RAPPORT dwar l-effikaċja li biha l-Istati Membri jużaw il-flus tal-Fond ta' Solidarjetà tal-UE f'każijiet ta' diżastri naturali
1.10.2021 - (2020/2127(INI))
Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit
Rapporteur: Corina Crețu
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-effikaċja li biha l-Istati Membri jużaw il-flus tal-Fond ta' Solidarjetà tal-UE f'każijiet ta' diżastri naturali
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 175, 310(5) u 325 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3 u 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta' Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea[1] ("ir-Regolament dwar il-FSUE") u l-emendi sussegwenti tiegħu tal-15 ta' Mejju 2014 u l-20 ta' Marzu 2020,
– wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Kummissjoni tas-7 ta' Diċembru 2018 dwar l-evalwazzjoni ex post tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea 2002-2016,
– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-15 ta' Mejju 2019 dwar l-evalwazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea 2002-2017 (SWD(2019)0186),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2020/461 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Marzu 2020 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 sabiex jipprovdi assistenza finanzjarja lill-Istati Membri u lill-pajjiżi li qed jinnegozjaw l-adeżjoni tagħhom mal-Unjoni li jkunu affettwati serjament minn emerġenza tas-saħħa pubblika maġġuri[2],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Mejju 2021 dwar ir-rieżami tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea[3],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2020 dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha[4],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Diċembru 2016 dwar il-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea: valutazzjoni[5],
– wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 3/2008 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) tal-15 ta' April 2008 bit-titlu "Il-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea: huwa rapidu, effiċjenti u flessibbli biżżejjed?",
– wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 24/2012 tal-QEA tat-3 ta' Awwissu 2013 bit-titlu "Ir-reazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea għat-terremot tal-2009 fl-Abruzzo: ir-relevanza u l-kost tal-operazzjonijiet",
– wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Baġits,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0273/2021),
A. billi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (FSUE) ġie stabbilit fl-2002 bħala reazzjoni għall-għargħar gravi li kien hemm fl-Ewropa Ċentrali fis-sajf tal-2002; billi dan inħoloq biex jipprovdi assistenza finanzjarja lill-Istati Membri u lill-pajjiżi kandidati milquta minn diżastri naturali, bħal għargħar, terremoti jew maltempati; billi l-FSUE sar wieħed mill-istrumenti ewlenin tal-Unjoni għall-irkupru minn diżastri, u jikkostitwixi wkoll espressjoni ta' solidarjetà konkreta fl-Unjoni;
B. billi l-FSUE huwa fost l-aktar espressjonijiet ta' solidarjetà konkreti tal-Unjoni, xi ħaġa li ċ-ċittadini kollha tal-Unjoni jistennew meta jseħħu diżastri jew emerġenzi tas-saħħa pubblika serji; billi fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tiġi miġġielda l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha, il-Parlament irrimarka li s-solidarjetà bejn l-Istati Membri mhijiex fakultattiva, iżda fil-fatt hija valur fundamentali tal-Unjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 3 tat-TUE, u obbligu li jirriżulta, fost l-oħrajn, mill-Artikoli 2 u 21 tat-TUE; billi, fl-istess riżoluzzjoni, il-Parlament iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-komponenti kollha tal-mekkaniżmi tagħha għall-ġestjoni tal-kriżijiet u r-rispons għad-diżastri; billi l-qafas regolatorju tal-FSUE ġie emendat fl-2014 u fl-2020, fid-dawl tal-bżonn li l-proċeduri jiġu ssimplifikati u li l-kamp ta' applikazzjoni tal-Fond jiġi estiż għal emerġenzi tas-saħħa pubblika bħall-COVID-19;
D. billi fl-ambitu tal-FSUE tħallsu total ta' EUR 6,548 biljun, medja ta' EUR 339,9 miljun fis-sena; billi l-ammonti mħallsa kull sena jvarjaw b'mod sinifikanti minn sena għal oħra; billi l-fondi mhux użati f'sena partikolari jistgħu jiġu riportati għas-sena ta' wara u billi r-riżorsi allokati għas-sena ta' wara jistgħu wkoll jintużaw bil-quddiem, u din il-possibbiltà toffri l-flessibbiltà meħtieġa biex jiġu indirizzati diżastri imprevedibbli;
E. billi l-infiq fl-ambitu tal-FSUE żdied minn medja ta' madwar EUR 270 miljun fuq ħames snin mill-2002 sal-2015, għal medja ta' EUR 534 miljun fuq ħames snin mill-2016 sal-2020; billi din iż-żieda kienet ikkawżata minn żieda fil-ħsarat flimkien ma' żieda fl-ammont imħallas għal kull euro ta' ħsara; billi din iż-żieda hija wkoll riflessjoni tal-valur miżjud tal-Fond;
F. billi minħabba t-tibdil fil-klima, is-severità u l-frekwenza tad-diżastri naturali u l-emerġenzi tas-saħħa pubblika ċertament se jkomplu jiżdiedu, u dan se jżid ukoll il-bżonn ta' mekkaniżmu b'saħħtu u implimentat tajjeb għall-irkupru mid-diżastri;
G. billi l-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) il-ġdid jipprevedi pakkett baġitarju ġdid bl-isem "Riżerva ta' Solidarjetà u Għajnuna ta' Emerġenza" (SEAR), li jiġbor flimkien il-FSUE u r-Riżerva ta' Għajnuna f'Emerġenza (EAR) u huwa maħsub biex jirrispondi, minn naħa waħda, għal sitwazzjonijiet ta' emerġenza li jirriżultaw minn diżastri maġġuri fl-Istati Membri jew fil-pajjiżi kandidati (FSUE) u, min-naħa l-oħra, għal ħtiġijiet urġenti speċifiċi fl-Unjoni jew f'pajjiżi terzi, partikolarment f'każ ta' kriżijiet umanitarji (EAR);
H. billi xi reġjuni huma strutturalment suxxettibbli għal ċerti diżastri naturali rikorrenti bħal għargħar, attività sismika jew vulkanika intensa, jew kriżijiet tas-saħħa pubblika, u għalhekk jirrikjedu approċċ proattiv speċjali;
I. billi ż-żmien meħud biex tinħareġ l-għotja sħiħa jista' jitnaqqas aktar biex tiġi ssodisfata l-ħtieġa urġenti ta' solidarjetà fl-Unjoni;
1. Jissottolinja l-fatt li bejn l-2002 u l-2020, il-FSUE mmobilizza aktar minn EUR 6,5 biljun għal interventi f'96 avveniment katastrofiku fi 23 Stat Membru u f'pajjiż kandidat wieħed; jinnota li l-akbar għadd ta' applikazzjonijiet li tressqu kienu għal ħsarat ikkawżati minn għargħar, tant li aktar minn 60 % tad-diżastri li ngħataw appoġġ jaqgħu taħt din il-kategorija; jinnota wkoll li t-terremoti kienu l-avvenimenti li kkawżaw l-akbar ħsara totali f'termini finanzjarji u jirrappreżentaw 48 % tal-appoġġ mogħti fl-ambitu tal-FSUE;
2. Jinnota li bħala parti mill-pakkett koordinat tal-Unjoni bħala reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19, il-kamp ta' applikazzjoni tal-FSUE ġie estiż b'regolament emendatorju adottat fl-1 ta' April 2020; jilqa' l-fatt li l-kriżijiet tas-saħħa pubblika issa jidħlu fl-ambitu tal-FSUE, li jippermetti l-mobilizzazzjoni tiegħu, jekk ikun hemm bżonn, b'appoġġ għall-Istati Membri u l-pajjiżi kandidati li jintlaqtu l-agħar; jilqa' ż-żieda li saret f'din ir-reviżjoni fir-rigward tar-rata ta' pagamenti bil-quddiem lill-pajjiżi affettwati, minn 10 % tal-ammont ta' għajnuna antiċipat (limitat għal massimu ta' EUR 30 miljun) għal 25 % (massimu ta' EUR 100 miljun); iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu użu minn din il-possibbiltà f'kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet reġjonali u lokali;
3. Jinnota li, f'Marzu 2021, il-Kummissjoni pproponiet pakkett ta' kważi EUR 400 miljun fl-ambitu tal-FSUE għal 17-il Stat Membru u tliet pajjiżi kandidati biex tiġi miġġielda l-emerġenza tas-saħħa tal-COVID-19; jinnota li l-fondi se jkopru parti min-nefqa pubblika użata għall-finanzjament ta' apparat mediku u tagħmir protettiv personali, appoġġ ta' emerġenza lill-popolazzjoni, u miżuri ta' prevenzjoni, monitoraġġ u kontroll tat-tixrid tal-marda;
4. Jenfasizza li, minkejja l-prominenza tal-kriżi tal-COVID-19, il-FSUE jeħtieġ ikompli jipprovdi appoġġ lill-pajjiżi li qed jirkupraw minn diżastri naturali; jenfasizza li t-tibdil fil-klima huwa realtà inekwivokabbli u li għalhekk huwa essenzjali li tittieħed azzjoni anke fuq terminu medju u fit-tul; ikompli jesprimi tħassib dwar jekk il-finanzjament tal-FSUE huwiex biżżejjed, speċjalment minħabba l-estensjoni tal-ambitu tiegħu u l-fużjoni mal-EAR fil-QFP 2021-2027; jinnota li s-SEAR għandha limitu massimu ta' EUR 1,2 biljun;
5. Jiddispjaċih li, minħabba restrizzjonijiet baġitarji, il-pajjiżi li talbu appoġġ wara l-pandemija tal-COVID-19 fl-2020 se jirċievu inqas minn 50 % tal-ammont ta' għajnuna potenzjali; għadu mħasseb dwar ir-riżorsi għad-dispożizzjoni tal-FSUE għall-perjodu ta' bejn l-2021 u l-2027, speċjalment fid-dawl tal-ambitu usa' tiegħu; jikkunsidra neċessarju, għaldaqstant, li jsir monitoraġġ tal-impatt eventwali tal-ammont globali u l-arranġamenti ta' allokazzjoni tas-SEAR fuq l-effikaċja tal-FSUE, fid-dawl tal-estensjoni tal-ambitu tiegħu u tal-għadd u l-iskala tad-diżastri;
6. Jilqa' l-fatt li r-riforma tal-2014 iċċarat il-kriterji ta' ammissibbiltà għad-diżastri reġjonali, u li dan żied ir-rata ta' approvazzjoni tagħhom minn 31 % għal 85 %; jirrikonoxxi li dan kien pass importanti lejn żieda fil-prevedibbiltà tal-proċess ta' applikazzjoni u l-effikaċja tal-FSUE; jirrimarka li huwa importanti wkoll li titqies l-ispiża stmata f'termini finanzjarji tal-ħsara ambjentali kkawżata minn diżastru;
7. Ifakkar li għandha tingħata attenzjoni speċjali lir-reġjuni ultraperiferiċi li qed jesperjenzaw sitwazzjonijiet klimatiċi diffiċli li jfixklu serjament l-iżvilupp tagħhom; iqis, għalhekk, li huwa kruċjali li jiġu adottati miżuri speċifiċi għar-reġjuni ultraperiferiċi u ż-żoni kollha li qegħdin f'riskju partikolari ta' diżastri naturali, bħall-gżejjer, ir-reġjuni muntanjużi u r-reġjuni b'popolazzjoni baxxa;
8. Jenfasizza l-bżonn li tiġi rilaxxata assistenza finanzjarja permezz tal-FSUE lir-reġjuni u liż-żoni li huma partikolarment affettwati minn diżastri naturali fl-Unjoni; iqis li l-assistenza finanzjarja pprovduta mill-Fond għandha titqassam b'mod ġust bejn l-aktar reġjuni u żoni tal-Istati Membri affettwati;
9. Jenfasizza l-valur miżjud qawwi tal-Fond fl-appoġġ ta' miżuri ta' emerġenza u sforzi ta' rikostruzzjoni u t-tħaffif tal-piż finanzjarju fuq l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, anke jekk irid isir titjib f'termini ta' rapidità, konsistenza, effiċjenza u promozzjoni tal-interventi;
10. Jenfasizza r-rwol importanti tal-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskju ta' diżastri fl-UE; jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita l-ħolqien ta' pjan koordinat għal valutazzjoni preċiża u rapida tal-ħsara; jistieden lil kull pajjiż benefiċjarju biex fir-rapporti ta' implimentazzjoni tiegħu jagħti dettalji dwar il-miżuri preventivi li jkun ħa jew qed jippjana li jieħu, inkluż kif se juża l-fondi strutturali tal-Unjoni biex jillimita l-ħsara fil-futur u tiġi evitata, kemm jista' jkun, rikorrenza ta' diżastri naturali simili; jenfasizza li l-isfidi tal-futur, sew dawk li jikkonċernaw it-tibdil fil-klima u sew dawk relatati mal-emerġenzi tas-saħħa pubblika, jirrikjedu primarjament politika preventiva; jinnota li l-FSUE huwa ta' natura rimedjali; ifakkar, għaldaqstant, fil-bżonn ta' sinerġiji effikaċi ma' politiki u programmi oħra tal-Unjoni, partikolarment il-fondi tal-politika ta' koeżjoni, il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili, il-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-politiki u l-programmi tal-Unjoni li jsostnu l-prevenzjoni tad-diżastri u l-ġestjoni tar-riskji; jitlob reviżjoni tal-FSUE biex jiġi żgurat li l-prinċipju ta' "rikostruzzjoni aħjar" ikun minqux fih;
11. Ifakkar fl-importanza tar-rispett għall-istat tad-dritt u s-salvagwardja tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni; iqis, għaldaqstant, li l-Kummissjoni, l-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi, il-QEA u, fejn applikabbli, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew għandhom ikunu jistgħu jissorveljaw l-implimentazzjoni tal-FSUE, skont il-kompetenzi u l-prerogattivi tagħhom;
12. Jenfasizza l-bżonn ta' appoġġ prattiku mill-Kummissjoni lill-Istati Membri, partikolarment fl-istima tal-ħsara, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura l-kondiviżjoni ta' prattiki tajba fir-rigward tal-governanza u l-użu ta' strutturi ta' koordinazzjoni istituzzjonali f'sitwazzjonijiet ta' diżastru; jenfasizza li, f'każ ta' terremoti gravi jew għargħar fuq skala kbira, il-mitigazzjoni tal-konsegwenzi jaf tieħu aktar żmien milli f'każ ta' diżastri naturali oħrajn; iqis li dan għandu jiġi rifless fi kwalunkwe reviżjoni tal-FSUE fil-futur, speċifikament billi jingħata biżżejjed żmien għall-assorbiment, lil hinn mill-iskadenzi tal-applikazzjonijiet attwali;
Il-kwalità tal-applikazzjonijiet
13. Jinnota b'dispjaċir li l-kwalità tal-applikazzjonijiet għall-finanzjament tvarja u li dan jista' jtawwal il-proċess ta' mobilizzazzjoni; jinnota li l-istima tal-ħsara sikwit tkun l-aktar komponent diffiċli f'dan ir-rigward, minħabba sfidi f'dak li għandu x'jaqsam ma' ġbir, trikkib u duplikazzjoni tad-data, u fl-iżvilupp ta' data aggregata f'konformità mar-rekwiżiti tal-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi rekwiżiti li jkunu sempliċi u ċari kemm jista' jkun, filwaqt li jibqa' jinżamm il-livell ta' dettall neċessarju; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa għodda jew sistema komuni biex issaħħaħ il-kapaċità tal-benefiċjarji li jsegwu approċċi standardizzati għall-kwantifikazzjoni tad-data dwar it-telf mid-diżastri u s-sistemi għall-ġbir tad-data dwar it-telf u b'hekk tnaqqas il-piż amministrattiv u tissimplifika l-proċedura tal-applikazzjoni kemm jista' jkun;
14. Jenfasizza r-rwol importanti tal-awtoritajiet lokali, jiġifieri l-muniċipalitajiet, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) u s-soċjetà ċivili, fil-forniment ta' data minn fuq il-post lill-awtoritajiet nazzjonali; jenfasizza, għalhekk, li kooperazzjoni effikaċi mal-NGOs tista' ttejjeb ukoll il-kwalità tal-applikazzjonijiet; jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw mekkaniżmi ta' koordinazzjoni effikaċi biex isir użu sħiħ mill-kontribut tal-NGOs;
15. Jenfasizza li l-ġbir tad-data għall-applikazzjonijiet mal-FSUE għal kriżijiet tas-saħħa pubblika huwa kunċett ġdid għall-pajjiżi, u għalhekk jista' jirriżulta partikolarment diffiċli; jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni speċjali lil din il-kwistjoni u tgħin lill-pajjiżi b'kull mod possibbli, inkluż bl-għoti ta' assistenza teknika;
16. Jiddispjaċih li, fil-preżent, ir-Regolament dwar il-FSUE ma jippermettix it-tressiq ta' applikazzjonijiet għall-għajnuna fuq bażi transfruntiera, minkejja li ċerti żoni partikolarment suxxettibbli għal diżastri naturali, bħaż-żoni muntanjużi, sikwit jaqsmu l-fruntieri;
Intervent f'waqtu
17. Jinnota li skont l-Artikolu 1 tar-Regolament dwar il-FSUE, il-Fond inħoloq sabiex l-Unjoni tkun tista' "tirrispondi b'mod rapidu, effiċjenti u flessibbli għal sitwazzjonijiet ta' emerġenza"; jinnota li fir-Rapport Speċjali Nru 3/2008 tagħha, il-QEA kkonkludiet li l-FSUE ma kienx qed jipprovdi rispons rapidu għall-emerġenzi, billi, ġeneralment, bejn id-diżastru u l-pagament kienet tgħaddi madwar sena; jinnota li, kif enfasizzat fl-evalwazzjoni tal-FSUE fl-2018, dan it-tul ta' żmien naqas bi ftit biss wara r-riforma tal-FSUE fl-2014; jibqa' mħasseb dwar it-tul futur tal-proċedura fl-ambitu tal-arranġamenti l-ġodda tal-QFP il-ġdid, issa li l-baġit tal-FSUE ġie integrat fis-SEAR;
18. Ifakkar li hu essenzjali li l-għajnuna u l-fondi jintbagħtu bl-aktar mod rapidu, faċli u flessibbli possibbli fir-reġjuni milquta; ifakkar, f'dan is-sens, fl-importanza tas-sinerġiji bejn il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili, il-komponent tal-adattament għat-tibdil fil-klima tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-programmi ta' kooperazzjoni territorjali u l-FSUE; jenfasizza li tali sinerġiji huma essenzjali biex jiġi żgurat rispons komprensiv u rapidu f'każ ta' emerġenza filwaqt li jiġi offrut pakkett ta' reżiljenza b'saħħtu;
19. Jesprimi tħassib dwar il-fatt li għalkemm il-valur tal-pagamenti bil-quddiem żdied minn 10 % għal 25 % tal-kontribuzzjoni finanzjarja antiċipata, iż-żmien meħud bħala medja biex isiru pagamenti bil-quddiem għadu twil ħafna (madwar ħames xhur);
20. Jerġa' jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra soluzzjonijiet aktar reattivi u, b'mod partikolari, tkompli l-ħidma tagħha fuq il-gwida għall-użu simplifikat tal-FSUE sabiex jiġu ffaċilitati l-azzjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali kif ukoll biex tissimplifika u tħaffef il-proċedura tal-applikazzjoni għall-Istati Membri, b'attenzjoni partikolari, pereżempju, għas-simplifikazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-attivazzjoni tal-FSUE f'diversi reġjuni fil-kuntest ta' diżastri transfruntiera, sabiex jiġi żgurat rispons aktar rapidu għall-intensifikazzjoni ta' diżastri naturali kbar u reġjonali u emerġenzi tas-saħħa pubblika maġġuri; iħeġġeġ lill-Kummissjoni twaqqaf mekkaniżmu li permezz tiegħu jingħata appoġġ finanzjarju lil Stat Membru f'emerġenza, irrispettivament minn jekk il-baġit annwali tal-FSUE jkunx intefaq;
21. Josserva b'dispjaċir li t-traduzzjoni tad-dokumenti jew sfidi tekniċi speċifiċi oħra jistgħu jwasslu għal dewmien sostanzjali fi stadji differenti tal-interventi tal-FSUE; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel l-arranġamenti neċessarji biex tipproċessa aktar malajr it-traduzzjoni tad-dokumenti sottomessi mill-istat milqut minn diżastru u b'hekk jiġi evitat kwalunkwe dewmien fl-interventi tal-FSUE;
22. Jinnota bi tħassib li t-tul ta' żmien bejn id-diżastru u l-pagament sħiħ tal-għajnuna, kif irrappurtat mill-Kummissjoni fir-rapporti annwali tagħha dwar il-FSUE, jibqa' fost l-isfidi ewlenin tal-FSUE; jenfasizza li dan hu ta' importanza partikolari fis-sitwazzjoni attwali, billi l-pandemija tal-COVID-19 u t-tibdil fil-klima x'aktarx se jikkawżaw żieda sostanzjali fl-għadd ta' applikazzjonijiet, li jista' jwassal għal aktar dewmien; ma jaqbilx mal-fehma tal-Kummissjoni li permezz tal-bidliet introdotti fir-reviżjoni tal-FSUE tal-2014 sar kulma kien possibbli biex jitħaffef il-proċess deċiżjonali għall-mobilizzazzjoni tal-FSUE u jemmen li hemm bżonn aktar żviluppi f'din id-direzzjoni; ifakkar li rispons rapidu għal sitwazzjonijiet ta' emerġenza jista' jkun kruċjali għall-funzjonament effikaċi tal-FSUE; jenfasizza li dan hu partikolarment rilevanti f'reġjuni b'sorsi ta' finanzjament alternattivi limitati; jistieden lill-Kummissjoni tesplora t-toroq kollha possibbli biex tħaffef il-mobilizzazzjoni tal-FSUE fl-ambitu tal-arranġamenti l-ġodda tal-QFP, partikolarment għal reġjuni inqas żviluppati;
Il-konstatazzjonijiet tal-evalwazzjoni
23. Jinnota b'dispjaċir il-konstatazzjoni tal-evalwazzjoni li r-rapporti ta' implimentazzjoni pprovduti mill-pajjiżi benefiċjarji jvarjaw b'mod sinifikanti f'termini ta' tul, kontenut u livell ta' dettall tad-data; jinnota bi tħassib li, minħabba din il-varjazzjoni, la tista' ssir analiżi sistematika u komparattiva tal-kisbiet u lanqas ma jista' jsir eżerċizzju ta' tqabbil tar-riżultati ppjanati ma' dawk miksuba; jinnota wkoll li l-istudji tal-każijiet analizzati ħarġu fid-dieher differenzi frekwenti bejn is-suppożizzjonijiet magħmula dwar il-prijoritajiet għal appoġġ mill-FSUE fil-ftehim ta' implimentazzjoni u dak li fil-fatt kien meħtieġ fil-prattika; jesprimi tħassib dwar il-possibbiltà li dan in-nuqqas ta' informazzjoni u data komparabbli jfixkel il-monitoraġġ effikaċi tal-implimentazzjoni tal-FSUE min-naħa tal-Kummissjoni u potenzjalment jhedded l-użu effettiv u effiċjenti tal-FSUE, b'impatt negattiv fuq il-promozzjoni tal-koeżjoni territorjali, ekonomika u soċjali fl-UE;
24. Jinnota l-evidenza mill-istudji tal-każijiet fir-rapport ta' evalwazzjoni estern li l-implimentazzjoni tal-proċess sħiħ tal-akkwist pubbliku fiż-żmien limitat disponibbli f'sitwazzjoni ta' kriżi kienet ta' sfida għal xi stati benefiċjarji; iwissi li l-akkwist pubbliku f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza huwa qasam partikolarment suxxettibbli għall-frodi, il-korruzzjoni u l-irregolaritajiet, u għalhekk jenfasizza l-importanza ta' sistemi ta' kontroll u proċeduri ta' lment effikaċi; jisħaq fuq l-importanza li, b'risposta għal sitwazzjonijiet ta' kriżi, jiġi żgurat li l-Istati Membri jsegwu l-proċeduri tal-akkwist pubbliku; jenfasizza li kwalunkwe deroga għandha tiżgura l-konformità tal-proċeduri tal-akkwist mal-prinċipji ta' ġestjoni finanzjarja tajba u l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, inkluż fil-livelli reġjonali u lokali;
25. Jinnota li l-attivazzjoni tal-FSUE hija kkawżata mill-okkorrenza ta' diżastru u għalhekk id-distribuzzjoni tal-fondi ma tikkorrispondix ma' kwoti territorjali; jinsab sorpriż, madankollu, bil-konstatazzjoni li l-allokazzjonijiet huma kkonċentrati f'għadd żgħir ta' benefiċjarji, b'77 % tal-fondi distribwiti lill-akbar erba' Stati Membri; jisħaq fuq il-bżonn ta' solidarjetà bbażata fuq il-ħtiġijiet, filwaqt li titqies il-kapaċità tal-pajjiżi benefiċjarji li jiffaċċjaw diżastru;
26. Jinnota li l-FSUE huwa implimentat mill-awtoritajiet maħtura fil-pajjiżi benefiċjarji skont il-prinċipju ta' ġestjoni kondiviża; jinnota li, għaldaqstant, is-setgħat tal-Kummissjoni li tinfluwenza liema proġetti jirċievu finanzjament huma limitati; ifakkar lill-Kummissjoni fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-1 ta' Diċembru 2016, li fiha saħaq fuq l-importanza li jiġi ddeterminat jekk is-sussidji tal-FSUE jkunux intużaw f'konformità mal-prinċipji ta' ġestjoni finanzjarja tajba u stieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtejbu t-trasparenza u jiggarantixxu l-aċċess pubbliku għall-informazzjoni matul il-proċess ta' mobilizzazzjoni tal-assistenza; jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni speċjali lil każijiet ta' użu potenzjalment abbużiv tal-fondi tal-FSUE b'ġestjoni kondiviża u tintroduċi passi biex ittejjeb it-trasparenza, tissorvelja u tipprevjeni tali użu abbużiv;
27. Jinnota b'dispjaċir id-dewmien fl-għeluq ta' xi interventi; jesprimi t-tħassibu tiegħu dwar il-fatt li f'xi każijiet l-awtoritajiet nazzjonali kellhom bżonn estensjoni biex jipprovdu tweġibiet għall-mistoqsijiet tal-awditi jew ma wiġbux għal talbiet ripetuti għal informazzjoni relatata magħhom; jirrikonoxxi l-importanza ta' għeluq f'waqtu; jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament dwar l-għeluq;
28. Jinnota li r-rapporti annwali tal-FSUE jkopru l-perjodu mill-2008 sal-2018 u jiġu ppubblikati b'mod irregolari; jinnota wkoll li għall-2019 u l-2020 għadu ma ġie ppubblikat l-ebda rapport; ifakkar lill-Kummissjoni fl-obbligu tagħha li tirrapporta kull sena, qabel l-1 ta' Lulju, dwar l-attività tal-FSUE fis-sena ta' qabel; jistieden lill-QEA tinforma lill-Parlament bi kwalunkwe konstatazzjoni bħala parti mid-dikjarazzjoni annwali ta' assigurazzjoni relatata mal-implimentazzjoni tal-FSUE;
29. Jinsisti li r-rwol tal-awtorità baġitarja għandu jitħares bis-sħiħ; josserva li, fl-ambitu tal-QFP il-ġdid, l-approprjazzjonijiet tal-FSUE jiddaħħlu fil-baġit ġenerali u jitqiegħdu għad-dispożizzjoni permezz ta' trasferimenti; jenfasizza l-bżonn li tingħata informazzjoni f'waqtha dwar trasferimenti bħal dawn u li, irrispettivament mill-proċedura l-ġdida, il-Kummissjoni tipprovdi l-istess livell ta' informazzjoni bħal fil-QFP preċedenti; jiddeplora, barra minn hekk, in-nuqqas ta' informazzjoni ġenerali dettaljata dwar l-applikazzjonijiet għal appoġġ mill-FSUE, billi dan ixekkel l-iskrutinju, u jinsisti li l-Kummissjoni għandha tipprovdi l-informazzjoni kollha disponibbli bi qbil mal-Artikolu 4 tar-Regolament dwar il-FSUE;
30. Jistieden lill-QEA tagħmel awditu ġdid tal-FSUE bil-ħsieb li potenzjalment tivvaluta mill-ġdid l-istrumenti u l-baġit sabiex tiżgura li jkun hemm baġit suffiċjenti u funzjonali disponibbli biex jiġu ttrattati b'mod effikaċi diżastri naturali kbar u reġjonali kif ukoll emerġenzi tas-saħħa maġġuri;
31. Ifakkar fl-objettiv tal-FSUE li tintwera u tissaħħaħ is-solidarjetà; jisħaq li dan l-objettiv jista' jintlaħaq biss jekk iċ-ċittadini jkunu konxji mill-interventi tal-FSUE; jenfasizza l-importanza li tissaħħaħ il-pubbliċità f'dan ir-rigward; jistieden lill-Istati Membri jaqsmu l-aħjar prattiki dwar kif tista' tiżdied il-viżibilità tal-FSUE; iħeġġeġ lill-Istati Membri jinkludu deskrizzjoni tal-attivitajiet ta' komunikazzjoni u pubbliċità magħmula għall-operazzjonijiet tal-FSUE fir-rapporti ta' implimentazzjoni tagħhom, sabiex tingħata ħarsa ġenerali sħiħa u sistematika tal-kopertura fil-midja;
32. Jiddispjaċih dwar il-viżibilità skarsa tal-FSUE, li jfisser li r-rwol tal-Unjoni mhux dejjem jidher ċar; jiddispjaċih li r-Regolament dwar il-FSUE la fih obbligu ta' pubbliċità tal-appoġġ mill-FSUE u lanqas obbligu ta' rapportar f'dan ir-rigward; jissottolinja li l-Istati Membri żviluppaw prattiki tajbin għal komunikazzjoni dwar appoġġ mill-FSUE, bħall-użu ta' bnadar u logos tal-Unjoni; jistieden lill-Istati Membri jippubbliċizzaw l-assistenza finanzjarja tal-FSUE u jindikaw ix-xogħol u s-servizzi li kienu ffinanzjati mill-FSUE jew li jkunu se jiġu ffinanzjati minnu; jistenna li r-reviżjoni futura tar-Regolament dwar il-FSUE tinkludi l-obbligu li jiġi ppubbliċizzat u kkomunikat l-appoġġ mill-FSUE, pereżempju permezz tal-midja nazzjonali u mezzi oħra, biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini jiġu infurmati;
33. ifakkar li l-assistenza tal-FSUE tkopri biss ir-ritorn għall-hekk imsejjaħ status quo ante tal-infrastruttura fl-oqsma tal-enerġija, l-ilma u l-ilma mormi, it-telekomunikazzjoni, it-trasport, is-saħħa u l-edukazzjoni, u mhux l-ispejjeż addizzjonali tar-rikostruzzjoni ta' infrastruttura aktar reżistenti għad-diżastri u aktar reżiljenti għall-klima, kif jirrakkomanda l-Patt Ekoloġiku Ewropew, li jridu jiġu ffinanzjati mill-Istat benefiċjarju permezz ta' riżorsi proprji u fondi oħra tal-Unjoni, bħall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta' Koeżjoni; jitlob livell ogħla ta' sinerġiji bejn l-istrumenti tal-politika ta' koeżjoni u l-FSUE;
34. Jistieden lill-Kummissjoni tidentifika l-aktar reġjuni suxxettibbli għal diżastri naturali speċifiċi jew rikorrenti u tipproponi pjan ta' azzjoni dwar il-mitigazzjoni tar-riskju u attivitajiet antiċipatorji mmirati; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi wkoll reviżjoni tal-FSUE sabiex tistabbilixxi mekkaniżmu ta' rispons rapidu aktar immirat, effikaċi u f'waqtu f'żoni u reġjuni suxxettibbli għal diżastri naturali speċifiċi jew rikorrenti;
°
° °
35. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-BAĠITS (1.7.2021)
għall-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit
dwar l-effikaċja li biha l-Istati Membri jużaw il-flus tal-Fond ta' Solidarjetà tal-UE f'każijiet ta' diżastri naturali(2020/2127(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Robert Biedroń
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Baġits jistieden lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Itenni l-importanza tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (FSUE) biex jagħti assistenza finanzjarja lill-Istati Membri u lir-reġjuni, kif ukoll lill-pajjiżi ta' adeżjoni, milquta minn diżastri naturali; jieħu nota tar-reviżjonijiet suċċessivi li saru lill-istrument; jilqa' favorevolment l-estensjoni reċenti tal-kamp ta' applikazzjoni tal-FSUE għall-emerġenzi tas-saħħa pubblika maġġuri; jappoġġja bil-qawwa r-riforma l-aktar reċenti tas-sistema ta' ħlasijiet bil-quddiem, li tgħolli l-livell ta' ħlasijiet bil-quddiem minn 10 % għal 25 % tal-kontribuzzjoni mistennija u minn massimu ta' EUR 30 miljun għal EUR 100 miljun;
2. Jisħaq li l-għadd u s-severità tal-emerġenzi mhumiex prevedibbli u li, minħabba t-tibdil fil-klima, huwa mistenni li jiżdied l-għadd ta' emerġenzi u li maż-żmien dawn isiru aktar għaljin; ifakkar li, għall-perjodu 2021-2027, il-FSUE twaħħad mar-Riżerva ta' Għajnuna f'Emerġenza fir-Riżerva ta' Solidarjetà u Għajnuna ta' Emerġenza (SEAR), b'limitu massimu annwali ta' EUR 1,2 biljun; jiddispjaċih li, minħabba restrizzjonijiet tal-baġit, il-pajjiżi li applikaw għall-appoġġ kaġun tal-pandemija tal-COVID-19 fl-2020 ser jirċievu anqas minn 50 % tal-ammont potenzjali ta' għajnuna; għadu mħasseb dwar ir-riżorsi disponibbli għall-FSUE għall-perjodu 2021-2027, speċjalment fid-dawl ta' kamp ta' applikazzjoni akbar tiegħu; iqis li huwa neċessarju, għaldaqstant, li jiġi mmonitorjat jekk l-ammont globali ta' finanzjament u l-arranġamenti ta' allokazzjoni għas-SEAR għandhomx impatt fuq l-effikaċja tal-FSUE, fid-dawl tal-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tiegħu u l-għadd u l-gravità tad-diżastri;
3. Jisħaq fuq il-ħtieġa għal mobilizzazzjoni rapida tal-FSUE biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini fil-bżonn ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-appoġġ tal-Unjoni fil-ħin; josserva li, bħal medja, iż-żmien meħtieġ biex tiġi utilizzata l-assistenza finanzjarja kollha fil-post huwa madwar sena u jiddispjaċih dwar it-tul tal-proċess; jenfasizza li l-implimentazzjoni effettiva tal-finanzjament fl-ambitu tal-FSUE tiddependi fuq strutturi ta' governanza u koordinament istituzzjonali effikaċi fl-Istat Membru milqut;
4. Jistieden, għaldaqstant, lill-Kummissjoni taċċellera l-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet biex tiggarantixxi valutazzjoni f'waqtha u flessibbli tan-nefqa eliġibbli, skont il-prinċipji ta' ġestjoni finanzjarja tajba; jaċċentwa l-ħtieġa ta' appoġġ prattiku mill-Kummissjoni lill-Istati Membri, b'mod partikolari għall-istima tal-ħsara u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura l-kondiviżjoni ta' prattiki tajba fir-rigward tal-governanza u l-użu ta' strutturi ta' koordinazzjoni istituzzjonali f'sitwazzjonijiet ta' diżastru; jenfasizza li, f'każijiet ta' terremoti gravi jew għargħar massiv, il-mitigazzjoni tal-konsegwenzi jaf tieħu aktar żmien minn diżastri naturali oħrajn; iqis li dan għandu jiġi rifless fi kwalunkwe reviżjoni futura tal-FSUE, speċifikament biex ikun hemm biżżejjed żmien ta' assorbiment lil hinn mill-iskadenzi attwali ta' applikazzjoni;
5. Jinsisti fuq il-bżonn li jiġi ssalvagwardjat bis-sħiħ ir-rwol tal-awtorità baġitarja; josserva li, fl-ambitu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) il-ġdid, l-approprjazzjonijiet tal-FSUE jiddaħħlu fil-baġit ġenerali u jkunu disponibbli permezz ta' trasferimenti; jenfasizza l-ħtieġa ta' informazzjoni f'waqtha dwar trasferimenti bħal dawn u, irrispettivament mill-proċedura l-ġdida, li l-Kummissjoni tipprovdi l-istess livell ta' informazzjoni bħal dak fil-QFP preċedenti; jiddispjaċih, ukoll, dwar in-nuqqas ta' informazzjoni ta' sfond dettaljata dwar l-applikazzjonijiet għal appoġġ tal-FSUE, li jxekkel l-iskrutinju, u jinsisti li l-Kummissjoni għandha tipprovdi "l-informazzjoni kollha disponibbli", skont l-Artikolu 4 tar-Regolament li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea;
6. Ifakkar fl-importanza tar-rispett għall-istat tad-dritt u tas-salvagwardja tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni; iqis, għaldaqstant, li l-Kummissjoni, l-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF), il-Qorti Ewropea tal-Awdituri u, fejn applikabbli, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) għandhom ikunu jistgħu jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tal-FSUE, skont il-kompetenzi tagħhom u f'konformità mal-prerogattivi tagħhom;
7. Jenfasizza li t-tibdil fil-klima jirrikjedi primarjament politika preventiva skont il-Ftehim ta' Pariġi u l-Patt Ekoloġiku Ewropew, filwaqt li l-FSUE huwa ta' natura kurattiva; jissottolinja, għaldaqstant, il-bżonn ta' sinerġiji effikaċi ma' politiki u programmi oħrajn tal-Unjoni, b'mod partikolari mal-fondi tal-politika ta' koeżjoni, mal-Patt Ekoloġiku Ewropew u ma' dawk li jsostnu l-prevenzjoni tad-diżastri u l-ġestjoni tar-riskji; jitlob li ssir reviżjoni tal-FSUE biex jiġi żgurat li jiġi minqux fih il-prinċipju "bini mill-ġdid aħjar";
8. Jiddispjaċih dwar il-viżibilità skarsa tal-FSUE, li tfisser li r-rwol tal-Unjoni mhux dejjem jidher b'mod ċar; jiddispjaċih li r-Regolament dwar il-FSUE la fih l-obbligu ta' pubblikazzjoni tal-appoġġ tal-FSUR u lanqas obbligu ta' rapportar f'dan ir-rigward; jenfasizza li l-Istati Membri żviluppaw prattiki tajba għal komunikazzjoni dwar l-appoġġ tal-FSUE, bħall-użu ta' bnadar u logos tal-UE; jistieden lill-Istati Membri jippubbliċizzaw l-assistenza finanzjarja tal-FSUE u jindikaw ix-xogħlijiet u s-servizzi li kienu ffinanzjati mill-FSUE jew li ser jiġu ffinanzjati minnu; jistenna li r-reviżjoni futura tar-regolament tal-FSUE ser tinkludi l-obbligu li jiġi ppubbliċizzat u kkomunikat l-appoġġ tal-FSUE, pereżempju permezz tal-midja nazzjonali u mezzi oħra, biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini jiġu informati.
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
Data tal-adozzjoni |
1.7.2021 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
38 1 0 |
||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Rasmus Andresen, Robert Biedroń, Anna Bonfrisco, Olivier Chastel, Lefteris Christoforou, David Cormand, Paolo De Castro, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Vlad Gheorghe, Valentino Grant, Elisabetta Gualmini, Francisco Guerreiro, Valérie Hayer, Eero Heinäluoma, Niclas Herbst, Monika Hohlmeier, Mislav Kolakušić, Moritz Körner, Joachim Kuhs, Zbigniew Kuźmiuk, Hélène Laporte, Pierre Larrouturou, Janusz Lewandowski, Margarida Marques, Silvia Modig, Siegfried Mureşan, Victor Negrescu, Andrey Novakov, Dimitrios Papadimoulis, Karlo Ressler, Bogdan Rzońca, Nicolae Ştefănuță, Nils Torvalds, Nils Ušakovs, Johan Van Overtveldt, Rainer Wieland, Angelika Winzig |
|||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Henrike Hahn, Adam Jarubas |
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
38 |
+ |
ECR |
Zbigniew Kuźmiuk, Bogdan Rzońca, Johan Van Overtveldt |
ID |
Anna Bonfrisco, Valentino Grant, Hélène Laporte |
NI |
Mislav Kolakušić |
PPE |
Lefteris Christoforou, José Manuel Fernandes, Niclas Herbst, Monika Hohlmeier, Adam Jarubas, Janusz Lewandowski, Siegfried Mureşan, Andrey Novakov, Karlo Ressler, Rainer Wieland, Angelika Winzig |
Renew |
Olivier Chastel, Vlad Gheorghe, Valérie Hayer, Moritz Körner, Nicolae Ştefănuță, Nils Torvalds |
S&D |
Paolo De Castro, Eider Gardiazabal Rubial, Elisabetta Gualmini, Eero Heinäluoma, Pierre Larrouturou, Margarida Marques, Victor Negrescu, Nils Ušakovs |
The Left |
Silvia Modig, Dimitrios Papadimoulis |
Verts/ALE |
Rasmus Andresen, David Cormand, Francisco Guerreiro, Henrike Hahn |
1 |
- |
ID |
Joachim Kuhs |
0 |
0 |
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni |
27.9.2021 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
29 0 1 |
||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Matteo Adinolfi, Olivier Chastel, Caterina Chinnici, Lefteris Christoforou, Corina Crețu, Ryszard Czarnecki, José Manuel Fernandes, Luke Ming Flanagan, Daniel Freund, Isabel García Muñoz, Monika Hohlmeier, Jean-François Jalkh, Pierre Karleskind, Joachim Kuhs, Claudiu Manda, Younous Omarjee, Tsvetelina Penkova, Markus Pieper, Sabrina Pignedoli, Michèle Rivasi, Petri Sarvamaa, Vincenzo Sofo, Michal Wiezik, Angelika Winzig, Lara Wolters, Tomáš Zdechovský |
|||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Joachim Stanisław Brudziński, Pascal Durand, Mikuláš Peksa, Ramona Strugariu |
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
29 |
+ |
ECR |
Joachim Stanisław Brudziński, Ryszard Czarnecki, Vincenzo Sofo |
ID |
Matteo Adinolfi, Jean-François Jalkh |
NI |
Sabrina Pignedoli |
PPE |
Lefteris Christoforou, José Manuel Fernandes, Monika Hohlmeier, Markus Pieper, Petri Sarvamaa, Michal Wiezik, Angelika Winzig, Tomáš Zdechovský |
Renew |
Olivier Chastel, Pascal Durand, Pierre Karleskind, Ramona Strugariu |
S&D |
Caterina Chinnici, Corina Crețu, Isabel García Muñoz, Claudiu Manda, Tsvetelina Penkova, Lara Wolters |
The Left |
Luke Ming Flanagan, Younous Omarjee |
Verts/ALE |
Daniel Freund, Mikuláš Peksa, Michèle Rivasi |
0 |
- |
|
|
1 |
0 |
ID |
Joachim Kuhs |
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni