta' involviment maċ-Ċina huwa l-aħjar mod biex tiġi żgurata relazzjoni paċifika, sostenibbli u ta' benefiċċju reċiproku fit-tul maċ-Ċina; jilqa', f'dan il-kuntest, it-tnedija mill-ġdid reċenti ta' djalogu strateġiku komprensiv ta' livell għoli bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar iċ-Ċina u huwa tal-fehma li dan għandu jipprovdi mekkaniżmu ewlieni għall-avvanz tal-interessi tagħna u għall-ġestjoni tad-differenzi tagħna u jesplora l-possibbiltajiet ta' involviment bejn l-UE u l-Istati Uniti mar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina f'oqfsa multilaterali dwar sfidi komuni u globali, bħat-tibdil fil-klima, ir-riskji relatati mas-saħħa, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, iċ-ċiberspazju, il-kontroll tal-armi, in-nonproliferazzjoni u t-teknoloġiji rivoluzzjonarji emerġenti; jenfasizza l-ħtieġa ta' dimensjoni parlamentari b'saħħitha għal dan id-djalogu; jitlob l-iżvilupp ta' firxa kbira ta' strumenti ta' politika u, fejn possibbli, tfittxija għal sinerġiji trans-Atlantiċi fir-rigward tar-relazzjonijiet maċ-Ċina; jenfasizza f'dan ir-rigward li l-UE u l-Istati Uniti jikkondividu tħassib serju ħafna dwar il-ksur sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina, b'mod partikolari fir-rigward tal-komunità tal-Ujguri; jemmen bis-sħiħ li r-relazzjonijiet mar-RPĊ, kemm dawk bilaterali kif ukoll oħrajn, għandhom dejjem jinkludu s-salvagwardja u l-promozzjoni ta' valuri demokratiċi kondiviżi u li kwalunkwe aġenda multilaterali jrid ikollha fil-qalba tagħha l-kunċett ta' konformità sħiħa mad-dritt internazzjonali u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;
94. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu esplorati oqsma ta' konverġenza u kooperazzjoni possibbli mal-Istati Uniti dwar iċ-Ċina, b'mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-minoranzi u t-tnaqqis tat-tensjonijiet fl-Ibħra tan-Nofsinhar u tal-Lvant taċ-Ċina, f'Hong Kong u fl-Istrett ta' Tajwan; jenfasizza r-rilevanza tal-UNCLOS bħala bażi ġuridika għas-soluzzjoni tal-kunflitti; itenni l-appoġġ tiegħu għal inizjattivi kondiviżi ta' konnettività; jappella għal koordinazzjoni tal-azzjonijiet fir-reġjun Indo-Paċifiku; jappoġġja koordinazzjoni aktar mill-qrib dwar dawn il-kwistjonijiet u kwistjonijiet oħra ta' tħassib komuni;
95. Jindika l-ħidma li għaddejja dwar l-istrateġija Indo-Paċifika tal-UE u jenfasizza dan ir-reġjun ġeostrateġiku, li fih jinsabu ħbieb u sħab demokratiċi trans-Atlantiċi komuni bħall-Ġappun, il-Korea t'Isfel, l-Awstralja u New Zealand, kif ukoll it-Tajwan, u jappella għal sħubija u koordinazzjoni msaħħa bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar ir-reġjun Indo-Paċifiku; ifakkar fl-importanza li jitrawmu rabtiet mal-membri tal-ASEAN u mal-Forum tal-Gżejjer tal-Paċifiku (PIF);
96. Jenfasizza li reġimi mhux demokratiċi bħaċ-Ċina qegħdin jużaw dejjem aktar it-teknoloġija biex jikkontrollaw u jrażżnu liċ-ċittadini tagħhom, filwaqt li jirrestrinġu l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali, soċjali u politiċi; jappella għal aktar kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti fl-iżvilupp ta' teknoloġija ċċentrata fuq il-bniedem li tirrispetta l-privatezza u tnaqqas il-preġudizzji u d-diskriminazzjoni;
97. Jirrikonoxxi li l-akkwisti miċ-Ċina ta' proprjetà intellettwali u ta' avvanzi teknoloġiċi minn ċentri ewlenin ta' riċerka spiss jintużaw biex imexxu l-għanijiet militari tagħha, u jenfasizza, għaldaqstant, li l-UE għandha taħdem biex tiżviluppa strateġija fit-tul biex tirreaġixxi għall-istrateġija taċ-Ċina dwar il-fużjoni militari-ċivili (MCF) fl-Ewropa;
98. Jirrikonoxxi li l-UE u l-Istati Uniti għandhom jikkoordinaw fuq kwistjonijiet fejn l-azzjonijiet taċ-Ċina jmorru kontra l-interessi tas-sigurtà Ewro-Atlantika; jisħaq li għandha tingħata prijorità lill-isfidi fl-oqsma ċibernetiċi, ibridi, EDT, spazjali, tal-kontroll tal-armi u tan-nonproliferazzjoni;
99. Jinsab imħasseb dwar il-koerċizzjoni ekonomika taċ-Ċina kontra l-Istati Membri u pajjiżi terzi; jappoġġja l-idea ta' difiża ekonomika kollettiva permezz ta' kollaborazzjoni ma' demokraziji tal-istess fehma kontra l-koerċizzjoni ekonomika taċ-Ċina;
100. Jinsab imħasseb dwar ir-rabtiet mill-qrib bejn il-Partit Komunista Ċiniż u l-industrija fiċ-Ċina, b'mod partikolari l-kumpaniji tas-sigurtà; jirrakkomanda li l-Istati Membri jwettqu awditu intern tal-prattiki tal-akkwist biex jiżguraw li l-prodotti integrati fin-networks nazzjonali u fl-istituzzjonijiet tad-difiża tagħhom ma jkollhomx teknoloġiji li ġejjin minn kumpaniji fiċ-Ċina;
101. Jappella għal kooperazzjoni mill-qrib biex issir ħidma dwar pjan komuni ta' involviment mal-Federazzjoni Russa u, b'mod parallel, biex tiġi indirizzata b'mod konġunt il-firxa ta' theddid li ġej mill-Federazzjoni Russa, bħad-destabbilizzazzjoni kontinwa tal-Ukrajna, il-Georgia u r-Repubblika tal-Moldova, l-appoġġ għat-tmexxija illeġittima ta' Lukashenka fil-Belarussja, ir-rwol u l-influwenza tar-Russja fil-Balkani tal-Punent u fil-Baħar l-Iswed, l-l-indħil kundannabbli fil-proċessi demokratiċi fl-UE u fl-Istati Uniti, inkluż l-elezzjonijiet, il-finanzjament ta' partiti politiċi estremisti u politiki reviżjonisti, it-theddid ibridu u l-kampanji ta' diżinformazzjoni, filwaqt li fl-istess waqt jitfittex li jkun hemm kooperazzjoni selettiva fl-oqsma ta' interess konġunt trans-Atlantiku, b'mod partikolari fil-qasam ta' arkitettura ta' kontroll tal-armi, inkluż it-Trattat dwar il-Forzi Nukleari ta' Medda Intermedja, kif ukoll li tinħoloq diplomazija, l-użu mill-ġdid tal-Pjan ta' Azzjoni Komprensiv Konġunt (PAKK) u l-istabbilizzazzjoni tal-Afganistan; jilqa' d-deċiżjoni meħuda mill-amministrazzjoni attwali tal-Istati Uniti li testendi t-trattat il-ġdid dwar il-kontroll tal-armi START; jenfasizza l-ħtieġa li jerġgħu jibdew it-taħditiet dwar il-kontroll tal-armi bejn l-atturi globali ewlenin, bħall-Istati Uniti u r-Russja, billi dawn għandhom impatt dirett fuq is-sigurtà Ewropea, kif ukoll li ċ-Ċina tiġi inkluża f'negozjati futuri dwar il-kontroll tal-armi; jisħaq fuq il-ħtieġa li tinbena mill-ġdid b'urġenza l-arkitettura konvenzjonali ta' kontroll tal-armi biex jiġi limitat l-bżonn ta' tlielaq tal-armi u inċidenti mhux previsti; jilqa' r-rieda tal-amministrazzjoni Biden li terġa' tistabbilixxi djalogu u negozjati mar-Russja u jappoġġja l-pjan tal-UE u tal-Istati Uniti li jistabbilixxu djalogu ta' livell għoli bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar ir-Russja; huwa tal-fehma li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jappoġġjaw b'mod attiv it-tiftix ta' modi għal aktar djalogu u għandhom jikkontribwixxu għall-bini mill-ġdid ta' fiduċja reċiproka; jenfasizza l-importanza, b'mod parallel, tad-djalogu mas-soċjetà ċivili u l-appoġġ għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fir-Russja li jfittxu li jmexxu 'l quddiem id-djalogu dwar il-pluraliżmu politiku, ir-rappreżentazzjoni u l-aspirazzjonijiet demokratiċi leġittimi tal-poplu Russu;
102. Iqis li l-UE u l-Istati Uniti għandhom jikkoordinaw l-approċċ doppju tagħhom ta' deterrenza u djalogu mar-Russja fi ħdan il-parametri maqbula fis-Summits ta' Wales u Varsavja;
103. Jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti jaġixxu fil-ħin u b'determinazzjoni kontra azzjonijiet ta' tfixkil tas-servizzi tal-intelligence Russi fit-territorju tal-UE; jirrakkomanda li l-Istati Membri jsaħħu l-kooperazzjoni u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni tas-servizzi ta' counter-intelligence;
104. Jistieden lill-VP/HR u lill-Kunsill ifasslu approċċ strateġiku ġdid għar-relazzjonijiet tal-UE mar-Russja, li jrid jappoġġja aħjar lis-soċjetà ċivili, isaħħaħ il-kuntatti bejn in-nies maċ-ċittadini tar-Russja, ifassal linji ħomor ċari għall-kooperazzjoni mal-atturi tal-Istat Russu, juża standards teknoloġiċi u l-internet miftuħ biex jappoġġja spazji ħielsa u jirrestrinġi t-teknoloġiji oppressivi, u juri solidarjetà mas-Sħab tal-Lvant tal-UE, inkluż dwar kwistjonijiet ta' sigurtà u riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti; jissottolinja li kwalunkwe djalogu bejn l-UE u l-Istati Uniti mar-Russja għandu jkun ibbażat fuq ir-rispett għad-dritt internazzjonali u d-drittijiet tal-bniedem;
105. Jissottolinja l-importanza u jappella għall-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-Istati Uniti u l-UE fir-rigward tal-kontinent Afrikan u r-reġjuni u l-pajjiżi differenti tiegħu bil-għan li jiġi żgurat żvilupp sostenibbli u jiġu promossi s-sigurtà, l-istabbiltà u l-prosperità; jisħaq fuq il-ħtieġa urġenti ta' sħubija b'saħħitha u ġusta bejn l-Istati Uniti, l-UE u l-Afrika, filwaqt li jitqiesu l-isfidi tat-tibdil fil-klima u l-implikazzjonijiet demografiċi tiegħu, il-kollass tal-bijodiversità, l-isfruttament miċ-Ċina tar-riżorsi naturali tal-Afrika, l-edukazzjoni dwar l-iżvilupp soċjoekonomiku sostenibbli, id-diġitalizzazzjoni, l-istat tad-dritt, il-promozzjoni tad-demokrazija u t-tisħiħ tad-drittijiet tal-bniedem, is-soċjetà ċivili u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jemmen li kwalunkwe assistenza ta' sigurtà għandha tkun ibbażata fuq l-approċċ tas-sigurtà tal-bniedem u l-ħtiġijiet tal-popolazzjonijiet lokali, tikkonforma bis-sħiħ mad-dritt internazzjonali u tinkludi responsabbiltà b'saħħitha u mekkaniżmi ta' sorveljanza demokratiċi u parlamentari; jilqa' l-impenn tal-amministrazzjoni Biden li ssaħħaħ il-kooperazzjoni mal-Koalizzjoni Internazzjonali għas-Saħel; iħeġġeġ lill-Istati Uniti u lill-UE jaħdmu flimkien biex jindirizzaw iż-żieda fl-estremiżmu vjolenti, it-terroriżmu mill-ISIS u l-fergħat ta' al-Qaeda, u l-isfidi umanitarji, ekonomiċi u ta' governanza fis-Saħel u fir-reġjun MENA (il-Lvant Nofsani u l-Afrika ta' Fuq) b'mod ġenerali; jappella għal djalogu u koordinazzjoni msaħħa fir-rigward tal-pożizzjoni tas-sħab trans-Atlantiċi rigward l-isfidi li jiffaċċjaw pajjiżi bħall-Iraq, il-Libanu, is-Sirja, l-Iran u l-Libja;
106. Jappella għal kooperazzjoni aħjar fl-Artiku, filwaqt li jitqies l-interess dejjem akbar fl-Artiku minn pajjiżi oħra bħaċ-Ċina u l-attivitajiet u t-tisħiħ militari mir-Russja fl-Artiku; jilqa' d-deċiżjoni tal-UE u tal-Istati Uniti, kif attestata mid-dikjarazzjoni maħruġa wara s-Summit bejn l-UE u l-Istati Uniti tal-15 ta' Ġunju 2021, li jaħdmu flimkien biex l-Artiku jinżamm bħala reġjun ta' paċi u stabbiltà u jikkollaboraw permezz tal-Kunsill tal-Artiku;
107. Jenfasizza l-ħtieġa li jinżammu u, fejn applikabbli, jiġu approfonditi r-relazzjonijiet strateġiċi strutturali bejn l-UE, l-Istati Uniti u r-Renju Unit, filwaqt li jsir l-aħjar użu mill-valuri, l-interessi u l-isfidi kondiviżi tagħna, inkluż fir-rigward ta' kwistjonijiet ta' sigurtà, filwaqt li tiġi żgurata l-awtonomija tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE;
108. Jirrikonoxxi li, wara l-irtirar tal-forzi tal-Istati Uniti u Ewropej, is-sitwazzjoni fl-Afganistan ser tkompli tkun ikkaratterizzata minn sfidi enormi; itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-komunità trans-Atlantika għandha tkompli bl-isforzi tagħha biex taħdem għall-paċi, l-istabbiltà u l-progress fl-Afganistan; iħeġġeġ azzjoni impenjata responsabbli fil-konfront tal-poplu Afgan, b'mod partikolari fl-appoġġ tat-Taħditiet ta' Paċi Intra-Afgani u s-salvagwardja tal-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem, b'attenzjoni partikolari għad-drittijiet tal-minoranzi etniċi, il-bniet u n-nisa, inkluż id-dritt tagħhom għall-edukazzjoni u l-parteċipazzjoni pubblika, u gruppi vulnerabbli oħra;
109. Jilqa' l-impenn imġedded tal-Istati Uniti fil-Lvant tal-Mediterran, b'mod partikolari rigward l-Att tal-Lvant tal-Mediterran tal-2019, li jawtorizza assistenza ta' sigurtà ġdida għal Ċipru u l-Greċja, u jsaħħaħ il-kooperazzjoni fl-enerġija fost l-atturi reġjonali; jilqa' d-deċiżjoni tal-UE u tal-Istati Uniti, kif attestata mid-dikjarazzjoni maħruġa wara s-Summit bejn l-UE u l-Istati Uniti tal-15 ta' Ġunju 2021, li jaħdmu id f'id biex inaqqsu t-tensjoni b'mod sostenibbli fil-Lvant tal-Mediterran, fejn id-differenzi għandhom jissolvew permezz ta' djalogu b'rieda tajba u f'konformità mad-dritt internazzjonali; jappoġġja d-dikjarazzjoni tal-UE u tal-Istati Uniti li għandhom l-intenzjoni jfittxu relazzjoni kooperattiva u ta' benefiċċju reċiproku ma' Turkija demokratika;
110. Jappoġġja kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-Istati Uniti u l-pajjiżi tal-Amerka Latina fil-promozzjoni tal-multilateraliżmu, il-valuri demokratiċi, l-iżvilupp sostenibbli, id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards tad-dritt internazzjonali, it-tkabbir ekonomiku, il-ġlieda kontra l-inugwaljanzi, il-ġlieda kontra t-traffikar tad-drogi u l-kriminalità organizzata, il-bijodiversità u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; jissottolinja l-ħtieġa li l-UE u l-Istati Uniti jipparteċipaw b'mod aktar attiv mal-Amerka Latina u r-reġjun tal-Karibew bħala alleati kruċjali fil-fora internazzjonali u bħala sħab strateġiċi fid-difiża tal-multilateraliżmu; jappella għal "Alleanza tat-Triangolu tal-Atlantiku" bejn l-UE, l-Istati Uniti u l-Amerka Latina li tippermetti liż-żewġ reġjuni jagħmlu progress konġunt f'oqsma bħad-demokrazija, is-sigurtà u t-traffikar tad-drogi, il-ġlieda kontra l-inugwaljanzi u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza li jiġi żgurat li din il-kooperazzjoni mal-Istati Uniti u l-pajjiżi tal-Amerka Latina tiġi riflessa fi sforzi konġunti biex jiġu appoġġjati l-avversarji u d-dissidenti li qegħdin jiffaċċjaw riperkussjonijiet f'diversi pajjiżi minħabba li jiddefendu l-valuri tad-demokrazija u jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Istati Uniti u lill-UE jikkooperaw flimkien u ma' pajjiżi oħra biex jerġgħu jistabbilixxu d-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fil-Venezwela permezz ta' elezzjonijiet li jkunu verament ħielsa, kredibbli, inklużivi, trasparenti u kompletament demokratiċi, u permezz ta' appoġġ għall-forzi politiċi leġittimi rikonoxxuti mill-Parlament Ewropew; itenni wkoll l-impenn tiegħu li jippromwovi d-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi kollha tal-Amerka Latina; jappella għal koordinazzjoni akbar bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar is-sanzjonijiet; itenni s-suġġeriment tiegħu li l-Istati Uniti u l-UE għandu jkollhom skambji ta' fehmiet regolari fir-rigward tas-Summits rispettivi tagħhom mal-pajjiżi tal-Amerka Latina, jiġifieri, is-summits bejn l-UE u s-CELAC u s-Summit tal-Amerki, organizzat mill-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani;
111. Jindika l-importanza tar-reġjun MENA għas-sigurtà u l-istabbiltà Ewropea, u b'hekk anke dik trans-Atlantika; jappella, għaldaqstant, għal djalogu u koordinazzjoni msaħħa fir-rigward tal-pożizzjoni tas-sħab trans-Atlantiċi fir-rigward tar-reġjun MENA, inkluż billi tittieħed azzjoni kontra ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt internazzjonali li qegħdin iseħħu fir-reġjun; iħeġġeġ lill-Istati Uniti terġa' tingħaqad fil-PAKK bħala pedament ta' reġim globali ta' nonproliferazzjoni u pedament għat-tnaqqis tat-tensjoni fil-Lvant Nofsani u fir-reġjun tal-Golf Persjan; jappoġġja t-talba tal-Istati Uniti għal ftehim nukleari "itwal u aktar b'saħħtu" mal-Iran u jħeġġeġ il-kollaborazzjoni trans-Atlantika f'din il-kwistjoni bħala l-pass li jmiss; jilqa' d-deċiżjoni tal-Istati Uniti li ġġedded il-finanzjament tagħha għall-UNRWA; jappella għal sforzi trans-Atlantiċi ġodda biex il-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani jerġa' jitqajjem b'mod sinifikanti u jwassal għal konklużjoni b'suċċess il-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani, li jwassal għal soluzzjoni vijabbli ta' żewġ stati; jilqa' l-iffirmar u l-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Abraham u jħeġġeġ kooperazzjoni trans-Atlantika dwar l-approfondiment ta' dawn ir-rabtiet;
°
° °
112. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, kif ukoll, għal skopijiet ta' informazzjoni, lid-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti u lill-Kungress tal-Istati Uniti.
OPINJONI TAL-MINORANZA
ta' Marisa Matias f'isem il-Grupp The Left
L-elezzjoni tal-amministrazzjoni Biden-Harris tipprovdi opportunità biex jittejbu r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti. L-istrutturi u d-djalogi demokratiċi tas-soċjetà ċivili għandhom isiru attur ewlieni fir-relazzjonijiet trans-Atlantiċi, filwaqt li jinkoraġġixxu b'mod proattiv soluzzjonijiet għall-problemi l-aktar urġenti fis-soċjetajiet tagħna, bħall-inugwaljanza soċjali, bejn il-ġeneri u fl-edukazzjoni, ir-razziżmu, id-drittijiet tal-bniedem u t-tibdil fil-klima.
Ir-relazzjonijiet futuri bejn l-UE u l-Istati Uniti għandhom jiżviluppaw abbażi tal-ugwaljanza. L-UE għandha tiżviluppa kapaċitajiet biex tiżgura l-kapaċità tagħha li taġixxi b'mod awtonomu, li sserraħ fuq riżorsi proprji f'oqsma strateġiċi ewlenin u li tikkoopera mas-sħab. Il-politiki kummerċjali għandhom jgħaqqdu elementi tat-trasformazzjoni inklużiva, ekoloġika u diġitali permezz ta' approċċ ta' politika kummerċjali ffukat fuq il-ħaddiema bħala sforz konġunt biex jiġi stabbilit kummerċ ġust fil-livell internazzjonali.
Minflok jiġġieldu l-kompetituri, inkluż permezz tal-kooperazzjoni militari, l-UE u l-Istati Uniti għandhom jikkontribwixxu biex inaqqsu t-tensjonijiet u d-diviżjonijiet fi ħdan il-komunità internazzjonali. Is-sħubija trans-Atlantika għandha tevalwa s-suċċess tagħha billi tilħaq l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti sal-2030. B'mod konġunt, huma għandhom jindirizzaw il-kawżi fundamentali tal-kunflitti fid-dinja u jtemmu l-kummerċ tal-armi. Flimkien ma' sħab oħra fid-dinja, huwa possibbli li jingħeleb in-nuqqas ta' vaċċini, u li jingħata kontribut għal irkupru ekonomiku globali sostenibbli u inklużiv mill-pandemija tal-COVID-19.
OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-KUMMERĊ INTERNAZZJONALI (17.6.2021)
għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin
dwar il-futur tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti
Rapporteur għal opinjoni (*): Bernd Lange
(*)Kumitat assoċjat – Artikolu 57 tar-Regoli ta' Proċedura
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jissottolinja li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti għandhom l-aktar relazzjoni ekonomika integrata fid-dinja, li hija wkoll l-akbar u l-aktar relazzjoni profonda ta' kummerċ u ta' investiment bilaterali, fejn il-kummerċ fi prodotti u servizzi jammonta għal aktar minn EUR 1 triljun fis-sena; Ifakkar li l-ekonomiji tal-UE u tal-Istati Uniti flimkien jammontaw għal aktar minn 40 % tal-PDG globali u għal kważi terz tal-flussi kummerċjali globali.
2. Jenfasizza l-importanza li nsaħħu mill-ġdid ir-relazzjoni kummerċjali trans-Atlantika tagħna bħala alleati storiċi u sħab kummerċjali, anki fid-dawl tal-kriżi attwali tal-COVID-19, bil-għan li jiġi promoss il-multilateraliżmu, titrawwem sistema kummerċjali miftuħa u bbażata fuq ir-regoli u jinstabu soluzzjonijiet komuni għall-isfidi globali urġenti, inkluża s-saħħa globali;
3. Jieħu nota tal-indikazzjonijiet diġà pprovduti mill-kontropartijiet tal-Istati Uniti u d-dikjarazzjonijiet tar-Rappreżentant tal-Kummerċ tal-Istati Uniti Katherine Tai waqt is-seduta ta' smigħ dwar l-aġenda kummerċjali tal-2021 tal-amministrazzjoni Biden;
4. Itenni, f'dan il-kuntest, l-appoġġ tiegħu għall-istrateġija kummerċjali l-ġdida tal-UE, li timmira, anke permezz tal-aġenda trans-Atlantika tal-Unjoni, lejn sinerġiji bejn l-objettivi tal-politika domestika u esterna f'konformità mal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU;
5. Jidentifika lill-politika kummerċjali bħal strument ġeopolitiku strateġiku għall-aġenda trans-Atlantika; jenfasizza li l-Istati Uniti huma sieħba kummerċjali kruċjali u għalhekk jilqa' s-sinjali pożittivi mill-amministrazzjoni Biden bil-pjanijiet tagħha li ssaħħaħ ir-relazzjonijiet bilaterali mal-UE, u jappella għal kooperazzjoni mġedda li għandha ġġib riżultati dejjiema u konkreti fis-snin li ġejjin, filwaqt li jitqies li r-relazzjonijiet ekonomiċi tagħna huma affettwati wkoll mill-interessi tas-sigurtà fil-kuntest ta' awtonomija strateġika miftuħa;
6. Jissottolinja l-bżonn li jiġu identifikati azzjonijiet konġunti bbażati fuq interessi u valuri kondiviżi kif ukoll fuq riskji u theddidiet kondiviżi bil-għan li jingħata kontribut lill-irkupru ekonomiku globali sostenibbli u inklużiv mill-pandemija tal-COVID-19;
7. Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi riformata s-sistema kummerċjali globali, sabiex tiżgura kundizzjonijiet ekwi globali u li naħdmu flimkien biex niżviluppaw regoli ġodda, b'mod partikolari fir-rigward ta' prattiki kummerċjali inġusti, peress li l-kompetizzjoni inġusta qed taffettwa b'mod qawwi lill-kumpaniji u lill-ħaddiema tagħna;
8. Jappoġġa l-approċċ ta' sħubija fit-tmexxija mal-Istati Uniti, inkluża pożizzjoni koordinata fil-konfront tar-Russja u ċ-Ċina, iffokat fuq l-insegwiment ta' interessi kondiviżi fit-trasformazzjonijiet ekoloġiċi u diġitali tal-ekonomiji tagħna, kif ukoll ta' inizjattivi komuni fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-beni pubbliċi globali; jisħaq fuq il-fatt li "l-ħaddiema u l-pagi”, kif ukoll ktajjen ta' provvista aktar reżiljenti, sostenibbli u responsabbli, ikunu inklużi f'din l-aġenda; f'dan ir-rigward, iħeġġeġ liż-żewġ naħat jikkoordinaw l-approċċ tagħhom dwar ix-xogħol furzat u l-kundizzjonijiet tax-xogħol abbużivi u jikkooperaw biex itejbu r-rispett għad-drittijiet tal-ħaddiema u l-istandards ambjentali fil-ftehimiet kummerċjali, kif ukoll fil-livell multilaterali, inkluż billi jibnu fuq l-esperjenza ta' xulxin ħalli jinfurzaw dawn id-dispożizzjonijiet b'mod aktar effiċjenti;
9. Jissottolinja l-ħtieġa li jintwera li relazzjonijiet kummerċjali mtejba bejn l-UE u l-Istati Uniti se jkunu ta' benefiċċju għaċ-ċittadini, speċjalment dawk li tħallew lura bil-globalizzazzjoni, u għan-negozji fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku; f'dak il-kuntest, jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti jaħdmu flimkien u jallinjaw l-istrateġiji tagħhom biex joħolqu sinerġiji ta' investiment, b'mod partikolari biex jiksbu tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi sostenibbli u inklużivi tal-ekonomiji tagħhom;
10. Jinnota li l-isfidi komuni bejn l-UE u l-Istati Uniti huma dejjem iżjed mhux ta' natura militari u jaqgħu fi ħdan is-sħubija ekonomika tagħna; jitlob, għalhekk, li jkun hemm djalogu parlamentari trans-Atlantiku kontinwu u msaħħaħ dwar il-kummerċ bejn il-Parlament Ewropew u l-Kungress tal-Istati Uniti permezz ta' interazzjoni bejn il-kumitati, fi kliem ieħor bejn il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali tal-Parlament Ewropew min-naħa tal-UE, u l-Kumitat Ways & Means, is-sottokumitat tiegħu għall-kummerċ u l-Kumitat għall-Finanzi tas-Senat min-naħa tal-Istati Uniti, kif ukoll fi ħdan il-qafas tad-Djalogu Trans-Atlantiku tal-Leġiżlaturi; jitlob b'mod aktar speċifiku għall-istabbiliment ta' sottokumitat għall-Kummerċ u t-Teknoloġija fi ħdan id-Djalogu Trans-Atlantiku tal-Leġiżlaturi biex jikkomplementa l-parti eżekuttiva tal-Kunsill Kummerċ & Teknoloġija u biex jeżerċita l-kontroll demokratiku tiegħu;
11. Jilqa' bil-qawwa l-appoġġ tal-Istati Uniti għad-Direttur Ġenerali l-ġdid tad-WTO, Ngozi Okonjo-Iweala, u r-ritorn tal-Istati Uniti għall-Ftehim ta' Pariġi; jilqa' pożittivament is-sospensjoni temporanja ta' erba' xhur tat-tariffi tal-Airbus-Boeing, li kellhom effett negattiv sproporzjonat fuq il-prodotti agroalimentari tal-UE, bħala pass pożittiv lejn is-sejba ta' soluzzjoni dejjiema għas-sussidji għall-inġenji tal-ajru ċivili; jinnota li s-sospensjoni ta' dawn it-tariffi se tintemm f'Lulju 2021, u jħeġġeġ li tinstab soluzzjoni li twassal għat-tneħħija permanenti ta' dawn it-tariffi;
12. Jilqa' r-rieda tal-Istati Uniti li jiftħu diskussjonijiet biex jindirizzaw il-kapaċità żejda globali tal-azzar u tal-aluminju; jinnota d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tissospendi ż-żieda fit-tariffi għall-importazzjonijiet tal-Istati Uniti li jikkontrobilanċjaw il-miżuri tal-Istati Uniti;
13. Jilqa' wkoll il-konklużjoni rapida tal-ftehim tad-WTO dwar il-kwoti tariffarji, li kien l-ewwel ftehim mal-Istati Uniti taħt l-amministrazzjoni l-ġdida Biden u juri r-rieda ta' din l-amministrazzjoni l-ġdida li tfittex ftehimiet mal-UE fi ħdan il-qafas tad-WTO;
14. Jirrikonoxxi li fl-istess ħin għad hemm ċerti interessi diverġenti; iħeġġeġ, f'dan ir-rigward, liż-żewġ naħat jirriżolvu t-tilwim bilaterali; iħeġġeġ lill-Istati Uniti jneħħu l-miżuri kummerċjali unilaterali u t-theddidiet ta' miżuri addizzjonali fir-rigward tat-taxxi fuq is-servizzi diġitali, joqogħdu lura milli jieħdu oħrajn, u pjuttost jiffokaw fuq dak li jgħaqqadna; jagħti importanza kbira lis-Summit bejn l-UE u l-Istati Uniti, f'Ġunju 2021, bħala pass 'il quddiem biex tkompli tissewwa r-relazzjoni kummerċjali tagħna u biex jiġu diskussi oqsma mhux sfruttati għal kooperazzjoni akbar;
15. Iħeġġeġ lill-Istati Uniti, minkejja t-taħditiet li għaddejjin bħalissa, biex ineħħu minnufih it-tariffi tat-Taqsima 232 fuq l-azzar u l-aluminju peress li l-kumpaniji Ewropej ma jistgħux jitqiesu bħala theddida għas-sigurtà nazzjonali mill-Istati Uniti u jenfasizza l-ħtieġa li jiġi indirizzat b'mod konġunt it-tħassib relatat mal-kapaċità żejda tal-azzar u tal-aluminju minn pajjiżi terzi; itenni, fost l-oħrajn, l-ambizzjoni tal-UE li telimina t-tariffi għall-prodotti industrijali bejn l-UE u l-Istati Uniti;
16. Filwaqt li jiddeplora l-konklużjoni tat-300 investigazzjoni u waħda dwar it-taxxi diġitali, jilqa' pożittivament is-sospensjoni tas-sitt xhur ta' ritaljazzjoni kummerċjali fuq setturi ekonomiċi bħal taż-żraben fl-Istati Membri li implimentaw taxxa fuq is-servizzi diġitali filwaqt li għaddejjin negozjati fil-qafas tal-OECD; jesprimi tħassib dwar il-lista preliminari ta' tariffi ta' ritaljazzjoni tar-Rappreżentant tal-Kummerċ tal-Istati Uniti li tirriżulta mit-300 investigazzjoni u waħda dwar it-taxxi differenti tal-UE fuq is-servizzi diġitali, li tinkludi setturi tal-manifattura partikolarment sensittivi bħall-industriji taż-żraben u tal-ġlud, li potenzjalment jistgħu jispiċċaw jiġu esklużi mis-suq tal-Istati Uniti jekk jiġu adottati tariffi addizzjonali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħaffu u jikkonkludu malajr kemm jista' jkun in-negozjati fil-qafas tal-proposta tal-OECD dwar it-tassazzjoni diġitali u jsegwu l-modi kollha possibbli biex jevitaw aktar ħsara ekonomika lill-kumpaniji tal-UE, b'mod partikolari l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, speċjalment fil-kuntest tal-istrateġiji ta' rkupru tal-COVID-19; iqis li minħabba l-kompetenza esklużiva tal-UE fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni u t-theddidiet ta' ritaljazzjoni tal-Istati Uniti fir-rigward tal-liġijiet dwar it-tassazzjoni diġitali, approċċ komuni tal-UE huwa preferibbli minn approċċi individwali fil-livell nazzjonali, b'mod partikolari sabiex tiġi evitata eskalazzjoni trans-Atlantika ulterjuri tat-tariffi;
17. Jirrikonoxxi li għad hemm opportunitajiet mhux sfruttati biex titneħħa burokrazija sinifikanti u tissaħħaħ is-sħubija ekonomika trans-Atlantika; fil-kuntest tat-tellieqa teknoloġika li għaddejja, jisħaq fuq l-importanza ta' spazju regolatorju trans-Atlantiku ċar għan-negozji tagħna, speċjalment għat-teknoloġiji emerġenti diġitali, tal-enerġija u relatati mal-klima; jistenna li ż-żewġ naħat jindirizzaw fi djalogu t-tħassib tal-UE rigward il-US Buy American Act u l-Jones Act, inklużi l-akkwist pubbliku u l-aċċess għas-swieq għas-servizzi;
18. Jappoġġa approċċ konġunt għall-indrizzar tal-kriżi tal-COVID-19 billi, fost miżuri oħra, jiżdiedu d-disponibbiltà u l-affordabbiltà tal-vaċċini; jappella lill-UE u lill-Istati Uniti biex jaħdmu flimkien u jmexxu l-isforzi biex jindirizzaw il-kwistjoni tan-nuqqas ta' vaċċini u jiżguraw li l-vaċċini jitwasslu madwar id-dinja u lill-aktar nies possibbli malajr kemm jista' jkun; ifakkar li d-dinja qed tiffaċċja skarsezza globali ta' vaċċini; għalhekk, sabiex tinkiseb l-ekwità tal-vaċċini, jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti jaħdmu mal-manifatturi biex iżidu l-kapaċità tal-manifattura globali għall-vaċċini u l-komponenti tagħhom; jappella liż-żewġ naħat joqogħdu lura minn kwalunkwe miżura ta' restrizzjoni fuq l-esportazzjoni, jiżguraw il-funzjonament xieraq tal-ktajjen ta' provvista, jiżguraw it-trasferimenti tat-teknoloġija meħtieġa u jtejbu t-tħejjija għal emerġenzi tas-saħħa globali futuri; iħeġġeġ liż-żewġ naħat iżidu l-kooperazzjoni regolatorja biex jiffaċilitaw l-aċċess essenzjali għall-mediċini;
19. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-amministrazzjoni Biden jappoġġaw b'mod attiv l-inizjattivi l-ġodda tad-Direttur Ġenerali tad-WTO li jikkonċernaw, b'mod partikolari, is-saħħa; jindika, f'dan il-kuntest, il-pożizzjoni tal-Parlament dwar rinunzja potenzjali fir-rigward tal-Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ (TRIPS) mistqarra fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Ġunju 2021[10];
20. Iqis, filwaqt li jirrikonoxxi l-importanza li jiġu protetti d-drittijiet ta' proprjetà intellettwali Ewropej biex tinżamm il-kapaċità tan-negozji li jinnovaw, li huwa rilevanti li jiġu eżaminati l-flessibbilitajiet applikabbli kollha fi ħdan il-ftehim TRIPS bil-għan li tiżdied il-kapaċità tal-manifattura globali tal-vaċċini u tal-komponenti tagħhom; jisħaq fuq il-fatt li s-sejba ta' soluzzjonijiet dwar id-drittijiet ta' proprjetà intellettwali tista' tkun biss parti waħda mir-rispons globali komuni;
21. Jissottlinja li d-WTO tibqa' l-pedament ta' sistema multilaterali bbażata fuq ir-regoli għall-kummerċ; jappella għal kooperazzjoni msaħħa fir-rigward tar-riforma tad-WTO, inkluża r-riforma tat-tliet funzjonijiet ewlenin tagħha, li tinvolvi r-riforma u r-riintegrazzjoni bħala kwistjoni ta' urġenza tal-korp tal-appell u t-tisħiħ tal-funzjonijiet ta' monitoraġġ u ta' deliberazzjoni tad-WTO, billi, fost mezzi oħra, tippromwovi ftehimiet plurilaterali miftuħa;
22. Iħeġġeġ liż-żewġ naħat jikkooperaw biex jirregolaw il-kummerċ fil-prodotti tas-saħħa, jiżviluppaw regoli għall-kummerċ diġitali u jistabbilixxu aġenda ambizzjuża dwar il-klima u l-ambjent, fost attivitajiet oħra, billi jvaraw mill-ġdid in-negozjati dwar il-Ftehim dwar il-Beni Ambjentali, u jaħdmu fuq proposti komuni, fost l-oħrajn, dixxiplini dwar is-sussidji u l-eliminazzjoni gradwali tas-sussidji fuq il-fjuwils fossili;
23. Jistenna li ż-żewġ naħat jaqblu dwar riżultati konkreti għat-12-il Konferenza Ministerjali tad-WTO (MC12) biex id-WTO tkun lesta għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, inklużi ftehim dwar is-sajd, dikjarazzjoni dwar il-kummerċ u s-saħħa, programm ta' ħidma għar-riforma tas-sistema għas-soluzzjoni tat-tilwim, programm ta' ħidma dwar is-sussidji industrijali u l-intrapriżi tal-istat, u progress sostanzjali fin-negozjati tal-kummerċ elettroniku;
24. Iħeġġeġ liż-żewġ naħat jaħdmu b'mod konġunt biex jaġġornaw ir-regoli tad-WTO dwar l-intrapriżi tal-istat, is-sussidji industrijali, il-kapaċità żejda u t-trasferiment tat-teknoloġija sabiex b'mod effiċjenti l-organizzazzjoni tkun adattata għall-isfidi tas-seklu 21; f'dan ir-rigward jappoġġa wkoll l-espansjoni tal-inizjattiva trilaterali mal-Ġappun u jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti jmexxu koalizzjoni ta' pajjiżi tal-istess fehma fid-WTO bil-ħsieb li jintlaħaq qbil dwar regoli ġodda, filwaqt li jiġi żviluppat ukoll strument awtonomu kontra sussidji barranin inġusti; jistenna li ż-żewġ naħat jippromwovu u jistinkaw għal ftehimiet multilaterali; jistieden lill-Istati Uniti jġeddu l-impenji tagħhom favur il-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi tad-WTO;
25. Jinnota r-riżultat tal-ewwel laqgħa ta' livell għoli tad-djalogu bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar iċ-Ċina, fejn iż-żewġ naħat tennew li r-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom maċ-Ċina huma multidimensjonali u jinkludu elementi ta' kooperazzjoni, kompetizzjoni u rivalità sistemika; jappoġġa, kull fejn ikun possibbli, approċċ strateġiku konġunt fir-rigward taċ-Ċina, kif ukoll kooperazzjoni fi ħdan oqfsa multilaterali dwar sfidi komuni bħat-tibdil fil-klima, il-prattiki kummerċjali inġusti li jwasslu għal distorsjonijiet tas-suq u n-nuqqas ta' kundizzjonijiet ekwi;
26. Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li jkun hemm pożizzjoni koordinata biex jiġu indirizzati s-sussidji industrijali distorsivi – b'mod partikolari fir-rigward tal-intrapriżi tal-istat u l-kapaċità żejda f'setturi kritiċi – it-trasferimenti furzati tat-teknoloġija, is-serq tal-proprjetà intellettwali, l-impriżi konġunti obbligatorji, l-ostakli tas-suq u l-projbizzjoni tax-xogħol furzat billi tiġi inkluża diskussjoni dwar il-ftehim "Phase One" (l-Ewwel Fażi) tal-Istati Uniti maċ-Ċina kif ukoll il-Ftehim Komprensiv tal-UE dwar l-Investimenti;
27. Jinnota li kwistjonijiet bħal dawn ma jistgħux jiġu solvuti unilateralment jew bilateralment u jirrikjedu koalizzjoni ta' sħab tal-istess fehma fil-livell internazzjonali fi ħdan il-qafas tad-WTO;
28. Jisħaq fuq l-importanza li fl-istrateġija konġunta bejn l-UE u l-Istati Uniti, u fi ħdan id-WTO, jiġi inkluż ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inkluż fl-operat tan-negozji internazzjonali; jirrimarka f'dan ir-rigward il-ħtieġa ta' leġiżlazzjoni vinkolanti dwar id-diliġenza dovuta u jitlob li l-Istati Uniti jingħaqdu u jappoġġaw dan l-approċċ tul il-katina ta' provvista;
29. Jemmen li l-UE u l-Istati Uniti għandhom isaħħu l-kooperazzjoni trans-Atlantika dwar konnettività bbażata fuq ir-regoli u sostenibbli bħala reazzjoni għall-Inizjattiva "Belt and Road" taċ-Ċina u jittama li jkun hemm kooperazzjoni futura b'mod partikolari fir-rigward tar-rispett ta' standards ta' kwalità għolja;
30. Jistieden lill-Kummissjoni, filwaqt li tippromwovi d-djalogu u l-azzjoni komuni, tippromwovi b'mod assertiv l-interessi tal-UE u l-awtonomija strateġika miftuħa tagħha u tirreaġixxi għal dazji mhux ġustifikati tal-Istati Uniti, l-applikazzjoni extraterritorjali tas-sanzjonijiet, li tmur kontra d-dritt internazzjonali, u l-ostakli tas-suq; jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu l-miżuri kummerċjali awtonomi tal-UE;
31. Jitlob, b'mod partikolari, lill-Istati Uniti biex jiżguraw li l-proċeduri ta' akkwist pubbliku tagħhom jkunu trasparenti, miftuħa u prevedibbli bbażati fuq il-prinċipju ta' trattament ugwali;
32. Jistieden lill-Kummissjoni tabbozza l-proposta tagħha fuq strument li jaqta' qalb u jiġġieled azzjonijiet koerċittivi minn pajjiżi terzi u leġiżlazzjoni li tappoġġa kumpaniji Ewropej fil-mira ta' dawn is-sanzjonijiet u li qed joperaw f'konformità mad-dritt internazzjonali;
33. Iħeġġeġ liż-żewġ naħat jimpenjaw ruħhom fi djalogu ambizzjuż u jsibu qafas għal azzjoni konġunta u jfittxu ftehimiet kummerċjali u ta' investiment selettivi permezz tat-tnedija mill-ġdid ta' djalogu strateġiku ta' livell għoli;
34. Jappella għal sħubija regolatorja, ekoloġika, sostenibbli u diġitali aktar b'saħħitha permezz tal-Kunsill għall-Kummerċ u t-Teknoloġija; jappella għal ftehim dwar il-valutazzjoni tal-konformità, li se jkun ta' benefiċċju b'mod partikolari għall-SMEs, għal approċċ koordinat biex jiġu stabbiliti standards internazzjonali għat-teknoloġiji kritiċi u emerġenti, bħall-intelliġenza artifiċjali, u għall-kooperazzjoni regolatorja għall-kumpaniji tat-teknoloġija kbira kif ukoll għat-taxxi diġitali u globali; jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti jiskambjaw informazzjoni u jikkooperaw dwar l-iskrinjar tal-investiment barrani f'setturi strateġiċi, inkluż fir-rigward ta' akkwiżizzjonijiet ostili potenzjali;
35. Iħeġġeġ liż-żewġ naħat jiskambjaw l-aħjar prattiki regolatorji; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Uniti jkomplu bin-negozjati tagħhom dwar il-valutazzjoni tal-konformità biex ineħħu l-ostakli mhux tariffarji li huma ta' piż finanzjarju; jisħaq fuq l-importanza li ż-żewġ naħat jallinjaw u jmexxu koalizzjoni ta' sħab tal-istess fehma biex itejbu l-użu tal-istandards trans-Atlantiċi minn organizzazzjonijiet ta' standards internazzjonali;
36. Jistieden liż-żewġ naħat jużaw il-kummerċ bħala mezz biex jiġġieldu t-tibdil fil-klima u jiksbu konverġenza 'l fuq; f'dan ir-rigward iħeġġeġ liż-żewġ naħat jikkooperaw dwar l-ipprezzar tal-karbonju u b'mod partikolari jikkoordinaw l-iżvilupp ta' mekkaniżmu ta' aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri, u dwar miżuri effettivi kontra l-kummerċ illeċitu tal-armi u t-tisħiħ tat-trasparenza u r-responsabbiltà tal-kummerċ tal-armi, inklużi l-esportazzjonijiet tal-armi tal-Istati Uniti u tal-Istati Membri tal-UE;
37. Jistieden lill-Istati Uniti u lill-UE jaħdmu flimkien fuq taxxa korporattiva globali fil-qafas tal-OECD, filwaqt li jilqa' b'mod partikolari l-ftehim milħuq mill-pajjiżi tal-G7 dwar ir-riforma tat-taxxa globali u jenfasizza l-ftehim dwar rata tat-taxxa korporattiva globali minima ta' mill-inqas 15 %, u jikkooperaw fil-ġlieda kontra prattiki kummerċjali frodulenti u dannużi;
38. Jissottolinja li sħab kummerċjali u ekonomiċi aktar b'saħħithom iwasslu għal alleanzi aktar b'saħħithom; jilqa' pożittivament l-isforzi li qed isiru miż-żewġ naħat biex il-ktajjen ta' provvista tagħhom isiru aktar reżiljenti, speċjalment fir-rigward tal-materja prima kritika;
39. Jappella għal kooperazzjoni msaħħa bejn l-UE u l-Istati Uniti fir-rigward tal-Artiku, meta jitqies il-ftuħ ta' rotot ġodda ta' navigazzjoni u d-disponibbiltà possibbli ta' riżorsi naturali minħabba t-tibdil fil-klima u filwaqt li jitqies l-interess ekonomiku dejjem jikber fl-Artiku minn pajjiżi oħra, bħaċ-Ċina; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza wkoll dawn il-possibbiltajiet u l-isfidi fl-Istrateġija għall-Artiku tagħha li jmiss;
40. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, bħala prattika komuni, biex tkun trasparenti fil-kooperazzjoni tagħha mal-Istati Uniti billi, inter alia, tippubblika l-proposti kollha mibgħuta lill-Istati Uniti u billi tiggarantixxi l-involviment tal-Parlament u tas-soċjetà ċivili fl-iżvilupp ta' dawn il-proposti sabiex tissaħħaħ il-fiduċja tal-konsumaturi u taċ-ċittadini.
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
Data tal-adozzjoni |
17.6.2021 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
39 2 1 |
||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Anna-Michelle Asimakopoulou, Tiziana Beghin, Geert Bourgeois, Saskia Bricmont, Jordi Cañas, Daniel Caspary, Miroslav Číž, Arnaud Danjean, Paolo De Castro, Emmanouil Fragkos, Raphaël Glucksmann, Markéta Gregorová, Roman Haider, Christophe Hansen, Heidi Hautala, Danuta Maria Hübner, Herve Juvin, Karin Karlsbro, Maximilian Krah, Danilo Oscar Lancini, Bernd Lange, Margarida Marques, Gabriel Mato, Sara Matthieu, Emmanuel Maurel, Carles Puigdemont i Casamajó, Samira Rafaela, Inma Rodríguez-Piñero, Massimiliano Salini, Helmut Scholz, Liesje Schreinemacher, Sven Simon, Dominik Tarczyński, Mihai Tudose, Kathleen Van Brempt, Marie-Pierre Vedrenne, Jörgen Warborn, Iuliu Winkler, Juan Ignacio Zoido Álvarez |
|||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Svenja Hahn, Michiel Hoogeveen, Joachim Schuster |
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
39 |
+ |
ECR |
Geert Bourgeois, Emmanouil Fragkos, Michiel Hoogeveen, Dominik Tarczyński |
ID |
Roman Haider, Danilo Oscar Lancini |
NI |
Tiziana Beghin, Carles Puigdemont i Casamajó |
PPE |
Anna-Michelle Asimakopoulou, Daniel Caspary, Arnaud Danjean, Christophe Hansen, Danuta Maria Hübner, Gabriel Mato, Massimiliano Salini, Sven Simon, Jörgen Warborn, Iuliu Winkler, Juan Ignacio Zoido Álvarez |
Renew |
Jordi Cañas, Svenja Hahn, Karin Karlsbro, Samira Rafaela, Liesje Schreinemacher, Marie-Pierre Vedrenne |
S&D |
Miroslav Číž, Paolo De Castro, Raphaël Glucksmann, Bernd Lange, Margarida Marques, Inma Rodríguez-Piñero, Joachim Schuster, Mihai Tudose, Kathleen Van Brempt |
The Left |
Helmut Scholz |
Verts/ALE |
Saskia Bricmont, Markéta Gregorová, Heidi Hautala, Sara Matthieu |
2 |
- |
ID |
Maximilian Krah |
The Left |
Emmanuel Maurel |
1 |
0 |
ID |
Herve Juvin |
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni |
15.7.2021 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
58 9 3 |
||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Alviina Alametsä, Alexander Alexandrov Yordanov, Maria Arena, Petras Auštrevičius, Traian Băsescu, Anna Bonfrisco, Reinhard Bütikofer, Fabio Massimo Castaldo, Susanna Ceccardi, Włodzimierz Cimoszewicz, Katalin Cseh, Tanja Fajon, Anna Fotyga, Michael Gahler, Giorgos Georgiou, Sunčana Glavak, Raphaël Glucksmann, Klemen Grošelj, Bernard Guetta, Márton Gyöngyösi, Andrzej Halicki, Sandra Kalniete, Dietmar Köster, Maximilian Krah, Andrius Kubilius, Ilhan Kyuchyuk, David Lega, Miriam Lexmann, Nathalie Loiseau, Antonio López-Istúriz White, Jaak Madison, Claudiu Manda, Thierry Mariani, Vangelis Meimarakis, Sven Mikser, Francisco José Millán Mon, Javier Nart, Urmas Paet, Demetris Papadakis, Kostas Papadakis, Tonino Picula, Manu Pineda, Giuliano Pisapia, Thijs Reuten, Jérôme Rivière, María Soraya Rodríguez Ramos, Nacho Sánchez Amor, Isabel Santos, Jacek Saryusz-Wolski, Andreas Schieder, Radosław Sikorski, Jordi Solé, Sergei Stanishev, Tineke Strik, Hermann Tertsch, Hilde Vautmans, Harald Vilimsky, Idoia Villanueva Ruiz, Viola Von Cramon-Taubadel, Thomas Waitz, Witold Jan Waszczykowski, Charlie Weimers, Isabel Wiseler-Lima, Salima Yenbou, Željana Zovko |
|||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Ioan-Rareş Bogdan, Andrey Kovatchev, Marisa Matias, Gabriel Mato, Milan Zver |
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
58 |
+ |
ECR |
Anna Fotyga, Jacek Saryusz-Wolski, Witold Jan Waszczykowski |
ID |
Anna Bonfrisco, Susanna Ceccardi |
NI |
Fabio Massimo Castaldo, Márton Gyöngyösi |
PPE |
Alexander Alexandrov Yordanov, Traian Băsescu, Ioan-Rareş Bogdan, Michael Gahler, Sunčana Glavak, Andrzej Halicki, Sandra Kalniete, Andrey Kovatchev, Andrius Kubilius, David Lega, Miriam Lexmann, Antonio López-Istúriz White, Gabriel Mato, Vangelis Meimarakis, Francisco José Millán Mon, Radosław Sikorski, Isabel Wiseler-Lima, Željana Zovko, Milan Zver |
Renew |
Petras Auštrevičius, Katalin Cseh, Klemen Grošelj, Bernard Guetta, Ilhan Kyuchyuk, Nathalie Loiseau, Javier Nart, Urmas Paet, María Soraya Rodríguez Ramos, Hilde Vautmans |
S&D |
Maria Arena, Włodzimierz Cimoszewicz, Tanja Fajon, Raphaël Glucksmann, Dietmar Köster, Claudiu Manda, Sven Mikser, Demetris Papadakis, Tonino Picula, Giuliano Pisapia, Thijs Reuten, Nacho Sánchez Amor, Isabel Santos, Andreas Schieder, Sergei Stanishev |
Verts/ALE |
Alviina Alametsä, Reinhard Bütikofer, Jordi Solé, Tineke Strik, Viola Von Cramon-Taubadel, Thomas Waitz, Salima Yenbou |
9 |
- |
ID |
Maximilian Krah, Jaak Madison, Thierry Mariani, Jérôme Rivière |
NI |
Kostas Papadakis |
The Left |
Giorgos Georgiou, Marisa Matias, Manu Pineda, Idoia Villanueva Ruiz |
3 |
0 |
ECR |
Hermann Tertsch, Charlie Weimers |
ID |
Harald Vilimsky |
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni
- [1] ĠU C 28, 27.1.2020, p. 49.
- [2] ĠU C 117E, 6.5.2010, p. 198.
- [3] ĠU C 65, 19.2.2016, p. 120.
- [4] ĠU C 433, 23.12.2019, p. 89.
- [5] Testi adottati, P9_TA(2021)0012.
- [6] Testi adottati, P9_TA(2021)0013.
- [7] Testi adottati, P9_TA(2021)0256.
- [8] https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/IP_20_2391
- [9] Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ġunju 2021 dwar l-indirizzar tal-isfida globali tal-COVID-19: l-effetti tad-deroga mill-Ftehim TRIPS tad-WTO fuq il-vaċċini, it-trattament u t-tagħmir għall-COVID-19 u fuq iż-żieda fil-kapaċità ta' produzzjoni u ta' manifattura fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, Test adottat, P9_TA(2021)0283.
- [10] Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ġunju 2021 dwar l-indirizzar tal-isfida globali tal-COVID-19: l-effetti tad-deroga mill-Ftehim TRIPS tad-WTO fuq il-vaċċini, it-trattament u t-tagħmir għall-COVID-19 u fuq iż-żieda fil-kapaċità ta' produzzjoni u ta' manifattura fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, Test adottat, P9_TA(2021)0283.