RAPPORT dwar is-sitwazzjoni tal-artisti u l-irkupru kulturali fl-UE

13.10.2021 - (2020/2261(INI))

Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni
Rapporteur: Monica Semedo


Proċedura : 2020/2261(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A9-0283/2021
Testi mressqa :
A9-0283/2021
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar is-sitwazzjoni tal-artisti u l-irkupru kulturali fl-UE

(2020/2261(INI))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Preambolu u l-Artikoli 2, 3 u 4 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

 wara li kkunsidra l-Artikoli 6 u 167 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, u b'mod partikolari l-Artikolu 19 tiegħu,

 wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-UNESCO dwar l-Istatus tal-Artist,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali,

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Mejju 2018 intitolata "Nibnu Ewropa iktar b'saħħitha: ir-rwol tal-politiki taż-żgħażagħ, tal-edukazzjoni u tal-kultura"(COM(2018)0268),

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Mejju 2018 bit-titolu "Aġenda Ewropea Ġdida għall-Kultura" (COM(2018)0267),

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2018 dwar il-Pjan ta' Ħidma għall-Kultura 2019-2022[1],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2016 dwar politika koerenti tal-UE għall-industriji kulturali u kreattivi[2],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ġunju 2007 dwar l-istatus soċjali tal-artisti[3],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Settembru 2020 dwar l-irkupru kulturali tal-Ewropa[4],

 wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2019/790 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-Suq Uniku Diġitali u li temenda d-Direttivi 96/9/KE u 2001/29/KE[5],

 wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolamentazzjoni jew b'azzjoni amministrattiva fl-Istat Membri dwar il-forniment ta' servizzi tal-midja awdjoviżivi (id-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżivi)[6],

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2021 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Kreattiva (mill-2021 sal-2027) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1295/2013[7],

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/523 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Marzu 2021 li jistabbilixxi l-Programm InvestEU u li jemenda r-Regolament (UE) 2015/1017[8],

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza Ġermaniża tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2020 dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-qasam tal-kultura,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta' Mejju 2021 dwar l-irkupru, ir-reżiljenza u s-sostenibbiltà tas-setturi kulturali u kreattivi,

 wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp ta' Ħidma dwar il-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni (MMK) tal-Esperti tal-Istati Membri tat-22 ta' Marzu 2018 dwar ir-rwol tal-politiki pubbliċi fl-iżvilupp tal-potenzjal intraprenditorjali u innovattiv tas-setturi kulturali u kreattivi,

 wara li kkunsidra l-istudju bit-titolu "The Situation of Artists and Cultural Workers and the post-COVID-19 Cultural Recovery in the European Union — Background Analysis", ippubblikat mid-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni tiegħu fl-1 ta' Frar 2021[9],

 wara li kkunsidra t-tgħarrif bit-titolu "The Situation of Artists and Cultural Workers and the post-COVID-19 Cultural Recovery in the European Union: Rakkomandazzjonijiet ta' Politika ", ippubblikat mid-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni tiegħu fl-4 ta' Mejju 2021[10],

 wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regolament ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A9-0283/2021),

A. billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ġunju 2007 dwar l-istatus soċjali tal-artisti, il-Parlament diġà talab espliċitament lill-Istati Membri biex jiżviluppaw jew jimplimentaw qafas legali u istituzzjonali għall-attività artistika kreattiva permezz tal-adozzjoni jew l-applikazzjoni ta' għadd ta' miżuri koerenti u komprensivi fir-rigward tal-kuntratti, is-sigurtà soċjali, l-assigurazzjoni tal-mard, it-tassazzjoni diretta u indiretta u l-konformità mar-regoli Ewropej;

B. billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Settembru 2020 dwar l-irkupru kulturali tal-Ewropa, il-Parlament issottolinja l-ħtieġa li jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema kulturali u kreattivi u ħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi qafas Ewropew għall-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi (CCSI);

C. billi l-kultura għandha valur intrinsiku bħala espressjoni ta' umanità, demokrazija u impenn ċiviku li jistgħu jkunu kruċjali għall-avvanz tal-iżvilupp sostenibbli;

D. billi l-kultura u l-libertà tal-arti jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għall-vitalità ta' soċjetà u jippermettu lis-segmenti kollha tas-soċjetà jesprimu l-identitajiet tagħhom, jikkontribwixxu għall-koeżjoni soċjali u d-djalogu interkulturali u jwittu t-triq għal Unjoni Ewropea dejjem eqreb, kif ukoll ikollhom rwol strumentali fit-trawwim tat-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi;

E. billi l-kultura, l-arti, il-patrimonju kulturali u d-diversità kulturali huma ta' valur kbir għas-soċjetà Ewropea mil-lat kulturali, edukattiv, demokratiku, ambjentali, soċjali, ekonomiku u f'dak li għandu x'jaqsam mad-drittijiet tal-bniedem, u jenħtieġ li dawn jiġu promossi u appoġġjati. billi s-CCSI tal-Ewropa tikkontribwixxi b'mod sostanzjali għal identità Ewropea komuni u għall-valuri tagħna, għas-saħħa mentali u għall-ġid ekonomiku tagħna, u, fit-tul, għall-ħolqien ta' sfera pubblika Ewropea;

F. billi s-CCSI Ewropea tirrappreżenta bejn 4 u 7 % tal-PDG tal-UE u 8,7 miljun impjieg fl-UE;

G. billi l-Unjoni s'issa kellha biss kompetenza limitata fil-qasam tal-kultura; billi l-Parlament kellu jiġġieled ħafna biex jikseb żieda sinifikanti fil-baġit għall-Programm Ewropa Kreattiva; billi l-programm Ewropa Kreattiva huwa l-uniku programm tal-Unjoni ddedikat għall-kultura; billi l-finanzjament ta' dan il-programm għadu 'l bogħod mill-ħtiġijiet tal-artisti Ewropej tagħna u tas-CCSI kollha kemm hi;

H. billi s-CCSI tikkonsisti prinċipalment minn organizzazzjonijiet mikro, żgħar u ta' daqs medju u intrapriżi b'aċċess ristrett għas-swieq finanzjarji, kif ukoll artisti li jaħdmu għal rashom, ħaddiema kulturali, professjonisti freelance u intraprendituri, li huma aktar probabbli li jaħdmu part-time u ta' spiss jużaw dħul irregolari u mħallat minn sorsi differenti;

I. billi r-rati ta' impjieg indipendenti huma ogħla (33 %) fis-CCSI milli fl-impjieg għall-ekonomija (14 %) kollha kemm hi, u billi l-ħaddiema kulturali u artistiċi huma aktar probabbli li jaħdmu part-time, li jwassal għal sfidi fl-aċċess għal miżuri ta' appoġġ u xbieki ta' sikurezza, u jnaqqas ir-reżiljenza ġenerali ta' dawk li jaħdmu għal rashom fis-CCSI;

J. billi f'xi Stati Membri ċerti professjonisti kulturali u kreattivi ma jgawdu l-ebda status legali;

K. billi l-miżuri ta' konteniment li ttieħdu b'reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19 dgħajfu serjament l-ekosistema kulturali u kreattiva fraġli, u b'hekk ipperikolaw il-ħolqien u l-espressjoni kulturali u artistiċi u dgħajfu l-kontribut tal-arti u l-kultura għall-benesseri, id-diversità kulturali, id-demokrazija u aktar; billi s-CCSI esperjenzaw telf ta' fatturat ta' aktar minn 30 % fl-2020 – telf kumulattiv ta' EUR 199 biljun – bis-setturi tal-mużika u tal-arti tal-ispettaklu jesperjenzaw telf ta' 75 % u 90 % rispettivament[11];

L. billi l-kultura hija ekosistema li mhux biss tiġġenera valur ekonomiku għoli (li tirrappreżenta 4,4 % tal-PDG tal-UE f'termini ta' fatturat totali u timpjega madwar 7,6 miljun persuna), iżda għandha wkoll impatt soċjali sostanzjali, tikkontribwixxi għal soċjetajiet demokratiċi, sostenibbli, ħielsa u inklużivi u tirrifletti u ssaħħaħ id-diversità, il-valuri, l-istorja u l-libertajiet Ewropej tagħna;

M. billi ġie ppruvat b'mod konklużiv li l-kontenut kulturali distribwit matul il-perjodi ta' lockdown tal-COVID-19 tejjeb ħafna l-kundizzjoni psikoloġika taċ-ċittadini Ewropej u evita l-aggravar tal-kwistjonijiet tas-saħħa mentali kkawżati mill-iżolament fit-tul;

N. billi l-kultura u l-artisti tradizzjonali għandhom jiġu appoġġjati sabiex jiġi protett il-wirt kulturali;

O. billi l-iżvilupp ta' qafas Ewropew multidimensjonali għall-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-CCSI se jirrikjedi koordinazzjoni mal-politiki tal-UE dwar l-impjiegi, il-kompetizzjoni, is-suq intern, il-politika soċjali, id-drittijiet fundamentali u l-ugwaljanza, id-drittijiet tal-awtur u l-finanzjament għall-kultura, kif ukoll monitoraġġ permanenti tal-progress li sar mill-Istati Membri fit-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-CCSI u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki filwaqt li jiġu rrispettati bis-sħiħ l-oqsma ta' kompetenza tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha;

P. billi mis-sejħa tal-Parlament għal titjib fis-sitwazzjoni tal-artisti fir-riżoluzzjonijiet tiegħu ta' Ġunju 2007, Novembru 2016 u Settembru 2020, ma sarx ħafna progress u l-biċċa l-kbira tat-talbiet tagħhom għadhom validi, speċjalment fid-dawl tad-differenzi kbar bejn l-iskemi ta' appoġġ għall-artisti u l-professjonisti kulturali fi Stati Membri differenti u l-fatt li s-sitwazzjoni tal-artisti marret għall-agħar u għalhekk il-biċċa l-kbira tat-talbiet tal-Parlament saru urġenti;

Q. billi l-kriżi tal-COVID-19 kixfet il-vulnerabbiltajiet preeżistenti tas-CCSI, ikkaratterizzati mill-intermittenza, l-eteroġeneità u l-instabbiltà, l-għajxien fraġli tal-artisti u tal-ħaddiema kulturali, kif ukoll il-baġits stretti ta' ħafna istituzzjonijiet kulturali u l-insuffiċjenza tal-finanzjament pubbliku, u poġġiet l-artisti u l-professjonisti u l-ħaddiema kulturali u kreattivi f'sitwazzjonijiet saħansitra aktar prekarji, peress li t-telf ta' qligħ ta' freelancers u ħaddiema mhux standard, li ħafna drabi kienu jikkostitwixxu miżuri tas-sigurtà nazzjonali aktar dgħajfa, u dan wassal biex il-maġġoranza tas-CCSI kienet dgħajfa;

R. billi l-impatt kontinwu tal-pandemija għamilha impossibbli għall-maġġoranza tal-artisti u tal-ħaddiema kulturali u kreattivi li jwettqu l-attivitajiet tagħhom u li jżommu l-impjiegi tagħhom, filwaqt li ħolqot ukoll inċertezza dwar il-prospetti futuri li diġà qed jikkawżaw lill-professjonisti jitilqu mis-settur, li se jkollu effett dejjiemi fuq il-kompożizzjoni u d-diversità tas-CCSI Ewropea kollha kemm hi u jiskoraġġixxi liż-żgħażagħ, kif ukoll persuni minn gruppi marġinalizzati, milli jaħdmu f'dawn is-setturi u se jnaqqas il-kreattività tas-soċjetà Ewropea u tal-ekonomija tal-UE kollha kemm hi;

S. billi bosta Stati Membri implimentaw miżuri ta' emerġenza sostanzjali ta' għajnuna għas-CCSI biex jissopravvivu l-kriżi; billi, madankollu, dan l-appoġġ varja ħafna fost l-Istati Membri, mhux dejjem kien adattat għas-CCSI kollha u xi drabi ngħata b'dewmien li jipperikola partijiet mis-CCSI; billi l-appoġġ ma kienx disponibbli għal diversi kategoriji ta' ħaddiema kulturali, artisti u professjonijiet ta' medjazzjoni kulturali minħabba l-istatus tax-xogħol partikolari tagħhom u bħala tali ma kienx biżżejjed biex jiżgura kundizzjonijiet tax-xogħol sostenibbli; billi l-appoġġ pubbliku tard u xi drabi insuffiċjenti wassal biex is-settur ikollu jiddependi fuqu nnifsu għall-appoġġ, filwaqt li enfasizza l-ħtieġa għal mekkaniżmi ta' appoġġ li jiffunzjonaw biex jissalvagwardjaw id-drittijiet soċjali tal-artisti u l-professjonisti kulturali u biex jipproteġu d-diversità tal-espressjoni kulturali;

T. billi l-mobilità transfruntiera tibqa' komponent essenzjali tal-karrieri tal-artisti u tal-ħaddiema kulturali; billi, madankollu, il-biċċa l-kbira tal-istrumenti ta' finanzjament attwali li jappoġġjaw il-mobilità ma jistimolawx biżżejjed il-mobilità ambjentalment u soċjalment sostenibbli u jfixklu l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata tal-artisti u l-professjonisti kulturali;

U. billi l-Pjan ta' Ħidma tal-Kunsill għall-Kultura 2019–2022 jagħmilha prijorità li tiġi stabbilita ekosistema li tappoġġja l-artisti u l-professjonisti kulturali u kreattivi, u jirrikonoxxi l-ħtieġa għal azzjoni konġunta f'dan il-qasam; billi hemm ħtieġa urġenti għal tali azzjoni konġunta;

V. billi diversi definizzjonijiet ta' artisti u ħaddiema kulturali jeżistu flimkien fl-UE, u dan jagħmel l-armonizzazzjoni potenzjali diffiċli; billi ħafna ħaddiema fis-CCSI, inklużi, iżda mhux limitati għal, kittieba, tradutturi letterarji, produtturi u tekniċi jsofru minn inċertezza minħabba n-nuqqas ta' definizzjoni konsistenti tal-istatus tagħhom;

W. billi diversi Stati Membri għandhom leġiżlazzjoni speċifika fis-seħħ li tipprevedi status speċjali għall-artisti biex tiggarantilhom aċċess għall-benefiċċji soċjali; billi, madankollu, din il-leġiżlazzjoni tvarja b'mod konsiderevoli bejn l-Istati Membri, u dan ifixkel ir-rikonoxximent reċiproku tal-istatus tal-artisti u tal-ħaddiema kulturali u kreattivi u l-kollaborazzjoni u l-mobilità transfruntiera, u b'hekk joħloq ostakli għall-ħolqien kulturali u artistiku, l-espressjoni u l-moviment liberu, u fl-aħħar mill-aħħar għad-diversità kulturali Ewropea u għas-sostenibbiltà soċjali;

X. billi l-appoġġ finanzjarju għas-CCSI jvarja ħafna bejn l-Istati Membri, f'termini tad-daqs tal-baġits, il-prijoritajiet u l-valuri ta' gwida, li jikkontribwixxi għal aktar diverġenza fis-sostenibbiltà tal-karrieri tal-ħaddiema kulturali madwar il-pajjiżi u jfixkel l-inklużività, is-sostenibbiltà u l-bilanċ tal-kollaborazzjoni u l-mobilità transfruntiera;

Y. billi l-artisti u l-ħaddiema kulturali u kreattivi għandhom it-tendenza li jinvolvu ruħhom f'mudelli ta' xogħol atipiċi minħabba n-natura tas-settur innifsu u ħafna drabi huma soġġetti għal arranġamenti tax-xogħol prekarji li jimpedixxu l-aċċess tagħhom għal protezzjoni sħiħa tas-sigurtà soċjali u jeskluduhom mill-pensjoni, il-kura tas-saħħa u l-pagamenti tal-qgħad;

Z. billi r-remunerazzjoni tal-artisti u tal-ħaddiema kulturali u kreattivi spiss tkun instabbli u inċerta, tiġi minn sorsi differenti bħal kuntratti, royalties, għotjiet u sussidji, li jrendi l-introjtu tagħhom imprevedibbli ħafna, tħallihom f'sitwazzjonijiet prekarji u ddgħajjef ir-reżiljenza tagħhom;

AA. billi l-pandemija tal-COVID-19 u l-lockdowns illimitaw b'mod sever il-flussi ta' dħul possibbli għall-maġġoranza l-kbira tal-artisti, l-artisti u l-ħaddiema kulturali; billi d-dħul kontinwu mid-drittijiet tal-awturi u dawk kontigwi baqa' wieħed mill-ftit sorsi ta' dħul li kien għad fadal; billi f'ħafna Stati Membri tali drittijiet mhumiex rispettati kif xieraq mill-pjattaformi ta' distribuzzjoni, li jagħmlu pressjoni fuq id-detenturi tad-drittijiet biex jirrinunzjaw għad-drittijiet tagħhom, xi drabi b'mod perpetwu, bħala parti mill-kuntratti tagħhom, u b'hekk jillimitaw severament il-kapaċità tagħhom li jsostnu lilhom infushom minn xogħolhom;

AB. billi l-awturi, l-artisti u l-ħallieqa kulturali kollha għandu jkollhom aċċess għal standards minimi garantiti ta' sigurtà soċjali, inklużi l-impjieg u l-assigurazzjoni tas-saħħa u l-fondi tal-pensjoni, sabiex ikunu jistgħu jikkonċentraw bis-sħiħ fuq il-proċess artistiku u l-kreattività tagħhom;

AC. billi n-nuqqas ta' negozjar kollettiv, u l-ostakli għalih, għall-artisti li jaħdmu għal rashom u għall-ħaddiema kulturali u kreattivi jservu wkoll biex jimminaw il-pożizzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol u jwasslu għal nuqqas ta' protezzjonijiet soċjali adegwati u effett negattiv fit-tul fuq il-pożizzjoni u s-sigurtà tagħhom; billi l-ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awturi tirrappreżenta sors ewlieni ta' dħul għall-maġġoranza tal-kreaturi u l-artisti fl-Ewropa, filwaqt li tiżgura r-remunerazzjoni kontinwa tagħhom u għandha tipproteġihom ukoll minn prattiki inġusti ta' kumpaniji kbar u dominanti tal-midja u l-pjattaformi tal-istreaming;

AD. billi l-mobilità transfruntiera hija parti essenzjali mix-xogħol tal-artisti, tal-awturi, tal-artisti u tal-kreaturi kulturali kollha u tal-ħaddiema kulturali iżda spiss hija mxekkla minn proċeduri burokratiċi, nuqqas ta' informazzjoni ċara u għadd kbir ta' regoli u rekwiżiti amministrattivi madwar l-Istati Membri, b'mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni soċjali u t-tassazzjoni, kif ukoll proċeduri kkumplikati u għaljin għall-ħtiġijiet speċifiċi tat-trasport għal tagħmir artistiku fraġli; billi dawn l-ostakli għall-mobilità kulturali transkonfinali jimminaw il-prinċipju tal-moviment liberu;

AE. billi l-għotjiet pubbliċi huma meqjusa bħala l-aktar forma vitali u effettiva ta' appoġġ finanzjarju għas-CCSI, iżda spiss ikunu insuffiċjenti, burokratiċi żżejjed u diffiċli wisq biex jiġu aċċessati jew inaċċessibbli b'mod partikolari għal gruppi emarġinati u xi drabi preġudikati bħala riżultat ta' influwenza politika li tiskoraġġixxi b'mod partikolari lill-artisti aspiranti u lill-ħallieqa milli japplikaw; billi, barra minn hekk, in-nuqqas ta' strateġija ta' finanzjament globali Ewropea għas-settur mill-Kummissjoni, is-sorsi differenti fi ħdan il-qafas finanzjarju pluriennali u n-nuqqas ta' integrazzjoni tagħhom ifixklu wkoll l-aċċess għall-għotjiet pubbliċi;

AF. billi l-freelancers ibatu mill-ogħla livell ta' inċertezza fir-rigward tal-aċċess kemm għall-iskemi soċjali kif ukoll għall-għotjiet, il-fondi u opportunitajiet oħra ta' finanzjament nazzjonali u tal-UE;

AG. billi l-pandemija tal-COVID-19 enfasizzat id-dipendenza tal-artisti fuq appoġġ finanzjarju pubbliku u privat fuq terminu qasir u appoġġ ibbażat fuq proġetti ta' nofs it-terminu u billi dan żvela d-diffikultajiet strutturali ġenerali fis-settur;

AH. billi l-aċċess għall-finanzjament jibqa' l-isfida ewlenija, speċjalment għal atturi iżgħar fis-CCSI, inklużi artisti individwali, artisti kollettivi, u ħaddiema kulturali u kreattivi, li spiss ma jkunux eliġibbli għal self u garanziji bankarji, u dan iżid l-importanza tal-aċċess għal għotjiet u sussidji pubbliċi u privati u d-disponibbiltà tagħhom; itenni l-importanza li jingħata appoġġ lis-setturi kulturali kollha, inklużi l-professjonijiet tal-medjazzjoni kulturali, li għandhom rwol vitali bħala interfaċċja bejn il-pubbliku u x-xogħol artistiku jew il-wirt artistiku, u b'hekk jiggarantixxu l-aċċess għall-kultura u t-tixrid tagħha lil udjenza wiesgħa;

AI. billi ħafna investituri privati u finanzjaturi pubbliċi naqqsu jew ikkanċellaw kompletament l-appoġġ finanzjarju tagħhom għal proġetti kulturali, speċjalment dawk b'dimensjoni transfruntiera, matul il-kriżi; billi dan jenfasizza l-importanza ta' finanzjament pubbliku affidabbli u kostanti;

AJ. billi l-edukazzjoni u l-kultura huma kruċjali għall-bini ta' soċjetajiet inklużivi u koeżivi għal kulħadd, it-trawwim tal-integrazzjoni, u s-sostenn tal-kompetittività Ewropea;

AK. billi s-servizzi ta' streaming ibbażati barra mill-UE żiedu l-investimenti tagħhom fl-infrastrutturi tas-CCSI tal-Istati Membri, bil-għan li jinħoloq aktar kontenut destinat għad-distribuzzjoni online;

AL. billi l-artisti spiss ikunu soġġetti għal razziżmu, ksenofobija, diskriminazzjoni u esklużjoni bbażati fuq l-identità perċepita tagħhom bħala riżultat ta' razziżmu u tokeniżmu strutturali u istituzzjonali li jirriżultaw f'relazzjonijiet u kollaborazzjonijiet diffiċli mal-istituzzjonijiet rilevanti, kif ukoll fl-ostakolar tal-libertà artistika tagħhom;

AM. billi l-artisti b'diżabilità huma esklużi mill-politika u l-finanzjament fis-CCSI minħabba n-nuqqas ta' kunsiderazzjoni, pereżempju, tal-mobilità ristretta jew tal-isfidi li jirriżultaw minn proċeduri burokratiċi ta' finanzjament;

AN. billi għalkemm il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-CCSI hija għolja, għad hemm ħafna diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru, kif ukoll nuqqas ta' aċċess, differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa u ostakli għar-rappreżentanza u l-viżibbiltà; billi n-nisa rarament jokkupaw rwoli kreattivi ewlenin jew pożizzjonijiet ta' teħid ta' deċiżjonijiet fl-istituzzjonijiet kulturali; billi l-artisti nisa spiss jiġu msikkta u soġġetti għal kritika sproporzjonata bħala riżultat tax-xogħol tagħhom, u huwa aktar probabbli li n-nisa u l-artisti LGBTIQ+ ikunu fil-mira ta' attakki jew soġġetti għal restrizzjonijiet;

AO. billi artisti u professjonisti kulturali minn gruppi emarġinati, inklużi nisa, żgħażagħ, rappreżentanti ta' minoranzi razzjali, etniċi u ġeografiċi, persuni bi sfond soċjoekonomiku vulnerabbli, persuni b'diżabilità u persuni LGBTIQ+, għandhom inqas aċċess għal karrieri artistiċi u kulturali u inqas opportunitajiet biex jiżviluppaw karrieri fit-tul fis-settur; billi l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 kien partikolarment b'saħħtu fuq in-nisa u aggrava l-ostakli diġà eżistenti f'termini ta' aċċess, ħlas indaqs, rappreżentanza u viżibbiltà fis-CCSI esperjenzata minn dawn il-gruppi;

AP. billi l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-arti, kif minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, bħalissa jinsabu mhedda f'diversi Stati Membri bħala riżultat ta' interferenza mill-istat u restrizzjonijiet immotivati politikament u xi drabi huma mxekkla mill-użu ta' leġiżlazzjoni kontra t-terroriżmu jew allegazzjonijiet li xogħlijiet artistiċi jinsultaw sentimenti reliġjużi jew simboli nazzjonali, jew jitqiesu bħala offensivi jew mhux xierqa, li jirriżultaw ukoll f'każijiet ta' awtoċensura;

AQ. billi l-istat tal-programmi nazzjonali ta' għajnuna matul il-kriżi, b'mod partikolari l-għajnuna lill-ħaddiema tas-CCSI li ma jaqgħux taħt id-definizzjonijiet nazzjonali tal-artisti, inklużi, iżda mhux limitati għal, freelancers bħall-kittieba u l-awturi, kien u għadu frammentat;

AR. billi, fid-dawl tal-konsegwenzi tal-pandemija, ġenerazzjoni sħiħa ta' artisti żgħażagħ u ħaddiema kulturali se jsibuha diffiċli biex isibu impjieg kulturali jew jirreġistraw f'edukazzjoni ogħla tal-arti bħala riżultat tat-tnaqqis tal-opportunitajiet; billi l-artisti taħt l-età ta' 30 sena huma aktar probabbli li jkunu qiegħda, li jaċċettaw xogħol bla ħlas u li jkunu soġġetti għal kundizzjonijiet tax-xogħol abbużivi bħal salarji mhux imħallsa u kuntratti prekarji;

1. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrikonoxxu l-valur intrinsiku tal-kultura, kif ukoll ir-rwol fundamentali tal-kultura għas-soċjetà, il-progress u l-benesseri tagħha, l-ekonomija u l-inklużività, u jittraduċu dan ir-rikonoxximent f'appoġġ finanzjarju u strutturali adegwat u kontinwu;

2. Jiddispjaċih għall-fatt li l-attività kulturali spiss tqieset bħala mhux essenzjali; ifakkar li l-kultura għandha rwol essenzjali fis-soċjetà tagħna, aktar u aktar matul kriżi, u jitlob, għalhekk, il-ftuħ mill-ġdid tal-ispazji kulturali kollha kemm jista' jkun malajr; jirrikonoxxi li biex is-settur kulturali u kreattiv jissopravvivi l-isfidi attwali, huwa essenzjali mhux biss li jiġi żgurat appoġġ immedjat u li jiġu stabbiliti l-miżuri ta' emerġenza kollha meħtieġa, iżda wkoll li ssir riflessjoni dwar it-tnedija mill-ġdid ordnata ta' dan is-settur vitali, li jipprovdi appoġġ strutturali mhux biss permezz ta' programmi ta' innovazzjoni u riżorsi baġitarji, iżda wkoll permezz ta' opportunitajiet ta' tagħlim f'dan il-qasam għall-ġenerazzjoni żagħżugħa;

3. Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tiżviluppa u tikkonsolida l-qafas tal-politika industrijali għall-ekosistema tas-CCSI fi strateġija koerenti, kompetittiva u fit-tul sabiex tagħti spinta lill-kompetittività tagħhom, il-valur strateġiku tagħhom għall-ekonomija Ewropea u l-istil ta' ħajja Ewropew, u tippermettilhom jilħqu l-potenzjal tagħhom f'termini ta' ħolqien ta' impjiegi u tkabbir; jenfasizza l-potenzjal tas-CCSI fir-rigward tal-impjieg taż-żgħażagħ u r-reindustrijalizzazzjoni u, b'mod partikolari, l-opportunitajiet dejjem jikbru fis-CCSI għaż-żgħażagħ maħluqa mill-ambjent diġitali;

4. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkludu s-CCSI fl-għodod ta' appoġġ finanzjarju kollha, bħall-InvestEU u n-NextGenerationEU; jenfasizza l-importanza li dawn ir-riżorsi jiġu diretti abbażi tal-partikolaritajiet tas-setturi differenti u d-dimensjonijiet tal-benefiċjarji potenzjali sabiex jiġu żgurati soluzzjonijiet kompatibbli li ma joħolqux aktar inugwaljanzi fl-UE;

5. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jirrikonoxxu l-valur miżjud Ewropew tal-kooperazzjoni transfruntiera u jeliminaw l-ostakli kollha għall-mobilità transfruntiera sostenibbli u inklużiva fl-UE, u ma' pajjiżi terzi għall-artisti u l-professjonisti kulturali;

6. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw u jipprovdu lill-awturi, l-artisti u professjonisti u ħaddiema kreattivi oħra fis-CCSI b'informazzjoni ċara u linji gwida dwar l-opportunitajiet ta' mobilità u rieżami u, fejn meħtieġ, jirrevedu r-rekwiżiti amministrattivi fl-Istati Membri kollha, inkluż dwar il-viżi, it-tassazzjoni, is-sigurtà soċjali u l-aċċess għat-taħriġ u r-rikonoxximent ta' lawrji edukattivi artistiċi, inklużi l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u l-kwalifiki akkademiċi, bil-ħsieb li jiġi ssimplifikat u unifikat l-aċċess għal dan kollu msemmi hawn fuq, kif ukoll għall-programmi u l-fondi tal-Unjoni mmirati li jistgħu jaqdu l-ħtiġijiet tagħhom b'mod speċifiku, bħall-Ewropa Kreattiva, bħal pereżempju s-CCSIs; jitlob li jkun hemm programmi speċifiċi ddedikati għall-mobilità ta' kreaturi u innovaturi żgħażagħ sabiex jiġu promossi l-iskambji u l-innovazzjoni fl-oqsma tal-kultura u l-kreattività;

7. Jilqa' l-istabbiliment ta' punti ta' informazzjoni dwar il-mobbiltà biex jipprovdu assistenza lill-artisti u lill-professjonisti kulturali u biex jappoġġa l-mobbiltà sostenibbli; jistieden lill-Istati Membri kollha jistabbilixxu tal-anqas punt wieħed ta' mobbiltà u informazzjoni ta' dan it-tip biex joffru appoġġ bla ħlas u personalizzat lill-artisti u lill-ħaddiema kulturali u kreattivi; jirrakkomanda li l-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni konsistenti, aktar komprensiva u personalizzata għall-ħaddiema kulturali transfruntiera, kif ukoll għall-awturi, l-artisti u l-kreaturi, dwar il-mobbiltà permezz ta' inizjattivi bħal settijiet ta' għodod u manwali aġġornati;

8. Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni ċara lill-artisti dwar kwistjonijiet ta' mobbiltà relatati mar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Renju Unit;

9. Jikkundanna l-fatt li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri naqsu milli jimplimentaw id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Awtur u s-Suq Uniku Diġitali fil-ħin u qabel l-iskadenza tas-7 ta' Ġunju 2021; jiddispjaċih dwar il-fatt, madankollu, li l-Kummissjoni ppubblikat il-linji gwida tlett ijiem biss qabel l-iskadenza għall-implimentazzjoni; jemmen li dan juri li hemm bżonn li r-regolament ikopri wkoll kwistjonijiet proċedurali;

10. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jippermettu lill-professjonisti kulturali u kreattivi jnaqqsu mit-taxxi tagħhom l-ispejjeż tan-negozju fir-rigward tal-attività artistika tagħhom u kif ukoll l-ispejjeż relatati mat-tagħmir jew it-taħriġ (titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid);

11. Jissottolinja li hemm bżonn ta' data u statistika dettaljati u komparabbli diżaggregati skont il-ġeneru dwar l-impjiegi u l-introjtu kulturali fis-CCSI;

12. Jinkoraġġixxi sinerġija akbar bejn is-setturi kulturali u edukattivi, u l-promozzjoni ta' parteċipazzjoni akbar ta' skejjel u istituzzjonijiet artistiċi u kulturali f'attivitajiet taħt Erasmus+, u f'azzjonijiet oħra taħt programmi tal-UE, kemm għall-istudenti kif ukoll għall-għalliema; jistieden lill-Istati Membri jinkludu u jippromwovu bis-sħiħ l-aċċess għall-edukazzjoni tal-arti, it-taħriġ vokazzjonali u edukattiv u l-kwalifiki akkademiċi, bħala parti minn approċċ olistiku għall-irkupru tas-CCSI u dak tas-soċjetà kollha kemm hi; jinnota l-importanza li jingħata aċċess għat-tagħlim tul il-ħajja, it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid u fost affarijiet oħra t-taħriġ permezz ta' programmi ta' mentoring, kif ukoll l-iżvilupp ta' materjali ta' taħriġ madwar l-UE għat-tranżizzjoni mill-edukazzjoni għal impjieg kulturali u kreattiv;

13. Jappella lill-Istati Membri jittrasponu d-Direttiva (UE) 2019/790 dwar id-drittijiet tal-awtur fis-suq uniku diġitali b'enfasi qawwi fuq il-protezzjoni ta' xogħlijiet kulturali u kreattivi u ta' dawk li joħolquhom u b'mod partikolari biex jiggarantixxu remunerazzjoni ġusta, xierqa u proporzjonata għall-awturi u l-artisti; jistieden lill-Kummissjoni biex tissorvelja mill-qrib li dawn il-prinċipji ewlenin jiġu implimentati b'mod effettiv;

14. Jirrimarka l-importanza tal-liċenzji territorjali fil-mudell kummerċjali tal-maġġoranza tal-entitajiet tas-CCSI; ifakkar fir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-Kummissjoni tar-regolament dwar l-imblukkar ġeografiku mhux ġustifikat; jirrimarka li qabel ma tiġi kkunsidrata kwalunkwe miżura ta' segwitu, hemm bżonn li jingħata widen għall-ilħna tad-detenturi tad-drittijiet meta jkun qed jiġi diskuss il-kontenut protett bid-drittijiet tal-awtur; ifakkar li d-dħul mid-drittijiet tal-awtur mhux biss jirrappreżenta l-qalba tar-remunerazzjoni ġusta tal-artisti u l-kreaturi, iżda wkoll ta' ħafna atturi żgħar fis-CCSI; ifakkar li kwalunkwe bidla drastika f'dan il-qasam tista' twassal għal konsegwenzi drammatiċi għal ħafna minnhom;

15. Jiddispjaċih għall-fatt li t-traspożizzjoni nazzjonali tad-Direttivi 2019/790 u 2019/789 hija xi ftit jew wisq ittardjata, filwaqt li ftit Stati Membri biss ħatfu l-opportunità mogħtija mill-Artikolu 18 biex jimplimentaw mekkaniżmi ta' rimunerazzjoni xierqa; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jimplimentaw il-mekkaniżmi effettivi ta' rimunerazzjoni previsti fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2019/790;

16. Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-ġestjoni tad-drittijiet kollettivi meta timplimenta d-direttivi adottati reċentement dwar id-drittijiet tal-awtur, kif ukoll fl-inizjattivi li jmiss tagħha biex tiżgura r-remunerazzjoni ġusta tal-kreaturi u aċċess wiesa' għax-xogħlijiet kulturali u kreattivi għall-pubbliku;

17. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni timplimenta b'mod effettiv l-inizjattivi tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-inklużjoni u l-integrazzjoni fl-oqsma kulturali u awdjoviżivi permezz tal-Programm Ewropa Kreattiva u timmonitorja r-riżultati tagħhom;

18. Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-impatt tal-pjattaformi tal-istreaming tal-mużika fl-Ewropa, sabiex tiżgura t-trasparenza tal-algoritmi tar-rakkomandazzjoni tagħhom, peress li sa ċertu punt jiddeterminaw liema kontenut il-konsumaturi tagħhom jisimgħu u jaraw fuq il-playlists u l-interfaċċi tal-utenti tas-servizzi, u biex tikkunsidra l-introduzzjoni ta' obbligi pożittivi għall-promozzjoni tad-diversità kulturali u l-iskopribbiltà tax-xogħlijiet Ewropej fis-servizzi tagħhom;

19. Jikkundanna bil-qawwa l-isterjotipi, is-sessiżmu u l-fastidju sesswali fis-CCSI;

20. Jilqa' l-inizjattivi ta' xi Stati Membri biex jinkoraġġixxu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-proċess tal-għażla għal pożizzjonijiet ogħla fl-istituzzjonijiet kulturali pubbliċi;

21. Jirrikonoxxi r-rwol kruċjali tal-kultura u l-arti fil-promozzjoni tad-diversità kulturali u t-trawwim ta' soċjetajiet inklużivi, u fil-ġlieda kontra l-forom kollha ta' diskriminazzjoni;

22. Jenfasizza li l-pandemija attwali ssotolinjat l-importanza tal-isfera diġitali u amplifikat id-dipendenza tal-artisti u l-utenti fuq il-pjattaformi diġitali dominanti; f'dan ir-rigward, jenfasizza li hemm bżonn ta' aktar trasparenza; ifakkar li għal xi artisti u kreaturi li prinċipalment kienu jiddependu fuq avvenimenti pubbliċi, din il-bidla fil-paradigma ekonomika tirrappreżenta sfida f'termini ta' stabbiltà tad-dħul; jinsab imħasseb dwar il-fatt li f'dan il-mudell ta' negozju ġdid, ħafna artisti u kreaturi ma jistgħux jiksbu l-istess ammont ta' dħul minħabba li l-prattika minn pjattaformi ta' streaming dominanti jew kbar li jimponu klawżoli ta' akkwiżizzjoni ċċaħħad lill-awturi mir-royalties tagħhom u xxekkel ir-remunerazzjoni adegwata u proporzjonata għall-kreaturi; jitlob lill-Kummissjoni, għalhekk, tevalwa s-sitwazzjoni u tieħu miżuri biex tiżgura li d-dħul jitqassam kif xieraq u b'mod ġust lill-kreaturi, l-artisti u d-detenturi tad-drittijiet kollha;

23. Jilqa' l-valutazzjoni tal-impatt tal-bidu tal-Kummissjoni u l-konsultazzjoni pubblika reċenti dwar in-negozjar kollettiv għal dawk li jaħdmu għal rashom, li teżamina l-possibbiltà li jitneħħew l-ostakli tal-liġi tal-kompetizzjoni għan-negozjar kollettiv għal dawk li jaħdmu għal rashom u għall-freelancers; iħeġġeġ, f'dan ir-rigward, li l-Kummissjoni tieħu l-approċċ l-aktar wiesa' possibbli, sabiex tiżgura aċċess għal negozjar kollettiv għall-ħaddiema kollha li jaħdmu għal rashom waħedhom, inklużi l-artisti u l-ħaddiema kulturali; jistieden lill-Kummissjoni tevalwa aktar ir-regoli attwali dwar l-għajnuna mill-Istat u l-applikazzjoni tagħhom għas-CCSI u l-ħtiġijiet possibbli għall-adattament; jistieden lill-Istati Membri jirrikonoxxu d-dritt ta' assoċjazzjoni għall-ħaddiema kollha fis-CCSI u jippromwovu n-negozjar kollettiv;

24. Jirrimarka li l-impjieg atipiku (kuntratti part-time u b'tul ta' żmien fiss, xogħol temporanju u impjieg indipendenti ekonomikament dipendenti) huwa komuni fis-settur tal-midja u l-kultura, u spiss iwassal għal sitwazzjonijiet ta' xogħol prekarju għall-artisti u l-professjonisti kulturali; jissottolinja l-bżonn urġenti li jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-CSSI; iħeġġeġ lill-Istati Membri jużaw konverġenza 'l fuq biex jistabbilixxu standards minimi għall-artisti u l-professjonisti kulturali fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, ir-remunerazzjoni ġusta u s-sigurtà soċjali, filwaqt li jirrikonoxxu l-karatteristiċi speċjali tas-CCSI bħax-xogħol staġjonali u l-kwalità tal-kreattività mhux monetizzata;

25. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi Status Ewropew tal-Artist, li jistabbilixxi qafas komuni għall-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-istandards minimi komuni għall-pajjiżi kollha tal-UE, filwaqt li tirrispetta bis-sħiħ ir-responsabbiltajiet tal-Istati Membri u tal-UE fir-rigward tas-suq tax-xogħol u l-politika kulturali, billi tadotta jew tapplika għadd ta' linji gwida koerenti u komprensivi fir-rigward, fost l-oħrajn, tal-kuntratti, mezzi ta' rappreżentanza u ġestjoni kollettivi, tas-sigurtà soċjali, l-assigurazzjoni kontra l-mard u l-qgħad, l-iskemi tal-pensjoni, it-tassazzjoni diretta u indiretta, l-ostakli nontariffarji u l-asimmetriji tal-informazzjoni; jilqa' d-diskussjonijiet li jmiss tal-MMK bejn l-Istati Membri dwar l-istatus tal-artisti, li huma l-ewwel pass f'dan ir-rigward; jitlob li jitwaqqaf grupp ta' ħidma fil-qafas tal-MMK sabiex tiġi ffaċilitata l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri, kif ukoll biex jiġi ffaċilitat il-monitoraġġ tal-progress fir-rigward tat-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-artisti;

26. Jistieden lill-Kummissjoni timmappja d-definizzjonijiet eżistenti ta' artisti u ħaddiema kulturali fl-Istati Membri kollha bil-ħsieb li jiġi żviluppat fehim komuni li għandu jiġi rifless fit-tfassil tal-politika u fl-istatistika kulturali tal-UE; jinnota li tali definizzjoni għandha tqis in-natura orjentata lejn il-proċess tax-xogħol kulturali u tirrikonoxxi l-intensità tax-xogħol tal-istadji differenti tal-proċess kreattiv; iqis li tali definizzjoni għandha tkun allinjata wkoll mar-Rakkomandazzjoni tal-UNESCO tal-1980 dwar l-Istatus tal-Artist;

27. Jappella biex ikun hemm rikonoxximent u portabbiltà transfruntiera akbar tal-ħiliet, il-kwalifiki u d-diplomi kulturali u kreattivi biex tiġi ffaċilitata l-mobbiltà għall-persuni li jaħdmu fis-CCSI;

28. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jappoġġaw programmi u inizjattivi ta' taħriġ vokazzjonali għall-iżvilupp tal-karriera tal-awturi, l-artisti u l-kreaturi kulturali kollha, u, b'mod partikolari, jagħtuhom appoġġ biex jiksbu ħiliet diġitali, intraprenditorjali u ħiliet oħra sabiex jibbenefikaw minn opportunitajiet diġitali biex jippromwovu xogħolhom u jikkollaboraw ma' artisti oħra;

29. Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jissodisfaw ir-responsabbiltà u l-obbligu tagħhom li jrawmu u jiddefendu l-libertà artistika sabiex jirrispettaw id-dritt fundamentali għal-libertà tal-espressjoni u jiżguraw li ċ-ċittadini tal-UE jkunu jistgħu jgawdu liberament kreazzjonijiet artistiċi u jipparteċipaw fil-kultura, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tissanzjona lil dawk l-Istati Membri li jonqsu milli jikkonformaw mal-obbligi tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni twettaq aktar riċerka dwar is-suġġett u tħejji pjan direzzjonali għall-kisba ta' protezzjoni aħjar tal-libertà tal-espressjoni artistika fl-Ewropa; jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu b'mod konġunt djalogu strutturat fost l-artisti, l-esperti legali u l-partijiet interessati rilevanti biex jiddeterminaw standards komuni għal-libertà tal-espressjoni artistika u jiżviluppaw u jimplimentaw linji gwida rilevanti;

30. Jilqa' l-konklużjonijiet reċenti tal-Kunsill dwar l-irkupru, ir-reżiljenza u s-sostenibbiltà tas-CCSI, b'mod partikolari fir-rigward tas-sejħa għal suq tax-xogħol ġust u sostenibbli u protezzjonijiet soċjali għall-professjonisti tas-CCSI, kif ukoll il-ħtieġa li jiġi żgurat id-dħul tal-artisti; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw dawn il-konklużjonijiet mill-aktar fis;

31. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw aċċess sħiħ għall-protezzjoni soċjali għall-artisti u l-ħaddiema kulturali, irrispettivament mill-istatus tal-impjieg tagħhom, inkluż l-aċċess għall-allowance tal-qgħad, il-kura tas-saħħa u l-pensjonijiet; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jieħdu miżuri speċifiċi għall-kategoriji differenti ta' professjonijiet kreattivi sabiex jindirizzaw id-dħul instabbli, ix-xogħol mhux imħallas u l-insigurtà tal-impjiegi, u jissalvagwardjaw standard minimu għad-dħul tagħhom;

32. Jistieden lill-Istati Membri jqisu kif xieraq is-sitwazzjoni unika tal-artisti minn gruppi emarġinati fl-iżvilupp tal-politiki, il-programmi ta' finanzjament u l-attivitajiet rilevanti kollha, u jneħħu l-ostakli kollha għall-kisba tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fis-settur, b'mod partikolari billi jintroduċu miżuri li jippermettu l-aċċess, il-parteċipazzjoni u r-rappreżentanza ugwali tal-ħaddiema u l-artisti kulturali kollha;

33. Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-appoġġ tagħhom lis-CCSI permezz tat-tisħiħ tal-investiment pubbliku u l-inkoraġġiment tal-investiment privat fis-CCSI, kif ukoll is-sħubijiet pubbliċi-privati; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw aċċess aktar faċli għall-finanzi għall-artisti u l-kreaturi kulturali kollha;

34. Jistieden lill-Istati Membri jiddiversifikaw is-sorsi ta' appoġġ lis-CCSI u jiżguraw li ma jiġi implimentat l-ebda tnaqqis finanzjarju jew tnaqqis tal-fondi eżistenti, peress li s-settur għadu qed jitħabat mal-konsegwenzi tal-aħħar ċiklu ta' tnaqqis;

35. Jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffaċilitaw l-aċċess għal għotjiet u self pubbliċi billi jnaqqsu l-piżijiet amministrattivi fl-istadji kollha tal-proċessi ta' applikazzjoni u rapportar, u biex jiżguraw it-trasparenza; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu promossi sinerġiji bejn l-iskemi ta' finanzjament rilevanti kollha tal-UE b'ammonti speċifiċi ddedikati għas-settur kulturali u kreattiv, bħal Orizzont Ewropa, Ewropa Kreattiva, InvestEU, Ewropa Diġitali, il-fondi tal-politika ta' koeżjoni u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, li għandhom jiġu sfruttati sabiex jiġu appoġġati aħjar l-artisti u l-ħaddiema kulturali u jiġu pprovduti flussi ta' finanzjament ġodda, aċċessibbli u, fejn possibbli, regolari;

36. Jenfasizza l-importanza li proporzjon adegwat tal-miżuri ta' rkupru ekonomiku jiġi indirizzat lis-CCSI; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinkludu l-kultura fil-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza u biex mill-inqas 2 % tal-pakkett baġitarju tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza jallokawh għall-kultura permezz ta' miżuri inklużivi li huma aċċessibbli għal kulħadd u li ma jħallu lil ħadd barra; jinsab allarmat li f'xi Stati Membri, il-pjanijiet ippreżentati jidhru li jallokaw perċentwal aktar baxx tal-finanzjament iddedikat għal dawk is-setturi jew saħansitra ma jallokaw xejn; jistieden lill-Kummissjoni tippubblika data dwar l-ammonti u l-iskopijiet tal-fondi allokati fil-pjanijiet sabiex tiggarantixxi t-trasparenza u tiffaċilità s-sorveljanza demokratika;

37. Itenni l-importanza li jingħata appoġġ lis-setturi kulturali kollha, inklużi l-professjonijiet tal-medjazzjoni kulturali, li għandhom rwol vitali bħala interfaċċja bejn il-pubbliku u x-xogħol artistiku jew il-wirt artistiku, u b'hekk jiggarantixxu l-aċċess għall-kultura u t-tixrid tagħha lil udjenza wiesgħa;

38. Jenfasizza li s-CCSI kienu l-ewwel setturi li ntlaqtu mill-pandemija, intlaqtu bl-aktar mod sever u kienu l-aħħar li rkupraw u minħabba r-restrizzjonijiet fil-kapaċità ta' avvenimenti u postijiet kulturali, l-irkupru tas-CCSI huwa mistenni li jkun saħansitra aktar bil-mod; jissottolinja li l-irkupru tas-CCSI jrid jimxi id f'id mat-tranżizzjoni lejn is-sostenibbiltà tas-settur; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw l-irkupru fuq żmien qasir tal-ekosistema kulturali kollha u jsaħħu r-reżiljenza, il-kompetittività u l-innovazzjoni tas-CCSI fuq terminu twil, u jsaħħu dawn is-setturi billi jipprovdu appoġġ ġust u strutturat lil kulħadd, speċjalment lill-aktar atturi vulnerabbli, u jrawmu opportunitajiet ta' impjieg għall-artisti, l-awturi, l-artisti tal-ispettaklu, il-ħaddiema kulturali u l-professjonisti tal-medjazzjoni kulturali billi jappoġġaw il-kooperazzjoni f'oqsma dixxiplinari, kif ukoll jiżguraw monitoraġġ komprensiv tas-sitwazzjoni soċjoekonomika fis-CCSI bl-għajnuna tal-Qafas Ewropew għall-kundizzjonijiet tax-xogħol sabiex jissurmontaw kwalunkwe kriżi maġġuri bl-iktar mod effettiv possibbli fil-futur u biex jakkumpanjaw it-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi tagħhom;

39. Jissottolinja li kwalunkwe azzjoni meħuda biex tgħin lis-CCSI fl-irkupru tagħhom jenħtieġ li mhux biss tkun immirata lejn l-irkupru ekonomiku, iżda tintuża wkoll għat-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-artisti u l-professjonisti kulturali, għat-titjib u t-taħriġ mill-ġdid ta' dawk il-ħaddiema biex ikunu jistgħu jinvolvu ruħhom fl-era diġitali u fid-dinja, u għall-investiment fis-saħħa tal-innovazzjoni ekoloġika tas-CCSI, li huma xprun tas-sostenibbiltà, kif ukoll dawk li jadottaw u jiffaċilitaw it-teknoloġiji fixkiela meħtieġa biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima; jenfasizza l-isfidi imposti mid-diġitalizzazzjoni fuq is-CCSI u għalhekk il-ħtieġa għal reviżjoni u tfassil mill-ġdid kostanti tal-mudelli tan-negozju sabiex jiġu żviluppati soluzzjonijiet xprunati mis-suq abbażi tal-big data, il-cloud computing, l-ICT, l-intelliġenza artifiċjali u r-rwol b'saħħtu tal-pjattaformi tal-internet; jissottolinja l-importanza li d-detenturi tad-drittijiet tas-CCSI Ewropej ikollhom aċċess għal data tal-udjenza u sistemi ta' rakkomandazzjoni tal-kontenut u li dawn ikunu trasparenti; jenfasizza, għalhekk, l-importanza ta' finanzjament garantit għad-diġitalizzazzjoni, il-preservazzjoni u d-disponibbiltà online ta' kontenut kulturali u kreattiv u l-wirt kulturali Ewropew tagħna;

40. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiġbru u jikkondividu data affidabbli dwar l-aħjar prattiki u metodi għad-distribuzzjoni tal-għajnuna lis-CCSI; jitlob, barra minn hekk, li jkun hemm skambju tal-aħjar prattiki b'rabta mal-aktar modi effiċjenti biex jitqassam il-finanzjament għall-irkupru fi żmien qasir u medju, sabiex tiġi żgurata kopertura massima tas-CCSI biex l-ebda artist jew ħaddiem kulturali ma jitħalla barra;

41. Jenfasizza l-importanza tar-remunerazzjoni għall-awturi u l-artisti online u offline, speċifikament permezz tal-promozzjoni tan-negozjar kollettiv;

42. Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja kontinwament is-CCSI bi studji regolari dwar is-sitwazzjoni tal-artisti bil-għan li jkun hemm data preċiża, affidabbli, aġġornata u speċifika għas-settur fil-livell Ewropew sabiex tfassal tfassil ta' politika solida, kif ukoll biex ittejjeb l-immappjar tas-CCSI u tkun imħejjija aħjar f'każ ta' kriżijiet futuri;

43. Jilqa' l-fatt li matul il-kriżi ħafna ekosistemi kulturali ta' ħaddiema u organizzazzjonijiet adattaw għal formati ta' distribuzzjoni diġitali ġodda billi adottaw modi innovattivi biex jilħqu l-udjenza tagħhom; jirrimarka madankollu li l-involviment diġitali m'għandux jissostitwixxi l-esperjenzi kulturali personali;

44. Jinkoraġġixxi l-promozzjoni tal-użu ta' teknoloġiji ġodda bħall-intelliġenza artifiċjali sabiex l-artisti jkunu jistgħu jesploraw modi ġodda biex joħolqu u jxerrdu xogħolhom u jibbenefikaw aktar mill-opportunitajiet li joffri l-ambjent diġitali;

45. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.



NOTA SPJEGATTIVA

Il-pandemija tal-COVID-19 enfasizzat u aggravat il-kundizzjonijiet tax-xogħol problematiċi għal bosta li huma attivi fis-Setturi u fl-Industriji Kulturali u Kreattivi. Filwaqt li l-pajjiżi Ewropej qegħdin jimplimentaw reazzjonijiet ta' emerġenza bla preċedent biex jindirizzaw l-isfidi li qegħdin jiffaċċjaw is-sistemi tas-saħħa pubblika u tas-sigurtà soċjali madwar l-Unjoni Ewropea, bosta artisti u ħaddiema fis-CCSI qegħdin jitħabtu. L-irkupru minn dan it-telf għall-industrija kulturali Ewropea jaf jirrikjedi għexieren ta' snin.

Il-COVID-19 diġà kellha effett drammatiku fuq is-setturi kulturali u kreattivi minħabba l-kanċellazzjoni ta' okkażjonijiet u avvenimenti filwaqt li l-għeluq ta' postijiet, wirjiet u festivals qiegħed jirriżulta f'konsegwenzi katastrofiċi ekonomiċi, soċjali, kulturali u umani. Il-professjonisti tas-settur kulturali u kreattiv spiss diġà jinsabu f'sitwazzjoni prekarja u, minħabba ċ-ċirkostanzi addizzjonali relatati mal-COVID-19, bosta minnhom spiċċaw mingħajr sorsi regolari ta' introjtu. Uħud qattgħu l-maġġoranza tal-karrieri tagħhom fl-istess struttura jew kollaborazzjoni, filwaqt li ħafna oħrajn joperaw f'għadd ta' ambjenti differenti bi status ta' freelancer jew status prekarju ieħor, spiss mingħajr lanqas indiċjar tal-paga tagħhom bħala aġġustament għall-inflazzjoni, bi ħlas inadegwat jew mingħajr ebda ħlas.

Ħafna artisti u professjonisti kulturali għandhom impjieg sekondarju f'qasam relatat mal-arti jew mhux tal-arti, motivat jew minn interess artistiku jew minn neċessità finanzjarja, li jipprovdi aċċess għal ċertu livell ta' sigurtà soċjali. Minħabba l-isfidi li ħafna ffaċċjaw matul il-pandemija, uħud jaf iddeċidew li jabbandunaw is-settur għalkollox, speċjalment l-artisti u l-professjonisti kulturali migranti jew minn sfondi soċjoekonomiċi diffiċli oħra. Waħda mill-akbar sfidi għal artisti bħal dawn hija li jiġi żgurat li jkollhom biżżejjed ħin x'jiddedikaw għall-arti jew għall-isforzi kreattivi tagħhom. Dan jagħmilha partikolarment diffiċli biex persuna twaħħad il-ħajja tal-familja u l-karriera, billi dan iwassal għal sigħat inċerti, ambjenti tax-xogħol li jinbidlu malajr u nuqqas ta' sigurtà ta' dħul. Bosta artisti u professjonisti kulturali ltaqgħu ma' dawn l-isfidi, speċjalment dawk li jaħdmu għal rashom, li għalihom spiss ikun diffiċli li jieħdu liv tal-maternità jew tal-ġenituri u li jorganizzaw l-indukrar tat-tfal minħabba ħinijiet tax-xogħol inċerti u spiss irregolari.

L-ugwaljanza bejn il-ġeneri fis-CCSI hija aspett ieħor li għandha ssir aktar enfasi dwaru. Filwaqt li hemm ħafna nisa li jaħdmu fis-settur, ftit li xejn hemm nisa f'pożizzjonijiet ta' teħid ta' deċiżjonijiet. Barra minn hekk, huwa diffiċli għall-persuni b'diżabilità biex jaħdmu f'ħafna mis-setturi tas-CCSI. Implimentazzjoni xierqa u adattata tal-UNCRPD imfassla apposta għas-setturi speċifiċi tista' tgħin biex is-CCSI jsiru aktar inklużivi.

L-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) (intrapriżi b'inqas minn 250 persuna impjegata) jiddominaw il-maġġoranza kbira tal-attivitajiet kulturali fl-UE27, filwaqt li intrapriżi kbar (b'250 persuna impjegata jew aktar) huma fil-parti l-kbira attivi fl-ipprogrammar u l-attivitajiet tax-xandir. Barra minn hekk, is-CCSI huma magħmula minn għadd kbir ta' ħaddiema freelance u ħaddiema temporanji u intermittenti. Huwa fuq dawn il-ħaddiema mhux standard li bosta intrapriżi żgħar fis-settur jiddependu biex iwettqu attivitajiet kulturali u kreattivi.

L-artisti u l-professjonisti kreattivi għandhom it-tendenza li jinvolvu ruħhom f'mobbiltà transfruntiera, li ħafna drabi hija komponent ċentrali tat-trajettorja professjonali tal-karrieri tagħhom. Il-profil tal-mobbiltà jista' jkun imprevedibbli u ħafna drabi jiddependi mit-tip ta' proġetti u opportunitajiet li huma disponibbli għal artist jew professjonist kreattiv. Qiegħda sseħħ aktar bidla mill-mudell standard ta' impjieg għal forom ta' xogħol li huma aktar prekarji.

Bħala rimedju għal din il-kwistjoni, dan ir-rapport jappella għal kooperazzjoni u koordinazzjoni aħjar fost l-Istati Membri biex jipprovdu informazzjoni għall-artisti li jaħdmu b'mod transfruntier, speċjalment biex jevitaw u jtaffu l-piżijiet burokratiċi u tiġi evitata t-tassazzjoni doppja. Ir-rapport jitlob ukoll li jiġu esplorati possibbiltajiet ta' rikonoxximent reċiproku u anke qafas Ewropew li jirregola l-istatus tal-artisti biex jiġi żgurat li l-artisti jkunu jistgħu jibbenefikaw fl-Unjoni kollha mid-drittijiet tagħhom li jirriżultaw mill-istatus tagħhom bħala artist. L-artisti għandu jkollhom il-possibilità jisfruttaw il-vantaġġi tas-suq uniku u l-libertà tal-moviment fi ħdan l-Unjoni Ewropea daqs kwalunkwe ħaddiem ieħor.

L-aċċess għall-finanzi u l-ħiliet intraprenditorjali huwa essenzjali għall-artisti. Filwaqt li bosta għandhom it-talent, mhux kollha għandhom il-ħila jittrasformaw l-ideat tagħhom f'suċċess finanzjarju, u ħafna drabi ma jottjenux il-finanzjament, speċjalment mis-settur privat. L-artisti għandu jkollhom ukoll aċċess għal taħriġ fil-ħiliet intraprenditorjali, li jgħin biex il-kreattività u l-ideat tagħhom jissarfu f'sors affidabbli ta' dħul.

Il-libertà tal-espressjoni artistika hija komponent ewlieni tal-kultura Ewropea. Hemm tħassib dejjem akbar li l-universalità tad-drittijiet tal-bniedem bħalissa qiegħda tiġi attakkata minn gvernijiet, ideoloġiji politiċi u xi atturi mhux statali madwar id-dinja u fl-Ewropa. Kien hemm restrizzjonijiet fuq l-espressjoni artistika relatata mal-valuri reliġjużi tal-libertà artistika prevalenti, l-insulti lejn l-istat u s-simboli tiegħu, l-influwenza indebita tal-gvern fuq il-mużewijiet u l-istituzzjonijiet tal-arti. L-artisti mill-komunità LGBTIQ+ jinsabu fil-mira kif ukoll l-isfidi għan-nisa u l-minoranzi għadhom ta' periklu li jdgħajfu d-diversità kulturali tal-Ewropa.

 


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

27.9.2021

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

26

0

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Asim Ademov, Ilana Cicurel, Gilbert Collard, Gianantonio Da Re, Laurence Farreng, Tomasz Frankowski, Romeo Franz, Chiara Gemma, Alexis Georgoulis, Irena Joveva, Petra Kammerevert, Predrag Fred Matić, Dace Melbārde, Victor Negrescu, Niklas Nienaß, Peter Pollák, Marcos Ros Sempere, Domènec Ruiz Devesa, Monica Semedo, Andrey Slabakov, Massimiliano Smeriglio, Michaela Šojdrová, Sabine Verheyen, Maria Walsh, Theodoros Zagorakis, Milan Zver

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Marcel Kolaja, Elżbieta Kruk

Sostituti (skont l-Artikolu 209(7)) preżenti għall-votazzjoni finali

Evelyne Gebhardt

 


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

26

+

ECR

Dace Melbārde

ID

Gilbert Collard, Gianantonio Da Re

NI

Chiara Gemma

PPE

Asim Ademov, Tomasz Frankowski, Peter Pollák, Michaela Šojdrová, Sabine Verheyen, Maria Walsh, Theodoros Zagorakis

Renew

Ilana Cicurel, Laurence Farreng, Irena Joveva, Monica Semedo

S&D

Evelyne Gebhardt, Petra Kammerevert, Predrag Fred Matić, Victor Negrescu, Marcos Ros Sempere, Domènec Ruiz Devesa, Massimiliano Smeriglio

The Left

Alexis Georgoulis

Verts/ALE

Romeo Franz, Marcel Kolaja, Niklas Nienaß

 

0

-

 

 

 

3

0

ECR

Elżbieta Kruk, Andrey Slabakov

PPE

Milan Zver

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

 

 

 

 

Aġġornata l-aħħar: 18 ta' Ottubru 2021
Avviż legali - Politika tal-privatezza