RAPPORT dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sikurezza tal-ġugarelli (Direttiva dwar is-Sikurezza tal-Ġugarelli)
14.12.2021 - (2021/2040(INI))
Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur
Rapporteur: Brando Benifei
- NOTA SPJEGATTIVA – SOMMARJU TAL-FATTI U S-SEJBIET
- MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
- ANNESS: LISTA TA' ENTITAJIET JEW PERSUNI LI MINGĦANDHOM IR-RAPPORTEUR IRĊIEVA KONTRIBUT
- INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
- VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
NOTA SPJEGATTIVA – SOMMARJU TAL-FATTI U S-SEJBIET
Rimarki introduttorji
Ir-Rapporteur ingħata l-mandat li jabbozza Rapport fuq inizjattiva proprja dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/48/KE dwar is-sikurezza tal-ġugarelli (TSD). It-TSD hija Direttiva ta' armonizzazzjoni massima, bl-għan doppju li jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni tat-tfal madwar l-UE u li jiġi ggarantit il-moviment liberu tal-ġugarelli fis-suq uniku. Għal dan il-għan, din tintroduċi dispożizzjonijiet u obbligi dettaljati għall-manifatturi, għall-importaturi u għad-distributuri, b'dispożizzjonijiet dwar l-infurzar mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq għal ġugarelli mhux konformi.
Ir-rapport attwali jsegwi l-pubblikazzjoni tal-evalwazzjoni tad-Direttiva ppreżentata mill-Kummissjoni fid-19 ta' Novembru 2020. Ir-Rapporteur jilqa' l-evalwazzjoni, li l-għan ewlieni tagħha huwa li jiġi vvalutat il-funzjonament tad-Direttiva mill-applikazzjoni tagħha, jiġi evalwat jekk għadhiex effettiva, effikaċi u adattata għall-iskop tagħha, jekk għadhiex rilevanti u koerenti, u jekk tipprovdix valur miżjud Ewropew.
Minbarra r-Rapport ta' evalwazzjoni, ir-Rapporteur talab ukoll lis-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew (EPRS) biex iħejji briefing dwar id-Direttiva dwar is-Sikurezza tal-Ġugarelli (TSD), sabiex ikollu aktar elementi fuq x'hiex jibbaża l-pożizzjoni tiegħu.
Għall-finijiet tal-abbozzar tar-Rapport, ir-Rapporteur kien ukoll f'kuntatt ma' firxa wiesgħa ta' partijiet ikkonċernati, inklużi l-Kummissjoni Ewropea, l-industrija tal-ġugarelli, l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, il-korpi ta' standardizzazzjoni, il-korpi nnotifikati kif ukoll ir-rappreżentanti tal-Istati Membri.
Wara kunsiderazzjoni bir-reqqa u wara li qies il-fehmiet ta' diversi partijiet ikkonċernati, ir-Rapporteur iqis li hija meħtieġa reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Sikurezza tal-Ġugarelli biex jittejbu aspetti differenti eżaminati hawn taħt.
IS-SUSTANZI KIMIĊI
Ir-Rapporteur jemmen li s-sors ewlieni ta' inkonsistenzi u nuqqasijiet fit-TSD huwa s-sett ta' dispożizzjonijiet dwar is-sustanzi kimiċi. Fil-fatt, id-Direttiva ġiet emendata 14-il darba fil-perjodu 2012-2019, iżda diversi partijiet relatati mas-sustanzi kimiċi li jirrikjedu intervent ma jistgħux jiġu emendati permezz ta' att ta' implimentazzjoni, peress li sottogrupp biss ta' dawk huwa permess mill-Artikolu 46.
Fost il-partijiet li ma jistgħux jiġu emendati faċilment jew jikkawżaw tħassib, ir-Rapporteur jenfasizza dan li ġej:
Il-projbizzjoni fil-prinċipju ta' sustanzi kimiċi li huma karċinoġeniċi, mutaġeniċi jew tossiċi għar-riproduzzjoni (CMR) tippermetti derogi fejn il-konċentrazzjoni ta' dawn is-sustanzi kimiċi tkun għolja wisq biex tiġi żgurata protezzjoni effettiva. Minħabba r-riskju għoli li dawn is-sustanzi joħolqu għas-saħħa tat-tfal, ir-Rapporteur huwa tal-fehma li dawn id-derogi għandhom jitħassru.
Ir-Rapporteur jemmen li l-valuri ta' limitu għan-nitrożammini, u għas-sustanzi nitrosatabbli fit-TSD huma għoljin wisq. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ppermettiet lill-Ġermanja jkollha limiti aktar baxxi. Fl-istess ħin, l-istandard EN 71-12:2017 jinkludi limiti aktar baxxi għan-nitrożammini u għas-sustanzi nitrosatabbli. Ir-Rapporteur jemmen li r-reviżjoni tat-TSD għandha tikkostitwixxi opportunità biex jitnaqqas il-valur ta' limitu fit-test leġiżlattiv u biex dan jinġieb għall-istess valur bħal fil-Ġermanja u fl-istandard imsemmi hawn fuq.
Ir-rekwiżiti tat-tikkettar għal fwejjaħ allerġeniċi speċifiċi f'ċerti settijiet sperimentali ta' ġugarelli ma jistgħux jiġu aġġornati faċilment meta jiġu emendati l-listi ta' fwejjaħ allerġeniċi. Ir-reviżjoni tat-TSD għandha tindirizza wkoll dan in-nuqqas, billi tagħmilha aktar faċli li dawk ir-rekwiżiti jiġu emendati.
Ċerti limiti għas-sustanzi kimiċi japplikaw biss għal ġugarelli għal tfal taħt is-36 xahar u għal ġugarelli maħsuba biex jitqiegħdu fil-ħalq; madankollu, it-tossiċità kimika ma tinbidilx bejn is-36 u s-37 xahar u wara. Diversi partijiet ikkonċernati, inklużi l-Istati Membri, kemm-il darba talbu l-eliminazzjoni tad-distinzjoni tal-età għas-sustanzi kimiċi. Ir-Rapporteur jaqbel ma' din il-pożizzjoni, aktar u aktar minħabba li hemm evidenza ta' ċirkomvenzjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet minn xi manifatturi qarrieqa, li faċilment jistgħu jindikaw li ġugarell huwa maħsub għal tfal 'il fuq minn 36 xahar anke meta b'mod ċar jidher li mhuwiex il-każ, sempliċement biex jevitaw li jikkonformaw mal-valuri ta' limitu għas-sustanzi kimiċi aktar stretti għal tfal taħt is-36 xahar.
Ir-rekwiżiti tat-TSD dwar is-sustanzi kimiċi jeħtieġ li jinqraw flimkien mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE dwar is-sustanzi kimiċi, jiġifieri r-Regolament REACH, id-Direttiva RoHS, ir-Regolament dwar il-Klassifikazzjoni, it-tikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi kif ukoll ir-Regolament dwar il-Prodotti Kożmetiċi. Il-fatt li r-rekwiżiti huma mifruxa f'diversi atti leġiżlattivi, b'valuri ta' limitu xi drabi differenti, jista' jagħmel il-proċeduri tal-ittestjar u tal-valutazzjoni tal-konformità partikolarment ta' piż għan-negozji, u f'xi każijiet jista' joħloq il-ħtieġa ta' duplikazzjoni tal-kejl tas-sustanzi sabiex ikun hemm konformità ma' atti leġiżlattivi, bħal fil-każ tal-valuri ta' limitu tal-migrazzjoni/kontenut. It-TSD tipprevedi valuri ta' limitu aktar stretti għal xi sustanzi - iżda mhux għal kollha - meta mqabbla ma' leġiżlazzjoni oħra, fuq il-premessa li t-tfal huma konsumaturi vulnerabbli. Għalhekk, ir-Rapporteur jemmen li jista' jkun raġonevoli li tiġi esplorata l-possibbiltà li jiġu kkonsolidati l-valuri ta' limitu applikabbli kollha għall-ġugarelli f'att leġiżlattiv wieħed, biex ikun aktar faċli li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti.
L-interferenti endokrinali ma jissemmewx fit-TSD, iżda saru, mill-adozzjoni tagħha, element ta' tħassib partikolari u l-Parlament kif ukoll il-Kunsill kemm-il darba talbu lill-Kummissjoni taġixxi dwaru. Il-Kummissjoni impenjat ruħha li tindirizzah fl-Istrateġija tagħha dwar is-sustanzi kimiċi għas-sostenibbiltà u għalhekk ir-Rapporteur jaħseb li r-reviżjoni futura tat-TSD jeħtieġ li tqis dan, avolja jista' jiġi indirizzat permezz ta' leġiżlazzjoni orizzontali.
L-Istrateġija dwar is-Sustanzi Kimiċi għas-Sostenibbiltà tenfasizza l-ħtieġa li jiġu introdotti jew rinfurzati d-dispożizzjonijiet biex jitqiesu l-effetti kkombinati tas-sustanzi kimiċi, inkluż għall-ġugarelli. Għalhekk, ir-Rapporteur huwa konvint li r-reviżjoni tad-Direttiva għandha tikkostitwixxi opportunità biex isir dan.
IS-SORVELJANZA TAS-SUQ
Ir-rapport ta' evalwazzjoni tal-Kummissjoni indika li waħda mill-kwistjonijiet ewlenin ta' implimentazzjoni tat-TSD għadha s-sorveljanza tas-suq insuffiċjenti u mhux uniformi madwar l-Istati Membri tal-UE, u l-ammont għoli ta' ġugarelli mhux sikuri li għadhom jiċċirkolaw fis-suq intern. Skont ir-rapport annwali tal-2020 dwar is-Safety Gate tal-UE, il-ġugarelli huma l-aktar prodotti nnotifikati fis-sistema, li jirrappreżentaw 27 % tan-notifiki kollha, (segwiti minn vetturi bil-mutur, 21 % u apparat elettroniku, 10 %). Ir-Rapporteur jilqa' l-adozzjoni tar-Regolament 2019/1020 dwar is-sorveljanza tas-suq u l-konformità tal-prodotti u jitlob l-implimentazzjoni rapida tiegħu. Ir-Regolament huwa mistenni li jikkontribwixxi għat-titjib tal-attivitajiet ta' sorveljanza tas-suq, inkluż fil-qasam tal-ġugarelli. B'mod partikolari, il-Kummissjoni adottat linji gwida dwar l-Artikolu 4 tar-Regolament 2019/1020, li jiċċaraw il-kompiti tal-operaturi ekonomiċi b'mod partikolari fir-rigward tal-prodotti mibjugħa online u li jidħlu fis-suq tal-UE minn pajjiżi terzi. Dawn il-linji gwida għandhom jikkontribwixxu biex tiġi indirizzata waħda mill-problemi ewlenin tas-sikurezza tal-ġugarelli għall-konsumaturi Ewropej: iċ-ċirkolazzjoni ta' ġugarelli mhux sikuri u mhux konformi fis-swieq online. Barra minn hekk, l-azzjonijiet konġunti ta' sorveljanza tas-suq kif ukoll koordinazzjoni aktar b'saħħitha bejn l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jikkontribwixxu wkoll għat-titjib tal-konformità.
It-TSD tinkludi obbligu għall-Istati Membri li jwettqu sorveljanza tas-suq, inkluż l-ittestjar tal-ġugarelli fis-suq u l-verifika tad-dokumentazzjoni tal-manifatturi, l-irtirar ta' ġugarelli mhux sikuri jew mhux konformi mis-suq u t-teħid ta' azzjoni kontra dawk responsabbli għat-tqegħid tagħhom fis-suq. Infurzar aktar effettiv tad-Direttiva dwar is-Sikurezza tal-Ġugarelli jipproteġi aħjar lit-tfal u jiżgura kundizzjonijiet tassew ekwivalenti għan-negozji billi jipprovdi benefiċċji għall-manifatturi, għall-importaturi u għad-distributuri responsabbli, u fl-istess ħin jimpedixxi lin-negozjanti qarrieqa milli jieħdu vantaġġ permezz tal-evitar tar-regoli u jpoġġu s-saħħa u s-sikurezza tat-tfal f'riskju billi jqiegħdu ġugarelli mhux sikuri fis-suq.
Fl-istess ħin, teknoloġiji ġodda bħall-blockchain u l-intelliġenza artifiċjali jistgħu jappoġġjaw aktar lill-awtoritajiet nazzjonali fit-traċċar ta' prodotti mhux konformi, permezz ta' informazzjoni aċċessibbli faċilment u strutturata dwar il-prodott u t-traċċabbiltà tiegħu. Ir-Rapporteur jemmen li dan il-qasam huwa partikolarment promettenti u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tesplorah aktar.
IL-KUMMERĊ ELETTRONIKU
Ir-Rapporteur huwa tal-fehma li l-ħtieġa li tiġi rinfurzata s-sorveljanza tas-suq hija strettament marbuta mal-isfidi ppreżentati mill-kummerċ elettroniku għall-protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza tat-tfal minn ġugarelli perikolużi u mhux konformi li jidħlu fis-suq tal-UE. Ir-Rapporteur jemmen li t-tisħiħ tad-dispożizzjonijiet tas-sorveljanza tas-suq waħdu mhux se jkun biżżejjed biex tissolva l-problema, filwaqt li l-Wegħda dwar is-Sikurezza tal-Prodott uriet li fil-biċċa l-kbira mhijiex biżżejjed. Fil-fehma tar-Rapporteur, l-Att dwar is-Servizzi Diġitali u r-reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti se jkollhom rwol ewlieni fl-identifikazzjoni tar-responsabbiltajiet u fiż-żieda tal-konformità u t-traċċabbiltà tal-prodotti, filwaqt li jisħaq fuq l-importanza li jiġu żgurati l-koerenza u l-konsistenza bejn l-istrumenti legali differenti msemmija. Fl-opinjoni tar-Rapporteur, "dak li huwa illegali offline għandu jkun illegali online", u minkejja r-rwol pożittiv tal-prinċipju "kun af il-klijent kummerċjali tiegħek" fil-proposta tad-DSA, għandu jsir aktar biex tiżdied ir-responsabbiltà tas-swieq online biex il-ġugarelli mhux sikuri, foloz u mhux konformi jiġu identifikati u jitneħħew malajr mill-pjattaformi tagħhom u jittieħdu miżuri kontra r-reċidivi.
Naturalment, huwa essenzjali għar-Rapporteur li l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq jikkooperaw mal-awtoritajiet ta' pajjiżi terzi biex jiffaċilitaw il-konformitàmal-leġiżlazzjoni tal-UEu l-għarfien dwarha. Il-gruppi ta' ħidma li l-Kummissjoni għandha stabbiliti f'dan ir-rigward għandhom rwol importanti, iżda għadhom mhux biżżejjed biex jindirizzaw il-problema. Fil-fehma tar-Rapporteur, mod wieħed kif tittejjeb l-effettività tagħhom huwa li jiġi żgurat li l-attivitajiet ta' monitoraġġ tal-informazzjoni jsiru aċċessibbli għall-pubbliku.
L-ISTRUMENT LEGALI
It-TSD hija Direttiva ta' armonizzazzjoni massima, li jfisser li l-Istati Membri mhumiex permessi jintroduċu dispożizzjonijiet aktar stretti minn dawk imsemmija b'mod espliċitu fiha. Madankollu, il-Ġermanja tipprevedi dispożizzjonijiet nazzjonali aktar stretti dwar in-nitrożammini u s-sustanzi nitrosatabbli, li tqiesu ġustifikabbli mill-Kummissjoni. B'mod ġenerali, id-Direttiva u l-emendi (frekwenti) kollha tagħha jirrikjedu traspożizzjoni fil-leġiżlazzjoni nazzjonali sal-iskadenzi stabbiliti. Dan il-proċess wera li kien qed jieħu ż-żmien u riżorsi, filwaqt li d-dewmien jikkawża frammentazzjoni tas-suq kif ukoll ixekkel il-protezzjoni tat-tfal minn sustanzi perikolużi. Minħabba dan, u peress li d-Direttiva taġixxi bħala Regolament de facto, ir-Rapporteur jipproponi li tiġi kkonvertita f'Regolament, li l-emendar tiegħu ikun iktar faċli u rapidu , f'konformità mat-talba ta' diversi partijiet ikkonċernati u Stati Membri.
Barra minn hekk, ir-Rapporteur jemmen li r-reviżjoni tat-TSD għandha tinkludi wkoll kamp ta' applikazzjoni usa' għall-emendi, inklużi rekwiżiti mekkaniċi u fiżiċi b'mod partikolari għat-tfal taħt is-36 xahar u valuri ta' limitu għan-nitrożammini, dispożizzjonijiet dwar it-tikkettar ta' fwejjaħ allerġeniċi u CMRs. Bħalissa l-ebda wieħed minn dawn l-elementi ma jista' jiġi emendat b'mod faċli, li jagħmel id-Direttiva inqas effettiva u mhux kapaċi tadatta għal żviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi ġodda.
Kunsiderazzjonijiet oħra
Il-ġbir ta' data
Kif ġie misħuq ukoll fir-Rapport ta' Evalwazzjoni, il-ġbir ta' data dwar l-implimentazzjoni tat-TSD mhuwiex biżżejjed u mhuwiex uniformi madwar l-Istati Membri, peress li d-Direttiva fiha biss obbligu ta' monitoraġġ ġenerali. Ir-reviżjoni għandha tikkostitwixxi opportunità biex jiġu introdotti dispożizzjonijiet aktar speċifiċi, inkluża l-introduzzjoni ta' indikaturi, li se jippermettu l-monitoraġġ xieraq tal-impatt tad-Direttiva fuq is-sikurezza tal-ġugarelli. Fl-istess ħin, id-data dwar il-korrimenti hija wkoll skarsa u miġbura b'mod mhux uniformi madwar l-UE, u b'hekk huwa diffiċli li jiġi vvalutat l-effett tad-Direttiva fuq il-protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza tat-tfal. Din hija r-raġuni għaliex ir-Rapporteur jappoġġja l-istabbiliment ta' Bażi tad-Data Pan-Ewropea vera dwar il-Korrimenti.
Id-data dwar in-negozji hija nieqsa wkoll, minħabba l-kwistjoni tas-sigrieti kummerċjali. Għalhekk huwa diffiċli li jiġi vvalutat l-impatt fuq is-settur, u l-impatt preċiż tal-bidliet f'termini ta' spejjeż akbar għan-negozji.
Is-sostenibbiltà
Ir-Rapporteur jemmen li r-reviżjoni tat-TSD tista' tikkostitwixxi opportunità biex jiġi introdott tikkettar sostenibbli għall-ġugarelli, kif mitlub ukoll minn xi Stati Membri. Dan jipprovdi lill-konsumatur fil-ħin tax-xiri b'informazzjoni ċara u li tinftiehem faċilment dwar il-ħajja stmata, il-grad ta' tiswija u disponibbiltà ta' parts tal-bdil, l-għażliet għat-tiswija tal-ġugarelli, inkluż, fejn rilevanti, id-disponibbiltà ta' software meħtieġ.
Il-prodotti taż-żona griża
Punt ieħor li jeħtieġ li jiġi indirizzat fir-reviżjoni huwa l-"prodotti taż-żona griża", iddefiniti bħala prodotti li mhumiex ġugarelli skont it-tifsira tat-TSD iżda jistgħu jidhru bħalhom. Il-Kummissjoni ħarġet gwida pożittiva dwar din il-kwistjoni, iżda għad hemm sfidi. It-tfaċċar kostanti ta' ġugarelli ġodda u prodotti mhux tal-ġugarelli tagħmilha diffiċli li jiġi vvalutat b'mod ċar jekk prodott huwiex ġugarell jew le, u din tirrikjedi evalwazzjoni każ b'każ. Din hija r-raġuni għaliex ir-Rapporteur jemmen li għandha tiġi pprovduta kjarifika ulterjuri dwar id-definizzjoni ta' prodotti taż-żona griża, sabiex tiġi żgurata leġiżlazzjoni li tibqa' valida fil-futur li tista' tqis l-iżviluppi xjentifiċi u tekniċi.
Il-ġugarelli konnessi
Matul l-aħħar snin, id-disponibbiltà akbar ta' ġugarelli konnessi qajmet sfidi ġodda u riskji ġodda għat-tfal li jmorru lil hinn mill-kunċetti tas-saħħa u s-sikurezza, u jinkludu s-sigurtà u l-privatezza. Il-ġugarelli konnessi, jekk ma jkunux protetti b'mod adegwat b'dispożizzjonijiet robusti dwar iċ-ċibersigurtà, jistgħu jipprovdu aċċess faċli għat-tfal, bil-possibbiltà li jiġu mmanipulati jew lokalizzati, li huwa perikoluż ħafna. Diversi partijiet ikkonċernati enfasizzaw il-ħtieġa li din il-kwistjoni tiġi indirizzata aħjar, inkluż permezz tat-TSD. Bl-għarfien li l-prodotti konnessi bħalissa huma rregolati mid-Direttiva dwar it-Tagħmir tar-Radju, ir-Rapporteur huwa miftuħ għal diskussjoni dwar jekk humiex meħtieġa bidliet fit-TSD biex tiġi indirizzata din il-kwistjoni (li jkunu jinvolvu t-twessigħ tal-kamp ta' applikazzjoni tagħha għall-kunċett tas-sigurtà tat-tifel jew tat-tifla), jew jekk ir-rinfurzar tad-dispożizzjonijiet attwali fid-Direttiva dwar it-tagħmir tar-radju, iżda wkoll fil-leġiżlazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà u l-privatezza jistax ikun għażla aħjar. Għalhekk, ir-Rapporteur jitlob proposti għal azzjoni mill-Kummissjoni.
IL-POŻIZZJONI TAR-RAPPORTEUR
Ir-Rapporteur huwa tal-fehma li t-tfal, bħala konsumaturi partikolarment vulnerabbli f'età delikata, għandhom igawdu l-ogħla livell possibbli ta' protezzjoni matul il-ħin tal-logħob tagħhom. Fil-fehma tar-Rapporteur, dan ifisser li jkun hemm leġiżlazzjoni stabbilita li tippermetti flessibbiltà u adattamenti rapidi biex jinżamm il-pass ma' żviluppi xjentifiċi ġodda.
Filwaqt li jirrikonoxxi li dan jista' jkun ta' piż għan-negozji, ir-Rapporteur jemmen li s-saħħa u s-sikurezza tat-tfal mhumiex negozjabbli u li dan kollu għandu jkun fl-interess tas-soċjetà kollha. Ir-Rapporteur jaħseb li jista' jkun hemm modi oħra biex jiġu ssimplifikati r-rekwiżiti ta' konformità, bħall-konsolidazzjoni tal-valuri ta' limiti għas-sustanzi kimiċi applikabbli kollha għall-ġugarelli taħt l-istess strument legali, biex l-obbligi jsiru aktar ċari.
Barra minn hekk, ir-Rapporteur iqis li l-infurzar huwa kruċjali biex jiġi żgurat li fis-suq tal-UE jiċċirkolaw biss ġugarelli sikuri u konformi. F'dan is-sens, jista' jsir ħafna titjib fis-sorveljanza tas-suq u speċjalment fis-swieq online, fejn tinsab il-maġġoranza tal-problemi.
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sikurezza tal-ġugarelli (Direttiva dwar is-Sikurezza tal-Ġugarelli)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2009 dwar is-sikurezza tal-ġugarelli (Direttiva dwar is-Sikurezza tal-Ġugarelli)[1],
– wara li kkunsidra l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Novembru 2020 tad-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sikurezza tal-ġugarelli (SWD(2020)0287),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament u tal-Kunsill tat-3 ta' Diċembru 2001 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti (DSĠP)[2],
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 339/934[3],
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 dwar qafas komuni għall-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti u li tħassar id-Deċiżjoni 93/465/KEE[4],
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[5],
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2019/1020 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar is-sorveljanza tas-suq u l-konformità tal-prodotti u li jemenda d-Direttiva 2004/42/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 765/2008 u (UE) Nru 305/2011[6],
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2019/881 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 dwar l-ENISA (l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà) u dwar iċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 526/2013 (l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà)[7],
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/690 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' April 2021 li jistabbilixxi programm għas-suq intern, għall-kompetittività tal-intrapriżi, inkluż l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, għall-qasam tal-pjanti, l-annimali, l-ikel u l-għalf, u għall-istatistika Ewropea (Programm tas-Suq Uniku) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 99/2013, (UE) Nru 1287/2013, (UE) Nru 254/2014 u (UE) Nru 652/2014[8],
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni[9],
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-prodotti kożmetiċi[10],
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet (Regolament CLP), li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006[11],
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta' tagħmir tar-radju u li tħassar id-Direttiva 1999/5/KE[12],
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u tħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data)[13],
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 85/374/KEE tal-25 ta' Lulju 1985 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar responsabbiltà għall-prodotti difettużi (Direttiva dwar ir-Responsabbiltà għall-Prodotti)[14],
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta' ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (Direttiva RoHS)[15],
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-prodotti kożmetiċi ("ir-Regolament dwar il-Kożmetiċi")[16],
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1935/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ottubru 2004 dwar materjali u oġġetti maħsuba biex jiġu f'kuntatt mal-ikel (ir-Regolament dwar il-Materjal li jiġi f'Kuntatt mal-Ikel)[17],
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Settembru 2006 dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta' batteriji u ta' akkumulaturi (Direttiva dwar il-Batteriji)[18],
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet (ir-Regolament CLP)[19],
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2019/1021 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar il-pollutanti organiċi persistenti (ir-Regolament POPs)[20],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2020 dwar l-indirizzar tas-sigurtà tal-prodotti fis-suq uniku[21],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2020 lejn suq uniku aktar sostenibbli għall-impriżi u l-konsumaturi[22],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Frar 2020 dwar proċessi deċiżjonali awtomatizzati: niżguraw il-protezzjoni tal-konsumatur u l-moviment liberu tal-merkanzija u tas-servizzi[23],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2018 dwar il-pakkett dwar is-suq uniku[24],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2017 dwar l-istandards Ewropej għas-seklu 21[25],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2017 dwar ħajja itwal għall-prodotti: benefiċċji għall-konsumaturi u l-kumpaniji[26],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Mejju 2016 dwar l-Istrateġija għas-Suq Uniku[27],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Ottubru 2020 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-Att dwar is-Servizzi Diġitali: Titjib tal-funzjonament tas-Suq Uniku[28],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Ottubru 2020 b'rakkomandazzjonijiet għall-Kummissjoni dwar qafas tal-aspetti etiċi tal-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati[29],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' April 2019 dwar qafas komprensiv tal-Unjoni Ewropea dwar l-interferenti endokrinali[30],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Lulju 2020 dwar l-Istrateġija għas-Sostenibbiltà fir-rigward tas-Sustanzi Kimiċi[31],
– wara li kkunsidra l-briefing tas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew (EPRS) ta' April 2021 bit-titolu "Id-Direttiva tal-UE dwar is-Sikurezza tal-Ġugarelli",
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Suq Uniku Għas-Servizzi Diġitali (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali) u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (COM(2020)0825),
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli armonizzati dwar l-intelliġenza artifiċjali (l-Att dwar l-Intelliġenza artifiċjali) u li jemenda ċerti atti leġiżlattivi tal-Unjoni (COM(2021)0206),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Marzu 2020 dwar pjan ta' azzjoni fit-tul għal implimentazzjoni u infurzar aħjar tar-regoli tas-suq uniku (COM(2020)0094),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ottubru 2020 bit-titolu "Strateġija dwar is-Sustanzi Kimiċi għas-Sostenibbiltà – Lejn Ambjent Ħieles mit-Tossiċità" (COM(2020)0667),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' April 2021 bit-titolu "Fostering a European approach to Artificial Intelligence" (It-trawwim ta' approċċ Ewropew għall-Intelliġenza Artifiċjali) (COM(2021)0205),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Novembru 2020 bit-titolu "Aġenda tal-Konsumatur ġdida li ssaħħaħ ir-reżiljenza tal-konsumatur għall-irkupru sostenibbli" (COM(2020)0696),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Marzu 2021 dwar strateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal (COM(2021)0142),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2021 bit-titolu "Sustainable Chemicals Strategy of the Union: Time to Deliver" (Strateġija tal-Unjoni dwar Sustanzi Kimiċi Sostenibbli: Żmien ta' Azzjoni),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) u l-Anness 3 tad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura għall-għoti ta' awtorizzazzjoni għat-tfassil ta' rapporti fuq inizjattiva proprja,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A9-0349/2021),
A. billi d-Direttiva dwar is-Sikurezza tal-Ġugarelli (TSD) ġiet adottata fl-2009 biex tiżgura livell għoli ta' saħħa u sikurezza għat-tfal u ttejjeb il-funzjonament tas-suq intern għall-ġugarelli billi tneħħi l-ostakli għall-kummerċ tal-ġugarelli bejn l-Istati Membri;
B. billi l-qafas strett tal-UE għas-sikurezza tal-ġugarelli huwa mfassal biex jiżgura li t-tfal igawdu mill-esperjenza ta' logħob l-aktar sikura possibbli u huwa meqjus b'mod wiesgħa bħala punt ta' referenza globali;
C. billi l-logħob huwa rikonoxxut bħala dritt tat-tfal mill-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li l-Istati Membri kollha tal-UE huma firmatarji tagħha; billi l-logħob jikkontribwixxi għall-iżvilupp, is-saħħa u l-benesseri tat-tfal u huwa parti essenzjali mit-trobbija tagħhom; billi l-istudji juru li l-ġugarelli jistgħu jarrikkixxu l-logħob u jtawlu l-ħin tal-logħob tat-tfal;
D. billi t-TSD hija Direttiva ta' armonizzazzjoni massima, li jfisser li l-Istati Membri mhumiex permessi jadottaw xi rekwiżiti differenti minn dawk previsti fiha; billi r-regoli u r-rekwiżiti għall-ġugarelli huma, f'ħafna każijiet, aktar stretti minn dawk għal prodotti oħra minħabba l-vulnerabbiltà tal-konsumaturi li għalihom huma mfassla;
E. billi l-effettività tat-TSD tal-UE spiss tiġi mminata mill-azzjonijiet ta' kummerċjanti diżonesti u mill-bejgħ online ta' prodotti mhux konformi;
F. billi, minkejja n-nuqqas ta' data komprensiva dwar l-impatt sħiħ tagħha, it-TSD għadha fil-biċċa l-kbira effettiva biex tiggarantixxi l-moviment liberu tal-ġugarelli fis-suq uniku u billi l-għadd ta' kumpaniji li joperaw fis-suq mill-applikazzjoni sħiħa tat-TSD żdied b'10 % mill-2013 sal-2017, filwaqt li l-fatturat tal-industrija tal-ġugarelli tal-UE żdied b'mod kostanti mid-dħul fis-seħħ tagħha; billi 99 % tal-kumpaniji fis-settur huma intrapriżi żgħar u medji (SMEs) u l-maġġoranza ta' dawn il-kumpaniji huma mikrointrapriżi;
G. billi t-TSD tirrikjedi li l-ġugarelli li jsiru disponibbli fis-suq tal-UE jkunu sikuri u tiżgura livell għoli ta' protezzjoni tat-tfal kontra perikli kkawżati minn sustanzi kimiċi fil-ġugarelli; billi jista' jkun meħtieġ adattament rapidu ta' rekwiżiti u standards speċifiċi jekk l-iżviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi juru l-ħolqien ta' riskji u sfidi relatati mal-ġugarelli li ma kinux magħrufa qabel;
H. billi fl-istrateġija dwar is-sustanzi kimiċi għas-sostenibbiltà, il-Kummissjoni saħqet fuq il-ħtieġa li jiġu introdotti jew rinfurzati dispożizzjonijiet biex jitqiesu l-effetti kombinati tas-sustanzi kimiċi, inkluż għall-ġugarelli, u biex testendi l-approċċ ġeneriku għall-ġestjoni tar-riskju biex tiżgura li l-prodotti għall-konsumatur, inklużi l-ġugarelli, ma jkunx fihom sustanzi kimiċi li jikkawżaw kanċers, mutazzjonijiet tal-ġeni, jaffettwaw is-sistema riproduttiva jew is-sistema endokrinali, jew ikunu persistenti u bijoakkumulattivi; billi l-istrateġija dwar is-sustanzi kimiċi għas-sostenibbiltà timpenja wkoll lill-Kummissjoni biex tivvaluta l-modalitajiet u ż-żmien għall-estensjoni tal-istess approċċ ġeneriku, fir-rigward tal-prodotti għall-konsumaturi, għal aktar sustanzi kimiċi ta' ħsara, inklużi dawk li jaffettwaw is-sistemi immunitarji, newroloġiċi jew respiratorji u s-sustanzi kimiċi tossiċi għal organu speċifiku;
I. billi t-titjib fis-sostenibbiltà huwa importanti iżda s-sikurezza tal-ġugarelli għandha dejjem tieħu preċedenza; billi r-rekwiżiti għat-titjib tas-sostenibbiltà ma għandhomx jikkompromettu s-sikurezza;
1. Jilqa' r-rapport ta' evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-TSD, li għandu l-għan li jivvaluta l-funzjonament tagħha mid-dħul fis-seħħ tagħha;
2. Jirrikonoxxi l-valur miżjud tat-TSD fit-titjib tas-sikurezza tat-tfal u fl-iżgurar ta' livell ugwalment għoli ta' protezzjoni fis-suq uniku kollu, meta mqabbel mad-direttiva preċedenti, u r-rwol tagħha fl-għoti ta' ċertezza legali u kundizzjonijiet ekwivalenti għan-negozji; jesprimi dispjaċir għall-fatt li xi wħud mill-manifatturi mhux tal-UE qed ibigħu l-prodotti tagħhom fis-suq uniku, speċjalment permezz tas-swieq online, ma jikkonformawx mal-leġiżlazzjoni tal-UE u li ħafna ġugarelli mibjugħa fl-UE għadhom jippreżentaw theddid sinifikanti għat-tfal;
3. Jirrikonoxxi r-rwol ewlieni tal-istandards li jippermettu l-applikazzjoni effiċjenti u aġli tad-direttiva mill-manifatturi, kif ukoll ir-rwol tal-korpi nnotifikati fl-iżgurar tal-konformità meta l-istandards ma jkunux disponibbli jew ma jiġux applikati; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiżdied l-għadd ta" korpi nnotifikati f"xi reġjuni; jenfasizza li l-Istati Membri għandu jkollhom standards miftuħa, inklużivi, sostenibbli, trasparenti u ta' kwalità għolja; jissottolinja li l-istandards għandhom ikunu wkoll teknoloġikament newtrali u bbażati fuq il-prestazzjoni, filwaqt li jiżguraw kundizzjonijiet ugwali ta' kompetizzjoni fost l-operaturi ekonomiċi, b'mod partikolari l-SMEs;
4. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu żviluppati standards ambizzjużi għall-ġugarelli adattivi, li jippermettu lit-tfal b'diżabilità jgawdu u jinteraġixxu ma' ġugarelli li nkella jaf ma jkunux jistgħu jużawhom;
5. Jinnota li xi awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq jiffaċċjaw problemi fl-infurzar tad-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 11 tat-TSD, li jobbliga lill-manifatturi jimmarkaw twissijiet fuq il-ġugarelli b'mod li jidher ċar, jinqara faċilment, jinftiehem u preċiż; jissottolinja li problemi bħal dawn huma kkawżati minn nuqqas ta' rekwiżiti speċifikati u standards relatati; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tintroduċi rekwiżiti speċifiċi dwar il-viżibbiltà u l-leġibbiltà tat-twissijiet fuq il-ġugarelli, sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jinfurzaw dawn ir-rekwiżiti b'mod uniformi;
6. Jirrikonoxxi li l-implimentazzjoni tal-applikazzjoni xierqa tat-TSD u t-tħejjija għaliha kienu proċess diffiċli li jestendi fuq ħafna snin u li jirrikjedi investiment finanzjarju sinifikanti mill-manifatturi tal-ġugarelli Ewropej; jisħaq fuq l-importanza tal-istabbiltà legali għall-iżvilupp stabbli tan-negozji domestiċi, speċjalment l-intrapriżi tal-familja żgħar u ta' daqs medju;
7. Jinnota, madankollu, li għad hemm inkonsistenzi li jitolbu reviżjoni tat-TSD; jitlob, għalhekk lill-Kummissjoni, biex tkompli l-proċess ta' evalwazzjoni tagħha u twettaq valutazzjoni tal-impatt eżawrjenti sabiex tivverifika jekk u kif għandhom jiġu indirizzati; jisħaq li huma meħtieġa aktar sforzi, speċjalment mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, biex jiġi żgurat li jiġu applikati rekwiżiti stretti ta' sikurezza mill-operaturi ekonomiċi kollha li jqiegħdu ġugarelli fis-suq tal-UE; jissottolinja l-ħtieġa li jitqiesu l-isfidi, ir-riskji speċifiċi u l-impatt negattiv fuq il-kumpaniji li jipproduċu ġugarelli konformi, li jirriżultaw mill-bejgħ ta' ġugarelli mhux konformi, mhux sikuri u foloz, li fil-biċċa l-kbira ġejjin minn pajjiżi mhux tal-UE, u li jiġu indirizzati r-riskji li jirriżultaw mill-użu ta' teknoloġiji ġodda;
Is-sustanzi kimiċi
8. Jirrikonoxxi l-flessibbiltà u n-natura relattivament adattata għall-futur tat-TSD attwali, peress li fil-perjodu 2012-2019, id-direttiva ġiet emendata 14-il darba biex tadatta għall-evidenza xjentifika l-ġdida li tindika riskji li qabel ma kinux magħrufa għat-tfal, speċjalment fil-qasam tas-sustanzi kimiċi; jinsab imħasseb, madankollu, li għad hemm problemi li jistgħu jipperikolaw is-sikurezza tat-tfal u li jistgħu jiġu solvuti parzjalment biss permezz ta' atti ta' implimentazzjoni;
9. Jenfasizza l-ħtieġa li l-ġugarelli li jitqiegħdu fis-suq tal-UE jikkonformaw mat-TSD, kif ukoll mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE dwar is-sustanzi kimiċi, b'mod partikolari r-Regolament REACH u d-Direttiva RoHS, kif ukoll ir-Regolament dwar il-Kożmetiċi, ir-Regolament dwar il-Materjal li jiġi f'Kuntatt mal-Ikel, id-Direttiva dwar il-Batteriji, ir-Regolament CLP u r-Regolament dwar il-POPs, irrispettivament minn fejn huma manifatturati;
10. Jisħaq li t-tixrid tar-rekwiżiti f'diversi biċċiet ta' leġiżlazzjoni, u l-provvediment ta' valuri ta' limitu differenti, jistgħu jkunu ta' piż, speċjalment għall-SMEs, u f'xi każijiet jistgħu jeħtieġu d-duplikazzjoni tal-kejl tas-sustanzi, bħal fil-każ tal-valuri ta' limitu tal-migrazzjoni u tal-kontenut; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tikkunsidra li tikkonsolida l-limiti applikabbli kollha għall-ġugarelli għal valuri uniformi, iġġustifikati b'valutazzjoni ulterjuri, f'biċċa leġiżlazzjoni waħda sabiex tissimplifika l-valutazzjoni tal-konformità u tagħmilha aktar faċli u inqas ta' piż biex tikkonforma mar-rekwiżiti; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tikkunsidra s-simplifikazzjoni tal-aċċess għall-informazzjoni, inkluż permezz ta' portal online, sabiex tiċċara x'inhu meħtieġ f'liema ċirkostanzi u tiffaċilita n-navigazzjoni ta' dawn il-biċċiet differenti ta' leġiżlazzjoni għas-sorveljanza tas-suq, għall-operaturi ekonomiċi u għall-konsumaturi;
11. Jinsab imħasseb dwar il-fatt li d-deroga mill-projbizzjoni ta' sustanzi kimiċi li huma karċinoġeniċi, mutaġeniċi jew tossiċi għar-riproduzzjoni (CMRs) stabbilita fit-TSD tippermetti f'każijiet speċifiċi l-preżenza ta' dawk is-sustanzi kimiċi f'konċentrazzjonijiet li jidhru li huma għoljin wisq biex tiġi żgurata l-protezzjoni tat-tfal; jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt sabiex tanalizza jekk il-limiti ġeneriċi għas-CMRs derogati fit-TSD għandhomx jitnaqqsu, wara r-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-kumitat xjentifiku rilevanti, u tesplora jekk, f'konformità mal-istrateġija dwar is-sustanzi kimiċi għas-sostenibbiltà, il-possibbiltà ta' deroga mir-regoli dwar il-preżenza ta' CMRs li mhumiex aċċessibbli għat-tfal fil-ġugarelli għandha titħassar u jekk għandhomx isiru dispożizzjonijiet adegwati biex jiġi evitat l-esponiment tat-tfal għal sustanzi perikolużi, tossiċi, ta' ħsara, korrużivi u irritanti; jistieden lill-Kummissjoni tqis l-esponiment ikkombinat tat-tfal għas-sustanzi kimiċi kif ukoll l-effetti potenzjali ta' doża baxxa;
12. Jissottolinja li valuri ta' limitu aktar baxxi fil-ġugarelli għal tfal taħt is-36 xahar jew maħsuba biex jitqiegħdu fil-ħalq għas-sustanzi kimiċi bħan-nitrożammini u s-sustanzi nitrosatabbli stabbiliti fil-livell nazzjonali meta mqabbla ma' dawk stabbiliti fit-TSD joħolqu inkonsistenzi, anke meta dawn ikunu ġġustifikati mill-Kummissjoni; jinnota, madankollu, li t-tfal kollha tal-UE għandhom igawdu l-istess livell għoli ta' protezzjoni; jirrikonoxxi li dan il-valur ta' limitu ma jistax jiġi emendat b'att ta' implimentazzjoni iżda jkun jirrikjedi proċedura leġiżlattiva; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tevalwa l-ħtieġa li l-valur ta' limitu jiġi adattat għall-aktar valur baxx fis-seħħ fil-livell nazzjonali f'reviżjoni tat-TSD, wara valutazzjoni tal-impatt eżawrjenti, u biex jiġi pprovdut mekkaniżmu flessibbli li jippermetti adattament rapidu tal-valuri ta' limitu għal sustanzi kimiċi perikolużi u tiġi evitata sitwazzjoni fejn jiġu stabbiliti valuri differenti fil-livell nazzjonali, u b'hekk jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti fis-suq intern għall-benefiċċju tal-konsumaturi u tal-operaturi ekonomiċi; jissottolinja l-ħtieġa li jinżamm l-iskrutinju fil-fond mill-Parlament tal-atti ta' implimentazzjoni li għandhom jiġu adottati b'dak il-għan;
13. Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li testendi l-approċċ tar-riskju ġeneriku dwar is-CMRs għall-interferenti endokrinali, abbażi tad-definizzjoni tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) u li tanalizza fil-valutazzjoni tal-impatt jekk tapplikax f'reviżjoni futura tat-TSD biex jiġi żgurat li l-interferenti endokrinali jiġu pprojbiti fil-ġugarelli malli jiġu identifikati, kif ukoll biex titqies l-introduzzjoni ta' leġiżlazzjoni orizzontali b'dak il-għan, kif mitlub kemm-il darba mill-Parlament u mill-Kunsill, filwaqt li tirrispetta wkoll il-prinċipju ta' "sustanza waħda, valutazzjoni waħda" li jinsab fl-istrateġija għas-sustanzi kimiċi għas-sostenibbiltà; jilqa' f'dan ir-rigward l-impenn li tiġi vvalutata l-estensjoni ta' dan l-approċċ għal sustanzi kimiċi li jaffettwaw is-sistemi immunitarji, newroloġiċi jew respiratorji u għal sustanzi kimiċi tossiċi għal organu speċifiku, sabiex jiġi garantit livell għoli ta' protezzjoni kontra dawn is-sustanzi kimiċi kif ukoll biex jiġi żgurat rispons regolatorju li jibqa' validu fil-futur għall-użu tagħhom fil-ġugarelli, b'mod konsistenti mal-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipprijoritizza l-użi kollha ta' dawn is-sustanzi kimiċi għar-restrizzjonijiet tar-REACH;
14. Huwa mħasseb li d-dispożizzjonijiet aktar stretti għas-sustanzi kimiċi fil-ġugarelli maħsuba għat-tfal taħt is-36 xahar ma jqisux il-fatt li t-tfal akbar fl-età jibqgħu vulnerabbli għal sustanzi perikolużi; jinnota li din id-distinzjoni tista' twassal biex il-manifatturi jevitaw id-dispożizzjonijiet billi jindikaw li l-ġugarell huwa maħsub għal tfal 'il fuq minn 36 xahar anke meta jidher ċar li dan mhuwiex il-każ; jisħaq li diversi partijiet ikkonċernati, il-Kummissjoni u l-Istati Membri indikaw li din id-distinzjoni hija b'mod ċar mhux adegwata, peress li tista' toħloq lakuni u tista' tillimita l-effettività tat-TSD, u talbu l-eliminazzjoni tagħha; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tanalizza din il-kwistjoni fi ħdan il-valutazzjoni tal-impatt għar-reviżjoni tat-TSD u f"konformità sħiħa mal-aħħar evidenza xjentifika, tiddeċiedi jekk din id-distinzjoni teħtieġx li tiġi abolita u tistabbilixxi valuri ta' limitu speċifiċi għas-sustanzi kimiċi fil-ġugarelli; huwa tal-fehma li meta toħroġ evidenza xjentifika li turi li sustanza kimika titqies bħala perikoluża għat-tfal, l-użu tagħha għandu jkun ristrett fil-ġugarelli kif ukoll fil-prodotti kollha relatati mat-tfal;
Is-sorveljanza tas-suq u teknoloġiji ġodda
15. Jinnota li t-TSD fiha obbligu għall-awtorità kompetenti tal-Istati Membri biex twettaq sorveljanza tas-suq li tqis b'mod xieraq il-prinċipju ta' prekawzjoni, tittestja l-ġugarelli fis-suq u tivverifika d-dokumentazzjoni tal-manifatturi bil-għan li tirtira l-ġugarelli mhux sikuri u tieħu azzjoni kontra dawk responsabbli għat-tqegħid tagħhom fis-suq; jinsab imħasseb li l-effettività tas-sorveljanza tas-suq skont it-TSD hija limitata, filwaqt li tibqa' essenzjali għall-protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza tat-tfal f'riskju u timmina l-kundizzjonijiet ekwivalenti u l-kompetittività tal-operaturi ekonomiċi li jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni, għall-benefiċċju ta' kummerċjanti qarrieqa, li ma japplikawx ir-regoli tal-UE; jinnota li għad hemm xi diffikultajiet biex tinkiseb informazzjoni u dokumentazzjoni mingħand xi operaturi ekonomiċi;
16. Jilqa' l-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2019/1020, li għandu l-għan li jtejjeb is-sorveljanza tas-suq billi jsaħħaħ u jarmonizza l-kontrolli mill-awtoritajiet nazzjonali biex jiġi żgurat li l-prodotti li jidħlu fis-suq uniku, inklużi l-ġugarelli, ikunu sikuri u jikkonformaw mar-regoli, u jistieden lill-Istati Membri biex jimplimentawh malajr u jgħammru lill-awtoritajiet tad-dwana u tas-sorveljanza tas-suq b'riżorsi umani, finanzjarji u tekniċi adegwati biex iżidu l-għadd u l-effikaċja tal-kontrolli, sabiex ikun jista' jiġi żgurat l-infurzar effettiv tat-TSD u tiġi evitata l-proliferazzjoni ta' ġugarelli mhux sikuri u mhux konformi fl-UE;
17. Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2019/1020 mill-Istati Membri u tipprovdi appoġġ attiv lill-Istati Membri fl-infurzar ta' strateġiji nazzjonali ta' sorveljanza tas-suq; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu parametri referenzjarji u tekniki għall-kontrolli abbażi ta' analiżi tar-riskju komuni fil-livell tal-UE sabiex jiġi żgurat infurzar konsistenti tal-liġi tal-UE, issaħħaħ il-kontrolli fuq il-prodotti li jidħlu fis-suq tal-UE u tevita diverġenzi u tikseb livell uniformi ta' tali kontrolli; jistieden lill-Kummissjoni tadotta atti ta' implimentazzjoni li jispeċifikaw il-proċeduri għad-deżinjazzjoni tal-faċilitajiet ta' ttestjar tal-UE f'konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2019/1020;
18. jistieden lill-Kummissjoni tesplora kontinwament il-possibbiltajiet għall-użu ta' teknoloġiji ġodda bħat-tikkettar elettroniku, il-blockchain u l-intelliġenza artifiċjali bil-ħsieb li jiġu identifikati prodotti mhux sikuri, mitigazzjoni tar-riskju u titjib fil-konformità mat-TSD, kif ukoll tiffaċilita l-ħidma tal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq billi jipprovdu informazzjoni aċċessibbli faċilment, aġġornata, strutturata u, jekk possibbli, diġitali dwar il-prodotti u t-traċċabilità tagħhom fil-katina tal-provvista;
19. Itenni l-finanzjament u r-riżorsi umani limitati, li f'dawn l-aħħar snin naqqsu l-effettività u l-firxa ta' ħafna awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq; jilqa', f"dan ir-rigward, l-adozzjoni tal-programm tas-suq uniku u l-introduzzjoni ta' għan speċifiku u ta' riżorsi ddedikati għas-sorveljanza tas-suq, b'linja baġitarja speċifika, li se jikkontribwixxu biex jiġu appoġġjati l-azzjonijiet tal-Istati Membri fl-iżgurar li l-ġugarelli sikuri u konformi biss jidħlu fis-suq tal-UE;
20. Jissottolinja li sorveljanza effettiva tas-suq hija essenzjali sabiex jiġu identifikati ġugarelli mhux sikuri u tiġi żgurata l-applikazzjoni xierqa tat-TSD; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-koordinazzjoni tal-attivitajiet tagħhom ta' sorveljanza tas-suq, inkluż permezz tal-iskambju tal-aħjar prattiki u d-diġitalizzazzjoni tas-sistemi tagħhom u jsaħħu l-kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq u awtoritajiet oħra bħal dawk doganali, tat-telekomunikazzjoni u tal-protezzjoni tad-data; jistieden għalhekk lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq u dawk doganali, jaqsmu l-esperjenzi b'mod attiv u jżidu l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejniethom, inkluż fil-livell transfruntier, sabiex it-trasferiment rapidu ta' informazzjoni dwar ġugarelli mhux sikuri jkun jista' jiġi ffaċilitat u l-importazzjonijiet ta' ġugarelli mhux sikuri jkunu jistgħu jitwaqqfu b'mod effettiv; jisħaq li ż-żamma ta' kontrolli kostanti u effettivi fl-UE kollha fuq ġugarelli li jidħlu fis-suq intern tibqa' essenzjali sabiex jiġi żgurat li dawn jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni torganizza u tiffinanzja azzjonijiet konġunti ta' sorveljanza tas-suq, inklużi attivitajiet ta' taħriġ, biex iżżid l-infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-ġugarelli, u tikkoopera mal-awtoritajiet kompetenti ta' pajjiżi mhux tal-UE biex jiskambjaw informazzjoni dwar ġugarelli mhux sikuri; jistieden lill-Istati Membri, barra minn hekk, jistabbilixxu rati minimi ta' kampjunar jew kontrolli biex itejbu l-infurzar;
21. Jenfasizza li sabiex il-ġugarelli mhux sikuri jiġu identifikati b'mod aktar effiċjenti, l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq għandhom jagħmlu xiri bil-moħbi fuq bażi regolari u mill-inqas darba fis-sena, inkluż fi swieq online, b'mod partikolari minħabba li l-ġugarelli huma l-prodotti li huma l-aktar notifikati ta' spiss fis-sistema tat-twissija rapida tal-UE għal prodotti perikolużi mhux tal-ikel (Safety Gate);
22. Jinsab imħasseb dwar il-vulnerabbiltajiet u r-riskji ġodda maħluqa minn ġugarelli konnessi, f'termini ta' sikurezza, sigurtà, privatezza u saħħa mentali tat-tfal; jenfasizza l-importanza li tiġi ssalvagwardjata l-privatezza tat-tfal meta jużaw ġugarelli konnessi; jinsab imħasseb li xi wħud minn dawn il-ġugarelli li diġà tqiegħdu fis-suq tal-UE wrew sigurtà mhux adegwata, kif ukoll salvagwardji limitati jew l-ebda salvagwardja kontra t-theddid ċibernetiku; iħeġġeġ lill-produtturi ta' ġugarelli konnessi jintegraw mekkaniżmi ta' sikurezza u sigurtà fil-ġugarelli tagħhom skont id-disinn; jistieden lill-Kummissjoni tesplora għażliet differenti għal azzjoni fir-rigward tal-livell ta' riskju u l-prinċipju ta' proporzjonalità, bħall-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tat-TSD biex jinkludi dispożizzjonijiet dwar il-privatezza u s-sigurtà tal-informazzjoni, l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni orizzontali dwar ir-rekwiżiti taċ-ċibersigurtà għal prodotti konnessi u servizzi assoċjati, bħall-att Ewropew dwar ir-reżiljenza taċ-ċibersigurtà, jew it-tisħiħ tal-leġiżlazzjoni orizzontali rilevanti, bħad-Direttiva dwar it-tagħmir tar-radju, kif ukoll il-GDPR, filwaqt li tinvolvi lill-Parlament fl-għażliet tagħha;
23. Jinsab imħasseb li l-konsumaturi ma jirreaġixxux tajjeb għas-sejħiet lura, u li ġugarelli mhux sikuri għadhom jintużaw mit-tfal anke jekk ikunu ġew irtirati; jitlob għalhekk lill-Kummissjoni tippubblika linji gwida dwar il-proċeduri ta' sejħa lura, inkluża lista ta' kontroll b'rekwiżiti konkreti u jitlob lis-swieq online jistabbilixxu mekkaniżmi effettivi biex jiżguraw li jkunu jistgħu jaslu għand l-utenti, ix-xerrejja u l-bejjiegħa tagħhom sabiex jinfurmawhom malajr kemm jista' jkun meta s-sejħiet lura jkunu meħtieġa u jżidu l-għadd ta' konsumaturi milħuqa mis-sejħiet lura;
Il-kummerċ elettroniku
24 Jirrikonoxxi r-rwol pożittiv tal-kummerċ elettroniku, inkluż ir-rwol tas-swieq online, li ppermettew l-iżvilupp ta' manifatturi tal-UE tal-ġugarelli; jisħaq, f'dan il-kuntest, fuq it-tkabbir fl-attivitajiet ta' dawn in-negozji kemm ġewwa kif ukoll barra l-UE; jenfasizza li l-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku jibbenefika lill-konsumaturi iżda jippreżenta wkoll sfidi għall-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq fl-iżgurar tal-konformità tal-prodotti mibjugħa online; jinnota li ħafna prodotti mixtrija online jonqsu milli jikkonformaw mar-rekwiżiti tas-sikurezza tal-UE u huwa mħasseb dwar l-għadd kbir ta' ġugarelli perikolużi mibjugħa online minn bejjiegħa diżonesti; iqis li huwa meħtieġ li jiġi eliminat il-bejgħ ta' ġugarelli mhux konformi u perikolużi online;
25. Jilqa' l-gwida tal-Kummissjoni dwar l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2019/1020, li tiċċara l-kompiti tal-operaturi ekonomiċi, b'mod partikolari fir-rigward tal-prodotti mibjugħa online u mqiegħda fis-suq tal-UE minn pajjiżi mhux tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu indirizzati prodotti mhux konformi mibjugħa direttament lill-konsumaturi minn pajjiżi mhux tal-UE permezz ta' swieq online; ifakkar li l-operaturi ekonomiċi jistgħu jqiegħdu biss prodotti sikuri fis-suq tal-UE; jenfasizza li l-konformità mar-regoli tal-UE mill-operaturi ekonomiċi kollha hija essenzjali biex tiġi żgurata s-sikurezza tat-tfal u jiġu pprovduti kundizzjonijiet ekwivalenti għall-kumpaniji; jistieden lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq u dawk doganali jżidu l-kooperazzjoni tagħhom, inkluż l-iskambju ta' informazzjoni dwar sejbiet ta' nuqqas ta' konformità, u jwettqu azzjonijiet ta' infurzar robusti biex iwaqqfu lin-negozjanti qarrieqa milli jisfruttaw is-suq tal-UE;
26. Jenfasizza l-valur miżjud tal-prinċipju "kun af il-klijent kummerċjali tiegħek" biex iżid il-konformità u t-traċċabbiltà tal-ġugarelli mibjugħa online; jirrimarka n-natura volontarja tal-wegħda dwar is-sikurezza tal-prodott u l-parteċipazzjoni limitata tal-operaturi tas-suq fiha; jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-wegħda dwar is-sikurezza tal-prodott s'issa wriet effetti limitati;
27. Jisħaq li s-swieq online jista' jkollhom rwol tremend fil-limitazzjoni taċ-ċirkolazzjoni ta' ġugarelli mhux sikuri; jemmen għalhekk li għandhom ikunu obbligati jieħdu aktar responsabbiltà biex jiżguraw is-sikurezza u l-konformità tal-ġugarelli mibjugħa fuq il-pjattaformi tagħhom, b'mod partikolari fl-identifikazzjoni u t-tneħħija ta' ġugarelli mhux konformi, anke billi jikkonsultaw is-sistema "Safety Gate", u jikkooperaw b'mod effettiv mal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq dwar it-tneħħija tal-ġugarelli mhux konformi u l-prevenzjoni tat-tfaċċar mill-ġdid ta' ġugarelli mhux sikuri; jinsisti bl-aktar mod qawwi, f'dan is-sens, li huwa fundamentali li jiġu żgurati infurzar effettiv u prevedibbli kif ukoll konsistenza sħiħa bejn it-TSD u strumenti differenti bħall-Att dwar is-Servizzi Diġitali, l-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali, ir-Regolament dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti u l-att leġiżlattiv futur li jirrevedi d-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà għall-Prodotti, sabiex jiġu garantiti l-ogħla standards dwar is-sikurezza u d-drittijiet fundamentali; jappella għal soluzzjonijiet li jippermettu n-notifika ta' ġugarelli mhux konformi minn organizzazzjonijiet tal-konsumatur u sinjalaturi fdati;
28. Jenfasizza l-ħtieġa li tiżdied il-kooperazzjoni ma' pajjiżi mhux tal-UE bil-għan li jiġi evitat id-dħul fis-suq tal-UE ta' ġugarelli mhux sikuri u mhux konformi, filwaqt li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti għan-negozji; jistieden lill-Kummissjoni tippubblika informazzjoni dwar l-attivitajiet ta' monitoraġġ tagħha;
L-istrument legali u t-triq 'il quddiem
29. Jistieden lill-Kummissjoni, peress li t-TSD taġixxi bħala regolament de facto, tikkunsidra jekk ir-reviżjoni tagħha tistax tkun l-opportunità li tiġi kkonvertita f'regolament sabiex jissaħħu l-effettività u l-effiċjenza tagħha u jiġu evitati inkonsistenzi fl-implimentazzjoni fost l-Istati Membri u l-frammentazzjoni tas-suq;
30. Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-ħtieġa ta' ambitu usa' għal emendi fir-reviżjoni futura, appoġġjat minn valutazzjoni tal-impatt fil-fond biex tanalizza jekk u kif ir-rekwiżiti mekkaniċi u fiżiċi, is-CMRs, il-valuri ta' limitu għan-nitrożammini u s-sustanzi nitrosatabbli, kif ukoll dispożizzjonijiet dwar it-tikkettar għal fwejjaħ allerġeniċi u sustanzi kimiċi perikolużi, jistgħu jiddaħħlu fir-reviżjoni futura tat-TSD, sabiex ikunu jistgħu jsiru modifiki faċli u flessibbli;
31. Jinsab imħasseb li xi produtturi jevitaw li jikkonformaw mat-TSD billi jiddikjaraw li l-prodotti tagħhom mhumiex ġugarelli, filwaqt li jintużaw b'mod ċar bħala tali; jenfasizza li d-dokumenti ta' gwida mill-Kummissjoni huma ta' għajnuna biex jiġi ċċarat jekk il-prodott huwiex ġugarell jew le u tiġi żgurata l-implimentazzjoni armonizzata tat-TSD għall-benefiċċju kemm tal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq kif ukoll tal-operaturi ekonomiċi; jisħaq, madankollu, li għad hemm prodotti fiż-"żona griża" u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni ssolvi din il-problema fid-definizzjoni tal-ġugarelli fir-reviżjoni futura tat-TSD; jenfasizza l-ħtieġa ta' djalogu miftuħ u kostruttiv mal-partijiet ikkonċernati rilevanti għal dak il-għan;
32. Jenfasizza r-rwol importanti tal-ġugarelli fl-iżvilupp u fil-formazzjoni tal-ħiliet tat-tfal, u l-appoġġ pedagoġiku li jagħtu għat-twettiq ta' kompiti ġodda u għat-titjib u għat-tagħlim tal-ħiliet minn età żgħira ħafna; jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi d-direttiva dwar il-ġugarelli bil-għan li ttejjeb is-sikurezza tal-ġugarelli filwaqt li fl-istess ħin tnaqqas il-piż u l-ispejjeż amministrattivi u legali għall-manifatturi sabiex tiżgura perkors ċar lejn ġugarelli sikuri u bi prezz raġonevoli għat-tfal kollha fl-Unjoni Ewropea;
33. Iqis li l-konsumaturi u l-atturi fil-ktajjen tal-valur jeħtieġu informazzjoni biex jippromwovu mġiba aktar sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tanalizza fil-valutazzjoni tal-impatt jekk id-durabbiltà u t-tiswija tal-ġugarelli jistgħux jaffettwaw is-sikurezza tagħhom u jekk tingħata prova ta' tali effett, biex imbagħad tanalizza jekk informazzjoni aħjar dwar id-durabbiltà u t-tiswija tal-ġugarelli tistax tiżdied fid-dispożizzjonijiet tat-tikkettar b'mod proporzjonat u mhux restrittiv; jemmen f'dan ir-rigward li jistgħu jintużaw soluzzjonijiet innovattivi u diġitali biex din l-informazzjoni ssir disponibbli għall-konsumaturi, filwaqt li jiġi żgurat li l-informazzjoni dwar is-sikurezza tkun tista' tiġi identifikata b'mod ċar, filwaqt li jiġu evitati piżijiet eċċessivi fuq il-kumpaniji u jiġu minimizzati l-materjali tal-imballaġġ;
34. Iqis li t-twissijiet u l-informazzjoni dwar is-sikurezza huma importanti għall-konsumaturi; jinnota li rekwiżiti addizzjonali ta' tikkettar għandhom jinżammu f'livell minimu biex jiġi evitat li l-attenzjoni tiġi ddevjata minn dan; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-possibbiltà li tindika informazzjoni dwar il-konformità mhux maħsuba għall-konsumatur finali b'mod elettroniku;
Id-data
35. Jenfasizza li n-nuqqas ta' statistika konsistenti madwar l-UE dwar inċidenti relatati mal-ġugarelli jagħmilha diffiċli biex jiġi vvalutat b'mod kwantitattiv il-livell ta' protezzjoni mogħti mit-TSD u li tingħata informazzjoni dwar il-ħidma ta' standardizzazzjoni fuq il-ġugarelli; jemmen li koordinazzjoni u finanzjament insuffiċjenti fil-livell tal-UE huwa kawża ewlenija tan-nuqqas ta' data konsistenti u jistieden lill-Kummissjoni tindirizza dan f'reviżjoni futura tad-direttiva; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-possibbiltà li tistabbilixxi bażi tad-data pan-Ewropea dwar l-inċidenti u l-korrimenti b'taqsima speċjali għall-ġugarelli, li tkun pubblika, faċli għall-utent u aċċessibbli għall-konsultazzjoni mill-awtoritajiet pubbliċi, mill-konsumaturi u mill-manifatturi, u li tippermetti l-introduzzjoni u l-ġbir ta' informazzjoni dwar inċidenti u korrimenti li jseħħu minħabba ġugarelli perikolużi, inklużi dawk mibjugħa online; iqis, barra minn hekk, li għażla addizzjonali tkun billi jintużaw indikaturi u data bħal dawk miġbura mis-Sistema ta' Informazzjoni u Komunikazzjoni għas-Sorveljanza tas-Suq, is-"Safety Gate" u azzjonijiet konġunti biex tiġi vvalutata l-effiċjenza tat-TSD, u jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-possibbiltà li jiġu stabbiliti soluzzjonijiet diġitali li jistgħu jtejbu t-traċċabbiltà tul il-katina tal-provvista u jikkontribwixxu għal livell ogħla ta' sikurezza għall-ġugarelli;
36. Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-ġbir ta' data tagħhom dwar it-TSD, li issa huwa irregolari, mhux rappreżentattiv u mhux komplut, u jiskambjaw informazzjoni dwar riskji u vulnerabbiltajiet fir-rigward tas-sikurezza tal-ġugarelli; jistieden lin-negozji jżidu l-kooperazzjoni mal-Istati Membri, jaqsmu aktar data dwar inċidenti relatati mal-ġugarelli, sabiex itejbu s-sikurezza tat-tfal u jtejbu l-fiduċja fil-ġugarelli mqiegħda fis-suq intern;
37. Jistieden lill-Kummissjoni biex tuża l-opportunità pprovduta mir-reviżjoni tat-TSD ħalli tiżviluppa indikaturi biex tissorvelja l-implimentazzjoni korretta tagħha mill-Istati Membri u l-effettività ġenerali tagħha; jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb il-ġbir tad-data li għandha tiġi pprovduta regolarment mill-Istati Membri, mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq u mill-korpi nnotifikati; jirrakkomanda li l-Kummissjoni telabora rapport ġenerali fil-livell tal-UE bbażat fuq ir-rapporti nazzjonali, u tagħmilhom pubbliċi u aċċessibbli faċilment mill-partijiet interessati kollha;
o
o o
38. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
ANNESS: LISTA TA' ENTITAJIET JEW PERSUNI LI MINGĦANDHOM IR-RAPPORTEUR IRĊIEVA KONTRIBUT
Il-lista li ġejja hija kkompilata fuq bażi purament volontarja taħt ir-responsabbiltà esklużiva tar-rapporteur. Ir-rapporteur irċieva kontribut mingħand dawn l-entitajiet jew persuni li ġejjin fit-tħejjija tal-abbozz ta' rapport:
Entità u/jew persuna |
Toy Industries of Europe (TIE) |
ANEC |
Uffiċċju Ewropew tal-Għaqdiet tal-Konsumaturi (BEUC) |
Kummissjoni Ewropea (DG GROW) |
Kunsill tat-TIC |
Il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika (CENELEC) |
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni |
9.12.2021 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
44 0 0 |
||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Alex Agius Saliba, Andrus Ansip, Pablo Arias Echeverría, Alessandra Basso, Brando Benifei, Adam Bielan, Hynek Blaško, Biljana Borzan, Markus Buchheit, Andrea Caroppo, Anna Cavazzini, Deirdre Clune, David Cormand, Carlo Fidanza, Alexandra Geese, Sandro Gozi, Maria Grapini, Svenja Hahn, Virginie Joron, Eugen Jurzyca, Arba Kokalari, Marcel Kolaja, Kateřina Konečná, Andrey Kovatchev, Jean-Lin Lacapelle, Maria-Manuel Leitão-Marques, Morten Løkkegaard, Adriana Maldonado López, Antonius Manders, Beata Mazurek, Leszek Miller, Anne-Sophie Pelletier, Miroslav Radačovský, Christel Schaldemose, Andreas Schwab, Tomislav Sokol, Ivan Štefanec, Róża Thun und Hohenstein, Tom Vandenkendelaere, Kim Van Sparrentak, Marion Walsmann, Marco Zullo |
|||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Clara Aguilera, Vlad-Marius Botoş, Christian Doleschal |
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
44 |
+ |
ECR |
Adam Bielan, Carlo Fidanza, Eugen Jurzyca, Beata Mazurek |
ID |
Alessandra Basso, Markus Buchheit, Virginie Joron, Jean‑Lin Lacapelle |
NI |
Miroslav Radačovský |
PPE |
Pablo Arias Echeverría, Andrea Caroppo, Deirdre Clune, Christian Doleschal, Arba Kokalari, Andrey Kovatchev, Antonius Manders, Andreas Schwab, Tomislav Sokol, Tom Vandenkendelaere, Marion Walsmann, Ivan Štefanec |
Renew |
Andrus Ansip, Vlad‑Marius Botoş, Sandro Gozi, Svenja Hahn, Morten Løkkegaard, Róża Thun und Hohenstein, Marco Zullo |
S&D |
Alex Agius Saliba, Clara Aguilera, Brando Benifei, Biljana Borzan, Maria Grapini, Maria‑Manuel Leitão‑Marques, Adriana Maldonado López, Leszek Miller, Christel Schaldemose |
The Left |
Kateřina Konečná, Anne‑Sophie Pelletier |
Verts/ALE |
Anna Cavazzini, David Cormand, Alexandra Geese, Marcel Kolaja, Kim Van Sparrentak |
0 |
- |
|
|
0 |
0 |
|
|
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni
- [1]ĠU L 170, 30.6.2009, p. 1.
- [2]ĠU L 11, 15.1.2002, p. 4.
- [3]ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30.
- [4]ĠU L 218, 13.8.2008, p. 82.
- [5]ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12.
- [6]ĠU L 169, 25.6.2019, p. 1.
- [7]ĠU L 151, 7.6.2019, p. 15.
- [8]ĠU L 153, 3.5.2021, p. 1.
- [9] ĠU L 396 30.12.2006, p. 1.
- [10] ĠU L 342 22.12.2009, p. 59.
- [11] ĠU L 353 31.12.2008, p. 1.
- [12]ĠU L 153, 22.5.2014, p. 62.
- [13]ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.
- [14]ĠU L 210, 7.8.1985, p. 29.
- [15] ĠU L 174 1.7.2011, p. 88.
- [16] ĠU L 342 22.12.2009, p. 59.
- [17] ĠU L 338 13.11.2004, p. 4.
- [18]ĠU L 266, 26.9.2006, p. 1.
- [19] ĠU L 353 31.12.2008, p. 1.
- [20] ĠU L 169 25.6.2019, p. 45.
- [21]ĠU C 425, 20.10.2021, p. 19.
- [22]ĠU C 425, 20.10.2021, p. 10.
- [23]ĠU C 294, 23.7.2021, p. 14.
- [24]ĠU C 388, 13.11.2020, p. 39.
- [25]ĠU C 334, 19.9.2018, p. 2.
- [26]ĠU C 334, 19.9.2018, p. 60.
- [27]ĠU C 76, 28.2.2018, p. 112.
- [28] ĠU C 404, 6.10.2021, p. 2.
- [29] ĠU C 404, 6.10.2021, p. 63.
- [30] ĠU C 158, 30.4.2021, p. 18.
- [31]ĠU C 371, 15.9.2021, p. 75.