RAPPORT dwar id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet fl-2020

16.11.2021 - (2021/2019(INI))

Kumitat għall-Petizzjonijiet
Rapporteur: Gheorghe Falcă

Proċedura : 2021/2019(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A9-0323/2021
Testi mressqa :
A9-0323/2021
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet fl-2020

(2021/2019(INI))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet,

 wara li kkunsidra l-Artikoli 10 u 11 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

 wara li kkunsidra l-Artikoli 20, 24 u 227 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jirriflettu l-importanza li t-Trattat jattribwixxi lid-dritt taċ-ċittadini u r-residenti tal-UE li jiġbdu l-attenzjoni tal-Parlament għall-preokkupazzjonijiet tagħhom,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 228 tat-TFUE dwar ir-rwol u l-funzjonijiet tal-Ombudsman Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 44 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea dwar id-dritt li titressaq petizzjoni quddiem il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet tat-TFUE fir-rigward tal-proċedura ta' ksur u, b'mod partikolari, l-Artikoli 258 u 260 tiegħu,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 54 u l-Artikolu 227(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A9-0323/2021),

A. billi fl-2020 il-Parlament irċieva 1 573 petizzjoni, li jirrappreżentaw żieda ta' 15.9 % meta mqabbla mal-1 357 petizzjoni mressqa fl-2019 u żieda ta' 28.9 % meta mqabbla mal-1 220 petizzjoni mressqa fl-2018;

B. billi fl-2020, l-għadd ta' utenti li appoġġjaw petizzjoni waħda jew aktar fuq il-Portal tal-Petizzjonijiet tal-Parlament kien ta' 48 882, li jirrappreżenta żieda konsiderevoli meta mqabbel mat-28 076 utent irreġistrati fl-2019; billi l-għadd ta' klikks b'appoġġ għall-petizzjonijiet ukoll żdied fl-2020, biex laħaq total ta' 55 129;

C. billi l-għadd kbir ta' petizzjonijiet li jesprimu t-tħassib taċ-ċittadini dwar l-emerġenzi sanitarji u soċjoekonomiċi li rriżultaw mit-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19 ikkontribwixxa b'mod sinifikanti għaż-żieda fl-għadd ta' petizzjonijiet irreġistrati fl-2020 meta mqabbla mas-snin preċedenti; billi 13.23 % tal-petizzjonijiet imressqa fl-2020 kienu relatati mal-pandemija tal-COVID-19;

D. billi l-għadd kbir ta' petizzjonijiet imressqa fl-2020 juri li, fi żminijiet ta' kriżi, iċ-ċittadini jirrikorru għand ir-rappreżentanti tagħhom eletti fil-livell tal-UE billi jindirizzaw b'mod dirett it-tħassib u l-ilmenti tagħhom lilhom;

E. billi, madankollu, l-għadd totali ta' petizzjonijiet għadu baxx meta mqabbel mal-popolazzjoni totali tal-UE, u dan juri li għad iridu jsiru aktar sforzi biex jiżdied l-għarfien taċ-ċittadini dwar id-dritt li jressqu petizzjoni u jiġu mħeġġa jeżerċitawh; billi, fl-eżerċizzju tad-dritt li titressaq petizzjoni, iċ-ċittadini jistennew li l-istituzzjonijiet tal-UE jipprovdu valur miżjud billi tinstab soluzzjoni għall-problemi tagħhom;

F. billi l-kriterji għall-ammissibbiltà tal-petizzjonijiet huma stabbiliti fl-Artikolu 227 tat-TFUE u fl-Artikolu 226 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament, li jgħidu li l-petizzjonijiet iridu jitressqu minn ċittadini jew residenti tal-UE affettwati direttament minn kwistjonijiet li jaqgħu fl-oqsma tal-attività tal-UE;

G. billi, mill-1 573 petizzjoni mressqa fl-2020, 392 ġew iddikjarati inammissibbli u 51 ġew irtirati; billi l-perċentwal relattivament għoli (24.92 %) ta' petizzjonijiet inammissibbli fl-2020 juri li għad hemm nuqqas kbir ta' ċarezza dwar il-kamp ta' applikazzjoni u l-limiti tal-oqsma tal-attività tal-Unjoni;

H. billi d-dritt li titressaq petizzjoni quddiem il-Parlament Ewropew huwa wieħed mid-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE; billi d-dritt li titressaq petizzjoni jipprovdi liċ-ċittadini u r-residenti tal-UE mekkaniżmu miftuħ, demokratiku u trasparenti biex jindirizzaw lir-rappreżentanti eletti tagħhom direttament, u għalhekk huwa essenzjali biex jippermetti l-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini fl-oqsma tal-attività tal-Unjoni;

I. billi d-dritt li titressaq petizzjoni joffri lill-Parlament l-opportunità li jsaħħaħ il-kapaċità ta' rispons tiegħu għall-ilmenti u l-preokkupazzjonijiet relatati mar-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-UE u l-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE fl-Istati Membri; billi, għalhekk, il-petizzjonijiet huma sors utli ta' informazzjoni dwar istanzi ta' applikazzjoni skorretta jew ksur tad-dritt tal-Unjoni, u għaldaqstant jippermettu lill-Parlament u lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE jivvalutaw it-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u l-impatt possibbli tiegħu fuq id-drittijiet taċ-ċittadini u r-residenti tal-UE;

J. billi l-Parlament ilu fuq quddiem nett fl-iżvilupp tal-proċess tal-petizzjonijiet fuq livell internazzjonali u għad għandu l-aktar proċess tal-petizzjonijiet miftuħ u trasparenti fl-Ewropa, li jippermetti lill-petizzjonanti jipparteċipaw fl-attivitajiet tiegħu;

K. billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet jeżamina u jittratta bir-reqqa kull petizzjoni mressqa quddiem il-Parlament; billi kull petizzjonant għandu d-dritt li jirċievi tweġiba li tinfurmah bid-deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà u l-azzjonijiet ta' segwitu meħuda mill-kumitat fi żmien raġonevoli, u dan bil-lingwa tiegħu stess jew b'dik użata fil-petizzjoni; billi kwalunkwe petizzjonant jista' jitlob li l-petizzjoni tiegħu terġa' tinfetaħ abbażi ta' elementi rilevanti ġodda;

L. billi l-attivitajiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet huma bbażati fuq il-kontribut tal-petizzjonanti; billi l-informazzjoni ppreżentata mill-petizzjonanti fil-petizzjonijiet tagħhom u fil-laqgħat tal-kumitat, flimkien mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni u t-tweġibiet tal-Istati Membri u ta' korpi oħra, huma kruċjali għall-ħidma tal-kumitat; billi l-petizzjonijiet ammissibbli jipprovdu wkoll kontribut siewi għall-ħidma tal-kumitati parlamentari l-oħra, peress li jintbagħtu mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet lil kumitati oħra għal opinjoni jew għal skopijiet ta' informazzjoni;

M. billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet jagħti importanza kbira lill-eżaminazzjoni u d-diskussjoni pubblika tal-petizzjonijiet fil-laqgħat tiegħu; billi l-petizzjonanti għandhom id-dritt li jippreżentaw il-petizzjonijiet tagħhom u spiss jitkellmu waqt id-diskussjoni, u b'hekk jikkontribwixxu b'mod attiv għax-xogħol tal-kumitat; billi fl-2020, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet organizza 13-il laqgħa tal-kumitat, li fihom ġew diskussi 116-il petizzjoni fil-preżenza ta' 110 petizzjonanti, filwaqt li 78 petizzjonant ipparteċipaw b'mod attiv billi intervjenew fil-laqgħa; billi l-għadd aktar baxx ta' petizzjonijiet diskussi fil-laqgħat tal-2020 meta mqabbel mal-2019 huwa spjegat mill-ammont inqas ta' ħin disponibbli għal-laqgħat tal-kumitat, speċjalment minn April sa Lulju, minħabba l-faċilitajiet limitati ta' interpretazzjoni bħala konsegwenza tal-miżuri ta' prekawzjoni tal-Parlament fil-kuntest tal-pandemija;

N. billi s-suġġetti ta' tħassib ewlenin li tqajmu fil-petizzjonijiet imressqa fl-2020 kienu relatati mad-drittijiet fundamentali (partikolarment l-impatt tal-miżuri ta' emerġenza tal-COVID-19 fuq l-istat tad-dritt u d-demokrazija, kif ukoll fuq il-moviment liberu, id-dritt għax-xogħol, id-dritt għall-informazzjoni u d-dritt għall-edukazzjoni, kif ukoll għadd kbir ta' petizzjonijiet relatati mad-drittijiet tal-LGBTQ+ fl-Unjoni), is-saħħa (partikolarment mistoqsijiet dwar il-kriżi sanitarja li rriżultat mill-pandemija, li kienu jvarjaw mill-protezzjoni tas-saħħa taċ-ċittadini, inklużi t-trattamenti u t-tagħmir protettiv, għall-ġestjoni tal-kriżi tas-saħħa fl-Istati Membri u l-akkwist u d-distribuzzjoni tal-vaċċini), l-ambjent (primarjament l-attivitajiet minerarji u l-impatt tagħhom fuq l-ambjent, is-sikurezza nukleari, it-tniġġis tal-arja u d-deterjorament tal-ekosistemi naturali), il-ġustizzja (partikolarment kwistjonijiet relatati mal-aċċess għall-ġustizzja, allegati irregolaritajiet proċedurali jew tħassib dwar l-istat tad-dritt, flimkien ma' każijiet transfruntiera ta' ħtif ta' minorenni u drittijiet ta' kustodja), l-impjiegi (partikolarment l-aċċessibbiltà tas-suq tax-xogħol u l-prekarjat), l-edukazzjoni (partikolarment mistoqsijiet relatati mal-aċċess diskriminatorju għall-edukazzjoni), is-suq intern (partikolarment mistoqsijiet relatati mar-restrizzjonijiet nazzjonali fuq l-ivvjaġġar fil-kuntest tal-pandemija u l-impatt tagħhom fuq il-moviment liberu tal-persuni ġewwa u barra l-UE), kif ukoll l-implimentazzjoni tal-ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, minbarra ħafna oqsma oħra ta' attività;

O. billi 79.7 % (1 254) tal-petizzjonijiet mibgħuta fl-2020 tressqu permezz tal-Portal tal-Petizzjonijiet tal-Parlament, meta mqabbla ma' 73.9 % (1 003 petizzjonijiet) fl-2019, u b'hekk ġie kkonfermat li l-Portal tal-Petizzjonijiet sar bil-bosta l-aktar mezz użat biex jitressqu l-petizzjonijiet taċ-ċittadini lill-Parlament;

P. billi fl-2020, il-Portal tal-Petizzjonijiet kompla jiġi żviluppat f'portal aktar faċli biex jintuża, sigur u aċċessibbli għaċ-ċittadini; billi l-mistoqsijiet frekwenti (FAQs) ġew aġġornati u sar xi titjib fir-rigward tal-protezzjoni tad-data sabiex jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u ġie introdott mekkaniżmu ġdid għall-irkupru tal-password; billi l-interkonnessjoni bejn il-Portal tal-Petizzjonijiet, ePeti u PETIGREF ġiet żviluppata ulterjorment u sar xogħol biex tiġi żgurata l-integrazzjoni ta' żviluppi esterni u ta' Hermes; billi għadd kbir ta' talbiet individwali għall-appoġġ ġew indirizzati b'suċċess;

Q. billi fl-2020, bosta petizzjonijiet dwar il-COVID-19 tqiegħdu fuq l-aġenda taħt il-proċedura ta' urġenza;

R. billi fl-2020, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet għamel biss żjara waħda ta' ġbir ta' informazzjoni; billi ma setgħet issir l-ebda żjara oħra ta' ġbir ta' informazzjoni minħabba s-sitwazzjoni kkawżata mill-pandemija u d-deċiżjoni meħuda mill-President tal-Parlament li jħassar l-avvenimenti parlamentari, inklużi d-delegazzjonijiet, bħala waħda mill-miżuri ta' prekawzjoni neċessarji adottati sabiex jitnaqqas it-tixrid tal-COVID-19 u jiġu mminimizzati r-riskji għas-saħħa tal-Membri u l-persunal tal-Parlament;

S. billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet, bħala kumitat assoċjat, flimkien mal-kumitati responsabbli għas-suġġett (il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (LIBE) u l-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (CULT)) organizzaw seduta ta' smigħ pubblika dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (IĊE) bit-titolu "Minority Safepack – one million signatures for diversity in Europe" fil-15 ta' Ottubru 2020; billi minħabba l-pandemija, is-seduta saret f'format ibridu u l-organizzaturi tal-IĊE setgħu jieħdu sehem fil-laqgħa mill-bogħod, filwaqt li l-pubbliku seta' jsegwi l-laqgħa permezz tal-internet;

T. billi l-Kummissjoni, bħala l-gwardjan tat-Trattati, għandha rwol essenzjali fix-xogħol tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet u l-informazzjoni pprovduta mill-petizzjonanti hija utli biex tiskopri ksur jew applikazzjoni ħażina tad-dritt Ewropew;

U. billi l-istrateġija tal-Kummissjoni fit-trattament tal-petizzjonijiet hija bbażata fuq il-Komunikazzjoni tagħha tal-2016 bit-titlu "Id-dritt tal-UE: Riżultati aħjar permezz ta' applikazzjoni aħjar" (C(2016)8600);

V. billi r-rapporti annwali tal-Kummissjoni dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dritt tal-UE jirreferu għal petizzjonijiet b'mod ġenerali ħafna, u jikxfu n-nuqqas ta' sistema xierqa għall-ġbir ta' informazzjoni dwar il-petizzjonijiet u dwar kif dawn jorbtu ma' proċeduri ta' ksur jew ma' atti tal-UE;

W. billi skont ir-Regoli ta' Proċedura, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet huwa responsabbli għar-relazzjonijiet mal-Ombudsman Ewropew, li jinvestiga l-ilmenti dwar amministrazzjoni ħażina fi ħdan l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE; billi l-Ombudsman Ewropew attwali, Emily O'Reilly, ippreżentat ir-Rapport Annwali tagħha għall-2019 lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet fil-laqgħa tiegħu tat-3 ta' Settembru 2020;

X. billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet huwa membru tan-Network Ewropew tal-Ombudsmen, li jinkludi wkoll l-Ombudsman Ewropew, l-ombudsmen nazzjonali u reġjonali u korpi simili fl-Istati Membri, il-pajjiżi kandidati u pajjiżi oħra taż-Żona Ekonomika Ewropea, u li għandu l-għan li jippromwovi l-iskambju ta' informazzjoni dwar id-dritt u l-politika tal-Unjoni, u li jikkondividi l-aħjar prattiki;

1. Jenfasizza r-rwol fundamentali tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet fil-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini u r-residenti tal-UE billi jiżgura li t-tħassib u l-ilmenti tal-petizzjonanti jiġu eżaminati f'waqthom u b'mod effettiv u, meta possibbli, jiġu riżolti permezz ta' proċess ta' petizzjonijiet miftuħ, demokratiku, rapidu u trasparenti; jenfasizza l-importanza ċentrali tal-petizzjonijiet għall-promozzjoni tal-prinċipji tad-demokrazija diretta u biex titjieb il-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini fl-Unjoni Ewropea;

2. Jenfasizza li l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-proċess deċiżjonali tal-Unjoni hija essenzjali biex ikollna Unjoni aktar demokratika, miftuħa u trasparenti; jissottolinja li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet għandu rwol fundamentali fl-involviment taċ-ċittadini Ewropej fl-attivitajiet tal-Unjoni u jirrappreżenta forum ta' diskussjoni fejn iċ-ċittadini jistgħu jsemmgħu leħinhom fl-istituzzjonijiet tal-UE; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jtejbu r-rispons tagħhom għall-problemi taċ-ċittadini fit-tfassil tal-politiki billi jqisu l-opinjonijiet u l-ilmenti espressi fil-petizzjonijiet;

3. Itenni l-importanza ta' dibattitu pubbliku kontinwu dwar l-oqsma tal-attività tal-Unjoni sabiex jiġi żgurat li ċ-ċittadini jiġu infurmati korrettament dwar il-kamp ta' applikazzjoni tal-kompetenzi tal-Unjoni u l-livelli differenti ta' teħid ta' deċiżjonijiet; jitlob, f'dan ir-rigward, li jsiru kampanji ta' sensibilizzazzjoni effettivi; jenfasizza li l-involviment attiv tas-servizzi tal-istampa u tal-komunikazzjoni, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f'dak nazzjonali, u midja soċjali aktar attiva jsaħħu l-viżibilità u l-kapaċità ta' rispons tax-xogħol tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet għat-tħassib tal-pubbliku;

4. Jemmen li dan l-isforz ikun ta' għajnuna biex tiġi evitata d-diżinformazzjoni dwar ix-xogħol tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet bi qbil mal-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni promossa mill-Kummissjoni u jgħin biex jiżdied l-għarfien taċ-ċittadini dwar id-dritt li jressqu petizzjoni kif ukoll dwar il-kamp ta' applikazzjoni u l-limiti tar-responsabbiltajiet tal-Unjoni u l-kompetenzi tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, bil-għan li jonqos l-għadd ta' petizzjonijiet inammissibbli; jemmen li hu importanti wkoll li jiġu enfasizzati l-każijiet ta' suċċess fejn kwistjoni mqajma minn petizzjonant tkun ġiet solvuta bl-appoġġ tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza tal-politika ta' komunikazzjoni multilingwi tal-UE sabiex titjieb ir-relazzjoni maċ-ċittadini mill-Istati Membri kollha;

5. Jenfasizza li l-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa għandha tintuża bħala opportunità biex jiġi spjegat liċ-ċittadini tal-UE r-rwol tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, b'tali mod li titqajjem kuxjenza dwar id-dritt li titressaq petizzjoni u jiġu mħeġġa jipparteċipaw b'mod attiv u jsemmgħu t-tħassib u l-ideat tagħhom mar-rappreżentanti eletti tagħhom;

6. Jirrimarka li l-petizzjonijiet jikkostitwixxu l-bieb lejn l-istituzzjonijiet Ewropej għaċ-ċittadini u opportunità unika għall-Parlament u l-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE biex jinteraġixxu direttament maċ-ċittadini u r-residenti tal-UE, jifhmu l-problemi tagħhom u jżommu djalogu regolari magħhom, partikolarment f'każijiet fejn ikunu affettwati mill-applikazzjoni skorretta tad-dritt tal-UE; jisħaq fuq il-bżonn ta' kooperazzjoni msaħħa bejn il-Kumitat għall-Petizzjonijiet u l-kumitati ewlenin, l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni u l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali dwar l-inkjesti u l-proposti li jirrigwardaw l-implimentazzjoni tad-dritt tal-UE u l-konformità miegħu, inklużi t-tweġibiet neċessarji lill-Kumitat; jemmen li tali kooperazzjoni hija kruċjali biex jiġu indirizzati u solvuti l-preokkupazzjonijiet taċ-ċittadini dwar l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-leġittimità demokratika u r-responsabbiltà tal-Unjoni; jitlob, għalhekk, parteċipazzjoni aktar attiva min-naħa tar-rappreżentanti tal-Istati Membri fil-laqgħat tal-kumitat u tweġibiet aktar rapidi għat-talbiet għal kjarifika jew informazzjoni mibgħuta mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet lill-awtoritajiet nazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni tieħu passi biex tiżgura li l-interpretazzjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 51 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tkun koerenti u wiesgħa kemm jista' jkun;

7. Jistieden lill-Kummissjoni tieħu rwol aktar attiv fil-Kumitat għall-Petizzjonijiet biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini tal-Unjoni jingħataw risposta dettaljata u li tinftiehem;

8. Jenfasizza l-bżonn li jiġu rispettati l-approċċ u l-perspettiva espressi mill-Kummissjoni fit-tweġibiet tagħha lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet u li jiġi rispettat ir-rwol tagħha bħala gwardjan tat-Trattati;

9. Ifakkar li l-petizzjonijiet jikkontribwixxu b'mod konsiderevoli għar-rwol tal-Kummissjoni bħala gwardjan tat-Trattati; jenfasizza li kooperazzjoni msaħħa bejn il-Kumitat għall-Petizzjonijiet u l-Kummissjoni hija essenzjali biex il-petizzjonijiet jiġu ttrattati b'suċċess; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tevita li tagħti risposti ġenerali u tipprovdi tweġibiet f'waqthom, preċiżi, ċari u mmirati biex twieġeb b'mod effiċjenti għat-talbiet konkreti tal-petizzjonanti; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura t-trasparenza u l-aċċess għad-dokumenti u l-informazzjoni fil-qafas tal-proċeduri tal-EU Pilot fir-rigward tal-petizzjonijiet imressqa, kif ukoll tal-proċeduri tal-EU Pilot u tal-proċeduri ta' ksur li diġà ġew konklużi, u tqis kwalunkwe kwistjoni relatata mal-ksur tad-dritt tal-UE li titqajjem permezz ta' petizzjonijiet bħala kwistjoni ta' prijorità meta tkun qed tikkunsidra jekk tibdiex proċedura ta' ksur, speċjalment meta l-kwistjoni tkun relatata mal-leġiżlazzjoni ambjentali;

10. Jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi kjarifika dwar il-kompetenza tagħha fir-rigward tal-petizzjonijiet inklużi dawk li jqajmu kwistjonijiet li jaqgħu f'qasam ta' attività tal-UE iżda mhux f'politika fejn l-UE għandha kompetenza leġiżlattiva;

11. Jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali jkunu proattivi meta jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jirrispondu għat-tħassib taċ-ċittadini kif espress fil-petizzjonijiet tagħhom fejn iseħħu każijiet ta' nuqqas sistemiku f'konformità mad-dritt tal-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni ssegwi regolarment il-progress li jkun sar fir-rigward tal-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE fil-każijiet eżaminati;

12. Jenfasizza li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet irid jirrispetta l-kriterji ta' ammissibilità stabbiliti fl-Artikoli 226 u 227 tat-TFUE u fir-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew;

13. Ifakkar li l-kooperazzjoni mal-kumitati l-oħra fil-Parlament hija essenzjali biex il-petizzjonijiet jiġu ttrattati b'mod preċiż u komprensiv; jinnota li fl-2020 il-kumitati l-oħra ntbagħtulhom 56 petizzjoni għal opinjoni u 385 għal skopijiet ta' informazzjoni; jilqa' l-fatt li l-kumitati l-oħra bagħtu 40 opinjoni u 60 konferma li l-petizzjonijiet ittieħdu inkunsiderazzjoni fil-ħidma tagħhom; jinnota li s-seduti ta' smigħ pubbliċi organizzati b'mod konġunt ma' kumitati parlamentari oħra jiffaċilitaw eżami bir-reqqa tal-petizzjonijiet; ifakkar li l-petizzjonanti jiġu infurmati meta tittieħed deċiżjoni li tintalab l-opinjoni ta' kumitati oħrajn biex jiġu indirizzati l-petizzjonijiet tagħhom; jistieden lill-kumitati parlamentari jżidu l-isforzi tagħhom biex jikkontribwixxu b'mod attiv għall-eżaminazzjoni tal-petizzjonijiet – billi jagħtu prova tal-għarfien espert tagħhom – u b'hekk jippermettu lill-Parlament iwieġeb aktar malajr u b'mod aktar komprensiv għat-tħassib taċ-ċittadini; jiddispjaċih li fl-2020 in-network tal-petizzjonijiet ma setax jiltaqa' minħabba s-sitwazzjoni kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19;

14. Jemmen li n-network tal-petizzjonijiet huwa għodda utli biex titqajjem kuxjenza dwar il-kwistjonijiet imqajma fil-petizzjonijiet u biex jiġi ffaċilitat it-trattament tal-petizzjonijiet li jintbagħtu lil kumitati oħra għal opinjoni jew għal skopijiet ta' informazzjoni; jinnota li hemm bżonn li jiġi ffaċilitat is-segwitu tal-petizzjonijiet fil-ħidma parlamentari u leġiżlattiva; huwa tal-fehma li dan in-network għandu jsaħħaħ id-djalogu u l-kollaborazzjoni mal-Kummissjoni u l-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE; jinsab fiduċjuż li laqgħat regolari tan-network tal-petizzjonijiet huma kruċjali għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn il-kumitati parlamentari permezz tal-iskambju tal-informazzjoni u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattika fost il-membri tan-network; jistieden lill-Parlament iħejji mekkaniżmu li jippermetti lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet ikun involut direttament fil-proċess leġiżlattiv;

15. Jiġbed l-attenzjoni għar-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2020 dwar ir-riżultat tad-deliberazzjonijiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet matul is-sena 2019[1];

16. Jissottolinja li minkejja l-ammont inqas ta' ħin disponibbli għal-laqgħat tal-kumitat fl-2020 minħabba l-miżuri ta' prekawzjoni tal-Parlament biex jiġi evitat it-tixrid tal-COVID-19 fil-bini tiegħu u t-tnaqqis fil-faċilitajiet ta' interpretazzjoni b'konsegwenza ta' dan, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet esprima l-opinjoni tiegħu dwar kwistjonijiet importanti mqajma fil-petizzjonijiet billi kkontribwixxa għal għadd sinifikanti ta' rapporti parlamentari, partikolarment dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika[2], dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dritt tal-UE fl-2017 u fl-2018[3], dwar ir-rakkomandazzjonijiet dwar in-negozjati għal sħubija ġdida mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq[4], dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea – rapport annwali għas-snin 2018-2019[5], dwar it-tnaqqis tal-inugwaljanzi, b'enfasi partikolari fuq il-faqar fost dawk li jaħdmu[6], dwar it-Turkija – rapport annwali dwar il-progress tal-2019[7], u dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol fid-dawl tal-UNCRPD[8]; jesprimi l-apprezzament tiegħu għax-xogħol tas-Segretarjat tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet b'mod ġenerali u, b'mod partikolari, matul il-pandemija, peress li l-kundizzjonijiet tax-xogħol saru aktar kumplessi; jenfasizza l-bżonn li ssir riflessjoni dwar l-isfidi ffaċċjati matul il-pandemija u li tingħata ħarsa lejn modi kif tista' tittejjeb il-ħidma tal-kumitat, speċjalment fi żminijiet ta' kriżi;

17. Ifakkar li fir-rakkomandazzjonijiet tiegħu għan-negozjati dwar ftehim ġdid mar-Renju Unit, il-membri tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet enfasizzaw li kwalunkwe ċittadin tal-UE li jirrisjedi fir-Renju Unit għandu d-dritt li jressaq petizzjoni quddiem il-Parlament Ewropew skont l-Artikolu 227 tat-TFUE, li jipparteċipa f'Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej u li jindirizza lill-Ombudsman Ewropew wara t-tmiem tal-perjodu ta' tranżizzjoni previst (il-31 ta' Diċembru 2020), filwaqt li stiednu lill-Ombudsman Ewropew tkompli l-ħidma tagħha, mibdija matul in-negozjati dwar il-ftehim tal-ħruġ, sabiex tiżgura t-trasparenza tan-negozjati fil-qafas tas-sħubija futura bejn l-Unjoni u r-Renju Unit;

18. Jiġbed l-attenzjoni għall-għadd kbir ta' petizzjonijiet dwar il-COVID-19 li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet eżamina u wieġeb fl-2020, l-aktar permezz tal-proċedura ta' urġenza tiegħu; jenfasizza li l-biċċa l-kbira ta' dawn il-petizzjonijiet talbu li d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali taċ-ċittadini jiġu mħarsa mill-miżuri ta' emerġenza, inklużi l-lockdowns, kif ukoll li jkun hemm trasparenza fl-iżvilupp, ix-xiri u d-distribuzzjoni tal-vaċċini kontra l-COVID-19; jissottolinja li dawn il-petizzjonijiet kien fihom ukoll mistoqsijiet dwar it-trattamenti u t-tagħmir protettiv, kif ukoll valutazzjoni tal-ġestjoni tal-kriżi tas-saħħa fl-Istati Membri; ifakkar, barra minn hekk, li ħafna petizzjonanti qajmu tħassib dwar l-impatt tal-miżuri ta' emerġenza nazzjonali, inklużi l-lockdowns, id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, esprimew dubji dwar ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u fuq ix-xogħol, kif ukoll in-nuqqas inizjali ta' koordinazzjoni fost l-Istati Membri dwar il-kontrolli fil-fruntieri interni li kienu qed ixekklu l-moviment liberu fiż-żona Schengen u kienu problema partikolari għal għadd kbir ta' ħaddiema, studenti u koppji b'żewġ nazzjonalitajiet transfruntieri, kif ukoll il-ġestjoni tat-titjiriet u l-vjaġġi kkanċellati matul il-pandemija u l-politiki tal-linji tal-ajru involuti f'dak li għandu x'jaqsam mar-rimborż; ifakkar li l-miżuri restrittivi kollha jridu jkunu neċessarji, proporzjonati u temporanji; jenfasizza li l-iżgurar tal-applikazzjoni effettiva, ugwali u uniformi tad-dritt tal-UE huwa kruċjali biex jiġi rispettat l-istat tad-dritt, li huwa wieħed mill-valuri li fuqhom huma msejsa l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, skont l-Artikolu 2 tat-TUE, anke waqt kriżi bħall-pandemija tal-COVID-19; huwa tal-fehma li, partikolarment fi żminijiet ta' kriżi kbira, it-trattament rapidu u effettiv tal-petizzjonijiet huwa prerekwiżit biex tintrebaħ il-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet tal-UE;

19. Jenfasizza d-deċiżjoni meħuda fl-ewwel xhur tal-pandemija li tingħata prijorità lill-petizzjonijiet relatati mal-COVID-19 fil-Kumitat għall-Petizzjonijiet sabiex jiġu indirizzati b'mod xieraq it-talbiet urġenti espressi miċ-ċittadini fl-ewwel xhur tal-2020;

20. Jinsab imħasseb ħafna dwar id-danni sanitarji u soċjoekonomiċi kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19; jilqa' l-ħidma eċċellenti mwettqa mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet li, billi ta vuċi lit-tħassib taċ-ċittadini dwar il-kriżijiet sanitarji u soċjoekonomiċi relatati mal-pandemija tal-COVID-19, ikkontribwixxa biex jiġi żgurat li l-Parlament jirreaġixxi għall-ħtiġijiet u l-aspettattivi taċ-ċittadini, speċjalment dawk li ntlaqtu partikolarment mill-kriżi tas-saħħa, fir-rigward tal-kapaċità tal-Unjoni li tindirizza sfida globali bħal din; jiġbed l-attenzjoni, f'dan ir-rigward, għall-azzjonijiet ta' segwitu importanti meħuda mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet b'risposta għall-kwistjonijiet imqajma f'petizzjonijiet relatati mal-COVID-19, li wasslu għall-adozzjoni fil-plenarja tar-riżoluzzjonijiet dwar is-sistema Schengen u l-miżuri meħuda matul il-kriżi tal-COVID-19[9], dwar id-drittijiet tal-persuni b'diżabilità intellettwali u l-familji tagħhom fil-kriżi tal-COVID-19[10] u dwar l-indirizzar tar-rati ta' persuni mingħajr dar fl-Unjoni Ewropea[11];

21. Jisħaq fuq il-kontribut importanti mogħti mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet għall-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal, kif juri t-trattament ta' għadd ta' petizzjonijiet dwar il-ħtif ta' minuri mill-ġenituri fil-Ġappun; jiġbed l-attenzjoni, f'dan ir-rigward, għar-riżoluzzjoni dwar il-ħtif internazzjonali u nazzjonali ta' tfal tal-Unjoni minn ġenitur fil-Ġappun, li l-mozzjoni għaliha ġiet adottata mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet fis-16 ta' Ġunju 2020 u adottata fil-plenarja fit-8 ta' Lulju 2020[12];

22. Jiġbed l-attenzjoni għas-seduta tad-29 ta' Ottubru 2020 bit-tema "Union citizenship: Empowerment, Inclusion, Participation", organizzata mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet flimkien mal-Kumitat għall-Affarijiet Legali, il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u l-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern; iqis li b'dan l-avveniment il-Parlament ikkontribwixxa b'mod sinifikanti għar-rapport tal-Kummissjoni tal-2020 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE u għax-xogħol li għaddej mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet dwar l-involviment taċ-ċittadini;

23. Jinnota li, flimkien mad-drittijiet fundamentali, is-saħħa kienet il-qasam prinċipali li qajjem tħassib għall-petizzjonanti fl-2020, filwaqt li jirrikonoxxi li t-tħassib relatat mas-saħħa fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 kien fiċ-ċentru tax-xogħol tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet; jiġbed l-attenzjoni għar-riżoluzzjoni dwar finanzjament addizzjonali għar-riċerka bijomedika dwar l-enċefalomijelite mijalġika, li l-mozzjoni għaliha ġiet adottata mill-Kumitat fit-30 ta' April 2020 u adottata fil-plenarja fit-18 ta' Ġunju 2020[13]; ifakkar li r-riżoluzzjoni tal-Parlament intlaqgħet tajjeb ħafna mill-komunitajiet xjentifiċi u tal-pazjenti billi tagħmel appell għal rikonoxximent aħjar ta' dan it-tip ta' mard fil-livell tal-Istati Membri bl-organizzazzjoni ta' korsijiet ta' taħriġ imfassla apposta għall-awtoritajiet pubbliċi, il-fornituri tal-kura tas-saħħa u l-uffiċjali pubbliċi b'mod ġenerali; itenni, f'dan ir-rigward, l-appell tiegħu favur sforzi ta' riċerka koordinati u mtejba kif ukoll finanzjament addizzjonali, inkluż fil-qafas tal-programm Orizzont Ewropa, biex jiġi appoġġjat il-progress fir-riċerka u b'hekk jiġu indirizzati l-konsegwenzi umani u soċjoekonomiċi tal-għadd dejjem akbar ta' individwi li jgħixu u jaħdmu b'kundizzjonijiet ta' diżabilità u kroniċi fit-tul;

24. Jinnota li fl-2020 il-kwistjonijiet ambjentali baqgħu qasam ta' tħassib serju għall-petizzjonanti; jesprimi dispjaċir għall-fatt li r-regoli ambjentali mhux dejjem jiġu implimentati b'mod korrett fl-Istati Membri, kif deskritt f'bosta petizzjonijiet li jressqu lmenti dwar it-tniġġis tal-arja, id-deterjorament tal-ekosistemi naturali, is-sikurezza nukleari u l-impatt tal-attivitajiet tal-estrazzjoni minerarja fuq l-ambjent; jisħaq fuq l-importanza li jintlaħqu l-aspettattivi taċ-ċittadini tal-UE dwar il-ħarsien tal-ambjent; iħeġġeġ, għalhekk, lill-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, jiżguraw l-implimentazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni tal-UE f'dan il-qasam;

25. Jilqa' r-rwol ta' protezzjoni speċifiku li jiżvolġi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet fi ħdan l-UE fil-qafas tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità; jiġbed l-attenzjoni għall-ħidma kontinwa importanti tal-kumitat b'rabta ma' petizzjonijiet li jikkonċernaw kwistjonijiet relatati mad-diżabilità; jinnota li l-għadd ta' petizzjonijiet dwar id-diżabilità kważi rdoppja fl-2020 meta mqabbel mas-sena preċedenti; jisħaq li d-diskriminazzjoni u l-aċċess għall-edukazzjoni u l-impjieg għadhom fost l-isfidi prinċipali li jħabbtu wiċċhom magħhom il-persuni b'diżabilità, u jemmen li hemm bżonn aktar sforzi mill-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri biex tiġi żgurata aċċessibbiltà sħiħa għal servizzi bażiċi; jappella għall-implimentazzjoni ta' proposti konkreti biex titrawwem l-inklużività u jiġu ffaċilitati r-rikonoxximent u l-portabbiltà tal-ħiliet fl-UE;

26. Ifakkar li fl-2020, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet ta attenzjoni speċifika lid-diskussjoni tal-petizzjonijiet dwar id-diffikultajiet li jiffaċċjaw il-persuni b'diżabilità intellettwali u l-familji tagħhom matul il-pandemija tal-COVID-19, speċjalment fir-rigward tal-aċċess għas-servizzi tas-saħħa, l-assistenza personali u l-kuntatt mal-familji u mal-persuni li jindukraw; jiġbed l-attenzjoni, f'dan ir-rigward, għar-riżoluzzjoni mressqa mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet dwar id-drittijiet tal-persuni b'diżabilità intellettwali u l-familji tagħhom fil-kriżi tal-COVID-19, adottata fil-plenarja tat-8 ta' Lulju 2020; jilqa' l-eżitu tal-workshop annwali tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuni b'diżabilità – l-istrateġija l-ġdida dwar id-diżabilità – li sar fil-laqgħa tal-kumitat tat-28 ta' Ottubru 2020;

27. Ifakkar li r-relazzjonijiet mal-Ombudsman Ewropew huma fost ir-responsabbiltajiet li r-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament jagħtu lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet; jilqa' l-kooperazzjoni kostruttiva tal-Parlament mal-Ombudsman Ewropew, kif ukoll l-involviment tiegħu fin-Network Ewropew tal-Ombudsmen; jirrikonoxxi l-kontributi regolari tal-Ombudsman Ewropew għall-ħidma tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet matul is-sena; jemmen b'konvinzjoni li l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni jeħtiġilhom jiżguraw li jingħata segwitu konsistenti u effikaċi għar-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman;

28. Iqis li huwa essenzjali li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jiġu involuti direttament fit-tnedija ta' proposti leġiżlattivi; jenfasizza li l-IĊE hija strument importanti ta' ċittadinanza attiva kif ukoll għodda ta' demokrazija parteċipattiva Ewropea pubblika unika għall-Kumitat għall-Petizzjonijiet u, għaldaqstant, trid tiġi trattata b'approċċ miftuħ u reattiv; jissottolinja li s-seduta ta' smigħ pubbliku hija opportunità ewlenija għall-organizzaturi biex jippreżentaw pubblikament l-inizjattiva tagħhom lill-istituzzjonijiet u l-esperti tal-UE u b'hekk il-Kummissjoni u l-Parlament ikunu jistgħu jifhmu fil-fond l-eżiti mixtieqa tal-IĊE; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li tagħti bidu għal proposta leġiżlattiva abbażi tal-kontenut ta' kwalunkwe IĊE li tirnexxi;

29. Jenfasizza li t-trasparenza u l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-UE huma essenzjali sabiex jiġu żgurati l-ogħla livelli ta' ħarsien tad-drittijiet demokratiċi taċ-ċittadini u l-fiduċja tagħhom fl-istituzzjonijiet tal-UE; jirrimarka li r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni m'għadux jirrifletti s-sitwazzjoni attwali; jiddispjaċih ħafna li r-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 ilha wieqfa għal snin sħaħ mingħajr progress; jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta għar-riformulazzjoni tar-regolament tal-2001 bil-għan li jitjiebu t-trasparenza u r-responsabbiltà bil-promozzjoni ta' prattika amministrattiva tajba, f'konformità mal-obbligi tat-Trattat ta' Lisbona;

30. Jissottolinja li l-Portal tal-Petizzjonijiet huwa għodda essenzjali biex jiġi żgurat proċess tal-petizzjonijiet mingħajr intoppi, effiċjenti u trasparenti; jilqa', f'dan ir-rigward, it-titjib fil-protezzjoni tad-data u f'elementi ta' sigurtà li għamlu l-portal aktar faċli biex jintuża u sigur għaċ-ċittadini; jenfasizza li jridu jibqgħu jsiru sforzi biex il-portal jiġi ppubbliċizzat permezz tal-midja soċjali u jsir aktar navigabbli u aċċessibbli għaċ-ċittadini kollha, speċjalment għall-persuni b'diżabilità, inkluż billi jkunu jistgħu jitressqu petizzjonijiet bil-lingwi tas-sinjali nazzjonali; jitlob li fuq il-Portal tal-Petizzjonijiet tiġi ppubblikata aktar informazzjoni, inkluż il-progress tal-petizzjonijiet u t-talbiet għal informazzjoni lil istituzzjonijiet oħra; jappella biex issir valutazzjoni ta' kif jista' jiġi evitat l-użu ta' identitajiet misruqa jew foloz u jisħaq fuq l-urġenza li s-sistema kompjuterizzata tar-reġistrazzjoni u l-firem tinbidel jew tiġi aġġornata sabiex tkun verament flessibbli u tippermetti l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini skont il-ħtiġijiet tagħhom, f'ħin reali; jappoġġja l-ħolqien ta' portal diġitali uniku li permezz tiegħu ċ-ċittadini jkunu jistgħu jiksbu aċċess għall-proċeduri kollha marbuta mal-petizzjonijiet u jsibu informazzjoni dwarhom;

31. Jinnota li filwaqt li hemm żieda ċara fl-għadd ta' persuni li jappoġġjaw petizzjoni waħda jew aktar, ħafna petizzjonanti għadhom jirrimarkaw li l-passi li wieħed irid isegwi biex jagħti l-appoġġ tiegħu għal petizzjoni fuq il-Portal tal-Petizzjonijiet tal-Parlament huma kkumplikati; huwa tal-fehma li jekk il-proċess jiġi ssimplifikat, iċ-ċittadini jkunu jistgħu jagħmlu użu aħjar mid-dritt li jressqu petizzjoni;

32. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Ombudsman Ewropew, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-kumitati għall-petizzjonijiet tal-Istati Membri u lill-ombudsmen jew l-entitajiet simili kompetenti nazzjonali tagħhom.


 

 

NOTA SPJEGATTIVA

Skont l-Artikolu 227(7) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet għandu jirrapporta kull sena dwar ir-riżultat tad-deliberazzjonijiet tiegħu. Ir-rapport għandu l-għan li jagħti stampa ġenerali komprensiva tal-ħidma mwettqa mill-kumitat fl-2020, u jinkludi analiżi statistika tal-petizzjonijiet riċevuti u pproċessati kif ukoll rendikont ta' attivitajiet parlamentari oħra bħall-adozzjoni ta' rapporti u opinjonijiet, l-organizzazzjoni tas-seduti ta' smigħ u r-relazzjonijiet tal-kumitat mal-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE. Ta' min ifakkar li l-ħidma ewlenija tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet tirriżulta mid-dritt li titressaq petizzjoni quddiem il-Parlament Ewropew, li jiġi eżerċitat miċ-ċittadini u r-residenti tal-UE skont l-Artikolu 227 tat-TFUE, u mhijiex marbuta direttament mal-programm ta' ħidma tal-Kummissjoni.

 

Fl-2020, it-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19 u l-miżuri ta' emerġenza adottati madwar l-Unjoni Ewropea b'reazzjoni għal kriżi tas-saħħa pubblika mingħajr preċedent u l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tagħha ħolqu sfidi sinifikanti għad-demokrazija parlamentari.

 

Mill-bidu nett tal-pandemija, il-Parlament Ewropew ħa sensiela ta' miżuri mingħajr preċedent bl-għan li jiġu żgurati l-funzjonijiet ewlenin tal-Parlament, filwaqt li jiġu evitati r-riskji għas-saħħa għall-Membri u l-persunal tiegħu. Għal dan il-għan, minn Marzu 2020, il-President ħareġ diversi deċiżjonijiet li rrikjedew, fost l-oħrajn, il-kanċellazzjoni ta' avvenimenti u żjarat fil-bini tal-Parlament fit-tliet postijiet tax-xogħol kollha, inklużi delegazzjonijiet u seduti ta' kumitati, filwaqt li tiġi ppreservata l-kapaċità operazzjonali tal-korpi governattivi tal-Parlament, tal-plenarja, u tal-laqgħat ordinarji u straordinarji tal-kumitati. L-attivitajiet ewlenin tnaqqsu, iżda nżammu biex jiġi żgurat li l-funzjonijiet leġiżlattivi, baġitarji u ta' skrutinju tal-istituzzjoni jkunu jistgħu jitwettqu.

 

Sabiex il-Membri jkunu jistgħu jipparteċipaw f'attivitajiet parlamentari mill-pajjiżi ta' oriġini tagħhom, is-servizzi tal-Parlament għamlu sforzi kbar ħafna biex jiżviluppaw sistemi diġitali ta' laqgħat u votazzjoni mill-bogħod, adattati b'mod speċifiku għall-ambjent miftuħ, dinamiku u multilingwi tal-Parlament. Dawn il-proċeduri remoti ntużaw għall-ewwel darba matul is-sessjoni plenarja straordinarja fis-26 ta' Marzu 2020 - meta l-Parlament approva miżuri kruċjali ta' appoġġ tal-UE biex tiġi indirizzata l-pandemija - u ilhom jintużaw minn dak iż-żmien filwaqt li ġew gradwalment aġġornati u mtejba.

 

F'dawn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet mhux biss adatta malajr għal dan il-mod ġdid ta' ħidma iżda kellu wkoll rwol ewlieni fl-iżgurar tar-rispons fil-pront tal-Parlament għat-tħassib dejjem jiżdied taċ-ċittadini dwar il-pandemija u l-konsegwenzi ekonomiċi, soċjali u demokratiċi severi tagħha.

 

L-ewwel nett, fit-2 ta' April 2020, il-Koordinaturi tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet iddeċidew li jadattaw il-proċedura ordinarja tal-kumitat għat-trattament tal-petizzjonijiet sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jibqgħu jissottomettu petizzjonijiet u jirċievu d-deċiżjonijiet tal-kumitat dwar l-ammissibbiltà u l-azzjonijiet ta' segwitu bir-ritmu tas-soltu. Għal dan il-għan, il-Koordinaturi ddeċidew li jżidu l-użu ta' proċeduri bil-miktub biex jittrattaw u jivvutaw dwar ir-rakkomandazzjonijiet ikkontestati kif ukoll iħabbru r-riżultati tagħhom. It-tieni nett, il-Koordinaturi ddeċidew li jittrattaw il-petizzjonijiet dwar il-COVID-19 permezz tal-proċedura ta' urġenza u li jiddiskutuhom bħala kwistjoni ta' prijorità.

 

Għal dan il-għan, wara r-reviżjoni tal-kalendarju ta' ħidma tal-Parlament, fit-30 ta' April 2020, il-kumitat organizza laqgħa straordinarja biex jiddiskuti t-tħassib taċ-ċittadini dwar it-tifqigħa tal-COVID-19 li tqajjem f'għadd kbir ta' petizzjonijiet imressqa lill-Parlament. F'din il-laqgħa, il-kumitat organizza wkoll l-ewwel vot tiegħu mill-bogħod għall-adozzjoni tal-Abbozz ta' Opinjoni dwar ir-Rakkomandazzjonijiet dwar in-negozjati għal sħubija ġdida mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq u l-Abbozz ta' Mozzjoni għal Riżoluzzjoni dwar finanzjament addizzjonali għar-riċerka bijomedika dwar l-enċefalomijelite mijalġika.

 

Barra minn hekk, il-laqgħat kollha tal-kumitat mit-30 ta' April sat-2 ta' Lulju 2020 kienu ddedikati bis-sħiħ għall-kunsiderazzjoni ta' petizzjonijiet li jqajmu kwistjonijiet dwar il-ġestjoni tal-kriżi tas-saħħa tal-COVID-19 u dwar l-impatt tal-miżuri nazzjonali ta' emerġenza fuq id-drittijiet fundamentali. Il-format ta' dawn il-laqgħat kollha sa Settembru kien ta' slots ta' sagħtejn b'interazzjoni u interpretazzjoni limitata minħabba l-kapaċità mnaqqsa tal-infrastruttura tal-interpretazzjoni disponibbli. Il-laqgħat tal-Kumitat saru fil-bini tal-Parlament, bil-parteċipazzjoni mill-bogħod tal-petizzjonanti, tar-rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea u tal-biċċa l-kbira tal-Membri.

 

Fl-aħħar nett, ta' min ifakkar li fil-laqgħa tagħhom tat-13 ta' Lulju 2020, il-Koordinaturi qablu li jwaqqfu l-proċedura ta' urġenza u jsegwu l-proċedura ordinarja għal kwalunkwe petizzjoni ġdida relatata mal-COVID-19 li tasal, wara li kkunsidraw it-tnaqqis żgħir fl-għadd ta' petizzjonijiet dwar din il-kwistjoni. Barra minn hekk, minn Settembru 2020, il-perjodi ta' żmien għal-laqgħat ordinarji tal-kumitat żdiedu għal erba' laqgħat ta' sagħtejn fix-xahar.

 

 

Analiżi statistika tal-petizzjonijiet riċevuti fl-2020 meta mqabbla mal-2019

 

Skont l-istatistika, il-Parlament Ewropew irċieva 1 573 petizzjoni fl-2020 li jirrappreżentaw żieda ta' 15.9 % meta mqabbla mal-1 357 petizzjoni mressqa fl-2019 u ta' 28.9 % meta mqabbla mal-1 220 petizzjoni rreġistrati fl-2018. L-għadd kbir ta' petizzjonijiet dwar il-COVID-19 ikkontribwixxa b'mod sinifikanti għal tali żieda fil-fluss tal-petizzjonijiet irreġistrat fl-2020 meta mqabbel mal-2019 u l-2018.

 

L-utenti tal-Portal tal-Petizzjonijiet għandhom il-possibbiltà li jappoġġjaw il-petizzjonijiet. Fl-2020, 48 882 utent appoġġjaw petizzjonijiet meta mqabbla ma' 28 076 fl-2019. Minn dan isegwi li fl-2020 l-għadd ta' utenti li appoġġjaw petizzjonijiet fil-portal żdied b'mod konsiderevoli meta mqabbel mas-sena ta' qabel.

 

Fl-2020, 48 petizzjoni ġew iffirmati minn aktar minn ċittadin wieħed. Mit-48 petizzjoni ffirmati minn aktar minn ċittadin wieħed, 8 ġew iffirmati minn aktar minn 1 000 ċittadin u 2 minn aktar minn 10 000 ċittadin.

 

 

Format tal-petizzjonijiet

Fl-2020, kważi 80 % tal-petizzjonijiet tressqu permezz tal-Portal tal-Petizzjonijiet filwaqt li 20 % tal-petizzjonijiet tressqu bil-posta. Iċ-ċifri fiż-żewġ tabelli juru li fl-2020 l-għadd ta' petizzjonijiet imressqa permezz tal-Portal tal-Petizzjonijiet żdied b'25 % meta mqabbel mal-2019. Dan żdied ukoll b'45.3 % meta mqabbel mal-2018, meta tressqu 863 petizzjoni permezz tal-Portal, u b'hekk huwa kkonfermat li l-Portal tal-Petizzjonijiet sar bil-bosta l-aktar mezz użat biex jitressqu l-petizzjonijiet taċ-ċittadini quddiem il-Parlament Ewropew.

 

2020

 

2019

Format tal-petizzjoni

Għadd ta' petizzjonijiet

%

Portal tal-petizzjonijiet

1254

79.7

Ittra

319

20.2

Format tal-petizzjoni

Għadd ta' petizzjonijiet

%

Portal tal-petizzjonijiet

1003

73.9

Ittra

354

26.1

 

Stat tal-petizzjonijiet skont is-sena kalendarja[14]

It-tabella li ġejja turi l-istat tal-petizzjonijiet mill-2003 sal-2020. Jista' jiġi nnotat li fl-2020, il-maġġoranza tal-petizzjonijiet ingħalqu fi żmien sena wara li ġew riċevuti u eżaminati mill-kumitat. B'riżultat tat-tqabbil mad-data dwar l-istatus tal-petizzjonijiet inkluża fir-rapporti annwali mill-2010 sal-2019, jista' jiġi konkluż li l-maġġoranza tal-petizzjonijiet jingħalqu fi żmien sena minn meta jiġu riċevuti u eżaminati. Perċentwali żgħar ħafna (minn 0.3 % sa 13.1 %) tal-petizzjonijiet mill-2004 sal-2015 għadhom miftuħa. Il-biċċa l-kbira ta' dawn il-petizzjonijiet miftuħa huma relatati ma' kwistjonijiet ambjentali u proċedimendi ta' ksur li għadhom għaddejjin quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jew inkella ma' kwistjonijiet li l-membri tal-kumitat jixtiequ jsegwu mill-qrib.

Stat tal-petizzjonijiet

 

Sena

Għadd ta' petizzjonijiet

Proċedura miftuħa

Proċedura magħluqa

2020

1 573

652

41.4%

896

57.0%

2019

1 357

363

26.8%

994

73.2%

2018

1 220

299

24.5%

921

75.5%

2017

1 271

256

20.1%

1 015

79.9%

2016

1 569

478

30.5%

1 091

69.5%

2015

1 431

187

13.1%

1 244

86.9%

2014

2 715

225

8.3%

2 490

91.7%

2013

2 891

296

10.2%

2 595

89.8%

2012

1 986

125

6.3%

1 861

93.7%

2011

1 414

71

5.0%

1 343

95.0%

2010

1 656

37

2.2%

1 619

97.8%

2009

1 924

14

0.7%

1 910

99.3%

2008

1 886

19

1.0%

1 867

99.0%

2007

1 506

23

1.5%

1 483

98.5%

2006

1 021

4

0.4%

1 017

99.6%

2005

1 016

3

0.3%

1 013

99.7%

2004

1 002

3

0.3%

999

99.7%

2003

1 315

0

0%

1 315

100.0%

 

Trattament tal-petizzjonijiet[15]

 

 

2020

 

 

 

2019

 

 

Trattament tal-petizzjonijiet

Numru

%

 

Trattament tal-petizzjonijiet

Numru

%

 

 

Ammissibbli u Magħluqa

 

 

478

 

30.39%

 

Ammissibbli u Magħluqa

 

575

 

42.37%

Ammissibbli u Miftuħa

 

 

652

 

41.45%

 

Ammissibbli u Miftuħa

 

363

 

26.75%

 

Inammissibbli

 

 

392

 

24.92%

 

 

Inammissibbli

 

406

 

29.9%

 

Irtirata

 

 

51

 

3.24%

 

 

Irtirata

 

13

 

0.9%

 

Mibgħuta lill-KE għal opinjoni

 

 

794

 

52.90%

 

 

Mibgħuta lill-KE għal opinjoni

 

557

 

48.27%

Mibgħuta lil korpi oħra għal opinjoni

 

 

44

 

2.93%

 

Mibgħuta lil korpi oħra għal opinjoni

 

43

 

3.73%

Mibgħuta lil korpi oħra għal skopijiet ta' informazzjoni

 

663

 

44.17%

 

 

Mibgħuta lil korpi oħra għal skopijiet ta' informazzjoni

 

554

 

48.01%

 

 


 

It-tabelli juru li l-perċentwal ta' petizzjonijiet iddikjarati bħala inammissibbli fl-2020 huwa kemxejn aktar baxx mill-perċentwal ta' petizzjonijiet li ġew iddikjarati inammissibbli fl-2019. Il-perċentwal ta' petizzjonijiet ammissibbli (30.39 %) huwa aktar baxx ukoll, li ngħalqu immedjatament billi ngħatat informazzjoni lill-petizzjonant fl-2020, meta mqabbel mat-42.37 % fl-2019. Jirriżulta li aktar petizzjonijiet (41.45 %) inżammu miftuħa fl-2020 meta mqabbla mal-2019, meta 26.75 % tal-petizzjonijiet inżammu miftuħa.

Ta' min jinnota wkoll li fl-2020, aktar minn nofs il-petizzjonijiet ammissibbli ntbagħtu lill-Kummissjoni għal opinjoni.

Fl-aħħar nett, il-perċentwal ta' petizzjonijiet mibgħuta lil korpi oħra għal opinjoni baqa' simili ħafna fis-sentejn li huma.

 

Għadd ta' petizzjonijiet skont il-pajjiż

 

Iż-żewġ tabelli li ġejjin juru, f'ċifri u f'perċentwali, it-tibdil fil-petizzjonijiet skont il-pajjiż mill-2019 sal-2020. Għadd kbir mill-petizzjonijiet imressqa fis-sentejn li huma kienu jikkonċernaw l-UE. Dan ifisser li dawn il-petizzjonijiet iqajmu kwistjonijiet li jikkonċernaw l-UE kollha jew jappellaw għal miżuri komuni biex jiġu implimentati fl-UE kollha. Petizzjonijiet li jikkonċernaw l-UE jistgħu jkunu relatati wkoll ma' Stat Membru wieħed jew aktar, u għalhekk jiġu rreġistrati kemm taħt l-UE kif ukoll taħt l-Istat(i) Membru/i kkonċernat(i). Dan jispjega għaliex l-ammont ta' petizzjonijiet li jikkonċernaw l-UE u ta' dawk relatati biss mal-Istati Membri jaqbeż l-għadd totali ta' petizzjonijiet imressqa fl-2019 u fl-2020.

Barra minn hekk, ta' min jisħaq li d-disa' pajjiżi l-aktar ikkonċernati mill-petizzjonijiet baqgħu l-istess fis-sentejn bl-unika eċċezzjoni ta' Franza. Fl-2020, l-għadd ta' petizzjonijiet li jikkonċernaw lil Franza naqas kważi bin-nofs meta mqabbel mal-2019 (21 petizzjoni fl-2020 meta mqabbla ma' 40 petizzjoni fl-2019). Barra minn hekk, l-ordni tal-aktar pajjiżi kkonċernati nbidlet b'mod konsiderevoli. Il-maġġoranza tal-petizzjonijiet imressqa fl-2020 jikkonċernaw lil Spanja b'żieda sinifikanti ta' 72.6 % meta mqabbla mal-2019. Għall-kuntrarju, l-għadd ta' petizzjonijiet relatati mal-Ġermanja u mal-Italja naqsu rispettivament bi 15.3 % u 33 % meta mqabbla mal-2019.

Differenza notevoli oħra tikkonċerna r-Renju Unit. Fl-2020, il-kumitat irċieva 38 petizzjoni dwar ir-Renju Unit, li huwa inqas minn nofs l-għadd ta' petizzjonijiet dwar ir-Renju Unit li rċieva fl-2019. B'kuntrast ma' dan, il-petizzjonijiet li jikkonċernaw il-Polonja żdiedu b'mod sinifikanti fl-2020 (89 petizzjoni) meta mqabbla mal-51 petizzjoni mressqa fl-2019.

Fir-rigward tal-pajjiżi li jinsabu fil-qiegħ tal-lista, is-Slovenja u l-Estonja għadhom l-inqas pajjiżi kkonċernati fis-sentejn li huma.

 

 

 

 

 

 

 

2020  2019

Pajjiż ikkonċernat

Petizzjonijiet

%

Unjoni Ewropea

642

33.1

Spanja

283

14.6

Il-Ġermanja

172

8.9

Il-Polonja

89

4.6

L-Italja

69

3.6

Ir-Rumanija

56

2.9

Il-Bulgarija

42

2.2

Ir-Renju Unit

38

2.0

Il-Greċja

29

1.5

L-Awstrija

23

1.2

Pajjiżi oħra tal-UE

187

9.3

Pajjiżi mhux tal-UE

130

6.7

Pajjiż ikkonċernat

Petizzjonijiet

%

Unjoni Ewropea

599

34.6

Il-Ġermanja

203

11.7

Spanja

164

9.5

L-Italja

103

5.9

Ir-Renju Unit

90

5.2

Ir-Rumanija

80

4.6

Il-Bulgarija

52

3.0

Il-Polonja

51

2.9

Il-Greċja

46

2.7

Franza

40

2.3

Pajjiżi oħra tal-UE

218

12.6

Pajjiżi mhux tal-UE

86

5.0

 

 

 

Lingwi tal-petizzjonijiet

 

Fl-2020 u fl-2019, tressqu petizzjonijiet bi 22 mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Il-Ġermaniż u l-Ingliż baqgħu l-aktar lingwi użati fis-sentejn li huma. Barra minn hekk, it-tabelli juru li l-Ġermaniż, l-Ingliż, l-Ispanjol u t-Taljan jirrappreżentaw kważi tliet kwarti (76.5 % - 71.8 %) mill-petizzjonijiet riċevuti fis-sentejn li huma.

 

Id-Daniż, il-Malti u s-Sloven kienu l-inqas lingwi li ntużaw fl-2020, filwaqt li fl-2019 dawn kienu s-Slovakk, il-Latvjan u s-Sloven.

 


 

2020  2019

Lingwa tal-petizzjoni

Għadd ta' petizzjonijiet

%

Ġermaniż

386

24.5

Ingliż

379

24.1

Spanjol

334

21.2

Taljan

106

6.7

Pollakk

76

4.8

Rumen

52

3.3

Franċiż

37

2.3

Oħrajn

203

12.9

Total

1 573

100

Lingwa tal-petizzjoni

Għadd ta' petizzjonijiet

%

Ġermaniż

337

24.8

Ingliż

331

24.4

Spanjol

183

13.5

Taljan

123

9.1

Rumen

60

4.4

Pollakk

56

4.1

Franċiż

53

3.9

Oħrajn

214

15.8

Total

1 357

100

 

 

 

Ċittadinanza tal-petizzjonanti

Rigward iċ-ċittadinanza, il-petizzjonijiet imressqa miċ-ċittadini Ġermaniżi jirrappreżentaw l-ogħla ċifra fis-sentejn li huma, b'żieda ta' 17.1 % fl-2020.

 

Barra minn hekk, it-tabelli ta' hawn taħt juru żieda konsiderevoli fl-għadd ta' petizzjonijiet imressqa minn ċittadini Spanjoli u Pollakki fl-2020 meta mqabbla mas-sena ta' qabel. B'mod aktar speċifiku, fl-2020 il-petizzjonijiet miċ-ċittadini Spanjoli u Pollakki żdiedu rispettivament bi 83.1 % u b'45.8 %.

 

B'kuntrast ma' dan, l-għadd ta' petizzjonijiet imressqa miċ-ċittadini Brittaniċi naqas b'aktar minn nofs fl-2020 (56.8 %). Bħal fl-2019, il-kwistjonijiet ewlenin imqajma mill-petizzjonanti Brittaniċi fl-2020 kienu jikkonċernaw it-telf taċ-ċittadinanza tal-UE u d-drittijiet relatati kif ukoll l-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ.

 

 


 

2020

 

 

 

2019

 

 

Ċittadinanza bl-ogħla għadd ta' petizzjonanti

Għadd ta' petizzjonijiet

%

 

Ċittadinanza bl-ogħla għadd ta' petizzjonanti

Għadd ta' petizzjonijiet

%

Il-Ġermanja

404

13.8

 

Il-Ġermanja

345

25.4

Spanja

368

12.5

 

Spanja

201

14.8

L-Italja

127

4.3

 

L-Italja

139

10.2

Il-Polonja

105

3.6

 

Ir-Rumanija

97

7.1

Ir-Rumanija

89

3.0

 

Ir-Renju Unit

88

6.5

Il-Bulgarija

47

1.6

 

Il-Polonja

72

5.3

Il-Greċja

45

1.5

 

Il-Greċja

55

4.0

Il-Finlandja

40

1.4

 

Il-Bulgarija

52

3.8

Ir-Renju Unit

38

1.3

 

Franza

51

3.8

Ċittadinanzi oħra tal-UE

262

8.8

 

Ċittadinanzi oħra tal-UE

231

17.1

Ċittadinanzi terzi

51

1.7

 

Ċittadinanzi terzi

28

2.0

 

 

Suġġetti prinċipali tal-petizzjonijiet

 

It-tabelli ta' hawn taħt jinkludu l-10 suġġetti l-aktar popolari fil-petizzjonijiet. Mit-tabelli jista' jiġi konkluż li d-drittijiet fundamentali u l-ambjent huma minn ta' quddiem nett kemm fl-2020 kif ukoll fl-2019.

Madankollu, fl-2020, l-għadd ta' petizzjonijiet li jqajmu tħassib dwar is-saħħa u d-drittijiet fundamentali żdied b'mod sinifikanti. Mingħajr ebda dubju, l-akbar żieda tikkonċerna s-saħħa. B'mod aktar speċifiku, fl-2020 il-kumitat irċieva 221 petizzjoni dwar is-saħħa meta mqabbla mas-97 petizzjoni rreġistrati taħt l-istess tema fl-2019. L-għadd żdied b'aktar mid-doppju fl-2020, prinċipalment minħabba l-għadd kbir ta' petizzjonijiet dwar il-COVID-19. F'dan ir-rigward, ta' min ifakkar li aktar minn nofs il-petizzjonijiet dwar is-saħħa huma relatati mal-emerġenza tas-saħħa pubblika kkawżata mit-tifqigħa u t-tixrid tal-COVID-19 (122 minn 221).

Fir-rigward tad-drittijiet fundamentali, fl-2020 l-għadd ta' petizzjonijiet dwar dan is-suġġett żdied b'41.8 % meta mqabbel mal-2019. Huwa interessanti wkoll li wieħed jinnota li fl-2020, 72 petizzjoni mill-268 petizzjoni rreġistrati taħt it-tema tad-drittijiet fundamentali qajmu tħassib dwar l-impatt tal-miżuri ta' emerġenza nazzjonali relatati mal-COVID-19 fuq id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali taċ-ċittadini, inklużi l-libertà tal-moviment, id-dritt għax-xogħol, id-dritt ta' aċċess għall-informazzjoni u d-dritt għall-edukazzjoni.

B'kuntrast ma' dan, fl-2020 il-petizzjonijiet dwar l-ambjent u l-ġustizzja naqsu b'20.6 % u bi 17.9 % rispettivament.

 

2020

 

2019

L-10 suġġetti l-aktar komuni għall-petizzjonijiet

Għadd ta' petizzjonijiet

%

Drittijiet fundamentali

268

11.1

Saħħa

221

9.2

Ambjent

200

8.3

Ġustizzja

151

6.3

Edukazzjoni u Kultura

104

4.3

Suq Intern

99

4.1

Trasport

79

3.3

Impjiegi

68

2.8

Affarijiet Soċjali

60

2.5

Proprjetà u Restituzzjoni

13

0.5

L-10 suġġetti l-aktar komuni għall-petizzjonijiet

Għadd ta' petizzjonijiet

%

Ambjent

252

12.2

Drittijiet fundamentali

189

9.2

Ġustizzja

184

8.9

Saħħa

97

4.7

Trasport

90

4.4

Suq Intern

90

4.4

Impjiegi

79

3.8

Edukazzjoni u Kultura

62

3.0

Affarijiet Soċjali

45

2.2

Proprjetà u Restituzzjoni

33

1.6

 

 

Il-Portal tal-Petizzjonijiet

Il-Portal tal-Petizzjonijiet, li nfetaħ lejn l-aħħar tal-2014, kompla jittejjeb sabiex isir aktar faċli biex jintuża, aktar sigur u aktar aċċessibbli għaċ-ċittadini.

 

Fl-2020, sar titjib tekniku importanti li jippermetti lill-utenti jkollhom esperjenza aħjar bil-portal. L-ewwel nett saru żewġ aġġornamenti tal-portal – f'Awwissu u f'Novembru 2020 – li kienu jinkludu għadd ta' korrezzjonijiet u żviluppi li kienu jiffukaw l-aktar fuq it-tiswija ta' vulnerabbiltajiet tas-sigurtà. It-tieni nett, il-mistoqsijiet frekwenti (FAQs) ġew aġġornati u ġew miżjuda screenshots ġodda. Barra minn hekk, sar għadd ta' titjib dwar il-protezzjoni tad-data sabiex jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u ġie introdott mekkaniżmu ġdid għall-irkupru tal-password. Barra minn hekk, l-interkonnessjoni bejn il-Portal tal-Petizzjonijiet, ePeti u PETIGREF ġiet żviluppata aktar, ħaġa li kienet tinvolvi bidla estensiva fl-interfaċċja tal-utent. Fl-aħħar nett, sar xogħol biex tiġi żgurata l-integrazzjoni ta' żviluppi esterni u ta' Hermes.

 

Dan it-titjib u dawn l-aġġornamenti kollha ġew ippreżentati u diskussi fil-laqgħa tal-Kumitat ta' Tmexxija tal-Portal tal-Petizzjonijiet, li saret fis-16 ta' Ottubru 2020.

 

 

Relazzjonijiet mal-Kummissjoni

Il-Kummissjoni tibqa' s-sieħeb naturali tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet fl-ipproċessar tal-petizzjonijiet, bħala l-istituzzjoni tal-UE responsabbli biex tiżgura l-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u l-konformità miegħu. Il-kumitat u l-Kummissjoni għandhom livell ta' kooperazzjoni stabbilit sew li jinżamm b'mod konsistenti. Il-punt ta' kuntatt prinċipali fil-Kummissjoni huwa s-Segretarjat Ġenerali, li jikkoordina d-distribuzzjoni tal-petizzjonijiet lejn is-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni u jibgħat ir-risposti tal-Kummissjoni lis-segretarjat tal-kumitat. Filwaqt li l-Kummissjoni żiedet l-isforzi tagħha biex tipprovdi tweġibiet f'waqthom, il-kumitat jemmen li l-Kummissjoni għandha tkun involuta b'mod aktar attiv fil-Kumitat għall-Petizzjonijiet sabiex tiżgura li l-petizzjonanti jirċievu tweġiba preċiża għat-talbiet u l-ilmenti tagħhom dwar l-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

Barra minn hekk, il-Kumitat itenni l-appell tiegħu għal aġġornamenti regolari dwar l-iżviluppi fil-proċedimenti ta' ksur u għal trasparenza u aċċess għad-dokumenti relatati mal-ksur u ma' proċeduri pilota tal-UE, li huma relatati ma' petizzjonijiet miftuħa. Fl-aħħar nett, il-kumitat jibqa' kritiku fir-rigward tal-politika l-ġdida ta' infurzar tal-Kummissjoni mħabbra fil-komunikazzjoni tagħha tal-2016 bl-isem "Id-Dritt tal-UE: Riżultati aħjar permezz ta' applikazzjoni aħjar" (C(2016)8600), li għandha l-għan li tidderieġi liċ-ċittadini lejn il-livell nazzjonali meta l-ilmenti jew il-petizzjonijiet ma jqajmux kwistjonijiet ta' prinċipju usa' jew nuqqas sistematiku ta' konformità mad-dritt tal-Unjoni; F'dan ir-rigward, il-kumitat iqis li l-Kummissjoni għandha tivverifika jekk l-awtoritajiet nazzjonali jiħdux il-passi meħtieġa biex jirrispondu għat-tħassib taċ-ċittadini kif espress fil-petizzjonijiet tagħhom.

Fl-2020, b'kunsiderazzjoni tat-tnaqqis fil-perjodi ta' żmien għal-laqgħat u l-attivitajiet tal-kumitat minħabba l-miżuri ta' prekawzjoni tal-Parlament biex jillimita t-tixrid tal-COVID-19, il-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati ddeċidiet b'mod eċċezzjonali (fit-3 ta' April 2020) li l-kumitati jistgħu jorganizzaw skambji ta' fehmiet mal-Kummissjoni f'format bil-miktub.

 

B'riżultat ta' din id-deċiżjoni, fil-21 ta' April 2020, il-President tal-kumitat bagħat ittra lill-Viċi President tal-Kummissjoni, Maroš Šefčovič, li kienet tinkludi lista ta' mistoqsijiet li kienu prinċipalment dwar il-miżuri previsti mill-Kummissjoni biex jiġu indirizzati l-kriżijiet tas-saħħa, ekonomiċi u soċjali li rriżultaw mill-pandemija tal-COVID-19, dwar l-involviment tal-Kummissjoni fil-ħidma tal-kumitat u kif l-approċċ tagħha għall-petizzjonijiet ma jirriżultax fi ksur sistemiku tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll sensiela ta' mistoqsijiet interistituzzjonali li jvarjaw mill-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa għall-obbligi ta' trasparenza fil-Kunsill. Filwaqt li jitqiesu t-tweġibiet mogħtija mill-Viċi President tal-Kummissjoni, fis-7 ta' Mejju 2020, il-kumitat adotta l-messaġġi ewlenin tiegħu għar-rapport ta' sinteżi tal-Parlament fil-qafas tad-djalogu strutturat.

 

Barra minn hekk, bħala parti miċ-ċiklu annwali tad-djalogu strutturat, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet laqa' l-parteċipazzjoni mill-bogħod tal-Viċi President, Maroš Šefčovič, fil-laqgħa tiegħu tat-3 ta' Diċembru 2020. L-għan ta' dan l-eżerċizzju kien li jsegwi l-proċedura bil-miktub li saret f'April u f'Mejju 2020 u li jiddiskuti l-inizjattivi rilevanti li huma parti mill-Programm ta' Ħidma l-ġdid tal-Kummissjoni, u b'mod partikolari dwar it-twettiq tal-ambizzjoni ewlenija "Spinta Ġdida għad-Demokrazija Ewropea." Il-Kummissarju faħħar il-kooperazzjoni produttiva mal-Kumitat għall-Petizzjonijiet u enfasizza xi wħud mill-aktar punti sinifikanti tal-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni.

Fl-aħħar nett, fit-2 ta' Diċembru 2020, il-kumitat organizza skambju ta' fehmiet mas-Sa Salla Saastamoinen, Aġent Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Ġustizzja u l-Konsumaturi, dwar ir-riżultati tal-eżerċizzju ta' monitoraġġ tal-miżuri tal-COVID-19 introdotti mill-Istati Membri.

 

Relazzjonijiet mal-Kunsill

Il-membri tas-Segretarjat tal-Kunsill kultant jattendu l-laqgħat tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet. Sfortunatament, fl-2020, il-parteċipazzjoni tal-Kunsill fid-dibattiti kienet limitata ħafna. F'dan ir-rigward, il-kumitat iqis li tkun meħtieġa kooperazzjoni aktar attiva mal-Istati Membri biex dawk il-petizzjonijiet jiġu żblokkati, li jirrikjedi risposti u reazzjonijiet fil-pront mill-awtoritajiet nazzjonali. Minkejja dan, il-kumitat jirrikonoxxi l-isforzi minn xi Stati Membri biex jikkontribwixxu b'mod attiv għad-diskussjoni dwar petizzjonijiet rispettivi fil-laqgħat tal-kumitat. F'dan ir-rigward, ta' min ifakkar il-parteċipazzjoni tar-Rappreżentanza Permanenti tas-Slovakkja fid-diskussjoni dwar il-petizzjoni 0194/2020 dwar l-allegata korruzzjoni fis-Slovakkja fil-laqgħa tal-kumitat tal-10 ta' Novembru 2020.

 

Relazzjonijiet mal-Ombudsman Ewropew

Il-Kumitat għall-Petizzjonijiet żamm relazzjonijiet tax-xogħol kostruttivi mal-uffiċċju tal-Ombudsman Ewropew.

Fl-2020, l-Ombudsman, Emily O'Reilly, ippreżentat ir-Rapport Annwali għall-2019 tagħha fil-laqgħa tal-kumitat fit-3 ta' Settembru 2020. F'din l-okkażjoni, l-Ombudsman irringrazzjat lill-Parlament talli reġa' eleġġiha u enfasizzat ir-relazzjoni speċjali mal-Kumitat għall-Petizzjonijiet. Hija għamlet ukoll preżentazzjoni qasira dwar il-progress tal-ħidma tagħha matul is-sena preċedenti, tat eżempji ta' każijiet individwali solvuti mill-istituzzjoni tagħha u ħadet nota tal-progress li sar mill-istituzzjonijiet fit-titjib tal-prattiki amministrattivi. Barra minn hekk, l-Ombudsman laqgħet l-appoġġ kbir mill-Parlament għar-Rapport Speċjali tal-Ombudsman Ewropew dwar l-obbligu ta' rendikont tal-Kunsill u t-trasparenza tal-proċess leġiżlattiv tiegħu.

Relazzjonijiet mal-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Matul dawn l-aħħar snin, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet bena relazzjonijiet tax-xogħol kostruttivi mal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) u kkontribwixxa b'mod attiv għall-programmi ta' ħidma annwali tagħha.

Fl-2020, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet ressaq il-proposti li ġejjin bħala kontribut għall-programm ta' ħidma tal-QEA għall-2021: - "Assessment of the use of the EU funds and programmes to fight against poverty within the EU"; - "Animal Welfare during transport - Does the EU respect animal welfare during transport?".

Barra minn hekk, f'ittra tal-11 ta' Mejju 2020, il-President tal-QEA offra lill-kumitati l-possibbiltà li jressqu suġġerimenti addizzjonali għall-Programm ta' Ħidma tal-QEA għall-2021 biex ikopru kwistjonijiet relatati mal-pandemija tal-COVID-19. F'dan ir-rigward, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet ressaq għadd ta' proposti supplimentari, inkluż il-valutazzjoni tal-impatt tal-COVID-19 fuq l-operazzjonijiet ta' tiftix u salvataġġ fil-Mediterran, fuq il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema transfruntiera u migranti u fuq il-vjolenza abbażi tal-ġeneru matul il-konfinament kif ukoll il-valutazzjoni tal-ħtiġijiet u l-akkwist ta' oġġetti u servizzi mħallsa mill-fondi tal-UE fir-rigward tal-proġetti tal-COVID-19.

Fl-aħħar nett, fl-20 ta' Jannar 2020, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet sema' l-preżentazzjoni tar-Rapport Speċjali Nru 14/2019 tal-QEA: "Semma' leħnek!": il-konsultazzjonijiet pubbliċi tal-Kummissjoni jinvolvu liċ-ċittadini, iżda l-attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni mhumiex biżżejjed" mir-Relatur tagħha s-Sa Annemie Turtelboom.

 

Relazzjonijiet ma' korpi oħra tal-UE

Fid-19 ta' Frar 2020, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet sema' l-preżentazzjoni tar-Rapport tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar "Id-drittijiet reali ta' persuni b'diżabilità li jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew" (rapport ta' informazzjoni) mir-Relatur tiegħu, Krzysztof Pater.

 

Żjarat ta' ġbir ta' informazzjoni

Fl-2020, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet organizza missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni dwar il-proċeduri ta' infurzar tal-kodiċi ta' proċedura ċivili u l-allegat użu ta' klawżoli abbużivi fil-Bulgarija, li saret fl-24-26 ta' Frar 2020. L-abbozz ta' rapport dwar iż-Żjara ta' Ġbir ta' Informazzjoni fil-Bulgarija ġie kkunsidrat fil-laqgħa tal-kumitat fl-10 ta' Novembru 2020.

Għalkemm f'Jannar 2020 il-Koordinaturi ddeċidew li l-kumitat għandu jwettaq żewġ żjarat ta' ġbir ta' informazzjoni fit-tieni nofs tal-2020, jiġifieri li jżur Uffiċċju Ġermaniż għall-Benesseri taż-Żgħażagħ (Jugendamt) u r-reġjun Bask fi Spanja, l-organizzazzjoni ta' dawn il-missjonijiet ġiet interrotta wara d-deċiżjoni mill-President tal-Parlament li jħassar l-avvenimenti parlamentari, inklużi d-delegazzjonijiet, bħala waħda mill-miżuri ta' prekawzjoni adottati biex jitnaqqas it-tixrid tal-COVID-19 u jiġu mminimizzati r-riskji għas-saħħa tal-Membri u l-persunal tiegħu. Minħabba din id-deċiżjoni, fl-2020 ma saret l-ebda missjoni oħra ta' ġbir ta' informazzjoni.

 

Seduti ta' Smigħ Pubbliku

Kif imsemmi fil-kummenti introduttorji, l-organizzazzjoni tas-seduti ġiet ikkanċellata almenu matul l-ewwel semestru tal-2020 bħala miżura ta' prekawzjoni biex jitrażżan it-tixrid tal-COVID-19 fil-bini tal-Parlament. Din id-deċiżjoni tispjega n-numru limitat ħafna ta' seduti organizzati fl-2020.

B'mod aktar speċifiku, fid-29 ta' Ottubru 2020, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet organizza b'mod konġunt mal-Kumitati għall-Affarijiet Legali, għall-Affarijiet Kostituzzjonali u għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern seduta ta' smigħ pubblika dwar "Iċ-ċittadinanza tal-Unjoni: L-Għoti tas-Setgħa, l-Inklużjoni, il-Parteċipazzjoni". L-avveniment irrappreżenta l-kontribut tal-Parlament għar-rapport tal-Kummissjoni tal-2020 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE u forum għad-diskussjoni tar-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika dwar id-drittijiet taċ-ċittadinanza tal-UE, imwettqa mill-Kummissjoni bejn Lulju u Ottubru 2020. Is-seduta ffukat fuq iċ-ċittadinanza tal-Unjoni bħala valur tanġibbli għaċ-ċittadini fil-prattika, inkluż matul il-pandemija tal-COVID-19, u fuq it-trawwim tal-inklużività fil-proċessi demokratiċi u l-għoti tas-setgħa liċ-ċittadini. Fl-aħħar nett, id-dibattitu kkunsidra t-toroq futuri għas-simplifikazzjoni u t-tisħiħ tad-drittijiet taċ-ċittadinanza tal-UE, il-promozzjoni tal-valuri taċ-ċittadinanza tal-UE u l-parteċipazzjoni demokratika taċ-ċittadini filwaqt li ttieħdu tagħlimiet mill-ġestjoni tal-pandemija tal-COVID-19.

 

 

KWISTJONIJIET EWLENIN

 Il-COVID-19 u s-saħħa

Iċ-ċittadini li qed jiffaċċjaw l-emerġenzi tas-saħħa u soċjoekonomiċi li rriżultaw mit-tifqigħa tal-COVID-19 indirizzaw it-tħassib tagħhom lill-Parlament permezz tal-portal taċ-ċittadini naturali tiegħu, b'mod partikolari l-Kumitat għall-Petizzjonijiet. Fl-2020, il-kumitat irċieva, eżamina u wieġeb 209 petizzjonijiet dwar il-COVID-19.

 

Ta' min jisħaq li 122 petizzjoni minn dawn il-petizzjonijiet qajmu kwistjonijiet dwar is-saħħa pubblika, li jvarjaw mill-protezzjoni tas-saħħa taċ-ċittadini kontra t-tixrid tal-virus, inkluż dwar it-trattamenti u t-tagħmir protettiv, għall-ġestjoni tal-kriżi tas-saħħa fl-Istati Membri u l-akkwist u d-distribuzzjoni tal-vaċċini.

 

Għall-kuntrarju, 72 petizzjoni mill-petizzjonijiet dwar il-COVID-19 huma aktar iffukati fuq l-impatt tal-miżuri nazzjonali ta' emerġenza, inkluż il-lockdowns, fuq id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali. B'mod partikolari, ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u fuq ix-xogħol jinsabu minn ta' quddiem nett fil-lista tat-tħassib taċ-ċittadini. Kwistjonijiet ewlenin oħra mqajma mill-petizzjonanti huma relatati mat-trasport, b'mod partikolari mal-ġestjoni ta' titjiriet u vjaġġi kkanċellati matul il-pandemija u mal-mekkaniżmi ta' kumpens.

 

Kif issemma' fil-kummenti introduttorji, fil-laqgħat tiegħu minn April sa Lulju 2020, il-kumitat iddiskuta bħala prijorità t-tħassib ewlieni li ġej taċ-ċittadini dwar it-tixrid tal-COVID-19 u l-implikazzjonijiet tiegħu: - ir-riforma u l-għoti tas-setgħa lill-UE biex tindirizza aħjar l-isfidi globali u tespandi l-istrumenti finanzjarji tal-UE; - il-ġestjoni ta' titjiriet u vjaġġi kkanċellati minn trasportaturi tal-ajru u minn aġenziji tal-ivvjaġġar matul it-tifqigħa tal-COVID-19; - l-impatt tal-miżuri meħuda matul il-kriżi tal-COVID-19 fuq is-sistema Schengen; - it-tilqim kontra l-COVID-19; - is-sitwazzjoni diffiċli tal-persuni mingħajr dar fl-Ewropa matul il-pandemija tal-COVID-19; - il-protezzjoni tar-refuġjati u tar-residenti lokali fil-gżejjer tal-Eġew mill-COVID-19; - ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar imposti minn ċerti Stati Membri; - l-impatt tal-COVID-19 fuq id-drittijiet tal-persuni b'diżabilità intellettwali.

Fir-rigward tal-eżitu deċiż mill-Kumitat, ta' min ifakkar li fl-2020, 135 petizzjoni dwar il-COVID-19 baqgħu miftuħa filwaqt li 74 ngħalqu. L-aktar importanti, bħala azzjonijiet ta' segwitu, il-kumitat adotta wkoll Mozzjoni għal Riżoluzzjoni dwar is-sistema Schengen u l-miżuri meħuda matul il-kriżi tal-COVID-19, Mozzjoni għal Riżoluzzjoni dwar id-drittijiet tal-persuni b'diżabilità intellettwali fil-kriżi tal-COVID-19 u Mozzjoni għal Riżoluzzjoni dwar l-indirizzar tar-rati ta' persuni mingħajr dar fl-Unjoni Ewropea.

Fl-aħħar nett, ta' min ifakkar li fil-kuntest tas-saħħa, il-kumitat adotta mozzjoni importanti u tant mistennija, il-Mozzjoni għal Riżoluzzjoni dwar finanzjament addizzjonali għar-riċerka bijomedika dwar l-enċefalomijelite mijalġika, li kienet partikolarment milqugħa tajjeb mill-komunitajiet xjentifiċi u tal-pazjenti.

 Drittijiet Fundamentali

Fl-2020, il-kumitat iddiskuta għadd kbir ta' petizzjonijiet dwar id-drittijiet fundamentali, inkluż dwar l-impatt tal-miżuri ta' emerġenza tal-COVID-19 dwar l-istat tad-dritt u d-demokrazija kif ukoll dwar il-libertà tal-moviment, id-dritt għax-xogħol, id-dritt għall-informazzjoni u d-dritt għall-edukazzjoni. F'dan ir-rigward, il-kumitat ta attenzjoni speċifika lit-tħassib taċ-ċittadini dwar ir-restrizzjonijiet nazzjonali fuq l-ivvjaġġar u l-impatt tagħhom fuq is-sistema Schengen. F'dan il-kuntest, il-kumitat adotta l-Mozzjoni għal Riżoluzzjoni dwar is-sistema Schengen u l-miżuri meħuda matul il-kriżi tal-COVID-19 imsemmija hawn fuq. Bħala segwitu għad-diskussjoni ta' petizzjoni li tiddenunzja s-sitwazzjoni diffiċli ta' aktar minn 4 miljun persuna mingħajr dar fl-Ewropa matul il-pandemija tal-COVID-19, il-kumitat adotta wkoll il-Mozzjoni għal Riżoluzzjoni dwar l-indirizzar tar-rati ta' persuni mingħajr dar fl-Unjoni Ewropea.

 

Barra minn hekk, il-Kumitat ta attenzjoni kbira lid-drittijiet tat-tfal. F'dan ir-rigward, eżamina sensiela ta' petizzjonijiet dwar il-ħtif ta' minuri mill-ġenituri fil-Ġappun, li ddikjaraw li l-Ġappun ma jikkonformax mal-obbligi tiegħu skont il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-1989. F'dan il-kuntest, il-kumitat sema' wkoll lis-Sa Ewa Kopacz, il-Koordinatur tal-Parlament dwar id-drittijiet tat-tfal. Bħala azzjoni ta' segwitu, fis-16 ta' Ġunju 2020, il-Kumitat adotta Mozzjoni għal Riżoluzzjoni dwar il-ħtif internazzjonali u nazzjonali ta' tfal tal-Unjoni minn ġenitur fil-Ġappun.

 

Barra minn hekk, fis-7 ta' Settembru 2020, il-kumitat adotta opinjoni dwar ir-Rapport dwar is-Sitwazzjoni tad-Drittijiet Fundamentali fl-Unjoni Ewropea - Rapport Annwali għas-snin 2018-2019 u opinjoni dwar ir-Rapport dwar it-tnaqqis tal-inugwaljanzi, b'enfasi partikolari fuq il-faqar fost dawk li jaħdmu.

 

Fl-aħħar nett, fid-29 ta' Ottubru 2020, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet organizza b'mod konġunt mal-Kumitati għall-Affarijiet Legali, għall-Affarijiet Kostituzzjonali u għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern seduta ta' smigħ pubblika msemmija hawn fuq dwar "Iċ-ċittadinanza tal-Unjoni: L-Għoti tas-Setgħa, l-Inklużjoni, il-Parteċipazzjoni".

 

 

 Kwistjonijiet ambjentali

Fl-2020, il-kumitat ta attenzjoni kbira lit-tħassib taċ-ċittadini dwar il-protezzjoni tal-ambjent, li ġie diskuss fil-laqgħat kollha tal-kumitat bl-eċċezzjoni ta' dawk il-laqgħat bejn April u Lulju ddedikati kompletament għall-kunsiderazzjoni tal-petizzjonijiet dwar il-COVID-19.

Il-kumitat indirizza l-aktar il-kwistjonijiet li ġejjin: l-attivitajiet tal-estrazzjoni minerarja u l-impatt tagħhom fuq l-ambjent, is-sikurezza nukleari, it-tniġġis tal-arja u d-deterjorament tal-ekosistemi naturali. Filwaqt li l-petizzjonijiet dwar l-estrazzjoni minerarja ġew diskussi f'diversi laqgħat tal-kumitat fl-2020, fil-laqgħa tiegħu fi Frar, il-kumitat eżamina sensiela ta' petizzjonijiet dwar impjanti tal-enerġija nukleari f'diversi Stati Membri, inklużi l-Ġermanja, il-Bulgarija u l-Greċja, u għadd ta' petizzjonijiet li jenfasizzaw it-tniġġis u d-deterjorament tal-ekosistema fil-laguna Mar Menor f'Murcia, fi Spanja.

Fl-aħħar nett, il-Membri ddiskutew ukoll petizzjonijiet li jqajmu l-kwistjoni ta' sustanzi tossiċi u residwi kimiċi preżenti fil-Baħar Baltiku, iġġenerati minn armi tat-Tieni Gwerra Dinjija mormija fih.

 

 Kwistjonijiet relatati mad-diżabilità

Il-Kumitat għall-Petizzjonijiet jiżvolġi rwol ta' protezzjoni speċifiku fir-rigward tal-konformità mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (UNCRPD) fit-tfassil ta' politika u l-azzjonijiet leġiżlattivi fil-livell tal-UE. F'din ir-responsabbiltà, il-kumitat jindirizza petizzjonijiet dwar kwistjonijiet relatati mad-diżabilità. Ta' min jisħaq li fl-2020 l-għadd ta' petizzjonijiet dwar id-diżabilità kważi rdoppja meta mqabbel mal-2019 (20 fl-2020 u 12 fl-2019). Fl-2020, il-kumitat kompla jeżamina petizzjonijiet dwar id-diżabilità li jiżvelaw li l-isfidi ewlenin jibqgħu d-diskriminazzjoni, l-aċċess għall-edukazzjoni u l-impjiegi kif ukoll l-inklużjoni.

Pereżempju, il-kumitat sema' petizzjoni li turi d-diffikultajiet li jiffaċċjaw il-persuni b'diżabilità intellettwali u l-familji tagħhom matul il-pandemija tal-COVID-19, speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam mal-aċċess għas-servizzi tas-saħħa, l-assistenza personali u l-kuntatti mal-familji u mal-persuni li jindukraw. F'dan ir-rigward, adotta wkoll il-Mozzjoni għal Riżoluzzjoni dwar id-drittijiet tal-persuni b'diżabilità intellettwali fil-kriżi tal-COVID-19 imsemmija hawn fuq.

Barra minn hekk, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet eżamina l-petizzjoni 1056/2016 dwar suġġett li huwa strettament marbut mal-attività tiegħu, jiġifieri t-tressiq ta' petizzjonijiet quddiem il-Parlament Ewropew bil-lingwi nazzjonali tas-sinjali użati fl-UE. Il-petizzjoni, imressqa f'isem l-assoċjazzjoni Unjoni Ewropea tal-Persuni Torox, argumentat li l-utenti tal-lingwa tas-sinjali torox għandu jkollhom ukoll id-dritt li jikkomunikaw bil-lingwa tas-sinjali tagħhom stess, fuq bażi ugwali ma' petizzjonanti oħra li jistgħu jressqu l-petizzjonijiet tagħhom bil-lingwa ppreferuta tagħhom tal-UE. Il-petizzjonant irrefera għad-dispożizzjonijiet tal-UNCRPD u tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u kkonkluda li l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom ikunu minn ta' quddiem fir-rigward tal-aċċessibbiltà fl-Ewropa. Bħala segwitu, il-kumitat iddeċieda li jipprevedi l-implimentazzjoni tal-miżuri li jipprovdu lill-petizzjonanti bid-dritt li jikkomunikaw bil-lingwa tas-sinjali tagħhom u talab lill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali jivvaluta jekk hijiex meħtieġa reviżjoni tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament sabiex l-implimentazzjoni tkun possibbli. Għal dan il-għan, f'Ottubru 2020 ġiet stabbilita task force inter-DĠ dwar il-lingwa tas-sinjali fil-livell amministrattiv.

Barra minn hekk, fil-laqgħa tiegħu tad-19 ta' Frar 2020, il-kumitat sema' l-preżentazzjoni mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tar-Rapport dwar "Id-drittijiet reali ta' persuni b'diżabilità li jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew" (Rapport ta' informazzjoni).

Fit-2 ta' Diċembru 2020, il-kumitat adotta wkoll opinjoni dwar ir-Rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol fid-dawl tal-UNCRPD.

Fl-aħħar nett, fit-28 ta' Ottubru 2020, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet ospita l-workshop annwali tiegħu dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuni b'diżabilità – "L-Istrateġija l-ġdida dwar id-Diżabilità", organizzat mid-Dipartiment tal-Politika dwar id-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali. Il-workshop ospita skambju ta' fehmiet dwar l-Istrateġija l-ġdida tal-2020-2030 dwar id-Diżabilità. L-avveniment ipprovda l-okkażjoni biex jiġu eżaminati l-aspetti differenti li għandhom jiġu koperti mill-Istrateġija l-ġdida dwar id-Diżabilità u jinġabru suġġerimenti u tiġi kkoordinata l-azzjoni fost il-parteċipanti differenti.

Rapporti, Mozzjonijiet għal Riżoluzzjonijiet u Opinjonijiet

Minbarra l-laqgħat ta' Jannar u ta' Frar, il-perjodi ta' żmien għal-laqgħat tal-Kumitat PETI tnaqqsu l-ewwel għal slots ta' sagħtejn u mbagħad għal erba' laqgħat ta' sagħtejn fix-xahar. Minkejja l-perjodi ta' żmien imnaqqsa għal-laqgħat tal-kumitat, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet ħadem b'ritmu intensiv u mgħaġġel biex jadotta għadd konsiderevoli ta' fajls parlamentari.

 

Minbarra r-Rapport Annwali tiegħu dwar id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet matul l-2019 (2020/2044 (INI)), il-kumitat adotta l-Mozzjonijiet għal Riżoluzzjonijiet li ġejjin:

 

 Mozzjoni għal Riżoluzzjoni dwar finanzjament addizzjonali għar-riċerka bijomedika dwar l-enċefalomijelite mijalġika (2020/2580 (RSP)) (30 ta' April 2020);

 

 Mozzjoni għal Riżoluzzjoni dwar il-ħtif internazzjonali u nazzjonali ta' tfal tal-Unjoni minn ġenitur fil-Ġappun (2020/2621 (RSP)) (16 ta' Ġunju 2020);

 

 Mozzjoni għal Riżoluzzjoni dwar id-drittijiet tal-persuni u l-familji tagħhom b'diżabilità intellettwali fil-kriżi tal-COVID-19 (2020/2680(RSP)) (16 ta' Ġunju 2020);

 

 Mozzjoni għal Riżoluzzjoni dwar is-sistema Schengen u l-miżuri meħuda matul il-kriżi tal-COVID-19 (2020/2801 (RSP)) (10 ta' Novembru 2020);

 

 Mozzjoni għal Riżoluzzjoni dwar il-ġlieda kontra r-rati ta' persuni mingħajr dar fl-Unjoni Ewropea (2020/2802(RSP)) (10 ta' Novembru 2020).

 

 

Fl-aħħar nett, il-kumitat adotta l-opinjonijiet li ġejjin:

 

 Opinjoni fil-forma ta' ittra dwar id-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (2018/0427(NLE)) (21 ta' Jannar 2020);

 

 Opinjoni għar-Rapport dwar il-Monitoraġġ tal-Applikazzjoni tad-Dritt tal-Unjoni fl-2017 u fl-2018 (2019/2132(INI)) (19 ta' Frar 2020);

 

 Opinjoni dwar ir-Rakkomandazzjoni dwar in-negozjati għal sħubija ġdida mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq (2020/2023(INI)) (30 ta' April 2020);

 

  Opinjoni dwar ir-Rapport dwar is-Sitwazzjoni tad-Drittijiet Fundamentali fl-Unjoni Ewropea – Rapport Annwali għas-snin 2018 u 2019 (2019/2119(INI)) (7 ta' Settembru 2020);

 

 Opinjoni dwar ir-Rapport dwar It-tnaqqis tal-inugwaljanzi, b'enfasi partikolari fuq il-faqar fost dawk li jaħdmu (2019/2188(INI)) (7 ta' Settembru 2020);

 

 Opinjoni dwar It-Turkija – Rapport annwali dwar il-progress tal-2019 (2019/2176(INI)) (29 ta' Ottubru 2020);

 

 Opinjoni dwar ir-Rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol fid-dawl tal-UNCRPD (2020/2086(INI)) (3 ta' Diċembru 2020).


 

 

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

9.11.2021

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

26

0

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Alex Agius Saliba, Andris Ameriks, Marc Angel, Margrete Auken, Markus Buchheit, Francesca Donato, Eleonora Evi, Gheorghe Falcă, Vlad Gheorghe, Peter Jahr, Radan Kanev, Stelios Kympouropoulos, Cristina Maestre Martín De Almagro, Dolors Montserrat, Ulrike Müller, Yana Toom, Loránt Vincze, Tatjana Ždanoka, Kosma Złotowski

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Karolin Braunsberger-Reinhold, Jarosław Duda, Angel Dzhambazki, Anne-Sophie Pelletier, Domènec Ruiz Devesa

Sostituti (skont l-Artikolu 209(7)) preżenti għall-votazzjoni finali

Adam Bielan, Ska Keller, Simone Schmiedtbauer

 


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

26

+

ECR

Adam Bielan, Kosma Złotowski

ID

Markus Buchheit

NI

Francesca Donato

PPE

Karolin Braunsberger-Reinhold, Jarosław Duda, Gheorghe Falcă, Peter Jahr, Radan Kanev, Stelios Kympouropoulos, Dolors Montserrat, Simone Schmiedtbauer, Loránt Vincze

RENEW

Vlad Gheorghe, Ulrike Müller, Yana Toom

S&D

Alex Agius Saliba, Andris Ameriks, Marc Angel, Cristina Maestre Martín De Almagro, Domènec Ruiz Devesa

THE LEFT

Anne-Sophie Pelletier

VERTS/ALE

Margrete Auken, Eleonora Evi, Ska Keller, Tatjana Ždanoka

 

0

-

 

 

 

1

0

ECR

Angel Dzhambazki

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

 

Aġġornata l-aħħar: 3 ta' Diċembru 2021
Avviż legali - Politika tal-privatezza