Proċedura : 2021/2074(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0348/2021

Testi mressqa :

A9-0348/2021

Dibattiti :

PV 14/02/2022 - 26
CRE 14/02/2022 - 25
CRE 14/02/2022 - 26

Votazzjonijiet :

PV 15/02/2022 - 13
CRE 15/02/2022 - 13

Testi adottati :

P9_TA(2022)0023

<Date>{14/12/2021}14.12.2021</Date>
<NoDocSe>A9-0348/2021</NoDocSe>
PDF 230kWORD 64k

<TitreType>RAPPORT</TitreType>

<Titre>dwar l-impatt tar-riformi fiskali nazzjonali fuq l-ekonomija tal-UE</Titre>

<DocRef>(2021/2074(INI))</DocRef>


<Commission>{ECON}Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji</Commission>

Rapporteur: <Depute>Markus Ferber</Depute>

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-impatt tar-riformi fiskali nazzjonali fuq l-ekonomija tal-UE

(2021/2074(INI))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Artikoli 110-113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) li jirrigwardaw l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar it-taxxi fuq it-turnover, id-dazji tas-sisa u forom oħra ta' tassazzjoni indiretta;

 wara li kkunsidra l-Artikoli 114-118 tat-TFUE, li jkopru t-taxxi li għandhom effett indirett fuq l-istabbiliment tas-suq uniku,

 wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Kummissjoni dwar it-Tassazzjoni għall-2021 – Rieżami tal-politiki tat-tassazzjoni fl-Istati Membri tal-UE,

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Lulju 2020 dwar "Pjan ta' Azzjoni għal tassazzjoni ġusta u sempliċi li tappoġġa l-istrateġija ta' rkupru" (COM(2020)0312),

 wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Mejju 2021 bit-titolu "It-Tassazzjoni tal-Intrapriżi għas-Seklu 21" (COM(2021)0251),

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Settembru 2020 dwar "Unjoni tas-Swieq Kapitali għall-persuni u n-negozji - pjan ta' azzjoni ġdid" (COM(2020)0590),

 wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi tal-Kummissjoni ppubblikati fil-qafas tas-Semestru Ewropew u l-valutazzjonijiet tagħha tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza ppreżentati mill-Istati Membri bħala parti mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza,

 wara li kkunsidra l-istħarriġ tal-Kummissjoni tal-2020 bit-titolu "Il-politiki tat-tassazzjoni fl-Unjoni Ewropea",

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji fl-1 ta' Diċembru 1997 dwar il-politika tat-tassazzjoni – Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqa' fil-Kunsill tal-1 ta' Diċembru 1997 rigward kodiċi ta' kondotta dwar it-tassazzjoni tal-intrapriżi - it-tassazzjoni tat-tfaddil[1],

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tad-29 ta' Settembru 2015 bit-titolu "Tax reforms in EU Member States 2015 - Tax policy challenges for economic growth and fiscal sustainability" (ir-Riformi tat-taxxa fl-Istati Membri tal-UE 2015 - Sfidi tal-politika tat-tassazzjoni għat-tkabbir ekonomiku u s-sostenibbiltà fiskali),

 wara li kkunsidra l-ħarsa ġenerali lejn is-sistemi tat-taxxa preferenzjali eżaminati mill-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta (Tassazzjoni tal-Intrapriżi) mill-ħolqien tiegħu f'Marzu 1998,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-21 ta' April 2021 tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) bit-titolu "Tax Policy Reforms 2021 – Special Edition on Tax Policy during the COVID-19 Pandemic" (Riformi tal-Politika tat-Taxxa 2021 – Edizzjoni Speċjali dwar il-Politika tat-Taxxa matul il-Pandemija tal-COVID-19),

 wara li kkunsidra s-soluzzjoni b'żewġ pilastri biex jiġu indirizzati l-isfidi tat-taxxa li jirriżultaw mid-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija maqbula mill-Qafas Inklużiv tal-OECD/G20 dwar l-Erożjoni tal-Bażi tat-Taxxa u Trasferiment tal-Profitti,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-OECD tad-19 ta' Mejju 2020 bit-titolu "Tax and Fiscal Policy in Response to the Coronavirus Crisis: Strengthening Confidence and Resilience" (Il-Politika Fiskali u tat-Tassazzjoni b'Reazzjoni għall-Kriżi tal-Coronavirus: it-Tisħiħ tal-Fiduċja u r-Reżiljenza),

 wara li kkunsidra d-dokument ta' politika tal-25 ta' Mejju 2021 tal-Fond Monetarju Internazzjonali bit-titolu "Taxing Multinationals in Europe" (It-Tassazzjoni fuq il-Kumpaniji Multinazzjonali fl-Ewropa),

 wara li kkunsidra r-rapport fuq inizjattiva projprja tiegħu dwar ir-riforma tal-politika tal-UE dwar il-prattiki tat-taxxa dannużi (inkluża r-riforma tal-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta),

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ottubru 2021 dwar ir-riforma tal-politika tal-UE dwar il-prattiki tat-taxxa dannużi (inkluża r-riforma tal-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta)[2],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Settembru 2021 dwar l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tal-UE għall-iskambju ta' informazzjoni dwar it-taxxa: il-progress, it-tagħlimiet miksuba u l-ostakli li jridu jingħelbu[3];

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2019 dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-politiki tat-tassazzjoni fl-UE[4],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Ottubru 2021 dwar il-Pandora Papers: implikazzjonijiet għall-isforzi biex jiġu miġġielda l-ħasil tal-flus, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa[5],

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Osservatorju tat-Taxxa tal-UE bit-titolu "New forms of tax competition in the European Union: an empirical investigation" (Forom ġodda ta' kompetizzjoni fiskali fl-Unjoni Ewropea: investigazzjoni empirika), ippubblikat f'Novembru 2021,

 wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal-15 ta' Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni (Direttiva dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva)[6],

 wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A9-0348/2021),

A. billi l-kwistjoni tal-prattiki tat-taxxa dannużi ġiet diskussa, kif ukoll ġew proposti riformi, fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-7 ta' Ottubru 2021 dwar ir-riforma tal-politika tal-UE dwar prattiki tat-taxxa dannużi (inkluża r-riforma tal-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta); billi l-effetti fuq perjodu ta' żmien qasir tal-pandemija tal-COVID-19 u t-trasformazzjoni strutturali fit-tul b'riżultat tax-xejriet demografiċi, id-diġitalizzazzjoni, u t-tranżizzjoni lejn mudell ekonomiku newtrali f'termini tal-emissjonijiet tal-karbonju, affettwaw l-għażliet tal-Istati Membri fir-rigward tat-tfassil ta' politiki futuri tat-tassazzjoni;

B. billi għalkemm il-politika tat-taxxa fil-biċċa l-kbira tibqa' responsabbiltà tal-Istati Membri, is-suq uniku jeħtieġ armonizzazzjoni u koordinazzjoni fl-istabbiliment tal-politika tat-taxxa sabiex tiżdied l-integrazzjoni tas-suq uniku u tiġi evitata l-erożjoni tal-bażi tat-taxxa; billi l-miżuri nazzjonali jista' jkollhom impatt fuq il-ġbir tat-taxxa tal-Istati Membri oħra u jista' jkollhom effett ta' distorsjoni kemm fuq il-kompetizzjoni ġusta kif ukoll fuq l-investimenti;

C. billi l-frammentazzjoni tal-politika tat-tassazzjoni toħloq diversi ostakli għaċ-ċittadini u għall-kumpaniji fis-suq uniku, partikolarment l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), inklużi l-inċertezza tad-dritt, il-burokrazija, ir-riskju ta' tassazzjoni doppja u d-diffikultajiet involuti biex jintalbu rifużjonijiet tat-taxxa; billi dawn l-ostakli jiskoraġġixxu l-attività ekonomika transfruntiera u jistgħu jwasslu għal distorsjoni tas-suq uniku; billi l-frammentazzjoni tal-politika toħloq bl-istess mod riskji għall-awtoritajiet tat-taxxa bħan-nontassazzjoni doppja u l-arbitraġġ (bħall-ippjanar tat-taxxa u prattiki aggressivi ta' evitar tat-taxxa); billi l-Istati Membri qed ikomplu jitilfu d-dħul mit-taxxa minħabba prattiki tat-taxxa dannużi minħabba lakuni bejn il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri jew bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi, u l-istimi tad-dħul mitluf b'riżultat tal-evitar tat-taxxa korporattiva jvarja minn EUR 36-37 biljun sa EUR 160-190 biljun fis-sena; billi l-frammentazzjoni tal-politika żżid l-ispiża tal-infurzar għall-awtoritajiet tat-taxxa;

D. billi fi ħdan l-ekonomija soċjali tas-suq tal-UE, livelli adegwati ta' taxxa u liġijiet tat-taxxa sempliċi u ċari għandu jkollhom l-għan li jkunu l-inqas distortivi possibbli; billi politiki sodi tat-tassazzjoni għandhom jappoġġjaw l-ilħuq tal-objettivi ta' politika mniżżla fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u jwasslu għal soċjetajiet iktar ġusti u iktar sostenibbli, u jtejbu l-kompetittività tal-UE u tal-Istati Membri tagħha; billi l-irkupru ekonomiku u l-isfidi assoċjati mal-kriżi klimatika, it-tranżizzjoni ekoloġika u d-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija jinvolvu bidliet profondi u evalwazzjoni mill-ġdid tal-politiki tat-tassazzjoni attwali; billi l-miżuri fiskali ma għandhomx ifixklu inizjattivi privati li jiġġeneraw tkabbir ekonomiku, jattivaw mill-ġdid l-ekonomiji tal-pajjiżi u jippromwovu l-ħolqien tal-impjiegi fl-UE;

E. billi s-sistemi tat-taxxa effiċjenti huma trasparenti, faċli li wieħed jikkonforma magħhom u jiġġeneraw dħul mit-taxxa konsistenti; billi r-riformi tat-taxxa orjentati lejn it-tkabbir jgħaddu l-piż tat-taxxa fuq it-taxxi fuq il-konsum u fuq il-proprjetà u għandhom l-għan li jwessgħu l-bażi tat-taxxa;

F. billi r-raġunament għar-riformi tal-politika nazzjonali tat-tassazzjoni jvarja minn każ għal ieħor biex jirrifletti l-karatteristiċi strutturali tal-ekonomiji tal-Istati Membri u jista' jinkludi raġunijiet bħal li jagħmlu t-tassazzjoni aktar affidabbli u ċerta, li jippermettu li jkun hemm tkabbir ekonomiku, li jżidu id-dħul, itejbu id-distribuzzjoni, jistabbilixxu inċentivi ta' mġiba u li jibqgħu aġġornati ma' bidliet strutturali fl-ekonomija;

G. billi l-livell ġenerali ta' tassazzjoni (mifhum bħala taxxi u kontribuzzjonijiet soċjali obbligatorji) ivarja b'mod konsiderevoli bejn l-Istati Membri, kif muri mill-fatt li fl-2019 il-proporzjon tat-taxxa mal-PDG varja minn 22,1 % fl-Irlanda għal 46,1 % fid-Danimarka; billi b'mod aggregat, il-piż tat-taxxa fl-UE (40,1 %) huwa ogħla minn xi ekonomiji avvanzati oħrajn (il-medja tal-OECD kienet ta' 34,3 % fl-2018); billi r-rata medja ponderata statutorja tat-taxxa korporattiva fil-pajjiżi tal-OECD naqset minn 46,52 % fl-1980 għal 25,85 % fl-2020, li tirrappreżenta tnaqqis ta' 44 % f'dawn l-aħħar 40 sena;

H. billi fit-total tagħha, il-kompożizzjoni tat-taħlita tat-taxxa fl-UE baqgħet ġeneralment stabbli fil-perjodu ta' bejn l-2004 u l-2019, filwaqt li l-livell ġenerali tad-dħul mit-taxxa żdied bi ftit; billi l-kompożizzjoni tat-taħlita tat-taxxa (ishma relattivi tat-taxxa fuq ix-xogħol, il-konsum, il-kapital, l-ambjent u taxxi oħra) tvarja b'mod sinifikanti fl-UE, u xi Stati Membri għandhom taħlita tat-taxxa aktar favorevoli għat-tkabbir minn oħrajn;

I. billi l-kompetizzjoni qawwija fil-qasam tat-taxxa fl-UE tidher li kienet forza mexxejja ewlenija li wasslet għat-tnaqqis kbir fir-rati tat-taxxa korporattiva li ġab ir-rata medja Ewropea tat-taxxa korporattiva taħt ir-rata medja fil-pajjiżi tal-OECD;

J. billi matul il-pandemija, ħafna pajjiżi rrikorrew għar-riformi tat-taxxa sabiex jappoġġjaw l-ekonomija u subsett biss ta' dawn il-miżuri kien temporanju; billi dawn ir-riformi tat-taxxa kienu jinkludu miżuri ta' salvataġġ immedjat għan-negozji u għall-unitajiet domestiċi bħar-referenzi għall-pagamenti, ir-riporti mtejba tat-telf u r-rifużjonijiet aċċellerati tat-taxxa, kif ukoll miżuri ta' stimolu orjentati lejn l-irkupru;

K. billi l-Qafas Inklużiv tal-OECD/G20 dwar il-bażi tat-taxxa u t-trasferiment tal-profitti qabel dwar riforma fuq żewġ pilastri tas-sistema tat-taxxa internazzjonali sabiex jiġu indirizzati l-isfidi li jirriżultaw mid-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija, inkluża rata tat-taxxa korporattiva effettiva minima ta' 15 %;

Rimarki ġenerali

1. Ifakkar li l-Istati Membri huma liberi li jiddeċiedu dwar il-politiki ekonomiċi tagħhom stess u b'mod partikolari dwar il-politiki tat-tassazzjoni tagħhom fil-limiti tat-trattati tal-UE u sa fejn id-dritt tal-UE jiġi traspost u infurzat kif xieraq, għalkemm dan jista' jwassal għall-framentazzjoni tal-politika u għal kundizzjonijiet mhux ekwi fl-UE; ifakkar li dan jippermetti l-kompetizzjoni ġusta u jillimita d-distorsjonijiet tas-suq uniku tal-UE;

2. Josserva li s-suq uniku, bil-moviment liberu tal-fatturi tal-produzzjoni, u r-relazzjonijiet ekonomiċi mill-qrib mal-ġirien mhux tal-UE, iġġenera kummerċ, investiment, u flussi finanzjarji kbar fost l-Istati Membri; jinnota li din l-interdipendenza profonda għamlet il-bażi tat-taxxa u r-rata ta' kull pajjiż sensittivi għal dik ta' pajjiżi oħra, u b'mod partikolari kabbret l-effetti konsegwenzjali tat-taxxa fuq l-introjtu korporattiv;

Impatt fuq l-SMEs

3. Jinnota li l-kostijiet stmati tal-konformità mat-taxxa għall-kumpaniji multinazzjonali l-kbar (MNEs) jammontaw għal madwar 2 % tat-taxxi mħallsa, filwaqt li għall-SMEs l-istima hija ta' madwar 30 % tat-taxxi mħallsa; ifakkar li l-kumpaniji Ewropej, u partikolarment l-SMEs, huma l-ixprunaturi ewlenin tat-tkabbir ekonomiku u tal-ħolqien tal-impjiegi; ifakkar li xi Stati Membri żviluppaw skemi li jintaxxaw il-profitti magħmula f'kuntest internazzjonali b'rata aktar baxxa mir-rata nominali nazzjonali, u b'hekk ipoġġu lill-SMEs fi żvantaġġ kompetittiv[7]; jinnota wkoll li l-evidenza empirika tissuġġerixxi li l-profitti tal-MNEs għandhom it-tendenza li jiġu intaxxati inqas mill-profitti tal-pari domestiċi, li jirriflettu t-trasferiment tal-profitt minn affiljati b'taxxa għolja għal affiljati b'taxxa baxxa;

4. Jenfasizza li d-differenzi fir-reġimi nazzjonali tat-taxxa jistgħu jippreżentaw ostakli għall-SMEs li qed jippruvaw joperaw bejn il-fruntieri; jisħaq li meta mqabbla mal-intrapriżi multinazzjonali, l-SMEs għandhom inqas riżorsi biex jonfqu fuq il-konformità tat-taxxa u l-ottimizzazzjoni tat-taxxa; jindika li s-sehem tan-nefqa użat għall-finijiet tal-konformità mat-taxxa huwa akbar għall-SMEs milli għall-intrapriżi multinazzjonali;

5. Jinnota li l-armonizzazzjoni tal-bażi tat-taxxa bħall-bażi komuni tat-taxxa korporattiva jew in-"Negozju fl-Ewropa: Qafas għat-Tassazzjoni fuq l-Introjtu" (BEFIT) tista' tnaqqas il-kost tal-konformità tat-taxxa għall-SMEs li joperaw f'aktar minn Stat Membru wieħed; jilqa', għalhekk, il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tassazzjoni tal-Intrapriżi għas-seklu 21 li tiddikjara li "n-nuqqas ta' sistema komuni ta' taxxa korporattiva fis-Suq Uniku huwa ta' xkiel għall-kompetittività [...] u joħloq żvantaġġ kompetittiv meta mqabbel mas-swieq ta' pajjiżi terzi"; itenni li t-tassazzjoni tal-profitti fil-pajjiż fejn iseħħu l-attivitajiet ekonomiċi se tippermetti lill-gvernijiet joffru kundizzjonijiet ekwi għall-SMEs tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa li l-korporazzjonijiet jiġu ntaxxati bl-użu ta' formula ġusta u effettiva għall-allokazzjoni tad-drittijiet tat-tassazzjoni bejn il-pajjiżi li tqis fatturi bħall-forza tax-xogħol u l-eżistenza ta' assi tanġibbli; jinnota li l-pubblikazzjoni tal-proposta BEFIT tal-Kummissjoni hija mistennija biss fl-2023; jistieden lill-Kummissjoni tħaffef il-proċess tal-adozzjoni u jistieden lill-Istati Membri jaqblu malajr dwar proposta ambizzjuża għal ġabra Ewropea tar-regoli tat-taxxa korporattiva;

6. Jinnota li l-Parlament, fi djalogu mal-esperti, il-parlamenti nazzjonali u ċ-ċittadini, se jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' prinċipji gwida qabel il-proposta BEFIT mill-Kummissjoni fl-2023;

7. Jinnota li ħafna Stati Membri kif ukoll l-UE introduċew reġimi ddedikati li jiffavorixxu lill-SMEs, bħal regoli speċjali tal-VAT sabiex jikkumpensaw għar-rati tat-taxxa effettivi ogħla u għall-kostijiet ogħla tal-konformità tat-taxxa għall-SMEs; jisħaq li trattament speċjali bħal dan, jekk jiġi utilizzat b'mod intensiv, filwaqt li huwa ġeneralment pożittiv, jista' joħloq riskju li jintroduċi aktar distorsjonijiet, u aktar possibbiltajiet ta' ppjanar aggressiv tat-taxxa, u jista' jkompli jżid il-kumplessità ġenerali tas-sistema; jistieden lill-Istati Membri jfasslu benefiċċji tat-taxxa għall-SMEs b'mod li jkun konsistenti mar-reġim ġenerali tat-taxxa u ma jħeġġux lill-SMEs jibqgħu żgħar;

8. Jieħu nota li l-SMEs spiss ikunu anqas kapaċi jassorbu jew jiffinanzjaw it-telf minn kumpaniji akbar minħabba flussi ta' flus aktar limitati; jilqa', f'dan ir-rigward, ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Mejju 2021 dwar it-trattament tat-taxxa tat-telf matul il-kriżi tal-COVID-19[8] u jistieden lill-Istati Membri jqisu dawn ir-rakkomandazzjonijiet;

Armonizzazzjoni u koordinazzjoni tal-politika tat-tassazzjoni

9. Jenfasizza li l-frammentazzjoni tal-politiki nazzjonali tat-tassazzjoni jista' jkollha effett distorsiv fuq is-suq uniku tal-UE u tista' tkun ta' ħsara għall-ekonomija tal-UE; jilqa' l-fatt li l-UE żviluppat mekkaniżmi ta' koordinazzjoni bħall-proċeduri ta' rieżami bejn il-pari fi ħdan il-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta (CoC) u r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż fil-kuntest tas-Semestru Ewropew; jemmen li dawn iż-żewġ mekkaniżmi t-tnejn jeħtieġ li jiġu rriformati; jissottolinja li fi ħdan is-CoC, l-Istati Membri jeżaminaw mill-ġdid, jemendaw jew ineħħu l-miżuri tat-taxxa eżistenti tagħhom li jikkostitwixxu kompetizzjoni dannuża fil-qasam tat-taxxa, u joqogħdu lura milli jintroduċu oħrajn ġodda fil-futur; ifakkar, f'dan ir-rigward, il-pożizzjoni tal-Parlament ta' Ottubru 2021, li titlob li ssir riforma tal-kriterji, tal-kamp ta' applikazzjoni u tal-governanza tal-CoC biex tkun żgurata tassazzjoni ġusta fi ħdan l-UE;

10. Jindika li l-Kummissjoni rrakkomandat lil sitt Stati Membri li jrażżnu l-ippjanar aggressiv tat-taxxa bħala parti mir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (CSRs) tal-2020; jirrikonoxxi l-impatt pożittiv tas-CSRs fit-trawwim tar-riformi tat-taxxa meħtieġa fl-Istati Membri li rċevew rakkomandazzjonijiet dwar l-ippjanar aggressiv tat-taxxa filwaqt li jiddeplora l-fatt li xi Stati Membri għad iridu jindirizzaw is-CSRs dwar l-ippjanar aggressiv tat-taxxa;

11. Ifakkar li l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u s-CSRs, inklużi dawk relatati mat-tassazzjoni, huma marbuta mill-qrib, kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2021 li jistabbilixxi Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza[9];

12. Jenfasizza li d-Direttiva dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva (DAC) ilha mill-2011 tistabbilixxi r-regoli għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri bil-għan li jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tas-suq uniku; jilqa' l-fatt li l-kamp ta' applikazzjoni tad-DAC ilu mill-2011 jiġi kontinwament estiż għal oqsma ġodda sabiex jitnaqqsu l-frodi tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa u li fl-aħħar deċennji sar progress kbir; ifakkar fir-rapport ta' implimentazzjoni tal-Parlament adottat f'Settembru 2021 li jidentifika n-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni effettiva tad-DAC mill-Istati Membri u jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħaħ l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali tat-taxxa;

13. Jinnota l-limiti tal-proċess attwali tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-Kunsill biex jirrispondi għall-ħtiġijiet leġiżlattivi biex titrawwem il-koordinazzjoni fost l-Istati Membri u jiġu miġġielda prattiki tat-taxxa dannużi; jitlob li jiġu esplorati l-possibbiltajiet kollha offruti mit-TFUE; ifakkar li l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 116 tat-TFUE tista' tiġi applikata meta prattiki tat-taxxa dannużi jkunu qed ifixklu l-kompetizzjoni fis-suq uniku;

14. Jenfasizza li, sabiex jiġi mmassimizzat l-impatt, il-livell ideali għall-koordinazzjoni tal-politika tat-tassazzjoni jinsab fix-xena internazzjonali permezz tal-G20/OECD; jisħaq, madankollu, li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom jiġu inklużi bis-sħiħ fil-proċess tan-negozjati; jinnota li l-proposti tat-taxxa tal-UE bbażati fuq ftehimiet internazzjonali storikament kienu aktar probabbli li jiġu adottati mill-Kunsill;

15. Jirrikonoxxi, madankollu, li n-negozjati internazzjonali fil-qasam tat-tassazzjoni kultant jiffaċċjaw diffikultajiet biex jilħqu kunsens u minħabba f'hekk jieħdu ż-żmien biex jindirizzaw in-nuqqasijiet tas-sistema tat-taxxa internazzjonali; jirrakkomanda, f'każijiet bħal dawn, li l-UE tikkunsidra li tmexxi bl-eżempju, mingħajr preġudizzju għan-negozjati internazzjonali;

16. Jilqa' l-ftehim storiku li ntlaħaq fi ħdan il-Qafas inklużiv tal-OECD/G20 dwar ir-riforma tas-sistema internazzjonali tat-taxxa bbażata fuq is-soluzzjoni b'żewġ pilastri bil-għan li tiġi żgurata distribuzzjoni aktar ġusta tal-profitti u d-drittijiet tat-tassazzjoni fost il-pajjiżi fir-rigward tal-akbar kumpaniji multinazzjonali u dawk l-aktar profittabbli, u li tissuġġerixxi li l-intrapriżi multinazzjonali jkunu soġġetti għal rata ta' taxxa effettiva ta' 15 %; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu flimkien u jiżguraw it-traspożizzjoni fid-dritt tal-Unjoni tal-ftehim Qafas Inklużiv tal-OECD/G20 dwar iż-żewġ pilastri kif imħabbar mill-President tal-Kummissjoni fl-Ittra ta' Intenzjoni tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2021; jistieden lill-Kunsill jadotta malajr tali proposti biex dawn isiru effettivi mill-2023; jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw li jippromwovu ftehimiet internazzjonali simili għal tipi oħra ta' taxxi xierqa;

Rakkomandazzjonijiet u oqsma għar-riforma

17. Jindika li f'oqsma ta' importanza kbira għall-funzjonament tas-suq uniku, bħat-tassazzjoni, u tal-unjoni tas-swieq kapitali, tinħtieġ aktar armonizzazzjoni jew permezz ta' koordinazzjoni aħjar tal-Istati Membri jew azzjoni tal-UE;

18. Jisħaq li l-Istati Membri għadhom jużaw diversi kriterji biex jiddeterminaw l-istatus ta' residenza tat-taxxa, li joħloq riskju ta' tassazzjoni doppja jew nontassazzjoni doppja; ifakkar, f'dan ir-rigward, l-inizjattivi enfasizzati fil-pjan ta' azzjoni tal-Kummissjoni ta' Lulju 2020 bil-għan li titressaq proposta leġiżlattiva sal-2022 jew l-2023, sabiex jiġi ċċarat meta l-kontribwenti li jkunu attivi bejn il-fruntieri fl-UE għandhom jitqiesu bħala residenti għal finijiet ta' taxxa; jistenna bil-ħerqa din il-proposta li għandu jkollha l-għan li tiżgura determinazzjoni aktar konsistenti tar-residenza tat-taxxa fi ħdan is-suq uniku;

19. Jinnota li d-diġitalizzazzjoni u d-dipendenza qawwija minn assi intanġibbli li joħolqu sfidi għas-sistema tat-taxxa attwali jeħtieġu livell għoli ta' koordinazzjoni u armonizzazzjoni tal-politika sabiex jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ekwi u jiġi żgurat li l-kumpaniji diġitali jkunu qed jikkontribwixxu b'mod ġust għas-soċjetajiet fejn jagħmlu n-negozju; jinnota l-fatt li xi Stati Membri mexxew bl-introduzzjoni ta' taxxi diġitali nazzjonali minkejja n-negozjati li għaddejjin bħalissa fil-livell tal-UE u tal-OECD; jinnota li dan kellu impatt pożittiv fuq id-dibattitu internazzjonali; jisħaq li dawn il-miżuri nazzjonali għandhom jitneħħew gradwalment wara l-implimentazzjoni ta' soluzzjoni internazzjonali effettiva;

20. Ifakkar li l-UE qablet li timplimenta riżorsa proprja ġdida bbażata fuq imposta diġitali bħala mod kif tiffinanzja l-istrument ta' rkupru NextGenerationEU, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq proposti alternattivi li jkunu kompatibbli mal-impenji internazzjonali;

21. Jiddeplora l-fatt li d-differenzi fil-proċeduri taż-żamma tat-taxxa minn ras il-għajn u tar-rimborż tat-taxxa miżmuma minn ras il-għajn għadhom ostakolu konsiderevoli għal aktar integrazzjoni tal-unjoni tas-swieq kapitali; jilqa' t-tħabbira tal-Kummissjoni li tipproponi inizjattiva leġiżlattiva għall-introduzzjoni ta' sistema komuni, standardizzata u madwar l-UE għall-ħelsien mit-taxxa minn ras il-għajn fis-sors;

22. Jiddeplora l-predispożizzjoni favur id-dejn fit-tassazzjoni korporattiva li tippermetti tnaqqis ġeneruż fit-taxxa fuq il-pagamenti tal-imgħax, filwaqt li l-kostijiet tal-finanzjament mill-ekwità ma jistgħux jitnaqqsu b'mod simili; jenfasizza l-iżvantaġġi strutturali li jiffaċċjaw il-kumpaniji li jiddependu mill-finanzjament mill-ekwità, b'mod partikulari jekk ikunu kumpaniji ġodda u żgħar b'aċċess limitat għall-kreditu; jinnota li l-predispożizzjoni favur id-dejn tista' tinċentiva lill-kumpaniji jidħlu f'wisq dejn;

23. Jinnota li l-predispożizzjoni favur id-dejn tvarja b'mod konsiderevoli bejn l-Istati Membri; jinnota l-fatt li xi Stati Membri introduċew benefiċċji għal ekwità korporattiva sabiex jindirizzaw din il-kwistjoni; ifakkar li wħud minn dawn il-benefiċċji għall-ekwità korporattiva ġew sfruttati bħala lakuni fit-taxxa, li jippermettu lill-intrapriżi multinazzjonali jnaqqsu b'mod artifiċjali l-imgħaxijiet nazzjonali; jisħaq li approċċ Ewropew komuni jkun preferibbli sabiex jiġu evitati distorsjonijiet fis-suq uniku;

24. Ifakkar li tali predispożizzjoni tista' tiġi indirizzata jew billi jiġi permess tnaqqis ġdid fil-kostijiet relatati mal-finanzjament mill-ekwità jew billi jitnaqqsu l-possibbiltajiet ta' tnaqqis tal-imgħax; ifakkar li l-Parlament ippropona li jiġi limitat it-tnaqqis fil-kostijiet tas-self eċċessivi sa 20 % tal-qligħ tal-kontribwent qabel l-imgħax, it-taxxa, id-deprezzament u l-amortizzament filwaqt li l-Kunsill adotta limitu ogħla sa 30 %[10]; ifakkar li, skont l-OECD, proporzjon ta' 30 % jista' jkun għoli wisq biex jipprevjeni b'mod effettiv l-erożjoni tal-bażi u t-trasferiment tal-profitt[11];

25. Jistenna bil-ħerqa l-proposta tal-Kummissjoni għal benefiċċju għat-tnaqqis tal-predispożizzjoni favur id-dejn; iħeġġeġ lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt bir-reqqa u tinkorpora dispożizzjonijiet effettivi kontra l-evitar biex tevita li xi benefiċċju fuq l-ekwità jintuża bħala għodda ġdida għall-erożjoni tal-bażi;

26. Jinnota li r-rata tat-taxxa marġinali effettiva (EMTR) tista' tkun fattur deċiżiv għall-korporazzjonijiet li jieħdu deċiżjonijiet dwar l-investiment, flimkien mal-kwalità tal-infrastruttura, id-disponibbiltà ta' forza tax-xogħol edukata u b'saħħitha, u l-istabbiltà nazzjonali[12]; jinnota li hemm varjazzjoni konsiderevoli fl-EMTR fost l-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni teżamina jekk xi Stati Membri humiex qed ifixklu l-kompetizzjoni billi jnaqqsu b'mod artifiċjali l-EMTR tagħhom, eż. permezz ta' kalendarji ta' deprezzament aċċellerat jew billi jaġġustaw it-tnaqqis tat-taxxa ta' ċerti oġġetti, u biex tikkomunika r-riżultati tagħha lill-Parlament;

27. Jinnota li filwaqt li d-deċiżjonijiet tat-taxxa jistgħu jistabbilixxu ċarezza tad-dritt għall-kumpaniji, dawn iġibu magħhom ukoll potenzjal ta' abbuż permezz tal-għoti ta' trattament preferenzjali tat-taxxa; jirrimarka, madankollu, li sistema fiskali sempliċi hija l-mod preferut biex tiġi stabbilita ċ-ċertezza tad-dritt;

28. Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni hija lesta li tapplika r-rwol kostituzzjonali tagħha biex tiġġieled id-distorsjoni tal-kompetizzjoni billi tagħmel użu mid-dritt tal-kompetizzjoni; jiddeplora li diversi deċiżjonijiet reċenti tal-Kummissjoni f'każijiet ta' kompetizzjoni ta' profil għoli fil-qasam tat-tassazzjoni ġew annullati mill-qrati nazzjonali u mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;

29. Jenfasizza li l-inċentivi tat-taxxa applikati b'mod responsabbli mil-lat fiskali għar-riċerka u l-iżvilupp privati (eż. permezz ta' krediti tat-taxxa, benefiċċji mtejba jew skedi ta' deprezzament aġġustati) jistgħu jgħinu biex jitneħħa l-infiq ġenerali ta' ekonomija lejn ir-riċerka u l-iżvilupp, li spiss jiġi b'esternalitajiet pożittivi; huwa mħasseb, madankollu, li ċerti tipi ta' inċentivi tat-taxxa bħas-sistema ta' inċentivi tat-taxxa favur il-privattivi/ir-reġimi tal-kaxxa tal-proprjetà intellettwali ftit li xejn iżidu l-infiq fuq ir-riċerka u l-iżvilupp u jistgħu fil-fatt jgħawġu s-suq uniku billi jinċitaw it-trasferiment tal-profitt u l-ippjanar aggressiv tat-taxxa; jinnota li l-inċentivi tat-taxxa għandu jkollhom l-għan li jattiraw l-investimenti fl-ekonomija reali u għalhekk ikunu bbażati fuq in-nefqa minflok ibbażati fuq il-profitt, sabiex jimmiraw aħjar fuq l-inputs tal-innovazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi linji gwida dwar l-inċentivi tat-taxxa li ma joħolqux distorsjoni fis-suq uniku, b'mod partikolari billi tiffavorixxi inċentivi li huma bbażati fuq il-kost, limitati fiż-żmien, ivvalutati regolarment, u mħassra f'każ li ma jkollhom l-ebda impatt pożittiv, ikunu limitati fl-ambitu ġeografiku u jkunu eżenzjonijiet parzjali pjuttost milli eżenzjonijiet sħaħ;

30. Jisħaq li tista' tkun iġġustifikata armonizzazzjoni ulterjuri fir-rigward tal-inċentivi tat-taxxa għall-infiq fuq ir-riċerka u l-iżvilupp; jinnota li dan kien parti mill-proposta inizjali komuni tal-Kummissjoni dwar il-bażi tat-taxxa korporattiva; jiddeplora l-fatt li dan is-suġġett ma ġiex indirizzat fil-komunikazzjoni reċenti dwar it-tassazzjoni tal-intrapriżi għas-seklu 21;

31. Jinnota li parti importanti mill-kapaċità baġitarja tirriżulta minn inċentivi tat-taxxa fil-forma ta' eżenzjonijiet, tnaqqis, krediti, differimenti u rati tat-taxxa mnaqqsa; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi valutazzjoni tal-inċentivi u s-sussidji ineffettivi kollha tat-taxxa, b'mod partikolari dawk li jagħmlu ħsara lill-ambjent u li jwasslu għal distorsjonijiet ekonomiċi negattivi; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi qafas ta' skrinjar għall-inċentivi tat-taxxa fl-UE u tobbliga lill-Istati Membri jippubblikaw il-kostijiet fiskali tal-inċentivi tat-taxxa; jistieden lill-Istati Membri jwettqu analiżijiet annwali, dettaljati u pubbliċi tal-kostijiet imqabbla mal-benefiċċji ta' kull dispożizzjoni fiskali; huwa tal-fehma li ċ-ċertezza tat-taxxa tissaħħaħ jekk l-Istati Membri jkollhom fehim komuni ta' liema inċentivi tat-taxxa mhumiex distortivi; jistieden lill-Kummissjoni toħroġ linji gwida dwar inċentivi tat-taxxa li mhumiex distortivi għas-suq uniku;

32. Jistieden lill-Istati Membri jilħqu kompromess dwar riforma b'saħħitha, li tinftiehem u ambizzjuża dwar it-tassazzjoni indiretta, l-aktar dwar it-Taxxa fuq il-VAT; jisħaq li t-tnaqqis tal-kumplessità u tal-burokrazija u l-indirizzar xieraq tal-frodi u tal-evażjoni tat-taxxa fuq il-VAT huma essenzjali biex tiġi ppreservata l-integrità tas-suq uniku;

33. Jistieden lill-Istati Membri jkomplu jirriformaw l-awtoritajiet tat-taxxa, iħaffu d-diġitalizzazzjoni u jibdew jimplimentaw approċċi strateġiċi biex jappoġġjaw lill-SMEs bil-konformità mat-taxxa kif ukoll jidentifikaw opportunitajiet għat-tnaqqis tal-piż; jistieden lill-Istati Membri jwettqu riformi sodi u robusti dwar il-kumplessità tas-sistemi tat-taxxa, bil-għan li jnaqqsu l-burokrazija, il-piż amministrattiv u l-kostijiet tal-konformità; ifakkar li hemm valur miżjud għoli fil-kooperazzjoni Ewropea dwar din il-kwistjoni u dwar l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-awtoritajiet tat-taxxa;

34. Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu aħjar mill-programm Fiscalis tal-UE sabiex itejbu l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa fl-isforzi ta' riforma tagħhom; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni tistabbilixxi programm ta' skambju Erasmus għall-uffiċjali tat-taxxa sabiex tinkoraġġixxi l-adozzjoni tal-aħjar prattiki;

35. Jitlob lill-Kummissjoni ssegwi u timmonitorja riformi jew miżuri nazzjonali ġodda tat-taxxa implimentati bħala riżultat tal-pandemija tal-COVID-19 biex issostni l-ekonomija, b'mod partikulari l-miżuri li mhumiex temporanji; jistieden lill-Istati Membri jwettqu riformi fis-sistemi tat-taxxa u jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet offruti mill-istrumenti Ewropej li għandhom l-għan li jappoġġjaw l-irkupru ekonomiku; jisħaq li dawn ir-riformi jridu jirrispettaw il-qafas fiskali Ewropew; ifakkar li dawn ir-riformi għandhom jitwettqu b'rispett sħiħ tal-kompetenzi nazzjonali dwar kwistjonijiet ta' taxxa, iżda jenfasizza li koordinazzjoni b'saħħitha bejn l-Istati Membri twassal għal valur miżjud sinifikanti;

36. Jappoġġja standards għoljin ta' rispett għad-drittijiet tal-kontribwenti, speċjalment dwar il-privatezza u l-protezzjoni tad-data, u b'mod partikulari għall-individwi, fi kwalunkwe proċess politiku u leġiżlattiv rigward it-tassazzjoni;

37. Jinnota li l-biċċa l-kbira tal-proċeduri ta' akkwist nazzjonali fl-Istati Membri jużaw l-aktar prezz baxx bħala l-uniku kriterju tal-għoti għall-kuntratti pubbliċi; ifakkar fl-appell tal-Kunsill lill-Kummissjoni biex tikkunsidra kif tindirizza l-effetti distorsivi li jirriżultaw minn parteċipazzjoni ta' offerenti b'attivitajiet f'ġuriżdizzjonijiet inklużi fil-lista tal-UE ta' ġuriżdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta' taxxa; jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-istrateġija tagħha dwar l-akkwist pubbliku f'dan ir-rigward;

Tabella ta' valutazzjoni tat-tassazzjoni tal-UE

38. Jieħu nota tal-ħidma kontinwa tal-Kummissjoni fuq tabella ta' valutazzjoni tat-tassazzjoni tal-UE; jirrakkomanda l-użu ta' indikaturi ekonomiċi li jippermettu l-identifikazzjoni tad-distorsjoni tas-suq uniku, bħal-livelli ta' FDI, royalties u pagamenti tal-imgħax; jenfasizza li tali tabella ta' valutazzjoni trid tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-kompetizzjoni dannuża fil-qasam tat-taxxa; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tqis kif xieraq it-telf konsiderevoli fid-dħul pubbliku impost mill-politiki nazzjonali tat-taxxa li qed jiffaċilitaw l-evitar tat-taxxa; jifhem li din it-tabella ta' valutazzjoni tat-taxxa trid tinbena bħala strument li jgħin lill-Istati Membri jwettqu riformi sodi u robusti dwar kwistjonijiet relatati mat-taxxa; iwissi kontra l-użu ta' din it-tabella ta' valutazzjoni biex tintefa' ħtija fuq Stati Membri speċifiċi, iżda jemmen li tista' trawwem dibattitu dwar ir-riformi meħtieġa; iħeġġeġ kooperazzjoni b'saħħitha mal-pjattaformi Ewropej attwali biex tinbena din it-tabella ta' valutazzjoni; jifhem li dan l-istrument il-ġdid jista' jkun utli għall-proċess tas-Semestru Ewropew u, partikolarment, għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż;

°

° °

39. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.


 

NOTA SPJEGATTIVA

It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jagħti lill-Istati Membri d-dritt sovran li jiddeċiedu dwar il-politika tat-tassazzjoni tagħhom iżda jobbligahom jirrispettaw in-normi tal-UE. Fl-istess ħin, l-għażliet tal-politika tat-tassazzjoni magħmula mill-Istati Membri għandhom konsegwenzi ovvji għall-funzjonament tas-Suq Uniku. Għalhekk, ċertu grad ta' koordinazzjoni tal-politika huwa mixtieq sabiex jiġu evitati problemi bħal inċertezza tad-dritt, burokrazija, riskju ta' tassazzjoni doppja u diffikultajiet fit-talba għal rifużjonijiet tat-taxxa, li kollha fl-aħħar mill-aħħar jistgħu jiskoraġġixxu lill-kumpaniji u liċ-ċittadini milli jinvolvu ruħhom f'attività ekonomika transfruntiera. Fl-istess ħin, il-frammentazzjoni tal-politika tat-tassazzjoni flimkien ma' nuqqas ta' kooperazzjoni tal-awtoritajiet tat-taxxa jistgħu jiffaċilitaw il-possibbiltajiet ta' arbitraġġ u l-ippjanar aggressiv tat-taxxa.

Impatt fuq Impriżi ta' Daqs Żgħir u Medju:

Id-dgħufijiet tal-frammentazzjoni tal-politika tat-tassazzjoni kif ukoll il-benefiċċji potenzjali ta' koordinazzjoni aħjar tal-politiki nazzjonali tat-tassazzjoni huma mqassma b'mod mhux uniformi fost atturi ekonomiċi differenti, u l-Intrapriżi Żgħar u Medji (SMEs) huma dawk li l-aktar li jbatu. Il-kostijiet tal-konformità mat-taxxa ma jaqblux bis-sħiħ mat-tkabbir ġenerali ta' intrapriża u għalhekk huma ferm aktar evidenti għal kumpaniji iżgħar milli għal kumpaniji akbar. Xi Stati Membri jippruvaw jikkumpensaw lill-SMEs għall-isfidi li jiffaċċjaw fir-rigward ta' kostijiet ogħla tal-konformità mat-taxxa billi jistabbilixxu reġimi tat-taxxa favorevoli għal kumpaniji iżgħar. Filwaqt li l-appoġġ għall-SMEs huwa ġeneralment milqugħ tajjeb, tali miżuri jiġu b'ċertu riskju li jintroduċu distorsjonijiet ġodda, eż. billi jinċentivaw lill-kumpaniji biex jibqgħu żgħar. Għalhekk, il-benefiċċji ta' reġimi preferenzjali bħal dawn jeħtieġ li jiġu bbilanċjati bir-reqqa mat-tnaqqis potenzjali. Għażla oħra biex tiġi ffaċilitata l-attività ekonomika transfruntiera tkun li tiġi armonizzata l-bażi tat-taxxa kif maħsuba fil-proposta tal-Kummissjoni għal bażi komuni (konsolidata) għat-taxxa korporattiva (BKKTK) kif ukoll l-inizjattiva li jmiss tal-Kummissjoni "BEFIT - Negozju fl-Ewropa: Qafas għat-Tassazzjoni fuq l-Introjtu".

Koordinazzjoni tal-Politika tat-Tassazzjoni:

Filwaqt li hemm bżonn ta' koordinazzjoni tal-politika tat-tassazzjoni madwar l-UE kollha, l-Unjoni Ewropea għandha prinċipalment strumenti ta' liġi mhux vinkolanti disponibbli biex tistabbilixxi koordinazzjoni tal-politika tat-tassazzjoni, u l-aktar strumenti importanti fosthom huma l-Grupp dwar il-Kodiċi ta' Kondotta għat-Tassazzjoni tan-Negozju, rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż fil-kuntest tas-Semestru Ewropew kif ukoll proċedura leġiżlattiva soġġetta għal votazzjoni b'unanimità fil-Kunsill. Filwaqt li s-sett ta' għodod tal-Unjoni Ewropea huwa kemxejn limitat, il-livell ideali għall-koordinazzjoni tal-politika tat-tassazzjoni huwa l-livell globali. Jekk l-istorja sservi ta' gwida, il-proposti ta' politika li jirriżultaw mid-diskussjonijiet tal-OECD spiss ikollhom probabbiltà akbar li fil-fatt jiġu adottati fil-Kunsill u jiġu bil-benefiċċju li jnaqqsu l-frammentazzjoni tal-politika tat-tassazzjoni anke lil hinn mis-Suq Uniku. Dan min-naħa tiegħu huwa partikolarment ta' benefiċċju għall-SMEs li għandhom l-għan li jkabbru s-suq potenzjali tagħhom anke lil hinn mill-fruntieri Ewropej.

Rakkomandazzjoni/Oqsma għar-Riformi:

Filwaqt li hemm biżżejjed lok għal titjib fir-rigward ta' koordinazzjoni aktar effettiva tal-politika tat-tassazzjoni tal-UE, ir-rapport jiffoka fuq ftit oqsma ewlenin fejn ir-riformi huma kemm meħtieġa kif ukoll realistiċi.

Predispożizzjoni Favur id-Dejn:

Is-sistemi tat-taxxa korporattiva fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri huma stabbiliti b'mod li jippermettu tnaqqis ġeneruż fit-taxxa tal-kostijiet tas-servizz tad-dejn, filwaqt li ma jkollhom l-ebda mekkaniżmu simili biex inaqqsu l-kostijiet tal-finanzjament mill-ekwità u b'hekk jagħmlu l-finanzjament tad-dejn komparattivament aktar attraenti mill-finanzjament. It-trattament differenti tat-taxxa ta' kanali ta' finanzjament differenti jista' jinċentiva lill-kumpaniji biex jingranaw iżżejjed u b'hekk isiru inqas reżiljenti f'xenarji ekonomiċi negattivi. Barra minn hekk, din il-predispożizzjoni favur id-dejn tikkostitwixxi żvantaġġ strutturali għall-kumpaniji ġodda u żgħar li jridu jiddependu aktar mill-finanzjament mill-ekwità. Sabiex tiġi miġġielda dik il-problema, xi Stati Membri introduċew provvediment għall-ekwità korporattiva, iżda approċċ Ewropew ikun aktar raġonevoli sabiex jiġu evitati distorsjonijiet fis-Suq Uniku kollu.

Kompetizzjoni tar-Rata tat-Taxxa Marġinali Effettiva (EMTR):

Ir-rata tat-taxxa korporattiva marġinali effettiva hija fattur li jista' jinfluwenza ħafna d-deċiżjonijiet ta' investiment korporattiv, eż. meta jintgħażel post għal operazzjoni ġdida. Għalhekk, l-Istati Membri xi drabi jikkompetu għan-negozju permezz tat-tnaqqis tar-rata marġinali effettiva tat-taxxa korporattiva. Għalhekk, il-varjazzjoni fir-rati tat-taxxa korporattiva marġinali effettivi madwar l-Istati Membri hija ogħla b'mod sinifikanti mill-varjazzjoni fir-rati statutorji bl-EMTR li tħares 'il quddiem f'xi Stati Membri saħansitra tkun negattiva fl-2020.[13] Għalhekk, din il-metrika tkun utli għall-Kummissjoni Ewropea biex tħares lejha sabiex tiddetermina jekk xi Stati Membri humiex qed ifixklu l-kompetizzjoni billi jnaqqsu b'mod artifiċjali r-rati marġinali, eż. billi jintroduċu skedi ta' deprezzament aċċellerat jew billi jagħtu possibbiltajiet ta' tnaqqis ġeneruż wisq.

Inċentivi ta' Taxxa għar-Riċerka u l-Iżvilupp:

L-infiq fuq ir-riċerka u l-iżvilupp jiġi b'benefiċċji ovvji għas-soċjetà u għall-ekonomija peress li jħeġġeġ l-innovazzjoni u fl-aħħar mill-aħħar jirriżulta fi prezzijiet li jonqsu u f'aktar kompetizzjoni. Madankollu, in-nefqa ġenerali fuq ir-riċerka u l-iżvilupp bħala perċentwal tal-prodott domestiku gross hija konsiderevolment aktar baxxa fl-UE milli tinsab f'ekonomiji avvanzati oħra. Sabiex jiġġieldu dan, ħafna Stati Membri jippruvaw jistimulaw investimenti addizzjonali fir-riċerka u l-iżvilupp billi jipprovdu inċentivi tat-taxxa. Madankollu, hemm dubji jekk l-inċentivi tat-taxxa kollha f'dan il-qasam humiex effettivi bl-istess mod. Ir-reġimi tal-kaxxa tal-PI u tas-sistema ta' inċentivi tat-taxxa favur il-privattivi b'mod partikolari storikament ftit li xejn għamlu biex jagħtu spinta lill-infiq addizzjonali fuq ir-riċerka u l-iżvilupp, iżda għall-kuntrarju introduċew distorsjonijiet ġodda fis-Suq Uniku. Għalhekk ikun utli li jkun hemm fehim konġunt tal-Istati Membri dwar kif għandhom jiġu ġestiti l-inċentivi tat-taxxa għar-riċerka u l-iżvilupp. Għalhekk, it-tentattiv tal-Kummissjoni li tintroduċi qafas komuni għall-infiq fuq ir-riċerka u l-iżvilupp bħala parti mill-Bażi Komuni għat-Taxxa Korporattiva għandu jiġi rivedut.

Tabella ta' Valutazzjoni tat-Tassazzjoni tal-UE:

Il-Kummissjoni Ewropea indikat l-intenzjoni tagħha li taħdem fuq Tabella ta' Valutazzjoni tat-Tassazzjoni tal-UE sabiex tidentifika aħjar il-politiki tat-tassazzjoni tal-Istati Membri li jistgħu jiffaċilitaw l-ippjanar aggressiv tat-taxxa u jheddu s-Suq Uniku. Il-Kummissjoni Ewropea hija mistiedna tinforma lill-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni attwali tal-ippjanar tagħha u tikkunsidra l-kontribut ipprovdut mill-Parlament Ewropew rigward il-kwistjoni.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

6.12.2021

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

36

9

13

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Gerolf Annemans, Gunnar Beck, Marek Belka, Isabel Benjumea Benjumea, Stefan Berger, Gilles Boyer, Carlo Calenda, Engin Eroglu, Markus Ferber, Jonás Fernández, Raffaele Fitto, Frances Fitzgerald, Luis Garicano, Sven Giegold, Valentino Grant, Claude Gruffat, Enikő Győri, Eero Heinäluoma, Michiel Hoogeveen, Danuta Maria Hübner, Stasys Jakeliūnas, France Jamet, Othmar Karas, Billy Kelleher, Ondřej Kovařík, Georgios Kyrtsos, Aurore Lalucq, Aušra Maldeikienė, Pedro Marques, Costas Mavrides, Jörg Meuthen, Csaba Molnár, Siegfried Mureşan, Luděk Niedermayer, Dimitrios Papadimoulis, Piernicola Pedicini, Lídia Pereira, Kira Marie Peter-Hansen, Sirpa Pietikäinen, Evelyn Regner, Antonio Maria Rinaldi, Alfred Sant, Martin Schirdewan, Joachim Schuster, Ralf Seekatz, Paul Tang, Irene Tinagli, Ernest Urtasun, Inese Vaidere, Johan Van Overtveldt, Stéphanie Yon-Courtin, Marco Zanni, Roberts Zīle

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Agnès Evren, Henrike Hahn, Eugen Jurzyca, Monica Semedo, Mick Wallace

 


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

36

+

PPE

Isabel Benjumea Benjumea, Stefan Berger, Agnès Evren, Markus Ferber, Danuta Maria Hübner, Othmar Karas, Georgios Kyrtsos, Aušra Maldeikienė, Siegfried Mureşan, Luděk Niedermayer, Lídia Pereira, Sirpa Pietikäinen, Ralf Seekatz, Inese Vaidere

Renew

Gilles Boyer, Carlo Calenda, Engin Eroglu, Luis Garicano, Stéphanie Yon-Courtin

S&D

Marek Belka, Jonás Fernández, Eero Heinäluoma, Aurore Lalucq, Pedro Marques, Csaba Molnár, Evelyn Regner, Joachim Schuster, Paul Tang, Irene Tinagli

Verts/ALE

Sven Giegold, Claude Gruffat, Henrike Hahn, Stasys Jakeliūnas, Piernicola Pedicini, Kira Marie Peter-Hansen, Ernest Urtasun

 

9

-

ECR

Michiel Hoogeveen, Eugen Jurzyca

ID

Gerolf Annemans, Gunnar Beck, Jörg Meuthen

NI

Enikő Győri

The Left

Dimitrios Papadimoulis, Martin Schirdewan, Mick Wallace

 

13

0

ECR

Raffaele Fitto, Johan Van Overtveldt, Roberts Zīle

ID

Valentino Grant, France Jamet, Antonio Maria Rinaldi, Marco Zanni

PPE

Frances Fitzgerald

Renew

Billy Kelleher, Ondřej Kovařík, Monica Semedo

S&D

Costas Mavrides, Alfred Sant

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

 

[1] ĠU C 2, 6.1.1998, p. 1.

[2] Testi adottati, P9_TA(2021)0416.

[3] Testi adottati, P9_TA(2021)0392.

[4] ĠU C 411, 27.11.2020, p. 38.

[5] Testi adottati, P9_TA(2021)0438.

[6] ĠU L 64, 11.3.2011, p. 1.

[7] Stqarrija għall-istampa tal-Kummissjoni tas-16 ta' Settembru 2019 bit-titolu "State aid: Commission opens in-depth investigation into individual "excess profit" tax rulings granted by Belgium to 39 multinational companies" (Għajnuna mill-Istat: Il-Kummissjoni tiftaħ investigazzjoni fil-fond dwar deċiżjonijiet tat-taxxa rigward "profitt eċċessiv" mogħtija mill-Belġju lil 39 kumpanija multinazzjonali).

[8] ĠU L 179, 20.5.2021, p. 10.

[9] ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17.

[10] Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill li tistabbilixxi regoli kontra l-prattiki ta' evitar tat-taxxa li jaffettwaw direttament il-funzjonament tas-suq intern, ĠU C 86, 6.3.2018, p. 176.

[11] OECD, Public Discussion Draft – BEPS Action 4: Interest Deductions And Other Financial Payments (Abbozz ta' Diskussjoni Pubblika dwar l-azzjoni 4 tal-BEPS: Tnaqqis tal-imgħax u pagamenti finanzjarji oħrajn), 2014

[12] Il-Forum Ekonomiku Dinji, "The Global Competitiveness Report 2019" (Ir-Rapport dwar il-Kompetittività Globali, 2019).

[13] ara Il-Kummissjoni Ewropea (2021). Rapport Annwali dwar it-Tassazzjoni 2021. p. 36

Aġġornata l-aħħar: 7 ta' Jannar 2022Avviż legali - Politika tal-privatezza