RAPPORT dwar id-demokrazija fil-post tax-xogħol: qafas Ewropew għad-drittijiet ta' parteċipazzjoni tal-impjegati u r-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet

29.11.2021 - (2021/2005(INI))

Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali
Rapporteur: Gabriele Bischoff


Proċedura : 2021/2005(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A9-0331/2021
Testi mressqa :
A9-0331/2021
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar id-demokrazija fil-post tax-xogħol: qafas Ewropew għad-drittijiet ta' parteċipazzjoni tal-impjegati u r-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet

(2021/2005(INI))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-premessa numru erbgħa tal-Preambolu tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) li tikkonferma l-għożża kbira tal-Unjoni Ewropea għad-demokrazija,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 3(3) tat-TUE,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 9, l-Artikolu 151 u l-Artikolu 153(1)(e) u (f) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra l-Artikoli 12, 27, 28, 30 u 31 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE tal-20 ta' Lulju 1998 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar redundancies kollettivi[1],

 wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol[2],

 wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-14 ta' Marzu 2012 għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-titjib tal-bilanċ bejn is-sessi fost diretturi mhux eżekuttivi ta' kumpaniji elenkati f'borża u miżuri relatati (id-Direttiva dwar in-Nisa fuq il-Bordijiet) (COM(2012)0614),

 wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità[3],

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni[4],

 wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE tat-12 ta' Marzu 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta' trasferiment ta' impriżi, negozji jew partijiet ta' impriżi jew negozji[5],

 wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2001/86/KE tat-8 ta' Ottubru 2001 li tissupplimenta l-Istatut għal kumpanija Ewropea rigward l-involviment tal-ħaddiema[6] u d-Direttiva tal-Kunsill 2003/72/KE tat-22 ta' Lulju 2003 li tissupplimenta l-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea fir-rigward tal-involviment tal-impjegati[7],

 wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2002 li tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati fil-Komunità Ewropea[8],

 wara li kkunsidra l-istudju tad-Dipartiment Tematiku għad-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali ta' Mejju 2012 dwar ir-relazzjonijiet bejn il-maniġment u l-korpi superviżorji ta' kumpanija, li jipproponi li d-Direttiva 2002/14/KE dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni ġenerali tal-impjegati tiġi emendata biex jiġu inklużi r-rappreżentanti tal-impjegati fuq il-bordijiet tal-kumpaniji,

 wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 fuq offerti ta' xiri[9],

 wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2005 dwar mergers transkonfinali ta' kumpanniji ta' responsabbiltà limitata[10],

 wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2009 dwar l-istabbiliment ta' Kunsill tax-Xogħlijiet Ewropew jew proċedura fl-impriżi fuq skala Komunitarja u fil-gruppi tal-impriżi fuq skala Komunitarja għall-għanijiet ta' informazzjoni u ta' konsultazzjoni tal-impjegati[11] (id-Direttiva dwar il-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet),

 wara li kkunsidra l-Valutazzjoni tal-Valur Miżjud Ewropew ta' Jannar 2021 bit-titolu "Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet – proċedura ta' inizjattiva leġiżlattiva: reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet",

 wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tad-9 ta' Ġunju 2021 dwar "L-ebda Patt Ekoloġiku mingħajr patt soċjali"[12],

 wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-2 ta' Diċembru 2020 dwar "Tranżizzjoni industrijali lejn ekonomija Ewropea ekoloġika u diġitali: rekwiżiti regolatorji u r-rwol tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili"[13],

 wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tad-29 ta' Ottubru 2020 dwar "Id-djalogu soċjali bħala pilastru importanti tas-sostenibbiltà ekonomika u r-reżiljenza tal-ekonomiji, li jqis ukoll l-influwenza ta' dibattitu pubbliku mqanqal fl-Istati Membri[14],

 wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-31 ta' Awwissu 2020 dwar qafas legali tal-UE dwar is-salvagwardja u t-tisħiħ tal-informazzjoni, il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema,

 wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-17 ta' Ottubru 2018 dwar il-pakkett dwar id-dritt soċjetarju Ewropew[15],

 wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-16 ta' Marzu 2016 bit-titolu "Naġġornaw is-Suq Uniku: opportunitajiet aktar għaċ-ċittadini u għan-negozji"[16], fejn jintalab involviment akbar tal-ħaddiema fil-governanza ta' negozju,

 wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-20 ta' Marzu 2013 dwar "L-involviment u l-parteċipazzjoni tal-impjegati bħala pedamenti essenzjali ta' governanza korporattiva tajba u approċċi bilanċjati biex tingħeleb il-kriżi"[17],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2009 dwar il-parteċipazzjoni tal-impjegati f'kumpaniji bi statut Ewropew u miżuri oħra li jakkumpanjaw[18],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Ġunju 2012 dwar il-futur tad-dritt soċjetarju Ewropew[19],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2013 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar informazzjoni lill-ħaddiema u konsultazzjoni tal-ħaddiema; antiċipazzjoni u ġestjoni tar-ristrutturazzjoni[20],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2013 dwar in-negozjar kollettiv transkonfinali u d-djalogu soċjali transnazzjonali[21],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2020 dwar Ewropa soċjali b'saħħitha għal Tranżizzjonijiet Ġusti[22],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Jannar 2021 dwar l-Istrateġija l-ġdida tal-UE għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri[23], li tappella għal tmiem urġenti tal-imblokk fil-Kunsill sabiex tiġi adottata d-direttiva proposta dwar it-titjib tal-bilanċ bejn is-sessi fost diretturi mhux eżekuttivi ta' kumpaniji elenkati f'borża u miżuri relatati (COM(2012)0614),

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Diċembru 2012 bit-titolu "Pjan ta' Azzjoni: Id-dritt soċjetarju Ewropew u l-governanza korporattiva – qafas legali modern għal azzjonisti aktar impenjati u kumpaniji sostenibbli" (COM(2012)0740),

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions tat-22 ta' Ottubru 2014 bit-titolu "Towards a new framework for more democracy at work" (Lejn qafas ġdid għal aktar demokrazija fil-post tax-xogħol),

 wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions tad-9 u l-10 ta' Diċembru 2020 dwar qafas ġdid tal-UE dwar l-informazzjoni, il-konsultazzjoni u r-rappreżentanza fil-livell tal-bord għal forom ta' kumpaniji Ewropej u għall-kumpaniji li jagħmlu użu minn strumenti tad-dritt soċjetarju tal-UE li jippermettu l-mobbiltà tal-kumpaniji,

 wara li kkunsidra l-proġett ta' riċerka tal-Università ta' Leuven ta' Mejju 2016 "European Works Councils on the Move: Management Perspectives on the Development of a Transnational Institution for Social Dialogue" (Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet Attivi: Perspettivi ta' Ġestjoni dwar l-Iżvilupp ta' Istituzzjoni Tranżnazzjonali għad-Djalogu Soċjali),

 wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions tal-15 u s-16 ta' Marzu 2017 dwar Direttiva moderna dwar il-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet (EWC) fl-era diġitali,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Lobby Ewropew tan-Nisa ta' Frar 2012 bit-titolu "Women on boards in Europe: from a snail's pace to a giant leap? Progress, gaps and good practice" (In-nisa fuq il-bordijiet fl-Ewropa: minn pass ta' nemla għal qabża ta' ġgant? Progress, lakuni u prattika tajba),

 wara li kkunsidra l-istudju tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) ta' Frar 2010 bit-titolu "A comparative overview of terms and notions on employee participation" (Ħarsa ġenerali komparattiva tat-termini u l-kunċetti ta' parteċipazzjoni tal-impjegati),

 wara li kkunsidra l-istudju tal-ILO ta' Novembru 2018 dwar il-mudelli ta' governanza korporattiva: struttura, diversità, evalwazzjoni u prospetti,

 wara li kkunsidra l-Prinċipji ta' Governanza Korporattiva tal-G20/OECD tal-2015 u d-dikjarazzjoni tal-Kumitat Konsultattiv tat-Trade Unions għall-OECD tat-28 ta' Mejju 2021,

 wara li kkunsidra t-tielet Stħarriġ Ewropew dwar il-Kumpaniji tal-Eurofound tal-14 ta' Diċembru 2015 dwar il-parteċipazzjoni diretta u indiretta tal-impjegati,

 wara li kkunsidra r-raba' Stħarriġ Ewropew dwar il-Kumpaniji tal-Eurofound tat-13 ta' Ottubru 2020 dwar il-prattiki fuq il-post tax-xogħol għall-isfruttament tal-potenzjal tal-impjegati;

 wara li kkunsidra l-Prinċipji 7 u 8 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (EPRS),

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' Marzu 2021 dwar il-Pjan ta' Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (COM(2021)0102),

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Porto u l-Impenn Soċjali ta' Porto,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A9-0331/2021),

A. billi d-demokrazija b'mod ġenerali u d-demokrazija fil-post tax-xogħol b'mod partikolari huma valuri ewlenin tal-Unjoni Ewropea u jipprovdu pedament sod ħafna li fuqu jistgħu jissaħħu r-reżiljenza u l-kuntratt soċjali tal-Ewropa; billi dawn il-valuri ċentrali huma inkorporati wkoll fil-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-EPSR; billi x-xogħol huwa attività kruċjali li tipprovdi struttura fis-soċjetà, u jipprovdi mhux biss mezz għall-għajxien, iżda wkoll għall-iżvilupp individwali u l-konnessjoni mas-soċjetà; billi hija meħtieġa azzjoni biex jiġi żgurat il-bilanċ tas-setgħa ta' negozjar bejn l-impjegaturi u l-impjegati, li jista' jittejjeb permezz tat-tisħiħ tad-demokrazija fil-post tax-xogħol;

B. billi s-sħubija soċjali u n-negozjar kollettiv bejn ir-rappreżentanti tal-impjegati u l-impjegaturi fil-livell nazzjonali u d-djalogu soċjali fil-livell tal-UE jikkostitwixxu element ewlieni tal-Mudell Soċjali Ewropew, li l-wirt kondiviż tiegħu ta' djalogu soċjali, parteċipazzjoni tal-ħaddiema, negozjar kollettiv, rappreżentanza tal-impjegati fuq il-bordijiet, rappreżentanza tas-saħħa u s-sikurezza, u tripartitiżmu huma l-elementi kostitwenti ta' futur divers u ekonomikament, soċjalment u ambjentalment sostenibbli;

C. billi x-xenarju regolatorju tal-Unjoni fil-qasam tad-dritt tal-impjiegi u tad-dritt soċjetarju għadu eċċessivament frammentat, u dan jista' jirriżulta f'nuqqas ta' ċertezza tad-dritt dwar ir-regoli u d-drittijiet applikabbli kemm għall-impjegaturi kif ukoll għall-impjegati; billi huwa essenzjali li jissaħħaħ is-sett ta' għodod tal-Unjoni f'dawn l-oqsma permezz tal-introduzzjoni ta' direttiva qafas ambizzjuża li tissimplifika l-leġiżlazzjoni applikabbli u ssaħħaħ id-drittijiet tal-ħaddiema, b'mod partikolari d-dritt għall-informazzjoni, il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni;

D. billi d-demokrazija fil-post tax-xogħol għandha rwol ewlieni fit-tisħiħ tad-drittijiet tal-bniedem fuq il-post tax-xogħol u fis-soċjetà, mhux l-inqas meta r-rappreżentanti tal-ħaddiema, inklużi t-trade unions, ikunu involuti b'mod attiv fil-proċessi ta' diliġenza dovuta tan-negozju; billi aktar demokrazija fil-post tax-xogħol, flimkien ma' trasparenza akbar, ikunu mod effettiv biex jiġu indirizzati l-inugwaljanzi fuq il-post tax-xogħol u fis-soċjetà; billi d-demokrazija fil-post tax-xogħol tista' ttejjeb il-fiduċja fil-valuri demokratiċi u timmotiva lill-ħaddiema biex jinvolvu ruħhom f'kultura u prattiki demokratiċi;

E. billi l-promozzjoni tad-demokrazija fil-post tax-xogħol teħtieġ is-salvagwardja u r-rispett ta' diversi drittijiet u prinċipji soċjali u tax-xogħol, inkluż id-dritt għal organizzazzjoni u azzjonijiet kollettivi; billi l-livelli għoljin ta' demokrazija fil-post tax-xogħol huma assoċjati ma' relazzjonijiet ta' impjieg ta' kwalità aħjar, stabbiltà, pagi ogħla u livelli ogħla ta' protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza, inkluż il-fastidju fuq il-post tax-xogħol; billi l-ġustizzja soċjali u, b'mod partikolari, id-demokrazija fil-post tax-xogħol huma ankrati sew fl-istrumenti u l-istandards internazzjonali u Ewropej tad-drittijiet tal-bniedem; billi d-demokrazija fil-post tax-xogħol ilha tixpruna l-progress soċjali fl-Ewropa u fid-dinja għal aktar minn seklu; billi l-ILO twaqqfet fl-1919 bit-twemmin sod li l-paċi universali tista' tiġi stabbilita biss jekk tkun ibbażata fuq il-ġustizzja soċjali[24]; billi d-djalogu soċjali, in-negozjar kollettiv u r-rappreżentanza tal-ħaddiema jiffurmaw il-valuri u d-drittijiet ewlenin tal-ILO u huma previsti f'bosta Konvenzjonijiet u Rakkomandazzjonijiet tal-ILO23, u billi anke l-Kunsill tal-Ewropa jinkludi d-demokrazija fil-post tax-xogħol fost il-valuri ewlenin tiegħu kif espressi mill-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem24 u l-Karta Soċjali Ewropea25;

F. billi r-rappreżentanza u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema, kif ukoll il-kopertura tan-negozjar kollettiv, huma essenzjali għall-infurzar tad-drittijiet tal-ħaddiema u l-funzjonament xieraq tal-kumpaniji; billi l-Eurofound irrapportat[25] li inqas minn terz (31 %) tal-kumpaniji fl-UE ffaċilitaw il-parteċipazzjoni diretta regolari tal-impjegati fil-proċess deċiżjonali organizzazzjonali fl-2019;

G. billi skont il-Prinċipji ta' Governanza Korporattiva tal-G20/OECD tal-2015, il-livell sa fejn l-impjegati jipparteċipaw fil-governanza korporattiva jiddependi fuq il-liġijiet u l-prattiki nazzjonali, u jista' jvarja minn kumpanija għal oħra wkoll;

H. billi t-trade unions u r-rappreżentanti tal-ħaddiema kellhom rwol ewlieni fil-mitigazzjoni tal-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq il-post tax-xogħol, mill-introduzzjoni ta' miżuri għall-protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema, b'mod partikolari l-ħaddiema essenzjali f'postijiet tax-xogħol esposti ħafna, sal-implimentazzjoni ta' skemi għaż-żamma tal-impjiegi, bħax-xogħol b'ħinijiet iqsar, u forom ġodda ta' organizzazzjoni tax-xogħol, bħax-xogħol mid-dar;

I. billi l-pandemija tal-COVID-19 aggravat l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri li kienu jeżistu qabel fis-suq tax-xogħol u wessgħet id-disparità bejn il-ġeneri fil-parteċipazzjoni tal-forza tax-xogħol; billi dan affettwa, b'mod partikolari, setturi femminizzati ħafna b'pagi baxxi u kundizzjonijiet tax-xogħol ħżiena, b'għadd kbir ta' nisa li jaħdmu fuq quddiem nett, speċjalment bħala professjonisti tas-saħħa, persuni li jindokraw, ħaddiema tat-tindif u tal-manutenzjoni, u ħaddiema domestiċi, fil-ġlieda kontra l-virus filwaqt li spiss ikollhom ukoll jibbilanċjaw ir-responsabbiltajiet tal-familja waqt il-lockdowns;

J. billi bħalissa għaddejjin għadd sinifikanti ta' proċessi ta' ristrutturar b'riżultat tal-kriżi tal-COVID-19; billi l-impatt ta' tfixkil tal-pandemija aċċellera temporanjament ir-ritmu tar-ristrutturar tal-kumpaniji u wessa' l-ambitu tiegħu, speċjalment f'ċerti setturi; billi l-konsultazzjoni tal-ħaddiema u l-parteċipazzjoni tagħhom u n-negozjar kollettiv huma essenzjali biex jiġu indirizzati l-impatti pożittivi u negattivi tar-ristrutturar; billi l-iżviluppi teknoloġiċi, it-tranżizzjoni lejn ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju u l-irkupru ekonomiku u soċjali mill-pandemija tal-COVID-19 jipprovdu opportunità biex il-postijiet tax-xogħol jimxu lejn forom ta' organizzazzjoni tax-xogħol bi grad għoli ta' involviment fil-livelli kollha; billi skont l-Eurostat, l-Istati Membri b'sistemi ta' relazzjonijiet industrijali żviluppati sew, arranġamenti tax-xogħol u skemi ta' xogħol b'ħinijiet iqsar kellhom prestazzjoni aħjar mill-medja tal-UE fl-2020 u ħafna inqas ħaddiema tilfu l-impjieg tagħhom;

K. billi r-riċerka turi li l-parteċipazzjoni fil-post tax-xogħol tikkontribwixxi għall-prestazzjoni tal-kumpanija, il-kwalità tal-impjiegi u l-benesseri; billi, skont l-Eurofound[26], inqas minn terz (31 %) tal-kumpaniji fl-UE27 iffaċilitaw il-parteċipazzjoni diretta regolari tal-impjegati fil-proċess deċiżjonali organizzazzjonali u l-intensità tal-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fl-UE naqset matul dawn l-aħħar għaxar snin[27]; billi aktar minn nofs l-istabbilimenti fl-Iżvezja (56 %) u fid-Danimarka (55 %) kienu kkaratterizzati minn involviment dirett, ta' influwenza kbira u regolari mal-impjegati; billi l-istess jista' jingħad għal madwar għoxrin fil-mija biss tal-istabbilimenti fil-Polonja (20 %) u fin-Netherlands (21 %);

L. billi l-governanza korporattiva sostenibbli tista' tinkiseb biss bl-involviment tal-impjegati;

M. billi skont l-istudju tal-ILO ta' Frar 2010 bit-titolu "A comparative overview of terms and notions on employee participation" (Ħarsa ġenerali komparattiva tat-termini u l-kunċetti tal-parteċipazzjoni tal-impjegati), hemm varjetà kbira ta' mudelli li jittrattaw il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema jew l-involviment tal-impjegati, u f'xi sistemi nazzjonali, il-ħaddiema għandhom id-dritt li jeleġġu rappreżentanti fl-organi superviżorji jew amministrattivi tal-kumpanija;

N. billi l-kumpaniji sostenibbli jingħarfu mill-fatt li għandhom mekkaniżmi biex jesprimu leħen il-ħaddiema u jinkludu l-fehmiet tal-ħaddiema fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet strateġiċi li għandhom impatt fuq il-forza tax-xogħol u fuq komunitajiet u reġjuni sħaħ[28];

O. billi l-istudji wrew li l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema ssaħħaħ il-produttività, l-involviment tal-ħaddiema, l-innovazzjoni u l-organizzazzjoni tax-xogħol, tappoġġa t-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju, newtrali għall-klima, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u ċirkolari[29] u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, ittejjeb l-organizzazzjoni tajba tax-xogħol u t-teħid ta' deċiżjonijiet, u tipprovdi alternattivi għat-tnaqqis fl-impjiegi kkawżat mill-kriżi;

P. billi disparità bejn il-ġeneri u d-differenzi bejn il-ġeneri fil-pagi għadhom jeżistu fil-korpi deċiżjonali, jipprevjenu l-parteċipazzjoni sħiħa tan-nisa u l-kontribut tagħhom għall-ħajja ekonomika u soċjali, u jirriżultaw f'livelli dejjem għoljin ta' sottoimpjieg tan-nisa, li għandhom impatt qawwi fuq is-soċjetà u t-tkabbir ekonomiku;

Q. billi skont l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-17 ta' Ottubru 2018 dwar il-pakkett dwar id-dritt soċjetarju Ewropew, ir-rwol tal-kunsilli Ewropej tax-xogħlijiet għandu jissaħħaħ fil-każ ta' trasformazzjonijiet ta' kumpaniji kbar, b'konformità mad-Direttiva 2009/38/KE;

R. billi l-impjegati mhumiex sempliċement "partijiet ikkonċernati" tal-kumpaniji, iżda huma "partijiet kostitwenti" flimkien mal-azzjonisti u l-maniġers; billi l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fil-kumpaniji hija komponent ewlieni ta' mudell pluralistiku ta' governanza korporattiva bbażat fuq il-prinċipji demokratiċi, il-ġustizzja u l-effiċjenza[30];

S. billi l-inklużjoni attiva tal-ħaddiema fil-proċessi deċiżjonali tal-kumpaniji se tkun essenzjali biex jiġu żgurati l-bidliet rapidi, sostanzjali u sostenibbli fil-politika u l-istrateġija meħtieġa mit-tranżizzjoni diġitali u dik ekoloġika, li se jwasslu għal bidliet sinifikanti fid-dinja tax-xogħol; billi dan se jwassal ukoll għall-inklużjoni aħjar tal-ħaddiema l-aktar vulnerabbli fil-proċess ta' tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika u diġitali;

T. billi l-pjan ta' rkupru joffri kemm lill-impjegaturi kif ukoll lill-ħaddiema opportunità bla preċedent għall-innovazzjoni fil-finanzjament ta' investimenti u proġetti sostenibbli u diġitali; billi l-involviment tempestiv u effettiv tal-impjegati fl-ipprogrammar u l-eżekuzzjoni ta' dawn il-proġetti huwa essenzjali sabiex jiġu identifikati, antiċipati u ġestiti b'mod adegwat l-effetti trasformattivi potenzjali tagħhom fil-post tax-xogħol u fir-relazzjonijiet bejn is-sħab soċjali;

U. billi l-pandemija tal-COVID-19 uriet ħtieġa urġenti ta' parteċipazzjoni ferm usa' u aktar b'saħħitha tas-sħab soċjali, speċjalment sabiex jinkisbu t-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali lejn futur sostenibbli, ġust u soċjali għall-UE;

V. billi l-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa toffri opportunità biex nimxu lil hinn mill-istat ta' kriżi u biex iċ-ċittadini tal-UE jkunu involuti fit-tfassil tal-futur tagħha, sabiex b'hekk tissaħħaħ id-demokrazija fil-livelli kollha;

W. billi l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) jipprovdu 6 minn kull 10 impjiegi fl-UE;

Il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fil-kumpaniji

1. Jinnota n-network għani u interkonness ta' parteċipazzjoni tal-ħaddiema fuq il-postijiet tax-xogħol fl-Unjoni kollha, mill-ħaddiema u r-rappreżentanti tal-ħaddiema, inklużi t-trade unions, eletti mill-forza tax-xogħol u minn fost il-forza tax-xogħol fil-livell lokali, sal-kunsilli tax-xogħol cross-site f'kumpaniji aktar kumplessi, ir-rappreżentanza dedikata tas-saħħa u s-sikurezza, u r-rappreżentanza tal-impjegati fil-bordijiet superviżorji jew amministrattivi tal-kumpaniji;

2. Jirrikonoxxi l-oqfsa legali differenti għall-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fil-livell tal-bord fi 18-il Stat Membru tal-UE; jirrimarka li l-ambitu u l-intensità tal-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fil-bordijiet tal-kumpaniji jvarjaw ħafna; jirrimarka li t-tranżizzjoni diġitali u dik ekoloġika qed jaffettwaw ħafna d-dinja tax-xogħol, u li l-kumpaniji l-aktar reżiljenti u sostenibbli huma dawk b'sistemi stabbiliti sew ta' parteċipazzjoni tal-ħaddiema fil-kwistjonijiet tal-kumpanija[31];

3. Jinsab konvint li leħen il-ħaddiem għandu jkun komponent ewlieni tal-inizjattivi tal-UE biex jiġu żgurati governanza korporattiva sostenibbli u demokratika u diliġenza dovuta dwar id-drittijiet tal-bniedem, inkluż fir-rigward tax-xogħol, u dwar it-tibdil fil-klima u l-ambjent, kif ukoll biex jitnaqqas l-użu ta' prattiki inġusti, bħall-isfruttament tal-ħaddiema u l-kompetizzjoni inġusta fis-suq intern, anke, fejn applikabbli, fid-dawl tal-Artikolu 154 tat-TFUE;

4. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu l-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti meħtieġa biex sal-2030 ikun hemm mill-inqas 80 % tal-korporazzjonijiet koperti bi ftehimiet ta' governanza korporattiva sostenibbli; jitlob, għal dan il-għan, l-istabbiliment ta' strateġiji miftiehma mal-ħaddiema biex jiġi influwenzat b'mod pożittiv l-iżvilupp ambjentali, soċjali u ekonomiku permezz ta' prattiki ta' governanza u preżenza fis-suq, biex tittejjeb ir-responsabbiltà tad-diretturi fir-rigward tal-integrazzjoni tas-sostenibbiltà fit-teħid ta' deċiżjonijiet korporattivi, u biex jiġu promossi prattiki ta' governanza korporattiva li jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà tal-kumpanija, b'referenza, inter alia, għar-rappurtar korporattiv, id-differenzi fir-remunerazzjoni tal-bord, il-kompożizzjoni tal-bord u l-involviment tal-partijiet ikkonċernati;

5. Jirrimarka l-importanza tat-titjib kontinwu tal-politiki tal-UE u tal-Istati Membri dwar l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-ħiliet, inkluż it-taħriġ vokazzjonali, b'mod partikolari biex jiġu żgurati t-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja, kif ukoll it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema kollha;

6. Jistieden lill-Kummissjoni tirrispetta l-ftehimiet bejn is-sħab soċjali Ewropej kemm fil-livell transindustrijali kif ukoll f'dak settorjali, kif stipulat fit-Trattati; jirrimarka li r-rispett tal-ftehimiet tas-sħab soċjali Ewropej jinkludi l-implimentazzjoni tagħhom, fuq it-talba konġunta tal-partijiet firmatarji, fi kwistjonijiet koperti bl-Artikolu 153 tat-TFUE, permezz ta' deċiżjoni tal-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni;

7. Jinnota li permezz tal-lakuni[32], l-Istatut tal-UE għal Kumpanija Ewropea (Societas Europeae – SE) qed jippermetti, b'mod involontarju, lill-kumpaniji jevitaw ir-regolamenti nazzjonali, b'mod partikolari f'dik li hija r-rappreżentanza tal-impjegati fil-livell tal-bord; jiddispjaċih għall-fatt li l-Pakkett dwar id-Dritt Soċjetarju tal-2019[33] ma solviex dawn in-nuqqasijiet, u jistieden lill-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni immedjatament wara t-traspożizzjoni tal-pakkett mill-Istati Membri sabiex tivvaluta l-allegati lakuni; jinnota li xi mergers transkonfinali jistgħu jsaħħu s-suq uniku billi jiġġeneraw sinerġiji akbar bejn il-kumpaniji Ewropej, iżda jinnota wkoll li dawn, kultant, jistgħu jwasslu għal prattiki inġusti li jeħtieġ li jiġu indirizzati, u li jistgħu jintużaw ukoll biex jiġu evitati d-drittijiet ta' rappreżentanza; jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni speċjali fir-rigward tal-istrutturi korporattivi u l-ktajjen ta' provvista jew sottokuntrattar kumplessi sabiex jiġi żgurat ir-rispett tal-istandards soċjali;

8. Jenfasizza li r-rappreżentanti tal-ħaddiema għandu jkollhom id-dritt li jiġu infurmati dwar l-użu ta' ħaddiema stazzjonati fil-ktajjen ta' sottokuntrattar u għandhom ikunu jistgħu jikkuntattjaw lil dawn il-ħaddiema, f'konformità mal-obbligu stabbilit fl-Artikolu 8 tad-Direttiva dwar Xogħol Temporanju Permezz ta' Aġenzija, li jobbliga lill-impriża utenti tipprovdi informazzjoni dwar l-użu ta' ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija lill-korpi li jirrappreżentaw lill-ħaddiema;

9. Jirrimarka li l-premessa 35 tad-Direttiva 2019/2121 dwar il-konverżjonijiet, il-mergers u d-diviżjonijiet transkonfinali tgħid li "[f]'ċerti ċirkostanzi, id-dritt tal-kumpaniji li jwettqu operazzjoni transkonfinali jista' jintuża għal skopijiet abbużivi jew frodulenti, bħal pereżempju għall-evitar tad-drittijiet tal-impjegati, il-pagamenti tas-sigurtà soċjali jew l-obbligi tat-taxxa, jew għal skopijiet kriminali"; iqis li huwa essenzjali, f'dan ir-rigward, li jiġu definiti b'mod adegwat standards minimi ambizzjużi tal-UE għall-informazzjoni, il-konsultazzjoni u r-rappreżentanza fil-livell tal-bord u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema f'każijiet fejn il-kumpaniji jwettqu ristrutturar lil hinn mill-fruntieri; jistieden lill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-evalwazzjoni li ġejja tagħha tad-Direttiva 2019/2121, tqis l-eżistenza ta' prattiki tajbin u r-riżultati ta' studji u valutazzjonijiet tal-konsegwenzi u l-effetti soċjoekonomiċi pożittivi tar-rappreżentanza tal-impjegati fil-korpi korporattivi, filwaqt li temenda wkoll id-direttivi eżistenti li jaffettwaw din il-kwistjoni, li jistgħu jgħinu fit-titjib tal-governanza korporattiva; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa inizjattivi favur is-sensibilizzazzjoni u t-titjib tar-regoli nazzjonali u tal-UE li jirregolaw ir-rappreżentanza tal-impjegati fil-korpi korporattivi fid-diversi Stati Membri u trawwem skambji tal-aħjar prattiki, filwaqt li tivvaluta l-forom differenti ta' parteċipazzjoni tal-ħaddiema u l-effetti soċjoekonomiċi tagħhom;

10. Itenni li bosta atti legali tal-UE li jikkonċernaw id-drittijiet ta' rappreżentanza tal-ħaddiema fil-livell tal-bord ma jistabbilixxux rekwiżiti minimi għar-rappreżentanza fil-livell tal-bord fil-kumpaniji Ewropej fil-forom differenti tagħhom jew għal kumpaniji li jużaw strumenti tad-dritt soċjetarju tal-UE biex jippermettu l-mobbiltà transkonfinali ta' kumpanija u r-riorganizzazzjoni ġuridika, inklużi d-diviżjonijiet, il-konverżjonijiet u l-mergers transkonfinali[34]; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu azzjonijiet urġenti u deċiżivi biex jiżguraw li l-kumpaniji Ewropej jirrispettaw id-drittijiet ta' informazzjoni, konsultazzjoni u parteċipazzjoni tal-ħaddiema u li, għaldaqstant, jikkonformaw mal-obbligi legali, nazzjonali u tal-UE, eżistenti;

11. Jistieden lill-Kummissjoni twettaq it-titjib meħtieġ fl-oqfsa li jirregolaw l-SEs u s-Soċjetajiet Kooperattivi Ewropej u, abbażi ta' valutazzjoni tempestiva mill-Kummissjoni, fil-Pakkett dwar id-Dritt Soċjetarju, u temendahom biex jiġu introdotti regoli minimi tal-UE li jirregolaw il-parteċipazzjoni u r-rappreżentanza tal-impjegati fil-bordijiet superviżorji, anki fir-rigward tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri;

12. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu l-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti meħtieġa sabiex jiġi żgurat li sal-2030 ikun hemm mill-inqas 80 % tal-korporazzjonijiet fl-UE koperti bi ftehimiet ta' governanza korporattiva sostenibbli[35], filwaqt li jirrikonoxxu wkoll il-piż amministrattiv partikolari assoċjat ma' dan għall-SMEs; jitlob, għal dan il-għan, it-twaqqif ta' strateġiji miftiehma mal-ħaddiema biex jiġi influwenzat b'mod pożittiv l-iżvilupp ambjentali, soċjali u ekonomiku permezz ta' prattiki ta' governanza u preżenza fis-suq, biex jissaħħaħ ir-rwol tad-diretturi fit-tfittxija tal-interessi fit-tul tal-kumpanija tagħhom, biex tittejjeb ir-responsabbiltà tad-diretturi lejn l-integrazzjoni tas-sostenibbiltà fit-teħid ta' deċiżjonijiet korporattivi, u biex jiġu promossi prattiki ta' governanza korporattiva li jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà tal-kumpanija, inklużi r-rappurtar korporattiv, ir-remunerazzjoni tal-bord, proporzjon massimu bejn il-paga tas-CEO u dik tal-ħaddiema, il-kompożizzjoni tal-bord u l-involviment tal-partijiet ikkonċernati[36];

13. Jistieden lill-Kummissjoni twettaq l-impenn tagħha li tressaq mingħajr aktar dewmien direttiva dwar diliġenza dovuta vinkolanti fir-rigward tal-ambjent u tad-drittijiet tal-bniedem u l-imġiba responsabbli fin-negozju, inklużi drittijiet tal-ħaddiema bħad-dritt għall-organizzazzjoni u n-negozjar kollettiv, għas-saħħa u s-sikurezza, għall-protezzjoni soċjali u għal kundizzjonijiet tax-xogħol adegwati; jenfasizza li din id-direttiva għandha tistabbilixxi rekwiżiti ta' diliġenza dovuta obbligatorja li jkopru l-operat, l-attivitajiet u r-relazzjonijiet kummerċjali tal-kumpaniji, inklużi l-ktajjen tal-provvista u tas-sottokuntrattar, u għandha tiżgura l-involviment sħiħ tat-trade unions u tar-rappreżentanti tal-ħaddiema matul il-proċess kollu ta' diliġenza dovuta, inkluż il-proċess ta' żvilupp u implimentazzjoni;

14. Jinsab konvint li l-introduzzjoni ta' teknoloġiji diġitali ġodda għandha l-potenzjal li tħalli impatt pożittiv fuq l-ambjent tax-xogħol jekk dawn it-teknoloġiji jiġu implimentati u mmonitorjati b'mod affidabbli, li jkun jirrikjedi informazzjoni tempestiva u sinifikanti u l-konsultazzjoni tar-rappreżentanti tal-ħaddiema, inklużi t-trade unions, biex jiġu żgurati r-rispett sħiħ tas-saħħa u s-sikurezza tagħhom, il-protezzjoni tad-data, it-trattament ugwali, il-protezzjoni soċjali u l-benesseri fuq il-post tax-xogħol u jiġu evitati l-isfruttament u s-sorveljanza indebita tal-ħaddiema, b'mod partikolari fil-kuntest ta' ġestjoni permezz ta' algoritmi; jissottolinja l-fatt li t-trade unions u r-rappreżentanti tal-ħaddiema għandu jkollhom l-aċċess u l-mezzi meħtieġa biex jivvalutaw u jevalwaw it-teknoloġiji diġitali qabel l-introduzzjoni tagħhom; jenfasizza li t-teknoloġiji diġitali ġodda u l-intelliġenza artifiċjali m'għandhomx jirreplikaw id-diskriminazzjoni u l-preġudizzji soċjetali eżistenti iżda għandhom jgħinu l-inklużjoni soċjali u l-parteċipazzjoni ta' gruppi differenti; jirrimarka l-ħtieġa li jiġi applikat il-prinċipju ta' etika prestabbilita matul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tat-teknoloġiji diġitali sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tagħhom u jiġu evitati l-preġudizzji; jenfasizza li l-istrutturi tad-djalogu soċjali, in-negozjar kollettiv settorjali, l-għoti ta' informazzjoni lit-trade unions u lir-rappreżentanti tal-ħaddiema, u l-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni tagħhom, huma kruċjali biex jiġi pprovdut l-appoġġ meħtieġ biex il-ħaddiema jisfruttaw u jipparteċipaw aħjar fl-adozzjoni u l-monitoraġġ mis-sħab soċjali tat-teknoloġiji diġitali fuq il-post tax-xogħol;

15. Jemmen li d-drittijiet tal-ħaddiema għall-organizzazzjoni, għar-rappreżentanza kollettiva f'union, għal-libertà ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni, u d-dritt li jitolbu b'mod kollettiv għal riformi fi ħdan il-postijiet tax-xogħol tagħhom huma aspetti fundamentali tal-proġett Ewropew u prinċipji fundamentali tal-mudell soċjali, li huma affermati u mħarsa legalment mill-istituzzjonijiet Ewropej; jinsab imħasseb dwar il-fatt li xi ħaddiema li jieħdu sehem f'forom ġodda ta' xogħol ma jibbenefikawx minn drittijiet effettivi ta' rappreżentanza u parteċipazzjoni fuq il-post tax-xogħol; jiddeplora l-fatt li dan huwa l-każ, b'mod partikolari, għas-setturi fejn il-maġġoranza tal-ħaddiema huma nisa[37]; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw id-dritt tal-ħaddiema għal-libertà ta' assoċjazzjoni u parteċipazzjoni fuq il-post tax-xogħol, fil-forom kollha ta' impjieg; jistieden lill-Kummissjoni tikkomplementa l-attivitajiet tal-Istati Membri biex il-ħaddiema jkunu protetti fl-eżerċizzju tad-dritt tagħhom għal-libertà ta' assoċjazzjoni u fil-parteċipazzjoni fuq il-post tax-xogħol;

16. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, flimkien mas-sħab soċjali, jimpenjaw ruħhom li jilħqu kopertura ta' negozjar kollettiv ta' 90 % sal-2030 f'dawk is-sistemi nazzjonali li jikkombinaw ir-regolamentazzjoni statutorja u dik tas-sħab soċjali f'dak li jirrigwarda l-impjiegi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol; jenfasizza li n-negozjar kollettiv jikkontribwixxi għall-ekonomija soċjali tas-suq, kif previst fit-Trattat ta' Lisbona; itenni li t-trattati tal-UE, li jipproteġu b'mod espliċitu l-awtonomija tas-sħab soċjali, u s-sistemi awtoregolatorji fis-seħħ f'xi Stati Membri, jridu jiġu protetti sabiex is-sħab soċjali jirregolaw b'mod awtonomu, filwaqt li jiġu żgurati leġittimità b'saħħitha u progress fil-kopertura tan-negozjar kollettiv; jistieden lill-Istati Membri jneħħu kwalunkwe leġiżlazzjoni nazzjonali li xxekkel in-negozjar kollettiv, inkluż billi jiżguraw l-aċċess tat-trade unions għall-postijiet tax-xogħol għall-finijiet ta' organizzazzjoni;

17. Jissottolinja li r-riformi fl-Istati Membri m'għandhomx jaffettwaw b'mod negattiv in-negozjar kollettiv, li jeħtieġ li jiġi promoss fil-livell settorjali, inkluż bl-appoġġ għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tas-sħab soċjali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvolvu bis-sħiħ lis-sħab soċjali fit-tfassil tal-politika tal-UE, inkluż fil-proċess tas-Semestru Ewropew; jenfasizza li r-riformi tax-xogħol fil-livell nazzjonali jridu jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-EPSR, inkluż il-Prinċipju 8 dwar id-djalogu soċjali u l-involviment tal-ħaddiema, in-negozjar kollettiv u r-rispett għall-awtonomija tas-sħab soċjali u d-drittijiet għal azzjoni kollettiva u li jiġu infurmati u kkonsultati fi żmien xieraq dwar it-trasferiment, ir-ristrutturar u l-merger tal-impriżi, u dwar is-sensji kollettivi; jistieden lill-Kummissjoni tanalizza r-riformi tax-xogħol fil-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza b'rabta ma' dawn l-aspetti speċifiċi;

Qafas ġdid għall-informazzjoni, il-konsultazzjoni u r-rappreżentanza fil-livell tal-bord

18. Jenfasizza l-ħtieġa li l-liġijiet rilevanti kollha tal-UE jiġu kompletament infurzati, evalwati u – fejn meħtieġ abbażi ta' din l-evalwazzjoni – imsaħħa u kkonsolidati biex jiġi żgurat li l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati jkunu parti integrali mill-proċess deċiżjonali tal-kumpaniji u li dan iseħħ fil-livell rilevanti fi ħdan il-kumpaniji;

19. Jenfasizza l-importanza li jiġu żgurati informazzjoni u konsultazzjoni tempestivi u sinifikanti madwar l-UE, qabel ma jittieħdu deċiżjonijiet maniġerjali li jkollhom impatt potenzjali fuq il-ħaddiema u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, u dwar politiki jew miżuri, speċjalment dawk b'implikazzjonijiet transkonfinali; jenfasizza li r-rappreżentanti tal-ħaddiema, inklużi t-trade unions, irid ikollhom aċċess għall-għarfien espert meħtieġ u d-dokumentazzjoni ta' sostenn rigward id-deċiżjonijiet maniġerjali biex jivvalutaw l-implikazzjonijiet ta' dawn il-politiki u l-proċessi transkonfinali għall-forza tax-xogħol u jipproponu alternattivi; jenfasizza li jrid isir djalogu ġenwin dwar dawk l-alternattivi bejn it-trade unions, ir-rappreżentanti tal-ħaddiema u l-maniġment;

20. Jirrimarka l-importanza li r-rappreżentanti tal-impjegati, u b'mod partikolari l-kunsilli Ewropej tax-xogħlijiet, jipparteċipaw b'mod sinifikanti, wara li jkunu ġew infurmati u kkonsultati b'mod effettiv, fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta' kwistjonijiet tranżnazzjonali li jaffettwaw b'mod sinifikanti l-interessi tal-ħaddiema; jenfasizza li dan għandu jinkludi kwistjonijiet li huma ta' importanza għall-forza tax-xogħol Ewropea f'dak li huwa l-ambitu tal-effetti potenzjali tagħhom jew li jinvolvu trasferimenti ta' attivitajiet bejn l-Istati Membri; jenfasizza li l-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet għandu jiġi infurmat u kkonsultat fi kwistjonijiet relatati, b'mod partikolari, mas-sitwazzjoni u x-xejriet probabbli fir-rigward tal-impjiegi u l-investimenti, u l-bidliet sostanzjali li jirrigwardaw l-organizzazzjoni, l-introduzzjoni ta' metodi ta' ħidma jew proċessi ta' produzzjoni ġodda, trasferimenti ta' produzzjoni, mergers, tnaqqis fid-daqs, għeluq ta' impriżi, stabbilimenti jew partijiet importanti tagħhom, u sensji kollettivi; jenfasizza wkoll li l-involviment tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet jista' jiżviluppa u jippromwovi l-kultura u l-koeżjoni korporattivi u li r-rappreżentanti tal-ħaddiema għandhom jieħdu sehem fl-iżvilupp tal-pjanijiet soċjali, bil-għan li jiġu rregolati l-bidliet li jistgħu jaffettwaw lill-ħaddiema u jiġġeneraw is-sensji; jemmen li huwa essenzjali li jissaħħu l-kunsilli Ewropej tax-xogħlijiet, filwaqt li jitqiesu d-differenzi fis-sistemi tar-relazzjonijiet industrijali fl-Istati Membri;

21. Jinnota li hemm diverġenzi persistenti bejn il-pajjiżi tal-UE rigward il-kwalità, it-tempestività u l-effettività tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni qabel it-teħid tad-deċiżjonijiet korporattivi, u li l-proċessi ta' ristrutturar jitwettqu b'mod differenti madwar l-Ewropa; jinnota li d-djalogu dwar l-alternattivi għas-sensji u l-għeluq tal-impjanti jvarja fi ħdan l-UE; ifakkar li fl-2013 diġà kien ippropona qafas legali[38] fir-rigward tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema, u l-antiċipazzjoni u l-ġestjoni tar-ristrutturar, bil-għan li jissawwar ristrutturar sostenibbli u soċjalment inklużiv u li l-ebda ħaddiem ma jitħalla jibqa' lura; jemmen li huwa essenzjali li jkun hemm strateġija koerenti tal-UE biex il-kumpaniji u l-ħaddiema jkunu mgħammra biex ilaħħqu ma' tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ġusta;

22. Jenfasizza li d-dritt tal-impjegati għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni għandu dejjem jiġi żgurat b'mod tempestiv u jindirizza l-effetti kwantitattivi u kwalitattivi potenzjali fuq l-impjiegi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-bidliet li jirriżultaw mill-applikazzjonijiet u t-teknoloġiji diġitali biex jittejbu l-proċessi tan-negozju eżistenti u l-effiċjenza tal-forza tax-xogħol; jindika li l-infurmar tal-ħaddiema u l-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-livell tal-bord huma għodod effettivi fl-infurzar tad-drittijiet tal-ħaddiema;

23. Jitlob lill-UE tiżgura li l-impjegati jkunu rappreżentati wkoll fuq il-bordijiet f'kumpaniji li jagħmlu użu mil-leġiżlazzjoni tal-UE[39] għall-finijiet ta' ristrutturar u mobbiltà transkonfinali ta' kumpanija; jenfasizza l-ħtieġa ta' bordijiet li jkollhom bilanċ bejn il-ġeneri, kemm f'termini tal-għadd ta' siġġijiet tal-impjegati kif ukoll f'termini tal-bord kollu; itenni t-talba tiegħu lill-Kunsill biex jieqaf jimblokka d-Direttiva dwar in-Nisa fuq il-Bordijiet, filwaqt li jiġi rifless il-fatt li sabiex jinkisbu postijiet tax-xogħol parteċipattivi, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri trid tiġi żgurata fil-livelli kollha;

24. Jiddikjara li għad fadal ħafna xi jsir biex jiġu żgurati l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-opportunitajiet ugwali fl-aspetti kollha tal-parteċipazzjoni tal-ħaddiema madwar l-UE, kif ukoll ir-rappreżentanza xierqa tal-impjegati b'diżabbiltà; jinnota li l-inugwaljanza persistenti bejn il-ġeneri hija riflessa wkoll fl-aċċess limitat tan-nisa għal pożizzjonijiet ta' tmexxija u rappreżentattivi fuq il-post tax-xogħol; itenni li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-diversità fuq il-bordijiet jirrappreżentaw prinċipju demokratiku ewlieni b'effetti ekonomiċi sekondarji pożittivi; jitlob l-introduzzjoni ta' miżuri addizzjonali, f'konsultazzjoni mas-sħab soċjali, biex jiġu żgurati rappreżentanza bbilanċjata u ugwaljanza bejn il-ġeneri; jinnota li l-kwoti tal-ġeneru jikkontribwixxu għall-kisba ta' aktar diversità, ugwaljanza bejn il-ġeneri u ekwitabbiltà fil-korpi deċiżjonali kollha;

25. Iqis li l-kumpaniji għandhom jagħmlu progress fil-garanzija tad-diversità u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, inkluż permezz ta' paga ugwali fuq il-post tax-xogħol; iħeġġeġ lill-Kunsill jagħmel progress fuq id-Direttiva dwar in-Nisa fuq il-Bordijiet; jitlob l-applikazzjoni tal-kwota ta' 40 % kemm għall-bordijiet mhux eżekuttivi kif ukoll għal dawk eżekuttivi (ikkunsidrati b'mod indipendenti), kemm f'kumpaniji bi sjieda privata kif ukoll f'dawk bi sjieda pubblika, b'adattament progressiv tal-leġiżlazzjoni nazzjonali;

26. Jistieden lill-Kummissjoni tagħti segwitu għall-prijoritajiet inklużi fl-Istrateġija tal-UE għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2020-2025 u, b'mod partikolari, tiżgura li l-proposta għal direttiva dwar it-titjib tal-bilanċ bejn il-ġeneri fost diretturi mhux eżekuttivi ta' kumpaniji elenkati f'borża u l-miżuri relatati tiġi rilaxxata fil-Kunsill;

27. Jistieden lill-Kummissjoni, b'segwitu għall-valutazzjoni tal-impatt antiċipat tagħha u f'konsultazzjoni mas-sħab soċjali, tintroduċi direttiva qafas ġdida dwar l-informazzjoni, il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema għall-forom differenti ta' kumpaniji Ewropej, u għall-kumpaniji li jużaw strumenti Ewropej ta' mobbiltà tal-kumpaniji, sabiex jiġu stabbiliti standards minimi dwar kwistjonijiet bħall-antiċipazzjoni ta' bidla, inkluż fir-rigward ta' miżuri li jikkonċernaw it-tibdil fil-klima, it-trasformazzjoni diġitali u r-ristrutturar, b'mod partikolari fil-livell ta' kumpanija;

28. Jenfasizza li xi nuqqasijiet fid-dritt tal-UE jistgħu jiġu megħluba bl-introduzzjoni ta' limiti għal standard minimu tal-UE ta' rappreżentanza fil-livell tal-bord fl-ambitu ta' din id-direttiva qafas ġdida; iqis, għal dan il-għan, li l-għadd/proporzjon ta' siġġijiet fuq il-bordijiet għar-rappreżentanti tal-ħaddiema għandu jvarja minn ftit siġġijiet għal parità, skont l-għadd ta' impjegati fil-kumpanija u s-sussidjarji tagħha;

29. Ifakkar li d-Direttiva dwar il-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet hija parti mill-acquis tal-UE dwar id-dritt tal-impjegati għall-parteċipazzjoni, l-informazzjoni u l-konsultazzjoni; jesprimi tħassib dwar in-nuqqasijiet fit-tfassil tad-direttiva, b'mod partikolari l-infurzar u l-effettività tad-drittijiet ta' informazzjoni u konsultazzjoni, u jiddeplora l-opportunità mitlufa fl-2008 biex din id-direttiva tkompli tiġi żviluppata u tittejjeb b'mod sinifikanti;

30. Jirrimarka l-ħtieġa ta' sensibilizzazzjoni dwar il-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet fost ir-rappreżentanti tal-impjegati u tal-maniġment; jenfasizza li l-l-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet huma korpi tranżnazzjonali uniċi[40] stabbiliti għall-fini ta' informazzjoni u konsultazzjoni tal-impjegati u l-bini u l-promozzjoni tal-identità korporattiva, u li huma affettwati mil-livell jew l-intensità tar-relazzjonijiet industrijali u l-oqfsa ta' politika; jiddispjaċih dwar il-fatt li r-riżorsi finanzjarji, materjali u legali meħtieġa biex il-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet ikunu jistgħu jwettqu dmirijiethom b'mod xieraq mhux dejjem jiġu pprovduti mill-maniġment ċentrali; jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-azzjonijiet meħtieġa biex ittejjeb il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema u l-infurzar aħjar tad-Direttiva dwar il-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet, u, jekk ikun meħtieġ, tipproponi reviżjoni tad-direttiva bil-għan li jissaħħaħ id-dritt tar-rappreżentanti tal-impjegati għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni, b'mod partikolari matul il-proċessi ta' ristrutturar;

31. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu t-tisħiħ tad-drittijiet ta' informazzjoni u konsultazzjoni biex jiġi żgurat li l-opinjoni tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet tkun tista' tiġi kkunsidrata fid-deċiżjonijiet ta' kumpanija u tingħata qabel ma tiġi kkompletata l-konsultazzjoni fil-livell rispettiv u qabel ma l-korpi governattivi jaslu għal deċiżjoni; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, biex issaħħaħ il-mekkaniżmi ta' infurzar, lill-Istati Membri biex jiżguraw aċċess effettiv għall-ġustizzja għal korpi speċjali ta' negozjar, u lill-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet biex jintroduċu penali effettivi, dissważivi u proporzjonati sabiex tiġi żgurata l-konformità, itemmu, wara aktar minn 20 sena, l-eżenzjonijiet għall-ftehimiet antiki, l-hekk imsejħa "volontarji" ta' qabel id-direttiva, jiċċaraw il-kunċett tan-"natura tranżnazzjonali ta' kwistjoni" fil-kuntest tad-Direttiva dwar il-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet, jipprevjenu l-abbuż tar-regoli tal-kunfidenzjalità bħala mezz biex jiġu limitati l-aċċess għal-informazzjoni u l-parteċipazzjoni effettiva, issaħħu r-rekwiżiti ta' sussidjarjetà u jiżguraw il-koordinazzjoni effiċjenti tal-informazzjoni, il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni fil-livelli lokali, nazzjonali u tal-UE;

°

° °

32. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


 

NOTA SPJEGATTIVA

L-UE għadha maqbuda sew fil-morsa tal-pandemija, li ħolqot sfidi u inċertezzi ġodda u aċċellerat ukoll ix-xejriet u l-approfondiment tal-problemi li kienu jeżistu diġà qabel il-pandemija. L-impjiegi u l-ħaddiema jeħtieġ li jiġu protetti. Ċerti setturi u reġjuni ntlaqtu b'mod partikolarment ħażin, u huwa meħtieġ irkupru ekonomiku, soċjali u politiku rapidu u sostenibbli. Bis-saħħa tal-miżuri innovattivi għas-salvagwardja tal-impjiegi, ġie evitat il-qgħad tal-massa, iżda r-ristrutturar u l-insolvenzi jafu ġew posposti biss b'dawn il-miżuri.

Fl-istess waqt li l-Ewropa qed tikkonċentra fuq l-irkupru, il-Patt Ekoloġiku Ewropew u d-diġitalizzazzjoni tax-xogħol se jinvolvu tranżizzjonijiet enormi. L-Unjoni Ewropea qed timmira lejn tranżizzjoni ġusta li fiha ħadd ma għandu jitħalla jibqa' lura. Madankollu, huma meħtieġa strateġiji u politiki ġodda sabiex jiġi żgurat li kulħadd jibbenefika, u mhux biss il-ftit.

Id-demokrazija fuq il-post tax-xogħol għandha tkun element ewlieni ta' din l-istrateġija, sabiex il-ħaddiema jkunu jistgħu jsemmgħu leħinhom u jsawru u jinfluwenzaw din il-bidla minflok ma jkunu sempliċiment soġġetti għal dawn il-proċessi trasformattivi. Dan se jkun vitali biex jissawru dawn l-isfidi soċjali, ekonomiċi u ambjentali u biex jinbena rkupru responsabbli u sostenibbli għal kulħadd. Il-kumpaniji li jagħmlu użu sħiħ mill-parteċipazzjoni tal-impjegati għandhom probabbiltà kważi doppja li jintegraw l-istrateġiji ta' sostenibbiltà fil-linji gwida ta' ġestjoni tagħhom meta mqabbla ma' kumpaniji mingħajr parteċipazzjoni tal-impjegati.

L-UE mhijiex sempliċiment suq komuni; iżda hija komunità b'valuri ewlenin u għandha għalfejn tkun kburija bil-kisba unika tal-mudell soċjali tagħha. Id-drittijiet ta' informazzjoni, konsultazzjoni u parteċipazzjoni jankraw ir-rwol kruċjali tas-sħab soċjali fil-kisba ta' dawn l-għanijiet. Dan huwa rifless ukoll fi kważi 40 Direttiva differenti tal-UE fl-oqsma tad-dritt tal-impjieg, id-dritt soċjetarju u l-protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza li jipprevedu l-involviment tal-ħaddiema.

Il-frammentazzjoni ta' regoli differenti u kultant kontradittorji rigward l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema u r-rappreżentanza tagħhom fl-ogħla organi ta' governanza ta' kumpanija ma tirriżultax biss f'nuqqas ta' ċertezza tad-dritt għall-atturi kollha involuti. Iżda tfisser ukoll li ma' kull inizjattiva leġiżlattiva ġdida li tolqot id-drittijiet tal-ħaddiema, jiżdiedu biss saffi ġodda ta' regoli simili mingħajr ma tiġi indirizzata b'mod komprensiv il-problema.

Biex dan jiġi rimedjat, qafas ġdid tal-UE dwar l-informazzjoni, il-konsultazzjoni u r-rappreżentanza tal-impjegati fil-livell tal-bord għandu jkun strument legali addizzjonali komprensiv b'effett orizzontali fl-istabbiliment ta' standards għall-involviment tal-ħaddiema li għalih tirreferi l-leġiżlazzjoni kollha relatata bħala sett komuni ta' regoli, proċeduri u standards. Qafas ġdid għandu jinkludi jew ikun akkumpanjat minn sforzi mġedda biex jiġi introdott it-titjib meħtieġ fil-qafas legali dwar il-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet.

Id-demokrazija ma tieqafx fuq il-post tax-xogħol. Il-kunċett ta' aktar demokrazija fuq il-post tax-xogħol jorbot id-dibattitu dwar il-futur tax-xogħol mad-dibattitu dwar il-futur tal-UE u t-tisħiħ tad-demokrazija fl-Ewropa.

 


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

23.11.2021

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

41

7

7

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Abir Al-Sahlani, Marc Angel, Dominique Bilde, Gabriele Bischoff, Vilija Blinkevičiūtė, Milan Brglez, Sylvie Brunet, David Casa, Leila Chaibi, Margarita de la Pisa Carrión, Klára Dobrev, Jarosław Duda, Estrella Durá Ferrandis, Lucia Ďuriš Nicholsonová, Rosa Estaràs Ferragut, Nicolaus Fest, Loucas Fourlas, Heléne Fritzon, Helmut Geuking, Elisabetta Gualmini, Alicia Homs Ginel, France Jamet, Agnes Jongerius, Radan Kanev, Ádám Kósa, Stelios Kympouropoulos, Miriam Lexmann, Elena Lizzi, Kira Marie Peter-Hansen, Dragoş Pîslaru, Manuel Pizarro, Dennis Radtke, Elżbieta Rafalska, Guido Reil, Daniela Rondinelli, Mounir Satouri, Monica Semedo, Vincenzo Sofo, Beata Szydło, Eugen Tomac, Romana Tomc, Marie-Pierre Vedrenne, Maria Walsh, Stefania Zambelli, Tatjana Ždanoka, Tomáš Zdechovský

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Konstantinos Arvanitis, Romeo Franz, José Gusmão, Lukas Mandl, Samira Rafaela, Eugenia Rodríguez Palop, Birgit Sippel, Véronique Trillet-Lenoir, Anna Zalewska

 


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

41

+

NI

Daniela Rondinelli

PPE

David Casa, Jarosław Duda, Rosa Estaràs Ferragut, Loucas Fourlas, Helmut Geuking, Radan Kanev, Stelios Kympouropoulos, Lukas Mandl, Dennis Radtke, Eugen Tomac, Romana Tomc, Maria Walsh, Tomáš Zdechovský

Renew

Sylvie Brunet, Lucia Ďuriš Nicholsonová, Dragoş Pîslaru, Samira Rafaela, Monica Semedo, Véronique Trillet-Lenoir, Marie-Pierre Vedrenne

S&D

Marc Angel, Gabriele Bischoff, Vilija Blinkevičiūtė, Milan Brglez, Klára Dobrev, Estrella Durá Ferrandis, Heléne Fritzon, Elisabetta Gualmini, Alicia Homs Ginel, Agnes Jongerius, Manuel Pizarro, Birgit Sippel

The Left

Konstantinos Arvanitis, Leila Chaibi, José Gusmão, Eugenia Rodríguez Palop

Verts/ALE

Romeo Franz, Kira Marie Peter-Hansen, Mounir Satouri, Tatjana Ždanoka

 

7

-

ECR

Margarita de la Pisa Carrión

ID

Dominique Bilde, Nicolaus Fest, France Jamet, Elena Lizzi, Guido Reil, Stefania Zambelli

 

7

0

ECR

Elżbieta Rafalska, Vincenzo Sofo, Beata Szydło, Anna Zalewska

NI

Ádám Kósa

PPE

Miriam Lexmann

Renew

Abir Al-Sahlani

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

 

Aġġornata l-aħħar: 10 ta' Diċembru 2021
Avviż legali - Politika tal-privatezza