RAPPORT li jinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar politika u liġi dwar il-migrazzjoni legali

4.11.2021 - (2020/2255(INL))

Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
Rapporteur: Abir Al-Sahlani
(Inizjattiva – Artikolu 47 tar-Regoli tal-Proċedura)
(Awtur tal-proposta: Abir Al-Sahlani)


Proċedura : 2020/2255(INL)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A9-0314/2021
Testi mressqa :
A9-0314/2021
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

li jinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar politika u liġi dwar il-migrazzjoni legali

(2020/2255(INL))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 3(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 79 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 45 tagħha,

 wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, b'mod partikolari l-Prinċipji 5, 10, 12 u 16 tiegħu,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, b'mod partikolari l-Artikolu 2 tal-Protokoll 4,

 wara li kkunsidra l-acquis tal-Unjoni dwar il-migrazzjoni legali żviluppat bejn l-2003 u l-2021, li jirregola l-kundizzjonijiet għad-dħul u r-residenza u d-drittijiet taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jaħdmu fl-Unjoni u li jinkludi:

 id-Direttiva (UE) 2021/1883 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ottubru 2021 dwar il-kondizzjonijiet tad-dħul u tar-residenza ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għall-fini ta' impjieg bi kwalifiki għoljin, u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2009/50/KE[1],

 id-Direttiva (UE) 2016/801 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar il-kundizzjonijiet ta' dħul u residenza ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għall-finijiet ta' riċerka, studji, taħriġ, servizz volontarju, skemi ta' skambju ta' skulari jew proġetti edukattivi u au pairing[2],

 id-Direttiva 2014/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar il-kondizzjonijiet għad-dħul u s-soġġorn ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għall-fini ta' impjieg bħala ħaddiema staġonali[3],

 id-Direttiva 2014/66/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar il-kondizzjonijiet għad-dħul u r-residenza ta' ċittadini ta' pajjiż terz fil-qafas ta' trasferiment intra-azjendali[4],

 id-Direttiva 2011/98/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar proċedura ta' applikazzjoni unika għal permess uniku għal ċittadini ta' pajjiżi terzi sabiex jirrisjedu u jaħdmu fit-territorju ta' Stat Membru u dwar ġabra komuni ta' drittijiet għal ħaddiema ta' pajjiżi terzi residenti legalment fi Stat Membru[5],

 id-Direttiva 2009/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2009 li tipprevedi standards minimi għal sanzjonijiet u miżuri kontra min iħaddem lil ċittadini minn pajjiżi terzi b'residenza illegali[6],

 id-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal-25 ta' Novembru 2003 dwar l-istatus ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul[7],

 id-Direttiva tal-Kunsill Nru 2003/86/KE tat-22 ta' Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja[8],

 wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija[9],

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/589 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' April 2016 dwar network Ewropew ta' servizzi tal-impjiegi (EURES), aċċess tal-ħaddiema għas-servizzi ta' mobilità u integrazzjoni ulterjuri tas-swieq tax-xogħol, u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 492/2011 u (UE) Nru 1296/2013[10],

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2019/1149 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 li jistabbilixxi Awtorità Ewropea tax-Xogħol, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 883/2004, (UE) Nru 492/2011, u (UE) 2016/589 u li jirrevoka d-Deċiżjoni (UE) 2016/344[11],

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar il-COVID-19 u l-migrazzjoni tal-24 ta' Ġunju 2021, b'mod partikolari n-Nru 12,

 wara li kkunsidra l-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza għall-Afrika tal-UE,

 wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tad-29 ta' Marzu 2019 bit-titolu "Fitness Check on EU Legislation on legal migration" (Kontroll tal-Idoneità dwar il-Leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-migrazzjoni legali (il-"Kontroll tal-Idoneità")),

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Mejju 2015 bit-titolu "Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni",

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Novembru 2020 bit-titolu "Pjan ta' Azzjoni dwar l-Integrazzjoni u l-Inklużjoni 2021-2027",

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' April 2016 bit-titolu "Għar-riforma tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil u għat-tisħiħ ta' perkorsi legali lejn l-Ewropa",

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Settembru 2018 bit-titolu "It-tisħiħ tal-perkorsi legali lejn l-Ewropa: parti indispensabbli minn politika dwar il-migrazzjoni bbilanċjata u komprensiva",

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Settembru 2020 bit-titolu "Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil",

 wara li kkunsidra l-pjan ta' azzjoni u d-dikjarazzjoni politika adottati mis-Summit bejn l-UE u l-Afrika dwar il-Migrazzjoni, li sar fil-Belt Valletta fil-11 u t-12 ta' Novembru 2015, b'mod partikolari l-partijiet rispettivi tagħhom dwar il-migrazzjoni legali u l-mobilità,

 wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa tal-Kummissjoni tal-11 ta' Ġunju 2021 bit-titolu "Talent Partnerships: Commission launches new initiative to address EU skills shortages and improve migration cooperation with partner countries" (Sħubijiet ta' Talent: il-Kummissjoni tvara inizjattiva ġdida biex tindirizza n-nuqqas ta' ħiliet tal-UE u ttejjeb il-kooperazzjoni fil-migrazzjoni ma' pajjiżi sħab),

 wara li kkunsidra l-istudju taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni tat-23 April 2020 bit-titolu "Immigrant Key Workers: Their contribution to Europe's COVID-19 response" (Il-Ħaddiema Ewlenin Immigranti: Il-kontribut tagħhom għar-rispons għall-COVID-19 fl-Ewropa) u r-rapport tekniku taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni tad-19 ta' Mejju 2020 bit-titolu "A vulnerable workforce: Migrant workers in the COVID-19 pandemic" (Forza tax-xogħol vulnerabbli: Il-ħaddiema migranti fil-pandemija tal-COVID-19),

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' April 2016 dwar is-sitwazzjoni fil-Mediterran u l-ħtieġa ta' approċċ olistiku tal-UE għall-migrazzjoni[12],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar il-protezzjoni Ewropea tal-ħaddiema transfruntiera u staġjonali fil-kuntest tal-kriżi tal-COVID-19[13],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2021 dwar rotot ġodda għall-migrazzjoni legali tal-ħaddiema, ibbażata fuq rapport ta' inizjattiva tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern[14],

 wara li kkunsidra l-istudju mid-Dipartiment Tematiku għad-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali tad-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni tiegħu ta' Settembru 2015 bit-titolu "Exploring new avenues for legislation for labour migration to the European Union" (L-esplorazzjoni ta' perkorsi ġodda għal-leġiżlazzjoni għall-migrazzjoni tal-ħaddiema lejn l-Unjoni Ewropea),

 wara li kkunsidra l-istudju mid-Dipartiment Tematiku għad-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali tad-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni tiegħu ta' Ottubru 2015 bit-titolu "EU cooperation with third countries in the field of migration" (Il-kooperazzjoni tal-UE ma' pajjiżi terzi fil-qasam tal-migrazzjoni),

 wara li kkunsidra l-istudju tas-Servizz Ewropew għar-Riċerka Parlamentari ta' Marzu 2019 bit-titolu "The cost of non-Europe in the area of legal migration" (Il-kost tan-non-Ewropa fil-qasam tal-migrazzjoni legali),

 wara li kkunsidra d-dokument ta' riċerka ta' Settembru 2021 mis-Servizz Ewropew għar-Riċerka Parlamentari, bit-titolu "European added value of EU legal migration policy and law" (Il-valur miżjud Ewropew tal-politika u l-liġi tal-migrazzjoni legali),

 wara li kkunsidra l-istudji min-Network Ewropew dwar il-Migrazzjoni,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, b'mod partikolari l-Artikolu 13 tagħha,

 wara li kkunsidra l-Patt Globali għal Migrazzjoni Sikura, Ordnata u Regolari tad-19 ta' Diċembru 2018,

 wara li kkunsidra l-istandards internazzjonali tax-xogħol dwar il-migrazzjoni tal-ħaddiema adottati mill-Konferenza Internazzjonali dwar ix-Xogħol tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti Kollha u tal-Membri tal-Familji Tagħhom, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fit-18 ta' Diċembru 1990,

 wara li kkunsidra l-istudji dwar il-migrazzjoni legali mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi,

 wara li kkunsidra l-ħidma u r-rapporti tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-migranti,

 wara li kkunsidra l-istudju miċ-Ċentru għall-Iżvilupp Globali tal-15 ta' Lulju 2019, bit-titolu "Maximizing the Shared Benefits of Legal Migration Pathways: Lessons from Germany's Skills Partnerships" (Il-Massimizzazzjoni tal-Benefiċċji Kondiviżi tal-Perkorsi Legali ta' Migrazzjoni: Tagħlimiet mis-Sħubijiet tal-Ħiliet tal-Ġermanja),

 wara li kkunsidra l-"Africa Migration Report: Challenging the narrative" (ir-Rapport dwar il-Migrazzjoni fl-Afrika: Kritika tan-narrattiva) ta' Ottubru 2020 mill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni,

 wara li kkunsidra l-istudju tas-Servizz Ewropew għar-Riċerka Parlamentari ta' Awwissu 2021 bit-titolu "Il-Patt il-Ġdid tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil – Valutazzjoni tal-impatt orizzontali ta' sostituzzjoni",

 wara li kkunsidra l-Artikoli 47 u 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A9-0314/2021),

A. billi implimentazzjoni adegwata tal-atti legali eżistenti dwar il-migrazzjoni tal-ħaddiema hija daqstant ieħor importanti biex jiġu proposti atti legali ġodda;

B. billi l-Artikolu 79(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jiddikjara li "L-Unjoni għandha tiżviluppa politika komuni ta' immigrazzjoni maħsuba sabiex tassigura, fl-istadji kollha, l-amministrazzjoni effikaċi tal-flussi tal-migrazzjoni, it-trattament ġust ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi residenti legalment fl-Istati Membri, kif ukoll il-prevenzjoni u l-ġlieda b'saħħa kontra l-immigrazzjoni illegali u t-traffikar tal-bnedmin";

C. billi l-Unjoni hija waħda mill-investituri ewlenin fl-iżvilupp tal-kapital uman fil-pajjiżi ġirien;

D. billi l-ħolqien ta' perkorsi legali addizzjonali fil-livell tal-Unjoni jista' jgħin biex jipprovdi lill-Istati Membri għodda biex jiffaċċjaw kif xieraq l-isfidi demografiċi li ġejjin, jilħqu d-domandi tas-swieq tax-xogħol li ma jistgħux jiġu ssodisfati bil-forza tax-xogħol domestika u jtejbu t-tqabbil tal-ħiliet fis-swieq tax-xogħol;

E. billi fl-2020 kien hemm 23 miljun ċittadin minn pajjiżi terzi legalment residenti fl-Istati Membri, madwar 5,1 % tal-popolazzjoni totali tal-Unjoni[15];

F. billi r-rata baxxa ta' ħruġ ta' permessi ta' residenza fit-tul tindika li jaf ikun hemm bżonn li tittejjeb l-attraenza tagħhom, ħaġa li tista' tinkiseb permezz ta' reviżjoni tad-Direttiva 2003/109/KE biex tiċċara l-vantaġġi li wieħed ikollu permess ta' residenza fit-tul tal-UE u tapprossima l-iskemi leġiżlattivi nazzjonali;

G. billi skont ir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-Impatt tat-Tibdil Demografiku, adottat fis-17 ta' Ġunju 2020[16], l-età medjana tal-popolazzjoni tal-Unjoni hija bħalissa ta' 44 sena, ilha tiżdied għal diversi snin u se tkompli tiżdied mill-inqas għaż-żewġ deċennji li ġejjin;

H. billi dan jimplika li matul id-deċennji li ġejjin l-Unjoni se tiffaċċja sehem dejjem akbar tal-popolazzjoni li jikkonsisti f'ċittadini li għandhom 65 sena jew aktar, filwaqt li s-sehem tal-popolazzjoni li jkollha l-età tax-xogħol huwa mbassar li se jonqos matul l-istess perjodu ta' żmien;

I. billi l-Kontroll tal-Idoneità jiddikjara li r-regoli attwali tal-Unjoni dwar il-migrazzjoni legali kellhom impatt limitat fir-rigward tal-attrazzjoni tal-ħiliet u t-talenti meħtieġa għas-suq tax-xogħol u l-ekonomija tal-Unjoni u li l-qafas legali attwali huwa "frammentat u jippreżenta għadd ta' lakuni, kif ukoll problemi ta' implimentazzjoni",

J. billi s-sejbiet ewlenin tal-Kontroll tal-Idoneità jenfasizzaw li politiki effettivi dwar il-migrazzjoni legali huma kruċjali fil-ġestjoni tal-flussi migratorji;

K. billi l-Kummissarju Ylva Johansson stqarret fl-okkażjoni tal-avveniment tal-varar tas-sħubijiet ta' talent fil-11 ta' Ġunju 2021 li l-objettiv strateġiku tal-Kummissjoni huwa li tissostitwixxi l-migrazzjoni irregolari b'perkorsi legali[17];

L. billi l-miżuri tal-viżi jistgħu jaġixxu bħala inċentiv pożittiv fl-involviment ma' pajjiżi terzi; billi l-implimentazzjoni sħiħa tal-Kodiċi dwar il-Viżi[18] reċentement rivedut u l-isforzi addizzjonali dwar il-faċilitazzjoni tal-viżi ma' pajjiżi terzi huma parti minn approċċ komprensiv għall-politika dwar il-migrazzjoni deskritt fil-Patt il-Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil; billi aktar kooperazzjoni u skambju ta' informazzjoni jgħinu biex jinqabdu l-każijiet ta' abbuż tal-viżi;

M. billi l-oqfsa ta' sħubija bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi jistgħu jservu ta' għodda kruċjali fl-aċċellerazzjoni tar-rikonoxximent reċiproku tal-ħiliet u l-kwalifiki tal-migranti legali tax-xogħol;

N. billi għadd ta' Stati Membri diġà daħlu fi sħubijiet ta' suċċess ma' pajjiżi terzi biex joħolqu perkors legali għall-migrazzjoni tal-ħaddiema kif ukoll biex iqabblu d-domandi tas-suq tax-xogħol fuq skala iżgħar permezz ta' proġetti pilota; billi s-sħubijiet ta' talent għandhom jibnu fuq it-tagħlimiet pożittivi meħuda minn dawn il-proġetti;

O. billi flimkien mas-sħab soċjali u ekonomiċi, is-Sħubija Ewropea għall-Integrazzjoni mġedda tesplora l-possibbiltà li l-kooperazzjoni futura titwessa' għall-qasam tal-migrazzjoni tal-ħaddiema;

P. billi n-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet fis-swieq tax-xogħol tal-Istati Membri wera li huwa għali ħafna għall-Unjoni, li wassal biex l-ekonomija tagħha titlef aktar minn 2 % tal-produttività fis-sena skont studju mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-2018[19]; billi dak l-istudju jiddikjara li n-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet iseħħ fil-livelli kollha ta' ħiliet li jvarjaw minn koki u sewwieqa tat-trakkijiet sa tobba u għalliema; billi dak l-istudju jafferma li l-iskemi leġiżlattivi attwali huma biżżejjed biex jiżguraw li l-Unjoni tibqa' kompetittiva ekonomikament fuq perjodu ta' żmien qasir, medju u twil, u biex jissodisfaw id-domandi tas-swieq tax-xogħol tal-Istati Membri;

Q. billi fl-2017 kien hemm madwar 3,1 miljun ċittadin ta' pajjiżi terzi li kellhom permess ta' residenza fit-tul tal-UE meta mqabbel ma' madwar 7,1 miljun ċittadin ta' pajjiżi terzi li kellhom permess ta' residenza fit-tul nazzjonali[20];

R. billi ż-żewġ objettivi ewlenin tad-Direttiva 2011/98/UE huma l-faċilitazzjoni tal-proċeduri ta' applikazzjoni għal permess tax-xogħol u tar-residenza kkombinat u t-trattament ugwali; billi l-evalwazzjoni ta' dik id-Direttiva bħala parti mill-Kontroll tal-Idoneità u r-rapport ta' implimentazzjoni tagħha identifikaw għadd ta' nuqqasijiet fir-rigward tal-ilħuq ta' dawk l-objettivi; billi, biex jiġu indirizzati dawk in-nuqqasijiet, il-Kummissjoni ħabbret fil-Patt il-Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil għadd ta' inizjattivi ġodda, inkluża reviżjoni ta' dik id-Direttiva;

S. billi l-iżviluppi tekniċi ttrasformaw il-mod kif taħdem id-dinja u ħolqu sitwazzjoni li fiha ħafna ħaddiema tal-Unjoni u persuni li jaħdmu għal rashom jaħdmu b'mod remot; billi l-ħaddiema remoti bħalissa jinsabu mwaħħlin f'impass legali minħabba li ma jistgħux japplikaw għal permess tax-xogħol tradizzjonali fi Stat Membru[21];

T. billi għadd ta' Stati Membri varaw "viżi għan-nomadi diġitali", li għandhom l-għan li jiffaċilitaw ir-residenza tal-ħaddiema remoti jew tal-persuni li jaħdmu għal rashom b'mod remot fi Stat Membru u li jippermettulhom jaħdmu[22]; 

U. billi l-Unjoni tinsab fil-proċess ta' rkupru ekonomiku ta' wara l-pandemija; billi l-iskemi leġiżlattivi mtejba dwar il-migrazzjoni legali tal-ħaddiema huma fattur deċiżiv għall-irkupru ekonomiku tal-Unjoni;

V. billi, skont l-istudju taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni tat-23 April 2020 bit-titolu "Immigrant Key Workers: Their Contribution to Europe's COVID-19 Response" (Il-Ħaddiema Ewlenin Immigranti: Il-kontribut tagħhom għar-Rispons tal-Ewropa għall-COVID-19 ", medja ta' 13 % tal-ħaddiema ewlenin għas-soċjetajiet huma immigranti fl-Unjoni, li juri li kellhom rwol kruċjali fil-kapaċità tal-Unjoni biex tiġġieled il-pandemija tal-COVID-19;

W. billi r-rabta diretta bejn id-drittijiet ta' residenza ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi residenti legalment u l-impjegatur tagħhom tesponihom għal sfruttament potenzjali tal-ħaddiema; billi saru appelli biex jitneħħew gradwalment dawk it-tipi ta' permessi u biex, minflok, iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi legalment residenti jitħallew ibiddlu l-impjegatur mingħajr ma jitilfu l-permess tax-xogħol tagħhom[23];

X. billi d-Direttiva 2009/52/KE tipprevedi sanzjonijiet u miżuri li jistgħu jintużaw kontra l-impjegaturi li jisfruttaw ċittadini minn pajjiżi terzi b'residenza illegali li jkunu qed jaħdmu; billi ċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu daħlu legalment fl-Unjoni jistgħu wkoll jiġu sfruttati u għandhom jibbenefikaw mill-istess livell ta' protezzjoni;

Y. billi l-Awtorità Ewropea tax-Xogħol saħħet il-kapaċità operattiva transfruntiera tagħha biex tappoġġja u ssaħħaħ l-ispettorati u l-awtoritajiet nazzjonali tax-xogħol, kif ukoll lis-sħab soċjali, sabiex tippromwovi mobilità ġusta tal-ħaddiema u tiġġieled il-frodi u l-abbuż transfruntier;

1. Iqis li, sabiex jiġu ffaċċjati l-isfidi demografiċi li ġejjin fl-Istati Membri b'data li turi li s-sehem ta' abitanti tal-età ta' 65 sena jew aktar huwa pproġettat li sal-2050 se jkun madwar terz tal-popolazzjoni tal-Unjoni[24], sitwazzjoni li se tipproduċi skarsezzi sinifikanti ta' ħaddiema fil-livelli kollha ta' ħiliet[25], l-Unjoni teħtieġ li tippreżenta perkorsi ġodda għall-migrazzjoni legali tal-ħaddiema lejn l-Unjoni, filwaqt li tqis ukoll il-fatt li s-swieq tax-xogħol tal-Istati Membri huma differenti u jiffaċċjaw tipi differenti ta' nuqqasijiet u sfidi tax-xogħol; huwa tal-fehma li tali perkorsi ġodda se joħroġ li jkunu imperattivi biex tiżdied il-kompetittività ekonomika tal-Unjoni u l-influwenza globali tagħha bħala l-promotur tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-kummerċ ħieles tal-prodotti u s-servizzi, u bħala l-mexxejja fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; jinnota li tali perkorsi ġodda għandhom jiżguraw kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti u jnaqqsu l-isfruttament tal-ħaddiema minn pajjiżi terzi; jinnota, barra minn hekk, li f'xenarju fejn jitnaqqsu l-ostakli għall-migrazzjoni legali tal-ħaddiema u titnaqqas id-diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol kontra ħaddiema minn pajjiżi terzi, huwa stmat li fl-Unjoni jistgħu jsiru żidiet fit-tul fil-PDG ta' EUR 74 biljun fis-sena[26]; jinsab imħasseb li l-ostakli kbar għall-migrazzjoni legali tal-ħaddiema jinvolvu inqas attraenza għall-Unjoni fil-kompetizzjoni globali tal-ħaddiema fil-livelli kollha tal-ħiliet; jenfasizza li l-introduzzjoni ta' mezzi legali ġodda biex il-migranti jidħlu jaħdmu fl-Unjoni tista' tiġġenera żidiet fil-PDG li jitilgħu sa EUR 37,6 biljun fis-sena[27];

2. Jitlob li l-Kummissjoni tressaq, sal-31 ta' Jannar 2022 abbażi tal-Artikolu 79(2) tat-TFUE, b'mod partikolari l-punti (a) u (b) tiegħu, proposta għal att li jkun iservi bħala pakkett ta' proposti biex jiffaċilita u jippromwovi d-dħul u l-mobilità fl-Unjoni għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jemigraw legalment u li japplikaw għax-xogħol jew li diġà jkollhom permess tax-xogħol u li, billi tallinja d-dispożizzjonijiet tul id-direttivi eżistenti dwar il-migrazzjoni legali, isservi biex tnaqqas il-burokrazija, issaħħaħ l-armonizzazzjoni, tippromwovi d-drittijiet fundamentali, bħat-trattament ugwali, u tipprevjeni l-isfruttament tal-ħaddiema, skont ir-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fl-Anness ta' dan ir-Rapport; jinnota li att ġdid bħal dan li jappoġġja l-migrazzjoni legali tal-ħaddiema minn pajjiżi terzi u livell ogħla ta' mobilità jibqa' wieħed mir-risposti ewlenin għan-nuqqas ta' tlaqqigħ attwali bejn il-provvista u d-domanda tax-xogħol;

3. Jikkunsidra li l-ħolqien ta' riżerva ta' talent fl-Unjoni għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jixtiequ japplikaw għax-xogħol bil-għan li jemigraw legalment lejn Stat Membru, kif ukoll għall-impjegaturi bbażati fl-Unjoni biex ifittxu impjegati potenzjali f'pajjiżi terzi, isarraf f'għodda essenzjali biex jintlaħaq l-għan tal-att propost u jistieden lill-Kummissjoni tinkludi l-ħolqien ta' tali riżerva ta' talent fil-proposta tagħha; jipproponi li l-Kummissjoni tinkludi, fir-riżerva ta' talent, network remot ta' talent tal-Unjoni li jkun jippermetti liċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi jaħdmu b'mod remot fi Stat Membru differenti minn dak li fih ikunu residenti u li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jaħdmu flimkien biex jifhmu aħjar il-benefiċċji u l-isfidi tar-reklutaġġ b'mod remot ta' talent ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi, u jippromwovu r-reklutaġġ b'mod remot ġust ta' talent internazzjonali; jirrimarka li network bħal dan ikun fakultattiv għall-użu tal-Istati Membri;

4. Jappoġġja d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha tat-23 ta' Settembru 2020 dwar Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil fir-rigward tat-titjib tal-mobilità bona fide għal żmien qasir bħala komplementari għall-perkorsi legali, speċjalment għall-finijiet ta' riċerka jew studju, sabiex tittejjeb il-kooperazzjoni upstream ma' pajjiżi terzi, u jitlob lill-Kummissjoni tesplora aktar din id-direzzjoni;

5. Jitlob lill-Kummissjoni tqis l-Artikolu 15(1) tal-ftehim proviżorju parzjali tal-Parlament u tal-Kunsill dwar id-Direttiva riformulata dwar il-Kondizzjonijiet ta' Akkoljenza, biex b'hekk jitnaqqas l-impatt negattiv tal-inattività sfurzata sal-finalizzazzjoni tal-proċedura tal-ażil;

6. Jilqa' d-Direttiva (UE) 2021/1883 iżda jikkunsidraha bħala insuffiċjenti minħabba l-fatt li s-swieq tax-xogħol tal-Unjoni jeħtieġu wkoll ħaddiema b'livell baxx u medju ta' ħiliet, anki jekk dawk il-ħtiġijiet ivarjaw; jinnota li l-Unjoni diġà tiddependi ħafna fuqhom f'setturi essenzjali bħall-agrikoltura u l-kura tas-saħħa[28]; għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni tagħmilha prijorità li fil-proposta tagħha tinkludi skema ta' ammissjoni ambizzjuża għall-ħaddiema minn pajjiżi terzi b'ħiliet baxxi u medji f'konsultazzjoni mas-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili, filwaqt li tirrifletti l-bżonnijiet tal-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi l-ħolqien ta' qafas għall-validazzjoni u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi, inkluż it-taħriġ vokazzjonali, ibbażat fuq kriterji oġġettivi u uniformi, biex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni bikrija tagħhom fis-suq tax-xogħol; jitlob li l-qafas għall-validazzjoni u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki jiżgura li ċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi jiġu konsistentement ittrattati b'mod ġust matul il-proċess ta' validazzjoni u rikonoxximent, jippermetti skemi u proċeduri effiċjenti, u jiffaċilita l-kisba ta' informazzjoni b'mod effiċjenti u faċli; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinsisti li l-awtoritajiet nazzjonali jkomplu jikkondividu bejniethom l-informazzjoni u l-aħjar prattiki; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tippromwovi bil-mezzi kollha possibbli, inkluż permezz ta' kampanji mmirati, id-Direttiva dwar il-Karta Blu riveduta, id-Direttiva (UE) 2021/1883, inkluż fin-negozji ġodda u fis-settur tal-IT, fejn il-ħiliet huma rikonoxxuti b'mod ekwivalenti għall-kwalifiki kif stabbilit fl-Artikolu 26, moqri flimkien mal-Anness I, ta' dik id-Direttiva; ifakkar, madankollu, li l-Artikolu 79(5) tat-TFUE jgħid li dak l-Artikolu "m'għandux jolqot id-dritt tal-Istati Membri li jistabbilixxu l-volumi ta' dħul ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi ġejjin minn pajjiżi terzi, fit-territorju tagħhom sabiex ifittxu impjieg, kemm jekk impjegati u kemm jekk jaħdmu għal rashom":

7. Iqis li l-Unjoni teħtieġ li tattira aktar persuni li jaħdmu għal rashom u imprendituri u teħtieġ li ssaħħaħ l-innovazzjoni, pereżempju permezz tal-mobilità taż-żgħażagħ u skemi nomadi; sabiex l-Unjoni tibqa' rilevanti u kompetittiva fis-suq globali, billi żżid l-aġilità, ir-robustezza, l-istabilità, u t-tkabbir tal-ekonomija tagħha, filwaqt li toħloq opportunitajiet ġodda ta' attività ekonomika u ta' impjieg, jistieden lill-Kummissjoni tinkludi fil-proposta tagħha skema ta' ammissjoni fl-Unjoni kollha għad-dħul u r-residenza ta' persuni li jaħdmu għal rashom u imprendituri bbażata fuq kriterji oġġettivi u uniformi, b'mod partikolari għal dawk li jaħdmu biex jistabbilixxu intrapriżi żgħar u ta' daqs medju u negozji ġodda, u ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi mobbli ħafna li jaħdmu għal rashom, bħall-artisti u l-professjonisti kulturali; jinsisti li l-iskemi proposti jridu jinkludu miżuri li jsaħħu d-drittijiet fundamentali u jippromwovu t-trattament ugwali għall-ħaddiema minn pajjiżi terzi; iqis li l-Kummissjoni għandha tintroduċi viża ta' ħames snin għal dħul multiplu li tippermetti lil dik il-kategorija ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi jidħlu fl-Unjoni sa 90 jum fis-sena;

8. Jitlob li l-Kummissjoni tinkludi fil-proposta tagħha qafas għal sħubijiet ta' talent ma' pajjiżi terzi li l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħżlu li jidħlu fihom fuq bażi volontarja, imfassal għas-sitwazzjoni u l-benefiċċju kemm tal-pajjiżi inkwistjoni li minnhom jitilqu ċ-ċittadini kif ukoll ta' dawk li jilqgħuhom, li għandu jinkludi programmi ta' taħriġ vokazzjonali bbażati fuq il-ħiliet, b'mod partikolari testijiet tal-aptitudni, osservazzjoni fuq il-post tax-xogħol u simulazzjonijiet; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-qafas jippermetti li l-Parlament ikun jista' jeżerċita bis-sħiħ ir-rwol tiegħu ta' skrutinju u evalwazzjoni u li l-proposta tinkludi mekkaniżmi adegwati biex jiġi pprevenut l-isfruttament tal-ħaddiema u jiġi żgurat it-trattament ugwali; jenfasizza li l-ispirazzjoni għas-sħubijiet ta' talent tista' tinstab fi ftehimiet eżistenti bbażati fuq il-ħiliet fl-Istati Membri u li s-sħubijiet ta' talenti għandhom jiġu żviluppati f'konsultazzjoni mal-organizzazzjonijiet rilevanti kemm fl-Istati Membri kif ukoll f'pajjiżi terzi;

9. Isostni li huwa essenzjali li jiġi segwit approċċ differenti u bbilanċjat għar-relazzjoni bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi fil-qasam tal-migrazzjoni; jistieden lill-Unjoni tistinka għal ftehimiet formali mal-pajjiżi sħab dwar il-mobilità tal-migrazzjoni;

10. Jilqa' r-rieżami ppjanat tad-Direttiva 2011/98/KE mill-Kummissjoni; jinnota li wħud mill-objettivi ta' dik id-Direttiva huwa li tissimplifika u tarmonizza r-regoli dwar il-permessi attwalment applikabbli fl-Istati Membri u li tippromwovi t-trattament ugwali u li dawk l-objettivi ma ntlaħqux bis-sħiħ filwaqt li wħud mid-dispożizzjonijiet ta' dik id-Direttiva ġew implimentati b'modi differenti madwar l-Unjoni; jikkunsidra wkoll li l-Kummissjoni għandha tieħu l-passi meħtieġa biex tiżgura l-ewwel u qabel kollox li dik id-Direttiva tiġi implimentata kif jixraq mill-Istati Membri, it-tieni nett li tiġi emendata biex tippermetti li l-applikazzjonijiet għal permess uniku jitressqu kemm minn ġewwa Stat Membru kif ukoll minn pajjiż terz, u, it-tielet nett, sabiex ikomplu jiġu ssimplifikati u armonizzati r-regoli, li l-proċedura biex tinkiseb viża tad-dħul tiġi regolata b'mod ċar sabiex tiġi evitata s-sitwazzjoni li fiha l-applikanti jkollhom jissottomettu d-dokumenti meħtieġa biex jiksbu permess uniku darbtejn u sabiex jitnaqqsu d-dipendenza tal-ħaddiema u r-riskju ta' sfruttament; jirrimarka li t-tressiq ta' applikazzjoni minn ġewwa Stat Membru għandha tkun disponibbli biss jekk iċ-ċittadin ta' pajjiż terz ikollu permess ta' residenza fil-mument li titressaq l-applikazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi fil-proposta tagħha emendi bħal dawn għal- dik id-Direttiva;

11. Jitlob li l-Kummissjoni tinkludi fil-proposta tagħha l-istabbiliment ta' network ta' servizzi ta' konsulenza transnazzjonali, li għandu jiġi ġestit mill-Kummissjoni, għall-ħaddiema minn pajjiżi terzi li jemigraw legalment, fejn kull Stat Membru jaħtar awtorità ewlenija biex tipproċessa l-applikazzjonijiet u tikkoordina l-pariri u l-informazzjoni pprovduti liċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qed japplikaw għax-xogħol fl-Unjoni jew li diġà jkollhom permess tax-xogħol; jinsisti li l-awtoritajiet ewlenin għandhom ikunu responsabbli għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni fost l-Istati Membri dwar il-ħaddiema minn pajjiżi terzi u għandhom jaġixxu bħala punti ta' kuntatt għall-ħaddiema u l-impjegaturi f'dak li għandu x'jaqsam mar-riżerva ta' talent u għandhom jipprovdu l-informazzjoni rilevanti liċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu interessati li jemigraw b'mod legali lejn l-Unjoni biex jaħdmu; jirrimarka li tali informazzjoni tista' tiġi trażmessa jew virtwalment jew inkella permezz ta' korpi rilevanti preżenti fil-pajjiżi terzi, bħall-ambaxxati tal-Istati Membri jew id-delegazzjonijiet tal-Unjoni; jitlob li l-awtoritajiet ewlenin ikunu responsabbli wkoll għall-koordinazzjoni mill-qrib ma' xulxin fir-rigward tal-applikazzjonijiet imressqa għal permess uniku għar-residenza u x-xogħol f'konformità mad-Direttiva 2011/98/UE sabiex jiġu evitati s-sottomissjonijiet doppji u l-impjegaturi jiġu mħeġġa jikkunsidraw il-possibilità li japplikaw għal dak il-permess u sabiex jiġu appoġġjati f'dak l-isforz; jirrimarka li hemm bżonn li jiġi ffaċilitat il-ġbir tad-data, l-istatistika u l-evidenza u li hemm bżonn tal-kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri biex jittejbu l-effiċjenza u l-effikaċja tal-acquis dwar il-migrazzjoni legali;

12. Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi fil-proposta tagħha emenda għad-Direttiva 2014/36/UE li tippermetti lid-detenturi ta' permessi tax-xogħol skont dik id-Direttiva perjodu ta' tliet xhur biex ifittxu impjieg ġdid wara li jkunu telqu minn mal-impjegatur preċedenti tagħhom mingħajr ma jkollhom il-permess tax-xogħol tagħhom revokat, u dan jippermettilhom jirrisjedu legalment fl-Istat Membru inkwistjoni sa tmiem il-perjodu li huma permessi joqogħdu fih, iżda mhux aktar minn disa' xhur, kif spjegat f'dik id-Direttiva, dment li jkunu qed japplikaw għax-xogħol ma' impjegatur ieħor matul dak il-perjodu; barra minn hekk, sabiex jiġi evitat l-isfruttament tal-ħaddiema, jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-Istati Membri japplikaw bis-sħiħ dik id-dispożizzjoni, biex b'hekk il-permessi ta' residenza ma jibqgħux marbutin mal-impjegatur u mal-impjieg; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi fil-proposta tagħha emenda għal dik id-Direttiva ħalli l-Istati Membri jkunu jistgħu jġeddu l-permessi tax-xogħol għall-finijiet ta' xogħol staġjonali sa perjodu totali ta' ħames snin;

13. Jitlob lill-Kummissjoni tinkludi fil-proposta tagħha emenda għad-Direttiva 2009/52/KE biex tadatta l-kamp ta' applikazzjoni tagħha biex jinkludi ċ-ċittadini sfruttati ta' pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment u jaħdmu fl-Unjoni u li huma vittmi ta' kundizzjonijiet li jaffettwaw is-saħħa u s-sikurezza tagħhom u jiksru d-dinjità umana tagħhom u biex itejjeb l-infurzar tad-dispożizzjonijiet dwar it-trattament ugwali, bħal mekkaniżmi aċċessibbli u effettivi għall-ilmenti u l-aċċess għall-ġustizzja għall-ħaddiema kollha f'każ ta' sfruttament u reati kriminali oħra;

14. Huwa tal-fehma li d-Direttiva 2003/109/KE, li bħalissa mhix qed tiġi implimentata biżżejjed u ma tipprovdix dritt effettiv għall-mobilità fi ħdan l-Unjoni, għandha tiġi emendata biex tippermetti liċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma residenti fit-tul ta' Stat Membru jirrisjedu b'mod permanenti fi Stat Membru ieħor mill-jum li fih jinħareġ il-permess tagħhom b'termini simili għat-termini applikabbli għaċ-ċittadini tal-Unjoni u biex l-għadd ta' snin ta' residenza meħtieġ biex jinkiseb status ta' residenza fit-tul tal-UE jitnaqqas minn ħames snin għal tliet snin, u jitlob lill-Kummissjoni tinkludi dawk l-emendi fir-reviżjoni li jmiss tagħha ta' dik id-Direttiva; jirrikonoxxi li r-residenza kontinwa fi Stat Membru wieħed hija wieħed mill-aspetti li jippromwovu l-integrazzjoni xierqa ta' persuna f'komunità qabel ma dik il-persuna tiddeċiedi li tirrisjedi fi Stat Membru ieħor; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi dawn l-emendi fil-proposta tagħha;

15. Huwa tal-fehma li huwa meħtieġ finanzjament suffiċjenti għall-proposti stabbiliti f'dan ir-rapport u jikkunsidra li l-implikazzjonijiet finanzjarji tal-proposta mitluba għandhom ikunu koperti mill-allokazzjoni baġitarja rilevanti tal-Unjoni;

16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fl-anness lill-Kummissjoni, lill-Kunsill kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

 


 

ANNESS GĦALL-MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI: RAKKOMANDAZZJONIJIET DWAR IL-KONTENUT TAL-PROPOSTA MITLUBA

Rakkomandazzjoni 1 (dwar l-istabbiliment ta' riżerva ta' talent tal-UE għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jemigraw legalment)

 Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-att leġiżlattiv li għandu jiġi adottat għandu jistabbilixxi riżerva ta' talent tal-UE u pjattaforma ta' tqabbil għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jixtiequ japplikaw għax-xogħol fi Stat Membru u jemigraw legalment lejh, kif ukoll biex l-impjegaturi bbażati fl-Unjoni jfittxu impjegati potenzjali f'pajjiżi terzi, u għandu jiffaċilita l-ammissjoni u l-moviment liberu tal-ħaddiema ġejjin minn pajjiżi terzi. It-tqabbil tal-impjiegi permezz tar-riżerva ta' talent tal-UE għandu jsir fuq bażi volontarja. Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li tali riżerva ta' talent tal-UE għandha tistabbilixxi sinerġiji mal-qafas eżistenti u li l-att leġiżlattiv għandu għalhekk jemenda r-Regolament (UE) 2016/589 sabiex jespandi l-kamp ta' applikazzjoni attwali tal-Portal tal-EURES, stabbilit b'dak ir-Regolament;

 Ir-riżerva ta' talent tal-UE, kif stabbilita mill-att leġiżlattiv, għandha tippermetti liċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi jesprimu l-interess tagħhom fix-xogħol u japplikaw għalih, filwaqt li tippermetti wkoll lill-impjegaturi jfittxu impjegati potenzjali. Iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi għandhom ikunu jistgħu japplikaw għax-xogħol fejn ikun hemm nuqqas fis-swieq tax-xogħol tal-Istati Membri, wara li jkunu għaddew minn proċess trasparenti u mhux diskriminatorju ta' applikazzjoni u ta' skrinjar minn qabel, iffaċilitat mill-Unjoni. Ir-riżerva ta' talent tal-UE sservi bħala għodda fakultattiva li l-Istati Membri jistgħu jużaw biex jissodisfaw id-domandi u n-nuqqasijiet fis-swieq tax-xogħol tal-Istati Membri li ma jistgħux jiġu ssodisfati mill-forza tax-xogħol domestika. Ir-riżerva ta' talent tal-UE għandha tiġi kkomplementata minn koordinazzjoni akbar bejn l-awtoritajiet nazzjonali parteċipanti, bl-involviment tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi u l-awtoritajiet lokali, u għandha tqis l-ispeċifiċitajiet nazzjonali u d-domandi differenti tas-swieq tax-xogħol nazzjonali. Il-promozzjoni tar-riżerva ta' talent tal-UE u l-użu tagħha jistgħu jittejbu permezz tat-tixrid immirat tal-informazzjoni, li jippromwovi r-riżerva ta' talent u pjattaforma ta' tqabbil fil-pajjiżi terzi u fl-Istati Membri parteċipanti. F'dak l-ispirtu, in-network ta' servizzi ta' konsulenza transnazzjonali madwar l-Unjoni, imsemmi fir-Rakkomandazzjoni 6, għandu jiffaċilita t-tħaddim tar-riżerva ta' talent tal-UE u jservi bħala punt ta' kuntatt għar-riżerva ta' talent tal-UE fl-Istati Membri. L-użu ta' dak in-network, ibbażat fuq l-armonizzazzjoni tal-applikazzjonijiet, jgħin biex titnaqqas il-burokrazija fil-livell tal-Istati Membri. Fi ħdan ir-riżerva ta' talent tal-UE, għandu jiġi stabbilit network remot ta' talent tal-UE sabiex iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi jkunu jistgħu jaħdmu b'mod remot fi Stat Membru li ma jkunx dak li fih ikunu residenti, u tali ħaddiema remoti jenħtieġ li jgawdu minn trattament ugwali.

Rakkomandazzjoni 2 (dwar skema ta' ammissjoni għal ħaddiema minn pajjiżi terzi b'livell baxx u medju ta' ħiliet)

 Minħabba l-isfidi demografiċi u l-kompetizzjoni globali għat-talent, għal ħafna Stati Membri hija ħtieġa urġenti li jtejbu l-attraenza tagħhom u li joħolqu skemi ta' ammissjoni għall-ħaddiema tas-sengħa kollha ta' pajjiżi terzi, mhux biss għall-ħaddiema b'livell għoli ta' ħiliet. Bis-sostituzzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2009/50/KE bid-Direttiva dwar il-Karta Blu, id-Direttiva (UE) 2021/1883, l-Unjoni ħadet passi sinifikanti biex tilħaq dak il-għan għall-ħaddiema minn pajjiżi terzi b'livell għoli ta' ħiliet. Madankollu, huwa imperattiv li tilħaq dak il-għan ukoll għall-ħaddiema minn pajjiżi terzi meqjusa li għandhom livell baxx u medju ta' ħiliet sabiex jimtlew il-postijiet tax-xogħol vakanti u jittejjeb it-tqabbil tal-ħtiġijiet differenti tas-swieq tax-xogħol tal-Istati Membri, skont kif jiddeterminaw l-Istati Membri nfushom, u biex ikun hemm konsistenza fil-prattika tal-valuri tal-Unjoni. Dan se jkompli jsaħħaħ il-kompetittività ekonomika tal-Unjoni.

 Biex jindirizza kif xieraq dik il-kwistjoni, il-Parlament Ewropew jistieden lill-Kummissjoni biex, fl-att leġiżlattiv li għandu jiġi adottat, tinkludi dispożizzjonijiet li jistabbilixxu skema ta' ammissjoni b'kundizzjonijiet tad-dħul u r-residenza għall-ħaddiema minn pajjiżi terzi b'livell baxx u medju ta' ħiliet. L-iskema għandha tiżgura t-trattament ugwali f'konformità mal-acquis eżistenti tal-Unjoni dwar il-migrazzjoni tal-ħaddiema u tinkludi l-ħolqien ta' qafas li fih il-ħaddiema minn pajjiżi terzi jkun jista' jkollhom il-ħiliet u l-kwalifiki tagħhom rikonoxxuti u vvalidati kif xieraq għall-użu fis-swieq tax-xogħol tal-Istati Membri. Sabiex jiġi pprevenut kwalunkwe abbuż ta' ħaddiema minn pajjiżi terzi u biex jiġi żgurat li dawn jiġu ttrattati b'mod ugwali meta jkunu qed jaħdmu jew japplikaw għax-xogħol fl-Unjoni, il-Parlament Ewropew, filwaqt li jinsisti fuq l-implimentazzjoni xierqa tad-Direttiva 2009/52/KE u l-mekkaniżmi ta' monitoraġġ tagħha, jitlob li d-Direttiva tiġi emendata biex tinkludi fil-kamp ta' applikazzjoni tagħha lill-ħaddiema minn pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment, kif stabbilit fir-Rakkomandazzjoni 8. Barra minn hekk, il-Parlament Ewropew jappella għall-implimentazzjoni xierqa mill-Istati Membri tal-qafas legali eżistenti rilevanti dwar il-kwistjoni tal-migrazzjoni legali tal-ħaddiema.

Rakkomandazzjoni 3 (dwar skema ta' ammissjoni għall-imprendituri u għall-persuni li jaħdmu għal rashom)

 Tradizzjonalment, il-permessi tax-xogħol jinħarġu fil-post fejn iċ-ċittadin ta' pajjiż terz diġà jkollu offerta ta' impjieg. Madankollu, il-Parlament Ewropew huwa tal-fehma li l-bażi għall-ħruġ ta' permessi tax-xogħol tista' tittejjeb u tiġi żviluppata aktar. Fuq l-istess prinċipju, il-Kummissjoni ddikjarat li l-objettiv tagħha huwa li tinkoraġġixxi lil aktar nies isiru imprendituri, u b'hekk ittejjeb l-innovazzjoni, il-kreattività, u l-prestazzjoni ekonomika tal-Unjoni[29]. Iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jaħdmu għal rashom jew li jaħdmu bħala imprendituri jista' jkun li jħossu li l-ambjent fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom mhuwiex favorevoli għan-negozju l-ġdid tagħhom jew għall-isforzi li jagħmlu bħala imprendituri. Permezz ta' skema ta' ammissjoni mifruxa mal-Unjoni, tali ċittadini ta' pajjiżi terzi jistgħu jingħataw l-opportunità li jemigraw legalment lejn l-Unjoni u jistabbilixxu lilhom infushom u n-negozji tagħhom. L-azzjoni fil-livell tal-Unjoni għandha tistinka għal ambjent favorevoli għall-intraprenditorija, inkluż għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi u għal standards komuni għolja rigward id-drittijiet fundamentali tal-imprendituri u tal-persuni li jaħdmu għal rashom

 Għal dak il-għan, il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-att leġiżlattiv li għandu jiġi adottat għandu jinkludi skema ta' ammissjoni b'kundizzjonijiet tad-dħul u r-residenza għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-imprendituri, b'mod partikolari għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jistabbilixxu intrapriżi żgħar u ta' daqs medju u negozji ġodda u li dik l-iskema ta' ammissjoni għandha tiżgura salvagwardji robusti, trattament ugwali u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. Id-definizzjoni ta' "persuna li taħdem għal rasha" u dik ta' "imprenditur" ivarjaw madwar l-Unjoni, u jeħtieġ li jibqgħu jiġu definiti minn kull Stat Membru skont it-tradizzjoni legali u l-każistika nazzjonali tiegħu.

Rakkomandazzjoni 4 (dwar it-tħejjija ta' qafas għas-sħubijiet ta' talent bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi)

 Il-Parlament Ewropew jistieden lill-Kummissjoni tħejji qafas imfassal apposta għas-sħubijiet ta' talent li fihom l-Istati Membri jistgħu jipparteċipaw b'mod volontarju u tinkludih fl-att leġiżlattiv li għandu jiġi adottat. Dawk is-sħubijiet ta' talent għandhom ikunu miftuħa għall-ħaddiema ta' pajjiżi terzi tal-livelli kollha ta' ħiliet, kif ukoll għall-istudenti u l-gradwati, u jkunu jservu bħala għodda effiċjenti biex l-Istati Membri jqabblu l-ħiliet tal-ħaddiema f'pajjiżi terzi mad-domandi tas-swieq tax-xogħol tal-Istati Membri li ma jistgħux jiġu ssodisfati mill-forza tax-xogħol domestika. L-għan tas-sħubijiet ta' talent huwa li jiżdied mezz legali ieħor bħala għażla ta' mobilità għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jixtiequ jemigraw lejn l-Unjoni għax-xogħol u li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet tan-nuqqas ta' ħaddiema u n-nuqqas ta' tqabbil tal-impjiegi fis-suq tax-xogħol madwar l-Unjoni, u b'hekk tinħoloq "rebħa kwadrupla" għall-UE, għall-pajjiżi terzi, għall-impjegaturi u għall-ħaddiema migranti. L-implimentazzjoni prattika tas-sħubijiet ta' talent tkun tiddependi mill-kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali, mal-istituzzjonijiet tas-suq tax-xogħol, mal-atturi tas-soċjetà ċivili u mas-sħab soċjali. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-Parlament Ewropew, fuq bażi regolari, ikun jista' jiskrutinizza u jevalwa l-funzjonament tas-sħubijiet ta' talent, kif ukoll jipproponi rakkomandazzjonijiet biex jittejjeb il-funzjonament ġenerali tal-qafas għas-sħubijiet ta' talent.

 Approċċ imsaħħaħ u aktar komprensiv ikun joffri kooperazzjoni ma' pajjiżi sħab u jgħin biex tingħata spinta lill-mobilità internazzjonali ta' benefiċċju reċiproku. Huwa importanti li l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi jkollhom opportunitajiet ugwali li jiżviluppaw is-sħubijiet ta' talent u jkunu jistgħu joħolqu proċess trasparenti u aċċessibbli għall-applikanti. Dawk is-sħubijiet ta' talent għandhom ikunu inklużivi u jibnu kooperazzjoni b'saħħitha bejn l-istituzzjonijiet ikkonċernati, pereżempju l-ministeri nazzjonali tax-xogħol u tal-edukazzjoni, l-impjegaturi, is-sħab soċjali, u l-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Huwa importanti li l-Istati Membri jinvolvu ruħhom bis-saħħa f'dawk is-sħubijiet ta' talent, li jkun involut is-settur privat, b'mod partikolari n-negozji tal-Unjoni, is-sħab soċjali u l-atturi tas-soċjetà ċivili rilevanti, u li l-pajjiżi sħab ikollhom sens ta' sjieda sinifikattiv.

Rakkomandazzjoni 5 (dwar is-simplifikazzjoni u t-titjib tad-Direttiva 2011/98/UE)

 Il-Parlament Ewropew huwa tal-fehma li l-proċeduri fir-rigward tad-Direttiva 2011/98/UE għandhom jiġu armonizzati aktar għal dik id-Direttiva, b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet tagħha dwar it-trattament ugwali, biex ikunu effiċjenti għalkollox u implimentati kif suppost. Għalhekk, il-Parlament Ewropew iqis li l-att leġiżlattiv li għandu jiġi adottat għandu jemenda dik id-Direttiva sabiex l-applikazzjonijiet għal permess uniku jkunu jistgħu jitressqu kemm minn ġewwa t-territorju ta' Stat Membru kif ukoll minn pajjiż terz, filwaqt li tinvolvi kemm lill-Istati Membri kif ukoll lill-pajjiżi terzi fl-iskambju tal-informazzjoni u l-koordinazzjoni tal-applikazzjonijiet imressqa, f'konformità sħiħa mal-istandards tal-protezzjoni tad-data tal-Unjoni. Madankollu, sabiex ikun jista' jressaq applikazzjoni għal permess uniku minn ġewwa t-territorju ta' Stat Membru, iċ-ċittadin ta' pajjiż terz, fil-mument tat-tressiq tal-applikazzjoni, għandu jkollu permess ta' residenza validu. Barra minn hekk, il-Parlament Ewropew jappella għar-regolamentazzjoni ċara u s-simplifikazzjoni tal-proċedura biex persuna tapplika għal viża ta' dħul sabiex tiġi evitata s-sitwazzjoni li biha l-applikanti jkollhom jissottomettu d-dokumenti meħtieġa darbtejn biex jiksbu permess uniku darbtejn. Barra minn hekk, il-Parlament Ewropew jitlob lill-Kummissjoni tanalizza u tnaqqas ir-rekwiżiti amministrattivi u l-ineffiċjenzi fil-proċeduri tal-permessi li jipprevjenu l-migrazzjoni b'perkorsi legali milli twieġeb għall-ħtiġijiet reali tas-suq tax-xogħol. Fl-aħħar nett, il-Parlament Ewropew iqis li l-att leġiżlattiv li għandu jiġi adottat għandu jkun fih bidliet li jtaffu d-diffikultajiet li magħhom iħabbtu wiċċhom iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkollhom permess tax-xogħol meta jkunu qed jibdlu l-impjieg, peress li attwalment jiddependu wisq mill-impjegatur u għalhekk huma suxxettibbli għall-isfruttament tal-ħaddiema.

Rakkomandazzjoni 6 (dwar l-istabbiliment ta' network ta' servizzi ta' konsulenza transnazzjonali madwar l-Unjoni għall-ħaddiema li jemigraw legalment)

 Il-Parlament Ewropew huwa tal-fehma li l-kooperazzjoni sistematika bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri u ta' pajjiżi terzi u l-involviment tagħhom huma meħtieġa biex jittejbu l-perkorsi legali għall-migrazzjoni tal-ħaddiema. Sabiex jintlaħaq dak il-għan, il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-att leġiżlattiv li għandu jiġi adottat għandu jistabbilixxi network ta' servizzi, ġestit mill-Kummissjoni, għall-ħaddiema minn pajjiżi terzi, ma' kull Stat Membru li jaħtar awtorità ewlenija biex tikkoordina l-konsulenza u l-informazzjoni pprovduti liċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jemigraw legalment u li japplikaw għax-xogħol fl-Unjoni. In-network ta' servizzi ta' konsulenza transnazzjonali għandu jibni fuq networks u servizzi eżistenti stabbiliti u, jekk ikun meħtieġ, jespandi l-kamp ta' applikazzjoni ta' tali networks u servizzi stabbiliti. L-awtoritajiet ta' kull Stat Membru għandhom ikunu responsabbli wkoll għall-koordinazzjoni mill-qrib ma' xulxin fir-rigward tal-applikazzjonijiet imressqa għal permess uniku għar-residenza u x-xogħol fl-Unjoni f'konformità mad-Direttiva 2011/98/UE sabiex jiġu evitati s-sottomissjonijiet doppji. In-network ta' servizzi ta' konsulenza transnazzjonali għandu jqis ukoll l-ispeċifiċitajiet nazzjonali u d-domandi differenti tas-swieq tax-xogħol nazzjonali.

 Barra minn hekk, kull Stat Membru għandu jkun responsabbli biex jitlob l-informazzjoni mingħand l-impjegaturi dwar il-ħaddiema minn pajjiżi terzi, b'rispett sħiħ tad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data, sabiex il-ħaddiema minn pajjiżi terzi jkunu jistgħu jiġu konnessi mal-awtoritajiet u s-servizzi ta' appoġġ rilevanti u sabiex jiġu ffaċilitati l-protezzjoni tal-ħaddiema minn pajjiżi terzi u t-tisħiħ tad-drittijiet ugwali u tat-trattament ugwali tagħhom. Barra minn hekk, l-att leġiżlattiv li għandu jiġi adottat għandu jiżgura li l-impjegaturi jipprovdu lill-ħaddiema minn pajjiżi terzi informazzjoni preċiża u f'waqtha dwar id-drittijiet, l-awtoritajiet rilevanti u s-servizzi disponibbli. Dak in-network ta' servizzi ta' konsulenza transnazzjonali għandu jiffaċilita t-tħaddim tar-riżerva ta' talent, kif deskritt fir-Rakkomandazzjoni 1, u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili rilevanti, inklużi l-komunitajiet tad-dijaspora, għandhom jiġu kkonsultati fl-iżvilupp tan-network ta' servizzi ta' konsulenza transnazzjonali.

Rakkomandazzjoni 7 (dwar l-emenda tad-Direttiva 2014/36/UE biex il-ħaddiema staġjonali jkunu jistgħu jibdlu l-impjegatur)

 Il-promozzjoni tal-mobilità professjonali għal ċittadini ta' pajjiżi terzi residenti legalment li jaħdmu fi Stat Membru tfisser ukoll il-protezzjoni tagħhom mill-isfruttament. Bosta ħaddiema minn pajjiżi terzi, b'mod partikolari l-ħaddiema minn pajjiżi terzi b'livell baxx ta' ħiliet, joqogħdu jaħsbuha jitilqux minn ma' impjegatur li jisfruttahom minħabba li dan ikun ifisser li jitilfu l-permess tax-xogħol tagħhom u d-dritt li jibqgħu fl-Unjoni. Dan huwa attwalment evidenti fis-sitwazzjoni ddisprata ta' ħafna ħaddiema f'setturi differenti madwar l-Unjoni, bħal fis-setturi tal-forniment tal-ikel, tal-lukandi u tad-divertiment, kif ukoll tal-ħaddiema li jindokraw[30]. Id-detenturi ta' permess tax-xogħol maħruġ fl-ambitu tad-Direttiva 2014/36/UE huma, b'mod partikolari, suxxettibbli għall-isfruttament għax spiss għandhom it-tendenza li jaħdmu fi ħdan setturi li prinċipalment jimpjegaw ħaddiema b'livell baxx ta' ħiliet.

 Għalhekk, il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-att leġiżlattiv li għandu jiġi adottat għandu jemenda d-Direttiva 2014/36/UE biex jippermetti lid-detenturi ta' permessi tax-xogħol skont dik id-Direttiva perjodu ta' tliet xhur ħalli jfittxu impjieg ġdid wara li ma jkunux baqgħu jaħdmu għall-impjegatur preċedenti mingħajr ma l-permess tagħhom jiġi revokat. Id-detenturi għandhom jitħallew jirrisjedu fl-Unjoni sa tmiem il-perjodu li fih għandhom il-permess li joqogħdu fih, iżda mhux aktar minn disa' xhur, kif spjegat f'dik id-Direttiva. Il-Parlament Ewropew jirrakkomanda li l-Kummissjoni, fl-istess ħin, tikkunsidra emendi xierqa oħra għal dik id-Direttiva sabiex taġġornaha u ġġibha konformi ma' atti legali oħra aktar reċenti tal-Unjoni li jittrattaw il-migrazzjoni legali, inkluż li tippermetti li l-applikazzjoni titressaq minn ġewwa t-territorju tal-Istat Membru, u tkompli tindirizza aktar l-isfruttament persistenti tal-ħaddiema staġjonali.

Rakkomandazzjoni 8 (dwar l-emenda tad-Direttiva 2009/52/KE biex jiġu inklużi ċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi residenti legalment u biex jiġi indirizzat l-isfruttament tal-ħaddiema)

 Id-Direttiva 2009/52/KE fiha diversi għodod li jistgħu jintużaw biex jappoġġjaw liċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż b'mod irregolari u li jaħdmu fl-Unjoni. Madankollu, il-fatt li dan ikopri biss ħaddiema ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż b'mod irregolari huwa difett sostanzjali. Filwaqt li l-ħaddiema ta' pajjiżi terzi li jkunu qed jirrisjedu b'mod regolari jgawdu minn livell ogħla ta' protezzjoni, l-aktar minħabba d-dritt legali tagħhom li jibqgħu fl-Unjoni iżda wkoll permezz ta' mezzi oħra, dawn ukoll jistgħu jiġu sfruttati u għadhom aktar vulnerabbli miċ-ċittadini tal-Unjoni. Konsegwentement, il-Parlament Ewropew jara ħtieġa li d-Direttiva 2009/52/KE tiġi emendata biex tinforza dispożizzjoni orizzontali li ssaħħaħ l-aċċess effettiv għad-drittijiet tax-xogħol u għal rimedji effettivi permezz ta' mekkaniżmi tal-ilmenti u proċeduri legali u biex dik id-Direttiva ssir applikabbli għaċ-ċittadini kollha ta' pajjiżi terzi li jaħdmu fl-Unjoni.

Rakkomandazzjoni 9 (dwar il-ħtieġa li ssir reviżjoni tad-Direttiva 2003/109/KE)

 Id-detenturi ta' permessi ta' residenza fit-tul tal-UE jiffaċċjaw għadd ta' ostakli fl-eżerċitar tad-dritt tagħhom li jiċċaqilqu lejn Stati Membri oħra u jirrisjedu fihom għal raġunijiet ta' xogħol, studju jew raġunijiet oħrajn. Dan għaliex il-kundizzjonijiet għall-mobilità li r-residenti fit-tul tal-UE jeħtiġilhom jissodisfaw f'ħafna każijiet huma simili għall-kundizzjonijiet li ċittadini oħra ta' pajjiżi terzi jeħtiġilhom jissodisfaw għall-ewwel darba li japplikaw għal-permess fit-tul. Fl-2017, fil-25 Stat Membru marbuta bid-Direttiva 2003/109/KE, kien hemm madwar 3,1 miljun ċittadin ta' pajjiż terz li kienu detenturi ta' permess ta' residenza fit-tul tal-UE meta mqabbla ma' madwar 7,1 miljun ċittadin ta' pajjiż terz li kienu detenturi ta' permess ta' residenza fit-tul nazzjonali. Għalhekk, jista' jiġi konkluż li ċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi ma jużawx biżżejjed il-permess ta' residenza fit-tul tal-UE, li jfisser li ħafna minnhom ma jgawdux mill-benefiċċji li jirriżultaw mill-fatt li jkollhom l-istatus tal-Unjoni, minkejja l-fatt li huma jkunu eliġibbli. Ir-rapport ta' implimentazzjoni dwar dik id-Direttiva jindika l-fatt li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ma ppromwovewx b'mod attiv l-użu tal-permessi ta' residenza fit-tul tal-UE u, b'riżultat ta' dan, ma hemm l-ebda "kundizzjonijiet ekwi" bejn l-iskema leġiżlattiva tal-Unjoni u l-ekwivalenti nazzjonali[31].

 Għalhekk, il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-att leġiżlattiv li għandu jiġi adottat għandu jemenda d-Direttiva 2003/109/KE biex jippermetti liċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma residenti fit-tul ta' Stat Membru jirrisjedu b'mod permanenti fi Stat Membru ieħor mill-jum li fih jinħareġ il-permess tagħhom fuq termini simili għat-termini applikabbli għaċ-ċittadini tal-Unjoni. Il-Parlament Ewropew jirrakkomanda li l-Kummissjoni, fl-istess ħin, tikkunsidra emendi xierqa oħrajn għal dik id-Direttiva biex tiġi aġġornata u f'konformità ma' atti legali oħrajn aktar reċenti tal-Unjoni li jittrattaw ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qed jgħixu legalment fl-Unjoni. Il-Parlament Ewropew jitlob lill-Kummissjoni biex, bħala minimu, tinkludi fil-proposta tagħha tnaqqis fin-numru ta' snin meħtieġa għall-akkwist ta' permess ta' residenza fit-tul tal-UE minn ħames snin għal tliet snin, b'mod partikolari biex issaħħaħ il-mobilità, is-simplifikazzjoni u l-armonizzazzjoni tal-proċeduri. Billi tagħmel dawn l-emendi, id-Direttiva 2003/109/KE tiffaċilita l-mobilità fi ħdan l-Unjoni kif ukoll il-mobilità internazzjonali lejn u mill-Unjoni u pajjiżi terzi. Fl-aħħarnett, il-Parlament Ewropew jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni twettaq studju dwar il-kwistjoni tar-rati tad-dawran taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi fl-Unjoni sabiex tifhem aħjar ir-raġunijiet tat-tluq minn Stat Membru partikolari fl-ewwel tliet snin mill-wasla.

 


 

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP (11.10.2021)

għall-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

Politika u liġi dwar il-migrazzjoni legali

(2020/2255(INL))

Rapporteur għal opinjoni: Pierrette Herzberger-Fofana

(Inizjattiva – Artikolu 47 tar-Regoli ta' Proċedura)

 

 

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jinnota li l-"Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil" huwa tentattiv olistiku biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-Ewropa dwar il-migrazzjoni, l-ażil, l-integrazzjoni u l-ġestjoni tal-fruntieri; itenni l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-isfidi esterni tal-migrazzjoni, bħall-instabilità politika, il-faqar u l-vjolenza; jissottolinja li l-konflitti armati u t-tibdil fil-klima huma waħda mir-raġunijiet ewlenin tal-migrazzjoni; iħeġġeġ, għaldaqstant, biex ikomplu jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin u r-raġunijiet għall-migrazzjoni permezz ta' approċċ ibbażat fuq il-valuri fil-pajjiż ta' oriġini jew ta' tranżitu; jisħaq li kooperazzjoni effettiva għall-iżvilupp tista' tnaqqas b'mod sinifikanti r-raġunijiet għall-migrazzjoni furzata u irregolari u b'hekk tikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli u fit-tul ta' dawk il-pajjiżi u n-nazzjonijiet tagħhom; jinnota li l-Unjoni tista' tagħmel aktar biex tuża l-kontribuzzjonijiet pożittivi li l-migrazzjoni legali tista' toffri għall-iżvilupp sostenibbli u għas-soċjetajiet fil-pajjiżi ta' oriġini u ta' destinazzjoni filwaqt li huwa fundamentali li jiġu definiti kanali sikuri u legali għall-migrazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt dwar il-Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil b'enfasi speċifika fuq l-impatt tiegħu fuq il-pajjiż li qegħdin jiżviluppaw;

2. Jiġbed l-attenzjoni li l-"Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil" għandu jikkonċerna r-responsabbiltà u s-solidarjetà billi tinħoloq sistema ta' solidarjetà xierqa fost l-Istati Membri; jitlob li tingħata preferenza lil mekkaniżmu aktar flessibbli milli l-prinċipju tal-ewwel pajjiż ta' wasla; il-benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali għandhom jingħataw il-libertà ta' moviment fiż-żona Schengen;

3.  Ifakkar li, skont l-Artikolu 79 tat-TFUE, l-Unjoni għandha tiżviluppa politika komuni dwar l-immigrazzjoni li jkollha l-għan tiżgura, fl-istadji kollha, il-ġestjoni effiċjenti tal-flussi migratorji, it-trattament ġust ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fl-Istati Membri u l-prevenzjoni, flimkien ma' miżuri msaħħa, biex jiġu missielta l-immigrazzjoni illegali u t-traffikar tal-bnedmin u li dan l-Artikolu m'għandux jaffettwa d-dritt tal-Istati Membri li jiddeterminaw il-volumi ta' ammissjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi fit-territorju tagħhom biex ifittxu xogħol, kemm jekk impjegati kif ukoll jekk jaħdmu għal rashom; jissottolinja li l-migrazzjoni tal-ħaddiema fil-livell tal-Unjoni għandha impatt fuq il-politiki differenti tas-suq tax-xogħol tal-Istati Membri u fuq il-funzjonament ġenerali tas-suq intern tal-Unjoni; jissottolinja madankollu li ntwera li t-trasferiment tal-għarfien u l-ħiliet miksuba barra mill-pajjiż għandu benefiċċji konkreti għall-iżvilupp fil-pajjiżi ta' oriġini; iqis li politiki ta' migrazzjoni legali mfassla tajjeb u li jkunu ġestiti b'mod tajjeb jistgħu jkunu sors ta' innovazzjoni u żvilupp ekonomiku filwaqt li jkunu ta' benefiċċju kemm għall-pajjiżi ta' oriġini kif ukoll għall-pajjiżi ospitanti; iqis li frammentazzjoni tar-regolamenti dwar il-migrazzjoni tal-ħaddiema madwar l-Unjoni tiskoraġġixxi l-użu ta' perkorsi legali u tikkawża aspettattiva baxxa ta' possibbiltajiet ta' dħul mill-ġdid u tiskoraġġixxi kemm il-migrazzjoni ċirkolari kif ukoll trajettorji u forom aktar artikolati ta' mobilità tal-bniedem li għandhom effetti potenzjalment ta' benefiċċju fuq pajjiżi ta' oriġini li qegħdin jiżviluppaw;

4. Jiddeplora n-nuqqas ta' perkorsi ta' migrazzjoni legali u l-frammentazzjoni tal-qafas leġiżlattiv tal-Unjoni; jesprimi tħassib serju dwar il-kundizzjonijiet ta' inċertezza kbira u l-possibilitajiet limitati offruti u jinnota li diversi kategoriji ewlenin ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għadhom mhumiex koperti minn dispożizzjonijiet leġiżlattivi;

5. Jissottolinja l-ħtieġa ta' kanali ta' migrazzjoni għal ħaddiema b'livell baxx u medju ta' ħiliet, li jiżguraw ir-rispett u l-infurzar sħiħ tal-prinċipji ta' trattament ugwali u nondiskriminazzjoni; iqis li l-ekonomija tal-Unjoni tibbenefika mill-preżenza tagħhom u jinnota li l-kontribut sinifikanti ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għas-suq tax-xogħol sar saħansitra aktar evidenti matul il-pandemija tal-COVID-19; jiddispjaċih li, irrispettivament mil-livell ta' ħiliet tal-impjieg tagħhom, iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi jesperjenzaw kundizzjonijiet tax-xogħol agħar u jiffaċċjaw ostakli għall-integrazzjoni, inkluża d-diskriminazzjoni fl-aċċess għall-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni; jinnota li kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji u abbużivi spiss huma marbuta ma' status irregolari u jappella għal proċessi ta' regolarizzazzjoni rapidi u miftuħa li jtejbu d-drittijiet u l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema;

6. Jilqa' d-Direttiva riveduta dwar il-Karta Blu tal-Unjoni u r-Riżerva ta' Talent tal-UE proposta mill-Kummissjoni bħala miżura biex jiġi attirat talent globali; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu ssemplifikati l-proċeduri amministrattivi għar-rikonoxximent tal-kwalifiki u l-ħiliet professjonali tal-migranti legali; ifakkar li l-miżuri biex jiġu appoġġjati ż-żgħażagħ u l-attivitajiet intraprenditorjali tan-nisa jew li jiffaċilitaw ir-rimessi, huma modi oħra kif il-migranti barra mill-pajjiż jistgħu jinvestu fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom;

7. Jitlob biex is-Sħubijiet ta' Talent tal-UE jinkludu perkorsi speċifiċi għaż-żgħażagħ, bħal viżi tal-istudenti, boroż ta' studju, opportunitajiet ta' taħriġ għall-ħaddiema żgħażagħ b'livell baxx ta' ħiliet, li ser jgħinu biex jissaħħaħ il-kapital uman tal-pajjiżi ta' oriġini u ser jipprevjenu li t-tfal jiġu esposti għal vjaġġi perikolużi u għal vjolenza, abbuż u sfruttament minn traffikanti u kuntrabandisti;

8. Iqis li s-Sħubijiet ta' Talent tal-UE għandhom jiġu ffinalizzati biex jinħolqu u jittejbu perkorsi regolari, sikuri u effettivi u għandhom jiġu integrati f'qafas li jippromwovi l-migrazzjoni bħala karatteristika ewlenija għall-iżvilupp sostenibbli; iħeġġeġ li dawn is-sħubijiet m'għandhomx ikunu, direttament jew indirettament, kundizzjonali għal aspetti oħra tal-aġenda dwar il-migrazzjoni bħar-ritorn, ir-riammissjonijiet jew il-ġestjoni tal-fruntieri;

9.  Jissottolinja li l-emigrazzjoni ta' ċittadini bi kwalifiki ta' livell għoli tista' ċċaħħad lill-pajjiżi ta' oriġini mill-kapital uman tagħhom u minn forza tax-xogħol edukata ("eżodu ta' mħuħ"); jissottolinja li l-migrazzjoni għandha rwol importanti u kumpless għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali u jqis li dan jinvolvi diversi fatturi li jippermettu l-iżvilupp, b'mod partikolari l-ammont kbir ta' flussi finanzjarji minn rimessi; iqis li huwa deċiżiv li l-organizzazzjonijiet tad-dijaspora jiġu involuti fit-tisħiħ ta' dawn il-fatturi u fil-promozzjoni ta' forom ta' rimessi soċjali, bħaċ-ċirkolazzjoni ta' għarfien u ideat u l-iskambji ekonomiċi u soċjali; jitlob li s-Sħubiji futuri ta' Talent tal-UE jindirizzaw din il-kwistjoni u jqisu l-esperjenzi ta' proġetti pilota reċenti tal-UE dwar il-migrazzjoni legali; iqis li dawn is-sħubijiet għandhom jappoġġjaw sistemi tal-edukazzjoni u ta' taħriġ vokazzjonali fil-pajjiżi ta' oriġini u jsaħħu l-iżvilupp tal-ħiliet mhux biss għall-benefiċċju tal-pajjiż ta' destinazzjoni; u li huwa meħtieġ li l-pajjiżi ta' oriġini jingħataw assistenza għall-iżvilupp fis-settur tal-edukazzjoni u tas-saħħa, kif ukoll għal governanza aħjar u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

10. Jisħaq li lil hinn mill-fażi "pilota", li timplika żieda fl-ammont ta' proġetti u finanzjament, ser ikun meħtieġ appoġġ politiku u finanzjarju sostnut mill-Istati Membri kif ukoll kooperazzjoni mill-qrib mal-pajjiżi sħab biex jiġi żgurat li s-Sħubiji ta' Talent tal-UE jkunu jistgħu tassew jirriflettu l-prijoritajiet kondiviżi madwar il-mobilità u l-ħiliet u ma jiffokawx biss fuq il-ħtiġijiet tal-pajjiżi ta' destinazzjoni; jappella biex is-Sħubijiet ta' Talent tal-UE futuri jegħlbu n-nuqqasijiet tal-Proġetti Pilota u għaldaqstant: jappella għal aktar finanzjament tal-programm Erasmus+ u l-ħolqien ta' opportunitajiet għal skambji akkademiċi biex jiġi estiż l-ambitu tal-parteċipanti, it-tul ta' żmien u l-iskop tat-taħriġ u hekk jiġu żgurati protezzjoni soċjali u drittijiet tax-xogħol aħjar tal-parteċipanti;

11. Jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiddefinixxu "kurituri tal-edukazzjoni" biex rifuġjati u studenti minn pajjiżi f'kunflitt jingħataw l-opportunità jkomplu l-istudji tagħhom fl-Unjoni u jiġu aċċettati fl-universitajiet Ewropej;

12. Ifakkar li l-mobilità ilha żmien twil strateġija kritika ta' adattament għall-popolazzjonijiet li jiffaċċjaw pressjoni relatata mal-ekonomija, is-sigurtà u l-ambjent fir-reġjuni ta' oriġini tagħhom; jisħaq li l-indirizzar tad-dimensjoni esterna tal-migrazzjoni legali jirrikjedi politiki tal-Unjoni li jiffavorixxu l-iżvilupp ta' perkorsi legali u sikuri ta' migrazzjoni biex jissawru mill-ġdid, aktar milli jiġu evitati, it-tendenzi tal-migrazzjoni u hekk issir ħidma favurihom aktar milli kontrihom; jinsisti li approċċ li jenfasizza l-kontroll fil-fruntieri u t-tnaqqis ta' wasliet ta' migranti fl-Ewropa jirrideriġi l-migranti lejn rotot aktar perikolużi iżda xorta mhux ser iwaqqafhom milli jagħmlu l-vjaġġ tagħhom; jissottolinja li diġà ntwera li l-użu tal-għajnuna għall-iżvilupp biex tiġi skoraġġita l-migrazzjoni ma jnaqqasx ir-rati ta' migrazzjoni iżda minflok jaf jgħinhom jiżdiedu;

13. Jissottolinja li l-pandemija tal-COVID-19 żvelat il-kontributi importanti tal-ħaddiema migranti fl-ispettru kollu tal-ħiliet f'setturi ewlenin bħall-kura tas-saħħa u l-kura soċjali, it-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT), il-loġistika, l-agrikoltura u l-kostruzzjoni; jistieden lill-Unjoni tiżviluppa politika ta' migrazzjoni legali aktar sostenibbli fi sħubija ma' pajjiżi terzi u tiżgura mobilità bidirezzjonali sikura ta' migrazzjoni, bħal għal finijiet ta' xogħol, ta' akkademja jew ta' taħriġ li jistgħu jkunu ta' benefiċċju kemm għall-pajjiżi ta' oriġini kif ukoll għall-pajjiżi ospitanti;

14. Jiddispjaċih dwar l-enfasi kontinwa u eċċessiva fuq id-deterrenza tal-migrazzjoni lejn l-Unjoni u jqis li dan ma ħoloqx livell adegwat ta' ġestjoni tal-fenomenu migratorju jew tar-rispett tad-drittijiet fundamentali; jisħaq li konsiderazzjonijiet fuq terminu qasir jew politikament espedjenti li jiġu implimentati permezz ta' miżuri biex jissaħħu l-kontrolli fil-fruntieri u jitnaqqsu l-wasliet ta' migranti fl-Ewropa wasslu għal tnaqqis drastiku fl-opportunitajiet ta' migrazzjoni legali u ġiegħel lill-migranti jirrideriġu ruħhom lejn rotot aktar perikolużi u sabu ruħhom f'idejn kuntrabandisti ta' migranti bla ħniena u diversi drabi dan wassal għal ksur serju tad-drittijiet bażiċi tal-bniedem tagħhom; jisħaq li l-proċedura fil-fruntiera fil-fruntieri esterni għandha titqies biss bħala miżura tal-aħħar istanza u ma tintużax b'mod awtomatiku;

15. Jisħaq li l-applikanti kollha għall-ażil għandu jkollhom id-dritt għal valutazzjoni individwali tal-applikazzjoni tagħhom u għandhom igawdu d-dritt għal rimedju effettiv meta japplikaw il-proċeduri fil-fruntieri, inkluż id-dritt ta' soġġorn fit-territorju sal-eżitu tar-rimedju mingħajr ma jinżammu f'detenzjoni għall-unika raġuni li huma soġġetti għal dawn il-proċeduri;

16. Jisħaq li ebda detenzjoni m'għandha tkun permessa meta l-kundizzjonijiet ta' detenzjoni ma jkunux kompatibbli mad-dinjità tal-bniedem; u li għandhom dejjem jiġu pprovduti kura tas-saħħa u psikoloġika, aċċess għall-interpretazzjoni, informazzjoni legali u assistenza mill-NGOs;

17. Jissottolinja li l-persuni li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali għandhom ikunu jistgħu jaslu fl-Unjoni mingħajr ma jkollhom jirrikorru għand il-kuntrabandisti u jappella biex jissaħħu l-mezzi legali u sikuri għall-persuni li jeħtieġu protezzjoni bħall-programmi ta' risistemazzjoni, il-viżi umanitarji u l-perkorsi umanitarji;

18. Jisħaq li għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-kategoriji vulnerabbli u b'mod partikolari lit-tfal, lin-nisa u lill-unitajiet tal-familja; jappella għat-tisħiħ tal-mekkaniżmi ta' akkoljenza u l-mezzi legali ta' aċċess għat-tfal u l-familji vulnerabbli li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali permezz tal-espansjoni tar-risistemazzjoni tar-rifuġjati, ir-riunifikazzjoni tal-familji, l-iskemi ta' sponsorizzazzjoni komunitarji u privati u l-viżi umanitarji;

19. Jenfasizza li d-dokument ta' ħidma tal-Grupp ta' Ħidma ta' Skrutinju tal-Frontex (FSWG) tal-Parlament Ewropew ikkonkluda li l-mekkaniżmi ta' din l-aġenzija għall-monitoraġġ, ir-rapportar u l-evalwazzjoni tas-sitwazzjonijiet tad-drittijiet fundamentali fihom lakuni; iħeġġeġ lill-Bord ta' Tmexxija tal-Frontex, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-FSWG mingħajr aktar dewmien;

20.  Jitlob biex isiru sforzi xierqa ta' infurzar tad-dritt internazzjonali, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-gvernijiet lokali rilevanti kif ukoll mal-UNHCR u l-IOM, biex jiġu miġġielda n-networks kriminali ta' kuntrabandisti u traffikanti tal-bnedmin filwaqt li jiġi żgurat ir-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem; jissottolinja li l-mira 10.7 tal-SDG tistabbilixxi l-ħtieġa li tittejjeb il-kooperazzjoni internazzjonali għall-ħolqien ta' perkorsi sikuri ta' migrazzjoni regolari u ordnata;

21. Ifakkar li l-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp jipprevedi approċċ koordinat, olistiku u strutturat għall-migrazzjoni, minħabba n-natura trasversali tagħha, u jqisha bħala waħda mill-oqsma ewlenin li għalihom tapplika l-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp (PCD); jappella, f'dan ir-rigward, għal politiki tal-migrazzjoni esterni konformi mal-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp u vvalutati regolarment li jikkontribwixxu għad-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-għoti tas-setgħa, il-qerda tal-faqar u l-iżvilupp tal-bniedem;

22.  Jiddeplora l-fatt li inqas minn 1 % tan-nefqa tal-Unjoni għall-ażil u l-migrazzjoni ġie ddedikat għan-nefqa fuq il-faċilitazzjoni tal-migrazzjoni u l-mobilità, inklużi perkorsi lejn il-protezzjoni, u b'mod partikolari lejn l-Unjoni bejn l-2014 u l-2019, filwaqt li madwar 13 % ġew allokati biex jiġu indirizzati miżuri ta' restrizzjoni u tnaqqis tal-migrazzjoni; jinnota li ma hemm ebda valutazzjoni fit-tul tal-konsegwenzi tal-miżuri fuq ir-rotot migratorji u s-sitwazzjoni tas-sigurtà; jappella biex l-NDICI-Global Europe jintuża b'mod xieraq biex jindirizza l-kawżi li huma l-għerq tal-migrazzjoni billi jiġu miġġielda l-faqar, jiġi stimulat it-tkabbir ekonomiku u l-faċilitazzjoni tal-iżvilupp f'pajjiżi terzi; ifakkar li l-NDICI-Ewropa Globali jista' jappoġġja politiki relatati mal-migrazzjoni b'mod limitat, għalkemm dan irid ikun konformi mal-prinċipju tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp sostenibbli;

23. Jitlob biex parti sinifikanti tan-nefqa tagħha ta' 10 % allokata għall-migrazzjoni tiġi allokata għall-iżvilupp u l-espansjoni ta' għażliet ta' politika dwar il-migrazzjoni legali, inkluż l-iżvilupp ta' perkorsi ġodda għall-migranti biex jidħlu fl-Unjoni, l-appoġġ għal-libertà ta' moviment fir-reġjuni barra l-Ewropa, l-appoġġ għall-iskemi ta' mobilità tal-forza tax-xogħol, il-promozzjoni tal-edukazzjoni u l-iskemi ta' mobilità għall-istudju, b'mod partikolari permezz tal-linja baġitarja allokata għal Erasmus+, li tiffaċilita l-wasla sikura fl-Unjoni għal ażil u l-migrazzjoni mhux għal ażil, l-iffaċilitar tar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali, u tappoġġja proġetti pilota dwar il-migrazzjoni legali f'pajjiżi terzi u fl-Unjoni;

24. Jisħaq li l-evalwazzjoni tal-istrument NDICI-Ewropa Globali trid titwettaq b'rabta mal-livell ta' kisba tal-SDGs, minflok ma tintuża l-migrazzjoni mnaqqsa bħala indikatur ta' suċċess; jissottolinja, f'dan ir-rigward, li l-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) ma tistax tintuża biex issaħħaħ il-fruntieri, tinkoraġġixxi d-deportazzjonijiet u tipprevjeni l-influss ta' migranti fl-Unjoni;

25. Jissottolinja li l-Unjoni għandha tevita kompletament li tuża l-politika ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp bħala strument ta' ġestjoni tal-flussi migratorji u jisħaq li l-appoġġ għall-iżvilupp ma jistax jiddependi fuq il-kapaċità jew ir-rieda tal-pajjiżi sħab li jikkooperaw fil-politiki tal-UE dwar il-migrazzjoni, inkluż ir-ritorn furzat taċ-ċittadini tagħhom jew il-ġestjoni tal-fruntieri, billi dan idgħajjef l-obbligu legali tal-Unjoni għall-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp u mal-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp u jmur kontra l-prinċipju tal-effikaċja tal-għajnuna tas-sjieda tal-pajjiż; ifakkar ukoll li l-ODA għandha tintuża għall-iskop primarju tagħha li teqred il-faqar u mhux li tappoġġja l-ġestjoni u l-kontroll tal-migrazzjoni jew kwalunkwe azzjoni oħra mingħajr objettivi ta' żvilupp;

26. Jinnota li r-Regolament dwar NDICI-Global Europe jipprevedi evalwazzjonijiet ta' nofs it-terminu u finali u r-rappurtar annwali dettaljat mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-attivitajiet li għaddejjin, ir-riżultati miksuba, l-effikaċja, kif ukoll il-progress lejn il-miri u l-objettivi tematiċi ta' dan ir-Regolament; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa u timplimenta metodoloġija preċiża għall-intraċċar tan-nefqa ta' 10 % allokata għall-migrazzjoni u l-ispostament furzat biex tiżgura b'mod effettiv trasparenza u responsabbiltà xierqa fir-rigward ta' dan l-infiq, kif meħtieġ f'dan ir-Regolament;

27.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu involuti l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha fl-Ewropa u fil-pajjiżi sħab, inklużi l-parlamenti, l-NGOs, l-awtoritajiet lokali, is-settur privat, il-bliet u l-muniċipalitajiet li għandhom rwol ewlieni fl-integrazzjoni tal-migranti u r-rifuġjati fid-definizzjoni u l-evalwazzjoni ta' strateġiji ġodda u eżistenti dwar il-migrazzjoni legali;  jaċċentwa l-importanza ta' djalogu strutturat mal-organizzazzjonijiet indipendenti tas-soċjetà ċivili, l-entitajiet reliġjużi u t-trade unions, ilkoll b'rwol ewlieni fil-pajjiżi sħab, inkluż fir-riżoluzzjoni tal-kunflitti;

28. Isostni li huwa essenzjali li jinbena approċċ differenti u bbilanċjat tar-relazzjoni bejn l-Unjoni u l-pajjiżi terzi fil-qasam tal-migrazzjoni; jappella lill-Unjoni biex tistinka għal ftehimiet formali mal-pajjiżi sħab dwar il-mobilità tal-migrazzjoni, ir-ritorn u r-riammissjoni f'konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Konvenzjoni ta' Ġinevra dwar l-Istatus tar-Rifuġjati; jiddispjaċih li s-sħubijiet bejn l-Unjoni u l-pajjiżi terzi spiss intużaw għall-esternalizzazzjoni tal-ġestjoni tal-migrazzjoni u jiddeplora l-fatt li enfasi partikolari fuq it-twaqqif tal-flussi migratorji wasslet għal effetti kontroproduttivi fuq il-politiki tal-iżvilupp; Jisħaq li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha m'għandhomx jistabbilixxu arranġamenti ta' kooperazzjoni dwar il-ġestjoni tal-fruntieri ma' pajjiżi terzi li ma jiżgurawx ir-rispett tal-istandards essenzjali tad-drittijiet tal-bniedem; jissottolinja li l-governanza tal-migrazzjoni għandha tkun koerenti ma' azzjonijiet esterni oħra tal-Unjoni, filwaqt li tirrispetta d-drittijiet tal-bniedem u ma tħalli lil ħadd barra, kif stipulat fl-Aġenda 2030;

29. Jilqa' d-Djalogu Afrika-UE dwar il-Migrazzjoni u l-Mobilità li jiffoka fuq il-migrazzjoni u l-mobilità fi ħdan l-Afrika u l-Unjoni; jappella għal aktar mobilità bejn in-Nofsinhar u t-Tramuntana u bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ vokazzjonali u l-iskambji akkademiċi; ifakkar li peress li l-parti l-kbira tal-migranti jiċċaqalqu fi ħdan ir-reġjun tagħhom u l-kontinent ta' oriġini tagħhom, għandha tiġi ffaċilitata l-mobilità intrareġjonali u intrakontinentali; jitlob biex is-sħubija UE-Afrika u l-ftehim futur OSAKP-UE jappoġġjaw il-mobilità intrareġjonali u intrakontinentali tal-persuni f'konformità mal-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Protokoll tal-Unjoni Afrikana għat-Trattat li Jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Afrikana dwar il-Moviment Liberu tal-Persuni, id-Dritt ta' Residenza u d-Dritt ta' Stabbiliment; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom mas-sħab Afrikani billi l-mobilità intra-Afrikana hija essenzjali għall-iżvilupp.


 

OPINJONI TAL-MINORANZA

 

 

Bernhard Zimniok

 

Il-"Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil" huwa t-tentattiv tal-Kummissjoni biex tillegalizza l-migrazzjoni illegali u tiżgwida lill-Ewropej jemmnu li t-theddida tal-migrazzjoni illegali spiċċat. L-Istati Membri għandhom isibu soluzzjonijiet li jippermettu l-waqfien tal-migrazzjoni illegali u l-kooperazzjoni dwar il-migrazzjoni mill-ġdid ta' volumi kbar ta' migranti li huma periklu kulturali u riskju għas-sigurtà għall-popli u n-nazzjonijiet tal-Ewropa. It-tentattivi tal-elit politiku flimkien mal-Kummissjoni biex tiġi legalizzata l-migrazzjoni illegali mhux ser inaqqsu l-migrazzjoni lejn l-Ewropa, anzi din ser twassal għal aktar migrazzjoni u ser tiżdied il-migrazzjoni tal-massa; dan qiegħed isir kontra r-rieda tal-maġġoranza fi ħdan il-popli indiġeni tal-Ewropa. Il-Kummissjoni u l-elit politiku tal-Istati Membri jinjoraw id-dritt ta' awtodeterminazzjoni tal-popli tal-Ewropa. Il-linja tal-fruntiera esterna tal-UE għandha tiġi żgurata; il-persuni li jidħlu mingħajr permess għandhom jiġu detenuti u ritornati. Kwalunkwe nuqqas reali ta' ħaddiema jista' jiġi rimedjat bil-forza tax-xogħol fi ħdan l-Istati Membri. Il-politiki u l-miżuri kollha tal-UE issa għandhom jiġu diretti lejn: it-twaqqif tal-migrazzjoni u r-ritorn tal-migranti illegali kollha. L-ammont attwali ta' 10 % tal-fondi tal-UE li l-Kummissjoni talloka biex tiffaċilita b'mod predominanti l-migrazzjoni mit-tielet dinja lejn l-Ewropa issa trid tintuża biex tiġi żgurata l-migrazzjoni lura mill-Ewropa.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

27.9.2021

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

14

11

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Anna-Michelle Asimakopoulou, Hildegard Bentele, Dominique Bilde, Catherine Chabaud, Antoni Comín i Oliveres, Ryszard Czarnecki, Gianna Gancia, Charles Goerens, Pierrette Herzberger-Fofana, György Hölvényi, Rasa Juknevičienė, Beata Kempa, Pierfrancesco Majorino, Erik Marquardt, Norbert Neuser, Janina Ochojska, Jan-Christoph Oetjen, Michèle Rivasi, Christian Sagartz, Tomas Tobé, Miguel Urbán Crespo, Chrysoula Zacharopoulou, Bernhard Zimniok

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Evin Incir, Patrizia Toia

Sostituti (skont l-Artikolu 209(7)) preżenti għall-votazzjoni finali

Elisabetta Gualmini

 


 

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

14

+

NI

Antoni Comín i Oliveres

PPE

Janina Ochojska

Renew

Catherine Chabaud, Charles Goerens, Jan-Christoph Oetjen, Chrysoula Zacharopoulou

S&D

Elisabetta Gualmini, Evin Incir, Pierfrancesco Majorino, Patrizia Toia

The Left

Miguel Urbán Crespo

Verts/ALE

Pierrette Herzberger-Fofana, Erik Marquardt, Michèle Rivasi

 

11

-

ECR

Ryszard Czarnecki, Beata Kempa

ID

Dominique Bilde, Gianna Gancia, Bernhard Zimniok

PPE

Anna-Michelle Asimakopoulou, Hildegard Bentele, György Hölvényi, Rasa Juknevičienė, Christian Sagartz, Tomas Tobé

 

1

0

S&D

Norbert Neuser

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

 

 


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

27.10.2021

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

50

14

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Magdalena Adamowicz, Konstantinos Arvanitis, Malik Azmani, Pernando Barrena Arza, Pietro Bartolo, Nicolas Bay, Vladimír Bilčík, Vasile Blaga, Ioan-Rareş Bogdan, Patrick Breyer, Saskia Bricmont, Jorge Buxadé Villalba, Damien Carême, Caterina Chinnici, Marcel de Graaff, Lena Düpont, Cornelia Ernst, Laura Ferrara, Nicolaus Fest, Jean-Paul Garraud, Maria Grapini, Sylvie Guillaume, Andrzej Halicki, Evin Incir, Sophia in ‘t Veld, Patryk Jaki, Assita Kanko, Fabienne Keller, Peter Kofod, Łukasz Kohut, Moritz Körner, Alice Kuhnke, Jeroen Lenaers, Juan Fernando López Aguilar, Lukas Mandl, Nuno Melo, Roberta Metsola, Nadine Morano, Javier Moreno Sánchez, Maite Pagazaurtundúa, Nicola Procaccini, Emil Radev, Diana Riba i Giner, Ralf Seekatz, Michal Šimečka, Birgit Sippel, Sara Skyttedal, Martin Sonneborn, Tineke Strik, Annalisa Tardino, Tomas Tobé, Dragoş Tudorache, Milan Uhrík, Tom Vandendriessche, Bettina Vollath, Elissavet Vozemberg-Vrionidi, Jadwiga Wiśniewska, Elena Yoncheva, Javier Zarzalejos

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Abir Al-Sahlani, Gwendoline Delbos-Corfield, Cyrus Engerer, Tanja Fajon, Miguel Urbán Crespo, Charlie Weimers, Juan Ignacio Zoido Álvarez

 


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

50

+

PPE

Magdalena Adamowicz, Vladimír Bilčík, Vasile Blaga, Ioan-Rareş Bogdan, Lena Düpont, Andrzej Halicki, Jeroen Lenaers, Lukas Mandl, Nuno Melo, Roberta Metsola, Emil Radev, Ralf Seekatz, Sara Skyttedal, Tomas Tobé, Elissavet Vozemberg-Vrionidi, Javier Zarzalejos, Juan Ignacio Zoido Álvarez

S&D

Pietro Bartolo, Caterina Chinnici, Cyrus Engerer, Tanja Fajon, Maria Grapini, Sylvie Guillaume, Łukasz Kohut, Juan Fernando López Aguilar, Javier Moreno Sánchez, Birgit Sippel, Bettina Vollath, Elena Yoncheva

Renew

Abir Al-Sahlani, Malik Azmani, Sophia in 't Veld, Fabienne Keller, Moritz Körner, Maite Pagazaurtundúa, Michal Šimečka, Dragoş Tudorache

Verts/ALE

Patrick Breyer, Saskia Bricmont, Damien Carême, Gwendoline Delbos-Corfield, Alice Kuhnke, Diana Riba i Giner, Tineke Strik

The Left

Konstantinos Arvanitis, Pernando Barrena Arza, Cornelia Ernst, Miguel Urbán Crespo

NI

Laura Ferrara, Martin Sonneborn

 

14

-

ID

Nicolas Bay, Nicolaus Fest, Jean-Paul Garraud, Marcel de Graaff, Peter Kofod, Annalisa Tardino, Tom Vandendriessche

ECR

Jorge Buxadé Villalba, Patryk Jaki, Assita Kanko, Nicola Procaccini, Charlie Weimers, Jadwiga Wiśniewska

NI

Milan Uhrík

 

2

0

PPE

Nadine Morano

S&D

Evin Incir

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

 

 

 

Aġġornata l-aħħar: 19 ta' Novembru 2021
Avviż legali - Politika tal-privatezza