RAPPORT dwar Strateġija "Mill-Għalqa sal-Platt" għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent

30.10.2021 - (2020/2260(INI))

Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali
Rapporteur: Anja Hazekamp, Herbert Dorfmann
(Laqgħat konġunti ta' kumitati – Artikolu 58 tar-Regoli ta' Proċedura)
Rapporteur għal opinjoni (*):
Paolo De Castro, Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
(*) Kumitat assoċjat – Artikolu 57 tar-Regoli ta' Proċedura


Proċedura : 2020/2260(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A9-0271/2021
Testi mressqa :
A9-0271/2021
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar Strateġija "Mill-Għalqa sal-Platt" għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent

(2020/2260(INI))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u b'mod partikolari l-Artikoli 11, 13, 39, 168(1), 169(1), 191, 192(1) u 349 tiegħu,

 wara li kkunsidra t-Trattat Internazzjonali dwar ir-Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-Agrikoltura tal-2004,

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2019/1381 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar it-trasparenza u s-sostenibbiltà tal-valutazzjoni tar-riskju tal-UE fil-katina alimentari[1],

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2019/6 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar prodotti mediċinali veterinarji[2],

 wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti[3], id-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja biex jinkiseb użu sostenibbli tal-pestiċidi[4] u r-Regolament (UE) Nru 1185/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar l-istatistika li tikkonċerna l-pestiċidi[5],

 wara li kkunsidra d-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Marzu 2001 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta' organiżmi modifikati ġenetikament[6],

 wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma[7]; id-Direttiva 2006/118/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar il-protezzjoni tal-ilma ta' taħt l-art kontra t-tniġġis u d-deterjorament[8] u d-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE tat-12 ta' Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli[9],

 wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 98/58/KE tal-20 ta' Lulju 1998 dwar il-ħarsien ta' annimali miżmuma għal skopijiet ta' biedja[10]; id-Direttiva tal-Kunsill 1999/74/KE tad-19 ta' Lulju 1999 li tistabbilixxi standards minimi għall-ħarsien ta' tiġieġ li jbid[11]; id-Direttiva tal-Kunsill 2007/43/KE tat-28 ta' Ġunju 2007 li tistabbilixxi regoli minimi għall-protezzjoni tat-tiġieġ miżmuma għall-produzzjoni tal-laħam[12]; id-Direttiva tal-Kunsill 2008/120/KE tat-18 ta' Diċembru 2008 li tistabbilixxi standards minimi għall-protezzjoni tal-majjali[13]; id-Direttiva tal-Kunsill 2008/119/KE tat-18 ta' Diċembru 2008 li tistabbilixxi standards minimi għall-protezzjoni tal-għoġġiela[14]; ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 tat-22 ta' Diċembru 2004 dwar il-protezzjoni tal-annimali matul it-trasport u operazzjonijiet relatati[15]; ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1099/2009 tal-24 ta' Settembru 2009 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt il-qatla[16]; ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2016 dwar il-mard trasmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali ("Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali")[17] u d-Direttiva 2010/63/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2010 dwar il-protezzjoni tal-annimali li jintużaw għal skopijiet xjentifiċi[18],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar il-protezzjoni Ewropea tal-ħaddiema transfruntiera u staġjonali fil-kuntest tal-kriżi tal-COVID-19[19],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Diċembru 2019 dwar l-Inizjattiva tal-UE dwar il-Pollinaturi[20] u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2019 dwar l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament (UE) Nru 546/2011 fir-rigward tal-valutazzjoni tal-impatt tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fuq in-naħal tal-għasel[21],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Novembru 2019 dwar l-emerġenza klimatika u ambjentali[22],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2019 dwar Ewropa li tipproteġi: Arja nadifa għal kulħadd[23],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2018 dwar Pjan ta' Azzjoni Ewropew "Saħħa Waħda" kontra r-Reżistenza għall-Antimikrobiċi (AMR)[24],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2018 dwar l-implimentazzjoni tas-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali[25],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Mejju 2017 dwar l-effiċjenza fir-riżorsi: tnaqqis tal-ħela tal-ikel, titjib tas-sikurezza tal-ikel[26],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' April 2017 dwar in-nisa u r-rwol tagħhom fiż-żoni rurali[27] u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2018 dwar in-Nisa, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-ġustizzja klimatika[28],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar soluzzjonijiet teknoloġiċi għal agrikoltura sostenibbli[29],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tat-8 ta' Settembru 2015 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-ikklonjar ta' annimali tal-ispeċi bovina, porċina, ovina, kaprina u ekwina miżmuma u riprodotti għal skopijiet ta' biedja[30],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Frar 2015 dwar it-tikkettar tal-pajjiż ta' oriġini għal-laħam fl-ikel ipproċessat[31] u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Mejju 2016 dwar l-indikazzjoni obbligatorja tal-pajjiż ta' oriġini jew tal-post ta' provenjenza għal ċerti prodotti tal-ikel[32],

 wara li kkunsidra r-Rapporti Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) 15/2020 tat-9 ta' Lulju 2020 bit-titolu "Protezzjoni tal-pollinaturi selvaġġi fl-UE – l-inizjattivi tal-Kummissjoni ma tawx ir-riżultati mixtieqa", 13/2020 tal-5 ta' Ġunju 2020 bit-titolu "Bijodiversità agrikola: il-kontribuzzjoni mill-PAK ma waqqfitx it-tnaqqis", 05/2020 tal-5 ta' Frar 2020 bit-titolu "L-użu sostenibbli ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti: progress limitat fil-kejl u fit-tnaqqis tar-riskji", 02/2019 tal-15 ta' Jannar 2019 bit-titolu "Perikli kimiċi fl-ikel tagħna: il-politika tal-UE dwar is-sikurezza alimentari tipproteġina, iżda jeżistu ċerti diffikultajiet", 31/2018 tal-14 ta' Novembru 2018 bit-titolu "Il-benesseri tal-annimali fl-UE: tnaqqis tad-distakk bejn għanijiet ambizzjużi u implimentazzjoni prattika", u 34/2016 tas-17 ta' Jannar 2017 bit-titolu "Il-ġlieda kontra l-Ħela tal-Ikel: opportunità għall-UE sabiex ittejjeb l-effiċjenza fir-riżorsi tal-katina tal-provvista tal-ikel" u 21/2019 tad-19 ta' Novembru 2019 dwar l-indirizzar tar-reżistenza għall-antimikrobiċi,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent tal-11 ta' Mejju 2020 bit-titolu "European Environment – State and outlook 2020: knowledge for transition to a sustainable Europe" (L-ambjent Ewropew – il-qagħda attwali u l-prospetti tal-2020: għarfien għal tranżizzjoni lejn Ewropa sostenibbli),

 wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali,

 wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar l-istrateġija mill-għalqa sal-platt ta' Diċembru 2020 bit-titolu "Mill-Għalqa sal-Platt: id-dimensjoni lokali u reġjonali" (NAT-VII/005),

 wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat dwar l-Iżvilupp, il-Kumitat dwar il-Kummerċ Internazzjonali, il-Kumitat dwar is-Suq Intern u l-Konsumaturi u l-Kumitat dwar is-Sajd,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A9-0271/2021),

A. billi l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar strateġija mill-għalqa sal-platt tistabbilixxi approċċ olistiku għas-sistema Ewropea tal-ikel, bl-agrikoltura bħala l-fornitur tal-ikel tkun l-element ċentrali, u tirrikonoxxi l-interkonnettività tal-atturi kollha fil-katina tal-provvista kollha u r-responsabbiltà kondiviża tagħhom fil-kisba tal-objettivi tal-istrateġija, kif ukoll ir-rwol ewlieni tal-bdiewa fit-twassil ta' beni pubbliċi, inkluż fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; billi, madankollu, l-istrateġija trid tmur lil hinn billi tqis ir-rwol, id-drittijiet u r-responsabbiltajiet tal-konsumaturi u l-vijabbiltà ekonomika fit-tul tal-bdiewa; billi l-istrateġija għandha implikazzjonijiet kbar għall-produzzjoni agrikola mhux tal-ikel u dan għandu jitqies fl-intier tiegħu;

B. billi s-sistema Ewropea tal-ikel għandha twassal sikurezza tal-ikel u nutrizzjonali ta' livell għoli b'mod li tikkontribwixxi għall-benesseri soċjali u s-saħħa pubblika, iżżomm u tirrestawra s-saħħa tal-ekosistemi, tirrispetta l-limiti tal-pjaneta u tiżgura s-saħħa u l-benesseri tal-annimali; billi attwalment, is-sistema kollha tal-ikel hija responsabbli għal firxa ta' impatti fuq is-saħħa u l-benesseri tal-bniedem u tal-annimali u fuq l-ambjent, il-klima u l-bijodiversità, inkluż id-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-ekosistemi barra l-UE; billi l-mod li bih nipproduċu u nikkonsmaw ikel, xorb u prodotti agrikoli oħra jeħtieġ jadatta biex tiġi żgurata koerenza mal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs), il-Ftehim ta' Pariġi, il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, it-Trattat Internazzjonali dwar ir-Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-Agrikoltura u l-politiki u l-impenji tal-UE, kif ukoll biex b'mod ġenerali jinkiseb bilanċ koerenti bejn it-tliet pilastri tas-sostenibbiltà, inkluż tal-ambjent, tal-klima, tal-bijodiversità, tas-saħħa pubblika, tal-ekonomija u tal-affordabbiltà tal-ikel, tal-benesseri tal-annimali u tas-sostenibbiltà ekonomika għall-bdiewa, is-sajjieda u l-atturi li jinsabu aktar 'il quddiem fil-katina tal-ikel u ż-żoni rurali u kostali, kif ukoll l-aspetti soċjali bħall-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg u l-istandards tas-saħħa u s-sikurezza; billi jeħtieġ li jitqiesu fatturi importanti oħra bħar-riċerka u l-innovazzjoni, il-politika kummerċjali u l-politika dwar l-iskart;

C. billi huwa neċessarju li jiġu żgurati konsistenza u koerenza bejn il-miżuri previsti mill-istrateġija mill-għalqa sal-platt u l-politiki komuni tal-agrikoltura u s-sajd, il-politika kummerċjali tal-UE, l-istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030, l-istrateġija tal-UE għall-foresti, il-pjan ta' azzjoni tal-bijoekonomija, il-liġi tal-UE dwar il-klima, kif ukoll politiki u strateġiji relatati oħra tal-UE; billi għandu jiġi enfasizzat li l-ikel importat kollu għandu jkun konformi mal-istess standards ta' sostenibbiltà u ta' sikurezza agroalimentari li huma applikabbli fl-UE;

D. billi l-Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-servizzi Ekosistemiċi (IPBES) tistma li 90 % tal-art mistennija tinbidel b'mod sinifikanti sal-2050 u 75 % tal-art diġà nbidlet b'mod sinifikanti; billi 85 % tal-artijiet mistagħdra diġà ntilfu[33]; billi l-bijodiversità hija kruċjali għas-sigurtà tal-ikel, il-benesseri tal-bniedem u l-iżvilupp madwar id-dinja; billi t-telfien tal-bijodiversità jpoġġi l-produzzjoni agrikola, is-sistemi Ewropej u globali tal-ikel u n-nutrizzjoni f'riskju; billi huwa stmat li l-kostijiet soċjali u ekonomiċi globali relatati mad-degradazzjoni tal-art jammontaw għal EUR 5,5-10,5 triljun fis-sena[34];

E. billi madwar 80 % tad-deforestazzjoni globali hija kkawżata mill-espansjoni tal-art li tintuża għall-agrikoltura[35]; billi d-domanda tal-Unjoni għal prodotti bħaż-żejt tal-palm, il-laħam, is-sojja, il-kawkaw, il-qamħirrum, l-injam u l-gomma, inkluż fil-forma ta' prodotti pproċessati jew servizzi, hija xprunatur kbir tad-deforestazzjoni, tad-degradazzjoni tal-foresti u tal-ħamrija, tal-qerda tal-ekosistemi u ta' każijiet assoċjati ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi mhux tal-UE, u tirrappreżenta madwar 10 % tas-sehem globali tad-deforestazzjoni inkorporata fil-konsum totali finali[36]; billi s-sajd mhux sostenibbli għandu impatti negattivi serji fuq il-bijodiversità;

F. billi l-ħabitats seminaturali li jiddependu fuq l-agrikoltura, bħall-bwar, huma partikolarment mhedda u l-istat ta' konservazzjoni tagħhom huwa ħafna agħar milli għal tipi ta' ħabitats oħra li ma jiddependux fuq l-agrikoltura; billi 45 % tal-ħabitats dipendenti fuq l-agrikoltura huma vvalutati bħala ħżiena, meta mqabbla ma' 31 % ta' ħabitats oħra;

G. billi l-użu mhux prudenti tal-pestiċidi huwa sors sinifikanti ta' tniġġis tal-ħamrija, tal-ilma u tal-arja u jaffettwa s-saħħa tal-bniedem, tal-annimali u tal-pjanti b'mod negattiv; billi huwa għaldaqstant meħtieġ li jiġu intensifikati l-isforzi biex titnaqqas b'mod sinifikanti d-dipendenza fuq pestiċidi li jagħmlu ħsara, flimkien mar-riskji u l-użu tagħhom, u l-użu ta' fertilizzanti u antibijotiċi; billi prattiki ta' biedja sostenibbli, bħall-implimentazzjoni tajba tal-Ġestjoni Integrata tal-Pesti (IPM), l-agroforestrija, l-agroekoloġija u l-biedja organika u t-tekniki tal-biedja ta' preċiżjoni, jistgħu jgħinu biex jiġi offruti soluzzjonijiet biex jitnaqqas l-użu tal-pestiċidi fil-livell tal-UE u globalment, u dawn għandhom jiġu mħeġġa; billi r-riċerka xjentifika[37] tindika li l-użu tal-pestiċidi jista' jitnaqqas b'mod sostanzjali mingħajr ma jaffettwa l-profittabbiltà u l-produttività b'mod negattiv, speċjalment meta jiġi akkumpanjat b'disponibbiltà akbar ta' alternattivi sostenibbli;

H. billi fl-2018 il-pajjiżi membri tal-UE approvaw l-esportazzjoni ta' aktar minn 81 000 tunnellata ta' pestiċidi li fihom sustanzi pprojbiti fl-Ewropa[38]; billi dawn il-pestiċidi perikolużi jistgħu joħolqu riskji saħansitra akbar fil-pajjiżi ta' destinazzjoni tagħhom minħabba li l-kundizzjonijiet ta' użu (pereżempju lbies protettiv, bexx tal-għelejjel mill-ajru) mhumiex dejjem stretti daqs dawk fl-UE; billi dawn il-pestiċidi pprojbiti jistgħu jerġgħu jidħlu fis-suq tal-UE bħala residwi fl-ikel importat; billi l-programmi ta' monitoraġġ urew li residwi ta' diversi pestiċidi li huma pprojbiti milli jintużaw fl-UE instabu fl-ikel mibjugħ fis-suq tal-UE, f'4,5 % tal-każijiet saħansitra f'livelli ogħla mil-limitu massimu ta' residwi (MRL) li huwa stabbilit għal dawn is-sustanzi biex tiġi żgurata s-sikurezza tal-konsumatur[39];

I. billi l-piż żejjed u l-obeżità qegħdin jiżdiedu b'rata mgħaġġla fl-UE[40], b'wieħed minn kull żewġ adulti għandu piż żejjed jew obeżità[41]; billi l-kawżi ta' piż żejjed u obeżità huma multidimensjonali, iżda dieta u nutrizzjoni ħżiena huma fost il-fatturi ewlenin li jwasslu għal prevalenza għolja ta' piż żejjed u obeżità;

J. billi huwa stmat li fl-UE fl-2017 aktar minn 950 000 mewta (waħda minn kull ħamsa) u t-telf ta' aktar minn 16-il miljun sena ta' ħajja b'saħħitha mitlufa, prinċipalment minħabba mard kardjovaskulari u kanċer, kienu attribwibbli għal dieti ħżiena[42]; billi l-esponiment għal kimiċi li jfixklu s-sistema endokrinali permezz tal-ikel u l-imballaġġ tal-ikel huwa wkoll theddida akbar għas-saħħa pubblika[43];

K. billi madwar nofs il-mard żoonotiku li tfaċċa fil-bnedmin mill-1940 wassal għal bidliet fl-użu tal-art[44]; billi s-saħħa tal-annimali hija element essenzjali fi kwalunkwe sistema tal-ikel sostenibbli u l-impatti fuq is-saħħa tal-annimali għandhom effetti diretti fuq is-sostenibbiltà tas-sistema tal-ikel;

L. billi huwa stmat li 88 miljun tunnellata ta' skart tal-ikel huwa ġġenerat fl-UE kull sena, bi spejjeż assoċjati stmati għal EUR 143 biljun[45]; billi l-iskart tal-ikel għandu impatt ambjentali kbir, li jammonta għal madwar 6 % tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra totali tal-UE[46]; billi l-ogħla kontributuri għall-ħela tal-ikel fl-UE huma d-djar (53 %) u l-ipproċessar (19 %)[47]; billi 10 % tal-ħela tal-ikel fl-UE hija marbuta mal-immarkar tad-dati u l-interpretazzjoni żbaljata tal-konsumatur ta' kif jaqra u juża s-sistema tal-immarkar tad-dati[48];

M. billi l-volum ta' bejgħ tal-antibijotiċi lill-azjendi agrikoli Ewropej tal-bhejjem naqas b'18,5 % bejn l-2011 u l-2016[49], li rriżulta fi tnaqqis fil-piż tal-antibijotiċi fl-agrikoltura b'35 % fil-perjodu 2011–2018, filwaqt li fil-maġġoranza tal-Istati Membri l-konsum tal-antimikrobiċi fl-annimali li jipproduċu l-ikel huwa aktar baxx jew ħafna inqas milli fil-bnedmin[50]; billi, madankollu, hemm differenzi kbar bejn l-Istati Membri, u l-konsum ta' xi antimikrobiċi għadu għoli wisq[51]; billi r-reżistenza għall-antimikrobiċi hija theddida kbira għas-saħħa tal-bniedem; billi t-tnaqqis u l-minimizzazzjoni tal-użu ta' antibijotiċi fit-trobbija tal-annimali ser jgħinu biex jiġi limitat kemm din titfaċċa u tinxtered;

N. billi, diġà fl-2018, il-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) ippubblika r-Rapport Speċjali tiegħu dwar l-Impatti tat-Tisħin Globali ta' 1.5 C, li ddikjara li l-limitazzjoni tat-tisħin globali għal 1.5 °C tirrikjedi bidliet rapidi, estensivi u bla preċedent fl-aspetti kollha tas-soċjetà; billi t-tibdil fil-klima u t-telfien tal-bijodiversità jikkostitwixxu theddid dejjem akbar għas-sigurtà tal-ikel u l-għajxien b'perjodi ta' nixfa, għargħar u nirien fil-foresti rikorrenti, u pesti ġodda; billi s-sistemi tal-ikel huma responsabbli għal 29 % tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra (GHG) madwar id-dinja u għandhom effett profond fuq il-klima, il-bijodiversità, l-ilma, l-arja, il-ħamrija u l-bjar tal-karbonju; billi s-settur agrikolu tal-UE jipproduċi madwar 10 % tal-emissjonijiet totali ta' gassijiet serra tal-UE, b'varjazzjonijiet konsiderevoli bejn l-Istati Membri fejn l-agrikoltura tammonta għal bejn 3 % u 33 % tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra nazzjonali[52];

O. billi l-emissjonijiet ta' gassijiet serra mill-agrikoltura Ewropea tnaqqsu b'madwar 20 % mill-1990 'l hawn; billi t-tnaqqis fl-emissjonijiet ta' gassijiet serra fl-agrikoltura naqas b'mod konsiderevoli mill-2012, u saħansitra żdied f'xi snin[53]; billi l-agrikoltura tista' tikkontribwixxi b'mod attiv għas-sekwestru tal-karbonju billi żżid bjar tal-karbonju naturali permezz tal-adozzjoni ta' soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura u l-ekosistemi bħat-tinwib tal-għelejjel, l-għelejjel intermedji, il-permakultura, l-agroforestrija, is-silvikultura, l-agroekoloġija u r-restawr tal-ekosistema, u speċjalment ir-restawr u ż-żamma taż-żoni tat-torbiera bħala mod ta' żieda tal-bjar tal-karbonju naturali u s-sekwestru;

P. billi l-agrikoltura hija t-tielet l-akbar sors ta' emissjonijiet primarji tal-PM10 fl-UE, kif saħqet l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent; billi l-emissjonijiet ta' ammonijaka mill-agrikoltura jikkontribwixxu għal episodji ta' konċentrazzjonijiet għoljin ta' PM li jiġu esperjenzati madwar l-Ewropa kull rebbiegħa, kif ukoll għall-impatti negattivi qosra u fit-tul fuq is-saħħa;

Q. billi l-UE tikkonsma seba' darbiet aktar nitroġenu u tliet darbiet aktar fosfru milli jista' jitqies sostenibbli u ekwu meta jitqiesu l-limiti tal-pjaneta[54];

R. billi aktar informazzjoni dwar iċ-ċiklu tal-ħajja, flimkien ma' traċċar u monitoraġġ aħjar tal-informazzjoni tal-katina tal-provvista huma meħtieġa biex jiġi kkwantifikat il-progress lejn it-tnaqqis tal-impatt ambjentali tas-sistema Ewropea tal-ikel;

S. billi l-mudell Ewropew ta' settur agroalimentari multifunzjonali, li jikkonsisti minn diversi mudelli agrikoli u huwa mmexxi minn azjendi agrikoli tal-familja, huwa komponent ewlieni tal-ekonomija u s-soċjetà tal-UE u jrid jiżgura produzzjoni tal-ikel kompetittiva, ta' kwalità għolja u diversifikata, sigurtà tal-ikel, ktajjen tal-provvista lokali, prattiki agrikoli tajbin, protezzjoni tar-riżorsi tal-art u tal-ilma, standards għoljin tal-ambjent u tal-benesseri tal-annimali u żoni rurali vibranti madwar l-UE; billi politika agrikola appoġġjata kif xieraq tippromwovi tranżizzjonijiet lejn ktajjen tal-provvista aktar lokalizzati u prattiki agrikoli aktar sostenibbli, filwaqt li tikseb standards ogħla tal-ambjent u tal-benesseri tal-annimali;

T. billi huwa importanti li jiġi enfasizzat ir-rwol ewlieni tal-intrapriżi ta' daqs mikro, żgħir u medju fis-settur agroalimentari tal-UE fl-istadji kollha tal-katina tal-provvista, mill-ipproċessar sal-bejgħ bl-imnut, biex jinkisbu l-objettivi tal-istrateġija;

U. billi s-settur agrikolu jrid ikompli jipproduċi ikel sikur u nutrijenti, filwaqt li jieħu ħsieb u jamministra l-art b'mod aktar sostenibbli, ilkoll modi ta' indirizzar tad-depopolazzjoni taż-żoni rurali; billi l-bdiewa Ewropej jissodisfaw l-ogħla standards globali u jipprovdu ikel ta' kwalità għolja, mhux biss liċ-ċittadini Ewropej iżda wkoll lid-dinja kollha; billi s-settur tal-agrikoltura huwa ta' valur strateġiku kbir iżda, fi ftit aktar minn għaxar snin, diversi miljuni ta' azjendi agrikoli ma baqgħux jeżistu, li jirrappreżenta terz tal-azjendi agrikoli kollha fl-Ewropa, bil-maġġoranza vasta tkun negozji żgħar tal-familja;

V. billi t-tranżizzjoni tal-agrikoltura Ewropea lejn prattiki u ċirkolarità aktar sostenibbli tirrikjedi investimenti sostanzjali, b'aċċess adegwat għall-finanzjament bħala prekundizzjoni; billi l-BEI huwa impenjat li jżid is-sehem tal-finanzjament tiegħu ta' investimenti fl-azzjoni klimatika u s-sostenibbiltà ambjentali biex jilħaq 50 % tal-operazzjonijiet tiegħu fl-2025 u minn hemm 'il quddiem; billi dan jista' jintuża biex jitnedew it-teknoloġiji li jikkontribwixxu għal prattiki sostenibbli u biex tissaħħaħ ir-rabta tal-agrikoltura mal-ekonomija ċirkolari;

W. billi saħħa tajba tal-ħamrija ttejjeb l-kapaċità tad-dinja li tipproduċi l-ikel, tiffiltra l-ilma u tassorbi l-karbonju, u b'hekk ma tikkontribwixxix biss biex tistabbilizza l-klima iżda wkoll biex tiżgura s-sigurtà tal-ikel, tirrestawra l-bijodiversità, tipproteġi l-art agrikola tagħna u tibni sistema tal-ikel aktar tajba għas-saħħa; billi agrikoltura riġenerattiva bħala approċċ lejn il-produzzjoni tal-ikel u l-ġestjoni tal-art tista' timmitiga dawn l-isfidi, tgħin fit-tranżizzjoni lejn sistema tal-agrikoltura reżiljenti ħafna bbażata fuq il-ġestjoni xierqa tal-artijiet u tal-ħamrija;

X. billi huwa importanti li l-konsumaturi jkunu informati, abilitati u mogħtija s-setgħa jagħmlu għażliet informati dwar l-ikel; billi dan jirrikjedi ambjent tal-ikel tajjeb għas-saħħa u sod li jiżgura trasparenza u jiżgura li l-għażla tajba għas-saħħa u sostenibbli hija wkoll għażla faċli u affordabbli għal kulħadd, u trawwem u tinkoraġġixxi xejriet ta' konsum li jappoġġjaw is-saħħa tal-bniedem filwaqt li jħarsu l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali u umani u livell għoli tal-benesseri tal-annimali; billi l-għoti ta' informazzjoni, l-edukazzjoni u l-kampanji ta' sensibilizzazzjoni waħedhom mhumiex biżżejjed biex tinkiseb il-bidla meħtieġa lejn għażliet tal-konsumatur aktar sostenibbli u b'saħħithom billi dawn jistgħu jiġu influwenzati minn aspetti bħal normi u konvenzjonijiet, il-prezz, il-konvenjenza, id-drawwiet u l-modi kif tiġi ppreżentata l-għażla tal-ikel; billi, madankollu, iċ-ċittadini infurmati u l-edukazzjoni jista' jkollhom rwol importanti fl-ilħuq tal-objettivi tal-Ewropa dwar il-klima, l-effiċjenza fir-riżorsi u l-bijodiversità min-naħa tad-domanda; billi t-tikkettar obbligatorju tal-kontenut u tal-oriġini tan-nutrijenti, kif ukoll informazzjoni komprensibbli dwar il-benesseri u s-sostenibbiltà tal-annimali, fil-prinċipju dwar il-prodotti tal-ikel kollha, u l-għoti pubbliku ta' informazzjoni dwar l-ispiża reali tal-produzzjoni jistgħu jgħinu biex jiggwidaw il-konsumatur lejn nutrizzjoni tajba, sostenibbli u sikura; billi l-informazzjoni għall-konsumatur għandha tiġi adattata wkoll għall-era diġitali, filwaqt li ħadd ma jitħalla barra;

Y. billi d-dieta Mediterranja, rikonoxxuta mill-UNESCO fl-2010 bħala wirt kulturali intanġibbli tal-umanità, hija magħrufa bħala dieta tajba għas-saħħa u bbilanċjata, b'valur nutrittiv, soċjali u kulturali għoli, ibbażata fuq ir-rispett lejn it-territorju u l-bijodiversità, filwaqt li tiżgura l-konservazzjoni u l-iżvilupp ta' attivitajiet u artiġjanat tradizzjonali relatati mas-sajd, il-kaċċa sostenibbli u l-agrikoltura u għandha rwol protettiv fil-prevenzjoni primarja u sekondarja tal-mard deġenerattiv kroniku ewlieni;

Z. billi l-ilma u l-agrikoltura huma marbuta intrinsikament u l-ġestjoni tal-ilma sostenibbli fis-settur tal-agrikoltura hija essenzjali biex tkun possibbli l-produzzjoni ta' ikel ta' kwalità għolja u adegwat u tiġi żgurata l-konservazzjoni tar-riżorsi tal-ilma;

AA. billi l-globalizzazzjoni tas-suq tal-ikel żdiedet u ġabet magħha żieda relatata fl-importanza tal-ftehimiet ta' kummerċ ħieles bejn l-UE u l-pajjiżi mhux tal-UE;

AB. billi għandhom jitqiesu r-riżultati miksuba wara l-implimentazzjoni tal-istandards ambjentali attwalment fis-seħħ;

AC. billi s-sitwazzjoni serja li nħolqot bil-pandemija tal-COVID-19 ħalliet impatt fuq l-atturi kollha tal-katina agroalimentari Ewropea, mill-produzzjoni primarja sas-settur tal-lukandi u l-catering;

AD. billi s-sistema Ewropea tal-ikel kellha rwol kruċjali matul il-pandemija tal-COVID-19, li wriet ir-reżiljenza tagħha mal-bdiewa u l-kooperattivi jew l-organizzazzjonijiet tal-produtturi tagħhom, il-ħaddiema impjegati tul il-katina tal-valur tal-ikel, il-proċessuri, id-distributuri u l-bejjiegħa bl-imnut li jaħdmu flimkien f'kundizzjonijiet diffiċli, inklużi lockdowns, u jiffaċċjaw riskji sanitarji, biex jiġi żgurat li l-konsumaturi Ewropej ikompli jkollhom aċċess għal prodotti sikuri, affordabbli u ta' kwalità għolja mingħajr xkiel, filwaqt li tiġi rispettata l-integrità tas-suq intern; billi matul il-kriżi tal-COVID-19 is-suq intern u s-sistema agrikola tal-UE fil-parti l-kbira u b'mod rapidu għelbu l-interruzzjonijiet fil-provvista li, madankollu, żvelaw ċerti vulnerabbiltajiet fi ktajjen tal-provvista tal-ikel ikkumplikati u dan juri l-ħtieġa li jiġu żgurati s-sigurtà tal-ikel fit-tul, ir-reżiljenza u l-ktajjen tal-provvista qosra; billi, f'dan il-kuntest, huwa essenzjali li jiġi enfasizzat il-valur tas-sigurtà tal-ikel u s-sigurtà tal-ktajjen tal-provvista għaċ-ċittadini kollha tal-UE u l-importanza li jkun hemm l-għodod neċessarji kollha disponibbli għall-bdiewa biex ikunu jistgħu jipproduċu ikel divers b'mod sostenibbli;

AE. billi għalkemm id-drittijiet tal-bdiewa kienu minquxa fit-Trattat Internazzjonali tal-FAO dwar ir-Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-Agrikoltura fl-2004, ir-regoli tal-proprjetà intellettwali spiss kienu f'kunflitt magħhom, u poġġew f'riskju s-sistemi taż-żrieragħ lokali, tradizzjonali u indiġeni;

AF. billi l-konsumaturi jinsabu dejjem aktar imħassba dwar il-benesseri tal-annimali u s-saħħa tal-annimali; billi livell għoli ta' benesseri tal-annimali huwa importanti għall-iżvilupp sostenibbli u għandu l-potenzjal li jsaħħaħ is-sostenibbiltà ekonomika u ambjentali tal-bdiewa Ewropej, filwaqt li joħloq suq ġdid għall-bdiewa biex ibigħu prodotti abbażi ta' standards ogħla tal-benesseri tal-annimali; billi l-Kummissjoni ħabbret evalwazzjoni u reviżjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-benesseri tal-annimali, inkluż dwar it-trasport tal-annimali u l-qtil tal-annimali; billi r-regoli orizzontali għall-protezzjoni tal-annimali fil-biedja, flimkien ma' rekwiżiti tal-benesseri tal-annimali li jkunu bbażati fuq ix-xjenza u speċifiċi għall-ispeċijiet, ikunu ta' benefiċċju sinifikanti għall-benesseri tal-annimali; billi l-perjodi ta' tranżizzjoni u l-appoġġ għall-bdiewa huma essenzjali fir-rigward tal-bidliet leġiżlattivi biex tkun possibbli biedja aktar sostenibbli u biex jinkiseb titjib fil-benesseri tal-annimali;

AG. billi l-indikazzjonijiet ġeografiċi jirriżultaw minn wirt etern tal-UE u huma l-frott tal-adattament tal-bniedem għall-ambjent tiegħu u espressjoni tal-identità tal-UE;

AH. billi huwa importanti ħafna li jiġu indirizzati l-frodi tal-ikel u l-prattiki inġusti, bir-rikonoxximent u l-investigazzjoni ta' attivitajiet frawdolenti;

1. Jilqa' l-ambizzjonijiet u l-għanijiet tal-istrateġija mill-għalqa sal-platt bħala pass importanti fl-iżgurar ta' sistema tal-ikel sostenibbli, ġusta, tajba għas-saħħa, favur l-annimali, aktar reġjonali, diversifikata u reżiljenti, li hija ċentrali biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fil-Patt Ekoloġiku Ewropew u fl-SDGs; jenfasizza r-rabtiet mill-qrib bejn nies b'saħħithom, soċjetajiet b'saħħithom, annimali b'saħħithom u pjaneta b'saħħitha; jisħaq li din l-istrateġija hija essenzjali biex is-sistema tal-ikel, inkluża l-produzzjoni tal-annimali u tal-għelejjel, tinġieb fi ħdan il-limiti tal-pjaneta, filwaqt li jissottolinja l-importanza li jinkisbu kundizzjonijiet tax-xogħol, impjiegi u opportunitajiet ġusti deċenti fil-katina tal-valur tal-ikel kollha u l-ħtieġa li jinkiseb approċċ ta' politika xieraq u bbilanċjat; iħeġġeġ lill-Kummissjoni mill-aktar fis, issarraf l-istrateġija f'azzjoni leġiżlattiva u mhux leġiżlattiva konkreta, akkumpanjata minn mekkaniżmi adegwati ta' appoġġ finanzjarju għat-tranżizzjoni;

Bżonn ta' azzjoni

2. Ifakkar li l-valutazzjonijiet tal-impatt huma parti integrali mill-proċess tat-tfassil tar-regoli tal-UE; jilqa' t-tħabbira tal-Kummissjoni li għandha l-intenzjoni twettaq valutazzjonijiet tal-impatt dettaljati, inklużi konsultazzjonijiet pubbliċi, skont il-linji gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar għal kwalunkwe inizjattiva leġiżlattiva fi ħdan l-istrateġija mill-għalqa sal-platt, inklużi dawk rigward miri kwantitattivi effettivi[55]; jisħaq li dawn il-valutazzjonijiet tal-impatt xjentifiku ex-ante għandhom jinkludu valutazzjonijiet ambjentali robusti, għandhom ikopru t-tliet dimensjonijiet tas-sostenibbiltà (ambjentali, ekonomika u soċjali, inkluża s-saħħa) f'approċċ olistiku u sistemiku u jikkunsidraw l-effetti kumulattivi, u għandhom jinkludu il-kost tan-nuqqas ta' azzjoni f'termini ta' impatt immedjat u fit-tul fuq is-saħħa tal-bniedem, l-ambjent, il-bijodiversità u s-sostenibbiltà ġenerali, kif ukoll iqisu t-tiġdid ġenerazzjonali, il-kompromessi possibbli bejn l-għanijiet ta' politika, id-disponibbiltà ta' mezzi biex jintlaħqu l-miri u l-mudelli differenti ta' biedja fl-Istati Membri tal-UE; jinnota l-importanza li jiġu deskritti l-metodi ta' kalkolu, il-linji bażi u l-perjodi ta' referenza ta' kull mira individwali u jenfasizza l-ħtieġa ta' kooperazzjoni, konsultazzjoni u kollaborazzjoni mal-Istati Membri; jirrikonoxxi l-fatt li l-ewwel rieżami ta' nofs it-terminu tal-istrateġija mill-għalqa sal-platt huwa ppjanat li jsir sa nofs l-2023; jisħaq fuq il-ħtieġa li din l-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tirrifletti fil-fond dwar l-impatt kumulattiv tal-azzjonijiet kollha b'mod olistiku u sistemiku, biex jiġu koperti d-dimensjonijiet kollha tas-sostenibbiltà, kemm jekk ambjentali, ekonomiċi jew soċjali, inkluża s-saħħa;

3. Jilqa' t-tħabbira ta' proposta bbażata fuq l-evidenza għal qafas leġiżlattiv għal sistemi alimentari sostenibbli bbażati fuq data trasparenti u li jqisu l-aħħar għarfien xjentifiku; jistieden lill-Kummissjoni tuża din il-proposta biex tistabbilixxi politika komuni dwar l-ikel orjentata lejn il-futur li tkun olistika, ibbilanċjata, integrata u ambjentalment, soċjalment u ekonomikament sostenibbli, fejn l-atturi kollha jagħtu l-kontribut tagħhom, bil-għan li titnaqqas l-impronta ambjentali u klimatika tas-sistema tal-UE għall-ikel kif ukoll jitnaqqsu l-impatti negattivi tagħha fuq il-bijodiversità u s-saħħa u l-benesseri tal-bniedem u tal-annimali biex l-Ewropa ssir l-ewwel kontinent newtrali għall-klima u bi tniġġes qrib iż-żero sa mhux aktar tard mill-2050, u tissaħħaħ ir-reżiljenza tagħha biex tiżgura sigurtà tal-ikel fuq perjodu medju u fit-tul fid-dawl tat-tibdil fil-klima, id-degradazzjoni ambjentali u t-telfien tal-bijodiversità; jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata sostenibbiltà ekonomika u soċjali fil-katina alimentari kollha hekk kif il-prospetti soċjoekonomiċi tajbin u l-kompetittività tad-diversi setturi kkonċernati ser jgħinu biex jintlaħqu l-għanijiet tal-istrateġija; jinkoraġġixxi lill-UE tmexxi tranżizzjoni globali lejn sostenibbiltà mill-għalqa sal-platt ibbażata fuq il-prinċipju ta' settur agrikolu multifunzjonali li jkun sostenibbli minn perspettiva ambjentali, soċjali (inkluża s-saħħa) u ekonomika, abbażi tal-prinċipji tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) tan-Nazzjonijiet Uniti u d-dritt tan-NU għall-ikel, filwaqt li tiżgura konsistenza u koerenza politika msaħħa biex l-atturi kollha fis-sistema Ewropea tal-ikel jkunu jistgħu jwettqu ppjanar fit-tul ibbażat fuq objettivi SMART realistiċi u trasparenti; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' bidla politika u leġiżlattiva urġenti u b'saħħitha fid-dawl tal-evidenza xjentifika tal-ħtieġa li tittejjeb is-sostenibbiltà tas-sistema attwali tal-ikel u l-ispejjeż ogħla mġarrba li huma r-riżultat ta' nuqqas ta' teħid ta' azzjoni u jenfasizza l-importanza ta' prattiki innovattivi u sostenibbli; jissuġġerixxi li jitqiesu l-linji bażi rispettivi f'kull Stat Membru u l-progress miksub, flimkien mal-kundizzjonijiet (reġjonali) speċifiċi tagħhom, filwaqt li jiġi promoss l-iskambju tal-għarfien u l-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu inklużi l-katini kollha tal-ikel u x-xorb inklużi l-produzzjoni, l-ipproċessar, il-kummerċjalizzazzjoni, il-ħżin, it-trasport, id-distribuzzjoni, l-ospitalità, il-bejgħ bl-imnut, ir-rimi u r-riċiklaġġ ta' materjali sekondarji; jitlob li din il-proposta leġiżlattiva tqis bis-sħiħ il-benesseri tal-annimali tal-irziezet, minħabba li dan huwa integrali għas-sostenibbiltà tal-ikel;

4. Jappoġġja l-iżvilupp ta' pjanijiet strateġiċi tal-politika dwar l-ikel[56] li jgħinu biex jiffaċilitaw, jistimulaw u jtejbu l-politiki nazzjonali dwar l-ikel ġodda u eżistenti fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, filwaqt li titqies ukoll il-kwistjoni kumplessa tal-faqar tal-ikel fl-Ewropa; jenfasizza l-importanza li dawn il-pjanijiet jiġu sostnuti bi xjenza u riċerka indipendenti u imparzjali u bl-involviment tal-partijiet ikkonċernati minn varjetà vasta ta' perspettivi biex jiġi żgurat proċess leġittimu u inklużiv; jisħaq li huwa meħtieġ approċċ ġdid trasversali għall-governanza biex tiġi żgurata l-koerenza bejn il-politiki tal-ikel u l-biedja tal-UE u dawk li jinfluwenzawhom bħall-politiki tal-kummerċ, l-enerġija, il-kompetizzjoni u l-klima biex jiżdiedu s-sinerġiji u jiġu evitati u amministrati l-kompromessi; jappella għaldaqstant biex ikun hemm djalogu strutturat bejn il-Parlament, l-Istati Membri u l-atturi kollha tas-sistema tal-ikel, inklużi ċ-ċittadini, biex jintużaw l-opportunitajiet kollha offruti minn din l-istrateġija u jiġu diskussi n-nuqqasijiet, l-opportunitajiet u l-isfidi fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' politika komuni u olistika tal-UE dwar l-ikel; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi djalogu mas-soċjetà dwar fehim komuni tas-sostenibbiltà u l-elementi differenti tagħha fir-rigward tal-perkors lejn il-proposta tagħha għal qafas leġiżlattiv għal sistema tal-ikel sostenibbli, li fl-aħħar mill-aħħar irid ikun ibbażat fuq approċċ wieħed koerenti għall-aspetti kollha tas-sostenibbiltà;

5. Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni biex tiżviluppa pjan ta' kontinġenza bil-għan li jiġu żgurati l-provvista tal-ikel u s-sigurtà tal-ikel sabiex jiġi kkoordinat rispons komuni Ewropew għall-kriżijiet li jaffettwaw is-sistemi tal-ikel; jinsisti li huwa meħtieġ approċċ ta' prevenzjoni biex jiġu evitati movimenti ta' paniku u reazzjonijiet eċċessivi min-nies, id-ditti jew l-Istati Membri; iqis li dan ser ikun rispons adegwat għall-aspettattivi dejjem akbar dwar is-sigurtà tal-ikel li għandhom jiġu indirizzati fil-livell Ewropew; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tqis il-kwistjonijiet tal-istokkijiet tal-ikel strateġiċi bil-mod li bih tqis l-istokkijiet tal-petroleum strateġiċi madwar l-Unjoni;

6. Jenfasizza l-ħtieġa li jittieħdu azzjonijiet sabiex tiġi promossa l-biedja sostenibbli, jitnaqqsu l-użu u r-riskji assoċjati mal-pestiċidi, jiġu protetti u rrestawrati l-ekosistemi tal-ħamrija, u jiżdiedu l-karatteristiċi tal-pajsaġġ fl-art agrikola li jappoġġjaw l-irkupru tal-ispeċijiet u l-ħabitats protetti fl-ambitu tad-direttivi dwar in-natura, inklużi l-pollinaturi u l-ħabitats tagħhom; ifakkar li l-produttività u r-reżiljenza agrikoli jiddependu mill-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali biex tiġi ggarantita s-sostenibbiltà fit-tul tas-sistemi tal-ikel tagħna;

7. Jenfasizza li l-konsumaturi, il-bdiewa, u n-negozji Ewropej għandhom interess fi tranżizzjoni b'suċċess lejn sistema tal-ikel aktar sostenibbli; jenfasizza li informazzjoni tal-partijiet ikkonċernati u politiki agrikoli mtejba jistgħu jappoġġjaw din it-tranżizzjoni; jisħaq li t-tranżizzjoni ekoloġika fil-produzzjoni tal-ikel u l-kontribut li jirriżulta għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima jistgħu jkunu sitwazzjoni favorevoli għall-produtturi primarji, l-ambjent, l-ekonomija u s-soċjetà kollha, filwaqt li jiġi prodott ikel sostenibbli, sikur, suffiċjenti, affordabbli, tajjeb għas-saħħa u nutrijenti, u jistgħu jinkisbu b'approċċ ibbilanċjat li joffri sinerġija lill-prattiki sostenibbli u l-opportunitajiet ekonomiċi; itenni li biex jiġi żgurat kontribut proporzjonat mis-settur, l-agrikoltura għandha tkun parti, immexxija minn miri u inċentivi, mill-ambizzjoni tal-UE li tersaq lejn żero netti sa mhux aktar tard minn nofs is-seklu, filwaqt li tindirizza wkoll l-emissjonijiet li huma marbuta mal-produzzjoni u l-konsum tal-ikel Ewropej iżda li huma ġġenerati barra mill-Ewropa; jisħaq li l-parteċipazzjoni tal-bdiewa u l-appoġġ għalihom fl-azzjoni klimatika hija kruċjali biex jintlaħqu l-miri ta' mitigazzjoni globali u l-SDGs, mingħajr ma tiġi kompromessa s-sigurtà tal-ikel u tan-nutrizzjoni globali, u filwaqt li ħadd ma jitħalla barra;

8. Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata koerenza bejn l-istrateġija mill-għalqa sal-platt u l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, inkluż dwar il-klima, il-bijodiversità, it-tniġġis żero u s-saħħa; jissottolinja li ż-żamma u t-titjib tal-bijodiversità huma kruċjali biex tiġi ssalvagwardjata s-sigurtà tal-ikel tal-UE u globali, u li għandha tiġi ggarantita koerenza mal-istrateġija tal-UE għall-bijodiversità, inkluż il-kontribut tan-network Natura 2000 u taż-Żoni tal-Baħar Protetti biex tiġi appoġġjata l-produzzjoni tal-ikel tajjeb għas-saħħa, kif ukoll il-konsistenza dwar il-politika agrikola komuni (PAK), il-politika komuni tas-sajd (PKS), il-politiki tal-UE dwar il-kummerċ u l-istrateġija tal-UE dwar il-bijoekonomija; jenfasizza li l-SDGs joffru qafas rilevanti biex jintegraw b'mod koerenti u sistemiku l-objettivi ambjentali, soċjali u ekonomiċi, u jippermettu t-tfassil ta' politiki trasversali li jirriflettu aħjar l-interkonnessjoni bejn kull objettiv ta' politika; ifakkar li d-dimensjoni soċjali trid tkun integrata bis-sħiħ fl-inizjattivi futuri kollha tal-istrateġija mill-għalqa sal-platt flimkien mad-dimensjonijiet ekonomiċi u ambjentali, biex tinkiseb koerenza politika tant meħtieġa għall-iżvilupp sostenibbli; jinsisti li t-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol skont it-tmien konvenzjonijiet fundamentali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), in-negozjar kollettiv u l-protezzjoni soċjali għandhom jiġu inklużi bħala kriterji ta' sostenibbiltà;

Bini ta' katina tal-ikel tajba għaċ-ċittadini, għall-ħaddiema, għall-produtturi, għad-distributuri u għall-ambjent

9. Jilqa' d-deċiżjoni li tiġi riveduta d-Direttiva dwar l-użu sostenibbli tal-pestiċidi u l-miri ta' tnaqqis għall-pestiċidi, it-telf tan-nutrijenti kemm mis-sorsi organiċi kif ukoll minn dawk minerali u l-bejgħ ta' antibijotiċi u jinsab konvint li dawn il-miri huma attenibbli iżda dan jiddependi fuq id-disponibbiltà ta' alternattivi aktar sikuri, effettivi u effiċjenti; jenfasizza l-importanza ta' aktar edukazzjoni u komunikazzjoni olistiċi, inkluż permezz ta' servizzi ta' konsulenza biex tinkiseb din it-trasformazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li dawn il-miri ta' tnaqqis ikunu ta' natura vinkolanti u l-importanza li dawn jiġu segwiti permezz ta' approċċi olistiċi, preventivi u ċirkolari, bħal prattiki organiċi u agroekoloġiċi, prattiki agrikoli sostenibbli innovattivi, implimentazzjoni ta' agrikoltura ta' preċiżjoni u prattiki integrati ta' ġestjoni tal-għelejjel u l-pesti fejn xieraq, u l-użu ta' alternattivi sostenibbli megħjuna minn perspettiva taċ-ċiklu tal-ħajja; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu stabbiliti proċessi rapidi ta' evalwazzjoni, awtorizzazzjoni u reġistrazzjoni għal pestiċidi mhux kimiċi b'riskju baxx, filwaqt li jiġi żgurat li l-valutazzjoni tagħhom tkun soġġetta għall-istess livell ta' rigorożità ta' sustanzi oħra; jinsisti li kull Stat Membru, skont il-karatteristiċi klimatiċi u tal-produzzjoni agrikola tiegħu, għandu jistabbilixxi miri kwantitattivi ta' tnaqqis li jkunu robusti, effettivi u marbuta biż-żmien fir-rieżamijiet tagħhom tal-pjanijiet strateġiċi tal-PAK u strumenti ta' politika rilevanti oħra, bl-ambizzjoni li jitnaqqsu għal żero l-emissjonijiet agrikoli fil-ħamrija, fl-ilma ta' taħt l-art, fl-ilma tal-wiċċ u fl-arja skont l-ambizzjoni ta' tniġġis żero fil-Patt Ekoloġiku, akkumpanjati minn miżuri ta' appoġġ speċifiċi għall-għelejjel li jkunu definiti sew biex jiżguraw responsabbiltà u infurzabbiltà fil-livelli kollha, u bl-użu ta' data indipendenti u kompleta bħala għajnuna biex jintlaħqu dawn il-miri kif ukoll bħala appoġġ u taħriġ għal implimentazzjoni fil-livell tal-azjendi agrikoli u riċerka u żvilupp ulterjuri għal soluzzjonijiet ta' biedja innovattiva u sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja lill-Istati Membri biex itejbu s-sistemi tagħhom ta' superviżjoni, monitoraġġ u infurzar xieraq tar-regoli dwar l-użu tal-pestiċidi u ttejjeb il-komunikazzjoni fost l-utenti finali u żżid l-għarfien tagħhom; itenni t-talba tiegħu biex il-miri u l-objettivi msemmija hawn fuq jissarfu f'leġiżlazzjoni, inkluż permezz tar-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-użu sostenibbli tal-pestiċidi u jistieden lill-Kummissjoni tiċċara kif ser tittratta l-kontributi tal-Istati Membri individwali għall-miri vinkolanti tal-Unjoni kollha filwaqt li tiżgura kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni u tiċċara l-linji bażi għal dawn il-miri, filwaqt li tqis il-punti tat-tluq differenti, l-isforzi li saru u l-karatteristiċi ta' kull Stat Membru, u tidentifika b'mod ċar id-diversi alternattivi mhux sintetiċi u oħrajn diġà magħrufa llum, id-disponibbiltà tagħhom u l-impatt fuq il-vijabbiltà tas-settur, fuq id-dħul tal-bdiewa u fuq is-sigurtà tal-ikel, u jistieden lill-Kummissjoni tabbozza pjan għall-minimizzazzjoni tal-inputs sintetiċi fl-agrikoltura; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja lill-Istati Membri biex jagħtu attenzjoni partikolari lill-kundizzjonijiet speċifiċi li japplikaw għall-użu tal-pestiċidi fiż-żoni ta' protezzjoni tal-ilma ta' taħt l-art, permezz ta' titjib fil-komunikazzjoni, il-monitoraġġ u l-ispezzjonijiet;

10. Jisħaq fuq ir-rwol ewlieni tal-IPM fit-tnaqqis tad-dipendenza mill-pestiċidi, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li din tiġi applikata u li l-implimentazzjoni tagħha tiġi vvalutata u mmonitorjata b'mod sistematiku; jistieden lill-Istati Membri jikkonvertu l-prinċipji ġenerali tal-IPM fi kriterji prattiċi u li jistgħu jitkejlu, u jivverifikaw dawn il-kriterji fil-livell tal-azjendi agrikoli, u jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-Istati Membri jimplimentaw b'mod effettiv dawn il-prinċipji tal-IPM permezz tal-pjanijiet strateġiċi tal-PAK tagħhom; iħeġġiġhom jinkludu miżuri u prattiki definiti u mfassla b'mod tajjeb għal kull għalla, bħall-istrixxi tal-fjuri bħala linja bażi biex jitreġġgħu lura l-użu tal-pestiċidi u r-reżistenza tal-pesti; jistieden lill-bejjiegħa bl-imnut fil-katina alimentari biex jikkooperaw b'mod proattiv mal-bdiewa dwar l-implimentazzjoni u ż-żieda fil-prattiki u l-metodi kollha tal-IPM disponibbli għal kull għalla fil-katina tal-provvista tagħhom u jirrapportaw dwar il-kontribut proprju għall-għanijiet u l-miri ta' tnaqqis bħala parti mir-rapportar tagħhom dwar l-ambjent, is-soċjetà u l-governanza;

11. Iqis li, għalkemm l-UE għandha waħda mis-sistemi l-aktar strinġenti fid-dinja, jeħtieġ li jittejbu kemm ir-regolament innifsu dwar l-approvazzjoni tal-pestiċidi kif ukoll l-implimentazzjoni tiegħu; ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-proċedura ta' awtorizzazzjoni tal-Unjoni għall-pestiċidi[57] u jistenna li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jindirizzaw it-talbiet kollha tiegħu mingħajr dewmien u jissottolinja li l-qafas regolatorju għandu jinkoraġġixxi l-innovazzjoni u r-riċerka sabiex jiġu żviluppati prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u alternattivi aħjar u aktar sikuri; jindika li, minbarra li tirrevedi d-direttiva dwar l-użu sostenibbli tal-pestiċidi biex jitnaqqsu l-użu tal-pestiċidi u r-riskji assoċjati magħhom, il-Kummissjoni, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) u l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) għandhom itejbu l-valutazzjoni tar-riskju ambjentali għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, fost oħrajn billi jitqiesu l-effetti tal-pestiċidi fuq il-ħamrija, il-kwalità tal-ilma u s-sorsi tal-ilma tax-xorb, inklużi l-effetti kumulattivi u sinerġistiċi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tivvaluta b'mod adegwat il-progress li sar rigward l-objettivi ta' politika u ttejjeb l-indikaturi tar-riskju armonizzati stabbiliti fid-Direttiva tal-Kummissjoni (UE) 2019/782[58] biex tinkludi wkoll it-tossiċità, il-persistenza u l-bijoakkumulazzjoni u biex tqis iż-żoni jew il-volumi agrikoli ta' sustanzi attivi u l-mod kif il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jintużaw biex jitnaqqas b'mod effettiv l-użu ta' pestiċidi sintetiċi u metalli tqal fil-biedja konvenzjonali u organika, u biex tadotta kriterji ċari bbażati fuq ix-xjenza li jiddefinixxu l-effetti inaċċettabbli fuq l-ambjent, filwaqt li tqis l-esponiment (akut u kroniku) fil-ħajja reali għal diversi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, inklużi effetti kumulattivi u sinerġistiċi; jinsisti li l-użi profilattiċi tal-pestiċidi, inkluż it-trattament taż-żrieragħ b'pestiċidi sistemiċi, għandhom jiġu ristretti kemm jista' jkun fejn dan ikun ta' periklu għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta l-proposta leġiżlattiva tagħha dwar id-data dwar il-pestiċidi sa mhux aktar tard min-nofs l-2022;

12. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, jiġu applikati sew u b'hekk tiggarantixxi, fost oħrajn, standard minimu ta' notifika dwar awtorizzazzjonijiet ta' pestiċidi b'emerġenza, inkluż ir-rekwiżit li l-Istati Membri jagħtu spjegazzjonijiet kompleti u dettaljati, u li dawk in-notifiki joħorġuhom b'mod pubbliku; jilqa' r-rwol tal-EFSA fl-eżami ta' dawn id-derogi;

13. Jitlob biex jitqiesu bis-sħiħ l-effetti kumulattivi u sinerġistiċi tal-pestiċidi fl-istabbiliment tal-MRLs kif ukoll biex jitqiesu aħjar il-kriterji tas-saħħa tal-annimali u r-riskji ambjentali meta jiġu vvalutati l-applikazzjonijiet għal MRLs ġodda f'konformità mal-Artikolu 14 tar-regolament dwar l-MRLs; jitlob biex data miġbura permezz tal-bijomonitoraġġ ta' wara t-tqegħid fis-suq tintuża biex tiġi vverifikata l-preċiżjoni tal-livelli ta' esponiment għall-pestiċidi mbassra għall-istabbiliment ta' MRLs kif ukoll il-livell ta' esponiment aċċettabbli għall-ħaddiema tal-azjendi agrikoli, għar-residenti, għall-persuni li jkunu fil-qrib u għall-konsumaturi, kif ukoll għall-annimali tal-irziezet; jenfasizza l-ħtieġa li tkompli tingħata attenzjoni kbira lill-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-utenti fl-inizjattivi leġiżlattivi futuri tal-UE marbuta mal-użu tal-pestiċidi; ifakkar fl-importanza li jiġi żgurat li l-utenti kollha jirċievu tagħmir protettiv kif ukoll informazzjoni u taħriġ komprensivi dwar l-użu u l-perikli assoċjati tal-pestiċidi; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat li kull ħaddiem agrikolu jkun jista' jaċċessa dokumentazzjoni uffiċjali li tirrapporta t-tip ta' pestiċida użata matul l-attività tax-xogħol tagħhom; jissottolinja li sabiex jintlaħqu dawn il-miri, huwa kruċjali li jiġu riveduti aktar id-Direttiva 2004/37/KE dwar il-karċinoġeni jew il-mutaġeni fuq il-post tax-xogħol[59], id-Direttiva 2009/128/KE dwar l-użu sostenibbli tal-pestiċidi u d-Direttiva 98/24/KE dwar il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema mir-riskji li għandhom x'jaqsmu mal-aġenti kimiċi fuq il-post tax-xogħol[60];

14. Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li taġixxi biex tnaqqas it-telf tan-nutrijenti b'mill-inqas 50 %, filwaqt li tiżgura li ma jkunx hemm deterjorament fil-fertilità tal-ħamrija; jinsab konvint li dan jista' jinkiseb l-aħjar permezz tal-għeluq taċ-ċikli tan-nutrijenti, l-irkupru u l-użu mill-ġdid tan-nutrijenti u l-inkoraġġiment u l-ippremjar ta' bdiewa biex jippjanaw għelejjel leguminużi; jinsisti li huma meħtieġa inizjattivi leġiżlattivi legalment vinkolanti kif ukoll miżuri maħsuba biex jippermettu lill-bdiewa jtejbu l-ġestjoni tan-nutrijenti għal dan il-għan; jenfasizza l-importanza li dawn il-miri jiġu segwiti permezz ta' approċċi olistiċi u ċirkolari għall-ġestjoni tan-nutrijenti, bħall-prattiki agroekoloġiċi u biedja intelliġenti, li jistgħu jagħtu benefiċċji konġunti għall-kwalità tal-ħamrija u l-bijodiversità u jgħinu lill-bdiewa jtemmu d-dipendenza tagħhom mill-fertilizzanti minerali u jnaqqsu l-flussi tal-fosforu u n-nitroġenu; jirrimarka li t-tnaqqis ta' fertilizzazzjoni ineffiċjenti u t-tneħħija gradwali tal-fertilizzazzjoni eċċessiva għandhom iqisu l-impatti klimatiċi u ambjentali ta' fertilizzanti differenti, inkluża l-preżenza ta' metalli tqal; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex fil-pjanijiet strateġiċi tagħhom iressqu miżuri biex jippromwovu l-ġestjoni effiċjenti u ċ-ċirkolarità tan-nutrijenti, kif ukoll biex jappoġġjaw bil-qawwa l-edukazzjoni għall-konsulenti agrikoli u għall-bdiewa u biex jużaw ir-riforma tal-PAK bħala opportunità biex jitrażżnu l-emissjonijiet tal-ammonijaka (NH3) mis-settur agrikolu; jisħaq li ġestjoni mtejba tan-nutrijenti tippreżenta kemm benefiċċji ekonomiċi kif ukoll dawk ambjentali; jenfasizza l-importanza tal-applikazzjoni ta' teknoloġiji u soluzzjonijiet moderni u innovattivi, bħall-biedja ta' preċiżjoni, il-fertilizzazzjoni mmirata li hija adattata għar-rekwiżiti tal-pjanti u servizzi konsultattivi dwar in-nutrizzjoni tal-pjanti u appoġġ għall-ġestjoni, kif ukoll il-ħtieġa li jiġi installat il-broadband f'żoni rurali għal dan il-għan; jemmen li għandu jingħata appoġġ lill-mudelli ta' negozju sostenibbli tal-azjendi agrikoli biex jiġi megħjun l-irkupru, ir-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid tan-nutrijenti minn flussi ta' skart ħielsa mhux kontaminati;

15. Jisħaq li sabiex jintlaħqu l-miri għat-tnaqqis tal-użu u r-riskji assoċjati tal-pestiċidi kimiċi u t-tnaqqis tat-telf ta' nutrijenti, għandhom isiru disponibbli alternattivi aktar sikuri biex tiġi żgurata d-disponibbiltà ta' sett ta' għodod li jiffunzjonaw għall-protezzjoni tal-pjanti; jenfasizza, madankollu, l-importanza tal-edukazzjoni biex tiġi żgurata l-applikazzjoni xierqa ta' miżuri preventivi; jitlob żieda fir-riċerka u l-iżvilupp ta' prodotti alternattivi għall-protezzjoni tal-pjanti, fertilizzanti, varjetajiet aktar reżistenti li jeħtieġu inqas input biex jiżguraw rendimenti stabbli u għodod diġitali, kif ukoll inċentivi għal metodi ta' applikazzjoni u teknoloġiji bħall-agrikoltura ta' preċiżjoni; jistieden lill-Kummissjoni taċċelera u tissemplifika l-adozzjoni ta' soluzzjonijiet ġodda għas-saħħa tal-pjanti, inkluż prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti b'impatt aktar baxx, bħal sustanzi jew bijosoluzzjonijiet b'riskju baxx, u tintroduċi definizzjoni u kategorija separata għas-sustanzi naturali fil-leġiżlazzjoni orizzontali, kif ukoll tinvolvi ruħha f'inizjattivi maħsuba biex jinstabu mogħdijiet ta' valutazzjoni alternattivi għal dawn is-sustanzi b'riskju baxx, bażiċi u b'okkorrenza naturali; jisħaq ukoll li t-tnaqqis fl-użu tal-pestiċidi jrid ikun akkumpanjat minn żieda fid-disponibbiltà fis-suq ta' alternattivi sostenibbli b'effikaċja ekwivalenti fil-protezzjoni tas-saħħa tal-pjanti għal dik tal-pestiċidi kimiċi sabiex tiġi evitata l-proliferazzjoni ta' pesti tal-pjanti; jitlob, barra minn hekk, li jiġu stabbiliti miżuri li jiffaċilitaw l-inkorporazzjoni ta' metodoloġiji ta' approċċ ġodda (NAMs) fil-valutazzjonijiet tar-riskju tal-ikel u l-għalf kimiku, u jnaqqsu l-ħtieġa ta' testijiet li jużaw l-annimali u fl-aħħar mill-aħħar jikkontribwixxu għall-eliminazzjoni gradwali kompluta tal-ittestjar fuq l-annimali;

16. Itenni l-importanza kruċjali li n-naħal u pollinaturi oħra jiġu protetti kontra l-effetti dannużi tal-pestiċidi u l-mard; ifakkar fl-oġġezzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2019[61] u jtenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tiżgura li r-reviżjoni tal-gwida dwar in-naħal u l-atti ta' implimentazzjoni futuri ma twassalx għal livell inferjuri ta' protezzjoni għan-naħal għal dak stabbilit fil-gwida tal-EFSA dwar in-naħal tal-2013, u tkun ibbażata fuq l-aħħar għarfien xjentifiku u tekniku, u b'hekk jipproponi li jiġu modifikati l-prinċipji uniformi, mhux biss fir-rigward tat-tossiċità akuta għan-naħal tal-għasel iżda tal-inqas ukoll fir-rigward tat-tossiċità kronika u tat-tossiċità larvali għan-naħal tal-għasel u t-tossiċità akuta għan-naħal bagħli; jinnota li l-EFSA qiegħda tfassal sistema proprja ta' mudelli, l-ApisRAM, li tidher li hija aktar konformi mal-bijoloġija tan-naħal tal-għasel mill-BeeHAVE u inqas miftuħa għal kunflitti ta' interess; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrivaluta b'mod urġenti dawk is-sustanzi li għandhom l-istess mod ta' azzjoni bħan-neonikotinojdi;

17. Itenni t-talba tiegħu għal indikatur tal-pollinaturi[62] u mira għar-restawr; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw qafas ġdid ta' monitoraġġ tal-pollinaturi madwar l-UE kollha bi skemi robusti implimentati fil-livell tal-Istati Membru, stadji intermedji, objettivi ċari marbuta biż-żmien, indikaturi u miri; jisħaq li l-attivitajiet ta' monitoraġġ iridu jiġu integrati fil-qafas ta' monitoraġġ u evalwazzjoni tal-PAK il-ġdid;

18. Jistieden lill-Istati Membri jwettqu monitoraġġ sistematiku u standardizzat fuq il-post tal-bijodiversità fuq art agrikola, inklużi pollinaturi, li jinvolvu professjonisti, bdiewa u xjenzati ċittadini u jużaw id-data biex jgħinu fl-evalwazzjoni tal-politiki tal-UE u fl-implimentazzjoni tagħhom;

19. Ifakkar fl-importanza tal-approċċ Saħħa Waħda; jisħaq li r-reżistenza għall-antimikrobiċi (AMR) hija theddida transnazzjonali u transfruntiera għas-saħħa li qiegħda tikber fejn azzjoni kkoordinata tal-UE tista' tagħmel differenza; jagħraf l-isforzi sostanzjali li saru biex jitnaqqas l-użu tal-antimikrobiċi fl-annimali li jikkontribwixxu għall-isforz globali biex titnaqqas ir-reżistenza għall-antibijotiċi; jenfasizza, madankollu, il-ħtieġa li jkompli jitnaqqas l-użu tal-antibijotiċi, inkluż fil-produzzjoni tal-ikel; jilqa' l-pjan tal-Kummissjoni li sal-2030 tnaqqas b'50 % il-bejgħ globali tal-antimikrobiċi għall-annimali tar-razzett u fl-akkwakultura u jissottolinja li għandu jitqies il-progress li diġà sar fil-livell tal-Istati Membri; jindika l-fatt li biex jintlaħaq dan l-għan huma meħtieġa miri intermedji u azzjonijiet u miżuri ċari, inkluża l-applikazzjoni ta' sanzjonijiet kif previst fil-leġiżlazzjoni tal-UE; ifakkar, barra minn hekk, li biex jintlaħaq dan l-għan, prattiki mtejba tat-trobbija tal-annimali huma essenzjali peress li benesseri aħjar tal-annimali jtejjeb is-saħħa tal-annimali, u b'hekk titnaqqas il-ħtieġa tal-medikazzjoni; jemmen li l-implimentazzjoni xierqa tar-Regolament dwar il-Mediċini Veterinarji[63] u tar-Regolament (UE) 2019/4 dwar l-għalf medikat[64] ser tkompli tnaqqas l-użu tal-antibijotiċi u jistieden lill-Kummissjoni tqiegħed skrutinju fuq l-implimentazzjoni u l-infurzar mill-Istati Membri; jissottolinja li l-antimikrobiċi, minbarra l-antibijotiċi ta' riżerva umana, għandhom jibqgħu disponibbli għal użu essenzjali biex jiġi żgurat li s-saħħa u l-benesseri tal-annimali jiġu protetti l-ħin kollu;

20. Jilqa' l-enfasi li tqiegħdet fuq il-ħtieġa li jitkompla t-tnaqqis tal-bejgħ ġenerali fl-UE tal-antibijotiċi għall-annimali mrobbija u fl-akkwakultura, u jenfasizza li l-inizjattivi tal-UE f'dan il-qasam ġew u se jiġu adottati skont l-approċċ Saħħa Waħda li jirrikonoxxi l-interdipendenza bejn is-saħħa u l-benesseri tal-bnedmin, tal-annimali u tal-ambjent; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffukaw fuq miżuri addizzjonali li jippermettu u jinċentivaw soluzzjonijiet innovattivi sostenibbli, b'mod partikolari f'għodod ta' prevenzjoni u trattamenti alternattivi; jitlob sforzi biex jiġu żgurati standards ekwivalenti għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali importati fl-UE bħal dawk stabbiliti fl-ambitu tar-Regolament dwar il-Mediċini Veterinarji; jinnota l-ħtieġa, bħala parti mir-rieżami tar-Regolament dwar l-Addittivi tal-Għalf[65], li jiġi indirizzat l-użu ta' sustanzi li bħalissa mhumiex ikklassifikati bħala antibijotiċi iżda li għandhom proprjetajiet antibijotiċi f'konformità mal-Artikolu 4(14) tar-Regolament dwar il-Mediċini Veterinarji li jistgħu jintużaw fl-agrikoltura u l-akkwakultura tal-annimali għal użu preventiv; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-ħaddiema fil-katina alimentari huma f'riskju li jiġu infettati b'patoġeni AMR, pereżempju meta jużaw it-teknika ta' "topdressing" meta jamministraw prodotti mediċinali veterinarji; jenfasizza l-ħtieġa li jittieħdu miżuri xierqa biex jitnaqqas dan ir-riskju serju għas-saħħa okkupazzjonali;

21. Ifakkar li l-agrikoltura u l-forestrija għandhom rwol importanti fl-indirizzar tal-adattament għat-tibdil fil-klima u l-mitigazzjoni tiegħu; jenfasizza l-importanza li jiġi rikonoxxut u mmonitorjat l-impatt tal-agrikoltura u tal-produzzjoni tal-annimali fuq l-emissjonijiet tal-GHG u l-użu tal-art; jisħaq fuq il-ħtieġa li jitnaqqsu dawn l-emissjonijiet sabiex isir kontribut lejn l-impenn tal-UE għall-Ftehim ta' Pariġi; jisħaq fuq il-ħtieġa u l-potenzjal li jinżammu, jiġu restawrati u jissaħħu l-bjar naturali tal-karbonju u li jitnaqqsu l-emissjonijiet agrikoli tad-diossidu tal-karbonju, tal-metan u tal-ossidu nitruż, b'mod partikolari fis-setturi tal-għalf u tal-bhejjem kif ukoll fis-settur tal-fertilizzanti organiċi u minerali mingħajr ma jkun kompromess aktar il-benesseri tal-annimali u filwaqt li jiġi żgurat li ma tiddeterjorax il-fertilità tal-ħamrija; jirrikonoxxi li annimali b'saħħithom jeħtieġu inqas riżorsi naturali u li prattiki ta' ġestjoni sostenibbli tal-bhejjem jistgħu jwasslu għal tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra; jitlob li jkun hemm miżuri u miri regolatorji xierqa u mfassla apposta għall-emissjonijiet mill-agrikoltura u l-użu tal-art relatat bħala parti mill-pakkett "adattat għall-55" biex jiġi żgurat tnaqqis ambizzjuż tal-emissjonijiet kollha ta' gassijiet b'effett ta' serra f'dawn is-setturi, inter alia billi jiġu indirizzati d-densitajiet tal-bhejjem fl-UE u l-emissjonijiet integrati fl-użu tal-art mill-għalf u l-ikel importati; jitlob li jkun hemm taħlita ta' politiki koerenti li tippermetti tranżizzjoni lejn prattiki aktar sostenibbli bħal produzzjoni estensiva tal-bhejjem ibbażata fuq il-ħaxix bħala parti minn sistema mħallta ta' biedja li tirrispetta l-kapaċità ta' ġarr tal-ambjent lokali u tappoġġja l-bijodiversità;

22. Jieħu nota ta' żviluppi promettenti fil-qasam tal-addittivi tal-ikel li jgħinu biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u tas-sustanzi niġġiesa tal-ilma u tal-arja mit-trobbija tal-annimali; jilqa' f'dan ir-rigward il-pjanijiet tal-Kummissjoni biex jiġi ffaċilitat it-tqegħid fis-suq ta' addittivi tal-għalf sostenibbli u innovattivi u jitlob programmi ta' riċerka rilevanti biex jiġi appoġġjat l-iżvilupp ulterjuri tagħhom;

23. Jirrimarka li t-trobbija tal-annimali organika estensiva bbażata fuq il-bwar, silvika-pastorali jew estensiva, li spiss tinvolvi mergħat ta' valur ambjentali għoli, huma karatteristiċi ewlenin tas-sistema alimentari Ewropea u li l-iskemi ta' kwalità tagħha u huma element ta' definizzjoni ta' ħafna komunitajiet rurali tradizzjonali li jippermettilhom jagħmlu użu produttiv tal-art li kieku kienet tiġi abbandunata; jissottolinja li din il-forma ta' produzzjoni agrikola bbażata fuq l-art u b'densità baxxa jista' jkollha diversi effetti pożittivi għall-ambjent u għall-konservazzjoni tal-pajsaġġi kulturali, tikkontribwixxi għall-protezzjoni taż-żoni rurali mid-depopolazzjoni u l-abbandun, tgħin fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, u tikkontribwixxi għal ekonomija ċirkolari u r-restawr tal-bijodiversità u għalhekk trid tiġi appoġġjata u mħeġġa; jenfasizza li għandu jingħata appoġġ lill-azjendi agrikoli li jagħmlu t-tranżizzjoni lejn forom ta' produzzjoni aktar sostenibbli u li jitbiegħdu mill-prattiki tal-biedja bħall-ħażna b'densità għolja u l-monokulturi tal-għelejjel; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-politiki u l-programmi ta' finanzjament tagħha jappoġġjaw il-pajsaġġ kulturali tradizzjonali Ewropew, bħal vinji mżerżqin u mtarrġin u produzzjoni estensiva permanenti bbażata fuq il-bwar li tappoġġja l-bijodiversità; jinnota li r-rapporti tal-Istati Membri dwar l-Artikolu 17 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats[66] jenfasizzaw li ħafna bwar seminaturali jinsabu f'konservazzjoni mhux favorevoli, inadegwata jew ħażina, u li d-dakkara li jiddependu minnhom huma mhedda, u dan ipoġġi s-servizzi ta' dakkir f'periklu;

24. Jappella għal armonizzazzjoni aktar b'saħħitha tal-qafas legali għat-trobbija tal-annimali fl-UE, bl-użu ta' indikaturi komuni u bbażati fuq ix-xjenza dwar il-benesseri tal-annimali u jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tevalwa u tirrevedi, fejn meħtieġ, il-korp eżistenti tal-leġiżlazzjoni dwar il-benesseri tal-annimali; jissottolinja l-importanza li tqis l-aħħar avvanzi fix-xjenza tal-benesseri tal-annimali u tirreaġixxi għal talbiet pubbliċi, politiċi u tas-suq għal standards ogħla tal-benesseri tal-annimali; jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva bil-għan li telimina gradwalment l-użu tal-gaġeġ fit-trobbija tal-annimali tal-UE, filwaqt li tivvaluta l-possibbiltà ta' eliminazzjoni gradwali sal-2027; jenfasizza l-ħtieġa li din l-eliminazzjoni gradwali tkun ibbażata fuq valutazzjoni tal-impatt ibbażata fuq ix-xjenza u li jiġi żgurat perjodu ta' tranżizzjoni xieraq; jistieden lill-Kummissjoni tadotta approċċ skont l-ispeċi li jqis u jivvaluta l-karatteristiċi ta' kull annimal differenti, li għandu jkollu sistemi ta' akkomodazzjoni adatti għall-ħtiġijiet speċifiċi tiegħu, filwaqt li jissalvagwardja s-saħħa tal-annimali u tal-bniedem, jiżgura l-protezzjoni tal-ħaddiema u jiżgura appoġġ suffiċjenti u perjodu ta' tranżizzjoni bil-għan li tinżamm il-kompetittività tal-bdiewa u ta' dawk li jrabbu l-annimali;

25. Ifakkar fl-importanza ta' sistema ta' benesseri tal-annimali ta' kwalità għolja, inkluż fit-trasport u t-tbiċċir; jenfasizza li livell għoli ta' benesseri tal-annimali huwa integrali għall-iżvilupp sostenibbli u huwa essenzjali għal kwalità tal-ikel superjuri li tiffaċilita nutrizzjoni aktar tajba għas-saħħa li tissodisfa r-rekwiżiti tal-konsumaturi u tikkontribwixxi għall-konservazzjoni tal-bijodiversità; jenfasizza li huwa meħtieġ approċċ koerenti u armonizzat, li jqis is-saħħa tal-bniedem, l-ambjent, il-bijodiversità, is-saħħa u l-benesseri tal-annimali u l-klima b'mod olistiku u konġunt meta ssir referenza għal sistema tal-ikel sostenibbli;

26. Iqis li huwa importanti li jinbdew proċeduri ta' ksur kontra Stati Membri sistematikament mhux konformi fl-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-benesseri tal-annimali u, fejn meħtieġ, li jingħalqu l-lakuni leġiżlattivi u jiġu stabbiliti standards ogħla fil-leġiżlazzjoni għall-benesseri tal-annimali; jenfasizza li huwa essenzjali għall-UE li tqis il-konformità ta' pajjiżi mhux tal-UE mal-istandards tal-benesseri tal-annimali, b'mod partikolari fejn huma kkonċernati l-prodotti importati;

27. Jenfasizza li l-annimali għandhom jesperjenzaw l-inqas tbatija possibbli meta jiġu trasportati u mbiċċra u għalhekk jilqa' l-intenzjoni li jsir rieżami tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-benesseri tal-annimali dwar it-trasport u t-tbiċċir tal-annimali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffaċilitaw soluzzjonijiet għall-qatla lokali, inkluż il-qtil mobbli, b'unitajiet iżgħar u taħriġ aħjar tal-persunal biex tiġi evitata t-tbatija tal-annimali; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi alternattivi għat-trasport tal-annimali ħajjin kull fejn ikun possibbli;

28. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw u jinfurzaw il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE, b'mod partikolari d-Direttiva tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u operazzjonijiet relatati[67]; jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' konformità attwali mas-sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja li l-protezzjoni tal-benesseri tal-annimali ma tiqafx fil-fruntieri esterni tal-UE u li t-trasportaturi tal-annimali li jitilqu mill-Unjoni Ewropea għandhom għalhekk jikkonformaw ukoll mar-regoli Ewropej dwar il-benesseri tal-annimali meta jitilqu mill-UE, filwaqt li jindika d-diffikultajiet fl-applikazzjoni tagħha minħabba n-nuqqas ta' ġuriżdizzjoni fit-territorju mhux tal-UE;

29. Ifakkar li 70 % tal-mard u l-pandemiji emerġenti joriġinaw mill-annimali skont l-IPBES; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-emerġenza dejjem aktar frekwenti ta' mard żoonotiku li jiġi trasferit mill-annimali għall-bnedmin (antropożoonożi), bħad-deni Q, l-influwenza avjarja u r-razza l-ġdida tal-influwenza A (H1N1), li hija aggravata mit-tibdil fil-klima, id-degradazzjoni ambjentali, it-tibdil fl-użu tal-art, id-deforestazzjoni, il-qerda u l-pressjoni fuq il-bijodiversità u l-ħabitats naturali, it-traffikar illegali tal-annimali selvaġġi, u s-sistemi attwali tagħna tal-produzzjoni u l-konsum tal-ikel; jenfasizza li s-sistemi ta' produzzjoni tal-annimali li jinvolvu l-konfinament ta' annimali ta' ġenotip simili qrib xulxin jistgħu jżidu s-suxxettibbiltà tal-annimali għal mard infettiv, filwaqt li joħolqu kundizzjonijiet għat-tfaċċar u t-tixrid ta' mard żoonotiku[68]; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaċċelleraw it-tbegħid minn dawn il-prattiki agrikoli u mill-użu mhux sostenibbli tal-organiżmi selvaġġi, inkluż it-traffikar illegali, u lejn ġestjoni aħjar tal-prevenzjoni veterinarja u l-promozzjoni ta' standards għoljin tas-saħħa tal-annimali u tal-benesseri tal-annimali, inkluż mas-sħab kummerċjali tal-UE, sabiex jiġi evitat it-tixrid ta' mard żoonotiku u speċijiet invażivi u jiġu promossi l-istandards għoljin tal-bijosigurtà tal-UE bħala l-aħjar prattika fil-livell globali; jirrikonoxxi li l-prevenzjoni tal-mard u t-tħejjija għalih, jiġifieri d-disponibbiltà ta' metodi ta' dijanjożi, prevenzjoni u trattament, huma kruċjali biex jitrażżan it-theddid emerġenti għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali;

30. Jilqa' r-rikonoxximent tal-Kummissjoni tal-agrikoltura organika bħala wieħed mill-komponenti b'saħħithom fit-triq tal-UE lejn sistemi tal-ikel aktar sostenibbli u l-ambizzjoni li tiżdied l-art agrikola tal-UE taħt il-biedja organika sal-2030; japprezza li l-maġġoranza tal-Istati Membri diġà adottaw miri biex ikabbru ż-żona agrikola li tintuża għal produzzjoni organika; jistenna bil-ħerqa l-analiżi tas-settur organiku fil-valutazzjoni tal-impatt ġenerali tal-istrateġija u jenfasizza l-importanza tal-pjan ta' azzjoni Ewropew għall-biedja organika biex jiżdied l-użu tiegħu; jissottolinja li l-iżvilupp u t-tkabbir tas-settur organiku jridu jkunu akkumpanjati minn żviluppi u miżuri xprunati mis-suq u mill-katina tal-provvista li jistimulaw aktar domanda għall-ikel organiku u jiżguraw il-fiduċja tal-konsumatur, flimkien mal-akkwist pubbliku, l-inċentivi fiskali u varjetà wiesgħa ta' miżuri ta' promozzjoni, ir-riċerka, l-innovazzjoni, it-taħriġ u t-trasferiment tal-għarfien xjentifiku, li kollha jikkontribwixxu għall-istabbiltà tas-suq għall-prodotti organiċi u remunerazzjoni ġusta għall-bdiewa;

31. Jilqa' l-kunċett tat-tisħiħ, l-inċentivar u l-ippremjar tas-sekwestru tal-karbonju naturali fil-ħamrija, li diġà nkiseb f'xi azjendi agrikoli, li jipprovdi premji addizzjonali lill-bdiewa għall-iżvilupp u ż-żamma ta' prattiki agrikoli tajbin għas-sekwestru tal-karbonju, li għandu jwassal għat-titjib tal-bjar tal-karbonju madwar l-UE; jissottolinja li l-politiki dwar l-agrikoltura u l-ikel għandhom jiffaċilitaw it-tranżizzjoni lejn biedja sostenibbli billi jippremjaw lill-bdiewa għall-benefiċċji ambjentali u klimatiċi li jagħtu; jenfasizza l-importanza ta' soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura bħat-tinwib tal-għelejjel, l-għelejjel intermedji, il-permakultura, l-agroekoloġija u r-restawr tal-ekosistema, u speċjalment ir-restawr u ż-żamma taż-żoni tat-torbiera għaż-żieda tal-bjar tal-karbonju naturali u s-sekwestru; jenfasizza, madankollu, li l-prattiki agrikoli u tal-biedja b'impatti negattivi sinifikanti fuq il-klima, il-bijodiversità, il-ħamrija, l-ilma, l-arja u jew il-benesseri tal-annimali m'għandhomx jirċievu finanzjament għall-klima, u lanqas ma għandhom jiġu inċentivati jew ippremjati; jistieden lill-Kummissjoni tesplora qafas għal kwantifikazzjoni u ċertifikazzjoni robusti tal-karbonju li għandu jevita l-possibbiltà ta' rappreżentazzjoni ħażina magħrufa bħala greenwashing; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta diversi għażliet għall-biedja tal-karbonju u jissottolinja li s-swieq tal-karbonju huma parti minn sett ferm usa' ta' miżuri regolatorji u mhux regolatorji biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra, u jenfasizza li l-iskemi tal-biedja tal-karbonju għandhom ikunu parti minn sett ta' għodod ta' inċentiv biex jintlaħqu l-objettivi tal-klima; jitlob li l-proposti jkunu konformi mal-objettivi ambjentali u dwar il-benesseri tal-annimali u mal-prinċipju ta' "ebda ħsara" tal-Patt Ekoloġiku; huwa favur l-istimolu tal-adozzjoni ta' prattiki agrikoli riġenerattivi, it-titjib tal-aċċess għat-teknoloġiji, id-data, it-taħriġ u l-informazzjoni, u l-ikkomplementar tal-introjtu tal-bdiewa permezz tas-sekwestru tal-karbonju u l-pagamenti għas-servizzi tal-ekosistemi, u b'hekk tiżdied ir-reżiljenza tagħhom;

32. Jissottolinja l-importanza li jiġu żgurati s-sigurtà u d-diversità ta' materjal ta' propagazzjoni taż-żrieragħ u tal-pjanti biex jiġu pprovduti rendimenti stabbli u varjetajiet ta' pjanti adattati għall-pressjonijiet tat-tibdil fil-klima, inklużi varjetajiet tradizzjonali u adattati lokalment, u varjetajiet adatti għall-produzzjoni organika u sistemi ta' biedja b'input baxx, filwaqt li jiġu żgurati t-trasparenza u l-libertà tal-għażla għall-bdiewa u l-aċċess għal riżorsi ġenetiċi u tekniki innovattivi tat-tnissil tal-pjanti sabiex jikkontribwixxu għal żrieragħ b'saħħithom u jipproteġu l-pjanti kontra pesti u mard u biex jgħinu lill-bdiewa jindirizzaw ir-riskji dejjem jikbru kkawżati mit-tibdil fil-klima, filwaqt li jiżguraw inċentiv għall-innovazzjoni miftuħa permezz tal-varjazzjoni tal-pjanti;

33. Iqajjem kuxjenza dwar l-effetti negattivi potenzjali tal-konċentrazzjoni u l-monopolizzazzjoni fis-settur taż-żrieragħ u jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri biex tiġġieled kontrihom jekk ikun meħtieġ; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza tal-innovazzjoni miftuħa permezz tad-drittijiet ta' min irabbi l-pjanti u jinnota bi tħassib l-effett detrimentali ta' privattivi b'ikkupjar wiesa' fis-settur taż-żrieragħ; jemmen li l-produzzjoni u l-użu mhux kummerċjali ta' varjetajiet ta' żerriegħa tradizzjonali u adattati lokalment minn ċittadini privati u bdiewa b'azjendi agrikoli żgħar ma għandhomx ikunu soġġetti għal regolamentazzjoni tal-UE u nazzjonali sproporzjonata; jisħaq fuq l-importanza tal-preservazzjoni ta' suq uniku b'saħħtu għas-settur taż-żerriegħa tal-UE;

34. Jappella għal koordinazzjoni msaħħa fil-livell tal-UE biex jiġu stimulati l-preservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità ġenetika u għall-istabbiliment ta' pjattaforma komuni tal-UE għall-iskambju ta' informazzjoni dwar ir-riżorsi ġenetiċi ppreservati;

35. Jilqa' t-tħabbira tar-rieżami tar-regoli tal-kummerċjalizzazzjoni għal varjetajiet ta' għelejjel tradizzjonali u adattati lokalment sabiex jikkontribwixxu għall-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa għal miżuri biex jiffaċilitaw ir-reġistrazzjoni tal-varjetajiet taż-żrieragħ, inkluż għall-biedja organika, u biex tiżgura aċċess aktar faċli għas-suq għall-varjetajiet tradizzjonali u adattati lokalment;

36. Jieħu nota tal-istudju dwar l-istatus ta' tekniki ġenomiċi ġodda skont id-dritt tal-Unjoni u fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-528/161a (SWD(2021)0092), u tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li qed tippjana li tagħti bidu għal azzjoni ta' politika regolatorja li tinkludi valutazzjoni tal-impatt u konsultazzjoni pubblika dwar pjanti derivati minn ċerti tekniki ġenomiċi ġodda, bil-għan li jinżamm livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u tal-ambjent, filwaqt li jiġu sfruttati l-benefiċċji potenzjali mix-xjenza u l-innovazzjoni, b'mod partikolari biex jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà u għall-istrateġija ta' sostenibbiltà għall-Patt Ekoloġiku Ewropew; jenfasizza l-prinċipju ta' prekawzjoni u l-ħtieġa li jiġu żgurati t-trasparenza u l-libertà tal-għażla għall-bdiewa, il-proċessuri u l-konsumaturi, u jenfasizza li din l-azzjoni politika għandha tinkludi valutazzjonijiet tar-riskju u ħarsa ġenerali komprensiva u valutazzjoni tal-għażliet għat-traċċabbiltà u t-tikkettar bil-ħsieb li tinkiseb sorveljanza regolatorja xierqa u li l-konsumaturi jingħataw informazzjoni rilevanti, inkluż għal prodotti minn pajjiżi terzi sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi;

37. Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta leġiżlattiva ġdida dwar il-kwistjoni tal-klonazzjoni u "ikel klonu" bħala kwistjoni ta' urġenza; jinsisti li din il-proposta għandha tinkludi projbizzjoni fuq il-klonazzjoni, projbizzjoni fuq it-tqegħid fis-suq u l-importazzjoni ta' annimali klonati, il-materjal riproduttiv tagħhom u d-dixxendenti tagħhom u projbizzjoni fuq it-tqegħid fis-suq u l-importazzjoni ta' ikel minn annimali klonati u d-dixxendenti tagħhom; jesprimi dispjaċir kbir għan-nuqqas ta' azzjoni biex jiġu rregolati l-kloni u d-dixxendenti tagħhom u jtenni li proċeduri ta' trobbija naturali jew artifiċjali li jikkawżaw, jew x'aktarx jikkawżaw, tbatija jew korriment lil kwalunkwe wieħed mill-annimali kkonċernati ma jridux jiġu pprattikati u li huwa neċessarju li jiġi żgurat li l-ikel minn annimali klonati u d-dixxendenti tagħhom ma jidħolx fil-katina tal-ikel;

38. Jenfasizza r-rwol importanti tal-bdiewa Ewropej fit-twettiq tat-tranżizzjoni lejn sistema tal-ikel sostenibbli u jenfasizza li għandhom ikunu disponibbli biżżejjed riżorsi finanzjarji biex dan jinkiseb; jenfasizza l-ħtieġa li jintużaw, jiġu promossi u appoġġjati d-diversi metodi ta' produzzjoni sostenibbli kollha, inklużi l-produzzjoni organika, integrata u agroekoloġija, peress li dawn jistgħu jwasslu għal sostenibbiltà ambjentali, iżidu l-proporzjon tal-art totali kkultivata taħt sistemi li jirrispettaw l-ambjent u joffru garanziji b'saħħithom f'termini ta' kwalità, sikurezza, kwantità u prezz;

39. Jinsisti li l-pjanijiet strateġiċi nazzjonali, li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri u approvati mill-Kummissjoni skont il-PAK il-ġdida, jiżguraw appoġġ finanzjarju adegwat għall-bdiewa u l-forestiera kollha tal-UE biex isaħħu l-kompetittività u l-introjtu tagħhom, sabiex huma u l-familji tagħhom ikunu jistgħu jiksbu livell ta' għajxien deċenti, jiġġieldu d-depopolazzjoni rurali u jżommu komunitajiet rurali vibranti;

40. Jilqa' l-fatt li l-PAK il-ġdida se tipprovdi inċentivi għall-promozzjoni ta' mudelli ta' negozju innovattivi, diġitali, ekoloġiċi, reġjonali u sostenibbli għall-agrikoltura u l-produzzjoni artiġjanali tal-ikel, b'mod partikolari permezz tat-trawwim ta' ktajjen tal-provvista qosra bħal prodotti b'indikazzjonijiet ġeografiċi protetti jew denominazzjonijiet tal-oriġini, filwaqt li jiġu rispettati r-regoli tas-suq uniku u permezz ta' approċċi li jinkludu loġistika lokali innovattiva bħal "hubs ekoloġiċi", u l-integrazzjoni tal-produzzjoni artiġjanali tal-ikel f'servizzi oħra f'żoni rurali bħat-turiżmu jew il-gastronomija; jisħaq li l-kummerċjalizzazzjoni reġjonali tal-prodotti agrikoli u s-sħubiji għandhom rwol importanti fil-promozzjoni ta' ktajjen ta' provvista sostenibbli; jirrikonoxxi li meta l-produzzjoni lokali ma tkunx disponibbli, huma meħtieġa importazzjonijiet;

41. Jistieden lill-Kummissjoni tapprova biss il-pjanijiet strateġiċi nazzjonali tal-PAK li juru b'mod ċar impenn għas-sostenibbiltà mill-perspettivi ekonomiċi, ambjentali u soċjali u li huma konformi mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-miri rilevanti għall-UE kollha u l-Ftehim ta' Pariġi;

42. Jitlob li dawn il-pjanijiet iqisu b'mod xieraq l-isfidi speċifiċi li qed jiffaċċjaw ir-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE f'termini ta' bijodiversità, produzzjoni agrikola u l-provvista ta' ikel u materja prima; jenfasizza li appoġġ finanzjarju adegwat taħt il-PAK huwa kruċjali biex l-agrikoltura tal-UE tkun tista' tikkontribwixxi għat-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika u biex tissaħħaħ il-konservazzjoni tal-bijodiversità; jirrimarka li miżuri ta' appoġġ imsaħħaħ, inklużi programmi ta' taħriġ u servizzi ta' konsulenza, huma essenzjali biex il-bdiewa jkunu jistgħu jaqdu r-rwol tagħhom fl-ilħuq tal-miri tal-istrateġija; jitlob li jiġu implimentati "skemi ekoloġiċi mtejba" fil-pjanijiet strateġiċi nazzjonali, f'konformità mal-pożizzjoni tal-Parlament, li tevita duplikazzjoni bla bżonn tal-kontrolli tal-kundizzjonalità;

43. Jissottolinja li l-ħamrija b'saħħitha hija prekundizzjoni biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-produzzjoni tal-ikel, l-għalf u l-fibri; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprevjenu d-degradazzjoni ulterjuri tagħha fil-livell tal-UE; jissottolinja li l-ħamrija agrikola hija riżorsa naturali bażika, li l-kundizzjoni tajba tagħha hija essenzjali biex tiġi ssodisfata l-istrateġija mill-għalqa sal-platt; jisħaq, f'dan il-kuntest, li l-importanza tal-istrateġija l-ġdida dwar il-ħamrija u jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni xierqa bbażata fuqha biex tikseb is-soluzzjonijiet meħtieġa; jirrikonoxxi l-essenzjalità tal-materja organika u l-bijodiversità tal-ħamrija u s-servizzi u l-oġġetti li tipprovdi; jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-ħamrija tinsab taħt pressjoni dejjem akbar; jemmen li jrid jiġi stabbilit monitoraġġ robust madwar l-UE kollha tal-organiżmi tal-ħamrija u t-tendenzi fil-firxa u li dan irid jinżamm fl-Istati Membri kollha;

44. Jirrikonoxxi l-importanza ta' karatteristiċi tal-pajsaġġ b'diversità għolja, li huma essenzjali sabiex jiġu mantnuti servizzi tal-ekosistema bażiċi, bħad-dakkir jew il-kontroll naturali tal-pesti, għall-produzzjoni agrikola u li jżidu l-produttività tagħha fit-tul; jilqa' l-mira tal-UE li tiddedika mill-inqas 10 % taż-żona agrikola għal dan il-għan; ifakkar fis-sejbiet tal-valutazzjoni tal-impatt tal-20 ta' Ottubru 2011 bit-titolu "Politika Agrikola Komuni lejn l-2020" (SEC(2011)1153) li tiddikjara li mhu se jiġi ġġenerat l-ebda impatt sinifikanti fuq il-produzzjoni jew id-dħul fil-livell tal-azjendi agrikoli;

45. Jisħaq li l-art agrikola hija llimitata u għaldaqstant trid tintuża b'mod effiċjenti; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu inklużi mudelli tal-biedja innovattivi b'impronti baxxi tal-użu tal-art bħall-ortikoltura u t-trobbija tal-insetti fl-istrateġija;

46. Jirrimarka li l-"kultivazzjoni protetta" tal-frott u l-ħaxix fis-serer moderni hija sistema ta' produzzjoni tal-ikel sostenibbli ħafna li qed tintuża dejjem aktar u toffri għadd ta' vantaġġi; jistieden lill-Kummissjoni tirrikonoxxi t-trasformazzjoni li għaddejja fis-settur ortikulturali Ewropew, li tippermetti produzzjoni tal-ikel aktar sostenibbli u tikkontribwixxi għas-sigurtà tal-ikel, is-sikurezza tal-ikel, iż-żieda fl-effiċjenza fir-riżorsi u t-tnaqqis tal-ħela tal-ikel tul il-katina tal-produzzjoni tal-ikel; jenfasizza li minbarra impronta baxxa tal-użu tal-art, l-ortikoltura moderna tikkontribwixxi għal għanijiet differenti tal-istrateġija bħal ħtieġa baxxa ta' input, użu effiċjenti tar-riżorsi u produzzjoni ta' frott u ħaxix viċin tal-punt tal-konsum, u għaldaqstant tippromwovi ktajjen tal-provvista aktar qosra u s-sigurtà tal-provvista; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li talloka fondi ta' investimenti tar-riċerka u l-iżvilupp għal sistemi tat-tkabbir protetti f'serer moderni li jużaw inqas riżorsi għall-istess rendiment;

47. Jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-gvernijiet tal-Istati Membri jespandu jew joħolqu sistemi li jippermettu lill-membri tal-pubbliku jikru u jużaw art tal-gvern mitluqa u mhux użata għall-produzzjoni tal-ikel;

48. Jenfasizza l-importanza li jintużaw l-agroforestrija u l-purtieri tal-foresti biex titnaqqas il-pressjoni fuq il-foresti naturali, tingħata għajnuna biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima u tiżdied il-produttività, kif ukoll alternattivi għall-użu tal-fertilizzanti fil-produzzjoni agrikola; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw għodod fil-pjanijiet strateġiċi nazzjonali futuri tagħhom biex jinkoraġġixxu r-riforestazzjoni u l-afforestazzjoni u jippromwovu l-agroforestrija sostenibbli, inkluża l-mergħa silvipastorali fejn possibbli; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi programmi ta' taħriġ speċjalizzati fl-UE kollha sabiex il-bdiewa jsiru konxji mill-benefiċċji tal-integrazzjoni tal-veġetazzjoni msaġġra fl-agrikoltura; jenfasizza li r-restawr u r-riġenerazzjoni ta' sistemi eżistenti tal-agroforestrija, kif ukoll l-istabbiliment ta' oħrajn ġodda, jikkontribwixxu għall-mira tal-istrateġija tal-bijodiversità ta' tliet biljun siġra, li jservu kemm l-objettivi tal-bijodiversità kif ukoll dawk klimatiċi kif ukoll l-objettiv tad-diversifikazzjoni u ċ-ċirkolarità;

49. Jisħaq fuq l-importanza ta' kriterji sodi u stretti għall-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli bbażata fuq il-bijomassa u jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta kriterji bbażati fuq ix-xjenza bħala parti mir-rieżami tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli;

50. Ifakkar li s-sistema agroalimentari u tas-sajd Ewropea għandha tipprovdi provvista suffiċjenti u varjata ta' ikel sikur, nutrittiv, tajjeb għas-saħħa, affordabbli u prodott b'mod sostenibbli liċ-ċittadini f'kull ħin u jissottolinja li ż-żieda tas-sostenibbiltà ekonomika, ambjentali u soċjali tal-produzzjoni tal-ikel fl-aħħar mill-aħħar iżżid ir-reżiljenza tagħha fuq terminu medju u twil kif ukoll toħloq opportunitajiet ekonomiċi ġodda u tikkontribwixxi għall-użu ta' materja prima ta' oriġini Ewropea; jenfasizza li ikel aktar prodott lokalment jista' jikkontribwixxi għal dawn l-objettivi kollha, inkluża s-sigurtà tal-ikel; ifakkar li fl-UE 33 miljun persuna[69] ma jistgħux jaffordjaw ikla ta' kwalità kull jumejn; jenfasizza li l-affordabbiltà u d-disponibbiltà tal-ikel jeħtieġu reazzjonijiet politiċi xierqa u għandhom jibqgħu kunsiderazzjoni ewlenija meta jiġu vvalutati ż-żidiet fl-ispejjeż tal-produzzjoni inklużi dawk li jirriżultaw mill-prattiki tal-biedja li qed jinbidlu; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi appoġġjat l-iżvilupp ta' SMEs tal-ikel sostenibbli f'żoni rurali;

51. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tintegra kwistjonijiet relatati mal-għajnuna alimentari fl-istrateġija mill-għalqa sal-platt peress li ħafna Ewropej isofru minn nuqqas ta' ikel, speċjalment il-familji b'ġenitur wieħed u l-istudenti, u l-konsegwenzi soċjali u ekonomiċi tal-pandemija se jżidu din iċ-ċifra; jirrikonoxxi r-rwol uniku tal-assoċjazzjonijiet tal-għajnuna alimentari madwar l-Unjoni Ewropea li jeħtieġ li jiġu appoġġjati aħjar minħabba l-għadd dejjem akbar ta' persuni li jeħtieġu l-għajnuna; iqis li sabiex tiżdied ir-reżiljenza tas-sistema tal-ikel tagħna jeħtieġ li nżidu l-konnessjonijiet bejn il-politiki tal-ikel u l-politiki agrikoli f'kull livell mil-livell lokali għal dak Ewropew;

52. Jilqa' l-fatt li l-Patt Ekoloġiku Ewropew ifittex li jiżgura kundizzjonijiet tal-għajxien deċenti għall-persuni li jaħdmu fil-biedja u s-sajd u għall-familji tagħhom; ifakkar li d-dimensjoni soċjali għandha tkun integrata bis-sħiħ fl-inizjattivi futuri kollha tal-istrateġija flimkien mad-dimensjonijiet ekonomiċi u ambjentali; jissottolinja li l-pandemija tal-COVID-19 tefgħet dawl ġdid fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien diffiċli u, għalhekk, jenfasizza l-importanza li jiġu protetti d-drittijiet soċjali u tax-xogħol individwali u kollettivi tal-ħaddiema fl-azjendi agrikoli u tal-ħaddiema, inklużi l-ħaddiema staġjonali u mobbli impjegati tul il-katina tal-provvista alimentari tal-UE; jitlob kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien xierqa għall-ħaddiema kollha fis-settur, in-negozjar kollettiv u l-protezzjoni soċjali;

53. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkunsidraw l-art agrikola, l-għarfien agrikolu, il-katina tal-provvista tal-ikel u l-ħaddiema tagħha bħala assi strateġiċi għas-sikurezza u l-benesseri tal-Ewropej kollha u jiżguraw li l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-protezzjoni soċjali tul il-katina tal-provvista agroalimentari, inkluż il-kontroll xieraq tal-prattiki inġusti f'din il-katina, jissodisfaw l-istandards nazzjonali u tal-UE għall-ħaddiema kollha;

54. Jissottolinja l-importanza tal-ħaddiema staġonali għal katina tal-provvista li tiffunzjona tajjeb u jappella għal miżuri robusti biex jiġu żgurati kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien xierqa għal dawn il-ħaddiema; iħeġġeġ lill-bejjiegħa bl-imnut jassumu r-responsabbiltà u jaderixxu mal-kriterji ta' sostenibbiltà soċjali, ambjentali u ekonomika fil-prattiki tax-xiri tagħhom;

55. Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipproponi pjan ta' emerġenza għall-indirizzar tal-kriżijiet tal-ikel billi titqies l-esperjenza miksuba matul il-pandemija tal-COVID-19 u billi jiġu inklużi miżuri armonizzati biex jiggarantixxu funzjonament xieraq tas-suq intern; jikkunsidra li l-promozzjoni ta' proġetti tal-ikel territorjali li jistimulaw l-iżvilupp ta' ċirkwiti tal-ikel qosra fl-Istati Membri tista' tgħin fl-iffaċċjar ta' kriżijiet bħal dawk;

56. Jikkondividi l-fehma li l-pandemija tal-COVID-19 enfasizzat l-importanza li tiġi żgurata sistema tal-ikel robusta, sostenibbli u reżiljenti li tiffunzjona fiċ-ċirkostanzi kollha, u li tkun kapaċi tiżgura aċċess għal provvista suffiċjenti ta' ikel affordabbli u lokali għall-konsumaturi Ewropej; jenfasizza l-ħtieġa, f'dan ir-rigward, li jiġi ppreservat il-funzjonament bla xkiel tas-suq uniku, u b'mod partikolari l-moviment tal-oġġetti tal-ikel, inkluż matul kriżijiet tas-saħħa; jenfasizza wkoll li l-pandemija għandha titqies ukoll bħala opportunità biex tinbena sistema sostenibbli u reżiljenti tal-ikel u mhux bħala skuża biex jitnaqqsu l-ambizzjonijiet, peress li s-sostenibbiltà u s-saħħa huma kwistjonijiet interkonnessi;

57. Jisħaq fuq il-ħtieġa, parzjalment minħabba t-tfixkil fil-ktajjen tal-produzzjoni globali u ż-żieda fil-volatilità tal-prezzijiet ikkawżata mill-pandemija tal-COVID-19, li tiġi żviluppata awtonomija strateġika miftuħa għall-UE bil-għan li jiġi żgurat l-aċċess għas-swieq ewlenin u titnaqqas id-dipendenza fuq l-importazzjonijiet ta' oġġetti kritiċi bħal sorsi ta' proteini bbażati fuq il-pjanti; itenni li s-sistemi agroalimentari jeħtiġilhom jiġu rikonoxxuti bħala aspett kruċjali tal-awtonomija strateġika miftuħa tal-UE biex tiġi żgurata disponibbiltà suffiċjenti ta' ikel sikur u ta' kwalità tajba u biex jinżammu ktajjen tal-provvista tal-ikel u flussi kummerċjali li jiffunzjonaw u reżiljenti matul kriżijiet futuri, skont l-Artikolu 2(1) tal-Ftehim ta' Pariġi;

58. Jisħaq li s-settur agroalimentari jappoġġja mhux biss lill-bdiewa iżda wkoll lin-negozji upstream u downstream, jassigura u joħloq l-impjiegi u huwa l-pedament tal-industrija tal-ikel sħiħa; jenfasizza f'dan ir-rigward li l-preservazzjoni tal-isfond kulturali hija l-forza ewlenija għal żoni rurali attivi; jenfasizza l-importanza tal-artiġjanat tradizzjonali fil-produzzjoni tal-ikel reġjonali u lokali u d-diversità kulturali rikka li tirriżulta minnu; ifakkar li għandu jingħata appoġġ biex l-għarfien tal-artiġjanat fil-produzzjoni tal-ikel jinżamm u jiġi mgħoddi bħala parti orizzontali mill-istrateġija mill-għalqa sal-platt, pereżempju billi jiġi inkluż aħjar fi programmi ta' riċerka u żvilupp parteċipattivi;

59. Jesprimi diżappunt għan-nuqqas ta' prominenza u ambizzjoni għall-kontribut u għall-potenzjal tas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura fl-istrateġija mill-għalqa sal-platt; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni xierqa lin-natura speċifika tas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura fi kwalunkwe proposta leġiżlattiva, strateġija jew linja gwida futura; jenfasizza l-ħtieġa ta' approċċ ibbażat fuq l-ekosistema biex il-popolazzjonijiet tal-ħut jinġiebu f'livelli sostenibbli u biex jiġu restawrati l-ekosistemi tal-baħar u kostali, li għandu jiffoka wkoll fuq il-benefiċċji u s-sostenibbiltà soċjali, ekonomika u ambjentali tas-setturi tas-sajd u l-akkwakultura;

60. Jissottolinja li oqfsa legali robusti u affidabbli għas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura, li japplikaw b'mod konsistenti l-prinċipju ta' prekawzjoni u allinjati mal-linji gwida strateġiċi aġġornati għall-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura tal-UE, għandhom jipprovdu l-bażi biex jiġi sfruttat b'mod sostenibbli l-potenzjal fis-settur kif ukoll għal protezzjoni aħjar u miżuri tas-saħħa tal-annimali, inkluż l-użu mnaqqas ta' mediċini veterinarji, kif ukoll antibijotiċi, b'żidiet sussegwenti fil-popolazzjonijiet tal-ħut u b'aktar ċarezza rigward l-użu tal-ispazju u tal-liċenzji għall-użi antropoġeniċi kollha, inkluż fl-akkwakultura, li jippermettu aktar prevedibbiltà biex jiddgħajjef l-investiment mingħajr ma jiddgħajjef l-investiment; jenfasizza l-importanza ta' mekkaniżmu trasparenti u parteċipattiv, f'konformità mad-Direttiva 2014/89/UE dwar l-ippjanar tal-ispazju marittimu, għall-allokazzjoni tal-ispazju lill-partijiet ikkonċernati kollha b'mod ekwu; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu rispettati bis-sħiħ iż-żoni protetti tal-baħar;

61. Jenfasizza li mekkaniżmi tajba ta' traċċabbiltà, li jwieġbu għat-talbiet tal-konsumaturi billi jipprovdu informazzjoni dwar fejn, meta, kif u liema ħut inqabad jew ġie mrobbi, inkluż it-tikkettar tal-oriġini u l-metodu ta' produzzjoni u standards għoljin ta' sostenibbiltà u ta' benesseri tal-annimali għall-prodotti kollha mibjugħa fis-swieq tal-UE, inklużi dawk importati minn barra l-UE, huma essenzjali biex jiġu żgurati s-sikurezza tal-ikel, it-trasparenza għall-konsumaturi, is-settur u l-amministrazzjonijiet differenti, il-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU) u biex jintlaħqu l-miri tal-Patt Ekoloġiku u tal-SDGs; jenfasizza, għal dan il-għan, l-importanza tat-teknoloġiji li huma ċibersiguri fl-iżvilupp ta' sistemi diġitali preċiżi ta' traċċabbiltà deċentralizzata; jitlob approċċ koordinat biex tiġi żgurata l-konsistenza bejn l-inizjattivi differenti dwar din il-kwistjoni, bl-involviment tal-atturi kollha fil-katina tal-valur; jitlob miżuri ta' kontroll biex jiġi żgurat li l-prodotti tas-sajd importati kollha li jidħlu fis-suq tal-UE jikkonformaw ma' standards soċjali maqbula internazzjonalment, bħal dawk stabbiliti fil-Konvenzjoni tal-ILO Nru 188 dwar ix-Xogħol fis-Sajd u implimentati fl-UE permezz tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2017/159[70], sabiex jiġi evitat li l-prodotti tas-sajd jitqiegħdu fis-suq tal-UE maqbuda minn bastimenti li ma jirrispettawx l-istandards soċjali minimi;

62. Ifakkar fl-għanijiet tal-PKS biex jiġi żgurat l-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi bijoloġiċi ħajjin tal-baħar, ir-restawr u ż-żamma tal-popolazzjonijiet tal-ħut' il fuq mil-livelli tal-bijomassa li kapaċi jipproduċu rendiment massimu sostenibbli, kif ukoll biex tiġi żgurata l-profittabbiltà tal-attivitajiet tas-sajd u biex jingħata kontribut għall-provvista ta' ikel nutrittiv ħafna lis-suq tal-UE u titnaqqas id-dipendenza tas-suq tal-UE fuq l-importazzjonijiet tal-ikel u jenfasizza l-ħtieġa li jittejbu l-monitoraġġ, il-kontroll u l-infurzar tal-PKS, inkluża l-implimentazzjoni sħiħa tal-obbligu tal-ħatt l-art u l-introduzzjoni tal-monitoraġġ elettroniku ta' ċerti bastimenti;

63. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jibnu fuq prattiki sostenibbli eżistenti u jiffaċilitaw, jinkoraġġixxu u jipprovdu appoġġ adegwat għat-tranżizzjoni lejn sajd u akkwakultura b'impatt baxx u l-iżvilupp sostenibbli tas-setturi, inkluż is-sajd kostali fuq skala żgħira, pereżempju permezz tal-applikazzjoni ta' rkaptu tas-sajd selettiv, akkwakultura li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent, inkluża l-akkwakultura organika, u soluzzjonijiet ta' effiċjenza enerġetika u billi jiżdied il-perċentwal tal-kwoti nazzjonali allokati għas-sajd kostali fuq skala żgħira; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu appoġġjati s-sajjieda u l-atturi fil-katina tal-provvista tal-prodotti tal-ħut, inkluż fir-reġjuni ultraperiferiċi, fit-tranżizzjoni lejn prattiki aktar diġitali billi jsir investiment qawwi fit-taħriġ u jiġi pprovdut finanzjament għad-diġitalizzazzjoni u l-konverżjoni għal prattiki u għodod "ekoloġiċi"; jissottolinja l-importanza tal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u l-Akkwakultura (FEMSA) f'dan ir-rigward fil-promozzjoni tal-iżvilupp ta' ekonomija blu sostenibbli u l-immodernizzar tas-settur tas-sajd f'konformità mal-objettivi tal-PKS;

64. Jitlob lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jagħmel b'mod proattiv id-dokumenti kollha relatati mal-adozzjoni tar-regolamenti dwar il-qabdiet totali permissibbli (TAC) disponibbli għall-pubbliku, f'konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman Ewropew fil-każ 640/2019/FP;

65. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi mmonitorjat u promoss l-isfruttament responsabbli tar-riżorsi tas-sajd filwaqt li tiġi applikata tolleranza żero fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat billi jsir użu sħiħ tal-istrumenti għad-dispożizzjoni tal-UE skont ir-Regolament IUU[71], inkluż l-użu ta' "karti ħomor" jekk pajjiż jonqos milli jikkonforma mar-rekwiżiti tal-UE u billi tissaħħaħ il-politika tal-ftehimiet dwar is-sajd sostenibbli ma' pajjiżi mhux tal-UE; jenfasizza li dawn il-ftehimiet iridu isiru tassew sostenibbli u jkunu f'konformità mal-aħjar parir xjentifiku disponibbli u la jridu jheddu s-settur tas-sajd fuq skala żgħira f'pajjiżi mhux tal-UE u lanqas jimminaw is-sikurezza tal-ikel lokali;

66. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jwettqu l-miżuri legalment vinkolanti li huma impenjaw ruħhom għalihom fil-qafas tas-siti tal-baħar Natura 2000 u jadottaw approċċ olistiku għall-ambjent tal-baħar u jindirizzaw il-kawżi ewlenin tat-tniġġis tal-ilma, inkluż l-iskart fil-baħar u l-ilma mormi urban u industrijali, itemmu l-prattiki li huma ta' ħsara għall-ambjent tal-baħar u s-saħħa tal-bniedem u jinċentivaw lis-sajjieda biex jiġbru l-iskart marittimu b'mod sostenibbli filwaqt li jevitaw il-konsum addizzjonali tal-fjuwil u l-emissjonijiet kif ukoll il-qbid inċidentali tal-annimali u l-ħut u l-impatt negattiv fuq l-ekosistema u jtejbu l-kwalità tas-saħħa tal-annimali u jimplimentaw miżuri għat-trattament xieraq tal-annimali biex b'mod sostenibbli jevitaw il-konsum u l-emissjonijiet addizzjonali tal-fjuwil kif ukoll il-qbid inċidentali ta' annimali u ħut tal-baħar u l-impatt negattiv fuq l-ekosistema u jtejbu l-kwalità tat-trobbija tal-annimali;

67. Jenfasizza l-valur tax-xogħol tan-nisa u l-irġiel fis-setturi tas-sajd u l-akkwakultura u r-rwol importanti li għandhom in-nisa fl-ipproċessar, il-promozzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-ħut maqbud; ifakkar fil-potenzjal tal-akkwakultura u s-sajd sostenibbli biex jinħolqu impjiegi ekoloġiċi u jqis li t-tranżizzjoni ekoloġika tas-sistemi tal-ikel, inkluż is-sajd, għandha sseħħ b'mod li jiżgura dħul ġust u pożizzjoni b'saħħitha tul il-katina tal-valur, u jenfasizza f'dan ir-rigward l-importanza tal-parteċipazzjoni attiva tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura;

68. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw u jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta' tekniki u rkaptu tas-sajd aktar sostenibbli u metodi ta' benesseri ogħla ta' qbid, ħatt l-art, trasport u qtil ta' ħut u invertebrati tal-baħar, abbażi tal-aħjar xjenza disponibbli, kif ukoll titjib fl-istandards tal-benesseri tal-annimali għall-ħut imrobbi sabiex jitnaqqas l-istress u titjieb il-kwalità tal-ħut; jenfasizza li l-Unjoni għandha tappoġġja u tinkoraġġixxi investimenti f'tali tagħmir, metodi u titjib;

69. Jenfasizza l-kontribut tas-sajd fl-għadajjar bil-prattiki ta' ġestjoni tradizzjonali tiegħu għall-kisba tal-miri tal-istrateġija mill-għalqa sal-platt u tal-istrateġija għall-bijodiversità interkonnessa; jissottolinja li ż-żoni tal-għadajjar ikkultivati jipprovdu ħabitats għal speċijiet rari, jagħmlu kontributi pożittivi għall-klima u għar-riżervi tal-ilma, iservu bħala bjar tan-nutrijenti, iżommu s-sediment u jikkontribwixxu għal produzzjoni sostenibbli tal-ikel reġjonali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkunsidraw is-sajd fl-għadajjar fil-miżuri u l-programmi rilevanti;

70. Ifakkar li l-produtturi primarji huma f'pożizzjoni ferm aktar żvantaġġata f'termini ta' introjtu meta mqabbla kemm mal-operaturi tul il-katina tal-provvista tal-ikel kif ukoll mal-bqija tal-ekonomija; jenfasizza li huwa essenzjali li tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-produtturi primarji fil-katina tal-provvista tal-ikel, speċjalment fir-rigward tal-produtturi żgħar u ta' daqs medju, sabiex ikunu jistgħu jaqbdu sehem ġust tal-valur miżjud tal-ikel prodott b'mod sostenibbli, inkluż permezz tal-inkoraġġiment tal-kooperazzjoni u l-azzjonijiet kollettivi, bl-użu tal-possibbiltajiet previsti fl-organizzazzjonijiet tas-suq komuni għall-prodotti agrikoli, tas-sajd u tal-akkwakultura, inkluż l-adattament tar-regoli tal-kompetizzjoni;

71. Jenfasizza li l-iżgurar ta' dħul stabbli u ġust għall-produtturi primarji huwa kruċjali biex jippermetti t-tranżizzjoni tas-sistema tal-ikel lejn sostenibbiltà akbar u agrikoltura aktar ċirkolari, fil-ġlieda kontra l-prattiki kummerċjali inġusti u fil-ġestjoni tar-riskji u l-kriżijiet; jitlob li l-produtturi primarji fl-UE kollha jiġu appoġġjati biex jagħmlu din it-tranżizzjoni inkluż permezz tal-adozzjoni ta' teknoloġiji ġodda u biex tingħata spinta lill-effiċjenza f'termini ta' sistemi tal-biedja, il-ġestjoni tal-iskart u l-provvista u l-imballaġġ tal-input; jissottolinja li l-prezzijiet tal-produtturi għandhom ikopru l-kostijiet tal-produzzjoni u jirriflettu s-sostenibbiltà soċjali, ekonomika u ambjentali u jkunu b'hekk konformi mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew;

72. Huwa tal-fehma li l-ftehimiet tal-katina tal-provvista għandhom jiġu mħeġġa biex jiżguraw distribuzzjoni ġusta tal-valur lill-bdiewa u biex jiggarantixxu trasparenza u traċċabilità akbar fil-katina tal-provvista kollha kemm hi, filwaqt li jrawmu t-tkabbir tal-impjiegi taż-żgħażagħ fis-settur;

73. Jilqa' l-mira li jitqassru l-ktajjen tal-provvista; jenfasizza, madankollu, ir-realtà tal-Istati Membri u t-territorji gżejjer, li huma maqtugħa mill-Ewropa kontinentali, li jiffaċċjaw kwistjonijiet ta' iżolament u dipendenza mill-importazzjonijiet għall-prodotti meħtieġa, bħall-qmuħ għall-għalf tal-annimali, li jeħtieġ li jiġu rispettati meta jiġu implimentati miżuri biex titnaqqas id-dipendenza mit-trasport fuq distanzi twal u miżuri oħra li se jqassru l-ktajjen tal-provvista; jenfasizza li mingħajr trasport fuq distanzi twal ta' ċerti oġġetti tal-ikel is-sigurtà tal-ikel ta' dawn iż-żoni maqtugħa se tiġi pperikolata;

74. Jinnota li l-aspettattivi taċ-ċittadini qed jevolvu u qed iwasslu għal tibdil sinifikanti fis-suq tal-ikel, b'domanda konsegwenti dejjem akbar għal ikel prodott lokalment; jenfasizza l-importanza tal-ikel prodott lokalment, l-opportunitajiet li joffri lill-bdiewa tagħna u l-kontributi pożittivi sinifikanti li jista' jagħti lill-ambjent tagħna; iħeġġeġ, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu b'mod attiv l-iżvilupp ta' strateġiji dwar l-ikel lokali, flimkien ma' inizjattivi ta' ktajjen qosra ta' provvista;

75. Jirrikonoxxi l-importanza ta' ikel organiku frisk ikkunsmat lokalment, li huwa ta' benefiċċju għas-saħħa tal-konsumaturi u l-ambjent; jenfasizza l-potenzjal kbir fil-promozzjoni tal-kooperazzjoni bejn il-produtturi primarji lokali u l-fornituri tas-servizzi turistiċi, li jista' jtejjeb il-konsum ta' ikel frisk imkabbar lokalment; jitlob miżuri ta' appoġġ biex jippromovu din il-kooperazzjoni;

76. Jitlob li jiġu promossi miżuri li jippermettu li l-materja prima tiġi pproċessata kemm jista' jkun qrib il-post ta' oriġini tagħha, li jnaqqas b'mod sinifikanti l-impronta tal-karbonju u jiżgura traċċabbiltà aħjar tal-oġġetti tal-ikel;

77. Jenfasizza li filwaqt li l-mudelli tan-negozju sostenibbli ġodda huma opportunitajiet enormi għall-SMEs, diversi inizjattivi previsti fl-ambitu tal-istrateġija jistgħu jwasslu għall-ħolqien ta' burokrazija sostanzjali; jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li taderixxi mal-għodod ta' regolamentazzjoni aħjar, li tivvaluta l-impatti fuq l-SMEs, kif ukoll li tieħu azzjoni biex tippromwovi l-mudelli tan-negozju sostenibbli u ċirkolari, speċifikament għall-SMEs, li tuża l-Fond InvestEU biex tiffaċilita l-aċċess għall-finanzjament għall-SMEs, u li toffri soluzzjonijiet imfassla apposta biex jgħinu lill-SMEs jiżviluppaw ħiliet u mudelli tan-negozju ġodda; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jnaqqsu l-piż amministrattiv fuq il-parteċipanti żgħar u ta' daqs medju fil-katina tal-ikel, permezz ta' miżuri bħas-semplifikazzjoni tal-proċessi ta' reġistrazzjoni u li l-permessi u l-liċenzji kif ukoll l-approvazzjonijiet isiru aktar effiċjenti u billi jiġi żgurat ukoll li l-korpi regolatorji rilevanti jkollhom persunal xieraq, sabiex il-produtturi ż-żgħar tal-ikel idaħħlu l-prodotti tagħhom fis-suq kemm jista' jkun malajr u faċilment;

78. Iqis li l-baġit allokat sabiex jinkisbu l-ambizzjonijiet tal-Patt Ekoloġiku tal-UE u l-Mekkaniżmu ta' Tranżizzjoni Ġusta mhuwiex biżżejjed biex jittratta b'mod soċjalment sostenibbli l-konsegwenzi tat-trasformazzjoni mistennija; jitlob li l-Mekkaniżmu ta' Tranżizzjoni Ġusta jkopri wkoll ir-reġjuni agrikoli li jistgħu jiġu affettwati b'mod avvers u jissottolinja l-ħtieġa li jiġi żgurat l-involviment xieraq tas-sħab soċjali fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-inizjattivi futuri tal-istrateġija; ifakkar li t-tranżizzjoni għal din is-sistema se tkun tirrikjedi investimenti sinifikanti u ma tistax titwettaq mingħajr il-kompliċità u l-appoġġ tal-bdiewa Ewropej;

79. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinforza bis-sħiħ id-Direttiva (UE) 2019/633 dwar prattiki kummerċjali inġusti u timmonitorja bir-reqqa t-traspożizzjoni tagħha fil-liġi nazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-isforzi biex issaħħaħ il-pożizzjoni tal-bdiewa fil-katina tal-provvista tal-ikel u tressaq proposti konkreti f'konformità mal-istrateġija;

80. Itenni li l-kwalità differenzjata fil-prodotti tal-ikel mhijiex aċċettabbli u jeħtieġ li tiġi kontrobilanċjata bis-sħiħ biex jiġi evitat li jkun hemm diskriminazzjoni kontra l-konsumaturi tal-UE u li dawn jiġu mqarrqa; iqis, għalhekk, li l-istrateġija mill-għalqa sal-platt trid tinkludi dispożizzjonijiet biex jiġi evitat standards doppji fil-kwalità tal-ikel, u għal dan il-għan jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja s-sitwazzjoni fis-suq mill-qrib u tipproponi leġiżlazzjoni mmirata fejn meħtieġ; jenfasizza, barra minn hekk, ir-rwol tal-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi fl-identifikazzjoni ta' dawn il-prattiki qarrieqa;

81. Ifakkar lill-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li ssegwi l-kodiċi ta' kondotta tal-UE dwar prattiki kummerċjali u ta' kummerċjalizzazzjoni responsabbli billi tipproduċi qafas ta' monitoraġġ għas-setturi tal-ikel u tal-bejgħ bl-imnut u tipprevedi miżuri leġiżlattivi jekk il-progress fl-integrazzjoni tas-sostenibbiltà ekonomika, ambjentali u soċjali u kunsiderazzjonijiet b'rabta mal-benesseri tal-annimali fl-istrateġiji korporattivi ma jkunx biżżejjed, u b'dan il-mod tippromwovi u tippremja l-isforzi ta' produtturi agrikoli sostenibbli filwaqt li żżid id-disponibbiltà u l-affordabbiltà ta' għażliet tal-ikel tajbin għas-saħħa u sostenibbli u tnaqqas l-impronta ambjentali ġenerali tas-sistema tal-ikel;

82. Jinsisti fuq il-ħtieġa li l-kodiċi ta' kondotta tal-UE għan-negozji tal-ikel u tal-bejgħ bl-imnut jiffoka fuq impenji li huma rilevanti għat-tiswir ta' ambjenti tal-ikel tajbin għas-saħħa u sostenibbli, u li huma speċifiċi, miżurabbli u marbuta biż-żmien, li jistgħu jindirizzaw l-istandards doppji fil-prattiki agroalimentari u huma ċċentrati fuq operazzjonijiet ewlenin tal-entitajiet involuti;

83. Jisħaq fuq l-importanza tat-twaqqif u l-indirizzar tal-konsolidazzjoni u l-konċentrazzjoni fis-settur tal-bejgħ bl-imnut tal-merċa sabiex jiġu żgurati prezzijiet ġusti għall-bdiewa u kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti għall-ħaddiema; jinsisti fuq il-ħtieġa li l-ispejjeż tal-produzzjoni agrikola jiġu kkunsidrati mill-atturi upstream u li jiġu applikati prezzijiet ġusti fil-ħoloq kollha fil-katina tal-provvista; ifakkar fl-importanza li l-bdiewa jsiru aktar reżiljenti fis-suq billi jinkiseb aktar valur mill-katina tal-ikel, li jinkiseb billi titħeġġeġ il-parteċipazzjoni tagħhom pereżempju f'organizzazzjonijiet tal-produtturi jew kooperattivi;

84. Jitlob li jsir titjib b'mod mhux diskriminatorju fil-politika ta' promozzjoni tal-UE għall-prodotti agrikoli u tal-ikel, kif ukoll fl-iskema tal-iskejjel tal-UE u fl-inizjattiva European Healthy School Lunches; jemmen li dan it-titjib għandu jsaħħaħ il-produzzjoni agrikola Ewropea ta' kwalità għolja u jikkontribwixxi għall-produzzjoni u l-konsum sostenibbli f'konformità ma' din l-istrateġija, il-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-SDGs; iqis li dan it-titjib għandu jiffoka fuq messaġġi edukattivi bbażati fuq data xjentifika disponibbli, fuq tikketti tal-kwalità tal-UE bħat-tikketta organika tal-UE u l-indikazzjonijiet ġeografiċi, fuq ktajjen tal-provvista qosra, lokali u reġjonali, fuq nutrizzjoni u stili ta' ħajja tajbin għas-saħħa, u fuq il-promozzjoni ta' konsum akbar ta' frott u ħaxix bħala parti minn dieta varjata u bilanċjata, u konsum aktar baxx ta' zokkor, melħ u xaħmijiet bil-għan li jitnaqqsu r-rati tal-obeżità;

85. Jenfasizza barra minn hekk, fil-kuntest tal-programm ta' promozzjoni tal-UE, l-importanza tal-ekoloġizzazzjoni tal-ambjent, kemm ġewwa kif ukoll barra, bħala soluzzjoni naturali għall-effetti tat-tibdil fil-klima u t-tniġġis tal-arja, kif ukoll bħala ambjent ta' għajxien tajjeb għas-saħħa u l-benesseri tan-nies;

86. Jissottolinja l-ħtieġa li tingħata spinta lill-kampanji ta' informazzjoni Ewropej dwar il-konsum moderat tal-inbejjed filwaqt li tinżamm il-promozzjoni ta' prodotti ta' kwalità; iqis li huma biss il-kampanji wiesgħa ta' informazzjoni u edukazzjoni li jkunu effettivi fil-ġlieda kontra l-abbuż tal-konsum u jfakkar li l-konsum moderat tal-inbid huwa parti mid-dieta Mediterranja;

87. Jirrikonoxxi r-rwol tal-iskemi ta' kwalità tal-UE u l-indikazzjonijiet ġeografiċi fl-UE, bħad-denominazzjoni ta' oriġini protetta (DOP), l-indikazzjoni ġeografika protetta (IĠP), l-indikazzjoni ġeografika (IĠ) tax-xorb spirituż u l-inbejjed aromatizzati u l-ispeċjalità tradizzjonali garantita (STG), li huma eżempji eċċellenti ta' kif l-UE tistabbilixxi standards ta' kwalità fl-agrikoltura; jilqa' r-reviżjoni tal-politika tal-UE dwar l-IĠ biex l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti jew id-denominazzjonijiet ta' oriġini jkunu jistgħu jikkontribwixxu aktar għas-sostenibbiltà ekonomika, soċjali u ambjentali tar-reġjuni Ewropej, għall-benefiċċju tal-produtturi, il-konsumaturi u s-soċjetà kollha kemm hi permezz tal-produzzjoni ta' prodotti ta' kwalità għolja li joħolqu rabta qawwija mar-reġjuni; jenfasizza l-ħtieġa li jittejjeb ir-rikonoxximent tal-awtentiċità tagħhom fost il-konsumaturi li mhux dejjem ikunu f'pożizzjoni li jiddistingwu l-IĠ Ewropej minn prodotti oħra mingħajr id-denominazzjoni; iqis li huwa neċessarju wkoll li jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-produtturi ż-żgħar li jixtiequ jissieħbu f'dawn l-iskemi ta' kwalità u li tissaħħaħ il-protezzjoni tal-IĠ kontra l-użu ħażin jew l-imitazzjoni fil-livell internazzjonali; itenni r-rwol importanti tagħhom fil-kummerċ bejn l-UE u pajjiżi sħab;

88. Jenfasizza r-rikonoxximent fl-istrateġija li d-dieti tal-biċċa l-kbira tal-Ewropej mhumiex konformi mar-rakkomandazzjonijiet għal ikel tajjeb għas-saħħa, u li hija meħtieġa bidla fil-popolazzjoni kollha fix-xejriet tal-konsum lejn ikel, dieti u stili ta' ħajja aktar tajbin għas-saħħa, inkluż konsum akbar ta' pjanti prodotti b'mod sostenibbli u reġjonali u ikel ibbażat fuq il-pjanti, bħal frott u ħaxix frisk, qmuħ u legumi sħaħ, u biex jiġi indirizzat il-konsum żejjed ta' laħam u prodotti li jiġu prodotti b'mod ultraproċessat, kif ukoll prodotti b'livell għoli ta' zokkor, melħ u xaħmijiet, li jiżguraw aktar benesseri tal-annimali, li se jibbenefikaw ukoll minn ambjent aktar reżiljenti; jenfasizza li rakkomandazzjonijiet ibbażati fuq ix-xjenza fl-UE kollha, inklużi objettivi ċari, għal dieti sostenibbli, tajbin għas-saħħa u aktar bilanċjati, b'kont meħud tad-diversità kulturali u reġjonali tal-ikel u d-dieti Ewropej, kif ukoll il-ħtiġijiet tal-konsumaturi, jgħinu u jinkoraġġixxu lill-konsumaturi u jinformaw l-isforzi tal-Istati Membri stess biex jintegraw elementi ta' sostenibbiltà fil-pariri nazzjonali dwar id-dieta; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa tali rakkomandazzjonijiet u azzjonijiet speċifiċi biex tippromwovi b'mod effettiv dieti tajbin għas-saħħa, sostenibbli u aktar ibbilanċjati;

89. Jilqa' l-fatt li l-istrateġija ġustament tirrikonoxxi r-rwol u l-influwenza tal-ambjent tal-ikel fit-tfassil tax-xejriet tal-konsum u l-ħtieġa li jsir aktar faċli għall-konsumaturi li jagħżlu dieti tajbin għas-saħħa u sostenibbli; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu approċċ aktar sistematiku u bbażat fuq l-evidenza sabiex jiffaċilitaw il-ħolqien ta' ambjenti tal-ikel tajbin għas-saħħa, sostenibbli u ġusti minflok ma jiddependu biss fuq kodiċi ta' kondotta; itenni l-importanza tal-promozzjoni ta' dieti tajbin għas-saħħa, aktar ibbilanċjati u sostenibbli permezz tat-titjib tal-ambjent tal-ikel, is-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi dwar l-impatti tax-xejriet tal-konsum, inkluż permezz ta' kanali diġitali, u l-għoti ta' informazzjoni dwar dieti li huma aħjar għas-saħħa tal-bniedem u li għandhom marka tal-karbonju u ambjentali aktar baxxa, bħal prodotti minn ktajjen tal-provvista lokali u reġjonali qosra, li għandhom ikunu akkumpanjati minn firxa ta' miżuri biex il-produzzjoni tal-ikel issir aktar sostenibbli b'mod awtomatiku;

90. Jitlob li jkun hemm firxa komprensiva u komplementari ta' miżuri, inklużi miżuri regolatorji u kampanji ta' sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi biex jitnaqqas il-piż li jpoġġu fuq is-saħħa pubblika l-konsum żejjed ta' ikel ipproċessat ħafna kif ukoll ta' prodotti oħra b'kontenut għoli ta' melħ, zokkor u xaħam; Jistieden lill-produtturi u l-bejjiegħa bl-imnut ewlenin tal-ikel jirriformulaw malajr u serjament dak l-ikel ipproċessat mhux kopert mill-iskemi tal-kwalità tal-UE fejn jista' jinkiseb titjib lejn kompożizzjoni aktar b'saħħitha, u jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tniedi inizjattivi biex tistimula din ir-riformulazzjoni, inkluż billi tistabbilixxi livelli massimi ta' zokkor, xaħmijiet u melħ f'ċertu ikel ipproċessat, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib il-progress fir-riformulazzjoni; jenfasizza li tali riformulazzjonijiet għandhom ifittxu wkoll li jimminimizzaw ir-riskji għas-saħħa kkawżati minn aġenti għat-titjib tal-ikel, residwi tal-pestiċidi u sustanzi kimiċi ta' ħsara; jitlob li tingħata attenzjoni partikolari lill-ikel għat-tfal u ikel ieħor bi skop speċjali u għal approċċ regolatorju effettiv u mifrux mal-UE kollha biex jiġi indirizzat l-esponiment tat-tfal u l-adolexxenti għar-reklamar u l-kummerċjalizzazzjoni ta' ikel ipproċessat b'kontenut għoli ta' xaħam, zokkor u melħ fuq il-midja tax-xandir u diġitali;

91. Iqis li l-iżvilupp ulterjuri u l-innovazzjoni sostenibbli fil-qasam tal-produzzjoni tal-proteina tal-pjanti u sorsi alternattivi ta' proteina fl-UE, bħall-insetti u l-alka, huwa mod kif jiġu indirizzati b'mod effettiv bosta mill-isfidi ambjentali u klimatiċi li qed tiffaċċja l-agrikoltura tal-UE, kif ukoll kif tiġi prevenuti d-deforestazzjoni, it-telfien tal-bijodiversità u d-degradazzjoni tal-ekosistema f'pajjiżi barra mill-UE u titnaqqas id-dipendenza attwali tal-Ewropa mill-provvisti tal-proteina tal-pjanti; jistieden lill-Kummissjoni tkompli taħdem fuq ir-rapport tagħha dwar l-iżvilupp tal-proteini tal-pjanti fl-Unjoni Ewropea (COM(2018)0757) u tippreżenta strateġija ta' tranżizzjoni tal-proteina tal-UE li tkopri d-domanda u l-aspett tal-provvista biex tappoġġja u tagħti spinta lill-produzzjoni sostenibbli tal-għelejjel tal-proteina, inklużi l-provvisti lokali tal-għalf u l-produzzjoni tal-ikel, filwaqt li ssaħħaħ l-awtosuffiċjenza tal-UE u tnaqqas l-impatti ambjentali u klimatiċi globali; jissottolinja l-importanza li titnaqqas id-dipendenza mill-importazzjoni ta' għelejjel tal-proteina minn barra l-pajjiż;

92. Ifakkar fit-talba tiegħu li l-valutazzjoni tar-riskju ġeneriku tal-UE tiġi estiża għal-leġiżlazzjoni kollha biex tiġi evitata l-espożizzjoni tal-konsumaturi għal sustanzi perikolużi fl-ikel;

93. Ifakkar li profili nutrizzjonali, li ilhom tant mistennija, jibqgħu pertinenti u neċessarji biex jintlaħqu l-objettivi tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel[72]; jilqa' t-tħabbira ta' proposta leġiżlattiva biex jiġu stabbiliti profili nutrizzjonali; jirrimarka li ħafna prodotti tal-ikel, inklużi wħud kummerċjalizzati lejn it-tfal, ikomplu jużaw indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa, minkejja li għandhom livelli għolja ta' nutrijenti li jaqjmu tħassib; jisħaq li jrid jiġi żviluppat sett robust ta' profili nutrizzjonali biex jipprojbixxi l-użu ta' indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa dwar ikel b'kontenut għoli ta' xaħmijiet, zokkor u/jew melħ; jitlob li tingħata attenzjoni partikolari lill-ikel għat-tfal u lil ikel ieħor bi skop speċjali;

94. Jirrikonoxxi li t-tikketti nutrizzjonali fuq il-parti ta' quddiem tal-pakkett ġew identifikati minn korpi tas-saħħa pubblika internazzjonali, bħall-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, bħala għodda ewlenija biex tgħin lill-konsumaturi jagħmlu għażliet aktar infurmati, aktar ibbilanċjati u aktar tajbin għas-saħħa f'dak li għandu x'jaqsam mal-ikel; jisħaq fuq il-fatt li s-sistema ta' tikkettar dwar in-nutrizzjoni fuq il-parti ta' quddiem tal-pakkett, li hija konsistenti mal-linji gwida dwar id-dieta u li tikkumplimentahom, għandha tgħin lill-konsumaturi jagħmlu għażliet tal-ikel aktar tajbin għas-saħħa billi tipprovdilhom informazzjoni komprensibbli dwar l-ikel li jikkunsmaw; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li tiġi żviluppata tikketta nutrizzjonali tal-UE obbligatorja u armonizzata fuq il-parti ta' quddiem tal-pakkett ibbażata fuq evidenza xjentifika robusta u indipendenti u ta' fehim ippruvat tal-konsumatur, b'aċċess miftuħ għall-operaturi kollha tas-suq inklużi l-operaturi żgħar u ta' daqs medju, filwaqt li jitqies il-piż addizzjonali għall-operaturi tal-ikel u l-unions; jisħaq barra minn hekk, li biex jiġi ffaċilitat it-tqabbil bejn il-prodotti, it-tikketta għandha tinkludi element interpretattiv li jipprovdi informazzjoni dwar il-prodott trasparenti, komparabbli u armonizzata u jkun ibbażat fuq ammonti ta' referenza uniformi; jistieden lill-Kummissjoni tqis kif xieraq il-karatteristiċi speċifiċi ta' prodotti b'ingredjent uniku u prodotti taħt l-iskemi ta' kwalità Ewropej (DPO, IĠP, IĠ eċċ.), b'mod partikolari l-invarjabbiltà tal-kompożizzjoni tagħhom, filwaqt li jisħaq li kwalunkwe kunsiderazzjoni rigward eżenzjonijiet potenzjali għandha tkun ibbażata fuq raġunament xjentifiku; jitlob li tiġi stabbilita sistema diġitali għall-għoti ta' informazzjoni volontarja addizzjonali għall-prodotti alimentari ("EU4healthyfood"), u jissuġġerixxi li din l-informazzjoni tista' tiġi pprovduta b'mod diġitali permezz ta' kodiċi QR u tittella' faċilment mill-konsumatur;

95. Jinnota li l-prodotti tajbin għas-saħħa, inkluż l-ikel, jista' jkun fihom ingredjenti naturali jew sintetiċi, li jkollhom impatti differenti fuq l-ambjent u s-saħħa tal-konsumaturi; jitlob li jiġu introdotti skemi ta' tikkettar obbligatorji għall-prodotti tas-saħħa, li jindikaw jekk ingredjent ikollux oriġini sintetika meta jinkiseb permezz ta' sinteżi kimika, speċjalment f'każijiet fejn ikunu jeżistu ekwivalenti naturali;

96. Jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-bidliet fl-imġiba tal-konsumatur, bħal fix-xiri online ta' prodotti tal-ikel;

97. Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li għandha l-għan li ttejjeb it-tikkettar tal-oriġini u testendih għal firxa usa' ta' prodotti; itenni t-talba tiegħu għal tikkettar obbligatorju tal-oriġini; jisħaq fuq il-fatt li dan għandu jkun komprensiv u armonizzat u jkopri l-prodotti tal-ikel kollha u għandu jkopri l-faċilitajiet tal-forniment tal-ikel, ir-ristoranti u l-bejgħ bl-imnut u jkun kompletament verifikabbli u traċċabbli u ma jimminax il-funzjonament xieraq tas-suq intern; jenfasizza li r-regolament dwar l-informazzjoni dwar l-ikel[73] jeħtieġ li jiġi rivedut b'enfasi fuq il-ħalib u l-laħam bħala ingredjenti; jistieden lill-Kummissjoni tirrettifika l-prattika attwali li biha l-prodotti li l-ingredjenti primarji tagħhom ma joriġinawx minn sorsi lokali jew reġjonali jkunu jistgħu jiġu kkummerċjalizzati bħala tali jekk l-oriġini ta' dawn l-ingredjenti primarji mhux lokali tiġi indikata f'tipa żgħira, u biex l-oriġini tal-ingredjenti primarji ssir aktar viżibbli għall-konsumatur; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi bidliet leġiżlattivi għar-regoli dwar it-tikkettar tal-għasel li se jirriżultaw f'informazzjoni aħjar għall-konsumatur u tappoġġja s-settur tat-trobbija tan-naħal tal-UE billi ssaħħaħ l-ispezzjonijiet tal-importazzjoni sabiex tipprevjeni l-importazzjonijiet ta' għasel adulterat filwaqt li tenfasizza li t-tikkettar tal-pajjiż tal-oriġini jeħtieġ li jiġi infurzat b'mod effettiv biex tiġi miġġielda l-frodi alimentari;

98. Jilqa' l-ħsieb tal-Kummissjoni li toħloq qafas tat-tikkettar tal-ikel u jistieden lill-Kummissjoni tiddefinixxi l-metodoloġija u tispeċifika liema dimensjonijiet tas-sostenibbiltà jkunu koperti, filwaqt li tiżgura li l-iskema l-ġdida ma tkunx konfliġġenti mal-oqfsa ambjentali eżistenti, bħall-ekotikketta tal-UE jew il-logo organiku; jenfasizza li bħalissa qed jintużaw ħafna indikazzjonijiet ambjentali u metodi ta' reklamar mhux sostanzjati u saħansitra qarrieqa u jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi qafas regolatorju li jistabbilixxi proċedura ta' approvazzjoni minn qabel ċara, rapida u effiċjenti għall-indikazzjonijiet u t-tikketti kollha dwar is-sostenibbiltà; jisħaq li tali qafas jipproteġi lill-konsumaturi minn indikazzjonijiet dwar is-sostenibbiltà mhux veritiera, filwaqt li jiżgura li n-negozji li ġenwinament jistinkaw biex iwettqu operazzjonijiet li jirrispettaw aktar l-ambjent jiġu debitament ippremjati għall-isforzi tagħhom; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' spezzjonijiet mill-awtoritajiet ta' kontroll pubbliċi ta' kwalunkwe tikketta permessa fuq il-prodotti tal-ikel;

99. Jissottolinja l-ħtieġa li jiġi stabbilit tikkettar fuq il-prodotti tal-annimali, li għandu jkun ibbażat fuq l-identifikazzjoni tal-metodu ta' produzzjoni kif ukoll l-indikaturi tal-benesseri tal-annimali, u li jkun jinkludi l-post tat-twelid, tat-trobbija u tal-qtil tal-annimal, u jisħaq fuq il-fatt li dawn ir-rekwiżiti għandhom jiġu estiżi għall-prodotti pproċessati sabiex tiżdied it-trasparenza, tingħata għajnuna lill-konsumaturi biex jagħmlu għażla aħjar u biex jingħata kontribut għall-benesseri tal-annimali; jisħaq fuq il-fatt li l-produzzjoni u l-adozzjoni mis-suq ta' proteini bbażati fuq il-pjanti għandhom jiġu appoġġjati aħjar, u jitlob, barra minn hekk, li l-armonizzazzjoni tant mistennija tar-rekwiżiti fir-rigward tat-tikkettar tal-ikel veġetarjan u vegan titressaq mingħajr aktar dewmien;

100. Jafferma mill-ġdid il-fehma tiegħu li l-miżuri ta' politika biex tiżdied is-sostenibbiltà tas-sistema tal-ikel m'għandhomx jiddependu biss fuq it-trasferiment tar-responsabbiltà għax-xiri ta' prodotti sostenibbli lill-konsumaturi peress li din mhijiex effikaċi, filwaqt li l-għażla tal-konsumatur hija fattur importanti għall-adozzjoni ta' dieti prodotti b'mod sostenibbli u aktar tajbin għas-saħħa; jissottolinja, f'dan ir-rigward, l-importanza ta' edukazzjoni nutrizzjonali u ambjentali tajba, kif ukoll id-disponibbiltà ta' informazzjoni rilevanti li tinftiehem faċilment; jenfasizza li t-tikkettar tas-sostenibbiltà għandu jkun ibbażat fuq kriterji ta' sostenibbiltà armonizzati xjentifiċi, għandu jinkludi spezzjonijiet mill-awtoritajiet ta' kontroll pubbliċi kull fejn ikun possibbli, u miżuri leġiżlattivi ġodda fejn meħtieġ; jinnota, madankollu, li ċ-ċertifikazzjoni u t-tikkettar ta' partijiet terzi waħedhom mhumiex effettivi, iżda jistgħu jservu ta' għodod komplementari biex jiżguraw it-tranżizzjoni lejn produzzjoni u konsum sostenibbli; jirrikonoxxi li ż-żieda fit-trasparenza permezz ta' metodi bħat-tikkettar hija element importanti li jista' jgħin lill-konsumaturi jieħdu deċiżjonijiet ta' xiri aktar sostenibbli, li huwa importanti biex tinkiseb it-tranżizzjoni lejn sistema tal-ikel aktar sostenibbli, reġjonali u tajba għas-saħħa;

101. Jissottolinja li l-prezzijiet tal-ikel iridu jibagħtu is-sinjal il-ġust lill-konsumaturi; iqis li prezzijiet tal-ikel reali, li jirriflettu wkoll l-ispiża vera tal-produzzjoni għall-bdiewa kif ukoll għall-ambjent u għas-soċjetà, huma l-uniku mod effiċjenti kif jinkisbu sistemi tal-ikel sostenibbli u ekwi fit-tul; jilqa', għalhekk, l-objettiv tal-istrateġija li tidderieġi lill-industrija tal-ikel lejn prattiki li jagħmlu l-għażla tajba għas-saħħa u sostenibbli l-aktar waħda faċli, aċċessibbli u affordabbli għall-konsumaturi; jaqbel li l-Istati Membri jingħataw aktar flessibbiltà biex jiddifferenzjaw ir-rati tal-VAT fuq l-ikel b'impatti differenti fuq is-saħħa u l-ambjent, u li jitħallew jagħżlu rata żero ta' VAT għal prodotti tal-ikel tajbin għas-saħħa u sostenibbli bħall-frott u l-ħaxix, kif diġà qiegħed jiġi implimentat f'xi Stati Membri iżda li attwalment mhux possibbli għal kulħadd[74], kif ukoll rata ogħla ta' VAT fuq ikel mhux tajjeb għas-saħħa u fuq ikel li għandu impronta ambjentali għolja; ifakkar li n-nefqa tal-unitajiet domestiċi fuq il-prodotti tal-ikel tvarja b'mod sinifikanti fl-Istati Membri tal-UE u li l-affordabbiltà għandha tiġi żgurata għall-konsumaturi fl-Istati Membri kollha, filwaqt li jiġi żgurat ukoll dħul ġust għall-produtturi primarji għall-prodotti sostenibbli u tajbin għas-saħħa tagħhom u tiżdied it-trasparenza u l-għarfien tal-konsumaturi rigward l-ispejjeż u l-profitti relatati ma' kull stadju tal-katina tal-provvista tal-ikel; jistieden lill-Kummissjoni tniedi studju biex tikkwantifika f'termini ekonomiċi l-ispejjeż ambjentali u tas-soċjetà (inklużi dawk relatati mas-saħħa) assoċjati mal-produzzjoni u l-konsum tal-aktar prodotti tal-ikel ikkonsmati fis-suq tal-UE;

102. Jitlob rieżami tal-leġiżlazzjoni dwar l-akkwist pubbliku bil-ħsieb li jiġu introdotti jew jissaħħu kriterji obbligatorji minimi għall-kindergartens u l-iskejjel, istituzzjonijiet pubbliċi oħra u kumpaniji privati li jipprovdu servizzi pubbliċi sabiex jinkoraġġixxu: produzzjoni sostenibbli tal-ikel, inkluż ikel tradizzjonali u tipiku b'indikazzjonijiet ġeografiċi; il-konsum ta' prodotti lokali u, fejn possibbli, staġjonali; ktajjen tal-provvista qosra inkluż il-bejgħ dirett; standards tal-benesseri tal-annimali ogħla; u t-tnaqqis tal-iskart tal-ikel u tal-imballaġġ f'konformità mal-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari; jitlob il-promozzjoni ta' dieti u xejriet ta' dieta aktar tajbin għas-saħħa u bbilanċjati bil-ħolqien ta' ambjent tal-ikel li jgħin biex l-għażliet infurmati u sostenibbli jkunu l-għażliet l-aktar faċli għall-konsumaturi; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tiżviluppa għodod ta' monitoraġġ u rappurtar dwar l-akkwist tal-ikel sostenibbli;

103. Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tirrieżamina l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel (FCM) filwaqt li jiddispjaċih għan-nuqqas ta' azzjoni armonizzata mwettqa s'issa u jipproponi li l-Kummissjoni tressaq 'il quddiem id-data tal-pubblikazzjoni tal-proposta; jinsisti fuq il-ħtieġa ta' regolamentazzjoni komprensiva u armonizzata tal-FCMs kollha inklużi dawk il-materjali u kontaminanti li għadhom mhumiex koperti fil-livell tal-UE, jinsisti li dan għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipju ta' prekawzjoni, il-prinċipju ta' "ebda data, ebda suq", valutazzjonijiet komprensivi tas-sikurezza bbażati fuq l-aktar data xjentifika u ħidma xjentifika reċenti tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) u l-EFSA, u jisħaq fuq l-importanza ewlenija tal-infurzar effettiv u fuq l-għoti ta' informazzjoni mtejba lill-konsumaturi; itenni t-talba tiegħu biex tiġi riveduta l-leġiżlazzjoni dwar l-FCM f'konformità mar-regolament dwar ir-reġistrazzjoni, l-evalwazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), kif ukoll ir-regolamenti dwar il-klassifikazzjoni, it-tikkettar u l-imballaġġ, u biex jiddaħħlu, mingħajr aktar dewmien, dispożizzjonijiet speċifiċi biex jiġu sostitwiti sustanzi kimiċi li jfixklu s-sistema endokrinali u sustanzi kimiċi perikolużi fl-FCM kollha, filwaqt li ma jintmessx ir-rwol tal-ippakkjar fil-preservazzjoni tal-sikurezza jew il-kwalità tal-ikel; jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi regoli għar-riċiklaġġ sikur tal-materjali kollha tal-plastik fl-FCM, ħlief il-PET; jisħaq fl-istess ħin li għandhom jiġu applikati rekwiżiti ta' sikurezza ugwali għall-materjali verġni u riċiklati u li l-atturi responsabbli fil-ktajjen tal-provvista u l-konsumaturi finali għandhom ikunu jistgħu jaċċessaw faċilment l-informazzjoni dwar l-identità u s-sikurezza tas-sustanzi kimiċi fil-materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel;

104. Jenfasizza li l-iskart u l-ħela tal-ikel għandhom konsegwenzi ambjentali enormi, jaggravaw it-tibdil fil-klima u jirrappreżentaw ħela ta' riżorsi limitati bħall-art, l-enerġija u l-ilma u telf ta' dħul għall-bdiewa; itenni t-talba tiegħu biex jittieħdu l-miżuri meħtieġa biex tinkiseb mira tal-Unjoni ta' tnaqqis tal-ħela tal-ikel bi 30 % sal-2025 u 50 % sal-2030, meta mqabbel mal-bażi ta' referenza tal-2014; jissottolinja li hemm bżonn ta' miri vinkolanti f'kull stadju tal-katina ta' provvista, inkluż fil-livell tal-produzzjoni primarja, qabel il-bejgħ u waqt il-bejgħ; jistieden lill-Istati Membri kollha jistabbilixxu u jimplimentaw programmi ta' prevenzjoni tal-ħela tal-ikel li jintegraw bis-sħiħ il-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari u jinkludu l-promozzjoni ta' ktajjen tal-provvista tal-ikel qosra, li jnaqqsu r-riskju li tiġi ġġenerata l-ħela tal-ikel; jisħaq fuq il-fatt li l-objettivi tal-PAK jinkludu l-prevenzjoni tal-ħela tal-ikel, jenfasizza li għandha titħeġġeġ azzjoni biex titrażżan il-ħela tal-ikel li sseħħ fil-livell tal-produzzjoni primarja u fl-istadji bikrija tal-katina tal-provvista, inkluż ikel mhux maħsud; jissottolinja l-importanza li tiġi żgurata s-saħħa tal-annimali, fost l-oħrajn bħala mezz biex jiġi evitat it-telf u l-ħela tal-ikel fis-sors u jenfasizza li l-irkupru tal-iskart tal-ikel ibbażat fuq il-pjanti għall-għalf tal-annimali huwa soluzzjoni vijabbli fejn il-ħela tal-ikel ma tistax tiġi evitata; jisħaq fuq l-importanza li titqajjem kuxjenza pubblika u li tiġi pprovduta gwida dwar kif tiġi evitata l-ħela tal-ikel biex tiġi promossa bidla fit-tul fl-imġiba tal-konsumatur; jistieden lill-Kummissjoni tidentifika kwalunkwe ostaklu potenzjali li jfixkel il-pass aktar mgħaġġel tat-tnaqqis tal-iskart u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw finanzjament adegwat għar-riċerka, l-innovazzjoni, l-involviment tal-partijiet interessati u l-kampanji ta' informazzjoni u edukazzjoni permezz tal-ħolqien ta' fondi nazzjonali għall-ħela tal-ikel bil-għan li tiġi eliminata l-ħela;

105. Jissottolinja li, f'konformità mal-ġerarkija tal-iskart, l-enfasi għandha tkun fuq il-prevenzjoni tal-ħela tal-ikel; jilqa' r-rieżami propost biex jiġu ċċarati r-regoli attwali tal-UE dwar l-immarkar tad-data sabiex jiġu evitati u jitnaqqsu l-ħela u t-telf tal-ikel; jisħaq li kwalunkwe bidla fir-regoli dwar l-immarkar tad-data għandha tkun ibbażata fuq ix-xjenza u għandha ttejjeb l-użu, l-espressjoni u l-preżentazzjoni tal-immarkar tad-data mill-atturi kollha fil-katina tal-ikel, inkluż fl-industrija tal-ospitalità, u l-fehim tagħha mill-konsumaturi, b'mod partikolari t-tikkettar ta' "uża sa" u "l-aħjar qabel", filwaqt li fl-istess ħin ma ddgħajjifx is-sikurezza jew il-kwalità tal-ikel; jenfasizza li l-immarkar tad-data armonizzat jgħin fil-ġlieda kontra l-ħela tal-ikel; jitlob li dan jiġi akkumpanjat minn reviżjoni tar-regoli dwar id-distribuzzjoni ta' oġġetti tal-ikel, bl-objettivi li jiġu identifikati u eliminati l-ostakoli potenzjali għat-tnaqqis tal-ħela, tiġi promossa l-effiċjenza, kif ukoll tingħata spinta lill-kompetizzjoni u l-innovazzjoni;

106. Jisħaq fuq l-importanza tal-ġlieda kontra l-frodi u l-iffalsifikar tal-ikel fis-settur tal-ikel li jqarraq bil-konsumaturi u jgħawweġ il-kompetizzjoni fis-suq intern, jenfasizza l-ħtieġa li tiġi indirizzata b'mod urġenti l-kwistjoni kumplessa tal-frodi alimentari, b'mod aktar speċifiku inkluż it-tikkettar ħażin, is-sostituzzjoni, id-dilwizzjoni, iż-żieda, it-tneħħija jew is-sostituzzjoni ta' ingredjenti b'sostituzzjonijiet orħos jew inferjuri, trattamenti jew proċessi kimiċi mhux approvati u dokumentazzjoni ffalsifikata, u b'attenzjoni partikolari għall-iffalsifikar u l-kummerċ illegali tal-indikazzjonijiet ġeografiċi; jenfasizza l-importanza li jiġu imposti pieni effettivi li jikkorrispondu għar-reat u jistieden lill-Istati Membri jirriflettu b'mod adegwat dak il-prinċipju fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, f'konformità mar-Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali[75]; jistieden lill-Kummissjoni taħdem fuq Forza Ewropea kontra l-frodi alimentari biex tissaħħaħ il-koordinazzjoni bejn l-aġenziji nazzjonali rilevanti differenti sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni ta' standards tal-ikel tal-UE kemm fis-suq uniku tal-UE kif ukoll rigward tal-importazzjonijiet tagħna;

107. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni timmonitorja u tinforza l-allokazzjoni kontinwa ta' riżorsi adegwati għall-kontrolli uffiċjali tal-ikel sabiex jiġi żgurat li jitwettaq għadd suffiċjenti ta' kontrolli biex tiġi vverifikata l-konformità mar-rekwiżiti tal-ikel u tal-għalf u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-kontrolli doganali biex jiżguraw il-konformità mal-istandards tal-produzzjoni tal-UE, fost l-oħrajn dwar is-sikurezza tal-ikel, ir-reżistenza antimikrobika, il-benesseri tal-annimali u l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, kif ukoll biex jiġi evitat id-dħul ta' pesti tal-pjanti u tal-annimali fl-UE; jistieden lill-Istati Membri jinfurzaw b'mod rigoruż u konsistenti d-dispożizzjonijiet dwar it-traċċabbiltà tal-prodotti tar-Regolament tal-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel (GFL)[76] fil-katina alimentari kollha; jenfasizza li f'każijiet ta' inċidenti li jinvolvu riskji għas-saħħa u s-sikurezza pubblika, l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jinformaw b'mod sħiħ u minnufih lill-pubbliku dwar ir-riskji potenzjali maħluqa mill-prodotti tal-ikel ikkonċernati, bi qbil mad-dispożizzjoni rilevanti tar-Regolament GFL;

Niffaċilitaw it-tranżizzjoni

108. Jissottolinja l-importanza tal-finanzjament tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni, speċjalment għall-SMEs u l-bdiewa ż-żgħar, bħala muturi ewlenin fl-aċċellerazzjoni tat-tranżizzjoni lejn Sistema Ewropea tal-ikel aktar sostenibbli, produttiva, diversifikata, lokali, tajba għas-saħħa u inklużiva; jinkoraġġixxi lis-settur agroalimentari juża b'mod attiv il-finanzjament allokat għalih f'Orizzont Ewropa f'dan ir-rigward; jenfasizza bl-istess mod il-ħtieġa li jiġu ffaċilitati l-investimenti meħtieġa biex jitħeġġu prattiki sostenibbli u l-ekonomija ċirkolari u l-bijoekonomija;

109. Jirrimarka li l-introduzzjoni ta' teknoloġiji u tekniki ġodda ta' biedja intelliġenti, inkluż id-diġitalizzazzjoni u s-sistemi protetti tal-ħsad, tista' tkun ta' benefiċċju biex jittejbu l-effiċjenza, l-użu tar-riżorsi, is-sostenibbiltà ambjentali u jistgħu jwasslu għal benefiċċji ekonomiċi pożittivi tal-produzzjoni agrikola; jirrikonoxxi li l-innovazzjoni trid tibqa' kompatibbli mal-irkupru u l-promozzjoni ta' prattiki u għarfien tradizzjonali, speċjalment dawk adattati għall-karatteristiċi agroklimatiċi ta' kull żona;

110. Jenfasizza l-importanza li jiġu implimentati d-diversi prattiki integrati tal-ġestjoni tal-pesti u li jiġu pprovduti servizzi ta' konsulenza indipendenti għall-azjendi agrikoli biex jiġi żgurat trasferiment usa' u inklużiv tal-għarfien lis-settur tal-biedja; jemmen li dan jista' jiġi megħjun permezz tal-istabbiliment ta' sistema għall-ġbir u t-tixrid ta' prattiki sostenibbli u billi wieħed jibni fuq is-sistemi ta' taħriġ speċjalizzat eżistenti għall-bdiewa fl-Istati Membri, mingħajr ma jiġu introdotti piżijiet amministrattivi addizzjonali għall-bdiewa fl-Istati Membri; jistieden lill-Istati Membri jiddedikaw sehem suffiċjenti tal-allokazzjonijiet tagħhom għas-servizzi konsultattivi għall-azjendi agrikoli għas-servizzi u l-assistenza teknika relatati ma' prattiki sostenibbli li jikkontribwixxu għall-objettivi tal-istrateġija; jemmen li, b'kunsiderazzjoni tal-għarfien miksub u l-għarfien espert tagħhom, il-kontribut tal-produtturi primarji fuq skala żgħira jkollu wkoll rwol importanti fil-kisba ta' riżultati reali fil-livell ta' azjendi agrikoli individwali;

111. Jenfasizza l-importanza tal-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja fit-trawwim tal-promozzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni, u fl-għoti ta' pariri dwar l-aħjar prattiki sostenibbli; jirrikonoxxi r-rwol tal-universitajiet fl-iżvilupp u t-tranżizzjoni tas-setturi agroalimentari ta' reġjuni b'karatteristiċi distinti, inkluż ir-reġjuni ultraperiferiċi; jilqa' l-intenzjoni tal-istrateġija li tingħata għajnuna lill-SMEs li jipproċessaw l-ikel u lill-operaturi żgħar tal-bejgħ bl-imnut jiżviluppaw kompetenzi ġodda filwaqt li jiġi żgurat li ma jkunux soġġetti għal piżijiet amministrattivi addizzjonali; jisħaq fuq l-importanza strateġika ta' approċċi kollettivi permezz ta' organizzazzjonijiet ta' produtturi u kooperattivi biex il-bdiewa jingħaqdu flimkien biex jilħqu l-għanijiet tagħhom;

112. Jenfasizza li hemm bosta sinerġiji possibbli bejn l-agrikoltura u l-politika spazjali Ewropea sabiex jiġi żgurat li jkun hemm rkupru reali tal-kwalità tal-ħamrija u tal-ikel u li jiġu indirizzati l-isfidi tal-ambjent, tal-klima u tat-tibdil demografiku; iħeġġeġ il-parteċipazzjoni tal-Istati Membri kollha fil-programmi tax-xjenza u r-riċerka u jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni biex tiżgura li jsir aktar progress ugwali fl-Istati Membri kollha;

113. Ifakkar fil-ħtieġa li jiġu promossi Sistemi tal-Għarfien u tal-Innovazzjoni Agrikoli effettivi (AKIS), li jippermettu lis-settur agrikolu jsir aktar sostenibbli billi titħaffef l-innovazzjoni u titrawwem kooperazzjoni mill-qrib bejn il-partijiet interessati kollha bħall-bdiewa, ir-riċerkaturi, il-konsulenti, l-esperti u l-NGOs, permezz ta' taħriġ ta' kwalità għolja u inklużiv u t-tagħlim tul il-ħajja u billi jitħaffef it-trasferiment tal-għarfien, inkluż dwar l-implimentazzjoni ta' tekniki integrati tal-biedja bħall-ġestjoni integrata tal-pesti għal kull għalla;

114. Jistieden lill-Istati Membri biex, meta jfasslu u jimplimentaw il-Pjanijiet Strateġiċi Nazzjonali tal-PAK tagħhom, jieħdu vantaġġ sħiħ mill-possibbiltajiet ipprovduti mill-AKIS; ifakkar, barra minn hekk, fil-ħtieġa ta' network ta' data dwar is-sostenibbiltà bil-għan li jiġu stabbiliti punti ta' riferiment għall-prestazzjoni ta' azjenda agrikola, tal-azjendi agrikoli, jiġi dokumentat l-użu ta' prattiki tal-biedja sostenibbli, kif ukoll tiġi permessa l-applikazzjoni preċiża u mfassla apposta ta' approċċi ġodda ta' produzzjoni fil-livell tal-azjenda agrikola, inkluż bl-ipproċessar tad-data miġbura billi jipprovdi lill-bdiewa u lill-partijiet interessati b'aċċess faċli għal informazzjoni rilevanti, speċjalment dwar l-aħjar prattiki; jirrimarka li d-data dwar l-agrikoltura u l-art agrikola hija ta' interess pubbliku iżda li l-aċċess tal-bdiewa għad-data agrikola tagħhom stess u l-kontroll tagħha jridu jiġu protetti;

115. Jenfasizza l-importanza ta' aċċess komprensiv għal konnessjonijiet broadband veloċi biex jiġi ffaċilitat l-użu ta' teknoloġiji tal-biedja diġitali fil-livell tal-azjendi agrikoli u jisħaq fuq l-importanza li l-bdiewa jiġu appoġġjati biex jagħmlu użu effiċjenti minn soluzzjonijiet innovattivi simili filwaqt li tiġi salvagwardjata l-vijabbiltà ekonomika tagħhom; jirrikonoxxi li l-organizzazzjonijiet tal-bdiewa huma sħab utli fl-iżvilupp ta' servizzi ta' senserija informattiva immirati lejn l-innovazzjoni; jisħaq fuq l-importanza ta' Orizzont Ewropa fil-kisba tal-għanijiet tar-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tal-ħamrija u s-saħħa tal-ikel, li għandu l-potenzjal li jattira l-ġenerazzjoni li jmiss lejn is-settur agrikolu;

116. Jenfasizza r-rwol fundamentali tas-sistemi konsultattivi għall-azjendi agrikoli fit-tixrid tal-innovazzjoni u l-għarfien, l-istimolu tal-iskambju tal-esperjenzi u l-promozzjoni ta' dimostrazzjonijiet prattiċi, u jistieden lill-Istati Membri b'mod partikolari biex jipprovdu konsulenza komprensiva lill-bdiewa dwar l-adozzjoni ta' sistemi ta' produzzjoni aktar sostenibbli; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw b'mod attiv inizjattivi minn isfel għal fuq li jqarrbu lill-bdiewa u liċ-ċittadini billi jaħdmu fil-livell lokali u jinkorporaw l-għarfien lokali, biex jadattaw aħjar għar-realtajiet speċifiċi fil-post; jenfasizza fuq l-importanza tal-promozzjoni tat-taħriġ ta' bdiewa u imprendituri żgħażagħ fil-biedja sostenibbli u f'sistemi tal-ikel sostenibbli;

117. Jitlob biex, flimkien ma' sistemi konsultattivi għall-azjendi agrikoli, jiġu stabbiliti u promossi pjattaformi b'ħafna partijiet li jżidu l-kollaborazzjoni u jimmobilizzaw il-kondiviżjoni tal-għarfien u t-teknoloġija, tul il-katina kollha tal-agrikoltura u tal-ikel, bl-għan li tespandi l-innovazzjoni u javvanzaw is-sistemi ta' produzzjoni agrikola; jisħaq ukoll l-importanza li din il-possibbiltà tiġi estiża għall-atturi kollha fil-katina mingħajr ma jiġu imposti piżijiet amministrattivi addizzjonali;

118. Jenfasizza r-rwol ewlieni li l-bdiewa żgħażagħ se jkollhom fit-twettiq tat-tranżizzjoni lejn biedja sostenibbli u fit-twassil tal-għanijiet tal-istrateġija; jissottolinja li t-tranżizzjoni ekoloġika tas-sistema tal-ikel tagħna hija opportunità biex jingħata kontribut lil kampanja vibranti; jisħaq fuq il-fatt li l-PAK għandha tipprovdi appoġġ aħjar lill-bdiewa żgħażagħ u ġodda f'termini ta' introjtu, tiġdid ġenerazzjonali, taħriġ, impjieg taż-żgħażagħ, intraprenditorija u diġitalizzazzjoni speċjalment f'żoni periferiċi u b'popolazzjoni baxxa ħafna, sabiex jinħoloq spazju li jippermetti l-inklużjoni u ż-żamma taż-żgħażagħ fl-agrikoltura, peress li x'aktarx li jkunu adottanti bikrija ta' metodi ta' biedja ġodda u aktar sostenibbli;

119. Jenfasizza li l-bdiewa żgħażagħ u l-bdiewa ġodda potenzjali jiltaqgħu ma' diffikultajiet biex jixtru jew jikru l-art u jenfasizza l-ħtieġa li titħaffef it-triq biex il-bdiewa żgħażagħ jidħlu fis-settur; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat li din l-istrateġija ma taffettwax b'mod negattiv id-disponibbiltà u l-prezz tal-art, li jwassal għal żieda fl-ispekulazzjoni u d-diffikultajiet akbar għaż-żgħażagħ biex ikollhom aċċess għall-art;

120. Jinnota li l-konċentrazzjoni tal-art agrikola kif ukoll il-ħtif tal-art fl-UE, imħeġġa f'xi każijiet minn politiki fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u fil-livell tal-UE, jistgħu joħolqu diffikultajiet għall-bdiewa żgħażagħ u l-bdiewa ġodda li jfittxu art li fuqha jistgħu jistabbilixxu azjenda agrikola; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, kif ukoll lill-amministrazzjonijiet reġjonali u lokali, itemmu dawn il-prattiki sabiex jappoġġjaw lill-bdiewa żgħażagħ u jiffaċilitaw id-dħul tagħhom fil-biedja;

121. Iqis, barra minn hekk, li din l-istrateġija hija opportunità biex jittejbu l-prospetti tan-nisa rurali u tenfasizza r-rwol kruċjali li jwettqu billi jipprovdu lill-intraprendituri nisa b'ambjent favorevoli, inklużi kunsiderazzjonijiet legali u politiċi, li jwassal għal aċċess akbar għall-informazzjoni, l-għarfien u l-ħiliet, kif ukoll billi jiġi ffaċiliat l-aċċess għar-riżorsi finanzjarji, li jwassal għall-ħolqien ta' aktar impjiegi fiż-żoni rurali;

Nippromwovu t-tranżizzjoni globali

122. Ifakkar fir-responsabbiltà globali tas-sistemi tal-ikel Ewropej u r-rwol ewlieni tagħhom fl-iffissar ta' standards globali għas-sikurezza tal-ikel, il-ħarsien tal-ambjent, il-protezzjoni soċjali u l-benesseri tal-annimali; jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu għall-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-prodotti kollha tal-ikel u tal-għalf importati fl-UE jikkonformaw bis-sħiħ mal-leġiżlazzjoni tal-UE u mal-istandards għoljin rilevanti tal-UE u jipprovdu għajnuna għall-iżvilupp biex jappoġġjaw il-produtturi primarji minn pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jilħqu dawk l-istandards; jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tqis l-impatti ambjentali tat-tolleranzi tal-importazzjoni mitluba; iqis li għandhom jiġu indirizzati l-użu tal-art integrat u l-emissjonijiet minn tibdil fl-użu tal-art minn għalf u ikel importat;

123. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżommu approċċ olistiku peress li l-implimentazzjoni ta' ċerti miri tal-istrateġija mill-għalqa sal-platt fl-UE ma jridux iwasslu għar-rilokazzjoni ta' partijiet mill-produzzjoni agrikola lejn reġjuni oħra bi standards aktar baxxi minn dawk fl-UE;

124. Ifakkar li l-aċċess għas-suq tal-UE u l-450 miljun konsumatur tiegħu jipprovdi lis-sħab kummerċjali tagħna b'inċentiv qawwi biex itejbu s-sostenibbiltà tagħhom kif ukoll l-istandards tal-produzzjoni u tax-xogħol tagħhom; jemmen li s-suċċess tal-Patt Ekoloġiku huwa marbut mill-qrib mal-politika kummerċjali tagħna;

125. Jilqa', f'dan ir-rigward, l-impenn tal-Kummissjoni li tippromwovi t-tneħħija gradwali globali tal-pestiċidi li ma għadhomx aktar approvati fl-UE u li tiżgura li l-pestiċidi perikolużi pprojbiti milli jintużaw fl-UE skont il-leġiżlazzjoni rilevanti ma jiġux esportati barra mill-Unjoni, u jħeġġeġ lill-Unjoni tippreżenta l-proposti tagħha għal dan il-għan malajr kemm jista' jkun; iqis li l-UE għandha tappoġġja lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex tgħinhom inaqqsu l-użu imprudenti tal-pestiċidi u tippromwovi metodi oħra għall-protezzjoni tal-pjanti u tar-riżorsi tas-sajd; jisħaq fuq il-fatt li l-istrateġija ma għandhiex tiffavorixxi l-importazzjoni ta' prodotti minn pajjiżi terzi b'impatt ambjentali u klimatiku akbar; jinnota, f'dan ir-rigward, li l-prodotti agroalimentari li jkunu ġejjin minn pajjiżi terzi għandhom ikunu soġġetti għall-istess rekwiżiti, inkluża t-tolleranza żero ta' residwi ta' sustanzi li jissodisfaw il-kriterji ta' limitu;

126. Jindika l-ħtieġa għal ikel sikur u affordabbli għal popolazzjoni globali ta' madwar 10 biljun sal-2050 fil-kuntest tat-tkabbir rapidu tal-popolazzjoni, it-tibdil fil-klima, l-iskarsezza tar-riżorsi naturali u x-xejriet tal-konsum li qed jinbidlu; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ id-dimensjoni globali tal-istrateġija biex tiżgura d-dritt għal ikel adegwat u timplimenta d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bdiewa u Persuni Oħra li Jaħdmu f'Żoni Rurali u jenfasizza li l-politiki tal-UE dwar sistemi tal-ikel ġusti, sostenibbli u reżiljenti għandhom jindirizzaw l-inugwaljanza tal-ġeneru b'mod espliċitu; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi appoġġ lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jipproteġu l-industriji naxxenti tagħhom, jippromwovu s-sigurtà tal-ikel, jappoġġjaw il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima għall-agrikoltura, u jissodisfaw l-istandards ta' sostenibbiltà tal-UE u dawk internazzjonali għall-esportazzjoni tal-prodotti agrikoli tagħhom;

127. jisħaq fuq il-ħtieġa li l-UE tiddefendi d-drittijiet tal-bniedem u d-dritt għall-ikel bħala prinċipju ċentrali u prijorità tas-sistemi tal-ikel u bħala għodda fundamentali biex tittrasforma s-sistemi tal-ikel u tiżgura d-drittijiet ta' dawk l-aktar emarġinati għall-aċċess għal ikel nutrittiv u timplimenta d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bdiewa u Persuni Oħra li Jaħdmu f'Żoni Rurali;

128. Jisħaq li, jekk l-istandards tal-produzzjoni tal-annimali f'pajjiżi terzi ma jkunux allinjati ma' dawk tal-UE, għandhom jiġu pprojbiti importazzjonijiet ta' prodotti mill-annimali minn pajjiżi terzi;

129. Jinnota bi tħassib li diversi verifiki mwettqa mid-DĠ Sante, kif ukoll investigazzjonijiet dettaljati minn NGOs jiddikjaraw li t-traċċabbiltà sħiħa taż-żwiemel ħajjin mill-Arġentina destinati għas-suq tal-Unjoni Ewropea mhijiex żgurata, li tinvolvi riskji għas-sikurezza tal-ikel, u li l-benesseri tal-annimali hija kompromessa; jistieden lill-Kummissjoni tissospendi l-importazzjoni tal-laħam taż-żwiemel minn pajjiżi fejn ma jiġux irrispettati r-rekwiżiti applikabbli tal-UE relatati mat-traċċabbiltà u l-benesseri tal-annimali;

130. Ifakkar li esperimenti strutturali fuq l-annimali li mhumiex indispensabbli ma għandu jkollhom l-ebda post fil-katina tal-ikel, billi d-Direttiva 2010/63/UE tippreskrivi s-sostituzzjoni u t-tnaqqis tal-użu tal-annimali fi proċeduri; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jwaqqfu l-importazzjoni u l-produzzjoni domestika ta' Gonadotropina tas-Seru ta' Debba Tqila (PMSG), li tiġi estratta mid-demm ta' dwieb tqal li jiġu mħabbla sistematikament u esposti għal ġbir tad-demm, li jinvolvu kwistjonijiet ta' saħħa u benesseri;

131. Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta b'mod urġenti proposta għal qafas legali tal-UE bbażat fuq diliġenza dovuta orizzontali obbligatorja tul il-katina tal-provvista kollha għal kumpaniji tal-UE u dawk barranin li joperaw fis-suq uniku li jiżgura ktajjen ta' provvista sostenibbli u investimenti li huma ħielsa minn impatti ambjentali negattivi inklużi d-deforestazzjoni, id-degradazzjoni tal-foresti, il-konverżjoni u d-degradazzjoni tal-ekosistemi u l-impatti negattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-governanza, biex tippromwovi governanza tajba u żżid it-traċċabbiltà u r-responsabbiltà fil-ktajjen tal-provvista globali;

132. Jinnota li s-suq intern tal-UE huwa l-akbar importatur u esportatur ta' prodotti agroalimentari fid-dinja; huwa konvint li l-UE għandha tuża l-pożizzjoni tagħha bħala attur globali maġġuri biex tistabbilixxi l-punt ta' riferiment u l-istandards internazzjonali diretti għal sistemi tal-ikel sostenibbli, abbażi tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol, il-kompetizzjoni ġusta, il-prinċipju ta' prekawzjoni, il-protezzjoni ambjentali u l-benesseri tal-annimali, f'konformità mar-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO); iqis li l-protezzjoni tal-istandards f'dawn l-oqsma għandha tkun parti integrali mill-kapitoli kollha tal-ftehimiet kummerċjali u li l-kooperazzjoni multilaterali u regolatorja tista' tgħin aktar biex jintlaħqu l-objettivi tal-Istrateġija mill-għalqa sal-platt;

133. Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-aspetti kummerċjali tal-istrateġija mill-għalqa sal-platt biex tiġi żgurata l-konsistenza bejn il-Politika Kummerċjali Komuni, il-Pjan ta' Azzjoni tal-Unjoni Doganali, il-Politika Agrikola Komuni u l-Politika tas-Sajd u l-objettivi tal-istrateġija mill-għalqa sal-platt, l-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 u politiki relatati oħra tal-UE, u biex dawn l-objettivi jiġu segwiti b'mod gradwali permezz tal-iżvilupp ta' Alleanzi Ekoloġiċi effiċjenti fil-fora bilaterali, reġjonali u multilaterali rilevanti kollha, inkluż is-Summit 2021 tan-NU dwar is-Sistemi tal-Ikel, kif ukoll permezz ta' reviżjoni ambizzjuża tal-politika kummerċjali tagħha, billi tistabbilixxi qafas iddedikat għal sistemi u prodotti agroalimentari sostenibbli għal ftehimiet kummerċjali futuri, b'mod partikolari permezz tal-klawżoli ta' nonrigressjoni, it-titjib tat-tħaddim tal-klawżoli ta' salvagwardja u t-tmiem ta' importazzjonijiet ta' prodotti li jaqbżu l-limiti massimi tal-UE tar-residwi għal prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, f'konformità mar-regoli tad-WTO; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi koordinazzjoni aħjar bejn il-partijiet ikkonċernati pubbliċi u privati kollha biex jintlaħqu dawn l-objettivi; iqis li l-UE għandha terġa' tikkonferma l-mandat tal-Kumitat dwar is-Sigurtà Alimentari Dinjija bħala l-pjattaforma ta' politika internazzjonali dwar is-sigurtà tal-ikel u n-nutrizzjoni;

134. Jilqa' l-ambizzjoni tal-istrateġija mill-għalqa sal-platt li fil-ftehimiet kummerċjali kollha tal-UE jiġu żgurati kapitoli infurzabbli dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli bħala mezz biex jiġi ggarantit li ambizzjonijiet regolatorji akbar imressqa jkunu konsistenti mal-politika kummerċjali tal-UE u li l-pajjiżi terzi li ffirmaw ftehimiet kummerċjali mal-UE jkunu konformi magħhom; jenfasizza l-importanza li jissaħħu l-kapitoli dwar l-infurzabbiltà tal-kummerċ u tal-iżvilupp sostenibbli fil-ftehimiet kummerċjali inkluż, bħala l-aħħar alternattiva, permezz ta' mekkaniżmi ta' tilwim ibbażati fuq is-sanzjonijiet, biex jiġi promoss approċċ globali għall-klima u l-bijodiversità, irawmu produzzjoni agroalimentari aktar sostenibbli, iwaqqfu d-deforestazzjoni globali u jgħollu l-istandards tax-xogħol, skont it-tmien konvenzjonijiet ċentrali tal-ILO; jissuġġerixxi li l-kapitoli tal-kummerċ u tal-iżvilupp sostenibbli għandhom iqisu wkoll standards ekwivalenti ta' produzzjoni, bħall-benesseri tal-annimali, it-traċċabbiltà, ir-reżistenza antimikrobika u l-użu ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li għandhom jiġu ċċertifikati b'mod sistematiku minn korpi indipendenti ta' awditjar u ċertifikazzjoni fl-istadji kollha tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni, kif ukoll pjanijiet direzzjonali bi stadji importanti soġġetti għal evalwazzjonijiet ex post; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi appoġġ għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw biex tfittex li dawn jippromwovu s-sigurtà tal-ikel u jipprovdu assistenza dwar l-allinjament mal-istandards Ewropej għal sistemi agroalimentari sostenibbli; jistenna li l-Uffiċjal Kap tal-Kummissjoni għall-Infurzar tal-Kummerċ iwettaq bis-sħiħ ir-rwol tiegħu biex tiġi garantita applikazzjoni xierqa tal-ftehimiet inkwistjoni billi jindirizza d-distorsjonijiet tas-suq, isaħħaħ l-infurzar tal-kapitoli dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli u jipparteċipa fi djalogu kostruttiv mal-gvernijiet u l-partijiet ikkonċernati;

135. Jistieden lill-UE tgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, jadottaw leġiżlazzjoni nazzjonali xierqa bil-għan li jiġu protetti r-riżorsi ġenetiċi mhedda għall-ikel u l-agrikoltura, filwaqt li jiġu ggarantiti l-użu u l-ġestjoni kontinwi tagħhom minn komunitajiet lokali, popli indiġeni, irġiel u nisa, u tiġi żgurata l-kondiviżjoni ġusta u ekwa tal-benefiċċji mill-użu tagħhom;

136. Jieħu nota tal-istudju tal-Kummissjoni dwar l-impatt ekonomiku kumulattiv tal-ftehimiet kummerċjali tal-UE fuq l-agrikoltura, li juri li kemm f'xenarju konservattiv kif ukoll f'xenarju ambizzjuż il-ftehimiet kummerċjali tal-UE huma mistennija jiġġeneraw bilanċ globali pożittiv għall-kummerċ agroalimentari tagħha u valur akbar sal-2030, li juri li l-ftehimiet kummerċjali tal-UE għandhom effett pożittiv fuq is-settur agrikolu tal-UE;

137. Jenfasizza li l-ftehim bejn l-UE u l-Mercosur ma jistax jiġi rratifikat kif inhu minħabba li, fost l-oħrajn, huwa ma jiżgurax il-protezzjoni tal-bijodiversità, b'mod partikolari fl-Amażonja, u lanqas ma jagħti garanziji fir-rigward tal-istandards tal-biedja;

138. Jinnota li l-kapitoli dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli ma jindirizzawx l-impatti negattivi potenzjali tal-ftehimiet kummerċjali fuq it-tibdil fl-użu tal-art, id-deforestazzjoni jew it-tibdil fil-klima; iqis li l-istandards ambjentali, tas-sikurezza, tal-benesseri tal-annimali u soċjali Ewropej u internazzjonali għandhom jiġu applikati b'mod komprensiv fil-kapitoli kollha fil-ftehimiet kummerċjali, biex jiġi evitat li kwalunkwe dispożizzjoni kummerċjali oħra timmina dawn l-istandards;

139. Jindika li l-ftehimiet kummerċjali għandhom jiżguraw li l-partijiet involuti jipparteċipaw b'mod attiv fil-promozzjoni tal-prinċipji tal-iżvilupp sostenibbli u li l-istandards internazzjoni huma konformi mal-ambizzjonijiet ambjentali u klimatiċi tal-UE; iqis, barra minn hekk, li dawn il-ftehimiet għandhom iqisu n-natura vinkolanti tal-konformità mal-Ftehim ta' Pariġi biex jiggarantixxu tranżizzjoni globali lejn sistemi tal-ikel sostenibbli;

140. Jindika li l-agrikoltura u s-sajd huma vitali għall-iżvilupp ta' attivitajiet ekonomiċi sostenibbli fir-reġjuni ultraperiferiċi, u jenfasizza l-kontribut u l-valur miżjud ta' dawn is-setturi fir-rigward tas-sigurtà tal-ikel u biex iwieġbu għad-domanda tal-pubbliku għal prodotti suffiċjenti, sikuri u ta' kwalità għolja; jappella li r-restrizzjonijiet agronomiċi u kummerċjali strutturali tar-reġjuni ultraperiferiċi msemmija fl-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jiġu kkunsidrati b'mod sistematiku matul l-implimentazzjoni tal-istrateġija mill-għalqa sal-platt u l-proposti leġiżlattivi sussegwenti, biex dawn ir-reġjuni jkunu jistgħu jikkompetu f'kundizzjonijiet ekwi u tiġi żgurata d-disponibbiltà ta' soluzzjonijiet alternattivi vijabbli għas-setturi agroalimentari jekk il-mezzi ta' produzzjoni u l-flussi kummerċjali tagħhom ikunu ristretti;

141. Jilqa' l-inizjattiva l-ġdida proposta dwar il-klima u l-kummerċ fid-WTO; jissottolinja l-importanza li dan il-qafas jintuża biex tiġi żviluppata sistema agroalimentari komprensiva u sostenibbli bbażata fuq standards ta' produzzjoni komuni u ambizzjużi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinvolvi ruħha b'mod proattiv fid-WTO biex tippermetti tranżizzjoni ekoloġika, tiżgura li l-politika kummerċjali tkun konsistenti mal-SDGs, tkompli n-negozjati dwar stokkijiet trasparenti tas-sigurtà tal-ikel u, b'mod partikolari, tipprevjeni sitwazzjonijiet fejn il-prodotti agroalimentari jsiru l-varjant ta' aġġustament jew il-vittma kollaterali ta' kunflitti kummerċjali, filwaqt li tkompli tiżviluppa politika kummerċjali sostenibbli ambizzjuża u kompatibbli mad-WTO;

142. Jilqa' r-referenzi għall-proċessi rilevanti tan-NU fl-istrateġija mill-għalqa sal-platt; jenfasizza l-ħtieġa li l-UE tappoġġja lill-Kumitat dwar is-Sigurtà Alimentari Dinjija u l-mekkaniżmu tas-soċjetà ċivili tiegħu bħala l-ewwel pjattaforma ta' politika multilaterali dwar is-sistemi tal-ikel; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi t-tranżizzjoni globali lejn sistemi tal-ikel sostenibbli u s-sigurtà tal-ikel fil-fora internazzjonali rilevanti kollha, inkluż is-Summit dwar is-Sistemi tal-Ikel tan-NU tal-2021;

143. Jenfasizza kemm huwa importanti li jiġu kondiviżi teknoloġiji u għarfien espert moderni mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u li l-bdiewa lokali u Ewropej jiġu mħarrġa sabiex jiġu megħjuna jimplimentaw prattiki agrikoli innovattivi, peress li s-settur agrikolu huwa kruċjali għas-sigurtà tal-ikel u l-impjiegi f'dawk ir-reġjuni;

°

° °

144. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE.


NOTA SPJEGATTIVA

Fl-20 ta' Mejju 2020, il-Kummissjoni ppubblikat l-istrateġija mill-għalqa sal-platt għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent, flimkien mal-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 bħala parti mill-Patt Ekoloġiku tagħha. Dan kien jinkludi bosta evalwazzjonijiet u rapporti tant mistennija dwar il-leġiżlazzjoni dwar il-pestiċidi u n-nutrizzjoni u pjan direzzjonali għal kontroll tal-idoneità u reviżjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-benesseri tal-annimali, inkluż dwar it-trasport tal-annimali u t-tbiċċir tal-annimali, biex jiġi żgurat livell ogħla ta' benesseri tal-annimali. Il-Kumitati ENVI u AGRI ddeċidew li flimkien ifasslu rapport fuq inizjattiva proprja dwar l-istrateġija mill-għalqa sal-platt.

 

Ir-rapporteur tal-Kumitat ENVI tilqa' l-istrateġija mill-għalqa sal-platt bħala l-ewwel pass tant meħtieġ lejn l-iżgurar ta' ikel tajjeb għas-saħħa għal kulħadd u l-iżgurar li l-mod kif jiġi prodott u kkunsmat l-ikel fl-UE jirrispetta l-konfini tad-dinja li ssostnina, u jisħaq li hemm ħafna xogħol xi jsir biex dan jinkiseb. Il-mod kif il-flus jieħdu preċedenza fuq il-ħajja u l-valuri essenzjali huwa l-aktar evidenti fis-settur tal-agrikoltura u tal-ikel, fejn l-ekonomiji ta' skala jheddu li jagħmlu l-ħajja fid-dinja insopportabbli jew saħansitra impossibbli fil-futur qrib.

 

Matul l-aħħar deċennji, ġew ippubblikati ħafna rapporti fir-rigward tal-impatti detrimentali tas-sistema tal-ikel tagħna fuq l-ambjent u s-saħħa pubblika, u tressqu ħafna soluzzjonijiet prattiċi u ta' politika[77]. Ir-rapporteur tal-Kumitat ENVI tilqa' dawn l-analiżijiet u suġġerimenti ta' politika tant meħtieġa u hija ispirata b'mod partikolari mir-rapport tal-IPES - Food Towards a Common Food Policy for the EU (Lejn Politika Komuni tal-Ikel għall-UE)[78].

 

Il-produzzjoni industrijali tal-bhejjem u l-monokulturi intensivi fil-kimiċi qed iwasslu għal emissjonijiet għoljin ta' gassijiet serra, degradazzjoni tal-ħamrija, tniġġis tal-arja, kontaminazzjoni tal-ilma, telfien tal-bijodiversità u qed jikkompromettu l-benesseri tal-annimali, u b'hekk idgħajfu l-ekosistemi kritiċi li tiddependi minnhom l-ħajja kollha fid-dinja. Fuq livell globali, is-sistemi tal-ikel u tal-biedja jikkontribwixxu sa 30 % tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra (GHG). L-agrikoltura hija responsabbli għal madwar 90 % tal-emissjonijiet ta' ammonijaka fl-UE, li għandha effetti negattivi sinifikanti fuq l-ambjent naturali u hija kontributur ewlieni għat-tniġġis tal-arja li joqtol lil 400 000 Ewropew kull sena. L-użu tal-pestiċidi u tal-fertilizzanti qed ikompli jhedded serjament il-bijodiversità (inklużi d-dakkara kruċjali) u s-saħħa tal-bniedem u jrid jitnaqqas drastikament.

 

L-UE qed testernalizza dejjem aktar l-impronta ambjentali tas-sistemi tal-ikel tagħha. Aktar minn 30 % tal-art meħtieġa biex tissodisfa d-domanda tal-UE għall-ikel tinsab barra mill-Ewropa. L-UE timporta miljuni ta' tunnellati ta' għalf tal-annimali bbażat fuq is-sojja kull sena, inkluż minn pajjiżi tal-Amerika t'Isfel fejn ġew allegati deforestazzjoni (responsabbli għal 20 % tal-e missjonijiet globali ta' CO2), evizzjonijiet, avvelenament bil-pestiċidi u abbużi tad-drittijiet tal-bniedem f'żoni ta' kultivazzjoni għall-esportazzjoni intensivi. L-importazzjonijiet tal-UE kienu stmati li jammontaw għal kważi kwart tal-kummerċ globali tas-sojja, iċ-ċanga, il-ġilda u ż-żejt tal-palm li jirriżultaw mit-tneħħija illegali tal-foresti fit-tropiċi.

 

Il-produzzjoni domestika tissodisfa anqas minn nofs il-konsum tal-ħut u tal-frott tal-baħar tal-UE, li jfisser li l-Ewropa għandha wkoll impatt kbir fuq ir-riżorsi globali tal-baħar. Dan huwa aggravat mill-fatt li madwar 20 % tal-ikel prodott fl-UE jintilef jew jinħela, bi spiża ta' EUR 143 biljun fis-sena f'termini ta' riżorsi moħlija u impatt ambjentali.

 

Is-sistemi tal-ikel qed iżidu wkoll l-impatti fuq is-saħħa permezz ta' dieti li qed jinbidlu. Id-dieti mhux tajbin għas-saħħa, il-livell għoli ta' melħ, zokkor, xaħam u proteini tal-annimali huma fattur ta' riskju ewlieni għall-mard u l-mortalità fl-Ewropa. Dawn huma responsabbli għal kważi nofs il-mard kardjovaskulari, li huwa l-kawża ewlenija tal-mewt fl-UE. Il-mard kroniku, li ħafna drabi huwa relatat mad-dieta, jirrappreżenta sa 80 % tal-ispejjeż tal-kura tas-saħħa fl-UE. Aktar minn nofs il-popolazzjoni Ewropea għandha piż żejjed, aktar minn 20 % huma obeżi u dawn in-numri qed jiżdiedu. Ir-reżistenza għall-antimikrobiċi u l-esponiment għal sustanzi kimiċi li jfixklu s-sistema endokrinali (EDC) permezz tal-ikel u tal-imballaġġ tal-ikel, flimkien mal-kontaminazzjoni agrikola tas-sorsi tal-ilma jiġġeneraw ukoll esternalitajiet kbar tas-saħħa.

 

Ir-reazzjonijiet attwali, mill-politiki pubbliċi u mis-settur privat, mhumiex qed jindirizzaw dawn l-isfidi serji u interkonnessi fis-sistemi tal-ikel tagħna b'mod adegwat. Is-soluzzjonijiet prevalenti ma rnexxilhomx jirrikonċiljaw l-aspetti multipli tas-sostenibbiltà (ekonomika, soċjali u ambjentali), u ta' spiss jiskambjawhom ma' xulxin. Huma bbażaw fuq u saħħew mudell speċjalizzat, industrijali, kapitalizzat, standardizzat u orjentat ħafna lejn l-esportazzjoni tal-agrikoltura u l-produzzjoni tal-ikel – mudell li sistematikament jiġġenera impatti u esternalitajiet negattivi. Il-fiduċja tqiegħdet f'bidla mmexxija mit-teknoloġija, immexxija mis-suq, u mmexxija mill-industrija li hija bbażata fuq il-kapaċità ta' kumpaniji kbar bi ktajjen ta' provvista estensivi biex jilħqu għadd kbir ta' nies. Madankollu, l-inċentivi attwali għall-konservazzjoni tar-riżorsi, il-promozzjoni tal-bijodiversità, is-sekwestru tal-karbonju u l-ħarsien tas-saħħa pubblika huma b'mod ċar insuffiċjenti biex jiġu diretti mill-ġdid il-mogħdijiet tal-innovazzjoni. Id-dipendenza mill-awtoregolamentazzjoni f'ħafna partijiet tal-katina tal-ikel uriet li hija ferm ineffettiva.

 

Ir-rapporteur tal-Kumitat ENVI temmen li wasal iż-żmien għal approċċ olistiku biex il-problemi fis-sistema tal-ikel attwali tagħna jiġu indirizzati b'mod integrat. Hija meħtieġa bidla fundamentali fid-direzzjoni sabiex is-sistemi tal-ikel jitqiegħdu f'direzzjoni aktar sostenibbli. Id-diversi politiki li jaffettwaw is-sistemi tal-ikel, inklużi l-agrikoltura u l-kummerċ, iridu jiġu rriformati b'mod urġenti sabiex jindirizzaw it-tibdil fil-klima, iwaqqfu t-telfien tal-bijodiversità, inaqqsu l-obeżità u jagħmlu l-biedja vijabbli għall-ġenerazzjoni li jmiss. In-natura tal-isfida tirrikjedi reazzjonijiet pubbliċi komprensivi mmexxija mill-politika.

 

It-tranżizzjoni lejn politiki integrati tal-ikel tista' tirrimedja d-defiċit demokratiku fis-sistemi tal-ikel u tibbilanċja mill-ġdid is-setgħa. Permezz tat-trasferiment tal-enfasi mill-agrikoltura għall-ikel, firxa usa' ta' partijiet ikkonċernati tista' tkun involuta b'mod sinifikanti fit-tfassil u l-valutazzjoni tal-politiki. L-ambjenti tal-ikel tajbin għas-saħħa, mill-għalqa sal-platt, għandhom isiru objettiv ewlieni għall-azzjoni kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak nazzjonali, sabiex wieħed iħares b'mod kollettiv lejn il-produzzjoni, id-distribuzzjoni, il-bejgħ bl-imnut u l-konsum u biex jinbnew pakketti ta' intervent komprensivi. Il-konsumaturi se jiżvolġu rwol kruċjali f'din it-tranżizzjoni tant meħtieġa u għandhom ikunu jistgħu jagħmlu għażliet tajbin għas-saħħa u sostenibbli, fost l-oħrajn permezz ta' informazzjoni komprensiva, indipendenti u bbażata fuq l-informazzjoni tal-konsumatur.

 

L-ikel huwa ħtieġa bażika tal-eżistenza tagħna u dritt tal-bniedem. Għalhekk, il-produzzjoni tal-ikel tagħna jistħoqqilha l-attenzjoni kollha tagħna. Agrikoltura tajba għas-saħħa u sostenibbli hija possibbli jekk nirrispettaw in-natura, nirrestawraw iċ-ċikli tan-nutrijenti, innaqqsu l-inputs kimiċi u nħallsu prezz ġust lill-bdiewa għall-prodotti tagħhom. Jeħtieġ ukoll li ċ-ċittadini jifhmu bis-sħiħ minn fejn jiġi l-ikel, kif jiġi prodott u jekk il-prezz li jħallsu għalih ikoprix fil-fatt l-ispejjeż kollha tal-produzzjoni u ambjentali. Irridu niżguraw l-aċċess għall-art, l-ilma nadif u l-ħamrija b'saħħitha u nimxu lejn tip ta' agrikoltura riġenerattiva, li hija reżiljenti għall-klima, agroekoloġika u soċjalment ġusta. Għandna niżguraw li l-kummerċ ikun għas-servizz tal-iżvilupp sostenibbli, li jirrikjedi li jiġi kkunsidrat mill-ġdid il-mod kif aħna attwalment nimpurtaw u nesportaw il-prodotti tal-ikel madwar id-dinja kollha. Jeħtieġ ukoll li nirriflettu b'mod kritiku dwar l-interessi korporattivi l-kbar, li jheddu s-sigurtà nutrizzjonali. Il-bini ta' ktajjen ta' provvista aktar ġusti, iqsar u aktar nodfa u l-promozzjoni ta' dieti suffiċjenti, tajbin għas-saħħa u sostenibbli għal kulħadd, inkluż il-bini ta' inċentivi t-tajba fil-prezzijiet tal-ikel, huma essenzjali.

 

Skont ir-rapporteur tal-Kumitat ENVI, il-prinċipji ta' prekawzjoni u ta' "la tagħmilx ħsara", ir-rettifika tal-problemi fis-sors, l-estensjoni tar-responsabbiltà tal-produttur u l-kontabbiltà tal-ispejjeż vera għandhom ikunu prinċipji ewlenin fit-tranżizzjoni lejn sistema tal-ikel tajba għas-saħħa u sostenibbli. Il-qafas leġiżlattiv li l-Kummissjoni ħabbret irid jistabbilixxi l-aġenda għal bidla fundamentali fis-sistema kollha tal-ikel. Il-leġiżlazzjoni u l-politiki settorjali kollha għandhom jikkontribwixxu għal dak il-għan, u għandhom jitfasslu biex jingħataw l-inċentivi t-tajba għall-atturi kollha fil-katina tal-ikel biex jagħmlu l-għażliet sostenibbli, li huma meħtieġa biex jiġi żgurat li l-mod kif nipproduċu u nikkunsmaw ikun allinjat mal-limiti planetarji, mal-linji gwida għas-saħħa u mal-kodiċijiet morali li rridu ngħixu fihom. Is-skieken u l-frieket tagħna huma l-aktar armi importanti li għandna fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, il-faqar, il-ġuħ, il-mard, it-tbatija tal-annimali u t-telfien tal-bijodiversità. Wasal iż-żmien li nibdew nużawhom b'mod effiċjenti.

 

Mill-perspettiva tar-rapporteur tal-Kumitat AGRI, il-pubblikazzjoni tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni "L-istrateġija mill-Għalqa sal-Platt" tistabbilixxi r-rabta bejn il-Patt Ekoloġiku Ewropew u s-Sistema Ewropea tal-ikel.

 

Din tiġbor flimkien, minn naħa, is-settur Ewropew tal-agrikoltura u tal-ikel u l-qafas legali estensiv tiegħu, il-baġit sinifikanti tiegħu fuq kollox, id-diversi kontribuzzjoni għall-benesseri ta' kuljum taċ-ċittadini tal-Ewropa; u min-naħa l-oħra, it-tibdil fil-klima, l-isfida l-aktar urġenti li l-umanità qed tiffaċċja fil-pajjiżi u fl-attivitajiet tal-bniedem kollha.

 

F'termini ta' politika, l-aktar politika integrata tal-UE (il-Politika Agrikola Komuni) u l-aktar leġiżlazzjoni komprensiva (Liġi Ġenerali dwar l-Ikel) huma msejħa biex jikkontribwixxu għall-aktar proġett ambizzjuż tal-mandat attwali tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Parlament Ewropew u l-aktar objettiv urġenti tal-UE bħala tali: li sal-2050 tinkiseb in-newtralità klimatika fl-Ewropa.

 

Is-sistema Ewropea tal-ikel hija ta' importanza primordjali għall-ekonomija Ewropea: Aktar minn 47 miljun persuna f'aktar minn 15-il miljun azjenda jipproduċu fatturat ta' kważi EUR 900 biljun fis-sena. L-atturi kollha tal-produzzjoni tal-ikel (il-produtturi agrikoli u l-industrija tal-ipproċessar tal-ikel) flimkien huma responsabbli għal 7,5 % tal-impjiegi u 3,7 % tal-valur miżjud totali tal-UE. Fid-dettall, dan ifisser madwar 12-il miljun azjenda agrikola li jipproduċu prodotti agrikoli għall-ipproċessar minn madwar 300 000 intrapriża fl-industrija tal-ikel u x-xorb. Dawn il-proċessuri tal-ikel ibigħu l-prodotti tagħhom permezz tat-2,8 miljun intrapriża li huma prinċipalment żgħar u ta' daqs medju (SME) fl-industrija tad-distribuzzjoni tal-ikel u tas-servizzi tal-ikel, li jipprovdu l-ikel lill-447 miljun konsumatur tal-UE.

 

Madankollu, dawn iċ-ċifri medji kollha jaħbu diversità kbira kemm fl-istruttura tal-produzzjoni kif ukoll fix-xejriet tal-konsum: filwaqt li l-azjenda agrikola medja tal-UE għandha 16-il ettaru ta' art agrikola, 66 % minnhom għandhom anqas minn 5 ettari u 7 % biss għandhom aktar minn 50 ettaru ta' art agrikola. Il-medja tal-UE f'dik li hija n-nefqa tal-unitajiet domestiċi fuq l-ikel u x-xorb hija ta' 14 % filwaqt li fir-Rumanija hija ta' 30 % u fl-Awstrija hija ta' 9 % tal-introtjtu disponibbli.

 

Madankollu, dawn id-differenzi kollha, jingħaqdu f'Sistema Ewropea tal-Ikel unika, mibnija fuq żewġ prinċipji:

 

Agrikoltura multifunzjonali xprunata minn azjendi agrikoli tal-familja, li tipprovdi varjetà ta' prodotti u servizzi, li tiżgura produzzjoni ta' ikel ta' kwalità, prattika agrikola tajba, standards ambjentali għoljin u żoni rurali vibranti madwar l-Unjoni Ewropea;

 

Prinċipju ta' prekawzjoni li jkopri kemm l-input kif ukoll l-output agrikolu, li jippermetti lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet jadottaw miżuri xierqa fid-dawl ta' evidenza xjentifika dwar periklu għas-saħħa ambjentali jew tal-bniedem.

 

Dawn iż-żewġ prinċipji żviluppaw matul iż-żmien, għaddejjin minn riformi politiċi u kriżijiet sostanzjali, filwaqt li jirriflettu l-bidliet demografiċi u l-modi ta' konsum li qed jinbidlu.

 

L-isfida li toriġina mit-tibdil fil-klima mhijiex l-unika waħda li qed tiffaċċja s-Sistema Ewropea tal-ikel: it-tnaqqis fil-kwalità tal-ħamrija u fil-materja organika u t-telf tal-ħajja tal-insetti, tal-għasafar u tal-mammiferi f'żoni agrikoli intensivi; dieti żbilanċjati minħabba li l-prodotti tal-ikel ipproċessati (li fihom iz-zokkor) b'kontenut għoli ta' enerġija huma aktar faċilment disponibbli minn frott u ħaxix tajjeb għas-saħħa; żieda fil-pressjoni ekonomika minħabba l-prezzijiet għolja tal-art u t-teknoloġija li tuża ħafna kapital kif ukoll il-konċentrazzjoni tas-suq fis-setturi upstream u downstream.

 

Il-konsistenza tal-liġijiet u l-politiki hija kwistjoni ewlenija biex isir sforz ta' suċċess sabiex is-sistema Ewropea tal-ikel tkun tista' tikkontribwixxi sehemha biex tinkiseb in-newtralità klimatika  billi jiġu evitati l-kontradizzjonijiet filwaqt li tiġi żgurata l-istabbiltà tar-regoli u l-proċeduri u b'hekk l-ippjanar u l-investimenti fit-tul, permezz ta' valutazzjoni ex ante bir-reqqa tal-proposti leġiżlattivi kollha bl-involviment attiv tal-partijiet ikkonċernati.

 

Element ieħor ta' importanza kbira huwa li jiġi segwit approċċ ibbażat fuq l-għarfien u l-evidenza fis-sistema tal-ikel kollha, minn taħriġ speċjalizzat għall-operaturi ta' negozji tal-ikel għas-Servizzi ta' Konsulenza għall-Azjendi Agrikoli, li jippermettu li r-riżultati tar-riċerka bażika u applikata bħala innovazzjoni soċjali u teknoloġika jinstabilhom użu reali.

 

Motivatur ewlieni ta' tranżizzjoni tas-sistema tal-ikel huwa r-responsabbiltà u l-għażla tal-konsumatur, fejn il-provvista ta' prodotti agrikoli sostenibbli u l-produzzjoni tal-ikel artiġjanali tissodisfa d-domanda tal-konsumaturi f'ambjent tal-ikel, li jippermetti lill-konsumatur jagħmel għażla infurmata għal prodotti tajbin għas-saħħa, ta' kwalità u lokali.

 

Filwaqt li s-sistema Ewropea tal-ikel kompliet twassal riżultati sikuri u affordabbli, u prodotti ta' kwalità għolja matul il-pandemija tal-COVID-19, din il-kriżi tefgħet dawl fuq il-ħtieġa ta' aktar reżiljenza billi naqqset id-dipendenzi f'termini ta' aċċess għas-swieq (tal-esportazzjoni) u l-inputs (tal-pajjiżi terzi) kif ukoll ix-xogħol staġonali u l-fluss tal-merkanzija fis-suq uniku.

 

L-għoti ta' appoġġ lill-produtturi primarji u lill-artiġjanat tal-ikel fit-tranżizzjoni huwa kruċjali permezz ta' programmi ta' appoġġ imfassla apposta fil-Pjanijiet Strateġiċi Nazzjonali tal-PAK iżda wkoll miżuri mmirati fil-qafas legali usa' li jinkludu r-regoli tal-kompetizzjoni u l-ġlieda kontra prattiki kummerċjali inġusti kif ukoll l-għoti ta' flessibbiltà fir-regoli tal-katina tal-ikel.

 

Fl-aħħar nett, il-PAK 2022-2027 futura għandha rwol kritiku b'mod partikolari fit-tfassil u fil-ġestjoni tal-objettivi u tal-miżuri (Ekoskemi) stabbiliti fil-Pjanijiet Strateġiċi Nazzjonali, li jagħtu s-setgħa lill-atturi kollha fis-sistema Ewropea tal-Ikel jibdew mudelli ġodda ta' negozju ekoloġiku, l-integrazzjoni tal-kriterji ta' sostenibbiltà ambjentali u soċjali filwaqt li jiżguraw il-vijabbiltà ekonomika u l-libertà tal-għażla.

 

Ir-rapporteur tal-Kumitat AGRI jemmen bis-sħiħ li l-iffukar fuq dawn l-elementi ewlenin fl-approċċ olistiku tal-istrateġija mill-għalqa sal-platt se jippermetti li s-sistema Ewropea tal-ikel tagħti riżultati lill-objettiv Ewropew tan-newtralità klimatika sal-2050.

 


OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-KUMMERĊ INTERNAZZJONALI (18.3.2021)

għall-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali

dwar Strateġija "Mill-Għalqa sal-Platt" għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent

(2020/2260(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Paolo De Castro

(*) Kumitat assoċjat – l-Artikolu 57 tar-Regoli ta' Proċedura

 

 

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali jappella lill-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u l-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, bħala l-kumitati responsabbli, biex jinkorporaw is-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tagħhom:

1. Jisħaq fuq li l-politika kummerċjali tal-UE, b'mod partikolari wara l-proċess ta' rieżami attwali tagħha, jista' jkollha rwol ewlieni fit-tranżizzjoni lejn sistemi agroalimentari aktar sostenibbli u reżiljenti, skont l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-prinċipju tiegħu "la tagħmilx ħsara", il-Ftehim ta' Pariġi u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU, bil-ħsieb li jiġi żgurat allinjament sħiħ mal-objettiv li jiġu limitati t-tisħin globali u t-telf tal-bijodiversità;

 

2. Jirrikonoxxi li l-biedja fl-UE tirrappreżenta 1 % tal-emissjonijiet totali ta' gassijiet serra madwar id-dinja[79] u jirrikonoxxi l-isforzi tas-settur agrikolu fl-azzjoni klimatika; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-bdiewa fl-UE, b'mod partikolari l-bdiewa żgħar, ikomplu jingħataw appoġġ adegwat biex tiġi żgurata konformità mal-istandards ta' sostenibbiltà, il-kompetittività, iż-żoni rurali vibranti, l-introjtu deċenti u standard ta' għajxien ġust għall-komunità agrikola Ewropea; jappella għal tranżizzjoni ġusta effettiva, inkluż permezz ta' impenn multilaterali u kooperazzjoni internazzjonali, lejn sistema globali tal-ikel ambjentalment, soċjalment u ekonomikament sostenibbli li tippermetti kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni li ma jħallu lil ħadd barra;

 

3. Jinnota li s-suq intern tal-UE huwa l-akbar importatur u esportatur ta' prodotti agroalimentari fid-dinja; huwa konvint li l-UE għandha tuża l-pożizzjoni tagħha bħala attur globali maġġuri biex tistabbilixxi l-punt ta' riferiment u l-istandards internazzjonali diretti għal sistemi tal-ikel sostenibbli, abbażi tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol, il-kompetizzjoni ġusta, il-prinċipju ta' prekawzjoni, il-protezzjoni ambjentali u l-benesseri tal-annimali, f'konformità mar-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO); iqis li l-protezzjoni tal-istandards f'dawn l-oqsma għandha tkun parti integrali mill-kapitoli kollha tal-ftehimiet kummerċjali u li l-kooperazzjoni multilaterali u regolatorja tista' tgħin aktar biex jintlaħqu l-objettivi tal-Istrateġija "Mill-Għalqa sal-Platt";

4. Jemmen li l-produzzjoni sostenibbli għandha tkun karatteristika ewlenija tal-prodotti agroalimentari tal-UE u tal-ftehimiet kummerċjali tal-UE, u għandha tiġi promossa aktar billi tespandi l-kunċett tal-kwalità għall-aspetti soċjali u ambjentali, u filwaqt li l-kunċett ta' produzzjoni sostenibbli jqis l-impronta klimatika u ambjentali globali u l-konsum tar-riżorsi għal kull kilogramma ta' prodott, flimkien mar-reputazzjoni internazzjonali stabbilita sew tal-prodotti agroalimentari tal-UE li huma sikuri u tajbin għas-saħħa; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-iskemi ta' kwalità tal-UE u l-indikazzjonijiet ġeografiċi, flimkien ma' politika ta' promozzjoni tal-UE li tkun ambizzjuża, orjentata lejn is-suq u komprensiva, għandhom jitqiesu bħala element prezzjuż fir-rigward tal-objettiv li jitrawwem kummerċ sostenibbli;

5. Jilqa', f'dan ir-rigward, l-impenn tal-Kummissjoni li tippromwovi t-tneħħija gradwali globali tal-pestiċidi li ma għadhomx aktar approvati fl-UE u li tiżgura li l-pestiċidi perikolużi pprojbiti milli jintużaw fl-UE ma jiġux esportati barra mill-Unjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva għal dak l-għan kemm jista' jkun malajr; jilqa' t-tħabbira tal-Kummissjoni li tirrieżamina t-tolleranzi tal-importazzjoni għas-sustanzi li jissodisfaw il-"kriterji ta' limitu", u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tadotta politika ta' tolleranza żero lejn ir-residwi ta' dawk is-sustanzi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni timponi standards li jipprevjenu li l-ħaddiema u r-residenti jiġu kkontaminati mill-użu tal-pestiċidi;

6. Jappella lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-aspetti kummerċjali tal-Istrateġija "Mill-Għalqa sal-Platt" biex tiġi żgurata l-konsistenza bejn il-Politika Kummerċjali Komuni, il-Pjan ta' Azzjoni tal-Unjoni Doganali, il-Politika Agrikola Komuni u l-Politika tas-Sajd u l-objettivi tal-Istrateġija "Mill-Għalqa sal-Platt", l-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 u politiki relatati oħra tal-UE, u biex dawn l-objettivi jiġu segwiti b'mod gradwali permezz tal-iżvilupp ta' Alleanzi Ekoloġiċi effiċjenti fil-fora bilaterali, reġjonali u multilaterali rilevanti kollha, inkluż is-Summit 2021 tan-NU dwar is-Sistemi tal-Ikel, kif ukoll permezz ta' reviżjoni ambizzjuża tal-politika kummerċjali tagħha, billi tistabbilixxi qafas iddedikat għal sistemi u prodotti agroalimentari sostenibbli għal ftehimiet kummerċjali futuri, b'mod partikolari permezz tal-klawżoli ta' nonrigressjoni, it-titjib tat-tħaddim tal-klawżoli ta' salvagwardja u t-tmiem ta' importazzjonijiet ta' prodotti li jaqbżu l-limiti massimi tal-UE tar-residwi għal prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, f'konformità mar-regoli tad-WTO; jappella lill-Kummissjoni tippromwovi koordinazzjoni aħjar bejn il-partijiet ikkonċernati pubbliċi u privati kollha biex jintlaħqu dawn l-objettivi; iqis li l-UE għandha terġa' tikkonferma l-mandat tal-Kumitat dwar is-Sigurtà Alimentari Dinjija bħala l-pjattaforma ta' politika internazzjonali dwar is-sigurtà tal-ikel u n-nutrizzjoni;

7. Jisħaq fuq il-ħtieġa, parzjalment minħabba t-tfixkil fil-ktajjen tal-produzzjoni globali u ż-żieda fil-volatilità tal-prezzijiet ikkawżata mill-pandemija tal-COVID-19, li tiġi żviluppata awtonomija strateġika miftuħa għall-UE bil-għan li jiġi żgurat l-aċċess għas-swieq ewlenin u titnaqqas id-dipendenza fuq l-importazzjonijiet ta' oġġetti kritiċi bħal sorsi ta' proteini bbażati fuq il-pjanti; itenni li s-sistemi agroalimentari jeħtiġilhom jiġu rikonoxxuti bħala aspett kruċjali tal-awtonomija strateġika miftuħa tal-UE biex tiġi żgurata disponibbiltà suffiċjenti ta' ikel sikur u ta' kwalità tajba u biex jinżammu ktajjen tal-provvista tal-ikel u flussi kummerċjali li jiffunzjonaw u reżiljenti matul kriżijiet futuri, skont l-Artikolu 2(1) tal-Ftehim ta' Pariġi;

 

8. Jaċċentwa l-importanza tat-titjib tat-trasparenza fil-katina tal-provvista tal-ikel u ta' traċċabbiltà aħjar tal-proċessi kollha ta' produzzjoni u distribuzzjoni f'konformità mad-dritt tal-konsumaturi Ewropej li jkollhom aktar informazzjoni dwar l-oriġini u l-metodi ta' produzzjoni tal-oġġetti tal-ikel li jikkunsmaw; jinnota li l-għodod diġitali innovattivi bħall-blockchain u t-tikkettar obbligatorju xieraq dwar l-oriġini tal-prodotti tal-ikel għandhom il-potenzjal li jżidu b'mod sinifikanti t-trasparenza u t-traċċabbiltà, li b'hekk jiġġieldu kontra l-frodi u l-metodi ta' produzzjoni illegali filwaqt li jtejbu l-fiduċja tal-konsumatur; jappella għall-promozzjoni ta' swieq lokali u ktajjen tal-provvista tal-ikel sostenibbli biex jiġu ppreservati l-ispeċifiċitajiet tal-produzzjoni u d-distintività tal-prodotti tal-UE;

9. Jilqa' l-ambizzjoni tal-Istrateġija "Mill-Għalqa sal-Platt" li fil-ftehimiet kummerċjali kollha tal-UE jiġu żgurati kapitoli infurzabbli dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli bħala mezz biex jiġi ggarantit li ambizzjonijiet regolatorji akbar imressqa jkunu konsistenti mal-politika kummerċjali tal-UE u li l-pajjiżi terzi li ffirmaw ftehimiet kummerċjali mal-UE jkunu konformi magħhom; jenfasizza l-importanza li jissaħħu l-kapitoli dwar l-infurzabbiltà tal-kummerċ u tal-iżvilupp sostenibbli fil-ftehimiet kummerċjali inkluż, bħala l-aħħar alternattiva, permezz ta' mekkaniżmi ta' tilwim ibbażati fuq is-sanzjonijiet, biex jiġi promoss approċċ globali għall-klima u l-bijodiversità, irawmu produzzjoni agroalimentari aktar sostenibbli, iwaqqfu d-deforestazzjoni globali u jgħollu l-istandards tax-xogħol, skont it-tmien konvenzjonijiet ċentrali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO); jissuġġerixxi li l-kapitoli tal-kummerċ u tal-iżvilupp sostenibbli għandhom iqisu wkoll standards ekwivalenti ta' produzzjoni, bħall-benesseri tal-annimali, it-traċċabbiltà, ir-reżistenza antimikrobika u l-użu ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li għandhom jiġu ċċertifikati b'mod sistematiku minn korpi indipendenti ta' awditjar u ċertifikazzjoni fl-istadji kollha tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni, kif ukoll pjanijiet direzzjonali bi stadji importanti soġġetti għal evalwazzjonijiet ex post; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi appoġġ għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw biex tfittex li dawn jippromwovu s-sigurtà tal-ikel u jipprovdu assistenza dwar l-allinjament mal-istandards Ewropej għal sistemi agroalimentari sostenibbli; jistenna li l-Uffiċjal Kap tal-Kummissjoni għall-Infurzar tal-Kummerċ iwettaq bis-sħiħ ir-rwol tiegħu biex tiġi garantita applikazzjoni xierqa tal-ftehimiet inkwistjoni billi jindirizza d-distorsjonijiet tas-suq, isaħħaħ l-infurzar tal-kapitoli dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli u jipparteċipa fi djalogu kostruttiv mal-gvernijiet u l-partijiet ikkonċernati;

10. Jinnota li l-kapitoli dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli ma jindirizzawx l-impatti negattivi potenzjali tal-ftehimiet kummerċjali fuq it-tibdil fl-użu tal-art, id-deforestazzjoni jew it-tibdil fil-klima; iqis li l-istandards ambjentali, tas-sikurezza, tal-benesseri tal-annimali u soċjali Ewropej u internazzjonali għandhom jiġu applikati b'mod komprensiv fil-kapitoli kollha fil-ftehimiet kummerċjali, biex jiġi evitat li kwalunkwe dispożizzjoni kummerċjali oħra timmina dawn l-istandards;

11. Jinsab konvint li l-leġiżlazzjoni għal diliġenza dovuta orizzontali obbligatorja fil-livell tal-UE tul il-katina tal-provvista kollha għall-kumpaniji tal-UE u barranin li joperaw fis-suq uniku hija meħtieġa biex jintlaħqu l-SDGs, tiġi promossa l-governanza tajba u jiżdiedu t-traċċabbiltà u l-obbligu ta' rendikont fil-ktajjen tal-provvista globali;

12. Jisħaq fuq ir-riskju li s-settur agroalimentari tal-UE jitqiegħed fi żvantaġġ kompetittiv minħabba nuqqas ta' konverġenza globali tal-istandards u żieda fl-ispejjeż għall-konsumaturi; ifakkar li l-valutazzjonijiet tal-impatt huma parti integrali mill-proċess tat-tfassil tar-regoli tal-UE u li għandhom jitqiesu l-effetti ekonomiċi, soċjali u ambjentali; jappella lill-Kummissjoni tfassal valutazzjoni tal-impatt komprensiva ex-ante, xjentifika u kumulattiva bbażata fuq konsultazzjonijiet pubbliċi mar-rappreżentanti tal-katina agroalimentari u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra u tippubblika valutazzjonijiet ta' segwitu regolari flimkien mal-linji bażi u l-perjodi ta' referenza tal-miri previsti fl-Istrateġija "Mill-Għalqa sal-Platt", kif ukoll miżuri proporzjonati, skeda ta' żmien xierqa għall-mekkaniżmi ta' adattament u kumpens bil-għan li jinżammu l-kompetittività, il-produttività u r-reżiljenza soċjali tas-settur agroalimentari tal-UE u jiġi evitat li l-produzzjoni agrikola u l-impronta ambjentali konsegwenti jiġu esternalizzati u rilokati lejn pajjiżi terzi billi, b'mod partikolari, tiġi żgurata r-reċiproċità tal-istandards u l-monitoraġġ effettiv tal-prodotti agroalimentari u tal-forestrija kollha li jiġu importati fl-UE;

13. Jissottolinja li approċċ ikkoordinat u armonizzat kontra prattiki ta' kompetizzjoni inġusta u l-ħtieġa għal standards tal-ikel ekwivalenti, filwaqt li jitqies il-prinċipju ta' prekawzjoni, huma ta' importanza kruċjali biex tiġi żgurata provvista mingħajr interruzzjoni ta' oġġetti tal-ikel fl-Istati Membri kollha u kontrolli ta' sigurtà u ta' dwana effettivi u effiċjenti, inkluż permezz ta' tneħħija ta' ostakli nontariffarji f'pajjiżi terzi, diverġenzi fil-livell u fil-kwalità tal-kontrolli u differenzi fil-proċeduri doganali u fil-politiki ta' sanzjonijiet fil-punti ta' dħul tal-UE fl-Unjoni Doganali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-kontrolli doganali permezz ta' mekkaniżmi ta' kontroll diretti u unifikati f'koordinazzjoni mal-Istati Membri u f'konformità sħiħa mal-prinċipju ta' sussidjarjetà biex jiġu evitati l-frodi alimentari, l-adulterazzjoni u l-importazzjoni ta' prodotti li jaqbżu l-limitu massimu aċċettabbli ta' residwi ta' sustanzi attivi, b'mod partikolari sustanzi li jissodisfaw il-kriterji limitu tal-UE, biex tissaħħaħ il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, b'mod partikolari l-indikazzjonijiet ġeografiċi, u jiġi żgurat ir-rispett għall-istandards tal-produzzjoni tal-UE, bħall-benesseri tal-annimali, ir-reżistenza antimikrobika u l-użu ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, kif ukoll tiġi evitata l-introduzzjoni possibbli fl-UE ta' pesti minn pjanti u annimali biex jiġi żgurat l-ogħla livell ta' protezzjoni sanitarja u fitosanitarja;

14. Jindika li l-ftehimiet kummerċjali għandhom jiżguraw li l-partijiet involuti jipparteċipaw b'mod attiv fil-promozzjoni tal-prinċipji tal-iżvilupp sostenibbli u li l-istandards internazzjoni huma konformi mal-ambizzjonijiet ambjentali u klimatiċi tal-UE; iqis, barra minn hekk, li dawn il-ftehimiet għandhom iqisu n-natura vinkolanti tal-konformità mal-Ftehim ta' Pariġi biex jiggarantixxu tranżizzjoni globali lejn sistemi tal-ikel sostenibbli;

15. Jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa l-Istrateġija "Mill-Għalqa sal-Platt" filwaqt li tqis il-fatt li kull settur għandu metodi ta' produzzjoni differenti li huma ftit jew wisq sostenibbli; jappella lill-Kummissjoni tenfasizza li dieta bilanċjata għandha tinkludi l-ikel kollu;

16. Jindika li l-agrikoltura u s-sajd huma vitali għall-iżvilupp ta' attivitajiet ekonomiċi sostenibbli fir-reġjuni ultraperiferiċi, u jaċċentwa l-kontribut u l-valur miżjud ta' dawn is-setturi fir-rigward tas-sigurtà tal-ikel u biex iwieġbu għad-domanda tal-pubbliku għal prodotti ta' kwalità suffiċjenti, sikuri u ta' kwalità għolja; jappella li r-restrizzjonijiet agronomiċi u kummerċjali strutturali tar-reġjuni ultraperiferiċi msemmija fl-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jiġu kkunsidrati b'mod sistematiku matul l-implimentazzjoni tal-Istrateġija "Mill-Għalqa sal-Platt" u l-proposti leġiżlattivi sussegwenti, biex dawn ir-reġjuni jkunu jistgħu jikkompetu f'kundizzjonijiet ekwi u tiġi żgurata d-disponibbiltà ta' soluzzjonijiet alternattivi vijabbli għas-setturi agroalimentari jekk il-mezzi ta' produzzjoni u l-flussi kummerċjali tagħhom ikunu ristretti;

 

17. Jenfasizza l-importanza li jingħata aċċess ugwali għall-innovazzjonijiet teknoloġiċi u xjentifiċi, inklużi innovazzjonijiet tat-tnissil tal-pjanti li kapaċi jtejbu r-reżistenza tal-varjetajiet u jrawmu d-diversità tar-riżorsi ġenetiċi u s-sistemi tal-produzzjoni tal-ikel, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lir-razez lokali, f'konformità mar-regolamenti tal-UE dwar is-sikurezza tal-ikel u b'mod partikolari mal-prinċipju ta' prekawzjoni; jisħaq fuq il-fatt li l-ħolqien ta' relazzjonijiet b'saħħithom ma' sħab kummerċjali dwar ir-riċerka, l-iżvilupp u t-trasferiment tal-għarfien f'oqsma bħall-ġestjoni tal-art, l-adattament u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, l-agroekoloġija u l-ktajjen tal-valur ġusti u reżiljenti jista' jkun fattur ewlieni fit-trawwim ta' produzzjoni agroalimentari aktar sostenibbli filwaqt li tiġi ssalvagwardjata l-produttività agrikola u tiġi appoġġjata l-kompetittività tal-biedja tal-UE fis-swieq globali; jirrakkomanda li l-kooperazzjoni għandha tiffoka wkoll fuq bdiewa żgħar u produtturi tal-ikel fuq skala żgħira, peress li dawn jibbenefikaw l-aktar minn tali kooperazzjoni;

18. Jilqa' l-inizjattiva l-ġdida proposta dwar il-klima u l-kummerċ fid-WTO; jissottolinja l-importanza li dan il-qafas jintuża biex tiġi żviluppata sistema agroalimentari komprensiva u sostenibbli bbażata fuq standards ta' produzzjoni komuni u ambizzjużi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinvolvi ruħha b'mod proattiv fid-WTO biex tippermetti tranżizzjoni ekoloġika, tiżgura li l-politika kummerċjali tkun konsistenti mal-SDGs, tkompli n-negozjati dwar stokkijiet trasparenti tas-sigurtà tal-ikel u, b'mod partikolari, tipprevjeni sitwazzjonijiet fejn il-prodotti agroalimentari jsiru l-varjant ta' aġġustament jew il-vittma kollaterali ta' kunflitti kummerċjali, filwaqt li tkompli tiżviluppa politika kummerċjali sostenibbli ambizzjuża u kompatibbli mad-WTO;

19. Jieħu nota tal-istudju tal-Kummissjoni dwar l-impatt ekonomiku kumulattiv tal-ftehimiet kummerċjali tal-UE fuq l-agrikoltura, li juri li kemm f'xenarju konservattiv kif ukoll f'xenarju ambizzjuż il-ftehimiet kummerċjali tal-UE huma mistennija jiġġeneraw bilanċ globali pożittiv għall-kummerċ agroalimentari tagħha u valur akbar sal-2030, li juri li l-ftehimiet kummerċjali tal-UE għandhom effett pożittiv fuq is-settur agrikolu tal-UE;

20. Jitlob lill-Kummissjoni tesplora l-ħtieġa li jiġu applikati kundizzjonijiet speċifiċi u eżenzjonijiet għal ċerti kategoriji tal-ikel jew oġġetti tal-ikel, bħaż-żejt taż-żebbuġa u għal dawk koperti minn indikazzjonijiet ġeografiċi, għall-valutazzjoni ta' tikkettar nutrizzjonali armonizzat, bil-ħsieb tar-rwol ewlieni tagħhom fil-ftehimiet kummerċjali tal-UE u l-protezzjoni tal-valur lokali fil-livell globali.

 


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

18.3.2021

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

43

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Barry Andrews, Anna-Michelle Asimakopoulou, Tiziana Beghin, Geert Bourgeois, Saskia Bricmont, Udo Bullmann, Daniel Caspary, Miroslav Číž, Arnaud Danjean, Paolo De Castro, Emmanouil Fragkos, Raphaël Glucksmann, Markéta Gregorová, Roman Haider, Christophe Hansen, Heidi Hautala, Danuta Maria Hübner, Karin Karlsbro, Maximilian Krah, Danilo Oscar Lancini, Bernd Lange, Margarida Marques, Gabriel Mato, Sara Matthieu, Emmanuel Maurel, Carles Puigdemont i Casamajó, Samira Rafaela, Inma Rodríguez-Piñero, Massimiliano Salini, Helmut Scholz, Liesje Schreinemacher, Sven Simon, Dominik Tarczyński, Mihai Tudose, Kathleen Van Brempt, Marie-Pierre Vedrenne, Jörgen Warborn, Iuliu Winkler, Jan Zahradil

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Marco Campomenosi, Jérémy Decerle, Jean-Lin Lacapelle, Juan Ignacio Zoido Álvarez

 


 

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

43

+

ECR

Geert Bourgeois, Emmanouil Fragkos, Dominik Tarczyński, Jan Zahradil

ID

Marco Campomenosi, Roman Haider, Maximilian Krah, Jean-Lin Lacapelle, Danilo Oscar Lancini

NI

Tiziana Beghin, Carles Puigdemont i Casamajó

PPE

Anna-Michelle Asimakopoulou, Daniel Caspary, Arnaud Danjean, Christophe Hansen, Danuta Maria Hübner, Gabriel Mato, Massimiliano Salini, Sven Simon, Jörgen Warborn, Iuliu Winkler, Juan Ignacio Zoido Álvarez

Renew

Barry Andrews, Jérémy Decerle, Karin Karlsbro, Samira Rafaela, Liesje Schreinemacher, Marie-Pierre Vedrenne

S&D

Udo Bullmann, Miroslav Číž, Paolo De Castro, Raphaël Glucksmann, Bernd Lange, Margarida Marques, Inma Rodríguez-Piñero, Mihai Tudose, Kathleen Van Brempt

The Left

Emmanuel Maurel, Helmut Scholz

Verts/ALE

Saskia Bricmont, Markéta Gregorová, Heidi Hautala, Sara Matthieu

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

 


 

 

 

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP (23.4.2021)

għall-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali

dwar Strateġija "Mill-Għalqa sal-Platt" għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent

(2020/2260(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Benoît Biteau 

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, bħala l-kumitati responsabbli, biex jinkorporaw s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tagħhom:

A. billi l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-NU (FAO) tistma li madwar 75 % tad-diversità ġenetika tal-pjanti madwar id-dinja ntilfet; billi l-erożjoni ġenetika fuq skala kbira żżid il-vulnerabilità tagħna għat-tibdil fil-klima u għall-prevalenza ta' pesti u mard ġodda;

B. billi l-agrikoltura u t-tnissil industrijali qed jixprunaw it-telf ta' ħabitats u qed joħolqu kundizzjonijiet biex jitfaċċaw u jinxterdu l-viruses, bħall-COVID-19;

C. billi l-konsolidazzjoni tas-settur tal-ikel, inkluż permezz tal-privattivi, qed twassal għal tnaqqis fid-diversità ġenetika taż-żrieragħ u tal-bhejjem;

D. billi għalkemm id-drittijiet tal-bdiewa kienu minquxa fit-Trattat Internazzjonali tal-FAO dwar ir-Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-Agrikoltura fl-2004, ir-regoli tal-proprjetà intellettwali spiss kienu f'kunflitt magħhom, u poġġew f'riskju s-sistemi taż-żrieragħ lokali, tradizzjonali u indiġeni;

1. Jindika l-ħtieġa li jiġi pprovdut ikel sikur u affordabbli għal popolazzjoni globali ta' madwar 10 biljun sal-2050 fil-kuntest tat-tkabbir rapidu tal-popolazzjoni, it-tibdil fil-klima, l-iskarsezza tar-riżorsi naturali u x-xejriet tal-konsum li qed jinbidlu; jenfasizza li s-sistemi ta' ikel bħalissa mhumiex kapaċi jipprovdu lill-popolazzjoni tad-dinja b'ikel diversifikat u ta' kwalità tajba fi kwantità suffiċjenti jew li jippermettulha tlaħħaq ma' kriżijiet klimatiċi, soċjali, tas-saħħa u ekonomiċi; ifakkar fl-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDG) 2 tan-NU, li għandu l-għan li jelimina l-ġuħ għal kollox sal-2030; jinsab imħasseb ħafna dwar l-istima tan-NU li l-pandemija tal-COVID-19 se tirdoppja l-għadd ta' persuni li qed jiffaċċjaw ġuħ kbir sa tmiem l-2020; jiddispjaċih għall-fatt li s-sigurtà tal-ikel u nutrizzjonali ma ngħatatx prijorità fl-inizjattivi tat-Tim Ewropa; jitlob approċċ uniformi u interdixxiplinari għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija "Mill-Għalqa sal-Platt"; ifakkar li n-nutrizzjoni hija prerekwiżit għall-benessri fiżiku u mentali, b'mod partikolari għan-nisa żgħażagħ, it-tfal u t-trabi, li huma l-aktar probabbli li jkunu esposti għal malnutrizzjoni jew nuqqas ta' nutrizzjoni f'żoni affettwati minn nuqqas kroniku ta' ikel, diżastri naturali, karestija u kunflitt armat; iħeġġeġ lill-UE timmobilizza riżorsi addizzjonali u taħdem f'kooperazzjoni mill-qrib mal-pajjiżi sħab, is-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi biex tiżgura ikel nutrittiv, sikur, affordabbli u ta' kwalità għolja, speċjalment għal dawk li baqgħu l-aktar lura; jenfasizza li 3 biljun persuna ma jistgħux jaffordjaw dieta tajba għas-saħħa u li 690 miljun persuna jbatu l-ġuħ;

2. Jissottolinja li filwaqt li d-disturbi kkawżati mill-COVID-19 tefgħu dawl fuq il-vulnerabbiltajiet tas-sistema tal-ikel globali, l-operaturi tal-biedja mill-familja u l-bdiewa b'azjendi agrikoli żgħar urew l-abbiltà tagħhom li jipprovdu prodotti diversifikati u li jżidu s-sostenibbiltà tal-produzzjoni tal-ikel; iħeġġeġ lill-UE, għaldaqstant, tissalvagwardja d-drittijiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw għas-sovranità tal-ikel bħala mezz biex jinkisbu s-sigurtà nutrittiva, it-tnaqqis tal-faqar, ktajjen tal-provvista globali inklużivi, sostenibbli u ġusti u swieq lokali u reġjonali, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lill-operaturi tal-biedja mill-familja, bil-għan li tiġi żgurata provvista ta' ikel affordabbli u aċċessibbli; itenni li l-produzzjoni sostenibblital-ikel u s-sigurtà tal-ikel huma prerekwiżiti essenzjali għall-kisba tal-SDGs u l-Ftehim ta' Pariġi; huwa tal-fehma li huwa meħtieġ approċċ komprensiv biex jintlaħqu dawn l-objettivi, li għandhom jirrikonoxxu r-rwol tal-kummerċ, inkluż fil-livelli lokali u reġjonali; jesprimi appoġġ għat-tnaqqis tad-dipendenza fuq il-pestiċidi u l-antimikrobiċi u r-restrizzjoni tal-fertilizzazzjoni żejda sabiex jitnaqqas it-tniġġis tal-arja, tal-ħamrija u tal-ilma u jitreġġa' lura t-telf tal-bijodiversità; jitlob l-appoġġ tal-produzzjoni u l-konsum lokali u tal-produtturi u l-bdiewa b'azjendi agrikoli żgħar, b'mod partikolari nisa u żgħażagħ, sabiex jinħolqu impjiegi lokali, jiġu ggarantiti prezzijiet ġusti għall-produtturi u l-konsumaturi, jiġu protetti s-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema, b'mod partikolari l-ħaddiema migranti, u titnaqqas id-dipendenza tal-pajjiżi fuq l-importazzjonijiet u l-vulnerabilità tagħhom għall-varjazzjonijiet fil-prezzijiet internazzjonali; ifakkar li l-kapaċità tal-agroekoloġija li tirrikonċilja d-dimensjonijiet ekonomiċi, ambjentali u soċjali tas-sostenibbiltà ġiet rikonoxxuta b'mod wiesa' fir-rapporti storiċi, b'mod partikolari mill-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC), il-Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-servizzi Ekosistemiċi (IPBES), u l-Bank Dinji u l-Valutazzjoni Internazzjonali globali tal-Għarfien Agrikolu, ix-Xjenza u t-Teknoloġija għall-Iżvilupp immexxija mill-FAO (IAASTD); jenfasizza r-rwol tal-UE bħala faċilitatur globali fit-trasformazzjoni tas-sistemi tal-ikel u fl-indirizzar tal-forom kollha ta' malnutrizzjoni f'kuntesti umanitarji, tal-iżvilupp u fi kwalunkwe kuntest fraġli; iqis li l-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt għandha tippromwovi t-tranżizzjoni globali lejn sistemi agroalimentari reżiljenti, ġusti u sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta valutazzjoni tal-impatt komprensiva u olistika tal-miri previsti fil-Patt Ekoloġiku Ewropew, inkluż dwar il-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jenfasizza l-ħtieġa li l-bdiewa b'azjenda agrikola żgħira jkunu inqas dipendenti fuq inputs esterni u li tissaħħaħ ir-reżiljenza tagħhom għall-kriżijiet, bil-pajjiżi jiffaċilitaw il-produzzjoni, l-iskambju u l-użu taż-żrieragħ prodotti b'mod artiġjanali; iħeġġeġ lill-UE tiżgura li l-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-protezzjoni soċjali tul il-ktajjen tal-provvista ta' ikel tagħha jissodisfaw l-istandards nazzjonali, tal-UE u dawk internazzjonali għall-ħaddiema kollha u tagħti attenzjoni partikolari lill-popolazzjonijiet vulnerabbli bħall-ħaddiema migranti;

3. Jilqa' l-proposta leġiżlattiva li jmiss dwar Kodiċi ta' Kondotta u Qafas ta' Monitoraġġ tal-UE għal Negozju Responsabbli u Prattiki ta' Kummerċjalizzazzjoni fil-Katina tal-Provvista tal-Ikel; jemmen li dan il-kodiċi ta' kondotta għandu jistabbilixxi standards robusti ta' diliġenza dovuta għall-kumpaniji agroalimentari, għandu jkun akkumpanjat minn miri u miżuri vinkolanti biex jiskoraġġixxi n-nuqqas ta' konformità, bħal sanzjonijiet amministrattivi jew ekonomiċi, u jiżgura prattiki sostenibbli fil-katina tal-valur tal-ikel;

4. Jenfasizza li ktajjen tal-provvista qosra u reżiljenti għandhom potenzjal konsiderevoli biex jindirizzaw in-nuqqasijiet attwali fis-sistema tal-ikel u jfakkar li agrikoltura li ma tagħmilx ħsara lill-klima tinvolvi fost l-oħrajn it-tnaqqis tad-dipendenza fuq l-enerġija mill-fjuwils fossili, inkluż tnaqqis fl-użu ta' pestiċidi u fertilizzanti kimiċi; jinsisti li l-finanzjament tal-UE għall-agrikoltura jrid jikkonforma mal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, il-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima u l-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, u jappoġġa investimenti fl-agroekoloġija, l-agroforestrija, id-diversifikazzjoni tal-għelejjel u l-konsum tal-enerġija; ifakkar li l-espansjoni agrikola u l-prattiki ta' intensifikazzjoni agrikola mhux sostenibbli huma kawżi ewlenin tad-degradazzjoni tal-bijodiversità madwar id-dinja, inkluża l-erożjoni ġenetika tal-varjetajiet tal-għelejjel u tal-bhejjem; jenfasizza l-importanza li jiġu ppreservati l-bijodiversità agrikola, ir-razez lokali tal-annimali u tal-pjanti u l-varjetajiet lokali filwaqt li jiġi żgurat ikel ta' kwalità għolja, sikur u affordabbli, bħala parti mill-approċċ "Saħħa Waħda", biex jiġi żgurat ikel nutrittiv, sikur, affordabbli u ta' kwalità għolja matul is-sena, tiġi ppreservata l-bijodiversità u tiżdied ir-reżiljenza għat-tibdil fil-klima, li huwa ta' benefiċċju għall-iżvilupp dinamiku tat-territorji u t-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali billi jitnaqqsu l-inugwaljanzi soċjali; jenfasizza, f'dan ir-rigward, ir-rwol kruċjali tar-riċerka u l-iżvilupp fit-trawwim tal-innovazzjoni fl-agrikoltura, l-ekonomija ċirkolari u s-sistemi tal-ikel integrati, b'ramifikazzjonijiet pożittivi għas-setturi kollha tal-ekonomiji lokali: ifakkar li l-investimenti fis-sajd u l-akkwakultura sostenibbli jridu jkunu wkoll prijorità fl-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030, b'mod partikolari l-SDG 14 għall-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-oċeani, l-ibħra u r-riżorsi tal-baħar; jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ ir-reżiljenza għat-tibdil fil-klima, b'mod partikolari fost il-bdiewa b'azjendi agrikoli żgħar;

5. Jenfasizza li l-politiki tal-UE dwar sistemi tal-ikel ġusti, sostenibbli u reżiljenti għandhom jindirizzaw b'mod espliċitu l-inugwaljanza bejn il-ġeneri; ifakkar li l-maġġoranza tal-bdiewa b'azjendi agrikoli żgħar fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw huma nisa, li jammontaw ukoll għal kważi nofs il-ħaddiema agrikoli kollha f'dawk il-pajjiżi; jenfasizza, għalhekk, li l-promozzjoni ta' strateġija fit-tul għall-konservazzjoni, it-titjib u l-ġestjoni tad-diversità tar-riżorsi ġenetiċi għall-ikel u l-agrikoltura teħtieġ ir-rikonoxximent tar-rwol u l-għarfien tan-nisa bħala fornituri u produtturi tal-ikel; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġaw id-dritt tan-nisa għall-edukazzjoni u l-ugwaljanza u jistinkaw, b'mod partikolari permezz tal-għajnuna għall-iżvilupp, fuq il-parteċipazzjoni attiva tagħhom bħala mexxejja, u jgħinu biex jiġu indirizzati d-diskriminazzjonijiet li jiffaċċjaw, b'mod partikolari dwar l-aċċess għall-art, ir-riżorsi produttivi u s-servizzi finanzjarji;

6. Jenfasizza li l-Istrateġija mill-"Għalqa sal-Platt" għandha sservi biex jintlaħqu l-SDGs fil-livell tal-UE u dak globali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu pjattaforma tal-UE għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija "Mill-Għalqa sal-Platt" u jiżguraw li l-mekkaniżmi multilaterali, bħall-FAO tan-NU, jinkorporaw l-elementi kollha tal-approċċ "Mill-Għalqa sal-Platt" fir-rakkomandazzjonijiet ta' politika tagħhom;

7. Jinnota li ż-żieda fil-konċentrazzjoni vertikali u orizzontali fis-settur agroalimentari ssaħħaħ il-mudell industrijali tal-ikel u tal-biedja; jenfasizza li sakemm isseħħ aktar integrazzjoni vertikali fl-industrija tal-bhejjem, hemm riskju ta' proliferazzjoni ta' mard żoonotiku u trażmess mill-ikel; iqis li l-Patt Ekoloġiku Ewropew jirrikjedi valutazzjoni u monitoraġġ tal-impatti soċjali, ambjentali u tas-saħħa pubblika tal-attivitajiet ta' produzzjoni u pproċessar fis-settur agroalimentari u jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li tirrevedi d-dritt tal-kompetizzjoni biex tindirizza u timmitiga dawn l-impatti; jitlob għat-tixrid tal-għarfien espert, għal aktar effiċjenza u innovazzjoni fis-settur agroalimentari, u l-konformità mal-prinċipju ta' prekawzjoni li jrid jiġi inkluż fir-rekwiżiti kollha tas-sikurezza tal-ikel; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ id-dimensjoni globali tal-istrateġija biex tiżgura d-dritt għal ikel adegwat u timplimenta d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bdiewa u Persuni Oħra li Jaħdmu f'Żoni Rurali; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu garantiti kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti għall-ħaddiema kollha u li jiġu promossi mudelli ta' negozju alternattivi li għandhom l-għeruq tagħhom fl-ekonomija soċjali u solidali, bħal skemi kooperattivi favur il-konsumatur; jistieden lill-UE tuża l-programmi ta' kooperazzjoni tagħha biex tgħin fit-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema agrikoli madwar id-dinja u tagħti spinta lill-introjtu tal-bdiewa b'azjenda agrikola żgħira fil-pajjiżi sħab; jappoġġa l-avvanz tal-kummerċ reġjonali, li jippreżenta opportunitajiet għal tkabbir ekonomiku u diversifikazzjoni filwaqt li joffri ikel affordabbli għall-konsumaturi; jistieden lill-UE tappoġġa l-bini tal-kapaċità għall-isforzi ta' integrazzjoni reġjonali, bħaż-Żona ta' Kummerċ Ħieles Kontinentali Afrikana; jilqa' t-tħabbir ta' inizjattivi leġiżlattivi fl-2021 u l-2022 biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-produtturi primarji sabiex tiġi appoġġata l-pożizzjoni tagħhom fil-katina alimentari; jinsisti li l-leġiżlazzjoni m'għandhiex tkopri biss lill-produtturi bbażati fl-UE, iżda għandha tipproteġi wkoll lill-produtturi u lill-bdiewa minn pajjiżi li qed jiżviluppaw u li jaħdmu ma' kumpaniji Ewropej;

8. Jenfasizza li l-SDGs jipprovdu qafas kostruttiv għall-UE biex tintegra l-objettivi ambjentali, soċjali u ekonomiċi tagħha b'mod konsistenti u sistematiku; jilqa' l-inizjattivi meħuda mill-UE biex tippromwovi ktajjen tal-valur aktar ġusti u sostenibbli, inkluż permezz ta' leġiżlazzjoni obbligatorja dwar id-diliġenza dovuta; jitlob li jsiru sforzi kontinwi biex tiġi żgurata l-konsistenza bejn il-politiki tal-UE dwar il-kummerċ u l-iżvilupp, f'konformità mal-prinċipju tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp sostenibbli; jenfasizza li l-atturi rilevanti kollha fis-settur agroalimentari jeħtieġ li jeżerċitaw id-diliġenza dovuta tul il-katina tal-provvista tagħhom, jiġifieri billi jistabbilixxu prattiki responsabbli u effettivi dwar l-ambjent, id-drittijiet tal-bniedem u l-governanza tajba, bħar-rekwiżiti tal-età minima u s-sikurezza okkupazzjonali;

9. Ifakkar li d-diversità taż-żrieragħ hija vitali biex tinbena r-reżiljenza tal-biedja għat-tibdil fil-klima; jappella lill-UE biex tappoġġa l-iskemi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li jqawwu l-iżvilupp ta' varjetajiet ta' żrieragħ adattati lokalment u żrieragħ ikkonservati mill-bdiewa;

10. Huwa tal-fehma li aċċess fqir għall-art, l-iskarsezza tal-ilma u restrizzjonijiet oħra tal-produzzjoni tal-ikel huma ostakli serji biex tiżdied il-provvista u l-produttività agrikola; jenfasizza l-importanza li s-sistemi tal-ikel Ewropej jiġu trasformati biex jivvaforixxu l-agroekoloġija biex jitnaqqas l-impatt tagħhom fuq it-tibdil fil-klima fl-UE u lil hinn minnha; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi appoġġ lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jipproteġu l-industriji li għadhom jibdew tagħhom, jippromwovu s-sigurtà tal-ikel, jappoġġaw il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima għall-agrikoltura, u jissodisfaw l-istandards ta' sostenibbiltà tal-UE u dawk internazzjonali għall-esportazzjoni tal-prodotti agrikoli tagħhom; jistieden lill-UE tagħti spinta lill-investimenti fit-tranżizzjoni lejn agrikoltura li hija aktar sostenibbli fil-pajjiżi sħab, pereżempju billi tappoġġa metodi tal-biedja innovattivi u l-involviment tas-settur privat; jissottolinja, f'dan ir-rigward, ir-rwol ewlieni tas-soċjetà ċivili fl-għajnuna lill-ifqar komunitajiet u lill-bdiewa b'azjendi agrikoli żgħar billi tagħtihom il-possibbiltà li jaċċessaw taħriġ, riżorsi, swieq u ktajjen tal-valur;

11. Jistieden lill-UE tgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, jadottaw leġiżlazzjoni nazzjonali xierqa bil-għan li jiġu protetti r-riżorsi ġenetiċi mhedda għall-ikel u l-agrikoltura, filwaqt li jiġu ggarantiti l-użu u l-ġestjoni kontinwi tagħhom minn komunitajiet lokali, popli indiġeni, irġiel u nisa, u tiġi żgurata l-kondiviżjoni ġusta u ekwa tal-benefiċċji mill-użu tagħhom;

12. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tfassal strateġija tal-UE għall-produzzjoni u l-provvista ta' proteini veġetali bil-għan li titnaqqas id-dipendenza tal-Ewropa fuq l-importazzjonijiet ta' għalf ġenetikament modifikat (ĠM), jinħolqu ktajjen tal-ikel iqsar u jissaħħu s-swieq reġjonali;

13. Jinnota li l-Istrateġija mill-"Għalqa sal-Platt" tistabbilixxi prinċipji għal settur agrikolu tal-UE aktar nadif u ħieles mill-pestiċidi b'dipendenza mnaqqsa fuq il-fertilizzanti u emissjonijiet aktar baxxi ta' gassijiet b'effett ta' serra; jenfasizza li l-ftehimiet ta' kummerċ ħieles (FTAs) kollha tal-UE jridu jkunu konsistenti mal-Patt Ekoloġiku Ewropew, mal-Istrateġija għall-Bijodiversità u mal-Istrateġija "Mill-Għalqa sal-Platt", b'mod partikolari l-objettivi tagħhom dwar it-tnaqqis tad-dipendenza tal-UE fuq materjali kritiċi tal-għalf, bħas-sojja mkabbra fuq art deforestata, il-bidla lejn dieta bbażata aktar fuq il-pjanti u ktajjen tal-provvista iqsar u aktar reżiljenti, u l-ħtieġa li tiżdied il-biedja organika, jittejjeb il-benessri tal-annimali, jitreġġa' lura t-telf tal-bijodiversità u li jsiru l-istandard globali għas-sostenibbiltà; jesprimi d-diżappunt tiegħu għall-fatt li l-Istrateġija "Mill-Għalqa sal-Platt" ma tiddikjarax b'mod espliċitu li se jiġu applikati rekwiżiti ekwivalenti fir-rigward tal-annimali u l-prodotti agroalimentari importati minn pajjiżi terzi; jenfasizza li l-politika kummerċjali tal-UE għandha sservi biex tiżgura impenji ambizzjużi minn pajjiżi terzi pereżempju dwar il-benessri tal-annimali, l-użu tal-pestiċidi u l-ġlieda kontra r-reżistenza antimikrobika; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-prodotti importati fl-UE jew esportati minnha mis-sħab kummerċjali jissodisfaw bis-sħiħ l-istandards tal-UE, fil-qasam tal-benessri tal-annimali, l-użu tal-pestiċidi u l-ġlieda kontra r-reżistenza għall-antimikrobiċi; jenfasizza li l-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE għandha tgħin lill-bdiewa lokali u lill-produtturi minn pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jikkonformaw mar-regolamenti u l-istandards rilevanti tal-UE;

14. jenfasizza li l-FTAs tal-UE u l-ftehimiet ta' sħubija ekonomika m'għandhomx ifixklu l-agrikoltura lokali jew jikkawżaw ħsara lill-produtturi ż-żgħar u li l-benefiċċji tagħhom għandhom jinqasmu b'mod ugwali; ifakkar fil-ħtieġa li jiġi rispettat il-prinċipju tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp biex jiġi żgurat li l-esportazzjonijiet Ewropej ma jfixklux l-iżvilupp tal-produzzjoni lokali u emerġenti; iqis li l-UE għandha rwol importanti fil-promozzjoni tal-konverġenza 'l fuq tal-istandards dwar is-sikurezza tal-ikel u l-benessri tal-annimali fil-pajjiżi sħab u fir-rieżami tar-relazzjonijiet kummerċjali internazzjonali biex is-sistemi tal-ikel jsiru sostenibbli u ġusti, b'objettivi ambjentali u soċjali integrati b'mod komprensiv u olistiku fid-dispożizzjonijiet kollha tal-ftehimiet kummerċjali; jinkoraġġixxi lill-UE, b'mod partikolari, tesplora l-possibbiltajiet li tirrevedi d-definizzjoni attwali ta' dumping tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ biex tkopri każijiet fejn is-sussidji jippermettu li l-esportazzjonijiet jinbiegħu bi prezz aktar baxx mill-kostijiet tal-produzzjoni; Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tiżgura l-konformità tal-ftehimiet kummerċjali tal-UE mal-Ftehim ta' Pariġi; jenfasizza li sabiex ikunu infurzabbli, l-objettivi ambjentali fl-FTA tal-UE għandhom ikunu ċari, miżurabbli u verifikabbli; jitlob lill-UE tallinja l-politika kummerċjali tagħha mal-objettivi tal-Istrateġija "Mill-Għalqa sal-Platt" u mal-Istrateġija għall-Bijodiversità u l-objettiv tan-newtralità tal-karbonju tal-Patt Ekoloġiku Ewropew; jitlob, b'mod partikolari, li l-aċċess għas-suq fl-FTA ikun jiddependi fuq il-konformità mal-kriterji dwar il-proċessi u l-metodi ta' produzzjoni, b'referenza għas-sostenibbiltà ambjentali u t-tibdil fil-klima; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-mekkaniżmu ta' infurzar tal-kapitoli dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli (TSD) u tuża dan bħala għodda biex trawwem sistema tal-ikel aktar diversa u sostenibbli, u tiżgura li d-dispożizzjonijiet tal-FTA ma jdgħajfux l-objettivi u l-istandards minquxa fil-kapitoli tat-TSD;

15. Jirrimarka li l-FTA jistgħu jagħmluha aktar faċli biex jintużaw u jiġu skambjati teknoloġiji u għarfien espert moderni u effiċjenti, kif ukoll prattiki agrikoli komuni;

16. Ifakkar li l-Istrateġija "Mill-Għalqa sal-Platt" għandha l-għan li tipprojbixxi gradwalment il-pestiċidi perikolużi mill-agrikoltura u tippromwovi prattiki alternattivi; jissottolinja l-fatt li l-użu ta' xi pestiċidi fl-agrikoltura intensiva fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw jista' jkollha impatt fuq is-saħħa tal-ħaddiema li ftit li xejn għandhom aċċess għal taħriġ dwar il-protezzjoni tal-pjanti u kura tas-saħħa, apparti li jikkawża ħsara ambjentali; jitlob li jkun hemm edukazzjoni u taħriġ f'approċċi sostenibbli għall-protezzjoni tal-pjanti u għall-minimizzazzjoni tal-esponiment għal sustanzi perikolużi; jiddenunzja l-istandards doppji tal-UE dwar il-pestiċidi, li jippermettu l-esportazzjoni mill-UE ta' sustanzi perikolużi pprojbiti fl-Unjoni; jitlob li jiġu modifikati r-regoli attwali tal-UE sabiex tiġi eliminata din id-diskrepanza legali, f'konformità mal-Konvenzjoni ta' Rotterdam tal-1998 u mal-Patt Ekoloġiku Ewropew; iqis li l-UE għandha tappoġġa lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex tgħinhom inaqqsu l-użu tal-pestiċidi u jippromwovu metodi oħra biex jipproteġu l-pjanti u r-riżorsi tas-sajd, għandha tippromwovi t-tneħħija gradwali globali tal-pestiċidi perikolużi ħafna u għandha żżomm sod fl-impenn tagħha skont l-Istrateġija dwar is-Sostenibbiltà tas-Sustanzi Kimiċi biex tiżgura li l-pestiċidi perikolużi pprojbiti fl-UE ma jiġux prodotti għall-esportazzjoni, u tiżgura li ma jkun hemm l-ebda residwu ta' xi pestiċida pprojbit fl-ikel imqiegħed fis-suq Ewropew;

17. Jilqa' r-referenzi għall-proċessi rilevanti tan-NU fl-Istrateġija "Mill-Għalqa sal-Platt"; jenfasizza l-ħtieġa li l-UE tappoġġa lill-Kumitat dwar is-Sigurtà Alimentari Dinjija u l-mekkaniżmu tas-soċjetà ċivili tiegħu bħala l-ewwel pjattaforma ta' politika multilaterali dwar is-sistemi tal-ikel; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi t-tranżizzjoni globali lejn sistemi tal-ikel sostenibbli u s-sigurtà tal-ikel fil-fora internazzjonali rilevanti kollha, inkluż is-Summit dwar is-Sistemi tal-Ikel tan-NU tal-2021;

18. Jenfasizza kemm huwa importanti li jiġu kondiviżi teknoloġiji u għarfien espert moderni mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u li l-bdiewa lokali u Ewropej jiġu mħarrġa sabiex jiġu megħjuna jimplimentaw prattiki agrikoli innovattivi, peress li s-settur agrikolu huwa kruċjali għas-sigurtà tal-ikel u l-impjiegi f'dawk ir-reġjuni;

19. Ifakkar li għad irid isir progress biex il-ftehimiet ta' sħubija dwar is-sajd sostenibbli jsiru verament sostenibbli; jenfasizza li dawn il-ftehimiet iridu jkunu konformi mal-aqwa parir xjentifiku disponibbli u la għandhom jheddu s-settur tas-sajd fuq skala żgħira f'pajjiżi terzi u lanqas jimminaw is-sigurtà tal-ikel lokali;

20. Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-bdiewa fil-katina tas-suq; jirrimarka li waħda mill-miżuri meħtieġa hija li jingħata appoġġ (istituzzjonali u finanzjarju) biex il-produtturi agrikoli jiġu megħjuna jorganizzaw strutturi ekonomiċi komuni bħal kooperattivi, organizzazzjonijiet u gruppi li jżidu l-vijabilità ekonomika, il-kompetittività u l-profittabbiltà tal-azjendi agrikoli, u li jistimulaw il-proċess tal-ħolqien tal-SMEs, speċjalment il-mikrointrapriżi f'żoni rurali, u b'hekk tissaħħaħ l-intraprenditorija;

21. Jenfasizza l-ħtieġa li l-UE tiddefendi d-drittijiet tal-bniedem u d-dritt għall-ikel bħala prinċipju ċentrali u prijorità tas-sistemi tal-ikel u bħala għodda fundamentali biex tittrasforma s-sistemi tal-ikel u tiżgura d-drittijiet ta' dawk l-aktar emarġinati għall-aċċess għal ikel nutrittiv; jenfasizza l-importanza li jiġu inklużi l-passi tal-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bdiewa u Persuni Oħra li Jaħdmu f'Żoni Rurali,

22. Jistieden lill-UE tagħti attenzjoni partikolari fil-kooperazzjoni tagħha mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex tintensifika l-ġlieda kontra d-deforestazzjoni madwar iż-żoni kostali, inkluż it-tneħħija tal-mangrovja, li hija partikolarment affettwata mill-attività agrikola;

23. Huwa diżappuntat li l-pubblikazzjoni ta' dokument dwar l-Istrateġija mill-"Għalqa sal-Platt" li huwa daqshekk importanti għas-settur agroalimentari ma kinitx preċeduta minn valutazzjoni bir-reqqa tal-impatt tal-introduzzjoni tagħha dwar il-fergħat agroalimentari individwali fuq perjodu ta' żmien qasir, medju u twil;

24. Jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt komprensiva tad-diversi objettivi u miri għat-tnaqqis agrikoli tal-UE stabbiliti fl-Istrateġija "Mill-Għalqa sal-Platt" u l-Istrateġija għall-Bijodiversità;

25. Ifakkar li fuq livell globali madwar 15 % tal-ħut maqbud kull sena jinqabad illegalment; Ifakkar li s-sajd illegali jirrappreżenta theddida ambjentali kbira għar-riżorsi marini globali u theddida ekonomika u ta' sigurtà għall-komunitajiet kostali, b'mod partikolari fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza tal-"alleanzi ekoloġiċi" li l-UE trid tibni mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex tappoġġa s-sigurtà tal-ikel u tiżgura l-konservazzjoni tal-bijodiversità fil-kuntest tal-ftehimiet kummerċjali;

26. Ifakkar li hemm biss oċean wieħed u li, f'termini tas-servizzi li jipprovdi lill-umanità kollha, dan huwa ġid komuni; ifakkar li l-Parti 12 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar tagħti lill-Istati drittijiet sovrani fuq iż-żoni ekonomiċi esklussivi tagħhom; ifakkar, madankollu, li dan ma jeżonerax lill-Istati, u konsegwentement lill-atturi nazzjonali li jaġixxu fuq il-baħar, mir-responsabbiltà tagħhom li jippreservaw l-ekosistemi tal-baħar u kostali; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza li jiġi żgurat sfruttament aktar responsabbli u sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd u li tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-prattiki illegali fl-ilmijiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

13.4.2021

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

23

1

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Anna-Michelle Asimakopoulou, Hildegard Bentele, Dominique Bilde, Udo Bullmann, Catherine Chabaud, Antoni Comín i Oliveres, Ryszard Czarnecki, Gianna Gancia, Charles Goerens, Mónica Silvana González, György Hölvényi, Rasa Juknevičienė, Pierfrancesco Majorino, Erik Marquardt, Norbert Neuser, Janina Ochojska, Jan-Christoph Oetjen, Michèle Rivasi, Christian Sagartz, Marc Tarabella, Tomas Tobé, Miguel Urbán Crespo, Chrysoula Zacharopoulou, Bernhard Zimniok

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Benoît Biteau

 


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

23

+

ID

Dominique Bilde, Gianna Gancia

NI

Antoni Comín i Oliveres

PPE

Anna-Michelle Asimakopoulou, Hildegard Bentele, György Hölvényi, Rasa Juknevičienė, Janina Ochojska, Christian Sagartz, Tomas Tobé

Renew

Catherine Chabaud, Charles Goerens, Jan-Christoph Oetjen, Chrysoula Zacharopoulou

S&D

Udo Bullmann, Mónica Silvana González, Pierfrancesco Majorino, Norbert Neuser, Marc Tarabella

The Left

Miguel Urbán Crespo

Verts/ALE

Benoît Biteau, Erik Marquardt, Michèle Rivasi

 

1

-

ID

Bernhard Zimniok

 

1

0

ECR

Ryszard Czarnecki

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjonijiet

 

 

 

 


 

 

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦAS-SUQ INTERN U L-ĦARSIEN TAL-KONSUMATUR (16.4.2021 )

għall-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l- Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali

dwar strateġija "Mill-Għalqa sal-Platt" għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent.

(2020/2260(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Claude Gruffat

 

 

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur jistieden lill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u lill-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, bħala l-kumitati responsabbli, biex jinkorporaw is-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tagħhom:

1. Jilqa' l-ambizzjoni tal-Istrateġija "Mill-Għalqa sal-Platt" u l-għan tagħha li tistabbilixxi sistema tal-ikel sostenibbli, tajba għas-saħħa u reżiljenti li għandha tipprovdi ikel li jkun affordabbli u disponibbli għall-konsumaturi kollha fl-UE u li tinkludi l-atturi kollha fil-katina tal-provvista tal-ikel, li tkopri l-produzzjoni, it-trasport, id-distribuzzjoni, il-kummerċjalizzazzjoni u l-konsum tal-ikel;

2. Jenfasizza li huwa kruċjali li tiġi garantita s-sostenibbiltà ambjentali, soċjali u ekonomika tal-miżuri kollha mħabbra fl-istrateġija sabiex jiġu żgurati l-kapaċità tal-produzzjoni tal-ikel, il-livelli tal-provvista u d-disponibbiltà tal-prodotti, kif ukoll biex tinżamm il-kompetittività tal-atturi kollha fis-suq uniku u jiġi żgurat li ħadd ma jitħalla lura fit-tranżizzjoni lejn sistema tal-ikel aktar sostenibbli; jinnota, f'dan ir-rigward, li l-implimentazzjoni tagħha trid tqis il-ħtiġijiet tar-reġjuni ultraperiferiċi;

3. Jiġbed l-attenzjoni għall-valur miżjud ekonomiku u soċjali tal-ikel fl-UE, li mhux biss jinvolvi li ċ-ċittadini jingħataw provvista suffiċjenti ta' ikel tajjeb għas-saħħa u affordabbli, iżda jippermetti wkoll opportunitajiet ta' negozju, impjiegi u tkabbir;

4. Jissottolinja li l-objettivi tal-Istrateġija "mill-Għalqa sal-Platt" għandhom jinbnew fuq approċċ ibbażat fuq ix-xjenza ffukat fuq strumenti ta' politika koerenti u bbażati fuq l-evidenza;

5. Jistieden lill-Kummissjoni tadotta approċċ olistiku u komprensiv u tivvaluta bir-reqqa l-impatt globali fuq terminu qasir u fit-tul tal-Istrateġija "Mill-Għalqa sal-Platt" u l-objettivi tagħha dwar il-funzjonament tas-suq uniku, inklużi l-konsegwenzi għall-bilanċ bejn il-provvista u d-domanda, il-fluttwazzjonijiet tal-prezzijiet, l-affordabbiltà għall-konsumaturi, il-profittabilità għall-produtturi, il-kompetittività, il-prestazzjoni u l-analiżi tal-kosteffettività tat-tranżizzjoni, fost l-oħrajn, filwaqt li jitqiesu l-esternalitajiet pożittivi u negattivi tal-produzzjoni sostenibbli tal-ikel;

6. Jikkondividi l-fehma li l-pandemija tal-COVID-19 enfasizzat l-importanza li tiġi żgurata sistema tal-ikel robusta, sostenibbli u reżiljenti li tiffunzjona fiċ-ċirkostanzi kollha, u li tkun kapaċi tiżgura aċċess għal provvista suffiċjenti ta' ikel affordabbli u lokali għall-konsumaturi Ewropej; jenfasizza l-ħtieġa, f'dan ir-rigward, li jiġi ppreservat il-funzjonament bla xkiel tas-suq uniku, u b'mod partikolari l-moviment tal-oġġetti tal-ikel, inkluż matul kriżijiet tas-saħħa; jenfasizza wkoll li l-pandemija għandha titqies ukoll bħala opportunità biex tinbena sistema sostenibbli u reżiljenti tal-ikel u mhux bħala skuża biex jitnaqqsu l-ambizzjonijiet, peress li s-sostenibbiltà u s-saħħa huma kwistjonijiet interkonnessi;

7. Iqis li l-promozzjoni ta' konsum tal-ikel tajjeb għas-saħħa u sostenibbli teħtieġ bidliet fix-xejriet tal-konsum tal-ikel u fil-produzzjoni, l-ipproċessar u d-distribuzzjoni tal-prodotti tal-ikel, flimkien mal-konsegwenzi li dawn il-bidliet għandhom għall-provvista u d-domanda, is-suq intern u l-impronta ekoloġika; ifakkar li t-tranżizzjoni lejn is-sostenibbiltà se tirrappreżenta bidla radikali fit-trawwim ta' kompetittività mġedda għall-atturi kollha involuti fil-katina alimentari tal-UE;

8. Ifakkar, fl-istess ħin, fl-importanza ta' awtosuffiċjenza Ewropea li tissodisfa l-ħtiġijiet tal-produzzjoni tal-ikel taċ-ċittadini tal-UE f'termini ta' kwantità u kwalità;

9. Iqis li l-konsumaturi m'għandhomx ikunu unikament responsabbli biex jagħmlu din it-tranżizzjoni, iżda li hemm bżonn ta' miżuri li jkunu koerenti minn politika għal oħra (dwar l-agrikoltura, il-kummerċ, l-ambjent, is-saħħa, l-edukazzjoni, il-kompetizzjoni, eċċ.) u għal sensiela ta' miżuri regolatorji komplementari;

10. Jenfasizza li sistema Ewropea tal-Ikel li tirnexxi jeħtieġ li tevita d-duplikazzjonijiet u d-diskrepanzi fost il-politiki eżistenti tal-UE relatati mal-ambjent u mal-ikel; jitlob, għalhekk, li l-Kummissjoni tirrevedi l-konsistenza ġenerali fost l-għodod ta' politika differenti fuq bażi regolari;

11. Jinnota li, b'mod ġenerali, id-dieti tal-Ewropej mhumiex konformi mar-rakkomandazzjonijiet għal ikel tajjeb għas-saħħa, li ma jipprekludu l-ebda ikel, dment li jiġi kkunsmat fl-ammont it-tajjeb u bil-frekwenza t-tajba, u li jkun akkumpanjat minn attività fiżika adegwata; jenfasizza l-ħtieġa, għalhekk, ta' bidla fix-xejriet tal-konsum lejn dieta aktar ibbilanċjata b'inqas prodotti ultraproċessati, u b'inqas zokkor, melħ u xaħam; jistieden lill-Kummissjoni tipproduċi linji gwida Ewropej għal dieti sostenibbli u tajbin għas-saħħa, li joħolqu ċarezza għall-konsumaturi u jgħinu lill-Istati Membri jħejju u jimplimentaw il-pjanijiet nazzjonali tagħhom dwar l-ikel;

12. Jemmen li l-bidla fid-dieti m'għandhiex taffettwa b'mod negattiv il-provvista u l-għażla tal-konsumatur; iqis li għażla infurmata tal-konsumatur hija essenzjali għat-tranżizzjoni lejn sistema tal-ikel sostenibbli;

13. Iqis li l-promozzjoni b'suċċess ta' konsum tal-ikel tajjeb għas-saħħa u sostenibbli teħtieġ appoġġ finanzjarju, u edukazzjoni, taħriġ u informazzjoni mtejba dwar l-ikel u n-nutrizzjoni għall-konsumaturi Ewropej kollha;

14. Jinnota li l-prezz tal-prodotti tal-ikel għall-konsumaturi, in-nuqqas ta' għarfien, l-informazzjoni mhux ċara u l-għażla limitata ta' prodotti huma wħud mill-ostakli għal ikel aktar sostenibbli; japprova l-għan tal-istrateġija li tiżgura li "fl-aħħar mill-aħħar l-aktar ikel sostenibbli jsir ukoll l-aktar wieħed affordabbli"; jissuġġerixxi, għalhekk, li l-prezzijiet jeħtieġ li jirriflettu b'mod ġust l-ispejjeż fit-tul għall-konsumaturi u l-produtturi; jistieden lill-gvernijiet, lill-Kummissjoni u lill-partijiet ikkonċernati rilevanti jagħmlu lill-konsumaturi konxji li mhux neċessarjament iridu jonfqu aktar għal ikel aktar sostenibbli;

15. Jenfasizza l-importanza kbira li jitrawmu l-involviment u l-kooperazzjoni tal-atturi kollha fil-katina tal-provvista tal-ikel, fil-valutazzjoni, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta' din l-istrateġija, biex tiġi żgurata azzjoni kollettiva effettiva lejn tranżizzjoni ġusta; jenfasizza li dan il-proċess għandu jinvolvi ridistribuzzjoni aktar ugwali tal-valur fost l-operaturi kollha fil-katina tal-provvista tal-ikel, it-tisħiħ tas-setgħa ta' negozjar tal-bdiewa u, b'mod partikolari, it-titjib tar-relazzjonijiet tas-suq tan-negozji u l-produtturi ż-żgħar mal-kumpaniji tal-bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut;

16. Jenfasizza li l-Istrateġija "Mill-Għalqa sal-Platt" trid tieħu approċċ reġjonali aktar b'saħħtu, filwaqt li tqis l-ispeċifiċitajiet tal-produzzjoni f'dawk l-Istati Membri fejn hemm riskju li l-produzzjoni tal-ikel tiċċaqlaq lejn pajjiżi terzi; jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib id-delokalizzazzjoni tal-produzzjoni lejn pajjiżi terzi u żżid l-appoġġ tagħha għall-produtturi ż-żgħar, għas-sistemi tal-ikel reġjonali u, fejn ikun possibbli, għall-ktajjen tal-provvista qosra, li jistgħu jkunu sors ta' prodotti friski, sostenibbli, affordabbli u ta' kwalità għolja għall-konsumaturi;

17. Jenfasizza li l-atturi differenti fil-katina tal-produzzjoni tal-ikel jeħtieġ li jiġu appoġġjati sabiex jiżdiedu d-disponibbiltà u l-affordabbiltà tal-għażliet tal-ikel tajjeb għas-saħħa u sostenibbli; huwa tal-fehma li l-leġiżlazzjoni dwar l-akkwist pubbliku Ewropew tal-ikel għandha trawwem sistemi ta' provvista tal-ikel lokali u ta' kwalità għolja għall-istituzzjonijiet pubbliċi, li jkun pożittiv ħafna għall-konsumaturi, il-bdiewa u l-inħawi rurali; jissuġġerixxi li fl-akkwist pubbliku ekoloġiku u sostenibbli jiġu integrati kriterji aktar flessibbli għall-introduzzjoni ta' prodotti lokali u reġjonali, inklużi prodotti organiċi, speċjalitajiet tradizzjonali garantiti (STG), prodotti b'denominazzjoni ta' oriġini protetta (DOP) u prodotti b'indikazzjoni ġeografika protetta (IĠP), b'mod partikolari billi jiġi adottat il-prinċipju ta' żero kilometri fil-kantins tal-iskejjel; jirrakkomanda li jingħata aktar appoġġ lill-politiki nazzjonali u lokali innovattivi dwar l-akkwist tal-ikel pubbliku;

18. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi s-sħubijiet bejn l-operaturi fil-katina tal-provvista tal-ikel, b'mod partikolari fost il-bdiewa; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu promossi metodi ta' produzzjoni sostenibbli u mudelli ta' negozju ċirkolari, bħal ħwienet ħielsa mill-imballaġġ, ibbażati fuq l-innovazzjoni soċjali u l-ekonomija soċjali, pereżempju skemi kooperattivi bil-parteċipazzjoni ta' parti kkonċernata waħda jew diversi li jaġixxu fl-interess tal-produtturi u tal-konsumaturi, u li jiġi żgurat li jkunu jistgħu jiffunzjonaw u jikbru fl-Istati Membri kollha; jenfasizza bl-istess mod l-importanza tal-promozzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, tan-networks interprofessjonali u tan-networks kummerċjali fis-settur tal-ipproċessar tal-ikel u tal-bejgħ bl-imnut, inkluż speċifikament għall-intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju, sabiex jiġu involuti f'din it-tranżizzjoni u jitnaqqsu l-impatti negattivi għal dawk li jimpenjaw ruħhom għal dan l-approċċ;

19. Jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-bidliet fl-imġiba tal-konsumatur, bħal fix-xiri online ta' prodotti tal-ikel;

20. Ifakkar li s-settur tal-ikel tal-UE huwa kkaratterizzat minn preżenza għolja ħafna ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), li minkejja l-isforzi tagħhom jiffaċċjaw ħafna ostakli biex itejbu l-prestazzjoni tas-sostenibbiltà tagħhom, bħal nuqqas ta' informazzjoni, ta' aċċess għal riżorsi finanzjarji kif ukoll nuqqas ta' ħiliet tekniċi; jenfasizza l-ħtieġa li jitwettqu konsultazzjonijiet u analiżi tal-impatt dwar il-miżuri previsti għall-SMEs u s-sistemi kooperattivi; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tiżgura li l-azzjonijiet kollha fil-qafas tal-Istrateġija "Mill-Għalqa sal-Platt" jippermettu tranżizzjoni li toħloq opportunitajiet reali u kundizzjonijiet ekwi, tipprovdi biżżejjed flessibbiltà u tkompli tnaqqas u tissimplifika l-piżijiet amministrattivi bla bżonn għan-negozji tal-ikel mikro u żgħar, kif ukoll għall-intrapriżi tal-ekonomija soċjali; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza assoluta li jiġu pprovduti miżuri konkreti għat-tranżizzjoni ġusta, bħal appoġġ ulterjuri fil-ġestjoni tal-finanzjament tal-UE, it-titjib tal-bini tal-kapaċità u t-twassil ta' riżorsi sinifikanti għall-użu effettiv ta' soluzzjonijiet innovattivi u diġitali, sabiex tissaħħaħ il-pożizzjoni kompetittiva tagħhom fis-sistema alimentari tal-UE;

21. Jistieden lill-Kummissjoni tagħmilha aktar faċli li l-prodotti ta' kwalità mill-mikrointrapriżi jkollhom aċċess għas-swieq lokali;

22. Jappoġġja t-twaqqif ta' qafas ta' governanza u kodiċi ta' kondotta ċar għan-negozji tal-ikel u tal-bejgħ bl-imnut fir-rigward ta' prattiki kummerċjali u ta' kummerċjalizzazzjoni responsabbli, sabiex titqajjem kuxjenza fost in-negozji dwar l-importanza tas-sostenibbiltà, is-saħħa u l-ġlieda kontra l-ħela tal-ikel u jiġi żgurat li jinżammu responsabbli, minħabba l-influwenza tagħhom fuq l-għażla tal-konsumatur; iqis li tinħtieġ evalwazzjoni tar-regoli biex jitnaqqsu l-kummerċjalizzazzjoni u r-reklamar għat-tfal ta' ikel u xorb b'kontenut għoli ta' xaħam, zokkor u melħ;

23. jinsisti li l-kodiċi ta' kondotta jrid ikun akkumpanjat minn mekkaniżmu robust ta' monitoraġġ u evalwazzjoni; jitlob distribuzzjoni ekwa tal-valur miżjud fil-katina tal-provvista tal-ikel;

24. Jenfasizza li l-qafas għandu jqis is-sostenibbiltà ambjentali, ekonomika u soċjali tal-atturi kollha fil-katina tal-provvista u jħeġġeġ lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tiżgura l-implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali (Direttiva 2005/29/KE)[80] u d-Direttiva 2019/633/KE[81];

25. Iqis li dawn l-inizjattivi għandhom ikunu definiti b'mod suffiċjenti u xieraq u aġġustati għad-daqs u t-tip tan-negozji kkonċernati, u għandhom jirrikonoxxu l-aħjar prattiki u l-impenji eżistenti li diġà nkisbu mill-kumpaniji Ewropej; jilqa' l-passi meħuda mill-Kummissjoni biex tagħti appoġġ partikolari għall-implimentazzjoni ta' prattiki kummerċjali sostenibbli mill-SMEs u tiżviluppa ż-żewġ inizjattivi mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha;

26. Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tippromwovi dieti aktar tajbin għas-saħħa u aktar bilanċjati billi tintroduċi profili nutrizzjonali, akkumpanjati minn tikkettar obbligatorju u armonizzat tal-valur nutrizzjonali tal-ikel fuq quddiem tal-pakkett, li jkunu bbażati fuq riċerka xjentifika solida, indipendenti u l-aktar aġġornata, li jiffaċilitaw il-fehim tal-konsumaturi u jippermettulhom li jkunu infurmati b'mod korrett, u li fl-istess ħin jikkontribwixxu għat-tnaqqis fil-mard ta' popolazzjoni u jiżguraw ġenerazzjoni aktar b'saħħitha; jenfasizza l-importanza li l-konsumaturi jiġu infurmati u li l-informazzjoni ssir aktar ċara, b'mod partikolari bl-użu ta' għodda li tkun faċli biex tinftiehem, kif ukoll billi jitqiesu l-ħtiġijiet tal-gruppi l-aktar vulnerabbli, bħall-persuni b'diżabilità u l-anzjani;

27. Jirrimarka li hemm diversi skemi ta' tikkettar dwar in-nutrizzjoni fuq quddiem tal-pakkett li qed jintużaw fl-Istati Membri, filwaqt li jenfasizza l-benefiċċji tat-tikkettar armonizzat għall-funzjonament tas-suq intern u għall-informazzjoni u l-fehim tal-konsumaturi;

28. Jenfasizza li, minħabba l-effetti negattivi tiegħu fuq is-saħħa, il-fenomenu tal-obeżità li jaffettwa kważi nofs l-adulti kollha fl-UE jeħtieġ azzjoni aktar deċiżiva favur dieti aktar bilanċjati; jirrikonoxxi li t-tikkettar nutrizzjonali fuq quddiem tal-ikel ippakkjat minn qabel ġie identifikat minn esperti tas-saħħa internazzjonali, b'mod partikolari dawk mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, bħala waħda mill-għodod biex tgħin lill-konsumaturi jagħmlu għażliet infurmati u aktar tajbin għas-saħħa, billi tippermettilhom iqabblu l-valur nutrizzjonali tal-prodotti sabiex ikunu jistgħu jagħmlu deċiżjonijiet infurmati dwar xiri;

29. Jinnota l-fehma tal-konsumaturi li l-qafas regolatorju eżistenti ma jippermettix realment li tingħata informazzjoni ċara u li tinftiehem faċilment dwar il-valur nutrizzjonali tal-prodotti u għalhekk jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tesplora u tipproponi modi ġodda biex jittejjeb it-tikkettar dwar in-nutrizzjoni tal-ikel;

30. Jitlob lill-Kummissjoni tesplora l-ħtieġa li tapplika eżenzjonijiet u kundizzjonijiet speċifiċi għal ċerti kategoriji ta' ikel jew prodotti tal-ikel, bħaż-żejt taż-żebbuġa, għal dawk koperti mit-tikketti DOP, IĠP u STG, kif ukoll għall-prodotti b'ingredjent uniku; jenfasizza l-ħtieġa ta' miżuri xierqa u mfassla apposta biex jappoġġjaw intrapriżi ta' daqs mikro, żgħar u medju u tal-ekonomija soċjali meta jimplimentaw tali tikkettar;

31. Iqis essenzjali li jkun hemm rispons għad-domanda tikber u insistenti tal-konsumaturi, li ġiet imwassla f'diversi okkażjonijiet mill-Parlament Ewropew, għal informazzjoni aħjar dwar l-oriġini tal-prodotti tal-ikel li huma jixtru permezz billi tiġi kkunsidrata l-introduzzjoni ta' tikkettar obbligatorju tal-pajjiż tal-oriġini għal ġerti prodotti tal-ikel, inkluż l-għasel, il-frott tal-baħar u ingredjenti użati fi prodotti proċessati, b'rispett sħiħ għall-integrità tas-suq intern u abbażi ta' valutazzjoni tal-impatt xierqa; iqis, barra minn hekk, li dan it-tikkettar jista' jiġi estiż biex ikopri l-benesseri tal-annimali, is-sostenibbiltà u l-livelli ta' residwi tal-pestiċidi, mingħajr ma jwassal f'tikkettar eċċessiv li jista' jfixkel lill-konsumaturi; jitlob lill-Kummissjoni, għalhekk, biex taħdem f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għal dan il-għan; jenfasizza li l-prodotti importati li ma jissodisfawx l-istandards ambjentali jew tas-saħħa Ewropej, jheddu s-saħħa tal-konsumatur u joħolqu kompetizzjoni inġusta għall-produtturi Ewropej;

32. Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tiżviluppa qafas ġdid għat-tikkettar tal-ikel sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni tiddefinixxi l-metodoloġija u tispeċifika liema dimensjonijiet tas-sostenibbiltà jkunu koperti;

33. Jenfasizza li r-Regolament (UE) Nru 1169/2011[82] jirrikjedi li, meta l-oriġini tal-ikel tingħata u din tkun differenti minn dik tal-ingredjent primarju tiegħu, l-oriġini tal-ingredjent primarju trid tingħata wkoll jew għall-inqas tkun indikata bħala li hija differenti mill-oriġini tal-ikel; jirrimarka li fil-prattika dan ifisser li l-prodotti li l-ingredjenti primarji tagħhom ma jkunux ġejjin minn sorsi lokali jew reġjonali jistgħu jiġu kkummerċjalizzati bħala tali jekk l-oriġini tal-ingredjenti primarji mhux lokali msemmija tkun indikata b'tipa żgħira; jissottolinja li hemm żbilanċ bejn il-viżibbiltà tal-prattiki ta' kummerċjalizzazzjoni li jużaw ismijiet u simboli nazzjonali, reġjonali u lokali għal prodotti li l-ingredjenti primarji tagħhom mhumiex ġejjin minn sorsi nazzjonali, reġjonali jew lokali, u r-rekwiżiti tat-tikkettar tal-UE; iqis li dan huwa potenzjalment qarrieqi u detrimentali għad-dritt tal-konsumaturi li jkunu infurmati kif xieraq; jitlob lill-Kummissjoni biex tirrettifika dan l-iżbilanċ;

34. Jilqa' t-tħabbira tal-Kummissjoni li se tirrevedi l-leġiżlazzjoni dwar il-materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel biex ittejjeb is-sikurezza tal-konsumatur u s-saħħa pubblika;

35. Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipproponi miri legalment vinkolanti biex titnaqqas il-ħela tal-ikel fl-UE; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, biex tiċċara r-regoli tal-UE eżistenti dwar l-immarkar tad-data fir-rigward tad-dati "use by" (uża sa) u "best before" (l-aħjar jintuża qabel) sabiex tiġi pprevenuta u titnaqqas il-ħela tal-ikel u t-telf tal-ikel u biex tipprovdi aktar ċarezza, konsistenza u fehim fost il-konsumaturi; jitlob lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, biex tippromwovi approċċ li jinvolvi diversi partijiet ikkonċernati biex il-konsumaturi jingħataw is-setgħa u l-industrija tal-ikel tiġi mħeġġa timplimenta soluzzjonijiet prattiċi biex taċċellera l-ġlieda kontra l-ħela tal-ikel; jinnota li l-miżuri previsti għal dan il-għan u l-ġestjoni tal-iskart m'għandhomx jinvolvu spejjeż u piżijiet amministrattivi sproporzjonati u bla bżonn li n-negozji ż-żgħar ma jkunux jistgħu jikkonformaw magħhom; jinnota li l-Parlament qed jistenna bil-ħerqa x-xenarju ta' referenza għat-tnaqqis tal-ħela tal-ikel fl-UE kollha;

36. Jappoġġja lill-Kummissjoni fl-isforzi tagħha biex tiġġieled il-frodi u l-iffalsifikar fil-qasam tal-ikel, li jqarrqu bil-konsumaturi u jgħawġu l-kompetizzjoni fis-suq intern, u jqis li huwa essenzjali li l-penali imposti fuq min iwettaq frodi jsiru aktar dissważivi, li jiġu ddedikati riżorsi suffiċjenti sabiex jissaħħu l-effikaċja u l-effiċjenza tal-kontrolli fuq il-konformità tal-kwalità tal-prodotti, anki waqt pandemija, jingħata persunal b'mod adegwat lill-awtoritajiet kompetenti u lill-awtoritajiet doganali, u jibqgħu jissaħħu l-iskambji ta' informazzjoni fis-suq uniku; jitlob infurzar imtejjeb tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011, li għandu jkun appoġġjat b'definizzjonijiet legali fil-livell tal-UE tal-kunċetti ta' "frodi u kriminalità fil-qasam tal-ikel" u "falsifikazzjoni" bħala prattiki qarrieqa li jistgħu jitqiesu bħala frodulenti;

37. Itenni li l-kwalità differenzjata fil-prodotti tal-ikel mhijiex aċċettabbli u jeħtieġ li tiġi kontrobilanċjata bis-sħiħ biex jiġi evitat li jkun hemm diskriminazzjoni kontra l-konsumaturi tal-UE u li dawn jiġu mqarrqa; iqis, għalhekk, li l-Istrateġija "mill-Ikel sal-Platt" trid tinkludi dispożizzjonijiet biex jiġi evitat standard doppju fil-kwalità tal-ikel, u għal dan il-għan jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja s-sitwazzjoni fis-suq mill-qrib u tipproponi leġiżlazzjoni mmirata fejn meħtieġ; jenfasizza, barra minn hekk, ir-rwol tal-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi fl-identifikazzjoni ta' dawn il-prattiki qarrieqa;

38. Jenfasizza li diverġenzi sinifikanti fil-kontrolli tal-prodotti minn pajjiżi terzi u fil-proċeduri doganali u l-politiki ta' sanzjonijiet fil-punti tad-dħul tal-UE fl-unjoni doganali sikwit jirriżultaw, mhux biss f'distorsjonijiet tal-katina tal-provvista tal-ikel, iżda wkoll f'riskji konsiderevoli għas-saħħa u s-sikurezza għall-konsumaturi fis-suq uniku; jissottolinja li approċċ koordinat u armonizzat fir-rigward tal-prattiki ta' kompetizzjoni inġusta u l-ħtieġa ta' standards u prattiki tal-ikel applikati b'mod ugwali fil-punti tad-dħul kollha tal-UE, b'kunsiderazzjoni dovuta għall-prinċipju ta' prekawzjoni, huwa ta' importanza vitali bil-ħsieb li jiġi żgurat fluss mingħajr interruzzjoni ta' provvisti ta' prodotti tal-ikel fl-Istati Membri kollha, filwaqt li jiġi rrispettat standard għoli ta' kontrolli ta' sigurtà li jistgħu jidentifikaw u jipprevjenu riskji sanitarji, fitosanitarji u bijoloġiċi ta' importazzjonijiet minn pajjiżi terzi;

39. Jinsisti li l-Kummissjoni tiżgura li l-kontrolli doganali fl-UE kollha jsegwu l-istess standards, permezz ta' kontrolli armonizzati u standardizzati, f'koordinazzjoni mal-Istati Membri u f'konformità sħiħa mal-prinċipju tas-sussidjarjetà; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, barra minn hekk, iżżid il-kooperazzjoni, fil-livell tal-UE u dak internazzjonali, bejn l-awtoritajiet kompetenti rilevanti sabiex tiggarantixxi kontrolli armonizzati u uniformi fil-punti kollha tad-dħul fl-Unjoni u b'hekk tiżgura t-traċċabbiltà tal-prodotti tal-ikel kollha;

40. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura, permezz ta' politika kummerċjali u doganali proattiva, li l-prodotti tal-ikel importati fis-suq uniku jkunu jikkonformaw ma' regolamenti Ewropej stretti dwar is-sikurezza tal-ikel sabiex tiġi protetta l-kompetittività tan-negozji Ewropej, speċjalment l-SMEs, u l-integrità tas-suq uniku;

41. Jitlob lill-Istati Membri jimplimentaw b'mod aktar effettiv id-Direttiva 2005/29/KE1, sabiex jindirizzaw aħjar il-problema tad-dikjarazzjonijiet ambjentali qarrieqa jew infondati dwar l-ikel, kif ukoll meta jikkonkludu kuntratti mill-bogħod fis-swieq online, sabiex ikun aktar faċli biex il-konsumaturi jidentifikaw il-prodotti li jirrispettaw l-ambjent; jissuġġerixxi li dan ma jiddiskriminax kontra l-intrapriżi li għamlu sforzi ta' min ifaħħarhom fir-rigward tal-ambjent.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

14.4.2021

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

40

1

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Andrus Ansip, Pablo Arias Echeverría, Alessandra Basso, Adam Bielan, Biljana Borzan, Vlad-Marius Botoş, Markus Buchheit, Anna Cavazzini, Dita Charanzová, Deirdre Clune, Carlo Fidanza, Evelyne Gebhardt, Alexandra Geese, Maria Grapini, Svenja Hahn, Virginie Joron, Eugen Jurzyca, Arba Kokalari, Marcel Kolaja, Kateřina Konečná, Jean-Lin Lacapelle, Maria-Manuel Leitão-Marques, Morten Løkkegaard, Adriana Maldonado López, Antonius Manders, Beata Mazurek, Leszek Miller, Dan-Ştefan Motreanu, Anne-Sophie Pelletier, Miroslav Radačovský, Christel Schaldemose, Andreas Schwab, Tomislav Sokol, Ivan Štefanec, Róża Thun und Hohenstein, Kim Van Sparrentak, Marion Walsmann, Marco Zullo

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Clara Aguilera, Jordi Cañas, Claude Gruffat, Sylvie Guillaume, Jiří Pospíšil, Barbara Thaler

 


 

 

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

40

+

ECR

Adam Bielan, Carlo Fidanza, Beata Mazurek

ID

Virginie Joron, Jean-Lin Lacapelle

PPE

Pablo Arias Echeverría, Deirdre Clune, Arba Kokalari, Antonius Manders, Dan-Ştefan Motreanu, Jiří Pospíšil, Andreas Schwab, Tomislav Sokol, Ivan Štefanec, Barbara Thaler, Róża Thun und Hohenstein, Marion Walsmann

Renew

Andrus Ansip, Vlad-Marius Botoş, Jordi Cañas, Dita Charanzová, Svenja Hahn, Morten Løkkegaard, Marco Zullo

S&D

Clara Aguilera, Biljana Borzan, Evelyne Gebhardt, Maria Grapini, Sylvie Guillaume, Maria-Manuel Leitão-Marques, Adriana Maldonado López, Leszek Miller, Christel Schaldemose

The Left

Kateřina Konečná, Anne-Sophie Pelletier

Verts/ALE

Anna Cavazzini, Alexandra Geese, Claude Gruffat, Marcel Kolaja, Kim Van Sparrentak

 

1

-

ECR

Eugen Jurzyca

 

3

0

ID

Alessandra Basso, Markus Buchheit

NI

Miroslav Radačovský

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

 


 

 

 

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦAS-SAJD (28.4.2021)

għall-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali

dwar Strateġija mill-"Għalqa sal-Platt" għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent

(2020/2260(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Izaskun Bilbao Barandica

 

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għas-Sajd jistieden lill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, bħala l-kumitati responsabbli, biex jinkorporaw is-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tagħhom:

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Mejju 2020 dwar l-Istrateġija "Mill-Għalqa sal-Platt" għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent (COM(2020)0381),

 wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009, u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 1967/2006, (KE) Nru 1005/2008, u r-Regolament (UE) Nru 2016/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kontroll tas-sajd (COM(2018)0368),

 wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar ir-rati tat-taxxa fuq il-valur miżjud (COM(2018)0020),

 wara li kkunsidra l-abbozz ta' inizjattiva tal-Kummissjoni dwar pjan ta' kontinġenza għall-iżgurar tal-provvista tal-ikel u tas-sikurezza tal-ikel kif previst fl-Istrateġija proposta mill-Għalqa sal-Platt u mill-Baħar sal-Platt fl-ambitu tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, b'mod partikolari l-impenn tagħha li tibni fuq it-tagħlimiet meħuda minn kriżijiet tal-passat, inkluża l-pandemija tal-COVID-19 li għaddejja bħalissa,

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Mejju 2020 bit-titolu "Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030: Inreġġgħu n-natura lura f'ħajjitna" (COM(2020)0380),

 wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina)[83],

 wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd[84],

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel[85],

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd[86],

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura[87],

 wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/89/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 li tistabbilixxi qafas għal ippjanar tal-ispazju marittimu[88],

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Ottubru 2020 dwar l-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt,

 wara li kkunsidra l-Opinjoni Xjentifika Nru 3/2017 tal-Grupp ta' Livell Għoli ta' Konsulenti Xjentifiċi tal-Mekkaniżmu ta' Konsulenza Xjentifika tal-Kummissjoni tad-29 ta' Novembru 2017 bit-titolu "Food from the Oceans: How can more food and biomass be obtained from the oceans in a way that does not deprive future generations of their benefits?" (Ikel mill-Oċeani: Kif jistgħu jinkisbu aktar ikel u bijomassa mill-oċeani b'mod li ma jċaħħadx lill-ġenerazzjonijiet futuri mill-benefiċċji tagħhom?),

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Mejju 2016 dwar it-traċċabilità ta' prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura fir-ristoranti u l-bejgħ bl-imnut[89],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta' Mejju 2018 dwar l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' kontroll għall-istabbiliment tal-konformità tal-prodotti tas-sajd mal-kriterji ta' aċċess għas-suq tal-UE[90],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Mejju 2018 dwar l-ottimizzazzjoni tal-katina tal-valur fis-settur tas-sajd tal-UE[91],

 wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu adottata fl-ewwel qari tal-4 ta' April 2019 bil-ħsieb tal-adozzjoni ta' regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[92],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew[93],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2020 dwar Strateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa[94],

A. billi l-għan tal-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt huwa li tikkontribwixxi għall-aġenda Ewropea dwar it-tibdil fil-klima, tipproteġi l-ambjent, tiżgura l-pożizzjoni tal-prodotti fil-katina tal-valur, u tħeġġeġ il-konsum ta' ikel sostenibbli u tajjeb għas-saħħa;

B. billi s-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura huma parti integrali mis-sistema tal-ikel tal-UE li r-reżiljenza u l-iżvilupp sostenibbli tagħha jiddependu mill-ħidma u mill-kontributi tas-sajjieda u tal-pixxikulturi Ewropej, peress li dawn għandhom rwol ewlieni fl-appoġġ tad-dimensjoni, ambjentali, ekonomika u soċjali tal-komunitajiet tal-kosta, tal-gżira u ta' ħafna komunitajiet interni;

C. billi l-kriżi tas-saħħa pubblika bla preċedent li ġabet magħha l-pandemija tal-COVID-19 se jkollha riperkussjonijiet fuq il-kummerċ u s-suq, u kienet daqqa ta' ħarta serja fuq is-sajjieda madwar l-Ewropa kollha; billi minkejja r-riskji għas-saħħa u l-prezz baxx tal-ħut, is-sajjieda Ewropej komplew jaħdmu u jiddistingwu lilhom infushom bħala ħaddiema ewlenin, bil-kriżi tenfasizza l-importanza tas-sajd u tal-akkwakultura fl-iżgurar tal-aċċess għall-ikel; billi l-UE pprovdiet rispons għal żmien qasir bħal aċċess aktar flessibbli għall-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) u l-approvazzjoni tal-għajnuna mill-Istat, flimkien ma' appoġġ aktar fit-tul kif deskritt fil-Pjan ta' Rkupru għall-Ewropa; billi għandha tiġi milqugħa l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippreżenta pjan ta' kontinġenza biex tiżgura l-provvista tal-ikel u s-sikurezza tal-ikel madwar l-UE kollha fi żminijiet ta' kriżi;

D. billi huwa meħtieġ li jiġu infurzati r-regoli tal-kompetizzjoni u tal-ekonomija soċjali skont l-organizzazzjoni komuni tas-swieq (OKS), li l-prinċipji tagħha jmorru lura għall-1970, u li jiġi aġġornat il-qafas tagħha bi programmi u strumenti finanzjarji speċifiċi biex jingħata aċċess mhux diskriminatorju għas-suq lil ħaddiema li jaħdmu għal rashom f'sajd fuq skala żgħira sabiex tingħata s-setgħa lill-organizzazzjonijiet tagħhom, li joħolqu valur soċjali sinifikanti billi jikkonċentraw b'mod effiċjenti l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tagħhom; billi dawn il-ħaddiema li jaħdmu għal rashom ġew esklużi mill-appoġġ tal-COVID-19 fl-ambitu tar-Regolament (UE) 2020/560[95], minkejja li wrew li huma importanti ħafna għas-soċjetà matul il-pandemija, u kellhom iħabbtu wiċċhom mar-riskji għas-saħħa bħala settur essenzjali fis-sistema tal-ikel tal-UE u tnaqqis fil-prezzijiet minħabba l-għeluq tal-kanal tal-lukandi, tar-ristoranti u tal-catering (HORECA);

E. billi fi Stati Membri differenti hemm tradizzjonijiet u drawwiet differenti fir-rigward tan-nutrizzjoni u tal-użu tar-riżorsi bijoloġiċi disponibbli, inkluż il-ħut, il-frott tal-baħar bil-qoxra u l-molluski; billi dan għandu jitqies meta jitfasslu politiki, rakkomandazzjonijiet u strateġiji li jħallu impatt fuq l-ispeċijiet tal-ħut u l-prodotti mhux tal-ħut li huma ekonomikament importanti jew tradizzjonalment użati fis-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura;

F. billi s-sajd eċċessiv u l-qabdiet inċidentali ta' speċijiet tal-baħar sensittivi jirriżultaw fid-degradazzjoni tal-ekosistemi tal-baħar u kostali u jwasslu għat-telfien tal-bijodiversità;

G. billi għalkemm is-setturi tas-sajd, tal-akkwakultura u tal-ipproċessar tal-UE jsegwu l-ogħla standards ta' kummerċjalizzazzjoni, ambjentali, ta' sostenibbiltà u soċjali, huma meħtieġa rieżami u approvazzjoni biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà ambjentali u soċjali tul il-katina tal-valur kollha, inkluż dwar id-drittijiet tal-ħaddiema, is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali; billi dawn is-setturi jipprovdu prodotti tal-frott tal-baħar ta' kwalità għolja, li għandhom rwol fundamentali fl-iżgurar tas-sikurezza tal-ikel u tal-benesseri nutrizzjonali tal-popolazzjoni; billi huwa tal-akbar importanza, għalhekk, li tiġi vvalutata l-pożizzjoni tas-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura fis-suq intern u l-importazzjonijiet tal-prodotti tagħhom sabiex jinkiseb mudell tas-sajd li jirrifletti l-bilanċ bejn it-tliet dimensjonijiet ewlenin (ambjentali, soċjali u ekonomika) proposti fl-Aġenda tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-2030 u s-17-il Għan ta' Żvilupp Sostenibbli tagħha;

H. billi filwaqt li standards ta' kummerċjalizzazzjoni għoljin ħafna fl-UE, inkluż standards ambjentali, ta' sostenibbiltà u soċjali, japplikaw biss għal 75 % tal-ħatt l-art fl-UE u għal inqas minn 10 % tal-importazzjonijiet (peress li l-fletti u l-ħut iffriżat huma esklużi), li jirriżulta f'għadd kbir ta' prodotti importati li ma jilħqux in-normi u l-istandards rigorużi li magħhom irid jikkonforma s-settur ibbażat fl-UE, u b'hekk jinħolqu kundizzjonijiet mhux ekwi u l-produtturi tal-UE jitpoġġew fi żvantaġġ kompetittiv;

I. billi l-użu eċċessiv tal-pestiċidi fl-agrikoltura għandu wkoll effetti negattivi fuq il-flora u l-fawna akkwatiċi;

J. billi l-assoċjazzjonijiet tas-sajjieda bħax-xrieki ta' negozjanti huma atturi ewlenin fis-sistemi tal-ikel ta' xi Stati Membri, fejn joperaw bħala entitajiet tal-liġi pubblika mhux għall-profitt u tal-ekonomija soċjali li jirrappreżentaw is-settur tas-sajd u jaħdmu flimkien mal-amministrazzjoni pubblika, u jwettqu funzjonijiet ta' interess ġenerali għall-benefiċċju tas-sajd marittimu u tal-ħaddiema fis-settur tas-sajd, kif ukoll iwettqu funzjonijiet tan-negozju, jikkummerċjalizzaw il-prodotti u jipprovdu servizzi ta' konsulenza u ta' ġestjoni;

K. billi fir-rapport tagħha tal-2020 dwar l-istat tas-sajd u tal-akkwakultura dinjija, l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-NU tirrikonoxxi r-rwol ewlieni tas-sajd fis-sikurezza tal-ikel globali, filwaqt li tfakkar li l-akbar theddida għall-kontribut tiegħu hija s-sajd eċċessiv u li l-isfruttament sostenibbli tal-istokkijiet tal-ħut għandu l-potenzjal li jżid il-produttività tas-sajd;

L. billi sabiex titnaqqas il-ħela tal-ikel, jeħtieġ li jittejbu l-loġistika u l-infrastruttura fil-katina tal-valur biex jiġi ottimizzat l-użu tal-qabdiet kollha u s-sostenibbiltà tas-sistema tal-ikel;

M. billi huwa meħtieġ approċċ olistiku għad-diversi strateġiji u politiki tal-UE assoċjati mal-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt;

N. billi l-konċentrazzjoni ġenerali tas-suq u t-tendenza tal-bejjiegħa bl-imnut kbar li jikkonkludu ftehimiet li xi drabi ma jkunux ġusti għall-produtturi primarji għandhom impatt negattiv fuq is-sajd fuq skala żgħira;

O. billi l-objettivi tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) jinkludu, fost l-oħrajn, il-forniment lis-suq tal-UE b'ikel ta' valur nutrizzjonali għoli, it-tnaqqis tad-dipendenza tas-suq tal-UE mill-importazzjonijiet tal-ikel, u l-iżgurar li l-ikel jilħaq lill-konsumaturi bi prezzijiet raġonevoli; billi l-pandemija li għadha għaddejja għamlitha aktar evidenti li l-UE jeħtieġ li tkun tista' tiggarantixxi bis-sħiħ is-sikurezza tal-ikel għaċ-ċittadini tagħha u tnaqqas id-dipendenza tagħha mill-importazzjonijiet tal-ikel minn pajjiżi terzi;

P. billi l-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura huma sors importanti ta' proteina u komponent importanti ta' dieta tajba għas-saħħa; billi aktar minn nofs il-popolazzjoni adulta tal-Unjoni għandha piż żejjed, li qed jikkontribwixxi għall-prevalenza għolja ta' mard relatat mad-dieta bħall-mard kardjovaskulari u ż-żieda fl-ispejjeż tal-kura tas-saħħa; billi  l-konsum tal-ħut u tal-prodotti tal-akkwakultura fl-UE jvarja ħafna madwar l-Istati Membri;

Q. billi meta mqabbel ma' proteini oħra tal-annimali, il-ħut li jinqabad fis-selvaġġ għandu l-aktar impatt ambjentali baxx peress li jgħix fis-selvaġġ u ma jirrikjedix l-użu ta' art, għalf artifiċjali, provvista tal-ilma, jew antibijotiċi jew pestiċidi għall-produzzjoni tiegħu, u għalhekk jirrappreżenta l-għażla perfetta għall-proteini tal-annimali f'termini ta' sikurezza tal-ikel u protezzjoni tal-klima;

R. billi s-sajjieda jindirizzaw it-tipi kollha ta' skart tal-baħar billi jistadu għall-iskart fil-baħar – kemm b'mod attiv kif ukoll b'mod passiv – u jgħinu fil-ġbir ta' skart minn bastimenti oħra, li jgħin biex jittejjeb l-ambjent tal-baħar u s-sostenibbiltà tas-settur;

S. billi l-ħidma tas-sajjieda u l-isforzi kontinwi biex tiġi implimentata l-PKS ġabu titjib fil-popolazzjonijiet tal-ħut tal-UE u taw riżultati pożittivi oħra permezz ta' ġestjoni tas-sajd effiċjenti u bbażata fuq ix-xjenza li hija ffukata fuq is-sostenibbiltà, is-sajd responsabbli, u l-minimizzazzjoni tal-impatt tas-sajd kummerċjali fuq l-ekosistemi, u bbażata fuq miri ta' ġestjoni ambizzjużi u miftiehma fuq livell internazzjonali; billi għad hemm parametri ambjentali li jirrikjedu aktar sforzi sabiex jittejbu;

T. billi s-settur tas-sajd għal żmien twil għen biex jipprovdi lill-konsumaturi Ewropej prodotti ta' kwalità għolja li jissodisfaw standards għoljin ta' nutrizzjoni u sikurezza tal-ikel, u issa huwa mexxej globali f'termini ta' sostenibbiltà;

U. billi l-konsum tal-fjuwil u l-emissjonijiet tas-CO2 mis-sajd naqsu bi 18 % bejn l-2009 u l-2018; billi għalkemm l-effiċjenza enerġetika tal-flotta tas-sajd tal-UE – tunnellati ta' ħut għal kull litru ta' fjuwil – żdiedet matul is-snin bis-saħħa tal-adattament ta' teknoloġiji ġodda u tat-titjib fl-istokkijiet tal-ħut, is-sajd xorta se jħabbat wiċċu ma' diffikultajiet minħabba t-tibdil fil-klima, li huwa vittma tiegħu aktar milli kawża, kif muri mill-ħafna fenomeni naturali bħaż-żidiet fit-temperatura tal-ilma li kellhom u se jkomplu jkollhom impatt negattiv ħafna fuq il-profittabbiltà tas-settur;

V. billi f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1379/2013 dwar l-OKS fi prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, huwa essenzjali li l-konsumaturi jiġu infurmati, permezz ta' kampanji ta' kummerċjalizzazzjoni u edukattivi, dwar il-valur alimentari tal-ħut u l-varjetà wiesgħa ta' speċijiet disponibbli, kif ukoll dwar l-importanza li wieħed jifhem l-informazzjoni li tinsab fuq it-tikketti; billi l-informazzjoni dwar il-pajjiż ta' oriġini u t-traċċabbiltà tal-prodotti tas-sajd huma b'mod ċar fl-interessi tal-konsumaturi tal-UE, iżda l-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE ma tirrikjedix li tiġi indikata l-oriġini tal-prodott finali ippreparat jew ippreservat, anki jekk dan huwa obbligatorju għas-settur tal-qbid; billi l-informazzjoni dwar it-traċċabbiltà u l-produzzjoni sostenibbli għalhekk tintilef fil-katina tal-valur tal-ikel;

1. Jisħaq li l-PKS u sistema ta' governanza li tiffunzjona tal-ibħra tal-Ewropa huma parti integrali mis-sistema tal-ikel u mill-katina tal-provvista tal-UE u jinteraġixxu mill-qrib mal-pilastri Ewropej tas-saħħa u tal-ambjent li huma fil-qalba tal-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt; jesprimi diżappunt kbir għan-nuqqas ta' prominenza u ambizzjoni għall-kontribut u għall-potenzjal tas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura fl-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt; jisħaq li dan in-nuqqas ta' ambizzjoni jagħmilha aktar diffiċli għall-Unjoni biex tilħaq l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u jwissi li se jwassal għal inqas opportunitajiet u inqas introjtu għas-sajjieda, għall-produtturi tal-akkwakultura u għall-ħaddiema tal-UE tul il-katina tal-provvista tal-ħut u tal-frott tal-baħar; jitlob li l-istrateġija tiġi estiża għal strateġija mill-Għalqa sal-Platt u mill-Baħar sal-Platt, u li t-titolu tagħha jingħata l-isem uffiċjali ġdid ta' "Strateġija mill-Għalqa sal-Platt u mill-Baħar sal-Platt għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent";

2. Jisħaq li l-istrateġija attwali għandha tiġi integrata b'approċċ trażversali għas-sajd li jqis il-leġiżlazzjoni ewlenija tal-UE dwar is-suġġett u fid-dawl tal-objettivi tal-istrateġija, filwaqt li jitqiesu kif xieraq it-tliet pilastri tal-iżvilupp sostenibbli – soċjali, ekonomiku u ambjentali – biex jiġi żgurat li s-sistema tal-ikel futura tkun aktar ġusta, aktar tajba għas-saħħa u tirrispetta aktar l-ambjent; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni xierqa lin-natura speċifika tas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura fi kwalunkwe proposta leġiżlattiva, strateġija jew linja gwida futura li tista' tfassal bħala riżultat tal-istrateġija u biex timla l-lakuni b'inizjattivi addizzjonali xierqa;

 Jisħaq fuq l-importanza li jiġu żgurati l-koordinazzjoni u l-appoġġ reċiproku bejn l-inizjattivi kollha tal-Patt Ekoloġiku u bejn l-objettivi tal-Unjoni u tal-Istati Membri fir-rigward, fost l-oħrajn, tas-sikurezza tal-ikel, tat-tibdil fil-klima, tar-riżorsi naturali tal-baħar u tal-ġestjoni sostenibbli tas-sajd;

4. Jirrikonoxxi li s-sajd huwa waħda mill-aktar sistemi effiċjenti u intelliġenti fil-livell klimatiku li tiżgura ikel tajjeb għas-saħħa u sostenibbli filwaqt li tiggarantixxi eżistenza dinjituża għas-sajjieda fl-UE;

5. Jilqa' r-rikonoxximent mill-Kummissjoni tal-ħaddiema ewlenin matul il-pandemija tal-COVID-19; jisħaq li l-ħaddiema tas-sajd, mhux biss il-ħaddiema tas-settur agroalimentari, jaqgħu taħt din il-kategorija; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, iżżid l-isforzi tagħha biex ittejjeb il-pożizzjoni tas-sajjieda Ewropej fil-katina tal-valur billi ttejjeb is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, tiggarantixxi paga deċenti għalihom u tipproteġi l-libertà ta' moviment tagħhom, speċjalment fi żminijiet ta' kriżi;

6. Jissottolinja r-relazzjoni mill-qrib bejn l-attivitajiet tas-sajd u l-konservazzjoni tal-bijodiversità u jenfasizza l-impatt negattiv tas-sajd mhux sostenibbli fuq il-bijodiversità; jisħaq, madankollu, li s-sajd sostenibbli biss jista' jillimita l-impatt negattiv fuq l-ispeċijiet, il-ħabitats u l-ekosistemi, kif ukoll l-effetti tat-tibdil fil-klima;

7. Jisħaq li sabiex jintlaħqu bis-sħiħ u b'mod effettiv l-objettivi tal-istrateġija, hija meħtieġa valutazzjoni preliminari estensiva tal-impatt soċjoekonomiku biex jiġu kkunsidrati r-riperkussjonijiet possibbli kollha tal-miżuri proposti fuq il-komunitajiet kostali tal-UE u fuq il-produttività u l-kompetittività tas-sajd tagħha; jisħaq, barra minn hekk, li t-tranżizzjoni għal mudell sostenibbli ta' produzzjoni u konsum għandha ssir gradwalment u b'mod proporzjonat mal-kapaċitajiet tal-industrija tas-sajd tal-UE;

8. Jisħaq li t-traspożizzjoni ta' prinċipji ġusti u aċċettabbli ħafna drabi tista' toħloq prattiki onerużi u eċċessivi li huma diffiċli biex jiġu applikati mis-sajjieda, mingħajr qatt ma verament jintlaħqu l-objettivi li dawn il-prinċipji jistabbilixxu biex jintlaħqu; jisħaq, għalhekk, li l-proposti tal-istrateġija ma għandhomx joħolqu piżijiet finanzjarji jew burokratiċi eċċessivi għall-operaturi fis-settur tas-sajd;

9. Jaqbel mal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li jiġi żgurat ir-rispett tal-prinċipji ewlenin stabbiliti fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, speċjalment fir-rigward ta' ħaddiema prekarji, staġjonali u mhux iddikjarati; jisħaq li, għal dan il-għan, għandhom jittieħdu passi prattiċi sabiex tiġi ssodisfata din il-ħtieġa, permezz ta' kooperazzjoni akbar mal-korpi tal-UE għal djalogu soċjali, bħall-Kumitat tad-Djalogu Soċjali Settorjali tal-UE għas-Sajd fil-Baħar, meta jitfasslu inizjattivi leġiżlattivi biex jintlaħqu l-objettivi tal-istrateġija;

10. Jisħaq li l-promozzjoni ta' dieti tajbin għas-saħħa u sostenibbli bħala parti mill-istrateġija u l-istrateġija tal-UE għat-tibdil fil-klima għandhom jiffavorixxu l-konsum tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura tal-UE, peress li huma sors importanti ta' proteina b'impronta tal-karbonju żgħira u komponent kruċjali ta' dieta tajba għas-saħħa u jenfasizzaw il-valur tax-xogħol tas-sajjieda u tan-nisa fis-settur, u tal-akkwakultura; ifakkar fil-potenzjal ta' akkwakultura u sajd sostenibbli biex jinħolqu impjiegi ekoloġiċi u jqis li t-tranżizzjoni ekoloġika tas-sistemi tal-ikel b'mod ġenerali, u s-sajd b'mod partikolari, għandha ssir b'mod li jiżgura introjtu ġust għas-settur tas-sajd, filwaqt li ssaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu fil-katina tal-valur billi tħeġġeġ ir-raggruppament ta' xrieki ta' negozjanti, kooperattivi, assoċjazzjonijiet jew organizzazzjonijiet oħra, u billi jitwettaq monitoraġġ xieraq fil-qafas tad-Direttiva (UE) 2019/633 dwar prattiki kummerċjali inġusti[96];

11. Jissottolinja l-impatt ambjentali baxx tas-sajd f'ċerti aspetti u l-produzzjoni tal-ikel tajjeb għas-saħħa tas-settur, peress li mhuwa involut l-ebda għalf artifiċjali, antibijotiku, fertilizzant jew pestiċida kimika; jissottolinja li bis-saħħa tal-proprjetajiet tiegħu li huma tajbin għas-saħħa, il-konsum tal-ħut għandu potenzjal kbir biex jindirizza l-kriżi tas-saħħa pubblika Ewropea fir-rigward tal-prevalenza għolja ta' mard relatat mad-dieta, bħall-mard kardjovaskulari;

12. Josserva li l-PKS hija l-qafas legali attwali għas-sajd, li għandha l-għan li tipprovdi ikel tajjeb għas-saħħa bbażat fil-baħar f'konformità mal-prinċipji sostenibbli, soċjali, ekonomiċi u ambjentali għall-ġestjoni tas-sajd, filwaqt li tiżgura l-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi bijoloġiċi ħajjin tal-baħar, u tirrestawra u tmantni l-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet maqbuda f'livelli ogħla minn dawk li jistgħu jiżguraw ir-rendiment massimu sostenibbli, kif ukoll li tiżgura l-profittabbiltà tal-attivitajiet tas-sajd;

13. Jisħaq fuq ir-rwol importanti li għandhom in-nisa fl-ipproċessar, fil-promozzjoni u fil-kummerċjalizzazzjoni tal-ħut li jinqabad;

14. Jenfasizza li l-pandemija li għadha għaddejja wriet il-ħtieġa li l-UE ttejjeb u tissalvagwardja s-sikurezza tal-ikel u s-sovranità tal-ikel sabiex tnaqqas id-dipendenza tagħha mill-importazzjonijiet tal-ikel minn pajjiżi terzi; jaqbel mal-iżvilupp ta' pjan ta' kontinġenza biex tiġi żgurata l-provvista tal-ikel u s-sikurezza tal-ikel tal-UE f'każ ta' kriżijiet futuri; ifakkar fl-objettiv tal-PKS li tikkontribwixxi għall-provvista ta' ikel nutrittiv ħafna għas-suq tal-UE u tnaqqas id-dipendenza tas-suq tal-UE mill-importazzjonijiet tal-ikel; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li nimxu lejn l-integrazzjoni intelliġenti tas-sistemi tal-ikel globali, reġjonali u lokali, filwaqt li nippromwovu kanali qosra fil-katina tal-valur tas-sajd sabiex tittejjeb is-sikurezza tal-ikel, f'konformità mal-prinċipji tas-suq uniku;

15. Jenfasizza li l-Istrateġiji għall-Bijodiversità u mill-Għalqa sal-Platt huma żewġ naħat tal-istess munita; jitlob, għalhekk, il-formulazzjoni ta' valutazzjonijiet tal-impatt li jidentifikaw l-ispejjeż sħaħ tal-objettivi tal-bijodiversità tal-Kummissjoni f'termini tal-impatti tat-tnaqqis tal-pressjoni tas-sajd u b'hekk tal-produzzjoni tal-ikel;

16. Jenfasizza li meta jiġu implimentati l-objettivi u l-miżuri proposti fl-istrateġija u t-tranżizzjoni għal sistema tal-ikel sostenibbli, trid tingħata attenzjoni xierqa lis-sostenibbiltà ekonomika, soċjali u ambjentali tas-sistemi tal-ikel u lill-kompetittività tas-setturi Ewropej tas-sajd u tal-akkwakultura, inkluż introjtu ġust għall-produtturi primarji; jisħaq fuq l-importanza tal-konsultazzjoni kostruttiva, effettiva u ugwali tas-sajjieda u tal-produtturi tal-akkwakultura u ta' partijiet ikkonċernati rilevanti oħra li jirrappreżentaw il-katina tal-valur fi kwalunkwe deċiżjoni relatata mal-Istrateġija proposta mill-Għalqa sal-Platt u mill-Baħar sal-Platt;

17. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-aġenziji rilevanti tal-UE, inkluża l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, jivvalutaw jekk l-algi jistgħux jikkostitwixxu sors ta' ikel sikur, tajjeb għas-saħħa u sostenibbli fil-kuntest tal-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt;

18. Jilqa' r-rapport ippjanat tal-Kummissjoni dwar il-funzjonament tal-PKS, li għandu jiġi ppubblikat sal-31 ta' Diċembru 2022, li se jkun jeħtieġ li jiffoka fuq ir-riskji kkawżati mit-tibdil fil-klima għas-sostenibbiltà tal-ispeċijiet u l-objettiv li jinkiseb rendiment massimu sostenibbli; jenfasizza l-ħtieġa, madankollu, ta' approċċ ġenerali biex l-istokkijiet tal-ħut jinġiebu f'livelli sostenibbli u jiġu rrestawrati l-ekosistemi tal-baħar u kostali, li għandu jiffoka wkoll fuq il-benefiċċji u s-sostenibbiltà soċjali, ekonomika u ambjentali tas-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura, inkluż l-effetti ta' speċijiet aljeni invażivi li jheddu ċerti speċijiet ta' sinifikat ekonomiku, filwaqt li jsiru sforzi koordinati biex jitnaqqas l-impatt tagħhom; jitlob li dan ir-rapport jiġi segwit bi proposti u azzjonijiet leġiżlattivi jew mhux leġiżlattivi biex jiġu implimentati aħjar l-objettivi tal-PKS fid-dawl tal-isfidi l-ġodda li qed iħabbat wiċċu magħhom is-settur tas-sajd u biex jiġi indirizzat kwalunkwe nuqqas li jirriżulta li huwa sinifikanti;

19. Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jieħdu l-azzjoni meħtieġa biex itejbu l-kwalità tal-ilmijiet tal-UE u jipprevjenu d-dħul ta' sustanzi tossiċi fil-katina alimentari; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw approċċ olistiku għall-ambjent tal-baħar u jindirizzaw il-kawżi ewlenin tat-tniġġis tal-ilma, inkluż l-iskart fil-baħar u l-ilma urban u industrijali mormi, u li jtemmu l-prattiki li huma ta' ħsara għall-ambjent tal-baħar u għas-saħħa tal-bniedem;

20. Jilqa' r-rwol tal-Linji Gwida Strateġiċi tal-UE għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-Akkwakultura tal-UE li għadhom kif ġew imħabbra għall-perjodu 2021-2030; jenfasizza r-rwol fundamentali tal-akkwakultura u l-ħtieġa tal-iżvilupp tagħha bħala pedament fl-iżgurar tal-awtosuffiċjenza ta' ikel tajjeb għas-saħħa; jitlob li dawn il-linji gwida jiġu adottati u implimentati malajr u jissottolinja, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa ta' linji gwida speċifiċi għall-frott tal-baħar bil-qoxra u għall-akkwakultura fl-ilmijiet interni sabiex jipprovdu direzzjoni għal ġestjoni aħjar u għal aktar sostenibbiltà, kif ukoll aktar finanzjament għal dawn is-setturi fl-ambitu tal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura (FEMS) il-ġdid;

21. Jissottolinja li l-ħidma kontinwa fuq l-Istrateġija proposta mill-Għalqa sal-Platt u mill-Baħar sal-Platt għandha tkun ispirata u tinbena fuq il-prattiki eżistenti, li diġà jissodisfaw l-objettivi ta' sostenibbiltà tal-istrateġija attwali, bħal ċerti tipi ta' ġestjoni tal-akkwakultura li jipprovdu wkoll servizzi ambjentali u soċjali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffaċilitaw, jinkoraġġixxu u jipprovdu appoġġ adegwat għal akkwakultura favur l-ambjent bħal akkwakultura b'impatt baxx, akkwakultura b'sistema magħluqa, algi, frott tal-baħar bil-qoxra, it-trobbija tal-ħut fil-vaski jew sistemi integrati ta' akkwakultura multitrofika bħala partijiet importanti tal-ekonomija ċirkolari u kontributuri netti għat-trasformazzjoni ta' nutrijenti eċċessivi fi proteina ta' kwalità għolja;

22. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-pjanijiet għall-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura jqisu l-ostakli ewlenin għall-iżvilupp tal-potenzjal tas-settur u jirrikonoxxu l-ħtieġa li jiġi allokat spazju lill-akkwakultura permezz ta' ppjanar tal-ispazju xieraq; jenfasizza l-importanza ta' mekkaniżmu trasparenti u parteċipattiv, f'konformità mad-Direttiva 2014/89/UE dwar l-ippjanar tal-ispazju marittimu, għall-allokazzjoni tal-ispazju lill-partijiet ikkonċernati kollha b'mod ekwu, inkluż għal żoni tas-sajd eżistenti u ġodda u għall-farms tal-akkwakultura; jisħaq li l-iżvilupp tal-akkwakultura jirrikjedi qafas legali solidu, affidabbli u ċar għall-użu tal-ispazju u tal-liċenzji li jipprovdi fiduċja u sigurtà għall-investiment fis-settur;

23. Jilqa' l-intenzjoni li tiġi promossa l-akkwakultura organika u jenfasizza l-benefiċċji ekonomiċi ta' dan għall-produtturi tal-akkwakultura minħabba l-potenzjal kbir tagħha li għadu ma ġiex sfruttat għall-iżvilupp u għat-tkabbir; jindika li t-tranżizzjoni tista' tiġi megħjuna permezz tal-FEMSA;

24. Jisħaq li ilha prattika komuni fis-settur tal-akkwakultura li jerġgħu jintużaw prodotti tal-annimali mhux użati (jew li jistgħu jintużaw) għall-konsum mill-bniedem; jindika li fl-interessi ta' ekonomija ċirkolari, huwa meħtieġ investiment konsiderevoli biex jinħolqu sinerġiji bejn l-akkwakultura u l-ħela tal-ikel u biex jiġu appoġġjati proċessi virtużi għall-użu mill-ġdid tal-iskart tal-akkwakultura (bħall-algi) għat-tagħlif tal-ħut;

25. Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tappoġġja mudelli ta' negozju ekoloġiku, bħal dawk ibbażati fuq is-sekwestru tal-karbonju, sabiex il-ktajjen tal-provvista jsiru aktar sostenibbli; jisħaq, f'dan ir-rigward, li ċerti prattiki tal-akkwakultura, bħat-trobbija tal-maskli jew tal-gajdri, jistgħu jkunu mudell ta' suċċess għall-futur fil-kuntest tas-Sistema għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet; jistieden lill-Kummissjoni tinvesti f'dan it-tip ta' negozju ekoloġiku fid-dawl tal-objettivi tal-istrateġija;

26. Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippubblika linji gwida għall-akkwist sostenibbli tal-ikel fil-catering istituzzjonali u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkludi l-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura f'dawn il-linji gwida;

27. Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tieħu azzjoni biex tħaffef l-użu fis-suq ta' soluzzjonijiet għal effiċjenza enerġetika fis-setturi tal-agrikoltura u tal-ikel; jisħaq, f'dan ir-rigward, li dawn l-azzjonijiet għandhom iqisu wkoll is-settur tal-akkwakultura sabiex jintużaw il-forom potenzjali kollha ta' produzzjoni tal-enerġija involuti f'dawn it-tipi ta' biedja u biex tiġi promossa sistema ta' produzzjoni b'konsum żero;

28. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw miżuri biex itejbu l-kwalità tal-ilma u l-kontroll tal-mard u jillimitaw id-densità ta' ħażna fil-produzzjoni tal-akkwakultura fl-interessi tas-saħħa tal-bniedem u tat-trattament xieraq tal-annimali;

29. Jisħaq li ta' spiss il-prodotti organiċi jitqiegħdu f'kategorija ta' prezzijiet li ma jistgħux jintlaħqu mill-biċċa l-kbira tal-konsumaturi Ewropej; jisħaq, għalhekk, fuq il-ħtieġa li tiġi stabbilita sistema ta' prezzijiet ġusti fil-livell tal-UE għall-prodotti organiċi sabiex ma jibqgħux il-privileġġ ta' ftit, iżda jistgħu jiffurmaw il-bażi ta' ikel tajjeb għas-saħħa għal kulħadd;

30. Jilqa' r-rieda tal-Kummissjoni li tagħmel enfasi akbar fuq l-investiment fit-teknoloġija u fil-prattiki ekoloġiċi u diġitali, iżda jesprimi diżappunt għan-nuqqas ta' kwalunkwe referenza għas-sajd u għas-settur tal-akkwakultura; jisħaq fuq il-ħtieġa urġenti li jiġu appoġġjati s-sajjieda u l-atturi fil-katina tal-provvista tal-prodotti tal-ħut fit-tranżizzjoni għal prattiki aktar diġitali billi jsir investiment qawwi fit-taħriġ, u fil-finanzjament għad-diġitalizzazzjoni u għall-konverżjoni għal prattiki u għodod "ekoloġiċi";

31. Jitlob li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jtejbu u jissimplifikaw it-tikkettar, inkluż permezz ta' kodiċijiet li jinqraw b'mod diġitali, tal-prodotti kollha tas-sajd u tal-akkwakultura fil-livell tal-UE, kemm jekk friski, iffriżati jew ipproċessati jew mibjugħa fir-ristoranti kif ukoll permezz tal-bejjiegħa bl-imnut u bl-ingrossa, sabiex tiġi żgurata t-traċċabbiltà fuq il-post ta' oriġini, l-ispeċi u l-informazzjoni dwar aspetti oħra bħall-metodi tal-produzzjoni, inkluż mill-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi;

32. Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' sistema ta' traċċabbiltà tal-ikel fl-UE li ttejjeb is-sostenibbiltà tas-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura u twieġeb għad-domandi tal-konsumaturi billi tipprovdi informazzjoni dwar fejn, meta, kif u x'ħut inqabad jew ġie mrobbi, primarjament biex tittejjeb is-sikurezza tal-ikel iżda wkoll biex ikunu jistgħu jsiru kontrolli tul il-katina kollha kemm tal-prodotti tal-UE kif ukoll tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi u jiġu miġġielda l-frodi u s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU); jitlob approċċ ikkoordinat biex tiġi żgurata l-konsistenza bejn inizjattivi differenti dwar din il-kwistjoni u biex jiġu vvalutati l-ispejjeż u l-benefiċċji ta' għażliet differenti għall-konsumaturi, għall-produtturi u għas-suq intern kollu kemm hu f'konformità mal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet[97] sabiex dawn l-objettivi jiġu implimentati bl-aktar mod effiċjenti possibbli; jemmen li din is-sistema għandha tinvolvi lill-atturi kollha fil-katina tal-valur sabiex ikunu jistgħu jikkollaboraw ma' xulxin, billi jużaw sistemi diġitali sempliċi li huma faċli biex jintużaw u ma jinvolvux spejjeż eċċessivi għall-operaturi, b'mod partikolari n-negozji ż-żgħar;

33. Jisħaq li mekkaniżmi ta' traċċabbiltà tajbin dwar is-sostenibbiltà għall-prodotti kollha mibjugħa fis-swieq tal-UE huma essenzjali biex tiġi żgurata t-trasparenza għall-konsumaturi, għas-settur u għad-diversi amministrazzjonijiet; jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tappoġġja l-implimentazzjoni tar-regoli dwar informazzjoni qarrieqa fir-rigward tas-sostenibbiltà tal-prodotti tal-ikel u li tiżviluppa qafas ta' tikkettar tal-ikel sostenibbli tal-UE u li tilħaq il-miri tal-Patt Ekoloġiku u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU; jisħaq li dan il-pass se jtejjeb il-valur ta' prodotti sostenibbli u se jipproteġi d-drittijiet tal-konsumatur; jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa linji gwida dwar l-għodod diġitali għall-informazzjoni tal-konsumatur trażmessi permezz tal-ħoloq kollha fil-katina tal-valur, inkluż il-pjattaformi eżistenti, bil-għan li tiġi promossa l-interoperabbiltà u titjieb l-effiċjenza tas-sistemi eżistenti;

34. Jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra li toħroġ dikjarazzjonijiet ambjentali li jissodisfaw kriterji robusti u rikonoxxuti fuq livell internazzjonali, bħall-istandard Nru 14024 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni (ISO), li għandhom ikunu bbażati fuq valutazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja sħiħ aktar milli fuq kwalunkwe aspett partikolari tas-sostenibbiltà u għandhom jiġu implimentati billi l-piż amministrattiv u finanzjarju jinżamm żgħir kemm jista' jkun, speċjalment għas-sajjieda fuq skala żgħira u għall-SMEs; jisħaq, għal dan il-għan, li t-tikkettar irid ikun oġġettiv, ibbażat fuq data xjentifika appoġġjata minn verifika indipendenti rigoruża, mhux diskriminatorja fir-rigward tal-valur nutrizzjonali attwali tal-ikel, u jkun kapaċi jipprovdi informazzjoni eżawrjenti u speċifika dwar in-nutrijenti fil-prodott abbażi tal-konsum referenzjali tal-konsumatur medju, mingħajr ma jqarraq jew jinfluwenza l-għażliet tax-xiri, f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1169/2011[98]; jisħaq, barra minn hekk, li n-negozji għandhom ukoll rwol x'jaqdu fl-iżgurar li l-prodotti tas-sajd li jġibu jkunu traċċabbli sal-punt tal-oriġini, u fl-għoti tal-informazzjoni kollha li l-konsumaturi jeħtieġu biex ikunu jistgħu jagħmlu għażliet djetetiċi infurmati tajjeb, tajbin għas-saħħa u ekoloġiċi;

35. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tintroduċi obbligu biex il-konsumaturi jiġu infurmati b'tikkettar dwar l-oriġini u t-traċċabbiltà għall-ħut u għall-prodotti tal-frott tal-baħar ippreparati jew ippreservati kollha bħall-krustaċji, il-molluski u l-kavjar u, fl-interess tal-iżgurar ta' kundizzjonijiet ekwi, li tiġi evalwata l-ħtieġa li jiġi rivedut ir-Regolament (UE) 1379/2013 dwar l-OKS fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura u li jekk ikun xieraq titfassal proposta;

36. Jindika li standards differenti bejn il-prodotti mill-UE u minn pajjiżi terzi jistgħu jqiegħdu s-sajd tal-UE fi żvantaġġ kompetittiv fin-nuqqas ta' konverġenza globali tal-istandards tas-sostenibbiltà; jisħaq, għal dan il-għan, li r-regoli dwar it-tikkettar u t-traċċabbiltà għall-prodotti tal-UE għandhom jiġu applikati wkoll għall-prodotti importati; jisħaq, barra minn hekk, fuq il-ħtieġa li tiġi aġġustata l-leġiżlazzjoni attwali biex tkun meħtieġa dikjarazzjoni tal-oriġini tal-prodott finali mill-prodotti tal-UE u minn pajjiżi terzi kkombinati fil-linji ta' produzzjoni;

37. Jenfasizza l-ħtieġa ta' qafas legali armonizzat tal-UE biex tiġi żviluppata sistema obbligatorja ta' tikkettar dwar in-nutrizzjoni fuq il-parti ta' quddiem tal-pakkett fil-livell tal-UE, ibbażata fuq evidenza xjentifika indipendenti; iħeġġeġ lill-Istati Membri jappoġġjaw l-implimentazzjoni tas-sistema futura tal-UE ta' tfassil ta' profili nutrizzjonali u li jżommu lura minn azzjonijiet unilaterali li jistgħu jxekklu l-armonizzazzjoni tal-isforzi tal-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-ħtieġa li jiġu inklużi bidliet fl-algoritmu għall-ħolqien ta' dawn il-profili nutrizzjonali sabiex il-preżenza tal-omega-3 titqies b'mod pożittiv u l-proporzjon ta' xaħmijiet saturati ma' dawk mhux saturati jiġi kkunsidrat meta jiġu attribwiti punti ta' penalizzazzjoni;

38. Jindika li l-prodotti tal-ħut, tal-krustaċji u tal-molluski jistgħu jiġu protetti permezz tal-iskemi Ewropej tal-kwalità għall-prodotti agrikoli u għall-oġġetti tal-ikel; jinnota li f'konformità mal-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, l-Istati Membri jistgħu jużaw ukoll it-terminu tal-kwalità fakultattiv "prodott tal-biedja tal-gżejjer", inkluż għall-prodotti tal-ħut, tal-krustaċji u tal-molluski, sabiex itejbu l-viżibbiltà tal-produtturi bbażati fil-gżejjer; jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw l-introduzzjoni ta' denominazzjonijiet reġjonali addizzjonali għas-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura, bil-għan li jippromwovu l-viżibbiltà tal-produtturi u tal-prodotti tagħhom li mhumiex eliġibbli għall-protezzjoni fl-ambitu tal-iskemi Ewropej tal-kwalità stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1151/2012;

39. Jilqa' l-użu obbligatorju taċ-ċertifikati tal-qabda diġitalizzati;

40. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jkompli jiġi promoss l-isfruttament responsabbli tar-riżorsi tas-sajd u li jiġi miġġieled is-sajd IUU permezz tat-tisħiħ tal-politika ta' ftehimiet dwar is-sajd sostenibbli ma' pajjiżi mhux tal-UE għal bastimenti Ewropej li jipprovdu prodotti ta' kwalità;

41. Jinnota li s-setturi tas-sajd, tal-akkwakultura u tal-ipproċessar tal-UE diġà japplikaw standards ambjentali u soċjali stretti li se jiġu riveduti wkoll biex jiġu żgurati prodotti ta' kwalità ogħla; iqis, għalhekk, li huwa tal-akbar importanza li jiġi applikat il-prinċipju tar-reċiproċità għall-prodotti tas-sajd li jidħlu fis-suq tal-UE minn pajjiżi terzi u li jiġu pprojbiti l-prodotti li jirriżultaw mis-sajd IUU;

42. Jilqa' l-approċċ ta' tolleranza żero għas-sajd IUU fid-dawl tan-natura globali ta' dan il-fenomenu u l-ħtieġa li tiġi adottata politika tal-viċinat konsistenti u koerenti għall-ġestjoni tas-sajd, filwaqt li jiġi infurzat bis-sħiħ ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 dwar is-sajd IUU[99] (ir-Regolament IUU); jisħaq, f'dan ir-rigward, li l-ftehimiet kummerċjali ffirmati ma' pajjiżi terzi għandhom jinkludu kapitoli dwar is-sajd sostenibbli li huma f'konformità mal-politiki tal-UE dwar l-iżvilupp sostenibbli, mal-PKS u mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament IUU; jitlob li s-sajjieda, il-flotot u l-SMEs tal-UE li joperaw fis-settur tal-frott tal-baħar jingħataw appoġġ biex isaħħu u jtejbu l-pożizzjoni tagħhom fil-katina tal-valur; ifakkar li l-kwoti tariffarji awtonomi jridu jintużaw biss meta jkun hemm nuqqas ta' provvista adegwata ta' frott tal-baħar għas-suq tal-UE u ma jistgħux jiġu sfruttati biex jagħmlu pressjoni fuq il-provvista u l-prezzijiet tal-produtturi tal-UE;

43. Jisħaq li l-UE għandha timmonitorja fuq bażi kontinwa l-isforzi mwettqa biex jiġi miġġieled is-sajd IUU minn pajjiżi terzi li ngħataw tariffi preferenzjali għall-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura; jisħaq li huwa essenzjali għall-UE li tagħmel użu sħiħ mill-istrumenti għad-dispożizzjoni tagħha f'konformità mar-Regolament IUU, inkluża l-"karta ħamra", jekk pajjiż li jkun ingħata tariffi preferenzjali jonqos milli jikkonforma mar-rekwiżiti tal-UE dwar id-drittijiet tal-ħaddiema, is-sajd sostenibbli u t-traċċabbiltà tal-prodotti tas-sajd;

44. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għall-prodotti kollha tas-sajd u tal-akkwakultura kkummerċjalizzati fl-UE irrispettivament mill-oriġini tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, għalhekk, jiżguraw l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti attwali tal-UE dwar is-sikurezza, l-iġjene u l-kwalità, inkluż l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni fuq il-prodotti kollha tas-sajd u tal-akkwakultura fis-suq intern;

45. Ifakkar li għad irid isir progress biex il-ftehimiet ta' sħubija dwar is-sajd sostenibbli jsiru verament sostenibbli; jenfasizza li dawn il-ftehimiet iridu jkunu f'konformità mal-aħjar parir xjentifiku disponibbli u la jridu jheddu s-settur tas-sajd fuq skala żgħira f'pajjiżi terzi u lanqas jimminaw is-sikurezza tal-ikel lokali;

46. Jisħaq fuq l-importanza li tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-konsumatur u jitlob li l-prodotti tas-sajd importati kollha li jidħlu fis-suq tal-UE jkollhom jikkonformaw mal-istandards minimi miftiehma fuq livell internazzjonali, kif stabbilit fil-Konvenzjoni C188 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar ix-Xogħol fis-Sajd u implimentata fl-UE permezz tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2017/159[100], sabiex iċ-ċittadini tal-UE jiġu evitati milli jikkonsmaw ħut meta ma jkunux jafu li nqabad minn bastimenti li ma jirrispettawx il-kundizzjonijiet soċjali minimi;

47. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tfassal lista ta' oġġetti prodotti mit-tħaddim tat-tfal jew mix-xogħol furzat u rapporti korrispondenti għall-użu minn dawk li jfasslu l-politika u mill-kumpaniji tal-UE biex iwettqu valutazzjonijiet tar-riskju, iwettqu diliġenza dovuta fuq il-ktajjen tal-provvista u jiżviluppaw strateġiji biex jindirizzaw it-tħaddim tat-tfal u x-xogħol furzat; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tuża l-lista bħala għodda biex tieħu azzjoni kontra bastimenti tas-sajd mhux konformi u pajjiżi terzi li ma jikkooperawx, b'mod simili għal dik stabbilita fil-Kapitolu VII tar-Regolament IUU, b'mod partikolari biex jiġu limitati jew imblukkati l-importazzjonijiet minn bastimenti tas-sajd jew minn nazzjonijiet tas-sajd imniżżla f'lista (sewda) minħabba abbużi serji fil-konfront tal-ħaddiema u li jonqsu milli jikkonformaw mad-drittijiet bażiċi tal-bniedem abbord bastimenti tas-sajd;

48. Jissottolinja l-importanza tal-FEMSA il-ġdid għall-iffaċilitar ta' ibħra u oċeani ġestiti b'mod sostenibbli, il-promozzjoni tal-iżvilupp ta' ekonomija blu sostenibbli, l-immodernizzar tas-settur tas-sajd f'konformità mal-objettivi tal-PKS, il-ħolqien ta' opportunitajiet ġodda ta' impjieg u ta' introjtu, l-appoġġ għal prattiki sostenibbli, il-promozzjoni tat-tiġdid ġenerazzjonali, inkluż għas-sajd fuq skala żgħira, li jista' jrażżan id-depopolazzjoni fiż-żoni rurali u fil-gżejjer, u l-promozzjoni tal-parteċipazzjoni attiva tan-nisa, tal-assoċjazzjonijiet, inkluż xrieki ta' negozjanti bħal cofradías, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi u s-settur tal-bejgħ bl-imnut; jissuġġerixxi li l-użu tal-finanzjament tal-FEMSA għandu jipprovdi inċentivi ekonomiċi għas-sajjieda, għall-produtturi tal-akkwakultura u għall-ħaddiema tul il-katina tal-provvista li diġà ħadu miżuri biex jillimitaw l-impronta klimatika u ambjentali tagħhom; jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tinvesti fir-riċerka, fl-innovazzjoni u fit-teknoloġija u jisħaq li l-FEMSA għandu jintuża wkoll biex jappoġġja programmi u proġetti ta' riċerka u innovazzjoni mmirati lejn it-tnaqqis tal-ħela tal-ikel u biex jippromwovi sistema tal-ikel sostenibbli, inkluż il-ħolqien ta' inċentivi għat-trasformazzjoni diġitali tas-settur fil-ħoloq kollha tal-katina tal-valur għall-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura; jisħaq, barra minn hekk, fuq il-ħtieġa li jiġu integrati l-programmi Ewropej eżistenti ta' riċerka u innovazzjoni mal-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt u l-Istrateġija għall-Bijodiversità għall-2030 u l-FEMS il-ġdid, u li jiġi involut bis-sħiħ is-settur tas-sajd u tal-akkwakultura u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra tul il-katina tal-valur sabiex jiġu massimizzati s-sinerġiji potenzjali bejn setturi differenti;

49. Jissottolinja l-għan tal-PKS ta' sajd selettiv u jinnota li s-settur tas-sajd qed jinvesti fi rkaptu selettiv għal dan il-għan; jisħaq li l-Unjoni għandha tappoġġja u tħeġġeġ dawn l-investimenti;

50. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jittejbu l-monitoraġġ, il-kontroll u l-infurzar tal-PKS, inkluż l-implimentazzjoni sħiħa tal-obbligu ta' ħatt l-art u l-introduzzjoni ta' monitoraġġ elettroniku tal-bastimenti biex tittejjeb it-traċċabbiltà tal-ikel;

51. Jindika li l-effiċjenza enerġetika tal-flotot tas-sajd tal-UE żdiedet bil-kbir matul is-snin bis-saħħa tal-adattament ta' teknoloġiji ġodda; jinnota titjib fl-istokkijiet tal-ħut, speċjalment fil-Baħar tat-Tramuntana, minħabba l-istandards għoljin li s-settur tas-sajd tal-UE jrid jikkonforma magħhom;

52. Jissottolinja l-importanza tas-sajd kostali fuq skala żgħira u jemmen li dan is-settur jista' jiffaċilita b'mod sinifikanti t-tranżizzjoni lejn il-ġestjoni sostenibbli tal-istokkijiet tal-ħut; jistieden lill-Istati Membri kollha jżidu l-perċentwal tal-kwoti nazzjonali allokati għal dan is-settur kif xieraq;

53. Jirrakkomanda li l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri kollha jniedu kampanji ta' sensibilizzazzjoni edukattivi effettivi, iffinanzjati kif xieraq u estensivi għall-konsumaturi sabiex jissaħħaħ il-konsum tal-ħut tajjeb għas-saħħa u sostenibbli, jiġu enfasizzati l-proprjetajiet u l-benefiċċji tal-prodotti tal-ħut, u l-konsumaturi jiġu megħjuna jagħżlu b'mod għaqli meta jixtru prodotti tal-ħut friski; inkluż billi jiġi promoss il-konsum ta' speċijiet ta' ħut inqas magħrufa; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw inizjattivi biex inaqqsu l-ħela tal-ikel u skart ieħor mis-swieq tal-ħut u tal-frott tal-baħar tal-UE;

54. Iqis li wieħed mill-pedamenti tal-kampanji kollha għall-promozzjoni tal-konsum tal-frott tal-baħar għandu jkun is-sostenibbiltà tal-prattiki użati biex jinkiseb dan u r-rwol ewlieni tas-sajd Ewropew f'dan il-qasam; jisħaq, barra minn hekk, li dawn il-kampanji għandhom jiġu promossi billi ssir ħidma mill-qrib mal-assoċjazzjonijiet kummerċjali u ma' korpi professjonali speċifiċi, bħan-nutrizzjonisti, it-tobba u l-pedjatri, sabiex tittieħed azzjoni mmirata u effettiva biex tgħin lill-konsumaturi Ewropej;

55. Jinnota li l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva dwar ir-rati tal-VAT tipprevedi l-użu ta' tassazzjoni indiretta biex tinkoraġġixxi l-konsum ta' prodotti tal-ikel sostenibbli u tajbin għas-saħħa; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu mill-għodod eżistenti f'dan ir-rigward, bħal rati mnaqqsa tal-VAT u akkwist pubbliku ekoloġiku;

56. Jikkritika l-fatt li l-istrateġija tonqos milli ssemmi xi waħda mill-problemi li jirriżultaw mit-tniġġis tal-ibħra fl-UE bil-mikroplastiċi u bin-nanoplastiċi, li huwa ta' theddida inkwetanti għas-saħħa tal-konsumaturi Ewropej; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiżdiedu r-riċerka u l-ġbir ta' data dwar l-impatt tal-iskart tal-baħar, tan-nanoplastiċi u tal-mikroplastiċi fuq ir-riżorsi tas-sajd u fuq is-saħħa tal-bniedem, filwaqt li tiġi promossa azzjoni biex iżżid is-sensibilizzazzjoni fost il-konsumaturi Ewropej dwar il-problema tat-tniġġis tal-plastik;

57. Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi appoġġ finanzjarju u viżibbiltà għal proġetti u inizjattivi mmirati lejn it-tqassir tal-ktajjen tal-provvista, il-promozzjoni tas-sistemi tal-ikel lokali u l-konsum sostenibbli tal-frott tal-baħar u l-appoġġ għas-sajd fuq skala żgħira;

58. Jisħaq li sabiex l-ekonomija ċirkolari Ewropea tinżamm kompletament konformi mal-objettivi tat-tnaqqis tal-ħela tal-ikel, għandhom jiġu promossi u mħeġġa prattiki virtużi fis-sajd, bħall-użu mill-ġdid ta' prodotti li jkunu nqabdu li jaqgħu taħt id-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni li għalihom japplika obbligu ta' ħatt l-art;

59. Jinnota li min-natura tagħhom stess, għadd ta' kunsiderazzjonijiet dwar it-trattament xieraq tal-annimali fl-istrateġija tal-Kummissjoni ma japplikawx għas-settur tas-sajd;

60. Jissottolinja l-ħtieġa li jiġu stabbiliti metodi konsultattivi aħjar għall-organizzazzjonijiet kummerċjali ta' sajjieda fuq skala żgħira biex jippermettulhom jieħdu sehem fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet rilevanti li għandhom riperkussjonijiet fuq l-għajxien tagħhom, bħall-kumitati ta' djalogu soċjali; jenfasizza l-importanza, f'dan ir-rigward, ta' parteċipazzjoni ġusta u bbilanċjata għas-sajd fuq skala żgħira, peress li r-rappreżentanza fil-kunsilli konsultattivi u f'fora oħra mhijiex biżżejjed; jenfasizza, b'mod partikolari, l-importanza ta' rappreżentanza ugwali u ġusta meta jiġu implimentati dawn l-obbligi internazzjonali bħall-ġestjoni soċjali u tal-ekosistema biex jiġi żgurat li jkun fattibbli li jiġu implimentati fis-segmenti kollha tal-flotta;

61. Jesprimi dispjaċir għall-fatt li filwaqt li l-istrateġija ġustament tenfasizza r-rwol tal-bdiewa bħala kustodji tal-art, din ma tagħtix l-istess rikonoxximent lis-sajjieda Ewropej, li għandhom jitqiesu u jiġu rikonoxxuti bħala l-kustodji tal-baħar u li għandu jkollhom rwol ewlieni fil-kisba tal-objettivi tal-istrateġija; jesprimi d-diżappunt tiegħu, f'dan ir-rigward, li l-istrateġija tonqos milli tiżgura l-involviment tar-rappreżentanti mis-settur f'fora istituzzjonali jew tħeġġeġ approċċ minn isfel għal fuq li jinvolvi bis-sħiħ lis-sajjieda Ewropej fit-tfassil tar-regoli li għandhom japplikaw; jisħaq fuq il-ħtieġa li s-settur tas-sajd ikun involut bis-sħiħ sabiex jintlaħqu bis-sħiħ l-objettivi tal-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt;

62. Jisħaq fuq il-ħtieġa li s-sajjieda fuq skala żgħira jiġu mħeġġa jingħaqdu flimkien f'assoċjazzjonijiet, kooperattivi u organizzazzjonijiet tal-produtturi biex jiġi żgurat li jkollhom pożizzjoni ta' negozjar aħjar mal-fornituri tas-suq u pożizzjoni aħjar u aktar b'saħħitha fil-katina tal-provvista tal-ikel biex jiġu ggarantiti introjtu ġust; jisħaq li assoċjazzjonijiet bħax-xrieki ta' negozjanti fi Spanja (cofradías) għandhom jiġu rikonoxxuti fl-ambitu tad-dritt tal-Unjoni u jkunu eliġibbli li jirċievu appoġġ finanzjarju fuq bażi ugwali mal-organizzazzjonijiet tal-produtturi; jistieden lill-Kummissjoni tieħu inizjattiva f'dan ir-rigward.

 


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

19.4.2021

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

27

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Clara Aguilera, Pietro Bartolo, François-Xavier Bellamy, Izaskun Bilbao Barandica, Rosanna Conte, Rosa D’Amato, Giuseppe Ferrandino, Søren Gade, Niclas Herbst, France Jamet, Pierre Karleskind, Predrag Fred Matić, Francisco José Millán Mon, Grace O’Sullivan, Manuel Pizarro, Caroline Roose, Bert-Jan Ruissen, Annie Schreijer-Pierik, Ruža Tomašić, Peter van Dalen, Emma Wiesner

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Benoît Biteau, Manuel Bompard, Nicolás González Casares, Valentino Grant, Petros Kokkalis, Gabriel Mato, Nuno Melo

 

 


 

 

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

27

+

ECR

Bert-Jan Ruissen, Ruža Tomašić

ID

Rosanna Conte, Valentino Grant, France Jamet

PPE

François-Xavier Bellamy, Peter van Dalen, Niclas Herbst, Gabriel Mato, Nuno Melo, Francisco José Millán Mon, Annie Schreijer-Pierik

Renew

Izaskun Bilbao Barandica, Søren Gade, Pierre Karleskind, Emma Wiesner

S&D

Clara Aguilera, Pietro Bartolo, Giuseppe Ferrandino, Nicolás González Casares, Predrag Fred Matić, Manuel Pizarro

The Left

Petros Kokkalis

Verts/ALE

Benoît Biteau, Rosa D’Amato, Grace O’Sullivan, Caroline Roose

 

 

1

-

The Left

Manuel Bompard

 

0

0

 

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

 

 

 


 

 

 

 

 

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

10.9.2021

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

94

20

10

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Mazaly Aguilar, Clara Aguilera, Atidzhe Alieva-Veli, Álvaro Amaro, Eric Andrieu, Nikos Androulakis, Bartosz Arłukowicz, Margrete Auken, Carmen Avram, Simona Baldassarre, Marek Paweł Balt, Traian Băsescu, Aurélia Beigneux, Monika Beňová, Sergio Berlato, Alexander Bernhuber, Benoît Biteau, Mara Bizzotto, Malin Björk, Simona Bonafè, Daniel Buda, Delara Burkhardt, Pascal Canfin, Isabel Carvalhais, Sara Cerdas, Mohammed Chahim, Asger Christensen, Angelo Ciocca, Tudor Ciuhodaru, Nathalie Colin-Oesterlé, Ivan David, Paolo De Castro, Jérémy Decerle, Esther de Lange, Salvatore De Meo, Christian Doleschal, Herbert Dorfmann, Marco Dreosto, Cyrus Engerer, Eleonora Evi, Agnès Evren, Pietro Fiocchi, Luke Ming Flanagan, Andreas Glück, Catherine Griset, Francisco Guerreiro, Jytte Guteland, Teuvo Hakkarainen, Martin Häusling, Anja Hazekamp, Martin Hlaváček, Martin Hojsík, Pär Holmgren, Jan Huitema, Yannick Jadot, Adam Jarubas, Krzysztof Jurgiel, Jarosław Kalinowski, Elsi Katainen, Petros Kokkalis, Athanasios Konstantinou, Ewa Kopacz, Joanna Kopcińska, Gilles Lebreton, Peter Liese, Sylvia Limmer, Norbert Lins, Javi López, César Luena, Colm Markey, Fulvio Martusciello, Liudas Mažylis, Joëlle Mélin, Tilly Metz, Giuseppe Milazzo, Alin Mituța, Silvia Modig, Dolors Montserrat, Alessandra Moretti, Dan-Ştefan Motreanu, Ulrike Müller, Ville Niinistö, Maria Noichl, Ljudmila Novak, Juozas Olekas, Pina Picierno, Stanislav Polčák, Jessica Polfjärd, Luisa Regimenti, Frédérique Ries, Eugenia Rodríguez Palop, María Soraya Rodríguez Ramos, Sándor Rónai, Rob Rooken, Bronis Ropė, Bert-Jan Ruissen, Anne Sander, Silvia Sardone, Petri Sarvamaa, Simone Schmiedtbauer, Christine Schneider, Annie Schreijer-Pierik, Ivan Vilibor Sinčić, Annalisa Tardino, Nils Torvalds, Véronique Trillet-Lenoir, Petar Vitanov, Alexandr Vondra, Veronika Vrecionová, Mick Wallace, Pernille Weiss, Sarah Wiener, Emma Wiesner, Michal Wiezik, Tiemo Wölken, Anna Zalewska

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Maria Arena, Manuel Bompard, Peter Jahr, Cristina Maestre Martín De Almagro, Michaela Šojdrová, Susana Solís Pérez, Marc Tarabella

Sostituti (skont l-Artikolu 209(7)) preżenti għall-votazzjoni finali

Nicolas Bay

 


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

94

+

EPP

Bartosz Arłukowicz, Traian Băsescu, Alexander Bernhuber, Daniel Buda, Nathalie Colin-Oesterlé, Salvatore De Meo, Christian Doleschal, Herbert Dorfmann, Agnès Evren, Peter Jahr, Adam Jarubas, Jarosław Kalinowski, Ewa Kopacz, Peter Liese, Norbert Lins, Colm Markey, Fulvio Martusciello, Liudas Mažylis, Dan-Ştefan Motreanu, Ljudmila Novak, Stanislav Polčák, Jessica Polfjärd, Luisa Regimenti, Anne Sander, Petri Sarvamaa, Simone Schmiedtbauer, Christine Schneider, Michaela Šojdrová, Pernille Weiss, Michal Wiezik

S&D

Clara Aguilera, Eric Andrieu, Nikos Androulakis, Maria Arena, Carmen Avram, Marek Paweł Balt, Monika Beňová, Simona Bonafè, Delara Burkhardt, Isabel Carvalhais, Sara Cerdas, Mohammed Chahim, Tudor Ciuhodaru, Paolo De Castro, Cyrus Engerer, Jytte Guteland, Javi López, César Luena, Cristina Maestre Martín De Almagro, Alessandra Moretti, Maria Noichl, Juozas Olekas, Pina Picierno, Sándor Rónai, Marc Tarabella, Petar Vitanov, Tiemo Wölken

Renew

Atidzhe Alieva-Veli, Pascal Canfin, Asger Christensen, Jérémy Decerle, Andreas Glück, Martin Hojsík, Jan Huitema, Elsi Katainen, Alin Mituța, Ulrike Müller, Frédérique Ries, María Soraya Rodríguez Ramos, Susana Solís Pérez, Nils Torvalds, Véronique Trillet-Lenoir, Emma Wiesner

Greens/EFA

Margrete Auken, Benoît Biteau, Eleonora Evi, Francisco Guerreiro, Martin Häusling, Pär Holmgren, Yannick Jadot, Tilly Metz, Ville Niinistö, Bronis Ropė, Sarah Wiener

ID

Teuvo Hakkarainen

The Left

Malin Björk, Manuel Bompard, Luke Ming Flanagan, Anja Hazekamp, Petros Kokkalis, Silvia Modig, Eugenia Rodríguez Palop, Mick Wallace

NI

Athanasios Konstantinou

 

20

-

EPP

Álvaro Amaro

ID

Simona Baldassarre, Mara Bizzotto, Angelo Ciocca, Ivan David, Marco Dreosto, Sylvia Limmer, Silvia Sardone, Annalisa Tardino

ECR

Mazaly Aguilar, Sergio Berlato, Pietro Fiocchi, Krzysztof Jurgiel, Joanna Kopcińska, Giuseppe Milazzo, Rob Rooken, Bert-Jan Ruissen, Alexandr Vondra, Veronika Vrecionová, Anna Zalewska

 

10

0

EPP

Esther de Lange, Dolors Montserrat, Annie Schreijer-Pierik

Renew

Martin Hlaváček

ID

Nicolas Bay, Aurélia Beigneux, Catherine Griset, Gilles Lebreton, Joëlle Mélin

NI

Ivan Vilibor Sinčić

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

Aġġornata l-aħħar: 15 ta' Ottubru 2021
Avviż legali - Politika tal-privatezza