RAPPORT dwar il-kooperazzjoni fir-rigward tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata fil-Balkani tal-Punent
29.10.2021 - (2021/2002(INI))
Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteur: Lukas Mandl
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-kooperazzjoni fir-rigward tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata fil-Balkani tal-Punent
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-konvenzjonijiet rilevanti tan-NU, b'mod partikolari l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali u l-protokolli tagħha (il-Protokoll ta' Palermo tal-2000) u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni,
– wara li kkunsidra l-konvenzjonijiet tad-dritt kriminali u ċivili tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-korruzzjoni, miftuħa għall-firem fi Strasburgu fis-27 ta' Jannar 1999 u l-4 ta' Novembru 1999 rispettivament, u r-riżoluzzjonijiet (98)7 u (99)5, adottati mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa fil-5 ta' Mejju 1998 u fl-1 ta' Mejju 1999 rispettivament, li jistabbilixxu l-Grupp ta' Stati kontra l-Korruzzjoni (GRECO),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Assistenza Reċiproka f'Materji Kriminali,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar it-Trasferiment ta' Proċedimenti f'Materji Kriminali,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Ħasil tal-flus, it-Tiftix, is-Sekwestru u l-Konfiska tar-Rikavat minn Attività Kriminali u dwar il-Finanzjament tat-Terroriżmu,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar iċ-Ċiberkriminalità (il-Konvenzjoni ta' Budapest),
– wara li kkunsidra l-attivitajiet tal-Kumitat ta' Esperti dwar l-Evalwazzjoni ta' Miżuri Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu (MONEYVAL) u r-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2018, tat-18 ta' Ġunju 2019 u tal-25 ta' Marzu 2020 dwar it-tkabbir u l-proċess ta' stabbilizzazzjoni u ta' assoċjazzjoni,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/1788 tad-19 ta' Novembru 2018 b'appoġġ għaċ-Ċentru tax-Xlokk u tal-Lvant tal-Ewropa għall-kontroll tal-Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir għall-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali Reġjonali għall-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu ta' armi fil-Balkani tal-Punent[1],
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Frar 2018 intitolata "Perspettiva kredibbli għat-tkabbir u involviment akbar tal-UE mal-Balkani tal-Punent" (COM(2018)0065),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Lulju 2020 dwar l-Istrateġija tal-UE dwar l-Unjoni tas-Sigurtà (COM(2020)0605),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Lulju 2020 intitolata "Pjan ta' azzjoni 2020-2025 tal-UE dwar it-traffikar tal-armi tan-nar" (COM(2020)0608),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' April 2021 dwar l-Istrateġija tal-UE biex tiġi miġġielda l-Kriminalità Organizzata 2021-2025 (COM(2021)0170), u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjaha intitolat "EMPACT, the flagship EU instrument for cooperation to fight organised and serious international crime" [EMPACT, l-istrument ewlieni tal-UE għall-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-kriminalità internazzjonali organizzata u serja] (SWD(2021)0074),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' April 2021 dwar dwar l-Istrateġija tal-UE dwar il-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Bnedmin 2021- 2025 (COM(2021)0171),
– wara li kkunsidra l-ftehimiet dwar il-kooperazzjoni operattiva u strateġika bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Montenegro, il-Maċedonja ta' Fuq u s-Serbja, u l-Arranġament ta' Ħidma li jistabbilixxi relazzjonijiet ta' kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Kosovo u l-Europol,
– wara li kkunsidra l-ftehimiet ta' kooperazzjoni bejn il-Eurojust u l-Albanija, il-Montenegro, il-Maċedonja ta' Fuq u s-Serbja,
– wara li kkunsidra l-ftehimiet dwar kooperazzjoni fil-ġestjoni tal-fruntieri bejn l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) u l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Montenegro, il-Maċedonja ta' Fuq u s-Serbja,
– wara li kkunsidra l-Proċess ta' Berlin u l-wegħdiet kontra l-korruzzjoni li saru mill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fl-2018,
– wara li kkunsidrat il-Valutazzjoni ta' Theddid mill-Kriminalità Serja u Organizzata tal-Europol tat-12 ta' April 2021 u l-Valutazzjoni dwar it-Theddida mill-Kriminalità Organizzata ffaċilitata mill-Internet tal-Europol tal-5 ta' Ottubru 2020,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità (UNODC) intitolat "Measuring Organised Crime in the Western Balkans" [Evalwazzjoni tal-Kriminalità Organizzata fil-Balkani tal-Punent],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2016 dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin fir-relazzjonijiet esterni tal-UE[2],
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2020 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà fil-Balkani tal-Punent, wara s-Summit 2020[3],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-2019-2020 dwar ir-rapporti tal-Kummissjoni dwar l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Kosovo, il-Montenegro, il-Maċedonja ta' Fuq u s-Serbja,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regolament ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0298/2021),
A. billi l-kriminalità organizzata saret kwistjoni ċentrali fl-affarijiet internazzjonali u saret ukoll theddida dinjija għall-paċi u l-iżvilupp, sitwazzjoni li toħloq il-ħtieġa ta' rispons komuni u kkoordinat mill-UE, l-Istati Membri tagħha u s-sħab internazzjonali;
B. billi l-ġlieda effettiva kontra l-kriminalità organizzata hija parti mill-proċess ta' adeżjoni tal-UE, b'mod partikolari fir-raggruppament fundamentali u fin-negozjar tal-Kapitolu 24 dwar il-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà;
C. billi l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata għadhom kwistjonijiet ta' tħassib serju fir-reġjun kollu tal-Balkani tal-Punent u jistgħa' jkollhom ukoll impatti negattivi fuq l-Istati Membri tal-UE; billi n-networks tal-kriminalità organizzata huma interkonnessi mill-qrib u għandhom għeruqhom kemm fl-Istati Membri tal-UE kif ukoll fi stati mhux tal-UE;
D. billi l-proċess ta' integrazzjoni Ewropea tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jiddependi direttament min-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet tagħhom kemm ma' xulxin kif ukoll mal-Istati Membri tal-UE;
E. billi l-kriminalità organizzata fil-Balkani tal-Punent hija problema strutturali b'rabtiet b'għeruq fondi ma' negozji u istituzzjonijiet statali u wieħed mis-sintomi tal-manipulazzjoni tal-Istat, li r-riformi relatati mal-proċess ta' integrazzjoni tal-UE għandhom il-għan li jegħlbu;
F. billi l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni jimxu id f'id mal-attivitajiet tal-ħasil tal-flus, l-evażjoni tat-taxxa, il-klijenteliżmu u l-impunità;
G. billi l-gruppi kriminali organizzati jikkollaboraw tajjeb minn naħa għall-oħra tal-fruntieri u lil hinn mil-linji etniċi, meta mqabbla mal-pulizija u l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, li għandhom bżonn li b'mod urġenti jtejbu tali koordinazzjoni;
H. billi l-gruppi tal-kriminalità organizzata jikkooperaw ma' gruppi minn pajjiżi fil-viċinat Ewropew usa' f'attivitajiet bħat-traffikar ta' bnedmin, il-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali, il-kuntrabandu ta' artifatti u l-ħasil tal-flus;
I. billi l-oqfsa legali armonizzati u l-implimentazzjoni effettiva tagħhom, il-korpi indipendenti kontra l-korruzzjoni u kontra l-kriminalità, u r-rieda politika ġenwina huma essenzjali għall-qerda tal-kriminalità organizzata;
J. billi skont ir-rapport tal-UNODC bit-titlu "Measuring Organized Crime in the Western Balkans" (Il-Kejl tal-Kriminalità Organizzata fil-Balkani tal-Punent), il-prosekuzzjonijiet u l-kundanni għandhom it-tendenza li jiffokaw fuq dawk li huma ta' grad baxx fl-organizzazzjonijiet kriminali filwaqt li aktar spiss il-mexxejja tal-gruppi jgawdu l-impunità fil-Balkani tal-Punent;
K. billi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (CSOs) stabbilew lilhom infushom bħala partijiet ikkonċernati importanti fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni fir-reġjun kollu u jaqdu rwol kruċjali, b'mod partikolari fil-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-politiki kontra l-korruzzjoni;
L. billi hemm bżonn ta' aktar riċerka u ta' data aktar affidabbli dwar il-kriminalità organizzata biex jitfasslu aħjar reazzjonijiet politiċi effettivi għall-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni fir-reġjun;
M. billi l-edukazzjoni taqdi rwol ewlieni fil-prevenzjoni tal-kriminalità u fil-promozzjoni ta' kultura ta' legalità;
N. billi t-theddida maħluqa mill-gruppi tal-kriminalità organizzata li joriġinaw mill-Balkani tal-Punent intużat ħażin bħala argument kontra l-adeżjoni mal-UE f'xi pajjiżi, u għalhekk għandha tiġi indirizzata b'mod xieraq sabiex isiru aktar passi 'l quddiem fil-proċess ta' adeżjoni mal-UE tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent;
O. billi, sabiex jissodisfaw il-kriterji tas-sħubija fl-UE, il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jeħtiġilhom jimplimentaw riformi komprensivi f'oqsma kruċjali u jagħtu riżultati konkreti fir-riformi ġudizzjarji u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata;
P. billi t-tisħiħ tal-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata huma l-pedamenti tal-Istrateġija tal-UE dwar il-Balkani tal-Punent tal-2018;
Q. billi ġew allokati madwar EUR 64 miljun għal proġetti relatati mal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata fil-Balkani tal-Punent fl-ambitu tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II), li ffinanzja diversi proġetti nazzjonali u multinazzjonali li jappoġġjaw amministrazzjoni aktar effettiva tal-ġustizzja f'kawżi ta' kriminalità organizzata u korruzzjoni fil-Balkani tal-Punent, inkluż permezz tal-monitoraġġ tal-proċessi; billi l-IPA III jinvolvi wkoll objettivi speċifiċi għall-iżvilupp ta' għodod effettivi għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, it-traffikar ta' bnedmin u armi tan-nar illeċiti, it-traffikar tad-droga u l-ħasil tal-flus;
Sitwazzjoni ġenerali
1. Jisħaq li l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni l-ewwel u qabel kollox huma ta' ħsara għaċ-ċittadini tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, peress li jdgħajfu d-dritt tagħhom għas-sikurezza u l-koeżjoni soċjali kif ukoll il-fiduċja tagħhom fis-sistema demokratika, joħolqu ostakli għar-riformi demokratiċi u jxekklu l-proċess tal-adeżjoni, filwaqt li għandhom ukoll impatti negattivi potenzjali u reali fuq is-sigurtà u l-istabilità tal-Istati Membri tal-UE;
2. Jissottolinja li meta l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jiġu mċaħħda minn perspettiva Ewropea, is-sitwazzjoni tmur għall-agħar fir-rigward tal-kriminalità organizzata, u li din tista' tittejjeb billi jitrawmu l-proċess ta' integrazzjoni tal-UE u l-kooperazzjoni mal-Istati Membri; jenfasizza li l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-avvanz tal-integrazzjoni tal-UE huma proċessi li jsaħħu lil xulxin, u għalhekk jeħtieġ li l-proċess ta' integrazzjoni tal-UE jitħaffef;
3. Jesprimi l-fehma tiegħu li jekk il-liberalizzazzjoni tal-viża għall-Kosovo tintrabat mal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, dan ikun kontroproduttiv peress li l-iżolament jinkoraġġixxi l-attivitajiet kriminali; jissottolinja, għal darb' oħra, li l-Kosovo ssodisfa l-kriterji kollha għal-liberalizzazzjoni tal-viża u jistieden lill-Kunsill biex jagħti l-liberalizzazzjoni tal-viża mingħajr aktar dewmien;
4. Jinnota li l-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata huma l-oqsma kruċjali li fihom il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jeħtieġ li juru riżultati tanġibbli sabiex jagħmlu aktar progress fit-triqithom lejn l-UE; iħeġġiġhom iżidu l-isforzi tagħhom b'mod sinifikanti biex javvanzaw ir-riformi meħtieġa u jistieden lill-UE tippromwovi, bħala prijorità tal-politika tat-tkabbir, it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni korretti tal-istrumenti internazzjonali rilevanti li jappoġġjaw l-istat tad-dritt u jimmiraw għall-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata permezz ta' assistenza finanzjarja u kooperazzjoni prattika;
5. Jilqa' l-pubblikazzjoni tal-Istrateġija tal-UE biex tiġi miġġielda l-Kriminalità Organizzata 2021-2025 fl-14 ta' April 2021 u jħeġġeġ lill-UE żżid il-kooperazzjoni internazzjonali dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, b'mod partikolari mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, sabiex din it-theddida transnazzjonali tiġi indirizzata b'mod effettiv;
6. Jinnota li n-nuqqas ta' opportunitajiet tax-xogħol, il-korruzzjoni, id-diżinformazzjoni, l-elementi ta' manipulazzjoni tal-istat, l-inugwaljanza, l-indħil barrani minn reġimi mhux demokratiċi bħar-Russja u ċ-Ċina, u l-proċess kajman tal-adeżjoni mal-UE huma fost il-fatturi li jagħmlu lis-soċjetajiet tal-Balkani tal-Punent vulnerabbli għall-kriminalità organizzata; iħeġġeġ kemm lill-awtoritajiet tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent kif ukoll lis-sħab internazzjonali tagħhom, speċjalment lill-UE, biex jintensifikaw l-isforzi tagħhom fl-indirizzar ta' dawn l-isfidi, li jinstigaw l-instabilità, jimminaw l-integrazzjoni u jdewmu l-iżvilupp demokratiku u ekonomiku;
7. Jiddispjaċih għall-fatt li fost partijiet mill-elites politiċi lokali hemm nuqqas ta' rieda politika ġenwina li jiġġieldu kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni u jeliminaw kwalunkwe element ta' manipulazzjoni tal-istat;
8. Jiddeplora n-nuqqas ta' indipendenza u funzjonament xieraq, f'ħafna każijiet, tal-ġudikatura fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u jħeġġeġ li jiġi adottat approċċ aktar strateġiku meta jkunu qed jiġu indirizzati l-isfidi li ġġib magħha l-kriminalità organizzata; jappella biex l-UE tipprovdi aktar assistenza sabiex tistimula kultura ta' professjonalità u prestazzjoni fil-qasam tal-ġustizzja kriminali u ttejjeb l-integrità tal-ġudikatura; jinnota li għalkemm sar xi progress fir-riformi ġudizzjarji, għad hemm bżonn ta' sforzi sostanzjali biex jinkisbu riżultati tanġibbli;
9. Iħeġġeġ lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jindirizzaw bis-sħiħ in-nuqqasijiet tas-sistemi tal-ġustizzja kriminali tagħhom, inkluż it-tul tal-proċedimenti; jistieden lill-UE u lil sħab internazzjonali oħra jipprovdu aktar linji gwida għall-aġenziji tal-infurzar tal-liġi u għall-ġudikatura biex itejbu l-professjonaliżmu u l-prestazzjoni tagħhom tal-ġustizzja kriminali;
10. Jilqa' l-fatt li l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent ittrasponew fil-liġijiet nazzjonali l-istandards tal-UE u dawk internazzjonali dwar l-irkupru tal-assi kif ukoll sforzi oħra biex jiġġieldu l-kriminalità organizzata fir-reġjun, bħall-iżvilupp ta' mekkaniżmi governattivi ta' koordinazzjoni u qrati speċjali u unitajiet tal-infurzar tal-liġi; jiddispjaċih, madankollu, li l-implimentazzjoni għadha baxxa u jħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Balkani tal-Punent jistabbilixxu rekord sod fl-irkupru ta' tali assi għall-benefiċċju taċ-ċittadini kollha tagħhom u jistabbilixxu l-konfiska tar-rikavat u l-mezzi strumentali tal-kriminalità bħala prijorità fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata; jitlob li tingħata l-għajnuna tal-UE fl-appoġġ ta' kapaċitajiet adegwati għall-aġenziji tal-infurzar tal-liġi kif ukoll kundizzjonijiet u riżorsi xierqa, filwaqt li jenfasizza b'mod partikolari l-ħtieġa li jiżdied l-għarfien espert fil-forensika finanzjarja fl-uffiċċji tal-prosekuturi pubbliċi;
11. Jistieden lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jagħmlu sforz qawwi biex jimmiraw għall-organizzazzjonijiet kriminali b'mod ġenerali b'żieda mal-każijiet individwali, u b'hekk jistabbilixxu rekord diċenti fil-prosekuzzjoni u l-kundanna ta' kriminali ta' profil għoli; jinnota li l-identifikazzjoni korretta u l-investigazzjoni preċiża tal-attività kriminali bħala "organizzata" huma essenzjali għar-rispons tal-ġustizzja kriminali; iħeġġeġ lill-awtoritajiet rilevanti jimlew il-lakuni leġiżlattivi li jesponu lill-kollaboraturi fil-ġustizzja u lill-informaturi u jipproteġu lilhom u lill-qraba stretti tagħhom milli jiġu ffastidjati, imħarrka jew mhedda sabiex tiżdied il-kapaċità li jiżmantellaw gruppi kriminali organizzati u jiġġieldu b'suċċess il-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata; jinkoraġġixxi skambju tal-aħjar prattiki mal-Istati Membri li kellhom suċċess eċċezzjonali fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata; jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw skemi ta' protezzjoni tax-xhieda, inkluż permezz tar-rilokazzjoni;
12. Jistieden lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent iżommu rekord sostnut fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus u jfasslu rapporti nazzjonali perjodiċi dwar din il-kwistjoni kif ukoll isaħħu l-kooperazzjoni interistituzzjonali, inkluż fil-ġbir u l-kondiviżjoni tal-intelligence, sabiex jifhmu u jiġġieldu aħjar lill-kriminalità organizzata;
13. Itenni l-ħtieġa li r-rabtiet politiċi u amministrattivi mal-kriminalità organizzata jinqerdu permezz ta' salvagwardji ċari kontra l-korruzzjoni u prosekuzzjoni effettiva tal-każijiet ta' korruzzjoni ta' profil għoli; jappella lill-UE żżid l-appoġġ għall-konsolidazzjoni ta' amministrazzjonijiet pubbliċi li jkunu bbażati fuq il-mertu; jinsab avżat sew permezz ta' rapporti u akkużi ta' rabtiet bejn personalitajiet politiċi ta' livell għoli u gruppi tal-kriminalità organizzata, filwaqt li s-sistema ġudizzjarja hija ineffettiva biex tindirizza dawn l-allegazzjonijiet; jissottolinja li s-settur tal-kostruzzjoni fil-Balkani tal-Punent huwa fost l-aktar vulnerabbli għall-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni;
14. Jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-pandemija tal-COVID-19 ġiet sfruttata minn organizzazzjonijiet kriminali, inkluż permezz tal-użu ħażin tal-akkwist pubbliku dirett għal tagħmir u servizzi mediċi essenzjali għall-istrutturi tal-kura tas-saħħa, il-bejgħ ta' ċertifikati ffalsifikati tal-COVID-19 u l-prattika tal-użura li kulma jmur qed tiżdied; jistieden lill-awtoritajiet tal-Balkani tal-Punent jieħdu azzjoni kontra l-vaċċini kontrafatti u l-karti tat-tilqim iffalsifikati; jistieden lill-Kummissjoni torbot l-appoġġ baġitarju ma' objettivi ċari kontra l-korruzzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu stabbiliti mekkaniżmi b'saħħithom biex tiġi mmonitorjata l-implimentazzjoni għal dan il-għan;
15. Ifakkar li l-Istrument tal-UE għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA III) jipprevedi kundizzjonalità b'saħħitha u li l-finanzjament irid jiġi modulat jew saħansitra sospiż fil-każ ta' rigressjoni sinifikanti jew nuqqas persistenti ta' progress fil-qasam tal-hekk imsejħa "prinċipji fundamentali", b'mod partikolari fil-qasam tal-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, inkluża l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata; jenfasizza li huwa fl-interess tas-sigurtà tal-UE stess u r-responsabilità tagħha li tiggarantixxi li l-fondi tal-UE ma jsirux kontroproduttivi billi jsaħħu n-networks klijentelisti ta' politikanti korrotti u negozji privileġġjati;
16. Jinnota li r-rabtiet bejn il-kriminalità organizzata, il-politika u n-negozji kienu jeżistu qabel ma l-Jugoslavja nqasmet u komplew għaddejjin mis-snin 1990 'il hawn; jikkundanna l-apatija apparenti tal-awtoritajiet responsabbli biex jiftħu l-arkivji ta' dik li kienet il-Jugoslavja; itenni, għalhekk, it-talba tiegħu biex l-arkivji ta' dik li kienet il-Jugoslavja jinfetħu u, b'mod partikolari, biex jingħata aċċess għall-fajls tal-ex Servizz Sigriet tal-Jugoslavja (UDBA) u tas-Servizz Sigriet tal-Armata tal-Poplu tal-Jugoslavja (KOS), u biex il-fajls jintbagħtu lura lill-gvernijiet rispettivi jekk huma dan jitolbuh;
17. Jissottolinja l-importanza tal-kooperazzjoni u l-kondiviżjoni tal-intelligence mal-Istati Membri, mas-sħab internazzjonali bħall-Istati Uniti, il-Kanada u r-Renju Unit, u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali bħan-NATO, il-GRECO, l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) u l-UNODC;
18. Jilqa' l-impenn kostruttiv imġedded tal-Istati Uniti fil-Balkani tal-Punent, inkluża l-konċentrazzjoni tagħhom fuq il-ġlieda kontra l-korruzzjoni; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-ordni eżekuttiva tal-Istati Uniti li tissanzjona persuni li jikkontribwixxu għas-sitwazzjoni destabbilizzanti fil-Balkani tal-Punent, kif ukoll l-azzjoni tal-Istati Uniti mmirata lejn individwi u entitajiet għal atti sinifikanti ta' korruzzjoni; jistieden lill-UE tivvaluta bir-reqqa allinjament possibbli ma' tali azzjonijiet;
Tipi speċifiċi ta' kriminalità organizzata
19. Jinnota li l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent huma pajjiżi ta' oriġini, ta' destinazzjoni u ta' tranżitu għat-traffikar ta' bnedmin, li l-aktar li jinvolvi huma nisa u bniet traffikati għall-isfruttament sesswali; jinnota li t-traffikar ta' bnedmin huwa r-reat bl-ogħla sehem proporzjonali ta' rabtiet mal-kriminalità organizzata; jistieden lill-awtoritajiet rilevanti jiffokaw aktar fuq il-prevenzjoni u t-tisħiħ tar-reżiljenza tal-gruppi li huma vulnerabbli għar-riskji tat-traffikar ta' bnedmin, filwaqt li jissottolinja l-ħtieġa ta' approċċ intersezzjonali li jqis kwistjonijiet ta' ġeneru; jilqa' l-azzjonijiet konġunti mwettqa ma' sħab internazzjonali, inklużi l-Interpol u l-Europol, li wasslu għall-arrest ta' traffikanti suspettati u ta' faċilitaturi ta' dħul klandestin ta' bnedmin;
20. Jinnota li l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent iservu bħala kuritur ta' tranżitu għall-migranti u r-rifuġjati u li l-movimenti kbar ta' popolazzjonijiet f'dawn l-aħħar snin ħolqu sfida enormi għar-reġjun u għall-Istati Membri; jappella għal sforzi msaħħa fl-indirizzar tal-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' migranti u fil-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-persuni li jkunu ddaħħlu b'mod klandestin, b'mod partikolari l-minorenni mhux akkumpanjati, u għal skambju akbar ta' informazzjoni u koordinazzjoni msaħħa bejn il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u mal-Istati Membri; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jipprovdu aktar assistenza fl-indirizzar ta' dawn il-kwistjonijiet, bħall-appoġġ finanzjarju u tekniku, il-konklużjoni ta' ftehimiet informali u dwar l-istatus u t-trawwim tal-kooperazzjoni permezz tal-Uffiċċju Operattiv Konġunt u l-Pjattaforma Operattiva – ir-Rotta tal-Mediterran tal-Lvant, filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet u l-ħtiġijiet tar-Rotta tal-Balkani tal-Punent, kif ukoll permezz ta' assistenza fl-istabbiliment ta' kundizzjonijiet ta' akkoljenza dinjitużi; jappella għal protezzjoni msaħħa tal-fruntieri esterni tal-UE b'kooperazzjoni mal-istati tal-Balkani tal-Punent;
21. Jissottolinja li l-indirizzar tal-finanzi kriminali huwa kruċjali biex jinkixfu attivitajiet kriminali u għall-prevenzjoni tal-infiltrazzjoni fl-ekonomija legali; jenfasizza li t-trasparenza tas-sjieda benefiċjarja hija għodda politika importanti għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni, għat-trażżin tal-flussi finanzjarji illeċiti u għall-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa; jilqa' l-isforzi tal-gvernijiet tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent biex jindirizzaw il-ħasil tal-flus, inkluż permezz tal-adozzjoni ta' oqfsa riveduti dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus; jesprimi tħassib, madankollu, dwar il-fatt li dawn mhumiex qed jiġu implimentati b'mod adegwat; itenni l-ħtieġa li jittejbu b'mod sinifikanti l-infurzar tad-dispożizzjonijiet tad-diliġenza dovuta u t-trasparenza tas-sjieda benefiċjarja, inkluż fis-settur bankarju;
22. Jinnota bi tħassib is-sehem kbir tal-ekonomija griża (stmata li tiswa aktar minn 30 % tal-PDG tar-reġjun) u pagamenti massivi illeċiti fi flus kontanti madwar il-Balkani tal-Punent; jistieden lill-gvernijiet fir-reġjun jimplimentaw miżuri biex inaqqsu l-informalità, fejn possibbli; jissottolinja li regolamentazzjoni insuffiċjenti tal-attivitajiet bankarji online żżid ir-riskju tal-ħasil tal-flus u jistieden lill-istati tal-Balkani tal-Punent u lill-Kummissjoni jindirizzaw il-kwistjoni tal-armonizzazzjoni internazzjonali u reġjonali fi ħdan il-proċess ta' tkabbir tal-UE;
23. Jilqa' l-impenn tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fil-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu tal-armi ħfief u ta' kalibru żgħir, b'mod partikolari permezz tal-adozzjoni ta' pjan direzzjonali reġjonali fis-Summit UE-Balkani tal-Punent f'Londra, li għandu l-għan li jindirizza l-pussess, l-użu, il-manifattura u t-traffikar illeċitu tal-armi ħfief u ta' kalibru żgħir; jenfasizza, madankollu, li skont il-pjan ta' azzjoni tal-UE 2020-2025 dwar it-traffikar tal-armi tan-nar, il-pussess u t-traffikar illeċiti tal-armi tan-nar jibqgħu kwistjoni serja peress li ħafna armi li jinstabu u jintużaw fil-kriminalità organizzata fl-UE kollha jiġu mir-reġjun; jistieden lis-sitt stati tal-Balkani tal-Punent jinvestu fi programmi biex jappoġġjaw id-diżarm;
24. Jenfasizza l-ħidma importanti taċ-Ċentru tax-Xlokk u tal-Lvant tal-Ewropa għall-Kontroll tal-Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir (SEESAC) fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-partijiet nazzjonali u reġjonali kkonċernati biex jiġu kkontrollati u mnaqqsa l-proliferazzjoni u l-użu ħażin tal-armi ħfief u ta' kalibru żgħir, u jħeġġeġ aktar kooperazzjoni u koordinazzjoni mal-SEESAC.
25. Jinnota li s-sitt pajjiżi tal-Balkani tal-Punent għadhom reġjun ta' tranżitu ewlieni għat-traffikar tad-droga u li l-produzzjoni u t-traffikar tad-droga huma r-reati l-aktar komuni fir-reġjun li għalihom ġew ikkundannati n-nies; jilqa' l-għadd dejjem jikber ta' operazzjonijiet konġunti fil-ġlieda kontra n-narkotiċi; jappella, f'dan ir-rigward, li tiġi intensifikata l-kooperazzjoni bejn l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi tal-UE bħall-Europol u l-korpi tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent; jissottolinja li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jeħtiġilhom jiżviluppaw il-kapaċitajiet tagħhom biex jimmonitorjaw u jiġġieldu aħjar lit-traffikar tad-droga;
26. Jinnota ż-żieda fl-attivitajiet kriminali ċibernetiċi organizzati; jilqa' l-isforzi tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent biex jespandu l-kapaċità tagħhom fil-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità u ż-żieda fil-prosekuzzjonijiet għaċ-ċiberkriminalità; iħeġġeġ lill-UE tassisti lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent bl-għodod u l-mezzi xierqa biex jindirizzaw iċ-ċiberkriminalità u theddid online ieħor, inkluż permezz taċ-Ċentru Ewropew ta' Kompetenza Industrijali, Teknoloġika u tar-Riċerka fil-qasam taċ-Ċibersigurtà; jissottolinja l-importanza tal-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni manipulattiva b'kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab Ewropej;
27. Jistieden lill-UE u lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jaħdmu flimkien biex jindirizzaw it-theddid konsistenti u dejjem jikber għall-protezzjoni u l-preservazzjoni tal-wirt kulturali u l-kuntrabandu ta' beni kulturali, speċjalment fiż-żoni ta' kunflitt; iħeġġeġ kooperazzjoni akbar bejn l-aġenziji differenti tal-infurzar tal-liġi, inkluża l-kondiviżjoni immedjata tal-informazzjoni bejn l-aġenziji tal-intelligence nazzjonali, u kooperazzjoni akbar bejn l-infurzar tal-liġi u l-komunitajiet tal-arti u tal-arkeoloġija;
28. Jinnota li l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent għandhom iżidu l-isforzi tagħhom biex jiġġieldu kontra attivitajiet illegali oħra mwettqa minn gruppi tal-kriminalità organizzata, li jinkludu fost l-oħrajn l-isfruttament tax-xogħol, ir-reati ambjentali bħall-qtugħ illegali tas-siġar u l-kaċċa illegali, u l-estorsjoni;
Kooperazzjoni mal-UE (l-Istati Membri u l-aġenziji tagħha) u kooperazzjoni interreġjonali
29. Jilqa' ż-żieda fil-kooperazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u jħeġġeġ lill-UE tkompli tappoġġja l-bini tal-kapaċitajiet fil-Balkani tal-Punent u l-faċilitazzjoni tal-kooperazzjoni mill-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata; jenfasizza li kwalunkwe ftehim ta' kooperazzjoni mal-istrutturi tal-UE jrid jirrispetta bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali u jiżgura livell adegwat ta' protezzjoni tad-data; jistieden lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent isegwu aktar armonizzazzjoni leġiżlattiva mal-acquis tal-UE dwar l-akkwist pubbliku, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu, il-ħasil tal-flus u ċ-ċiberkriminalità;
30. Jirrakkomanda t-tisħiħ tal-istrutturi eżistenti sponsorjati mill-UE bħall-Kunsill għall-Kooperazzjoni Reġjonali biex jiġi żgurat li jkollhom rwol konsistenti fit-tħeġġiġ ta' aktar kooperazzjoni bejn l-UE, l-Istati Membri tagħha u l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent;
31. Jilqa' l-konklużjoni ta' ftehimiet ta' kooperazzjoni bejn il-Eurojust u l-Albanija, il-Maċedonja ta' Fuq, il-Montenegro u s-Serbja, kif ukoll l-awtorizzazzjoni biex jinfetħu negozjati mal-Bożnija-Ħerzegovina; iħeġġeġ lill-Kunsill jawtorizza l-ftuħ ta' negozjati għal ftehim simili mal-Kosovo malajr kemm jista' jkun, peress li l-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali mal-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent hija kruċjali għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, speċjalment it-traffikar ta' bnedmin u l-kuntrabandu tad-droga, li jikkostitwixxu l-maġġoranza tal-attivitajiet kriminali fir-reġjun; jinnota li l-Eurojust iffaċilitat madwar 200 investigazzjoni kriminali konġunta bejn l-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent;
32. Ifaħħar il-kooperazzjoni b'suċċess mal-prosekuturi ta' kollegament (LPs) mill-Albanija, il-Montenegro, il-Maċedonja ta' Fuq u s-Serbja ssekondati lill-Eurojust biex jipprovdu appoġġ f'investigazzjonijiet transfruntiera li jinvolvu lil pajjiżhom u jenfasizza ż-żieda sinifikanti fil-każijiet trattati wara l-ħatra tal-LPs; iħeġġeġ, f'dan ir-rigward, kooperazzjoni simili mal-bqija tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent; jilqa' l-għadd dejjem jikber ta' każijiet fil-kooperazzjoni ġudizzjarja mill-2019 minkejja ċ-ċirkostanzi diffiċli tal-pandemija tal-COVID-19;
33. Jissottolinja li l-Balkani tal-Punent huma reġjun ta' rilevanza partikolari għall-Europol; jilqa' l-ftehimiet dwar il-kooperazzjoni operattiva bejn il-Europol u ħames pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, kif ukoll l-arranġament ta' ħidma mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Kosovo; jappella għall-implimentazzjoni sħiħa ta' dawn il-ftehimiet u jfaħħar l-operazzjonijiet ta' suċċess immexxija fil-kuntest ta' din il-kooperazzjoni; jilqa' l-ftuħ tal-uffiċċju ta' kollegament tal-Europol fl-Albanija fl-2019 u d-deċiżjoni li jinfetħu uffiċċji ta' kollegament simili fil-Bożnija-Ħerzegovina u fis-Serbja; iħeġġeġ kooperazzjoni simili mal-bqija tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent; jissottolinja, barra minn hekk, l-importanza tal-kooperazzjoni mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) u l-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF); jistieden lill-UE u lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent biex, f'dan il-kuntest, jistabbilixxu qafas għal kooperazzjoni produttiva bejn l-UPPE u l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent sabiex jiġi żgurat li l-UPPE jkun jista' jeżerċita b'mod effettiv il-kompetenzi tiegħu fil-qasam tal-finanzjament tal-UE, b'mod partikolari l-fondi tal-IPA III fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent;
34. Jilqa' l-ftehimiet ta' ħidma mwettqa mill-Aġenzija tal-UE għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL) mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent dwar suġġetti speċifiċi relatati mal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata; jissottolinja l-importanza tat-tisħiħ ulterjuri tal-mekkaniżmi stabbiliti bejn is-CEPOL u r-reġjun tal-Balkani tal-Punent; jieħu nota tar-rapporti speċjalizzati tal-pajjiżi maħruġa mill-GRECO u jissottolinja l-importanza li l-pajjiżi tal-adeżjoni mal-UE jsaħħu l-kooperazzjoni mal-GRECO u jimplimentaw bir-reqqa r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi tiegħu;
35. Jissottolinja li l-Interpol hija strument importanti fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata; jiddispjaċih għall-fatt li l-Kosovo għadu mhuwiex membru tal-Interpol minkejja d-diversi tentattivi tiegħu; jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw b'mod proattiv l-isforz tal-Kosovo biex jingħaqad mal-organizzazzjoni; jemmen li s-sħubija mal-Interpol għas-sitt pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent tkompli ttejjeb l-effikaċja tal-miżuri li jkollhom fil-mira l-kriminalità transnazzjonali;
36. Jilqa' d-dħul fis-seħħ tal-ftehimiet dwar il-kooperazzjoni fil-ġestjoni tal-fruntieri bejn l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) u l-Albanija, il-Montenegro u s-Serbja li jippermettu lill-Frontex twettaq operazzjonijiet konġunti f'dawn il-pajjiżi sabiex ittejjeb il-ġestjoni tal-fruntieri tagħhom, tiġġieled il-kriminalità transfruntiera u tikkontrolla l-migrazzjoni irregolari f'konformità mal-istandards internazzjonali u b'rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem; jilqa' l-ftehimiet simili dwar l-istatus mibdija mal-Maċedonja ta' Fuq u l-Bożnija-Ħerzegovina u jappella lill-partijiet kollha javvanzaw ir-ratifika ta' dawn il-ftehimiet mill-aktar fis possibbli u jaħdmu fuq ftehim simili mal-Kosovo; jissottolinja l-ħtieġa li tiġi żviluppata aktar il-kooperazzjoni bejn il-Frontex u l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fi kwistjonijiet relatati mal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata;
37. Itenni l-ħtieġa li tiżdied l-enfasi fuq l-attivitajiet ta' prevenzjoni u l-edukazzjoni, b'mod partikolari l-impatt soċjetali negattiv tal-kriminalità organizzata u t-traffikar ta' bnedmin, tad-droga u tal-armi, kif ukoll fehim xieraq taċ-ċittadinanza, u li tiżdied ir-reżiljenza, filwaqt li tingħata aktar attenzjoni lill-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi, speċjalment fiż-żoni suburbani u rurali, u jiġi pprovdut appoġġ għal inizjattivi lokali biex titnaqqas il-vulnerabbiltà għall-kriminalità u l-korruzzjoni, filwaqt li tiġi enfasizzata l-ħtieġa ta' approċċ intersezzjonali li jqis kwistjonijiet ta' ġeneru; jissottolinja l-importanza tal-bini tal-kapaċitajiet demokratiku fir-reġjun tal-Balkani tal-Punent, inkluż permezz ta' programmi speċjalizzati u proġetti pilota mmirati lejn it-tisħiħ tad-demokrazija parteċipattiva u d-diskussjoni ta' kwistjonijiet marbuta mal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni;
38. Jissottolinja l-importanza tal-monitoraġġ tar-rabtiet bejn il-gruppi tal-kriminalità organizzata u l-individwi radikalizzati u l-organizzazzjonijiet terroristiċi; itenni l-importanza tar-rwol tal-UE fil-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu u l-ħasil tal-flus; iħeġġeġ aktar kooperazzjoni f'dan ir-rigward, b'mod partikolari permezz tal-appoġġ tal-UE għat-taħriġ ta' esperti finanzjarji fir-reġjun, il-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki u l-għarfien espert; jilqa' l-fatt li l-parteċipanti tas-Summit tal-Balkani tal-Punent f'Berlin fil-5 ta' Lulju 2021 irrikonoxxew il-ħtieġa ta' rispons minn diversi aġenziji, inkluża l-kooperazzjoni mas-settur privat u s-CSOs, sabiex tiżdied l-effikaċja tal-ħidma konġunta biex jiġu indirizzati l-kriminalità serja u organizzata, il-finanzjament illeċitu, il-korruzzjoni u t-terroriżmu;
39. Jissottolinja li l-kooperazzjoni reġjonali hija essenzjali biex il-kriminalità organizzata tiġi miġġielda b'mod effettiv; ifaħħar il-ħidma ta' inizjattivi reġjonali eżistenti mmirati lejn it-tisħiħ tar-relazzjonijiet interistituzzjonali fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata bejn il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, bħaċ-Ċentru tal-Infurzar tal-Liġi tax-Xlokk tal-Ewropa, u jħeġġeġ aktar kooperazzjoni reġjonali fil-ġlieda aktar effettiva kontra l-kriminalità transfruntiera organizzata;
40. Ifaħħar ir-rwol tal-inizjattivi reġjonali li jinvolvu lill-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, bħall-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun Adrijatiku u Joniku (EUSAIR), l-Inizjattiva Adrijatika-Jonika, l-Inizjattiva tal-Ewropa Ċentrali, u l-Proċess ta' Berlin; iħeġġeġ kemm lill-Istati Membri tal-UE kif ukoll lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jieħdu sehem f'dawn l-inizjattivi u jisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal tagħhom;
41. Jilqa' l-finanzjament taħt l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA) għal proġetti li jkopru r-reġjun kollu bl-għan li jittejbu l-kapaċitajiet tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata; ifaħħar, b'mod partikolari, il-programm tal-IPA II għall-Protezzjoni tax-Xhieda, li wassal għall-ħolqien tan- ''Network tal-Balkani''; jappella biex din il-kooperazzjoni titkompla u biex is-Sħab tal-Balkani tal-Punent jieħdu s-sjieda biex iżommu n-network ħaj;
42. Jesprimi appoġġ għall-programm multinazzjonali ffinanzjat mill-IPA ''li jappoġġja amministrazzjoni aktar effettiva tal-ġustizzja fil-każijiet ta' korruzzjoni u kriminalità organizzata fil-Balkani tal-Punent permezz ta' monitoraġġ tal-proċessi'' bħala pass lejn rispons ġudizzjarju aktar effettiv mill-awtoritajiet dwar il-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata fil-Balkani tal-Punent; jistieden lill-gvernijiet tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent biex jimplimentaw bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet ifformulati bħala parti mill-evalwazzjonijiet bejn il-pari mill-esperti tal-Istati Membri;
43. Jemmen li s-sħab tal-Balkani tal-Punent għandhom jinvolvu ruħhom b'mod attiv fil-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa u għandhom jiġu inklużi f'dibattitu Ewropew usa' dwar l-indirizzar tal-kriminalità organizzata;
44. Jistieden lid-donaturi internazzjonali jiżguraw koordinazzjoni aħjar tal-programmi varji kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni fil-Balkani tal-Punent sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni u tiżdied l-effikaċja tal-kooperazzjoni internazzjonali f'dawn l-oqsma;
45. Jinnota bi tħassib in-nuqqas ta' data kredibbli dwar il-kriminalità organizzata fir-reġjun u jistieden lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent iżidu l-fehim tal-kriminalità organizzata billi jtejbu l-kapaċità tagħhom li jiġbru u jipproċessaw data affidabbli dwar il-kriminalità organizzata; jissottolinja l-ħtieġa ta' riċerka interdixxiplinari aktar fil-fond u approċċ intersezzjonali li jqis kwistjonijiet ta' ġeneru u jħeġġeġ lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jaħdmu flimkien ma' sħab internazzjonali biex jistabbilixxu sistemi nazzjonali tal-istatistika li jirreġistraw u janalizzaw il-kriminalità organizzata sabiex ifasslu aħjar politiki effiċjenti u bbażati fuq l-evidenza għall-prevenzjoni u l-indirizzar tal-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni;
Ir-rwol tas-soċjetà ċivili u l-media
46. Jissottolinja r-rwol kruċjali tas-CSOs, l-akkademiċi u l-ġurnalisti fil-monitoraġġ tal-ħidma tal-gvernijiet u l-aġenziji ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi u fil-valutazzjoni tar-riżultati miksuba fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata; jinnota li oqfsa legali u istituzzjonali għall-parteċipazzjoni tas-CSOs huma fil-biċċa l-kbira stabbiliti fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent iżda jiddispjaċih li l-potenzjal tagħhom mhux qed jintuża bis-sħiħ u li s-CSOs li jiffokaw fuq il-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata f'xi każijiet qed jiffaċċjaw ostilità mill-gvernijiet tagħhom; jitlob li s-CSOs jiġu inklużi aktar fil-proċess leġiżlattiv u li jkunu jistgħu jagħtu kontribut sinifikanti għal biċċiet ewlenin tal-leġiżlazzjoni; jistieden lill-awtoritajiet tal-Balkani tal-Punent biex, f'dan il-kuntest, jiżviluppaw, jadottaw u jimplimentaw b'mod urġenti liġijiet aħjar dwar l-aċċess liberu għall-informazzjoni permezz ta' proċessi inklużivi;
47. Ifaħħar fir-rwol importanti tas-CSOs fit-twettiq ta' ħidma preventiva, fl-appoġġ għal gruppi vulnerabbli, fit-tfassil ta' politiki u fit-teħid ta' rwol ta' sorveljanza meta jkun hemm nuqqas ta' korpi pubbliċi indipendenti; jinsab imħasseb dwar il-kampanji ta' malafama, il-pressjoni u l-atti ta' intimidazzjoni, li jaċċelleraw it-tiċkin tal-ispazju li fih iridu joperaw is-CSOs;
48. Iħeġġeġ lis-CSOs fil-Balkani tal-Punent jistabbilixxu networks aktar b'saħħithom fost l-atturi tas-soċjetà ċivili, jidentifikaw kontropartijiet lokali li jaħdmu fuq kwistjonijiet simili, u jikkondividu aktar esperjenzi u l-aħjar prattiki bil-ħsieb li jifhmu n-natura u l-kawżi tal-kriminalità organizzata u jappoġġjaw il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni fir-reġjun; jilqa' l-kontributi għall-kampanji ta' komunikazzjoni strateġika mill-partijiet ikkonċernati bħan-Network ta' Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni u n-Network Ewropew ta' Komunikazzjoni Strateġika;
49. Jinnota li ħafna CSOs jiddependu mill-finanzjament privat u jiffaċċjaw diffikultajiet biex jiġbru biżżejjed fondi biex isostnu l-attivitajiet tagħhom; jirrikonoxxi li l-għotjiet ta' spiss jingħataw għal proġetti ta' żmien qasir u li ftit li xejn hemm appoġġ għal attivitajiet biex tiġi miġġielda l-kriminalità organizzata; jirrikonoxxi li l-finanzjament fuq terminu qasir iwassal biex il-persunal jiġi ingaġġat biss għal skopijiet speċifiċi għall-proġett, u dan iwassal għal nuqqas ta' standards ta' impjieg stabbli u ftit jipprovdi spazju biex il-persunal jiżviluppa ħiliet ewlenin, għad-detriment tal-ippjanar strateġiku fit-tul;
50. Ifaħħar il-ħidma prezzjuża tal-ġurnalisti investigattivi li jirrapportaw dwar każijiet ta' profil għoli u jiżvelaw rabtiet bejn il-gruppi tal-kriminalità organizzata, il-politiċi u n-negozji; jikkundanna bil-qawwa l-atti ta' aggressjoni, inklużi l-każijiet ta' qtil immirat, l-intimidazzjoni, id-diskors ta' mibegħda u l-kampanji ta' malafama kontra l-ġurnalisti investigattivi u s-soċjetà ċivili; jinnota bi tħassib partikolari l-każijiet ta' diskors ta' mibegħda u l-kampanji ta' malafama minn uffiċjali tal-istat, Membri Parlamentari u r-rappreżentanti tal-gvernijiet, tal-partiti fil-gvern u tal-media li jkunu proprjetà tal-istat jew parzjalment iffinanzjati minnu; jistieden lill-awtoritajiet u lill-entitajiet tal-infurzar tal-liġi jiżguraw li l-ġurnalisti investigattivi u s-soċjetà ċivili jiġu protetti u jkunu jistgħu jaħdmu mingħajr xkiel u jħeġġeġ li l-forom kollha ta' diskors ta' mibegħda mmirati lejn il-minoranzi u l-gruppi vulnerabbli, speċjalment dawk ta' oriġini nazzjonali jew etnika, jiġu kkastigati; itenni s-sejħa tiegħu lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna biex isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom mas-soċjetà ċivili, l-NGOs, dawk li jfasslu l-politika u li jkunu orjentati lejn ir-riformi, l-akkademja u l-media indipendenti fuq il-post, u biex isaħħu l-appoġġ tagħhom għalihom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lid-delegazzjonijiet lokali tal-UE jaħdmu flimkien mal-partijiet ikkonċernati lokali biex itejbu l-proċeduri għall-monitoraġġ regolari tal-proċessi tal-każijiet ta' korruzzjoni u ta' kriminalità organizzata;
51. Jiddispjaċih profondament dwar l-għadd dejjem jikber ta' kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika (SLAPPs), li spiss jintużaw biex jheddu lill-ġurnalisti u lill-individwi sabiex ma jħalluhomx jikxfu l-għemil ħażin ta' dawk fil-poter; jistieden lill-awtoritajiet tal-Balkani tal-Punent iżidu b'mod sinifikanti l-ħidma tagħhom biex jiżguraw it-trasparenza tas-sjieda tal-media u l-indipendenza tal-kmamar tal-aħbarijiet u jissalvagwardjaw il-libertà tal-media mill-interferenza politika, bħala elementi ewlenin f'soċjetà ħielsa u demokratika li huma essenzjali għas-suċċess tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni;
°
° °
52. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent.
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni |
26.10.2021 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
60 4 6 |
||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Alviina Alametsä, Alexander Alexandrov Yordanov, Maria Arena, Petras Auštrevičius, Traian Băsescu, Anna Bonfrisco, Reinhard Bütikofer, Fabio Massimo Castaldo, Susanna Ceccardi, Włodzimierz Cimoszewicz, Katalin Cseh, Tanja Fajon, Anna Fotyga, Michael Gahler, Kinga Gál, Giorgos Georgiou, Sunčana Glavak, Raphaël Glucksmann, Klemen Grošelj, Bernard Guetta, Márton Gyöngyösi, Sandra Kalniete, Dietmar Köster, Stelios Kouloglou, Maximilian Krah, Andrius Kubilius, Ilhan Kyuchyuk, David Lega, Miriam Lexmann, Nathalie Loiseau, Antonio López-Istúriz White, Claudiu Manda, Lukas Mandl, Thierry Mariani, David McAllister, Vangelis Meimarakis, Sven Mikser, Francisco José Millán Mon, Javier Nart, Gheorghe-Vlad Nistor, Urmas Paet, Demetris Papadakis, Kostas Papadakis, Tonino Picula, Manu Pineda, Giuliano Pisapia, Thijs Reuten, Jérôme Rivière, María Soraya Rodríguez Ramos, Nacho Sánchez Amor, Isabel Santos, Jacek Saryusz-Wolski, Andreas Schieder, Radosław Sikorski, Jordi Solé, Sergei Stanishev, Hermann Tertsch, Hilde Vautmans, Harald Vilimsky, Idoia Villanueva Ruiz, Viola Von Cramon-Taubadel, Thomas Waitz, Witold Jan Waszczykowski, Charlie Weimers, Isabel Wiseler-Lima, Salima Yenbou, Željana Zovko |
|||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Angel Dzhambazki, Andrey Kovatchev, Mounir Satouri |
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
60 |
+ |
ECR |
Angel Dzhambazki, Anna Fotyga, Jacek Saryusz-Wolski, Hermann Tertsch, Witold Jan Waszczykowski |
ID |
Anna Bonfrisco, Susanna Ceccardi |
PPE |
Alexander Alexandrov Yordanov, Traian Băsescu, Michael Gahler, Sunčana Glavak, Sandra Kalniete, Andrey Kovatchev, Andrius Kubilius, David Lega, Miriam Lexmann, David McAllister, Lukas Mandl, Vangelis Meimarakis, Gheorghe-Vlad Nistor, Radosław Sikorski, Isabel Wiseler-Lima, Željana Zovko |
Renew |
Petras Auštrevičius, Katalin Cseh, Klemen Grošelj, Bernard Guetta, Ilhan Kyuchyuk, Javier Nart, Urmas Paet, María Soraya Rodríguez Ramos, Hilde Vautmans |
S&D |
Maria Arena, Włodzimierz Cimoszewicz, Tanja Fajon, Raphaël Glucksmann, Dietmar Köster, Claudiu Manda, Sven Mikser, Demetris Papadakis, Tonino Picula, Giuliano Pisapia, Thijs Reuten, Nacho Sánchez Amor, Isabel Santos, Andreas Schieder, Sergei Stanishev |
The Left |
Stelios Kouloglou, Manu Pineda, Idoia Villanueva Ruiz |
Verts/ALE |
Alviina Alametsä, Reinhard Bütikofer, Mounir Satouri, Jordi Solé, Viola Von Cramon-Taubadel, Thomas Waitz, Salima Yenbou |
NI |
Fabio Massimo Castaldo, Kinga Gál, Márton Gyöngyösi |
4 |
- |
ID |
Krah Maximilian, Mariani Thierry, Rivière Jérôme |
NI |
Kostas Papadakis |
6 |
0 |
ECR |
Charlie Weimers |
ID |
Harald Vilimsky |
PPE |
AntonioLópez-Istúriz White, Francisco José Millán Mon |
Renew |
Nathalie Loiseau |
The Left |
Giorgos Georgiou |
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni